ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 111

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 58
30 ta' April 2015


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/674 tal-20 ta' April 2015 dwar l-aċċettazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim emendat għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran

1

 

 

Ftehim emendat għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran

3

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/675 tas-26 ta' Frar 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta' importazzjoni addizzjonali ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika

16

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/676 tat-23 ta' April 2015 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

18

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/677 tat-23 ta' April 2015 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

21

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/678 tad-29 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 fir-rigward tal-livelli li fihom jiskattaw id-dazji addizzjonali għat-tadam, il-ħjar, l-għeneb tal-mejda, il-berquq, iċ-ċirasa għajr iċ-ċirasa qarsa, il-ħawħ inkluż in-nuċiprisk u l-għanbaqar

24

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/679 tad-29 ta' April 2015 li jissospendi t-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħażna privata għal-laħam tal-majjal prevista fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/360

27

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/680 tad-29 ta' April 2015 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

28

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/681 tad-29 ta' April 2015 dwar il-pubblikazzjoni tar-referenzi tal-istandard EN ISO 4210, il-partijiet 1-9, għal roti tal-ibliet u tal-ivvjaġġar fit-tul, roti tal-muntanja u roti għat-tiġrijiet, u tal-istandard EN ISO 8098 għal roti għat-tfal żgħar f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

30

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/682 tad-29 ta' April 2015 dwar is-sorveljanza tal-preżenza tal-perklorat fl-ikel ( 1 )

32

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

30.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/674

tal-20 ta' April 2015

dwar l-aċċettazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim emendat għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Ftehim għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM, General Fisheries Commission for the Mediterranean) (il-“Ftehim”) kien ġie stabbilit u approvat fil-Ħames Sessjoni tal-Konferenza tal-FAO fl-1949 u daħal fis-seħħ fl-20 ta' Frar 1952.

(2)

Il-Komunità Ewropea saret Parti Kontraenti għall-GFCM permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 98/416/KE (1) mill-Kunsill.

(3)

Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea.

(4)

Fil-15 ta' Novembru 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja, f'isem l-Unjoni, emendi għall-Ftehim dwar materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni.

(5)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni mexxew in-negozjati skont l-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom skont it-termini tal-mandat u f'kooperazzjoni mill-qrib bejniethom.

(6)

In-negozjati ġew konklużi b'suċċess fil-laqgħa tal-GFCM tad-19 sal-24 ta' Mejju 2014. F'dik il-laqgħa, il-GFCM approva t-test tal-Ftehim emendat.

(7)

L-iskop tal-emendi fil-Ftehim huwa li jimmodernizzaw il-GFCM u jirrinforzaw ir-rwol tagħha fil-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-qasam tal-kompetenza tagħha.

(8)

L-objettivi, il-prinċipji ġenerali u l-funzjonijiet tal-GFCM ġew riveduti u mwessgħin biex jiżguraw il-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-ambjent tagħhom.

(9)

Il-Ftehim emendat huwa konformi mal-prinċipji tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni. Għalhekk huwa fl-interess tal-Unjoni li taċċetta l-Ftehim emendat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim emendat li jistabbilixxi l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim emendat huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna mogħtija s-setgħa li tipproċedi, f'isem l-Unjoni, biex tinnotifika lill-FAO dwar l-aċċettazzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-Ftehim emendat. (2)

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' April 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. DŪKLAVS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/416/KE tas-16 ta' Ġunju 1998 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran (ĠU L 190, 4.7.1998, p. 34).

(2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim emendat se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


30.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/3


FTEHIM EMENDAT

għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran

Il-Partijiet Kontraenti,

FILWAQT LI JFAKKRU l-liġi internazzjonali kif inhi riflessa fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982,

FILWAQT LI JFAKKRU WKOLL il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna tal-4 ta' Diċembru 1995, il-Ftehim li jippromwovi l-Konformità mal-Miżuri Internazzjonali ta' Konservazzjoni u Ġestjoni mill-Bastimenti tas-Sajd fl-Ibħra Miftuħa tal-24 ta' Novembru 1993, kif ukoll strumenti internazzjonali oħrajn rilevanti li jikkonċernaw il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar,

WARA LI QIESU l-Kodiċi ta' Kondotta għal Sajd Responsabbli adottat mill-Konferenza tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura fit-tmienja u għoxrin sessjoni tagħha fil-31 ta' Ottubru 1995, u strumenti relatati adottati mill-Konferenza tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura,

FILWAQT LI GĦANDHOM INTERESS REĊIPROKU fl-iżvilupp u l-użu xieraq tar-riżorsi ħajjin tal-baħar fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed (minn hawn 'il quddiem imsejħa ż-“Żona ta' Applikazzjoni”),

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ispeċifiċitajiet tas-subreġjuni differenti fil-Qasam tal-Applikazzjoni,

DETERMINATI li jiżguraw il-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-ekosistemi tal-baħar fiż-Żona ta' Applikazzjoni,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u nutrizzjonali li ġejjin mill-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar fiż-Żona ta' Applikazzjoni,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU WKOLL li taħt il-liġi internazzjonali, l-Istati huma meħtieġa jikkoperaw fil-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-protezzjoni tal-ekosistemi tagħhom,

FILWAQT LI JAFFERMAW li l-akkwakultura responsabbli tnaqqas il-pressjoni fuq ir-riżorsi ħajjin tal-baħar u għandha rwol importanti fil-promozzjoni u l-użu aħjar tar-riżorsi ħajjin akkwatiċi, inkluż is-sigurtà tal-ikel,

KONXJI tal-ħtieġa li jevitaw l-impatti ħżiena fuq l-ambjent tal-baħar, jippreservaw il-bijodiversità u jnaqqsu r-riskju ta' effetti fit-tul jew irriversibbli tal-użu u l-isfruttamenti tar-riżorsi ħajjin tal-baħar,

KONXJI li l-konservazzjoni u l-ġestjoni effettivi jridu jkunu bbażati fuq l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli u fuq l-applikazzjoni tal-approċċ prekawzjonarju,

KONXJI tal-importanza tal-komunitajiet tas-sajd kostali u tal-ħtieġa li jinvolvu sajjieda u organizzazzjonijiet professjonali rilevanti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet,

DETERMINATI li jikkoperaw b'mod effettiv u jieħdu azzjoni biex jipprevjenu, jevitaw u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU r-rekwiżiti speċjali tal-Istati li qed jiżviluppaw biex jgħinuhom jipparteċipaw b'mod effettiv fil-konservazzjoni, il-ġestjoni u t-tkabbir tar-riżorsi ħajjin tal-baħar,

KONVINTI li l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar fiż-Żona ta' Applikazzjoni u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar li fihom huma preżenti dawk ir-riżorsi, għandhom rwol importanti fil-kuntest tat-tkabbir marittumu u l-iżvilupp sostenibbli,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa li tiġi stabbilita għal dawn l-iskopijiet il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (liema akronomu għandu jkun “GFCM”) fil-qafas tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, skont l-Artikolu XIV tal-Kostituzzjoni tagħha,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

(Użu tat-termini)

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

(a)

“Konvenzjoni tal-1982” tfisser il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982;

(b)

“Ftehim tal-1995” tfisser il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna tal-4 ta' Diċembru 1995;

(c)

“akkwakultura” tfisser it-tkabbir ta' riżorsi akkwatiċi ħajjin;

(d)

“Parti Kontraenti” tfisser kwalunkwe Stat u organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali inkluża l-Kummissjoni skont l-Artikolu 4;

(e)

“Parti Mhux Kontraenti li Tikkopera” tfisser Membru jew Membru Assoċjat tal-Organizzazzjoni u tali Stati mhux membri bħal dawk li huma membri tan-Nazzjonijiet Uniti jew ta' kwalunkwe waħda mill-Aġenziji Speċjalizzati tagħha mhux formalment assoċjati bħala Parti Kontraenti mal-Kummissjoni li jirrispettaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 8(b);

(f)

“sajd” tfisser it-tfittxija għal, l-attirar, is-sejba, il-qbid, it-teħid jew il-ħsad ta' riżorsi ħajjin tal-baħar jew kwalunkwe attività li hija raġonevolment mistennija li tirriżulta fl-attirar, is-sejba, il-qbid, it-teħid jew il-ħsad ta' riżorsi ħajjin tal-baħar;

(g)

“kapaċità tas-sajd” tfisser l-ammont massimu ta' ħut li jista' jittieħed fis-sajd jew minn unità waħda tas-sajd (eż. sajjied, komunità, bastiment jew flotta) fuq perjodu ta' żmien (eż. staġun, sena), skont il-bijomassa u l-istruttura tal-etajiet tal-istokk tal-ħut u l-istat kurrenti tat-teknoloġija, fin-nuqqas ta' kwalunkwe limitazzjonijiet tal-qbid regolati u jekk il-mezzi disponibbli jintużaw kollha;

(h)

“sforz tas-sajd” tfisser l-ammont ta' tagħmir tas-sajd ta' tip speċifiku użat fuq il-postijiet tas-sajd f'ċertu unità ta' ħin (eż. sigħat ta' sajd tat-tkarkir kuljum, numru ta' snanar użati fil-ġurnata jew numru ta' drabi li jinġibdu x-xbieki tax-xatt kuljum). Meta jintużaw żewġ tipi jew iżjed ta' tagħmir, l-isforzi rispettivi għandhom ikunu aġġustati għal ċertu tip ta' standard qabel ma jiġu miżjuda;

(i)

“attivitajiet relatati mas-sajd” tfisser kwalunkwe operazzjoni li tappoġġa, jew għall-preparazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd, inkluż l-iżbark, l-imballaġġ, l-ipproċessar, it-trasbord jew it-trasport tal-ħut, kif ukoll il-provvista ta' persunal, karburanti, tagħmir u provvisti oħra;

(j)

“sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat” tirriferi għall-attivitajiet stabbiliti fil-paragrafu 3 tal-Pjan ta' Azzjoni Internazzjonali tal-FAO tal-2001 għall-Prevenzjoni, l-Iskoraġġiment u l-Eliminazzjoni tas-Sajd Illegali, Mhux Rapportat u Mhux Regolat;

(k)

“rendiment massimu sostenibbli” tfisser l-ogħla rendiment ta' ekwilibriju teoretiku li jista' jittieħed b'mod kontinwu (bħala medja) minn stokk taħt il-kondizzjonijiet ambjentali (medji) eżistenti mingħajr ma jiġi affettwat il-proċess ta' riproduzzjoni;

(l)

“stokkijiet ta' ħut transżonali” tfisser stokkijiet li jseħħu kemm fiż-żoni ekonomiċi esklussivi kif ukoll f'żoni lil hinn u biswit iż-żoni ekonomiċi esklussivi;

(m)

“bastiment” tfisser kwalunkwe bastiment, vapur ta' tip ieħor jew dagħjsa użata, mgħammrin biex jintużaw, jew maħsubin biex jintużaw għas-sajd jew għal attivitajiet relatati mas-sajd.

Artikolu 2

(Objettiv)

1.   Il-Partijiet Kontraenti b'dan jistabbilixxu fil-qafas tal-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Organizzazzjoni”), Kummissjoni li għandha tkun magħrufa bħala l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Kummissjoni”), għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet u t-twettiq tar-responsabbiltajiet stabbiliti f'dan il-Ftehim.

2.   L-objettiv tal-Ftehim huwa li jiżgura l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli, fil-livell bijoloġiku, soċjali, ekonomiku u ambjentali, tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fiż-Żona ta' Applikazzjoni.

3.   Il-Kwartieri Ġenerali tal-Kummissjoni għandhom ikunu f'Ruma, l-Italja.

Artikolu 3

(Żona ta' applikazzjoni)

1.   Iż-Żona ġeografika ta' Applikazzjoni ta' dan il-Ftehim tinkludi l-ilmijiet kollha tal-Baħar Mediterran u tal-Baħar l-Iswed.

2.   Xejn f'dan il-Ftehim, lanqas fi kwalunkwe att jew attività mwettqa skont dan il-Ftehim, ma għandu jikkostitwixxi rikonoxximent tal-pretensjonijiet jew tal-pożizzjonijiet ta' kwalunkwe Parti Kontraenti li jikkonċernaw l-istat legali u l-estent tal-ilmijiet u ż-żoni minn kwalunkwe tali Parti Kontraenti.

Artikolu 4

(Sħubija)

1.   Is-sħubija fil-Kummissjoni għandha tkun miftuħa għal Membri u Membri Assoċjati tal-Organizzazzjoni u tali Stati mhux membri bħal dawk li huma membri tan-Nazzjonijiet Uniti, ta' kwalunkwe waħda mill-Aġenziji Speċjalizzati tagħha,

(a)

li huma:

(i)

Stati jew Membri Assoċjati kostali li jinsabu kompletament jew parzjalment fiż-Żona ta' Applikazzjoni;

(ii)

Stati jew Membri Assoċjati li l-bastimenti tagħhom huma impenjati fis-sajd, jew maħsuba għas-sajd, fiż-Żona ta' Applikazzjoni għall-istokkijiet koperti minn dan il-Ftehim; jew

(iii)

organizzazzjonijiet għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li kwalunkwe Stat imsemmi fis-subparagrafi (i), jew (ii) hawn fuq huwa membru tagħhom u li lilhom ittrasferixxa l-kompetenza fuq kwistjonijiet fl-ambitu ta' dan il-Ftehim;

(b)

u li jaċċettaw dan il-Ftehim skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 hawn taħt.

2.   Għall-fini ta' dan il-Ftehim, it-terminu “li l-bastimenti tiegħu” fir-rigward ta' organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti tfisser bastimenti ta' Stat membru ta' tali organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti.

Artikolu 5

(Prinċipji ġenerali)

Fit-twettiq tal-objettiv ta' dan il-Ftehim, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tadotta rakkomandazzjonijiet dwar miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni li għandhom l-għan li jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul tal-attivitajiet tas-sajd, sabiex jippreservaw ir-riżorsi ħajjin tal-baħar, il-vijabbiltà ekonomika u soċjali tas-sajd u l-akkwakultura; fl-adozzjoni ta' rakkomandazzjonijiet bħal dawn, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikulari lill-miżuri għall-prevenzjoni tas-sajd eċċessiv u t-tnaqqis tal-iskartar. Il-Kummissjoni għandha wkoll tagħti attenzjoni partikolari lill-impatt potenzjonali fuq is-sajd artiġjanali u l-komunitajiet lokali;

(b)

tifformula, skont l-Artikolu 8(b), miżuri xierqa bbażati fuq l-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli, b'kont meħud tal-fatturi ambjentali, ekonomiċi u soċjali rilevanti;

(c)

tapplika l-approċċ prekawzjonarju skont il-Ftehim tal-1995 u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO għas-Sajd Responsabbli;

(d)

tqis l-akkwakultura, inkluż is-sajd ibbażat fuq il-kulturi, bħala mezz għall-promozzjoni tad-diversifikazzjoni tad-dħul u d-dieta u permezz ta' dan tiżgura li r-riżorsi ħajjin tal-baħar jintużaw b'mod responsabbli, id-diversità ġenetika tiġi konservata u l-impatti ħżiena fuq l-ambjent u l-komunitajiet lokali jitnaqqsu;

(e)

trawwem, kif xieraq, approċċ subreġjonali lejn il-ġestjoni tas-sajd u l-iżvilupp tal-akkwakultura sabiex tindirizza aħjar l-ispeċifiċitajiet tal-Mediterran u l-Baħar l-Iswed;

(f)

tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tagħha sabiex jiġu evitati u eliminati attivitajiet ta' sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat;

(g)

tippromwovi t-trasparenza fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tagħha u attivitajiet oħra; u

(h)

tagħmel tali attivitajiet rilevanti oħra skont kif meħtieġ sabiex il-Kummissjoni twettaq il-prinċipji tagħha kif iddefiniti hawn fuq.

Artikolu 6

(Il-Kummissjoni)

1.   Kull Parti Kontraenti għandha tkun irrappreżentata fis-sessjonijiet tal-Kummissjoni minn delegat wieħed, li jista' jkun akkumpanjat minn delegat alternattiv u minn esperti u konsulenti. Il-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni minn delegati supplenti, esperti, u konsulenti ma għandhiex tinvolvi d-dritt għall-vot, ħlief fil-każ ta' delegat supplenti li qed jaġixxi f'isem delegat matul l-assenza tiegħu.

2.   Soġġett għall-paragrafu 3, kull Parti Kontraenti għandu jkollha vot wieħed. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jittieħdu permezz tal-maġġoranza tal-voti mogħtija, ħlief jekk ikun stipulat mod ieħor minn dan il-Ftehim. Maġġoranza tas-sħubija totali tal-Kummissjoni għandha tikkostitwixxi kworum.

3.   Organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti għall-Kummissjoni għandha tkun intitolata teżerċita fi kwalunkwe laqgħa tal-Kummissjoni jew ta' kwalunkwe korp sussidjarju tal-Kummissjoni numru ta' voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħha li huma intitolati biex jivvotaw f'laqgħa bħal din.

4.   Organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti għall-Kummissjoni għandha teżerċita d-drittijiet tas-sħubija tagħha mal-Istati membri tagħha li huma Partijiet Kontraenti għall-Kummissjoni fl-oqsma tal-kompetenza rispettivi tagħhom. Kull meta organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti għall-Kummissjoni teżerċita d-dritt tagħha li tivvota, l-Istati membri tagħha ma għandhomx jeżerċitaw id-dritt tagħhom, u viċe versa.

5.   Kwalunkwe Parti Kontraenti għall-Kummissjoni tista' titlob minn organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li tkun Parti Kontraenti għall-Kummissjoni jew mill-Istati membri tagħha li jkunu Partijiet Kontraenti għall-Kummissjoni li dawn jipprovdu informazzjoni dwar liema fosthom, jiġifieri bejn l-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti u l-Istati membri tagħha, għandu l-kompetenza fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni speċifika. L-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali jew l-Istati membri tagħha kkonċernati għandhom jipprovdu din l-informazzjoni fuq tali talba.

6.   Qabel kwalunkwe laqgħa tal-Kummissjoni jew korp sussidjarju tal-Kummissjoni, organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti għall-Kummissjoni, jew l-Istati membri tagħha li huma Partijiet Kontraenti għall-Kummissjoni għandhom jindikaw liema fosthom, jiġifieri bejn l-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti u l-Istati membri tagħha, għandu l-kompetenza fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni speċifika li trid tiġi kkunsidrata fil-laqgħa u liema fosthom, jiġifieri bejn l-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali u l-Istati membri tagħha, għandu jeżerċita d-dritt tal-vot fir-rigward ta' kwalunkwe punt partikolari tal-aġenda. Xejn f'dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti għall-Kummissjoni jew l-Istati membri tagħha li huma Partijiet Kontraenti għall-Kummissjoni milli jagħmlu dikjarazzjoni unika għall-fini ta' dan il-paragrafu, liema dikjarazzjoni għandha tibqa' fis-seħħ għal kwistjonijiet u punti tal-aġenda li jridu jitqiesu fil-laqgħat kollha sussegwenti soġġetti għal tali eċċezzjonijiet jew modifiki li jistgħu jkunu indikati qabel kwalunkwe laqgħa individwali.

7.   Fil-każijiet fejn punt tal-aġenda jkopri kemm kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom il-kompetenza ġiet ittrasferita lill-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali kif ukoll kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati membri tagħha, kemm l-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali kif ukoll l-Istati membri tagħha jistgħu jipparteċipaw fid-diskussjonijiet. F'każijiet bħal dawn, sabiex il-laqgħa tasal għad-deċiżjonijiet tagħha, għandha tqis biss l-intervent tal-Parti Kontraenti li għandha d-dritt tal-vot.

8.   Sabiex jiġi determinat kworum ta' kwalunkwe laqgħa tal-Kummissjoni, id-delegazzjoni ta' organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li hija Parti Kontraenti għall-Kummissjoni għandha tingħadd sal-punt li hija intitolata għall-vot fil-laqgħa li fir-rigward tagħha qed jintalab kworum.

9.   Il-prinċipju tal-kosteffettività għandu japplika għall-frekwenza, id-dewmien u l-iskedar tas-sessjonijiet u laqgħat u attivitajiet oħra li jsiru taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

(L-Uffiċċju)

Il-Kummissjoni għandha teleġġi President u żewġ Viċi-Presidenti permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi. It-tlieta għandhom jikkostitwixxu l-Uffiċċju tal-Kummissjoni li se jopera skont it-termini ta' referenza stabbiliti fir-Regoli ta' Proċedura.

Artikolu 8

(Funzjonijiet tal-Kummissjoni)

Skont l-objettivi u l-prinċipji ġenerali tagħha, il-Kummissjoni għandha teżerċita l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

tirrivedi u tivvaluta b'mod regolari l-istat tar-riżorsi ħajjin tal-baħar;

(b)

tifformula u tirrakkomanda, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13, miżuri xierqa, inklużi dawk:

(i)

għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar li jinsabu fiż-Żona ta' Applikazzjoni;

(ii)

għat-tnaqqis tal-impatti tal-attivitajiet tas-sajd fuq ir-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-ekosistemi tagħhom;

(iii)

għall-adozzjoni ta' pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali applikati fit-totalità tas-subreġjuni rilevanti bbażati fuq approċċ ta' ekosistema għas-sajd biex jiggarantixxu ż-żamma tal-istokkijiet 'il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli, u konsistenti mal-azzjonijiet diġà meħudin fil-livell nazzjonali;

(iv)

għall-istabbiliment ta' żoni ristretti għas-sajd għall-protezzjoni ta' ekosistemi tal-baħar vulnerabbli, inklużi iżda mhux limitati għal żoni tat-tkabbir u tar-riproduzzjoni, flimkien ma' xi miżuri simili li jistgħu jkunu diġà inklużi fil-pjanijiet ta' ġestjoni, inkella biex jikkumplimentaw hom;

(v)

sabiex jiġi żgurat, jekk possibbli permezz ta' mezzi elettroniċi, il-ġbir, il-preżentazjoni, il-verifika, il-ħażna u t-tixrid tad-dejta u informazzjoni, konsistenti mal-politiki u r-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità tad-dejta rilevanti;

(vi)

għat-teħid ta' azzjoni għall-prevenzjoni, l-evitar u l-eliminazzjoni ta' sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat, inkluż mekkaniżmi għall-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza effettivi;

(vii)

għas-soluzzjoni ta' sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' konformità, inkluż permezz ta' sistema xierqa ta' miżuri. Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi din is-sistema ta' miżuri u l-mod kif timplimentahom fir-Regoli ta' Proċedura tagħha;

(c)

tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura;

(d)

tirrivedi b'mod regolari l-aspetti soċjoekonomiċi tal-industrija tas-sajd, inkluż permezz tal-kisba u l-evalwazzjoni ta' dejta u informazzjoni ekonomika u oħra rilevanti għax-xogħol tal-Kummissjoni;

(e)

tippromwovi l-iżvilupp tal-kapaċità istituzzjonali u r-riżorsi umani, b'mod partikolari permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u attivitajiet vokazzjonali fl-oqsma ta' kompetenza tal-Kummissjoni;

(f)

ittejjeb il-komunikazzjoni u l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili li tikkonċerna l-akkwakultura u s-sajd;

(g)

tinkoraġġixxi, tirrakkomanda, tikkordina u twettaq attivitajiet ta' riċerka u żvilupp, inkluż proġetti kooperattivi fl-oqsma tas-sajd u l-protezzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar;

(h)

tadotta u temenda, permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tas-sħubija tagħha, ir-Regoli ta' Proċeduri u r-Regolamenti Finanzjarji tagħha, kif ukoll regolamenti amministrattivi interni oħra, meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet tagħha;

(i)

tapprova l-baġit u l-programm ta' ħidma tagħha u teżerċita kwalunkwe funzjoni oħra meħtieġa biex tikseb l-objettiv ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 9

(Il-korpi sussidjarji tal-Kummissjoni)

1.   Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi, skont kif meħtieġ, korpi sussidjarji temporanji, speċjali jew permanenti biex jistudjaw u jirrapportaw dwar kwistjonijiet relatati mal-iskopijiet tal-Kummissjoni, kif ukoll gruppi ta' ħidma biex jistudjaw u jagħtu rakkomandazzjonijiet dwar problemi tekniċi speċifiċi. Il-mandat ta' korpi sussidjarji stabbiliti għandu jkun stabbilit fir-Regoli ta' Proċedura billi jqis il-ħtieġa għal approċċ subreġjonali. Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi wkoll mekkaniżmi speċifiċi għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed li se jiżguraw il-parteċipazzjoni sħiħa tal-Istati kollha riparji, skont l-istat tagħhom fil-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet kollha relatati mal-ġestjoni tas-sajd.

2.   Il-korpi sussidjarji u l-gruppi ta' ħidma msemmija fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom jitlaqqgħu mill-President tal-Kummissjoni f'tali ħinijiet u postijiet iddeterminati mill-Presidenti f'konsultazzjoni mad-Direttur-Ġenerali tal-Organizzazzjoni, kif xieraq.

3.   L-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-korpi sussidjarji u l-gruppi ta' ħidma msemmija fil-paragrafu 1 hawn fuq għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-fondi meħtieġa u, qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li tinvolvi l-infiq, il-Kummissjoni għandha tiġi ppreżentata b'rapport mis-Segretarju Eżekuttiv dwar l-implikazzjonijiet amministrattivi u finanzjarji.

4.   Kull Parti Kontraenti għandha tkun intitolata taħtar rappreżentant wieħed lil kwalunkwe korp sussidjarju u gruppi ta' ħidma li fis-sessjonijiet jistgħu jkunu akkumpanjati minn rappreżentanti supplenti, esperti u konsulenti.

5.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni disponibbli rilevanti għall-funzjonament ta' kull korp sussidjarju u grupp ta' ħidma f'tali mod li jippermettihom jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom.

Artikolu 10

(Is-Segretarjat)

1.   Is-Segretarjat għandu jkun magħmul mis-Segretarju Eżekuttiv u persunal bħal dan li jservi lill-Kummissjoni. Is-Segretarju Eżekuttiv u l-persunal tas-Segretarjat għandhom ikunu maħtura u kkontrollati skont it-termini, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fil-Manwal Amministrattiv, ir-Regolamenti tal-Persunal u r-Regoli tal-Persunal tal-Organizzazzjoni, kif japplikaw ġeneralment għal membri oħra tal-persunal tal-Organizzazzjoni

2.   Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kummissjoni għandu jkun maħtur mid-Direttur Ġenerali bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni, jew fil-każ ta' ħatra bejn sessjonijiet regolari tal-Kummissjoni, bl-approvazzjoni tal-Partijiet Kontraenti.

3.   Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tal-Kummissjoni u għandu jirrapporta dwarhom lill-Kummissjoni, skont it-termini ta' referenza stabbiliti fir-Regoli ta' Proċedura. Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jaġixxi wkoll bħala Segretarju Eżekuttiv għal korpi sussidjarji oħra stabbiliti mill-Kummissjoni, kif meħtieġ.

Artikolu 11

(Arranġamenti finanzjarji)

1.   F'kull sessjoni regolari l-Kummissjoni għandha tadotta l-baġit awtonomu tagħha għal tliet snin, li jista' jiġi rivedut fuq bażi annwali fis-sessjonijiet regolari. Il-baġit se jiġi adottat b'kunsens tal-Partijiet Kontraenti tagħha, sakemm, madankollu, jekk wara li jkun sar kull sforz ma jkunx jista' jintlaħaq kunsens matul dik is-sessjoni, il-kwistjoni tiġi vvutata u l-baġit għandu jiġi adottat minn maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti tagħha.

2.   Kull Parti Kontraenti għandha tikkontribwixxi kull sena s-sehem tagħha tal-baġit awtonomu abbażi tal-iskala ta' kontribuzzjonijiet iddeterminata skont skema li l-Kummissjoni għandha tadotta jew temenda b'kunsens. L-iskema għandha tkun stabbilita fir-Regolamenti Finanzjarji.

3.   Kwalunkwe Stat mhux membru tal-Organizzazzjoni li jsir Parti Kontraenti għandu jkun meħtieġ jagħmel kontribuzzjoni bħal din lejn l-ispejjeż tal-Organizzazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet tal-Kummissjoni skont kif tiddetermina l-Kummissjoni.

4.   Il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu pagabbli f'muniti konvertibbli faċilment sakemm ma jkunx iddeterminat mod ieħor mill-Kummissjoni bil-qbil tad-Direttur-Ġenerali tal-Organizzazzjoni.

5.   Il-Kummissjoni tista' taċċetta donazzjonijiet u forom oħra ta' għajnuna minn organizzazzjonijiet, individwi u sorsi oħra għal skopijiet marbuta mas-sodisfazzjon ta' kwalunkwe mill-funzjonijiet tagħha. Il-Kummissjoni tista' taċċetta wkoll kontribuzzjonijiet volontarji b'mod ġenerali jew b'rabta ma' proġetti jew attivitajiet speċifiċi tal-Kummissjoni li għandhom isiru mis-Segretarjat. Kontribuzzjonijiet volontarji, donazzjonijiet u forom oħra ta' għajnuna riċevuti għandhom jitħallsu f'fond fiduċjarju li għandu jkun stabbilit u amministrat mill-Organizzazzjoni f'konformità mar-Regolamenti u r-Regoli Finanzjarji tal-Organizzazzjoni.

6.   Parti Kontraenti li għandha l-arretrati fil-pagamenti tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħha lill-Kummissjoni ma għandhiex ikollha vot fil-Kummissjoni jekk l-ammont tal-arretrati tagħha huwa ugwali għal jew jaqbeż l-ammont tal-kontribuzzjonijiet dovuti minnha għas-sentejn kalendarji preċedenti. Il-Kummissjoni tista', madankollu, tippermetti lil tali Parti Kontraenti tivvota jekk din tkun sodisfatta li n-nuqqas li tħallas kien minħabba kondizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-kontroll tal-Parti Kontraenti iżda fl-edba każ ma għandha testendi d-dritt għall-vot lil hinn minn sentejn kalendarji oħra.

Artikolu 12

(Spejjeż)

1.   L-ispejjeż tas-Segretarjat, inkluż il-pubblikazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet u l-ispejjeż li jkunu saru mill-President u l-Viċi-Presidenti tal-Kummissjoni, matul it-twettiq tad-doveri tagħhom f'isem il-Kummissjoni bejn is-sessjonijiet tal-Kummissjoni, għandhom ikunu ddeterminati u mħallsa mill-baġit tal-Kummissjoni.

2.   L-ispejjeż tal-proġetti ta' riċerka u żvilupp imwettqa minn Partijiet Kontraenti individwali, irrispettivament minn jekk jitwettqux b'mod indipendenti jew fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, għandhom ikunu ddeterminati u mħallsa mill-Partijiet Kontraenti konċernati.

3.   L-ispejjeż marbuta mal-proġetti ta' riċerka jew żvilupp kooperattivi mwettqa, sakemm ma jkunux disponibbli f'mod ieħor, għandhom ikunu ddeterminati u mħallsa mill-Partijiet Kontraenti fil-forma u l-proporzjon li se jaqblu b'mod reċiproku dwarhom.

4.   L-ispejjeż tal-esperti mistiedna biex jattendu l-laqgħat tal-Kummissjoni u l-korpi sussidjarji tagħha fil-kapaċità individwali tagħhom għandhom jitħallsu mill-baġit tal-Kummissjoni.

5.   L-ispejjeż tal-Kummissjoni għandhom jitħallsu mill-baġit awtonomu tagħha ħlief dawk relatati ma' tali persunal u faċilitajiet li jistgħu jitpoġġew għad-disponibbiltà mill-Organizzazzjoni. L-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-Organizzazzjoni għandhom ikunu ddeterminati u mħallsa fil-limiti tal-baġit biennali ppreparat mid-Direttur-Ġenerali u approvat mill-Kummissjoni tal-Organizzazzjoni skont ir-Regolamenti u r-Regoli Finanzjarji tal-Organizzazzjoni.

6.   L-ispejjeż magħmulin minn delegati, is-supplenti tagħhom, esperti u konsulenti meta jattendu, bħala rappreżentanti tal-gvern, sessjonijiet tal-Kummissjoni u l-korpi sussidjarji tagħha, kif ukoll l-ispejjeż magħmulin minn osservaturi fis-sessjonijiet, għandhom jitħallsu mill-gvernijiet jew l-organizzazzjonijiet rispettivi. Bħala rikonoxximent tar-rekwiżiti speċjali tal-Partijiet Kontraenti ta' Stati fil-fażi tal-iżvilupp, skont l-Artikolu 17 u soġġett għad-disponibbiltà tal-fondi, l-ispejjeż jistgħu jitħallsu mill-baġit tal-Kummissjoni.

Artikolu 13

(Teħid ta' deċiżjonijiet)

1.   Ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(b), għandhom jiġu adottati permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti tal-Kummissjoni li jkunu preżenti u qed jivvotaw. It-test ta' tali rakkomandazzjonijiet għandu jkun ikkomunikat mis-Segretarju Eżekuttiv lil kull Parti Kontraenti, kull Parti Mhux Kontraenti li qed tikkopera u kull Parti Mhux Kontraenti rilevanti.

2.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, il-Partijiet Kontraenti tal-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom biex jagħmlu effettiva kwalunkwe rakkomandazzjoni adottata taħt l-Artikolu 8(b), mid-data ddeterminata mill-Kummissjoni, li ma għandhiex tkun qabel ma jkun skada l-perjodu għal oġġezzjoni stipulat f'dan l-Artikolu.

3.   Kwalunkwe Parti Kontraenti tal-Kummissjoni tista' fi żmien mija u għoxrin ġurnata mid-data ta' notifika ta' rakkomandazzjoni toġġezzjona għaliha u f'dak il-każ ma għandhiex tkun obbligata tagħti effett lir-rakkomandazzjoni. L-oġġezzjoni għandha tinkludi spjegazzjoni bil-miktub tar-raġunijiet għall-oġġezzjoni, u fejn xieraq, proposti għal miżuri alternattivi. Fil-każ ta' oġġezzjoni li ssir fil-perjodu ta' mija u għoxrin ġurnata kwalunkwe Parti Kontraenti oħra tista' toġġezzjona fl-istess mod fi kwalunkwe ħin fi żmien perjodu ieħor ta' sittin ġurnata. Parti Kontraenti tista' wkoll fi kwalunkwe ħin tirtira l-oġġezzjoni tagħha u tagħti effett lir-rakkomandazzjoni.

4.   Jekk l-oġġezzjonijiet għal rakkomandazzjoni jsiru minn aktar minn terz tal-Partijiet Kontraenti tal-Kummissjoni, il-Partijiet Kontraenti l-oħra għandhom jinħelsu minnufih minn kwalunkwe obbligu li jagħtu effett lil dik ir-rakkomandazzjoni; madankollu, kwalunkwe minnhom jew kollha kemm huma jistgħu jaqblu bejniethom biex jagħtuha effett.

5.   Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jinnotifika minnufih lil kull Parti Kontraenti mar-riċezzjoni ta' kull oġġezzjoni jew irtirar ta' oġġezzjoni.

6.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta meħtieġ minn Parti Kontraenti skont kif iddeterminat mis-Segretarju Eżekuttiv f'konsultazzjoni mal-President, jekk kwistjonijiet urġenti jeħtieġu l-Partijiet Kontraenti jieħdu deċiżjonijiet bejn is-sessjonijiet tal-Kummissjoni jista' jintuża kwalunkwe mezz rapidu ta' komunikazzjoni, inkluż mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi, għat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward ta' kwistjonijiet proċedurali u amministrattivi tal-Kummissjoni biss, inkluż kwalunkwe mill-korpi sussidjarji tagħha, ħlief għal kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni u l-adozzjoni ta' emendi għall-Ftehim jew ir-Regoli ta' Proċedura tagħha.

Artikolu 14

(Obbligi relatati mal-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet mill-Partijiet Kontraenti)

1.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, il-Partijiet Kontraenti tal-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom biex jagħtu effett lil kwalunkwe rakkommandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(b), mid-data ddeterminata mill-Kummissjoni, li ma għandhiex tkun qabel ma jkun skada l-perjodu għal oġġezzjoni stipulat fl-Artikolu 13.

2.   Kull Parti Kontraenti għandha tittrasponi, kif xieraq, ir-rakkomandazzjonijiet adottati fil-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti jew l-istrumenti legali xierqa tal-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali. Dawn għandhom jirrapportaw annwalment lill-Kummissjoni u jindikaw kif implimentaw u/jew ittrasponew ir-rakkomandazzjonijiet, inkluż jipprovdu tali dokumenti leġiżlattivi rilevanti marbuta ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet skont kif teħtieġ il-Kummissjoni u informazzjoni dwar il-monitoraġġ u l-kontroll tas-sajd tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tuża din l-informazzjoni biex tivvaluta jekk ir-rakkomandazzjonijiet humiex implimentati b'mod uniformi.

3.   Kull Parti Kontraenti għandha tieħu miżuri u tikkopera biex tiżgura li d-doveri tagħha bħala Stat tal-bandiera u Stat tal-port huma sodisfatti skont l-istrumenti internazzjonali rilevanti li għalihom hija parti u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni.

4.   Il-Kummissjoni, permezz ta' proċess li jwassal għall-identifikazzjoni tal-każijiet ta' nuqqas ta' konformità, se tindirizza l-Partijiet Kontraenti li jonqsu milli jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni bil-għan li ssolvi is-sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' konformità.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi permezz tar-Regoli ta' Proċeduri tagħha miżuri xierqa li jistgħu jittieħdu mill-Kummissjoni meta l-Partijiet Kontraenti jkunu ilhom jonqsu milli jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet tagħha f'mod mhux ġustifikat.

Artikolu 15

(Osservaturi)

1.   Skont ir-Regoli tal-Organizzazzjoni, il-Kummissjoni tista' tistieden jew, fuq talba tagħhom, tippermetti fil-kapaċità ta' osservatur organizzazzjonijiet governattivi reġjonali jew internazzjonali jew organizzazzjonijiet mhux governattivi reġjonali jew internazzjonali jew oħrajn, inkluż mis-settur privat, li għandhom interessi u objettivi komuni ma' dawk tal-Kummissjoni jew liema attivitajiet huma pertinenti għall-ħidma tal-Kummissjoni jew tal-korpi sussidjarji tagħha.

2.   Kwalunkwe membru jew membru assoċjat tal-Organizzazzjoni li mhuwiex Parti Kontraenti jista', fuq talba tiegħu, ikun mistieden bħala osservatur f'sessjonijiet tal-Kummissjoni u l-korpi sussidjarji tagħha. Dan jista' jippreżenta memoranda u jipparteċipa mingħajr vot fid-diskussjonijiet.

Artikolu 16

(Kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet oħra)

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkopera ma' organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali oħra fi kwistjonijiet ta' interess reċiproku.

2.   Il-Kummissjoni għandha tfittex li tagħmel arranġamenti xierqa għal konsultazzjoni, kooperazzjoni u kollaborazzjoni ma' organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet oħra rilevanti, inkluż tidħol f'memoranda ta' qbil u ftehimiet ta' sħubija.

Artikolu 17

(Rikonoxximent tar-rekwiżiti speċjali tal-partijiet kontraenti li huma stati fil-fażi tal-iżvilupp)

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi bi sħiħ ir-rekwiżiti speċjali tal-Partijiet Kontraenti li huma Stati fil-fażi tal-iżvilupp għal dan il-Ftehim, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti fil-Ftehim tal-1995.

2.   Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jikkoperaw jew direttament jew permezz tal-Kummissjoni għall-iskopijiet stabbiliti f'dan il-Ftehim u jagħtu għajnuna għall-ħtiġijiet identifikati.

Artikolu 18

(Partijiet mhux Kontraenti)

1.   Il-Kummissjoni, permezz tas-Segretarjat, tista' tistieden Partijiet mhux Kontraenti li l-bastimenti tagħhom huma impenjati fis-sajd fiż-Żona ta' Applikazzjoni, b'referenza partikolari għall-Istati kostali, biex jikkoperaw bi sħiħ fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha, inkluż billi jsiru Partijiet mhux Kontraenti li jikkoperaw. Il-Kummissjoni tista' taċċetta b'kunsens tal-Partijiet Kontraenti tagħha kwalunkwe applikazzjoni biex jingħata l-istat ta' Parti mhux Kontraenti li tikkopera sakemm, madankollu, jekk wara li jkun sar kull sforz, ma jkunx jista' jintlaħaq kunsens, dik il-kwistjoni tiġi vvutata u l-istat ta' Parti mhux Kontraenti li tikkopera jingħata permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti tagħha.

2.   Il-Kummissjoni, permezz tas-Segretarjat, għandha tiskambja informazzjoni fir-rigward tal-bastimenti impenjati fis-sajd jew attivitajiet relatati mas-sajd fiż-Żona tal-Ftehim li qed itajru l-bnadar ta' Partijiet mhux Kontraenti għal dan il-Ftehim u tidentifika u tindirizza, skont kif ikun meħtieġ, inkluż permezz tal-applikazzjoni ta' sanzjonijiet konsistenti mal-liġi internazzjonali li għandhom ikunu ddefiniti fir-Regoli ta' Proċedura, każijiet ta' attivitajiet ta' Partijiet mhux Kontraenti li jaffettwaw ħażin l-objettiv tal-Ftehim. Is-sanzjonijiet jistgħu jinkludu miżuri mhux diskriminatorji relatati mas-suq.

3.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri konsistenti mal-liġi internazzjonali u ma' dan il-Ftehim, biex tiddetermina l-attivitajiet ta' tali bastimenti li jimminaw l-effettività tar-rakkomandazzjonijiet applikabbli, u għandha tirrapporta b'mod regolari kwalunkwe azzjoni meħuda b'reazzjoni għas-sajd jew attivitajiet relatati mas-sajd fiż-Żona tal-Ftehim minn Partijiet mhux Kontraenti.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiġbed l-attenzjoni ta' kwalunkwe Parti mhux Kontraenti għal kwalunkwe attività li fl-opinjoni ta' kwalunkwe Parti Kontraenti taffettwa ħażin l-implimentazzjoni tal-objettiv tal-Ftehim.

Artikolu 19

(Soluzzjoni ta' tilwim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-ftehim)

1.   Fil-każ ta' tilwim bejn żewġ Partijiet Kontraenti jew iżjed li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet ikkonċernati għandhom jikkonsultaw ma' xulxin bil-għan li jfittxu soluzzjonijiet permezz ta' negozjati, medjazzjoni, inkjesta jew kwalunkwe mezz ieħor paċifiku tal-għażla tagħhom.

2.   Jekk il-partijiet ikkonċernati ma jistgħux jilħqu ftehim skont l-Artikolu 19.1 dawn jistgħu b'mod konġunt jirriferu l-kwistjoni lil kumitat magħmul minn rappreżentant wieħed maħtur minn waħda mill-partijiet għat-tilwim, flimkien mal-President tal-Kummissjoni. Il-konklużjonijiet ta' tali kumitat, filwaqt li ma jkunux ta' karattru vinkolanti, għandhom jikkostitwixxu l-bażi għal kunsiderazzjoni mill-ġdid mill-Partijiet Kontraenti kkonċernati tal-kwistjoni li minnha qam it-tilwim.

3.   Kwalunkwe tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim li ma jiġix solvut skont l-Artikoli 19.1 u 19.2 jista', bil-kunsens f'kull każ tal-partijiet kollha għat-tilwim, jiġi riferut għal soluzzjoni lill-arbitraġġ. Ir-riżultati tal-proċedura tal-arbitraġġ għandhom ikunu vinkolanti fuq il-partijiet.

4.   Fil-każijiet fejn it-tilwim huwa riferut lill-arbitraġġ, it-tribunal tal-arbitraġġ għandu jkun magħmul kif stipulat fl-Anness għal dan il-Ftehim. L-Anness jifforma parti integrali għal dan il-Ftehim.

Artikolu 20

(Relazzjoni ma' ftehimiet oħra)

Ir-referenzi f'dan il-Ftehim għall-Konvenzjoni tal-1982 jew għal kwalunkwe ftehimiet internazzjonali oħra ma jippreġudikawx il-pożizzjoni ta' kwalunkwe Stat fir-rigward tal-firma, ir-ratifika, jew l-adeżjoni għall-Konvenzjoni tal-1982 jew fir-rigward ta' kwalunkwe ftehimiet oħra, lanqas id-drittijiet, il-ġurisdizzjoni u d-doveri tal-Partijiet Kontraenti taħt il-Konvenzjoni tal-1982 jew il-Ftehim tal-1995.

Artikolu 21

(Lingwi uffiċjali tal-Kummissjoni)

Il-lingwi uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom ikunu t-tali lingwi uffiċjali tal-Organizzazzjoni li l-Kummissjoni stess tiddeċiedi. Id-delegazzjonijiet jistgħu jużaw kwalunkwe waħda minn dawn il-lingwi fis-sessjonijiet u għar-rapporti u l-komunikazzjonijiet tagħhom. L-użu tal-lingwi uffiċjali għall-interpretazzjoni simultanja u t-traduzzjoni tad-dokumenti fis-sessjonijiet statutorji tal-Kummissjoni għandu jkun speċifikat fir-Regoli ta' Proċedura.

Artikolu 22

(Emendi)

1.   Il-Kummissjoni tista' temenda dan il-Ftehim permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti kollha. Soġġett għall-paragrafu 2 hawn taħt, l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħhom mill-Kummissjoni.

2.   L-emendi li jinvolvu obbligi ġodda għall-Partijiet Kontraenti għandhom jidħlu fis-seħħ wara l-aċċettazzjoni minn żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti u fir-rigward ta' kull Parti Kontraenti biss meta dik il-Parti Kontraenti taċċettahom. L-istrumenti tal-aċċettazzjoni tal-emendi li jinvolvu obbligi ġodda għandhom ikunu ddepożitati mad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni li għandu jinforma l-Membri kollha tal-Organizzazzjoni, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tar-riċezzjoni tal-aċċettazzjoni u d-dħul fis-seħħ ta' emendi bħal dawn. Id-drittijiet u l-obbligi ta' kull Parti Kontraenti li ma tkunx aċċettat emenda li tinvolvi obbligi addizzjonali għandhom ikomplu jkunu kkontrollati bid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim skont kif kienu qabel l-emenda.

3.   L-emendi għal dan il-Ftehim għandhom ikunu rrapportati lill-Kunsill tal-Organizzazzjoni li għandu jkollu s-setgħa li ma jippermettix kwalunkwe emenda li jidhirlu li hija inkonsistenti mal-objettivi u l-iskopijiet tal-Organizzazzjoni jew id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni. Jekk il-Kunsill tal-Organizzazzjoni jidhirlu li din hija mixtieqa, jista' jirriferi l-emenda għall-Konferenza tal-Organizzazzjoni li għandu jkollha l-istess setgħa.

Artikolu 23

(Aċċettazzjoni)

1.   Dan il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-aċċettazzjoni minn Membri jew Membri assoċjati tal-Organizzazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tas-sħubija tagħha, tammetti bħala membri tali Stati oħra li huma membri tan-Nazzjonijiet Uniti, kwalunkwe mill-aġenziji speċjalizzati tagħha jew l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għal sħubija u dikjarazzjoni magħmula fi strument formali li tgħid li jaċċettaw li dan il-Ftehim ikun fis-seħħ meta ssir l-ammissjoni.

3.   Il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-Kummissjoni mill-Partijiet Kontraenti li mhumiex Membri jew Membri assoċjati tal-Organizzazzjoni għandha tiddipendi fuq is-suppożizzjoni ta' tali sehem proporzjonat fl-ispejjeż tas-Segretarjat li jista' jkun iddeterminat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Finanzjarji u r-Regoli tal-Organizzazzjoni.

4.   L-aċċettazzjoni ta' dan il-Ftehim minn kwalunkwe Membru jew Membru assoċjat tal-Organizzazzjoni għandha ssir permezz tad-depożitu ta' strument ta' aċċettazzjoni mad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni u għandha ssir effettiva mar-riċezzjoni ta' tali strument mid-Direttur Ġenerali.

5.   L-aċċettazzjoni ta' dan il-Ftehim minn Stati mhux membri tal-Organizzazzjoni għandha ssir permezz tad-depożitu ta' strument ta' aċċettazzjoni mad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni u l-isħubija għandha ssir effettiva fid-data li fiha l-Kummissjoni tapprova l-applikazzjoni għal sħubija, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

6.   Id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni għandu jinforma l-Partijiet Kontraenti kollha tal-Organizzazzjoni, il-Membri kollha tal-Organizzazzjoni u s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-aċċettazzjonijiet kollha li jkunu saru effettivi.

7.   L-aċċettazzjoni ta' dan il-Ftehim minn Partijiet mhux Kontraenti tista' tkun soġġetta għal riservi li għandhom isiru effettivi biss mal- approvazzjoni minn żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti. Il-Partijiet Kontraenti li l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tagħhom ma jkunux wieġbu fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika għandhom jitqiesu li jkunu aċċettaw ir-riserva. Jekk ma tingħatax it-tali approvazzjoni, in-nazzjon jew l-organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali li tagħmel ir-riserva ma għandhiex issir parti għal dan il-Ftehim. Id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni għandu jinnofitika minnufih il-Partijiet Kontraenti kollha dwar kwalunkwe riservi.

Artikolu 24

(Dħul fis-seħħ)

Il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ mid-data tar-riċezzjoni tal-ħames strument ta' aċċettazzjoni.

Artikolu 25

(Riservi)

1.   L-aċċettazzjoni ta' dan il-Ftehim tista' ssir soġġetta għal riservi, li ma għandhomx ikunu inkompatibbli mal-objettivi tal-Ftehim u għandha ssir skont ir-regoli ġenerali tal-liġi internazzjonali pubblika kif riflessa fid-dispożizzjonijiet tal-Parti II, Taqsima 2 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tal-1969.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta b'mod regolari jekk riserva tistax toħloq kwistjonijiet ta' nuqqas ta' konformità mar-rakkomandazzjonijiet adottati taħt l-Artikolu 8(b) u tista' tikkunsidra miżuri xierqa, kif previst fir-Regoli ta' Proċeduri tagħha.

Artikolu 26

(Irtirar)

1.   walunkwe Parti Kontraenti tista' tirtira minn dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin wara li jiskadu sentejn mid-data li fiha l-Ftehim jidħol fis-seħħ fir-rigward ta' dik il-Parti Kontraenti, billi tagħti avviż bil-miktub ta' tali rtirar lid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni li għandu jinforma minnufih lill-Partijiet Kontraenti u l-Membri tal-Organizzazzjoni kollha dwar it-tali rtirar. L-avviż tal-irtirar għandu jsir effettiv tliet xhur mid-data tar-riċezzjoni tiegħu mid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni.

2.   Parti Kontraenti tista' tagħti avviż ta' rtirar fir-rigward ta' wieħed jew iżjed mit-territorji li hija responsabbli għar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom. Meta Parti Kontraenti tagħti avviżi tal-irtirar tagħha mill-Kummissjoni din għandha tiddikjara għal liema territorju jew territorji japplika l-irtirar. Fin-nuqqas ta' dikjarazzjoni bħal din, l-irtirar għandu jitqies bħala li japplika għat-territorji kollha li l-Parti Kontraenti hija responsabbli għar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, minbarra l-membri assoċjati.

3.   Kwalunkwe Parti Kontraenti li tagħti avviż ta' rtirar mill-Organizzazzjoni għandha titqies li tkun irtirat fl-istess ħin mill-Kummissjoni, u dan l-irtirar għandu jitqies bħala li japplika għat-territorji kollha li l-Parti Kontraenti kkonċernata hija responsabbli għar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, iżda tali irtirar mhux se jitqies li japplika għal membru assoċjat.

Artikolu 27

(Terminazzjoni)

Dan il-Ftehim għandu jintemm b'mod awtomatiku jekk u meta, bħala riżultat tal-irtirar, in-numru ta' Partijiet Kontraenti jaqa' taħt ħamsa, sakemm il-Partijiet Kontraenti li jifdal ma jiddeċidux mod ieħor b'mod unanimu.

Artikolu 28

(Ċertifikazzjoni u reġistrazzjoni)

It-test ta' dan il-Ftehim kien ifformulat oriġinarjament f'Ruma fl-24 ġurnata ta' Settembru elf disa' mija u disgħa u erbgħin fil-lingwa Franċiża.

Żewġ kopji bl-Għarbi, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ispanjol ta' dan il-Ftehim u ta' kwalunkwe emendi għal dan il-Ftehim għandhom ikunu ċċertifikati mill-President tal-Kummissjoni u mid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni. Waħda minn dawn il-kopji għandha tiġi ddepożitata fl-arkivji tal-Organizzazzjoni. Il-kopja l-oħra għandha tiġi trażmessa lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għar-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, id-Direttur Ġenerali għandu jiċċertifika kopji ta' dan il-Ftehim u jittrażmetti kopja lil kull membru tal-Organizzazzjoni u lil kull tali Stat li ma jkunx membru tal-Organizzazzjoni li jkunu jew li jistgħu jsiru Partijiet Kontraenti għal dan il-Ftehim.


ANNESS RELATAT MAL-ARBITRAĠĠ

1.

It-tribunal tal-arbitraġġ imsemmi fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 19 għandu jkun magħmul minn tliet arbitri li għandhom ikunu maħtura kif ġej:

(a)

Il-Parti Kontraenti li tibda l-proċeduri għandha tikkomunika l-isem ta' arbitru lill-Parti Kontraenti l-oħra li, mbagħad, fi żmien perjodu ta' erbgħin ġurnata wara tali notifika, għandha tikkomunika l-isem tat-tieni arbitru. F'tilwim bejn aktar minn żewġ Partijiet Kontraenti, il-partijiet għat-tilwim bl-istess interess għandhom jaħtru arbitru wieħed b'mod konġunt permezz ta' ftehim. Il-Partijiet Kontraenti għandhom, fi żmien perjodu ta' sittin ġurnata wara l-ħatra tat-tieni arbitru, jaħtru t-tielet arbitru, li ma għandu jkun ċittadin tal-ebda Parti Kontraenti u ma għandux ikun tal-istess nazzjonalità ta' kwalunkwe mill-ewwel żewġt arbitri. It-tielet arbitru għandu jippresjedi fuq it-tribunal;

(b)

Jekk it-tieni arbitru ma jkunx ġie maħtur fil-perjodu preskritt, jew jekk il-Partijiet Kontraenti ma jkunux laħqu ftehim fil-perjodu preskritt dwar il-ħatra tat-tielet arbitru, dak l-arbitru għandu jinħatar, fuq talba ta' kwalunkwe mill-Partijiet Kontraenti, mid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni fi żmien xahrejn mid-data tar-riċezzjoni tat-talba.

2.

It-tribunal tal-arbitraġġ għandu jiddeċiedi fuq il-post fejn ikunu stabbiliti l-kwartieri ġenerali tiegħu u għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

3.

It-tribunal tal-arbitraġġ għandu jagħti d-deċiżjonijiet tiegħu skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u l-liġi internazzjonali.

4.

Id-deċiżjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ għandha ssir permezz ta' maġġoranza tal-membri tiegħu, li ma jistgħux jastjenu mill-vot.

5.

Kwalunkwe Parti Kontraenti li mhijiex Parti għat-tilwim tista' tintervjeni fil-proċedimenti bil-kunsens tat-tribunal tal-arbitraġġ.

6.

Id-deċiżjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ għandha tkun finali u vinkolanti fuq il-Partijiet Kontraenti għat-tilwim u fuq kwalunkwe Parti Kontraenti li tintervjeni fil-proċedimenti u għandu jkun hemm konformità magħha mingħajr dewmien. It-tribunal tal-arbitraġġ għandu jinterpreta d-deċiżjoni fuq it-talba ta' kwalunkwe mill-Partijiet Kontraenti għat-tilwim jew ta' kwalunkwe Parti Kontraenti li tintervjeni.

7.

Sakemm it-tribunal tal-arbitraġġ ma jiddeterminax mod ieħor minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, l-ispejjeż tat-tribunal, inkluż ir-remunerazzjoni tal-membri tiegħu, għandhom jitħallsu mill-Partijiet Kontraenti għat-tilwim f'ishma ugwali.


REGOLAMENTI

30.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/16


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/675

tas-26 ta' Frar 2015

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta' importazzjoni addizzjonali ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 tal-25 ta' April 2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta' importazzjoni addizzjonali ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba n-nuqqas tal-Istati Uniti biex iġibu l-Att dwar il-Kumpens għall-Persistenza tad-Dumping u għaż-Żamma tas-Sussidji (CDSOA) konformi mal-obbligi skont il-ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), ir-Regolament (KE) Nru 673/2005 impona dazju doganali addizzjonali ad valorem ta' 15 % fuq importazzjonijiet ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika mill-1 ta' Mejju 2005. B'konformità mal-awtorizzazzjoni tad-WTO biex tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-konċessjonijiet lill-Istati Uniti, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-livell tas-sospensjoni kull sena għal-livell ta' tixjin jew ħsara kkawżat mis-CDSOA lill-Unjoni Ewropea f'dan il-perjodu.

(2)

Il-ħlasijiet tas-CDSOA għall-aktar sena riċenti li għalihom hemm dejta disponibbli huma relatati mad-distribuzzjoni ta' dazji antidumping u kompensatorji miġbura matul is-Sena Fiskali 2014 (mill-1 ta' Ottubru 2013 sat-30 ta' Settembru 2014). Abbażi tad-dejta ppublikata mill-Ħarsien tad-Dwana u tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, il-livell ta' tixjin jew ħsara kkawżat lill-Unjoni huwa kkalkulat li jammonta għal USD 3 295 333.

(3)

Il-livell ta' tixjin jew ħsara, u konsegwement ta' sospensjoni, naqas. Madankollu, il-livell ta' sospensjoni ma jistax jiġi aġġustat għal-livell ta' tixjin jew ħsara billi jiżdiedu jew jitneħħew prodotti mil-lista fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 673/2005. Minħabba f'hekk, skont l-Artikolu 3(1)(e) ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha żżomm il-lista ta' prodotti fl-Anness I bla tibdil u temenda r-rata tad-dazju addizzjonali sabiex taġġusta l-livell ta' sospensjoni għal-livell ta' tixjin jew ħsara. L-erba' prodotti elenkati fl-Anness I għandhom għalhekk jinżammu fil-lista u r-rata tad-dazju tal-importazzjoni addizzjonali għandha tiġi emendata u ffissata għal 1,5 %.

(4)

L-effett ta' dazju tal-importazzjoni addizzjonali ad valorem ta' 1,5 % fuq importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-prodotti fl-Anness I jirrappreżenta, fuq tul ta' sena, valur ta' kummerċ li ma jaqbiżx USD 3 295 333.

(5)

Sabiex ikun żgurat li ma jkun hemm l-ebda dewmien fl-applikazzjoni tar-rata emendata tad-dazju tal-importazzjoni addizzjonali, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 673/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 673/2005 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Dazju ad valorem ta' 1,5 % addizzjonali għad-dazju doganali applikabbli skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (*) jiġi impost fuq il-prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika mill-1 ta' Mejju 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 110, 30.4.2005, p. 1.


ANNESS

“ANNESS I

Il-prodotti li fuqhom għandhom japplikaw dazji addizzjonali huma identifikati mill-kodiċijiet NM tagħhom bi tmien ċifri. Id-deskrizzjoni tal-prodotti klassifikati taħt dawn il-kodiċijiet tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1) kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004 (2).

 

0710 40 00

 

9003 19 30

 

8705 10 00

 

6204 62 31



30.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/18


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/676

tat-23 ta' April 2015

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid xi subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta'dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur f'konformità mal-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma f'koformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness huma kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Heinz ZOUREK

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni L-Unjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott fl-għamla ta' komma, twil madwar 20 cm, magħmul minn materjal tat-tessut innittjat b'pedding irqiq tal-foam fuq il-wiċċ tal-pala tal-id. Dan jinkludi qassaba tal-aluminju ftit mgħawġa għall-pala tal-id b'wisa' ta' madwar 2 cm, li tista' titgħawweġ manwalment, u żewġ stabbilizzaturi flessibbli dorsali tal-plastik b'wisa' ta' madwar 1 cm. Il-qassaba u l-istabilizzaturi jgħaddu minn mini meħjuta mal-prodott magħmula minn materjal kontrastanti li jgħaddu mat-tul tal-prodott, u jistgħu jinqalgħu.

Fiż-żewġ trufijiet tal-prodott hemm żewġ ċineg tat-“tip velkro” b'wisa' ta' 2 cm biex il-prodott ikun jista' jiġi aġġustat mal-id u mal-polz. F'nofs il-prodott hemm ċinga usa' tat-tessut b'wisa' ta' 5 cm bi rbit tat-“tip velkro” li jintrabat madwar il-polz biex tinkiseb il-limitazzjoni mixtieqa tal-moviment tal-polz.

Iċ-ċineg tat-tessut flimkien mal-qassaba tal-aluminju li titgħawweġ jagħmlu l-moviment tal-polz aktar diffiċli. Il-flessibbiltà tal-polz tiddependi fuq kemm ikunu ssikkati ċ-ċineg.

Il-prodott huwa ppreżentat bħala stabbilizzatur tal-polz.

(Ara r-ritratti A + B) (*)

6307 90 10

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (GIR), u mill-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 6307 , 6307 90 u 6307 90 10 .

Il-prodott ma jistax jiġi aġġustat għal xi diżabbiltà speċifika ta' pazjent, iżda għandu użu multifunzjonali. F'dak ir-rigward, il-prodott ma għandux il-karatteristiċi li jiddistingwuh bil-metodu tal-operazzjoni jew l-aġġustabbiltà għad-diżabbiltajiet speċifiċi ta' pazjent minn sapporti għall-użu ġenerali (ara n-Nota 6 tal-Kapitolu 90 u s-sentenza fil-Kawżi Magħquda C-260/00 sa C-263/00, Lohmann GmbH & Co. KG u Medi Bayreuth Weihermüller & Voigtmann GmbH & Co. KG v Oberfinanzdirektion Koblenz, ECLI:EU:C:2002:637). Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9021 bħala apparat ortopediku hija eskluża.

Il-materjal tat-tessut innittjat tal-komma u taċ-ċinga jagħti l-karattru essenzjali tal-prodott fi ħdan it-tifsira ta' GIR 3(b), peress li l-preżenza tiegħu hija predominanti fil-kwantità u minħabba l-irwol importanti tiegħu fir-rigward tal-użu tal-prodott. B'mod partikolari, iċ-ċinga tat-tessut f'nofs il-prodott hija essenzjali għal-limitazzjoni mixtieqa tal-moviment tal-polz.

Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 6307 90 10 bħala prodotti oħra maħduma.


Image

Image

Ritratt A

Ritratt B


(*)  Ir-ritratti huma għall-għan ta' informazzjoni biss.


30.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/21


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/677

tat-23 ta' April 2015

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jinħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqu, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni oħra magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati bil-kodiċi NM fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta'din it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi pprovdut li informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma jkunux konformi ma' dan ir-Regolament, tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella fl-Anness għandhom ikunu klassifikati fin-Nomenklatura Magħquda bil-kodiċi NM fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Heinz ZOUREK

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(KodiċiNM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett li huwa magħmul minn erba' saqajn tal-mejda tal-metall bażiku, imwaħħal bil-viti ma' erba' pjanċi tal-metall li jżommuhom flimkien.

Sabiex ma jkunux jiżolqu u biex ma tinbaraxx l-art, il-qiegħ ta' kull sieq tal-mejda huwa mgħotti bil-lastku.

It-truf ta' fuq tas-saqajn tal-mejda għandhom it-toqob għall-viti biex ikun jista' jitwaħħal il-wiċċ tal-mejda.

 (*) Ara l-istampa.

9403 90 10

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mit-test tal-kodiċijiet tan-NM 9403 , 9403 90 u 9403 90 10 .

Il-klassifikazzjoni bħala għamara sħiħa hija eskluża minħabba li l-oġġett jonqsu komponent essenzjali, il-wiċċ tal-mejda.

Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat bil-kodiċi tan-NM 9403 90 10 bħala partijiet tal-metall tal-għamara.

Image

(*)  L-istampa qiegħda biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.


30.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/24


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/678

tad-29 ta' April 2015

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 fir-rigward tal-livelli li fihom jiskattaw id-dazji addizzjonali għat-tadam, il-ħjar, l-għeneb tal-mejda, il-berquq, iċ-ċirasa għajr iċ-ċirasa qarsa, il-ħawħ inkluż in-nuċiprisk u l-għanbaqar

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 183(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (2) jipprevedi s-sorveljanza tal-importazzjonijiet tal-prodotti elenkati fl-Anness XVIII tiegħu. Din is-sorveljanza għandha titwettaq skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 308d tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (3).

(2)

Għall-finijiet tal-Artikolu 5(4) tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura (4) konkluż fil-qafas tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, u abbażi tal-aħħar dejta disponibbli għall-2012, l-2013 u l-2014, jeħtieġ li jiġu modifikati l-livelli li fihom jiskattaw id-dazji addizzjonali għall-ħjar u ċ-ċirasa, għajr iċ-ċirasa qarsa mill-1 ta' Mejju 2015 u għat-tadam, l-għeneb tal-mejda, il-berquq, il-ħawħ, inkluż in-nuċiprisk u l-għanbaqar mill-1 ta' Ġunju 2015.

(3)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 għandu jiġi emendat skont dan. Għal raġunijiet ta' leġġibbiltà, jeħtieġ li l-Anness XVIII ta' dan ir-Regolament jinbidel fl-intier tiegħu.

(4)

Minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat li din il-miżura tapplika kemm jista' jkun malajr wara li toħroġ id-dejta, jeħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar li jiġi ppubblikat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness XVIII tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, il-livelli li fihom jiskattaw id-dazji addizzjonali għat-tadam, il-ħjar, l-għeneb tal-mejda, il-berquq, iċ-ċirasa għajr iċ-ċirasa qarsa, il-ħawħ inkluż in-nuċiprisk u l-għanbaqar, għandhom jiġu sostitwiti mil-livelli elenkati fil-kolonna korrispondenti ta' dan l-Anness kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(4)  ĠU L 336, 23.12.1994, p. 22.


ANNESS

“ANNESS XVIII

DAZJI ADDIZZJONALI TAL-IMPORTAZZJONI: TITOLU IV, KAPITOLU I, TAQSIMA 2

Bla preġudizzju għar-regoli li jirregolaw l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, id-deskrizzjoni tal-prodotti hija kkunsidrata bħala indikattiva biss. Il-kamp ta' applikazzjoni tad-dazji addizzjonali, għall-finijiet ta' dan l-Anness, huwa ddeterminat abbażi tal-kodiċijiet tan-NM kif ikunu jeżistu fiż-żmien tal-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.

Numru tal-ordni

Kodiċi tan-NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Perjodu tal-applikazzjoni

Livelli tal-iskattar (f'tunnellati)

78.0015

0702 00 00

Tadam

Mill-1 ta' Ottubru sal-31 ta' Mejju

451 045

78.0020

Mill-1 ta' Ġunju sat-30 ta' Settembru

29 768

78.0065

0707 00 05

Ħjar

Mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Ottubru

16 093

78.0075

Mill-1 ta' Novembru sat-30 ta' April

13 271

78.0085

0709 91 00

Qaqoċċ

Mill-1 ta' Novembru sat-30 ta' Ġunju

7 421

78.0100

0709 93 10

Zukkini

Mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru

263 359

78.0110

0805 10 20

Larinġ

Mill-1 ta' Diċembru sal-31 ta' Mejju

251 798

78.0120

0805 20 10

Klementini

Mill-1 ta' Novembru sal-aħħar ta' Frar

81 399

78.0130

0805 20 30

0805 20 50

0805 20 70

0805 20 90

Mandolin (inklużi l-varjetajiet tangerine u satsuma); wilkings u ibridi taċ-ċitru simili

Mill-1 ta' Novembru sal-aħħar ta' Frar

101 160

78.0155

0805 50 10

Lumi

Mill-1 ta' Ġunju sal-31 ta' Diċembru

302 950

78.0160

Mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Mejju

41 410

78.0170

0806 10 10

Għeneb tal-mejda

Mill-21 ta' Lulju sal-20 ta' Novembru

68 450

78.0175

0808 10 80

Tuffieħ

Mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Awwissu

558 203

78.0180

Mill-1 ta' Settembru sal-31 ta' Diċembru

464 902

78.0220

0808 30 90

Lanġas

Mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' April

184 269

78.0235

Mill-1 ta' Lulju sal-31 ta' Diċembru

235 468

78.0250

0809 10 00

Berquq

Mill-1 ta' Ġunju sal-31 ta' Lulju

5 422

78.0265

0809 29 00

Ċirasa, għajr iċ-ċirasa qarsa

Mill-21 ta' Mejju sal-10 ta' Awwissu

29 831

78.0270

0809 30

Ħawħ, inkluż in-nuċiprisk

Mill-11 ta' Ġunju sat-30 ta' Settembru

4 701

78.0280

0809 40 05

Għanbaqar

Mill-11 ta' Ġunju sat-30 ta' Settembru

17 825 ”


30.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/27


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/679

tad-29 ta' April 2015

li jissospendi t-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħażna privata għal-laħam tal-majjal prevista fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/360

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 tal-20 ta' Awwissu 2008 li jipprovdi regoli komuni għall-għotja ta' għajnuna għall-ħażna privata ta' ċerti prodotti agrikoli (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 23(3)(a) u (c) tiegħu,

Billi:

(1)

Analiżi tal-qagħda tas-suq u tal-użu tal-iskema ta' għajnuna għall-ħażna privata tal-laħam tal-majjal prevista fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/360 (3) jagħtu lok għall-possibbiltà li l-iskema tingħalaq. Il-Kummissjoni beħsiebha tibgħat ir-Regolament rispettiv tal-għeluq lill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli biex dan jagħtiha l-opinjoni tiegħu dwaru. Madankollu, din l-intenzjoni fiha nfisha ġġorr ir-riskju li jkun hemm għadd kbir wisq ta' applikazzjonijiet għall-iskema ta' għajnuna.

(2)

Għalhekk, jeħtieġ li jiġi sospiż it-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna prevista fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/360 u li jiġu rrifjutati ċerti applikazzjonijiet li tressqu qabel il-perjodu ta' sospensjoni.

(3)

Sabiex tiġi evitata l-ispekulazzjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/360 għandha tiġi sospiża għall-perjodu mit-2 ta' Mejju 2015 sat-8 ta' Mejju 2015. L-applikazzjonijiet għall-konklużjoni tal-kuntratti li tressqu matul dan il-perjodu m'għandhomx jintlaqgħu.

2.   L-applikazzjonijiet li jitressqu mid-29 ta' April 2015 'il quddiem, li d-deċiżjoni dwar l-aċċettazzjoni tagħhom tkun ittieħdet matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, għandhom jiġu rrifjutati.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 223, 21.8.2008, p. 3.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/360 tal-5 ta' Marzu 2015 li jiftaħ il-ħażna privata għal-laħam tal-majjal u li jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna (ĠU L 62, 6.3.2015, p. 16).


30.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/28


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/680

tad-29 ta' April 2015

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

IL

153,9

MA

89,6

MK

119,9

TR

96,0

ZZ

114,9

0707 00 05

AL

97,3

TR

136,5

ZZ

116,9

0709 93 10

MA

102,7

TR

144,0

ZZ

123,4

0805 10 20

EG

43,6

IL

76,5

MA

53,3

TR

70,3

ZZ

60,9

0805 50 10

TR

57,0

ZZ

57,0

0808 10 80

AR

146,4

BR

107,2

CL

153,9

CN

167,0

MK

31,3

NZ

163,8

US

238,2

UY

92,0

ZA

128,3

ZZ

136,5

0808 30 90

AR

132,8

CL

114,5

NZ

212,0

ZA

124,3

ZM

112,8

ZZ

139,3


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

30.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/30


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/681

tad-29 ta' April 2015

dwar il-pubblikazzjoni tar-referenzi tal-istandard EN ISO 4210, il-partijiet 1-9, għal roti tal-ibliet u tal-ivvjaġġar fit-tul, roti tal-muntanja u roti għat-tiġrijiet, u tal-istandard EN ISO 8098 għal roti għat-tfal żgħar f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/95/KE jeħtieġ li l-produtturi jqiegħdu biss prodotti sikuri fis-suq.

(2)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, prodott għandu jitqies bħala sikur, safejn għandhom x'jaqsmu r-riskji u l-kategoriji tar-riskji koperti bl-istandards nazzjonali rilevanti, meta jkun konformi mal-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva.

(3)

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/95/KE, l-istandards Ewropej huma stabbiliti minn organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni skont mandati stipulati mill-Kummissjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, il-Kummissjoni trid tippubblika r-referenzi ta' dawn l-istandards.

(5)

Fid-29 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/786/UE dwar ir-rekwiżiti ta' sigurtà li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej għar-roti, ir-roti għat-tfal żgħar, u l-mezzi ta' ġarr fuq ir-rota skont id-Direttiva 2001/95/KE (2).

(6)

Fis-6 ta' Settembru 2012, il-Kummissjoni ħarġet il-mandat M/508 lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni biex ifasslu standards Ewropej biex jindirizzaw ir-riskji ewlenin assoċjati ma' roti, roti għat-tfal żgħar, u mezzi ta' ġarr fuq ir-rota.

(7)

Bi tweġiba għall-mandat tal-Kummissjoni l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni adotta sensiela ta' standards ġodda: EN ISO 4210, il-partijiet 1-9 għal roti tal-ibliet u tal-ivvjaġġar fit-tul, roti tal-muntanja u roti għat-tiġrijiet, u l-istandard EN ISO 8098 għal roti għat-tfal żgħar. Dawn jissostitwixxu l-istandards preċedenti EN 14764:2005, EN 14766:2005 u EN 14781:2005.

(8)

L-istandard Ewropew EN ISO 4210, il-partijiet 1-9 u l-istandard Ewropew EN ISO 8098 jissodisfaw il-mandat M/508 u jikkonformaw mar-rekwiżit ta' sigurtà ġenerali tad-Direttiva 2001/95/KE. Ir-referenzi tagħhom għaldaqstant għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(9)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mid-Direttiva 2001/95/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenzi tal-istandards li ġejjin għandhom jiġu ppubblikati fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea:

(a)

EN ISO 4210-1:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 1: “Termini u Definizzjonijiet”;

(b)

EN ISO 4210-2:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 2: “Rekwiżiti għar-roti tal-ibliet u tal-ivvjaġġar fit-tul, taż-żgħażagħ, tal-muntanja u tat-tlielaq”';

(c)

EN ISO 4210-3:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 3: “Metodi ta' ttestjar komuni”;

(d)

EN ISO 4210-4:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 4: “Metodi ta' ttestjar ta' bbrejkjar”;

(e)

EN ISO 4210-5:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 5: “Metodi ta' ttestjar ta' stering”;

(f)

EN ISO 4210-6:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 6: “Metodi ta' ttestjar tal-frejm u tar-riffieda”;

(g)

EN ISO 4210-7:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 7: “Metodi ta' ttestjar tat-tajers u rimmijiet”;

(h)

EN ISO 4210-8:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 8: “Metodi ta' ttestjar tal-pedali u tas-sistema ta' sewqan”;

(i)

EN ISO 4210-9:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 9: “Metodi tas-sarġ u tal-pożizzjoni tas-sedil”;

(j)

EN ISO 8098:2014 “Roti għat-tfal żgħar” — “Rekwiżiti ta' sigurtà u metodi ta' ttestjar”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/786/UE tad-29 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti ta' sigurtà li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej għar-roti, ir-roti għat-tfal żgħar, u l-mezzi ta' ġarr fuq ir-rota skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 319, 2.12.2011, p. 106).


RAKKOMANDAZZJONIJIET

30.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/32


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/682

tad-29 ta' April 2015

dwar is-sorveljanza tal-preżenza tal-perklorat fl-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-perklorat iseħħ b'mod naturali fl-ambjent, b'depożiti tan-nitroġenu u l-potassa, u jista' jiġi ffurmat fl-atmosfera u jippreċipita fil-ħamrija u fl-ilma ta' taħt l-art. Jokkorri wkoll bħala kontaminant ambjentali minħabba l-użu ta' fertilizzanti tan-nitrat u mill-manifattura, mill-użu u mir-rimi tal-perklorat tal-ammonju użat fi propellants tar-rokits, fi splussivi, fil-logħob tan-nar, fi flares u f'neffieħa tal-airbags u fi proċessi industrijali oħra. Il-perklorat jista' jiġi ffurmat ukoll waqt id-degradazzjoni tal-ipoklorit tas-sodju użat sabiex jiddiżinfetta l-ilma u jista' jikkontamina l-provvista tal-ilma. L-ilma, il-ħamrija u l-fertilizzanti huma meqjusa bħala sorsi potenzjali ta' kontaminazzjoni tal-perklorat fl-ikel.

(2)

Il-Bord dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (il-Bord CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ipprovda opinjoni xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa pubblika relatati mal-preżenza tal-perklorat fl-ikel (1). Il-Bord CONTAM ikkonkluda li l-espooniment kroniku għall-perklorat fid-dieta huwa ta' tħassib potenzjali, b'mod partikolari għal dawk li jikkunsmaw livell għoli fil-gruppi tal-età iżgħar tal-popolazzjoni b'defiċenza ta' jodju bejn ħafif u moderat. Barra minn hekk, huwa possibbli li esponiment għall-perklorat fuq medda qasira ta' żmien huwa ta' tħassib għat-trabi u t-tfal żgħar li jiġu mredda' bil-ħalib tas-sider b'livell baxx ta' konsum ta' jodju.

(3)

Il-Bord CONTAM irrakkomanda li hemm bżonn aktar dejta dwar l-okkorrenza tal-perklorat fl-ikel fl-Ewropa, speċjalment fil-ħaxix, fil-formula tat-trabi, fil-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, sabiex tkompli tonqos l-inċertezza fil-valutazzjoni tar-riskju. Instabu livelli għoljin fil-Cucurbitaceae u fil-ħaxix tal-weraq speċjalment dawk imkabbra f'serer/taħt għata. Ma hemmx biżżejjed dejta dwar l-okkorrenza tal-preżenza tal-perklorat fl-ikel b'mod partikolari f'kampjuni tal-ikel meħuda wara l-1 ta' Settembru 2013. Jekk ikun possibbli, l-analiżi tal-perklorat fl-ilma tax-xorb għandha tinkludi wkoll l-ilma tax-xorb li ma jaqax fid-definizzjoni tal-ikel kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Mill-1 ta' Settembru 2013 iddaħħlu fis-seħħ miżuri ta' mitigazzjoni, u d-dejta dwar il-perklorat minn kampjuni meħuda minn hemm 'il quddiem tirrifletti aħjar il-prinċipju “baxx kemm raġonevolment possibbli” b'segwitu tal-prattiki tajbin (jiġifieri l-użu ta' fertilizzanti li fihom livelli baxxi ta' perklorat) u l-preżenza attwali tal-perklorat fl-ikel.

(4)

Huwa għalhekk xieraq li ssir rakkomandazzjoni dwar is-sorveljanza tal-preżenza tal-perklorat fl-ikel

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

Bl-involviment attiv tal-operaturi tan-negozji tal-ikel, l-Istati Membri għandhom jagħmlu sorveljanza għall-preżenza tal-perklorat fl-ikel, u b'mod partikolari:

(a)

fil-frott, fil-ħaxix u fil-prodotti pproċessati minnhom, inkluż il-meraq;

(b)

fl-ikel għal użi nutrittivi partikolari maħsuba għat-trabi u t-tfal żgħar kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);

(c)

fil-ħxejjex aromatiċi mnixxfin u l-ħwawar; fit-tè; fl-infużjonijiet tal-ħxejjex aromatiċi u tal-frott;

(d)

fix-xorb, inkluż fl-ilma tax-xorb.

2.

Sabiex jiġi żgurat li l-kampjuni huma rappreżentattivi tal-lott ikkampjunat, l-Istati Membri għandhom isegwu l-proċeduri stabbiliti fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1882/2006 (4) għall-ħaxix bil-weraq u fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 (5) għal ikel ieħor fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 333/2007.

3.

Dan il-metodu ta' analiżi jipprovdi riżultati affidabbli:

“Quick Method for the Analysis of Residues of numerous Highly Polar Pesticides in Foods of Plant Origin involving Simultaneous Extraction with Methanol and LC-MS/MS Determination (QuPPe-Method) — Version 7.1”. Il-metodu jista' jitniżżel minn: http://www.crl-pesticides.eu/library/docs/srm/meth_QuPPe.pdf

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonsultat l-artiklu “Analysis of Perchlorate in Food Samples of Plant Origin Applying the QuPPe-Method and LC-MS/MS” għax dan jirrapporta kif jiġi integrat il-kontaminant ambjentali perklorat fil-metodu “QuPPe multiresidue” msemmi hawn fuq. Dan l-artiklu jista' jitniżżel minn http://www.analytik-news.de/Fachartikel/Volltext/cvuase2.pdf

Il-limitu ta' kwantifikazzjoni (LOQ, limit of quantification) immirat ma għandux ikun ogħla minn 2 μg/kg għall-analiżi tal-perklorat fl-ikel għat-trabi u t-tfal żgħar, 10 μg/kg f'ikel ieħor u 20 μg/kg fil-ħxejjex aromatiċi mnixxfin, fil-ħwawar, fit-te u fl-infużjonijiet tal-ħxejjex u l-frott.

4.

Bl-involviment attiv tal-operaturi tan-negozji tal-ikel, l-Istati Membri għandhom iwettqu investigazzjonijiet biex jidentifikaw il-fatturi li jirriżultaw fil-preżenza tal-perklorat fl-ikel. B'mod partikolari, l-analiżi tal-preżenza tal-perklorat fil-fertilizzant, fil-ħamrija, fl-irrigazzjoni u fl-ipproċessar tal-ilma hija xierqa f'sitwazzjonijiet meta dawn il-fatturi huma rilevanti.

5.

Fuq bażi regolari u sa mhux aktar tard minn tmiem Frar 2016, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati analitiċi jiġu pprovduti lill-EFSA fil-format tal-preżentazzjoni tad-dejta tal-EFSA f'konformità mar-rekwiżiti tal-Gwida tal-EFSA “Guidance on Standard Sample Description (SSD) for Food and Feed” (6) u mar-rekwiżiti addizzjonali speċifiċi tar-rappurtar tal-EFSA.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Il-Bord CONTAM tal-EFSA (Il-Bord dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel tal-EFSA), 2014. “Scientific Opinion on the risks to public health related to the presence of perchlorate in food, in particular fruits and vegetables”. EFSA Journal 2014;12(10):3869, 106 pp. doi:10.2903/j.efsa.2014.3869.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1882/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi metodi ta' teħid ta' kampjuni u ta' analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta' nitrati f'ċerti oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 25).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta' Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali ta' livelli ta' ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u idrokarburi poliċikliċi aromatiċi fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29).

(6)  http://www.efsa.europa.eu/en/datex/datexsubmitdata.htm