ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 105

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 58
23 ta' April 2015


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLI TA' PROĊEDURA

 

*

Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLI TA' PROĊEDURA

23.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/1


REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-QORTI ĠENERALI

Werrej

DISPOŻIZZJONIJIET PRELIMINARI 10

Artikolu 1

Definizzjonijiet 10

Artikolu 2

Portata ta' dawn ir-Regoli 11

TITOLU I —

FUQ L-ORGANIZZAZZJONI TAL-QORTI ĠENERALI 11

KAPITOLU I —

FUQ IL-MEMBRI TAL-QORTI ĠENERALI 11

Artikolu 3

Funzjonijiet ta' Mħallef u ta' Avukat Ġenerali 11

Artikolu 4

Bidu tal-perijodu tal-mandat tal-Imħallfin 11

Artikolu 5

Teħid ta' ġurament 12

Artikolu 6

Impenn solenni 12

Artikolu 7

Tneħħija mill-kariga ta' Mħallef 12

Artikolu 8

Ordni ta' anzjanità 12

KAPITOLU II —

FUQ IL-PRESIDENZA TAL-QORTI ĠENERALI 12

Artikolu 9

Elezzjoni tal-President u tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali 12

Artikolu 10

Responsabbiltajiet tal-President tal-Qorti Ġenerali 13

Artikolu 11

Responsabbiltajiet tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali 13

Artikolu 12

Impediment tal-President u tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali 13

KAPITOLU III —

FUQ L-AWLI U FUQ IL-KULLEĠĠI ĠUDIKANTI 13

Taqsima 1.

Fuq il-kostituzzjoni tal-awli u fuq il-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti 13

Artikolu 13

Kostituzzjoni tal-awli 13

Artikolu 14

Kulleġġ ġudikanti kompetenti 14

Artikolu 15

Kompożizzjoni tal-Awla Manja 14

Artikolu 16

Astensjoni u eżenzjoni ta' Mħallef 14

Artikolu 17

Impediment ta' Membru tal-kulleġġ ġudikanti 14

Taqsima 2.

Fuq il-Presidenti ta' awla 15

Artikolu 18

Elezzjoni tal-Presidenti ta' awla 15

Artikolu 19

Kompetenzi tal-President ta' awla 15

Artikolu 20

Impediment tal-President ta' awla 15

Taqsima 3.

Fuq id-deliberazzjonijiet 15

Artikolu 21

Modalitajiet tad-deliberazzjonijiet 15

Artikolu 22

Numru ta' Mħallfin li jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet 15

Artikolu 23

Kworum tal-Awla Manja 16

Artikolu 24

Kworum tal-awli kkostitwiti minn tliet Imħallfin jew minn ħames Imħallfin sedenti 16

KAPITOLU IV —

FUQ L-ASSENJAZZJONI U FUQ IR-RIASSENJAZZJONI TAL-KAWŻI, FUQ IN-NOMINA TAL-IMĦALLFIN RELATURI, FUQ IL-KAWŻI MIBGĦUTA QUDDIEM IL-KULLEĠĠI ĠUDIKANTI U FUQ IL-KAWŻI MGĦODDIJA LILL-IMĦALLEF UNIKU 16

Artikolu 25

Kriterji ta' assenjazzjoni 16

Artikolu 26

Assenjazzjoni inizjali ta' kawża u nomina tal-Imħallef Relatur 16

Artikolu 27

Nomina ta' Mħallef Relatur ġdid u riassenjazzjoni ta' kawża 17

Artikolu 28

Kawża mibgħuta quddiem awla kkostitwita min-numru differenti ta' Mħallfin sedenti 17

Artikolu 29

Kawża mgħoddija lill-Imħallef uniku 17

KAPITOLU V —

FUQ IN-NOMINA TAL-AVUKATI ĠENERALI 18

Artikolu 30

Meta jiġi nnominat Avukat Ġenerali 18

Artikolu 31

Modalitajiet tan-nomina ta' Avukat Ġenerali 18

KAPITOLU VI —

FUQ IR-REĠISTRU 18

Taqsima 1.

Fuq ir-Reġistratur 18

Artikolu 32

Ħatra tar-Reġistratur 18

Artikolu 33

Assistent Reġistratur 19

Artikolu 34

Impediment tar-Reġistratur u tal-Assistent Reġistratur 19

Artikolu 35

Responsabbiltajiet tar-Reġistratur 19

Artikolu 36

Żamma ta' reġistru 19

Artikolu 37

Konsultazzjoni tar-reġistru 20

Artikolu 38

Aċċess għall-proċess tal-kawża 20

Taqsima 2.

Fuq id-dipartimenti 20

Artikolu 39

Uffiċjali u membri oħra tal-persunal 20

KAPITOLU VII —

FUQ IL-FUNZJONAMENT TAL-QORTI ĠENERALI 20

Artikolu 40

Post fejn jinżammu s-seduti tal-Qorti Ġenerali 20

Artikolu 41

Kalendarju tal-ħidma tal-Qorti Ġenerali 20

Artikolu 42

Laqgħa plenarja 21

Artikolu 43

Redazzjoni tal-proċessi verbali 21

TITOLU II —

FUQ IS-SISTEMA LINGWISTIKA 21

Artikolu 44

Lingwi tal-kawża 21

Artikolu 45

Determinazzjoni tal-lingwa tal-kawża 21

Artikolu 46

Użu tal-lingwa tal-kawża 22

Artikolu 47

Responsabbiltà tar-Reġistratur fil-qasam lingwistiku 22

Artikolu 48

Sistema lingwistika tal-pubblikazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali 23

Artikolu 49

Testi awtentiċi 23

TITOLU III —

FUQ IR-RIKORSI DIRETTI 23

Artikolu 50

Kamp ta' applikazzjoni 23

KAPITOLU I —

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI 23

Taqsima 1.

Fuq ir-rappreżentanza tal-partijiet 23

Artikolu 51

Obbligu ta' rappreżentanza 23

Taqsima 2.

Fuq id-drittijiet u l-obbligi tar-rappreżentanti tal-partijiet 23

Artikolu 52

Privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet 23

Artikolu 53

Kwalità ta' rappreżentanti tal-partijiet 24

Artikolu 54

Tneħħija tal-immunità 24

Artikolu 55

Esklużjoni mill-proċedura 24

Artikolu 56

Għalliema tal-università 24

Taqsima 3.

Fuq in-notifiki 24

Artikolu 57

Modi ta' notifika 24

Taqsima 4.

Fuq it-termini 25

Artikolu 58

Kalkolu tat-termini 25

Artikolu 59

Rikors kontra att ta' istituzzjoni ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea 25

Artikolu 60

Terminu għal raġuni ta' distanza 25

Artikolu 61

Iffissar u proroga ta' termini 26

Artikolu 62

Atti proċedurali ppreżentati wara l-iskadenza tat-terminu 26

Taqsima 5.

Fuq l-iżvolġiment tal-proċedura u fuq it-trattament tal-kawżi 26

Artikolu 63

Żvolġiment tal-proċedura 26

Artikolu 64

Natura kontradittorja tal-proċedura 26

Artikolu 65

Notifika tal-atti proċedurali u tad-deċiżjonijiet meħuda fil-mori tal-kawża 26

Artikolu 66

Anonimat u ommissjoni ta' ċerta informazzjoni fil-konfront tal-pubbliku 26

Artikolu 67

Ordni tat-trattament tal-kawżi 26

Artikolu 68

Kawżi magħquda 27

Artikolu 69

Każijiet ta' sospensjoni 27

Artikolu 70

Deċiżjoni ta' sospensjoni u deċiżjoni ta' tkomplija 27

Artikolu 71

Tul u effetti tas-sospensjoni 27

KAPITOLU II —

FUQ L-ATTI PROĊEDURALI 28

Artikolu 72

Regoli komuni dwar il-preżentata tal-atti proċedurali 28

Artikolu 73

Preżentata fir-Reġistru ta' att proċedurali fuq karta 28

Artikolu 74

Preżentata b'mezzi elettroniċi 28

Artikolu 75

Tul tan-noti 28

KAPITOLU III —

FUQ IL-FAŻI BIL-MIKTUB TAL-PROĊEDURA 29

Artikolu 76

Kontenut tar-rikors 29

Artikolu 77

Informazzjoni dwar in-notifiki 29

Artikolu 78

Annessi mar-rikors 29

Artikolu 79

Avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea 29

Artikolu 80

Notifika tar-rikors 30

Artikolu 81

Risposta 30

Artikolu 82

Trażmissjoni ta' dokumenti 30

Artikolu 83

Replika u kontroreplika 30

KAPITOLU IV —

FUQ IL-MOTIVI, FUQ IL-PROVI U FUQ L-ADATTAMENT TAR-RIKORS 30

Artikolu 84

Motivi ġodda 30

Artikolu 85

Provi u provi proposti 31

Artikolu 86

Adattament tar-rikors 31

KAPITOLU V —

FUQ IR-RAPPORT PRELIMINARI 32

Artikolu 87

Rapport preliminari 32

KAPITOLU VI —

FUQ IL-MIŻURI TA' ORGANIZZAZZJONI TAL-PROĊEDURA U FUQ IL-MIŻURI ISTRUTTORJI 32

Artikolu 88

Punti ġenerali 32

Taqsima 1.

Fuq il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura 32

Artikolu 89

Skop 32

Artikolu 90

Proċedura 33

Taqsima 2.

Fuq il-miżuri istruttorji 33

Artikolu 91

Skop 33

Artikolu 92

Proċedura 33

Artikolu 93

Taħrika tax-xhieda 34

Artikolu 94

Eżami tax-xhieda 34

Artikolu 95

Obbligi tax-xhieda 34

Artikolu 96

Perizja 34

Artikolu 97

Ġurament tax-xhieda u tal-periti 35

Artikolu 98

Ksur tal-ġurament tax-xhieda u tal-periti 35

Artikolu 99

Rikuża ta' xhud jew ta' perit 35

Artikolu 100

Spejjeż tax-xhieda u tal-periti 35

Artikolu 101

Ittra rogatorja 35

Artikolu 102

Proċess verbal tas-seduti istruttorji 36

Taqsima 3.

Trattament tal-informazzjoni, tal-annessi u tad-dokumenti kunfidenzjali prodotti fil-kuntest tal-miżuri istruttorji 36

Artikolu 103

Trattament ta' informazzjoni u ta' annessi kunfidenzjali 36

Artikolu 104

Dokumenti li l-aċċess għalihom ikun ġie miċħud minn istituzzjoni 37

KAPITOLU VII —

FUQ L-INFORMAZZJONI JEW L-ANNESSI LI JOLQTU S-SIGURTÀ TAL-UNJONI JEW TA' WIEĦED JEW IKTAR MILL-ISTATI MEMBRI TAGĦHA JEW IT-TMEXXIJA TAR-RELAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI TAGĦHOM 37

Artikolu 105

Trattament tal-informazzjoni jew tal-annessi li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni jew ta' wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom 37

KAPITOLU VIII —

FUQ IL-FAŻI ORALI TAL-PROĊEDURA 38

Artikolu 106

Fażi orali tal-proċedura 38

Artikolu 107

Data tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali 38

Artikolu 108

Assenza tal-partijiet mis-seduta għas-sottomissjonijiet orali 38

Artikolu 109

Seduta bil-magħluq 39

Artikolu 110

Żvolġiment tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali 39

Artikolu 111

Għeluq tal-fażi orali tal-proċedura 39

Artikolu 112

Preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali 39

Artikolu 113

Ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura 39

Artikolu 114

Proċess verbal tas-seduta 39

Artikolu 115

Reġistrazzjoni awdjo tas-seduta 40

KAPITOLU IX —

FUQ IS-SENTENZI U FUQ ID-DIGRIETI 40

Artikolu 116

Data tal-għoti tas-sentenza 40

Artikolu 117

Kontenut tas-sentenza 40

Artikolu 118

Għoti u notifika tas-sentenza 40

Artikolu 119

Kontenut tad-digriet 40

Artikolu 120

Firma u notifika tad-digriet 41

Artikolu 121

Saħħa vinkolanti tas-sentenzi u tad-digrieti 41

Artikolu 122

Pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea 41

KAPITOLU X —

FUQ IS-SENTENZI FIL-KONTUMAĊJA 41

Artikolu 123

Sentenzi fil-kontumaċja 41

KAPITOLU XI —

FUQ IL-FTEHIM BONARJU U FUQ IR-RINUNZJA GĦALL-ATTI 42

Artikolu 124

Ftehim bonarju 42

Artikolu 125

Rinunzja għall-atti 42

KAPITOLU XII —

FUQ IR-RIKORSI U L-KWISTJONIJIET PROĊEDURALI MAQTUGĦA PERMEZZ TA' DIGRIET 42

Artikolu 126

Rikors li manifestament ikun ser jiġi miċħud 42

Artikolu 127

Riferiment ta' kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 42

Artikolu 128

Astensjoni 42

Artikolu 129

Eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà ta' ordni pubbliku 43

Artikolu 130

Eċċezzjonijiet u kwistjonijiet proċedurali 43

Artikolu 131

Konstatazzjoni ex officio li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni 43

Artikolu 132

Rikors manifestament fondat 43

KAPITOLU XIII —

FUQ L-ISPEJJEŻ U L-ISPEJJEŻ PROĊEDURALI 44

Artikolu 133

Deċiżjoni dwar l-ispejjeż 44

Artikolu 134

Regoli ġenerali dwar it-tqassim tal-ispejjeż 44

Artikolu 135

Ekwità u spejjeż fiergħa jew vessatorji 44

Artikolu 136

Spejjeż fil-każ ta' rinunzja għall-atti 44

Artikolu 137

Spejjeż fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni 44

Artikolu 138

Spejjeż tal-intervenjenti 44

Artikolu 139

Spejjeż proċedurali 45

Artikolu 140

Spejjeż li jistgħu jinġabru 45

Artikolu 141

Modalitajiet tal-ħlas 45

KAPITOLU XIV —

FUQ L-INTERVENT 45

Artikolu 142

Għan u effetti tal-intervent 45

Artikolu 143

Talba għal intervent 45

Artikolu 144

Deċiżjoni dwar it-talba għal intervent 46

Artikolu 145

Preżentata ta' noti 46

KAPITOLU XV —

FUQ L-GĦAJNUNA LEGALI 47

Artikolu 146

Punti ġenerali 47

Artikolu 147

Talba għal għajnuna legali 47

Artikolu 148

Deċiżjoni dwar it-talba għal għajnuna legali 47

Artikolu 149

Ħlasijiet bil-quddiem u teħid ta' responsabbiltà għall-ispejjeż 48

Artikolu 150

Irtirar tal-għajnuna legali 48

KAPITOLU XVI —

FUQ IL-PROĊEDURI B'URĠENZA 49

Taqsima 1.

Fuq il-proċedura mħaffa 49

Artikolu 151

Deċiżjoni dwar il-proċedura mħaffa 49

Artikolu 152

Talba għal proċedura mħaffa 49

Artikolu 153

Trattament bi prijorità 49

Artikolu 154

Fażi bil-miktub tal-proċedura 49

Artikolu 155

Fażi orali tal-proċedura 50

Taqsima 2.

Fuq is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u fuq il-proċeduri għal miżuri provviżorji oħra 50

Artikolu 156

Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji oħra 50

Artikolu 157

Proċedura 50

Artikolu 158

Deċiżjoni dwar it-talba 50

Artikolu 159

Bidla fiċ-ċirkustanzi 51

Artikolu 160

Talba ġdida 51

Artikolu 161

Talba mressqa taħt l-Artikoli 280 TFUE, 299 TFUE u 164 TKEE 51

KAPITOLU XVII —

FUQ IT-TALBIET LI JIKKONĊERNAW IS-SENTENZI U D-DIGRIETI 51

Artikolu 162

Assenjazzjoni tat-talba 51

Artikolu 163

Sospensjoni tal-proċedura 51

Artikolu 164

Rettifika ta' sentenzi jew ta' digrieti 52

Artikolu 165

Nuqqas li tingħata deċiżjoni 52

Artikolu 166

Oppożizzjoni għal sentenza fil-kontumaċja 52

Artikolu 167

Oppożizzjoni minn terzi 52

Artikolu 168

Interpretazzjoni ta' sentenzi u ta' digrieti 53

Artikolu 169

Reviżjoni 53

Artikolu 170

Kontestazzjoni dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru 54

TITOLU IV —

FUQ IL-KAWŻI DWAR ID-DRITTIJIET TA' PROPRJETÀ INTELLETTWALI 54

Artikolu 171

Kamp ta' applikazzjoni 54

KAPITOLU I —

FUQ IL-PARTIJIET FIL-PROĊEDURA 54

Artikolu 172

Konvenut 54

Artikolu 173

Status quddiem il-Qorti Ġenerali tal-partijiet l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell 54

Artikolu 174

Sostituzzjoni ta' parti 55

Artikolu 175

Talba għal sostituzzjoni 55

Artikolu 176

Deċiżjoni dwar it-talba għal sostituzzjoni 55

KAPITOLU II —

FUQ IR-RIKORS U FUQ IR-RISPOSTI 56

Artikolu 177

Rikors 56

Artikolu 178

Notifika tar-rikors 56

Artikolu 179

Partijiet li jistgħu jippreżentaw risposta 57

Artikolu 180

Risposta 57

Artikolu 181

Għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura 57

KAPITOLU III —

FUQ IR-RIKORS INĊIDENTALI 57

Artikolu 182

Rikors inċidentali 57

Artikolu 183

Kontenut tar-rikors inċidentali 57

Artikolu 184

Talbiet, motivi u argumenti tar-rikors inċidentali 58

Artikolu 185

Risposta għar-rikors inċidentali 58

Artikolu 186

Għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura 58

Artikolu 187

Relazzjoni bejn ir-rikors prinċipali u r-rikors inċidentali 58

KAPITOLU IV —

ASPETTI OĦRA TAL-PROĊEDURA 58

Artikolu 188

Suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali 58

Artikolu 189

Tul tan-noti 58

Artikolu 190

Deċiżjoni dwar l-ispejjeż 58

Artikolu 191

Dispożizzjonijiet oħra applikabbli 59

TITOLU V —

FUQ L-APPELLI MID-DEĊIŻJONIJIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU 59

Artikolu 192

Kamp ta' applikazzjoni 59

KAPITOLU I —

FUQ IR-RIKORS TAL-APPELL 59

Artikolu 193

Preżentata tar-rikors tal-appell 59

Artikolu 194

Kontenut tar-rikors tal-appell 59

Artikolu 195

Talbiet, aggravji u argumenti tal-appell 60

Artikolu 196

Talbiet fil-każ li jintlaqa' l-appell 60

KAPITOLU II —

FUQ IR-RISPOSTA GĦALL-APPELL, IR-REPLIKA U L-KONTROREPLIKA 60

Artikolu 197

Notifika tal-appell 60

Artikolu 198

Partijiet li jistgħu jippreżentaw risposta għall-appell 60

Artikolu 199

Kontenut tar-risposta għall-appell 60

Artikolu 200

Talbiet tar-risposta għall-appell 61

Artikolu 201

Replika u kontroreplika 61

KAPITOLU III —

FUQ L-APPELL INĊIDENTALI 61

Artikolu 202

Appell inċidentali 61

Artikolu 203

Kontenut tal-appell inċidentali 61

Artikolu 204

Talbiet, aggravji u argumenti tal-appell inċidentali 61

KAPITOLU IV —

FUQ IN-NOTI SUSSEGWENTI GĦALL-APPELL INĊIDENTALI 62

Artikolu 205

Risposta għall-appell inċidentali 62

Artikolu 206

Replika u kontroreplika wara appell inċidentali 62

KAPITOLU V —

FUQ IL-FAŻI ORALI TAL-PROĊEDURA 62

Artikolu 207

Fażi orali tal-proċedura 62

KAPITOLU VI —

FUQ L-APPELLI MAQTUGĦA PERMEZZ TA' DIGRIET 62

Artikolu 208

Appell manifestament inammissibbli jew manifestament infondat 62

Artikolu 209

Appell manifestament fondat 62

KAPITOLU VII —

FUQ IL-KONSEGWENZI TAT-TĦASSIR TAL-APPELL PRINĊIPALI GĦALL-APPELL INĊIDENTALI 63

Artikolu 210

Konsegwenzi ta' rinunzja għall-atti jew ta' inammissibbiltà manifesta tal-appell prinċipali fuq l-appell inċidentali 63

KAPITOLU VIII —

FUQ L-ISPEJJEŻ U L-ISPEJJEŻ PROĊEDURALI FL-APPELLI 63

Artikolu 211

Deċiżjoni dwar l-ispejjeż fl-appelli 63

KAPITOLU IX —

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA APPLIKABBLI GĦALL-APPELLI 63

Artikolu 212

Tul tan-noti 63

Artikolu 213

Dispożizzjonijiet oħra applikabbli għall-appelli 63

KAPITOLU X —

FUQ L-APPELL MID-DEĊIŻJONIJIET LI JIĊĦDU TALBA GĦAL INTERVENT U MID-DEĊIŻJONIJIET MEĦUDA FIL-KUNTEST TA' PROĊEDURA GĦAL MIŻURI PROVVIŻORJI 64

Artikolu 214

Appell mid-deċiżjonijiet li jiċħdu talba għal intervent u mid-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest ta' proċedura għal miżuri provviżorji 64

TITOLU VI —

FUQ IL-PROĊEDURI WARA LI KAWŻA TINTBAGĦAT LURA 64

KAPITOLU I —

FUQ ID-DEĊIŻJONIJIET TAL-QORTI ĠENERALI MOGĦTIJA META KAWŻA TINTBAGĦAT LURA QUDDIEMHA WARA ANNULLAMENT 64

Artikolu 215

Annullament u kawża mibgħuta lura mill-Qorti tal-Ġustizzja 64

Artikolu 216

Assenjazzjoni tal-kawża 64

Artikolu 217

Żvolġiment tal-proċedura 64

Artikolu 218

Regoli applikabbli għall-proċedura 64

Artikolu 219

Spejjeż 65

KAPITOLU II —

FUQ ID-DEĊIŻJONIJIET TAL-QORTI ĠENERALI MOGĦTIJA META KAWŻA TINTBAGĦAT LURA QUDDIEMHA WARA EŻAMI MILL-ĠDID 65

Artikolu 220

Eżami mill-ġdid u kawża mibgħuta lura mill-Qorti tal-Ġustizzja 65

Artikolu 221

Assenjazzjoni tal-kawża 65

Artikolu 222

Żvolġiment tal-proċedura 65

Artikolu 223

Spejjeż 65
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI 65

Artikolu 224

Dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni 65

Artikolu 225

Infurzar 65

Artikolu 226

Tħassir 66

Artikolu 227

Pubblikazzjoni u dħul fis-seħħ ta' dawn ir-Regoli 66

REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-QORTI ĠENERALI

Il-QORTI ĠENERALI,

wara li rat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 19 tiegħu,

wara li rat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 254 tiegħu,

wara li rat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u, b'mod partikolari, l-Artikolu 106a(1) tiegħu,

wara li rat il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, is-sitt paragrafu tal-Artikolu 19 tiegħu, l-Artikolu 63 tiegħu u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 64 tiegħu,

billi tikkunsidra li:

(1)

Ir-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta' Mejju 1991 ġew emendati diversi drabi sabiex, permezz ta' interventi suċċessivi, il-qorti tingħata dispożizzjonijiet li jippermettulha tittratta fl-aħjar kundizzjonijiet il-kawżi ta' natura differenti u li jaqgħu f'oqsma dejjem iktar varjati.

(2)

Hija meħtieġa reviżjoni kompleta tat-test sabiex dan il-korp ta' regoli jingħata koerenza ġdida, sabiex tiġi ffavorizzata l-omoġeneità tad-dispożizzjonijiet proċedurali li jirregolaw il-kawżi mressqa quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea, sabiex titħares il-kapaċità tal-qorti li tiddeċiedi fi żmien raġonevoli, sabiex jiġu kkjarifikati d-drittijiet irrikonoxxuti lill-partijiet, sabiex jiġi ppreċiżat x'tistenna l-qorti min-naħa tar-rappreżentanti tal-partijiet u sabiex numru ta' dispożizzjonijiet jiġu adattati sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti żviluppi, inklużi dawk teknoloġiċi, fir-rigward tal-preżentata u tan-notifika ta' atti proċedurali, u d-diffikultajiet affaċċjati fl-implementazzjoni tagħhom.

(3)

Ir-rikorsi ppreżentati fil-qasam tal-proprjetà intellettwali u l-appelli mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea għandhom, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, ikunu suġġetti għal regoli proċedurali partikolari miġbura f'titoli speċifiċi, filwaqt li mill-bqija għandhom jibqgħu rregolati mid-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli għar-rikorsi diretti. Għaldaqstant, ir-regoli dwar ir-rikorsi diretti, dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-proprjetà intellettwali u dwar l-appelli jikkostitwixxu l-parti ewlenija ta' dawn ir-Regoli.

(4)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba, deher barra minn hekk neċessarju li jiġu kkompletati jew ikkjarifikati, għall-benefiċċju tal-individwi, ir-regoli applikabbli għal kull waħda mill-proċeduri. Dawn jikkonċernaw, b'mod partikolari, il-portata tad-drittijiet mogħtija lill-partijiet prinċipali u l-portata tad-drittijiet irrikonoxxuti lill-intervenjenti jew, fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali, il-kisba tal-istatus ta' intervenjent u l-portata tad-drittijiet ta' dan tal-aħħar. L-osservanza tal-prinċipju ta' kontradittorju u l-ħtieġa, f'ċerti sitwazzjonijiet, li titħares il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni sensittiva, li tkun rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża, huma s-suġġett ta' dispożizzjonijiet speċifiċi. Fir-rigward tal-appelli mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għandha barra minn hekk issir distinzjoni iktar ċara bejn l-appelli prinċipali u dawk inċidentali, ippreżentati wara n-notifika ta' appell prinċipali. Fir-rigward tal-kawżi li jaqgħu fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, għandha ssir distinzjoni simili bejn ir-rikors inizjali u r-rikors inċidentali ppreżentat mill-intervenjent wara n-notifika tar-rikors promotur.

(5)

L-implementazzjoni ta' ċerti proċeduri wriet il-kumplessità eċċessiva tagħhom. Għaldaqstant, dawn il-proċeduri għandhom jiġu ssemplifikati. F'dan is-sens, ir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-lingwa tal-kawża fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali jipprovdu għal iktar prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet, għall-benefiċċju tal-persuni kkonċernati, u jħaffu t-trattament min-naħa tal-qorti. Ir-regoli dwar il-proċedura fil-kontumaċja huma maħsuba sabiex jippermettu li l-kawża tinqata' b'mod iktar imħaffef, fl-interess tar-rikorrent li, meta jirbaħ il-kawża, ikun espost għar-riskju ta' oppożizzjoni mressqa mill-konvenut kontumaċi.

(6)

Għal finijiet ta' ċarezza, it-talbiet kollha dwar is-sentenzi u d-digrieti, li attwalment jinsabu mxerrda f'numru ta' titoli u kapitoli sseparati tar-Regoli tal-Proċedura, għandhom jinġabru fit-titolu dwar ir-rikorsi diretti. Bl-istess mod, sabiex jiġi ffaċilitat il-qari tat-test, il-proċeduri meta kawża tintbagħat lura mill-Qorti tal-Ġustizzja, wara annullament jew eżami mill-ġdid, qegħdin jiġu ppreżentati f'titolu separat iddedikat għalihom biss.

(7)

Minkejja li qed ikollha taffaċċja numru dejjem ikbar ta' kawżi, il-qorti għandha tibqa' tagħti d-deċiżjonijiet tagħha fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jitkomplew l-isforzi magħmula sabiex jitnaqqas it-tul tal-proċeduri li jiżvolġu quddiemha, b'mod partikolari billi jiġi previst li l-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali għandha tkun limitata għal skambju wieħed ta' noti, billi jiġu rregolati t-talbiet għall-adattament tat-talbiet li jinsabu fir-rikors, billi jitqassru ċerti termini legali, billi jiġu ssemplifikati r-regoli dwar l-intervent bl-eliminazzjoni tal-kategorija tal-interventi li jistgħu jiġu ammessi wara l-iskadenza tat-terminu legali ta' sitt ġimgħat mill-pubblikazzjoni tal-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, billi tiġi prevista l-possibbiltà, għall-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura fir-rikorsi diretti meta ebda waħda mill-partijiet prinċipali ma tkun talbet li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali u meta tqis li l-annessi fil-proċess tal-kawża jagħtuha biżżejjed informazzjoni, kif ukoll il-possibbiltà li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura fl-appelli, billi jiġu estiżi l-kompetenzi deċiżjonali tal-Presidenti ta' awla u, fl-aħħar nett, billi jiżdied in-numru tal-każijiet meta tista' tittieħed sempliċi deċiżjoni.

(8)

Għal dan l-istess għan, it-titolu dwar l-organizzazzjoni tal-Qorti Ġenerali qiegħed jiġi kkompletat b'dispożizzjonijiet maħsuba, b'mod partikolari, sabiex jispeċifikaw il-każijiet meta kawża tista' tiġi riassenjata u sabiex jestendu l-kompetenzi tal-Imħallef uniku b'tali mod li jkun jista' jieħu konjizzjoni ta' kawżi dwar proprjetà intellettwali.

(9)

L-iżvolġiment tal-proċedura b'osservanza tal-prinċipju ta' kontradittorju huwa kkonfermat bl-affermazzjoni ta' dan il-prinċipju f'artikolu speċifiku kif ukoll bl-istabbiliment ta' regoli stretti dwar il-każijiet meta l-ħarsien tal-kunfidenzjalità ta' ċerta informazzjoni mogħtija minn parti prinċipali li tkun indispensabbli sabiex tinqatal-kawża jiġġustifika, b'mod eċċezzjonali, li din l-informazzjoni ma tiġix ikkomunikata lill-parti prinċipali l-oħra. Barra minn hekk, dispożizzjonijiet ġodda jagħtu lill-qorti qafas formali li jirregola s-sitwazzjonijiet meta Mħallef jastjeni jew ikun skużat. Ir-riforma hija intiża wkoll li tgħolli għal-livell regolatorju dispożizzjonijiet li kienu diġà jeżistu qabel fl-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet, bħal dik dwar it-tul tan-noti, jew fl-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, bħal dik dwar l-anonimat u dik li tispeċifika l-kundizzjonijiet li fihom terz jista' jkollu aċċess għall-proċess tal-kawża.

(10)

Fl-aħħar nett, sabiex it-test ikun jista' jinqara b'iktar faċilità, tneħħew ċerti regoli li ma baqgħux jintużaw jew li ma jiġux applikati, ġew enumerati l-paragrafi kollha tal-artikoli ta' dawn ir-Regoli, ingħata titolu speċifiku għal kull wieħed mill-artikoli u ġie armonizzat il-kliem użat,

bil-kunsens tal-Qorti tal-Ġustizzja,

bl-approvazzjoni tal-Kunsill mogħtija fl-10 ta' Frar 2015,

TADOTTA DAWN IR-REGOLI:

DISPOŻIZZJONIJIET PRELIMINARI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.   F'dawn ir-Regoli:

(a)

id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huma indikati bin-numru tal-artikolu kkonċernat tat-Trattat imsemmi, segwit bl-akronimu “TUE”;

(b)

id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma indikati bin-numru tal-artikolu kkonċernat tat-Trattat imsemmi, segwit bl-akronimu “TFUE”;

(c)

id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika huma indikati bin-numru tal-artikolu kkonċernat tat-Trattat imsemmi, segwit bl-akronimu “TKEEA”;

(d)

il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa msejjaħ “Statut”;

(e)

il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1) huwa msejjaħ il-“Ftehim ŻEE”;

(f)

ir-Regolament Nru 1 tal-Kunsill, tal-15 ta' April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (2), huwa msejjaħ ir-“Regolament Nru 1 tal-Kunsill”.

2.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dawn ir-Regoli:

(a)

“Tribunal” tfisser, fir-rigward tal-kawżi assenjati lil jew mibgħuta quddiem awla, din l-awla u, fir-rigward tal-kawżi mgħoddija jew assenjati lil Imħallef uniku, dan tal-aħħar;

(b)

“President”, użata mingħajr ebda indikazzjoni oħra, tfisser:

fir-rigward tal-kawżi li jkunu għadhom ma ġewx assenjati lil kulleġġ ġudikanti, il-President tal-Qorti Ġenerali;

fir-rigward tal-kawżi assenjati lill-awli, il-President tal-awla li lilha tkun ġiet assenjata l-kawża;

fir-rigward tal-kawżi mgħoddija jew assenjati lill-Imħallef uniku, dan l-Imħallef;

(c)

“parti” u “partijiet”, użati mingħajr ebda indikazzjoni oħra, ifissru kull parti fl-istanza, inklużi l-intervenjenti;

(d)

“parti prinċipali” u “partijiet prinċipali” jfissru, skont il-każ, ir-rikorrent jew il-konvenut jew it-tnejn li huma;

(e)

“rappreżentanti tal-partijiet” tfisser l-avukati u l-aġenti, liema aġenti jistgħu jkunu assistiti minn konsulent jew minn avukat, li jirrappreżentaw lill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 19 tal-Istatut;

(f)

“istituzzjoni” u “istituzzjonijiet” ifissru l-istituzzjonijiet tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 13(1) TUE u l-korpi jew l-organi maħluqa mit-Trattati jew minn att adottat b'eżekuzzjoni tagħhom u li jistgħu jidhru quddiem il-Qorti Ġenerali;

(g)

“Uffiċċju” tfisser, skont il-każ, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jew l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti;

(h)

“Awtorità ta' Sorveljanza EFTA” tfisser l-awtorità ta' sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles, imsemmija fil-Ftehim ŻEE;

(i)

“rikorsi diretti” tfisser ir-rikorsi ppreżentati fuq il-bażi tal-Artikoli 263 TFUE, 265 TFUE, 268 TFUE u 272 TFUE.

Artikolu 2

Portata ta' dawn ir-Regoli

Id-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli jimplementaw u jikkompletaw, sa fejn huwa meħtieġ, id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-TUE, tat-TFUE u tat-TKEEA, kif ukoll l-Istatut.

TITOLU I

FUQ L-ORGANIZZAZZJONI TAL-QORTI ĠENERALI

Kapitolu I

FUQ IL-MEMBRI TAL-QORTI ĠENERALI

Artikolu 3

Funzjonijiet ta' Mħallef u ta' Avukat Ġenerali

1.   Il-Membri kollha tal-Qorti Ġenerali jeżerċitaw, bħala prinċipju, il-funzjonijiet ta' Mħallef.

2.   Il-Membri tal-Qorti Ġenerali huma minn hawn 'il quddiem imsejħa “Mħallfin”.

3.   Kull Imħallef, bl-eċċezzjoni tal-President, tal-Viċi President u tal-Presidenti ta' awla tal-Qorti Ġenerali, jista' jeżerċita, f'kawża partikolari, il-funzjonijiet ta' Avukat Ġenerali fil-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikoli 30 u 31.

4.   Ir-referenzi f'dawn ir-Regoli għal Avukat Ġenerali huma applikabbli biss għall-każijiet meta Mħallef jkun ġie nnominat bħala Avukat Ġenerali.

Artikolu 4

Bidu tal-perijodu tal-mandat tal-Imħallfin

Il-mandat ta' Mħallef jibda jiddekorri fid-data indikata għal dan il-għan fl-att tal-ħatra. Jekk dan l-att ma jindikax id-data meta jibda l-perijodu tal-mandat, dan il-perijodu għandu jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Teħid ta' ġurament

Qabel jassumu l-kariga tagħhom, l-Imħallfin għandhom jieħdu l-ġurament segwenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, previst fl-Artikolu 2 tal-Istatut:

“Jiena naħlef li nwettaq id-dmirijiet tiegħi b'imparzjalità sħiħa u skont il-kuxjenza; jiena naħlef li nħares is-segretezza tad-deliberazzjonijiet.”

Artikolu 6

Impenn solenni

Minnufih wara li jieħdu l-ġurament, l-Imħallfin għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni li biha jintrabtu solennement kif previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Istatut.

Artikolu 7

Tneħħija mill-kariga ta' Mħallef

1.   Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab, taħt l-Artikolu 6 tal-Istatut, tiddeċiedi, wara li tikkonsulta lill-Qorti Ġenerali, dwar jekk Imħallef ikunx għadu fil-pussess tar-rekwiżiti meħtieġa jew jekk ikunx għadu jissodisfa l-obbligi tal-kariga tiegħu, il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jistieden lill-Imħallef ikkonċernat sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu mingħajr il-preżenza tar-Reġistratur.

2.   L-opinjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tkun motivata.

3.   L-opinjoni li tikkonstata li Mħallef ma għadux fil-pussess tar-rekwiżiti meħtieġa jew ma għadux jissodisfa l-obbligi tal-kariga tiegħu għandha tkun sostnuta minn tal-inqas mill-maġġoranza tal-voti tal-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 48 tal-Istatut. F'dan il-każ, id-distribuzzjoni tal-voti għandha tiġi kkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.   Il-vot għandu jkun sigriet, mingħajr il-preżenza tar-Reġistratur, u l-Imħallef ikkonċernat ma jiħux sehem fid-deliberazzjonijiet.

Artikolu 8

Ordni ta' anzjanità

1.   L-anzjanità tal-Imħallfin tibda tiġi kkalkolata minn meta jassumu l-kariga tagħhom.

2.   Fil-każ tal-istess anzjanità fil-kariga, hija l-età li tiddetermina l-ordni ta' anzjanità.

3.   L-Imħallfin li l-mandat tagħhom jiġġedded iżommu l-pożizzjoni preċedenti tagħhom fl-ordni ta' anzjanità.

Kapitolu II

FUQ IL-PRESIDENZA TAL-QORTI ĠENERALI

Artikolu 9

Elezzjoni tal-President u tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali

1.   Minnufih wara t-tibdil parzjali previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE, l-Imħallfin għandhom jeleġġu, għal perijodu ta' tliet snin, wieħed minn fosthom bħala l-President tal-Qorti Ġenerali.

2.   Fil-każ li l-mandat tal-President tal-Qorti Ġenerali jintemm qabel ma jispiċċa t-terminu normali tal-kariga tiegħu, huwa għandu jiġi ssostitwit għall-perijodu li jkun fadal.

3.   Fl-elezzjonijiet previsti f'dan l-artikolu, il-vot għandu jkun sigriet. Jiġi elett l-Imħallef li jikseb il-voti ta' iktar minn nofs l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 48 tal-Istatut. Jekk ebda wieħed mill-Imħallfin ma jikseb din il-maġġoranza, għandhom isiru iktar votazzjonijiet sakemm tintlaħaq din il-maġġoranza.

4.   L-Imħallfin għandhom imbagħad jeleġġu, għal perijodu ta' tliet snin, wieħed minn fosthom bħala l-Viċi President tal-Qorti Ġenerali, skont il-modalitajiet previsti fil-paragrafu 3. Il-paragrafu 2 huwa applikabbli fil-każ li l-mandat tal-Viċi President jintemm qabel ma jispiċċa t-terminu normali tal-kariga tiegħu.

5.   L-ismijiet tal-President u tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali eletti skont dan l-artikolu għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Responsabbiltajiet tal-President tal-Qorti Ġenerali

1.   Il-President tal-Qorti Ġenerali jirrappreżenta lill-Qorti Ġenerali.

2.   Il-President tal-Qorti Ġenerali jmexxi l-ħidma u d-dipartimenti tal-Qorti Ġenerali.

3.   Il-President tal-Qorti Ġenerali jippresjedi l-laqgħa plenarja, imsemmija fl-Artikolu 42.

4.   L-Awla Manja hija ppresjeduta mill-President tal-Qorti Ġenerali. F'dan il-każ, għandu jkun applikabbli l-Artikolu 19.

5.   Jekk il-President tal-Qorti Ġenerali jkun assenjat lil awla, din l-awla għandha tkun ippresjeduta minnu. F'dan il-każ, għandu jkun applikabbli l-Artikolu 19.

6.   Il-President tal-Qorti Ġenerali jista' jadotta l-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, previsti fl-Artikolu 89, fir-rigward tal-kawżi li jkunu għadhom ma ġewx assenjati lil kulleġġ ġudikanti.

Artikolu 11

Responsabbiltajiet tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali

1.   Il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali jassisti lill-President tal-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u jissostitwixxih fil-każ ta' impediment.

2.   Huwa jissostitwixxi lill-President, fuq talba tal-President, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(1) u (2).

3.   Il-Qorti Ġenerali għandha, permezz ta' deċiżjoni, tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali jissostitwixxi lill-President tal-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu. Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.   Bla ħsara għall-Artikolu 10(5), jekk il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali jkun assenjat lil awla, din l-awla għandha tkun ippresjeduta minnu. F'dan il-każ, għandu jkun applikabbli l-Artikolu 19.

Artikolu 12

Impediment tal-President u tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali

Fil-każ ta' impedimenti simultanji tal-President u tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali, il-funzjonijiet tal-presidenza għandhom jiġu eżerċitati minn wieħed mill-Presidenti ta' awla jew, jekk dan ma jkunx possibbli, minn wieħed mill-Imħallfin l-oħra, skont l-ordni stabbilit fl-Artikolu 8.

Kapitolu III

FUQ L-AWLI U FUQ IL-KULLEĠĠI ĠUDIKANTI

Taqsima 1

Fuq il-kostituzzjoni tal-awli u fuq il-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti

Artikolu 13

Kostituzzjoni tal-awli

1.   Il-Qorti Ġenerali għandha tikkostitwixxi fi ħdanha awli kkostitwiti minn tliet u minn ħames Imħallfin sedenti.

2.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi, fuq proposta tal-President tal-Qorti Ġenerali, dwar l-assenjazzjoni tal-Imħallfin lil dawn l-awli.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-artikolu għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Kulleġġ ġudikanti kompetenti

1.   Il-kawżi li jitressqu quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom jiġu deċiżi mill-awli kkostitwiti minn tliet jew minn ħames Imħallfin sedenti skont l-Artikolu 13.

2.   Il-kawżi jistgħu jiġu deċiżi mill-Awla Manja fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28.

3.   Il-kawżi jistgħu jiġu deċiżi mill-Imħallef uniku meta dawn jingħaddu lilu fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 29.

Artikolu 15

Kompożizzjoni tal-Awla Manja

1.   L-Awla Manja hija komposta minn ħmistax-il Imħallef.

2.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar il-mod tan-nomina tal-Imħallfin li jikkomponu l-Awla Manja. Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Astensjoni u eżenzjoni ta' Mħallef

1.   Meta Mħallef iqis, skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 18 tal-Istatut, li ma jistax jipparteċipa fit-trattament ta' kawża, huwa għandu jinforma b'dan lill-President tal-Qorti Ġenerali, li għandu jiddispensah minn tali parteċipazzjoni.

2.   Meta l-President tal-Qorti Ġenerali jqis li Mħallef ma jistax, skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 18 tal-Istatut, jipparteċipa fit-trattament ta' kawża, huwa għandu jgħarraf b'dan lill-Imħallef ikkonċernat u għandu jismal-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma jiddeċiedi.

3.   Fil-każ ta' diffikultà dwar l-applikazzjoni ta' dan l-artikolu, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 18 tal-Istatut, il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jgħaddi l-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 quddiem il-laqgħa plenarja. F'dan il-każ, il-vot għandu jkun sigriet, mingħajr il-preżenza tar-Reġistratur, u l-Imħallef ikkonċernat, li l-osservazzjonijiet tiegħu jkunu nstemgħu, ma jiħux sehem fid-deliberazzjonijiet.

Artikolu 17

Impediment ta' Membru tal-kulleġġ ġudikanti

1.   Jekk, fl-Awla Manja, in-numru ta' Mħallfin previst fl-Artikolu 15 ma jintlaħaqx minħabba impediment ta' Mħallef li jseħħ qabel ma l-kawża titħalla għad-deliberazzjoni jew għat-trattazzjoni, din l-awla għandha tiġi kkompletata permezz ta' Mħallef innominat mill-President tal-Qorti Ġenerali sabiex jintlaħaq mill-ġdid in-numru previst ta' Mħallfin.

2.   Jekk, f'awla kkostitwita minn tliet Imħallfin jew minn ħames Imħallfin sedenti, in-numru ta' Mħallfin previst ma jintlaħaqx minħabba impediment ta' Mħallef li jseħħ qabel ma l-kawża titħalla għad-deliberazzjoni jew għat-trattazzjoni, il-President ta' din l-awla għandu jinnomina Mħallef ieħor li jkun jagħmel parti mill-istess awla sabiex jissostitwixxi lill-Imħallef impedit. Jekk l-Imħallef impedit ma jkunx jista' jiġi ssostitwit minn Imħallef li jagħmel parti mill-istess awla, il-President tal-awla kkonċernata għandu jinforma b'dan lill-President tal-Qorti Ġenerali, li għandu jinnomina, skont il-kriterji deċiżi mill-Qorti Ġenerali, Imħallef ieħor sabiex jintlaħaq mill-ġdid in-numru previst ta' Mħallfin. Id-deċiżjoni li tadotta dawn il-kriterji għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Fil-każ ta' impediment tal-Imħallef li lilu tingħadda jew tkun assenjata kawża bħala Mħallef uniku, il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jinnomina Mħallef ieħor sabiex jissostitwixxih.

Taqsima 2

Fuq il-Presidenti ta' awla

Artikolu 18

Elezzjoni tal-Presidenti ta' awla

1.   L-Imħallfin għandhom jeleġġu minn fosthom, skont l-Artikolu 9(3), il-Presidenti tal-awli kkostitwiti minn tliet u minn ħames Imħallfin sedenti.

2.   Il-Presidenti tal-awli kkostitwiti minn ħames Imħallfin sedenti jiġu eletti għal perijodu ta' tliet snin. Il-mandat tagħhom jista' jiġġedded darba.

3.   Il-Presidenti tal-awli kkostitwiti minn tliet Imħallfin sedenti jiġu eletti għal perijodu ddeterminat.

4.   L-elezzjoni tal-Presidenti tal-awli kkostitwiti minn ħames Imħallfin sedenti għandha ssir minnufih wara l-elezzjonijiet tal-President u tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali previsti fl-Artikolu 9.

5.   Fil-każ li l-mandat ta' President ta' awla jintemm qabel ma jispiċċa t-terminu normali tal-kariga tiegħu, huwa għandu jiġi ssostitwit għall-perijodu li jkun fadal.

6.   L-ismijiet tal-Presidenti ta' awla eletti skont dan l-artikolu għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Kompetenzi tal-President ta' awla

1.   Il-President ta' awla għandu jeżerċita l-kompetenzi mogħtija lilu minn dawn ir-Regoli wara li jisma' lill-Imħallef Relatur.

2.   Il-President ta' awla jista' jgħaddi kwalunkwe deċiżjoni li taqa' fil-kompetenza tiegħu lill-awla.

Artikolu 20

Impediment tal-President ta' awla

Bla ħsara għall-Artikolu 10(5) u għall-Artikolu 11(4), fil-każ ta' impediment tal-President ta' awla, il-funzjonijiet tiegħu għandhom jiġu eżerċitati minn Imħallef tal-kulleġġ ġudikanti skont l-ordni stabbilit fl-Artikolu 8.

Taqsima 3

Fuq id-deliberazzjonijiet

Artikolu 21

Modalitajiet tad-deliberazzjonijiet

1.   Id-deliberazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali għandhom ikunu u jibqgħu sigrieti.

2.   Meta tkun inżammet seduta għas-sottomissjonijiet orali, huma biss l-Imħallfin li jkunu pparteċipaw f'din is-seduta li jistgħu jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet.

3.   Kull wieħed mill-Imħallfin li jkun qiegħed jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet għandu jesprimi l-opinjoni tiegħu, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għaliha.

4.   Il-konklużjonijiet adottati wara diskussjoni finali mill-maġġoranza tal-Imħallfin għandhom jiddeterminaw id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Il-voti għandhom jingħataw fl-ordni invers għal dak stabbilit fl-Artikolu 8, bl-eċċezzjoni tal-Imħallef Relatur, li jivvota l-ewwel, u tal-President, li jivvota l-aħħar.

Artikolu 22

Numru ta' Mħallfin li jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet

Jekk, minħabba impediment, l-Imħallfin ikunu f'numru biż-żewġ, l-Imħallef l-inqas anzjan fis-sens tal-Artikolu 8 għandu jastjeni milli jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet, sakemm ma jkunx il-President jew l-Imħallef Relatur. Fil-każ li jkun dan tal-aħħar, huwa l-Imħallef li jiġi minnufih qablu fl-ordni ta' anzjanità li għandu jastjeni milli jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet.

Artikolu 23

Kworum tal-Awla Manja

1.   Id-deliberazzjonijiet tal-Awla Manja jkunu validi biss jekk ikunu preżenti ħdax-il Imħallef.

2.   Jekk, minħabba impediment, dan il-kworum ma jintlaħaqx, il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jinnomina Mħallef ieħor sabiex jintlaħaq il-kworum tal-Awla Manja.

3.   Jekk il-kworum jintilef wara li tkun inżammet is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, is-sostituzzjoni għandha ssir skont il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 u għandha tiġi organizzata seduta ġdida fuq talba ta' parti prinċipali. Is-seduta tista' tiġi organizzata wkoll ex officio mill-Qorti Ġenerali. Iż-żamma ta' seduta ġdida hija obbligatorja meta jkunu twettqu miżuri istruttorji skont l-Artikolu 91(a) u (d) u skont l-Artikolu 96(2). L-Artikolu 21(2) ma huwiex applikabbli meta ma tiġix organizzata seduta ġdida.

Artikolu 24

Kworum tal-awli kkostitwiti minn tliet Imħallfin jew minn ħames Imħallfin sedenti

1.   Id-deliberazzjonijiet tal-awli kkostitwiti minn tliet Imħallfin jew minn ħames Imħallfin sedenti jkunu validi biss jekk ikunu preżenti tliet Imħallfin.

2.   Jekk, minħabba impediment, il-kworum ma jintlaħaqx f'waħda mill-awli kkostitwiti minn tliet jew minn ħames Imħallfin sedenti, il-President ta' din l-awla għandu jinnomina Mħallef ieħor li jagħmel parti mill-istess awla sabiex jissostitwixxi lill-Imħallef impedit. Jekk l-Imħallef impedit ma jkunx jista' jiġi ssostitwit minn Imħallef li jagħmel parti mill-istess awla, il-President tal-awla kkonċernata għandu jinforma b'dan lill-President tal-Qorti Ġenerali, li għandu jinnomina, skont il-kriterji deċiżi mill-Qorti Ġenerali, Imħallef ieħor sabiex jintlaħaq il-kworum tal-awla. Id-deċiżjoni li tadotta dawn il-kriterji għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Jekk il-kworum ma jkunx għadu stabbilit wara li tkun inżammet is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, is-sostituzzjoni għandha ssir skont il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 u għandha tiġi organizzata seduta ġdida fuq talba ta' parti prinċipali. Is-seduta tista' tiġi organizzata wkoll ex officio mill-Qorti Ġenerali. Iż-żamma ta' seduta ġdida hija obbligatorja meta jkunu twettqu miżuri istruttorji skont l-Artikolu 91(a) u (d) u skont l-Artikolu 96(2). Iż-żamma ta' seduta ġdida hija obbligatorja meta tkun meħtieġa s-sostituzzjoni ta' iktar minn Imħallef wieħed li jkun ipparteċipa fis-seduta inizjali. L-Artikolu 21(2) ma huwiex applikabbli meta ma tiġix organizzata seduta ġdida.

Kapitolu IV

FUQ L-ASSENJAZZJONI U FUQ IR-RIASSENJAZZJONI TAL-KAWŻI, FUQ IN-NOMINA TAL-IMĦALLFIN RELATURI, FUQ IL-KAWŻI MIBGĦUTA QUDDIEM IL-KULLEĠĠI ĠUDIKANTI U FUQ IL-KAWŻI MGĦODDIJA LILL-IMĦALLEF UNIKU

Artikolu 25

Kriterji ta' assenjazzjoni

1.   Il-Qorti Ġenerali għandha tistabbilixxi l-kriterji li jirregolaw it-tqassim tal-kawżi bejn l-awli. Il-Qorti Ġenerali tista' tinkariga lil awla waħda jew iktar sabiex jittrattaw kawżi f'oqsma speċifiċi.

2.   Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 26

Assenjazzjoni inizjali ta' kawża u nomina tal-Imħallef Relatur

1.   Fl-iqsar żmien possibbli wara l-preżentata tal-att promotur, il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jassenja l-kawżi lil awla skont il-kriterji stabbiliti mill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 25.

2.   Il-President tal-awla għandu jipproponi lill-President tal-Qorti Ġenerali, fir-rigward ta' kull kawża assenjata lill-awla, in-nomina ta' Mħallef Relatur. Il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jiddeċiedi.

3.   Jekk, f'waħda mill-awli kkostitwiti minn tliet jew minn ħames Imħallfin sedenti n-numru ta' Mħallfin assenjati lill-awla jkun ta' iktar minn tlieta jew ħamsa, rispettivament, il-President tal-awla għandu jiddetermina liema Mħallfin għandhom jintalbu jipparteċipaw fit-trattament tal-kawża.

Artikolu 27

Nomina ta' Mħallef Relatur ġdid u riassenjazzjoni ta' kawża

1.   Fil-każ ta' impediment tal-Imħallef Relatur, il-President tal-kulleġġ ġudikanti kompetenti għandu jinforma b'dan lill-President tal-Qorti Ġenerali, li għandu jinnomina Mħallef Relatur ġdid. Jekk dan l-Imħallef ma jkunx assenjat lill-awla li lilha l-kawża kienet inizjalment assenjata, il-kawża għandha tiġi deċiża mill-awla li minnha jagħmel parti l-Imħallef Relatur il-ġdid.

2.   Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-konnessjoni fis-suġġett ta' ċerti kawżi, il-President tal-Qorti Ġenerali jista', permezz ta' deċiżjoni motivata u wara li jikkonsulta lill-Imħallfin Relaturi kkonċernati, jirriassenja l-kawżi sabiex l-istess Imħallef Relatur ikun jista' jwettaq l-istruttorja tal-kawżi kkonċernati kollha. Jekk l-Imħallef Relatur li lilu l-kawżi jkunu ġew riassenjati ma jkunx jifforma parti mill-awla li lilha l-kawżi kienu inizjalment assenjati, il-kawżi għandhom jiġu deċiżi mill-awla li minnha jagħmel parti l-Imħallef Relatur il-ġdid.

3.   Fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u f'każijiet eċċezzjonali, il-President tal-Qorti Ġenerali jista', qabel ma jiġi ppreżentat ir-rapport preliminari msemmi fl-Artikolu 87, jinnomina, permezz ta' deċiżjoni motivata u wara li jikkonsulta lill-Imħallfin ikkonċernati, Imħallef Relatur ieħor. Jekk dan l-Imħallef ma jkunx assenjat lill-awla li lilha l-kawża kienet inizjalment assenjata, il-kawża għandha tiġi deċiża mill-awla li minnha jagħmel parti l-Imħallef Relatur il-ġdid.

4.   Qabel ma jsiru n-nomini msemmija fil-paragrafi 1 sa 3, il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jismal-osservazzjonijiet tal-Presidenti tal-awli kkonċernati.

5.   Fil-każ li tinbidel il-kompożizzjoni tal-awli minħabba deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-assenjazzjoni tal-Imħallfin lill-awli, il-kawża għandha tiġi deċiża mill-awla li minnha jagħmel parti l-Imħallef Relatur wara din id-deċiżjoni jekk il-kawża ma tkunx tħalliet għad-deliberazzjoni jew jekk il-fażi orali tal-proċedura ma tkunx infetħet.

Artikolu 28

Kawża mibgħuta quddiem awla kkostitwita min-numru differenti ta' Mħallfin sedenti

1.   Meta dan ikun iġġustifikat minħabba d-diffikultà legali jew l-importanza tal-kawża jew minħabba ċirkustanzi partikolari, kawża tista' tintbagħat quddiem l-Awla Manja jew quddiem awla kkostitwita min-numru differenti ta' Mħallfin sedenti.

2.   L-awla li lilha tkun assenjata l-kawża jew il-President tal-Qorti Ġenerali jistgħu, f'kull stadju tal-proċedura, jew ex officio jew fuq talba ta' parti prinċipali, jipproponu lil-laqgħa plenarja li l-kawża tintbagħat skont il-paragrafu 1.

3.   Id-deċiżjoni li kawża tintbagħat quddiem awla kkostitwita min-numru ikbar ta' Mħallfin sedenti għandha tittieħed mil-laqgħa plenarja.

4.   Id-deċiżjoni li kawża tintbagħat quddiem awla kkostitwita min-numru iżgħar ta' Mħallfin sedenti għandha tittieħed mil-laqgħa plenarja wara li jinstemgħu l-partijiet prinċipali.

5.   Il-kawża għandha tiġi deċiża minn awla kkostitwita minn mhux inqas minn ħames Imħallfin sedenti meta dan jintalab minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni li jkunu parti fl-istanza.

Artikolu 29

Kawża mgħoddija lill-Imħallef uniku

1.   Il-kawżi msemmija iktar 'il quddiem, li jkunu ġew assenjati lil awla kkostitwita minn tliet Imħallfin sedenti, jistgħu jiġu deċiżi mill-Imħallef Relatur bħala Mħallef uniku meta dawn il-kawżi jkunu jistgħu jiġu hekk deċiżi fid-dawl tal-assenza ta' diffikultà tal-punti ta' liġi jew ta' fatt imqajma, fid-dawl tal-importanza limitata tal-kawża u fid-dawl tal-assenza ta' ċirkustanzi partikolari oħra u meta dawn il-kawżi jkunu mgħoddija lill-Imħallef uniku fil-kundizzjonijiet previsti f'dan l-artikolu:

(a)

il-kawżi msemmija fl-Artikolu 171 iktar 'il quddiem;

(b)

il-kawżi mressqa skont ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE u skont l-Artikolu 268 TFUE, u li jqajmu biss punti li jkunu diġà ġew ikkjarifikati minn ġurisprudenza stabbilita jew li jagħmlu parti minn sensiela ta' kawżi bl-istess suġġett u li waħda minnhom tkun diġà ġiet deċiża u tkun kisbet is-saħħa ta' res judicata;

(c)

il-kawżi mressqa skont l-Artikolu 272 TFUE.

2.   Kawża ma tistax tingħadda lill-Imħallef uniku:

(a)

meta tikkonċerna rikors għal annullament ippreżentat kontra att ta' portata ġenerali jew meta fil-kuntest tagħha titqajjem espliċitament eċċezzjoni ta' illegalità fil-konfront ta' att ta' portata ġenerali;

(b)

meta tikkonċerna l-implementazzjoni:

ta' regoli tal-kompetizzjoni u tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet,

ta' regoli li jikkonċernaw l-għajnuna mogħtija mill-Istati,

ta' regoli dwar il-miżuri ta' protezzjoni kummerċjali,

ta' regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli ħlief għall-kawżi li jagħmlu parti minn sensiela ta' kawżi bl-istess suġġett u li waħda minnhom tkun diġà ġiet deċiża u tkun kisbet is-saħħa ta' res judicata.

3.   Id-deċiżjoni li kawża tingħadda lill-Imħallef uniku għandha tittieħed, wara li jinstemgħu l-partijiet prinċipali, mill-awla kkostitwita minn tliet Imħallfin sedenti li quddiemha tkun pendenti l-kawża. Meta Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni li jkunu parti fl-istanza jopponu li kawża tiġi deċiża mill-Imħallef uniku, il-kawża għandha tinżamm quddiem l-awla li minnha jagħmel parti l-Imħallef Relatur.

4.   L-Imħallef uniku għandu jibgħat lura l-kawża quddiem l-awla jekk jikkonstata li l-kundizzjonijiet li fihom tgħaddiet il-kawża ma jkunux għadhom sodisfatti.

Kapitolu V

FUQ IN-NOMINA TAL-AVUKATI ĠENERALI

Artikolu 30

Meta jiġi nnominat Avukat Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali tista' tkun assistita minn Avukat Ġenerali meta tqis li dan ikun meħtieġ minħabba d-diffikultà legali jew il-kumplessità fattwali tal-kawża.

Artikolu 31

Modalitajiet tan-nomina ta' Avukat Ġenerali

1.   Id-deċiżjoni li jiġi nnominat Avukat Ġenerali għal kawża partikolari għandha tittieħed mil-laqgħa plenarja fuq it-talba tal-awla li lilha l-kawża tkun ġiet assenjata jew li quddiemha tkun intbagħtet.

2.   Il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jinnomina lill-Imħallef imsejjaħ sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta' Avukat Ġenerali f'din il-kawża.

3.   Wara din in-nomina, l-osservazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali għandhom jinstemgħu qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikoli 16, 28, 45, 68, 70, 83, 87, 90, 92, 98, 103, 105, 106, 113, 126 sa 132, 144, 151, 165, 168, 169 u 207 sa 209.

Kapitolu VI

FUQ IR-REĠISTRU

Taqsima 1

Fuq ir-Reġistratur

Artikolu 32

Ħatra tar-Reġistratur

1.   Il-Qorti Ġenerali għandha taħtar ir-Reġistratur.

2.   Fil-każ li l-pożizzjoni ta' Reġistratur tkun vakanti, għandu jiġi ppubblikat avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-persuni interessati għandhom jiġu mistiedna sabiex, f'terminu ta' mhux inqas minn tliet ġimgħat, jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom flimkien mal-informazzjoni kollha dwar in-nazzjonalità tagħhom, il-kwalifiki universitarji tagħhom, il-konoxxenzi lingwistiċi tagħhom, l-attivitajiet professjonali attwali u preċedenti tagħhom, kif ukoll dwar l-esperjenza fil-qasam ġudizzjarju u internazzjonali li huma jista' jkollhom.

3.   Il-votazzjoni għandha ssir skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 9(3).

4.   Ir-Reġistratur għandu jinħatar għal perijodu ta' sitt snin. Il-mandat tiegħu jista' jiġi mġedded. Il-Qorti Ġenerali tista' tiddeċiedi li ġġedded il-mandat tar-Reġistratur li jkun attwalment jokkupa din il-kariga mingħajr ma tintuża l-proċedura prevista fil-paragrafu 2 ta' dan l-artikolu. F'dan il-każ, għandu jkun applikabbli l-paragrafu 3.

5.   Ir-Reġistratur għandu jieħu l-ġurament previst fl-Artikolu 5 u għandu jiffirma d-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 6.

6.   Ir-Reġistratur jista' jitneħħa mill-kariga tiegħu biss jekk ma jkunx għadu fil-pussess tar-rekwiżiti meħtieġa jew jekk ma jkunx għadu jissodisfa l-obbligi tal-kariga tiegħu. Il-Qorti Ġenerali għandha tieħu deċiżjoni, mingħajr il-preżenza tar-Reġistratur, wara li tkun tatu l-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

7.   Jekk ir-Reġistratur jieqaf milli jeżerċita l-kariga tiegħu qabel ma jintemm il-mandat tiegħu, il-Qorti Ġenerali għandha taħtar Reġistratur ġdid għal perijodu ta' sitt snin.

8.   L-isem tar-Reġistratur elett skont dan l-artikolu għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 33

Assistent Reġistratur

Il-Qorti Ġenerali tista' taħtar, skont il-proċedura prevista fir-rigward tar-Reġistratur, wieħed jew iktar Assistenti Reġistraturi li jkunu inkarigati li jassistu lir-Reġistratur u li jissostitwixxuh fil-każ ta' impediment.

Artikolu 34

Impediment tar-Reġistratur u tal-Assistent Reġistratur

Il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jinnomina l-uffiċjali jew il-membri l-oħra tal-persunal inkarigati li jaqdu l-funzjonijiet ta' Reġistratur fil-każ ta' impediment tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-Assistent Reġistratur.

Artikolu 35

Responsabbiltajiet tar-Reġistratur

1.   Ir-Reġistratur huwa inkarigat li, taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti Ġenerali, jirċievi, jibgħat u jżomm id-dokumenti kollha, kif ukoll li jwettaq in-notifiki meħtieġa minn dawn ir-Regoli.

2.   Ir-Reġistratur jassisti lill-Membri tal-Qorti Ġenerali fl-atti kollha tal-kariga tagħhom.

3.   Ir-Reġistratur għandu l-kustodja tas-siġilli u huwa responsabbli għall-arkivji. Huwa jieħu ħsieb il-pubblikazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, b'mod partikolari, il-pubblikazzjoni tal-Ġabra tal-ġurisprudenza, u t-tqegħid fuq l-Internet ta' dokumenti li jikkonċernaw lill-Qorti Ġenerali.

4.   Ir-Reġistratur, taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti Ġenerali u flimkien mad-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandu jiżgura l-amministrazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontabbiltà tal-Qorti Ġenerali.

5.   Bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji f'dawn ir-Regoli, ir-Reġistratur għandu jattendi għas-seduti tal-Qorti Ġenerali.

Artikolu 36

Żamma ta' reġistru

1.   Fir-Reġistru għandu jinżamm, taħt ir-responsabbiltà tar-Reġistratur, reġistru li fih jiġu rreġistrati, meta u fl-ordni li ssir il-preżentata tagħhom, l-atti proċedurali kollha.

2.   Ir-Reġistratur għandu jagħmel notament tar-reġistrazzjoni fuq l-oriġinali tal-atti proċedurali jew fuq il-verżjonijiet meqjusa li huma l-oriġinali ta' dawn l-atti fis-sens tad-deċiżjoni adottata bis-saħħa tal-Artikolu 74 u, fuq talba tal-partijiet, fuq il-kopji li huma jippreżentaw għal dan il-għan.

3.   Ir-reġistrazzjonijiet u n-notamenti previsti fil-paragrafu 2 huma atti awtentiċi.

Artikolu 37

Konsultazzjoni tar-reġistru

Kull persuna tista' tikkonsulta r-reġistru li jinżamm fir-Reġistru u tista' tikseb kopji jew estratti tar-reġistru skont it-tariffa tar-Reġistru stabbilita mill-Qorti Ġenerali fuq proposta tar-Reġistratur.

Artikolu 38

Aċċess għall-proċess tal-kawża

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 68(4), tal-Artikoli 103 sa 105 kif ukoll tal-Artikolu 144(7), kull parti fl-istanza jista' jkollha aċċess għall-proċess tal-kawża u tista' tikseb, skont it-tariffa tar-Reġistru msemmija fl-Artikolu 37, kopji tal-atti proċedurali kif ukoll kopji awtentikati tad-digrieti u tas-sentenzi.

2.   Ebda terza persuna, privata jew pubblika, ma jista' jkollha aċċess għall-proċess ta' kawża mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa tal-President tal-Qorti Ġenerali, wara li jinstemgħu l-partijiet. Din l-awtorizzazzjoni tista' tingħata, kompletament jew parzjalment, biss fuq talba bil-miktub, li għandha tipprovdi ġustifikazzjoni ddettaljata tal-interess leġittimu li jkollha aċċess għall-imsemmi proċess.

Taqsima 2

Fuq id-dipartimenti

Artikolu 39

Uffiċjali u membri oħra tal-persunal

1.   L-uffiċjali u l-membri l-oħra tal-persunal, inkarigati li jassistu direttament lill-President, lill-Imħallfin u lir-Reġistratur, għandhom jinħatru skont il-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni. Huma jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tar-Reġistratur, taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti Ġenerali.

2.   Dawn l-uffiċjali u l-membri l-oħra tal-persunal għandhom jieħdu quddiem il-President tal-Qorti Ġenerali, fil-preżenza tar-Reġistratur, wieħed miż-żewġ ġuramenti segwenti:

“Jiena naħlef li neżerċita bil-lealtà, id-diskrezzjoni u l-kuxjenza kollha l-karigi fdati lili mill-Qorti Ġenerali.”

jew

“Jiena solennement inwiegħed li neżerċita bil-lealtà, id-diskrezzjoni u l-kuxjenza kollha l-karigi fdati lili mill-Qorti Ġenerali.”

Kapitolu VII

FUQ IL-FUNZJONAMENT TAL-QORTI ĠENERALI

Artikolu 40

Post fejn jinżammu s-seduti tal-Qorti Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali tista', għal waħda jew iktar seduti speċifiċi, tagħżel post differenti minn dak fejn il-Qorti Ġenerali għandha s-sede tagħha.

Artikolu 41

Kalendarju tal-ħidma tal-Qorti Ġenerali

1.   Is-sena ġudizzjarja tibda fl-1 ta' Settembru ta' sena kalendarja u tispiċċa fil-31 ta' Awwissu tas-sena ta' wara.

2.   Il-vaganzi ġudizzjarji għandhom jiġu stabbiliti mill-Qorti Ġenerali.

3.   Matul il-vaganzi ġudizzjarji, il-President tal-Qorti Ġenerali u l-Presidenti ta' awla jistgħu, fil-każ ta' urġenza, ilaqqgħu lill-Imħallfin u, jekk ikun il-każ, lill-Avukat Ġenerali.

4.   Il-Qorti Ġenerali għandha tosserva l-jiem ta' vaganza legali tal-post fejn għandha s-sede tagħha.

5.   Il-Qorti Ġenerali tista', għal raġunijiet validi, tagħti leave lill-Imħallfin.

6.   Id-dati tal-vaganzi ġudizzjarji għandhom jiġu ppubblikati kull sena f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 42

Laqgħa plenarja

1.   Id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet amministrattivi u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 7, 9, 11, 13, 15, 16, 18, 25, 28, 31 sa 33, 41, 74 u 224 għandhom jittieħdu mill-Qorti Ġenerali fil-laqgħa plenarja, li fiha għandhom jipparteċipaw, bi dritt ta' vot, l-Imħallfin kollha, bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji ta' dawn ir-Regoli. Ir-Reġistratur għandu jkun preżenti sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor.

2.   Jekk, meta tissejjaħ il-laqgħa plenarja, jiġi kkonstatat li l-kworum imsemmi fir-raba' paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Istatut ma ntlaħaqx, il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jaġġorna l-laqgħa sakemm jintlaħaq il-kworum.

Artikolu 43

Redazzjoni tal-proċessi verbali

1.   Meta l-Qorti Ġenerali tiltaqa' fil-preżenza tar-Reġistratur, dan għandu jħejji, jekk ikun il-każ, proċess verbal li għandu jiġi ffirmat, skont il-każ, mill-President tal-Qorti Ġenerali jew mill-President tal-awla, u mir-Reġistratur.

2.   Meta l-Qorti Ġenerali tiltaqa' mingħajr il-preżenza tar-Reġistratur, hija għandha tinkariga lill-Imħallef l-inqas anzjan fis-sens tal-Artikolu 8 sabiex iħejji, jekk ikun il-każ, proċess verbal li għandu jiġi ffirmat, skont il-każ, mill-President tal-Qorti Ġenerali jew mill-President tal-awla, u minn dan l-Imħallef.

TITOLU II

FUQ IS-SISTEMA LINGWISTIKA

Artikolu 44

Lingwi tal-kawża

Il-lingwi tal-kawża huma l-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

Artikolu 45

Determinazzjoni tal-lingwa tal-kawża

1.   Fir-rikorsi diretti fis-sens tal-Artikolu 1, il-lingwa tal-kawża tintgħażel mir-rikorrent, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jekk il-konvenut ikun Stat Membru jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha n-nazzjonalità ta' Stat Membru, il-lingwa tal-kawża għandha tkun il-lingwa uffiċjali ta' dan l-Istat; fil-każ li l-Istat ikollu iktar minn lingwa uffiċjali waħda, ir-rikorrent għandu l-possibbiltà jagħżel il-lingwa li jippreferi;

(b)

fuq talba konġunta tal-partijiet prinċipali, jista' jiġi awtorizzat l-użu totali jew parzjali ta' lingwa oħra minn fost il-lingwi msemmija fl-Artikolu 44;

(c)

fuq talba ta' waħda mill-partijiet, u wara li jinstemgħu l-partijiet l-oħra, jista' jiġi awtorizzat, b'deroga mid-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (b), l-użu totali jew parzjali, bħala lingwa tal-kawża, ta' lingwa oħra minn fost il-lingwi msemmija fl-Artikolu 44; din it-talba ma tistax titressaq minn waħda mill-istituzzjonijiet.

2.   Id-deċiżjoni dwar it-talbiet imsemmija iktar 'il fuq għandha tittieħed mill-President; meta jkollu l-intenzjoni li jilqa' t-talba mingħajr il-kunsens tal-partijiet kollha, huwa għandu jgħaddi t-talba quddiem il-Qorti Ġenerali.

3.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1(b) u (c):

(a)

fil-każ ta' appell mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, imsemmi fl-Artikoli 9 u 10 tal-Anness I tal-Istatut, il-lingwa tal-kawża għandha tkun dik tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tkun is-suġġett tal-appell;

(b)

fil-każ tat-talbiet għal rettifika, tat-talbiet intiżi sabiex jiġi rrimedjat nuqqas li tingħata deċiżjoni, tal-oppożizzjoni għal sentenza mogħtija fil-kontumaċja, tal-oppożizzjoni minn terzi kif ukoll tat-talbiet għal interpretazzjoni u għal reviżjoni jew fil-każ tal-kontestazzjonijiet dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-lingwa tal-kawża għandha tkun dik tad-deċiżjoni li fir-rigward tagħha jkunu tressqu dawn it-talbiet jew kontestazzjonijiet.

4.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1(b) u (c), fir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju, imsemmija fl-Artikolu 1, li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli dwar is-sistema ta' proprjetà intellettwali:

(a)

il-lingwa tal-kawża għandha tintgħażel mir-rikorrent jekk huwa kien l-unika parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju;

(b)

il-lingwa li fiha jiġi ppreżentat ir-rikors, magħżula mir-rikorrent minn fost il-lingwi msemmija fl-Artikolu 44, issir il-lingwa tal-kawża jekk ebda parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju ma topponi għal dan fit-terminu ffissat għal dan il-għan mir-Reġistratur wara l-preżentata tar-rikors;

(c)

fil-każ ta' oppożizzjoni għal-lingwa li fiha jiġi ppreżentat ir-rikors minn parti oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju li ma tkunx ir-rikorrent, il-lingwa tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali ssir il-lingwa tal-kawża; fit-tali każ, ir-Reġistratur għandu jiżgura t-traduzzjoni tar-rikors fil-lingwa tal-kawża.

Artikolu 46

Użu tal-lingwa tal-kawża

1.   Il-lingwa tal-kawża għandha tintuża b'mod partikolari fin-noti u fis-sottomissjonijiet orali tal-partijiet, inklużi l-annessi mehmuża, kif ukoll fil-proċessi verbali u d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali.

2.   Kull anness ippreżentat jew mehmuż li jkun miktub b'lingwa differenti mil-lingwa tal-kawża għandu jkollu miegħu traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

3.   Madankollu, fil-każ ta' annessi voluminużi, jistgħu jiġu ppreżentati traduzzjonijiet ta' estratti. Il-President jista', f'kull ħin, ex officio jew fuq talba ta' waħda mill-partijiet, jordna li ssir traduzzjoni iktar kompluta jew sħiħa.

4.   B'deroga mid-dispożizzjonijiet preċedenti, l-Istati Membri huma awtorizzati jużaw il-lingwa uffiċjali tagħhom meta jagħmlu intervent f'kawża pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Din id-dispożizzjoni hija applikabbli kemm għad-dokumenti miktuba u kemm għad-dikjarazzjonijiet orali. F'kull każ, it-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża għandha tiġi żgurata mir-Reġistratur.

5.   L-Istati parti fil-Ftehim ŻEE, minbarra l-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità ta' Sorveljanza EFTA, jistgħu jiġu awtorizzati jużaw waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 44, li tkun differenti mil-lingwa tal-kawża, meta jagħmlu intervent f'kawża pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Din id-dispożizzjoni hija applikabbli kemm għad-dokumenti miktuba u kemm għad-dikjarazzjonijiet orali. F'kull każ, it-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża għandha tiġi żgurata mir-Reġistratur.

6.   Meta x-xhieda jew il-periti jiddikjaraw li ma jistgħux jesprimu ruħhom b'mod adegwat f'waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 44, il-President għandu jawtorizzahom jifformulaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom f'lingwa oħra. Ir-Reġistratur għandu jiżgura t-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

7.   Il-President, fit-tmexxija tat-trattazzjoni, l-Imħallfin u, jekk ikun il-każ, l-Avukat Ġenerali, meta jagħmlu mistoqsijiet, u l-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu, jistgħu jużaw waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 44, li tkun differenti mil-lingwa tal-kawża. Ir-Reġistratur għandu jiżgura t-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

Artikolu 47

Responsabbiltà tar-Reġistratur fil-qasam lingwistiku

Fuq talba ta' wieħed mill-Imħallfin, tal-Avukat Ġenerali jew ta' parti, ir-Reġistratur għandu jiżgura li ssir it-traduzzjoni, fil-lingwi magħżula minnhom u msemmija fl-Artikolu 44, ta' dak li jintqal jew jinkiteb matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Artikolu 48

Sistema lingwistika tal-pubblikazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Il-pubblikazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali għandhom isiru fil-lingwi msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 tal-Kunsill.

Artikolu 49

Testi awtentiċi

It-testi miktuba fil-lingwa tal-kawża jew, jekk ikun il-każ, f'lingwa oħra awtorizzata skont l-Artikoli 45 u 46, huma testi awtentiċi.

TITOLU III

FUQ IR-RIKORSI DIRETTI

Artikolu 50

Kamp ta' applikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu huma applikabbli għar-rikorsi diretti fis-sens tal-Artikolu 1.

Kapitolu I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Taqsima 1

Fuq ir-rappreżentanza tal-partijiet

Artikolu 51

Obbligu ta' rappreżentanza

1.   Il-partijiet għandhom ikunu rrappreżentati minn aġent jew minn avukat fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19 tal-Istatut.

2.   L-avukat li jkun qiegħed jirrappreżenta jew jassisti parti għandu jippreżenta fir-Reġistru dokument li jiċċertifika li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta' Stat Membru jew ta' Stat ieħor parti fil-Ftehim ŻEE.

3.   Meta l-parti li jkunu qegħdin jirrappreżentaw tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, l-avukati għandhom jippreżentaw fir-Reġistru mandat maħruġ minn din tal-aħħar.

4.   Jekk id-dokumenti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ma jiġux ippreżentati, ir-Reġistratur għandu jiffissa, għall-parti kkonċernata, terminu raġonevoli sabiex jiġu prodotti. Jekk dawn id-dokumenti ma jiġux prodotti fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta' osservanza ta' din il-formalità jimplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors jew tan-nota.

Taqsima 2

Fuq id-drittijiet u l-obbligi tar-rappreżentanti tal-partijiet

Artikolu 52

Privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet

1.   L-aġenti, il-konsulenti u l-avukati li jidhru quddiem il-Qorti Ġenerali jew quddiem awtorità ġudizzjarja mqabbda mill-Qorti Ġenerali permezz ta' ittra rogatorja, għandhom igawdu minn immunità għal dak li jintqal u li jinkiteb minnhom dwar il-kawża jew il-partijiet.

2.   L-aġenti, il-konsulenti u l-avukati għandhom igawdu wkoll mill-privileġġi u l-faċilitajiet li ġejjin:

(a)

l-atti u d-dokumenti kollha li jikkonċernaw il-proċedura huma eżenti mit-tfittxija u s-sekwestru; fil-każ ta' kontestazzjoni, l-uffiċjali tad-dwana jew tal-pulizija jistgħu jissiġillaw l-atti u d-dokumenti inkwistjoni li mbagħad għandhom jintbagħtu minnufih lill-Qorti Ġenerali sabiex jiġu spezzjonati fil-preżenza tar-Reġistratur u tal-persuna kkonċernata;

(b)

l-aġenti, il-konsulenti u l-avukati għandhom igawdu mil-libertà li jivvjaġġaw sa fejn dan ikun neċessarju għat-twettiq tax-xogħol tagħhom.

Artikolu 53

Kwalità ta' rappreżentanti tal-partijiet

1.   Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-privileġġi, mill-immunitajiet u mill-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 52, il-persuni kkonċernati għandhom jipproduċu prova minn qabel tal-kwalità tagħhom:

(a)

fil-każ tal-aġenti, permezz ta' dokument uffiċjali maħruġ mill-mandant tagħhom, li għandu jibgħat minnufih kopja tiegħu lir-Reġistratur;

(b)

fil-każ tal-avukati, permezz ta' dokument ta' attestazzjoni li jiċċertifika li huma awtorizzati jipprattikaw quddiem qorti ta' Stat Membru jew ta' Stat ieħor parti fil-Ftehim ŻEE u, meta l-parti rrappreżentata minnhom tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, permezz ta' mandat maħruġ minn din tal-aħħar;

(c)

fil-każ tal-konsulenti, permezz ta' mandat maħruġ mill-parti assistita minnhom.

2.   Meta jkun meħtieġ, ir-Reġistratur għandu joħroġilhom dokument ta' attestazzjoni. Il-validità ta' dan id-dokument hija limitata għal terminu determinat. Il-validità tista' tiġi pprorogata jew imqassra skont it-tul tal-proċedura.

Artikolu 54

Tneħħija tal-immunità

1.   Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 52 għandhom jingħataw esklużivament fl-interess tal-proċedura.

2.   Il-Qorti Ġenerali tista' tneħħi l-immunità meta tqis li t-tneħħija tagħha ma tippreġudikax l-interessi tal-proċedura.

Artikolu 55

Esklużjoni mill-proċedura

1.   Jekk il-Qorti Ġenerali tqis li l-aġir ta' aġent, konsulent jew avukat quddiem il-Qorti Ġenerali, il-President, Imħallef jew ir-Reġistratur huwa inkompatibbli mad-dekor tal-Qorti Ġenerali jew mar-rekwiżiti ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jew li dan l-aġent, konsulent jew avukat qiegħed juża d-drittijiet li huwa għandu bis-saħħa tal-funzjoni tiegħu għal finijiet differenti minn dawk li għalihom ingħatawlu dawn id-drittijiet, hija għandha tinforma b'dan lill-persuna kkonċernata. Il-Qorti Ġenerali tista' tinforma b'dan lill-awtoritajiet kompetenti li taqa' taħthom il-persuna kkonċernata. Kopja tal-ittra indirizzata lil dawn l-awtoritajiet għandha tintbagħat lill-persuna kkonċernata.

2.   Għall-istess raġunijiet, il-Qorti Ġenerali tista', f'kull ħin u wara li tinstemal-persuna kkonċernata, tiddeċiedi, permezz ta' digriet motivat, li teskludi aġent, konsulent jew avukat mill-proċedura. Dan id-digriet għandu jkollu effett immedjat.

3.   Meta aġent, konsulent jew avukat jiġi eskluż mill-proċedura, il-proċedura għandha tiġi sospiża sal-iskadenza tat-terminu ffissat mill-President sabiex il-parti kkonċernata tkun tista' tinnomina aġent, konsulent jew avukat ieħor.

4.   Id-deċiżjonijiet meħuda skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-artikolu jistgħu jiġu rrevokati.

Artikolu 56

Għalliema tal-università

Id-dispożizzjonijiet ta' din it-Taqsima huma applikabbli għall-għalliema tal-università msemmija fis-seba' paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut.

Taqsima 3

Fuq in-notifiki

Artikolu 57

Modi ta' notifika

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 77(2) u għall-Artikolu 80(1), in-notifiki previsti fl-Istatut u f'dawn ir-Regoli għandhom isiru, taħt ir-responsabbiltà tar-Reġistratur, permezz tal-mod imsemmi fil-paragrafu 4 jew permezz ta' faks.

2.   Jekk, minħabba raġunijiet tekniċi jew minħabba n-natura jew il-volum tal-att, in-notifika ma tkunx tista' ssir skont il-modalitajiet previsti fil-paragrafu 1, in-notifika għandha ssir fl-indirizz tar-rappreżentant tal-parti kkonċernata billi tintbagħat kopja tal-att li għandu jiġi nnotifikat permezz ta' ittra rreġistrata, b'dikjarazzjoni ta' rċevuta, jew billi din il-kopja tingħata direttament lid-destinatarju bl-għoti ta' rċevuta. Id-destinatarju għandu jiġi informat dwar dan permezz tal-mod imsemmi fil-paragrafu 4 jew permezz ta' faks. Fit-tali każ, huwa preżunt li l-ittra rreġistrata mibgħuta lid-destinatarju tkun waslitlu fl-għaxar jum wara d-depożitu ta' din l-ittra fl-uffiċċju postali ta' fejn il-Qorti Ġenerali għandha s-sede tagħha, sakemm mid-dikjarazzjoni ta' rċevuta ma jirriżultax li l-ittra tkun waslet għand id-destinatarju f'jum ieħor jew sakemm id-destinatarju ma jinformax lir-Reġistratur, f'terminu ta' tliet ġimgħat li jiddekorri mill-komunikazzjoni, permezz tal-mod imsemmi fil-paragrafu 4 jew permezz ta' faks, li n-notifika ma waslitlux.

3.   Il-kopji tal-oriġinal li għandhom jiġu nnotifikati skont il-paragrafu 2 għandhom jiġu ppreparati u awtentikati mir-Reġistratur, sakemm dawn il-kopji ma jkunux ġew prodotti mill-partijiet stess skont l-Artikolu 73(2).

4.   Il-Qorti Ġenerali tista', permezz ta' deċiżjoni, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom att proċedurali jista' jiġi nnotifikat b'mezzi elettroniċi. Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Taqsima 4

Fuq it-termini

Artikolu 58

Kalkolu tat-termini

1.   It-termini proċedurali previsti fit-Trattati, fl-Istatut u f'dawn ir-Regoli għandhom jiġu kkalkolati kif ġej:

(a)

jekk terminu espress f'jiem, f'ġimgħat, f'xhur jew fi snin għandu jibda jiddekorri mill-mument li fih iseħħ avveniment jew li fih jitwettaq att, il-jum li matulu jseħħ dan l-avveniment jew jitwettaq dan l-att ma għandux jiġi inkluż fit-terminu;

(b)

terminu espress f'ġimgħat, f'xhur jew fi snin għandu jiskadi mat-tmiem tal-jum li, fl-aħħar ġimgħa, fl-aħħar xahar jew fl-aħħar sena, ikollu l-istess isem jew l-istess numru bħall-jum li matulu seħħ l-avveniment jew twettaq l-att li minnu għandu jiġi kkalkolat it-terminu; jekk, fil-każ ta' terminu espress f'xhur jew fi snin, il-jum stabbilit għall-iskadenza ta' dan it-terminu ma jinzertax fl-aħħar xahar, it-terminu għandu jiskadi mat-tmiem tal-aħħar jum ta' dan ix-xahar;

(c)

meta terminu jkun espress f'xhur u f'jiem, għandhom l-ewwel jitqiesu x-xhur sħaħ u mbagħad il-jiem;

(d)

it-termini jinkludu s-Sibtijiet, il-Ħdud u l-jiem ta' vaganza legali;

(e)

it-termini ma jiġux sospiżi matul il-vaganzi ġudizzjarji.

2.   Jekk il-jum li fih jiskadi t-terminu jkun is-Sibt, il-Ħadd jew jum ta' vaganza legali, l-iskadenza ta' dan it-terminu għandha tiġi ddifferita għat-tmiem tal-jum ta' xogħol li jmiss.

3.   Il-Qorti Ġenerali għandha tapplika l-lista tal-jiem ta' vaganza legali, stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, u ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 59

Rikors kontra att ta' istituzzjoni ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Meta terminu għall-preżentata ta' rikors kontra att ta' istituzzjoni jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni ta' dan l-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, it-terminu għandu jiġi kkalkolat, fis-sens tal-Artikolu 58(1)(a), mit-tmiem tal-erbatax-il jum wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni.

Artikolu 60

Terminu għal raġuni ta' distanza

It-termini proċedurali għandhom jiżdiedu b'terminu fiss ta' għaxart ijiem għal raġuni ta' distanza.

Artikolu 61

Iffissar u proroga ta' termini

1.   It-termini ffissati skont dawn ir-Regoli jistgħu jiġu pprorogati mill-awtorità li tkun stabbilixxiethom.

2.   Il-President jista' jiddelega lir-Reġistratur is-setgħa li jiffirma fir-rigward tal-iffissar ta' ċerti termini li, skont dawn ir-Regoli, għandhom jiġu stabbiliti minnu, jew fir-rigward tal-proroga tagħhom.

Artikolu 62

Atti proċedurali ppreżentati wara l-iskadenza tat-terminu

Att proċedurali ppreżentat fir-Reġistru wara l-iskadenza tat-terminu ffissat mill-President jew mir-Reġistratur skont dawn ir-Regoli jista' jiġi aċċettat biss bis-saħħa ta' deċiżjoni tal-President f'dan is-sens.

Taqsima 5

Fuq l-iżvolġiment tal-proċedura u fuq it-trattament tal-kawżi

Artikolu 63

Żvolġiment tal-proċedura

Bla ħsara għal dispożizzjonijiet partikolari previsti fl-Istatut jew f'dawn ir-Regoli, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali għandha tinkludi fażi bil-miktub u fażi orali.

Artikolu 64

Natura kontradittorja tal-proċedura

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 68(4), tal-Artikolu 104, tal-Artikolu 105(8), kif ukoll tal-Artikolu 144(7), il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss l-atti proċedurali u l-annessi li r-rappreżentanti tal-partijiet setgħu jikkonsultaw u li fuqhom setgħu jesprimu ruħhom.

Artikolu 65

Notifika tal-atti proċedurali u tad-deċiżjonijiet meħuda fil-mori tal-kawża

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 68(4), tal-Artikoli 103 sa 105 kif ukoll tal-Artikolu 144(7), l-atti proċedurali u l-annessi inklużi fil-proċess tal-kawża għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet.

2.   Id-deċiżjonijiet meħuda fil-mori tal-kawża u inklużi fil-proċess tal-kawża għandhom jiġu kkomunikati lill-partijiet mir-Reġistratur.

Artikolu 66

Anonimat u ommissjoni ta' ċerta informazzjoni fil-konfront tal-pubbliku

Il-Qorti Ġenerali tista', fuq talba motivata ta' parti mressqa permezz ta' att separat jew ex officio, tħalli barra l-isem ta' parti fil-kawża jew l-isem ta' persuni oħra msemmija fil-kuntest tal-proċedura, kif ukoll ċerta informazzjoni oħra li tkun tinsab fid-dokumenti marbuta mal-kawża li għalihom ikollu aċċess il-pubbliku, jekk ikun hemm raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw li l-identità ta' persuna jew il-kontenut ta' din l-informazzjoni jinżammu kunfidenzjali.

Artikolu 67

Ordni tat-trattament tal-kawżi

1.   Il-Qorti Ġenerali tittratta l-kawżi li jkollha quddiemha skont l-ordni li fih ikunu jistgħu jiġu eżaminati.

2.   Fid-dawl ta' ċirkustanzi partikolari, il-President jista' jiddeċiedi li kawża għandha tinqata' bi prijorità.

Artikolu 68

Kawżi magħquda

1.   Meta diversi kawżi jkollhom l-istess suġġett, dawn il-kawżi jistgħu, f'kull ħin, ex officio jew fuq talba ta' parti prinċipali, jintgħaqdu minħabba konnessjoni, alternattivament jew kumulattivament, għall-finijiet tal-fażi bil-miktub jew tal-fażi orali tal-proċedura jew għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

2.   Il-President għandu jiddeċiedi dwar it-tgħaqqid tal-kawżi. Qabel jiddeċiedi, il-President għandu jiffissa terminu lill-partijiet prinċipali sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar eventwali tgħaqqid, sakemm ma jkunux diġà esprimew il-pożizzjoni tagħhom f'dan ir-rigward.

3.   Kawżi magħquda jistgħu jerġgħu jinfirdu, fil-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2.

4.   Il-partijiet kollha fil-kawżi magħquda jistgħu jikkonsultaw, fir-Reġistru, il-proċessi tal-kawżi kkonċernati mit-tgħaqqid. Madankollu, fuq talba ta' parti, il-President jista', permezz ta' digriet, jeskludi minn din il-konsultazzjoni ċerta informazzjoni li tkun tinsab fil-proċess tal-kawża u li tkun ta' natura kunfidenzjali.

5.   Bla ħsara għall-paragrafu 4, l-atti proċedurali inklużi fil-proċessi tal-kawżi kkonċernati mit-tgħaqqid għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet fil-kawżi magħquda jekk ir-rappreżentanti ta' dawn il-partijiet jitolbu dan u jekk ikunu taw il-kunsens tagħhom għall-mod ta' notifika previst fl-Artikolu 57(4).

Artikolu 69

Każijiet ta' sospensjoni

Bla ħsara għall-Artikolu 163, proċedura pendenti tista' tiġi sospiża:

(a)

fil-każijiet previsti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut;

(b)

meta jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li taqta' parzjalment il-mertu tal-kawża, li tagħlaq kwistjoni proċedurali li tikkonċerna eċċezzjoni ta' nuqqas ta' kompetenza jew ta' inammissibbiltà, jew li tiċħad intervent;

(c)

fuq talba ta' parti prinċipali, bil-kunsens tal-parti prinċipali l-oħra;

(d)

f'każijiet partikolari oħra, meta dan ikun meħtieġ mill-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

Artikolu 70

Deċiżjoni ta' sospensjoni u deċiżjoni ta' tkomplija

1.   Id-deċiżjoni ta' sospensjoni tal-proċedura għandha tittieħed mill-President. Qabel ma jiddeċiedi, il-President għandu jiffissa terminu lill-partijiet prinċipali sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar eventwali sospensjoni tal-proċedura, sakemm ma jkunux diġà esprimew il-pożizzjoni tagħhom f'dan ir-rigward.

2.   Id-deċiżjoni ta' tkomplija tal-proċedura qabel jintemm il-perijodu tas-sospensjoni jew id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 71(3) għandhom jittieħdu skont il-modalitajiet previsti fil-paragrafu 1.

Artikolu 71

Tul u effetti tas-sospensjoni

1.   Is-sospensjoni tal-proċedura tidħol fis-seħħ fid-data indikata fid-deċiżjoni ta' sospensjoni jew, fin-nuqqas ta' tali indikazzjoni, fid-data ta' din id-deċiżjoni.

2.   Matul il-perijodu ta' sospensjoni, it-termini proċedurali kollha jiġu interrotti, bl-eċċezzjoni tat-terminu għal intervent previst fl-Artikolu 143(1).

3.   Meta d-deċiżjoni ta' sospensjoni ma tiffissax meta għandha tintemm is-sospensjoni, din tintemm fid-data indikata fid-deċiżjoni ta' tkomplija tal-proċedura jew, fin-nuqqas ta' tali indikazzjoni, fid-data ta' din id-deċiżjoni.

4.   Mid-data tat-tkomplija tal-proċedura wara sospensjoni, it-termini proċedurali interrotti għandhom jiġu ssostitwiti b'termini ġodda li jibdew jiddekorru mid-data ta' din it-tkomplija.

Kapitolu II

FUQ L-ATTI PROĊEDURALI

Artikolu 72

Regoli komuni dwar il-preżentata tal-atti proċedurali

1.   Att proċedurali għandu jiġi ppreżentat fir-Reġistru jew fuq karta, jekk ikun il-każ wara t-trażmissjoni ta' kopja tal-oriġinal ta' dan l-att permezz ta' faks skont l-Artikolu 73(3), jew permezz tal-mod imsemmi fid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali adottata bis-saħħa tal-Artikolu 74.

2.   Kull att proċedurali għandu jkollu data. Għall-finijiet tat-termini proċedurali, huma biss id-data u s-siegħa fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu tal-preżentata fir-Reġistru li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

3.   Ma' kull att proċedurali għandhom jiġu mehmuża l-annessi invokati insostenn tal-att u skeda li telenka dawn l-annessi.

4.   Jekk, minħabba l-volum ta' anness, mal-att proċedurali jiġu mehmuża biss estratti minn dan l-anness, l-anness kollu jew kopja sħiħa tiegħu għandhom jiġu ppreżentati fir-Reġistru.

5.   L-istituzzjonijiet għandhom jipproduċu, fit-termini ffissati mill-President, it-traduzzjonijiet ta' kull att proċedurali fil-lingwi l-oħra kollha msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 tal-Kunsill.

Artikolu 73

Preżentata fir-Reġistru ta' att proċedurali fuq karta

1.   L-oriġinal fuq karta ta' kull att proċedurali għandu jkun iffirmat bl-idejn mill-aġent jew mill-avukat tal-parti.

2.   Dan l-att, flimkien mal-annessi kollha li jissemmew fih, għandu jiġi ppreżentat flimkien ma' tliet kopji għall-Qorti Ġenerali u kopja għal kull parti fil-kawża. Dawn il-kopji għandhom jiġu awtentikati mill-parti li tippreżentahom.

3.   B'deroga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 72(2), id-data u s-siegħa li fihom kopja kompleta tal-oriġinal iffirmat ta' att proċedurali, inkluża l-iskeda bil-lista tal-annessi msemmija fl-Artikolu 72(3), tasal fir-Reġistru permezz ta' faks, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-termini proċedurali jekk l-oriġinal iffirmat tal-att, flimkien mal-annessi u mal-kopji msemmija fil-paragrafu 2, jiġi ppreżentat fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara. L-Artikolu 60 ma huwiex applikabbli għal dan it-terminu ta' għaxart ijiem.

Artikolu 74

Preżentata b'mezzi elettroniċi

Il-Qorti Ġenerali tista', permezz ta' deċiżjoni, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom att proċedurali trażmess lir-Reġistru b'mezz elettroniku jista' jitqies li huwa l-oriġinal ta' dan l-att. Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 75

Tul tan-noti

1.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiffissa, skont l-Artikolu 224, it-tul massimu tan-noti ppreżentati fil-kuntest ta' dan it-Titolu.

2.   Il-President jista' jawtorizza li jinqabeż it-tul massimu tan-noti biss f'każijiet li jikkonċernaw punti ta' liġi jew ta' fatt partikolarment kumplessi.

Kapitolu III

FUQ IL-FAŻI BIL-MIKTUB TAL-PROĊEDURA

Artikolu 76

Kontenut tar-rikors

Ir-rikors imsemmi fl-Artikolu 21 tal-Istatut għandu jinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tar-rikorrent;

(b)

l-indikazzjoni tal-kwalità u tal-indirizz tar-rappreżentant tar-rikorrent;

(c)

id-dettalji tal-parti prinċipali li kontriha jkun ġie ppreżentat ir-rikors;

(d)

is-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor ta' dawn il-motivi;

(e)

it-talbiet tar-rikorrent;

(f)

jekk ikun il-każ, il-provi u l-provi proposti.

Artikolu 77

Informazzjoni dwar in-notifiki

1.   Għall-finijiet tal-proċedura, ir-rikors għandu jindika jekk il-mod ta' notifika aċċettat mir-rappreżentant tar-rikorrent huwiex dak imsemmi fl-Artikolu 57(4) jew il-faks.

2.   Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, in-notifiki kollha għall-finijiet tal-proċedura lill-parti kkonċernata għandhom isiru, sakemm dan in-nuqqas ma jiġix irregolarizzat, permezz ta' ittra rreġistrata indirizzata lir-rappreżentant tal-parti. F'dan il-każ, in-notifika għandha titqies li tkun saret regolarment permezz tad-depożitu tal-ittra rreġistrata fl-uffiċċju postali ta' fejn il-Qorti Ġenerali għandha s-sede tagħha.

Artikolu 78

Annessi mar-rikors

1.   Jekk ikun il-każ, mar-rikors għandhom jiġu annessi d-dokumenti indikati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut.

2.   Ir-rikors ippreżentat bis-saħħa ta' klawżola ta' arbitraġġ inkluża f'kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku jew mid-dritt privat konkluż mill-Unjoni jew f'isimha skont l-Artikolu 272 TFUE għandu jkollu miegħu kopja tal-kuntratt li jinkludi din il-klawżola.

3.   Jekk ir-rikorrent ikun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, huwa għandu jehmeż mar-rikors prova reċenti tal-eżistenza ġuridika tiegħu (estratt mir-reġistru tal-kummerċ, estratt mir-reġistru tal-kumpannija jew kwalunkwe dokument uffiċjali ieħor).

4.   Ir-rikors għandu jkollu miegħu d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 51(2) u (3).

5.   Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 1 sa 4, ir-Reġistratur għandu jiffissa terminu raġonevoli għar-rikorrent sabiex jipproduċi d-dokumenti msemmija iktar 'il fuq. Fin-nuqqas ta' din ir-regolarizzazzjoni fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta' osservanza ta' dawn il-kundizzjonijiet jimplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors.

Artikolu 79

Avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Għandu jiġi ppubblikat avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li fih jiġu indikati d-data tal-preżentata tar-rikors promotur, l-isem tal-partijiet prinċipali, it-talbiet tar-rikors kif ukoll l-indikazzjoni tal-motivi u tal-argumenti prinċipali invokati.

Artikolu 80

Notifika tar-rikors

1.   Ir-rikors għandu jiġi nnotifikat lill-konvenut billi tintbagħat kopja awtentikata tar-rikors permezz ta' ittra rreġistrata, b'dikjarazzjoni ta' rċevuta, jew billi din il-kopja tingħata direttament bl-għoti ta' rċevuta. Meta l-konvenut ikun aċċetta minn qabel li r-rikorsi jiġu indirizzati lilu permezz tal-mod imsemmi fl-Artikolu 57(4) jew permezz ta' faks, in-notifika tar-rikors tista' titwettaq b'dan il-mod.

2.   Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 78(5), in-notifika għandha ssir hekk kif titwettaq ir-regolarizzazzjoni jew hekk kif il-Qorti Ġenerali tilqa' l-ammissibbiltà fid-dawl tal-kundizzjonijiet elenkati fl-artikolu msemmi.

Artikolu 81

Risposta

1.   Il-konvenut għandu jippreżenta r-risposta tiegħu fi żmien xahrejn min-notifika tar-rikors. Ir-risposta għandha tinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-konvenut;

(b)

l-indikazzjoni tal-kwalità u tal-indirizz tar-rappreżentant tar-rikorrent;

(c)

il-motivi u l-argumenti invokati;

(d)

it-talbiet tal-konvenut;

(e)

jekk ikun il-każ, il-provi u l-provi proposti.

2.   L-Artikolu 77 u 78(3) sa (5) huma applikabbli għar-risposta.

3.   F'każijiet eċċezzjonali, it-terminu previst fil-paragrafu 1 jista' jiġi pprorogat mill-President fuq talba motivata tal-konvenut.

Artikolu 82

Trażmissjoni ta' dokumenti

Meta l-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni Ewropea ma jkunux parti f'kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tibgħatilhom kopja tar-rikors u tar-risposta, mingħajr l-annessi ta' dawn id-dokumenti, sabiex ikunu jistgħu jikkonstataw jekk tkunx qiegħda tiġi invokata l-inapplikabbiltà ta' wieħed mill-atti tagħhom fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE.

Artikolu 83

Replika u kontroreplika

1.   Ir-rikors u r-risposta jistgħu jiġu kkompletati b'replika tar-rikorrent u b'kontroreplika tal-konvenut sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix li t-tieni skambju ta' noti ma huwiex neċessarju minħabba li l-kontenut tal-proċess tal-kawża jkun suffiċjentement komplet.

2.   Meta l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li t-tieni skambju ma huwiex neċessarju, hija xorta tista' tawtorizza lill-partijiet prinċipali jikkompletaw il-proċess tal-kawża jekk ir-rikorrent iressaq talba motivata f'dan is-sens f'terminu ta' ġimagħtejn li jiddekorri min-notifika ta' din id-deċiżjoni.

3.   Il-President għandu jiffissa d-data li fihom għandhom jiġu prodotti dawn l-atti proċedurali. Huwa jista' jispeċifika l-punti li għandhom jiġu indirizzati minn din ir-replika jew minn din il-kontroreplika.

Kapitolu IV

FUQ IL-MOTIVI, FUQ IL-PROVI U FUQ L-ADATTAMENT TAR-RIKORS

Artikolu 84

Motivi ġodda

1.   Ebda motiv ġdid ma jista' jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta' liġi u ta' fatt li joħorġu matul il-proċedura.

2.   Jekk ikun il-każ, il-motivi ġodda għandhom jiġu ppreżentati fit-tieni skambju ta' noti u għandhom jiġu identifikati bħala tali. Meta l-punti ta' liġi u ta' fatt li jiġġustifikaw il-preżentazzjoni ta' motivi ġodda jkunu magħrufa wara t-tieni skambju ta' noti jew wara li jkun deċiż li ma jiġix awtorizzat tali skambju ta' noti, il-parti prinċipali kkonċernata għandha tippreżenta l-motivi ġodda hekk kif issir taf b'dawn il-punti.

3.   Bla ħsara għad-deċiżjoni li għad tkun trid tingħata mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tal-motivi ġodda, il-President għandu jagħti lill-partijiet l-oħra l-possibbiltà li jirribattu dawn il-motivi.

Artikolu 85

Provi u provi proposti

1.   Il-provi għandhom jiġu prodotti jew proposti fil-kuntest tal-ewwel skambju ta' noti.

2.   Il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard.

3.   F'każijiet eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqtal-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard.

4.   Bla ħsara għad-deċiżjoni li għad tkun trid tingħata mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tal-provi prodotti jew proposti skont il-paragrafi 2 u 3, il-President għandu jagħti lill-partijiet l-oħra l-possibbiltà li jieħdu pożizzjoni dwarhom.

Artikolu 86

Adattament tar-rikors

1.   Meta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b'att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista', qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqtal-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid.

2.   L-adattament tar-rikors għandu jsir permezz ta' att separat u fit-terminu, previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li fih jista' jintalab l-annullament tal-att li jiġġustifika l-adattament tar-rikors.

3.   In-nota ta' adattament għandha tinkludi:

(a)

it-talbiet adattati;

(b)

jekk ikun il-każ, il-motivi u l-argumenti adattati;

(c)

jekk ikun il-każ, il-provi u l-provi proposti marbuta mal-adattament tat-talbiet.

4.   In-nota ta' adattament għandha jkollha magħha l-att li jiġġustifika l-adattament tar-rikors. Jekk dan l-att ma jiġix prodott, ir-Reġistratur għandu jiffissa għar-rikorrent terminu raġonevoli għall-produzzjoni tiegħu. Fin-nuqqas ta' din ir-regolarizzazzjoni fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta' osservanza ta' dan ir-rekwiżit jimplikax l-inammissibbiltà tan-nota li tadatta r-rikors.

5.   Bla ħsara għad-deċiżjoni li għad tkun trid tingħata mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tan-nota li tadatta r-rikors, il-President għandu jiffissa terminu għall-konvenut sabiex jippreżenta risposta għan-nota ta' adattament.

6.   Jekk ikun il-każ, il-President għandu jiffissa terminu għall-intervenjenti sabiex jikkompletaw in-noti ta' intervent tagħhom fid-dawl tan-nota ta' adattament tar-rikors u tar-risposta. Għal dan il-għan, dawn in-noti għandhom jiġu nnotifikati fl-istess ħin lill-intervenjenti.

Kapitolu V

FUQ IR-RAPPORT PRELIMINARI

Artikolu 87

Rapport preliminari

1.   Ladarba tingħalaq il-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-President għandu jiffissa d-data li fiha l-Imħallef Relatur għandu jippreżenta rapport preliminari lill-Qorti Ġenerali.

2.   Ir-rapport preliminari għandu jinkludi analiżi tal-kwistjonijiet rilevanti ta' fatt u ta' liġi mqajma mir-rikors, kif ukoll proposti dwar il-kwistjoni jekk il-kawża teħtieġx miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri istruttorji, dwar iż-żamma tal-fażi orali tal-proċedura, dwar il-possibbiltà li l-kawża tintbagħat quddiem l-Awla Manja jew quddiem awla kkostitwita min-numru differenti ta' Mħallfin sedenti, u dwar il-possibbiltà li l-kawża tingħadda lill-Imħallef uniku.

3.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar il-provvedimenti li għandhom jittieħdu fuq il-proposti tal-Imħallef Relatur u, jekk ikun il-każ, dwar il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura.

Kapitolu VI

FUQ IL-MIŻURI TA' ORGANIZZAZZJONI TAL-PROĊEDURA U FUQ IL-MIŻURI ISTRUTTORJI

Artikolu 88

Punti ġenerali

1.   Il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji jistgħu jiġu adottati jew emendati f'kull stadju tal-proċedura, jew ex officio jew fuq talba ta' parti prinċipali.

2.   It-talba msemmija fil-paragrafu 1 għandha tindika bi preċiżjoni s-suġġett tal-miżuri mitluba u r-raġunijiet ta' natura li jiġġustifikaw dawn il-miżuri. Meta din it-talba titressaq wara l-ewwel skambju ta' noti, il-parti li tressaq it-talba għandha tesponi r-raġunijiet għaliex ma setgħetx tressaqha qabel.

3.   Fil-każ ta' talba għal miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji, il-President għandu jagħti lill-partijiet l-oħra l-possibbiltà li jieħdu pożizzjoni dwarha.

Taqsima 1

Fuq il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura

Artikolu 89

Skop

1.   Il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura huma intiżi li jiżguraw, fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, il-preparazzjoni tal-kawżi, l-iżvolġiment tal-proċeduri u s-soluzzjoni tat-tilwim.

2.   B'mod partikolari, il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura għandhom l-iskop:

(a)

li jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura u li tiġi ffaċilitata l-produzzjoni tal-provi;

(b)

li jiġu ddeterminati l-punti li fir-rigward tagħhom il-partijiet għandhom jikkompletaw l-argumenti tagħhom jew li jeħtieġu istruttorja;

(c)

li tiġi ppreċiżata l-portata tat-talbiet kif ukoll tal-motivi u tal-argumenti tal-partijiet u li jiġu kkjarifikati l-punti kontenzjużi bejn il-partijiet;

(d)

li jiġi ffaċilitat il-ftehim bonarju dwar it-tilwim.

3.   Il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura jistgħu jieħdu l-forma, b'mod partikolari, ta':

(a)

mistoqsijiet magħmula lill-partijiet;

(b)

stedina lill-partijiet sabiex jesprimu ruħhom bil-miktub jew oralment dwar ċerti aspetti tat-tilwima;

(c)

talba għal informazzjoni lill-partijiet jew lil terzi, imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut;

(d)

talba lill-partijiet sabiex jipproduċu kull anness relatat mal-kawża;

(e)

konvokazzjoni tal-partijiet għal laqgħat.

4.   Meta tiġi organizzata seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Qorti Ġenerali għandha, sa fejn ikun possibbli, tistieden lill-partijiet sabiex jikkonċentraw is-sottomissjonijiet orali tagħhom fuq kwistjoni jew kwistjonijiet partikolari.

Artikolu 90

Proċedura

1.   Il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura għandhom jiġu deċiżi mill-Qorti Ġenerali.

2.   Jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tadotta miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura u ma twettaqhomx hija stess, hija għandha tinkariga lill-Imħallef Relatur bit-twettiq tagħhom.

Taqsima 2

Fuq il-miżuri istruttorji

Artikolu 91

Skop

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 24 u 25 tal-Istatut, il-miżuri istruttorji jinkludu:

(a)

id-dehra personali tal-partijiet;

(b)

it-talba lil parti għal informazzjoni jew għall-produzzjoni ta' kull anness relatat mal-kawża;

(c)

it-talba għall-produzzjoni ta' dokumenti li l-aċċess għalihom kien miċħud minn istituzzjoni fil-kuntest ta' rikors dwar il-legalità ta' din iċ-ċaħda;

(d)

il-prova permezz ta' xhieda;

(e)

il-perizja;

(f)

l-aċċess.

Artikolu 92

Proċedura

1.   Il-Qorti Ġenerali għandha, permezz ta' digriet li jindika l-fatti li għandhom jiġu pprovati, tistabbilixxi l-miżuri li hija tqis xierqa.

2.   Il-partijiet għandhom jinstemgħu qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tordna l-miżuri istruttorji msemmija fl-Artikolu 91(d) sa (f).

3.   Miżura istruttorja msemmija fl-Artikolu 91(b) tista' tiġi ordnata biss meta l-parti kkonċernata mill-miżura ma tkunx issodisfat miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura adottata preċedentement għal dan il-għan jew meta l-parti kkonċernata mill-miżura titlob speċifikament li tiġi ordnata tali miżura filwaqt li tiġġustifika l-ħtieġa li tali miżura tiġi ordnata fil-forma ta' digriet istruttorju. Id-digriet istruttorju jista' jipprovdi li r-rappreżentanti tal-partijiet jistgħu jikkonsultaw biss fir-Reġistru l-informazzjoni u l-annessi miksuba mill-Qorti Ġenerali sussegwentement għal dan id-digriet, mingħajr ma jkunu jistgħu jsiru kopji.

4.   Jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tiftaħ istruttorja u ma twettaqhiex hija stess, hija għandha tinkariga lill-Imħallef Relatur bit-twettiq tagħha.

5.   L-Avukat Ġenerali għandu jipparteċipa fil-miżuri istruttorji.

6.   Il-partijiet jistgħu jassistu għall-miżuri istruttorji.

7.   Il-produzzjoni tal-prova kontrarja u l-amplifikazzjoni tal-provi proposti għandhom jibqgħu rriżervati.

Artikolu 93

Taħrika tax-xhieda

1.   Ix-xhieda li l-eżami tagħhom jitqies neċessarju għandhom jiġu mħarrka permezz ta' digriet, imsemmi fl-Artikolu 92(1), li għandu jinkludi:

(a)

l-isem, il-professjoni u l-indirizz tax-xhieda;

(b)

id-data u l-post tal-eżami;

(c)

l-indikazzjoni tal-fatti li għandhom jiġu stabbiliti u tax-xhieda li għandhom jinstemgħu fir-rigward ta' kull wieħed minn dawn il-fatti.

2.   Ix-xhieda għandhom jiġu mħarrka mill-Qorti Ġenerali, jekk ikun meħtieġ wara d-depożitu tal-garanzija msemmija fl-Artikolu 100(1).

Artikolu 94

Eżami tax-xhieda

1.   Wara li ssir il-verifika tal-identità tax-xhieda, il-President għandu jinformahom li ser ikollhom jikkonfermaw il-verità tad-dikjarazzjonijiet tagħhom skont il-modalitajiet speċifikati fil-paragrafu 5 u fl-Artikolu 97.

2.   Ix-xhieda għandhom jinstemgħu mill-Qorti Ġenerali, wara li l-partijiet jissejħu sabiex jattendu. Wara d-depożizzjoni, il-President jista', fuq talba ta' waħda mill-partijiet jew ex officio, jagħmel mistoqsijiet lix-xhieda.

3.   L-Imħallfin kollha u l-Avukat Ġenerali wkoll jistgħu jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda.

4.   Il-President jista' jawtorizza lir-rappreżentanti tal-partijiet jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda.

5.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 97, wara li jagħmel id-depożizzjoni tiegħu, ix-xhud għandu jieħu l-ġurament li ġej:

“Jiena naħlef li għidt is-sewwa, is-sewwa kollu u xejn ħlief is-sewwa”.

6.   Il-Qorti Ġenerali tista', wara li jinstemgħu l-partijiet prinċipali, teżenta lix-xhud milli jieħu l-ġurament.

Artikolu 95

Obbligi tax-xhieda

1.   Ix-xhieda regolarment imħarrka għandhom joqogħdu għat-taħrika u jidhru għall-eżami.

2.   Meta xhud regolarment imħarrek ma jidhirx quddiem il-Qorti Ġenerali mingħajr raġuni leġittima, il-Qorti Ġenerali tista' timponi fuqu sanzjoni pekunjarja ta' mhux iktar minn EUR 5 000 u tordna taħrika ġdida tax-xhud bi spejjeż tiegħu.

3.   L-istess sanzjoni tista' tiġi imposta fuq xhud li, mingħajr raġuni leġittima, jirrifjuta li jagħti x-xhieda tiegħu jew li jieħu l-ġurament.

Artikolu 96

Perizja

1.   Id-digriet li jinnomina lill-perit għandu jispeċifika l-inkarigu tiegħu u għandu jiffissa terminu għall-preżentazzjoni tar-rapport tiegħu.

2.   Wara l-preżentazzjoni tar-rapport u wara n-notifika tiegħu lill-partijiet, il-Qorti Ġenerali tista' tordna li jinstemal-perit, wara li l-partijiet jissejħu sabiex jattendu. Fuq talba ta' waħda mill-partijiet jew ex officio, il-President jista' jagħmel mistoqsijiet lill-perit.

3.   L-Imħallfin kollha u l-Avukat Ġenerali wkoll jistgħu jagħmlu mistoqsijiet lill-perit.

4.   Il-President jista' jawtorizza lir-rappreżentanti tal-partijiet jagħmlu mistoqsijiet lill-perit.

5.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 97, wara l-preżentazzjoni tar-rapport, il-perit għandu jieħu l-ġurament li ġej:

“Jiena naħlef li wettaqt l-inkarigu tiegħi bir-ruħ u bil-ħaqq.”

6.   Il-Qorti Ġenerali tista', wara li jinstemgħu l-partijiet prinċipali, teżenta lill-perit milli jieħu l-ġurament.

Artikolu 97

Ġurament tax-xhieda u tal-periti

1.   Il-President għandu jinforma lill-persuni meħtieġa jieħdu ġurament quddiem il-Qorti Ġenerali bħala xiehda jew bħala periti li huma għandhom jgħidu s-sewwa jew li għandhom iwettqu l-inkarigu tagħhom bir-ruħ u bil-ħaqq u għandu jiġbdilhom l-attenzjoni għall-konsegwenzi ta' natura kriminali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-każ li ma josservawx dan l-obbligu.

2.   Ix-xhieda u l-periti għandhom jieħdu l-ġurament previst, rispettivament, fl-Artikolu 94(5) u fl-Artikolu 96(5), jew fil-forom previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Artikolu 98

Ksur tal-ġurament tax-xhieda u tal-periti

1.   Il-Qorti Ġenerali tista' tiddeċiedi li tiddenunzja kull xhieda falza jew kull dikjarazzjoni falza minn perit mogħtija taħt ġurament quddiemha lill-awtorità kompetenti, imsemmija fir-Regoli Addizzjonali għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni għall-finijiet ta' proċeduri kriminali.

2.   Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tintbagħat mir-Reġistratur. Din id-deċiżjoni għandha tesponi l-fatti u ċ-ċirkustanzi li fuqhom tkun ibbażata d-denunzja.

Artikolu 99

Rikuża ta' xhud jew ta' perit

1.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi fil-każ li waħda mill-partijiet tirrikuża xhud jew perit minħabba nuqqas ta' kapaċità jew ta' adegwatezza jew minħabba kwalunkwe raġuni oħra, jew fil-każ li xhud jew perit jirrifjuta li jixhed jew li jieħu ġurament.

2.   Ir-rikuża ta' xhud jew ta' perit għandha ssir, permezz ta' att li jinkludi r-raġunijiet għar-rikuża u n-natura tal-provi proposti, f'terminu ta' ġimagħtejn li jiddekorri min-notifika tad-digriet li jħarrek lix-xhud jew li jinnomina l-perit.

Artikolu 100

Spejjeż tax-xhieda u tal-periti

1.   Meta l-Qorti Ġenerali tordna l-eżami ta' xhieda jew perizja, hija tista' titlob lill-partijiet prinċipali, jew lil waħda minnhom, sabiex jagħmlu depożitu bħala garanzija għall-ispejjeż tax-xhieda jew tal-periti.

2.   Ix-xhieda u l-periti għandhom dritt għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ tagħhom. Il-kaxxier tal-Qorti Ġenerali jista' jagħtihom ħlas bil-quddiem fuq dawn l-ispejjeż.

3.   Ix-xhieda huma intitolati għal kumpens għal telf ta' qligħ u l-periti huma intitolati għal onorarju għall-ħidma tagħhom. Dawn is-somom għandhom jitħallsu mill-kaxxier tal-Qorti Ġenerali lix-xhieda u lill-periti wara t-twettiq tad-dmirijiet jew tal-inkarigu tagħhom.

Artikolu 101

Ittra rogatorja

1.   Il-Qorti Ġenerali tista', fuq talba tal-partijiet prinċipali jew ex officio, toħroġ ittri rogatorji għall-eżami ta' xhieda jew ta' periti.

2.   L-ittra rogatorja għandha tinħareġ permezz ta' digriet. Dan għandu jinkludi l-isem, il-professjoni u l-indirizz tax-xhieda jew tal-periti, jindika l-fatti li fuqhom ix-xhieda jew il-periti ser jiġu eżaminati, jidentifika l-partijiet, ir-rappreżentanti tagħhom kif ukoll l-indirizz tagħhom u jesponi sommarjament is-suġġett tat-tilwima.

3.   Ir-Reġistratur għandu jibgħat id-digriet lill-awtorità kompetenti, imsemmija fir-Regoli Addizzjonali għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandu jsir l-eżami tax-xhieda jew tal-periti. Jekk ikun il-każ, flimkien mad-digriet ir-Reġistratur għandu jibgħat traduzzjoni fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru destinatarju.

4.   L-awtorità identifikata skont il-paragrafu 3 għandha tgħaddi d-digriet lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti skont id-dritt nazzjonali tagħha.

5.   L-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha teżegwixxi t-talba fl-ittra rogatorja skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha. Wara l-eżekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tibgħat lill-awtorità identifikata skont il-paragrafu 3 d-digriet bl-ittra rogatorja, id-dokumenti ta' eżekuzzjoni u skeda ddettaljata tal-ispejjeż. Dawn id-dokumenti għandhom jintbagħtu lir-Reġistratur.

6.   Ir-Reġistratur għandu jiżgura t-traduzzjoni tad-dokumenti fil-lingwa tal-kawża.

7.   Il-Qorti Ġenerali għandha tħallas l-ispejjeż tal-ittra rogatorja, bla ħsara għall-possibbiltà li, jekk ikun il-każ, iżżomm lill-partijiet prinċipali responsabbli għall-ħlas tagħhom.

Artikolu 102

Proċess verbal tas-seduti istruttorji

1.   Ir-Reġistratur għandu jħejji proċess verbal ta' kull seduta istruttorja. Dan il-proċess verbal għandu jiġi ffirmat mill-President u mir-Reġistratur. Il-proċess verbal huwa att awtentiku.

2.   Fil-każ ta' seduta għall-eżami ta' xhieda jew ta' periti, il-proċess verbal għandu jiġi ffirmat mill-President jew mill-Imħallef Relatur inkarigat sabiex iwettaq l-eżami kif ukoll mir-Reġistratur. Qabel jiġi ffirmat il-proċess verbal, ix-xhud jew il-perit għandu jingħata l-possibbiltà li jivverifika l-kontenut tiegħu u li jiffirmah.

3.   Il-proċess verbal għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet.

Taqsima 3

Trattament tal-informazzjoni, tal-annessi u tad-dokumenti kunfidenzjali prodotti fil-kuntest tal-miżuri istruttorji

Artikolu 103

Trattament ta' informazzjoni u ta' annessi kunfidenzjali

1.   Meta l-Qorti Ġenerali tintalab teżamina, fuq il-bażi tal-punti ta' liġi u ta' fatt invokati minn parti prinċipali, in-natura kunfidenzjali, fil-konfront tal-parti prinċipali l-oħra, ta' ċerta informazzjoni jew ta' ċerti annessi li jkunu ġew prodotti quddiemha wara miżura istruttorja, imsemmija fl-Artikolu 91(b), u li jistgħu jkunu rilevanti sabiex tinqatal-kawża, din l-informazzjoni jew dawn l-annessi ma għandhomx jiġu kkomunikati lil din il-parti l-oħra fl-istadju ta' dan l-eżami.

2.   Meta, permezz tal-eżami previst fil-paragrafu 1, il-Qorti Ġenerali tasal għall-konklużjoni li ċerta informazzjoni jew ċerti annessi prodotti quddiemha huma rilevanti sabiex tinqatal-kawża u huma, fil-konfront tal-parti prinċipali l-oħra, ta' natura kunfidenzjali, hija għandha tibbilanċja din in-natura kunfidenzjali u r-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b'mod partikolari mal-osservanza tal-prinċipju ta' kontradittorju.

3.   Wara li twettaq l-ibbilanċjar imsemmi fil-paragrafu 2, il-Qorti Ġenerali tista' tiddeċiedi li tikkomunika l-informazzjoni jew l-annessi kunfidenzjali lill-parti prinċipali l-oħra, jekk ikun il-każ billi tissuġġetta l-iżvelar tagħhom għall-obbligu li jiġu osservati impenji speċifiċi, jew li ma tikkomunikahomx filwaqt li tispeċifika, permezz ta' digriet motivat, il-modalitajiet li permezz tagħhom din il-parti prinċipali l-oħra tkun tista', bl-iktar mod wiesa' possibbli, tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, b'mod partikolari billi tordna l-produzzjoni ta' verżjoni mhux kunfidenzjali jew ta' sunt mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni jew tal-annessi li jkunu jinkludu l-kontenut essenzjali tagħhom.

4.   Ir-regoli proċedurali stabbiliti f'dan l-artikolu ma humiex applikabbli għall-każijiet imsemmija fl-Artikolu 105.

Artikolu 104

Dokumenti li l-aċċess għalihom ikun ġie miċħud minn istituzzjoni

Meta, wara miżura istruttorja, imsemmija fl-Artikolu 91(c), dokument li l-aċċess għalih ikun ġie miċħud minn istituzzjoni jiġi prodott quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta' rikors li jirrigwarda l-legalità ta' din iċ-ċaħda, dan id-dokument ma għandux jiġi kkomunikat lill-partijiet l-oħra.

Kapitolu VII

FUQ L-INFORMAZZJONI JEW L-ANNESSI LI JOLQTU S-SIGURTÀ TAL-UNJONI JEW TA' WIEĦED JEW IKTAR MILL-ISTATI MEMBRI TAGĦHA JEW IT-TMEXXIJA TAR-RELAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI TAGĦHOM

Artikolu 105

Trattament tal-informazzjoni jew tal-annessi li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni jew ta' wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom

1.   Meta, kuntrarjament għall-prinċipju ta' kontradittorju rrikonoxxut fl-Artikolu 64, li minnu jirriżulta li l-informazzjoni u l-annessi kollha għandhom jiġu kkomunikati fl-intier tagħhom lill-partijiet, parti prinċipali jkollha l-intenzjoni tibbaża l-pretensjonijiet tagħha fuq ċerta informazzjoni jew fuq ċerti annessi filwaqt li ssostni li l-komunikazzjoni tagħhom ser tippreġudika s-sigurtà tal-Unjoni jew is-sigurtà ta' wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, din il-parti prinċipali għandha tipproduċi din l-informazzjoni jew dawn l-annessi permezz ta' att separat. Ma' din il-produzzjoni għandha titressaq talba għat-trattament kunfidenzjali ta' din l-informazzjoni jew ta' dawn l-annessi li tinkludi r-raġunijiet imperattivi li, sa fejn ikun strettament meħtieġ mis-sitwazzjoni, jiġġustifikaw il-ħarsien tan-natura kunfidenzjali tagħhom u li jipprekludu l-komunikazzjoni tagħhom lill-parti prinċipali l-oħra. It-talba għal trattament kunfidenzjali għandha titressaq ukoll permezz ta' att separat u ma għandha tinkludi ebda element kunfidenzjali. Meta l-informazzjoni jew l-annessi li jintalab it-trattament kunfidenzjali tagħhom ikunu ġew trażmessi lill-parti prinċipali minn Stat Membru wieħed jew iktar, ir-raġunijiet imperattivi mressqa mill-parti prinċipali sabiex tiġġustifika t-trattament kunfidenzjali tagħhom jistgħu jinkludu dawk ipprovduti mill-Istat Membru jew mill-Istati Membri inkwistjoni.

2.   Il-produzzjoni ta' informazzjoni jew ta' annessi li n-natura kunfidenzjali tagħhom tkun ibbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tista' tintalab mill-Qorti Ġenerali permezz ta' miżura istruttorja. Fil-każ ta' rifjut, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu nota ta' dan ir-rifjut. B'deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 103, ir-regoli proċedurali applikabbli għal din l-informazzjoni jew għal dawn l-annessi prodotti wara miżura istruttorja għandhom ikunu dawk stabbiliti f'dan l-artikolu.

3.   Fl-istadju tal-eżami tan-natura rilevanti sabiex tinqatal-kawża tal-informazzjoni jew tal-annessi prodotti minn parti prinċipali skont il-paragrafi 1 jew 2 u tan-natura kunfidenzjali tagħhom fil-konfront tal-parti prinċipali l-oħra, din l-informazzjoni jew dawn l-annessi ma għandhomx jiġu kkomunikati lill-parti prinċipali l-oħra.

4.   Meta, wara l-eżami previst fil-paragrafu 3, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-informazzjoni jew l-annessi prodotti quddiemha huma rilevanti sabiex tinqatal-kawża u ma humiex ta' natura kunfidenzjali għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, hija għandha titlob lill-parti kkonċernata tawtorizzaha sabiex tikkomunika din l-informazzjoni jew dawn l-annessi lill-parti prinċipali l-oħra. Jekk il-parti topponi tali komunikazzjoni f'terminu ffissat mill-President, jew fl-assenza ta' risposta min-naħa tagħha sal-iskadenza ta' dan it-terminu, din l-informazzjoni jew dawn l-annessi ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tinqatal-kawża u għandhom jingħatawlha lura.

5.   Meta, wara l-eżami previst fil-paragrafu 3, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li ċerta informazzjoni jew ċerti annessi prodotti quddiemha huma rilevanti sabiex tinqatal-kawża u huma, fil-konfront tal-parti prinċipali l-oħra, ta' natura kunfidenzjali, din l-informazzjoni jew dawn l-annessi ma għandhomx jiġu kkomunikati lil din il-parti prinċipali l-oħra. Il-Qorti Ġenerali għandha sussegwentement tibbilanċja r-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b'mod partikolari mal-osservanza tal-prinċipju ta' kontradittorju, u dawk li jirriżultaw mis-sigurtà tal-Unjoni jew mis-sigurtà ta' wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha jew mit-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom.

6.   Wara li twettaq l-ibbilanċjar imsemmi fil-paragrafu 5, il-Qorti Ġenerali għandha tadotta digriet motivat li jispeċifika l-modalitajiet li permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu kkonċiljati r-rekwiżiti msemmija fl-istess paragrafu, bħal ma huma l-produzzjoni mill-parti kkonċernata, għall-finijiet ta' komunikazzjoni sussegwenti lill-parti prinċipali l-oħra, ta' verżjoni mhux kunfidenzjali jew sunt mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni jew tal-annessi, li jinkludu l-kontenut essenzjali tagħhom u li permezz tagħhom il-parti prinċipali l-oħra tkun tista', bl-iktar mod wiesa' possibbli, tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

7.   L-informazzjoni jew l-annessi li jkunu ta' natura kunfidenzjali fil-konfront tal-parti prinċipali l-oħra jistgħu jiġu rtirati, kompletament jew parzjalment, mill-parti prinċipali li tkun ipproduċiethom skont il-paragrafu 1 jew 2 f'terminu ta' ġimgħatejn min-notifika tad-deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 5. L-informazzjoni jew l-annessi rtirati ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tinqatal-kawża u għandhom jingħataw lura lill-parti prinċipali kkonċernata.

8.   Meta l-Qorti Ġenerali tqis li informazzjoni jew annessi li, minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom, ma jkunux ġew ikkomunikati lill-parti prinċipali l-oħra skont il-modalitajiet imsemmija fil-paragrafu 6, huma indispensabbli sabiex taqtal-kawża, hija tista', b'deroga mill-Artikolu 64 u sa fejn ikun strettament neċessarju, tibbaża d-deċiżjoni finali tagħha fuq tali informazzjoni jew tali annessi. Fl-evalwazzjoni ta' din l-informazzjoni jew ta' dawn l-annessi, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li parti prinċipali ma setgħetx tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwarhom.

9.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiżgura li d-dettalji kunfidenzjali li jinsabu f'informazzjoni jew f'annessi prodotti minn parti prinċipali skont il-paragrafu 1 jew 2 u li ma jkunux ġew ikkomunikati lill-parti prinċipali l-oħra ma jiġux żvelati, la fid-digriet mogħti bis-saħħa tal-paragrafu 6 u lanqas fid-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

10.   Hekk kif tiġi adottata d-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, l-informazzjoni jew l-annessi msemmija fil-paragrafu 5 għandhom jingħataw lura lill-parti kkonċernata.

11.   Il-Qorti Ġenerali għandha tistabbilixxi, permezz ta' deċiżjoni, ir-regoli ta' sigurtà għall-finijiet tal-protezzjoni tal-informazzjoni jew tal-annessi prodotti inkonformità, skont il-każ, mal-paragrafu 1 jew mal-paragrafu 2. Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Kapitolu VIII

FUQ IL-FAŻI ORALI TAL-PROĊEDURA

Artikolu 106

Fażi orali tal-proċedura

1.   Fil-fażi orali tagħha, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tinkludi seduta għas-sottomissjonijiet orali li tiġi organizzata jew ex officio jew fuq it-talba ta' parti prinċipali.

2.   It-talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali mressqa minn parti prinċipali għandha tindika r-raġunijiet għaliex din il-parti tkun tixtieq tinstema'. Din it-talba għandha titressaq f'terminu ta' tliet ġimgħat li jiddekorri min-notifika lill-partijiet tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. Dan it-terminu jista' jiġi pprorogat mill-President.

3.   Fl-assenza tat-talba msemmija fil-paragrafu 2, il-Qorti Ġenerali tista', jekk tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-annessi fil-proċess tal-kawża, tiddeċiedi li taqta' r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura. F'dan il-każ, il-Qorti Ġenerali xorta tista' tiddeċiedi sussegwentement li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

Artikolu 107

Data tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali

1.   Jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura, id-data tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali għandha tiġi stabbilita mill-President.

2.   F'każijiet eċċezzjonali, il-President jista', ex officio jew fuq talba motivata ta' parti prinċipali, jiddifferixxi d-data tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

Artikolu 108

Assenza tal-partijiet mis-seduta għas-sottomissjonijiet orali

1.   Meta parti tinforma lill-Qorti Ġenerali li ma hijiex ser tattendi s-seduta għas-sottomissjonijiet orali jew meta l-Qorti Ġenerali fis-seduta tikkonstata l-assenza mhux ġustifikata ta' parti debitament imsejħa sabiex tattendi, is-seduta għas-sottomissjonijiet orali għandha tinżamm fl-assenza tal-parti kkonċernata.

2.   Meta l-partijiet prinċipali jindikaw lill-Qorti Ġenerali li ma humiex ser jattendu għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-President għandu jiddeċiedi jekk il-fażi orali tal-proċedura tistax tingħalaq.

Artikolu 109

Seduta bil-magħluq

1.   Il-Qorti Ġenerali tista', skont l-Artikolu 31 tal-Istatut u wara li jinstemgħu l-partijiet, tiddeċiedi li seduta tinżamm bil-magħluq.

2.   It-talba sabiex seduta tinżamm bil-magħluq imressqa minn parti għandha tkun motivata u għandha tindika jekk tirreferix għat-trattazzjoni kollha jew għal parti minnha.

3.   Id-deċiżjoni li s-seduta tinżamm bil-magħluq tinkludi projbizzjoni fir-rigward tal-pubblikazzjoni tat-trattazzjoni.

Artikolu 110

Żvolġiment tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali

1.   Il-President għandu jiftaħ u jmexxi t-trattazzjoni u għandu jżomm il-bon ordni waqt is-seduta.

2.   Il-partijiet jistgħu jittrattaw biss permezz tar-rappreżentant tagħhom.

3.   Matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Membri tal-kulleġġ ġudikanti u l-Avukat Ġenerali jistgħu jagħmlu mistoqsijiet lir-rappreżentanti tal-partijiet

Artikolu 111

Għeluq tal-fażi orali tal-proċedura

F'kawża li fiha ma jkunx ġie nnominat Avukat Ġenerali, il-President għandu jiddikjara magħluqa l-fażi orali tal-proċedura meta tintemm it-trattazzjoni.

Artikolu 112

Preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali

1.   F'kawża li fiha jkun ġie nnominat Avukat Ġenerali, meta dan jippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu bil-miktub, huwa għandu jiddepożitahom fir-Reġistru, li jikkomunikahom lill-partijiet.

2.   Il-President għandu jiddikjara magħluqa l-fażi orali tal-proċedura wara li l-Avukat Ġenerali jippreżenta jew jiddepożita l-konklużjonijiet tiegħu.

Artikolu 113

Ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

1.   Il-Qorti Ġenerali għandha tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 23(3) jew fl-Artikolu 24(3).

2.   Il-Qorti Ġenerali tista' tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura:

(a)

jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed;

(b)

meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta' argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet;

(c)

meta parti prinċipali titlob dan il-ftuħ mill-ġdid filwaqt li tinvoka fatti ta' natura li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u li ma setgħetx tinvoka qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura.

Artikolu 114

Proċess verbal tas-seduta

1.   Ir-Reġistratur għandu jħejji proċess verbal għal kull seduta. Dan il-proċess verbal għandu jiġi ffirmat mill-President u mir-Reġistratur. Il-proċess verbal huwa att awtentiku.

2.   Il-proċess verbal għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet.

Artikolu 115

Reġistrazzjoni awdjo tas-seduta

Il-President tal-Qorti Ġenerali jista', fuq talba debitament ġustifikata, jawtorizza lil parti li pparteċipat fil-fażi bil-miktub jew fil-fażi orali tal-proċedura sabiex tisma', fil-bini tal-Qorti Ġenerali, ir-reġistrazzjoni awdjo tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali fil-lingwa użata mill-kelliema matul is-seduta.

Kapitolu IX

FUQ IS-SENTENZI U FUQ ID-DIGRIETI

Artikolu 116

Data tal-għoti tas-sentenza

Il-partijiet għandhom jiġu informati dwar id-data tal-għoti tas-sentenza.

Artikolu 117

Kontenut tas-sentenza

Is-sentenza għandha tinkludi:

(a)

l-indikazzjoni li tkun qiegħda tingħata mill-Qorti Ġenerali;

(b)

l-indikazzjoni tal-kulleġġ ġudikanti;

(c)

id-data tal-għoti tagħha;

(d)

l-ismijiet tal-President u tal-Imħallfin li pparteċipaw fid-deliberazzjonijiet, b'indikazzjoni tal-Imħallef Relatur;

(e)

l-isem tal-Avukat Ġenerali, jekk dan ikun ġie nnominat;

(f)

l-isem tar-Reġistratur;

(g)

l-indikazzjoni tal-partijiet;

(h)

l-ismijiet tar-rappreżentanti tagħhom;

(i)

it-talbiet tal-partijiet;

(j)

jekk ikun il-każ, id-data tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali;

(k)

l-indikazzjoni, jekk ikun il-każ, li l-Avukat Ġenerali nstema' u, jekk ikun il-każ, id-data tal-konklużjonijiet tiegħu;

(l)

espożizzjoni fil-qosor tal-fatti;

(m)

ir-raġunijiet;

(n)

id-dispożittiv, inkluża d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

Artikolu 118

Għoti u notifika tas-sentenza

1.   Is-sentenza għandha tingħata fil-qorti bil-miftuħ.

2.   L-oriġinal tas-sentenza, iffirmat mill-President, mill-Imħallfin li pparteċipaw fid-deliberazzjonijiet u mir-Reġistratur, għandu jiġi ssiġillat u ddepożitat fir-Reġistru. Kopja tas-sentenza għandha tiġi nnotifikata lil kull waħda mill-partijiet.

Artikolu 119

Kontenut tad-digriet

Kull digriet li jista' jkun is-suġġett ta' appell bis-saħħa tal-Artikolu 56 jew tal-Artikolu 57 tal-Istatut għandu jinkludi:

(a)

l-indikazzjoni li jkun qiegħed jingħata, skont il-każ, mill-Qorti Ġenerali, mill-President jew mill-Imħallef għall-miżuri provviżorji;

(b)

jekk ikun il-każ, l-indikazzjoni tal-kulleġġ ġudikanti;

(c)

id-data tal-adozzjoni tiegħu;

(d)

l-indikazzjoni tal-bażi legali li fuqha jkun ibbażat;

(e)

l-isem tal-President u, jekk ikun il-każ, l-ismijiet tal-Imħallfin li pparteċipaw fid-deliberazzjonijiet, b'indikazzjoni tal-Imħallef Relatur;

(f)

l-isem tal-Avukat Ġenerali, jekk dan ikun ġie nnominat;

(g)

l-isem tar-Reġistratur;

(h)

l-indikazzjoni tal-partijiet;

(i)

l-ismijiet tar-rappreżentanti tagħhom;

(j)

it-talbiet tal-partijiet;

(k)

l-indikazzjoni, jekk ikun il-każ, li l-Avukat Ġenerali nstema';

(l)

espożizzjoni fil-qosor tal-fatti;

(m)

ir-raġunijiet;

(n)

id-dispożittiv, inkluża, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

Artikolu 120

Firma u notifika tad-digriet

L-oriġinal ta' kull digriet, iffirmat mill-President u mir-Reġistratur, għandu jiġi ssiġillat u ddepożitat fir-Reġistru. Kopja tad-digriet għandha tiġi nnotifikata lil kull waħda mill-partijiet u, skont il-każ, lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Artikolu 121

Saħħa vinkolanti tas-sentenzi u tad-digrieti

1.   Is-sentenza jkollha saħħa vinkolanti sa mill-jum tal-għoti tagħha, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60 tal-Istatut.

2.   Id-digriet ikollu saħħa vinkolanti sa mill-jum tan-notifika tiegħu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60 tal-Istatut.

Artikolu 122

Pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Għandu jiġi ppubblikat avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li fih jiġu indikati d-data u d-dispożittiv tas-sentenzi u tad-digrieti tal-Qorti Ġenerali li jagħlqu l-istanza, bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet adottati qabel in-notifika tar-rikors lill-konvenut.

Kapitolu X

FUQ IS-SENTENZI FIL-KONTUMAĊJA

Artikolu 123

Sentenzi fil-kontumaċja

1.   Meta l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-konvenut, regolarment intimat, ma jkunx irrisponda għar-rikors fil-forma u fit-terminu previsti fl-Artikolu 81, bla ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut, ir-rikorrent jista', f'terminu ffissat mill-President, jitlob lill-Qorti Ġenerali tilqa' t-talbiet tiegħu.

2.   Il-konvenut kontumaċi ma jintervjenix fil-proċedura fil-kontumaċja u ebda att proċedurali ma jiġi nnotifikat lilu, ħlief għad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

3.   Fis-sentenza fil-kontumaċja, il-Qorti Ġenerali għandha tilqa' t-talbiet tar-rikorrent, sakemm manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors jew sakemm dan ir-rikors ma jkunx manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt.

4.   Sentenza fil-kontumaċja hija eżekuttiva. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tista' tissospendi l-eżekuzzjoni tagħha sakemm tiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni mressqa skont l-Artikolu 166 u tista' anki tissuġġetta l-eżekuzzjoni tagħha għal depożitu ta' garanzija li l-ammont u l-modalitajiet tagħha għandhom jiġu stabbiliti fid-dawl taċ-ċirkustanzi. Din il-garanzija għandha tiġi rrilaxxata jekk ma titressaqx oppożizzjoni jew fil-każ li din l-oppożizzjoni tiġi miċħuda.

Kapitolu XI

FUQ IL-FTEHIM BONARJU U FUQ IR-RINUNZJA GĦALL-ATTI

Artikolu 124

Ftehim bonarju

1.   Jekk, qabel ma l-Qorti Ġenerali tagħti d-deċiżjoni tagħha, il-partijiet prinċipali jilħqu ftehim dwar it-tilwima ta' bejniethom u jekk jinformaw lill-Qorti Ġenerali li qegħdin jirrinunzjaw għal kull pretensjoni, il-President għandu jordna t-tħassir tal-kawża mir-reġistru u għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 136 u 138, jekk ikun il-każ fid-dawl tal-proposti magħmula f'dan is-sens mill-partijiet.

2.   Din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għar-rikorsi msemmija fl-Artikoli 263 TFUE u 265 TFUE.

Artikolu 125

Rinunzja għall-atti

Jekk ir-rikorrent jinforma lill-Qorti Ġenerali, bil-miktub jew matul is-seduta, li għandu l-intenzjoni jirrinunzja għall-atti, il-President għandu jordna t-tħassir tal-kawża mir-reġistru u għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż skont l-Artikoli 136 u 138.

Kapitolu XII

FUQ IR-RIKORSI U L-KWISTJONIJIET PROĊEDURALI MAQTUGĦA PERMEZZ TA' DIGRIET

Artikolu 126

Rikors li manifestament ikun ser jiġi miċħud

Meta l-Qorti Ġenerali manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta' rikors jew meta rikors ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista', f'kull ħin u fuq proposta tal-Imħallef Relatur, tiddeċiedi li taqtal-kawża permezz ta' digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

Artikolu 127

Riferiment ta' kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

Id-deċiżjonijiet ta' riferiment, imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut u fl-Artikolu 8(2) tal-Anness I tal-Istatut, għandhom jittieħdu mill-Qorti Ġenerali, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, permezz ta' digriet motivat.

Artikolu 128

Astensjoni

Id-deċiżjonijiet ta' astensjoni, imsemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut, għandhom jittieħdu mill-Qorti Ġenerali, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, permezz ta' digriet motivat.

Artikolu 129

Eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà ta' ordni pubbliku

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali tista', f'kull ħin, ex officio u wara li jinstemgħu l-partijiet prinċipali, tiddeċiedi li taqtal-eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà ta' ordni pubbliku permezz ta' digriet motivat.

Artikolu 130

Eċċezzjonijiet u kwistjonijiet proċedurali

1.   Meta l-konvenut jitlob li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà jew in-nuqqas ta' kompetenza mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, huwa għandu jressaq it-talba tiegħu permezz ta' att separat fit-terminu msemmi fl-Artikolu 81.

2.   Meta parti titlob li l-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni jew li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar kwistjoni oħra, hija għandha tressaq it-talba tagħha permezz ta' att separat.

3.   It-talbiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jinkludu espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti li fuqhom ikunu bbażati, it-talbiet u, mehmuża magħhom, l-annessi invokati insostenn tagħhom.

4.   Hekk kif titressaq it-talba msemmija fil-paragrafu 1, il-President għandu jiffissa terminu sabiex ir-rikorrent jippreżenta bil-miktub il-motivi u t-talbiet tiegħu.

5.   Hekk kif titressaq it-talba msemmija fil-paragrafu 2, il-President għandu jiffissa terminu sabiex il-partijiet l-oħra jippreżentaw bil-miktub l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba.

6.   Il-Qorti Ġenerali tista' tiddeċiedi li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura dwar it-talbiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2. L-Artikolu 106 ma huwiex applikabbli.

7.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi fl-iqsar żmien possibbli dwar it-talba jew, meta jkun ġustifikat minħabba ċirkustanzi partikolari, għandha tinkludi l-eżami ta' din it-talba mad-deċiżjoni fil-mertu. Il-Qorti Ġenerali għandha tirreferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jekk din tkun taqa' fil-kompetenza tagħhom.

8.   Jekk il-Qorti Ġenerali tiċħad it-talba jew tħalliha għad-deċiżjoni fil-mertu, il-President għandu jiffissa termini ġodda għat-tkomplija tal-istanza.

Artikolu 131

Konstatazzjoni ex officio li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

1.   Jekk il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni, hija tista', f'kull ħin, ex officio, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstemgħu l-partijiet, tiddeċiedi permezz ta' digriet motivat.

2.   Jekk ir-rikorrent ma jibqax iwieġeb għall-komunikazzjonijiet min-naħa tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali tista', fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstemgħu l-partijiet, tikkonstata ex officio, permezz ta' digriet motivat, li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni.

Artikolu 132

Rikors manifestament fondat

Meta l-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jkunu diġà ddeċidew dwar punt jew diversi punti ta' liġi identiċi għal dawk imqajma fil-motivi tar-rikors u meta l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-fatti huma stabbiliti, hija tista', wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstemgħu l-partijiet, tiddeċiedi li tiddikjara r-rikors manifestament fondat permezz ta' digriet motivat li jinkludi referenzi għall-ġurisprudenza rilevanti.

Kapitolu XIII

FUQ L-ISPEJJEŻ U L-ISPEJJEŻ PROĊEDURALI

Artikolu 133

Deċiżjoni dwar l-ispejjeż

Id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlqu l-istanza.

Artikolu 134

Regoli ġenerali dwar it-tqassim tal-ispejjeż

1.   Il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

2.   Jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

3.   Jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista' tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

Artikolu 135

Ekwità u spejjeż fiergħa jew vessatorji

1.   F'każijiet eċċezzjonali, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta' ekwità, il-Qorti Ġenerali tista' tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f'dan ir-rigward.

2.   Il-Qorti Ġenerali tista' tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, tbati parzjalment jew kompletament l-ispejjeż, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża, b'mod partikolari jekk hija tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li huma fiergħa jew vessatorji.

Artikolu 136

Spejjeż fil-każ ta' rinunzja għall-atti

1.   Il-parti li tirrinunzja għall-atti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk il-parti l-oħra tagħmel talba f'dan is-sens fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja għall-atti.

2.   Madankollu, fuq talba tal-parti li tirrinunzja għall-atti, il-parti l-oħra għandha tbati l-ispejjeż jekk dan jidher li huwa ġustifikat fid-dawl tal-aġir ta' din il-parti l-oħra.

3.   Fil-każ ta' ftehim bejn il-partijiet dwar l-ispejjeż, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi skont dan il-ftehim.

4.   Fin-nuqqas ta' talba dwar l-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Artikolu 137

Spejjeż fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni

Fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tuża d-diskrezzjoni tagħha fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

Artikolu 138

Spejjeż tal-intervenjenti

1.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

2.   L-Istati parti fil-Ftehim ŻEE, minbarra l-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità ta' Sorveljanza EFTA, għandhom ukoll ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom meta jintervjenu fil-kawża.

3.   Il-Qorti Ġenerali tista' tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Artikolu 139

Spejjeż proċedurali

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali hija bla ħlas, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jekk il-Qorti Ġenerali tagħmel spejjeż li setgħu jiġu evitati, b'mod partikolari jekk ir-rikors ikun manifestament abbużiv, hija tista' tikkundanna lill-parti li kkawżat dawn l-ispejjeż sabiex tirrimborsahom;

(b)

l-ispejjeż tal-kopji u tat-traduzzjoni magħmula fuq talba ta' parti, li r-Reġistratur jqis li huma żejda, għandhom jiġu rrimborsati minn din il-parti skont it-tariffa tar-Reġistru msemmija fl-Artikolu 37;

(c)

fil-każ ta' nuqqas irrepetut ta' osservanza tar-rekwiżiti ta' dawn ir-Regoli jew tad-dispożizzjonijiet prattiċi, imsemmija fl-Artikolu 224, li jkunu jeħtieġu talba għal regolarizzazzjoni, l-ispejjeż marbuta mat-trattament min-naħa tal-Qorti Ġenerali għandhom jiġu rrimborsati mill-parti kkonċernata, fuq talba tar-Reġistratur, skont it-tariffa tar-Reġistru msemmija fl-Artikolu 37.

Artikolu 140

Spejjeż li jistgħu jinġabru

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139, għandhom jitqiesu li huma spejjeż li jistgħu jinġabru:

(a)

l-ammonti dovuti lix-xhieda u lill-periti skont l-Artikolu 100;

(b)

l-ispejjeż indispensabbli li jkunu saru mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura, b'mod partikolari l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ u r-remunerazzjoni ta' aġent, konsulent jew avukat.

Artikolu 141

Modalitajiet tal-ħlas

1.   Il-ħlasijiet dovuti mill-kaxxier tal-Qorti Ġenerali u mid-debituri tagħha għandhom isiru f'Euro.

2.   Meta l-ispejjeż rimborsabbli jkunu saru f'munita differenti mill-Euro jew meta l-atti li jagħtu lok għal kumpens ikunu saru f'pajjiż li għandu munita differenti mill-Euro, il-kambju għandu jsir skont ir-rata tal-kambju ta' referenza tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-jum tal-ħlas.

Kapitolu XIV

FUQ L-INTERVENT

Artikolu 142

Għan u effetti tal-intervent

1.   L-għan tal-intervent jista' jkun biss li jiġu sostnuti, kompletament jew parzjalment, it-talbiet ta' waħda mill-partijiet prinċipali. L-intervent ma jagħtix l-istess drittijiet proċedurali bħal dawk mogħtija lill-partijiet prinċipali u, b'mod partikolari, id-dritt li titressaq talba sabiex tinżamm seduta.

2.   L-intervent huwa sekondarju għall-kawża prinċipali. L-intervent jitlef l-għan tiegħu fil-każ li l-kawża titħassar mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-każ ta' rinunzja għall-atti, fil-każ ta' ftehim bejn il-partijiet prinċipali jew fil-każ li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli.

3.   L-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis.

Artikolu 143

Talba għal intervent

1.   It-talba għal intervent għandha titressaq f'terminu ta' sitt ġimgħat li jiddekorri mill-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 79.

2.   It-talba għal intervent għandha tinkludi:

(a)

l-indikazzjoni tal-kawża;

(b)

l-indikazzjoni tal-partijiet prinċipali;

(c)

l-isem u l-indirizz ta' min ikun qiegħed iressaq it-talba għal intervent;

(d)

l-indikazzjoni tal-kwalità u tal-indirizz tar-rappreżentant ta' min ikun qiegħed iressaq it-talba għal intervent;

(e)

it-talbiet li insostenn tagħhom min ikun qiegħed iressaq it-talba għal intervent ikun qiegħed jitlob li jintervjeni;

(f)

espożizzjoni taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw id-dritt tal-intervent meta t-talba titressaq skont it-tieni jew it-tielet paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut.

3.   Min ikun qiegħed iressaq it-talba għal intervent għandu jkun irrappreżentat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tal-Istatut.

4.   L-Artikolu 77, l-Artikolu 78(3) sa (5) u l-Artikolu 139 huma applikabbli għat-talba għal intervent.

Artikolu 144

Deċiżjoni dwar it-talba għal intervent

1.   It-talba għal intervent għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet prinċipali.

2.   Il-President għandu jagħti lill-partijiet prinċipali l-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħhom dwar it-talba għal intervent u li jitolbu, jekk ikun il-każ, li ċerta informazzjoni li tkun tinsab fil-proċess tal-kawża u li tkun ta' natura kunfidenzjali tiġi eskluża mill-komunikazzjoni lil intervenjent.

3.   Meta l-konvenut iressaq eċċezzjoni ta' inammissibbiltà jew ta' nuqqas ta' kompetenza, imsemmija fl-Artikolu 130(1), id-deċiżjoni dwar it-talba għal intervent ma għandhiex tittieħed qabel ma din l-eċċezzjoni tiġi miċħuda jew titħalla għad-deċiżjoni fil-mertu.

4.   Meta t-talba titressaq skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut u l-partijiet prinċipali ma jkunux indikaw li fil-proċess tal-kawża hemm informazzjoni li hija ta' natura kunfidenzjali u li l-komunikazzjoni tagħha lill-intervenjent ser tkun ta' natura li tikkawżalhom preġudizzju, l-intervent għandu jintlaqa' permezz ta' deċiżjoni tal-President.

5.   Fil-każijiet l-oħra, il-President għandu jiddeċiedi fl-iqsar żmien possibbli permezz ta' digriet dwar it-talba għal intervent u, jekk ikun il-każ, dwar il-komunikazzjoni lill-intervenjent ta' informazzjoni li n-natura kunfidenzjali tagħha tkun ġiet allegata.

6.   Fil-każ li t-talba għal intervent tiġi miċħuda, id-digriet imsemmi fil-paragrafu 5 għandu jkun motivat u għandu jinkludi deċiżjoni dwar l-ispejjeż marbuta mat-talba għal intervent, inklużi l-ispejjeż ta' min ressaq it-talba għal intervent, skont l-Artikoli 134 u 135.

7.   Jekk tintlaqa' t-talba għal intervent, l-atti proċedurali kollha nnotifikati lill-partijiet prinċipali għandhom jiġu kkomunikati lill-intervenjent ħlief, jekk ikun il-każ, għall-informazzjoni kunfidenzjali eskluża minn din il-komunikazzjoni skont il-paragrafu 5.

8.   Fil-każ li t-talba għal intervent tiġi rtirata, il-President għandu jordna t-tħassir ta' min ressaq it-talba għal intervent mill-kawża u għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż ta' min ressaq it-talba għal intervent, skont l-Artikolu 136.

9.   Fil-każ li l-intervent jiġi rtirat, il-President għandu jordna t-tħassir tal-intervenjent mill-kawża u għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż skont l-Artikoli 136 u 138.

10.   Jekk l-istanza fil-kawża prinċipali tingħalaq qabel tingħata deċiżjoni dwar talba għal intervent, min ressaq it-talba għal intervent u l-partijiet prinċipali għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talba għal intervent. Kopja tad-digriet li jagħlaq l-istanza għandha tintbagħat lil min ressaq it-talba għal intervent.

Artikolu 145

Preżentata ta' noti

1.   L-intervenjent jista' jippreżenta nota ta' intervent fit-terminu ffissat mill-President.

2.   In-nota ta' intervent għandha tinkludi:

(a)

it-talbiet tal-intervenjent intiżi sabiex jiġu sostnuti, kompletament jew parzjalment, it-talbiet ta' waħda mill-partijiet prinċipali;

(b)

il-motivi u l-argumenti invokati mill-intervenjent;

(c)

jekk ikun il-każ, il-provi u l-provi proposti.

3.   Wara l-preżentata tan-nota ta' intervent, il-President għandu jiffissa t-terminu li fih il-partijiet prinċipali jkunu jistgħu jirribattu din in-nota.

Kapitolu XV

FUQ L-GĦAJNUNA LEGALI

Artikolu 146

Punti ġenerali

1.   Kull persuna li, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, ma tkunx tista' tħallas l-ispejjeż kollha tal-istanza jew parti minnhom, tista' tibbenefika mill-għajnuna legali.

2.   L-għajnuna legali għandha tiġi rrifjutata jekk il-Qorti Ġenerali manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża li fir-rigward tagħha tintalab l-għajnuna jew jekk din il-kawża tkun tidher manifestament inammissibbli jew manifestament infondata fid-dritt.

Artikolu 147

Talba għal għajnuna legali

1.   It-talba għal għajnuna legali tista' titressaq qabel il-preżentata tar-rikors jew sakemm dan ikun għadu pendenti.

2.   It-talba għal għajnuna legali għandha titressaq fuq il-formola li hija ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li hija disponibbli fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Bla ħsara għall-Artikolu 74, din il-formola għandha tiġi ffirmata mill-persuna li qed tressaqha jew, meta din ikollha rappreżentant, mill-avukat tagħha. Talba għal għajnuna legali li ma titressaqx permezz tal-formola ma tiġix ikkunsidrata.

3.   It-talba għal għajnuna legali għandha tinkludi l-informazzjoni u d-dokumenti ta' sostenn kollha li permezz tagħhom tkun tista' tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika tal-persuna li qed tressaqha, bħal ma jista' jkun ċertifikat maħruġ minn awtorità nazzjonali kompetenti li jattesta din is-sitwazzjoni ekonomika.

4.   Jekk it-talba għal għajnuna legali titressaq qabel il-preżentata tar-rikors, il-persuna li tressaqha għandha tinkludi espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tar-rikors li tkun qiegħda tikkunsidra li tippreżenta, tal-fatti inkwistjoni u tal-argumenti insostenn tar-rikors. Mat-talba għandhom jitressqu dokumenti ta' sostenn f'dan ir-rigward.

5.   Jekk ikun il-każ, mat-talba għal għajnuna legali għandhom jiġu ppreżentati d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 51(2) u (3), u fl-Artikolu 78(3). Fit-tali każ, għandhom ikunu applikabbli l-Artikolu 51(4) u l-Artikolu 78(5).

6.   L-Artikolu 77 għandu jkun applikabbli meta l-persuna li tressaq it-talba għal għajnuna legali tkun irrappreżentata minn avukat fl-istadju tat-tressiq tat-talba.

7.   It-tressiq ta' talba għal għajnuna legali jissospendi, fir-rigward tal-persuna li tkun ressqitha, it-terminu previst għall-preżentata tar-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li permezz tiegħu tittieħed id-deċiżjoni dwar din it-talba jew, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 148(6), tad-digriet li jinnomina l-avukat inkarigat li jirrappreżenta lill-persuna li tkun ressqet it-talba.

Artikolu 148

Deċiżjoni dwar it-talba għal għajnuna legali

1.   Qabel ma jiddeċiedi dwar it-talba għal għajnuna legali, il-President għandu jiffissa terminu għall-parti prinċipali l-oħra sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, sakemm mill-elementi ppreżentati ma jkunx jidher diġà li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 146(1) ma humiex sodisfatti jew li dawk previsti fl-Artikolu 146(2) huma sodisfatti.

2.   Id-deċiżjoni dwar it-talba għal għajnuna legali għandha tittieħed mill-President permezz ta' digriet.

3.   Id-digriet li permezz tiegħu tiġi rrifjutata l-għajnuna legali għandu jkun motivat.

4.   Id-digriet li permezz tiegħu tingħata l-għajnuna legali jista' jinnomina avukat sabiex jirrappreżenta lill-persuna kkonċernata jekk dan l-avukat ikun ġie propost fit-talba għal għajnuna legali mill-persuna li tkun ressqitha u jkun ta l-kunsens tiegħu li jirrappreżentaha quddiem il-Qorti Ġenerali.

5.   Jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx ipproponiet avukat hija stess fit-talba għal għajnuna legali jew wara digriet li permezz tiegħu tingħata l-għajnuna legali, jew jekk ma jkunx hemm lok li l-għażla tagħha tiġi kkonfermata, ir-Reġistratur għandu jibgħat id-digriet li permezz tiegħu tingħata l-għajnuna legali u kopja tat-talba lill-awtorità kompetenti tal-Istat ikkonċernat imsemmija fir-Regoli Addizzjonali għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Meta l-persuna kkonċernata ma jkollhiex l-indirizz tagħha fl-Unjoni, ir-Reġistratur għandu jibgħat id-digriet li permezz tiegħu tingħata l-għajnuna legali u kopja tat-talba lill-awtorità kompetenti tal-Istat fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jkollha s-sede tagħha.

6.   Bla ħsara għall-paragrafu 4, l-avukat inkarigat li jirrappreżenta lill-persuna li tkun ressqet it-talba għandu jiġi nnominat permezz ta' digriet fid-dawl, skont il-każ, tal-proposti tal-persuna kkonċernata jew tal-proposti mibgħuta mill-awtorità msemmija fil-paragrafu 5.

7.   Id-digriet li permezz tiegħu tingħata l-għajnuna legali jista' jiddetermina l-ammont li ser jitħallas lill-avukat inkarigat li jirrappreżenta lill-persuna kkonċernata jew jista' jistabbilixxi limitu massimu li bħala prinċipju ma jistax jinqabeż mill-ispejjeż u mill-onorarji tal-avukat. Id-digriet jista' jipprevedi kontribuzzjoni min-naħa tal-persuna kkonċernata għall-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 149(1), fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika tagħha.

8.   Id-digrieti adottati skont dan l-artikolu ma jistgħux jiġu kkontestati.

9.   Bla ħsara għall-Artikolu 147(6), in-notifiki lill-persuna li tkun ressqet it-talba għal għajnuna legali u lill-partijiet l-oħra għandhom jitwettqu skont il-mod previst fl-Artikolu 80(1).

Artikolu 149

Ħlasijiet bil-quddiem u teħid ta' responsabbiltà għall-ispejjeż

1.   Fil-każ li jingħata l-benefiċċju tal-għajnuna legali, il-kaxxier tal-Qorti Ġenerali għandu jħallas, jekk ikun il-każ fil-limiti stabbiliti, l-ispejjeż marbuta mal-assistenza u mar-rappreżentanza quddiem il-Qorti Ġenerali tal-persuna li tkun ressqet it-talba għal għajnuna legali. Fuq talba tal-avukat innominat skont l-Artikolu 148, il-President jista' jiddeċiedi li jsir ħlas bil-quddiem lil dan l-avukat.

2.   Meta, bis-saħħa tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, il-benefiċjarju tal-għajnuna legali jkollu jbati l-ispejjeż tiegħu, il-President għandu jistabbilixxi l-ispejjeż u l-onorarji tal-avukat li għandhom jitħallsu mill-kaxxier tal-Qorti Ġenerali permezz ta' digriet motivat li ma jistax jiġi kkontestat.

3.   Meta, fid-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, il-Qorti Ġenerali tkun ikkundannat parti oħra tbati l-ispejjeż tal-benefiċjarju tal-għajnuna legali, din il-parti l-oħra għandha tirrimborsa lill-kaxxier tal-Qorti Ġenerali l-ammonti mħallsa bil-quddiem bħala għajnuna.

4.   Ir-Reġistratur għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jirkupra l-ammonti msemmija fil-paragrafu 3 mingħand il-parti li tkun ġiet ikkundannata tħallashom.

5.   Meta l-benefiċjarju tal-għajnuna legali jitlef, il-Qorti Ġenerali tista', jekk dan ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' ekwità, meta tiddeċiedi dwar l-ispejjeż fid-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, tiddeċiedi li waħda jew iktar mill-partijiet l-oħra għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom jew li l-ispejjeż kollha jew parti minnhom għandhom jitħallsu mill-kaxxier tal-Qorti Ġenerali bħala għajnuna legali.

Artikolu 150

Irtirar tal-għajnuna legali

1.   Jekk il-kundizzjonijiet li wasslu sabiex jingħata l-benefiċċju tal-għajnuna legali jinbidlu matul l-istanza, il-President jista', ex officio jew fuq talba, u wara li tinstemal-parti kkonċernata, jirtira dan il-benefiċċju.

2.   Id-digriet li permezz tiegħu tiġi rtirata l-għajnuna legali għandu jkun motivat u ma jistax jiġi kkontestat.

Kapitolu XVI

FUQ IL-PROĊEDURI B'URĠENZA

Taqsima 1

Fuq il-proċedura mħaffa

Artikolu 151

Deċiżjoni dwar il-proċedura mħaffa

1.   Il-Qorti Ġenerali tista', fid-dawl tal-urġenza partikolari u taċ-ċirkustanzi tal-kawża, fuq talba tar-rikorrent jew tal-konvenut u wara li tinstemal-parti prinċipali l-oħra, tiddeċiedi li taqtal-kawża permezz ta' proċedura mħaffa. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed fl-iqsar żmien possibbli.

2.   Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, f'każijiet eċċezzjonali l-Qorti Ġenerali tista', ex officio u wara li jinstemgħu l-partijiet prinċipali, tiddeċiedi li taqtal-kawża permezz ta' proċedura mħaffa.

3.   Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li taqtal-kawża permezz ta' proċedura mħaffa tista' tkun suġġetta għal kundizzjonijiet dwar il-volum u l-preżentata tan-noti tal-partijiet prinċipali, dwar l-iżvolġiment sussegwenti tal-proċedura u dwar il-motivi u l-argumenti li dwarhom ser tkun meħtieġa tiddeċiedi l-Qorti Ġenerali.

4.   Jekk waħda mill-partijiet prinċipali ma tikkonformax ruħha ma' waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, id-deċiżjoni li l-kawża tinqata' permezz ta' proċedura mħaffa tista' tiġi rrevokata. F'dan il-każ il-proċedura titkompla permezz tal-proċedura ordinarja.

Artikolu 152

Talba għal proċedura mħaffa

1.   It-talba għal proċedura mħaffa għandha titressaq permezz ta' att separat ippreżentat flimkien mar-rikors jew mar-risposta u għandha tinkludi motivazzjoni li tispeċifika l-urġenza partikolari tal-kawża u ċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra.

2.   Fit-talba għal proċedura mħaffa jista' jiġi indikat li ċerti motivi jew argumenti jew ċerti siltiet tar-rikors jew tar-risposta jkunu qegħdin jiġu ppreżentati biss fl-eventwalità li l-kawża ma tinqatax permezz ta' proċedura mħaffa, b'mod partikolari billi mat-talba tiġi mehmuża verżjoni mqassra tar-rikors kif ukoll skeda li telenka l-annessi u l-annessi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fl-eventwalità li l-kawża tinqata' permezz ta' proċedura mħaffa.

Artikolu 153

Trattament bi prijorità

B'deroga mill-Artikolu 67(1), il-kawżi li l-Qorti Ġenerali tkun iddeċidiet li taqta' permezz ta' proċedura mħaffa għandhom jiġu deċiżi bi prijorità.

Artikolu 154

Fażi bil-miktub tal-proċedura

1.   B'deroga mill-Artikolu 81(1), meta r-rikorrent jitlob li l-kawża tinqata' permezz ta' proċedura mħaffa, it-terminu għall-preżentata tar-risposta jkun ta' xahar. Dan it-terminu jista' jiġi pprorogat skont l-Artikolu 81(3).

2.   Jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li ma tilqax talba għal proċedura mħaffa, il-konvenut għandu jingħata terminu supplimentari ta' xahar sabiex jippreżenta jew, skont il-każ, jikkompleta r-risposta.

3.   Fil-kuntest ta' proċedura mħaffa, in-noti msemmija fl-Artikolu 83(1) u fl-Artikolu 145(1) u (3) jistgħu jiġu ppreżentati biss jekk il-Qorti Ġenerali tawtorizza l-preżentata tagħhom fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura adottati skont l-Artikoli 88 sa 90.

4.   Fil-kuntest ta' proċedura mħaffa, meta jiffissa t-termini previsti f'dawn ir-Regoli, il-President għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-urġenza partikolari li biha għandu jiġi deċiż ir-rikors.

Artikolu 155

Fażi orali tal-proċedura

1.   Meta jiġi deċiż li l-kawża għandha tinqata' permezz ta' proċedura mħaffa, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura fl-iqsar żmien possibbli wara l-preżentazzjoni tar-rapport preliminari mill-Imħallef Relatur. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tista' tiddeċiedi li taqtal-kawża mingħajr fażi orali meta l-partijiet prinċipali jirrinunzjaw għall-parteċipazzjoni f'seduta u l-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni fuq il-bażi tal-annessi fil-proċess tal-kawża.

2.   Bla ħsara għall-Artikoli 84 u 85, il-partijiet prinċipali jistgħu jikkompletaw l-argumenti tagħhom u jipproponu provi matul il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn ġew ippreżentati tard.

Taqsima 2

Fuq is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u fuq il-proċeduri għal miżuri provviżorji oħra

Artikolu 156

Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji oħra

1.   Kull talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta' att ta' istituzzjoni taħt l-Artikoli 278 TFUE u 157 TKEEA hija ammissibbli biss jekk min iressaq it-talba jkun ikkontesta dan l-att b'rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

2.   Kull talba għal waħda mill-miżuri provviżorji l-oħra msemmija fl-Artikolu 279 TFUE hija ammissibbli biss jekk titressaq minn parti prinċipali f'kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali u jekk tirreferi għall-kawża msemmija.

3.   It-talbiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta' fatt u ta' liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba. Dawn it-talbiet għandhom jinkludu l-provi u l-provi proposti kollha li jkunu disponibbli u li jkunu intiżi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji.

4.   It-talba għandha titressaq permezz ta' att separat u skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 76 sa 78.

Artikolu 157

Proċedura

1.   It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-parti l-oħra u l-President tal-Qorti Ġenerali għandu jiffissa għal din il-parti l-oħra terminu qasir għall-preżentata tal-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħha.

2.   Il-President tal-Qorti Ġenerali jista' jilqa' t-talba anki qabel ma l-parti l-oħra tkun ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha. Din il-miżura tista' tiġi sussegwentement emendata jew irrevokata, anki ex officio.

3.   Il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jadotta, jekk ikun il-każ, miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji.

4.   L-Artikoli 11 u 12 għandhom ikunu applikabbli fil-każ ta' impediment tal-President tal-Qorti Ġenerali.

Artikolu 158

Deċiżjoni dwar it-talba

1.   Il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jiddeċiedi dwar it-talba permezz ta' digriet motivat. Dan id-digriet għandu jiġi nnotifikat minnufih lill-partijiet.

2.   L-eżekuzzjoni tad-digriet tista' tiġi suġġetta għad-depożitu, minn min iressaq it-talba, ta' garanzija li l-ammont u l-modalitajiet tagħha għandhom jiġu stabbiliti fid-dawl taċ-ċirkustanzi.

3.   Id-digriet jista' jiffissa data li fiha l-miżura ma tibqax effettiva. Jekk tali data ma tiġix iffissata, il-miżura ma tibqax effettiva hekk kif tingħata s-sentenza li tagħlaq l-istanza.

4.   Id-digriet huwa ta' natura provviżorja u bl-ebda mod ma jippreġudika d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar is-suġġett prinċipali tal-kawża.

5.   Fid-digriet li jagħlaq il-proċedura għal miżuri provviżorji, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati għad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar is-suġġett prinċipali tal-kawża. Madankollu, jekk ikun jidher iġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, fid-digriet għandha tingħata deċiżjoni, skont l-Artikoli 134 sa 138, dwar l-ispejjeż marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Artikolu 159

Bidla fiċ-ċirkustanzi

Fuq talba ta' parti, id-digriet jista', f'kull ħin, jiġi emendat jew irrevokat minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi.

Artikolu 160

Talba ġdida

Iċ-ċaħda ta' talba għal miżura provviżorja ma żżommx lill-parti prinċipali li kienet ressqitha milli tressaq talba oħra bbażata fuq fatti ġodda.

Artikolu 161

Talba mressqa taħt l-Artikoli 280 TFUE, 299 TFUE u 164 TKEE

1.   Talba mressqa taħt l-Artikoli 280 TFUE, 299 TFUE u 164 TKEEA u intiża għas-sospensjoni tal-infurzar ta' deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jew ta' att tal-Kunsill, tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-Bank Ċentrali Ewropew għandha tiġi rregolata mid-dispożizzjonijiet ta' din it-taqsima.

2.   Jekk ikun il-każ, id-digriet li jilqa' t-talba għandu jiffissa d-data li fiha l-miżura provviżorja ma tibqax effettiva.

Kapitolu XVII

FUQ IT-TALBIET LI JIKKONĊERNAW IS-SENTENZI U D-DIGRIETI

Artikolu 162

Assenjazzjoni tat-talba

1.   It-talbiet imsemmija f'dan il-kapitolu għandhom jiġu attribwiti lill-kulleġġ ġudikanti li ta d-deċiżjoni kkonċernata mit-talba.

2.   Jekk ma jkunx għadu possibbli li jintlaħaq il-kworum imsemmi fl-Artikoli 23 u 24, it-talba għandha tiġi assenjata lil kulleġġ ġudikanti ieħor ikkostitwit mill-istess numru ta' Mħallfin sedenti. Jekk id-deċiżjoni tkun ingħatat minn Imħallef li ddeċieda bħala Mħallef uniku u jekk huwa jkun impedit, it-talba għandha tiġi assenjata lil Imħallef ieħor.

Artikolu 163

Sospensjoni tal-proċedura

Meta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u waħda mit-talbiet imsemmija f'dan il-Kapitolu, ħlief għat-talbiet imsemmija fl-Artikoli 164 u 165, ikunu jikkonċernaw l-istess deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-President, wara li jinstemgħu l-partijiet, jista' jiddeċiedi li jissospendi l-proċedura sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-appell.

Artikolu 164

Rettifika ta' sentenzi jew ta' digrieti

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tas-sentenzi u tad-digrieti, l-iżbalji tal-pinna jew ta' kalkolu u l-ineżattezzi evidenti jistgħu jiġu rrettifikati mill-Qorti Ġenerali, ex officio jew fuq talba ta' parti.

2.   It-talba għal rettifika għandha titressaq f'terminu ta' ġimagħtejn li jiddekorri mill-għoti tas-sentenza jew min-notifika tad-digriet.

3.   Meta r-rettifika tikkonċerna d-dispożittiv jew waħda mir-raġunijiet li fuqhom ikun ibbażat id-dispożittiv, il-partijiet jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu ffissat mill-President.

4.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi permezz ta' digriet.

5.   L-oriġinal tad-digriet ta' rettifika għandu jiġi anness mal-oriġinal tad-deċiżjoni rrettifikata. Fil-marġni tal-oriġinal tad-deċiżjoni rrettifikata għandu jsir notament dwar id-digriet ta' rettifika.

Artikolu 165

Nuqqas li tingħata deċiżjoni

1.   Jekk il-Qorti Ġenerali tonqos milli tiddeċiedi dwar waħda mit-talbiet jew dwar l-ispejjeż, il-parti li jkollha l-intenzjoni tinvoka dan in-nuqqas għandha tressaq talba f'dan is-sens lill-Qorti Ġenerali.

2.   It-talba għandha titressaq f'terminu ta' xahar li jiddekorri mill-għoti tas-sentenza jew min-notifika tad-digriet.

3.   It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet l-oħra, li jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu ffissat mill-President.

4.   Wara li tkun tat lill-partijiet il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi permezz ta' digriet dwar l-ammissibbiltà u, fl-istess ħin, dwar il-fondatezza tat-talba.

Artikolu 166

Oppożizzjoni għal sentenza fil-kontumaċja

1.   Skont l-Artikolu 41 tal-Istatut, is-sentenza mogħtija fil-kontumaċja tista' tkun suġġetta għal oppożizzjoni.

2.   L-oppożizzjoni għandha ssir mill-konvenut kontumaċi f'terminu ta' xahar li jiddekorri min-notifika tas-sentenza fil-kontumaċja. L-oppożizzjoni għandha tiġi ppreżentata skont il-formalitajiet indikati fl-Artikoli 76 sa 78.

3.   Wara n-notifika tal-oppożizzjoni, il-President għandu jiffissa terminu sabiex il-parti l-oħra tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

4.   Il-proċedura għandha titkompla skont id-dispożizzjonijiet, skont il-każ, tat-Titolu III jew tat-Titolu IV.

5.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi permezz ta' sentenza li ma tistax tkun suġġetta għal oppożizzjoni.

6.   L-oriġinal ta' din is-sentenza għandu jiġi anness mal-oriġinal tas-sentenza fil-kontumaċja. Fil-marġni tal-oriġinal tas-sentenza fil-kontumaċja għandu jsir notament dwar is-sentenza mogħtija wara oppożizzjoni.

Artikolu 167

Oppożizzjoni minn terzi

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 76 sa 78 huma applikabbli għal talba għal oppożizzjoni minn terzi skont l-Artikolu 42 tal-Istatut. Din it-talba għandha, barra minn dan:

(a)

tispeċifika s-sentenza jew id-digriet ikkontestati;

(b)

tindika kif is-sentenza jew id-digriet ikkontestati jippreġudikaw id-drittijiet tat-terzi li jagħmlu l-oppożizzjoni;

(c)

tindika r-raġunijiet għaliex it-terzi li jagħmlu l-oppożizzjoni ma setgħux jipparteċipaw fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

2.   It-talba għal oppożizzjoni minn terzi għandha titressaq fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 122.

3.   Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza jew tad-digriet ikkontestati tista' tiġi ordnata fuq talba tat-terzi li jagħmlu l-oppożizzjoni. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 156 sa 161 huma applikabbli.

4.   It-talba għal oppożizzjoni minn terzi għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet, li jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu ffissat mill-President.

5.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi wara li tkun tat lill-partijiet il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

6.   Is-sentenza jew id-digriet ikkontestati għandhom jiġu emendati sa fejn tintlaqa' l-oppożizzjoni minn terzi.

7.   L-oriġinal tad-deċiżjoni mogħtija wara oppożizzjoni minn terzi għandu jiġi anness mal-oriġinal tas-sentenza jew tad-digriet ikkontestati. Fil-marġni tal-oriġinal tas-sentenza jew tad-digriet ikkontestati għandu jsir notament dwar id-deċiżjoni mogħtija wara oppożizzjoni minn terzi.

Artikolu 168

Interpretazzjoni ta' sentenzi u ta' digrieti

1.   Skont l-Artikolu 43 tal-Istatut, fil-każ ta' dubju dwar it-tifsira jew il-portata ta' sentenza jew ta' digriet, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tinterpretahom, fuq talba ta' parti jew ta' istituzzjoni tal-Unjoni li turi li jkollha interess f'dan.

2.   It-talba għal interpretazzjoni għandha titressaq f'terminu ta' sentejn li jiddekorri mid-data tal-għoti tas-sentenza jew tan-notifika tad-digriet.

3.   It-talba għal interpretazzjoni għandha titressaq skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 76 sa 78. Din it-talba għandha tispeċifika barra minn dan:

(a)

is-sentenza jew id-digriet ikkonċernati;

(b)

il-partijiet li tagħhom tkun qiegħda tintalab l-interpretazzjoni.

4.   It-talba għal interpretazzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet l-oħra, li jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu ffissat mill-President.

5.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi wara li tkun tat lill-partijiet il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

6.   L-oriġinal tad-deċiżjoni ta' interpretazzjoni għandu jiġi anness mal-oriġinal tad-deċiżjoni interpretata. Fil-marġni tal-oriġinal tad-deċiżjoni interpretata għandu jsir notament dwar id-deċiżjoni ta' interpretazzjoni.

Artikolu 169

Reviżjoni

1.   Skont l-Artikolu 44 tal-Istatut, ir-reviżjoni ta' deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tista' tintalab biss għar-raġuni li jiġi skopert fatt ta' natura tali li jkollu influwenza deċiżiva u li, qabel l-għoti tas-sentenza jew in-notifika tad-digriet, ma kienx magħruf mill-Qorti Ġenerali u mill-parti li titlob ir-reviżjoni.

2.   Bla ħsara għat-terminu ta' għaxar snin previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 44 tal-Istatut, ir-reviżjoni għandha tintalab f'terminu ta' tliet xhur li jiddekorri mill-jum li fih min iressaq it-talba jkun sar jaf bil-fatt li fuqu tkun ibbażata t-talba għal reviżjoni.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 76 sa 78 huma applikabbli għat-talba għal reviżjoni. Din it-talba għandha barra minn dan:

(a)

tispeċifika s-sentenza jew id-digriet ikkontestati;

(b)

tindika l-punti li fir-rigward tagħhom is-sentenza jew id-digriet qegħdin jiġu kkontestati;

(c)

tispeċifika l-fatti li fuqhom it-talba hija bbażata;

(d)

tindika l-provi intiżi sabiex juru l-eżistenza ta' fatti li jiġġustifikaw ir-reviżjoni u sabiex jistabbilixxu li t-termini previsti fil-paragrafu 2 ġew osservati.

4.   It-talba għal reviżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet l-oħra, li jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu ffissat mill-President.

5.   Bla ħsara għad-deċiżjoni fil-mertu, il-Qorti Ġenerali, wara li tkun tat lill-partijiet il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, għandha tiddeċiedi permezz ta' digriet dwar l-ammissibbiltà tat-talba.

6.   Jekk il-Qorti Ġenerali tiddikjara t-talba ammissibbli, hija għandha tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża, skont id-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli.

7.   L-oriġinal tad-deċiżjoni ta' reviżjoni għandu jiġi anness mal-oriġinal tad-deċiżjoni rriveduta. Fil-marġni tal-oriġinal tad-deċiżjoni rriveduta għandu jsir notament dwar id-deċiżjoni ta' reviżjoni.

Artikolu 170

Kontestazzjoni dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru

1.   Fil-każ ta' kontestazzjoni dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-parti kkonċernata għandha tressaq talba quddiem il-Qorti Ġenerali. Din it-talba għandha titressaq skont ir-rekwiżiti formali indikati fl-Artikoli 76 sa 78.

2.   It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-parti kkonċernata mit-talba, li tista' tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fit-terminu ffissat mill-President.

3.   Il-Qorti Ġenerali, wara li tkun tat lill-parti kkonċernata mit-talba l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, għandha tiddeċiedi permezz ta' digriet li ma jistax jiġi kkontestat.

4.   Il-partijiet jistgħu, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, jitolbu kopja awtentikata tad-digriet.

TITOLU IV

FUQ IL-KAWŻI DWAR ID-DRITTIJIET TA' PROPRJETÀ INTELLETTWALI

Artikolu 171

Kamp ta' applikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta' dan it-titolu huma applikabbli għar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju, imsemmi fl-Artikolu 1, u li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli dwar sistema ta' proprjetà intellettwali.

Kapitolu I

FUQ IL-PARTIJIET FIL-PROĊEDURA

Artikolu 172

Konvenut

Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat kontra l-Uffiċċju, li minnu jkun jagħmel parti l-Bord tal-Appell li jadotta d-deċiżjoni kkontestata, bħala l-konvenut.

Artikolu 173

Status quddiem il-Qorti Ġenerali tal-partijiet l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

1.   Parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, li ma tkunx ir-rikorrent, tista' tipparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bħala intervenjent billi twieġeb għar-rikors fil-forom u fit-termini previsti.

2.   Qabel l-iskadenza tat-terminu previst għall-preżentata tar-risposta, parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, li ma tkunx ir-rikorrent, tikseb l-istatus ta' parti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bħala intervenjent mal-preżentata ta' att proċedurali. Tali parti titlef l-istatus tagħha ta' intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali jekk ma tweġibx għar-rikors fil-forom u fit-termini previsti. F'dan il-każ, l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu marbuta mal-atti proċedurali li jkun ippreżenta.

3.   L-intervenjent imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu l-istess drittijiet proċedurali bħall-partijiet prinċipali. Huwa jista' jsostni t-talbiet ta' waħda mill-partijiet prinċipali u jista' jressaq talbiet u motivi awtonomi minn dawk tal-partijiet prinċipali.

4.   Parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, li ma tkunx ir-rikorrent, li tikseb l-istatus ta' parti quddiem il-Qorti Ġenerali, skont il-paragrafi 1 u 2, għandha tkun irrappreżentata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tal-Istatut.

5.   L-Artikolu 77 u l-Artikolu 78(3) sa (5) huma applikabbli għall-att proċedurali msemmi fil-paragrafu 2.

6.   B'deroga mill-Artikolu 123, il-proċedura fil-kontumaċja ma tkunx applikabbli meta intervenjent imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ikun wieġeb għar-rikors fil-forom u fit-termini previsti.

Artikolu 174

Sostituzzjoni ta' parti

Meta dritt ta' proprjetà intellettwali kkonċernat mit-tilwima jkun ġie ttrasferit minn parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju lil terz, l-aventi kawża jista' jitlob li jidħol fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali minflok il-parti inizjali.

Artikolu 175

Talba għal sostituzzjoni

1.   It-talba għal sostituzzjoni għandha titressaq permezz ta' att separat. Din it-talba tista' titressaq fi kwalunkwe stadju tal-proċedura.

2.   Din it-talba għandha tinkludi:

(a)

l-indikazzjoni tal-kawża;

(b)

l-indikazzjoni tal-partijiet fil-kawża kif ukoll tal-parti li minflokha tixtieq tidħol il-persuna li tkun qiegħda tressaq it-talba;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-persuna li tkun qiegħda tressaq it-talba;

(d)

l-indikazzjoni tal-kwalità u tal-indirizz tar-rappreżentant tal-persuna li tkun qiegħda tressaq it-talba;

(e)

espożizzjoni taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw is-sostituzzjoni, flimkien mal-provi ta' sostenn.

3.   Il-persuna li tressaq it-talba għal sostituzzjoni għandha tkun irrappreżentata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tal-Istatut.

4.   L-Artikolu 77, l-Artikolu 78(3) sa (5) u l-Artikolu 139 huma applikabbli għat-talba għal sostituzzjoni.

Artikolu 176

Deċiżjoni dwar it-talba għal sostituzzjoni

1.   It-talba għal sostituzzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet.

2.   Il-President għandu jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħhom dwar it-talba għal sostituzzjoni.

3.   Id-deċiżjoni dwar it-talba għal sostituzzjoni għandha tingħata permezz ta' digriet motivat tal-President jew fid-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

4.   Fil-każ li t-talba għal sostituzzjoni tiġi miċħuda, għandha tingħata deċiżjoni dwar l-ispejjeż marbuta ma' din it-talba, inklużi l-ispejjeż tal-persuna li tkun ressqet it-talba għal sostituzzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 134 u 135.

5.   Fil-każ li t-talba għal sostituzzjoni tintlaqa', l-aventi kawża jidħol fil-kawża in statu et terminis. L-aventi kawżi jkun marbut mill-atti proċedurali ppreżentati mill-parti li minflokha jkun daħal fil-kawża.

Kapitolu II

FUQ IR-RIKORS U FUQ IR-RISPOSTI

Artikolu 177

Rikors

1.   Ir-rikors għandu jinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tar-rikorrent;

(b)

l-indikazzjoni tal-kwalità u tal-indirizz tar-rappreżentant tar-rikorrent;

(c)

l-indikazzjoni tal-Uffiċċju li kontrih ikun qiegħed jiġi ppreżentat ir-rikors;

(d)

is-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor ta' dawn il-motivi;

(e)

it-talbiet tar-rikorrent.

2.   Meta r-rikorrent ma kienx l-unika parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju, ir-rikors għandu jinkludi wkoll l-ismijiet tal-partijiet kollha fl-imsemmija proċedimenti u l-indirizzi li dawn kienu indikaw għall-finijiet tan-notifiki.

3.   Id-deċiżjoni kkontestata tal-Bord tal-Appell għandha tiġi annessa mar-rikors. Għandha tiġi indikata d-data li fiha din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-rikorrent.

4.   Jekk ir-rikorrent ikun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, huwa għandu jehmeż mar-rikors prova reċenti tal-eżistenza ġuridika tiegħu (estratt mir-reġistru tal-kummerċ, estratt mir-reġistru tal-kumpannija jew kwalunkwe dokument uffiċjali ieħor).

5.   Ir-rikors għandu jkollu miegħu d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 51(2) u (3).

6.   L-Artikolu 77 huwa applikabbli.

7.   Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 2 sa 5, ir-Reġistratur għandu jiffissa lir-rikorrent terminu raġonevoli sabiex jirregolarizza r-rikors. Fin-nuqqas ta' din ir-regolarizzazzjoni fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta' osservanza ta' dawn il-kundizzjonijiet jimplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors.

Artikolu 178

Notifika tar-rikors

1.   Ir-Reġistratur għandu jinforma lill-konvenut u lill-partijiet kollha fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell dwar il-preżentata tar-rikors skont il-mod previst fl-Artikolu 80(1). Huwa għandu jinnotifika r-rikors wara li tiġi ddeterminata l-lingwa tal-kawża, skont l-Artikolu 45(4), u, jekk ikun il-każ, għandu jinnotifika t-traduzzjoni tar-rikors fil-lingwa tal-kawża.

2.   Ir-rikors għandu jiġi nnotifikat lill-konvenut billi tintbagħat kopja awtentikata tar-rikors permezz ta' ittra rreġistrata, b'dikjarazzjoni ta' rċevuta, jew billi din il-kopja tingħata direttament bl-għoti ta' rċevuta. Meta l-konvenut ikun aċċetta minn qabel li r-rikorsi jiġu indirizzati lilu permezz tal-mod imsemmi fl-Artikolu 57(4) jew permezz ta' faks, in-notifika tar-rikors tista' titwettaq b'dan il-mod.

3.   In-notifika tar-rikors lil parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għandha titwettaq permezz tal-mod li għalih tkun tat il-kunsens tagħha meta tippreżenta l-att proċedurali msemmi fl-Artikolu 173(2) u, jekk ma jiġix ippreżentat tali att, permezz ta' ittra rreġistrata, b'dikjarazzjoni ta' rċevuta, mibgħuta fl-indirizz indikat mill-parti kkonċernata għall-finijiet tan-notifiki li kellhom jitwettqu matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

4.   Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 177(2), in-notifika għandha ssir hekk kif titwettaq ir-regolarizzazzjoni jew hekk kif il-Qorti Ġenerali tilqa' l-ammissibbiltà fid-dawl tal-kundizzjonijiet elenkati fl-artikolu msemmi.

5.   Malli jiġi nnotifikat ir-rikors, il-konvenut għandu jibgħat lill-Qorti Ġenerali l-inkartament tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

Artikolu 179

Partijiet li jistgħu jippreżentaw risposta

Il-konvenut u l-partijiet l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, li ma jkunux ir-rikorrent, għandhom jippreżentaw risposti għar-rikors f'terminu ta' xahrejn li jiddekorri min-notifika tiegħu. F'każijiet eċċezzjonali, dan it-terminu jista' jiġi pprorogat mill-President fuq talba motivata tal-parti kkonċernata.

Artikolu 180

Risposta

1.   Ir-risposta għandha tinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-parti li tkun qiegħda tippreżentaha;

(b)

l-indikazzjoni tal-kwalità u tal-indirizz tar-rappreżentant tal-parti;

(c)

il-motivi u l-argumenti invokati;

(d)

it-talbiet tal-parti li tkun qiegħda tippreżentaha.

2.   L-Artikolu 177(4) sa (7) huwa applikabbli għar-risposta.

Artikolu 181

Għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III, il-fażi bil-miktub tal-proċedura tingħalaq wara l-preżentata tar-risposta tal-konvenut u, jekk ikun il-każ, tal-intervenjent fis-sens tal-Artikolu 173.

Kapitolu III

FUQ IR-RIKORS INĊIDENTALI

Artikolu 182

Rikors inċidentali

1.   Il-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, li ma jkunux ir-rikorrent, jistgħu jippreżentaw rikors inċidentali fl-istess terminu bħal dak previst għall-preżentata tar-risposta.

2.   Ir-rikors inċidentali għandu jiġi ppreżentat permezz ta' att separat, distint mir-risposta.

Artikolu 183

Kontenut tar-rikors inċidentali

Ir-rikors inċidentali għandu jinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-parti li tkun qiegħda tippreżentah;

(b)

l-indikazzjoni tal-kwalità u tal-indirizz tar-rappreżentant tal-parti;

(c)

il-motivi u l-argumenti invokati;

(d)

it-talbiet.

Artikolu 184

Talbiet, motivi u argumenti tar-rikors inċidentali

1.   It-talbiet tar-rikors inċidentali għandhom ikunu intiżi għall-annullament jew għall-bidla tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward ta' punt li ma jkunx tqajjem fir-rikors.

2.   Il-motivi u l-argumenti invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata li jkunu qegħdin jiġu kkontestati.

Artikolu 185

Risposta għar-rikors inċidentali

Meta jiġi ppreżentat rikors inċidentali, il-partijiet l-oħra jistgħu jippreżentaw, f'terminu ta' xahrejn li jiddekorri min-notifika tar-rikors inċidentali, risposta li s-suġġett tagħha għandu jkun limitat għat-talbiet, motivi u argumenti invokati fir-rikors inċidentali. F'każijiet eċċezzjonali, dan it-terminu jista' jiġi pprorogat mill-President fuq talba motivata tal-parti kkonċernata.

Artikolu 186

Għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura

Meta jiġi ppreżentat rikors inċidentali, il-fażi bil-miktub tal-proċedura tingħalaq wara l-preżentata tal-aħħar risposta għal dan ir-rikors inċidentali.

Artikolu 187

Relazzjoni bejn ir-rikors prinċipali u r-rikors inċidentali

Ir-rikors inċidentali jitqies li ma għandux skop:

(a)

meta r-rikorrent jirrinunzja għar-rikors prinċipali;

(b)

meta r-rikors prinċipali jiġi ddikjarat manifestament inammissibbli.

Kapitolu IV

ASPETTI OĦRA TAL-PROĊEDURA

Artikolu 188

Suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali

In-noti ppreżentati mill-partijiet fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux jibdlu s-suġġett tat-tilwima quddiem il-Bord tal-Appell.

Artikolu 189

Tul tan-noti

1.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiffissa, skont l-Artikolu 224, it-tul massimu tan-noti ppreżentati fil-kuntest ta' dan it-Titolu.

2.   Il-President jista' jawtorizza li jinqabeż it-tul massimu tan-noti biss f'każijiet li jikkonċernaw punti ta' liġi jew ta' fatt partikolarment kumplessi.

Artikolu 190

Deċiżjoni dwar l-ispejjeż

1.   Meta rikors kontra deċiżjoni ta' Bord tal-Appell jintlaqa', il-Qorti Ġenerali tista' tordna li l-konvenut għandu jbati biss l-ispejjeż tiegħu.

2.   L-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għandhom jitqiesu li huma spejjeż li jistgħu jinġabru.

Artikolu 191

Dispożizzjonijiet oħra applikabbli

Bla ħsara għal dispożizzjonijiet partikolari ta' dan it-Titolu, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III huma applikabbli għall-proċeduri msemmija f'dan it-Titolu.

TITOLU V

FUQ L-APPELLI MID-DEĊIŻJONIJIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

Artikolu 192

Kamp ta' applikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu huma applikabbli għall-appelli mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku msemmija fl-Artikoli 9 u 10 tal-Anness I tal-Istatut.

Kapitolu I

FUQ IR-RIKORS TAL-APPELL

Artikolu 193

Preżentata tar-rikors tal-appell

1.   L-appell għandu jsir permezz tal-preżentata ta' rikors fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali jew tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

2.   Ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jibgħat minnufih il-proċess tal-ewwel istanza u, jekk ikun il-każ, ir-rikors tal-appell, lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

Artikolu 194

Kontenut tar-rikors tal-appell

1.   L-appell għandu jinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-parti li tagħmel l-appell, imsejjaħ l-appellant;

(b)

l-indikazzjoni tal-kwalità u tal-indirizz tar-rappreżentant tal-appellant;

(c)

l-indikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

(d)

id-dettalji tal-partijiet l-oħra fil-kawża inkwistjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

(e)

l-aggravji u l-argument ta' liġi invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor ta' dawn l-aggravji;

(f)

it-talbiet tal-appellant.

2.   Għandha tiġi indikata d-data li fiha d-deċiżjoni appellata ġiet innotifikata lill-appellant.

3.   Jekk l-appellant ikun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, huwa għandu jehmeż mar-rikors tal-appell prova reċenti tal-eżistenza ġuridika tiegħu (estratt mir-reġistru tal-kummerċ, estratt mir-reġistru tal-kumpannija jew kwalunkwe dokument uffiċjali ieħor).

4.   Ir-rikors tal-appell għandu jkollu miegħu d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 51(2) u (3).

5.   L-Artikolu 77 huwa applikabbli.

6.   Jekk l-appell ma jkunx konformi mal-paragrafi 2 sa 4, ir-Reġistratur għandu jiffissa lill-appellant terminu raġonevoli sabiex jirregolarizza r-rikors tal-appell. Fin-nuqqas ta' din ir-regolarizzazzjoni fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta' osservanza ta' dawn il-kundizzjonijiet jimplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors tal-appell.

Artikolu 195

Talbiet, aggravji u argumenti tal-appell

1.   It-talbiet tal-appell għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif din tkun tinsab fid-dispożittiv ta' din id-deċiżjoni.

2.   L-aggravji u l-argumenti ta' liġi invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jkunu qegħdin jiġu kkontestati.

Artikolu 196

Talbiet fil-każ li jintlaqa' l-appell

1.   Jekk l-appell jiġi ddikjarat fondat, it-talbiet tiegħu għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqgħu, kompletament jew parzjalment, it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta' kull talba ġdida. L-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tat-tilwima quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

2.   Meta l-appellant jitlob, fil-każ li tiġi annullata d-deċiżjoni appellata, li l-kawża tintbagħat lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, huwa għandu jesponi r-raġunijiet għaliex il-kawża ma tinsabx fi stat li tiġi deċiża mill-Qorti Ġenerali.

Kapitolu II

FUQ IR-RISPOSTA GĦALL-APPELL, IR-REPLIKA U L-KONTROREPLIKA

Artikolu 197

Notifika tal-appell

1.   L-appell għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet l-oħra fil-kawża inkwistjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-Artikolu 80(1) huwa applikabbli.

2.   Fil-każ previst fl-Artikolu 194(6), in-notifika għandha ssir hekk kif titwettaq ir-regolarizzazzjoni jew hekk kif il-Qorti Ġenerali tilqa' l-ammissibbiltà fid-dawl tal-kundizzjonijiet formali previsti fl-artikolu msemmi.

Artikolu 198

Partijiet li jistgħu jippreżentaw risposta għall-appell

Kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jkollha interess li l-appell jintlaqa' jew jiġi miċħud tista' tippreżenta risposta għall-appell f'terminu ta' xahrejn li jiddekorri min-notifika tal-appell. It-terminu għall-preżentata ta' risposta għall-appell ma jistax jiġi pprorogat.

Artikolu 199

Kontenut tar-risposta għall-appell

1.   Ir-risposta għall-appell għandha tinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-parti li tippreżentaha;

(b)

l-indikazzjoni tal-kwalità u tal-indirizz tar-rappreżentant tal-parti;

(c)

id-data li fiha l-appell ġie nnotifikat lilha;

(d)

il-motivi u l-argumenti ta' liġi invokati;

(e)

it-talbiet.

2.   L-Artikolu 194(3) sa (6) huwa applikabbli għar-risposta għall-appell.

Artikolu 200

Talbiet tar-risposta għall-appell

It-talbiet tar-risposta għall-appell għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqa' jew jiġi miċħud, totalment jew parzjalment, l-appell.

Artikolu 201

Replika u kontroreplika

1.   L-appell u r-risposta għall-appell ma jistgħux jiġu kkompletati b'replika jew b'kontroreplika sakemm il-President, fuq talba motivata mressqa f'dan is-sens mill-appellant f'terminu ta' sebat ijiem li jiddekorri min-notifika tar-risposta għall-appell, ma jqisx li dan huwa neċessarju, b'mod partikolari sabiex l-appellant ikun jista' jieħu pożizzjoni dwar eċċezzjoni ta' inammissibbiltà jew dwar punti ġodda invokati fir-risposta għall-appell.

2.   Il-President għandu jiffissa d-data li fiha għandha tiġi ppreżentata r-replika u, meta din tiġi nnotifikata, id-data li fiha għandha tiġi ppreżentata l-kontroreplika. Il-President jista' jillimita n-numru ta' paġni u s-suġġett tar-replika u tal-kontroreplika.

Kapitolu III

FUQ L-APPELL INĊIDENTALI

Artikolu 202

Appell inċidentali

1.   Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 198 jistgħu jippreżentaw appell inċidentali fl-istess terminu bħal dak previst għall-preżentata tar-risposta għall-appell.

2.   L-appell inċidentali għandu jsir permezz ta' att separat, distint mir-risposta għall-appell.

Artikolu 203

Kontenut tal-appell inċidentali

L-appell inċidentali għandu jinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-parti li tippreżenta l-appell inċidentali;

(b)

l-indikazzjoni tal-kwalità u tal-indirizz tar-rappreżentant tal-parti;

(c)

id-data li fiha l-appell ġie nnotifikat lilha;

(d)

l-aggravji u l-argumenti ta' liġi invokati;

(e)

it-talbiet.

Artikolu 204

Talbiet, aggravji u argumenti tal-appell inċidentali

1.   It-talbiet tal-appell inċidentali għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

2.   Dawn it-talbiet jistgħu jkunu intiżi wkoll għall-annullament ta' deċiżjoni, espliċita jew impliċita, dwar l-ammissibbiltà tar-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

3.   L-aggravji u l-argumenti ta' liġi invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jkunu qegħdin jiġu kkontestati. Dawn għandhom ikunu distinti mill-motivi u argumenti invokati fir-risposta għall-appell.

Kapitolu IV

FUQ IN-NOTI SUSSEGWENTI GĦALL-APPELL INĊIDENTALI

Artikolu 205

Risposta għall-appell inċidentali

Meta jiġi ppreżentat appell inċidentali, l-appellant jew kull parti oħra fil-kawża inkwistjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jkollhom interess li l-appell inċidentali jintlaqa' jew jiġi miċħud jistgħu jippreżentaw, f'terminu ta' xahrejn li jiddekorri min-notifika tal-appell inċidentali, risposta għall-appell inċidentali li s-suġġett tagħha għandu jkun limitat għall-aggravji invokati f'dan l-appell inċidentali. Dan it-terminu ma jistax jiġi pprorogat.

Artikolu 206

Replika u kontroreplika wara appell inċidentali

1.   L-appell inċidentali u r-risposta għall-appell inċidentali ma jistgħux jiġu kkompletati b'replika jew b'kontroreplika sakemm il-President, fuq talba motivata mressqa f'dan is-sens mill-parti li ppreżentat l-appell inċidentali f'terminu ta' sebat ijiem li jiddekorri min-notifika tar-risposta għall-appell inċidentali, ma jqisx li dan huwa neċessarju, b'mod partikolari sabiex din il-parti tkun tista' tieħu pożizzjoni dwar eċċezzjoni ta' inammissibbiltà jew dwar punti ġodda invokati fir-risposta għall-appell inċidentali.

2.   Il-President għandu jiffissa d-data li fiha għandha tiġi ppreżentata r-replika u, meta din tiġi nnotifikata, id-data li fiha għandha tiġi ppreżentata l-kontroreplika. Il-President jista' jillimita n-numru ta' paġni u s-suġġett tar-replika u tal-kontroreplika.

Kapitolu V

FUQ IL-FAŻI ORALI TAL-PROĊEDURA

Artikolu 207

Fażi orali tal-proċedura

1.   Il-partijiet fil-proċedura tal-appell jistgħu jitolbu li jinstemgħu fil-kuntest ta' seduta għas-sottomissjonijiet orali. Tali talba għandha tkun motivata u għandha titressaq f'terminu ta' tliet ġimgħat li jiddekorri min-notifika lill-partijiet tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. Dan it-terminu jista' jiġi pprorogat mill-President.

2.   Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali tista', jekk tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-annessi fil-proċess tal-kawża, tiddeċiedi li taqtal-appell mingħajr fażi orali tal-proċedura. F'dan il-każ, il-Qorti Ġenerali xorta tista' tiddeċiedi sussegwentement li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

Kapitolu VI

FUQ L-APPELLI MAQTUGĦA PERMEZZ TA' DIGRIET

Artikolu 208

Appell manifestament inammissibbli jew manifestament infondat

Meta l-appell, prinċipali jew inċidentali, ikun, kompletament jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti Ġenerali tista', f'kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, tiddeċiedi li tiċħad dan l-appell, kompletament jew parzjalment, permezz ta' digriet motivat.

Artikolu 209

Appell manifestament fondat

Meta l-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jkunu diġà ddeċidew dwar punt jew diversi punti ta' liġi identiċi għal dawk imqajma fl-aggravji tal-appell, prinċipali jew inċidentali, u meta l-Qorti Ġenerali tqis li l-appell huwa manifestament fondat, hija tista', fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstemgħu l-partijiet, tiddeċiedi li tiddikjara l-appell manifestament fondat permezz ta' digriet motivat li jinkludi referenzi għall-ġurisprudenza rilevanti.

Kapitolu VII

FUQ IL-KONSEGWENZI TAT-TĦASSIR TAL-APPELL PRINĊIPALI GĦALL-APPELL INĊIDENTALI

Artikolu 210

Konsegwenzi ta' rinunzja għall-atti jew ta' inammissibbiltà manifesta tal-appell prinċipali fuq l-appell inċidentali

L-appell inċidentali jitqies li ma għandux skop:

(a)

meta l-parti li tkun ippreżentat l-appell prinċipali tirrinunzja għall-appell;

(b)

meta l-appell prinċipali jiġi ddikjarat manifestament inammissibbli minħabba nuqqas ta' osservanza tat-terminu għall-preżentata tal-appell;

(c)

meta l-appell prinċipali jiġi ddikjarat manifestament inammissibbli għas-sempliċi raġuni li ma ġiex indirizzat kontra deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tagħlaq l-istanza jew kontra deċiżjoni li taqta' parzjalment il-mertu tal-kawża jew li tagħlaq kwistjoni proċedurali li tikkonċerna eċċezzjoni ta' nuqqas ta' kompetenza jew ta' inammissibbiltà, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut.

Kapitolu VIII

FUQ L-ISPEJJEŻ U L-ISPEJJEŻ PROĊEDURALI FL-APPELLI

Artikolu 211

Deċiżjoni dwar l-ispejjeż fl-appelli

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li ġejjin, l-Artikoli 133 sa 141 huma applikabbli, mutatis mutandis, għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li tkun tikkonċerna appell minn deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

2.   Meta l-appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

3.   Fil-każ ta' appelli ppreżentati mill-istituzzjonijiet, dawn għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 135(2).

4.   B'deroga mill-Artikolu 134(1) u (2), il-Qorti Ġenerali tista', fil-każ ta' appelli ppreżentati mill-uffiċjali jew minn membri oħra tal-persunal ta' istituzzjoni, tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż bejn il-partijiet, sa fejn dan ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' ekwità.

5.   Meta intervenjent fl-ewwel istanza ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, dan l-intervenjent jista' jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura fl-appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Meta tali intervenjent jipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti Ġenerali tista' tiddeċiedi li l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Kapitolu IX

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA APPLIKABBLI GĦALL-APPELLI

Artikolu 212

Tul tan-noti

1.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiffissa, skont l-Artikolu 224, it-tul massimu tan-noti ppreżentati fil-kuntest ta' dan it-Titolu.

2.   Il-President jista' jawtorizza li jinqabeż it-tul massimu tan-noti biss f'każijiet partikolarment kumplessi.

Artikolu 213

Dispożizzjonijiet oħra applikabbli għall-appelli

1.   L-Artikoli 51 sa 58, 60 sa 74, 79, 84, 87, 89, 90, 107 sa 122, 124, 125, 129, 131, 142 sa 162, 164, 165 u 167 sa 170 huma applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li tkun tikkonċerna appell minn deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

2.   B'deroga mill-Artikolu 143(1), it-talba għal intervent għandha titressaq sa mhux iktar tard mill-iskadenza ta' terminu ta' xahar li jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 79.

3.   Id-deċiżjonijiet mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 256(2) TFUE għandhom jiġu kkomunikati lill-Qorti tal-Ġustizzja u lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Kapitolu X

FUQ L-APPELL MID-DEĊIŻJONIJIET LI JIĊĦDU TALBA GĦAL INTERVENT U MID-DEĊIŻJONIJIET MEĦUDA FIL-KUNTEST TA' PROĊEDURA GĦAL MIŻURI PROVVIŻORJI

Artikolu 214

Appell mid-deċiżjonijiet li jiċħdu talba għal intervent u mid-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest ta' proċedura għal miżuri provviżorji

B'deroga mid-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu, il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jiddeċiedi dwar l-appelli msemmija fl-Artikolu 10(1) u (2) tal-Anness I tal-Istatut skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 157(1) u (3) u fl-Artikolu 158(1).

TITOLU VI

FUQ IL-PROĊEDURI WARA LI KAWŻA TINTBAGĦAT LURA

Kapitolu I

FUQ ID-DEĊIŻJONIJIET TAL-QORTI ĠENERALI MOGĦTIJA META KAWŻA TINTBAGĦAT LURA QUDDIEMHA WARA ANNULLAMENT

Artikolu 215

Annullament u kawża mibgħuta lura mill-Qorti tal-Ġustizzja

Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla sentenza jew digriet tal-Qorti Ġenerali u tiddeċiedi li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex taqtagħha, il-Qorti Ġenerali tkun adita bil-kawża permezz tad-deċiżjoni li tibgħatha lura quddiemha.

Artikolu 216

Assenjazzjoni tal-kawża

1.   Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla sentenza jew digriet ta' awla, il-President tal-Qorti Ġenerali jista' jassenja l-kawża lil awla oħra kkostitwita mill-istess numru ta' Mħallfin sedenti.

2.   Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla sentenza jew digriet mogħtija mill-Awla Manja tal-Qorti Ġenerali, il-kawża għandha tiġi assenjata lil dan il-kulleġġ ġudikanti.

3.   Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla sentenza jew digriet mogħtija minn Imħallef li jkun iddeċieda bħala Mħallef uniku, il-President tal-Qorti Ġenerali jista' jassenja l-kawża lill-Imħallef uniku, bla ħsara għas-sitwazzjoni fejn dan tal-aħħar jibgħat il-kawża quddiem l-awla li minnha jagħmel parti.

Artikolu 217

Żvolġiment tal-proċedura

1.   Meta d-deċiżjoni sussegwentement annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja tkun ingħatat wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub dwar il-mertu quddiem il-Qorti Ġenerali, il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-soluzzjoni tat-tilwima f'terminu ta' xahrejn li jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan it-terminu ma jistax jiġi pprorogat.

2.   Meta d-deċiżjoni sussegwentement annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja tkun ingħatat meta l-proċedura bil-miktub dwar il-mertu ma kinitx għadha ngħalqet quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura għandha titkompla mill-istadju li kienet tinsab fih.

3.   Jekk dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi, il-President jista' jawtorizza l-preżentata ta' noti komplementari b'osservazzjonijiet bil-miktub.

Artikolu 218

Regoli applikabbli għall-proċedura

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 217, il-proċedura għandha tiżvolġi skont id-dispożizzjonijiet, skont il-każ, tat-Titolu III jew tat-Titolu IV.

Artikolu 219

Spejjeż

Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż marbuta, minn naħa, mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Kapitolu II

FUQ ID-DEĊIŻJONIJIET TAL-QORTI ĠENERALI MOGĦTIJA META KAWŻA TINTBAGĦAT LURA QUDDIEMHA WARA EŻAMI MILL-ĠDID

Artikolu 220

Eżami mill-ġdid u kawża mibgħuta lura mill-Qorti tal-Ġustizzja

Meta l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid sentenza jew digriet tal-Qorti Ġenerali u tiddeċiedi li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex taqtagħha, il-Qorti Ġenerali tkun adita bil-kawża permezz tas-sentenza li tibgħatha lura quddiemha.

Artikolu 221

Assenjazzjoni tal-kawża

1.   Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat lura kawża li kienet inizjalment deċiża minn awla, il-President tal-Qorti Ġenerali jista' jassenja l-kawża lil awla oħra kkostitwita mill-istess numru ta' Mħallfin sedenti.

2.   Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat lura kawża li kienet inizjalment deċiża mill-Awla Manja tal-Qorti Ġenerali, il-kawża għandha tiġi assenjata lil dan il-kulleġġ ġudikanti.

Artikolu 222

Żvolġiment tal-proċedura

1.   F'terminu ta' xahar li jiddekorri min-notifika tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu minn din is-sentenza għas-soluzzjoni tat-tilwima. Dan it-terminu ma jistax jiġi pprorogat.

2.   Il-Qorti Ġenerali tista' tistieden lill-partijiet fil-proċedura quddiemha jippreżentaw noti, fil-kuntest ta' miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, u tista' tiddeċiedi li tisma' lil dawn il-partijiet fil-kuntest ta' seduta għas-sottomissjonijiet orali.

Artikolu 223

Spejjeż

Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż marbuta mal-proċedura quddiemha wara l-eżami mill-ġdid.

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 224

Dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni

Permezz ta' att separat, il-Qorti Ġenerali għandha tadotta dispożizzjonijiet prattiċi għall-implementazzjoni ta' dawn ir-Regoli.

Artikolu 225

Infurzar

L-infurzar tas-sanzjonijiet jew tal-miżuri deċiżi bis-saħħa ta' dawn ir-Regoli għandu jitwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 280 TFUE, 299 TFUE u 164 TKEEA.

Artikolu 226

Tħassir

Dawn ir-Regoli jissostitwixxu r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta' Mejju 1991, kif emendati l-aħħar fid-19 ta' Ġunju 2013.

Artikolu 227

Pubblikazzjoni u dħul fis-seħħ ta' dawn ir-Regoli

1.   Dawn ir-Regoli, li huma awtentiċi fil-lingwi msemmija fl-Artikolu 44, għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dawn ir-Regoli għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara l-pubblikazzjoni tagħhom.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 105 huma applikabbli biss b'effett mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 105(11).

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45(4), tal-Artikolu 139(c) u tal-Artikolu 181 huma applikabbli biss għar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali wara d-dħul fis-seħħ ta' dawn ir-Regoli.

5.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 106 u 207 huma applikabbli biss għall-kawżi li fihom il-fażi bil-miktub tal-proċedura tkun għadha ma ngħalqitx fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dawn ir-Regoli.

6.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 115(1), tal-Artikolu 116(6), tal-Artikolu 131 u tal-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta' Mejju 1991, kif emendati l-aħħar fid-19 ta' Ġunju 2013, jibqgħu applikabbli għar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali qabel id-dħul fis-seħħ ta' dawn ir-Regoli.

7.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 135a u 146 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta' Mejju 1991, kif emendati l-aħħar fid-19 ta' Ġunju 2013, jibqgħu applikabbli għar-rikorsi pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali li fil-kuntest tagħhom il-fażi bil-miktub tal-proċedura tkun ingħalqet qabel id-dħul fis-seħħ ta' dawn ir-Regoli.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-4 ta' Marzu 2015.

E. COULON

Reġistratur

M. JAEGER

President


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3.