ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 80

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 58
25 ta' Marzu 2015


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/454 tad-9 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34823 (2012/C), SA.36004 (2013/NN), SA.37965 (2013/N), SA.37966 (2013/N), SA.37967 (2013/N) implimentata mill-Ġreċja għal Alpha Bank Group b’rabta ma’: Rikapitalizzazzjoni u ristrutturar ta’ Alpha Bank S.A.; – Riżoluzzjoni ta’ Cooperative Bank of Western Macedonia permezz ta’ ordni ta’ trasferiment lil Alpha Bank S.A. – Riżoluzzjoni ta’ Evia Cooperative Bank permezz ta’ ordni ta’ trasferiment lil Alpha Bank S.A. – Riżoluzzjoni ta’ Cooperative Bank of Dodecanese permezz ta’ ordni ta’ trasferiment lil Alpha Bank S.A. (notifikata bid-dokument C(2014) 4662)  ( 1 )

1

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/455 tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna mill-istat SA.34826 (2012/C), SA.36005 (2013/NN) implimentata mill-Ġreċja għal Piraeus Bank Group rigward ir-rikapitalizzazzjoni u r-ristrutturar ta’ Piraeus Bank S.A. (notifikata bid-dokument C(2014) 5217)  ( 1 )

49

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/456 tal-5 ta’ Settembru 2014 dwar l-iskema ta’ għajnuna Nru SA.26212 (11/C) (ex 11/NN — ex CP 176/A/08) u SA.26217 (11/C) (ex 11/NN — ex CP 176/B/08) implimentata mir-Repubblika tal-Bulgarija fil-kuntest tal-iskambji tal-art tal-foresta (notifikata bid-dokument C(2014) 6207)  ( 1 )

100

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra ( ĠU L 261, 30.8.2014 )

128

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

25.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/454

tad-9 ta’ Lulju 2014

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34823 (2012/C), SA.36004 (2013/NN), SA.37965 (2013/N), SA.37966 (2013/N), SA.37967 (2013/N) implimentata mill-Ġreċja għal Alpha Bank Group b’rabta ma’:

Rikapitalizzazzjoni u ristrutturar ta’ Alpha Bank S.A.;

Riżoluzzjoni ta’ Cooperative Bank of Western Macedonia permezz ta’ ordni ta’ trasferiment lil Alpha Bank S.A.

Riżoluzzjoni ta’ Evia Cooperative Bank permezz ta’ ordni ta’ trasferiment lil Alpha Bank S.A.

Riżoluzzjoni ta’ Cooperative Bank of Dodecanese permezz ta’ ordni ta’ trasferiment lil Alpha Bank S.A.

(notifikata bid-dokument C(2014) 4662)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-Istati Membri u lil partijiet interessati oħrajn sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet,

Billi,

1.   PROĊEDURA

1.1.   PROĊEDURA RELATATA MA’ ALPHA BANK

(1)

Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni approvat skema intitolata “Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja” (l-“Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi”) maħsuba biex tiżgura l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Griega. L-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi tippermetti li l-għajnuna tingħata taħt it-tliet miżuri kostitwenti tagħha, jiġifieri miżura ta’ rikapitalizzazzjoni, miżura ta’ garanzija u miżura ta’ self obbligazzjonarju tal-gvern (1). F’Mejju 2009, l-Alpha Bank Group (“il-Bank”) kien rikapitalizzat mill-Greċja taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni.

(2)

Il-premessa 14 tad-Deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2008 irreġistrat li għandu jiġi nnotifikat pjan ta’ ristrutturar lill-Kummissjoni fir-rigward tal-benefiċjarji tal-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni.

(3)

Fit-2 ta’ Lulju 2010, l-awtoritajiet Griegi ssottomettew pjan ta’ ristrutturar fir-rigward tal-Bank lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni rreġistrat dak il-pjan u l-aġġornamenti sussegwenti tiegħu, kif ukoll informazzjoni addizzjonali sottomessa mill-awtoritajiet Griegi bħala l-Każ SA.30342 (PN 26/2010) u mbagħad il-Każ SA.32786 (2011/PN).

(4)

Il-Bank ibbenefika ripetutament mill-garanziji tal-Istat fuq strumenti ta’ dejn u mis-self obbligazzjonarju tal-gvern taħt l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi (2). Huwa bbenefika wkoll minn assistenza ta’ likwidità f’emerġenza ggarantita mill-Istat (“ELA garantita mill-Istat”).

(5)

Fl-20 ta’ April 2012, il-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja (“HFSF”) ipprovda lill-Bank b’ittra li fiha impenja ruħu li jipparteċipa f’żieda ppjanata tal-kapital azzjonarju tal-Bank. Fit-28 ta’ Mejju 2012, l-HFSF ta rikapitalizzazzjoni tranżitorja ta’ EUR 1 900 miljun lill-Bank (“l-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja”).

(6)

F’Mejju 2012, l-awtoritajiet Griegi nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ittra ta’ impenn li ġiet ipprovduta mill-HFSF lill-Bank. Il-Kummissjoni rreġistratha bħala għajnuna mhux innotifikata (il-Każ SA.34823 (2012/NN)) minħabba li l-miżura kienet diġà ġiet implimentata.

(7)

Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali fuq l-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja (“id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ ta’ Alpha”) (3).

(8)

Fit-12 ta’ Ottubru 2012, l-HFSF ta l-kunsens tiegħu lill-Bank għall-akkwiżizzjoni ta’ Emporiki Bank minn Crédit Agricole S.A. (“Crédit Agricole”). Fis-16 ta’ Ottubru 2012, Crédit Agricole u l-Bank iffirmaw ftehim ta’ xiri ta’ ishma.

(9)

Qabel dik id-data, l-awtoritajiet Griegi kienu infurmaw lis-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-evoluzzjoni tal-proċess, kif ukoll dwar it-termini tal-akkwiżizzjoni potenzjali ta’ Emporiki Bank.

(10)

Fit-23 ta’ Novembru 2012, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu ittra lill-awtoritajiet Griegi, li kienet tinkludi l-valutazzjoni preliminari tagħhom tal-akkwiżizzjoni.

(11)

F’Diċembru 2012, l-HFSF ta t-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja ta’ EUR 1 042 miljun lill-Bank (“it-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja”). Fil-21 ta’ Diċembru 2012, l-HFSF ipprovda wkoll lill-Bank b’ittra ta’ impenn għall-parteċipazzjoni tiegħu f’żieda tal-kapital azzjonarju tal-Bank u fl-istrumenti tal-kapital konvertibbli li għandhom jinħarġu, għal ammont totali massimu ta’ EUR 1 629 miljun (4). L-awtoritajiet Griegi nnotifikaw dawk il-miżuri lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Diċembru 2012 (5).

(12)

F’Mejju 2013, il-Bank ħabbar it-tlestija b’suċċess tal-emissjoni bi drittijiet preferenzjali tiegħu ta’ EUR 457,1 miljun u l-allokazzjoni tal-ishma kollha offruti fi tqegħida privata addizzjonali ta’ EUR 92,9 miljun. Fit-3 ta’ Ġunju 2013, l-HFSF ikkonverta l-ewwel u t-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji f’ekwità u injetta EUR 1 079 miljun oħrajn ta’ kapital fil-Bank (ir-“rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013”).

(13)

Fid-19 ta’ Diċembru 2013, l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw informazzjoni lill-Kummissjoni rigward it-termini tar-rikapitalizzazzjoni tar-rebbiegħa 2013.

(14)

Fit-12 ta’ Ġunju 2014, l-awtoritajiet Griegi ssottomettew pjan ta’ ristrutturar finali għall-Bank (“il-pjan ta’ ristrutturar”) lill-Kummissjoni. Fl-istess data, huma pprovdew informazzjoni dwar l-ELA garantita mill-Istat. Huma indikaw li kellhom il-ħsieb li jkomplu jipprovdu lill-Bank b’appoġġ ta’ likwidità, kif ukoll b’garanziji mill-Istat fuq l-istrumenti tad-dejn u s-self obbligazzjonarju tal-gvern taħt l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi. (6).

(15)

Il-Kummissjoni kellha għadd numeruż ta’ laqgħat, telekonferenzi u skambji ta’ ittri elettroniċi ma’ rappreżentanti tal-awtoritajiet Griegi u mal-Bank.

(16)

Il-Greċja taċċetta li, b’mod eċċezzjonali, din id-Deċiżjoni tiġi adottata bil-lingwa Ingliża biss.

1.2.   PROĊEDURA RELATATA MAL-APPOĠĠ MILL-ISTAT MOGĦTI LIT-TLIET BANEK KOOPERATTIVI

(17)

Fit-3 ta’ Diċembru 2013, il-Greċja għarrfet lill-Kummissjoni bir-riżoluzzjoni antiċipata tat-tliet banek kooperattivi (“it-tliet Banek Kooperattivi”), jiġifieri l-Co-operative Bank of Dodecanese (“Dodecanese Bank”), il-Co-operative Bank of Evia (“Evia Bank”) u l-Co-operative Bank of Western Macedonia (“Western Macedonia Bank”).

(18)

Fl-4 ta’ Diċembru 2013, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu lill-Greċja sabiex tissottometti informazzjoni dwar ir-riżoluzzjoni antiċipata tat-tliet Banek Kooperattivi.

(19)

Fil-5 ta’ Diċembru 2013, il-Greċja ssottomettiet l-informazzjoni mitluba lis-servizzi tal-Kummissjoni.

(20)

Fit-8 ta’ Diċembru 2013, il-Bank of Greece pproċeda bir-riżoluzzjoni tat-tliet Banek Kooperattivi u bit-trasferiment tal-obbligazzjonijiet magħżula tat-tliet Banek Kooperattivi lill-Bank.

(21)

Fis-17 ta’ Diċembru 2013, il-Greċja nnotifikat l-appoġġ mill-Istat stipulat fil-qafas tar-riżoluzzjoni tat-tliet Banek Kooperattivi.

2.   DESKRIZZJONI

2.1.   IL-BANK U D-DIFFIKULTAJIET TIEGĦU

2.1.1.   Il-kuntest ġenerali tas-settur bankarju Grieg

(22)

Il-prodott domestiku gross (“PDG”) reali tal-Greċja naqas b’20 % mill-2008 sal-2012, kif jidher fit-Tabella 1. B’riżultat ta’ dan, il-banek Griegi ffaċċjaw rata ta’ inadempjenza li kompliet tiżdied b’mod rapidu fuq is-self mogħti lill-familji u lill-kumpaniji Griegi (7). Dawk l-iżviluppi affettwaw ir-rendiment tal-assi tal-banek Griegi b’mod negattiv u wasslu għal ħtiġijiet kapitali.

Tabella 1

It-Tkabbir Reali tal-PDG fil-Greċja, 2008-2013

Il-Greċja

2008

2009

2010

2011

2012

2013

Tkabbir Reali tal-PDG, %

–0,2

–3,1

–4,9

–7,1

–7,0

–3,9

Sors:

Eurostat, disponibbli onlajn fuq http://epp.eurostat.ec.europa.eu/tgm/table.do?tab=table&init=1&plugin=1&language=en&pcode=tec00115

(23)

Barra minn hekk, fi Frar 2012, il-Greċja implimentat skambju ta’ bonds fis-settur privat magħruf bħala Parteċipazzjoni tas-Settur Privat (“il-programm PSI”). Il-banek Griegi kienu involuti fil-programm PSI, li matulu l-gvern Grieg offra lid-detenturi tal-bonds privati eżistenti b’titoli ġodda (inklużi Bonds tal-Gvern Grieg (“GGBs”) ġodda, titoli marbuta mal-PDG u noti ta’ ħlas tal-PSI maħruġa mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (“EFSF”)) inkambju għall-GGBs eżistenti, bi skont nominali ta’ 53,5 % u maturitajiet itwal (8). L-awtoritajiet Griegi ħabbru r-riżultati ta’ dak l-iskambju ta’ bonds fid-9 ta’ Marzu 2012 (9). L-iskambju rriżulta f’telf sinifikanti għad-detenturi tal-bonds (stmat mill-Bank of Greece bħala 78 % tal-ammont nominali tal-GGBs l-antiki bħala medja għall-banek Griegi) u ħtiġijiet kapitali li kienu rreġistrati b’mod retroattiv fir-rapporti finanzjarji tal-banek Griegi għall-2011.

Tabella 2

Telf totali tal-banek Griegi ewlenin minħabba l-PSI (f’miljuni ta’ EUR)

Banek

Ammont nominali ta’ GGBs (1)

Ammont nominali ta’ self relatat mal-Istat (2)

Ammont nominali totali (3)=(1)+(2)

Telf ta’ GGBs minħabba l-PSI (4)

Telf minħabba l-PSI ta’ self relatat mal-Istat (5)

Telf gross totali minħabba l-PSI (6)=(4)+(5)

Telf gross totali minħabba l-PSI /Kapital tal-Grad 1 (10) (Diċ 2011) (%)

Telf gross totali minħabba l-PSI /Assi totali (Diċ 2011) (%)

NBG

13 748

1 001

14 749

10 985

751

11 735

161,0

11,0

Eurobank

7 001

335

7 336

5 517

264

5 781

164,5

7,5

Alpha

3 898

2 145

6 043

3 087

1 699

4 786

105,7

8,1

Piraeus

7 063

280

7 343

5 686

225

5 911

226,0

12,0

Emporiki

351

415

766

270

320

590

40,3

2,7

Sors:

Bank of Greece, Rapport dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u r-Ristrutturar tas-Settur Bankarju Grieg, Diċembru 2012, p. 14

(24)

Minħabba li l-banek Griegi ffaċċjaw nuqqasijiet ta’ kapital sostanzjali b’riżultat tal-programm PSI u r-reċessjoni kontinwa, il-Memorandum ta’ Politiki Ekonomiċi u Finanzjarji (“MPEF”) tat-Tieni Programm ta’ Aġġustament għall-Greċja bejn il-gvern Grieg, l-Unjoni Ewropea, il-Fond Monetarju Internazzjonali (“FMI”) u l-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”), datat il-11 ta’ Marzu 2012, għamel fondi disponibbli għar-rikapitalizzazzjoni ta’ dawk il-banek. L-awtoritajiet Griegi stmaw li l-ħtiġijiet tar-rikapitalizzazzjoni u l-ispejjeż tar-riżoluzzjoni totali tal-bank, li għandhom jiġu ffinanzjati taħt dak il-programm, kienu ta’ EUR 50 biljun (11). Dak l-ammont kien ikkalkolat fuq il-bażi ta’ test tal-istress imwettaq mill-Bank of Greece għall-perjodu li beda f’Diċembru 2011 u li ġie fi tmiemu f’Diċembru 2014 (“it-test tal-istress tal-2012”), li kien jiddependi fuq il-previżjoni tat-telf mis-self imwettqa minn Blackrock (12). Il-fondi għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek Griegi huma disponibbli permezz tal-HFSF. It-Tabella 3 tiġbor fil-qosor il-kalkolazzjoni tal-ħtiġijiet kapitali għall-banek Griegi ewlenin kif jirriżultaw mit-test tal-istress tal-2012.

Tabella 3

Test tal-istress tal-2012: Il-ħtiġijiet kapitali tal-banek Griegi ewlenin (f’miljuni ta’ EUR)

Banek

Kapital ta’ Referenza tal-Grad 1 (Diċ 2011) (1)

Telf gross totali minħabba l-PSI (Diċ 2011) (2)

Dispożizzjonijiet relatati mal-PSI (Ġunju 2011) (3)

Telf Kumulattiv Gross Projezzjonijiet għar-riskju ta’ kreditu (4)

Riżervi ta’ telf mis-self (Diċ 2011) (5)

Ġenerazzjoni ta’ kapital intern (6)

Kapital tal-Grad 1 fil-Mira (Diċ 2014) (7)

Ħtiġijiet kapitali (8)=(7)-[(1)+(2)+(3)+(4)+(5)+(6)]

NBG

7 287

–11 735

1 646

–8 366

5 390

4 681

8 657

9 756

Eurobank

3 515

–5 781

830

–8 226

3 514

2 904

2 595

5 839

Alpha

4 526

–4 786

673

–8 493

3 115

2 428

2 033

4 571

Piraeus

2 615

–5 911

1 005

–6 281

2 565

1 080

2 408

7 335

Emporiki

1 462

– 590

71

–6 351

3 969

114

1 151

2 475

Postbank (TT Bank)

557

–3 444

566

–1 482

1 284

– 315

903

3 737

Sors:

Bank of Greece, Rapport dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u r-Ristrutturar tas-Settur Bankarju Grieg, Diċembru 2012, p. 8

(25)

Skont l-MPEF, “il-banek li jissottomettu pjanijiet vijabbli ta’ ġbir tal-kapital jingħataw l-opportunità li japplikaw għal u jirċievu appoġġ pubbliku b’mod li jippreserva inċentivi fis-settur privat għall-injezzjoni ta’ kapital u b’hekk jitnaqqas il-piż għall-kontribwenti” (13). Il-Bank of Greece sab li kienu biss l-akbar erba’ banek (Eurobank, National Bank of Greece, Piraeus Bank u Alpha Bank) li ssottomettew pjanijiet vijabbli ta’ ġbir tal-kapital (14). Huma rċevew l-ewwel rikapitalizzazzjoni mill-HFSF f’Mejju 2012.

(26)

Id-depożiti domestiċi fil-banek fil-Greċja naqsu b’37 % b’kollox bejn l-aħħar tal-2009 u Ġunju 2012 minħabba r-reċessjoni u l-inċertezza politika. Dawk il-banek kellhom iħallsu rati ta’ mgħax ogħla sabiex jippruvaw iżommu d-depożiti. L-ispejjeż tad-depożiti żdiedu, filwaqt li l-marġini tal-imgħax nett tal-banek naqas. Minħabba li l-banek Griegi ma komplewx joperaw fis-swieq tal-finanzjament tal-operaturi, huma saru kompletament dipendenti fuq il-finanzjament tal-Eurosistema (15), li porzjon dejjem jikber minnu kien fil-forma ta’ ELA garantita mill-Istat mogħtija mill-Bank of Greece.

(27)

Fit-3 ta’ Diċembru 2012, il-Greċja nediet programm ta’ xiri lura fuq il-GGBs ġodda riċevuti mill-investituri fil-qafas tal-programm PSI, bi prezzijiet li jvarjaw minn 30,2 % sa 40,1 % tal-valur nominali tagħhom (16). Il-banek Griegi pparteċipaw f’dak il-programm ta’ xiri lura li kkristallizza t-telf ulterjuri fuq il-karti tal-bilanċ tagħhom, minħabba li ħafna mit-telf tal-kontabbiltà (jiġifieri, id-differenza bejn il-valur fis-suq u l-valur nominali) irreġistrat fuq dawk il-GGBs ġodda fiż-żmien tal-programm PSI kien sar definittiv u irriversibbli (17).

(28)

F’Diċembru 2012, l-akbar erba’ banek Griegi rċevew it-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja mill-HFSF.

(29)

Fir-rebbiegħa tal-2013, ir-rikapitalizzazzjoni tranżitorja tal-erba’ banek ġiet ikkonvertita f’rikapitalizzazzjoni permanenti f’ishma ordinarji, bl-HFSF iżomm aktar minn 80 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja ta’ kull wieħed mill-erba’ banek. Għall-banek li rnexxielhom jattiraw ammont stabbilit minn qabel ta’ kapital privat (il-Bank, Piraeus Bank S.A. u National Bank of Greece S.A.), l-HFSF irċieva ishma mingħajr dritt ta’ vot, filwaqt li l-investituri privati ngħataw ċertifikati tal-ishma tal-HFSF.

(30)

F’Lulju 2013, il-Bank of Greece kkummissjona konsulent sabiex iwettaq studju dijanjostiku fuq il-portafolli tas-self tal-banek Griegi kollha. Dak il-konsulent wettaq projezzjonijiet tat-telf ta’ kreditu (“CLPs”) fuq il-kotba tas-self domestiċi kollha tal-banek Griegi, kif ukoll fuq is-self li jġorr riskju Grieg fil-fergħat barranin u s-sussidjarji fuq medda ta’ tliet snin u nofs u fuq orizzont tul il-ħajja ta’ self. L-analiżi pprovdiet CLPs taħt żewġ xenarji makroekonomiċi, xenarju bażi u xenarju avvers. Is-CLPs għall-portafolli tas-self barranin ġew stmati mill-Bank of Greece permezz ta’ kontribut mill-konsulent.

(31)

Abbażi tal-valutazzjoni tas-CLPs mill-konsulent, fil-ħarifa 2013, il-Bank of Greece nieda eżerċizzju ġdid ta’ test tal-istress (“it-test tal-istress tal-2013”) sabiex jivvaluta r-robustezza tal-pożizzjoni kapitali tal-banek Griegi kemm taħt xenarju bażi kif ukoll taħt xenarju avvers. Il-Bank of Greece wettaq il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet kapitali bl-appoġġ tekniku tat-tieni konsulent.

(32)

Il-komponenti ewlenin tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet kapitali skont it-test tal-istress tal-2013 kienu (i) is-CLPs (18) fuq il-portafolli tas-self tal-banek fuq bażi kkonsolidata għar-riskju Grieg u għar-riskju barrani, nett tar-riżervi tas-self eżistenti, u (ii) il-profittabbiltà operattiva stmata tal-banek għall-perjodu minn Ġunju 2013 sa Diċembru 2016, abbażi ta’ aġġustament konservattiv tal-pjanijiet ta’ ristrutturar li ġew sottomessi lill-Bank of Greece matul ir-raba’ kwart tal-2013. It-Tabella 4 tiġbor fil-qosor il-kalkolazzjoni tal-ħtiġijiet kapitali għall-banek Griegi ewlenin fuq bażi kkonsolidata taħt ix-xenarju bażi għal dak it-test tal-istress tal-2013.

Tabella 4

Test tal-istress tal-2013: Il-ħtiġijiet kapitali tal-banek Griegi fuq bażi kkonsolidata fix-xenarju bażi (f’miljuni ta’ EUR)

Banek

Kapital ta’ Referenza tal-Grad 1 (Ġunju 2013) (1)

Riżervi ta’ telf mis-self (Ġunju 2013) (2)

CLPs għal riskju Grieg (3)

CLPs għal riskju barrani (19) (4)

Ġenerazzjoni tal-Kapital Intern (5)

Proporzjon ta’ Kapital tal-Grad 1 skont it-test tal-istress (Diċembru 2016) (6)

Ħtiġijiet kapitali (7)=(6)-(1)-(2)-(3)-(4)-(5)

NBG (20)

4 821

8 134

–8 745

–3 100

1 451

4 743

2 183

Eurobank (21)

2 228

7 000

–9 519

–1 628

2 106

3 133

2 945

Alpha

7 380

10 416

–14 720

–2 936

4 047

4 450

262

Piraeus

8 294

12 362

–16 132

–2 342

2 658

5 265

425

Attica

225

403

– 888

0

106

243

397

Panellinia

61

66

– 237

0

–26

31

169

Sors:

Bank of Greece, Test tal-Istress tal-2013 tas-Settur Bankarju Grieg, Marzu 2014, p. 42

(33)

Fis-6 ta’ Marzu 2014, il-Bank of Greece ħabbar ir-riżultati tat-test tal-istress tal-2013 u talab lill-banek sabiex jissottomettu, sa nofs April 2014, il-pjanijiet tagħhom għall-ġbir tal-kapital sabiex ikopru l-ħtiġijiet kapitali taħt ix-xenarju bażi.

(34)

Bejn l-aħħar ta’ Marzu 2013 u l-bidu ta’ Mejju 2014, il-banek ipproċedew b’żidiet kapitali.

2.1.2.   Il-benefiċjarju

(35)

Il-Bank jipprovdi servizzi bankarji universali primarjament fil-Greċja u fl-Ewropa tax-Xlokk (Ċipru, ir-Rumanija, il-Bulgarija, is-Serbja, l-Albanija u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (“FYROM”) kif ukoll fir-Renju Unit. Huwa joffri firxa sħiħa ta’ prodotti u servizzi bankarji u finanzjarji lil unitajiet domestiċi u negozji. Huwa attiv fl-operazzjonijiet bankarji privati, korporattivi u għall-konsumaturi, fil-ġestjoni tal-assi, fit-teżor u fl-operazzjonijiet bankarji ta’ investiment. Il-Bank huwa inkorporat fil-Greċja u l-ishma tiegħu huma elenkati fuq il-Borża ta’ Ateni. Fit-30 ta’ Settembru 2012, b’kollox il-Bank kien iħaddem 17 119-il ruħ, u madwar terz minnhom kienu impjegati fix-Xlokk tal-Ewropa u fir-Renju Unit, filwaqt li ż-żewġ terzi li jifdal kienu impjegati fil-Greċja (22).

(36)

Il-Bank ipparteċipa fil-programm PSI, fejn kellu ċ-ċans jiskambja GGBs u self relatat mal-Istat b’valur nominali ta’ EUR 6 043 miljun. Il-ħlas totali tiegħu relatat mal-PSI kien jammonta għal madwar EUR 4 786 miljun qabel it-taxxa u kien kompletament irreġistrat fil-kontijiet tiegħu għall-2011. (23). Matul il-programm ta’ xiri lura ta’ Diċembru 2012, il-Bank biegħ il-GGBs ġodda li kien irċieva fil-qafas tal-PSI bi skont qawwi għall-valur nominali. Dak il-bejgħ ikkristallizza t-telf tiegħu fuq il-GGBs il-ġodda.

(37)

Il-figuri ewlenin tal-Bank f’Diċembru 2010, Diċembru 2011, Diċembru 2012 u Diċembru 2013 (dejta kkonsolidata) huma ppreżentati fit-Tabella 5.

Tabella 5

Figuri ewlenin ta’ Alpha Bank, 2010, 2011, 2012 u 2013

Profitt u telf

(f’miljuni ta’ EUR)

2010

2011

2012

Proforma 2012

(inkluż Emporiki)

2013

(inkluż Emporiki)

Introjtu mill-imgħax nett

1 819

1 784

1 397

1 755

1 658

Introjtu operattiv totali

2 249

2 283

1 506

1 826

2 344

Spejjeż operattivi totali

–1 148

–1 096

–1 179

–1 746

–1 426

Introjtu Qabel il-Provvediment

1 101

1 187

327

80

918

Telf minn indeboliment sabiex ikopri r-riskju ta’ kreditu

– 885

–1 130

–1 669

–2 802

–1 923

Telf minn indeboliment fuq GGBs u self eliġibbli għall-PSI

–4 789

Avvjament negattiv

 

 

 

 

3 283

Profitt/Telf Nett

86

–3 810

–1 086

n/a

2 922

Figuri ta’ Volum Selettiv

(f’miljuni ta’ EUR)

2010

2011

2012

Proforma 2012

(inkluż Emporiki)

2013

(inkluż Emporiki)

Self u Avvanzi Totali lill-Klijenti (Netti)

49 305

44 876

40 495

55 459

51 678

Depożiti

38 293

29 399

28 451

41 348

42 485

Assi Totali

66 798

59 148

58 357

76 518

73 697

Ekwità Totali (24)

5 784

1 966

773

3 423

8 312

Sorsi:

2013: http://www.alpha.gr/files/investorrelations/Deltio_Typou_20140310EN.pdf

Pro forma 2012: Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, p. 24

2012 u 2011: Riżultati finanzjarji 2012 – Rapporti finanzjarji konsolidati: http://www.alpha.gr/files/investorrelations/IFRS_Alphagroup_FY_2012_en.pdf

2010: Riżultati finanzjarji 2011 – Rapporti finanzjarji konsolidati: http://www.alpha.gr/files/investorrelations/IFRS_Alphagroup_FY_2011_en.pdf

(38)

It-Tabella 5 tispjega li, minbarra t-telf qawwi li rreġistra fl-2011 minħabba l-programm PSI (EUR 4 786 miljun (25)), il-Bank sofra minn tnaqqis fid-dħul (minħabba, fost raġunijiet oħrajn, l-ispejjeż ogħla tad-depożiti) u minn telf għoli u dejjem jiżdied minn indeboliment fuq il-portafolli tas-self tiegħu fil-Greċja u barra l-pajjiż. Il-pożizzjoni tal-likwidità tal-Bank intlaqtet ħażin mill-ħruġ tad-depożiti u l-proporzjon self-depożitu tiegħu laħqet 152 % fil-31 ta’ Diċembru 2011. (26), filwaqt li 34 % tal-karta bilanċjali tagħha ġew iffinanzjati mill-Eurosistema f’dik id-data (27).

(39)

Skont it-test tal-istress tal-2013, il-Bank of Greece kkalkula l-ħtiġijiet kapitali tal-Bank għal EUR 262 miljun għax-xenarju bażi.

(40)

F’Marzu 2014, il-Bank ipproċeda b’żieda fil-kapital ta’ EUR 1,2 biljun sabiex ikopri l-ħtiġijiet kapitali msemmija fil-premessa 39 u sabiex iħallas lura l-ishma privileġġati miżmuma mill-Greċja li jammontaw għal EUR 940 miljun (28). B’kuntrast għaż-żieda fil-kapital ta’ Eurobank ta’ April 2014, l-HFSF ma impenjax ruħu li jinjetta kapital fiż-żieda fil-kapital tal-Bank f’każ ta’ domanda privata insuffiċjenti. Iż-żieda fil-kapital ta’ dan tal-aħħar inkisbet permezz ta’ offerta ta’ ekwità mingħajr prelazzjoni (jiġifieri żieda fil-kapital b’kanċellazzjoni tad-drittijiet ta’ prelazzjoni tal-azzjonisti) lill-investituri internazzjonali u permezz ta’ offerta pubblika fil-Greċja. Il-prezz tas-sottoskrizzjoni kien iffissat bħala EUR 0,66 għal kull sehem.

(41)

Wara ż-żieda fil-kapital, fis-17 ta’ April 2014, il-Bank ħabbar li huwa kien feda l-ishma privileġġati lill-Greċja, għal ammont totali ta’ EUR 940 miljun.

2.2.   L-AKKWIŻIZZJONIJIET MILL-BANK TAL-ATTIVITAJIET BANKARJI GRIEGI

2.2.1.   L-akkwiżizzjoni ta’ Emporiki Bank

(42)

Emporiki Bank ġie stabbilit fl-1882.

(43)

Fis-sena 2000, għall-ewwel Crédit Agricole Group akkwiżixxa sehem ta’ 6,7 % f’Emporiki Bank. Emporiki Bank sar sussidjarju ta’ Crédit Agricole fl-2006, meta akkwiżixxa interess kontrollanti. Dak iż-żmien Crédit Agricole żied il-parteċipazzjoni azzjonarja tiegħu għal 94,99 % f’Emporiki Bank.

(44)

Emporiki Bank kien jopera fl-attivitajiet bankarji kollha (għall-konsumatur, korporattivi) kif ukoll fl-ibbankjar tal-investimenti, l-immaniġġjar ta’ assi, l-immaniġġjar ta’ portafolji u fis-servizzi finanzjarji ġenerali. Offra s-servizzi tiegħu fil-Greċja permezz tan-netwerk tiegħu ta’ 323 fergħa u barra pajjiżu permezz tal-fergħa tiegħu f’Ċipru kif ukoll permezz tas-sussidjarji f’Ċipru, il-Bulgarija, l-Albanija u r-Rumanija (29). Fil-31 ta’ Diċembru 2012, huwa kellu 4 230 impjegat.

(45)

Il-Bank ipparteċipa fil-programm PSI, fejn skambja GGBs u titoli eleġibbli oħrajn b’valur nominali ta’ EUR 766 miljun. Kif jidher fit-Tabella 2, il-ħlas totali tiegħu relatat mal-PSI kien jammonta għal madwar EUR 590 miljun qabel it-taxxa u kien kompletament irreġistrat fil-kontijiet tiegħu għall-2011. Kif jidher fit-Tabella 3, kien stmat li l-ħtiġijiet kapitali ta’ Emporiki Bank kienu ta’ EUR 2 475 miljun u ġew ikkalkolati fuq il-bażi ta’ test tal-istress tal-2012 imwettaq mill-Bank of Greece għall-perjodu li beda fil-31 ta’ Diċembru 2011 u li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2014, li kien jiddependi fuq il-previżjoni tat-telf mis-self imwettqa minn Blackrock.

(46)

Fit-12 ta’ Ottubru 2012, l-HFSF ta l-kunsens tiegħu lill-Bank għall-akkwiżizzjoni ta’ Emporiki Bank minn Crédit Agricole.

(47)

Fis-16 ta’ Ottubru 2012, Crédit Agricole u l-Bank iffirmaw il-“Ftehim ta’ Xiri ta’ Ishma datat is-16 ta’ Ottubru 2012 bejn Crédit Agricole S.A. u Alpha Bank S.A. għall-bejgħ u x-xiri ta’ Emporiki Bank of Greece S.A.”. Wara t-tlestija tad-diliġenza finanzjarja dovuta, Crédit Agricole injetta ammont ta’ kapital aggregat ta’ EUR 2 893 miljun, filwaqt li ssottoskriva bis-sħiħ għal bond konvertibbli ta’ EUR 150 miljun maħruġ mill-Bank (30). Imbagħad il-Bank kellu jakkwiżixxi l-Emporiki Bank kompletament rikapitalizzat għal euro. Skont il-ftehim ta’ akkwist tal-ishma, il-Bank ma xtarax is-sussidjarji barranin ta’ Emporiki Bank, li baqgħu taħt Crédit Agricole, għajr il-fergħa ta’ Ċipru ta’ Emporiki Bank, li kienet tammonta għal EUR 0,5 biljun f’assi u li kienet parti mill-perimetru mixtri mill-Bank.

(48)

Fil-31 ta’ Diċembru 2012, wara r-rikapitalizzazzjoni minn Crédit Agricole, il-proporzjon tal-adegwatezza kapitali ta’ Emporiki Bank kien ta’ 17,6 % filwaqt li l-proprozjon tal-Grad 1 tiegħu kien ta’ 13,5 %.

(49)

Fl-1 ta’ Frar 2013, il-Bank ħabbar li lesta t-trasferiment tal-kapital azzjonarju kollu ta’ Emporiki Bank lill-Bank (31).

(50)

Il-figuri ewlenin ta’ Emporiki Bank f’Diċembru 2010, Diċembru 2011, Diċembru 2012 u Jannar 2013 huma ppreżentati fit-Tabella 6.

Tabella 6

Figuri ewlenin ta’ Emporiki Bank, 2010, 2011, 2012 u Jannar 2013

F’biljuni ta’ EUR

fil-31 ta’ Diċembru 2010.

(konsolidati)

fil-31 ta’ Diċembru 2011.

(konsolidati)

Diċembru 2012

(perimetru akkwistat mill-Bank)

Jannar 2013

(perimetru akkwistat mill-Bank)

Assi Totali

26,78

21,7

19,5

18,2

Self u Avvanzi Gross Totali lill-Klijenti

24

23,48

19,85

19,8

Dispożizzjonijiet

2,8

4,4

5

5

Dovuti lill-Klijenti

12,2

11,3

12,68

12,9

Finanzjament tal-Eurosistema

0,3

1,77

1,2

1,2

Ekwità Totali

0,9

0,9

1,73

2,3

Telf wara t-taxxa

–0,87

–1,76

–1,5

 

Self/Depożiti Netti

173,8  %

169,1  %

117,2  %

114,1  %

Sorsi:

Jannar 2013: Alpha Bank FY 2012 Riżultati, preżentazzjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 (disponibbli onlajn fuq: http://www.alpha.gr/files/investorrelations/2012_FY_Financial_Report1.pdf)

Diċembru 2012: Indikaturi ewlenin ta’ Alpha Bank u ta’ Emporiki Bank, disponibbli onlajn fuq: http://www.alpha.gr/page/default.asp?id=9&la=2

2011 u 2010: Rapporti finanzjarji konsolidati ta’ Emporiki Bank fil-31 ta’ Diċembru 2011

2.2.2.   L-akkwiżizzjoni ta’ obbligazzjonijiet magħżula tat-tliet Banek Kooperattivi

(51)

Fit-8 ta’ Diċembru 2013, il-Bank of Greece iddeċieda li jipproċedi bir-riżoluzzjoni tat-tliet Banek Kooperattivi, Dodecanese Bank, Evia Bank u Western Macedonia Bank.

(52)

Il-Bank of Greece kompla b’Xiri u Suppożizzjoni (32) fejn id-depożiti kollha, inklużi d-depożiti interbankarji, u l-pretensjonijiet u l-obbligazzjonijiet lejn il-Fond Elleniku ta’ Garanzija tad-Depożiti u l-Investimenti iżda ebda self ma jiġi ttrasferit lil akkwirent. Il-Bank of Greece kkuntattja l-erba’ banek sistemiċi Griegi peress li, skont il-Bank of Greece, id-depożiti għandhom jiġu ttrasferiti sabiex l-istituzzjonijiet jiġu rikapitalizzati bis-sħiħ. Il-Bank u l-Eurobank biss issottomettew offerti vinkolanti, fil-5 ta’ Diċembru 2013. Il-Bank of Greece qies li l-offerta tal-Bank hija l-aqwa waħda. Il-Bank offra ammont li jilħaq it-2,1 % tad-depożiti ttrasferiti bħala kunsiderazzjoni.

2.2.2.1.   Dodecanese Bank

(53)

Dodecanese Bank ġie stabbilit fl-1994.

(54)

Fit-22 ta’ Lulju 2013, il-Bank of Greece talab lil Dodecanese Bank sabiex jikseb lura l-proporzjon tal-Grad 1 Ewlieni tiegħu. Dodecanese Bank kompla b’żieda ta’ kapital permezz ta’ offerta pubblika ta’ ishma kooperattivi. Skont iċ-ċirkulari tal-offerta, il-proporzjon tal-Grad 1 Ewlieni tad-Dodecanese Bank, ikkalkolat fuq il-bażi tad-dejta finanzjarja tal-bank fit-30 ta’ Ġunju 2013, kien stmat għal 3,5 % u, għalhekk, kien inqas mir-rekwiżiti minimi tal-adegwatezza kapitali stipulati mill-Bank of Greece. Madankollu, il-ġbir ta’ kapital ma rnexxilux jattira domanda għolja biżżejjed mingħand l-investituri.

(55)

Għal dik ir-raġuni, fit-8 ta’ Diċembru 2013, il-Bank of Greece pproċeda bir-riżoluzzjoni ta’ Dodecanese Bank. Il-liċenzja ta’ Dodecanese Bank ġiet irtirata u tqiegħed f’likwidazzjoni (33). Obbligazzjonijiet magħżula ta’ Dodecanese Bank ġew ittrasferiti lill-Bank (34). Skont il-Bank of Greece (35), il-valur ġust tal-assi ttrasferiti ammonta għal madwar EUR 6 miljun filwaqt li l-valur ġust tal-obbligazzjonijiet ittrasferiti ammonta għal EUR 255 miljun, bid-differenza tkun id-diskrepanza tal-likwidità (36) ta’ EUR 249 miljun Id-diskrepanza tal-likwidità ġiet koperta mill-HFSF skont l-Artikolu 63(D)(13) tal-Liġi 3601/2007. F’Diċembru 2013, l-HFSF ħareġ żewġ terzi mid-diskrepanza tal-likwidità sħiħa, jiġifieri EUR 166 miljun, f’Noti tal-EFSF filwaqt li ħa impenn li jħallas l-ammont li jifdal ta’ EUR 83 miljun mal-istabbiliment finali tad-diskrepanza tal-likwidità. Fis-16 ta’ Ġunju 2014, il-Bank of Greece stabbilixxa li d-diskrepanza tal-likwidità finali ta’ Dodecanese Bank kienet tammonta għal EUR 258,5 miljun. L-HFSF se jkopri l-parti mhux maħruġa tad-diskrepanza tal-likwidità.

(56)

Fit-30 ta’ Settembru 2013, Dodecanese Bank impjega 132 persuna u kellu 11-il fergħa. Fil-qafas tar-riżoluzzjoni, il-Bank ma ħa f’idejh l-ebda fergħa ta’ Dodecanese Bank iżda indika li beħsiebu jżomm preżenza fiżika f’żoni fejn ma teżisti ebda sovrapożizzjoni tan-netwerk (jiġifieri, f’erba’ gżejjer b’ebda bank alternattiv) billi jikri l-erba’ fergħat żgħar immexxijin mil-likwidatur. L-impjegati ta’ Dodecanese Bank ingħataw is-sensja u ntgħażlu mill-ġdid b’mod selettiv mill-Bank.

2.2.2.2.   Evia Bank

(57)

Evia Bank ġie stabbilit fl-1995.

(58)

Fit-22 ta’ Lulju 2013, il-Bank of Greece talab lil Evia Bank sabiex jikseb lura l-proporzjon tal-Grad 1 Ewlieni tiegħu. Evia Bank kompla b’żieda kapitali permezz ta’ offerta pubblika ta’ ishma kooperattivi. Skont iċ-ċirkulari tal-offerta, il-proporzjon tal-Grad 1 Ewlieni ta’ Evia Bank kien stmat għal 1,8 %, ikkalkolat fuq il-bażi tad-dejta finanzjarja tal-bank fit-30 ta’ Ġunju 2013 u, għalhekk, kien inqas mir-rekwiżiti minimi tal-adegwatezza kapitali stipulati mill-Bank of Greece. Madankollu, il-ġbir ta’ kapital ma rnexxilux jattira domanda għolja biżżejjed mingħand l-investituri.

(59)

Għal dik ir-raġuni, fit-8 ta’ Diċembru 2013, il-Bank of Greece ipproċeda bir-riżoluzzjoni ta’ Evia Bank. Il-liċenzja ta’ Evia Bank ġiet irtirata u Evia Bank tqiegħed f’likwidazzjoni (37). Obbligazzjonijiet magħżula ta’ Evia Bank ġew ittrasferiti lill-Bank (38). Skont il-Bank of Greece (39), il-valur ġust tal-assi ttrasferiti ammonta għal EUR 2 miljuni filwaqt li l-valur ġust tal-obbligazzjonijiet ittrasferiti ammonta għal EUR 98 miljun, bid-differenza tkun id-diskrepanza tal-likwidità ta’ EUR 96 miljun. Id-diskrepanza tal-likwidità ġiet koperta mill-HFSF skont l-Artikolu 63(D)(13) tal-Liġi 3601/2007. F’Diċembru 2013, l-HFSF ħareġ żewġ terzi mid-diskrepanza tal-likwidità totali, jiġifieri EUR 64 miljun, f’Noti tal-EFSF, filwaqt li ħa impenn li jħallas l-ammont li jifdal ta’ EUR 32 miljun mal-istabbiliment finali tad-diskrepanza tal-likwidità. Fis-16 ta’ Ġunju 2014, il-Bank of Greece stabbilixxa li d-diskrepanza tal-likwidità finali ta’ Evia Bank kienet tammonta għal EUR 105 miljun. L-HFSF se jkopri l-parti mhux maħruġa tad-diskrepanza tal-likwidità.

Fit-30 ta’ Settembru 2013, Evia Bank impjega 59 persuna u kellu 4 fergħat. Il-Bank ma ħa ebda fergħa ta’ Evia Bank. L-impjegati ta’ Evia Bank ingħataw is-sensja u ntgħażlu mill-ġdid b’mod selettiv mill-Bank.

2.2.2.3.   Western Macedonia Bank

(60)

Fl-1995, twaqqfet l-Għaqda Kooperattiva għall-Kreditu tal-Iżvilupp tal-Prefattura ta’ Kozani. Mill-2008, il-Kooperattiva bdiet topera bl-isem il-ġdid “Cooperative Bank of Western Macedonia”.

(61)

Fit-22 ta’ Lulju 2013, il-Bank of Greece talab lill-Western Macedonia Bank sabiex jikseb lura l-proporzjon tal-Grad 1 Ewlieni tiegħu. Il-Western Macedonia Bank kompla bil-ġbir ta’ kapital permezz ta’ offerta pubblika ta’ ishma kooperattivi. Skont iċ-ċirkulari tal-offerta, il-proporzjon tal-Grad 1 Ewlieni tal-Western Macedonia Bank kien stmat għal -11 %, ikkalkolat fuq il-bażi tad-dejta finanzjarja tal-bank fit-30 ta’ Settembru 2013 u, għalhekk, kien inqas mir-rekwiżiti minimi tal-adegwatezza kapitali stipulati mill-Bank of Greece. Madankollu, il-ġbir ta’ kapital ma rnexxilux jattira domanda għolja biżżejjed mingħand l-investituri.

(62)

Għal dik ir-raġuni, fit-8 ta’ Diċembru 2013, il-Bank of Greece ipproċeda bir-riżoluzzjoni ta’ Western Macedonia Bank. Il-liċenzja tal-Western Macedonia Bank ġiet irtirata u Evia Bank tqiegħed f’likwidazzjoni (40). Obbligazzjonijiet magħżula ta’ Western Macedonia Bank ġew ittrasferiti lill-Bank (41). Skont il-Bank of Greece (42), il-valur ġust tal-assi ttrasferiti ammonta għal EUR 2 miljun filwaqt li l-valur ġust tal-obbligazzjonijiet ittrasferiti ammonta għal EUR 84 miljun, bid-differenza tkun id-diskrepanza tal-likwidità ta’ EUR 82 miljun. Id-diskrepanza tal-likwidità ġiet koperta mill-HFSF skont l-Artikolu 63(D)(13) tal-Liġi 3601/2007. F’Diċembru 2013, l-HFSF ħareġ żewġ terzi mid-diskrepanza tal-likwidità totali, jiġifieri EUR 55 miljun, f’Noti tal-EFSF, filwaqt li ħa impenn li jħallas l-ammont li jifdal ta’ EUR 27 miljun mal-istabbiliment finali tad-diskrepanza tal-likwidità.

(63)

Fit-30 ta’ Settembru 2013, Western Macedonia Bank impjega 36 persuna u kellu 3 fergħat. Il-Bank ma ħa ebda fergħa ta’ Western Macedonia Bank. L-impjegati ta’ Western Macedonia Bank ingħataw is-sensja u ġew impjegati mill-ġdid b’mod selettiv mill-Bank.

(64)

Il-figuri ewlenin tat-tliet Banek Korporattivi huma ppreżentati fit-Tabella 7.

Tabella 7

Dejta ewlenija tat-tliet Banek Kooperattivi (f’miljuni ta’ EUR)

 

(A)

(B)

(C)

(D) = (B)-(A)

(E) = 2,1 %* (C)

 

Valur Ġust tal-Assi Ttrasferiti

Valur Ġust tal-Obbligazzjonijiet Ttrasferiti

Li minnhom Depożiti ttrasferiti

Marġni finanzjarju inizjali

Kunsiderazzjoni

(2,1 % tad-depożiti ta’ trasf.)

Dodecanese Bank

6

255

255

249

5

Evia Bank

2

98

95

96

2

Western Macedonia Bank

2

84

82

82

2

Total

 

 

 

427

9

Sorsi:

Id-Deċiżjonijiet 97/1, 97/2, 97/3 tat-8.2.2013 tal-Kumitat għall-Kreditu u l-Assigurazzjoni tal-Bank of Greece.

Id-Deċiżjonijiet 14/1, 14/2, 14/3, 14/4, 14/5 14/6, 14/7, 14/8 tat-8.12.2013 tal-Miżuri ta’ Riżoluzzjoni Kummenti tal-Bank of Greece.

2.2.3.   Akkwiżizzjoni ta’ Citibank Greece

(65)

Citibank International ġie stabbilit fl-1812. Citibank twaqqaf fil-Greċja fl-1964 primarjament sabiex jaqdi l-ħtiġijiet tas-setturi marittimi u korporattivi. Fl-1980, Citibank Greece beda jespandi fl-operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur. Bħalissa, Citibank Greece huwa attiv kemm fin-negozju fil-livell tal-konsumatur kif ukoll korporattiv u għandu netwerk ta’ 20 fergħa madwar il-pajjiż.

(66)

Fid-29 ta’ Mejju 2014, l-HFSF irċieva talba mingħand il-Bank għal kunsens għall-akkwiżizzjoni ta’ Citibank Greece, inkluż Diners Club Greece (“Diners”) (43).

(67)

Il-Bank esprima l-intenzjoni tiegħu li jixtri l-attivitajiet ta’ Citibank Greece, inkluż is-self lill-klijenti (għal ammont totali nett ta’ EUR 442 miljun u 1 115-il miljun f’self improduttiv (“NPL”) kompletament imħassar), id-depożiti tal-klijenti (total ta’ EUR 1 067 miljun), assi mmaniġġjati (EUR 1 186 miljun), il-fergħat għall-konsumatur, in-netwerk ta’ ATMs (44) u l-impjegati (45). Barra minn hekk, il-Bank esprima l-intenzjoni tiegħu li jixtri 100 % mill-kapital azzjonarju ordinarju ta’ Diners.

(68)

Il-prezz ġie stabbilit għal EUR 2 miljuni.

(69)

Fil-5 ta’ Ġunju 2014, l-HFSF ta l-kunsens tiegħu għall-akkwiżizzjoni ta’ Citibank Greece mill-Bank.

2.3.   IL-MIŻURI TA’ GĦAJNUNA

2.3.1.   Miżuri ta’ għajnuna mogħtija lill-Bank taħt l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi (miżuri L1 u A)

(70)

Il-Bank kiseb diversi forom ta’ għajnuna taħt l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi, taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni, il-miżura ta’ garanzija u l-miżura ta’ self obbligazzjonarju tal-gvern.

2.3.1.1.   L-appoġġ ta’ likwidità mogħti mill-Istat taħt il-garanzija u l-miżuri ta’ self obbligazzjonarju mill-gvern (il-miżura L1)

(71)

Il-Bank ibbenefika u qiegħed ikompli jibbenefika minn għajnuna taħt il-miżura ta’ garanzija u l-miżura ta’ self obbligazzjonarju tal-gvern. Dik l-għajnuna sejra tiġi deskritta f’din id-Deċiżjoni bħala l-“miżura L1”. Fit-30 ta’ Novembru 2011, il-garanziji mogħtija lill-Bank ammontaw għal madwar EUR 14,0-il biljun. Fit-30 ta’ Settembru 2011, il-Bank irċieva self ta’ bonds tal-gvern li jammontaw għal EUR 1,6 biljun (46).

(72)

Fil-pjan ta’ ristrutturar għall-Bank, li ġie sottomess mill-awtoritajiet Griegi lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Ġunju 2014, l-awtoritajiet Griegi wrew l-intenzjoni tagħhom li jkomplu jagħtu garanziji u jsellfu bonds tal-gvern taħt l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi matul il-perjodu tar-ristrutturar.

2.3.1.2.   Rikapitalizzazzjoni mill-Istat mogħtija taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni (il-miżura A)

(73)

F’Mejju 2009, il-Bank irċieva injezzjoni kapitali ta’ EUR 940 miljun (il-miżura A) taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni tal-Iskema Griega ta’ Appoġġ għall-Banek. Dik l-injezzjoni ta’ kapital kienet ekwivalenti għal madwar 2 % tal-assi mwieżna għar-riskju (47) (“RWA”) tal-Bank f’dak iż-żmien.

(74)

Ir-rikapitalizzazzjoni ħadet il-forma ta’ ishma privileġġati sottoskritti mill-Greċja, li kellhom kupun ta’ 10 % u maturità ta’ ħames snin.

(75)

Il-Bank feda l-ishma privileġġati fis-17 ta’ April 2014, kif deskritt fil-premessa 41.

2.3.2.   ELA garantita mill-Istat (il-miżura L2)

(76)

ELA hija miżura eċċezzjonali li tippermetti li istituzzjoni finanzjarja solventi, li tkun qiegħda tiffaċċja problemi ta’ likwidità temporanji, tirċievi finanzjament mill-Eurosistema mingħajr ma tali operazzjoni tkun parti mill-politika monetarja unika. Ir-rata tal-imgħax imħallsa minn istituzzjoni finanzjarja għal ELA hija […] (*1) punti bażi ogħla mill-imgħax li tħallas għal rifinanzjament regolari mill-Bank Ċentrali.

(77)

Il-Bank of Greece huwa responsabbli mill-programm ta’ ELA, li jfisser li kull spiża tal-provvediment ta’ ELA, u r-riskji li jirriżultaw minnhom, jinġarru mill-Bank of Greece. Il-Greċja tat garanzija lill-Bank of Greece mill-Istat li tapplika għall-ammont totali ta’ ELA mogħtija mill-Bank of Greece. (48). L-adozzjoni tal-Artikolu 50, paragrafu 7 tal-Liġi 3943/2011, li emendat l-Artikolu 65, paragrafu 1 tal-Liġi 2362/1995, ippermettiet li l-Ministru tal-Finanzi jagħti garanziji f’isem l-Istat lill-Bank of Greece bil-għan li jissalvagwardja l-pretensjonijiet tal-Bank of Greece kontra l-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Il-banek li jibbenefikaw minn ELA għandhom iħallsu miżata ta’ garanzija lill-Istat li tammonta għal […] punti bażi.

(78)

Fil-31 ta’ Diċembru 2011, il-Bank ibbenifika minn EUR 6,7 biljun ta’ ELA garantita mill-Istat (49), filwaqt li fil-31 ta’ Diċembru 2012, il-Bank ibbenefika minn EUR 23,6 biljun ta’ ELA garantita mill-Istat (50).

2.3.3.   Miżuri ta’ għajnuna mogħtija lill-Bank permezz tal-HFSF (il-miżuri B1, B2, B3 u B4)

(79)

Sa mill-2012, il-Bank ibbenifika minn diversi miżuri ta’ appoġġ kapitali mogħtija mill-HFSF. It-Tabella 8 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn dawk il-miżuri ta’ għajnuna.

Tabella 8

Il-miżuri ta’ għajnuna mogħtija lill-Bank permezz tal-HFSF

 

L-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja - Mejju 2012

It-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja – Diċembru 2012

Ittra ta’ impenn - Diċembru 2012

Il-parteċipazzjoni tal-HFSF fir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 – Mejju 2013

Miżura

B1

B2

B3

B4

Ammont

(f’miljuni ta’ EUR)

1 900

1 042

1 629

4 021

2.3.3.1.   L-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja (il-miżura B1)

(80)

Il-premessi 14 sa 32 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha (51) ddeskrivew fid-dettall l-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja ta’ Mejju 2012 (il-miżura B1). L-isfond u l-karatteristiċi ewlenin ta’ dik il-miżura huma stabbiliti f’din it-Taqsima.

(81)

Fl-20 ta’ April 2012, l-HFSF ipprovda ittra lill-Bank li fiha impenja ruħu li sejjer jipparteċipa f’żieda ppjanata ta’ kapital azzjonarju tal-Bank għal ammont sa EUR 1,9 biljun.

(82)

Taħt il-miżura B1, l-HFSF ittrasferixxa EUR 1,9 biljun ta’ bonds tal-EFSF lill-Bank fit-28 ta’ Mejju 2012, b’konformità mad-dispożizzjonijiet għar-rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji stipulati fil-Liġi 3864/2010, li tistabbilixxi l-HFSF (“il-Liġi dwar l-HFSF”). Il-bonds tal-EFSF ittrasferiti lill-Bank kienu noti b’rati varjabbli b’maturitajiet ta’ sitta u għaxar snin u b’data tal-ħruġ tad-19 ta’ April 2012. Fil-premessa 48 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha, il-Kummissjoni stabbilixxiet li “Ir-rikapitalizzazzjoni tranżitorja ffinalizzata fit-28 ta’ Mejju 2012 hija l-implimentazzjoni tal-obbligu mwettaq fl-ittra ta’ impenn u, b’hekk, hija kontinwazzjoni tal-istess għajnuna”. Il-Bank of Greece kkalkula kemm l-ammonti pprovduti fl-ittra ta’ impenn kif ukoll dawk ipprovduti fl-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja bil-għan li jiżgura li l-Bank laħaq proporzjon kapitali totali ta’ 8 % mill-31 ta’ Diċembru 2011, li hija d-data tar-reġistrazzjoni retroattiva tar-rikapitalizzazzjoni tranżitorja fir-reġistri tal-Bank. Kif jista’ jidher mit-Tabella 3, il-miżura B1 kienet tkopri biss parti limitata mill-ħtiġijiet kapitali totali identifikati mit-test tal-istress tal-2012. Il-Bank kien mistenni li jiġġenera aktar kapital permezz ta’ żieda kapitali futura u r-rikapitalizzazzjoni tranżitorja kienet intiża biss biex tippreserva l-eliġibbiltà tal-Bank għall-finanzjament tal-BĊE sakemm saret dik iż-żieda kapitali.

(83)

Għall-perjodu bejn id-data tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja u d-data tal-konverżjoni tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja f’ishma ordinarji u strumenti finanzjarji konvertibbli oħrajn, il-ftehim ta’ qabel is-sottoskrizzjoni bejn il-Bank u l-HFSF stipula li l-Bank ikollu jħallas lill-HFSH miżata annwali ta’ 1 % fuq il-valur nominali tan-noti tal-EFSF u li kull pagament ta’ kupuni u imgħax akkumulat għan-noti tal-EFSF għal dak il-perjodu għandu jitqies bħala kontribuzzjoni kapitali addizzjonali mill-HFSF lill-Bank (52).

2.3.3.2.   It-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja (il-miżura B2)

(84)

Il-Bank irreġistra aktar telf fil-ħarifa tal-2012. Għalhekk, il-kapital tiegħu reġa’ waqa’ taħt ir-rekwiżiti kapitali minimi sabiex huwa jkun jista’ jibqa’ eliġibbli għal rifinanzjament mill-BĊE.

(85)

B’riżultat ta’ dan, saret neċessarja t-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja. Fil-21 ta’ Diċembru 2012, l-HFSF implimenta t-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja ta’ EUR 1 042 miljun (il-miżura B2), li għal darba oħra tħallset permezz tat-trasferiment tal-bonds tal-EFSF lill-Bank.

2.3.3.3.   L-ittra ta’ impenn tal-21 ta’ Diċembru 2012 (il-miżura B3)

(86)

Minbarra t-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja, fil-21 ta’ Diċembru 2012, l-HFSF ipprovda lill-Bank b’ittra ta’ impenn għall-parteċipazzjoni tiegħu fiż-żieda tal-kapital azzjonarju tal-Bank u fl-istrumenti konvertibbli li għandhom jinħarġu, għal ammont totali sa EUR 1 629 miljun (il-miżura B3).

(87)

It-total taż-żewġ rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji (il-miżuri B1 u B2) u tal-ammont addizzjonali impenjat f’Diċembru 2012 (il-miżura B3) kien ifisser li l-HFSF impenja ruħu li jkopri l-ħtiġijiet kapitali totali identifikati skont it-test tal-istress tal-2012 (EUR 4 571 miljun (53)).

2.3.3.4.   Il-parteċipazzjoni tal-HFSF fir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 (il-miżura B4)

(88)

Fis-16 ta’ April 2013, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-Bank approvat żieda fil-kapital azzjonarju tal-Bank. Fl-1 ta’ Mejju 2013, il-Bank ħabbar is-sottoskrizzjoni sħiħa tal-offerta tad-drittijiet ta’ EUR 457 miljun u t-tnedija ta’ tqegħida privata għal ammont li jasal sa EUR 93 miljun, bil-prezz ta’ 0,44 EUR għal kull sehem ġdid (54).

(89)

Il-Bank ħabbar li temm l-emissjoni bi drittijiet preferenzjali kif ukoll l-allokazzjoni sħiħa tat-tqegħida privata fit-3 ta’ Ġunju 2013 (55). Għaldaqstant, il-parteċipazzjoni privata totali fiż-żieda tal-kapital azzjonarju tal-Bank laħqet l-ammont ta’ EUR 550 miljun.

(90)

Dakinhar, il-Bank ħabbar ukoll li l-HFSF ser jissottoskrivi 9 138 636 364 sehem bil-prezz ta’ EUR 0,44 għal kull sehem. B’hekk, sar-rikapitalizzazzjoni tal-ħarifa tal-2013, l-HFSF injetta fil-Bank kapital li b’kollox jammonta għal EUR 4 021 miljun fil-forma ta’ ishma ordinarji (miżura B4). Dak l-ammont huwa daqs is-somma tal-miżuri B1, B2 u B3, wara li jitnaqqas l-ammont tal-parteċipazzjoni privata. L-ishma miżmumin mill-HFSF tawh setgħa tal-vot limitata peress li l-parteċipazzjoni privata totali kienet laħqet it-12 % tal-ġbir tal-kapital. Il-liġi tal-HFSF stipulat li l-investituri privati jżommu l-kontroll fuq il-Bank jekk jinjettaw iktar minn 10 % tal-kapital meħtieġ mill-Bank. Madankollu, l-HFSF żamm id-drittijiet sħaħ tal-vot għal deċiżjonijiet korporattivi importanti.

(91)

Permezz tal-ġbir tal-kapital azzjonarju tal-Bank (miżura B4), l-ewwel u t-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji (miżuri B1 u B2) ġew ikkonvertiti f’rikapitalizzazzjoni permanenti u twettaq parzjalment l-impenn li tingħata għajnuna addizzjonali fil-kapital (miżura B3).

(92)

Il-prezz tal-ishma l-ġodda kien stabbilit bħala 50 % tal-prezz medju tal-istokks ippeżat skont il-volum fuq il-perjodu ta’ 50 jum tan-negozjar qabel id-determinazzjoni tal-prezz tal-offerta. Minħabba qsim invers ta’ ishma (56) deċiż mil-laqgħa ġenerali straordinarja tal-azzjonisti fis-16 ta’ April 2012 (57), il-prezz ta’ ishma ġodda kien iffissat għal EUR 0,44 għal kull sehem.

(93)

Immedjatament wara r-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, l-HFSF sar l-azzjonarju prinċipali tal-Bank b’sehem ta’ 83,66 % (58). L-HFSF ħareġ 1 233 503 482 ċertifikat u ta lill-investituri privati ċertifikat wieħed għal kull sehem sottoskritt, għall-ebda kunsiderazzjoni (59). Kull ċertifikat jagħti d-dritt li jinxtraw 7,40 ishma tal-HFSF, f’intervalli magħżula u bi prezzijiet tal-eżerċitar. L-ewwel data tal-eżerċizzju kienet l-10 ta’ Diċembru 2013, u mbagħad iċ-ċertifikati jistgħu jiġu eżerċitati darbtejn fis-sena sal-10 ta’ Diċembru 2017. Il-prezz tal-eżerċizzju huwa ugwali għall-prezz tas-sottoskrizzjoni ta’ EUR 0,44 miżjud b’rata tal-imgħax annwali (4 % għall-ewwel sena, 5 % għat-tieni sena, 6 % għat-tielet sena, 7 % għar-raba’ sena u mbagħad 8 % annwalizzata għall-aħħar sitt xhur) (60).

(94)

Il-liġi dwar l-HFSF kif emendata fl-2014 tistabbilixxi li huma biss il-prezzijiet tal-eżerċitar taċ-ċertifikati li jistgħu jiġu aġġustati f’każ ta’ ħruġ ta’ drittijiet. Barra minn hekk, kull aġġustament bħal dan iseħħ ex post u biss sal-ammont tar-rikavat irrealizzat mill-bejgħ tad-drittijiet ta’ prelazzjoni tal-HFSF. Ma huwa previst ebda aġġustament f’każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju mhux preventiva.

2.3.4.   Miżuri ta’ għajnuna mill-Istat lit-tliet Banek Kooperattivi

(95)

Kif diġà ntqal fis-Taqsima 2.2.2, id-diskrepanzi tal-likwidità ta’ Dodecanese Bank, Evia Bank u Western Macedonia Bank ġew stmati mill-Bank of Greece għal EUR 249 miljun, EUR 96 miljun u EUR 82 miljun rispettivament. Għalhekk, l-ammont totali tad-diskrepanzi tal-likwidità ġie stmat għal EUR 427 miljun. Kienu koperti mill-HFSF, li ta ammont korrispondenti ta’ bonds tal-EFSF lill-Bank.

2.4.   IL-PJAN TA’ RISTRUTTURAR

(96)

Fit-12 ta’ Ġunju 2014, il-Greċja ssottomettiet il-pjan ta’ ristrutturar tal-Bank, li spjega kif il-Bank, bħala entità kkombinata li rriżultat mill-akkwiżizzjoni ta’ Emporiki Bank u d-depożiti tat-tliet Banek Kooperattivi, kien beħsiebu jikseb lura l-vijabbiltà tiegħu fit-tul.

2.4.1.   Operazzjonijiet domestiċi

(97)

Permezz tal-pjan ta’ ristrutturar, il-Bank se jiffoka fuq l-attivitajiet bankarji prinċipali tiegħu fil-Greċja. Filwaqt li l-operazzjonijiet internazzjonali tiegħu kienu jammontaw għal iktar minn 20 % tal-assi totali f’Diċembru 2009 u għal 15 % tal-assi totali f’Ġunju 2013 (61), dak il-proporzjon għandu jonqos għal madwar […] fi tmiem l-2018 (62).

(98)

Il-prijorità ewlenija tal-Bank hija li l-operazzjonijiet bankarji Griegi jinġiebu lura għall-profittabbiltà u l-vijabbiltà. Għal dak il-għan, il-pjan ta’ ristrutturar jinkludi għadd ta’ miżuri li huma mmirati biex itejbu l-effikaċja operattiva u l-marġini tal-imgħax nett tal-Bank, kif ukoll miżuri li jsaħħu l-pożizzjoni kapitali u l-istruttura tal-karta bilanċjali tiegħu.

(99)

Fir-rigward tal-effikaċja operattiva, il-Bank diġà beda programm vast ta’ razzjonalizzazzjoni qabel sew l-akkwiżizzjoniijet ta’ Emporiki Bank u t-tliet Banek Kooperattivi. Mill-31 ta’ Diċembru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2012, il-Bank naqqas l-impronta tiegħu fil-Greċja. Naqqas il-fergħat tiegħu minn 458 fl-2010 għal 426 fl-2012 (63) u naqqas ukoll il-forza tax-xogħol fl-attivitajiet bankarji u mhux bankarji fil-Greċja b’bosta mijiet ta’ impjegati tul l-istess perjodu (64).

(100)

Minn Diċembru 2012 sa Diċembru 2017, il-Bank għandu l-pjan li jkompli jnaqqas in-numru ta’ fergħat fil-Greċja minn 739 għal […]. In-numru ta’ impjegati f’attivitajiet bankarji u mhux bankarji fil-Greċja ser jonqos minn 11 435 għal […] (65).

(101)

L-effikaċja miżjuda f’termini tal-fergħat u l-persunal sabiex l-ispiża totali tal-attivitajiet Griegi tal-Bank titnaqqas b’[…] % minn EUR 1 345 miljun fuq bażi proforma fl-2012 għal EUR […] miljun fl-2017 (66). B’riżultat ta’ dan, il-proporzjon spejjeż-dħul mistenni tal-attivitajiet bankarji Griegi tiegħu se jinżel taħt […] % fi tmiem il-perjodu tar-ristrutturar.

(102)

Il-pjan ta’ ristrutturar jiddeskrivi wkoll kif il-Bank se jnaqqas l-ispejjeż tal-finanzjament tiegħu, li huwa kruċjali għat-treġġigħ lura tal-vijabbiltà. Il-Bank qiegħed jistenna li jkun jista’ jħallas rati tal-imgħax aktar baxxi fuq id-depożiti tiegħu fl-isfond tal-ambjent aktar stabbli u, b’mod partikolari, l-istabbilizzazzjoni u l-irkupru mbassra tal-ekonomija Griega, li mistennija terġa’ tikber mill-2014 ‘il quddiem. L-imgħax imħallas fuq id-depożiti (medja ta’ depożiti b’terminu, depożiti ta’ domanda u rati ta’ tfaddil) huwa mistenni li jonqos fil-Greċja. Dak it-tnaqqis jinkiseb primarjament billi jitħallsu rati ferm aktar baxxi fuq id-depożiti b’terminu. Bl-istess mod, id-dipendenza tal-Bank fuq ELA ggarantit mill-Istat u finanzjament usa’ mill-Eurosistema se tonqos minn 32 % tal-assi totali tiegħu fl-2012 għal […] % biss fl-2017 (67).

(103)

Il-pjan ta’ ristrutturar jantiċipa li l-Bank se jsaħħaħ ukoll il-karta bilanċjali tiegħu. Il-proporzjon self-depożitu nett tiegħu fil-Greċja se jonqos għal […] % fl-2018 (minn 131 % fl-2012 (68)), filwaqt li l-adegwatezza kapitali tiegħu mistennija tkompli titjieb.

(104)

Prijorità oħra tal-Bank hija l-immaniġġjar tas-self improduttiv. Il-Bank se jtejjeb il-proċessi tal-krediti tiegħu kemm fir-rigward tal-oriġini tas-self (kopertura kollaterali aħjar, limiti mnaqqsa) kif ukoll fir-rigward tal-immaniġġjar ta’ self improduttiv. Il-proporzjon tal-NPL se jilħaq qrib […] % fl-2014 u mbagħad se jibda jonqos, b’rata mistennija ta’ madwar […] % fi tmiem il-perjodu tar-ristrutturar (69). L-ispiża tar-riskju (indebolimenti) se tonqos minn EUR 2 799 miljun fl-2012 fuq bażi proforma (jiġifieri inkluż Emporiki Bank) għal EUR […] miljun fl-2018 (70), minħabba l-irkupru tal-ekonomija Griega.

(105)

It-titjib tal-effikaċja operattiva, iż-żieda tal-marġini tal-imgħax nett u l-ispiża dejjem tonqos tar-riskju għandhom jippermettu li l-Bank ikun profittabbli fil-Greċja mill-2015 ‘il quddiem. Ir-redditu fuq l-ekwità ser jilħaq […] % fil-Greċja fl-2018 (71).

2.4.2.   Attivitajiet bankarji internazzjonali

(106)

Il-Bank diġà beda d-diżingranaġġ u r-ristrutturar tan-netwerk internazzjonali tiegħu. Biegħ is-sussidjarja Ukrena tiegħu f’Awwissu 2013. In-numru ta’ fergħat fix-Xlokk tal-Ewropa tnaqqas minn 622 fl-2009 għal 488 fl-2012 (72).

(107)

Il-Bank ser ikompli bir-ristrutturar u d-diżingranaġġ tan-netwerk internazzjonali tiegħu. Il-Bank beħsiebu jillimita d-daqs tal-assi internazzjonali tiegħu għal EUR […]. Biex jilħaq dik il-mira, il-Bank ser jikkunsidra kull taħlita ta’ divestimenti jew diżingranaġġ tal-portafoll tiegħu. Id-daqs fil-mira tal-assi internazzjonali tal-Bank jirrappreżenta tnaqqis ta’ […] % tal-assi barranin tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2012 […].

(108)

Il-pjan ta’ ristrutturar jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza tas-sussidjarji barranin fuq il-kumpanija prinċipali Griega tagħhom fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ likwidità. Finanzjament fi ħdan l-istess grupp għas-sussidjarji barranin ser jonqos minn EUR 4 172 miljun għal EUR […] miljun mill-2013 sal-2017 (73).

(109)

Sabiex itejjeb il-profittabbiltà tal-attivitajiet barranin tiegħu, il-Bank qiegħed jippjana li jimplimenta programm ta’ tnaqqis sinifikanti tal-ispejjeż fin-netwerk internazzjonali, bi tnaqqis fin-numru ta’ fergħat u impjegati. Pereżempju, fl-[…],[…] fergħa minn […] ser jagħlqu filwaqt li l-forza tax-xogħol ser tonqos b’[…] impjegat (-[…]) bejn l-2012 u l-2018 (74).

(110)

B’riżultat ta’ dan, ir-redditu fuq l-ekwità ser jilħaq […] (75).

2.4.3.   Il-ġbir tal-kapital privat u l-kontribuzzjoni mill-azzjonisti eżistenti u mill-kredituri subordinati

(111)

Il-Bank irnexxielu jiġbor ammonti sinifikanti ta’ kapital fis-suq u b’hekk naqqas l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat li kienet meħtieġa mill-Bank.

(112)

L-ewwel nett, fl-2009, il-Bank ġabar xi kapital privat bi ħruġ ta’ drittijiet b’valur ta’ EUR 986 miljun (76). Kif issemma’ fil-premessa 89, il-Bank irnexxielu jiġbor ukoll kapital mingħand investituri privati permezz tar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013. L-azzjonisti eżistenti minn qabel kienu wkoll dilwiti ħafna mir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, minħabba li l-HFSF irċieva 83,66 % tal-ishma tal-Bank wara r-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, u kien fadlilhom biss 4,9 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja. Mill-2008 ‘il quddiem ma tħallas ebda dividend fi flus kontanti.

(113)

F’Marzu 2014, il-Bank ġabar EUR 1,2 biljun ta’ kapital mis-suq biex ikopri l-ħtiġijiet kapitali addizzjonali tiegħu u biex iħallas lura l-ishma privileġġati miżmuma mill-Greċja. Dawk l-ishma l-ġodda nħarġu bi prezz ogħla għal kull sehem milli kien ħallas għalihom l-HFSF fir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013.

(114)

Fl-20 ta’ April 2012, il-Bank offra li jixtri lura titoli tal-Grad 1, titoli tal-Grad 2 superjuri u titoli tal-Grad 2 inferjuri bi prezzijiet tax-xiri ta’ 40 %, 60 % u 60 % tal-valur nominali rispettiv tagħhom fi flus kontanti. Dak il-prezz ta’ riakkwist ġie stabbilit fuq il-bażi tal-valur tas-suq tal-istrumenti u fih primjum ta’ mhux iktar minn għaxar punti perċentwali, li żdied sabiex l-investituri jitħeġġu jieħdu sehem fir-riakkwist. Fis-7 ta’ Mejju 2012, il-Bank ħabbar ir-riżultati tar-riakkwist (77). Il-parteċipazzjoni aggregata laħqet is-66 %, bi gwadann kapitali ġenerali ta’ EUR 333 miljun. Fid-19 ta’ April 2013, il-Bank ħabbar eżerċizzju ieħor ta’ mmaniġġjar tal-obbligazzjonijiet għal ammont nominali pendenti ta’ EUR 316-il miljun. Il-Bank offra li jixtri lura titoli tal-Grad 1, titoli tal-Grad 2 superjuri u titoli tal-Grad 2 inferjuri bi prezzijiet tax-xiri ta’ 35 %, 55 % u 55 % tal-valur nominali rispettiv tagħhom fi flus kontanti. Il-prezz tar-riakkwist ġie stabbilit fuq il-bażi tal-valur tas-suq tal-istrumenti u fih primjum ta’ mhux iktar minn għaxar punti perċentwali, li żdied sabiex l-investituri jitħeġġu sabiex jieħdu sehem fir-riakkwist. Ir-rata ta’ aċċettazzjoni kienet ta’ 58 % u l-gwadann kapitali kien ta’ EUR 103 miljun.

(115)

Bis-saħħa taż-żewġ riakkwisti, l-ammont pendenti tad-dejn subordinat u ibridu naqas minn EUR 985 miljun għal EUR 134 miljun.

2.5.   IMPENJI TAL-AWTORITAJIET GRIEGI

(116)

Fit-12 ta’ Ġunju 2014, il-Greċja impenjat ruħha li l-Bank u l-affiljati tiegħu se jimplimentaw il-pjan ta’ ristrutturar sottomess fl-istess data u ta impenjat ruħha wkoll fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar. Dawk l-impenji ulterjuri, li huma elenkati fl-Anness, huma miġburin fil-qosor f’din it-Taqsima.

(117)

L-ewwel nett, il-Greċja impenjat ruħha li l-Bank se jirristruttura l-operazzjonijiet kummerċjali tiegħu fil-Greċja, billi stabbilixxiet numru massimu ta’ fergħat u impjegati kif ukoll ammont massimu ta’ spejjeż totali li għandu jkun hemm konformità magħhom fil-31 ta’ Diċembru 2017 (78).

(118)

Il-Greċja impenjat ruħha wkoll li l-Bank sejjer inaqqas l-ispiża tad-depożiti miġbura fil-Greċja u li sejjer jikkonforma mal-proporzjon massimu ta’ self għal depożiti netti sal-31 ta’ Diċembru 2017. (79).

(119)

Fir-rigward tas-sussidjarji barranin tal-Bank, il-Greċja impenjat ruħha li l-Bank ma jipprovdix appoġġ kapitali addizzjonali sakemm ma jiġux issodisfati kundizzjonijiet predefiniti. Il-Greċja impenjat li l-Bank inaqqas b’mod sinifikanti l-ingranaġġ tal-assi internazzjonali tiegħu sat-30 ta’ Ġunju 2018 (80).

(120)

Il-Greċja impenjat ruħha li l-Bank jagħmel żvestiment ta’ numru ta’ titoli u jnaqqas id-daqs tal-portafoll tal-ekwità privata tiegħu. Barra minn hekk, il-Bank mhuwiex se jixtri titoli fi grad mhux ta’ investiment, b’xi eċċezzjonijiet limitati (81).

(121)

Il-Greċja impenjat ruħha diversi drabi fir-rigward tal-governanza korporattiva tal-Bank. Hija impenjat li tillimita r-rimunerazzjoni tal-impjegati u tal-maniġers tal-Bank, sabiex tagħmel lill-Bank jikkonforma mal-liġijiet Griegi dwar il-governanza korporattiva u stabbilixxiet struttura organizzattiva effiċjenti u adegwata (82).

(122)

Il-Greċja impenjat ruħha wkoll li l-Bank jinforza politika ta’ kreditu ta’ kwalità għolja, sabiex jiżgura li d-deċiżjonijiet dwar l-għoti u r-ristrutturar tas-self ikunu mmirati biex jimmassimizzaw il-vijabbiltà u l-profittabbiltà tal-Bank. Il-Greċja impenjat ruħha li l-Bank jikkonforma mal-istandards għoljin li jirrigwardjaw il-monitoraġġ tar-riskju ta’ kreditu, kif ukoll ir-ristrutturar tas-self (83).

(123)

Għadd ta’ impenji jittrattaw l-operazzjonijiet tal-Bank mal-mutwatarji konnessi. Dawk l-impenji għandhom l-għan li jiżguraw li l-Bank ma jiddevjax mill-prattiki bankarji prudenti meta jagħti jew jirristruttura self lill-impjegati, lill-maniġers u lill-azzjonisti tiegħu, kif ukoll lil entitajiet pubbliċi, partiti politiċi u kumpaniji tal-midja (84).

(124)

Fl-aħħar nett, il-Greċja impenjat ruħha li l-Bank jikkonforma ma’ xi limitazzjonijiet komportamentali, bħal projbizzjoni fuq il-kupuni u d-dividendi, projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjoni u projbizzjoni fuq ir-reklamar tal-għajnuna mill-Istat (85).

(125)

Dawk l-impenji se jiġu mmonitorjati sal-31 ta’ Diċembru 2018 minn trustee tal-monitoraġġ.

(126)

Separatament, il-Greċja indikat li hija se tfittex l-approvazzjoni tal-Kummissjoni qabel kull xiri lura taċ-ċertifikati mill-Bank jew minn kull entità tal-Istat, inkluż l-HFSF (86).

3.   IR-RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI FUQ L-EWWEL RIKAPITALIZZAZZJONI TRANŻITORJA

(127)

Fis-27 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tivverifika jekk il-kondizzjonijiet tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 (87) ġewx issodisfati fir-rigward tal-adegwatezza, in-neċessità u l-proporzjonalità tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja pprovduta mill-HFSF favur il-Bank (il-miżura B1).

(128)

Fir-rigward tal-adegwatezza tal-miżura, il-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatt li l-għajnuna waslet wara rikapitalizzazzjoni u għajnuna ta’ likwidità minn qabel u minħabba l-perjodu ta’ salvataġġ imtawwal, esprimiet dubji dwar jekk itteħdux l-azzjonijiet kollha possibbli mill-Bank sabiex jevita li terġa’ tkun meħtieġa għajnuna fil-ġejjieni (88). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx ċara dwar min ser ikun qiegħed jikkontrolla l-Bank ladarba l-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja tiġi sostitwita minn rikapitalizzazzjoni permanenti (89) billi l-Bank jista’ jsib ruħu taħt il-kontroll tal-Istat jew ta’ sidien privati minoritarji. Il-Kummissjoni indikat li tixtieq tkun żgura li l-kwalità tal-maniġment tal-Bank u b’mod partikolari l-proċess ta’ għoti b’self tiegħu ma titgħarraq fl-ebda każ.

(129)

Fir-rigward tan-neċessità tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja, fil-premessa 66 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha, il-Kummissjoni staqsiet jekk itteħdux il-miżuri kollha possibbli sabiex jiġi evitat li l-Bank jerġa’ jkollu bżonn l-għajnuna fil-ġejjieni. Minbarra dan, billi t-tul tal-perjodu tar-rikapitalizzazzjoni tranżitorja kien inċert, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi jekk dan kienx suffiċjenti u konformi mal-prinċipji tar-rimunerazzjoni u tal-kondiviżjoni tal-piżijiet skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, billi t-termini tal-konverżjoni tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja f’rikapitalizzazzjoni permanenti ma kinux magħrufa fiż-żmien li ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha, il-Kummissjoni ma setgħetx tivvalutahom.

(130)

Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżura, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk is-salvagwardji (il-projbizzjoni fuq ir-reklamar tal-għajnuna mill-Istat, il-projbizzjoni fuq il-kupuni u d-dividendi, il-projbizzjoni fuq opzjoni eżerċitabbli u l-projbizzjoni fuq ix-xiri lura kif deskritti fil-premessa 71 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha) kinux suffiċjenti b’rabta mal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja. Barra minn hekk, fil-premessa 72 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha, il-Kummissjoni ddikjarat li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jistgħu jkunu kkawżati minn nuqqas ta’ regoli li jimpedixxu lill-HFSF milli jikkoordina l-akbar erba’ banek Griegi (jiġifieri, il-Bank, Eurobank, National Bank of Greece u Piraeus Bank) u n-nuqqas ta’ salvagwardji adegwati sabiex jiġi evitat milli huma jikkondividu informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Għaldaqstant, il-Kummissjoni pproponiet li jinħatar trustee tal-monitoraġġ, li jkun fiżikament preżenti fil-Bank.

4.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI DWAR IL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI FUQ L-EWWEL RIKAPITALIZZAZZJONI TRANŻITORJA

4.1.   KUMMENTI MILL-BANK

(131)

Fit-30 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-Bank dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha.

(132)

Fir-rigward tal-adegwatezza tal-miżura, il-Bank innota li huwa sistematikament importanti kemm fil-Greċja kif ukoll fis-swieq bankarji li huwa jopera fihom. Żiedet ukoll li l-mudell tan-negozju tiegħu huwa vijabbli u dan intwera matul l-istorja eċċellenti tiegħu.

(133)

Il-Bank osserva wkoll li ż-żewġ mewġiet ta’ rikapitalizzazzjoni kienu prodott sekondarju ta’ ambjent ekonomiku li kien sejjer lura bil-kbir u li l-miżuri ta’ għajnuna addizzjonali ttieħdu minħabba l-kriżi finanzjarja kompliet titgħarraq. Iddikjara li sa dak iż-żmien kien l-inqas riċevitur proporzjonat ta’ għajnuna mill-Istat minn fost l-ikbar banek Griegi. Il-Bank osserva li f’termini ta’ jekk il-miżuri kollha possibbli ttiħdux minnufih sabiex tiġi evitata ħtieġa ulterjuri ta’ għajnuna mill-Bank fil-ġejjieni, il-pjan ta’ ristrutturar kien ser jipprovdi dettalji estensivi dwar il-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet li diġà huma implimentati, għaddejjin u ppjanati. Il-Bank osserva wkoll li dawk il-miżuri żguraw li l-ebda azzjonist ma tħalla barra. Flimkien mal-bażi b’saħħitha eżistenti tan-negozju u s-solidità tal-proċess ta’ valutazzjoni tal-kapital, ser jikkontribwixxu sabiex jiżguraw li l-Bank huwa kapitalizzat b’mod adegwat, u dan iwassal għal ritorn lejn il-vijabbiltà u, fl-aħħar, ħelsien mill-għajnuna mill-Istat.

(134)

Barra minn hekk, il-Bank laqa’ ċ-ċarezza fit-termini tar-rikapitalizzazzjoni permanenti, li fil-fehma tiegħu għandhom jirriflettu bis-sħiħ ir-raġunijiet għaliex kien jeħtieġ l-għajnuna mill-Istat. Osserva wkoll li r-rikapitalizzazzjoni tindirizza t-telf ta’ kapital li jirriżulta mill-parteċipazzjoni tiegħu fil-programm tal-PSI, avveniment ferm straordinarju u imprevedibbli. Sostna l-fehma li ma ħax riskji eċċessivi fix-xiri ta’ dejn sovran fil-kuntest tal-istandards tal-Greċja u tal-Ewropa. Iddikjara li mingħajr il-PSI kien jevita l-bżonn ta’ rikapitalizzazzjoni fl-2012 u kien ikun f’pożizzjoni tajba sabiex iħallas lura l-azzjonijiet privileġġjati skont it-termini kuntrattwali tagħhom. Barra minn hekk, ikkummenta li anki wara li rreġistra telf ta’ kapital sinifikanti minħabba l-parteċipazzjoni tal-Bank fil-PSI, kien għad kellu valur nett pożittiv tal-assi.

(135)

Il-Bank żied li qed jopera fuq bażi soda ħafna u kien ferm proattiv fl-implimentazzjoni tal-miżura sabiex jaħdem b’suċċess matul perjodu ta’ stress estrem. Ikkummenta li mill-bidu tal-kriżi ma daħal f’ebda politika kummerċjali aggressiva jew riskju żejjed filwaqt li ffoka fuq l-immaniġġjar tar-riskju ta’ kreditu, indirizza l-iżbilanċi fil-profil ta’ finanzjament tiegħu permezz tad-diżingranaġġ ordinat u mmaniġġja b’mod attiv il-bażi tal-ispejjeż tiegħu billi rrazzjonalizza l-pjattaforma operazzjonali u ottimizza l-infiq fl-akkwisti.

(136)

Barra minn hekk, huwa saħaq fuq il-qsim konsiderevoli tal-piżijiet bejn il-partijiet interessati. Indika wkoll is-salvagwardji sinifikanti disponibbli għas-settur uffiċjali sabiex jiġi evitat teħid eċċessiv ta’ riskji minn banek rikapitalizzati u sabiex tiġi ssorveljata mill-qrib l-implimentazzjoni xierqa tal-pjanijiet ta’ ristrutturar, bħall-ħatra ta’ rappreżentanti tal-Ministeru tal-Finanzi u l-HFSF fil-bord tad-diretturi tal-Bank u l-kumitati rispettivi. Saħaq ukoll li l-HFSF kien ser jissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar, u li s-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tal-HFSF kienet taqa’ fil-każ ta’ falliment materjali.

(137)

Għal dawk ir-raġunijiet, il-Bank emmen li t-tifsila u l-patti tar-rikapitalizzazzjoni permanenti għandhom jipprovdu inċentivi sodi sabiex l-azzjonisti eżistenti u ġodda jieħdu sehem fiż-żidiet ta’ kapitali li kienu ser isiru.

(138)

Rigward il-ħtieġa tal-miżura, il-Bank osserva li l-miżura ta’ għajnuna indirizzat id-defiċit kapitali kkaġunat mill-PSI sabiex il-bank ikkonforma mal-proporzjonijiet minimi tal-adegwatezza kapitali imposti mill-Bank of Greece, baqa’ jkollu aċċess għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-BĊE u seta’ jsostni l-klijenti tiegħu u l-ekonomija Griega fi żminijiet ibsin.

(139)

Rigward il-proporzjonalità tal-miżura, il-Bank iddikjara l-intenzjoni tiegħu li ma jużax l-għajnuna tiegħu biex ifixkel il-kompetizzjoni. Saħaq ukoll li ma kienx daħal f’xi politika kummerċjali aggressiva minn meta beda jirċievi l-għajnuna mill-Istat. Osserva wkoll li peress li l-banek il-kbar kollha tal-Greċja kienu qed jirċievu l-għajnuna u peress li l-aptit tal-atturi barranin fis-suq Grieg għar-riskju Grieg kien qed jonqos, il-possibbiltà li xi riċevitur ifixkel il-kompetizzjoni a skapitu ta’ riċevitur mhux megħjun tnaqqset kemm jista’ jkun.

4.2.   KUMMENTI MINN BANK GRIEG IEĦOR

(140)

Fit-3 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand bank Grieg rigward id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha. Dak il-bank Grieg ikkummenta li r-rikapitalizzazzjoni tal-banek Griegi mill-HFSF kienet tikkostitwixxi, fil-prinċipju, pass mixtieq lejn sistema bankarja aktar b’saħħitha u vijabbli u ma esprima ebda oġġezzjoni għar-rikapitalizzazzjoni tal-Bank.

(141)

Madankollu, filwaqt li esprima l-appoġġ kollu tiegħu għall-prinċipju tar-rikapitalizzazzjoni tal-banek Griegi mill-HFSF, dak il-bank Grieg spjega li, sabiex jitnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tiġi evitata d-diskriminazzjoni, huwa kien qiegħed jistenna li r-rikapitalizzazzjoni mill-HFSF tkun miftuħa għall-banek kollha li joperaw fil-Greċja taħt kondizzjonijiet simili.

5.   KUMMENTI MILL-GREĊJA DWAR IL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI FUQ L-EWWEL RIKAPITALIZZAZZJONI TRANŻITORJA

(142)

Fil-5 ta’ Settembru 2012, il-Greċja ssottomettiet il-kummenti tagħha, li tħejjew mill-Bank of Greece u mill-HFSF dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha.

5.1.   KUMMENTI MILL-BANK OF GREECE

(143)

Rigward l-adegwatezza tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja, il-Bank of Greece nnota wkoll li l-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja kienet temporanja, meta wieħed iqis li l-proċess ta’ rikapitalizzazzjoni sejjer jiġi konkluż b’żidiet ta’ kapital azzjonarju mill-erba’ banek ikkonċernati.

(144)

Il-Bank of Greece osserva wkoll li r-rikapitalizzazzjoni tal-akbar banek Griegi hija parti mir-ristrutturar fuq perjodu ta’ żmien itwal tas-settur bankarju Grieg. Huwa nnota li kieku bank kellu jibqa’ f’idejn il-privat, il-maniġment probabbilment kien jibqa’ l-istess, filwaqt li jekk bank isir tal-Istat (jiġifieri jsir proprjetà tal-HFSF), l-HFSF ikun jista’ jaħtar maniġment ġdid li, f’kull każ, jiġi vvalutat mill-Bank of Greece. Il-Bank of Greece rrimarka li huwa jivvaluta l-qafas tal-governanza korporattiva, l-adegwatezza tal-ġestjoni u l-profil tar-riskju ta’ kull bank fuq bażi kontinwa bil-għan li jiżgura li ma jitteħdux riskji eċċessivi. Huwa rrimarka wkoll li l-HFSF kien diġà ħatar rappreżentanti fil-Bordijiet tad-Diretturi tal-banek rikapitalizzati.

(145)

Fir-rigward tan-neċessità tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja, il-Bank of Greece osserva li r-rikapitalizzazzjoni tal-Bank kienet limitata sabiex b’hekk jiġi żgurat li jintlaħqu r-rekwiżiti kapitali minimi applikabbli (8 %). Huwa ddikjara wkoll li l-perjodu ta’ żmien imtawwal qabel ir-rikapitalizzazzjonijiet kien dovut għad-deterjorazzjoni qawwija tal-ambjent operattiv fil-Greċja u għall-impatt tal-programm PSI, għall-kumplessità tal-proġett kollu u għall-ħtieġa li tiġi mmassimizzata l-parteċipazzjoni tal-investituri privati fiż-żidiet ta’ kapital azzjonarju.

(146)

Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja, il-Bank of Greece rrimarka li l-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan ta’ ristrutturar li għandu jiġi sottomess lill-Kummissjoni kienet salvagwardjata mill-fatt li s-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tal-HFSF titneħħa jekk il-pjan ta’ ristrutturar jinkiser b’mod sostantiv. Il-Bank of Greece osserva wkoll li d-diffikultajiet tal-Bank la kienu dovuti għal sottovalutazzjoni tar-riskji mill-maniġment tal-Bank u lanqas għal azzjonijiet kummerċjalment aggressivi.

5.2.   KUMMENTI MILL-HFSF

(147)

Fir-rigward tal-adegwatezza tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja, sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-interferenza potenzjali mill-Istat f’każ li l-Istat jipprovdi ammonti għoljin ta’ għajnuna mill-Istat permezz tal-HFSF u l-HFSF ikollu drittijiet sħaħ tal-vot, l-HFSF iddikjara li l-banek iffinanzjati mill-HFSF mhumiex meqjusa bħala entitajiet pubbliċi jew taħt il-kontroll tal-Istat u li mhux ser ikunu kkontrollati mill-Istat wara li jkunu ġew rikapitalizzati b’mod permanenti mill-HFSF. L-HFSF irrimarka li huwa entità ġuridika indipendenti għal kollox li hija rregolata mil-liġi privata b’awtonomija li tieħu deċiżjoni. L-HFSF mhuwiex soġġett għal kontroll mill-gvern, skont l-Artikolu 16(C)(2) tal-liġi dwar l-HFSF, li jgħid li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li lilhom l-HFSF ikun ipprovda appoġġ kapitali mhumiex parti mis-settur pubbliku usa’. Huwa rrefera wkoll għall-istruttura governattiva tal-HFSF.

(148)

Fir-rigward tal-intervent tal-HFSF fil-ġestjoni tal-Bank, l-HFSF indika li huwa jirrispetta l-awtonomija tal-Bank u li mhux se jinterferixxi fil-ġestjoni ta’ kuljum tiegħu minħabba li r-rwol tiegħu huwa limitat għal dak stipulat fil-Liġi dwar l-HFSF. Huwa ddikjara li mhux ser ikun hemm interferenza jew koordinazzjoni mill-Istat u li d-deċiżjonijiet tal-Bank fir-rigward tal-proċess tas-self (fost l-oħrajn fuq il-kollateral, l-ipprezzar u s-solvenza tal-mutwatarji) għandhom jittieħdu fuq il-bażi ta’ kriterji kummerċjali.

(149)

L-HFSF irrimarka li l-Liġi dwar l-HFSF u l-ftehim ta’ qabel is-sottoskrizzjoni kien fihom salvagwardji xierqa maħsuba biex iwaqqfu lill-azzjonisti privati eżistenti milli jieħdu riskji eċċessivi. Huwa għamel referenza għal elementi bħal (i) il-ħatra tar-rappreżentanti tal-HFSF bħala membri mhux eżekuttivi indipendenti tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank u l-preżenza tagħhom fil-kumitati, (ii) it-twettiq ta’ diliġenza dovuta mill-HFSF fil-Bank u (iii) il-fatt li, wara r-rikapitalizzazzjoni finali, id-drittijiet tal-vot tiegħu sejrin ikunu ristretti biss sakemm il-Bank ikun konformi mat-termini tal-pjan ta’ ristrutturar.

(150)

L-HFSF qal li hemm miżuri xierqa fis-seħħ li huma maħsuba biex jiggarantixxu li l-banek li fihom jipparteċipa l-HFSF ma jikkondividux informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejniethom. Dawn jinkludu l-ħatra ta’ rappreżentanti differenti tal-HFSF f’dawk il-banek, il-mandati indirizzati lil dawk ir-rappreżentanti li jissalvagwardjaw speċifikament kontra l-fluss tal-informazzjoni minn rappreżentant għal ieħor u struzzjonijiet interni ċari lil dawk ir-rappreżentanti sabiex ma jittrażmettux informazzjoni kummerċjalment sensittiva tal-banek. Barra minn hekk, l-HFSF qal li huwa ma jeżerċitax id-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-banek b’mod li jista’ jipprevjeni, jirrestrinġi, ifixkel jew inaqqas jew jimpedixxi b’mod sinjifikanti l-kompetizzjoni effettiva. Fl-aħħar nett, l-HFSF irrimarka li l-membri tal-Bord tad-Diretturi tiegħu, flimkien mal-impjegati tiegħu, huma soġġetti għal regoli stretti ta’ kunfidenzjalità u doveri fiduċjarji, kif ukoll huma marbutin b’dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-segretezza professjonali fir-rigward tal-affarijiet tiegħu.

6.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT RELATATA MAL-AKKWIŻIZZJONI TA’ PASSIVI MAGĦŻULA TAT-TLIET BANEK KOOPERATTIVI

(151)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk l-appoġġ mill-Istat marbut mar-riżoluzzjoni tat-tliet Banek Kooperattivi (jiġifieri l-finanzjament tad-diskrepanzi ta’ likwidità li ppermettew li jsir it-trasferiment tad-depożiti, inklużi obbligazzjonijiet interbankarji, u l-pretensjonijiet u l-obbligazzjonijiet kontra l-HDIGF) jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107 (1) tat-Trattat. Skont dik id-dispożizzjoni, għajnuna mill-Istat hija kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’kull forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni, billi tiffavorixxi ċerti impriżi sakemm taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(152)

Il-Kummissjoni ser tibda billi tivvaluta jekk il-benefiċjarji potenzjali li ġejjin ibbenefikawx minn vantaġġ: (i) il-Banek Kooperattivi u l-“attivitajiet” potenzjalment ittrasferiti lill-Bank; u (ii) il-Bank.

(i)   Eżistenza ta’ għajnuna lill-Banek Kooperattivi u l-“attivitajiet” potenzjalment ittrasferiti lill-Bank

(153)

Fir-rigward tal-Banek Kooperattivi, il-Kummissjoni tosserva li Dodecanese Bank, Evia Bank u Western Macedonia Bank tqiegħdu f’likwidazzjoni u l-liċenzji bankarji tagħhom ġew irtirati. Għalhekk, mhux ser jibqgħu jwettqu attivitajiet ekonomiċi fis-suq bankarju.

(154)

L-għajnuna mill-Istat, jiġifieri l-finanzjament tad-diskrepanzi ta’ likwidità, tikkostitwixxi għajnuna għall-pretensjonijiet u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat biss jekk flimkien kienu jikkostitwixxu impriża. Il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li twettaq attività ekonomika, ikun xi jkun l-istatus legali u l-mod li bih hija ffinanzjata. Kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari titqies li hija attività ekonomika. Għalhekk, sabiex jiġi konkluż jekk hemmx għajnuna lil impriża, għandu jiġi vvalutat jekk it-trasferiment tal-pretensjonijiet u l-obbligazzjonijiet jinvolvix it-trasferiment ta’ attività ekonomika.

(155)

Kif intqal fit-Taqsima 2.2.2, wara r-riżoluzzjoni tal-Banek Kooperattivi, id-depożiti, l-obbligazzjonijiet interbankarji u l-pretensjonijiet u l-obbligazzjonijiet biss lejn il-HDIGF ġew ittrasferiti lill-Bank. It-tliet Banek Kooperattivi kienu jħaddmu 227 impjegat u kellhom 18-il fergħa b’kollox. Ta’ min jinnota li ma kien hemm ebda trasferiment awtomatiku ta’ fergħat jew kuntratti tax-xogħol jew self bejn it-tliet Banek Kooperattivi u l-Bank. Għalhekk, il-fatt li s-self mhuwiex ittrasferit lill-Bank iżda jibqa’ mat-tliet Banek Kooperattivi f’likwidazzjoni, il-fatt li ma hija ttrasferita ebda fergħa u n-nuqqas ta’ trasferiment awtomatiku tal-kuntratti tax-xogħol jikkontribwixxu (90) għall-konklużjoni li ma hemm ebda trasferiment ta’ attività ekonomika. L-obbligazzjonijiet ittrasferiti (jiġifieri d-depożiti) ma jistgħux jitqiesu li huma l-benefiċjarji tal-appoġġ mill-Istat, peress li ma jikkostitwixxux “impriża”.

(156)

Fi ftit kliem, it-tliet entitajiet ġuridiċi eżistenti tqiegħdu f’likwidazzjoni u ma għadhomx iwettqu l-ebda attività bankarja. Fl-istess ħin, l-assi u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti ma jikkostitwixxux attività ekonomika.

(157)

Għalhekk, ġie konkluż li l-għotja ta’ bonds tal-EFSF mill-HFSF lill-Bank sabiex tiġi koperta d-diskrepanza ta’ likwidità tal-assi u l-obbligazzjonijiet akkwistati tat-tliet Banek Kooperattivi ma tippermettix li jitkomplew l-attivitajiet ekonomiċi ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, l-appoġġ tal-HFSF la jikkostitwixxi għajnuna lill-entitajiet likwidati u lanqas għajnuna lill-assi u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti.

(ii)   Eżistenza ta’ għajnuna mogħtija lill-Bank

(158)

Fir-rigward ta’ jekk il-bejgħ tal-assi u l-obbligazzjonijiet tat-tliet Banek Kooperattivi jinvolvix għajnuna mill-Istat lill-Bank, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk humiex issodisfati ċerti rekwiżiti u, b’mod partikolari jekk (i) il-proċess ta’ bejgħ huwiex miftuħ, bla kundizzjonijiet u nondiskriminatorju; (ii) il-bejgħ iseħħx bit-termini tas-suq; u (iii) l-Istat jiksibx l-ogħla prezz tal-bejgħ għall-assi u l-obbligazzjonijiet involuti (91).

(159)

Kif intqal fil-premessa 52 il-Bank of Greece kkuntattja biss lill-erba’ banek sistemiċi tal-Greċja għall-irkant tal-assi u l-obbligazzjonijiet magħżulin tat-tliet Banek Kooperattivi, billi qies li d-depożiti għandhom jiġu ttrasferiti lil istituzzjonijiet kompletament rikapitalizzati. Il-Bank u l-Eurobank biss issottomettew offerti vinkolanti. Alpha Bank intgħażel bħala l-aħjar offerent f’offerta kompetittiva organizzata mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, li ħadet f’kunsiderazzjoni l-prezz propost u l-ħila ta’ teħid tal-kontroll u integrazzjoni b’ħeffa u bla intoppi tad-depożiti mixtrija.

(160)

Il-pakkett għall-bejgħ kien jinkludi biss depożiti mingħajr ebda infrastruttura. Għalhekk, ix-Xerrej seta’ jkun biss bank b’infrastruttura u netwerk ta’ fergħat fil-Greċja, biex jaqdi lid-depożitanti.

(161)

Billi l-Kummissjoni ma għandhiex raġuni għaliex temmen li l-bejgħ ma seħħx bit-termini tas-suq, hija tikkonkludi li l-għajnuna lill-Bank tista’ tiġi eskluża, skont il-punt 80 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013, punt 20 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar u l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni (92).

(iii)   Konklużjoni dwar l-eżistenza tal-għajnuna

(162)

L-appoġġ mill-Istat involut fil-bejgħ tat-tliet Banek Kooperattivi ma jiffavorixxi lil ebda attività ekonomika jew impriża. Għalhekk, il-miżura ma tikkostitwix għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

7.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA MOGĦTIJA LILL-BANK

7.1.   L-EŻISTENZA U L-AMMONT TA’ GĦAJNUNA

(163)

Il-Kummissjoni trid tistabbilixxi l-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat lill-Bank skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

7.1.1.   L-eżistenza tal-għajnuna fil-miżuri mogħtija taħt l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi (il-miżuri L1 u A)

7.1.1.1.   L-appoġġ ta’ likwidità mogħti mill-Istat taħt il-garanzija u l-miżuri ta’ self obbligazzjonarju mill-gvern (il-miżura L1)

(164)

Il-Kummissjoni diġà stabbiliet fid-deċiżjonijiet li japprovaw u jestendu l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi (93) li l-appoġġ ta’ likwidità mogħti taħt dik l-iskema jikkostitwixxi għajnuna. L-appoġġ ta’ likwidità mogħti fil-ġejjieni taħt l-Iskema wkoll ikun jikkostitwixxi għajnuna.

7.1.1.2.   Rikapitalizzazzjoni mill-Istat mogħtija taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni (il-miżura A)

(165)

Fid-Deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi, il-Kummissjoni diġà stabbiliet li r-rikapitalizzazzjonijiet li għandhom jingħataw taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni tagħha jikkostitwixxu għajnuna. Il-Bank irċieva EUR 940 miljun permezz ta’ ishma privileġġati, li rrappreżentaw 2 % tal-RWA tal-Bank f’dik id-data.

7.1.2.   L-eżistenza tal-għajnuna fl-ELA garantita mill-Istat (il-miżura L2)

(166)

Fil-punt 51 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, il-Kummissjoni ċċarat li l-għoti ta’ fondi tal-banek ċentrali lill-istituzzjonijiet finanzjarji ma jikkostitwixxi ebda għajnuna jekk jiġu ssodisfati erba’ kondizzjonijiet kumulattivi fir-rigward tas-solvenza tal-istituzzjoni finanzjarja, il-kollateralizzazzjoni tal-faċilità, ir-rata tal-imgħax mitluba lill-istituzzjoni finanzjarja u n-nuqqas ta’ kontrogaranzija mill-Istat. Billi l-ELA garantita mill-Istat lill-Bank ma tikkonformax ma’ dawk l-erba’ kondizzjonijiet kumulattivi, b’mod partikolari minħabba li hija garantita mill-Istat u tingħata flimkien ma’ miżuri ta’ appoġġ oħrajn, hija tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(167)

L-ELA garantita mill-Istat hija konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat. L-ewwel nett, minħabba li l-miżura tinkludi garanzija mill-Istat favur il-Bank of Greece, kull telf jitħallas mill-Istat. Għalhekk, il-miżura tinvolvi r-riżorsi Statali. L-ELA tippermetti li l-banek jiksbu finanzjament fi żmien meta ma jkollhom ebda aċċess għas-suq tal-finanzjament tal-operaturi u għall-operazzjonijiet regolari ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema. Għalhekk, l-ELA garantita mill-Istat tagħti vantaġġ lill-Bank. Minħabba li l-ELA hija limitata għas-settur bankarju, il-miżura hija selettiva. Minħabba li l-ELA garantita mill-Istat tippermetti lill-Bank ikompli jopera fis-suq u tevita li dan jisfa inadempjenti u jkollu joħroġ mis-suq, hija titqies bħala li tfixkel il-kompetizzjoni. Billi l-Bank huwa attiv fi Stati Membri oħrajn u billi l-istituzzjonijiet finanzjarji minn Stati Membri oħrajn joperaw jew potenzjalment ikunu interessati li joperaw fil-Greċja, il-vantaġġ mogħti lill-Bank jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(168)

ELA garantita mill-Istat (il-miżura L2) tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. L-ammont ta’ ELA garantita mill-Istat varja matul iż-żmien. Fil-31 ta’ Diċembru 2012, hija kienet tammonta għal madwar EUR 23,6 biljun.

7.1.3.   L-eżistenza tal-għajnuna fil-miżuri mogħtija permezz tal-HFSF (il-miżuri B1, B2, B3 u B4)

7.1.3.1.   L-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja (il-miżura B1)

(169)

Fit-Taqsima 5.1 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha, il-Kummissjoni diġà kkonkludiet li l-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-kapital riċevut kien jammonta għal EUR 1,9 biljun.

7.1.3.2.   It-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja (il-miżura B2)

(170)

Il-miżura B2 ġiet implimentata bir-riżorsi tal-HFSF, li, kif ġie spjegat fil-premessa 47 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha, jinvolvu r-riżorsi Statali.

(171)

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ, il-miżura B2 żiedet il-proporzjon tal-kapital tal-Bank għal livell li ppermettielu jkompli jiffunzjona fis-suq u jikseb aċċess għall-finanzjament mill-Eurosistema. Barra minn hekk, ir-rimunerazzjoni tal-miżura B2 kienet tikkonsisti fl-imgħax akkumulat fuq in-noti tal-EFSF u fi ħlas addizzjonali ta’ 1 %. Minħabba li r-rimunerazzjoni hija evidentement aktar baxxa mir-rimunerazzjoni ta’ strumenti kapitali simili fis-suq, ċertament li l-Bank ma kienx ikun jista’ jiġbor dak il-kapital fuq tali termini fis-suq. Għalhekk, il-miżura B2 tat vantaġġ lill-Bank mir-riżorsi Statali. Minħabba li l-miżura tpoġġiet disponibbli biss għall-Bank, hija kienet selettiva fin-natura tagħha.

(172)

Bħala riżultat tal-miżura B2, il-pożizzjoni tal-Bank issaħħet minħabba li l-Bank ġie pprovdut bir-riżorsi finanzjarji sabiex ikun jista’ jkompli jikkonforma mar-rekwiżiti kapitali, sitwazzjoni li b’hekk wasslet għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Billi l-Bank huwa attiv fi Stati Membri oħrajn u billi l-istituzzjonijiet finanzjarji minn Stati Membri oħrajn joperaw jew potenzjalment ikunu interessati li joperaw fil-Greċja, x’aktarx li l-miżura B2 taffettwa wkoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(173)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura B2 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Hija kienet innotifikata bħala għajnuna mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-kapital riċevut kien jammonta għal EUR 1 042 miljun.

7.1.3.3.   Ittra ta’ impenn (il-miżura B3)

(174)

Permezz tal-miżura B3, l-HFSF impenja ruħu li jipprovdi l-kapital addizzjonali meħtieġ sabiex jikkompleta r-rikapitalizzazzjoni tal-Bank sal-ammont mitlub mill-Bank of Greece fil-qafas tat-test tal-istress tal-2012. L-HFSF jirċievi r-riżorsi tiegħu mill-Istat. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ittra timpenja r-riżorsi tal-Istat. Iċ-ċirkostanzi li fihom l-HFSF jista’ jagħti appoġġ lill-istituzzjonijiet finanzjarji huma definiti b’mod preċiż u limitati mil-liġi. Għaldaqstant, l-użu ta’ dawk ir-riżorsi Statali huwa r-responsabbiltà tal-Istat. L-HFSF impenja ruħu li jipprovdi sa massimu ta’ EUR 1 629 miljun ta’ kapital addizzjonali.

(175)

L-ittra ta’ impenn tat vantaġġ lill-Bank minħabba li rriassigurat lid-depożituri li l-Bank ser ikun jista’ jiġbor l-ammont kollu tal-kapital li kellu jiġbor, jiġifieri, l-HFSF jipprovdi l-kapital f’każ li l-Bank jonqos milli jiġbru u jpoġġih fis-suq. Dak l-impenn iffaċilita wkoll il-ġbir ta’ kapital privat mis-suq, billi l-investituri ġew riassigurati li, jekk il-Bank ma jkunx jista’ jsib parti mill-kapital mis-suq, dan jiġi pprovdut mill-HFSF. Ebda investitur privat ma kien ikun lest li jaċċetta li jimpenja ruħu li jinjetta kapital qabel ikunu magħrufa t-termini tar-rikapitalizzazzjoni u, f’dak iż-żmien, il-Bank ma kellu ebda aċċess għas-suq kapitali. Dak il-vantaġġ huwa selettiv minħabba li ma ngħatax lill-banek kollha li joperaw fil-Greċja.

(176)

Billi l-Bank huwa attiv fi swieq bankarji oħrajn tal-Unjoni Ewropea u billi l-istituzzjonijiet finanzjarji minn Stati Membri oħrajn joperaw fil-Greċja, il-miżura B3 x’aktarx li taffettwa wkoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri u tfixkel il-kompetizzjoni.

(177)

Għalhekk, il-miżura B3 tikkostitwixxi għajnuna u ġiet innotifikata bħala għajnuna mill-Istat mill-awtoritajiet Griegi nhar is-27 ta’ Diċembru 2012.

7.1.3.4.   Il-parteċipazzjoni tal-HFSF fir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 (il-miżura B4)

(178)

Il-parteċipazzjoni tal-HFSF fir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 (il-miżura B4), hija l-konverżjoni tal-ewwel u tat-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji (il-miżuri B1 u B2) u l-implimentazzjoni parzjali tal-ittra ta’ impenn (il-miżura B3) f’rikapitalizzazzjoni permanenti ta’ EUR 4 021 miljun f’ishma ordinarji. Il-fatt li mhux l-ammont sħiħ ta’ kapital impenjat bil-miżura B3 kellu fil-fatt jiġi injettat huwa dovut għall-ġbir ta’ EUR 550 miljun f’kapital mingħand investituri privati. Billi l-miżura B4 hija l-konverżjoni tal-għajnuna diġà mogħtija, hija xorta waħda tinvolvi riżorsi Statali, iżda hija ma żżidx l-ammont nominali tal-għajnuna. Madankollu, hija żżid il-vantaġġ għall-Bank (u, għalhekk, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni), minħabba li hija rikapitalizzazzjoni permanenti u mhux rikapitalizzazzjoni temporanja bħal fil-każ tal-miżuri B1 u B2. Meta mqabbla mal-miżura B3, li hija sempliċi impenn u mhux rikapitalizzazzjoni proprja, il-miżura B4 żiedet l-adegwatezza tal-kapital tal-Bank u għalhekk hija iktar vantaġġuża.

(179)

Il-Kummissjoni tinnota li dan l-appoġġ ma ngħatax lill-banek kollha li joperaw fil-Greċja. Għalhekk il-vantaġġ mogħti lill-Bank huwa wieħed selettiv. Fir-rigward tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ, il-Kummissjoni tinnota, pereżempju, li l-għajnuna ppermettiet li l-Bank iwettaq l-operazzjonijiet tiegħu fi Stati Membri oħrajn. Likwidazzjoni tal-Bank kienet twassal għat-terminazzjoni tal-attivitajiet tiegħu barra l-pajjiż, permezz tal-likwidazzjoni ta’ dawk l-attivitajiet jew permezz tal-bejgħ tagħhom. Għalhekk, il-miżura tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

7.1.3.5.   Konklużjoni dwar il-miżura B1, B2, B3 u B4

(180)

Il-miżuri B1, B2, B3 u B4 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. L-ammont ta’ għajnuna mill-Istat inkluż fil-miżuri B1, B2, B3 u B4 huwa ta’ EUR 4 571 miljun. Kif indikat fit-Taqsima 7.1.3.4, parti biss mill-ammont impenjat f’Diċembru 2012 (il-miżura B3) ġiet ikkonvertita f’injezzjoni propja ta’ kapital (il-miżura B4). Għaldaqstant, l-ammont ta’ appoġġ mill-Istat li fil-fatt tħallas kien jammonta għal EUR 4 021 miljun.

(181)

Il-punt 31 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar jindika li, minbarra l-ammont assolut ta’ għajnuna, il-Kummissjoni għandha tieħu f’kunsiderazzjoni l-għajnuna “fir-rigward tal-assi mwieżna għar-riskji tal-bank”. Il-miżuri B1, B2, B3 u B4 ingħataw matul perjodu ta’ sena, minn April 2012 sa Mejju 2013. Matul dak il-perjodu, l-RWA tal-Bank inbidel, u żdied wara l-akkwiżizzjoni ta’ Emporiki Bank. Għalhekk, qamet il-mistoqsija dwar liema livell ta’ RWA għandu jintuża u, b’mod partikolari, jekk l-għajnuna mill-Istat għandhiex tiġi vvalutata b’referenza għall-RWA li kien jeżisti fil-bodu tal-perjodu jew fi tmiem il-perjodu. Il-miżuri B1, B2, B3 u B4 għandhom l-għan li jkopru ħtieġa kapitali identifikata mill-Bank of Greece f’Marzu 2012 (it-test tal-istress tal-2012). Fi kliem ieħor, il-ħtiġijiet kapitali li dawk il-miżuri ta’ appoġġ mill-Istat għandhom l-għan li jindirizzaw kienu diġà jeżistu f’Marzu 2012. Għalhekk, il-Kummissjoni tal-fehma li l-ammont ta’ għajnuna inkluż fil-miżuri B1, B2, B3 u B4 għandu jitqabbel mal-RWA tal-Bank fil-31 ta’ Marzu 2012. Il-fatt li l-Bank akkwiżixxa Emporiki Bank, ferm wara Marzu 2012, ma għandux iwassal għal tnaqqis fil-proporzjon tal-“għajnuna għall-RWA”. Tabilħaqq, l-għajnuna ma tkunx qed ixxekkel inqas għaliex il-Bank ikun għamel akkwiżizzjoni li żżid l-RWA tiegħu. Huwa mfakkar ukoll li, wara Marzu 2012 u sar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, il-Bank of Greece ma qiesx l-akkwiżizzjoni magħmula mill-banek Griegi sabiex jaġġusta l-ħtiġijiet kapitali tagħhom ‘il fuq jew ‘l isfel. Dak l-element ikompli juri li l-miżuri B1, B2, B3 u B4 kienu miżuri ta’ għajnuna relatati mal-perimetru tal-Bank minħabba li kien diġà jeżisti fil-31 ta’ Marzu 2012.

(182)

L-ewwel u t-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji u l-ittra ta’ impenn flimkien ammontaw għal EUR 4 571 miljun. Dak l-ammont jirrappreżenta 10,3 % tal-RWA tal-Bank fil-31 ta’ Marzu 2012 (94).

(183)

Billi l-Bank irnexxielu jattira kapital privat, l-ammont attwali injettat mill-HFSF fil-Bank ammonta biss għal EUR 4 021 miljun, li jirrappreżenta 9,1 % tal-RWA tal-Bank fil-31 ta’ Marzu 2012.

7.1.4.   Konklużjoni dwar l-eżistenza u l-ammont totali tal-għajnuna riċevuta

(184)

Il-miżuri A, B1, B2, B3, u B4 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

Ref.

Miżura

Tip ta’ miżura

Ammont ta’ għajnuna

Għajnuna ta’ rikapitalizzazzjoni/RWA

A

Ishma Privileġġati

Appoġġ ta’ kapital

EUR 940 miljun

2  %

B1 B2 B3 B4

L-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja

It-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja

Ittra ta’ impenn

Il-parteċipazzjoni tal-HFSF fir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013

Appoġġ ta’ kapital

EUR 4 571  miljun

(ammont imħallas mill-HFSF: EUR 4 021  miljun)

10,3  %

(ammont imħallas mill-HFSF: 9,1 %)

Għajnuna għall-kapital totali mogħtija lill-Bank

EUR 5 511 -il miljun

(ammont imħallas mill-HFSF: EUR 4 961  miljun)

12,3  %

(ammont imħallas mill-HFSF: 11,1 %)

Ref.

Miżura

Tip ta’ miżura

Ammont nominali ta’ għajnuna

L1

Appoġġ ta’ likwidità

Garanzija

Self Obbligazzjonarju

Garanziji: EUR 14-il biljun fit-30 ta’ Novembru 2011

Self Obbligazzjonarju: EUR 1,6 biljun fit-30 ta’ Settembru 2011

L2

ELA garantita mill-Istat

Finanzjament u Garanzija

EUR 23,6 biljun fil-31 ta’ Diċembru 2012

Għajnuna ta’ likwidità totali mogħtija lill-Bank

EUR 39,2 biljun

7.2.   IL-BAŻI ĠURIDIKA GĦALL-VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ

(185)

L-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex issib li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern jekk din tkun intiża “sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”.

(186)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kriżi finanzjarja globali tista’ toħloq taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru u li l-miżuri li jappoġġjaw lill-banek jistgħu jirrimedjaw dak it-taħwid. Dan kien ikkonfermat fil-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar. Il-Kummissjoni xorta waħda tqis li r-rekwiżiti għall-għajnuna mill-Istat li għandha tiġi approvata skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat huma ssodisfati fid-dawl tal-istress li reġa’ tfaċċa fis-swieq finanzjarji. Il-Kummissjoni kkonfermat dik il-fehma billi adottat il-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011 (95) u l-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013

(187)

Fir-rigward tal-ekonomija Griega, fid-deċiżjonijiet tagħha li japprovaw u jestendu l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi, kif ukoll fl-approvazzjonijiet minnha tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Greċja lil banek individwali (96), il-Kummissjoni rrikonoxxiet li teżisti theddida ta’ taħwid serju fl-ekonomija Griega u li l-appoġġ mill-Istat lill-banek huwa xieraq sabiex jiġi rrimedjat dak it-taħwid. Għalhekk, il-bażi ġuridika għall-valutazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna għandha tkun l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat.

(188)

Matul il-kriżi finanzjarja, il-Kummissjoni żviluppat kriterji ta’ kompatibbiltà għat-tipi differenti ta’ miżuri ta’ għajnuna. Il-prinċipji għall-valutazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna ġew stipulati għall-ewwel darba fil-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008.

(189)

B’konformità mal-punt 15 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, sabiex għajnuna tkun kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, hija trid tikkonforma mal-kriterji ġenerali għall-kompatibbiltà:

(a)

Adegwatezza: L-għajnuna trid tkun immirata sewwa sabiex tkun tista’ tilħaq b’mod effettiv l-għan li tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija. Dan ma jkunx il-każ jekk il-miżura ma tkunx xierqa sabiex tirrimedja t-taħwid.

(b)

Neċessità: Il-miżura ta’ għajnuna, fl-ammont u l-forma tagħha, trid tkun neċessarja sabiex tilħaq l-għan. Għalhekk, hija trid tkun tal-ammont minimu neċessarju sabiex tilħaq l-għan u tieħu l-aktar forma xierqa sabiex tirrimedja t-taħwid.

(c)

Proporzjonalità: L-effetti pożittivi tal-miżura jridu jkunu bbilanċjati b’mod xieraq kontra d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, sabiex b’hekk id-distorsjonijiet ikunu limitati għall-minimu neċessarju sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tal-miżura.

(190)

Il-gwida għall-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tista’ tinstab fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u fil-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011.

(191)

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tiddefinixxi l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ ristrutturar, b’mod partikolari l-ħtieġa tar-ritorn għall-vijabbiltà, tal-iżgurar ta’ kontribuzzjoni xierqa mill-benefiċjarju u tal-limitazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(192)

Dak il-qafas kien ikkumplimentat mill-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013, li tapplika għall-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati wara l-31 ta’ Lulju 2013.

7.2.1.   Il-bażi ġuridika għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-appoġġ ta’ likwidità lill-Bank (il-miżura L1)

(193)

L-appoġġ ta’ likwidità diġà riċevut mill-Bank kien approvat b’mod definittiv permezz tad-deċiżjonijiet suċċessivi li jawtorizzaw il-miżuri taħt l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi u l-emendi u l-estensjonijiet tagħha (97). Kull appoġġ ta’ likwidità fil-ġejjieni għall-Bank ser ikollu jingħata taħt skema li tkun debitament approvata mill-Kummissjoni. It-termini ta’ din l-għajnuna ser ikollhom jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni qabel tingħata u, għalhekk, ma għandhomx bżonn jiġu vvalutati aktar f’din id-deċiżjoni.

7.2.2.   Il-bażi ġuridika għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-ishma privileġġati (il-miżura A)

(194)

Ir-rikapitalizzazzjoni mogħtija fl-2009 fil-forma ta’ ishma privileġġati (il-miżura A) ingħatat taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni approvata fl-2008 bħala parti mill-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi skont il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008. Għalhekk, hija ma għandhiex bżonn tiġi vvalutata mill-ġdid skont il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 u għandha tiġi vvalutata biss skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.2.3.   Il-bażi ġuridika għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-ELA garantita mill-Istat (il-miżura L2)

(195)

Il-kompatibbiltà tal-ELA garantita mill-Istat (il-miżura L2) għandha l-ewwel tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 u l-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011. Kull ELA garantita mill-Istat mogħtija wara l-1 ta’ Awwissu 2013 taqa’ taħt il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013.

7.2.4.   Il-bażi ġuridika għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tar-rikapitalizzazzjonijiet mill-HFSF (il-miżuri B1, B2, B3 u B4)

(196)

Il-kompatibbiltà tar-rikapitalizzazzjonijiet mill-HFSF (il-miżuri B1, B2, B3 u B4), b’mod partikolari fir-rigward tar-rimunerazzjoni, għandha l-ewwel tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u l-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011. Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura B1 ma’ dawk il-Komunikazzjonijiet. Billi ġew implimentati qabel il-31 ta’ Lulju 2013, dawk il-miżuri ma jaqgħux taħt il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013. Il-kompatibbiltà tar-rikapitalizzazzjonijiet mill-HFSF (il-miżuri B1, B2, B3 u B4) għandha tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar ukoll.

7.3.   IL-KONFORMITÀ TAL-MIŻURA L2 MAL-KOMUNIKAZZJONI BANKARJA TAL-2008, MAL-KOMUNIKAZZJONI DWAR L-ESTENSJONI TAL-2011 U MAL-KOMUNIKAZZJONI BANKARJA TAL-2013

(197)

Sabiex għajnuna tkun kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, hija għandha tikkonforma mal-kriterji ġenerali għall-kompatibbiltà: l-adegwatezza, in-neċessità u l-proporzjonalità.

(198)

Minħabba li l-banek Griegi ma baqgħux joperaw aktar fis-swieq tal-operaturi u saru kompletament dipendenti fuq il-finanzjament mill-bank ċentrali, kif ġie indikat fil-premessa 26, u billi l-Bank ma setax jidħol għal self ta’ ammont suffiċjenti ta’ fondi permezz tal-operazzjonijiet standard ta’ rifinanzjament regolari, il-Bank ħtieġ ELA garantita mill-Istat sabiex jikseb likwidità suffiċjenti bil-għan li jevita li jisfa inadempjenti. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura L2 hija mekkaniżmu xieraq sabiex jirrimedja taħwid serju li seta’ jiġi kkawżat mill-inadempjenza tal-Bank.

(199)

Billi l-ELA garantita mill-Istat tinvolvi spiża relattivament għolja ta’ finanzjament għall-Bank, il-Bank għandu biżżejjed inċentiv sabiex jevita li jkollu jiddependi fuq dak is-sors ta’ finanzjament sabiex jiżviluppa l-attivitajiet tiegħu. Il-Bank kellu jħallas rata ta’ imgħax ta’ […] bps ogħla mill-operazzjonijiet regolari ta’ rifinanzjament mal-Eurosistema. Barra minn hekk, il-Bank kellu jħallas miżata ta’ garanzija ta’ […] bps lill-Istat. Bħala riżultat, l-ispiża totali tal-ELA garantita mill-Istat għall-Bank hija ferm ogħla mill-ispejjeż normali tar-rifinanzjament mill-BĊE. B’mod partikolari, id-differenza bejn tal-ewwel u tal-aħħar hija ogħla mil-livell tal-miżata ta’ garanzija mitluba mill-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011. B’riżultat ta’ dan, ir-rimunerazzjoni totali mitluba mill-Istat tista’ titqies bħala suffiċjenti. Fir-rigward tal-ammont tal-ELA garantita mill-Istat, dan jiġi rivedut regolarment mill-Bank of Greece u mill-BĊE fuq il-bażi tal-ħtiġijiet proprji tal-Bank. Huma jimmonitorjaw mill-qrib l-użu tagħha u jiżguraw li hija tkun limitata għall-minimu neċessarju. Għalhekk, il-miżura L2 ma tipprovdix lill-Bank b’likwidità żejda li tista’ tintuża sabiex tiffinanzja attivitajiet li jfixklu l-kompetizzjoni. Hija limitata għall-ammont minimu neċessarju.

(200)

Tali skrutinju mill-qrib tal-użu tal-ELA garantita mill-Istat u l-verifika regolari li l-użu tagħha huwa limitat għall-minimu jiżguraw ukoll li l-likwidità tkun proporzjonata u li ma twassalx għal distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Greċja impenjat ruħha li l-Bank se jimplimenta miżuri ta’ ristrutturar li jnaqqsu d-dipendenza tiegħu fuq il-finanzjament mill-bank ċentrali u li l-Bank se jikkonforma mal-limitazzjonijiet fl-imġiba, kif ġie analizzat fit-Taqsima 7.6. Dawk il-fatturi jiżguraw li d-dipendenza fuq l-appoġġ ta’ likwidità se tintemm mill-aktar fis possibbli u li tali għajnuna hija proporzjonata.

(201)

Għalhekk, il-miżura L2 tikkonforma mal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 u mal-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011. Billi l-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 ma introduċietx aktar rekwiżiti fir-rigward tal-garanziji, il-miżura L2 tikkonforma wkoll mal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013.

7.4.   IL-KONFORMITÀ TAL-MIŻURI B1, B2, B3 U B4 MAL-KOMUNIKAZZJONI BANKARJA TAL-2008, MAL-KOMUNIKAZZJONI DWAR IR-RIKAPITALIZZAZZJONI U MAL-KOMUNIKAZZJONI DWAR L-ESTENSJONI TAL-2011

(202)

Kif ġie indikat fil-premessa 189 u b’konformità mal-punt 15 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, sabiex għajnuna tkun kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, hija għandha tikkonforma mal-kriterji ġenerali għall-kompatibbiltà (98): l-adegwatezza, in-neċessità u l-proporzjonalità.

(203)

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u l-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011 jelaboraw ulterjorment fuq il-livell ta’ rimunerazzjoni meħtieġ għall-injezzjonijiet ta’ kapital mill-Istat.

7.4.1.   Adegwatezza tal-Miżuri

(204)

Fir-rigward tal-adegwatezza tar-rikapitalizzazzjonijiet tal-HFSF (il-miżuri B1, B2, B3 u B4), il-Kummissjoni tqishom xierqa minħabba li jippermettu lill-Bank ikun konformi mar-rekwiżiti kapitali. Mingħajr ir-rikapitalizzazzjonijiet mill-HFSF, il-Bank ma kienx ikun jista’ jwettaq l-attivitajiet tiegħu u kien jitlef l-aċċess għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-BĊE.

(205)

F’dak ir-rigward, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha l-Kummissjoni nnotat li l-Bank huwa wieħed mill-akbar istituzzjonijiet bankarji fil-Greċja, kemm f’termini ta’ self kif ukoll f’termini ta’ ġbir ta’ depożiti. Bħala tali, il-Bank huwa bank sistematikament importanti għall-Greċja. Konsegwentement, inadempjenza mill-Bank kienet toħloq taħwid serju fl-ekonomija Griega. Taħt dawk iċ-ċirkostanzi prevalenti, l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-Greċja kellhom diffikultajiet sabiex jiksbu aċċess għall-finanzjament. Dak in-nuqqas ta’ finanzjament illimita l-abbiltà tagħhom li jipprovdu self lill-ekonomija Griega. F’dak il-kuntest, it-taħwid fl-ekonomija seta’ jiġi aggravat mill-inadempjenza tal-Bank. Barra minn hekk, il-miżuri B1, B2, B3 u B4 waslu prinċipalment minħabba l-programm PSI, avveniment straordinarju u imprevedibbli ferm u mhux bħala riżultat ta’ tmexxija ħażina jew teħid ta’ riskji eċċessivi mill-Bank. Għalhekk, il-miżuri huma primarjament maħsubin biex jindirizzaw ir-riżultati tal-programm PSI u jikkontribwixxu sabiex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja fil-Greċja.

(206)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk itteħdux minnufih il-miżuri kollha possibbli sabiex jiġi evitat li l-Bank jerġa’ jiġi bżonn l-għajnuna fil-ġejjieni. Kif ġie indikat fil-premessi (121) u (122) ta’ din id-Deċiżjoni, il-Greċja impenjat ruħha li timplimenta għadd ta’ azzjonijiet relatati mal-governanza korporattiva u l-operazzjonijiet kummerċjali tal-Bank. Kif ġie deskritt fil-premessi (99) u (106), il-Bank irristruttura wkoll l-attivitajiet tiegħu b’mod sinjifikanti, tant li diġà ġie implimentat ħafna tnaqqis tal-ispejjeż. Għalhekk, id-dubji tal-Kummissjoni ttaffew.

(207)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha, il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji dwar jekk kienx hemm biżżejjed salvagwardji f’każ li l-Bank jaqa’ taħt il-kontroll tal-Istat jew f’każ li l-azzjonisti privati jżommu l-kontroll waqt li l-maġġoranza tal-proprjetà tinżamm mill-Istat. L-impenji deskritti fil-premessi (121) u (122) ta’ din id-Deċiżjoni jiżguraw li l-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Bank jitmexxew fuq bażi kummerċjali u li n-negozju ta’ kuljum jiġi protett minn interferenza Statali. Il-qafas tar-relazzjoni miftiehem bejn l-HFSF u l-Bank jiżgura wkoll li l-interessi tal-Istat bħala l-azzjonist prinċipali jiġu mħarsa kontra t-teħid ta’ riskji eċċessivi mill-maniġment tal-Bank.

(208)

Għalhekk, il-miżuri B1, B2, B3 u B4 jiżguraw li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja fil-Greċja. Qed jittieħdu azzjonijiet sinifikanti sabiex inaqqsu t-telf fil-ġejjieni u sabiex jiżguraw li l-attivitajiet tal-Bank ma jiġux ipperikolati minn governanza mhux xierqa. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ssib li l-miżuri B1, B2, B3 u B4 huma xierqa.

7.4.2.   Neċessità – limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu

(209)

Skont il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, il-miżura ta’ għajnuna, fl-ammont u l-forma tagħha, trid tkun neċessarja sabiex tilħaq l-għan tagħha. Dan jimplika li l-injezzjoni ta’ kapital trid tkun tal-ammont minimu neċessarju sabiex tilħaq l-għan.

(210)

L-ammont ta’ appoġġ kapitali kien ikkalkolat mill-Bank of Greece fil-qafas ta’ test tal-istress bil-għan li jiġi żgurat li l-kapital fil-Grad 1 Ewlieni jibqa’ ‘l fuq minn ċertu livell matul il-perjodu 2012-2014, kif rifless fit-Tabella 3. Għalhekk ma jipprovdix lill-Bank b’xi eċċess ta’ kapital. Kif ġie spjegat fil-premessa (206), ittieħdu azzjonijiet sabiex inaqqsu r-riskju li l-Bank ikun jeħtieġ għajnuna addizzjonali fil-ġejjieni.

(211)

Fir-rigward tar-rimunerazzjoni tal-ewwel u tat-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji (il-miżuri B1 u B2), il-Kummissjoni tfakkar li dawn ingħataw f’Mejju 2012 u Diċembru 2012, rispettivament, u li tħallsu in natura fil-forma ta’ noti tal-EFSF. Bħala rimunerazzjoni, l-HFSF irċieva l-imgħax akkumulat fuq in-noti tal-EFSF flimkien ma’ ħlas ta’ 1 % mid-data tal-iżborżament tan-noti tal-EFSF sad-data tar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 (99). Kif ġie enfasizzat fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha, dik ir-rimunerazzjoni hija aktar baxxa mill-medda ta’ bejn 7 % u 9 % kif definita fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni. Madankollu, il-perjodu ta’ rimunerazzjoni baxxa kien limitat għal sena waħda għall-miżura B1 u ħames xhur għall-miżura B2 (jiġifieri, sal-konverżjoni tar-rikapitalizzazzjoni tranżitorja f’rikapitalizzazzjoni standard f’ishma ordinarji, jiġifieri l-miżura B4). Filwaqt li l-ewwel u t-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji ma wasslux għad-dilwizzjoni tal-azzjonisti eżistenti, ir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, li kienet il-konverżjoni tal-ewwel u tat-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji, wasslet għal dilwizzjoni qawwija tal-azzjonisti eżistenti minn qabel, minħabba li s-sehem tagħhom fl-ekwità tal-Bank niżel għal 4,9 %. Is-sitwazzjoni anormali li pprevaliet mid-data tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja mbagħad ġiet fi tmiemha. Għaldaqstant, id-dubji mqajma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha ttaffew.

(212)

It-tieni nett, minħabba s-sors atipiku tad-diffikultajiet tal-Bank, fejn it-telf kien ġej primarjament minn rinunzja tad-dejn favur l-Istat (il-programm PSI u x-xiri lura tad-dejn, li jipprovdu vantaġġ sinjifikanti lill-Istat, jiġifieri, tnaqqis tad-dejn) u mill-konsegwenzi ta’ reċessjoni mtawla fl-ekonomija domestika tiegħu, il-Kummissjoni tista’ taċċetta devjazzjoni temporanja bħal din mir-rekwiżiti tar-rimunerazzjoni standard stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni (100).

(213)

Fir-rigward tal-miżura B3, kien impenn sabiex jiġi pprovdut il-kapital. Dak l-impenn magħmul f’Diċembru 2012 ġie implimentat f’injezzjoni proprja ta’ kapital f’Mejju-Ġunju 2013, ħames xhur wara biss. Għal dik ir-raġuni u għar-raġunijiet imsemmija fil-premessa 212, huwa aċċettabbli li ma tħallset ebda rimunerazzjoni għal dak l-impenn.

(214)

Fir-rigward tal-miżura B4, skont il-punt 8 tal-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011, l-injezzjonijiet ta’ kapital għandhom jiġu sottoskritti bi skont suffiċjenti għall-prezz tal-ishma, aġġustat għall-effett ta’ dilwizzjoni, sabiex b’hekk tingħata assigurazzjoni raġonevoli ta’ rimunerazzjoni adegwata għall-Istat. Filwaqt li r-rikapitalizzazzjoni ma pprevediet ebda skont sinjifikanti għall-prezz tal-ishma kif aġġustat għall-effett ta’ dilwizzjoni, fil-fatt kien impossibbli li jinkiseb skont sinjifikanti għall-prezz teoretiku qabel il-ħruġ ta’ drittijiet. (101). Qabel ir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, il-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-Bank kienet biss ta’ ftit mijiet ta’ miljuni ta’ euros. F’ċirkostanzi bħal dawn, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-azzjonisti eżistenti kellhomx jiġu eliminati għal kollox. Il-Kummissjoni tinnota li l-prezz tal-ħruġ kien stabbilit bi skont ta’ 50 % għall-prezz medju tas-suq fuq il-perjodu ta’ ħamsin jum qabel id-determinazzjoni tal-prezz tal-ħruġ. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-dilwizzjoni tal-azzjonisti eżistenti kienet kbira ħafna, billi wara r-rikapitalizzazzjoni huma kellhom biss 4,9 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja tal-Bank. Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ skont ulterjuri fuq il-prezz tas-suq seta’ kellha impatt żgħir fuq ir-rimunerazzjoni tal-HFSF. Fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tal-banek Griegi spjegata fil-premessa (212) u minħabba l-fatt li l-ħtieġa għall-għajnuna ġejja minn rinunzja tad-dejn favur l-Istat, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-prezz tal-ħruġ tal-ishma sottoskritti mill-Istat kien baxx biżżejjed.

(215)

L-HFSF ħareġ ukoll ċertifikati u ta ċertifikat wieħed għal kull sehem ġdid sottoskritt minn investitur privat li jipparteċipa fir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013. L-HFSF ta dawk iċ-ċertifikati mingħajr ebda kunsiderazzjoni. Kif ġie spjegat fil-premessa (93), kull ċertifikat jinkorpora d-dritt li jinxtraw 7,40 ishma tal-HFSF f’intervalli magħżula u bi prezzijiet tal-eżerċitar. Il-prezz tal-eżerċitar huwa ugwali għall-prezz tas-sottoskrizzjoni tal-HFSF miżjud b’marġini annwali u kumulattiv (4 % għall-ewwel sena, 5 % għat-tieni sena, 6 % għat-tielet sena, 7 % għar-raba’ sena u mbagħad 8 % annwalizzati għall-aħħar sitt xhur). Ir-rimunerazzjoni riċevuta mill-HFSF fuq l-ishma li jippossjedi hija de facto limitata għal dawk il-livelli. Dik ir-rimunerazzjoni hija aktar baxxa mill-medda ta’ bejn 7 % u 9 % kif definita fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni. Madankollu, minħabba li dawk iċ-ċertifikati kienu fattur ewlieni fis-suċċess tal-ħruġ ta’ dritt u tal-kollokament privat imnedija mill-Bank qabel ir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn ippermettew li l-Bank inaqqas l-ammont ta’ għajnuna b’EUR 550 miljun. Tabilħaqq, minħabba l-proporzjon ta’ kapital baxx tal-Bank qabel ir-rikapitalizzazzjoni u l-inċertezza għolja li kienet prevalenti f’dak iż-żmien, is-simulazzjonijiet li kienu disponibbli wrew li mingħajr iċ-ċertifikati, l-investituri privati ma jiksbux redditu suffiċjenti u għaldaqstant ma jipparteċipawx. Għar-raġunijiet spjegati fil-premessi 205 u 212, minħabba li l-HFSF jirċievi rimunerazzjoni pożittiva minima jekk jiġu eżerċitati ċ-ċertifikati u minħabba li kien objettiv tal-MPEF li jattira investituri privati sabiex jinżammu xi banek taħt maniġment privat, kif ukoll sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn is-settur bankarju kollu jkun ikkontrollat mill-HFSF, il-Kummissjoni tista’ taċċetta tali devjazzjoni mir-rekwiżiti tar-rimunerazzjoni standard stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni. Dik l-aċċettazzjoni hija bbażata wkoll fuq il-fatt li l-liġi tal-HFSF, kif emendata f’Marzu 2014, ma tipprevedi ebda aġġustament taċ-ċertifikati f’każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju mhux ta’ prelazzjoni, kif ukoll li f’każ ta’ ħruġ ta’ drittijiet, huwa biss il-prezz tal-eżerċitar skont iċ-ċertifikat li jista’ jiġi aġġustat u l-aġġustament jista’ jsir biss ex post u biss sal-ammont tar-rikavat realizzat mill-bejgħ ta’ drittijiet ta’ prelazzjoni tal-HFSF. Barra minn hekk, l-impenn tal-Greċja li tfittex l-approvazzjoni tal-Kummissjoni qabel kull xiri lura taċ-ċertifikati maħruġa mill-HFSF jippermetti li l-Kummissjoni tiżgura li kull xiri lura fil-ġejjieni ma jkomplix inaqqas ir-rimunerazzjoni tal-HFSF u jżid ir-rimunerazzjoni tad-detenturi taċ-ċertifikati.

(216)

Fir-rigward tal-fatt li l-ishma tal-HFSF huma ishma mingħajr id-dritt ta’ votazzjoni, il-Kummissjoni tfakkar li l-ħtieġa għall-għajnuna ma tiġix primarjament mit-teħid ta’ riskji eċċessivi. Barra minn hekk, kien objettiv tal-MPEF li jżomm xi banek taħt maniġment privat. Barra minn hekk, il-qafas tar-relazzjoni u l-introduzzjoni awtomatika mill-ġdid tad-drittijiet ta’ votazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar jipprovdu salvagwardji kontra t-teħid ta’ riskji eċċessivi fil-ġejjieni minn maniġers privati. Fl-aħħar nett, il-PSI u x-xiri lura f’Diċembru 2012 huma tip ta’ rimunerazzjoni lill-Istat, minħabba li d-dejn ta’ dan tal-aħħar lejn il-Bank tnaqqas b’diversi biljuni ta’ euros. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni tista’ taċċetta li l-HFSF jirċievi ishma mingħajr id-dritt ta’ votazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura B4 kienet meħtieġa.

Bħala konklużjoni, il-miżuri B1, B2, B3 u B4 huma meħtieġa bħala għajnuna ta’ salvataġġ kemm fl-ammont kif ukoll fil-forma tagħhom.

7.4.3.   Proporzjonalità – miżuri li jillimitaw l-effetti konsegwenzjali negattivi

(217)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Bank irċieva ammont kbir ħafna ta’ għajnuna mill-Istat. Għalhekk, dik is-sitwazzjoni tista’ twassal għal distorsjonijiet serji fil-kompetizzjoni. Madankollu, il-Greċja impenjat ruħha li timplimenta għadd ta’ miżuri li huma maħsuba biex inaqqsu l-effetti konsegwenzjali negattivi. B’mod partikolari, l-impenji jistabbilixxu li l-operazzjonijiet tal-Bank ikomplu jitmexxew fuq bażi kummerċjali, kif ġie spjegat fil-premessi 121 u 122. Il-Greċja impenjat ruħha wkoll li ddaħħal projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet u li tagħmel numru ta’ divestimenti, kif deskritt fil-premessi 123 sa 124. Il-limiti għad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni se jkomplu jiġu vvalutati fit-Taqsima 7.6.

(218)

Fil-Bank inħatar ukoll trustee tal-monitoraġġ sabiex jimmonitorja l-implimentazzjoni korretta tal-impenji dwar il-governanza korporattiva u l-operazzjonijiet kummerċjali. Dan jevita kull bidla detrimentali fil-prattika kummerċjali tal-Bank u b’hekk jitnaqqsu l-effetti konsegwenzjali negattivi potenzjali.

(219)

Fl-aħħar nett, fit-12 ta’ Ġunju 2014 ġie sottomess pjan ta’ ristrutturar komprensiv ġdid lill-Kummissjoni. Dak il-pjan ta’ ristrutturar se jiġi vvalutat fit-Taqsima 7.6.

(220)

Bħala konklużjoni, id-dubji mqajma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha ttaffew. Il-miżuri B1, B2, B3 u B4 huma proporzjonati fid-dawl tal-punt 15 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008.

7.4.4.   Konklużjoni dwar il-konformità tar-rikapitalizzazzjonijiet tal-HFSF mal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, mal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u mal-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011

(221)

B’hekk ġie konkluż li r-rikapitalizzazzjonijiet tal-HFSF (il-miżuri B1, B2, B3 u B4) huma xierqa, neċessarji u proporzjonati, fid-dawl tal-punt 15 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u tal-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011.

7.5.   IL-KONFORMITÀ TAL-AKKWIŻIZZJONIJIET MAL-KOMUNIKAZZJONI DWAR IR-RISTRUTTURAR

(222)

Il-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar jispjega li l-akkwiżizzjonijiet ta’ impriżi minn banek megħjuna ma jistgħux jiġu ffinanzjati permezz ta’ għajnuna mill-Istat sakemm dan ma jkunx essenzjali għat-treġġigħ lura tal-vijabbiltà ta’ impriża. Barra minn hekk, il-punti 40 u 41 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar jgħidu li l-banek ma għandhomx jużaw l-għajnuna mill-Istat għall-akkwiżizzjoni ta’ negozji kompetituri, sakemm l-akkwiżizzjoni ma tkunx parti minn proċess ta’ konsolidazzjoni meħtieġ għat-treġġigħ lura tal-istabbiltà finanzjarja jew għall-iżgurar ta’ kompetizzjoni effettiva. Barra minn hekk, l-akkwiżizzjonijiet jistgħu jipperikolaw jew jikkomplikaw it-treġġigħ lura tal-vijabbiltà. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-akkwiżizzjonijiet magħmula mill-Bank jistgħux jiġu rrikonċiljati mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.5.1.   Il-konformità tal-akkwiżizzjoni ta’ Emporiki Bank mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar

7.5.1.1.   L-effett tal-akkwiżizzjoni ta’ Emporiki Bank fuq il-vijabbiltà fit-tul tal-Bank

(223)

F’termini tal-profittabilità operatorja, l-akkwiżizzjoni ta’ Emporiki Bank issaħħaħ it-treġġigħ lura tal-Bank lejn vijabbiltà fit-tul peress li l-fużjoni taż-żewġ banek fl-istess suq ġeografiku tippermetti li l-Bank jagħmel sinerġiji importanti, pereżempju fil-forma ta’ tnaqqis ta’ persunal, għeluq ta’ fergħat u tnaqqis fl-ispejjeż ġenerali. Il-Bank jakkwista l-klijenti u d-depożiti, filwaqt li jnaqqas l-ispejjeż tad-distribuzzjoni b’mod sinifikanti. Dan jagħlaq numru sinifikanti ta’ fergħat tal-entità kombinata, minbarra li qed jirrazzjonalizza l-funzjonijiet tal-kwartieri ġenerali.

(224)

F’termini tal-pożizzjonijiet ta’ likwidità, l-akkwiżizzjoni għandha effett pożittiv fuq il-Bank. Tabilħaqq, il-proporzjon self-depożitu tal-entità akkwistata kien ta’ madwar 115 %, ferm inqas mill-proporzjon self-depożitu għoli ħafna tal-Bank (102). Għalhekk, hija tikkontribwixxi għal titjib sinifikanti fit-titjib tal-proporzjon self-depożitu tal-Bank.

(225)

Minn perspettiva statika, it-tranżazzjoni kellha wkoll impatt pożittiv fuq il-proporzjon ta’ kapital tal-Bank, peress li l-Bank jixtri bank ferm kapitalizzat għal korrispettiv ta’ euro. Fil-31 ta’ Marzu 2012, il-proporzjon tal-adegwatezza kapitali proforma tal-entità kombinata kien ta’ 11,8 % filwaqt li l-proporzjon tal-adegwatezza kapitali tal-Bank kienet ta’ 8,8 % biss. B’mod simili, il-proporzjon tal-Grad 1 Ewlieni proforma tal-entità kombinata kien ta’ 11,1 % filwaqt li l-proporzjon tal-Grad 1 Ewlieni tal-Bank kien ta’ 7,9 %. Il-kapital għoli ta’ Emporiki Bank jiġproteġi kontra telf fil-ġejjieni li jista’ jiġġarrab fit-test tal-istress, kif jidher fit-Tabella 3. L-osservazzjoni statika taż-żieda fil-proporzjon kapitali tal-Bank issopravalutat l-effett pożittiv tal-pożizzjoni kapitali fit-tul tiegħu. Għalhekk, l-akkwiżizzjoni hija pożittiva għat-treġġigħ lura tal-vijabbiltà fit-tul tal-Bank.

7.5.1.2.   L-effett tal-akkwiżizzjonijiet fuq l-ammont ta’ għajnuna meħtieġa mill-Bank

(226)

Skont il-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, l-għajnuna għar-ristrutturar ma għandhiex tintuża għall-akkwiżizzjoni ta’ kumpaniji oħrajn, iżda sempliċiment biex tkopri l-ispejjeż tar-ristrutturar li huma meħtieġa sabiex titreġġa’ lura l-vijabbiltà tal-Bank. F’dan il-każ, għalkemm l-akkwiżizzjoni għandha implikazzjonijiet pożittivi għall-vijabbiltà tal-Bank, mhijiex essenzjali għall-vijabbiltà tiegħu skont it-tifsira tal-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

(227)

Il-Bank ħallas biss korrispettiv ta’ euro sabiex xtara Emporiki Bank. Għalhekk, il-prezz tax-xiri ma kienx iffinanzjat minn għajnuna mill-Istat. Dak il-fatt jimplika wkoll li l-ħlas tal-prezz tax-xiri ma ħoloqx xi ħtieġa ta’ kapital għall-Bank. Barra minn hekk, Emporiki Bank kien ikkapitalizzat b’moda adegwat (jiġifieri sal-livell meħtieġ skont it-test tal-istress tal-2012 li jidher fit-Tabella 3). B’hekk, l-akkwiżizzjoni x’aktarx ma toħloq l-ebda ħtieġa kapitali fil-ġejjieni għall-Bank.

(228)

Bħala konklużjoni, minħabba patti mhux tas-soltu (xiri b’EUR 1 ta’ bank kapitalizzat bis-sħiħ sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tat-test tal-istress), b’mod eċċezzjonali l-akkwiżizzjoni ta’ Emporiki Bank ma tmurx kontra r-rekwiżit li tiġi minimizzata l-għajnuna.

7.5.1.3.   L-effett distortiv tal-akkwiżizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni

(229)

B’konformità mal-punti 39 u 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, l-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tintuża għad-detriment tal-kumpaniji mhux megħjuna u, b’mod partikolari, għall-akkwist ta’ negozji kompetituri. Il-punt 41 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar jgħid ukoll li l-akkwiżizzjonijiet jistgħu jiġu awtorizzati jekk ikunu parti minn proċess ta’ konsolidazzjoni meħtieġ għat-treġġigħ lura tal-istabbiltà finanzjarja jew għall-iżgurar ta’ kompetizzjoni effettiva. F’ċirkostanzi bħal dawn, il-proċess tal-akkwiżizzjoni għandu jkun ġust u l-akkwiżizzjoni għandha tiżgura l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti.

(230)

Emporiki Bank ma kienx meqjus bħala vijabbli fuq bażi awtonoma mill-Bank of Greece, skont eżami tal-vijabbiltà mwettaq minn konsulent estern fil-bidu tal-2012. Kien qed jagħmel telf kbir għal Crédit Agricole li, għalhekk, ried ibigħu. Jekk tali bejgħ ma kienx possibbli, Crédit Agricole setgħet tikkunsidra li tħallih ifalli. Għalhekk, it-transizzjoni tista’ titqies bħala parti minn proċess ta’ konsolidazzjoni li huwa meħtieġ għat-treġġigħ lura tal-istabbiltà finanzjarja tat-tip deskritt fil-punt 41 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

(231)

Ma kien hemm ebda offerent mhux megħjun li ssottometta offerta valida sabiex jakkwista lil Emporiki Bank, u l-proċess tal-bejgħ kien wieħed miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju. Għalhekk, ma tħalla barra ebda offerent mhux megħjun mill-Bank. Minħabba li dik l-akkwiżizzjoni kienet awtorizzata mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni Ellenika, l-eżitu tal-proċess tal-bejgħ ma jipperikolax il-kundizzjoniijet ta’ kompetizzjoni effettiva fil-Greċja.

(232)

Barra minn hekk, il-ħtieġa ta’ għajnuna mill-Bank ma tirriżultax mill-ġestjoni ħażina jew it-teħid ta’ riskji li mhumiex xierqa. Finalment, kif inhu konkluż fil-premessa 227, ma ntużat ebda għajnuna mill-Istat biex tiġi ffinanzjata din l-akkwiżizzjoni (xiri b’EUR 1 ta’ bank kapitalizzat sal-livell meħtieġ biex jgħaddi mit-test tal-istress tal-Bank of Greece).

(233)

Fid-dawl ta’ dawk l-elementi, jista’ jiġi konkluż li l-akkwiżizzjoni ta’ Emporiki Bank hija konformi mat-Taqsima 4 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.5.1.4.   Konklużjoni dwar l-akkwiżizzjoni ta’ Emporiki Bank

(234)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni unika tal-banek Griegi u l-ispeċifiċitajiet tal-akkwiżizzjoni ta’ Emporiki Bank, qiegħed jiġi konkluż li l-akkwiżizzjoni hija konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.5.2.   Il-konformità tal-akkwiżizzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet magħżula tat-tliet Banek Kooperattivi mal-Komunikazzjoni tar-Ristrutturar

7.5.2.1.   L-effett tal-akkwiżizzjoni fuq il-vijabbiltà fit-tul tal-Bank

(235)

L-akkwiżizzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet magħżula tat-tliet Banek Kooperattivi se ssaħħaħ il-vijabilità tal-Bank għal żmien twil.

(236)

B’mod iktar preċiż, l-integrazzjoni tad-depożiti tat-tliet Banek Kooperattivi fil-karta bilanċjali tal-Bank tejbet il-profil ta’ likwidità tiegħu. Il-proporzjon self-depożitu nett ta’ Alpha Bank S.A. naqas b’madwar 1,5 % u d-dipendenza ta’ Alpha Bank S.A. fuq l-Eurosistema naqset.

(237)

Barra minn hekk, l-akkwiżizzjonijiet taw lill-Bank l-opportunità li jsaħħaħ id-dħul tiegħu billi jifrex il-klijentela tiegħu fuq bosta żoni ġeografiċi. Il-Bank ma ħax taħt idejh xi infrastruttura jew netwerk ta’ fergħat li jiswewh ħafna flus. U l-Bank lanqas ma ħa xi self taħt idejh. Għalhekk ma żiedx ir-riskju jew ir-rekwiżiti kapitali tiegħu.

7.5.2.2.   L-effett tal-akkwiżizzjoni fuq l-ammont ta’ għajnuna meħtieġa mill-Bank

(238)

B’konformità mal-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, l-għajnuna għar-ristrutturar ma għandhiex tintuża għall-akkwiżizzjoni ta’ kumpaniji oħrajn, iżda sempliċiment biex tkopri l-ispejjeż tar-ristrutturar li huma meħtieġa sabiex titreġġa’ lura l-vijabbiltà tal-Bank. F’dan il-każ, għalkemm l-akkwiżizzjoni għandha implikazzjonijiet pożittivi għall-vijabbiltà tal-Bank, mhijiex essenzjali għall-vijabbiltà tiegħu skont it-tifsira tal-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

(239)

Il-korrispettiv imħallas mill-Bank għall-akkwiżizzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti lit-tliet Banek Kooperattivi kollha ġie stabbilit għal 2,1 % tal-valur tad-depożiti ttrasferiti u kien jammonta għal madwar EUR 9 miljun, ekwivalenti għal 0,01 % tal-karta bilanċjali totali tal-Bank fil-ħin tal-akkwiżizzjoni. Għalhekk, dak il-korrispettiv jista’ itqies waħda żgħira ħafna. Barra minn hekk, il-Bank diġà kien ġabar EUR 550 miljun f’kapital privat matul ir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013.

(240)

Ġie konkluż li l-prezz tal-akkwiżizzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ittrasferiti (prinċipalment depożiti) tat-tliet Banek Kooperattivi kien tant baxx li ma waqqafx l-għajnuna milli tkun limitata għall-minimu neċessarju.

7.5.2.3.   L-effett distortiv tal-akkwiżizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni

(241)

Kif ġie ddikjarat fil-premessa 229, b’konformità mal-punti 39 u 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, l-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tintuża għad-detriment tal-kumpaniji mhux megħjuna u, b’mod partikolari, għall-akkwist ta’ negozji kompetituri, għajr taħt ċirkostanzi speċifiċi.

(242)

Il-Bank of Greece qies li t-tliet Banek Kooperattivi ma kinux vijabbli u li l-adozzjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni kienet meħtieġa sabiex tinżamm stabbiltà finanzjarja. Għalhekk, l-akkwiżizzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala parti minn proċess ta’ konsolidazzjoni li huwa meħtieġ għat-treġġigħ lura tal-istabbiltà finanzjarja tat-tip deskritt fil-punt 41 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

(243)

Barra minn hekk, ebda offerent mhux megħjun ma ssottometta xi offerta valida biex jixtri l-assi u l-obbligazzjonijiet tat-tliet Banek Kooperattivi, u l-unika offerta oħra saret minn bank li kien irċieva saħansitra iktar għajnuna. Barra minn hekk, id-daqs tal-assi u l-obbligazzjonijiet akkwistati kien żgħir, u ma bidilx l-istruttura tas-suq. (103).

(244)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni tal-akkwiżizzjonijiet, b’konformità mal-punt 41 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar

7.5.2.4.   Konklużjoni dwar l-akkwiżizzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet magħżula tat-tliet Banek Kooperattivi.

(245)

Ġie konkluż li, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tal-akkwiżizzjonijiet tal-assi u tal-obbligazzjonijiet magħżula tat-tliet Banek Kooperattivi, dawn l-akkwiżizzjonijiet huma konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.5.3.   Il-konformità tal-akkwiżizzjoni ta’ Citibank Greece mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar

7.5.3.1.   L-effett tal-akkwiżizzjoni fuq il-vijabbiltà fit-tul tal-Bank

(246)

L-akkwiżizzjoni ta’ Citibank Greece, inkluż Diners, ser ittejjeb il-vijabbiltà fit-tul tal-Bank. Il-Bank akkwista self iggarantit sew mill-bank. Barra minn hekk, ir-reġistru tas-self nett huwa ferm iżgħar mid-depożiti akkwistati.

(247)

L-integrazzjoni tad-depożiti ta’ Citibank Greece fil-karta bilanċjali tal-Bank ser ittejjeb il-profil ta’ finanzjament medju u fit-tul tal-Bank filwaqt li, fl-istess ħin, issaħħaħ il-profittabilità tal-Bank.

(248)

Barra minn hekk, bl-akkwiżizzjoni, il-Bank ser isaħħaħ il-frankiġja u l-ħiliet ta’ ġbir ta’ depożiti tiegħu, u b’hekk jikseb mudell tan-negozju bbilanċjat u sostenibbli.

(249)

Fl-aħħar nett, is-sinerġiji importanti li mistennija jsiru – f’termini ta’ funzjonijiet ċentrali, servizzi informatiċi u spejjeż operatorji – ser jikkontribwixxu għall-vijabbiltà fit-tul tal-Bank.

(250)

Għalhekk, l-akkwiżizzjoni hija pożittiva għat-treġġigħ lura tal-vijabbiltà fit-tul tal-Bank.

7.5.3.2.   L-effett tal-akkwiżizzjoni fuq l-ammont ta’ għajnuna meħtieġa mill-Bank

(251)

Skont il-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, l-għajnuna għar-ristrutturar ma għandhiex tintuża għall-akkwiżizzjoni ta’ kumpaniji oħrajn, iżda sempliċiment biex tkopri l-ispejjeż tar-ristrutturar li huma meħtieġa sabiex titreġġa’ lura l-vijabbiltà tal-Bank. F’dan il-każ, għalkemm l-akkwiżizzjoni għandha implikazzjonijiet pożittivi għall-vijabbiltà tal-Bank, mhijiex essenzjali għall-vijabbiltà tiegħu skont it-tifsira tal-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

(252)

Il-Bank ħallas biss korrispettiv ta’ EUR 2 miljun (104) biex jixtri lil Citibank Greece u Diners.

(253)

Il-portafoll akkwistat jinkludi għadd kbir ta’ self li huwa kompletament imħassar. Tabilħaqq, il-valutazzjoni ta’ dak il-portafoll il-ġdid ta’ self tista’ tpaċi l-ħtieġa limitata ta’ kapital li tirriżulta mill-integrazzjoni tagħhom fil-karta bilanċjali tal-Bank.

(254)

Barra minn hekk, il-Bank tella’ EUR 1,2 biljun ta’ kapital privat bi prezz għal kull sehem ogħla mill-prezz għal kull sehem li bih l-HFSF issottoskriva fir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013.

(255)

F’dawk iċ-ċirkustanzi speċifiċi, ma jistax jiġi ddikjarat li l-akkwiżizzjoni kienet iffinanzjata bl-għajnuna mill-Istat. L-akkwiżizzjoni mhijiex ser iżżid il-bżonn ta’ għajnuna jew tnaqqas ir-remunerazzjoni tal-għajnuna eżistenti.

7.5.3.3.   L-effett distortiv tal-akkwiżizzjoni fuq il-kompetizzjoni

(256)

Kif indikat fil-premessa 241, l-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tintuża għad-detriment tal-kumpaniji mhux megħjuna, b’mod partikolari, għall-akkwist ta’ negozji kompetituri.

(257)

Il-prezz tax-xiri mħallas għal Citibank Greece kien baxx ħafna u l-Bank ġabar ammont kbir ta’ kapital privat bi prezz għoli għal kull sehem. Għalhekk, ma jistax jitqies li l-għajnuna ntużat sabiex tiġi ffinanzjata l-akkwiżizzjoni.

(258)

Barra minn hekk, peress li ebda offerent mhux megħjun ma ssottometta xi offerta sabiex jixtri l-perimetru tal-attivitajiet akkwistati mill-Bank, ma hemm ebda esklużjoni ta’ investituri mhux megħjuna.

(259)

Bħala konklużjoni, fid-dawl tal-elementi fil-premessi 257 u 258, l-akkwiżizzjoni ma taqax taħt il-projbizzjoni fil-punti 39 u 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-bżonn ta’ għajnuna tal-Bank mhijiex ġejja minn ġestjoni ħażina jew teħid ta’ riskji żejda.

7.5.3.4.   Konklużjoni dwar l-akkwiżizzjoni ta’ Citibank Greece

(260)

Ġie konkluż li, fid-dawl tas-sitwazzjoni unika tal-Bank (105) u l-ispeċifiċitajiet tal-akkwiżizzjoni ta’ Citibank Greece, dik l-akkwiżizzjoni hija konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.6.   IL-KONFORMITÀ TAL-MIŻURI A, B1, B2, B3 U B4 MAL-KOMUNIKAZZJONI DWAR IR-RISTRUTTURAR

7.6.1.   Sorsi tad-diffikultajiet u l-konsegwenzi fuq il-valutazzjoni skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar

(261)

Kif ġie indikat fit-Taqsimiet 2.1.1 u 2.1.2, id-diffikultajiet iffaċċjati mill-Bank ġejjin primarjament mill-kriżi sovrana Griega u mir-reċessjoni profonda fil-Greċja u fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Fir-rigward tal-fattur imsemmi l-ewwel, il-gvern Grieg tilef l-aċċess għas-swieq finanzjarji u finalment kellu jinnegozja ftehim mal-kredituri domestiċi u internazzjonali tiegħu, il-programm PSI, li rriżulta f’telf impost fuq il-pretensjonijiet miżmuma kontra l-Istat b’53,3 %. Barra minn hekk, 31,5 % tal-pretensjonijiet ġew skambjati għall-GGBs ġodda b’rati tal-imgħax aktar baxxi u maturitajiet itwal. Dawk il-GGBs inxtraw lura mill-Istat mingħand il-banek Griegi f’Diċembru 2012 bi prezz ta’ bejn 30,2 % u 40,1 % tal-valur nominali tagħhom, sabiex b’hekk kien ikkristallizzat telf ulterjuri għall-banek Griegi. Minbarra l-impatt tal-programm PSI u x-xiri lura tad-dejn fuq il-pożizzjoni kapitali tiegħu, il-Bank osserva wkoll ħruġ enormi ta’ depożiti bejn l-2010 u nofs l-2012 minħabba r-riskju li l-Greċja tista’ toħroġ miż-żona tal-euro bħala konsegwenza ta’ dejn pubbliku insostenibbli u minħabba r-reċessjoni ekonomika.

(262)

Il-miżuri B1, B2, B3 u B4 jammontaw għal EUR 4 571 miljun, li huwa inqas mill-ammont tat-telf ipprenotat wara l-programm PSI (EUR 4 786 miljun). F’dan il-każ, u jekk id-diffikultajiet ma jirriżultawx primarjament minn imġiba ta’ teħid ta’ riskji eċċessivi, il-punt 14 tal-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011 tistipula li l-Kummissjoni ser tnaqqas ir-rekwiżiti tagħha.

(263)

L-akbar parti mill-ħtiġijiet kapitali tirriżulta mill-espożizzjoni regolari ta’ istituzzjoni finanzjarja għar-riskju sovran tal-pajjiż domestiku tagħha. Dak il-fatt kien enfasizzat ukoll fil-premessi 58 u 69 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-espożizzjoni tal-Bank għar-riskju sovran Grieg kienet iżgħar minn dik tal-banek Griegi prinċipali oħrajn, għalhekk ma jistax jitqies li akkumula espożizzjoni eċċessiva għal dejn sovran. Bħala konsegwenza, hemm inqas ħtieġa għall-Bank li jindirizza l-kwistjonijiet ta’ periklu morali fil-pjan ta’ ristrutturar tiegħu milli għal istituzzjonijiet finanzjarji megħjuna oħrajn, li akkumulaw f’riskji eċċessivi. Għalhekk, billi l-miżuri ta’ għajnuna huma inqas distortivi, il-miżuri meħuda sabiex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għandhom isiru inqas stretti b’mod proporzjonali. Minħabba li l-programm PSI u x-xiri lura tad-dejn jikkostitwixxu rinunzja tad-dejn favur l-Istat, ir-rimunerazzjoni tal-Istat għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek tista’ tkun aktar baxxa.

(264)

Madankollu, peress li l-ekonomija Griega ċkienet b’madwar 25 % mill-2008 ‘l hawn u peress li l-Bank xtara bank inqas vijabbli fil-forma ta’ Emporiki Bank, il-Bank irid jadatta l-organizzazzjoni tiegħu, l-istruttura tal-ispejjeż tiegħu u n-netwerk kummerċjali tiegħu għal dak l-ambjent il-ġdid, sabiex jikseb lura l-profittabilità. Għaldaqstant, minkejja n-nuqqas ta’ kwistjoni dwar il-periklu morali, il-Bank irid jirrazzjonalizza l-operazzjonijiet tiegħu fil-Greċja biex jiggarantixxi l-vijabbiltà tiegħu fit-tul.

(265)

It-tieni sors ta’ telf importanti għall-Bank kien is-self tiegħu lill-unitajiet domestiċi u l-korporazzjonijiet Griegi. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dak it-telf huwa primarjament dovut għall-kontrazzjoni tal-PDG ta’ madwar 25 % fuq medda ta’ ħames snin matul ir-reċessjoni profonda u mtawla b’mod eċċezzjonali, filwaqt li mhumiex dovuti għal prattiki ta’ self riskjużi mill-Bank. B’riżultat ta’ dan, l-għajnuna mogħtija sabiex tkopri dak it-telf ma toħloq ebda periklu morali, li huwa l-każ meta l-għajnuna tipproteġi lil bank mill-konsegwenzi ta’ mġiba riskjuża fil-passat. Għalhekk, l-għajnuna hija inqas distortiva (106).

(266)

Madankollu, parti mill-ħtiġijiet kapitali u mit-telf fuq is-self tal-Bank ġejja minn xi sussidjarji internazzjonali. Pereżempju, fl-2012, l-attivitajiet f’Ċipru, ir-Rumanija, is-Serbja, il-FYROM u l-Bulgarija kienu qed jagħmlu t-telf, filwaqt li l-attivitajiet fl-Albanija laħqu biss punt ta’ ekwilibriju. It-testijiet tal-istress imwettqa fl-2012 sabiex jiddeterminaw il-ħtiġijiet kapitali tal-Bank indikaw li l-projezzjonijiet tat-telf tal-kreditu fuq is-self barrani kienu jammontaw għal EUR 921 miljun fix-xenarju bażi u EUR 1 201 miljun fix-xenarju avvers. L-assi barranin wasslu wkoll għal tnaqqis gradwali fil-likwidità minħabba li l-finanzjament intragrupp ammonta għal bosta biljuni ta’ euros.

(267)

Bħala konklużjoni, minħabba li, fost l-akbar erba’ banek Griegi, il-Bank kellu l-inqas sehem ta’ GGBs fil-ħin tal-PSI u minħabba li t-telf li rriżulta mill-PSI kien ikbar mill-għajnuna rċevuta permezz tal-miżuri B, B2, B3 u B4, jista’ jiġi konkluż li ħafna mit-telf u l-ħtieġa għall-għajnuna jaqgħu taħt il-punt 14 tal-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011, li jippermetti li l-Kummissjoni tħeffef ir-rekwiżiti tagħha. Parti mill-ħtieġa għall-għajnuna ġejja mit-telf mis-self tal-Greċja minħabba r-riċessjoni profonda u twila b’mod eċċezzjonali u mhux minn self riskjuż. Tali għajnuna ma toħloq ebda periklu morali u, għalhekk, hija inqas distortiva.

(268)

Fl-aħħar nett, parti limitata mill-ħtieġa għall-għajnuna ġejja mit-teħid ta’ riskju mill-Bank stess fir-rigward tas-sussidjarji barranin tiegħu.

7.6.2.   Vijabbiltà

(269)

Pjan ta’ ristrutturar irid jiżgura li l-istituzzjoni finanzjarja tkun tista’ treġġa’ lura l-vijabbiltà fit-tul tagħha sal-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar (it-Taqsima 2 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar). Fil-każ inkwistjoni, il-perjodu tar-ristrutturar huwa definit bħala l-perjodu bejn id-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-31 ta’ Diċembru 2018.

(270)

B’konformità mal-punti 9, 10 u 11 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, il-Greċja ssottomettiet pjan ta’ ristrutturar komprensiv u ddettaljat li jipprovdi informazzjoni kompleta dwar il-mudell kummerċjali tal-Bank. Il-pjan jidentifika wkoll il-kawżi tad-diffikultajiet iffaċċjati mill-Bank, kif ukoll il-miżuri meħuda bil-għan li jindirizzaw il-kwistjonijiet kollha ta’ vijabbiltà li kellu jiffaċċja. B’mod partikolari, il-pjan ta’ ristrutturar jiddeskrivi l-istrateġija magħżula għall-preservazzjoni tal-effikaċja operattiva tal-Bank u għall-indirizzar tal-livell għoli ta’ NPL, tal-likwidità vulnerabbli u l-pożizzjonijiet kapitali tiegħu, kif ukoll in-negozji barranin tiegħu, li, matul dawn l-aħħar snin, kellhom jiddependu fuq il-kumpanija prinċipali tagħhom għall-fondi u l-kapital.

7.6.2.1.   Attivitajiet bankarji Griegi

(271)

Fir-rigward tal-likwidita’ u d-dipendenza tal-Bank fuq il-finanzjament tal-Eurosistema, il-pjan ta’ ristrutturar jipprevedi tkabbir limitat tal-karta bilanċjali fil-Greċja, filwaqt li l-bażi tad-depożiti għandha terġa’ tikber. Id-dipendenza fuq l-ELA garantita mill-Istat, li diġà naqset, mistennija tkompli tonqos aktar, sitwazzjoni li għandha tgħin lill-Bank inaqqas l-ispiża tal-finanzjament tiegħu.

(272)

L-impenn tal-proporzjon self-depożiti msemmi fil-premessa 118 jiggarantixxi li l-istruttura tal-karta bilanċjali tal-Bank tkun sostenibbli sal-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar. Il-bejgħ tat-titoli u ta’ attivitajiet mhux ewlenin oħrajn isaħħaħ ukoll il-pożizzjoni tal-likwidità tal-Bank. Minħabba l-pożizzjoni tal-likwidità stressanti tal-Bank, il-Kummissjoni tista’ taċċetta t-talba tal-awtoritajiet Griegi li jkunu awtorizzati sabiex jipprovdu likwidità lill-Bank taħt il-miżuri ta’ garanzija u self obbligazzjonarju tal-gvern fi ħdan l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi u taħt l-ELA garantita mill-Istat.

(273)

Bil-għan li tnaqqas l-ispejjeż tal-finanzjament tagħha, il-Greċja pprovdiet ukoll impenn li l-Bank għandu jkompli jnaqqas ir-rati tal-imgħax li qiegħed iħallas fuq id-depożiti fil-Greċja, kif deskritt fil-premessa 118. Il-kisba ta’ tali tnaqqis fl-ispiża tad-depożiti se tkun kontribuzzjoni kruċjali għat-titjib tal-profittabbiltà ta’ qabel il-proviżjonament tal-Bank.

(274)

Sa mill-bidu tal-kriżi, il-Bank beda jirrazzjonalizza n-netwerk kummerċjali tiegħu fil-Greċja, permezz ta’ tnaqqis fin-numru ta’ fergħat u impjegati (107). Sal-2017, l-ispejjeż totali tal-Bank mistennija jonqsu bi […] % ulterjuri meta mqabbla mal-2013. Bil-għan li tilħaq dik il-mira, il-Greċja impenjat ruħha li l-Bank se jnaqqas il-fergħat u l-impjegati tiegħu fil-Greċja għal […] u […] rispettivament sal-31 ta’ Diċembru 2017, bi spejjeż totali massimi (108) fil-Greċja ta’ EUR […] miljun. Il-proporzjon spejjeż-dħul mistenni għandu jinżel taħt […] % fi tmiem il-perjodu tar-ristrutturar. Il-Kummissjoni tqis li l-pjan tar-ristrutturar jippreserva l-effikaċja tal-Bank fl-ambjent tas-suq il-ġdid.

(275)

Qasam ewlieni ieħor huwa t-trattament tal-NPL, hekk kif fil-31 ta’ Diċembru 2013 dawn kienu jammontaw għal 32.4 % tal-portafoll (109). Il-Bank jippjana li jsaħħaħ il-politika kreditizja tiegħu (il-limiti, il-kopertura kollaterali) u li jiffoka fuq l-attività prinċipali sabiex inaqqas it-telf tiegħu. Il-Greċja impenjat ruħha wkoll li l-Bank jikkonforma mal-istandards għoljin fir-rigward tal-politika kreditizja tiegħu sabiex iġestixxi r-riskji u sabiex inaqqas il-valur għall-Bank f’kull stadju tal-proċess tal-kreditu, kif deskritt fil-premessa 122.

7.6.2.2.   Governanza korporattiva

(276)

Punt ieħor ta’ attenzjoni huwa l-governanza tal-Bank minħabba li l-HFSF jippossjedi 69,9 % (110) tal-ishma tal-Bank wara l-ġbir ta’ kapital azzjonarju tal-2014, iżda b’setgħa ta’ votazzjoni limitata. Barra minn hekk, uħud mill-investituri privati li jikkontrollaw il-Bank għandhom ukoll ċertifikati u b’hekk jiggwadanjaw il-benefiċċju sħiħ li kieku l-prezz tal-ishma jogħla matul il-perjodu tar-ristrutturar. Minħabba li s-sitwazzjoni tista’ toħloq periklu morali, fl-2013 intlaħaq qbil fuq qafas tar-relazzjoni speċifiku bejn il-Bank u l-HFSF. Dak il-ftehim jipproteġi l-ħidma ta’ kuljum tal-Bank minn kull interferenza mill-azzjonisti prinċipali tiegħu, filwaqt li jiggarantixxi li l-HFSF ikun jista’ jissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar u jipprevjeni t-teħid ta’ riskji eċċessivi mill-maniġment tal-Bank permezz ta’ proċeduri ta’ konsultazzjoni xierqa. Il-Bank impenja ruħu wkoll li jissorvelja mill-qrib l-espożizzjoni tiegħu għall-mutwatarji konnessi. Il-Kummissjoni tinnota b’mod pożittiv il-fatt li l-HFSF jerġa’ jikseb id-drittijiet tal-vot awtomatikament jekk il-Bank ma jimplimentax il-pjan ta’ ristrutturar tiegħu.

7.6.2.3.   Attivitajiet internazzjonali

(277)

Uħud mill-attivitajiet internazzjonali tal-Bank ġabu fix-xejn il-kapital, il-likwidità u l-profitabilità tal-Bank fil-passat, kif spjegat fil-premessa 266.

(278)

Il-pjan ta’ ristrutturar jantiċipa li l-Bank ser ikompli jiffoka mill-ġdid fuq is-suq domestiku tiegħu. Il-Bank diġà biegħ l-impriża sussidjarja tiegħu fl-Ukraina. Huwa beda jirrazzjonalizza wkoll lis-sussidjarji l-oħrajn, bil-għan li jsaħħaħ il-proċess tas-sottoskrizzjoni tas-self u jnaqqas id-diskrepanza tal-likwidità tas-sussidjarji. Huwa qiegħed jippjana razzjonalizzazzjoni ulterjuri tan-netwerk tiegħu fl-impriżi sussidjarji miżmuma, kif deskritt fil-premessa (109).

(279)

L-ammont totali ta’ assi barranin ser jonqos b’tal-inqas […] % oħrajn sal-31 ta’ Diċembru 2017 (meta mqabbel ma’ Diċembru 2012).

(280)

Il-profittabilità ġenerali tal-attivitajiet internazzjonali ser terġa’ tinkiseb minn […] ‘l hemm.

(281)

Għalhekk, il-Kummissjoni temmen li l-Bank se jirristruttura u jnaqqas dawk in-negozji barranin b’mod suffiċjenti sabiex jevita li jiġi espost għal ħtiġijiet kapitali addizzjonali u għal nuqqas ta’ likwidità fil-ġejjieni. L-impenn deskritt fil-premessa (119) sabiex joqgħod lura milli jinjetta ammonti kbar ta’ kapital fis-sussidjarji internazzjonali tal-Bank jiżgura wkoll li s-sussidjarji barranin ma jirrappreżentaw ebda theddida għall-kapital jew għal-likwidità.

7.6.2.4.   Konklużjoni dwar il-vijabbiltà

(282)

Ix-xenarju bażi, kif deskritt fit-Taqsima 2.4, juri li, fl-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar, il-Bank ser ikun jista’ jikseb ritorn li jippermettilu jkopri l-ispejjeż kollha tiegħu u jipprovdi ritorn xieraq fuq l-ekwità, billi jieħu f’kunsiderazzjoni l-profil tar-riskju tiegħu. Fl-istess ħin, il-pożizzjoni kapitali tal-Bank hija pproġettata li tibqa’ f’livell sodisfaċenti.

(283)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tieħu nota tax-xenarju avvers deskritt fil-pjan ta’ ristrutturar tal-Bank kif sottomess mill-awtoritajiet Griegi. Dak ix-xenarju avvers huwa bbażat fuq sett ta’ suppożizzjonijiet maqbula mal-HFSF. Huwa jieħu f’kunsiderazzjoni reċessjoni itwal u aktar profonda, kif ukoll deflazzjoni aktar severa tal-prezzijiet tal-proprjetà immobbli. (111). Il-pjan ta’ ristrutturar juri li l-Bank kapaċi jirreżisti ammont raġonevoli ta’ stress minħabba li, fix-xenarju avvers, huwa jibqa’ profittabbli u kapitalizzat sewwa fl-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar.

(284)

L-ammont ta’ kapital addizzjonali li nġabar fl-2014, jiġifieri EUR 1,2 biljun, huwa biżżejjed sabiex ilaħħaq max-xenarju bażi tat-test tal-istress tal-2013 fil-perjodu tar-ristrutturar u sabiex jitħallsu lura l-ishma privileġġati, kif fil-fatt għamel il-Bank f’April 2014 (112). Il-Bank ser jissottometti pjan tal-kapital kontinġenti wkoll lill-Bank of Greece bil-miżuri li għandhom jiġu implimentati jekk l-ambjent ekonomiku jmur għall-agħar. Il-Kummissjoni tfakkar li fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet kapitali taħt ix-xenarju bażi, il-Bank of Greece diġà introduċa bosta aġġustamenti li wasslu għal żieda fil-ħtiġijiet kapitali stmati mqabbla mal-ħtiġijiet kapitali stmati mill-Bank fi ħdan ix-xenarju bażi tiegħu stess. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ħtiġijiet kapitali stmati mill-Bank of Greece taħt ix-xenarju bażi jassumu ċertu livell ta’ stress. Sabiex tkun tista’ tikkonkludi li l-Bank huwa vijabbli, il-Kummissjoni ma tirrikjedix li l-Bank ikollu biżżejjed kapital bil-quddiem sabiex ikopri l-ħtiġijiet kapitali stmati mill-Bank of Greece taħt xenarju stressanti, minħabba li l-livell stmat tal-aħħar jirrappreżenta livell għoli ta’ stress u minħabba li l-ġbir tal-kapital ta’ Marzu 2014 juri li l-Bank reġa’ kiseb l-aċċess għas-swieq kapitali.

(285)

Barra minn hekk, huwa pożittiv li l-Bank mhuwiex ser jagħmel investimenti addizzjonali f’dokument mhux fi grad ta’ investiment, fatt li għandu jgħinu sabiex jippreserva l-kapital u l-pożizzjoni tal-likwidità tiegħu.

(286)

Għaldaqstant ġie konkluż li l-Bank ħa miżuri suffiċjenti biex jikseb lura l-vijabbiltà tiegħu fit-tul.

7.6.3.   Kontribuzzjoni proprja u kondiviżjoni tal-piżijiet

(287)

Kif ġie ddikjarat fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, jeħtieġ li l-banek u l-partijiet interessati tagħhom jikkontribwixxu għar-ristrutturar kemm jista’ jkun sabiex jiżguraw li l-għajnuna tkun limitata għall-minimu neċessarju. Għaldaqstant, il-banek għandhom jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom biex jiffinanzjaw ir-ristrutturar, pereżempju billi jbigħu l-assi, filwaqt li l-azzjonisti għandhom jassorbu t-telf tal-bank, fejn ikun possibbli.

7.6.3.1.   Kontribuzzjoni proprja mill-Bank: divestimenti u tnaqqis tal-ispejjeż

(288)

Il-Bank diġà żvesta negozji barranin żgħar (fl-Ukraina) u wettaq id-diżingranaġġ ta’ parti mill-portafoll tiegħu sabiex isaħħaħ kemm l-adegwatezza kapitali kif ukoll il-pożizzjoni tal-likwidità tiegħu. Pereżempju l-Bank għamel diżingranaġġ ta’ EUR 1,9 biljun f’assi barranin mill-2009 sal-2013 (113).

(289)

Il-pjan ta’ ristrutturar jipprevedi l-bejgħ ta’ aktar assi fix-Xlokk tal-Ewropa, kif deskritt fil-premessa 107. Meta wieħed iqis id-diżingranaġġ u d-divestimenti diġà implimentati, kif ukoll wara l-implimentazzjoni ta’ dawk l-impenji, il-Bank ser ikun naqqas b’mod sinifikanti l-impronta ġeografika tiegħu fix-Xlokk tal-Ewropa. It-tnaqqis fl-assi internazzjonali tal-Bank iwassal ukoll għal tnaqqis sinjifikanti fir-riskju kontinġenti li tkun meħtieġa l-għajnuna fil-ġejjieni. Għalhekk, dan qiegħed jgħin sabiex l-ammont tal-għajnuna jitnaqqas għall-minimu.

(290)

Il-Bank biegħ l-attivitajiet tal-assigurazzjoni tiegħu fl-2007. Għalhekk, ma għandu ebda attività importanti f’dak is-suq li tista’ tinbiegħ biex tiġġenera riżorsi.

(291)

Bil-għan li jillimita l-ħtiġijiet kapitali tiegħu, il-Bank mhuwiex se juża l-kapital sabiex jappoġġja jew iżid is-sussidjarji barranin tiegħu, kif deskritt fil-premessa 119. Barra minn hekk, l-impenji magħmula mill-Greċja jispeċifikaw li l-Bank ma jagħmilx akkwiżizzjonijiet għaljin ulterjuri.

(292)

Il-Bank involva ruħu wkoll fi programm ambizzjuż ta’ tnaqqis tal-ispejjeż, kif indikat fit-taqsima 2.4.2. L-ispejjeż tiegħu se jkomplu jonqsu sal-2017. Il-forza tax-xogħol tiegħu qiegħda titnaqqas u s-salarji qegħdin jiġu aġġustati ‘l isfel. Il-Greċja impenjat ruħha wkoll illi tillimita r-rimunerazzjoni tal-maniġers tal-Bank, […].

7.6.3.2.   Kondiviżjoni tal-piżijiet mill-azzjonisti storiċi u kapital ġdid miġbur fis-suq

(293)

L-azzjonisti storiċi tal-Bank kienu dilwiti permezz tal-ħruġ tad-drittijiet fl-2009 (114) u għal darba oħra permezz tar-rikapitalizzazzjoni tal-HFSF (il-miżura B4) u l-ġbir tal-kapital privat tal-2013 u ta’ Marzu 2014. Pereżempju, is-sehem li kellhom l-azzjonisti tal-Bank, li f’dak iż-żmien kien jinkludi lill-investituri li injettaw il-flus fl-2009, tnaqqas minn 100 % qabel ir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 għal 4,9 % biss wara dik ir-rikapitalizzazzjoni. Barra minn hekk, il-Bank ma ħallas ebda dividend fi flus kontanti mill-2008 ‘il quddiem. Minbarra dik il-kondiviżjoni tal-piżijiet mill-azzjonisti storiċi, il-Bank ġabar ammont sinjifikanti ta’ kapital privat minn mindu bdiet il-kriżi fl-2008, jiġifieri EUR 986 miljun fl-2009, EUR 550 miljun fl-2013 u EUR 1 200 miljun fl-2014.

7.6.3.3.   Kondiviżjoni tal-piżijiet mid-detenturi tad-dejn subordinat

(294)

Id-detenturi tad-dejn subordinat tal-Bank ikkontribwew għall-ispejjeż tar-ristrutturar tal-Bank. Il-Bank wettaq bosta eżerċizzji ta’ ġestjoni tal-obbligazzjonijiet bil-għan li jiġġenera l-kapital. L-ammont totali ta’ obbligazzjonijiet skambjati laħaq it-EUR 828 miljun, bi gwadann ta’ kapital ta’ EUR 436 miljun, kif spjegat fil-premessa 114.

(295)

L-istrumenti li sa issa għadhom pendenti huma soġġetti għall-projbizzjoni fuq il-kupuni msemmija fil-premessa (124). Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li kondiviżjoni tal-piżijiet adegwata mill-investituri ibridi privati tal-bank hija garantita u li r-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar f’dak ir-rigward qegħdin jiġu ssodisfati.

7.6.3.4.   Konklużjoni dwar il-kontribuzzjoni proprja u l-kondiviżjoni tal-piżijiet

(296)

Meta mqabbla mar-rikapitalizzazzjoni Statali totali riċevuta, il-kontribuzzjoni proprja u l-kondiviżjoni tal-piżijiet, speċjalment fil-forma tal-bejgħ tal-assi u t-tnaqqis tal-ktieb tas-self, huma ferm inqas minn dak li l-Kummissjoni ġeneralment tqis bħala biżżejjed. It-tnaqqis jikkonċerna biss l-attivitajiet barranin (115), li jammontaw għal parti limitata tal-Bank (116) u r-ristrutturar ma jipprevedi ebda tnaqqis fid-daqs tal-kotba tas-self u tad-depożiti fil-Greċja. Madankollu, minħabba l-elementi diskussi fit-Taqsima 7.6.1 u, b’mod partikolari, il-fatti li Alpha Bank huwa l-bank li l-inqas irċieva għajnuna fost il-banek il-kbar Griegi u li l-għajnuna riċevuta tikkwalifika għall-eżenzjoni stipulata fil-punt 14 tal-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011, li permezz tagħha l-Kummissjoni tista’ taċċetta inqas kontribuzzjoni proprja u kondiviżjoni tal-piżijiet, il-pjan ta’ ristrutturar jista’ jitqies li jipprevedi kontribuzzjoni proprja suffiċjenti u miżuri ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet.

7.6.4.   Miżuri maħsuba sabiex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

(297)

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tirrikjedi pjan ta’ ristrutturar li jipproponi miżuri intiżi biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u jiggarantixxu settur bankarju kompetittiv. Barra minn hekk, dawk il-miżuri għandhom jindirizzaw ukoll il-kwistjonijiet ta’ periklu morali u jiżguraw li l-għajnuna mill-Istat ma tintużax sabiex tiffinanzja mġiba anti-kompetittiva.

(298)

Il-Punt 31 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar jiddikjara li meta jiġi vvalutat l-ammont ta’ għajnuna u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw, il-Kummissjoni trid tikkunsidra kemm l-ammont relattiv kif ukoll dak assolut tal-għajnuna mill-Istat riċevuta, kif ukoll il-livell tal-kondiviżjoni tal-piżijiet u l-pożizzjoni tal-istituzzjoni finanzjarja fis-suq wara r-ristrutturar. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li l-Bank irċieva appoġġ kapitali mill-Istat ekwivalenti għal 12 % tal-RWA tiegħu (117). Barra minn hekk, fit-30 ta’ Novembru 2011, il-Bank kiseb garanziji ta’ likwidità li jammontaw għal EUR 14-il biljun u self obbligazzjonarju tal-gvern għal ammont ta’ EUR 1,6 biljun fit-30 ta’ Settembru 2011, li flimkien irrappreżentaw 25 % tal-karta bilanċjali tal-Bank f’dik id-data. Barra minn hekk, il-Bank irċieva ELA garantita mill-Istat. Il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni huma ġġustifikati fid-dawl tal-ammont kbir tal-għajnuna. Barra minn hekk, is-sehem mis-suq tal-Bank fil-Greċja huwa kbir, b’ishma tas-suq ta’ 15 % għal self u 13 % għal depożiti fil-31 ta’ Diċembru 2012. L-akkwiżizzjoni ta’ Emporiki Bank u, sa ċertu punt iktar limitat, tat-tliet Banek Kooperattivi u tal-attivitajiet fil-Greċja ta’ Citibank żiedet is-sehem mis-suq tal-Bank. Wara l-akkwiżizzjoni ta’ Emporiki Bank, is-sehem mis-suq tal-Bank f’depożiti kien jammonta għal 21 % fit-30 ta’ Ġunju 2013, filwaqt li l-ishma mis-suq tiegħu f’ipoteki residenzjali, self lill-konsumaturi u self lil negozji kienu 23 %, 20 % u 21 % rispettivament (118). Wara li akkwiżixxa l-attivitajiet fil-Greċja ta’ Citibank, is-sehem mis-suq tal-Bank fid-depożiti żdied b’inqas minn 1 %.

(299)

Il-Kummissjoni tfakkar li d-diffikultajiet tal-Bank irriżultaw prinċipalment minn xokkijiet esterni bħall-kriżi sovrana Griega u r-reċessjoni mtawla li ħarbtet l-ekonomija Griega sa mill-2008, kif ġie nnotat diġà fil-premessa (69) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha. Il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ periklu morali hija mnaqqsa minħabba li l-Bank ma ħax riskji eċċessivi. Kif ġie diskuss fit-Taqsima 7.6.1 ta’ din id-Deċiżjoni, l-effett distortiv tal-miżuri ta’ għajnuna huwa inqas fid-dawl ta’ dawk il-fatturi, bħalma hija l-ħtieġa għal miżuri intiżi biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tista’ taċċetta b’mod eċċezzjonali li, minkejja l-ammont għoli ta’ għajnuna u s-sehem għoli mis-suq, il-pjan ta’ ristrutturar ma jipprevedi ebda tnaqqis tal-karta bilanċjali u tas-self fil-Greċja.

(300)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li r-rikapitalizzazzjonijiet tal-Istat ippermettew lill-Bank ikompli bl-attivitajiet bankarji tiegħu fis-swieq barranin.

(301)

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li, minbarra d-diżingranaġġ u r-ristrutturar tagħha implimentati diġà, il-Bank se jkompli jirristruttura u jwettaq diżingranaġġ tal-assi barranin tiegħu sat-30 ta’ Ġunju 2018 (119) apparti l-impenn tiegħu li ma jużax l-għajnuna sabiex jiffinanzja t-tkabbir ta’ dawk l-attivitajiet. Għalhekk, l-għajnuna ma għandhiex tintuża sabiex tfixkel il-kompetizzjoni f’dawk is-swieq barranin.

(302)

Il-Greċja impenjat ruħha wkoll li tagħmel projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet, sabiex b’hekk tiżgura li l-Bank ma jużax l-għajnuna mill-Istat riċevuta għall-akkwist ta’ negozju ġdid. Dik il-projbizzjoni tikkontribwixxi sabiex tiżgura li l-għajnuna tintuża strettament biex tappoġġja t-treġġigħ lura tal-vijabbiltà tal-attivitajiet bankarji Griegi u mhux, pereżempju, għal tkabbir fis-swieq barranin.

(303)

L-impenn li jitnaqqas l-imgħax imħallas fuq id-depożiti Griegi minn livelli għoljin b’mod insostenibbli jiggarantixxi wkoll li l-għajnuna ma tintużax sabiex tiffinanzja strateġiji insostenibbli ta’ ġbir tad-depożiti li jfixklu l-kompetizzjoni fis-suq Grieg. Bl-istess mod, l-impenn li jiġu implimentati linji gwida stretti fir-rigward tal-ipprezzar tas-self ġdid, abbażi ta’ valutazzjoni xierqa tar-riskju tal-kreditu, jipprevjeni lill-Bank milli jfixkel il-kompetizzjoni fis-suq Grieg bi strateġiji ta’ pprezzar inadegwati fuq is-self lill-klijenti.

(304)

Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni speċifika deskritta fit-Taqsima 7.6.1 u l-miżuri previsti fil-pjan ta’ ristrutturar, il-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm biżżejjed salvagwardji li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

7.7.   MONITORAĠĠ

(305)

B’konformità mat-Taqsima 5 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, jinħtieġu rapporti regolari li jippermettu li l-Kummissjoni tivverifika li l-pjan ta’ ristrutturar qiegħed jiġi implimentat kif suppost. Kif ġie ddikjarat fl-impenji mogħtija mill-Greċja (120), il-Greċja tiżgura li sal-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar, jiġifieri, il-31 ta’ Diċembru 2018, it-Trustee tal-Monitoraġġ, li nħatar mill-Bank bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni, jissorvelja l-impenji mogħtija mill-Greċja fuq ir-ristrutturar tal-attivitajiet fil-Greċja u barra minnha, kif ukoll fuq il-governanza korporattiva u l-operazzjonijiet kummerċjali. Għalhekk jista’ jiġi konkluż li l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar ser tiġi ssorveljata kif xieraq.

8.   KONKLUŻJONI

(306)

Ġie konkluż li l-Greċja implimentat b’mod illegali l-miżuri ta’ għajnuna B1, B2, B3 u B4 bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, minħabba li dawn ġew implimentati qabel l-approvazzjoni formali tagħhom mill-Kummissjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ssib li l-pjan ta’ ristrutturar, meta kkunsidrat flimkien mal-impenji fl-Anness, jiżgura t-treġġigħ lura tal-vijabbiltà fit-tul tal-Bank, huwa suffiċjenti fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-piżijiet u l-kontribuzzjoni proprja u huwa adattat u proporzjonali sabiex ipaċi l-effetti ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna eżaminati f’din id-Deċiżjoni. Il-pjan ta’ ristrutturar u l-impenji sottomessi jissodisfaw il-kriterji tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar u l-miżuri ta’ għajnuna jistgħu għaldaqstant jitqiesu kompatibbli mas-suq intern,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-miżuri li ġejjin implimentati mill-Greċja jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat:

(a)

l-assistenza ta’ likwidità f’każ ta’ emerġenza pprovduta lil Alpha Bank S.A. mill-Bank of Greece u garantita mill-Greċja (il-miżura L2);

(b)

it-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja ta’ EUR 1 042 miljun mogħtija mill-Fond Elleniku tal-Istabbilità Finanzjarja Hellenic Financial Stability Fund (“HFSF” - Hellenic Financial Stability Fund) lil Alpha Bank S.A. f’Diċembru 2012 (il-miżura B2);

(c)

l-ittra ta’ impenn ta’ EUR 1 629 miljun mogħtija mill-HFSF lil Alpha Bank S.A. fil-21 ta’ Diċembru 2012 (il-miżura B3);

(d)

ir-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 4 021 miljun mogħtija mill-HFSF lil Alpha Bank S.A. fir-Rebbiegħa 2013 (il-miżura B4).

2.   Il-finanzjament mill-HFSF tad-diskrepanza tal-likwidità totali ta’ EUR 427 miljun, fil-qafas tat-trasferiment ta’ ċerti assi u obbligazzjonijiet tal-Cooperative Bank of Dodecanese, l-Evia Cooperative Bank u l-Cooperative Bank of Western Macedonia lil Alpha Bank S.A. f’Diċembru 2013, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

3.   Fid-dawl tal-pjan ta’ ristrutturar relatat mal-Alpha Bank Group (Alpha Bank u s-sussidjarji u l-fergħat kollha tiegħu), li ġie sottomess fit-12 ta’ Ġunju 2014, kif ukoll fid-dawl tal-impenji pprovduti mill-Greċja f’dik id-data, l-għajnuna mill-Istat li ġejja hija kompatibbli mas-suq intern:

(a)

l-injezzjoni ta’ kapital ta’ EUR 940 miljun mogħtija mill-Greċja lil Alpha Bank S.A. f’Mejju 2009 taħt l-Iskema ta’ Rikapitalizzazzjoni (il-miżura A);

(b)

l-assistenza ta’ likwidità f’każ ta’ emerġenza pprovduta lil Alpha Bank S.A. mill-Bank of Greece u garantita mill-Greċja sa minn Lulju 2011, għal ammont ta’ EUR 23,6 biljun fil-31 ta’ Diċembru 2012 (il-miżura L2);

(c)

l-ewwel ir-rikapitalizzazzjoni tranżitorja ta’ EUR 1 900 miljun mogħtija mill-HFSF lil Alpha Bank S.A. f’Mejju 2012 (il-miżura B1).

(d)

it-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja ta’ EUR 1 042 miljun mogħtija mill-HFSF lil Alpha Bank S.A. f’Diċembru 2012 (il-miżura B2);

(e)

l-ittra ta’ impenn ta’ EUR 1 629 miljun mogħtija mill-HFSF lil Alpha Bank S.A. fil-21 ta’ Diċembru 2012 (il-miżura B3);

(f)

ir-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 4 021 miljun mogħtija mill-HFSF lil Alpha Bank S.A. f’Mejju 2013 (il-miżura B4).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Novembru 2008 fl-għajnuna mill-Istat N 560/2008 “ Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 125, 5.6.2009, p. 6). Hija ġiet attribwita n-numru SA.26678 (N 560/2008). Dik l-iskema kienet sussegwentement estiża u emendata kif deskritt fin-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(2)  Fit-2 ta’ Settembru 2009, il-Greċja nnotifikat għadd ta’ emendi għall-miżuri ta’ appoġġ u estensjoni tal-31 ta’ Diċembru 2009, li kienu approvati fit-18 ta’ Settembru 2009 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Settembru 2009 fl-Għajnuna mill-Istat N 504/2009 “ Estensjoni u emendar tal-Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 264, 6.11.2009, p. 5). Fil-25 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni approvat it-tieni estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ sat-30 ta’ Ġunju 2010 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Jannar 2010 fl-Għajnuna mill-Istat N 690/2009 “ Estensjoni tal-Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 57, 9.3.2010, p. 6). Fit-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni approvat għadd ta’ emendi għall-miżuri ta’ appoġġ u estensjoni sal-31 ta’ Diċembru 2010 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2010 fl-Għajnuna mill-Istat N 260/2010 “ Estensjoni tal-Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 238, 3.9.2010, p. 3). Fil-21 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni approvat estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ sat-30 ta’ Ġunju 2010 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 2010 fl-għajnuna mill-Istat SA 31998 (2010/N) “ Ir-raba’ estensjoni tal-Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 53, 19.2.2011, p. 2). Fl-4 ta’ April 2011, il-Kummissjoni approvat emenda (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2011 fl-Għajnuna mill-Istat SA.32767 (2011/N) “ Emenda għall-Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 164, 2.6.2011, p. 8). Fis-27 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni approvat estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ sal-31 ta’ Diċembru 2011 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ġunju 2011 fl-għajnuna mill-Istat SA.33153 (2011/N) “ Il-ħames estensjoni tal-miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 274, 17.9.2011, p. 6). Fis-6 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni approvat estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ sat-30 ta’ Ġunju 2012 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Frar 2012 fl-għajnuna mill-Istat SA.34149 (2011/N) “ Is-sitt estensjoni tal-Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 101, 4.4.2012, p. 2). Fis-6 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni approvat estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ sal-31 ta’ Diċembru 2012 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Lulju 2012 fl-għajnuna mill-Istat SA.35002 (2012/N) - il-Greċja “ Estensjoni tal-Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 77, 15.3.2013, p. 14). Fit-22 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni approvat estensjoni tal-Iskema ta’ Garanzija u tal-Iskema ta’ Self Obbligazzjonarju sat-30 ta’ Ġunju 2013 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Jannar 2013 fil-każ dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.35999 (2012/N) - il-Greċja “ Estensjoni tal-Iskema ta’ Garanzija u tal-Iskema ta’ Self Obbligazzjonarju għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 162, 7.6.2013, p. 6). Fil-25 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni approvat estensjoni tal-Iskema ta’ Garanzija u tal-Iskema ta’ Self Obbligazzjonarju sal-31 ta’ Diċembru 2013 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Lulju 2013 fil-każ dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.36956 (2013/N) - il-Greċja “ Estensjoni tal-Iskema ta’ Garanzija u tal-Iskema ta’ Self Obbligazzjonarju għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 141, 9.5.2014, p. 3). Fl-14 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni approvat estensjoni tal-Iskema ta’ Garanzija u tal-Iskema ta’ Self Obbligazzjonarju sat-30 ta’ Ġunju 2014 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Jannar 2014 fil-każ dwar l-Għajnuna mill-Istat SA. 37958 (2013/N) - il-Greċja “ Estensjoni tal-Iskema ta’ Garanzija u tal-Iskema ta’ Self Obbligazzjonarju għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ”, li għadha ma ġietx ippubblikata).

(3)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 2012 fl-Għajnuna mill-Istat SA.34823 (2012/C) (ex 2012 NN), “Rikapitalizzazzjoni ta’ Alpha Bank minn Hellenic Financial Stability Fund” (ĠU C 357, 20.11.2012, p. 36).

(4)  Stqarrija għall-istampa tal-HFSF, l-24 ta’ Diċembru 2012, disponibbli onlajn fuq: http://www.hfsf.gr/files/press_release_20121224_en.pdf.

(5)  Dawk il-miżuri ġew irreġistrati mill-Kummissjoni bħala l-Każ SA.36004 (2013/NN).

(6)  In-notifika ġiet irreġistrata bin-numru SA.34823 (2012/C) (ex 2012 NN).

(7)  Il-Kummissjoni Ewropea – id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji. It-Tieni Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku għall-Greċja - Marzu 2012, p. 17, disponibbli onlajn fuq http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/occasional_paper/2012/pdf/ocp94_en.pdf.

(8)  Ara t-Taqsima II “Ir-ristrutturar tad-Dejn Sovran Grieg” tar-Rapport dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u r-Ristrutturar tas-Settur Bankarju Grieg, Bank of Greece, Diċembru 2012, disponibbli onlajn fuq: http://www.bankofgreece.gr/BogEkdoseis/Report_on_the_recapitalisation_and_restructuring.pdf.

(9)  Stqarrija għall-istampa tal-Ministeru tal-Finanzi tad-9 ta’ Marzu 2012, disponibbli onlajn fuq: http://www.pdma.gr/attachments/article/80/9%20MARCH%202012%20-%20RESULTS.pdf.

(10)  Il-proporzjon tal-Grad 1 Ewlieni ta’ bank huwa wieħed mill-proporzjonijiet kapitali regolatorji ssorveljati mis-superviżur bankarju fil-qafas tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital.

(11)  Ara n-nota 7 f’qiegħ il-paġna, p. 106.

(12)  Ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna.

(13)  Ara n-nota 7 f’qiegħ il-paġna, p. 104.

(14)  Ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna.

(15)  Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali flimkien jikkostitwixxu l-Eurosistema, li hija s-sistema tal-banek ċentrali taż-żona tal-euro.

(16)  Stqarrija għall-istampa tal-Ministeru tal-Finanzi tat-3 ta’ Diċembru 2012, disponibbli onlajn fuq: http://www.pdma.gr/attachments/article/248/Press%20Release%20-%20December%2003.pdf.

Dak ix-xiri lura tad-dejn tiegħu stess bi prezz ferm taħt il-valur nominali ġġenera tnaqqis sinifikanti tad-dejn għall-Greċja.

(17)  Fin-nuqqas ta’ tali xiri lura, il-valur fis-suq ta’ dawk il-GGBs ġodda seta’ jiżdied skont l-evoluzzjoni ta’ parametri tas-suq bħar-rati tal-imgħax u l-probabbiltà ta’ inadempjenza tal-Greċja.

(18)  Inkluż it-telf mistenni mill-produzzjoni tas-self ġdida fil-Greċja matul il-perjodu minn Ġunju 2013 sa Diċembru 2016.

(19)  L-impatt tas-CLPs għal riskju barrani ġie kkalkolat wara t-taxxa barranija u b’kunsiderazzjoni tal-impenji ta’ ċessjoni li ġew ipprovduti lid-Direttorat Ġenerali għall-Politika dwar il-Kompetizzjoni f’dak iż-żmien.

(20)  Ir-riżervi tat-telf mis-self ta’ NBG fit-30 ta’ Ġunju 2013 proforma tad-dispożizzjonijiet ta’ First Business Bank u Probank.

(21)  Ir-riżervi tat-telf mis-self ta’ Eurobank fit-30 ta’ Ġunju 2013 proforma tad-dispożizzjonijiet ta’ New Hellenic Postbank u New Proton Bank, li ġew akkwistati f’Awwissu 2013.

(22)  http://www.alpha.gr/files/investorrelations/IFRS_Alphagroup_Q3_2013_en.pdf.

(23)  Ara t-Tabella 2.

(24)  Għall-2010, l-2011 u l-2012, dawk l-ammonti ta’ ekwità jinkludu EUR 940 miljun f’ishma privileġġjati ggarantiti mill-Greċja fl-2009; għall-2012, dawk l-ammonti ma jinkludux iż-żewġ rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji riċevuti mill-Bank fl-2012, li jammontaw għal EUR 2 942 miljun. L-ammont ta’ ekwità għall-2012 jinkludi r-rikapitalizzazzjoni privata u l-HFSF tal-2012 u l-2013 sħaħ, li b’kollox kienu jammontaw għal EUR 4 571 miljun.

(25)  Ara t-Tabella 2.

(26)  Sottomissjoni ta’ informazzjoni minn Alpha Bank lill-Kummissjoni, 25 ta’ Ġunju 2013.

(27)  Rapporti Finanzjarji 2011, http://www.alpha.gr/files/investorrelations/GROUP_IAS_FY_2011_en1.pdf.

(28)  Ara t-Taqsima 2.3.1.2 dwar ir-rikapitalizzazzjoni mill-Istat mogħtija taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni.

(29)  Rapporti Finanzjarji Konsolidati tal-31 ta’ Diċembru 2011 ta’ Emporiki Bank, p. 9.

(30)  Ir-rapport Finanzjarju Annwali tal-HFSF għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012, p. 8, disponibbli onlajn fuq: http://www.hfsf.gr/files/hfsf_annual_report_2012_en.pdf.

(31)  http://www.alpha.gr/files/deltia_typou/Deltio_Typou_20130201EN.pdf.

(32)  Xiri u Suppożizzjoni hija proċedura ta’ riżoluzzjoni li tikkonsisti fl-identifikazzjoni, f’entità ġuridika taħt likwidazzjoni, tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ kwalità għolja u l-irkant tagħhom sabiex jiġu ttrasferiti lil kumpanija vijabbli.

(33)  Ara d-Deċiżjoni 97/3/8.2.2013 tal-Kumitat għall-Kreditu u l-Assigurazzjoni tal-Bank of Greece.

(34)  Ara d-Deċiżjoni 14/4/8.12.2013 tal-Kumitat għall-Miżuri tar-Riżoluzzjoni tal-Bank of Greece.

(35)  Ara d-Deċiżjoni 14/5/8.12.2013 tal-Kumitat għall-Miżuri tar-Riżoluzzjoni tal-Bank of Greece.

(36)  Għaldaqstant, it-terminu “diskrepanza tal-likwidità” jista’ jqarraq peress li jiddeskrivi miżura ta’ appoġġ kapitali u mhux appoġġ ta’ likwidità.

(37)  Ara d-Deċiżjoni 97/2/8.2.2013 tal-Kumitat għall-Kreditu u l-Assigurazzjoni tal-Bank of Greece.

(38)  Ara d-Deċiżjoni 14/1/8.12.2013 tal-Kumitat għall-Miżuri tar-Riżoluzzjoni tal-Bank of Greece.

(39)  Ara d-Deċiżjoni 14/2/8.12.2013 tal-Kumitat għall-Miżuri tar-Riżoluzzjoni tal-Bank of Greece.

(40)  Ara d-Deċiżjoni 97/1/8.2.2013 tal-Kumitat għall-Kreditu u l-Assigurazzjoni tal-Bank of Greece.

(41)  Ara d-Deċiżjoni 14/7/8.12.2013 tal-Kumitat għall-Miżuri tar-Riżoluzzjoni tal-Bank of Greece.

(42)  Ara d-Deċiżjoni 14/8/8.12.2013 tal-Kumitat għall-Miżuri tar-Riżoluzzjoni tal-Bank of Greece.

(43)  Diners Club International hija kumpanija tal-karti tal-kreditu li twaqqfet fl-1950 u ġiet stabbilita fil-Greċja fl-1959. Diners Club Greece hija proprjetà ta’ Citibank International u Citibank Overseas Investment Corporation.

(44)  ATM (Automated Teller Machine) hija magna bankarja elettronika li biha l-klijenti jkunu jistgħu jagħmlu tranżazzjonijiet bażiċi mingħajr l-għajnuna ta’ rappreżentant tal-fergħa (jew “teller”), bħal biex jiġbdu l-flus.

(45)  Sottomissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet Griegi datata l-24 ta’ Ġunju 2014

(46)  Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, p. 64.

(47)  It-terminu “ assi mwieżna għar-riskji ” jirreferi għal aggregat regolatorju li jkejjel l-espożizzjoni għar-riskji ta’ istituzzjoni finanzjarja u li jintuża mis-superviżuri sabiex jimmonitorjaw l-adegwatezza kapitali tal-istituzzjonijiet finanzjarji.

(*1)  Informazzjoni kunfidenzjali

(48)  Skont l-ittra tal-Bank of Greece tas-7 ta’ Novembru 2011, “ Il-Garanziji japplikaw fuq l-ammont totali ta’ Assistenza ta’ Likwidità f’Emerġenza (ELA) ”.

(49)  Informazzjoni pprovduta minn Bank of Greece fis-7 ta’ April 2014.

(50)  Tbassir finanzjarju mehmuż mal-Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014.

(51)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(52)  Il-ftehim ta’ qabel is-sottoskrizzjoni stabbilixxa li: “ Ir-Riskju Effettiv pagabbli lill-Bank jinkludi l-bonds tal-EFSF u kull pagament ta’ kupuni u imgħax akkumulat għall-bonds tal-EFSF għall-perjodu mill-ħruġ tal-bonds sal-konverżjoni tal-Avvanz f’kapital azzjonarju u strumenti finanzjarji konvertibbli oħrajn kif preskritt hawnhekk ”.

(53)  Ara t-Tabella 3.

(54)  http://www.alpha.gr/files/investorrelations/deltio_typou_20130501EN.pdf.

(55)  http://www.alpha.gr/files/investorrelations/Deltio_Typou_20130603EN.pdf.

(56)  Il-qsim ta’ ishma huwa azzjoni korporattiva li fiha kumpanija taqsam l-ishma eżistenti tagħha f’diversi ishma.

(57)  http://www.alpha.gr/files/investorrelations/EA20130416EN.pdf.

(58)  http://www.hfsf.gr/files/HFSF_activities_Jan_2013_Jun_2013_en.pdf.

(59)  http://www.alpha.gr/files/investorrelations/1306010_Warrants_en.pdf.

(60)  Ara n-nota 43 f’qiegħ il-paġna. Pereżempju, il-prezz tal-eżerċizzju fl-10 ta’ Diċembru 2013 kien EUR 0,4488, fl-10 ta’ Ġunju 2014 kien EUR 0,4576, fl-10 ta’ Diċembru 2014 se jkun EUR 0,4686, fl-10 ta’ Ġunju 2015 se jkun EUR 0,4796 u jibqa’ jiżdied b’dan il-mod. Ara t-tħabbira ta’ Alpha Bank tal-10 ta’ Ġunju 2013 dwar il-“Final Terms of Listing and Characteristics of the Titles representing shares ownership rights (Warrants) that resulted from the concluded share capital increase”, disponibbli onlajn fuq: http://www.alpha.gr/files/investorrelations/1306010_Warrants_en.pdf.

(61)  Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, p. 22.

(62)  Il-Bank ħa impenn li jillimita l-ammont ta’ assi barranin għal EUR […] biljun, filwaqt li l-assi totali tal-Bank ser jammontaw għal EUR […] biljun fl-2018 skont il-projezzjonijiet finanzjarji.

(63)  Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, p. 132, qabel l-akkwist ta’ Emporiki Bank.

(64)  Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, p. 129.

(65)  Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, pp. 102-103. Iż-żieda fin-numru ta’ fergħat u impjegati bejn Settembru 2012 u Diċembru 2013 hija dovuta għall-akkwiżizzjoni ta’ Emporiki Bank.

(66)  Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, p. 103.

(67)  Tbassir finanzjarju mehmuż mal-Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, ċifra għal Alpha Bank Greece.

(68)  Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, p. 105.

(69)  Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, p. 96.

(70)  Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, p. 96.

(71)  Tbassir finanzjarju mehmuż mal-Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, ċifri għal operazzjonijiet Griegi.

(72)  Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, p. 132.

(73)  Tbassir finanzjarju mehmuż mal-Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014.

(74)  Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, Taqsima 5.4.2.

(75)  Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, Taqsima 5.4.2.

(76)  http://www.alpha.gr/files/investorrelations/EA20091130EN.pdf.

(77)  http://www.alpha.gr/files/investorrelations/EA20120507EN.pdf.

(78)  Ara l-Anness, il-Kapitolu II.

(79)  Ara l-Anness, il-Kapitolu II.

(80)  Ara l-Anness, il-Kapitolu II.

(81)  Ara l-Anness, il-Kapitolu II.

(82)  Ara l-Anness, il-Kapitolu III, it-Taqsima A.

(83)  Ara l-Anness, il-Kapitolu III, it-Taqsima A.

(84)  Ara l-Anness, il-Kapitolu III, it-Taqsima A.

(85)  Ara l-Anness, il-Kapitolu III, it-Taqsima C.

(86)   “Fl-aħħar nett, fir-rigward taċ-ċertifikati maħruġa mill-HFSF, għandu jiġi ċċarat li r-Repubblika Ellenika se tfittex l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea qabel kull xiri lura taċ-ċertifikati minn Alpha Bank jew minn kull entità tal-Istat (inkluż l-HFSF), sabiex b’hekk il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tivverifika li x-xiri lura previst taċ-ċertifikati ma jmurx kontra r-rekwiżiti tar-rimunerazzjoni tal-Istat skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.”

(87)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali attwali (ĠU C 270, 25.10.2008, p. 2).

(88)  Il-Premessa 59 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha.

(89)  Il-Premessa 63 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Alpha.

(90)  Ara l-premessa 146 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2008 fil-Kawża tal-għajnuna mill-Istat SA. 510/2008 – Italia “Vendita dei beni della compagnia aerea ALITALIA” (ĠU C 46, 25.2.2009, p. 6).

(91)  Ara l-punt 80 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li huma maħsuba biex jappoġġjaw il-miżuri favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“Komunikazzjoni Bankarja 2013”) (ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1).

(92)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25.1.2010 fil-każ tal-għajnuna mill-Istat NN 19/2009 – Għajnuna ta’ ristrutturar lil Dunfermline Building Society, premessa 47; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ottubru 2010 fil-każ tal-għajnuna mill-Istat N 560/2009 – Għajnuna għal-likwidazzjoni ta’ Fionia bank, il-premessa 55; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2010 fil-każ tal-għajnuna mill-Istat N 392/2010 – Ristrutturar ta’ CajaSur, il-premessa 52.

(93)  Ara n-noti 1 u 2 f’qiegħ il-paġna.

(94)  L-RWA tal-Bank fil-31 ta’ Marzu 2012 kien ta’ EUR 44,2 biljun.

(95)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2012, ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li huma maħsuba biex jappoġġjaw il-miżuri favur l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“Komunikazzjoni ta’ Estensjoni tal-2011”) (ĠU C 356, 6.12.2011, p. 7).

(96)  Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna.

(97)  Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna.

(98)  Ara l-premessa 41 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ NN 51/2008 Skema ta’ garanzija għall-banek fid-Danimarka (ĠU C 273, 28.10.2008, p. 2).

(99)  Ara l-premessa (83): l-imgħaxijiet akkumulati jitqiesu bħala kontribuzzjoni addizzjonali mill-HFSF u, għalhekk, naqqsu l-ħlas li kellu jagħmel l-HFSF lill-Bank sabiex iħallas ir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013.

(100)  Ara wkoll it-Taqsima 7.5.1.

(101)  Il-prezz teoretiku qabel il-ħruġ ta’ drittijiet (theoretical ex-right price – “TERP”) huwa metodoloġija ġeneralment aċċettata fis-suq għall-kwantifikazzjoni tal-effett ta’ dilwizzjoni taż-żieda tal-kapital azzjonarju.

(102)  Ara t-Tabella 5.

(103)  L-akkwiżizzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti tal-Western Macedonia Bank u Evia Bank ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni tal-Kompetizzjoni Ellenika peress li l-fatturat tal-parti ttrasferita ta’ kull Bank Kooperattiv ma kienx jaqbeż il-livell limitu ta’ EUR 15-il miljun, kif stipulat mill-Artikolu 6(1) tal-Liġi 3959/2011 flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) tal-istess liġi.

(104)  Il-korrispettiv ġie kkalkulat filwaqt li ġiet issupponuta attrizzjoni tad-depożiti ta’ 30 % bejn l-iffirmar u l-għeluq tat-tranżazzjoni. Il-kunsiderazzjoni ser tiġi aġġustata ex post skont l-attrizzjoni propja osservata qabel l-għeluq.

(105)  Ara wkoll it-Taqsimiet 7.5.1. u 7.5.2.

(106)  Ara l-punt (28) tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar u ara l-premessa 320 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/823/UE tal-5 ta’ April 2011 dwar il-miżuri C 11/09 (ex NN 53b/08, NN 2/10 u N 19/10) implimentati mill-Istat Olandiż għal ABN AMRO Group NV (maħluq wara l-fużjoni bejn Fortis Bank Nederland u ABN AMRO N) (ĠU L 333, 15.12.2011, p. 1).

(107)  Ara l-premessa 99.

(108)  Inklużi l-kontribuzzjonijiet għall-Fond ta’ Garanzija ta’ Depożiti u Investiment (“TEKE”).

(109)  Tbassir finanzjarju mehmuż mal-Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, ċifri għal Alpha Bank S.A.

(110)  HFSF, Annual financial report for the year ended 31 December 2013 , p. 68, disponibbli fuq: http://www.hfsf.gr/files/hfsf_annual_report_2013_en.pdf.

(111)  Il-projezzjonijiet finanzjarji rrapportati fil-pjan ta’ ristrutturar ivarjaw mill-eżitu tat-test tal-istress imwettaq mill-Bank of Greece, peress li dan tal-aħħar ma kienx imsejjes fuq l-istess sett ta’ suppożizzjonijiet u kkalkola aġġustamenti oħrajn li saru mill-Bank of Greece.

(112)  http://www.alpha.gr/files/deltia_typou/deltio_typou_170414EN.pdf.

(113)  Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, p. 107.

(114)  Ara l-premessa 116.

(115)  Kif indikat fl-impenji (ara l-Anness, il-Kapitolu 2, il-punt 7), dak it-tiċkin jista’ jinkiseb bit-tnaqqis tal-karti bilanċjali tal-entitajiet barranin miżmumin u/jew bil-bejgħ ta’ entitajiet barranin.

(116)  Id-daqs tal-miżura proposta ta’ kontribuzzjoni proprja irid jitqabbel mad-daqs tal-Bank qabel l-akkwiżizzjonijiet ta’ Emporiki Bank, id-depożiti tat-tliet Banek Kooperattivi u Citibank Greece għar-raġuni spjegata fit-Taqsima 7.1.3.5.

(117)  Meta wieħed iqis biss l-għajnuna effettivament imħallsa, li hija l-aktar vantaġġjuża u, għalhekk, l-aktar li tfixkel il-kompetizzjoni, l-ammont tal-għajnuna jitnaqqas għal 11 % tal-RWA tal-Bank.

(118)  Pjan ta’ ristrutturar ta’ Alpha Bank, Ġunju 2014, p. 36.

(119)  Ara l-Anness, il-Kapitolu II.

(120)  Ara l-premessa 129.


ANNESS

ALPHA BANK – IMPENJI MIR-REPUBBLIKA ELLENIKA

Ir-Repubblika Ellenika (“ HR ” - Hellenic Republic) tiżgura li Alpha Bank (“ il-Bank ”) jimplimenta l-pjan ta’ ristrutturar sottomess f’Ġunju 2014. Il-pjan ta’ ristrutturar huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet makroekonomiċi kif ipprovduti mill-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) fl-Appendiċi, kif ukoll fuq suppożizzjonijiet regolatorji.

B’dan, ir-Repubblika Ellenika tipprovdi l-impenji li ġejjin (l-“Impenji”), li huma parti integrali mill-pjan ta’ ristrutturar. L-impenji jinkludu l-impenji rigward l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar (l-“Impenji tar-Ristrutturar”) u l-Impenji dwar il-Governanza Korporattiva u l-Operazzjonijiet Kummerċjali.

L-impenji jidħlu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-pjan ta’ ristrutturar (id-“Deċiżjoni”).

Il-perjodu tar-ristrutturar jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2018. L-impenji japplikaw matul il-perjodu ta’ ristrutturar sakemm l-impenn individwali ma jiddikjarax mod ieħor.

Dan it-test jiġi interpretat fid-dawl tad-Deċiżjoni fil-qafas ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u b’referenza għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (1).

KAPITOLU I.   DEFINIZZJONIJIET

Għall-finijiet tal-Impenji, it-termini li ġejjin ifissru:

(1)   Bank: Alpha Bank S.A. u s-sussidjarji kollha tiegħu. Għalhekk, huwa jinkludi l-Alpha Bank Group kollu bis-sussidjarji u l-fergħat Griegi u mhux Griegi kollha tiegħu, kemm dawk fis-settur bankarju kif ukoll dawk li mhumiex.

(2)   Offerta kapitali miżjuda b’mod gradwali fis-settur bankarju: offerta li tirriżulta f’żieda fil-proporzjon tal-kapital regolatorju tal-Bank, b’kunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha, b’mod partikolari l-profitt/it-telf ipprenotat fuq it-tranżazzjoni u t-tnaqqis tal-RWA li jirriżulta mill-bejgħ (jekk meħtieġ ikkoreġut għaż-żieda tal-RWA li tirriżulta mil-links tal-finanzjament li jifdal).

(3)   Għeluq: id-data tat-trasferiment tat-titolu ġuridiku tan-Negozju tad-Divestiment lill-Akkwirent.

(4)   Negozju ta’ Divestiment: in-negozji u l-assi kollha li l-Bank jimpenja ruħu li jbigħ.

(5)   Data Effettiva: id-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

(6)   Tmiem il-perjodu tar-ristrutturar: il-31 ta’ Diċembru 2018.

(7)   Assi barranin jew assi mhux Griegi: assi relatati mal-attivitajiet ta’ klijenti barra l-Greċja, indipendentement mill-pajjiż fejn jitniżżlu l-assi. Pereżempju, l-assi mniżżla fil-kotba fil-Lussemburgu iżda relatati mal-attivitajiet ta’ klijenti fil-Greċja mhumiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni. Għall-kuntrarju, l-assi mniżżla fil-kotba fil-Lussemburgu jew fil-Greċja iżda relatati mal-attivitajiet ta’ klijenti f’pajjiżi oħrajn tal-SEE jitqiesu bħala assi barranin u huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni.

(8)   Negozji barranin: sussidjarji u fergħat bankarji u mhux bankarji barranin tal-Bank.

(9)   Sussidjarji barranin: is-sussidjarji bankarji u mhux bankarji kollha tal-Bank barra mill-Greċja.

(10)   Attivitajiet bankarji Griegi: l-attivitajiet bankarji Griegi tal-Bank, indipendentement mill-pajjiż fejn jitniżżlu l-assi.

(11)   Attivitajiet mhux bankarji Griegi: l-attivitajiet mhux bankarji Griegi tal-Bank, indipendentement mill-pajjiż fejn jitniżżlu l-assi.

(12)   Sussidjarji Griegi: is-sussidjarji bankarji u mhux bankarji Griegi kollha tal-Bank.

(13)   Trustee tal-Monitoraġġ: persuna jew persuni fiżika/fiżiċi jew ġuridika/ġuridiċi, indipendenti mill-Bank, approvata/i mill-Kummissjoni u maħtura mill-Bank; it-Trustee tal-Monitoraġġ għandu d-dover li jissorvelja l-konformità tal-Bank mal-Impenji.

(14)   Akkwirent: persuna jew persuni fiżika/fiżiċi jew ġuridika/ġuridiċi għall-akkwist, b’mod sħiħ jew parzjalment, tan-Negozju ta’ Divestiment.

(15)   Bejgħ: il-bejgħ ta’ 100 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja miżmuma mill-Bank, sakemm l-Impenn individwali ma jiddikjarax mod ieħor.

Għall-finijiet tal-Impenji, is-singular ta’ dawk it-termini għandu jinkludi l-plural (u viċi versa), sakemm l-Impenji ma jistabbilixxux mod ieħor.

KAPITOLU II.   IMPENJI TA’ RISTRUTTURAR

(1)

In-numru ta’ fergħat fil-Greċja: In-numru ta’ fergħat fil-Greċja jammonta għal massimu ta’ […] fil-31 ta’ Diċembru 2017.

(2)

In-numru ta’ impjegati fil-Greċja: L-għadd ta’ Ekwivalenti għall-Full Time (l-“FTEs”) fil-Greċja (attivitajiet bankarji u mhux bankarji Griegi) għandu jammonta għal massimu ta’ […] fil-31 ta’ Diċembru 2017.

(3)

L-ispejjeż totali fil-Greċja: L-ispejjeż totali fil-Greċja (attivitajiet bankarji u mhux bankarji Griegi) jammontaw għal massimu ta’ EUR […] miljun fil-31 ta’ Diċembru 2017.

(4)

L-ispejjeż tad-depożiti fil-Greċja: Sabiex titreġġa’ lura l-profittabbiltà ta’ qabel il-proviżjonament tiegħu fis-suq Grieg, il-Bank inaqqas l-ispiża tal-finanzjament permezz tat-tnaqqis tal-ispiża tad-depożiti miġbura fil-Greċja (inklużi t-tfaddil, id-depożiti liberi u b’terminu u prodotti simili oħrajn offruti lill-klijenti u li l-ispejjeż tagħhom jitħallsu mill-Bank) […].

(5)

Il-proporzjon self-depożiti nett fil-Greċja: Għall-attivitajiet bankarji Griegi, il-proporzjon self-depożiti totali nett jammonta għal massimu ta’ 119 % fil-31 ta’ Diċembru 2017. […]

(6)

Appoġġ lis-sussidjarji barranin: Għal kull impriża sussidjarja barranija, kumulattivament mid-Data Effettiva sat-30 ta’ Ġunju 2018, il-Bank ma jipprovdix ekwità addizzjonali jew kapital subordinat għal ammont akbar mill-ogħla bejn (i) […] % tal-RWA ta’ dik l-impriża sussidjarja kif ikkalkolat fil-31 ta’ Diċembru 2012 jew (ii) EUR […] miljun. Jekk il-Bank ikollu l-ħsieb li jinjetta ekwità jew dejn subordinat lill-impriża sussidjarja barranija għal ammont ogħla mil-limitu massimu definit, huwa jrid jitlob lill-Awtoritajiet Griegi sabiex ifittxu deċiżjoni tal-Kummissjoni bil-għan li jkun jista’ jemenda l-pjan ta’ ristrutturar.

[…]:

a.

[…].

b.

[…].

c.

[…].

d.

[…].

e.

[…].

f.

[…].

(…)

(7)

Diżingranaġġ tal-assi mhux Griegi sat-30 ta’ Ġunju 2018: Id-daqs totali tal-portafoll tal-assi barranin jitnaqqas għal ammont massimu ta’ EUR […] biljun sat-30 ta’ Ġunju 2018 (limitu tal-assi barranin).

(7.1) […]

(7.2) […]

(8)

Il-bejgħ ta’ titoli: Il-portafoll tat-titoli elenkati, definit kif ġej, jiġi divestit bi […], filwaqt li l-portafoll tat-titoli mhux elenkati jiġi divestit bi […]: dan il-portafoll jinkludi l-investimenti tal-ekwità kollha akbar minn EUR […] miljun, kif ukoll l-investimenti kollha f’bonds subordinati u bonds ibridi. Dan l-Impenn ma japplikax għall-[…] ishma (EUR […] miljun). Għal sussidjarji u assoċjati mhux ewlenin ([…]), jekk, sa […], il-Bank ikun fittex b’mod attiv xerrejja potenzjali u ma tkun tista’ sseħħ ebda tranżazzjoni newtrali għall-kapital jew li tkattar il-kapital, f’dak il-każ l-iskadenza għad-divestiment ta’ dawk il-parteċipazzjonijiet tiġi posposta għal […].

(9)

Daqs tal-portafoll tal-ekwità privata: Id-daqs tal-portafoll tal-ekwità privata jitnaqqas għal EUR […] miljun sal-31 ta’ Diċembru 2017.

(10)

Għal kull bejgħ, ir-Repubblika Ellenika timpenja ruħha li:

a.

L-Akkwirent ikun indipendenti mill-Bank u mhux konness miegħu;

b.

Għall-finijiet tal-akkwist tan-Negozju ta’ Divestiment, l-Akkwirent ma jkunx iffinanzjat direttament jew indirettament mill-Bank. Dan ma japplikax għall-bejgħ ta’ proprjetà immobbli, f’liema każ il-Bank jista’ jipprovdi finanzjament lill-akkwirent, jekk dan is-self ġdid isir b’konformità ma’ prattika tas-self prudenti. Għall-finijiet tal-verifika tal-konformità mal-impenn fuq id-diżingranaġġ ta’ assi mhux Griegi, jiġi kkunsidrat kull self ġdid li jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ assi mhux Griegi.

c.

Għal perjodu ta’ ħames snin mill-għeluq tal-bejgħ, il-Bank ma jakkwistax influwenza diretta jew indiretta fuq in-Negozju ta’ Divestiment kollu, jew fuq parti minnu, mingħajr approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni.

(11)

Politika ta’ investiment: Sat-30 ta’ Ġunju 2017, il-Bank ma jakkwistax titoli fi grad mhux ta’ investiment.

Dan l-Impenn ma japplikax għat-titoli li ġejjin (it-Titoli Eżentati):

i.

[…]

ii.

[…];

iii.

[…];

iv.

[…];

v.

[…];

vi.

[…].

(12)

Limitu massimu tas-salarju: Sa […], il-Bank ma jħallasx rimunerazzjoni annwali totali (paga, kontribuzzjoni tal-pensjoni, bonus) ogħla minn […] lil xi impjegat jew maniġer. F’każ ta’ injezzjoni ta’ kapital mill-HFSF, il-limitu massimu tar-rimunerazzjoni se jiġi evalwat mill-ġdid skont il-Komunikazzjoni Bankarja Ewropea tal-1 ta’ Awwissu 2013.

KAPITOLU III.   IMPENJI FUQ IL-GOVERNANZA KORPORATTIVA U L-OPERAZZJONIJIET KUMMERĊJALI – ESTENSJONI U EMENDI

(1)

Il-Bank ikompli jimplimenta l-Impenji fuq il-Governanza Korporattiva u l-Operazzjonijiet Kummerċjali, kif sottomessi mir-Repubblika Ellenika fl-20 ta’ Novembru 2012, bl-emendi sussegwenti pprovduti fil-Kapitolu III tal-Impenji, sat-30 ta’ Ġunju 2018.

(2)

F’każ li Impenn individwali ma japplikax fil-livell tal-Bank, il-Bank ma jużax is-sussidjarji jew l-attivitajiet mhux koperti minn dak l-Impenn individwali sabiex jaħrab mill-Impenn.

It-Taqsima A.   It-twaqqif ta’ organizzazzjoni interna effikaċi u adegwata

(3)

Il-Bank, minbarra s-sussidjarji barranin tiegħu, josserva f’kull ħin id-dispożizzjonijiet kollha tal-Liġi 3016/2002 dwar il-Governanza Korporattiva u tal-Liġi 2190/1920 dwar is-Sociétés Anonymes u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet b’rabta mal-funzjonijiet ta’ korpi korporattivi bħal-laqgħa tal-azzjonisti u l-Bord tad-Diretturi sabiex jiżgura distribuzzjoni ċara tar-responsabbiltajiet u t-trasparenza. Is-setgħat tal-laqgħa tal-azzjonisti jkunu ristretti għall-kompiti ta’ laqgħa ġenerali b’konformità mal-liġi dwar il-kumpaniji, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet relatati mal-informazzjoni. Jiġu annullati setgħat aktar estensivi, li jippermettu influwenza mhux xierqa fuq il-ġestjoni. Ir-responsabbiltà għall-ġestjoni operattiva ta’ kuljum tkun b’mod ċar f’idejn id-Diretturi eżekuttivi tal-Bank.

(4)

Il-Bank, minbarra s-sussidjarji barranin tiegħu, jikkonforma dejjem mal-Qafas tar-Relazzjoni tal-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja (l-“HFSF”).

(5)

Il-Bank josserva d-dispożizzjonijiet tal-Att tal-Gvernatur 2577/9.3.2006 fis-seħħ, bil-għan li jżomm, fuq bażi individwali u kollettiva, struttura organizzattiva effettiva u Sistema ta’ Kontroll Intern adegwata, inklużi t-tliet pilastri ewlenin, jiġifieri l-funzjonijiet tal-Awditjar Intern, tal-Ġestjoni tar-Riskji u tal-Konformità u l-aqwa prattiki internazzjonali ta’ governanza korporattiva.

(6)

Il-Bank ikollu struttura organizzattiva effiċjenti, sabiex ikun jista’ jiżgura li d-dipartimenti tal-Awditjar Intern u tal-Ġestjoni tar-Riskju jkunu indipendenti b’mod sħiħ min-netwerks kummerċjali u jirrapportaw direttament lill-Bord tad-Diretturi. Kumitat tal-Awditjar u Kumitat tar-Riskju – maħluqa fi ħdan il-Bord tad-Diretturi –jivvalutaw il-kwistjonijiet kollha mqajma minn dawk id-dipartimenti rispettivi. Karta adegwata dwar l-Awditjar Intern u Karta adegwata dwar il-Ġestjoni tar-Riskju jispeċifikaw ir-rwoli, ir-responsabbiltajiet u r-riżorsi ta’ dawk id-dipartimenti. Dawk il-karti jikkonformaw mal-istandards internazzjonali u jiggarantixxu indipendenza sħiħa lid-dipartimenti. Politika Kreditizja tipprovdi gwida u struzzjonijiet rigward l-għoti tas-self, inkluż dwar l-ipprezzar tas-self u r-ristrutturar tas-self.

(7)

Il-Bank jippubblika u jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti l-lista ta’ azzjonisti li għandhom mill-inqas 1 % ta’ ishma ordinarji.

It-Taqsima B.   Il-prattiki kummerċjali u l-monitoraġġ tar-riskji

Prinċipji ġenerali

(8)

Il-Politika Kreditizja tispeċifika li l-klijenti kollha jiġu ttrattati b’mod ġust permezz ta’ proċeduri mhux diskriminatorji għajr dawk relatati mar-riskju ta’ kreditu u l-abbiltà li jħallsu. Il-Politika Kreditizja tiddefinixxi l-limiti massimi li l-għoti tas-self ‘il fuq minnhom għandu jiġi approvat minn maniġment f’livelli ogħla. Jiġu definiti limiti massimi simili rigward ir-ristrutturar tas-self u l-immaniġġjar tal-pretensjonijiet u l-litigazzjonijiet. Il-Politika Kreditizja tiċċentralizza f’ċentri magħżula l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali u tipprovdi salvagwardji ċari li jiżguraw l-implimentazzjoni konsistenti tal-istruzzjonijiet tagħha fi ħdan l-attivitajiet bankarji Griegi kollha.

(9)

Għall-attivitajiet bankarji Griegi kollha, il-Bank jinkorpora b’mod sħiħ ir-regoli tal-Politika Kreditizja fis-sistemi tagħhom ta’ żborżament u fluss tax-xogħol tar-rifinanzjament tas-self u tal-oriġini tas-self.

Dispożizzjonijiet speċifiċi

(10)

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi elenkati fil-paragrafi (11) sa (18) tal-Kapitolu III tal-Impenji japplikaw għall-attivitajiet bankarji Griegi, sakemm ma jiġix iddikjarat espliċitament mod ieħor.

(11)

Il-Politika Kreditizja tesiġi li l-ipprezzar tas-self u tal-ipoteki jkun konformi ma’ linji gwida stretti. Dawk il-linji gwida jinkludu l-obbligu li jiġu rrispettati strettament it-tabelli standard tal-politika kreditizja fir-rigward tal-faxex (firxiet) tar-rati tal-imgħax skont il-maturità tas-self, il-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu tal-klijent, il-potenzjal tal-irkupru mistenni tal-kollateral mirhun (inkluż il-qafas taż-żmien għal likwidazzjoni potenzjali), ir-relazzjoni ġenerali mal-Bank (pereż. il-livell u l-istabbiltà tad-depożiti, l-istruttura tal-miżati u attivitajiet oħrajn ta’ bejgħ trasversali) u l-ispiża tal-finanzjament tal-Bank. Jiġu ġġenerati klassijiet speċifiċi ta’ assi ta’ self (pereż. self kummerċjali, ipoteki, garantiti/mhux garantiti, eċċ.) u l-qafas tal-ipprezzar tagħhom jiġi strutturat f’Tabella xierqa tal-Politika Kreditizja li tiġi aġġornata fuq bażi regolari mill-Kumitat tal-Kreditu. Kull eċċezzjoni trid tkun debitament awtorizzata mill-Kumitat tal-Kreditu, jew f’livell aktar baxx ta’ awtorità meta dan ikun permess mill-Politika Kreditizja. Tranżazzjonijiet imfassla apposta, bħal self sindakat jew finanzi ta’ proġett, għandhom jirrispettaw l-istess prinċipji, billi tingħata attenzjoni xierqa lill-fatt li dawn jistgħu ma jadattawx tajjeb fit-tabelli standardizzati tal-politika kreditizja. Il-ksur ta’ dik il-politika dwar l-ipprezzar jiġi rrapportat lit-Trustee tal-Monitoraġġ.

(12)

Id-Dipartiment tal-Ġestjoni tar-Riskji jkun responsabbli mill-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu u mill-istima tal-kollateral. Meta jiġi biex jivvaluta l-kwalità tas-self, id-Dipartiment tal-Ġestjoni tar-Riskji jaġixxi b’mod indipendenti, billi jipprovdi l-opinjoni tiegħu bil-miktub bil-għan li jiżgura li l-kriterji użati fil-valutazzjoni jiġu applikati b’mod konsistenti matul iż-żmien u fost il-klijenti u fir-rigward tal-politika kreditizja tal-Bank.

(13)

Fir-rigward tas-self lil individwi u entitajiet ġuridiċi, għall-attivitajiet bankarji Griegi kollha, abbażi tal-aqwa prassi internazzjonali, il-Bank għandu japplika limiti individwali u aggregati stretti li jirregolaw l-ammont ta’ self massimu li jista’ jingħata għal riskju ta’ kreditu wieħed (jekk dan ikun permess skont il-liġi Griega u tal-UE). Dawk il-limiti jieħdu f’kunsiderazzjoni l-maturità tas-self u l-kwalità ta’ kull kollateral/titolu pprovdut u jiġu stabbiliti fl-isfond ta’ punti ta’ riferiment ewlenin, inkluż il-kapital.

(14)

L-għoti tas-self (2) sabiex il-mutwatarji jkunu jistgħu jakkwistaw ishma jew strumenti ibridi tal-Bank u ta’ banek oħrajn (3) jiġi pprojbit, irrispettivament minn min ikunu dawk il-mutwatarji (4). Din id-dispożizzjoni tapplika u tiġi ssorveljata fil-livell tal-Bank.

(15)

It-talbiet kollha għal self mill-mutwatarji mhux konnessi li jkunu akbar minn [[…] % tal-RWA tal-Bank] jew kull self li jżomm l-espożizzjoni għal grupp wieħed (definit bħala grupp ta’ mutwatarji konnessi li jirrappreżentaw riskju ta’ kreditu waħdieni) ogħla minn [[…] % tal-RWA tal-Bank] jiġu rrapportati lit-Trustee tal-Monitoraġġ, li jista’, jekk ma jidhirx li l-kundizzjonijiet ikunu ġew stabbiliti b’mod distakkat jew jekk ma tkunx ġiet ipprovduta biżżejjed informazzjoni lit-Trustee tal-Monitoraġġ, jipposponi l-għoti tal-linja ta’ kreditu jew tas-self bi […] jiem tax-xogħol. F’każijiet ta’ emerġenza, dak il-perjodu jista’ jitnaqqas għal […] jiem tax-xogħol, bil-kundizzjoni li tkun ġiet ipprovduta biżżejjed informazzjoni lit-Trustee tal-Monitoraġġ. Dak il-perjodu jippermetti lit-Trustee tal-Monitoraġġ jirrapporta l-każ lill-Kummissjoni u lill-HFSF qabel tittieħed kull deċiżjoni definittiva mill-Bank.

(16)

Il-Politika Kreditizja tagħti struzzjonijiet ċari dwar ir-ristrutturar tas-self. Hija tiddefinixxi b’mod ċar liema self huwa eliġibbli, taħt liema ċirkostanzi u tindika t-termini u l-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu proposti lill-klijenti eliġibbli. Għall-attivitajiet bankarji Griegi kollha, il-Bank jiżgura li r-ristrutturar kollu għandu l-għan li jtejjeb l-irkupri futuri mill-Bank, sabiex b’hekk jiġi ssalvagwardjat l-interess tal-Bank. Il-politika dwar ir-ristrutturar f’ebda każ ma tipperikola l-profittabbiltà futura tal-Bank. Għal dak il-għan, id-Dipartiment tal-Ġestjoni tar-Riskji fi ħdan il-Bank ikun responsabbli sabiex jiżviluppa u jiskjera mekkaniżmi adegwati ta’ rapportar tal-effettività tar-ristrutturar, iwettaq analiżi profonda tal-aqwa prassi interni u/jew esterni, jirrapporta s-sejbiet tiegħu mill-inqas fuq bażi trimestrali lill-Kumitat tal-Kreditu u lill-Kumitat tar-Riskju tal-Bord, jissuġġerixxi titjib azzjonabbli għall-proċessi u l-politiki involuti u jissorvelja u jirrapporta l-implimentazzjoni tagħhom lill-Kumitat tal-Kreditu u lill-Kumitat tar-Riskju tal-Bord.

(17)

Għall-attivitajiet bankarji Griegi kollha, il-Bank jippromulga politika ta’ pretensjoni u litigazzjoni li jkollha l-għan li timmassimizza l-irkupru u li tipprevjeni kull diskriminazzjoni jew trattament preferenzjali fl-immaniġġjar tal-litigazzjonijiet. Il-Bank jiżgura li jittieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jimmassimizza l-irkupri għall-Bank u jipproteġi l-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fit-tul. Kull ksur fl-implimentazzjoni ta’ dik il-politika jiġi rrapportat lit-Trustee tal-Monitoraġġ.

(18)

Il-Bank jissorvelja r-riskju ta’ kreditu permezz ta’ sett żviluppat sewwa ta’ twissijiet u rapporti, li jippermettu lid-Dipartiment tal-Ġestjoni tar-Riskji: (i) jidentifika s-sinjali bikrija tal-indeboliment tas-self u l-avvenimenti ta’ inadempjenza; (ii) jivvaluta l-potenzjal ta’ rkupru tal-portafoll tas-self (inkluż iżda mhux limitat għal sorsi alternattivi ta’ ħlas lura, bħal kodebituri u garanti, kif ukoll il-kollateral mirhun jew disponibbli iżda mhux mirhun); (iii) jivvaluta l-espożizzjoni globali tal-Bank fuq bażi ta’ klijent individwali jew ta’ portafoll; u (iv) jipproponi azzjonijiet ta’ korrezzjoni u titjib lill-Bord tad-Diretturi, skont kif meħtieġ. It-Trustee tal-Monitoraġġ jingħata aċċess għal dik l-informazzjoni.

Dispożizzjonijiet li japplikaw għall-mutwatarji konnessi

(19)

Id-dispożizzjonijiet kollha li japplikaw għall-mutwatarji konnessi japplikaw fil-livell tal-Bank.

(20)

Fi ħdan il-Politika Kreditizja, tiġi ddedikata Taqsima speċifika għar-regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet mal-mutwatarji konnessi. Il-mutwatarji konnessi jinkludu impjegati, azzjonisti, diretturi, maniġers, kif ukoll il-konjuġi, it-tfal u l-aħwa tagħhom, kif ukoll kull entità ġuridika kkontrollata direttament jew indirettament minn impjegati ewlenin (jiġifieri impjegati involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Politika Kreditizja), azzjonisti, diretturi jew maniġers jew il-konjuġi, it-tfal u l-aħwa tagħhom. Permezz ta’ estensjoni, kull istituzzjoni pubblika jew organizzazzjoni kkontrollata mill-gvern, kull kumpanija pubblika jew aġenzija tal-gvern titqies bħala mutwatarja konnessa. Il-partiti politiċi jiġu ttrattati wkoll bħala mutwatarji konnessi fil-Politika Kreditizja. Issir enfasi partikolari fuq id-deċiżjonijiet li jirrigwardjaw kull ristrutturar u tniżżil fil-valur tas-self lil impjegati, diretturi, azzjonisti u maniġers attwali jew preċedenti, u qraba tagħhom, kif ukoll fuq il-politiki segwiti fl-adegwatezza, fl-evalwazzjoni u fir-reġistrazzjoni tal-ipoteki u l-esklużjoni tal-kollateral tas-self. Id-definizzjoni ta’ mutwatarji konnessi kompliet tiġi speċifikata f’dokument separat.

(21)

Id-Dipartiment tal-Ġestjoni tar-Riskji jkun responsabbli għall-immappjar tal-gruppi konnessi kollha ta’ mutwatarji li jirrappreżentaw riskju ta’ kreditu waħdieni bil-għan li jissorveljaw kif suppost il-konċentrazzjoni tar-riskju ta’ kreditu.

(22)

Fir-rigward tas-self lil individwi u entitajiet ġuridiki, il-Bank, fuq il-bażi tal-aqwa prassi internazzjonali, japplika limiti individwali u aggregati stretti li jirregolaw l-ammont ta’ self massimu li jista’ jingħata għal riskju ta’ kreditu wieħed li jkun relatat mal-mutwatarji konnessi (jekk dan ikun permess skont il-liġi Griega u tal-UE).

(23)

Il-Bank jissorvelja separatament l-espożizzjoni tiegħu għall-mutwatarji konnessi, inklużi entitajiet fis-settur pubbliku u partiti politiċi. Il-produzzjoni ġdida tas-self (5) lil mutwatarji konnessi (% annwali tal-istokk Y-1 (6)) ma tkunx ogħla mill-produzzjoni ġdida tal-portafoll tas-self totali fil-Greċja (% annwali tal-istokk Y-1). Dak l-Impenn jiġi rrispettat separatament għal kull tip ta’ mutwatarju konness (impjegati, azzjonisti, maniġers, entitajiet pubbliċi, partit politiku). Il-valutazzjoni tal-kreditu tal-mutwatarji konnessi, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ipprezzar u r-ristrutturar possibbli offrut lilhom, ma jkunux aktar vantaġġjużi meta mqabbla mal-kundizzjonijiet offruti lil mutwatarji simili iżda mhux konnessi, sabiex b’hekk jiġu assigurati kundizzjonijiet ekwi fl-ekonomija Griega. Dak l-obbligu ma japplikax għall-iskemi ġenerali eżistenti li minnhom jibbenifikaw l-impjegati, li joffrulhom self issussidjat. Il-Bank jirrapporta kull xahar dwar l-evoluzzjoni ta’ dik l-espożizzjoni, l-ammont tal-produzzjoni ġdida u t-talbiet riċenti akbar minn [[…]% tal-RWA tal-Bank] li għandhom jiġu indirizzati waqt il-laqgħa tal-kumitat tal-Kreditu.

(24)

Il-kriterji tal-kreditu applikati għall-impjegati/maniġers/azzjonisti ma jkunux inqas stretti minn dawk applikati għal mutwatarji mhux konnessi oħrajn. Jekk l-espożizzjoni tal-kreditu totali għal impjegat/maniġer/azzjonist wieħed taqbeż ammont ugwali għal [[…]] ta’ salarju fiss għas-self garantit u ammont ugwali għal [[…]] ta’ salarju fiss għas-self mhux garantit, l-espożizzjoni tiġi rrapportata fil-pront lit-Trustee tal-Monitoraġġ, li min-naħa tiegħu jista’ jintervjeni u jipposponi l-għoti tas-self skont il-proċedura deskritta fil-paragrafu (25) tal-Kapitolu III tal-Impenji.

(25)

It-talbiet kollha għal self mill-mutwatarji konnessi li jkunu akbar minn [[…]% tal-RWA tal-Bank] jew kull self li jżomm l-espożizzjoni għal grupp wieħed (definit bħala grupp ta’ mutwatarji konnessi li jirrappreżentaw riskju ta’ kreditu waħdieni) ogħla minn [[…]% tal-RWA tal-Bank] jiġu rrapportati lit-Trustee tal-Monitoraġġ, li jista’, jekk ma jidhirx li l-kundizzjonijiet ikunu ġew stabbiliti b’mod distakkat jew jekk ma tkunx ġiet ipprovduta biżżejjed informazzjoni lit-Trustee tal-Monitoraġġ, jipposponi l-għoti tal-linja ta’ kreditu jew tas-self bi […] jiem tax-xogħol. F’każijiet ta’ emerġenza, dak il-perjodu jista’ jitnaqqas għal […] jiem tax-xogħol, bil-kundizzjoni li tkun ġiet ipprovduta biżżejjed informazzjoni lit-Trustee tal-Monitoraġġ. Dak il-perjodu jippermetti lit-Trustee tal-Monitoraġġ jirrapporta l-każ lill-Kummissjoni u lill-HFSF qabel tittieħed kull deċiżjoni definittiva mill-Bank.

(26)

Ir-ristrutturar tas-self li jinvolvi mutwatarji konnessi jikkonforma mal-istess rekwiżiti applikabbli għall-mutwatarji mhux konnessi. Barra minn hekk, l-oqfsa u l-politiki stabbiliti li jittrattaw l-assi danneġġati jiġu vvalutati u mtejba, jekk ikun meħtieġ. Madankollu, huwa mistenni li s-self ristrutturat tal-mutwatarji konnessi jiġi rrapportat separatament, mill-inqas għal kull klassi tal-assi ta’ self u għal kull tip ta’ mutwatarju konness.

Taqsima C:   Restrizzjonijiet oħrajn

(27)

Projbizzjoni fuq id-Dividendi, il-Kupuni, ir-Riakkwist, is-Sejħa u x-Xiri Lura: Sakemm il-Kummissjoni ma taqbilx mod ieħor għal eżenzjoni, ir-Repubblika Ellenika timpenja li:

(a)

Il-Bank ma jħallasx kupuni fuq strumenti kapitali ibridi (jew kull strument ieħor li l-ħlas b’kupuni għalih ikun diskrezzjonarju) jew dividendi fuq strumenti ta’ fondi proprji u strumenti ta’ dejn subordinat, ħlief meta jkun hemm obbligu ġuridiku li jsir dan. Il-Bank ma għandux jirrilaxxa riżervi sabiex ipoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni bħal din. F’każ ta’ dubju dwar jekk, għall-finijiet tal-Impenn preżenti, jeżistix obbligu legali, il-Bank għandu jissottometti l-ħlas propost b’kupun jew dividend lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni tagħha;

(b)

Il-Bank ma jirriakkwista l-ebda sehem minn tiegħu jew jeżerċita opzjoni eżerċitabbli fir-rigward ta’ dawk l-istrumenti ta’ fondi proprja u l-istrumenti ta’ dejn subordinat;

(c)

Il-Bank ma jixtrix lura strumenti kapitali ibridi.

(28)

Projbizzjoni fuq l-Akkwiżizzjonijiet: Ir-Repubblika Ellenika timpenja li l-Bank ma jikseb l-ebda sehem f’ebda impriża, kemm jekk ikun assi jew trasferiment ta’ ishma. Dik il-projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet tkopri kemm impriża li għandha l-forma ġuridika ta’ kumpanija, kif ukoll kull pakkett ta’ assi li jifforma negozju (7).

(a)

Eżenzjoni li teħtieġ l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni: Minkejja dik il-projbizzjoni, il-Bank jista’, wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni u, fejn xieraq, fuq proposta tal-HFSF, jakkwista negozji u impriżi jekk, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, dan ikun neċessarju sabiex titreġġa’ lura l-istabbiltà finanzjarja jew sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni effettiva.

(b)

Eżenzjoni li ma teħtieġx l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni: Il-Bank jista’ jikseb ishma f’impriżi, bil-kundizzjoni li:

(1)

Il-prezz tax-xiri mħallas mill-Bank għal kull akkwiżizzjoni jkun inqas minn [[…]%] tad-daqs tal-karta bilanċjali (8) tal-Bank fid-Data Effettiva tal-Impenji (9); u

(2)

Il-prezzijiet tax-xiri kumulattivi mħallsa mill-Bank għall-akkwiżizzjonijiet kollha bħal dawn, li jibdew mid-Data Effettiva tal-Impenji sal-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar, ikunu inqas minn [[…] %] tad-daqs tal-karta bilanċjali tal-Bank fid-Data Effettiva tal-Impenji.

(c)

Attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjoni: Il-projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet ma tkoprix l-akkwiżizzjonijiet li jsiru matul il-kors ordinarju tan-negozju bankarju fil-ġestjoni tal-pretensjonijiet eżistenti lejn l-impriżi f’diffikultà, inkluża l-konverżjoni tad-dejn eżistenti fi strumenti ta’ ekwità.

(29)

Projbizzjoni fuq ir-reklamar: Ir-Repubblika Ellenika timpenja ruħha li l-Bank joqgħod lura minn reklamar li jirreferi għall-appoġġ mill-Istat u milli jadotta strateġiji kummerċjali aggressivi li ma jistgħux iseħħu mingħajr l-appoġġ tar-Repubblika Ellenika.

KAPITOLU IV.   TRUSTEE TA’ MONITORAĠĠ

(1)

Ir-Repubblika Ellenika timpenja ruħha li l-Bank jemenda u jestendi l-mandat tat-Trustee tal-Monitoraġġ approvat mill-Kummissjoni u maħtur mill-Bank fis-16 ta’ Jannar 2013 sal-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar. Il-Bank iwessa’ wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak il-mandat sabiex jinkorpora l-monitoraġġ (i) tal-pjan ta’ ristrutturar u (ii) tal-Impenji kollha stipulati f’dan il-katalogu.

(2)

Erba’ ġimgħat wara d-Data Effettiva tal-Impenji, ir-Repubblika Ellenika tissottometti lill-Kummissjoni t-termini sħaħ tal-mandat emendat, li jinkludu d-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jippermettu lit-Trustee tal-Monitoraġġ jissodisfa d-doveri tiegħu skont dawk l-Impenji.

(3)

Id-dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-Trustee tal-Monitoraġġ huma speċifikati f’dokument separat.

Is-Segretarju Ġenerali

Christina PAPAKONSTANTINOU


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(2)  Għall-fini ta’ dak l-Impenn, it-terminu “self” jiġi interpretat largo sensu, bħal kull tip ta’ finanzjament, pereż. faċilità ta’ kreditu, garanzija, eċċ.

(3)  Għall-finijiet ta’ kjarifika, it-terminu “banek oħrajn” jirreferi għal kull bank – istituzzjoni finanzjarja fid-dinja.

(4)  Għall-finijiet ta’ kjarifika, il-mutwatarji kollha, inklużi l-klijenti bankarji privati tal-Bank, huma koperti minn dak l-Impenn.

(5)  Għall-finijiet ta’ kjarifika, il-produzzjoni ġdida tas-self tkopri wkoll ir-rifinanzjament tas-self u r-ristrutturar tas-self eżistenti.

(6)  Għall-finijiet ta’ kjarifika, “% annwali tal-istokk Y-1” tirreferi għall-produzzjoni ġdida bħala perċentwal tal-istokk fi tmiem is-sena preċedenti. L-ammont ta’ RWA huwa dak li jiġi kkalkolat fl-aħħar tas-sena.

(7)  Għall-finijiet ta’ kjarifika u ta’ dak l-Impenn, in-negozju tal-Ekwità Privata/Kapital ta’ Riskju tal-Bank jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-Impenn. F’dak ir-rigward, il-Bank jagħmel talba formali lill-Kummissjoni, li tinkludi pjan ta’ direzzjoni tan-negozju għal dik l-entità.

(8)  Għall-finijiet ta’ kjarifika u ta’ dak l-Impenn, id-daqs tal-karta bilanċjali huwa ugwali għall-assi totali tal-Bank.

(9)  Għall-finijiet ta’ kjarifika, f’każ li l-approvazzjoni tal-Kummissjoni sabiex titneħħa l-projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet tinkiseb skont il-punt a, tal-paragrafu (28), tal-Kapitolu III tal-Impenji, il-karta bilanċjali tal-Bank fid-Data Effettiva tal-Impenji tiġi kkalkolata sabiex jiġu inklużi wkoll l-assi tal-entitajiet akkwistati jew l-assi akkwistati fid-data tal-akkwiżizzjoni.

Appendiċi

Il-projezzjonijiet makroekonomiċi għall-operazzjonijiet domestiċi Griegi

% ta’ tkabbir annwali

(sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor)

2012

2013

2014

2015

2016

2017

Rata ta’ tkabbir kumulattiv għall-perjodu 2013-2017

PDG reali

–6,4

–4,2

0,6

2,9

3,7

3,5

6,4

It-tkabbir tas-Self Nominali fil-Greċja

–6,4

–4,2

0,6

2,9

3,7

3,5

6,4

Deflatur tal-PDG

–0,8

–1,1

–0,4

0,4

1,1

1,3

1,3

Il-prezzijiet tal-proprjetà

–11,7

–10

–5

0

2

3,5

 

Introjtu disponibbli nominali tal-unitajiet domestiċi

–8,8

–9,5

–0,3

–0,4

2,6

3,6

–4,5

Depożiti fis-Settur Privat

–7

1,3

1

3,4

5

5

16,6

Il-qgħad (%)

24,2

27

26

24

21

18,6

 

Ir-rata ta’ rifinanzjament mill-BĊE (%)

0,75

0,5

0,5

1

1,5

1,75

 

Il-quċċata tal-formazzjoni tal-NPL

 

 

2H2014

 

 

 

 

3 xhur ta’ Euribor (medja, %)

 

0,24

0,43

0,75

1,25

1,80

 

Aċċess għas-swieq kapitali – repos

 

IVA-Ebda Limitu Massimu

 

Aċċess għas-suq kapitali – kopert/prijoritarju mhux assigurat

 

IVA – sa EUR 500 miljun kull wieħed

IVA – sa EUR 1 biljun kull wieħed

IVA-Ebda Limitu Massimu

 


25.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/49


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/455

tat-23 ta’ Lulju 2014

dwar l-għajnuna mill-istat SA.34826 (2012/C), SA.36005 (2013/NN) implimentata mill-Ġreċja għal Piraeus Bank Group rigward ir-rikapitalizzazzjoni u r-ristrutturar ta’ Piraeus Bank S.A.

(notifikata bid-dokument C(2014) 5217)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-Istati Membri u lil partijiet interessati oħrajn sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1),

Billi,

1.   PROĊEDURA

1.1.   PROĊEDURA RELATATA MA’ PIRAEUS BANK

(1)

Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni approvat skema intitolata “Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja” (l-“Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi”) maħsuba biex tiżgura l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Griega. L-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi tippermetti li l-għajnuna tingħata taħt it-tliet miżuri kostitwenti tagħha, jiġifieri miżura ta’ rikapitalizzazzjoni, miżura ta’ garanzija u miżura ta’ self obbligazzjonarju tal-gvern (2). F’Mejju 2009, Piraeus Bank (“il-Bank” (3)) kien rikapitalizzat mill-Greċja taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni.

(2)

Il-premessa 14 tad-Deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2008 irreġistrat li jiġi nnotifikat pjan ta’ ristrutturar lill-Kummissjoni fir-rigward tal-benefiċjarji tal-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni.

(3)

Fit-23 ta’ Lulju 2010, l-awtoritajiet Griegi ssottomettew pjan ta’ ristrutturar lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni rreġistrat dak il-pjan u l-aġġornamenti sussegwenti tiegħu, kif ukoll informazzjoni addizzjonali sottomessa mill-awtoritajiet Griegi bħala l-Kawża SA.30342 (PN 26/2010) u mbagħad il-Kawża SA.32787 (2011/PN).

(4)

Il-Bank ibbenefika ripetutament mill-garanziji tal-Istat u mis-self obbligazzjonarju tal-gvern taħt l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi (4). Huwa bbenefika wkoll minn assistenza ta’ likwidità f’emerġenza garantita mill-Istat (“ELA garantita mill-Istat”).

(5)

Fl-20 ta’ April 2012, il-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja (“HFSF”) ipprovda lill-Bank b’ittra li fiha impenja ruħu li sejjer jipparteċipa f’żieda ppjanata tal-kapital azzjonarju tal-Bank. Fit-28 ta’ Mejju 2012, l-HFSF ta rikapitalizzazzjoni tranżitorja ta’ EUR 4 700 miljun lill-Bank (“l-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja”).

(6)

Fl-10 ta’ Mejju 2012, l-awtoritajiet Griegi nnotifikaw formalment lill-Kummissjoni bl-ittra ta’ impenn li ġiet ipprovduta mill-HFSF lill-Bank. Il-Kummissjoni rreġistratha bħala għajnuna mhux innotifikata (il-Kawża SA.34826 (2012/NN)) minħabba li l-miżura kienet diġà ġiet implimentata.

(7)

Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali fuq l-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja (“id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ ta’ Piraeus”) (5).

(8)

F’Diċembru 2012, l-HFSF ta t-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja ta’ EUR 1 553 miljun lill-Bank (“it-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja”). Fil-21 ta’ Diċembru 2012, l-HFSF ipprovda wkoll lill-Bank b’ittra ta’ impenn għall-parteċipazzjoni tiegħu f’żieda tal-kapital azzjonarju tal-Bank u fl-istrumenti tal-kapital konvertibbli li għandhom jinħarġu, għal ammont totali sa EUR 1 082 miljun (6). L-awtoritajiet Griegi nnotifikaw dawk il-miżuri lill-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2012 (7).

(9)

F’Settembru 2012, il-Bank ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jakkwista lil Geniki mingħand Société Générale S.A. (“Société Générale”). Matul Settembru u Ottubru, il-Kummissjoni kellha għadd numeruż ta’ telekonferenzi u skambji ta’ ittri elettroniċi ma’ rappreżentanti tal-awtoritajiet Griegi u mal-Bank fir-rigward tal-akkwiżizzjoni ta’ Geniki.

(10)

Fid-19 ta’ Ottubru 2012, il-Bank iffirma ftehim ta’ xiri ta’ ishma ma’ Société Générale rigward l-akkwiżizzjoni tas-sehem totali ta’ Société Générale’s (99,08 %) f’Geniki.

(11)

Fit-12 ta’ Diċembru 2012, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu ittra lill-Greċja, li kienet tinkludi l-valutazzjoni preliminari tagħhom tal-akkwiżizzjoni ta’ Geniki.

(12)

Fis-26 ta’ Frar 2013, il-Bank informa lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tiegħu li jakkwista lil Millennium Bank Greece S.A. (“MBG”). Il-Kummissjoni kellha għadd numeruż ta’ telekonferenzi u skambji ta’ ittri elettroniċi ma’ rappreżentanti tal-awtoritajiet Griegi u mal-Bank fir-rigward tal-akkwiżizzjoni ta’ MBG.

(13)

Fil-25 ta’ Marzu 2013, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu ittra lill-Greċja, li kienet tinkludi l-valutazzjoni preliminari tagħhom tal-akkwiżizzjoni ta’ MBG.

(14)

Fit-22 ta’ April 2013, il-Bank ħabbar li kien daħal fi ftehim ma’ Millennium Banco Comercial Portugues (“BCP”) rigward l-akkwiżizzjoni tal-kapital azzjonarju sħiħ ta’ MBG u l-parteċipazzjoni ta’ BCP fiż-żieda tal-kapital li jmiss ta’ Piraeus.

(15)

Fit-3 ta’ Ġunju 2013, l-HFSF ikkonverta parzjalment l-ewwel u t-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji f’ekwità għal total ta’ EUR 5 891 miljun. L-HFSF injetta wkoll ammont addizzjonali ta’ EUR 1 094 miljun fil-Bank, kif kien impenjat fiż-żmien tal-akkwiżizzjonijiet mill-Bank tal-parti t-tajba ta’ Agricultural Bank of Greece (“ATE”) u tal-fergħat Griegi ta’ tliet Banek Ċiprijotti (ara t-taqsima 1.2). Barra minn hekk, l-investituri privati injettaw EUR 1 444 miljun. Ir-rikapitalizzazzjoni totali kienet tammonta għal EUR 8 429 miljun u ssir referenza għaliha bħala “r-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013”.

(16)

Fid-19 ta’ Diċembru 2013, l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw informazzjoni lill-Kummissjoni rigward it-termini tar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013.

(17)

Fil-25 ta’ Ġunju 2014, l-awtoritajiet Griegi ssottomettew pjan ta’ ristrutturar finali għall-Bank (“il-pjan ta’ ristrutturar”) lill-Kummissjoni. Fl-istess data, huma pprovdew informazzjoni dwar l-ELA garantita mill-Istat. Huma indikaw li għandhom il-ħsieb li jkomplu jipprovdu lill-Bank b’tali appoġġ ta’ likwidità, kif ukoll b’garanziji mill-Istat fuq l-istrumenti tad-dejn u s-self obbligazzjonarju tal-gvern taħt l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi.

(18)

Matul il-proċess amministrattiv, il-Kummissjoni kellha għadd numeruż ta’ laqgħat, telekonferenzi u skambji ta’ ittri elettroniċi ma’ rappreżentanti tal-awtoritajiet Griegi u mal-Bank.

(19)

Il-Greċja taċċetta li, b’mod eċċezzjonali, id-deċiżjoni preżenti hija adottata bil-lingwa Ingliża biss.

1.2.   PROĊEDURA RELATATA MAN-NEGOZJI AKKWISTATI

1.2.1.   Proċedura relatata ma’ ATE

(20)

F’April 2011, il-Greċja injettat EUR 1 445 miljun f’ATE (ammont li kien jinkludi s-somma ta’ EUR 675 miljun oriġinarjament mogħtija taħt l-iskema tar-Rikapitalizzazzjoni Griega). Barra minn hekk, ATE rċieva appoġġ ta’ likwidità li jammonta għal EUR 6 103 miljun. Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni approvat dawk il-miżuri fuq il-bażi ta’ pjan ta’ ristrutturar għal ATE (“id-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar ta’ ATE”) (8).

(21)

Fid-29 ta’ Diċembru 2011, il-Greċja pparteċipat fi kwistjoni ta’ drittijiet kapitali ta’ ATE għal ammont ta’ EUR 290 miljun.

(22)

Fit-22 ta’ Marzu 2012, il-Greċja ssottomettiet rapport mill-Bank of Greece, li fih ipproponiet riżoluzzjoni ta’ ATE permezz ta’ proċedura ta’ Xiri u Suppożizzjoni (9) ta’ assi u obbligazzjonijiet magħżula ta’ ATE (“Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE”), filwaqt li l-assi u l-obbligazzjonijiet li jifdal jiġu riżolti permezz ta’ bank tal-assi ħżiena.

(23)

F’Lulju 2012, il-Bank ħabbar l-akkwiżizzjoni permezz ta’ assorbiment tal-parti t-tajba ta’ ATE, li kienet tpoġġiet taħt likwidazzjoni.

(24)

F’dak iż-żmien, l-HFSF kien impenja ruħu li jkopri l-ħtiġijiet kapitali tal-Bank li jirriżultaw mill-assi akkwistati. Fis-27 ta’ Jannar 2013, il-Bank of Greece kkonkluda li l-kapital meħtieġ għal skopijiet regolatorji bħala riżultat tal-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE kien jammonta għal EUR 570 miljun, liema somma għandha tiġi koperta mill-HFSF.

(25)

Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2013 (10) (“id-Deċiżjoni dwar il-Likwidazzjoni ta’ ATE”), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri ta’ appoġġ mogħtija fiż-żmien tat-trasferiment tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE ma jikkostitwixxu ebda għajnuna mill-Istat lill-Bank iżda għall-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern jekk il-pjan ta’ ristrutturar tal-Bank, li issa jinkludi l-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE, jippermetti li tinkiseb lura l-vijabbiltà fit-tul tiegħu.

(26)

F’Ġunju 2013, l-HFSF injetta EUR 570 miljun fil-Bank fil-qafas tar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 (11).

1.2.2.   Proċedura relatata mal-operazzjonijiet Griegi tal-Bank of Cyprus, Cyprus Popular Bank u Hellenic Bank (“it-tliet Banek Ċiprijotti”)

(27)

Wara l-laqgħa straordinarja tal-Grupp tal-euro (12) fil-15 ta’ Marzu 2013, l-awtoritajiet Ċiprijotti u l-Unjoni Ewropea, il-Fond Monetarju Internazzjonali (“FMI”) u l-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) laħqu ftehim politiku fuq il-politika li hija l-bażi ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku ġejjieni. B’mod partikolari, kien maqbul, fost l-oħrajn, li l-operazzjonijiet tat-tliet Banek Ċiprijotti fil-Greċja jiġu ttrasferiti lil bank Grieg.

(28)

Il-Bank u l-banek Griegi l-oħrajn esprimew interess fl-akkwiżizzjoni tal-operazzjonijiet tat-tliet Banek Ċiprijotti fil-Greċja.

(29)

Fit-22 ta’ Marzu 2013, l-HFSF ta l-kunsens tiegħu sabiex il-Bank jagħmel offerta għall-akkwiżizzjoni tal-fergħat Griegi, tad-depożiti u tas-self tat-tliet Banek Ċiprijotti. L-offerta tal-Bank kienet kondizzjonali fuq il-ħtieġa li l-HFSF jipprovdi ekwità lill-Bank f’ammont ugwali għall-prezz imħallas għall-ekwità tan-negozju akkwistat.

(30)

L-awtoritajiet Griegi u l-HFSF żammew lis-servizzi tal-Kummissjoni informati mill-qrib kemm dwar l-evoluzzjoni tal-proċess, kif ukoll dwar it-termini tal-akkwiżizzjoni.

(31)

Fis-26 ta’ Marzu 2013, il-Bank iffirma ftehim ta’ bejgħ u trasferiment ma’ kull wieħed mit-tliet Banek Ċiprijotti fir-rigward tal-attivitajiet Griegi tagħhom (id-depożiti, is-self u n-netwerk tal-fergħat).

(32)

Kif ġie maqbul f’Marzu 2013, l-HFSF injetta EUR 524 miljun ta’ kapital fil-Bank (13) sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet kapitali li rriżultaw mill-akkwiżizzjoni ta’ dawk l-assi.

2.   DESKRIZZJONI

2.1.   IL-BANK U D-DIFFIKULTAJIET TIEGĦU

2.1.1.   Il-kuntest ġenerali tas-settur bankarju Grieg

(33)

Il-prodott domestiku gross (“PDG”) reali tal-Greċja naqas b’20 % mill-2008 sal-2012, kif muri fit-Tabella 1. B’riżultat ta’ dan, il-banek Griegi ffaċċjaw rata ta’ inadempjenza li kompliet tiżdied b’mod rapidu fuq is-self mogħti lill-familji u lill-kumpaniji Griegi (14). Dawk l-iżviluppi affettwaw ir-rendiment tal-assi tal-banek Griegi b’mod negattiv u wasslu għal ħtiġijiet kapitali.

Tabella 1

It-Tkabbir Reali tal-PDG fil-Greċja, 2008-2013

Il-Greċja

2008

2009

2010

2011

2012

2013

Tkabbir Reali tal-PDG, %

–0,2

–3,1

–4,9

–7,1

–7,0

–3,9

Sors:

Eurostat, disponibbli onlajn fuq http://epp.eurostat.ec.europa.eu/tgm/table.do?tab=table&init=1&plugin=1&language=en&pcode=tec00115

(34)

Barra minn hekk, fi Frar 2012, il-Greċja implimentat skambju ta’ bonds fis-settur privat magħruf bħala Parteċipazzjoni tas-Settur Privat (“il-programm PSI”). Il-banek Griegi kienu involuti fil-programm PSI, li matulu l-gvern Grieg offra lid-detenturi tal-bonds privati eżistenti b’titoli ġodda (inklużi Bonds tal-Gvern Grieg (“GGBs”) ġodda, titoli marbuta mal-PDG u noti ta’ ħlas tal-PSI maħruġa mill-Fond Ewropew għall-Istabbiltà Finanzjarja (“EFSF”)) inkambju għall-GGBs eżistenti, bi skont nominali ta’ 53,5 % u maturitajiet itwal (15). L-awtoritajiet Griegi ħabbru r-riżultati ta’ dak l-iskambju ta’ bonds fid-9 ta’ Marzu 2012 (16). L-iskambju rriżulta f’telf sinifikanti għad-detenturi tal-bonds (stmat mill-Bank of Greece bħala 78 % tal-ammont nominali tal-GGBs l-antiki bħala medja għall-banek Griegi) u ħtiġijiet kapitali li kienu rreġistrati b’mod retroattiv fir-rapporti finanzjarji tal-banek Griegi għall-2011. It-telf totali tal-banek Griegi ewlenin minħabba l-PSI huwa miġbur fil-qosor fit-Tabella 2.

Tabella 2

Telf totali tal-banek Griegi ewlenin minħabba l-PSI (f’miljuni ta’ EUR)

Banek

Ammont nominali ta’ GGBs

Ammont nominali ta’ self relatat mal-Istat

Ammont nominali totali

Telf ta’ GGBs minħabba l-PSI

Telf minħabba l PSI ta’ self relatat mal-Istat

Telf gross totali minħabba l-PSI

Telf gross totali minħabba l-PSI/Kapital tal-Grad 1 (%)

Telf gross totali minħabba l-PSI/Assi totali (%)

NBG

13 748

1 001

14 749

10 985

751

11 735

161,0

11,0

Eurobank

7 001

335

7 336

5 517

264

5 781

164,5

7,5

Alpha

3 898

2 145

6 043

3 087

1 699

4 786

105,7

8,1

Piraeus

7 063

280

7 343

5 686

225

5 911

226,0

12,0

ATEbank

5 164

608

5 772

3 873

456

4 329

1 144

17,1

Geniki

384

7

391

287

5

292

78,1

8,9

MBG

185

0

185

137

0

137

29

2,2

Sors:

Bank of Greece, Rapport dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u r-Ristrutturar tas-Settur Bankarju Grieg, Diċembru 2012, p. 14

(35)

Minħabba li l-banek Griegi ffaċċjaw nuqqasijiet ta’ kapital sostanzjali bħala riżultat tal-programm PSI u r-reċessjoni kontinwa, il-Memorandum ta’ Politiki Ekonomiċi u Finanzjarji (“MPEF”) tat-Tieni Programm ta’ Aġġustament għall-Greċja bejn il-gvern Grieg, l-Unjoni Ewropea, l-FMI u l-BĊE, datat il-11 ta’ Marzu 2012, għamel fondi disponibbli għar-rikapitalizzazzjoni ta’ dawk il-banek. L-awtoritajiet Griegi stmaw li l-ħtiġijiet tar-rikapitalizzazzjoni u l-ispejjeż tar-riżoluzzjoni totali tal-bank, li għandhom jiġu ffinanzjati taħt dak il-programm, kienu ta’ EUR 50 biljun (17). Dak l-ammont kien ikkalkolat fuq il-bażi ta’ test tal-istress imwettaq mill-Bank of Greece għall-perjodu li beda f’Diċembru 2011 u li jiġi fi tmiemu f’Diċembru 2014 (“it-test tal-istress tal-2012”), li kien jiddependi fuq il-previżjoni tat-telf mis-self imwettqa minn Blackrock (18). Il-fondi għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek Griegi huma disponibbli permezz tal-HFSF. It-tabella 3 tiġbor fil-qosor il-kalkolazzjoni tal-ħtiġijiet kapitali għall-banek Griegi ewlenin kif jirriżultaw mit-test tal-istress tal-2012.

Tabella 3

Test tal-istress tal-2012: Il-ħtiġijiet kapitali tal-banek Griegi ewlenin (f’miljuni ta’ EUR)

Banek

Referenza Grad 1 (Diċ 2011)

Telf gross totali minħabba l-PSI (Diċ 2011)

Dispożizzjonijiet relatati mal-PSI (Ġunju 2011)

Telf Kumulattiv Gross Projezzjonijiet għar-riskju ta’ kreditu

Riżervi ta’ telf mis-self (Diċ 2011)

Ġenerazzjoni tal-kapital interna

Mira Grad 1 (Diċ 2014)

Ħtiġijiet kapitali

NBG

7 287

–11 735

1 646

–8 366

5 390

4 681

8 657

9 756

Eurobank

3 515

–5 781

830

–8 226

3 514

2 904

2 595

5 839

Alpha

4 526

–4 786

673

–8 493

3 115

2 428

2 033

4 571

Piraeus

2 615

–5 911

1 005

–6 281

2 565

1 080

2 408

7 335

ATEbank

378

–4 329

836

–3 383

2 344

468

1 234

4 920

Geniki

374

– 292

70

–1 552

1 309

–40

150

281

MBG

473

– 137

0

– 638

213

–79

230

399

Sors:

Bank of Greece, Rapport dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u r-Ristrutturar tas-Settur Bankarju Grieg, Diċembru 2012, p. 8

(36)

Skont l-MPEF ta’ Marzu 2012, “il-banek li jissottomettu pjanijiet vijabbli ta’ ġbir tal-kapital jingħataw l-opportunità li japplikaw għal u jirċievu appoġġ pubbliku b’mod li jippreserva inċentivi fis-settur privat għall-injezzjoni ta’ kapital u b’hekk jitnaqqas il-piż għall-kontribwenti” (19). Il-Bank of Greece sab li kienu biss l-akbar erba’ banek (Eurobank, National Bank of Greece, il-Bank u Alpha Bank) li ssottomettew pjanijiet vijabbli ta’ ġbir tal-kapital (20). Huma rċevew l-ewwel rikapitalizzazzjoni mill-HFSF f’Mejju 2012.

(37)

Id-depożiti domestiċi fil-banek fil-Greċja naqsu b’37 % b’kollox bejn l-aħħar tal-2009 u Ġunju 2012 minħabba r-reċessjoni u l-inċertezza politika. Dawk il-banek kellhom iħallsu rati tal-imgħax ogħla sabiex jipprovaw iżommu d-depożiti. L-ispejjeż tad-depożiti żdiedu, filwaqt li l-marġini tal-imgħax nett tal-banek naqas. Minħabba li l-banek Griegi ma komplewx joperaw fis-swieq tal-finanzjament tal-operaturi, huma saru kompletament dipendenti fuq il-finanzjament tal-Eurosistema (21), li porzjon dejjem jikber minnu kien fil-forma ta’ ELA garantita mill-Istat mogħtija mill-Bank of Greece.

(38)

Fit-3 ta’ Diċembru 2012, il-Greċja nediet programm ta’ xiri lura fuq il-GGBs ġodda riċevuti mill-investituri fil-qafas tal-programm PSI, bi prezzijiet li jvarjaw minn 30,2 % sa 40,1 % tal-valur nominali tagħhom (22). Il-banek Griegi pparteċipaw f’dak il-programm ta’ xiri lura li kkristallizza t-telf ulterjuri fuq il-karti tal-bilanċ tagħhom, minħabba li ħafna mit-telf tal-kontabbiltà (jiġifieri, id-differenza bejn il-valur fis-suq u l-valur nominali) irreġistrat fuq dawk il-GGBs ġodda fiż-żmien tal-programm PSI kien sar definittiv u irriversibbli (23).

(39)

F’Diċembru 2012, l-akbar erba’ banek Griegi rċevew it-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja mill-HFSF.

(40)

Fir-rebbiegħa tal-2013, ir-rikapitalizzazzjoni tranżitorja tal-erba’ banek ġiet ikkonvertita f’rikapitalizzazzjoni permanenti f’ishma ordinarji, bl-HFSF iżomm aktar minn 80 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja ta’ kull wieħed mill-erba’ banek. Għall-banek li rnexxielhom jattiraw ammont stabbilit minn qabel ta’ kapital privat (il-Bank, Alpha Bank u National Bank of Greece), l-HFSF irċieva ishma mingħajr vot, filwaqt li l-investituri privati ngħataw ċertifikati tal-ishma tal-HFSF.

(41)

F’Lulju 2013, il-Bank of Greece kkummissjona konsulent sabiex iwettaq studju dijanjostiku fuq il-portafolli tas-self tal-banek Griegi kollha. Dak il-konsulent wettaq projezzjonijiet tat-telf ta’ kreditu (“CLPs”) fuq il-kotba tas-self domestiċi kollha tal-banek Griegi, kif ukoll fuq is-self li jġorr riskju Grieg fil-fergħat barranin u s-sussidjarji fuq medda ta’ tliet snin u nofs u fuq orizzont tul il-ħajja ta’ self. L-analiżi pprovdiet CLPs taħt żewġ xenarji makroekonomiċi, xenarju bażi u xenarju avvers. Is-CLPs għall-portafolli tas-self barranin ġew stmati mill-Bank of Greece permezz ta’ kontribut mill-konsulent.

(42)

Abbażi tal-valutazzjoni tas-CLPs mill-konsulent, fil-ħarifa 2013, il-Bank of Greece nieda eżerċizzju ġdid ta’ test tal-istress (“it-test tal-istress tal-2013”) sabiex jivvaluta r-robustezza tal-pożizzjoni kapitali tal-banek Griegi kemm taħt xenarju bażi kif ukoll taħt xenarju avvers. Il-Bank of Greece wettaq il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet kapitali bl-appoġġ tekniku tat-tieni konsulent.

(43)

Il-komponenti ewlenin tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet kapitali skont it-test tal-istress tal-2013 kienu (i) is-CLPs (24) fuq il-portafolli tas-self tal-banek fuq bażi kkonsolidata għar-riskju Grieg u għar-riskju barrani, nett tar-riżervi tas-self eżistenti, u (ii) il-profittabbiltà operattiva stmata tal-banek għall-perjodu minn Ġunju 2013 sa Diċembru 2016, abbażi ta’ aġġustament konservattiv tal-pjanijiet ta’ ristrutturar li ġew sottomessi lill-Bank of Greece matul ir-raba’ kwart tal-2013. It-tabella 4 tiġbor fil-qosor il-kalkolazzjoni tal-ħtiġijiet kapitali għall-banek Griegi ewlenin fuq bażi kkonsolidata taħt ix-xenarju bażi għal dak it-test tal-istress tal-2013.

Tabella 4

Test tal-istress tal-2013: Il-ħtiġijiet kapitali tal-banek Griegi fuq bażi kkonsolidata fix-xenarju bażi (f’miljuni ta’ EUR)

Banek

Referenza Grad 1 (Ġunju 2013) (1)

Riżervi ta’ telf mis-self (Ġunju 2013) (2)

CLPs għal riskju Grieg (3)

CLPs għal riskju barrani (25) (4)

Ġenerazzjoni tal-Kapital Interna (5)

Proporzjon ta’ Kapital tal-Grad 1 skont it-test tal-istress (Diċembru 2016) (6)

Ħtiġijiet kapitali (7)=(6)-(1)-(2)-(3)-(4)-(5)

NBG (26)

4 821

8 134

–8 745

–3 100

1 451

4 743

2 183

Eurobank (27)

2 228

7 000

–9 519

–1 628

2 106

3 133

2 945

Alpha

7 380

10 416

–14 720

–2 936

4 047

4 450

262

Piraeus

8 294

12 362

–16 132

–2 342

2 658

5 265

425

Sors:

Bank of Greece, Test tal-Istress tal-2013 tas-Settur Bankarju Grieg, Marzu 2014, p. 42.

(44)

Fis-6 ta’ Marzu 2014, il-Bank of Greece ħabbar ir-riżultati tat-test tal-istress tal-2013 u talab lill-banek sabiex jissottomettu, sa nofs April 2014, il-pjanijiet tagħhom għall-ġbir tal-kapital sabiex ikopru l-ħtiġijiet kapitali taħt ix-xenarju bażi.

(45)

Bejn l-aħħar ta’ Marzu 2014 u l-bidu ta’ Mejju 2014, il-banek ipproċedew b’żidiet kapitali.

2.1.2.   Il-benefiċjarju

(46)

Il-Bank jipprovdi servizzi bankarji universali primarjament fil-Greċja u fl-Ewropa Ċentrali, tal-Lvant u tax-Xlokk (ir-Rumanija, il-Bulgarija, is-Serbja, l-Albanija, l-Ukraina u Ċipru), kif ukoll fl-Eġittu. Huwa joffri firxa sħiħa ta’ prodotti u servizzi bankarji u finanzjarji lil familji u negozji. Huwa attiv fl-operazzjonijiet bankarji privati, korporattivi u għall-konsumaturi, fil-ġestjoni tal-assi, fit-teżor u fl-operazzjonijiet bankarji ta’ investiment. Il-Bank huwa inkorporat fil-Greċja u l-ishma tiegħu huma elenkati fuq il-Borża ta’ Ateni. Fit-30 ta’ Diċembru 2012, il-Bank impjega total ta’ 18 597 ruħ (28).

(47)

Il-Bank ipparteċipa fil-programm PSI, fejn kellu ċ-ċans jiskambja GGBs u self relatat mal-Istat b’valur nominali ta’ EUR 7,7 biljun. Il-ħlas totali tiegħu relatat mal-PSI kien jammonta għal madwar EUR 5 911 miljun qabel it-taxxa u kien irreġistrat kompletament fil-kontijiet tiegħu tal-2011 (29). Matul il-programm ta’ xiri lura ta’ Diċembru 2012, il-Bank biegħ il-GGBs ġodda li kien irċieva fil-qafas tal-PSI bi skont qawwi għall-valur nominali. Dak il-bejgħ ikkristallizza t-telf tiegħu fuq il-GGBs il-ġodda.

(48)

Il-figuri ewlenin tal-Bank f’Diċembru 2010, Diċembru 2011, Diċembru 2012 u Diċembru 2013 (dejta kkonsolidata) huma ppreżentati fit-Tabella 5.

Tabella 5

Figuri ewlenin ta’ Piraeus Bank, 2010, 2011, 2012 u 2013

Profitt u telf

(f’miljuni ta’ EUR)

2010

2011

2012 (30)

2013 (*1)

Introjtu mill-Imgħax Nett

1 207

1 194

1 047

1 664

Dħul Operattiv Totali

1 510

1 245

1 921

2 205

Spejjeż Operattivi Totali

(884)

(840)

(931)

(1 680 )

Introjtu Qabel il-Provvediment

625

405

989

525

Telf minn indeboliment sabiex ikopri r-riskju ta’ kreditu

(611)

(1 973 )

(2 519 )

(2 536 )

Telf minn indeboliment fuq GGBs u self eliġibbli għall-PSI

 

(5 911 )

 

 

Avvjament negattiv

 

 

351

3 810

Profitt/Telf Nett

(21)

(6 618 )

(507)

2 546

Figuri ta’ Volum Selettiv

(f’miljuni ta’ EUR)

31 ta’ Diċembru 2010

31 ta’ Diċembru 2011

31 ta’ Diċembru 2012 (*1)

31 ta’ Diċembru 2013 (*2)

Self u Avvanzi netti totali lill-Klijenti

(Netti)

40 150

35 634

44 613

62 366

Depożiti

29 475

21 796

36 971

54 279

Assi Totali

57 561

49 352

70 408

92 010

Ekwità totali (30)

3 273

(1 940 )

(2 316 )

8 543

Sors:

Rapporti annwali tal-2011 u tal-2012, dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-2013

(49)

It-Tabella 5 tispjega li, minbarra t-telf qawwi li rreġistra fl-2011 minħabba l-programm PSI (EUR 5 911 miljun (31)), il-Bank sofra minn tnaqqis fid-dħul (minħabba, fost raġunijiet oħrajn, l-ispejjeż ogħla tad-depożiti) u minn telf għoli u dejjem jiżdied minn indeboliment fuq il-portafolli tas-self tiegħu fil-Greċja u barra l-pajjiż sa nofs l-2012. Il-pożizzjoni tal-likwidità tal-Bank intlaqtet ħażin mill-ħruġ tad-depożiti. Dik is-sitwazzjoni tjiebet kemxejn wara li l-Bank beda jagħmel l-akkwiżizzjonijiet f’Lulju 2012.

(50)

Skont it-test tal-istress tal-2013, il-Bank of Greece kkalkula l-ħtiġijiet kapitali tal-Bank f’EUR 465 miljun għax-xenarju bażi.

(51)

F’Marzu 2014, il-Bank ipproċeda b’żieda kapitali ta’ EUR 1 752 miljun sabiex ikopri l-ħtiġijiet kapitali msemmija fil-premessa 50 u sabiex iħallas lura s-somma ta’ EUR 940 miljun f’ishma privileġġati miżmuma mill-Greċja (32). B’kuntrast maż-żieda fil-kapital ta’ Eurobank ta’ April 2014, l-HFSF ma impenjax ruħu mal-Bank li jinjetta kapital fil-qafas taż-żieda kapitali f’każ ta’ domanda privata insuffiċjenti. Iż-żieda fil-kapital tal-Bank inkisbet permezz ta’ offerta ta’ ekwità mingħajr prelazzjoni (jiġifieri żieda fil-kapital b’kanċellazzjoni tad-drittijiet ta’ prelazzjoni tal-azzjonisti) lill-investituri internazzjonali u permezz ta’ offerta pubblika fil-Greċja. Il-prezz tas-sottoskrizzjoni kien iffissat bħala EUR 1,7 għal kull sehem.

(52)

Wara ż-żieda fil-kapital, fit-22 ta’ Mejju 2014, il-Bank ħabbar li huwa kien feda l-ishma privileġġati lill-Greċja, għal ammont totali ta’ EUR 750 miljun (33).

2.2.   L-AKKWIŻIZZJONIJIET MILL-BANK TAL-ATTIVITAJIET BANKARJI GRIEGI

2.2.1.   L-akkwiżizzjoni ta’ ATE

(53)

ATE twaqqfet fl-1929 bħala organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ mill-Greċja. Sal-bidu tas-snin disgħin (1990s), ATE kienet istituzzjoni finanzjarja speċjalizzata li kienet tappoġġja l-iżvilupp tas-settur agrikolu f’isem l-Istat Grieg. F’Diċembru 2000, il-kumpanija kienet elenkata fuq il-Borża ta’ Ateni. Fl-14 ta’ Novembru 2011, il-Greċja kienet l-azzjonista prinċipali ta’ ATE b’sehem ta’ 89,9 %.

(54)

ATE kienet topera fl-attivitajiet bankarji kollha, kemm dawk għall-konsumaturi kif ukoll dawk għall-kumpaniji, kienet tipprovdi servizzi finanzjarji bħal attivitajiet ta’ assigurazzjoni u attivitajiet ta’ kiri u kellha parteċipazzjonijiet kbar f’kumpaniji li joperaw f’setturi mhux finanzjarji, inkluż fl-industrija tal-produzzjoni taz-zokkor u fl-industrija tal-produzzjoni ta’ prodotti magħmula mill-ħalib.

(55)

F’Lulju 2012, ATE offriet is-servizzi tagħha permezz tan-netwerk tagħha ta’ 468 fergħa u kienet timpjega 5 024 persuna. F’Lulju 2012, id-depożiti totali tagħha kienu jammontaw għal EUR 14,9 biljun għal assi totali ta’ EUR 21,8 biljun (34).

(56)

Sa mill-2006, ATE kienet bdiet toffri wkoll is-servizzi tagħha barra mill-Greċja b’sehem ta’ 74 % f’ATE Bank Romania u b’sehem ta’ 20,3 % tal-kapital azzjonarju komuni u 25 % tal-ishma privileġġati f’AIKBanka Serbia.

(57)

Id-diffikultajiet ta’ ATE tfaċċaw qabel il-kriżi sovrana tal-Greċja primarjament bħala riżultat tal-kwalità ħażina tal-assi u tal-profittabbiltà tradizzjonalment baxxa qabel l-indeboliment. Barra minn hekk, il-kriżi sovrana tal-Greċja affettwat lill-banek Griegi kollha, inkluż ATE, b’żewġ modi: (i) it-telf tal-aċċess tal-Greċja għas-swieq tad-dejn internazzjonali affettwa severament il-pożizzjoni tal-likwidità tal-banek Griegi u (ii) il-kwalità tal-assi ddeterjorat u l-indebolimenti żdiedu.

(58)

F’April 2011, il-Greċja injettat EUR 1 445 miljun f’ATE (inkluża s-somma ta’ EUR 675 miljun oriġinarjament mogħtija taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni Griega). Barra minn hekk, il-bank ATE rċieva appoġġ ta’ likwidità li kien jammonta għal EUR 6 103 miljun. Il-Kummissjoni approvat dawk il-miżuri fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar ta’ ATE.

(59)

Madankollu, fit-tieni nofs tal-2011, is-sitwazzjoni tal-kapital ta’ ATE ddeterjorat l-aktar minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-programm PSI. Kif muri fit-Tabella 2, il-ħlas totali tiegħu relatat mal-PSI kien jammonta għal madwar EUR 4 329 miljun qabel it-taxxa u kien kompletament irreġistrat fil-kontijiet tiegħu għall-2011. Kif muri fit-Tabella 3, il-ħtiġijiet kapitali tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE kienu stmati bħala EUR 4 920 miljun.

(60)

Fit-22 ta’ Marzu 2012, il-Greċja ssottomettiet rapport mill-Bank of Greece li kien qiegħed jipproponi r-riżoluzzjoni ta’ ATE permezz ta’ proċedura ta’ Xiri u Suppożizzjoni fir-rigward tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE, filwaqt li l-assi u l-obbligazzjonijiet li jifdal għandhom jiġu riżolti minn bank ħażin. Il-Bank u bank Grieg kbir ieħor issottomettew offerti mhux vinkolanti lill-HFSF. Fis-26 ta’ Lulju 2012, il-Bord tad-Diretturi tal-HFSF approva l-offerta tal-Bank.

(61)

Fis-27 ta’ Lulju 2012, il-Bank of Greece pproċeda bit-trasferiment tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE lill-Bank (35).

(62)

Billi l-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE kien fihom inqas assi b’valur ġust minn obbligazzjonijiet, l-HFSF, b’konformità mad-deċiżjoni tal-Bank of Greece tat-28 ta’ Jannar 2013, kellu jpatti għad-differenza bejn l-assi ttrasferiti u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti, jiġifieri, id-diskrepanza tal-likwidità. Il-Bank of Greece kkonkluda, abbażi tal-figuri vverifikati, li d-diskrepanza tal-likwidità sejra tkun ta’ EUR 7 471 miljun u l-HFSF ipprovda lill-Bank b’bonds tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (“bonds tal-EFSF”) b’valur ta’ EUR 7 471 miljun.

(63)

Barra minn hekk, l-HFSF impenja ruħu li jipprovdi kapital lill-Bank, sabiex l-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE jiġu kapitalizzati sa 9 %. Dak l-ammont kien inizjalment stmat bħala EUR 500 miljun, iżda l-ammont finali kien stabbilit bħala EUR 570 miljun. L-HFSF injetta l-ammont finali fil-Bank kontra l-ishma ordinarji fil-qafas tar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013.

(64)

Il-Bank akkwista l-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE għal prezz tax-xiri ta’ EUR 95 miljun.

2.2.2.   L-akkwiżizzjoni ta’ Geniki

(65)

Geniki ġie stabbilit fl-1937. Geniki pprovda servizzi finanzjarji fis-setturi tas-servizzi bankarji għall-konsumaturi, tas-servizzi bankarji korporattivi u tas-servizzi fis-swieq tal-kapital. Fl-2004, Société Générale akkwistat il-maġġoranza tal-ishma ta’ Geniki. Fil-31 ta’ Diċembru 2012, Geniki kien qiegħed jopera b’104 fergħat u kien jimpjega 1 391 impjegat (36). L-assi totali kienu jammontaw għal EUR 2,6 biljun, is-self nett totali għal EUR 1,9 biljun u d-depożiti għal madwar EUR 2 biljun (37).

(66)

Il-kriżi sovrana tal-Greċja kellha impatt negattiv ħafna fuq ir-rendiment tas-settur bankarju. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni tal-banek Griegi fil-programm PSI wasslet għal deterjorazzjoni rapida tas-sitwazzjoni kapitali tagħhom. Kif muri fit-Tabella 2, il-ħlas totali ta’ Geniki relatat mal-PSI kien jammonta għal madwar EUR 292 miljun qabel it-taxxa u kien kompletament irreġistrat fil-kontijiet tiegħu għall-2011. Kif muri fit-Tabella 3, il-ħtiġijiet kapitali ta’ Geniki kienu stmati bħala EUR 281 miljun u ġew ikkalkolati fuq il-bażi ta’ test tal-istress imwettaq mill-Bank of Greece.

(67)

F’Ġunju 2012, Société Générale avviċinat lill-erba’ banek Griegi kbar kollha f’tentattiv sabiex tbigħ lil Geniki. Il-Bank kien l-uniku wieħed interessat li jakkwista lil Geniki.

(68)

In-negozjati bejn Société Générale u l-Bank għall-bejgħ ta’ Geniki wasslu għal qbil uffiċjali fid-19 ta’ Ottubru 2012 li: (i) Société Générale tbigħ u l-Bank jixtri s-sehem ta’ 99,08 % li għandha Société Générale f’Geniki, kif ukoll li (ii) Société Générale tassenja u tittrasferixxi u l-Bank jakkwista 100 % tal-avvanzi tal-kapital azzjonarju ta’ Geniki li kkonkludiet Société Générale u li sejra tikkonkludi fil-ġejjieni. Fl-aħħar mill-aħħar, Société Générale qablet li tagħmel ħlas bil-quddiem ta’ madwar EUR 290 miljun lil Geniki u li tissottoskrivi bond maħruġ mill-Bank għal ammont ta’ madwar EUR 170 miljun. Il-Bank imbagħad akkwista lil Geniki għal EUR 1 miljun.

(69)

Fl-14 ta’ Diċembru 2012, il-Bank ħabbar li l-akkwiżizzjoni tas-sehem ta’ Société Générale f’Geniki kienet tlestiet.

2.2.3.   L-akkwiżizzjoni tal-operazzjonijiet Griegi tat-tliet Banek Ċiprijotti

(70)

Il-Bank of Cyprus, is-Cyprus Popular Bank u l-Hellenic Bank twaqqfu fl-1899, fl-1901 u fl-1976, rispettivament.

(71)

Wara l-laqgħa straordinarja tal-Grupp tal-euro fil-15 ta’ Marzu 2013, intlaħaq qbil fuq il-parametri ewlenin ta’ pjan ta’ salvataġġ għal Ċipru mill-Unjoni Ewropea, mill-FMI u mill-BĊE. Il-Hellenic Systemic Stability Board (“HSSB”) ippropona b’mod unanimu t-trasferiment tal-assi u l-obbligazzjonijiet Griegi tal-fergħat tat-tliet Banek Ċiprijotti fil-Greċja lil bank Grieg eżistenti. B’mod partikolari, l-HSSB iddikjara li “l-[…] (*3) ftehim jiggarantixxi b’mod sħiħ li d-depożituri tal-fergħat Griegi [tat-tliet Banek Ċiprijotti], jissalvagwardja l-interess pubbliku Grieg u l-istabbiltà finanzjarja u ma jikkawżax il-piż tad-dejn pubbliku Grieg”.

(72)

Il-Bank of Greece ġie assenjat sabiex jesplora l-interess potenzjali mill-banek Griegi u, f’dan il-kuntest, għamel stedina għal espressjoni tal-interess. Barra minn hekk, l-HFSF qabel li jkopri l-ħtiġijiet kapitali (tal-akkwirent) li jirriżultaw mill-akkwiżizzjoni tal-fergħat Griegi tat-tliet Banek Ċiprijotti.

(73)

It-tabella 6 tiġbor fil-qosor l-assi u l-obbligazzjonijiet tat-tliet Banek Ċiprijotti, li fl-aħħar mill-aħħar ġew ittrasferiti lill-Bank (“Attivitajiet Ċiprijotti Ttrasferiti”).

Tabella 6

Attivitajiet Ittrasferiti tat-tliet Banek Ċiprijotti

 

Attivitajiet Ittrasferiti

Assi

Is-self Grieg kollu, inkluż il-kiri u l-fatturament

Is-self għat-trasport bil-baħar u self ieħor oriġinaw minn u ġew ġestiti fil-Greċja u rreġistrati fil-ktieb tas-self Ċiprijott

Assi fissi (minbarra l-assi ta’ taxxa differita)

Obbligazzjonijiet

Id-depożiti kollha tat-tliet Banek Ċiprijotti miġbura fil-Greċja

Sors:

Dokument dwar il-Kondizzjonijiet, Il-konċessjoni u l-bejgħ tal-assi Griegi tal-banek Ċiprijotti, l-10 ta’ April 2013

(74)

L-assi ttrasferiti lill-Bank kienu jammontaw għal madwar EUR 18,9 biljun u l-obbligazzjonijiet kienu jammontaw għal madwar EUR 15-il biljun. Madankollu, il-partijiet għat-tranżazzjoni qablu li jieħdu f’kunsiderazzjoni l-ammont ta’ telf li kien previst fir-rapport tal-PIMCO għall-banek f’Ċipru, taħt xenarju avvers (38). Skont ir-rapport ta’ PIMCO, il-valur tal-assi li kellhom jiġu ttrasferiti lill-Bank kienu jammontaw għal madwar EUR 16,5 biljun. L-obbligazzjonijiet ittrasferiti kienu jammontaw għal madwar EUR 14,5 biljun.

(75)

Fil-21 u fit-22 ta’ Marzu 2013, kien hemm tliet banek biss, inkluż il-Bank, li ssottomettew offerti mhux vinkolanti.

(76)

Fit-22 ta’ Marzu 2013, l-HFSF ta l-kunsens tiegħu għall-akkwiżizzjoni tal-operazzjonijiet tat-tliet Banek Ċiprijotti fil-Greċja mill-Bank. Il-kunsiderazzjoni totali mħallsa mill-Bank għall-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti tal-Banek Ċiprijotti kienet ta’ EUR 524 miljun. B’mod partikolari, kien maqbul li l-Bank iħallas EUR 237 miljun għall-akkwiżizzjoni tal-attivitajiet ittrasferiti tal-Bank of Cyprus, EUR 258 miljun għall-akkwiżizzjoni tal-attivitajiet ittrasferiti tas-Cyprus Popular Bank u EUR 29 miljun għall-akkwiżizzjoni tal-attivitajiet ittrasferiti tal-Hellenic Bank.

(77)

F’Ġunju 2013, fil-qafas tar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 (39) l-HFSF injetta EUR 524 miljun ta’ kapital fil-Bank sabiex ikopri l-prezz tax-xiri mħallas mill-Bank.

2.2.4.   L-akkwiżizzjoni ta’ MBG

(78)

MBG ġie stabbilit fis-sena 2000. Fil-31 ta’ Diċembru 2012, MBG kien qiegħed jopera 119-il fergħa u jimpjega 1 174 impjegat (40).

(79)

Fit-22 ta’ April 2013, il-Bank iffirma ftehim definittiv ma’ BCP rigward l-akkwiżizzjoni tal-kapital azzjonarju kollu ta’ MBG u l-parteċipazzjoni ta’ BCP f’żieda tal-kapital li jmiss tal-Bank.

(80)

Skont dak il-ftehim, BCP jikkontribwixxi EUR 400 miljun għar-rikapitalizzazzjoni regolatorja ta’ MBG (li EUR 139 miljun minnhom diġà kienu ġew kontribwiti minn BCP f’Diċembru 2012) permezz tal-konverżjoni ta’ krediti subordinati u privileġġati minn BCP lil MBG f’ekwità. Barra minn hekk, il-finanzjament kollu pprovdut minn BCP lil MBG fil-passat jiġi rrimborżat minn tal-aħħar f’żewġ ħlasijiet parzjali: EUR 650 miljun jitħallsu fid-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni u l-ammont ta’ madwar EUR 250 miljun jitħallas fi żmien sitt xhur mill-għeluq. Fl-aħħar nett, BCP jikkontribwixxi EUR 400 miljun għar-rikapitalizzazzjoni tal-Bank permezz ta’ kollokament privat bl-esklużjoni tad-drittijiet ta’ prelazzjoni. Imbagħad, il-Bank jakkwista l-MBG rikapitalizzat b’mod sħiħ għal EUR 1 miljun.

(81)

Fid-19 ta’ Ġunju 2013, il-Bank ħabbar it-tlestija tal-akkwiżizzjoni ta’ MBG.

2.2.5.   Ħarsa ġenerali lejn l-effett ikkombinat tal-akkwiżizzjonijiet

(82)

It-tabella 7 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-effett tal-akkwiżizzjonijiet suċċessivi fuq id-daqs u l-forma tal-Bank fil-Greċja (ebda waħda mill-entitajiet akkwistati ma kienet tinkludi assi barranin, ħlief għall-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE, li fihom xi assi Rumeni żgħar). B’riżultat ta’ dawk l-akkwiżizzjonijiet, il-Bank issa għandu l-akbar sehem mis-suq fis-suq Grieg tas-self u tad-depożiti.

Tabella 7

L-effett tal-akkwiżizzjonijiet suċċessivi fuq id-daqs ta’ Piraeus fil-Greċja

31.12.2012

Il-Greċja biss

Piraeus awtonomu

ATE

Geniki

Banek Ċiprijotti

MBG

GRUPP ĠDID

Self gross

27 727

12 200

3 308

24 194

4 710

72 138

parti minn grupp ġdid

38  %

17  %

5  %

34  %

7  %

100  %

Self nett

24 811

11 527

1 909

19 481

4 236

61 964

parti minn grupp ġdid

40  %

19  %

3  %

31  %

7  %

100  %

Depożiti

15 412

14 986

2 014

14 427

2 912

49 752

parti minn grupp ġdid

31  %

30  %

4  %

29  %

6  %

100  %

Impjegati

5 926

5 019

1 420

5 268

1 186

18 819

parti minn grupp ġdid

31  %

27  %

8  %

28  %

6  %

100  %

Fergħat

325

460

104

307

120

1 316

parti minn grupp ġdid

25  %

35  %

8  %

23  %

9  %

100  %

Sors:

dejta sottomessa fl-10 ta’ Ġunju 2014 minn Piraeus Bank

2.3.   IL-MIŻURI TA’ GĦAJNUNA

2.3.1.   Il-miżuri ta’ għajnuna mogħtija lill-Bank taħt l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi (il-miżuri L1 u A)

(83)

Il-Bank kiseb diversi forom ta’ għajnuna taħt l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi, taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni, il-miżura ta’ garanzija u l-miżura ta’ self obbligazzjonarju tal-gvern.

2.3.1.1.   Appoġġ ta’ likwidità mill-Istat mogħti taħt il-miżura ta’ garanzija u l-miżura ta’ self obbligazzjonarju tal-gvern (il-miżura L1)

(84)

Il-Bank ibbenefika u qiegħed ikompli jibbenefika minn għajnuna taħt il-miżura ta’ garanzija u l-miżura ta’ self obbligazzjonarju tal-gvern. Dik l-għajnuna sejra tiġi deskritta f’din id-Deċiżjoni bħala l-“miżura L1”. Fl-2010, il-Bank ħareġ bonds garantiti mill-Istat li kienu jammontaw għal total ta’ EUR 9,9 biljun. Il-Greċja sellfet ukoll bonds tal-gvern f’valur ta’ EUR 1 289 miljun lill-Bank. Fl-aħħar ta’ Marzu 2014, l-ammont pendenti ta’ bonds tal-gvern kien ta’ EUR 1 024 miljun (41).

(85)

Fil-pjan ta’ ristrutturar għall-Bank, li ġie sottomess mill-awtoritajiet Griegi lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Ġunju 2014, l-awtoritajiet Griegi talbu awtorizzazzjoni sabiex ikomplu jagħtu garanziji u bonds tal-gvern għal self lill-Bank taħt l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi matul il-perjodu tar-ristrutturar, f’każ li tinħass il-ħtieġa għal tali appoġġ ta’ likwidità, għalkemm dan mhuwiex mistenni li jseħħ.

2.3.1.2.   Rikapitalizzazzjoni mill-Istat mogħtija taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni (il-miżura A)

(86)

F’Mejju 2009 u Diċembru 2011, il-Bank irċieva mingħand il-Greċja, taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni tal-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi, injezzjonijiet kapitali ta’ EUR 370 miljun u EUR 380 miljun, rispettivament, li jammontaw għal total ta’ EUR 750 miljun (il-miżura A), ekwivalenti għal madwar 2,1 % tal-assi mwieżna għar-riskji (“RWA”) (42) tal-Bank f’dak iż-żmien.

(87)

Ir-rikapitalizzazzjoni ħadet il-forma ta’ ishma privileġġati sottoskritti mill-Greċja, li kellhom kupun ta’ 10 % u maturità ta’ ħames snin.

(88)

Il-Bank feda l-ishma privileġġati fit-22 ta’ Mejju 2014, kif deskritt fil-premessa (52).

2.3.2.   ELA garantita mill-Istat (il-miżura L2)

(89)

ELA hija miżura eċċezzjonali li tippermetti lil istituzzjoni finanzjarja solventi, li tkun qiegħda tiffaċċja problemi ta’ likwidità temporanji, sabiex tirċievi finanzjament mill-Eurosistema mingħajr ma tali operazzjoni tkun parti mill-politika monetarja unika. Ir-rata tal-imgħax imħallsa minn istituzzjoni finanzjarja għal ELA hija […] (*4) punti bażi (“bps”) ogħla mill-imgħax li tħallas għal rifinanzjament regolari mill-Bank Ċentrali.

(90)

Il-Bank of Greece huwa responsabbli mill-programm ta’ ELA, li jfisser li kwalunkwe spiża ta’, u r-riskji li jirriżultaw mill-provvediment ta’ ELA jinġarru mill-Bank of Greece (43). Il-Greċja tat lill-Bank of Greece garanzija mill-Istat li tapplika għall-ammont totali ta’ ELA mogħtija mill-Bank of Greece. L-adozzjoni tal-Artikolu 50(7) tal-liġi 3943/2011, li emendat l-Artikolu 65(1) tal-liġi 2362/1995, ippermettiet lill-Ministru tal-Finanzi jagħti garanziji f’isem l-Istat lill-Bank of Greece bil-għan li jissalvagwardja l-pretensjonijiet tal-Bank of Greece kontra l-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Il-banek li jibbenefikaw minn ELA għandhom iħallsu miżata ta’ garanzija lill-Istat li tammonta għal […] bps.

(91)

Fil-31 ta’ Diċembru 2011, il-Bank ibbenefika minn EUR 11,64 biljun ta’ ELA garantita mill-Istat, filwaqt li fil-31 ta’ Diċembru 2012, il-Bank ibbenefika minn EUR 31,4 biljun ta’ ELA garantita mill-Istat (44). Wara tnaqqis qawwi fl-2013, fl-aħħar ta’ dik is-sena, il-Bank ibbenefika minn EUR 750 miljun biss ta’ ELA garantita mill-Istat.

2.3.3.   Il-miżuri ta’ għajnuna mogħtija lill-Bank permezz tal-HFSF (il-miżuri B1, B2, B3 u B4)

(92)

Sa mill-2012, il-Bank ibbenefika minn diversi miżuri ta’ appoġġ kapitali mogħtija mill-HFSF. It-tabella 8 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn dawk il-miżuri ta’ għajnuna.

Tabella 8

Il-miżuri ta’ għajnuna mogħtija lill-Bank permezz tal-HFSF

 

L-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja - Mejju 2012

(f’miljuni ta’ EUR)

It-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja - Diċ 2012

(f’miljuni ta’ EUR)

Ittra ta’ impenn - Diċ 2012

(f’miljuni ta’ EUR)

Il-parteċipazzjoni fir-rikapitalizzazzjoni ta’ Mejju 2013

(f’miljuni ta’ EUR) (45)

Miżura

B1

B2

B3

B4

Ammont

(f’miljuni ta’ EUR)

4 700

1 553

1 082

5 891

2.3.3.1.   L-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja (il-miżura B1)

(93)

Il-premessi 14 sa 33 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus jagħtu deskrizzjoni ddettaljata tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja ta’ Mejju 2012 (il-miżura B1). L-isfond u l-karatteristiċi ewlenin ta’ dik il-miżura huma stabbiliti f’din it-taqsima.

(94)

Fl-20 ta’ April 2012, l-HFSF ipprovda ittra lill-Bank li fiha impenja ruħu li sejjer jipparteċipa f’żieda ppjanata ta’ kapital azzjonarju tal-Bank għal ammont sa EUR 5 biljun.

(95)

Taħt il-miżura B1, l-HFSF ittrasferixxa EUR 4,7 biljun ta’ bonds tal-EFSF lill-Bank f’Mejju 2012, b’konformità mad-dispożizzjonijiet għar-rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji stipulati fil-liġi 3864/2010, li tistabbilixxi l-HFSF (“il-liġi dwar l-HFSF”). Fil-premessa (53) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus, il-Kummissjoni stabbilixxiet li “Ir-rikapitalizzazzjoni tranżitorja ffinalizzata fit-28 ta’ Mejju 2012 hija l-implimentazzjoni tal-obbligu mwettaq fl-ittra ta’ impenn u, b’hekk, hija kontinwazzjoni tal-istess għajnuna”. Il-Bank of Greece kkalkula kemm l-ammonti pprovduti fl-ittra ta’ impenn kif ukoll dawk ipprovduti fl-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja bil-għan li jiżgura li l-Bank laħaq proporzjon kapitali totali ta’ 8 % fil-31 ta’ Diċembru 2011, li hija d-data tar-reġistrazzjoni retroattiva tar-rikapitalizzazzjoni tranżitorja fir-reġistri tal-Bank. Kif jista’ jidher mit-Tabella 3, il-miżura B1 kienet tkopri biss parti mill-ħtiġijiet kapitali totali identifikati mit-test tal-istress tal-2012. Il-Bank kien mistenni li jiġġenera l-kapital permezz ta’ żieda kapitali futura u r-rikapitalizzazzjoni tranżitorja kienet intiża biss biex tippreserva l-eliġibbiltà tal-Bank għall-finanzjament tal-BĊE sakemm saret dik iż-żieda kapitali.

(96)

Għall-perjodu bejn id-data tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja u d-data tal-konverżjoni tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja f’ishma ordinarji u strumenti finanzjarji konvertibbli oħrajn, il-ftehim ta’ qabel is-sottoskrizzjoni bejn il-Bank u l-HFSF stipula li l-Bank kellu jħallas lill-HFSH miżata annwali ta’ 1 % fuq il-valur nominali tan-noti tal-EFSF u li kwalunkwe pagamenti ta’ kupuni u imgħax akkumulat għan-noti tal-EFSF għal dak il-perjodu jitqiesu bħala kontribuzzjoni kapitali addizzjonali mill-HFSF lill-Bank (46).

2.3.3.2.   It-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja (il-miżura B2)

(97)

Il-Bank irreġistra aktar telf fil-ħarifa tal-2012. Għalhekk, il-kapital tiegħu reġa’ waqa’ taħt ir-rekwiżiti kapitali minimi sabiex huwa jkun jista’ jibqa’ eliġibbli għal rifinanzjament mill-BĊE.

(98)

B’riżultat ta’ dan, saret neċessarja t-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja. Fl-20 ta’ Diċembru 2012, l-HFSF implimenta t-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja ta’ EUR 1 553 miljun (il-miżura B2), li għal darba oħra tħallset permezz tat-trasferiment tal-bonds tal-EFSF lill-Bank.

2.3.3.3.   L-ittra ta’ impenn tal-20 ta’ Diċembru 2012 (il-miżura B3)

(99)

Minbarra t-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja, fl-20 ta’ Diċembru 2012, l-HFSF ipprovda lill-Bank b’ittra ta’ impenn għall-parteċipazzjoni tiegħu fiż-żieda tal-kapital azzjonarju tal-Bank u fl-istrumenti konvertibbli li għandhom jinħarġu, għal ammont totali sa EUR 1 082 miljun (il-miżura B3).

(100)

It-total taż-żewġ rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji (il-miżuri B1 u B2) u tal-ammont addizzjonali impenjat f’Diċembru 2012 (il-miżura B3) kien ifisser li l-HFSF impenja ruħu li jkopri l-ħtiġijiet kapitali totali identifikati skont it-test tal-istress tal-2012 (EUR 7,335 miljun (47)).

2.3.3.4.   Il-parteċipazzjoni tal-HFSF fir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 (il-miżura B4) u l-ħlas lura parzjali tal-miżuri B1 u B2

(101)

Fit-23 ta’ April 2013, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-Bank approvat żieda ta’ kapital azzjonarju ta’ EUR 8 429 miljun (48). Dak l-ammont kien ikkalkolat bħala s-somma ta’:

i.

EUR 7 335 miljun sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet kapitali identifikati mit-test tal-istress tal-2012; minn dak l-ammont, l-HFSF issottoskriva EUR 5 891 miljun (il-miżura B4) u l-investituri privati ssottoskrivew EUR 1 444 miljun;

ii.

EUR 570 miljun injettati mill-HFSF sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kapitali regolatorji li rriżultaw min-negozju akkwistat ta’ ATE Bank, kif impenjat f’Lulju 2012; dik il-miżura ġiet ivvalutata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni dwar il-Likwidazzjoni ta’ ATE, li sabet li tali miżura ma kienet tikkostitwixxi ebda għajnuna lill-Bank;

iii.

EUR 524 miljun injettati mill-HFSF sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet kapitali li rriżultaw mill-ħlas tal-prezz tax-xiri għall-operazzjonijiet Griegi tat-tliet Banek Ċiprijotti; dik il-parti taż-żieda fil-kapital tikkostitwixxi l-miżura Ċ (49).

(102)

Il-prezz tal-ishma l-ġodda kien stabbilit bħala EUR 1,70 għal kull sehem, li jikkorrispondi għal 50 % tal-prezz medju tal-istokks ippeżat skont il-volum fuq il-perjodu ta’ 50 jum tan-negozjar qabel id-determinazzjoni tiegħu.

(103)

Fit-3 ta’ Ġunju 2013, il-Bord tad-Diretturi tal-Bank ħabbar il-ħruġ ta’ 3 888 268 914 ishma ġodda b’valur nominali ta’ EUR 0,30 u bi prezz ta’ EUR 1,70 għal kull sehem (50). Fit-28 ta’ Ġunju 2013, il-Bank ħabbar (51) li l-Bord tad-Diretturi kien iċċertifika l-ħlas sħiħ taż-żieda tal-kapital totali f’sehem għal ammont totali ta’ EUR 8 429 miljun, inklużi l-ammonti tal-primjum.

(104)

Il-parteċipazzjoni privata totali fiż-żieda tal-kapital azzjonarju tal-Bank kienet tammonta għal EUR 1 444 miljun (52). Dak l-ammont jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ BCP kif deskritta fil-premessa 80.

(105)

Għalhekk, il-parteċipazzjoni tal-HFSF fiż-żieda tal-kapital azzjonarju tal-Bank kienet tammonta għal EUR 6 985 miljun.

(106)

Immedjatament wara r-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, l-HFSF sar l-azzjonarju prinċipali tal-Bank b’sehem ta’ 81 % (53). L-HFSF ħareġ iċ-ċertifikati u ta lill-investituri privati ċertifikat wieħed għal kull sehem sottoskritt, għall-ebda kunsiderazzjoni (54). Kull ċertifikat jinkorpora d-dritt li jinxtraw 4,48 ishma tal-HFSF, f’intervalli speċifikati u bi prezzijiet tal-eżerċitar. L-ewwel data tal-eżerċizzju kienet it-2 ta’ Jannar 2014 u mbagħad iċ-ċertifikati jkunu eżerċitabbli kull sitt xhur sat-2 ta’ Jannar 2018. Il-prezz tal-eżerċizzju huwa ugwali għall-prezz tas-sottoskrizzjoni ta’ EUR 1,70 miżjud b’rata tal-imgħax annwali (4 % għall-ewwel sena, 5 % għat-tieni sena, 6 % għat-tielet sena, 7 % għar-raba’ sena u mbagħad 8 % annwalizzata għall-aħħar sitt xhur) (55).

(107)

Il-liġi dwar l-HFSF kif emendata fl-2014 tistabbilixxi li huma biss il-prezzijiet tal-eżerċitar taċ-ċertifikati li jistgħu jiġu aġġustati f’każ ta’ ħruġ ta’ drittijiet. Barra minn hekk, kwalunkwe aġġustament bħal dan iseħħ ex post u biss sal-ammont tar-rikavat irrealizzat mill-bejgħ tad-drittijiet ta’ prelazzjoni tal-HFSF. Ma huwa previst ebda aġġustament f’każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju mhux ta’ prelazzjoni.

2.3.4.   Il-miżuri ta’ għajnuna għan-negozji akkwistati (il-miżura Ċ)

2.3.4.1.   Il-miżuri ta’ għajnuna għal ATE

(108)

Kif issemma fil-premessa 58, fiż-żmien tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar ta’ ATE, ATE kien diġà bbenefika minn miżuri ta’ għajnuna.

(109)

F’Diċembru 2011, l-Istat Grieg injetta EUR 290 miljun f’ATE.

(110)

Ir-riżoluzzjoni tas-27 ta’ Lulju 2012, kif deskritta fil-premessi 62 u 63, kienet tinvolvi wkoll appoġġ addizzjonali mill-Istat. L-HFSF ta lill-Bank bonds tal-EFSF b’valur ta’ EUR 7 471 miljun sabiex tiġi koperta d-diskrepanza tal-likwidità. L-HFSF impenja ruħu wkoll li jirrikapitalizza lill-Bank għal ammont ta’ EUR 570 miljun.

(111)

B’mod ġenerali, l-għajnuna relatata mal-proċedura ta’ Xiri u Suppożizzjoni tammonta għal EUR 8 041 miljun.

2.3.4.2.   Il-miżuri ta’ għajnuna għall-operazzjonijiet Griegi tat-tliet Banek Ċiprijotti (il-miżura Ċ)

(112)

Kif issemma diġà fil-premessi 77 u 101, fiż-żmien tal-akkwiżizzjoni tal-operazzjonijiet Griegi tat-tliet Banek Ċiprijotti, l-HFSF impenja ruħu li jipprovdi EUR 524 miljun ta’ kapital lill-Bank (il-miżura Ċ). Dak l-impenn kien implimentat f’Ġunju 2013 (56).

2.4.   IL-PJAN TA’ RISTRUTTURAR

2.4.1.   Operazzjonijiet domestiċi

(113)

Permezz tal-pjan ta’ ristrutturar, il-Bank sejjer jiffoka fuq l-attivitajiet bankarji prinċipali tiegħu fil-Greċja.

(114)

L-enfasi ewlenija hija li l-operazzjonijiet bankarji Griegi jinġiebu lura għal profittabbiltà u vijabbiltà. Għal dak il-għan, il-pjan ta’ ristrutturar jinkludi għadd ta’ miżuri li huma mmirati biex itejbu l-effikaċja operattiva u l-marġini tal-imgħax nett tal-Bank, kif ukoll miżuri li jsaħħu l-pożizzjoni kapitali u l-istruttura tal-karta bilanċjali tiegħu.

(115)

Fir-rigward tal-effikaċja operattiva, il-Bank diġà beda programm vast ta’ razzjonalizzazzjoni.

(116)

Mill-31 ta’ Diċembru 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2013, il-Bank naqqas il-preżenza fiżika tiegħu fil-Greċja b’total ta’ 322 fergħa, billi ħa f’kunsiderazzjoni r-ristrutturar tal-entitajiet akkwistati wara d-data tal-akkwiżizzjoni. Il-Bank żamm ritmu sostnut fl-2014, b’[…] għeluq diġà kompluti fl-ewwel semestru.

Tabella 9

Ir-ristrutturar tan-netwerk tal-fergħat Griegi 2010 - l-ewwel nofs tal-2014

Perjodu

2011

2012

2013

L-ewwel nofs tal-2014

In-numru totali ta’ fergħat fil-bidu tal-perjodu jew fid-data tal-akkwiżizzjoni

360

918

1 316

1 037

Li minnhom Piraeus

(…)

(…)

(…)

(…)

ATE

(…)

(…)

Geniki

(…)

(…)

Fergħat Ċiprijotti

(…)

(…)

(…)

MBG

(…)

(…)

(…)

Tmiem totali tal-perjodu

346

889

1 037

899

Għeluq ta’ fergħat totali matul il-perjodu

14

29

279

138

Sors:

pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, pp. 40 u 125, Rapporti Annwali tal-2011 u tal-2012

(117)

Il-Bank naqqas ukoll l-għadd totali ta’ servizzi bankarji u mhux bankarji fil-Greċja matul il-perjodu 2011-2013 b’2 519-il impjegat. B’mod partikolari, 2 114-il tluq kienu attribwibbli għall-iskema ta’ rtirar volontarju li ġiet implimentata mill-Bank.

Tabella 10

It-tnaqqis tal-għadd totali ta’ impjegati Griegi matul il-perjodu 2010 – 2013

Perjodu

2011

2012

2013

Għadd ta’ impjegati totali fil-bidu tal-perjodu jew fid-data tal-akkwiżizzjoni

6 370

12 616

18 628

Li minnhom Piraeus

(…)

(…)

(…)

ATE

(…)

(…)

Geniki

(…)

(…)

Fergħat Ċiprijotti

(…)

(…)

(…)

MBG

(…)

(…)

(…)

Tmiem totali tal-perjodu

6 172

12 365

16 558

Tnaqqis fl-għadd ta’ ħaddiema

198

251

2 070

Sors:

pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, pp. 40 u 125, Rapporti Annwali tal-2011 u tal-2012

(118)

Minn Diċembru 2013 sal-aħħar tal-2017, il-Bank qiegħed jippjana li jkompli jnaqqas, fil-Greċja, l-ammont totali ta’ impjegati tiegħu (minn 16 558 għal […] impjegati) u d-daqs tan-netwerk tiegħu (minn 1 037 għal […] fergħat). (57) […]

(119)

L-effikaċja miżjuda f’termini tal-fergħat u l-persunal sabiex l-ispiża totali tal-attivitajiet Griegi tal-Bank titnaqqas b’[…]% minn EUR 1 394 miljun fuq bażi pro forma fl-2013 għal EUR […] miljun (58) fl-2017 (59). B’riżultat ta’ dan, il-proporzjon spejjeż-dħul mistenni tal-attivitajiet Griegi tiegħu għandu jinżel taħt […]% fi tmiem il-perjodu tar-ristrutturar.

(120)

Il-pjan ta’ ristrutturar jiddeskrivi wkoll kif il-Bank sejjer inaqqas l-ispejjeż tal-finanzjament tiegħu, li huwa kruċjali għat-treġġigħ lura tal-vijabbiltà. Il-Bank qiegħed jistenna li jkun jista’ jħallas rati tal-imgħax aktar baxxi fuq id-depożiti tiegħu fl-isfond tal-ambjent aktar stabbli u, b’mod partikolari, l-istabbilizzazzjoni u l-irkupru antiċipati tal-ekonomija Griega, li mistennija terġa’ tikber mill-2014 ‘il quddiem. Il-marġini mħallsin fuq id-depożiti mistennija jonqsu fil-Greċja (60). Dak it-tnaqqis fil-marġini jinkiseb primarjament billi jitħallsu rati ferm aktar baxxi fuq id-depożiti b’terminu. Bl-istess mod, id-dipendenza tal-Bank fuq ELA u l-finanzjament usa’ mill-Eurosistema sejra tonqos minn aktar minn 45 % tal-assi totali tiegħu fl-2012 għal inqas minn […]% fl-2017 (61).

(121)

Il-pjan ta’ ristrutturar jantiċipa li l-Bank sejjer isaħħaħ ukoll il-karta bilanċjali tiegħu. Il-proporzjon self-depożitu nett tiegħu fil-Greċja sejjer jonqos għal […]% fl-2017 (minn 114 % fl-2013 (62)), filwaqt li l-adegwatezza kapitali tiegħu mistennija tkompli titjieb.

(122)

Prijorità oħra tal-Bank hija l-immaniġġjar tas-self improduttiv (“NPL”). Il-Bank sejjer itejjeb il-proċessi tal-krediti tiegħu kemm fir-rigward tal-oriġini tas-self (kopertura kollaterali aħjar u limiti mnaqqsa) kif ukoll fir-rigward tal-immaniġġjar tal-NPL. Ir-rata tal-NPL sejra tilħaq qrib […]% fl-[…] u mbagħad tibda tonqos, b’rata mistennija ta’ madwar […]% fi tmiem il-perjodu tar-ristrutturar (63). L-ispiża tar-riskju (indebolimenti tat-telf mis-self) sejra tonqos minn qrib EUR 2 biljun fl-2013 għal inqas minn EUR […] miljun fl-2018 (64).

(123)

It-titjib tal-effikaċja operattiva, iż-żieda tal-marġini tal-imgħax nett u l-ispiża dejjem tonqos tar-riskju se jippermettu lill-Bank ikun profittabbli fil-Greċja mill-[…] ‘il quddiem. Il-Bank qiegħed jantiċipa li l-profitti tiegħu sejrin jaqbżu EUR […] biljun fl-2018 għall-attivitajiet domestiċi.

2.4.2.   Attivitajiet bankarji internazzjonali

(124)

Bil-għan li jtejjeb il-profittabbiltà tal-attivitajiet barranin tiegħu, il-Bank diġà beda jimplimenta programm ta’ tnaqqis sinifikanti tal-ispejjeż fin-netwerk internazzjonali. Bejn l-aħħar tal-2011 u Marzu 2014, in-numru ta’ impjegati naqas b’10 % minn 6 634 għal 5 948 u n-numru ta’ fergħat naqas bi 18 % minn 499 għal 410 (65). L-istruttura tal-portafoll internazzjonali tiegħu ġiet issimplifikata wkoll sabiex titnaqqas il-bażi tal-ispejjeż (66).

(125)

Il-pjan ta’ ristrutturar jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza tas-sussidjarji barranin fuq il-kumpanija prinċipali Griega tagħhom fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħhom u li tkompli tiġi ssalvagwardjata l-pożizzjoni kapitali tal-Bank.

(126)

F’Settembru 2012, il-Bank biegħ l-impriża sussidjarja Amerikana tiegħu, li kienet tammonta għal madwar EUR 0,7 biljun tal-assi (13-il fergħa u 158 impjegat).

(127)

Il-Bank sejjer inaqqas l-iskopertura tal-assi barranin tiegħu għal EUR […] biljun fl-aħħar ta’ Ġunju 2018. Dik il-figura tirrappreżenta tnaqqis ta’ […]% (67) meta mqabbla mal-aħħar tal-2012 (68).

(128)

It-tnaqqis tal-assi barranin sejjer ikun ftit iżgħar - għal EUR […] biljun - f’każ li […] (69). F’dak il-każ it-tnaqqis totali tal-assi barranin ikun jammonta għal […]% meta mqabbel mal-aħħar tal-2012.

(129)

Madankollu, minflok jikkonforma mal-limitu massimu msemmi fuq tal-assi totali fl-aħħar ta’ Ġunju 2018, il-Bank jista’ jiddeċiedi li jbigħ […] (70). F’dak il-każ, l-attivitajiet miżmuma ma jirrappreżentawx aktar minn […]% tal-attivitajiet barranin totali tal-Bank fl-aħħar tal-2012.

(130)

Il-Bank sejjer inaqqas il-finanzjament totali tiegħu għall-impriżi sussidjarji barranin.

2.4.3.   Il-ġbir tal-kapital privat u l-kontribuzzjoni mill-azzjonisti eżistenti u mill-kredituri subordinati

(131)

Il-Bank ġabar ammonti sinifikanti ta’ kapital fis-suq u b’hekk naqqas l-għajnuna mill-Istat li kienet meħtieġa mill-Bank.

(132)

L-ewwel nett, fl-2011, il-Bank ġabar xi kapital privat bi ħruġ ta’ drittijiet b’valur ta’ EUR 807 miljun (71). Kif issemma fil-premessa 104, il-Bank irnexxielu jiġbor ukoll kapital mingħand investituri privati permezz tar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013. L-azzjonisti pre-eżistenti kienu wkoll dilwiti ħafna mir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, minħabba li l-HFSF kellu 81 % tal-ishma tal-Bank wara r-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 u l-investituri ġodda kellhom 17 %, sabiex b’hekk l-azzjonisti pre-eżistenti kien fadlilhom biss 2 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja. Mill-2008 ‘il quddiem ma tħallas ebda dividend fi flus kontanti.

(133)

F’April 2014, il-Bank ġabar EUR 1 750 miljun ta’ kapital mis-suq biex ikopri l-ħtiġijiet kapitali addizzjonali tiegħu u biex iħallas lura l-ishma privileġġati miżmuma mill-Greċja. L-ishma l-ġodda nħarġu bil-prezz ta’ EUR 1,7, jiġifieri l-prezz imħallas mill-HFSF fil-qafas tar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013.

(134)

Barra minn hekk, il-bank iġġenera l-kapital billi xtara lura l-istrumenti tad-dejn subordinat u ibridu tiegħu stess bi skont għall-valur nominali. F’Marzu 2012, il-Bank offra li jixtri lura xi strumenti ibridi u tal-grad aktar baxx 2. Il-prezz, iddeterminat fuq il-bażi tal-valur tas-suq u li jinkludi primjum ta’ mhux aktar minn għaxar punti perċentwali, kien iffissat bħala 37 % tal-valur nominali tal-istrument ibridu u 50 % tal-valur nominali għall-istrument tal-grad aktar baxx 2. Ir-rati tal-parteċipazzjoni rispettivi kienu 52,8 % u 18,2 %. F’Mejju 2013, il-Bank nieda eżerċizzju addizzjonali ta’ ġestjoni tal-obbligazzjonijiet sabiex ikun jista’ jixtri lura sa EUR 321 miljun ta’ titoli pendenti. Ir-rata tal-parteċipazzjoni kienet ta’ 20 %. Dak ix-xiri lura suċċessiv irriżulta fi profitt kapitali totali ta’ madwar EUR 120 miljun (72).

2.5.   IMPENJI TAL-AWTORITAJIET GRIEGI

(135)

Fil-25 ta’ Ġunju 2014, il-Greċja tat impenn li l-Bank u l-affiljati tiegħu sejrin jimplimentaw il-pjan ta’ ristrutturar sottomess fl-istess jum u tat impenji oħrajn rigward l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar (“l-Impenji”). L-Impenji, li jinsabu fl-Anness, huma miġbura fil-qosor f’din it-taqsima.

(136)

L-ewwel, il-Greċja tat impenn li l-Bank sejjer jirristruttura l-operazzjonijiet kummerċjali tiegħu fil-Greċja, billi stabbilixxiet numru massimu ta’ fergħat u impjegati fil-31 ta’ Diċembru 2017 fil-Greċja, kif ukoll ammont massimu ta’ spejjeż totali għall-attivitajiet Griegi matul is-sena 2017 (73).

(137)

Il-Greċja tat ukoll impenn li l-Bank sejjer inaqqas l-ispiża tad-depożiti miġbura fil-Greċja. Hija sejra tikkonforma ma’ proporzjon massimu ta’ self-depożiti netti fil-31 ta’ Diċembru 2017 (74). […]

(138)

Fir-rigward tas-sussidjarji barranin tal-Bank, il-Greċja tat impenn li l-Bank sejjer inaqqas mill-ingranaġġ tal-assi barranin tiegħu sat-30 ta’ Ġunju 2018 (75). Barra minn hekk, l-appoġġ ta’ likwidità jew ta’ kapital lil dawk is-sussidjarji huwa strettament limitat f’termini ta’ ammont nominali u ristrett għal ċirkostanzi speċifiċi.

(139)

Il-Greċja tat impenn li l-Bank sejjer ibigħ numru ta’ titoli. Barra minn hekk, il-Bank mhuwiex sejjer jixtri titoli fi grad mhux ta’ investiment, b’xi eċċezzjonijiet limitati (76).

(140)

Il-Greċja tat numru ta’ impenji relatati mal-governanza korporattiva tal-Bank. Hija impenjat li tillimita r-rimunerazzjoni tal-impjegati u tal-maniġers tal-Bank (77).

(141)

Il-Greċja tat ukoll impenn li l-Bank sejjer japplika politika ta’ kreditu prudenti, sabiex jiżgura li d-deċiżjonijiet dwar l-għoti u r-ristrutturar tas-self ikunu mmirati biex jimmassimizzaw il-vijabbiltà u l-profittabbiltà tal-Bank. Il-Bank sejjer jikkonforma mal-istandards għoljin li jirrigwardjaw il-monitoraġġ tar-riskju ta’ kreditu, kif ukoll ir-ristrutturar tas-self (78).

(142)

Numru ta’ impenji jittrattaw l-operazzjonijiet tal-Bank mal-mutwatarji konnessi. Dawk l-impenji għandhom l-għan li jiżguraw li l-Bank ma jiddevjax mill-prattiki bankarji prudenti meta, pereżempju, jagħti jew jirristruttura self lill-impjegati, lill-maniġers u lill-azzjonisti tiegħu, kif ukoll lil entitajiet pubbliċi, partiti politiċi u kumpaniji tal-midja (79).

(143)

Fl-aħħar nett, il-Greċja tat impenn li l-Bank sejjer jikkonforma ma’ xi limitazzjonijiet komportamentali, bħal projbizzjoni fuq il-kupuni u d-dividendi, projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjoni u projbizzjoni fuq ir-reklamar tal-appoġġ mill-Istat (80).

(144)

Dawk l-impenji sejrin jiġu mmonitorjati sal-31 ta’ Diċembru 2018 minn fiduċjarju tal-monitoraġġ.

(145)

Separatament, fis-sottomissjoni tagħha tal-25 ta’ Ġunju 2014, il-Greċja indikat li hija tfittex l-approvazzjoni tal-Kummissjoni qabel kwalunkwe xiri lura taċ-ċertifikati mill-Bank jew minn kwalunkwe entità tal-Istat, inkluż l-HFSF (81).

3.   IR-RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI FUQ L-EWWEL RIKAPITALIZZAZZJONI TRANŻITORJA

(146)

Fis-27 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tivverifika jekk il-kondizzjonijiet tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 (82) ġewx issodisfati fir-rigward tal-adegwatezza, in-neċessità u l-proporzjonalità tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja pprovduta mill-HFSF favur il-Bank (il-miżura B1).

(147)

Fir-rigward tal-adegwatezza tal-miżura, il-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatt li l-għajnuna waslet wara rikapitalizzazzjoni u għajnuna ta’ likwidità minn qabel u minħabba l-perjodu ta’ salvataġġ imtawwal, esprimiet dubji dwar jekk ittieħdux l-azzjonijiet kollha possibbli mill-Bank sabiex jevita li terġa’ tkun meħtieġa tali għajnuna fil-ġejjieni (83). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx ċara dwar min ser ikun qiegħed jikkontrolla l-Bank fil-ġejjieni ladarba l-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja tiġi sostitwita minn rikapitalizzazzjoni permanenti (84) billi l-Bank jista’ jsib ruħu jew taħt il-kontroll tal-Istat jew inkella taħt il-kontroll tas-sidien privati minoritarji li jistgħu jgawdu minn kontroll u ingranaġġ għoli. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni indikat li l-kwalità tal-ġestjoni tal-Bank u, b’mod partikolari, il-proċess tas-self tiegħu, għandhom jiġu ppreservati, sabiex huwa jkun jista’ jsib l-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja xierqa.

(148)

Fir-rigward tan-neċessità tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja, fil-premessa 70 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus, il-Kummissjoni staqsiet jekk ittieħdux il-miżuri kollha possibbli sabiex jiġi evitat li l-Bank jerġa’ jkollu bżonn l-għajnuna fil-ġejjieni. Minbarra dan, billi t-tul tal-perjodu tar-rikapitalizzazzjoni tranżitorja kien inċert, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi jekk dan kienx suffiċjenti u konformi mal-prinċipji tar-rimunerazzjoni u tal-kondiviżjoni tal-piżijiet skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, billi t-termini tal-konverżjoni tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja f’rikapitalizzazzjoni permanenti ma kinux magħrufa fiż-żmien li ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus, il-Kummissjoni ma setgħetx tivvalutahom.

(149)

Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżura, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk is-salvagwardji (il-projbizzjoni fuq ir-reklamar tal-appoġġ mill-Istat, il-projbizzjoni fuq il-kupuni u d-dividendi, il-projbizzjoni fuq opzjoni eżerċitabbli u l-projbizzjoni fuq ix-xiri lura kif deskritti fil-premessa 76 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus) kinux suffiċjenti b’rabta mal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja. Barra minn hekk, fil-premessa 77 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus, il-Kummissjoni qalet li n-nuqqas ta’ regoli li jipprevjenu lill-HFSF milli jikkoordina l-akbar erba’ banek ewlenin (jiġifieri, il-Bank, Eurobank, NBG u Alpha Bank) u n-nuqqas ta’ salvagwardji adegwati li jwaqqfuhom milli jikkondividu informazzjoni kummerċjalment sensittiva jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni pproponiet li jinħatar fiduċjarju tal-monitoraġġ, li jkun fiżikament preżenti fil-Bank.

4.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI DWAR IL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI FUQ L-EWWEL RIKAPITALIZZAZZJONI TRANŻITORJA

4.1.   KUMMENTI MILL-BANK

(150)

Fit-30 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-Bank dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus.

(151)

Fir-rigward tal-adegwatezza tal-miżuri, il-Bank innota li l-kriżi tad-dejn fil-Greċja u fiż-żona tal-euro kienet sitwazzjoni mingħajr preċedenti. L-injezzjoni tal-kapital f’Mejju 2009, ekwivalenti għal 1,0 % tal-RWA, kienet reazzjoni diretta għat-turbulenza eċċezzjonali fis-swieq finanzjarji globali. Fl-aħħar tal-2011, l-injezzjoni ta’ kapital addizzjonali ta’ EUR 380 miljun mill-Greċja kienet ekwivalenti għal 1,1 % tal-RWA tal-Bank f’dak iż-żmien u kienet maħsuba biex tindirizza n-nuqqas ta’ kapital li kien mistenni jirriżulta mir-reċessjoni dejjem tiggrava. Ir-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 4,7 biljun tal-Bank mill-HFSF kienet l-ewwel parti tar-rikapitalizzazzjoni li tindirizza n-nuqqas ta’ kapital li rriżulta mill-PSI u mill-valutazzjoni tal-portafolli tas-self imwettqa minn Blackrock (85) kif ukoll mir-reċessjoni dejjem tiggrava.

(152)

Huwa kien tal-fehma wkoll li l-ħatra mill-Greċja u mill-HFSF ta’ membru wieħed u żewġ membri, rispettivament, fil-Bord tad-Diretturi tal-Bank bħala r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll ta’ membru wieħed tal-HFSF bħala membru tal-Kumitat għar-Riskji tal-Bord tal-Bank, flimkien ma’ oħrajn, iggarantixxiet li huwa ma jkunx jista’ jieħu riskji eċċessivi.

(153)

Fir-rigward tan-neċessità tal-miżuri, il-Bank ikkummenta li l-forma tar-rikapitalizzazzjoni bħala finanzjament tranżitorju ġiet deċiża mill-awtoritajiet Griegi u mill-Unjoni Ewropea, mill-FMI u mill-BĊE u li l-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni tranżitorja ta’ EUR 4,7 biljun kważi paċa l-effett tal-PSI. Fir-rigward tal-konverżjoni tar-rikapitalizzazzjoni tranżitorja f’kapital permanenti, wara l-perjodu mtawwal mingħajr gvern fil-Greċja fit-tieni kwart tal-2012, ladarba ġiet approvata struttura finali, inevitabbilment tiġi attivata d-dilwizzjoni tal-azzjonisti eżistenti u jintlaħaq qbil fuq rimunerazzjoni adegwata (skont it-termini u l-istrumenti użati).

(154)

Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżuri, il-Bank innota li mill-2009 huwa beda jaġġusta l-prattiki tas-self tiegħu billi applika kriterji ta’ kreditu aktar stretti, termini ta’ ħlas lura aċċellerat u limiti ta’ kreditu mnaqqsa. Mill-ewwel kwart tal-2009, it-talbiet kollha għal żborżamenti fuq ammont speċifiku ġew rieżaminati u approvati mill-viċi Direttur Maniġerjali u mill-Maniġer Ġenerali/Kreditu tal-Grupp. Huwa mhux ser ibiddel il-prattiki tan-negozju attwali tiegħu kif stipulati fil-pjan tan-negozju sottomess lill-Bank of Greece u mhux ser idgħajjef l-istandards tas-self attwali. Dawk l-istandards kienu fost l-aktar stretti fl-industrija, kif indikat ukoll mir-riżultati tajbin ħafna miksuba mill-Bank fl-eżerċizzju dijanjostiku ta’ Blackrock Solutions. Dawk l-intenzjonijiet jiġu garantiti mir-rappreżentanza tal-Greċja u tal-HFSF fil-Bord tad-Diretturi tal-Bank.

(155)

Fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni għall-ħatra ta’ fiduċjarju tal-monitoraġġ, il-fehma tal-Bank kienet li diġà kien qiegħed isir monitoraġġ mill-qrib minn diversi partijiet terzi, bħall-Bank of Greece, awdituri esterni, ir-rappreżentant tal-Greċja u r-rappreżentanti tal-HFSF.

4.2.   KUMMENTI MINN BANK GRIEG IEĦOR

(156)

Fit-3 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand bank Grieg rigward id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus. Dak il-bank Grieg ikkummenta li r-rikapitalizzazzjoni tal-banek Griegi mill-HFSF kienet tikkostitwixxi, fil-prinċipju, pass mixtieq lejn sistema bankarja aktar b’saħħitha u vijabbli u ma esprima ebda oġġezzjoni għar-rikapitalizzazzjoni tal-Bank.

(157)

Madankollu, filwaqt li esprima l-appoġġ kollu tiegħu għall-prinċipju tar-rikapitalizzazzjoni tal-banek Griegi mill-HFSF, dak il-bank Grieg spjega li, sabiex jitnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tiġi evitata d-diskriminazzjoni, huwa kien qiegħed jistenna li r-rikapitalizzazzjoni mill-HFSF tkun miftuħa għall-banek kollha li joperaw fil-Greċja taħt kondizzjonijiet simili.

5.   KUMMENTI MILL-GREĊJA DWAR IL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI FUQ L-EWWEL RIKAPITALIZZAZZJONI TRANŻITORJA

(158)

Fil-5 ta’ Settembru 2012, il-Greċja ssottomettiet il-kummenti tagħha, li tħejjew mill-Bank of Greece u mill-HFSF.

5.1.   KUMMENTI MILL-BANK OF GREECE

(159)

Fir-rigward tal-adegwatezza tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja, il-Bank of Greece innota li l-ammont ta’ EUR 18-il biljun ta’ kapital li permezz tiegħu l-HFSF irrikapitalizza l-akbar erba’ banek Griegi f’Mejju 2012 kien inqas mill-ammont finali li kien meħtieġ għal dawk il-banek sabiex gradwalment ikunu jistgħu jilħqu u jżommu proporzjon ta’ kapital fil-Grad 1 iffissat f’perċentwal ta’ 10 % sa Ġunju 2012 u proporzjon ta’ kapital fil-Grad 1 iffissat f’perċentwal ta’ 7 % taħt xenarju ta’ stress avvers fuq perjodu ta’ tliet snin. Huwa innota wkoll li l-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja kienet temporanja, meta wieħed iqis li l-proċess ta’ rikapitalizzazzjoni sejjer jiġi konkluż b’żidiet ta’ kapital azzjonarju minn dawk l-erba’ banek.

(160)

Il-Bank of Greece osserva wkoll li r-rikapitalizzazzjoni tal-akbar banek Griegi kienet parti mir-ristrutturar fuq perjodu ta’ żmien itwal tas-settur bankarju Grieg. Huwa innota li meta bank jibqa’ f’idejn il-privat, il-maniġment probabbilment jibqa’ l-istess, filwaqt li jekk bank isir tal-Istat (jiġifieri jsir proprjetà tal-HFSF), l-HFSF ikun jista’ jaħtar maniġment ġdid li, fi kwalunkwe każ, jiġi vvalutat mill-Bank of Greece. Il-Bank of Greece rrimarka li huwa jivvaluta l-qafas tal-governanza korporattiva, l-adegwatezza tal-ġestjoni u l-profil tar-riskju ta’ kull bank fuq bażi kontinwa bil-għan li jiżgura li ma jittieħdux riskji eċċessivi. Huwa rrimarka wkoll li l-HFSF kien diġà ħatar rappreżentanti fil-Bordijiet tad-Diretturi tal-banek rikapitalizzati.

(161)

Fir-rigward tan-neċessità tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja, il-Bank of Greece osserva li r-rikapitalizzazzjoni tal-Bank kienet limitata sabiex b’hekk jiġi żgurat li jintlaħqu r-rekwiżiti kapitali minimi applikabbli (8 %). Huwa ddikjara wkoll li l-perjodu ta’ żmien imtawwal qabel ir-rikapitalizzazzjonijiet kien dovut għad-deterjorazzjoni qawwija tal-ambjent operattiv fil-Greċja u għall-impatt tal-programm PSI, għall-kumplessità tal-proġett kollu u għall-ħtieġa li tiġi mmassimizzata l-parteċipazzjoni tal-investituri privati fiż-żidiet ta’ kapital azzjonarju.

(162)

Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja, il-Bank of Greece rrimarka li l-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan ta’ ristrutturar li għandu jiġi sottomess lill-Kummissjoni tkun salvagwardjata mill-fatt li s-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tal-HFSF titneħħa jekk, fost l-oħrajn, il-pjan ta’ ristrutturar jinkiser b’mod sostantiv. Il-Bank of Greece osserva wkoll li d-diffikultajiet tal-Bank la kienu dovuti għal sottovalutazzjoni tar-riskji mill-maniġment tal-Bank u lanqas għal azzjonijiet kummerċjalment aggressivi.

5.2.   KUMMENTI MILL-HFSF

(163)

Fir-rigward tal-adegwatezza tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja, sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-interferenza potenzjali mill-Istat f’każ li l-Istat jipprovdi ammonti għoljin ta’ għajnuna mill-Istat permezz tal-HFSF u l-HFSF ikollu drittijiet sħaħ tal-vot, l-HFSF iddikjara li l-banek iffinanzjati mill-HFSF mhumiex meqjusa bħala entitajiet pubbliċi jew taħt il-kontroll tal-Istat u li mhux ser ikunu kkontrollati mill-Istat wara li jkunu ġew rikapitalizzati b’mod permanenti mill-HFSF. L-HFSF irrimarka li huwa entità legali indipendenti għal kollox li hija rregolata mil-liġi privata b’awtonomija li tieħu deċiżjoni. L-HFSF mhuwiex soġġett għal kontroll mill-gvern, skont l-Artikolu 16(Ċ)(2) tal-liġi dwar l-HFSF, li jgħid li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li lilhom l-HFSF ikun ipprovda appoġġ kapitali mhumiex parti mis-settur pubbliku usa’. Huwa rrefera wkoll għall-istruttura governattiva tal-HFSF.

(164)

Fir-rigward tal-intervent tal-HFSF fil-ġestjoni tal-Bank, l-HFSF indika li huwa jirrispetta l-awtonomija tal-Bank u li mhux sejjer jinterferixxi fil-ġestjoni ta’ kuljum tiegħu minħabba li r-rwol tiegħu huwa limitat għal dak stipulat fil-Liġi dwar l-HFSF. Huwa ddikjara li mhux ser ikun hemm interferenza jew koordinazzjoni mill-Istat u li d-deċiżjonijiet tal-Bank fir-rigward tal-proċess tas-self (fost l-oħrajn fuq il-kollateral, l-ipprezzar u s-solvenza tal-mutwatarji) jittieħdu fuq il-bażi ta’ kriterji kummerċjali.

(165)

L-HFSF irrimarka li l-Liġi dwar l-HFSF u l-ftehim ta’ qabel is-sottoskrizzjoni kien fihom salvagwardji xierqa maħsuba biex iwaqqfu lill-azzjonisti privati eżistenti milli jieħdu riskji eċċessivi. Huwa għamel referenza għal elementi bħal (i) il-ħatra tar-rappreżentanti tal-HFSF bħala membri mhux eżekuttivi indipendenti tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank u l-preżenza tagħhom fil-kumitati, (ii) it-twettiq ta’ diliġenza dovuta mill-HFSF fil-Bank u (iii) il-fatt li, wara r-rikapitalizzazzjoni finali, id-drittijiet tal-vot tiegħu sejrin ikunu ristretti biss sakemm il-Bank ikun konformi mat-termini tal-pjan ta’ ristrutturar.

(166)

L-HFSF qal li hemm miżuri xierqa fis-seħħ li huma maħsuba biex jiggarantixxu li l-banek li fihom jipparteċipa l-HFSF ma jikkondividux informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejniethom. Dawn jinkludu l-ħatra ta’ rappreżentanti differenti tal-HFSF f’dawk il-banek, il-mandati indirizzati lil dawk ir-rappreżentanti li jissalvagwardjaw speċifikament kontra l-fluss tal-informazzjoni minn rappreżentant għal ieħor u struzzjonijiet interni ċari lil dawk ir-rappreżentanti sabiex ma jittrasmettux informazzjoni kummerċjalment sensittiva tal-banek. Barra minn hekk, l-HFSF qal li huwa ma jeżerċitax id-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-banek b’mod li jista’ jipprevjeni, jirrestrinġi, ifixkel jew inaqqas jew jimpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva. Fl-aħħar nett, l-HFSF irrimarka li l-membri tal-Bord tad-Diretturi tiegħu, flimkien mal-impjegati tiegħu, huma soġġetti għal regoli stretti ta’ kunfidenzjalità u doveri fiduċjarji, kif ukoll huma marbutin b’dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-segretezza professjonali fir-rigward tal-affarijiet tiegħu.

6.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA RELATATA MAL-AKKWIŻIZZJONI TA’ ATE U MAL-OPERAZZJONIJIET GRIEGI TAT-TLIET BANEK ĊIPRIJOTTI

6.1.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA RELATATA MA’ ATE

(167)

Fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar ta’ ATE, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri deskritti fil-premessi 58 u 108 ta’ din id-Deċiżjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u li huma konformi mas-suq intern.

(168)

Fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar ta’ ATE, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri deskritti fil-premessi 109 u 110 ta’ din id-Deċiżjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat għall-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna lil ATE tkun kompatibbli mas-suq intern biss jekk l-integrazzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE tiġi implimentata skont il-pjan u jekk il-pjan ta’ ristrutturar tal-Bank – li jinkludi l-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE – jippermetti li titreġġa’ lura l-vijabbiltà fit-tul tiegħu. Dak it-treġġigħ lura tal-vijabbiltà fit-tul sejjer jiġi stabbilit fit-taqsima 7.6.2.

(169)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex bżonn tivvaluta mill-ġdid il-miżuri msemmija qabel u fil-fatt tikkonferma li huma kompatibbli mas-suq intern.

6.2.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA RELATATA MAL-OPERAZZJONIJIET GRIEGI TAT-TLIET BANEK ĊIPRIJOTTI (IL-MIŻURA Ċ)

6.2.1.   L-eżistenza u l-ammont ta’ għajnuna

(170)

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat fir-rigward tal-miżura Ċ. Skont dik id-dispożizzjoni, għajnuna mill-Istat hija kwalunkwe għajnuna mogħtija mir-riżorsi ta’ Stat Membru fi kwalunkwe forma, tkun xi tkun, li tfixkel, jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti, safejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(171)

Ir-rikapitalizzazzjoni mill-HFSF tal-Bank għal EUR 524 miljun kienet impenjata f’Marzu 2013 matul il-proċess tas-sejħiet għall-offerti għall-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti. Għalhekk, il-miżura ngħatat f’Marzu 2013. Ir-rikapitalizzazzjoni proprja seħħet fil-qafas tar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 (86).

(172)

Ir-rikapitalizzazzjoni tal-Bank saret mill-HFSF, li huwa entità mwaqqfa u ffinanzjata mill-Greċja sabiex tappoġġja lill-banek u, għaldaqstant, l-iżborżament sar bl-użu ta’ riżorsi tal-Istat.

(173)

Fir-rigward tal-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat, ir-rikapitalizzazzjoni, kif ġie spjegat fil-premessa (72), kellha l-għan li tkopri l-ħtiġijiet kapitali li jirriżultaw mill-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti. Barra minn hekk, ir-rikapitalizzazzjoni sejra tkun disponibbli għal kwalunkwe bank Grieg li jakkwista l-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti. L-offerta tal-Bank, kif ippreżentata lill-HFSF għall-approvazzjoni, ħadet f’kunsiderazzjoni rikapitalizzazzjoni mill-HFSF. F’dak iż-żmien, il-kapital kien skars għall-banek Griegi u ebda wieħed minnhom ma kien ikun jista’ jakkwista l-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti mingħajr il-wegħda ta’ rikapitalizzazzjoni. Għalhekk, anki jekk ir-riċevitur formali tal-kapital ipprovdut mill-HFSF huwa l-Bank, il-Kummissjoni tqis li l-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat huwa l-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti, minħabba li l-miżura tippermettilhom li jinbiegħu lil bank Grieg. Mingħajr ir-rikapitalizzazzjoni tal-Bank, dawn ma kinux ikunu jistgħu jinkisbu minn bank Grieg. Li kieku dawn kienu jispiċċaw jitħallew fi gruppi li jgħaddu minn diffikultajiet estremi (kemm is-Cyprus Popular Bank kif ukoll il-Bank of Cyprus kienu taħt riżoluzzjoni minħabba l-ħtiġijiet kapitali kbar tagħhom) u, għalhekk, probabbilment kienu jispiċċaw ifallu jew, għall-inqas, kienu jsofru minn ħruġ kbir ta’ depożiti. B’rabta mal-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Kummissjoni tosserva wkoll li r-rikapitalizzazzjoni tal-Bank mill-HFSF mhijiex konformi mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq: f’dak iż-żmien ta’ inċertezza kbira, investitur privat li jopera taħt kondizzjonijiet tas-suq normali ma kienx jimpenja ruħu li jinjetta ammont kbir ta’ kapital fil-Bank fil-ġejjieni mingħajr ma jkun jaf it-termini tal-injezzjoni futura (jiġifieri l-prezz tal-ħruġ) minn qabel.

(174)

Barra minn hekk, il-miżura hija prima facie selettiva, minħabba li hija tapplika esklussivament għall-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti (li kull waħda minnhom tikkostitwixxi impriża) u mhux għal kwalunkwe impriża oħra.

(175)

Fl-aħħar nett, l-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti, jiġifieri, il-fergħat Griegi tat-tliet Banek Ċiprijotti, jikkompetu ma’ banek oħrajn, inklużi sussidjarji ta’ banek barranin, li huma attivi fil-Greċja jew potenzjalment interessati li jidħlu fis-suq Grieg. B’hekk, is-salvataġġ ta’ dawk l-attivitajiet ifixkel il-kompetizzjoni u għandu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(176)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rikapitalizzazzjoni tal-Bank mill-HFSF li tammonta għal EUR 524 miljun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

Il-Benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat

(177)

Kif ġie spjegat diġà fil-premessa 173, il-Kummissjoni tqis l-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti bħala l-benefiċjarju tal-iżborżament tal-bonds tal-EFSF mill-HFSF.

(178)

Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-premessi 71 u 173, l-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti, jiġifieri, il-fergħat Griegi tat-tliet Banek Ċiprijotti, kellhom jiġu akkwistati minn bank ieħor għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja u primarjament minħabba li t-tliet Banek Ċiprijotti kienu jinsabu f’sitwazzjoni diffiċli ħafna. Għalhekk, il-kwistjoni tal-bejgħ tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti u jekk dak il-bejgħ jinvolvix għajnuna mill-Istat lix-xerrej, jiġifieri l-Bank, għandha tiġi eżaminata taħt it-taqsima “Il-vijabbiltà permezz tal-bejgħ ta’ bank” tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar. (87).

(179)

Għall-finijiet ta’ dak il-bejgħ, il-Bank of Greece ddeċieda li jikkuntattja biss lill-akbar banek domestiċi li joperaw fil-Greċja, li minnhom kienu biss il-Bank u żewġ banek oħrajn li ssottomettew offerti mhux vinkolanti. Il-Bank huwa l-uniku offerent li ssottometta offerta vinkolanti valida. Is-sett limitat ta’ xerrejja li ġew ikkuntattjati ma jistax jeskludi li l-offerta kienet miftuħa meta wieħed iqis li kien raġonevoli li ma tkunx mistennija offerta formali mingħand investituri oħrajn. Tabilħaqq, f’dak iż-żmien, minħabba n-nuqqas ta’ stabbiltà finanzjarja tas-sistema bankarja Griega, li rreġistrat telf kbir mis-self minħabba r-reċessjoni profonda u fit-tul, il-banek barranin preżenti fil-Greċja ċedew, jew kienu waslu biex iċedu mill-attivitajiet Griegi tagħhom (pereżempju; Geniki, MBG u Emporiki Bank). Fi kliem ieħor, huma kienu qegħdin joħorġu mis-suq Grieg u ma kinux qegħdin ifittxu opportunitajiet ta’ investimenti ġodda fil-Greċja. Barra minn hekk, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li kien biss investitur li kapaċi jistabbilizza l-attivitajiet akkwistati malajr u jagħmilhom vijabbli - jiġifieri grupp bankarju kbir - li seta’ jkun interessat f’dawk l-attivitajiet. Fl-aħħar nett, minħabba l-limitu ta’ żmien qasir ħafna disponibbli għall-għeluq tal-bejgħ - li kien iddettat mill-kriżi finanzjarja li matulha kienu qegħdin joperaw il-banek soġġetti għall-bejgħ - il-parteċipazzjoni tal-banek barranin jew ta’ tipi oħrajn ta’ investituri fil-proċedura tal-bejgħ kienet improbabbli ħafna, billi dawk l-investituri normalment ikunu jridu li titwettaq diliġenza dovuta tal-assi offruti għall-bejgħ qabel jissottomettu offerta formali.

(180)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prezz tal-bejgħ tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti kien il-prezz tas-suq u li l-għajnuna pprovduta lix-xerrej, jiġifieri l-Bank, tista’ tiġi eskluża.

6.2.2.   Il-bażi legali għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà

(181)

L-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex issib li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern jekk din tkun intiża “biex tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”.

(182)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kriżi finanzjarja globali tista’ toħloq taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru u li l-miżuri li jappoġġjaw lill-banek jistgħu jirrimedjaw dak it-taqlib. Dan kien ikkonfermat fil-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar. Il-Kummissjoni xorta waħda tqis li r-rekwiżiti għall-għajnuna mill-Istat li għandha tiġi approvata skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat huma ssodisfati fid-dawl tal-istress li reġa’ tfaċċa fis-swieq finanzjarji. Il-Kummissjoni kkonfermat dik il-fehma billi adottat il-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011 (88) u l-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 (89).

(183)

Fir-rigward tal-ekonomija Griega, fid-deċiżjonijiet tagħha li japprovaw u jestendu l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi, kif ukoll fl-approvazzjonijiet minnha tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Greċja lil banek individwali (90), il-Kummissjoni rrikonoxxiet li teżisti theddida ta’ taqlib serju fl-ekonomija Griega u li l-appoġġ mill-Istat lill-banek huwa xieraq sabiex jiġi rrimedjat dak it-taqlib. Għalhekk, il-bażi legali għall-valutazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna għandha tkun l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat.

(184)

Matul il-kriżi finanzjarja, il-Kummissjoni żviluppat kriterji ta’ kompatibbiltà għat-tipi differenti ta’ miżuri ta’ għajnuna. Il-prinċipji għall-valutazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna ġew stipulati għall-ewwel darba fil-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008.

(185)

B’konformità mal-punt 15 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, sabiex għajnuna tkun kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, hija għandha tikkonforma mal-kriterji ġenerali għall-kompatibbiltà:

(a)

Adegwatezza: L-għajnuna għandha tkun immirata sewwa sabiex tkun tista’ tilħaq b’mod effettiv l-għan li tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija. Dan ma jkunx il-każ jekk il-miżura ma tkunx xierqa sabiex tirrimedja t-taqlib.

(b)

Neċessità: Il-miżura ta’ għajnuna, fl-ammont u l-forma tagħha, trid tkun neċessarja sabiex tilħaq l-għan. Għalhekk, hija trid tkun tal-ammont minimu neċessarju sabiex tilħaq l-għan u tieħu l-aktar forma xierqa sabiex tirrimedja t-taqlib.

(c)

Proporzjonalità: L-effetti pożittivi tal-miżura jridu jkunu bbilanċjati b’mod xieraq kontra d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, sabiex b’hekk id-distorsjonijiet ikunu limitati għall-minimu neċessarju sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tal-miżura.

(186)

Matul il-kriżi finanzjarja, il-Kummissjoni żviluppat kriterji tal-kompatibbiltà għat-tipi differenti ta’ miżuri ta’ għajnuna. Il-prinċipji għall-valutazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna ġew stipulati għall-ewwel darba fil-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008.

(187)

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni tistabbilixxi aktar gwida dwar il-livell ta’ rimunerazzjoni meħtieġa għall-injezzjonijiet ta’ kapital mill-Istat.

(188)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni spjegat fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar kif sejra tivvaluta l-pjanijiet ta’ ristrutturar. Fil-valutazzjoni tagħha tal-pjan ta’ ristrutturar tal-Bank taħt il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, il-Kummissjoni sejra tieħu f’kunsiderazzjoni l-miżuri kollha li huma elenkati fit-Tabella 11.

6.2.3.   Il-konformità tal-miżura ta’ għajnuna Ċ mal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 u mal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni

6.2.3.1.   Adegwatezza

(189)

Fir-rigward tal-adegwatezza tal-miżura, jiġifieri, l-impenn mogħti mill-HFSF għar-rikapitalizzazzjoni tal-Bank b’valur li jammonta għal EUR 524 miljun, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura hija xierqa minħabba li ppermettiet il-bejgħ tal-operazzjonijiet Griegi tat-tliet Banek Ċiprijotti lill-Bank.

(190)

Fin-nuqqas tal-miżura, ebda wieħed mill-banek Griegi, inkluż il-Bank, ma kien ikun irid jakkwista l-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti fi żmien meta ebda bank minn barra l-Greċja ma ried jidħol f’dak is-suq. Li kieku ma ġewx akkwistati l-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti, dawk l-attivitajiet u, b’mod partikolari, id-depożiti tal-fergħat Griegi kienu jsibu ruħhom fil-periklu. Għalhekk, il-miżura żgurat li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja fil-Greċja. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ssib li l-miżura hija xierqa bħala għajnuna ta’ salvataġġ.

6.2.3.2.   Neċessità

(191)

B’konformità mal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, il-miżura ta’ għajnuna trid, fl-ammont u l-forma tagħha, tkun neċessarja sabiex tilħaq l-għan tal-miżura. Hija timplika li injezzjoni ta’ kapital, pereżempju, trid tkun tal-ammont minimu neċessarju sabiex tilħaq dak l-għan.

(192)

Fi żmien meta kien diffiċli ħafna għall-banek Griegi sabiex isibu l-kapital, il-miżura kopriet il-ħtiġijiet kapitali li jirriżultaw mill-ħlas tal-prezz tax-xiri għall-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti sabiex tkun tista’ sseħħ l-akkwiżizzjoni.

(193)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota b’mod pożittiv li l-għajnuna ħadet il-forma ta’ injezzjoni ta’ kapital fil-qafas tar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 billi l-HFSF ma ta ebda għotja lill-Bank iżda rċieva ishma ordinarji għall-istess valur.

(194)

Għalhekk, il-miżura hija meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan tal-limitazzjoni tat-taqlib fis-sistema bankarja Griega u fl-ekonomija b’mod ġenerali.

6.2.3.3.   Proporzjonalità

(195)

L-attivitajiet megħjuna nbiegħu wara li l-awtoritajiet Griegi nedew sejħa għall-offerti. Barra minn hekk, l-attivitajiet akkwistati malajr ġew integrati fi ħdan il-Bank. L-għajnuna ma ppermettietx li l-attivitajiet megħjuna jibqgħu bħala kompetituri separati fis-suq.

(196)

Barra minn hekk, l-ammont tal-għajnuna kien relattivament żgħir minħabba li jikkorrispondi għal madwar 3 % tas-self nett totali tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti (jew madwar 3 % tal-RWA tagħhom) (91).

(197)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżura kienet imfassla b’tali mod li tnaqqas id-distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni.

6.2.3.4.   Konklużjoni dwar il-konformità mal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 u mal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni

(198)

Fuq il-bażi tal-analiżi fil-premessi 189 sa 197, huwa konkluż li r-rikapitalizzazzjoni tal-Bank mill-HFSF, li tammonta għal EUR 524 miljun, kienet xierqa, meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan tal-limitazzjoni tat-taqlib fis-sistema bankarja Griega u fl-ekonomija b’mod ġenerali u kienet imfassla b’tali mod li tnaqqas id-distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni, kif ukoll hija konformi mal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 u mal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.

6.2.4.   Il-konformità tal-miżura ta’ għajnuna mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar

(199)

Kif ġie spjegat fil-premessa 178, il-bejgħ tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti jaqa’ taħt it-taqsima tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar dwar “Il-vijabbiltà permezz tal-bejgħ ta’ bank”. B’konformità mal-punt 17 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, fil-każ tal-bejgħ ta’ bank f’diffikultà lil istituzzjoni finanzjarja oħra, ir-rekwiżiti tal-vijabbiltà, il-kontribuzzjoni proprja u l-limitazzjonijiet tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għandhom jiġu rrispettati.

6.2.4.1.   Il-vijabbiltà fit-tul tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti permezz tal-bejgħ

(200)

Il-punt 17 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar jikkjarifika li l-bejgħ ta’ bank f’diffikultà lil istituzzjoni finanzjarja oħra jista’ jikkontribwixxi għat-treġġigħ lura tal-vijabbiltà fit-tul, jekk l-akkwirent ikun vijabbli u kapaċi jassorbi t-trasferiment tal-bank f’diffikultà u jkun jista’ jgħin sabiex tinkiseb lura l-fiduċja fis-suq.

(201)

Il-Bank irnexxielu jintegra b’suċċess l-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti. Kif ġie ddikjarat fit-taqsima 7.6, fuq il-bażi tal-pjan ta’ ristrutturar tiegħu, il-Bank jista’ jitqies bħala entità vijabbli. Għalhekk, il-fatt li l-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti ġew ittrasferiti lill-Bank jippermetti t-treġġigħ lura għall-vijabbiltà fit-tul tagħhom.

6.2.4.2.   Kontribuzzjoni proprja u kondiviżjoni tal-piżijiet

(202)

Fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-azzjonisti tat-tliet Banek Ċiprijotti għall-ispejjeż tar-ristrutturar, il-Kummissjoni tosserva li t-tliet Banek Ċiprijotti ma biegħux l-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti fil-valur kontabilistiku tagħhom, iżda fil-valur aġġustat skont ir-rapport tal-PIMCO. Barra minn hekk, anki wara li sar dak l-aġġustament, it-tliet Banek Ċiprijotti ttrasferixxew aktar assi minn obbligazzjonijiet lill-Bank. Għalhekk, jista’ jingħad li nkisbet kondiviżjoni tal-piżijiet suffiċjenti tal-azzjonisti, ladarba t-telf fil-valur tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti tħallas mill-bejjiegħa tagħhom.

6.2.4.3.   Miżuri maħsuba sabiex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

(203)

Fir-rigward tal-miżuri maħsuba biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, il-punt 30 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar jistabbilixxi li “il-Kummissjoni tieħu bħala l-punt tat-tluq għall-valutazzjoni tagħha tal-ħtieġa għal tali miżuri, id-daqs, l-iskala u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet li jkollu l-bank inkwistjoni fuq l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar kredibbli … In-natura u l-forma ta’ tali miżuri jiddependu fuq żewġ kriterji: l-ewwel nett, l-ammont tal-għajnuna u l-kondizzjonijiet u ċ-ċirkostanzi li taħthom ingħatat u, it-tieni, il-karatteristiċi tas-suq jew swieq li fihom jopera l-bank benefiċjarju.”

(204)

Kif ġie deskritt fil-premessa 196, l-ammont ta’ għajnuna jikkorrispondi għal madwar 3 % tal-RWA tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan huwa ammont relattivament żgħir meta wieħed iqis li dan ippermetta l-bejgħ tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti u, kif ġie spjegat fil-premessa 190, iggarantixxa ż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja fil-Greċja.

(205)

Wara l-bejgħ tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti, il-fergħat Griegi waqfu jeżistu bħala kompetituri awtonomi, hekk kif ġew integrati b’mod sħiħ fil-Bank.

(206)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li minħabba l-ammont relattivament żgħir ta’ għajnuna għall-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti u l-fatt li l-fergħat Griegi mhux ser jibqgħu jeżistu bħala kompetituri awtonomi, ma hemm ebda distorsjoni żejda tal-kompetizzjoni.

6.2.4.4.   Konklużjoni dwar il-konformità mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar

(207)

Abbażi tal-analiżi fil-premessi 199 sa 206, huwa konkluż li l-bejgħ tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti u l-integrazzjoni tagħhom fil-Bank jiggarantixxu l-vijabbiltà fit-tul tagħhom, li l-għajnuna hija limitata għall-minimu neċessarju u li ma hemm ebda distorsjoni żejda tal-kompetizzjoni, b’konformità mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

(208)

Għalhekk, ir-rikapitalizzazzjoni tal-Bank mill-HFSF, li tammonta għal EUR 524 miljun, għandha tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern.

7.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA MOGĦTIJA LILL-BANK

7.1.   L-EŻISTENZA U L-AMMONT TAL-GĦAJNUNA

(209)

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat lill-Bank skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

7.1.1.   L-eżistenza tal-għajnuna fil-miżuri mogħtija taħt l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi

7.1.1.1.   L-appoġġ ta’ likwidità mogħti mill-Istat taħt il-garanzija u l-miżuri ta’ self obbligazzjonarju mill-gvern (il-miżura L1)

(210)

Il-Kummissjoni diġà stabbilixxiet fid-deċiżjonijiet li japprovaw u jestendu l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi (92) li l-appoġġ ta’ likwidità mogħti taħt l-iskema jikkostitwixxi għajnuna. Fl-2011, il-Bank ħareġ bonds garantiti mill-Istat li kienu jammontaw għal total ta’ EUR 9,9 biljun. Il-Greċja sellfet ukoll EUR 1 289 miljun f’bonds tal-gvern lill-Bank. Fl-aħħar ta’ Marzu 2014, l-ammont pendenti ta’ bonds garantiti mill-Istat u ta’ bonds tal-gvern kien ta’ EUR 9,9 biljun u EUR 1,024 miljun, rispettivament. (93). L-appoġġ ta’ likwidità mogħti fil-ġejjieni taħt l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi wkoll jikkostitwixxi għajnuna.

7.1.1.2.   Rikapitalizzazzjoni mill-Istat mogħtija taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni (il-miżura A)

(211)

Il-Kummissjoni diġà stabbilixxiet fid-Deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi li r-rikapitalizzazzjonijiet li għandhom jingħataw taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni tagħha jikkostitwixxu għajnuna. Il-Bank irċieva EUR 750 miljun permezz ta’ ishma privileġġati, li jirrappreżentaw 2,1 % tal-RWA tal-Bank (94).

7.1.2.   L-eżistenza tal-għajnuna fl-ELA garantita mill-Istat (il-miżura L2)

(212)

Il-Kummissjoni kkjarifikat fil-punt 51 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 li l-għoti ta’ fondi tal-banek ċentrali lill-istituzzjonijiet finanzjarji ma jikkostitwixxi ebda għajnuna jekk jiġu ssodisfati erba’ kondizzjonijiet kumulattivi fir-rigward tas-solvenza tal-istituzzjoni finanzjarja, il-kollateralizzazzjoni tal-faċilità, ir-rata tal-imgħax mitluba lill-istituzzjoni finanzjarja u n-nuqqas ta’ kontro-garanzija mill-Istat. Billi l-ELA garantita mill-Istat mogħtija lill-Bank ma tikkonformax ma’ dawk l-erba’ kondizzjonijiet kumulattivi, b’mod partikolari minħabba li hija garantita mill-Istat u tingħata flimkien ma’ miżuri ta’ appoġġ oħrajn, ma jistax jiġi konkluż li l-ELA garantita mill-Istat ma tikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat.

(213)

L-ELA garantita mill-Istat tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat. L-ewwel nett, minħabba li l-miżura tinkludi garanzija mill-Istat favur il-Bank of Greece, kwalunkwe telf jitħallas mill-Istat. Għalhekk, il-miżura tinvolvi r-riżorsi Statali. L-ELA tippermetti lill-banek jiksbu finanzjament fi żmien meta ma jkollhom ebda aċċess għas-suq tal-finanzjament tal-operaturi u għall-operazzjonijiet regolari ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema. Għalhekk, l-ELA garantita mill-Istat tagħti vantaġġ lill-Bank. Minħabba li l-ELA garantita mill-Istat hija limitata għas-settur bankarju, il-miżura hija selettiva. Minħabba li l-ELA garantita mill-Istat tippermetti lill-Bank ikompli jopera fis-suq u tevita li dan jisfa inadempjenti u jkollu joħroġ mis-suq, mela hija titqies bħala li tfixkel il-kompetizzjoni. Billi l-Bank huwa attiv fi Stati Membri oħrajn u billi l-istituzzjonijiet finanzjarji minn Stati Membri oħrajn joperaw jew potenzjalment ikunu interessati li joperaw fil-Greċja, il-vantaġġ mogħti lill-Bank jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(214)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ELA garantita mill-Istat (il-miżura L2) tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. L-ammont ta’ ELA garantita mill-Istat varja matul iż-żmien. Fil-31 ta’ Diċembru 2012, hija kienet tammonta għal madwar EUR 31,4 biljun. Wara tnaqqis qawwi fl-2013, hija kienet tammonta għal EUR 750 miljun biss fl-aħħar ta’ dik is-sena.

7.1.3.   L-eżistenza tal-għajnuna fil-miżuri mogħtija permezz tal-HFSF

7.1.3.1.   L-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja (il-miżura B1)

(215)

Fit-taqsima 5.1 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus, il-Kummissjoni diġà kkonkludiet li l-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-kapital riċevut kien jammonta għal EUR 4,7 biljun.

7.1.3.2.   It-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja (il-miżura B2)

(216)

Il-miżura B2 ġiet implimentata bir-riżorsi tal-HFSF, li, kif ġie spjegat fil-premessa 65 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus, jinvolvu r-riżorsi Statali.

(217)

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ, il-miżura B2 żiedet il-proporzjon tal-kapital tal-Bank għal livell li ppermettielu jkompli jiffunzjona fis-suq u jikseb aċċess għall-finanzjament mill-Eurosistema. Barra minn hekk, ir-rimunerazzjoni tal-miżura B2 kienet tikkonsisti fl-imgħaxijiet akkumulati fuq in-noti tal-EFSF u fi ħlas addizzjonali ta’ 1 %. Minħabba li r-rimunerazzjoni hija evidentement aktar baxxa mir-rimunerazzjoni ta’ strumenti kapitali simili fis-suq, ċertament li l-Bank ma kienx ikun jista’ jiġbor dak il-kapital fuq tali termini fis-suq. Għalhekk, il-miżura B2 tat vantaġġ lill-Bank mir-riżorsi Statali. Minħabba li l-miżura tpoġġiet disponibbli biss għall-Bank, hija selettiva fin-natura tagħha.

(218)

Il-pożizzjoni tal-Bank issaħħet bħala riżultat tal-miżura B2, billi l-Bank kien ipprovdut bir-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex ikun jista’ jkompli jikkonforma mar-rekwiżiti kapitali, sitwazzjoni li b’hekk wasslet għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Billi l-Bank huwa attiv fi swieq bankarji fi Stati Membri oħrajn u billi l-istituzzjonijiet finanzjarji minn Stati Membri oħrajn joperaw fil-Greċja jew potenzjalment ikunu interessati li joperaw fil-Greċja, il-miżura B2 taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(219)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura B2 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Hija kienet innotifikata bħala għajnuna mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-kapital riċevut kien jammonta għal EUR 1 553 miljun.

7.1.3.3.   Ittra ta’ impenn (il-miżura B3)

(220)

Permezz tal-miżura B3, l-HFSF impenja ruħu li jipprovdi l-kapital addizzjonali meħtieġ sabiex jikkompleta r-rikapitalizzazzjoni tal-Bank sal-ammont mitlub mill-Bank of Greece fil-qafas tat-test tal-istress tal-2012. L-HFSF jirċievi r-riżorsi tiegħu mill-Istat. Għalhekk, l-ittra timpenja riżorsi Statali. Iċ-ċirkostanzi li fihom l-HFSF jista’ jagħti appoġġ lill-istituzzjonijiet finanzjarji huma definiti b’mod preċiż u limitati mil-liġi. Għaldaqstant, l-użu ta’ dawk ir-riżorsi Statali huwa r-responsabbiltà tal-Istat. L-HFSF impenja li jipprovdi sa EUR 1 082 miljun ta’ kapital addizzjonali.

(221)

L-ittra ta’ impenn tat vantaġġ lill-Bank minħabba li rriassigurat lid-depożituri li l-Bank ser ikun jista’ jiġbor l-ammont kollu tal-kapital li kellu jiġbor, jiġifieri, l-HFSF jipprovdi l-kapital f’każ li l-Bank jonqos milli jiġbru u jpoġġih fis-suq. Dak l-impenn iffaċilita wkoll il-ġbir ta’ kapital privat mis-suq, billi l-investituri ġew riassigurati li, jekk il-Bank ma jkunx jista’ jsib parti mill-kapital mis-suq, dan jiġi pprovdut mill-HFSF. Ebda investitur privat ma kien ikun lest li jaċċetta li jimpenja ruħu qabel ikunu magħrufa t-termini tar-rikapitalizzazzjoni u, f’dak iż-żmien, il-Bank ma kellu ebda aċċess għas-swieq kapitali. Dak il-vantaġġ huwa selettiv minħabba li ma ngħatax lill-banek kollha li joperaw fil-Greċja.

(222)

Billi l-Bank huwa attiv fi Stati Membri oħrajn u billi l-istituzzjonijiet finanzjarji minn Stati Membri oħrajn joperaw jew potenzjalment ikunu interessati li joperaw fil-Greċja, il-miżura B3 x’aktarx li taffettwa wkoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li tfixkel il-kompetizzjoni.

(223)

Għalhekk, il-miżura B3 tikkostitwixxi għajnuna u ġiet innotifikata bħala għajnuna mill-Istat mill-awtoritajiet Griegi.

7.1.3.4.   Il-parteċipazzjoni tal-HFSF fir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet kapitali tat-test tal-istress tal-2013 (il-miżura B4)

(224)

Il-parteċipazzjoni tal-HFSF fir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, li għandha l-għan li tkopri l-ħtiġijiet kapitali identifikati fit-test tal-istress tal-2012 (il-miżura B4), hija l-konverżjoni parzjali tal-ewwel u tat-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji (il-miżuri B1 u B2) f’rikapitalizzazzjoni permanenti ta’ EUR 5 891 miljun f’ishma ordinarji. Billi l-miżura B4 hija l-konverżjoni parzjali tal-għajnuna diġà mogħtija, hija xorta waħda tinvolvi riżorsi Statali, iżda hija ma żżidx l-ammont nominali tal-għajnuna. Madankollu, għal ammont nominali ta’ għajnuna mogħtija, hija żżid il-vantaġġ għall-Bank (u, għalhekk, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni), minħabba li hija rikapitalizzazzjoni permanenti u mhux rikapitalizzazzjoni temporanja bħal fil-każ tal-miżuri B1 u B2.

(225)

Il-Kummissjoni tinnota li dan l-appoġġ ma ngħatax lill-banek kollha li joperaw fil-Greċja. Fir-rigward tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ, il-Kummissjoni tinnota, pereżempju, li l-għajnuna ppermettiet lill-Bank iwettaq l-operazzjonijiet tiegħu fi Stati Membri oħrajn. Likwidazzjoni tal-Bank kienet twassal għat-terminazzjoni tal-attivitajiet tiegħu barra l-pajjiż, permezz tal-likwidazzjoni ta’ dawk l-attivitajiet jew permezz tal-bejgħ tagħhom. Barra minn hekk, ċerti banek minn Stati Membri oħrajn kienu qegħdin joperaw fil-Greċja. Għalhekk, il-miżura tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura B4 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

7.1.3.5.   Konklużjoni dwar il-miżuri B1, B2, B3 u B4

(226)

Il-miżuri B1, B2, B3 u B4 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. L-ammont ta’ għajnuna mill-Istat inkluż fil-miżuri B1, B2 u B3 huwa ta’ EUR 7 335 miljun. Kif ġie indikat fit-taqsima 7.1.3.3, minħabba li l-Bank attira kapital privat li jammonta għal EUR 1 444 miljun fir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, parti biss mill-ewwel u mit-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji (il-miżuri B1 u B2) ġiet ikkonvertita f’rikapitalizzazzjoni permanenti (il-miżura B4). Il-kapital addizzjonali ta’ EUR 1 082 miljun (il-miżura B3) impenjat mill-HFSF ma kienx meħtieġ u, għalhekk, ma tħallasx. Għalhekk, l-ammont ta’ appoġġ mill-Istat imħallas kien biss is-somma tal-ewwel u tat-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji, jiġifieri EUR 6 253 miljun u parti minn dik l-għajnuna tħallset lura fi żmien sitt xhur matul ir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 (il-miżura B4) minħabba li l-parteċipazzjoni privata qabżet l-ammont tal-impenn.

(227)

Il-punt 31 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar jindika li, minbarra l-ammont assolut ta’ għajnuna, il-Kummissjoni għandha tieħu f’kunsiderazzjoni l-għajnuna “fir-rigward tal-assi mwieżna għar-riskji tal-bank”. Il-miżuri B1, B2 u B3 ingħataw matul perjodu ta’ sena, minn April 2012 sa Mejju 2013. Matul dak il-perjodu, l-RWA tal-Bank żdied bil-kbir wara l-akkwiżizzjonijiet suċċessivi. Għalhekk, qamet il-mistoqsija dwar liema livell ta’ RWA għandu jintuża u, b’mod partikolari, jekk l-għajnuna mill-Istat għandhiex tiġi vvalutata b’referenza għall-RWA li kien jeżisti fil-bidu tal-perjodu jew fi tmiem il-perjodu. Il-miżuri B1, B2 u B3 għandhom l-għan li jkopru ħtieġa kapitali identifikata mill-Bank of Greece f’Marzu 2012 (it-test tal-istress tal-2012). Fi kliem ieħor, il-ħtiġijiet kapitali li dawk il-miżuri ta’ appoġġ mill-Istat għandhom l-għan li jindirizzaw kienu diġà jeżistu f’Marzu 2012. Għalhekk, il-Kummissjoni tal-fehma li l-ammont ta’ għajnuna inkluż fil-miżuri B1, B2 u B3 għandu jitqabbel mal-RWA tal-Bank fil-31 ta’ Marzu 2012. Huwa mfakkar ukoll li, wara Marzu 2012 u sar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, il-Bank of Greece ma ħax f’kunsiderazzjoni l-akkwiżizzjonijiet magħmula mill-banek Griegi sabiex jaġġusta l-ħtiġijiet kapitali tagħhom ‘il fuq jew ‘l isfel. Dak l-element ikompli juri li l-miżuri B1, B2 u B3 kienu miżuri ta’ għajnuna relatati mal-perimetru tal-Bank minħabba li kien diġà jeżisti fil-31 ta’ Marzu 2012.

(228)

L-għajnuna mogħtija lill-Bank kienet tammonta għas-somma tal-ewwel u tat-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji (il-miżuri B1 u B2) u l-impenn mogħti mill-HFSF (il-miżura B3), jiġifieri EUR 7 335 miljun jew 21,5 % tal-RWA tal-Bank fil-31 ta’ Marzu 2012.

(229)

L-għajnuna mħallsa lill-Bank kienet tammonta għas-somma tal-ewwel u tat-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji (il-miżuri B1 u B2), jiġifieri EUR 6 253 miljun jew 18,4 % tal-RWA tal-Bank fil-31 ta’ Marzu 2012.

(230)

Billi l-Bank irnexxielu jattira kapital privat, l-ammont definittivament injettat mill-HFSF fil-Bank fil-forma ta’ ishma ordinarji kien jammonta għal EUR 5 891 miljun, li jirrappreżenta 17,3 % tal-RWA tal-Bank fil-31 ta’ Marzu 2012.

7.1.4.   Konklużjoni dwar l-eżistenza u l-ammont totali tal-għajnuna riċevuta mill-Bank

(231)

Il-miżuri A, B1, B2, B3, B4, L1 u L2 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Dawk il-miżuri huma miġbura fil-qosor fit-Tabella 11.

Tabella 11

Ħarsa ġenerali lejn l-għajnuna totali riċevuta mill-Bank

Ref.

Miżura

Tip ta’ miżura

Ammont ta’ għajnuna

Għajnuna/RWA

A

Ishma Privileġġati

Appoġġ kapitali

EUR 750 miljun

2,1  %

B1

B2

B3

L-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja

It-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja

Ittra ta’ impenn

Appoġġ kapitali

EUR 4 700  miljun

EUR 1 553  miljun

EUR 1 082  miljun

13,8  %

4,5  %

3,2  %

Għajnuna kapitali totali mogħtija lill-Bank A + B1 + B2 + B3

EUR 8 085  miljun

23,7  %

Għajnuna totali mħallsa lill-bank A + B1 + B2

EUR 7 003  miljun

21,6  %

B4

Rikapitalizzazzjoni

Appoġġ kapitali

EUR 5 891  miljun

17,3  %

Għajnuna kapitali totali mħallsa lill-Bank nieqsal-għajnuna mħallsa lura fi żmien 6 xhur

EUR 6 641  miljun

19,4  %

Ref.

Miżura

Tip ta’ miżura

Ammont nominali ta’ għajnuna

L1

Appoġġ ta’ likwidità

Garanzija

Self obbligazzjonarju

Garanziji: EUR 9,9 biljun

Self obbligazzjonarju: EUR 1,3 biljun

L2

ELA garantita mill-Istat

Finanzjament u Garanzija

EUR 31,4 biljun

Għajnuna ta’ likwidità totali mogħtija lill-Bank

EUR 42,6 biljun

7.2.   IL-BAŻI LEGALI GĦALL-VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ

(232)

Kif ġie konkluż fil-premessa 183, il-bażi legali għall-valutazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna għandha tkun l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat (95).

(233)

Matul il-kriżi finanzjarja, il-Kummissjoni żviluppat kriterji tal-kompatibbiltà għat-tipi differenti ta’ miżuri ta’ għajnuna. Il-prinċipji għall-valutazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna ġew stipulati għall-ewwel darba fil-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008.

(234)

Il-gwida għall-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tista’ tinstab fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u fil-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011.

(235)

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tiddefinixxi l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ ristrutturar, b’mod partikolari l-ħtieġa tar-ritorn għall-vijabbiltà, tal-iżgurar ta’ kontribuzzjoni xierqa mill-benefiċjarju u tal-limitazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(236)

Dak il-qafas kien ikkumplimentat mill-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013, li tapplika għall-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati jew mogħtija mingħajr approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni wara l-31 ta’ Lulju 2013.

7.2.1.   Il-bażi legali għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-appoġġ ta’ likwidità lill-Bank (il-miżura L1)

(237)

L-appoġġ ta’ likwidità diġà riċevut mill-Bank kien approvat b’mod definittiv permezz tad-deċiżjonijiet suċċessivi li jawtorizzaw il-miżuri taħt l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi u l-emendi u l-estensjonijiet tagħha (96). Kwalunkwe appoġġ ta’ likwidità fil-ġejjieni għall-Bank ser ikollu jingħata taħt skema li tkun debitament approvata mill-Kummissjoni. It-termini ta’ din l-għajnuna ser ikollhom jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni qabel tingħata u, għalhekk, ma għandhomx bżonn jiġu vvalutati aktar f’din id-deċiżjoni.

7.2.2.   Il-bażi legali għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-ishma privileġġati (il-miżura A)

(238)

Ir-rikapitalizzazzjoni mogħtija fl-2009 fil-forma ta’ ishma privileġġati (il-miżura A) ingħatat taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni tal-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi, li kienet approvata fl-2008 skont il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008. Għalhekk, hija ma għandhiex bżonn tiġi vvalutata mill-ġdid skont il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 u għandha tiġi vvalutata biss skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.2.3.   Il-bażi legali għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-ELA garantita mill-Istat (il-miżura L2)

(239)

Il-kompatibbiltà tal-ELA garantita mill-Istat (il-miżura L2) għandha l-ewwel tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 u l-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011. Kwalunkwe ELA garantita mill-Istat mogħtija mingħajr approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni wara l-31 ta’ Lulju 2013 taqa’ taħt il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013.

7.2.4.   Il-bażi legali għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tar-rikapitalizzazzjonijiet mill-HFSF (il-miżuri B1, B2, B3 u B4)

(240)

Il-kompatibbiltà tar-rikapitalizzazzjonijiet mill-HFSF (il-miżuri B1, B2, B3 u B4), b’mod partikolari fir-rigward tar-rimunerazzjoni, għandha l-ewwel tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u l-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011. Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura B1 ma’ dawk il-Komunikazzjonijiet. Billi ġew implimentati qabel l-1 ta’ Awwissu 2013, dawk il-miżuri ma jaqgħux taħt il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013. Il-kompatibbiltà tar-rikapitalizzazzjonijiet mill-HFSF (il-miżuri B1, B2, B3 u B4) għandha tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.3.   IL-KONFORMITÀ TAL-MIŻURA L2 MAL-KOMUNIKAZZJONI BANKARJA TAL-2008, MAL-KOMUNIKAZZJONI DWAR IR-RIKAPITALIZZAZZJONI U MAL-KOMUNIKAZZJONI DWAR L-ESTENSJONI TAL-2011

(241)

Sabiex għajnuna tkun kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, hija għandha tikkonforma mal-kriterji ġenerali għall-kompatibbiltà: l-adegwatezza, in-neċessità u l-proporzjonalità.

(242)

Minħabba li l-banek Griegi ma baqgħux joperaw aktar fis-swieq tal-operaturi u saru kompletament dipendenti fuq il-finanzjament mill-bank ċentrali, kif ġie indikat fil-premessa 37, u ladarba l-Bank ma setax jidħol għal self ta’ ammont suffiċjenti ta’ fondi permezz tal-operazzjonijiet standard ta’ rifinanzjament, il-Bank kellu jiddependi fuq l-ELA garantita mill-Istat sabiex jikseb likwidità suffiċjenti bil-għan li jevita li jisfa inadempjenti. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura L2 hija mekkaniżmu xieraq sabiex jirrimedja t-taqlib serju li seta’ jiġi kkawżat mill-inadempjenza tal-Bank.

(243)

Billi l-ELA garantita mill-Istat tinvolvi spiża relattivament għolja ta’ finanzjament għall-Bank, il-Bank għandu biżżejjed inċentiv sabiex jevita li jkollu jiddependi fuq dak is-sors ta’ finanzjament sabiex jiżviluppa l-attivitajiet tiegħu. Il-Bank kellu jħallas rata ta’ imgħax ta’ […] bps ogħla mill-operazzjonijiet standard ta’ rifinanzjament bl-Eurosistema. Barra minn hekk, il-Bank kellu jħallas miżata ta’ garanzija ta’ […] bps lill-Istat. Bħala riżultat, l-ispiża totali tal-ELA garantita mill-Istat għall-Bank hija ferm ogħla mill-ispejjeż normali tar-rifinanzjament mill-BĊE. B’mod partikolari, id-differenza bejn tal-ewwel u tal-aħħar hija ogħla mil-livell tal-miżata ta’ garanzija mitluba mill-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011. B’riżultat ta’ dan, ir-rimunerazzjoni totali mitluba mill-Istat tista’ titqies bħala suffiċjenti. Fir-rigward tal-ammont tal-ELA garantita mill-Istat, dan jiġi rivedut regolarment mill-Bank of Greece u mill-BĊE fuq il-bażi tal-ħtiġijiet proprji tal-Bank. Huma jimmonitorjaw mill-qrib l-użu tagħha u jiżguraw li hija tkun limitata għall-minimu neċessarju. Għalhekk, il-miżura L2 ma tipprovdix lill-Bank b’likwidità żejda li tista’ tintuża sabiex tiffinanzja attivitajiet li jfixklu l-kompetizzjoni. Hija limitata għall-ammont minimu neċessarju.

(244)

Tali skrutinju mill-qrib tal-użu tal-ELA garantita mill-Istat u l-verifika regolari li l-użu tagħha huwa limitat għall-minimu jiżguraw ukoll li l-likwidità tkun proporzjonata u li ma twassalx għal distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Greċja tat impenn li l-Bank sejjer jimplimenta pjan ta’ ristrutturar li jnaqqas id-dipendenza tiegħu fuq il-finanzjament mill-bank ċentrali u li l-Bank sejjer jikkonforma mal-limitazzjonijiet fl-imġiba, kif ġie analizzat fit-taqsima 7.6. Dawk il-fatturi jiżguraw li d-dipendenza fuq l-appoġġ ta’ likwidità sejra tintemm mill-aktar fis possibbli u li tali għajnuna hija proporzjonata.

(245)

Għalhekk, il-miżura L2 tikkonforma mal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 u mal-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011. Billi l-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 ma introduċietx aktar rekwiżiti fir-rigward tal-garanziji, il-miżura L2 tikkonforma wkoll mal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013.

7.4.   IL-KONFORMITÀ TAL-MIŻURI B1, B2, B3 U B4 MAL-KOMUNIKAZZJONI BANKARJA TAL-2008, MAL-KOMUNIKAZZJONI DWAR IR-RIKAPITALIZZAZZJONI, MAL-KOMUNIKAZZJONI DWAR L-ESTENSJONI TAL-2011 U MAL-KOMUNIKAZZJONI BANKARJA TAL-2013

(246)

Kif ġie indikat fil-premessa 241 u b’konformità mal-punt 15 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, sabiex għajnuna tkun kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, hija trid tikkonforma mal-kriterji ġenerali għall-kompatibbiltà (97): l-adegwatezza, in-neċessità u l-proporzjonalità.

(247)

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u l-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011 jistabbilixxu aktar gwida dwar il-livell ta’ rimunerazzjoni meħtieġ għall-injezzjonijiet ta’ kapital mill-Istat.

7.4.1.   Adegwatezza tal-Miżuri

(248)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-rikapitalizzazzjonijiet tal-HFSF (il-miżuri B1, B2, B3 u B4) huma xierqa minħabba li jippermettu lill-Bank ikun konformi mar-rekwiżiti kapitali. Mingħajr ir-rikapitalizzazzjonijiet mill-HFSF, il-Bank ma kienx ikun jista’ jwettaq l-attivitajiet tiegħu u kien jitlef l-aċċess għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-BĊE.

(249)

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus li l-Bank huwa waħda mill-akbar istituzzjonijiet bankarji fil-Greċja, kemm f’termini ta’ self kif ukoll f’termini ta’ ġbir ta’ depożiti. Bħala tali, il-Bank huwa bank sistematikament importanti għall-Greċja. Konsegwentement, inadempjenza mill-Bank kienet toħloq taqlib serju fl-ekonomija Griega. Taħt dawk iċ-ċirkostanzi prevalenti, l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-Greċja kellhom diffikultajiet sabiex jiksbu aċċess għall-finanzjament. Dak in-nuqqas ta’ finanzjament illimita l-abbiltà tagħhom li jipprovdu self lill-ekonomija Griega. F’dak il-kuntest, it-taqlib fl-ekonomija seta’ jiġi aggravat mill-inadempjenza tal-Bank. Barra minn hekk, il-miżuri B1, B2, B3 u B4 waslu sa ċertu punt sinifikanti minħabba l-programm PSI, avveniment straordinarju u imprevedibbli ferm u mhux bħala riżultat ta’ tmexxija ħażina jew teħid ta’ riskji eċċessivi mill-Bank. Għalhekk, il-miżuri huma primarjament intiżi biex jittrattaw ir-riżultati tal-programm PSI u jikkontribwixxu sabiex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja fil-Greċja.

(250)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk ittieħdux minnufih il-miżuri kollha possibbli sabiex jiġi evitat li l-Bank jerġa’ jiġi bżonn l-għajnuna fil-ġejjieni. Kif ġie indikat fil-premessi 140 u 141 ta’ din id-Deċiżjoni, il-Greċja impenjat ruħha li timplimenta għadd ta’ azzjonijiet relatati mal-governanza korporattiva u l-operazzjonijiet kummerċjali tal-Bank. Kif ġie deskritt fil-premessi 115, 116 u 117, il-Bank irristruttura wkoll l-attivitajiet tiegħu b’mod sinifikanti, tant li diġà ġie implimentat ħafna tnaqqis tal-ispejjeż. Għalhekk, id-dubji tal-Kummissjoni ttaffew.

(251)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus, il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji dwar jekk kienx hemm biżżejjed salvagwardji f’każ li l-Bank jaqa’ taħt il-kontroll tal-Istat jew f’każ li l-azzjonisti privati jżommu l-kontroll waqt li l-maġġoranza tal-proprjetà tinżamm mill-Istat. L-impenji deskritti fil-premessi 140 u 141 ta’ din id-Deċiżjoni jiżguraw li l-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Bank jitmexxew fuq bażi kummerċjali u li n-negozju ta’ kuljum jiġi protett minn interferenza Statali. Il-qafas tar-relazzjoni miftiehem bejn l-HFSF u l-Bank jiżgura wkoll li l-interessi tal-Istat bħala l-azzjonist prinċipali jiġu mħarsa kontra t-teħid ta’ riskji eċċessivi mill-maniġment tal-Bank.

(252)

Għalhekk, il-miżuri B1, B2, B3 u B4 jiżguraw li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja fil-Greċja. Ittieħdu azzjonijiet sinifikanti sabiex inaqqsu t-telf fil-ġejjieni u sabiex jiżguraw li l-attivitajiet tal-Bank ma jiġux ipperikolati minn governanza mhux xierqa. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ssib li l-miżuri B1, B2, B3 u B4 huma xierqa.

7.4.2.   Neċessità – limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu

(253)

B’konformità mal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, il-miżura ta’ għajnuna trid, fl-ammont u l-forma tagħha, tkun neċessarja sabiex tilħaq l-għan tagħha. Dan ifisser li l-injezzjoni ta’ kapital trid tkun tal-ammont minimu neċessarju sabiex tilħaq l-għan.

(254)

L-ammont ta’ appoġġ kapitali kien ikkalkolat mill-Bank of Greece fil-qafas tat-test tal-istress tal-2012 bil-għan li jiġi żgurat li l-proporzjon ta’ kapital fil-Grad 1 tal-Bank jibqa’ ‘l fuq minn ċertu livell matul il-perjodu 2012-2014, kif rifless fit-Tabella 3. Għalhekk, il-miżuri B1, B2, B3 u B4 ma jipprovdux lill-Bank b’kapital żejjed. Kif ġie spjegat fil-premessa 250, ittieħdu azzjonijiet sabiex inaqqsu r-riskju li l-Bank ikun jeħtieġ għajnuna addizzjonali fil-ġejjieni.

(255)

Fir-rigward tar-rimunerazzjoni tal-ewwel u tat-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji (il-miżuri B1 u B2), il-Kummissjoni tfakkar li dawn ingħataw f’Mejju 2012 u Diċembru 2012, rispettivament, u li tħallsu in natura fil-forma ta’ noti tal-EFSF. L-HFSF irċieva bħala rimunerazzjoni, mid-data tal-iżborżament tan-noti tal-EFSF sad-data tar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, l-imgħax akkumulat fuq in-noti tal-EFSF flimkien ma’ ħlas ta’ 1 % (98). Kif ġie enfasizzat fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus, dik ir-rimunerazzjoni hija aktar baxxa mill-medda ta’ bejn 7 % u 9 % definita fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni. Madankollu, il-perjodu ta’ rimunerazzjoni baxxa kien limitat għal sena waħda għall-miżura B1 u ħames xhur għall-miżura B2 (jiġifieri, sal-konverżjoni tar-rikapitalizzazzjoni tranżitorja f’rikapitalizzazzjoni standard f’ishma ordinarji, jiġifieri l-miżura B4). Filwaqt li l-ewwel u t-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji ma wasslux għad-dilwizzjoni tal-azzjonisti eżistenti, ir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, li kienet il-konverżjoni parzjali tal-ewwel u tat-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji, wasslet għal dilwizzjoni qawwija tal-azzjonisti pre-eżistenti, minħabba li s-sehem tagħhom fl-ekwità tal-Bank niżel għal 2,3 %. Is-sitwazzjoni anormali li pprevaliet mid-data tal-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja mbagħad ġiet fi tmiemha. Għaldaqstant, id-dubji mqajma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus ittaffew.

(256)

It-tieni, minħabba s-sors atipiku tad-diffikultajiet tal-Bank, fejn it-telf kien ġej primarjament minn rinunzja tad-dejn favur l-Istat (il-programm PSI u x-xiri lura tad-dejn, li jipprovdu vantaġġ sinifikanti lill-Istat, jiġifieri, tnaqqis tad-dejn) u mill-konsegwenzi ta’ reċessjoni mtawla fl-ekonomija domestika tiegħu, il-Kummissjoni tista’ taċċetta devjazzjoni temporanja bħal din mir-rekwiżiti tar-rimunerazzjoni standard stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni (99).

(257)

Fir-rigward tal-miżura B3, kien impenn sabiex jiġi pprovdut kapital fil-qafas ta’ żieda ta’ kapital fil-ġejjieni. Dak l-impenn magħmul f’Diċembru 2012 seta’ ġie implimentat f’injezzjoni proprja ta’ kapital f’Mejju-Ġunju 2013, sempliċiment ħames xhur wara, meta l-Bank ipproċeda biż-żieda ta’ kapital tiegħu. Billi l-Bank attira investituri privati, l-HFSF ma kienx mitlub li jinjetta l-kapital impenjat. Minħabba l-perjodu qasir li matulu kien fis-seħħ dak l-impenn sabiex jiġi pprovdut il-kapital u għar-raġunijiet imsemmija fil-premessa 256, huwa aċċettabbli li ma tħallset ebda rimunerazzjoni għal dak l-impenn.

(258)

Fir-rigward tal-miżura B4, b’konformità mal-punt 8 tal-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011, l-injezzjonijiet ta’ kapital għandhom jiġu sottoskritti bi skont suffiċjenti għall-prezz tal-ishma, aġġustat għall-effett ta’ dilwizzjoni, sabiex b’hekk tingħata assigurazzjoni raġonevoli ta’ rimunerazzjoni adegwata għall-Istat. Filwaqt li l-miżura B4 ma pprevediet ebda skont sinifikanti għall-prezz tal-ishma kif aġġustat għall-effett ta’ dilwizzjoni, fil-fatt kien impossibbli li jinkiseb skont sinifikanti għall-prezz teoretiku qabel il-ħruġ ta’ ishma bi dritt. (100). Qabel ir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, il-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-Bank kienet biss ta’ ftit mijiet ta’ miljuni ta’ euros. F’ċirkostanzi bħal dawn, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-azzjonisti eżistenti kellhomx jiġu eliminati għal kollox. Il-Kummissjoni tinnota li l-prezz tal-ħruġ kien stabbilit bi skont ta’ 50 % għall-prezz medju tas-suq fuq il-perjodu ta’ ħamsin jum qabel id-determinazzjoni tal-prezz tal-ħruġ. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-dilwizzjoni tal-azzjonisti eżistenti kienet kbira ħafna, billi wara r-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 huma kellhom biss 2,3 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja tal-Bank. Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ skont ulterjuri fuq il-prezz tas-suq seta’ kellha impatt żgħir fuq ir-rimunerazzjoni tal-HFSF. Fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tal-banek Griegi spjegata fil-premessa 256 u minħabba l-fatt li l-ħtieġa għall-għajnuna ġejja fil-biċċa l-kbira tagħha minn rinunzja tad-dejn favur l-Istat, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-prezz tal-ħruġ tal-ishma sottoskritti mill-Istat kien baxx biżżejjed.

(259)

L-HFSF ħareġ ukoll ċertifikati u ta ċertifikat wieħed għal kull sehem ġdid sottoskritt minn investitur privat li jipparteċipa fir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013. L-HFSF ta dawk iċ-ċertifikati mingħajr ebda kunsiderazzjoni. Kif ġie spjegat fil-premessa 106, kull ċertifikat jinkorpora d-dritt li jinxtraw 4,48 ishma tal-HFSF f’intervalli speċifikati u bi prezzijiet tal-eżerċitar. Il-prezz tal-eżerċitar huwa ugwali għall-prezz tas-sottoskrizzjoni tal-HFSF miżjud b’marġini annwali u kumulattiv (4 % għall-ewwel sena, 5 % għat-tieni sena, 6 % għat-tielet sena, 7 % għar-raba’ sena u 8 % annwalizzati għall-aħħar sitt xhur). Ir-rimunerazzjoni riċevuta mill-HFSF fuq l-ishma li jippossjedi hija de facto limitata għal dawk il-livelli. Dik ir-rimunerazzjoni hija aktar baxxa mill-medda ta’ bejn 7 % u 9 % definita fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni. Madankollu, minħabba li dawk iċ-ċertifikati kienu fattur ewlieni fis-suċċess tal-ħruġ tad-drittijiet u tal-kollokament privat imnedija mill-Bank fil-qafas tar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawk iċ-ċertifikati ppermettew lill-Bank tnaqqas l-ammont ta’ għajnuna b’EUR 1 444 miljun. Tabilħaqq, minħabba l-proporzjon ta’ kapital baxx tal-Bank qabel ir-rikapitalizzazzjoni u l-inċertezza għolja li kienet prevalenti f’dak iż-żmien, is-simulazzjonijiet li kienu disponibbli wrew li mingħajr iċ-ċertifikati, l-investituri privati ma setgħux jiksbu ritorn suffiċjenti u ma kinux jipparteċipaw. Għar-raġunijiet spjegati fil-premessi 249 u 256, minħabba li l-HFSF jirċievi rimunerazzjoni pożittiva minima jekk jiġu eżerċitati ċ-ċertifikati u minħabba li kien objettiv tal-MPEF li jattira xi investituri privati sabiex jinżammu xi banek taħt maniġment privat, kif ukoll sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn is-settur bankarju kollu jkun ikkontrollat mill-HFSF, il-Kummissjoni tista’ taċċetta tali devjazzjoni mir-rekwiżiti tar-rimunerazzjoni standard stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni. Dik l-aċċettazzjoni hija bbażata wkoll fuq il-fatt li l-liġi tal-HFSF, kif emendata f’Marzu 2014, ma tipprevedi ebda aġġustament taċ-ċertifikati f’każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju mhux ta’ prelazzjoni, kif ukoll li f’każ ta’ ħruġ ta’ drittijiet, huwa biss il-prezz tal-eżerċitar skont iċ-ċertifikat li jista’ jiġi aġġustat u l-aġġustament jista’ jsir biss ex-post u biss sal-ammont tar-rikavat realizzat mill-bejgħ ta’ drittijiet ta’ prelazzjoni tal-HFSF. Barra minn hekk, l-impenn mogħti mill-Greċja li hija sejra tfittex l-approvazzjoni tal-Kummissjoni qabel kwalunkwe xiri lura taċ-ċertifikati maħruġa mill-HFSF jippermetti lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe xiri lura potenzjali fil-ġejjieni ma jkomplix inaqqas ir-rimunerazzjoni tal-HFSF u jżid ir-rimunerazzjoni tad-detenturi taċ-ċertifikati.

(260)

Fir-rigward tal-fatt li l-ishma tal-HFSF huma ishma mingħajr id-dritt ta’ votazzjoni, il-Kummissjoni tfakkar li l-ħtieġa għall-għajnuna ma tiġix primarjament mit-teħid ta’ riskji eċċessivi. Barra minn hekk, kien objettiv tal-MPEF li jżomm xi banek taħt maniġment privat. Barra minn hekk, il-qafas tar-relazzjoni u l-introduzzjoni awtomatika mill-ġdid tad-drittijiet ta’ votazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar jipprovdu salvagwardji kontra t-teħid ta’ riskji eċċessivi fil-ġejjieni minn maniġers privati. Fl-aħħar nett, il-PSI u x-xiri lura ta’ Diċembru 2012 huma tip ta’ rimunerazzjoni lill-Istat, minħabba li d-dejn ta’ dan tal-aħħar lejn il-Bank tnaqqas b’diversi biljuni ta’ euros. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni tista’ taċċetta li l-HFSF jirċievi ishma mingħajr id-dritt ta’ votazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura B4 kienet meħtieġa.

(261)

Bħala konklużjoni, il-miżuri B1, B2, B3 u B4 huma meħtieġa bħala għajnuna ta’ salvataġġ kemm fl-ammont kif ukoll fil-forma tagħhom.

7.4.3.   Proporzjonalità – miżuri li jillimitaw effetti negattivi li jinfirxu

(262)

Il-Bank irċieva ammont kbir ħafna ta’ għajnuna mill-Istat. Għalhekk, dik is-sitwazzjoni tista’ twassal għal distorsjonijiet serji tal-kompetizzjoni. Madankollu, il-Greċja impenjat ruħha li timplimenta għadd ta’ miżuri li huma maħsuba biex inaqqsu l-effetti konsegwenzjali negattivi. B’mod partikolari, l-impenji jistabbilixxu li l-operazzjonijiet tal-Bank ikomplu jitmexxew fuq bażi kummerċjali, kif ġie spjegat fil-premessi 136 u 137. Il-Greċja impenjat ruħha wkoll għal projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet u għal numru ta’ ċessjonijiet, kif deskritt fil-premessi 138, 139 u 143. Il-limiti għad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni sejrin ikomplu jiġu vvalutati fit-taqsima 7.6.

(263)

Fil-Bank inħatar fiduċjarju tal-monitoraġġ sabiex jimmonitorja l-implimentazzjoni korretta tal-impenji dwar il-governanza korporattiva u l-operazzjonijiet kummerċjali. Dan se jevita kwalunkwe bidla detrimentali fil-prattika kummerċjali tal-Bank u b’hekk jitnaqqsu l-effetti konsegwenzjali negattivi potenzjali.

(264)

Fl-aħħar nett, fil-25 ta’ Ġunju 2014 ġie sottomess pjan ta’ ristrutturar komprensiv ġdid lill-Kummissjoni. Dak il-pjan ta’ ristrutturar sejjer jiġi vvalutat fit-taqsima 7.6.

(265)

Bħala konklużjoni, id-dubji mqajma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus ittaffew. Il-miżuri B1, B2, B3 u B4 huma proporzjonati fid-dawl tal-punt 15 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008.

7.4.4.   Konklużjoni dwar il-konformità tar-rikapitalizzazzjonijiet tal-HFSF mal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, mal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u mal-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011

(266)

B’hekk ġie konkluż li r-rikapitalizzazzjonijiet tal-HFSF (il-miżuri B1, B2, B3 u B4) huma xierqa, neċessarji u proporzjonati, fid-dawl tal-punt 15 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u tal-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011. Għalhekk, il-miżuri B1, B2, B3 u B4 jikkonformaw mal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, mal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u mal-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011.

7.5.   IL-KONFORMITÀ TAL-AKKWIŻIZZJONIJIET TAL-ATTIVITAJIET ITTRASFERITI TA’ ATE, TA’ GENIKI, TAL-ATTIVITAJIET ITTRASFERITI ĊIPRIJOTTI U TA’ MBG MAL-KOMUNIKAZZJONI DWAR IR-RISTRUTTURAR

(267)

Il-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar jispjega li l-akkwiżizzjonijiet ta’ impriżi minn banek megħjuna ma jistgħux jiġu ffinanzjati permezz ta’ għajnuna mill-Istat sakemm dan ma jkunx essenzjali għat-treġġigħ lura tal-vijabbiltà ta’ impriża. Barra minn hekk, il-punti 40 u 41 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar jgħidu li l-banek ma għandhomx jużaw l-għajnuna mill-Istat għall-akkwiżizzjoni ta’ negozji kompetituri, sakemm l-akkwiżizzjoni ma tkunx parti minn proċess ta’ konsolidazzjoni meħtieġ għat-treġġigħ lura tal-istabbiltà finanzjarja jew għall-iżgurar ta’ kompetizzjoni effettiva. Barra minn hekk, l-akkwiżizzjonijiet jistgħu jipperikolaw jew jikkomplikaw it-treġġigħ lura tal-vijabbiltà. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk l-akkwiżizzjonijiet magħmula mill-Bank jistgħux jiġu rrikonċiljati mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.5.1.   Il-konformità tal-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar

7.5.1.1.   L-effett tal-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE fuq il-vijabbiltà fit-tul tal-Bank

(268)

L-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE ġabet fil-Bank ġabra kbira ta’ depożiti b’ammont ferm iżgħar ta’ self nett (101). Għalhekk, hija kkontribwixxiet għat-tnaqqis b’mod sinifikanti tal-proporzjon self-depożitu għoli ħafna tal-Bank.

(269)

Barra minn hekk, l-akkwiżizzjoni wasslet għal sinerġiji konsiderevoli bħal sinerġiji tal-ispejjeż permezz tal-fergħat, tnaqqis tal-persunal u l-integrazzjoni tal-IT, sinerġiji tal-finanzjament u sinerġiji tad-dħul.

(270)

Għalhekk, l-akkwiżizzjoni hija pożittiva ħafna għat-treġġigħ lura tal-vijabbiltà fit-tul tal-Bank.

7.5.1.2.   L-effett tal-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE fuq l-ammont ta’ għajnuna meħtieġa mill-Bank

(271)

B’konformità mal-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, l-għajnuna għar-ristrutturar ma għandhiex tintuża għall-akkwiżizzjoni ta’ kumpaniji oħrajn, iżda sempliċiment biex tkopri l-ispejjeż tar-ristrutturar li huma meħtieġa għat-treġġigħ lura tal-vijabbiltà tal-Bank.

(272)

Il-korrispettiv imħallas mill-Bank għall-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE kien stabbilit f’perċentwal ta’ 0,6 % tal-valur tad-depożiti ttrasferiti u kien jammonta għal madwar EUR 95 miljun. Huwa kien ekwivalenti għal 0,02 % tal-assi totali tal-Bank fil-mument tal-akkwiżizzjoni. Għalhekk, dak l-ammont jista’ jitqies bħala ammont żgħir, iżda mhux negliġibbli.

(273)

L-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE tejbet b’mod drammatiku l-pożizzjoni ta’ likwidità stressanti ħafna tal-Bank u poġġietu f’sitwazzjoni ħafna aktar vijabbli. Il-Kummissjoni tfakkar li […]. Għalhekk, l-akkwiżizzjoni u l-prezz tax-xiri baxx tagħha jistgħu jitqiesu bħala essenzjali għat-treġġigħ lura tal-vijabbiltà fit-tul tal-Bank u jaqgħu taħt l-eżenzjoni fil-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.5.1.3.   L-effett distortiv tal-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE fuq il-kompetizzjoni

(274)

B’konformità mal-punti 39 u 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, l-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tintuża għad-detriment tal-kumpaniji mhux megħjuna u, b’mod partikolari, għall-akkwist ta’ negozji kompetituri. Il-punt 41 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar jgħid ukoll li l-akkwiżizzjonijiet jistgħu jiġu awtorizzati jekk ikunu parti minn proċess ta’ konsolidazzjoni meħtieġ għat-treġġigħ lura tal-istabbiltà finanzjarja jew għall-iżgurar ta’ kompetizzjoni effettiva. F’ċirkostanzi bħal dawn, il-proċess tal-akkwiżizzjoni għandu jkun ġust u l-akkwiżizzjoni għandha tiżgura l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti.

(275)

ATE ma kienx meqjus bħala vijabbli fuq bażi awtonoma mill-Bank of Greece, meta dan tal-aħħar analizza l-vijabbiltà tal-banek Griegi kollha fil-bidu tal-2012. Barra minn hekk, il-Bank of Greece analizza alternattivi differenti għal ATE (pereżempju; likwidazzjoni) u kkonkluda li l-bejgħ tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE kien l-aktar għażla attraenti, minħabba li għandu jnaqqas ir-riskju ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll inaqqas l-ispejjeż għall-Greċja. B’hekk, l-akkwiżizzjoni tista’ titqies bħala parti minn proċess ta’ konsolidazzjoni li huwa meħtieġ għat-treġġigħ lura tal-istabbiltà finanzjarja tat-tip deskritt fil-punt 41 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

(276)

Barra minn hekk, ma kien hemm ebda offerent mhux megħjun li ssottometta offerta għall-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE.

(277)

Fl-aħħar nett, billi l-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE kienet awtorizzata mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni Ellenika (102), jista’ jiġi preżunt li l-eżitu tal-proċess tal-bejgħ ma jipperikolax il-kompetizzjoni effettiva fil-Greċja.

(278)

Għalhekk, l-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Akkwistati ta’ ATE hija konformi mat-taqsima 4 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.5.1.4.   Konklużjoni dwar l-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE

(279)

Ġie konkluż li, fid-dawl tas-sitwazzjoni unika tal-banek Griegi u l-ispeċifiċitajiet tal-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE, dik l-akkwiżizzjoni hija konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.5.2.   Il-konformità tal-akkwiżizzjoni ta’ Geniki mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar

7.5.2.1.   L-effett tal-akkwiżizzjoni ta’ Geniki fuq il-vijabbiltà fit-tul tal-Bank

(280)

F’termini ta’ profittabbiltà operattiva, l-akkwiżizzjoni ta’ Geniki għandha ttejjeb ir-ritorn tal-Bank għal vijabbiltà fit-tul. Skont l-analiżi sottomessa mill-Bank fil-mument ta’ dik l-akkwiżizzjoni, il-fużjoni ta’ żewġ banek fl-istess suq ġeografiku toħloq sinerġiji bħal iffrankar tal-ispejjeż permezz ta’ tnaqqis tal-persunal u għeluq ta’ fergħat. Il-Bank sejjer jakkwista l-klijenti u d-depożituri ta’ Geniki, sabiex b’hekk inaqqas l-ispejjeż tad-distribuzzjoni b’mod sinifikanti.

(281)

F’termini tal-pożizzjoni ta’ likwidità, kif spjegat fil-premessa (65), Geniki kellu aktar depożiti minn self nett. Għalhekk, l-akkwiżizzjoni żiedet il-likwidità tal-Bank u għenet lill-Bank inaqqas il-proporzjon self-depożitu tiegħu. Minbarra dan, Geniki kien kapitalizzat b’mod adegwat qabel seta’ jiġi akkwistat mill-Bank. B’hekk, l-akkwiżizzjoni mhijiex mistennija toħloq ħtiġijiet kapitali fil-ġejjieni għall-Bank.

(282)

Għalhekk, l-akkwiżizzjoni hija pożittiva għat-treġġigħ lura tal-vijabbiltà fit-tul tal-Bank.

7.5.2.2.   L-effett tal-akkwiżizzjoni ta’ Geniki fuq l-ammont ta’ għajnuna meħtieġa mill-Bank

(283)

B’konformità mal-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, l-għajnuna għar-ristrutturar ma għandhiex tintuża għall-akkwiżizzjoni ta’ kumpaniji oħrajn, iżda sempliċiment biex tkopri l-ispejjeż tar-ristrutturar li huma meħtieġa għat-treġġigħ lura tal-vijabbiltà tal-Bank. F’dan il-każ, għalkemm l-akkwiżizzjoni għandha implikazzjonijiet pożittivi għall-vijabbiltà tal-Bank, mhijiex essenzjali għall-vijabbiltà tiegħu skont it-tifsira tal-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

(284)

Madankollu, il-Bank ħallas biss EUR 1 miljun għax-xiri ta’ Geniki, li huwa meqjus bħala ammont żgħir ħafna. Barra minn hekk, Geniki kien kapitalizzat b’mod adegwat u, bħala kondizzjoni għat-tranżazzjoni, Société Générale injettat ammont sinifikanti ta’ kapital fil-Bank (103).

(285)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tat-tranżazzjoni (akkwiżizzjoni bi prezz baxx ħafna ta’ bank kapitalizzat b’mod sħiħ u injezzjoni ta’ kapital mill-bejjiegħ fil-Bank), l-akkwiżizzjoni ma tiġġenera ebda ħtieġa kapitali ulterjuri għall-Bank u, għalhekk, l-akkwiżizzjoni ta’ Geniki ma tiksirx b’mod eċċezzjonali l-prinċipju li l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju.

7.5.2.3.   L-effett distortiv tal-akkwiżizzjoni ta’ Geniki fuq il-kompetizzjoni

(286)

Kif intqal fil-premessa 274, b’konformità mal-punti 39 u 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, l-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tintuża għad-detriment tal-kumpaniji mhux megħjuna u, b’mod partikolari, għall-akkwist ta’ negozji kompetituri, għajr taħt ċirkostanzi speċifiċi.

(287)

Geniki ma kienx meqjus bħala vijabbli fuq bażi awtonoma mill-Bank of Greece, meta dan tal-aħħar analizza l-vijabbiltà tal-banek Griegi kollha fil-bidu tal-2012. Geniki kien qiegħed jiġġenera telf kbir għal Société Générale li, għalhekk, riedet tbiegħu u, jekk tali bejgħ ma kienx possibbli, setgħet tikkunsidra li tħallih ifalli. Għalhekk, l-akkwiżizzjoni tista’ titqies bħala parti minn proċess ta’ konsolidazzjoni li huwa meħtieġ għat-treġġigħ lura tal-istabbiltà finanzjarja tat-tip deskritt fil-punt 41 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

(288)

Barra minn hekk, ma kien hemm ebda offerent mhux megħjun li ssottometta offerta valida sabiex jakkwista lil Geniki. Għalhekk, ma tħalla barra eba offerent mhux megħjun mill-Bank.

(289)

Barra minn hekk, billi l-akkwiżizzjoni kienet awtorizzata mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni Ellenika (104), jista’ jiġi preżunt li l-eżitu tal-proċess tal-bejgħ ma jipperikolax il-kompetizzjoni effettiva fil-Greċja.

(290)

Fl-aħħar nett, il-prezz tax-xiri kien baxx ħafna. Għalhekk, ma jistax jitqies li l-Bank uża l-għajnuna mill-Istat sabiex jiffinanzja l-akkwiżizzjoni. Fid-dawl ta’ dawk l-elementi, jista’ jiġi konkluż li l-akkwiżizzjoni ta’ Geniki taqa’ taħt l-eżenzjoni fil-punt 41 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.5.2.4.   Konklużjoni dwar l-akkwiżizzjoni ta’ Geniki

(291)

Ġie konkluż li, fid-dawl tas-sitwazzjoni unika tal-banek Griegi u l-ispeċifiċitajiet tal-akkwiżizzjoni ta’ Geniki, dik l-akkwiżizzjoni hija konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.5.3.   Il-konformità tal-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar

7.5.3.1.   L-effett tal-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti fuq il-vijabbiltà fit-tul tal-Bank

(292)

L-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti ssaħħaħ il-vijabbiltà fit-tul tal-Bank.

(293)

Skont l-analiżi sottomessa mill-Bank fil-mument tal-akkwiżizzjoni, it-tranżazzjoni sejra twassal għal sinerġiji konsiderevoli bħal sinerġiji tal-ispejjeż permezz ta’ ffrankar tal-ispejjeż relatati mal-amministrazzjoni u l-persunal u titjib sinifikanti tal-ispiża tad-depożiti. Minn mindu saret l-akkwiżizzjoni, il-Bank integra b’mod sħiħ l-operazzjonijiet Griegi tat-tliet Banek Ċiprijotti, ta identità ġdida lill-fergħat kollha tat-tliet Banek Ċiprijotti u jinsab fi stadju avvanzat fir-razzjonalizzazzjoni tan-netwerk.

(294)

Il-portafolli tas-self tal-operazzjonijiet Griegi tat-tliet Banek Ċiprijotti kienu pprovduti sewwa. Tabilħaqq, il-Bank akkwista dak is-self bi prezz ferm aktar baxx mill-ammonti nominali tiegħu: il-prezz tax-xiri tnaqqas sabiex jirrifletti t-telf fil-ġejjieni kkalkolat minn PIMCO fil-qafas ta’ test tal-istress. Għalhekk, ir-riskju li t-telf mis-self jaqbeż dak rifless fil-prezz baxx tax-xiri huwa limitat.

(295)

Il-Bank akkwista wkoll ġabra kbira ta’ depożiti, kważi kbira daqs is-self nett akkwistat. Għalhekk, huwa saħħaħ il-pożizzjoni tal-likwidità tiegħu.

(296)

Għalhekk, l-akkwiżizzjoni hija pożittiva għat-treġġigħ lura tal-vijabbiltà fit-tul tal-Bank.

7.5.3.2.   L-effett tal-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti fuq l-ammont ta’ għajnuna meħtieġa mill-Bank

(297)

B’konformità mal-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, l-għajnuna għar-ristrutturar ma għandhiex tintuża għall-akkwiżizzjoni ta’ kumpaniji oħrajn, iżda sempliċiment biex tkopri l-ispejjeż tar-ristrutturar li huma meħtieġa sabiex titreġġa’ lura l-vijabbiltà tal-Bank.

(298)

Kif ġie analizzat fit-taqsima 7.3, l-għajnuna kellha l-għan li tkopri l-ħtiġijiet kapitali tal-akkwirent tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti, hekk kif l-akkwiżizzjoni tagħhom tiżgura ż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja fil-Greċja. Il-korrispettiv finalment imħallas mill-Bank għall-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti kien ferm aktar baxx mill-valur kontabilistiku tal-portafoll akkwistat. Huwa kien saħansitra aktar baxx mill-valur tas-self wara li kien aġġustat ‘l isfel sabiex jirrifletti t-telf mis-self fil-ġejjieni kkalkolat minn PIMCO taħt it-test tal-istress. Għalhekk, il-prezz tal-akkwiżizzjoni jista’ jitqies bħala wieħed negattiv. Dik il-konklużjoni hija appoġġjata mill-fatt li l-Bank ipprenota avvjament negattiv kbir meta akkwista l-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti, li żied il-kapital tiegħu.

(299)

Madankollu, f’każ li jitqies li l-Bank ħallas prezz pożittiv, il-Kummissjoni tosserva li, bħala prekondizzjoni tal-akkwiżizzjoni, l-HFSF ta impenn lix-xerrej li huwa sejjer jinjetta l-ammont tal-prezz tax-xiri f’kapital. L-HFSF irrispetta dak l-impenn fil-qafas tar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013. Dik l-injezzjoni ta’ kapital hija għajnuna għall-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti u mhux lill-Bank, kif ġie spjegat fit-taqsima 6.2.1. Għalhekk, l-akkwiżizzjoni ma ħolqot ebda ħtieġa għal għajnuna mill-Istat addizzjonali lill-Bank.

(300)

Ġie konkluż li, minħabba termini atipiċi (il-prezz baxx tax-xiri u l-impenn mogħti mill-HFSF li jinjetta l-prezz tax-xiri fil-qafas ta’ żieda ta’ kapital), l-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti ma tiksirx b’mod eċċezzjonali l-prinċipju li l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju.

7.5.3.3.   L-effett distortiv tal-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti fuq il-kompetizzjoni

(301)

Kif ġie ddikjarat fil-premessa 274, b’konformità mal-punti 39 u 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, l-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tintuża għad-detriment tal-kumpaniji mhux megħjuna u, b’mod partikolari, għall-akkwist ta’ negozji kompetituri, għajr taħt ċirkostanzi speċifiċi.

(302)

Il-bejgħ tal-operazzjonijiet Griegi tal-Banek Ċiprijotti kellu l-għan li jissalvagwardja l-istabbiltà tas-sistema bankarja Griega u li jiżgura li l-Banek Ċiprijotti jkunu jistgħu jbigħu dawk in-negozji qabel ma x’aktarx jitilfu mill-valur tagħhom. B’hekk, it-tranżazzjoni tista’ titqies bħala parti minn proċess ta’ konsolidazzjoni li huwa meħtieġ sabiex titreġġa’ lura l-istabbiltà finanzjarja tat-tip deskritt fil-punt 41 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

(303)

Barra minn hekk, ma kien hemm ebda offerent mhux megħjun li ssottometta offerta valida sabiex jakkwista lit-tliet Banek Ċiprijotti. Il-proċess tal-bejgħ kien miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju.

(304)

Fl-aħħar nett, minħabba li dik l-akkwiżizzjoni kienet awtorizzata mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni Ellenika (105), jista’ jiġi preżunt li l-eżitu tal-proċess tal-bejgħ ma jipperikolax il-kompetizzjoni effettiva fil-Greċja.

(305)

Fid-dawl ta’ dawk l-elementi, jista’ jiġi konkluż li l-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti taqa’ taħt l-eżenzjoni fil-punt 41 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.5.3.4.   Konklużjoni dwar l-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti

(306)

Ġie konkluż li, fid-dawl tas-sitwazzjoni unika tal-banek Griegi u l-ispeċifiċitajiet tal-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti, dik l-akkwiżizzjoni hija konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.5.4.   Il-konformità tal-akkwiżizzjoni ta’ MBG mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar

7.5.4.1.   L-effett tal-akkwiżizzjoni ta’ MBG fuq il-vijabbiltà fit-tul tal-Bank

(307)

L-akkwiżizzjoni tal-MBG rikapitalizzat b’mod sħiħ issaħħaħ il-vijabbiltà fit-tul tal-Bank.

(308)

Skont l-analiżi sottomessa mill-Bank fil-mument tal-akkwiżizzjoni, it-tranżazzjoni sejra twassal għal sinerġiji konsiderevoli bħal sinerġiji tal-ispejjeż permezz ta’ tnaqqis ta’ fergħat u persunal, spejjeż aktar baxxi tad-depożiti u sinerġiji tad-dħul. Sadanittant, il-Bank integra b’mod sħiħ lil MBG.

(309)

Barra minn hekk, minħabba li MBG kien kapitalizzat b’mod adegwat qabel ġie akkwistat mill-Bank u minħabba li l-bank ħallas prezz tax-xiri ta’ EUR 1 miljun, l-akkwiżizzjoni mhijiex mistennija toħloq ħtiġijiet kapitali fil-ġejjieni għall-Bank. Barra minn hekk, il-bejjiegħ ta impenn, bħala parti mit-tranżazzjoni, li jinjetta EUR 400 miljun ta’ kapital fil-Bank. Dik l-impenn ġie implimentat fil-qafas tar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, li matulha BCP injetta EUR 400 miljun fil-Bank.

(310)

Ġie konkluż li l-akkwiżizzjoni hija pożittiva għat-treġġigħ lura tal-vijabbiltà fit-tul tal-Bank u li l-prezz tax-xiri ta’ MBG kien tant baxx li ma waqqafx l-għajnuna milli tkun limitata għall-minimu neċessarju.

7.5.4.2.   L-effett tal-akkwiżizzjoni ta’ MBG fuq l-ammont ta’ għajnuna meħtieġa mill-Bank

(311)

B’konformità mal-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, l-għajnuna għar-ristrutturar ma għandhiex tintuża għall-akkwiżizzjoni ta’ kumpaniji oħrajn, iżda sempliċiment biex tkopri l-ispejjeż tar-ristrutturar li huma meħtieġa sabiex titreġġa’ lura l-vijabbiltà tal-Bank. F’dan il-każ, għalkemm l-akkwiżizzjoni għandha implikazzjonijiet pożittivi għall-vijabbiltà tal-Bank, mhijiex essenzjali għall-vijabbiltà tiegħu skont it-tifsira tal-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

(312)

Madankollu, il-Bank ħallas biss EUR 1 miljun għax-xiri ta’ MBG, li huwa meqjus bħala ammont żgħir ħafna. Barra minn hekk, MBG kien kapitalizzat b’mod adegwat minn BCP u, bħala kondizzjoni tat-tranżazzjoni, BCP injetta EUR 400 miljun ta’ kapital fil-Bank (106).

(313)

Ġie konkluż li, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tat-tranżazzjoni (akkwiżizzjoni bi prezz baxx ħafna ta’ bank kapitalizzat b’mod sħiħ u injezzjoni ta’ kapital mill-bejjiegħ fil-Bank), l-akkwiżizzjoni ta’ MBG ma tiġġenera ebda ħtieġa kapitali ulterjuri għall-Bank u, għalhekk, l-akkwiżizzjoni ta’ MBG ma tiksirx b’mod eċċezzjonali r-rekwiżit li titnaqqas l-għajnuna.

7.5.4.3.   L-effett distortiv tal-akkwiżizzjoni ta’ MBG fuq il-kompetizzjoni

(314)

Kif ġie ddikjarat fil-premessa 274, b’konformità mal-punti 39 u 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, l-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tintuża għad-detriment tal-kumpaniji mhux megħjuna u, b’mod partikolari, għall-akkwist ta’ negozji kompetituri, għajr taħt ċirkostanzi speċifiċi.

(315)

MBG ma kienx meqjus bħala vijabbli fuq bażi awtonoma mill-Bank of Greece, meta dan tal-aħħar analizza l-vijabbiltà tal-banek Griegi kollha fil-bidu tal-2012. MBG kien qiegħed jiġġenera telf kbir għal BCP li, għalhekk, ried ibiegħu u, jekk tali bejgħ ma kienx possibbli, seta’ jikkunsidra li jħallih ifalli. Il-bejgħ ta’ MBG kien ukoll parti mill-pjan ta’ ristrutturar ta’ BCP (107). Għalhekk, l-akkwiżizzjoni tista’ titqies bħala parti minn proċess ta’ konsolidazzjoni li huwa meħtieġ għat-treġġigħ lura tal-istabbiltà finanzjarja tat-tip deskritt fil-punt 41 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

(316)

Barra minn hekk, ma kien hemm ebda offerent mhux megħjun li ssottometta offerta valida sabiex jakkwista lil MBG.

(317)

F’dan l-isfond, jista’ jiġi konkluż li l-akkwiżizzjoni ta’ MBG taqa’ taħt l-eżenzjoni fil-punt 41 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.5.4.4.   Konklużjoni dwar l-akkwiżizzjoni ta’ MBG

(318)

Ġie konkluż li, fid-dawl tas-sitwazzjoni unika tal-banek Griegi u l-ispeċifiċitajiet tal-akkwiżizzjoni ta’ MBG, dik l-akkwiżizzjoni hija konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

7.6.   IL-KONFORMITÀ TAL-MIŻURI A, B1, B2, B3 U B4 MAL-KOMUNIKAZZJONI DWAR IR-RISTRUTTURAR

7.6.1.   Sorsi tad-diffikultajiet u l-konsegwenzi fuq il-valutazzjoni skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar

(319)

Kif ġie indikat fit-taqsimiet 2.1.1 u 2.1.2, id-diffikultajiet iffaċċjati mill-Bank ġejjin primarjament mill-kriżi sovrana Griega u mir-reċessjoni profonda fil-Greċja u fin-nofsinhar tal-Ewropa. Fir-rigward tal-fattur imsemmi l-ewwel, il-gvern Grieg tilef l-aċċess għas-swieq finanzjarji u finalment kellu jinnegozja ftehim mal-kredituri domestiċi u internazzjonali tiegħu, il-programm PSI, li rriżulta f’telf impost fuq il-pretensjonijiet miżmuma kontra l-Istat bi 53,3 %. Barra minn hekk, 31,5 % tal-pretensjonijiet ġew skambjati għall-GGBs ġodda b’rati tal-imgħax aktar baxxi u maturitajiet itwal. Dawk il-GGBs inxtraw lura mill-Istat mingħand il-banek Griegi f’Diċembru 2012 bi prezz ta’ bejn 30,2 % u 40,1 % tal-valur nominali tagħhom, sabiex b’hekk kien ikkristallizzat telf ulterjuri għall-banek Griegi. Minbarra l-impatt tal-programm PSI u x-xiri lura tad-dejn fuq il-pożizzjoni kapitali tiegħu, il-Bank osserva wkoll ħruġ enormi ta’ depożiti bejn l-2010 u nofs l-2012 minħabba r-riskju li l-Greċja tista’ toħroġ miż-żona tal-euro bħala konsegwenza ta’ dejn pubbliku insostenibbli u r-reċessjoni ekonomika.

(320)

L-għajnuna mogħtija lill-Bank, jiġifieri s-somma tal-miżuri B1, B2, B3 u B4, jew EUR 7 335 miljun, hija ogħla mill-ammont tat-telf ipprenotat wara l-programm PSI (EUR 5 911-il miljun).

(321)

Parti kbira mill-ħtiġijiet kapitali jirriżultaw mill-iskopertura standard ta’ istituzzjoni finanzjarja għar-riskju sovran tal-pajjiż domestiku tagħha. Dak il-fatt kien enfasizzat ukoll fil-premessi 63 u 74 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus. Bħala konsegwenza, hemm inqas ħtieġa għall-Bank li jindirizza l-kwistjonijiet ta’ periklu morali fil-pjan ta’ ristrutturar tiegħu milli għal istituzzjonijiet finanzjarji megħjuna oħrajn, li akkumulaw f’riskji eċċessivi. Għalhekk, billi l-miżuri ta’ għajnuna huma inqas distortivi, il-miżuri meħuda sabiex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għandhom isiru inqas stretti b’mod proporzjonali. Minħabba li l-programm PSI u x-xiri lura tad-dejn jikkostitwixxu rinunzja tad-dejn favur l-Istat, ir-rimunerazzjoni tal-Istat għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek tista’ tkun aktar baxxa. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li l-iskopertura tal-Bank għar-riskju sovran Grieg kienet akbar mill-iskopertura tal-banek Griegi kbar l-oħrajn. (108). Bħala riżultat, mhux it-telf kollu fuq il-GGBs jista’ jiġi attribwit għall-iskopertura standard ta’ istituzzjoni finanzjarja għar-riskju sovran tal-pajjiż domestiku tagħha.

(322)

It-tieni sors ta’ telf għall-Bank huwa t-telf fuq is-self tiegħu lill-familji u l-korporazzjonijiet Griegi. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dak it-telf huwa primarjament dovut għall-kontrazzjoni tal-PDG ta’ madwar 25 % fuq medda ta’ ħames snin matul ir-reċessjoni profonda u mtawla b’mod eċċezzjonali, filwaqt li mhumiex dovuti għal prattiki ta’ self riskjużi mill-Bank. B’riżultat ta’ dan, l-għajnuna mogħtija sabiex tkopri dak it-telf ma toħloq ebda periklu morali, li huwa l-każ meta l-għajnuna tipproteġi lil bank mill-konsegwenzi ta’ mġiba riskjuża fil-passat. Għalhekk, l-għajnuna hija inqas distortiva (109).

(323)

Madankollu, parti mill-ħtiġijiet kapitali u mit-telf fuq is-self tal-Bank ġejja minn xi sussidjarji internazzjonali. It-testijiet tal-istress imwettqa fl-2012 sabiex jiddeterminaw il-ħtiġijiet kapitali tal-Bank indikaw li l-projezzjonijiet tat-telf tal-kreditu fuq is-self barrani kienu jammontaw għal EUR 1 314-il miljun fix-xenarju bażi u EUR 1 624 miljun fix-xenarju avvers. Fis-snin riċenti, bosta minn dawk in-negozji barranin kienu qegħdin jagħmlu t-telf. Fl-2012, it-telf minn attivitajiet internazzjonali kien jammonta għal EUR 244 miljun qabel it-taxxa (110). L-assi barranin wasslu wkoll għal tnaqqis gradwali fuq il-likwidità.

(324)

Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li parti sinifikanti mit-telf u l-ħtieġa għall-għajnuna jaqgħu taħt il-punt 14 tal-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011, li jippermetti lill-Kummissjoni tħeffef ir-rekwiżiti tagħha. Bl-istess mod, parti mill-ħtieġa għall-għajnuna ġejja mir-reċessjoni profonda b’mod eċċezzjonali fil-Greċja u mhux minn self riskjuż. Tali għajnuna ma toħloq ebda periklu morali u, għalhekk, hija inqas distortiva.

(325)

Fl-aħħar nett, parti mill-ħtieġa għall-għajnuna ġejja mit-teħid ta’ riskju mill-Bank stess fir-rigward tas-sehem kbir tiegħu ta’ dejn sovran u s-sussidjarji barranin tiegħu.

7.6.2.   Vijabbiltà

(326)

Pjan ta’ ristrutturar irid jiżgura li l-istituzzjoni finanzjarja tkun tista’ treġġa’ lura l-vijabbiltà fit-tul tagħha sal-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar (it-taqsima 2 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar). Fil-każ inkwistjoni, il-perjodu tar-ristrutturar huwa definit bħala l-perjodu bejn id-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-31 ta’ Diċembru 2018.

(327)

B’konformità mal-punti 9, 10 u 11 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, il-Greċja ssottomettiet pjan ta’ ristrutturar komprensiv u ddettaljat li jipprovdi informazzjoni kompleta dwar il-mudell kummerċjali tal-Bank. Il-pjan jidentifika wkoll il-kawżi tad-diffikultajiet iffaċċjati mill-Bank, kif ukoll il-miżuri meħuda bil-għan li jindirizzaw il-kwistjonijiet kollha ta’ vijabbiltà li kellu jiffaċċja. B’mod partikolari, il-pjan ta’ ristrutturar jiddeskrivi l-istrateġija magħżula għall-preservazzjoni tal-effikaċja operattiva tal-Bank u għall-indirizzar tal-livell għoli ta’ NPL, tal-likwidità vulnerabbli u l-pożizzjonijiet kapitali tiegħu, kif ukoll in-negozji barranin tiegħu, li, matul is-snin riċenti, kellhom jiddependu fuq il-kumpanija prinċipali tagħhom għall-fondi u l-kapital.

7.6.2.1.   Attivitajiet bankarji Griegi

(328)

Fir-rigward tal-likwidità (111) u d-dipendenza tal-Bank fuq il-finanzjament tal-Eurosistema, il-pjan ta’ ristrutturar jipprevedi tkabbir limitat tal-karta bilanċjali fil-Greċja, filwaqt li l-bażi tad-depożiti għandha terġa’ tikber. Id-dipendenza fuq l-ELA garantita mill-Istat, li diġà naqset, mistennija tkompli tonqos aktar, sitwazzjoni li se tgħin lill-Bank inaqqas l-ispiża tal-finanzjament tiegħu.

(329)

L-impenn tal-proporzjon self-depożiti msemmi fil-premessa 137 jiggarantixxi li l-istruttura tal-karta bilanċjali tal-Bank tkun sostenibbli fl-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar. Il-bejgħ tat-titoli u ta’ attivitajiet mhux ewlenin oħrajn se jsaħħaħ ukoll il-pożizzjoni tal-likwidità tal-Bank. Minħabba l-pożizzjoni tal-likwidità stressanti tal-Bank, il-Kummissjoni tista’ taċċetta t-talba tal-awtoritajiet Griegi li jkunu awtorizzati sabiex jipprovdu likwidità lill-Bank taħt il-miżuri ta’ garanzija u self obbligazzjonarju tal-gvern fi ħdan l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi u taħt l-ELA garantita mill-Istat.

(330)

Bil-għan li tnaqqas l-ispejjeż tal-finanzjament tagħha, il-Greċja pprovdiet ukoll impenn li l-Bank se jkompli jnaqqas ir-rati tal-imgħax li qiegħed iħallas fuq id-depożiti fil-Greċja, kif deskritt fil-premessa (137). Il-kisba ta’ tali tnaqqis fl-ispiża tad-depożiti sejra tkun kontribuzzjoni kruċjali għat-titjib tal-profittabbiltà ta’ qabel il-proviżjonament tal-Bank.

(331)

Minn mindu bdiet il-kriżi, il-Bank għamel akkwiżizzjonijiet kbar li żiedu d-daqs u l-bażi tad-depożiti tiegħu b’mod drammatiku. Il-Bank irnexxielu jintegra b’suċċess in-negozju akkwistat fi żmien rekord. Bħalissa, il-Bank qiegħed jipprova jwettaq is-sinerġiji kollha possibbli wara dawk l-akkwiżizzjonijiet. Huwa beda jirrazzjonalizza n-netwerk kummerċjali tiegħu fil-Greċja, permezz ta’ tnaqqis fin-numru ta’ fergħat u impjegati (112). Sal-2017, l-ispejjeż totali tal-Bank fil-Greċja mistennija jonqsu bi […]% ulterjuri meta mqabbla mal-2013. Bil-għan li tilħaq dik il-mira, il-Greċja impenjat li l-Bank sejjer inaqqas il-fergħat u l-impjegati tiegħu fil-Greċja għal […] u […] rispettivament fil-31 ta’ Diċembru 2017, bi spejjeż totali massimi fil-Greċja ta’ EUR […] biljun. Il-proporzjon spejjeż-dħul mistenni għandu jinżel taħt […]% fi tmiem il-perjodu tar-ristrutturar. Il-Kummissjoni tqis li l-pjan tar-ristrutturar jippreserva l-effikaċja tal-Bank fl-ambjent tas-suq il-ġdid.

(332)

Qasam ewlieni ieħor huwa t-trattament tal-NPL, hekk kif fil-31 ta’ Diċembru 2013 dawn kienu jammontaw għal 36 % tal-portafoll tal-Bank (113). Il-Bank qiegħed jippjana li jsaħħaħ il-politika kreditizja tiegħu (il-limiti, il-kopertura kollaterali) u li jiffoka fuq l-attività prinċipali sabiex inaqqas it-telf tiegħu. Il-Greċja tat ukoll impenn li l-Bank se jikkonforma mal-istandards għoljin fir-rigward tal-politika kreditizja tiegħu sabiex jiġġestixxi r-riskji u sabiex inaqqas il-valur għall-Bank f’kull stadju tal-proċess tal-kreditu, inkluż ir-ristrutturar tas-self, kif deskritt fil-premessa 141.

7.6.2.2.   Governanza korporattiva

(333)

Punt ieħor ta’ attenzjoni huwa l-governanza tal-Bank minħabba li l-HFSF jippossjedi l-maġġoranza tal-ishma tal-Bank wara r-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013, iżda b’setgħa ta’ votazzjoni ristretta. Barra minn hekk, uħud mill-investituri privati li jikkontrollaw il-Bank għandhom ukoll ċertifikati u b’hekk jiggwadanjaw il-benefiċċju sħiħ li kieku l-prezz tal-ishma kellu jogħla matul il-perjodu tar-ristrutturar. Minħabba li s-sitwazzjoni tista’ toħloq periklu morali, fl-2013 intlaħaq qbil fuq qafas tar-relazzjoni speċifiku bejn il-Bank u l-HFSF. Dak il-ftehim jipproteġi l-ħidma ta’ kuljum tal-Bank minn kwalunkwe interferenza mill-azzjonisti prinċipali tiegħu, filwaqt li jiggarantixxi li l-HFSF ikun jista’ jissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar u jipprevjeni t-teħid ta’ riskji eċċessivi mill-maniġment tal-Bank permezz ta’ proċeduri ta’ konsultazzjoni xierqa. Il-Bank impenja ruħu wkoll li jissorvelja mill-qrib l-iskopertura tiegħu għall-mutwatarji konnessi. Il-Kummissjoni tinnota b’mod pożittiv il-fatt li l-HFSF jerġa’ jikseb id-drittijiet tal-vot awtomatikament jekk il-Bank ma jimplimentax il-pjan ta’ ristrutturar tiegħu.

7.6.2.3.   Attivitajiet internazzjonali

(334)

Uħud mill-attivitajiet internazzjonali tal-Bank ġabu fix-xejn il-kapital u l-likwidità tal-Bank fil-passat, kif spjegat fil-premessa 323.

(335)

Il-pjan ta’ ristrutturar jantiċipa li l-Bank ser ikompli jiffoka mill-ġdid fuq is-suq domestiku tiegħu. Il-Bank diġà biegħ l-impriża sussidjarja tiegħu fl-Istati Uniti tal-Amerika. Huwa beda jirrazzjonalizza wkoll lis-sussidjarji l-oħrajn, bil-għan li jsaħħaħ il-proċess tas-sottoskrizzjoni tas-self u jnaqqas id-diskrepanza tal-likwidità tas-sussidjarji. Huwa qiegħed jippjana razzjonalizzazzjoni ulterjuri tan-netwerk tiegħu fl-impriżi sussidjarji miżmuma, kif deskritt fil-premessa 130.

(336)

Għalhekk, l-ammont totali ta’ assi barranin sejjer jiċkien fil-ġejjieni. Fl-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar, dawn sejrin jammontaw għal […] parti mill-karta bilanċjali totali tal-Bank.

(337)

Għalhekk, il-Kummissjoni temmen li l-Bank sejjer jirristruttura u jnaqqas dawk in-negozji barranin b’mod suffiċjenti sabiex jevita li jiġi espost għal ħtiġijiet kapitali addizzjonali u għal nuqqas ta’ likwidità fil-ġejjieni. L-impenn deskritt fil-premessa (138) sabiex joqgħod lura milli jinjetta ammonti kbar ta’ kapital fis-sussidjarji internazzjonali tal-Bank jikkontribwixxi wkoll sabiex jiġi żgurat li s-sussidjarji barranin ma jirrappreżentaw ebda theddida għall-kapital jew għall-pożizzjoni tal-likwidità tal-Bank.

7.6.2.4.   Konklużjoni dwar il-vijabbiltà

(338)

Ix-xenarju bażi, kif deskritt fit-taqsima 2.4, juri li, fl-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar, il-Bank ser ikun jista’ jikseb ritorn li jippermettilu jkopri l-ispejjeż kollha tiegħu u jipprovdi ritorn xieraq fuq l-ekwità, billi jieħu f’kunsiderazzjoni l-profil tar-riskju tiegħu. Fl-istess ħin, il-pożizzjoni kapitali tal-Bank hija pproġettata li tibqa’ f’livell sodisfaċenti.

(339)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tieħu nota tax-xenarju avvers deskritt fil-pjan ta’ ristrutturar tal-Bank kif sottomess mill-awtoritajiet Griegi. Dak ix-xenarju avvers huwa bbażat fuq sett ta’ suppożizzjonijiet maqbula mal-HFSF. Huwa jieħu f’kunsiderazzjoni reċessjoni itwal u aktar profonda, kif ukoll deflazzjoni aktar severa tal-prezzijiet tal-proprjetà immobbli. Il-pjan ta’ ristrutturar juri li l-Bank kapaċi jirreżisti ammont raġonevoli ta’ stress minħabba li, fix-xenarju avvers, huwa jibqa’ profittabbli u kapitalizzat sewwa fl-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar.

(340)

L-ammont ta’ kapital addizzjonali li nġabar fl-2014, jiġifieri EUR 1 750 miljun, huwa biżżejjed sabiex ilaħħaq max-xenarju bażi tat-test tal-istress tal-2013 fil-perjodu tar-ristrutturar u sabiex jitħallsu lura l-ishma privileġġati, kif fil-fatt għamel il-Bank f’Mejju 2014 (114). […] Il-Kummissjoni tfakkar li fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet kapitali taħt ix-xenarju bażi, il-Bank of Greece diġà introduċa bosta aġġustamenti li wasslu għal żieda fil-ħtiġijiet kapitali stmati mqabbla mal-ħtiġijiet kapitali stmati mill-Bank fi ħdan ix-xenarju bażi tiegħu stess. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ħtiġijiet kapitali stmati mill-Bank of Greece taħt ix-xenarju bażi jassumu ċertu livell ta’ stress. Sabiex tkun tista’ tikkonkludi li l-Bank huwa vijabbli, il-Kummissjoni ma tirrikjedix li l-Bank ikollu biżżejjed kapital bil-quddiem sabiex ikopri l-ħtiġijiet kapitali stmati mill-Bank of Greece taħt xenarju stressanti, minħabba li dak il-livell stmat jirrappreżenta livell għoli ta’ stress u minħabba li l-ġbir tal-kapital ta’ Marzu 2014 juri li l-Bank reġa’ kiseb l-aċċess għas-swieq kapitali.

(341)

Barra minn hekk, huwa pożittiv li l-Bank mhuwiex ser jagħmel investimenti addizzjonali f’dokument mhux fi grad ta’ investiment, fatt li se jgħinu sabiex jippreserva l-kapital u l-pożizzjoni tal-likwidità tiegħu.

(342)

Għalhekk, ġie konkluż li t-taħlita tar-ristrutturar diġà implimentat u r-ristrutturar addizzjonali propost huma biżżejjed sabiex titreġġa’ lura l-vijabbiltà fit-tul tal-Bank.

7.6.3.   Kontribuzzjoni proprja u kondiviżjoni tal-piżijiet

(343)

Kif ġie ddikjarat fit-taqsima 3 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, il-banek u l-partijiet interessati tagħhom jeħtieġ li jikkontribwixxu għar-ristrutturar kemm jista’ jkun sabiex jiżguraw li l-għajnuna tkun limitata għall-minimu neċessarju. Għaldaqstant, il-banek għandhom jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom biex jiffinanzjaw ir-ristrutturar, pereżempju billi jbigħu l-assi, filwaqt li l-azzjonisti għandhom jassorbu t-telf tal-bank, fejn ikun possibbli.

7.6.3.1.   Kontribuzzjoni proprja mill-Bank: ċessjonijiet u tnaqqis tal-ispejjeż

(344)

Il-Bank diġà ċeda xi negozji barranin żgħar (fl-Istati Uniti tal-Amerika) u wettaq id-diżingranaġġ ta’ parti mill-portafoll tiegħu sabiex isaħħaħ kemm l-adegwatezza kapitali kif ukoll il-pożizzjoni tal-likwidità tiegħu. Il-pjan ta’ ristrutturar jipprevedi d-diżingranaġġ tal-attivitajiet barranin tiegħu, kif deskritt fil-premessi 125 sa 129. Meta wieħed iqis id-diżingranaġġ u ċ-ċessjonijiet diġà implimentati, kif ukoll wara l-implimentazzjoni tal-impenji relatati mad-diżingranaġġ u maċ-ċessjonijiet tan-negozji barranin, il-Bank ser ikun naqqas b’mod sinifikanti l-preżenza ġeografika tiegħu fi […]. It-tnaqqis fl-assi internazzjonali tal-Bank se jwassal ukoll għal tnaqqis sinifikanti tar-riskju kontinġenti li tkun meħtieġa l-għajnuna fil-ġejjieni. Għalhekk, dan qiegħed jgħin sabiex l-ammont tal-għajnuna jitnaqqas għall-minimu.

(345)

Bil-għan li jillimita l-ħtiġijiet kapitali tiegħu, il-Bank mhuwiex sejjer juża l-kapital sabiex jappoġġja jew jespandi s-sussidjarji barranin tiegħu, kif deskritt fil-premessa 138. Barra minn hekk, l-impenji magħmula mill-Greċja jiggarantixxu li l-Bank ma jagħmilx akkwiżizzjonijiet għaljin.

(346)

Il-Bank involva ruħu wkoll fi programm ambizzjuż ta’ tnaqqis tal-ispejjeż, kif indikat fit-taqsima 2.4.2. L-ispejjeż tiegħu sejrin ikomplu jonqsu sal-2017. Il-forza tax-xogħol tiegħu qiegħda titnaqqas u s-salarji qegħdin jiġu aġġustati ‘l isfel. Il-Greċja impenjat ruħha wkoll illi tillimita r-rimunerazzjoni tal-maniġers tal-Bank, […].

7.6.3.2.   Kondiviżjoni tal-piżijiet mill-azzjonisti storiċi u kapital ġdid miġbur fis-suq

(347)

L-azzjonisti storiċi tal-Bank kienu dilwiti permezz tal-ħruġ tad-drittijiet fl-2009 (115) u għal darba oħra permezz tar-rikapitalizzazzjoni tal-HFSF (il-miżura B4) u l-ġbir tal-kapital privat tal-2013 u ta’ Marzu 2014. Pereżempju, is-sehem li kellhom l-azzjonisti tal-Bank, li f’dak iż-żmien kien jinkludi lill-investituri li injettaw il-flus fl-2009, tnaqqas minn 100 % qabel ir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 għal 2,3 % biss wara dik ir-rikapitalizzazzjoni. Barra minn hekk, il-Bank ma ħallas ebda dividend fi flus kontanti mill-2008 ‘il quddiem. Minbarra dik il-kondiviżjoni tal-piżijiet mill-azzjonisti storiċi, il-Bank ġabar ammont sinifikanti ta’ kapital privat minn mindu bdiet il-kriżi fl-2008, jiġifieri EUR 807 miljun fl-2009, EUR 1 444 miljun fl-2013 u EUR 1 750 miljun fl-2014.

7.6.3.3.   Kondiviżjoni tal-piżijiet mid-detenturi tad-dejn subordinat

(348)

Id-detenturi tad-dejn ibridu u subordinat tal-Bank ikkontribwixxew għall-ispejjeż tar-ristrutturar tal-Bank. Il-Bank wettaq bosta eżerċizzji ta’ ġestjoni tal-obbligazzjonijiet bil-għan li jiġġenera l-kapital, kif deskritt fil-premessa 134.

(349)

L-istrumenti li sa issa għadhom pendenti huma soġġetti għall-projbizzjoni fuq il-kupuni msemmija fil-premessa 143. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li kondiviżjoni tal-piżijiet adegwata mid-detenturi tad-dejn ibridu u subordinat tal-Bank hija garantita u li r-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar f’dak ir-rigward qegħdin jiġu ssodisfati.

7.6.3.4.   Konklużjoni dwar il-kontribuzzjoni proprja u l-kondiviżjoni tal-piżijiet

(350)

Meta mqabbla mar-rikapitalizzazzjoni Statali totali riċevuta, il-kontribuzzjoni proprja u l-kondiviżjoni tal-piżijiet, speċjalment fil-forma tal-bejgħ tal-assi u t-tnaqqis tal-ktieb tas-self, huma ferm inqas minn dak li l-Kummissjoni ġeneralment tqis bħala biżżejjed. It-tnaqqis jikkonċerna biss l-attivitajiet barranin, li jammontaw għal parti limitata tal-Bank (116) u r-ristrutturar ma jipprevedi ebda tnaqqis fid-daqs tal-kotba tas-self u tad-depożiti fil-Greċja, li, għall-kuntrarju, kibru b’mod drammatiku matul l-aħħar sena, wara l-akkwiżizzjonijiet li saru. Madankollu, il-Kummissjoni tieħu f’kunsiderazzjoni l-elementi diskussi fit-taqsima 7.6.1 u, b’mod partikolari, il-fatt li l-għajnuna riċevuta tikkwalifika parzjalment għall-eżenzjoni stipulata fil-punt 14 tal-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011, li permezz tagħha l-Kummissjoni tista’ taċċetta inqas kontribuzzjoni proprja u kondiviżjoni tal-piżijiet. Il-Kummissjoni tinnota wkoll b’mod pożittiv li l-Bank ġabar EUR 1 444 miljun fis-suq f’Mejju 2013 u EUR 1 750 miljun f’Marzu 2014, […]. Barra minn hekk, il-kapital miġbur f’Marzu 2014 inġabar bi prezz għal kull sehem ugwali għall-prezz għal kull sehem li bih l-HFSF issottoskriva fil-qafas tar-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013 (il-miżura B4). Għalhekk, il-prezz għoli tal-ħruġ illimita d-dilwizzjoni tal-HFSF. Barra minn hekk, il-Bank ħallas lura l-ishma privileġġati (il-miżura A). Meta wieħed iqis dawk l-elementi kollha, il-pjan ta’ ristrutturar jista’ jitqies bħala li qiegħed jipprovdi biżżejjed miżuri ta’ kontribuzzjoni proprja u kondiviżjoni tal-piżijiet intiżi biex jillimitaw l-għajnuna għall-minimu neċessarju.

7.6.4.   Miżuri maħsuba sabiex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

(351)

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tirrikjedi pjan ta’ ristrutturar li jipproponi miżuri intiżi biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u jiggarantixxu settur bankarju kompetittiv. Barra minn hekk, dawk il-miżuri għandhom jindirizzaw ukoll il-kwistjonijiet ta’ periklu morali u jiżguraw li l-għajnuna mill-Istat ma tintużax sabiex tiffinanzja mġiba anti-kompetittiva.

(352)

Il-Punt 31 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar jiddikjara li meta jiġi vvalutat l-ammont ta’ għajnuna u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kemm l-ammont relattiv kif ukoll dak assolut tal-għajnuna mill-Istat riċevuta, kif ukoll il-livell tal-kondiviżjoni tal-piżijiet u l-pożizzjoni tal-istituzzjoni finanzjarja fis-suq wara r-ristrutturar. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li l-Bank irċieva appoġġ kapitali mill-Istat ekwivalenti għal 23,7 % tal-RWA tiegħu (117). Barra minn hekk, fl-2010, il-Bank kiseb garanziji ta’ likwidità li jammontaw għal EUR 9,9 biljun u self obbligazzjonarju tal-gvern għal ammont ta’ EUR 1,3 biljun, li flimkien jirrappreżentaw kważi 25 % tal-karta bilanċjali tal-Bank. Barra minn hekk, il-Bank irċieva ELA garantita mill-Istat. Għalhekk, il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni huma neċessarji fid-dawl tal-ammont kbir tal-għajnuna. Barra minn hekk, is-sehem mis-suq tal-Bank fil-Greċja huwa kbir. L-akkwiżizzjoni tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE, ta’ Geniki, ta’ MBG u tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti żiedet l-ishma mis-suq tal-Bank. Wara dawk l-akkwiżizzjonijiet, is-sehem mis-suq tal-Bank f’depożiti kien jammonta għal 29 % fl-aħħar tal-2013, filwaqt li l-ishma mis-suq tiegħu f’ipoteki residenzjali, self lill-konsumaturi u self lil negozji kienu 25 %, 22 % u 35 % rispettivament (imqabbla ma’ 10 %, 8 %, 8 % u 14 %, rispettivament, fl-2011) (118).

(353)

Il-Kummissjoni tfakkar li d-diffikultajiet tal-Bank irriżultaw fil-biċċa l-kbira tagħhom minn xokkijiet esterni bħall-kriżi sovrana Griega u r-reċessjoni mtawla li ħarbtet l-ekonomija Griega sa mill-2008, kif ġie nnotat diġà fil-premessa 74 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus. Għalhekk, il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ periklu morali naqset. Kif ġie diskuss fit-taqsima 7.6.1 ta’ din id-Deċiżjoni, l-effett distortiv tal-miżuri ta’ għajnuna huwa inqas fid-dawl ta’ dawk il-fatturi, bħalma hija l-ħtieġa għal miżuri intiżi biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tista’ taċċetta b’mod eċċezzjonali li, minkejja l-ammont għoli ta’ għajnuna u l-ishma mis-suq għoljin, il-pjan ta’ ristrutturar ma jipprevedi ebda tnaqqis tal-karta bilanċjali u tas-self fil-Greċja. Madankollu, ikun problematiku jekk l-aktar bank megħjun minn fost l-erba’ banek Griegi kbar u dak li kiber l-aktar permezz tal-akkwiżizzjonijiet li saru matul l-aħħar snin ikomplu jikbru matul il-perjodu tar-ristrutturar b’pass aktar mgħaġġel mis-suq, tant li potenzjalment jispiċċaw jitwarrbu l-banek inqas megħjuna. Għalhekk, il-Kummissjoni tilqa’ l-impenn li l-Bank mhuwiex ser jikber aktar malajr mit-tkabbir tas-suq.

(354)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li r-rikapitalizzazzjonijiet tal-Istat ippermettew lill-Bank ikompli bl-attivitajiet bankarji tiegħu fis-swieq barranin.

(355)

Il-Kummissjoni tinnota li, minbarra d-diżingranaġġ u r-ristrutturar implimentati diġà, il-Bank sejjer ikompli jirristruttura u jwettaq diżingranaġġ tal-assi barranin tiegħu sat-30 ta’ Ġunju 2018 (119). Barra minn hekk, il-Bank impenja ruħu li ma jużax l-għajnuna sabiex jiffinanzja t-tkabbir ta’ dawk l-attivitajiet. Għalhekk, l-għajnuna ma għandhiex tintuża sabiex tfixkel il-kompetizzjoni f’dawk is-swieq barranin.

(356)

Il-Greċja impenjat ukoll li l-Bank mhuwiex ser jagħmel akkwiżizzjonijiet għaljin, sabiex b’hekk tiżgura li l-Bank ma jużax l-għajnuna mill-Istat riċevuta għall-akkwist ta’ negozju ġdid. Dik il-projbizzjoni tikkontribwixxi sabiex tiżgura li l-għajnuna tintuża strettament biex tappoġġja t-treġġigħ lura tal-vijabbiltà tal-attivitajiet bankarji Griegi u mhux, pereżempju, għal tkabbir fis-swieq barranin.

(357)

L-impenn li jitnaqqas l-imgħax imħallas fuq id-depożiti Griegi minn livelli għoljin b’mod insostenibbli jiggarantixxi wkoll li l-għajnuna ma tintużax sabiex tiffinanzja strateġiji insostenibbli ta’ ġbir tad-depożiti li jfixklu l-kompetizzjoni fis-suq Grieg. Bl-istess mod, l-impenn li jiġu implimentati linji gwida stretti fir-rigward tal-ipprezzar tas-self ġdid, abbażi ta’ valutazzjoni xierqa tar-riskju tal-kreditu, se jipprevjeni lill-Bank milli jfixkel il-kompetizzjoni fis-suq Grieg bi strateġiji ta’ pprezzar inadegwati fuq is-self lill-klijenti.

(358)

Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni speċifika deskritta fit-taqsima 7.6.1 u l-miżuri previsti fil-pjan ta’ ristrutturar, il-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm biżżejjed salvagwardji li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

7.6.5.   Monitoraġġ

(359)

B’konformità mat-taqsima 5 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, huma meħtieġa rapporti regolari li jippermettu lill-Kummissjoni tivverifika li l-pjan ta’ ristrutturar qiegħed jiġi implimentat kif suppost. Kif ġie ddikjarat fl-impenji mogħtija mill-Greċja (120), il-Greċja se tiżgura li sal-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar, jiġifieri, il-31 ta’ Diċembru 2018, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, li nħatar mill-Bank bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni, jissorvelja l-impenji mogħtija mill-Greċja fuq ir-ristrutturar tal-attivitajiet fil-Greċja u barra minnha, kif ukoll fuq il-governanza korporattiva u l-operazzjonijiet kummerċjali. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar huwa garantit.

7.6.6.   Konklużjoni dwar il-konformità tal-miżuri A, B1, B2, B3 u B4 mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar

(360)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan ta’ ristrutturar, meta kkunsidrat flimkien mal-impenji fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, jiżgura t-treġġigħ lura tal-vijabbiltà fit-tul tal-Bank, huwa suffiċjenti fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-piżijiet u l-kontribuzzjoni proprja, huwa addattat sabiex ipaċi l-effetti ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna eżaminati f’din id-Deċiżjoni u huwa proporzjonat. Il-pjan ta’ ristrutturar u l-impenji sottomessi lill-Kummissjoni jissodisfaw il-kriterji tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

8.   KONKLUŻJONI

(361)

Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-Greċja implimentat b’mod illegali l-miżuri ta’ għajnuna B2, B3 u B4 bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, minħabba li dawn ġew implimentati qabel in-notifika formali tagħhom. Madankollu, dawk il-miżuri, kif ukoll il-miżuri l-oħrajn analizzati f’din id-Deċiżjoni, jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-miżuri li ġejjin implimentati mill-Greċja jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat:

(a)

l-assistenza ta’ likwidità f’każ ta’ emerġenza pprovduta lil Piraeus Bank S.A. mill-Bank of Greece u garantita mill-Greċja (il-miżura L2);

(b)

it-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja ta’ EUR 1 553 miljun mogħtija mill-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja (“HFSF”) lil Piraeus Bank S.A. f’Diċembru 2012 (il-miżura B2);

(c)

l-ittra ta’ impenn ta’ EUR 1 082 miljun mogħtija mill-HFSF lil Piraeus Bank S.A. fl-20 ta’ Diċembru 2012 (il-miżura B3);

(d)

ir-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 5 891 miljun mogħtija mill-HFSF lil Piraeus Bank S.A. fir-Rebbiegħa 2013 (il-miżura B4); u

(e)

ir-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 524 miljun mill-HFSF lil Piraeus Bank S.A. mogħtija fir-Rebbiegħa 2013 (il-miżura Ċ).

2.   Fid-dawl tal-pjan ta’ ristrutturar relatat mal-Piraeus Bank Group, li jinkludi lil Piraeus Bank S.A. u s-sussidjarji u l-fergħat kollha tiegħu, li ġie sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, kif ukoll fid-dawl tal-impenji pprovduti mill-Greċja f’dik id-data, l-għajnuna mill-Istat li ġejja hija kompatibbli mas-suq intern:

(a)

l-injezzjoni ta’ kapital ta’ EUR 750 miljun mogħtija mill-Greċja lil Piraeus Bank S.A. f’Mejju 2009 u Diċembru 2011 taħt l-Iskema ta’ Rikapitalizzazzjoni (il-miżura A);

(b)

l-assistenza ta’ likwidità f’każ ta’ emerġenza pprovduta lil Piraeus Bank S.A. mill-Bank of Greece u garantita mill-Greċja sa minn Lulju 2011, għal ammont ta’ EUR 30,4 biljun fil-31 ta’ Diċembru 2012 (il-miżura L2);

(c)

l-ewwel rikapitalizzazzjoni tranżitorja ta’ EUR 4,7 biljun mogħtija mill-HFSF lil Piraeus Bank S.A. f’Mejju 2012 (il-miżura B1);

(d)

it-tieni rikapitalizzazzjoni tranżitorja ta’ EUR 1 553 miljun mogħtija mill-HFSF lil Piraeus Bank S.A. f’Diċembru 2012 (il-miżura B2);

(e)

l-impenn ta’ EUR 1 082 miljun mogħti mill-HFSF lil Piraeus Bank S.A. fl-20 ta’ Diċembru 2012 (il-miżura B3);

(f)

ir-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 5 891 miljun mogħtija mill-HFSF lil Piraeus Bank S.A. fir-Rebbiegħa 2013 (il-miżura B4); u

(g)

ir-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 524 miljun mogħtija mill-HFSF lil Piraeus Bank S.A. fir-Rebbiegħa 2013 (il-miżura Ċ).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 2012 fl-għajnuna mill-Istat SA. 34826 (2012/C, ex 2012/NN), “Ir-rikapitalizzazzjoni ta’ Piraeus Bank mill-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja” (ĠU C 359, 21.11.2012, p. 43).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Novembru 2008 fl-għajnuna mill-Istat N 560/2008 “ Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 125, 5.6.2009, p. 6). Hija ġiet irreġistrata taħt in-numru SA.26678 (N 560/2008). Dik l-iskema kienet sussegwentement estiża u emendata kif deskritt fin-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(3)   “Il-Bank” tirreferi għall-Piraeus Bank Group.

(4)  Fit-2 ta’ Settembru 2009, il-Greċja nnotifikat għadd ta’ emendi għall-miżuri ta’ appoġġ u estensjoni tal-31 ta’ Diċembru 2009, li kienu approvati fit-18 ta’ Settembru 2009 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Settembru 2009 fl-Għajnuna mill-Istat N 504/2009 “ Estensjoni u emendar tal-Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 264, 6.11.2009, p. 5)). Fil-25 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni approvat it-tieni estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ sat-30 ta’ Ġunju 2010 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Jannar 2010 fl-Għajnuna mill-Istat N 690/2009 “ Estensjoni tal-Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 57, 9.3.2010, p. 6)). Fit-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni approvat għadd ta’ emendi għall-miżuri ta’ appoġġ u estensjoni sal-31 ta’ Diċembru 2010 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2010 fl-Għajnuna mill-Istat N 260/2010 “ Estensjoni tal-Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 238, 3.9.2010, p. 3)). Fil-21 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni approvat estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ sat-30 ta’ Ġunju 2011 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 2010 fl-għajnuna mill-Istat SA 31998 (2010/N) “ Ir-raba’ estensjoni tal- Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 53, 19.2.2011, p. 2)). Fl-4 ta’ April 2011, il-Kummissjoni approvat emenda (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2011 fl-Għajnuna mill-Istat SA.32767 (2011/N) “ Emenda għall-Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 164, 2.6.2011, p. 8)). Fis-27 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni approvat estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ sal-31 ta’ Diċembru 2011 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ġunju 2011 fl-għajnuna mill-Istat SA.33153 (2011/N) “ Il-ħames estensjoni tal-miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 274, 17.9.2011, p. 6)). Fis-6 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni approvat estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ sat-30 ta’ Ġunju 2012 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Frar 2012 fl-għajnuna mill-Istat SA.34149 (2011/N) “ Is-sitt estensjoni tal-Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 101, 4.4.2012, p. 2)). Fis-6 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni approvat estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ sal-31 ta’ Diċembru 2012 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Lulju 2012 fl-għajnuna mill-Istat SA.35002 (2012/N) - il-Greċja “ Estensjoni tal-Miżuri ta’ Appoġġ għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 77, 15.3.2013, p. 14)). Fit-22 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni approvat estensjoni tal-Iskema ta’ Garanzija u tal-Iskema ta’ Self Obbligazzjonarju sat-30 ta’ Ġunju 2013 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Jannar 2013 fil-kawża dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.35999 (2012/N) - il-Greċja “ Estensjoni tal-Iskema ta’ Garanzija u tal-Iskema ta’ Self Obbligazzjonarju għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ” (ĠU C 162, 7.6.2013, p. 6). Fil-25 ta’ Lulju 2013 il-Kummissjoni approvat estensjoni tal-Iskema ta’ Garanzija u tal-Iskema ta’ Self Obbligazzjonarju sal-31 ta’ Diċembru 2013 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Lulju 2013 fil-kawża dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.36956 (2013/N) - il-Greċja “ Estensjoni tal-Iskema ta’ Garanzija u tal-Iskema ta’ Self Obbligazzjonarju għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ”, li għadha ma ġietx ippubblikata. Fl-14 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni approvat estensjoni tal-Iskema ta’ Garanzija u tal-Iskema ta’ Self Obbligazzjonarju sat-30 ta’ Ġunju 2014 (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Jannar 2014 fil-kawża dwar l-Għajnuna mill-Istat (SA). 37958 (2013/N) - il-Greċja “ Estensjoni tal-Iskema ta’ Garanzija u tal-Iskema ta’ Self Obbligazzjonarju għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu fil-Greċja ”, li għadha ma ġietx ippubblikata.

(5)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(6)  Stqarrija għall-istampa tal-HFSF, l-24 ta’ Diċembru 2012, disponibbli onlajn fuq: http://www.hfsf.gr/files/press_release_20121224_en.pdf.

(7)  Dawk il-miżuri ġew irreġistrati mill-Kummissjoni bħala l-Kawża SA.36005 (2013/NN).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Mejju 2011 fl-Għajnuna mill-Istat SA.31154 “ Ir-ristrutturar ta’ Agricultural Bank of Greece”, (ĠU C 317, 29.10.2011, p. 4).

(9)  Xiri u Suppożizzjoni hija proċedura ta’ riżoluzzjoni li tikkonsisti fl-identifikazzjoni, f’entità legali taħt likwidazzjoni, tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ kwalità għolja u l-irkant tagħhom sabiex jiġu ttrasferiti lil kumpanija vijabbli.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Mejju 2013 fl-Għajnuna mill-Istat SA.35460 “Għajnuna ta’ likwidazzjoni għal riżoluzzjoni ta’ ATE Bank”, (ĠU C 261, 10.9.2013, p. 1).

(11)  Ara t-Taqsima 2.3.3.3.

(12)  Il-laqgħa tal-Grupp tal-euro hija l-laqgħa tal-Ministri tal-finanzi taż-żona tal-euro, jiġifieri dawk l-Istati Membri li adottaw l-Euro bħala l-munita uffiċjali tagħhom.

(13)  Ara t-Taqsima 2.3.3.3.

(14)  Il-Kummissjoni Ewropea – id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji. It-Tieni Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku għall-Greċja - Marzu 2012, p. 17, disponibbli onlajn fuq

http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/occasional_paper/2012/pdf/ocp94_en.pdf.

(15)  Ara t-taqsima II “Ir-ristrutturar tad-Dejn Sovran Grieg” tar-Rapport dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u r-Ristrutturar tas-Settur Bankarju Grieg, Bank of Greece, Diċembru 2012, disponibbli onlajn fuq: http://www.bankofgreece.gr/BogEkdoseis/Report_on_the_recapitalisation_and_restructuring.pdf.

(16)  Stqarrija għall-istampa tal-Ministeru tal-Finanzi tad-9 ta’ Marzu 2012, disponibbli onlajn fuq: http://www.pdma.gr/attachments/article/80/9%20MARCH%202012%20-%20RESULTS.pdf.

(17)  Ara n-nota 14 f’qiegħ il-paġna, p. 106.

(18)  Ara n-nota 15 f’qiegħ il-paġna.

(19)  Ara n-nota 14 f’qiegħ il-paġna, p. 104.

(20)  Ara n-nota 15 f’qiegħ il-paġna.

(21)  Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali flimkien jikkostitwixxu l-Eurosistema, li hija s-sistema tal-banek ċentrali taż-żona tal-euro.

(22)  Stqarrija għall-istampa tal-Ministeru tal-Finanzi tat-3 ta’ Diċembru 2012, disponibbli onlajn fuq: http://www.pdma.gr/attachments/article/248/Press%20Release%20-%20December%2003.pdf.

Dak ix-xiri lura tad-dejn tiegħu stess bi prezz ferm taħt il-valur nominali ġġenera tnaqqis sinifikanti tad-dejn għall-Greċja.

(23)  Fin-nuqqas ta’ tali xiri lura, il-valur fis-suq ta’ dawk il-GGBs ġodda seta’ jiżdied skont l-evoluzzjoni ta’ parametri tas-suq bħar-rati tal-imgħax u l-probabbiltà ta’ inadempjenza tal-Greċja.

(24)  Inkluż it-telf mistenni mill-produzzjoni tas-self ġdida fil-Greċja matul il-perjodu minn Ġunju 2013 sa Diċembru 2016.

(25)  L-impatt tas-CLPs għal riskju barrani ġie kkalkolat wara t-taxxa barranija u b’kunsiderazzjoni tal-impenji ta’ ċessjoni li ġew ipprovduti lid-Direttorat Ġenerali għall-Politika dwar il-Kompetizzjoni f’dak iż-żmien.

(26)  Ir-riżervi tat-telf mis-self ta’ NBG fit-30 ta’ Ġunju 2013 proforma tad-dispożizzjonijiet ta’ First Business Bank u Probank.

(27)  Ir-riżervi tat-telf mis-self ta’ Eurobank fit-30 ta’ Ġunju 2013 proforma tad-dispożizzjonijiet ta’ New Hellenic Postbank u New Proton Bank, li ġew akkwistati f’Awwissu 2013.

(28)  Rapport annwali tal-2012, http://www.piraeusbankgroup.com/en/investors/financials/annual-reports.

(29)  Ara t-Tabella 2.

(30)  Għall-2012, dak l-ammont ma jinkludix iż-żewġ rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji riċevuti mill-Bank. L-ammont għall-2013 jinkludi r-rikapitalizzazzjoni sħiħa tar-Rebbiegħa 2013.

(*1)  Inklużi ATE u Geniki

(*2)  Inklużi ATE, Geniki, il-fergħat Griegi tat-tliet Banek Ċiprijotti, MBG

(31)  Ara t-Tabella 2.

(32)  Ara t-taqsima 2.3.1.2 dwar ir-rikapitalizzazzjoni mill-Istat mogħtija taħt il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni.

(33)  http://www.piraeusbankgroup.com/en/press-office/press-release/2014/05/apopliromi-pronomiouxon-metoxon-ellinikou-dimosiou.

(34)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 40.

(35)  Ara l-premessa 27 tad-Deċiżjoni dwar il-Likwidazzjoni ta’ ATE.

(36)  Hellenic Bank Association, dejta disponibbli onlajn fuq: http://62.1.43.74/4Statistika/UplPDFs/network2012engl.pdf

(37)  http://www.geniki.gr/Portals/0/PDFs/140321_annual_results_en_2.pdf.

(*3)  Sigriet kummerċjali.

(38)  Ir-rapport tħejja minn PIMCO, kien datat l-1 ta’ Frar 2013 u intitolat “Diliġenza Dovuta Indipendenti tas-Sistema Bankarja f’Ċipru”. L-estimi tal-kapital ġew iġġenerati kemm taħt xenarju bażi, kif ukoll taħt xenarju makroekonomiku avvers. Id-data ta’ referenza applikabbli għall-eżerċizzju kienet it-30 ta’ Ġunju 2012 u l-perjodu previst kien estiż mit-30 ta’ Ġunju 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2015.

(39)  Ara l-premessa 101.

(40)   Ibid.

(41)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 51.

(42)  It-terminu “ assi mwieżna għar-riskji ” jirreferi għal aggregat regolatorju li jkejjel l-iskopertura għar-riskji ta’ istituzzjoni finanzjarja u li jintuża mis-superviżuri sabiex jimmonitorjaw l-adegwatezza kapitali tal-istituzzjonijiet finanzjarji.

(*4)  Informazzjoni kunfidenzjali

(43)  Skont l-ittra tal-Bank of Greece tas-7 ta’ Novembru 2011, “Il-Garanziji japplikaw fuq l-ammont totali ta’ Assistenza ta’ Likwidità f’Emerġenza (ELA)”.

(44)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 133.

(45)  Minbarra l-parti tar-rikapitalizzazzjoni sottoskritta mill-HFSF għall-issodisfar tar-rekwiżiti kapitali li rriżultaw mix-xiri ta’ ATE Bank u tal-fergħat Griegi tat-tliet Banek Ċiprijotti. Għal aktar dettalji, ara l-premessa 101.

(46)  Il-ftehim ta’ qabel is-sottoskrizzjoni stabbilixxa li: “Ir-Riskju Effettiv pagabbli lill-Bank jinkludi l-bonds tal-EFSF u kwalunkwe pagamenti ta’ kupuni u imgħax akkumulat għall-bonds tal-EFSF għall-perjodu mill-ħruġ tal-bonds sal-konverżjoni tal-Avvanz f’kapital azzjonarju u strumenti finanzjarji konvertibbli oħrajn kif preskritti hawnhekk”.

(47)  Ara t-Tabella 3.

(48)  http://www.piraeusbankgroup.com/~/media/Com/Piraeus-Bank-Documents/Press-Releases/2013/Apofaseis_BGM_23042013_en.pdf.

(49)  Ara l-premessa 112.

(50)  http://www.piraeusbankgroup.com/~/media/Com/Piraeus-Bank-Documents/Press-Releases/2013/Anakoinwsi-apokomis-DS-gia-AMK.pdf.

(51)  http://www.piraeusbankgroup.com/en/press-office/announcement/2013/06/anakoinosi-kalipsis.

(52)  http://www.hfsf.gr/files/HFSF_activities_Jan_2013_Jun_2013_en.pdf.

(53)  http://www.hfsf.gr/files/HFSF_activities_Jan_2013_Jun_2013_en.pdf.

(54)  http://www.piraeusbankgroup.com/~/media/Com/Downloads/Investors/PIRAEUS-BANKS-ANNOUNCEMENTS-ON-THE-CHARACTERISTICS-OF-HFSF-WARRANTS.pdf.

(55)  Pereżempju, il-prezz tal-eżerċizzju fit-2 ta’ Jannar 2014 kien EUR 1,7340, fit-2 ta’ Lulju 2014 kien EUR 1,7680, fit-2 ta’ Jannar 2015 sejjer ikun EUR 1,8105, fit-2 ta’ Lulju 2015 sejjer ikun EUR 1,8530 u jibqa’ jiżdied b’dan il-mod.

(56)  Ara t-Taqsima 2.3.3.4.

(57)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 117.

(58)  Inklużi l-kontribuzzjonijiet għall-Fond ta’ Garanzija ta’ Depożiti u Investiment (“TEKE”).

(59)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 128.

(60)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 117.

(61)  Tabelli tal-pjan ta’ ristrutturar sottomessi fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 133.

(62)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 117.

(63)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 136.

(64)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 128.

(65)  Rapport annwali tal-2012 għall-figuri tal-2012, http://www.piraeusbankgroup.com/en/investors/financials/annual-reports.

Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 96 għall-figuri tal-2014.

(66)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 97.

(67)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 149.

(68)  Ara l-Impenji fl-Anness, il-kapitolu I.

(69)  Ara l-Impenji fl-Anness, il-kapitolu I.

(70)  Ara l-Impenji fl-Anness, il-kapitolu I.

(71)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 44.

(72)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 147.

(73)  Ara l-Impenji fl-Anness, il-kapitolu II.

(74)  Ara l-Impenn fl-Anness, il-kapitolu II.

(75)  Ara l-Anness, il-kapitolu II.

(76)  Ara l-Anness, il-kapitolu II.

(77)  Ara l-Anness, il-kapitolu III, it-taqsima A.

(78)  Ara l-Anness, il-kapitolu III, it-taqsima A.

(79)  Ara l-Anness, il-kapitolu III, it-taqsima A.

(80)  Ara l-Anness, il-kapitolu III, it-taqsima Ċ.

(81)   “Fl-aħħar nett, fir-rigward taċ-ċertifikati maħruġa mill-HFSF, għandu jiġi kkjarifikat li r-Repubblika Ellenika se tfittex l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea qabel kwalunkwe xiri lura taċ-ċertifikati minn Alpha Bank jew minn kwalunkwe entità tal-Istat (inkluż l-HFSF), sabiex b’hekk il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tivverifika li x-xiri lura previst taċ-ċertifikati ma jmurx kontra r-rekwiżiti tar-rimunerazzjoni tal-Istat skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.”

(82)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali attwali (ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8).

(83)  Il-Premessa 64 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus.

(84)  Il-Premessa 68 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus.

(85)  Ara l-premessa 35.

(86)  Ara l-premessa 101.

(87)  Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-treġġigħ lura għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9).

(88)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2012, ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li huma maħsuba biex jappoġġjaw il-miżuri favur l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (ĠU C 356, 6.12.2011, p. 7).

(89)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li huma maħsuba biex jappoġġjaw il-miżuri favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1).

(90)  Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna.

(91)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 40.

(92)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(93)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 51.

(94)  Ara d-deċiżjoni tal-Ftuħ ta’ Piraeus, il-premessa 41.

(95)  Huwa nnotat ukoll li l-Greċja tat l-għajnuna lill-Bank taħt l-Iskema ta’ Appoġġ lill-Banek Griegi, li kienet awtorizzata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, kif ukoll permezz tal-HFSF, li l-kriterju tiegħu kien approvat ukoll minn deċiżjoni tal-Kummissjoni.

(96)  Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna.

(97)  Ara l-premessa 41 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 51/2008 Skema ta’ garanzija għall-banek fid-Danimarka (ĠU C 273, 28.10.2008, p. 2).

(98)  Ara l-premessa 96: l-imgħaxijiet akkumulati jitqiesu bħala kontribuzzjoni addizzjonali mill-HFSF u, għalhekk, naqqsu l-ħlas li kellu jagħmel l-HFSF lill-Bank sabiex iħallas ir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013.

(99)  Ara wkoll it-Taqsima 7.5.1.

(100)  Il-prezz teoretiku qabel il-ħruġ ta’ ishma bi dritt (theoretical ex-right price – “TERP”) huwa metodoloġija ġeneralment aċċettata fis-suq għall-kwantifikazzjoni tal-effett ta’ dilwizzjoni taż-żieda tal-kapital azzjonarju.

(101)  Ara l-premessa 55.

(102)  http://www.epant.gr/apofasi_details.php?Lang=gr&id=345&nid=689.

(103)  Ara l-premessa 68.

(104)  http://www.epant.gr/news_details.php?Lang=en&id=89&nid=497.

(105)  http://www.epant.gr/apofasi_details.php?Lang=gr&id=352&nid=713.

(106)  Ara l-premessa 80.

(107)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Awwissu 2013 fil-kawża SA.34724, “ Ir-Ristrutturar ta’ Banco Comercial Português (BCP) Group”, li għadha ma ġietx ippubblikata.

(108)  Ara t-Tabella 2.

(109)  Ara l-punt (28) tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar u ara l-premessa 320 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ April 2011 dwar il-miżuri Nru. C 11/09 (ex NN 53b/2008, NN 2/10 u N 19/10) implimentati mill-Istat Olandiż għal ABN AMRO Group NV (maħluq wara l-fużjoni bejn Fortis Bank Nederland u ABN AMRO N) (ĠU L 333, 15.12.2011, p. 1).

(110)  http://www.piraeusbankgroup.com/en/investors/financials/presentation-audio-archive.

(111)  Il-Kummissjoni tosserva wkoll li parti mill-ħtiġijiet tal-likwidità tal-Bank ġejja mill-forma atipika tal-parteċipazzjoni tal-HFSF fl-ewwel u fit-tieni rikapitalizzazzjonijiet tranżitorji, kif ukoll fir-rikapitalizzazzjoni tar-Rebbiegħa 2013. Tabilħaqq, bħala korrispettiv għall-parteċipazzjoni tiegħu, l-HFSF ittrasferixxa lill-Bank noti tal-EFSF minflok flus kontanti. Il-Bank għandu ammont kbir ta’ noti tal-EFSF fuq perjodu ta’ żmien medju u twil, li jżidu l-ħtiġijiet tal-finanzjament tiegħu meta mqabbla ma’ sitwazzjoni fejn ir-rikapitalizzazzjoni kienet titħallas fi flus kontanti. Dik il-parti tal-ħtiġijiet tal-likwidità ma tirriflettix mudell ta’ negozju jew struttura ta’ karta bilanċjali mhux xierqa. Hija tgħib awtomatikament meta n-noti tal-EFSF jimmaturaw.

(112)  Ara l-premessa 116.

(113)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 132.

(114)  Ara l-premessa 52.

(115)  Ara l-premessa 132.

(116)  Id-daqs tal-miżura proposta ta’ kontribuzzjoni proprja għandu jitqabbel mad-daqs tal-Bank qabel l-akkwiżizzjonijiet tal-Attivitajiet Ittrasferiti ta’ ATE, ta’ Geniki, ta’ BCP u tal-Attivitajiet Ittrasferiti Ċiprijotti għar-raġuni spjegata fit-taqsima 7.1.3.5.

(117)  Meta wieħed iqis biss l-għajnuna effettivament imħallsa, li hija l-aktar vantaġġjuża u, għalhekk, l-aktar li tfixkel il-kompetizzjoni, l-ammont tal-għajnuna jitnaqqas għal 19,4 % tal-RWA tal-Bank.

(118)  Pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014, p. 35.

(119)  Ara l-Anness, il-kapitolu II.

(120)  Ara l-premessa (129).


ANNESS

PIRAEUS BANK – IMPENJI MIR-REPUBBLIKA ELLENIKA

Ir-Repubblika Ellenika tiżgura li l-Bank ikun qiegħed jimplimenta l-pjan ta’ ristrutturar sottomess fil-25 ta’ Ġunju 2014. Il-pjan ta’ ristrutturar huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet makroekonomiċi kif ipprovduti mill-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) fl-Appendiċi, kif ukoll fuq suppożizzjonijiet regolatorji.

B’hekk, ir-Repubblika Ellenika tipprovdi l-impenji li ġejjin (l-“ Impenji ”), li huma parti integrali mill-pjan ta’ ristrutturar. L-impenji jinkludu l-impenji rigward l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar (l-“Impenji tar-Ristrutturar” ) u l-Impenji dwar il-Governanza Korporattiva u l-Operazzjonijiet Kummerċjali.

L-impenji jidħlu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-pjan ta’ ristrutturar (id-“Deċiżjoni”).

Il-perjodu tar-ristrutturar jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2018. L-impenji japplikaw matul il-perjodu ta’ ristrutturar sakemm l-Impenn individwali ma jiddikjarax mod ieħor.

Dan it-test jiġi interpretat fid-dawl tad-Deċiżjoni fil-qafas ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u b’referenza għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (1).

KAPITOLU I.   DEFINIZZJONIJIET

Għall-finijiet tal-Impenji, it-termini li ġejjin ifissru:

(1)   Bank: Piraeus Bank S.A. u s-sussidjarji kollha tiegħu. Għalhekk, huwa jinkludi l-Piraeus Bank Group kollu bis-sussidjarji u l-fergħat Griegi u mhux Griegi kollha tiegħu, kemm dawk fis-settur bankarju kif ukoll dawk li mhumiex.

(2)   Offerta kapitali miżjuda b’mod gradwali fis-settur bankarju: offerta li tirriżulta f’żieda fil-proporzjon tal-kapital regolatorju tal-Bank, b’kunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha, b’mod partikolari l-profitt/it-telf ipprenotat fuq it-tranżazzjoni u t-tnaqqis tal-RWA li jirriżulta mill-bejgħ (jekk meħtieġ ikkoreġut għaż-żieda tal-RWA li tirriżulta mil-links tal-finanzjament li jifdal).

(3)   Offerta kapitali miżjuda b’mod gradwali fis-settur tal-assigurazzjoni: offerta li tirriżulta f’żieda fil-proporzjon tal-kapital regolatorju tal-Bank. Kwalunkwe offerta ‘l fuq mill-valur kontabilistiku tal-attività tal-assigurazzjoni fil-kont tal-Bank hija awtomatikament preżunta bħala waħda b’żieda gradwali ta’ kapital.

(4)   Għeluq: id-data tat-trasferiment tat-titolu legali tan-Negozju taċ-Ċessjoni lill-Akkwirent.

(5)   Negozju ta’ Ċessjoni: in-negozji u l-assi kollha li l-Bank jimpenja li jbigħ, jillikwida jew jissoġġetta għal proċeduri ta’ stralċ.

(6)   Data Effettiva: id-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

(7)   Tmiem il-perjodu tar-ristrutturar: il-31 ta’ Diċembru 2018.

(8)   Assi barranin jew assi mhux Griegi: assi relatati mal-attivitajiet ta’ klijenti barra l-Greċja, indipendentement mill-pajjiż fejn jitniżżlu l-assi. Pereżempju, l-assi mniżżla fil-kotba fil-Lussemburgu iżda relatati mal-attivitajiet ta’ klijenti fil-Greċja mhumiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni. Għall-kuntrarju, l-assi mniżżla fil-kotba fil-Lussemburgu jew fil-Greċja iżda relatati mal-attivitajiet ta’ klijenti f’pajjiżi oħrajn tal-SEE jitqiesu bħala assi barranin u huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni.

(9)   Negozji barranin: sussidjarji u fergħat bankarji u mhux bankarji barranin tal-Bank.

(10)   Sussidjarji barranin: is-sussidjarji bankarji u mhux bankarji kollha tal-Bank barra mill-Greċja.

(11)   Attivitajiet bankarji Griegi: l-attivitajiet bankarji Griegi tal-Bank, indipendentement mill-pajjiż fejn jitniżżlu l-assi.

(12)   Attivitajiet mhux bankarji Griegi: l-attivitajiet mhux bankarji Griegi tal-Bank, indipendentement mill-pajjiż fejn jitniżżlu l-assi.

(13)   Sussidjarji Griegi: is-sussidjarji bankarji u mhux bankarji Griegi kollha tal-Bank.

(14)   Fiduċjarju tal-Monitoraġġ: persuna jew persuni fiżika/fiżiċi jew ġuridika/ġuridiċi, indipendenti mill-Bank, approvata/i mill-Kummissjoni u maħtura mill-Bank; il- Fiduċjarju tal-Monitoraġġ għandu d-dover li jissorvelja l-konformità tal-Bank mal-Impenji.

(15)   Akkwirent: persuna jew persuni fiżika/fiżiċi jew ġuridika/ġuridiċi għall-akkwist, b’mod sħiħ jew parzjalment, tan-Negozju ta’ Ċessjoni.

(16)   Bejgħ: il-bejgħ ta’ 100 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja miżmuma mill-Bank, sakemm l-Impenn individwali ma jiddikjarax mod ieħor.

Għall-finijiet tal-Impenji, is-singular ta’ dawk it-termini jinkludi l-plural (u viċi versa), sakemm l-Impenji ma jistabbilixxux mod ieħor.

KAPITOLU II.   IMPENJI TA’ RISTRUTTURAR

(1)

In-numru ta’ fergħat fil-Greċja: In-numru ta’ fergħat fil-Greċja jammonta għal massimu ta’ […] fil-31 ta’ Diċembru 2017. F’każ ta’ ċessjoni ta’ Geniki, din il-figura tiġi riveduta għal […].

(2)

In-numru ta’ impjegati fil-Greċja: In-numru ta’ Ekwivalenti għal Full Time (l-“FTEs”) fil-Greċja (attivitajiet bankarji u mhux bankarji Griegi) jammonta għal massimu ta’ […] fil-31 ta’ Diċembru 2017. F’każ ta’ ċessjoni ta’ Geniki, din il-figura tiġi riveduta għal […].

(3)

L-ispejjeż totali fil-Greċja: L-ispejjeż totali (2) fil-Greċja (attivitajiet bankarji u mhux bankarji Griegi) jammontaw għal massimu ta’ EUR 1 200 miljun fl-2017. F’każ ta’ ċessjoni ta’ Geniki, din il-figura tiġi riveduta għal […].

(4)

L-ispejjeż tad-depożiti fil-Greċja: Sabiex titreġġa’ lura l-profittabbiltà ta’ qabel il-proviżjonament tiegħu fis-suq Grieg, il-Bank inaqqas l-ispiża tal-finanzjament permezz tat-tnaqqis tal-ispiża tad-depożiti miġbura fil-Greċja (inklużi t-tfaddil, id-depożiti liberi u b’terminu u prodotti simili oħrajn offruti lill-klijenti u li l-ispejjeż tagħhom jitħallsu mill-Bank) […].

(5)

Il-proporzjon self-depożiti nett fil-Greċja: Għall-attivitajiet bankarji Griegi, il-proporzjon self-depożiti totali nett jammonta għal massimu ta’ […] fil-31 ta’ Diċembru 2017. […]

(6)

Ir-rata ta’ tkabbir tas-self gross għall-attivitajiet bankarji Griegi: Ir-rata ta’ tkabbir tas-self gross ma tkunx ogħla mir-rata ta’ tkabbir tas-suq kif irrapportata mill-Bank of Greece, sakemm ir-rata ta’ tkabbir tas-suq ma tkunx taħt il-projezzjonijiet tal-Kummissjoni (ara l-Appendiċi), li fuqhom huwa bbażat il-pjan ta’ ristrutturar. F’każ bħal dan, il-limitu tat-tkabbir tas-self jista’ jiġi rivedut, billi jiġu kkunsidrati l-kondizzjonijiet makroekonomiċi u l-kompetizzjoni fis-settur bankarju Grieg. Dak l-Impenn għandu jiġi mmonitorjat fuq bażi annwali.

(7)

Appoġġ lis-sussidjarji barranin: Għal kull impriża sussidjarja barranija, mid-Data Effettiva sat-30 ta’ Ġunju 2018, il-Bank ma jipprovdix ekwità addizzjonali jew kapital subordinat għal ammont ogħla mill-inqas bejn (i) […]% tal-RWA ta’ dik l-impriża sussidjarja kif ikkalkolat fil-31 ta’ Diċembru 2012 jew (ii) EUR […] miljun fuq aggregat għas-sussidjarji barranin kollha (b’mod kumulattiv bejn it-30 ta’ Ġunju 2013 u t-30 ta’ Ġunju 2018). Jekk il-Bank ikollu l-ħsieb li jinjetta ekwità jew dejn subordinat lill-impriża sussidjarja barranija għal ammont ogħla mil-limitu massimu definit, huwa jrid jitlob lill-awtoritajiet Griegi sabiex ifittxu deċiżjoni tal-Kummissjoni bil-għan li jkun jista’ jemenda l-pjan ta’ ristrutturar […].

(8)

Diżingranaġġ tal-assi mhux Griegi sat-30 ta’ Ġunju 2018: L-awtoritajiet Griegi jimpenjaw li l-Bank jissodisfa mill-inqas waħda miż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin sat-30 ta’ Ġunju 2018:

(a)

Id-daqs totali tal-portafoll tal-assi barranin jitnaqqas għal ammont massimu ta’ EUR […] biljun. Jekk il-Bank jimpenja […], dan il-limitu massimu ta’ EUR […] biljun jiżdied għal EUR […] biljun.

(b)

Il-Bank ikun ċeda […]

(8.1)

[…]

(8.2)

[…]

(9)

Il-bejgħ ta’ […]: […]

(10)

Il-bejgħ ta’ titoli: Il-portafoll tat-titoli elenkati, definit kif ġej, jiġi ċedut bi […], filwaqt li l-portafoll tat-titoli mhux elenkati jiġi ċedut bi […]: dawn il-portafolli jinkludu l-investimenti tal-ekwità kollha akbar minn EUR […] miljun, kif ukoll l-investimenti kollha f’bonds subordinati u bonds ibridi. Dan l-impenn ma japplikax għall-parteċipazzjonijiet f’sussidjarji barranin jew għall-investimenti fl-entitajiet li ġejjin:

[…].

(11)

Sabiex kwalunkwe bejgħ li jsir ikun konformi mal-impenji ta’ bejgħ jew ċessjoni inklużi f’dan id-dokument, ir-Repubblika Ellenika timpenja li:

a.

L-Akkwirent ikun indipendenti minn u mhux konness mal-Bank;

b.

Għall-finijiet tal-akkwist tan-Negozju ta’ Ċessjoni, l-Akkwirent ma jiġix iffinanzjat direttament jew indirettament mill-Bank (3);

c.

Għal perjodu ta’ 5 snin wara l-għeluq tal-bejgħ, il-Bank ma jakkwistax influwenza diretta jew indiretta fuq in-Negozju ta’ Ċessjoni kollu, jew fuq parti minnu, mingħajr approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni.

(12)

Politika ta’ investiment: Sat-30 ta’ Ġunju 2017, il-Bank ma jakkwistax titoli fi grad mhux ta’ investiment.

Dan l-Impenn ma japplikax għat-titoli li ġejjin (it-Titoli Eżentati): […]

(13)

Limitu massimu tas-salarju: Sa […], il-Bank ma jħallasx rimunerazzjoni annwali totali (paga, kontribuzzjoni tal-pensjoni, bonus) ogħla minn […] lil xi impjegat jew maniġer. F’każ ta’ injezzjoni ta’ kapital mill-HFSF, il-limitu massimu tar-rimunerazzjoni jkun irid jiġi evalwat mill-ġdid b’konformità mal-Komunikazzjoni Bankarja Ewropea tal-1 ta’ Awwissu 2013.

KAPITOLU III.   IMPENJI FUQ IL-GOVERNANZA KORPORATTIVA U L-OPERAZZJONIJIET KUMMERĊJALI – ESTENSJONI U EMENDI

(1)

Il-Bank ikompli jimplimenta l-Impenji fuq il-Governanza Korporattiva u l-Operazzjonijiet Kummerċjali, kif sottomessi mir-Repubblika Ellenika fl-20 ta’ Novembru 2012, bl-emendi sussegwenti pprovduti fil-Kapitolu III tal-Impenji, sat-30 ta’ Ġunju 2018.

(2)

F’każ li Impenn individwali ma japplikax fil-livell tal-Bank, il-Bank ma jużax is-sussidjarji jew l-attivitajiet mhux koperti minn dak l-Impenn individwali sabiex jaħrab mill-Impenn.

It-Taqsima A.   It-twaqqif ta’ organizzazzjoni interna effikaċi u adegwata

(3)

Il-Bank, minbarra s-sussidjarji barranin tiegħu, josserva f’kull ħin id-dispożizzjonijiet kollha tal-liġi 3016/2002 dwar il-Governanza Korporattiva u tal-liġi 2190/1920 dwar is-Sociétés Anonymes u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet b’rabta mal-funzjonijiet ta’ korpi korporattivi bħal-laqgħa tal-azzjonisti u l-Bord tad-Diretturi sabiex jiżgura distribuzzjoni ċara tar-responsabbiltajiet u t-trasparenza. Is-setgħat tal-laqgħa tal-azzjonisti jkunu ristretti għall-kompiti ta’ laqgħa ġenerali b’konformità mal-liġi dwar il-kumpaniji, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet relatati mal-informazzjoni. Setgħat aktar estensivi, li jippermettu influwenza mhux xierqa fuq il-ġestjoni, jitwaqqfu. Ir-responsabbiltà għall-ġestjoni operattiva ta’ kuljum tkun b’mod ċar f’idejn id-Diretturi eżekuttivi tal-Bank.

(4)

Il-Bank, minbarra s-sussidjarji barranin tiegħu, għandu dejjem jikkonforma mal-Qafas tar-Relazzjoni tal-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja (l-“HFSF”).

(5)

Il-Bank josserva d-dispożizzjonijiet tal-Att tal-Gvernatur 2577/9.3.2006 fis-seħħ, bil-għan li jżomm, fuq bażi individwali u kollettiva, struttura organizzattiva effettiva u Sistema ta’ Kontroll Intern adegwata, inklużi t-tliet pilastri ewlenin, jiġifieri l-funzjonijiet tal-Verifika Interna, tal-Ġestjoni tar-Riskji u tal-Konformità u l-aqwa prattiki internazzjonali ta’ governanza korporattiva.

(6)

Il-Bank ikollu struttura organizzattiva effiċjenti, sabiex ikun jista’ jiżgura li d-dipartimenti tal-Verifika Interna u tal-Ġestjoni tar-Riskju jkunu indipendenti b’mod sħiħ min-netwerks kummerċjali u jirrapportaw direttament lill-Bord tad-Diretturi. Kumitat tal-Verifika u Kumitat tar-Riskju – maħluqa fi ħdan il-Bord tad-Diretturi – jivvalutaw il-kwistjonijiet kollha mqajma minn dawk id-dipartimenti rispettivi. Karta adegwata dwar il-Verifika Interna u Karta adegwata dwar il-Ġestjoni tar-Riskju jispeċifikaw ir-rwoli, ir-responsabbiltajiet u r-riżorsi ta’ dawk id-dipartimenti. Dawk il-karti jikkonformaw mal-istandards internazzjonali u jiggarantixxu indipendenza sħiħa lid-dipartimenti. Politika Kreditizja tipprovdi gwida u struzzjonijiet rigward l-għoti tas-self, inkluż dwar l-ipprezzar tas-self u r-ristrutturar tas-self.

(7)

Il-Bank jippubblika u jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti l-lista ta’ azzjonisti li għandhom mill-inqas 1 % ta’ ishma ordinarji.

It-Taqsima B.   Il-prattiki kummerċjali u l-monitoraġġ tar-riskji

Prinċipji ġenerali

(8)

Il-Politika Kreditizja tispeċifika li l-klijenti kollha jiġu ttrattati b’mod ġust permezz ta’ proċeduri mhux diskriminatorji għajr dawk relatati mar-riskju ta’ kreditu u l-abbiltà li jħallsu. Il-Politika Kreditizja tiddefinixxi l-limiti massimi li l-għoti tas-self ‘il fuq minnhom irid jiġi approvat minn maniġment f’livelli ogħla. Jiġu definiti limiti massimi simili rigward ir-ristrutturar tas-self u l-immaniġġjar tal-pretensjonijiet u l-litigazzjonijiet. Il-Politika Kreditizja tiċċentralizza f’ċentri magħżula l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali u tipprovdi salvagwardji ċari li jiżguraw l-implimentazzjoni konsistenti tal-istruzzjonijiet tagħha fi ħdan l-attivitajiet bankarji Griegi kollha.

(9)

Għall-attivitajiet bankarji Griegi kollha, il-Bank jinkorpora b’mod sħiħ ir-regoli tal-Politika Kreditizja fis-sistemi tagħhom ta’ żborżament u fluss tax-xogħol tar-rifinanzjament tas-self u tal-oriġini tas-self.

Dispożizzjonijiet speċifiċi

(10)

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi elenkati fil-paragrafi (8) sa (18) tal-Kapitolu III tal-Impenji japplikaw għall-attivitajiet bankarji Griegi, sakemm ma jiġix iddikjarat espliċitament mod ieħor.

(11)

Il-Politika Kreditizja tesiġi li l-ipprezzar tas-self u tal-ipoteki jkun konformi ma’ linji gwida stretti. Dawk il-linji gwida jinkludu l-obbligu li jiġu rrispettati strettament it-tabelli standard tal-politika kreditizja fir-rigward tal-faxex (firxiet) tar-rati tal-imgħax skont il-maturità tas-self, il-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu tal-klijent, il-potenzjal tal-irkupru mistenni tal-kollateral mirhun (inkluż il-qafas taż-żmien għal likwidazzjoni potenzjali), ir-relazzjoni ġenerali mal-Bank (eż. il-livell u l-istabbiltà tad-depożiti, l-istruttura tal-miżati u attivitajiet oħrajn ta’ bejgħ trasversali) u l-ispiża tal-finanzjament tal-Bank. Jiġu ġġenerati klassijiet speċifiċi ta’ assi ta’ self (eż. self kummerċjali, ipoteki, garantiti/mhux garantiti, eċċ.) u l-qafas tal-ipprezzar tagħhom jiġi strutturat f’tabella xierqa tal-Politika Kreditizja li tiġi aġġornata fuq bażi regolari mill-Kumitat tal-Kreditu. Kwalunkwe eċċezzjoni trid tkun debitament awtorizzata mill-Kumitat tal-Kreditu, jew f’livell aktar baxx ta’ awtorità meta dan ikun permess mill-Politika Kreditizja. Tranżazzjonijiet imfassla apposta, bħal self sindakat jew finanzi ta’ proġett, jirrispettaw l-istess prinċipji, billi tingħata attenzjoni xierqa lill-fatt li dawn jistgħu ma jadattawx tajjeb fit-tabelli standardizzati tal-politika kreditizja. Kwalunkwe ksur ta’ dik il-politika dwar l-ipprezzar jiġi rrapportat lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ.

(12)

Id-Dipartiment tal-Ġestjoni tar-Riskji jkun responsabbli mill-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu u mill-istima tal-kollateral. Meta jiġi biex jivvaluta l-kwalità tas-self, id-Dipartiment tal-Ġestjoni tar-Riskji jaġixxi b’mod indipendenti, billi jipprovdi l-opinjoni tiegħu bil-miktub bil-għan li jiżgura li l-kriterji użati fil-valutazzjoni jiġu applikati b’mod konsistenti matul iż-żmien u fost il-klijenti u fir-rigward tal-politika kreditizja tal-Bank.

(13)

Fir-rigward tas-self lil individwi u entitajiet legali, għall-attivitajiet bankarji Griegi kollha, abbażi tal-aqwa prassi internazzjonali, il-Bank japplika limiti individwali u aggregati stretti li jirregolaw l-ammont ta’ self massimu li jista’ jingħata għal riskju ta’ kreditu wieħed (jekk dan ikun permess skont il-liġi Griega u tal-UE). Dawk il-limiti għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni l-maturità tas-self u l-kwalità ta’ kwalunkwe kollateral/titolu pprovdut u għandhom jiġu stabbiliti fl-isfond ta’ punti ta’ riferiment ewlenin, inkluż il-kapital.

(14)

L-għoti tas-self (4) sabiex il-mutwatarji jkunu jistgħu jakkwistaw ishma jew strumenti ibridi tal-Bank u ta’ banek oħrajn (5) għandu jiġi pprojbit, irrispettivament minn min ikunu dawk il-mutwatarji (6). Din id-dispożizzjoni għandha tapplika u tiġi ssorveljata fil-livell tal-Bank.

(15)

It-talbiet kollha għal self minn mutwatarji mhux konnessi akbar minn [[…]% tal-RWA tal-Bank] jew għal kwalunkwe self li jżomm l-iskopertura għal grupp wieħed (definit bħala grupp ta’ mutwatarji konnessi li jirrappreżentaw riskju ta’ kreditu waħdieni) ogħla minn [[…]% tal-RWA tal-Bank] għandhom jiġu rrapportati lill- Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, li min-naħa tiegħu jista’, jekk ma jidhirx li l-kundizzjonijiet ikunu ġew stabbiliti b’mod distakkat jew jekk ma tkunx ġiet ipprovduta biżżejjed informazzjoni lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, jipposponi l-għoti tal-linja ta’ kreditu jew tas-self bi […] jiem tax-xogħol. F’każijiet ta’ emerġenza, dak il-perjodu jista’ jitnaqqas għal […] jiem tax-xogħol, bil-kundizzjoni li tkun ġiet ipprovduta biżżejjed informazzjoni lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ. Dak il-perjodu jippermetti lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jirrapporta l-każ lill-Kummissjoni u lill-HFSF qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni definittiva mill-Bank.

(16)

Il-Politika Kreditizja tagħti struzzjonijiet ċari dwar ir-ristrutturar tas-self. Hija tiddefinixxi b’mod ċar liema self huwa eliġibbli, taħt liema ċirkostanzi u tindika t-termini u l-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu proposti lill-klijenti eliġibbli. Għall-attivitajiet bankarji Griegi kollha, il-Bank jiżgura li r-ristrutturar kollu jimmira li jtejjeb l-irkupri futuri mill-Bank, sabiex b’hekk jiġi ssalvagwardjat l-interess tal-Bank. Il-politika dwar ir-ristrutturar f’ebda każ ma tipperikola l-profittabbiltà futura tal-Bank. Għal dak il-għan, id-Dipartiment tal-Ġestjoni tar-Riskji fi ħdan il-Bank ikun responsabbli sabiex jiżviluppa u juża mekkaniżmi adegwati ta’ rapportar tal-effettività tar-ristrutturar, iwettaq analiżi profonda tal-aqwa prassi interni u/jew esterni, jirrapporta s-sejbiet tiegħu mill-inqas fuq bażi trimestrali lill-Kumitat tal-Kreditu u lill-Kumitat tar-Riskju tal-Bord, jissuġġerixxi titjib azzjonabbli għall-proċessi u l-politiki involuti u jissorvelja u jirrapporta l-implimentazzjoni tagħhom lill-Kumitat tal-Kreditu u lill-Kumitat tar-Riskju tal-Bord.

(17)

Għall-attivitajiet bankarji Griegi kollha, il-Bank jippromulga politika ta’ pretensjoni u litigazzjoni li jkollha l-għan li timmassimizza l-irkupru u li tipprevjeni kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament preferenzjali fl-immaniġġjar tal-litigazzjonijiet. Il-Bank jiżgura li jittieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jimmassimizza l-irkupri għall-Bank u jipproteġi l-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fit-tul. Kwalunkwe ksur fl-implimentazzjoni ta’ dik il-politika jiġi rrapportat lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ.

(18)

Il-Bank jissorvelja r-riskju ta’ kreditu permezz ta’ sett żviluppat sewwa ta’ twissijiet u rapporti, li jippermettu lid-Dipartiment tal-Ġestjoni tar-Riskji: (i) jidentifika s-sinjali bikrija tal-indeboliment tas-self u l-avvenimenti ta’ inadempjenza; (ii) jivvaluta l-potenzjal ta’ rkupru tal-portafoll tas-self (inkluż iżda mhux limitat għal sorsi alternattivi ta’ ħlas lura, bħal kondebituri u garanti, kif ukoll il-kollateral mirhun jew disponibbli iżda mhux mirhun); (iii) jivvaluta l-iskopertura globali tal-Bank fuq bażi ta’ klijent individwali jew ta’ portafoll; u (iv) jipproponi azzjonijiet ta’ korrezzjoni u titjib lill-Bord tad-Diretturi, skont kif meħtieġ. Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jingħata aċċess għal dik l-informazzjoni.

Dispożizzjonijiet li japplikaw għall-mutwatarji konnessi

(19)

Id-dispożizzjonijiet kollha li japplikaw għall-mutwatarji konnessi japplikaw fil-livell tal-Bank.

(20)

Fi ħdan il-Politika Kreditizja, tiġi ddedikata taqsima speċifika għar-regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet mal-mutwatarji konnessi. Il-mutwatarji konnessi jinkludu impjegati, azzjonisti, diretturi, maniġers, kif ukoll il-konjugi, it-tfal u l-aħwa tagħhom, kif ukoll kwalunkwe entità legali kkontrollata direttament jew indirettament minn impjegati ewlenin (jiġifieri impjegati involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Politika Kreditizja), azzjonisti, diretturi jew maniġers jew il-konjugi, it-tfal u l-aħwa tagħhom. Permezz ta’ estensjoni, kwalunkwe istituzzjoni pubblika jew organizzazzjoni kkontrollata mill-gvern, kwalunkwe kumpanija pubblika jew aġenzija tal-gvern titqies bħala mutwatarja konnessa. Il-partiti politiċi jiġu ttrattati wkoll bħala mutwatarji konnessi fil-Politika Kreditizja. Issir enfasi partikolari fuq id-deċiżjonijiet li jirrigwardjaw kwalunkwe ristrutturar u tniżżil fil-valur tas-self lil impjegati, diretturi, azzjonisti u maniġers attwali jew preċedenti, u qraba tagħhom, kif ukoll fuq il-politiki segwiti fl-adegwatezza, fl-evalwazzjoni u fir-reġistrazzjoni tal-ipoteki u l-esklużjoni tal-kollateral tas-self. Id-definizzjoni ta’ mutwatarji konnessi kompliet tiġi speċifikata f’dokument separat.

(21)

Id-Dipartiment tal-Ġestjoni tar-Riskji jkun responsabbli għall-immappjar tal-gruppi konnessi kollha ta’ mutwatarji li jirrappreżentaw riskju ta’ kreditu waħdieni bil-għan li jissorveljaw kif suppost il-konċentrazzjoni tar-riskju ta’ kreditu.

(22)

Fir-rigward tas-self lil individwi u entitajiet legali, il-Bank, fuq il-bażi tal-aqwa prassi internazzjonali, japplika limiti individwali u aggregati stretti li jirregolaw l-ammont ta’ self massimu li jista’ jingħata għal riskju ta’ kreditu wieħed li jkun relatat mal-mutwatarji konnessi (jekk dan ikun permess skont il-liġi Griega u tal-UE).

(23)

Il-Bank jissorvelja separatament l-iskopertura tiegħu għall-mutwatarji konnessi, inklużi entitajiet fis-settur pubbliku u partiti politiċi. Il-produzzjoni ġdida tas-self (7) lil mutwatarji konnessi (% annwali ta’ stokk Y-1 (8)) ma tkunx ogħla mill-produzzjoni ġdida tal-portafoll tas-self totali fil-Greċja (% annwali tal-istokk Y-1). Dak l-Impenn jiġi rrispettat separatament għal kull tip ta’ mutwatarju konness (impjegati, azzjonisti, maniġers, entitajiet pubbliċi, partit politiku). Il-valutazzjoni tal-kreditu tal-mutwatarji konnessi, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ipprezzar u r-ristrutturar possibbli offrut lilhom, ma jkunux aktar vantaġġjużi meta mqabbla mal-kundizzjonijiet offruti lil mutwatarji simili iżda mhux konnessi, sabiex b’hekk jiġu assigurati kundizzjonijiet ekwi fl-ekonomija Griega. Dak l-obbligu ma japplikax għall-iskemi ġenerali eżistenti li minnhom jibbenifikaw l-impjegati, li joffrulhom self issussidjat. Il-Bank jirrapporta kull xahar dwar l-evoluzzjoni ta’ dik l-iskopertura, l-ammont tal-produzzjoni ġdida u t-talbiet riċenti akbar minn [[…]% tal-RWA tal-Bank] li għandhom jiġu indirizzati waqt il-laqgħa tal-kumitat tal-Kreditu.

(24)

Il-kriterji tal-kreditu applikati għall-impjegati/maniġers/azzjonisti ma jkunux inqas stretti minn dawk applikati għal mutwatarji mhux konnessi oħrajn. Jekk l-iskopertura tal-kreditu totali għal impjegat/maniġer/azzjonist wieħed taqbeż ammont ugwali għal [[…]] ta’ salarju fiss għas-self garantit u ammont ugwali għal [[…]] ta’ salarju fiss għas-self mhux garantit, l-iskopertura tiġi rrapportata fil-pront lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, li min-naħa tiegħu jista’ jintervjeni u jipposponi l-għoti tas-self skont il-proċedura deskritta fil-paragrafu (25) tal-Kapitolu III tal-Impenji.

(25)

It-talbiet kollha għal self mill-mutwatarji konnessi li jkunu akbar minn [[…]% tal-RWA tal-Bank] jew kwalunkwe self li jżomm l-iskopertura għal grupp wieħed (definit bħala grupp ta’ mutwatarji konnessi li jirrappreżentaw riskju ta’ kreditu waħdieni) ogħla minn [[…]% tal-RWA tal-Bank] jiġu rrapportati lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, li jista’, jekk ma jidhirx li l-kundizzjonijiet ikunu ġew stabbiliti b’mod distakkat jew jekk ma tkunx ġiet ipprovduta biżżejjed informazzjoni lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, jipposponi l-għoti tal-linja ta’ kreditu jew tas-self bi […] jiem tax-xogħol. F’każijiet ta’ emerġenza, dak il-perjodu jista’ jitnaqqas għal […] jiem tax-xogħol, bil-kundizzjoni li tkun ġiet ipprovduta biżżejjed informazzjoni lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ. Dak il-perjodu jippermetti lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jirrapporta l-każ lill-Kummissjoni u lill-HFSF qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni definittiva mill-Bank.

(26)

Ir-ristrutturar tas-self li jinvolvi mutwatarji konnessi jikkonforma mal-istess rekwiżiti applikabbli għall-mutwatarji mhux konnessi. Barra minn hekk, l-oqfsa u l-politiki stabbiliti li jittrattaw l-assi danneġġati jiġu vvalutati u mtejba, jekk ikun meħtieġ. Madankollu, huwa mistenni li s-self ristrutturat tal-mutwatarji konnessi jiġi rrapportat separatament, mill-inqas għal kull klassi tal-assi ta’ self u għal kull tip ta’ mutwatarju konness.

Taqsima Ċ:   Restrizzjonijiet oħrajn

(27)

Projbizzjoni fuq id-Dividendi, il-Kupuni, ir-Riakkwist, is-Sejħa u x-Xiri Lura: Sakemm il-Kummissjoni ma taqbilx mod ieħor għal eżenzjoni, ir-Repubblika Ellenika timpenja li:

a.

Il-Bank ma jħallasx kupuni fuq strumenti kapitali ibridi (jew kwalunkwe strumenti oħrajn li l-ħlas b’kupuni għalihom huwa diskrezzjonarju) jew dividendi fuq strumenti ta’ fondi proprji u strumenti ta’ dejn subordinat, ħlief meta jkun hemm obbligu legali li jsir dan. Il-Bank ma jirrilaxxax riżervi sabiex ipoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni bħal din. F’każ ta’ dubju dwar jekk, għall-finijiet tal-Impenn preżenti, jeżistix obbligu legali, il-Bank jissottometti l-ħlas propost b’kupun jew dividend lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni tagħha;

b.

Il-Bank ma jirriakkwistax kwalunkwe mill-ishma tiegħu stess jew jeżerċita opzjoni eżerċitabbli fir-rigward ta’ dawk l-istrumenti ta’ fondi proprja u l-istrumenti ta’ dejn subordinat;

c.

Il-Bank ma jixtrix lura strumenti kapitali ibridi.

(28)

Projbizzjoni fuq l-Akkwiżizzjonijiet: Ir-Repubblika Ellenika timpenja li l-Bank ma jikseb ebda sehem f’ebda impriża, kemm jekk ikun assi jew trasferiment ta’ ishma. Dik il-projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet tkopri kemm impriża li għandha l-forma legali ta’ kumpanija, kif ukoll kwalunkwe pakkett ta’ assi li jifforma negozju (9).

i.

Eżenzjoni li teħtieġ l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni: Minkejja dik il-projbizzjoni, il-Bank jista’, wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni u, fejn xieraq, fuq proposta tal-HFSF, jakkwista negozji u impriżi jekk, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, dan ikun neċessarju sabiex titreġġa’ lura l-istabbiltà finanzjarja jew sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni effettiva.

ii.

Eżenzjoni li ma teħtieġx l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni: Il-Bank jista’ jikseb ishma f’impriżi, bil-kundizzjoni li:

a.

Il-prezz tax-xiri mħallas mill-Bank għal kwalunkwe akkwiżizzjoni jkun inqas minn [[…]%] tad-daqs tal-karta bilanċjali (10) tal-Bank fid-Data Effettiva tal-Impenji (11); u

b.

Il-prezzijiet tax-xiri kumulattivi mħallsa mill-Bank għall-akkwiżizzjonijiet kollha bħal dawn, li jibdew mid-Data Effettiva tal-Impenji sal-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar, huma inqas minn [[…]%] tad-daqs tal-karta bilanċjali tal-Bank fid-Data Effettiva tal-Impenji.

iii.

Attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjoni: Il-projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet ma tkoprix l-akkwiżizzjonijiet li jsiru matul il-kors ordinarju tan-negozju bankarju fil-ġestjoni tal-pretensjonijiet eżistenti lejn l-impriżi f’diffikultà, inkluża l-konverżjoni tad-dejn eżistenti fi strumenti ta’ ekwità.

(29)

Projbizzjoni fuq ir-reklamar: Ir-Repubblika Ellenika timpenja li l-Bank joqgħod lura minn reklamar li jirreferi għall-appoġġ mill-Istat u milli jadotta strateġiji kummerċjali aggressivi li ma jistgħux iseħħu mingħajr l-appoġġ tar-Repubblika Ellenika.

KAPITOLU IV.   FIDUĊJARJU TAL-MONITORAĠĠ

(1)

Ir-Repubblika Ellenika timpenja li l-Bank jemenda u jestendi l-mandat tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ approvat mill-Kummissjoni u maħtur mill-Bank fis-16 ta’ Jannar 2013 sal-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar. Il-Bank iwessa’ wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak il-mandat sabiex jinkorpora l-monitoraġġ (i) tal-pjan ta’ ristrutturar u (ii) tal-Impenji kollha stipulati f’dan il-katalogu.

(2)

Erba’ ġimgħat wara d-Data Effettiva tal-Impenji, ir-Repubblika Ellenika tissottometti lill-Kummissjoni t-termini sħaħ tal-mandat emendat, li jinkludu d-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jippermettu lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jissodisfa d-doveri tiegħu skont dawk l-Impenji.

(3)

Id-dispożizzjonijiet addizzjonali dwar il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ huma speċifikati f’dokument separat.

Is-Segretarju Ġenerali

Christina PAPAKONSTANTINOU


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(2)  Inkluża l-kontribuzzjoni ta’ TEKE.

(3)  Dan ma japplikax għall-bejgħ ta’ proprjetà immobbli, f’liema każ il-Bank jista’ jipprovdi finanzjament lill-Akkwirent, jekk dan is-self ġdid isir b’konformità ma’ prattika tas-self prudenti. Għall-finijiet tal-verifika tal-konformità mal-impenn fuq id-diżingranaġġ ta’ assi mhux Griegi, jiġi kkunsidrat kwalunkwe self ġdid li jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ assi mhux Griegi.

(4)  Għall-fini ta’ dak l-Impenn, it-terminu “self” jiġi interpretat largo sensu, bħal kwalunkwe tip ta’ finanzjament, eż. faċilità ta’ kreditu, garanzija, eċċ.

(5)  Għall-finijiet ta’ kjarifika, it-terminu “banek oħrajn” jirreferi għal kwalunkwe bank – istituzzjoni finanzjarja fid-dinja.

(6)  Għall-finijiet ta’ kjarifika, il-mutwatarji kollha, inklużi l-klijenti bankarji privati tal-Bank, huma koperti minn dak l-Impenn.

(7)  Għall-finijiet ta’ kjarifika, il-produzzjoni ġdida tas-self tkopri wkoll ir-rifinanzjament tas-self u r-ristrutturar tas-self eżistenti.

(8)  Għall-finijiet ta’ kjarifika, “% annwali ta’ stokk Y-1” tirreferi għall-produzzjoni ġdida bħala perċentwal tal-istokk fi tmiem is-sena preċedenti. L-ammont ta’ RWA huwa dak li jiġi kkalkolat fl-aħħar tas-sena.

(9)  Għall-finijiet ta’ kjarifika u ta’ dak l-Impenn, in-negozju tal-Ekwità Privata/Kapital ta’ Riskju tal-Bank jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-Impenn. F’dak ir-rigward, il-Bank jagħmel talba formali lill-Kummissjoni, li tinkludi pjan ta’ direzzjoni tan-negozju għal dik l-entità.

(10)  Għall-finijiet ta’ kjarifika u ta’ dak l-Impenn, id-daqs tal-karta bilanċjali huwa ugwali għall-assi totali tal-Bank.

(11)  Għall-finijiet ta’ kjarifika, f’każ li l-approvazzjoni tal-Kummissjoni sabiex titneħħa l-projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet tinkiseb skont il-punt i., tal-paragrafu (28), Kapitolu III tal-Impenji, il-karta bilanċjali tal-Bank fid-Data Effettiva tal-Impenji għandha tiġi kkalkolata sabiex jiġu inklużi wkoll l-assi tal-entitajiet akkwistati jew l-assi akkwistati fid-data tal-akkwiżizzjoni.

Appendiċi

Il-projezzjonijiet makroekonomiċi għall-operazzjonijiet domestiċi Griegi

% ta’ tkabbir annwali

(sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor)

2012

2013

2014

2015

2016

2017

Rata ta’ tkabbir kumulattiv għall-perjodu 2013-2017

PDG reali

–6,4

–4,2

0,6

2,9

3,7

3,5

6,4

It-tkabbir tas-Self Nominali fil-Greċja

–6,4

–4,2

0,6

2,9

3,7

3,5

6,4

Deflatur tal-PDG

–0,8

–1,1

–0,4

0,4

1,1

1,3

1,3

Il-prezzijiet tal-proprjetà

–11,7

–10

–5

0

2

3,5

 

Introjtu disponibbli nominali tal-unitajiet domestiċi

–8,8

–9,5

–0,3

–0,4

2,6

3,6

–4,5

Depożiti fis-Settur Privat

–7

1,3

1

3,4

5

5

16,6

Il-qgħad (%)

24,2

27

26

24

21

18,6

 

Ir-rata ta’ rifinanzjament mill-BĊE (%)

0,75

0,5

0,5

1

1,5

1,75

 

Il-quċċata tal-formazzjoni tal-NPL

 

 

It-tieni nofs tal-2014

 

 

 

 

3 xhur ta’ Euribor (medja, %)

 

0,24

0,43

0,75

1,25

1,80

 

Aċċess għas-swieq kapitali – repos

 

IVA-Ebda Limitu Massimu

 

Aċċess għas-suq kapitali – kopert/prijoritarju mhux assigurat

 

IVA – sa EUR 500 miljun kull wieħed

IVA – sa EUR 1 biljun kull wieħed

IVA-Ebda Limitu Massimu

 


25.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/100


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/456

tal-5 ta’ Settembru 2014

dwar l-iskema ta’ għajnuna Nru SA.26212 (11/C) (ex 11/NN — ex CP 176/A/08) u SA.26217 (11/C) (ex 11/NN — ex CP 176/B/08) implimentata mir-Repubblika tal-Bulgarija fil-kuntest tal-iskambji tal-art tal-foresta

(notifikata bid-dokument C(2014) 6207)

(It-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 4444 tad-29 ta’ Ġunju 2011 (1),

Wara li stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) imsemmija hawn fuq u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fis-17 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni rċeviet ittra mingħand ilmentatur li xtaq jibqa’ anonimu (“l-ewwel ilmentatur”) li fiha allega li r-Repubblika tal-Bulgarija tat għajnuna fil-kuntest tal-iskambju ta’ art tal-foresta privata ma’ art tal-foresta tal-gvern, li ta’ spiss ġie segwit minn skambju fl-użu deżinjat tal-art skambjata minn art tal-foresta għal art li tista’ tinbena. L-ewwel ilmentatur ippreżenta informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittri tat-28 ta’ Awwissu 2008, tat-3 ta’ Settembru 2008, tal-1 ta’ Ottubru 2008, tal-5 ta’ Diċembru 2008, tat-18 ta’ Frar 2010, tat-12 ta’ Ottubru 2010 u tas-26 ta’ Jannar 2011.

(2)

Fis-27 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni addizzjonali dwar it-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati mingħand parti terza. Fl-14 ta’ Mejju 2009, ġie ppreżentat it-tieni lment dwar dawn l-iskambji, b’informazzjoni addizzjonali ppreżentata minn dan l-ilmentatur fit-2 ta’ Ġunju 2009 u fit-8 ta’ Ġunju 2009. Fit-23 ta’ Marzu 2010, parti terza oħra ppreżentat informazzjoni dwar dawn l-iskambji lill-Kummissjoni.

(3)

L-awtoritajiet Bulgari pprovdew lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati permezz ta’ ittri datati t-2 ta’ Settembru 2008, it-28 ta’ Ottubru 2008, l-4 ta’ Jannar 2010, it-23 ta’ Marzu 2010, is-27 ta’ Marzu 2010, it-30 ta’ Awwissu 2010 u l-14 ta’ Frar 2011. Matul laqgħat li saru bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Bulgari fit-22 ta’ Frar 2010, it-12 ta’ Ottubru 2010 u t-3 ta’ Frar 2011, dawn tal-aħħar ipprovdew informazzjoni addizzjonali dwar dawk l-iskambji.

(4)

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni għarrfet lir-Repubblika tal-Bulgarija li kienet iddeċidiet li tidba l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali (“id-deċiżjoni ta’ ftuħ”) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

(5)

Permezz ta’ ittra li waslet fid-29 ta’ Settembru 2011, l-awtoritajiet Bulgari għamlu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ.

(6)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ mingħand il-partijiet interessati li ġejjin: Ecobalkani-Bulgaria EOOD (3), Vihren OOD (4), Aqua Estate OOD (5), Elkabel AD (6), Jivka Blagoeva (7), V-N-G Confort OOD (8), Yavor Haytov (9), Simeon Stoev Mirov (10), LM Impex EOOD (11), All Seas Property 2 OOD (12), Litex Commerce AD (13), Foros Development EAD (14), Izgrev 5 EOOD (15), BOIL OOD (16), BG Land Co OOD (17), Mirta Engineering EOOD (18), Beta Forest EOOD (19), Kosta Gerov (20), Marieta Babeva (21), Dimitar Terziev (22), Svetoslav Mihailov and Elizabet Mihailova (23), and from a complainant, who requested that his/her identity is not disclosed (24).

(7)

Permezz ta’ ittri datati l-1 ta’ Settembru 2011, il-5 ta’ Ottubru 2011, il-25 ta’ Novembru 2011, l-14 ta’ Diċembru 2011 u t-3 ta’ April 2012, il-Kummissjoni għaddiet dawn il-kummenti lill-awtoritajiet Bulgari, li ngħataw l-opportunità jirreaġġixxu. Il-kummenti tar-Repubblika tal-Bulgarija dwar il-kummenti tal-partijiet interessati waslu permezz ta’ ittri datati tal-4 ta’ Novembru 2011, tal-15 ta’ Diċembru 2011, tat-12 ta’ Jannar 2012 u tal-25 ta’ April 2012, rispettivament.

(8)

L-awtoritajiet Bulgari taw informazzjoni addizzjonali dwar it-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Diċembru 2011 u matul laqgħa li saret mas-servizzi tal-Kummissjoni fid-9 ta’ Diċembru 2011.

(9)

Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni talbet aktar kjarifiki mingħand l-ewwel ilmentatur dwar xi evidenza li ppreżenta.

(10)

Fit-3 ta’ April 2012, il-Kummissjoni bagħtet kummenti addizzjonali mingħand numru ta’ partijiet terzi (25) lill-awtoritajiet Bulgari. Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti tar-Repubblika tal-Bulgarija dwar dawn il-kummenti fil-25 ta’ April 2012 u fil-15 ta’ Mejju 2012.

(11)

Fis-26 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Bulgari. Fis-17 ta’ Awwissu 2012, l-awtoritajiet Bulgari talbu għal estensjoni tal-iskadenza biex jipprovdu din l-informazzjoni, li ngħatat mill-Kummissjoni fil-31 ta’ Awwissu 2012. Fid-19 ta’ Settembru 2012, l-awtoritajiet Bulgari pprovdew l-informazzjoni mitluba.

(12)

Fit-3 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni talbet aktar kjarifiki mingħand Elkabel AD, waħda mill-partijiet terzi li ssottomettew kummenti dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ, li ngħataw fil-31 ta’ Ottubru 2012.

(13)

Permezz tal-ittri tal-14 ta’ Jannar 2013, tas-17 ta’ Mejju 2013, tat-22 ta’ Lulju 2013 u tat-22 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Bulgari, li ġiet ipprovduta fl-4 u l-5 ta’ Frar 2013, il-25 ta’ Ġunju 2013 u l-5 ta’ Lulju 2013, is-16 u t-23 ta’ Awwissu 2013, u d-19 ta’ Novembru 2013 u l-20 ta’ Diċembru 2013, rispettivament. Parti mill-informazzjoni ppreżentata mal-aħħar sottomissjoni reġgħet ġiet sottomessa iktar tard mill-awtoritajiet Bulgari permezz ta’ ittra elettronika tal-21 ta’ Jannar 2014.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

2.1.   L-ISKAMBJI TAL-ART

(14)

Fl-1947, l-art kollha tal-foresta fil-Bulgarija saret proprjetà pubblika bħala riżultat tal-esproprjazzjoni mill-Istat. Baqa’ jseħħ hekk sal-2000, meta bdiet ir-restituzzjoni tal-art tal-foresta lis-sidien privati preċedenti.

(15)

Abbażi ta’ emenda għall-Att dwar il-Foresti (26), li daħal fis-seħħ fit-22 ta’ Frar 2002, setgħu jsiru skambji ta’ art tal-foresta privatizzata reċentement ma’ art tal-foresta tal-gvern mill-fond għall-foresti tal-Istat. Din l-emenda għall-Att dwar il-Foresti daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Jannar 2009 u speċifikat l-ordni u l-kundizzjonijiet li fihom saru dawn l-iskambji.

(16)

Għall-finijiet tal-iskambji, il-prezzijiet tal-art tal-foresta privata u dik pubblika kienu ddeterminati fuq il-bażi ta’ regolament speċjalizzat, jiġifieri r-Regolament dwar il-kalkolu tal-prezzijiet bażiċi, il-prezzijiet għall-art f’żoni esklużi u l-ħolqien tad-drittijiet tal-użu u tas-servitù fir-rigward tal-foresti u l-massa tal-art forestali (27) (ir-“Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi”), li daħal fis-seħħ fit-18 ta’ Novembru 2003. Il-liġi Bulgara ma kinitx tippermetti lill-evalwaturi esperti jiddevjaw mill-prezzijiet determinati għall-art tal-foresta bl-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi.

(17)

Fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament, il-prezz bażiku ta’ roqgħa art tal-foresta huwa stabbilit bħala s-somma tal-valur bażiku ta’ din l-art u l-valur tal-popolament (l-ispeċijiet tal-pjanti li jinsabu fuq din l-art).

(18)

Il-valur tal-art huwa stabbilit fuq il-bażi tal-valur medju tal-art skont il-kategoriji tal-art li joffru l-istess kundizzjonijiet għat-tkabbir tal-pjanti (150 tip skont is-sit, skont l-Anness 1 għar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi). Imbagħad, dan il-valur jiġi aġġustat bl-użu ta’ koeffiċjent ta’ aġġustament li jikkunsidra l-pożizzjoni tal-art fir-rigward tal-infrastruttura lokali u nazzjonali. Dak il-koeffiċjent ta’ aġġustrament (Km), stabbilit fl-Anness 2 għar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi, huwa stabbilit bl-użu tal-formula li ġejja:

Formula
,

fejn:

p

=

koeffiċjent tal-qrubija għal triq asfaltata mkejla f’linja dritta (minn 0,00 sa 0,20)

s

=

koeffiċjent tal-qrubija għal żona urbana mkejla f’linja dritta (minn 0,00 sa 0,25)

m

=

koeffiċjent tal-qrubija għall-baħar imkejla f’linja dritta (minn 0,00 sa 0,20)

g

=

koeffiċjent tal-qrubija għal belt, mogħtija f’ċifri li jirriflettu d-distanza minn belt partikolari (l-iqsar distanza ta’ triq bejn ir-roqgħa inkwistjoni u l-belt). Il-bliet huma maquma f’6 gruppi kif stabbilit fit-Tabella 1:

Tabella 1

Grupp 1:

Sofia (minn 0,00 sa 0,70)

Grupp 2:

Ruse, Plovdiv, Burgas, u Varna (minn 0,00 sa 0,50)

Grupp 3:

Blagoevgrad, Veliko Tarnovo, Vratza, Pleven, u Stara Zagora (minn 0,00 sa 0,40)

Grupp 4:

bliet f’distretti oħra (minn 0,00 sa 0,35)

Grupp 5:

bliet oħra kbar (Botevgrad, Gorna Oryahovitza, Dimitrovgrad, Dupnitza, Kazanlak, Karlovo, Lom, Petrich, Samokov, Svishtov, u Cherven Bryag (minn 0,00 sa 0,30)

Grupp 6:

ċentri muniċipali oħra (minn 0,00 sa 0,10)

(19)

Il-valur tal-art ikompli jiġi aġġustat permezz ta’ żieda għal kull ettaru (inkrement) li hija stabbilita fuq il-bażi tal-prezz medju tal-art osservat fiż-żona fejn tinstab ir-roqgħa art. Dawn l-inkrementi huma stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-Anness 3 għar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi u huma indikati fit-Tabella 2:

Tabella 2

 

Inkrement

(BGN/ettaru)

Sofia, resorts nazzjonali u żoni turistiċi residenzjali fil-qrib, art li tinsab sa 10 kilometri ‘l bogħod mill-baħar

5 000

Insedjamenti tal-ewwel u tat-tieni kategorija

2 000

Insedjamenti tal-tielet u tar-raba’ kategorija

1 000

Insedjamenti tal-ħames u tas-sitt kategorija

500

Insedjamenti tas-seba’ u tat-tmien kategorija

0

(20)

Il-valur totali tal-art iddeterminat permezz ta’ dan il-mekkaniżmu jissejjaħ il-valur bażiku tal-art.

(21)

Il-valur tal-popolament (l-ispeċijiet tal-pjanti li jinsabu fuq l-art) huwa l-valur tal-età attwali tal-popolament u l-valur imbassar tal-età tan-newba tiegħu. Il-valur tal-injam mill-popolamenti tal-foresti fl-età attwali tagħhom (l-età meta saret il-valutazzjoni) huwa daqs il-profitti mill-bejgħ tal-varjetajiet inkwistjoni bil-prezzijiet medji tas-suq wara li jitnaqqsu l-ispejjeż relatati mal-qtugħ, l-ipproċessar primarju u t-trasport għal post tal-ħżin temporanju. Jekk id-dħul ma jkoprix l-ispejjeż, l-injam ma jitqiesx li għandu valur.

(22)

Id-dħul mill-bejgħ huwa ddeterminat bil-gradazzjoni tal-ħażniet u l-volum tal-kategoriji tal-injam. L-ispejjeż (BGN/metru kubu) marbutin mal-qtugħ u l-ipproċessar primarju tal-injam b’livell medju ta’ diffikultà taż-żona tal-qtugħ tal-injam huma ddeterminati skont it-tip ta’ siġar u l-kategorija tal-injam fuq l-art. L-ispejjeż tat-trasport tal-injam huma ddeterminati skont it-tip ta’ siġar, il-kategorija tal-injam u d-distanza medja tat-trasport mir-roqgħa art inkwistjoni. L-ispejjeż tat-trasport huma mmoltiplikati għal kull kilometru ta’ trasport b’koeffiċjent li jieħu inkonsiderazzjoni l-livell ta’ diffikultà tar-rotta.

(23)

Il-prezzijiet medji tas-suq u l-ispejjeż relatati mal-qtugħ, l-ipproċessar primarju u t-trasport tal-injam għandhom jiġu ddeterminati u aġġornati regolarment mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Foresti (“EFA”) (28), fuq il-bażi tal-medji ponderati kkalkolati mid-dejta statistika miġbura fuq perjodu ta’ tliet snin (l-aħħar sena jkollha magħha ponderazzjoni doppja).

(24)

Għalhekk, biż-żieda tal-valur tal-popolament, kif iddeterminat minn evalwatur, mal-valur bażiku tal-art, jinkiseb il-prezz bażiku ta’ roqgħa art tal-foresta.

(25)

Ma’ dan il-prezz bażiku, isir aġġustament li jikkunsidra l-protezzjoni tal-funzjonijiet tan-natura fl-iffurmar tal-ambjent u dawk rikreattivi tal-art tal-foresta għall-art li tinsab fl-hekk imsejħa żoni ta’ “protezzjoni speċjali kontra l-urbanizzazzjoni”, stabbiliti bil-liġi f’ċerti reġjuni tal-Bulgarija. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness 19 għar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi, il-valur bażiku tal-proprjetajiet tal-foresta li jinsabu f’żoni bħal dawn huwa mmoltiplikat b’koeffiċjent (К) identifikat fit-Tabella 3 (29), jiġifieri:

Tabella 3

L-ewwel żona tal-kosta tal-Baħar l-Iswed

К = 6;

It-tieni żona tal-kosta tal-Baħar l-Iswed

К = 5;

Żoni villeġġatura, resorts, u insedjamenti ta’ importanza nazzjonali

К = 4;

Foresta u art li jinsabu f’żoni li jibdew mit-tarf tat-toroq nazzjonali u muniċipali sal-linji ta’ limitu għall-bini

К = 3

Żoni ta’ villġġatura, resorts, u insedjamenti ta’ importanza lokali lokali

К = 4;

(26)

Finalment, l-hekk imsejjaħ “koeffiċjent regolatur tas-suq” huwa applikat għall-prezz bażiku tal-art skont l-Anness20 għar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi. Dan il-koeffiċjent huwa espress f’BGN/m2 u jvarja minn 10 għal art ma’ ġneb ix-xtut, resorts kbar tal-muntanji u għal Sofia, sa 1 għal art li tinsab fl-inqas postijiet attraenti.

(27)

Minkejja dak li ntqal hawn fuq, jekk il-parti privata rċeviet art tal-foresta mit-tranżazzjoni ta’ skambju bi prezz amministrattiv totali ogħla mill-art li ċediet, kellha tħallas kumpens lill-Istat għal din id-differenza fil-prezz. Skont l-awtoritajiet Bulgari, bħala regola ġenerali, l-Istat aċċetta biss skambji li bħala riżultat tagħhom l-Istat ingħata art ta’ valur amministrattiv ogħla. Madankollu, din ir-regola hija relatata biss mal-prezz amministrattiv totali tar-roqgħa art privata li jkun ogħla mill-prezz amministrattiv tar-roqgħa art pubblika li ġiet skambjata magħha, mhux il-prezz għal kull metru kwadru.

(28)

Fis-27 ta’ Jannar 2009, daħlet fis-seħħ projbizzjoni fuq l-iskambji tal-art tal-foresta. Għalhekk, il-perjodu rivedut tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju kontestati huwa mill-1 ta’ Jannar 2007, id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni, sas-27 ta’ Jannar 2009, id-data tal-moratorju fuq l-iskambji (“il-perjodu rivedut”).

2.2.   IL-BIDLA FL-UŻU DEŻINJAT TAL-ART

(29)

L-ilmentaturi jallegaw ukoll li t-tranżazzjonijiet ta’ skamju spiss kienu segwiti minn bidla fl-użu deżinjat tal-art minn art tal-foresta għal art disponibbli għall-bini u li din il-bidla kompliet iżżid id-disparità bejn il-valur tas-suq tal-art tal-foresta pubblika tal-gvern skambjata mar-roqgħa art privata.

(30)

L-awtoritajiet Bulgari spjegaw li l-proċedura għall-bidla fl-użu deżinjat tal-art mhijiex irregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Foresti (bħat-tranżazzjonijiet ta’ skambju) iżda minn grupp separat ta’ leġiżlazzjoni, fost l-oħrajn, l-Att dwar il-Ġestjoni tat-Territorju (ZUT) (30). Skont din il-leġiżlazzjoni, kull sid ta’ art tal-Foresta jista’ jitlob bidla fl-użu deżinjat tal-art tal-foresta tiegħu f’art disponibbli għall-bini billi jibgħat applikazzjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-EFA, li kienet parti mill-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Ikel (31). Imbagħad kummissjoni ta’ esperti (interni u potenzjalment esterni) teżamina dik it-talba u tagħti opinjoni lid-Direttur Eżekuttiv, li jadotta deċiżjoni preliminari dwar l-applikazzjoni. Jekk dik id-deċiżjoni tkun pożittiva u tikkonferma r-raġunijiet għall-applikazzjoni u l-legalità tagħha, din ser tintbagħat lis-servizzi kollha responsabbli għall-bidla tad-deżinjazzjoni (il-gvernatur provinċjali, is-sindku tal-muniċipalità u d-direttur tad-direttorat reġjonali responsabbli għall-foresti).

(31)

Fuq il-bażi ta’ deċiżjoni preliminari pożittiva, is-sid se jissottometti applikazzjoni lill-muniċipalità kkonċernata għall-ikkummissjonar, l-abbozzar u l-approvazzjoni ta’ pjan direttur dettaljat. Pjan bħal dan jeħtieġ il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati (lokali) kollha. Jekk dak il-pjan jiġi approvat mill-awtoritajiet responsabbli u meta jidħol fis-seħħ, is-sid tal-art jissottometti applikazzjoni lill-Ministru tal-Agrikoltura u l-Ikel għall-esklużjoni ta’ dik l-art tal-foresta mill-istokk ta’ foresti protetti. Jekk dik l-applikazzjoni tiġi aċċettata, trid titħallas taxxa tal-boll, iddeterminata minn evalwatur indipendenti b’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi.

(32)

Wara li s-sid tal-art tal-foresta jħallas it-taxxa tal-boll lill-awtoritajiet responsabbli, titnieda l-proċedura għall-ħruġ ta’ deċiżjoni amministrattiva dwar il-bidla fl-użu deżinjat tal-art. Skont id-daqs tal-proprjetà, din id-deċiżjoni tittieħed mill-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Ikel (jekk tikkonċerna proprjetà ta’ inqas minn 10 ettari) jew inkella mill-Kunsill tal-Ministri.

(33)

Fit-3 ta’ Settembru 2009, ġie introdott moratorju fuq il-bidla sussegwenti tal-użu deżinjat tal-art skambjata.

2.3.   BAŻI LEGALI GĦALL-MIŻURI

(34)

L-iskambji, il-kalkolu tal-prezzijiet għall-użu fit-tranżazzjonijiet ta’ skambju u l-proċedura għall-bidla fl-użu deżinjat tal-art tal-foresta skambjata huma kkontrollati mit-testi legali li ġejjin:

L-Att Bulgaru dwar il-Foresti,

Ir-Regolament dwar il-kalkolu tal-prezzijiet bażiċi, il-prezzijiet għall-art f’żoni esklużi u l-ħolqien tad-drittijiet tal-użu u s-servitù fir-rigward tal-foresti u l-massa tal-art forestali,

L-Att dwar il-Proprjetà tal-Istat (32),

L-Att dwar l-Obbligi u l-Kuntratti (33),

L-Att dwar il-Ġestjoni tat-Territorju.

2.4.   IL-BENEFIĊJARJI

(35)

Il-benefiċjarji potenzjali tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju huma persuni fiżiċi, kumpaniji privati u muniċipalitajiet, spiss attivi fl-iżvilupp ta’ proprjetà immobbli u/jew attivitajiet marbutin mat-turiżmu, li skambjaw l-art tal-foresta tagħhom għal art tal-foresta pubblika.

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(36)

Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ skambju u/jew il-bidla sussegwenti fl-użu deżinjat tal-art fihomx elementi ta’ għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u jekk it-tali għajnuna tistax titqies kompatibbli mas-suq intern.

3.1.   RABTA INTRINSIKA BEJN L-ISKAMBJI U L-BIDLA FL-UŻU DEŻINJAT TAL-ART

(37)

L-ewwel dubju li qajmet il-Kummissjoni kien marbut mal-allegazzjoni li għamlu l-ilmentaturi li f’diversi każijiet l-iskambji kienu segwiti minn bidla fl-użu deżinjat tal-art skambjata, jiġifieri minn art tal-foresta għal art disponibbli għall-bini.

(38)

Fid-dawl tal-evidenza numerika pprovduta mill-awtoritajiet Bulgari, il-Kummissjoni osservat fid-deċiżjoni ta’ ftuħ li minn 147 skambju mwettaq matul il-perjodu rivedut (2006-2009), 15 kienu segwiti minn bidla fl-użu deżinjat (10 %). Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li japplikaw dispożizzjonijiet legali differenti għat-tranżazzjonijiet ta’ skambju u għat-talbiet potenzjali għal bidla fl-użu deżjinat u li jeżistu proċeduri amministrattivi separati għaż-żewġ proċeduri. Mal-ewwel daqqa t’għajn, dawn l-elementi dehru li jikkonfermaw it-teżi tal-awtoritajiet Bulgari li – bħala prinċipju ġenerali – iż-żewġ passi mhumiex intrinsikament marbutin (34).

(39)

Madankollu, l-awtoritajiet Bulgari indikaw li l-formuli għall-istabbiliment tal-prezzijiet amministrattivi tal-art tal-foresta u t-taxxa tal-boll pagabbli għall-bidla fl-użu deżinjat tal-art kienu stabbiliti f’livell li jiżgura li l-prezz sħiħ tal-iskambju tal-art tal-foresta flimken mal-bidla fl-użu deżinjat tal-art ikunu, fil-biċċa l-kbira, daqs il-prezz tas-suq ta’ art simili disponibbli għall-bini. Dan jista’ jimplika li l-awtoritajiet assumew li ħafna investituri kienu jipprovaw jgħaqqdu ż-żewġ fażijiet fi tranżazzjoni waħda.

(40)

Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk il-bidla potenzjali fl-użu deżinjat tal-art tal-foresta kkonċernata għandhiex tittieħed inkonsiderazzjoni meta jiġi stabbilit il-prezz tar-roqgħa art għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju, jiġifieri jekk l-iskambju u l-bidla sussegwenti fl-użu deżinjat tal-art għandhomx jitqiesu bħala intrinsikament marbutin.

3.2.   GĦAJNUNA MILL-ISTAT POTENZJALI FIL-BIDLA FL-UŻU DEŻINJAT TAL-ART

(41)

It-tieni dubju mqajjem mill-Kummissjoni kien dwar jekk il-bidla fl-użu deżinjat tal-art skambjata tistax tirriżulta fl-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, minħabba li din iżżid il-valur tal-art skambjata.

(42)

Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ il-Kummissjoni indikat li, prima facie, il-bidla fl-użu deżinjat tal-art ma tidhirx li kienet tinvolvi xi trasferiment tar-riżorsi tal-Istat. It-taxxa tal-boll dovuta fuq tranżazzjonijiet bħal dawn kienet ikkalkolata skont id-dispożizzjonijiet legali u – sa fejn taf il-Kummissjoni – tħallset fil-każijiet kollha kkonċernati. Għalhekk, għad li l-impriżi konċernati mill-bidla fl-użu deżinjat tal-art setgħu bbenefikaw minn din il-bidla, id-deċiżjonijiet amministattivi li jimplimentaw il-bidla ma jirriżultawx f’għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni definittiva fuq din il-kwistjoni u stiednet lill-partijiet interessati sabiex jikkummentaw dwar jekk kienx hemm involuta għajnuna mill-Istat fl-operazzjoni.

3.3.   GĦAJNUNA MILL-ISTAT POTENZJALI FL-ISKAMBJU TA’ ART TAL-FORESTA

(43)

Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ il-Kummissjoni osservat li l-prezzijiet tal-art tal-foresta għall-finijiet tal-iskambji kienu stabbiliti minn esperti bl-użu biss tal-formuli stabbiliti fir-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi. Għalhekk, il-Kummissjoni qajmet dubji fuq jekk l-applikazzjoni ta’ dawn il-formuli wasslitx għal prezz amministrattiv li huwa simili għall-prezzijiet miksubin fi tranżazzjonijiet indipendenti bejn żewġ partijiet privati. Għaldaqstant il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika tal-Bulgarija u l-partijiet terzi sabiex jipprovdu informazzjoni dwar il-prezzijiet tas-suq miksubin f’bejgħ kompletament privat (jew tranżazzjonijiet ta’ skambju) ta’ art tal-foresta li seħħ fil-Bulgarija matul il-perjodu rivedut. Il-Kummissjon stiednet ukoll lir-Repubblika tal-Bulgarija u lill-partijiet terzi sabiex jagħtu informazzjoni dwar id-differenzi bejn dawn il-prezzijiet u l-prezzijiet amministrattivi użati għat-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati u, b’hekk, l-ammont potenzjali tal-għajnuna mill-Istat involuta f’dawn it-tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika tal-Bulgarija u lill-partijiet terzi sabiex jagħtu informazzjoni dwar ir-regoli applikati f’dak li għandu x’jaqsam mal-kumpens imħallas fit-tranżazzjonijiet ta’ skambju fil-każ ta’ differenza fil-prezzijiet għaż-żewġ rogħqat ta’ art skambjati. Fl-aħħar, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika tal-Bulgarija sabiex tagħti aktar informazzjoni li tissostanzja l-allegazzjoni tagħha li l-iskambji kontestati ma jaffettwawx il-kummerċ intern tal-Unjoni.

(44)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll il-fehma preliminari tagħha fid-deċiżjoni ta’ ftuħ dwar kif għandu jiġi kkwantifikat il-vantaġġ li jirriżulta mit-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati, jekk jinstab li dawn l-iskambji qed jissarrfu f’għajnuna mill-Istat:

(i)

id-differenza bejn il-prezz tas-suq reali tar-roqgħa art tal-foresta privata 1 u l-prezz amministrattiv għar-roqgħa art 1, stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi,

(ii)

id-differenza bejn il-prezz tas-suq reali tar-roqgħa art tal-art tal-foresta pubblika 2 u l-prezz amministrattiv għar-roqgħa art 2, stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi.

L-ammont tal-għajnuna mill-Istat fit-tranżazzjonijiet ta’ skambju b’hekk ikun daqs il-valur ta’ (ii) inqas mill-valur ta’ (i).

Anki kull kumpens monetarju li jirriżulta mid-differenza fil-prezzijiet amministrattivi ta’ żewġ irqajja’ art li huma l-oġġett tat-tranżazzjoni ta’ skambju mħallsa minn parti waħda lil oħra irid jiġi kkunsidrat fil-kalkolu tal-element ta’ għajnuna mill-Istat potenzjali involut fit-tranżazzjoni.

3.4.   KOMPATIBILITÀ TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT POTENZJALI

(45)

Jekk jinstab li hemm għajnuna mill-Istat jew bħala riżultat tal-bidla fl-użu deżinjat tal-art u/jew bħala riżultat tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju, imbagħad il-Kummissjoni qajmet dubji fid-deċiżjoni ta’ ftuħ dwar jekk għajnuna bħal din tistax titqies kompatibbli mas-suq intern u, b’mod aktar speċifiku, mal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat u d-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida għall-Għajnuna Reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 (35) u/jew 107(3)(c) tat-Trattat u d-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu u forestali 2007-2013 (“Linji Gwida dwar il-Forestrija”) (36).

(46)

Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika tal-Bulgarija u l-partijiet interassati sabiex jipprovdu osservazzjonijiet dwar il-kompatibilità tal-miżuri kkontestati.

4.   KUMMENTI MINGĦAND IL-PARTIJIET INTERESSATI

4.1.   KUMMENTI MILL-EWWEL ILMENTATUR B’RABTA MAD-DUBJI MQAJMIN MILL-KUMMISSJONI FID-DEĊIŻJONI TA’ FTUĦ

(47)

L-ewwel ilmentatur jargumenta li l-iskambji kkontestati jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, li hija inkompatibbli mas-suq intern.

(48)

Fir-rigward tal-ewwel dubju li esprimiet il-Kummissjoni, l-ewwel ilmentatur jargumenta li l-bidla fl-użu deżinjat tal-art u t-tranżazzjonijiet ta’ skambju għandhom jitqiesu bħala intrinsikament marbutin. L-ewwel nett, l-ilmentatur isostni li ħafna mill-benefiċjarji tal-iskambji huma attivi fis-setturi tal-bini u tat-turiżmu, mhux f’attivitajiet tal-foresti. It-tieni, skont l-ewwel ilmentatur, sa minn meta daħal fis-seħħ il-moratorju fl-2009, virtwalment l-art tal-foresta skambjata mhijiex sfruttata b’mod kummerċjali. It-tielet, meta saru t-tranżazzjonijiet ta’ skambju ħafna mill-benefiċjarji allegatament ħabbru u rreklamaw il-proġetti ta’ żvilupp tagħhom għall-art tal-foresta skambjata bħala resorts tal-iskijjar jew ħdejn il-baħar u saħansitra kienu bdew diskussjonijiet mal-awtoritajiet lokali rilevanti biex jiżguraw li ssir bidla fl-użu deżinjat tal-art. Ir-raba’, l-ilmentatur isostni li l-istess aġenzija tal-Istat (l-EFA) spiss kienet responsabbli għall-konklużjoni tal-iskambju u għall-esklużjoni tal-art skambjata mill-fond għall-foresti (l-EFA u r-regolatur kompetenti) (37), biex b’hekk twitti t-triq għall-iżvilupp kummerċjali tagħha.

(49)

Għal din ir-raġuni, l-ilmentatur iqis li riklassifikazzjoni potenzjali tal-użu deżinjat tal-art u ż-żieda fil-prezz korrispondenti għandhom jingħataw kunsiderazzjoni meta jiġi kkwantifikat l-ammont totali tal-għajnuna mill-Istat involuta fit-tranżazzjonijiet ta’ skambju. Għalhekk, fil-fehma tal-ilmentatur, fil-kwantifikazzjoni tal-għajnuna għandu jsir tqabbil mal-irqajja’ tal-art li jistgħu jinbnew sabiex jiġi rifless kif suppost il-prezz tas-suq tal-art skambjata.

(50)

L-ilmentatur isemmi wkoll li minħabba l-attrazzjoni tar-reġjuni fejn jinsabu r-l-irqajja’ tal-art tal-foresta tal-gvern, kien ikun aktar prudenti li kieku l-ewwel l-awtoritajiet aġixxew biex iżidu l-valur tal-irqajja’ tal-art (jiġifieri billi jbiddlu l-użu deżinjat tagħhom biex jagħmluhom disponibbli għall-bini) u wara biss jiddisponu minnhom. Skont l-ilmentatur, fil-każijiet li fihom saret talba għal skambju, l-EFA qatt ma pproċediet biex tbiddel l-użu deżinjat tal-art qabel l-iskambju. Skont l-ilmentatur, din hija indikazzjoni ċara li kien hemm l-intenzjoni li jingħata benefiċċju lill-akkwirent tal-art tal-foresta tal-gvern. Din il-prattika kienet ikkritikata wkoll mill-Bank Dinji f’Rapport tal-2009 dwar il-Foresti tal-Bulgarija, li nnota li l-Istat kien qiegħed iġarrab telf b’dan il-mod partikolari (38).

(51)

Fir-rigward tat-tieni tħassib espress mill-Kummissjoni, dwar jekk ingħatatx għajnuna mill-Istat bħala riżultat tal-bidla fl-użu deżinjat tal-art skambjata, l-ewwel ilmentatur jargumenta li filwaqt li l-akkwirent tal-art imbagħad kien iħallas taxxa tal-boll mad-deċiżjoni biex jiġi kkonvertit l-użu deżinjat tal-art, u li dan l-ammont għandu jitnaqqas mill-kwantifikazzzjoni ta’ kwalunkwe għajnuna riċevuta bħala riżultat tal-iskambju, din it-taxxa ma tirriflettix iż-żieda reali fil-valur tar-roqgħa art bħala riżultat ta’ din il-bidla. L-ilmentatur isostni wkoll li meta l-iskambju kien sar qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni, iżda l-bidla fl-użu deżinjat tal-art seħħet wara l-adeżjoni, l-għajnuna mill-Istat illegali mogħtija lill-akkwirent tal-art għandha tkun id-differenza bejn il-valur tas-suq tar-roqgħa art rispettiva meta sar l-iskambju (qabel l-adeżjoni) u l-valur tas-suq tar-roqgħa art wara l-bidla fid-deżinjazzjoni tal-art (wara l-adeżjoni).

(52)

Fir-rigward tat-tielet tħassib espress mill-Kummissjoni dwar il-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat bħala riżultat tal-iskambji, l-ilmentatur jargumenta li l-formuli stipulati mir-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi ma jirriflettux il-valur tas-suq tal-art skambjata. L-ilmentatur jikkontesta wkoll l-indipendenza tal-evalwaturi għaliex, fil-fehma tiegħu, l-akkwirent tal-art huwa ħieles li jagħżel evalwatur li jafu, u dan iwassal għal stima ferm inqas tal-prezzijiet.

(53)

L-ilmentatur ipprovda wkoll informazzjoni addizzjonali dwar il-prezzijiet tas-suq tal-art tal-foresta skambjata jew art tal-foresta simili ħafna li allegatament turi diskrepanzi konsiderevoli mill-prezzijiet amministrattivi għall-irqajja’ tal-art. Minħabba l-limiti ta’ żmien l-ilmentatur fittex biss il-prezzijiet ta’ disa’ mill-irqajja’ tal-art skambjati. Għal dan l-eżerċizzju, intużaw l-evalwazzjonijiet tal-art mill-banek, kif ukoll informazzjoni mir-reġistru pubbliku tal-proprjetà immobbli fil-Bulgarija li juri l-prezzijiet reali li bihom ġew konklużi negozjati tal-proprjetà immobbli għal irqajja’ ta’ art simili. Id-diskrepanzi fil-prezz li nstabu kienu jvarjaw minn valutazzjoni baxxa (bl-użu tal-prezz amministrattiv) ta’ 50-65 % sa każijiet li fihom l-art tal-foresta allegatament inxtrat minn 1 sa 2 % tal-valur tas-suq tagħha.

(54)

Finalment, l-ilmentatur isostni li l-fatt li nbdew proċeduri kriminali kontra l-eks kap tal-EFA akkużat li kkonkluda skambji għad-detriment tal-Istat huwa indikazzjoni li l-awtoritajiet Bulgari stess iqisu li l-art tal-foresta ngħatat lil ċerti partijiet terzi bi prezz ferm inqas mill-valur tas-suq.

(55)

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-iskambji jikkawżawx distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-ilmentatur isostni li sa fejn jaf l-ebda wieħed mill-benefiċjarji tal-iskambju ma huwa impenjat f’attivitajiet forestali bħala l-attività kummerċjali ewlenija tiegħu. Pjuttost, kważi l-benefiċjarji kollha allegatament għandhom imgħoddi ta’ jew pjanijiet futuri ta’ negozju marbutin ma’ attivitajiet ekonomiċi jew ta’ investimenti f’wieħed mis-setturi li ġejjin: l-ispekulazzjoni tal-proprjetà immobbli, il-bini u/jew it-turiżmu. Skont l-ilmentatur, it-turiżmu bħala definizzjoni jikkonċerna s-suq intern kollu, u għalhekk anki ftit każijiet ta’ għajnuna selettiva jistgħu jwasslu għal distorsjoni tiegħu. L-ilmentatur iżid ukoll li, effettivament, fid-dawl tan-numru u d-daqs tal-iskambji, il-kompetituri barranin ma jistgħux jidħlu fis-suq Bulgaru. Filwaqt li diversi investituri kbar tal-Unjoni (pereż. Lindner, ECE) kienu attivi fi proġetti urbani ta’ bini fil-Bulgarija (ċentri kummerċjali u stabbilimenti kbar tal-ħwienet), virtwalment l-investimenti kollha fuq skala kbira f’resorts ħdejn il-baħar, tal-iskijjar jew tal-golf allegatament saru minn kumpaniji Bulgari.

4.2.   KUMMENTI MINGĦAND IL-BENEFIĊJARJI TAT-TRANŻAZZJONIJIET TA’ SKAMBJU U PARTIJIET TERZI OĦRAJN

(56)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand diversi partijiet terzi, u l-parti l-kbira tagħhom kienu partijiet privati għat-tranżazzjonijiet ta’ skambju (“il-benefiċjarji”). Il-Kummissjoni tosserva li għadd ta’ benefiċjarji (39) kull ma għamlu kien li ħarġu dikjarazzjoni fil-qosor li ma kienet involuta l-ebda għajnuna mill-Istat fin-negozjati tal-iskambji li kienu parti għalihom. Il-benefiċjarji l-oħrajn ipprovdew osservazzjonijiet aktar dettaljati dwar id-dubji espressi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, li se jkunu eżaminati fit-taqsimiet li ġejjin.

4.2.1.   Rabta Instrinsika bejn l-Iskambju u l-Bidla fl-Użu Deżinjat tal-Art

(57)

Fir-rigward tal-ewwel tħassib espress mill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta intrinsika bejn l-iskambji u l-bidla fl-użu deżinjat tal-art, il-maġġoranza tal-benefiċjarji (40) li wieġbu għad-deċiżjoni ta’ ftuħ jargumentaw li ma teżisti l-ebda rabta bħal din. L-iskambju u l-bidla sussegwenti fl-użu deżinjat tal-art skambjata se jkunu kkontrollati minn żewġ proċeduri separati, kull waħda minnhom fil-kompetenza ta’ żewġ korpi differenti tal-Istat li joperaw b’mod indipendenti minn xulxin. L-iskambji jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Ministru tal-Agrikoltura u l-Ikel jew tal-Kunsill tal-Ministri, skont id-daqs tar-roqgħa art li se tiġi skambjata, u l-EFA, filwaqt li l-bidla fl-użu deżinjat tal-art taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet lokali – is-sindki tal-muniċipalitajiet jew il-kunsill muniċipali; il-Ministru tal-Iżvilupp Reġjonali u x-Xogħlijiet Pubbliċi; jew il-gvernaturi reġjonali għas-siti li jinsabu fir-reġjun tagħhom – u teħtieġ l-approvazzjoni ta’ pjan ta’ żvilupp tal-ispazju dettaljat jew ġenerali.

(58)

Benefiċjarju (41) minnhom iżid ukoll li ma hemm l-ebda rabta awtomatika bejn il-bidla fl-użu deżinjat tal-art u żieda fil-valur tagħha. Id-deċiżjoni li jinbidel l-użu deżinjat tal-art tkun ibbażata biss fuq l-istima tal-ħtieġa tagħha, li għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’ u spiss tirbaħ fuq l-interessi privati tas-sidien, u għalhekk mhijiex ibbażata fuq l-interessi kummerċjali tal-partijiet għat-tranżazzjoni ta’ skambju. Benefiċjarju (42) ieħor jindika li l-informazzjoni statistika pprovduta mill-awtoritajiet Bulgari tikkonferma n-nuqqas ta’ rabta intrinsika. Finalment, benefiċjarji (43) oħrajn iqisu li l-kwistjoni ta’ jekk teżistix rabta hija irrelevanti, għaliex fil-każijiet speċifiċi tagħhom l-art skambjata li akkwistaw ma kinitx eskluża mill-protezzjoni tal-foresta għal skopijiet ta’ żvilupp lanqas ma nbdiet xi proċedura għall-bidla fl-użu deżinjat tal-art.

(59)

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-bidla potenzjali fl-użu deżinjat tal-art skambjata għandhiex tingħata kunsiderazzjoni biex jiġi stabbilit il-prezz ta’ dik l-art, il-maġġoranza tal-benefiċjarji jargumentaw li ma għandhiex, għal diversi raġunijiet. Numru ta’ benefiċjarji (44) jargumentaw li ma jkunx iġġustifikat li tingħata kunsiderazzjoni lill-possibbiltà ipotetika li jinbidel l-użu tal-art, għaliex bidla bħal din qatt ma tista’ tintalab jew tista’ tiġi miċħuda minħabba n-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti amministrattivi rispettivi. Il-lok strateġiku tal-art tal-foresta skambjata, li allegatament iżid il-valur tagħha, għandu jkun irrelevanti jekk l-użu deżinjat tal-art ma nbidilx u l-art akkwistata tista’ tintuża biss għall-iskop stipulat bil-liġi. Għalhekk, benefiċjarju (45) minnhom jargumenta li għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-ftehim speċifiku milħuq mill-partijiet għall-iskambju fid-data tal-valutazzjoni. Kalkolu oġġettiv u ġust tal-valur tas-suq għandu jieħu inkonsiderazzjoni wkoll il-pjanijiet regolatorji ta’ żvilupp tal-ispazju (li jippermettu l-bini jew le) fis-seħħ fid-data tal-valutazzjoni tal-art tal-foresta skambjata. Bħala konsegwenza, għandu jiġi speċifikat grupp ta’ kriterji uniformi li jippermettu distinzjoni bejn possibbiltà ipotetika u l-intenzjoni reali tal-partijiet għall-iskambju li mbagħad jagħmlu bidla fl-użu tal-art.

(60)

Barra minn hekk, ħafna benefiċjarji nnotaw li għall-esklużjoni tal-art mill-protezzjoni tal-foresta, trid titħallas tariffa għall-bidla fl-użu deżinjat tagħha, li tiswa daqs il-prezz għal kull metru kwadru art li tista’ tinbena fiż-żona inkwistjoni. Għalhekk, dawk il-benefiċjarji jsostnu li ma jiggwadanjawx benefiċċju ekonomiku mill-bidla, għaliex jekk l-art li akkwistaw tinbiegħ, tintuża bħala kollateral jew tiġi żviluppata, il-valur tagħha jibqa’ l-istess bħall-valur tal-art disponibbli għall-bini. Argument simili tqajjem minn Mirta Engineering u Beta Forest, li jindikaw li l-bidla fl-użu deżinjat tal-art tinvolvi spejjeż addizzjonali, b’mod partikolari taxxa tal-boll u t-taxxa lokali kif ukoll spejjeż ta’ proġettazzjoni, li jkompju jżidu l-valur tal-proprjetà. Tabilħaqq, is-Sur Mihailov u s-Sa Mihailova jsostnu li fil-każ tagħhom il-bidla fl-użu deżinjat tal-art setgħet issir biss ladarba jitħallsu t-tariffi tal-Istat stipulati fl-Artikolu 17 tal-Att dwar il-Foresti u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni fuq l-Att dwar il-Foresti.

(61)

Finalment, ċerti benefiċjarji (46) jqisu l-kwistjoni irrelevanti, għaliex fil-każijiet speċifiċi tagħhom l-art skambjata li akkwistaw ma kinitx eskluża mill-protezzjoni tal-foresta għal skopijiet ta’ żvilupp u lanqas ma nbdiet xi proċedura għall-bidla fl-użu deżinjat tal-art. Fis-sottomissjoni tagħha MIKS indikat li fil-kuntratt tal-iskambji tagħha l-Istat tal-Bulgarija stipula li ma kienet permessa ssir l-ebda bidla fl-użu deżinjat tal-art.

4.2.2.   Għajnuna mill-Istat fl-Iskambju tal-Art tal-Foresta

(62)

Fir-rigward tad-dubji mqajmin mill-Kummissjoni dwar jekk il-prezzijiet amministrattivi għat-tranżazzjonijiet ta’ skambju wasslux għal prezz tas-suq, il-benefiċjarji (47) pprovdew argumenti simili ħafna, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju tagħhom stess, fuq għaliex dan għandu jkun il-każ.

(63)

L-ewwel nett, benefiċjarju (48) minnhom jargumenta li, fl-istabbiliment tal-prezzijiet amministrattivi, ir-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi jikkunsidra kriterji oġġettivi, bħal-lok tal-art, l-importanza tad-distrett u t-tip u l-importanza tal-varjetajiet tal-pjanti fuq l-art, filwaqt li żewġ benefiċjarji (49) oħrajn jargumentaw li l-prezz tal-iskambju amministrattiv huwa bbażat fuq kriterji li huma l-istess bħal dawk użati fl-iskambji tal-art tal-foresta privata mwettqa minn investituri privati, li jinvolvu art li tinsab qrib infrastruttura lokali jew nazzjonali simili għat-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati f’termini ta’ speċijiet ta’ pjanti, il-lok f’żoni bi protezzjoni speċjali mill-urbanizzazzjoni, eċċ. B’mod simili, benefiċjarji oħrajn (50) jargumentaw li l-valutazzjonijiet li jirriżultaw mir-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi jwasslu għal prezzijiet amministrattivi li huma simili għall-prezzijiet tas-suq, jew ħafna drabi ogħla minnhom, għall-art tal-foresta fil-Bulgarija minħabba n-nuqqas ta’ suq domestiku għal din it-tip ta’ art u l-fatt li l-ftit tranżazzjonijiet privati li twettqu saru bi prezzijiet baxxi. Għalhekk, l-iskambji twettqu bil-kundizzjonijiet ekonomiċi prevalenti fis-suq.

(64)

It-tieni, numru ta’ benefiċjarji (51) jargumentaw li wettqu valutazzjonijiet tal-irqajja’ ta’ art skambjati li wasslu għal prezzijiet amministrattivi li huma simili għall-prezzijiet tas-suq (52), jew f’ħafna każijiet ogħla (53), għall-art tal-foresta fil-Bulgarija.

(65)

It-tielet, bosta benefiċjarji (54) jindikaw in-nuqqas ta’ tranżazzjonijiet ta’ skambji jew bejgħ kompletament privati fiż-żoni fejn seħħew l-iskambji ta’ dawn il-benefiċjarji bħala raġuni għaliex il-prezzijiet amministrattivi għandhom jitqiesu bħala prezzijiet tas-suq approssimativi.

(66)

Fl-aħħar nett, ħafna benefiċjarji (55) jargumentaw li minħabba li l-Ministru tal-Agrikoltura u l-Ikel, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, huwa intitolat li jiċħad milli jwettaq l-iskambju jekk l-Istat mhuwiex interessat li jakkwista l-art tal-foresta privata, u l-kundizzjonijiet tal-ftehim tal-iskambju jridu jkunu approvati miż-żewġ partijiet (pubbliċi u privati), it-tranżazzjonijiet ta’ skambju għandhom jitqiesu bħala tranżazzjonijiet kummerċjali li fil-kuntest tagħhom l-Istat jaġixxi bħala operatur tal-ekonomija tas-suq (“MEO”).

(67)

Fir-rigward tal-ammont potenzjali ta’ għajnuna mill-Istat involut fit-tranżazzjonijiet (jiġifieri d-differenza bejn il-prezzijiet amministrattivi u tas-suq għall-art tal-foresta), il-maġġoranza tal-benefiċjarji (56) wieġbu li meta l-art privata jkollha valur ogħla mill-art pubblika, l-awtoritajiet Bulgari ma koprewx id-differenza fil-prezzijiet. Benefiċjarju (57) ieħor sostna li d-differenza fil-prezzijiet tas-suq tal-foresti privati u pubbliċi skambjati li jinsabu fl-istess żoni jew f’dawk maġenb taħdem favur il-gvern għaliex il-prezzijiet amministrattivi huma ogħla mill-prezzijiet tas-suq innegozjati liberalment bejn is-sidien tal-foresti privati fiż-żoni kkonċernati.

(68)

Rigward il-kundizzjonijiet l-oħra sabiex tinstab għajnuna mill-Istat, diversi benefiċjarji (58) saħqu li ġew issodisfati. Għalhekk, ċerti benefiċjarji (59) jargumanetaw li huma persuni fiżiċi li għalihom ma japplikawx l-Att u l-Artikolu 107 tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Bulgarija. Fir-rigward tar-riżorsi tal-Istat, dawn il-benefiċjarji jinnotaw li l-gvern akkwista l-art permezz ta’ esproprjazzjoni illegali mingħajr kumpens xieraq u għalhekk l-Istat ma jistax jitqies li qed iċedi dawn ir-riżorsi. Fir-rigward tas-selettività, dawn il-benefiċjarji jargumentaw li l-Att dwar il-Foresti japplika erga omnes u għalhekk mhuwiex diskriminatorju.

(69)

Benefiċjarju (60) ieħor iqis ukoll li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107 tat-Trattat ma ġewx issodisfati fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju, iżda għal raġunijiet naqra differenti. L-ewwel nett, ma hemmx trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat għaliex l-iskambju huwa “tranżazzjoni ta’ bejgħ doppju” li twettqet wara valutazzjoni mwettqa minn assessur tal-proprjetà indipendenti fuq il-bażi tal-kriterji oġġettivi għall-kalkolu tal-prezzijiet stipulati bil-liġi. Ma ngħata ebda vantaġġ, u il-partijiet kontraenti għall-iskambju lanqas ma tqiegħdu f’pożizzjoni aħjar minn dik tal-kompetituri tagħhom għaliex kull sid ta’ art tal-foresta seta’ jitlob skambju tal-art privata tiegħu ma’ art tal-foresta pubblika. Argument simili sar minn benefiċjarju (61) ieħor li jqis l-iskema ta’ skambji bħala miżura ġenerali disponibbli għas-sidien tal-art tal-foresta kollha.

(70)

B’rabta mal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, il-maġġoranza tal-benefiċjarji (62) kkontestaw li rċevew tali vantaġġ mit-tranżazzjonijiet għaliex, skonthom, il-prezz amministrattiv għall-art skambjata kien ekwivalenti għall-prezz tas-suq tagħha jew ogħla minnu.

(71)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk it-tranżazzjonijiet ta’ skambju jikkawżawx distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-maġġoranza l-kbira tal-benefiċjarji (63) wieġbu li ma joperawx fis-settur tal-iżvilupp tal-proprjetà immobbli jew tat-turiżmu u/jew ma ħadux passi biex jiksbu liċenzja bħala operaturi turistiċi. Barra minn hekk, ikkonfermaw li la użaw l-art akkwistata bl-iskambju għall-produzzjoni tal-injam wara l-akkwist tagħha, u lanqas ma biegħu xi injam fil-Bulgarija jew fi Stati Membri oħrajn. Għalhekk, isostnu li ma jista’ jiġi allegat l-ebda impatt reali jew potenzjali fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Benefiċjarju (64) ieħor żied li l-iskambji ma jwasslux għal żieda fil-produzzjoni domestika li tillimita l-possibbiltajiet disponibbli għal impriżi minn Stati Membri oħra biex jimportaw il-prodotti fis-suq lokali.

(72)

Benefiċjarji (65) oħrajn sostnew li minħabba li l-iskambji ma jinvolvux trasferiment tar-riżorsi tal-Istat u ma jagħtuhomx vantaġġ ekonomiku, ma jistgħux jitqiesu li jaffettwaw il-bilanċ tas-suq u l-kundizzjonijiet ekonomiċi li fihom joperaw l-impriżi tagħhom, jiġifieri huwa meħtieġ investiment inizjali għall-akkwist ta’ assi tanġibbli. Għalhekk, l-impriżi minn Stati Membri oħrajn jistgħu jidħlu u joperaw fl-istess suq b’kundizzjonijiet ekwi, u għalhekk wieħed ma jistax jgħid li l-kummerċ bejn l-Istati Membri kien affettwat mill-iskambji kkontestati.

(73)

Fl-aħħar nett, benefiċjarju (66) minnhom spjega li l-art tal-foresta li kiseb mill-Istat mhijiex tajba għat-tisġir. Iqis ukoll li l-proprjetà tiegħu hija aħjar minn dik li rċieva mill-Istat u li t-tranżazzjoni ma tinvolvix għajnuna mill-Istat. Fl-aħħar nett qal li l-art akkwistata tintuża għat-trobbija mobbli tan-naħal u li tintuża bħala mergħa matul is-sajf.

4.2.3.   Il-Kompatibilità tal-Għajnuna Potenzjali

(74)

Filwaqt li l-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati sabiex jipprovdu kwalunkwe evidenza disponibbli li tippermettilha teżamina l-kompatibilità tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati mas-suq intern, l-ebda mill-benefiċjarji ma għamlu dan.

5.   IL-KUMMENTI MIR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA

5.1.   IL-KUMMENTI TAL-BULGARIJA DWAR ID-DEĊIŻJONI TA’ FTUĦ

(75)

L-awtoritajiet Bulgari jsostnu li t-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati ma jikkosistwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(76)

Fir-rigward tar-rabta intrinsika allegata bejn it-tranżazzjonijiet ta’ skambju u l-bidla fl-użu deżinjat tal-art tal-foresta skambjata, l-awtoritajiet Bulgari osservaw li l-Artikolu 15(b) tal-Att dwar il-Foresti jagħti l-possibbiltà li ssir applikazzjoni għal bidla fl-użu deżinjat tal-art tal-foresta irrispettivament mill-mod li bih tkun ġiet akkwistata l-art, kemm jekk l-akkwist sar permezz ta’ skambju, tranżazzjoni tal-bejgħ jew inkella b’mezzi oħra. Madankollu, possibbiltà teorika bħal din ma għandhiex tinftiehem bħala ftehim ċert minn qabel bejn l-awtoritajiet u l-parti privata għall-iskambju biex wara ssir bidla fl-użu deżinjat tal-art.

(77)

L-awtoritajiet Bulgari pprovdew evidenza li, fir-rigward tal-132 skambju li seħħew matul il-perjodu bejn l-2007 u l-2009, saru 24 talba għal bidla fl-użu deżinjat tal-art tal-foresta skambjata, li minnhom kienu biss 15-il-każ (jiġifieri 11,4 % tal-iskambji kollha) li għalihom ġiet adottata deċiżjoni amministrattiva pożittiva li awtorizzat il-bidla mitluba.

(78)

L-awtoritajiet Bulgari jindikaw ukoll l-għanijiet differenti fil-mira tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju u l-bidla fl-użu deżinjat tal-art. Filwaqt li l-iskambji jfittxu l-konsolidazzjoni u l-konservazzjoni tal-foresti Bulgari sabiex jiżguraw l-iżvilupp sostenibbli u r-riproduzzjoni tagħhom għall-benefiċċju tas-soċjetà sħiħa, il-bidla fl-użu deżinjat tal-art għandha l-għan li tilħaq l-għanijiet stabbiliti fl-Att dwar il-Ġestjoni tat-Territorju, li jipprovdi r-regoli għall-inkorporazzjoni tal-art fil-konfini tal-agglomerazzjonijiet fejn huwa permess il-bini skont il-ħtiġijiet u l-interessi pubbliċi relatati mal-iżvilupp sostenibbli u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet xierqa tal-ħajja, ix-xogħol u r-rikreazzjoni għaċ-ċittadini. Barra minn hekk, filwaqt li t-tranżazzjonijiet ta’ skambju jiddependu mid-deċiżjonijiet meħudin mill-Ministru tal-Agrikoltura u l-Ikel, il-bidliet fl-użu deżinjat tal-art jiddependu mill-approvazzjoni ta’ pjan tal-iżvilupp tat-territorju minn korpi kompetenti differenti, jiġifieri l-Ministru tal-Iżvilupp Reġjonali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Gvernatur Reġjonali jew il-kunsilli muniċipali. Fl-aħħar nett, peress li d-dritt li ssir talba għal bidla fl-użu deżinjat tal-art ma jinbitx direttament mill-Att dwar il-Foresti iżda jeħtieġ li jkunu ssodisfati kundizzjonijiet stipulati f’liġijiet oħrajn, l-awtoritajiet Bulgari jqisu li l-possibbiltà ipotetika ta’ bidla fl-użu deżinjat tal-art ma tfissirx li bidla bħal din hija intrinsikament marbuta mat-tranżazzjonijiet ta’ skambju.

(79)

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-bidla potenzjali fl-użu deżinjat tal-art skambjata għandhiex tingħata kunsiderazzjoni meta jiġi stabbilit il-prezz ta’ din l-art, l-awtoritajiet Bulari tennew il-pożizzjoni tagħhom li ma hemm l-ebda rabta diretta bejn il-prezz li bih huwa vvalutat l-iskambju u l-bidla sussegwenti fl-użu tal-art. L-awtoritajiet ipprovdew deskrizzjoni estensiva tal-proċedura li trid tiġi segwita sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet għall-iskambju (ex Artikoli 20(5) u 21 tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi) u t-tariffi dovuti għall-bidla fl-użu deżinjat tal-art, rispettivament. Dawn l-awtoritajiet jindikaw ukoll li s-sidien privati jistgħu jitolbu bidla fl-użu deżinjat tal-art tal-foresta irrispettivament minn kif ikunu kisbu l-art, għalhekk kwalunkwe investitur jista’ jgawdi mill-istess vantaġġi, irrispettivament minn jekk dawn ikunux kisbu l-foresta mill-gvern jew minn tranżazzjoni distakkata konkluża ma’ parti privata, u għalhekk it-tariffi pagabbli għal dik il-bidla fl-użu deżinjat tal-art għandhom jitqiesu li mhumiex selettivi fir-rigward tal-benefiċjarji.

(80)

Fir-rigward tad-dubji tal-Kummissjoni dwar jekk il-metodoloġija għall-kalkolu tal-prezzijiet amministrattivi tirriflettix kif suppost il-prezzijiet tas-suq, l-awtoritajiet Bulgari jindikaw li, l-ewwel nett, il-prezzijiet amministrattivi huma stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi u li dan ir-Regolament tfassal billi ttieħdu bħala eżempju prattiki għall-istabbiliment tal-prezzijiet amministrattivi għall-art tal-foresta fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari l-Ġermanja. Barra minn hekk, il-valutazzjonijiet tal-foresti privati u pubbliċi saru minn esperti indipendenti li segwew sett uniku ta’ kriterji.

(81)

It-tieni, l-awtoritajiet Bulgari pprovdew dejta dwar it-tranżazzjonijiet (67) kollha li jinvolvu l-bejgħ u x-xiri ta’ foresti privati mwettqin fil-perjodu 2007-2009 (68). L-informazzjoni pprovduta rigward il-prezzijiet medji tal-proprjetajiet privati (jiġifieri l-“prezzijiet tas-suq”) tinkludi sommarju ta’ evidenza tas-suq kredibbli konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-punt 34 tad-Dispożizzjonijiet supplimentari tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi. F’każ li ma kien hemm l-ebda informazzjoni disponibbli dwar it-tranżazzjonijiet konklużi fl-istess żoni, ingħataw dettalji ta’ oħrajn li seħħew f’żoni li jinsabu fl-inħawi u li kienu jinvolvu l-foresti li huma simili f’termini ta’ lok u speċijiet ta’ pjanti. Skont l-awtoritajiet Bulgari, fuq il-bażi ta’ din id-dejta jista’ jintwera li fil-maġġoranza tal-każijiet il-prezz amministrattiv użat għat-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati kien ġeneralment ogħla mill-prezzijiet tas-suq miksubin fi tranżazzjonijiet distakkati (69). F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Bulgari jixħtu dubju fuq l-evidenza pprovduta mill-ilmentatur. Minn naħa, il-prezzijiet ikkwotati mill-ilmentaturi huma primarjament prezzijiet li għalihom l-art ġiet offruta għall-bejgħ u mhux bilfors prezzijiet miksubin b’mod effettiv jew prezzijiet ta’ rqajja’ ta’ art li diġà kellhom l-użu deżinjat tagħhom mibdul u li għalihom kienet tħallset it-taxxa tal-boll. Min-naħa l-oħra, il-prezz tas-suq ikkwotat mill-ilmentatur mhux dejjem ikun affidabbli għaliex f’ħafna każijiet dan inkiseb biss bħala riżultat ta’ tranżazzjoni privata unika.

(82)

It-tielet, l-awtoritajiet Bulgari tennew li l-gvern ma kopra ebda nuqqas bejn il-valur totali amministrattiv ogħla tal-art tal-foresta privata li kiseb u li t-tranżazzjonijiet ta’ skambju twettqu biss jekk ir-roqgħa art tal-foresta privata miksuba kellha valur ogħla jew daqs dak tar-roqgħa art tal-gvern li ġiet skambjata magħha. Barra minn hekk, il-parti privata kellha tħallas l-ispejjeż ġenerali li jammontaw għal 2 % tal-valur tal-proprjetà.

(83)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Bulgari indikaw li, minn mindu għadda l-ewwel darba, ir-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi ġie emendat tliet darbiet – fl-2004, fl-2005 u fl-2007, rispettivament. L-emenda tar-regolament fl-2005 hija ta’ min isemmiha fid-dawl tal-istadju avvanzat tar-restituzzjoni tal-foresti u l-art tal-foresta esproprjati għaliex dan kien ifisser li l-foresti privati diġà kienu disponibbli kif ukoll imfittxijin fis-suq. Din l-emenda essenzjalment kellha l-għan li tbiddel il-metodoloġija tal-valutazzjoni tal-art. Barra minn hekk, il-koeffiċjenti relatati maż-żoni protetti mill-urbanizzazzjoni żdiedu wkoll u ġew introdotti ħafna kategoriji ġodda li jistabbilixxu ż-żidiet fil-prezzijiet tal-art skont il-kategorija tal-insedjamenti.

(84)

Barra minn hekk, wara l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni fl-1 ta’ Jannar 2007, il-koeffiċjenti fir-regolament ġew aġġornati kompletament, inklużi dawk relatati maż-żoni protetti mill-urbanizzazzjoni u l-hekk imsejħa koeffiċjenti “regolaturi tas-suq”, li jiddependu mill-kategorija tal-art. Barra minn hekk, l-Artikolu 20(5) tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi ġie emendat billi l-prezz ta’ skambju tal-art tal-gvern żdied b’50 % tal-valur tal-koeffiċjent “regolatur tas-suq”. Barra minn hekk, ġie introdott inkrement li jrid jiżdied mal-valur tal-art skont il-kategoriji differenti tal-insedjamenti.

(85)

Skont l-awtoritajiet Bulgari, dawk l-emendi għar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi juru li minkejja li ma hemmx suq domestiku żviluppat sew għall-art tal-foresta u fid-dawl tal-adeżjoni imminenti tal-Bulgarija mal-Unjoni, l-awtoritajiet ippruvaw jaġġornaw il-mekkaniżmu ta’ valutazzjoni stabbilit fir-regolament billi żguraw li jkun ibbażat fuq evidenza tas-suq kredibbli. Bħala konsegwenza, fid-data tal-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni l-prezzijiet amministrattivi kkalkolati fuq il-bażi tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi ma kinux ser ikunu inqas mill-prezzijiet tas-suq għal dawk l-irqajja’ ta’ art.

(86)

Fir-rigward tat-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-potenzjal tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet Bulgari indikaw li, l-ewwel nett, mill-partijiet privati li ħadu sehem fit-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati, 81 huma impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-51 parti privata li jifdal kienu persuni fiżiċi li mhumiex impenjati fil-kummerċ ta’ oġġetti jew servizzi. Il-Bulgarija tenfasizza f’dan il-kuntest li la l-Aġenzija tal-Istat għall-Foresti u lanqas is-suċċessur tagħha l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Foresti ma rċevew xi applikazzjoni għall-qtugħ jew l-esportazzjoni tal-injam mill-persuni fiżiċi li għamlu l-iskambji fil-perjodu rivedut.

(87)

It-tieni, l-awtoritajiet Bulgari jsostnu li t-tranżazzjonijiet ta’ skambju ma jistgħux jaffettwaw il-kummerċ intern tal-UE għaliex l-impriżi mogħtijin għajnuna huma impenjati f’attivitajiet li ma jinvolvux l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti jew servizzi. L-awtoritajiet Bulgari ssupplimentaw l-informazzjoni diġà mogħtija dwar il-volumi tal-injam prodott u esportat lejn l-Unjoni matul il-perjodu rivedut u pprovdew dokument li juri li l-ebda waħda mill-partijiet privati li xtrat art tal-foresta tal-gvern mit-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati ma pproduċiet, biegħet fis-suq nazzjonali jew esportat injam mir-Repubblika tal-Bulgarija.

(88)

It-tielet, l-awtoritajiet Bulgari jargumentaw li s-settur tat-turiżmu (pereż. bħala operatur turistiku, aġenzija tal-ivvjaġġar, sid ta’ lukanda u fornitur ta’ servizi turistiċi anċillari) huwa kkontrollat mir-regoli stabbiliti fl-Att tal-Bulgarija dwar it-Turiżmu. Dan l-Att jeħtieġ reġistrazzjoni amministrativa tal-operatur f’reġistru pubbliku miżmum mill-Ministeru tal-Ekonomija, l-Enerġija u t-Turiżmu. Anki persuni impenjati fil-ġestjoni ta’ lukandi huma soġġetti għal rekwiżit ta’ reġistrazzjoni f’reġistru ddedikat skont l-Artikolu 58 tal-Att dwar it-Turiżmu. Għal din ir-raġuni, huma biss dawk il-kumpaniji mdaħħlin fir-reġistri pubbliċi rispettivi miżmumin mill-Ministeru tal-Ekonomija, l-Enerġija u t-Turiżmu li jistgħu jitqiesu bħala impriżi li joperaw fis-settur tat-turiżmu. Verifika tar-reġistri rilevanti uriet li hija biss kumpanija waħda minn dawk li akkistaw l-art tal-foresta tal-gvern bħala riżultat tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati – Kapsi Tours OOD – li hija rreġistrata bħala operatur turistiku skont it-tifsira tal-Att dwar it-Turiżmu.

(89)

Ir-raba’, l-awtoritajiet Bulgari spjegaw li anki t-twettiq ta’ negozju bħala kumpanija tal-iżvilupp tal-proprjetà immobbli fil-Bulgarija huwa soġġett għal rekwiżit ta’ reġistrazzjoni fir-Reġistru Okkupazzjonali Ċentrali tal-Bennejja miżmum mill-Kamra tas-Settur tal-Bini tal-Bulgarija skont liġi ad hoc, b’mod partikolari l-Att dwar il-Kamra tas-Settur tal-Bini (70). L-awtoritajiet Bulgari jindikaw li tlieta biss mill-impriżi li wettqu skambji mal-gvern kienu rreġistrati bħala kumpaniji tal-bini u li setgħu kienu involuti f’xi mod f’xogħol tal-bini skont il-liġi.

(90)

Bħala konsegwenza, l-awtoritajiet Bulgari argumentaw li l-maġġoranza tal-impriżi li setgħu bbenefikaw mit-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati ma kinux qed joperaw fis-setturi tal-bini u tat-turiżmu. Bħala konsegwenza, fil-fehma tagħhom ma jidhirx li dawk it-tranżazzjonijiet setgħu ħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti, ħlief fis-settur tal-foresti.

5.2.   IL-KUMMENTI TAL-BULGARIJA DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-ILMENTATUR

(91)

L-awtoritajiet Bulgari jaqblu mal-ilmentatur li ma kien hemm l-ebda għajnuna mill-Istat fl-iskambji tal-art tal-foresta bejn l-Istat u l-muniċipalitajiet. Għall-kuntrarju, dawn jargumentaw li l-allegazzjoni tal-ilmentatur li l-maġġoranza tal-benefiċjarji huma attivi fis-settur tal-bini jew tat-turiżmu hija żbaljata, għall-istess raġunijiet spjegati fit-taqsima ta’ qabel.

(92)

L-awtoritajiet Bulgari lanqas ma jaqblu mal-mod li bih l-ilmentatur stabbilixxa l-prezzijiet tas-suq tal-art tal-foresta billi qabbel il-prezzijiet tal-art tal-foresta fi snin differenti (pereż. ftit snin qabel l-iskambji tal-foresti) u jikkonstestaw l-argument tal-ilmentatur li f’ċerti każijiet is-sidien tal-art tal-foresta skambjata pprovdew din l-art bħala kollateral biex jiksbu self għaliex dan ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-liġi Bulgara u l-Att dwar il-Proprjetà tal-Istat ikkwotati mill-ilmentatur. Id-dejta pprovduta mill-ilmentatur fiha wkoll żbalji sinifikanti u mhijiex korrelatata mar-reġistri tal-proprjetà u d-dokumentazzjoni tal-iskambji disponibbli. Id-dejta pprovduta mill-ilmentatur hija żbaljata wkoll fir-rigward tal-art tal-foresta tal-Istat li kienet akkwistata permezz tal-iskambji u mbagħad ipprovduta bħala kollateral għas-self. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet Bulgari jispjegaw li l-banek fil-Bulgarija jeħtieġu assi likwidi oħrajn bħala kollateral, minbarra l-proprjetà immobbli, biex jiżguraw li d-dejn jitħallas lura. Għalhekk, skont dawk l-awtoritajiet huwa żbaljat li l-ammont tas-self mogħti jinqasam skont is-superfiċje f’m2 tal-art li sservi bħala kollateral għas-self ipotekarju, sabiex jiġi stabbilit il-prezz għal kull metru kwadru. L-awtoritajiet jagħtu wkoll opinjoni tal-Ewwel Bank tal-Investiment dwar il-mekkaniżmi għall-għoti tas-self u l-metodi għall-evalwazzjoni tal-foresti u l-patrimonji tal-foresti proposti mill-mutwatarji bħala kollaterali.

(93)

L-awtoritajiet Bulgari lanqas ma jaqblu mal-allegazzjoni tal-ilmentatur li l-awtoritajiet muniċipali ma kellhomx għażla ħlief li jadottaw pjanijiet tal-iżvilupp tat-territorju dettaljati għall-art li nbidel l-użu deżinjat tagħha. Skont dawn l-awtoritajiet, kull bidla fl-użu deżinjat tal-art hija bbażata fuq pjanijiet tal-iżvilupp tat-territorju dettaljati u infurzati bil-liġi li ġew diskussi pubblikament, u li emendaw il-pjanijiet tal-iżvilupp tat-territorju eżistenti għaż-żoni popolati. Dawn il-proċeduri amministrattivi mhumiex fid-diskrezzjoni tal-Ministru tal-Agrikoltura u l-Ikel, li joħroġ notifiki amministrattivi individwali għal tibdil fil-klassifikazzjoni taż-żoni tal-art lill-partijiet li jitolbu bidla bħal din biss wara li jkun daħal fis-seħħ il-pjan tal-iżvilupp tat-territorju ddettaljat rilevanti.

(94)

L-awtoritajiet jiċħdu wkoll li ħafna partijiet involuti fl-iskambji kellhom l-intenzjoni li jibdlu l-użu deżinjat tar-roqgħa art tal-foresta miksuba. Skont l-Att tal-Bulgarija dwar il-Foresti bidla realizzata bħal din tista’ ssir biss permezz tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artkolu 14(c) tal-Att dwar il-Foresti (imħassar). Kull intenzjoni oħra espressa f’pubblikazzjoni tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa jew b’mod ieħor għajr il-proċedura stipulata fil-liġi tkun irrelevanti u arbitrarja.

(95)

L-awtoritajiet lanqas ma jaqblu mad-dikjarazzjoni tal-ilmentatur li l-mod amministrattiv ta’ kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-art tal-foresta ma jirriflettix l-iżvilupp dinamiku tal-ekonomija. L-awtoritjiet jemmnu li l-mod kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet bl-użu tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi huwa xieraq. Lanqas ma huwa minnu li r-Regolament ma ġiex aġġornat, peress li fl-2007 ġew introdotti koeffiċjenti ġodda, u b’hekk ma ngħata l-ebda vantaġġ ekonomiku lill-operaturi ekonomiċi permezz ta’ skambji li kienu twettqu diġà.

(96)

L-awtoritajiet huma anki kontra l-argument tal-ilmentatur li l-evalwaturi huma parzjali. Skont dawn l-awtoritajiet dawn l-evalwaturi huma esperti tal-qorti, li l-integrità tagħhom ma tistax tiġi ddubitata. Barra minn hekk, fil-każ li jivvalutaw l-art tal-foresta b’mod li jkun favur il-parti privata u li ma jikkonformax mad-dispożizzjoni tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi, valutazzjoni bħal din ma tiġix aċċettata mill-awtoritajiet għall-fini tal-iskambju.

(97)

Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-ilmentatur li d-dejta statistika uffiċjali fuq il-valuri/prezzijiet tat-tranżazzjonijiet ipprovduta mill-awtoritajiet mhijiex korretta, l-awtoritajiet jiddikjaraw li l-evażjoni tat-taxxa li ssir billi jinħeba l-prezz reali ta’ tranżazzjoni tikkostitwixxi reat skont il-Kodiċi Penali Bulgaru.

(98)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Bulgari jiċħdu d-dikjarazzjoni tal-ilmentatur li l-kap tal-akkuża kontra l-eks kap tal-EFTA huwa prova li teżisti għajnuna mill-Istat marbuta mal-iskambji. Skont dawn l-awtoritajiet, il-proċeduri kontra l-uffiċjali li ħadu sehem fil-proċeduri għall-iskambji tal-art tal-foresta tal-Istat huma irrelevanti fil-valutazzjoni tal-preżenza ta’ għajnuna fit-tranżazzjonijiet ikkontestati.

5.3.   IL-KUMMENTI TAL-BULGARIJA DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET IPPREŻENTATI MINN PARTIJIET TERZI OĦRA

5.3.1.   Il-Kummenti tal-Bulgarija tad-29 ta’ Settembru 2011

(99)

Permezz tal-ittra tad-29 ta’ Settembru 2011, l-awtoritajiet Bulgari wieġbu għall-kummenti ppreżentati minn All Seas fid-deċiżjoni ta’ ftuħ.

(100)

All Seas kienet skambjat total ta’ 157,4 ettaru ta’ rqajja’ ta’ art tal-foresta privati fil-muniċipalitajiet ta’ Teteven u Gaborovo għal rqajja’ ta’ art tal-gvern li jammontaw b’kollox għal madwar 57,9 ettaru fil-muniċipalità ta’ Balchik (71). F’dan il-kuntest All Seas ħallset ukoll lill-Istat Bulgaru BGN 138 781 fi spejjeż ġenerali.

(101)

L-irqajja’ ta’ art tal-foresta tal-gvern kienu vvalutati bi prezz amministrattiv għal BGN 11,99/m2. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet Bulgari, matul il-perjodu rivedut il-prezz medju tas-suq (li huwa l-prezz miftiehem bejn il-partijiet privati li qed jixtru u jbiegħu l-irqajja’ ta’ art tal-foresta fuq bażi kummerċjali fl-istess reġjun jew f’reġjun fl-inħawi fl-istess muniċipalità) kien ta’ BGN 4,16/m2. Bħala konsegwenza, l-iskambju bejn All Seas u r-Repubblika tal-Bulgarija sar għal pagament u ma rriżultax f’vantaġġ ekonomiku skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-Trattat.

(102)

L-awtoritajiet Bulgari josservaw ukoll li All Seas applikat għal bidla fl-użu deżinjat tal-irqajja’ ta’ art tal-foresta skont l-Artikolu 14 tal-Att dwar il-foresti u li l-Kunsill tal-Ministri tal-Bulgarija laqa’ l-appikazzjoni skont l-Artikolu 14d(2) tal-Att dwar il-Foresti (72). Sa fejn jafu l-awtoritajiet Bulgari, din id-deċiżjoni ma daħlitx fis-seħħ. L-awtoritajiet Bulgari jaqblu ma’ All Seas li l-Istat ma kellux influwenza diretta fuq il-bidliet fl-użu deżinjat tal-art inkwistjoni (li għaliha ma kienet teżisti l-ebda mappa tal-użu tal-art), u għalhekk din il-bidla fis-sjieda li rriżultat mill-iskambju ma tistax tkun espressjoni ta’ xi intenzjoni komuni min-naħa tal-partijiet għall-iskambju sabiex jimplimentaw bidla fl-użu deżinjat tagħha. Skont l-awtoritajiet Bulgari, il-fattur determinati fl-evalwazzjoni tal-iskambju għandu jkun jekk il-valur tal-karta bilanċjali tal-assi li qed jiġu skambjati huwiex ekwivalenti. Din hija preċiżament il-bażi li fuqha l-gvern Bulgaru wettaq dawk it-tranżazzjonijiet. Raġuni oħra li turi li ma hija involuta ebda għajnuna mill-Istat fil-bilda fl-użu tal-art wara l-iskambju hija l-fatt li t-tariffi amministrattivi huma l-istess għall-applikanti kollha.

(103)

L-awtoritajiet Bulgari josservaw ukoll li All Seas la ħadet injam mill-irqajja’ tal-art li rċeviet bħala riżultat tal-iskamju u lanqas ma wettqet attività ta’ kummerċ fl-injam, ġewwa l-Unjoni, li ġej minn dawn l-irqajja’ ta’ art. Barra minn hekk, All Seas ma offrietx servizzi tat-turisti kif speċifikat fl-Att dwar it-Turiżmu, u lanqas ma hija kumpanija tal-kostruzzjoni skont l-Att tal-Kamra tas-Settur tal-Bini.

5.3.2.   Il-Kummenti tal-Bulgarija tal-4 ta’ Novembru 2011

(104)

Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Novembru 2011, l-awtoritajiet Bulgari wieġbu għall-kummenti tal-partijiet terzi li ġejjin: Elkabel AD, LM Impex EOOD, Foros Development EAD u Simeon Stoev Mirov.

(105)

Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju mwettqin minn Elkabel, LM Impex u Foros Development, l-awtoritajiet Bulgari stqarru li ma koprewx xi diskrepanza fil-prezzijiet u, fil-każijiet ikkonċernati, irċevew pagament addizzjonali għall-ispejjeż ġenerali mingħand il-partijiet privati. Barra minn hekk, it-taxxi lokali kollha tħallsu minn dawn il-partijiet. Fl-aħħar nett, l-ebda waħda mit-tliet kumpaniji ma talbet bidla fl-użu tal-art tal-foresta akkwistata.

(106)

L-awtoritajiet Bulgari josservaw ukoll li f’uħud mill-muniċipalitajiet fejn jinsabu l-irqajja’ tal-art skambjati, ma kienet seħħet l-ebda tranżazzjoni kompletament privata, u b’hekk ma kienx possibbli li jiġi stabbilit il-prezz tas-suq tal-irqajja’ tal-art skambjati jew jekk ingħatax vantaġġ ekonomiku.

(107)

L-awtoritajiet Bulgari josservaw ukoll li la Elkabel u lanqas LM Impex ma huma esportaturi tal-injam, u lanqas ma huma rreġistrati bħala kumpanija tal-bini jew tat-turiżmu skont il-liġi Bulgara.

(108)

Fir-rigward ta’ Simeon Stoev Mirov, persuna fiżika, li skambja 5,6 dekari art tal-foresta privata f’Rakitovo, ivvalutata għal BGN 3 436, ma’ 5 dekari art tal-foresta pubblika f’Burgas (villaġġ ta’ Kraymorie), ivvalutata għal BGN 1 308, l-awtoritajiet Bulgari qiesu li dan l-iskambju għandu jaqa’ taħt ir-regolament de minimis.

(109)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-awtoritajiet Bulgari jargumentaw li l-iskambji mal-partijiet privati msemmijin hawn fuq ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

5.3.3.   Il-Kummenti tal-Bulgarija tas-16 ta’ Diċembru 2011

(110)

Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Diċembru 2011, l-awtoritajiet Bulgari wieġbu għall-kummenti tal-partijiet terzi li ġejjin: V-G-N Confort OOD, Izgrev 5 EOOD, Ecobalkani-Bulgaria EOOD, Vihren EEOD, Liteks Komers AD u Jivka Blagoeva.

(111)

Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju ma’ V-G-N Confort, Izgrev 5, Ecobalkani, Vihren u Liteks Komers, l-awtoritajiet Bulgari spjegaw li ma koprew l-ebda nuqqas fil-prezzijiet u, fil-każijiet ikkonċernati, irċevew pagament addizzjonali għall-ispejjeż ġenerali mingħand il-partijiet privati. Barra minn hekk, it-taxxi lokali kollha tħallsu minn dawn il-partijiet. Fl-aħħar nett, V-G-N Confort, Ecobalkani u Liteks Komers ma talbux bidla fl-użu deżinjat tal-art tal-foresta tal-gvern akkwistata minnhom.

(112)

L-awtoritajiet Bulgari jindikaw ukoll li f’ċerti muniċipalitajiet fejn kienu jinsabu l-irqajja’ tal-art skambjati, ma seħħet l-ebda tranżazzjoni kompletament privata, u għalhekk ma kienx possibbli li jiġi stabbilit il-prezz tas-suq tal-irqajja’ tal-art ikkonċernati u ma jistax jiġi aċċertat b’mod konklussiv jekk ingħatax vantaġġ ekonomiku lill-partijiet privati msemmija hawn fuq. Fil-każ ta’ Izgrev 5, il-prezz amministrattiv tal-art tal-foresta pubblika skambjata kien ftit ogħla mill-prezz tas-suq miksub fi tranżazzjonijiet privati simili, u b’hekk skont l-awtoritajiet Bulgari ma ngħata l-ebda vantaġġ. L-istess raġunament japplika għat-tranżazzjoni ma’ Liteks Komers, li fiha – skont l-awtoritajiet Bulgari – il-prezzijiet amministrattivi kienu erba’ darbiet ogħla mill-prezzijiet tas-suq għall-art tal-foresta pubblika.

(113)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Bulgari josservaw li l-ebda waħda mill-partijiet privati msemmijin hawn fuq ma huma esportaturi tal-injam jew irreġistrati bħala kumpanija tal-bini jew tat-turiżmu skont il-liġi Bulgara u, għalhekk, it-tranżazzjonijiet ta’ skambju konklużi magħhom ma jħallux impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(114)

Fir-rigward tat-tranżazzjoni ta’ skambju ma’ Jivka Blagoeva, persuna fiżika, din irriżultat fl-iskambju ta’ 19 036 ettaru art tal-foresta privata fil-Muniċipalità ta’ Teteven, ivvalutata għal BGN 16 091, ma’ 0,3001 ettaru art tal-foresta pubblika fiż-żona ta’ Predela, fil-Muniċipalità ta’ Razlog, ivvalutata għal BGN 24 216. L-Istat Bulgaru ma kopriex id-diskrepanza fil-prezz, l-ispejjeż ġenerali u t-taxxi lokali kollha tħallsu minn Jivka Blagoeva u s-sid il-ġdid ma talabx bidla fl-użu deżinjat tal-art skambjata. Skont l-awtoritajiet Bulgari dan l-iskambju għandu jaqa’ taħt ir-Regolament de minimis.

(115)

Għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet Bulgari jqisu li ma hemm l-ebda għajnuna mill-Istat fit-tranżazzjonijiet ta’ skambju konklużi mal-partijiet privati msemmijin hawn fuq.

5.3.4.   Il-Kummenti tal-Bulgarija tal-25 ta’ April 2012

(116)

Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ April 2012, l-awtoritajiet Bulgari wieġbu għall-kummenti tal-partijiet terzi li ġejjin: Aqua Estate, Beta Forest, Kosta Gerov, Dimitar Ivanov Terziev, Yavor Iliev Haytov, Valentina Angelova Haytova, Georgi Aleksandrov Babev, Marieta Tihomirova Damyanova, Elizabet Petkova Mihaylova, Svetoslav Petkov Mihaylov, BG Land Co, Mirta Engineering, Miks PS-OOD, u BOIL OOD.

(117)

L-awtoritajiet Bulgari jappoġġjaw il-kummenti sottomessi minn dawn il-persuni fiżiċi u l-kumpaniji li kienu partijiet għat-tranżazzjonijiet ta’ skambju konklużi matul il-perjodu rivedut, jiġifieri li l-iskambji ma kinux jinvolvu għajnuna mill-Istat iżda minflok jikkostitwixxu tranżazzjonijiet imwettqa f’kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-Istat u bi prezzijiet li mhumiex inqas mill-prezzijiet tas-suq għal proprjetajiet immobbli simili. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Bulgari jappoġġjaw il-fehma tal-partijiet privati msemmijin hawn fuq li t-tranżazzjonijiet ta’ skambju twettqu b’konformità mal-liġi nazzjonali Bulgara fis-seħħ: ir-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi u l-Att dwar il-Foresti. Fl-aħħar nett, uħud minn dawn it-tranżazzjonijiet għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt ir-Regolament de minimis.

5.4.   IT-TWEĠIBIET TAL-BULGARIJA GĦAT-TALBIET GĦAL INFORMAZZJONI TAL-KUMMISSJONI MIBGĦUTA MATUL IL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(118)

F’sottomissjonijiet sussegwenti, bħala tweġiba għat-talbiet għal informazzjoni, l-awtoritajiet Bulgari pprovdew il-prezzijiet tas-suq – kemm għall-art tal-foresta privata kif ukoll dik pubblika – għat-tranżazzjonijiet kollha ta’ skambju mwettqin matul il-perjodu rivedut (73).

(119)

Madankollu, fis-sottomissjoni tagħhom tad-19 ta’ Novembru 2013 (74), l-awtoritajiet Bulgari indikaw li kien hemm xi problemi fl-affidabilità tad-dejta li pprovdew. B’mod partikolari għall-finijiet tal-formula mogħtija fil-premessa (44), l-awtoritajiet Bulgari pprovdew prezzijiet tas-suq ġusti għal 82 (60 roqgħa art pubblika u 22 roqgħa art privata) roqgħa art ikkonċernati mit-tranżazzjonijiet ta’ skambju kontestati. Għall-bqija tal-irqajja’ tal-art, dawn għamlu l-aqwa sforz li setgħu biex jipprovdu l-valuri tas-suq, u dan jindika li dawn mhux bilfors jirrapreżentaw valuri ġusti tas-suq. Għall-bqija tal-irqajja’ tal-art pubbliċi kkonċernati, l-awtoritajiet Bulgari spjegaw li l-prezzijiet li kkwotaw bħala prezzijiet tas-suq kienu fil-fatt il-medja tal-prezzijiet għal tipi differenti ta’ tranżazzjonijiet tal-foresti. Għalhekk, dawn mhux bilfors jirrapreżentaw valur tas-suq ġust, għaliex mhumiex daqs il-prezzijiet medji ta’ tranżazzjonijiet kompletament analogi.

(120)

B’mod simili, għall-bqija tal-irqajja’ tal-art privati li kienu għadhom ma ġewx soġġetti għal evalwazzjoni minn espert indipendenti, l-awtoritajiet Bulgari indikaw li f’ċerti każijiet il-prezzijiet ikkwotati fiċ-ċertifikati tal-bejgħ, li ntużaw mill-awtoritajiet bħala indikatur għall-valur tas-suq mogħti għal dawn l-irqajja’ tal-art, kienu qrib jew daqs l-hekk imsejħa valuri fiskali. Il-valur fiskali ta’ roqgħa art mhuwiex il-valur tas-suq tagħha, iżda l-prezz minimu li tħallas fit-tranżazzjonijiet tal-proprjetà immobbli, jiġifieri, fil-prinċipju, il-valur tas-suq tar-roqgħa art ikkonċernata huwa ogħla.

(121)

Minkejja dan li ntqal hawn fuq, l-awtoritajiet Bulgari saħqu li d-dejta li pprovdew dwar il-prezzijiet tas-suq huma l-aħjar stimi li jistgħu jiksbu, peress li: (i) ma hemmx regoli speċifiċi fil-Bulgarija għad-determinazzjoni tal-prezzijiet tas-suq għall-irqajja’ ta’ art tal-foresta matul il-valutazzjoni, (ii) ikun meħtieġ ħafna żmien biex issir valutazzjoni, minn stimatur espert indipendenti, dwar il-prezzijiet tas-suq tal-irqajja’ tal-art ikkonċernati fiż-żmien li sar l-iskambju u (iii) evalwazzjoni bħal din tkun proċess li jirrikjedi ħafna spejjeż. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Bulgari ddikjaraw li l-prezzijiet mogħtija xorta huma eqreb il-prezzijiet tas-suq ġusti milli l-prezzijiet amministrattivi.

(122)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Bulgari pprovdew informazzjoni dwar kampjun ta’ 25 tranżazzjoni ta’ skambju fuq il-prezzijiet amministrattivi li fil-fatt intużaw u l-prezzijiet amministrattivi ipotetiċi li kieku jirriżultaw mill-użu tal-koeffiċjenti li hemm fl-aġġornament tal-2010 tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi. Il-kampjun mogħti kopra 25 tranżazzjoni li fil-parti l-kbira seħħew fl-2009 jew fl-2008 (6 tranżazzjonijiet biss seħħew fl-2007). Din l-informazzjoni ntalbet mill-Kummissjoni sabiex tivverifika li is-sistema tal-prezzijiet amministrattivi – jekk dawn kienu aġġornati kif xieraq – hijiex xierqa biex tirrifletti l-prezzijiet tas-suq għall-art tal-foresta u twassalx fil-każijiet kollha għal prezz li jkun qrib il-valur tas-suq kemm jista’ jkun, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza.

6.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

6.1.   L-EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA

(123)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat b’xi mod li jikkawża distorsjoni jew jhedded li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni billi jiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-provvista ta’ ċerti oġġetti tkun inkompatibbli mas-suq komuni, sa fejn ikollha impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(124)

Għalhekk, il-kwalifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna skont l-Artikolu 107(1) teħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura trid tkun attribwibbli għall-Istat u ffinanzjata permezz tar-riżorsi tal-Istat; (ii) trid tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; (iii) dak il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura trid tikkawża distorsjoni jew thedded li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni u jkollha l-potenzjal li tħalli impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(125)

Madankollu, bħala kwistjoni preliminari f’dan il-każ hemm bżonn li jitqies ukoll jekk il-benefiċjarji protenzjali tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju humiex impriżi skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Dan għaliex, skont it-test ta’ din id-dispożizzjoni, ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat japplikaw biss meta l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun impriża.

(126)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“QtĠ-UE”) tiddefinixxi l-kunċett ta’ “impriża” għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat bħala kull entità impenjata f’attività ekonomika, ikun xi jkun l-istatus legali tagħha jew il-mod kif tiġi ffinanzjata (75). Skont il-QtĠ-UE, kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti u servizzi fis-suq tikkostitwixxi attività ekonomika (76). Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta’ entità bħala impriża dejjem tkun relatata ma’ attività speċifika. Entità li twettaq kemm attivitajiet ekonomiċi kif ukoll dawk mhux ekonomiċi trid titqies bħala impriża fir-rigward ta’ dawk ekonomiċi biss. Impriża mhux bilfors tkun persuna ġuridika; anki persuni fiżiċi jistgħu jitqiesu bħala impriżi skont l-għajnuna mill-Istat diment li jwettqu attività ekonomika.

(127)

Iżda ta’ min jinnota wkoll li ċerti benefiċjarji tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju kontestati ma wettqux attivitajiet ekonomiċi bl-art tal-foresta skambjata matul il-perjodu rivedut, u lanqas ma jwettqu attivitajiet bħal dawn illum. B’hekk, dawn il-benefiċjarji ma jistgħux jitqiesu bħala impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u, għalhekk, jitqies li ma kienet teżisti l-ebda għajnuna mill-Istat fit-tranżazzjonijiet ta’ skambju li kkonkludew mal-Istat Bulgaru.

(128)

Bħala konsegwenza, il-bqija ta’ din id-deċiżjoni tikkonċerna biss dawk il-benefiċjarji tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati li jikkostitwixxu impriżi skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

6.1.1.   Rabta Intrinsika bejn l-Iskambju u l-Bidla fl-Użu Deżinjat tal-Art

(129)

L-ewwel dubju mqajjem mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tagħha kien dwar jekk teżistix rabta intrinsika bejn it-tranżazzjonijiet ta’ skambju u l-bidla fl-użu deżinjat tal-art skambjata li rċevew il-benefiċjarji. Dan huwa importanti għaliex, jekk jinstab li teżisti rabta bħal din, din se jkollha impatt fuq il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ jekk it-tranżazzjonijiet ta’ skambju jagħtux vantaġġ ekonomiku u kif għandu jkun ikkwantifikat dan il-vantaġġ. Rabta intrinsika tfisser li kienet l-intenzjoni tal-partijiet fit-tranżazzjoni ta’ skambju, qabel ma tlestiet din it-tranżazzjoni, li jibdlu l-użu deżinjat tal-art pubblika minn art tal-foresta għal art disponibbli għall-bini wara l-iskambju. Għalhekk, filwaqt li l-prezzijiet amministrattivi kkalkolati għat-tranżazzjoni ta’ skambju fuq il-bażi tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi huma bbażati fuq l-iskambju ta’ żewġ irqajja’ ta’ art tal-foresta, il-bidla sussegwenti fl-użu deżinjat tar-roqgħa art pubblika, jekk kienet teżisti l-intenzjoni mill-bidu, tista’ tirriżulta f’sottovalutazzjoni tar-roqgħa art riċevuta meta jitqies l-użu maħsub tagħha fil-ġejjieni bħala art tal-bini.

(130)

Skont il-Kummissjoni, il-fatt li t-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati dejjem — jew tal-anqas fil-maġġoranza kbira tal-każijiet — kienu segwiti minn talba (approvata) għal bidla fl-użu deżinjat tal-art tal-foresta skambjata mill-benefiċjarju għal art disponibbli għall-bini jkun indikazzjoni oġġettiva li l-partijiet għal dawn it-tranżazzjonijiet ta’ skambju kellhom l-intenzjoni mill-bidu li jbiddlu l-użu deżinjat tal-art pubblika wara l-iskambju.

(131)

Id-dejta statistika pprovduta mill-awtoritajiet Bulgari bħala tweġiba għad-deċiżjoni ta’ ftuħ, li tafferma mill-ġdid id-dejta riflessa fil-premessa (38), turi li fir-rigward tal-132 tranżazzjoni ta’ skambju li seħħew matul il-perjodu rivedut, kienu ppreżentati 24 talba għal bidla fl-użu deżinjat tal-art f’art disponibbli għall-bini (li jirrappreżentaw 18,2 % tal-iskambji totali) li minnhom 15 ingħataw l-approvazzjoni għat-talba mitluba (li jirrapreżentaw 11,4 % tal-iskambji totali). Fuq il-bażi ta’ din id-dejta, il-Kummissjoni tikkonkludi li fil-maġġoranza tal-każijiet l-iskambji ma kinux segwiti minn talba għal bidla fl-użu deżinjat tal-art.

(132)

Il-Kummissjoni xorta waħda tosserva li l-leġiżlazzjoni Bulgara tipprovdi għal żewġ proċeduri separati għall-iskambji u għall-bidla fl-użu deżinjat tal-art, rispettivament, u li żewġ korpi tal-Istat separati huma kompetenti għal kull operazzjoni u li dawn joperaw f’mod indipendenti minn xulxin. Dan jagħti indikazzjoni ulterjuri f’dan il-każ li ma hemmx rabta intrinsika bejn it-tranżazzjonijiet ta’ skambju u l-bidla fl-użu deżinjat tal-art.

(133)

Peress li ma ntweriet l-ebda prova li teżisti rabta intrinsika bejn it-tranżazzjonijiet ta’ skambju u l-bidla fl-użu deżinjat tal-art skambjata li rċieva l-benefiċjarju, il-Kummissjoni għandha teżamina kull waħda minn dawn l-operazzjonijiet separatament għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

6.1.2.   L-Eżistenza ta’ Għajnuna fil-Bidla fl-Użu Deżinjat tal-Art

(134)

Id-deżinjazzjoni tal-użu tal-art huwa kif l-awtoritajiet pubbliċi jikkontrollaw b’mod ġuridiku l-użu u l-intensità tal-iżvilupp ta’ roqgħa art. Meta awtorità pubblika tapprova bidla fl-użu deżinjat ta’ roqgħa art twettaq attività regolatorja u ma tkunx qed taġixxi bħala aġent ekonomiku.

(135)

Huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz tar-riżorsi tal-Istat li għandhom jitqiesu bħala għajnuna skont l-Artikolu 107 tat-Trattat. Skont il-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE (77), id-distinzjoni li ssir f’din id-dispożizzjoni bejn “għajnuna mogħtija minn Stat Membru” u għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi tal-Istat” ma tfissirx li l-vantaġġi kollha mogħtija minn Stat, irrispettivament minn jekk dawn humiex iffinanzjati permezz tar-riżorsi tal-Istat jew le, jikkostitwixxu għajnuna. Minflok, id-distinzjoni hija maħsuba sempliċement biex iġġib fi ħdan din id-definizzjoni kemm il-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat kif ukoll dawk mogħtija minn korp pubbliku jew privat innominat jew stabbilit mill-Istat.

(136)

Filwaqt li l-approvazzjoni minn awtorità pubblika għal bidla fl-użu deżinjat ta’ roqgħa art partikolari minn art tal-foresta għal art disponibbli għall-bini tista’ tirriżulta f’żieda fil-valur tas-suq ta’ dik l-art, dik l-approvazzjoni ma tinvolvix trasferiment tar-riżorsi tal-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat: l-eżerċizzju ta’ dan il-kompitu regolatorju ma jirriżultax fi trasferiment pożittiv ta’ fondi lill-benefiċjarju ta’ din l-approvazzjoni, u lanqas ma jinvolvi rinunzja tar-riżorsi tal-Istat, għaliex l-Istat mhuwiex obbligat li jeżerċita dak il-kompitu regolatorju li jitlob lill-applikanti magħżula il-ħlas ta’ tariffa li tirrifletti l-valur ekonomiku sħiħ li jieħdu mill-kisba ta’ dik l-approvazzjoni (78).

(137)

Għal din ir-raġuni, deċiżjoni minn awtorità pubblika li tbiddel l-użu deżinjat ta’ rogħa art partikolari ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

6.1.3.   L-Eżistenza ta’ Għajnuna fit-Tranżazzjoni ta’ Skambju

(138)

Skont ġurisprudenza stabbilita (79), il-bejgħ mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ art jew bini lil impriża jew lil individwu involut f’attività ekonomika jista’ jwassal għal vantaġġ ekonomiku u b’hekk jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, b’mod partikolari meta dan ma jsirx għall-valur tas-suq, jiġifieri, meta din ma tinbiegħx għall-prezz li investitur privat, li jopera f’kundizzjonijiet normali kompetittivi, aktarx li kien jagħtiha. L-istess huwa minnu fi tranżazzjoni ta’ skambju li fiha l-valur tal-art pubblika riċevuta mill-Istat ikun ogħla mill-valur tal-art privata ċeduta lill-Istat.

(139)

Madankollu, qabel ma jiġi eżaminat jekk it-tranżazzjonijiet ta’ skambju jwasslux għal vantaġġ ekonomiku, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk humiex preżenti l-bqija tal-kundizzjonijiet fil-premessa 126 biex jinstab li hemm għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(140)

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kawżalità tal-miżura, it-tranżazzjonijiet ta’ skambju jaqgħu fil-kompetenza tal-Ministru tal-Agrikoltura u l-Ikel jew tal-Kunsill tal-Ministri (skont id-daqs tar-roqgħa art li trid tiġi skambjata) u tal-EFA, li kollha huma korpi tal-Istat. Sa fejn it-tranżazzjoni ta’ skambju tirriżulta fi transferiment ta’ art tal-foresta pubblika ta’ valur superjuri għall-art tal-foresta privata ċeduta, dan iwassal għal transferiment tar-riżorsi tal-Istat sa fejn l-Istat Bulgaru jirrinunzja għal ċertu dħul li kieku seta’ jikseb li kieku opera skont il-kundizzjonijiet tas-suq meta wettaq dik it-tranżazzjoni.

(141)

It-tieni, it-tranżazzjonijiet ta’ skambju huma selettivi peress li dawn ikunu ta’ benefiċċju biss għal dawk is-sidien tal-art li skambjaw l-art tal-foresta privata tagħhom ma’ art tal-foresta pubblika.

(142)

It-tielet, it-tranżazzjonijiet ta’ skambju jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u għandhom impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Sa fejn il-benefiċjarji tal-iskambji jkunu impriżi li joffru prodotti u servizzi f’suq partikolari, kull benefiċċju finanzjarju li jirriżulta mill-iskambji jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom mqabbla ma’ impriżi oħra li qed jikkompetu fil-kummerċ intern tal-Unjoni għall-istess oġġetti u servizzi (80). Tabilħaqq, numru ta’ benefiċjarji (81) tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju għandhom, fost affarijiet oħra, il-proprjetà immobbli, it-turiżmu, l-attivitajiet ta’ ristoranti u t-tisġir elenkati bħala s-setturi ekonomiċi li joperaw fihom fir-Reġistru Kummerċjali Bulgaru. Dawn is-setturi huma miftuħa għall-kompetizzjoni fil-livell tal-Unjoni. Dan jidher mill-informazzjoni fl-istess reġistru li fih diversi benefiċjarji (82) tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju għandhom attivitajiet ta’ negozju jew kummerċjali (internazzjonali) elenkati bħala s-settur ekonomiku li joperaw fih. Fir-rigwad tal-argument ippreżentat mill-awtoritajiet Bulgari li biex il-kumpaniji jkunu attivi fis-setturi tat-turiżmu jew tal-bini hija meħtieġa l-iskrizzjoni tagħhom fir-reġistri ddedikati u li dan mhuwiex il-każ għall-maġġoranza tal-kumpaniji li ħadu sehem fit-tranżazzjonijiet ta’ skambju, il-Kummissjoni tosserva li l-kunċett ta’ “impriża” fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huwa kunċett oġġettiv, u għalhekk il-kwistjoni ta’ jekk l-impriżi joffrux oġġetti u servizzi f’suq partikolari u b’hekk jikkompetu ma’ impriżi oħra u jieħdu sehem fil-kummerċ intern tal-Unjoni, għandu jkun iddeterminat fid-dawl tal-attivitajiet imwettqa realment minn dawn l-impriżi u mhux jekk jikkonformawx ma’ ċerti formalitajiet legali nazzjonali.

(143)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-preżenza ta’ vantaġġ ekonomiku, it-tranżazzjonijiet ta’ skambju jikkonċernaw l-iskambju ta’ (mill-inqas) żewġ irqajja’ ta’ art tal-foresta bejn l-Istat Bulgaru u partijiet privati. Sabiex jiġi ddeterminat jekk ittiħidtx vantaġġ ekonomiku mill-partijiet privati bħala riżultat tat-tranżazzjoni ta’ skambju, il-valuri tas-suq tal-irqajja’ tal-art skambjati jeħtieġ jiġu vvalutati u jitqabblu ma’ xulxin. Jekk it-tranżazzjoni ta’ skambju tirriżulta fi trasferiment ta’ art tal-foresta pubblika li hija ta’ valur superjuri għall-art tal-foresta ċeduta mill-parti privata, se jingħata vantaġġ ekonomiku lill-parti privata.

(144)

Kif spjegat fil-premessa (16), għall-iskambji inkwistjoni l-prezzijiet amministrattivi kienu kkalkolati fuq il-bażi tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi. Il-QtĠ-UE rrikonoxxiet li, meta l-liġi nazzjonali tistabbilixxi regoli amministrattivi għall-kalkolu tal-valur tas-suq tal-art għall-bejgħ tagħha mill-awtoritajiet pubbliċi, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għandha, sabiex ikun hemm konformità mal-Artikolu 107 tat-Trattat, twassal fil-każijiet kollha għal prezz amministrattiv li joqrob kemm jista’ jkun lejn il-valur tas-suq tal-art (83). Peress li dan il-valur tas-suq huwa teoretiku, se jkun ittolerat marġini għal varjazzjoni fuq il-prezz miksub meta mqabbel mal-prezz teoretiku (84).

(145)

L-awtoritajiet Bulgari ntalbu jipprovdu informazzjoni dwar il-prezzijiet amministrattivi użati għall-132 tranżazzjoni ta’ skambju li seħħew matul il-perjodu rivedut, kif ukoll dwar il-prezzijiet tas-suq għal dawk l-istess tranżazzjonijiet. Il-Kummisjoni talbet lill-awtoritajiet Bulgari jqisu kull tranżazzjoni preċedenti jew sussegwenti fl-istess irqajja’ ta’ art tal-foresta meta jiddeterminaw il-valur tas-suq tagħhom. Bħala konsegwenza, għad li l-Kummissjoni tqis li għall-valutazzjoni tal-elementi ta’ għajnuna mill-Istat potenzjali fit-tranżazzjonijiet ta’ skambju huwa irrelevanti mnejn ġejjin l-irqajja’ tal-art tal-foresta skambjati, l-informazzjoni dwar il-prezzijiet – meta disponibbli – ġiet ikkunsidrata.

(146)

L-awtoritajiet Bulgari indikaw ċerti problemi dwar l-affidabilità tad-dejta li taw dwar il-prezzijiet tas-suq (85). Madankollu, fl-istess ħin indikaw li l-informazzjoni pprovduta fiha l-aħjar stimi tal-prezzijiet tas-suq (86). Il-Kummissjoni tqis din id-dejta bħala stima affidabbli biżżejjed dwar il-valur tas-suq reali (jiġifieri “ġust”) tal-irqajja’ tal-art ikkonċernati.

(147)

L-analiżi tad-dejta turi li għall-irqajja’ tal-art privati, l-użu tal-prezzijiet amministrattivi rriżulta f’valutazzjoni eċċessiva sistematika tal-art tal-foresta kkonċernata meta mqabbla mal-prezzijiet tas-suq (87), filwaqt li għall-art tal-foresta pubblika s-sitwazzjoni kienet iżjed sfumata, minħabba li kien hemm kemm każijiet ta’ valutazzjoni eċċessiva kif ukoll ta’ sottovalutazzjoni. Għal din ir-raġuni, meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk ingħatax vantaġġ lill-benefiċjarji bħala riżultat tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju, sempliċi paragun tal-prezz tas-suq tar-roqgħa art pubblika fi żmien l-iskambju mal-prezz tas-suq tar-roqgħa art privata li ġiet skambjata magħha ma jiħux biżżejjed inkonsiderazzjoni l-valutazzjoni eċċessiva ta’ din tal-aħħar. Għalhekk, il-Kummissjoni fasslet formula li tikkunsidra l-prezzijiet amministrattivi użati fit-tranżazzjoni tal-bidu biex jiġi vvalutat adegwatament il-vantaġġ li jirriżulta mill-iskambju. Din il-formula, li diġà kienet stabbilita fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, teħtieġ li jiġu kkalkolati l-ammonti li ġejjin:

(i)

(i) id-differenza bejn il-prezz tas-suq reali tar-roqgħa art tal-foresta privata u l-prezz amministrattiv għal din ir-roqgħa art, stabbilit skont kif inhu stipulat fir-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi; u

(ii)

id-differenza bejn il-prezz tas-suq reali tar-roqgħa art tal-foresta pubblika u l-prezz amministrattiv għal din ir-roqgħa art, stabbilit skont kif inhu stipulat fir-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi.

Jista’ jitqies li hemm vantaġġ jekk il-valur ta’ (ii) nieqes il-valur ta’ (i) ikun pożittiv.

Madankollu, kull kumpens monetarju mħallas minn parti lill-oħra biex ikopri d-differenza fil-prezzijiet amministrattivi taż-żewġ irqajja’ ta’ art li huma l-oġġett tat-tranżazzjoni ta’ skambju se jingħata kunsiderazzjoni wkoll meta jkun qed jiġi stabbilit jekk it-tranżazzjoni ta’ skambju ħolqotx vantaġġ.

(148)

Bl-applikazzjoni ta’ din il-formula għad-dejta pprovduta mill-awtoritajiet Belġjani fuq il-valuri tas-suq ġusti u l-prezzijiet amministrattivi tal-art tal-foresta skambjata, il-Kummissjoni tikkonkludi li ngħata vantaġġ lill-benefiċjarji tal-iskambji tal-art fi kważi 80 % tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju mwettqin matul il-perjodu rivedut, kif rifless fit-Tabella 4.

Tabella 4

Paragun bejn il-prezzijiet amministrattivi użati fl-iskambji u l-prezzijiet tas-suq ipprovduti mill-awtoritajiet Bulgari

Tranżazzjonijiet ta’ skambju

2007

2008

2009

Total

Vantaġġ mogħti (nru ta’ każijiet)

18

48

38

104

Bħala perċentwal tal-iskambji kollha

78  %

77  %

81  %

79  %

Numru ta’ skambji mwettqa

23

62

47

132

(149)

Id-dejta ta’ hawn fuq turi li l-prezzijiet amministrattivi, stabbiliti għat-tranżazzjonijiet ta’ skambju skont ir-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi, ma kinux jirriflettu biżżejjed il-valur tas-suq reali għall-irqajja’ tal-art tal-foresta ikkonċernati.

(150)

Minn naħa, din id-diskrepanza bejn il-prezzijiet amministrattivi użati għat-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkontestati u l-prezzijiet tas-suq tal-irqajja’ tal-art inkwistjoni tirriżulta mill-fatt li l-metodoloġija sottostanti użata fir-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi ma tirriflettix biżżejjed il-kriterji li operatur tas-suq iqis importanti biex jivvaluta l-irqajja’ tal-art tal-foresta skambjata, u lanqas ma tagħtihom il-ponderazzjoni xierqa. L-ewwel nett, il-valuri medji tal-art elenkati fl-Anness 1 tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi skont il-kategoriji tal-art li joffru l-istess kundizzjonijiet għat-tkabbir tal-pjanti, li jintużaw bħala bażi għad-determinazzjoni tal-valur bażiku tal-art (ara l-premessa 18), suppost kellhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-prezzijiet tas-suq jew il-kontijiet miżmuma tal-foresti tal-Istat, iżda fil-verità kienu stabbiliti minn esperti fuq il-bażi ta’ numru żgħir ta’ sorsi tas-suq.

(151)

It-tieni, il-koeffiċjenti u l-inkrementi użati biex jiġu kkunsidrati ċerti attributi tal-art tal-foresta fil-kalkolu tal-valur bażiku ta’ din l-art, deskritti fil-premessi minn 18 sa 26, jirriflettu mezz ta’ simplifikazzjoni amministrattiva aktar milli tentattiv biex isir kejl preċiż tal-valur ekonomiku li operatur tas-suq ipotetiku f’sitwazzjoni simili kieku jagħti għal dawn l-attributi. Tabilħaqq, l-awtoritajiet Bulgari ma pprovdew l-ebda dejta eknomika li tappoġġja l-livelli stabbiliti għal dawn il-koeffiċjenti u l-inkrementi fir-regolament.

(152)

Mill-banda l-oħra, anki jekk il-metodoloġija stabbilita mir-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi fil-bidu rriżultat fi prezzijiet tas-suq għall-art tal-foresta skambjata, quod non, il-prezzijiet medji, il-koeffiċjenti u l-inkrementi qatt ma kienu aġġornati matul il-perjodu rivedut biex jirriflettu kif xieraq iċ-ċaqliq fil-prezzijiet tas-suq li seħħew wara. Skont il-ġurisprudenza (88), fi żmien meta l-prezzijiet għall-art qed jiżdiedu b’mod sinifikanti, il-metodi amministrattivi għall-kalkolu tal-prezz tal-art mibjugħa mill-awtoritajiet pubbliċi jridu jipprovdu għall-aġġornament kontinwu ta’ dawn il-prezzijiet, sabiex il-prezz fil-fatt imħallas mix-xerrej jirrifletti, sa fejn possibbli, il-prezz tas-suq ta’ dik l-art. Matul il-fażi ta’ eżami preliminari, l-awtoritajiet Bulgari spjegaw li skont l-Artikoli 7.1 u 32 tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi, il-koeffiċjenti fir-regolament għall-kalkolu tal-prezzijiet amministrattivi kellhom jiġu aġġornati fuq bażi annwali. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Bulgari, matul il-perjodu rivedut il-prezzijiet tas-suq għall-art tal-foresta kienu qed jiżdiedu b’mod sinifikanti. Minkejja dan, l-aġġornament previst f’dan ir-regolament qatt ma sar matul dan il-perjodu. L-awtoritajiet Bulgari aġġornaw biss il-prezzijiet medji, il-koeffiċjenti u l-inkrementi użati għall-istabbiliment tal-prezzijiet amministrattivi fl-2010 fuq il-bażi tal-iżviluppi reċenti fis-suq.

(153)

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tranżazzjonijiet ta’ skambju taw vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarji tal-iskambji tal-art f’dawk il-każijiet li fihom il-prezzijiet amministrattivi użati ma kinux jirriflettu kif xieraq il-prezzijiet tas-suq għall-art skambjata.

6.1.4.   L-għajnuna de minimis

(154)

Fl-aħħar nett, ta’ min jgħid li fil-każijiet li fihom il-benefiċjarju individwali tat-tranżazzjoni ta’ skambju ngħata vantaġġ li ma jaqbiżx il-livelli limitu speċifikati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (89), dan il-vantaġġ mhux se jitqies bħala għajnuna mill-Istat u għalhekk ma jaqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, diment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-regolament.

(155)

Fuq il-bażi tad-dejta kwantitattiva pprovduta mill-awtoritajiet Bulgari, jidher li f’ħafna każijiet (90) l-ammont ta’ għajnuna riċevuta mill-benefiċjarji tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju jaqa’ taħt il-livell limitu de minimis ta’ EUR 200 000.

6.1.5.   Konklużjoni dwar l-eżistenza tal-għajnuna

(156)

Fid-dawl ta’ dak imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tranżazzjonijiet ta’ skambju mwettqa mir-Repubblika tal-Bulgarija matul il-perjodu rivedut jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat f’dawk il-każijiet li fihom il-kontraparti għal dik it-tranżazzjoni hija impriża skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni, il-prezzijiet amministrattivi użati għal dik it-tranżazzjoni ma kinux jirriflettu l-prezzijiet tas-suq u l-kundizzjonijiet għall-għajnuna de minimis stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1407/2013 ma jkunux issodisfati.

6.2.   IL-LEGALITÀ TAL-MIŻURA

(157)

Billi naqset milli tinnotifika dawn it-tranżazzjonijiet ta’ skambju qabel ma ġew implimentati, ir-Repubblika Bulgara ma ssodisfatx l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Għalhekk, dawn it-tranżazzjonijiet ta’ skambju jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat implimentata illegalment.

6.3.   IL-KOMPATIBILITÀ TAL-GĦAJNUNA

(158)

Għad li l-awtoritajiet Bulgari ntalbu jagħtu informazzjoni dwar il-kompatibilità possibbli ta’ dawn it-tranżazzjonijiet ta’ skambju mas-suq intern, dawn sostnew l-argument tagħhom li dawn it-tranżazzjonijiet ma kellhom l-ebda effett fuq il-kummerċ intern tal-Unjoni u li, għalhekk, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(159)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-oneru tal-provi tal-kompatibilità tal-għajnuna mas-suq intern, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 107(1) tat-Trattat, huwa prinċipalment fuq l-Istat Membru kkonċernat, li jrid juri li huma ssodisfati l-kundizzjonijiet għal din id-deroga (91).

(160)

Il-Kummissjoni tosserva li xorta waħda ma jidhirx li hemm xi raġuni prima facie biex it-tranżazzjonijiet ta’ skambju jitqiesu kompatibbli mas-suq intern, jew direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(a) u (c) tat-Trattat jew inkella fuq il-bażi tal-Linji Gwida bbażati fuq dawn id-dispożizzjonijiet.

(161)

Għalhekk, il-Linji Gwida għall-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu u tal-foresti (“Linji Gwida dwar il-Forestrija”) ma jistgħux jintużaw bħala bażi ta’ kompatibilità għall-iskema tal-iskambji, għaliex japplikaw biss għal siġar ħajjin u l-ambjent naturali tagħhom fil-foresti u msaġar oħrajn, inklużi l-miżuri biex jinżammu u jitjiebu l-funzjonijiet ekoloġiċi u protettivi tal-foresti u l-miżuri li jippromwovu l-użu rikreattiv u d-dimensjonijiet soċjali u kulturali tal-foresti. Barra minn hekk, l-ispejjeż koperti mill-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-iskambji ma jikkonformawx mad-definizzjoni tal-ispejjeż eliġibbli tal-Linji Gwida dwar il-Forestrija (92), għaliex ma ġie impost l-ebda obbligu statutorju jew kuntrattwali fuq il-partijiet privati sabiex jużaw l-art miksuba permezz tal-iskambji bħala żoni ta’ konservazzjoni tan-natura. Għall-kuntrarju, il-partijiet kollha kellhom id-dritt jitolbu għall-bidla fl-użu tal-art tal-foresta f’art tal-bini, u wħud minnhom hekk għamlu.

(162)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 lanqas ma jipprovdu bażi ta’ kompatibilità. F’dan ir-rigward Ii-Kummissjoni tosserva li l-iskambji ma sarux mill-awtoritajiet Bulgari speċifikament biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp reġjonali. Barra minn hekk, l-ispejjeż eliġibbli ma kinux iddefiniti, lanqas ma kien iddeterminat kif ikun ikkontrollat l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna u kif ikun żgurat ir-rispett tal-limiti ta’ għajnuna reġjonali applikabbli.

(163)

Fl-aħħar nett, fid-diskussjonijiet li saru qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, l-awtoritajiet Bulgari sostnew li l-iskambji segwew objettiv ta’ ordni pubbliku ta’ konsolidazzjoni tas-sjieda tal-art tal-foresta. Anki li kieku nstab li l-konsolidazzjoni tal-art tal-foresta tikkostitwixxi objettiv ta’ interess komuni, quod non, l-awtoritajiet Bulgari ma wrewx li l-għajnuna mogħtija kienet meħtieġa biex jinkiseb dan l-objettiv u lanqas li l-mezzi magħżula kienu l-aktar xierqa.

(164)

Naqsu wkoll milli juru li l-mezzi magħżulin żguraw li l-għajnuna li ngħatat kienet limitata għall-minimu meħtieġ biex il-partijiet privati jkunu inċentivati jwettqu t-tranżazzjonijiet ta’ skambju. Fost l-oħrajn, dan huwa evidenti miċ-ċaqliq kbir fil-prezzijiet amministrattivi miksuba bl-użu tal-metodoloġija stabbilita. Meta mqabblin mal-prezzijiet tas-suq li ngħataw mill-awtoritajiet Bulgari, dawn il-prezzijiet amministrattivi ma jidhrux li huma sistematikament ogħla jew inqas minn perċentwali simili għall-prezzijiet tas-suq. Jekk bħala eżempju jittieħdu t-tranżazzjonijiet tal-2007, id-differenza bejn il-prezzijiet tas-suq u l-prezzijiet amministrattivi għal irqajja’ ta’ art privati varjaw minn -503,97 % sa +89,91 % (93).

(165)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Bulgari naqsu milli juru li t-tranżazzjonijiet ta’ skambju ma ħolqux tali distorsjoni tal-kompetizzjoni li tmur kontra l-interess komuni. Għal din ir-raġuni, it-tranżazzjonijiet ta’ skambju ma jistgħux jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq intern direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

(166)

Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mogħtija fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju ma tistax titqies li hija kompatibbli mas-suq intern.

7.   IRKUPRU

(167)

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, meta jinstab li l-għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment mhijiex kompatibbli mas-suq intern, din l-għajnuna għandha tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjari, sakemm dan ma jmurx kontra prinċipju ġenerali tal-liġi. L-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-Regolament jistabbilixxi li l-għajnuna trid tiġi irkuprata, inkluż l-imgħax, mid-data li fiha l-għajnuna illegali kienet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data tal-irkupru effettiv tagħha. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-Regolament jistipula li l-irkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, diment li jippermettu l-esklużjoni minnufiha u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

(168)

L-iskop tal-irkupru jintlaħaq meta l-għajnuna illegali inkwistjoni, flimkien mal-imgħax xieraq tal-inadempjenza, tkun tħallset lura mill-impriżi li bbenefikaw minnha. Billi jħallas lura l-għajnuna, il-benefiċjarju jirrinunzja għall-vantaġġ li kien gawda fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tiġi restawrata s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel ma ngħatat l-għajnuna (94). Filwaqt li l-Istat Membru jista’ jagħżel il-mezzi biex jissodisfa l-obbligu tiegħu li jirkupra l-għajnuna illegali, il-miżuri magħżula ma jistgħux jaffettwaw ħażin il-kamp ta’ applikazzjoni u l-effikaċja tal-liġi tal-Unjoni. Stat Membru jista’ jissodisfa obbligu ta’ rkupru biss jekk il-mezzi magħżula jkunu xierqa biex jerġgħu jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni li kienu distorti minħabba l-għoti tal-għajnuna illegali u huma konsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni (95).

(169)

Għalhekk, peress li nstab li r-Repubblika tal-Bulgarija implimentat mhux skont il-liġi l-għajnuna mill-Istat permezz tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju, hija għandha tirkupra din l-għajnuna mingħand il-benefiċjarji ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.

7.1.   L-IDENTIFIKAZZJONI TAL-BENEFIĊJARJI LI JRID ISIR L-IRKUPRU MINGĦANDHOM

(170)

L-għajnuna mhux skont il-liġi u inkompatibbli għandha tkun irkuprata mill-impriżi li fil-fatt ibbenefikaw minnha (96). Madankollu, meta l-Kummissjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tidentifika, fid-deċiżjoni stess, l-impriżi kollha li rċevew l-għajnuna illegali u inkompatibbli, dan irid isir fil-bidu tal-proċess ta’ implimentazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat, li jrid iħares lejn is-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (97).

(171)

F’dan il-każ, il-benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna mill-Istat inkompatibbli huma dawk il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li ħadu sehem fil-132 tranżazzjoni ta’ skambju mal-awtoritajiet Bulgari matul il-perjodu rivedut. Minn dan il-grupp, l-awtoritajiet Bulgari għandhom inaqqsu dawk il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li ma jikkwalifikawx bħala “impriżi” skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, kif ukoll dawk il-persuni li kisbu vantaġġ totali mit-tranżazzjonijiet ta’ skambju li ħadu sehem fihom li ma kienx jaqbeż il-livelli limitu stabbiliti fir-Regolament de minimis, diment li dawn it-tranżazzjonijiet jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament ukoll. Il-bqija tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi li ħadu sehem fit-tranżazzjonijiet ta’ skambju għandhom jitqiesu l-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat implimentata mhux skont il-liġi li mingħandhom l-awtoritajiet Bulgari huma meħtieġa jirkupraw il-benefiċċju riċevut bħala riżultat ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.

7.2.   KWANTIFIKAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

(172)

Il-Kummissjoni mhijiex obbligata bil-liġi li tiffisal-ammont eżatt li jrid jiġi rkuprat, speċjalment meta ma jkollhiex id-dejta meħtieġa biex tagħmel dan. Minflok, huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi l-informazzjoni li tippermetti lill-Istat Membru jiddetermina l-ammont rekuperabbli mingħajr wisq diffikultà (98).

(173)

Kif spjegat fil-premessa 147, il-Kummissjoni tqis li l-metodoloġija li ġejja għandha tintuża bħala punt ta’ tluq mill-Istat Membru sabiex jiddetermina l-ammont tal-għajnuna inkompatibbli li jrid jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju:

(i)

tiġi ddeterminata d-differenza bejn il-prezz tas-suq reali tal-irqajja’ ta’ art tal-foresta privati u l-prezz amministrattiv għal dik ir-roqgħa art, iddeterminata skont kif inhu stipulat fir-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi; u

(ii)

tiġi ddeterminata d-differenza bejn il-prezz tas-suq reali tal-irqajja’ ta’ art tal-foresta pubbliċi u l-prezz amministrattiv għal dik ir-roqgħa art, iddeterminata skont kif inhu stipulat fir-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi.

L-ammont inizjali tal-għajnuna mill-Istat riċevuta bħala riżultat tat-tranżazzjoni ta’ skambju huwa daqs il-valur ta’ (ii) neqes il-valur ta’ (i).

Għandha ssir korrezzjoni ta’ dan l-ammont inizjali għal dawk il-każijiet li fihom roqgħa art pubblika ta’ valur amministrattiv superjuri kienet skambjata ma’ roqgħa art privata ta’ valur amministrattiv inferjuri. Skont l-awtoritajiet Bulgari, f’dawn il-każijiet il-benefiċjarju kellu jħallas kumpens lill-Istat biex ikopri d-differenza fil-valur bejn l-irqajja’ tal-art. Bħala konsegwenza, l-ammont inizjali tal-għajnuna għandu jitnaqqas bl-ammont ta’ kumpens imħallas mill-benefiċjarju lill-awtoritajiet Bulgari. Imbagħad, l-ammont li jirriżulta għandu jiġi rkuprat mill-awtoritajiet Bulgari mingħand dak il-benefiċjarju bħala kumpens għall-benefiċċju miskub minħabba t-tranżazzjoni ta’ skambju.

(174)

Sabiex jiġu ddeterminati l-prezzijiet tas-suq tal-irqajja’ tal-art ikkonċernati, il-valur ekonomiku ta’ din l-art fil-mument tal-iskambju għandu jkun rifless bis-sħiħ. Mill-informazzjoni li hemm fis-sottomissjoni tal-awtoritajiet Bulgari ddatata d-29 ta’ Awwissu 2008, jidher li f’ċertu każijiet il-bini u l-infrastruttura diġà kienu nbnew fuq irqajja’ ta’ art tal-foresta li kienu jappartjenu għall-Istat qabel ma sar l-iskambju, anki jekk qabel, ir-roqgħa art ma kinitx ikklassifikata mill-ġdid bħala art disponibbli għall-bini. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-valur ta’ bini u/jew infrastruttura bħal dawn għandu jkun rifless bis-sħiħ fil-valur tas-suq tar-roqgħa art ukoll.

(175)

Il-Kummissjoni tosserva li l-informazzjoni dwar il-prezzijiet amministrattivi użati fit-tranżazzjonijiet ta’ skambju kif ukoll il-prezzijiet tas-suq tal-irqajja’ tal-art kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn it-tranżazzjonijiet fil-mument tal-iskambji diġà jinsabu f’idejn l-awtoritajiet Bulgari (99) u, għalhekk, l-awtoritajiet Bulgari ma għandux ikollhom diffikultà kbira sabiex jistabbilixxu l-ammont rekuperabbli fuq il-bażi tal-metodoloġija deskritta fil-premessa 173 (100).

(176)

Madankollu, f’każijiet li fihom l-awtoritajiet Bulgari jistgħu jqajmu tħassib leġittimu li dik il-metodoloġija ma tistax tiġi implimentata jew twassal għal ammont li jidher li ma jirriflettix kif xieraq l-ammont tal-għajnuna mill-Istat riċevuta mill-benefiċjarju, tista’ tiddeċiedi li twettaq evalwazzjoni tal-prezzijiet tas-suq tal-irqajja’ ta’ art skambjati fi żmien it-tranżazzjoni bl-użu ta’ espert indipendenti, ikkwalifikat biex iwettaq valutazzjonijiet bħal dawn, u magħżul permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika miftuħa. Meta tiġi stabbilita l-proċedura biex jintgħażel dan l-espert, anki fil-każijiet li fihom il-kuntratt ma jkunx jaqbeż il-livelli limitu tad-direttivi tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku, għandhom ikunu rrispettati l-prinċipji ta’ trasparenza u trattament indaqs. B’mod partikolari, il-proċedura tas-sejħa għal offerti għandha tkun: (i) reklamata kif xieraq; (ii) ibbażata fuq kriterji tal-għażla oġġettivi magħrufin minn qabel; u (iii) tinkludi l-informazzjoni li, wara l-istadju ta’ qabel l-għażla, id-deċiżjoni finali tittieħed bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tas-servizzi tal-Kummissjoni. F’dawn il-każijiet eċċezzjonali, l-awtoritajiet Bulgari għandhom: (i) jindikaw l-irqajja’ tal-art ikkonċernati, (ii) jindikaw il-ġustifikazzjoni għall-ħtieġa ta’ evalwazzjoni minn espert indipendenti fil-każ partikolari; u (iii) jissottomettu lill-Kummissjoni proposta għal espert indipendenti (magħżul permezz ta’ offerta pubblika) li jrid jintlaħaq qbil dwaru kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mir-Repubblika tal-Bulgarija.

(177)

Fl-aħħar nett, minħabba li l-iskop tal-irkupru huwa li jiġi rkuprat l-istatus quo ante li kien jeżisti qabel id-data li fiha saret it-tranżazzjoni ta’ skambju, il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-għamla eċċezzjonali tal-ftehimiet ta’ skambju relatati mal-art tal-foresta li ma ġietx sfruttata għal fini kummerċjali, ir-Repubblika tal-Bulgarija tista’ tikkonforma mal-obbligu tagħha li tirkupra l-għajnuna implimentata illegalment billi treġġa’ lura t-tranżazzjoni ta’ skambju kkontestati billi terġa’ tpartat lura l-irqajja’ tal-art ikkonċernati. Madankollu, dan għandu jwassal għal irkupru xieraq biss meta ma jkun sar l-ebda tibdil materjali kemm fl-art tal-foresta pubblika kif ukoll f’dik privata inkwistjoni mid-data tat-tranżazzjoni ta’ skambju. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni għandha tkun informata dwar l-irqajja’ tal-art ikkonċernati fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni lir-Repubblika tal-Bulgarija, l-iskambji korrispondenti għandhom jitreġġgħu lura u għandha tingħata prova ta’ dan fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

(178)

Fil-każijiet kollha li fihom ikun meħtieġ irkupru, l-irkupru jidħol fis-seħħ miż-żmien meta l-benefiċjarji kisbu l-benefiċċju, jiġifieri, mid-data tal-att legali li jagħti lill-benefiċjarji d-dritt li jiskambjaw l-art tal-foresta privata tagħhom mal-art tal-foresta pubblika.

(179)

Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru reali tagħhom. L-imgħax għandu jkun ikkalkolat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (101) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (102) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

(180)

L-għażla taż-żmien għall-irkupru tal-ammonti tal-għajnuna mill-Istat mill-benefiċjarji individwali għandha kemm jista’ jkun issegwi dawk speċifikati fl-Avviż ta’ Rkupru (103). Id-dati ta’ skadenza qatt ma għandhom jaqbżu dawk speċifikati fit-Tabella 5.

Tabella 5

L-Iskeda tal-Irkupru

Għażla taż-żmien

Azzjoni

1.

fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni lir-Repubblika tal-Bulgarija:

Ir-Repubblika tal-Bulgarija trid tinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li qed tippjana jew li ħadet biex timplimenta d-deċiżjoni, u b’mod partikolari:

(i)

tissottometti lill-Kummissjoni lista tal-iskambji kollha kkonċernati mill-irkupru, u tindika l-informazzjoni li ġejja:

il-prezzijiet amministrattivi u tas-suq għall-irqajja tal-art privati u pubbliċi li qed jiġu skambjati (fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika tal-Bulgarija fis-sottomissjoni tagħha 2014/032997), informazzjoni dwar il-ħlasijiet ta’ kumpens addizzjonali involuti f’kull tranżazzjoni, u l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat li rriżulta li jrid jiġi rkuprat,

l-isem tal-parti privata involuta f’kull tranżazzjoni u indikazzjoni tar-raġunijiet għaliex dan il-benefiċjarju huwa jew mhuwiex meqjus bħala impriża.

(ii)

tidentifika l-każijiet li fihom l-irkupru se jitwettaq fuq il-bażi ta’ valutazzjoni minn espert tal-prezzijiet tas-suq tal-irqajja’ tal-art tal-foresta fiż-żmien meta sar l-iskambju (premessa 176);

(iii)

tidentifika l-każijiet li fihom l-irkupru se jitwettaq billi titreġġa’ lura t-tranżazzjoni ta’ skambju (premessa 177).

2.

fi żmien erba’ xhur wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni lir-Repubblika tal-Bulgarija:

Għall-irqajja’ tal-art indikati fil-punt 1(ii) hawn fuq ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tkun innominat espert indipendenti biex iwettaq il-valutazzjoni ta’ dawn l-irqajja’ tal-art. Dan l-espert għandu jintgħażel permezz ta’ sejħa għall-offerti pubblika miftuħa u għandu jinħatar permezz ta’ ftehim mal-Kummissjoni, wara proposta minn qabel mir-Repubblika tal-Bulgarija.

3.

fi żmien seba’ xhur wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni lir-Repubblika tal-Bulgarija:

Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tippreżenta lill-Kummissjoni r-rapport tal-valutazzjoni mill-espert indipendenti għall-irqajja’ tal-art identifikati fil-punt 1(ii) hawn fuq.

4.

fi żmien tmien xhur wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni lir-Repubblika tal-Bulgarija:

Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tkun bagħtet l-ordnijiet ta’ rkupru lill-benefiċjarji kollha kkonċernati li jispeċifikaw l-ammonti tal-għajnuna eżatti li jridu jiġu rkuprati.

5.

fi żmien tnax-il xahar wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni lir-Repubblika tal-Bulgarija:

Ir-Repubblika tal-Bulgarija trid tkun implimentat l-irkupru tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju kollha kkonċernati.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat, mogħtija lill-impriżi fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju ta’ art tal-foresta pubblika għal art tal-foresta privata fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u s-27 ta’ Jannar 2009, li ġew implimentati mhux skont il-liġi mir-Repubblika tal-Bulgarija bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

L-għajnuna individwali mogħtija fit-tranżazzjonijiet ta’ skambju msemmija fl-Artikolu 1 ma tikkostitwixxix għajnuna jekk, fiż-żmien li ngħatat, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 li japplika fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna.

Artikolu 3

L-għajnuna individwali mogħtija fit-tranżazzjonijiet ta’ skambju msemmija fl-Artikolu 1, li fiż-żmien li ngħatat kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 jew permezz ta’ xi skema ta’ għajnuna oħra approvata, hija kompatibbli mas-suq intern sal-intensitajiet massimi tal-għajnuna applikabbli għal din it-tip ta’ għajnuna.

Artikolu 4

1.   Ir-Repubblika tal-Bulgarija tirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija fit-tranżazzjonijiet ta’ skambju msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-għajnuna inkompatibbli tista’ tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji billi jitreġġgħu lura t-tranżazzjonijiet ta’ skambju, fil-każijiet fejn ma jkun għadu sar l-ebda tibdil materjali la fl-art tal-foresta pubblika u lanqas f’dik privata involuti fit-tranżazzjoni mid-data ta’ din it-tranżazzjoni.

3.   Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru propju tagħhom.

4.   L-imgħax jiġi kkalkolat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 u r-Regolament (KE) Nru 271/2008.

5.   Ir-Repubblika tal-Bulgarija tħassar il-pagamenti dovuti kollha tal-għajnuna skont it-tranżazzjonijiet ta’ skambju msemmija fl-Artikolu 1 b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   L-irkupru tal-għajnuna mogħtija fl-iskema msemmija fl-Artikolu 1 jseħħ minnufih u b’mod effettiv.

2.   Ir-Repubblika tal-Bulgarija tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata bis-sħiħ fi żmien tnax-il xahar mid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

1.   Fi żmien erba’ xhur min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija tissottometti lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

(a)

Il-lista tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju kollha, li tindika l-informazzjoni li ġejja:

il-prezzijiet amministrattivi u tas-suq għall-irqajja’ ta’ art tal-foresta privati u pubbliċi skambjati, informazzjoni dwar l-ammonti ta’ flus addizzjonali involuti f’kull tranżazzjoni, u l-ammont tal-għajnuna mill-Istat li rriżulta,

l-isem tal-parti privata, jiġifieri, il-benefiċjarju tat-tranżazzjoni ta’ skambju, involut f’kull tranżazzjoni u indikazzjoni tar-raġunijiet għaliex din il-parti hija jew mhijiex meqjusa bħala impriża.

(b)

l-identifikazzjoni tal-każijiet li fihom l-irkupru se jitwettaq fuq il-bażi tal-prezzijiet tas-suq fiż-żmien tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju speċifikati fis-sottomissjoni 2014/032997 tar-Repubblika tal-Bulgarija;

(c)

l-identifikazzjoni tal-każijiet li fihom l-irkupru jseħħ billi titħassar it-tranżazzjoni ta’ skambju;

(d)

l-identifikazzjoni tal-każijiet li fihom l-irkupru se jkun implimentat fuq il-bażi tal-ammonti ddeterminati minn evalwatur espert indipendenti, u dokumenti li juru li nħatar it-tali espert indipendenti, magħżul permezz ta’ sejħa għall-offerti pubblika u bi qbil mal-Kummissjoni.

2.   Fi żmien tmien xhur wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

il-lista tal-benefiċjarji li rċevew l-għajnuna mit-tranżazzjonijiet ta’ skambju msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali tal-għajnuna li kull wieħed minnhom irċieva bħala riżultat ta’ dawn it-tranżazzjonijiet;

(b)

l-ammont totali (il-kapital u l-imgħaxijiet fuq l-irkupru) li jridu jiġu rkuprati mingħand kull benefiċjarju;

(c)

deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u li huma ppjanati biex tinżamm konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(d)

dokumenti li juru li l-benefiċjarji kienu ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

3.   Fi żmien tnax-il xahar min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija tissottometti dokumenti li juru li l-għajnuna kienet irkuprata kompletament mill-benefiċjarji konċernati.

4.   Ir-Repubblika tal-Bulgarija, żżomm il-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex timplimenta din id-Deċiżjoni sakemm tlesti l-irkupru tal-għajnuna mogħtija mit-tranżazzjonijiet ta’ skambju msemmija fl-Artikolu 1 billi tibagħtilha rapporti kull xahrejn. Fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, din tissottometti minnufih informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ħadet u qed tippjana biex tkun konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Tipprovdi wkoll informazzjoni ddettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax fuq l-irkupru li diġà jkunu ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Settembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)   ĠU C 273, 16.9.2011, p. 13.

(2)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

(3)  Ittra datata s-26 ta’ Lulju 2011.

(4)  Ittra datata s-27 ta’ Lulju 2011.

(5)  Ittri datati t-28 ta’ Lulju u l-14 ta’ Ottubru 2011.

(6)  Ittra datata d-29 ta’ Lulju 2011.

(7)  Ittra datata d-29 ta’ Lulju 2011.

(8)  Ittra datata d-29 ta’ Lulju 2011.

(9)  Ittri datati t-30 ta’ Lulju 2011, il-15 u t-22 ta’ Ottubru 2011.

(10)  Ittra datata l-31 ta’ Lulju 2011.

(11)  Ittra datata l-1 ta’ Awwissu 2011.

(12)  Ittra datata l-1 ta’ Awwissu 2011.

(13)  Ittra datata l-5 ta’ Awwissu 2011.

(14)  Ittra datata t-12 ta’ Awwissu 2011.

(15)  Ittra datata t-22 ta’ Awwissu 2011.

(16)  Ittra datata t-12 ta’ Ottubru 2011.

(17)  Ittri datati l-14 u t-23 ta’ Ottubru 2011.

(18)  Ittra datata l-14 ta’ Ottubru 2011.

(19)  Ittra datata l-14 ta’ Ottubru 2011.

(20)  Ittri datati s-16 ta’ Settembru u l-15 ta’ Ottubru 2011.

(21)  Ittri datati s-16 ta’ Settembru u l-15 ta’ Ottubru 2011.

(22)  Ittri datati s-16 ta’ Settembru u l-15 ta’ Ottubru 2011.

(23)  Ittri datati l-15 ta’ Ottubru 2011 u s-7 ta’ Diċembru 2011

(24)  Ittra datata s-17 ta’ Ottubru 2011. Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea., din il-parti interessata talbet sabiex l-identità tagħha ma tiġix żvelata lill-Istat Membru kkonċernat għal raġunijiet ta’ danni potenzjali.

(25)  Aqua Estate OOD, Beta Forest EOOD, Kosta Gerov, Dimitar Terziev, Yavor Haytov, Valentina Haytova, Georgi Aleksandrov Babev, Marieta Babeva, Elizabet Mihaylova, Svetoslav Mihaylov, BG Land Co OOD, Mirta Engineering EOOD, Miks PS-OOD, u Boil OOD.

(26)  L-Att tal-Bulgarija dwar il-Foresti ppubblikat fil-Ġurnal tal-Istat tal-Bulgarija Nru 125 tad-29 ta’ Diċembru 1997.

(27)  Adottat permezz tad-Digriet tal-Kunsill tal-Ministri Nru 252 tas-6 ta’ Novembru 2003, ippubblikat fil-Ġurnal tal-Istat tal-Bulgarija Nru 101 tat-18 ta’ Novembru 2003 (emendat l-aħħar fil-Ġurnal tal-Istat tal-Bulgarija Nru 1 tal-5 ta’ Jannar 2007).

(28)  L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Foresti qabel kienet tissejjaħ l-Aġenzija Statali għall-Foresti, jew l-SFA. Din se tissejjaħ “EFA” f’din id-deċiżjoni għal finijiet ta’ konsistenza.

(29)  F’każ li patrimonju jaqa’ f’aktar minn żona waħda, tingħata kunsiderazzjoni lill-ogħla koeffiċjent.

(30)  Ippubblikat fil-Ġurnal tal-Istat tal-Bulgarija Nru 1 tat-2 ta’ Jannar 2001.

(31)  Matul il-perjodu 1999 sa 2007, dan il-Ministeru kien magħruf bħala l-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Foresti. Ingħata l-isem il-ġdid ta’ Ministeru tal-Agrikltura u l-Ikel fil-bidu tal-2008. Il-Mnisteru jissejjeħ bl-isem attwali tiegħu tul din id-deċiżjoni għal finijiet ta’ konsistenza. Fl-imgħoddi, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Foresti (EFA) kienet tagħmel parti minn dan il-Ministeru.

(32)  Ippubblikat fil-Ġurnal tal-Istat tal-Bulgarija Nru 44 tal-21 ta’ Mejju 1996 (emendat l-aħħar fil-Ġurnal tal-Istat tal-Bulgarija Nru 41 tat-2 ta’ Ġunju 2009).

(33)  Ippubblikat fil-Ġurnal tal-Istat tal-Bulgarija Nru 275 tat-22 ta’ Novembru 1950 (emendat l-aħħar fil-Ġurnal tal-Istat tal-Bulgarija Nru 50 tat-30 ta’ Mejju 2008).

(34)  Numru mhux magħruf ta’ bidliet maħsuba fl-użu jistgħu jiġu mblokkati mill-moratorju impost fl-2009.

(35)   ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

(36)   ĠU C 319, 27.12.2006, p. 1.

(37)  Skont l-ilmentatur, l-esklużjoni tal-foresta mill-fond tal-Istat għall-foresti tippreġudika d-deċiżjoni sussegwenti tal-awtoritajiet lokali rigward l-użu sussegwenti tagħha, għaliex ma għandhomx għażla aħjar ħlief li jadottaw Pjan Dettaljat dwar il-Ġestjoni tat-Territorju għar-roqgħa art, li ma tkunx għadha art tal-foresta u b’hekk ma għadhiex protetta bħala tali.

(38)   “Il-Bulgarija: Nota fuq il-Politika dwar il-Foresti”, l-10 ta’ Marzu 2009, p. 11, il-paragrafu 51, http://siteresources.worldbank.org/BULGARIAEXTN/Resources/305438-1224088560466/BulgariaForestPolicyNote03102009GOB.pdf

(39)  Ecobalkani-Bulgaria EOOD, Vihren OOD u Elkabel AD.

(40)  Din l-opinjoni kienet appoġġjata minn Foros, Mirta Engineering, Beta Forest, LM Impex, is-Sur Gerov, is-Sur Babev u s-Sinjura Babeva, is-Sur Terziev, is-Sur Mihailov u s-Sinjura Mihailova.

(41)  All Seas.

(42)  LM Impex.

(43)  Din l-opinjoni kienet appoġjata minn Izgrev, Litex, MIKS, BOIL, u s-Sinjura Blagoeva.

(44)  Din l-opinjoni kienet appoġġjata mis-Sur Gerov u Terziev u mis-Sur Babev u s-Sinjura Babeva.

(45)  All Seas.

(46)  Foros Development, Izgrev, Liteks Komers u Jivka Blagoeva.

(47)  Din l-opinjoni kienet appoġġjata mis-Sur Mihailov u s-Sinjura Mihailova, Mirta Engineering, Beta Forest, Elkabel u s-Sinjura Blagoeva.

(48)  Is-Sinjura Blagoeva.

(49)  Izgrev u Litex Komers.

(50)  Is-Sur Gerov, is-Sur Babev u s-Sinjura Babeva, u s-Sur Terziev (u l-avukat tagħhom is-Sinjura Shankova f’isimhom).

(51)  LM Impex, is-Sur Mihailov u s-Sinjura Mihailova, Mirta Eningeering, Beta Forest, Foros Development.

(52)  Elkabel. Bħala tweġiba għad-dubji espressi mill-Kummissjoni, Elkabel ordnat perizja ġdida minn espert indipendenti li wriet li għad li għal uħud mill-irqajja’ tal-art ikkonċernati l-prezzijiet tas-suq huma ogħla mill-prezzijiet amministrattivi kkalkolati skont ir-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi, il-prezz amministrattiv totali tal-irqajja’ kollha tal-art skambjati minn Elkabel kien ogħla mill-valur tas-suq tagħhom. Kien spjegat ukoll li l-prezz amministrattiv totali tal-irqajja’ tal-art pubbliċi li kienu skambjati kien ogħla mill-valur tas-suq tagħhom ukoll. Għalhekk, l-evalwatur ikkonkluda li l-użu tal-prezzijiet amministrattivi ma kienx wassal għall-għoti ta’ vantaġġ mhux xieraq lil Elkabel

(53)  Izgrev, Litex Komers, is-Sur Gerov, is-Sur Terziev, is-Sur Babev u s-Sinjura Babeva, MIKS u BOIL. Fil-każ tas-Sur Mihailov u s-Sinjura Mihailova, il-valur tal-art privata skambjata allegatament kien ogħla (BGN 83 322,66) minn dak tal-art pubblika (BGN 67 125,00).

(54)  Is-Sur Mihailov u s-Sinjura Mihailova, Mirta Engineering u Beta Forest (fir-rigward tar-Reġjun ta’ Novo Oriahovo), Foros Development (fir-rigward tal-Muniċipalità ta’ Burgas), u MIKS u BOIL (fir-rigward tar-Reġjun ta’ Nessebar).

(55)  MIKS, BOIL, Foros Development, Mirta Engineering u Beta Forest.

(56)  Izgrev, is-Sinjura Blagoeva, MIKSD, BOIL, Mirta Engineering, Beta Forest, is-Sur Mihailov u s-Sinjura Mihailova.

(57)  Litex Komers.

(58)  BOIL, is-Sur Mihailov u s-Sinjura Mihailova.

(59)  Is-Sur Gerov, is-Sur Terziev, u s-Sur Babev u s-Sinjura Babeva.

(60)  LM Impex.

(61)  All Seas.

(62)  Izgrev, is-Sinjura Blagoeva, Litex Komers, MIKS, Foros Development, Mirta Engineering u Beta Forest.

(63)  Izgrev, Litex Komers, MIKS, BOIL, Mirta Engineering, Beta Forest, is-Sur Mihailov u s-Sinjura Mihailova, LM Impex.

(64)  LM Impex.

(65)  Is-Sur Gerov, is-Sur Babev u s-Sinjura Babeva u s-Sur Terziev.

(66)  Is-Sur Stoev.

(67)  L-awtoritajiet indikaw li fil-perjodu rivedut saru 567 tranżazzjoni ta’ bejgħ ta’ foresta privata.

(68)  Imbagħad, f’Jannar 2009 l-iskambju tal-art tal-gvern skont ir-regoli u l-proċedura qadima saru pprojbiti bil-liġi u l-prattika twaqqfet.

(69)  L-awtoritajiet Bulgari jindikaw l-evidenza li turi li f’105 tranżazzjonijiet ta’ skambju, il-prezz tal-iskambju amministrattiv kien ogħla mill-prezz tas-suq miksub mill-partijiet privati fi tranżazzjonijiet distakkati, filwaqt li kien inqas fi 13-il każ biss.

(70)  SG Nru 108/2006.

(71)  Ordni Nru RD 49-269/17.7.2007.

(72)  Deċiżjoni Nru 602/16.9.2008.

(73)  Din l-informazzjoni kienet sottomessa (mill-ġdid) mill-Bulgarija fil-forma ta’ spreadsheet mibgħuta lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra elettronika tal-21 ta’ Jannar 2014 (2014/032997).

(74)  Referenza tas-sottomissjoni 2013/115208.

(75)  Il-Kawżi Magħquda C-180/98 sa C-184/98 Pavlov et [2000] Ġabra I-6451, paragrafu 74.

(76)  Il-Kawża 118/85 Il-Kummissjoni vs L-Italja [1987] Ġabra 2599, paragrafu 7; Il-Kawża C-35/96 Il-Kummissjoni vs L-Italja [1998] Ġabra I-3851, paragrafu 36; Il-Kawżi Magħquda C-180/98 sa C-184/98 Pavlov et [2000] Ġabra I-6451, paragrafu 75.

(77)  Il-Kawża C-379/98 Preussen Elektra [2001] Ġabra I-2099.

(78)  Bħala analoġija, ara l-Kawża T 475/04 Bouygues SA vs Il-Kummissjoni [2007] Ġabra II-2097, paragrafi 108 sa 111 u 123 ikkonfermata fil-Kawża C 431/07 P Bouygues u Bouygues Telecom vs Il-Kummissjoni [2009] Ġabra I-2665, paragrafi 94 sa 98 u 125.

(79)  Il-Kawża C-239/09 Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe GmbH & Co. KG v BVVG Bodenverwertungs- und –verwatungs GmbH [2010] Ġabra I-13083, paragrafu 34 u l-Kawża C-290/07 P il-Kummissjoni vs Scott [2010] Ġabra I-7763, paragrafu 68; Il-Kawża T-244/08 Konsum Nord ekonomisk förening vs il-Kummissjoni [2011] Ġabra II-00444, paragrafu 61.

(80)  Il-Kawża T-288/97 Friuli-Venezia Giulia [2001] Ġabra II-1169, paragrafu 41.

(81)  Fost l-oħrajn, dan huwa l-każ għal: All Seas Property 2, Aqua Estate, Beta Forest, BG Land Co, Ecobalkani, MIKS u BOIL.

(82)  Dan huwa l-każ, pereż. għal Izgrev, Liteks Comers, LM Impex u VNG Confort.

(83)  Il-Kawża C-239/09 Seydaland, ikkwotata hawn fuq, paragrafu 35. Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2012 fil-Kawża SA.33167 dwar metodu alternattiv propost għall-valutazzjoni tal-art agrikola u tal-foresta fil-Ġermanja mibjugħa mill-aġenzija pubblika BVVG (ĠU C 43, 15.2.2013, p. 7).

(84)  Bħala analoġija, ara t-Titolu II, punt 2(b), tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar elementi ta’ għajnuna Statali dwar bejgħ ta’ artijiet u bini ta’ awtoritajiet pubbliċi (ĠU C 209, 10.7.1997, p. 3).

(85)  L-ittra tad-19 ta’ Novembru 2013; referenza tas-sottomissjoni 2013/115208.

(86)  Din il-kwistjoni, flimkien mal-argumenti tal-Bulgarija, hija deskritta fid-dettall fit-taqsima 5.4.

(87)  Sottovalutazzjoni jew valutazzjoni eċċessiva meta mqabbla mal-prezz tas-suq ipprovdut mill-awtoritajiet Belgari għar-roqgħa tal-art ikkonċernata.

(88)  Il-Kawża C-239/09 Seydaland, iċċitata iktar ‘il fuq, paragrafu 54.

(89)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1). Ir-Regolament de minimis ġie adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 733/2013 (ĠU L 204, 31.7.2013, p. 11).

(90)  Fuq il-bażi tal-kalkolu preliminari mwettqa mill-Kummissjoni fuq id-dejta kwantitattiva pprovduta mill-awtoritajiet Bulgari, jidher li huwa biss f’45 minn 104 każijiet li fihom ingħata vantaġġ lil parti privata bħala riżultat ta’ skambju li l-vantaġġ kien jaqbeż il-livell limitu de minimus. Madankollu, dawn il-kalkoli la jeskludu dawn il-każijiet li fihom il-benefiċjarju tal-iskambju ma kienx impriża (li jnaqqas in-numru ta’ skambji li jikkostitwixxu għajnuna) u lanqas ma jikkunsidraw dawk il-każijiet li fihom l-istess benefiċjarju bbenefika minn diversi tranżazzjonijiet ta’ skambju, li l-vantaġġ tagħhom jaqbeż total ta’ EUR 200 000 (li jżid in-numru ta’ skambji li jikkostitwixxu għajnuna). Fil-kuntest tal-irkupru, l-awtoritajiet Bulgari għandhom jagħmlu kalkoli aktar preċiżi.

(91)  Il-Kawża T-68/03 Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs il-Kummissjoni [2007] Ġabra II-2911, paragrafu 34.

(92)  Il-paragrafu 175 g) tal-Linji Gwida dwar il-Foresti jiddefinixxi l-ispejjeż eliġibbli bħala: “l-ispejjeż tal-akkwist tal-art tal-foresta użata jew li se tintuża bħala żoni ta’ konservazzjoni tan-natura. Permezz ta’ obbligu statutorju jew kuntrattwali jrid jiġi żgurat b’mod permanenti u bis-sħiħ li l-art tal-foresta inkwistjoni ser tintuża għall-finijiet ta’ protezzjoni tan-natura.” Il-bqija tal-kategoriji tal-ispejjeż eliġibbli ddefiniti fil-paragrafu 175 tal-Linji Gwida dwar il-Foresti f’dan il-każ ma japplikawx.

(93)  Għal art tal-foresta pubblika d-differenza bejn il-prezz tas-suq u l-prezz amministrattiv tvarja minn -6 130,00 % sa +74,98 %. Madankollu, ta’ min jinnota li l-prezz amministrattiv għal irqajja’ ta’ art bħal dawn kien ogħla mill-prezz tas-suq tagħhom f’2 każijiet biss minn 23.

(94)  Il-Kawża C-277/00 il-Ġermanja vs il-Kummissjoni [2002] Ġabra I-11695, paragrafi 74-76

(95)  Il-Kawża C-209/00 il-Ġermanja vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, il-paragrafi 57-58.

(96)  Il-Kawża C-303/88 l-Italja vs il-Kummissjoni [1991] Ġabra I-1433, paragrafu 57; Il-Kawża C-277/00 il-Ġermanja vs il-Kummissjoni (“SMI”), [2004] Ġabra I-3925, paragrafu 75.

(97)  Il-Kawża C-310/99 l-Italja vs il-Kummissjoni [2002] Ġabra I-2289, paragrafu 91.

(98)  Il-Kawża C-480/98 Spanja vs il-Kummissjoni [2000] Ġabra I-8717, paragrafu 25 u l-Kawżi Magħquda C-67/85, C-68/85 u C-70/85 Kwekerij van der Kooy BV et. vs il-Kummissjoni [1988] Ġabra 219.

(99)  Din l-informazzjoni kienet sottomessa mill-Bulgarija fil-forma ta’ spreadsheet mibgħuta lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra elettronika tal-21 ta’ Jannar 2014 (minn hawn ‘il quddiem: is-sottomissjoni 2014/032997

(100)  Jiġifieri (i) il-prezz tas-suq għar-roqgħa art tal-foresta kkonċernata u (ii) il-prezz amministrattiv għar-roqgħa art tal-foresta kkonċernata kif stabbiliti fl-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-prezzijiet bażiċi u użati effettivament għat-tranżazzjoni ta’ skambju, fl-ammonti ddikjarati fis-sottomissjoni 2014/032997.

(101)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(102)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat- 30 ta' Jannar 2008 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).

(103)  Avviż mill-Kummissjoni — Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi (ĠU C 272, 15.11.2007, p. 4).


Rettifika

25.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/128


Rettifika għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 261 tat-30 ta’ Awwissu 2014 )

Il-paġna 145 hija mibdula b’din li ġejja:

“Suomen tasavallan puolesta

För Republiken Finland

Image 1

För Konungariket Sverige

Image 2

For the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland

Image 3

За Европейския съюз

Por la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

Image 4

For the European Union

Pour l’Union européenne

Za Europsku uniju

Per l’Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen”