ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 35

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 58
11 ta' Frar 2015


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/209 tal-10 ta' Novembru 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim għal koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Faeroe li jassoċja lill-Gżejjer Faeroe ma' Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)

1

 

 

Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Faeroe li jassoċja lill-Gżejjer Faeroe ma' Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)

3

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni 2015/210 tal-10 ta' Frar 2015 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż

16

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/211 tal-10 ta' Frar 2015 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

18

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 452/2011 tas-6 ta' Mejju 2011 li jimponi dazju definittiv kontra s-sussidji fuq l-importazzjonijiet ta' karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( ĠU L 128, 14.5.2011 )

21

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

11.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/209

tal-10 ta' Novembru 2014

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim għal koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Faeroe li jassoċja lill-Gżejjer Faeroe ma' Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 186, flimkien mal-Artikolu 218(5),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Orizzont 2020 — Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (“Orizzont 2020”) ġie stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

(2)

Fit-18 ta' Marzu 2014 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati, f'isem l-Unjoni, mal-Gżejjer Faeroe bil-għan li tikkonkludi ftehim għal koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Faeroe li jassoċja lill-Gżejjer Faeroe ma' Orizzont 2020.

(3)

Dawk in-negozjati tlestew b'suċċess u l-Ftehim għal koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Faeroe li jassoċja lill-Gżejjer Faeroe ma' Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (“il-Ftehim”) għandu jiġi ffirmat u jiġi applikat fuq bażi provviżorja, sakemm titlesta l-proċedura għall-konklużjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni tal-Ftehim għal koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Faeroe li jassoċja lill-Gżejjer Faeroe ma' Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

It-test tal-Ftehim hu mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat sabiex jinnomina l-persuna jew il-persuni li jkollhom is-setgħa jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mill-1 ta' Jannar 2014, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Novembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MARTINA


(1)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).


11.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/3


FTEHIM

għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Faeroe li jassoċja lill-Gżejjer Faeroe ma' Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)

L-UNJONI EWROPEA

minn hawn 'il quddiem imsejħa “Unjoni”,

minn naħa,

u

IL-GVERN TAL-GŻEJJER FAEROE

minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Gżejjer Faeroe”,

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħa b'mod konġunt “il-Partijiet”,

BILLI l-programm tal-Unjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020 — il-Programm Qafas (2014-2020)” (“Orizzont 2020”) ġie stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 ġie adottat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE (2).

BILLI l-Artikolu 7 ta' Orizzont 2020 jistipula li termini u kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi assoċjati f'Orizzont 2020, inkluż il-kontribuzzjoni finanzjarja, abbażi tal-prodott domestiku gross tal-pajjiż assoċjat, għandhom jiġu determinati bi ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u l-pajjiż assoċjat.

FILWAQT LI JQISU l-parteċipazzjoni b'suċċess tar-riċerkaturi tal-Gżejjer Faeroe fil-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni u l-importanza tal-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika attwali bejn il-Gżejjer Faeroe u l-Unjoni u l-interess reċiproku tagħhom li jsaħħu r-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-kuntest tal-istabbiliment taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

FILWAQT LI JQISU l-interess taż-żewġ Partijiet li jħeġġu l-aċċess reċiproku għall-entitajiet tar-riċerka tagħhom biex minn naħa jsiru attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp fil-Gżejjer Faeroe, u min-naħa l-oħra jinħolqu programmi qafas tal-Unjoni għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku.

FILWAQT LI JAGĦRFU l-qagħda partikolari tal-Gżejjer Faeroe minħabba d-daqs territorjali u l-popolazzjoni żgħar tagħhom u l-qrubija tagħhom mal-Unjoni bħala ġar tal-Ewropa tat-Tramuntana.

BILLI l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe jikkonkludi dan il-Ftehim f'isem ir-Renju tad-Danimarka skont l-Att dwar il-Konklużjoni ta' Ftehimiet skont il-Liġi Internazzjonali mill-Gvern tal-Gżejjer Faeroe.

BILLI mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), dan il-Ftehim u kull attività konkluża skontu bl-ebda mod ma jaffettwaw is-setgħat tal-Istati Membri li jidħlu għal attivitajiet bilaterali mal-Gżejjer Faeroe fl-oqsma tax-xjenza, tat-teknoloġija, tar-riċerka u tal-iżvilupp, u biex meta xieraq jikkonkludu ftehimiet għal dak il-għan,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-kamp ta' applikazzjoni

1.   Il-Gżejjer Faeroe għandhom jipparteċipaw bħala pajjiż assoċjat f'Orizzont 2020 kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013, bir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u bid-Deċiżjoni 2013/743/UE, skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti jew imsemmija f'dan il-Ftehim u l-Annessi tiegħu.

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 (4) għandu japplika għall-parteċipazzjoni tal-entitajiet legali tal-Gżejjer Faeroe fil-Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni.

3.   Kull att li joħroġ mill-atti msemmija fil-paragrafu 1, fosthom l-atti li jistabbilixxu l-istrutturi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 permezz ta' attivitajiet tar-riċerka skont l-Artikoli 185 u 187 tat-TFUE, għandu jkun japplika għall-Gżejjer Faeroe.

4.   Minbarra l-assoċjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-koperazzjoni tista' tinkludi:

(a)

diskussjonijiet regolari dwar l-orjentazzjonijiet u l-prijoritajiet għall-politiki u l-ippjanar tar-riċerka fil-Gżejjer Faeroe u fl-Unjoni;

(b)

diskussjonijiet dwar prospetti ta' koperazzjoni u żvilupp;

(c)

l-għoti f'waqtu ta' informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' programmi u proġetti tar-riċerka tal-Gżejjer Faeroe u tal-Unjoni, u dwar ir-riżultati tax-xogħol li jkun sar fil-qafas ta' dan il-Ftehim;

(d)

laqgħat konġunti;

(e)

żjarat u skambji ta' ħaddiema, inġiniera u tekniċi;

(f)

kuntatti regolari u sostnuti bejn il-maniġers tal-programmi jew il-maniġers tal-proġetti tal-Gżejjer Faeroe u tal-Unjoni;

(g)

parteċipazzjoni ta' esperti f'seminars, simpożji u sessjonijiet ta' ħidma.

Artikolu 2

It-termini u l-kundizzjonijiet għall-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe ma' Orizzont 2020

1.   L-entitajiet legali tal-Gżejjer Faeroe jistgħu jieħdu sehem f'azzjonijiet indiretti u f'attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-entitajiet legali tal-Istati Membri tal-Unjoni, soġġetti għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti jew imsemmija fl-Annessi I u II. Filwaqt li jitqiesu l-interessi reċiproċi tal-Unjoni u tal-Gżejjer Faeroe, fejn jidħlu l-entitajiet tar-riċerka tal-Gżejjer Faeroe, it-termini u l-kundizzjonijiet li japplikaw għas-sottomissjoni u għall-evalwazzjoni tal-proposti u t-termini u l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-għotjiet u l-konklużjoni ta' ftehimiet tal-għotjiet u/jew kuntratti fi programmi tal-Unjoni, għandhom ikunu bħal dawk applikabbli għall-ftehimiet tal-għotjiet u/jew kuntratti konklużi fl-istess programmi ma' entitajiet tar-riċerka fl-Unjoni.

L-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea jistgħu jieħdu sehem fil-programmi u l-proġetti tar-riċerka tal-Gżejjer Faeroe li t-tema tagħhom tkun taqbel mat-temi ta' Orizzont 2020, u bl-istess kundizzjonijiet applikabbli għall-entitajiet legali tal-Gżejjer Faeroe, filwaqt li jkunu soġġetti għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti u msemmija fl-Annessi I u II. Entità legali stabbilita f'pajjiż ieħor assoċjat ma' Orizzont 2020 għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'dan il-Ftehim bħall-entitajiet legali stabbiliti fi Stat Membru tal-Unjoni, sakemm dan il-pajjiż assoċjat fejn tkun stabbilita l-entità legali jkun qabel li jagħti l-istess drittijiet u obbligi lill-entitajiet legali tal-Gżejjer Faeroe.

2.   Mid-data tal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-Gżejjer Faeroe għandhom iħallsu kontribuzzjoni finanzjarja għall-baġit annwali tal-Unjoni għal kull sena tad-durata ta' Orizzont 2020. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe għandha tiżdied mal-ammont assenjat kull sena fil-baġit annwali tal-Unjoni għal approprjazzjonijiet tal-impenji biex jiġu ssodisfati l-obbligi finanzjarji li jinħolqu mill-għamliet differenti ta' miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni, l-immaniġġjar u l-operazzjoni ta' Orizzont 2020. Ir-regoli li jirregolaw il-kalkolu u l-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe jinsabu fl-Anness III.

3.   Ir-rappreżentanti tal-Gżejjer Faeroe għandhom ikunu osservaturi fil-kumitati stabbiliti f'Orizzont 2020. Waqt il-votazzjoni, dawk il-kumitati għandhom jiltaqgħu mingħajr il-preżenza tar-rappreżentanti tal-Gżejjer Faeroe. Il-Gżejjer Faeroe għandhom jiġu mgħarrfa bir-riżultat. Il-parteċipazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu għandha tieħu l-istess forma bħal dik applikabbli għar-rappreżentanti mill-Istati Membri tal-Unjoni, anki fejn jidħlu l-proċeduri għat-twassil tal-informazzjoni u d-dokumentazzjoni.

4.   Ir-rappreżentanti tal-Gżejjer Faeroe għandhom jieħdu sehem fil-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka skont ir-regoli ta' proċedura tal-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.

5.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta' sussistenza li jġarrbu r-rappreżentanti tal-Gżejjer Faeroe li jieħdu sehem fil-laqgħat tal-kumitati u tal-korpi msemmija f'dan l-Artikolu, jew fil-laqgħat relatati mal-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 li torganizza l-Unjoni, għandhom jinraddu lura mill-Unjoni skont l-istess bażi u proċeduri li hemm fis-seħħ bħalissa għar-rappreżentanti tal-Istati Membri.

Artikolu 3

It-tisħiħ tal-koperazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz, fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni applikabbli tagħhom, sabiex jiffaċilitaw il-moviment liberu u r-residenza tal-ħaddiema riċerkaturi li jieħdu sehem fl-attivitajiet koperti b'dan il-Ftehim u sabiex ikun iffaċilitat il-moviment transfruntier għal merkanzija maħsuba biex tintuża f'dawn l-attivitajiet.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li ma tintalab l-ebda taxxa jew imposta għat-trasferiment tal-fondi bejn l-Unjoni u l-Gżejjer Faeroe, meta dawn il-fondi jkunu meħtieġa għall-operazzjoni tal-attivitajiet koperti b'dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Il-Kumitat tal-UE u l-Gżejjer Faeroe dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni

1.   Għandu jitwaqqaf kumitat konġunt imsejjaħ il-“Il-Kumitat tal-UE u l-Gżejjer Faeroe dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni”, bir-rwol li:

(a)

jiżgura, jevalwa u jirrevedi l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

(b)

jeżamina kull miżura ta' natura li ttejjeb u tiżviluppa l-koperazzjoni;

(c)

jiddiskuti regolarment l-orjentazzjonijiet futuri u l-prijoritajiet tal-politiki tar-riċerka u l-ippjanar tar-riċerka fil-Gżejjer Faeroe u l-Unjoni, u l-prospetti ta' koperazzjoni futura;

(d)

jemenda teknikament dan il-Ftehim skont il-bżonn u soġġett għall-proċeduri interni ta' approvazzjoni min-naħa ta' kull Parti.

2.   Il-Kumitat tal-UE u l-Gżejjer Faeroe dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu jkun fih rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea (“Kummissjoni”) u tal-Gżejjer Faeroe u għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

3.   Il-Kumitat tal-UE u l-Gżejjer Faeroe dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu jiltaqa' meta titlob xi waħda mill-Partijiet. Il-Kumitat għandu jaħdem b'mod kontinwu bi skambju ta' dokumenti, b'emails u b'mezzi oħra tal-komunikazzjoni.

Artikolu 5

Id-dispożizzjonijiet finali

1.   L-Annessi I, II, III u IV għandhom isawru parti integrali ta' dan il-Ftehim.

2.   Dan il-Ftehim huwa konkluż għal kemm itul Orizzont 2020. Dan għandu jidħol fis-seħħ dakinhar li ż-żewġ Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri tagħhom għal dak il-għan. Dan għandu japplika b'mod proviżorju mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat biss bil-miktub u bil-kunsens komuni tal-Partijiet. Id-dħul fis-seħħ tal-emendi għandu jsir bl-istess proċedura bħal dak applikabbli għall-Ftehim innifsu, permezz ta' mezzi diplomatiċi. Kull waħda mill-Partijiet tista' ttemm dan il-Ftehim f'kull waqt, wara sitt xhur li tkun avżat bil-miktub permezz ta' mezzi diplomatiċi. Il-proġetti u l-attivitajiet li jkunu qed isiru meta jintemm u/jew jiskadi dan il-Ftehim għandhom jissoktaw sakemm jitlestew skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Ftehim. Il-Partijiet għandhom isolvu kull konsegwenza oħra li ġġib magħha t-terminazzjoni b'kunsens komuni.

3.   Jekk Parti tinnotifika lill-oħra li mhix ser tikkonkludi dan il-Ftehim, b'dan qed ikun maqbul b'mod reċiproku li:

l-Unjoni għandha trodd lura lill-Gżejjer Faeroe il-kontribuzzjoni tagħhom għall-baġit annwali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(2),

madankollu, mir-rimborż l-Unjoni għandha tnaqqas il-fondi impenjati mill-Unjoni b'rabta mal-parteċipazzjoni tal-entitajiet legali tal-Gżejjer Faeroe f'azzjonijiet indiretti, inklużi r-rimborżi msemmija fl-Artikolu 2(5),

il-proġetti u l-attivitajiet li jinbdew b'din l-applikazzjoni proviżorja u li jkunu għaddejjin meta ssir in-notifika msemmija fil-paragrafu 2, għandhom jissoktaw sakemm jitlestew skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Ftehim.

4.   Jekk l-Unjoni tiddeċiedi li tirrevedi l-programm Orizzont 2020, din għandha tgħarraf lill-Gżejjer Faeroe bil-kontenut preċiż ta' dik ir-reviżjoni fi żmien ġimgħa minn meta l-Unjoni tadottaha. Jekk issir din ir-reviżjoni jew l-estensjoni tal-programmi tar-riċerka, il-Gżejjer Faeroe jistgħu jtemmu dan il-Ftehim b'avviż ta' sitt xhur żmien. Il-Partijiet għandhom jagħtu avviż bl-intenzjoni li jtemmu jew jestendu dan il-Ftehim fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Unjoni.

5.   Meta Unjoni tadotta programm qafas pluriennali ġdid għal attivitajiet tar-riċerka, tal-iżvilupp teknoloġiku u tad-dimostrazzjoni, jista' jiġi negozjat ftehim ġdid jew il-Ftehim eżistenti jista' jiġġedded taħt kundizzjonijiet maqbula b'mod reċiproku, fuq talba ta' xi waħda mill-Partijiet.

6.   Minn naħa, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorji fejn japplika t-TFUE u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-TFUE, u min-naħa l-oħra għandu japplika għat-territorju tal-Gżejjer Faeroe.

7.   Dan il-Ftehim għandu jitfassal f'żewġ kopji bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, Ungeriża u tal-Gżejjer Faeroe, b'kull test ikun awtentiku indaqs.

За Европейския съюз

Рог la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Za Europsku uniju

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Fyri Evropeiska Samveldið

Image

За правителството на Фарьорските острови

Por el Gobierno de las Islas Feroe

Za vládu Faerských ostrovů

For Færøernes landsstyre

Für die Regierung der Färöer

Fääri saarte valitsuse nimel

Για την Κυβέρνηση των Νήσων Φερόε

For the Government of the Faroes

Pour le gouvernement des îles Féroé

Za Vladu Farskih otoka

Per il governo delle Isole Faroe

Fēru salu valdības vārdā –

Farerų Vyriausybės vardu

A Feröer szigetek kormánya részéről

Għall-Gvern tal-Gżejjer Faeroe

Voor de regering van de Faeröer

W imieniu rządu Wysp Owczych

Pelo Governo das IIhas Faroé

Pentru Guvernul Insulelor Feroe

Za vládu Faerských ostrovov

Za Vlado Ferskih otokov

Färsaarten hallituksen puolesta

För Färöarnas landsstyre

Fyri Føroya landsstýri

Image


(1)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).

(3)  Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f' “Orizzont 2020 Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81).

(4)  Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1).


ANNESS I

IT-TERMINI U L-KUNDIZZJONIJIET GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI TA' ENTITAJIET LEGALI TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI U TAL-GŻEJJER FAEROE

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, “entità legali” tfisser kull persuna fiżika, jew kull persuna ġuridika maħluqa u rikonuxxuta bħala tali bil-liġi nazzjonali, bil-liġi tal-Unjoni jew bil-liġi internazzjonali, li għandha personalità ġuridika u li meta taġixxi f'isimha stess tista' teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi;

I.   It-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta' entitajiet legali tal-Gżejjer Faeroe f'azzjonijiet indiretti ta' Orizzont 2020

1.

Il-parteċipazzjoni u l-finanzjament ta' entitajiet legali stabbiliti fil-Gżejjer Faeroe f'azzjonijiet indiretti ta' Orizzont 2020 għandhom isiru skont il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-pajjiżi assoċjati fir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 u skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti u msemmija f'dan il-Ftehim u l-Annessi tiegħu.

Fil-każ li l-Unjoni tistipula dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 185 u 187 tat-TFUE, il-Gżejjer Faeroe għandhom jitħallew jipparteċipaw fl-istrutturi legali li joħolqu dawk id-dispożizzjonijiet, f'konformità mad-deċiżjonijiet u mar-regolamenti adottati jew li ser jiġu adottati għall-istabbiliment ta' dawk l-istrutturi legali.

L-entitajiet legali stabbiliti fil-Gżejjer Faeroe għandhom ikunu eliġibbli għall-istrumenti finanzjarji stabbiliti taħt Orizzont 2020, bl-istess kundizzjonijiet tal-entitajiet legali stabbiliti fl-Istati Membri tal-Unjoni.

2.

Fl-għażla tal-esperti indipendenti għall-kompiti għandhom jitqiesu l-entitajiet legali tal-Gżejjer Faeroe, flimkien ma' dawk tal-Unjoni, u skont il-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) Nru 1290/2013.

3.

F'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (“Regolament Finanzjarju”) u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (2), ftehim tal-għotja u/jew kuntratt li għamlet l-Unjoni ma' entità legali tal-Gżejjer Faeroe biex twettaq azzjoni indiretta, għandu jipprovdi għall-kontrolli u l-awditi li tagħmel il-Kummissjoni jew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jew li jridu jsiru bl-awtorità tagħhom. Fi spirtu ta' koperazzjoni u interess reċiproku, l-awtoritajiet rilevanti tal-Gżejjer Faeroe għandhom jipprovdu assistenza raġonevoli u fattibbli li tkun meħtieġa jew li tgħin fiċ-ċirkostanzi biex jitwettqu dawn il-kontrolli u l-awditi.

II.   It-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta' entitajiet legali tal-Istati Membri tal-Unjoni fil-programmi u l-proġetti tar-riċerka tal-Gżejjer Faeroe

1.

Il-parteċipazzjoni tal-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni, maħluqa bil-liġi nazzjonali ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni jew bil-liġi tal-Unjoni, fi proġetti tal-programmi tar-riċerka u l-iżvilupp tal-Gżejjer Faeroe, jaf tkun teħtieġ il-parteċipazzjoni konġunta ta' mill-inqas waħda mill-entitajiet legali tal-Gżejjer Faeroe. Meta meħtieġ, il-proposti għal parteċipazzjoni bħal din għandhom jitressqu b'mod konġunt mal-entità jew l-entitajiet legali tal-Gżejjer Faeroe;

2.

Soġġett għall-paragrafu 1 ta' din it-Taqsima u għall-Anness II, id-drittijiet u l-obbligi tal-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni li jkunu qed jieħdu sehem fi proġetti tar-riċerka tal-Gżejjer Faeroe fi ħdan il-programmi tar-riċerka u l-iżvilupp, it-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli għas-sottomissjoni u l-evalwazzjoni tal-proposti u għall-għoti u l-konklużjoni ta' ftehimiet għall-għoti u/jew kuntratti fi proġetti ta' dan it-tip għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-direttivi tal-gvern tal-Gżejjer Faeroe li jirregolaw l-operazzjoni ta' programmi tar-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll għal-limiti imposti mis-sigurtà nazzjonali meta applikabbli, kif applikabbli għall-entitajiet legali tal-Gżejjer Faeroe u li jiżguraw trattament ekwu, b'kunsiderazzjoni tan-natura tal-koperazzjoni f'dan il-qasam bejn il-Gżejjer Faeroe u l-Unjoni.

Il-finanzjament ta' entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni li jieħdu sehem fi proġetti tar-riċerka tal-Gżejjer Faeroe fi ħdan programmi tar-riċerka u l-iżvilupp għandu jkun soġġett għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-direttivi tal-gvern tal-Gżejjer Faeroe li jirregolaw l-operazzjoni ta' programmi tar-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll għal-limiti imposti mis-sigurtà nazzjonali meta applikabbli, kif applikabbli għall-entitajiet legali li mhumiex mill-Gżejjer Faeroe li jieħdu sehem fi proġetti tar-riċerka fi ħdan programmi tar-riċerka u l-iżvilupp tal-Gżejjer Faeroe. Meta ma jingħatax finanzjament lill-entitajiet legali li mhumiex mill-Gżejjer Faeroe, l-entitajiet legali tal-Unjoni għandhom ikopru l-ispejjeż proprji tagħhom, inkluż is-sehem relattiv tagħhom fl-ispejjeż ġenerali tal-immaniġġjar u l-amministrazzjoni tal-proġett.

3.

F'kull qasam, il-proposti għar-riċerka għandhom jitressqu lill-Kunsill tar-Riċerka tal-Gżejjer Faeroe (Granskingarráðið).

4.

Il-Gżejjer Faeroe għandhom jgħarrfu regolarment lill-Unjoni bil-programmi attwali tal-Gżejjer Faeroe u bl-opportunitajiet ta' parteċipazzjoni għall-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni.


(1)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(2)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).


ANNESS II

IL-PRINĊIPJI DWAR L-ALLOKAZZJONI TA' DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI

I.   Applikazzjoni

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

(1)

“proprjetà intellettwali” għandu jkollha t-tifsira mogħtija fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, iffirmata fi Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967;

(2)

“għarfien” għandha tfisser ir-riżultati, inkluża l-informazzjoni, kemm jekk dawk ir-riżultati jistgħu jkunu protetti jew le, kif ukoll id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet rilevanti għal din l-informazzjoni wara applikazzjonijiet għal privattivi, disinji, varjetajiet ta' pjanti, ċertifikati ta' protezzjoni supplimentari jew forom simili ta' protezzjoni, jew il-ħruġ tagħhom.

II.   Id-drittijiet tal-proprjeta intellettwali ta' entitajiet legali tal-Partijiet

1.

Kull Parti għandha tiżgura li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' entitajiet legali tal-Parti l-oħra li tieħu sehem f'attivitajiet imwettqa skont dan il-Ftehim, u d-drittijiet u l-obbligi relatati li ġġib din il-parteċipazzjoni, għandhom ikunu konsistenti mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li japplikaw għall-Partijiet, inkluż il-Ftehim TRIPS (il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjeta intellettwali relatati mal-kummerċ amministrati mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ) kif ukoll il-Konvenzjoni ta' Berna (l-Att ta' Pariġi 1971) u l-Konvenzjoni ta' Pariġi (l-Att ta' Stokkolma 1967).

2.

L-entitajiet legali stabbiliti fil-Gżejjer Faeroe li jieħdu sehem f'azzjonijiet indiretti ta' Orizzont 2020 għandu jkollhom id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-obbligi skont ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 u fil-ftehimiet tal-għotja u/jew kuntratti konklużi mal-Unjoni skont il-każ, u għandhom jikkonformaw mal-paragrafu 1 ta' din it-Taqsima.

3.

Meta l-entitajiet legali tal-Gżejjer Faeroe jieħdu sehem f'azzjoni indiretta ta' Orizzont 2020, implimentata skont l-Artikoli 185 u 187 tat-TFUE, l-entitajiet legali stabbiliti fil-Gżejjer Faeroe għandu jkollhom id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-obbligi skont ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 u d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet tal-għotja rilevanti.

4.

L-entitajiet legali stabbiliti fl-Istati Membri tal-Unjoni li jieħdu sehem fi programmi u/jew proġetti tar-riċerka tal-Gżejjer Faeroe għandu jkollhom l-istess drittijiet tal-proprjetà intellettwali u obbligi bħall-entitajiet legali stabbiliti fil-Gżejjer Faeroe li jieħdu sehem f'dawn il-programmi jew il-proġetti tar-riċerka, f'konformità mal-paragrafu 1 ta' din it-Taqsima.

III.   Id-drittijiet tal-proprjeta intellettwali tal-Partijiet

1.

Ħlief jekk il-Partijiet jiftiehmu speċifikament mod ieħor, dawn ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jiġġeneraw il-Partijiet matul l-attivitajiet imwettqa skont l-Artikolu 1(3) ta' dan il-Ftehim:

(a)

il-Parti li tiġġenera d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandu jkollha s-sjieda tagħhom. Meta ma jkunx jista' jitkejjel is-sehem rispettiv tagħhom fil-ħidma, il-Partijiet kollha jkollhom is-sjieda tal-proprjetà intellettwali;

(b)

il-Parti li jkollha s-sjieda għandha tagħti d-drittijiet lill-Parti l-oħra biex taċċessa u tuża l-proprjetà intellettwali fejn jidħlu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) ta' dan il-Ftehim. Dawn id-drittijiet għall-aċċess għandhom jingħataw mingħajr ħlas tad-drittijiet.

2.

Ħlief jekk il-Partijiet jiftiehmu speċifikament mod ieħor, dawn ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-pubblikazzjoni xjentifika tal-Partijiet:

(a)

meta Parti tippubblika dejta xjentifika u teknika, informazzjoni u riżultati, ġurnali tekniċi, artikli, rapporti, kotba, inklużi awdjoviżivi, xogħol u softwer, li joħorġu u li jkunu relatati mal-attivitajiet imwettqa skont dan il-Ftehim, għandha tinħareġ liċenzja dinjija, mhux esklussiva, irrevokabbli, u mingħajr ħlas tad-drittijiet għall-Parti l-oħra biex din tittraduċi, tirriproduċi, tadatta, tittrażmetti u tqassam pubblikament dawn ix-xogħlijiet, sakemm dan ma jkunux jipprekluduh id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali attwali tal-partijiet terzi;

(b)

kull kopja tad-dejta u l-informazzjoni, protetta bid-drittijiet tal-awtur, li trid titqassam pubblikament u li titħejja skont din it-Taqsima, għandu jkollha l-ismijiet tal-awturi tax-xogħol, ħlief meta l-awtur jirrifjuta b'mod espliċitu li jissemma. Dawn għandu jkollhom ukoll rikonoxximent ċar u viżibbli tas-sostenn koperattiv tal-Partijiet.

3.

Ħlief jekk il-Partijiet jiftiehmu speċifikament mod ieħor, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-informazzjoni mhux żvelata tal-Partijiet:

(a)

fil-komunikazzjoni lill-Parti l-oħra ta' informazzjoni relatata ma' attivitajiet imwettqa skont dan il-Ftehim, kull Parti għandha tidentifika liema informazzjoni tixtieq li tibqa' mhux żvelata;

(b)

għall-finijiet speċifiċi ta' implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-Parti riċevitur tista' tgħaddi din l-informazzjoni mhux żvelata taħt ir-responsabbiltà tagħha bħala informazzjoni klassifikata lil korpi jew persuni fl-awtorità tagħha u bl-obbligu li din l-informazzjoni tibqa' kunfidenzjali;

(c)

bil-kunsens bil-miktub bil-quddiem tal-Parti li tipprovdi l-informazzjoni mhux żvelata, il-Parti riċevitur tista' xxerred din l-informazzjoni mhux żvelata aktar fil-beraħ milli jippermetti mod ieħor il-punt (b). Il-Partijiet għandhom jaħdmu id f'id ħalli jistabbilixxu proċeduri biex issir it-talba u l-kisba ta' approvazzjoni bil-miktub bil-quddiem għal disseminazzjoni usa', u kull Parti għandha tipprovdi din l-approvazzjoni sakemm jippermettu l-politiki, ir-regolamenti u l-liġijiet domestiċi tagħha;

(d)

l-informazzjoni mhux żvelata mhux dokumentarja jew informazzjoni kunfidenzjali jew privileġġjata oħra li tingħata waqt seminars jew laqgħat oħrajn tar-rappreżentanti tal-Partijiet li jiġu organizzati skont dan il-Ftehim, jew l-informazzjoni li tirriżulta mis-sekondar tal-persunal, l-użu ta' faċilitajiet jew ta' azzjonijiet indiretti trid tibqa' kunfidenzjali meta r-riċevitur ta' din l-informazzjoni mhux żvelata jew informazzjoni kunfidenzjali jew privileġġjata oħra jkun sar konxju tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata fil-mument li tkun saret tali komunikazzjoni, f'konformità mal-punt (a);

(e)

kull Parti għandha tagħmel sforz biex tiżgura li l-informazzjoni mhux żvelata li taslilha skont il-punti (a) u (c) tiġi kontrollata kif jipprovdi dan il-Ftehim. Jekk waħda mill-Partijiet issir konxja li mhix ser tkun tista' tissodisfa d-dispożizzjonijiet għan-nuqqas ta' disseminazzjoni stabbiliti fil-punti (a) u (c), jew li raġonevolment mhix mistennija ssir f'qagħda li tissodisfahom, din għandha tgħarraf minnufih b'dan lill-Parti l-oħra. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin biex jiddeterminaw kif għandhom jipproċedu.


ANNESS III

REGOLI LI JIRREGOLAW IL-KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA TAL-GŻEJJER FAEROE GĦAL ORIZZONT 2020

I.   Il-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe

1.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe għal Orizzont 2020 għandha tiġi stabbilita kull sena fi proporzjon u b'żieda mal-ammont disponibbli kull sena fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-approprjazzjonijiet tal-impenji meħtieġa għall-implimentazzjoni, l-immaniġġar u l-operazzjoni ta' Orizzont 2020.

2.

Il-fattur ta' proporzjonalità li jirregola l-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faeroe għandu jinkiseb billi jinstab proporzjon bejn il-prodott domestiku gross tal-Gżejjer Faeroe bi prezzijiet tas-suq u l-għadd totali tal-prodotti domestiċi gross bi prezzijiet tas-suq tal-Istati Membri tal-Unjoni. Għall-Istati Membri tal-Unjoni, dawk il-proporzjonijiet għandhom jiġu kkalkulati skont l-aħħar dejta statistika tal-Kummissjoni (il-Eurostat) li tkun disponibbli meta jiġi ppubblikat l-abbozz tal-baġit tal-Unjoni għall-istess sena, filwaqt li għall-Gżejjer Faeroe dawn għandhom jiġu kkalkulati skont l-aħħar dejta statistika tal-istess sena tal-Awtorità Nazzjonali tal-Istatistika tal-Gżejjer Faeroe (Hagstova Føroya) li tkun disponibbli meta jiġi ppubblikat l-abbozz tal-baġit tal-Unjoni.

3.

Kemm jista' jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-1 ta' Settembru ta' sena qabel kull sena finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Gżejjer Faeroe din l-informazzjoni li ġejja flimkien mal-materjal rilevanti dwar il-kuntest:

l-ammonti fl-approprjazzjonijiet tal-impenji fid-dikjarazzjoni tan-nefqa tal-abbozz tal-baġit tal-Unjoni li jikkorrispondu għal Orizzont 2020.

l-ammont stmat tal-kontribuzzjonijiet derivati mill-abbozz tal-baġit tal-Unjoni, li jikkorrispondi għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe f'Orizzont 2020 skont il-paragrafi 1, 2 u 3.

Meta finalment il-baġit ġenerali tal-Unjoni jkun ġie adottat, il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Gżejjer Faeroe, fid-dikjarazzjoni tan-nefqa li tikkorrispondi għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe, l-ammonti finali msemmija fil-paragrafu 1.

Fir-raba' sena wara li dan il-Ftehim isir applikabbli, il-Partijiet għandhom jirrevedu l-fattur ta' proporzjonalità li jirregola l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe, skont id-dejta dwar il-parteċipazzjoni tal-entitajiet legali tal-Gżejjer Faeroe f'azzjonijiet indiretti u diretti ta' Orizzont 2020 fis-snin 2014-2016.

II.   Il-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe

1.

Il-Kummissjoni għandha toħroġ sejħa għal fondi lill-Gżejjer Faeroe li jikkorrispondu għall-kontribuzzjoni tagħha skont dan il-Ftehim, l-aktar tard f'Jannar u f'Ġunju ta' kull sena finanzjarja.

Tali sejħa għal fondi għandha tipprovdi, rispettivament, għall-pagament ta' sitta minn kull tnax tal-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faeroe, 30 jum wara li jkunu waslu s-sejħiet għall-fondi. Madankollu, is-sitta minn kull tnax li jridu jitħallsu sa mhux iktar tard minn 30 jum minn meta tasal is-sejħa maħruġa f'Jannar għandhom jiġu kkalkulati skont l-ammont imniżżel fid-dikjarazzjoni tad-dħul tal-abbozz tal-baġit: ir-regolarizzazzjoni tal-ammont b'hekk imħallas għandha ssir mal-pagament tas-sitta minn kull tnax sa mhux aktar tard minn 30 jum minn meta tasal is-sejħa għal fondi maħruġa l-iktar tard f'Ġunju.

Għall-ewwel sena ta' implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-Kummissjoni għandha toħroġ l-ewwel sejħa għal fondi fi żmien 30 jum mill-applikazzjoni provviżjorja tagħha. Jekk din is-sejħa toħroġ wara l-15 ta' Ġunju, din għandha tipprovdi għall-pagament ta' tnax minn kull tnax tal-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi żmien 30 jum, ikkalkulati skont l-ammont imniżżel fid-dikjarazzjoni tad-dħul tal-baġit.

2.

Il-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faeroe għandha titniżżel u titħallas f'euro. Il-pagament tal-Gżejjer Faeroe għandu jiġi kreditat lill-programmi tal-Unjoni bħala dħul baġitarju allokat għall-intestatura xierqa tal-baġit fid-dikjarazzjoni tad-dħul tal-baġit annwali tal-Unjoni. Ir-Regolament Finanzjarju għandu japplika għall-immaniġġjar tal-approprjazzjonijiet.

3.

Il-Gżejjer Faeroe għandhom iħallsu l-kontribuzzjoni tagħhom skont dan il-Ftehim u skont l-iskeda fil-paragrafu 1. Jekk il-pagament tal-kontribuzzjoni jdum ma jsir, il-Gżejjer Faeroe ikollhom iħallsu l-imgħax b'kontumaċja fuq l-ammont mhux imħallas mid-data dovuta. Ir-rata tal-imgħax fuq l-ammonti riċevibbli mhux imħallsa fid-data dovuta għandha tkun ir-rata li japplika l-Bank Ċentrali Ewropew fl-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikata fis-serje Ċ ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar meta kellu jsir il-pagament, u miżjuda b'punt u nofs perċentwali.

Jekk il-pagament tal-kontribuzzjoni jdum ma jitħallas tant li jaf ikun qed jipperikola sew l-implimentazzjoni u l-immaniġġjar tal-programm, il-Kummissjoni tipposponi l-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-programm għas-sena finanzjarja kkonċernata meta l-pagament jibqa' ma jsirx sa 20 jum tax-xogħol wara li tkun intbagħtet tfakkira formali lill-Gżejjer Faeroe, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Unjoni skont il-ftehimiet tal-għotja u/jew kuntratti diġà konklużi li huma rilevanti għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet indiretti magħżula.

4.

Mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju ta' sena wara s-sena finanzjarja, id-dikjarazzjoni tal-approprjazzjonijiet għal Orizzont 2020 għal dik is-sena finanzjarja għandha titħejja u tintbagħat lill-Gżejjer Faeroe għall-informazzjoni, skont il-format tal-kont tad-dħul u n-nefqa tal-Kummissjoni.

5.

Il-Kummissjoni għandha tipproċedi għar-regolarizzazzjoni tal-kontijiet rigward il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe malli jinagħlqu l-kontijiet relatati ma' kull sena finanzjarja, fil-qafas tal-istabbiliment tal-kont tad-dħul u n-nefqa,. Dik ir-regolarizzazzjoni għandha tqis il-bidliet li jkunu saru bi trasferiment, bi tħassir, bi trasferimenti 'l quddiem, b'diżimpenji jew b'baġits supplimentari u li jemendaw matul is-sena finanzjarja. Dik ir-regolarizzazzjoni għandha ssir meta jitħallas it-tieni pagament tas-sena finanzjarja li jkun imiss, u għall-aħħar sena finanzjarja f'Lulju 2021. Aktar regolarizzazzjoni għandha ssir kull sena sa Lulju 2023.


ANNESS IV

KONTROLL FINANZJARJU TAL-PARTEĊIPANTI MILL-GŻEJJER FAEROE FIL-PROGRAMMI LI JKOPRI DAN IL-FTEHIM

I.   Komunikazzjoni diretta

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika direttament mal-parteċipanti tal-programm stabbiliti fil-Gżejjer Faeroe u mas-sottokuntratturi tagħhom. Dawn jistgħu jressqu kull informazzjoni u dokumentazzjoni rilevanti li jeħtiġilhom iressqu abbażi tal-istrumenti li jissemmew f'dan il-Ftehim u tal-arranġamenti għall-għoti u/jew kuntratti konklużi sabiex jimplimentawhom direttament lill-Kummissjoni.

II.   L-awditi

1.

F'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, mar-Regolament (UE) Nru 1268/2012 u mar-regoli l-oħra msemmija f'dan il-Ftehim, il-ftehimiet tal-għotja u/jew il-kuntratti konklużi ma' parteċipanti fil-programm stabbilit fil-Gżejjer Faeroe jistgħu jipprovdu għal awditi xjentifiċi, finanzjarji, teknoloġiċi jew ta' natura oħra, li tista' ssir f'kull waqt fil-binja tal-parteċipanti u tas-subkuntratturi tagħhom, minn aġenti tal-Kummissjoni jew minn persuni oħra b'mandat tal-Kummissjoni.

2.

L-aġenti tal-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u persuni oħra b'mandat tal-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess xieraq għall-binja, il-ħidmiet u d-dokumenti (elettroniċi u stampati), kif ukoll għal kull informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jagħmlu tali awditi fuq il-post, soġġett għall-inklużjoni ta' dan id-dritt għall-aċċess li għandu jiġi ddikjarat b'mod espliċitu fil-ftehimiet tal-għotja u/jew fil-kuntratti konklużi għall-implimentazzjoni tal-istrumenti msemmija f'dan il-Ftehim ma' parteċipanti mill-Gżejjer Faeroe. Jekk dawn id-drittijiet għall-aċċess ma jingħatawx, jitqies li l-kostijiet mhumiex sostanzjati, u għaldaqstant jitqies li jkunu ksur potenzjali tal-ftehimiet tal-għotja.

3.

L-awditi jistgħu jsiru wara li jiskadi l-programm jew dan il-Ftehim, bit-termini stabbiliti fil-ftehimiet tal-għotja u/jew fil-kuntratti kkonċernati.

III.   Il-kontrolli fuq il-post

1.

Fil-qafas ta' dan il-Ftehim, il-Kummissjoni (l-OLAF) għandha tkun awtorizzata biex tagħmel kontrolli fuq il-post u spezzjonijiet fil-binja tal-parteċipanti u tas-subkuntratturi tagħhom mill-Gżejjer Faeroe, skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (1).

2.

Il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandha tħejjihom u tagħmilhom il-Kummissjoni f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Uffiċju Nazzjonali tal-Awditjar (Landsgrannskoðanin). Dan tal-aħħar għandu jiġi mgħarraf b'dan fi żmien raġonevoli minn qabel dwar l-oġġett, l-għan u l-bażi legali tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet, biex dan ikun jista' jipprovdi assistenza. Għal dan il-għan, l-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faeroe jistgħu jieħdu sehem fil-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post.

3.

Jekk l-awtoritajiet tal-Gżejjer Faeroe kkonċernati ikunu jixtiequ hekk, il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jsiru b'mod konġunt minnhom u mill-Kummissjoni.

4.

Meta l-parteċipanti fil-programm jopponu kontroll jew spezzjoni fuq il-post, l-awtoritajiet tal-Gżejjer Faeroe, filwaqt li jaġixxu skont ir-regoli u r-regolamenti nazzjonali, għandhom jassistu lill-ispetturi tal-Kummissjoni, sakemm ikun xieraq u meħtieġ biex dawn ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom fil-kontroll jew fl-ispezzjoni fuq il-post.

5.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull fatt jew suspett relatat ma' irregolarità li tkun intebħet bih waqt il-kontroll jew l-ispezzjoni fuq il-post malajr kemm jista' jkun lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Faeroe. F'kull każ, il-Kummissjoni jeħtiġilha tgħarraf lill-awtorità msemmija hawn fuq bir-riżultati ta' dawn il-kontrolli u l-ispezzjonijiet.

IV.   Informazzjoni u Konsultazzjoni

1.

Għall-finijiet tal-implimentazzjoni xierqa ta' dan l-Anness, l-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faeroe u tal-Unjoni għandhom jaqsmu bejniethom l-informazzjoni regolarment, sakemm dan ma jkunx projbit jew mhux awtorizzat taħt ir-regoli u r-regolamenti nazzjonali u għandhom isiru konsultazzjonijiet fuq it-talba ta' waħda mill-Partijiet.

2.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faeroe għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni f'perijodu ta' żmien raġonevoli b'kull fatt jew suspett li jkunu ntebħu bih u li jkun relatat ma' irregolarità dwar il-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet tal-għotja u/jew kuntratti konklużi fl-applikazzjoni tal-istrumenti msemmija f'dan il-Ftehim.

V.   Il-kunfidenzjalità

L-informazzjoni li tasal jew tinkiseb f'xi għamla skont dan l-Anness għandha tkun koperta bis-segretezza professjonali u protetta bl-istess mod bħalma informazzjoni simili hi protetta bil-liġi tal-Gżejjer Faeroe jew bid-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Din l-informazzjoni ma tistax tiġi komunikata ħlief lil persuni fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew fl-Istati Membri tal-Unjoni jew fil-Gżejjer Faeroe li l-funzjonijiet tagħhom jeħtieġu bil-liġi li jkunu jafuha, u lanqas ma tista' tintuża għal finijiet oħra ħlief biex tkun żgurata l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet.

VI.   Miżuri u penali amministrattivi

Mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali tal-Gżejjer Faeroe, il-Kummissjoni tista' timponi miżuri u penali amministrattivi skont ir-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 966/2012, (UE) Nru 1268/2012 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (2).

VII.   Irkupru u Infurzar

Id-deċiżjonijiet li tieħu l-Kummissjoni fil-qafas ta' Orizzont 2020 koperti b'dan il-Ftehim li jkunu jimponu obbligu finanzjarju fuq persuni li mhumiex Stati, għandhom ikunu infurzati fil-Gżejjer Faeroe. Fuq talba tal-Kummissjoni, l-awtorità li jaħtar il-gvern tal-Gżejjer Faeroe għandha tibda proċeduri biex tinforza d-deċiżjoni f'isem il-Kummissjoni. F'dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha titressaq quddiem il-Qorti tal-Gżejjer Faeroe, mingħajr formalitajiet oħra ħlief il-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni, mill-awtorità maħtura għal dan il-għan mill-gvern tal-Gżejjer Faeroe, li għandha tgħarraf lill-Kummissjoni b'dan. L-infurzar għandu jsir skont il-liġi u r-regoli ta' proċedura tal-Gżejjer Faeroe. Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' infurzar għandhom jiddaħħlu fil-ftehimiet tal-għotja u/jew kuntratti mal-parteċipanti mill-Gżejjer Faeroe. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tirrevedi l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u li tissospendi l-infurzar ta' din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Gżejjer Faeroe għandu jkollha l-ġurisdizzjoni fejn jidħlu l-ilmenti li l-infurzar ikun qed isir b'mod irregolari.


(1)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Eurotom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).


REGOLAMENTI

11.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI 2015/210

tal-10 ta' Frar 2015

li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Billi:

(1)

Tradizzjonalment, ix-xorb spirituż li jsir bil-maċerazzjoni tal-pruna salvaġġa (Prunus spinosa) fl-alkoħol etiliku t'oriġini agrikola hu magħmul Spanja u magħruf sew fost il-konsumaturi Spanjoli bħala “Pacharán”. Billi ma teżistix kategorija ta' xorb spirituż li tikkorrispondi għall-“Pacharán” u biex tingħata informazzjoni ċara lill-konsumaturi li mhumiex Spanjoli u biex jiġu riflessi l-iżviluppi ekonomiċi u tas-suq, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 għandu jkollu kategorija ġdida li tissejjaħ “xorb spirituż mill-pruna salvaġġa jew Pacharán”. Sabiex ikunu żgurati l-protezzjoni tal-konsumaturi u l-interessi ekonomiċi tal-produtturi, il-kategorija l-ġdida għandu jkollha speċifikazzjonijiet tekniċi bbażati fuq evalwazzjoni tal-parametri eżistenti tal-kwalità u tal-produzzjoni li jintużaw fis-suq tal-Unjoni.

(2)

Minħabba l-isem li kiseb il-“Pacharán”, li bla ma jridu l-konsumaturi jorbtuh ma' Spanja kif magħruf fil-passat, it-terminu “Pacharán” jista' jintuża bħala denominazzjoni tal-bejgħ biss meta l-prodott ikun sar Spanja. Meta l-prodott isir xi mkien ieħor, it-terminu “Pacharán” jista' jintuża biss biex jissupplimenta d-denominazzjoni tal-bejgħ “Xorb spirituż mill-pruna salvaġġa” u flimkien mal-indikazzjoni tal-pajjiż tal-manifattura.

(3)

L-indikazzjoni ġeografika “Pacharán navarro” irreġistrata fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 fil-kategorija “xorb spirituż ieħor”, għandha titqiegħed fil-kategorija “xorb spirituż mill-pruna salvaġġa jew Pacharán” fl-istess Anness.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għax-Xorb Spirituż,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness II, wara l-punt 37 “Ġin tal-pruna salvaġġa”, jiddaħħal dan il-punt 37a kif ġej:

“37a

‘Xorb spirituż mill-pruna salvaġġa jew Pacharán

Xorb spirituż mill-pruna salvaġġa jew Pacharán hu xorb spirituż li:

(a)

jkollu togħma qawwija ta' pruna salvaġġa u jsir bil-maċerazzjoni tal-pruna salvaġġa (Prunus spinosa) f'alkoħol etiliku t'oriġini agrikola, biż-żieda ta' estratti naturali tal-ħlewwa u/jew distillati tal-ħlewwa.

(b)

jkollu saħħa alkoħolika minima b'volum ta' 25 %.

(c)

għall-produzzjoni tiegħu għallinqas ikunu ntużaw 125 g ta' pruna għal kull litru tal-prodott aħħari,

(d)

il-kontenut taz-zokkor tiegħu, espress bħala zokkor invertit, ikun bejn 80 g u 250 g għal kull litru tal-prodott aħħari,

(e)

il-karatteristiċi organolettiċi, il-lewn u t-togħma tiegħu jkunu jagħtuhomlu biss il-frotta użata u l-ħlewwa.

It-terminu ‘Pacharán’ jista' jintuża bħala denominazzjoni tal-bejgħ biss meta l-prodott ikun sar Spanja. Meta l-prodott isir xi mkien ieħor, it-terminu ‘Pacharán’ jista' jintuża biss biex jissupplimenta d-denominazzjoni tal-bejgħ ‘Xorb spirituż mill-pruna salvaġġa’, diment li magħha jiżdied il-kliem: ‘magħmul …’ u jissemma l-Istat Membru jew il-pajjiż terz tal-manifattura.”

(2)

L-Anness III hu emendat kif ġej:

(a)

Fil-kategorija tal-prodotti “Xorb spirituż ieħor”, jitħassru dawn l-annotazzjonijiet:

 

“Pacharán navarro

Spanja

 

Pacharán

Spanja”

(b)

Wara l-kategorija tal-prodotti numru 34, tiddaħħal din l-annotazzjoni:

“37a.

Xorb spirituż mill-pruna salvaġġa jew Pacharán

Pacharán navarro

Spanja”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ix-xorb spirituż li jikkorrispondi għall-kategorija “Xorb spirituż mill-pruna salvaġġa jew Pacharán” li ma jkollux it-tikketta konformi mar-Regolament (KE) Nru 110/2008 jista' jibqa' jitqiegħed fis-suq sakemm jispiċċaw il-ħażniet.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.


11.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/18


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/211

tal-10 ta' Frar 2015

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

EG

268,7

IL

100,7

MA

83,9

TR

120,2

ZZ

143,4

0707 00 05

EG

191,6

JO

217,9

TR

187,6

ZZ

199,0

0709 91 00

EG

57,5

ZZ

57,5

0709 93 10

MA

235,7

TR

231,0

ZZ

233,4

0805 10 20

EG

46,5

IL

70,3

MA

56,7

TN

56,3

TR

67,1

ZZ

59,4

0805 20 10

IL

144,5

MA

91,2

ZZ

117,9

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

EG

74,4

IL

148,6

JM

126,5

MA

128,7

TR

79,2

ZZ

111,5

0805 50 10

TR

70,0

ZZ

70,0

0808 10 80

BR

65,9

CL

90,2

CN

119,5

MK

22,6

US

189,3

ZZ

97,5

0808 30 90

CL

291,0

CN

93,4

ZA

103,1

ZZ

162,5


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


Rettifika

11.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/21


Rettifika għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 452/2011 tas-6 ta' Mejju 2011 li jimponi dazju definittiv kontra s-sussidji fuq l-importazzjonijiet ta' karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 128 tal-14 ta' Mejju 2011 )

F'paġna 20, fil-premessa 16:

minflok:

“… f'folji jew rombli, b'piż ta' 70 g/m2 jew aktar iżda mhux aktar minn 400 g/m2 u bjuda ta' aktar minn 84 (li titkejjel skont l-ISO 2470-1), …”;

aqra:

“… f'folji jew rombli, b'piż ta' 70 g/m2 jew aktar iżda mhux aktar minn 400 g/m2 u luminożità ta' aktar minn 84 (li titkejjel skont l-ISO 2470-1), …”.