ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 27

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 58
3 ta' Frar 2015


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/159 tas-27 ta' Jannar 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2532/98 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet

1

 

*

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/160 tat-28 ta' Novembru 2014 li jemenda r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro

7

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/161 tat-2 ta' Frar 2015 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

9

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/162 tad-9 ta' Lulju 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36612 (2014/C) (ex 2013/NN) implimentata mil-Latvja għal Parex (notifikata bid-dokument C(2014) 4550)  ( 1 )

12

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/163 tal-21 ta' Novembru 2014 dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Polonja skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva)

37

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/164 tat-2 ta' Frar 2015 dwar deroga mir-regoli ta' oriġini stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE fir-rigward taz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli mill-Curaçao

42

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

3.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/159

tas-27 ta' Jannar 2015

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2532/98 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 132(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 34.3 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea (3),

Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 129(4) tat-Trattat u l-Artikolu 41 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 (4) huwa bbażat fuq l-Artikolu 132(3) TFUE u l-Artikolu 34.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem l-“Istatut” ) li jagħtu s-setgħa lill-Kunsill jistabbilixxi l-limiti u l-kondizzjonijiet għall-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem il-“BĊE”) li jimponi multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali fuq l-impriżi li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi li jinsabu taħt ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tiegħu. Il-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 għandu, għalhekk, ikun limitat għall-ksur ta' regolamenti u deċiżjonijiet adottati mill-BĊE. F'każ ta' ksur tal-liġi direttament applikabbli tal-Unjoni, minbarra regolamenti u deċiżjonijiet adottati mill-BĊE, id-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (5) għandhom japplikaw.

(2)

Il-BĊE applika r-Regolament (KE) Nru 2532/98 biex jimponi sanzjonijiet f'diversi oqsma tal-kompetenza tiegħu, inkluż b'mod partikolari l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni, l-operat tas-sistemi ta' ħlas u l-ġbir tal-informazzjoni statistika.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 ta lill-BĊE xi kompiti superviżorji u ta l-jedd lil dan tal-aħħar biex jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-kreditu li huwa jissorvelja: (a) penali pekunjarji amministrattivi meta dawn l-istituzzjonijiet jiksru rekwiżit taħt liġi direttament applikabbli tal-Unjoni li fir-rigward tagħha s-sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi għandhom isiru disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti taħt il-liġi rilevanti tal-Unjoni; u (b) sanzjonijiet f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 2532/98 f'każ ta' ksur ta' regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE (minn issa 'l quddiem imsemmija b'mod konġunt “penali amministrattivi”).

(4)

L-Artikolu 18(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprovdi li għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu b'dak ir-Regolament, f'każ ta' ksur ta' regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE, il-BĊE jista' jimponi sanzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 2532/98.

(5)

F'dan ir-rigward, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 mhumiex koerenti ma' firxa wiesgħa ta' dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 li huma direttament rilevanti għas-setgħat tal-BĊE li jimponi sanzjonijiet fil-każ ta' ksur ta' regolament u deċiżjoni tal-BĊE. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu identifikati r-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2532/98 li għandhom jiġu emendati, fejn issir referenza għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet mill-BĊE f'każ ta' ksur ta' regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE b'rabta mal-kompiti superviżorji tiegħu.

(6)

Abbażi tas-setgħa tiegħu li jimplimenta l-kompiti superviżorji allokati lilu mit-Trattati, stabbilita taħt l-Artikolu 34 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-BĊE adotta r-Regolament (UE) Nru 468/2014 (6). Sabiex jorganizza l-kompitu tal-BĊE li jiżgura konformità mar-regoli li jinsabu taħt il-liġi direttament applikabbli tal-Unjoni, ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 jispeċifika wkoll, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 skont id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-qafas għall-penali amministrattivi stabbilit fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Huwa jistabbilixxi wkoll regoli dwar l-impożizzjoni ta' penali amministrattivi fil-każ ta' ksur ta' regolament jew deċiżjoni tal-BĊE. Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 huwa strument li jimplimenta leġislazzjoni sekondarja. Għaldaqstant, f'każ ta' konflitt bejn id-dispożizzjonijiet stipulati f'dak ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2532/98, ir-Regolament (KE) Nru 2532/98 jipprevali.

(7)

Il-BĊE għandu jippubblika d-deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet f'każ ta' ksur ta' regolament jew deċiżjoni tal-BĊE fil-qasam superviżorju, sakemm din il-pubblikazzjoni ma tipperikolax l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew toħloq, sa fejn dan ikun jista' jiġi determinat, dannu sproporzjonat għall-impriża involuta.

(8)

Il-limitu massimu ta' multa li l-BĊE jista' jimponi fuq impriża għal nuqqas ta' konformità ma' regolament jew deċiżjoni tal-BĊE fil-qasam superviżorju ma għandux ivarja mil-limitu massimu ta' multa li l-BĊE jista' jimponi fuq impriża għal ksur ta' liġi tal-Unjoni applikabbli direttament, sabiex tiġi żgurata konsistenza fit-trattament ta' ksur ugwalment serju. Il-multi kollha imposti mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu għandhom għalhekk ikunu soġġetti għall-istess limiti massimi.

(9)

Il-BĊE għandu jkun jista' jimponi ħlasijiet ta' penali perjodiċi fuq impriżi sabiex iġiegħelhom jikkonformaw ma' regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE fil-qasam superviżorju, jew sabiex itemm il-ksur kontinwat tagħhom. Il-limitu massimu ta' ħlasijiet ta' penali perjodiċi għandu jkun proporzjonat mal-limitu massimu ta' multi applikabbli fil-qasam superviżorju.

(10)

L-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jistabbilixxi l-prinċipju ta' separazzjoni, li permezz tiegħu l-BĊE jwettaq il-kompiti mogħtija lilu bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 mingħajr preġudizzju għal u separatament mill-kompiti tiegħu relatati mal-politika monetarja u kwalunkwe kompitu ieħor. Dan il-prinċipju għandu jiġi segwit mingħajr restrizzjoni f'kull kompitu mwettaq mill-BĊE. Sabiex jissaħħaħ dan il-prinċipju ta' separazzjoni, ġie stabbilit Bord Superviżorju skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 li, fost l-oħrajn, huwa responsabbli għat-tħejjija ta' abbozzi ta' deċiżjonijiet kompluti għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE fil-qasam superviżorju. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE huma soġġetti għal reviżjoni mill-Bord Amministrattiv ta' Rieżami, taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Meta jitqies il-prinċipju ta' separazzjoni u l-istabbiliment tal-Bord Superviżorju u tal-Bord Amministrattiv ta' Rieżami, għandhom japplikaw żewġ proċeduri distinti: (a) meta l-BĊE jikkontempla l-impożizzjoni ta' penali amministrattiva fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu, għandhom jittieħdu deċiżjonijiet f'dan is-sens mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE abbażi ta' abbozz sħiħ ta' deċiżjoni mill-Bord Superviżorju u soġġett għal rieżami mill-Bord Amministrattiv ta' Rieżami; u (b) meta l-BĊE jikkontempla l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fl-eżerċitar tal-kompiti mhux superviżorji tiegħu, deċiżjonijiet f'dan is-sens jittieħdu mill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u soġġett għal rieżami mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE.

(11)

Minħabba l-kumplessità tal-investigazzjoni ta' ksur fil-qasam superviżorju, is-setgħa li jiġu imposti u infurzati sanzjonijiet relatati mal-kompiti superviżorji tal-BĊE għandha tkun soġġetta għal limiti ta' żmien itwal minn dawk ipprovduti għal sanzjonijiet relatati mal-kompiti mhux superviżorji tal-BĊE. Is-sospensjoni u l-interruzzjoni ta' dawn il-limiti ta' żmien għandhom ikunu rregolati kif meħtieġ, waqt li jitqies ukoll il-fatt li jista' jkun hemm trikkib bejn il-proċeduri ta' ksur fil-qasam superviżorju u investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali li jkunu bbażati fuq l-istess fatti.

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 2532/98 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi

Ir-Regolament (KE) Nru 2532/98 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 6 jinbidel b'dan li ġej:

“6.

‘ħlasijiet ta penali perjodiċi’ għandha tfisser ammonti ta' flus li, fil-każ ta' ksur kontinwat, impriża tkun obbligata li tħallas jew bħala kastig, jew bil-għan li ġġiegħel lill-persuni kkonċernati biex jikkonformaw mar-regolamenti u deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE. Il-ħlasijiet ta' penali perjodiċi għandhom jiġu kkalkulati għal kull jum sħiħ ta' ksur kontinwat:

(a)

wara notifika lill-impriża ta' deċiżjoni li teħtieġ it-terminazzjoni ta' tali ksur skont il-proċedura stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1); jew

(b)

meta l-ksur kontinwat jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (*) skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4b ta' dan ir-Regolament;

(*)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).”"

(b)

il-punt 7 jinbidel b ' dan li ġej:

“7.

‘sanzjonijiet’ tfisser multi u ħlasijiet ta' penali perjodiċi.”

.

2.

Jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 1a

Prinċipji ġenerali u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-impożizzjoni mill-BĊE ta' sanzjonijiet fuq impriżi għal nuqqas ta' konformità mal-obbligi li jirriżultaw minn deċiżjonijiet jew regolamenti tal-BĊE.

2.   Ir-regoli li japplikaw għall-impożizzjoni mill-BĊE, fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu, ta' sanzjonijiet fil-każ ta' ksur ta' regolament jew deċiżjoni tal-BĊE għandhom jidderogaw mir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 4 sal-punt stabbilit fl-Artikoli 4a sa 4c.

3.   Il-BĊE għandu jippubblika kwalunkwe deċiżjoni li timponi sanzjonijiet fuq impriża fil-każ ta' ksur ta' regolament jew deċiżjoni tal-BĊE, fil-qasam superviżorju, kemm jekk din id-deċiżjoni tkun ġiet appellata kif ukoll jekk le.

Il-BĊE għandu jwettaq tali pubblikazzjoni fuq il-websajttiegħu mingħajr dewmien bla bżonn, u wara li d-deċiżjoni tkun ġiet notifikata lill-impriża kkonċernata. Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-impriża kkonċernata, sakemm il-pubblikazzjoni b'dan il-mod:

(a)

tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja; jew

(b)

toħloq, sa fejn tista' tiġi stabbilita, ħsara sproporzjonata lill-impriża kkonċernata.

F'dawn iċ-ċirkostanzi, id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw sanzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati fuq bażi anonimizzata. Alternattivament, meta tali ċirkostanzi aktarx jintemmu f'perijodu ta' żmien raġonevoli, il-pubblikazzjoni taħt dan il-paragrafu tista' tiġi posposta għal tali perijodu ta' żmien.

Jekk ikun hemm appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' deċiżjoni li timponi sanzjoni, il-BĊE għandu, mingħajr dewmien żejjed, jippubblika wkoll fuq il-websajt uffiċjali tiegħu informazzjoni dwar l-istatus tal-appell inkwistjoni u l-eżitu tiegħu.

Il-BĊE għandu jiżgura li l-informazzjoni ppubblikata taħt dan il-paragrafu tibqa' fuq il-websajt uffiċjali tiegħu mill-inqas għal ħames snin.”

.

3.

Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Kull meta l-ksur jikkonsisti minn nuqqas li jitwettaq dmir, l-applikazzjoni ta' sanzjoni ma għandhiex teżenta lill-impriża mit-twettiq tagħha, ħlief jekk id-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 3(4) jew l-Artikolu 4b tiddikjara l-kontra b'mod espliċitu.”

;

4.

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Id-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinbeda jew le l-proċedura ta' ksur għandha tittieħed mill-BĊE, huwa u jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq il-bażi ta' mozzjoni f'dan is-sens indirizzata lilu mill-bank ċentrali nazzjonali tal-Istat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jkun seħħ il-ksur allegat.”

;

(b)

il-paragrafu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“10.   Jekk ksur ikollu x'jaqsam esklussivament ma' kompitu fdat lis-SEBĊ jew lill-BĊE taħt it-Trattat u l-Istatut, il-proċedura ta' ksur għandha tinfetaħ biss fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament, irrispettivament mill-eżistenza ta' xi liġi jew regolament nazzjonali li jistgħu jipprovdu għal proċedura separata. Jekk ksur ikollu x'jaqsam ukoll ma' qasam wieħed jew iktar li mhumiex fil-kompetenza tas-SEBĊ jew tal-BĊE, id-dritt li tinfetaħ il-proċedura ta' ksur fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament għandu jkun indipendenti minn kull dritt ta' kull awtorità nazzjonali kompetenti li tiftaħ proċeduri separati dwar tali oqsma li mhumiex fil-kompetenza tas-SEBĊ jew il-BĊE. Din id-dispożizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali u tal-liġi nazzjonali li għandha x'taqsam ma' kompetenzi superviżorji prudenzjali fi Stati Membri parteċipanti, skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.”

.

5.

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 4a

Regoli speċifiċi li jirrigwardaw il-limiti massimi tas-sanzjonijiet imposti mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu

1.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 2(1), f'każ ta' ksur relatat ma' deċiżjonijiet u regolamenti adottati mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu, il-limiti li fi ħdanhom il-BĊE jista' jimponi multi u ħlasijiet ta' penali perjodiċi għandhom ikunu skont kif ġej.

(a)

għal multi, il-limitu massimu għandu jkun id-doppju tal-ammont ta' profitti miksuba jew telf evitat minħabba l-ksur meta dan ikun jista' jiġi ddeterminat, jew 10 % tal-fatturat annwali totali tal-impriża.

(b)

għal ħlasijiet ta' penali perjodiċi, il-limitu massimu għandu jkun 5 % tal-fatturat medju ta' kuljum għal kull jum tal-ksur. Ħlasijiet ta' penali perjodiċi jistgħu jiġu imposti fir-rigward ta' perjodu massimu ta' sitt xhur mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-ħlas ta' penali perjodiku.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1:

1.

‘fatturat annwali’ tfisser il-fatturat annwali tal-impriża kkonċernata fis-sena finanzjarja preċedenti, kif iddefinit fil-liġi tal-Unjoni rilevanti, u fejn dan ma jkunx disponibbli, skont il-kontijiet finanzjarji annwali l-aktar reċenti li jkunu disponibbli ta' dik il-persuna. Meta l-impriża kkonċernata tkun sussidjarja ta' impriża parent, il-fatturat totali annwali rilevanti għandu jkun il-fatturat totali annwali li jirriżulta mill-kontijiet finanzjarji annwali kkonsolidati l-aktar reċenti li jkunu disponibbli fis-sena finanzjarja preċedenti, u fejn dan ma jkunx disponibbli, skont il-kontijiet finanzjarji annwali l-aktar reċenti li jkunu disponibbli ta' dik il-persuna;

2.

‘fatturat medju ta' kuljum’ ifisser il-fatturat annwali, kif iddefinit taħt il-punt (a), diviż bi 365.

Artikolu 4b

Regoli proċedurali speċifiċi għal sanzjonijiet imposti mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu

1.   B'deroga mill-Artikolu 3(1) sa (8) ta' dan ir-Regolament, ir-regoli stabbiliti f'dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal ksur relatat ma' deċiżjonijiet u regolamenti adottati mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu.

2.   Meta l-BĊE, fit-twettiq tal-kompiti tiegħu taħt ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, iqis li hemm raġuni għaliex ikun hemm suspett li ksur wieħed jew aktar ta' regolament jew deċiżjoni tal-BĊE kif imsemmi fl-Artikolu 18(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 qed jiġu jew ġew imwettqa minn impriża li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru taż-żona tal-euro, il-BĊE għandu jeżerċita l-investigazzjonijiet rilevanti skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

3.   Malli titlesta investigazzjoni u qabel ma titħejja u tiġi ppreżentata proposta għal abbozz sħiħ ta' deċiżjoni lill-Bord Superviżorju, il-BĊE fil-kapaċità tiegħu li jinvestiga ksur fil-qasam tas-superviżjoni għandu jinnotifika bil-miktub lill-impriża kkonċernata dwar is-sejbiet skont l-investigazzjoni mwettqa u dwar kwalunkwe oġġezzjoni li tkun tqajmet kontrihom.

Fin-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-BĊE fil-kapaċità tiegħu li jinvestiga ksur fil-qasam tas-superviżjoni għandu jinforma lill-impriża kkonċernata dwar id-dritt tagħha li tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub lill-BĊE dwar ir-riżultati fattwali u l-oġġezzjonijiet li tqajmu kontra l-entità kif stipulat fih, inklużi d-dispożizzjonijiet individwali li allegatament inkisru, u għandu jiffissa limitu ta' żmien raġonevoli biex isiru sottomissjonijiet bħal dawn. Il-BĊE m'għandux ikun obbligat jikkunsidra s-sottomissjonijiet bil-miktub li jsiru wara li jkun skada l-limitu ta' żmien stabbilit mill-BĊE fil-kapaċità tiegħu li jinvestiga ksur fil-qasam tas-superviżjoni.

Il-BĊE fil-kapaċità tiegħu li jinvestiga ksur fil-qasam tas-superviżjoni jista' wkoll, wara notifika f'konformità mal-ewwel subparagrafu, jistieden lill-impriża kkonċernata biex tattendi seduta ta' smigħ orali. Il-partijiet soġġetti għall-investigazzjoni jistgħu jkunu rrappreżentati u/jew assistiti minn avukati jew persuni kkwalifikati oħrajn matul is-seduta. Is-seduti ma għandhomx ikunu pubbliċi.

Għandu jkun garantit id-dritt ta' aċċess għall-fajl mill-impriża kkonċernata taħt investigazzjoni. Dan m'għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali.

4.   Il-Bord Superviżorju għandu jipproponi abbozz sħiħ ta' deċiżjoni lill-Kunsill Governattiv, li tiddetermina jekk l-impriża kkonċernata wettqitx ksur u li tispeċifika s-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti, jekk ikun hemm, skont il-proċedura taħt l-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

5.   L-impriża kkonċernata għandha jkollha d-dritt li titlob rieżami mill-Bord Amministrattiv ta' Rieżami tad-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Governattiv skont il-paragrafu 4, b'mod konformi mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Artikolu 4c

Limiti ta' żmien speċifiċi għal sanzjonijiet imposti mill-BĊE fl-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tiegħu

1.   B'deroga mill-Artikolu 4, id-dritt li tittieħed deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni fil-każ ta' ksur ta' deċiżjoni jew regolament tal-BĊE b'rabta mal-kompiti superviżorji tiegħu, għandu jiskadi ħames snin wara li jkun seħħ il-ksur jew, fil-każ ta' ksur kontinwat, ħames snin wara li jkun intemm il-ksur.

2.   Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-BĊE għall-finijiet tal-investigazzjoni jew proċeduri fir-rigward ta' ksur għandha tikkawża l-interruzzjoni tal-limitu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 1. L-interruzzjoni tal-perjodu ta' preskrizzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data meta l-azzjoni tiġi nnotifikata lill-entità taħt superviżjoni kkonċernata. Kull interruzzjoni għandha tikkawża li l-limitu ta' żmien jerġa' jibda mill-ġdid. Madankollu, il-limitu ta' żmien ma għandux jeċċedi perjodu ta' għaxar snin wara li jkun seħħ il-ksur jew, fil-każ ta' ksur kontinwat, għaxar snin wara li jkun waqaf il-ksur.

3.   Il-limiti ta' żmien deskritti fil-paragrafi preċedenti jistgħu jiġu estiżi jekk:

(a)

deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tkun soġġetta għal reviżjoni quddiem il-Bord Amministrattiv ta' Rieżami jew proċedimenti ta' appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; jew

(b)

proċeduri kriminali jkunu pendenti kontra l-impriża kkonċernata b'rabta mal-istess fatti. F'każ bħal dan, il-limiti ta' żmien deskritti fil-paragrafi preċedenti għandhom jiġu estiżi għall-perjodu ta' żmien meħtieġ sabiex isir rieżami tad-deċiżjoni mill-Bord Amministrattiv ta' Rieżami jew mill-Qorti tal-Ġustizzja jew sakemm jiġu konklużi l-proċeduri kriminali kontra l-impriża kkonċernata.

4.   Id-dritt tal-BĊE li jinforza deċiżjoni li timponi sanzjoni għandu jiskadi ħames snin wara li din id-deċiżjoni tkun ittieħdet. Kwalunkwe azzjoni tal-BĊE li tkun iddisinjata biex tinforza l-ħlas jew it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ħlas taħt is-sanzjoni imposta għandha tikkawża l-interruzzjoni tal-perjodu ta' preskrizzjoni għall-infurzar.

5.   Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' sanzjonijiet għandu jkun sospiż:

(a)

sakemm tkun għaddiet l-iskadenza għall-ħlas tas-sanzjoni imposta;

(b)

jekk l-infurzar tal-ħlas tas-sanzjoni imposta jkun sospiż skont deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv jew tal-Qorti tal-Ġustizzja.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha b'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Jannar 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. REIRS


(1)  ĠU C 144, 14.5.2014, p. 2

(2)  Opinjoni mogħtija fis-26 ta' Novembru 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(3)  Opinjoni mogħtija fit-18 ta' Diċembru 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4).

(5)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(6)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).


3.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/7


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/160

tat-28 ta' Novembru 2014

li jemenda r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 40 u 53(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (2) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom u skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, l-infiq li jsir wara l-limiti ta' żmien għall-pagamenti huwa kkunsidrat bħala eliġibbli għall-pagamenti tal-Unjoni.

(2)

Għal raġunijiet ta' ċertezza u ċarezza legali, huwa neċessarju li mad-dispożizzjoniet diġà stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 907/2014 jiżdiedu l-kundizzjonijiet li għandhom japplikaw għall-pagamenti diretti li saru fis-sena finanzjarja 2015 kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (3). Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li b'mod partikolari ssir referenza għal-limiti massimi xierqa ffissati għall-Istati Membri fir-rigward tas-sena kalendarja 2014 fir-Regolament (KE) Nru 73/2009, li jiddistingwu bejn dawk l-Istati Membri li japplikaw l-Iskema ta' Pagament Uniku u dawk li japplikaw l-Iskema ta' Pagament Uniku skont l-Erja. Barra minn hekk biex tkun indirizzata s-sitwazzjoni speċifika fir-rigward tal-applikazzjoni ta' dixxiplina finanzjarja, għandha ssir referenza għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 dwar il-pagamenti fir-rigward tas-sena kalendarja 2013 u għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 dwar il-pagamenti fir-rigward tas-sena kalendarja 2014.

(3)

Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat il-punt 8 tal-Artikolu 12 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 907/2014 minħabba li l-kliem fih jista', b'mod involontarju, iwassal lill-Kummissjoni biex tapplika livell ta' korrezzjoni b'rata fissa li jkun aktar baxx mir-riskju għall-baġit tal-Unjoni. Il-paragrafu 8 tal-Artikolu 12 ta' dak ir-Regolament għandu għalhekk jiġi riformulat biex jindika b'mod ċar li, meta l-elementi oġġettivi juru li l-ikbar telf għall-fondi huwa aktar baxx minn dak ta' telf li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' rata fissa aktar baxxa minn dik proposta mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tapplika dik ir-rata fissa aktar baxxa meta tiddeċiedi dwar l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament mill-Unjoni.

(4)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 907/2014 għandu jkun emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 907/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 5, għandu jiżdied il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 2, matul is-sena finanzjarja 2015, fil-każ tal-pagamenti diretti elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fejn il-limitu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 ma jkunx intuża kollu għall-pagamenti li jkunu saru għas-sena kalendarja 2014 sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ottubru 2015 u dak li jifdal mil-limitu jaqbeż it-2 %, dak li jifdal għandu jitnaqqas għal 2 %;

(b)

fil-każ tal-Istati Membri li japplikaw l-Iskema ta' Pagament Uniku skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, pagamenti diretti, għajr il-pagamenti previsti fir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) u fir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**), fir-rigward tas-sena kalendarja 2013 jew qabel, li saru wara l-iskadenza tal-pagament, se jkunu eliġibbli biss għall-finanzjament mill-FAEG jekk l-ammont totali tal-pagamenti diretti li saru fis-sena finanzjarja 2015, fejn applikabbli kkoreġuti għall-ammonti qabel l-aġġustament previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jew fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, ma jaqbiżx il-limitu stipulat fl-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2014 u waqt li jitqiesu l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 136b tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 tas-sena kalendarja 2014 kif stipulat fl-Anness VIIIa ta' dak ir-Regolament;

(c)

fil-każ ta' Stati Membri li qed japplikaw l-Iskema ta' Pagament Uniku skont l-Erja kif stipulat fl-Artikolu 122 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, il-pagamenti diretti fir-rigward tas-snin kalendarji 2013 jew qabel, li saru wara d-data ta' skadenza tal-pagament, ser ikunu eliġibbli biss għall-finanzjament mill-FAEG jekk l-ammont totali tal-pagamenti diretti li jsiru fis-sena finanzjarja 2015, fejn hu applikabbli kkoreġuti għall-ammonti ta' qabel l-aġġustament stipulat fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jew fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, ma għandux jaqbeż it-total ta' limiti massimi individwali stabbiliti għal pagamenti diretti fir-rigward tas-sena kalendarja 2014 għall-Istat Membru kkonċernat;

(d)

l-infiq li jaqbeż il-limiti msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) għandu jitnaqqas b'100 %.

L-ammonti tar-rimborżi msemmija fl-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ma għandhomx jitqiesu biex jiġi vverifikat jekk ġietx imħarsal-kundizzjoni stipulata fil-punt (b) jew (c) tal-ewwel sottoparagrafu ta' dan il-paragrafu.

(*)  Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23)."

(**)  Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41).”"

(2)

Fl-Artikolu 12, il-paragrafu 8 jinbidel b'dan li ġej:

“8.   Meta Stat Membru jissottometti ċerti elementi oġġettivi, li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, iżda li juru li l-ikbar telf għall-fondi huwa limitat għal somma li tkun inqas minn dik li toħroġ mill-applikazzjoni tar-rata fissa proposta, il-Kummissjoni għandha tuża r-rata fissal-aktar baxxa biex tiddeċiedi l-ammonti li għandhom jitħallew barra mill-finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, it-28 ta' Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).


3.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/9


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/161

tat-2 ta' Frar 2015

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

EG

344,0

IL

135,3

MA

85,5

SN

316,2

TR

123,5

ZZ

200,9

0707 00 05

JO

229,9

TR

189,4

ZZ

209,7

0709 91 00

EG

113,1

ZZ

113,1

0709 93 10

EG

165,4

MA

218,7

TR

242,7

ZZ

208,9

0805 10 20

EG

46,3

IL

78,7

MA

56,3

TN

54,2

TR

65,0

ZZ

60,1

0805 20 10

IL

133,9

MA

84,6

ZZ

109,3

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

CN

56,6

EG

87,6

IL

127,4

MA

118,3

TR

85,3

ZZ

95,0

0805 50 10

TR

57,4

ZZ

57,4

0808 10 80

BR

64,0

CL

89,6

US

159,3

ZZ

104,3

0808 30 90

CL

316,1

US

130,9

ZA

87,0

ZZ

178,0


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

3.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/12


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/162

tad-9 ta' Lulju 2014

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36612 (2014/C) (ex 2013/NN) implimentata mil-Latvja għal Parex

(notifikata bid-dokument C(2014) 4550)

(Il-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) iċċitata/i iktar 'il fuq (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri preċedenti favur Parex

(1)

Fl-10 ta' Novembru 2008 il-Latvja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar pakkett ta' miżuri ta' għajnuna mill-Istat favur AS Parex banka (“Parex banka”), imfassal sabiex isostni l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Il-Kummissjoni approvat b'mod temporanju dawk il-miżuri fl-24 ta' Novembru 2008 (2) (“l-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ”) fuq il-bażi tal-impenn min-naħa tal-Latvja li tissottometti pjan ta' ristrutturar għal Parex banka fi żmien sitt xhur.

(2)

Wara talbiet mil-Latvja, il-Kummissjoni approvat żewġ settijiet ta' bidliet fil-miżuri ta' għajnuna dwar Parex banka permezz tad-deċiżjonijiet tal-11 ta' Frar 2009 (3) (“it-tieni Deċiżjoni dwar is-salvataġġ”) u l-11 ta' Mejju 2009 (4) (“it-tielet Deċiżjoni dwar is-salvataġġ”).

(3)

Fil-11 ta' Mejju 2009 il-Latvja nnotifikat pjan ta' ristrutturar għal Parex banka. Permezz ta' deċiżjoni tad-29 ta' Ġunju 2009 (5) il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-miżuri ta' ristrutturar innotifikati kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat lil Parex banka u xeħtet dubji fuq kemm tali għajnuna tista' titqies kompatibbli mas-suq intern. B'hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat u talbet lil-Latvja tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna.

(4)

Bejn il-11 ta' Mejju 2009 u l-15 ta' Settembru 2010, saru bosta skambji ta' informazzjoni u taħditiet bejn il-Latvja u l-Kummissjoni rigward ir-ristrutturar ta' Parex banka. Matul dak il-perjodu, il-Latvja aġġornat il-pjan ta' ristrutturar ta' Parex banka bosta drabi.

(5)

Il-pjan ta' ristrutturar kien jipprevedi li Parex banka jinqasam fl-hekk imsejjaħ “bank tajjeb” stabbilit ġdid bl-isem AS Citadele banka (“Citadele”), li jieħu f'idejh l-assi ċentrali kollha u xi assi mhux ċentrali (6), u fl-hekk imsejjaħ “bank ħażin” (“Reverta” (7)) li żamm l-assi mhux ċentrali u improduttivi li kien jifdal. Il-qasma daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2010.

(6)

Permezz ta' Deċiżjoni tal-15 ta' Settembru 2010 (8) (“id-Deċiżjoni Finali dwar Parex”), il-Kummissjoni approvat il-pjan ta' ristrutturar ta' Parex banka, fuq il-bażi tal-impenji meħudin mill-awtoritajiet tal-Latvja sottomessi fit-3 ta' Settembru 2010.

(7)

Permezz ta' Deċiżjoni tal-10 ta' Awwissu 2012 (“id-Deċiżjoni ta' Emenda”) (9), il-Kummissjoni approvat emendi fit-tliet impenji inklużi fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex, wara talba mil-Latvja. Dawk l-emendi: 1) estendew id-data ta' skadenza għaċ-ċessjoni tas-self fil-KSI (10) sal-31 ta' Diċembru 2014; 2) żiedu l-limitu tar-rekwiżiti tal-adegwatezza kapitali minimi awtorizzati għal Citadele fil-livell tal-bank u l-grupp u 3) ippermettew li jiġu riportati l-limiti massimi mhux użati mis-snin ta' qabel fuq is-self, filwaqt li jiġu rrispettati l-limiti massimi inizjali tas-sehem mis-suq.

(8)

Il-Kummissjoni tosserva li fil-5 ta' Ġunju 2014, il-Latvja aċċettat b'mod eċċezzjonali li din id-Deċiżjoni tiġi adottata fil-lingwa Ingliża.

1.2.   Il-proċedura ta' investigazzjoni formali

(9)

Fl-1 ta' Ottubru 2013 il-Latvja nnotifikat talba għal emenda ulterjuri fid-Deċiżjoni Finali ta' Parex, li fiha talbet li tiġi posposta d-data ta' skadenza għad-divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid (“Wealth Management Business”) ta' Citadele (11). Meta kienet qed tevalwa dik it-talba ta' emenda, il-Kummissjoni sabet li l-Latvja kienet tat għajnuna mill-Istat lil Parex u Citadele lil hinn mill-miżuri ta' għajnuna approvati mill-Kummissjoni.

(10)

Bejn il-[…] (*) u l-4 ta' Marzu 2014, saru bosta skambji ta' informazzjoni bejn il-Latvja u l-Kummissjoni fir-rigward ta' dawk il-miżuri ta' għajnuna addizzjonali. Il-Latvja ssottomettiet informazzjoni u dokumenti fit-30 ta' Ottubru 2013, il-31 ta' Jannar 2014 u l-4 ta' Marzu 2014 (inkluż pjan ta' ristrutturar rivedut għal Parex banka).

(11)

Mill-11 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni rċiviet ukoll aġġornamenti fix-xahar rigward il-progress tal-Latvja fil-bejgħ ta' Citadele, proċess li kien beda f'Ottubru 2013.

(12)

Permezz ta' deċiżjoni tas-16 ta' April 2014 (“id-Deċiżjoni ta' Ftuħ”) (12), il-Kummissjoni għarrfet lil-Latvja li, wara li eżaminat l-informazzjoni fornita mill-awtoritajiet Latvjani, iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”). Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna, u bħala tweġiba rċiviet sottomissjoni waħda fit-23 ta' Mejju 2014.

(13)

Il-Latvja għarrfet lill-Kummissjoni li, għal raġunijiet ta' urġenza, ser taċċetta b'mod eċċezzjonali li din id-Deċiżjoni tiġi adottata bl-Ingliż.

2.   DESKRIZZJONI

2.1.   L-impriża kkonċernata

(14)

Parex banka kien it-tieni l-ikbar bank fil-Latvja, b'assi li jilħqu t-LVL 3,4 biljun (EUR 4,9 biljun) fil-31 ta' Diċembru 2008. Parex banka twaqqaf fl-1992. F'Novembru 2008 il-Latvja xtrat 84,83 % mill-kapital azzjonarju tal-bank mingħand l-ikbar żewġ azzjonisti bi prezz simboliku totali ta' xiri ta' 2 LVL (madwar 3 EUR), miżura ta' għajnuna mill-Istat approvata mill-Kummissjoni permezz tal-ewwel u t-tieni Deċiżjonijiet dwar is-salvataġġ. Wara r-rikapitalizzazzjoni approvata permezz tad-Deċiżjonijiet ta' salvataġġ, il-Latvja kompliet iżżid il-parteċipazzjoni tagħha f'Parex banka għal madwar 95 % permezz ta' injezzjoni ta' LVL 140,75 miljun addizzjonali li saret f'Mejju 2009, miżura li ġiet approvata mill-Kummissjoni permezz tat-tielet Deċiżjoni dwar is-salvataġġ.

(15)

F'April 2009, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (“BERŻ”) xtara 25 % mill-kapital azzjonarju ta' Parex banka flimkien ma' sehem wieħed. Wara l-qsim ta' Parex banka f'bank tajjeb u bank ħażin fl-2010 flimkien mal-bidliet sussegwenti fl-istruttura azzjonarja, l-azzjonisti ta' Citadele issa saru l-Latvja (75 %) u l-BERŻ (25 %), filwaqt li l-azzjonisti ta' Reverta huma l-Latvja (84,15 %), il-BERŻ (12,74 %) u oħrajn (3,11 %).

(16)

Deskrizzjoni ddettaljata ta' Parex banka qabel id-Deċiżjoni Finali dwar Parex tista' tinqara fil-premessi 11 sa 15 ta' dik id-Deċiżjoni.

2.2.   Il-miżuri ta' għajnuna approvati għal Citadele u Reverta

(17)

Parex banka ġie awtorizzat jirċievi sensiela ta' miżuri ta' għajnuna, approvati mill-Kummissjoni fl-ewwel, it-tieni u t-tielet Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ (id-“Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ”) kif ukoll fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(18)

Il-pjan ta' ristrutturar approvat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex stabbilixxa li l-għajnuna ta' salvataġġ approvata qabel mill-Kummissjoni kellha tiġi estiża sa tmiem il-perjodu ta' ristrutturar u l-qasma bejn Citadele u Reverta. Id-Deċiżjoni Finali dwar Parex approvat għajnuna ta' ristrutturar addizzjonali għal Reverta u Citadele wkoll. Stabbilixxiet ukoll mekkaniżmu ta' użu għall-għajnuna li kienet ġiet approvata b'mod provviżorju permezz tad-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ wara li nqasam Parex banka, fir-rigward ta':

(a)

appoġġ ta' likwidità fil-forma ta' depożiti tal-Istat kemm għal Citadele kif ukoll għal Reverta; (13)

(b)

garanziji mill-Istat fuq obbligazzjonijiet ta' Citadele u Reverta; (14)

(c)

rikapitalizzazzjoni tal-Istat għal Reverta u Citadele; (15) u

(d)

miżura ta' salvataġġ tal-assi għal Citadele. (16)

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

3.1.   Il-miżuri addizzjonali implimentati mil-Latvja għal Parex banka, Citadele u Reverta.

(19)

Fuq il-bażi tar-rapport sottomess fid-29 ta' Awwissu 2013 mill-Fiduċjarju ta' Monitoraġġ (17) u d-dokumenti u l-informazzjoni sottomessi mil-Latvja minn Ottubru 2013 'l hemm, kien jidher li l-Latvja kienet daħħlet fis-seħħ il-miżuri li ġejjin mingħajr ma nnotifikat lill-Kummissjoni minn qabel:

(a)

fit-22 ta' Mejju 2009, il-Latvja tat lil Parex banka self subordinat ta' LVL 50,27 miljun (li jikkwalifika bħala kapital tal-Grad 2) b'maturità ta' seba' snin, jiġifieri sal-21 ta' Mejju 2016 (“l-Ewwel Miżura”). Il-maturità ta' dak is-self subordinat taqbeż il-maturità massima ta' ħames snin stabbilita fl-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ u kkonfermata fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex;

(b)

Fis-27 ta' Ġunju 2013, il-Latvja tat lil Citadele estensjoni tal-maturità għal 18-il xahar ieħor (“it-Tieni Miżura”) ta' LVL 37 miljun f'self subordinat (minn total ta' LVL 45 miljun miżmuma mil-Latvja dak iż-żmien). (18) Il-Latvja ma nnotifikatx l-estensjoni tal-maturità tas-self subordinat lill-Kummissjoni.

(c)

Barra minn hekk, mill-2011 il-Latvja pprovdiet lil Reverta b'appoġġ ta' likwidità li jaqbeż il-limiti massimi approvati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex (“it-Tielet Miżura”), kemm għax-xenarju bażi kif ukoll għall-agħar xenarju possibbli (19).

(20)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni li kienet disponibbli għall-Kummissjoni fi żmien id-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni kellha dubji serji jekk l-Ewwel u t-Tieni Miżuri jistgħux jiġu kkwalifikati bħala kompatibbli mas-suq intern, peress li:

(a)

fil-valutazzjoni oriġinali tal-kompatibbiltà tas-self subordinat mogħti mil-Latvja, maturità ta' ħames snin tas-self tqieset il-minimu meħtieġ u għaldaqstant setgħet tinstab kompatibbli fuq dik il-bażi u

(b)

ma ġie ppreżentat ebda argument ġdid li jiġġustifika għaliex maturità itwal tassew kienet il-minimu assolut meħtieġ.

(21)

B'mod simili, ma tressaq l-ebda argument suffiċjenti fi żmien id-Deċiżjoni ta' Ftuħ li juri l-kompatibbiltà tat-Tielet Miżura.

(22)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni bdiet bil-proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 13(1) u 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (20), fir-rigward tal-għajnuna irregolari mogħtija permezz tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Miżuri deskritti fil-premessa 19.

3.2.   Il-ksur tal-impenn għad-divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid ta' Citadele

(23)

Il-Latvja naqset ukoll milli tikkonforma mal-impenn tagħha li huwa mniżżel fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex li tiddivesti n-Negojzu ta' Ġestjoni tal-Ġid ta' Citadele sat-30 ta' Ġunju 2013 mingħajr Fiduċjarju ta' Divestitura, jew sal-31 ta' Diċembru 2013 b'Fiduċjarju ta' Divestitura (“ir-Raba' Miżura”) (21). Għalhekk, inkiser dak l-impenn ta' divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid ta' Citadele sa dawk id-dati ta' skadenza.

(24)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ksur tal-impenn deskritt fil-premessa 21 jikkostitwixxi użu ħażin tal-għajnuna. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali għal użu ħażin tal-għajnuna skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

4.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(25)

Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni rċiviet kummenti mingħand individwu li ma pprovdiex elementi li juru li jikkwalifika bħala parti interessata, jiġifieri parti li l-interessi tagħha stess setgħu jiġu affettwati mill-miżura (pereżempju kompetituri jew assoċjazzjonijiet kummerċjali (22)), jew li aġixxa f'isem parti interessata.

(26)

Il-kummenti riċevuti kienu marbutin ma' allegati illegalitajiet li involvew lil Parex banka u ma kinux marbutin mal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Miżuri implimentati mil-Latvja għal Parex banka, Citadele u Reverta u lanqas mar-Raba' Miżura. Essenzjalment kienu marbutin ma' fatti u informazzjoni mhux direttament relevanti għall-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ ikkonċernat. Għaldaqstant, għall-valutazzjoni mwettqa f'din id-deċiżjoni, ġew irreġistrati u kkunsidrati bħala informazzjoni ġenerika tas-suq.

5.   KUMMENTI MIL-LATVJA DWAR IL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(27)

Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, fis-26 ta' Mejju 2014 il-Latvja ssottomettiet kummenti maħsubin sabiex jindirizzaw id-dubji mqajmin mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Miżuri, kif ukoll il-ksur tal-impenn ta' divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid ta' Citadele.

(28)

Fit-30 ta' Mejju 2014 il-Latvja ssottomettiet pjan ta' ristrutturar aġġornat ukoll, li fih ġew inklużi l-informazzjoni u l-miżuri ta' kumpens ippreżentati fis-sezzjonijiet 5.1 sa 5.5 ta' din id-Deċiżjoni.

(29)

Wara talba ta' informazzjoni mill-Kummissjoni, fit-23 ta' Ġunju 2014 il-Latvja ssottomettiet elementi addizzjonali rigward it-Tieni Miżura.

5.1.   Dwar il-maturità inizjali tas-self subordinat li taqbeż it-termini tad-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex (l-Ewwel Miżura)

(30)

Fil-kummenti tagħha tas-26 ta' Mejju 2014, il-Latvja targumenta li l-adozzjoni tal-Ewwel Miżura kienet neċessarja biex Parex banka jkun jista' jikkonforma mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli ta' solvenza u b'hekk jiġi evitat kollass irrekuperabbli tas-sistema bankarja fraġli, ferm minsuġa u interdipendenti tal-Latvja.

(31)

Il-Latvja tiddikjara li fi żmien l-adozzjoni tal-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ, l-awtoritajiet Latvjani kellhom biss informazzjoni limitata fuq is-sitwazzjoni finanzjarja propja ta' Parex banka u l-kwalità tal-assi tiegħu. Għaldaqstant, fit-talba inizjali tagħha lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni tal-miżuri ta' għajnuna mill-Istat, il-Latvja ħadet impenn li tagħti self subordinat b'maturità ta' ħames snin, peress li l-maturità kienet il-minimu meħtieġ sabiex is-self subordinat jikkwalifika bħala kapital tal-Grad 2 skont id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi Latvjana.

(32)

Il-Latvja kompliet billi ddikjarat li, sabiex tevalwa aħjar il-pożizzjoni finanzjarja ta' Parex banka, talbet lil PricewaterhouseCoopers tagħmel diliġenza dovuta ta' Parex banka, li tlestiet fis-26 ta' Jannar 2009, wara l-adozzjoni tal-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ.

(33)

Fl-istess ħin, il-Latvja tenfasizza l-fatt li s-sitwazzjoni tas-suq fl-2008-2009 kienet ferm dinamika u l-kwalità tas-self kienet sejra lura iktar minn kif kien mistenni. Dik is-sitwazzjoni li qalbet għall-agħar kienet riflessa minn u rriżultat fl-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' tliet deċiżjonijiet dwar is-salvataġġ għal Parex banka u s-sottomissjoni mil-Latvja ta' bosta verżjonijiet tal-pjan ta' ristrutturar għal Parex banka, bl-aħħar verżjoni li kienet dik innotifikata fil-11 ta' Mejju 2009 (il-“Pjan ta' Ristrutturar tal-2009”).

(34)

F'dak il-kuntest, il-Latvja tispjega li s-suppożizzjonijiet u l-projezzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ malajr saru obsoleti, minħabba l-bidliet rapidi fl-ambjent ekonomiku primarjament ikkaġunati mill-kriżi finanzjarja globali u t-tnaqqis fil-fiduċja tas-suq f'Parex banka. B'hekk, il-Latvja kkonkludiet li maturità ta' ħames snin għas-self subordinat mogħti mil-Latvja lil Parex banka ma baqgħetx biżżejjed għall-fini ta' stabbilizzazzjoni tas-sistema bankarja dgħajfa tal-Latvja. Tabilħaqq, irriżulta li Parex banka, bank sistemiku dak iż-żmien, kellu bżonn jirċievi self subordinat b'maturità ta' iktar minn ħames snin sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta' solvenza tiegħu u b'mod partikolari jissodisfa rekwiżiti applikabbli dwar l-adegwatezza kapitali.

(35)

Skont il-qafas regolatorju (ibbażat fuq l-istandards ta' Basel II (23)) applikabbli għal Parex banka fi żmien il-ħruġ tas-self subordinat, 80 % biss mis-self ta' LVL 50,27 miljun (jiġifieri LVL 40,22 miljun biss) fuq ħames snin kien jikkwalifika bħala kapital tal-Grad 2. B'mod partikolari, għal skopijiet regolatorji, kellu jiġi applikat fattur ta' skont kumulattiv (jew amortizzazzjoni) b'mod annwali għall-ammont ta' self subordinat biex jiġi rifless il-valur li qed jonqos ta' dawk l-istrumenti bħala komponenti pożittivi tal-kapital regolatorju. B'hekk, self fuq ħames snin fil-bidu huwa eliġibbli biss għal 80 % tal-ammont tiegħu għal finijiet ta' adegwatezza kapitali; għal 60 % fil-bidu tat-tieni sena; u l-bqija.

(36)

Dik is-sottomissjoni hija sostanzjata iktar mil-Latvja permezz ta' kalkoli komparattivi li juru li, kieku s-self subordinat ingħata mil-Latvja għal terminu ta' ħames snin biss, ma kienx ikun eliġibbli bħala kapital tal-Grad 2 mill-bidu tiegħu.

(37)

L-istabbiliment tal-maturità tas-self subordinat mogħti mil-Latvja lil Parex banka għal seba' snin sar neċessarju biex l-ammont sħiħ ta' LVL 50,27 miljun f'self subordinat mogħti mill-Istat jikkwalifika bħala kapital tal-Grad 2 tul il-perjodu 2009 — 2010 b'tali mod li Parex banka jkun jista' jissodisfa l-proporzjon tal-adegwatezza kapitali fil-mira tiegħu. It-Tabella 1 turi l-ammonti ta' kapital eliġibbli tal-Grad 2 miżmum minn Parex banka fi tmiem kull sena fuq il-bażi tat-terminu ta' self subordinat ta' LVL 50,27 miljun maħruġ f'Mejju 2009.

Tabella 1

It-terminu tas-self subordinat maħruġ f'Mejju 2009 u l-kwalifikazzjoni tiegħu bħala Grad 2 (LVL miljuni)

Terminu tal-Maturità

2009

2010

2011

self ta' 5 snin

40,22

30,16

20,11

self ta' 6 snin

50,27

40,22

30,16

self ta' 7 snin

50,27

50,27

40,22

self ta' 8 snin

50,27

50,27

50,27

(38)

Il-Latvja tispjega li fid-9 ta' Ġunju 2009 Nomura International (imqabbda mil-Latvja f'Marzu 2009 biex torganizza l-bejgħ ta' Parex banka) ippreżentat lill-awtoritajiet Latvjani strateġija ta' bejgħ għal Parex banka bi skeda ta' żmien ferm aggressiva, bil-pjan li l-proċess ta' bejgħ jitlesta fl-2010. Għalhekk, kien hemm bżonn li Parex banka jibqa' kompletament konformi mar-rekwiżiti kapitali applikabbli tal-inqas sa tmiem l-2010.

(39)

Finalment, il-Latvja targumenta li, li kieku l-maturità tas-self subordinat kienet ta' ħames snin biss, il-Pjan ta' Ristrutturar tal-2009 missu kien jinkludi miżuri oħrajn bl-għan li jsaħħu b'xi mod ieħor l-adegwatezza kapitali ta' Parex banka (eż. injezzjonijiet ta' ekwità ġdida, estensjoni minnufih tas-self subordinat eċċ.). Fin-nuqqas ta' miżuri bħal dawn, id-depożitanti kienu jibqgħu bla protezzjoni u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Latvja kienet tkun mhedda serjament.

5.2.   Dwar l-estensjoni tal-maturità mhux innotifikata tas-self subordinat (it-Tieni Miżura)

(40)

Fir-rigward tat-Tieni Miżura, il-Latvja tiddikjara li l-estensjoni ulterjuri tal-maturità tas-self subordinat kienet meħtieġa minħabba bidliet regolatorji li seħħew fl-2013. B'mod partikolari, fl-1 ta' Marzu 2013, Citadele ġie mgħarraf mill-Kummissjoni tas-Suq Finanzjarju u Kapitali tal-Latvja (“FCMC”) li l-proporzjon tal-adegwatezza kapitali tal-Grupp kien meħtieġ jilħaq minimu ta' 10 % f'termini assoluti sa tmiem l-2013, filwaqt li l-proporzjon irrakkomandat għall-indirizzar tar-riskji eżistenti u potenzjali kien ta' […]. Qabel Marzu 2013, il-proporzjon minimu meħtieġ tal-adegwatezza kapitali kien ta' 8,4 %.

(41)

Il-Latvja tiddikjara li t-Tieni Miżura ġiet adottata bona fide, peress li l-awtoritajiet Latvjani qiesu li l-Miżura kienet konformi mal-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq, u peress li ma tirriżultax f'telf pekunarju tal-Istat.

(42)

Il-Latvja tiddikjara wkoll li fi żmien l-adozzjoni tat-Tieni Miżura, hi, flimkien ma' Citadele, qieset bona fide li l-possibbiltà ta' estensjoni tal-maturità tas-self subordinat inkwistjoni kienet stabbilita fid-Deċiżjonijiet relevanti tal-Kummissjoni u fil-Pjan ta' Ristrutturar.

(43)

Il-Latvja targumenta li kwalunkwe investitur tas-suq, li jkun fil-pożizzjoni ta' azzjonist ta' maġġoranza ta' Citadele, kien jagħmel l-aqwa sforzi tiegħu biex iżomm, kemm jista' jkun, il-valur tal-investiment tiegħu u kien ikun inklinat li jadotta u jimplimenta l-miżuri meħtieġa sabiex jevita tnaqqis fil-valur kontabilistiku tal-parteċipazzjoni azzjonarja tiegħu minħabba nuqqas min-naħa tal-bank sabiex jissodisfa r-rekwiżiti kapitali tiegħu. Li kieku Citadele naqas milli jikkonforma mar-rekwiżiti tal-adegwatezza kapitali iktar strinġenti imposti mill-FCMC dak iż-żmien, l-istabbiltà, il-vijabblità u l-kummerċjabbiltà tal-bank kienu jinxteħtu f'riskju, u finalment kienet tiġi affettwata l-possibbiltà ta' bejgħ f'kundizzjonijiet finanzjarji tajbin.

(44)

Il-Latvja tippreżenta xenarju kontrofattwali wkoll, li fih ma tingħatax it-Tieni Miżura. F'dak ix-xenarju kontrofattwali, il-proporzjon kapitali rrakkomandat ma kienx jintlaħaq, peress li l-proporzjon tal-adegwatezza kapitali kien ikun inqas minn 9,3 % fil-31 ta' Diċembru 2013 meta mqabbel mal-minimu meħtieġ ta' 10 %.

(45)

Il-Latvja targumenta wkoll li l-miżuri alternattivi biex tissaħħaħ l-adegwatezza kapitali ta' Citadele (jiġifieri żieda kapitali jew ħruġ ta' self subordinat ġdid) ma kinux fattibbli. B'mod iktar speċifiku, tiddikjara li kien ikun impossibbli għal Citadele li jikseb self subordinat mingħand investituri li huma partijiet terzi fl-2013 minħabba l-impenn tal-awtoritajiet Latvjani li jiddivestu lil Citadele fi żmien perjodu qasir (jiġifieri sal-31 ta' Diċembru 2014). L-inċertezza rigward l-akkwirent potenzjali u l-istrateġija għall-ġejjieni tiegħu kienet twassal sabiex il-fornituri tas-self subordinat jitolbu opzjoni put fuq kwalunkwe self subordinat li jagħtu lil Citadele (bidla fil-klawżola ta' kontroll) (24). Effettivament kien ifisser li l-maturità propja tat-tali self subordinat mal-ħruġ kienet titqies li hija inqas minn ħames snin u b'hekk is-self ma kienx jikkwalifika bħala kapital tal-Grad 2.

(46)

Bħala tweġiba għal talba ta' informazzjoni mingħand il-Kummissjoni dwar jekk il-Latvja daħlitx f'kuntatt mal-BERŻ fuq estensjoni possibbli minnu tal-maturità tas-self subordinat rigward Citadele, l-awtoritajiet Latvjani pprovdew sottomissjoni fit-23 ta' Ġunju 2014. Fiha jikkonfermaw li qabel ma taw it-Tieni Miżura ma daħlux f'kuntatt mal-BERŻ biex jipproponu lil dan tal-aħħar sabiex jestendi l-maturità tas-self subordinat li kellu. F'dak il-kuntest, tennew li t-Tieni Miżura kellha tiġi adottata sabiex Citadele ma jiksirx ir-rekwiżiti kapitali l-ġodda li kienu iktar strinġenti.

(47)

Il-Latvja targumenta li kellha tipproċedi bl-estensjoni tat-terminu tal-maturità tad-dejn subordinat li kellha f'Citadele bla dewmien u ma nnegozjatx estensjoni paragunabbli b'rabta mad-dejn subordinat li anki hu kien miżmum mill-BERŻ.

(48)

Il-Latvja tiddikjara li d-deċiżjoni tagħha f'dak ir-rigward kienet imsejsa fuq it-tliet punti li ġejjin.

(a)

Il-ħtieġa ta' indirizzar effettiv tal-ksur imminenti tar-rekwiżiti kapitali l-ġodda: Citadele kien ikkalkola l-ħtiġijiet tiegħu biex jikkwalifika l-kapital tal-Grad 2 u kkonkluda li, għall-kuntrarju tal-adozzjoni tat-Tieni Miżura li tinvolvi prolungament tal-maturità bi 18-il xahar, kwalunkwe bidla potenzjali fil-maturità għad-dejn subordinat li fih kien parti l-BERŻ ukoll kienet teħtieġ estensjoni kemxejn itwal. Dik id-differenza kienet dovuta għall-fatt li l-kapital ta' dak is-self kien inqas u b'hekk l-impatt tiegħu fuq il-pożizzjoni kapitali ta' Citadele kien ikun ferm iżgħar. Il-Latvja tiddikjara wkoll li estensjoni tad-dejn subordinat miżmum mill-BERŻ kienet tippresupponi negozjar mal-BERŻ f'dak ir-rigward. Barra minn hekk, fid-dawl tad-differenzi fir-rigward tal-liġi governattiva u tal-istruttura legali ġenerali meħtieġa li jkollha tiġi implimentata sabiex jiġi estiż is-self subordinat li għalih anki l-BERŻ kien parti filwaqt li fl-istess ħin tiġi estiża parti mid-dejn subordinat miżmum mil-Latvja biss kienet tkun teħtieġ arranġamenti legali kumplessi.

(b)

Il-Latvja tisħaq li fi żmien l-estensjoni qieset ukoll li estensjoni tal-maturità tad-dejn subordinat miżmum mill-BERŻ kienet trendi d-divestiment ta' Citadele saħansitra iktar diffiċli, peress li fi żmien il-bejgħ kienu jkunu jeżistu kuntratti iktar minsuġin fuq id-dejn subordinat. Qieset li possibbiltà bħal din kienet tikkomplika l-bejgħ ta' Citadele peress li kien ikollha riperkussjonijiet fuq il-kundizzjonijiet relevanti tal-għeluq u aktarx li tista' żżid l-ispejjeż tranżazzjonali relevanti.

(c)

Barra minn hekk, il-Latvja tosserva li l-istatus tal-BERŻ fir-rigward ta' Citadele seta' jagħmilha deċiżjoni iktar kumplessa għall-BERŻ sabiex jagħti l-kunsens għall-estensjoni. Fid-dikjarazzjoni tagħha tat-23 ta' Ġunju 2014, il-Latvja tidikkjara li fil-prinċipju hija tal-opinjoni assoluta li l-BERŻ kien ikun inklinat li jaqbel mal-prolungament tal-maturità tal-istrument relevanti. Madankollu, għarfet ukoll li l-pożizzjoni tal-BERŻ kienet differenti minn dik tal-Latvja peress li din tal-aħħar kienet l-azzjonista ta' maġġoranza ta' Citadele u f'dik il-kapaċità setgħet teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-proċess ta' bejgħ u setgħet tinnegozja bosta għażliet fir-rigward tal-ħlas tas-self subordinat mal-offerenti. Għaldaqstant, il-Latvja għarfet li n-nuqqas ta' kontroll min-naħa tal-BERŻ fuq il-bejgħ ta' Citadele seta' jikkostitwixxi diżinċentiv għall-estensjoni tat-terminu tal-maturità tas-self rispettiv jew fi kwalunkwe każ kien iwassal għal negozjati li jieħdu ż-żmien.

5.3.   Rigward l-appoġġ ta' likwidità mhux innotifikat mogħti lil Reverta (it-Tielet Miżura)

(49)

Il-Latvja u Reverta jagħrfu li minn Diċembru 2010, l-appoġġ ta' likwidità mogħti mil-Latvja lil Parex banka (u mbagħad lil Reverta) qabeż il-limitu massimu tal-likwidità awtorizzat stabbilit fil-premessa 55 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Id-Deċiżjoni ta' Ftuħ indikat li l-appoġġ ta' likwidità pendenti lil Reverta mill-31 ta' Diċembru 2013 kien ta' LVL 362,52 miljun, li qabeż b'LVL 55,52 miljun il-limitu massimu ta' likwidità ta' LVL 307 miljun stabbilit għall-“agħar xenarju” possibbli.

(50)

Il-Latvja targumenta li l-Kummissjoni oriġinarjament kienet awtorizzat fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex il-konverżjoni f'kapital ta' appoġġ ta' likwidità li jammonta għal LVL 218,7 miljun lil Parex banka. Dak l-ammont li kellu jiġi kkonvertit iktar tard tnaqqas fid-Deċiżjoni Emendata għal LVL 118,7 miljun. Kieku l-LVL 118,7 miljun ta' appoġġ ta' likwidità ġie kkonvertit f'kapital, l-appoġġ ta' likwidità kien jitnaqqas u kien ikun konformi mal-limiti awtorizzati. Madankollu, LVL 49,5 miljun biss mill-LVL 118,7 miljun ta' appoġġ ta' likwidità fil-fatt ġie kkonvertit f'kapital. Dak il-fattur ġie propost mil-Latvja bħala l-kawża ewlenija għal-livell eċċessiv ta' likwidità.

(51)

Barra minn hekk, il-Latvja targumenta li l-appoġġ eċċessiv kien ikkaġunat ukoll minn dewmien fil-ġenerazzjoni tal-flus meta mqabbel mar-rati ta' ġenerazzjoni tal-flus previsti fi żmien id-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Debituri ħżiena dewmu l-pagamenti u b'hekk l-irkupru tal-flus ittardja b'madwar sentejn. Il-Latvja tqis li l-fenomenu huwa wieħed temporanju u tistenna li l-appoġġ ta' likwidità eċċessiva jintemm fis-snin 2015-2016.

(52)

Minkejja dan, il-Latvja u Reverta jagħrfu d-devjazzjoni mill-ammonti tal-għajnuna awtorizzati li rriżultat mid-diffikultajiet li sabu fl-allokazzjoni xierqa tal-appoġġ mill-Istat bejn l-appoġġ ta' likwidità awtorizzat u l-kontribuzzjonijiet kapitali wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Emenda.

(53)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Latvjani spjegaw li kieku nżammet il-liċenzja bankarja ta' Parex banka (issa Reverta), il-Latvja kien ikollha tinjetta iktar kapital f'Parex banka milli kien oriġinarjament previst (tabilħaqq, il-livell minimu ta' kapital meħtieġ skont ir-regoli ta' solvenza kien iktar mill-appoġġ kapitali massimu ta' LVL 218,7 miljun awtorizzat mid-Deċiżjoni Finali dwar Parex). Fuq il-bażi tal-pjan ta' ristrutturar oriġinali sottomess lill-Kummissjoni, il-valur ekonomiku realizzat miċ-ċessjonijiet ta' assi u l-konverżjoni ta' LVL 218,7 miljun ma kienx ikun biżżejjed sabiex Parex banka (Reverta) jikkonforma mar-rekwiżiti regolatorji tal-adegwatezza kapitali.

(54)

Għaldaqstant, li kieku nżammet il-liċenzja, Parex banka (Reverta) kien ikun jeħtieġ kapital addizzjonali. Wara l-irtirar tal-liċenzja bankarja, il-livell ta' għajnuna addizzjonali kien limitat għall-ammont meħtieġ għall-proċess ta' stralċ.

(55)

Skont il-Latvja, ma kienx għad hemm bżonn li jkompli jiġi kkonvertit iktar appoġġ ta' likwidità f'kapital wara l-31 ta' Diċembru 2011 għaliex il-liċenzja bankarja ta' Reverta kienet ġiet irtirata. Matul skambji li saru qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Emenda l-Latvja kienet ikkomunikat il-pjan tagħha li ma tikkonvertix appoġġ ta' likwidità f'kapital lill-Kummissjoni wara l-31 ta' Diċembru 2011, għad li ma kkonfermatx l-intenzjoni tagħha li fil-fatt tagħmel dan u la identifikat u lanqas ma qasmet b'mod espliċitu mal-Kummissjoni l-konsegwenzi tekniċi tan-nuqqas ta' konverżjoni. B'mod partikolari, il-Latvja ma semmietx li minħabba n-“nuqqas ta' konverżjoni” tal-fondi f'kapital, il-fondi li diġà kienu ngħataw bħala appoġġ ta' likwidità ma kinux ser jaqgħu bir-rata meħtieġa mid-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(56)

Peress li LVL 49,5 miljun biss mill-appoġġ ta' likwidità fil-fatt kienu ġew ikkonvertiti f'kapital sal-31 ta' Diċembru 2011 u LVL 69,2 miljun f'appoġġ ta' likwidità ma kinux ġew ikkonvertiti f'kapital, il-livell ta' appoġġ ta' likwidità baqa' ogħla minn dak approvat b'madwar l-istess ammont.

(57)

Għaldaqstant, skont il-Latvja, iż-żamma tal-appoġġ ta' likwidità u l-evitar tal-konverżjoni tiegħu f'kapital kienu l-inqas miżura oneruża għall-awtoritajiet Latvjani u fil-fatt din il-miżura tnaqqas l-għajnuna mill-Istat għall-minimu meħtieġ.

(58)

Il-Latvja u Reverta jikkonfermaw li Reverta ma għadux jeħtieġ “flejjes ġodda”. Minħabba l-ammont baxx ta' appoġġ ta' likwidità kkonvertit f'kapital, il-Latvja tistenna li Reverta ser iżomm LVL [300-350] miljun f'appoġġ ta' likwidità fi tmiem l-2014, LVL [250-300] miljun fi tmiem l-2015, u LVL [200-250] miljun fi tmiem l-2016 u l-2017 (meta jiġi likwidat Reverta). Għaldaqstant, skont il-Latvja, dak l-appoġġ ta' likwidità ser jaqbeż il-limitu massimu oriġinarjament awtorizzat, għaliex (i) inqas appoġġ ta' likwidità ġie kkonvertit f'kapital u (ii) ir-“running off” ta' Reverta huwa mistenni jrendi inqas rikavati fi flus minn dak inizjalment ippjanat.

(59)

Skont il-projezzjoni l-ġdida tal-flus li tirrifletti d-diffikultajiet fl-irkupru tal-assi, il-Latvja tistenna li Reverta jkollu pożizzjoni kapitali negattiva ta' LVL [250-300] miljun fi tmiem il-proċess ta' likwidazzjoni (31 ta' Diċembru 2017).

5.4.   Dwar l-impenn ta' divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid (ir-Raba' miżura)

(60)

Il-Latvja bdiet bil-proċess ta' bejgħ ta' Citadele fl-2011 biex tirrispetta l-impenji li kienet ħadet stipulati fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex. L-ewwel tentattiv ta' bejgħ sar b'Nomura International bħala konsulent iżda minħabba taqlib kbir fiż-żona tal-euro kkaġunat mill-kriżi finanzjarja u ekonomika fil-Greċja, kif ukoll il-kollass ta' Snoras u Krajbanka fil-Litwanja u l-Latvja, dak it-tentattiv ma rnexxiex.

(61)

Barra minn hekk, fi Frar 2013 il-Latvja ordnat studju speċifiku minn espert indipendenti […] fuq, inter alia, l-impatt tal-bejgħ tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid fid-data speċifikata fl-impenji. L-espert wera li l-valur taż-żewġ entitajiet uniċi (Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid u l-parti li fadal ta' Citadele) kien jiswa inqas mill-valur ta' Citadele sħiħ. Konsegwentement, id-deprivazzjoni ta' Citadele min-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid tiegħu kien inaqqas il-valur kontabilistiku tal-bank u b'hekk idgħajjef il-valur tal-azzjonisti. Permezz ta' projezzjonijiet differenti, l-espert wera li mingħajr in-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid, il-profitt operazzjonali tal-bank kien jikkrolla, […] u li […] tiegħu kien imur għall-agħar.

(62)

Skont il-Latvja, fuq il-bażi tal-istudju tal-esperti, id-divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid b'mod separat mill-bqija ta' Citadele fl-2013 kien ixekkel il-vijabbiltà ta' Citadele u, konsegwentement, il-kummerċjabbiltà tiegħu. Kien inaqqas b'mod sinifikanti l-ħila tal-bank sabiex jattira atturi privati biex jinvestu f'Citadele bi prezz raġonevoli. Għalhekk, fl-2013 beda t-tieni proċess ta' bejgħ għal Citadele sħiħ bl-assistenza ta' Société Générale u Linklaters LLP bħala konsulenti esterni. Iż-żewġ metodi ta' bejgħ li bħalissa qed jiġu kkontemplati huma Fużjoni u Akkwiżizzjoni (“M&A”) jew Offerta Inizjali għall-Pubbliku (“IPO”).

5.5.   Miżuri ta' kumpens proposti mil-Latvja

(63)

Sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mas-suq intern skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat tal-miżuri ta' għajnuna addizzjonali mogħtijin mil-Latvja lil Parex banka, Citadele u Reverta permezz tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Miżuri, kif ukoll in-nuqqas ta' divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid ta' Citadele sad-data ta' skadenza impenjata (ir-Raba' Miżura), il-Latvja pproponiet sensiela ta' impenji li huma stabbiliti fil-premessi 64 sa 73.

5.5.1.   Data ta' skadenza għall-bejgħ ta' Citadele u għad-divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid

(64)

Il-Latvja u Citadele jieħdu impenn li jagħmlu l-ikbar sforzi biex jiksbu malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ qabel […] offerti vinkolanti għall-bejgħ tas-sehem sħiħ tar-Repubblika tal-Latvja f'Citadele (inkluż in-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid). Il-bejgħ għandu jitlesta sa mhux iktar tard minn […]. Għandu jitħalla għad-diskrezzjoni tar-Repubblika tal-Latvja (u l-konsulent tagħha) li tiddeċiedi x'inhuma l-istruttura u l-modalitajiet xierqa tat-tranżazzjoni ta' bejgħ (eż. bejgħ ta' negozju jew IPO), dment li r-Repubblika tal-Latvja eventwalment tiddivesti s-sehem sħiħ tagħha f'Citadele sa mhux iktar tard minn […]. Fil-każ ta' IPO, ir-Repubblika tal-Latvja tieħu impenn li taqbel fuq prospett vinkolanti mal-FCMC sa […].

(65)

Il-Latvja u Citadele jieħdu impenn ukoll li jaħtru fiduċjarju ta' divestitura jekk, sa […], ma tasal ebda offerta vinkolanti jew, fil-każ ta' IPO, bl-istess objettiv, ma jkun intlaħaq ebda qbil mal-FCMC. F' tali każ, ir-Repubblika tal-Latvja ser tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura li l-fiduċjarju tad-divestitura jinħatar u jibda jaħdem minn […]. Huwa mifhum li l-konsulent finanzjarju għall-bejgħ ta' Citadele jista' jinħatar ukoll bħala fiduċjarju tad-divestitura minn […]. Jekk jinħatar fiduċjarju ta' divestitura, il-Latvja u Citadele jieħdu impenn li jirċievu offerti vinkolanti u irrevokabbli għall-partijiet kollha sa […] u jidħlu fi ftehim vinkolanti u irrevokabbli għall-bejgħ tas-sehem sħiħ tar-Repubblika tal-Latvja f'Citadele sa […], li jrid jingħalaq sa mhux iktar tard minn […].

(66)

Barra minn hekk, il-Latvja u Citadele jieħdu impenn li minn […] Citadele […] negozju ġdid u n-negozju li jfidal ta' Citadele ser […], jekk ir-Repubblika tal-Latvja ma tkunx daħlet fi ftehim vinkolanti u irrevokabbli sa […], li jipprovdi għall-għeluq tal-bejgħ sa […] tas-sehem sħiħ tar-Repubblika tal-Latvja f'Citadele, jew jekk l-IPO ma tippermettix lir-Repubblika tal-Latvja tbigħ is-sehem sħiħ tagħha f'Citadele sa […].

(67)

Il-Latvja u Citadele jieħdu impenn li jgħalqu t-tranżazzjoni ta' bejgħ u xiri tas-sehem sħiħ f'Citadele tar-Repubblika tal-Latvja sa […]. Jekk il-bejgħ ta' dak is-sehem ma jkunx sar sa […], jieħdu impenn li Citadele […] negozju ġdid u n-negozu li jifdal ta' Citadele ser jiġi […].

(68)

Jekk Citadele jkun […] f'xi wieħed mill-avvenimenti msemmijin fil-premessi 64 sa 67, kwalukwe parti min-negozju ta' Citadele, li fiha hemm interess ta' partijiet terzi, tista' tinbiegħ u tiġi ttrasferita mir-Repubblika tal-Latvja u/jew Citadele lit-tali parti terza (mingħajr preġudizzju għall-prinċipji […] u ebda għajnuna ġdida mill-Istat).

5.5.2.   Tnaqqis ulterjuri tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet kapitali awtorizzati

(69)

Fir-rigward ta' Reverta, id-Deċiżjoni ta' Emenda awtorizzat il-konverżjoni f'kapital ta' depożiti tal-Istat u l-imgħax (l-appoġġ ta' likwidità) għall-ammont totali ta' LVL 118,7 miljun. Peress li s'issa LVL 49,5 miljun biss mill-appoġġ ta' likwidità ġie kkonvertit f'kapital, il-Latvja tipproponi li l-ammont totali massimu ta' kapital li jista' jiġi pprovdut lil Reverta mil-Latvja jonqos b'mod immedjat u permanenti għal LVL 49,5 miljun, mill-ammont stabbilit qabel ta' LVL 118,7 miljun.

5.5.3.   Impenn li jissaħħu l-miżuri ta' qsim tal-piżijiet billi jiġi evitat kull ħruġ ta' flus lill-Kredituri Subordinati Legati ta' Reverta

(70)

Il-Latvja tirrikonoxxi li hemm bżonn ta' miżuri msaħħin għall-qsim tal-piżijiet biex tiġi żgurata kompatibbiltà tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Miżuri mas-suq intern. Tali miżuri jkunu qed jiżguraw inter alia li ebda parti terza ma tingħata benefiċċju bi żball mill-għajnuna mill-Istat addizzjonali mogħtija lil Reverta u Citadele.

(71)

Għal dan il-għan, il-Latvja tieħu impenn li ssaħaħ l-impenji preċedenti ta' qsim tal-piżijiet permezz ta' rikapitalizzazzjoni interna tal-eks azzjonisti ta' maġġoranza ta' Parex banka, l-affiljati tagħhom, u kredituri oħrajn (il-“Kredituri Subordinati Legati”) li kienu taw self subordinat (is-“Self Subordinat Legat”).

(72)

Reverta qabeż l-ammonti ta' likwidità awtorizzati mid-Deċiżjoni Finali ta' Parex f'parti minnhom minħabba l-ħlas tal-imgħax fuq is-Self Subordinat Legat. Li kieku Reverta ma ħallasx dan l-imgħax jew li kieku s-Self Subordinat Legat tniżżel fil-valur eżatt wara d-Deċiżjoni Finali ta' Parex, il-Latvja jaf ma kienx ikollha bżonn timplimenta l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Miżuri sa fejn fil-fatt ġew implimentati.

(73)

Fid-dawl ta' dan li ntqal, il-Latvja toffri li tiċċara u ssaħħaħ l-impenji tagħha rigward il-kapital u l-imgħax dovut rigward is-Self Subordinat Legat kif ġej:

(a)

Citadele u Reverta (qabel kienu Parex banka) kif ukoll l-impriżi affiljati magħhom ma għandhomx iħallsu mgħax, dividendi jew kupuni fuq strumenti kapitali eżitenti (inklużi azzjonijiet privileġġati, ishma B, u strumenti superjuri u inferjuri tal-grad 2) (dovuti jew akkumulati) jew jeżerċitaw xi dritt ta' opzjoni eżerċitata b'rabta mal-istess, lil xi debituri jew azzjonisti subordinati, li mhumiex strettament l-Istat Latvjan jew il-BERŻ, qabel u sakemm ma tkunx tħallset lura totalment l-għajnuna mill-Istat lil Reverta u/jew Citadele u sakemm ma jkunx hemm obbligu legali li jagħmlu hekk. Jekk jeżistu obbligi legali bħal dawn, il-Latvja tieħu impenn li tneħħihom malajr kemm jista' jkun (u żgur sa mhux iktar tard mit-30 ta' April 2015).

(b)

Il-Latvja tieħu l-impenn ukoll li ma tħallasx lura xi dejn (kapital) pendenti tas-Self Subordinat Legat (qabel u sakemm ma titħallasx lura kompletament l-għajnuna mill-Istat lil Reverta/Citadele), li ser ikun:

i.

soġġett għal ordni vinkolanti li ma jsir dovut u pagabbli ebda pagament skont is-Self Subordinat Legat; jew

ii.

ikkonvertit f'kapital tal-Grad 1 mingħajr id-dritt tal-vot; jew

iii.

jitniżżel fil-valur;

sa fejn hemm bżonn biex ikopri l-valur negattiv nett tal-assi ta' Reverta, u dment li hemm bażi legali disponibbli.

(c)

Il-Latvja ser twettaq il-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li kull dispożizzjoni legali meħtieġa biex tinżamm konformità mal-impenji ta' hawn fuq tiġi implimentata sa mhux iktar tard mit-30 ta' April 2015.

5.6.   Ir-reazzjoni tal-Latvja għall-kummenti tal-partijiet terzi

(74)

Fis-6 ta' Ġunju 2014, il-Latvja ssottomettiet it-tweġiba tagħha b'rabta mal-kummenti tal-partijiet terzi li rċiviet il-Kummissjoni. Il-Latvja tiddikjara li l-allegazzjonijiet imressqin mill-kummenti mhumiex sostanzjati u ma huma ta' ebda relevanza b'rabta mad-Deċiżjoni ta' Ftuħ. Il-Latvja tiċħad l-allegazzjonijiet tal-parti terza u titlob lill-Kummissjoni sabiex tinjorahom.

6.   VALUTAZZJONI

6.1.   L-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat wara l-miżuri l-ġodda

(75)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti għandha titqes inkompatibbli mas-suq intern jekk taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(76)

Il-kwalifikazzjoni ta' miżura bħala għajnuna mill-Istat teħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin f'daqqa: (a) il-miżura trid tkun iffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat; (b) trid tagħti vantaġġ selettiv li jista' jiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti; (c) il-miżura trid toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u jkollha l-potenzjal li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.1.   L-Ewwel Miżura

(77)

Il-fatt li l-għoti mil-Latvja ta' self subordinat lil Parex banka kien jinvolvi għajnuna mill-Istat ġie stabbilit fl-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ, meta l-Kummissjoni approvat il-ħruġ ta' dejn subordinat b'maturità ta' ħames snin bħala miżura ta' għajnuna kompatibbli. Dak iż-żmien il-Kummissjoni ddeċidiet li investitur f'ekonomija tas-suq ma kienx jagħti dejn subordinat b'maturità ta' ħames snin (25).

(78)

Is-self subordinat li fil-fatt ingħata mil-Latvja favur Parex banka kien l-istess bħall-miżura li kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni ħlief għall-fatt li kellha maturità itwal, u din iġġenerat vantaġġ addizzjonali għal Parex banka.

(79)

Id-dejn subordinat b'maturità ta' seba' snin kien jagħti lill-mutwatarju vantaġġ ikbar mid-dejn subordinat b'maturità ta' ħames snin peress li r-riskju għal investitur ta' kwalunkwe investiment jiżdied iktar ma tittawwal il-maturità tal-investiment. Meta ngħata d-dejn subordinat b'maturità ta' seba' snin, kien ikun inqas probabbli għal investitur f'ekonomija tas-suq li jagħti d-dejn subordinat b'dawk it-termini estiżi milli kien jagħmel l-istess ħaġa għal ħames snin. Għalhekk, il-maturità itwal tad-dejn subordinat kienet tirrappreżenta vantaġġ addizzjonali għal Parex banka meta mqabbla mal-forma tad-dejn subordinat li kienet approvata fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Peress li r-rekwiżiti kollha l-oħrajn sabiex ikun hemm għajnuna mill-Istat diġà kienu ġew stabbiliti fl-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ, l-Ewwel Miżura tirrappreżenta għajnuna addizzjonali mill-Istat.

6.1.2.   It-Tieni Miżura

(80)

Fis-27 ta' Ġunju 2013 il-Latvja tat estensjoni ta' 18-il xahar addizzjonali għall-maturità ta' LVL 37 miljun f'self subordinat lil Citadele (mit-total ta' LVL 45 miljun miżmuma mil-Latvja dak iż-żmien).

(81)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, fin-nuqqas ta' argumenti oħrajn, il-Kummissjoni vvalutat li tali estensjoni ta' maturità ma kinitx tingħata minn investitur f'ekonomija tas-suq, peress li kienet tippreżenta riskji oħrajn meta mqabbla mal-forma eżistenti preċedenti tas-self subordinat. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-maturità itwal tad-dejn subordinat kienet tirrappreżenta vantaġġ addizzjonali mogħti mill-Istat lil Citadele meta mqabbla mal-forma tad-dejn subordinat li kienet approvata fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex, u b'hekk għajnuna addizzjonali.

(82)

Il-Latvja ddikjarat li investitur f'suq b'mod razzjonali kien jagħżel li jieħu miżuri speċifiċi biex iżomm l-adegwatezza kapitali tal-bank biex jippreserva l-valur tal-investiment tiegħu. Għaldaqstant, essenzjalment targumenta li t-Tieni Miżura ma tat ebda vantaġġ lil Citadele għaliex il-forniment ta' appoġġ addizzjonali kien konformi mal-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq.

(83)

Il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq huwa applikabbli għal tranżazzjoni bħat-Tieni Miżura. Madankollu, tfakkar li l-Qrati tal-Unjoni saħqu li jekk Stat Membru jiddependi minn dak it-test matul il-proċedura amministrattiva, meta jkollu dubju jrid jistabbilixxi mingħajr ekwivoku u fuq il-bażi ta' evidenza oġġettiva u verifikabbli li l-miżura implimentata taqa' sabiex tiġi kkredidata lill-Istat li jaġixxi bħala azzjonist u li, f'dak ir-rigward, jista' jkun hemm bżonn li tiġi prodotta evidenza li turi li d-deċiżjoni hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi, kien jagħmel investitur privat razzjonali f'sitwazzjoni li tixbah kemm jista' jkun lil dik tal-Istat Membru, qabel ma jagħmel l-investiment, sabiex jistabbilixxi l-profitabbiltà tiegħu fil-ġejjieni. (26)

(84)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li d-dikjarazzjoni tal-Latvja li hija aġixxiet skont il-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq ma kinitx issostanzjata bl-argumenti sottostanti u b'analiżi ddettaljata.

(85)

L-ewwel nett, ma ġiet ipprovduta ebda evidenza lill-Kummissjoni li l-Latvja wettqet valutazzjoni tal-investiment tagħha f'Citadele fl-istess ħin mad-deċiżjoni tagħha li timplimenta t-Tieni Miżura. Investitur tas-suq li jaġixxi bħala azzjonist kien jivvaluta l-valur ta' Citadele biex jistabbilixxi l-valur attwali tal-investiment tiegħu f'dak il-bank qabel (u, b'hekk, mingħajr) u wara l-implimentazzjoni tat-Tieni Miżura u kien iqabbel dawk iż-żewġ valuri. Il-Kummissjoni tqis li investitur tas-suq bi skop ta' profitt kien jibda billi jistabbilixxi l-valur attwali tal-investiment tiegħu fil-bank u mbagħad kien jiżgura jekk il-valur attwali ta' dak l-investiment kienx ikun protett bl-estensjoni addizzjonali tal-maturità tas-self subordinat. Jekk ir-riżultat ta' dik l-analiżi kien juri li l-valur seta' jkun protett jew saħansitra jiżdied, bħala t-tieni pass, investitur tas-suq bi skop ta' profitt kien iqabbel il-kost tal-għażla ta' salvagwardja (jew saħansitra żieda) tal-valur u d-differenza fil-valur.

(86)

Kieku l-Latvja għamlet analiżi bħal din, missha wriet li l-għoti tal-maturità prolungata kien miżura effettiva tal-inqas sabiex jiġi ssalvagwardjat il-valur tal-investiment u mbagħad missha wriet li l-kost tal-għażla talli pprovdiet tali miżura kien inqas miż-żieda fil-valur. Huwa biss jekk il-kostijiet tal-għażla talli pprovdiet il-maturità addizzjonali kienu inqas mill-preservazzjoni tal-valur li tirriżulta mit-Tieni Miżura li l-Kummissjoni tkun tista' taċċetta li l-Latvja aġixxiet skont il-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq. Madankollu, il-Latvja la pprovdiet valutazzjoni simultanja tal-valur tal-investimenti u lanqas analiżi li turi li l-kostijiet tal-għażla talli pprovdiet il-maturità addizzjonali kienu inqas mill-preservazzjoni tal-valur li tirriżulta mill-implimentazzjoni tat-Tieni Miżura.

(87)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li t-Tieni Miżura ma tistax titqies konformi mal-imġiba ta' operatur f'ekonomija tas-suq f'pożizzjoni paragunabbli ma' dik tal-Latvja f'Ġunju 2013.

(88)

It-tieni nett u fi kwalunkwe każ, il-prinċipji stabbiliti għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq jeħtieġu li t-tqabbil mal-imġiba ta' investitur privat razzjonali jsir f'sitwazzjoni li tixbah kemm jista' jkun dik tal-Istat Membru. (27) Konsegwentement, meta vvalutat il-valur tal-investiment tagħha f'Citadele, il-Latvja missha kkunsidrat l-impenji stipulati fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex b'rabta mal-bejgħ ta' Citadele. F'Ġunju 2013, meta daħlet fis-seħħ it-Tieni Miżura, dawk l-impenji kienu jinkludu obbligi ta' divestiment ta' Citadele sal-31 ta' Diċembru 2014 kif ukoll divestiment ta' Citadele mingħajr in-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid (peress li n-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid kellu jiġi divestit għalih jekk ma jinbiegħx sat-30 ta' Ġunju 2013). Peress li fis-27 ta' Ġunju 2013, meta ngħatat l-estensjoni tal-maturità, ma kien għadu nstab ebda xerrej għan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid, il-konklużjoni ta' investitur privat kienet tkun li ma kienx possibbli li n-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid jinbiegħ flimkien ma' Citadele sad-data ta' skadenza ta' 30 ta' Ġunju 2013 stabbilita mid-Deċiżjoni Finali dwar Parex u, għalhekk, iż-żewġ entitajiet kellhom jinbiegħu b'mod separat.

(89)

Barra minn hekk, azzjonist privat tal-bank f'sitwazzjoni li tixbah kemm jista' jkun lil dik tal-Istat Membru ma kien ikollu ebda raġuni għaliex jassumi li l-issodisfar ta' dawk l-impenji kien jiġi rrinunzjat jew pospost, peress li kull modifika bħal din kienet soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, meta kellu jiġi stabbilit il-valur tal-investiment f'Ġunju 2013, ma setax ikun mistenni li dawk l-obbligi jkunu irrelevanti peress li ma setax jiġi supponut li l-Kummissjoni kienet ser tapprova kwalunkwe modifika ta' xi obbligu qabel il-perjodu li fih il-Latvja kienet ħadet impenn li teżegwih.

(90)

Konsegwentement, għall-fini ta' deċiżjoni dwar jekk għandhiex tagħti l-maturità prolungata, il-parametri għall-valutazzjoni tal-valur tal-investiment tal-Latvja f'Citadele f'Ġunju 2013 iridu jinkludu l-impenji li huma stipulati fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Il-Latvja kienet naqset milli tipprovdi evidenza li ħadet dawk il-parametri kollha f'kunsiderazzjoni jew li l-valur tal-investiment tagħha f'dak il-mument li kien jirriżulta mit-teħid f'kunsiderazzjoni tagħhom huwa ikbar mill-kost tal-għażla talli pprovdiet l-estensjoni tal-maturità. Għalhekk ukoll, il-Kummissjoni tqis li t-Tieni Miżura ma tistax titqies li hija konformi mal-imġiba ta' operatur f'ekonomija tas-suq li jsib lilu nnifsu f'pożizzjoni paragunabbli għal dik tal-Latvja f'Ġunju 2013.

(91)

It-tielet, anki kieku l-Latvja għamlet analiżi ddettaljata biżżejjed tat-Tieni Miżura bħala mezz ta' preservazzjoni tal-valur tal-investiment tagħha f'Citadele sa Ġunju 2013 u anki li kieku f'din l-analiżi kkalkolat ir-restrizzjonijiet li operatur f'ekonomija tas-suq kien jieħu f'kunsiderazzjoni minħabba l-bejgħ pendenti ta' Citadele u d-divestiment separat tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid, id-dikjarazzjonijiet tal-Latvja dwar l-ispejjeż tat-Tieni Miżura u l-livell tal-valur tal-investiment f'Citadele suppost preservat minn dik il-miżura mhumiex plawżibbli.

(92)

Minn naħa, filwaqt li l-Latvja tiddikjara li t-Tieni Miżura ma involviet ebda spejjeż għall-Istat, dik id-dikjarazzjoni ma hija sostnuta minn ebda dettall ieħor jew evidenza rigward il-valutazzjoni tal-ispejjeż imwettqa mil-Latvja meta ġiet approvata t-Tieni Miżura. Din l-analiżi tal-kostijiet tal-għażla u kull tip ieħor ta' kost marbut mat-Tieni Miżura kienet tkun prerekwiżit għal investitur privat li jfittex li jieħu deċiżjoni razzjonali dwar jekk jestendix il-maturità tas-self subordinat. L-assenza ta' evalwazzjoni tal-ispejjeż twassal sabiex il-Kummissjoni tikkonkludi li investitur privat ma kienx ikun jista' jivvaluta kemm hija meħtieġa t-Tieni Miżura f'termini ta' massimizzazzjoni tal-profitt.

(93)

Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-Latvja tiddikjara li t-Tieni Miżura ppreservat il-valur tal-investiment tal-Latvja f'Citadele, dik id-dikjarazzjoni mhijiex riflessa fil-karatteristiċi tal-investiment f'Citadele li għamel l-Istat Membru sa Ġunju 2013. Il-Kummissjoni tosserva li għal investitur orjentat lejn il-profitt, il-valur attwali ta' investiment jiddependi mill-prospettiva ta' flussi ta' dħul fil-ġejjieni minn dak l-investiment (fil-forma ta', pereżempju, dividendi) flimkien mal-valur kapitali ta' dak l-investiment f'dak iż-żmien partikolari (li jista' jiġi derivat, pereżempju, mill-prezz li akkwirent kieku jħallas għall-investiment tal-azzjonist f'dak iż-żmien partikolari jew mill-valur skontat biż-żmien tal-prezz li akkwirent kieku jħallas għall-investiment tal-azzjonist fil-ġejjieni). L-indiċijiet kollha għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni jindikaw li l-valur tal-investiment tal-Latvja f'Citadele f'Ġunju 2013 kien baxx, jekk kellu valur pożittiv affattu.

(94)

Fir-rigward tal-flussi ta' dħul possibbli fil-ġejjieni mill-investiment tal-Latvja f'Citadele, ma ġiet ipprovduta ebda evidenza li tindika li sa Ġunju 2013 l-azzjonisti setgħu jistennew xi dividendi mingħand Citadele f'xi punt fil-futur qrib. Kwalunkwe valutazzjoni ta' azzjonist privat tal-bank f'sitwazzjoni li tixbah kemm jista' jkun dik tal-Istat Membru tad-dħul mistenni mid-distribuzzjoni tad-dividendi kienet tkun marbuta mal-obbligu ta' divestiment ta' Citadele sal-31 ta' Diċembru 2014. Barra minn hekk, l-istudju deskritt fil-premessa 61 stabbilixxa li, mingħajr in-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid, Citadel kien jagħmel inqas telf, konklużjoni li kompliet tnaqqas il-prospettiva ta' benefiċċju minn kwalunkwe distribuzzjoni ta' dividendi peress li sas-27 ta' Ġunju 2013 operatur f'ekonomija tas-suq kien ikollu jassumi li Citadele u n-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid kienu ser jiġu divestiti b'mod separat.

(95)

B'hekk, meta ġiet ipprovduta l-estensjoni tal-maturità, ma kien hemm ebda evidenza li Citadele jkun jista' (wara li jitqiesu l-profitti u l-proporzjon tal-kapital mistennijin tiegħu) jiddistribwixxi dividendi qabel il-31 ta' Diċembru 2014, peress li l-proporzjon tal-kapital ta' 10,3 % ippjanat li jinkiseb għall-31 ta' Diċembru 2013 bilkemm jaqbeż il-proporzjon tal-kapital minimu meħtieġ ta' 10 % u jkun ferm inqas mill-proporzjon tal-kapital ta' […] % irrakkomandat mill-FCMC sabiex jiġu indirizzati riskji eżistenti u potenzjali għal Citadele. Għaldaqstant, investitur privat kien jieħu f'kunsiderazzjoni li sa Ġunju 2013 kien hemm probabbiltà baxxa li l-azzjonisti setgħu jistennew xi distribuzzjoni ta' dividendi minn Citadele fil-futur qrib.

(96)

Rigward il-valur tal-kapital tal-investiment tal-Latvja f'Citadele f'Ġunju 2013, l-istudju sottomess mill-awtoritajiet tal-Latvja li huwa deskritt fil-premessa (61) u li tfassal fi Frar 2013 juri li Citadele kien ikun affettwat ħażin mid-divestiment separat tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid. Investitur privat f'sitwazzjoni li tixbah kemm jista' jkun lil dik tal-Latvja f'Ġunju 2013 kien jieħu f'kunsiderazzjoni l-fatt li madwar erba' xhur qabel, espert indipendenti kien stabbilixxa li l-valur tal-bejgħ ta' Citadele mingħajr in-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid kien ikun inqas minn dak taż-żewġ entitajiet flimkien. Konsegwentement, tali investitur privat kien ikollu bżonn raġunijiet validi f'termini ta' massimizzazzjoni tar-redditu aġġustat għar-riskju biex jieħu riskji addizzjonali billi jagħti l-estensjoni tal-maturità tas-self subordinat. Madankollu, il-Latvja ma pprovdiet ebda evidenza ta' tali raġunijiet validi sabiex operatur f'ekonomija tas-suq jieħu dawk ir-rsikji addizzjonali f'dak iż-żmien. B'hekk, anki kieku ġiet ipprovduta l-estensjoni tal-maturità, ma kien hemm ebda evidenza li Citadele mingħajr in-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid seta' jinbiegħ għal […] u dan iwassal sabiex il-Kummissjoni tikkonkludi li f'Ġunju 2013 il-Latvja ma kellhiex […] fl-investiment tagħha li kellu jiġi ppreservat li kien […] għall-għoti tat-Tieni Miżura.

(97)

Dawk ir-raġunijiet ulterjuri jwasslu wkoll sabiex il-Kummissjoni tqis li t-Tieni Miżura ma tistax tiġi kkunsidrata konformi mal-imġiba ta' operatur f'ekonomija tas-suq li jsib lilu nnifsu f'pożizzjoni li tixbah lil dik tal-Latvja f'Ġunju 2013.

(98)

Ir-raba' u l-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-BERŻ, li f'Ġunju 2013 kien l-uniku azzjonist ieħor ta' Citadele minbarra l-Istat Latvjan, ma tawwalx il-maturità tas-self subordinat pendenti tiegħu lil Citadele u li l-Latvja qatt ma daħlet f'kuntatt mal-BERŻ biex tiddiskuti l-parteċipazzjoni ta' dan tal-aħħar fit-Tieni Miżura, kif spjegat fil-premessi 46 sa 48. Dak in-nuqqas ta' kull tentattiv li tiddiskuti l-qsim tal-piżijiet tal-kost tat-Tieni Miżura jekk dik il-miżura kellha tkun mezz biex jiġi ppreservat il-valur tal-investimenti f'Citadele huwa indikazzjoni oħra li t-Tieni Miżura ma kinitx konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq.

(99)

F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni l-ewwel tfakkar li skont l-ittra tal-FCMC, Citadele kellu għaxar xhur (mill-1 ta' Marzu sal-31 ta' Diċembru 2013) biex jikkonforma mal-proporzjon il-ġdid tal-adegwatezza kapitali. F'dak il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li azzjonist ta' maġġoranza kien jisfrutta l-perjodu ta' għaxar xhur kollu kemm hu sabiex jidentifika soluzzjoni adegwata ħalli jissodisfa r-rekwiżit kapitali l-ġdid li naqqas l-ispejjeż proprji tiegħu. B'hekk, l-argument tal-Latvja fuq it-tħaffif tal-bejgħ ta' Citadele ma jispjegax għaliex it-Tieni Miżura ġiet adottata bla ma daħlet f'kuntatt mal-azzjonist ta' minoranza ta' Citadele fi żmien erba' xhur mill-ittra tal-FCMC minflok ma sfruttat iktar mill-perjodu sa għaxar xhur li setgħet tieħu.

(100)

Barra minn hekk, anki jekk il-parteċipazzjoni tal-BERŻ f'estensjoni tal-maturità kienet tinvolvi miżura b'karatteristiċi differenti minn dawk tat-Tieni Miżura, il-Latvja ma tipprovdi ebda evidenza li miżura differenti bħal din li tinkludi l-BERŻ kienet tkun inqas effettiva mit-Tieni Miżura jew li kienet tiġi ogħla għall-azzjonist ta' maġġoranza meta mqabbla mal-ispejjeż tat-Tieni Miżura stess.

(101)

Rigward l-argument tal-Latvja li estensjoni mill-BERŻ tal-maturità tas-self subordinat tiegħu kienet twassal għal piżijiet addizzjonali fi żmien il-bejgħ ta' Citadele, l-awtoritajiet tal-Latvja ma pproduċew ebda element biex juru li tali estensjoni fil-fatt kienet toħloq it-tali spejjeż addizzjonali. Ma sar ebda studju speċifiku fuq l-ispejjeż tad-divestiment ta' Citadele wara t-Tieni Miżura meta mqabbla mal-ispejjeż ta' bejgħ ipotetiku ta' Citadele wara estensjoni li fiha ħa sehem il-BERŻ li jiġġustifika d-dikjarazzjoni tal-Latvja li kien ikun hemm piżijiet addizzjonali. Il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe operatur privat li jikkunsidra kif jippreserva l-valur tal-investiment tiegħu f'Citadele tal-inqas kien ikun kapaċi jindika evalwazzjoni kontemporanja ta' x'kienu b'rabta ma' bejgħ sussegwenti dawk l-ispejjeż alternattivi li jirriżultaw jekk l-azzjonist ta' minoranza f'Citadele jestendi d-durata tas-self subordinat tiegħu lil dak il-bank.

(102)

Fl-aħħar, kif osservat fil-premessa 48(c), il-Latvja tispjega li kienet temmen li l-BERŻ kien ikun lest li jestendi l-maturità tas-self tiegħu lil Citadele. F'dik is-sitwazzjoni, anki kieku l-involviment tal-BERŻ kien iwassal għal iktar kumplessità, il-Kummissjoni tqis li azzjonist ta' maġġoranza privat li kien qed jikkontempla l-estensjoni tal-maturità tad-dejn subordinat eżistenti tiegħu stess favur Citadele tal-inqas kien jidħol f'kuntatt mal-azzjonist ta' minoranza li kien ukoll detentur ta' dejn subordinat ta' Citadele biex jara jekk dan tal-aħħar kienx jew (i) jaqsam l-ispejjeż tal-appoġġ addizzjonali lil Citadele billi jestendi d-data ta' maturità tas-self tiegħu stess jew inkella (ii) jidħolx f'xi arranġament ieħor dirett mal-azzjonist ta' maġġoranza biex iħallas għal parti mill-ispejjeż tat-Tieni Miżura lill-azzjonist ta' maġġoranza. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta li azzjonist ta' maġġoranza ta' kumpanija kien jaċċetta l-ispiża kollha ta' protezzjoni tal-valur tal-investimenti kollha f'dik il-kumpanija u b'hekk ikun ipproteġa l-valur tal-investiment ta' azzjonist ta' minoranza mingħajr ma jidħol f'kuntatt ma' dan tal-aħħar sabiex ifittex kontribuzzjoni mingħandu.

(103)

Fid-dawl ta' kull wieħed minn dawn il-fatturi, l-assenza ta' kwalunkwe approċċ għall-BERŻ fil-perjodu ta' bejn l-1 ta' Marzu 2013 u s-27 ta' Ġunju 2013 hija indikazzjoni oħra li t-Tieni Miżura ma saritx skont ir-rekwiżiti tal-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq.

(104)

Għal kull waħda mill-erba' raġunijiet stabbiliti fil-premessi 85 sa 103, ma ġiex stabbilit mingħajr ekwivoku u fuq il-bażi ta' evidenza oġġettiva u verifikabbli li t-Tieni Miżura trid tiġi attribwita lill-Istat Membru li aġixxa bħala azzjonist privat. F'dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta li Citadele, f'ċirkustanzi li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet normali tas-suq, seta' jikseb l-istess vantaġġ bħal dak li tqiegħed għad-dispożizzjoni permezz ta' riżorsi tal-Istat fil-forma tat-Tieni Miżura.

(105)

Il-Latvja kienet implimentat it-Tieni Miżura għal Citadele li huwa u ser ikun attiv fi swieq miftuħin għal kompetizzjoni internazzjonali. Għaldaqstant, kull vantaġġ mir-riżorsi tal-Istat jaffettwa l-kompetizzjoni fis-settur bankarju u jħalli impatt fuq il-kummerċ intra-Unjoni. Barra minn hekk, dik il-miżura hija selettiva peress li tibbenefika lil Citadele biss. Hija ffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat. F'Ġunju 2013, kif spjegat mil-Latvja fil-premessa (45), parti terza li taġixxi ta' operatur f'ekonomija tas-suq ma kinitx tawtorizza miżura li tixbah it-Tieni Miżura b'termini paragunabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonferma l-valutazzjoni preċedentement provviżorja tagħha mid-Deċiżjoni ta' Ftuħ li t-Tieni Miżura tirrappreżenta għajnuna addizzjonali mill-Istat.

6.1.3.   It-Tielet Miżura

(106)

Fir-rigward ta' appoġġ ta' likwidità mogħti lil Reverta, għall-ewwel dan kien approvat bħala parti mill-miżuri kompatibbli ta' għajnuna mill-Istat approvati fl-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ, fil-forma ta' depożiti tal-Istat. Dak iż-żmien, il-Kummissjoni osservat li Parex banka kien nieqes minn kollateral likwidu u li l-Latvja kienet iddepożitat il-fondi, wara li qieset il-ħtiġijiet ta' likwidità tal-bank, meta ebda investitur tas-suq ma kien lest jipprovdi likwidità fid-dawl tas-sitwazzjoni dgħajfa ta' Parex banka. (28)

(107)

Wara d-Deċiżjoni Finali dwar Parex (u l-qasma f'bank tajjeb u bank ħażin), l-għajnuna ta' likwidità mbagħad ġiet ittrasferita lil Citadele u Reverta. L-ewwel wieħed diġà ħallas għal kollox is-sehem tiegħu mill-appoġġ ta' likwidità. Reverta kien meħtieġ jillimita l-ammonti ta' appoġġ ta' likwidità li rċieva, kif stipulat fil-premessa (19)c). Madankollu, l-ammont ta' appoġġ ta' likwidità fil-fatt mogħti lil Reverta jaqbeż anki l-livelli previsti għall-agħar xenarju possibbli li kien approvat fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Dak l-appoġġ ta' likwidità addizzjonali jipprovdi vantaġġ supplimentari għal Reverta meta mqabbel mal-għajnuna approvata mid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Il-Latvja ma ddikjaratx li operat bħala mutwanti tas-suq fil-forniment ta' tali likwidità u lanqas ma ppreżentat xi element li jippermetti li l-Kummissjoni tikkonkludi li Reverta, fiċ-ċirkustanzi li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet normali tas-suq, setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li tqiegħed għad-dispożizzjoni għaliha mir-riżorsi tal-Istat fil-forma tat-Tielet Miżura. Ma nbidlet ebda waħda mill-karatteristiċi l-oħrajn tal-appoġġ ta' likwidità minbarra l-kwantità tiegħu u, għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(108)

Fuq il-bażi tal-premessi 106 u 107, peress li huwa ċar li l-appoġġ ta' likwidità miżjud jirrappreżenta vantaġġ addizzjonali meta mqabbel mal-miżuri ta' għajnuna approvati, dan għaldaqstant jirrappreżenta għajnuna addizzjonali (peress li l-kriterji kollha l-oħrajn skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat għadhom fis-seħħ).

6.2.   Bażi legali għall-kompatibbiltà tal-għajnuna addizzjonali l-ġdida

(109)

L-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tqis li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern jekk isservi “sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta' Stat Membru”.

(110)

Minħabba l-importanza sistemika ta' Parex banka (li kien bank importanti fil-Latvja) u l-importanza tal-attivitajiet ta' self tiegħu għall-ekonomija Latvjana fi żmien l-approvazzjoni tal-miżuri ta' għajnuna, il-Kummissjoni aċċettat li n-nuqqas ta' indirizzar tad-diffikultajiet tal-bank kien iwassal għal konsegwenzi serji għall-ekonomija tal-Latvja.

(111)

Għalhekk, fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex, il-miżuri ta' għajnuna approvati għal Parex banka ġew ivvalutati skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat kif ukoll fuq il-bażi tal-Komunikazzjonijiet (29) adottati fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja li kienu fis-seħħ fi żmien l-għoti tal-għajnuna.

(112)

Il-Kummissjoni tqis li l-istess bażi legali tapplika għall-għajnuna addizzjonali mogħtija permezz tal-Ewwel u t-Tieni Miżuri, fuq il-bażi tat-twaqqit tal-implimentazzjoni tagħhom u l-karatteristiċi tagħhom li jixbhu lil dawk tal-miżuri ta' għajnuna approvati.

(113)

Fir-rigward tat-Tielet Miżura, il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-Kummissjoni trid issir fuq il-bażi tal-kriterji aġġornati stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-2013 dwar il-Banek (30). Tabilħaqq, kwalunkwe għajnuna mogħtjia bis-sħiħ jew b'mod parzjali mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kumissjoni (u b'hekk bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat) wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2013 dwar il-Banek fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea trid tiġi eżaminata fuq il-bażi ta' dik il-Komunikazzjoni. Peress li t-Tielet Miżura ġiet applikata kontinwament mill-2011 s'issa, jista' jiġi konkluż li l-għajnuna ngħatat b'mod parzjali wara l-1 ta' Awwissu 2013, id-data ta' pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-Komunikazzjoni tal-2013 dwar il-Banek.

6.3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern

6.3.1.   Rigward l-Ewwel Miżura

(114)

Mid-data tal-ħruġ tiegħu (22 ta' Mejju 2009), is-self subordinat mogħti mil-Latvja lil Parex banka kellu maturità ta' seba' snin (jiġifieri sal-21 ta' Mejju 2016) u b'hekk jaqbeż il-maturità massima ta' ħames snin li kienet stabbilita fl-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ u mbagħad ikkonfermata fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Il-miżura ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni.

(115)

Fir-rigward ta' dik il-miżura ta' għajnuna addizzjonali, irrappreżentata minn maturità tas-self subordinat li taqbeż it-termini tad-Deċiżjonijiet, il-Kummissjoni kellha dubji fuq kemm inżammet għall-minimu meħtieġ u, għalhekk, ma setgħetx tikkonkludi li ġew issodisfati l-kriterji kollha għall-kompatibbiltà.

(116)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni fakkret li, fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ, is-self subordinat approvat għal Parex banka b'maturità ta' ħames snin kien ġie vvalutat li huwa limitat għall-minimu meħtieġ fl-ammont u l-maturità. Għalhekk, fuq il-bażi ta' dik il-konklużjoni, is-self subordinat ta' ħames snin kien ġie kkwalifikat bħala kompatibbli mid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(117)

Fuq il-bażi tal-argumenti ppreżentati fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex, u fin-nuqqas ta' argumenti ġodda, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-maturità estiża tas-self subordinat maħruġ b'maturità ta' seba' snin minflok il-ħames snin approvati inizjalment.

(118)

Fid-dawl tal-argumenti l-ġodda mressqin mil-Latvja wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, u rrapportati fis-sezzjoni 5.1, il-Kummissjoni hija f'pożizzjoni li terġa' tivvaluta jekk is-self subordinat b'maturità ta' seba' snin mogħti mil-Latvja lil Parex banka jissodisfax ir-rekwiżit ta' kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat, jiġifieri jekk huwiex limitat għall-minimu meħtieġ.

(119)

Skont il-Komunikazzjoni tal-2008 dwar il-Banek, miżura ta' għajnuna trid tkun meħtieġa fl-ammont u l-forma tagħha sabiex jinkiseb l-objettiv fil-mira. Dan ifisser li l-injezzjoni kapitali trid tkun tal-ammont minimu meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv. L-objettiv tal-għoti ta' self subordinat li jikkwalifika bħala kapital tal-Grad 2 lil Parex banka kien li dan tal-aħħar jibqa' jissodisfa l-proporzjon ta' adegwatezza kapitali u jiżgura li huwa kapitalizzat biżżejjed sabiex ikampa aħjar fil-każ ta' telf potenzjali, bil-għan li jevita tfixkil serju fl-ekonomija tal-Latvja.

(120)

Fl-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ, ir-rekwiżiti minimi sabiex is-self subordinat ikun eliġibbli bħala kapital tal-Grad 2 ta' Parex banka meħudin f'kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni kienu bbażati fuq il-leġiżlazzjoni Latvjana applikabbli kif ikkomunikata mil-Latvja (31). B'hekk ġie stabbilit li l-maturità minima sabiex is-self subordinat jikkwalifika bħala kapital tal-Grad 2 kienet ta' ħames snin. Dik il-valutazzjoni ma nbidlitx mad-deċiżjonijiet sussegwenti.

(121)

Wara li rrevediet l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mil-Latvja u riflessa fil-premessi 30 sa 39, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-restrizzjonijiet addizzjonali mmodifikaw il-karatteristiċi tas-self subordinat meħtieġ sabiex dan jikkwalifika totalment bħala Grad 2 sal-2010.

(122)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni tosserva li l-impatt tal-kriterji tal-qafas ta' Basel II fuq l-ammont tas-self subordinat li rċieva Parex banka fl-2009 li huwa eliġibbli bħala kapital tal-Grad 2 kien jirrappreżenta element fundamentali għad-definizzjoni tal-maturità inizjali minima tas-self subordinat. Il-kunsiderazzjoni xierqa tal-fattur ta' amortizzazzjoni ta' Basel II kien meħtieġ sabiex jinkiseb l-objettiv finali tal-miżura ta' għajnuna, jiġifieri li tiġi żgurata kapitalizzazzjoni suffiċjenti ta' Parex banka u jiġi evitat tfixkil serju fl-ekonomija tal-Latvja meta ngħata s-self subordinat inizjali.

(123)

Il-Kummissjoni tqis li, kieku s-suppożizzjonijiet u l-projezzjonijiet ippreżentati mil-Latvja fi żmien id-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ kienu jirriflettu b'mod adegwat u sħiħ l-amortizzazzjoni tad-dejn subordinat skont ir-regoli ta' Basel II kif riflessi fil-premessa (37), dawn kienu jwasslu għal valutazzjoni differenti tal-maturità tas-self subordinat, b'tali mod li kien jiġi konkluż li seba' snin kienu l-minimu meħtieġ u mhux ħamsa.

(124)

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li l-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna fit-tielet Deċiżjoni dwar is-salvataġġ kienet imsejsa fuq, inter alia, l-impenn tal-awtoritajiet Latvjani li kienu ser ibigħu l-ishma tagħhom f'Parex banka malajr kemm jista' jkun, iżda mhux iktar tard minn perjodu ta' tliet snin wara li ġew ipprovduti l-ewwel miżuri ta' salvataġġ lil Parex banka (32), jiġifieri mhux iktar tard mill-2011.

(125)

Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li l-istabbiliment tal-maturità inizjali għal seba' snin jista' jitqies bħala l-minimu meħtieġ biex is-self subordinat ipprovdut mil-Latvja jkun jista' jikkwalifika totalment bħala kapital tal-Grad 2 u jiġi żgurat li Parex banka jikseb il-proporzjon tal-adegwatezza kapitali fil-mira, għal raġunijiet ta' preservazzjoni tal-istabbiltà fis-sistema bankarja tal-Latvja, kif ukoll sabiex tinżamm konformità mal-impenn li jinbiegħ il-bank.

6.3.2.   Rigward l-estensjoni tal-maturità mhux notifikata tas-self subordniat (it-Tieni miżura)

(126)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni xeħtet dubji fuq kemm l-għajnuna addizzjonali rrappreżentata mill-estensjoni ta' 18-il xahar tal-maturità tas-self subordinat tista' titqies kompatibbli, għaliex il-valutazzjoni eżistenti kienet li maturità ta' ħames snin tad-dejn subordinat kienet dik li żgurat limitazzjoni għall-minimu meħtieġ u ma kien ġie ppreżentat ebda argument ġdid għall-ġustifikazzjoni tal-kompatibbiltà.

(127)

Fid-dawl tal-informazzjoni ppreżentata mil-Latvja wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni tosserva li fl-2013 (33) seħħew bidliet regolatorji fir-rigward tar-rekwiżiti kapitali minimi.

(128)

F'dani r-rigward, il-Kummissjoni ġiet ippreżentata bl-ittra tal-1 ta' Marzu 2013 tal-FCMC lil Citadele. L-ittra tirrappreżenta reazzjoni tar-regolatur bankarju għal rapport intern dwar il-valutazzjoni tal-adegwatezza kapitali li Citadele kien issottometta lill-FCMC fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu tat-30 ta' Ġunju 2012.

(129)

L-ittra tal-1 ta' Marzu 2013 l-ewwel tiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li skont id-dokumenti dwar il-politiki tal-FCMC, il-banek kollha jridu jżommu l-proporzjon tal-adegwatezza kapitali tagħhom 'il fuq minn 10 %. Imbagħad din tiddikjara li “jekk il-proporzjon tal-adegwatezza kapitali ta' bank u grupp ta' konsolidazzjoni jinżel f'livell inqas minn 10 %, il-bank u l-grupp ta' konsolidazzjoni jitqiesu li mhumiex kapitalizzati biżżejjed u l-FCMC tista' timponi miżuri korrettivi, eż. tillimita l-operazzjonijiet tal-bank”. Fil-każ ta' Citadele u l-grupp ta' konsolidazzjoni tiegħu, l-ittra żżid li sabiex tkopri riskji eżistenti u potenzjali li jirriżultaw mill-operazzjonijiet ta' Citadele, sa tmiem l-2013, il-proporzjon tal-adegwatezza kapitali tal-grupp kellu jilħaq l-[…] %.

(130)

Fuq il-bażi ta' dik l-ittra, il-Kummissjoni taċċetta li Citadele kellu jkollu l-proporzjon tal-adegwatezza kapitali tiegħu tal-inqas ogħla minn 10 % fi tmiem l-2013 sabiex l-operazzjonijiet tiegħu jkomplu għal kollox.

(131)

Il-Kummissjoni tfakkar li l-objettiv finali tal-għoti tal-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' self subordinat, kif iddefinit fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex, kien li jiżgura kapitalizzazzjoni suffiċjenti ta' Parex banka (Citadele wara l-2010) sabiex jiġi evitat tfixkil serju fl-ekonomija Latvjana.

(132)

Għalhekk, il-Kummissjoni taqbel li f'Ġunju 2013, il-Latvja kellha tieħu azzjonijiet korrettivi sabiex tevita r-riskji li kienu jinbtu minn nuqqas ta' konformità min-naħa ta' Citadele maż-żieda mhux mistennija fir-rekwiżiti superviżorji. Biex jiġi indirizzat in-nuqqas potenzjali fil-kapital meta mqabbel mar-rekwiżiti l-ġodda, l-uniċi għażliet possibbli kienu jkunu li:

(a)

jiġu injettati fondi addizzjonali — jew bħala kapital tal-Grad 1 jew kapital tal-Grad 2 (eż. għoti ta' self subordinat ġdid)

(b)

tiġi estiża l-maturità tas-self subordinat eżistenti sabiex tiġi mmodifikata r-rata ta' amortizzazzjoni tiegħu u jkun jista' jiġi kkontribwit perċentwal ogħla tas-self għall-kapital tal-bank.

(133)

It-Tabella 2 tirrifletti xenarju komparattiv bejn sitwazzjonijiet li fihom, bil-parametri kollha l-oħrajn li jibqgħu l-istess, il-maturità subordinata tiġi estiża fl-2013 (kif sar bit-Tieni Miżura) jew tinżamm bl-istess kundizzjonijiet li bihom oriġinarjament inħareġ is-self. Fuq il-bażi tal-kalkolu, il-Kummissjoni ssib li, bil-fatturi kollha l-oħrajn li jibqgħu l-istess, iż-żamma tal-maturità tas-self subordinat kien iwassal għal nuqqas ta' Citadele fl-issodisfar tal-proporzjon tal-adegwatezza kapitali ta' 10 % fi tmiem l-2013.

Tabella 2

Tqabbil tal-livell tal-proporzjon tal-adegwatezza kapitali bl-estensjoni tal-maturità jew mingħajr:

Proporzjon tal-adegwatezza kapitali f'%

fil-31 ta' Diċembru 2013

Previżjonijiet finanzjarji qabel l-estensjoni tal-maturità bi 18-il xahar (stabbiliti f'Ġunju 2013)

9,75

Figuri propji fil-31 ta' Diċembru 2013 inkluża l-estensjoni tal-maturità

10,30 (34)

Pro forma tas-sitwazzjoni propja mingħajr l-estensjoni tal-maturità bi 18-il xahar

9,30

(134)

Peress li:

(a)

ir-rekwiżit kapitali l-ġdid kellu jiġi ssodisfat sal-31 ta' Diċembru 2013,

(b)

in-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid kellu jiġi divestit sal-31 ta' Diċembru 2013, u

(c)

l-amortizzazzjoni tad-dejn subordinat taffettwa l-proporzjon tal-kapital b'mod dirett,

il-Kummissjoni taqbel li t-Tieni Miżura kienet tirrappreżenta soluzzjoni effettiva u effiċjenti sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-adegwatezza kapitali l-ġodda għal Citadele u li l-estensjoni mogħtija kienet il-minimu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan. Dik is-soluzzjoni ma sejħitx għal xi trasferiment ta' flus ġodda (għad li kienet teħtieġ li l-Latvja żżomm lura milli tirkupra fondi li kienet tkun dovuta titħallas lura) filwaqt li indirizzat it-talba superviżorja fuq il-bażi tal-ħtieġa ta' salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja.

(135)

Fuq nota pożittiva, il-Kummissjoni tosserva wkoll li fil-31 ta' Diċembru 2013, il-proporzjon tal-adegwatezza kapitali ta' Citadele kien ftit ogħla mill-minimu meħtieġ ta' 10 % (35), u dan jikkonferma l-fehma tagħha li l-estensjoni ta' 18-il xahar mogħtija kienet limitata għall-minimu meħtieġ.

6.3.3.   Rigward l-appoġġ ta' likwidità mhux innotifikat mogħti lil Reverta (it-Tielet Miżura)

(136)

Mill-2011, il-Latvja pprovdiet lil Reverta b'appoġġ ta' likwidità li jaqbeż il-limiti massimi approvati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex, kemm għax-xenarju bażi kif ukoll għall-agħar xenarju possibbli. Dawk il-limiti huma mfakkrin fit-Tabella 3 (36). L-ammonti propji ta' appoġġ ta' likwidità li minnu bbenefika Reverta (ikkomunikati mil-Latvja fil-pjan ta' ristrutturar rivedut sottomess f'Jannar 2014), kif irrapportati fit-Tabella 4, konsistentement qabżu lil dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex:

Tabella 3

Limiti massimi tal-likwidità għal Reverta kif riflessi fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex

LVL miljuni

1.8.10

31.12.10

31.12.11

31.12.12

31.12.13

Xenarju bażi

458

446

419

349

315

L-aqwa xenarju

458

446

419

356

322

L-agħar xenarju

458

446

419

344

307

Tabella 4

ammonti propji ta' likwidità li minnhom ibbenefika Reverta

LVL miljuni

1.8.10

31.12.10

31.12.11

31.12.12

31.12.13

Ammont pendenti ta' appoġġ ta' likwidità

446

446

428

385

363

(137)

L-appoġġ ta' likwidità mogħti lil Reverta għall-ewwel kien approvat bħala parti mill-miżuri kompatibbli ta' għajnuna mill-Istat koperti mill-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ, fil-forma ta' depożiti tal-Istat.

(138)

Wara d-Deċiżjoni Finali dwar Parex (u l-qsim ta' Parex banka f'bank tajjeb u bank ħażin) l-għajnuna ta' likwidità mbagħad ġiet ittrasferita lil Citadele u Reverta. Citadele diġà ħallas lura kompletament is-sehem tiegħu mill-appoġġ ta' likwidità, filwaqt li Reverta kellu jillimita l-ammonti ta' appoġġ ta' likwidità li rċieva. Madankollu, l-ammont ta' appoġġ ta' likwidità fil-fatt mogħti lil Reverta jaqbeż il-livelli kollha approvati fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(139)

Il-valutazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex kienet ibbażata fuq suppożizzjonijiet ippreżentati dak iż-żmien rigward l-influssi mistennijin ta' likwidità f'Reverta, li kienu jippermettulu jerġa' jibda jħallas l-appoġġ ta' likwidità mogħti fil-forma ta' depożiti tal-Istat sal-livelli predefiniti fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex (37).

(140)

L-ammonti mistennijin li jibqgħu mhux imħallsin, kif deskritti fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex, varjaw bejn LVL [0-100] miljun (ix-xenarju bażi) u LVL [100-200] miljun (l-agħar xenarju possibbli). Madaknollu, wara l-aħħar projezzjonijiet tal-fluss tal-flus ippreżentati mil-Latvja, l-appoġġ ta' likwidità pprovdut huwa ppjanat li jaqbeż il-limitu stabbilit fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex sal-2017, kif rifless fit-Tabella 5:

Tabella 5

Ammonti eċċessivi ta' likwidità għal Reverta vs il-Pjan ta' Risturtturar tal-2010

LVL miljuni

31.12.14

31.12.15

31.12.16

31.12.17

L-agħar xenarju (pjan ta' ristrutturar inizjali)

[250-300]

[250-300]

[200-250]

[150-200]

Appoġġ ta' likwidità stmat (aġġornament tal-2014)

[300-350]

[250-300]

[250-300]

[250-300]

Differenza

(…)

(…)

(…)

(…)

(141)

Il-Kummissjoni tifhem li, minħabba d-diffikultajiet li ġejjin:

(a)

Kwalità u valur inqas tal-assi meta mqabblin ma' dak li kien ippjanat fil-pjan ta' ristrutturar, u

(b)

Irkupri mdewmin tal-kollateral u litigazzjoni mad-debituri,

l-irkupru tal-flus ittardja b'sentejn (kif imsemmi fil-premessa 45) meta mqabbel ma' dak li kien ippjanat fi żmien l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Dak id-dewmien irriżulta fi ħtieġa ta' żieda fl-appoġġ mill-Istat.

(142)

Għaldaqstant, il-ħtieġa addizzjonali għal appoġġ ta' likwidità rriżultat minħabba t-tgħarriq tal-qagħda finanzjarja ta' Reverta meta mqabbla ma' dik li kienet prevista fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Il-Kummissjoni tosserva li l-appoġġ ta' likwidità pprovdut żdied b'mod progressiv tul l-aħħar snin minħabba d-diffikultajiet ta' Reverta biex jirkupra l-assi.

(143)

Kif intqal fil-premessa 56, il-Latvja tiddikjara li peress li LVL 49,5 miljun biss mill-appoġġ ta' likwidità ta' LVL 118,7 miljun kienu ġew ikkonvertiti f'kapital, l-appoġġ ta' likwidità ta' LVL 69,2 miljun li jifdal iġġenera livell eċċessiv ta' appoġġ ta' likwidità b'madwar l-istess ammont.

(144)

Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar li, kif stipulat fil-premessa 63(b) tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex, id-depożiti tal-Istat biss jistgħu jiġu kkonvertiti f'kapital. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li livell inqas ta' likwidità kkonvertita f'kapital mhux bilfors kien iwassal għal appoġġ ta' likwidità eċċessiv.

(145)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-liċenzja bankarja ta' Reverta kienet ġiet irtirata fl-2011 u dan evita l-ħtieġa li tkompli tiġi kkonvertita iktar likwidità f'kapital sabiex jiġi ssodisfat il-proporzjon tas-solvenza regolatorja. B'hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-waqfien tar-rekwiżiti kapitali (38) ppermetta li l-Latvja tagħti ammont inqas ta' għajnuna ta' rikapitalizzazzjoni lil Reverta meta mqabbel mal-ammont massimu ta' rikapitalizzazzjoni approvat bid-Deċiżjonijiet.

(146)

Fuq il-bażi tad-diffikultajiet affaċċjati minn Reverta fl-irkupru ta' assi u l-ammont limitat ta' kapitalizzazzjoni meħtieġ wara l-irtirar tal-liċenzja bankarja, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-appoġġ ta' likwidità li rċieva Reverta ġie limitat għall-minimu meħtieġ għall-ġestjoni ordinata tal-proċess ta' stralċ.

(147)

Il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li l-appoġġ ta' likwidità addizzjonali jikkonforma mar-rekwiżit ta' qsim tal-piżijiet stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-2013 dwar il-Banek. B'mod partikolari, il-Kummissjoni tosserva li, skont il-punt 77 tal-Komunikazzjoni tal-2013 dwar il-Banek, l-ekwità tal-eks azzjonisti ta' Parex banka tniżżlet fil-valur għal kollox u li l-Latvja issa ħadet impenn li tipprevjeni milli tingħata għajnuna addizzjonali għall-benefiċċju tad-detenturi ta' dejn subordinati.

6.3.4.   Rigward il-ksur tal-impenn ta' divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid ta' Citadele (ir-Raba' Miżura)

(148)

L-awtoritajiet tal-Latvja jiddikjaraw li, minħabba l-kundizzjonijiet attwali diffiċli tas-suq, il-Latvja ma rnexxilhiex issib akkwirenti interessati għan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid ta' Citadele sad-data ta' skadenza stabbilita u mhuwiex ser jirnexxielha tagħmel dan lanqas fil-futur qarib.

(149)

L-awtoritajiet tal-Latvja fakkru li l-bejgħ ta' Citadele kien identifikat, fost impenji oħrajn, bħala miżura ewlenija biex tiġi indirizzata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-miżuri ta' għajnuna. Iżda minħabba li l-qagħda finanzjarja ta' Citadele kienet sejra għall-agħar meta mqabbla ma' dik li kienet prevista fi żmien id-Deċiżjoni Finali dwar Parex, id-divestiment ta' Citadele ma setax jinkiseb fil-perjodu ta' żmien previst.

(150)

Il-Latvja tiddikjara wkoll li t-tgħaqqid tal-bejgħ tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid ma' Citadele ser itejjeb l-interess tas-suq f'Citadele u li estensjoni tal-perjodu ta' divestiment għandha probabbiltà ikbar li tippermetti li Citadele jerġa' jiġi privatizzat.

(151)

Il-Kummissjoni taċċetta li l-qagħda finanzjarja ta' Citadele hija agħar minn dik li kienet mistennija fil-pjan ta' ristrutturar inizjali. Dik l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-Fiduċjarju ta' Montiroraġġ (39) ukoll u hija riflessa fl-indikaturi stabbiliti fit-Tabella 6:

Tabella 6

Paragun tal-indikaturi finanzjarji ewlenin meta mqabblin mal-Pjan ta' Ristrutturar

 

31.12.2013

 

Pjan ta' Ristrutturar

Realtà

Spejjeż operatorji/dħul totali

[50-60]

57,0 %

Indebolimenti/self nett

[0-5]

2,0 %

Dħul Nett (Telf), f'LVL miljuni

[20-30]

10,8

ROE %

[20-30]

8,1 %

Ekwità/assi totali

[5-10]

6,9 %

Proporzjon tal-adegwatezza kapitali

[10-20]

11,7 %

Minħabba l-livell inqas ta' profittabilità ta' Citadele meta mqabbel mal-Pjan ta' Ristrutturar inizjali, il-Kummissjoni tifhem id-diffikultajiet tad-divestiment ta' Citadele f'perjodu ta' żmien strett.

(152)

Il-Kummissjoni tfakkar li l-impenn dwar il-bejgħ tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid, flimkien mal-impenn ta' bejgħ ta' Citadele stess, kien inkluż fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex biex jillimita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, peress li dawn l-impenji taw lill-kompetituri l-possibbiltà li jagħmlu offerti għal dawk in-negozji. (40)

(153)

Fuq nota pożittiva, il-Kummissjoni tosserva li wara d-Deċiżjoni Finali dwar Parex, Citadele beda bi proċess ta' bejgħ biex jittestja l-interess tas-suq u ħatar ukoll espert indipendenti biex ifassal l-aħjar strateġija ta' bejgħ, kif intqal fil-premessi 61 u 62, biex b'hekk jipprova jikkonforma ma' dawk l-impenji in bona fide.

(154)

Il-Kummissjoni tieħu nota li l-Latvja issa qed tfittex li ttawwal id-data ta' skadenza biex tlesti l-bejgħ tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid meta mqabbla mad-dati ta' skadenza li ħadet impenn li tikkonforma magħhom fl-2009. Il-Latvja tfittex emenda għad-Deċiżjoni Finali dwar Parex biex tiġi posposta d-data ta' skadenza tad-divestiment inizjali tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid, sabiex tbigħu flimkien ma' Citadele, fuq il-bażi tal-impenji addizzjonali stabbiliti fil-premessi 64 sa 68.

6.3.5.   Miżuri ta' kumpens li jimmitigaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u jsaħħu l-qsim tal-piżijiet

(155)

Sabiex il-Kummissjoni tapprova emenda għad-deċiżjonijiet finali tagħha, il-bidliet iridu jkunu bbażati fuq impenji ġodda li jistgħu jitqiesu ekwivalenti għal dawk ipprovduti oriġinarjament (41). F'dak il-każ, il-miżuri ta' għajnuna jibqgħu kompatibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat biss jekk jinżamm il-bilanċ ġenerali tad-deċiżjoni oriġinali. Sabiex jinżamm il-bilanċ oriġinali, l-impenji mibdulin ma għandhomx jaffettwaw ħażin il-vijabbiltà tal-benefiċjarju tal-għajnuna, bis-sett ġenerali ta' impenji li baqa' tal-inqas ekwivalenti f'termini ta' qsim tal-piżijiet u miżuri ta' kumpens filwaqt li jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti tal-Komunikazzjonijiet applikabbli tal-Kummissjoni.

(156)

F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni tħares minn lenti pożittiva lejn is-sett ta' impenji proposti mil-Latvja u ppreżentati fil-premessi 64 sa 73, peress li jikkontribwixxu għall-indirizzar tad-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-Ewwel, it-Tieni, it-Tielet u r-Raba' Miżuri u jiżguraw qsim adegwat tal-piżijiet mill-partijiet interessati tal-benefiċjarji.

(157)

Is-Sezzjoni 4 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar issejjaħ għall-applikazzjoni ta' miżuri effettivi u proporzjonati li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(158)

Id-Deċiżjoni Finali dwar Parex inkludiet bosta miżuri bħal dawn, fosthom l-impenn ewlieni tal-Latvja li ċċedi jew tikseb iċ-ċessjoni ta' Citadele sal-31 ta' Diċembru 2015 (42). Il-Kummissjoni qieset li huwa biżżejjed u adegwat li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-għajnuna mill-Istat mogħtija lil Parex banka, l-impenji li Citadele jinbiegħ f'dak il-perjodu ta' żmien, flimkien mat-tiċkin u t-tnaqqis tal-preżenza fis-suq ta' Citadele.

(159)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni qieset li kemm il-maturità inizjalment itwal tad-dejn subordinat kif ukoll il-prolungament ta' 18-il xahar tagħha implimentati fl-2013 kienu jirrappreżentaw vantaġġi addizzjonali għal Parex banka meta mqabbla mal-forma tad-dejn subordinat approvat fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(160)

F'dak il-kuntest, il-Kummissjoni tilqa' l-impenn offrut mil-Latvja li titmexxa 'l quddiem id-data ta' skadenza għat-tlestija tal-bejgħ ta' Citadele, mill-31 ta' Diċembru 2015 għall-[…], bħala miżura li tikkumpensa għall-vantaġġ addizzjonali li jirriżulta mill-maturità itwal tas-self subordinat. It-tħaffif tal-bejgħ ta' Citadele jikkontribwixxi għaż-żamma tal-kundizzjonijiet ekwi.

(161)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Latvja ħadet impenn ċar li […] jekk ma jinkisibx il-bejgħ sa dik id-data ta' skadenza bikrija. Dak l-impenn jipprovdi salvagwardja addizzjonali (li ma ġietx inkluża b'mod espliċitu fil-Pjan ta' Ristrutturar inizjali) sabiex jiġi żgurat li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jiġu mmitigati b'mod adegwat, peress li f'livelli inqas minn […] Citadele ser […]

(162)

Fuq nota pożittiva, il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-Latvja ħadet impenn li tkompli tnaqqas l-ammont tal-kapital li jista' jiġi pprovdut lil Reverta mill-awtoritajiet tal-Latvja kif ippreżentati fil-premessa 69.

(163)

Is-Sezzjoni 3 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tistipula li l-banek u l-partijiet interessati tagħhom għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż tar-ristrutturar kemm jista' jkun sabiex l-għajnuna tiġi limitata għall-minimu, jiġu indirizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u kwistjonijiet tal-periklu morali.

(164)

F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni tieħu nota tal-miżuri ta' kumpens addizzjonali proposti mil-Latvja biex tiżgura li l-partijiet terzi ma jibbenefikawx mill-ammont addizzjonali ta' għajnuna riċevut minn Reverta, jiġifieri l-impenn fuq l-arranġamenti rfinati ta' qsim tal-piżijiet deskritti fil-premessi 70 sa 73.

(165)

Il-Latvja tieħu impenn li Citadele u Reverta (qabel kienu Parex banka), kif ukoll l-impriżi affiljati tagħhom, mhumiex ser iħallsu mgħax, dividendi jew kupuni fuq strumenti kapitali eżistenti (inklużi ishma ta' preferenza, ishma B, u strumenti superjuri u inferjuri tal-grad 2) (dovut jew akkumulat) jew teżerċita xi dritt ta' eżerċizzju b'rabta mal-istess, lil kwalunkwe detentur ta' dejn jew azzjonist subordinat li mhumiex l-Istat tal-Latvja jew il-BERŻ, qabel u sakemm ma tkunx tħallset għal kollox l-għajnuna mill-Istat lil Reverta u/jew Citadele u sakemm ma jkunx hemm obbligu legali li jsir hekk. F'dak ir-rigward, il-Latvja tieħu anki l-impenn li tneħħi kwalunkwe obbligu legali bħal dan malajr kemm jista' jkun u mhux iktar tard mit-30 ta' April 2015. B'hekk, id-detenturi tal-istrumenti kapitali eżistenti mhumiex ser jirċievu xi ħlas, peress li dawk l-istrumenti kapitali eżistenti ma jġorrux kupun obbligatorju u matul il-likwidazzjoni ta' Reverta (li ser isseħħ sa tmiem l-2017) jikklassifikaw wara d-dejn superjuri. Peress li Reverta għandu kapital negattiv, f'termini prattiċi ser ikun impossibbli li d-detenturi ta' dawk l-istrumenti kapitali jirċievu xi ħlas jew rimborż.

(166)

Barra minn hekk, minbarra l-impenji msemmijin fil-premessa (165), il-Latvja tieħu anki l-impenn li ma tħallas lura ebda dejn pendenti (kapital) mis-Self Subordinat Legat qabel u sakemm ma titħallasx lura għal kollox lil Reverta/Citadele l-għajnuna kollha mill-Istat, sal-punt meħtieġ li jkopri l-valur negattiv nett tal-assi ta' Reverta u dment li jkun hemm bażi legali disponibbli. Għal dak l-għan, id-dejn pendenti (kapital) tas-Self Subordinat Legat ser ikun jew (i) soġġett għal ordni vinkolanti li ebda pagament skont is-Self Subordinat Legat ma jkun dovut u pagabbli; jew (ii) ikkonvertit f'kapital tal-Grad 1 mhux votanti; jew (iii) jitniżżel fil-valur. F'dak ir-rigward, peress li bħalissal-liġi nazzjonali ma tipprovdix bażi ġuridika xierqa li tippermetti li tinżamm konformità ma' dak l-impenn, il-Latvja tieħu impenn li twettaq il-miżuri neċessarji kollha sabiex tiżgura li kull dispożizzjoni legali meħtieġa biex tinżamm konformità ma' dak l-impenn tiġi implimentata sa mhux iktar tard mit-30 ta' April 2015.

(167)

Il-Kummissjoni tilqa' l-impenji tal-Latvja msemmijin fil-premessi 165 u 166 peress li, billi għandhom l-għan li jillimitaw il-pagamenti tal-kapital u l-imgħax dovut fir-rigward tas-Self Subordinat Legat u l-istrumenti kapitali ta' Reverta u Citadele, jipprovdu qsim addizzjonali tal-piżijiet.

(168)

B'hekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri ta' kumpens proposti msemmijin fis-sezzjoni 5.5 jistgħu jitqiesu adegwati u ekwivalenti (f'termini ta' effettività) għal dawk proposti qabel mil-Latvja u approvati mill-Kummissjoni bid-Deċiżjoni Finali dwar Parex kif emendata mid-Deċiżjoni ta' Emenda. Tabilħaqq, il-miżuri ta' kumpens proposti għandhom l-istess għan ta' limitazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Huma mmirati tajjeb peress li għandhom l-għan li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-swieq fejn jopera Citadele.

(169)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impenji emendati huma ekwivalenti għal dawk oriġinali f'termini ta' restawr tal-vijabbiltà, il-qsim tal-piżijiet u l-mitigazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Is-sostituzzjoni tal-impenji oriġinali mal-impenji l-ġodda ma tibdilx il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern kif stabbilit mid-Deċiżjoni Finali dwar Parex kif emendata mid-Deċiżjoni ta' Emenda.

7.   KONKLUŻJONI

(170)

Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-Latvja implimentat l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Miżuri b'mod irregolari bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, u li kisret l-impenn ta' divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid ta' Citadele sad-data ta' skadenza stipulata fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex (ir-Raba' Miżura).

(171)

Madankollu, għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq u minħabba l-impenji addizzjonali mwettqin mil-Latvja u Citadele,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri li ġejjin jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat:

(a)

l-għoti lil Parex banka ta' self subordinat b'maturità inizjali li taqbeż it-termini tal-miżura approvata fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex (l-ewwel Miżura);

(b)

l-għoti lil Citadele ta' estensjoni ta' 18-il xahar addizzjonali tal-maturità ta' LVL 37 miljun ta' self subordinat (it-Tieni Miżura);

(c)

l-għoti lil Reverta ta' appoġġ ta' likwidità li jaqbeż il-limiti massimi approvati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex (it-Tielet Miżura).

Artikolu 2

Il-miżuri ta' għajnuna msemmijin fl-Artikolu 1 huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat fid-dawl tal-impenji mwettqin mil-Latvja kif stipulat fl-Anness I.

Artikolu 3

Id-dati ta' skadenza għad-divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid (WMB) ta' Citadele, sat-30 ta' Ġunju 2013 mingħajr Fiduċjarju ta' Divestitura (ir-Raba' Miżura), stipulati fil-premessa 73 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 6202 korr. finali tal-15 ta' Settembru 2009 dwar l-għajnuna mill-Istat C 26/09 (ex N 289/09) li l-Latvja qed tippjana li timplimenta għar-ristrutturar ta' AS Parex Banka huma emendati skont l-impenn ipprovdut mil-Latvja li huwa stabbilit fl-Anness II.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.36612 — 2014/C (ex 2013/NN) (ĠU C 147, 16.5.2014, p. 11).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni NN 68/08 (ĠU C 147, 27.6.2009, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni NN 3/09 (ĠU C 147, 27.6.2009, p. 2).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 189/09 (ĠU C 176, 29.7.2009, p. 3).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C 26/09 (ex N 289/2009) (ĠU C 239, 6.10.2009, p. 11).

(6)  B'mod partikolari, self produttiv lil mutwatarji li jinsabu fil-Komunità ta' Stati Indipendenti (“KSI”), is-sussidjarja Litwana, il-fergħat fl-Isvezja u l-Ġermana u n-negozju ta' ġestjoni tal-ġid, b'dan tal-aħħar li kien jinkludi s-sussidjarja Svizzera.

(7)  Għall-ewwel, il-bank ħażin żamm l-isem Parex banka wara li saret il-qasma fl-1 ta' Awwissu 2010, iżda f'Mejju tal-2012 bidel l-isem korporattiv tiegħu għal “AS Reverta”.

(8)  d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/364/UE (ĠU L 163, 23.6.2011, p. 28).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.34747 (ĠU C 273, 21.9.2013, p. 1).

(10)  Jiġifieri self lil mutwatarji li jinsabu fil-KSI.

(11)  In-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid jikkonsisti fis-settur ta' ġestjoni tal-kapital privat ta' Citadele, is-sussidjarji ta' ġestjoni tal-assi u AP Anlage & Privatbank AG, l-Isvizzera.

(*)  Informazzjoni kunfidenzjali

(12)  Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna.

(13)  Premessi 55-57 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(14)  Premessi 58-61 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(15)  Premessi 62-68 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(16)  Premessi 69-70 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(17)  Il-Fiduċjarju ta' Monitoraġġ inħatar permezz ta' Mandat iffirmat minn Reverta, Citadele u l-awtoritajiet tal-Latvja fit-28 ta' Frar 2011. Il-Fiduċjarju ta' Monitoraġġ issottometta rapporti ta' monitoraġġ biannwali li jkopru s-simestru ta' qabel, u beda minn dak li ntemm fil-31 ta' Diċembru 2010.

(18)  Wara l-qasma ta' Parex banka, Citadele twaqqaf fl-1 ta' Awwissu 2010. Id-Deċiżjoni Finali dwar Parex approvat it-trasferiment lil Citadele tas-self subordinat kollu li qabel ingħata lil Parex banka. Il-Latvja pprovdiet kapital tal-Grad 2 lil Parex banka fi żmien meta saret il-qasma jew inkella dan seta' jiġi pprovdut mil-Latvja wara l-qasma, kif spjegat iktar fil-premessa (21) tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ

Fit-3 ta' Settembru 2009 il-BERŻ qabel li jirrifinanzja parti mis-self subordinat li qabel kien ingħata mil-Latvja lil Parex banka. Mill-31 ta' Diċembru 2009 is-self subordinat mogħti mil-Latvja lil Parex banka ammonta għal LVL 37 miljun, filwaqt li s-self subordinat rifinanzjat mill-BERŻ ammonta għal LVL 13-il miljun.

Fi żmien il-qasma, il-Latvja ħadet f'idejha LVL 8 miljun mit-LVL 13-il miljun f'self subordinat miżmum mill-BERŻ. Fl-1 ta' Awwissu 2010, l-ammont totali ta' self subordinat mil-Latvja kien ta' LVL 45 miljun (b'maturitajiet differenti), filwaqt li dak miżmum mill-BERŻ kien ta' LVL 5 miljun.

(19)  Iktar dettalji fil-premessa 21 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(20)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (traduzzjoni mhux uffiċjali) (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(21)  Ara l-premessa 73 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(22)  Ara l-Artikolu 1(h) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(23)  Il-Basel II huwa l-isem komuni mogħti lill-“Konverġenza Internazzjonali ta' Ġestjoni tal-Kapital u Standards tal-Kapital: Qafas Rivedut”, qafas li jiddefinixxi sett ta' standards għall-istabbiliment ta' rekwiżiti kapitali minimi għall-organizzazzjonijiet bankarji, imħejji mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, grupp ta' banek ċentrali u awtoritajiet superviżorji tal-banek fil-Grupp ta' Għaxra (G10), li żviluppa l-ewwel standard fl-1988.

(24)  Jiġifieri opzjoni li tagħti lid-detentur tad-dejn subordinat id-dritt li jesiġi lill-bank sabiex jerġa' jakkwista d-dejn tiegħu f'każ li l-azzjonisti kontrollanti tal-bank jinbidlu minn dawk li kienu fi żmien il-ħruġ tad-dejn.

(25)  Premessa (40) tal-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ.

(26)  Sentenza f'Il-Kummissjoni Ewropea v EDF, C-124/10 P, ECLI: EU: C: 2012:318, paragrafi 82 u 84.

(27)  Fuq dan, ara l-paragrafu 20 tas-sentenza f'L-Italja v Il-Kummissjoni Ewropea, 303/88, ECLI: EU: C: 1991:136.

(28)  Premessa 41 tal-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ.

(29)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — L-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (“Il-Komunikazzjoni tal-2008 dwar il-Banek”) (ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta' kompetizzjoni mhux mistħoqqa (“Il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni”) (ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Trattament ta' Assi indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità (“Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti”) (ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1) u l-Komunikazzjoni tal-kummissjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta' miżuri ta' ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (“Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar”) (ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9).

(30)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill- 1 ta' Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta' appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-komunikazzjoni dwar il-banek”) (ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1).

(31)  Premessa 55 tal-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ.

(32)  Deskritti fil-premessa 21 tat-Tielet Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ.

(33)  Deskritti fil-premessa 40.

(34)  Informazzjoni żvelata fir-rapport annwali tal-2013 ta' Citadele p. 75: http://west.citadele.lv/common/img/uploaded/doc/reports/annual_report_2013_en.pdf

(35)  Ara t-Tabella 2.

(36)  Dik l-informazzjoni hija inkluża fit-Tabella 6 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(37)  Premessa 55 tad-Deċiżjoni Final dwar Parex.

(38)  Kif spjegat fil-premessi 53 sa 57.

(39)  Rapport tal-Fiduċjarju ta' Monitoraġġ għall-31 ta' Diċembru 2013 ikkomunikat fid-9 ta' Mejju 2014.

(40)  Premessa 152 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(41)  Għal deċiżjonijiet simili oħrajn, ara, pereżempju, SA.29833 KBC — Estensjoni tad-data fil-mira ta' ċerti divestimenti minn KBC u Emenda tal-impenji ta' ristrutturar (ĠU C 135, 9.5.2012, p. 5); SA.29833 KBC — Eliminazzjoni gradwali aċċelerata tal-miżura ta' Protezzjoni mill-Istat u emendi għall-pjan ta' ristrutturar tal-KBC (ĠU C 163, 8.6.2013, p. 1); SA.34539 Commerzbank — Emenda għall-pjan ta' ristrutturar ta' Commerzbank (ĠU C 177, 20.6.2012, p. 20) (traduzzjonijiet mhux uffiċjali).

(42)  Premessa 76 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex.


ANNESS I

L-Awtoritajiet tal-Latvja joffru li jiċċaraw u jsaħħu l-impenji tagħhom fir-rigward tal-kapital u l-imgħax dovut rigward is-Self Subordinat Legat kif ġej:

(a)

Citadele banka u Reverta (qabel kienu Parex banka), kif ukoll l-impriżi affiljati tagħhom ma għandhomx iħallsu mgħax, dividendi jew kupuni fuq strumenti kapitali eżistenti (inklużi ishma ta' preferenza, ishma B u strumenti superjuri u inferjuri tal-Grad 2) (dovut jew akkumulat) jew iħaddmu xi dritt ta' eżerċizzju b'rabta magħhom, lil kwalunkwe detentur ta' dejn jew azzjonist subordinat, li mhuwiex strettament l-Istat tal-Latvja jew il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), qabel u sakemm ma titħallasx lura għal kollox lil Reverta u/jew Citadele l-għajnuna kollha mill-Istat u sakemm ma jkunx hemm obbligu legali li jsir hekk. Jekk jeżistu t-tali obbligi ġuridiku, l-Awtoritajiet Latvjani jieħdu impenn li jneħħuhom malajr kemm jista' jkun (u mhux iktar tard mit-30 ta' April 2015).

(b)

L-Awtoritajiet Latvjani jieħdu l-impenn ukoll li ma jħallsu lura ebda dejn pendenti (kapital) tas-Self Subordinat Legat (qabel u sakemm titħallas lura bis-sħiħ lil Reverta/Citadele l-għajnuna kollha mill-Istat), li ser ikun jew:

(i)

soġġett għal ordni vinkolanti ma jkun dovut u pagabbli ebda pagament għas-Self Subordinat Legat; jew

(ii)

ikkonvertit f'kapital mingħajr id-dritt tal-vot tal-Grad 1; jew

(iii)

jitniżżel fil-valur;

kemm hemm bżonn biex ikun kopert il-valur nett negattiv tal-assi ta' Reverta, u dment li jkun hemm bażi ġuridika disponibbli.

(c)

L-Awtoritajiet Latvjani ser iwettqu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li tiġi implimentata kull dispożizzjoni legali meħtieġa biex tinżamm konformità mal-impenji msemmijin hawn fuq sa mhux iktar tard mit-30 ta' April 2015.

(d)

L-ammont totali massimu tal-kapital ipprovdut lil Reverta mill-Awtoritajiet Latvjani jitnaqqas għal LVL 49,5 miljun, mill-ammont preċedenti ta' LVL 118,7 miljun.


ANNESS II

(1)

L-Awtoritajiet Latvjani u Citadele jieħdu impenn li jagħmlu ħilithom kollha sabiex jiksbu malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ qabel il-[…] offerti vinkolanti għall-bejgħ tas-sehem sħiħ tar-Repubblika tal-Latvja f'Citadele (inkluż id-WMB). Il-bejgħ jitlesta sa mhux iktar tard mill-[…]. Huwa jitħalla għad-diskrezzjoni tar-Repubblika tal-Latvja (u l-konsulent tagħha) li tiddeċiedi x'inhuma l-istruttura u l-modalitajiet xierqa tat-tranżazzjoni ta' bejgħ (eż. bejgħ ta' negozju jew IPO), dment li r-Repubblika tal-Latvja eventwalment tiddivesti s-sehem sħiħ tagħha f'Cidatele sa mhux iktar tard mill-[…]. Fil-każ ta' IPO, ir-Repubblika tal-Latvja tieħu impenn li taqbel fuq prospett vinkolanti mal-FCMC tal-Latvja sal-[…].

(2)

L-Awtoritajiet Latvjani u Citadele jieħdu impenn ukoll li jaħtru fiduċjarju ta' divestitura jekk, sal-[…], ma jkunux daħlu offerti vinkolanti jew, fil-każ ta' IPO bl-istess objettiv, ma jkun intlaħaq ebda qbil fuq prospett mal-FCMC. F'dan il-każ, ir-Repubblika tal-Latvja tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura li l-fiduċjarju ta' divestitura jinħatar u jkun operazzjonali mill-[…]. Huwa mifhum li l-konsulent finanzjarju għall-bejgħ ta' Citadele jista' jinħatar ukoll bħala fiduċjarju ta' divestitura mill-[…]. Jekk jinħatar fiduċjarju ta' divestitura, l-Awtoritajiet Latvjani u Citadele jieħdu impenn li jirċievu offerti vinkolanti u irrevokabbli għall-partijiet kollha sal-[…] u li jidħlu fi ftehim vinkolanti u irrevokabbli għall-bejgħ tas-sehem kollu tar-Repubblika tal-Latvja f'Citadele sal-[…], li jrid jitlesta sa mhux iktar tard mill-[…].

(3)

Barra minn hekk, l-Awtoritajiet Latvjani u Citadele jieħdu impenn li mill-[…] Citadele […] negozju ġdid u n-negozju li jifdal ta' Citadele […], jekk sal-[…] ir-Repubblika tal-Latvja ma tkunx daħlet fi ftehim vinkolanti u irrevokabbli, li jipprovdi għall-għeluq tal-bejgħ sal-[…] tas-sehem sħiħ tar-Repubblika tal-Latvja f'Citadele, jew jekk l-IPO ma tippermettix li r-Repubblika tal-Latvja tbigħ is-sehem sħiħ tagħha fil-Bank il-Ġdid sal-[…].

(4)

L-Awtoritajiet Latvjani u Citadele jieħdu impenn li jagħlqu t-tranżazzjoni ta' bejgħ u akkwist għall-bejgħ tas-sehem sħiħ f'Citadele tar-Repubblika tal-Latvja sal-[…]. Jekk il-bejgħ ta' dak is-sehem ma jitlestiex sal-[…], dawn jieħdu impenn li Citadele […] negozju ġdid u n-negozju li jifdal ta' Citadele ikun […] mill-[…].

(5)

Jekk in-negozju ta' Citadele jkun […] f'xi wieħed mill-avvenimenti msemmijin hawn fuq, kwalunkwe parti min-negozju ta' Citadele, li fiha hemm interess ta' partijiet terzi, tista' tinbiegħ u tiġi ttrasferita mir-Repubblika tal-Latvja u/jew Citadele lil tali parti terza (mingħajr ħsara għall-prinċipju ta' […] u ebda għajnuna ġdida mill-Istat).


3.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/37


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/163

tal-21 ta' Novembru 2014

dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Polonja skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(2) tagħha,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2010/13/UE,

Billi:

(1)

B'ittra tad-19 ta' Awwissu 2014, il-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar ċerti miżuri li għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE.

(2)

Il-Kummissjoni vverifikat, fi żmien tliet xhur minn din in-notifika, li dawn il-miżuri huma kumpatibbli mal-liġi tal-Unjoni, b'mod partikulari fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżuri u t-trasparenza tal-proċedura ta' konsultazzjoni nazzjonali.

(3)

Fl-istħarriġ tal-miżuri, il-Kummissjoni qieset id-dejta disponibbli dwar is-suq awdjoviżiv Pollakk, b'mod partikolari fir-rigward tal-impatt fuq is-suq televiżiv.

(4)

Il-lista tal-avvenimenti ta' importanza maġġuri għas-soċjetà ġiet elenkata mill-Polonja b'mod ċar u trasparenti, wara konsultazzjoni estensiva.

(5)

Abbażi ta' evidenza dettaljata u ta' ċifri dwar l-għadd ta' telespettaturi mwassla mill-awtoritajiet Pollakki, is-servizzi tal-Kummissjoni vverfikaw li l-lista ta' avvenimenti nominati li ġiet elenkata skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE ssodisfat talanqas tnejn mill-kriterji li ġejjin li jitqiesu bħala indikaturi affidabbli tal-importanza tal-avvenimenti fis-soċjetà: (i) dwarhom hemm reżonanza ġenerali u speċjali fi ħdan l-Istat Membru, u mhumiex sinifikanti biss għal dawk li normalment isegwu l-isport jew l-attività konċernata; (ii) għandhom importanza kulturali distinta u ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni fl-Istat Membru, b'mod partikulari bħala katalist għall-identità kulturali; (iii) l-involviment tat-tim nazzjonali fl-avveniment ikkonċernat fil-kuntest ta' kompetizzjoni jew turnew ta' importanza internazzjonali; u (iv) il-fatt li dak l-avveniment kien tradizzjonalmnent imxandar mingħajr pagament fuq it-televiżjoni u kellu udjenzi kbar.

(6)

Il-lista nnotifikata ta' avvenimenti ta' importanza maġġuri għas-soċjetà fiha kemm l-avvenimenti li diġà huma fil-lista statutorja prevista mill-Artikolu 20b tal-Att dwar ix-Xandir tad-29 ta' Diċembru 1992, kif immodifikat bl-Att tal-31 ta' Marzu 2000, kif ukoll avvenimenti oħrajn li huma parti minn abbozz ta' regolament tal-Kunsill tax-Xandir għal-lista ta' avvenimenti maġġuri. Għadd ta' avvenimenti nominati, bħall-Logħob Olimpiku tas-sajf u tax-xitwa, il-finali u s-semifinali tat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol u l-Kampjonat tal-Futbol Ewropew, huma ġeneralment meqjusa bħala avvenimenti ta' importanza maġġuri għas-soċjetà. Il-lista tinkludi wkoll partiti tal-futbol oħrajn fi ħdan dawk l-avvenimenti, inkluż l-logħob fil-fażi tal-kwalifikazzjoni, li fihom huwa involut it-tim nazzjonali Pollakk. Kif intwera mill-awtoritajiet Pollakki, dawn l-avvenimenti jsegwuhom udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment jixxandru fuq kanali televiżivi mingħajr pagament. Barra minn hekk, dawn l-avvenimenti għandhom reżonanza ġenerali u speċjali fil-Polonja, għax huma partikolarment popolari mal-pubbliku ġenerali, mhux biss ma' dawk li normalment isegwu avvenimenti sportivi. Apparti dan, xi partiti tat-Tazza tad-Dinja u tal-Kampjonat tal-Futbol Ewropew, inklużi partiti mill-fażi ta' kwalifikazzjoni, jinvolvu lit-tim nazzjonali Pollakk.

(7)

Dawn il-partiti tal-futbol oħrajn fit-turnej uffiċjali, iċ-Champions League u t-Tazza UEFA li fihom jilgħab it-tim nazzjonali Pollakk jew xi klabb Pollakk, jiġbdu lejhom udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment jixxandru fuq kanali televiżivi mingħajr pagament filwaqt li għandhom reżonanza ġenerali u speċjali fil-Polonja.

(8)

Il-partiti tal-kampjonat dinji u dak Ewropew tal-volleyball kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa li fihom jieħu sehem it-tim nazzjonali Pollakk, inklużi t-turnej ta' kwalifikazzjoni u l-League Dinji tal-volleyball tal-irġiel, jiġbdu lejhom udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment jixxandru fuq kanali televiżivi mingħajr pagament. Barra minn hekk, dawn jiġġeneraw interess estensiv u partikolari fil-Polonja, anki f'udjenzi li mhux soltu jsegwu din id-dixxiplina sportiva. Jinvolvu wkoll tim nazzjonali f'turnew internazzjonali ta' importanza ewlenija. Dan l-interess jitqawwa mill-fatt li l-parteċipanti Pollakki għamlu kisbiet sinifikanti f'dawn it-turnej.

(9)

Is-semifinali u l-finali tal-kampjonat dinji u dak Ewropew tal-handball tal-irġiel, apparti li jiġbdu lejhom udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment jixxandru fuq kanali televiżivi b'xejn, jiġġeneraw interess estensiv u partikolari fil-Polonja, anki f'udjenzi li mhux soltu jsegwu din id-dixxiplina sportiva. Kompetizzjonijiet oħra matul is-semifinali u l-finali tal-kampjonat dinji u dak Ewropew tal-handball tal-irġiel, li fihom jieħu sehem it-tim nazzjonali Pollakk ukoll jiġbdu lejhom udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment jixxandru fuq kanali televiżivi mingħajr pagament. Barra minn hekk, dawn jiġġeneraw interess estensiv u partikolari fil-Polonja, anki f'udjenzi li mhux soltu jsegwu din id-dixxiplina sportiva. Dawn jinvolvu wkoll tim nazzjonali f'tournament internazzjonali ta' importanza ewlenija fejn il-parteċipanti Pollakki għamlu kisbiet sinifikanti.

(10)

Il-Kampjonat Dinji tal-Iski Nordiku, l-avvenimenti tat-Tazza tad-Dinja tal-Iski Jumping u l-avvenimenti tat-Tazzi tad-Dinja tal-Iski Cross-Country, apparti li jiġbdu lejhom udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment jixxandru fuq kanali televiżivi b'xejn, jiġġeneraw interess estensiv u partikolari fil-Polonja, anki f'udjenzi li mhux soltu jsegwu din id-dixxiplina sportiva. Dawn jinvolvu wkoll it-tim nazzjonali Pollakk f'turnew internazzjonali ta' importanza ewlenija fejn il-parteċipanti Pollakki għamlu kisbiet sinifikanti.

(11)

Il-Kampjonat Dinji tal-Atletika jsegwuh udjenzi televiżivi kbar u tradizzjonalment jixxandru fuq kanali televiżivi mingħajr pagament. Minbarra dan, iħalli reżonanza speċjali u estensiva fil-Polonja, anki f'udjenzi li mhux soltu jsegwu d-dixxiplini li jiġu rrappreżentati f'dan l-avveniment. Il-kompetituri Pollakki għamlu kisbiet sinifikanti fil-pole vault, ix-shot put u t-tfigħ tad-diskus.

(12)

B'qies tal-modalitajiet li skonthom jixxandru dawk l-avvenimenti ta' importanza maġġuri għas-soċjetà, id-definizzjoni ta' “xandar kwalifikanti”, ir-rwol tal-Kunsill tax-Xandir fil-mekkaniżmu tar-riżoluzzjoni tat-tilwim f'każ ta' tilwimiet tul l-implimentazzjoni tal-miżuri, u d-data prevista għad-dħul fis-seħħ tal-miżuri Pollakki finali (12-il xahar wara l-pubblikazzjon f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea), il-miżuri deżinjati ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ għall-kisba tal-mira segwita, jiġifieri l-protezzjoni tad-dritt tal-informazzjoni u l-aċċess estensiv tal-pubbliku għall-kopertura televiżiva ta' avvenimenti nazzjonali u mhux nazzjonali ta' importanza maġġuri għas-soċjetà. Għaldaqstant, jista' jiġi konkluż li l-effetti tad-dritt tal-proprjetà, kif previsti fl-Artikolu 17 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, ma jmorrux lil hinn minn dak li hu intrinsikament marbut mal-inklużjoni tal-avveniment fil-lista prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE.

(13)

Għall-istess raġunijiet, il-miżuri Pollakki, minħabba r-raġuni prevalenti ta' interess pubbliku sabiex jiġi żgurat l-aċċess pubbliku wiesa' għax-xandiriet ta' avvenimenti ta' importanza maġġuri għas-soċjetà, jidhru proporzjonali sabiex tiġi ġġustifikata deroga mill-prinċipju fundamentali tal-liberta li jiġu pprovduti servizzi kif stipulat fl-Artikolu 56 tal-Ftehim dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Barra minn hekk, il-miżuri Pollakki ma jikkostitwixx l-ebda diskriminazzjoni jew esklużjoni mis-suq kontra xi xandara, detenturi tad-drittijiet jew operaturi ekonomiċi oħra ta' Stati Membri oħra.

(14)

Il-miżuri deżinjati huma kompatibbli wkoll mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni sakemm id-definizzjoni tax-xandara kwalifikanti għax-xandir tal-avvenimenti elenkati tkun imsejsa fuq kriterji oġġettivi, biex jippermettu kompetizzjoni reali u potenzjali għall-akkwist tad-drittijiet biex jixxandru dawn l-avvenimenti. Barra minn hekk, l-għadd ta' avvenimenti deżinjati mhuwiex tant sproporzjonat li jwassal għal distorzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq downstream tat-televiżjoni mingħajr pagament u tat-televiżjoni bi pagament. Għaldaqstant, jista' jitqies li l-effetti tal-libertà tal-kompetizzjoni ma jmorrux lil hinn minn dak li hu intrinsikament marbut mal-inklużjoni tal-avveniment fil-lista prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE.

(15)

Il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri li se jittieħdu mill-Polonja u ppreżentat ir-riżultati tal-verifika tagħha lill-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2010/13/UE. Il-Kumitat adotta opinjoni favorevoli.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

(1)   Il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Polonja, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE, u nnotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(2) ta' dik id-Direttiva, huma kompatibbli mal-Liġi tal-Unjoni.

(2)   Il-miżuri, kif mittieħda mill-Polonja, għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.


ANNESS

Pubblikazzjoni skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva).

Il-miżuri mittieħda mill-Polonja, li għandhom jiġu pppubblikati skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE, huma stipulati fl-estratti li ġejjin mill-Att dwar ix-Xandir tad-29 ta' Diċembru 1992 (Ġurnal tal-Liġijiet 43/2011, partita 226, kif emendat) u r-Regolament tal-Kunsill Nazzjonali tax-Xandir tas-17 ta' Novembru 2014 li jistabbilixxi lista ta' avvenimenti maġġuri:

“L-Att dwar ix-Xandir tad-29 ta' Diċembru 1992

Artikolu 20b

1.

Xandar televiżiv jista' jxandar bi trażmissjoni diretta avveniment ta' importanza maġġuri għas-soċjetà, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ 'avveniment maġġuri', biss:

(1)

fuq kanal (servizz ta' programmi) nazzjonali, kif imsemmi f'dan l-Att jew fil-liċenzja tax-xandir tiegħu, b'mod li jkun jista' jiġi segwit kompletament mingħajr pagament għajr għall-miżati tal-liċenzja kif imsemmija fl-Att tal-Miżati tal-Liċenzji tal-21 ta' April 2005 u l-miżati bażiċi miżmuma mill-operaturi tan-netwerks tal-kejbil, jew

(2)

jekk l-istess avveniment ikun qed jiġi trażmess mix-xandar ta' kanal li jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifikati fis-subparagrafu 1, b'kuntrat max-xandar li jkun kiseb id-drittijiet tax-xandir għall-avveniment inkwistjoni, jew ma kwalunkwe parti awtorizzata oħra, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6.

2.

Fid-dawl tal-livell għoli ta' interess pubbliku, l-avvenimenti li ġejjin għandhom, fost oħrajn, jitqiesu bħala avvenimenti maġġuri:

(1)

il-Logħob Olimpiku tas-sajf u tax-xitwa;

(2)

is-semifinali u l-finali tal-Kampjonati Dinjin u Ewropej tal-futbol u kwalunkwe partiti oħra f'dawk l-avvenimenti li jinvolvu lit-tim nazzjonali Pollakk, inklużi l-partiti ta' kwalifikazzjoni;

(3)

partiti oħra li jinvolvu lit-tim tal-futbol nazzjonali Pollakk f'turnej uffiċjali, u l-partiti taċ-Champions League u tat-Tazza UEFA li jinvolvu lill-klabbs Pollakki.

3.

Il-Kunsill Nazzjonali jista' jadotta regolament li jistabbilixxi lista ta' avvenimenti maġġuri oħrajn għajr dawk speċifikati fil-paragrafu 2, b'kunsiderazzjoni tal-livell tal-interess pubbliku f'dawk l-avvenimenti u s-sinifikat tagħhom fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika.

4.

Jekk avveniment maġġuri jinkludi aktar minn parti waħda, kull parti għandha titqies bħala avveniment maġġuri.

5.

Il-paragrafu 1 għandu japplika għal kopertura ffilmjata mxandra wara jekk id-dewmien sakemm jixxandar avveniment maġġuri ma jaqbiżx l-24 siegħa u jseħħ minħabba raġunijiet importanti, notevolment:

(1)

jekk l-avveniment inkwistjoni jkun se jseħħ bejn nofs il-lejl u s-06:00 ħin tal-Polonja;

(2)

jekk avvenimenti maġġuri jew partijiet minnhom ikunu qed iseħħu fl-istess ħin.

6.

Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk ix-xandar ikun jista' juri li l-ebda xandar ta' servizz ta' programmi li jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 1(1) ma ried jikkonkludi kuntratt għall-forniment tal-kopertura skont il-paragrafu 1(2).

7.

Il-Kunsill Nazzjonali tax-Xandier jista', kif previst fi ftehimiet internazzjonali li jorbtu lill-Polonja, jadotta regolament li jistabbilixxi:

(1)

listi ta' avvenimenti meqjusa li huma avvenimenti importanti minn pajjiżi Ewropej oħrajn;

(2)

regoli li jigvernaw l-eżerċizzju ta' drittijiet esklussivi tax-xandir televiżiv għall-avvenimenti msemmija fis-subparagrafu 1 sabiex jiġi żgurat li l-eżerċizzju tat-tali drittijiet mix-xandara li huma suġġetti għal dan l-Att ma jċaħħadx lit-telespettaturi fil-pajjiż ikkonċernat mill-possibbiltà li jirċievu kopertura ta' dawk l-avvenimenti skont ir-regoli stabbiliti minn dak il-pajjiż b'konformità mal-liġi internazzjonali.”

ĠURNAL TAL-LIĠIJIET

TAR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA

Varsavja, it-3 ta' Diċembru 2014

Partita 1705

REGOLAMENT

TAL-KUNSILL NAZZJONALI TAX-XANDIR

tas-17 ta' Novembru 2014

li jistabbilixxi lista ta' avvenimenti maġġuri

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin huma previsti fl-Artkolu 20b(3) tal-Att dwar ix-Xandir tad-29 ta' Diċembru 1992 (Ġurnal tal-Liġijiet Nru 43/2011, partita 226, kif emendat (1)):

Taqsima 1.

Dan ir-Regolament jistipula lista ta' avvenimenti maġġuri għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 20b(2) tal-Att dwar ix-Xandir tad-29 ta' Diċembru 1992.

Taqsima 2.

Fid-dawl tal-livell tal-interess pubbliku f'dawk l-avvenimenti u s-sinifikat tagħhom fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika, dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala avvenimenti maġġuri:

(1)

il-partiti li jinvolvu lit-timijiet nazzjonali Pollakki fil-Kampjonati Dinjin u Ewropej tal-Volleyball tal-irġiel u tan-nisa, inklużi l-partiti ta' kwalifikazzjoni;

(2)

il-partiti tal-League Dinji tal-Volleyball tal-irġiel li jintlagħbu fil-Polonja;

(3)

is-semifinali u l-finali tal-Kampjonati Dinjin u Ewropej tal-Handball tal-Irġiel u kwalunkwe partita oħra f'dawk l-avvenimenti li tinvolvi lit-tim nazzjonali Pollakk, inklużi l-partiti ta' kwalifikazzjoni;

(4)

il-Kampjonati Dinjija tal-iSki Nordiku;

(5)

il-kompetizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja tal-iSki Jumping;

(6)

il-kompetizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja tal-Cross-Country (skiing);

(7)

il-Kampjonati Dinjin tal-Atletika.

Taqsima 3.

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ 12-il xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu

Il-President tal-Kunsill Nazzjonali tax-Xandir: J. DWORAK


(1)  L-emendi ta' dan l-Att kienu ġew ippubblikati fil-Ġurnal tal-Liġijiet Nri 85/2011, partita 459; 112/2011, partita 654; 153/2011, partita 903; 160/2011, partita 963; u l-Ġurnal tal-Liġijiet 2012, partiti 1209 u 1315.


3.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/42


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/164

tat-2 ta' Frar 2015

dwar deroga mir-regoli ta' oriġini stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE fir-rigward taz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli mill-Curaçao

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija”) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16(1)(c) tal-Anness VI tagħha,

Billi:

(1)

Skont il-punti (g), (j) u (k) tal-Artikolu 5(1) tal-Anness VI tad-Deċiżjoni 2013/755/UE, it-tħin parzjali jew totali ta' zokkor, l-għarbil u t-tqegħid f'boroż jitqiesu bħala proċessi ta' xogħol jew ipproċessar insuffiċjenti biex jingħataw l-istatus ta' prodotti oriġinarji.

(2)

Fl-2002, il-Pajjiżi l-Baxxi talbu deroga mir-regola tal-oriġini fil-każ ta' prodotti taz-zokkor li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 1701 11 90, 1701 99 10 u 1701 91 00 ipproċessati fl-Antilli Olandiżi għal kwantità annwali ta' 3 000 tunnellata. Dik it-talba ġiet milqugħa u d-deroga ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2007.

(3)

Fl-2009, il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu talba għal estensjoni tad-deroga mogħtija fl-2002 u talba għal deroga ġdida. It-talba għal estensjoni ġiet miċħuda bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/699/KE (2), filwaqt li ntlaqgħet it-talba għal deroga ġdida, fil-limiti tal-kwantitajiet li għalihom ġew allokati l-liċenzji tal-importazzjoni taz-zokkor lill-Antilli Olandiżi fl-2009 u fl-2010.

(4)

Fl-2010, il-Pajjiżi l-Baxxi talbu deroga ġdida fir-rigward ta' prodotti taz-zokkor ipproċessati fl-Antilli Olandiżi għall-perjodu mill-2011 sal-2013. Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/47/UE (3) id-deroga ngħatat skont il-paragrafi 1, 3 u 7 tal-Artikolu 37 tal-Anness III tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE (4) u taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-għan tagħhom kien li jibbilanċjaw l-interessi leġittimi tal-operaturi tal-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej (OCT) mal-objettivi tal-organizzazzjoni tas-suq komuni għaz-zokkor tal-Unjoni.

(5)

Fil-11 ta' Frar 2013, il-Pajjiżi l-Baxxi talbu f'isem il-Gvern ta' Curaçao, deroga ġdida mir-regoli ta' oriġini stipulati fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2013, id-data ta' skadenza tad-Deċiżjoni 2001/822/KE. It-talba tkopri kwantità annwali totali ta' 5 500 tunnellata ta' prodotti taz-zokkor tal-kodiċi NM 1701 14 90, deskritti bħala “zokkor bijo”, li joriġinaw f'pajjiżi terzi u li jiġu pproċessati f'Curaçao għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Din it-talba ġiet irtirata uffiċjalment mill-Pajjiżi l-Baxxi fis-17 ta' April 2013 minħabba li l-attivitajiet ta' pproċessar deskritti fit-talba ma kinux għadhom jitwettqu fl-Antilli Olandiżi. Fis-17 ta' April 2013, il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu t-tieni talba għal deroga għal 5 000 tunnellata ta' prodotti taz-zokkor, deskritti bħala zokkor organiku mhux maħdum tal-kannamieli tal-kodiċi NM 1701 14 90, għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar 2013 u l-31 ta' Diċembru 2013. Din it-talba ġiet miċħuda bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/460/UE (5).

(6)

Fit-23 ta' Ġunju 2014, il-Gvern ta' Curaçao ressaq talba għal deroga għal 7 000 tunnellata fis-sena ta' prodotti taz-zokkor, deskritti bħala zokkor organiku mhux maħdum tal-kannamieli, zokkor konvenzjonali mhux maħdum tal-kannamieli tal-kodiċi NM 1701 13 u taħlitiet ta' zokkor tal-kodiċi NM 1701 99, 1806 10 u 2106 90 għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar 2014 u l-1 ta' Jannar 2018. Fl-1 ta' Settembru 2014, il-Gvern ta' Curaçao ressaq informazzjoni addizzjonali dwar it-talba tiegħu li fost l-oħrajn, fiha jindika li d-deroga ntalbet għall-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru 2014 u l-1 ta' Jannar 2020.

(7)

Il-Gvern ta' Curaçao spjega li mill-1 ta' Jannar 2014 l-industrija waqqfet l-attivitajiet tagħha tal-ipproċessar taz-zokkor, peress li d-Deċiżjoni 2013/755/UE ma toffrix il-possibbiltà li jiġu esportati prodotti lejn l-Unjoni mingħajr dazju hekk kif l-attivitajiet ta' proċessar tal-industrija jitiqesu insuffiċjenti biex jingħataw l-istatus ta' prodotti oriġinarji. Madankollu, l-industrija hija lesta li tinvesti fl-ipproċessar, l-ippakkjar u l-bejgħ bl-ingrossa ta' prodotti organiċi niexfa għall-esportazzjoni fir-reġjun ladarba jkun iġġenerat il-profitt meħtieġ biex jiffinanzja dawn l-investimenti. L-għan huwa li dawn l-attivitajiet il-ġodda jibdew fit-tieni nofs tal-2015. Bħala riżultat ta' dawn l-attivitajiet il-ġodda, l-industrija qed tistenna li żżid l-għadd ta' impjegati.

(8)

Skont l-informazzjoni li waslet mill-Gvern ta' Curaçao, bil-prezzijiet tas-suq attwali, l-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta' 2 000 tunnellata ta' zokkor organiku li ġej minn pajjiżi terzi u mitħun f'Curaçao tista' tiġġenera profitt nett wara li titnaqqas it-taxxa ta' EUR 25,42 għal kull tunnellata, dejjem jekk iz-zokkor jista' jiġi importat skont trattament preferenzjali bħala zokkor li joriġina f'Curaçao.

(9)

L-ispejjeż tal-produzzjoni taz-zokkor tal-kannamieli fil-Brażil, inklużi l-ispejjeż amministrattivi, huma ta' EUR 294 għal kull tunnellata ta' zokkor mhux maħdum tal-kannamieli. Jidher improbabbli li l-ispejjeż għat-tindif, it-tħin u l-ippakkjar ta' zokkor organiku tal-kannamieli f'Curaçao, kif ikkomunikati lill-Kummissjoni, ikunu ogħla minn EUR 294 għal kull tunnellata, anke meta jiżdiedu l-ispejjeż tat-trasport lejn l-UE. Minflok, dawn l-ispejjeż ikollhom jitqiesu li jinkludu komponenti u qligħ ġenerali. Sabiex tiġi żgurata attività ekonomika sostenibbli, l-ispejjeż tal-produzzjoni f'Curaçao, fejn jitwettaq biss proċessar sempliċi, inklużi l-ispejjeż tat-trasport lejn l-Unjoni, għandhom ikunu inqas jew daqs l-ispiża għall-biedja u l-ipproċessar ta' zokkor tal-kannamieli fil-Brażil. Għalhekk, meta l-EUR 294 għal kull tunnellata jitqiesu bħala spiża realistika għat-tindif, it-tħin u l-ippakkjar ta' zokkor organiku mhux maħdum tal-kannamieli f'Curaçao u t-trasport lejn l-UE, huwa possibbli li jiġi ġġenerat profitt wara li titnaqqas it-taxxa ta' EUR 192 għal kull tunnellata. Jitqies sproporzjonat li jiġi ġġenerat profitt ta' EUR 25,42 biss għal kull tunnellata zokkor tal-kannamieli miksuba f'Curaçao wara t-tħin f'pajjiż terz, u fl-istess ħin jiġi provdut aċċess fl-Unjoni għal eżenzjoni mid-dazju u għal eżenzjoni tal-ħlas ta' EUR 419 f'dazji tal-importazzjoni għal kull tunnellata ta' zokkor minn pajjiżi terzi.

(10)

Id-deroga ntalbet għal 7 000 tunnellata ta' prodotti taz-zokkor, deskritti bħala zokkor organiku tal-kannamieli, zokkor konvenzjonali tal-kannamieli u ta' taħlitiet ta' zokkor. Madankollu, it-talba ma ssemmix il-prezz tal-pektina, tal-kaseinat, tat-trab tal-ħalib u tat-trab tal-kawkaw użati fil-produzzjoni ta' dawn it-taħlitiet ta' zokkor meħtieġa sabiex jiġi kkalkulat il-profitt li jista' jinkiseb. Għalhekk, id-deroga għandha tingħata biss għaz-zokkor organiku mhux maħdum tal-kannamieli u għaz-zokkor konvenzjonali mhux maħdum tal-kannamieli.

(11)

Il-Gvern ta' Curaçao spjega li d-deroga se tippermetti lill-industrija biex tibda mill-ġdid l-attivitajiet tagħha u tattiva mill-ġdid l-impjiegi li jikkontribwixxu għall-attivitajiet ta' esportazzjoni filwaqt li jiġġeneraw flus barranin. L-industrija se tikkontribwixxi wkoll għall-introjtu tal-Gvern billi tissodisfa l-obbligi fiskali tagħha.

(12)

Matul il-perjodu ta' bejn l-2009 u l-2013, Curaçao bbenefika minn derogi mogħtija skont id-Deċiżjoni 2001/822/KE, li jgħinu biex jiġi ġġenerat il-fatturat meħtieġ għall-investiment fid-diversifikazzjoni lejn il-produzzjoni ta' prodotti li ma jeħtiġux deroga mir-regoli ta' oriġini. Skont l-informazzjoni li waslet, l-investimenti kienu baxxi ħafna fl-2009, u bejn l-2010 u l-2012 ma sar l-ebda investiment. Għalhekk, dawn id-derogi għenu biss biex jinżammu l-proċessi ta' tħin u ppakkjar mingħajr ma kkontribwew b'mod sostenibbli għall-iżvilupp ta' industrija eżistenti jew għall-ħolqien ta' waħda ġdida. Għalhekk, fi tmiem il-perjodu ta' validità tad-deroga jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-profitt iġġenerat mid-deroga, ġiex effettivament investit f'makkinarju ġdid għall-produzzjoni ta' prodotti organiċi niexfa u sa liema punt ikkontribwixxa għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda. Għalhekk, il-Gvern ta' Curaçao għandu jressaq quddiem l-Unjoni xhieda ċertifikata tal-investimenti li saru u taċ-ċifri tal-impjiegi għal verifika.

(13)

Il-Kummissjoni tqis bħala wieħed realistiku, profitt nett wara li titnaqqas it-taxxa ta' EUR 192 għal kull tunnellata għat-tindif, it-tħin u l-ippakkjar ta' zokkor organiku mhux maħdum tal-kannamieli f'Curaçao. Għalhekk, għandu jkun possibbli li jiġu ffinanzjati l-investimenti previsti ta' EUR 300 000, kif ikkomunikat mill-Gvern ta' Curaçao, permezz tal-produzzjoni ta' 1 560 tunnellata ta' zokkor mhux maħdum tal-kannamieli. Għaldaqstant, id-deroga għandha tingħata għall-kwantità ta' 780 tunnellata għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' April 2015 u l-31 ta' Marzu 2016 u ta' 780 tunnellata għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' April 2016 u l-31 ta' Marzu 2017.

(14)

Permezz ta' ittra tal-21 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni talbet lil Curaçao biex jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-talba u biex jaqsam il-fehmiet tiegħu. L-iskadenza għat-tweġiba ġiet stabbilita għat-3 ta' Diċembru 2014. It-tweġiba waslet mingħand Curaçao fit-3 ta' Diċembru 2014.

(15)

Suġġetta għal dawn il-kundizzjonijiet, id-deroga ma tikkawżax ħsara serja lil xi settur ekonomiku jew lil xi industrija stabbilita fl-Unjoni.

(16)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (6) jistipula r-regoli dwar il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Dawk ir-regoli għandhom jiġu applikati għall-ġestjoni tal-kwantità li għaliha qed tingħata d-deroga kkonċernata.

(17)

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma tax opinjoni fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-President tiegħu,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Anness VI tad-Deċiżjoni 2013/755/UE, iz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli, li jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 1701 13, li nkiseb wara t-tħin taz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli mhux oriġinarju f'Curaçao, għandu jitqies bħala oriġinarju minn Curaçao skont it-termini stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 5 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 tapplika għall-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni li huma importati fl-Unjoni minn Curaçao matul il-perjodu ta' bejn l-1 ta' April 2015 u l-31 ta' Marzu 2017.

Artikolu 3

L-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 relatati mal-ġestjoni tal-kwoti tariffarji għandhom japplikaw għall-ġestjoni tal-kwantità msemmija fl-Anness imsemmi.

Artikolu 4

1.   L-awtoritajiet doganali ta' Curaçao għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jitwettqu l-kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Qabel it-tmiem tal-aħħar tax-xahar ta' kull perjodu ta' tliet xhur, l-awtoritajiet kompetenti ta' Curaçao għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni trimestrali tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati ta' moviment EUR.1 skont din id-Deċiżjoni u n-numri tas-serje ta' dawk iċ-ċertifikati.

3.   Iċ-ċertifikati ta' moviment EUR.1 maħruġa skont din id-Deċiżjoni għandhom jinkludu waħda mill-indikazzjonijiet li ġejjin:

“Derogation — [Commission Implementing Decision (UE) 2015/164]”

“Dérogation — [Décision d'exécution (UE) 2015/164 de la Commission]”.

Artikolu 5

Qabel l-1 ta' Ottubru 2016, il-Gvern ta' Curaçao għandu jibgħat lill-Kummissjoni evidenza li turi li l-profitt iġġenerat mill-industrija permezz tad-deroga qed jintuża effettivament għal investiment f'makkinarju ġdid għall-produzzjoni ta' prodotti organiċi niexfa u li jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/699/KE tad-9 ta' Settembru 2009 dwar deroga mir-regoli ta' oriġini kif imfissra fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE fejn jidħol iz-zokkor mill-Antilli Olandiżi (ĠU L 239, 10.9.2009, p. 55)

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/47/UE tal-20 ta' Jannar 2011 dwar deroga mir-regoli ta' oriġini kif imfissra fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE fir-rigward taz-zokkor mill-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi (ĠU L 21, 25.1.2011, p. 3)

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea”) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 11, Vol. 38, p. 319)

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/460/UE tas-17 ta' Settembru 2013 li tirrifjuta li tagħti deroga mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE fejn jidħlu r-regoli tal-oriġini għaz-zokkor minn Curaçao (ĠU L 249, 19.9.2013, p. 6)

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).


ANNESS

Numru tal-ordni

Kodiċi NM

Isem il-prodotti

Perjodi

Kwantitajiet

09.1960

1701 13

Zokkor mhux maħdum

mill-1.4.2015 sal-31.3.2016

mill-1.4.2016 sal-31.3.2017

780 tunnellata

780 tunnellata