ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 5

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 58
9ta' Jannar 2015


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/28 tas-17 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 2, 3 u 8 u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 16, 24 u 38 ( 1 )

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/29 tas-17 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1126/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 19 ( 1 )

11

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/30 tas-17 ta' Diċembru 2014 li jirreġistra denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Potjesvlees uit de Westhoek (IĠP)]

14

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/31 tat-8 ta' Jannar 2015 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

15

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE) 2015/32 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta' Diċembru 2014 dwar id-derogi li jistgħu jingħataw skont ir-Regolament (UE) Nru 1073/2013 dwar statistika fir-rigward tal-attiv u l-passiv ta' fondi ta' investiment (BĊE/2013/38) (BĊE/2014/62)

17

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

9.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 5/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/28

tas-17 ta' Diċembru 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 2, 3 u 8 u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 16, 24 u 38

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fit-12 ta' Diċembru 2013, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB) ippubblika l-“Annual Improvements to International Financial Reporting Standards 2010-2012 Cycle” (it-titjib annwali), fil-qafas tal-proċess tat-titjib regolari tiegħu li għandu l-għan li jirrazzjonalizza u jiċċara l-istandards. L-għan tat-titjib annwali huwa li jiġu indirizzati kwistjonijiet mhux urġenti, iżda neċessarji, diskussi mill-IASB waqt iċ-ċiklu tal-proġett li beda fl-2010 f'oqsma ta' inkonsistenza fl-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju jew fejn tkun meħtieġa kjarifika tat-test. L-emendi fl-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 8 u fl-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 16, 24 u 38 huma kjarifiki jew korrezzjonijiet tal-istandards rispettivi. L-emendi fl-IFRS 2 u fl-IFRS 3, jinvolvu tibdiliet fir-rekwiżiti eżistenti jew gwida addizzjonali għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti.

(3)

L-emendi fl-IFRS 3 jimplikaw, bħala konsegwenza emendi fl-IAS Nru 37 u IAS Nru 39 sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-istandards internazzjonali tal-kontabilità.

(4)

Dawk l-emendi fl-istandards eżistenti fihom xi referenzi għall-IFRS 9, li fil-preżent ma jistax jiġi applikat peress li l-IFRS 9 ma ġiex adottat mill-Unjoni. Għalhekk kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandha tinqra bħala referenza għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: rikonoxximent u kejl.

(5)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp Tekniku ta' Esperti tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar ir-Rapportar Finanzjarju tikkonferma li t-titjib jissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej:

(a)

L-IFRS 2 Pagament ibbażat fuq l-azzjonijiet huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(b)

L-IFRS 3 Kombinamenti ta' Negozji huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(c)

L-IFRS 8 Segmenti operatorji huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(d)

L-IAS 16 Proprjetà, impjant u tagħmir huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(e)

L-IAS 24 Divulgazzjonijiet dwar partijiet relatati huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(f)

L-IAS 38 Assi intanġibbli huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(g)

L-IAS 37 Provvedimenti, obbligazzjonijiet kontinġenti u assi kontinġenti u 39 Strumenti finanzjarji: rikonoxximent u kejl huma emendati skont l-emendi fl-IFRS 3 kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

2.   Kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament tinqra bħala referenza għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: rikonoxximent u kejl.

Artikolu 2

Kull kumpanija tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1(1), mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda mill-1 ta’ Frar 2015 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1)


ANNESS

Titjib Annwali għall-IFRSs Ċiklu 2010-2012 (1)

Emenda għall-IFRS 2 Pagament Ibbażat fuq l-Ishma

Il-paragrafi 15 u 19 ġew emendati u żdied il-paragrafu 63B.

Tranżazzjonijiet li fihom jiġu rċevuti servizzi

15

Jekk l-istrumenti azzjonarji mogħtija ma jsirux vestiti sakemm il-kontroparti tlesti perjodu speċifikat ta' servizz, l-entità għandha tippreżumi li s-servizzi li jridu jitwettqu mill-kontroparti bħala korrispettiv għal dawk l-istrumenti azzjonarji se jiġu rċevuti fil-futur, matul il-perjodu tal-vestiment. L-entità għandha tikkontabilizza dawk is-servizzi hekk kif jiġu mwettqa mill-parti l-oħra matul il-perjodu tal-vestiment, b'żieda korrispondenti fl-ekwità. Pereżempju:

(a)

(b)

jekk impjegat jingħata opzjonijiet fuq l-ishma bil-kundizzjoni li tintlaħaq xi kundizzjoni ta' prestazzjoni u li jibqa' impjegat mal-entità sakemm tiġi ssodisfata dik il-kundizzjoni ta' prestazzjoni, u t-tul tal-perjodu tal-vestiment ivarja skont meta tiġi ssodisfata dik il-kundizzjoni ta' prestazzjoni, l-entità għandha tippreżumi li s-servizzi li għandhom jingħataw mill-impjegat bħala korrispettiv għall-opzjonijiet fuq l-ishma se jiġu rċevuti fil-futur, matul il-perjodu tal-vestiment mistenni. …

Trattament ta' kundizzjonijiet tal-vestiment

19

Għotja ta' strumenti azzjonarji tista' ssir fuq kundizzjoni li tissodisfa kundizzjonijiet speċifiċi tal-vestiment. Pereżempju, għotja ta' ishma jew opzjonijiet fuq l-ishma lil impjegat tipikament issir fuq kundizzjoni li l-impjegat jibqa' fl-impjieg mal-entità għal perjodu speċifiku ta' żmien. Jista' jkun hemm kundizzjonijiet ta' prestazzjoni li jridu jiġu ssodisfati, bħal pereżempju li l-entità tikseb tkabbir speċifiku fil-profitt jew żieda speċifika fil-prezz tal-ishma tal-entità. Kundizzjonijiet ta' vestiment, ħlief il-kundizzjonijiet tas-suq, m'għandhomx jitqiesu meta jiġi stmat il-valur ġust tal-ishma jew tal-opzjonijiet fuq l-ishma fid-data tal-kejl. Minflok, il-kundizzjonijiet tal-vestiment għandhom jiġu kkunsidrati billi jiġi aġġustat in-numru ta' strumenti azzjonarji inkluż fil-kejl tal-ammont tat-tranżazzjoni biex, finalment, l-ammont rikonoxxut għal oġġetti jew servizzi rċevuti bħala korrispettiv għall-istrumenti azzjonarji mogħtija jkun ibbażat fuq in-numru ta' strumenti azzjonarji li eventwalment jiġu vestiti. Għalhekk, fuq bażi kumulattiva, l-ebda ammont mhu rikonoxxut għal oġġetti jew servizzi rċevuti jekk l-istrumenti azzjonarji mogħtija ma jiġux vestiti minħabba n-nuqqas li tiġi ssodisfata kundizzjoni ta' vestiment, eż. il-kontroparti tonqos milli ttemm perjodu speċifikat ta' servizz, jew kundizzjoni ta' prestazzjoni ma tiġix issodisfata, suġġett għar-rekwiżiti tal-paragrafu 21.

DATA EFFETTIVA

63 B

Titjib Annwali għaċ-Ċiklu tal-IFRSs 2010-2012, maħruġ f'Diċembru 2013, emenda l-paragrafu 15 u 19. Fl-Appendiċi A, id-definizzjonijiet ta'“kundizzjonijiet tal-vestiment” u “kundizzjonijiet tas-suq” ġew emendati u żdiedu d-definizzjonijiet ta' “kundizzjoni ta' prestazzjoni” u “kundizzjoni tas-servizz”. Entità għandha tapplika prospettivament dik l-emenda għal tranżazzjonijiet ta' pagamenti bbażati fuq l-ishma li d-data tal-għotja għaliha hija l-1 ta' Lulju 2014 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk entità tapplika dik l-emenda għal perjodu aktar bikri, hija għandha tiddivulga dak il-fatt.

Fl-Appendiċi A, id-definizzjonijiet ta'“kundizzjoni tas-suq” u “kundizzjonijiet tal-vestiment” huma emendati u huma miżjuda d-definizzjonijiet ta' “kundizzjoni ta' prestazzjoni” u “kundizzjoni tas-servizz”.

Appendiċi A

Termini definiti

Dan l-appendiċi huwa parti integrali mill-IFRS.

 

kundizzjoni tas-suq

Kundizzjoni ta' prestazzjoni li l-prezz ta' eżerċizzju, vestiment jew eżerċitibilità ta' strument azzjonarju jiddependi minnu u li huwa relatat mal-prezz tas-suq (jew il-valur) tal-istrumenti azzjonarji ta' entità (jew l-istrumenti azzjonarji ta' entità oħra tal-istess grupp), bħal:

(a)

il-ksib ta' prezz tal-ishma speċifikat jew ammont speċifikat ta' valur intrinsiku ta' opzjoni ta' ishma jew

(b)

il-ksib ta' mira speċifikata li hija bbażata fuq il-prezz tas-suq (jew valur) tal-istrumenti ta' ekwità tal-entità (jew l-istrumenti ta' ekwità ta' entità oħra fl-istess grupp) relattivi ma' indiċi ta' prezzijiet tas-suq ta' strumenti ta' ekwità ta' entitajiet oħrajn.

Kundizzjoni tas-suq teħtieġ li l-kontroparti tlesti perjodu speċifikat ta' servizz (jiġifieri kundizzjoni ta' servizz); ir-rekwiżit tas-servizz jista' jkun espliċitu jew impliċitu.

 

kundizzjoni tal-prestazzjoni

Kundizzjoni ta' vestiment li titlob li:

(a)

il-kontroparti tlesti perjodu speċifikat ta' servizz (jiġifieri kundizzjoni ta' servizz); ir-rekwiżit tas-servizz jista' jkun espliċitu jew impliċitu; u

(b)

mira/i tal-prestazzjoni speċifikati li jridu jintlaħqu waqt li l-kontroparti jkun qed iwettaq is-servizz mitlub f'(a).

Il-perjodu ta' ksib tal-mira/i tal-prestazzjoni:

(a)

ma għandux jaqbeż tmiem il-perjodu ta' servizz; u

(b)

jista' jibda qabel il-perjodu ta' servizz bil-kundizzjoni li d-data ta' bidu tal-mira ta' prestazzjoni ma tkunx sostanzjalment qabel il-bidu tal-perjodu tas-servizz.

Mira tal-prestazzjoni hija definita b'referenza għal:

(a)

l-operazzjonijiet (jew attivitajiet) tal-entità stess jew l-operazzjonijiet jew attivitajiet ta' entità oħra fl-istess grupp (jiġifieri kundizzjoni mhux tas-suq); jew

(b)

il-prezz (jew valur) tal-istrumenti azzjonarji jew l-istrumenti azzjonarji ta' entità oħra fl-istess grupp (inklużi ishma u opzjonijiet tal-ishma) (jiġifieri kundizzjoni tas-suq).

Mira ta' prestazzjoni tista' tirrelata jew mal-prestazzjoni tal-entità bħala waħda sħiħa jew għal xi parti mill-entità (jew parti mill-grupp), bħal diviżjoni jew impjegat individwali.

 

kundizzjoni tas-servizz

Kundizzjoni tal-vestiment li teħtieġ li l-kontroparti tlesti perjodu speċifikat ta' servizz li matulu jitwettqu servizzi għall-entità. Jekk il-kontroparti, irrispettivament mir-raġuni, tieqaf tipprovdi servizz matul il-perjodu tal-vestiment, hija tkun naqset milli tissodisfa l-kundizzjoni. Kundizzjoni ta' servizz ma tirrikjedix li tintlaħaq mira tal-prestazzjoni.

 

kundizzjonijiet tal-vestiment

Kundizzjoni li tiddetermina jekk l-entità tirċevix servizzi li jintitolaw il-kontroparti biex tirċievi flus kontanti, assi oħrajn jew strumenti azzjonarji tal-entità, taħt arranġament ta' ħlas ibbażat fuq l-ishma. Kundizzjoni ta' vestiment hija jew kundizzjoni ta' servizz jew kundizzjoni ta' prestazzjoni.

Emenda għal IFRS 3 Kombinamenti ta' Operazzjonijiet

Il-paragrafi 40 u 58 huma emendati u huma miżjuda l-paragrafi 641 u l-paragrafu 67A u l-intestatura relatata tiegħu.

Korrispettiv kontinġenti

40

L-akkwirent għandu jikklassifika obbligazzjoni biex jitħallas korrispettiv kontinġenti li jissodisfa d-definizzjoni ta' strument finanzjarju bħala obbligazzjoni finanzjarja jew bħala ekwità fuq il-bażi tad-definizzjonijiet ta' strument azzjonarju u ta' obbligazzjoni finanzjarja fil-paragrafu 11 tal-IAS 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni. L-akkwirent għandu jikklassifika bħala assi d-dritt għar-ritorn ta' ħlas ittrasferit qabel jekk ċerti kundizzjonijiet speċifikati jiġu ssodisfati. Il-paragrafu 58 jagħti gwida dwar il-kontabilità sussegwenti għal korrispettiv kontinġenti.

Korrispettiv kontinġenti

58

Xi bidliet fil-valur ġust tal-korrispettiv kontinġenti li l-akkwirent jirrikonoxxi wara d-data tal-akkwiżizzjoni jistgħu jkunu r-riżultat ta' informazzjoni addizzjonali li l-akkwirent ikun kiseb wara dik id-data dwar fatti u ċirkostanzi li kienu jeżistu fid-data tal-akkwiżizzjoni. Dawk il-bidliet huma aġġustamenti tal-perjodu tal-kejl skont il-paragrafi 45–49. Madankollu, bidliet li jirriżultaw minn avvenimenti wara d-data tal-akkwiżizzjoni, bħall-ilħuq ta' mira dwar qligħ, l-ilħuq ta' prezz speċifikat tal-ishma jew l-ilħuq ta' pass importanti fi proġett ta' riċerka u żvilupp, mhumiex aġġustamenti tal-perjodu tal-kejl. L-akkwirent għandu jikkontabilizza l-bidliet fil-valur ġust ta' korrispettiv kontinġenti li ma jkunux aġġustamenti tal-perjodu tal-kejl skont kif ġej:

(a)

(b)

korrispettiv kontinġenti ieħor li:

(i)

ikun fil-kamp ta' applikazzjoni tal-IFRS 9 għandu jitkejjel b'valur ġust f'kull data ta' rappurtar u bidliet fil-valur ġust għandhom ikunu rikonoxxuti fil-qligħ jew fit-telf skont l-IFRS 9.

(ii)

ma jkunx fil-kamp ta' applikazzjoni tal-IFRS 9 għandu jitkejjel b'valur ġust f'kull data ta' rappurtar u bidliet fil-valur ġust għandhom ikunu rikonoxxuti fil-qligħ jew fit-telf.

Data effettiva

64I

Titjib Annwali għaċ-Ċiklu tal-IFRSs 2010-2012, maħruġ f'Diċembru 2013, emenda l-paragrafu 40 u 58 u żied il-paragrafu 67A u l-intestatura relatata tiegħu. Entità għandha tapplika dik l-emenda prospettivament għal kombinament ta' operazzjonijiet li d-data tal-akkwiżizzjoni tiegħu hija l-1 ta' Lulju 2014 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Entità tista' tapplika l-emenda iktar kmieni sakemm l-IFRS 9 u l-IAS 37 (it-tnejn li huma kif emendati mit-Titjib Annwali għaċ-Ciklu tal-IFRSs 2010-2012) ikunu ġew applikati. Jekk entità tapplika dik l-emenda aktar kmieni, hija għandha tiddivulga dak il-fatt.

REFERENZA GĦALL-LFRS 9

67 A

Jekk entità tapplika dan l-Istandard iżda għadha ma tapplikax l-IFRS 9, kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 għandha tinftiehem bħala referenza għall-IAS 39.

Emendi konsekwenzjali għal IFRSs oħrajn li jirriżultaw mill-emenda għall-IFRS 3

Emenda għall-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji (maħruġa f'Novembru 2009)

Il-paragrafu 5.4.4 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 8.1.4.

Investimenti fi strumenti azzjonarji

5.4.4

Mar-rikonoxximent inizjali, entità tista' tagħmel elezzjoni irrevokabbli biex tippreżenta f'bidliet sussegwenti oħrajn għad-dħul komprensiv fil-valur ġust ta' investiment fi strument azzjonarju fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan IFRS u li ma jinżammx għan-negozjar u lanqas mhu korrispettiv kontinġenti ta' akkwirent f'kombinament ta' operazzjonijiet li l-IFRS 3 Kombinamenti ta' Operazzjonijiet japplika għalih.

8.1   DATA EFFETTIVA

8.1.4

Titjib Annwali għaċ-Ċiklu tal-IFRSs 2010-2012, maħruġ f'Diċembru 2013, emenda l-paragrafu 5.4.4 bħala emenda konsegwenzjali derivata mill-emenda għall-IFRS 3. Entità tapplika dik l-emenda prospettivament għall-kombinamenti ta' operazzjonijiet li l-emenda għall-IFRS 3 tapplika għaliha.

Emenda għall-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji (maħruġa f'Ottubru 2010)

Il-paragrafi 4.2.1 u 5.7.5 huma emendati u jiżdied il-paragrafu 7.1.4.

4.2   Klassifikazzjoni ta' obbligazzjonijiet finanzjarji

4.2.1

Entità għandha tikklassifika l-obbligazzjonijiet finanzjarji kollha bħala mkejla sussegwentement b'kost amortizzat bl-użu ta' metodu tal-imgħax effettiv, ħlief għal:

(a)

(e)

kuntratti għall-korrispettiv kontinġenti f'kombinament ta' operazzjonijiet li l-IFRS 3 Kombinamenti ta' Operazzjonijiet japplika għalih. Kull korrispettiv kontinġenti għandu sussegwentement imkejjel b'valur ġust.

Investimenti fi strumenti azzjonarji

5.7.5

Mar-rikonoxximent inizjali, entità tista' tagħmel elezzjoni irrevokabbli biex tippreżenta f'bidliet sussegwenti oħrajn għad-dħul komprensiv fil-valur ġust ta' investiment fi strument azzjonarju fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan IFRS u li ma jinżammx għan-negozjar u lanqas mhu korrispettiv kontinġenti ta' akkwirent f'kombinament ta' operazzjonijiet li l-IFRS 3 japplika għalih.

7.1   DATA EFFETTIVA

7.1.4

Titjib Annwali għaċ-Ċiklu tal-IFRSs 2010-2012, maħruġ f'Diċembru 2013, emenda l-paragrafi 4.2.1 u 5.7.5 bħala emenda konsegwenzjali derivata mill-emenda għall-IFRS 3. Entità tapplika dik l-emenda prospettivament għall-kombinamenti ta' operazzjonijiet li l-emenda għall-IFRS 3 tapplika għaliha.

Emenda għal IAS 37 Dispożizzjonijiet, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti

Il-paragrafu 5 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 99

KAMP TA' APPLIKAZZJONI

5

Meta Standard ieħor jittratta tip speċifiku ta' provvediment, obbligazzjoni kontinġenti jew assi kontinġenti, entità tapplika dak l-Istandard minflok dan l-Istandard. Pereżempju, xi tipi ta' provvedimenti huma indirizzati fl-Istandards dwar:

(a)

(d)

benefiċċji tal-impjegati (ara l-IAS 19 Benefiċċji tal-Impjegati);

(e)

kuntratti tal-assigurazzjoni (ara l-IFRS 4 Kuntratti tal-Assigurazzjoni). Madankollu, dan l-Istandard japplika għal provvedimenti, obbligazzjonijiet kontinġenti u assi kontinġenti ta' assiguratur, barra dawk li jinħolqu mill-obbligazzjonijiet kuntrattwali u drittijiet taħt kuntratti tal-assigurazzjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tal-IFRS 4; u

(f)

korrispettiv kontinġenti ta' akkwirent f'kombinament ta' operazzjonijiet (ara l-IFRS 3 Kombinamenti ta' Operazzjonijiet).

DATA EFFETTIVA

99

Titjib Annwali għaċ-Ċiklu tal-IFRSs 2010-2012, maħruġ f'Diċembru 2013, emenda l-paragrafu 5 bħala emenda konsegwenzjali derivata mill-emenda għall-IFRS 3. Entità tapplika dik l-emenda prospettivament għall-kombinamenti ta' operazzjonijiet li l-emenda għall-IFRS 3 tapplika għaliha.

Emenda għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl  (2)

Il-paragrafu 9 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 108F.

Definizzjonijiet

9

It-termini li ġejjin jintużaw f'dan l-Istandard bit-tifsiriet speċifikati:

Definizzjonijiet ta' erba' kategoriji ta' strumenti finanzjarji

Assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja b'valur ġust mgħoddi bħala profitt jew telf huwa assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja li jissodisfa waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin.

(a)

(aa)

Huwa korrispettiv kontinġenti f'kombinament ta' operazzjonijiet li l-IFRS 3 Kombinamenti ta' Operazzjonijiet japplika għalih.

(b)

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

108F

Titjib Annwali għaċ-Ċiklu tal-IFRSs 2010-2012, maħruġ f'Diċembru 2013, emenda l-paragrafu 9 bħala emenda konsegwenzjali derivata mill-emenda għall-IFRS 3. Entità tapplika dik l-emenda prospettivament għall-kombinamenti ta' operazzjonijiet li l-emenda għall-IFRS 3 tapplika għaliha.

Emendi għal IFRS 8 Segmenti Operatorji

Il-paragrafi 22 u 28 huma emendati u jiżdied il-paragrafu 36C.

Informazzjoni ġenerali

22

Entità għandha tiżvela l-informazzjoni ġenerali li ġejja:

(a)

fatturi użati biex jiġu identifikati s-segmenti suġġetti għar-rappurtaġġ tal-entità, inkluż il-bażi organizzattiva (pereżempju, jekk il-maniġment għażilx li jorganizza l-entità skont id-differenzi bejn il-prodotti u s-servizzi, skont iż-żoni ġeografiċi, il-kuntesti regolatorji, jew skont taħlita ta' fatturi u jekk s-segmenti tal-operat ġewx aggregati);

(aa)

id-deċiżjonijiet meħuda mill-maniġment fl-applikazzjoni tal-kriterji tal-aggregazzjoni fil-paragrafu 12. Dan jinkludi deskrizzjoni qasira tas-segmenti operatorji li ġew aggregati b'dan il-mod u l-indikaturi ekonomiċi li ġew ivvalutati għad-determinazzjoni li s-segmenti operatorji aggregati għandhom karatteristiċi ekonomiċi simili; u

(b)

tipi ta' prodotti u servizzi li kull segment suġġett għar-rapportar jkollu dħul minnhom.

Rikonċiljazzjonijiet

28

Entità għandha tipprovdi rikonċiljazzjonijiet għal dan kollu li ġej:

(a)

(c)

it-total ta' assi tas-segmenti suġġetti għar-rapportar għall-assi tal-entità jekk l-assi tas-segment ikunu rapportati skont il-paragrafu 23.

(d)

TRANŻIZZJONI U DATA EFFETTIVA

36C

Titjib Annwali għaċ-Ċiklu tal-IFRSs 2010-2012, maħruġ f'Diċembru 2013, emenda l-paragrafu 22 u 28. Entità tapplika dawk l-emendi għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Lulju 2014 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk entità tapplika dawk l-emendi għal perjodu aktar kmieni, hija għandha tiżvela dak il-fatt.

Emenda għal IAS 16 Proprjetà, Impjant u Tagħmir

Il-paragrafu 35 huwa emendat u jiżdiedu l-paragrafi 80A u 81H.

Mudell ta' rivalutazzjoni

35

Meta partita ta' proprjetà, impjant u tagħmir tkun rivalutata, l-ammont riportat ta' dak l-assi jkun aġġustat għall-ammont rivalutat. Fid-data tar-rivalutazzjoni, l-assi jkun ittrattat b'wieħed minn dawn il-modi:

(a)

L-ammont riportat gross huwa aġġustat b'mod li jkun konsistenti mar-rivalutazzjoni tal-ammont riportat tal-assi. Pereżempju, l-ammont riportat gross jista' jiġi ridikjarat b'referenza għad-dejta tas-swieq osservabbli jew jista' jkun ridikjarat proporzjonalment mal-bidla fl-ammont riportat. Id-deprezzament akkumulat fid-data tar-rivalutazzjoni huwa aġġustat biex ikun daqs id-differenza bejn l-ammont riportat gross u l-ammont riportat tal-assi wara li jitqies it-telf minn indeboliment akkumulat; jew

(b)

id-deprezzament akkumulat huwa eliminat kontra l-ammont riportat gross tal-assi.

L-ammont tal-aġġustament tad-deprezzament akkumulat jagħmel parti miż-żieda jew tnaqqis fl-ammont riportat li jitqies skont il-paragrafi 39 u 40.

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI

80 A

Il-paragrafu 35 huwa emendat mit-Titjib Annwali għaċ-Ciklu tal-IFRSs 2010-2012. Entità għandha tapplika dik l-emenda għar-rivalutazzjonijiet kollha rikonoxxuti f'perjodi annwali li jibdew fid-data tal-applikazzjoni inizjali ta' dik l-emenda jew wara u fil-perjodu annwali li jippreċedih immedjatament. Entità tista' wkoll tippreżenta informazzjoni komparattiva għal kwalunkwe perjodu preċedenti ppreżentat, iżda mhix meħtieġa tagħmel hekk. Jekk entità tippreżenta informazzjoni komparattiva mhux aġġustata għal kwalunkwe perjodu preċedenti, hija għandha tidentifika b'mod ċar l-informazzjoni li ma ġietx aġġustata, tiddikjara li kienet ippreżentata fuq bażi differenti, u tispjega dik il-bażi.

DATA EFFETTIVA

81H

Titjib Annwali għaċ-Ċiklu tal-IFRSs 2010-2012, maħruġ f'Diċembru 2013, emenda l-paragrafu 35 u żied il-paragrafu 80A. Entità tapplika dik l-emenda għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Lulju 2014 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk entità tapplika dik l-emenda għal perjodu aktar bikri, hija għandha tiddivulga dak il-fatt.

Emenda għal IAS 24 Divulgazzjonijiet dwar Partiiet Relatati

Il-paragrafu 9 huwa emendat u jiżdiedu l-paragrafi 17A, 18A u 28C.

DEFINIZZJONIJIET

9

It-termini li ġejjin jintużaw f'dan l-Istandard bit-tifsiriet speċifikati:

Parti relatata hija persuna jew entità li tkun relatata mal-entità li tħejjilha r-rapporti finanzjarji tagħha (f'dan l-Istandard imsejħa l-“entità li tirrapporta”).

(a)

(b)

Entità tkun relatata ma' entità li tirrapporta jekk tkun tapplika kwalunkwe mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

(viii)

L-entità, jew kwalunkwe membru ta' grupp li tifforma parti minnu, tipprovdi servizzi ta' persunal prinċipali tal-maniġment lill-entità li tirrapporta jew lill-kumpanija prinċipali tal-entità li tirrapporta.

L-entitajiet kollha

17 A

Jekk entità tikseb servizzi ta' persunal prinċipali tal-maniġment minn entità oħra (l-“entità ta' maniġment”), l-entità ma tkunx meħtieġa tapplika r-rekwiżiti fil-paragrafu 17 għall-kumpens imħallas jew pagabbli mill-entità ta' maniġment lill-impjegati jew diretturi tal-entità ta' maniġment.

18

18 A

Ammonti mġarrba mill-entità għall-provvediment ta' servizzi ta' persunal prinċipali tal-maniġment li jkunu pprovduti minn entità ta' maniġment separata għandhom ikunu divulgati.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

28C

Titjib Annwali għaċ-Ċiklu tal-IFRSs 2010-2012, maħruġ f'Diċembru 2013, emenda l-paragrafu 9 u żied il-paragrafi 17A u 18A. Entità tapplika dik l-emenda għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Lulju 2014 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk entità tapplika dik l-emenda għal perjodu aktar bikri, hija għandha tiddivulga dak il-fatt.

Emenda għal IAS 38 Assi Intanġibbli

Il-paragrafu 80 huwa emendat u jiżdiedu l-paragrafi 130H–130I.

Mudell ta' rivalutazzjoni

80

Meta assi intanġibbli tkun rivalutata, l-ammont riportat ta' dak l-assi jkun aġġustat għall-ammont rivalutat. Fid-data tar-rivalutazzjoni, l-assi jkun ittrattat b'wieħed minn dawn il-modi:

(a)

L-ammont riportat gross huwa aġġustat b'mod li jkun konsistenti mar-rivalutazzjoni tal-ammont riportat tal-assi. Pereżempju, l-ammont riportat gross jista' jiġi ridikjarat b'referenza għad-dejta tas-swieq osservabbli jew jista' jkun ridikjarat proporzjonalment mal-bidla fl-ammont riportat. L-amortizzament akkumulat fid-data tar-rivalutazzjoni huwa aġġustat biex ikun daqs id-differenza bejn l-ammont riportat gross u l-ammont riportat tal-assi wara li jitqies it-telf minn indeboliment akkumulat; jew

(b)

l-amortizzament akkumulat huwa eliminat kontra l-ammont riportat gross tal-assi.

L-ammont tal-aġġustament tal-amortizzament akkumulat jagħmel parti miż-żieda jew tnaqqis fl-ammont riportat li jitqies skont il-paragrafi 85 u 86.

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U DATA EFFETTIVA

130H

Titjib Annwali għaċ-Ċiklu tal-IFRSs 2010-2012, maħruġ f'Diċembru 2013, emenda l-paragrafu 80. Entità tapplika dik l-emenda għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Lulju 2014 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk entità tapplika dik l-emenda għal perjodu aktar bikri, hija għandha tiddivulga dak il-fatt.

130I

Entità għandha tapplika dik l-emenda li tkun saret mit-Titjib Annwali għaċ-Ċiklu tal-IFRSs 2010-2012 għar-rivalutazzjonijiet kollha rikonoxxuti f'perjodi annwali li jibdew fid-data tal-applikazzjoni inizjali ta' dik l-emenda jew wara u fil-perjodu annwali li jippreċedih immedjatament. Entità tista' wkoll tippreżenta informazzjoni komparattiva għal kwalunkwe perjodu preċedenti ppreżentat, iżda mhix meħtieġa tagħmel hekk. Jekk entità tippreżenta informazzjoni komparattiva mhux aġġustata għal kwalunkwe perjodu preċedenti, hija għandha tidentifika b'mod ċar l-informazzjoni li ma ġietx aġġustata, tiddikjara li kienet ippreżentata fuq bażi differenti, u tispjega dik il-bażi.

(1)   “Riproduzzjoni awtorizzata fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra miż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta' riproduzzjoni għall-użu personali jew għal skopijiet oħra ta' kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista' jinkiseb mill-IASB mis-sit http://www.ifrs.org”

(2)  IFRS 9 Strumenti Finanzjarji (maħruġ f'Ottubru 2010) u IFRS 9 Strumenti Finanzjarji (Kontabilità għall-Iħħeġġjar u emendi għall-IFRS 9, IFRS 7 u IAS 39) (maħruġ f'Novembru 2013) ħassar id-Definizzjonijiet ta' erba' kategoriji ta' strumenti finanzjarji fil-paragrafu 9 tal-IAS 39.


9.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 5/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/29

tas-17 ta' Diċembru 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1126/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 19

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fil-21 ta' Novembru 2013, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità ppubblika emendi għall-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 19 Il-Benefiċċji tal-Impjegati intitolati Pjanijiet ta' Benefiċċju Definiti: Il-Kontribuzzjonijiet tal-Impjegati. L-emendi għandhom l-għan li jissimplifikaw u jiċċaraw il-kontabilità għal kontribuzzjonijiet mill-impjegati jew minn partijiet terzi marbuta ma' pjanijiet ta' benefiċċju definiti.

(3)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta' Esperti Tekniċi tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju tikkonferma li l-emendi għall-IAS 19 jissodisfaw il-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 19 Il-Benefiċċji tal-Impjegati hu emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1, mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Frar 2015 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1)


ANNESS

Pjanijiet ta' Benefiċċju Definit: Kontribuzzjonijiet tal-impjegati  (1)

(Emendi għall-IAS 19)

Il-paragrafi 93 u 94 huma emendati u jiżdied il-paragrafu 175. Il-paragrafu 92 huwa inkluż għal referenza biss.

Suppożizzjonijiet attwarjali: salarji, benefiċċji u spejjeż mediċi

92

Xi pjanijiet ta' benefiċċju definit jeħtieġu lill-impjegati jew partijiet terzi biex jikkontribwixxu fl-ispiża tal-pjan. Il-kontribuzzjonijiet mill-impjegati jnaqqsu l-ispiża tal-benefiċċji minn fuq l-entità. Entità tikkunsidra jekk il-kontribuzzjonijiet minn partijiet terzi jnaqqsux l-ispiża tal-benefiċċji minn fuq l-entità jew jekk humiex dritt ta' rimborż kif deskritt fil-paragrafu 116. Kontribuzzjonijiet minn impjegati jew partijiet terzi jew jiġu stipulati fit-termini formali tal-pjan (jew jirriżultaw minn xi obbligu kostruttiv li jmur lil hinn minn dawn it-termini), jew huma diskrezzjonali. Kontribuzzjonijiet diskrezzjonali minn impjegati jew partijiet terzi jnaqqsu l-ispiża tas-servizz mal-pagament ta' dawn il-kontribuzzjonijiet għall-pjan.

93

Kontribuzzjonijiet minn impjegati jew partijiet terzi stipulati fit-termini formali tal-pjan jew inaqqsu l-ispiża tas-servizz (jekk ikunu marbuta mas-servizz), jew jaffettwaw il-kejl mill-ġdid tal-obbligazzjoni netta tal-benefiċċju definit (assi) (jekk il-kontribuzzjonijiet ma jkunux marbuta ma' servizz). Eżempju ta' kontribuzzjonijiet li mhumiex marbuta ma' servizz huwa meta (il-kontribuzzjonijiet jeħtieġu li jnaqqsu defiċit li jirriżulta minn telf fuq assi tal-pjan jew minn telf attwarjali). Jekk il-kontribuzzjonijiet minn impjegati jew partijiet terzi jkunu marbuta ma' servizz, dawn il-kontribuzzjonijiet jnaqqsu l-ispiża tas-servizz kif ġej:

(a)

jekk l-ammont tal-kontribuzzjonijiet huwa dipendenti fuq in-numru ta' snin tas-servizz, entità tattribwixxi l-kontribuzzjonijiet għal perjodi tas-servizz billi tuża l-istess metodu ta' attribuzzjoni meħtieġ bil-paragrafu 7 għall-benefiċċju gross (jiġifieri jew billi tuża l-formula ta' kontribuzzjoni tal-pjan jew fuq bażi lineari); jew

(b)

jekk l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ikun indipendenti min-numru ta' snin tas-servizz, l-entità tiġi permessa biex tirrikonoxxi dawn il-kontribuzzjonijiet bħala tnaqqis tal-ispiża tas-servizz fil-perjodu li fih jingħata s-servizz relatat. Eżempji ta' kontribuzzjonijiet li huma indipendenti min-numru ta' snin tas-servizz jinkludu dawk li huma perċentwali fiss tas-salarju tal-impjegat, ammont fiss matul il-perjodu tas-servizz jew dipendenti fuq l-età tal-impjegat.

Il-paragrafu A1 jipprovdi gwida relatata mal-applikazzjoni.

94

Għal kontribuzzjonijiet minn impjegati jew partijiet terzi li huma attribwiti ma' perjodi tas-servizz skont il-paragrafu 93(a), tibdiliet fil-kontribuzzjonijiet jirriżultaw fi:

(a)

spiża tas-servizz kurrenti u passat (jekk dawn it-tibdiliet ma jkunux stipulati fit-termini formali ta' pjan jew ma jinħolqux minn obbligu kostruttiv); jew

(b)

qligħ u telf atwarjali (jekk dawn it-tibdiliet ma jkunux stipulati fit-termini formali ta' pjan jew ma jinħolqux minn obbligu kostruttiv).

TRANŻIZZJONI U DATA EFFETTIVA

175

Pjanijiet ta' Benefiċċju Definit: Kontribuzzjonijiet tal-Impjegati (Emendi għall-IAS 19), maħruġa f'Novembru 2013, paragrafi 93-94 emendati. Entità tapplika dawn l-emendi għal perjodi annwali fl-1 ta' Lulju jew wara retrospettivament skont l-IAS 8 Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi Kontabilistiċi u Żbalji. Applikazzjoni minn qabel hija permessa. Jekk entità tapplika dawn l-emendi għal perjodu aktar kmieni, din għandha tiżvela dan il-fatt.

Emendi għall-Appendiċi tal-IAS 19 Benefiċċji tal-impjegati

Jiżdied l-Appendiċi A.

Appendiċi A

Gwida għall-Applikazzjoni

Dan l-appendiċi huwa parti integrali mill-IFRS. Huwa jiddeskrivi l-applikazzjoni tal-paragrafi 92-93 u għandu l-istess awtorità bħall-partijiet l-oħra tal-IFRS.

A1

Ir-rekwiżiti kontabilistiċi għal kontribuzzjonijiet minn impjegati jew partijiet terzi jidhru fid-dijagramma ta' hawn taħt.
Image 1
Test ta 'immaġni

(1)   “ Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta' kkupjar għall-użu personali jew għal skopijiet oħra ta' kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista' jinkiseb mill-IASB fuq www.iasb.org


9.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 5/14


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/30

tas-17 ta' Diċembru 2014

li jirreġistra denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Potjesvlees uit de Westhoek (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tal-Belġju biex id-denominazzjoni “Potjesvlees uit de Westhoek” tiddaħħal fir-reġistru, ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Ladarba ma ġiet innotifikata l-ebda dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, id-denominazzjoni “Potjesvlees uit de Westhoek” għandha tiġi rreġistrata,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni “Potjesvlees uit de Westhoek” (IĠP) hija rreġistrata.

Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tidentifika prodott tal-klassi 1.2 Prodotti abbażi tal-laħam (imsajrin, immellħin, affumikati, eċċ.) tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)   ĠU C 260, 9.8.2014, p. 13.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


9.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 5/15


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/31

tat-8 ta' Jannar 2015

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Jannar 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)   ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

69,6

EG

163,7

IL

104,4

MA

92,3

TN

130,5

TR

111,3

ZZ

112,0

0707 00 05

TR

165,8

ZZ

165,8

0709 93 10

MA

115,7

SN

80,8

TR

160,3

ZZ

118,9

0805 10 20

EG

41,2

MA

59,5

TR

64,2

ZA

37,5

ZW

32,9

ZZ

47,1

0805 20 10

MA

75,0

ZZ

75,0

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

IL

86,0

JM

105,8

TR

74,3

ZZ

88,7

0805 50 10

TR

63,4

ZZ

63,4

0808 10 80

AR

164,5

BR

65,7

CL

87,3

MK

39,8

US

145,0

ZA

147,0

ZZ

108,2

0808 30 90

US

140,6

ZZ

140,6


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

9.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 5/17


DEĊIŻJONI (UE) 2015/32 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-29 ta' Diċembru 2014

dwar id-derogi li jistgħu jingħataw skont ir-Regolament (UE) Nru 1073/2013 dwar statistika fir-rigward tal-attiv u l-passiv ta' fondi ta' investiment (BĊE/2013/38)

(riformulazzjoni)

(BĊE/2014/62)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1073/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Ottubru 2013 dwar statistika dwar l-attiv u l-passiv ta' fondi ta' investiment (BĊE/2013/38) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38) jipprovdi li jistgħu jingħataw derogi mir-rekwiżiti dwar ir-rappurtar statistiku lill-fondi ta' investiment (IFs) li jkunu suġġetti għal regoli ta' kontabilità nazzjonali li jippermettu l-valutazzjoni tal-assi tagħhom b'mod inqas frekwenti minn kull trimestru. Jipprovdi wkoll li l-kategoriji IF li lilhom il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) ikollhom id-diskrezzjoni li jagħtu derogi, għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill Governattiv.

(2)

Billi d-Deċiżjoni BĊE/2009/4 (2) teħtieġ li tiġi emendata b'mod sostanzjali, għandha tiġi rriformulata fl-interessi taċ-ċarezza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Derogi

Il-kategoriji IF li dwarhom il-BĊNi għandhom diskrezzjoni li jagħtu derogi bis-saħħa tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38) huma stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kunsill Governattiv għandu jirrivedi dawn il-kategoriji tal-inqas kull tliet snin.

Artikolu 2

Revoka

1.   Id-Deċiżjoni BĊE/2009/4 hija mħassra.

2.   Referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċìżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lid-destinatarji.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-29 ta' Diċembru 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)   ĠU L 297, 7.11.2013, p. 73.

(2)  Deċiżjoni BĊE/2009/4 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-6 ta' Marzu 2009 dwar id-derogi li jistgħu jingħataw skont ir-Regolament (KE) Nru 958/2007 dwar statistika fir-rigward tal-attiv u l-passiv ta' fondi ta' investiment (BĊE/2007/8) (ĠU L 72, 18.3.2009, p. 21).


ANNESS

KATEGORIJI TA' FONDI TA' INVESTIMENT LI GĦALIHOM JISTGĦU JINGĦATAW DEROGI SKONT L-ARTIKOLU 8(2) TAR-REGOLAMENT (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38)

Stat Membru

Isem tl-kategorija tal-FI

Att legali fir-rigward tal-kategorija

Att legali li jiddetermina l-frekwenza tal-valutazzjoni

Frekwenza tal-valutazzjoni skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Titolu tal-att legali

Numru/data tal-att legali

Dispożizzjonijiet relevanti

Titolu tal-att legali

Numru/data tal-att legali

Dispożizzjonijiet relevanti

Franza

Fonds commun de placement à risque

(Fondi komuni ta' kapital ta' riskju)

Code monétaire et financier

(Kodiċi monetarju u finanzjarju)

 

Kapitolu IV, Taqsima 2, Paragrafu 2. L214-28 sa L214-32

Règlement général de l'Autorité des Marchés Financiers

(Regolament Ġenerali tal-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji)

 

Ktieb IV, Titolu II, Artikolu 422-120-13

Darbtejn fis-sena

Franza

Sociétés civiles de placement immobilier

(Kumpaniji ta' investiment fil-bini)

Code monétaire et financier

(Kodiċi monetarju u finanzjarju)

 

Kapitolu IV, Taqsima 2 Paragrafu 4 L214-86 sa L214-126

Règlement général de l'Autorité des Marchés Financiers

(Regolament Ġenerali tal-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji)

 

Ktieb IV, Artikolu 422-234

Annwali

Franza

Organismes de placement collectif immobilier

(Impriżi ta' investiment kollettiv fil-bini)

Code monétaire et financier

(Kodiċi monetarju u finanzjarju)

 

Kapitolu IV, Taqsima 2 Paragrafu 3 L214-33 sa L214-85

Règlement général de l'Autorité des Marchés Financiers

(Regolament Ġenerali tal-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji)

 

Ktieb IV, Artikolu 422-186

Darbtejn fis-sena

L-Italja

Fondi chiusi

(Fondi magħluqa)

Decreto legislativo — Testo unico delle disposizioni in materia di intermediazione finanziaria

(Digriet leġiżlattiv — id-dispożizzjonijiet kollha fil-qasam tal-intermedjazzjoni finanzjarja)

Nru 58 tal-24 ta' Frar 1998

Parti I, Artikolu 1

Parti II, Artikoli 36, 37 u 39

Provvedimento della Banca d'Italia — Regolamento sulla gestione collettiva del risparmio

(Att tal-Banca d'Italia — Regolament dwar l-immaniġġjar kollettiv tat-tfaddil)

fit-8 ta' Mejju 2012

Titolu V, Kapitolu 1, Taqsima II, paragrafu 4.6

Darbtejn fis-sena

Decreto ministeriale — Regolamento attuativo dell'articolo 37 del Decreto legislativo di 24 febbraio 1998, nr. 58

(Digriet ministerjali — Regolament li jimplimenta l-Artikolu 37 tad-digriet leġiżlattiv Nru 58 tal-24 ta' Frar 1998)

Nru 228 tal-24 ta' Mejju 1999

Kapitolu II, Artikolu 12

Il-Litwanja

Informuotiesiems investuotojams skirti kolektyvinio investavimo subjektai

((Impriżi ta' investiment kollettiv intiż għal investituri infurmati))

Informuotiesiems investuotojams skirtų kolektyvinio investavimo subjektų įstatymas

(Liġi dwar Impriżi ta' Investiment Kollettiv Intiżi għal Investituri Informati)

Nru XII-376 tat-18 ta' Ġunju 2013

Artikolu 2(4)

Informuotiesiems investuotojams skirtų kolektyvinio investavimo subjektų įstatymas

(Liġi dwar Impriżi ta' Investiment Kollettiv Intiżi għal Investituri Informati)

Nru XII-376 tat-18 ta' Ġunju 2013

Artikolu 31(2)

Darbtejn fis-sena/annwali

Il-Portugall

Fundos de capital de risco

(Fondi ta' kapital ta' riskju)

Decreto-Lei

(Digriet liġi)

Nru 375/2007 tat-8 ta' Novembru 2007

Artikolu 18

Regulamento da Comissão do Mercado de Valores Mobiliários

(Regolament tal-Kummissjoni għas-Suq tat-Titoli)

Instrução da Comissão do Mercado de Valores Mobiliários

(Linja gwida dwar il-Kummissjoni għas-Suq tat-Titoli)

Nru 1/2008 tal-14 ta' Frar 2008

Nru 2/2013 tat-30 ta' Mejju 2013

Artikoli 4 u 11

Regola 1

Darbtejn fis-sena