ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 317

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
4 ta' Novembru 2014


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

1

 

*

Regolament (UE, Euratom) Nru 1142/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej

28

 

*

Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi

35

 

*

Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f’pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008

56

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

4.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/1


REGOLAMENT (UE, EURATOM) Nru 1141/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta' Ottubru 2014

dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 224 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (3),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (4),

Billi:

(1)

L-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 12(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) jiddikjaraw li l-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni.

(2)

L-Artikoli 11 u 12 tal-Karta jiddikjaraw li d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni f’kull livell, pereżempju f’materji politiċi u ċiviċi, u d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, li jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri, huma drittijiet fundamentali ta’ kull ċittadin tal-Unjoni.

(3)

Iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu jistgħu jużaw dawk id-drittijiet sabiex jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja demokratika tal-Unjoni.

(4)

Partiti politiċi Ewropej tassew transnazzjonali u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom għandhom rwol ewlieni fit-twassil tal-ilħna taċ-ċittadini fil-livell Ewropew billi jservu ta’ pont bejn il-politika fil-livell nazzjonali u f’dak tal-Unjoni.

(5)

Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom għandhom jiġu mħeġġa u assistiti fil-missjoni tagħhom li jipprovdu konnessjoni qawwija bejn is-soċjetà ċivili tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew.

(6)

L-esperjenza li kisbu l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), flimkien mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2011 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 (6), juri l-ħtieġa li jittejjeb il-qafas ġuridiku u finanzjarju għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru atturi aktar viżibbli u effettivi fis-sistema politika ta’ diversi livelli tal-Unjoni.

(7)

Bħala għarfien tal-missjoni attribwita lill-partiti politiċi Ewropej fit-TUE u sabiex jiġi ffaċilitat xogħolhom, għandu jiġi stabbilit status ġuridiku speċifiku Ewropew għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom.

(8)

Għandha tiġi stabbilita Awtorità għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ("l-Awtorità") għall-finijiet ta' reġistrazzjoni, kontroll u impożizzjoni ta' sanzjonijiet fuq il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Ir-reġistrazzjoni għandha tkun meħtieġa biex jinkiseb l-istatus ġuridiku Ewropew, li jinvolvi serje ta’ drittijiet u obbligi. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe konflitt ta’ interessi, l-Awtorità għandha tkun indipendenti.

(9)

Għandhom jiġu stabbiliti l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti minn partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom biex jiksbu status ġuridiku Ewropew skont dan ir-Regolament, kif daqstant ieħor għandhom jiġu stabbiliti wkoll il-proċeduri u l-kriterji li għandhom ikunu rispettati biex jiġi deċiż jekk għandux jingħata tali status ġuridiku Ewropew. Huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-każijiet fejn partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jitilfu bħala piena, jitilfu jew iċedu l-istatus ġuridiku Ewropew tagħhom.

(10)

Sabiex tiġi ffaċilitata s-sorveljanza tal-entitajiet ġuridiċi li jkunu suġġetti kemm għal-liġi tal-Unjoni u kemm għal dik nazzjonali, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-funzjonament ta' reġistru tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li għandu jiġi mmaniġġjat mill-Awtorità ('ir-Reġistru'), b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni u d-dokumenti ta' sostenn miżmuma fir-Reġistru. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(11)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jingħataw lill-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta' dispożizzjonijiet dwar is-sistema tan-numri tar-reġistrazzjoni u estratti standard fir-reġistru li għandhom ikunu disponibbli mill-Awtorità lil partijiet terzi fuq talba. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(12)

Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom li jkunu jixtiequ jiksbu għarfien bħal tali fuq livell tal-Unjoni billi jkollhom status ġuridiku Ewropew u ħalli jirċievu finanzjament pubbliku mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandhom jirrispettaw ċerti prinċipji u jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi assoċjati tagħhom jirrispettaw il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif jingħad fl-Artikolu 2 TUE.

(13)

Id-deċiżjonijiet biex partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jinqatgħu mir-reġistru għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif espressi fl-Artikolu 2 TUE, għandhom jittieħdu biss f’każ ta’ ksur manifest u serju ta’ dawk il-valuri. Meta tieħu deċiżjoni ta' qtugħ mir-reġistru, l-Awtorità għandha tirrispetta l-Karta bis-sħiħ.

(14)

L-istatuti ta’ partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea għandu jkun fihom serje ta’ dispożizzjonijiet bażiċi. L-Istati Membri għandhom jitħallew jimponu rekwiżiti addizzjonali għall-istatuti tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li jkunu stabbilew is-sede tagħhom fuq it-territorji rispettivi tagħhom, kemm-il darba dawk ir-rekwiżiti addizzjonali ma jkunux inkonsistenti ma’ dan ir-Regolament.

(15)

L-Awtorità għandha tivverifika b’mod regolari li l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti relatati mar-reġistrazzjoni ta’ partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej ikomplu jiġu ssodisfati. Id-deċiżjonijiet relatati mar-rispett għall-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni kif espressi fl-Artikolu 2 TUE, għandhom jittieħdu biss skont proċedura speċifikament imfassla għal dak il-għan, wara konsultazzjoni ta' kumitat ta' persuni eminenti indipendenti.

(16)

L-Awtorità hija korp tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 263 TFUE.

(17)

L-indipendenza u t-trasparenza tal-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti għandhom jiġu ggarantiti.

(18)

L-istatus ġuridiku Ewropew mogħti lill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet affiljati magħhom għandu jagħtihom kapaċità u għarfien ġuridiċi fl-Istati Membri kollha. Tali kapaċità u għarfien ġuridiċi ma jagħtuhomx il-jedd li jinnominaw kandidati fl-elezzjonijiet nazzjonali jew elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jew li jipparteċipaw f’kampanji referendarji. Kwalunkwe tali jedd jew jedd simili jibqa' taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

(19)

L-attivitajiet tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom ikunu regolati minn dan ir-Regolament, u, fil-każ tal-materji li mhumiex regolati minn dan ir-Regolament, mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali fl-Istati Membri. L-istatus ġuridiku ta' partit politiku Ewropew jew ta' fondazzjoni politika Ewropea għandu jkun regolat minn dan ir-Regolament u mid-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi nazzjonali fl-Istat Membru fejn ikollhom is-sede ('l-Istat Membru tas-sede'). Dak l-Istat Membru tas- sede għandu jkun jista' jiddefinixxi ex ante l-liġi applikabbli jew li jħalli d-dritt tal-għażla għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Għandu jkun jista' wkoll jimponi rekwiżiti oħra minflok, jew rekwiżiti addizzjonali minbarra, dawk stipulati f'dan ir-Regolament, inklużi dispożizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni u l-integrazzjoni tal-partiti u fondazzjonijiet politiċi Ewropej bħala tali fis-sistemi nazzjonali ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll u dwar l-organizzazzjoni u l-istatuti tagħhom inkluż dwar l-obbligu ta’ għoti ta’ rendikont, kemm-il darba tali dispożizzjonijiet ma jkunux inkonsistenti ma’ dan ir-Regolament.

(20)

Bħala element ewlieni tas-sjieda tal-istatus ġuridiku Ewropew, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandu jkollhom personalità ġuridika Ewropea. L-akkwist ta’ personalità ġuridika Ewropea għandu jkun suġġett għal rekwiżiti u proċeduri bil-għan li jiġu mħarsa l-interessi tal-Istat Membru tas-sede, tal-applikant għal status ġuridiku Ewropew ("l-applikant") u ta' kwalunkwe parti terza kkonċernata. B’mod partikolari, kwalunkwe personalità ġuridika nazzjonali li tkun teżisti minn qabel għandha tiġi kkonvertita għal personalità ġuridika Ewropea u kwalunkwe dritt jew obbligu individwali li jkunu dovuti lill-entità ġuridika nazzjonali preċedenti għandhom jiġu trasferiti lill-entità ġuridika Ewropea l-ġdida. Barra minn hekk, bil-għan li tiġi aġevolata l-kontinwità tal-attività, għandhom isiru salvagwardji sabiex l-Istat Membru kkonċernat jiġi prevenut milli japplika kundizzjonijiet projbittivi għal tali konverżjoni. L-Istat Membru tas-sede għandu jkun jista'jispeċifika liema tipi ta’ persuni ġuridiċi nazzjonali jistgħu jiġu konvertiti għal persuni ġuridiċi Ewropej, u li jirrifjuta li japprova tali konverżjoni taħt dan ir-Regolament sa meta jkunu ngħataw garanziji adegwati, b’mod partikolari, għal-legalità tal-istatuti tal-applikant skont il-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru jew għall-protezzjoni tal-kredituri jew id-detenturi ta' drittijiet oħra fir-rigward ta' kwalunkwe personalità ġuridika nazzjonali li teżisti minn qabel.

(21)

It-terminazzjoni ta’ personalità ġuridika Ewropea għandha tkun suġġetta għal rekwiżiti u proċeduri bil-għan li jiġu mħarsa l-interessi tal-Unjoni, tal-Istat Membru tas-sede, tal-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea u ta' kwalunkwe partijiet terzi kkonċernati. B'mod partikolari, jekk il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea jakkwistaw personalità ġuridika skont id-dritt tal-Istat Membru tas-sede tagħhom, dan għandu jitqies bħala konverżjoni tal-personalità ġuridika Ewropea u kwalunkwe dritt jew obbligu individwali li l-entità ġuridika Ewropea preċedenti tkun rispettivament kisbet jew ġarrbet għandhom jiġu trasferiti lill-entità ġuridika nazzjonali. Barra minn hekk, bil-għan li tiġi aġevolata l-kontinwità tal-attività, għandhom isiru salvagwardji sabiex jiġi evitat li l-Istat Membru kkonċernat japplika kundizzjonijiet projbittivi fuq it-tali konverżjoni. Jekk il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea ma jakkwistawx personalità ġuridika fl-Istat Membru tas-sede tagħhom, għandhom jiġu stralċati skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru u skont il-kundizzjoni li tirrikjedi li ma tfittixx għanijiet ta' qligħ. L-Awtorità u l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew jistgħu għandhom ikunu jistgħu jaqblu dwar modalitajiet mal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tat-terminazzjoni tal-personalità ġuridika Ewropea, b'mod partikolari sabiex jiġi żgurat l-irkupru tal-fondi rċevuti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u ta' kwalunkwe sanzjonijiet finanzjarji.

(22)

Jekk partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jonqsu serjament milli jikkonformaw mal-liġi nazzjonali rilevanti u jekk il-materja ikollha x'taqsam ma' elementi li jaffettwaw ir-rispett għall-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni kif espressi fl-Artikolu 2 TUE, l-Awtorità għandha tiddeċiedi, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, li tapplika l-proċeduri stipulati f'dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-Awtorità għandha tiddeċiedi, fuq talba mingħand l-Istat Membru tas-sede, li taqta' mir-Reġistru partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea li tkun naqset serjament milli tikkonforma mal-liġi nazzjonali rilevanti dwar kwalunkwe materja oħra.

(23)

L-eliġibbiltà għall-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandu jkun limitat għal partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom, li jkunu ġew magħrufa bħala tali u li jkunu kisbu status legali Ewropew. Filwaqt li hu kruċjali li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet applikabbli għall-formazzjoni ta’ partit politiku Ewropew ma jkunux eċċessivi iżda jkunu jistgħu jiġu milħuqa minn alleanzi transnazzjonali organizzati u serji ta’ partiti politiċi jew ta’ persuni fiżiċi, jew tat-tnejn, huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji proporzjonati sabiex jiġu allokati riżorsi limitati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea liema kriterji jirriflettu b’mod oġġettiv l-ambizzjoni Ewropea u l-appoġġ elettorali ġenwin ta’ partit politiku Ewropew. Tali kriterji huma bbażati l-aħjar fuq ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li fihom il-partiti politiċi Ewropej jew membri tagħhom ikunu obbligati li jikkontestaw taħt dan ir-Regolament, li jipprovdu indikazzjoni preċiża tal-għarfien elettorali ta' partit politiku Ewropew. Dawn għandhom jirriflettu r-rwol tal-Parlament Ewropew li jirrappreżenta direttament iċ-ċittadini tal-Unjoni, mogħti lilu bl-Artikolu 10(2) TUE, kif ukoll l-objettiv għall-partiti politiċi Ewropej li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u li jsiru atturi attivi tad-demokrazija rappreżentattiva tal-Ewropa, sabiex jesprimu effettivament il-veduti, l-opinjonijiet u r-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni. L-eliġibiltà għall-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandha għaldaqstant tkun limitata għal partiti politiċi Ewropej li jkunu rappreżentati fil-Parlament Ewropew b’minn tal-anqas membru wieħed minn tagħhom, u għal fondazzjonijiet politiċi Ewropej li japplikaw permezz ta' partit politiku Ewropew li jkun rappreżentat fil-Parlament Ewropew b'minn tal-anqas membru wieħed minn tiegħu.

(24)

Sabiex tiżdied it-trasparenza tal-iffinanzjar tal-partiti politiċi Ewropej, u sabiex jiġi evitat abbuż potenzjali tar-regoli tal-finanzjament, Membru tal-Parlament Ewropew għandu, għall-għanijiet ta’ finanzjament biss, jitqies bħala membru ta’ partit politiku Ewropew wieħed biss, li għandu, fejn rilevanti, ikun dak li miegħu il-partit nazzjonali jew reġjonali tiegħu ikun affiljat fid-data finali għall-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet għal finanzjament.

(25)

Għandhom jiġu stabbiliti l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti minn partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom meta dawn japplikaw għal finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-proċeduri, il-kriterji u r-regoli li għandhom ikunu rispettati meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar l-għoti ta’ tali finanzjament.

(26)

Sabiex jiġu msaħħa l-indipendenza, l-obbligu tal-għoti ta’ rendikont u r-responsabbiltà tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, ċerti tipi ta’ donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet minn sorsi oltre l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu pprojbiti jew suġġetti għal limitazzjonijiet. Kwalunkwe restrizzjoni fuq il-moviment ħieles tal-kapital li tali limitazzjonijiet jistgħu jġibu magħhom tkun iġġustifikata għal raġunijiet ta' politika pubblika u tkun strettament meħtieġa għall-ilħiq ta' dawk l-objettivi.

(27)

Il-partiti politiċi Ewropej għandhom ikunu jistgħu jiffinanzjaw kampanji mmexxija fil-kuntest ta’ elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, filwaqt li l-iffinanzjar u l-limitar tal-ispejjeż tal-elezzjoni għal partiti u kandidati f’tali elezzjonijiet għandu jkun irregolat bir-regoli applikabbli f’kull Stat Membru.

(28)

Il-partiti politiċi Ewropej m’għandhomx jiffinanzjaw, direttament jew indirettament, partiti politiċi oħra u, b’mod partikolari, partiti jew kandidati nazzjonali. Fondazzjonijiet politiċi Ewropej m’għandhomx jiffinanzjaw, direttament jew indirettament, partiti politiċi Ewropej jew nazzjonali, jew kandidati. Barra minn hekk, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom m’għandhomx jiffinanzjaw kampanji referendarji. Dawn il-prinċipji jirriflettu d-Dikjarazzjoni Nru 11 dwar l-Artikolu 191 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea annessa mal-Att Finali tat-Trattat ta’ Nizza.

(29)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli u proċeduri speċifiċi għad-distribuzzjoni tal-approprjazzjonijiet disponibbli kull sena mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, b’mod li jitqiesu, minn naħa waħda, in-numru ta’ benefiċjarji u, min-naħa l-oħra, is-sehem ta’ membri eletti fil-Parlament Ewropew ta’ kull partit politiku Ewropew benefiċjarju u, b’estensjoni, tal-fondazzjoni politika Ewropea rispettiva affiljata miegħu. Dawk ir-regoli għandhom jipprovdu għal trasparenza, kontabilità, awditjar u kontroll finanzjarju stretti tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom, kif ukoll għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet proporzjonati, inkluż fil-każ ta’ ksur minn xi partit politiku Ewropew jew minn xi fondazzjoni politika Ewropea tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni kif espress fl-Artikolu 2 TUE.

(30)

Bil-għan li tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament rigward il-finanzjament u n-nefqa tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u rigward materji oħra, jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' kontroll effettivi. Għal dak il-għan, l-Awtorità, l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa kollha. Il-kooperazzjoni reċiproka fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandha tiġi inkoraġġita wkoll bil-għan li jiġi żgurat il-kontroll effettiv u effiċjenti tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali applikabbli.

(31)

Jeħtieġ li tiġi prevista sistema ta’ sanzjonijiet li tkun ċara, b’saħħitha u dissważiva bil-għan li jiġi żgurat konformità effettiva, proporzjonata u uniformi mal-obbligi rigward l-attivitajiet tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Tali sistema għandha tirrispetta wkoll il-prinċipju tan-ne bis in idem li permezz tiegħu sanzjonijiet ma jistgħux jiġu imposti darbtejn għall-istess reat. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu definiti r-rwoli rispettivi tal-Awtorità u tal-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew fil-kontroll u l-verifika tal-osservanza ta’ dan ir-Regolament kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejniethom u l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

(32)

Bil-għan li jgħinu biex jiżdied l-għarfien politiku Ewropew taċ-ċittadini u jippromwovu t-trasparenza tal-proċess elettorali Ewropew, il-partiti politiċi Ewropej jistgħu jinfurmaw liċ-ċittadini matul l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew bir-rabtiet li hemm bejniethom u bejn il-partiti politiċi nazzjonali affiljati magħhom u l-kandidati tagħhom.

(33)

Minħabba raġunijiet ta’ trasparenza, u sabiex jissaħħaħ l-iskrutinju u r-responsabbiltà demokratika tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, għandha tiġi ppubblikata informazzjoni li titqies li tkun ta’ interess pubbliku sostanzjali, marbuta b’mod notevoli mal-istatuti tagħhom, is-sħubija, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji, id-donaturi u d-donazzjonijiet tagħhom, il-kontribuzzjonijiet u l-għotjiet irċevuti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll informazzjoni marbuta ma’ deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità u l-Uffiċċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew dwar ir-reġistrazzjoni, l-iffinanzjar u s-sanzjonijiet. L-aktar mod effettiv għall-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u għall-kompetizzjoni ġusta bejn il-forzi politiċi, u biex jitħarsu l-proċessi miftuħa, trasparenti u demokratiċi leġislattivi u elettorali, huwa li jiġi stabbilit qafas regolatorju biex jiġi żgurat li din l-informazzjoni tkun disponibbli b’mod pubbliku, biex b’hekk tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini u tal-votanti fid-demokrazija rappreżentattiva Ewropea, u, b’mod aktar wiesa’, ma jitħalliex li jseħħu l-korruzzjoni u l-abbużi tal-poter.

(34)

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-obbligu li tiġi ppubblikata l-identità ta’ donaturi li huma persuni fiżiċi m’għandux japplika fil-każ ta’ donazzjonijiet li ma jkunux jaqbżu l-EUR 1 500 fis-sena kull donatur. Barra minnhekk, tali obbligu m’għandux japplika fil-każ ta’ donazzjonijiet li l-valur annwali tagħhom jaqbeż l-EUR 1 500 u huwa anqas minn jew daqs EUR 3 000 ħlief jekk id-donatur ikun ta l-kunsens tiegħu bil-miktub minn qabel għall-pubblikazzjoni. Dawn il-livelli limitu jikkostitwixxu bilanċ xieraq bejn, min-naħa l-waħda, d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali u, min-naħa l-oħra l-interess pubbliku leġittimu fit-trasparenza fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, kif rifless fir-rakkomandazzjonijiet internazzjonali biex tiġi evitata l-korruzzjoni fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi. L-iżvelar tad-donazzjonijiet li jaqbżu t-EUR 3 000 fis-sena għal kull donatur, għandu jippermetti skrutinju u kontroll pubbliċi fuq ir-relazzjonijiet ta' bejn id-donaturi u l-partiti politiċi Ewropej. Ukoll f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-informazzjoni dwar id-donazzjonijiet għandha tiġi ppubblikata kull sena, ħlief matul kampanji elettorali għall-Parlament Ewropew jew fil-każ ta’ donazzjonijiet li jkunu jaqbżu t-EUR 12 000, f'liema każijiet il-pubblikazzjoni għandha ssir bla telf ta' żmien.

(35)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet funadamentali u josserva l-prinċipji mnaqqxa fil-Karta, b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tiegħu, li jiddikjaraw li kulħadd għandu d-dritt li l-ħajja privata tiegħu għandha tiġi rispettata u li titħares id-data personali li tikkonċernah, u għandu jiġi implimentat fir-rispett sħiħ ta’ dawk id-drittijiet u prinċipji.

(36)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) japplika għall-ipproċessar tad-data personali li jitwettaq mill-Awtorità, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat ta' persuni eminenti indipendenti b'applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(37)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) tapplika għall-ipproċessar tad-data personali li jitwettaq b’applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(38)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-Awtorità, il-Parlament Ewropew, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jeżerċitaw kontroll fuq aspetti relatati mal-iffinanzjar tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, u partijiet terzi oħra rilevanti msemmija jew stipulati f’dan ir-Regolament huma l-kontrolluri tad-data fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 jew id-Direttiva 95/46/KE. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi speċifikat il-perjodu massimu li fih huma jistgħu jżommu data personali miġbura għall-għanijiet li tiġi żgurata l-legalità, ir-regolarità u t-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u s-sħubija tal-partiti politiċi Ewropej. Fil-kapaċità tagħhom bħala kontrolluri tad-data, l-Awtorità, il-Parlament Ewropew, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-partijiet terzi relevanti jeħtieġ li jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jikkonformaw mal-obbligi imposti bir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u bid-Direttiva 95/46/KE, b’mod partikolari dawk dwar il-legalità tal-ipproċessar, is-sigurtà tal-attivitajiet ta’ pproċessar, l-għoti ta’ informazzjoni u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data li jkollhom aċċess għad-data personali tagħhom, u biex jiksbu korrezzjoni u tħassir tad-data personali tagħhom.

(39)

Il-Kapitolu III tad-Direttiva 95/46/KE dwar rimedji ġudizzjarji, responsabbiltà u sanzjonijiet japplika fir-rigward tal-ipproċessar tad-data li jsir b'applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew il-partijiet terzi rilevanti għandhom ikunu responsabbli skont il-liġi nazzjonali applikabbli għal kwalunkwe dannu li jistgħu jikkawżaw. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew il-partijiet terzi relevanti jkunu soġġetti għal sanzjonijiet xierqa għall-ksur ta’ dan ir-Regolament.

(40)

LIs-sostenn tekniku mogħti mill-Parlament Ewropew lill-partiti politiċi Ewropej għandu jkun iggwidat mill-prinċipju tat-trattament ugwali, għandu jingħata b’fattura u bi ħlas u għandu jkun soġġett għal rapport pubbliku regolari.

(41)

L-informazzjoni ewlenija dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta.

(42)

Il-kontroll ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkun ta' għajnuna fl-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament. Għandhom isiru wkoll dispożizzjonijiet biex il-partiti politiċi Ewropej jew il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ikunu jistgħu jinstemgħu u jieħdu miżuri korrettivi qabel ma tiġi imposta fuqhom xi sanzjoni.

(43)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu kapaċi jwasslu għall-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

(44)

L-Istati Membri għandhom jingħataw żmien biżżejjed biex jadottaw dispożizzjonijiet biex jiżguraw applikazzjoni mingħajr intoppi u effettiva ta’ dan ir-Regolament. Għandu għalhekk jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni bejn id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u l-applikazzjoni tiegħu.

(45)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat u adotta opinjoni (10).

(46)

Minħabba l-ħtieġa ta’ bidliet sinifikanti u ta’ żidiet għar-regoli u l-proċeduri li japplikaw bħalissa għall-partiti politiċi u għall-fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew, ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 għandu jitħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-istatut u l-finanzjament ta’ partiti politiċi fil-livell Ewropew (“partiti politiċi Ewropej”) u ta’ fondazzjonijiet politiċi f’livell Ewropew (“fondazzjonijiet politiċi Ewropej”).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

"partit politiku" tfisser assoċjazzjoni ta' ċittadini:

li ssegwi għanijiet politiċi, u

li tkun magħrufa minn, jew stabbilita skont, l-ordinament ġuridiku ta' mill-inqas wieħed mill-Istati Membri;

(2)

“alleanza politika” tfisser kooperazzjoni strutturata bejn partiti politiċi u/jew ċittadini,

(3)

“partit politiku Ewropew” tfisser “alleanza politika” li ssegwi għanijiet politiċi u tkun irreġistrata mal-Awtorità għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej stabbilita fl-Artikolu 6 skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(4)

“fondazzjoni politika Ewropea” tfisser entità li tkun formalment affiljata ma’ partit politiku Ewropew, li tkun irreġistrata mal-Awtorità skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament, u li permezz tal-attivitajiet tagħha, skont l-għanijiet u l-valuri fundamentali segwiti mill-Unjoni, issaħħaħ u tikkomplementa l-għanijiet tal-partit politiku Ewropew billi twettaq wieħed jew aktar mill-kompiti li ġejjin:

(a)

l-osservazzjoni, l-analiżi u l-kontribuzzjoni għad-dibattitu dwar kwistjonijiet ta’ politika pubblika Ewropea u dwar il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea;

(b)

l-iżvilupp ta' attivitajiet marbuta ma' kwistjonijiet ta' politika pubblika Ewropea, bħalma hija l-għajnuna fis-seminars Ewropej, fit-taħriġ, fil-konferenzi u fl-istudji dwar kwistjonijiet bħal dawn bejn il-partijiet interessati ewlenin, inkluż l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili;

(c)

l-iżvilupp tal-kooperazzjoni sabiex tiġi promossa d-demokrazija, inkluż f’pajjiżi terzi;

(d)

isservi ta' qafas għall-fondazzjonijiet politiċi nazzjonali, għall-akkademiċi, u għal atturi rilevanti oħra biex jaħdmu flimkien fil-livell Ewropew;

(5)

“parlament reġjonali” jew “assemblea reġjonali” tfisser korp li l-membri tiegħu jkollhom mandat elettorali reġjonali jew ikunu politikament responsabbli quddiem assemblea eletta;

(6)

“finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea” tfisser għotja mogħtija skont it-Titolu VI tal-Ewwel Parti jew kontribuzzjoni mogħtija skont it-Titolu VIII tat-Tieni Parti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) (“ir-Regolament Finanzjarju”):

(7)

“donazzjoni” tfisser kwalunkwe offerti ta’ flus, kwalunkwe offerta in natura, il-forniment taħt iil-valur tas-suq ta' kwalunkwe prodotti, servizzi (inkluż self) jew xogħlijiet, u/jew kwalunkwe tranżazzjoni oħra li tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għall-partit politiku Ewropew jew għall-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, bl-eċċezzjoni ta' kontribuzzjonijiet mill-membri u l-attivitajiet politiċi tas-soltu li jsiru fuq bażi volontarja minn individwi;

(8)

“kontribuzzjoni mill-membri” tfisser kwalunkwe ħlas fi flus, inklużi ħlasijiet ta' sħubija, jew kwalunkwe kontribuzzjoni in natura, jew il-forniment taħt il-valur tas-suq ta' kwalunkwe prodotti, servizzi (inklużi selfiet) jew xogħlijiet, u/jew kwalunkwe tranżazzjoni oħra li tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għall-partit politiku Ewropew jew għall-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, meta mogħtija lil dak il-partit politiku Ewropew jew lil dik il-fondazzjoni politika Ewropea minn xi wieħed mill-membri tagħhom, bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet politiċi tas-soltu li jsiru fuq bażi volontarja minn membri individwali;

(9)

“baġit annwali” għall-finijiet tal-Artikoli 20 u 27 tfisser l-ammont totali tan-nefqa f'sena partikolari kif rappurtat fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati;

(10)

“Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali” tfisser wieħed mill-punti ta’ kollegament nominati għall-kwistjonijiet relatati mal-bażi tad-data ċentrali dwar l-esklużjonijiet li hija msemmija fl-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikolu 144 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (12), jew kwalunkwe persuna jew persuni oħra speċifikament nominati mill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri għall-fini ta' skambju ta' informazzjoni fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(11)

“sede” tfisser l-imkien fejn il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea għandha l-amministrazzjoni ċentrali tagħha;

(12)

“ksur konkorrenti” tfissew żewġ okkorrenzi ta' ksur jew aktar imwettqa bħala parti mill-istess att illegali;

(13)

“ksur ripetut” tfisser ksur imwettaq fi żmien ħames snin minn meta tkun ġiet imposta sanzjoni fuq min ikun wettaq il-ksur u għall-istess tip ta’ ksur

KAPITOLU II

STATUT GĦALL-PARTITI POLITIĊI EWROPEJ U GĦALL-FONDAZZJONIJIET POLITIĊI EWROPEJ

Artikolu 3

Kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni

1.   Alleanza politika għandha tkun intitolata li tirreġistra bħala partit politiku Ewropew soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru kif indikat fl-istatuti tagħha,

(b)

hi jew il-membri tagħha jkunu rappreżentati f’mill-inqas kwart tal-Istati Membri, minn membri tal-Parlament Ewropew, ta' Parlamenti nazzjonali, ta' parlamenti reġjonali jew ta' assembleji reġjonali, jew

hi jew il-partiti membri tagħha jkunu rċevew, f’mhux inqas minn kwart tal-Istati Membri, mhux inqas minn tlieta fil-mija tal-voti mitfugħa f’kull wieħed minn dawk l-Istati Membri fl-aktar elezzjonijiet reċenti għall-Parlament Ewropew;

(c)

tosserva, b’mod partikolari fil-programm u fl-attivitajiet tagħha, il-valuri li fuqhom hija mibnija l-Unjoni kif espressi fl-Artikolu 2 TUE, jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi,

(d)

hi jew il-membri tagħha jkunu pparteċipaw f’elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, jew ikunu esprimew pubblikament l-intenzjoni li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet li jkun imiss tal-Parlament Ewropew; u

(e)

ma jkollhiex skopijiet ta’ profitt.

2.   Applikant għandu jkun intitolat li japplika biex jirreġistra bħala fondazzjoni politika Ewropea soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikun affiljat ma’ partit politiku Ewropew reġistrat skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament:

(b)

ikollu s-sede tiegħu fi Stat Membru kif indikat fl-istatuti tiegħu,

(c)

josserva, b’mod partikolari fil-programm u fl-attivitajiet tiegħu, il-valuri li fuqhom hija mibnija l-Unjoni kif espressi fl-Artikolu 2 TUE, jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi,

(d)

l-għanijiet tiegħu jkunu jikkumplementaw l-għanijiet tal-partit politiku Ewropew li miegħu ikun formalment affiljat,

(e)

il-korp tat-tmexxija tiegħu jrid ikun magħmul minn membri minn mhux inqas minn kwart tal-Istati Membri; u

(f)

ma ikollux għanijiet ta' qligħ.

3.   Partit politiku Ewropew jista’ jkollu fondazzjoni politika Ewropea waħda biss formalment affiljata miegħu. Kull partit politiku Ewropew u fondazzjoni politika Ewropea affiljata miegħu għandhom jiżguraw separazzjoni bejn il-ġestjoni ta’ kuljum, l-istrutturi ta' tmexxija u l-kontijiet finanzjarji rispettivi tagħhom.

Artikolu 4

Governanza tal-partiti politiċi Ewropej

1.   L-istatuti ta’ partit politiku Ewropew għandhom josservaw il-liġi applikabbli tal-Istat Membru li fih ikollu s-sede tiegħu u għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jkopru mill-inqas dan li ġej:

(a)

ismu u l-logo tiegħu, li għandhom ikunu jintgħarfu ċar minn dawk ta’ kwalunkwe partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea eżistenti;

(b)

l-indirizz tas-sede tiegħu;

(c)

programm politiku li jispeċifika l-iskop u l-għanijiet tiegħu;

(d)

dikjarazzjoni, skont l-Artikolu 3(1)(e), li ma ssegwix għanijiet ta’ qligħ;

(e)

fejn ikun rilevanti l-isem tal-fondazzjoni politika affiljata tiegħu u deskrizzjoni tar-relazzjoni formali ta’ bejniethom,

(f)

l-organizzazzjoni u l-proċeduri amministrattivi u finanzjarji tiegħu, fejn jiġu speċifikati b'mod partikolari l-entitajiet u l-karigi li għandhom setgħat ta' rappreżentanza amministrattiva, finanzjarja u ġuridika u r-regoli dwar l-istabbiliment, l-approvazzjoni u l-verifika tal-kontijiet annwali; u

(g)

il-proċedura interna li għandha tiġi segwita fil-każ tax-xoljiment volontarju tiegħu bħala partit politiku Ewropew.

2.   L-istatuti ta’ partit politku Ewropew għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni interna tal-partit u jkunu jkopru mill-inqas dan li ġej:

(a)

il-modalitajiet tal-ammissjoni, ir-riżenja u l-esklużjoni tal-membri tiegħu, bil-lista tal-partiti membri tiegħu tkun mehmuża mal-istatuti;

(b)

id-drittijiet u l-obbligi assoċjati mat-tipi kollha ta’ sħubija u d-drittijiet relevanti tal-vot;

(c)

is-setgħat, ir-responsabbiltajiet u l-għamla tal-korpi ta’ tmexxija tiegħu, fejn jiġu speċifikati għal kull wieħed il-kriterji għall-għażla tal-kandidati u l-modalitajiet għall-ħatra u t-tkeċċija tagħhom;

(d)

il-proċessi interni tiegħu ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, b’mod partikolari l-proċeduri ta’ votazzjoni u l-ħtiġiet ta’ kworum;

(e)

il-mod kif iħares lejn it-trasparenza, b'mod partikolari fejn jidħlu kotba, żamma tal-kontijiet u donazzjonijiet, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali; u

(f)

il-proċedura interna għall-emendar tal-istatuti tiegħu.

3.   L-Istat Membru tas-sede jista’ jimponi rekwiżiti addizzjonali għall-istatuti, kemm-il darba dawk ir-rekwiżiti addizzjonali ma jkunux inkonsistenti ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Il-governanza tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

1.   L-istatuti ta’ fondazzjoni politika Ewropea għandhom josservaw il-liġi applikabbli tal-Istat Membru li fih ikollha s-sede tagħha u għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jkopru mill-inqas dan li ġej:

(a)

isimha u l-logo tagħha, li għandhom ikunu jintgħarfu ċar minn dawk ta’ kwalunkwe partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea eżistenti;

(b)

l-indirizz tas-sede tagħha;

(c)

deskrizzjoni tal-iskop u l-għanijiet tagħha, li għandhom ikunu kumpatibbli mal-kompiti elenkati fil-punt (4) tal-Artikolu 2:

(d)

dikjarazzjoni, skont il-punt (f) tal-Artikolu 3(2), li ma ssegwix għanijiet ta’ qligħ;

(e)

l-isem tal-partit politiku Ewropew li miegħu tkun affiljata direttament, u deskrizzjoni tar-relazzjoni formali ta’ bejniethom,

(f)

lista tal-entitajiet tagħha, li tispeċifika għal kull waħda minnhom is-setgħat, ir-responsabbiltajiet u l-għamla tagħha, u tinkludi l-modalitajiet ta’ ħatra u tkeċċija tal-membri u tal-amministraturi ta’ tali entitajiet;

(g)

l-organizzazzjoni u l-proċeduri amministrattivi u finanzjarji tiegħu, fejn jiġu speċifikati b'mod partikolari l-entitajiet u l-karigi li għandhom setgħat ta' rappreżentanza amministrattiva, finanzjarja u ġuridika u r-regoli dwar l-istabbiliment, l-approvazzjoni u l-verifika tal-kontijiet annwali;

(h)

il-proċedura interna għall-emendar tal-istatuti tagħha; u

(i)

il-proċedura interna li għandha tiġi segwita fil-każ tax-xoljiment volontarju tagħha bħala fondazzjoni politika Ewropea.

2.   L-Istat Membru tas-sede jista’ jimponi rekwiżiti addizzjonali għall-istatuti, kemm-il darba dawk ir-rekwiżiti addizzjonali ma jkunux inkonsistenti ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

1.   Hija b'dan stabbilita Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (l-“Awtorità”) għall-fini ta' reġistrazzjoni, kontroll u impożizzjoni ta' sanzjonijiet fuq partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej skont dan ir-Regolament.

2.   L-Awtorità għandu jkollha personalità ġuridika. Għandha tkun indipendenti u għandha teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’osservanza sħiħa ta' dan ir-Regolament.

L-Awtorità għandha tiddeċiedi dwar ir-reġistrazzjoni u l-qtugħ mir-reġistru ta' partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej skont il-proċeduri u l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-Awtorità għandha b’mod regolari tivverifika li l-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni stipulati fl-Artikolu 3 u d-dispożizzjonijiet ta’ governanza stipulati skont il-punti (a), (b) u (d) sa (f) tal-Artikolu 4(1) u l-punti (a) sa (e) u (g) tal-Artikolu 5(1) ikomplu jiġu rispettati mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej reġistrati.

Fid-deċiżjonijiet tagħha, l-Awtorità għandha tikkunsidra bis-sħiħ id-dritt fundamentali tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-ħtieġa li jiġi żgurat il-pluraliżmu tal-partiti politiċi fl-Ewropa.

L-Awtorità għandha tkun irrappreżentata mid-Direttur tagħha li għandu jieħu d-deċiżjonijiet kollha tal-Awtorità f’isimha.

3.   Id-Direttur tal-Awtorità għandu jinħatar għal mandat li ma jistax jiġġedded ta’ ħames snin mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (flimkien magħrufa bħala l-"awtorità tal-ħatra") bi qbil komuni, abbażi ta' proposti magħmula minn kumitat tal-għażla magħmul mis-Segretarji Ġenerali ta' dawk it-tliet istituzzjonijiet wara sejħa miftuħa għall-kandidati.

Id-Direttur tal-Awtorità għandu jintgħażel abbażi tal-kwalitajiet personali u professjonali tiegħu. Hu jew hi m’għandhomx ikunu membri tal-Parlament Ewropew, m’għandhomx ikollhom xi mandat elettorali jew ikunu attwalment jew fl-imgħoddi impjegati ta' xi partit politiku Ewropew jew ta’ xi fondazzjoni politika Ewropea. Id-Direttur magħżul m'għandux ikollu konflitt ta' interessi bejn id-dmirijiet tiegħu jew tagħha bħala Direttur tal-Awtorità u kwalunkwe dmir uffiċjali ieħor, b'mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

Pożizzjoni li titbattal kawża ta’ riżenja, irtirar, tkeċċija jew mewt għandha timtela skont l-istess proċedura.

Fil-każ ta’ sostituzzjoni normali jew riżenja volontarja d-Direttur għandu jkompli l-funzjonijiet tiegħu (jew tagħha) sa meta s-sostitut jibda jaħdem.

Jekk id-Direttur tal-Awtorità ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet rekwiżiti għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu (jew tagħha), hu (jew hi) jista' jitkeċċa bi qbil komuni minn tal-inqas tnejn mit-tliet istituzzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu u abbażi ta' rapport imfassal mill-kumitat tal-għażla msemmi fl-ewwel subparagrafu fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta' kwalunkwe waħda mit-tliet istituzzjonijiet.

Id-Direttur tal-Awtorità għandu jkun indipendenti fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu jew tagħha. Meta jkun qed jaġixxi f’isem l-Awtorità, id-Direttur la għandu jfittex u lanqas ma għandu jieħu struzzjonijiet minn xi istituzzjoni jew gvern jew mingħand kwalunkwe entità, uffiċċju jew aġenzija oħra. Id-Direttur tal-Awtorità għandu jżomm lura minn kwalunkwe att li hu inkompatibbli man-natura tad-dmirijiet tiegħu jew tagħha.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeżerċitaw b’mod konġunt, fir-rigward tad-Direttur, is-setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali (u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni) stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, ECSC) Nru 259/68 (13). Mingħajr ħsara għad-deċiżjonijiet dwar il-ħatra u t-tkeċċija, it-tliet istituzzjonijiet jistgħu jaqblu li jafdaw lil kwalunkwe waħda minn fosthom l-eżerċizzju ta’ xi wħud mis-setgħat li jifdal jew tas-setgħat li jifdal kollha mogħtija lill-awtorità tal-ħatra.

L-awtorità tal-ħatra tista’ tassenja kompiti oħra lid-Direttur kemm-il darba tali kompiti ma jkunux inkompatibbli mal-ammont ta’ xogħol li jirriżulta mid-dmirijiet tiegħu bħala Direttur tal-Awtorità u ma jkunux suġġetti li joħolqu xi konflitt ta’ interessi li jipperikolaw l-indipendenza sħiħa tad-Direttur.

4.   L-Awtorità għandha titqiegħed fiżikament fil-Parlament Ewropew, li għandu jagħti lill-Awtorità l-uffiċċji u l-faċilitajiet ta’ appoġġ amministrattiv meħtieġa.

5.   Id-Direttur tal-Awtorità għandu jiġi megħjun minn persunal ta' istituzzjoni waħda jew aktar tal-Unjoni. Meta jkun qed jaħdem għall-Awtorità, tali persunal għandu jaġixxi taħt l-awtorità tad-Direttur tal-Awtorità biss.

L-għażla tal-persunal ma għandhiex tkun suġġetta li tirriżulta f’konflitt tal-interessi bejn id-dmijiet tiegħu fl-Awtorità u kwalunkwe dmir uffiċjali ieħor, u għandu jżomm lura minn kwalunkwe aġir li hu inkompatibbli man-natura ta' dmirijietu.

6.   L-Awtorità għandha tikkonkludi ftehimiet mal-Parlament Ewropew u, jekk ikun xieraq, ma’ istituzzjonijiet oħra dwar kwalunkwe arranġamenti amministrattivi meħtieġa biex tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha, b’mod partikolari ftehimiet rigward il-persunal, is-servizzi u l-appoġġ ipprovduti skont il-paragrafi 4, 5 u 8.

7.   L-approprjazzjonijiet għan-nefqa tal-Awtorità għandhom jiġu pprovduti taħt Titolu separat fit-Taqsima għall-Parlament Ewropew fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. L-approprjazzjonijiet għandhom ikunu biżżejjed biex tiġi żgurata l-operazzjoni sħiħa u indipendenti tal-Awtorità. Għandu jitressaq abbozz ta' pjan baġitarju għall-Awtorità mid-Direttur lill-Parlament Ewropew, u għandu jsir pubbliku. Il-Parlament Ewropew għandu jiddelega d-dmirijiet ta' Uffiċjal Awtorizzanti fir-rigward ta' dawk l-approprjazzjonijiet lid-Direttur tal-Awtorità.

8.   Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 (14) għandu japplika għall-Awtorità.

Is-servizzi ta’ traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-Awtorità u r-Reġistru għandhom jingħataw miċ-Ċentru ta’ Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea.

9.   l-Awtorità u l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom jaqsmu l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom taħt dan ir-Regolament

10.   Id-Direttur għandu jressaq rapport annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-Awtorità.

11.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha teżamina mill-ġdid il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità skont l-Artikolu 263 TFUE u għandu jkollha ġurisdizzjoni fit-tilwimiet relatati mal-kumpens għad-dannu kkawżat mill-Awtorità skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE. Jekk l-Awtorità tonqos milli tieħu deċiżjoni meta tkun meħtieġa tagħmel dan minn dan ir-Regolament, jistgħu jinġiebu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea proċeduri għan-nuqqas ta’ aġir f’konformità mal-Artikolu 265 TFUE.

Artikolu 7

Reġistru tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

1.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi u timmaniġġja Reġistru ta' partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej. L-informazzjoni mir-Reġistru għandha tkun disponibbli fuq l-Internet skont l-Artikolu 32.

2.   Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tar-Reġistru, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 36 u fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament rigward:

(a)

l-informazzjoni u d-dokumenti ta' sostenn miżmuma mill-Awtorità li għalihom ir-Reġistru għandu jkun ir-ripożitorju kompetenti, li għandhom jinkludu l-istatuti ta’ partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea, kwalunkwe dokument ieħor imressaq bħala parti minn applikazzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 8(2), kwalunkwe dokument irċevut mill-Istat Membru tas-sede kif imsemmi fl-Artikolu 15(2), u informazzjoni dwar l-identità tal-persuni li huma membri tal-entitajiet jew li jokkupaw karigi li huma mogħtija setgħat ta’ rappreżentanza amministrattiva, finanzjarja u ġuridika, kif imsemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 4(1) u fil-punt (g) tal-Artikolu 5(1);

(b)

il-materjali mir-Reġistru kif jingħad fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu li għalihom ir-Reġistru għandu jkun kompetenti li jiċċertifika l-legalità kif stabbilit mill-Awtorità skont il-kompetenzi tagħha taħt dan ir-Regolament. L-Awtorità ma għandhiex tkun kompetenti għall-ivverifikar tal-konformità minn partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea ma’ xi obbligu jew rekwiżit impost fuq il-partit jew fondazzjoni in kwistjoni mill-Istat Membru tas-sede skont l-Artikoli 4, 5 u l-Artikolu 14(2) li jkun addizzjonali għall-obbligi u r-rekwiżiti stipulati skont dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni tispeċifika d-dettalji tas-sistema tan-numri tar-reġistrazzjoni li għandha tiġi applikata għar-Reġistru u l-estratti standard mir-Reġistru li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ partijiet terzi fuq talba, inkluż il-kontenut ta’ ittri u dokumenti. Tali estratti ma għandhomx jinkludu data personali ħlief l-identità tal-persuni li huma membri ta’ entitajiet jew li jokkupaw karigi li huma mogħtija setgħat ta' rappreżentanza amministrattiva, finanzjarja u ġuridika, kif imsemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 4(1) u fil-punt (g) tal-Artikolu 5(1). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 37.

Artikolu 8

Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni

1.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha titressaq lill-Awtorità. Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala fondazzjoni politika Ewropea għandha titressaq biss permezz tal-partit politiku Ewropew li miegħu l-applikant huwa formalment assoċjat.

2.   Flimkien mal-applikazzjoni għandu jkun hemm:

(a)

dokumenti li juru li l-applikant jaderixxi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, inkluża dikjarazzjoni formali standard fis-sura mogħtija fl-Anness;

(b)

l-istatuti tal-partit jew tal-fondazzjoni, li jkun fihom id-dispożizzjonijiet meħtieġa mill-Artikoli 4 u 5, inklużi l-annessi rilevanti u, fejn applikabbli, id-dikjarazzjoni tal-Istat Membru tas-sede msemmija fl-Artikolu 15(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 36 u fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament:

(a)

biex tidentifika kwalunkwe informazzjoni supplimentari jew dokument ta' sostenn fir-rigward tal-paragrafu 2 li huma meħtieġa biex l-Awtorità twettaq bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tagħha skont dan ir-Regolament fir-rigward tat-tħaddim tar-Reġistru;

(b)

biex temenda d-dikjarazzjoni formali standard fl-Anness fir-rigward tad-dettalji li għandhom jimtlew mill-applikant fejn meħtieġ, biex jiġi żgurat li tkun qed tinżamm informazzjoni biżżejjed fir-rigward tal-firmatarju, il-mandat tiegħu jew tagħha u l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea li hu jew hi għandhom il-mandat li jirrappreżentaw għall-finijiet tad-dikjarazzjoni.

4.   Id-dokumentazzjoni mressqa lill-Awtorità bħala parti mill-applikazzjoni għandha tiġi ppubblikata immedjatament fuq is-sit web imsemmi fl-Artikolu 32.

Artikolu 9

Eżami tal-applikazzjoni u deċiżjoni tal-Awtorità

1.   L-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata mill-Awtorità bil-għan li tiddetermina jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3 u jekk l-istatuti fihomx id-dispożizzjonijiet rekwiżiti mill-Artikoli 4 u 5.

2.   L-Awtorità għandha tadotta deċiżjoni li tirreġistra lill-applikant, ħlief jekk tistabbilixxi li l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3 jew li l-istatuti ma fihomx id-dispożizzjonijiet rekwiżiti mill-Artikoli 4 u 5.

L-Awtorità għandha tippubblika d-deċiżjoni tagħha li tirreġistra lill-applikant fi żmien xahar wara li tkun irċeviet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, fejn il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 15(4) huma applikabbli, fi żmien erba’ xhur wara li tkun irċeviet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

Fejn applikazzjoni mhijiex kompluta, l-Awtorità għandha titlob lill-applikant mingħajr dewmien iressaq kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa. Għall-iskopijiet tal-iskadenza stipulata fit-tieni subparagrafu, iż-żmien għandu jibda jgħodd biss mid-data ta’ meta l-Awtorità tkun irċeviet applikazzjoni kompluta.

3.   Id-dikjarazzjoni formali standard imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 8(2) għandha titqies li hi biżżejjed biex l-Awtorità taċċerta li l-applikant jissodisfa l-kondizzjonijiet speċifikati fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) jew fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2), skont liema wieħed ikun applikabbli.

4.   Deċiżjoni tal-Awtorità li tirreġistra applikant għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-istatuti tal-partit jew tal-fondazzjoni kkonċernati. Deċiżjoni biex ma jiġix irreġistrat applikant għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mar-raġunijiet taċ-ċaħda mogħtija fid-dettall.

5.   Kwalunkwe emenda għad-dokumenti jew l-istatuti li tiġi ppreżentata bħala parti mill-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikolu 8(2), għandha tiġi notifikata lill-Awtorità, li għandha taġġorna r-reġistrazzjoni skont il-proċeuri stipulati fl-Artikolu 15(2) u (4), mutatis mutandis.

6.   Il-lista aġġornata tal-partiti membri ta’ partit politiku Ewropew, annessa mal-istatuti tal-partit skont l-Artikolu 4(2), għandha tintbagħat lill-Awtorità kull sena. Kwalunkwe bidla li bħala konsegwenza tagħha l-partit politiku Ewropew jista’ ma jibqax jissodisfa l-kondizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1) għandha tiġi kkomunikata lill-Awtorità fi żmien erba’ ġimgħat minn meta ssir tali bidla.

Artikolu 10

Verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni

1.   Mingħajr ħsara għall-proċedura stabbilita fil-paragrafu 3, l-Awtorità għandha b’mod regolari tivverifika li l-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni stipulati fl-Artikolu 3, u d-dispożizzjonijiet ta’ governanza stipulati fil-punti (a), (b) u (d) sa (f) tal-Artikolu 4(1) u l-punti (a) sa (e) u (g) tal-Artikolu 5(1), għadhom qed jiġu rispettati mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej reġistrati.

2.   Jekk l-Awtorità ssib li kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni jew mid-dispożizzjonijiet tal-governanza msemmija fil-paragrafu 1, bl-eċċezzjoni tal-kundizzjonijiet fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) u fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2), m'għadhomx qed jiġu rrispettati, għandha tinnotifika lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati.

3.   Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jressqu lill-Awtorità talba għall-verifika tal-konformità minn partit politiku Ewropew speċifiku jew fondazzjoni politika Ewropea speċifika mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) u fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2). F’tali każijiet, u fil-każijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 16(3), l-Awtorità għandha titlob lill-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti stabbilit bl-Artikolu 11 għal opinjoni dwar is-suġġett. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien xahrejn.

Meta l-Awtorità ssir taf b’fatti li jistgħu jqajmu dubji dwar konformità minn partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) u fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2), għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-ħsieb li tippermetti lil kwalunkwe istituzzjoni minnhom tressaq talba għall-verifika kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu. Mingħajr ħsara għall-ewwel subparagrafu, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jindikaw l-intenzjoni tagħhom fi żmien xahrejn minn meta jirċievu dik l-informazzjoni.

Il-proċeduri stipulati fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhomx jinbdew f’perjodu ta’ xahrejn qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

B’kunsiderazzjoni tal-opinjoni tal-kumitat, l-Awtorità għandha tiddeċiedi jekk għandhiex taqta’ mir-reġistru l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati. Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun motivata kif jistħoqq.

Deċiżjoni tal-Awtorità ta' qtugħ mir-reġistru għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ rispett tal-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) jew fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2)tista’ tiġi adottata biss f’każ ta’ ksur manifest u serju ta’ dawk il-kundizzjonijiet. Għandha tkun suġġetta għall-proċedura spjegata fil-paragrafu 4.

4.   Deċiżjoni tal-Awtorità li taqta' mir-reġistru partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea għar-raġuni ta' ksur manifest u serju fir-rigward tal-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) jew fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2) għandha tiġi komunikata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ tliet xhur minn meta d-deċiżjoni tkun ġiet ikkomunikata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Awtorità li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Fil-każ li ssir oġġezzjoni mill- mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea għandhom jibqgħu reġistrati.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għad-deċiżjoni biss għal raġunijiet relatati mal-valutazzjoni tal-konformità mal-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni stipulati fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) u fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2).

Il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati għandhom jiġu infurmati li jkunu tqajmu oġġezzjonijiet għad-deċiżjoni tal-Awtorità li taqtagħhom mir-reġistru.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw pożizzjoni skont ir-regoli rispettivi tagħhom għat-teħid tad-deċiżjonijiet kif stabbilit f'konformità mat-Trattati. Kwalunkwe oġġezzjoni għandha tkun motivata kif mistħoqq u għandha ssir pubblika.

5.   Deċiżjoni tal-Awtorità li taqta' mir-reġistru partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea, li għaliha ma tkun tqajmet ebda oġġezzjoni skont il-proċedura stipulata fil-paragrafu 4, għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mar-raġunijiet dettaljati tal-qtugħ mir-reġistru u għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data ta' tali pubblikazzjoni.

6.   Fondazzjoni politika Ewropea għandha awtomatikament titlef id-dritt għall-istatus tagħha bħala tali jekk il-partit politiku Ewropew li miegħu tkun affiljata jitneħħa mir-Reġistru.

Artikolu 11

Kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti

1.   B’dan qed jiġi stabbilit kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti. Għandu jkun kompost minn sitt membri, fejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaħtru żewġ membri kull wieħed. Il-membri tal-kumitat għandhom jintgħażlu abbażi tal-kwalitajiet personali u professjonali tagħhom. Huma m’għandhomx ikunu membri tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, u lanqas m’għandu jkollhom xi mandat elettorali, m’għandhomx ikunu uffiċjali jew persunal ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ikunu attwalment jew fl-imgħoddi kienu impjegati ta' xi partit politiku Ewropew jew ta’ xi fondazzjoni politika Ewropea.

Il-membri tal-kumitat għandhom ikunu indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijiethom. Huma la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn kwalunkwe istituzzjonijiet jew gvern jew kwalunkwe entità, uffiċċju jew aġenzija, u għandhom iżommu lura minn kwalunkwe aġir li huwa inkompatibbli man-natura tad-dmirijiet tagħhom.

Il-kumitat għandu jiġi mġedded fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tal-ewwel sessjoni tal-Parlament Ewropew wara kull elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Il-mandat tal-membri m'għandux ikun jista' jiġġedded.

2.   Il-kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura proprji tiegħu. Il-president tal-kumitat għandu jiġi elett mill-membri tiegħu minn fost wieħed minnhom skont dawk ir-regoli. Is-segretarjat u l-finanzjament tal-kumitat għandhom jiġu pprovduti mill-Parlament Ewropew. Is-segretarjat tal-kumitat għandu jaġixxi taħt l-awtorità tal-kumitat biss.

3.   Meta jiġi mitlub mill-Awtorità, il-kumitat għandu jagħti opinjoni dwar kwalunkwe ksur manifest u serju possibbli tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) u fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2), minn partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea. Għal dak il-għan, il-kumitat jista’ jitlob kwalunkwe dokument u evidenza rilevanti mill-Awtorità, mill-Parlament Ewropew, mill-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, minn partiti politiċi oħra, minn fondazzjonijiet politiċi oħra jew minn partijiet interessati oħra u jista' jitlob li jisma’ lir-rappreżentanti tagħhom.

Fl-opinjonijiet tiegħu, il-kumitat għandu jikkunsidra bis-sħiħ id-dritt fundamentali tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-ħtieġa li jiġi żgurat il-pluraliżmu tal-partiti politiċi fl-Ewropa.

L-opinjonijiet tal-kumitat għandhom isiru aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr dewmien.

KAPITOLU III

L-ISTATUS ĠURIDIKU TAL-PARTITI POLITIĊI EWROPEJ U TAL-FONDAZZJONIJIET POLITIĊI EWROPEJ

Artikolu 12

Personalità ġuridika

Partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom ikollhom personalità ġuridika Ewropea.

Artikolu 13

Għarfien u kapaċità ġuridika

Partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom igawdu għarfien u kapaċità ġuridika fl-Istati Membri kollha.

Artikolu 14

Liġi applikabbli

1.   Partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom ikunu rregolati b’dan ir-Regolament.

2.   Għal kwistjonijiet mhux regolati minn dan ir-Regolament jew, fejn il-kwistjonijiet ikunu biss parzjalment regolati minnu, għal dawk l-aspetti mhux koperti minnu, partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt nazzjonali fl-Istat Membru fejn ikollhom is-sede rispettiva tagħhom.

L-attivitajiet imwettqa minn partiti politiċi Ewropej u minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej fi Stati Membri oħra għandhom jiġu rregolati mil-liġijiet nazzjonali rilevanti ta’ dawk l-Istati Membri.

3.   Għall-kwistjonijiet mhux regolati minn dan ir-Regolament jew mid-dispożizzjonijiet applikabbli skont il-paragrafu 2 jew, fejn kwistjonijiet ikunu biss parzjalment regolati minnhom, għal dawk l-aspetti mhux koperti minnhom, partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet tal-istatuti rispettivi tagħhom.

Artikolu 15

Ksib ta' personalità ġuridika Ewropea

1.   Partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea għandhom jiksbu personalità ġuridika Ewropea fid-data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni adottata mill-Awtorità biex jiġu reġistrati, skont l-Artikolu 9.

2.   Jekk l-Istat Membru li fih applikant għal reġistrazzjoni bħala partit politiku Ewropew jew bħala fondazzjoni politika Ewropea jkollu s-sede tiegħu hekk ikun jirrikjedi, l-applikazzjoni mressqa skont l-Artikolu 8 għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni maħruġa minn dak l-Istat Membru, li tiċċertifika li l-applikant ikun irrispetta r-rekwiżiti nazzjonali relevanti għall-applikazzjoni, u li l-istatuti tiegħu jkunu konformi mal-liġi applikabbli msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artiokolu 14(2).

3.   Jekk applikant ikun igawdi personalità ġuridika skont il-liġi ta' Stat Membru, il-ksib tal-personalità ġuridika Ewropea għandha titqies minn dak l-Istat Membru bħala konverżjoni tal-personalità ġuridika nazzjonali għal personalità ġuridika Ewropea suċċessura. Din tal-aħħar għandha tibqa' żżomm bis-sħiħ kwalunkwe dritt obbligu pre-eżistenti tal-entità ġuridika nazzjonali preċedenti li m'għandhiex tibqa' teżisti bħala tali. L-Istati Membri kkonċernati ma għandhomx japplikaw kondizzjonijiet projbittivi fil-kuntest ta' tali konverżjoni. L-applikant għandu jżomm is-sede tiegħu fl-Istat Membru kkonċernat sal-pubblikazzjoni ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 9.

4.   Jekk l-Istat Membru li fih l-applikant ikollu s-sede tiegħu hekk jitlob, l-Awtorità għandha tiffissa d-data tal-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 biss wara konsultazzjoni ma' dak l-Istat Membru.

Artikolu 16

Terminazzjoni tal-personalità ġuridika Ewropea

1.   Partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea għandhom jitilfu l-personalità ġuridika Ewropea mad-dħul fis-seħħ ta' deċiżjoni tal-Awtorità li jitneħħew mir-Reġistru kif ippubblikat f'Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur wara din il-pubblikazzjoni ħlief jekk il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jitolbu perjodu iqsar.

2.   Partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea għandhom jitneħħew mir-Reġistru b'deċiżjoni tal-Awtorità:

(a)

b'konsegwenza ta' deċiżjoni adottata skont l-Artikoli 10(2) sa (5);

(b)

fiċ-ċirkostanzi pprovduti fl-Artikolu 10(6);

(c)

fuq talba ta' partit politiku Ewropew jew ta' fondazzjoni politika Ewropea kkonċernata; jew

(d)

fil-każijiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu:

3.   Jekk partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jonqsu b'mod gravi milli jwettqu l-obbligi relevanti skont il-liġi nazzjonali applikabbli skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2), l-Istat Membru tas-sede jista' jindirizza lill-Awtorità talba għal qtugħ mir-reġistru li tkun motivata kif jistħoqq, liema talba għandha tidentifika b'mod preċiż u eżawstiv l-azzjonijiet illegali u r-rekwiżiti nazzjonali speċifiċi li ma ġewx rispettati. F'każijiet bħal dawn, l-Awtorità għandha:

(a)

fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati b'mod esklussiv jew b'mod predominanti ma' elementi li jaffettwaw ir-rispett tal-valuri li fuqhom hi msejsa l-Unjoni Ewropea, kif espress fl-Artikolu 2 TUE, tniedi proċedura ta' verifika skont l-Artikolu 10(3). Għandu japplika wkoll l-Artikolu 10(4), (5) u (6);

(b)

fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni oħra, u meta t-talba motivata tal-Istat Membru kkonċernat tikkonferma li jkunu ġew eżawriti r-rimedji nazzjonali kollha, tieħu deċiżjoni li tneħħi mir-Reġistru l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati.

Jekk partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu diġà naqsu b'mod gravi milli jwettqu l-obbligi relevanti tagħhom skont il-liġi nazzjonali applikabbli skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2), u jekk il-kwistjoni jkollha rabta b'mod esklussiv jew b'mod pre-dominanti ma' elementi li jaffettwaw ir-rispett tal-valuri li fuqhom hi msejsa l-Unjoni Ewropea, kif espress fl-Artikolu 2 TUE, l-Istat Membru kkonċernat jista' jindirizza talba lill-Awtorità skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu. L-Awtorità għandha tipproċedi skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Fi kwlaunkwe każ, l-Awtorità għandha taġixxi mingħajr dewmien żejjed. L-Awtorità għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati dwar is-segwitu mogħti lit-talba motivata għal qtugħ mir-reġistru.

4.   L-Awtorità għandha tiffissa d-data tal-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 wara konsultazzjoni mal-Istat Membru li fih il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea ikollhom is-sede tagħhom.

5.   Jekk il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jiksbu personalità ġuridika skont il-liġi tal-Istat Membru tas-sede tagħhom, tali kisba għandha titqies minn dak l-Istat Membru bħala konverżjoni tal-personalità ġuridika Ewropea għal personalità ġuridika nazzjonali li tibqa' żżomm bis-sħiħ id-drittijiet u l-obbligi pre-eżistenti tal-entità ġuridika Ewropea preċedenti. L-Istat Membru kkonċernat ma għandux japplika kondizzjonijiet projbittivi fil-kuntest ta' tali konverżjoni.

6.   Jekk il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea ma jiksbux personalità ġuridika skont il-liġi tal-Istat Membru tas-sede tagħhom, huma għandhom jiġu stralċati skont il-liġi applikabbli ta' dak l-Istat Membru. L-Istat Membru kkonċernat jista' jirrijkjedi li dak it-tali stralċ ikun preċedut mill-ksib mill-partit jew fondazzjoni kkonċernati ta' personalità ġuridika nazzjonali skont il-paragrafu 5.

7.   Fi kwalunkwe sitwazzjoni msemmija fil-paragrafi 5 u 6, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li l-kondizzjoni ta' mingħajr qligħ stipulata fl-Artikolu 3 tkun rispettata bis-sħiħ. L-Awtorità u l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew jistgħu jiftiehmu mal-Istat Membru kkonċernat dwar il-modalitajiet tat-terminazzjoni tal-personalità ġuridika Ewropea, b'mod partikolari biex jiżguraw l-irkupru ta' kwalunkwe fondi rċevuti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u l-ħlas ta' kwalunkwe sanzjonijiet finanzjarji imposti skont l-Artikolu 27.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-FINANZJAMENT

Artikolu 17

Kundizzjonijiet ta' finanzjament

1.   Partit politiku Ewropew li jkun irreġistrat skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament, li jkun rappreżentat fil-Parlament Ewropew b'minn tal-inqas wieħed mill-membri tiegħu, u li ma jkunx f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 106(1) tar-Regolament Finanzjarju jista’ japplika għall-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet ippubblikati mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew f’sejħa għal kontribuzzjonijiet.

2.   Fondazzjoni politika Ewropea li tkun affiljata ma’ partit politiku Ewropew eliġibbli li japplika għall-fondi skont il-paragrafu 1, li tkun irreġistrata skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament, u li ma tkunx f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 106(1) tar-Regolament Finanzjarju tista’ tapplika għall-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mat-termini u mal-kundizzjonijiet ippubblikati mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew f’sejħa għal proposti.

3.   Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ eliġibbiltà għal finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-punt (b) tal-Artikolu 3(1), u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 19(1), membru tal-Parlament Ewropew għandu jitqies bħala membru ta’ partit politiku Ewropew wieħed biss, li għandu, fejn rilevanti, ikun dak li miegħu jkun affiljat il-partit nazzjonali jew reġjonali tiegħu jew tagħha fid-data finali għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal finanzjament.

4.   Kontribuzzjonijiet finanzjarji jew għotjiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx jaqbżu l-85% tan-nefqa rimborsabbli annwali indikata fil-baġit ta' partit politiku Ewropew u l-85% tal-kosti eliġibbli mġarrba minn fondazzjoni politika Ewropea. Il-partiti politiċi Ewropej jistgħu jużaw kwalunkwe parti mhux użata tal-kontribuzzjoni tal-UE mogħtija biex ikopru nefqa rimborsabbli fi żmien sena finanzjarja wara l-għoti tagħha. L-ammonti mhux użati wara dik is-sena finanzjarja għandhom jiġu rkuprati skont ir-Regolament Finanzjarju.

5.   Fil-limiti stipulati fl-Artikoli 21 u 22, in-nefqa rimborsabbli permezz ta' kontribuzzjoni finanzjarja għandha tinkludi n-nefqa amministrattiva u n-nefqa marbuta mal-assistenza teknika, laqgħat, riċerka, avvenimenti transfruntalieri, studji, informazzjoni u pubblikazzjonijiet, kif ukoll in-nefqa relatata mal-kampanji.

Artikolu 18

Applikazzjoni għal finanzjament

1.   Sabiex jirċievi finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea, li jkunu jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) jew (2), għandhom jippreżentaw applikazzjoni lill-Parlament Ewropew wara sejħa għal kontribuzzjonijiet jew proposti.

2.   Il-partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea għandhom, fil-mument tal-applikazzjoni tagħhom, ikunu konformi mal-obbligi mniżżla fl-Artikolu 23, u, mid-data tal-applikazzjoni tagħhom sa tmiem is-sena finanzjarja jew tal-azzjoni koperti mill-kontribuzzjoni jew għotja, jibqgħu reġistrati fir-Reġistru u ma jistgħux ikunu suġġetti għal xi waħda mis-sanzjonijiet stipulati fl-Artikolu 27(1) u fil-punti (a)(v) u (vi) tal-Artikolu 27(2).

3.   Fondazzjoni politika Ewropea għandha tinkludi fl-applikazzjoni tagħha l-programm ta’ ħidma annwali jew il-pjan ta' azzjoni tagħha.

4.   L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jadotta deċiżjoni fi żmien tliet xhur wara l-għeluq tas-sejħa għal kontribuzzjonijiet jew tas-sejħa għal proposti, u għandu jawtorizza u jamministra l-approprjazzjonijiet korrispondenti, skont ir-Regolament Finanzjarju.

5.   Fondazzjoni politika Ewropea tista’ tapplika għall-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea biss permezz tal-partit politiku Ewropew li miegħu tkun affiljata.

Artikolu 19

Kriterji li fuqhom tittieħed id-deċiżjoni u d-distribuzzjoni ta’ finanzjament

1.   L-approprjazzjonijiet rispettivi għad-dispożizzjoni ta' dawk il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li jkunu ngħataw kontribuzzjonijiet jew għotjiet skont l-Artikolu 18 għandhom jiġu distribwiti kull sena abbażi tal-formula ta’ distribuzzjoni segwenti:

15 % jitqassmu f’ishma ndaqs fost il-partiti politiċi Ewropej benefiċjarji;

85 % jitqassmu fi proporzjon mas-sehem tagħhom ta’ membri eletti tal-Parlament Ewropew fost il-partiti politiċi Ewropej benefiċjarji.

L-istess formola ta’ distribuzzjoni għandha tintuża biex tagħti finanzjament lil fondazzjonijiet politiċi Ewropej, abbażi tal-affiljazzjoni tagħhom ma’ partit politiku Ewropew.

2.   Id-distribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq in-numru ta’ membri eletti tal-Parlament Ewropew li jkunu membri tal-partit politiku Ewropew applikanti fid-data finali għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal finanzjament, filwaqt li jitqies l-Artikolu 17(3).

Wara dik id-data, kwalunkwe tibdil fin-numru m’għandux jaffettwa s-sehem rispettiv ta’ finanzjament bejn il-partiti politiċi Ewropej jew il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Dan mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit fl-Artikolu 17(1) li l-partiti politiċi Ewropej ikunu rappreżentati fil-Parlament Ewropew minn mill-inqas wieħed mill-membri tagħhom.

Artikolu 20

Donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet

1.   Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jistgħu jaċċettaw donazzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi sa valur ta’ EUR 18 000 kull sena għal kull donatur.

2.   Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom, fil-mument tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tagħom skont l-Artikolu 23, jittrażmettu wkoll lista tad-donaturi kollha bid-donazzjonijiet rispettivi tagħhom, u jindikaw kemm in-natura kif ukoll il-valur tad-donazzjonijiet individwali. Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għal kontribuzzjonijiet magħmula minn partiti membri tal-partiti politiċi Ewropej u mill-organizzazzjonijiet membri tal-fondazzjonjiet politiċi Ewropej.

Għal donazzjonijiet minn persuni fiżiċi li l-valur tagħhom jaqbeż l-EUR 1 500 u jkun anqas jew ekwivalenti għal EUR 3 000, il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati għandhom jindikaw jekk id-donaturi korrispondenti jkunux taw kunsens bil-miktub minn qabel għall-pubblikazzjoni skont il-punt (e) tal-Artikolu 32(1)(e).

3.   Id-donazzjonijiet riċevuti minn partiti politiċi Ewropej u minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej fi żmien sitt xhur qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandhom, kull ġimgħa, ikunu rrappurtati bil-miktub lill-Awtorità, u skont il-paragrafu 2.

4.   Donazzjonijiet uniċi li l-valur tagħhom jaqbeż it-EUR 12 000 li jkunu ġew aċċettati minn partiti politiċi Ewropej u minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jiġu immedjatament irrappurtati lill-Awtorità bil-miktub u skont il-paragrafu 2.

5.   Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej m’għandhom jaċċettaw l-ebda waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

donazzjonijiet jew kontribuzzjonijiet anomini,

(b)

donazzjonijiet mill-baġit ta’ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew;

(c)

donazzjonijiet minn kwalunkwe awtorità pubblika minn Stat Membru jew minn pajjiż terz, jew minn kwalunkwe impriża li fuqha tali awtorità pubblika tista' teżerċita direttament jew indirettament influwenza dominanti bis-saħħa tal-fatt li hija l-proprjetarja tagħha, li hija tipparteċipa fiha finanzjarjament, jew bis-saħħa tar-regoli li jirregolawha; jew

(d)

donazzjonijiet minn kwalunkwe entità privata bbażata f'pajjiż terz jew minn individwi minn pajjiż terz li mhumiex intitolati li jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

6.   Kwalunkwe donazzjoni li ma tkunx permessa taħt dan ir-Regolament għandha, fi żmien 30 jum wara d-data li fiha tkun rċevuta minn partit politiku Ewropew jew minn fondazzjoni politika Ewropea:

(a)

tintbagħat lura lid-donatur jew lil kwalunkwe persuna li taġixxi f’isem id-donatur; jew

(b)

meta ma jkunx possibbli li tiġi rritornata, tiġi rrappurtata lill-Awtorità u lill-Parlament Ewropew. L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jistabbilixxi l-ammont irċevut u jawtorizza l-irkupru skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 78 u 79 tar-Regolament Finanzjarju. Il-fondi għandhom jiddaħħlu bħala dħul ġenerali fit-taqsima tal-Parlament Ewropew tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

7.   Għandhom ikunu permessi kontribuzzjonijiet lil partit politiku Ewropew mill-membri tiegħu. il-valur ta' tali kontribuzzjonijiet m’għandhomx jeċċedu 40 % tal-baġit annwali ta’ dak il-partit politiku Ewropew.

8.   Huma permessi kontribuzzjonijiet lil fondazzjoni politika Ewropea mill-membri tagħha, u mill-partit politiku Ewropew li miegħu hi affiljata. Il-valur ta' tali kontribuzzjonijiet m’għandhomx jeċċedu 40 % tal-baġit annwali ta’ dik il-fondazzjoni politika u ma jistgħux jiġu minn fondi rċevuti minn partit politiku Ewropew mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Il-piż tal-prova għandu jaqa’ fuq il-partit politiku Ewropew konċernat, li għandu jindika b’mod ċar fil-kontijiet tiegħu l-oriġini tal-fondi użati biex jiffinanzja l-fondazzjoni politika Ewropea affiljata miegħu.

9.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 7 u 8, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jistgħu jaċċettaw minn ċittadini li jkunu membri tagħhom kontribuzzjonijiet sal-valur ta' EUR 18 000 kull sena u għal kull membru, meta dawn il-kontribuzzjonijiet isiru mill-membru kkonċernat jew isiru f'ismu.

Il-limitu massimu stipulat fl-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta l-membru kkonċernat ikun ukoll membru elett tal-Parlament Ewropew, ta' parlament nazzjonali jew ta' parlament reġjonali jew assemblea reġjonali.

10.   Kwalunkwe kontribuzzjoni li mhijiex permessa skont dan ir-Regolament għandha titreġġa' lura skont il-paragrafu 6.

Artikolu 21

Finanzjar ta’ kampanji fil-kuntest ta’ elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew

1.   Soġġett għat-tieni subparagrafu, il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew minn kwalunkwe sors ieħor jista’ jintuża biex jiffinanzja kampanji mmexxija minn partiti politiċi Ewropej fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li fihom huma, jew il-membri tagħhom, jipparteċipaw kif meħtieġ fil-punt (d) tal-Artikolu 3(1).

Konformement mal-Artikolu 8 tal-Att dwar l-elezzjoni ta’ membri tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett (15), il-finanzjament, u l-limitazzjoni possibbli tal-ispejjeż għall-elezzjonijiet għall-partiti politiċi, il-kandidati kollha u l-partijiet terzi kollha, l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, flimkien mal-parteċipazzjoni tagħhom fihom, huma regolati f’kull Stat Membru minn dispożizzjonijiet nazzjonali.

2.   In-nefqa marbuta mal-kampanji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu identifikati b’mod ċar bħala tali mill-partiti politiċi Ewropej fir-rapporti finanzjarji annwali tagħhom.

Artikolu 22

Projbizzjoni ta' finanzjament

1.   Minkejja l-Artikolu 21(1) il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew minn kwalunkwe sors ieħor m’għandux jintuża għall-finanzjament dirett jew indirett ta’ partiti politiċi oħra, u b’mod partikolari l-partiti nazzjonali jew il-kandidati. Dawk il-partiti politiċi nazzjonali u l-kandidati għandhom jibqgħu jiġu regolati minn regoli nazzjonali.

2.   Il-finanzjament ta’ fondazzjonijiet politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew minn kwalunkwe sors ieħor m’għandux jintuża għall-ebda skop ieħor ħlief dak tal-finanzjament tal-kompiti tagħhom kif elenkati fl-Artikolu 2 il-punt (4) u biex jitħallas l-infiq marbut direttament mal-objettivi stabbiliti fl-istatuti tagħhom skont l-Artikolu 5. B’mod partikolari m’għandux jintuża għall-finanzjament dirett jew indirett ta’ elezzjonijiet, ta’ partiti politiċi, jew kandidati jew fondazzjonijiet oħra.

3.   Il-finanzjament ta’ partiti politiċi Ewropej u ta’ fondazzjonijiet politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew minn kwalunkwe sors ieħor ma għandux jintuża biex jiffinanzja kampanji referendarji.

KAPITOLU V

KONTROLL U SANZJONIJIET

Artikolu 23

Obbligi fejn jidħlu l-kontabilità, ir-rappurtar u l-awditjar

1.   Mhux aktar tard minn sitt xhur wara tmiem is-sena finanzjarja, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jippreżentaw lill-Awtorità, b'kopja lill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u lill-Punt ta' Kuntatt Nazzjonali Kompetenti tal-Istat Membru tas-sede tagħhom:

(a)

id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tagħhom flimkien ma’ noti li jakkumpanjawhom, li jkopru d-dħul u l-infiq tagħhom, u l-assi u l-obbligazzjonijiet fil-bidu u fit-tmiem tas-sena finanzjarja, skont il-liġi applikabbli fl-Istat Membru li fih ikollhom is-sede tagħhom u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tagħhom abbażi tal-istandards ta' kontabilità internazzjonali definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru. 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16);

(b)

rapport tal-awditjar estern dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, li jkopri kemm l-affidabbiltà ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kif ukoll il-legalità u r-regolarità tad-dħul u l-infiq tagħhom, li jsir minn entità jew espert indipendenti; u

(c)

il-lista ta’ donaturi u kontributuri u d-donazzjonijiet jew kontribuzzjonijiet korrispondenti tagħhom irrapurtati skont l-Artikolu 20(2), (3) u (4).

2.   Fejn in-nefqa tiġi implimentata mill-partiti politiċi Ewropej konġuntement ma’ partiti politiċi nazzjonali jew minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej konġuntement ma’ fondazzjonijiet politiċi nazzjonali, jew ma’ organizzazzjonijiet oħra, għandha tiġi inkluża fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali msemmija fil-paragrafi 1 evidenza tan-nefqa li jkunu għamlu l-partiti politiċi Ewropej jew il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej direttament jew permezz ta’ dawk il-partijiet terzi.

3.   L-entitajiet jew l-esperti esterni indipendenti msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom jintgħażlu, jingħataw mandat u jitħallsu mill-Parlament Ewropew. Huma għandhom jiġu awtorizzati kif xieraq biex jawditjaw il-kontijiet skont il-liġi applikabbli fl-Istat Membru li fih ikollhom is-sede tagħhom jew fejn ikunu stabbiliti.

4.   Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jagħtu kwalunkwe informazzjoni li jitolbu l-entitajiet jew l-esperti indipendenti għar-raġuni tal-awditjar tagħhom.

5.   L-entitajiet jew l-esperti indipendenti għandhom jinformaw lill-Awtorità u lill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe suspett ta' attività illegali, frodi jew korruzzjoni li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Awtorità u l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom jinformaw lill-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali kkonċernati dwar dan.

Artikolu 24

Regoli ġenerali dwar il-kontroll

1.   Il-kontroll tal-konformità mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu eżerċitati, f'kooperazzjoni, mill-Awtorità, mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri kompetenti.

2.   L-Awtorità għandha tikkontrolla l-konformità tal-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 3, il-punti (a), (b) u (d) sa (f) tal-Artikolu 4(1), il-punti (a) sa (e) u (g) tal-Artikolu 5(1), l-Artikolu 9(5) u (6), u l-Artikoli 20, 21 u 22.

L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jikkontrolla l-konformità mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej tal-obbligi relatati mal-finanzjament mill-Unjoni taħt dan ir-Regolament skont ir-Regolament Finanzjarju. Fit-twettiq ta' dawn il-kontrolli, il-Parlament Ewropew għandu jieħu l-miżuri meħtieġa fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

3.   Il-kontroll mill-Awtorità u mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal- Parlament Ewropew imsemmi fil-paragrafu 2 ma għandux jestendi għall-konformità tal-Partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi tagħhom taħt il-liġi nazzjonali applikabbli kif jingħad fl-Artikolu 14.

4.   Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jagħtu kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-Awtorità, mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew, mill-Qorti tal-Awdituri, mill-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) jew mill-Istati Membri li tkun meħtieġa għall-iskop li jitwettqu kontrolli li għalihom ikunu responsabbli skont dan ir-Regolament.

Fuq talba u għal raġunijiet ta' kontroll ta' konformità mal-Artikolu 20, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jagħtu lill-Awtorità informazzjoni rigward il-kontribuzzjonijiet magħmula minn membri individwali u l-identità ta' dawn il-membri. Barra minn hekk, fejn xieraq, l-Awtorità tista' tirrikjedi lill-partiti politiċi Ewropej li jagħtu dikjarazzjonijiet ta' konferma ffirmati mill-membri li għandhom mandati eletti għal raġunijiet ta' kontroll tal-konformità mal-kundizzjoni stipulata fl-ewwel subparagrafu tal-punt (b) tal-Artikolu 3(1).

Artikolu 25

Implimentazzjoni u kontroll fir-rigward tal-finanzjament mill-Unjoni

1.   L-approprjazzjonijiet għall-finanzjament ta’ partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom ikunu determinati skont il-proċedura baġitarja annwali u għandhom jiġu implimentati skont dan ir-Regolament u r-Regolament Finanzjarju.

It-termini u l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjonijiet u għotjiet għandhom ikunu stabbiliti mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet u s-sejħa għall-proposti.

2.   Il-kontroll tal-finanzjament riċevut mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u l-użu tiegħu għandu jkun eżerċitat skont ir-Regolament Finanzjarju.

Il-kontroll għandu jiġi eżerċitat ukoll fuq il-bażi ta’ ċertifikazzjoni annwali permezz ta’ awditjar estern u indipendenti, kif provdut fl-Artikolu 23(1).

3.   Il-Qorti tal-Awdituri għandha teżerċità s-setgħat ta' awditjar tagħha skont l-Artikolu 287 TFUE.

4.   Kwalunkwe dokument jew informazzjoni meħtieġa mill-Qorti tal-Awdituri sabiex tkun tista' twettaq il-kompitu tagħha għandu jiġi mgħoddi lilha fuq talba tagħha mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li jirċievu finanzjament skont dan ir-Regolament.

5.   Id-deċiżjoni jew ftehima li bihom isiru il-kontribuzzjoni u l-għotja għandhom jipprovdu espressament għall-awditjar mill- Parlament Ewropew u mill-Qorti tal-Awdituri, abbażi tar-rekords u fuq il-post, tal-partit politiku Ewropew li jkun irċieva kontribuzzjoni jew il-fondazzjoni politika Ewropea li tkun irċeviet għotja mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

6.   Il-Qorti tal-Awdituri u l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew, jew kwalunkwe korp ieħor estern awtorizzat mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew, jistgħu jwettqu l-kontrolli u l-verifiki meħtieġa fuq il-post sabiex jivverifikaw il-legalità tan-nefqa u l-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni jew il-ftehim li bihom isiru l-kontribuzzjoni u l-għotja, u, fil-każ ta’ fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-implimentazzjoni korretta tal-programm ta’ ħidma jew l-azzjoni. Il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea in kwistjoni għandhom ifornu kwalunkwe dokument jew informazzjoni meħtieġa biex dan il-kompitu jitwettaq

7.   L-OLAF jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (18), bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interess finanzjarju tal-Unjoni b’rabta ma’ kontribuzzjonijiet jew għotjiet taħt dan ir-Regulament. Jekk ikun xieraq, ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tiegħu jistgħu jagħtu lok għal deċiżjonijiet ta’ rkupru mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 26

Sostenn tekniku

Is-sostenn tekniku kollu provdut mill-Parlament Ewropew lil partiti politiċi Ewropej għandu jsir skont il-prinċipju ta’ aċċess ugwali. Għandu jingħata fuq kundizzjonijiet xejn inqas favorevoli minn dawk li jgħoddu għal organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet esterni oħrajn li jistgħu jingħataw faċilitajiet simili u għandu jingħata kontra l-fornitura ta’ fattura u bi ħlas.

Artikolu 27

Sanzjonijiet

1.   Skont l-Artikolu 16, l-Awtorità għandha tiddeċiedi li tneħħi partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea mir-Reġistru bħala sanzjoni fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta l-partit jew il-fondazzjoni in kwistjoni jkunu nstabu permezz ta’ sentenza li jkollha s-saħħa ta’ res judicata li ingaġġaw f'attivitajiet illegali ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif definiti fl-Artikolu 106(1) tar-Regolament Finanzjarju;

(b)

meta jiġi stabbilit, skont il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 10(2) sa (5), li ma jkunux għadhom jissodisfaw waħda jew iżjed mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a), (c) u (e) tal-Artikolu 3(1)jew fl-Artikolu 3(2); jew

(c)

meta talba ta' Stat Membru li jsir qtugħ mir-reġistru għal raġunijiet ta' nuqqas serju li jitwettqu l-obbligi skont il-liġi nazzjonali tkun tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-punt (b) tal-Artikolu 16(3).

2.   L-Awtorità għandha timponi sanzjonijiet finanzjarji fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

ksur mhux kwantifikabbli:

(i)

fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(5) jew (6):

(ii)

f'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-impenji meħuda u l-informazzjoni mogħtija minn partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea skont il-punti (a), (b) u (d) sa (f) tal-Artikolu 4(1) u il-punti (a), (b), (d) u (e) tal-Artikolu 5(1);

(iii)

fil-każ li ma tintbagħatx il-lista tad-donaturi flimkien mad-donazzjonijiet korrispondenti tagħhom, f’konformità mal-Artikolu 20(2) jew fil-każ li ma jiġux irrappurtati d-donazzjonijiet skont l-Artikolu 20(3) u (4);

(iv)

meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu kisru l-obbligi stipulati fl-Artikolu 23(1) jew fl-Artikolu 24(4);

(v)

meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu instabu permezz ta’ sentenza li jkollha s-saħħa ta’ res judicata li jkunu ingaġġaw f'attivitajiet illegali li huma ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif definiti fl-Artikolu 106(1) tar-Regolament Finanzjarju;

(vi)

meta il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jkunu fi kwalunkwe ħin bi ħsieb naqsu milli jagħtu informazzjoni jew bi ħsieb taw informazzjoni mhix korretta jew qarrieqa, jew fejn l-entitajiet awtorizzati minn dan ir-Regolament biex jawditjaw jew iwettqu kontrolli fuq il-benefiċjarji tal-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jsibu ineżattezzi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali li jitqiesu li jikkostitwixxu nuqqasijiet materjali jew dikjarazzjonijiet mhux korretti ta' entrati skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002;

(b)

ksur kwantifikabbli:

(i)

meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu aċċettaw donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet li ma jkunux permessi taħt l-Artikolu 20(1) jew (5), ħlief jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 20(6);

(ii)

f'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 21 u 22.

3.   L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew jista' jeskludi partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea minn finanzjament futur mill-Unjoni sa ħames snin jew sa 10 snin f'każijiet ta' ksur ripetut f'perjodu ta' ħames snin, meta jkunu nstabu ħatja tal-ksur elenkat fil-punti (v) u (vi) tal-punt (a) tal-paragrafu 2. Dan hu mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew kif stipulati fl-Artikolu 204n tar-Regolament Finanzjarju.

4.   Għall-fini tal-paragrafi 2 u 3, għandhom jiġu imposti s-sanzjonijiet finanzjarji li ġejjin fuq partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea:

(a)

f'każijiet ta' ksur mhux kwantifikabbli, persentaġġ fiss tal-baġit annwali tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati:

5 %, jew,

7,5 % jekk ikun hemm ksur konkorrenti, jew,

20 % jekk il-ksur in kwistjoni jkun ksur ripetut, jew,

terz tal-persentaġġi hawn fuq stipulati jekk il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jkunu volontarjament iddikjaraw il-ksur qabel ma l-Awtorità tkun uffiċjalment fetħet investigazzjoni, ukoll fil-każ ta' ksur konkorrenti jew ta' ksur ripetut, u l-partit jew il-fondazzjoni kkonċernati jkunu ħadu l-miżuri korrettivi xierqa,

50 % tal-baġit annwali tas-sena preċedenti tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati,, meta jkunu nstabu permezz ta' sentenza li jkollha s-saħħa ta' res judicata li jkunu għamlu attivitajiet illegali li jkunu ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif definiti fl-Artikolu 106(1) tar-Regolament Finanzjarju;

(b)

f'każijiet ta' ksur kwantifikabbli, persentaġġ fiss tal-ammont tas-somom irregolari rċevuti jew mhux rappurtati skont l-iskala li ġejja, sa massimu ta' 10 % tal-baġit annwali tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati:

100 % tas-somom irregolari rċevuti jew mhux rappurtati jekk dawk is-somom ma jaqbżux il-EUR 50 000, jew

150 % tas-somom irregolari rċevuti jew mhux rappurtati jekk dawk is-somom jaqbżu l-EUR 50 000 iżda ma jaqbżux il-EUR 100 000;

200 % tas-somom irregolari rċevuti jew mhux rappurtati jekk dawk is-somom jaqbżu il-EUR 100 000 iżda ma jaqbżux il-EUR 150 000;

250 % tas-somom irregolari rċevuti jew mhux rappurtati jekk dawk is-somom jaqbżu il-EUR 150 000 iżda ma jaqbżux il-EUR 200 000;

300 % tas-somom irregolari rċevuti jew mhux rappurtati jekk dawk is-somom jaqbżu il-EUR 200 000; jew

terz tal-persentaġġi indikati hawn fuq jekk il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jkunu ddikjaraw il-ksur b'mod volontarju qabel ma l-Awtorità u/jew l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew ikunu uffiċjalment fetħu investigazzjoni u l-partit jew il-fondazzjoni kkonċernati jkunu ħadu l-miżuri korrettivi meħtieġa.

Għall-applikazzjoni tal-persentaġġi indikati hawn fuq, kull donazzjoni jew kontribuzzjoni għandha titqies b'mod separat:

5.   Kull fejn partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu wettqu ksur konkorrenti kontra dan ir-Regolament, għandha tiġi imposta biss is-sanzjoni stipulata għar-ksur l-aktar serju, ħlief jekk jingħad mod ieħor fil-punt (a) tal-paragrafu 4.

6.   Is-sanzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal perjodu ta' limitazzjoni ta' ħames snin mid-data meta jitwettaq il-ksur ikkonċernat jew, fil-każ ta' ksur kontinwu jew ripetut, mid-data li fiha jieqaf dak il-ksur.

Artikolu 28

Kooperazzjoni bejn l-Awtorità, l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri

1.   L-Awtorità, l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri permezz tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali għandhom jaqsmu l-informazzjoni u jżommu lil xulxin informati regolarment dwar kwistjonijiet relatati mad-dispożizzjonijiet ta' finanzjament, il-kontrolli u s-sanzjonijiet.

2.   Għandhom jaqblu wkoll dwar arranġamenti prattiċi għal tali skambju ta' informazzjoni, inklużi r-regoli rigward l-iżvelar ta' informazzjoni kunfidenzjali jew evidenza u l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri.

3.   L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jinforma lill-Awtorità dwar kwalunkwe sejbien li jista' jwassal għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet skont l-Artikolu 27(2) sa (4), bil-għan li l-Awtorità titħalla tieħu l-miżuri xierqa.

4.   L-Awtorità għandha tinforma lill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe deċiżjoni li tkun ħadet fir-rigward ta' sanzjonijiet, bil-għan li tippermettilu jislet il-konsegwenzi xierqa skont ir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 29

Miżuri korrettivi u prinċipji ta' amministrazzjoni tajba

1.   Qabel ma tittieħed deċiżjoni finali relatata ma' xi waħda mis-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 27, l-Awtorità jew l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom jagħtu lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati l-opportunità li jdaħħlu dawk il-miżuri meħtieġa biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni fi żmien raġonevoli, li normalment m'għandux jaqbeż xahar. B'mod partikolari, l-Awtorità jew l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom jippermettu l-possibbiltà li jiġu korretti żbalji klerikali u aritmetiċi, li jingħataw dokumenti jew informazzjoni addizzjonali fejn meħtieġ jew li jiġu korreguti l-iżbalji minuri li jista' jkun hemm.

2.   Meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jonqsu milli jieħdu miżuri korrettivi fiż-żmien imsemmi fil-paragrafu 1, għandha tittieħed deċiżjoni rigward l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet xierqa msemmija fl-Artikolu 27.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx japplikaw fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (b) sa (d) tal-Artikolu 3(1) u fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2).

Artikolu 30

Irkupru

1.   Abbażi ta' deċiżjoni tal-Awtorità li tneħħi partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea mir-Reġistru, l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jirtira jew iwaqqaf kwalunkwe deċiżjoni jew ftehim li jkunu għadhom fis-seħħ dwar il-finanzjament mill-Unjoni, ħlief fil-każ stipulat fil-punt (c) tal-Artikolu 16(2) u fil-punti (b) u (d) tal-Artikolu 3(1). Hu għandu jirkupra wkoll kwalunkwe finanzjament mill-Unjoni, inklużi kwalunkwe fondi mhux minfuqa mis-snin preċedenti.

2.   Partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea li fuqhom tkun ġiet imposta xi sanzjoni għal kwalunkwe ksur elenkat fl-Artikolu 27(1) u fil-punti (v) u (vi) tal-Artikolu 27(2)(a) għandu għal dik ir-raġuni ma jibqax konformi mal-Artikolu 18(2). Bħala riżultat, l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew responsabbli għandu jittermina l-ammont mogħti bi ftehim ta’ kontribuzzjoni jew ta’ għotja dwar finanzjar tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, u għandu jirkupra ammonti li jkunu tħallsu bla mistħoqq skont il-ftehim jew deċiżjoni ta’ kontribuzzjoni jew ta’ għotja, inklużi kwalunkwe fondi mhux minfuqa tal-Unjoni minn snin preċedenti.

Fl-eventwalità ta' tali terminazzjoni, il-pagamenti mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu limitati għan-nefqa eliġibbli realment imġarrba mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea sad-data meta d-deċiżjoni ta' terminazzjoni tidħol fis-seħħ.

Dan il-paragrafu għandu jkun applikabbli wkoll għall-każijiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 16(2) u fil-punti (b) u (d) tal-Artikolu 3(1).

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 31

Għoti ta' informazzjoni liċ-ċittadini

Suġġett għall-Artikoli 21 u 22 u għall-istatuti u l-proċessi interni tagħhom stess, il-partiti politiċi Ewropej jistgħu fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jinfurmaw liċ-ċittadini tal-Unjoni bl-affiljazzjonijiet ta' bejn il-partiti politiċi nazzjonali u l-kandidati u l-partiti politiċi Ewropej kkonċernati.

Artikolu 32

Trasparenza

1.   Il-Parlament Ewropew għandu jippubblika, taħt l-awtorità tal-Uffiċjal Awtorizzanti jew taħt dik tal-Awtorità, fuq sit web maħluq apposta għal dak l-għan, dan li ġej:

(a)

l-ismijiet u l-istatuti tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej kollha rreġistrati, flimkien mad-dokumenti ppreżentati bħala parti mill-applikazzjonijiet tagħhom għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 8, mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara li l-Awtorità tkun adottat id-deċiżjoni tagħha u, wara dan, kwalunkwe emendi nnotifikati lill-Awtorità skont l-Artikolu 9(5) u (6);

(b)

lista tal-applikazzjonijiet li ma jkunux ġew approvati, flimkien mad-dokumenti ppreżentati bħala parti minnhom, flimkiem mal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 8, u r-raġunijiet tar-rifjut, mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara li l-Awtorità tkun adottat id-deċiżjoni tagħha,

(c)

rapport annwali b’tabella tal-ammonti mħallsa lil kull partit politiku Ewropew u kull fondazzjoni politika Ewropea, għal kull sena finanzjarja li għaliha jkunu ġew irċevuti kontribuzzjonijiet jew li jkunu tħallsu għotjiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea,

(d)

id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u r-rapporti ta’ awditjar estern imsemmija fl-Artikolu 23(1), u, fil-każ ta' fondazzjonijiet politiċi Ewropej, ir-rapporti finali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi jew azzjonijiet ta’ ħidma;

(e)

l-ismijiet ta' donaturi u d-donazzjonijiet korrispendenti tagħhom irrappurtati minn partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej skont l-Artikolu 20(2), (3) u (4), bl-eċċezzjoni ta’ donazzjonijiet minn persuni fiżiċi li l-valur tagħhom ma jaqbiżx l-EUR 1 500 fis-sena kull donatur, li għandhom jiġu rrappurtati bħala 'donazzjonijiet minuri'. Donazzjonijiet minn persuni fiżiċi li l-valur annwali tagħhom jaqbeż l-EUR 1 500 u jkun anqas minn jew ekwivalenti għal EUR 3 000 ma għandhomx jiġu ppubblikati mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel għall-pubblikazzjoni tagħhom tad-donatur korrispondenti. Jekk ma jkun ingħata tali kunsens minn qabel, dawn id-donazzjonijiet għandhom jiġu rrappurtati bħala "donazzjonijiet minuri". Għandhom jiġu ppubblikati wkoll l-ammont totali ta' donazzjonijiet minuri u n-numru ta' donaturi għal kull sena kalendarja;

(f)

Il-kontribuzzjonijiet msemmija fl-Artikolu 20(7) u (8) u rrappurtati minn partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej skont l-Artikolu 20(2), inkluż l-identità tal-partiti membri jew l-organizzazzjonijiet li jkunu għamlu dawk il-kontribuzzjonijiet;

(g)

id-dettalji u r-raġunijiet ta’ kwalunkwe deċiżjonijiet finali meħuda mill-Awtorità skont l-Artikolu 27, inklużi, fejn rilevanti, kwalunkwe opinjonijiet adottati mill-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti skont l-Artikoli 10 u 11, b’kunsiderazzjoni xierqa tar-Regolament (KE) Nru 45/2001;

(h)

id-dettalji ta' u r-raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni finali meħuda mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 27;

(i)

deskrizzjoni tal-appoġġ tekniku pprovdut lill-partiti politiċi Ewropej; u

(j)

ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u dwar l-attivitajiet iffinanzjati, kif jingħad fl-Artikolu 38.

2.   Il-Parlament Ewropew għandu jippubblika l-lista tal-persuni ġuridiċi li jkunu membri ta’ partit politiku Ewropew, kif annessa mal-istatuti tal-partit skont l-Artikolu 4(2), u aġġornata skont l-Artikolu 9(6), kif ukoll in-numru globali ta' membri individwali.

3.   Id-data personali għandha tiġi eskluża mill-pubblikazzjoni fuq is-sit web imsemmi fil-paragrafu 1 ħlief jekk dik id-data personali tiġi ppubblikata skont il-punti (a), (e) jew (g) tal-paragrafu 1.

4.   Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom, permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ privatezza li tkun disponibbli għall-pubbliku, jipprovdu lil membri u donaturi potenzjali l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46/KE, u għandhom jinfurmawhom li d-data personali tagħhom se tiġi pproċessata għal skopijiet ta’ awditjar u ta’ kontroll mill-Parlament Ewropew, mill-Awtorità, mill-OLAF, mill-Qorti tal-Awdituri, mill-Istati Membri, jew minn korpi jew esperti esterni li jkunu awtorizzati minnhom, u li d-data personali tagħhom għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit web imsemmi fil-paragrafu 1 taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu. L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) 45/2001, għandu jinkludi l-istess informazzjoni f'sejħiet għal kontribuzzjonijiet jew proposti kif jingħad fl-Artikolu 18(1) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 33

Il-protezzjoni tad-data personali

1.   Fl-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament, l-Awtorità, il-Parlament Ewropew u l-kumitat ta' persuni eminenti stabbilit bl-Artikolu 11 għandhom jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Għall-għanijiet tal-ipproċessar tad-data personali, huma għandhom jitqiesu bħala kontrolluri tad-data skont il-punt (d) tal-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament.

2.   Fl-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-Istati Membri meta jeżerċitaw kontroll fuq aspetti relatati mal-iffinanzjar tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej skont l-Artikolu 24, u l-korpi jew esperti indipendenti awtorizzati biex jivverifikaw il-kontijiet skont l-Artikolu 23(1) għandhom ikunu konformi mad-Direttiva 95/46/KE u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din. Għall-għanijiet tal-ipproċessar tad-data personali, huma għandhom jitqiesu kontrolluri tad-data skont il-punt (d) tal-Artikolu 2 ta' dik id-Direttiva.

3.   L-Awtorità, il-Parlament Ewropew u l-kumitat ta' persuni eminenti stabbilit bl-Artikolu 11 għandhom jiżguraw li d-data personali miġbura minnhom skont dan ir-Regolament ma tintużax għal kwalunkwe għan għajr dak li tiġi assigurata l-legalità, ir-regolarità u t-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u s-sħubija tal-partiti politiċi Ewropej. Huma għandhom iħassru dik id-data personali kollha miġbura għal dik il-fini sa mhux aktar tard minn 24 xahar wara l-pubblikazzjoni tal-partijiet rilevanti skont l-Artikolu 32.

4.   L-Istati Membri u l-korpi jew l-esperti indipendenti awtorizzati biex jivverifikaw il-kontijiet għandhom jużaw id-data personali li jirċievu biss sabiex jeżerċitaw kontroll fuq l-iffinanzjar tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Huma għandhom iħassru dik id-data personali skont il-liġi nazzjonali applikabbli wara t-trażmissjoni skont l-Artikolu 28.

5.   Data personali tista’ tinżamm lil hinn mil-limiti ta’ żmien stipulati fil-paragrafu 3 jew minn dak previst mil-liġi nazzjonali applikabbli kif jingħad fil-paragrafu 4 jekk dan ikun meħtieġ għall-fini ta’ proċedimenti legali jew amministrattivi marbuta mal-finanzjament ta’ partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea jew ta’ sħubija ta’ partit politiku Ewropew. Kull data personali bħal din għandha titħassar sa mhux aktar tard minn ġimgħa wara d-data tal-konklużjoni tat-tali proċedimenti permezz ta’ deċiżjoni finali, jew wara li jkun tlesta l-proċess ta' kwalunkwe verifika, appell, litigazzjoni jew pretenzjoni.

6.   Il-kontrolluri tad-data msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jipproteġu d-data personali kontra qerda aċċidentali jew illegali, telf aċċidentali, tibdil jew żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, partikolarment meta l-ipproċessar ta' tali data jinvolvi t-trażmissjoni tagħha fuq netwerk, u kontra kull forma oħra illegali ta’ pproċessar.

7.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkun responsabbli li jissorvelja u li jiżgura li l-Awtorità, il-Parlament Ewropew u l-kumitat ta' persuni eminenti stabbilit bl-Artikolu 11 jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi fl-ipproċessar ta’ data personali, f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju ġudizzjali, kwalunkwe suġġett tad-data jista’ jressaq ilment mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jekk hu jew hi tqis li d-dritt tiegħu jew tagħha għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom ikun inkiser bħala riżultat tal-ipproċessar tagħha mill-Awtorità, mill-Parlament Ewropew jew mill-kumitat.

8.   Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-Istati Membri u l-entitajiet jew l-esperti indipendenti awtorizzati biex jawditjaw il-kontijiet skont dan ir-Regolament għandhom ikunu responsabbli skont il-liġi nazzjonali applikabbli għal kwalunkwe dannu li jikkawżaw fl-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu applikati sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament, tad-Direttiva 95/46/KE u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din, u b’mod partikolari għall-użu frodulenti tad-data personali.

Artikolu 34

Dritt ta' smigħ

Qabel ma l-Awtorità jew l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew jieħdu deċiżjoni li tista' taffettwa b'mod negattiv id-drittijiet ta' partit politiku Ewropew, ta' fondazzjoni politika Ewropea jew ta' applikant kif imsemmi fl-Artikolu 8, għandhom jisimgħu r-rappreżentanti tal-partit politiku Ewropew, tal-fondazzjoni politika Ewropea jew tal-applikant ikkonċernat. L-Awtorità jew il-Parlament Ewropew għandhom jiddikjaraw kif jistħoqq ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħhom.

Artikolu 35

Dritt ta' appell

Deċiżjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċedimenti tal-qorti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-TFUE.

Artikolu 36

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 7(2) u fl-Artikolu 8(3a) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-24 ta' Novembru 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 7(2) u fl-Artikolu 8(3) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill f'perjodu ta' xahrejn min-notifika tal-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li huma ma jkunux se joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 37

Proċedura fil-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 38

Evalwazzjoni

Il-Parlament Ewropew għandu, wara konsultazzjoni mal-Awtorità, jippubblika rapport sa mhux aktar tard min nofs l-2018, dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u dwar l-attivitajiet finanzjati. Ir-rapport għandu jindika, fejn ikun xieraq, emendi li jistgħu jsiru fis-sistema tal-istatut u tal-finanzjament.

Qabel tmiem l-2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, flimkien ma' proposta leġislattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament, jekk ikun xieraq.

Artikolu 39

Applikazzjoni effikaċi

L-Istati Membri għandhom jagħmlu tali dispożizzjoni kif ikun xieraq biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 40

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2002 jitħassar b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Madankollu għandu jkompli japplika fir-rigward tal-atti u tal-impenji relatati mal-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew għas-snin ta' baġit 2014, 2015, 2016 u 2017.

Artikolu 41

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati kif jingħad fl-Artikolu 7(2) u fl-Artikolu 8(3)(a) sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2015.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2017. L-Awtorità msemmija fl-Artikolu 6 madankollu għandha tiġi stabbilita sal-1 ta' Settembru 2016. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej reġistrati wara l-1 ta' Jannar 2017 jistgħu japplikaw biss għall-finanzjament għall-attivitajiet li se jinbdew fis-sena baġitarja tal-2018 jew wara.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Ottubru 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

B. DELLA VEDOVA


(1)  ĠU C 133, 9.5.2013, p. 90.

(2)  ĠU C 62, 2.3.2013, p. 77.

(3)  ĠU C 67, 7.3.2013, p. 1.

(4)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Settembru 2014.

(5)  Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1).

(6)  ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 46.

(7)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(8)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(9)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(10)  ĠU C 253, 3.9.2013, p. 12.

(11)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(12)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(13)  Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mil-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58).

(15)  ĠU L 278, 8.10.1976, p. 5.

(16)  Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

(17)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1):

(18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS

Dikjarazzjoni standard li għandha timtelà minn kull applikant

Il-persuna hawn taħt iffirmata, li ngħatat mandat sħiħ mill-[isem tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea], b'dan tiċċertifika li:

[isem tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea] hu impenjat / hi impenjata li jirrispetta / tirrispetta l-kundizzjonijiet ta' reġistrazzjoni stipulati fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) jew tal-punt (c) tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jiġifieri li fil-programm u fl-attivitajiet tiegħu / tagħha, jimxi / timxi mal-valuri li fuqhom hi msejsa l-Unjoni, kif dikjarat fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jappartienu għal minoranzi.

Firmatarju awtorizzat:

Titolu (Sinjura, Sur., …), kunjom u isem:

 

Kariga fl-organizzazzjoni li qed tapplika għal reġistrazzjoni bħala partit politiku Ewropew / fondazzjoni politika Ewropea:

 

Post/data:

 

Firma:

 


4.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/28


REGOLAMENT (UE, EURATOM) Nru 1142/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ottubru 2014

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 322 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-partiti politiċi f’livell Ewropew huma importanti bħala fattur għall-integrazzjoni fi ħdan l-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 12(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistipulaw li l-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni.

(3)

Fl-4 ta’ Novembru 2003, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (3).

(4)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (4), il-Parlament Ewropew, fid-dawl tal-esperjenza miksuba, issuġġerixxa għadd ta’ modi ta’ titjib fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

(5)

Fit-22 ta’ Ottubru 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 (5) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 u li jistipula regoli ġodda għal, fost affarijiet oħra, il-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-fondazzjonijiet politiċi f’livell Ewropew, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-finanzjament, l-għoti u t-tqassim tal-fondi, id-donazzjonijiet u l-kontribuzzjonijiet, il-finanzjament ta’ kampanji għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, nefqa rimborżabbli, il-projbizzjoni ta’ finanzjament, il-kontijiet, ir-rapportar u l-awditjar, l-implimentazzjoni u l-kontroll, il-penalitajiet, il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċjal Awtorizzanti għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-uffiċjal awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri, u t-trasparenza.

(6)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) ('ir-Regolament Finanzjarju') għandu jinkludi regoli dwar il-kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni lill-partiti politiċi Ewropej kif previst mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014. Dawk ir-regoli għandhom jippermettu li l-partiti politiċi f’livell Ewropew ikollhom grad usa’ ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-limiti ta’ żmien sabiex jużaw dawn il-kontribuzzjonijiet, skont kif teħtieġ in-natura tal-attivitajiet tagħhom.

(7)

Is-sistema ta’ appoġġ finanzjarju lill-partiti politiċi Ewropej permezz ta’ għotja operattiva kif previst fl-Artikolu 125(6) tar-Regolament Finanzjarju mhijiex adattata għall-ħtiġijiet tagħhom, b’mod partikolari l-obbligu li jippreżentaw programm ta’ ħidma annwali, rekwiżit li ma jeżistix fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. Għalhekk, l-appoġġ finanzjarju mogħti lill-partiti politiċi Ewropej għandu jieħu l-forma ta’ kontribuzzjoni speċifika, li tikkorrispondi mal-bżonnijiet speċifiċi tal-partiti politiċi Ewropej. Madankollu, peress li l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għadhom jiġu soġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar l-għotjiet tar-Regolament Finanzjarju, għandu jkun possibbli li r-riport limitat għal tliet xhur attwalment previst mill-Artikolu 125(6) tar-Regolament Finanzjarju jkun japplika għalihom.

(8)

Għalkemm l-appoġġ finanzjarju jingħata mingħajr il-ħtieġa ta’ programm annwali ta’ ħidma, il-partiti politiċi Ewropej għandhom jiġġustifikaw ex post l-użu tajjeb tal-finanzjament tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jivverifika jekk il-finanazjament intużax sabiex titħallas in-nefqa rimborżabbli kif stabbilit fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet fi ħdan il-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dan ir-Regolament. Il-kontribuzzjonijiet lill-partiti politiċi Ewropej għandhom jintefqu sal-aħħar tas-sena finanzjarja ta’ wara dik meta jkunu ngħataw, wara liema, kwalunkwe finanzjament li ma jintefaqx għandu jiġi rkuprat mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli.

(9)

Il-finanzjament tal-Unjoni mogħti għall-finanzjament tal-ispejjeż operattivi tal-partiti politiċi Ewropej ma għandux jintuża għal skopijiet oħra għajr dawk stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, b’mod partikolari biex jiffinanzjaw direttament jew indirettament entitajiet oħra bħall-partiti politiċi nazzjonali. Il-partiti politiċi Ewropej għandhom jużaw il-kontribuzzjonijiet biex iħallsu perċentwal tan-nefqa attwali u futura, u mhux nefqa jew dejn imġarrba qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet tagħhom għal kontribuzzjonijiet.

(10)

L-għoti tal-kontribuzzjonijiet għandu wkoll jiġi issimplifikat u adattat għall-ispeċifiċitajiet tal-partiti politiċi Ewropej, b’mod partikolari billi ma jkunx hemm kriterji tal-għażla, l-istabbiliment ta’ pagament wieħed sħiħ fil-forma ta’ prefinanzjament bħala regola ġenerali, u bil-possibilità li jintużaw somom f’daqqa, finanzjament permezz ta’ rata fissa u ta’ kostijiet unitarji.

(11)

Il-kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għandhom jiġu sospiżi, jitnaqqsu jew jintemmu jekk il-partiti politiċi Ewropej jiksru l-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

(12)

Il-penalitajiet li jkunu bbażati kemm fuq ir-Regolament Finanzjarju kif ukoll fuq ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, għandhom jiġu imposti b’mod koerenti u għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Bi qbil mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, il-penalitajiet amministrattivi u/jew finanzjarji previsti mir-Regolament Finanzjarju m’għandhomx jiġu imposti f’xi wieħed mill-każijiet li għalihom ikunu diġà ġew imposti penalitajiet abbażi tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

(13)

Ir-Regolament Finanzjarju għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 hu emendat kif ġej:

(1)

Fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 121, jiżdied il-punt li ġej:

“(j)

kontribuzzjonijiet lill-partiti politiċi Ewropej imsemmija fit-Titolu VIII tat-Tieni Parti.”.

(2)

L-Artikolu 125 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 hu mħassar;

(b)

il-paragrafu 6 hu sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Jekk fondazzjoni politika Ewropea skont it-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) tirrealizza eċċess ta’ introjtu meta mqabbel man-nefqa fi tmiem sena finanzjarja li matulha tkun irċeviet għotja operattiva, il-parti minn dak l-eċċess li tikkorrispondi għal massimu ta’ 25 % tal-introjtu totali għal dik is-sena tista’, b’deroga mill-prinċipju li jipprojbixxi l-profitt stabbilit fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, tiġi riportata għas-sena ta’ wara bil-kundizzjoni li tintuża qabel tmiem l-ewwel kwart ta’ dik is-sena sussegwenti.

(*)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1).”."

(3)

Fit-Tieni Parti, jiddaħħal it-Titolu li ġej:

“TITOLU VIII

KONTRIBUZZJONIJIET LILL-PARTITI POLITIĊI EWROPEJ

Artikolu 204a

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, partiti politiċi Ewropej għandha tfisser l-entitajiet irreġistrati bħala tali skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

2.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji diretti mill-baġit jistgħu jingħataw lil partiti politiċi Ewropej fil-kuntest tal-kontribut tagħhom għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

Artikolu 204b

Prinċipji

1.   Il-kontribuzzjonijiet għandhom jintużaw biss għar-rimborż tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-ispejjeż operattivi tal-partiti politiċi Ewropej li jkunu marbutin direttament mal-għanijiet ta’ dawn il-partiti, kif speċifikat fl-Artikolu 17(5) u l-Artikolu 21 ta’ dak ir-Regolament.

2.   Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jintużaw għar-rimborż tan-nefqa relatata mal-kuntratti konklużi mill-partiti politiċi Ewropej, kemm-il darba ma kienx hemm l-ebda kunflitt ta’ interessi meta jkunu ngħataw.

3.   Il-kontribuzzjonijiet m’għandhomx jintużaw biex jagħtu direttament jew indirettament xi vantaġġ personali, fi flus jew in natura, lil xi membru individwali jew membru tal-persunal ta’ partit politiku Ewropew. Il-kontribuzzjonijiet m’għandhomx jintużaw sabiex direttament jew indirettament jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ partijiet terzi, b’mod partikolari partiti politiċi nazzjonali jew fondazzjonijiet politiċi f’livell Ewropew jew nazzjonali, kemm jekk fil-forma ta’ għotjiet, donazzjonijiet, self jew kwalunkwe ftehim simili ieħor. Il-kontribuzzjonijiet m’għandhomx jintużaw għal kwalunkwe wieħed mill-iskopijiet esklużi mill-Artikolu 22 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

4.   Il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għall-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali, skont il-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

5.   Il-kontribuzzjonijiet għandhom jingħataw mill-Parlament Ewropew fuq bażi annwali u għandhom jiġu ppubblikati f’konformità mal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-Regolament u mal-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

6.   Il-partiti politiċi Ewropej li jirċievu kontribuzzjoni ma għandhomx jirċievu direttament jew indirettament finanzjament ieħor mill-baġit. B’mod partikolari, id-donazzjonijiet mill-baġits tal-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew għandhom jiġu pprojbiti. Fl-ebda ċirkostanza element ta’ nfiq ma jista’ jiġi ffinanzjat darbtejn mill-baġit.

Artikolu 204c

Aspetti baġitarji

Il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu mit-taqsima tal-baġit tal-Parlament Ewropew. L-approprjazzjonijiet imwarrba għall-korpi jew l-esperti ta’ awditjar esterni indipendenti msemmijin fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 għandhom jiġu addebitati direttament lill-baġit tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 204d

Sejħa għal kontribuzzjonijiet

1.   Il-kontribuzzjonijiet għandhom jingħataw permezz ta’ sejħa għal kontribuzzjonijiet ippubblikata ta’ kull sena, tal-inqas fuq il-websajt tal-Parlament Ewropew.

2.   Partit politiku Ewropew jista’ jingħata biss kontribuzzjoni waħda fis-sena.

3.   Partit politiku Ewropew jista’ jirċievi kontribuzzjoni biss jekk japplika għal finanzjament skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet.

4.   Is-sejħa għal kontribuzzjonijiet għandha tiddetermina l-kriterji ta’ eliġibbilità li jridu jiġu sodisfatti mill-applikant, kif ukoll il-kriterji ta’ esklużjoni.

5.   Is-sejħa għal kontribuzzjonijiet għandha tiddetermina, mill-anqas, in-natura tan-nefqa li tista’ tiġi rimborżata mill-kontribuzzjoni.

6.   Is-sejħa għal kontribuzzjonijiet għandha tirrikjedi stima ta’ baġit.

Artikolu 204e

Proċedura ta’ għoti

1.   L-applikazzjonijiet għal kontribuzzjonijiet għandhom jintbagħtu fiż-żmien dovut bil-miktub, inkluż, fejn xieraq, f’format elettroniku sikur.

2.   Il-kontribuzzjonijiet ma jistgħux jingħataw lill-applikanti li, fil-mument ta’ proċedura għall-għoti ta’ kontribuzzjoni, ikunu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 106(1), 107 u 109(1)(a), kif ukoll dawk li jkunu rreġistrati fil-bażi tad-data ċentrali tal-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 108.

3.   L-applikanti għandhom ikunu meħtieġa li jiċċertifikaw li huma ma jkunux jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2.

4.   Il-kontribuzzjonijiet għandhom jingħataw permezz ta’ ftehim jew deċiżjoni ta’ kontribuzzjoni, kif speċifikat fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet.

5.   L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jista’ jkun megħjun minn kumitat biex jevalwa u jistabbilixxi l-ftehim jew deċiżjoni ta’ kontribuzzjoni. L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jispeċifika, bir-rispett dovut għall-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali, ir-regoli dwar is-sura, il-ħatra u l-funzjonament ta’ dan il-kumitat, u r-regoli għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interessi.

Artikolu 204f

Proċedura ta’ evalwazzjoni

1.   L-applikazzjonijiet għandhom jintgħażlu abbażi tal-kriterji għall-għotja stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 minn fost l-applikazzjonijiet li jkunu konformi mal-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ esklużjoni.

2.   Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet sabiex applikant ikun f’qagħda li jirċievi kontribuzzjoni skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

3.   Id-deċiżjoni tal-uffiċjal awtorizzanti responsabbli dwar l-applikazzjonijiet għandha tiddikjara mill-inqas:

(a)

is-suġġett u l-ammont kumplessiv tal-kontribuzzjoni;

(b)

l-isem tal-applikanti magħżula u l-ammonti aċċettati;

(c)

l-ismijiet ta’ kwalunkwe applikazzjoni miċħuda u r-raġunijiet għal dik iċ-ċaħda.

4.   L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jinforma lill-applikanti bil-miktub bid-deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet tagħhom. Jekk l-applikazzjoni għall-finanzjament tiġi miċħuda jew l-ammonti mitluba ma jingħatawx kemm parzjalment jew kompletament, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jagħti r-raġunijiet għaliex l-applikazzjoni ma ntlaqgħetx jew għaliex l-ammonti mitluba ma ngħatawx, b’mod partikolari b’referenza għall-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ għoti msemmija fil-paragrafi 1 u 2. Jekk l-applikazzjoni tiġi miċħuda, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jinforma lill-applikant dwar il-mezzi disponibbli għal rimedju amministrattiv u/jew ġudizzjarju kif previst mill-Artikolu 97 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 204g

Forom ta’ kontribuzzjonijiet

1.   Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jieħdu kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

rimborż ta’ perċentwal tal-ispejjeż rimborżabbli li jkunu realment iġġarrbu;

(b)

ir-rimborż abbażi ta’ kostijiet unitarji;

(c)

somom f’daqqa;

(d)

finanzjament b’rata fissa;

(e)

taħlita tal-forom imsemmijin fil-punti (a) sa (d).

2.   Tista’ tiġi rimburżata biss in-nefqa li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fis-sejħiet għal kontribuzzjonijiet u li ma tkunx iġġarrbet qabel id-data meta titressaq l-applikazzjoni.

Artikolu 204h

Regoli dwar il-kontribuzzjonijiet

1.   Kost unitarju għandu jkopri il-kategoriji speċifiċi kollha jew ċerti kategoriji speċifiċi ta’ nfiq rimborżabbli, li jkunu identifikati b’mod ċar minn qabel b’referenza għal ammont għal kull unità.

2.   Is-somom f’daqqa għandhom ikopru, f’termini globali, ċerta nefqa meħtieġa għat-twettiq ta’ attività speċifika tal-partit politiku Ewropew. Is-somom f’daqqa għandhom jintużaw biss flimkien ma’ forom oħra ta’ kontribuzzjonijiet.

3.   Il-finanzjament b’rata fissa għandu jkopri kategoriji speċifiċi ta’ nfiq rimborżabbli li jkunu identifikati b’mod ċar minn qabel, billi jiġi applikat perċentwal.

4.   Fejn jintużaw somom f’daqqa, finanzjamenti b’rata fissa jew kostijiet unitarji, dawn għandhom jiġu definiti fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet flimkien mal-ammonti u r-rati rispettivi tagħhom, fejn ikun applikabbli. Is-sejħa għal kontribuzzjonijiet għandha tinkludi wkoll deskrizzjoni tal-metodi biex jiġu stabbiliti s-somom f’daqqa, il-finanzjamenti b’rata fissa jew il-kostijiet unitarji, li għandhom ikunu bbażati fuq mezzi oġġettivi bħal data statistika, data storika ċertifikata jew awditjabbli tal-partiti politiċi Ewropej jew il-prattiki tas-soltu tagħhom biex jikkontabilizzaw l-ispejjeż. Il-ftehim jew deċiżjoni ta’ kontribuzzjoni għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu li jkun ivverifikat li ġew irrispettati l-kundizzjonijiet għall-għoti tas-somom f’daqqa, il-finanzjament b’rata fissa jew il-kostijiet unitarji.

Artikolu 204i

Prefinanzjament

Il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu kompletament permezz ta’ ħlas fil-forma ta’ prefinanzjament wieħed, ħlief jekk, f’każijiet iġġustifikati kif dovut, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jiddeċiedi mod ieħor.

Artikolu 204j

Garanziji

L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jista’, jekk iqis li dan ikun xieraq u proporzjonat, abbażi ta’ kull każ individwalment u b’mod soġġett għal analiżi tar-riskji, jirrikjedi li l-partit politiku Ewropew jiddepożita garanzija bil-quddiem sabiex jillimita r-riskji finanzjarji marbuta mal-pagament tal-prefinanzjament biss meta, fid-dawl tal-analiżi tar-riskji tiegħu, il-partit politiku Ewropew ikun f’riskju imminenti li jkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-punti (a) u (d) tal-Artikolu 106(1) ta’ dan ir-Regolament, jew meta deċiżjoni tal-Awtorità għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej stabbilita skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 ('l-Awtorità') tkun ġiet ikkomunikata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 10(4) ta’ dak ir-Regolament.

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 134 ta’ dan ir-Regolament dwar il-garanzija ta’ prefinanzjament għall-għotjiet għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-garanziji li jistgħu jkunu rikjesti fil-każijiet previsti fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu għall-ħlasijiet ta’ prefinanzjament magħmulin lill-partiti politiċi Ewropej.

Artikolu 204k

Użu tal-kontribuzzjonijiet

1.   Il-kontribuzzjonijiet għandhom jintefqu bi qbil mal-Artikolu 204b.

2.   Kwalunkwe parti mill-kontribuzzjoni li ma tkunx intefqet fis-sena finanzjarja koperta minn dik il-kontribuzzjoni (sena n) għandha tintefaq fuq kwalunkwe nefqa rimborżabbli li tkun iġġarrbet sal-31 ta’ Diċembru tas-sena n+1. Kwalunkwe parti li jifdal tal-kontribuzzjoni li ma tkunx intefqet sa dak il-limitu ta’ żmien għandha tiġi irkuprata skont il-Kapitolu 5 tat-Titolu IV tal-Ewwel Parti.

3.   Il-partiti politiċi Ewropej għandhom jirrispettaw ir-rata ta’ kofinanzjament massima stabbilita fl-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014. L-ammonti li jkun għad fadal mill-kontribuzzjonijiet tas-sena preċedenti ma jistgħux jintużaw għall-finanzjament tal-parti li l-partiti politiċi Ewropej iridu jipprovdu mir-riżorsi proprji tagħhom. Il-kontribuzzjonijiet mingħand partijiet terzi għal avvenimenti konġunti ma għandhomx jiġu jitqiesu li huma parti mir-riżorsi proprji ta’ partit politiku Ewropew.

4.   Il-partiti politiċi Ewropej għandhom jużaw il-parti tal-kontribuzzjoni li ma tkunx intużat fis-sena finanzjarja koperta mill-kontribuzzjoni, qabel ma jużaw il-kontribuzzjonijiet mogħtija wara dik is-sena.

5.   Kull imgħax iġġenerat mill-ħlasijiet ta’ prefinanzjament, għandu jiġi kkunsidrat bħala parti mill-kontribuzzjoni.

Artikolu 204l

Rapport dwar l-użu tal-kontribuzzjonijiet

1.   Il-partit politiku Ewropew għandu, f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jippreżenta r-rapport annwali tiegħu dwar l-użu tal-kontribuzzjoni u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tiegħu għall-approvazzjoni lill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli.

2.   Ir-rapport ta’ attività annwali msemmi fl-Artikolu 66(9) ta’ dan ir-Regolament għandu jkun abbozzat mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli abbażi tar-rapport annwali u tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Jistgħu jintużaw provi dokumentarji oħra għall-għanijiet tal-abbozzar ta’ dak ir-rapport.

Artikolu 204m

Pagament tal-bilanċ

1.   L-ammont tal-kontribuzzjoni m’għandux isir finali sakemm tingħata l-approvazzjoni tar-rapport annwali u tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali imsemmija fl-Artikolu 204l(1) mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli. L-approvazzjoni tar-rapport annwali u tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali għandhom ikunu bla ħsara għall-verifiki sussegwenti mill-Awtorità.

2.   Kwalunkwe ammont mill-prefinanzjament li ma jkunx intefaq m’għandux isir finali sakemm ma jkunx intuża mill-partit politiku Ewropew biex iħallas in-nefqa rimborżabbli li tissodisfa l-kriterji definiti fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet.

3.   Meta l-partit politiku Ewropew jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu relatati mal-użu tal-kontribuzzjoni, il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu sospiżi, imnaqqsa jew mitmuma wara li l-partit politiku Ewropew ikun ingħata l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

4.   L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jivverifika, qabel joħroġ il-pagament tal-bilanċ, li l-partit politiku Ewropew ikun għadu rreġistrat fir-Reġistru msemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 u li ma kienx is-suġġett ta’ waħda mill-penalitajiet previsti fl-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament bejn id-data tal-applikazzjoni tiegħu u tmiem is-sena finanzjarja koperta mill-kontribuzzjoni.

5.   Meta l-partit politiku Ewropew ma jkunx għadu rreġistrat fir-Reġistru msemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jew kien is-suġġett ta’ waħda mill-penalitajiet previsti fl-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jista’ jissospendi, inaqqas jew itemm il-kontribuzzjoni kif ukoll jirkupra l-ammonti li jkunu tħallsu b’mod indovut skont il-ftehim jew id-deċiżjoni ta’ kontribuzzjoni, b’mod proporzjonat għall-gravità tal-iżbalji, l-irregolaritajiet, il-frodi jew ksur ieħor tal-obbligi relatati mal-użu tal-kontribuzzjoni, wara li l-partit politiku Ewropew ikun ingħata l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

Artikolu 204n

Kontroll u penalitajiet

1.   Kull ftehim jew deċiżjoni ta’ kontribuzzjoni għandhom jipprevedu speċifikament li l-Parlament Ewropew, l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-poteri tagħhom ta’ kontroll, fuq id-dokumenti u fuq il-proprjetà, fuq il-partiti politiċi Ewropej kollha, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi li jkunu rċevew finanzjament tal-Unjoni.

2.   Penalitajiet amministrattivi u finanzjarji li jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi jistgħu jiġu imposti fuq applikanti mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, bi qbil mal-Artikolu 109 ta’ dan ir-Regolament u mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

3.   Il-penalitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jiġu imposti wkoll fuq il-partiti politiċi Ewropej li, fil-mument meta jippreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni jew wara li jkunu rċevew il-kontribuzzjoni, għamlu dikjarazzjonijiet foloz meta taw l-informazzjoni mitluba mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jew naqqsu milli jagħtu tali informazzjoni.

Artikolu 204o

Żamma ta’ rekords

1.   Il-partiti politiċi Ewropej għandhom iżommu r-rekords u l-provi dokumentarji kollha marbuta mal-kontribuzzjoni għal ħames snin wara l-preżentazzjoni tar-rapport annwali u tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali msemmija fl-Artikolu 204l(1).

2.   Ir-rekords relatati ma’ awditjar, appelli, litigazzjonijiet jew is-saldu ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw mill-użu tal-kontribuzzjoni għandhom jinżammu sa tmiem tali awditjar, appelli, litigazzjonijiet jew saldu ta’ pretensjonijiet.

Artikolu 204p

Għażla tal-korpi ta’ awditjar jew l-esperti esterni

Il-korpi ta’ awditjar jew l-esperti esterni indipendenti msemmijin fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 għandhom jintgħażlu permezz ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku. It-tul tal-kuntratt tagħhom m’għandux ikun aktar minn ħames snin. Wara li l-kuntratt ikun iġġedded darbtejn konsekuttivi, għandu jitqies li dawn għandhom interessi konfliġġenti li jistgħu jolqtu negattivament il-prestazzjoni tal-awditjar.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2017. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 125(3), u l-Artikolu 125(6) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, fil-verżjoni tagħhom qabel l-emendi magħmula bl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, għandhom jibqgħu japplikaw fir-rigward ta’ atti magħmula u impenji fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi f’livell Ewropew sal-31 ta’ Diċembru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Ottubru 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

B. DELLA VEDOVA


(1)  ĠU C 4, 8.1.2014, p. 1.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Settembru 2014.

(3)  ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1.

(4)  ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 46.

(5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


4.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/35


REGOLAMENT (UE) Nru 1143/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta' Ottubru 2014

dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-feġġ ta' speċijiet aljeni, sew jekk ta' annimali, pjanti, fungi jew ta' mikroorganiżmi, f'postijiet ġodda mhux dejjem jikkawża tħassib. Madankollu, sottokategorija sinifikanti ta' speċijiet aljeni tista' ssir invażiva u jkollha impatt negattiv serju fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema relatati magħha, kif ukoll ikollha impatti soċjali u ekonomiċi oħrajn, li għandhom jiġu prevenuti. Madwar 12 000 speċi fl-ambjent fl-Unjoni u f'pajjiżi Ewropej oħra hija aljena, u minnhom huwa stmat li madwar 10 sa 15% huma invażivi.

(2)

L-ispeċijiet aljeni invażivi jirrappreżentaw waħda mit-theddidiet ewlenin għall-bijodiversità u s-servizzi relatati tal-ekosistema, speċjalment f'ekosistemi iżolati mil-lat ġeografiku u mil-lat evoluzzjonarju, bħal gżejjer żgħar. Ir-riskji imposti minn dawn l-ispeċijiet jistgħu jikbru minħabba iktar kummerċ globali, trasport, turiżmu u t-tibdil fil-klima.

(3)

It-theddida imposta mill-ispeċijiet aljeni invażivi għall-bijodiversità u għas-servizzi relatati tal-ekosistema tieħu xejriet differenti, inklużi impatti severi fuq speċijiet nattivi u l-istruttura u l-funzjoni tal-ekosistema b'tibdil tal-ħabitat, il-predazzjoni, il-kompetizzjoni, it-trażmissjoni tal-mard, is-sostituzzjoni ta' speċijiet nattivi f'parti konsiderevoli f'termini ta' firxa u minħabba effetti ġenetiċi tal-ibridazzjoni. Barra minn hekk, l-ispeċijiet aljeni invażivi jista' jkollhom ukoll impatt negattiv konsiderevoli fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ekonomija. Huma biss l-eżemplari ħajjin, u partijiet li jistgħu jirriproduċu, li jirrappreżentaw theddida għall-bijodiversità u s-servizzi relatati tal-ekosistema, għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ekonomija, u għalhekk dawk biss għandhom ikunu soġġetti għar-restrizzjonijiet taħt dan ir-Regolament.

(4)

L-Unjoni, bħala Parti għall-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE (3), hi marbuta mill-Artikolu 8(h) ta' dik il-Konvenzjoni, li taħthom kull Parti għandha, kemm jista' jkun u fejn xieraq, 'timpedixxi d-dħul ta’, tikkontrolla jew teqred dawk l-ispeċijiet aljeni li jheddu lil ekosistemi, ambjenti jew speċijiet'.

(5)

L-Unjoni, bħala Parti għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni ta' Annimali Slavaġ u Ambjenti Naturali Ewropej, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE (4), impenjat ruħha li tieħu l-miżuri adatti kollha biex tiżgura l-konservazzjoni tal-ħabitats tal-ispeċijiet ta' flora u fawna selvaġġi.

(6)

Biex jgħin jinkisbu l-għanijiet tad-Direttivi 2000/60/KE (5), 2008/56/KE (6) u 2009/147/KE (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttiva 92/43/KEE tal-Kunsill (8), dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, minimizzazzjoni u mitigazzjoni tal-effetti negattivi tal-ispeċijiet aljeni invażivi fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema relatati u fuq is-saħħa tal-bniedem u s-sigurtà, kif ukoll biex jitnaqqas l-impatt soċjali u ekonomiku tagħhom.

(7)

Ċerti speċijiet jemigraw b'mod naturali bħala rispons għal bidliet ambjentali. Dawn m'għandhomx jitqiesu bħala speċijiet aljeni fl-ambjent il-ġdid tagħhom u għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament għandu jiffoka biss fuq speċijiet introdotti fl-Unjoni bħala konsegwenza tal-intervent tal-bniedem.

(8)

Attwalment hemm aktar minn 40 att leġiżlattiv tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali li jinkludu dispożizzjonijiet dwar mard tal-annimali. Barra minn hekk, id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (9) tinkludi dispożizzjonijiet dwar organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti, u d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) li tistabbilixxi r-reġim applikabbli għall-organiżmi modifikati ġenetikament. Għaldaqstant, kwalunkwe regola ġdida dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi għandha tiġi allinjata ma' dawk l-atti leġiżlattivi u mhux tidduplikahom, tal-Unjoni u m'għandhiex tapplika għall-organiżmi fil-mira ta' dawk l-atti leġiżlattivi.

(9)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1107/2009 (11) u (UE) Nru 528/2012 (12) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 (13) jipprevedu reġoli rigward l-awtorizzazzjoni għall-użu ta' ċerti speċijiet aljeni għal-finijiet partikolari. L-użu ta’ ċerti speċijiet kien diġà awtorizzat taħt dawk ir-reġimi meta daħal fis-seħħ dan ir-Regolament. Sabiex ikun żgurat qafas legali koerenti, l-ispeċijiet użati għal dawk il-finijiet għandhom għalhekk jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(10)

Minħabba li hemm għadd kbir ta' speċijiet aljeni invażivi, huwa importanti li jiġi żgurat li tingħata prijorità għall-indirizzar tas-sottokategorija ta' speċijiet aljeni invażivi li jitqiesu li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni. Għaldaqstant għandha tiġi stabbilita, u għandha tiġi aġġornata regolarment, lista ta' dawn l-ispeċijiet aljeni invażivi li jitqiesu li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni ('il-lista tal-Unjoni'). Speċi aljena invażiva għandha titqies li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni jekk il-ħsara li hija tikkawża fl-Istati Membri milquta hija tant sinifikanti li tiġġustifika l-adozzjoni ta' miżuri ddedikati applikati madwar l-Unjoni kollha, inkluż fi Stati Membri li ma jkunux għadhom intlaqtu jew li aktarx ma jintlaqtux. Sabiex jiġi żgurat li l-identifikazzjoni ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni tibqa' proporzjonata, il-lista tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita u gradwalment aġġornata u tkun iffokata fuq dawk l-ispeċijiet li l-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-Unjoni, tevita, timminimizza jew ittaffi l-impatt negattiv ta' dawk l-ispeċijiet b'mod kosteffiċjenti. Billi speċijiet fl-istess grupp tassonomiku sikwit ikollhom ħtiġijiet ekoloġiċi simili u jistgħu jippreżentaw riskju simili, l-inklużjoni ta' gruppi tassonomiċi ta' speċijiet fil-lista tal-Unjoni għandha tkun permessa, fejn ikun il-każ.

(11)

Il-kriterji għall-inklużjoni fil-lista tal-Unjoni huma l-istrument prinċipali għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Sabiex jiġi żgurat l-użu effettiv tar-riżorsi, dawk il-kriterji għandhom jiżguraw li, fost l-ispeċijiet aljeni invażivi potenzjali magħrufin attwalment, jiġu elenkati dawk li jkollhom l-aktar impatt negattiv sinifikanti. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-kumitat stabbilit minn dan ir-Regolament proposta għal lista tal-Unjoni li tkun ibbażata fuq dawk il-kriterji fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Meta tipproponi l-lista tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lil dak il-kumitat dwar kif hija ħadet kont ta' dawk il-kriterji. Il-kriterji għandhom jinkludu valutazzjoni tar-riskju skont id-dispożizzjonijiet applikabbli taħt il-Ftehimiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar it-tqegħid ta' restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tal-ispeċijiet.

(12)

Sabiex jiġu evitati spejjeż sproporzjonati jew eċċessivi għal kwalunkwe Stat Membru u sabiex jiġi ssalvagwardjat il-valur miżjud tal-azzjoni tal-Unjoni permezz ta' dan ir-Regolament, meta tipproponi l-lista tal-Unjoni u l-miżuri konsegwenzjali, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-ispiża tal-implimentazzjoni għall-Istati Membri, l-ispiża relatata man-nuqqas ta' azzjoni, il-kosteffettività u l-aspetti soċjoekonomiċi,. F'dan il-kuntest, meta jintgħażlu l-ispeċijiet aljeni invażivi li għandhom jiġu inklużi fil-lista tal-Unjoni, għandha tingħata attenzjoni speċjali lil speċijiet li huma użati ħafna u li jipprovdu benefiċċji soċjali u ekonomiċi sinifikattivi fi Stat Membru, mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi ta' dan ir-Regolament.

(13)

Sabiex tkun żgurata l-konformità mar-regoli taħt il-Ftehimiet rilevanti tad-WTO u l-applikazzjoni koerenti ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu stabbiliti kriterji komuni biex titwettaq il-valutazzjoni tar-riskju. Fejn ikun il-każ, dawk il-kriterji għandhom ikunu bbażati fuq standards nazzjonali u internazzjonali eżistenti adatti u għandhom jinkludu aspetti differenti tal-karatteristiċi tal-ispeċijiet, ir-riskju u l-metodi tal-introduzzjoni fl-Unjoni, l-impatt negattiv fuq is-soċjetà, l-ekonomija u l-bijodiversità ta' dawn l-ispeċijiet, il-benefiċċji potenzjali tal-użu u l-ispejjeż marbutin mal-mitigazzjoni sabiex jitqabblu mal-impatti negattivi, kif ukoll fuq valutazzjoni tal-ispejjeż potenzjali tad-dannu ambjentali, soċjali u ekonomiku li turi s-sinifikat għall-Unjoni, sabiex l-azzjoni tkun aktar ġustifikata. Sabiex is-sistema tkun żviluppata progressivament u tibni fuq l-esperjenza miksuba, l-approċċ ġenerali għandu jkun evalwat sal-1 ta' Ġunju 2021.

(14)

Ċerti speċijiet aljeni invażivi huma inklużi fl-Anness B tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 (14), u l-importazzjoni tagħhom fl-Unjoni hi projbita peress li tkun ġiet rikonoxxuta n-natura invażiva tagħhom u l-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni jkollha impatt negattiv fuq l-ispeċijiet nattivi. Dawk l-ispeċijiet huma: Callosciurus erythraeus, Sciurus carolinensis, Oxyura jamaicensis, Lithobates (Rana) catesbeianus, Sciurus niger, Chrysemys picta, Trachemys scripta elegans. Sabiex ikun żgurat qafas legali koerenti u regoli uniformi dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi fil-livell tal-Unjoni, l-elenkar fil-lista ta' dawk l-ispeċijiet aljeni invażivi bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni għandu jitqies bħala kwistjoni ta' prijorità.

(15)

Ġeneralment, mill-perspettiva ambjentali, il-prevenzjoni hi aktar mixtieqa u kosteffettiva minn reazzjoni wara l-okkorrenza tal-fatt u għandha tingħata prijorità. Għaldaqstant, għandha tingħata prijorità lill-elenkar ta' speċijiet aljeni invażivi li għadhom mhumiex preżenti fit-territorju tal-Unjoni jew li għadhom fi stadju bikri ta' invażjoni u ta' speċijiet aljeni invażivi li x'aktarx li jkollhom l-impatti negattivi l-aktar sinifikanti. Billi speċijiet aljeni invażivi ġodda jistgħu jiġu introdotti kontinwament fl-Unjoni u l-ispeċijiet aljeni preżenti qed jinxterdu u jestendu d-distribuzzjoni tagħhom, hemm bżonn li jkun żgurat li l-lista tal-Unjoni tiġi riveduta kontinwament u tinżamm aġġornata.

(16)

Għandha tiġi esplorata l-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri li jkollhom tħassib dwar l-istess speċijiet li ma jkunux jistgħu jistabbilixxu popolazzjoni vijabbli f'parti kbira tal-Unjoni. Fejn l-objettivi ta' dan ir-Regolament jinkisbu aħjar permezz ta' miżuri fil-livell tal-Unjoni, dawn l-ispeċijiet jistgħu jiġu inklużi wkoll fi l-lista tal-Unjoni.

(17)

Huwa kunsiljabbli li, fil-ħidma lejn l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jittieħed kont tas-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni ultraperiferiċi, u b'mod partikolari l-periferiċità u l-insularità tagħhom u l-uniċità tal-bijodiversitajiet rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti taħt dan ir-Regolament tat-teħid ta' miżuri restrittivi u preventivi relatati ma' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni għandhom jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi, kif iddefinit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), billi jittieħed kont tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew 2010/718/UE (15) u 2012/419/UE (16).

(18)

Ir-riskji u t-tħassib li huma assoċjati mal-ispeċijiet aljeni invażivi jirrappreżentaw sfida transkonfinali li tolqot lill-Unjoni Ewropea kollha. Għaldaqstant huwa essenzjali li tkun adottata projbizzjoni fil-livell tal-Unjoni fuq l-introduzzjoni intenzjonata jew negliġenti fl-Unjoni, ir-riproduzzjoni, it-tkabbir, it-trasport, ix-xiri, il-bejgħ, l-użu, l-iskambju, iż-żamma u r-rilaxx ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni sabiex ikun żgurat li tittieħed azzjoni bikrija u konsistenti madwar l-Unjoni sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet fis-suq intern u biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn l-azzjoni meħuda f'wieħed mill-Istati Membri tiġi pperikolata min-nuqqas ta' azzjoni fi Stat Membru ieħor.

(19)

Bil-ħsieb li jsiru attivitajiet ta' riċerka xjentifika u ta' konservazzjoni ex situ, hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għall-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni soġġetti għal dawk l-attivitajiet. Dawk l-attivitajiet għandhom jitwettqu f'faċilitajiet magħluqa fejn l-organiżmi jkunu f'faċilità kkonfinata u jittieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex tiġi evitata l-ħarba jew ir-rilaxx illegali ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni. Fejn ikun awtorizzat mill-Kummissjoni f'każijiet eċċezzjonali debitament motivati ta' interess pubbliku prevalenti, għandu jkun possibbli li dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal ċerti attivitajiet oħrajn, inklużi attivitajiet kummerċjali. Meta jiġu implimentati dawk ir-regoli, għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv fuq speċijiet u ħabitats protetti, f'konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni.

(20)

Jista' jkun hemm każijiet fejn speċijiet aljeni li ma jkunux għadhom ġew rikonoxxuti bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni jidhru fil-fruntieri tal-Unjoni jew jiġu identifikati fit-territorju tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jadottaw ċerti miżuri ta' emerġenza abbażi tal-evidenza xjentifika disponibbli. Dan it-tip ta’ miżuri ta’ emerġenza jippermetti reazzjoni immedjata kontra speċijiet aljeni invażivi li jistgħu jikkawżaw riskju marbut mal-introduzzjoni, l-istabbiliment u t-tixrid tagħhom f’dawk il-pajjiżi, filwaqt li l-Istati Membri jivvalutaw ir-riskji attwali kkawżati minnhom, f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Ftehimiet rilevanti tad-WTO, partikolarment bl-għan li dawk l-ispeċijiet jiġu rikonoxxuti bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni. Jeħtieġ li l-miżuri ta’ emerġenza nazzjonali jingħaqdu mal-possibbiltà tal-adozzjoni ta' miżuri ta’ emerġenza fil-livell tal-Unjoni sabiex ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet rilevanti tad-WTO. Barra minn hekk, bil-miżuri ta' emerġenza fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tkun mgħammra b'mekkaniżmu biex taġixxi bil-ħeffa f'każ ta' preżenza jew periklu imminenti ta' dħul ta' speċi aljena invażiva ġdida skont il-prinċipju ta' prekawzjoni.

(21)

Proporzjon kbir mill-ispeċijiet aljeni invażivi huwa introdott fl-Unjoni b'mod mhux intenzjonat. Għalhekk huwa essenzjali li d-direzzjonijiet tal-introduzzjoni mhux intenzjonata jkunu ġestiti b'mod aktar effettiv. Jinħtieġ li l-azzjoni f'dan il-qasam tkun gradwali, billi l-esperjenza f'dan il-qasam hija relattivament limitata. L-azzjoni għandha tinkludi miżuri volontarji, bħall-azzjonijiet proposti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali fil-Linji Gwida għall-Kontroll u l-Ġestjoni ta' Organiżmi Bijoloġiċi mhux mixtieqa fuq il-Bastimenti, u miżuri obbligatorji. L-azzjoni għandha tibni fuq l-esperjenza miksuba fl-Unjoni u fl-Istati Membri fil-ġestjoni ta' ċerti direzzjonijiet, inklużi miżuri stabbiliti permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Kontroll u l-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra u tas-Sedimenti tal-Bastimenti adottati fl-2004. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi kollha adatti biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jirratifikaw dik il-Konvenzjoni.

(22)

Sabiex tiġi żviluppata bażi ta' għarfien xierqa biex jiġu indirizzati l-problemi kkawżati mill-ispeċijiet aljeni invażivi, huwa importanti li l-Istati Membri jagħmlu r-riċerka, il-monitoraġġ u s-sorveljanza ta' dawn l-ispeċijiet. Billi s-sistemi ta' sorveljanza joffru l-aktar mezzi xierqa għall-identifikazzjoni bikrija tal-ispeċijiet aljeni invażivi ġodda u għad-determinazzjoni tad-distribuzzjoni tal-ispeċijiet li diġà huma stabbiliti, dawk is-sistemi għandhom jinkludu stħarriġ ġenerali kif ukoll immirat u jibbenefikaw mill-involviment ta' setturi u partijiet interessati differenti, inklużi l-komunitajiet reġjonali u lokali. Is-sistemi ta' sorveljanza għandhom jimplikaw li tingħata attenzjoni kontinwa lil kwalunkwe speċi aljena invażiva ġdida kullimkien fl-Unjoni u għandu jkollhom l-għan li tingħata stampa effettiva u sħiħa fil-livell tal-Unjoni. Fl-interess tal-effiċjenza u tal-kosteffettività, għandhom jiġu applikati s-sistemi eżistenti ta' kontroll, sorveljanza u monitoraġġ doganali li diġà ġew stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk stabbiliti fid-Direttivi 92/43/KEE, 2000/60/KE, 2008/56/KE u 2009/147/KE.

(23)

Għandhom isiru kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-pjanti biex tiġi evitata l-introduzzjoni intenzjonata tal-ispeċijiet aljeni invażivi. L-annimali u l-pjanti ħajjin għandhom jiddaħħlu fl-Unjoni biss permezz ta' entitajiet ta' kontroll f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), u d-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE (18) u 97/78/KE (19) jew punti ta' dħul f'konformità mad-Direttiva 2000/29/KE. Sabiex ikun żgurat it-titjib fl-effiċjenza u jiġi evitat il-ħolqien ta' sistemi paralleli ta' kontrolli doganali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw jekk dawk l-ispeċijiet humiex speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni mal-wasla fl-ewwel entità ta' kontroll fuq il-fruntiera jew punt ta' dħul.

(24)

Wara l-introduzzjoni tal-ispeċijiet aljeni invażivi, il-miżuri ta' identifikazzjoni bikrija u qerda rapida huma kruċjali biex jiġi evitat l-istabbiliment u t-tixrid tagħhom. Spiss, l-aktar rispons effettiv u kosteffiċjenti huwa l-qerda tal-popolazzjoni, mill-aktar fis possibbli, waqt li l-għadd ta' eżemplari jkun għadu limitat. F'każ li l-qerda ma tkunx fattibbli jew l-ispejjeż tal-qerda jkunu akbar mill-benefiċċji ambjentali, soċjali u ekonomiċi fuq perijodu fit-tul, għandhom jiġu applikati miżuri ta' konteniment u kontroll. Il-miżuri ta' ġestjoni għandhom ikunu proporzjonati għall-impatt fuq l-ambjent u għandu jittieħed kont dovut tal-kondizzjonijiet bijoġeografiċi u klimatiċi tal-Istat Membru kkonċernat.

(25)

Il-miżuri ta' ġestjoni għandhom jevitaw kwalunkwe impatt negattiv fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem. Filwaqt li f'xi każijiet ikunu meħtieġa l-qerda u l-ġestjoni ta’ xi speċijiet aljeni invażivi li jkunu annimali, dan jista' jikkawża uġigħ, tensjoni, biża’ jew forom oħra ta’ tbatija għall-annimali, saħansitra meta jintużaw l-aqwa mezzi tekniċi disponibbli. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri u kwalunkwe operatur involut fil-qerda, fil-kontroll jew fil-konteniment tal-ispeċijiet aljeni invażivi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex l-annimali jiġu protetti minn kull uġigħ, tensjoni u tbatija evitabbli matul il-proċess, billi, kemm jista' jkun, jikkunsidraw l-aqwa prattiki fil-qasam, pereżempju l-Prinċipji Gwida dwar il-Benessri tal-Annimali żviluppati mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali. Għandhom jiġu kkunsidrati metodi mhux letali u kwalunkwe azzjoni li tittieħed għandha timminimizza l-impatt fuq speċijiet mhux fil-mira.

(26)

B'mod ġenerali, l-ispeċijiet aljeni invażivi jikkawżaw ħsara fl-ekosistemi u jnaqqsu r-reżiljenza ta' dawk l-ekosistemi. Għalhekk għandhom jittieħdu miżuri proporzjonati ta' restawr sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistemi għall-invażjonijiet, biex tissewwa l-ħsara kkawżata u biex jissaħħaħ l-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats tagħhom f'konformità mad-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE, l-istatus ekoloġiku tal-ilmijiet tal-wiċċ interni, l-ilmijiet tranżizzjonali, l-ilmijiet kostali u l-ilma ta' taħt l-art f'konformità mad- Direttiva 2000/60/KE u l-istatus ambjentali tal-ilmijiet marini f'konformità mad- Direttiva 2008/56/KE. L-ispejjeż marbutin ma' dawn il-miżuri ta' restawr għandhom jiġu rkuprati f'konformità mal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas".

(27)

Il-kooperazzjoni transkonfinali, partikolarment mal-pajjiżi ġirien, u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, partikolarment fl-istess reġjun bijoġeografiku tal-Unjoni għandhom jiġu promossi biex isir kontribut għall-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

(28)

Is-sistema li tindirizza l-ispeċijiet aljeni invażivi għandha tiġi appoġġata minn sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata li tiġbor l-informazzjoni eżistenti dwar l-ispeċijiet aljeni fl-Unjoni u tippermetti l-aċċess għal informazzjoni dwar il-preżenza tal-ispeċijiet, it-tixrid tagħhom, l-ekoloġija tagħhom, l-istorja relatata mal-invażjoni u kull informazzjoni oħra meħtieġa biex jingħata appoġġ fid-deċiżjonijiet ta' politika u ġestjoni u biex jiġi permess ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki.

(29)

Id-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) stabbilixxiet qafas għal konsultazzjoni pubblika f'deċiżjonijiet relatati mal-ambjent. Fid-definizzjoni tal-azzjoni fil-qasam tal-ispeċijiet aljeni invażivi, parteċipazzjoni pubblika effettiva għandha tgħin lill-pubbliku biex jesprimi, u lil min jieħu d-deċiżjonijiet biex jikkunsidra, l-opinjonijiet u t-tħassib li jistgħu jkunu rilevanti għal dawk id-deċiżjonijiet. Dak għandu jżid ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u jikkontribwixxi għall-għarfien pubbliku ta' kwistjonijiet ambjentali u l-appoġġ għad-deċiżjonijiet meħuda.

(30)

Il-parteċipazzjoni tal-komunità xjentifika hija importanti sabiex tiġi provduta bażi ta' għarfien adegwat biex jiġu indirizzati l-problemi li jitqajmu dwar speċijiet aljeni invażivi. Għandu jiġi stabbilit forum xjentifiku ddedikat biex jagħti pariri dwar l-aspetti xjentifiċi relatati mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-istabbiliment u l-aġġornament tal-lista tal-Unjoni, il-valutazzjonijiet tar-riskju, miżuri ta' emerġenza u miżuri ta' qerda rapida.

(31)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni u l-aġġornament tal-lista tal-Unjoni, il-format tad-dokumenti li jservu ta' xhieda għall-permessi, l-adozzjoni ta' miżuri ta' emerġenza fil-livell tal-Unjoni, ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet fl-Istati Membri konċernati fil-każ ta' kooperazzjoni reġjonali msaħħa, iċ-ċaħda tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li ma japplikawx miżuri ta' qerda u l-formati tekniċi għar-rapportar lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

(32)

Sabiex jiġu kkunsidrati l-aktar żviluppi xjentifiċi reċenti fil-qasam ambjentali, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE sabiex tiddetermina l-mod li bih jista' jiġi konkluż li l-ispeċijiet aljeni invażivi huma kapaċi jistabbilixxu popolazzjonijiet vijabbli u jinxterdu, kif ukoll biex tistipula l-elementi komuni għall-iżvilupp tal-valutazzjonijiet tar-riskju. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(33)

Sabiex tiġi ggarantita l-konformità ma' dan ir-Regolament, huwa importanti li l-Istati Membri jimponu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għal ksur filwaqt li jittieħed kont tan-natura u l-gravità tal-ksur, il-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż u l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas".

(34)

Permezz ta' miżuri meħudin taħt dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi fuq id-detenturi jew l-utenti ta' speċijiet aljeni kif ukoll fuq is-sidien u l-inkwilini tal-artijiet ikkonċernati.

(35)

Sabiex is-sidien mhux kummerċjali jkunu jistgħu jibqgħu jżommu l-annimali ta' kumpanija tagħhom li jaqgħu taħt il-lista ta' speċijiet inklużi fil-lista tal-Unjoni sa tmiem il-ħajja tal-annimal imut b'mod naturali, jeħtieġ li jiġu previsti miżuri tranżizzjonali, bil-kondizzjoni li jiġu stabbiliti l-miżuri kollha biex jiġu evitati r-riproduzzjoni jew il-ħarba tagħhom.

(36)

Sabiex l-operaturi kummerċjali, li jista' jkollhom aspettattivi leġittimi, pereżempju dawk li rċevew awtorizzazzjoni f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 708/2007, ikunu jistgħu jużaw il-ħażna tagħhom ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, ikun iġġustifikat li dawn jingħataw sentejn biex ibiċċru, joqtlu b’metodu mhux krudili, ibiegħu jew, fejn ikun rilevanti, jgħaddu l-eżemplari lill-istabbilimenti tar-riċerka jew tal-konservazzjoni ex situ.

(37)

Minħabba li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-prevenzjoni, minimizzazzjoni u mitigazzjoni tal-impatti negattivi tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi fl-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(38)

Għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jżommu fis-seħħ jew jadottaw regoli dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li huma aktar stretti minn dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament u li japplikaw dispożizzjonijiet bħal dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament għall-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni għall-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istat Membru. Kwalunkwe tali miżura għandha tkun kompatibbli mat-TFUE u għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni f'konformità mal-liġi tal-Unjoni,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, minimizzazzjoni u mitigazzjoni tal-impatti negattivi fuq il-bijodiversità tal-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni, kemm intenzjonati kif ukoll mhux intenzjonati, ta' speċijiet aljeni invażivi.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-ispeċijiet aljeni invażivi kollha.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

speċijiet li jbiddlu d-distribuzzjoni naturali tagħhom mingħajr l-intervent tal-bniedem, bħala reazzjoni għal tibdil fil-kondizzjonijiet ekoloġiċi jew tibdil fil-klima;

(b)

organiżmi ġenetikament modifikati kif iddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18/KE;

(c)

il-patoġeni li jikkawżaw mard tal-annimali; għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, mard tal-annimali jfisser okkorrenza ta' infezzjonijiet jew infestazzjonijiet fl-annimali, ikkawżati minn patoġenu wieħed jew aktar, li jistgħu jiġu trażmessi lill-annimali jew lill-bnedmin;

(d)

l-organiżmi li jagħmlu ħsara elenkati fl-Anness I jew fl-Anness II tad-Direttiva 2000/29/KE, jew organiżmi li jagħmlu ħsara li fir-rigward tagħhom ġew adottati miżuri f'konformità mal-Artikolu 16(3) ta'dik id-Direttiva;

(e)

l-ispeċijiet elenkati fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 708/2007 meta dawn jintużaw fl-akkwakultura;

(f)

il-mikroorganiżmi manifatturati jew importati għall-użu fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkunu diġà ġew awtorizzati jew li għalihom tkun qed issir valutazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009; jew

(g)

il-mikroorganiżmi manifatturati jew importati għall-użu fil-prodotti bijoċidali li jkunu diġà ġew awtorizzati jew li għalihom tkun qed issir valutazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“speċi aljena” tfisser kwalunkwe eżemplar ħaj ta' speċi, sottospeċi jew grupp tassonomiku inferjuri ta' annimali, pjanti, fungi jew mikroorġaniżmi introdott barra mid-distribuzzjoni naturali tiegħu; dan jinkludi kwalunkwe parti, gamete, żerriegħa, bajd jew propaguli ta' tali speċi, kif ukoll kwalunkwe speċi ibrida, varjetà jew razza li tista' tgħix u sussegwentement tirriproduċi;

(2)

“speċi aljena invażiva” tfisser speċi aljena li l-introduzzjoni jew it-tixrid tagħha rriżulta li jhedded jew li għandu impatt negattiv fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema relatati magħha;

(3)

“speċi aljena invażiva li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni” tfisser speċi aljena invażiva li l-impatt negattiv tagħha tqies li jeħtieġ azzjoni komuni fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 4(3);

(4)

“speċi aljena invażiva li hija sors ta’ tħassib għall-Istati Membri” tfisser speċi aljena invażiva li ma tkunx waħda li hija sors ta’ tħassib għall-Unjoni, li Stat Membru jikkunsidra, abbażi ta’ evidenza xjentifika, li l-impatt negattiv tar-rilaxx u t-tixrid tagħha, anke fejn mhux aċċertat kompletament, huwa sinifikattiv għat-territorju tiegħu, jew parti minnu, u tkun meħtieġa azzjoni fil-livell ta' dak l-Istat Membru;

(5)

“bijodiversità” tfisser il-varjabbiltà fost organiżmi ħajjin mis-sorsi kollha, inklużi ekosistemi terrestri, marini u akkwatiċi oħrajn u l-kumplessi ekoloġiċi li minnhom jagħmlu parti; dan jinkludi d-diversità fl-ispeċi nnifisha, bejn l-ispeċijiet u tal-ekosistemi;

(6)

“servizzi tal-ekosistema” tfisser il-kontributi diretti jew indiretti tal-ekosistemi għall-benessri tal-bniedem;

(7)

“introduzzjoni” tfisser il-moviment, bħala konsegwenza tal-intervent tal-bniedem, ta' speċi barra d-distribuzzjoni naturali tagħha;

(8)

“riċerka” tfisser ħidma deskrittiva jew sperimentali, li ssir f''kondizzjonijiet regolati sabiex jinkiseb għarfien xjentifiku ġdid jew biex jiġu żviluppati prodotti ġodda, inklużi l-fażijiet inizjali tal-identifikazzjoni, il-karatterizzazzjoni u l-iżolament tal-karatteristiċi ġenetiċi, għajr dawk il-karatteristiċi li jagħmlu speċi invażiva, ta' speċijiet aljeni invażivi biss sa fejn din tkun essenzjali għar-riproduzzjoni ta’ dawk il-karatteristiċi fi speċijiet mhux invażivi;

(9)

“faċilità kkonfinata” tfisser iż-żamma ta' organiżmu f'faċilitajiet magħluqa li minnhom mhumiex possibbli l-ħarba jew it-tixrid;

(10)

“konservazzjoni ex situ” tfisser il-konservazzjoni ta' komponenti ta' diversità bijoloġika barra l-ħabitat naturali tagħhom;

(11)

“direzzjonijiet” tfisser ir-rotot u l-mekkaniżmi tal-introduzzjoni u tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi;

(12)

“identifikazzjoni bikrija” tfisser il-konferma tal-preżenza ta' eżemplari ta' speċi aljena invażiva fl-ambjent qabel ma tinxtered b'mod mifrux;

(13)

“qerda” tfisser it-tneħħija sħiħa u permanenti ta’ popolazzjoni ta’ speċijiet aljeni invażivi b’mezzi letali jew mhux letali;

(14)

“kontroll tal-popolazzjoni” tfisser kwalunkwe azzjoni letali jew mhux letali applikata lil popolazzjoni ta' speċi aljena invażiva, filwaqt li jiġi minimizzat ukoll l-impatt fuq l-ispeċijiet mhux fil-mira u l-ħabitats tagħhom, bl-għan li l-għadd ta' individwi jinżamm baxx kemm jista' jkun, sabiex, filwaqt li ma jkunx possibbli li l-ispeċi tinqered, jiġu mminimizzati l-kapaċità invażiva tagħha u l-impatti negattivi fuq il-bijodiversità, is-servizzi relatati tal-ekosistema, fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija;

(15)

“konteniment” tfisser kwalunkwe azzjoni mmirata biex toħloq ostakli li jimminimizzaw ir-riskju ta' popolazzjoni ta' speċi aljena invażiva li tinfirex u tinxtered lil hinn miż-żona soġġetta għall-invażjoni;

(16)

“tixrid b'mod mifrux” tfisser li l-popolazzjoni ta' speċi aljena invażiva tkun marret lil hinn mill-istadju ta' naturalizzazzjoni, li fih il-popolazzjoni ssostni lilha nnifisha b'mod indipendenti, u tkun inxterdet biex tikkolonizza parti kbira mill-ambjent potenzjali fejn tkun tista' tgħix u tirriproduċi;

(17)

“ġestjoni” tfisser kwalunkwe azzjoni letali jew mhux letali mmirata lejn il-qerda, il-kontroll ta’ popolazzjoni jew il-konteniment ta’ popolazzjoni ta’ speċi aljena invażiva, waqt li jiġi minimizzat ukoll l-impatt fuq speċijiet mhux fil-mira u fuq il-ħabitats tagħhom.

Artikolu 4

Lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni ('il-lista tal-Unjoni'),abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2). L-abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27(1) sat-2 ta’ Jannar 2016.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni komprensiva tal-lista tal-Unjoni għall-inqas kull sitt snin u għandha, sadanittant, taġġornaha, skont il-każ, f'konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 1, permezz:

(a)

taż-żieda ta' speċijiet aljeni invażivi ġodda;

(b)

tat-tneħħija ta' speċijiet elenkati jekk dawn ma jibqgħux jissodisfaw xi wieħed jew aktar mill-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3.

3.   L-ispeċijiet aljeni invażivi għandhom biss jiġu inklużi fil-lista tal-Unjoni jekk jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

jinstab, abbażi ta' evidenza xjentifika disponibbli, li huma aljeni għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea esklużi r-reġjuni ultraperiferiċi;

(b)

jinstab, abbażi ta' evidenza xjentifika disponibbli, li huma kapaċi jistabbilixxu popolazzjoni vijabbli u jinxterdu fl-ambjent taħt kondizzjonijiet attwali u f'kondizzjonijiet klimatiċi prevedibbli f'reġjun bijoġeografiku wieħed kondiviż minn aktar minn żewġ Stati Membri jew subreġjun tal-baħar wieħed esklużi r-reġjuni ultraperiferiċi tagħhom;

(c)

jinstab, abbażi ta' evidenza xjentifika, li x'aktarx ikollhom impatti negattivi sinifikanti fuq il-bijodiversità jew is-servizzi tal-ekosistema relatati magħha, u li jistgħu wkoll ikollhom impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija;

(d)

jintwera permezz ta' valutazzjoni tar-riskju mwettqa f'konformità mal-Artikolu 5(1) li tkun meħtieġa azzjoni konċertata fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi evitat li dawn jiġu introdotti, li jistabbilixxu ruħhom jew li jinfirxu;

(e)

x'aktarx li l-inklużjoni fil-lista tal-Unjoni ser tevita, timminimizza jew timmitiga b'mod effettiv l-impatti negattivi tagħhom.

4.   L-Istati Membri jistgħu jippreżentaw talbiet lill-Kummissjoni għall-inklużjoni ta' speċijiet aljeni invażivi fil-lista tal-Unjoni. Dawk it-talbiet għandhom jinkludu dawn kollha li ġejja:

(a)

l-isem tal-ispeċijiet;

(b)

valutazzjoni tar-riskju mwettqa f'konformità mal-Artikolu 5(1);

(c)

evidenza li jiġu sodisfatti l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

5.   Il-lista tal-Unjoni għandha tirriferi, fejn rilevanti, għall-oġġetti li magħhom jiġu assoċjati ġeneralment l-ispeċijiet aljeni invażivi u l-kodiċijiet ta' Nomenklatura Magħquda tagħhom kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (22), filwaqt li tindika l-kategoriji ta' oġġetti li għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli uffiċjali skont l-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament.

6.   Fl-adozzjoni jew l-aġġornament tal-lista tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 filwaqt li tiġi kkunsidrata b'mod dovut l-ispiża għall-Istati Membri relatata mal-implimentazzjoni, l-ispiża tan-nuqqas ta' azzjoni, il-kosteffettività u l-aspetti soċjoekonomiċi. Il-lista tal-Unjoni għandha tinkludi bħala prijorità dawk l-ispeċijiet aljeni invażivi li:

(a)

għadhom mhumiex preżenti fl-Unjoni jew għadhom fi stadju bikri ta' invażjoni u x'aktarx li jkollhom impatt negattiv sinifikanti;

(b)

diġà huma stabbiliti fl-Unjoni u għandhom l-aktar impatti negattivi sinifikanti.

7.   Meta tipproponi l-lista tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika wkoll li l-objettivi ta' dan ir-Regolament jintlaħqu aħjar b'miżuri fil-livell tal-Unjoni.

Artikolu 5

Valutazzjoni tar-riskju

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 4, għandha ssir valutazzjoni tar-riskju relattivament għall-firxa attwali u potenzjali ta' speċijiet aljeni invażivi, b'kont meħud tal-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tal-ispeċi flimkien mal-identità tassonomika tagħha, l-istorja tagħha u l-firxa naturali u dik potenzjali tagħha;

(b)

deskrizzjoni tax-xejriet tar-riproduzzjoni u tat-tixrid tal-ispeċi u tad-dinamika tagħha inkluża valutazzjoni dwar jekk jeżistux il-kondizzjonijiet ambjentali meħtieġa għar-riproduzzjoni u t-tixrid tagħha;

(c)

deskrizzjoni tad-direzzjonijiet potenzjali ta' introduzzjoni u tixrid tal-ispeċi, kemm intenzjonati kif ukoll mhux intenzjonati, inkluż fejn rilevanti, il-prodotti bażiċi li magħhom hija ġeneralment assoċjata l-ispeċi;

(d)

valutazzjoni rigoruża tar-riskju tal-introduzzjoni, l-istabbiliment u t-tixrid f’reġjuni bijoġeografiċi rilevanti fil-kondizzjonijiet attwali u f’kondizzjonijiet ta’ tibdil fil-klima prevedibbli;

(e)

deskrizzjoni tad-distribuzzjoni attwali tal-ispeċi inkluż jekk l-ispeċi hijiex diġà preżenti fl-Unjoni jew f’pajjiżi ġirien u tbassir tad-distribuzzjoni probabbli tagħha fil-futur;

(f)

deskrizzjoni tal-impatt negattiv fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema relatati magħha, inkluż fuq l-ispeċijiet indiġeni, is-siti protetti, il-ħabitats fil-periklu, kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem, is-sikurezza u l-ekonomija inkluża valutazzjoni tal-impatt potenzjali fil-futur fir-rigward tal-għarfien xjentifiku disponibbli;

(g)

valutazzjoni tal-ispejjeż potenzjali tal-ħsara;

(h)

deskrizzjoni tal-użi magħrufa għall-ispeċi u l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi li jinkisbu minn dawk l-użi.

2.   Meta tipproponi speċijiet għall-elenkar bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tagħmel il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Meta Stat Membru jippreżenta talba għall-inklużjoni ta' speċi fil-lista tal-Unjoni, huwa għandu jkun responsabbli biex jagħmel il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 1. Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista' tgħin lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' tali valutazzjonijiet tar-riskju sa fejn dan għandu x'jaqsam mad-dimensjoni Ewropea.

3.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 29, biex tispeċifika t-tip ta' evidenza aċċettabbli, għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 4(3) u tipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni tal-punti (a) sa (h) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Id-deskrizzjoni dettaljata għandha tinkludi l-metodoloġija li għandha tiġi applikata fil-valutazzjonijiet tar-riskju, b'kont meħud tal-istandards nazzjonali u internazzjonali rilevanti u l-ħtieġa li tingħata prijorità lil azzjoni kontra speċijiet aljeni invażivi assoċjati ma', jew li għandhom il-potenzjal li jikkawżaw, impatt negattiv sinifikanti fuq il-bijodiversità jew is-servizzi relatati tal-ekosistema, kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija, b'tali impatt negattiv ikkunsidrat bħala fattur aggravanti. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prassi tas-soltu tagħha u tagħmel konsultazzjonijiet mal-esperti, inklużi l-esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet għar-reġjuni ultraperiferiċi

1.   L-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni m'għandhomx ikunu soġġetti għall-Artikolu 7 jew għall-Artikoli 13 sa 20 fir-reġjuni ultraperiferiċi.

2.   Sat-2 ta’ Jannar 2017, kull Stat Membru b'reġjuni ultraperiferiċi għandu jadotta, għal kull wieħed minn dawk ir-reġjuni, lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib, f'konsultazzjoni ma' dawk ir-reġjuni.

3.   Fir-rigward tal-ispeċijiet aljeni invażivi inklużi fil-listi msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, fir-reġjuni ultraperiferiċi rispettivi, japplikaw il-miżuri kif previsti fl-Artikoli 7 sa 9, 13 sa 17, 19 u 20, skont il-każ. Dawk il-miżuri għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat u jiġu notifikati lill-Kummissjoni f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni u għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra dwar il-listi msemmija fil-paragrafu 2 u dwar kwalunkwe aġġornament ta' dawk il-listi.

KAPITOLU II

PREVENZJONI

Artikolu 7

Restrizzjonijiet

1.   L-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni m'għandhomx b'mod intenzjonat:

(a)

jiddaħħlu fit- territorju tal-Unjoni, inkluż fi transitu taħt superviżjoni doganali;

(b)

jinżammu, inkluż f'faċilità kkonfinata;

(c)

jitrabbew, inkluż f'faċilità kkonfinata;

(d)

jiġu ttrasportati lejn, minn jew ġewwa l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tat-trasport ta' speċijiet lejn faċilitajiet fil-kuntest tal-qerda;

(e)

jitqiegħdu fis-suq;

(f)

jintużaw jew jiġu skambjati;

(g)

jitħallew jirriproduċu, jikbru jew jiġu kkultivati, inkluż f'faċilità kkonfinata; jew

(h)

jiġu rrilaxxati fl-ambjent.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji kollha biex jevitaw l-introduzzjoni jew it-tixrid mhux intenzjonati, inklużi, fejn applikabbli, b'negliġenza gravi, ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni.

Artikolu 8

Permessi

1.   Permezz ta’ deroga mir-restrizzjonijiet stipulati fil-punti (a), (b), (c), (d), (f) u (g) tal-Artikolu 7(1), u soġġett għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ permessi li tippermetti li l-istabbilimenti jagħmlu riċerka dwar, jew il-konservazzjoni ex situ ta', speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni. Fejn l-użu ta' prodotti derivati minn speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni ma jistax jiġi evitat fl-avvanz tas-saħħa tal-bniedem, l-Istati Membri jistgħu wkoll jinkludu l-produzzjoni xjentifika u l-użu mediċinali sussegwenti fi ħdan is-sistema tagħhom tal-permessi.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex joħorġu l-permessi msemmija fil-paragrafu 1 għal attivitajiet li jsiru f'faċilità kkonfinata li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-ispeċi aljena invażiva li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni tinżamm u tiġi ttrattata f'faċilitajiet ikkonfinati skont il-paragrafu 3;

(b)

l-attività ssir minn persunal bi kwalifiki adatti kif stabbilit mill-awtoritajiet komptenti;

(c)

it-trasport lejn u mill-faċilità kkonfinata jsir f'kondizzjonijiet li jeskludu l-ħarba ta' speċijiet aljeni invażivi kif stabbilit mill-permess;

(d)

fil-każ ta’ speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li huma annimali, dawn jiġu mmarkati jew inkella jiġu identifikati b'mod effettiv, skont il-każ, bl-użu ta’ metodi li ma jikkawżawx uġigħ, tensjoni jew tbatija li jkunu evitabbli;

(e)

ikun ġestit b'mod effettiv ir-riskju tal-ħarba jew ta' tixrid jew ta' tneħħija, b'kont meħud tal-identità, il-bijoloġija u l-mezzi tat-tixrid tal-ispeċijiet, l-attività u l-faċilità kkonfinata maħsuba, l-interazzjoni mal-ambjent u fatturi rilevanti oħra;

(f)

jitfasslu mill-applikant sistema ta' sorveljanza kontinwa u pjan ta' kontinġenza li jkopri l-ħarba jew it-tixrid possibbli, inkluż pjan għall-qerda. Il-pjan ta' kontinġenza għandu jiġi approvat mill-awtorità kompetenti. Jekk isseħħ ħarba jew iseħħ tixrid, għandu jiġu implimentat minnufih il-pjan ta' kontinġenza u l-permess jista' jiġi rtirat fuq bażi temporanja jew permanenti.

Il-permess imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun limitat għal għadd ta' speċijiet aljeni invażivi u eżemplari li ma jaqbiżx il-kapaċità tal-faċilità kkonfinata. Huwa għandu jinkludi r-restrizzjonijiet meħtieġa għall-mitigazzjoni tar-riskju tal-ħarba jew tat-tixrid tal-ispeċi kkonċernata. Huwa għandu jakkumpanja l-ispeċijiet aljeni invażivi li għalihom ikun qed jirriferi l-ħin kollu meta dawk l-ispeċijiet jinżammu, jiddaħħlu jew jiġu ttrasportati fl-Unjoni.

3.   L-eżemplari għandhom jitqiesu bħala li qed jinżammu f'faċilitajiet ikkonfinati jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-eżemplari ikunu fiżikament iżolati u ma jistgħux jaħarbu jew jinxterdu jew jitneħħew minn persuni mhux awtorizzati mill-faċilitajiet fejn jinżammu;

(b)

il-protokolli tat-tindif, tal-ġestjoni tal-iskart u tal-manteniment għandhom jiżguraw li l-ebda eżemplar jew parti riproduċibbli ma jkunu jistgħu jaħarbu, jinxterdu jew jitneħħew minn persuni mhux awtorizzati;

(c)

it-tneħħija tal-eżemplari mill-faċilitajiet, ir-rimi jew il-qerda jew il-qtil b'mod mhux krudili jsir b'tali mod li jeskludi l-propagazzjoni jew ir-riproduzzjoni barra mill-faċilitajiet.

4.   Meta japplika għall-permess, l-applikant għandu jipprovdi l-evidenza neċessarja kollha biex jippermetti li l-awtorità kompetenti tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 humiex sodisfatti.

5.   L-Istati Membri għandhom jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex jirtiraw il-permess fi kwalunkwe mument, fuq bażi temporanja jew permanenti, jekk iseħħu ġrajjiet mhux mistennija b'impatt negattiv fuq il-bijodiversità jew is-servizzi relatati tal-ekosistema. Kwalunkwe rtirar ta' permess għandu jkun ġustifikat b'raġunijiet xjentifiċi u, fejn l-informazzjoni xjentifika tkun insuffiċjenti, minħabba l-prinċipju ta' prekawzjoni u b'konsiderazzjoni dovuta għar-regoli amministrattivi nazzjonali.

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, il-format tad-dokument li jservi bħala evidenza għall-permess maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2). L-Istati Membri għandhom jużaw dak il-format għal dokument li jakkumpanja l-permess.

7.   Għall-permessi kollha maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jagħmlu dan li ġej disponibbli fuq l-internet għall-pubbliku:

(a)

l-ismijiet xjentifiċi u komuni tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li jkun inħarġilhom permess;

(b)

l-għadd jew il-volum tal-eżemplari kkonċernati;

(c)

l-għan li għalih ikun maħruġ il-permess; u

(d)

il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda kif previsti fir-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu ispezzjonijiet biex jiżguraw li dal-istabbiliment jikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dawk il-permessi maħruġin.

Artikolu 9

Awtorizzazzjonijiet

1.   F'każijiet eċċezzjonali, għal raġunijiet ta' interess pubbliku prevalenti, inklużi dawk ta' natura soċjali jew ekonomika, l-Istati Membri jistgħu joħorġu permessi biex l-istabbilimenti jagħmlu attivitajiet li mhumiex dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1) soġġetti għal awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, skont il-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu u soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) u (3).

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tħaddem sistema ta' awtorizzazzjoni elettronika u għandha tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni fi żmien 60 jum mir-riċezzjoni tal-applikazzjoni.

3.   L-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri bl-użu tas-sistema msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

id-dettalji tal-istabbiliment jew gruppi ta' stabbilimenti inklużi l-isem u l-indirizz tagħhom;

(b)

l-ismijiet xjentifiċi u komuni tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li tkun intalbet awtorizzazzjoni għalihom;

(c)

il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda kif previsti fir-Regolament (KEE) Nru 2658/87;

(d)

l-għadd jew il-volum tal-eżemplari kkonċernati;

(e)

ir-raġunijiet għall-awtorizzazzjoni mitluba;

(f)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri previsti biex jiġi żgurat li ma jkunux possibbli li taħrab jew tinxtered mill-faċilitajiet ikkonfinati fejn ser tinżamm u tiġi ttratata l-ispeċi aljena invażiva li tkun sors ta' tħassib għall-Unjoni, kif ukoll tal-miżuri li jiżguraw li kwalunkwe trasport tal-ispeċi li jista' jkun meħtieġ isir taħt kondizzjonijiet li jeskludu l-ħarba;

(g)

valutazzjoni tar-riskju ta' ħarba tal-ispeċi aljena invażiva li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li tintalab awtorizzazzjoni għaliha, akkumpanjata minn deskrizzjoni tal-miżuri li ser jiddaħħlu biex itaffu r-riskju;

(h)

deskrizzjoni tas-sistema ta' sorveljanza ppjanata u tal-pjan ta' kontinġenza maħsub f'każ tal-possibbiltà ta' ħarba jew tixrid, inkluż fejn meħtieġ pjan ta' qerda;

(i)

deskrizzjoni tal-liġi nazzjonali rilevanti applikabbli għal dawk l-istabbilimenti.

5.   L-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. L-awtorizzazzjoni għandha tkun speċifika għall-istabbiliment individwali, irrispettivament mill-proċedura ta' applikazzjoni segwita skont il-punt (a) tal-paragrafu 4, u għandha tinkludi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 u ż-żmien kemm iddum valida l-awtorizzazzjoni. L-awtorizzazzjoni għandha tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar il-forniment lill-istabbiliment ta' eżemplari addizzjonali jew sostituttivi għall-użu fl-attività li għaliha tintalab dik l-awtorizzazzjoni.

6.   Wara li tingħata awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, l-awtorità kompetenti tista' toħroġ il-permess imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-Artikolu 8(4) sa (8). Il-permess għandu jinkludi d-dispożizzjonijiet kollha li jkunu speċifikati fl-awtorizzazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni.

7.   Il-Kummissjoni għandha tiċħad applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jekk ma jkunux osservati l-obbligi rilevanti stipulati f'dan ir-Regolament.

8.   Il-Kummissjoni għandha, kemm jista’ jkun malajr, tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b’kull ċaħda ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 7, u għandha tispeċifika r-raġuni taċ-ċaħda.

Artikolu 10

Miżuri ta' emerġenza

1.   Fejn Stat Membru jkollu evidenza dwar il-preżenza, jew ir-riskju imminenti tal-introduzzjoni, fit-territorju tiegħu ta' speċi aljena invażiva li mhijiex inkluża fil-lista tal-Unjoni, iżda li nstab mill-awtoritajiet kompetenti, abbażi ta' evidenza xjentifika preliminari, li aktarx tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 4(3), jista' minnufih jieħu miżuri ta' emerġenza li jikkonsistu fi kwalunkwe waħda mir-restrizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7(1).

2.   L-Istat Membru li jintroduċi l-miżuri ta' emerġenza fit-territorju nazzjonali tiegħu li jinkludu l-applikazzjoni tal-punti (a), (d) jew (e) tal-Artikolu 7(1) għandu minnufih jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kollha dwar il-miżuri meħuda u l-evidenza li tiġġustifika dawk il-miżuri.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, jagħmel valutazzjoni tar-riskju f'konformità mal-Artikolu 5 għall-ispeċi aljena invażiva soġġetta għall-miżuri ta' emerġenza, li tqis l-informazzjoni teknika u xjentifika disponibbli, u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 xahar mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tintroduċi l-miżuri ta' emerġenza, sabiex dik l-ispeċi tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni.

4.   Fejn il-Kummissjoni tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jew ikollha evidenza oħra dwar il-preżenza jew ir-riskju imminenti tal-introduzzjoni fl-Unjoni ta' speċi aljena invażiva li mhijiex inkluża fil-lista tal-Unjoni, iżda li aktarx tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 4(3), hija għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tikkonkludi, abbażi tal-evidenza xjentifika preliminari, jekk hux probabbli li l-ispeċi ser tissodisfa dawk il-kriterji u tadotta miżuri ta' emerġenza għall-Unjoni li jikkonsistu fi kwalunkwe waħda mir-restrizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7(1) għal żmien limitat fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn dik l-ispeċi, fejn tikkonkludi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 4(3) aktarx li jiġu sodisfatti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

5.   Fejn il-Kummissjoni tadotta att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 4, l-Istati Membri għandhom jirrevokaw jew jemendaw, skont il-każ, kwalunkwe miżura ta' emerġenza li jkunu ħadu.

6.   Fejn il-Kummissjoni tinkludi l-ispeċi aljena invażiva fil-lista tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jirrevokaw jew jemendaw il-miżuri tagħhom ta' emerġenza.

7.   Meta, wara l-valutazzjoni tar-riskju li ssir abbażi tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni ma tinkludix l-ispeċi aljena invażiva fil-lista tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jirrevokaw il-miżuri tagħhom ta' emerġenza meħuda abbażi tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u jistgħu jinkludu dik l-ispeċi f'lista nazzjonali ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istat Membru, skont l-Artikolu 12(1), u jikkunsidraw il-kooperazzjoni reġjonali msaħħa skont l-Artikolu 11.

Artikolu 11

Speċijiet aljeni invażivi ta' interess reġjonali u speċijiet indiġeni tal-Unjoni

1.   L-Istati Membri jistgħu jidentifikaw, mil-lista nazzjonali tagħhom, stabbilita f'konformità mal-Artikolu 12, ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istat Membru, speċijiet indiġeni jew mhux indiġeni fl-Unjoni li jeħtieġu kooperazzjoni msaħħa reġjonali.

2.   Fuq talba tal-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni biex tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost dawk l-Istati Membri involuti, f'konformità mal-Artikolu 22(1). Fejn ikun meħtieġ, abbażi tal-impatti ta' ċerti speċijiet aljeni invażivi fuq il-bijodiversità u s-servizzi relatati tal-ekosistema kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija u dment li dan ikun issostanzjat tajjeb ħafna b'analiżi komprensiva tal-ġustifikazzjoni għal kooperazzjoni msaħħa reġjonali li ssir mill-Istati Membri li jagħmlu t-talba, il-Kummissjoni tista' tirrikjedi permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, li l-Istati Membri kkonċernati japplikaw, mutatis mutandis, fit-territorju tagħhom jew parti minnu, l-Artikoli 13, 14, u 16 l-Artikolu 17 minkejja l-Artikolu 18, kif ukoll japplikaw l-Artikoli 19 u 20, skont il-każ. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

3.   L-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib reġjonali u li jkunu indiġeni għal Stat Membru m'għandhomx ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 13, 14, 16, 17, 19, 20 u 24 fit-territorju ta' dak l-Istat Membru. L-Istati Membri li għalihom dawk l-ispeċijiet ikunu indiġeni għandhom jikkooperaw mal-Istati Membri kkonċernati għall-valutazzjoni tad-direzzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 13 u, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri l-oħra, jistgħu jadottaw miżuri rilevanti biex jevitaw aktar tixrid ta' dawk l-ispeċijiet f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(1).

Artikolu 12

Speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istat Membru

1.   Stat Membru jista' jistabbilixxi lista nazzjonali ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istat Membru. Għal dawk l-ispeċijiet aljeni invażivi, l-Istati Membri jistgħu japplikaw, fit-territorju tagħhom, miżuri bħal dawk previsti fl-Artikoli 7, 8, 13 sa 17, 19 u 20, skont il-każ. Dawk il-miżuri għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat u jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar l-ispeċijiet li huma jqisu bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istati Membri u dwar il-miżuri applikati skont il-paragrafu 1.

Artikolu 13

Pjanijiet ta' azzjoni dwar id-direzzjonijiet tal-ispeċijiet aljeni invażivi

1.   L-Istati Membri għandhom, fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni, jagħmlu analiżi komprensiva tad-direzzjonijiet tal-introduzzjoni u t-tixrid mhux intenzjonali ta' dawk l-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni għall-inqas fit-territorju tagħhom, kif ukoll fl-ibħra tagħhom kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/56/KE, u jidentifikaw id-direzzjonijiet li jeħtieġu azzjoni prijoritarja ('direzzjonijiet prijoritarji'), minħabba l-volum tal-ispeċijiet jew tal-ħsara potenzjali kkawżata mill-ispeċijiet li jidħlu fl-Unjoni minn dawk id-direzzjonijiet.

2.   Fi żmien tliet snin mill-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jimplimenta pjan ta' azzjoni uniku jew sett ta' pjanijiet ta' azzjoni biex jindirizza l-mogħdijiet prijoritarji li jkun identifika abbażi tal-paragrafu 1. Il-pjanijiet ta' azzjoni għandhom jinkludu skedi ta' żmien għall-azzjoni u għandhom jiddeskrivu l-miżuri li ser jiġu adottati u, skont il-ħtieġa, l-azzjonijiet volontarji u l-kodiċijiet tal-prattika korretta, biex jindirizzaw id-direzzjonijiet prijoritarji u jimpedixxu l-introduzzjoni u t-tixrid mhux intenzjonat ta' speċijiet aljeni invażivi lejn l-Unjoni jew fiha.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni bil-għan li jistabbilixxu pjan ta' azzjoni uniku jew sett ta' pjanijiet ta' azzjoni kkoordinati fil-livell reġjonali adatt skont l-Artikolu 22(1). Fejn ma jkunux stabbiliti pjanijiet ta' azzjoni reġjonali bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw pjanijiet ta' azzjoni għat-territorju tagħhom u, kemm jista' jkun, ikkoordinati fil-livell reġjonali adatt.

4.   Il-pjanijiet ta' azzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jinkludu, b'mod partikolari, miżuri bbażati fuq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, sabiex:

(a)

titqajjem kuxjenza;

(b)

tiġi minimizzata l-kontaminazzjoni ta' oġġetti, prodotti, vetturi u tagħmir minn kampjuni ta' speċijiet aljeni invażivi, inklużi miżuri li jindirizzaw it-trasport ta' speċijiet aljeni invażivi minn pajjiżi terzi;

(c)

jiġu żgurati l-verifiki xierqa fil-fruntieri tal-Unjoni, apparti l-kontrolli uffiċjali f’konformità mal-Artikolu 15.

5.   Il-pjanijiet ta' azzjoni stabbiliti skont il-paragrafu 2 għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. L-Istati Membri għandhom jirrivedu l-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom u jibagħtuhom lura lill-Kummissjoni għall-inqas kull sitt snin.

KAPITOLU III

IDENTIFIKAZZJONI BIKRIJA U QERDA RAPIDA

Artikolu 14

Sistema ta' sorveljanza

1.   Fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' sorveljanza tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni, jew jinkluduha fis-sistema eżistenti tagħhom, li tiġbor u tirreġistra data dwar l-okkorrenza fl-ambjent ta' speċijiet aljeni invażivi permezz ta' servej, monitoraġġ jew proċeduri oħra biex jimpedixxu t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi lejn l-Unjoni jew fl-Unjoni.

2.   Is-sistema ta' sorveljanza msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha:

(a)

tkopri t-territorju, inklużi l-ibħra territorjali, tal-Istati Membri biex tistabbilixxi l-preżenza u d-distribuzzjoni ta' speċijiet aljeni invażivi ġodda jew li diġà stabbilixxew lilhom infushom, li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni;

(b)

tkun dinamika biżżejjed biex tidentifika malajr il-wasla fl-ambjent tat-territorju jew parti mit-territorju ta' Stat Membru ta' kwalunkwe speċi aljena invażiva li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni, u li l-preżenza tagħha ma kinitx magħrufa qabel;

(c)

tiżviluppa fuq il-bażi ta', tkun kompatibbli ma', u tevita d-duplikazzjoni ta' dispożizzjonijiet rilevanti għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni jew skont ftehimiet internazzjonali u tuża l-informazzjoni pprovduta mis-sistemi eżistenti ta' sorveljanza u monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/43/KEE, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/60/KE u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/56/KE;

(d)

tieħu kont tal-impatt u l-karatteristiċi transkonfinali rilevanti, safejn ikun possibbli.

Artikolu 15

Kontrolli uffiċjali

1.   Sat-2 ta’ Jannar 2016, l-Istati Membri għandu jkollhom strutturi stabbiliti li jwettqu l-kontrolli uffiċjali meħtieġa għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni intenzjonata fl-Unjoni ta’ speċijiet aljeni invażivi ta’ rilevanza għall-Unjoni. Dawk il-kontrolli uffiċjali għandhom japplikaw għall-kategoriji tal-oġġetti taħt il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda msemmijin fil-lista tal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 4(5).

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jwettqu kontrolli adatti abbażi tar-riskju fuq l-oġġetti msemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u jivverifikaw li:

(a)

mhumiex fuq il-lista tal-Unjoni; jew

(b)

huma koperti minn permess validu kif imsemmi fl-Artikolu 8.

3.   Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, li jikkonsistu minn verifiki dokumentarji, tal-identità u, fejn ikun meħtieġ, kontrolli fiżiċi, għandhom isiru meta jiddaħħlu fl-Unjoni oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Fejn il-liġi tal-Unjoni dwar kontrolli uffiċjali tipprevedi diġà kontrolli uffiċjali speċifiċi fl-entitajiet tal-fruntiera f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttivi 91/496/KEE u 97/78/KE jew f'punti ta' dħul f'konformità mad-Direttiva 2000/29/KE, għall-kategoriji tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jgħaddu r-responsabbiltà tat-twettiq tal-kontrolli msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu lill-awtoritajiet kompetenti inkarigati minn dawk il-kontrolli f'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jew mal-punt (g) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/29/KE.

4.   Il-ġestjoni f'żoni liberi jew imħażen liberi u t-tqegħid tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 taħt il-proċeduri doganali għar-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera, transitu, ħżin doganali, proċessar attiv, proċessar taħt kontroll doganali u ammissjoni temporanja għandhom ikunu soġġetti għad-dikjarazzjoni lill-awtoritajiet doganali ta' dan li ġej:

(a)

id-dokument tad-dħul rilevanti komplut kif dovut mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 3 li jiċċertifika li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu huma sodisfatti, f'każijiet fejn il-kontrolli jkunu saru fl-entitajiet tal-fruntiera f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttivi 91/496/KEE u 97/78/KE jew f'punti ta' dħul f'konformità mal-punt (j) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/29/KE. Il-proċedura doganali indikata hemmhekk għandha tkun segwita; jew

(b)

fejn oġġetti ma jkunux soġġetti għal kontrolli uffiċjali skont il-liġi tal-Unjoni, evidenza dokumentarja oħra li l-kontrolli saru b'riżultati sodisfaċenti u d-dokument tad-dħul sussegwenti.

Dawk id-dokumenti jistgħu jiġu ppreżentati wkoll elettronikament.

5.   Jekk il-kontrolli jistabbilixxu nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament:

(a)

l-awtoritajiet doganali għandhom jissospendu t-tqegħid taħt proċedura doganali jew iżommu l-oġġetti;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 3 għandhom iżommu l-oġġetti.

Fejn l-oġġetti jinżammu, dawn għandhom jiġu fdati lill-awtorità kompetenti responsabbli mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dik l-awtorità kompetenti għandha taġixxi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jiddelegaw funzjonijiet speċifiċi lil awtoritajiet oħra.

6.   L-ispejjeż imġarrba waqt li ssir il-verifika u dawk li jirriżultaw minn kwalunkwe nuqqas ta' konformità għandhom jitħallsu mill-persuna fiżika jew ġuridika fl-Unjoni li ġabet l-oġġetti fl-Unjoni, ħlief jekk l-Istat Membru kkonċernat jiddetermina mod ieħor.

7.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jiżguraw l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti u l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni effiċjenti u effettivi bejn l-awtoritajiet kollha involuti għall-verifiki msemmija fil-paragrafu 2.

8.   Abbażi tal-aħjar prattiki, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri kollha, għandha tiżviluppa linji gwida u programmi ta' taħriġ biex tiffaċilita l-identifikazzjoni u s-sejbien ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni u t-twettiq ta' kontrolli effiċjenti u effettivi.

9.   Fejn ikunu nħarġu permessi f'konformità mal-Artikolu 8, fid-dikjarazzjoni doganali jew fin-notifiki rilevanti lill-entità tal-fruntiera għandha ssir referenza għal permess validu li jkopri l-oġġetti ddikjarati.

Artikolu 16

Notifiki tal-identifikazzjoni bikrija

1.   L-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema ta' sorveljanza stabbilita skont l-Artikolu 14 u l-informazzjoni miġbura fil-kontrolli uffiċjali previsti fl-Artikolu 15 biex jikkonfermaw l-identifikazzjoni bikrija tal-introduzzjoni jew tal-preżenza ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom mingħajr dewmien jinnotifikaw bil-miktub lill-Kummissjoni bl-identifikazzjoni bikrija tal-introduzzjoni jew tal-preżenza ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni u jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra, b'mod partikolari:

(a)

bil-feġġ fit-territorju jew f'parti mit-territorju tagħhom ta' kwalunkwe speċi inkluża fil-lista tal-Unjoni li l-preżenza tagħha fit-territorju jew f'parti mit-territorju tagħhom ma kinitx magħrufa qabel;

(b)

bil-feġġ mill-ġdid fit-territorju jew f'parti mit-territorju tagħhom ta' kwalunkwe speċi inkluża fil-lista tal-Unjoni wara li tkun ġiet irrappurtata li nqerdet.

Artikolu 17

Qerda rapida fi stadju bikri tal-invażjoni

1.   Wara l-identifikazzjoni bikrija u fi żmien tliet xhur mit-trażmissjoni tan-notifika ta' identifikazzjoni bikrija msemmija fl-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom japplikaw miżuri ta' qerda u jinnotifikaw lill-Kummissjoni u jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra dwar dawn il-miżuri.

2.   Meta japplikaw il-miżuri ta’ qerda, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-metodi użati huma effettivi biex jiksbu t-tneħħija sħiħa u permanenti tal-popolazzjoni tal-ispeċi aljena invażiva kkonċernata, u li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lis-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, speċjalment speċijiet mhux fil-mira u l-ħabitats tagħhom, u jiżgura li l-annimali jinħelsu minn kwalunkwe uġigħ, tensjoni jew tbatija li jistgħu jiġu evitati.

3.   L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-effettività tal-qerda. Għal dan l-għan, l-Istati Membri jistgħu jużaw is-sistema ta' sorveljanza prevista fl-Artikolu 14. Il-monitoraġġ għandu jivvaluta wkoll l-impatt fuq l-ispeċijiet mhux fil-mira, skont il-ħtieġa.

4.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-effettività tal-miżuri meħuda u jinnotifikaw lill-Kummissjoni meta popolazzjoni ta' speċi aljena invażiva li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni tkun inqerdet. Huma għandhom ukoll jipprovdu dik l-informazzjoni lil Stati Membri oħra.

Artikolu 18

Derogi mill-obbligu tal-qerda rapida

1.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, abbażi ta' evidenza xjentifika robusta, fi żmien xahrejn mill-identifikazzjoni ta' speċi aljena invażiva msemmija fl-Artikolu 16, li ma japplikawx miżuri ta' qerda jekk tkun sodisfatta mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jintwera li l-qerda mhijiex teknikament fattibbli għaliex il-metodi tal-qerda disponibbli ma jistgħux jiġu applikati fl-ambjent fejn hija stabbilita l-ispeċi;

(b)

l-analiżi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji turi b'ċertu livell ta' ċertezza li, abbażi tad-data disponibbli, l-ispejjeż se jkunu, għal żmien fit-tul, eċċezzjonalment għoljin u sproporzjonati mal-benefiċċji tal-qerda;

(c)

il-metodi tal-qerda mhumiex disponibbli jew huma disponibbli iżda jkollhom impatti negattivi serji ħafna fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent jew speċijiet oħra.

F'dan il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika mingħajr dewmien lill-Kummissjoni bil-miktub bid-deċiżjoni tiegħu. In-notifika għandha tkun akkumpanjata bl-evidenza kollha msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu.

2.   Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, li tiċħad id-deċiżjoni nnotifikata f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti fih ma jkunux sodisfatti.

3.   Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 27(2). L-abbozz tal-atti ta' implimentazzjoni għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27(1) fi żmien xahrejn mir-riċezzjoni tan-notifika mill-Istat Membru.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri ta' konteniment biex jiġi evitat aktar tixrid tal-ispeċi aljena invażiva lejn Stati Membri oħra meta, abbażi tal-paragrafu 1, ma jiġux applikati miżuri ta' qerda.

5.   Fejn il-Kummissjoni tiċħad deċiżjoni nnotifikata f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu japplika l-miżuri ta' qerda msemmija fl-Artikolu 17 mingħajr dewmien.

6.   Fejn il-Kummissjoni ma tiċħadx deċiżjoni nnotifikata f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu l-ispeċi aljena invażiva għandha tkun soġġetta għall-miżuri ta' ġestjoni msemmija fl-Artikolu 19.

KAPITOLU IV

ĠESTJONI TA' SPEĊIJIET ALJENI INVAŻIVI LI NXTERDU ĦAFNA

Artikolu 19

Miżuri ta’ ġestjoni

1.   Fi żmien 18-il xahar mill-inklużjoni ta' speċi aljena invażiva fil-lista tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri ta' ġestjoni effettivi għal dawk l-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li fl-Istati Membri nstab li nxterdu ħafna fit-territorju tagħhom, biex jiġu minimizzati kemm jista' jkun l-impatti tagħhom fuq il-bijodiversità, is-servizzi relatati tal-ekosistema, u, fejn japplika, is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija.

Dawk il-miżuri ta' ġestjoni għandhom ikunu proporzjonati għall-impatt fuq l-ambjent u adatti għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Istati Membri, ikunu bbażati fuq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u jinkludu wkoll, sakemm ikun fattibbli, il-miżuri ta' restawr imsemmija fl-Artikolu 20. Għandhom ikunu prijoritizzati abbażi tal-evalwazzjoni tar-riskju u l-kosteffettività tagħhom.

2.   Il-miżuri ta’ ġestjoni għandhom jikkonsistu f’azzjonijiet fiżiċi, kimiċi jew bijoloġiċi kemm letali jew mhux letali mmirati lejn il-qerda, il-kontroll ta’ popolazzjoni jew il-konteniment ta’ popolazzjoni ta’ speċi aljena invażiva. Fejn ikun xieraq, il-miżuri ta' ġestjoni għandhom jinkludu azzjonijiet applikati fl-ekosistema riċevitura bl-għan li jkabbru r-reżiljenza tagħha għal invażjonijiet attwali jew futuri. L-użu kummerċjali ta' speċijiet aljeni invażivi diġà stabbiliti jista' jitħalla temporanjament bħala parti mill-miżuri ta' ġestjoni mmirati għall-qerda, il-kontroll tal-popolazzjoni jew il-konteniment tagħhom, taħt ġustifikazzjoni stretta u dment li l-kontrolli xierqa kollha jkunu fis-seħħ biex jevitaw aktar tixrid.

3.   Meta japplikaw miżuri ta' ġestjoni u jagħżlu l-metodi li jkollhom jiġu użati, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont kif dovut tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, speċjalment speċijiet mhux fil-mira u l-ħabitats tagħhom, u għandhom jiżguraw li l-annimali li jkunu fil-mira jiġu protetti minn kull uġigħ, tensjoni u tbatija evitabbli matul il-proċess, mingħajr ma jipperikolaw l-effettività tal-miżuri ta' ġestjoni.

4.   Is-sistema ta' sorveljanza prevista fl-Artikolu 14 għandha titfassal u tintuża biex tissorvelja l-effettività tal-qerda, il-kontroll tal-popolazzjoni jew il-miżuri ta' konteniment fit-tnaqqis tal-impatti fuq il-bijodiversità, is-servizzi relatati tal-ekosistema, u, fejn applikabbli, fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija. Il-monitoraġġ għandu jivvaluta wkoll l-impatt fuq l-ispeċijiet mhux fil-mira, skont il-ħtieġa.

5.   Fejn ikun hemm riskju sinifikanti li xi speċi aljena invażiva li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni ser tinxtered fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri fejn tkun preżenti dik l-ispeċi għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. Fejn ikun xieraq, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu miżuri ta' ġestjoni maqbula b'mod konġunt. Fejn pajjiżi terzi jistgħu jkunu affettwati wkoll mit-tixrid, l-Istat Membru affettwat għandu jistinka biex jinforma lill-pajjiżi terzi kkonċernati.

Artikolu 20

Restawr tal-ekosistemi bil-ħsara

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adatti ta' restawr biex jgħinu l-irkupru ta' ekosistema li tkun ġiet degradata, bil-ħsara jew ġiet meqruda minn speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni, sakemm analiżi tal-vijabbiltà ma turix, abbażi tad-data disponibbli u b'ċertezza raġonevoli, li l-ispejjeż ta' dawk il-miżuri ser ikunu għoljin u sproporzjonati meta mqabbla mal-benefiċċji tar-ristawr.

2.   Il-miżuri tar-restawr imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu għall-inqas dan li ġej:

(a)

miżuri li jżidu l-kapaċità ta' ekosistema esposta għad-disturb, ikkawżat mill-preżenza ta' speċi aljena invażiva li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni, li tirreżisti, tassorbi, takkomoda lilha nfisha għall-effetti tad-disturb u tirkupra minnhom;

(b)

miżuri li jappoġġaw il-prevenzjoni ta' invażjoni mill-ġdid wara kampanja ta' qerda.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ORIZZONTALI

Artikolu 21

Irkupru tal-ispejjeż

F'konformità mal-prinċipju li min iniġġes iħallas u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), l-Istati Membri għandhom jimmiraw li jirkupraw l-ispejjeż tal-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu, jimminimizzaw jew itaffu l-impatt negattiv ta' speċijiet aljeni invażivi, inklużi l-ispejjeż ambjentali u ta' riżorsi kif ukoll l-ispiża tar-restawr.

Artikolu 22

Kooperazzjoni u informazzjoni

1.   Meta jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kollha kkonċernati u, fejn ikun prattiku u adatt, jużaw l-istrutturi eżistenti derivanti minn ftehimiet reġjonali jew internazzjonali. B'mod partikolari, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistinkaw sabiex jiżguraw koordinazzjoni mal-Istati Membri l-oħra li jikkondividu:

(a)

l-istess subreġjuni tal-baħar f'konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/56/KE, fir-rigward ta' speċijiet tal-baħar;

(b)

l-istess reġjun bijoġeografiku f'konformità mal-punt (iii) tal-punt (ċ) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/43/KEE, fir-rigward ta' speċijiet mhux tal-baħar;

(c)

l-istess fruntieri;

(d)

l-istess baċir ta' xmara f'konformità mal-punt (13) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60/KE, fir-rigward ta' speċijiet tal-ilma ħelu; jew

(e)

kwalunkwe kwistjoni oħra komuni ta' tħassib.

Fuq talba tal-Istati Membri involuti, il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni biex tiffaċilita l-koordinazzjoni.

2.   Meta jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jikkooperaw ma' pajjiżi terzi, kif ikun meħtieġ, inkluż bl-użu ta' strutturi eżistenti derivanti minn ftehimiet reġjonali jew internazzjonali, għall-finijiet li jinkisbu l-objettivi ta' dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw dispożizzjonijiet bħal dawk imsemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, biex jiżguraw koordinazzjoni u kooperazzjoni ma' Stati Membri oħra rilevanti fir-rigward ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istat Membru identifikati f'listi nazzjonali adottati f'konformità mal-Artikolu 12(1). L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu mekkaniżmi għal kooperazzjoni fil-livell adatt għal dawk l-ispeċijiet aljeni invażivi. Mekkaniżmi bħal dawn jistgħu jinkludu skambju ta' informazzjoni u data, pjanijiet ta' azzjoni dwar mogħdijiet u skambju tal-aħjar prattika dwar ġestjoni, kontroll u qerda ta' speċijiet aljeni invażivi, sistemi ta' twissija bikrija u programmi marbuta mal-kuxjenza pubblika jew l-edukazzjoni.

Artikolu 23

Regoli nazzjonali aktar rigorużi

L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jistipulaw regoli nazzjonali aktar rigorużi bil-għan li jipprevjenu l-introduzzjoni, l-istabbiliment u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi. Dawk il-miżuri għandhom ikunu kompatibbli mat-TFUE u jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni f'konformità mad-dritt tal-Unjoni.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

Rappurtar u reviżjoni

1.   Sal-1 ta' Ġunju 2019, u kull sitt snin wara, l-Istati Membri għandhom jaġġornaw u jibagħtu lill-Kummissjoni dawn li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni, jew verżjoni aġġornata, tas-sistema ta' sorveljanza skont l-Artikolu 14 u tas-sistema uffiċjali ta' kontroll fuq l-ispeċijiet aljeni li jidħlu fl-Unjoni skont l-Artikolu 15;

(b)

id-distribuzzjoni tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni jew reġjonali f'konformità mal-Artikolu 11(2) preżenti fit-territorju tagħhom, inkluża informazzjoni dwar ix-xejriet migratorji jew riproduttivi;

(c)

informazzjoni dwar l-ispeċijiet ikkunsidrati bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istati Membri skont l-Artikolu 12(2);

(d)

il-pjanijiet ta' azzjoni msemmijin fl-Artikolu 13(2);

(e)

informazzjoni aggregata li tkopri t-territorju nazzjonali kollu dwar il-miżuri ta' qerda meħuda f'konformità mal-Artikolu 17, il-miżuri ta' ġestjoni meħudin skont l-Artikolu 19, l-effettività tagħhom, u l-impatt fuq speċijiet mhux fil-mira;

(f)

in-numru ta' permessi msemmija fl-Artikolu 8 u l-għan li għalih inħarġu;

(g)

miżuri meħuda biex il-pubbliku jkun infurmat dwar il-preżenza ta’ speċi aljena invażiva u kwalunkwe azzjoni li ċ-ċittadini ntalbu li jieħdu;

(h)

l-ispezzjonijiet meħtieġa taħt l-Artikolu 8(8); u

(i)

informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-azzjoni meħuda biex jikkonformaw ma' dan ir-Regolament, meta tkun disponibbli.

2.   Sal-5 ta’ Novembru 2015, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u jinfurmaw lill-Istati membri l-oħra dwar l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

3.   Sal-1 ta' Ġunju 2021, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament inklużi l-lista tal-Unjoni, il-pjanijiet ta' azzjoni msemmija fl-Artikolu 13(2), is-sistema ta' sorveljanza, il-kontrolli doganali, l-obbligu tal-qerda u l-obbligi ta' ġestjoni, u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jista' jkollu miegħu proposti leġiżlattivi għall-emendar ta' dan ir-Regolament, inklużi bidliet fil-lista tal-Unjoni. Dik ir-reviżjoni għandha teżamina wkoll l-effettività tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib reġjonali, il-ħtieġa u l-fattibbiltà tal-inklużjoni ta' speċijiet fil-lista tal-Unjoni li jkunu indiġeni għall-Unjoni u jekk hijiex meħtieġa aktar armonizzazzjoni biex iżżid l-effettività tal-pjanijiet ta' azzjoni u l-miżuri meħudin mill-Istati Membri.

4.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tispeċifika l-formati tekniċi għar-rappurtar biex tissimplifika u tirrazzjonalizza l-obbligi ta' rappurtar għall-Istati Membri fir-rigward tal-informazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

Artikolu 25

Sistema ta' appoġġ għall-informazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha progressivament tistabbilixxi sistema ta' appoġġ għall-informazzjoni meħtieġa biex tiffaċilita l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   Sat-2 ta’ Jannar 2016, dik is-sistema għandha tinkludi mekkaniżmu ta' appoġġ għad-data li jgħaqqad is-sistemi ta' data eżistenti dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi, li jagħti attenzjoni partikolari lill-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni, sabiex jiffaċilita r-rappurtar f'konformità mal-Artikolu 24.

Il-mekkaniżmu ta' appoġġ għad-data li huwa msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jsir għodda li tgħin lill-Kummissjoni u l-Istati Membri fit-trattament tan-notifiki rilevanti meħtieġa mill-Artikolu 16(2).

3.   Sat-2 ta’ Jannar 2019, il-mekkaniżmu ta' appoġġ għad-data msemmi fil-paragrafu 2 għandu jsir mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni dwar aspetti tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Huwa jista' jinkludi wkoll informazzjoni dwar speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istati Membri, u dwar mogħdijiet, valutazzjoni tar-riskju, miżuri ta' ġestjoni u ta' qerda, meta tkun disponibbli.

Artikolu 26

Parteċipazzjoni pubblika

Fejn ikunu qed jiġu stabbiliti pjanijiet ta' azzjoni f'konformità mal-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament u fejn ikunu qed jiġu stabbiliti miżuri ta' ġestjoni f'konformità mal-Artikolu 19 ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku jingħata opportunitajiet effettivi minn kmieni biex jipparteċipa fit-tħejjija, il-modifika jew ir-reviżjoni tagħhom, billi jintużaw l-arranġamenti diġà ddeterminati mill-Istati Membri f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/35/KE.

Artikolu 27

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 u jista' jkun megħjun fil-kompiti tiegħu mill-forum xjentifiku msemmi fl-Artikolu 28.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 28

Forum xjentifiku

Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti tal-komunità xjentifika maħtura mill-Istati Membri biex jingħataw pariri dwar kwalunkwe kwistjoni xjentifika relatata mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 4, 5, 10 u 18. Dawk ir-rappreżentanti għandhom jiltaqgħu f'forum xjentifiku. Ir-regoli ta' proċedura ta' dak il-forum għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.

Artikolu 29

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-1 ta’ Jannar 2015. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(3) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hi għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data sussegwenti li tkun speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 30

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu applikati.

2.   Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

3.   Il-penali previsti jistgħu jinkludu, fost oħrajn:

(a)

multi;

(b)

konfiska tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li mhumiex konformi;

(c)

sospensjoni immedjata jew irtirar immedjat ta' permess maħruġ skont l-Artikolu 8.

4.   Sat-2 ta’ Jannar 2016, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, u kwalunkwe emenda sussegwenti mingħajr dewmien.

Artikolu 31

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali għas-sidien mhux kummerċjali

1.   Permezz ta' deroga mill-punti (b) u (d) tal-Artikolu 7(1), is-sidien ta' annimali tal-kumpanija li ma jkunux miżmuma għal skopijiet kummerċjali u li jappartjentu għall-ispeċijiet aljeni invażivi inklużi fil-lista tal-Unjoni għandhom jitħallew iżommuhom sat-tmiem tal-ħajja naturali tal-annimali, sakemm ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-annimali kienu qed jinżammu qabel ma ġew inklużi fil-lista tal-Unjoni;

(b)

l-annimali jinżammu f'faċilità kkonfinata u jittieħdu l-miżuri xierqa kollha li jiżguraw li r-riproduzzjoni jew il-ħarba mhumiex possibbli.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-passi kollha raġonevoli biex jinfurmaw lis-sidien mhux kummerċjali dwar ir-riskji kkawżati biż-żamma tal-annimali msemmija fil-paragrafu 1 u dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġi minimizzat ir-riskju tar-riproduzzjoni u tal-ħarba permezz ta' programmi ta' sensibilizzazzjoni u edukazzjoni organizzati mill-Istati Membri.

3.   Is-sidien mhux kummerċjali li ma jistgħux jiżguraw li l-kondizzjonijiet mogħtija fil-paragrafu 1 ikunu sodisfatti ma għandhomx ikunu permessi jżommu l-annimali kkonċernati. L-Istati Membri jistgħu joffrulhom il-possibbiltà li jitteħdilhom l-inkarigu tal-annimali tagħhom. Fejn iseħħ dan għandu jingħata kont dovut lit-trattament xieraq tal-annimali.

4.   L-annimali msemmijin fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jistgħu jinżammu mill-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu 8 jew fil-faċilitajiet stabbiliti mill-Istat Membru għal dak il-għan.

Artikolu 32

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali għal ħażniet kummerċjali

1.   Kull min iżomm ħażna kummerċjali ta' eżemplari ta' speċijiet aljeni invażivi miksuba qabel l-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-Unjoni għandu jingħata sa sentejn wara l-inklużjoni tal-ispeċi f'dik il-lista biex iżomm u jittrasporta speċijiet ħajjin jew partijiet riproduċibbli ta' dawk l-ispeċijiet sabiex ibigħhom jew jittrasferixxihom lill-istabbilimenti tar-riċerka jew tal-konservazzjoni ex situ u għall-finijiet ta' attivitajiet ta' mediċina msemmija fl-Artikolu 8, dment li l-eżemplari jinżammu u jiġu ttrasportati f'faċilità konfinata u jiddaħħlu fis-seħħ il-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li ma tistax issir riproduzzjoni jew ħarba; jew biex joqtol jew jipproċessa dawk l-eżemplari b'mod uman biex l-istokk tagħhom jispiċċa.

2.   Il-bejgħ jew trasferiment ta' eżemplari ħajjin lil utenti mhux kummerċjali għandha tkun permessa għal sena wara l-inklużjoni tal-ispeċi fil-lista tal-Unjoni dment li l-eżemplari jinżammu u jiġu ttrasportati f'faċilità kkonfinata u li jiddaħħlu fis-seħħ il-miżuri kollha adatti li jiżguraw li ma tistax issir riproduzzjoni jew ħarba.

3.   Fejn ikun inħareġ permess taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 708/2007 għal speċi tal-akkwakultura li sussegwentement tkun inkluża fil-lista tal-Unjoni, u t-tul taż-żmien tal-permess ikun iktar mill-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istat Membru għandu jirtira l-permess f'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 708/2007 sa tmiem il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 33

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015..

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Ottubru 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

B. DELLA VEDOVA


(1)  ĠU C 177, 11.6.2014, p. 84.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2014.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika (ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat-3 ta' Diċembru 1981 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta’ annimali slavaġ u ambjenti naturali Ewropej (ĠU L 38, 10.2.1982, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(7)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7)

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).

(10)  Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 tal-11 ta' Ġunju 2007 dwar l-użu ta' speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura (ĠU L 168, 28.6.2007, p. 1).

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1).

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2010/718/UE tad-29 ta’ Ottubru 2010 li timmodifika l-istatus tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 325, 9.12.2010, p. 4).

(16)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2012/419/UE tal-11 ta’ Lulju 2012 li temenda l-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 204, 31.7.2012, p. 131).

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta 'April 2004 dwar kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mar-regoli tal-liġi tal-għalf u s-saħħa u l-benessri tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

(18)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56).

(19)  Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9).

(20)  Id-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta' ċerti pjani u programmi li għandhom x'jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17).

(21)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(22)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(23)  Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).


4.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/56


REGOLAMENT (UE) Nru 1144/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ottubru 2014

dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f’pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42 u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (4), l-Unjoni tista’ timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni fis-suq intern u f’pajjiżi terzi għall-prodotti agrikoli u l-metodu tal-produzzjoni tagħhom, kif ukoll għal ċerti prodotti alimentari bbażati fuq prodotti agrikoli.

(2)

Meta wieħed iqis l-esperjenza miksuba, u l-iżviluppi fis-settur agrikolu u fis-swieq interni u dawk esterni tal-Unjoni, hemm lok għar-rieżami tal-iskema stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 3/2008 biex dan ikun aktar effikaċi u koerenti. Huwa xieraq għalhekk li jitħassar ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 u li jinbidel b’wieħed ġdid.

(3)

L-objettiv ta’ tali azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni huwa li tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur agrikolu tal-Unjoni, biex b’hekk ikun hawn ekwità akbar kemm fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi. B’mod aktar speċifiku, l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għandhom jimmiraw sabiex tiżdied il-kuxjenza tal-konsumaturi dwar il-merti tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni u l-metodi ta’ produzzjoni u biex jiżdiedu l-kuxjenza u r-rikonoxximent ta’ skemi ta’ kwalità tal-Unjoni. Barra minn hekk, għandhom iżidu l-kompetittività u l-konsum ta’ prodotti agrikoli tal-Unjoni, jgħollu l-profil tagħhom kemm ġewwa u barra l-Unjoni u jżidu s-sehem mis-suq ta’ dawk il-prodotti, b’attenzjoni speċjali għal dawk is-swieq f’pajjiżi terzi li għandhom l-ogħla potenzjal għat-tkabbir. Fil-każ ta’ tfixkil serju tas-suq, telf ta’ fiduċja tal-konsumatur jew problemi aktar speċifiċi, dawk l-azzjonijiet għandhom jgħinu biex il-kundizzjonijiet normali tas-suq jerġgħu li kienu. Tali azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għandhom, b’mod utli, jikkomplementaw u jsaħħu l-azzjonijiet implimentati mill-Istati Membri. Sabiex jilħqu l-objettivi tagħhom, l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għandhom ikomplu jiġu implimentati ġewwa u barra l-Unjoni.

(4)

Il-miżuri għandhom ukoll jimmiraw għat-tisħih tal-awtentiċità tal-prodotti tal-Unjoni sabiex jitjieb l-għarfien tal-konsumaturi dwar il-kwalitajiet ta’ prodotti ġenwini meta mqabbla ma’ imitazzjonijiet u prodotti foloz; dan se jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-għarfien fl-Unjoni kif ukoll fil-pajjiżi terzi dwar is-simboli, l-indikazzjonijiet u l-abbrevjazzjonijiet li jixhdu l-parteċipazzjoni fl-iskemi Ewropej tal-kwalità stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(5)

Wieħed mill-aspetti qawwijin tal-produzzjoni tal-ikel tal-Unjoni jinsab fid-diversità tal-prodotti tagħha u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, li huma marbuta ma’ żoni ġeografiċi differenti u metodi tradizzjonali differenti u li jipprovdu togħmiet uniċi filwaqt li joffru l-varjetà u l-awtentiċità li l-konsumaturi qed ifittxu dejjem aktar, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha.

(6)

Minbarra informazzjoni dwar il-karatteristiċi intrinsiċi tal-prodotti agrikoli u alimentari tal-Unjoni, l-azzjonijiet eliġibbli jistgħu jikkomunikaw messaġġi favorevoli għall-konsumatur, u jiffukaw inter alia, fuq in-nutrizzjoni, it-togħma, it-tradizzjoni u l-kultura.

(7)

L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni ma għandhomx ikunu orjentati skont marki kummerċjali jew skont l-oriġini. Madankollu, sabiex titjieb il-kwalità u l-effikaċja tad-dimostrazzjonijiet, l-attivitajiet ta’ tidwiq u materjal ta’ informazzjoni u promozzjoni, għandu jkun possibbli li jissemmew il-marki kummerċjali u l-oriġini tal-prodott, sakemm jibqa’ jiġi rispettat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u li l-miżuri ma jkunux immirati lejn l-inkoraġġiment favur il-konsum ta’ prodott fuq il-bażi unika tal-oriġini tiegħu. Barra minn hekk, tali miżuri għandhom jirrispettaw il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u ma għandhomx iwasslu għal restrizzjoni fil-moviment ħieles ta’ prodotti agrikoli u alimentari bi ksur tal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Għandhom jiġu stipulati regoli speċifiċi dwar il-viżibilità ta’ marki kummerċjali u ta’ oriġini fir-rigward tal-messaġġ ewlieni ta’ kampanja tal-Unjoni.

(8)

L-Unjoni tesporta prinċipalment prodotti agrikoli finali, inklużi prodotti agrikoli mhux elenkati fl-Anness I tat-TFUE. Għalhekk il-forniment ta’ informazzjoni u l-miżuri ta’ promozzjoni għandhom jinfetħu biex jinkludu ċerti prodotti barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I tat-TFUE. Dan ikun konsistenti ma’ skemi oħra tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) bħall-iskemi Ewropej tal-kwalità, li diġà huma miftuħa għal dawn il-prodotti.

(9)

L-informazzjoni u l-promozzjoni tal-inbejjed tal-Unjoni hija waħda mill-miżuri ewlenin tal-programmi ta’ għajnuna fis-settur tal-inbid.Fir-rigward tal-inbid, huwa biss l-inbid b’denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta, kif ukoll l-inbid li fuqu hemm indikata l-varjetà tal-għenba tal-produzzjoni tal-inbid li għandhom ikunu s-suġġett tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni. Fil-każ ta’ programmi sempliċi, il-programm inkwistjoni għandu jkopri wkoll ma’ prodott agrikolu jew alimentari ieħor. B’mod simili, ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jipprevedi l-promozzjoni ta’ prodotti tas-sajd u l-akkwakultura. Konsegwentement, l-eliġibbiltà ta’ prodotti tas-sajd u l-akkwakultura elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), għall-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni previsti skont din l-iskema għandha tkun limitata esklussivament għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura li huma assoċjati ma’ prodott agrikolu jew prodott tal-ikel ieħor.

(10)

Prodotti koperti mill-iskemi ta’ kwalità tal-Unjoni u minn skemi rikonoxxuti mill-Istati Membri għandhom ikunu eliġibbli għall-miżuri ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni peress tali skemi jipprovdu lill-konsumaturi bil-garanzija dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott jew il-proċess ta’ produzzjoni użat, jiksbu valur miżjud għall-prodotti kkonċernati u jsaħħu l-opportunitajiet tas-suq tagħhom. Bl-istess mod, il-metodu ta’ produzzjoni organika, kif ukoll is-simbolu grafiku għal prodotti agrikoli ta’ kwalità speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi għandhom ikunu eliġibbli għall-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni.

(11)

Għall-perjodu 2001-2011, 30 % biss tal-baġit allokat għall-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni intefaq fuq misuri għall-pajjiżi terzi, meta dawk is-swieq joffru potenzjal kbir għat-tkabbir. Għalhekk huma meħtieġa arranġamenti sabiex jinkoraġġixxu għadd akbar ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni favur il-prodotti agrikoli tal-Unjoni fil-pajjiżi terzi, b’mod partikolari bl-għoti ta’ aktar appoġġ finanzjarju.

(12)

Biex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-miżuri ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni implimentati, huma għandhom jiġu żviluppati fil-kuntest ta’ programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni. Programmi bħal dawn s’issa ġew sottomessi minnorganizzazzjonijiet professjonali jew interprofessjonali. Sabiex jiżdied in-numru tal-azzjonijiet proposti u biex titjieb il-kwalità, il-firxa ta’ benefiċjarji għandha titwessa’ biex tinkludi organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, gruppi u korpi tas-settur agroalimentari li l-objettiv u l-attività tagħhom huma li jipprovdu informazzjoni dwar il-prodotti agrikoli u jippromwovuhom.

(13)

L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni kkofinanzjati mill-Unjoni għandhom jiddimostraw dimensjoni speċifika tal-Unjoni. Għal dan il-għan, u sabiex ikun evitat sparpaljar ta’ riżorsi u sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-Ewropa permezz ta’ dawn l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għal prodotti agrikoli u ċerti prodotti tal-ikel, jeħtieġ li jiġi stabbilit programm ta’ ħidma li jiddefinixxi l-prijoritajiet strateġiċi għal dawn l-azzjonijiet f’termini ta’ popolazzjonijiet, ta’ prodotti, ta’ skemi jew ta’ swieq fil-mira kif ukoll il-karatteristiċi tal-messaġġi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni li għandhom jingħataw. Il-programm għandu jiġi żviluppat fuq il-bażi tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti skont dan ir-Regolament, u għandu jikkunsidra l-possibilitajiet offruti mis-swieq u l-ħtieġa li l-azzjonijiet implimentati mill-Istati Membri u l-operaturi jiġu kkomplementati u msaħħin, kemm fis-suq intern u f’pajjiżi terzi, sabiex jiġi żgurat li dik il-politika ta’ promozzjoni u informazzjoni tkun koeżiva. Għal dan il-għan, meta tfassal dak il-programm, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Istati Membri u ma’ partijiet interessati rilevanti.

(14)

Il-programm ta’ ħidma għandu jipprovdi, inter alia, arranġamenti speċifiċi sabiex issir reazzjoni fl-eventwalità ta’ tfixkil serju tas-suq jew telf ta’ fiduċja tal-konsumatur, jew problemi speċifiċi oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tqis b’mod partikolari l-pożizzjoni predominanti tal-intrapriżi żgħar u medji fis-settur agroalimentari, settur li jibbenefika mill-miżuri eċċezzjonali previsti fl-Artikoli 219, 220 u 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u, għall-miżuri immirati lejn pajjiżi terzi, tal-ftehimiet tal-kummerċ ħieles li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali tal-Unjoni. Meta tfassal dak il-programm, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll l-iżvantaġġi ta’ żoni muntanjużi, il-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni.

(15)

Sabiex jiġi żgurat li azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni jiġu implimentati b’mod effettiv, dawn għandhom jiġu fdati lil korpi ta’ implimentazzjoni magħżula permezz ta’ proċedura kompetittiva. Madankollu, f’każijiet debitament ġustifikati, organizzazzjonijiet proponenti għandu jkollhom il-possibilità li jimplimentaw direttament ċerti partijiet mill-programm tagħhom.

(16)

Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ timplimenta l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni fuq inizjattiva tagħha stess, inklużi missjonijiet ta’ livell għoli, partikolarment bil-ħsieb li dan jikkontribwixxi għall-ftuħ ta’ swieq ġodda. Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tmexxi l-kampanji tagħha stess biex tipprovdi rispons fil-pront u effettiv fl-eventwalità ta’ tfixkil serju tas-suq jew telf ta’ fiduċja tal-konsumatur. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-inizjattivi tagħha stess li jippjanaw li jimplimentaw tali kampanji. Approprjazzjonijiet allokati lil programmi sempliċi jew multipli ta’ informazzjoni u promozzjoni ma għandhomx jitnaqqsu fl-eventwalità ta’ azzjoni meħuda mill-Kummissjoni taħt dawk iċ-ċirkostanzi.

(17)

Lil hinn mil-limiti tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni, jeħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa u tikkoordina servizzi ta’ appoġġ tekniku fil-livell tal-Unjoni bil-għan li tgħin lill-operaturi jieħdu sehem fi programmi kofinanzjati, biex iwettqu kampanji effiċjenti jew biex jiżviluppaw l-attivitajiet tal-esportazzjoni tagħhom. Dawk is-servizzi għandhom b’ mod partikolari jinkludu l-forniment ta’ linji gwida biex benefiċjarji potenzjali jikkonformaw mar-regoli u l-proċeduri relatati ma’ din il-politika.

(18)

L-isforzi ta’ promozzjoni tal-prodotti tal-Unjoni fis-swieq tal-pajjiżi terzi kultant jiġu preġudikati mill-kompetizzjoni li jiffaċċjaw ta’ imitazzjonijiet u prodotti foloz. Is-servizzi ta’ appoġġ tekniku żviluppati mill-Kummissjoni jinkludu pariri għas-settur fir-rigward tal-protezzjoni ta’ prodotti tal-Unjoni minn prattiki ta’ imitazzjoni u ta’ falsifikazzjoni.

(19)

Is-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju tal-PAK hija prijorità importanti għall-Unjoni. Tali approċċ għandu jiġi applikat ukoll għal dan ir-Regolament. B’mod partikolari, il-prinċipji ta’ tmexxija amministrattiva tal-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni għandhom jiġu riveduti bil-għan li jiġu semplifikati u li jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li japplikaw il-preżentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-għażla ta’ proposti għal programmi. Il-Kummissjoni, madankollu, għandha tiżgura li l-Istati Membri jirċievu informazzjoni fil-ħin dwar il-programmi kollha proposti u magħżula. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi b’mod partikolari n-numru ta’ proposti rċevuti, l-Istati Membri u s-setturi kkonċernati, u l-eżitu tal-valutazzjoni ta’ dawk il-proposti.

(20)

Il-kooperazzjoni bejn atturi ekonomiċi ta’ Stati Membri differenti tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-valur miżjud tal-Unjoni u għall-viżibbiltà akbar tad-diversità tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni. Minkejja l-prijorità mogħtija lil programmi li ġew żviluppati b’mod konġunt bejn l-organizzazzjonijiet proponenti fi Stati Membri differenti, fil-perjodu 2001-2011 tali programmi kienu responsabbli biss għal 16 % tal-baġit allokat għal azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni. Konsegwentement, arranġamenti ġodda għandhom jiġu introdotti, partikolarment fir-rigward tal-ġestjoni ta’ programmi multipli, sabiex jingħelbu l-ostakli eżistenti għall-implimentazzjoni tagħhom.

(21)

Jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-kriterji tal-finanzjament ta’ azzjonijiet. Bħala regola ġenerali, sabiex jiġi żgurat li organizzazzjonijiet proponenti interessati jieħdu f’idejhom is-sehem tagħhom ta’ responsabbiltà, l-Unjoni għandha tkopri biss parti mill-ispejjeż tal-programmi. Madankollu, ċerti spejjeż amministrattivi u tal-persunal, li mhumiex marbuta mal-implimentazzjoni tal-PAK, jiffurmaw parti integrali ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni u għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni.

(22)

Kull miżura għandha tkun suġġetta għal monitoraġġ u evalwazzjoni sabiex tittejjeb il-kwalità tagħha u tingħata prova tal-kisbiet tagħha. F’dan il-kuntest għandha tiġi ddeterminata lista ta’ indikaturi, u l-impatt tal-politika tal-promozzjoni għandu jiġi vvalutat mill-Kummissjoni b’rabta mal-objettivi strateġiċi tagħha. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni għal din il-politika li jkun konsistenti mal-qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni komuni tal-PAK.

(23)

Sabiex ikunu ssupplimentati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, is-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni. Dan l-għoti ta’ setgħa għandu jkopri, b’suppliment għal-lista fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, il-kriterja biex tkun iddeterminata l-eliġibilità tal-organizzazzjonijiet proponenti, il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura kompetittiva għall-għażla ta’ korpi implimentattivi, il-kundizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw l-eliġibbiltà fir-rigward ta’ programmi sempliċi, tal-ispejjeż ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni, tal-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal u d-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mir-Regolament (KE) Nru 3/2008 għal dan ir-Regolament. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet adatti waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u adatta ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(24)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ regoli dettaljati dwar il-viżibbiltà ta’ marki kummerċjali waqt dimostrazzjonijiet ta’ prodotti jew attivitajiet ta’ tidwiq u fuq materjal ta’ informazzjoni u promozzjoni u dwar il-viżibbiltà tal-oriġini ta’ prodotti fuq materjal ta’ informazzjoni u promozzjoni; il-programmi ta’ ħidma annwali; l-għażla ta’ programmi sempliċi; regoli dettaljati li bihom organizzazzjoni proponenti tista’ tkun awtorizzata timplementa ċerti partijiet ta’ programm sempliċi hija nnifisha; l-arranġamenti għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll ta’ programmi sempliċi; ir-regoli li jikkonċernaw il-konklużjoni ta’ kuntratti għall-implimentazzjoni ta’ programmi sempliċi magħżula skont dan ir-Regolament; u l-qafas komuni għall-valutazzjoni tal-impatt tal-programmi kif ukoll sistema ta’ indikaturi. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(25)

Minħabba r-rabtiet li jeżistu bejn il-politika ta’ promozzjoni u l-istrumenti l-oħra tal-PAK, u meta titqies il-garanzija pluriennali tal-finanzjament mill-Unjoni u l-konċentrazzjoni tagħha fuq prijoritajiet definiti b’mod ċar, l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni,l-Unjoni tista’ għalhekk tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula l-kundizzjonijiet li taħthom l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni rigward prodotti agrikoli u ċerti prodotti alimentari bbażati fuq prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern jew f’pajjiżi terzi (“azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni’), jistgħu jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, kollha kemm huma jew parzjalment.

Artikolu 2

Objettivi ġenerali u speċifiċi tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni

1.   L-objettiv ġenerali tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni huwa li tissaħħaħ il-kompetittività tas-setttur agrikolu tal-Unjoni.

2.   L-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni huma:

(a)

żieda fil-kuxjenza dwar il-merti tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni u l-istandards għoljin applikabbli għall-metodi ta’ produzzjoni fl-Unjoni;

(b)

żieda fil-kompetittività u l-konsum ta’ prodotti agrikoli tal-Unjoni u ċerti prodotti agrikoli u sabiex jogħla l-profil tagħhom kemm ġewwa u barra l-Unjoni;

(c)

żieda fil-kuxjenza u r-rikonoxximent ta’ skemi ta’ kwalità tal-Unjoni;

(d)

żieda tas-sehem tas-suq tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni u ċerti prodotti tal-ikel, b’attenzjoni speċifika għal dawk is-swieq f’pajjiżi terzi li għandhom l-ogħla potenzjal ta’ tkabbir;

(e)

l-istabbiliment mill-ġdid tal-kundizzjonijiet normali tas-suq f’każ ta’ taqlib serju fis-suq, telf tal-fiduċja tal-konsumatur jew problemi speċifiċi oħra.

Artikolu 3

Deskrizzjoni tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni

L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għandhom jimmiraw sabiex:

(a)

jenfasizzaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-metodi tal-produzzjoni agrikola fl-Unjoni, partikolarment f’termini ta’ sikurezza tal-ikel, tat-traċċjabilità, tal-awtentiċità, tat-tikkettjar, tal-aspetti nutrittivi u tas-saħħa, tal-benesseri tal-annimali, tar-rispett għall-ambjent u s-sostenibilità, u l-karatteristiċi tal-prodotti agrikoli u alimentari, b’mod partikolari f’termini ta’ kwalità, togħma, diversità jew tradizzjonijiet tagħhom;

(b)

sensibilizzazzjoni dwar l-awtentiċità ta’ denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini Ewropea, indikazzjoni ġeografika protetta u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti.

Dawn il-miżuri għandhom jikkonsistu b’ mod partikolari f’ħidma ta’ relazzjonijiet pubbliċi u kampanji ta’ informazzjoni u jistgħu jieħdu l-forma wkoll ta’ parteċipazzjoni f’avvenimenti, fieri u eżibizzjonijiet ta’ importanza nazzjonali, Ewropea u internazzjonali.

Artikolu 4

Karatteristiċi tal-azzjonijiet

1.   L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni mhumiex orjentati skont marki kummerċjali. Madankollu, għandu jkun possibli għall-marki kummerċjali tal-prodotti li jkunu viżibbli matul dimostrazzjonijiet jew avvenimenti ta’ tidwiq tal-prodotti u fuq l-informazzjoni u l-materjal promozzjonali, sakemm il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jkun rispettat u n-natura ġenerali mhux orjentata lejn il-marka kummerċjali tal-miżuri, ma tinbidilx. Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għandu japplika u jiżgura trattament u aċċess ugwali għall-marki kummerċjali kollha tal-organizzazzjonijiet proponenti u trattament ugwali għall-Istati Membri. Kull marka kummerċjali għandha tkun ugwalment viżibbli u l-preżentazzjoni grafika tagħha għandha tuża format iżgħar mill-messaġġ prinċipali tal-kampanja tal-Unjoni. Bosta marki kummerċjali għandhom jiġu esposti, minbarra f’ċirkostanzi debitament ġustifikati li jappartjenu għas-sitwazzjoni speċifika tal-Istati Membri.

2.   L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni ma għandhomx ikunu orjentati lejn l-oriġini. Tali azzjonijiet ma għandhomx ikollhom l-għan li jinkoraġġixxul-konsum ta’ prodott abbażi biss tal-oriġini tiegħu. Madankollu, l-oriġini ta’ prodotti tista’ tkun viżibbli fuq informazzjoni u materjal promozzjonali, suġġett għar-regoli li ġejjin:

(a)

fis-suq intern, il-preżenza ta’ indikazzjoni tal-oriġini dejjem għandha tkun sekondarja f’relazzjoni mal-messaġġ ewlieni tal-kampanja tal-Unjoni.

(b)

fil-pajjiżi terzi, il-preżenza ta’ indikazzjoni tal-oriġini tista’ tkun fl-istess livell bħall-messaġġ ewlieni tal-kampanja tal-Unjoni.

(c)

għal prodotti rikonoxxuti taħt l-iskemi ta’ kwalità msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 5(4), l-oriġini reġistrata fid-denominazzjoni tista’ tissemma mingħajr ebda restrizzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha taddotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dettaljati dwar:

(a)

il-viżibbiltà ta’ marki kummerċjali waqt dimostrazzjonijiet jew avvenimenti ta’ tidwiq u fuq materjal ta’ informazzjoni u promozzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, kif ukoll kundizzjonijiet uniformi li bihom marka kummerċjali unika tista’ tintwera; u,

(b)

il-viżibbiltà tal-oriġini ta’ prodotti fuq materjal ta’ informazzjoni u promozzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).

Artikolu 5

Prodotti u skemi eliġibbli

1.   Il-prodotti li ġejjin jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni jistgħu jkopru l-prodotti li ġejjin:

(a)

il-prodotti elenkati fl-Anness I tat-TFUE, eskluż it-tabakk;

(b)

il-prodotti elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(c)

xorb spirituż (spirti tax-xorb) b’indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

2.   Il-Kummmissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 22, sabiex tieħu kont tal-iżviluppi fis-suq, billi tissupplimenta l-lista fl-Anness I ta’ dan ir-Regulation tiġi supplementata biż-żieda ta’ prodotti tal-ikel f’dik il-lista.

3.   Minkejja l-paragrafu 1,

(a)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni jistgħu jkopru biss l-inbid b’denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta, kif ukoll l-inbid li fuqu hemm indikata l-varjetà tal-għenba tal-produzzjoni tal-inbid; fil-każ ta’ programmi sempliċi msemmija fl-Artikolu 6(3), il-programm inkwistjoni għandu jkopri wkoll prodotti oħra msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1;

(b)

fir-rigward tal-ispirti tax-xorb kif imsemmi fil- punt (c) tal-paragrafu 1, l-inbid kif imsemmi fil- punt (a) ta’ dan il-paragrafu u l-birra, l-azzjonijiet li jimmiraw lejn is-suq intern għandom ikunu limitati biex jgħarrfu lill-konsumaturi dwar l-iskemi stabbiliti fil-paragrafu 4 u l-konsum responsabbli ta’ dan ix-xorb.

(c)

il-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura elenkati fl-Anness I tar-Regulation (UE) Nru 1379/2013 jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni biss jekk prodotti oħra kif imsemmi fil-paragrafu 1 ikunu koperti wkoll mill-programm inkwistjoni.

4.   L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni jistgħu jkopru l-iskemi li ġejjin:

(a)

l-iskemi tal-kwalità stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 u l-Artikolu 93 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(b)

il-metodu ta’ produzzjoni organika kif definit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (11);

(c)

is-simbolu grafiku tal-prodotti agrikoli ta’ kwalità li huma speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi kif msemmi fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

(d)

l-iskemi ta’ kwalità msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

KAPITOLU II

IMPLIMENTAZZJONI TAL-AZZJONIJIET TA’ INFORMAZZJONI U TA’ PROMOZZJONI

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 6

Tipi ta’ azzjonijiet

1.   L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għandhom jieħdu l-forma ta’:

(a)

programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni (“programmi”) u

(b)

il-miżuri fuq l-inizjattivi tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 9.

2.   Il-programmi għandhom jikkonsistu f’sett koerenti ta’ operazzjonijiet u għandhom jiġu implimentati tul perjodu ta’ mill-inqas sena iżda mhux iktar minn tliet snin.

3.   Programmi sempliċi, li aktar dettalji madwarhom huma previsti fit-Taqsima 2 ta’ din il-Kapitolu, jistgħu jiġu mressqa minn organizzazzjoni proponenti waħda jew aktar, kif imsemmi fil-punti (a), (c) jew (d) tal-Artikolu 7(1), li għandhom ikunu kollha minn Stat Membru wieħed.

4.   Programmi multipli, li aktar dettalji dwarhom huma previsti fit-Taqsima 3 ta’ din il-Kapitolu, jistgħu jiġu sottomessi minn:

(a)

tal-anqas żewġ organizzazzjonijiet proponenti imsemmija fil-punti (a), (c) jew (d) tal-Artikolu 7(1) li kollha għandhom ikunu minn tal-anqas żewġ Stati Membri; jew

(b)

organizzazzjoni tal-Unjoni waħda jew aktar imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 7(1).

Artikolu 7

L-entitajiet proponenti

1.   Programm jista’ jiġi propost minn:

(a)

organizzazzjonijiet professjonali jew interprofessjonali stabbiliti fi Stat Membru u rappreżentanti tas-settur jew setturi kkonċernat(i) f’dak l-Istat Membru, u b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet interprofessjonali msemmija fl-Artikolu 157 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-gruppi kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, sakemm ikunu rappreżentattivi għall-isem protett skont ir-Regolament tal-aħħar u li huwa kopert b’dak il- -programm;

(b)

organizzazzjonijiet professjonali jew interprofessjonali tal-Unjoni rappreżentattivi tas-settur jew setturi kkonċernat(i) fil-livell tal-Unjoni;

(c)

organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, kif definiti fl-Artikoli 152 u 156 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li ġew rikonoxxuti minn Stat Membru.

(d)

korpi tas-settur agroalimentari li l-objettiv u l-attività tagħhom huma li jipprovdu informazzjoni dwar, u li jippromwovu prodotti agrikoli u li jkunu ġew inkarigati, mill-Istat Membru kkonċernat, b’missjoni ta’ servizz pubbliku f’dan il-qasam iddefinit b’mod ċar; dawk il-korpi għandhom ikunu ġew stabbiliti legalment fl-Istat Membru inkwistjoni tal-inqas sentejn qabel id-data tas-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 8(2).

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikoli 22, li jistipulaw kundizzjonijiet speċifiċi li bihom kull organizzazzjoni, grupp u korpi proponenti msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jressaq programm. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom, b’mod partikolari, jiggarantixxu li dawk l-organizzazzjonijiet, gruppi u korpi huma rappreżentattivi u li l-programm ikun fuq skala sinifikanti.

Artikolu 8

Programm ta’ ħidma annwali

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, li jistipulawgħal kull sena, programm ta’ ħidma annwali li jistabbilixxi l-għanijiet operazzjonali li għandhom jiġu segwiti, il-prijoritajiet operazzjonali, ir-riżultati mistennija, il-metodu ta’ implimentazzjoni u l-ammont totali tal-pjan ta’ finanzjament. Dak il-programm ta’ ħidma annwali, u b’mod partikolari, il-prijoritajiet operazzjonali tiegħu, għandhom jirrispettaw l-għanijiet speċifiċi spjegati fl-Artikolu 2. B’mod partikolari, il-programm għandu jipprovdi għal arranġamenti temporanji speċifiċi għal reazzjoni għal tfixkil serju fis-suq, telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi jew problemi speċifiċi oħra kif imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 2(2). Dan għandu jinkludi wkoll il-kriterji prinċipali għall-evalwazzjoni, deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammonti allokati għal kull tip ta’ azzjoni, skeda indikattiva tal-implimentazzjoni u, fil-każ tal-għotjiet, ir-rata massima ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni msemmi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).

2.   Il-programm ta’ ħidma msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi implimentat, għal programmi sempliċi u għal dawk multipli, permezz tal-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ sejħiet għal proposti skont it-Titolu VI tal-Parti I tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

Artikolu 9

Azzjonijiet bl-inizjattiva tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni tista’ timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni kif deskritti fl-Artikolu 3, inklużi kampanji fil-każ ta’ tfixkil serju tas-suq, telf tal-fiduċja tal-konsumaturi jew problemi speċifiċi oħra msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 2(2). Dawn l-azzjonijiet jistgħu b’mod partikolari jieħdu l-forma ta’ missjonijiet ta’ livell għoli, parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali u f’esponimenti ta’ importanza internazzjonali, bil-ħolqien ta’ stands jew operazzjonijiet maħsuba biex jippromwovu r-reputazzjoni tal-prodotti tal-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni tiżviluppa s-servizzi ta’ appoġġ tekniku, b’mod partikolari bil-ħsieb li:

(a)

tinkoraġġixxi s-sensibiliżżazzjoni dwar swieq differenti, inkluż permezz ta’ laqgħat ta’ ħidma esploratorji;

(b)

żżomm netwerk professjonali dinamiku madwar politika ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni, inkluż l-għoti ta’ parir lis-settur dwar it-theddida tal-prodotti ta’ imitazzjoni u foloz f’pajjiżi terzi; u

(c)

ttejjeb l-għarfien dwar regoli tal-Unjoni li jikkonċernaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni.

Artikolu 10

Projbizzjoni ta’ finanzjament doppju

L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni finanzjati skont dan ir-Regolament m’għandhom jirċievu l-ebda finanzjament ieħor taħt il-baġit tal-Unjoni.

TAQSIMA 2

Implimentazzjoni u ġestjoni ta’ programmi sempliċi

Artikolu 11

Għażla ta’ programmi sempliċi

1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa u tagħżel proposti għal programmi sempliċi li tirċievi b’ risposta għal-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 8(2). Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22 li jistipula l-kondizzjonijiet speċifiċi għall-eliġibbiltà fir-rigward ta’ programmi sempliċi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, li jiddeterminaw il-programmi sempliċi magħżula, kwalunkwe it-tibdiliet li għandhom isiru lilhom, u dwar korrispondenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).

Artikolu 12

Informazzjoni dwar l-għażla ta’ programmi sempliċi

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 23, u b’hekk lill-Istati Membri, informazzjoni f’waqtha dwar il-programmi kollha proposti jew magħżula.

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tipprovdi:

(a)

informazzjoni dwar l-għadd ta’ proposti milqugħa, l-Istati Membri li fihom l-organizzazzjonijiet proponenti huma stabbiliti, is-setturi involutiu s-suq jew swieq immirat(i);

(b)

informazzjoni dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni tal-valutazzjoni tal-proposti u deskrizzjoni sommarja tagħhom.

Artikolu 13

Korpi inkarigati mill-implimentazzjoni tal-programmi sempliċi

1.   Wara li tkun twettqet kif xieraq proċedura kompetittiva, l-organizzazzjoni proponenti għandha tagħżel il-korpi li se jimplimentaw programmi sempliċi magħżula bil-ħsieb, b’mod partikolari, li jiġi żgurat li l-azzjonijiet jiġu implimentati b’mod effikaċi.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22 li jistipula l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura kompetittiva għas-selezzjoni tal-korpi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

2.   B’ deroga mill-paragrafu 1, organizzazzjoni proponenti tista’ timplimenta ċerti partijiet ta’ programm hi stess, suġġett għal kundizzjonijiet relatati mal-esperjenza tal-organizzazzjoni proponenti fl-implimentazzjoni ta’ tali azzjonijiet, il-kost ta’ tali azzjonijiet fir-rigward tar-rati normali tas-suq u s-sehem tal-kost totali li hu rappreżentat mill-parti tal-programm implimentata mill-organizzazzjoni proponenti.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dettaljati li taħthom l-organizzazzjoni proponenti tista’ tiġi awtorizzata timplimenta ċerti partijiet tal-programm hija stess. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).

Artikolu 14

Implimentazzjoni, monitoraġġ u kontroll tal-programmi sempliċi

1.   L-Istati Membri kkonċernati huma responsabbli għat-twettiq tajjeb tal-programmi sempliċi magħżula msemmija skont l-Artikolu 11, kif ukoll għall-pagamenti relatati. L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb li l-materjal ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni li jiġi prodott fil-kuntest tal-programmi msemmija jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-arranġamenti għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll u r-regoli li jikkonċernaw il-konklużjoni ta’ kuntratti għall-implimentazzjoni tal-programmi sempliċi magħżula skont dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni tal-programmi sempliċi u għandhom jissorveljaw u jikkontrollaw dawn il-programmi skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u skont l-atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati skont il-paragrafu 1.

Artikolu 15

Dispożizzjonijiet finanzjarji relatati mal-programmi sempliċi

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-programmi sempliċi fis-suq intern għandha tkun ta’ 70 % tan-nefqa eliġibbli. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-programmi sempliċi f’pajjiżi terzi għandha tkun ta’ 80 % tan-nefqa eliġibbli. In-nefqa li tibqa’ titħallas esklussivament mill-organizzazzjonijiet proponenti.

2.   Il-perċentwali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżdiedu għal 85 % fil-każ ta’ tfixkil serju fis-suq, telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi jew problemi speċifiċi oħra msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 2(2).

3.   Bħala deroga mill-paragrafi 1 u 2, għall-organizzazzjonijiet proponenti stabbiliti fl-Istati Membri li fl-1 ta’ Jannar 2014 jew wara dik id-data jkunu benefiċjarji ta’ appoġġ finanzjarju skont l-Artikoli 136 u 143 tat-TFUE, il-perċentwali msemmija fil-paragrafu 1, għandhom ikunu ta’ 75 % u 85 % rispettivament, u l-preċentaġġ imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun ta’ 90 %.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għal dawk il-programmi li tkun ittieħdet deċiżjoni dwarhom mill-Kummissjoni qabel id-data li minnha l-Istat Membru kkonċernat ma jkomplix jirċievi tali appoġġ finanzjarju.

4.   L-istudji sabiex jiġu evalwati r-riżultati tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni skont il-qafas komuni msemmi fl-Artikolu 25 huma eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni bil-kundizzjonijiet simili għal dawk li jirregolaw il-programm sempliċi inkwistjoni.

5.   L-Unjoni tiffinanzja għalkollox l-ispejjeż ta’ konsulenza marbuta mal-għażla tal-programmi skont il-punt (a) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

6.   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-programmi sempliċi, l-organizzazzjonijiet proponenti għandhom jipprovdu garanziji.

7.   L-Unjoni għandha tiffinanzja azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni implimentati permezz tal-programmi sempliċi skont il-punt (c) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

8.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22, dwar il-kondizzjonijiet speċifiċi li skonthom l-ispejjeż tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni u, fejn meħtieġ, l-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal huma eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni.

TAQSIMA 3

Implimentazzjoni u ġestjoni tal-programmi multipli u tal-azzjonijiet implimentati bl-inizjattiva tal-kummissjoni

Artikolu 16

Tipi ta’ finanzjament

1.   Il-finanzjament jista’ jieħu wieħed jew aktar mill-forom li jiddisponi għalihom ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u b’mod partikolari dan jikkonsist fi:

(a)

għotjiet għall-programmi multi;

(b)

swieq għall-azzjonijiet bl-inizjattiva tal-Kummissjoni.

2.   Il-finanzjament mill-Unjoni ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni implimentati abbażi tal-programmi multipli jew bl-inizjattiva tal-Kummissjoni jsir skont il-punt (a) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 17

Evalwazzjoni tal-programmi multipli

Il-proposti għal programmi multipli huma evalwati u magħżula fuq il-bażi tal-kriterji imħabbra fis-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 8(2).

Artikolu 18

Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programmi multipli

Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 23, u b’hekk lill-Istati Membri informazzjoni f’waqtha dwar il-programmi kollha li jiġu proposti u magħżula.

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet finanzjarji relatati mal-programmi multipli

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-programmi multipli għandha tkun ta’ 80 % tan-nefqa eliġibbli. In-nefqa li tibqa’ titħallas esklussivament mill-organizzazzjonijiet proponenti.

2.   Il-perċentwal imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiżdied għal 85 % fil-każ ta’ tfixkil serju fis-suq, telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi jew problemi speċifiċi oħra msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 2(2).

3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, għall-organizzazzjonijiet proponenti stabbiliti fl-Istati Membri li fl-1 ta’ Jannar 2014 jew wara dik id-data jkunu benefiċjarji ta’ appoġġ finanzjarju skont l-Artikoli 136 u 143 tat-TFUE, il-perċentwali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu ta’ 85 %, u ta’ 90 % rispettivament.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għal dawk il-programmi li tkun ittieħdet deċiżjoni dwarhom mill-Kummissjoni qabel id-data li minnha l-Istat Membru kkonċernat ma jkomplix jirċievi tali appoġġ finanzjarju.

Artikolu 20

L-akkwist għal azzjonijiet implimentati bl-inizjattiva tal-Kummissjoni

Kwalunkwe akkwist effettwat mill-Kummissjoni f’isimha stess jew flimkien ma’ Stati Membri huwa soġġett għar-regoli dwar l-akkwist stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (16).

Artikolu 21

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Union

1.   Il-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa sabiex tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont din it-taqsima, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu mħarsa bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, b’kontrolli effikaċi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, bl-irkupru tal-ammonti li jkunu tħallsu bi żball u, fejn xieraq, b’penali amministrattivi u finanzjarji effikaċi, proporzjonali u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri jkollhom is-setgħa li jawditjaw, abbażi tad-dokumenti u fuq il-post, fir-rigward tal-benefiċjarji kollha tal-għotja, kuntratturi u subkuntratturi li jkunu rċevew il-fondi tal-Unjoni.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (18) sabiex jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim ta’ għotja jew ma’ deċiżjoni ta’ għotja jew ma’ kuntratt iffinanzjat mill-Unjoni.

4.   Bla preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta’ għotja, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ programm taħt dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li espressament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditjar u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

TAQSIMA 1

Delega ta’ setgħat u dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni

Artikolu 22

L-eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 5(2), 7(2), 11(1), 13(1), 15(8) u 29(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-24 ta' Novembru 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 5(2), 7(2), 11(1), 13(1), 15(8) u 29(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-publikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data oħra li tkun speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att ta’ delega, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att ta’ delega adottat skont dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 23

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni hija assistita mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit bl-Artikolu 229 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Dak il-kumitat huwa kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

TAQSIMA 2

Konsultazzjoni, valutazzjoni u rappurtar

Artikolu 24

Konsultazzjoni

Fil-qafas tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-grupp għad-djalogu ċivili fuq il-kwalita’ u l-promozzjoni stabbilti permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/767/UE (19).

Artikolu 25

Qafas komuni għall-valutazzjoni tal-impatt tal-azzjonijiet

B’mod koerenti mal-qafas komuni ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni tal-politika agrikola komuni provdut fl-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-Kummissjoni, għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-qafas komuni għall-valutazzjoni tal-impatt tal-programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni ffinanzjati skont dan ir-Regolament, kif ukoll sistema ta’ indikaturi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni huma adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).

Il-partijiet kollha kkonċernati jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-tagħrif u l-informazzjoni kollha neċessarji biex tkun tista’ ssir il-valutazzjoni tal-impatt tal-azzjonijiet.

Artikolu 26

Rapport

1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport interim dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dak ir- rapport interim għandu jinkludi r-rata tal-utilizzazzjoni fl-Istati Membri differenti, flimkien ma’ kwalunkwe proposta xierqa.

2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpannjat minn proposti xierqa, skont il-każ.

TAQSIMA 3

Għajnuna mill-istat, tħassir, dispożizzjonijiet tranżitorji, dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni

Artikolu 27

Għajnuna mill-Istat

B’deroga mill-Artikolu 211(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u mill-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 (20), kif ukoll bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42 TFUE, tal-Artikoli 107, 108 u 109 TFUE ma għandhomx japplikaw għall-pagamenti li jsiru mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament u skont id-dispożizzjonijiet tagħha, u lanqas ma għandhom japplikaw għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji li jkunu ġejjin minn dħul parafiskali, minn kontribuzzjonijiet mandatarji jew strumenti finanzjarji oħra tal-Istati Membri, fil-każ ta’ programmi eliġibbli għall-appoġġ tal-Unjoni li l-Kummissjoni tkun għażlet f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 28

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni mniżżla fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 29

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 għandu jkompli japplika għal dawk l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni li għalihom il-Kummissjoni tkun iddeċidiet il-finanzjament qabel l-1 ta’ Diċembru 2015.

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti ta’ delega f’konformita mal-Artikolu 22 biex tiżgura t-tranżizzjoni bejn l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 3/2008 u dan ir-Regolament.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Ottubru 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

B. DELLA VEDOVA


(1)  Opinjoni tat-30 ta’ April 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tat-2 ta’ April 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2014.

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2007 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (ĠU L 3, 5.1.2008, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(6)  Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond tas-Sajd Ewropew Marittimu u li jħassar Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

(7)  Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).

(8)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti agrikoli u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347,20.12.2013, p. 671).

(9)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(10)  Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).

(11)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).

(12)  Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikultura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23).

(13)  Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(14)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(15)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78 (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(16)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(17)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(18)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar kontrolli u spezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi tal-Komunitajiet Ewropej mill-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, fuq il-post 15.11.1996, p. 2).

(19)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/767/UE tas-16 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi qafas għal djalogu ċivili fi kwistjonijiet koperti bil-politika agrikola komuni u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/391/KE (ĠU L 338, 17.12.2013, p. 115).

(20)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 tal-24 ta’ Lulju 2006 li japplika ċerti regoli ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni ta’, u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli (ĠU L 214, 4.8.2006, p. 7).


ANNESS I

Il-prodotti msemmija fil-punt (b) tal-artikolu 5(1)

(a)

birra,

(b)

ċikkulata u prodotti derivati,

(c)

prodotti ta’ ħobż, għaġina, kejkijiet, ħlewwiet, gallettini u prodotti oħra tal-furnara,

(d)

xorb minn estratti tal-pjanti,

(e)

għaġin,

(f)

melħ,

(g)

gomma u reżina naturali,

(h)

pasta tal-mustarda,

(i)

qamħirrum ħelu (zea mays var. saccharata),

(j)

qoton.


ANNESS II

It-Tabella ta’ Korrelazzjoni

msemmija fl-Artikolu 28

Regolament (KE) Nru 3/2008

Dan ir-Regolament

L-Artikolu 1(1), l-ewwel subparagrafu

L-Artikolu 1

L-Artikolu 1(1), it-tieni subparagrafu

Il-punt (a) tal-Artikolu 6(1)

L-Artikolu 1(2)

L-Artikolu 4(1) u (2)

LArtikolu 2

L-Artikolu 3

L-Artikoli 3 u 4

L-Artikolu 5

L-Artikolu 5

L-Artikolu 8

L-Artikolu 6(1)

L-Artikolu 7

L-Artikolu 6(2)

L-Artikolu 7

L-Artikolu 8

L-Artikoli 11, 12 u 17

L-Artikolu 9

L-Artikolu 10

L-Artikolu 9

L-Artikolu 11

L-Artikolu 13

L-Artikolu 12(1)

L-Artikolu 12(2)

L-Artikolu 14

L-Artikolu 13(1)

L-Artikolu 6(1)(b)

L-Artikolu 13(2), l-ewwel subparagrafu

L-Artikoli 15(1), 15(2) u 15(3) u l-Artikolu 19

L-Artikolu 13(2), it-tieni subparagrafu

L-Artikolu 13(2), it-tielet subparagrafu

L-Artikolu 13(3), (4) u (5)

L-Artikolu 13(6)

L-Artikolu 27

L-Artikolu 14

L-Artikolu 15(5), 15(7) u l-Artikolu 16(2)

L-Artikoli 15 u 16

L-Artikoli 4(3), 5(2), 7(2), 8(1), 11, 13, 14(1), 15(8), 22, 23, 25 u 29

L-Artikolu 17

L-Artikolu 24

L-Artikolu 18

L-Artikolu 26

L-Artikolu 19

L-Artikolu 28

L-Artikolu 20

L-Artikolu 30