|
ISSN 1977-074X |
||
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 265 |
|
|
||
|
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 57 |
|
|
|
Rettifika |
|
|
|
* |
|
|
|
|
|
(1) Test b'rilevanza għaż-ŻEE |
|
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
II Atti mhux leġiżlattivi
REGOLAMENTI
|
5.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 265/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 944/2014
tat-2 ta' Settembru 2014
li jistabbilixxi projbizzjoni tas-sajd għal-lipp abjad fl-ilmijiet tal-UE u fl-ilmijiet internazzjonali taż-żoni V, VI u VII minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Spanja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-kwoti għall-2014 huma stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1262/2012 (2). |
|
(2) |
Skont l-informazzjoni li waslet għand il-Kummissjoni, il-qabdiet tal-istokk imsemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament, li saru minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru msemmi hemmhekk jew irreġistrati fih, eżawrew il-kwota allokata lilhom għall-2014. |
|
(3) |
Għalhekk, jeħtieġ li jiġu pprojbiti l-attivitajiet tas-sajd għal dak l-istokk, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Eżawriment tal-kwota
Il-kwota tas-sajd allokata lill-Istat Membru msemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament għall-istokk imsemmi hemmhekk għall-2014 għandha titqies bħala eżawrita mid-data stipulata f'dak l-Anness.
Artikolu 2
Projbizzjonijiet
L-attivitajiet tas-sajd għall-istokk imsemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru msemmi hemmhekk jew irreġistrati fih, għandhom jiġu pprojbiti mid-data stipulata f'dak l-Anness. B'mod partikolari, għandu jkun ipprojbit li jinżamm abbord, jiġi trażbordat, jiġi trasportat jew jinħatt l-art, ħut minn dak l-istokk li jaqbdu dawk il-bastimenti wara dik id-data.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Settembru 2014.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Lowri EVANS
Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1262/2012 tal-20 ta' Diċembru 2012 li jiffissa għall-2013 u l-2014 l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-UE għal ċerti stokkijiet ta' ħut tal-baħar fond (ĠU L 356, 22.12.2012, p. 22).
ANNESS
|
Numru |
24/DSS |
|
Stat Membru |
Spanja |
|
Stokk |
GFB/567- |
|
Speċi |
Lipp Abjad (Phycis blennoides) |
|
Żona |
L-ilmijiet tal-UE u l-ilmijiet internazzjonali taż-żoni V, VI u VII |
|
Data tal-Għeluq |
12.8.2014 |
|
5.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 265/3 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 945/2014
tal-4 ta' Settembru 2014
li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' indiċi diversifikati b'mod xieraq rilevanti skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 344(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 344(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ir-riskju speċifiku ta' futur tal-indiċi tal-borża li jkun trattat bħala ekwità individwali skont dak l-Artikolu jista' jiġi injorat meta l-indiċi tal-borża rilevanti jiġi negozjat fil-borża u jirrappreżenta indiċi diversifikat b'mod xieraq rilevanti. |
|
(2) |
Meta futur ta' indiċi tal-borża negozjat fil-borża ikun diversifikat kif xieraq, wieħed jista' jassumi li indiċi tal-borża bħal dan ma jirrappreżenta l-ebda riskju speċifiku. Dan jiġi kkunsidrat bħala l-każ fejn l-indiċi jikkonsisti f'minn tal-inqas 20 ekwità, l-ebda entità waħda inkluża fihom ma tirrappreżenta aktar minn 25 % tal-indiċi totali u 10 % tal-akbar ekwitajiet (in-numru arrotondit ta' ekwitajiet għan-numru naturali superjuri) jirrappreżentaw anqas minn 60 % tal-indiċi totali. Barra minn hekk, l-indiċi jrid jinkludi ekwitajiet minn mill-anqas suq nazzjonali u dawn iridu jikkonsistu f'ekwitajiet minn mill-anqas erba' industriji fosthom taż-żejt u l-gass, materjali bażiċi, titoli industrijali, oġġetti tal-konsum, kura tas-saħħa, servizzi tal-konsumatur, telekomunikazzjonijiet, utilitajiet, finanzi u teknoloġija. |
|
(3) |
Minħabba li l-Artikolu 344(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jirreferi għall-indiċi eliġibbli “rilevanti”, unikament dawk l-indiċi tal-borża li huma rilevanti għall-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE ġew ivvalutati skont il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-indiċi tal-borża eliġibbli. |
|
(4) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ssottomess mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni. |
|
(5) |
L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Indiċi tal-borża għall-finijiet tal-Artikolu 344 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013
Il-lista ta' indiċi tal-borża, li tista' tiġi trattata skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 344(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, tinsab fl-Anness.
Artikolu 2
Dħul fis-Seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
ANNESS
Indiċi tal-borża li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-Artikolu 344 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013
|
Indiċi |
Il-pajjiż |
||
|
L-Awstralja |
||
|
L-Awstrija |
||
|
Il-Belġju |
||
|
Il-Brażil |
||
|
Il-Kanada |
||
|
Iċ-Ċina |
||
|
Il-Kroazja |
||
|
Id-Danimarka |
||
|
L-Ewropa |
||
|
L-Ewropa |
||
|
L-Ewropa |
||
|
L-Ewropa |
||
|
L-Ewropa |
||
|
L-Ewropa |
||
|
L-Ewropa |
||
|
L-Ewropa |
||
|
L-Ewropa |
||
|
L-Ewropa |
||
|
L-Ewropa |
||
|
Franza |
||
|
Franza |
||
|
Il-Ġermanja |
||
|
Il-Ġermanja |
||
|
Il-Ġermanja |
||
|
Il-Ġermanja |
||
|
Il-Greċja |
||
|
Ħong Kong |
||
|
Ħong Kong |
||
|
L-Indja |
||
|
L-Italja |
||
|
Il-Malasja |
||
|
Malta |
||
|
Il-Ġappun |
||
|
Il-Ġappun |
||
|
Il-Messiku |
||
|
Il-Pajjiżi l-Baxxi |
||
|
Il-Pajjiżi l-Baxxi |
||
|
Il-Polonja |
||
|
Il-Portugall |
||
|
Singapor |
||
|
Spanja |
||
|
L-Isvezja |
||
|
L-Isvizzera |
||
|
L-Emirati Għarab Magħquda |
||
|
Ir-Renju Unit |
||
|
Ir-Renju Unit |
||
|
L-Istati Uniti tal-Amerika |
||
|
L-Istati Uniti tal-Amerika |
||
|
L-Istati Uniti tal-Amerika |
|
5.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 265/7 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 946/2014
tal-4 ta' Settembru 2014
li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara analiżi tal-“esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ir-Regolament bażiku) tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri antidumping eżistenti
|
(1) |
F'lulju 2005, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005 (2), il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ir-RPĊ). Il-miżuri kienu jikkonsistu f'dazju antidumping ad valorem li jvarja bejn 7,6 % u 46,7 %. |
|
(2) |
F'lulju 2008, permezz tar-Regolament (KE) Nru 684/2008 (3), il-Kunsill, wara analiżi interim tal-ambitu tal-prodott, ikkjarifika l-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni oriġinali. |
|
(3) |
F'Ġunju 2009, bir-Regolament (KE) Nru 499/2009 (4), il-Kunsill, wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkumvenzjoni, estenda d-dazju definittiv antidumping applikabbli fuq “il-kumpaniji l-oħra kollha” impost mir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 għal importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom mibgħuta mit-Tajlandja, sew jekk dikjarati li joriġinaw fit-Tajlandja u sew jekk le. |
|
(4) |
F'Ottubru 2011, bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011 (5), il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-RPĊ wara analiżi ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Id-dazju estiż kif imsemmi fil-premessa 3 hawn fuq inżamm ukoll mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011. |
|
(5) |
Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju antidumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011, wara analiżi tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (l-investigazzjoni tal-analiżi tal-iskadenza) kif emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013 (6) wara analiżi interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku (l-investigazzjoni tal-analiżi interim). Ir-rata ta' dazju fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż konċernat” jew “ir-RPĊ”) bħalissa huwa ta' 70,8 %. Il-miżuri huma applikabbli wkoll għal importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom ikkonsenjati mit-Tajlandja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja jew le skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (KE) Nru 499/2009 wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkumvenzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku. |
1.2. Talba għal analiżi
|
(6) |
Il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) irċeviet talba għal analżi ta' “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. It-talba ġiet ippreżentata fit-3 ta' Mejju 2013 minn Ningbo Logitrans Handling Equipment Co., Ltd (l-applikant), prodottur esportatur ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom fir-RPĊ. |
|
(7) |
L-applikant sostna li jopera skont il-kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq kif definiti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. |
|
(8) |
Huwa sostna wkoll li ma kienx jesporta pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri antidumping, jiġifieri mill-1 ta' April 2003 sal-31 ta' Marzu 2004 (il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali). Huwa qal li lanqas ma esporta l-prodott konċernat matul il-perjodu tal-investigazzjoni tal-analiżi interim sussegwenti, jiġifieri mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta' Diċembru 2011. |
|
(9) |
Barra minn hekk, l-applikant iddikjara li ma kien relatat mal-ebda produttur esportatur ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li kienu suġġetti għall-miżuri antidumping imsemmija hawn fuq. |
|
(10) |
L-applikant kompla jiddikjara li kien beda jesporta pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom lejn l-Unjoni wara tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali u l-perjodu tal-investigazzjoni tal-analiżi interim sussegwenti. |
1.3. Bidu ta' analiżi ta' esportatur ġdid
|
(11) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza prima facie mressqa mill-applikant u kkunsidrata bħala ġustifikazzjoni suffiċjenti biex tibda analiżi skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv u wara li l-industrija tal-Unjoni kkonċernata ngħatat l-opportunità tikkummenta, il-Kummissjoni tat bidu għal analiżi skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 32/2014 (7). |
|
(12) |
Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 32/2014, id-dazju antidumping impost bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011 kif emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013 ġie mħassar fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom prodotti u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-applikant. Fl-istess waqt, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 32/2014, l-awtoritajiet doganali kienu ordnati jieħdu passi xierqa biex jirreġistraw dawn l-importazzjonijiet. |
|
(13) |
Ir-Regolament (UE) Nru 32/2014 iddetermina li jekk l-investigazzjoni turi li l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti li jiġi stabbilit dazju individwali, jista' jkun hemm bżonn li tiġi emendata r-rata ta' dazju applikabbli attwalment skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011 kif emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 372/2013. |
1.4. Prodott konċernat
|
(14) |
Il-prodott konċernat huwa pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażi u s-sistemi idrawliċi, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8427 90 00 (kodiċi TARIC 8427 90 00 11 u 8427 90 00 19) u ex 8431 20 00 (kodiċi TARIC 8431 20 00 11 u 8431 20 00 19) u li joriġinaw fir-RPĊ (il-prodott konċernat). |
1.5. Partijiet konċernati
|
(15) |
Il-Kummissjoni nnotifikat uffiċjalment lill-industrija tal-Unjoni, l-applikant u r-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur dwar il-bidu tal-analiżi. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità jressqu l-opinjoni tagħhom bil-miktub u jinstemgħu. |
|
(16) |
Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għad-determinazzjoni tal-istatus tal-esportatur ġdid, il-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq u d-dumping. Il-Kummissjoni bagħtet formola ta' pretensjoni għal trattament ta' ekonomija tas-suq u kwestjonarju lill-applikant u l-kumpaniji relatati tiegħu u rċeviet risposta qabel l-iskadenza stabbilita għal dak il-għan. Twettqu żjarat ta' verifika fuq il-post tal-applikant u l-kumpanija relatata fid-Danimarka, Logitrans A/S. |
1.6. Perjodu tal-investigazzjoni tal-analiżi
|
(17) |
Il-perjodu tal-investigazzjoni tal-analiżi tad-determinazzjoni tad-dumping kopra l-perjodu mill-1 ta' Lulju 2012 sal-31 ta' Diċembru 2013 (il-perjodu ta' investigazzjoni tal-analiżi). |
2. L-INVESTIGAZZJONI
2.1. Kwalifika ta' esportatur ġdid
|
(18) |
L-investigazzjoni kkonfermat li l-applikant ma kienx esporta l-prodott konċernat matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri mill-1 ta' April 2003 sal-31 ta' Marzu 2004, u lanqas fil-perjodu ta' investigazzjoni ta' analiżi interim sussegwenti, jiġifieri mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2011, u li kien beda jesporta lejn l-Unjoni wara dawn il-perjodi. |
|
(19) |
L-applikant seta' wkoll juri li ma kellu l-ebda rabta, diretta jew indiretta, ma' ebda produttur esportatur Ċiniż soġġett għall-miżuri antidumping fis-seħħ fir-rigward tal-prodott konċernat. |
|
(20) |
Għaldaqstant, qed jiġi kkonfermat li l-applikant għandu jitqies bħala “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, u għandu għalhekk jiġi stabbilit marġni individwali għalih. |
2.2. Trattament tal-Ekonomija tas-Suq (TES)
|
(21) |
Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tiddetermina l-valur normali skont l-Artikolu 2(1) sa (6) ta' dak ir-Regolament għal produtturi esportaturi fir-RPĊ li jikkonformaw mal-kriterji fl-Artikolu 2(7)(c) ta' dak ir-Regolament u li għalhekk jistgħu jingħataw TES. |
|
(22) |
L-applikant huwa kumpanija privata, li hija totalment proprjetà ta' kumpanija li l-azzjonisti diretti tagħha huma kumpaniji fl-Unjoni Ewropea. Id-deċiżjonijiet tal-operat ta' kuljum jittieħdu mid-direttur eżekuttiv li hu ċittadin tal-Unjoni Ewropea u wkoll membru tal-bord tad-diretturi. Id-deċiżjonijiet kummerċjali ewlenin jittieħdu mill-bord tal-azzjonisti. La kien hemm il-preżenza ta' xi uffiċjal relatat mal-Istat, u lanqas ma kien hemm xi interferenza oħra tal-Istat fir-RPĊ fit-teħid tad-deċiżjonijiet. |
|
(23) |
Imbagħad, l-input prinċipali għall-manifattura tal-pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom fil-każ tal-applikant kienu partijiet tal-metall nofshom lesti magħmulin minn azzar bil-karbonju illaminat bis-sħana mixtri mingħand fornituri differenti fir-RPĊ, jiġifieri diġà pproċessati f'partijiet tal-azzar tal-karbonju illaminat bis-sħana. |
|
(24) |
Abbażi ta' informazzjoni disponibbli għall-pubbliku (8) kien stabbilit li l-prezzijiet tal-partijiet tal-metall proċessati mħallsa mill-applikant kienu suffiċjentement għolja biex jirriflettu l-prezzijiet tal-azzar fis-suq internazzjonali u l-valur miżjud għall-proċessar tal-azzar illaminat bis-sħana f'partijiet tal-metall nofshom lesti. Bħala riżultat, id-distorsjoni tal-prezzijiet tal-azzar mhux proċessat fir-RPĊ stabbilit matul l-investigazzjoni ta' analiżi interim (9) ma nstabx li ġiet ittrasferita fuq il-prezzijiet tal-partijiet tal-metall proċessat imħallsa mill-applikant f'dan il-każ. |
|
(25) |
Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, kien għalhekk konkluż li l-applikant wera li kien issodisfa l-kriterju 1 tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. |
|
(26) |
Imbagħad, l-applikant kellu sett wieħed ċar ta' reġistri bażiċi tal-kontabbiltà li ġew awditjati indipendentement skont standards internazzjonali tal-kontabbiltà u applikati għall-iskopijiet kollha. Għalhekk ġie konkluż li l-applikant wera li kien issodisfa l-kriterju 2 tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. |
|
(27) |
Ma' dan, l-applikant ma kellu l-ebda self minn istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi u lanqas ma kellu self li ma kienx mogħti skont il-kundizzjonijiet tas-suq fejn jidħlu garanziji, rata tal-imgħax u kundizzjonijiet oħra. Ma kien hemm indikazzjoni tal-ebda distorsjoni jew vantaġġ ieħor marbut mal-post jew il-bini jew kwalunkwe interferenza oħra mill-Istat fl-operat tal-applikant. L-applikant lanqas ma kien ikkunsidrat bħala kumpanija ta' teknoloġija għolja biex b'hekk potenzjalment ikun jista' jirċievi xi benefiċċju mill-Istat f'dik il-kapaċità. Għalhekk ġie konkluż li l-applikant wera li kien issodisfa l-kriterju 3 tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. |
|
(28) |
Instab ukoll li l-applikant kien suġġett għal-liġijiet rilevanti Ċiniżi tal-falliment u l-proprjetà, li l-applikazzjoni tagħhom hija mfassla biex tiggarantixxi ċ-ċertezza u l-istabbiltà legali għall-operat tad-ditti. Ma kienx hemm indikazzjonijiet li dawn il-liġijiet ma jkunux applikabbli u implimentati għall-applikant. Għalhekk ġie konkluż li l-applikant wera li kien issodisfa l-kriterju 4 tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. |
|
(29) |
Fl-aħħar, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda restrizzjoni fuq l-użu u l-konverżjoni ta' muniti barranin. It-tranżazzjonijiet tal-kambju tal-applikant twettqu skont ir-rati tas-suq u seta' jiddisponi liberament mill-użu tal-fondi proprji tiegħu. Għalhekk ġie konkluż li l-applikant wera li kien issodisfa l-kriterju 5 tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. |
|
(30) |
Fuq il-bażi ta' dak li jirriżulta hawn fuq, ġie konkluż li l-applikant seta' jingħata TES biex b'hekk il-valur normali tiegħu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku. |
|
(31) |
Il-Kummissjoni żvelat ir-riżultati tal-analiżi TES lill-applikant, lill-awtoritajiet tar-RPĊ u lill-industrija tal-Unjoni u tathom l-opportunità jikkummentaw. |
|
(32) |
L-industrija tal-Unjoni sostniet li l-prezz internazzjonali tal-azzar ibbażat fuq informazzjoni disponibbli għall-pubbliku (ara l-premessa 24 iktar 'il fuq) mhijiex bażi xierqa għat-tqabbil peress li l-prezzijiet imħallsa minn operaturi iżgħar fis-suq tal-azzar ikunu tal-inqas 20 % ogħla mill-prezzijiet internazzjonali ta' referenza. L-industrija tal-Unjoni qalet ukoll li l-prezz imħallas għall-partijiet tal-metall proċessat użati fil-produzzjoni tal-pallet trucks tal-idejn fl-Unjoni jkun ħafna ogħla mill-prezzijiet imħallsa mill-applikant li fih innifsu jindika li l-prezz imħallas mill-applikant għal dawn il-partijiet ikun soġġett għal distorsjoni. |
|
(33) |
Il-prezzijiet internazzjonali ta' referenza kienu wkoll użati bħala bażi ta' paragun fl-investigazzjoni ta' analiżi interim u ma sar l-ebda aġġustament għal dawn il-prezzijiet (10). Tabilħaqq, peress li kwalunkwe primjum imħallas fuq il-prezzijiet internazzjonali ta' referenza jiddependi fuq fatturi individwali speċifiċi għal kull operatur fis-suq, ma hemm ebda bażi oġġettiva li jsir aġġustament ġenerali għaż-żieda allegata. Għalhekk it-talba li l-prezzijiet internazzjonali ta' referenza jiġu aġġustati kienet miċħuda. |
|
(34) |
Fir-rigward tal-prezz imħallas għall-partijiet tal-metall proċessat użati fil-produzzjoni tal-pallet trucks tal-idejn fl-Unjoni, l-evidenza ta' sostenn sottomessa mill-industrija tal-Unjoni ma wrietx li l-prezzijiet imħallsa mill-applikant għal dawn il-partijiet huma soġġetti għal distorsjoni. Dan minħabba li, kif spjegat fil-premessa 33 aktar 'il fuq kwalunkwe primjum imħallas fuq il-prezzijiet internazzjonali ta' referenza jiddependi fuq fatturi individwali speċifiċi għal kull operatur fis-suq, għalhekk ma hemmx bażi oġġettiva li jsir aġġustament ġenerali għaż-żieda allegata. Barra minn hekk, l-evidenza sottomessa wriet għadd sinifikanti ta' fatturi oħra li jaffettwaw il-prezz ta' dawn il-partijiet tal-metall minbarra l-prezzijiet tal-azzar u dan ma ppermetta l-ebda konklużjoni dwar il-livell xieraq ta' dawn il-partijiet li jista' jintuża bħala valur refernzjarju. Għalhekk, l-argument li l-prezzijiet imħallsa għall-partijiet tal-metall proċessat fl-Unjoni jindikaw li l-prezz imħallas mill-applikant għal dawn il-partijiet huwa soġġett għal distorsjoni ġie miċħud. |
|
(35) |
L-industrija tal-Unjoni argumentat ukoll li l-prezzijiet tal-azzar fir-RPĊ huma ssussidjati u ġeneralment distorti u li dan il-fatt fih innifsu jkun biżżejjed biex il-prezzijiet tal-partijiet tal-metall proċessati ulterjorment fir-RPĊ jitqiesu li huma distorti wkoll. |
|
(36) |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, filwaqt li l-Kummissjoni tista' tibbaża fuq konsiderazzjonijiet makroekonomiċi bħal distorsjonijiet fil-prezz tal-materja prima fil-livell industrijali/settorjali, id-determinazzjoni tat-TES trid issir individwalment għal kull kumpanija, jiġifieri ssir valutazzjoni ta' jekk il-prezzijiet imħallsa mill-kumpanija individwali għall-input tagħha jirriflettux il-valuri tas-suq (11). Barra minn hekk, ġie ċċarat ukoll li l-Kummissjoni tista' tqabbel il-prezzijiet medji domestiċi Ċiniżi tal-materja prima mal-medja tal-prezzijiet internazzjonali sabiex tiddetermina jekk għandux jingħata TES fuq din il-bażi (12). |
|
(37) |
Kif spjegat fil-premessa 24 ġie stabbilit li d-distorsjonijiet osservati fil-prezz fis-suq tal-azzar mhux proċessat fir-RPĊ ma nstabx li qed jiġu ttrasferiti fuq il-prezzijiet tal-partijiet tal-metall proċessat imħallsa mill-applikant. Dan l-approċċ huwa konformi mal-ġurisprudenza peress li jqis is-sitwazzjoni individwali tal-applikant u għalhekk l-argument tal-industrija tal-Unjoni f'dan ir-rigward ġie miċħud. |
|
(38) |
Fl-aħħar nett, l-industrija tal-Unjoni qalet li l-attribuzzjoni ta' marġni tal-antidumping individwali lill-applikant tikkostitwixxi riskju għoli ta' ċirkumvenzjoni peress li l-applikant diġà xtara pallet trucks tal-idejn minn fornitur ieħor fir-RPĊ u esportahom mill-ġdid lejn l-Unjoni. |
|
(39) |
Id-dikjarazzjoni ta' riskju akbar ta' ċirkumvenzjoni ma ġiet sostnuta bl-ebda evidenza. B'mod partikolari, l-applikant instab li ma kienx relatat mal-fornitur inkwestjoni jew ma' xi fornitur ieħor fir-RPĊ. L-investigazzjoni għalhekk ma kkonfermat l-ebda riskju akbar ta' ċirkumvenzjoni f'dan il-każ speċifiku. Fl-aħħar nett, ir-riskju ta' ċirkumvenzjoni per se mhuwiex kriterju msemmi fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku u għalhekk mhuwiex rilevanti fid-determinazzjoni ta' jekk kumpanija tikkwalifikax għat-TES. B'konsegwenza, dan l-argument ma ntlaqax. |
|
(40) |
Wara d-divulgazzjoni, l-industrija tal-Unjoni tenniet l-argumenti tagħha li l-prezzijiet tal-azzar abbażi ta' informazzjoni disponibbli għall-pubbliku ma kinux bażi xierqa għat-tqabbil peress li l-prezzijiet imħallsa minn operaturi iżgħar fis-suq tal-azzar ikunu ogħla mill-prezzijiet internazzjonali ta' referenza u wkoll ogħla mill-prezzijiet imħallsa mill-kumpaniji li kienu suġġetti għall-investigazzjoni ta' analiżi interim imsemmija fil-premessa 24 hawn fuq. L-industrija tal-Unjoni sostniet ukoll li t-tqabbil tal-prezzijiet li sar mill-Kummissjoni msemmi fil-premessa 24 ma jqisx kif xieraq il-kost tal-proċessar tal-partijiet tal-metall. |
|
(41) |
Dak li qalet l-industrija tal-Unjoni madankollu ma kienx sostnut b'aktar evidenza. Għalhekk, tqies li dawn il-kummenti kienu sempliċement tennija tal-argumenti ta' qabel li diġà ġew indirizzati fil-premessi 32 sa 37 hawn fuq u ġew miċħuda. |
2.3. Dumping
Valur normali
|
(42) |
Il-Kummissjoni, l-ewwel eżaminat jekk il-volum tal-bejgħ domestiku totali tal-prodott simili lil konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku kienx rappreżentattiv, jiġifieri jekk il-volum totali ta' dak il-bejgħ kienx jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ tal-esportazzjoni tiegħu tal-prodott konċernat lejn l-Unjoni waqt il-perjodu tal-investigazzjoni ta' analiżi, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni sabet li l-bejgħ kumplessiv tal-prodott simili fis-suq domestiku ma kienx rappreżentattiv minħabba li kien taħt il-limitu ta' 5 %. |
|
(43) |
Peress li ma kienx hemm volum ta' bejgħ domestiku rappreżentattiv, il-Kummissjoni użat valur normali maħdum skont l-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku. |
|
(44) |
Il-valur normali nħadem billi ngħaddew flimkien l-ispiża medja tal-produzzjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' analiżi, l-ispejjeż medji ponderati tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (SG&A) li saru u l-profit medju ponderat li sar mill-applikant fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fl-andament ordinarju tal-kummerċ, matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' analiżi. |
Prezz tal-esportazzjoni
|
(45) |
L-applikant esporta pallet trucks tal-idejn iżda wkoll il-partijiet essenzjali tagħhom (is-sistemi idrawliċi) li huma wkoll prodott konċernat. L-esportazzjonijiet tas-sistemi idrawliċi kienu ta' valur u volum relattivament baxxi matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' analiżi. Barra minn hekk, l-idrawliċi ma kinux mibjugħa mill-ġdid lil konsumaturi indipendenti mill-kumpanija relatata fl-Unjoni. Minflok, dawn intużaw esklussivament għall-produzzjoni tal-pallet trucks tal-idejn mill-kumpanija relatata fl-Unjoni li mbagħad biegħet il-prodott lest (pallet trucks tal-idejn) fis-suq tal-Unjoni. Konsegwentement, ma kienx hemm prezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-idrawliċi. Barra minn hekk, billi l-analiżi attwali tikkonċerna biss kumpanija waħda, ma kienx hemm dejta oħra disponibbli li fuq il-bażi tagħha seta' jiġi stabbilit raġonevolment prezz ta' bejgħ mill-ġdid tal-idrawliċi. Fid-dawl ta' dan, ma ġiex stabbilit prezz tal-esportazzjoni għall-idrawliċi. Bi ftehim mal-applikant, il-prezz tal-esportazzjoni stabbilit għall-pallet trucks tal-idejn tqies bħala rappreżentattiv tal-partijiet essenzjali, u għalhekk intuża hu. |
|
(46) |
Il-bejgħ tal-esportazzjoni sar permezz tal-importatur relatat fl-Unjoni li reġa' biegħ il-prodott lil konsumaturi indipendenti fl-Unjoni. Għaldaqstant, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodott importat inbiegћ mill-ġdid gћall-ewwel darba lil konsumaturi indipendenti fl-Unjoni billi tnaqqsu l-ispejjeż kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgћ mill-ġdid (SG&A) u marġni raġonevoli ta' profit. Intużaw is-SG&A attwali tal-importatur relatat. Fir-rigward tal-marġni raġonevoli tal-profitt, fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli, intużat stima ta' marġni ta' profitta' 5 %. |
|
(47) |
Wara d-divulgazzjoni l-applikant ikkontesta l-livell tal-SG&A relatat mal-bejgħ tal-prodott konċernat stabbilit waqt l-investigazzjoni billi qal li spejjeż għolja mġarrba waqt fil-bejgħ ta' prodotti oħra ma għandhomx jiġu attribwiti lill-prodott konċernat. Din l-istqarrija kienet tikkontradixxi d-dejta verifikata. L-applikant ma setax jipprovdi allokazzjoni tal-ispejjeż alternattiva u lanqas xi evidenza li ssostni l-istqarrija tiegħu u għalhekk din it-talba ġiet miċħuda. |
|
(48) |
Wara d-divulgazzjoni, l-applikant stqarr li minkejja r-relazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur relatat fl-Unjoni, il-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu skont il-prinċipju tad-distakkament u ma għandux jitqies li mhumiex affidabbli. Għalhekk, l-applikant ikkunsidra li l-prezz tal-esportazzjoni għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku abbażi tal-prezzijiet imħallsa mill-importatur relatat. |
|
(49) |
L-evidenza pprovduta mill-applikant ma ssostnix l-argument li l-prezz ġie stabbilit skont il-prinċipju tad-distakkament. Għalhekk, il-prezz tat-trasferiment bejn il-kumpaniji relatati ma kienx f'livell li jippermetti lill-importatur relatat jagħmel profitt raġonevoli fl-Unjoni. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-prezz tat-trasferiment intern ma kienx jirrifletti l-valur tas-suq xieraq tal-prodott konċernat, u din it-talba ġiet miċħuda. |
|
(50) |
Alternattivament, anke wara d-divulgazzjoni l-applikant stqar li d-dazji antidumping imħallsa kienu riflessi kif dovut fil-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid u fil-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni u, għalhekk, meta jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni, l-ammont tad-dazji antidumping imħallas ma għandux jitnaqqas f'konformità mal-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku. |
|
(51) |
L-evidenza pprovduta mill-applikant ma setgħetx, madankollu, turi li d-dazji antidumping kienu riflessi kif dovut fil-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid u fil-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni. L-evidenza ssuġġeriet żieda minima ħafna li seħħet wara l-perjodu tal-investigazzjoni. Għaldaqstant, din it-talba ġiet miċħuda. |
Paragun
|
(52) |
Il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tqabblu fuq bażi ta' prezz mill-fabbrika. Sabiex ikun żgurat paragun ġust, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta' aġġustamenti għad-differenzi li jaffetwaw il-paragunabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Fuq din il-bażi, saru aġġustamenti għat-trasport, l-ispejjeż tal-ippakkjar u t-tariffi tal-importazzjoni, inklużi d-dazji doganali (4 %) u d-dazji antidumping (46,7 % u 70,8 %, imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011 u emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 372/2013 rispettivament) direttament fuq il-prezz tal-esportazzjoni fil-każijiet kollha fejn intwera għal differenzi li jaffettwaw il-pargunabbiltà tal-prezzijiet. L-ispejjeż tat-trasport u l-ippakkjar imsemmija qabel, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, huma kkunsidrati bħala informazzjoni kunfidenzjali. Madankollu, din l-informazzjoni ġiet ivverifikata mill-Kummissjoni u nstab li ma tiddevjax mil-livelli normali. |
|
(53) |
Wara d-divulgazzjoni l-applikant għamel talba għal aġġustament tal-livell tal-kummerċ bażat fuq differenza allegata bejn il-bejgħ fis-suq domestiku u fis-suq tal-esportazzjoni. L-applikant qal li l-bejgħ fis-suq domestiku sar kollu lil utenti aħħarija filwaqt li l-bejgħ fl-Unjoni sar lil negozjanti jew importaturi. L-applikant qal li għandu jsir aġġustament speċjali skont l-Artikolu 2(10)(d)(ii) tar-Regolament bażiku. |
|
(54) |
L-applikant ma pprovda l-ebda informazzjoni ġdida jew addizzjonali biex isostni t-talba tiegħu. Fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura u verifikata matul l-investigazzjoni ma setax jiġi stabbilit li l-iskonti lil negozjanti u importaturi kienu marbuta ma' differenza fil-funzjonijiet tal-bejgħ. Għalhekk, ma setax jintwera li l-allegata differenza fil-livell tal-kummerċ kellu impatt fuq il-prezzijiet tal-bejgħ u affetwat il-paragunabilità tal-prezzijiet. It-talba ġiet miċħuda fuq din il-bażi. |
Marġini ta' dumping
|
(55) |
Skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku, il-marġni tad-dumping ġie stabbilit abbażi ta' paragun ta' valur medju normali ponderat ma' prezz medju tal-esportazzjoni ponderat, kif stabbilit hawn fuq. |
|
(56) |
Il-paragun wera l-eżistenza ta' dumping f'livell ta' 54,1 %, espress bħala perċentwali tal-prezz Kost, Assigurazzjoni u Merkanzija (Cost, Insurance, and Freight — CIF) fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas. |
3. EMENDI FIL-MIŻURI LI QEGĦDIN JIĠU ANALIZZATI
|
(57) |
Il-marġni tad-dumping kif stabbilit kien taħt il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu madwar il-pajjiż kollu li kien stabbilit għar-RPĊ fl-investigazzjoni oriġinali msemmija fil-premessa 1 aktar 'il fuq. Għalhekk għandu jiġi impost dazju bbażat fuq il-marġni tad-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom prodotti minn Ningbo Logitrans Handling Equipment Co., Ltd. u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 372/2013 għandu jiġi emendat skont dan. |
4. REĠISTRAZZJONI
|
(58) |
Fid-dawl ta' dak li jirriżulta hawn fuq, id-dazju antidumping kif stabbilit għandu jiġi impost retroattivament fuq l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat li saru suġġetti għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 32/2014. |
5. DIVULGAZZJONI U TUL TA' ŻMIEN TAL-MIŻURI
|
(59) |
Il-partijiet konċernati ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien hemm l-intenzjoni li jiġi impost, fuq l-importazzjonijiet ta' hand pallet trucks u l-partijiet essenzjali tagħhom mill-applikant, dazju antidumping emendat u li dan id-dazju jiġi impost retroattivament fuq l-importazzjonijiet li saru suġġetti għal reġistrazzjoni. Il-kummenti tagħhom tqiesu u ttieħdu f'kunsiderazzjoni fejn xieraq. |
|
(60) |
Din l-analiżi ma taffettwax id-data li fiha jiskadu l-miżuri imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011 kif emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 372/2013 skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. |
|
(61) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 372/2013, li jissostitwixxi l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011, dan li ġej jiddaħħal fit-tabella li tirrigwarda r-Repubblika Popolari taċ-Ċina:
|
Kumpanija |
Rata tad-dazju (%) |
Kodiċi TARIC addizzjonali |
|
Ningbo Logitrans Handling Equipment Co., Ltd |
54,1 |
A070 |
2. B'dan, id-dazju impost jiġi applikat ukoll b'mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat li kienu rreġistrati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 32/2014.
L-awtoritajiet doganali huma b'dan ordnati jwaqqfu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodott konċernat prodott minn Ningbo Logitrans Handling Equipment Co., Ltd.
3. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazju doganali.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 tat-18 ta' Lulju 2005 li jimponi dazju definittiv antidumping u jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 189, 21.7.2005, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 684/2008 tas-17 ta' Lulju 2008 li jiċċara l-ambitu tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 192, 19.7.2008, p. 1).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 499/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost bir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 fuq l-importazzjonijiet tal-pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnati mit-Tajlandja, kemm jekk ikun iddikjarat li oriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le (ĠU L 151, 16.6.2009, p. 1).
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011 tal-10 ta' Ottubru 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tiegħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kif estiż għal importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tiegħu mibgħutin mit-Tajlandja, sew jekk dikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja u sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 268, 13.10.2011, p. 1).
(6) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013 tat-22 ta' April 2013 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni interim parzjali taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 112, 24.4.2013, p. 1).
(7) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 32/2014 tal-14 ta' Jannar 2014 li jniedi analiżi ta' “esportatur ġdid” tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kif emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013, li jħassar id-dazju għar-rigward tal-importazzjonijiet ta' esportatur wieħed f'dan il-pajjiż u jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU L 10, 15.1.2014, p. 11).
(8) Worldsteelprices.com — minn Management Engineering & Production Services (MEPS) International Ltd.
(9) L-investigazzjoni ta' analiżi interim sabet li l-prezzijiet tal-azzar imħallsa mill-produttur esportatur li kkoopera fir-RPĊ kienu distorti b'mod sinifikanti u li dawn ma kinux jikkorrispondu mal-prezzijiet internazzjonali, ara l-premessa 20 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013 tat-22 ta' April 2013.
(10) Ara l-premessi 20 sa 28 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 372/2013.
(11) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta' Ottubru 2012 fil-Kawża T-150/09 Ningbo Yonghong Fasteners vs Il-Kunsill/Sentenza tal-10 ta' Ottubru 2012 (§ 117).
(12) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta' Ottubru 2012 fil-Kawża T-150/09 Ningbo Yonghong Fasteners vs Il-Kunsill (§§ 81-95).
|
5.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 265/15 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 947/2014
tal-4 ta' Settembru 2014
li jiftaħ il-ħżin privat għall-butir u li jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 18(2), l-Artikolu 20(c), (f), (l), (m) u (n), u l-Artikolu 223(3)(c) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (3), u partikolarment l-Artikolu 62(2)(b) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 17(e) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula l-għotja ta' għajnuna għall-ħżin privat għall-butir. |
|
(2) |
Fis-7 ta' Awwissu 2014, il-gvern Russu introduċa projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti mill-Unjoni lejn ir-Russja, inklużi prodotti tal-ħalib. Żviluppi fil-prezzijiet u l-ħażniet ta' butir jindikaw sitwazzjoni partikolarment diffiċli tas-suq li tista' tiġi eliminata jew imnaqqsa permezz tal-ħżin. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tas-suq, huwa f'loku li tingħata għajnuna għall-ħżin privat għall-butir u li jiġi ffissat l-ammont tal-għajnuna bil-quddiem. |
|
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 (4) stabbilixxa regoli komuni għall-implimentazzjoni tal-iskema ta' għajnuna għall-ħżin privat. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, se tingħata għajnuna ffissata bil-quddiem skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet dettaljati stipulati fil-Kapitolu III ta' dak ir-Regolament. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 16(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 u biex ikun żgurat it-tqegħid ta' lottijiet omoġenji u maniġġabbli fil-ħżin, huwa f'loku li jiġu speċifikati r-rekwiżiti għal “lott tal-ħżin”. |
|
(6) |
Għal raġunijiet ta' effiċjenza u simplifikazzjoni amministrattivi, u peress li l-informazzjoni meħtieġa dwar id-dettalji tal-ħżin hija diġà inkluża fl-applikazzjoni għall-għajnuna, huwa f'loku li jkun hemm eżenzjoni mir-rekwiżit li l-istess informazzjoni tiġi nnotifikata wara li l-kuntratt ikun konkluż, kif stipulat fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008. |
|
(7) |
Għal raġunijiet ta' simplifikazzjoni u effiċjenza loġistika, l-Istati Membri għandhom jitħallew jeżentaw mir-rekwiżit li kull unità maħżuna tkun immarkata bin-numru tal-kuntratt meta n-numru tal-kuntratti jkun iddaħħal fir-reġistru tal-ħażniet. |
|
(8) |
Għal raġunijiet ta' effiċjenza u simplifikazzjoni amministrattivi, u b'kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tal-ħżin tal-butir, il-kontrolli stipulati fl-Artikolu 36(6) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandhom jitwettqu tal-anqas fir-rigward ta' nofs il-kuntratti. Konsegwentament, għandha tkun stipulata deroga minn dak l-Artikolu. |
|
(9) |
Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013, l-għajnuna għall-ħżin privat iffissata bil-quddiem għandha tkun ibbażata fuq l-ispejjeż tal-ħażna u/jew elementi oħra rilevanti tas-suq. Huwa f'loku li tiġi ffissata għajnuna għall-ispejjeż tad-dħul u l-ħruġ tal-prodotti inkwistjoni u għall-ispejjeż ta' kuljum għall-ħżin fil-kesħa u l-finanzjament. |
|
(10) |
Skont l-Artikolu 35(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 u sabiex tkun tista' ssegwi mill-qrib l-użu tal-miżura huwa f'loku li tiġi speċifikata skadenza għat-tressiq tan-notifiki stipulati fl-Artikolu 35(1)(a) ta' dak ir-Regolament. |
|
(11) |
Sabiex ikun hemm impatt immedjat fuq is-suq u biex tikkontribwixxi fl-istabilizzazzjoni tal-prezzijiet, il-miżura temporanja stipulata f'dan ir-Regolament għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu, |
|
(12) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dan ir-Regolament jistipula l-għajnuna għall-ħżin privat tal-butir kif imsemmi fl-Artikolu 17(e) tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013.
2. Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu japplika sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f'dan ir-Regolament.
Artikolu 2
L-unità tal-kejl imsemmija fl-Artikolu 16(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 hija l-“lott tal-ħżin” li tikkorrispondi għall-kwantità tal-prodotti koperti b'dan ir-Regolament, li jiżnu tal-anqas tunnellata (1) u huma ta' kompożizzjoni u kwalità omoġenja, prodotti f'fabbrika waħda, maħżuna f'maħżen wieħed f'jum wieħed.
Artikolu 3
1. Ma għandux japplika l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008.
2. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 22(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 li jimmarkaw in-numru tal-kuntratt sakemm l-amministratur tal-maħżen jieħu ħsieb idaħħal in-numru tal-kuntratt fir-reġistru msemmi fil-punt III tal-Anness I ta' dak ir-Regolament.
3. Permezz ta' deroga mill-Artikolu 36(6) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, fit-tmiem tal-perjodu tal-ħżin kuntrattwali, l-awtorità responsabbli għall-kontroll għandha, fir-rigward ta' mill-inqas nofs l-għadd ta' kuntratti, tivverifika permezz ta' kampjuni, il-piż u l-identifikazzjoni tal-butir maħżun.
Artikolu 4
1. L-għajnuna għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun:
|
— |
EUR 18,93 għal kull tunnellata ta' ħażna għall-ispejjeż fissi tal-ħżin, |
|
— |
EUR 0,28 għal kull tunnellata għal kull ġurnata ta' ħżin kuntrattwali. |
2. Il-ħżin kuntrattwali għandu jispiċċa fil-jum ta' qabel il-ġurnata li jitneħħa mill-ħżin.
3. L-għajnuna tista' tingħata biss meta l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin ikun bejn 90 u 210 jum.
Artikolu 5
L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħażna privata jistgħu jitressqu mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. L-aħħar data għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għandha tkun il-31 ta' Diċembru 2014.
Artikolu 6
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan li ġej:
|
(a) |
sa kull nhar ta' Tlieta għall-ġimgħa preċedenti, il-kwantitajiet li għalihom ġew konklużi l-kuntratti kif ukoll il-kwantitajiet ta' prodotti li għalihom intbagħtu applikazzjonijiet għall-konklużjoni tal-kuntratti, kif meħtieġ skont l-Artikolu 35(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008; |
|
(b) |
mhux aktar tard mill-aħħar tax-xahar għax-xahar preċedenti, l-informazzjoni dwar l-istokkijiet meħtieġa skont l-Artikolu 35(1)(b) tar-Regolament Nru 826/2008. |
Artikolu 7
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671
(2) ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 tal-20 ta' Awwissu 2008 li jipprovdi regoli komuni għall-għotja ta' għajnuna għall-ħażna privata ta' ċerti prodotti agrikoli (ĠU L 223, 21.8.2008, p. 3).
|
5.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 265/18 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 948/2014
tal-4 ta' Settembru 2014
li jiftaħ il-ħżin privat għat-trab tal-ħalib xkumat u li jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 18(2), l-Artikolu 20(c), (f), (l), (m) u (n), u l-Artikolu 223(3)(c) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (3), u partikolarment l-Artikolu 62(2)(b) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 17(g) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula l-għotja ta' għajnuna għall-ħżin privat għat-trab tal-ħalib xkumat. |
|
(2) |
Fis-7 ta' Awwissu 2014, il-gvern Russu introduċa projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti mill-Unjoni lejn ir-Russja, inklużi prodotti tal-ħalib. Żviluppi fil-prezzijiet u l-ħażniet ta' trab tal-ħalib xkumat jindikaw sitwazzjoni partikolarment diffiċli tas-suq li tista' tiġi eliminata jew imnaqqsa permezz tal-ħżin. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tas-suq, huwa f'loku li tingħata għajnuna għall-ħżin privat għat-trab tal-ħalib xkumat u li jiġi ffissat l-ammont tal-għajnuna bil-quddiem. |
|
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 (4) stabbilixxa regoli komuni għall-implimentazzjoni tal-iskema ta' għajnuna għall-ħżin privat. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, se tingħata għajnuna ffissata bil-quddiem skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet dettaljati stipulati fil-Kapitolu III ta' dak ir-Regolament. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 16(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 u biex ikun żgurat it-tqegħid ta' lottijiet omoġenji u maniġġabbli fil-ħżin, huwa f'loku li jiġu speċifikati r-rekwiżiti għal “lott tal-ħżin”. |
|
(6) |
Għal raġunijiet ta' effiċjenza u simplifikazzjoni amministrattivi, u peress li l-informazzjoni meħtieġa dwar id-dettalji tal-ħżin hija diġà inkluża fl-applikazzjoni għall-għajnuna, huwa f'loku li jkun hemm eżenzjoni mir-rekwiżit li l-istess informazzjoni tiġi nnotifikata wara li l-kuntratt ikun konkluż, kif stipulat fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008. |
|
(7) |
Għal raġunijiet ta' simplifikazzjoni u effiċjenza loġistika, l-Istati Membri għandhom jitħallew jeżentaw mir-rekwiżit li kull unità maħżuna tkun immarkata bin-numru tal-kuntratt meta n-numru tal-kuntratti jkun iddaħħal fir-reġistru tal-ħażniet. |
|
(8) |
Għal raġunijiet ta' effiċjenza u simplifikazzjoni amministrattivi, u b'kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tal-ħżin tat-trab tal-ħalib xkumat, il-kontrolli stipulati fl-Artikolu 36(6) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandhom jitwettqu tal-anqas fir-rigward ta' nofs il-kuntratti. Konsegwentament, għandha tkun stipulata deroga minn dak l-Artikolu. |
|
(9) |
Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013 l-għajnuna għall-ħżin privat iffissata bil-quddiem għandha tkun ibbażata fuq l-ispejjeż tal-ħażna u/jew elementi oħra rilevanti tas-suq. Huwa f'loku li tiġi ffissata għajnuna għall-ispejjeż tad-dħul u l-ħruġ tal-prodotti inkwistjoni u għall-ispejjeż ta' kuljum għall-ħżin u l-finanzjament. |
|
(10) |
Skont l-Artikolu 35(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 u sabiex tkun tista' ssegwi mill-qrib l-użu tal-miżura huwa f'loku li tiġi speċifikata skadenza għat-tressiq tan-notifiki stipulati fl-Artikolu 35(1)(a) ta' dak ir-Regolament. |
|
(11) |
Sabiex ikun hemm impatt immedjat fuq is-suq u biex tikkontribwixxi fl-istabilizzazzjoni tal-prezzijiet, il-miżura temporanja stipulata f'dan ir-Regolament għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu, |
|
(12) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dan ir-Regolament jistipula l-għajnuna għall-ħżin privat tat-trab tal-ħalib xkumat kif imsemmi fl-Artikolu 17(g) tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013.
2. Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu japplika sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f'dan ir-Regolament.
Artikolu 2
L-unità tal-kejl imsemmija fl-Artikolu 16(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 hija l-“lott tal-ħżin” li tikkorrispondi għall-kwantità tal-prodotti koperti b'dan ir-Regolament, li jiżnu tal-anqas tunnellata (1) u huma ta' kompożizzjoni u kwalità omoġenja, prodotti f'fabbrika waħda, maħżuna f'maħżen wieħed f'jum wieħed.
Artikolu 3
1. Ma għandux japplika l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008.
2. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 22(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 li jimmarkaw in-numru tal-kuntratt sakemm l-amministratur tal-maħżen jieħu ħsieb idaħħal in-numru tal-kuntratt fir-reġistru msemmi fil-punt V tal-Anness I ta' dak ir-Regolament.
3. Permezz ta' deroga mill-Artikolu 36(6) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, fit-tmiem tal-perjodu tal-ħżin kuntrattwali, l-awtorità responsabbli għall-kontroll għandha, fir-rigward ta' mill-inqas nofs l-għadd ta' kuntratti, tivverifika permezz ta' kampjuni, il-piż u l-identifikazzjoni tat-trab tal-ħalib xkumat maħżun.
Artikolu 4
1. L-għajnuna għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun:
|
— |
EUR 8,86 għal kull tunnellata ta' ħażna għall-ispejjeż fissi tal-ħżin, |
|
— |
EUR 0,16 għal kull tunnellata għal kull ġurnata ta' ħżin kuntrattwali. |
2. Il-ħżin kuntrattwali għandu jispiċċa fil-jum ta' qabel il-ġurnata li jitneħħa mill-ħżin.
3. L-għajnuna tista' tingħata biss meta l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin ikun bejn 90 u 210 jum.
Artikolu 5
L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħażna privata jistgħu jitressqu mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. L-aħħar data għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għandha tkun il-31 ta' Diċembru 2014.
Artikolu 6
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan li ġej:
|
(a) |
sa kull nhar ta' Tlieta għall-ġimgħa preċedenti, il-kwantitajiet li għalihom ġew konklużi l-kuntratti kif ukoll il-kwantitajiet ta' prodotti li għalihom intbagħtu applikazzjonijiet għall-konklużjoni tal-kuntratti, kif meħtieġ skont l-Artikolu 35(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008; |
|
(b) |
mhux aktar tard mill-aħħar tax-xahar għax-xahar preċedenti, l-informazzjoni dwar l-istokkijiet meħtieġa skont l-Artikolu 35(1)(b) tar-Regolament Nru 826/2008. |
Artikolu 7
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12–19
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 tal-20 ta' Awwissu 2008 li jipprovdi regoli komuni għall-għotja ta' għajnuna għall-ħażna privata ta' ċerti prodotti agrikoli (ĠU L 223, 21.8.2008, p. 3).
|
5.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 265/21 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 949/2014
tal-4 ta' Settembru 2014
li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma ta' estensjoni tal-perjodu tal-intervent pubbliku għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat fl-2014
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fis-7 ta' Awwissu 2014 il-gvern Russu introduċa projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti mill-Unjoni lejn ir-Russja, inkluż il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib. Din il-projbizzjoni ħolqot theddida serja ta' tfixkil fis-suq bil-potenzjal ta' tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet minħabba l-fatt li suq tal-esportazzjoni importanti f'daqqa waħda ma baqax disponibbli. |
|
(2) |
Minħabab f'hekk, feġġet sitwazzjoni fis-suq fejn il-miżuri normali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jidher li mhumiex biżżejjed. |
|
(3) |
L-Artikolu 12(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li l-intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għandu jkun disponibbli mill-1 ta' Marzu sat-30 ta' Settembru. |
|
(4) |
Sabiex jiġu evitat deterjorament sinifikanti fil-prezzijiet u t-tfixkil fis-suq huwa essenzjali li l-intervent pubbliku ikun disponibbli wkoll wara t-30 ta' Settembru 2014. |
|
(5) |
Għaldaqstant, huwa f'loku li l-perjodu tax-xiri ta' intervent għall-butir u l-ħalib tat-trab xkumat ikun estiż sal-31 ta' Diċembru 2014. |
|
(6) |
Sabiex ikun hemm impatt immedjat fuq is-suq u biex jingħata kontribut għall-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet, il-miżuri temporanji ta' appoġġ stipulati f'dan ir-Regolament għandhom jidħol fis-seħħ mid-data ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
B'deroga mill-Artikolu 12(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-perjodu li matulu huwa disponibbli l-intervent pubbliku għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat fl-2014 għandu jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2014.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
|
5.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 265/22 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 950/2014
tal-4 ta' Settembru 2014
li jiftaħ skema temporanja eċċezzjonali ta' għajnuna għall-ħżin privat ta' ċerti ġobnijiet u jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fis-7 ta' Awwissu 2014, il-gvern Russu introduċa projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti mill-Unjoni lejn ir-Russja, inklużi prodotti tal-ħalib. L-aktar prodott tal-ħalib milqut mill-projbizzjoni huwa l-ġobon, minħabba li l-esportazzjonijiet lejn ir-Russja jirrappreżentaw 33 % tat-total tal-esportazzjonijiet tal-ġobon tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-Russja hija sieħba kummerċjali esklużiva tal-ġobon għall-Finlandja u l-pajjiżi Baltiċi u destinazzjoni sinifikanti għal Stati Membri oħra bħall-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, u l-Polonja. |
|
(2) |
L-esportazzjonijiet ta' ġobnijiet lejn ir-Russja fl-2013 ammontaw għal aktar minn 250 000 tunnellata, kwantità li qed tirriskja li jkollha tiġi assorbita mis-suq intern f'sehem importanti, li b'hekk tirriżulta fi żbilanċ fis-suq u pressjoni 'l isfel fil-prezzijiet. |
|
(3) |
Il-miżuri ta' intervent tas-suq disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma jidhrux suffiċjenti għas-sitwazzjoni li nħolqot reċentement, peress li dawn huma limitati għal ġobnijiet b'indikazzjoni ġeografika. |
|
(4) |
It-theddida ta' żbilanċ serju fis-suq tal-ġobon tista' titnaqqas jew tiġi eliminata permezz ta' ħżin. Għaldaqstant huwa xieraq li tingħata għajnuna għal ħżin privat ta' ġobon u li jiġi ffissat bil-quddiem l-ammont fiss tal-għajnuna. |
|
(5) |
L-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula għotja ta' għajnuna għall-ħżin privat ta' ġobnijiet li jibbenefikaw minn denominazzjoni protetta tal-oriġini jew minn indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Filwaqt li ġobnijiet b'indikazzjoni ġeografika huma affettwati mill-projbizzjoni fuq l-importazzjoni, dawn jirrappreżentaw biss sehem minimu mill-firxa sħiħa ta' ġobnijiet esportati lejn ir-Russa. Għal raġunijiet ta' effiċjenza operattiva u amministrattiva, huwa xieraq li tiġi stabbilita skema unika ta' għajnuna għall-ħżin privat li tkopri t-tipi kollha ta' ġobon. |
|
(6) |
Huwa xieraq li jiġu esklużi ġobnijiet friski li mhumiex adattati għall-ħżin. |
|
(7) |
Bħala regola ġenerali, biex ikunu ffaċilitati l-amministrazzjoni u l-kontroll, l-għajnuna għall-ħżin privat għandha tingħata biss lil operaturi stabbiliti u rreġistrati minħabba skopijiet tal-VAT fl-Unjoni. |
|
(8) |
Biex ikun żgurat li l-arranġamenti jistgħu jkunu segwiti sew, l-informazzjoni meħtieġa biex ikun konkluż il-kuntratt tal-ħżin għandha tkun speċifikata f'dan ir-Regolament flimkien mal-obbligi tal-partijiet kontraenti. |
|
(9) |
Sabiex l-iskema ssir aktar effettiva, il-kuntratti għandhom jirrelataw ma' ċerta kwantità minima kif ukoll mal-obbligi li għandhom jiġu ssodisfati mill-parti kontraenti, b'mod partikolari dawk li jippermettu lill-awtorità kompetenti li tiċċekja l-operazzjonijiet tal-ħżin tagħmel spezzjoni effettiva tal-kundizzjonijiet tal-ħżin. |
|
(10) |
Il-ħżin tal-kwantità kuntrattwali għall-perjodu miftiehem hija waħda mir-rekwiżiti primarji għall-għoti tal-għajnuna għall-ħżin privat. Sabiex titqies il-prattika kummerċjali u għal raġunijiet prattiċi, għandu jiġi permess marġni ta' tolleranza rigward il-kwantità soġġetta għall-għajnuna. |
|
(11) |
Biex ikun żgurat li l-ħażna tkun amministrata sewwa, huwa xieraq li jiġu addottati dispożizzjonijiet biex jitnaqqas l-ammont ta' għajnuna li għandha titħallas meta l-kwantità maħżuna waqt il-perjodu kuntrattwali ta' ħżin ikun anqas mill-kwantità fil-kuntratt u meta l-perjodu tal-ħżin ma jkunx osservat kompletament. |
|
(12) |
L-ammont ta' għajnuna għandu jiġi ffissat abbażi tal-ispejjeż tal-ħżin u/jew ta' elementi oħra tas-suq rilevanti. Huwa xieraq li tiġi stabbilita għajnuna għall-ispejjeż fissi tad-dħul u l-ħruġ tal-prodotti kkonċernati fil-ħżin u għajnuna għall-ispejjeż ta' kuljum għall-ħżin imkessaħ u għall-finanzjament. |
|
(13) |
Hemm il-ħtieġa ta' indikazzjoni tal-kundizzjonijiet li skonthom ikun jista' jingħata pagament bil-quddiem, l-aġġustament tal-għajnuna f'każijiet fejn il-kwantità fil-kuntratt ma tiġix rispettata kompletament, l-ispezzjonijiet dwar il-konformità mal-intitolament għall-għajuna, il-penali possibbli u l-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri. |
|
(14) |
Huwa xieraq li tkun stipulata l-possibbiltà li jiġi stabbilit koeffiċjent ta' tnaqqis għal applikazzjonijiet pendenti fejn ikun meħtieġ, sabiex jiġi evitat li l-miżuri jaqbżu l-volumi li għalihom ġiet stabbilita l-iskema tal-għajnuna għall-ħżin privat. |
|
(15) |
Għandhom jiġu stabbiliti wkoll regoli dwar id-dokumentazzjoni, il-kontijiet u l-frekwenza u n-natura tal-ispezzjonijiet. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Is-suġġett
Dan ir-Regolament jistipula skema temporanja eċċezzjonali ta' għajnuna għall-ħżin privat ta' ġobnijiet li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0406 20 , 0406 30 , 0406 40 u 0406 90 , u baqta ffriżata li taqa' taħt il-kodiċi NM 0406 10 .
Il-volum massimu tal-prodott soġġett għal din l-iskema temporanja huwa stabbilit għal 155 000 tunnellata.
Artikolu 2
Definizzjoni
Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament “l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri” għandha tfisser id-dipartimenti jew il-korpi akkreditati mill-Istati Membri bħala aġenziji tal-pagamenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).
Artikolu 3
L-eliġibbiltà tal-prodotti
1. Sabiex jikkwalifika għall-għajnuna għall-ħżin privat li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1, minn hawn 'il quddiem “l-għajnuna”, il-ġobon għandu jkun ta' kwalità tajba u kummerċjalment ġusta, bl-oriġini fl-Unjoni u għandu, fil-ġurnata meta jibda l-kuntratt tal-ħżin, età minima li tikkorrispondi mal-perjodu ta' maturità li jikkontribwixxi biex jiżdied il-valur tal-ġobon.
2. Il-ġobon għandu jkun konformi ma' dawn ir-rekwiżiti:
|
(a) |
kull lott għandu jiżen mill-anqas tunnellata 0,5 tunnellati; |
|
(b) |
ikun immarkat b'indikazzjoni, li tista' tkun kodifikata, tal-impriża li tkun immanifatturatu u bid-data tal-manifattura; |
|
(c) |
ikun iġorr id-data tad-dħul fil-ħażna; |
|
(d) |
ma jkunx soġġett għal xi kuntratt ta' ħżin qabel dan. |
3. L-Istati Membri jistgħu jeliminaw l-obbligu li jindikaw, fuq il-ġobon, id-data tad-dħul fil-ħżin li hemm referenza għaliha fil-punt (c) tal-paragrafu 2, sakemm l-amministratur tal-maħżen jieħu r-responsabbiltà li jżomm reġistru li fih jiddaħħlu d-dettalji li hemm referenza għalihom fil-punt (b) tal-paragrafu 2 fid-data tad-dħul fil-ħżin.
Artikolu 4
Applikazzjonijiet għall-għajnuna
1. Operatur li qiegħed jitlob l-għajnuna għandu jressaq applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn jinħażnu l-prodotti.
2. L-operaturi li qed japplikaw għall-għajnuna għandhom ikunu stabbiliti u rreġistrati għall-iskopijiet tal-VAT fl-Unjoni.
3. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jitressqu mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għandha tkun il-31 ta' Diċembru 2014.
4. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jirrelataw ma' prodotti li jkunu diġà tpoġġew kompletament fil-ħżin.
5. L-applikazzjonijiet għadhom jitressqu skont il-metodu li l-Istat Membru kkonċernat jagħmel għad-dispożizzjoni tal-operaturi.
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jitolbu li applikazzjonijiet elettroniċi jkunu akkumpanjati minn firma elettronika avvanzata, fi ħdan it-tifsira tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew minn firma elettronika li toffri assigurazzjonijiet ekwivalenti rigward il-funzjonalitajiet attribwiti lill-firma billi jiġu applikati l-istess regoli u kundizzjonijet bħal dawk definiti fid-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dokumenti elettroniċi u diġitalizzati, stabbiliti fid-Deċiżjoni 2004/563/KE, Euratom (5), u fir-regoli tal-implimentazzjoni tagħha.
6. L-applikazzjoni għandha tkun ammessibbli biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
tindika referenza għal dan ir-Regolament; |
|
(b) |
tindika d-dejta ta' identifikazzjoni tal-isem, l-indirizz u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-VAT tal-applikant; |
|
(c) |
tindika l-prodott bil-kodiċi NM, b'sitt (6) ċifri, rilevanti tiegħu; |
|
(d) |
tindika l-kwantità ta' prodotti; |
|
(e) |
tindika l-perjodu tal-ħżin; |
|
(f) |
tindika l-isem u l-indirizz tal-post tal-ħżin, in-numru tal-lott tal-ħżin u fejn xieraq in-numru tal-approvazzjoni li jidentifika l-fabbrika; |
|
(g) |
ma tinkludi l-ebda kundizzjoni addizzjonali introdotta mill-applikant ħlief dawk stipulati f'dan ir-Regolament; |
|
(h) |
hija ippreżentata fil-lingwa uffiċjali, jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn tkun imressqa l-applikazzjoni. |
7. Il-kontenut tal-applikazzjonijiet ma għandux jiġi emendat wara s-sottomissjoni tagħhom.
Artikolu 5
Il-konklużjoni tal-kuntratti
1. Il-kuntratti għandhom ikunu konklużi bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu se jinħażnu l-prodotti u l-applikant, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“parti kontraenti”.
2. Il-kuntratti għandhom jiġu konklużi fi żmien 30 jum mid-data tal-wasla tal-informazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4(6)(f) soġġetta, fejn xieraq, għal konferma sussegwenti dwar l-eliġibbiltà tal-prodotti kif hemm referenza fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2). Fil-każ li ma jkunx hemm konferma tal-eliġibbiltà, il-kuntratt ikkonċernat għandu jitqies null u bla effett.
Artikolu 6
L-Obligazzjonijiet tal-parti kontraenti
1. Il-kuntratti għandhom tal-anqas jistipulaw l-obbligi li ġejjin għall-parti kontraenti:
|
(a) |
din għandha tpoġġi u żżomm fil-ħażna l-kwantità kuntrattwali, matul il-perjodu tal-ħżin kuntrattwali, bir-riskju u għall-ispiża tagħha f'kundizzjonijiet li jiżguraw iż-żamma tal-karatteristiċi tal-prodotti, mingħajr ma ssir sostituzzjoni jew trasferiment tal-prodotti maħżuna għal xi post ta' ħżin ieħor. Meta parti kontraenti tippreżenta talba motivata, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw lokazzjoni ġdida tal-prodotti maħżuna; |
|
(b) |
iżżomm id-dokumenti tal-piż stabbiliti fil-ħin tad-dħul fil-post tal-ħżin; |
|
(c) |
tippermetti lill-awtorità kompetenti li tispezzjona f'kull ħin li l-obbligi kollha stipulati fil-kuntratt ikunu qed jiġu osservati; |
|
(d) |
biex il-prodotti maħżuna jkunu faċilment aċċessibbli u identifikabbli individwalment: kull unità maħżuna individwalment għandha tkun immarkata b'mod li d-data meta tkun daħlet fil-ħżin, in-numru tal-kuntratt, il-prodott u l-piż ikunu jidhru. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeliminaw ir-rekwiżit li jimmarkaw in-numru tal-kuntratt sakemm l-amministratur tal-maħżen jieħu r-responsabbiltà li jdaħħal in-numru tal-kuntratt fir-reġistru li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(2). |
2. Il-parti kontraenti għandha tagħmel id-dokumentazzjoni kollha, għal kull kuntratt, disponibbli biex l-awtorità responsabbli twettaq il-kontrolli, u b'mod partikolari tippermetti li l-informazzjoni li ġejja dwar il-prodotti mpoġġija fil-ħżin privat tkun verifikata:
|
(a) |
in-numru tal-approvazzjoni li jidentifika l-fabbrika u l-Istat Membru tal-produzzjoni; |
|
(b) |
l-oriġini u d-data tal-manifattura tal-prodotti; |
|
(c) |
id-data tat-tqegħid fil-ħżin; |
|
(d) |
il-piż u n-numru ta' biċċiet ippakjati; |
|
(e) |
il-preżenza fil-maħżen u l-indirizz tal-maħżen; |
|
(f) |
id-data meta mistenni jispiċċa l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin u kompluta bid-data attwali tal-ħruġ mill-ħżin. |
3. Il-parti kontraenti jew, fejn applikabbli, l-operatur tal-post tal-ħażna, għandu jżomm rendikont tal-istokk disponibbli fil-maħżen li jkopri, permezz tan-numru tal-kuntratt:
|
(a) |
l-identifikazzjoni tal-prodotti mqiegħda fil-ħżin privat; |
|
(b) |
id-dati tad-dħul fil-ħżin u tal-ħruġ minnu; |
|
(c) |
il-kwantità indikata għal kull ħażna f'lott; |
|
(d) |
il-lokazzjoni tal-prodotti fil-maħżen. |
Artikolu 7
Il-perjodu kuntrattwali ta' ħżin
1. Il-perjodu kuntrattwali ta' ħżin għandu jibda fil-jum ta' wara l-wasla tal-informazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4(6)(f) għand l-awtoritajiet kompetenti.
2. Il-ħażna kuntrattwali għandha tispiċċa fil-jum ta' qabel dak meta titneħħa mill-ħżin.
3. L-għajnuna tista' tingħata biss meta l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin ikun bejn 60 u 210 jum
Artikolu 8
Tneħħija mill-ħżin
1. It-tneħħija mill-ħżin tista' tibda fil-jum ta' wara l-aħħar ġurnata tal-perjodu kuntrattwali tal-ħżin.
2. It-tneħħija mill-maħżen għandha tkun f'lottijiet sħaħ ta' ħżin jew, jekk l-awtorità kompetenti tawtorizza hekk, fi kwantitajiet iżgħar. Madankollu, fil-każ li hemm referenza għalih fl-Artikolu 14(4)(a), kwantità ssiġġillata biss tista' titneħħa mill-maħżen.
3. Il-parti kontraenti għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti qabel ikun biħsiebha tibda tneħħi l-prodotti mill-ħżin, skont id-dispożizzjonijet stabbiliti fl-Artikolu 14(5).
4. Fejn ir-rekwiżit fil-paragrafu 3 ma jiġix irrispettat iżda l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li ġiet fornuta biżżejjed evidenza, fi żmien 30 jum wara t-tneħħija mill-post tal-ħżin, mid-data tat-tneħħija mill-ħżin u l-kwantitajiet ikkonċernati, l-għajnuna għandha titnaqqas bi 15 % u għandha tkun imħallsa biss għal dak il-perjodu li għalih il-parti kontraenti tagħti prova sodisfaċenti lill-awtorità kompetenti li l-prodott kien miżmum fil-ħżin kuntrattwali.
5. Fejn ir-rekwiżit fil-paragrafu 3 ma jiġix irrispettat u l-awtorità kompetenti ma tkunx sodisfatta li ġiet fornuta biżżejjed evidenza, fi żmien 30 jum wara t-tneħħija mill-post tal-ħżin, mid-data tat-tneħħija mill-post tal-ħżin u l-kwantitajiet ikkonċernati, ma għandha titħallas ebda għajnuna fir-rigward ta' dak il-kuntratt ikkonċernat.
Artikolu 9
Ammonti ta' għajnuna
L-għajnuna għandha tkun:
|
— |
EUR 15,57 għal kull tunnellata ta' ħżin għall-ispejjeż fissi tal-ħżin, |
|
— |
EUR 0,40 għal kull tunnellata għal kull jum ta' ħżin kuntrattwali. |
Artikolu 10
Pagament bil-quddiem tal-għajnuna
1. Wara 60 jum ta' ħżin, jista' jsir pagament uniku bil-quddiem tal-għajnuna, fuq it-talba tal-parti kontraenti, sakemm din tiddepożita garanzija tal-istess ammont tal-ħlas bil-quddiem miżjud b'10 %.
2. Il-pagament bil-quddiem ma għandux jaqbeż l-ammont tal-għajnuna li jikkorrispondi għal perjodu ta' ħażna ta' 90 jum jew tliet xhur, kif xieraq. Il-garanzija li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tiġi rrilaxxata hekk kif il-bilanċ tal-għajnuna jitħallas.
Artikolu 11
Il-ħlas tal-għajnuna
1. L-għajnuna, jew, fil-każ li jkun ingħata pagament bil-quddiem skont l-Artikolu 10, il-bilanċ tal-għajnuna, għandha titħallas abbażi ta' applikazzjoni għal pagament imressqa mill-parti kontraenti fi żmien tliet xhur wara tmiem il-perjodu kuntrattwali tal-ħżin.
2. Meta l-parti kontraenti ma tkunx tista' tippreżenta dokumenti ta' appoġġ fil-limitu ta' żmien ta' tliet xhur minkejja li tkun aġixxiet immedjatament biex takkwistahom fil-ħin, hija tista' tingħata estensjonijiet, li ma jistgħux jaqbżu t-total ta' tliet xhur.
3. Il-pagament tal-għajnuna jew tal-bilanċ tal-għajnuna għandu jitwettaq fi żmien 120 jum wara d-data meta tkun tressqet l-applikazzjoni għall-pagament tal-għajnuna sakemm l-obbligi tal-kuntratt ikunu ġew issodisfati u tkun saret l-ispezzjoni finali. Madanakollu, jekk tkun qed issir inkejsta amminstrattiva, il-pagament ma għandux isir qabel ikun rikonxxut l-intitolament.
4. Ħlief f'każijiet ta' force majeure, jekk il-kwantità effettivament maħżuna matul il-perjodu kuntrattwali tal-ħżin tkun anqas mill-kwantità fil-kuntratt, u mhux anqas minn 95 % ta' dik il-kwantità, l-għajnuna għandha titħallas għall-kwantità effettivament maħżuna. Madanakollu, jekk l-awtorità kompetenti ssib li l-parti kontraenti tkun aġixxiet deliberatament jew b'mod negliġenti, din tista' tiddeċiedi li tnaqqas l-għajnuna aktar jew li ma tħallasx l-għajnuna.
5. Ħlief f'każijiet ta' force majeure, jekk il-kwantità effettivament maħżuna matul il-perjodu kuntrattwali tal-ħżin tkun anqas mill-perċentwali indikati fil-paragrafu 4, iżda mhux anqas minn 80 % tal-kwantità fil-kuntratt, l-għajnuna għall-kwantità effettivament maħżuna għandha titnaqqas bin-nofs. Madanakollu, jekk l-awtorità kompetenti ssib li l-parti kontraenti tkun aġixxiet deliberatament jew b'mod negliġenti, din tista' tiddeċiedi li tnaqqas l-għajnuna aktar jew li ma tħallasx l-għajnuna.
6. Ħlief f'każijiet ta' force majeure, jekk il-kwantità effettivament maħżuna matul il-perjodu kuntrattwali ta' ħżin tkun anqas minn 80 % tal-kwantità fil-kuntratt, ebda għajnuna ma għandha titħallas.
7. Jekk il-kontrolli matul il-perjodu tal-ħżin jew mat-tneħħija mill-ħżin, jiżvelaw prodotti difettużi, ebda għajnuna ma għandha titħallas għal dawk il-kwantitajiet. Il-bqija tal-lott tal-ħżin li jkun għadu eliġibbli għall-għajnuna ma għandhiex tkun anqas mill-kwantità minima kif stabbilit fl-Artikolu 3(2). L-istess regola għandha tapplika meta parti minn lott titneħħa għal dik ir-raġuni qabel il-perjodu minimu ta' ħżin.
Prodotti difettużi ma għandhomx ikunu inklużi fil-kalkolu tal-kwantità effettivament maħżuna li hemm referenza għaliha fil-paragrafi 4, 5 u 6.
8. Ħlief f'każijiet ta' force majeure, meta l-parti kontraenti ma tirrispettax it-tmiem tal-perjodu kuntrattwali tal-ħżin, kif stabbilit fl-Artikolu 7(3), għat-totalità tal-kwantità maħżuna, kull jum kalendarju ta' nuqqas ta' konformità, għandu jfisser tnaqqis ta' 10 % fl-ammont tal-għajnuna għall-kuntratt inkwistjoni. Madanakollu, dan it-tnaqqis ma għandux jaqbeż il-100 % tal-ammont tal-għajnuna.
Artikolu 12
Notifiki u monitoraġġ
1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sa kull nhar ta' Tlieta għall-ġimgħa preċedenti, dwar il-kwantitajiet li għalihom ġew konklużi l-kuntratti, mqassma skont il-perjodu ta' ħżin, kif ukoll dwar il-kwantitajiet ta' prodotti li għalihom ikunu ġew sottomessi applikazzjonijiet għall-għajnuna.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri hekk kif tiddetermina li l-kwantitajiet li għalihom ġew sottomessi applikazzjonijiet għall-għajnuna, jersqu lejn il-kwantità massima li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1.
Meta l-Kummissjoni tkun informat lill-Istati Membri li l-kwantitajiet li għalihom ġew sottomessi applikazzjonijiet għall-għajnuna resqu lejn il-kwantità massima li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill Kummissjoni kull jum ta' xogħol qabel is-sagħtejn (14.00 ħin ta' Brussell) bil-kwantitajiet ta' prodotti li għalihom ikunu ġew sottomessi applikazzjonijiet għall-għajnuna fil-jum ta' xogħol preċedenti.
2. Abbażi tan-notifiki li jaslu skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tissodisfa ruħha li l-kwantità massima li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1 ma tinqabiżx.
Meta l-Kummissjoni tiddetermina, abbażi ta' dawk in-notifiki, li l-kwantità massima li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1 tkun inqabżet, hija għandha tinforma lill-Istati Membri kollha immedjatament.
3. Meta l-Kummissjoni tkun informat lill-Istati Membri li l-kwantità massima li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1 inqabżet, l-Istati Membri għandhom jinformaw b'dan lill-operaturi.
4. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-aħħar ta' kull xahar għax-xahar preċedenti:
|
(a) |
il-kwantitajiet ta' prodotti mqiegħda fil-ħżin jew imneħħija matul ix-xahar ikkonċernat; |
|
(b) |
il-kwantitajiet tal-prodotti fil-ħżin fl-aħħar tax-xahar ikkonċernat; |
|
(c) |
il-kwantitajiet ta' prodotti li għalihom ikun spiċċa l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin. |
5. In-notifiki mill-Istati Membri li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 1 u 4 għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (6).
Artikolu 13
Miżuri biex tiġi rrispettata l-kwantità massima
Meta l-aċċettazzjoni tal-kwantità sħiħa ta' prodotti li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet għall-għajnuna f'ġurnata partikolari twassal biex tinqabeż il-kwantità massima li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha, permezz ta' att ta' implimentazzjoni adottat mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 229(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, tistabbilixxi koeffiċjent tal-allokazzjoni applikabbli għall-kwantitajiet li jikkorrispondu mal-applikazzjonijiet notifikati lill-Kummissjoni f'dak il-jum. Dak il-koeffiċjent tal-allokazzjoni għandu jillimita l-kwantità totali ta' prodotti eliġibbli għall-għajnuna temporanja eċċezzjonali għall-ħżin privat għall-kwantità massima li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1.
Artikolu 14
Spezzjonijiet
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw il-konformità ma' dan ir-Regolament. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu spezzjonijiet amministrattivi sħaħ tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, li għandhom ikunu ssuplimentati bi spezzjonijiet fuq il-post kif speċifikat fil-paragrafi 2 sa 8.
2. L-awtorità responsabbli għall-ispezzjonijiet għandha twettaq spezzjonijiet fuq il-prodotti li jidħlu fil-ħżin fi żmien 30 jum mid-data tal-wasla tal-informazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4(6)(f).
Mingħajr ħsara għall-punt (a) ta' l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, sabiex ikun żgurat li l-prodotti maħżuna huma eliġibbli għall-għajnuna, għandu jkun spezzjonat fiżikament kampjun rappreżentattiv ta' mill-anqas 5 % tal-kwantitajiet imqiegħda fil-ħżin, biex ikun żgurat li, fir-rigward tal-piż, l-identifikazzjoni u n-natura tal-prodotti, inter alia, il-lottijiet maħżuna jikkonformaw mad-dettalji fl-applikazzjoni għall-konkluzjoni tal-kuntratt.
3. Meta l-Istat Membru jista' joffri raġunijiet validi, il-limitu ta' 30 jum stabblit fil-paragrafu 2 jista' jiġi estiż bi 15-il jum.
4. L-awtorità responsabbli għall-ispezzjonijiet għandha:
|
(a) |
tissiġġilla l-prodotti skont il-kuntratt, il-lott tal-ħżin jew kwantità iżgħar waqt l-ispezzjoni stipulata fil-paragrafu 2; jew |
|
(b) |
tagħmel spezzjoni mhux imħabbra biex tiżgura li l-kwantità fil-kuntratt tkun preżenti fil-post tal-ħżin. |
L-ispezzjoni li hemm referenza għaliha fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tikkorrispondi ma' tal-anqas 10 % tal-kwantità totali fil-kuntratt u għandha tkun rappresentattiva. Spezzjonijiet bħal dawn għandhom jinkludu eżami tar-reġistri tal-ħażna kif hemm referenza fl-Artikolu 6(3) u tad-dokumenti li jappoġġjawhom, bħal ma huma l-biljetti tal-piż u l-vawċers tal-kunsinna u, verifika tal-piż, tat-tip ta' prodotti u tal-identifkazzjoni tagħhom ta' mill-anqas 5 % tal-kwantità soġġetta għall-ispezzjoni mhux imħabbra.
5. Fl-aħħar tal-perjodu kuntrattwali ta' ħżin, l-awtorità responsabbli għall-kontroll għandha, fir-rigward ta' mill-anqas nofs l-għadd ta' kuntratti, permezz ta' kampjuni, tiċċekkja l-piż u l-identifikazzjoni tal-prodotti fil-ħżin. Għall-iskopijiet ta' din l-ispezzjoni, il-parti kontraenti għandha tinforma lill-korp kompetenti, b'indikazzjoni tal-lottijiet maħżuna involuti, mill-anqas ħamest ijiem qabel:
|
(a) |
tmiem il-perjodu kuntrattwali massimu ta' ħżin; jew |
|
(b) |
il-bidu tal-operazzjonijiet tat-tneħħija meta l-prodotti jitneħħew qabel jiskadi l-perjodu kuntrattwali massimu ta' ħżin. |
L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw limitu ta' żmien iqsar minn ħamest ijiem ta' xogħol.
6. Meta tapplika l-għażla tal-paragrafu 4(a), il-preżenza u l-integrità tas-siġilli applikati fl-aħħar tal-perjodu kuntrattwali ta' ħżin għandhom jiġu vverifikati. L-ispejjeż tas-siġġillar u tal-immaniġġar għandhom jitħallsu mill-parti kontraenti.
7. Kull kampjun meħud għall-verifika tal-kwalità u tal-kompożizzjoni tal-prodotti għandu jittieħed minn uffiċjali tal-awtorità responsabbli għall-ispezzjonijiet jew fil-preżenza tagħhom.
L-ispezzjoni fiżika jew il-verifika tal-piż għandhom isiru fil-preżenza ta' dawk l-uffiċjali fil-proċedura tal-użin.
Għall-iskopijiet tar-rekord tal-awditu, ir-reġistri u d-dokumenti finanzjarji u tal-istokk kollha spezzjonati minn dawk l-uffiċjali għandhom jiġu ttimbrati jew immarkati bl-inizjali waqt iż-żjara ta' spezzjoni. Meta jiġu vverifikati rekords fuq il-kompjuter, għandha tiġi stampata kopja u tinżamm fil-fajl tal-ispezzjoni.
Artikolu 15
Rappurtar tal-awditu
1. L-awtorità responsabbli għall-ispezzjoni għandha tagħmel rapport tal-ispezzjoni dwar kull verifika fuq il-post. Ir-rapport għandu jiddeskrivi preċiżament il-prodotti differenti spezzjonati.
Ir-rapport għandu jistabbilixxi:
|
(a) |
id-data u l-ħin tal-bidu tal-ispezzjoni; |
|
(b) |
id-dettalji tan-notifika mogħtija minn qabel; |
|
(c) |
kemm damet l-ispezzjoni; |
|
(d) |
il-persuni responsabbli preżenti; |
|
(e) |
in-natura u l-medda tal-ispezzjonijiet imwettqa, bl-għoti, partikolarment, tad-dettalji tad-dokumenti u tal-prodotti eżaminati; |
|
(f) |
is-sejbiet u l-konklużjonijiet; |
|
(g) |
jekk hemmx bżonn segwitu. |
Ir-rapport għandu jiġi ffirmat mill-uffiċjal responsabbli u kontroffirmat mill-parti kontraenti jew, meta applikabbli, mill-operatur tal-maħżen, u għandu jkun inkluż fil-fajl tal-pagament.
2. Fil-każ ta' irregolaritajiet sinifikanti li jaffetwaw mill-anqas 5 % tal-kwantitajiet tal-prodotti koperti minn kuntratt wieħed soġġetti għall-ispezzjoni, il-verifika għandha tiġi estiża għal kampjun akbar li għandu jiġi stabbilit mill-awtorità responsabbli mill-ispezzjonijiet.
3. L-awtorità responsabbli għall-ispezzjonijiet għandha tirreġistra kull każ ta' nuqqas ta' konformità abbażi tal-kriterji tal-gravità, il-medda, it-tul u r-repetizzjoni li tista' tirriżulta fl-esklużjoni skont l-Artikolu 16(1), u/jew fil-ħlas lura ta' għajnuna li tkun tħallset mingħajr ma kien mistħoqq, inklużi l-interessi fejn applikabbli, skont il-paragrafu 4 ta' dak l-Artikolu.
Artikolu 16
Penali
1. Meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ssib li dokument ippreżentat minn applikant għall-attribuzzjoni tad-drittijiet li joriġinaw minn dan ir-Regolament ikollu informazzjoni skorretta u meta din l-informazzjoni skorretta tkun deċiżiva għall-attribuzzjoni ta' dawk id-drittijiet, l-awtorità kompetenti għandha teskludi lill-applikant mill-proċedura tal-għoti ta' għajnuna għall-istess prodott li dwaru tkun ingħatat informazzjoni skorretta għal perjodu ta' sena minn meta ssir deċiżjoni amministrativa finali li tistabbilixxi l-irregolarità.
2. L-esklużjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika jekk l-applikant jagħti prova, għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti, li s-sitwazzjoni li hemm referenza għaliha f'dak il-paragrafu tkun minħabba force majeure jew minħabba żball ċar.
3. Ħlas li ma kienx mistħoqq għandu jkun irkuprat, bl-interessi mingħand l-opertauri kkonċernati. Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 73 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 (7) għandhom japplikaw mutatis mutandis.
4. L-implimentazzjoni ta' penali amministrattivi u rkupru ta' ammonti mħallsa meta mhux mistħoqq, kif stipulat f'dan l-Artikolu, huma mingħajr ħsara għall-kommunikazzjoni ta' irregolaritajiet lill-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 1848/2006 (8).
Artikolu 17
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).
(4) Id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi (ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/563/KE, Euratom tas-7 ta' Lulju 2004 li temenda r-Regoli tal-Proċedura tagħha (ĠU L 251, 27.7.2004, p. 9).
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).
(7) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità, tal-modulazzjoni u tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u ta' verifika li dwarhom hemm dispożizzjoni fir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 73/2009, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità li dwarha hemm dispożizzjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 (ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18).
(8) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta' somom ta' flus imħallsa bi żball b'konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni kif ukoll l-organizzazzjoni ta' sistema ta' informazzjoni f'dan il-qasam u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91 (ĠU L 355, 15.12.2006, p. 56).
|
5.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 265/30 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 951/2014
tal-4 ta’ Settembru 2014
li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament dwar l-OKS unika) (1),
Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu. |
|
(2) |
Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Settembru 2014.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Jerzy PLEWA
Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
ANNESS
Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex
|
(EUR/100 KG) |
||
|
Kodiċi tan-NM |
Kodiċi tal-pajjiż terz (1) |
Valur standard tal-importazzjoni |
|
0702 00 00 |
MK |
55,3 |
|
ZZ |
55,3 |
|
|
0707 00 05 |
TR |
116,3 |
|
ZZ |
116,3 |
|
|
0709 93 10 |
TR |
123,3 |
|
ZZ |
123,3 |
|
|
0805 50 10 |
AR |
196,5 |
|
CL |
200,0 |
|
|
TR |
227,6 |
|
|
UY |
138,0 |
|
|
ZA |
175,4 |
|
|
ZZ |
187,5 |
|
|
0806 10 10 |
BR |
166,0 |
|
TR |
118,7 |
|
|
ZZ |
142,4 |
|
|
0808 10 80 |
BR |
63,5 |
|
CL |
100,3 |
|
|
CN |
120,7 |
|
|
NZ |
121,8 |
|
|
US |
146,8 |
|
|
ZA |
122,9 |
|
|
ZZ |
112,7 |
|
|
0808 30 90 |
CL |
96,0 |
|
CN |
92,5 |
|
|
TR |
123,6 |
|
|
XS |
48,0 |
|
|
ZA |
52,7 |
|
|
ZZ |
82,6 |
|
|
0809 30 |
MK |
73,4 |
|
TR |
128,9 |
|
|
ZZ |
101,2 |
|
|
0809 40 05 |
BA |
34,7 |
|
MK |
41,9 |
|
|
ZZ |
38,3 |
|
(1) In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.
Rettifika
|
5.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 265/32 |
Rettifika għar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 528/2014 tat-12 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji tal-opzjonijiet fl-approċċ standardizzat tar-riskju tas-suq
( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 148 tal-20 ta' Mejju 2014 )
F'paġna 31, fl-Artikolu 3(1)(b)(i):
flok:
“… skont tal-Parti Tlieta, …”
aqra:
“… skont il-Parti Tlieta, …”;
f'paġna 33, fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 7:
flok:
“Għall-finijiet tal-punt (c), …”
aqra:
“Għall-finijiet tal-punt (b), …”:
f'paġna 35, fl-Anness I:
flok:
“Impatt Gamma = ^ × Gamma × VU2 ”
aqra:
“Impatt Gamma =
f'paġna 35, fil-punt (a) tal-Anness II:
flok:
“… xenarju rilevanti determinat fil-pass (c) tal-Artikolu 8.2;”
aqra:
“… xenarju rilevanti determinat fil-pass (c) tal-Artikolu 9;”;
f'paġna 35, fil-punt (b)(ii) tal-Anness II:
flok:
“… xenarju rilevanti determinat fil-pass (c) tal-Artikolu 8.2.”
aqra:
“… xenarju rilevanti determinat fil-pass (c) tal-Artikolu 9.”.