ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 151

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
21 ta' Mejju 2014


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni Nru 534/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika tat-Tuneżija

9

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/293/PESK tal-15 ta' April 2014 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi armati ta' Mali (EUTM Mali)

16

 

 

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali (EUTM MALI)

18

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 535/2014 tal-20 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

22

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/294/PESK tal-20 ta' Mejju 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)

24

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DIRETTIVI

21.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/1


DIRETTIVA 2014/62/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Mejju 2014

dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 83(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Bħala l-munita unika kondiviża mill-Istati Membri taż-żona tal-euro, l-euro sar fattur importanti fl-ekonomija tal-Unjoni u fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tagħha. Madankollu, mill-introduzzjoni tiegħu fl-2002, bħala munita kontinwament fil-mira tal-gruppi kriminali organizzati attivi fl-iffalsifikar tal-flus, il-falsifikazzjoni tal-euro kkawżat ħsara finanzjarja ta' mill-inqas EUR 500 miljun. Huwa fl-interessi tal-Unjoni kollha li topponi u tippenalizza kwalunkwe attività li probabbilment tipperikola l-awtentiċità tal-euro minħabba l-falsifikazzjoni.

(2)

Il-flus foloz għandhom effett konsiderevolment ħażin fuq is-soċjetà. Dawn huma ta' ħsara għaċ-ċittadini u n-negozji li mhumiex rimborżati għall-falsifikazzjonijiet anke jekk jirċevuhom in bona fide. Jistgħu iwasslu għal tħassib tal-konsumaturi fir-rigward tal-protezzjoni suffiċjenti tal-flus kontanti u għall-biża' li jirċievu karti u muniti foloz. Għaldaqstant huwa ta' importanza fundamentali li jiġu żgurati l-fiduċja u l-kunfidenza fl-awtentiċità tal-karti u l-muniti għaċ-ċittadini, in-negozji u l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati Membri kollha kif ukoll f'pajjiżi terzi.

(3)

Huwa essenzjali li jiġi żgurat li miżuri tal-liġi kriminali effettivi u effiċjenti jipproteġu l-euro u kwalunkwe munita oħra li ċ-ċirkolazzjoni tagħha hija legalment awtorizzata b'mod xieraq fl-Istati Membri kollha.

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 (4) jobbliga l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro li jiżguraw sanzjonijiet kontra l-frodi u l-iffalsifikar tal-karti u l-muniti tal-euro.

(5)

Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 (5) u (KE) Nru 1339/2001 (6) jistabbilixxu l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro, b'mod partikolari miżuri biex il-karti u l-muniti tal-euro foloz jitneħħew miċ-ċirkolazzjoni.

(6)

Il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Iffalsifikar tal-Munita iffirmata f'Ġinevra fl-20 ta' April 1929 u l-Protokoll tagħha (il-“Konvenzjoni ta' Ġinevra”) (7) tistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni u l-ikkastigar tar-reat tal-iffalsifikar tal-flus. B'mod partikolari, din għandha l-għan li tiżgura li pieni kriminali iebsa u sanzjonijiet oħrajn jistgħu jiġu imposti għal reati ta' falsifikar tal-flus. Il-partijiet kontraenti kollha għall-Konvenzjoni ta' Ġinevra jridu japplikaw il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni għal muniti oħra li mhumiex il-munita domestika tagħhom.

(7)

Din id-Direttiva tissupplimenta id-disposizzjonijiet u tiffaċilita l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra mill-Istati Membri. Għal dak il-fini, huwa importanti li l-Istati Membri jkunu partijiet għall-Konvenzjoni ta' Ġinevra.

(8)

Din id-Direttiva tibni fuq u taġġorna d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI (8). Din tikkumplimenta dik id-Deċiżjoni Kwadru b'aktar dispożizzjonijiet fil-livell ta' sanzjonijiet, għodod investigattivi u l-analiżi, l-identifikazzjoni u s-sejba ta' karti u muniti tal-euro foloz matul il-proċedimenti ġudizzjarji.

(9)

Din id-Direttiva għandha tipproteġi kwalunkwe karta tal-flus u munita li ċ-ċirkolazzjoni tagħhom hija legalment awtorizzata, irrispettivament minn jekk dawn ikunux tal-karta, tal-metall jew ta' kwalunkwe materjal ieħor.

(10)

Il-protezzjoni tal-euro u muniti oħrajn teħtieġ definizzjoni komuni tar-reati kriminali marbuta mal-iffalsifikar tal-munita kif ukoll sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi komuni kemm għall-persuni fiżiċi u kif ukoll dawk ġuridiċi. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra, din id-Direttiva għandha tipprevedi li l-istess reati jkunu punibbli bħal kif inhuma fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra. Għalhekk, il-produzzjoni ta' karti u muniti foloz u d-distribuzzjoni tagħhom għandu jkun reat kriminali. Ix-xogħol preparatorju importanti għal dawk ir-reati, pereżempju l-produzzjoni tal-istrumenti u l-komponenti għall-iffalsifikar, għandhom jiġu kkastigati b'mod indipendenti. L-għan komuni ta' dawk id-definizzjonijiet tar-reati għandu jkun li jaġixxi bħala deterrent għal kull att li jinvolvi karti u muniti foloz, strumenti u mezzi oħra għall-iffalsifikar.

(11)

L-użu ħażin ta' faċilitajiet jew materjali legali ta' stamperiji jew zekek awtorizzati għall-produzzjoni ta' karti u muniti mhux awtorizzati għal użu qarrieq għandu jitqies ukoll bħala reat kriminali. Tali użu ħażin ikopri s-sitwazzjoni fejn bank ċentrali nazzjonali jew zekka jew industrija awtorizzata oħra tipproduċi ammont ta' karti jew muniti li jaqbeż il-kwota awtorizzata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Dan ikopri wkoll is-sitwazzjoni fejn impjegat ta' stamperija jew zekka awtorizzata jabbuża mill-faċilitajiet għall-iskopijiet tiegħu stess. Dak l-aġir għandu jkun punibbli bħala reat kriminali anke jekk il-kwantitajiet awtorizzati ma jkunux inqabżu, għaliex il-karti jew muniti prodotti, ladarba jkunu daħlu fiċ-ċirkolazzjoni, ma jkunux jistgħu jintgħarfu minn munita awtorizzata.

(12)

Il-karti tal-flus u l-muniti li l-Bank Ċentrali Ewropew jew il-banek ċentrali u z-zekek nazzjonali jkunu għadhom ma ħarġux formalment għandhom jkunu protetti wkoll minn din id-Direttiva. Għaldaqstant, pereżempju, il-muniti tal-euro b'naħat nazzjonali ġodda jew serje ġdida ta' karti tal-euro għandhom ikunu protetti qabel ma jiddaħħlu uffiċjalment fiċ-ċirkolazzjoni.

(13)

Istigazzjoni, għajnuna u kompliċità, tentattiv biex jitwettqu r-reati prinċipali tal-iffalsifikar, inkluż l-użu ħażin ta' faċilitajiet jew materjal legali u inkluż l-iffalsifikar ta' karti u muniti li jkunu għadhom ma ħarġux iżda li jkunu maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, għandhom ukoll jiġu ppenalizzati fejn xieraq. Din id-Direttiva ma teħtieġx li l-Istati Membri jagħmlu punibbli tentattiv li jitwettaq reat marbut ma' strument jew komponent għall-iffalsifikar.

(14)

L-intenzjoni għandha tagħmel parti mill-elementi kollha li jikkostitwixxu r-reati stabbiliti f'din id-Direttiva.

(15)

L-iffalsifikar tal-munita huwa tradizzjonalment reat soġġett għal livell għoli ta' sanzjonijiet fl-Istati Membri. Dak huwa minħabba n-natura serja u l-impatt tar-reat fuq iċ-ċittadini u n-negozji, u minħabba l-bżonn li tiġi żgurata l-fiduċja taċ-ċittadini u n-negozji fin-natura ġenwina tal-euro u ta' muniti oħra. Dak hu partikolarment minnu għall-euro, li huwa l-munita unika ta' iktar minn 330 miljun persuna fiż-żona tal-euro u li hija t-tieni l-aktar munita internazzjonali importanti.

(16)

L-Istati Membri għandhom jipprevedu sanzjonijiet kriminali fil-liġi nazzjonali tagħhom fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-munita. Dawk is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom jinkludu l-priġunerija. Il-livell minimu tat-terminu massimu ta' priġunerija previst f'din id-Direttiva għar-reati stabbiliti fiha għandu japplika mill-anqas għall-aktar forom serji ta' dawk ir-reati.

(17)

Il-livelli tas-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi u dissważivi iżda ma għandhomx imorru oltre dak li huwa proporzjonat għar-reati. Għalkemm l-att li wieħed jgħaddi intenzjonalment flus foloz li jkun irċieva in bona fede jista' jiġi ssanzjonat b'sanzjoni kriminali ta' tip differenti, inkluż multi, fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, dawk il-liġijiet nazzjonali għandhom jipprevedu l-priġunerija bħala sanzjoni massima. Is-sanzjonijiet ta' priġunerija għal persuni fiżiċi ser iservu bħala deterrent qawwi għal kriminali potenzjali, b'effett f'kull parti tal-Unjoni.

(18)

Billi din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu regoli aktar rigorużi għal reati ta' ffalsifikar tal-munita.

(19)

Din id-Direttiva hija bla ħsara għar-regoli u għall-prinċipji ġenerali tal-liġi kriminali nazzjonali dwar l-applikazzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi skont iċ-ċirkustanzi konkreti ta' kull każ individwali.

(20)

Billi l-fiduċja fin-natura ġenwina tal-karti u l-muniti tista' wkoll tiġi pperikolata jew mhedda bl-aġir ta' persuni ġuridiċi, il-persuni ġuridiċi għandhom ikunu responsabbli għar-reati mwettqa f'isimhom.

(21)

Sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni ta' reati ta' ffalsifikar tal-munita, dawk responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' tali reati għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħmlu użu minn għodod investigattivi effettivi bħal dawk li jintużaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata jew reati serji oħra. Tali għodod, fejn adatt, jistgħu jinkludu, pereżempju, l-interċettazzjoni ta' komunikazzjonijiet, is-sorveljanza bil-moħbi inkluża s-sorveljanza elettronika, il-monitoraġġ tal-kontijiet tal-bank u investigazzjonijiet finanzjarji oħra. B'kont meħud, fost l-oħrajn, tal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-użu ta' għodod bħal dawn skont il-liġi nazzjonali għandu jkun proporzjonat man-natura u l-gravità tar-reati taħt investigazzjoni. Id-dritt tal-protezzjoni tad-data personali għandu jiġi rispettat.

(22)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom b'manjiera konsistenti mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra u d-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni f'leġislazzjoni oħra tal-Unjoni dwar il-liġi kriminali, jiġifieri, fuq reati kommessi fit-territorju tagħhom u fuq reati mwettqa miċ-ċittadini tagħhom, fid-dawl tal-fatt li b'mod ġenerali, ir-reati l-aħjar jiġu trattati fl-ambitu tas-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-pajjiż li fih iseħħu.

(23)

Ir-rwol ewlieni tal-euro fl-ekonomija u s-soċjetà tal-Unjoni, kif ukoll it-theddida speċifika għall-euro bħala munita ta' importanza dinjija kif manifestata mill-eżistenza ta' għadd konsiderevoli ta' stamperiji li jinsabu f'pajjiżi terzi teħtieġ miżura oħra biex din tkun imħarsa. Għalhekk għandha tiġi stabbilita ġurisdizzjoni fuq reati marbuta mal-euro mwettqa barra mit-territorju ta' Stat Membru partikolari jekk jew min iwettaq ir-reat ikun fit-territorju ta' dak l-Istat Membru u mhuwiex estradit, jew inkella jekk karti jew noti foloz marbuta mar-reat jinstabu f'dak l-Istat Membru.

Minħabba s-sitwazzjoni oġġettivament differenti tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, huwa xieraq li l-obbligu li tiġi stabbilita tali ġurisdizzjoni japplika biss għal dawn l-Istati Membri. Għall-fini tal-prosekuzzjoni tar-reati stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), l-Artikolu 3(2) u (3), fejn dawn jirrigwardaw il-punt (a) tal-Artikolu 3(1), kif ukoll l-istigazzjoni, l-għajnuna u l-kompliċità u t-tentattivi li jitwettqu dawk ir-reati, il-ġurisdizzjoni m'għandhiex tkun subordinata għall-kondizzjoni li dawk l-atti jikkostitwixxu reat fil-post fejn ikunu twettqu. Meta jkunu qegħdin jeżerċitaw tali ġurisdizzjoni, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk ir-reati humiex qed jiġu trattati mis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-pajjiż fejn twettqu, u għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità, b'mod partikolari fir-rigward ta' kundanni minn pajjiż terz għall-istess aġir.

(24)

Għall-euro, l-identifikazzjoni ta' karti u muniti tal-euro foloz hija ċċentralizzata fiċ-Ċentri għall-Analiżi Nazzjonali u fiċ-Ċentri Nazzjonali għall-Analiżi tal-Muniti, rispettivament, li nħatru jew twaqqfu skont ir-Regolament (KE) Nru 1338/2001. Għandu jkun possibbli wkoll li ssir analiżi, identifikazzjoni u sejba ta' karti u muniti foloz tal-euro waqt li jkunu għaddejjin il-proċedimenti ġudizzjarji sabiex tiġi aċċelerata s-sejba tas-sors ta' produzzjoni ta' flus foloz f'investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali speċifika u biex dawn it-tipi ta' flus foloz jiġu evitati u jinżammu jew jitwaqqfu milli jibqgħu jiċċirkolaw, bir-rispett dovut tal-prinċipju ta' proċess ġust u effettiv. Dak jikkontribwixxi għall-effiċjenza tal-ġlieda kontra r-reati ta' ffalsifikar u fl-istess ħin iżid in-numru ta' trasmissjonijiet ta' flus foloz sekwestrati matul proċedimenti kriminali li jkunu għaddejja, soġġett għal eċċezzjonijiet limitati fejn għandu jiġi pprovdut biss aċċess għal flus foloz. B'mod ġenerali, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom jawtorizzaw it-trasmissjoni fiżika tal-flus foloz liċ-Ċentri Nazzjonali għall-Analiżi u ċ-Ċentri Nazzjonali għall-Analiżi tal-Muniti. F'ċerti ċirkostanzi, pereżempju fejn ikunu biss ftit karti u muniti foloz li jikkostitwixxu l-provi għall-proċedimenti kriminali jew fejn it-trasmissjoni fiżika tirriżulta f'riskju ta' qerda tal-provi bħall-marki tas-swaba', l-awtoritajiet kompetenti għandhom minflok ikunu jistgħu jiddeċiedu li jagħtu l-aċċess għall-karti tal-flus u l-muniti.

(25)

Hemm il-ħtieġa li tinġabar data komparabbli dwar ir-reati stabbiliti f'din id-Direttiva. Biex tinkiseb stampa aktar kompluta tal-problema tal-iffalsifikar fil-livell tal-Unjoni u b'dan il-mod jingħata kontribut għat-tiswir ta' rispons aktar effettiv, l-Istati Membri għandhom jitrażmettu lill-Kummissjoni data tal-istatistika rilevanti li tirrigwarda l-għadd ta' reati li jikkonċernaw noti u muniti foloz u l-għadd ta' persuni mħarrka u kkundannati.

(26)

Biex jiġi segwit l-objettiv tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-karti u l-muniti tal-euro, għandha ssir ħidma biex jiġu konklużi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari dawk il-pajjiżi li jużaw l-euro bħala l-munita tagħhom skont il-proċeduri rilevanti tat-Trattat.

(27)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod speċjali d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, ir-rispett għal ħajja privata u tal-familja, il-libertà li wieħed jagħżel impjieg u d-dritt għax-xogħol, il-libertà li wieħed ikollu negozju, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt tad-difiża, il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni, kif ukoll id-dritt li wieħed ma jiġix ġudikat jew punit darbtejn fi proċeduri kriminali għall-istess reat kriminali. Din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għal dawn id-drittijiet u prinċipji u għandha tiġi implimentata kif meħtieġ.

(28)

Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u li tespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2000/383/ĠAI. Minħabba li l-emendi li għandhom isiru huma ta' għadd u natura sostanzjali, dik id-Deċiżjoni Kwadru għandha fl-interessi taċ-ċarezza tiġi sostitwita kollha kemm hi għall-Istati Membri marbuta b'din id-Direttiva.

(29)

Billi l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar, ma jistax jintlaħaq b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri, iżda jista' pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta l-miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”). F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(30)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

(31)

F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(32)

F'konformità mal-Artikoli 1, 2 u 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi li jikkonċernaw id-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-iffalsifikar tal-euro u muniti oħra. Hija tintroduċi wkoll dispożizzjonijiet komuni biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra dawn ir-reati u biex l-investigazzjoni tagħhom tittejjeb u biex tkun żgurata kooperazzjoni aqwa kontra l-iffalsifikar.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“munita” tfisser karti tal-flus u muniti li ċ-ċirkolazzjoni tagħhom hija legalment awtorizzata, inklużi karti u muniti tal-euro li ċ-ċirkolazzjoni tagħhom ġiet awtorizzata skont ir-Regolament (KE) Nru 974/98;

(b)

“persuna ġuridika” tfisser kull entità li jkollha personalità ġuridika skont il-liġi applikabbli, barra minn Stati jew korpi pubbliċi fl-eżerċizzju tal-awtorità Statali u għal organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

Artikolu 3

Reati

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-aġir li ġej, meta jsir intenzjonalment, ikun punibbli bħala reat kriminali:

(a)

kull fabrikazzjoni jew alterazzjoni frawdulenti ta' munita, ikun x'ikun il-mezz li jintuża;

(b)

it-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni b'mod frawdulenti ta' munita falza;

(c)

l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-trasport, li tirċievi jew tikseb munita falza bl-iskop li titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u bl-għarfien tal-kontrafazzjoni tagħha;

(d)

li b'mod frawdulenti tagħmel, tirċievi, tikseb jew ikollok

(i)

strumenti, artikoli, programmi tal-kompjuter u data, u kwalunkwe mezz ieħor partikolarment addattat għall-iffalsifikar jew l-alterazzjoni tal-munita; jew

(ii)

karatteristiċi ta' sigurtà, bħal ologrammi, marki tal-ilma (watermarks) jew komponenti oħrajn tal-munita li jservu biex jipproteġu mill-iffalsifikar.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-aġir imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) ta' paragrafu 1 jkun punibbli wkoll fir-rigward ta' muniti jew karti tal-flus li saru jew qed isiru bl-użu ta' faċilitajiet jew materjali legali bi ksur tad-drittijiet jew il-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu joħorġu l-muniti jew il-karti tal-flus.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-aġir imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ikun punibbli anke fir-rigward ta' karti tal-flus u muniti li għadhom ma ħarġux, iżda huma maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni bħala valuta legali.

Artikolu 4

Istigazzjoni, għajnuna u kompliċità, u tentattiv

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-istigazzjoni jew l-għajnuna u l-kompliċità fir-rigward ta' reat imsemmi fl-Artikolu 3 ikun punibbli bħala reat kriminali.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li xi tentattiv biex jitwettaq reat imsemmi fil-punti (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 3(1), l-Artikolu 3(2), jew l-Artikolu 3(3) fir-rigward tal-aġir imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) ikun punibbli bħala reat kriminali.

Artikolu 5

Sanzjonijiet għal persuni fiżiċi

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-aġir imsemmi fl-Artikoli 3 u 4 ikun punibbli b'sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 3(1), ir-reati msemmija fl-Artikolu 3(2) u r-reati msemmija fl-Artikolu 3(3) fir-rigward tal-aġir imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 3(1) għandhom ikunu punibbli b'sanzjoni massima li tipprevedi priġunerija.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 3(3) fir-rigward tal-aġir imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) għandhom ikunu punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas tmien snin.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 3(3) fir-rigward tal-aġir imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) għandhom ikunu punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas ħames snin.

5.   Fir-rigward tar-reat imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1), l-Istati Membri jistgħu jipprevedu sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi minbarra dak imsemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, inklużi multi u priġunerija, jekk il-flus foloz ikunu waslu mingħajr għarfien li huma ffalsifikati, iżda jiġu mgħoddija lil partijiet terzi bl-għarfien li huma foloz.

Artikolu 6

Responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati msemmija fl-Artikolu 3 u 4 li jkunu twettqu għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna li jew taġixxi individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, li jkollha pożizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, ibbażata fuq:

(a)

setgħa ta' rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

(b)

awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika; jew

(c)

awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuna ġuridika tkun tista' tinżamm responsabbli meta n-nuqqas ta' superviżjoni jew kontroll, minn persuna msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, tkun għamlet possibbli t-twettiq ta' reat imsemmi fl-Artikoli 3 u 4 għall-benefiċċju ta' dik il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

3.   Ir-responsabbiltà ta' persuna ġuridika skont il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu m'għandhiex teskludi proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li huma awturi, istigaturi jew aċċessorji fir-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 4.

Artikolu 7

Sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika li tkun meqjusa responsabbli skont Artikolu 6 tiġi soġġetta għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u li jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra, bħal:

(a)

l-esklużjoni mid-dritt għall-benefiċċji pubbliċi jew l-għajnuna pubblika;

(b)

l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-eżerċizzju ta' attivitajiet kummerċjali;

(c)

it-tqegħid taħt is-sorveljanza tal-qorti;

(d)

l-istralċ ġudizzjarju;

(e)

l-għeluq temporanju jew permanenti ta' stabbilimenti li ntużaw biex isir ir-reat.

Artikolu 8

Ġurisdizzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 4 fejn:

(a)

ir-reat jitwettaq totalment jew parzjalment fit-territorju tiegħu; jew

(b)

l-awtur tar-reat huwa wieħed miċ-ċittadini tiegħu;

2.   Kull Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 4 mwettqa barra mit-territorju tiegħu, almenu meta dawn ikunu marbuta mal-euro u fejn

(a)

l-awtur tar-reat ikun fit-territorju ta' dak l-Istat Membru u ma jkunx ġie estradit; jew

(b)

instabu karti u muniti foloz tal-euro marbuta mar-reat fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

Għall-prosekuzzjoni tar-reati, imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), l-Artikolu 3(2) u (3), fejn dawn jirrigwardaw punt (a) tal-Artikolu 3(1), kif ukoll l-istigazzjoni, l-għajnuna u l-kompliċità, u t-tentattivi ta' dawk ir-reati, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-ġurisdizzjoni tiegħu ma tkunx subordinata għall-kondizzjoni li l-atti jkunu reat kriminali fil-post fejn ikunu twettqu.

Artikolu 9

Għodod investigattivi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-għodod investigattivi, bħal dawk li jintużaw fil-każijiet ta' kriminalità organizzata jew f'każijiet oħra ta' delitti serji, ikunu disponibbli għall-persuni, l-unitajiet jew is-servizzi responsabbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati msemmijin fl-Artikoli 3 u 4.

Artikolu 10

L-obbligu tat-trażmissjoni ta' karti u muniti foloz tal-euro għall-analiżi u s-sejba ta' flus foloz

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li matul proċedimenti kriminali l-eżami miċ-Ċentru Nazzjonali għall-Analiżi u ċ-Ċentru għall-Analiżi Nazzjonali tal-Muniti tal-karti u l-muniti tal-euro suspettati bħala foloz għall-analiżi, l-identifikazzjoni u s-sejba ta' aktar flus foloz ikun permess mingħajr dewmien. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu l-kampjuni meħtieġa bla ebda dewmien, u sa mhux aktar tard minn meta tkun intlaħqet deċiżjoni finali rigward il-proċedimenti kriminali.

Artikolu 11

Statistiċi

L-Istati Membri għandhom, tal-inqas kull sentejn, jittrażmettu data lill-Kummissjoni dwar l-għadd ta' reati stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4, u l-għadd ta' persuni mħarrka u kkundannati għar-reati stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4.

Artikolu 12

Rappurtar tal-Kummissjoni u rieżami

Sat-23 ta' Mejju 2019, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposta leġiżlattiva.

Artikolu 13

Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2000/383/ĠAI

Id-Deċiżjoni Kwadru 2000/383/ĠAI hija b'dan sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b'din id-Direttiva mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' dawk l-Istati Membri relatati mal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Deċiżjoni Kwadru 2000/383/ĠAI.

Għall-Istati Membri marbuta b'din id-Direttiva, ir-referenzi għad-Deċiżjoni Kwadru 2000/383/ĠAI għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 14

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-23 ta' Mejju 2016. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jigu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma se jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)   ĠU C 179, 25.6.2013, p. 9.

(2)   ĠU C 271, 19.9.2013, p. 42.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2014.

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar id-dħul tal-Euro (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta' Ġunju 2001 li jistabilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2001 tat-28 ta' Ġunju 2001 li jestendi l-effetti tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001, li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar għal dawk l-Istati Membri li m'adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 11).

(7)  Nru 2623, p. 372 il-Lega tan-Nazzjonijiet — is-Serje ta' Trattati tal-1931.

(8)  Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/JHA tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni permezz ta' pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-falsifikazzjoni in konnessjoni mal-introduzzjoni tal-euro (ĠU L 140, 14.6.2000, p. 1).


DEĊIŻJONIJIET

21.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/9


DEĊIŻJONI Nru 534/2014/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Mejju 2014

li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika tat-Tuneżija

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġislattiva (1),

Billi:

(1)

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija ('it-Tuneżija') qegħdin jiżviluppaw fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV). Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u t-Tuneżija, min-naħa l-oħra (2) (“il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Tuneżija”),daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998. Skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Tuneżija, it-Tuneżija ffinalizzat it-tneħħija tat-tariffi għall-prodotti industrijali fl-2008, biex b'hekk it-Tuneżija saret l-ewwel pajjiż tan-Nofsinhar tal-Mediterran li daħal f'żona ta' kummerċ ħieles mal-Unjoni. Id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni ekonomika bilaterali komplew jiżviluppaw fil-qafas tal-Pjani ta' Azzjoni tal-PEV, li l-aktar wieħed reċenti li qed jiġi diskuss ikopri l-perijodu 2013-2017.

(2)

L-ekonomija tat-Tuneżija kienet affettwata b'mod sinifikanti minn avvenimenti domestiċi relatati ma' avvenimenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran sa minn tmiem l-2010, magħrufa bħala r-“Rebbiegħa Għarbija”, kif ukoll mit-taqlib reġjonali ta' warajha, partikolarment fil-pajjiż ġar, il-Libja. Dawk l-avvenimenti u l-ambjent ekonomiku globali dgħajjef, b'mod partikolari r-reċessjoni fiż-żona tal-euro li hija s-sieħba kummerċjali u finanzjarja ewlenija tat-Tuneżija, kellhom impatt negattiv ħafna fuq l-ekonomija Tuneżina, li wassal għal tnaqqis fir-ritmu tat-tkabbir u ġġenera lakuni esterni kbar baġitarji u ta' finanzjament.

(3)

Wara t-tkeċċija tal-President Ben Ali fl-14 ta' Jannar 2011, l-ewwel elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi tat-Tuneżija seħħew fit-23 ta' Ottubru 2011. Assemblea Nazzjonali Kostitwenti ilha fis-seħħ minn dakinhar, u għalkemm it-tranżizzjoni politika ma kinitx waħda faċli, saru sforzi miftiehma mill-atturi politiċi ewlenin biex jipproċedu bir-riformi lejn sistema kompletament demokratika.

(4)

Il-Kostituzzjoni li ġiet adottata mill-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti tat-Tuneżija tinkludi xi progress fil-qasam tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwu u l-ugwaljanza bejn is-sessi, li jidderieġu lit-Tuneżija lejn id-demokrazija u l-istat tad-dritt.

(5)

Minn meta bdiet ir-Rebbiegħa Għarbija, l-Unjoni, f'diversi okkażjonijiet, iddikjaratl-impenn tagħha li tappoġġalit-Tuneżija fil-proċess ta' riforma ekonomika u politika tagħha. Dakl-impenn ġie affermat mill-ġdid, f'Novembru 2012, fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u t-Tuneżija. L-appoġġ politiku u ekonomiku tal-Unjoni għall-proċess ta' riforma tat-Tuneżija huwa konsistenti mal-politika tal-Unjoni fir-rigward tar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran, kif stabbilit fil-kuntest tal-PEV.

(6)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-Deċiżjoni Nru 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta' għajnuna mingħajr irbit u mhux speċifikata għall-bilanċ tal-pagamenti, li għandu l-għan li jerġa' jġib sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għall-benefiċjarju u għandu jappoġġa l-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li jkun fih miżuri ta' aġġustament u ta' riforma strutturali b'saħħithom intiżi biex itejbu s-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti, partikolarment matul il-perijodu tal-programm, u jsaħħaħ l-implimentazzjoni tal-ftehimiet u tal-programmi rilevanti mal-Unjoni.

(7)

F'April 2013, l-awtoritajiet tat-Tuneżija u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ftiehmu dwar Arranġament mhux prekawzjonarju ta' Riżerva ('il-programm tal-FMI') għal tliet snin tal-SDR (Drittijiet Speċjali ta' Prelevament) ta' 1 146 miljun bħala appoġġ għall-programm ta' aġġustamenti u riformi ekonomiċi tat-Tuneżija. L-objettivi tal-programm tal-FMI huma konsistenti mal-fini tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, partikolarment biex jittaffew diffikultajiet fil-bilanċ tal-pagamenti fuq perijodu ta' żmien qasir, u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' aġġustament b'saħħithom tkun konsistenti mal-għan tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

(8)

L-Unjoni għamlet disponibbli EUR 290 miljun f'għotjiet għall-perijodu 2011-2013 bil-programm ta' kooperazzjoni regolari tagħha, biex tappoġġa l-aġenda ta' riforma ekonomika u politika tat-Tuneżija. Barra minn hekk, għall-perijodu 2011 sal-2013 ġew allokati EUR 155 miljun lit-Tuneżija bil-programm “Sostenn għas-sħubija, ir-riforma u t-tkabbir inklużiv” (SPRING, Support for partnership, reforms and inclusive growth).

(9)

F'Awwissu 2013, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika li qiegħda tiddeterjora u tal-prospetti li qegħdin jiħżienu, it-Tuneżija talbet lill-Unjoni għall-assistenza makrofinanzjarja.

(10)

Minħabba li t-Tuneżija hija pajjiż kopert mill-PEV, din għandha tkun ikkunsidrata bħala eliġibbli biex tirċievi l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

(11)

Minħabba li għad hemm differenza residwa sinifikanti fil-finanzjament estern fil-bilanċ tal-pagamenti tat-Tuneżija lil hinn mir-riżorsi pprovduti mill-FMI u istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, u minkejja l-implimentazzjoni ta' programmi ta' stabbilizzazzjoni ekonomika u ta' riformi b'saħħithom min-naħa tat-Tuneżija, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni li għandha tingħata lit-Tuneżija (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”), fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali qed titqies li tkun tweġiba xierqa għat-talba tat-Tuneżija biex tiġi appoġġata l-istabbilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm tal-FMI. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tgħin l-aġenda tal-istabbilizzazzjoni ekonomika u tar-riforma strutturali tat-Tuneżija, filwaqt li tissupplimenta ir-riżorsi li huma disponibbli taħt l-arranġament finanzjarju tal-FMI.

(12)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha jkollha l-għan li tappoġġa r-ripristinar tas-sostenibilità tas-sitwazzjoni finanzjarja esterna għat-Tuneżija, u b'hekk tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħha.

(13)

Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva kompleta tal-ħtiġijiet ta' finanzjament estern residwu tat-Tuneżija u għandha tqis il-kapaċità tagħha ta' awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, partikolarment ir-riservi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tikkomplimenta l-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u l-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tieħu wkoll kont ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi multilaterali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-implimentazzjoni diġà eżistenti tal-istrumenti ta' finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni fit-Tuneżija u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni.

(14)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-prinċipji, objettivi u miżuri ewlenin meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u linji ta' politika oħra rilevanti tal-Unjoni.

(15)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni lejn it-Tuneżija. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jaħdmu mill-qrib matul l-operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja kollha bil-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u li jiżguraw il-konsistenza tagħha.

(16)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tappoġġa l-impenn tat-Tuneżija fir-rigward tal-valuri kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-impenn tagħha u l-prinċipji ta' kummerċ miftuħ, ibbażat fuq regoli u ġust.

(17)

Prekondizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li t-Tuneżija tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi s-sistema parlamentari b'diversi partiti, l-istat tad-dritt u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom ikunu li jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fis-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fit-Tuneżija, u li jiġu promossi r-riformi strutturali li għandhom l-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, il-ħolqien tax-xogħol u l-konsolidazzjoni fiskali. Kemm il-konformità mal-prekondizzjoni kif ukoll l-ilħuq ta' dawk l-objettivi għandhom jiġu ssorveljati regolarment mill-Kummissjoni.

(18)

Biex ikun żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni konnessi mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jiġu protetti b'mod effiċjenti, it-Tuneżija għandha tieħu miżuri xierqa fir-rigward tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra marbuta mal-assistenza. Barra minn hekk, għandu jiġi previst li l-Kummissjoni tagħmel kontrolli u li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tagħmel awditi.

(19)

Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(20)

L-ammonti li għandhom jiġu pprovduti meħtieġa għall-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom ikunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji definiti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

(21)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tinformahom regolarment bl-iżviluppi marbutin mal-assistenza u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

(22)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(23)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għal kondizzjonijiet ta' politika ekonomika, li għandhom jiġu stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta' effiċjenza, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tinnegozja dawn il-kondizzjonijiet mal-awtoritajiet Tuneżini taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri previst mir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Skont dak ir-Regolament, il-proċedura konsultattiva għandha, bħala regola ġenerali, tapplika fil-każijiet kollha ħlief kif previst f'dak ir-Regolament. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment importanti tal-assistenza ta' aktar minn EUR 90 miljun, huwa adatt li l-proċedura ta' eżami tintuża għal operazzjonijiet li jeċċedu dak il-limitu. B'kont meħud tal-ammont ta' assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lit-Tuneżija, il-proċedura ta' eżami għandha tapplika għall-adozzjoni tal-Memorandum ta' Qbil, jew għal kwalunkwe tnaqqis, sospensjoni jew tħassir tal-assistenza,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tagħmel l-assistenza finanzjarja disponibbli għat-Tuneżija (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”) bl-ammont massimu ta' EUR 300 miljun, sabiex jiġu appoġġati l-istabbiltà ekonomika u r-riformi tat-Tuneżija. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tat-Tuneżija għall-bilanċ tal-pagamenti kif identifikati fil-programm tal-FMI.

2.   L-ammont sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi pprovdut lit-Tuneżija fil-forma ta' self. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f'isem l-Unjoni, biex tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji u ssellifhom lit-Tuneżija. Is-self għandu jkollu maturità massima ta' ħmistax-il sena.

3.   L-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni b'mod li jkun konsistenti mal-ftehimiet li saru jew qbil li ntlaħaq bejn l-FMI u t-Tuneżija, u bil-prinċipji ewlenin u l-objettivi tar-riformi ekonomiċi stipulati fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Tuneżija u l-Pjan ta' Azzjoni bejn l-UE u t-Tuneżija għall-perijodu mill-2013 sal-2017 li ntlaħaq qbil dwaru skont il-PEV. Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż l-iżborż tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet id-dokumenti rilevanti fi żmien debitu.

4.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun disponibbli, għal perijodu ta' sentejn u nofs, bil-bidu tagħha mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta' Qbil imsemmi fl-Artikolu 3(1) ta' din id-Deċiżjoni.

5.   Fejn il-ħtiġijiet ta' finanzjament tat-Tuneżija jonqsu b'mod fundamentali matul il-perijodu tal-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbel mal-previżjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza jew tissospendiha jew tħassarha.

Artikolu 2

Prekondizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li t-Tuneżija tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi s-sistema parlamentari b'diversi partiti, l-istat tad-dritt u tiggarantixxi r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja t-twettiq ta' din il-prekondizzjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

Dan l-Artikolu għandu jiġi applikat f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (5).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tilħaq ftehim mal-awtoritajiet Tuneżini dwar politika ekonomika u kondizzjonijiet finanzjarji definiti b'mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom, li għandhom jitniżżlu f'Memorandum ta' Qbil (“il-Memorandum ta' Qbil”) li għandu jinkludi perijodu taż-żmien għat-twettiq ta' dawk il-kondizzjonijiet. Il-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew qbil imsemmija fl-Artikolu 1(3) inklużi l-programmi ta' aġġustament makroekonomiku u ta' riforma strutturali implimentati mit-Tuneżija, bl-appoġġ tal-FMI.

2.   Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jimmiraw, partikolarment, li jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fit-Tuneżija, inkluż l-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress fil-ftuħ reċiproku tas-suq, l-iżvilupp ta' kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom jitqiesu wkoll b'mod debitu fit-tfassil tal-miżuri ta' politika. Il-progress lejn l-ilħuq ta' dawk l-objettivi għandu jiġi ssorveljat regolarment mill-Kummissjoni.

3.   It-termini finanzjarji ddettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stipulati fi Ftehim tas-Self li għandu jintlaħaq bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Tuneżini.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f'intervalli regolari li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 4(3) jibqgħu jiġu sodisfatti, inkluż jekk il-politiki ekonomiċi tat-Tuneżija jkunux f'konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Hija u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Artikolu 4

1.   Soġġett għall-kondizzjonijiet tal-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun disponibbli mill-Kummissjoni fi tliet pagamenti ta' self. Id-daqs ta' kull pagament għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta' Qbil.

2.   L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu proviżjonati, fejn meħtieġ, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (6).

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti soġġetti għat-twettiq tal-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-prekondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2;

(b)

rekord sodisfaċenti kontinwu fl-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li fih miżuri ta' aġġustament u ta' riforma strutturali b'saħħithom appoġġat minn arranġament ta' kreditu mill-FMI mhux prekawzjonarju; u

(c)

l-implimentazzjoni, f'perijodu ta' żmien speċifiku, tal-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil.

L-iżborż tat-tieni pagament m'għandux iseħħ qabel tliet xhur wara li jsir l-ewwel pagament. L-iżborż tat-tielet pagament m'għandux iseħħ qabel tliet xhur wara li jsir it-tieni pagament.

4.   Fejn il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 3 ma jiġux sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tissospendi jew tikkanċella temporanjament l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F'tali każijiet, hija għandha tikkomunika r-raġunijiet għal dik is-sospensjoni jew dik il-kanċellazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   L-assistenza makrofinanzjarja għandha titħallas lill-Bank Ċentrali tat-Tuneżija. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lill-Ministeru tal-Finanzi tat-Tuneżija bħala l-benefiċjarju aħħari.

Artikolu 5

1.   L-operazzjonijiet ta' teħid jew għoti ta' self marbutin mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u ma għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, jew jesponuha għal kwalunkwe riskju marbut mar-rata tal-kambju jew mar-rata tal-imgħax, jew għal kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, u jekk it-Tuneżija titlob dan, il-Kummissjoni tista' tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tiddaħħal klawżola dwar ir-rimborż bikri fit-termini u l-kondizzjonijiet tas-self u li din tkun appoġġata minn klawżola korrispondenti fit-termini u l-kondizzjonijiet tal-operazzjonijiet tat-teħid ta' self.

3.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self, u jekk it-Tuneżija titlob dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tiffinanzja mill-ġdid it-teħid ta' self inizjali kollu jew parti minnu jew tista' tirristruttura l-kondizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-ġdid jew ta' ristrutturar għandhom isiru f'konformità mal-paragrafi 1 u 4 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità tat-teħid ta' self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta' kapital pendenti fid-data tal-finanzjament mill-ġdid jew tar-ristrutturar.

4.   L-ispejjeż kollha tal-Unjoni li jkunu relatati mal-operazzjonijiet tal-għoti jew tat-teħid ta' self skont din id-Deċiżjoni għandhom jitħallsu mit-Tuneżija.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 6

1.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (8).

2.   L-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun taħt ġestjoni diretta.

3.   Il-Memorandum ta' Qbil u l-Ftehim tas-Self li għandhom jiġu miftehma mal-awtoritajiet Tuneżini għandu jkun fihom dispożizzjonijiet:

(a)

li jiżguraw li t-Tuneżija tivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut mill-baġit ġenerali tal-Unjoni ntuża kif suppost, li din tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u, jekk ikun meħtieġ, tieħu azzjoni legali biex tirkupra kwalunkwe fondi pprovduti skont din id-Deċiżjoni li jkunu ġew indebitament approprjati;

(b)

li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari billi jipprevedu miżuri speċifiċi fir-rigward tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (9), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (10) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(c)

li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, jew lir-rappreżentanti tagħha biex iwettqu verifiki u spezzjonijiet fuq il-post;

(d)

jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri biex jagħmlu awditi matul u wara l-perijodu ta' disponibbiltà tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż awditi ta' dokumenti u awditi fuq il-post, bħal valutazzjonijiet operazzjonali; u

(e)

li jiżguraw li l-Unjoni tkun intitolata għar-ripagament bikri tas-self fejn ikun ġie stabbilit li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, it-Tuneżija tkun involuta fi kwalunkwe att ta' frodi jew ta' korruzzjoni jew fi kwalunkwe attività illegali oħra li tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

4.   Matul l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tissorvelja, permezz ta' valutazzjonijiet operazzjonali, il-validità tal-arranġamenti finanzjarji tat-Tuneżija, il-proċeduri amministrattivi u l-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni li huma rilevanti għall-assistenza.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

1.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fis-sena ta' qabel, inkluża evalwazzjoni ta' dik l-implimentazzjoni. Dak ir-rapport għandu:

(a)

jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni;

(b)

jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tat-Tuneżija, kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika msemmija fl-Artikolu 3(1);

(c)

jindika r-rabta bejn il-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika stipulati fil-Memorandum ta' Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tat-Tuneżija u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perijodu ta' disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta' evalwazzjoni ex post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja kompleta tal-Unjoni u sa liema punt din ikkontribwiet għall-għanijiet tal-assistenza.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2014.

(2)  Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2).

(3)  Deċiżjoni Nru 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 15).

(4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija ghall-azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).

(7)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(8)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni(ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(9)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(10)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.).

(11)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilltal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

21.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/293/PESK

tal-15 ta' April 2014

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi armati ta' Mali (EUTM Mali)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK tas-17 ta' Jannar 2013 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali (EUTM Mali) (1) jipprevedi li arranġamenti dettaljati rigward il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Fl-10 ta' Frar 2014, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim ta' Parteċipazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi armati ta' Mali (“il-Ftehim”).

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi armati ta' Mali (EUTM Mali) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex ikun jorbot lill-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta' April 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)   ĠU L 14, 18.1.2013, p. 19.


21.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/18


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali (EUTM MALI)

L-UNJONI EWROPEA (l-“UE” jew l-“Unjoni”),

minn naħa, u

IL-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA,

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem flimkien imsejħin “il-Partijiet”,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW:

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK tas-17 ta' Jannar 2013 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali (EUTM Mali) (1),

l-ittra datata 18 ta' Settembru 2013 mill-Kap tad-Dipartiment Federali tal-Affarijiet Barranin tal-Konfederazzjoni Svizzera, li toffri kontribut lill-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali) limitat għal kapaċità ċivili,

id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà EUTM Mali/3/2013 tat-12 ta' Novembru 2013 dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi ta' Stati terzi lill-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali (EUTM Mali) (2),

id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà EUTM Mali/2/2013 tat-12 ta' Novembru 2013 dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta' Kontributuri għall-missjoni tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali (EUTM Mali) (3),

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Parteċipazzjoni fil-missjoni

1.   Il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tassoċja ruħha mad-Deċiżjoni 2013/34/PESK u ma' kwalunkwe Deċiżjoni oħra li permezz tagħha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi l-EUTM Mali, f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament ta' implimentazzjoni meħtieġ.

2.   Il-kontribut tal-Konfederazzjoni Svizzera lil EUTM Mali hu mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni.

3.   Il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tiżgura li l-persunal Svizzeru li jipparteċipa fl-EUTM Mali jidħol għall-missjoni tiegħu b'mod konformi ma':

id-Deċiżjoni 2013/34/PESK u kwalunkwe emenda sussegwenti possibbli;

il-Pjan tal-Missjoni;

il-miżuri ta' implimentazzjoni.

4.   Il-persunal sekondat fil-missjoni mill-Konfederazzjoni Svizzera għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu biss bil-ħsieb tal-interess ta' EUTM Mali.

5.   Il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tinforma lill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE fi żmien debitu bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tagħha fil-missjoni.

Artikolu 2

Status tal-forzi

1.   L-istatus tal-persunal ikkontribwit għall-EUTM Mali mill-Konfederazzjoni Svizzera għandu jkun regolat mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mali dwar l-istatus fir-Repubblika ta' Mali tal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali (EUTM Mali) (4) (il-“Ftehim dwar l-istatus tal-forzi”), iffirmat fl-4 ta' April 2013.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-ftehim dwar l-istatus tal-forzi, il-Konfederazzjoni Svizzera għandu jkollha ġurisdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jipparteċipa fl-EUTM Mali.

3.   Il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tkun responsabbli biex twieġeb għal kull pretensjoni marbuta mal-parteċipazzjoni fl-EUTM Mali, minn jew li tikkonċerna kwalunkwe membru tal-persunal tagħha. Il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tkun responsabbli li tieħu kwalunkwe azzjoni, b'mod partikolari legali jew dixxiplinarja, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tagħha, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha.

4.   Il-partijiet jaqblu li jirrinunzjaw il-pretensjonijiet kollha, minbarra dawk kuntrattwali, kontra xulxin għal dannu, telf jew distruzzjoni ta' assi li jkunu proprjetà ta'/jew operati minn waħda mill-Partijiet, li jirriżultaw mill-qadi tad-dmirijiet tagħhom marbuta mal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja.

5.   Il-Konfederazzjoni Svizzera tieħu l-impenn li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja tal-pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat parteċipanti fl-EUTM Mali, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.

6.   L-Unjoni timpenja ruħha li tiżgura li l-Istati Membri jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja tal-pretensjonijiet, għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-EUTM Mali, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Informazzjoni klassifikata

Il-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Unjoni Ewroepa rigward il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata (5), għandu japplika fil-kuntest tal-EUTM Mali.

Artikolu 4

Linja ta' kmand

1.   Il-persunal Svizzeru li jipparteċipa fl-EUTM Mali għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kmand u/jew il-kontroll operattiv u tattiku tal-forzi u l-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE. Il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE huwa intitolat li jiddelega l-awtorità tiegħu.

3.   Il-Konfederazzjoni Svizzera għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini tat-tmexxija ta' kuljum tal-missjoni bħall-Istati Membri parteċipanti tal-UE.

4.   Il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE jista', wara konsultazzjonijiet mal-Konfederazzjoni Svizzera, fi kwalunkwe ħin jitlob l-irtirar tal-kontribut tal-Konfederazzjoni Svizzera.

5.   Għandu jinħatar Rappreżentant Superjuri (RS) mill-Konfederazzjoni Svizzera biex jirrappreżenta lill-kontinġent nazzjonali tagħha fl-EUTM Mali. Ir-RS għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE dwar il-kwistjonijiet kollha li jolqtu l-missjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent.

Artikolu 5

Aspetti finanzjarji

1.   Il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tħallas l-ispejjeż kollha relatati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-EUTM Mali.

2.   F'każ ta' mewt, korriment, telf jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) issir il-missjoni, il-Konfederazzjoni Svizzera għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skont il-kondizzjonijiet previsti fil-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 2(1) dwar l-istatus tal-forzi.

3.   L-Unjoni għandha teżenta lill-Konfederazzjoni Svizzera minn kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUTM Mali.

Artikolu 6

Arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim

Kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Unjoni u l-awtoritajiet rilevanti tal-Konfederazzjoni Svizzera.

Artikolu 7

Nonosservanza

Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tosserva l-obbligi tagħha taħt dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra għandu jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim billi tibgħat avviż minn xahar qabel.

Artikolu 8

Riżoluzzjoni ta' disputi

Disputi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti b'mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni neċessarji għal dak il-għan.

2.   Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b'mod proviżorju mid-data tal-firma tiegħu.

3.   Dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ sakemm idum il-kontribut tal-Konfederazzjoni Svizzera lill-missjoni.

4.   Kull Parti tista' ttemm dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub. It-tmiem isir effettiv tliet xhur wara d-data ta' tali notifika.

Magħmul fi Brussell, fit-tmienja u għoxrin jum ta' April tas-sena elfejn u erbatax bil-lingwa Ingliża, f'żewġ kopji.

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Konfederazzjoni Svizzera


(1)   ĠU L 14, 18.1.2013, p, 19.

(2)   ĠU L 320, 30.11.2013, p. 33.

(3)   ĠU L 320, 30.11.2013, p. 31.

(4)   ĠU L 106, 16.4.2013, p. 2.

(5)   ĠU L 18, 10.7.2008, p. 58.


TEST GĦAD-DIKJARAZZJONIJIET

Test għall-Istati Membri tal-UE

Bl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-2013/34/PESK tas-17 ta' Jannar 2013 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali (EUTM Mali), l-Istati Membri tal-UE ser jagħmlu ħilithom sabiex, safejn ikun possibbli taħt is-sistemi legali interni tagħhom, jirrinunzjaw, kemm jista' jkun, għall-pretensjonijiet kontra l-Konfederazzjoni Svizzera għal korriment, mewt tal-persunal tagħhom, jew dannu għal, jew telf ta', kwalunkwe assi li jkun proprjetà tagħhom u li jintuża mill-EUTM Mali, jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

kien ikkawżat minn persunal mill-Konfederazzjoni Svizzera fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu b'konnessjoni mal-EUTM Mali, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja, jew

irriżulta mill-użu ta' kwalunkwe assi li jkun proprjetà tal-Konfederazzjoni Svizzera, dment li l-assi jkunu ntużaw b'konnessjoni mal-missjoni u ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja tal-persunal tal-EUTM Mali mill-Konfederazzjoni Svizzera li juża dawk l-assi.

Test għall-Konfederazzjoni Svizzera

Bl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE 2013/34/PESK tas-17 ta' Jannar 2013 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali (EUTM Mali), il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tagħmel ħilitha sabiex, safejn ikun possibbli taħt is-sistema legali interna tagħha, tirrinunzja, kemm jista' jkun, għall-pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat ieħor li jipparteċipa f'EUTM Mali għal dannu, mewt tal-persunal tagħha, jew ħsara għal, jew telf ta', kwalunkwe assi li jkun proprjetà tagħha u li jintuża mill-EUTM Mali jekk tali dannu, mewt, ħsara jew telf:

kien ikkawżat minn persunal fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu b'konnessjoni mal-EUTM Mali, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew ta' mġiba ħażina volontarja, jew

irriżulta mill-użu ta' kwalunkwe assi tal-Istati li jipparteċipaw fil-EUTM Mali, dment li l-assi jkunu ntużaw b'konnessjoni mal-missjoni u ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġieba ħażina volontarja ta' persunal tal-EUTM Mali li juża dawk l-assi.


REGOLAMENTI

21.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/22


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 535/2014

tal-20 ta’ Mejju 2014

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament dwar l-OKS unika) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 KG)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

59,1

MA

41,3

MK

85,4

TR

59,9

ZZ

61,4

0707 00 05

AL

41,5

MK

42,4

TR

125,8

ZZ

69,9

0709 93 10

TR

108,6

ZZ

108,6

0805 10 20

EG

43,9

IL

74,1

MA

40,6

TR

72,3

ZA

53,8

ZZ

56,9

0805 50 10

TR

98,1

ZA

141,8

ZZ

120,0

0808 10 80

AR

95,6

BR

85,3

CL

96,8

CN

98,5

MK

32,3

NZ

141,6

US

194,6

UY

70,3

ZA

99,1

ZZ

101,6


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

21.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/24


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/294/PESK

tal-20 ta' Mejju 2014

li temenda d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/233/PESK (1) li tistabbilixxi l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya). Id-Deċiżjoni 2013/233/PESK tiskadi fil-21 ta' Mejju 2015. L-ammont ta' referenza finanzjarja stabbilit hemm ikopri l-perijodu mit-22 ta' Mejju 2013 sal-21 ta' Mejju 2014.

(2)

Id-Deċiżjoni 2013/233/PESK għandha tiġi emendata biex jiġi estiż il-perijodu kopert mill-ammont ta' referenza finanzjarja sal-21 ta' Mejju 2015.

(3)

Il-EUBAM Libya ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif imniżżel fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2013/233/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 11(5) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE. (*1)

(*1)   ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1.”;"

(2)

L-Artikolu 13(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUBAM Libya għall-perijodu mit-22 ta' Mejju 2013 sal-21 ta' Mejju 2014 għandu jkun ta' EUR 30 300 000.

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUBAM Libya għall-perijodu mit-22 ta' Mejju 2014 sal-21 ta' Mejju 2015 għandu jkun ta' EUR 26 200 000.”;

(3)

Fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 15, ir-referenzi għad-“Deċiżjoni 2011/292/UE” huma sostitwiti b'referenzi għad-“Deċiżjoni 2013/488/UE”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Mejju 2014.

Għall-Kunsill,

Il-President

A. KYRIAZIS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (ĠU L 138, 24.5.2013, p. 15).