ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 122

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
24 ta' April 2014


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja (l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE)

1

 

*

Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 ( 1 )

18

 

*

Regolament (UE) Nru 377/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 ( 1 )

44

 

*

Regolament (UE) Nru 378/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1166/2008 rigward il-qafas finanzjarju għall-perjodu 2014-2018 ( 1 )

67

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

24.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/1


REGOLAMENT (UE) Nru 375/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-3 ta' April 2014

li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja (“l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 214(5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Is-solidarjetà hija valur fundamentali tal-Unjoni u hemm potenzjal għal aktar żvilupp ta' mezzi ta' turija ta' solidarjetà taċ-ċittadini tal-Unjoni ma' nies f'pajjiżi terzi li huma vulnerabbli għal kriżijiet maħluqa mill-bniedem jew minn diżastri naturali jew affettwati minnhom. Barra minn hekk l-Unjoni, kollettivament, hija l-akbar donatur fid-dinja ta' għajnuna umanitarja, billi tipprovdi kważi 50 % tal-għajnuna umanitarja globali.

(2)

Il-volontarjat huwa espressjoni konkreta u viżibbli ta' solidarjetà li tippermetti lill-individwi jiddedikaw l-għarfien, il-ħiliet u l-ħin tagħhom għas-servizz ta' bnedmin oħra bħalhom, mingħajr motivazzjoni finanazjara.

(3)

Hemm il-ħtieġa li tiġi żviluppata aktar is-solidarjetà mal-vittmi ta' kriżijiet u diżastri fil-pajjiżi terzi kif ukoll li jiżdiedu kemm il-livelli ta' sensibilizzazzjoni kif ukoll il-viżibilità tal-għajnuna umanitarja u l-volontarjat b'mod ġenerali fost iċ-ċittadini tal-Unjoni.

(4)

Il-viżjoni tal-Unjoni ta' għajnuna umanitarja, li tinkludi għan komuni, prinċipji u prassi tajba u qafas komuni biex titwassal l-għajnuna umanitarja tal-Unjoni, hija stipulata fid-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea bl-isem “Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja” (2). Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja jenfasizza l-impenn sod tal-Unjoni biex ikun hemm approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet kif ukoll biex tiddefendi u tippromwovi l-prinċipji umanitarji fundamentali tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza. L-azzjonijiet tal-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja (“l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”) għandhom jiġu ggwidati mill-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.

(5)

L-għajnuna umanitarja tal-Unjoni titwassal f'sitwazzjonijiet fejn jistgħu joperaw strumenti oħra relatati mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-protezzjoni ċivili. L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandha taħdem b'mod koerenti u komplementari ma' politiki u strumenti relevanti oħra tal-Unjoni u għandha tevita x-xogħol doppju, b'mod partikolari mal-politika ta' għajnuna umanitarja tal-Unjoni, il-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), iċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tar-Reazzjoni ta' Emerġenza stabbilit b'dik id-Deċiżjoni u mas-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna (SEAE) u d-Delegazzjonijiet tal-UE sabiex tiġi kkoordinata r-reazzjoni tal-Unjoni għall-kriżijiet umanitarji f'pajjiżi terzi.

(6)

L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandha tikkontribwixxi għall-isforzi biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni li tipprovdi assistenza umanitarja bbażata fuq il-ħtiġijiet u jissaħħu l-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-komunitajiet fil-pajjiżi terzi li jkunu vulnerabbli jew jintlaqtu minn diżastri. Barra minn hekk, hu importanti li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti u sħab oħrajn umanitarji u atturi lokali u reġjonali. Dik il-kooperazzjoni għandha titwettaq f'konformità mal-azzjonijiet meħuda min-Nazzjonijiet Uniti, sabiex jiġi appoġġjat ir-rwol ċentrali u ta' koordinatur globali tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (UN-OCHA).

(7)

L-għadd, l-ambitu u l-kumplessità ta' kriżijiet umanitarji fid-dinja, kemm dawk naturali kif ukoll dawk ikkaġunati mill-bniedem, żdiedu b'mod sinifikanti matul is-snin u dik it-tendenza x'aktarx li se tkompli, ħaġa li twassal għal żieda fid-domanda fuq l-atturi umanitarji biex jipprovdu reazzjoni immedjata, effikaċi, effiċjenti u koerenti u biex jappoġġjaw il-komunitajiet lokali tal-pajjiżi terzi sabiex dawn isiru anqas vulnerabbli u tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom għad-diżastri.

(8)

Il-voluntiera jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni li tipprovdi għajnuna umanitarja bbażata fuq il-ħtiġijiet u bi prinċipji u jikkontribwixxu għat-titjib tal-effikaċja tas-settur umanitarju meta jkunu adegwatament magħżula, mħarrġa u ppreparati għall-mobilizzazzjoni sabiex jiġi żgurat li jkollhom il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex jgħinu lin-nies fil-bżonn bl-aktar mod effikaċi possibbli, sakemm dawn ikunu jistgħu jistrieħu fuq appoġġ u superviżjoni suffiċjenti fil-post.

(9)

Jeżistu skemi ta' volontarjat fl-Ewropa u fid-dinja kollha li jiffukaw fuq il-mobilizzazzjoni f'pajjiżi terzi. Ħafna drabi dawn ikunu skemi nazzjonali li jiffokaw prinċipalment jew esklużivament fuq proġetti ta' żvilupp. L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandha, għalhekk, iżżid il-valur billi tipprovdi opportunitajiet għall-voluntiera biex dawn jikkontribwixxu flimkien għal operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja, u b'hekk tissaħħaħ iċ-ċittadinanza attiva Ewropea. L-inizjattiva tista' wkoll iżżid il-valur billi trawwem il-kooperazzjoni transnazzjonali tal-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet taħt l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, u b'hekk ittejjeb ir-relazzjonijiet internazzjonali, turi stampa pożittiva tal-Unjoni fid-dinja u trawwem l-interess fil-proġetti umanitarji pan-Ewropej.

(10)

L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandha tkun effikaċi f'termini ta' spiża, għandha tikkomplementa l-iskemi volontarji nazzjonali u internazzjonali eżistenti mingħajr ma tidduplikahom, u għandha tkun iffokata fuq l-indirizzar tal-ħtiġijiet konkreti u l-lakuni fil-qasam umanitarju.

(11)

Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2010 intitolata “Kif iċ-ċittadini tal-UE jesprimu s-solidarjetà tagħhom permezz tal-volontarjat: L-ewwel riflessjonijiet ta' Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja”, hemm lakuni f'dan ix-xenarju ta' volontarjat umanitarju li l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE tista' timla bil-voluntiera bil-profili adegwati mmobilizzati fil-mument it-tajjeb fil-post it-tajjeb. Dan jista' jinkiseb l-aktar billi jiġu pprovduti standards u proċeduri Ewropej dwar l-identifikazzjoni u l-għażla ta' voluntiera umanitarji, parametri li dwarhom jintlaħaq qbil komuni għat-taħriġ u t-tħejjija ta' voluntiera umanitarji għall-mobilizzazzjoni, bażi tad-data ta' voluntiera potenzjali li jiġu identifikati abbażi tal-ħtiġijiet fil-post, u opportunitajiet għall-voluntiera biex jikkontribwixxu għal-operazzjonijiet umanitarji mhux biss permezz tal-mobilizzazzjoni iżda wkoll permezz ta' appoġġ klerikali u attivitajiet ta' volontarjat onlajn.

(12)

It-taħriġ xieraq, kif ukoll is-sigurtà u s-sikurezza tal-voluntiera għandhom jibqgħu tal-akbar importanza u għandhom ikunu suġġetti għal skambji ta' informazzjoni regolari, anke mal-Istati Membri. Il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE m'għandhomx jiġu mobilizzati għal operazzjonijiet li jitwettqu fix-xena ta' kunflitti armati internazzjonali u mhux internazzjonali.

(13)

L-Unjoni twettaq l-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja tagħha bbażati fuq il-ħtiġijiet fi sħubija ma' organizzazzjonijiet implimentattivi. Dawk l-organizzazzjonijiet għandhom jaqdu rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE biex jiggarantixxu t-teħid ta' responsabbiltà diretta mill-atturi fil-qasam u sabiex jimmassimizzaw l-assorbiment potenzjali tal-azzjonijiet taħt dik l-inizjattiva. L-Unjoni għandha tafda lil tali organizzazzjonijiet partikolarlment bl-identifikazzjoni, l-għażla, it-tħejjija u l-mobilizzazzjoni tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, kif ukoll bis-segwitu matul u wara l-missjonijiet, f'konformità mal-istandards u l-proċeduri stabbiliti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha, meta jkun xieraq, tkun tista' tutilizza voluntiera mħarrġa u ppreparati b'suċċess għall-mobilizzazzjoni fl-uffiċċji lokali tagħha għal kompiti ta' appoġġ.

(14)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2011 bl-isem “Strateġija mġedda tal-UE 2011-2014 għal Responsabbiltà Soċjali Korporattiva” tgħid li kumpaniji privati jista' jkollhom rwol importanti u jikkontribwixxu għall-operazzjonijiet umanitarji tal-Unjoni b'mod partikolari permezz tal-volontarjat tal-impjegati.

(15)

L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandha tgħin lill-Ewropej tal-etajiet kollha juru ċittadinanza Ewropea attiva. L-inizjattiva, għalhekk, għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-volontarjat fl-Unjoni kollha u għall-iżvilupp personali u l-għarfien interkulturali tal-voluntiera parteċipanti, biex b'hekk ittejjeb il-kompetenzi u l-impjegabilità tagħhom fl-ekonomija globali.

(16)

Il-prinċipji ta' opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni tal-Unjoni jissuġġerixxu li ċ-ċittadini u r-residenti regolari tal-Unjoni f'kull settur tal-ħajja u f'kull età għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw bħala ċittadini attivi. Fid-dawl tal-isfidi speċifiċi tal-kuntest umanitarju, il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandu jkollhom età minima ta' 18-il sena u ikunu jistgħu jirrappreżentaw diversità wiesgħa ta' profili u ġenerazzjonijiet, inklużi esperti u persuni ta' ħila rtirati.

(17)

Status legali ċar huwa prerekwiżit kruċjali għall-voluntiera biex dawn jipparteċipaw fil-mobilizzazzjoni f'pajjiżi barra l-Unjoni. It-termini li bihom jiġu mobilizzati l-voluntieri għandhom ikunu definiti kuntrattwalment, inklużi l-istandards għall-protezzjoni u s-sikurezza tal-voluntieri, ir-responsabbiltajiet tal-organizzazzjonijiet emittenti u dawk li jospitaw, il-kopertura tal-assigurazzjoni, il-kopertura tas-sussistenza, l-akkomodazzjoni u spejjeż relevanti oħra. Il-mobilizzazzjoni tal-voluntiera f'pajjiżi terzi għandha tkun suġġetta għal arranġamenti adegwati ta' sikurezza u sigurtà.

(18)

Ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-Aġenda ta' Politika għall-Volontarjat fl-Ewropea u l-ħidma tal-organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali ta' volontarjat u l-programm Voluntiera tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom, meta jkun relevanti, jitqiesu fl-azzjonijiet tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

(19)

L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandha tappoġġja l-azzjonijiet ibbażati fuq il-ħtiġijiet immirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet ospitanti tal-għajnuna umanitarja fil-pajjiżi terzi sabiex ittejjeb it-tħejjija u r-reazzjoni lokali għall-kriżijiet umanitarji u sabiex tiżgura l-effikaċja u s-sostenibilità tal-ħidma tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fil-post permezz tal-ġestjoni tar-riskji ta' diżastri, it-tħejjija u r-reazzjoni, l-ikkowċjar, it-taħriġ fil-ġestjoni tal-volontarjat, kif ukoll oqsma oħra relevanti.

(20)

L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, meta relevanti, għandu jkollha l-għan li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politika ta' għajnuna umanitarja tal-Unjoni, billi tippromwovi reazzjoni umanitarja adegwata għall-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u tal-irġiel tal-etajiet kollha. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kooperazzjoni mal-gruppi u n-netwerks tan-nisa sabiex ikunu promossi l-parteċipazzjoni tan-nisa u l-eżerċitar min-naħa tagħhom ta' karigi ta' tmexxija fl-għajnuna umanitarja u sabiex jittieħed vantaġġ mill-kapaċitajiet u l-għarfien espert tagħhom biex jikkontribwixxu għall-irkupru, il-bini tal-paċi, it-tnaqqis tar-riskji ta' diżastri u l-bini tar-reżiljenza tal-komunitajiet milquta.

(21)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi, għat-tul kollu tal-perjodu finanzjarju, pakkett finanzjarju, li għandu jikkostitwixxi l-ammont primarju ta' referenza, skont it-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f'materji marbuta mal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (4), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(22)

L-allokazzjoni tal-għajnuna finanzjarja għandha tiġi implimentata skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Minħabba n-natura speċifika tal-azzjonijiet taħt l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, huwa xieraq li jkun stipulat li l-assistenza finanzjarja tista' tingħata lil persuni fiżiċi u persuni ġuridiċi rregolati bid-dritt pubbliku jew privat. Huwa wkoll importanti li jkun żgurat li r-regoli ta' dak ir-Regolament jiġu osservati, b'mod partikolari fir-rigward tal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja stabbiliti fih.

(23)

It-titjib tal-implimentazzjoni u l-kwalità tal-infiq għandhom jikkostitwixxu prinċipji gwida biex jintlaħqu l-objettivi tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, filwaqt li jiġi żgurat użu ottimu tar-riżorsi finanzjarji.

(24)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu mħarsa permezz ta' miżuri proporzjonali tul iċ-ċiklu tal-infiq kollu kemm hu, li jinkludu l-prevenzjoni, l-iżvelar u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa indebitament jew użati skorrettament u, meta jkun xieraq, penalitajiet. Għandhom jittieħdu miżuri xierqa għall-prevenzjoni tal-irregolaritajiet u l-frodi u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġu rkuprati l-fondi mitlufa, imħallsa indebitament jew użati skorrettament skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (6), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (7) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(25)

Il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari pajjiżi fil-proċess ta' adeżjoni, pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali, pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, għandha tkun possibbli fuq il-bażi ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni.

(26)

Il-volontarji parteċipanti u l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw l-azzjonijiet taħt l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, mill-pajjiżi li jikkooperaw, għandhom ukoll jaderixxu mal-prinċipji stipulati fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja u jippromwovu l-osservanza tagħhom, b'enfasi fuq il-protezzjoni tal-“ispazju umanitarju”.

(27)

Sabiex ikun possibbli ritorn permanenti ta' informazzjoni u titjib kontinwu u biex jiżdiedu l-flessibbiltà u l-effikaċja tal-adozzjoni tagħhom, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-istandards għall-għażla, il-ġestjoni u l-mobilizzazzjoni tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, il-modifikazzjoni tal-indikaturi tal-prestazzjoni u l-prijoritajiet tematiċi u l-aġġustament tal-perċentwali għall-allokazzjoni tal-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti relevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(28)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni setgħat ta' implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Il-proċedura tal-eżami għandha tintuża għall-adozzjoni tal-proċeduri ta' għażla, ġestjoni u mobilizzazzjoni tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, il-mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni, il-programm ta' taħriġ u l-programm annwali ta' ħidma tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

(29)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji li huma rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(30)

L-ipproċessar tad-data personali li jitwettaq fil-qafas ta' dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju u proporzjonat għall-finijiet tal-iżgurar tat-tħaddim mingħajr xkiel tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE. Kwalunkwe pproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni jkun irregolat mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Kwalunkwe pproċessar tad-data personali minn organizzazzjonijiet li jimplimentaw l-azzjonijiet taħt l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, stabbiliti legalment fl-Unjoni, ikun irregolat mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(31)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta opinjoni fit-23 ta' Novembru 2012 (12).

(32)

Huwa xieraq li l-perijodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ikun allinjat mar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (13). Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja “l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”) bħala qafas għall-kontribuzzjonijiet konġunti mill-voluntiera Ewropej biex jappoġġjaw u jikkomplementaw l-għajnuna umanitarja f'pajjiżi terzi.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-funzjonament tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u regoli għall-provvediment tal-assistenza finanzjarja.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għal:

(1)

l-għażla, it-taħriġ u l-mobilizzazzjoni tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE biex jappoġġjaw u jikkomplementaw l-għajnuna umanitarja f'pajjiżi terzi;

(2)

azzjonijiet li jappoġġjaw, jippromwovu u jħejju l-mobilizzazzjoni tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE biex jappoġġjaw u jikkomplementaw l-għajnuna umanitarja f'pajjiżi terzi;

(3)

azzjonijiet fl-Unjoni u barra l-Unjoni bil-għan li jinbnew il-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet ospitanti għal-għajnuna umanitarja f'pajjiżi terzi.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“voluntier” tfisser persuna li liberament u mingħajr motivazzjoni pekunjarja tagħżel li tinvolvi ruħha f'attivitajiet li jibbenefikaw komunità u s-soċjetà b'mod ġenerali;

(b)

“voluntier kandidat” tfisser persuna eliġibbli skont l-Artikolu 11(3) li tapplika għall-parteċipazzjoni fl-azzjonijiet taħt l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE;

(c)

“Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE” tfisser voluntier kandidat li ġie magħżul, imħarreġ skont l-istandards, il-proċeduri u l-kriterji ta' referenza speċifiċi, ivvalutat bħala eliġibbli u rreġistrat bħala disponibbli għall-mobilizzazzjoni biex jappoġġja u jikkomplementa l-għajnuna umanitarja f'pajjiżi terzi;

(d)

“għajnuna umanitarja” tfisser attivitajiet u operazzjonijiet f'pajjiżi terzi maħsuba biex jipprovdu assistenza ta' emerġenza bbażata fuq il-ħtiġijiet immirata lejn il-protezzjoni tal-ħajjiet, il-prevenzjoni u t-taffija tat-tbatija umana, u l-protezzjoni tad-dinjità umana meta ffaċċjati minn kriżijiet maħluqa mill-bniedem jew diżastri naturali. Din tinkludi operazzjonijiet ta' assistenza, sokkors u protezzjoni fi kriżijiet umanitarji jew il-konsegwenzi diretti tagħhom, miżuri ta' appoġġ biex jiġi żgurat l-aċċess għal nies fil-bżonn u sabiex jiġi ffaċilitat il-fluss ħieles tal-assistenza, kif ukoll azzjonijiet immirati lejn it-tisħiħ tat-tħejjija għad-diżastri u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, u li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-reżiljenza u l-kapaċità li wieħed ilaħħaq mal-kriżijiet u jirkupra minnhom;

(e)

“pajjiż terz”' tfisser pajjiż barra mill-Unjoni fejn iseħħu l-attivitajiet u l-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja imsemmija fil-punt (d).

Artikolu 4

Objettiv

L-objettiv tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandu jkun li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni li tipprovdi għajnuna umanitarja bbażata fuq il-ħtiġijiet immirata lejn il-protezzjoni tal-ħajjiet, il-prevenzjoni u t-taffija tat-tbatija umana u l-preservazzjoni tad-dinjità tal-bniedem u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-komunitajiet vulnerabbli jew milquta minn diżastri f'pajjiżi terzi, partikolarment permezz tat-tħejjija għad-diżastri, it-tnaqqis tar-riskji ta' diżastri, u t-tisħiħ tal-kollegament bejn is-sokkors, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp. Dak l-objettiv għandu jintlaħaq permezz tal-valur miżjud tal-kontribuzzjonijiet konġunti tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, li jesprimu l-valuri u s-solidarjetà tal-Unjoni mal-persuni fil-bżonn u jippromwovu b'mod viżibbli sens ta' ċittadinanza Ewropea.

Artikolu 5

Prinċipji ġenerali

1.   L-azzjonijiet fil-qafas tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandhom jitwettqu f'konformità mal-prinċipji tal-għajnuna umanitarja tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza u mal-Kunses Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.

2.   L-azzjonijiet fil-qafas tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandhom jirrispondu għall-ħtiġijiet umanitarji tal-komunitajiet lokali u għar-rekwiżiti tal-organizzazzjonijiet ospitanti u għandhom jimmiraw li jikkontribwixxu għall-effikaċja tas-settur umanitarju.

3.   Is-sikurezza u s-sigurtà tal-voluntiera kandidati u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandhom ikunu prijorità.

4.   L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandha tippromwovi proġetti konġunti bbażati fuq il-ħtiġijiet u sħubijiet transnazzjonali bejn il-voluntiera parteċipanti minn pajjiżi differenti u l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw l-azzjonijiet, kif imsemmija fl-Artikolu 10.

Artikolu 6

Koerenza u komplementarjetà tal-azzjoni tal-Unjoni

1.   Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu żgurati l-koerenza u l-komplementarjetà ma' strumenti u oqsma oħra tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif ukoll ma' politiki relevanti oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari l-politika dwar l-għajnuna umanitarja, il-politika dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, filwaqt li jiġu evitati x-xogħol doppju u t-trikkib, u jiġi rikonoxxut li l-għajnuna umanitarja hija regolata mill-prinċipji dwar l-għajnuna umanitarja msemmija fl-Artikolu 5(1) ta' dan ir-Regolament. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel bejn is-sokkors, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jiksbu effiċjenza u effikaċja, billi jiżguraw il-konsistenza u l-koerenza bejn l-iskemi nazzjonali relevanti ta' volontarjat u l-azzjonijiet fil-qafas tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE. Dawk l-azzjonijiet għandhom jibnu fuq il-prassi tajba u l-programmi eżistenti relevanti u, fejn ikun xieraq, jagħmlu użu min-netwerks Ewropej stabbiliti.

3.   L-Unjoni għandha trawwem il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti u ma' sħab oħra umanitarji u atturi lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet taħt l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

Fil-promozzjoni ta' reazzjoni internazzjonali koerenti għall-kriżijiet umanitarji, l-azzjonijiet fil-qafas tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandhom ikunu f'konformità ma' dawk imwettqa min-Nazzjonijiet Uniti sabiex jiġi appoġġjat ir-rwol ċentrali u ta' koordinatur globali tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (UN-OCHA).

Artikolu 7

Objettivi operazzjonali

1.   L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE issegwi l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

(a)

Il-kontribuzzjoni għaż-żieda u t-titjib tal-kapaċità tal-Unjoni li tipprovdi għajnuna umanitarja.

Il-progress lejn l-ilħuq ta' dan l-objettiv operazzjonali għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi ta' indikaturi, bħal:

l-għadd ta' Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE mobilizzati jew lesti għall-mobilizzazzjoni bil-kwalifiki meħtieġa u l-għadd ta' Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE li temmew il-kuntratti ta' mobilizzazzjoni tagħhom;

l-għadd ta' persuni li ntlaħqu mill-għajnuna umanitarja mogħtija permezz tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u l-ispiża medja għal kull persuna milħuqa;

il-livell ta' sodisfazzjon tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE mobilizzati u tal-organizzazzjonijiet emittenti u dawk ospitanti fir-rigward tal-kontribuzzjoni umanitarja reali tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fil-post.

(b)

It-titjib tal-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi tal-voluntiera fil-qasam tal-għajnuna umanitarja u t-termini u l-kundizzjonijiet tal-involviment tagħhom.

Il-progress lejn l-ilħuq ta' dan l-objettiv operazzjonali għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi ta' indikaturi, bħal:

l-għadd ta' voluntiera kandidati mħarrġa u voluntiera li għaddew b'suċċess mill-valutazzjoni wara t-taħriġ;

l-għadd ta' organizzazzjonijiet emittenti ċċertifikati li japplikaw l-istandards u l-proċeduri għall-ġestjoni tal-voluntiera kandidati u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE;

il-livell ta' sodisfazzjon tal-voluntiera mħarrġa u mobilizzati, tal-organizzazzjonijiet emittenti u dawk ospitanti fir-rigward tal-kwalità tat-taħriġ, il-livell tal-għarfien u l-ħiliet tal-voluntiera, l-osservanza u l-adegwatezza tal-istandards u l-proċeduri għall-ġestjoni tal-voluntiera kandidati u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

(c)

Il-bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet ospitanti u t-trawwim tal-volontarjat fil-pajjiżi terzi.

Il-progress lejn l-ilħuq ta' dan l-objettiv operazzjonali għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi ta' indikaturi, bħal:

l-għadd u t-tip ta' azzjonijiet ta' bini tal-kapaċitajiet fil-pajjiżi terzi;

l-għadd ta' persunal u voluntiera minn pajjiżi terzi li jipparteċipaw fl-azzjonijiet ta' bini tal-kapaċitajiet;

il-livell ta' sodisfazzjon tal-persunal tal-organizzazzjonijiet ospitanti u tal-voluntiera minn pajjiżi terzi li jipparteċipaw fl-azzjonijiet ta' bini tal-kapaċitajiet fir-rigward tal-kwalità u l-effikaċja tal-azzjonijiet imwettqa.

(d)

Il-komunikazzjoni tal-prinċipji tal-Unjoni dwar l-għajnuna umanitarja miftiehma fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.

Il-progress lejn l-ilħuq ta' dan l-objettiv operazzjonali għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi ta' indikaturi, bħal:

l-għadd, it-tip u l-ispejjeż tal-azzjonijiet ta' informazzjoni, komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni.

(e)

It-tisħiħ tal-koerenza u l-konsistenza tal-volontarjat fl-Istati Membri kollha sabiex jittejbu l-opportunitajiet għaċ-ċittadini tal-Unjoni biex jipparteċipaw f'attivitajiet u operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja.

Il-progress lejn l-ilħuq ta' dan l-objettiv operazzjonali għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi ta' indikaturi, bħal:

l-għadd ta' organizzazzjonijiet emittenti ċċertifikati;

l-għadd u t-tip ta' azzjonijiet ta' assistenza teknika għall-organizzazzjonijiet emittenti;

id-disseminazzjoni u r-replikazzjoni tal-istandards u l-proċeduri għall-ġestjoni tal-voluntiera kandidati u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE minn skemi oħra ta' volontarjat.

2.   L-indikaturi msemmija fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 1 għandhom jintużaw għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-reviżjoni tal-prestazzjoni kif xieraq. Dawn huma indikattivi u jistgħu jiġu emendati permezz ta' atti delegati f'konformità mal-Artikolu 24 sabiex jittieħed kont tal-esperjenza mill-kejl tal-progress.

KAPITOLU II

AZZJONIJIET TAL-INIZJATTIVA VOLUNTIERA TAL-GĦAJNUNA TAL-UE

Artikolu 8

Azzjonijiet tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE

L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandha l-objettivi msemmija fl-Artikoli 4 u 7 permezz tat-tipi ta' azzjonijiet li ġejjin:

l-iżvilupp u ż-żamma tal-istandards u l-proċeduri dwar il-voluntiera kandidati u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE;

l-iżvilupp u ż-żamma ta' mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni għall-organizzazzjonijiet emittenti u dawk ospitanti;

l-identifikazzjoni u l-għażla ta' voluntiera kandidati;

l-istabbiliment ta' programm ta' taħriġ u appoġġ għat-taħriġ u l-apprendistat;

l-istabbiliment, iż-żamma u l-aġġornarta' bażi tad-data tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE;

il-mobilizzazzjoni tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE biex jappoġġjaw u jikkomplementaw l-għajnuna umanitarja fil-pajjiżi terzi;

il-bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet ospitanti;

l-istabbiliment u l-ġestjoni ta' netwerk għall-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE;

il-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni;

attività anċillari li żżid r-responsabilizzazzjoni, it-trasparenza u l-effikaċja tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

Artikolu 9

Standards u proċeduri dwar il-voluntiera kandidati u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE

1.   Filwaqt li tibni fuq il-prassi relevanti eżistenti, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi standards u proċeduri li jkopru l-kundizzjonijiet, l-arranġamenti u r-rekwiżiti meħtieġa li għandhom jiġu applikati mill-organizzazzjonijiet emittenti u ospitanti meta jidentifikaw, jagħżlu, jippreparaw, jiġġestixxu u jimmobilizzaw il-voluntiera kandidati u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE biex jappoġġjaw l-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja fil-pajjiżi terzi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24 biex tistabbilixxi standards dwar:

qafas kompetenti li jintuża għall-identifikazzjoni, l-għażla u t-tħejjija tal-voluntiera bħala professjonisti fil-bidu jew professjonisti superjuri;

dispożizzjonijiet li jiżguraw opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni fil-proċess ta' identifikazzjoni u għażla;

dispożizzjonijiet li jiżguraw l-osservanza min-naħa tal-organizzazzjonijiet emittenti u dawk ospitanti tal-liġijiet relevanti nazzjonali u tal-Unjoni u l-liġi tal-pajjiż ospitanti;

standards li jirregolaw is-sħubijiet bejn l-organizzazzjonijiet emittenti u dawk ospitanti;

ispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba mill-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE b'konformità mal-inizjattivi relevanti eżistenti tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex tistabbilixxi dan li ġej:

il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-identifikazzjoni, l-għażla u t-tħejjija neċessarja ta' qabel il-mobilizzazzjoni tal-voluntiera kandidati, inkluż l-apprendistat, meta relevanti;

dispożizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni u l-ġestjoni tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE f'pajjiżi terzi, inklużi fost l-oħrajn superviżjoni fil-post, appoġġ kontinwu permezz tal-ikkowċjar, mentoring, taħriġ addizzjonali, il-kundizzjonijiet ta' ħidma neċessarji, appoġġ wara l-mobilizzazzjoni;

dispożizzjonijiet għall-kopertura tal-assigurazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-voluntiera, inklużi l-kopertura tas-sussistenza, l-akkomodazzjoni, l-ivvjaġġar u spejjeż oħra relevanti;

il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti qabel, matul u wara l-mobilizzazzjoni sabiex ikunu żgurati dover ta' attenzjoni u miżuri ta' sikurezza u sigurtà xierqa, inklużi protokolli ta' evakwazzjoni medika u pjanijiet ta' sigurtà li jkopru l-evakwazzjoni ta' emerġenza minn pajjiżi terzi, inklużi l-proċeduri neċessarji għall-koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali;

il-proċeduri għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni individwali tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami imsemmija fl-Artikolu 26(2).

Artikolu 10

Mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni għall-organizzazzjonijiet emittenti u ospitanti

1.   Il-Kumissjoni għandha tiżviluppa mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni bl-involviment, jekk ikun xieraq, tas-sħab umanitarji li jiżgura li l-organizzazzjonijiet emittenti josservaw l-istandards u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9, u mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni differenzjata għall-organizzazzjonijiet ospitanti.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-proċedura relatata mal-funzjonament tal-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni, billi tibni fuq il-mekkaniżmi u l-proċeduri ta' ċertifikazzjoni relevanti eżistenti, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 26(2).

2.   Meta tkun qed tfassal il-mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tfittex sinerġiji mal-istrumenti ta' sħubija tal-Kummissjoni fil-qasam umanitarju u mal-istandards umanitarji eżistenti, bil-għan ta' simplifikazzjoni amministrattiva. Il-mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni għandu jkun inklużiv u nondiskriminatorju fir-rigward ta' kwalunkwe tip ta' organizzazzjoni eliġibbli.

3.   L-organizzazzjonijiet emittenti għandhom ikunu eliġibbli għaċ-ċertifikazzjoni, jekk:

(a)

jaderixxu mal-istandards u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9;

(b)

ikunu attivi fil-qasam tal-għajnuna umanitarja kif definit fil-punt (d) tal-Artikolu 3; u

(c)

ikunu jiffurmaw parti minn kwalunkwe waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(i)

organizzazzjonijiet mhux governattivi mingħajr skop ta' qligħ iffurmati f'konformità mal-liġi ta' Stat Membru u li l-kwartieri ġenerali tagħhom jinsabu fl-Unjoni,

(ii)

entitajiet tad-dritt pubbliku ta' natura ċivili rregolati mil-liġi ta' Stat Membru,

(iii)

organizzazzjonijiet mhux governattivi mingħajr skop ta' qligħ stabbiliti fil-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 23 taħt il-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu u l-ftehimiet imsemmija fih,

(iv)

entitajiet tad-dritt pubbliku ta' natura ċivili stabbiliti fil-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 23 taħt il-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu u l-ftehimiet imsemmija fih,

(v)

il-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet Nazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar.

4.   L-organizzazzjonijiet f'pajjiżi terzi għandhom ikunu eliġibbli bħala organizzazzjonijiet ospitanti jekk:

(a)

jaderixxu mal-istandards u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9;

(b)

ikunu attivi fil-qasam tal-għajnuna umanitarja kif definit fil-punt (d) tal-Artikolu 3; u

(c)

ikunu jagħmlu parti minn kwalunkwe waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(i)

organizzazzjonijiet mhux governattivi mingħajr skop ta' qligħ li joperaw jew ikunu stabbiliti f'pajjiż terz taħt il-liġijiet fis-seħħ f'dak il-pajjiż,

(ii)

entitajiet tad-dritt pubbliku ta' natura ċivili rregolati mil-liġi ta' pajjiż terz,

(iii)

aġenziji u organizzazzjonijiet internazzjonali.

5.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 3 u 4, l-organizzazzjonijiet emittenti u dawk ospitanti jistgħu jimplimentaw azzjonijiet taħt l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE f'assoċjazzjoni ma' organizzazzjonijiet privati li jaħdmu bi skop ta' qligħ.

6.   Fuq il-bażi ta' valutazzjoni minn qabel tal-ħtiġijiet, l-organizzazzjonijiet emittenti li se jiġu ċċertifikati jistgħu jibbenefikaw minn assistenza teknika mmirata lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom biex jipparteċipaw fl-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u biex jiżguraw l-osservanza tal-istandards u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9.

L-organizzazzjonijiet ospitanti li se jiġu ċċertifikati jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-assistenza msemmija fl-ewwel subparagrafu fil-kuntest tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15.

7.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-organizzazzjonijiet emittenti u ospitanti fiż-żmien dovut wara ċ-ċertifikazzjoni.

Artikolu 11

Identifikazzjoni u għażla ta' voluntiera kandidati

1.   Fuq il-bażi ta' valutazzjoni minn qabel tal-ħtiġijiet fil-pajjiżi terzi mill-organizzazzjonijiet emittenti jew dawk ospitanti jew minn atturi relevanti oħra, l-organizzazzjonijiet emittenti ċċertifikati għandhom jidentifikaw u jagħżlu l-voluntiera kandidati għat-taħriġ.

2.   L-identifikazzjoni u l-għażla tal-voluntiera kandidati għandhom josservaw l-istandards u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9 u josservaw il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs.

3.   Il-persuni li ġejjin li jkollhom età minima ta' 18-il sena għandhom ikunu eliġibbli biex japplikaw bħala voluntiera kandidati:

(a)

iċ-ċittadini tal-Unjoni;

(b)

persuni b'nazzjonalità ta' pajjiżi terzi li huma residenti fit-tul fi Stat Membru, u

(c)

ċittadini mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 23(1) taħt il-kundizzjonijiet imsemmija f'dak l-Artikolu.

Artikolu 12

Programm ta' taħriġ u appoġġ għat-taħriġ u l-apprendistat

1.   Filwaqt li jinbena fuq il-programmi u l-proċeduri eżistenti u bl-involviment, jekk ikun xieraq, ta' istituzzjonijiet speċjalizzati, il-Kummissjoni għandha tistabilixxi programm ta' taħriġ biex iħejji lill-voluntiera kandidati għall-mobilizzazzjoni biex jappoġġjaw u jikkomplementaw l-għajnuna umanitarja.

2.   Il-voluntiera kandidati li jkunu ġew identifikati u magħżula f'konformità mal-Artikolu 11 għandhom ikunu eliġibbli biex jieħdu sehem fil-programm ta' taħriġ implimentat minn organizzazzjonijiet kwalifikati. L-ambitu u l-kontenut individwali tat-taħriġ li kull kandidat voluntier jeħtieġ li jagħmel għandhom jiġu stabbiliti mill-organizzazzjoni emittenti ċertifikata kkonċernatat, b'konsultazzjoni mal-organizzazzjoni ospitanti ċċertifikata, fuq il-bażi tal-ħtiġijiet, waqt li titqies l-esperjenza preċedenti tal-voluntier kandidat u l-mobilizzazzjoni prevista.

3.   Bħala parti mit-taħriġ tagħhom u, b'mod partikolari, it-tħejjija tagħhom għall-mobilizzazzjoni, il-voluntiera kandidati jistgħu jintalbu jagħmlu apprendistat f'organizzazzjonijiet emittenti ċċertifikati, meta jkun possibbli f'pajjiż ieħor għajr il-pajjiż ta' oriġini tagħhom.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, il-voluntiera kandidati li ma jkunux ibbenefikaw minn apprendistat jistgħu jingħataw, meta jkun xieraq, tħejjija addizzjonali ta' qabel il-mobilizzazzjoni speċifikament imfassla għall-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi speċjali tal-mobilizzazzjoni. Din it-tħejjija u l-apprendistat għandhom josservaw l-istandards u l-proċeduri għat-tħejjija msemmija fl-Artikolu 9.

5.   Il-programm ta' taħriġ għandu jinkludi valutazzjoni ta' kemm il-voluntiera kandidati huma preparati biex jiġu mmobilizzati biex jappoġġjaw u jikkomplementaw l-għajnuna umanitarja fil-pajjiżi terzi u biex jaqdu l-ħtiġijiet lokali. Dik il-valutazzjoni għandha ssir b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet emittenti.

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-arranġamenti għall-programm ta' taħriġ u l-proċedura għall-valutazzjoni ta' kemm il-voluntiera kandidati huma ppreparati għall-mobilizzazzjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 26(2).

Artikolu 13

Bażi tad-data tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE

1.   Il-voluntiera kandidati li jkunu għaddew b'suċċess mill-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(5) għandhom jitqiesu li jkunu Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u għandhom ikunu eliġibbli għall-mobilizzazzjoni. Dawn għandhom jiddaħħlu bħala tali fil-bażi tad-data tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, iżżomm u taġġorna l-bażi tad-data tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, inklużi fir-rigward tad-disponibilità u l-eliġibilità tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għall-mobilizzazzjoni, u tirregola l-aċċess għaliha u l-użu tagħha. L-ipproċessar tad-data personali miġbura f'din il-bażi tad-data jew għaliha għandu jitwettaq, fejn rilevanti, f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 14

Mobilizzazzjoni ta' Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE f'pajjiżi terzi

1.   Il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE imdaħħla fil-bażi tad-data jistgħu jiġu mobilizzati biex jappoġġjaw u jikkomplementaw l-għajnuna umanitarja kif definit fil-punt (d) tal-Artikolu 3:

(a)

minn organizzazzjonijiet emittenti ċċertifikati lejn organizzazzjonijiet ospitanti f'pajjiżi terzi; jew

(b)

fejn ikun xieraq, mill-Kummissjoni lejn l-uffiċċji lokali tagħha ta' għajnuna umanitajra għal kompiti ta' appoġġ.

2.   Il-mobilizzazzjoni għandha taqdi l-ħtiġijiet reali espressi fil-livell lokali mill-organizzazzjonijiet ospitanti.

3.   Għall-mobilizzazzjoni kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1, l-organizzazzjonijiet emittenti ċċertifikati għandhom jiżguraw l-osservanza tal-istandards u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9. Il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE m'għandhomx jiġu mobilizzati għal operazzjonijiet fix-xena ta' kunflitti internazzjonali u mhux internazzjonali.

4.   L-organizzazzjonijiet emittenti ċċertifikati għandhom jinformaw lill-awtoritajiet nazzjonali relevanti tal-Istati Membri u ta' pajjiżi parteċipanti oħra, f'konformità mal-Artikolu 23, qabel ma wieħed miċ-ċittadini tagħhom jiġi mobilizzat bħala EU Aid Volunteer, f'konformità mal-istandards u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9.

5.   It-termini speċifiċi tal-mobilizzazzjoni u r-rwol tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandhom ikunu stabbiliti, f'konsultazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet ospitanti, f'kuntratt bejn l-organizzazzjonijiet emittenti u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, inklużi d-drittijiet u l-obbligi, it-tul u l-post tal-mobilizzazzjoni u l-kompiti tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

6.   Għall-mobilizzazzjoni kif imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiffirma kuntratt ta' mobilizzazzjoni ta' voluntier mal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE li jiddefinixxi t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-mobilizzazzjoni. Il-kuntratti ta' mobilizzazzjoni ta' voluntier ma għandhomx jikkonferixxu lill-voluntier drittijiet u obbligi li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet ta' Impjieg ta' Impjegati Oħra tal-Unjoni Ewropea stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (14).

7.   Kull EU Aid Volunteer għandu jkollu mentor magħżul mill-organizzazzjoni ospitanti biex jissorvelja u jappoġġja lill-EU Aid Volunteer matul il-mobilizzazzjoni.

Artikolu 15

Bini tal-kapaċitajiet għall-għajnuna umanitarja tal-organizzazzjonijiet ospitanti

Fuq il-bażi ta' valutazzjoni minn qabel tal-ħtiġijiet f'pajjiż terz mill-organizzazzjonijiet emittenti u dawk ospitanti jew minn atturi relevanti oħra, il-Kummissjoni għandha tappoġġja azzjonijiet immirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet ospitanti fil-qasam tal-għajnuna umanitarja sabiex ittejjeb it-tħejijja u r-reazzjoni lokali għall-kriżijiet umanitarji u biex jiġi żgurat impatt effettiv u sostenibbli tal-ħidma tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fil-post, inklużi:

(a)

il-ġestjoni tar-riskji ta' diżastri, il-preparazzjoni u r-reazzjoni għad-diżastri, l-ikkowċjar, it-taħriġ fil-ġestjoni tal-voluntiera u oqsma oħra relevanti għall-persunal u l-voluntiera mill-organizzazzjonijiet ospitanti;

(b)

skambju tal-aħjar prassi, assistenza teknika, programmi ta' ġemellaġġ u skambju ta' persunal u volutniera, il-ħolqien ta' netwerks u azzjonijiet oħra relevanti.

Artikolu 16

Netwerk għall-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tmexxi netwerk għall-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE li jkun magħmul minn:

(a)

voluntiera kandidati u Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE li jipparteċipaw jew li jkunu pparteċipaw fl-inizjattiva;

(b)

organizzazzjonijiet emittenti u ospitanti;

(c)

rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Parlament Ewropew.

2.   In-netwerk għall-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, b'mod partikolari, għandu:

(a)

jiffaċilita l-interazzjoni u jservi ta' pjattaforma għall-kondiviżjoni tal-għarfien, għall-konsultazzjoni u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni, għall-iskambju tal-aħjar prassi kif ukoll għall-iskopijiet tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet imsemmija fl-Artikolu 21(3);

(b)

jiffaċilita l-bini ta' sħubijiet u l-iżvilupp ta' proġetti konġunti għall-mobilizzazzjoni u attivitajiet ta' bini tal-kapaċitajiet li jinvolvu l-organizzazzjonijiet emittenti fl-Unjoni kollha u l-organizzazzjonijiet ospitanti fil-pajjiżi terżi;

(c)

jipprovdi bażi li fuqha jitkompla mal-azzjonijiet taħt l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE bil-għan li jiġu żgurati titjib kontinwu u monitoraġġ u evalwazzjoni effikaċi;

(d)

jipprovdi opportunitajiet għal volontarjat onlajn fi proġetti relatati mal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

Artikolu 17

Komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġja azzjonijiet ta' informazzjoni pubblika, komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni biex tippromwovi inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE viżibbli u biex tinkoraġġixxi l-volontarjat fl-għajnuna umanitarja fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha kif ukoll fil-pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-azzjonijiet taħt dik l-inizjattiva.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa pjan ta' komunikazzjoni dwar l-objettivi, l-azzjonijiet u r-riżultati viżibbli tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE li għandu jiddefinixxi attivitajiet ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni diretti lejn il-pubbliku, b'mod partikolari lejn il-voluntiera kandidati potenzjali futuri u l-benefiċjarji tal-azzjonijiet taħt dik l-inizjattiva. Dak il-pjan ta' komunikazzjoni għandu jiġi implimentat mill-Kummissjoni u mill-benefiċjarji, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet emittenti u ospitanti, kif ukoll il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

KAPITOLU III

PROGRAMMAZZJONI U ALLOKAZZJONI TA' FONDI

Artikolu 18

Azzjonijiet eliġibbli

1.   L-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8 għandhom ikunu eliġibbli għal għajnuna finanzjarja, inklużi l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom kif ukoll miżuri meħtieġa mmirati biex isaħħu l-koordinazzjoni bejn l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u skemi oħra relevanti fil-livell nazzjonali u dak internazzjonali li jibnu fuq il-prassi tajba eżistenti.

2.   L-assistenza finanzjarja li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 tista' tkopri wkoll l-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet ta' tħejjija, monitoraġġ, kontroll, awditjar u valutazzjoni, li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u għall-ilħiq tal-objettivi tagħha.

3.   L-ispejjeż imsemmijin fil-paragrafu 2 jistgħu, b'mod partikolari, ikopru studji, laqgħat ta' esperti, azzjonijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni kif stipulati fl-Artikolu 17, inkluża l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni, sakemm ikunu relatati mal-objettivi tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, spejjeż marbuta man-netwerks tat-teknoloġija tal-informazzjoni li jiffokaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju ta' informazzjoni (inkluża l-interkonnessjoni tagħhom mas-sistemi eżistenti jew ma' sistemi futuri mfassla biex jippromwovu l-iskambju tad-data intersettorjali u t-tagħmir relatat), kif ukoll kwalunkwe spiża oħra ta' assistenza teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni.

Artikolu 19

Benefiċjarji finanzjarji

L-assistenza finanzjarja skont dan ir-Regolament tista' tingħata lil persuni fiżiċi u lil persuni ġuridiċi, kemm jekk regolati mid-dritt privat jew minn dak pubbliku, li mbagħad jitqiesu bħala benefiċjarji finanzjarji fit-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 20

Pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 għandu jkun ta' EUR 147 936 000 fi prezzijiet attwali. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali. Jekk ikun meħtieġ, l-approprjazzjonijiet ta' pagament jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-2020 biex ikopru spejjeż simili, sabiex ikunu jistgħu jiġu ġestiti l-pagamenti tal-azzjonijiet li ma jkunux għadhom tlestew sal-31 ta' Diċembru 2020.

2.   Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi allokat, matul il-perjodu 2014–2020, skont l-objettivi operazzjonali, il-prijoritajiet tematiċi u l-perċentwali stipulati fl-Anness.

3.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 24, biex temenda l-prijoritajiet u taġġustja kull waħda miċ-ċifri fl-Anness b'iktar minn 10 punti perċentwali u sa 20 punt perċentwali. Tali aġġustament għandu jsir biss wara r-riżultati ta' reviżjoni mill-Kummissjoni tal-prijoritajiet tematiċi u l-perċentwali stipulati fl-Anness fid-dawl tar-riżultat tal-evalwazzjoni interim imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 27(4), f'liema każ l-atti delegati jiġu adottati sat-30 ta' Ġunju 2018.

4.   Meta, fil-każ ta' reviżjoni meħtieġa tar-riżorsi baġitarji disponibbli għall-appoġġ għall-azzjonijiet ta' reazzjoni ta' emerġenza, raġunijiet imperattivi ta' emerġenza jirrikjedu hekk, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex tirrevedi kull waħda miċ-ċifri stipulati fl-Anness b'iktar minn 10 punt perċentwali u sa 20 punt perċentwali, fil-limiti tal-allokazzjonijiet baġitarji disponibbli u f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 25.

Artikolu 21

Tipi ta' intervent finanzjarju u proċeduri implimentattivi

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-assistenza finanzjarja f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

2.   L-assistenza finanzjarja skont dan ir-Regolament tista' tieħu kwalunkwe waħda mill-forom previsti mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

3.   Sabiex timplimenta dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tadotta programm ta' ħidma annwali tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 26(2). Il-programm ta' ħidma annwali għandu jistabbilixxi l-objettivi li jiġu segwiti, ir-riżultati mistennija, il-metodu ta' implimentazzjoni u l-ammont tan-nefqa totali relatata. Il-programm ta' ħidma annwali għandu jkun fih ukoll id-deskrizzjoni tal-azzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammonti allokati għal kull azzjoni, b'kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet valutati meta jkun xieraq, u skeda indikattiva taż-żmien ta' implimentazzjoni. Rigward l-għotjiet, il-programm ta' ħidma annwali għandu jinkludi l-prijoritajiet, il-kriterji essenzjali tal-evalwazzjoni u r-rata massima ta' kofinanzjament. Il-programm ta' ħidma annwali jistabbilixxi wkoll l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi bil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23.

Artikolu 22

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa li jiżguraw li, meta jiġu implimentati l-azzjonijiet iffinanzjati taħt l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effikaċi u, jekk jiġu żvelati irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament u, meta jkun xieraq, permezz ta' sanzjonijiet effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar, abbażi ta' dokumenti u fil-post, fuq il-benefiċjarji tal-għajnuna finanzjarja, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li rċevew fondi tal-Unjoni taħt l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu jitħalla jwettaq verifiki u spezzjonijiet fil-post fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati direttament jew indirettament minn tali finanzjament f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 883/2013 bil-għan li jistabbilixxi jekk saritx frodi, korruzzjoni jew xi attività illegali oħra li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim ta' għoti, deċiżjoni ta' għoti jew kuntratt iffinanzjati taħt l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, il-ftehimiet ta' għoti, id-deċiżjonijiet ta' għoti u l-kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jagħtu s-setgħa espressament lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex jagħmlu tali awditjar, kontrolli u spezzjonijiet fil-post, b'osservanza dovuta tal-garanziji proċedurali relevanti kollha.

KAPITOLU IV

KOOPERAZZJONI MA' PAJJIŻI OĦRA

Artikolu 23

Kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra

1.   L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta':

(a)

ċittadini u organizzazzjonijiet emittenti mill-pajjiżi fil-proċess ta' adeżjoni, il-pajjiżi kandidati, il-kandidati potenzjali u l-pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fi programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas u fid-deċiżjonijiet tal-kunsilli ta' assoċjazzjoni rispettivi, jew arranġamenti simili;

(b)

ċittadini u organizzazzjonijiet emittenti mill-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim taż-ŻEE;

(c)

ċittadini u organizzazzjonijiet emittenti minn pajjiżi Ewropej oħra, sakemm ikunu ġew konklużi ftehimiet bilaterali ma' dawk il-pajjiżi.

2.   Il-voluntiera parteċipanti u l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw l-azzjonijiet taħt l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, mill-pajjiżi li jikkooperaw, għandhom josservaw ukoll il-prinċipji ġenerali msemmija fl-Artikolu 4.

3.   Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi parteċipanti msemmija fil-paragrafu 1għandha tkun imsejsa, fejn ikun relevanti, fuq il-fatt li approprjazzjonijiet addizzjonali mingħand il-pajjiżi parteċipanti jsiru disponibbli f'konformità mal-proċeduri li għandhom jiġu miftiehma ma' dawk il-pajjiżi.

KAPITOLU V

DELEGA TAS-SETGĦA U DISPOŻIZZJONIJIET TA' IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 24

Eżerċizzju tad-delegata

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 7(2), l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 20(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' seba' snin mill-25 ta' April 2014.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 7(2), l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 20(3) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità ta' ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 7(2), l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 20(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jesprimu oġġezzjoni fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-Parlament u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 25

Proċedura ta' urġenza

1.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali u debitament iġġustifikati l-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressal-ebda oġġezzjoni f'konformità mal-paragrafu 2. In-notifika ta' att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta' urġenza.

2.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat bi bqil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(5). F'tali każ, il-Kummissjoni għandha tirrevoka l-att mingħajr dewmien wara n-notifika tad-deċiżjoni ta' oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Artikolu 26

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 (15). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU VI

MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI

Artikolu 27

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   L-azzjonijiet taħt l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE li jirċievu assistenza finanzjarja għandhom jiġu mmonitorjati regolarment sabiex tkun segwita l-implimentazzjoni tagħhom, u jiġu evalwati regolarment permezz ta' evalwazzjoni esterna indipendenti biex jiġu vvalutati l-effiċjenza, l-effikaċja u l-impatti tagħhom fir-rigward tal-objettivi tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni għandhom jinkludu r-rapporti msemmija fil-paragrafu 4 u attivitajiet oħra dwar aspetti speċifiċi ta' dan ir-Regolament li jistgħu jitnedew fi kwalunkwe ħin matul l-implimentazzjoni tiegħu.

2.   L-organizzazzjonijiet emittenti li jimmobilizzaw Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE f'operazzjonijiet barra l-Unjoni għandhom ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tagħhom u jissottomettu lill-Kummissjoni rapporti ta' monitoraġġ fuq bażi regolari filwaqt li jissalvagwardjaw id-drittijiet kollha tal-voluntiera individwali fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali.

3.   L-evalwazzjonijiet għandhom jagħmlu użu mill-istandards eżistenti ta' evalwazzjoni, inklużi dawk żviluppati mill-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp, bl-objettiv li jitkejjel l-impatt għat-terminu twil tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fuq l-għajnuna umanitarja. Fil-fażi ta' evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura konsultazzjoni regolari mal-partijiet interessati relevanti kollha, inklużi l-voluntiera, l-organizzazzjonijiet emittenti u dawk ospitanti, il-popolazzjoni u l-komunitajiet lokali megħjuna, l-organizzazzjonijiet umanitarji u l-ħaddiema fil-post. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom jaffettwaw it-tfassil tal-programmi u l-allokazzjoni tar-riżorsi.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a)

rapporti annwali li jeżaminaw il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, inklużi r-riżultati u, safejn ikun possibbli, ir-riżultati prinċipali;

(b)

rapport ta' evalwazzjoni interim dwar ir-riżultati miksuba u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż dwar l-impatt tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fis-settur umanitarju u dwar ir-rapport bejn l-ispiża u l-effikaċja tal-programm, matul l-ewwel tliet snin tal-implimentazzjoni tiegħu mhux aktar tard mit-31 ta' Diċembru 2017;

(c)

komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni kontinwa ta' dan ir-Regolament abbażi tar-rapport ta' evalwazzjoni interim msemmi fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2018;

(d)

rapport ta' evalwazzjoni ex post għall-perjodu ta' implimentazzjoni finanzjarja ta' seba snin mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2021.

5.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament sal-1 ta' Settembru 2019 u, meta jkun xieraq wara l-konklużjoni tar-rapport ta' evalwazzjoni interim imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, takkumpanja dik ir-reviżjoni bi proposta leġiżlattiva dwar modifika ta' dan ir-Regolament.

6.   Il-Kummissjoni għandha tinforma wkoll regolarment lis-SEAE dwar l-attivitajiet tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE f'konformità mal-arranġamenti ta' ħidma relevanti.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 28

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropewa tal-25 ta' Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-18 ta' Marzu 2014.

(2)  ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1.

(3)  Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

(4)  ĠU C 373, 20.12.2013., p. 1.

(5)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(7)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fil-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(8)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(9)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(10)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(11)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(12)  ĠU C 100, 6.4.2013, p. 14.

(13)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(14)  Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta' Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(15)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1).


ANNESS

OBJETTIVI OPERAZZJONALI, PRIJORITAJIET TEMATIĊI U PERĊENTWALI GĦALL-ALLOKAZZJONI TAL-PAKKETT FINANZJARJU GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TA' DAN IR-REGOLAMENT

Prijorità tematika 1

Il-mobilizzazzjoni tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE biex jappoġġjaw u jikkomplementaw l-għajnuna umanitarja

Din il-prijorità tematika għandha tindirizza l-objettiv operazzjonali taħt il-punt (a) tal-Artikolu 7(1) (Kontribuzzjoni għaż-żieda u t-titjib tal-kapaċità tal-Unjoni li tipprovdi għajnuna umanitarja):

Il-bini tar-reżiljenza u l-ġestjoni tar-riskji marbuta mad-diżastri fil-pajjiżi vulnerabbli, fraġli jew milquta minn diżastri u kriżijiet minsija, inkluż il-bini tal-kapaċitajiet mill-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u azzjonijiet fl-istadji sussegwenti taċ-ċiklu ta' ġestjoni tad-diżastri: prevenzjoni tad-diżastri, tħejjija għad-diżastri, tnaqqis tar-riskji ta' diżastri u l-irkupru minn diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem: 31 % +/- 10 punti perċentwali;

Appoġġ għall-operazzjonijiet ta' reazzjoni ta' emerġenza, inkluż il-bini tal-kapaċitajiet mill-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u attivitajiet fil-loġistika u t-trasport, il-koordinazzjoni, il-ġestjoni tal-proġetti, il-finanzi u l-amministrazzjoni, il-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni: 10 % +/- 8 punti perċentwali.

Prijorità tematika 2

Il-bini tal-kapaċitajiet tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u l-organizzazzjonijiet implimentattivi: 55 % +/- 10 punti perċentwali

Din il-prijorità tematika għandha tindirizza l-objettiv operazzjonali taħt il-punt (b) tal-Artikolu 7(1) (Titjib tal-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi tal-voluntiera fil-qasam tal-għajnuna umanitarja u t-termini u l-kundizzjonijiet tal-involviment tagħhom); il-punt (c) tal-Artikolu 7(1) (Bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet ospitanti u trawwim tal-volontarjat f'pajjiżi terzi); u l-punt (e) tal-Artikolu 7(1) (Titjib tal-koerenza u l-konsistenza tal-volontarjat fl-Istati Membri kollha sabiex jittejbu l-opportunitajiet għaċ-ċittadini tal-Unjoni biex jipparteċipaw f'attivitajiet u operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja):

Taħriġ u apprendistat għall-voluntiera kandidati

Bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet ospitanti fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, inkluż l-appoġġ għaċ-ċertifikazzjoni;

Ċertifikazzjoni/assistenza teknika għall-organizzazzjonijiet emittenti.

Prijorità tematika 3

Miżuri ta' appoġġ: 4 % +/- 2 punti perċentwali

Din il-prijorità tematika għandha tindirizza l-objettiv operazzjonali taħt il-punt (d) tal-Artikolu 7(1) Komunikazzjoni tal-prinċipji tal-Unjoni dwar l-għajnuna umanitarja kif miftiehma fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja).


24.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/18


REGOLAMENT (UE) Nru 376/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-3 ta' April 2014

dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Għandu jiġi żgurat livell ġenerali għoli ta' sikurezza fis-settur tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni u għandu jsir kull sforz biex jonqsu l-għadd ta' aċċidenti u inċidenti sabiex tkun żgurata l-fiduċja pubblika fit-trasport bl-ajru.

(2)

Ir-rata ta' aċċidenti fatali fl-avjazzjoni ċivili baqgħet pjuttost kostanti matul l-aħħar għaxar snin. Madankollu, l-għadd ta' aċċidenti jista' jiżdied matul id-deċennji li ġejjin, minħabba żieda fit-traffiku tal-ajru u żieda fil-kumplessità teknika tal-inġenji tal-ajru.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandu l-għan li jipprevjeni l-aċċidenti billi jiffaċilita t-twettiq fil-pront ta' investigazzjonijiet tas-sikurezza effiċjenti u ta' kwalità għolja. Dan ir-Regolament ma għandux jinterferixxi mal-proċess ta' investigazzjoni ta' aċċident u inċident ġestiti mill-awtoritajiet għall-investigazzjoni tas-sikurezza nazzjonali kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 996/2010. F'każ ta' aċċident jew inċident serju, in-notifika tal-okkorrenza hija wkoll soġġetta għar-Regolament (UE) Nru 996/2010.

(4)

L-atti leġiżlattivi eżistenti tal-Unjoni, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-regolamenti ta' implimentazzjoni tiegħu, jimponu obbligi fuq ċerti organizzazzjonijiet biex jistabbilixxu sistemi ta' rappurtar tal-okkorrenzi fil-kuntest tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza tagħhom. Il-konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regolamenti ta' implimentazzjoni tiegħu m'għandhomx jeżentaw l-organizzazzjonijiet mill-konformità ma' dan ir-Regolament. Bl-istess mod, il-konformità ma' dan ir-Regolament m'għandhiex teżenta lill-organizzazzjonijiet mill-konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regolamenti ta' implimentazzjoni tiegħu. Madankollu, dan m'għandux iwassal għal żewġ sistemi ta' rappurtar paralleli, u r-Regolament (KE) Nru 216/2008, ir-regolamenti ta' implimentazzjoni tiegħu, u dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala komplementari.

(5)

L-esperjenza wriet li ħafna drabi l-aċċidenti jkunu preċeduti minn inċidenti relatati mas-sigurtà u nuqqasijiet li jiżvelaw l-eżistenza ta' perikli għas-sikurezza. L-informazzjoni dwar is-sikurezza hija għalhekk riżors importanti għall-kxif ta' perikli eżistenti jew potenzjali għas-sikurezza. Barra minn hekk, filwaqt li l-kapaċità li wieħed jitgħallem minn aċċident hija kruċjali, sistemi purament reattivi nstabu li huma ta' użu limitat biex ikomplu jwasslu għal titjib. Għalhekk is-sistemi reattivi għandhom ikunu kkumplementati b'sistemi proattivi, li jużaw tipi oħra ta' informazzjoni dwar is-sikurezza biex jagħmlu titjib effettiv fis-sikurezza tal-avjazzjoni. L-Unjoni, l-Istati Membri tagħha, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”) u l-organizzazzjonijiet għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni permezz tal-introduzzjoni ta' sistemi ta' sikurezza aktar proattivi u bbażati fuq l-evidenza li jiffokaw fuq il-prevenzjoni tal-aċċidenti abbażi tal-analiżi tal-informazzjoni kollha rilevanti dwar is-sikurezza, inkluża informazzjoni dwar okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili.

(6)

Sabiex titjieb is-sikurezza tal-avjazzjoni l-informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili għandha tiġi rrappurtata, miġbura, maħżuna, protetta, skambjata, imxerrda u analizzata u għandhom jittieħdu azzjonijiet xierqa għas-sikurezza abbażi tal-informazzjoni miġbura. Dan l-approċċ proattiv u bbażat fuq l-evidenza għandu jiġi implimentat mill-awtoritajiet rilevanti tas-sikurezza tal-avjazzjoni tal-Istati Membri, minn organizzazzjonijiet bħala parti mis-sistema ta' ġestjoni għas-sikurezza tagħhom u mill-Aġenzija.

(7)

L-impożizzjoni fuq organizzazzjonijiet ta' obbligi ta' rappurtar dwar l-okkorrenzi għandha tkun proporzjonati għad-daqs tal-organizzazzjoni kkonċernata u l-ambitu tal-attività tagħha. Għaldaqstant għandu jkun possibbli, b'mod partikolari għal organizzazzjonijiet iżgħar, li jiddeċiedu dwar l-għaqda jew il-fużjoni tal-funzjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-okkorrenzi fi ħdan l-organizzazzjoni, il-kondiviżjoni tal-kompiti ta' rappurtar dwar l-okkorrenza ma' organizzazzjonijiet oħra tal-istess natura jew l-esternalizzazzjoni tal-ġbir, l-evalwazzjoni, l-ipproċessar, l-analiżi u l-ħażna tad-dettalji tal-okkorrenzi lil entitajiet speċjalizzati approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Tali entitajiet għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ta' protezzjoni u kunfidenzjalità stabbiliti b'dan ir-Regolament. L-organizzazzjoni ta' esternalizzazzjoni għandha żżomm kontroll adatt tal-kompiti esternalizzati u għandha fl-aħħar mill-aħħar tagħti rendikont u tkun responsabbli mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament.

(8)

Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-professjonisti tal-avjazzjoni front-line jirrappurtaw l-okkorrenzi li huma ta' riskju sinifikanti għas-sikurezza tal-avjazzjoni. Is-sistemi ta' rappurtar volontarju għandhom jikkumplimentaw is-sistemi ta' rappurtar obbligatorju, u t-tnejn għandhom jippermettu lill-individwi jirrappurtaw id-dettalji tal-okkorrenzi relatati mas-sikurezza tal-avjazzjoni. Għandhom jiġu stabbiliti sistemi ta' rappurtar obbligatorju u volontarju fi ħdan l-organizzazzjonijiet, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-informazzjoni miġbura għandha tiġi trasferita lill-awtorità kompetenti għal sorveljanza xierqa sabiex tissaħħaħ is-sikurezza tal-avjazzjoni. L-organizzazzjonijiet għandhom janalizzaw dawk l-okkorrenzi li jista' jkollhom impatt fuq is-sikurezza, sabiex jidentifikaw il-perikli għas-sikurezza u jieħdu kwalunkwe azzjoni korrettiva jew preventiva xierqa. L-organizzazzjonijiet għandhom jibgħatu r-riżultati preliminari tal-analiżijiet tagħhom lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri tagħhom jew lill-Aġenzija u għandhom jibagħtulhom ukoll ir-riżultati finali jekk dawk ir-riżultati jidentifikaw riskju attwali jew potenzjali għas-sikurezza tal-avjazzjoniL-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jistabbilixxu proċedura simili għal dawk l-okkorrenzi li ġew ippreżentati direttament lilhom u għandhom jissorveljaw il-valutazzjoni u kwalunkwe azzjoni korrettiva jew preventiva tal-organizzazzjoni meħuda.

(9)

Diversi kategoriji ta' ħaddiema li jaħdmu jew li huma impenjati mod ieħor fl-avjazzjoni ċivili josservaw avvenimenti li huma ta' rilevanza għall-prevenzjoni ta' aċċidenti. Għalhekk, għandu jkollhom aċċess għal għodod li jagħmluha possibbli li jirrappurtaw tali ġrajjiet, u l-protezzjoni tagħhom għandha tkun iggarantita. Sabiex il-persunal jitħeġġew jirrapportaw okkorrenzi u jkunu jistgħu japprezzaw aħjar l-impatt pożittiv tar-rappurtar dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, jeħtieġ li jiġu infurmati b'mod regolari dwar l-azzjoni li ttieħdet fil-qafas tas-sistemi ta' rappurtar tal-okkorrenzi.

(10)

Il-perikli u r-riskji assoċjati mal-inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni huma differenti ħafna minn dawk assoċjati ma' tipi oħra ta' inġenji tal-ajru. Għalhekk, waqt li s-settur tal-avjazzjoni kollu għandu jkun kopert b'dan ir-Regolament, l-obbligi imposti minnu għandhom ikunu proporzjonati għall-isfera ta' attività u l-kumplessità ta' tipi differenti ta' inġenji tal-ajru. Għaldaqstant, l-informazzjoni miġbura dwar okkorrenzi li jinvolvu inġenji tal-ajru li mhumiex dawk kumplessi li jaħdmu bil-magni għandhom ikunu soġġetti għal obbligi ta' rappurtar simplifikati u speċifiċi li jkunu aktar xierqa għal dik il-fergħa tal-avjazzjoni.

(11)

L-iżvilupp ta' mezzi oħra biex tinġabar informazzjoni dwar is-sikurezza minbarra s-sistemi meħtieġa minn dan ir-Regolament, għandhom ikunu mħeġġa, sabiex tinġabar aktar informazzjoni li tista' tikkontribwixxi għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Fejn l-organizzazzjonijiet għandhom sistemi ta' ġbir tal-informazzjoni dwar is-sikurezza li jaħdmu sewwa u li diġà jiffunzjonaw, dawn għandhom jitħallew jibqgħu jużaw dan is-sistemi flimkien mas-sistemi li għandhom jiġu stabbiliti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(12)

L-awtoritajiet ta' investigazzjoni tas-sikurezza u kwalunkwe entità inkarigata mir-regolazzjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni għandu jkollhom aċċess sħiħ għad-dettalji tal-okkorrenzi miġbura u għar-rapporti dwar l-okkorrenzi maħżuna mill-Istati Membri tagħhom, sabiex jiddeċiedu liema inċidenti jeħtieġu investigazzjoni dwar is-sikurezza, kif ukoll biex jiġu identifikati l-lezzjonijiet li jistgħu jittieħdu fl-interess tas-sikurezza tal-avjazzjoni u biex jissodisfaw l-obbligi ta' superviżjoni tagħhom.

(13)

Huwa kruċjali li jkun hemm data ta' kwalità tajba u kompleta minħabba li l-analiżi u x-xejriet li ġejjin minn data mhux eżatta jistgħu juru riżultati li jqarrqu u jwasslu għal sforz li jiffoka fuq azzjoni mhux adatta. Barra minn hekk, din id-data mhux eżatta tista' twassal għal telf ta' fiduċja fl-informazzjoni magħmula mill-iskemi ta' rappurtar tal-okkorrenzi. Sabiex tiġi żgurata l-kwalità tar-rapporti dwar l-okkorrenza, u tiġi ffaċilitata l-kompletezza tagħhom, dawn għandu jkollhom ċerta informazzjoni minima li tista' tvarja skont il-kategorija tal-okkorrenza. Barra minn hekk, għandhom jiġu implimentati proċeduri għall-kontroll tal-kwalità tal-informazzjoni u li jevitaw l-inkonsistenza bejn rapport dwar l-okkorrenzi u d-dettalji tal-okkorrenza li nġabru inizjalment. Barra minn hekk, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, għandu jiġi żviluppat materjal ta' gwida adegwat, b'mod partikolari biex jiżgura l-kwalità u jiffaċilita l-kompletezza tad-data kif ukoll l-integrazzjoni konsistenti u uniformi tad-data fil-bażijiet tad-data. Għandhom jiġu organizzati workshops, b'mod partikolari mill-Kummissjoni, biex jipprovdu l-appoġġ meħtieġ.

(14)

Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa skema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji sabiex tiżgura l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe azzjoni rapida meħtieġa meta jkun hemm okkorrenzi individwali li jkunu ta' riskju għoli għas-sikurezza. Dik l-iskema għandha wkoll tippermetti l-identifikazzjoni ta' oqsma ewlenin ta' riskju minn informazzjoni aggregata. Din l-iskema għandha tgħin lill-entitajiet rilevanti fil-valutazzjoni tagħhom tal-okkorrenzi u fid-determinazzjoni ta' fejn l-aħjar li jiffokaw l-isforzi tagħhom. Skema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji għandha tiffaċilita approċċ integrat u armonizzat għall-ġestjoni tar-riskji fis-sistema kollha tal-avjazzjoni Ewropea u b'hekk tippermetti li l-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Aġenzija jiffokaw fuq l-isforzi għat-titjib tas-sikurezza b'mod armonizzat.

(15)

Skema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji għandha tippermetti kemm l-identifikazzjoni ta' oqsma ewlenin ta' riskju fi ħdan l-Unjoni abbażi ta' informazzjoni aggregata mill-perspettiva Ewropea kif ukoll l-appoġġ għall-ħidma magħmula fil-qasam tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u tal-Pjan Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Għandu jingħata appoġġ adatt mill-Kummissjoni biex tiġi żgurata klassifikazzjoni konsistenti u uniformi tar-riskji fl-Istati Membri kollha.

(16)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni, ir-rapporti dwar l-okkorrenzi għandhom jinħażnu f'bażijiet ta' data li għandhom ikunu kompatibbli maċ-Ċentru Ewropew ta' Koordinament għas-Sistemi ta' Notifika tal-Inċidenti tal-Avjazzjoni (ECCAIRS) (is-software użat mill-Istati Membri kollha u mir-Repożitorju Ċentrali Ewropew biex jaħżnu rapporti dwar l-okkorrenzi) u mat-tassonomija ADREP (it-tassonomija tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), użata wkoll għas-software tal-ECCAIRS). L-Aġenzija u l-Kummissjoni għandhom jipprovdu appoġġ tekniku għall-interoperabbiltà tas-sistemi.

(17)

L-organizzazzjonijiet għandhom jaħżnu r-rapporti dwar l-okkorrenzi li jirriżultaw minn dettalji tal-okkorrenzi miġbura taħt is-sistemi ta' rappurtar obbligatorji u, fejn applikabbli, is-sistemi ta' rappurtar volontarji f'bażi tad-data waħda jew aktar. Għandu jkun possibbli li l-kumplessità tal-bażi tad-data tkun proporzjonata għad-daqs tal-organizzazzjoni kkonċernata u/jew is-sinifikat tagħha fir-rigward l-objettivi ta' dan ir-Regolament, u għandha, mill-inqas, tikkonsisti minn fajl ta' data li jkun fih l-oqsma komuni ta' data obbligatorji u, fejn applikabbli, oqsma speċifiċi ta' data obbligatorji.

(18)

Okkorrenz li tinvolvi inġenju tal-ajru rreġistrat fi Stat Membru jew operat minn organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru, għandha tkun irrappurtata anke meta sseħħ barra mit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

(19)

L-informazzjoni dwar l-okkorrenzi għandha tiġi skambjata fl-Unjoni biex jissaħħaħ il-kxif ta' perikli attwali jew potenzjali. Dan l-iskambju ta' informazzjoni għandu jippermetti wkoll lill-Istati Membri li jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-okkorrenzi li jseħħu fit-territorju tagħhom jew fl-ispazju tal-ajru tagħhom iżda li jkunu rrappurtati lil Stat Membru ieħor. Dan għandu wkoll jippermetti li l-Aġenzija tikseb informazzjoni preċiża dwar l-okkorrenzi u l-aċċess għar-rapporti dwar l-okkorrenzi kollha miġbura fl-Unjoni sabiex, meta jeħtieġ, tittieħed azzjoni korrettiva biex ikun hemm reazzjoni għal riskju identifikat fl-Unjoni. Dan l-iskambju ta' informazzjoni għandu jippermetti li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiksbu informazzjoni preċiża dwar l-okkorrenzi fl-ispazju tal-ajru tagħhom u, fejn meħtieġ, jieħdu azzjoni korrettiva biex ikun hemm reazzjoni għal riskju identifikat fuq it-territorju tagħhom.

(20)

L-objettiv tal-iskambju ta' informazzjoni dwar l-okkorrenzi għandu ikun il-prevenzjoni ta' aċċidenti u inċidenti tal-avjazzjoni. M'għandux jintuża biex jitfa' ħtija jew responsabbiltà jew biex jistabbilixxi valuri ta' komparazzjoni għall-prestazzjoni tas-sikurezza.

(21)

L-aktar mod effiċjenti biex jiġi żgurat l-iskambju ta' ammonti kbir ta' informazzjoni tas-sikurezza bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Aġenzija huwa permezz tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew, dment li l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Aġenzija jkollhom aċċess sħiħ għalih.

(22)

L-informazzjoni kollha relatata mas-sikurezza li ġejja minn rapporti dwar l-okkorrenzi miġbura fl-Unjoni, għandha tiġi trasferita fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew fi żmien adatt. Din għandha tinkludi il-ġabra ta' informazzjoni dwar inċidenti iżda wkoll informazzjoni fuq aċċidenti u inċidenti serji investigati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 996/2010.

(23)

Dan ir-Regolamet għandu japplika għal informazzjoni dwar l-okkorrenzi, li hija maħżuna fil-bażijiet tad-data tal-organizzazzjonijiet, tal-Istati Membri u tal-Aġenzija.

(24)

L-informazzjoni kollha relatata mas-sikurezza miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew għandha tkun disponibbli għal entitajiet fdati li jirregolaw is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fi ħdan l-Unjoni, inkluża l-l-Aġenzija, u għall-awtoritajiet responsabbli biex jinvestigaw aċċidenti u inċidenti fi ħdan l-Unjoni.

(25)

Għandu jkun possibbli għall-partijiet interessati li jitolbu aċċess għal ċerta informazzjoni miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew, soġġett għar-regoli li jikkonċernaw il- kunfidenzjalità ta' tali informazzjoni u tal-anonimità tal-persuni kkonċernati.

(26)

Billi l-punti nazzjonali ta' kuntatt għandhom l-aħjar għarfien tal-partijiet interessati stabbiliti fi Stat Membru speċifiku, kull punt ta' kuntatt nazzjonali għandu jittratta t-talbiet mill-partijiet interessati stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru tiegħu stess. Il-Kummissjoni għandha titratta talbiet minn partijiet interessati minn pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali.

(27)

L-informazzjoni li tinsab f'rapporti dwar l-okkorrenzi għandha tiġi analizzata u għandhom jiġu identifikati r-riskji tas-sikurezza. Kwalunkwe azzjoni konsegwenti adatta, għat-titjib għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni għandha tiġi identifikata u implimentata fi żmien adatt. L-informazzjoni dwar l-analiżi u s-segwitu tal-okkorrenzi għandha tiġi disseminata fi ħdan l-organizzazzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Aġenzija, peress li l-feedback dwar l-okkorrenzi li ġew irrappurtati jinċentiva lil individwi biex jirrappurtaw l-okkorrenzi. Fejn applikabbli u meta possibbli, informazzjoni dwar l-analiżi u s-segwitu tal-okkorrenzi għandha tiġi pprovduta wkoll lill-individwi li rrappurtaw direttament l-okkorrenzi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew lill-Aġenzija. Tali feedback għandha tkun konformi mar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tar-rappurtar u tal-persuni msemmijin fir-rapport dwar l-okkorrenzi f'konformità ma' dan ir-Regolament.

(28)

Dan ir-Regolament għandu jassisti lill-Istati Membri, lill-Aġenzija u lill-organizzazzjonijiet fil-ġestjoni tar-riskji tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Is-sistemi għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjonijiet huma kkumplementati mis-sistemi ta' ġestjoni tas-sikurezza tal-Istati Membri u tal-Aġenzija. Filwaqt li l-organizzazzjonijiet jiġġestixxu r-riskji tas-sikurezza assoċjati mal-attività speċifika tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Aġenzija jiġġestixxu r-riskji tas-sikurezza għas-sistemi tal-avjazzjoni ta', rispettivament, Stati Membri sħaħ u tal-Unjoni kollha, u jindirizzaw riskji komuni tas-sikurezza fl-avjazzjoni fl-Istati Membri kkonċernati jew fil-livell tal-Unjoni. Ir-responsabbiltajiet tal-Aġenzija u tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri m'għandhomx jeżoneraw lil organizzazzjonijiet mir-responsabbiltajiet diretti tagħhom fil-ġestjoni tas-sikurezza inerenti għall-prodotti u s-servizzi li huma jipprovdu. Għal dak il-għan, l-organizzazzjonijiet għandhom jiġbru u janalizzaw informazzjoni dwar l-okkorrenzi sabiex jiġu identifikati u mitigati l-perikli assoċjati mal-attivitajiet tagħhom. Dawngħandhom jivvalutaw ukoll ir-riskji għas-sikurezza assoċjati u jallokaw riżorsi biex jittieħdu miżuri immedjati u adatti għall-mitigazzjoni tar-riskji għas-sikurezza. Il-proċess ġenerali għandu jiġi ssorveljat mill-awtorità kompetenti rilevanti li, meta meħtieġ, għandha teħtieġ li jittieħdu azzjonijiet addizzjonali biex jiżguraw li n-nuqqasijiet tas-sikurezza jiġu indirizzati korrettament. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jikkumplementaw is-sistemi għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjonijiet fil-livell ta' Stati Membri u dak pan-Ewropew rispettivament.

(29)

Meta tiġi ddeterminata l-azzjonia li għandha tiġi inkluża fi ħdan il-Programm għas-Sikurezza tal-Istat u l-Pjan għas-Sikurezza tal-Istat tagħhom, u sabiex jiġi żgurat li l-azzjoni hija bbażata fuq l-evidenza, l-Istati Membri għandhom jużaw l-informazzjoni li tkun ġejja mir-rapporti dwar l-okkorrenzi li nġabret u mill-analiżi tagħhom. Il-Programmi għas-Sikurezza tal-Istat u l-Pjanijiet għas-Sikurezza tal-Istat huma kkumplementati fil-livell tal-Ewropew mill-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u l-Pjan Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

(30)

Minħabba li l-għan għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba li s-sistemi ta' rappurtar operati mill-Istati Membri f'iżolament huma inqas effiċjenti min-netwerk ikkoordinat bl-iskambju ta' informazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni ta' problemi possibbli ta' sikurezza u ta' oqsma ewlenin tar-riskju fil-livell tal-Unjoni, l-analiżi fil-livell nazzjonali għandha tkun ikkomplementata b'analiżi u segwitu fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-prevenzjoni aħjar tal-aċċidenti u l-inċidenti tal-avjazzjoni. Dan il-kompitu fil-livell tal-Unjoni għandu jitwettaq minn netwerk ta' analisti tas-sikurezza tal-avjazzjoni f'koordinazzjoni mal-Aġenzija u l-Kummissjoni. Għandu jkun possibbli li dak in-netwerk jiddeċiedi, permezz ta' kunsens, li jistieden lil osservaturi oħra għal-laqgħat tiegħu, inklużi l-impjegati jew ir-rappreżentanti tal-industrija.

(31)

Il-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u l-Pjan Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għandhom jibbenefikaw b'mod partikolari mill-ħidma tan-netwerk ta' analisti tas-sikurezza tal-avjazzjoni biex jiddeterminaw liema azzjoni jeħtieġ li tiġi implimentata fil-livell tal-Unjoni f'perspettiva bbażata fuq l-evidenza.

(32)

Il-pubbliku ġenerali għandu jiġi pprovdut b'informazzjoni ġenerali aggregata dwar il-livell ta' sikurezza tal-avjazzjoni fl-Istati Membri u fl-Unjoni. Dik l-informazzjoni għandha tkopri, b'mod partikolari, kemm tendenzi u analiżi li ġejjin mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-Istati Membri, kif ukoll informazzjoni f'forma aggregata dwar il-kontenut tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew, u jista' tiġi pprovduta permezz tal-pubblikazzjoni tal-indikaturi ta' prestazzjoni dwar is-sikurezza (SPI).

(33)

Is-sistema tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili hija stabbilita fuq il-bażi ta' feedback u t-tagħlimiet meħuda minn aċċidenti u inċidenti. Ir-rappurtar tal-okkorrenzi u l-użu ta' informazzjoni dwar l-okkorrenzi għat-titjib tas-sikurezza jiddependu fuq relazzjoni ta' fiduċja bejn min jagħmel ir-rapport u l-entità responsabbli mill-ġbir u mill-valutazzjoni tal-informazzjoni. Dan jeħtieġ applikazzjoni stretta tar-regoli dwar il-kunfidenzjalità. Il-protezzjoni tal-informazzjoni dwar is-sikurezza mill-użu mhux xieraq, u l-aċċess tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew limitat biss għall-partijiet interessati li jipparteċipaw fit-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, għandhom l-iskop li jiżguraw id-disponibbiltà kontinwa tal-informazzjoni dwar is-sikurezza sabiex ikun possibbli li tittieħed azzjoniadatta u fil-ħin ta' prevenzjoni u biex titjieb is-sikurezza tal-avjazzjoni. F'dan il-kuntest, l-informazzjoni sensittiva dwar is-sikurezza għandha tkun protetta b'mod adatt, u l-ġbir tagħha għandu jiġi żgurat billi tiġi garantita l-kunfidenzjalità tagħha, il-protezzjoni tas-sors tagħha u tiġi żgurata l-fiduċja tal-ħaddiema li jaħdmu fl-avjazzjoni ċivili fis-sistemi ta' rappurtar tal-okkorrenzi. Għandhom jiġu stabbiliti miżuri adatti sabiex jiżguraw li dik l-informazzjoni miġbura permezz ta' skemi ta' rappurtar tal-okkorrenzi tinżamm kunfidenzjali, u li jiġi ristrett l-aċċess għar-Repożitorju Ċentrali Ewropew. Ir-regoli nazzjonali dwar il-libertà tal-informazzjoni għandhom jieħdu kont tal-kunfidenzjalità meħtieġa ta' informazzjoni bħal din. L-informazzjoni miġbura għandha tkun protetta b'mod adatt mill-użu jew mill-iżvelar mhux awtorizzat. Għandha tkun strettament użata għaż-żamma jew għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni u ma għandhiex tiġi użata għall-attribuzzjoni ta' ħtija jew ta' responsabbiltà.

(34)

Sabiex tiġi żgurata l-fiduċja tal-impjegati jew tal-persunal b'kuntratt fis-sistema tar-rappurtar tal-okkorrenzi, l-informazzjoni li tinsab fir-rapporti dwar l-okkorrenzi għandha tiġi protetta b'mod adatt u m'għandhiex tintuża għal finijiet oħra jekk mhux għaż-żamma jew għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Ir-regoli interni ta' “kultura ġusta” adottati mill-organizzazzjonijiet skont dan ir-Regolament għandhom jikkontribwixxu b'mod partikolari għall-kisba ta' dan l-objettiv. Barra minn hekk, il-limitazzjoni tat-trasmissjoni ta' dettalji personali, jew ta' informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta' min jagħmel ir-rapport dwar l-okkorrenzi jew tal-persuni l-oħra msemmijin fir-rapport tal-okkorrenzi, permezz ta' separazzjoni ċara bejn id-dipartimenti li jittrattaw ir-rapporti dwar l-okkorrenzi u l-kumplament tal-organizzazzjoni, jista' jkun mod effiċjenti biex jinkiseb dan l-objettiv.

(35)

Persuna li tkun irrappurtat okkorrenza jew persuna li tissemma f'rapporti dwar l-okkorrenzi għandha tkun protetta b'mod adatt. F'dan il-kuntest, ir-rapporti dwar l-okkorrenzi għandhom jiġu deidentifikati, u d-dettalji relatati mal-identita ta' min jagħmel ir-rapport u tal-persuni msemmijin fir-rapporti dwar l-okkorrenzi ma għandhomx jiddaħħlu fil-bażijiet tad-data.

(36)

Barra minn hekk, is-sistema tal-avjazzjoni ċivili għandha tippromwovi “kultura ta' sikurezza” li jiffaċilita r-rappurtar spontanju tal-okkorrenzi u b'hekk jgħin l-iżvilupp tal-prinċipju ta' “kultura ġusta”. “Kultura ġusta” hija element essenzjali ta' “kultura ta' sikurezza” usa' li ssawwar il-bażi ta' sistema robusta għall-ġestjoni tas-sikurezza. Ambjent li jħaddan il-prinċipji ta' “kultura ta' sikurezza” ma għandux jipprevjeni li tittieħed azzjoni fejn meħtieġ biex iżommu jew itejbu l-livell tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

(37)

“Kultura ġusta” għandha tinkoraġġixxi lill-individwi biex jirrappurtaw informazzjoni relatata mas-sikurezza. Madankollu, ma għandhiex teżenta lill-individwi mir-responsabbiltajiet normali tagħhom. F'dan il-kuntest, l-impjegati u l-persunal kuntrattat ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda preġudizzju abbażi ta' informazzjoni pprovduta skont dan ir-Regolament, minbarra fil-każijiet ta' mġiba ħażina intenzjonata jew fejn kien hemm nuqqas ta' osservanza ċara, severa u serja fir-rigward ta' riskju ovvju u nuqqas kbir ta' responsabbiltà professjonali li tingħata l-attenzjoni li hija evidentement meħtieġa fiċ-ċirkostanzi, li ġiet ikkawżata ħsara prevedibbli lil persuna jew lil proprjetà, jew li ġie kompromess serjament il-livell ta' sikurezza tal-avjazzjoni.

(38)

Sabiex jitħeġġeġ ir-rappurtar ta' okkorrenzi, għandu jkun adatt li jiġu protetti mhux biss il-persuni li jirrappurtaw l-okkorrenzi, iżda wkoll il-persuni imsemmijin fir-rapporti dwar l-okkorrenzi kkonċernati. Madankollu, dik il-protezzjoni m'għandhiex teżenta lil dawk il-persuni mill-obbligi ta' rappurtar tagħhom skont dan ir-Regolament. B'mod partikolari, f'sitwazzjoni fejn persuna tissemma f'rapport dwar l-okkorrenzi u hija stess għandha l-obbligu li tirrapporta dik l-istess okkorrenza, u intenzjonalment tonqos milli tirrapportaha, allura dik il-persuna għandha titlef il-protezzjoni tagħha u għandha tiffaċċja pieni b'applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(39)

Mingħajr preġudizzju għal-liġi kriminali nazzjonali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li jiġi stabbilit b'mod ċar il-limitu tal-protezzjoni ta' min jagħmel ir-rapport u persuni oħra msemmijin fir-rapporti dwar l-okkorrenzi mill-preġudizzju u l-prosekuzzjoni.

(40)

Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-individwi fis-sistema, it-trattament tar-rapporti dwar l-okkorrenzi għandhom jiġu organizzati b'mod li jissalvagwardjaw b'mod xieraq il-kunfidenzjalità tal-identitá ta' min jagħmel ir-rapport u ta' persuni oħra msemmijin fir-rapporti dwar l-okkorrenzi fir-rigward tat-trawwim ta' “kultura ġusta”. Kull fejn hu possibbli, l-għan għandu jkun li jippermetti l-istabbiliment ta' sistema indipendenti ta' trattament tal-okkorrenzi.

(41)

Il-persunal tal-organizzazzjonijiet, tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tal-Aġenzija li huma involut fil-valutazzjoni, l-ipproċessar jew l-analiżi tal-okkorrenzi għandu rwol sinifikanti fl-identifikazzjoni tal-perikli għas-sikurezza u n-nuqqasijiet tas-sikurezza. L-esperjenza turi li meta l-inċidenti jiġu analizzati bil-benefiċċju tal-esperjenza miksuba wara aċċident, l-analiżi twassal għall-identifikazzjoni ta' riskji u nuqqasijiet li ma setgħux jiġu identifikati mod ieħor. Huwa possibli, għalhekk, li l-persuni involuti fl-evalwazzjoni, l-ipproċessar jew l-analiżi tal-okkorrenzi jibżgħu minn konsegwenzi potenzjali f'termini ta' prosekuzzjoni quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji. Mingħajr preġudizzju għal-liġi kriminali nazzjonali, u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-Istati Membri m'għandhomx jibdew proċedimenti kontra l-persuni li, fl-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, huma involuti fl-evalwazzjoni, l-ipproċessar jew l-analiżi tal-okkorrenzi fir-rigward ta' deċiżjonijiet meħuda bħala parti mid-dmirijiet tagħhom, li, aktar 'il quddiem u bil-benefiċċju tal-esperjenza miksuba, jirriżultaw żbaljati jew ineffettivi, iżda li, meta jkunu ttieħdu u bl-informazzjoni disponibbli f'dak il-mument, kienu proporzjonati u adatti.

(42)

L-impjegati u l-persunal kuntrattat għandu jkollhom l-opportunità li jirrappurtaw ksur tal-prinċipji li jiddemarkaw il-protezzjoni tagħhom, kif stabbilit f'dan ir-Regolament, u m'għandhomx jiġu penalizzati talli jagħmlu dan. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-konsegwenzi għal dawk li kisru l-prinċipji ta' protezzjoni ta' min jagħmel ir-rapport u ta' persuni oħra msemmijin fir-rapporti dwar l-okkorrenzi u għandhom jadottaw rimedji jew jimponu pieni kif xieraq.

(43)

L-individwi jistgħu jiġu skuraġġati milli jirrappurtaw l-okkorrenzi minħabba l-biża' ta' awtoinkriminazzjoni u l-konsegwenzi potenzjali f'termini ta' prosekuzzjoni quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji. L-objettivi ta' dan ir-Regolament jistgħu jintlaħqu mingħajr interferenza bla bżonn fis-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri. Huwa għalhekk adatt li jiġi previst li ksur tal-liġi mhux premeditat jew mhux previst li jindunaw bih l-awtoritajiet tal-Istati Membri permezz biss tar-rappurtar skont dan ir-Regolament m'għandux ikun soġġett għal proċedimenti dixxiplinarji, amministrattivi jew legali, ħlief fejn previst mod ieħor mil-liġi kriminali nazzjonali applikabbli. Madankollu, id-drittijiet ta' partijiet terzi li jinbdew proċedimenti ċivili ma għandux ikun kopert minn din il-projbizzjoni u għandu jkun biss soġġett għal-liġi nazzjonali.

(44)

Madankollu, fil-kuntest tal-iżvilupp ta' ambjent ta' “kultura ġusta”, l-Istati Membri għandhom iżommu l-għażla li jestendu l-projbizzjoni dwar l-użu tar-rapporti dwar l-okkorrenzi bħala evidenza kontra min jagħmel rapport fi proċedimenti amministrattivi u dixxiplinarji għal proċedimenti ċivili jew kriminali.

(45)

Barra minn hekk, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sikurezza u l-awtoritajiet ġudizzjarji għandha tiġi msaħħa u fformalizzata permezz ta' arranġamenti avvanzati bejniethom li għandhom jirrispettaw il-bilanċ bejn l-interessi pubbliċi differenti involuti, u b'mod partikolari, għandhom ikopru, pereżempju, l-aċċess għal u l-użu ta' rapporti dwar l-okkorrenzi miżmuma fil-bażijiet tad-data nazzjonali.

(46)

Sabiex jingħata appoġġ għar-responsabbiltajiet miżjuda tal-Aġenzija taħt dan ir-Regolament, din għandha tingħata riżorsi biżżejjed biex tkun tista' twettaq il-kompiti addizzjonali assenjati lilha.

(47)

Sabiex jiġi supplementat jew emendat dan ir-Regolament, is-setgħa għall-adozzjoni ta' atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(48)

Fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Aġenzija u lin-netwerk ta' analisti tas-sikurezza tal-avjazzjoni msemmi f'dan ir-Regolament.

(49)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu konferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(50)

Ir-regoli dwar l-ipproċessar tad-data u l-protezzjoni tal-individwi kif stipulati fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) għandhom ikunu rispettati bis-sħiħ fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Ir-regoli dwar l-aċċess għad-data kif stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) għandhom ikunu rrispettati bis-sħiħ fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, ħlief fir-rigward tat-tixrid tad-data u tal-informazzjoni miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew, li huma protetti b'regoli iktar stretti ta' aċċess stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(51)

Il-pieni, b'mod partikolari, għandhom ikunu applikabbli kontra kull persuna jew entità li, bi ksur ta' dan ir-Regolament, tuża b'mod mhux adatt informazzjoni protetta minn dan ir-Regolament; atti b'mod preġudizzjarju lejn min jagħmel ir-rapport jew persuni oħra msemmijin fir-rapporti dwar l-okkorrenzi, minbarra fil-każijiet fejn japplikaw l-eżenzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament; ma tistabbilixxix ambjent adatt li jippermetti l-ġbir ta' dettalji tal-okkorrenzi; ma tanalizzax l-informazzjoni miġbura; ma taġixxix biex tindirizza kwalunkwe nuqqasijiet tas-sikurezza jew nuqqasijiet potenzjali tas-sikurezza individwati; jew ma taqsamx l-informazzjoni miġbura fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(52)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli komuni fil-qasam tar-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dak l-għan.

(53)

Ir-Regolament (KE) Nru 996/2010 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(54)

Id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2003 (9), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 (10), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007 (11) għandhom għalhekk jitħassru.

(55)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2011 u ta opinjoni fl-10 ta' April 2013 (12),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għanijiet

1.   Dan ir-Regolament għandu l-għan li jtejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni billi jiżgura li l-informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza relatata mal-avjazzjoni ċivili tiġi rrappurtata, miġbura, maħżuna, protetta, skambjata, imxerrda u analizzata.

Dan ir-Regolament jiżgura:

(a)

li, fejn adatt, tittieħed azzjoni għas-sikurezza fi żmien adatt abbażi ta' analiżi tal-informazzjoni miġbura;

(b)

id-disponibbiltà kontinwa tal-informazzjoni dwar is-sikurezza billi jintroduċi regoli dwar il-kunfidenzjalità u dwar l-użu adatt tal-informazzjoni u permezz ta' protezzjoni armonizzata u msaħħa tal-persuni li jagħmlu rapport u tal-persuni msemmijin fir-rapporti dwar l-okkorrenzi; u

(c)

li r-riskji ta' sikurezza tal-avjazzjoni jitqiesu u jiġu trattati sew fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali.

2.   L-uniku objettiv tar-rappurtar tal-okkorrenzi huwa l-prevenzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti u mhux l-attribuzzjoni ta' ħtija jew ta' responsabbiltà.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“min jagħmel ir-rapport” tfisser persuna fiżika li tirrapporta okkorrenza skont dan ir-Regolament;

(2)

“inġenju tal-ajru” tfisser kwalunkwe magna li tista' tikseb sostenn fl-atmosfera mir-reazzjonijiet tal-arja għajr ir-reazzjonijiet tal-arja ma' wiċċ id-dinja;

(3)

“inċident” tfisser “inċident” fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 996/2010;

(4)

“inċident serju” tfisser “inċident serju” fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 996/2010;

(5)

“aċċident” tfisser “aċċident” fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 996/2010;

(6)

“informazzjoni deidentifikata” tfisser informazzjoni li tirriżulta mir-rapporti dwar l-okkorrenzi li minnhom tkun tneħħiet id-data personali kollha bħall-ismijiet jew l-indirizzi ta' persuni fiżiċi;

(7)

“okkorrenza” tfisser kwalunkwe avveniment relatat mas-sikurezza li jipperikola jew li, jekk ma jiġix ikkoreġut jew indirizzat, jista' jipperikola lill-inġenju tal-ajru, lil min ikun qiegħed abbord jew lil kwalunkwe persuna oħra u jinkludi b'mod partikolari aċċident jew inċident serju;

(8)

“organizzazzjoni” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li tipprovdi prodotti tal-avjazzjoni u/jewli timpjega persuni, tikkonkludi kuntratti magħhom jew tuża s-servizzi ta' persuni li jkunu meħtieġa jirrappurtaw l-okkorrenzi f'konformità mal-Artikolu 4(6);

(9)

“anonimizzazzjoni” tfisser it-tneħħija mir-rapporti dwar l-okkorrenzi tad-dettalji personali kollha, li jirrelataw ma' min jagħmel ir-rapport u lill-persuni msemmijin fir-rapporti dwar l-okkorrenza u kwalunkwe dettall, inkluż l-isem tal-organizzazzjoni(jiet) involut(i) fl-okkorrenza, li jista' jiżvela l-identità ta' min jagħmel ir-rapport, jew ta' parti terza, jew li jwassal biex din l-informazzjoni tkun tinftiehem mir-rapport dwar l-okkorrenza;

(10)

“periklu” tfisser sitwazzjoni jew oġġett bil-potenzjal li jikkawża mewt jew ħsara lill-persuna, dannu lil tagħmir jew strutturi, telf ta' materjal, jew tnaqqis tal-kapaċità ta' persuna li twettaq funzjoni preskritta;

(11)

“awtorità għall-investigazzjoni tas-sikurezza” tfisser l-awtorità permanenti nazzjonali għall-investigazzjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili li twettaq jew tikkontrolla l-investigazzjonijiet tas-sikurezza kif jingħad fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010;

(12)

“kultura ġusta” tfisser kultura fejn l-operaturi fuq quddiem nett jew persuni oħra ma jiġux penalizzati għal azzjonijiet, omissjonijiet jew deċiżjonijiet li jkunu ħadu u li jkunu proporzjonati għall-esperjenza u għat-taħriġ tagħhom, iżda li fiha ma jiġux tollerati negliġenza gravi, ksur volontarju u atti ta' qerda;

(13)

“punt ta' kuntatt” tfisser:

(a)

meta ssir talba għall-informazzjoni minn parti interessata stabbilita fl-Unjoni, l-awtorità kompetenti maħtura minn kull Stat Membru f'konformità mal-Artikolu 6(3);

(b)

meta t-talba għal informazzjoni ssir minn parti interessata stabbilita barra l-Unjoni, il-Kummissjoni;

(14)

“parti interessata” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew kwalunkwe korp uffiċjali, kemm jekk għandha personalità ġuridika u kemm jekk le, li tinsab f'pożizzjoni li tipparteċipa fit-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni, billi jkollha aċċess għal informazzjoni dwar okkorrenzi skambjati mill-Istati Membri, u li taqgħa taħt waħda mill-kategoriji tal-partijiet interessati stipulati fl-Anness II;

(15)

“Programm għas-Sikurezza tal-Istat” tfisser sett integrat ta' atti legali u ta' attivitajiet bl-għan li tiġi ġestita s-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fi Stat Membru;

(16)

“Pjan Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni” tfisser il-valutazzjoni ta' kwistjonijiet ta' sikurezza u l-pjan ta' azzjoni relatat fil-livell Ewropew;

(17)

“Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni” tfisser is-sett ta' Regolamenti integrati fil-livell tal-Unjoni, flimkien mal-attivitajiet u l-proċessi użati għall-ġestjoni konġunta tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fil-livell Ewropew;

(18)

“sistema għall-ġestjoni tas-sikurezza” tfisser approċċ sistematiku għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni li jinkludi l-istrutturi organizzattivi, ir-responsabbiltajiet, il-politiki u l-proċeduri meħtieġa u jinkludi kwalunkwe sistema ta' ġestjoni li, b'mod indipendenti jew integrat ma' sistemi ta' ġestjoni oħra tal-organizzazzjoni, tindirizza l-ġestjoni tas-sikurezza;

Artikolu 3

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar:

(a)

ir-rappurtar ta' okkorrenzi li jipperikolaw jew li, jekk ma jiġux ikkoreġuti jew indirizzati, jipperikolaw inġenju tal-ajru, lil min ikun abbord, kwalunkwe persuna, tagħmir jew installazzjoni oħra li taffettwa l-operat tal-inġenju tal-ajru; u r-rappurtar ta' informazzjoni rilevanti oħra relatata mas-sikurezza f'dak il-kuntest;

(b)

analiżi u azzjoni ta' segwitu fir-rigward tal-okkorrenzi rrappurtati u informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza;

(c)

il-protezzjoni ta' professjonisti tal-avjazzjoni;

(d)

l-użu xieraq ta' informazzjoni dwar is-sikurezzamiġbura;

(e)

l-integrazzjoni tal-informazzjoni fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew; u

(f)

id-disseminazzjoni ta' informazzjoni anonimizzata lill-partijiet interessati għall-finijiet tal-provvista lil tali partijiet tal-informazzjoni li jeħtieġu biex itejbu s-sikurezza tal-avjazzjoni.

2.   Dan ir-Regolament japplika għall-okkorrenzi u informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza li tinvolvi l-inġenji tal-ajru ċivili, bl-eċċezzjoni tal-inġenji tal-ajru msemmija fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 216/2008. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw dan ir-Regolament ukoll għal okkorrenzi u informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza li jkunu jinvolvu inġenji tal-ajru msemmija fl-Anness II għal dak ir-Regolament.

Artikolu 4

Rappurtar obbligatorju

1.   L-okkorrenzi li jistgħu jirrappreżentaw riskju sinifikanti għas-sikurezza tal-avjazzjoni u li jaqgħu taħt il-kategoriji li ġejjin għandhom jiġu rrappurtati mill-persuni elenkati fil-paragrafu 6 permezz tas-sistemi obbligatorji ta' rappurtar dwar l-okkorrenzi skont dan l-Artikolu:

(a)

okkorrenzi marbutin mat-tħaddim tal-inġenju tal-ajru, bħal:

(i)

okkorrenzi marbutin mal-kolliżjonijiet;

(ii)

okkorrenzi marbutin mat-tlugħ u l-inżul;

(iii)

okkorrenzi marbutin mal-karburant;

(iv)

okkorrenzi waqt it-titjira;

(v)

okkorrenzi marbutin mal-komunikazzjoni;

(vi)

okkorrenzi marbutin ma' ħsara, emerġenzi u sitwazzjonijiet kritiċi oħrajn;

(vii)

l-inabbilitazzjoni tal-ekwipaġġ u ta' ekwipaġġ ieħor relatat mal-okkorrenzi;

(viii)

il-kondizzjonijiet meteoroloġiċi jew okkorrenzi marbutin mas-sigurtà;

(b)

okkorrenzi marbutin mal-kondizzjonijiet tekniċi, il-manutenzjoni u t-tiswija tal-inġenji tal-ajru, bħal:

(i)

difetti strutturali;

(ii)

funzjonament ħażin tas-sistema;

(iii)

problemi ta' manutenzjoni u ta' tiswija;

(iv)

problemi ta' propulsjoni (inklużi magni, skrejjen u sistemi rotor) u problemi tal-unitajiet ta' qawwa awżiljari;

(c)

okkorrenzi marbutin mas-servizzi u l-faċilitajiet tan-navigazzjoni bl-ajru, bħal:

(i)

kważi kolliżjonijiet jew potenzjal għal kolliżjoni;

(ii)

okkorrenzi speċifiċi ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ATM/ANS);

(iii)

okkorrenzi operazzjonali tal-ATM/ANS;

(d)

okkorrenzi marbutin mal-ajrudromi u s-servizzi fuq l-art, bħal:

(i)

okkorrenzi marbutin mal-attivitajiet u l-faċilitajiet tal-ajrudromi;

(ii)

okkorrenzi marbutin mat-trattament tal-passiġġieri, il-bagalji, il-posta u l-merkanzija;

(iii)

okkorrenzi marbutin mal-groundhandling u servizzi relatati.

2.   Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru għandha tistabbilixxi sistema ta' rappurtar obbligatorju sabiex tiffaċilita l-ġbir ta' dettalji tal-okkorrenzi msemmijin fil-paragrafu 1.

3.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema ta' rappurtar obbligatorju biex jiffaċilita l-ġbir ta' dettalji tal-okkorrenzi, li jinkludu l-ġbir ta' dettalji tal-okkorrenzi miġbura minn organizzazzjonijiet skont il-paragrafu 2.

4.   Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzij”) għandha tistabbilixxi sistema ta' rappurtar obbligatorju mill- biex tiffaċilita l-ġbir ta' dettalji tal-okkorrenzi, li jinkludi l-ġbir ta' dettalji tal-okkorrenzi miġbura skont il-paragrafu 2 mill-organizzazzjonijiet li ġew iċċertifikati jew approvati mill-Aġenzija.

5.   Il-Kummissjoni, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, għandha tadotta lista li tikklassifika l-okkorrenzi li għandha ssir referenza għalihom meta jsir ir-rappurtar tal-okkorrenzi skont il-paragrafu 1. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 19(2).

F'dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tinkludi lista separata li tikklassifika l-okkorrenzi li hija applikabbli għall-inġenji tal-ajru li mhumiex inġenji tal-ajru kumplessi mħaddma bil-mutur. Il-lista għandha tkun verżjoni simplifikata tal-lista msemmija fl-ewwel subparagrafu u għandu, fejn adatt, jiġi adattat għall-ispeċifiċitajiet ta' dik il-fergħa tal-avjazzjoni.

6.   Il-persuni fiżiċi li ġejjin għandhom jirrappurtaw l-okkorrenzi msemmijin fil-paragrafu 1 permezz tas-sistema stabbilita f'konformità mal-paragrafu 2 mill-organizzazzjoni li tħaddem, tikkuntratta jew tuża s-servizzi ta' min jagħmel ir-rapport jew, b'mod alternattiv, permezz tas-sistema stabbilita f'konformità mal-paragrafu 3 mill-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni tagħhom, jew mill-Istat li jkun ħareġ, ivvalida jew ikkonverta l-liċenzja tal-bdot,, jew permezz tas-sistema stabbilita f''konformità mal-paragrafu 4 mill-Aġenzija:

(a)

il-bdot fil-kmand, jew, fil-każijiet fejn il-bdot fil-kmand ma jistax jirrapporta l-okkorrenza, kwalunkwe membru ieħor tal-ekwipaġġ fil-pożizzjoni ta' kmand li jmiss ta' inġenju tal-arju irreġistrat fl-Unjoni jew inġenju tal-ajru rreġistrat barra mill-Unjoni iżda li jintuża minn operatur li s-superviżjoni tal-operati tiegħu jiġu żgurati mill-Istat Membru jew operatur stabbilit fl-Unjoni;

(b)

persuna involuta fid-disinn, il-manifattura, il-manutenzjoni, l-ajrunavigabbiltà kontinwa, il-monitoraġġ, il-manutenzjoni jew il-modifika ta' inġenju tal-ajru, jew kwalunkwe tagħmir jew parti minnu, taħt is-superviżjoni ta' Stat Membru jew tal-Aġenzija;

(c)

persuna li tiffirma ċertifikat tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà, jew rilaxx għas-servizz rigward inġenju tal-ajru, jew kwalunkwe tagħmir jew parti minnu, taħt is-superviżjoni ta' Stat Membru jew tal-Aġenzija;

(d)

persuna li twettaq funzjoni li teħtieġ li hija tkun awtorizzata minn Stat Membru bħala membru tal-persunal ta' fornitur ta' servizz tat-traffiku tal-ajru li huwa fdat bir-responsabbiltajiet relatati mas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru jew bħala uffiċjal fis-servizz tal-informazzjoni dwar it-titjira;

(e)

persuna li twettaq funzjoni marbuta mal-ġestjoni tas-sikurezza ta' ajruport li għalih japplika r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

(f)

persuna li twettaq funzjoni marbuta mal-installazzjoni, il-modifika, il-manutenzjoni, it-tiswija, ir-reviżjoni, il-kontroll tat-titjira jew l-ispezzjoni tal-faċilitajiet tan-navigazzjoni bl-ajru li l-Istat Membru jiżgura s-superviżjoni;

(g)

persuna li twettaq funzjoni marbuta mal-ground handling tal-inġenju tal-ajru, li tinkludi l-għoti ta' fjuwil, it-tħejjija tal-folja tat-tagħbija, it-tagħbija, it-tneħħija tas-silġ u l-ittowjar f'ajruport kopert mir-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

7.   Il-persuni elenkati fil-paragrafu 6 għandhom jirrapportaw l-okkorrenzi fi żmien 72 siegħa minn meta jsiru jafu bl-okkorrenza, sakemm ċirkostanzi eċċezzjonali ma jħallux dan iseħħ.

8.   Wara n-notifika ta' okkorrenza, kwalunkwe organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru li ma tkunx koperta mill-paragrafu 9 għandha tirrapporta lill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru, kif imsemmi fl-Artikolu 6(3), id-dettalji tal-okkorrenzi miġbura f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu malajr kemm jista' jkun, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li ssir jaf bl-okkorrenza.

9.   Wara n-notifika tal-okkorrenza, kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru u li hija ċċertifikata jew approvata mill-Aġenzija għandha tirrapporta lill- Aġenzija d-dettalji tal-okkorrenzi miġbura f'konformità mal-paragrafu 2 malajr kemm jista' jkun, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li ssir jaf bl-okkorrenza.

Artikolu 5

Rappurtar volontarju

1.   Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru għandha tistabbilixxi sistema ta' rappurtar volontarju, biex tiffaċilita l-ġbir ta':

(a)

dettalji ta' okkorrenzi li ma jistgħux jinġabru mis-sistema ta' rappurtar obbligatorju;

(b)

informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza iżda li min jagħmel ir-rapport iqisha bħala periklu reali jew potenzjali għas-sikurezza tal-avjazzjoni.

2.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema ta' rappurtar volontarju biex jiffaċilita l-ġbir ta':

(a)

dettalji ta' okkorrenzi li ma jistgħux jinġabru mis-sistema ta' rappurtar obbligatorju,

(b)

informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza iżda li min jagħmel ir-rapport iqisha bħala periklu reali jew potenzjali għas-sikurezza tal-avjazzjoni.

Dik is-sistema għandha tinkludi wkoll, iżda m'għandhiex tkunx limitata għal, ġbir ta' informazzjoni trasferita mill-organizzazzjonijiet skont il-paragrafu 6.

3.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi sistema ta' rappurtar volontarju biex tiffaċilita l-ġbir ta':

(a)

dettalji dwar l-okkorrenzi li jistgħu ma jkunux inġabru mis-sistema obbligatorja ta' rappurtar,

(b)

informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza li titiqies minn min jagħmel ir-rapport bħala periklu attwali jew potenzjali għas-sikurezza tal-avjazzjoni.

Dik is-sistema għandha tinkludi wkoll, iżda m'għandhiex tkun limitata għall-ġabra ta' informazzjoni, ittrasferita minn organizzazzjonijiet ċertifikati jew approvati mill-Aġenzija skont il-paragrafu 5.

4.   Is-sistemi ta' rappurtar volontarju għandhom jintużaw biex jiffaċilitaw il-ġbir ta' dettalji ta' okkorrenzi jew informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza:

(a)

li mhumiex soġġetti għal rappurtar obbligatorju skont l-Artikolu 4(1);

(b)

irrappurtati minn persuni li mhumiex elenkati fl-Artikolu 4(6).

5.   Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru u ċċertifikata jew approvata mill-Aġenzija għandha, tirrapporta lill-Aġenzija b'mod f'waqtu, id-dettalji tal-okkorrenzi u informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza li nġabru skont il-paragrafu 1 u li jistgħu jinvolvu riskju attwali jew potenzjali għas-sikurezza tal-avjazzjoni.

6.   Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru li mhijiex iċċertifikata jew approvata mill-Aġenzija għandha, b'mod f'waqtu, tirrapporta lill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru maħtura skontl-Artikolu 6(3), dettalji tal-okkorrenzi u informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza li tkun inġabret skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u li tista' tinvolvi riskju attwali jew potenzjali għas-sikurezza tal-avjazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jesiġu li kwalunkwe organizzazzjoni stabbilita fit-territorju tagħhom tirrapporta d-dettalji tal-okkorrenzi kollha miġbura skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

7.   L-Istati Membri, l-Aġenzija u l-organizzazzjonijiet jistgħu jistabbilixxu sistemi oħra ta' ġbir u ta' proċessar tal-informazzjoni dwar is-sikurezza sabiex jinġabru dettalji tal-okkorrenzi li jistgħu ma jinqabdux mis-sistemi ta' rappurtar imsemmija fl-Artikolu 4 u fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu. Dawk is-sistemi jistgħu jinkludu r-rappurtar lil entitajiet oħra li mhumiex dawk stabbiliti fl-Artikolu 6(3) u jistgħu jinvolvu l-parteċipazzjoni attiva ta':

(a)

l-industrija tal-avjazzjoni;

(b)

ta' organizzazzjonijiet professjonali tal-ħaddiema tal-avjazzjoni.

8.   L-informazzjoni li tasal mir-rappurtar volontarju u obbligatorju tista' tiġi integrata f'sistema unika.

Artikolu 6

Ġbir u ħżin ta' informazzjoni

1.   Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru għandha taħtar persuna jew aktar, biex b'mod indipendenti tittratta l-ġbir, l-evalwazzjoni, l-ipproċessar, l-analiżi u l-ħażna ta' dettalji tal-okkorrenzi rrappurtati skont l-Artikoli 4 u 5.

It-trattament tar-rapporti għandu jsir bil-ħsieb li jiġi pprevenut l-użu ta' informazzjoni għal finijiet oħra minbarra s-sikurezza, u għandu jissalvagwardja b'mod adatt il-kunfidenzjalità tal-identità ta' min jagħmel ir-rapport u tal-persuni msemmija fir-rapporti dwar l-okkorrenzi, bil-ħsieb li tiġi promossa “kultura ġusta”.

2.   Wara l-ftehim mal-awtorità kompetenti, l-organizzazzjonijiet ż-żgħar jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ssimplifikat għall-ġbir, l-evalwazzjoni, l-ipproċessar, l-analiżi u l-ħżin ta' dettalji tal-okkorrenzi. Huma jistgħu jikkondividu dawk il-kompiti ma' organizzazzjonijiet tal-istess natura, filwaqt li jikkonformaw mar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni skont dan ir-Regolament.

3.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar biex jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-ġbir, l-evalwazzjoni, l-ipproċessar, l-analiżi u l-ħażna ta' dettalji tal-okkorrenzi rrappurtati skont l-Artikoli 4 u 5 b'mod indipendenti.

It-trattament tar-rapporti għandu jsir bil-ħsieb li jiġi pprevenut l-użu ta' informazzjoni għal finijiet oħra minbarra s-sikurezza, u għandu jissalvagwardja b'mod adatt il-kunfidenzjalità tal-identitá ta' min jagħmel ir-rapport u ta' dawk il-persuni msemmija fir-rapporti ta' okkorrenza, bil-ħsieb li tiġi promossa “kultura ġusta.”

L-awtoritajiet li jistgħu jiġu maħtura skont l-ewwel subparagrafu, b'mod konġunt jew separat, huma dawn li ġejjin:

(a)

l-awtorità nazzjonali ta' l-avjazzjoni ċivili; u/jew

(b)

l-awtorità għall-investigazzjoni tas-sikurezza; u/jew

(c)

kwalunkwe korp jew entità oħra indipendenti bbażata fl-Unjoni li tiġi fdata b'din il-funzjoni.

Fejn Stat Membru jaħtar aktar minn korp jew entità waħda, hu għandu jagħżel waħda minnhom bħala punt ta' kuntatt għat-trasferiment tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(2).

4.   L-Aġenzija għandha taħtar persuna waħda jew aktar biex jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-ġbir, l-evalwazzjoni, l-ipproċessar, l-analiżi u l-ħażna ta' dettalji tal-okkorrenzi rrappurtati f'konformità mal-Artikoli 4 u 5 b'mod indipendenti.

It-trattament tar-rapporti għandu jsir bil-ħsieb li jiġi pprevenut l-użu ta' informazzjoni għal finijiet oħra minbarra s-sikurezza, u għandu jissalvagwardja b'mod adatt il-kunfidenzjalità tal-identità ta' min jagħmel ir-rapport u ta' dawk il-persuni msemmija fir-rapport dwar l-okkorrenza bil-ħsieb li tiġi promossa “kultura ġusta”.

5.   L-organizzazzjonijiet għandhom jaħżnu r-rapporti dwar l-okkorrenzi imfasslin abbażi ta' dettalji tal-okkorrenzi miġbura f'konformità mal-Artikoli 4 u 5 f'bażi ta' data waħda jew aktar.

6.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jaħżnu r-rapporti dwar l-okkorrenzi mfasslin abbażi ta' dettalji tal-okkorrenzi miġbura f'konformità mal-Artikoli 4 u 5 f'bażi tad-data nazzjonali.

7.   L-informazzjoni rilevanti dwar aċċidenti u inċidenti serji miġbura jew maħruġa minn awtoritajiet għall-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tiġi maħżuna wkoll fil--bażi tad-data nazzjonali.

8.   L-Aġenzija għandha taħżen ir-rapporti dwar l-okkorrenzi mfasslin abbażi ta' dettalji tal-okkorrenzi miġbura f'konformità mal-Artikoli 4 u 5 f'bażi tad-data.

9.   L-awtoritajiet għall-investigazzjoni tas-sikurezza għandu jkollhom aċċess sħiħ għall-bażi tad-data nazzjonali rispettiva tagħhom imsemmija fil-paragrafu 6 għall-fini li jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010.

10.   L-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili tal-Istati Membri għandu jkollhom aċċess sħiħ għall-bażi tad-data nazzjonali rispettiva tagħhom imsemmi fil-paragrafu 6 għall-finijiet tar-responsabbiltajiet tagħhom rigward is-sikurezza.

Artikolu 7

Kwalità u kontenut tar-rapporti dwar l-okkorrenzi

1.   Ir-rapporti dwar l-okkorrenzi msemmija fl-Artikolu 6 għandu jkollhom minn tal-inqas l-informazzjoni mniżżla fl-Anness I.

2.   Ir-rapporti dwar l-okkorrenzi msemmija fil-paragrafi 5, 6 u 8 tal-Artikolu 6 għandhom jinkludu klassifikazzjoni tar-riskji tas-sikurezza għall-okkorrenza kkonċernata. Dik il-klassifikazzjoni għandha tkun rieżaminata u jekk meħtieġ emendata u għandha tiġi approvata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew l-Aġenzija, f'konformità mal-iskema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

3.   L-organizzazzjonijiet,l-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jistabbilixxu proċessi għall-kontroll tal-kwalità tad-data biex titjieb il-konsistenza tad-data, speċjalment bejn l-informazzjoni miġbura inizjalment u r-rapport maħżun fil-bażi tad-data.

4.   Il-bażijiet tad-data imsemmijin fil-paragrafi 5, 6 u 8 tal-Artikolu 6 għandhom jużaw formati li huma:

(a)

standardizzati biex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni; u

(b)

kompatibbli mas-software ta' ECCAIRS u t- tassonomija ta' ADREP.

5.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-Aġenzija permezz tan-netwerk ta' analisti tas-sikurezza tal-avjazzjoni, msemmija fl-Artikolu 14(2), għandha tiżviluppa skema Ewropea komuni għall-klassifikazzjoni tar-riskji sabiex tippermetti lill-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri u l-Aġenzija biex jikklassifikaw l-okkorrenzi f'termini ta' riskji tas-sikurezza. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ħtieġa ta' kompatibbiltà mal-iskemi eżistenti għall-klassifikazzjoni tar-riskji.

Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa dik l-iskema sal-15 ta' Mejju 2017.

6.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 18 sabiex tiddefinixxi l-iskema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji.

7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-iskema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji. Tali atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 19(2).

8.   Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jappoġġjaw l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-kompitu tagħhom ta' integrazzjoni tad-data, inkluż pereżempju fi:

(a)

l-integrazzjoni tal-informazzjoni minima msemmija fil-paragrafu 1,

(b)

il-klassifikazzjoni tar-riskji tal-okkorrenzi msemmija fil-paragrafu 2, u

(c)

l-istabbiliment ta' proċessi għall-kontroll tal-kwalità tad-data msemmija fil-paragrafu 3.

Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jipprovdu dak l-appoġġ b'tali mod li jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-proċess tal-introduzzjoni tad-data tul l-Istati Membri, b'mod partikolari billi jipprovdu lill-ħaddiema li jaħdmu fil-korpi jew l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1), (3) u (4):

(a)

materjal ta' gwida;

(b)

sessjonijiet ta' ħidma (workshops); u

(c)

taħriġ adattat.

Artikolu 8

Repożitorju Ċentrali Ewropew

1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha l-ġestjoni ta' Repożitorju Ċentrali Ewropew biex jaħżen ir-rapporti kollha ta' okkorrenza miġbura fl-Unjoni.

2.   Kull Stat Membru, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jaġġorna r-Repożitorju Ċentrali Ewropew permezz tat-trasferiment fih tal-informazzjoni kollha relatata mas-sikurezza maħżuna fil-bażijiet tad-data data nazzjonali msemmija fl-Artikolu 6(6).

3.   L-Aġenzija għandha tiftiehem mal-Kummissjoni dwar il-protokolli tekniċi għat-trasferiment fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew tar-rapporti kollha dwar l-okkorrenzi miġbura mill-Aġenzija skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu, b'mod partikolari għall-okkorrenzi maħżuna fis-Sistema Interna ta' Rrappurtar tal-Okkorrenzi (IORS), kif ukoll l-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 4(9) u 5(5).

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-arranġamenti għall-ġestjoni tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2. Tali atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 9

Skambju ta' informazzjoni

1.   L-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jipparteċipaw fi skambju ta' informazzjoni, billi l-informazzjoni kollha relatata mas-sikurezza maħżuna fil-bażijiet tad-data ta' rappurtar rispettivi tagħhom tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-Aġenzija u l-Kummissjoni, permezz tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew.

Ir-rapporti dwar l-okkorrenzi għandhom jiġu trasferiti fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew mhux aktar tard minn 30 jum wara li jiddaħħlu fil-bażi tad-data nazzjonali.

Ir-rapporti ta' okkorrenza għandhom jiġu aġġornati b'informazzjoni addizzjonali relatata mas-sikurezza, kull meta dan ikun meħtieġ.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrasferixxu wkoll informazzjoni relatata mal-aċċidenti u l-inċidenti serji fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew kif ġej:

(a)

waqt li tkun qed issir l-investigazzjoni: l-informazzjoni fattwali preliminari dwar l-aċċidenti u l-inċidenti serji.

(b)

meta titlesta l-investigazzjoni:

(i)

ir-rapport finali dwar l-investigazzjoni; u

(ii)

meta disponibbli, sommarju bl-Ingliż tar-rapport finali tal-investigazzjoni.

3.   Stat Membru jew l-Aġenzija għandhom jibagħtu l-informazzjoni pertinenti kollha relatata mas-sikurezza lill-awtorità rilevanti tal-Istati Membri jew l-Aġenzija mill-aktar fis possibbli jekk, waqt li jkunu qed jiġbru d-dettalji dwar l-okkorrenzi, jew meta jaħżnu r-rapporti dwar l-okkorrenzi jew iwettqu analiżi f'konformità mal-Artikolu 13(6), jidentifikaw kwistjonijiet ta' sikurezza li huma jqisu:

(a)

li huma ta' interess għal Stati Membri oħra jew għall-Aġenzija, jew

(b)

li possibbilment jeħtieġu li tittieħed azzjoni ta' sikurezza minn Stati Membri oħrajn jew mill-Aġenzija.

Artikolu 10

Disseminazzjoni ta' informazzjoni maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew

1.   Kwalunkwe entità li tiġi fdata biex tirregola s-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, jew kwalunkwe awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza fi ħdan l-Unjoni għandu jkollha aċċess sigur u sħiħ online għall-informazzjoni dwar l-okkorrenzi miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew.

L-informazzjoni għandha tintuża f'konformità mal-Artikoli 15 u 16.

2.   Il-partijiet interessati elenkati fl-Anness II jistgħu jitolbu aċċess għal ċerta informazzjoni miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew.

Il-partijiet interessati stabbiliti fi ħdan l-Unjoni għandhom jindirizzaw it-talbiet għall-informazzjoni lill-punt ta' kuntatt tal-Istat Membru li jkunu stabbiliti fih.

Il-partijiet interessati stabbiliti barra mill-Unjoni għandhom jindirizzaw it-talba tagħhom lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat meta ssir talba skont dan il-paragrafu.

3.   Soġġett għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010, skont dan l-Artikolu, l-informazzjoni miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew relatati ma' investigazzjonijiet tas-sikurezza li jkunu għaddejjin f'dak il-mument u li jkunu mmexxija f'konformità ma' dak ir-Regolament ma għandhiex tiġi żvelata lill-partijiet interessati.

4.   Għal raġunijiet ta' sigurtà, il-partijiet interessati ma għandhomx ikollhom aċċess dirett għar-Repożitorju Ċentrali Ewropew.

Artikolu 11

Ipproċessar ta' talbiet u deċiżjonijiet

1.   It-talbiet għall-informazzjoni miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew għandhom jintbagħtu bl-użu ta' formoli approvati mill-punt ta' kuntatt. Dawk il-formoli għandu jkun fihom mill-inqas il-punti stabbiliti fl-Anness III.

2.   Punt ta' kuntatt li jirċievi talba għandu jivverifika li:

(a)

it-talba tkun ġejja minn parti interessata;

(b)

huwa kompetenti biex jindirizza dik it-talba.

Fejn il-punt ta' kuntatt jiddetermina li Stat Membru ieħor jew il-Kummissjoni ikun/tkun kompetenti biex tittratta din it-talba, huwa għandu jittrasferixxiha lil dak l-Istat Membru jew lill-Kummissjoni, kif xieraq.

3.   Punt ta' kuntatt li jirċievi talba għandu jevalwa każ b'każ jekk it-talba hijiex ġustifikata u prattikabbli.

Punt ta' kuntatt jista' jipprovdi informazzjoni lill-partijiet interessati fuq karta jew billi jużaw mezzi elettroniċi siguri ta' komunikazzjoni.

4.   Fejn tintlaqa' t-talba, il-punt ta' kuntatt għandu jiddetermina l-ammont u l-livell ta' informazzjoni li trid tiġi pprovduta. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 15 u 16, l-informazzjoni għandha tkun limitata strettament għal dak li huwa meħtieġ għall-fini tat-talba.

L-informazzjoni mhux relatata mat-tagħmir, mal-operat jew mal-qasam tal-attività tal-parti interessata għandha tiġi pprovduta biss f'forma aggregata jew anonimizzata. L-informazzjoni f'forma mhux aggregata tista' tiġi pprovduta lill-parti interessata jekk din tipprovdi ġustifikazzjoni dettaljata bil-miktub. Dik l-informazzjoni għandha tintuża f'konformità mal-Artikoli 15 u 16.

5.   Il-punt ta' kuntatt għandu jipprovdi lill-partijiet interessati mniżżla fil-punt (b) tal-Anness II punt (b) biss b'informazzjoni relatata mat-tagħmir, mal-operati jew mal-qasam ta' attività tal-istess parti interessata.

6.   Punt ta' kuntatt li jirċievi talba minn parti interessata mniżżla fil-punt (a) tal-Anness II jista' jieħu deċiżjoni ġenerali biex jipprovdi informazzjoni fuq bażi regolari lil dik il-parti interessata, dment li:

(a)

l-informazzjoni mitluba hija relatata mat-tagħmir, mal-operat jew mal-qasam tal-attività tal-parti interessata;

(b)

id-deċiżjoni ġenerali ma tagħtix aċċess għall-kontenut kollu tal-bażi ta' data;

(c)

id-deċiżjoni ġenerali tirrigwarda biss informazzjoni anonimizzata.

7.   Il-parti interessata għandha tuża l-informazzjoni li rċeviet skont dan l-Artikolu soġġetta għall-kondizzjonjiet li ġejjin:

(a)

il-parti interessata għandha tuża l-informazzjoni biss għall-fini speċifikat fil-formula tat-talba, li għandu jkun kompatibbli mal-objettiv ta' dan ir-Regolament kif imfisser fl-Artikolu 1; u

(b)

il-parti interessata ma għandhiex tiżvela l-informazzjoni li rċeviet mingħajr kunsens bil-miktub tal-fornitur tal-informazzjoni u għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura l-kunfidenzjalità xierqa tal-informazzjoni li rċeviet.

8.   Id-deċiżjoni li l-informazzjoni tiġi disseminata skont dan l-Artikolu għandha tkun limitata strettament għal dak li huwa meħtieġ għall-fini ta' min ifassal użu minnha.

Artikolu 12

Reġistrazzjoni tat-talbiet u skambju ta' informazzjoni

1.   Il-punt ta' kuntatt għandu jirreġistra kull talba li jirċievi u l-azzjoni meħuda skont dik it-talba.

Dik l-informazzjoni għandha tiġi trasmessa fi żmien xieraq lill-Kummissjoni kull meta tasal talba u/jew tittieħed azzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli l-lista aġġornata tat-talbiet li waslu u l-azzjoni li ttieħdet mid-diversi punti ta' kuntatt u mill-Kummissjoni stess lill-punti ta' kuntatt kollha.

Artikolu 13

Analiżi u segwitu tal-okkorrenzi fuq livell nazzjonali

1.   Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru għandha tiżviluppa proċess biex janalizza l-okkorrenzi miġbura f'konformità mal-Artikoli 4(2) u 5(1) sabiex jidentifika l-perikli għas-sikurezza assoċjati mal-okkorrenzi jew il-gruppi ta' okkorrenzi identifikati.

Abbażi ta' dik l-analiżi, kull organizzazzjoni għandha tiddetermina kwalunkwe azzjoni korrettiva jew preventiva, meħtieġa, fejn dan ikun il-każ, għat-tisħiħ tas-sikurezza.

2.   Meta, wara l-analiżi msemmija fil-paragrafu 1, organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru tidentifika kwalunkwe azzjoni korrettiva jew preventiva adatta meħtieġa biex tindirizza nuqqasijiet attwali jew potenzjali tas-sikurezza tal-avjazzjoni, hija għandha:

(a)

timplimenta dik l-azzjoni fi żmien xieraq; u

(b)

tistabbilixxi proċess għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni u l-effettività tal-azzjoni.

3.   Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru għandha tikkomunika b'mod regolari lill-impjegati u l-persunal ikkuntrattat tagħha l-informazzjoni dwar l-analiżi u s-segwitu dwar l-okkorrenzi li għalihom tkun ittieħdet azzjoni preventiva jew korrettiva.

4.   Fejn organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru li mhux kopert mill-paragrafu 5 tidentifika riskju reali jew potenzjali tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili bħala riżultat tal-analiżi tagħha ta' okkorrenzai jew grupp ta' okkorrenzi irrappurtati skont l-Artikolu 4(8) u l-Artikolu 5(6), hija għandha tibgħat lill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-okkorrenza minn min jagħmel ir-rapport:

(a)

ir-riżultati preliminarti tal-analiżi mwettqa skont il-paragrafu 1, jekk hemm, u

(b)

kwalunkwe azzjoni li għandha tittieħed skont il-paragrafu 2.

L-organizzazzjoni għandha tirrapporta r-riżultati finali tal-analiżi, fejn meħtieġ, malli jkunu disponibbli u, fil-prinċipju, mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data tan-notifika tal-okkorrenza.

Awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' titlob lil organizzazzjoni biex titrasmettilha r- riżultati preliminari jew dawk finali tal-analiżi ta' kwalunkwe okkorrenza li tkun ġiet innotifikata lilha iżda li fir-rigward tagħha hija ma tkun irċeviet l-ebda segwitu jew irċeviet ir- riżultati preliminari biss.

5.   Fejn organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru u ċertifikata jew approvata mill-Aġenzija tidentifika riskju reali jew potenzjali tas-sikurezza tal-avjazzjoni bħala riżultat tal-analiżi tagħha ta' okkorrenzai jew grupp ta' okkorrenzi irrappurtati skont l-Artikolu 4(9) u l-Artikolu 5(5), hija għandha tibgħat lill-Aġenzija fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-okkorrenza minn min jagħmel ir-rapport:

(a)

ir-riżultati preliminari tal-analiżi mwettqa skont il-paragrafu 1; jekk hemm, u

(b)

kwalunkwe azzjoni li għandha tittieħed f'konformità mal-paragrafu 2.

L-organizzazzjoni ċertifikata jew approvata mill-Aġenzija għandha tittrasmetti lill-Aġenzija, r-riżultati finali tal-analiżi, fejn meħtieġ, malli jkunu disponibbli u, fil-prinċipju, mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data tan-notifika tal-okkorrenza.

L-Aġenzija tista' titlob lill-organizzazzjonijiet biex jittrasmettulha r- riżultati preliminari jew dawk finali tal-analiżi ta' kwalunkwe okkorrenza li tkun ġiet innotifikata lilha iżda li fir-rigward tagħha hija ma tkun irċeviet l-ebda segwitu jew ir-riżultati preliminari biss.

6.   Kull Stat Membru u l-Aġenzija għandhom jiżviluppaw proċess li janalizza l-informazzjoni rigward l-okkorrenzi li huma rrappurtati direttament lilhom f'konformità mal-Artikoli 4(6), 5(2) u 5(3) sabiex jiġu identifikati l-perikli għas-sikurezza assoċjati ma' dawk l-okkorrenzi. Abbażi ta' dik l-analiżi, huma għandhom jiddeterminaw kwalunkwe azzjoni korrettiva jew preventiva adatta meħtieġa biex itejbu s-sikurezza tal-avjazzjoni.

7.   Meta, wara l-analiżi msemmija fil-paragrafu 6, Stat Membru jew l-Aġenzija jidentifika kwalunkwe azzjoni korrettiva jew preventiva adatta meħtieġa biex jiġu indirizzati nuqqasijiet attwali jew potenzjali tas-sikurezza tal-avjazzjoni, huwa għandu:

(a)

jimplimenta dik l-azzjoni xierqa fi żmien xieraq; u

(b)

jistabbilixxi proċess biex jiġu ssorveljati l-implimentazzjoni u l-effettività tal-azzjoni.

8.   Għal kull okkorrenza jew grupp ta' okkorrenzi mmonitorjati f'konformità mal-paragrafu 4 jew 5, kull Stat Membru u l-Aġenzija għandu jkollhom aċċess għall-analiżi magħmula u għandu jimmonitorja b'mod xieraq l-azzjoni meħuda mill-organizzazzjonijiet li għalihom huwa responsabbli.

Jekk l-Istat Membru jew l-Aġenzija tikkonkludi li l-implimentazzjoni u l-effettività tal-azzjoni rrappurtata mhumiex xierqa biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet attwali jew potenzjali tas-sikurezza, dan għandu jiżgura li tittieħed u tiġi implimentata azzjoni xierqa addizzjonali mill-organizzazzjoni rilevanti.

9.   Fejn din tkun disponibbli, l-informazzjoni relatata mal-analiżi u s-segwitu tal-okkorrenzi individwali jew il-gruppi ta' okkorrenzi miksuba skont dan l-Artikolu għandha tiġi maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew, f'konformità mal-Artikolu 8(2) u (3), fi żmien xieraq u sa mhux aktar tard minn xahrejn wara l-ħażna tagħha fil-bażi tad-data nazzjonali.

10.   L-Istati Membri għandhom jużaw informazzjoni miksuba mill-analiżi tar-rapporti ta' okkorrenza biex jidentifikaw azzjoni ta' rimedju li għandha tittieħed, skont il-każ, fi ħdan il-Programm Statali tas-Sikurezza.

11.   Sabiex jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-livell tas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili, kull Stat Membru għandu jippubblika analiżi dwar is-sikurezza mill-inqas darba fis-sena. L-analiżi dwar is-sikurezza:

(a)

għandu jkun fiha informazzjoni aggregata u anonimizzata dwar it-tip ta' okkorrenzi u informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza rrappurtata permezz tas-sistemi nazzjonali ta' rappurtar obbligatorju u volontarju;

(b)

għandha tidentifika x-xejriet;

(c)

għandha tidentifika l-azzjoni meħuda mill-Istat Membru.

12.   L-Istati Membri jistgħu jippubblikaw ukoll rapporti ta' okkorrenzi anonimizzati u eżiti tal-analiżi tar-riskju.

Artikolu 14

Analiżi u segwitu tal-okkorrenzi fuq livell tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, f'kollaborazzjoni ma' xulxin, għandhom jipparteċipaw regolarment fl-iskambju u l-analiżi tal-informazzjoni miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew.

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità stabbiliti f'dan ir-Regolament, fejn xieraq, jistgħu jiġu mistiedna osservaturi skont il-każ.

2.   Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkollaboraw permezz ta' analisti tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

In-netwerk ta' analisti tas-sikurezza tal-avjazzjoni għandu jikkontribwixxi għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-Unjoni, b'mod partikolari bit-twettiq ta' attività ta' analiżi tas-sikurezza b'appoġġ għall-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u l-Pjan Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

3.   L-Aġenzija għandha tappoġġa l-attivitajiet tan-netwerk ta' analisti tas-sikurezza tal-avjazzjoni, billi pereżempju, tipprovdi assistenza għat-tħejjija u l-organizzazzjoni tal-laqgħat tan-netwerk.

4.   L-Aġenzija għandha tinkludi informazzjoni dwar ir-riżultat tal-analiżi ta' informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fir-reviżjoni annwali dwar is-sikurezza msemmija fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

Artikolu 15

Kunfidenzjalità u użu adatt tal-informazzjoni

1.   L-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, u l-Aġenzija għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kunfidenzjalità adatta tad-dettalji tal-okkorrenzi li dawn irċevew skont l-Artikoli 4, 5 u 10.

Kull Stat Membru, kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru, jew l-Aġenzija għandhom jipproċessaw id-data personali biss sal-punt meħtieġ għall-fini ta' dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għall-atti legali nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-informazzjoni dwar is-sikurezza fl-Artikoli 12, 14 u 15 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010, l-informazzjoni li tkun ġejja mir-rapporti tal-okkorrenzi għandha tintuża biss għall-fini li għaliha tkun inġabret.

L-Istati Membri, l-Aġenzija u l-organizzazzjonijiet ma għandhomx jagħmlu disponibbli jew jużaw l-informazzjoni dwar l-okkorrenzi:

(a)

sabiex jattribwixxu ħtija jew ta' responsabbiltà, jew

(b)

għal kwalunkwe fini ieħor minbarra l-manutenzjoni jew it-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, fit-twettiq tal-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 14 fir-rigward tal-informazzjoni li tinsab fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew, għandhom:

(a)

jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, u

(b)

jillimitaw l-użu tal-informazzjoni għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom relatati mas-sikurezza mingħajr ma jagħtu t-tort jew ir-responsabbiltà; f'dak ir-rigward, l-informazzjoni għandha b'mod partikolari tintuża għall-ġestjoni tar-riskji u għall-analiżi tax-xejriet tas-sikurezza li jistgħu jwasslu għal rakkomandazzjonijiet jew azzjonijiet relatati mas-sikurezza, li jindirizzaw nuqqasijiet attwali jew potenzjali tas-sikurezza.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom imsemmija fl-Artikolu 6(3) u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jikkooperaw ma' xulxin permezz ta' arranġamenti amministrattivi stabbiliti minn qabel Dawn l-arranġamenti amministrattivi stabbiliti minn qabel għandhom ifittxu li jiżguraw il-bilanċ ġust bejn il-bżonn ta' amministrazzjoni xierqa ta' ġustizzja, min naħa l-waħda, u d-disponibbiltà kontinwa u neċessarja ta' informazzjoni dwar is-sikurezza, min naħa l-oħra.

Artikolu 16

Protezzjoni tas-sors ta' informazzjoni

1.   Għall-fini ta' dan l-Artikolu, “dettalji personali” tinkludi b'mod partikolari ismijiet jew indirizzi ta' persuni fiżiċi.

2.   Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru għandha tiżgura li d-dettalji personali kollha jkunu disponibbli lill-ħaddiema ta' dik l-organizzazzjoni barra mill-persuni maħtura f'konformità mal-Artikolu 6(1) biss fejn ikun assolutament meħtieġ sabiex jiġu investigati l-okkorrenzi bil-għan li tissaħħaħ is-sikurezza tal-avjazzjoni.

L-informazzjoni deidentifikata għandha tiġi disseminata fi ħdan l-organizzazzjoni kif adatt.

3.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ebda dettall personali, ma għandu jiġi rreġistrat fil-bażi tad-data nazzjonali msemmija fl-Artikolu 6(6). Tali informazzjoni deidentifikata għandha tkun disponibbli għall-partijiet rilevanti kollha, pereżempju biex tippermetti li huma jwettqu l-obbligi tagħhom fir-rigward tat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

4.   L-Aġenzija għandha tiżgura li l-ebda dettall personali ma għandu jiġi rreġistrat fil-bażi tad-data tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 6(8). Tali informazzjoni deidentifikata għandha tkun disponibbli għall-partijiet rilevanti kollha, pereżempju biex tippermetti li huma jwettqu l-obbligi tagħhom fir-rigward tat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

5.   L-Istati Membri u l-Aġenzija ma għandhomx jiġu impediti milli jieħdu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex tinżamm jew titjieb is-sikurezza tal-avjazzjoni.

6.   Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali tad-dritt kriminali applikabbli, l-Istati Membri għandhom jibqgħu lura milli jibdew proċedimenti fir-rigward ta' ksur tal-liġi mhux premeditat jew mhux previst u li jindunaw bih biss peress li jkun ġie rrappurtat skont l-Artikoli 4 u 5.

L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu10. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw miżuri biex isaħħu il-protezzjoni ta' min jagħmel ir-rapport jew persuni msemmija f'rapporti dwar okkorrenza. l-Istati Membri jistgħu japplikaw din ir-regola b'mod partikolari mingħajr l-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 10.

7.   Jekk jinbdew proċedimenti dixxiplinari jew amministrattivi skont il-liġi nazzjonali, l-informazzjoni li tinsab fir-rapporti dwar l-okkorrenzi ma għandhiex tintuża kontra:

(a)

il-persuni li jkunu rrappurtaw l-okkorrenza, jew

(b)

il-persuni msemmija fir-rapporti dwar l-okkorrenza.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 10.

L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw miżuri biex isaħħu l-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw jew persuni li huma msemmija f'rapporti dwar okkorrenza, l-Istati Membri jistgħu jestendu b'mod partikolari dik il-protezzjoni għal proċedimenti ċivili jew kriminali.

8.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet leġislattivi li jiżguraw livell ogħla ta' protezzjoni għal min jagħmel ir-rapport jew il-persuni msemmijin f'rapporti dwar okkorrenza minn dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament.

9.   Ħlief fejn japplika l-paragrafu 10, l-impjegati u l-persunal ikkuntrattatli jirrappurtaw jew huma msemmija f'rapporti dwar okkorrenzi miġbura f'konformità mal-Artikoli 4 u 5 ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda preġudizzju minn min jimpjegahom jew mill-organizzazzjoni li jingħataw servizzi lilha abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-persuna li qed tirrapporta l-okkorrenza.

10.   Il-protezzjoni taħt il-paragrafi 6, 7 u 9 ta' dan l-Artikolu ma għandhom japplikaw għall-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

f'każijiet ta' imġiba ħażina intenzjonata;

(b)

fejn kien hemm indifferenza evidenti, gravi u serja ta' riskju ovvju u nuqqas profond tar-responsabbiltà professjonali li tingħata l-attenzjoni li tkun evidentement meħtieġa fiċ-ċirkostanzi, li tikkawża dannu prevedibbli lil persuna jew lil proprjetà, jew li tikkomprometti serjament il-livell tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

11.   Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru għandha, wara konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħha, tadotta regoli interni li jiddeskrivu kif il-prinċipji ta' “kultura ġusta”, b'mod partikolari l-prinċipju msemmi fil-paragrafu 9, huma garantiti u implimentati f'dik l-organizzazzjoni.

Il-korp maħtur skont il-paragrafu 12 jista' jitlob li jirrieżamina r-regoli interni tal-organizzazzjonijiet stabbiliti fl-Istat Membru tiegħu qabel ma dawk ir-regoli interni jiġu implimentati.

12.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korp responsabbli għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 6, 9 u 11.

L-impjegati u l-persunal ikkuntrattat jistgħu jirrappurtaw lil dak il-korp il-ksur allegat tar-regoli stabbiliti b'dan l-Artikolu. L-impjegati u l-persunal ikkuntrattat ma għandhomx ikunu penalizzati għar-rappurtar ta' ksur allegat. L-impjegati u l-persunal ikkuntrattat jistgħu jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar tali ksur allegat.

Fejn adatt, il-korp maħtur għandu jagħti pariri lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru tiegħu rigward rimedji jew pieni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 21.

13.   Fil-15 ta' Mejju 2019 u kull ħames snin min hemm 'il quddiem, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, u b'mod partikolari dwar l-attivitajiet tal-korp maħtur skont il-paragrafu 12. Dak ir-rapport ma jista' jkun fih l-ebda data ta' natura personali.

Artikolu 17

Aġġornament tal-Annessi

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 18 sabiex:

(a)

taġġorna l-lista ta' oqsma ta' data obbligatorji fir-rapporti dwar l-okkorrenzi stabbiliti fl-Anness I fejn, fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-bidliet jirriżultaw neċessarji sabiex titjieb is-sikurezza tal-avjazzjoni;

(b)

taġġorna t-talba għall-formula tal-informazzjoni tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew ipprovduta fl-Anness III, biex titqies l-esperjenza miksuba u l-iżviluppi ġodda;

(c)

tallinja kwalunkwe wieħed mill-Annessi mas-software ECCAIRS u t-tassonomija ADREP, kif ukoll ma' atti legali oħra adottati mill-Unjoni u ma' ftehimiet internazzjonali.

Bil-ħsieb tal-aġġornament tal-lista ta' oqsma obbligatorji, l-Aġenzija u n-netwerk ta' analisti tas-sikurezza tal-avjazzjoni msemmi fl-Artikolu 14(2) għandhom jipprovdu l-opinjoni(jiet) xierqa lill-Kummissjoni.

Artikolu 18

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li jiġu adottati l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 7(6) u 17 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta' dewmien identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikoli 7(6) u 17 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data iktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah, simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 7(6) u 17 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn minn notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjonijiet li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 19

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat stabbilit bl-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont is-sinifikat tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 20

Aċċess għal dokumenti u protezzjoni ta' data personali

1.   Bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 10 u 11, li jistabbilixxu regoli iktar stretti ta' aċċess għad-data u għall-informazzjoni miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew, dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-atti legali nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE u f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 21

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Il-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata mill-Istati Membri dwar dawk id-dispożizzjonijiet u kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 22

Emenda tar-Regolament (UE) Nru 996/2010

L-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 huwa mħassar.

Madankollu, dak l-Artikolu għandu jibqa' applikabbli sad-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'konformità mal-Artikolu 24 (3).

Artikolu 23

Tħassir

Id-Direttiva 2003/42/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1321/2007 u r-Regolament (KE) Nru 1330/2007 tħassru. Dawn għandhom jibqgħu applikabbli sad-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'konformità mal-Artikolu 24(3).

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Sas-16 ta' Novembru 2020, il-Kummissjoni għandha tippubblika u tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jkopri b'mod partikolari l-kontribut magħmul minn dan ir-Regolament għat-tnaqqis fin-numru ta' aċċidenti tal-inġenji tal-ajru u l-fatalitajiet relatati. Jekk ikun xieraq u abbażi ta' dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti biex temenda dan ir-Regolament.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika mill-15 ta' Novembru 2015 u mhux qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta' implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 4(5). L-Artikolu 7(2) għandu japplika ladarba l-atti delegati u dawk ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw u jiżviluppaw l-iskema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji msemmija fl-Artikolu 7(6) u (7) jidħlu fis-seħħ.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 198, 10,7.2013, p. 73.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2014.

(3)  Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta' aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35).

(4)  Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(7)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(8)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(9)  Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2003 dwar rapporti ta' okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili (ĠU L 167, 4.7.2003, p. 23).

(10)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 tat-12 ta' Novembru 2007 li jistipula r-regoli ta' implimentazzjoni għall-integrazzjoni ta' tagħrif dwar okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili skambjat skond id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'depożitu ċentrali ta' tagħrif (ĠU L 294, 13.11.2007, p. 3).

(11)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007 tal-24 ta' Settembru 2007 li jistipula r-regoli implimentattivi għat-tqassim lill-partijiet interessati ta' tagħrif dwar l-okkorrenzi tal-avjazzjoni ċivili msemmija fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 295, 14.11.2007, p. 7).

(12)  ĠU C 358, 7.12.2013, p. 19.

(13)  Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).


ANNESS I

LISTA TA' REKWIŻITI APPLIKABBLI GĦALL-ISKEMI TA' RAPPURTAR TAL-OKKORRENZI OBBLIGATORJI U VOLONTARJI

Nota:

L-oqsma ta' data għandhom jiġu kkompletati bl-informazzjoni mitluba. Jekk ma jkunx possibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-Aġenzija li jinkludu dik l-informazzjoni minħabba li ma tkunx ġiet ipprovduta mill-organizzazzjoni jew minn min irrapporta, il-qasam ta' data jista' jiġi kkompletat bil-valur “mhux magħruf”. Madankollu, bil-għan li tiġi trasmessa l-informazzjoni xierqa, l-użu ta' dak il-valur “mhux magħruf” għandu, sa fejn ikun possibbli, jiġi evitat, u r-rapport għandu jiġi, fejn possibbli, ikkompletat bl-informazzjoni aktar tard.

1.   OQSMA TA' DATA OBBLIGATOJI KOMUNI

Meta jdaħħlu, fil-bażijiet tad-data rispettivi tagħhom, informazzjoni dwar kull okkorrenza li ġiet irrappurtata b'mod obbligatorju u, sal-aħjar punt possibbli, kull okkorrenza rrappurtata volontarjament, l-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri u l-Aġenzija jridu jiżguraw li r-rapporti dwar l-okkorrenzi rreġistrati fil-bażijiet tad-data tagħhom jkun fihom mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(1)

Intestatura

Intestatura

(2)

Informazzjoni ta' klassifikazzjoni

Entità Responsabbli

Numru tal-Fajl

Status tal-Okkorrrenza

(3)

Meta

Data UTC

(4)

Fejn

Stat/ Żona tal-Okkorrenza

Post tal-Okkorrenza

(5)

Klassifikazzjoni

Klassi tal-Okkorrenza

Kategorija tal-Okkorrenza

(6)

Deskrizzjoni

Lingwa tad-Deskrizzjoni

Deskrizzjoni

(7)

Avvenimenti

Tip ta' Avveniment

(8)

Klassifikazzjoni tar-riskju

2.   OQSMA TA' DATA OBBLIGATORJI SPEĊIFIĊI

2.1.   Oqsma ta' data relatati mal-inġenji tal-ajru

Meta jdaħħlu, fil-bażijiet tad-data rispettivi tagħhom, informazzjoni dwar kull okkorrenza li ġiet irrappurtata b'mod obbligatorju u, sal-aħjar punt possibbli, kull okkorrenza rrappurtata volontarjament, l-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri u l-Aġenzija jridu jiżguraw li r-rapporti dwar l-okkorrenzi rreġistrati fil-bażijiet tad-data tagħhom jkun fihom mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(1)

Identifikazzjoni tal-Inġenju tal-Ajru

Stat tar-Reġistru

Għamla/ Mudell/ Serje

Numru tas-Serje tal-Inġenju tal-Ajru

Reġistrazzjoni tal-Inġenju tal-Ajru

Sinjal tas-sejħa

(2)

Tħaddim tal-Inġenji tal-ajru

Operatur

Tip ta' tħaddim

(3)

Deskrizzjoni tal-Inġenju tal-Ajru

Kategorija tal-Inġenju tal-Ajru

Tip ta' Propulsjoni

Grupp ta' Massa

(4)

Storja tat-Titjira

L-Aħħar Punt ta' Tluq

Destinazzjoni Ppjanata

Fażi tat-Titjira

(5)

Temp

Rilevanti għall-kondizzjonijiet tat-temp

2.2.   Oqsma ta' data relatati mas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru

Meta jdaħħlu, fil-bażijiet tad-data rispettivi tagħhom, informazzjoni dwar kull okkorrenza li ġiet irrappurtata b'mod obbligatorju u, sal-aħjar punt possibbli, kull okkorrenza rrappurtata volontarjament, l-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri u l-Aġenzija jridu jiżguraw li r-rapporti dwar l-okkorrenzi rreġistrati fil-bażijiet tad-data tagħhom jkun fihom mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(1)

Relazzjoni mal-ATM

Kontribut ATM

Servizz milqut (effett fuq is-servizz ATM)

(2)

Isem tal-Unità ATS

2.2.1   Oqsma ta' data relatati mal-Ksur tas-Separazzjoni Minima/Telf tas-Separazzjoni u Ksur tal-Ispazju tal-Ajru

Meta jdaħħlu, fil-bażijiet tad-data rispettivi tagħhom, informazzjoni dwar kull okkorrenza li ġiet irrappurtata b'mod obbligatorju u, sal-aħjar punt possibbli, kull okkorrenza rrappurtata volontarjament, l-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri u l-Aġenzija jridu jiżguraw li r-rapporti dwar l-okkorrenzi rreġistrati fil-bażijiet tad-data tagħhom jkun fihom mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(1)

Spazju tal-ajru

Tip ta' spazju tal-ajru

Klassi ta' spazju tal-ajru

Isem FIR/UIR

2.3.   Oqsma ta' data relatati mal-ajrudrom

Meta jdaħħlu, fil-bażijiet tad-data rispettivi tagħhom, informazzjoni dwar kull okkorrenza li ġiet irrappurtata b'mod obbligatorju u, sal-aħjar punt possibbli, kull okkorrenza rrappurtata volontarjament, l-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri u l-Aġenzija jridu jiżguraw li r-rapporti dwar l-okkorrenzi rreġistrati fil-bażijiet tad-data tagħhom jkun fihom mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(1)

Indikatur tal-Post (Indikatur ICAO tal-ajruport)

(2)

Post fl-ajrudrom

2.4.   Oqsma ta' data relatati mal-ħsara tal-inġenju tal-ajru jew il-korriment ta' persuna

Meta jdaħħlu, fil-bażijiet tad-data rispettivi tagħhom, informazzjoni dwar kull okkorrenza li ġiet irrappurtata b'mod obbligatorju u, sal-aħjar punt possibbli, kull okkorrenza rrappurtata volontarjament, l-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri u l-Aġenzija jridu jiżguraw li r-rapporti dwar l-okkorrenzi rreġistrati fil-bażijiet tad-data tagħhom jkun fihom mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(1)

Severità

L-Akbar Ħsara

Livell ta' Danni

(2)

Korrimenti lil persuni

Numru ta' korrimenti fuq l-art (fatali, serji, minuri)

Numru ta' korrimenti fuq l-inġenju tal-ajru (fatali, serji, minuri)


ANNESS II

PARTIJIET INTERESSATI

(a)

Lista ta' partijiet interessati li jistgħu jirċievu informazzjoni abbażi ta' deċiżjoni skont il-każ skont l-Artikolu 11(4) jew abbażi ta' deċiżjoni ġenerali taħt l-Artikolu 11(6):

1.

Manifatturi: diżinjaturi u manifatturi ta' inġenji tal-ajru, magni, skrejjen u partijiet u apparati tal-inġenji tal-ajru, u l-assoċjazzjonijiet rispettivi tagħhom; diżinjaturi u manifatturi ta' sistemi u kostitwenti għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM); diżinjaturi u manifatturi ta' sistemi u kostitwenti għas-servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru (ANS); diżinjaturi u manifatturi ta' sistemi u tagħmir użati fil-parti tal-ajru tal-ajrudromi

2.

Manutenzjoni: organizzazzjonijiet involuti fil-manutenzjoni jew ir-reviżjoni ta' inġenji tal-ajru, magni, skrejjen u partijiet u apparati tal-inġenji tal-ajru; fl-installazzjoni, il-modifika, il-manutenzjoni, it-tiswija, ir-reviżjoni, il-kontroll tat-titjira jew l-ispezzjoni ta' faċilitajiet għan-navigazzjoni fl-ajru; jew fil-manutenzjoni jew bir-reviżjoni ta' sistemi, kostitwenti u tagħmir tal-parti tal-ajru f'ajrudromi

3.

Operaturi: linji tal-ajru u operaturi ta' inġenji tal-ajru u assoċjazzjonijiet ta' linji tal-ajru u operaturi; operaturi tal-ajrudromi u assoċjazzjonijiet tal-operaturi tal-ajrudromi

4.

Fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni tal-ajru u fornituri ta' funzjonijiet speċifiċi ta' ATM

5.

Fornituri ta' servizz ta' ajrudromi: organizzazzjonijiet inkarigati bis-servizzi ta' groundhandling tal-inġenji tal-ajru, li jinkludu l-għoti tal-fjuwil, it-tħejjija tal-folja tat-tagħbija, it-tagħbija, it-tneħħija tas-silġ u l-ittowjar f'ajrudrom, kif ukoll is-servizzi tas-salvataġġ u tat-tifi tan-nar jew tal-emerġenza

6.

Organizzazzjonijiet ta' taħriġ fl-avjazzjoni

7.

Organizzazzjonijiet f'pajjiżi terzi: awtoritajiet governattivi għall-avjazzjoni u awtoritajiet tal-investigazzjoni tal-inċidenti minn pajjiżi terzi

8.

Organizzazzjonijiet internazzjonali tal-avjazzjoni

9.

Riċerka: laboratorji, ċentri jew entitajiet pubbliċi jew privati; jew universitajiet impenjati fir-riċerka jew l-istudji tas-sikurezza tal-avjazzjoni

(b)

Lista ta' partijiet interessati li jistgħu jirċievu informazzjoni abbażi ta' deċiżjoni skont il-każ skont l-Artikoli 11(4) u (5):

1.

Bdoti (fuq bażi personali)

2.

Kontrolluri tat-traffiku tal-ajru (fuq bażi personali) u persunal ieħor tal-ATM/ANS li jwettqu kompiti relatati mas-sikurezza

3.

Inġiniera/tekniċi/ħaddiema tal-elettronika għas-sikurezza tat-traffiku tal-ajru/maniġers tal-avjazzjoni (jew ajrudrom) (fuq bażi personali)

4.

Korpi rappreżentattivi professjonali tal-ħaddiema li jwettqu kompiti relatati mas-sikurezza


ANNESS III

TALBA GĦAL INFORMAZZJONI MIR-REPOŻITORJU ĊENTRALI EWROPEW

1.

Isem:

Funzjoni/pożizzjoni:

Kumpanija:

Indirizz:

Tel:

Posta elettronika:

Data:

Natura tan-negozju:

Kategorija ta' min jagħmel it-talba (ara l-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili (1)):

2.

Informazzjoni mitluba (jekk jogħġbok kun kemm jista' jkun speċifiku: inkludi d-data/perijodu rilevanti li jinteressak):

 

3.

Raġuni għat-talba:

 

4.

Spjega għalxiex ser tiġi użata l-informazzjoni:

 

5.

Data sa meta l-informazzjoni hija mitluba:

6.

Il-formula mimlija għandha tintbagħat, bil-posta elettronika, lil: (punt ta' kuntatt)

7.

Aċċess għall-informazzjoni

Il-punt ta' kuntatt ma huwa meħtieġ li jipprovdi l-ebda informazzjoni mitluba. Jista' jagħmel dan jekk ikun kunfidenti li t-talba hija kompatibbli mar-Regolament (UE) Nru 376/2014. Min jagħmel it-talba jintrabat, flimkien mal-organizzazzjoni tiegħu, li jillimita l-użu tal-informazzjoni għall-fini li ddeskriva taħt il-punt 4. Ta' min ifakkar ukoll li l-informazzjoni pprovduta abbażi ta' din it-talba saret disponibbli biss għall-finijiet ta' sikurezza fl-ajru kif ipprovdut fir-Regolament (UE) Nru 376/2014 u mhux għal finijiet oħrajn bħal, b'mod partikolari, l-attribuzzjoni ta' ħtija jew ta' responsabbiltà, jew għal finijiet kummerċjali.

Min jagħmel it-talba ma jista' jiżvela lil ħadd l-informazzjoni li ġiet ipprovduta lilu mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-punt ta' kuntatt.

In-nuqqas milli jiġu sodisfatti dawn il-kondizzjonijiet jista' jwassal biex jinċaħad l-aċċess għal aktar informazzjoni mir-Repożitorju Ċentrali Ewropew u, fejn applikabbli, l-impożizzjoni ta' pieni.

8.

Data, post u firma:


(1)  ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18.


24.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/44


REGOLAMENT (UE) Nru 377/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-3 ta' April 2014

li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 189(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) kien inizjattiva ta' monitoraġġ tad-dinja, immexxija mill-Unjoni u mwettqa bi sħab mal-Istati Membri u mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA). L-oriġini tal-GMES tmur lura għal Mejju tal-1998, meta istituzzjonijiet involuti fl-iżvilupp ta' attivitajiet spazjali fl-Ewropa għamlu dikjarazzjoni konġunta magħrufa bħala l-“Manifest ta' Baveno”. Il-Manifest talab impenn fit-tul għall-iżvilupp ta' servizzi ta' monitoraġġ ambjentali bbażati fl-ispazju, permezz tal-użu u aktar żvilupp tal-ħiliet u t-teknoloġiji Ewropej. Fl-2005, l-Unjoni għamlet l-għażla strateġika li flimkien mal-ESA tiżviluppa kapaċità indipendenti Ewropea ta' osservazzjoni tad-dinja biex tipprovdi servizzi fil-qasam ambjentali u dak tas-sigurtà.

(2)

Fuq il-bażi ta' dik l-inizjattiva, ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li stabbilixxa l-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-dinja (GMES) u r-regoli għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet inizjali tiegħu.

(3)

Filwaqt li l-programm stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 għandu jkompli skont il-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (4), l-akronimu “GMES” għandu jinbidel bl-isem “Copernicus” biex jiffaċilita l-komunikazzjoni mal-pubbliku ġenerali. Il-Kummissjoni rreġistrat il-marka kummerċjali biex tkun tista' tintuża mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tiġi lliċenzjata lil utenti interessati oħra, b'mod partikolari lill-fornituri ta' servizzi ewlenin.

(4)

Il-Programm Copernicus (Copernicus) hu bbażat fuq sħubija bejn l-Unjoni, l-ESA u l-Istati Membri. Għalhekk, għandu jibni fuq il-kapaċitajiet eżistenti Ewropej u nazzjonali u għandu jikkomplementahom b'assi ġodda żviluppati flimkien. Biex timplimenta dan l-approċċ, il-Kummissjoni għandha tfittex li żżomm djalogu mal-ESA u l-Istati Membri li huma proprjetarji ta' riżorsi rilevanti tal-ispazju u in situ.

(5)

Sabiex jinkisbu l-objettivi tiegħu, Copernicus għandu jiżgura kapaċità awtonoma tal-Unjoni għall-osservazzjonijiet mill-ispazju u jipprovdi servizzi operazzjonali fil-qasam tal-ambjent, il-protezzjoni ċivili u s-sigurtà ċivili, filwaqt li jiġu rrispettati b'mod sħiħ il-mandati nazzjonali dwar it-twissijiet uffiċjali. Għandu wkoll juża d-data disponibbli pprovduta mill-missjonijiet kontribwenti u in situ l-aktar mill-Istati Membri. Copernicus għandu kemm jista' jkun juża l-kapaċitajiet fil-qasam tal-osservazzjoni u s-servizzi spazjali tal-Istati Membri. Copernicus għandu jagħmel użu wkoll mill-kapaċitajiet tal-inizjattivi kummerċjali fl-Ewropa, u b'hekk jikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp ta' settur spazjali kummerċjali vijabbli fl-Ewropa. Barra minn hekk, għandhom jiġu żviluppati sistemi għall-ottimizzazzjoni tat-trasmissjoni tad-data biex itejbu aktar il-kapaċitajiet b'reazzjoni għaż-żieda fid-domanda mill-utenti għal data qrib il-ħin reali.

(6)

Biex jippromwovu u jiffaċilitaw l-użu tat-teknoloġiji tal-osservazzjoni tad-dinja kemm mill-awtoritajiet lokali kif ukoll mill-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), għandhom jiġu promossi netwerks iddedikati għad-distribuzzjoni tad-data ta' Copernicus, inklużi korpi nazzjonali u reġjonali.

(7)

L-objettiv ta' Copernicus għandu jkun li jipprovdi informazzjoni preċiża u affidabbli fl-qasam tal-ambjent u dak tas-sigurtà, imfassla skont il-bżonnijiet tal-utenti u li jappoġġja politiki oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk rigward is-suq intern, it-trasport, l-ambjent, l-enerġija, il-protezzjoni ċivili u s-sigurtà ċivili, il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u l-għajnuna umanitarja.

(8)

Copernicus għandu jitqies bħala kontribut Ewropew għall-bini tas-Sistema ta' Sistemi Globali ta' Osservazzjoni tad-Dinja (GEOSS) żviluppata fil-qafas tal-Grupp dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja (GEO).

(9)

Copernicus għandu jiġi implimentat b'mod konsistenti ma' strumenti u azzjonijiet rilevanti oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari azzjonijiet ambjentali u tat-tibdil fil-klima, u strumenti fil-qasam tas-sigurtà, il-protezzjoni ta' data personali, il-kompetittività u l-innovazzjoni, il-koeżjoni, ir-riċerka, it-trasport, il-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali, u mas-sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita Ewropej (Galileo u EGNOS). Id-data ta' Copernicus għandha tkun konformi mad-data ta' referenza spazjali tal-Istati Membri kif ukoll mar-regoli tal-implimentazzjoni u l-linji gwida tekniċi tal-infrastruttura għall-informazzjoni spazjali fl-Unjoni li ġiet stabbilita bid-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Copernicus għandu jikkumplementa wkoll is-Sistema Komuni ta' Informazzjoni Ambjentali (SEIS), kif imsemmi fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tal-1 ta' Frar 2008 intitolata: Lejn Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS) u l-attivitajiet tal-Unjoni fil-qasam tar-rispons ta' emerġenza. Copernicus għandu jiġi implimentat ukoll skont l-objettivi tad-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6)dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku, b'mod partikolari t-trasparenza, il-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jinkoraġġixxu l-iżvilupp tas-servizzi, u li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Id-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus għandhom ikunu disponibbli bla ħlas u pubblikament biex jappoġġaw l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, kif imsemmi fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-26 ta' Awwissu 2010 intitolata: Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

(10)

Copernicus huwa programm li għandu jitwassal skont Ewropa 2020 — Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u dak inklużiv (l-istrateġija “Ewropa 2020”). Għandu jkun ta' benefiċċju għal firxa wiesgħa ta' politiki tal-Unjoni u jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, b'mod partikolari billi tiġi żviluppata politika spazjali effettiva li tipprovdi l-istrumenti biex jiġu indirizzati uħud mill-isfidi globali ewlenin u jintlaħqu l-miri dwar it-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà tal-enerġija. Copernicus għandu wkoll jappoġġa l-implimentazzjoni tal-politika spazjali Ewropea u jappoġġa t-tkabbir tas-swieq Ewropej għad-data u s-servizzi bbażati fl-ispazju.

(11)

Copernicus għandu wkoll jibbenefika mir-riżultati pprovduti minn Orizzont 2020, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), b'mod partikolari permezz tal-attivitajiet tiegħu ta' riċerka u innovazzjoni għal teknoloġiji u applikazzjonijiet futuri għall-osservazzjoni tad-dinja permezz ta' telerilevament, teknoloġiji tal-ajru u in situ u data ta' rispons għall-isfidi l-kbar tas-soċjetà. Il-Kummissjoni għandha tiżgura s-sinerġija, it-trasparenza u ċ-ċarezza xierqa dwar l-aspetti differenti ta' Copernicus.

(12)

L-evoluzzjoni tal-Copernicus għandha tkun ibbażata fuq analiżi tal-għażliet biex tissodisfa ħtiġijiet li jevolvu tal-utent, inkluż l-akkwist mill-missjonijiet nazzjonali/pubbliċi u l-fornituri kummerċjali fl-Ewropa, l-ispeċifikazzjoni ta' missjonijiet ġodda ddedikati, il-ftehimiet internazzjonali li jiżguraw l-aċċess għal missjonijiet mhux Ewropej, u s-suq Ewropew tal-osservazzjoni tad-dinja.

(13)

Fl-interess taċ-ċarezza u sabiex jiġi faċilitat il-kontroll tal-ispejjeż, l-ammont massimu allokat mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta' Copernicus għandu jinqasam f'diversi kategoriji. Madankollu, fl-interess tal-flessibbiltà u biex jiġi żgurat li Copernicus jiffunzjona bla xkiel, il-Kummissjoni għandha tkun tista' terġa' talloka l-fondi minn kategorija għal oħra.

(14)

Il-provvista ta' servizzi operazzjonali tiddependi mill-funzjonament tajjeb, id-disponibbiltà kontinwa u s-sikurezza tal-komponent spazjali ta' Copernicus. Ir-riskju dejjem jiżdied ta' kolliżjoni ma' satelliti oħra u tifrik spazjali huma theddida serja għall-komponent spazjali ta' Copernicus. Għalhekk, l-attivitajiet ta' Copernicus għandhom jinkludu l-protezzjoni tal-komponent spazjali ta' Copernicus u l-operazzjonijiet tiegħu, inkluż waqt it-tlugħ ta' satelliti. F'dan ir-rigward, kontribuzzjoni proporzjonali għall-ispejjeż ta' servizzi li jkunu kapaċi jipprovdu tali protezzjoni tista' tiġi ffinanzjata mill-baġit allokat għal Copernicus sa fejn ikun possibbli filwaqt li tiġi segwita ġestjoni rigoruża tal-ispejjeż u f'konformità sħiħa mal-ammont massimu ta' EUR 26,5 miljun fi prezzijiet attwali stabbilit f'dan ir-Regolament. Tali kontribuzzjoni għandha tintuża biss għall-provvista ta' data u servizzi u mhux għax-xiri ta' infrastruttura.

(15)

Bil-ħsieb li titjieb l-implimentazzjoni ta' Copernicus u l-ippjanar fit-tul tiegħu, il-Kummissjoni għandha tadotta programm ta' ħidma annwali, inkluż pjan ta' implimentazzjoni tal-azzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ta' Copernicus. Dak il-pjan ta' implimentazzjoni għandu jkun progressiv u għandu jiddeskrivi l-azzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' Copernicus filwaqt li jqis il-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-utenti u l-iżviluppi teknoloġiċi.

(16)

L-implimentazzjoni tal-komponent ta' servizzi ta' Copernicus għandha tiġi bbażata fuq speċifikazzjonijiet tekniċi minħabba l-kumplessità u r-riżorsi allokati lil Copernicus. Dan għandu jiffaċilita wkoll l-adozzjoni pubblika tas-servizzi minħabba li l-utenti jkunu jistgħu jantiċipaw id-disponibbiltà u l-evoluzzjoni tas-servizzi kif ukoll il-kooperazzjoni ma' Stati Membri u partijiet oħra. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tadotta u taġġorna, kif meħtieġ, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għas-servizzi kollha ta' Copernicus billi tindirizza aspetti bħall-ambitu, l-arkitettura, il-portafolli ta' servizzi tekniċi, tqassim indikattiv tal-ispejjeż u l-ippjanar, il-livelli ta' prestazzjoni, il-ħtiġijiet ta' aċċess għal data spazjali u dik in situ, l-evoluzzjoni, l-istandards, l-arkivjar u d-disseminazzjoni ta' data.

(17)

L-implimentazzjoni tal-komponent spazjali ta' Copernicus għandha tiġi bbażata fuq speċifikazzjonijiet tekniċi minħabba l-kumplessità u r-riżorsi allokati lil Copernicus. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tadotta u taġġorna, kif meħtieġ, speċifikazzjonijiet li jagħtu dettalji dwar l-attivitajiet li għandhom jiġu appoġġati taħt il-komponent spazjali ta' Copernicus u t-tqassim indikattiv tal-ispejjeż u l-ippjanar. Peress li Copernicus għandu jinbena fuq investimenti magħmula mill-Unjoni, l-ESA u l-Istati Membri fil-kuntest tal-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà, l-attivitajiet taħt il-komponent spazjali ta' Copernicus għandhom jieħdu kont, fejn adatt, tal-elementi tax-Xenarju Fit-Tul tal-ESA li huwa dokument ippreparat u aġġornat mill-ESA, li jistabbilixxi qafas ġenerali għall-komponent spazjali ta' Copernicus.

(18)

Copernicus għandu jkun indirizzat għall-utent, u għalhekk jinħtieġ l-involviment kontinwu u effettiv tal-utenti, b'mod partikolari rigward id-definizzjoni u l-validazzjoni ta' rekwiżiti tas-servizz.

(19)

Id-dimensjoni internazzjonali ta' Copernicus hija ta' rilevanza partikolari fl-iskambju tad-data u l-informazzjoni, flimkien mal-aċċess għall-infrastruttura ta' osservazzjoni. Tali sistema ta' skambju hija aktar kosteffiċjenti minn skemi ta' xiri ta' data u ssaħħaħ id-dimensjoni globali ta' Copernicus.

(20)

Il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u l-Ftehimiet Qafas mal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali jipprovdu għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali għandha ssir possibbli billi jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali għal dan il-għan.

(21)

L-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu liberi li jikkontribwixxu għall-programmi fuq il-bażi ta' ftehimiet adattati.

(22)

Il-Kummissjoni għandu jkollha r-responsabbiltà globali għal Copernicus. Hija għandha tiddefinixxi l-prijoritajiet u tiżgura l-koordinazzjoni u s-sorveljanza globali ta' Copernicus. Dak għandu jinkludi wkoll sforzi speċjali li jwasslu għal kuxjenza pubblika akbar dwar l-importanza tal-programmi spazjali għaċ-ċittadini Ewropej. Għandha tforni fil-ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha x'taqsam ma' Copernicus.

(23)

Għall-implimentazzjoni ta' Copernicus, il-Kummissjoni għandha tistrieħ, fejn ikun adatt, fuq organizzazzjonijiet intergovernattivi Ewropej li tkun diġà stabbilixxiet sħubijiet magħhom, b'mod partikolari l-ESA għall-koordinazzjoni teknika tal-komponent spazjali ta' Copernicus, id-definizzjoni tal-arkitettura tiegħu, l-iżvilupp u l-akkwist ta' riżorsi spazjali, l-aċċess għad-data u l-operazzjoni ta' missjonijiet iddedikati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tistrieħ ukoll fuq l-Organizzazzjoni Ewropea għall-Esplojtazzjoni ta' Satelliti Meteoroloġiċi (EUMETSAT) għall-operazzjoni ta' missjonijiet iddedikati skont il-kompetenza esperta u l-mandat tagħha.

(24)

B'kunsiderazzjoni tad-dimensjoni ta' sħubija ta' Copernicus u sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kompetenza teknika, l-implimentazzjoni ta' Copernicus għandha tiġi ddelegata lil entitajiet b'kapaċità teknika u professjonali xierqa. Dawn l-entitajiet għandhom jiġu inkoraġġuti biex jiftħu l-eżekuzzjoni ta' dawk il-kompiti għall-kompetizzjoni sa livell adegwat, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (ir-“Regolament Finanzjarju”).

(25)

Copernicus għandu jinkludi komponent ta' servizz li jiżgura l-għoti ta' informazzjoni dwar monitoraġġ tal-atmosfera, monitoraġġ tal-ambjent tal-baħar, monitoraġġ tal-art, it-tibdil fil-klima, ġestjoni tal-emerġenzi u sigurtà. B'mod partikolari, Copernicus għandu jagħti informazzjoni dwar l-istat tal-atmosfera inkluż fuq skala lokali, nazzjonali, Ewropea u globali; informazzjoni dwar l-istat tal-oċeani, inkluż bit-twaqqif ta' grupp iddedikat Ewropew għall-monitoraġġ tal-baħar; informazzjoni b'appoġġ tal-monitoraġġ tal-art li jappoġġa l-implimentazzjoni ta' politiki lokali, nazzjonali u Ewropej; informazzjoni b'appoġġ għall-adattament u l-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima; informazzjoni ġeospazjali b'appoġġ għall-ġestjoni ta' emerġenzi, inkluż b'attivitajiet ta' prevenzjoni u sigurtà ċivili inkluż appoġġ għall-azzjoni esterna tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tidentifika arranġamenti kuntrattwali xierqa favur is-sostenibbiltà tal-forniment ta' servizz.

(26)

Fl-implimentazzjoni tal-komponent tas-servizz ta' Copernicus, il-Kummissjoni tista' tistrieħ, fejn ikun debitament ġustifikat min-natura speċjali tal-azzjoni u l-għarfien speċifiku, fuq entitajiet kompetenti, bħall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u ċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN), iċ-Ċentru Ewropew għat-Tbassir tat-Temp għal Medda Medja (ECMWF), aġenziji oħra rilevanti Ewropej, gruppi jew konsorzji ta' korpi nazzjonali, jew kwalunkwe korp rilevanti potenzjalment eliġibbli għal delega f'konformità mar-Regolament Finanzjarju. L-għażla tal-entità għandha tieħu kont dovut tal-kosteffiċjenza li tafdalhom dawk il-kompiti u l-impatt fuq l-istruttura ta' governanza tal-entità u fuq ir-riżorsi finanzjarji u dawk umani tagħha.

(27)

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni kien involut attivament fl-inizjattiva tal-GMES u fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-bidu tal-GMES stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 911/2010. Għall-implimentazzjoni ta' Copernicus, il-Kummissjoni għandha tkompli tistrieħ fuq l-appoġġ xjentifiku u tekniku tal-JRC.

(28)

L-akkwist pubbliku tal-entitajiet fdati bl-implimentazzjoni ta' Copernicus għandu jkun kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni jew standards internazzjonali ekwivalenti, sakemm jippermettu d-dispożizzjonijiet dwar kuntratti pubbliċi fir-Regolament Finanzjarju. L-aġġustamenti speċifiċi meħtieġa għal dawn ir-regoli, kif ukoll l-arranġamenti għat-tiġdid tal-kuntratti eżistenti, għandhom ikunu ddefiniti fil-ftehimiet ta' delega korrispondenti. L-akkwist pubbliku għandu jkollu l-għan, l-ewwel u qabel kollox, li jikseb l-aħjar valur għall-prezz imħallas, jikkontrolla l-ispejjeż, itaffi r-riskji, itejjeb l-effiċjenza u jnaqqas id-dipendenza minn fornitur wieħed. Għandha tiġi żgurata politika ta' aċċess miftuħ u kompetizzjoni ġusta fil-katina sħiħa tal-provvista, u l-offerta ta' opportunitajiet ekwilibrati ta' parteċipazzjoni tal-industrija fil-livelli kollha ta' attività u inklużi b'mod partikolari l-SMEs. Għandha tiġi evitata l-possibbiltà ta' abbuż ta' dominanza u ta' dipendenza fit-tul fuq fornitur wieħed. Sabiex jitnaqqsu r-riskji tal-programmi, tiġi evitata d-dependenza fuq fornitur wieħed u sabiex jiġi assigurat il-kontroll ġenerali aħjar ta' Copernicus, tal-ispejjeż u ta' kalendarju għandha tiġi segwita, fejn xieraq, il-politika ta' diversi fornituri. Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-industrija Ewropea għandu jkun preservat u promoss fl-oqsma kollha relatati mal-osservazzjoni tad-dinja skont il-ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-Unjoni tagħmel Parti.

(29)

Ir-riskju ta' prestazzjoni fqira tal-kuntratt jew ta' nonprestazzjoni għandu jittaffa kemm jista' jkun. Għal dik il-fini, il-kuntratturi għandhom juru s-sostenibbiltà tal-prestazzjoni kontrattwali tagħhom fir-rigward tal-impenji meħuda u t-tul tal-kuntratt. Għalhekk, l-awtoritajiet kontraenti għandhom, fejn xieraq, jispeċifikaw rekwiżiti relatati mal-affidabbiltà tal-provvisti u l-forniment ta' servizzi. Barra minn hekk, fil-każ ta' xirjiet ta' oġġetti u servizzi ta' natura sensittiva, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jissoġġettaw tali xirjiet għal rekwiżiti speċifiċi, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sigurtà tal-informazzjoni. L-industriji tal-Unjoni għandhom ikollhom permess jirrikorru għal sorsi barra l-Unjoni għal ċerti komponenti u servizzi f'każ ta' vantaġġi sostanzjali ppruvati f'termini ta' kwalità u spejjeż, waqt li jitqiesu, madankollu, in-natura strateġika ta' Copernicus u r-rekwiżiti tal-Unjoni ta' sigurtà u ta' kontroll tal-esportazzjoni. Għandu jittieħed vantaġġ mill-investiment tas-settur pubbliku u mill-esperjenza u l-kompetenza industrijali, waqt li jiġi assigurat li ma jkunx hemm ksur tar-regoli dwar proċeduri ta' sejħiet għall-offerti kompetittivi.

(30)

Sabiex tigi vvalutata aħjar l-ispiża totali ta' prodott, servizz jew xogħol li għalih qed issir sejħa għall-offerti, inkluża l-ispiża operazzjonali tiegħu fit-tul, l-ispiża totali fuq iċ-ċiklu tal-ħajja utli tal-prodott, servizz jew xogħol li għalih qed issir sejħa għall-offerti għandha titqies kull meta xieraq matul l-akkwist, billi jintuża approċċ tal-effikaċja meta mqabbla mal-ispejjeż bħall-kalkolu tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja fi proċedura ta' akkwist għall-għoti ta' kuntratt abbażi tal-kriterju tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża. Għal dan il-għan, l-awtorità kontraenti għandha tiżgura li l-metodoloġija maħsuba biex tgħodd l-ispejjeż għaċ-ċiklu tal-ħajja utli ta' prodott, servizz jew xogħol tissemma espressament fid-dokumenti tal-kuntratt jew l-avviż tal-kuntratt u li hija tippermetti l-verifika tal-preċiżjoni tal-informazzjoni fornita mill-offerenti.

(31)

L-awtorità kontraenti għandha tkun tista' ġġib lura kundizzjonijiet uniformi meta kumpannija waħda jew iktar minn waħda jkollhom, qabel sejħa għall-offerti, informazzjoni privileġġata dwar l-attivitajiet marbuta mas-sejħa għall-offerti. Għandu jkun possibbli li jingħata kuntratt fl-għamla ta' kuntratt kondizzjonali ta' pagament f'fażijiet, tiddaħħal emenda, taħt ċerti kondizzjonijiet, fil-kuntest tal-prestazzjoni tiegħu, jew anke jkun impost livell minimu ta' subkuntrattar. Fl-aħħar nett, minħabba l-inċertezzi teknoloġiċi li huma karatteristika ta' Copernicus, il-prezzijiet tal-kuntratti ma jistgħux jitbassru dejjem preċiż u għalhekk ikun tajjeb li jiġu konklużi kuntratti f'għamla speċifika li ma tistipulax prezz fiss u tinkludi klawsoli li jħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(32)

Biex Copernicus jinżamm fl-ogħla ammont tiegħu billi jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji tekniċi u tal-iskeda u l-ispejjeż marbuta magħhom u tkun aċċertata l-affidabbiltà kontinwa tal-provvista, Copernicus għandu jagħmel l-akbar użu mill-investimenti finanzjarji u infrastrutturali minn qabel tas-settur pubbliku kif ukoll mill-esperjenza u l-kompetenza industrijali miksuba b'investimenti bħal dawn fil-GMES. Dan għandu jgħodd b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-komponenti rikorrenti tas-segmenti spazjali u terrestri żviluppati mill-ESA u l-Istati Parteċipanti tagħha fil-kuntest tal-programm fakultattiv tal-Komponent Spazjali tal-GMES bil-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Fil-każ ta' dan tal-aħħar l-awtorità kontraenti għandha tikkunsidra li tuża l-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt jew l-ekwivalenti.

(33)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' Copernicus fuq bażi sostenibbli, huwa meħtieġ li jiġu kkoordinati l-attivitajiet tad-diversi sħab involuti f'Copernicus, u li tiġi żviluppata, stabbilita u operata kapaċità ta' servizz u osservazzjoni li tissodisfa d-domandi tal-utenti. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat (il-Kumitat Copernicus) fl-iżgurar tal-koordinazzjoni tal-kontributi lil Copernicus mill-Unjoni, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi kif ukoll tal-koordinazzjoni mas-settur privat, billi jagħmel l-aħjar użu tal-kapaċitajiet eżistenti u jidentifika lakuni li għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni. Huwa għandu jgħin ukoll lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni koerenti ta' Copernicus. Billi t-tmexxija pubblika tajba tirrikjedi ġestjoni uniformi ta' Copernicus, teħid iktar rapidu tad-deċiżjonijiet u aċċess ugwali għall-informazzjoni, ir-rappreżentanti tal-entitajiet inkarigati b'kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem bħala osservaturi fix-xogħol tal-Kumitat Copernicus. Għall-istess raġunijiet, ir-rappreżentanti tal-pajjiżi terzi u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li kkonkludew ftehim internazzjonali mal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-ħidma tal-Kumitat Copernicus, soġġett għall-obbligi ta' sigurtà u kif previst fit-termini ta' tali ftehim. Dawk ir-rappreżentanti m'għandhomx ikunu intitolati li jieħdu sehem fil-proċeduri ta' votazzjoni tal-Kumitat Copernicus.

(34)

Il-ħidma tal-entitajiet li l-Kummissjoni tkun iddelegatilhom kompiti ta' implimentazzjoni għandha titkejjel u titqabbel ma' indikaturi tal-prestazzjoni. Dan għandu jipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill indikazzjoni tal-progress tal-operazzjonijiet Copernicus u l-implimentazzjoni ta' Copernicus.

(35)

Ir-Regolament Iddelegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1159/2013 (9) stabbilixxa l-kondizzjonijiet tar-reġistrazzjoni u l-għoti ta' liċenzji għal min juża l-GMES u ddefinixxa l-kriterji għar-restrizzjoni tal-aċċess għad-data ddedikata tal-GMES u l-informazzjoni tas-servizz tal-GMES.

(36)

Id-data u l-informazzjoni prodotti fil-qafas ta' Copernicus għandhom ikunu disponibbli fuq bażi sħiħa, miftuħa u mingħajr ħlas soġġett għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet xierqa, sabiex jippromwovu l-użu u l-kondiviżjoni tagħhom, u sabiex jissaħħu s-swieq Ewropej tal-osservazzjoni tad-dinja, b'mod partikolari s-settur downstream, biex b'hekk jippermettu t-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi.

(37)

Il-Kummissjoni għandha taħdem mal-fornituri tad-data biex jaqblu dwar il-kondizzjonijiet tal-liċenzja għad-data ta' partijiet terzi biex jiġi ffaċilitat l-użu ta' din f'Copernicus, f'konformità ma' dan ir-Regolament u d-drittijiet applikabbli tal-partijiet terzi.

(38)

Għandhom jiġu kkunsidrati d-drittijiet ta' aċċess għad-data Sentinel ta' Copernicus mogħtija taħt il-Programm tal-Komponent Spazjali tal-GMES kif approvat mill-Bord tal-Programm tal-ESA dwar l-Osservazzjoni tad-Dinja fl-24 ta' Settembru 2013.

(39)

Minħabba li Copernicus huwa programm ta' natura ċivili taħt kontroll ċivili, għandha tingħata prijorità lill-kisba ta' data u l-produzzjoni ta' informazzjoni, inkluż immaġini b'riżoluzzjoni għolja, li ma jikkostitwixxux riskju jew theddida għas-sigurtà tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha. Madankollu, minħabba li xi data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus jistgħu jeħtieġu protezzjoni, biex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni sigura ta' tali informazzjoni, fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-parteċipanti kollha f'Copernicus għandhom jiżguraw livell ta' protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE ekwivalenti għal dik prevista mir-regoli dwar is-sigurtà kif stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (10) u mir-regoli ta' sigurtà tal-Kunsill stabbiliti fl-Annessi għad-Deċiżjoni 2013/488/UE (11).

(40)

Minħabba li xi data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus, inklużi immaġnijiet b'riżoluzzjoni għolja, jista' jkollhom impatt fuq is-sigurtà tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, f'każijiet debitament ġustifikati, il-Kunsill għandu jkollu s-setgħa li jadotta l-miżuri sabiex jittratta r-riskji u t-theddid għas-sigurtà tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(41)

L-Unjoni għandha tkun il-proprjetarju tal-assi kollha tanġibbli u intanġibbli li jinħolqu jew jiġu żviluppati permezz ta' Copernicus. Biex tikkonforma għal kollox mad-drittijiet fundamentali marbuta mas-sjieda, għandhom isiru l-arranġamenti meħtieġa mal-proprjetarji eżistenti. Għandu jinftiehem li d-dispożizzjonijiet dwar is-sjieda ta' assi intanġibbli stipulati f' dan ir-Regolament ma jkoprux drittijiet intanġibbli li mhumiex trasferibbli skont liġijiet nazzjonali rilevanti. Tali sjieda mill-Unjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Unjoni, skont dan ir-Regolament u fejn jitqies adatt abbażi ta' valutazzjoni każ b'każ, tagħmel dawk l-assi disponibbli għal partijiet terzi jew tiddisponi minnhom. B'mod partikolari, l-Unjoni għandha tkun tista' tittrasferixxi s-sjieda tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali li jirriżultaw minn xogħol taħt Copernicus, jew toħroġ liċenzja għalihom, fl-interess ta' teħid qawwi ta' servizzi ta' Copernicus minn utenti downstream.

(42)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu kollu tan-nefqa, inklużi l-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, dawk imħallsa ħażin jew użati ħażin u, fejn adattat, penali amministrattivi u dawk finanzjarji f'konformità mar-Regolament Finanzjarju.

(43)

Peress li Copernicus huwa programm kumpless, il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn esperti indipendenti minn kostitwenza wiesgħa ta' partijiet interessati, inkluż b'mod partikolari esperti dwar kwistjonijiet ta' sigurtà nnominati mill-Istati Membri, rappreżentanti ta' entitajiet nazzjonali rilevanti responsabbli għall-ispazju u utenti ta' Copernicus, biex jipprovdulha l-kompetenza esperta teknika u xjentifika meħtieġa, kif ukoll perspettivi interdixxiplinarji u transettorjali, waqt li jitqiesu l-inizjattivi eżistenti rilevanti fuq il-livelli tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali.

(44)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament rigward l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma annwali, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-komponenti tas-servizzi u tal-ispazju, aspetti ta' sigurtà u l-miżuri għall-promozzjoni tal-konverġenza tal-Istati Membri fl-użu ta' data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus u l-aċċess tagħhom għat-teknoloġija u l-iżvilupp fl-osservazzjoni tad-dinja, għandhom jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(45)

Peress li Copernicus għandu jkun indirizzat għall-utent, jeħtieġ l-involviment kontinwu u effettiv tal-utenti, b'mod partikolari rigward id-definizzjoni u l-validazzjoni ta' rekwiżiti tas-servizz. Sabiex jiżdied il-valur tal-utenti, il-kontribut tagħhom għandu jitfittex attivament permezz ta' konsultazzjoni regolari mal-utenti finali mis-setturi pubbliċi u privati. Għal dak il-għan, għandu jitwaqqaf grupp ta' ħidma (il-“Forum tal-Utenti”) biex jassisti lill-Kumitat Copernicus fl-identifikazzjoni tal-ħtiġjiet tal-utenti, il-verifika tal-konformità tas-servizz u l-koordinament tal-utenti tas-settur pubbliku.

(46)

Għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tar-rekwiżiti tad-data meħtieġa għall-evoluzzjoni tas-servizzi operattivi, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri dwar l-aċċess, ir-reġistrazzjoni u l-użu tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus, il-kriterji tekniċi speċifiċi meħtieġa biex ma jkunx hemm disturbi fid-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus u l-kriterji għar-restrizzjoni tal-ksib jew id-disseminazzjoni ta' data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus minħabba drittijiet konfliġġenti. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fuq livell espert. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f'waqtha u adattata tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(47)

L-azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament għandhom jiġu mmonitorjati u evalwati sabiex ikunu jistgħu jippermettu aġġustamenti mill-ġdid u evoluzzjonijiet ġodda. B'mod partikolari, l-evalwazzjoni għandha tivvaluta l-effetti tal-politika tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus fuq il-partijiet interessati, l-utenti downstream, l-influwenza fuq in-negozju kif ukoll fuq l-investimenti nazzjonali u privati fl-infrastrutturi ta' osservazzjoni tad-dinja. L-evalwazzjoni għandha tindirizza wkoll l-involviment possibbli futur tal-aġenziji rilevanti Ewropej, bħall-Aġenzija tal-GNSS Ewropea. Biex jinkisbu l-aħjar riżultati u ssir kapitalizzazzjoni tal-għarfien u l-kompetenza esperta miksuba waqt il-fażijiet tal-implimentazzjoni ta' Copernicus, għandhom jiġu studjati mudelli organizzattivi ġodda għall-ippjanar futur, li jiżgura impenn ekonomiku fit-tul.

(48)

Peress li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri t-twaqqif ta' Copernicus, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li jinkludi wkoll il-kapaċità pan-Ewropea u jiddependi fuq l-għoti koordinat ta' servizzi fl-Istati Membri kollha li għandu jiġi kkoordinat fil-livell tal-Unjoni, iżda minħabba l-iskala tal-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(49)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta'referenza primarja, fit-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (13), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(50)

Huwa xieraq li l-perijodu ta' finanzjament ta' dan ir-Regolament jiġi allinjat ma' dak stipulat fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

(51)

Għalhekk huwa meħtieġ ukoll li r-Regolament (UE) Nru 911/2010 jitħassar sabiex jiġi stabbilit qafas adattat għall-governanza u l-finanzjament u sabiex jiġi żgurat Copernicus kompletament operattiv. Kwalunkwe miżura adottata abbażi tar-Regolament (UE) Nru 911/2010 għandha tibqa' valida sabiex tiżgura l-kontinwità tagħha,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINANZJARJI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi il-Copernicus, il-programm tal-Unjoni ta' osservazzjoni u monitoraġġ tad-dinja (“Copernicus”) u jistabilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tiegħu.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Copernicus huwa programm ta' natura ċivili immexxi mill-utenti taħt kontroll ċivili, li jibni fuq kapaċitajiet eżistenti nazzjonali u dawk Ewropej, filwaqt li jiżgura kontinwità mal-attivitajiet miksuba taħt il-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà.

2.   Copernicus jikkonsisti mill-komponenti li ġejjin:

(a)

komponent ta' servizzi li jiżgura l-provvista ta' informazzjoni fl-oqsma li ġejjin: il-monitoraġġ tal-atmosfera, il-monitoraġġ tal-ambjent tal-baħar, il-monitoraġġ tal-art, it-tibdil fil-klima, il-ġestjoni ta' emerġenzi, u s-sigurtà;

(b)

komponent spazjali li jiżgura osservazzjonijiet sostenibbli mill-ispazju għall-oqsma ta' servizz imsemmija fil-punt (a);

(c)

komponent in situ li jiżgura aċċess ikkoordinat għal osservazzjonijiet permezz ta' installazzjonijiet tal-ajru, tal-baħar u dawk tal-art għall-oqsma ta' servizz imsemmija fil-punt (a).

3.   Għandhom jiġu stabbiliti rabtiet u interfaċċi adattati bejn il-komponenti msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“missjonijiet dedikati” tfisser il-missjonijiet ta' osservazzjoni tad-dinja mill-ispazju għall-użu u mħaddma f'Copernicus, b'mod partikolari l-missjonijiet Sentinel;

(2)

“missjonijiet kontribwenti” tfisser il-missjonijiet ta' osservazzjoni tad-dinja mill-ispazju li jipprovdu data lil Copernicus li tikkumplementa data pprovduta mill-missjonijiet dedikati;

(3)

“data ta' missjonijiet dedikati” tfisser data ta' osservazzjoni tad-dinja mill-ispazju minn missjonijiet dedikati għall-użu f'Copernicus;

(4)

“data ta' missjonijiet kontribwenti” tfisser data ta' osservazzjoni tad-dinja mill-ispazju minn missjonijiet kontribwenti li ġiet illiċenzjati jew prevista għall-użu f'Copernicus;

(5)

“data in situ” tfisser data ta' osservazzjoni minn sensuri fuq l-art, fil-baħar jew fl-arja flimkien ma' data ta' referenza jew anċillari li nħarġitilha liċenzja jew prevista għall-użu f'Copernicus;

(6)

“data u informazzjoni ta' parti terza” tfisser data u informazzjoni li nħolqot barra l-ambitu ta' Copernicus u li jinħtieġu għall-implimentazzjoni tal-objettivi tiegħu;

(7)

“data ta' Copernicus” tfisser data ta' missjonijiet dedikati, data ta' missjonijiet kontribwenti u data in situ;

(8)

“informazzjoni ta' Copernicus” tfisser informazzjoni mis-servizzi ta' Copernicus imsemmija fl-Artikolu 5(1) wara l-ipproċessar jew l-immudellar tad-data ta' Copernicus;

(9)

“Utenti ta' Copernicus” tfisser:

(a)

utenti ewlenin ta' Copernicus: Istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni, awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali jew lokali fdati bid-definizzjoni, l-implimentazzjoni, l-infurzar jew il-monitoraġġ ta' servizz pubbliku jew politika fl-oqsma msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2);

(b)

utenti ta' riċerka: universitajiet jew kwalunkwe organizzazzjoni oħra edukattiva u ta' riċerka;

(c)

utenti kummerċjali u dawk privati;

(d)

għaqdiet ta' karità, organizzazzjonijiet nongovernattivi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 4

Objettivi

1.   Copernicus għandu jikkontribwixxi għall-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a)

li jwettaq monitoraġġ tad-dinja bħala appoġġ għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-isforzi tal-protezzjoni ċivili u s-sigurtà ċivili;

(b)

li jamplifika kemm jista' jkun il-benefiċċji soċjoekonomiċi, biex b'hekk tiġi appoġġata l-istrateġija Ewropa 2020 u l-objettivi tagħha ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv billi jiġi promoss l-użu tal-osservazzjoni tad-dinja f'applikazzjonijiet u servizzi;

(c)

li jrawwem l-iżvilupp ta' industrija Ewropea kompetittiva tal-ispazju u s-servizzi u jamplifika kemm jista' jkun l-opportunitajiet għal intrapriżi Ewropej biex jiġu żviluppati u pprovduti sistemi u servizzi innovattivi ta' osservazzjoni tad-dinja;

(d)

li jiżgura aċċess awtonomu għall-għarfien ambjentali u t-teknoloġiji ewlenin għas-servizzi ta' osservazzjoni u ġeoinformazzjoni dinjija, biex b'hekk l-Ewropa tkun tista' tieħu deċiżjonijiet u azzjonijiet b'mod indipendenti;

(e)

li jappoġġa u jikkontribwixxi għall-politiki Ewropej u jippromwovi inizjattivi globali, bħall-GEOSS.

2.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi ġenerali, stipulati fil-paragrafu 1, Copernicus għandu jkollu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

li jwassal data u informazzjoni preċiżi u affidabbli lill-utenti ta' Copernicus, ipprovduti fuq bażi fit-tul u sostenibbli li permezz tagħhom ikunu jistgħu jitwettqu s-servizzi msemmija fl-Artikolu 5(1) u li jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-utenti ewlenin ta' Copernicus;

(b)

li jipprovdi aċċess sostenibbli u affidabbli għad-data u l-informazzjoni spazjali minn kapaċità awtonoma Ewropea ta' osservazzjoni tad-dinja bi speċifikazzjonijiet tekniċi konsistenti u jibni fuq l-assi u l-kapaċitajiet Ewropej u nazzjonali attwali, u jikkumplementahom fejn ikun meħtieġ;

(c)

li jipprovdi aċċess sostenibbli u affidabbli lil data in situ, filwaqt li jiddependi, b'mod partikolari, fuq kapaċitajiet eżistenti li jiġu operati fuq livell Ewropew u dak nazzjonali, u fuq sistemi u netwerks ta' osservazzjoni globali.

3.   Il-kisba tal-objettivi stipulati fil-paragrafi 1 u 2 għandha titkejjel bl-indikaturi ta' riżultati li ġejjin:

(a)

id-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus ikunu disponibbli skont ir-rekwiżiti rispettivi ta' għoti ta' livell ta' servizz għall-ambjent, il-protezzjoni ċivili u s-sigurtà ċivili;

(b)

domanda ikbar għad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus imkejla mill-progressjoni fl-għadd ta' utenti, mill-volum ta' data u ta' informazzjoni ta' valur miżjud, li jkunu ġew aċċessati min-numru ikbar ta' servizzi downstream, u mit-twessigħ tad-distribuzzjoni fl-Istati Membri u l-Unjoni;

(c)

l-użu tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus mill-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, dawk reġjonali jew lokali, inkluż il-livell ta' adozzjoni u sodisfazzjoni tal-utenti, u l-benefiċċji pprovduti lil soċjetajiet Ewropej;

(d)

il-penetrazzjoni tas-suq, inkluża l-espansjoni ta' swieq eżistenti u l-ħolqien ta' swieq ġodda u l-kompetittività tal-operaturi downstream Ewropej;

(e)

id-disponibbiltà sostenibbli tad-data ta' Copernicus li tappoġġa lis-servizzi ta' Copernicus.

Artikolu 5

Komponent ta' servizzi ta' Copernicus

1.   Il-komponent ta' servizzi ta' Copernicus għandu jikkonsisti mis-servizzi li ġejjin:

(a)

is-servizz ta' monitoraġġ tal-atmosfera, li għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-kwalità tal-arja fuq skala Ewropea, u l-kompożizzjoni kimika tal-atmosfera fuq skala globali. Dan għandu b'mod partikolari jipprovdi informazzjoni għas-sistemi ta' monitoraġġ tal-kwalità tal-arja mħaddma fuq skali lokali sa dawk nazzjonali, u għandu jikkontribwixxi għall-monitoraġġ tal-parametri klimatiċi tal-kompożizzjoni atmosferika, inkluż, fejn hu fattibbli, l-interazzjoni mal-kopertura tal-foresti;

(b)

is-servizz ta' monitoraġġ tal-ambjent tal-baħar, li għandu jipprovdi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni u d-dinamika ta' ekosistemi fiżiċi tal-oċean u tal-baħar għall-oċean globali u għaż-żoni tal-baħar reġjonali Ewropej, b'appoġġ għas-sigurtà marittima, kontribut għall-monitoraġġ taċ-ċirkolazzjoni tal-iskart, l-ambjent tal-baħar, ir-reġjuni kostali u dawk polari, u għar-riżorsi tal-baħar kif ukoll għat-tbassir meteoroloġiku u l-monitoraġġ tal-klima;

(c)

is-servizz ta' monitoraġġ tal-art, li għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-użu tal-art u l-kopertura tal-art, il-krijosfera, it-tibdil fil-klima u l-parametri bioġeofiżiċi, inkluż id-dinamika tagħhom, b'appoġġ għall-monitoraġġ ambjentali minn perspettiva globali sa dik lokali tal-bijodiversità, il-ħamrija, l-ilmijiet interni u tal-kosta, il-foresti u l-veġetazzjoni, u r-riżorsi naturali, kif ukoll fl-implimentazzjoni inġenerali ta' politiki tal-ambjent, l-agrikoltura, l-iżvilupp, l-enerġija, l-ippjanar urban, l-infrastruttura u t-trasport;

(d)

is-servizz dwar it-tibdil fil-klima, li għandu jipprovdi informazzjoni biex tiżdied il-bażi ta' għarfien għall-appoġġ ta' politiki ta' adattament u ta' mitigazzjoni. Dan għandu jikkontribwixxi b'mod partikolari għall-provvista ta' Parametri Essenzjali tal-Klima, analiżi tal-klima, projezzjonijiet u indikaturi fuq skali temporali u spazjali rilevanti għall-istrateġiji ta' adattament u ta' mitigazzjoni għad-diversi oqsma ta' benefiċċju settorjali u soċjetali tal-Unjoni;

(e)

is-servizz ta' ġestjoni ta' emerġenzi, li għandu jipprovdi informazzjoni għal rispons f'emerġenza rigward tipi ta' diżastri differenti, inklużi perikoli meteoroloġiċi, perikoli ġeofiżiċi, diżastri magħmula mill-bniedem intenzjonalment u aċċidentalment u diżastri umanitarji oħra, kif ukoll attivitajiet ta' prevenzjoni, tħejjija, rispons u ta' rkupru;

(f)

is-servizz ta' sigurtà, li għandu jipprovdi informazzjoni b'appoġġ għall-isfidi tas-sigurtà ċivili tal-Ewropa filwaqt li jtejjeb il-kapaċitajiet ta' prevenzjoni tal-kriżijiet, ta' tħejjija u ta' reazzjoni, b'mod partikolari għal sorveljanza fuq il-fruntiera u marittima, iżda flimkien ma' appoġġ għall-azzjoni esterna tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-arrangamenti ta' kooperazzjoni li jistgħu jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni u diversi korpi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, b'mod partikolari ċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-provvista tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 għandha tieħu kont tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, ikunu kosteffettivi u deċentralizzati fejn adatt, jiġu integrati fuq livell Ewropew id-data u l-kapaċitajiet eżistenti in situ u dawk ta' referenza fl-Istati Membri, biex b'hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni. L-akkwist ta' data ġdida li tidduplika sorsi eżistenti għandha tiġi evitata, ħlief jekk l-użu ta' settijiet ta' data eżistenti jew aġġornabbli ma jkunx teknikament vijabbli, kosteffettiv jew possibbli fi żmien opportun.

Is-servizzi għandhom jimplimentaw sistemi rigorużi għall-kontroll tal-kwalità u għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-livelli ta' servizz, inklużi d-disponibbiltà, l-affidabbiltà, il-kwalità u l-puntwalità.

3.   Sabiex tiġi żgurata l-evoluzzjoni tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 u l-adozzjoni tagħhom mis-settur pubbliku, għandhom jitwettqu wkoll l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

attivitajiet ta' żvilupp bl-għan li jitjiebu l-kwalità u l-prestazzjoni ta' servizzi, inklużi l-evoluzzjoni u l-adattament tagħhom, filwaqt li jiġu evitati jew mitigati r-riskji operazzjonali u jiġu sfruttati sinerġiji ma' attivitajiet relatati, eżempju taħt Orizzont 2020;

(b)

attivitajiet ta' appoġġ li jikkonsistu minn miżuri biex jippromwovu l-użu u l-adozzjoni tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus minn:

(i)

awtoritajiet pubbliċi fdati bid-definizzjoni, l-implimentazzjoni, l-infurzar jew il-monitoraġġ ta' servizz pubbliku jew oqsma ta' politika msemmija fil-paragrafu 1. Dan għandu jinkludi l-bini ta' kapaċità u l-iżvilupp ta' proċeduri u għodod standard sabiex jiġu integrati d-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus fil-fluss ta' xogħol tal-utenti;

(ii)

utenti oħra u applikazzjonijiet downstream. Dak għandu jinkludi l-attivitajiet ta' lħuq, taħriġ u dawk ta' disseminazzjoni.

Artikolu 6

Il-komponent spazjali ta' Copernicus

1.   Il-komponent spazjali ta' Copernicus għandu jipprovdi osservazzjonijiet mill-ispazju, li jservu primarjament is-servizzi msemmija fl-Artikolu 5(1).

2.   Il-komponent spazjali ta' Copernicus għandu jikkonsisti minn missjonijiet dedikati u data ta' missjonijiet kontribwenti, u jinkludi l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

provvista ta' osservazzjonijiet mill-ispazju, inklużi:

(i)

it-tlestija, iż-żamma u l-operazzjoni ta' missjonijiet dedikati, inkluża d-definizzjoni tal-kompiti tas-satelliti, il-monitoraġġ u l-kontroll tas-satelliti, ir-riċeviment, l-ipproċessar, l-arkivjar u d-disseminazzjoni ta' data, il-kalibrazzjoni u l-validazzjoni permanenti;

(ii)

il-provvista ta' data in situ għall-kalibrazzjoni u l-validazzjoni ta' osservazzjonijiet minn missjonijiet dedikati;

(iii)

il-provvista, l-arkivjar u d-disseminazzjoni ta' data ta' missjonijiet kontribwenti li jikkomplementaw id-data ta' missjonijiet dedikati;

(b)

attivitajiet b'rispons għall-ħtiġijiet evolventi tal-utenti, inklużi:

(i)

identifikazzjoni ta' lakuni ta' osservazzjoni u speċifikazzjoni ta' missjonijiet dedikati ġodda fuq il-bażi tar-rekwiżiti tal-utenti;

(ii)

żviluppi bl-għan li jiġu mmodernizzati u kkomplementati l-missjonijiet dedikati, inkluż id-disinn u l-akkwist ta' elementi ġodda tal-infrastruttura spazjali relatata;

(c)

protezzjoni tas-satelliti kontra r-riskju ta' kolliżjoni b'kont meħud tal-qafas tal-Unjoni ta' appoġġ għas-sorveljanza u t-traċċar fl-ispazju;

(d)

dekummissjonar sikur tas-satelliti fit-tmiem tal-ħajja tagħhom.

Artikolu 7

Il-komponent in situ ta' Copernicus

1.   Il-komponent in situ ta' Copernicus għandu jipprovdi l-aċċess għal data in situ, filwaqt li jservi primarjament lis-servizzi ta' Copernicus imsemmija fl-Artikolu 5(1).

Huwa għandu jinkludi l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

il-provvista ta' data in situ lis-servizzi operazzjonali, inkluża data in situ ta' partijiet terzi fuq il-livell internazzjonali, fuq il-bażi ta' kapaċitajiet eżistenti;

(b)

il-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-ġbir u l-provvista ta' data in situ;

(c)

assistenza teknika lill-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti tas-servizz għal data ta' osservazzjoni in situ;

(d)

il-kooperazzjoni ma' operaturi in situ biex tiġi promossa l-konsistenza ta' attivitajiet ta' żvilupp relatati mal-infrastruttura u n-netwerks ta' osservazzjoni in situ;

(e)

l-identifikazzjoni ta' lakuni fl-osservazzjonijiet in situ li ma jistgħux jimtlew minn infrastruttura u netwerks eżistenti, inkluż fuq il-livell globali, u l-indirizzar tagħhom, filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

2.   Id-data in situ għandha tintuża f'Copernicus f'konformità mad-drittijiet applikabbli ta' partijiet terzi, inklużi dawk tal-Istati Membri, u r-restrizzjonijiet applikabbli dwar l-użu jew id-distribuzzjoni mill-ġdid.

3.   F'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni tista' tafda, b'mod parzjali jew bis-sħiħ, l-attivitajiet tal-komponent in situ lill-operaturi tas-servizz imsemmija fl-Artikolu 11(1) ta' dan ir-Regolament jew, meta tkun tinħtieġ koordinazzjoni globali, lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Artikolu 8

Pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7 huwa ta' EUR 4 291,48 miljun fi prezzijiet attwali għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

2.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jitqassam fil-kategoriji ta' nfiq li ġejjin fil-prezzijiet attwali:

(a)

għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 5 u 7, EUR 897,415 miljun;

(b)

għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 6, EUR 3 394,065miljun, inkluż ammont massimu ta' EUR 26,5 miljun għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 6(2).

3.   Il-Kummissjoni tista' talloka mill-ġdid fondi minn kategorija ta' nfiq waħda, kif stipulat fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, għal oħra, sa limitu ta' 10 % tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1. Fejn l-allokazzjoni mill-ġdid jilħaq ammont kumulattiv akbar minn 10 % tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat Copernicus, f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 30(3).

4.   L-interessi ġġenerati minn pagamenti ta' qabel il-finanzjament li jkunu saru lil entitajiet responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġit b'mod indirett għandhom jiġu assenjati għal attivitajiet skont il-ftehim tad-delega jew il-kuntratt li jkun ġie konkluż bejn il-Kummissjoni u l-entità kkonċernata. F'konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba, l-entitajiet responsabbli mill-implimentazzjoni indiretta tal-baġit għandhom jiftħu kontijiet li jippermettu li l-fondi u l-interessi korrispondenti jiġu identifikati.

5.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali. L-impenji baġitarji għal attivitajiet li jestendu fuq aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jitqassmu fuq diversi snin f'pagamenti annwali.

6.   L-allokazzjoni finanzjarja għal Copernicus tista' tkopri wkoll spejjeż relatati ma' attivitajiet ta' tħejjija, monitoraġġ, kontroll, awditjar u ta' evalwazzjoni li jinħtieġu direttament għall-ġestjoni ta' Copernicus u għall-ksib tal-objettivi tiegħu, inklużi studji, laqgħat, azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni, kif ukoll spejjeż marbuta ma' netwerks tal-IT li jiffokaw fuq l-ipproċessar ta' informazzjoni u l-iskambju ta' data.

7.   Il-Kummissjoni tista' tafda l-implimentazzjoni ta' Copernicus lill-entitajiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament Finanzjarju. Fejn il-baġit ta' Copernicus jiġi implimentat permezz ta' ġestjoni indiretta abbażi tal-Artikoli 10(3) jew 11(1), sa fejn ikun permess skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Finanzjarju, għandhom japplikaw ir-regoli dwar l-akkwist tal-entitajiet fdati bil-kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit. L-aġġustamenti speċifiċi meħtieġa għal dawk ir-regoli kif ukoll l-arranġamenti għat-tiġdid tal-kuntratti eżistenti, għandhom ikunu ddefiniti fil-ftehimiet ta' delega korrispondenti.

KAPITOLU II

GOVERNANZA TA' COPERNICUS

Artikolu 9

Rwol tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha r-responsabbiltà globali għal Copernicusu għall-koordinazzjoni tal-komponenti differenti tiegħu. Hija għandha tamministra l-fondi allokati taħt dan ir-Regolament u tissorvelja l-implimentazzjoni ta' Copernicus inklużi l-istabbiliment tal-prijoritajiet, l-involviment tal-utenti, l-ispejjeż, l-iskeda, it-twettiq u l-akkwist.

2.   Il-Kummissjoni għandha tamministra, f'isem l-Unjoni u fil-qasam tal-kompetenza tagħha, ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li tiżgura l-koordinazzjoni ta' Copernicus ma' attivitajiet fuq il-livell nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bl-għan tat-twettiq operazzjonali ta' servizzi u d-disponibbiltà fit-tul tad-data ta' osservazzjoni meħtieġa.

4.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-iżvilupp adatt tas-servizzi ta' Copernicus u tiżgura l-komplementarjetà, il-konsistenza u r-rabtiet bejn Copernicus u l-politiki, l-istrumenti, il-programmi u l-azzjonijiet l-oħra rilevanti tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li dawk il-politiki, l-istrumenti, programmi u azzjonijiet jibbenefikaw mis-servizzi ta' Copernicus.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippromwovi ambjent ta' investiment stabbli fuq medda twila ta' żmien u tikkonsulta mal-partijiet interessati meta tiddeċiedi li tbiddel il-prodotti tas-servizzi kemm tad-data ta' Copernicus kif ukoll tal-informazzjoni ta' Copernicus koperti minn dan ir-Regolament.

6.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe entità fdata b'kompiti ta' implimentazzjoni għandha tipprovdi s-servizzi tagħha lill-Istati Membri kollha.

7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 31 dwar l-istabbiliment tar-rekwiżiti tad-data għall-evoluzzjoni tal-komponent tas-servizz Copernicus imsemmi fl-Artikolu 5(1).

8.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni f'konformità mal-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 30(4) dwar:

(a)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-komponent ta' servizz ta' Copernicus, imsemmija fl-Artikolu 5(1), rigward l-implimentazzjoni tiegħu;

(b)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-komponent spazjali ta' Copernicus, imsemmija fl-Artikolu 6, rigward l-implimentazzjoni u l-evoluzzjoni tiegħu fuq il-bażi tar-rekwiżiti tal-utenti.

9.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew, fi żmien opportun, l-informazzjoni rilevanti kollha relatata ma' Copernicus, b'mod partikolari f'termini tal-ġestjoni ta' riskji, l-ispiża globali, l-ispejjeż operazzjonali annwali ta' kull element sinifikanti tal-infrastruttura ta' Copernicus, l-iskeda, it-twettiq, l-akkwist u l-valutazzjoni tal-ġestjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali.

Artikolu 10

Ir-rwol tal-Aġenzija Spazjali Ewropea

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta' delega mal-ESA filwaqt li tafdaha bil-kompiti li ġejjin:

(a)

l-iżgurar tal-koordinazzjoni tal-komponent spazjali ta' Copernicus;

(b)

id-definizzjoni tal-arkitettura tas-sistema globali għall-komponent spazjali ta' Copernicus u l-evoluzzjoni tagħha fuq il-bażi tar-rekwiżiti tal-utenti, ikkoordinati mill-Kummissjoni;

(c)

il-ġestjoni tal-fondi allokati;

(d)

l-iżgurar tal-proċeduri ta' monitoraġġ u ta' kontroll;

(e)

l-iżvilupp ta' missjonijiet dedikati ġodda;

(f)

l-akkwist ta' missjonijiet dedikati rikorrenti;

(g)

it-tħaddim tal-missjonijiet dedikati, bl-eċċezzjoni ta' dawk imwettqa mill-EUMETSAT skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu;

(h)

il-koordinazzjoni ta' skema għal aċċess għal data ta' missjonijiet kontribwenti mis-servizzi ta' Copernicus;

(i)

l-akkwist tad-drittijiet ta' aċċess u n-negozar ta' kondizzjonijiet ta' użu tad-data ta' satelliti kummerċjali meħtieġa mis-servizzi ta' Copernicus imsemmi fl-Artikolu 5(1).

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta' delega mal-EUMETSAT filwaqt li tafdaha bir-responsabbiltà li tħaddem missjonijiet dedikati u tipprovdi aċċess għad-data ta' missjonijiet kontribwenti, skont il-mandat u l-kompetenza esperta tagħha.

3.   Il-ftehimiet ta' delega mal-ESA u l-EUMETSAT għandhom jiġu konklużi fuq il-bażi ta' deċiżjoni ta' delega adottata mill-Kummissjoni f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament Finanzjarju.

4.   F'konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament Finanzjarju, l-ESA u l-EUMETSAT għandhom jaġixxu, fejn adatt, bħala awtoritajiet kontraenti bil-kapaċità li jieħdu deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni tal-kompiti ta' akkwist iddelegati lilhom.

5   Il-ftehimiet ta' delega, safejn meħtieġa għall-kompiti u l-implimentazzjoni baġitarja ddelegati, għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet ġenerali għall-ġestjoni tal-fondi fdati lill-ESA u l-EUMETSAT u għandhom iqisu, fejn adatt, ix-Xenarju Fit-Tul (LTS) tal-ESA. B'mod partikolari, huma għandhom jistipulaw l-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati fir-rigward tal-iżvilupp, l-akkwist u l-operazzjoni tal-komponent spażjali ta' Copernicus, il-finanzjament rilevanti, il-proċeduri ta' ġestjoni u l-miżuri ta' monitoraġġ u kontroll, il-miżuri applikabbli fil-każ ta' implimentazzjoni inadegwata tal-kuntratti f'termini tal-ispejjeż, l-iskeda, it-twettiq u l-akkwist, kif ukoll ir-regoli dwar is-sjieda tal-assi tanġibbli u dawk intanġibbli kollha.

6.   Il-miżuri ta' monitoraġġ u ta' kontroll, għandhom, b'mod partikolari, jipprevedu sistema provviżorja għat-tbassir ta' spiża, informazzjoni sistematika lill-Kummissjoni dwar l-ispejjeż u l-iskeda, u, fil-każ ta' diskrepanza bejn il-baġits ippjanati, it-twettiq u l-iskeda, għal azzjoni korrettiva li tiżgura l-implimentazzjoni tal-attivitajiet fil-limiti tal-baġits allokati.

7.   Il-Kumitat Copernicus għandu jiġi kkonsultat dwar id-deċiżjoni ta' delega msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 30(3). Il-Kumitat Copernicus għandu jiġi infurmat minn qabel dwar il-ftehimiet ta' delega li għandhom jiġu konklużi mill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, mal-ESA u l-EUMETSAT.

8.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat Copernicus dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-offerti ta' akkwist u tal-kuntratti ma' entitajiet fis-settur privat li għandhom jiġu konklużi mill-ESA u l-EUMETSAT, inkluża l-informazzjoni relatata mas-subkuntrattar.

Artikolu 11

Operaturi tas-Servizz

1.   Il-Kummissjoni tista' tafda l-kompiti ta' implimentazzjoni tal-komponent ta' servizz, permezz ta' ftehimiet ta' delega jew ftehimiet kuntrattwali, fejn debitament ġustifikat min-natura speċjali tal-azzjoni u kompetenza esperta eżistenti speċifika, il-mandat, il-kapaċità tal-operazzjoni u l-ġestjoni, fost l-oħrajn, lill-entitajiet li ġejjin:

(a)

l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA);

(b)

l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX);

(c)

l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA);

(d)

iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN);

(e)

iċ-Ċentru Ewropew għall-Previżjonijiet Metereoloġiċi fuq Perijodu Medju (ECMWF);

(f)

aġenziji, gruppi jew konsorzji Ewropej oħra rilevanti ta' korpi nazzjonali.

Il-ftehimiet ta' delega mal-operaturi tas-servizz għandhom jiġu konklużi fuq il-bażi ta' deċiżjoni ta' delega adottata mill-Kummissjoni f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament Finanzjarju.

2.   L-għażla tal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tieħu kont dovut tal-kosteffiċjenza li wieħed jafda dawk il-kompiti lil ħaddieħor u l-impatt fuq l-istruttura ta' governanza tal-entitajiet u fuq ir-riżorsi finanzjarji u umani tagħhom.

3.   Il-Kumitat Copernicus għandu jiġi kkonsultat dwar id-deċiżjoni ta' delega msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 30(3). Il-Kumitat Copernicus għandu jiġi infurmat minn qabel dwar il-ftehimiet ta' delega li għandhom jiġu konklużi mill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-operaturi tas-servizz.

Artikolu 12

Programm ta' ħidma tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, tadotta programm ta' ħidma annwali għal Copernicus skont l-Artikolu 84 tar-Regolament Finanzjarju.

2   Il-programm ta' ħidma annwali għandu jinkludi pjan ta' implimentazzjoni, li jagħti dettalji dwar l-azzjonijiet li jagħmlu parti mill-komponenti ta' Copernicus imsemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7 u għandu jħares 'il quddiem, filwaqt li jqis il-ħtiġijiet tal-utenti u l-iżviluppi teknoloġiċi li qed jevolvu.

3.   Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 30(4) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Kooperazzjoni mal-Istati Membri

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkoopera mal-Istati Membri sabiex ittejjeb l-iskambju ta' data u informazzjoni bejniethom u trawwem l-iżvilupp tad-distribuzzjoni tad-data fil-livelli reġjonali u dawk lokali. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li d-data u l-informazzjoni meħtieġa jkunu disponibbli għal Copernicus. Il-missjonijiet kontribwenti, is-servizzi u l-infrastrutturi in situ tal-Istati Membri huma kontribuzzjonijiet essenzjali għal Copernicus.

2.   Il-Kummissjoni tista' tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, miżuri biex jiġi promoss l-użu tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus mill-Istati Membri u jiġi appoġġat l-aċċess tagħhom għat-teknoloġija u l-iżvilupp fl-Osservazzjoni tad-Dinja. Tali miżuri ma għandux ikollhom l-effett li jgħawġu l-kompetizzjoni ħielsa. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 30(4).

KAPITOLU III

AKKWIST PUBBLIKU

TAQSIMA I

Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-akkwist pubbliku

Artikolu 14

Prinċipji ġenerali

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(7) u l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni jew tas-sigurtà pubblika jew biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjoni, ir-Regolament Finanzjarju, u b'mod partikolari l-prinċipji ta' aċċess miftuħ u kompetizzjoni ġusta tul il-katina tal-provvista industrijali, l-offerti fuq il-bażi tal-għoti ta' informazzjoni trasparenti u f'waqtha, il-komunikazzjoni ċara tar-regoli applikabbli dwar l-akkwist, il-kriterji tal-għażla u tal-għoti u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li tippermetti kondizzjonijiet ekwi għall-offerenti potenzjali kollha, għandu japplika għal Copernicus.

Artikolu 15

Objettivi speċifiċi

Matul il-proċedura tal-akkwist, għandhom jiġu segwiti l-objettivi li ġejjin mill-awtoritajiet kontraenti fis-sejħiet għall-offerti tagħhom:

(a)

li tiġi promossa l-aktar parteċipazzjoni wiesgħa u miftuħa possibbli fl-Unjoni mill-operaturi ekonomiċi kollha, b'mod partikolari minn min jidħol ġdid u mill-SMEs, inkluż permezz tal-inkoraġġiment għar-rikors għas-subkuntrattar mill-offerenti;

(b)

li jiġu evitati l-abbuż possibbli ta' pożizzjoni dominanti u d-dipendenza fuq fornitur uniku;

(c)

li jittieħed vantaġġ mill-investimenti preċedenti fis-settur pubbliku u mil-lezzjonijiet meħuda kif ukoll mill-esperjenza u l-kompetenza esperta industrijali, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm konformità mar-regoli tas-sejħiet għall-offerti kompetittivi;

(d)

li tiġi segwita l-provvista minn diversi fornituri kull fejn adatt sabiex jiġi żgurat kontroll globali aħjar ta' Copernicus, tal-ispejjeż u tal-iskeda tiegħu;

(e)

li jittieħed kont kull fejn adatt tal-ispiża totali fuq iċ-ċiklu tal-ħajja utli tal-prodott, is-servizz jew ix-xogħol li għalih qed issir sejħa għall-offerti.

TAQSIMA II

Dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-akkwist pubbliku

Artikolu 16

L-istabbiliment ta' kondizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusti

L-awtorità kontraenti għandha tieħu l-miżuri adatti biex jiġu żgurati kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta meta involviment preċedenti ta' operatur ekonomiku f'attivitajiet assoċjati mas-suġġett tas-sejħa għall-offerti:

(a)

jista' jagħti vantaġġi sinifikanti lil dak l-operatur ekonomiku f'termini ta' informazzjoni privileġġata u għalhekk jista' jagħti lok għal tħassib dwar il-konformità mat-trattament ugwali; jew

(b)

jaffettwa l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni normali jew l-imparzjalità u l-oġġettività tal-għoti jew it-twettiq tal-kuntratti.

Dawn il-miżuri ma għandhomx jgħawġu l-kompetizzjoni, jew jikkompromettu t-trattament ugwali jew il-kunfidenzjalità ta' data miġbura dwar l-impriżi, ir-relazzjonijiet kummerċjali u l-istruttura tal-ispejjeż tagħhom. F'dak il-kuntest, dawk il-miżuri għandhom jieħdu kont tan-natura u l-partikolaritajiet tal-kuntratt maħsub.

Artikolu 17

Sigurtà tal-informazzjoni

Fejn il-kuntratti jinvolvu, jeħtieġu u/jew jinkludu informazzjoni klassifikata, l-awtoritàkontraenti għandha tispeċifika fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti l-miżuri u r-rekwiżiti meħtieġa sabiex tkun żgurata s-sigurtà ta' din l-informazzjoni fil-livell meħtieġ.

Artikolu 18

Affidabbiltà tal-provvista

L-awtorità kontraenti għandha tispeċifika, fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti, ir-rekwiżiti tagħha rigward l-affidabbiltà tal-provvisti u tal-forniment ta' servizzi għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

Artikolu 19

Kuntratt kondizzjonali b'pagamenti fi stadji

1.   L-awtorità kontraenti tista' tagħti kuntratt fl-għamla ta' kuntratt kondizzjonali ta' pagamenti fi stadji.

2.   Kuntratt kondizzjonali b'pagamenti fi stadji għandu jinkludi stadju fiss li jkun akkumpanjat minn impenn baġitarju li jirriżulta f'impenn sod li jingħataw ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi kuntrattati għal dak l-istadju u stadju wieħed jew aktar li jkunu kondizzjonali f'termini kemm tal-baġit kif ukoll tal-eżekuzzjoni. Id-dokumenti tal-sejħa għall-offerti għandhom jirreferu għall-karatteristiċi speċifiċi tal-kuntratti kondizzjonali b'pagamenti fi stadji. B'mod partikolari, dawn għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kuntratt, il-prezz jew l-arranġamenti għad-determinazzjoni tal-prezz u l-arranġamenti għall-forniment tal-provvisti u s-servizzi f'kull stadju.

3.   L-obbligi tal-istadju fiss għandhom ikunu parti minn parti sħiħa konsistenti; l-istess japplika għall-obbligi f'kull stadju kondizzjonali, filwaqt li jittieħed kont tal-obbligi fl-istadji preċedenti.

4.   It-twettiq ta' kull stadju kondizzjonali għandha tiġi soġġetta għal deċiżjoni mill-awtorità kontraenti, innotifikata lill-kuntrattur f'konformità mal-kuntratt. Meta stadju kondizzjonali jiġu kkonfermat tard jew ma jiġix ikkonfermat, il-kuntrattur jista' jibbenefika, jekk il-kuntratt jipprevedi hekk u skont il-kondizzjonijiet stipulati fih, minn allokazzjoni ta' trasferiment u allokazzjoni ta' noneżekuzzjoni.

5.   Fejn, rigward stadju partikolari, l-awtorità kontraenti tinnota li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li ġew miftiehma għal dak l-istadju ma jkunux saru, hija tista' titlob li titħallas għad-danni u ttemm il-kuntratt, jekk il-kuntratt jipprevedi dan u skont il-kondizzjonijiet stipulati fih.

Artikolu 20

Kuntratti ta' rimborż tal-ispejjeż

1.   L-awtorità kontraenti tista' tagħżel kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali tal-ispejjeż sa ammont limitu, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2.

Il-prezz li għandu jitħallas għal tali kuntratti għandu jikkonsisti minn rimborż tal-ispejjeż diretti kollha mġarrba mill-kuntrattur fit-twettiq tal-kuntratt, bħall-infiq fuq il-ħaddiema, il-materjali, l-oġġetti għall-konsum, u l-użu ta' tagħmir u infrastrutturi meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt. Dawn l-ispejjeż għandhom jiżdiedu b'tariffa fissa li tkopri l-ispejjeż indiretti u l-profitt, jew ammont li jkopri l-ispejjeż indiretti u l-kumpens ta' miżata ta' inċentiv abbażi tal-ilħuq tal-objettivi rigward it-twettiq u l-iskedi.

2.   L-awtorità kontraenti tista' tagħżel kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali tal-ispejjeż meta ma jkunx oġġettivament possibbli li jiġi speċifikat prezz fiss preċiż u jekk ikun jista' jintwera b'mod raġonevoli li tali prezz fiss ikun abnormalment għoli minħabba l-inċertezzi inerenti fit-twettiq tal-kuntratt minħabba li:

(a)

il-kuntratt ikollu karatteristiċi kumplessi ħafna jew karatteristiċi li jirrikjedu l-użu ta' teknoloġija ġdida u li, għalhekk, jinkludi għadd sinifikanti ta' riskji tekniċi; jew

(b)

l-attivitajiet soġġetti għall-kuntratt għandhom, għal raġunijiet operazzjonali, jibdew b'mod immedjat anki jekk ma jkunx għadu possibbli li jiġi ddeterminat prezz fiss riġidu sħiħ minħabba r-riskji sinifikanti jew għaliex it-twettiq tal-kuntratt ikun jiddependi parzjalment mit-twettiq ta' kuntratti oħra.

3.   Il-prezz limitu għal kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali tal-ispejjeż għandu jkun il-prezz massimu pagabbli. Dan jista' jinqabeż biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati u bi qbil minn qabel mill-awtorità kontraenti.

4.   Id-dokumenti tas-sejħa għall-offerti ta' proċedura tal-akkwist għal kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali tal-ispejjeż għandhom jispeċifikaw:

(a)

it-tip ta' kuntratt, jiġifieri jekk huwiex kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali tal-ispejjeż sa prezz limitu;

(b)

għal kuntratt ta' rimborż parzjali tal-ispejjeż, l-elementi tal-kuntratt soġġetti għal rimborż tal-ispejjeż;

(c)

il-prezz limitu totali;

(d)

il-kriterji tal-għoti, li jistgħu jagħtu lok għall-plawsibbiltà tal-baġit globali stmat, tal-ispejjeż rimborżabbli, tal-mekkaniżmi għad-determinazzjoni ta' dawn l-ispejjeż, u l-profitt, imsemmija fis-sejħa għall-offerti li għandha tiġi vvalutata;

(e)

it-tip ta' żieda msemmija fil-paragrafu 1 li għandha tiġi applikata għall-ispejjeż diretti;

(f)

ir-regoli u l-proċeduri li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-ispejjeż ippjanati mill-offerent għat-twettiq tal-kuntratt, f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-paragrafu 5;

(g)

ir-regoli ta' kontabilità li l-offerenti għandhom jikkonformaw magħhom;

(h)

fil-każ ta' kuntratt ta' rimborż parzjali tal-ispejjeż li għandu jinbidel f'kuntratt ta' prezz fiss riġidu, il-parametri għal tali konverżjoni.

5.   L-ispejjeż iddikjarati mill-kuntrattur waqt it-twettiq ta' kuntratt ta' rimborż sħiħ jew parzjali tal-ispejjeż għandhom ikunu eliġibbli biss jekk dawn:

(a)

tabilħaqq jiġġarrbu matul il-perijodu tal-kuntratt, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż għat-tagħmir, l-infrastrutturi u l-assi fissi intanġibbli meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt li jistgħu jitqiesu eliġibbli għall-valur sħiħ tal-ammont tax-xiri tagħhom;

(b)

jissemmew fil-baġit globali stmat li jista' jiġi rivedut b'emendi għall-kuntratt inizjali;

(c)

ikunu meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt;

(d)

jirriżultaw minn u huma attribwibbli għat-twettiq tal-kuntratt;

(e)

ikunu identifikabbli, verifikabbli, imniżżla fir-rekords tal-kontabilità tal-kuntrattur u ddeterminati f'konformità mal-istandards ta' kontabilità msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet u fil-kuntratt;

(f)

jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-liġi applikabbli tat-taxxa u dik soċjali;

(g)

ma jidderogawx mit-termini tal-kuntratt;

(h)

ikunu raġonevoli, ġustifikati u konformi mar-rekwiżiti ta' ġestjoni finanzjarja tajba, b'mod partikolari rigward l-ekonomija u l-effiċjenza.

Il-kuntrattur għandu jkun responsabbli għall-kontabilità tal-ispejjeż tiegħu, u għaż-żamma ta' rekords tal-kontabilità tajbin jew kwalunkwe dokument ieħor meħtieġ biex juri li l-ispejjeż li għalihom intalab rimborż ikunu iġġarrbu u li jikkonforma mal-prinċipji stipulati f'dan l-Artikolu. Spejjeż li ma jistgħux jiġu sostanzjati mill-kuntrattur għandhom jitqiesu li mhumiex eliġġibbli u r-rimborż tagħhom għandu jiġi rrifjutat.

6.   L-awtorità kontraenti għandha tkun responsabbli għall-kompiti li ġejjin sabiex jiġi żgurat it-twettiq korrett tal-kuntratti tar-rimborż tal-ispejjeż:

(a)

tiddetermina l-prezz limitu l-aktar realistiku possibbli, filwaqt li tipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa biex tintegra d-diffikultajiet tekniċi;

(b)

tikkonverti kuntratt ta' rimborż tal-ispejjeż parzjali f'kuntratt ta' prezz fiss riġidu sħiħ hekk kif ikun possibbli li jiġi ddeterminat dan il-prezz fiss riġidu waqt it-twettiq tal-kuntratt. Għal din ir-raġuni, hija għandha tiddetermina l-parametri ta' konverżjoni biex jiġi kkonvertit kuntratt konkluż fuq bażi ta' rimborż tal-ispejjeż għal kuntratt bi prezz fiss riġidu;

(c)

timplimenta miżuri ta' monitoraġġ u ta' kontroll li jipprovdu, b'mod partikolari, sistema ta' previżjoni tal-ispejjeż stmati;

(d)

tiddetermina l-prinċipji, l-għodod u l-proċeduri adatti għall-implimentazzjoni ta' kuntratti, b'mod partikolari għall-identifikazzjoni u l-kontroll tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati mill-kuntrattur jew is-subkuntratturi tiegħu matul it-twettiq tal-kuntratt, u għall-introduzzjoni ta' emendi fil-kuntratt;

(e)

tivverifika li l-kuntrattur u s-subkuntratturi tiegħu jikkonformaw mal-istandards ta' kontabilità stipulati fil-kuntratt u mal-obbligu li jipprovdu d-dokumenti tal-kontabilità tagħhom li għandhom jippreżentaw verżjoni vera u ġusta tal-kontijiet;

(f)

matul it-twettiq tal-kuntratt, hija għandha tiżgura b'mod kontinwu l-effettività tal-prinċipji, l-għodod u l-proċeduri msemmija fil-punt (d).

Artikolu 21

Emendi

L-awtorità kontraenti u l-kuntratturi jistgħu jibdlu l-kuntratt b'emenda bil-kondizzjoni li din l-emenda tissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ma tibdilx is-suġġett tal-kuntratt;

(b)

ma tfixkilx il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt;

(c)

ma tintroduċix kondizzjonijiet li, li kieku dehru mill-bidu fid-dokumenti tal-kuntratt, kienu jippermettu l-ammissjoni ta' offerenti li mhumiex dawk li ġew ammessi inizjalment jew kienu jippermettu li tiġi aċċettata offerta li mhijiex dik li ġiet aċċettata inizjalment.

Artikolu 22

Subkuntrattar

1.   L-awtorità kontraenti għandha titlob lill-offerent biex jiġi subkuntrattat sehem tal-kuntratt permezz ta' sejħa għall-offerti kompetittiva fil-livelli adatti ta' subkuntrattar lil kumpanniji li mhumiex dawk li jagħmlu parti mill-grupp tal-offerent, b'mod partikolari dawk li jidħlu ġodda u SMEs.

2.   L-awtorità kontraenti għandha tesprimi s-sehem rikjest tal-kuntratt li għandu jiġi subkuntrattat fil-forma ta' firxa minn perċentwal minimu sa wieħed massimu. Għandha tiżgura li tali perċentwali jkunu proporzjonati mal-objettiv u l-valur tal-kuntratt,filwaqt l titqies in-natura tas-settur ta' attività kkonċernata, u b'mod partikolari, il-kondizzjonijiet kompetittivi u l-potenzjal industrijali osservat.

3.   Jekk l-offerent jindika fis-sejħa għall-offerti tiegħu li huwa biħsiebu ma jissubkuntratta l-ebda sehem mill-kuntratt jew jissubkuntratta sehem li huwa inferjuri għall-minimu tal-firxa msemmija fil-paragrafu 2, huwa għandu jipprovdi r-raġunijiet għal dan lill-awtorità kontraenti. L-awtorità kontraenti għandha tippreżenta dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni.

4.   L-awtorità kontraenti tista' tirrifjuta s-subkuntratturi magħżula mill-kandidat fl-istadju tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt prinċipali jew mill-offerent magħżul għat-twettiq tal-kuntratt. Hija għandha tiġġustifika dan ir-rifjut bil-miktub, u dan jista' jiġi bbażat biss fuq il-kriterji użati għall-għażla tal-offerenti għall-kuntratt ewlieni.

KAPITOLU IV

POLITIKA DWAR ID-DATA U S-SIGURTÀ

Artikolu 23

Politika dwar id-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus

1.   Il-politika dwar id-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus għall-azzjonijiet iffinanzjati taħt Copernicus għandha tappoġġa l-objettivi msemmija fl-Artikolu 4 u l-objettivi li ġejjin:

(a)

li jiġu promossi l-użu u l-qsim tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus;

(b)

li jissaħħu s-swieq Ewropej tal-osservazzjoni tad-dinja, b'mod partikolari s-settur downstream, bl-għan li jiġi permess it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

(c)

li jsir kontribut lejn is-sostenibbiltà u l-kontinwità tal-għoti tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus;

(d)

li jiġu appoġġati l-komunitajiet tar-riċerka, it-teknoloġija u dawk tal-innovazzjoni tal-Ewropa.

2.   Data ta' missjonijiet dedikati u informazzjoni ta' Copernicus għandhom ikunu disponibbli permezz ta' pjattaformi ta' disseminazzjoni ta' Copernicus, skont kondizzjonijiet tekniċi definiti minn qabel, fuq bażi sħiħa, miftuħa u mingħajr ħlas, soġġett għal-limitazzjonijiet li ġejjin:

(a)

kondizzjonijiet ta' liċenzjar għal data u informazzjoni ta' partijiet terzi;

(b)

formati, karatteristiċi u mezzi ta' disseminazzjoni;

(c)

interessi tas-sigurtà u relazzjonijiet esterni tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha;

(d)

riskju ta' tfixkil, għal raġunijiet ta' sigurtà jew tekniċi, tas-sistema li tipproduċi data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus;

(e)

li jiġi żgurat aċċess affidabbli għad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus għall-utenti Ewropej.

Artikolu 24

Kondizzjonijiet u limitazzjonijiet tal-aċċess u l-użu tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus

1.   Il-Kummissjoni, filwaqt li tirrispetta politiki dwar data u informazzjoni ta' partijiet terzi u mingħajr ħsara għar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-infrastruttura spazjali u dik in situ taħt kontroll nazzjonali jew taħt kontroll ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, tista' tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 31, dwar:

(a)

il-kondizzjonijiet u l-proċeduri rigward l-aċċess għal, ir-reġistrazzjoni u l-użu ta' data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus, inklużi l-mezzi ta' disseminazzjoni;

(b)

il-kriterji tekniċi speċifiċi meħtieġa għall-prevenzjoni tat-tfixkil ta' data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus, inkluża l-prijorità ta' aċċess;

(c)

il-kriterji u l-proċeduri għar-restrizzjoni tal-akkwist jew id-disseminazzjoni ta' data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus minħabba drittijiet konfliġġenti.

2.   Il-Kummissjoni, filwaqt li tirrispetta politiki dwar data u informazzjoni ta' partijiet terzi u mingħajr ħsara lir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-infrastruttura spazjali u dik in situ taħt kontroll nazzjonali jew taħt kontroll ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, tista' tadotta miżuri f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 30(4), dwar:

(a)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-trasmissjoni u l-użu tad-data ta' missjonijiet dedikati li tiġi trasmessa lil stazzjonijiet riċeventi jew permezz ta' konnessjonijiet dedikati ta' medda ta' frekwenza għolja lil stazzjonijiet li ma jkunux parti minn Copernicus;

(b)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-arkivjar ta' data ta' Copernicus u informazzjoni ta' Copernicus.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċeduri rilevanti ta' liċenzjar għal data ta' missjonijiet dedikati u informazzjoni ta' Copernicus, u t-trasmissjoni ta' data satellitari lil stazzjonijiet riċeventi jew permezz ta' konnessjonijiet dedikati ta' medda ta' frekwenza għolja lil stazzjonijiet li ma jkunux parti minn Copernicus f'konformità ma' dan ir-Regolament u applikabbli għad-drittijiet ta' partijiet terzi.

Artikolu 25

Protezzjoni ta' interessi ta' sigurtà

1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-qafas ta' sigurtà ta' Copernicus, b'kont meħud tal-objettivi msemmija fl-Artikolu 4. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-miżuri ta' sigurtà meħtieġa li għandhom jiġu mfassla biex jiġi evitat kwalunkwe riskju jew theddida għall-interess jew is-sigurtà tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari biex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2001/844/KE, KESE, Euratom u d-Deċiżjoni 2013/488/UE.

2.   Abbażi tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa marbuta mas-sigurtà għal Copernicus. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 30(4).

3.   Il-Kummissjoni tista' tiġi assistita minn esperti indipendenti mill-Istati Membri sabiex jiġu ddefiniti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-qafas ta' sigurtà msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Minkejja l-paragrafu 2, il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri li għandhom jittieħdu kull meta s-sigurtà tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha tista' tiġi affettwata mid-data u l-informazzjoni pprovduta permezz ta' Copernicus.

5.   Fejn l-informazzjoni klassifikata tal-UE tiġi ġġenerata jew ittrattata fi ħdan Copernicus, il-parteċipanti kollha għandhom jiżguraw livell ta' protezzjoni ekwivalenti għal dak previst mir-regoli stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KESE, Euratom u fl-Annessi għad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Artikolu 26

Kooperazzjoni internazzjonali

1.   Il-pajjiżi jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali li ġejjin jistgħu jipparteċipaw f'Copernicus, abbażi ta' ftehimiet xierqa:

(a)

il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim taż-ŻEE;

(b)

il-pajjiżi kandidati, flimkien ma' kandidati potenzjali, f'konformità mal-Ftehimiet ta' Qafas rispettivi jew mal-Protokoll għal Ftehim ta' Assoċjazzjoni li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni;

(c)

il-Konfederazzjoni Svizzera, pajjiżi terzi oħrajn mhux imsemmija fil-punti (a) u (b) u organizzazzjonijiet internazzjonali, f'konformità mal-ftehimiet konklużi mill-Unjoni ma' tali pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali skont l-Artikolu 218 TFUE, li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u r-regoli dettaljati għall-involviment tagħhom.

2.   Il-pajjiżi jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jipprovdu l-appoġġ finanzjarju jew kontributi in natura lil Copernicus. Dak l-appoġġ finanzjarju u dawk il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu ttrattati bħala dħul estern assenjat, f'konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Finanzjarju u għandhom ikunu ammissibbli skont it-termini u l-kondizzjonijiet tal-ftehim konkluż mal-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali rispettiva.

3.   Il-koordinazzjoni internazzjonali tas-sistemi ta' osservazzjoni u l-iskambji relatati ta' data jistgħu jiġu indirizzati minn Copernicus, sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni globali u l-komplementarjetà tiegħu u b'kont meħud tal-ftehimiet internazzjonali eżistenti u l-proċessi ta' koordinazzjoni.

Artikolu 27

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri adatti biex jiġi żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huma protetti, meta azzjonijiet iffinanzjati taħt Copernicus jiġu implimentati, permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, b'kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, bl-irkupru tal-ammonti li jkunu tħallsu b'mod żbaljat u, fejn adatt, b'pieni amministrattivi u finanzjarji li jkunu effettivi, proporzjonali u disważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta' awditjar, fuq il-bażi ta' dokumenti u fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni taħt Copernicus.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi awditi u spezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (15)bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim ta' għotja jew deċiżjoni ta' għotja, jew kuntratt iffinanzjat taħt Copernicus.

4.   Mingħajr ħsara għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kuntratti, il-ftehimiet ta' għotja u d-deċiżjonijiet ta' għotja, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' Copernicus għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li espressament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditi u investigazzjonijiet, f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 28

Sjieda

1.   L-Unjoni għandha tkun il-proprjetarju tal-assi tanġibbli u intanġibbli kollha li nħolqu jew li ġew żviluppati taħt Copernicus. Għalhekk, il-ftehimiet għandhom jiġu konklużi ma' partijiet terzi, kull fejn ikun adatt, rigward drittijiet ta' proprjetà eżistenti.

2.   It-termini u l-kondizzjonijiet relatati mat-trasferiment tas-sjieda lill-Unjoni għandhom ikunu stabbiliti fil-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura, permezz ta' qafas adatt, l-użu ottimali tal-assi msemmija f'dan l-Artikolu; b'mod partikolari, hija għandha tamministra d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali relatati ma' Copernicus bl-aktar mod effettiv possibbli, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġu protetti u li jingħata valur lid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tal-Unjoni, l-interessi tal-partijiet interessati kollha, u l-ħtieġa ta' żvilupp armonjuż tas-swieq u ta' teknoloġiji ġodda u l-kontinwità tas-servizzi. Għal dak l-għan, hija għandha tiżgura li l-kuntratti li tidħol għalihom, taħt Copernicus, jinkludu l-possibbiltà ta' trasferiment jew liċenzjar ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali li tirriżulta minn ħidma mwettqa taħt Copernicus.

Artikolu 29

Assistenza lill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tista' tiġi assistita minn esperti indipendenti, minn oqsma differenti, relatati mal-kamp ta' applikazzjoni ta' Copernicus, minn kostitwenza wiesgħa ta' partijiet interessati, inklużi rappreżentanti tal-utenti ta' Copernicus u entitajiet nazzjonali responsabbli mill-ispazju, biex jipprovdulha l-kompetenza esperta teknika u xjentifika meħtieġa, kif ukoll il-perspettivi interdixxiplinarji u dawk transsettorjali, b'kont meħud tal-inizjattivi eżistenti rilevanti fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali u dak reġjonali.

Artikolu 30

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat (il-Kumitat Copernicus). Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Il-Kumitat Copernicus għandu jiltaqa' f'konfigurazzjonijiet speċifiċi b'mod partikolari rigward l-aspetti ta' sigurtà (“Bord tas-Sigurtà”).

2.   Il-Kumitat Copernicus għandu jistabbilixxi l-“Forum tal-Utenti” bħala grupp ta' ħidma sabiex jagħti pariri lill-Kumitat Copernicus dwar l-aspetti tar-rekwiżiti tal-utenti, f'konformità mar-regoli ta' proċedura tiegħu.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

5.   Ir-rappreżentanti tal-entitajiet li lilhom jiġu fdati kompiti ta' Copernicus għandhom jiġu involuti, fejn adatt, bħala osservaturi fil-ħidma tal-Kumitat Copernicus taħt il-kondizzjonijiet stipulati mir-regoli ta' proċedura tiegħu.

6.   Il-ftehimiet konklużi mill-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 26 jistgħu jipprevedu l-involviment, kif adatt, ta' rappreżentanti ta' pajjiżi terzi jew ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fil-ħidma tal-Kumitat Copernicus taħt il-kondizzjonijiet stipulati fir-regoli tal-proċedura tiegħu.

7.   Il-Kumitat Copernicus għandu jiltaqa' b'mod regolari, preferibbilment kull tliet xhur. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport dwar il-progress ta' Copernicus f'kull laqgħa. Dawk ir-rapporti għandhom jagħtu ħarsa ġenerali tal-istatus u l-iżviluppi ta' Copernicus, b'mod partikolari f'termini ta' ġestjoni tar-riskju, l-ispejjeż, l-iskeda, it-twettiq, l-akkwist u pariri rilevanti pprovduti lill-Kummissjoni.

Artikolu 31

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 9(7) u l-Artikolu 24(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni tul id-durata ta' Copernicus.

3.   Id-delega ta' setgħa imsemmija fl-Artikolu 9(7) u l-Artikolu 24(1) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Dan ma għandux jaffettwa l-validità ta' kwalunkwe att iddelegat diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b'mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att ddelegat adottat skont l-Artikolu 9(7) u l-Artikolu 24(1) għandujidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun tqajmet l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 32

Evalwazzjoni

1.   Sal-31 ta' Diċembru 2017, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, għandu jiġi stabbilit rapport ta' evalwazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-ilħuq tal-objettivi tal-kompiti kollha ffinanzjati minn Copernicus fil-livell tar-riżultati u l-impatti tagħhom, il-valur miżjud Ewropew tagħhom u dwar l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi. L-evalwazzjoni għandha tindirizza r-rilevanza kontinwa tal-objettivi kollha, kif ukoll il-kontribut tal-miżuri għall-objettivi deskritti fl-Artikoli 4, il-prestazzjoni tal-istruttura organizzattiva u l-ambitu tas-servizzi użati. L-evalwazzjoni għandha tinkludi wkoll valutazzjoni ta' involviment possibbli ta' aġenziji Ewropej rilevanti (inkluż l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea) u jekk adatt tkun akkumpanjata mill-proposti leġislattivi rilevanti.

B'mod partikolari, l-evalwazzjoni għandha tivvaluta l-impatti tal-politika tad-data ta' Copernicus u l-informazzjoni ta' Copernicus, fuq il-partijiet interessati, l-utenti downstream, l-influwenza fuq in-negozju kif ukoll fuq l-investimenti nazzjonali u privati fl-infrastrutturi ta' Osservazzjoni tad-dinja.

2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-operaturi u l-utenti ta' Copernicus, u għandhom jeżaminaw l-effettività u l-effiċjenza ta' Copernicus u l-kontribut tiegħu għall-objettivi msemmija fl-Artikolu 4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-riżultat ta' dawn l-evalwazzjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u għandha, fejn meħtieġ, tipproponi miżuri adatti.

3.   Il-Kummissjoni tista', kull meta jkun meħtieġ, tiġi assistita minn entitajiet indipendenti, twettaq evalwazzjoni tal-metodi għat-twettiq tal-proġetti kif ukoll l-impatt tal-implimentazzjoni tagħhom, sabiex jiġi evalwat jekk l-objettivi, inklużi dawk relatati mal-protezzjoni tal-ambjent, ikunux intlaħqu.

4.   Il-Kummissjoni tista' titlob Stat Membru biex jipprovdi evalwazzjoni speċifika tal-azzjonijiet u l-proġetti relatati ffinanzjati skont dan ir-Regolament jew, fejn adatt, biex jagħtiha l-informazzjoni u l-assistenza meħtieġa biex twettaq evalwazzjoni ta' tali proġetti.

Artikolu 33

Tħassir

1.   Ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 huwa mħassar.

2.   Kwalunkwe miżura adottata fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 911/2010 għandha tibqa' valida.

3.   Referenzi għar-Regolament (UE) Nru 911/2010 li tħassar għandhom jinftehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f'konformità mat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 34

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Opinjoni tas-16 ta' Ottubru 2013.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2014.

(3)  Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar il-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013) (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1).

(4)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(5)  Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(6)  Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90).

(7)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(8)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(9)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1159/2013 tat-12 ta' Lulju 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-dinja (GMES) billi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' reġistrazzjoni u ta' liċenzjar għall-utenti tal-GMES u jiddefinixxi l-kriterji għar-restrizzjoni tal-aċċess għad-dejta ddedikata tal-GMES u l-informazzjoni ta' servizz tal-GMES (ĠU L 309, 19.11.2013, p. 1).

(10)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (notifikata permezz tad-dokument numru C(2001) 3031) (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1).

(11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat- 23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(12)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(13)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(14)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal- Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999. (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(15)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS

Tabella ta' korrelazzjoni msemmija fl-Artikolu 33

Regolament (UE) Nru 911/2010

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikoli 2, 5, 6 u 7

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikoli 4, 9, 10, 11, 13 u 26

Artikolu 5

Artikoli 5, 9, 11 u 13

Artikolu 6

Artikoli 14 sa 22

Artikolu 7

Artikoli 9 u 26

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikoli 23, 24 u 25

Artikolu 10

Artikoli 24 u 31

Artikolu 11

Artikolu 31

Artikolu 12

Artikolu 31

Artikolu 13

Artikoli 23, 24 u 25

Artikolu 14

Artikoli 4 u 32

Artikolu 15

Artikoli 9 u 12

Artikolu 16

Artikolu 30

Artikolu 17

Artikolu 30

Artikolu 18

Artikolu 27

Artikolu 19

Artikolu 34

Anness

Artikolu 4


24.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/67


REGOLAMENT (UE) Nru 378/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-3 ta' April 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1166/2008 rigward il-qafas finanzjarju għall-perjodu 2014-2018

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1166/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistipula li l-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ dwar l-istrutturi tal-azjendi agrikoli fl-2010, fl-2013 u fl-2016. L-Istati Membri għandhom jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja massima ta' 75 % mill-Unjoni lejn l-ispejjeż ta' twettiq ta' dak l-istħarriġ, soġġetti għal ammonti massimi definiti.

(2)

Sabiex l-istħarriġ dwar l-istrutturi tal-azjendi agrikoli jitwettqu u sabiex ir-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-Unjoni jiġu ssodisfati, huwa meħtieġ finanzjar konsiderevoli mill-Istati Membri u mill-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 1166/2008 stabbilixxa l-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm ta' stħarriġiet, inklużi għall-ġestjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi tal-bażi tad-dejta użati fi ħdan il-Kummissjoni biex jipproċessaw id-dejta pprovduta mill-Istati Membri, u ffissal-ammont għall-perjodu mill-2008 sal-2013.

(4)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1166/2008, l-ammont għall-perjodu mill-2014 sal-2018 għandu jiġi ffissat mill-awtorità baġitarja u leġiżlattiva, fuq proposta mill-Kummissjoni, abbażi tal-qafas finanzjarju ġdid għall-perjodu li jibda fl-2014.

(5)

Il-pakkett finanzjarju propost għandu jiffinanzja biss it-twettiq tal-Istħarriġ dwar l-Istruttura tal-Azjendi Agrikoli fl-2016 u l-ġestjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp relatati tas-sistemi tal-bażi ta' dejta użati fi ħdan il-Kummissjoni biex tipproċessa d-dejta mressqa mill-Istati Membri.

(6)

Fid-dawl tal-adeżjoni tal-Kroazja u l-ħtieġa li jitwettaq stħarriġ dwar l-istruttura tal-impriżi agrikoli f'dak l-Istat Membru fl-2016, għandha tiġi ffissata kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għal kull stħarriġ għall-Kroazja peress li xejn ma ġie previst fl-Att ta' Adeżjoni.

(7)

Il-Kumitat Permanenti għall-Istatistika Agrikola ġie kkonsultat.

(8)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1166/2008 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1166/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 13, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4a.   Għall-istħarriġ dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli fl-2016, l-ammont massimu għall-Kroazja għandu jkun ta' EUR 500 000.”;

(2)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-istħarriġiet tal-istrutturi tal-azjendi agrikoli fl-2016, inklużi l-approprjazzjonijiet meħtieġa għall-ġestjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi tal-bażijiet tad-dejta użati fil-Kummissjoni biex jipproċessaw id-dejta pprovduta mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament, għandu jkun EUR 20 650 000 għall-perjodu 2014-2018.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

(*)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 2012.10.26, p. 1).”;"

(3)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 14a

Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tiżgura li fejn attivitajiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jitħarsu permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri ta' prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' verifiki effettivi u konsistenti u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball u, fejn ikun xieraq, permezz tal-impożizzjoni ta' penali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta' verifika, fuq il-bażi ta' dokumenti u verifiki fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotja, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni skont il-programm.

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati direttament jew indirettament minn finanzjament bħal dan skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (**), bl-għan li jiġi stabbilit jekk ikunux twettqu frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'konnessjoni ma' ftehim ta' għotja, deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt li jikkonċerna l-finanzjament tal-Unjoni.

Mingħajr ħsara għall-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u l-ftehimiet ta' għotja, d-deċiżjonijiet ta' għotja u l-kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jagħtu espressament is-setgħa lill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF li jwettqu tali awditjar, verifiki u spezzjonijiet fuq il-post.

(**)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar kontrolli u spezzjonijiet imwettqa fuq il-post mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi tal-Komunitajiet Ewropej minn frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).”;"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2014.

(2)  Regolament (KE) Nru 1166/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar stħarriġ ta' strutturi tal-impriżi agrikoli u stħarriġ dwar metodi ta' produzzjoni agrikola u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 571/88 (ĠU L 321, 1.12.2008, p. 14).