ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 103

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
5 ta' April 2014


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm Pericles 2020) u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE

1

 

*

Regolament (UE) Nru 332/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar xi proċeduri sabiex jiġi applikat il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra

10

 

*

Regolament (UE) Nru 333/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 443/2009 bl-għan li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi ġodda tal-passiġġieri

15

 

*

Regolament (UE) Nru 334/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, fir-rigward ta’ ċerti kundizzjonijiet għall-aċċess għas-suq ( 1 )

22

 

*

Regolament (UE) Nru 335/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li għandhom jew jinsabu mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom

33

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

5.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/1


REGOLAMENT (UE) Nru 331/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2014

li jistabilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”) u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni u l-Istati Membri intrabtu bl-objettiv li jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-użu tal-euro bħala munita unika. Dawk il-miżuri jinkludu l-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar u l-frodi relatata biex b’hekk tissaħħaħ l-effikaċja tal-ekonomija Ewropea u tiġi żgurata s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 (3) jipprovdi għal skambji ta’ informazzjoni, koperazzjoni u assistenza reċiproka, u b ‘hekk jistabbilixxi qafas armonizzat għall-protezzjoni tal-euro. L-effetti ta’ dak ir-Regolament kienu estiżi bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2001 (4) għal dawk l-Istati Membri li m’adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom, sabiex jiġi pprovdut livell ta’ protezzjoni ekwivalenti tal-euro madwar l-Unjoni.

(3)

L-azzjonijiet li għandhom l-għan li jippromwovu l-iskambji tal-informazzjoni u tal-persunal, għajnuna teknika u xjentifika u taħriġ speċjalizzat jgħinu b’mod sinifikanti biex jipproteġu l-munita unika tal-Unjoni kontra l-iffalsifikar u l-frodi relatata biex b’hekk jintlaħaq livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni, filwaqt li tintwera l-kapaċità tal-Unjoni li tindirizza l-Kriminalità organizzata serja.

(4)

Il-programm għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm Pericles) jikkontribwixxi biex tiżdied is–sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni, għat-titjib tal-protezzjoni tal-euro, speċjalment permezz tad-diffużjoni tar-riżultati ta’ azzjonijiet appoġġati minn dak il-programm.

(5)

L-appoġġ fl-imgħoddi għal dawn l-azzjonijiet, permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE (5) u 2001/924/KE (6), li ġew sussegwentement emendati u estiżi bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2006/75/KE (7), 2006/76/KE (8), 2006/849/KE (9) u 2006/850/KE (10), għamilha possibbli li jitjiebu l-attivitajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. L-għanijiet tal-programm Pericles kemm għall-perjodu 2002-2006 kif ukoll għall-perjodu 2007-2013 ġew milħuqa b’suċċess.

(6)

Fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, imwettqa fl-2011, li tevalwa jekk il-programm Pericles għandux jitkompla, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-programm Pericles għandu jiġġedded b’objettivi u metodoloġija mtejba.

(7)

Il-parir li jinsab fil-valutazzjoni tal-impatt kien li l-azzjonijiet għandhom jitkomplew u jiġu żviluppati aktar fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar, waqt li tqis sfidi ġodda f’kuntest tal-awsterità tal-baġit. Taħt il-programm il-ġdid, il-programm Pericles 2020, il-proposti ppreżentati mill-Istati Membri parteċipanti jistgħu jinkludu parteċipanti minn pajjiżi terzi, jekk il-parteċipazzjoni tagħhom tkun importanti għall-protezzjoni tal-euro.

(8)

Għandu jiġi żgurat li l-programm Pericles 2020 ikun konsistenti u komplimentari ma’ programmi u azzjonijiet relevanti oħrajn. Il-Kummissjoni għalhekk għandha twettaq il-konsultazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet għall-protezzjoni tal-euro mal-partijiet prinċipali involuti (partikolarment l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura mill-Istati Membri, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Europol) fi ħdan il-kumitat imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1338/2001, partikolarment fir-rigward tal-iskambju, l-għajnuna u t-taħriġ, bl-iskop li jiġi applikat il-programm Pericles 2020.

(9)

Il-programm Pericles 2020 għandu jiġi implimentat b’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). B’konformità ma’ dak ir-Regolament, għotja ma jistax ikollha bħala l-uniku skop tagħha x-xiri ta’ tagħmir. Għotja hija maħsuba biex tappoġġa finanzjarjament azzjoni maħsuba biex tgħin il-kisba ta’ objettiv ta’ politika tal-Unjoni.

(10)

L-importanza tal-euro bħala munita dinjija tirrikjedi livell adegwat ta’ protezzjoni fil-livell internazzjonali, u dan jista’ jinkiseb billi jkun hemm fondi disponibbli għax-xiri ta’ tagħmir li għandu jintuża minn aġenziji ta’ pajjiżi terzi fl-investigazzjoni tal-l-iffalsifikar tal-euro.

(11)

Il-valutazzjoni tal-programm Pericles immexxija mal-partijiet interessati turi l-valur miżjud ta’ dak il-programm, f’termini tal-livell għoli ta’ kooperazzjoni fost l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll il-komplementarjetà ma’ azzjonijiet imwettqa fil-livell nazzjonali, li jirriżultaw f’iktar effettività. Il-kontinwazzjoni tal-programm Pericles fil-livell tal-Unjoni hija mistennija tagħmel kontribut sostanzjali għaż-żamma u t-titjib ulterjuri tal-livell għoli ta’ protezzjoni tal-euro assoċjata mal-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali, tal-iskambju u tal-assistenza. Fl-istess ħin, se jkun hemm tfaddil komplessiv permezz ta’ azzjonijiet u akkwisti organizzati kollettivament, meta mqabbel ma’ inizjattivi nazzjonali individwali potenzjali.

(12)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ valutazzjoni ta’ nofs it-terminu indipendenti dwar l-implimentazzjoni tal-programm Pericles 2020 u rapport ta’ valutazzjoni finali dwar il-ksib tal-għanijiet tiegħu.

(13)

Dan ir-Regolament jikkonforma mal-prinċipji tal-valur miżjud u tal-proporzjonalità. Il-programm Pericles 2020 għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex l-euro jkun protett mill-falsifikazzjoni, mingħajr ma jiġu mimsusa r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri, u b’użu iktar effiċjenti tar-riżorsi minn dak li seta’ jsir fil-livell nazzjonali. Azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija meħtieġa u ġġustifikata għax tgħin b’mod ċar lill-Istati Membri biex kollettivament jipproteġu l-euro u tinkoraġġixxi l-użu ta’ strutturi komuni tal-Unjoni sabiex tiżdied il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informżazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti.

(14)

Il-programm Pericles 2020 għandu jibqa’ għaddej għal perjodu ta’ seba’ snin sabiex it-tul tiegħu jiġi allinjat ma’ dak tal-qafas finanzjarju multiannwali stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (12)

(15)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-programm Pericles 2020, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma annwali li jistipulaw il-prijoritajiet, it-tqassim tal-baġit u l-kriterji ta’ valutazzjoni għall-għotjiet għal azzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tiddiskuti l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mal-Istati Membri, fi ħdan il-qafas tal-kumitat imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1338/2001. Il-każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, fejn żieda fil-kofinanzjament tkun neċessarja sabiex l-Istati Membri jingħataw flessibilità ekonomika ikbar, sabiex b’hekk ikunu jistgħu jwettqu u jikkompletaw proġetti biex jipproteġu u jissalvagwardjaw l-euro b’mod sodisfaċenti, għandhom ikunu parti mill-programmi ta’ ħidma annwali.

(16)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għat-tul kollu tal-programm Pericles 2020, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u fuq il-ġestjoni finanzjarja soda (13), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(17)

Sabiex ikun hemm provvediment għal grad ta’ flessibbiltà fl-allokazzjoni tal-fondi, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ emendi għall-allokazzjoni indikattiva ta’ dawk il-fondi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(18)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu mħarsa permezz ta’ miżuri proporzjonati tul iċ-ċiklu tal-infiq kollu kemm hu, inklużi l-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati ħażin u, fejn xieraq, penali amministrattivi u finanzjarji.

(19)

Id-Deċiżjonijiet 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE għandhom jitħassru. Għandhom jiġu pprovduti miżuri ta’ tranżizzjoni biex jiġu kkompletati obbligi finanzjarji relatati ma’ azzjonijiet segwiti taħt dawk id-Deċiżjonijiet.

(20)

Huwa xieraq li tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel mingħajr interruzzjoni bejn il-programm Pericles u l-programm Pericles 2020 u huwa xieraq li t-tul tal-Programm Pericles 2020 jiġi allinjat mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013. Għaldaqstant, il-Programm Pericles 2020 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Il-programm ta’ azzjoni multiannwali biex jippromwovi azzjonijiet għall-protezzjoni u s-salvagwardja tal-euro kontra l-iffalsifikar “Pericles 2020” (“il-Programm”) huwa b’dan stabbilit għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Artikolu 2

Valur miżjud

Il-programm għandu jinkoraġġixxi b’mod attiv u jinvolvi żieda fil-kooperazzjoni transnazzjonali għall-protezzjoni tal-euro ġewwa u barra l-Unjoni u mas-sħab kummerċjali tal-Unjoni, u filwaqt li tingħata attenzjoni wkoll fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri jew pajjiżi terzi li għandhom l-ogħla rati ta’ ffalsifikar tal-euro, kif juru r-rapporti relevanti maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti. Tali kooperazzjoni għandha tikkontribwixxi għal effettività ikbar tal-protezzjoni tal-euro permezz tal-iskambju tal-aħjar prattika, standards komuni u taħriġ speċjalizzat konġunt.

Artikolu 3

Objettiv ġenerali

L-objettiv ġenerali tal-Programm għandu jkun li jipprevjeni u jiġġieled kontra l-iffalsifikar u l-frodi relatata, biex b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

Artikolu 4

Objettiv speċifiku

L-objettiv speċifiku tal-Programm għandu jkun li jipproteġi karti u muniti tal-euro kontra l-iffalsifikar u l-frodi relatata, billi jappoġġa u jissuplimenta l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u jassisti lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u tal-Unjoni fl-isforzi tagħhom sabiex jiżviluppaw bejniethom u mal-Kummissjoni kooperazzjoni mill-qrib u regolari u skambju tal-aħjar prattiki, inklużi, fejn xieraq, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Dak l-objettiv għandu jitkejjel, fost oħrajn, permezz tal-effettività tal-azzjoni minn awtoritajiet finanzjarji, tekniċi, u dawk ġudizzjarji, kif imkejjel permezz tal-għadd ta’ flus foloz misjuba, ħwienet tax-xogħol illegali żarmati, individwi arrestati u penalitajiet imposti.

Artikolu 5

Korpi eliġibbli għal finanzjament

Il-korpi eliġibbli għall-finanzjament skont il-Programm għandhom ikunu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif definiti fil-punt (b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001.

Artikolu 6

Parteċipazzjoni fil-Programm

1.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom ikunu l-Istati Membri li adottaw l-euro bħala l-munita unika tagħhom.

2.   Il-proposti ppreżentati mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu parteċipanti minn pajjiżi terzi, jekk dan ikun importanti għat-twettiq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stipulati fl-Artikoli 3 u 4 rispettivament

Artikolu 7

Gruppi identifikati u azzjonijiet konġunti

1.   Il-programm għandu jiġimmirat lejn il-parteċipazzjoni tal-gruppi li ġejjin:

(a)

impjegati tal-aġenziji involuti fl-iskoperta tal-iffalsifikar u fil-ġlieda kontrih, b’mod partikolari, korpi tal-pulizija u amministrazzjonijiet finanzjarji, skont il-funzjoni speċifika tagħhom fil-livell nazzjonali;

(b)

persunal involut fil-ġbir ta’ informazzjoni;

(c)

rappreżentanti tal-banek ċentrali nazzjonali, taz-zekki, tal-banek kummerċjali u ta’ intermedjarji finanzjarji oħrajn, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-obbligi tal-istituzzjonijiet finanzjarji;

(d)

uffiċjali ġudizzjarji, avukati speċjalizzati u membri tal-ġudikatura f’dan il-qasam;

(e)

kull grupp ieħor ta’ speċjalisti kkonċernati, bħal pereżempju, kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew strutturi simili li joffru aċċess lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, bejjiegħa bl-imnut u kumpaniji tal-flus kontanti fi tranżitu.

2.   L-azzjonijiet taħt il-Programm jistgħu jiġu organizzati b’mod konġunt mill-Kummissjoni u sħab oħrajn li għandhom kompetenza relevanti, bħal:

(a)

il-banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE);

(b)

ic-Ċentri Nazzjonali ta’ Analiżi (NACs) u ċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Analiżi tal-Muniti (CNACs);

(c)

iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u z-zekki;

(d)

l-Europol, l-Eurojust u l-Interpol;

(e)

l-uffiċċji ċentrali nazzjonali kontra l-iffalsifikar, kif provdut fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Trażżin tal-Iffalsifikar tal-Flus iffirmata f’Ġinevra fl-20 ta’ April 1929 (14) u aġenziji oħrajn speċjalizzati fil-prevenzjoni, fis-sejbien u fl-infurzar tal-liġi b’konnessjoni mal-iffalsifikar;

(f)

korpi speċjalizzati kkonċernati fil-qasam tat-teknoloġija tad-dupplikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni, stampaturi u inċiżuri;

(g)

korpi oħra minbarra dawk imsemmija fil-punti (a) sa (f) li joffru kompetenza speċifika, inklużi, fejn meħtieġ, korpi bħal dawn minn pajjiżi terżi u b’mod partikolari Stati fil-proċess ta’ adeżjoni u pajjiżi kandidati għall-adeżjoni; u

(h)

entitajiet privati li żviluppaw u pprovdew evidenza ta’ għarfien tekniku u timijiet li jispeċjalizzaw fis-sejbien ta’ karti tal-flus u muniti ffalsifikati.

Artikolu 8

Azzjonijiet eliġibbli

1.   Il-Programm għandu jqis aspetti transnazzjonali u multidixxiplinarji tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar u għandu jippromwovi l-aħjar prattiki adattati għall-ispeċifiċitajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru.

2.   Il-Programm għandu jipprovdi, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-programmi ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 11, appoġġ finanzjarju għall-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

skambju u tixrid ta’ informazzjoni, partikolarment permezz tal-organizzazzjoni ta’ workshops, laqgħat u seminars inklużi taħriġ, apprendistati b’fokus partikolari u skambji tal-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u azzjonijiet oħra simili. L-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun, fost l-oħrajn, immirat lejn:

—

metodoloġiji għall-monitoraġġ u l-analiżi tal-impatt ekonomiku u finanzjarju tal-iffalsifikar;

—

it-tħaddim ta’ databases u sistemi ta’ twissija bikrija;

—

l-użu ta’ għodda ta’ sejbien bl-għajnuna tal-kompjuter;

—

il-metodi ta’ inkjesta u investigazzjoni;

—

assistenza xjentifika, b’mod partikolari databases xjentifiki u għassa/kontroll teknoloġiku ta’ żviluppi ġodda;

—

il-protezzjoni tal-euro barra l-Unjoni;

—

azzjonijiet ta’ riċerka;

—

il-forniment ta’ kompetenzi speċifiċi operazzjonali;

(b)

assistenza teknika, xjentifika u operazzjonali kif ikun jidher neċessarju bħala parti mill-programm, inklużi b’mod partikolari:

—

kull miżura xierqa li tistabbilixxi riżorsi għat-tagħlim fuq livell tal-Unjoni, bħal handbook ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bullettini ta’ informazzjoni, manwali prattiċi, glossarji u dizzjunarji, databases, b’mod speċjail fil-qasam tal-assistenza xjentifika u l-għassa tat-teknoloġija jew applikazzjonijiet tal-kompjuter li joffru appoġġ bħal per eżempju software;

—

studji relevanti b’dimensjoni multidixxiplinarja u transnazzjonali;

—

l-iżvilupp ta’ strumenti u metodi tekniċi ta’ appoġġ li jiffaċilitaw l-azzjonijiet ta’ sejbien fil-livell tal-Unjoni;

—

appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni f’operazzjonijiet li jinvolvu mill-inqas żewġ Stati meta dan l-appoġġ ma jkunx disponibbli minn programmi oħrajn tal-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej.

(c)

għotjiet għall-iffinanzjar tax-xiri tat-tagħmir li jintuża minn awtoritajiet speċjalizzati kontra l-iffalsifikar, għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar, b’konformità mal-Artikolu 10(3).

KAPITOLU II

QAFAS FINANZJARJU

Artikolu 9

Pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 għandu jkun EUR 7 344 000 (fil-prezzijiet attwali).

2.   Fil-pakkett finanzjarju għall-Programm, l-ammonti għandhom jiġu allokati għal azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 8(2) b’konformità mal-allokazzjoni indikattiva tal-fondi stipulata fl-Anness.

Il-Kummissjoni m’għandhiex titbiegħed minn dik l-allokazzjoni indikattivi tal-fondi b’iktar minn 10 %. Jekk ikun neċessarju li jinqabeż dak il-limitu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14 biex timmodifika l-allokazzjoni indikattiva tal-fondi stipulata fl-Anness.

3.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 10

Tipi ta’ appoġġ finanzjarju u kofinanzjament

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

2.   L-appoġġ finanzjarju taħt il-Programm għal azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 8(2) għandu jieħu l-forma ta’ jew:

(a)

għotjiet; jew

(b)

akkwist pubbliku.

3.   Ix-xiri ta’ tagħmir m’għandux ikun l-uniku komponent tal-ftehim tal-għotja.

4.   Ir-rata ta’ kofinanzjament għal għotjiet mogħtija taħt il-Programm ma għandhiex taqbeż il-75 % tal-ispejjeż eliġibbli. F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, definiti fil-programmi ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 11, ir-rata ta’ kofinanzjament m’għandhiex taqbeż id-90 % tal-ispejjeż eliġibbli.

5.   Fejn l-azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 8(2) jkunu organizzati flimkien mal-Kummissjoni u l-BĊE, l-Eurojust, l-Europol jew l-Interpol, l-ispejjeż li jkun hemm għandhom jinqasmu bejniethom. Fi kwalunkwe każ, kull wieħed minnhom għandu jħallas l-ispejjeż tal-vjaġġ u tal-akkomodazzjoni tal-kelliema mistiedna tiegħu.

Artikolu 11

Programmi ta’ ħidma annwali

Sabiex timplimenta l-Programm, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma annwali.

Kull programm ta’ ħidma annwali għandu jimplimenta l-objettivi ġenerali u speċifiċi previsti fl-Artikoli 3 u 4 rispettivament billi jiddetermina dan li ġej:

(a)

l-azzjonijiet li għandhom li għandhom jitwettqu, skont it-tali objettivi ġenerali u speċifiċi, inklużi l-allokazzjoni indikattiva tal–fondi u l-metodu ta’ implimentazzjoni;

(b)

għall-għotjiet: il-kriterji tal-għażla essenzjali u r-rata massima possibbli ta’ kofinanzjament.

Il-fondi allokati għall-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni taħt il-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll biex ikopru l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn huma relatati mal-objettivi ġenerali stipulati fl-Artikolu 3.

Artikolu 12

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa li jiżguraw li, meta jiġu implimentati attivitajiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa ħażin u, fejn applikabbli, permezz ta’ penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonali u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa li jwettqu awditu, abbażi ta’ dokumenti u fuq il-post, fir-rigward tal-benefiċjarji ta’ għotjiet, tal-kuntratturi u tas-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni taħt il-Programm.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jagħmel investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbilti fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (16) bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe azzjoni illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta’ għotja jew kuntratt iffinanzjati skont dan ir-Regolament.

4.   Mingħajr ħsara għall-paragrafi 1, 2 u 3, ftehimiet ta’ koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta’ għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li b’mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditi u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

KAPITOLU III

MONITORAĠĠ, VALUTAZZJONI U SETGĦAT DELEGATI

Artikolu 13

Monitoraġġ u valutazzjoni

1.   Il-programm għandu jkun implimentat mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari fi stadji differenti tal-implimentazzjoni tal-Programm, fi ħdan il-kumitat imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1338/2001, b’kunsiderazzjoni tal-miżuri rilevanti meħuda minn entitajiet kompetenti oħrajn, b’mod partikolari l-BĊE u l-Europol.

2.   Il-Kummissjoni għandha tfittex li tiżgura li jkun hemm konsistenza u kumplimentarjetà bejn il-Programm u programmi u attivitajiet relevanti oħrajn fil-livell tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni annwali dwar ir-riżultati tal-Programm. Għandha tiġi inkluża informazzjoni dwar il-konsistenza u l-komplementarjetà ma’ programmi u azzjonijiet rilevanti oħrajn fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha kontinwament tiddistribwixxi r-riżultati tal-azzjonijiet appoġġati permezz tal-Programm. Il-pajjiżi parteċipanti kollha u benefiċjarji oħrajn għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni d-dejta u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikun possibbli li jsiru l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Programm.

4.   Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-programm. Sal-31 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ valutazzjoni ta’ nofs il-perjodu indipendenti dwar l-ilħuq tal-objettivi tal-miżuri kollha (fil-livell ta’ riżultati u impatti), l-użu effiċjenti u kosteffikaċi tar-riżorsi u l-valur miżjud tiegħu għall-Unjoni. Ir-rapport ta’ valutazzjoni għandu jitħejja bil-ħsieb li jinforma deċiżjoni li tittieħed fuq it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni tal-miżuri. Barra minn hekk, il-valutazzjoni għandha tindirizza jekk hemmx lok għal simplifikazzjoni, il-koerenza interna u esterna tagħha, ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi kollha, kif ukoll il-kontribut tal-miżuri għall-prijoritajiet tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Din għandha tikkunsidra r-riżultati li joħorġu mill-valutazzjoni fir-rigward tal-impatt fit-tul tal-miżuri li jkunu ttieħdu qabel.

5.   L-impatti fit-tul u s-sostenibbiltà tal-effetti tal-Programm għandhom jiġu evalwati wkoll bil-ħsieb li jinfurmaw deċiżjoni dwar it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni possibbli ta’ kull programm sussegwenti.

6.   Barra minn hekk sal-31 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ valutazzjoni finali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kisba tal-objettivi tal-Programm.

Artikolu 14

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 9 hija mogħtija lill-Kummissjoni mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 9 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 9 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Tħassir

Id-Deċiżjonijiet 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE huma b’dan imħassra.

Madankollu, l-obbligi finanzjarji relatati ma’ azzjonijiet segwiti taħt dawk id-Deċiżjonijiet għandhom ikomplu jkunu regolati minn dawk id-Deċiżjonijiet sat-twettiq ta’ dawk l-obbligi..

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  1. ĠU C 137, 12.5.2012, p. 7.

(2)  2. Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2013 (għadu mhux ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jistabilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jestendi l-effetti tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001, li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar għal dawk l-Istati Membri li m’adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 11).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/923/KE tas-17 ta’ Diċembru 2001 li tistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU L 339, 21.12.2001, p. 50).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/924/KE tas-17 ta’ Diċembru 2001 li testendi l-effetti tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi skambju, għajnuna u programm ta’ taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) għall-Istati Membri li għadhom m’adottawx l-euro bħala munita unika (ĠU L 339, 21.12.2001, p. 55).

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/75/KE tat-30 ta’ Jannar 2006 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-protezzjoni tal-Euro kontra l-falsifikazzjoni (il-programm Pericles) (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 40).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/76/KE tat-30 ta’ Jannar 2006 li testendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/75/KE li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-protezzjoni tal-Euro kontra l-falsifikazzjoni (il-programm Pericles) (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 42).

(9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/849/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 li temenda u testendi d-Deċizjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar (il-programm Pericles) (ĠU L 330, 28.11.2006, p. 28).

(10)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/850/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 li testendi għall-Istati Membri li m’humiex parteċipanti l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/849/KE li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar (il-programm Pericles) (ĠU L 330, 28.11.2006, p. 30).

(11)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(12)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(13)   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(14)  Serje ta’ Trattati tal-Lega tan-Nazzjonijiet Nru 2623 (1931), p. 372.

(15)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(16)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS

Allokazzjoni indikattiva tal-fondi għal azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 8(2)

Fil-pakkett finanzjarju għall-programm kif stipulat fl-Artikolu 9, minimu ta’ 90 % tal-baġit għandu jiġi allokat għall-azzjonijiet eliġibbli li ġejjin elenkati fl-Artikolu 8(2):

—

Skambju u tixrid ta’ informazzjoni;

—

Assistenza teknika, xjentifika u operazzjonali;

—

Għotjiet għall-finanzjament ta’ xiri ta’ tagħmir li jkun maħsub biex jintuża minn awtoritajiet speċjalizzati kontra l-iffalsifikar.


5.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/10


REGOLAMENT (UE) Nru 332/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2014

dwar xi proċeduri sabiex jiġi applikat il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (“FSA”) ġie ffirmat fid-29 ta’ April 2008 u konkluż fit-22 ta’ Lulju 2013 (2). Il-FSA daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2013.

(2)

Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti r-regoli għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-FSA, kif ukoll il-proċeduri għall-adozzjoni ta’ regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni.

(3)

Sabiex ikun żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-FSA, lill-Kummissjoni għandhom jingħatawlha setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Minħabba li l-atti ta’ implimentazzjoni jagħmlu parti mill-politika kummerċjali komuni, il-proċedura ta’ eżami għadha fil-prinċipju tintuża għall-adozzjoni tagħhom. Fejn il-FSA jipprevedi l-possibbiltà, f’ċirkustanzi eċċezzjonali u serji, li jiġu applikati immedjatament il-miżuri neċessarji biex is-sitwazzjoni tiġi indirizzata, il-Kummissjoni għandha tadotta tali atti ta’ implimentazzjoni minnufih. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu applikabbli minnufih meta, f’każijiet debitament ġustifikati relatati ma’ miżuri li jikkonċernaw prodotti agrikoli u tas-sajd, dan ikun meħtieġ minħabba raġunijiet imperattivi ta’ urġenza.

(4)

Il-FSA jistipula li ċerti prodotti agrikoli u tas-sajd li joriġinaw fis-Serbja jistgħu jiġu impurtati fl-Unjoni b’dazju doganali mnaqqas, fil-limiti tal-kwoti tariffarji. Għalhekk, hu meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ġestjoni u r-rieżami ta’ dawk il-kwoti tariffarji sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni bir-reqqa tagħhom.

(5)

Fejn isir meħtieġ li jittieħdu miżuri għad-difiża tan-negozju, dawn għandhom jiġu adottati f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 (4), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (5) jew, jekk ikun il-każ, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (6).

(6)

Fejn Stat Membru jipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni dwar każ possibbli ta’ frodi jew fejn ikun hemm nuqqas ta’ kooperazzjoni amministrattiva, għandha tkun applikabbli l-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 (7).

(7)

Dan ir-Regolament fih miżuri ta’ implimentazzjoni għall-FSA, u għalhekk għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-FSA.

(8)

Bid-dħul fis-seħħ tal-FSA, il-FSA ħa post il-Ftehim Interim dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa, u r-Repubblika tas-Serbja, fuq in-naħa l-oħra (8) (“Ftehim Interim”) li kien daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2010 u li ppreveda d-dħul bikri fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet kummerċjali u ta’ dawk relatati mal-kummerċ li hemm fil-FSA. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni u l-ġestjoni effettiva tal-kwoti tariffarji mogħtija taħt il-Ftehim Interim u l-FSA, kif ukoll sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u t-trattament ugwali fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ dazji, uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Interim,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-adozzjoni ta’ regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, fuq in-naħa l-oħra (“FSA”).

2.   Ir-referenzi kollha f’dan ir-Regolament għad-dispożizzjonijiet tal-FSA għandhom, meta applikabbli, jinftiehmu bħala referenzi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim Interim.

Artikolu 2

Konċessjonijiet fir-rigward tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd

Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli ddettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 14 tal-Ftehim Interim, u mbagħad tal-Artikolu 29 tal-FSA, fir-rigward tal-kwoti tariffarji għall-ħut u għall-prodotti tas-sajd, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Tnaqqis tariffarju

1.   Bla ħsara għall-paragrafu 2, ir-rati tad-dazju preferenzjali għandhom jinqatgħu għad-dritt ‘l isfel sal-ewwel post deċimali.

2.   Ir-rata preferenzjali għandha tiġi kkunsidrata bħala eżenzjoni sħiħa fejn ir-riżultat tal-kalkolu tar-rata tad-dazju preferenzjali f’konformità mal-paragrafu 1 ikun wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

1 % jew anqas fil-każ ta’ dazji ad valorem;

(b)

EUR 1 jew anqas għal kull ammont individwali fil-każ ta’ dazji speċifiċi.

Artikolu 4

Adattamenti tekniċi

Il-Kummissjoni għandha tadotta emendi u adattamenti tekniċi għad-dispożizzjonijiet adottati taħt dan ir-Regolament li jkunu neċessarji wara tibdil fil-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda u fis-subdiviżjonijiet TARIC jew li joħorġu mill-konklużjoni ta’ ftehimiet, protokolli, skambji ta’ ittri jew atti oħra ġodda jew immodifikati bejn l-Unjoni u r-Repubblika tas-Serbja permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(3).

Artikolu 5

Klawżola ta’ salvagwardja ġenerali

Bla ħsara għall-Artikolu 7, fejn l-Unjoni trid tieħu miżura kif previst fl-Artikolu 41 tal-FSA, il-Kummissjoni għandha tadotta dik il-miżura permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħorfl-Artikolu 41 tal-FSA.

Artikolu 6

Klawżola dwar l-iskarsezza

Bla ħsara għall-Artikolu 7, fejn l-Unjoni jkollha tieħu miżura prevista fl-Artikolu 42 tal-FSA, il-Kummissjoni għandha tadotta dik il-miżura permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Ċirkostanzi eċċezzjonali u kritiċi

Fejn jinqalgħu ċirkostanzi eċċezzjonali u serji fis-sens tal-Artikolu 41(5)(b) u l-Artikolu 42(4) tal-FSA, il-Kummissjoni tista’ tieħu miżuri li jkunu applikabbli minnufih kif previst fl-Artikoli 41 u 42 tal-FSA, f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(4) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Klawżola ta’ salvagwardja fir-rigward tal-prodotti agrikoli u tas-sajd

1.   Minkejja l-proċeduri previsti fl-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-Regolament, fejn l-Unjoni trid tieħu miżura kif previst fl-Artikolu 32(2) jew fl-Artikolu 41 tal-FSA, dwar il-prodotti tal-agrikoltura u tas-sajd, il-Kummissjoni, wara talba minn Stat Membru jew b’inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi dwar il-miżuri meħtieġa wara li tkun irrikorriet, fejn ikun applikabbli, għall-proċedura ta’ riferiment prevista fl-Artikolu 41 tal-FSA. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-Regolament.

Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu debitament ġustifikati, inkluż il-każ imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(4) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Jekk il-Kummissjoni tirċievi t-talba msemmija fil-paragrafu 1 mingħand Stat Membru, hija għandha tieħu deċiżjoni dwarha:

(a)

fi żmien tlitt ijiem ta’ ħidma wara li tirċievi dik it-talba, fejn il-proċedura ta’ riferiment prevista fl-Artikolu 41 tal-FSA ma tapplikax; jew

(b)

fi żmien tlitt ijiem mill-perijodu ta’ 30 jum imsemmi fl-Artikolu 41(5)(a) tal-FSA, fejn tapplika l-proċedura ta’ riferiment prevista fl-Artikolu 41 tal-FSA.

Artikolu 9

Sorveljanza

Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 32(2) tal-FSA għandha tiġi stabbilita sorveljanza tal-Unjoni fuq l-importazzjoni tal-prodotti elenkati fl-Anness V tal-Protokoll 3 għall-FSA. Għandha tkun applikabbli l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 308d tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (9).

Artikolu 10

Dumping u sussidji

Fil-każ ta’ prattika li tista’ twassal li l-Unjoni tieħu l-miżuri previsti fl-Artikolu 40(2) tal-FSA, għandha tittieħed deċiżjoni dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri kontra d-dumping u/jew miżuri kompensatorji f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u fir-Regolament (KE) Nru 597/2009 rispettivament.

Artikolu 11

Kompetizzjoni

1.   Fil-każ ta’ prattika li l-Kummissjoni tikkunsidraha li mhix kompatibbli mal-Artikolu 73 tal-FSA, il-Kummissjoni għandha, wara li teżamina l-każ b’inizjattiva proprja jew wara li ssir talba minn Stat Membru, tiddeċiedi fuq il-miżura xierqa prevista fl-Artikolu 73 tal-FSA.

Il-miżuri previsti fl-Artikolu 73(10) tal-FSA għandhom jiġu adottati fil-każi ta’ għajnuna f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 597/2009.

2.   Fil-każ ta’ prattika li tista’ twassal għall-applikazzjoni ta’ miżuri fil-konfront tal-Unjoni mir-Repubblika tas-Serbja, abbażi tal-Artikolu 73 tal-FSA, il-Kummissjoni għandha, wara li teżamina l-każ, tiddeċiedi jekk il-prattika hix kompatibbli mal-prinċipji li jinsabu fil-FSA. Fejn ikun meħtieġ, hija għandha tieħu deċiżjonijiet xierqa abbażi ta’ kriterji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikoli 101, 102 u 107 tat-Trattat.

Artikolu 12

Frodi jew nuqqas ta’ kooperazzjoni amministrattiva

1.   Fejn il-Kummissjoni, abbażi ta’ informazzjoni pprovduta minn Stat Membru jew b’inizjattiva tagħha stess, issib li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 46 tal-FSA ikunu sodisfatti, hija għandha, minnufih:

(a)

tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill; u

(b)

tinnotifika lill-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bis-sejba tagħha flimkien mal-informazzjoni objettiva tagħha li fuqha hija bbażata, u tidħol f’konsultazzjonijiet mal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

2.   Kwalunkwe pubblikazzjoni taħt l-Artikolu 46(5) tal-FSA għandha ssir mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-Regolament, li tissospendi temporanjament it-trattament preferenzjali rilevanti tal-prodotti kif previst fl-Artikolu 46(4) tal-FSA.

Artikolu 13

Proċedura ta’ kumitat

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 2, 4 u 12 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit permezz tal-Artikolu 184 tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

2.   Għall-finijiet tal-Artikoli 5 sa 8 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 260/2009. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw il-paragrafi 1 sa 4 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 14

Notifika

Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’isem l-Unjoni, għandha tkun responsabbli għan-notifika lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u lill-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, rispettivament, kif meħtieġ mill-FSA.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Settembru 2013. Madankollu, l-Artikoli 2, 3 u 4 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Frar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-istadju tal-ewwel qari tat-28 ta’ Jannar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni 2013/490/UE, Euratom tat-22 ta’ Lulju 2013 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (ĠU L 278, 18.10.2013, p. 14). Il-Ftehim ġie ppubblikat flimkien ma’ dik id-Deċiżjoni fil-ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16.

(3)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 tas- 26 ta’ Frar 2009 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat- 30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal- 11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1).

(8)   ĠU L 28, 30.1.2010, p. 1.

(9)  Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(10)  Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1).


5.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/15


REGOLAMENT (UE) Nru 333/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 443/2009 bl-għan li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi ġodda tal-passiġġieri

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Taħt l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira ta’ 95 g CO2/km sal-2020 b’mod kosteffettiv, inklużi l-formoli li jingħataw fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament u d-derogi previsti fl-Artikolu 11 tiegħu. Huwa kunsiljabbli li dan ir-Regolament ikun kemm jista’ jkun newtrali mil-lat tal-kompetizzjoni, soċjalment ġusta u sostenibbli.

(2)

L-iżvilupp ulterjuri tas-suq dinji għal teknoloġiji avvanzati bl-għan li titjieb l-effiċjenza tal-karozzi tal-passiġġieri f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Jannar 2011 intitolata “Għal Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi - Inizjattiva ewlenija taħt l-istrateġija Ewropa 2020”, li tappoġġa l-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju biex jinkiseb tkabbir sostenibbli.

(3)

Huwa xieraq li jiġi ċċarat li, għall-fini tal-verifika tal-konformità mal-mira ta’ 95 g CO2/km, l-emissjonijiet ta’ CO2 għandhom jibqgħu jitkejlu skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu u t-teknoloġiji innovattivi.

(4)

Il-prezzijiet għoljin tal-karburanti fossili għandhom impatt negattiv fuq l-irkupru ekonomiku u fuq is-sigurtà u l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet tal-enerġija fl-Unjoni. Għalhekk hija prijorità li tiżdied l-effiċjenza u s-sostenibbiltà ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali ħfief, biex b’hekk titnaqqas id-dipendenza fuq iż-żejt.

(5)

B’rikonoxximent tal-ispejjeż għoljin tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-produzzjoni ta’ unitajiet tal-ewwel ġenerazzjonijiet ta’ vetturi b’livell baxx ħafna ta’ emissjonijiet, huwa xieraq li jitħaffef u jiġi ffaċilitat, fuq bażi interim u f’livell limitat, il-proċess ta’ introduzzjoni tagħhom fis-suq tal-Unjoni fl-istadji inizjali tagħhom ta’ kummerċjalizzazzjoni. L-atturi f’livelli differenti għandhom jagħtu attenzjoni adatta lill-identifikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki biex tiġi stimulata d-domanda għal vetturi b’livell baxx ħafna ta’ emissjonijiet.

(6)

In-nuqqas ta’ infrastrutturi ta’ karburanti alternattivi u ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi komuni għall-interfaċċa tal-infrastruttura tal-vetturi jista’ jkun ostakolu għat-tqegħid fis-suq ta’ vetturi b’livell baxx ħafna ta’ emissjonijiet. L-iżgurar tal-iżvilupp ta’ tali infrastruttura fl-Unjoni jista’ jiffaċilita l-ħidma tal-forzi tas-suq u jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa.

(7)

B’rikonoxximent tal-impatt sproporzjonat fuq l-iżgħar manifatturi li jirriżulta minn konformità ma’ miri speċifiċi għall-emissjonijiet ddefiniti abbażi tal-utilità tal-vettura, mill-piż amministrattiv kbir tal-proċedura tad-deroga u vantaġġ li huwa biss marġinali f’termini ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO2 mill-vetturi li jinbiegħu minn dawk il-manifatturi, il-manifatturi responsabbli għal inqas minn 1 000 karozza ġdida tal-passiġġieri rreġistrati annwalment fl-UE għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-mira speċifika għall-emissjonijiet u l-primjum għal eċċess ta’ emissjonijiet. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali mill-istadju l-aktar bikri għal dawk il-manifatturi responsabbli għal inqas minn 1 000 karozza, huwa essenzjali li dik id-deroga tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

(8)

Il-proċedura biex jingħataw derogi għall-manifatturi ta’ volumi żgħar għandha tkun issimplifikata biex titħalla aktar flessibbiltà fir-rigward ta’ meta għandha tiġi ppreżentata applikazzjoni għal deroga minn dawn il-manifatturi u meta l-Kummissjoni għandha tagħti tali deroga.

(9)

Il-proċedura biex jingħataw derogi għal manifatturi speċjalizzati għandha titkompla lil hinn mill-2020. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-isforz ta’ tnaqqis meħtieġ minn manifatturi speċjalizzati huwa konsistenti ma’ dak ta’ manifatturi ta’ volum kbir, għalhekk mill-2020 għandha tapplika mira ta’ 45 % anqas mill-emissjonijiet medji speċifiċi ta’ manifatturi speċjalizzati fl-2007.

(10)

Sabiex l-industrija tal-karozzi tkun tista’ tagħmel investiment u innovazzjoni fit-tul, ikun tajjeb li jiġu pprovduti indikazzjonijiet ta’ kif ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 għandu jiġi emendat għall-perijodu ta’ wara l-2020. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni tar-rata meħtieġa ta’ tnaqqis skont il-miri tal-Unjoni fit-tul għall-klima u l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp ta’ teknoloġija kosteffettiva li tnaqqas is- CO2 għall-karozzi. Sal-2015, il-Kummissjoni għandha tirrivedi dawn l-aspetti u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sejbiet tagħha. Fejn adatt, dak ir-rapport għandu jinkludi proposti li jemendaw ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 bil-ħsieb li jiġu stabbiliti miri għall-emissjonijiet ta’ CO2 għal karozzi ġodda tal-passiġġieri lil hinn mill-2020, inkluż l-istabbiliment possibbli ta’ mira realistika u li tista’ tinkiseb għall-2025, abbażi ta’ valutazzjoni komprensiva tal-impatt li ser tikkunsidra l-kompetittività kontinwa tal-industrija tal-karozzi u l-industriji li jiddipendu minnha, filwaqt li żżomm perkors ċar għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet komparabbli ma’ dak li nkiseb fil-perijodu sal-2020. Meta telabora tali proposti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn ikunu kemm jista’ jkun newtrali mil-lat tal-kompetizzjoni u li jkunu soċjalment ġusti u sostenibbli.

(11)

Taħt ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 il-Kummissjoni hija meħtieġa li tagħmel valutazzjoni tal-impatt sabiex tirrivedi l-proċeduri ta’ ttestjar biex tirrifletti b’mod adegwat ir-rendiment reali tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi. Jeħtieġ li jiġi emendat “Iċ-ċiklu l-ġdid ta’ sewqan Ewropew (NEDC - New European Driving Cycle)” li qed jintuża attwalment, sabiex jiġi żgurat li dan jirrappreżenta kondizzjonijiet reali tas-sewqan u sabiex tiġi evitata s-sottovalutazzjoni tal-emissjonijiet reali ta’ CO2 u tal-konsum tal-karburanti. Għandu jintlaħaq qbil malajr kemm jista’ jkun dwar proċedura ġdida għall-ittestjar, li tkun aktar realistika u affidabbli. Il-ħidma f’din id-direzzjoni qed tipproċedi permezz tal-iżvilupp ta’ Proċedura armonizzata għall-Ittestjar Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP, Worldwide Light Test Procedure) fil-qafas tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti iżda din għadha mhijiex ikkompletata. Sabiex jiġi żgurat li l-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 kkwotati għal karozzi ġodda tal-passiġġieri jkunu aktar konformi mal-emissjonijiet realment iġġenerati matul l-użu f’kondizzjonijiet normali, id-WLTP għandu jiġi applikat mal-ewwel opportunità possibbli. Fid-dawl ta’ dan, l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 jistabbilixxi limiti tal-emissjonijiet għall-2020 kif imkejla skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u l-Anness XII tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (5). Meta jiġu emendati l-proċeduri ta’ ttestjar, il-limiti stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 għandhom jiġu aġġustati biex jiżguraw restrizzjonijiet komparabbli għall-manifatturi u l-klassijiet tal-vetturi. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tagħmel studju ta’ korrelazzjoni tajjeb bejn in-NEDC u ċ-ċikli tal-ittestjar tad-WLTP biex jiġi żgurat li dawn jirrappreżentaw il-kondizzjonijiet reali tas-sewqan.

(12)

Sabiex jiġi żgurat li l-emissjonijiet dinjija reali jiġu riflessi b’mod adegwat, u li l-valuri mkejla ta’ CO2 ikunu strettament komparabbli, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-elementi fil-proċeduri tal-ittestjar li jkollhom effett sinifikanti fuq l-emissjonijiet imkejla ta’ CO2 ikunu ddefiniti b’mod strett sabiex jiġi evitat l-użu tal-flessibbiltajiet taċ-ċikli tal-ittestjar mill-manifatturi. Id-devjazzjonijiet bejn il-valuri ta’ emissjonijiet ta’ CO2 tal-approvazzjoni tat-tip u l-emissjonijiet idderivati minn vetturi offruti għall-bejgħ għandhom jiġu indirizzati, inkluż billi tiġi kkunsidrata proċedura tal-ittestjar tal-konformità waqt is-servizz li għandha tiżgura l-ittestjar indipendenti ta’ kampjun rappreżentattiv ta’ vetturi għall-bejgħ, kif ukoll modi kif jiġu indirizzati każijiet ta’ diverġenza sostanzjali murija bejn l-istħarriġ u l-emissjonijiet ta’ CO2 inizjali tal-approvazzjoni tat-tip.

(13)

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 għandha tiġi aġġustata sabiex jiġi żgurat li l-kunċett ta’ impriżi konnessi huwa f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (6) kif ukoll mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(14)

Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 jagħti s-setgħat lill-Kummissjoni biex timplimenta wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu skont il-proċeduri stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (8). Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, dawk is-setgħat għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(15)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(16)

Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti taħt l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex temenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ data u parametri ta’ data, tissuplimenta r-regoli dwar l-interpretazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibilità għal derogi minn miri ta’ emissjonijiet speċifiċi, dwar il-kontenut tal-applikazzjonijiet għal deroga u dwar il-kontenut u l-valutazzjoni ta’ programmi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2; taġġusta ċ-ċifra ta’ M0 msemmija fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 għall-massa medja ta’ vetturi ġodda tal-passiġġieri fit-tliet snin kalendarji preċedenti; u tadatta l-formula fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009. Huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni tagħmel il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-fażi tal-ħidma ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(17)

Huwa kunsiljabbli li jinżamm l-approċċ fl-istabbiliment tal-mira abbażi ta’ relazzjoni lineari bejn l-utilità tal-karozza u l-mira tagħha għall-emissjonijiet ta’ CO2 kif espress permezz tal-formoli li jingħataw fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, billi dan jippermetti li tinżamm id-diversità tas-suq tal-karozzi u l-abbiltà tal-manifatturi li jindirizzaw il-ħtiġijiet differenti tal-konsumaturi, u b’hekk tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni mhux ġustifikata tal-kompetizzjoni.

(18)

Fil-valutazzjoni li saret minnha tal-impatt, il-Kummissjoni vvalutat id-disponibbiltà ta’ data dwar l-marka tal-karbonju u l-użu tal- marka tal-karbonju bħala parametru ta’ utilità fil-formoli li jingħataw fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009. Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, ġie konkluż mill-Kummissjoni li l-parametru ta’ utilità użat fil-formola għall-2020 għandu jkun il-massa. Madankollu, l-ispiża aktar baxxa u l-merti ta’ bidla lejn marka tal-karbonju bħala parametru ta’ utilità għandhom jitqiesu f’analiżi futura.

(19)

L-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra relatati mal-provvista tal-enerġija u l-manifattura u r-rimi tal-vetturi huma komponenti sinifikanti tal-marka tal-karbonju globali attwali tat-trasport bit-triq u x’aktarx li ser isiru sinifikattivament aktar importanti fil-futur. Għalhekk, għandha tittieħed -azzjoni ta’ politika li tiggwida lill-manifatturi lejn soluzzjonijiet ottimali li jikkunsidraw, b’mod partikolari, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra assoċjati mal-ġenerazzjoni tal-enerġija fornuta lill-vetturi bħall-elettriku u l-karburanti alternattivi, u li tiżgura li dawk l-emissjonijiet upstream ma jħassrux il-benefiċċji relatati ma’ titjib fl-użu tal-enerġija operazzjonali tal-vetturi li qiegħed jiġi mmirat taħt ir-Regolament (KE) Nru 443/2009.

(20)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi ġodda tal-passiġġieri, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(21)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, it-tieni paragrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Mill-2020 ‘il quddiem, dan ir-Regolament jistabbilixxi mira ta’ 95 g CO2/km bħala emissjonijiet medji tal-flotta tal-karozzi ġodda kif imkejla skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u l-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 692/2008 u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu, u t-teknoloġiji innovattivi.”.

(2)

Fl-Artikolu 2, jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   B’effett mill-1 ta’ Jannar 2012, l-Artikolu 4, l-Artikolu 8(4)(b) u (c), l-Artikolu 9 u l-Artikolu 10(1)(a) u (c) ma għandhomx japplikaw għal manifattur li jkun responsabbli, flimkien mal-impriżi konnessi kollha tiegħu, għal inqas minn 1 000 karozza ġdida tal-passiġġieri rreġistrata fl-Unjoni fis-sena kalendarja preċedenti.”.

(3)

L-ewwel inċiż fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“—

is-setgħa li jeżerċita aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot; jew”.

(4)

Fl-Artikolu 4, it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 ta’ kull manifattur, għandu jittieħed kont tal-perċentwali, li ġejjin, għall-karozzi tal-passiġġieri ġodda, ta’ kull manifattur, li jiġu reġistrati fis-sena rilevanti:

—

65 % fl-2012,

—

75 % fl-2013,

—

80 % fl-2014,

—

100 % mill-2015 sal-2019,

—

95 % fl-2020,

—

100 % sa tmiem l-2020 u ‘l quddiem.”.

(5)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5a

Super krediti għall-mira ta’ 95 g CO2/km

Meta jiġu kkalkulati l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2, kull vettura ġdida tal-passiġġieri b’livell ta’ emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 inqas minn 50 g CO2/km għandha titqies bħala:

—

2 karozzi tal-passiġġieri fl-2020,

—

1,67 karozzi tal-passiġġieri fl-2021,

—

1,33 karozzi tal-passiġġieri fl-2022,

—

karozza waħda tal-passiġġieri mill-2023,

għas-sena li fiha tiġi rreġistrata fil-perijodu mill-2020 sal-2022, soġġett għal limitu massimu ta’ 7,5 g CO2/km matul dak il-perijodu għal kull manifattur.”.

(6)

Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 9 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“9.   Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati dwar il-proċeduri għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ data taħt dan l-Artikolu u dwar l-applikazzjoni tal-Anness II permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).

Il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14a sabiex temenda r-rekwiżiti tad-data u l-parametri tad-data stabbiliti fl-Anness II.”.

(7)

Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-modi għall-ġbir ta’ primjums għall-eċċess ta’ emissjonijiet taħt il-paragrafu 1 permezz tal-atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).”

(8)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, titħassar l-aħħar sentenza;

(b)

fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(b)

jekk l-applikazzjoni hija fir-rigward tal-punti (a) u (b) tal-punt 1 tal-Anness I, mira li hija tnaqqis ta’ 25 % fl-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 fl-2007 jew, fejn issir applikazzjoni unika fir-rigward ta’ għadd ta’ impriżi konnessi, tnaqqis ta’ 25 % fuq il-medja tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 ta’ dawk l-impriżi fl-2007.”;

(c)

fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

jekk l-applikazzjoni hija fir-rigward tal-punt (c) tal-Anness I, il-punt 1, mira li hija tnaqqis ta’ 45 % fl-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 fl-2007 jew, fejn issir applikazzjoni unika fir-rigward ta’ għadd ta’ impriżi konnessi, tnaqqis ta’ 45 % fuq il-medja tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 ta’ dawk l-impriżi fl-2007.”;

(d)

il-paragrafu 8 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“8.   Il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14a li jistabbilixxu regoli li jissupplimentaw il-paragrafi 1 sa 7 ta’ dan l-Artikolu, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għal derogi, tal-kontenut tal-applikazzjonijiet, u tal-kontenut u l-valutazzjoni tal-programmi għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2.”.

(9)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fuq applikazzjoni minn fornitur jew manifattur, għandu jiġi kkunsidrat l-iffrankar ta’ CO2 miksub permezz tal-użu ta’ teknoloġiji innovattivi jew taħlita ta’ teknoloġiji innovattivi (“pakkett ta’ teknoloġija innovattiva”).

Tali teknoloġiji għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk il-metodoloġija użata biex tivvalutahom tkun kapaċi tipproduċi riżultati verifikabbli, ripetibbli u komparabbli.

Il-kontribut totali ta’ dawk it-teknoloġiji għat-tnaqqis tal-mira tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ manifattur jista’ jkun sa 7 g CO2/km.”;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel sentenza hija ssostitwita b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, dispożizzjonijiet dettaljati għal proċedura biex jiġu approvati t-teknoloġiji innovattivi jew pakketti ta’ teknoloġija innovattiva msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-Regolament.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fornitur jew manifattur li japplika għall-approvazzjoni ta’ xi miżura bħala teknoloġija innovattiva jew pakkett ta’ teknoloġija innovattiva għandu jressaq rapport lill-Kummissjoni, li jinkludi rapport ta’ verifika mwettaq minn entità indipendenti u ċertifikata. F’każ ta’ interazzjoni possibbli tal-miżura ma’ teknoloġija innovattiva oħra jew ma’ pakkett ta’ teknoloġija innovattiva diġa’ approvat, ir-rapport għandu jsemmi dik l-interazzjoni u ur-rapport ta’ verifika għand jivvaluta sa liema punt dik l-interazzjoni tbiddel it-tnaqqis miksub minn kull miżura.”.

(10)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti delegati, dawk il-miżuri f’konformità mal-Artikolu 14a.”;

(b)

jitħassar it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3;

(c)

il-paragrafu 5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“5.   Sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-miri għall-emissjonijiet speċifiċi, il-modalitajiet u aspetti oħra ta’ dan ir-Regolament, inkluż jekk parametru ta’ utilità jkunx għadu meħtieġ u jekk il-massa jew il-marka tal-karbonju hijiex l-aktar parametru ta’ utilità sostenibbli, sabiex tistabbilixxi l-miri għall-emissjonijiet ta’ CO2 għal karozzi ġodda tal-passiġġieri għall-perijodu ta’ wara l-2020. Il-valutazzjoni tar-rata meħtieġa ta’ tnaqqis għandha tkun konformi mal-miri tal-Unjoni fit-tul relatati mal-klima u l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp ta’ teknoloġija kosteffettiva li tnaqqas is-CO2 għall-karozzi. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultat ta’ dik ir-reviżjoni. Dak ir-rapport għandu jinkludi kwalunkwe proposta li temenda dan ir-Regolament, inkluż l-istabbiliment possibbli ta’ mira realistika u li tista’ tinkiseb, abbażi ta’ valutazzjoni komprensiva tal-impatt li ser tikkunsidra l-kompetittività kontinwa tal-industrija tal-karozzi u l-industriji li jiddipendu minnha. Meta telabora tali proposti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn ikunu kemm jista’ jkun newtrali mil-lat tal-kompetizzjoni u jkunu soċjalment ġusti u sostenibbli.”;

(d)

il-paragrafu 7 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“7.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tiddetermina l-parametri ta’ korrelazzjoni meħtieġa sabiex tkun riflessa kwalunkwe bidla fil-proċedura tal-ittestjar regolatorja għall-kejl tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 msemmija fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u r-Regolament (KE) Nru 692/2008. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa biex tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 14a sabiex tadatta l-formoli li jinsabu fl-Anness I, billi tuża l-metodoloġija adottata skont l-ewwel subparagrafu, filwaqt li tiżgura li r-rekwiżiti għat-tnaqqis ta’ restrizzjoni komparabbli għall-manifatturi u vetturi ta’ utilità differenti jkunu meħtieġa taħt il-proċeduri ta’ ttestjar il-qodma u l-ġodda.”.

(11)

L-Artikolu 14 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 14

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit bl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn il-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*1)  Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kyoto (ĠU L 49, 19.2.2004, p. 1)."

(*2)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

(12)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 14a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa biex tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa biex tadotta atti delegati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(9), l-Artikolu 11(8), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(7) għal perijodu ta’ ħames snin mit-8 ta’ April 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames-snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża impliċitament għal perijodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(9), l-Artikolu 11(8), fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(7) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(9), l-Artikolu 11(8), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(7) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn ta’ notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

(13)

Fil-punt 1 tal-Anness I, jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

Mill-2020:

Formula

fejn:

M= il-massa tal-vettura f’kilogrammi (kg)

M0 = il-valur adottat skont l-Artikolu 13(2).

a= 0,0333.”

(14)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt 1 tal-Parti A jiddaħħal il-punt li ġej:

“(n)

qawwa massima netta.”;

(b)

fit-tabella “Id-dejta ddettaljata speċifikata fil-punt 1 tal-Parti A”, tiżdied il-kolonna li ġejja:

“Qawwa massima netta (kW)”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)   ĠU C 44, 15.2.2013, p. 109.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2014.

(3)  Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1).

(4)  Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).

(5)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(7)  Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).

(9)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


5.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/22


REGOLAMENT (UE) Nru 334/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, fir-rigward ta’ ċerti kundizzjonijiet għall-aċċess għas-suq

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jindika l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament u, fost l-oħrajn, jeskludi mill-applikazzjoni tiegħu prodotti bijoċidali meta użati bħala aġenti li jgħinu l-ipproċessar. L-Artikolu 2(5) għandu jiġi emendat sabiex jiġi ċċarat lil hinn minn kull dubju li “aġenti li jgħinu l-ipproċessar” tfisser dawk definiti fir-Regolamenti (KE) Nru 1831/2003 (4) u (KE) Nru 1333/2008 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(2)

Il-punt (s) tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 19(6) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għandhom jiġu emendati sabiex jippermettu li prodotti bijoċidali simili jkunu parti minn familja ta’ prodotti bijoċidali jekk ikunu jistgħu jiġu vvalutati b’mod sodisfaċenti abbażi ta’ riskji massimi identifikabbli u livell minimu ta’ effikaċja.

(3)

Fil-punt (e) tal-Artikolu 19(1) u fl-Artikolu 19(7) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, għandu jiġi ċċarat li l-limiti li għandhom jiġu stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) huma limiti ta’ migrazzjoni speċifika jew limiti għall-kontenut residwu f’materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel.

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 u r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), il-punt (b) tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għandu jiġi emendat biex jinkludi t-tossiċità speċifika għall-organi fil-mira b’esponiment ta’ darba jew ripetut tal-kategorija 1 bħala kriterju ta’ klassifikazzjoni, sabiex jipprekludi awtorizzazzjoni biex prodott bijoċidali li jissodisfa l-kriterji għal din il-klassifikazzjoni jkun disponibbli fis-suq għall-użu mill-pubbliku ġenerali. Il-punt (c) tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jipprojbixxi l-awtorizzazzjoni biex prodotti bijoċidali li jissodisfaw il-kriterji li jagħmluhom persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (“PBT”), jew persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna (“vPvB”) skont l-Anness XIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jkunu disponibbli fis-suq għall-użu mill-pubbliku ġenerali. Madankollu, billi l-prodotti bijoċidali huma spiss taħlitiet u xi kultant oġġetti, dawk il-kriterji japplikaw biss għas-sustanzi. Għaldaqstant, il-punt (c) tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għandu jirreferi għal prodotti bijoċidali li jikkonsistu minn, li jkun fihom jew li jiġġeneraw sustanzi li jissodisfaw dawk il-kriterji.

(5)

Billi evalwazzjoni komparattiva mhijiex imsemmija fl-Anness VI għar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ir-referenza għal dak l-Anness fl-Artikolu 23(3) ta’ dak ir-Regolament għandha titħassar.

(6)

L-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għandu jiġi emendat biex tiġi kkoreġuta r-referenza għall-Artikolu 30.

(7)

Bis-saħħa tal-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fejn l-Istati Membri kollha kkonċernati jkunu laħqu ftehim mal-Istat Membru ta’ referenza dwar l-rikonoxximent reċiproku, prodott bijoċidali għandu jiġi awtorizzat skont l-Artikolu 33(4) jew 34(6) tiegħu. Madankollu, id-dispożizzjonijiet li jirreferu għad-deċiżjonijiet mill-Istati Membri kollha kkonċernati biex jagħtu awtorizzazzjonijiet permezz ta’ rikonoxximent reċiproku huma stabbiliti fl-Artikoli 33(3) u 34(6) ta’ dak ir-Regolament. L-Artikolu 35(3) għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan.

(8)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jesiġi li applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-Unjoni tkun akkumpanjata minn tariffi pagabbli skont l-Artikolu 80(1) ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, it-tariffi jistgħu jitħallsu biss wara li l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) tkun ipprovdiet informazzjoni dwar il-livell tagħhom skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(3) ta’ dak ir-Regolament. Għaldaqstant, u sabiex tiġi żgurata konsistenza mal-Artikoli 7(1), 13(1) u 43(1) ta’ dak ir-Regolament, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(1) għandu jitħassar.

(9)

L-użu tal-kelma “rimi” fl-Artikoli 52, 89 u 95 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jista’ jkun qarrieqi u jista’ jirriżulta fi problemi ta’ interpretazzjoni, b’kunsiderazzjoni tal-obbligi imposti mid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Għaldaqstant għandha titħassar.

(10)

Għandhom isiru xi korrezzjonijiet tekniċi għall-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 sabiex jiġi evitat li jkun hemm duplikazzjoni bejn l-Artikolu 54(1) u (3) fir-rigward tal-pagament tat-tariffi applikabbli skont l-Artikolu 80(1).

(11)

L-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jirreferu għall-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 30(4), 34(6) jew 44(4) tiegħu. Madankollu, id-dispożizzjonijiet li jirreferu għad-deċiżjonijiet biex jingħataw awtorizzazzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikoli 30(1), 33(3), 33(4), 34(6), 34(7), 36(4), 37(2), 37(3) u 44(5) ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60(3) ta’ dak ir-Regolament ma jindika l-ebda perjodu għall-protezzjoni tad-data msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 20(1) li ġiet ippreżentata f’applikazzjoni skont l-Artikolu 26(1) tiegħu. L-Artikolu 60(3) għandu għaldaqstant jirreferi wkoll għall-Artikoli 26(3), 30(1), 33(3), 33(4), 34(6), 34(7), 36(4), 37(2), 37(3) u 44(5) ta’ dak ir-Regolament.

(12)

L-Artikolu 66(4) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għandu jiġi emendat biex tiġi kkoreġuta r-referenza għall-Artikolu 67.

(13)

Sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni tajbin bejn l-Istati Membri, l-Aġenzija u l-Kummissjoni dwar l-infurzar, l-Aġenzija għandha wkoll tingħata l-kompitu li tipprovdi appoġġ u assistenza lill-Istati Membri fir-rigward tal-kontroll u l-attivitajiet ta’ infurzar billi tagħmel użu minn strutturi differenti, fejn ikun xieraq.

(14)

Biex tiġi permessal-preparazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet ta’ prodott bijoċidali sad-data tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 89(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-aċċess elettroniku mill-pubbliku għal informazzjoni dwar is-sustanzi attivi, prevista fl-Artikolu 67 tiegħu, għandu jkun disponibbli mill-jum meta l-Kummissjoni tadotta r-Regolament li jistipula li s-sustanza attiva hija approvata.

(15)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 77(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jipprevedi għal appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija li jkunu ttieħdu skont l-Artikolu 26(2) tiegħu. Madankollu, peress li l-Artikolu 26(2) ma jagħtix is-setgħa lill-Aġenzija li tieħu deċiżjoni, ir-referenza għal dak l-Artikolu fl-Artikolu 77(1) għandha titħassar.

(16)

L-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jirreferi għal sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Għandu jiġi ċċarat li dak l-Artikolu japplika għas-sustanzi attivi kollha li għalihom il-Kummissjoni adottat direttiva li tinkludihom f’dak l-Anness, li l-kundizzjonijiet għal tali inklużjoni huma applikabbli għall-approvazzjoni, u li d-data tal-approvazzjoni hija d-data tal-inklużjoni.

(17)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 89(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jippermetti lill-Istati Membri japplikaw is-sistema attwali tagħhom sa massimu ta’ sentejn wara d-data tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 89(3) tiegħu jesiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti bijoċidali jingħataw, jiġu mmodifikati jew ikkanċellati fi żmien sentejn mill-approvazzjoni ta’ sustanza attiva. Madankollu, meta wieħed iqis iż-żmien meħtieġ għad-diversi passi tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni, b’mod partikolari fejn jibqa’ jippersisti nuqqas ta’ qbil dwar ir-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri u għaldaqstant il-kwistjoni tkun trid tiġi riferuta lill-Kummissjoni għal deċiżjoni, huwa xieraq li dawk l-iskadenzi jiġu estiżi għal tliet snin u li dik l-estensjoni tiġi riflessa fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 37(3) ta’ dak ir-Regolament.

(18)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 89(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jippermetti lill-Istati Membri japplikaw is-sistema attwali tagħhom għas-sustanzi attivi eżistenti. Prodott bijoċidali jista’ jkun fih taħlita ta’ sustanzi attivi ġodda li ġew approvati u sustanzi attivi eżistenti li għadhom ma ġewx approvati. Sabiex l-innovazzjoni tiġi ppremjata billi dawn il-prodotti jingħataw aċċess għas-suq, l-Istati Membri għandhom jitħallew japplikaw is-sistemi attwali tagħhom għal dawn il-prodotti sakemm is-sustanza attiva eżistenti tkun ġiet approvata, u dawk il-prodotti huma bħala konsegwenza eliġibbli għall-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(19)

L-Artikoli 89(4) u 93(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jipprevedu perjodi ta’ eliminazzjoni gradwali għal prodotti bijoċidali li għalihom ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni. L-istess perjodi għandhom japplikaw għall-eliminazzjoni gradwali ta’ prodott bijoċidali li diġà qiegħed fis-suq, fejn tingħata awtorizzazzjoni iżda l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni jkunu jeħtieġu li l-prodott bijoċidali jinbidel.

(20)

L-Artikolu 93 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għandu jiċċara li d-deroga prevista fih tapplika biss skont ir-regoli nazzjonali tal-Istati Membri.

(21)

L-Artikolu 94(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 ifittex li jippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti ttrattati bi prodotti bijoċidali li fihom sustanzi attivi li, għalkemm għadhom ma ġewx approvati, qegħdin jiġu vvalutati, jew fil-kuntest tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 89(1) ta’ dak ir-Regolament jew abbażi ta’ applikazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 94(1). Madankollu, ir-referenza fl-Artikolu 94(1) għall-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tista’ tiġi interpretata bħala deroga mhux maħsuba mir-rekwiżiti ta’ ttikkettjar u ta’ informazzjoni stipulati fl-Artikolu 58(3) u (4). L-Artikolu 94(1) ta’ dak ir-Regolament għandu għalhekk jirreferi biss għall-Artikolu 58(2).

(22)

Billi l-Artikolu 94(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 japplika biss għal oġġetti ttrattati li diġà qegħdin fis-suq, iddaħħlet projbizzjoni mhux maħsuba fuq il-biċċa l-kbira tal-oġġetti ttrattati, mill-1 ta’ Settembru 2013 sal-approvazzjoni tal-aħħar sustanza attiva li tinsab f’dawk l-oġġetti ttrattati. Għaldaqstant, l-ambitu tal-Artikolu 94(1) għandu jiġi estiż biex jinkludi oġġetti ġodda ttrattati. Dak l-Artikolu għandu jipprevedi wkoll perjodu ta’ eliminazzjoni gradwali għal oġġetti ttrattati li għalihom ma titressaq l-ebda applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva għat-tip ta’ prodott rilevanti sal-1 ta’ Settembru 2016. Sabiex jiġu evitati effetti ħżiena potenzjali fuq l-operaturi ekonomiċi u filwaqt li jiġi protett bis-sħiħ il-prinċipju taċ-ċertezza legali, għandha ssir dispożizzjoni għal dawk il-modifiki biex japplikaw mill-1 ta’ Settembru 2013.

(23)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jirrikjedi l-preżentazzjoni ta’ dossier sħiħ dwar is-sustanza. Għandu jkun possibbli li tali dossier sħiħ jinkludi data msemmija fl-Anness IIIA jew IVA tad-Direttiva 98/8/KE.

(24)

Taħt it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, id-dritt li ssir referenza għad-data previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(3) tiegħu huwa estiż għall-istudji kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, sabiex persuni rilevanti prospettivi jkunu jistgħu jiġu inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 95(2) tiegħu. Mingħajr tali dritt għal referenza, bosta persuni rilevanti prospettivi ma jkunux jistgħu jikkonformaw mal-Artikolu 95(1) fil-ħin biex ikunu inklużi f’dik il-lista sad-data msemmija fl-Artikolu 95(3). Madankollu, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 95(1) jonqos milli jinkludi studji dwar id-destin u l-imġiba tal-ambjent. Barra minn hekk, minħabba li l-persuni rilevanti prospettivi iridu jħallsu għad-dritt li jagħmlu referenza skont l-Artikolu 63(3), għandhom ikunu intitolati li jgawdu bis-sħiħ minn dan id-dritt billi jgħadduh lill-applikanti għall-awtorizzazzjoni tal-prodott. L-Artikolu 95għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(25)

Il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għandu l-intenzjoni li jillimita l-perjodu ta’ protezzjoni għad-data li tista’ tiġi kondiviża mill-1 ta’ Settembru 2013 għall-iskop tal-konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(1), li iżda f’dik id-data kienet għadha ma tistax tiġi kondiviża għall-iskop li tissostanzja applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti. Dan huwa l-każ għad-data relatata ma’ kombinazzjonijiet ta’ sustanzi attivi jew tipi ta’ prodott li għalihom ma tteħditx deċiżjoni qabel l-1 ta’ Settembru 2013 dwar l-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE. L-Artikolu 95(1) ta’ dak ir-Regolament għandu għalhekk jirreferi għal dik id-data.

(26)

Skont l-Artikolu 95(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-lista ppubblikata mill-Aġenzija għandu jkollha l-ismijiet tal-parteċipanti fil-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 89(1) tiegħu. L-Artikolu 95(2) jippermetti lil dawk il-parteċipanti li jgwadu mill-mekkaniżmu għall-kumpens tal-kost stabbilit f’dak ir-Regolament. Il-possibbiltà ta’ tgawdija minn mekkaniżmu għall-kumpens tal-kost għandha tkun miftuħa għall-persuni kollha li ressqu dossier sħiħ dwar is-sustanza skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 jew skont id-Direttiva 98/8/KE, jew ittra għall-aċċess għal dossier bħal dan. Għandha tkun miftuħa għal dawk li ppreżentaw dossiers għal kull sustanza li fiha nnifisha mhijiex sustanza attiva iżda li tiġġenera sustanzi attivi.

(27)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali li fihom sustanzi attivi li għalihom il-manifattur jew l-importatur (“il-persuna rilevanti”) mhuwiex inkluż fil-lista msemmija f’dak l-Artikolu. Bis-saħħa tal-Artikoli 89(2) u 93(2) ta’ dak ir-Regolament, ċerti sustanzi attivi jkunu legalment preżenti fis-suq fi prodotti bijoċidali anki jekk ma jkunx għadu ġie ippreżentat dossier sħiħ dwar is-sustanza. Il-projbizzjoni taħt l-Artikolu 95(3) ma għandhiex tapplika għal dawn is-sustanzi. Barra minn hekk, fejn l-ebda manifattur jew importatur tas-sustanza m’huwa mniżżel għal sustanza li għaliha ġie ppreżentat dossier sħiħ dwar is-sustanza, għandu jkun hemm il-possibbiltà li persuna oħra tkun tista’ tqiegħed fis-suq prodotti bijoċidali li fihom dik is-sustanza, soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ dossier, jew ta’ ittra għall-aċċess għal dossier, minn dik il-persuna jew il-manifattur jew l-importatur tal-prodott bijoċidali.

(28)

L-Artikolu 95(4) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jipprevedi li l-Artikolu 95 japplika għal sustanzi attivi elenkati taħt il-kategorija 6 fl-Anness I għal dak ir-Regolament. Dawk is-sustanzi ġew inklużi f’dak l-Anness abbażi tal-preżentazzjoni ta’ dossiers sħaħ dwar is-sustanza, li l-proprjetarji tagħhom għandhom ikunu intitolati li jgawdu mill-mekkaniżmu għall-kumpens tal-kost stabbilit taħt dak l-Artikolu. Fil-futur, sustanzi oħra jistgħu jiġu inklużi f’dak l-Anness abbażi ta’ preżentazzjonijiet bħal dawn. Il-kategorija 6 f’dak l-Anness I għandha għaldaqstant tirregola kull sustanza bħal din.

(29)

Id-deskrizzjoni fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 ta’ prodotti bijoċidali użati f’materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel għandha tkun konsistenti mat-terminoloġija użata fir-Regolament (KE) Nru 1935/2004.

(30)

Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għandu jiġi ċċarat li d-Direttiva 98/8/KE hija revokata mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 li jirreferu għad-Direttiva 98/8/KE.

(31)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2(5), il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

prodotti bijoċidali meta jintużaw bħala aġenti li jgħinu l-ipproċessar skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 u r-Regolament (KE) Nru 1333/2008.”;

(2)

L-Artikolu 3(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (s) jinbidel b’dan li ġej:

“(s)

‘familja tal-prodotti bijoċidali’ tfisser grupp ta’ prodotti bijoċidali li għandhom:

(i)

użi simili,

(ii)

l-istess sustanzi attivi,

(iii)

kompożizzjoni simili b’varjazzjonijiet speċifiċi, u

(iv)

livelli simili ta’ riskju u effikaċja;”;

(b)

il-punt (v) huwa mħassar;

(3)

L-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) jinbidel b’li ġej:

“(a)

is-sustanzi attivi jkunu inklużi fl-Anness I jew approvati għat-tip ta’ prodott rilevanti u tkun issodisfata kwalunkwe kundizzjoni speċifikata għal dawk is-sustanzi attivi;”;

(ii)

il-punt (e) jinbidel b’dan li ġej:

“(e)

fejn xieraq, il-limiti massimi ta’ residwi għall-ikel u l-għalf ġew stabbiliti fir-rigward tas-sustanzi attivi li jinsabu fi prodott bijoċidali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 (*1), ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) jew id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4), jew limiti ta’ migrazzjoni speċifika jew limiti għall-kontenut residwu f’materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel ġew stabbiliti fir-rigward ta’ tali sustanzi attivi skont ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

(*1)  Ir-Regolament (KEE) Nru 315/93 tal-Kunsill, tat-8 ta’ Frar 1993, li jistabblixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1)."

(*2)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1)."

(*3)  Ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment tal-limiti ta’ residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11)."

(*4)  Id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali (ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10)."

(*5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4).”;"

(b)

fil-paragrafu 4, il-punti (b) u (c) jinbidlu b’dan li ġej:

“(b)

ikun jissodisfa l-kriterji skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għall-klassifikazzjoni bħala:

—

Kategorija 1, 2 jew 3 ta’ tossiċità orali akuta,

—

kategorija 1, 2 jew 3 ta’ tossiċità dermali akuta,

—

kategorija 1, 2 jew 3 ta’ tossiċità man-nifs akuta (gassijiet u trab/raxx),

—

kategorija 1 jew 2 ta’ tossiċità man-nifs akuta (fwar),

—

tossiċità speċifika għall-organi fil-mira b’esponiment ta’ darba jew ripetut tal-kategorija 1,

—

kategorija 1 A jew 1B tal-karċinoġeni,

—

kategorija 1 A jew 1B tal-mutaġeni, jew

—

kategorija 1 A jew 1B ta’ tossiċità għar-riproduzzjoni;

(c)

ikun fih, jiġġenera jew jikkonsisti f’sustanza li tissodisfa l-kriterji sabiex il-prodott jiġu kkunsidrat bħala PBT jew vPvB skont l-Anness XIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;”;

(c)

il-paragrafi 6 u 7 jinbidlu b’dan li ġej:

“6.   Il-valutazzjoni tal-familja tal-prodotti bijoċidali mwettqa skont il-prinċipji komuni stabbiliti fl-Anness VI għandha tqis ir-riskji massimi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent u l-livell minimu tal-effikaċja fuq il-firxa sħiħa potenzjali tal-prodotti fi ħdan il-familja tal-prodotti bijoċidali.

Familja ta’ prodotti bijoċidali għandha tkun awtorizzata biss jekk:

(a)

l-applikazzjoni tidentifika b’mod espliċitu r-riskji massimi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent, u l-livell minimu tal-effikaċja, li fuqhom hija bbażata l-valutazzjoni, kif ukoll il-varjazzjonijiet permessi fil-kompożizzjoni u l-użi msemmija fil-punt (s) tal-Artikolu 3(1) flimkien mal-klassifikazzjoni, id-dikjarazzjonijiet dwar periklu u prekawzjoni u kull miżura xierqa għat-taffija tar-riskju rispettivi tagħhom; u

(b)

jista’ jiġi stabbilit abbażi tal-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu li l-prodotti bijoċidali kollha fi ħdan il-familja jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

7.   Fejn ikun il-każ, id-detentur prospettiv tal-awtorizzazzjoni jew ir-rappreżentant tiegħu għandu japplika għall-istabbiliment tal-limiti massimi tar-residwi fir-rigward tas-sustanzi attivi li jinsabu fi prodott bijoċidali f’konformità mar-Regolament (KEE) Nru 315/93, ir-Regolament (KE) Nru 396/2005, ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 jew id-Direttiva 2002/32/KE, jew għall-istabbiliment ta’ limiti ta’ migrazzjoni speċifika jew limiti għall-kontenut residwu f’materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel fir-rigward ta’ sustanzi bħal dawn, skont ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004.”;

(4)

fl-Artikolu 23(3), il-parti introduttorja tinbidel b’dan li ġej:

“3.   L-awtorità kompetenti li tirċievi jew, f’każ ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni, għandha tipprojbixxi jew tirrestrinġi t-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott bijoċidali li fih sustanza attiva li tkun kandidata għas-sostituzzjoni fejn valutazzjoni komparattiva, li tkun saret skont in-noti ta’ gwida teknika msemmija fl-Artikolu 24, turi li ż-żewġ kriterji li ġejjin jiġu ssodisfati:”;

(5)

fl-Artikolu 34(4), it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Fi żmien 365 jum mill-validazzjoni ta’ applikazzjoni, l-Istat Membru ta’ referenza għandu jevalwa l-applikazzjoni u jabbozza rapport ta’ valutazzjoni skont l-Artikolu 30 u għandu jibgħat ir-rapport ta’ valutazzjoni tiegħu u s-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali lill-Istati Membri kkonċernati u lill-applikant.”;

(6)

l-Artikolu 35(3) jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Fil-grupp ta’ koordinazzjoni, l-Istati Memrbi kollha msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jagħmlu l-aħjar tagħhom biex jilħqu ftehim dwar x’azzjoni għandha tittieħed. Huma għandhom iħallu lill-applikant l-opportunità li jagħti l-fehma tiegħu. Jekk jilħqu qbil fi żmien 60 jum minn meta jintbagħtu l-punti tan-nuqqas ta’ qbil imsemmija fil- paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru ta’ referenza għandu jirreġistra l-qbil fir-Reġistru għall-Prodotti Bijoċidali. Il-proċedura mbagħad għandha titqies bħala magħluqa u l-Istat Membru ta’ referenza u kull Stat Membru kkonċernat għandu jawtorizza l-prodott bijoċidali skont l-Artikolu 33(3) jew 34(6) kif xieraq.”;

(7)

fl-Artikolu 37(3), it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Waqt li l-proċedura skont dan l-Artikolu tkun għaddejja, l-obbligu tal-Istati Membri li jawtorizzaw prodott bijoċidali fi żmien tliet snin mid-data tal-approvazzjoni, imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 89(3), għandu jkun temporanjament sospiż.”

(8)

fl-Artikolu 45(1), jitħassar it-tieni subparagrafu;

(9)

L-Artikolu 52 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 52

Perijodu ta’ konċessjoni

Minkejja l-Artikolu 89, meta l-awtorità kompetenti jew, f’każ ta’ prodott bijoċidali awtorizzat fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni, tħassar jew temenda awtorizzazzjoni jew tiddeċiedi li ma ġġeddidhiex, għandha tagħti perjodu ta’ konċessjoni għar-rimi, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ħażniet eżistenti, għajr f’każijiet fejn jekk il-prodott bijoċidali jibqa’ jitqiegħed fis-suq jew jintuża, jikkostittwixxi riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent.

Il-perjodu ta’ konċessjoni ma għandux jaqbeż il-180 jum għat-tqegħid fis-suq u perjodu massimu addizzjonali ta’ 180 jum għar-rimi, u l-użu ta’ ħażniet eżistenti tal-prodotti bijoċidali kkonċernati.”;

(10)

Fl-Artikolu 53(1), l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   B’deroga mill-Artikolu 17, awtorità kompetenti ta’ Stat Membru (‘l-Istat Membru ta’ introduzzjoni’) għandha, fuq talba tal-applikant, tagħti permess għall-kummerċ parallel ta’ prodott bijoċidali li jkun awtorizzat fi Stat Membru ieħor (‘l-Istat Membru ta’ oriġini’) sabiex jitqiegħdu fis-suq u jintuża fl-Istat Membru tal-inroduzzjoni, jekk tiddetermina, f’konformità mal-paragrafu 3, li l-prodott bijoċidali huwa identiku għal prodott bijoċidali li diġà huwa awtorizzat fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni (‘il-prodott ta’ referenza’).”;

(11)

L-Artikolu 54 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Fejn ikun meħtieġ li tiġi stabbilita l-ekwivalenza teknika ta’ sustanzi attivi, il-persuna li trid tistabbilixxi l-ekwivalenza (‘l-applikant’) għandha tippreżenta applikazzjoni lill-Aġenzija.”;

(b)

il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3.   L-Aġenzija għandha tgħarraf lill-applikant bit-tariffi pagabbli taħt l-Artikolu 80(1), u għandha tirrifjuta l-applikazzjoni jekk l-applikant jonqos milli jħallas it-tariffi fi żmien 30 jum. Din għandha tinforma lill-applikant b’dan.”;

(12)

fl-Artikolu 56(1), l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   B’deroga mill-Artikolu 17, esperiment jew test għall-iskopijiet ta’ riċerka u żvilupp xjentifiċi jew orjentati lejn il-prodott u l-proċess li jinvolvu prodott bijoċidali mhux awtorizzat jew sustanza attiva mhux approvata maħsuba esklużivament għall-użu fi prodott bijoċidali (‘esperiment’ jew ‘test’) jistgħu jitwettqu biss taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.”;

(13)

fl-Artikolu 58(3), il-parti introduttorju tinbidel b’dan li ġej:

“3.   Il-persuna responsabbli għall-introduzzjoni fis-suq ta’ tali oġġett ittrattat għandha tiżgura li t-tikketta tipprovdi l-informazzjoni elenkata fit-tieni subparagrafu, fejn:”;

(14)

fl-Artikolu 60(3), l-ewwel u t-tieni subparagrafi jinbidlu b’dan li ġej:

“3.   Il-perjodu ta’ protezzjoni għad-data ppreżentata fid-dawl tal-awtorizzazzjoni ta’ prodott bijoċidali li fih biss sustanzi attivi eżistenti għandu jintemm 10 snin mill-ewwel ġurnata tax-xahar wara li tkun ittieħdet l-ewwel deċiżjoni rigward l-awtorizzazzjoni tal-prodott skont l-Artikolu 26(3), 30(1), 33(3), 33(4), 34(6), 34(7), 36(4), 37(2), 37(3) jew 44(5).

Il-perjodu ta’ protezzjoni għad-data ppreżentata fid-dawl tal-awtorizzazzjoni ta’ prodott bijoċidali li fih biss sustanzi attivi eżistenti għandu jintemm 15-il sena mill-ewwel ġurnata tax-xahar wara li tkun ittieħdet l-ewwel deċiżjoni rigward l-awtorizzazzjoni tal-prodott skont l-Artikolu 26(3), 30(1), 33(3), 33(4), 34(6), 34(7), 36(4), 37(2), 37(3) jew 44(5).;”

(15)

L-Artikolu 66(4) jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Kwalunkwe persuna li tibgħat informazzjoni relatata ma’ sustanza attiva jew prodott bijoċidali lill-Aġenzija jew awtorità kompetenti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament tista’ titlob li l-informazzjoni fl-Artikolu 67(3) u (4) ma ssirx disponibbli, inkluża ġustifikazzjoni dwar għaliex l-iżvelar tal-informazzjoni jista’ jkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali ta’ dik il-persuna jew dawk ta’ kwalunkwe parti oħra kkonċernata.”;

(16)

l-Artikolu 67 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-parti tal-bidu tinbidel b’dan li ġej:

“1.   Mid-data li fiha l-Kummissjoni tadotta Regolament ta’ implimentazzjoni li jistipula li sustanza attiva hija approvata, kif jingħad fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), l-informazzjoni aġġornata li ġejja miżmuma mill-Aġenzija jew mill-Kummissjoni dwar dik is-sustanza attiva għandha ssir disponibbli pubblikament u faċilment mingħajr ħlas:”;

(b)

fil-paragrafu 3, il-parti tal-bidu tinbidel b’dan li ġej:

“3.   Mid-data li fiha l-Kummissjoni tadotta Regolament ta’ implimentazzjoni li jistipula li sustanza attiva hija approvata, kif jingħad fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), ħlief f’każijiet fejn il-fornitur tad-data jippreżenta ġustifikazzjoni skont l-Artikolu 66(4) aċċettata bħala valida mill-awtorità kompetenti jew mill-Aġenzija dwar għalfejn tali pubblikazzjoni tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali tiegħu jew ta’ kwalunkwe parti oħra kkonċernata, l-Aġenzija għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bla ħlas, l-informazzjoni aġġornata li ġejja dwar dik is-sustanza attiva:”;

(17)

fl-Artikolu 76(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(l)

jipprovdi appoġġ u assistenza lill-Istati Membri fir-rigward tal-kontroll u l-attivitajiet ta’ infurzar.”;

(18)

fl-Artikolu 77(1), l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija meħud skont l-Artikoli 7(2), 13(3), 43(2), u 45(3), l-Artikolu 54(3), (4)) u (5) u l-Artikoli 63(3) u 64(1) għandu jkun f’idejn il-Bord tal-Appell stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006.”;

(19)

fl-Artikolu 78(2), it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Id-dħul tal-Aġenzija kif imsemmi fl-Artikolu 96(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ma għandux jintuża biex jitwettqu ħidmiet taħt dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx għal skop komuni jew trasferiment temporanju biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Aġenzija. Id-dħul tal-Aġenzija kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux jintuża biex jitwettqu ħidmiet taħt ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, sakemm mhux għal skop komuni jew trasferiment temporanju biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Aġenzija.”;

(20)

L-Artikolu 86 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 86

Sustanzi attivi inklużi fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE

Is-sustanzi attivi li għalihom il-Kummissjoni adottat direttivi li jinkluduhom fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE għandhom jitqiesu li ġew approvati taħt dan ir-Regolament fid-data tal-inklużjoni u għandhom jiġu inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 9(2). L-approvazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk id-direttivi tal-Kummissjoni.”;

(21)

L-Artikolu 89 huma emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.   B’deroga mill-Artikoli 17(1), 19(1) u 20(1) ta’ dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru jista’ jibqa’ japplika s-sistema jew il-prattika attwali tiegħu tat-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott bijoċidali partikolari sa tliet snin wara d-data tal-approvazzjoni tal-aħħar sustanzi attivi li jkunu ġew approvati f’dak il-prodott bijoċidali. L-Istat Membru kkonċernat jista’, skont ir-regoli nazzjonali tiegħu, jawtorizza biss id-disponibbiltà fis-suq jew l-użu fit-territorju tiegħu ta’ prodott bijoċidali li jkun fih biss:

(a)

sustanzi attivi eżistenti li:

(i)

ġew ivvalutati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 (*6), iżda li għadhom ma ġewx approvati għal dak it-tip ta’ prodott; jew

(ii)

qed jiġu vvalutati, skont ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007, iżda li għadhom ma ġewx approvati għal dak it-tip ta’ prodott;

jew

(b)

kombinazzjoni ta’ sustanzi attivi msemmija fil-punt (a) u sustanzi attivi approvati skont dan ir-Regolament.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, f’każ ta’ deċiżjoni sabiex sustanza attiva ma tiġix approvata, Stat Membru jista’ jibqa’ japplika s-sistema jew il-prattika attwali tiegħu tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali sa massimu ta’ tnax-il xahar wara d-data tad-deċiżjoni sabiex ma tiġix approvata sustanza attiva, skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, u jista’ jibqa’ japplika s-sistema jew il-prattika attwali tiegħu li juża prodotti bijoċidali għal mhux aktar minn 18-il xahar wara dik id-deċiżjoni.

(*6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali (ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3).”;"

(b)

il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3.   B’segwitu għal deċiżjoni sabiex sustanza attiva partikolari tiġi approvata għal tip ta’ prodott speċifiku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti bijoċidali ta’ dak it-tip ta’ prodott u li jkun fihom dik is-sustanza attiva jingħataw, jiġu mmodifikati jew imħassra kif meħtieġ skont dan ir-Regolament fi żmien tliet snin mid-data tal-approvazzjoni.

Għal dak il-għan, dawk li jixtiequ japplikaw għall-awtorizzazzjoni jew għar-rikonoxximent reċiproku b’mod parallel tal-prodotti bijoċidali ta’ dak it-tip ta’ prodott li ma jkun fihom l-ebda sustanzi attivi għajr sustanzi attivi eżistenti għandhom jippreżentaw l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet jew għar-rikonoxximent reċiproku b’mod parallel mhux aktar tard mid-data tal-approvazzjoni tas-sustanza(i) attiva(i). Fil-każ ta’ prodotti bijoċidali li jkun fihom aktar minn sustanza attiva waħda, l-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati mhux aktar tard mid-data tal-approvazzjoni tal-aħħar sustanza attiva għal dak it-tip ta’ prodott.

Fejn ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni jew għar-rikonoxximent reċiproku b’mod parallel skont it-tieni subparagrafu:

(a)

il-prodott bijoċidali ma għandux ikompli jitqiegħed fis-suq b’effett minn 180 jum wara d-data tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva jew sustanzi attivi; u

(b)

l-użu ta’ ħażniet eżistenti tal-prodott bijoċidali jistgħu jitkomplew sa massimu ta’ 365 jum wara d-data tal-approvazzjoni tas-sustanza(i) attiva(i).”;

(c)

il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Fejn l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew, jekk ikun rilevanti, il-Kummissjoni, tiddeċiedi li tirrifjuta applikazzjoni mressqa skont il-paragrafu 3 għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott bijoċidali li diġà jkun tqiegħed fis-suq, jew tiddeċiedi li ma tagħtix awtorizzazzjoni jew li timponi kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni biex b’hekk ikun jenħtieġ li jinbidel tali prodott, għandu japplika dan li ġej:

(a)

prodott bijoċidali li ma jkunx ġie awtorizzat jew, fejn rilevanti, li ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni, ma għandux jibqa’ jitqiegħed fis-suq b’effett minn 180 ġurnata wara d-data tad-deċiżjoni tal-Awtorità; u

(b)

l-użu ta’ ħażniet eżistenti tal-prodott bijoċidali jistgħu jitkomplew sa massimu ta’ 365 ġurnata wara d-data tad-deċiżjoni tal-Awtorità.”;

(22)

Fl-Artikolu 92(2), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Prodotti bijoċidali awtorizzati skont l-Artikolu 3 jew 4 tad-Direttiva 98/8/KE għandhom jitqiesu awtorizzati skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament.”;

(23)

L-Artikolu 93 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 93

Miżuri transizzjonali rigward prodotti bijoċidali mhux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/8/KE

B’deroga mill-Artikolu 17(1), Stat Membru jista’ jkompli japplika s-sistema jew il-prattika attwali tiegħu li jagħmel disponibbli fis-suq u juża prodott bijoċidali mhux kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/8/KE, iżda li jkun jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li jkun magħmul, ikun fih jew li jkun jiġġenera biss sustanzi attivi li kienu disponibbli fis-suq, jew użati fil-prodotti bijoċidali, fl-1 ta’ Settembru 2013. Id-deroga għandha tapplika sa waħda mid-dati li ġejjin:

(a)

l-iskadenzi previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 89(2), fl-Artikolu 89(3) u fl-Artikolu 89(4), fejn l-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ dawk is-sustanzi attivi kollha, li minnhom il-prodott bijoċidali ikun magħmul, li jkunu fil-prodott jew li jkunu ġġenerati mill-prodott, jitressqu għat-tip tal-prodott rilevanti qabel l-1 ta’ Settembru 2016; jew

(b)

sal-1 ta’ Settembru 2017, fejn l-applikazzjoni ma titressaqx skont il-punt (a) għal waħda mis-sustanzi attivi.”;

(24)

L-Artikoli 94 u 95 jinbidlu b’dan li ġej:

“Artikolu 94

Miżuri transizzjonali rigward oġġetti ttrattati

1.   B’deroga mill-Artikolu 58(2), oġġett ittrattat minn, jew li intenzjonalment jinkorpora, prodott bijoċidali wieħed jew aktar li jkun fih biss sustanzi attivi li huma taħt eżami għat-tip ta’ prodott rilevanti fil-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 89(1) fl-1 ta’ Settembru 2016 jew li għalihom tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-approvazzjoni għat-tip tal-prodott rilevanti sa dik id-data, jew ikun fih biss kombinazzjoni ta’ tali sustanzi u sustanzi attivi inklużi fil-lista mfassla skont l-Artikolu 9(2) għat-tip tal-prodott jew l-użu rilevanti, jew inklużi fl-Anness I, jista’ jitqiegħed fis-suq sa waħda mid-dati li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ deċiżjoni adottata wara l-1 ta’ Settembru 2016 li tirrifjuta l-applikazzjoni għall-approvazzjoni jew li ma tapprovax waħda mis-sustanzi attivi għall-użu rilevanti, id-data li taqa’ 180 ġurnata wara tali deċiżjoni;

(b)

fil-każijiet l-oħrajn, id-data tal-approvazzjoni għat-tip tal-prodott u l-użu rilevanti tal-aħħar sustanza attiva approvata u li tkun tinsab fil-prodott bijoċidali.

2.   B’deroga ulterjuri mill-Artikolu 58(2), oġġett ittrattat li jkun intenzjonalment jinkorpora fih jew li jkun ġie ttrattat bi prodott bijoċidali wieħed jew aktar li jkun fih kwalunkwe sustanza attiva minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew dawk inklużi fil-lista mfassla skont l-Artikolu 9(2), għat-tip tal-prodott u l-użu rilevanti, jew inklużi fl-Anness I, jista’ jitqiegħed fis-suq sal-1 ta’ Marzu 2017.

Artikolu 95

Miżuri transizzjonali rigward l-aċċess għad-dossier tas-sustanza attiva

1.   Mill-1 ta’ Settembru 2013, l-Aġenzija għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku u għandha taġġorna b’mod regolari lista tas-sustanzi attivi kollha, u s-sustanzi kollha li jiġġeneraw sustanza attiva, li għalihom ikun ġie ppreżentat u aċċettat jew ivvalidat minn Stat Membru dossier li jikkonforma mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament jew mal-Annessi IIA jew IVA għad-Direttiva 98/8/KE u, fejn rilevanti, l-Anness IIIA għal dik id-Direttiva (“id-dossier sħiħ dwar is-sustanza”) fi proċedura prevista minn dan ir-Regolament jew dik id-Direttiva (“is-sustanzi rilevanti”). Għal kull sustanza rilevanti, il-lista għandha tinkludi wkoll il-persuni kollha li jkunu għamlu tali preżentazzjoni jew preżentazzjoni lill-Aġenzija skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, u tindika r-rwol tagħhom kif speċifikat f’dak is-subparagrafu, u t-tip jew tipi tal-prodott li għalih jew għalihom ikunu ressqu l-applikazzjoni, kif ukoll id-data tal-inklużjoni tas-sustanza fil-lista.

Persuna stabbilita fl-Unjoni li timmanifattura jew timporta sustanza rilevanti, waħidha jew fi prodotti bijoċidali, (“il-fornitur tas-sustanza”) jew li timmanifattura jew li tagħmel għad-dispożizzjoni fis-suq prodott bijoċidali li jkun magħmul minn, ikun fih jew jiġġenera dik is-sustanza rilevanti (“il-fornitur tal-prodott”), tista’ fi kwalunkwe ħin tippreżenta lill-Aġenzija dossier sħiħ dwar is-sustanza għal dik is-sustanza rilevanti, ittra għall-aċċess għal dossier sħiħ dwar is-sustanza, jew referenza għal dossier sħiħ dwar is-sustanza li għaliha l-perjodi kollha ta’ protezzjoni tad-data jkunu skadew. Wara t-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva, kwalunkwe fornitur tas-sustanza jew fornitur tal-prodott jista’ jressaq quddiem l-Aġenzija ittra ta’ aċċess għad-data kollha li kienet meqjusa mill-awtorità kompetenti ta’ evalwazzjoni bħala relevanti għall-iskop tat-tiġdid, u li għaliha l-perjodu ta’ protezzjoni ma jkunx skada (“id-data relevanti”).

L-Aġenzija għandha tinforma lill-fornitur li jagħmel il-preżentazzjoni dwar it-tariffi pagabbli skont l-Artikolu 80(1). Hija għandha tirrifjuta l-applikazzjoni jekk il-fornitur li jagħmel il-preżentazzjoni jonqos milli jħallas dawk it-tariffi fi żmien 30 ġurnata u għandha tinforma lill-fornitur li jagħmel il-preżentazzjoni b’dan.

Hekk kif tirċievi t-tariffi pagabbli skont l-Artikolu 80(1), l-Aġenzija għandha tivverifika jekk il-preżentazzjoni hijiex konformi mat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u għandha tinforma lill-fornitur li jagħmel il-preżentazzjoni b’dan.

2.   Mill-1 ta’ Settembru 2015, prodott bijoċidali li fih, li jiġġenera jew li jikkonsisti f’sustanza rilevanti, inkluża fil-lista msemmija fil-paragrafu 1, ma għandux jitqiegħed fis-suq sakemm il-fornitur tas-sustanza jew il-fornitur tal-prodott ma jkunx inkluż fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 għat-tip(i) tal-prodott li għalih/għalihom jappartjeni l-prodott.

3.   Sabiex preżentazzjoni ssir skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-Artikolu 63(3) ta’ dan ir-Regolament għandu japplika għall-istudji kollha tossikoloġiċi, ekotossikoloġiċi u dawk dwar id-destin u l-imġiba tal-ambjent relatati mas-sustanzi elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, inkluż kwalunkwe studju li ma jinvolvix testijiet fuq il-vertebrati.

4.   Fornitur tas-sustanza jew fornitur ta’ prodott inkluż fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 li għalih inħarġet ittra għall-aċċess għall-iskop ta’ dan l-Artikolu jew li jkun ingħata dritt li jagħmel referenza għal studju skont il-paragrafu 3 għandu jkun jista’ jippermetti lill-applikanti għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott bijoċidali li jagħmel referenza għal dik l-ittra ta’ aċċess jew għal dak l-istudju għall-iskopijiet tal-Artikolu 20(1).

5.   B’deroga mill-Artikolu 60, il-perjodi kollha ta’ protezzjoni tad-data għall-kombinazzjonijiet tas-sustanzi attivi tat-tipi ta’ prodott elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, iżda li għalihom kinitx ittieħdet deċiżjoni dwar l-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE qabel l-1 ta’ Settembru 2013, għandhom jintemmu fil-31 ta’ Diċembru 2025.

6.   Il-paragrafi 1 sa 5 ma għandhomx japplikaw għal sustanzi elenkati fl-Anness I fil-kategoriji 1 sa 5 u l-kategorija 7 jew għal prodotti bijoċidali li fihom biss tali sustanzi.

7.   L-Aġenzija għandha taġġorna regolarment il-lista msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Wara t-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, l-Aġenzija għandha tneħħi mil-lista kull fornitur tas-sustanza jew fornitur tal-prodott li ma ppreżentax, fi żmien tnax-il xahar mit-tiġdid, id-data relevanti kollha jew ittra ta’ aċċess għad-data relevanti kollha, jew skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew f’applikazzjoni skont l-Artikolu 13.”;

(25)

fl-Artikolu 96, l-ewwel paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 86, 89, 93, 95 u 92 ta’ dan ir-Regolament, id-Direttiva 98/8/KE hija b’dan imħassra b’effett mill-1 ta’ Settembru 2013.”;

(26)

fl-Anness I, it-titolu tal-kategorija 6 tinbidel b’dan li ġej:

“Kategorija 6 – Sustanzi li għalihom Stat Membru jkun ikkonvalida dossier dwar is-sustanza attiva skont l-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-Regolament jew li jkun aċċetta dan id-dossier skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 98/8/KE”;

(27)

fl-Anness V, it-tieni paragrafu taħt l-intestatura “Tip” ta’ prodott 4: “Żona tal-ikel u l-għalf jinbidel b’dan li ġej:”

“Prodotti użati biex jiġu inkorporati f’materjali li jistgħu jiġu f’kuntatt mal-ikel.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt 24 tal-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Settembru 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)   ĠU C 347, 18.12.2010, p. 62.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Frar 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2014.

(3)  Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).

(4)  Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29).

(5)  Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma l-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(8)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(9)  Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(10)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegћid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).


5.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/33


REGOLAMENT (UE) Nru 335/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2014

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li għandhom jew jinsabu mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-kriżi globali finanzjarja u r-reċessjoni ekonomika mingħajr preċedent għamlu ħsara serja lit-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà finanzjarja, u ħolqu deterjorament qawwi fil-kundizzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi ta’ diversi Stati Membri. B’mod partikolari, ċerti Stati Membri għandhom diffikultajiet serji, jew huma mhedda b’tali diffikultajiet. B’mod partikolari, qed jiffaċċaw problemi fit-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà finanzjarja tagħhom, u defiċit u qagħda ta’ dejn li qed imorru għall-agħar.

(2)

Ittieħdu miżuri importanti skont l-Artikoli 122(2), 136 u 143 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Ujoni Ewropea sabiex jinnewtralizzaw l-effetti negattivi tal-kriżi. Madankollu, il-pressjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji nazzjonali qed tiżdied u huma meħtieġa passi adegwati biex din tittaffa permezz tal-użu massimu u l-aħjar ta’ fondi mill-Fond Ewropew għas-Sajd, stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 (3).

(3)

Sabiex tkun iffaċilitata l-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni biex b’hekk jitħaffu l-investimenti fl-Istati Membri u r-reġjuni, u biex titjieb id-disponibbiltà tal-fondi għall-ekonomija, ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 tal-Kunsill ġie emendat mir-Regolament (UE) Nru 387/2012 tal-Parlament Ewoprew u tal-Kunsill (4). Dak l-emendament ippermetta żieda fil-pagamenti interim u finali mill-Fond Ewropew għas-Sajd b’ammont li jikkorrispondi għal 10 punti perċentwali fuq ir-rata ta’ kofinanzjament attwali għal kull assi prijoritarju għall-Istati Membri li għaddejjin minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom u li jitolbu biex jibbenefikaw minn din il-miżura.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 jippermetti l-applikazzjoni ta’ żieda fir-rata ta’ kofinanzjament sal-31 ta’ Diċembru 2013. Madankollu, billi ċerti Stati Membri għadhom qed jiffaċċaw diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabbiltà finanzjarja tagħhom, l-applikazzjoni ta’ żieda fir-rata ta’ kofinanzjament m’għandhiex tkun limitata sa tmiem l-2013.

(5)

L-Istati Membri li jirċievu għajnuna finanzjarja għandhom ukoll jibbenefikaw miż-żieda fir-rata ta’ kofinanzjament sa tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà u għandhom ikunu jistgħu jitolbuha fl-applikazzjonijiet tagħhom għall-ħlas tal-bilanċ finali, ukoll jekk l-għajnuna finanzjarja ma tkunx għadha tingħata.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(7)

Minħabba x-xorta bla preċedent tal-kriżi hija meħtieġa adozzjoni rapida ta’ miżuri ta’ sostenn. Għalhekk huwa xieraq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 76(3), il-frażi tal-bidu tinbidel b’dan li ġej:

“3.   B’deroga mill-Artikolu 53(3), fuq it-talba ta’ Stat Membru, il-ħlasijiet interim għandhom jiżdiedu b’ammont li jikkorrispondi għal 10 punti perċentwali iktar mir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli għal kull assi prijoritarju, sa massimu ta’ 100 %, li għandu jiġi applikat għall-ammont ta’ nefqa pubblika eliġibbli ġdida li tkun dikjarata f’kull dikjarazzjoni ċertifikata tan-nefqa mressqa, kemm-il darba l-Istat Membru, fil-31 ta’ Diċembru 2013 jew wara, ikun jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:”;

(2)

Fl-Artikolu 77, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.   B’deroga mill-Artikolu 53(3), fuq it-talba ta’ Stat Membru, il-ħlasijiet tal-bilanċ aħħari għandhom jiżdiedu b’ammont li jikkorrispondi għal 10 punti perċentwali iktar mir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli għal kull assi prijoritarju, sa massimu ta’ 100 %, li għandu jiġi applikat għall-ammont ta’ nefqa pubblika eliġibbli ġdida li tkun dikjarata f’kull dikjarazzjoni ċertifikata tan-nefqa mressqa, kemm-il darbal-Istat Membru, fil-31 ta’ Diċembru 2013 jew wara, ikun jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 76(3).”;

(3)

L-Artikolu 77a huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jibidel b’dan li ġej:

“2.

Id-deroga, imsemmija fl-Artikoli 76(3) u 77(2) għandha tingħata mill-Kummissjoni fuq talba bil-miktub minn Stat Membru li jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 76(3).”;

(b)

il-paragrafu 5 jitħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)   ĠU C 341, 21.11.2013, p. 75.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1).

(4)  Regolament (UE) Nru 387/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2012 li jemenda ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet marbutin mal-amministrazzjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li għandhom jew li jinsabu mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 129, 16.5.2012, p. 7).