ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2014.014.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 14

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
18ta' Jannar 2014


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

 

2014/15/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2013 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

1

 

 

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja fl-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet

2

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 40/2014 tas-17 ta’ Jannar 2014 li jawtorizza ċerti dikjarazzjonijiet sanitarji dwar l-ikel, ħlief dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 432/2012 ( 1 )

8

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 41/2014 tas-17 ta’ Jannar 2014 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

11

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2014/16/PESK

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà EUBAM Libya/1/2014 tal-14 ta’ Jannar 2014 dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta' Kontributuri għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)

13

 

 

2014/17/PESK

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà EUBAM Libya/2/2014 tal-14 ta’ Jannar 2014 dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ta' Pajjiżi terzi għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)

15

 

 

2014/18/PESK

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà EUCAP Sahel Niger/1/2014 tal-14 ta’ Jannar 2014 li testendi l-mandat tal-Kap tal-Missjoni tal-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger)

16

 

 

2014/19/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.30753 (C 34/10) (ex N 140/10) li Franza biħsiebha timplimenta għall-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel (notifikata bid-dokument C(2013) 3554)  ( 1 )

17

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għad-Direttiva 2013/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li temenda d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tar- rekwiżiti ta’ trasparenza f'dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill- pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/109/KE ( ĠU L 294, 6.11.2013 )

35

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

18.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Novembru 2013

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

(2014/15/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Il-kondizzjonijiet rigward il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandhom ikunu stipulati fi ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni possibbli fil-futur, pjuttost milli jiġu definiti każ b’każ għal kull operazzjoni kkonċernata.

(2)

Wara l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni mill-Kunsill fit-13 ta’ Novembru 2012 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà nnegozjat ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet (“il-Ftehim”).

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex ikun jorbot lill-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 16(1) tal-Ftehim. (1)

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


18.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/2


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja fl-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet

L-UNJONI EWROPEA (l-"Unjoni") jew (l-"UE")

min-naħa l-waħda,

u

IL-ĠEORĠJA

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħin il-"Partijiet",

BILLI:

(1)

L-Unjoni tista' tiddeċiedi li tieħu azzjoni fil-qasam tal-immaniġġar ta' kriżijiet, inkluż l-operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi jew l-operazzjonijiet umanitarji.

(2)

L-Unjoni ser tiddeċiedi jekk Stati terzi jiġux mistiedna jipparteċipaw f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi. Il-Ġeorġja tista' taċċetta l-istedina mill-Unjoni u toffri l-kontribuzzjoni tagħha. F'dak il-każ, l-Unjoni tiddeċiedi dwar jekk taċċettax dik il-kontribuzzjoni proposta.

(3)

Il-kondizzjonijiet rigward il-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja f’operazzjonijiet għall-immaniġġar ta’ kriżijiet tal-UE għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni possibbli fil-futur, aktar milli jiġu definiti fuq bażi ta’ każ b’każ għal kull operazzjoni konċernata.

(4)

Tali ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni, u ma għandux jippreġudika n-natura speċifika tad-Deċiżjoni tal-Ġeorġja li tipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, f'konformità mas-sistema legali tagħha.

(5)

Tali ftehim għandu jindirizza biss operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet fil-futur u għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kull ftehim li possibbilment ikun diġà jeżisti, li jirregola l-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, li tkun diġà ġiet mobilizzata.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Deċiżjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni

1.   Wara deċiżjoni tal-Unjoni li tistieden lill-Ġeorġja biex tipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, u ladarba l-Ġeorġja tkun iddeċidiet li tipparteċipa, il-Ġeorġja għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-kontribuzzjoni proposta tagħha lill-Unjoni.

2.   Il-valutazzjoni mill-Unjoni tal-kontribuzzjoni proposta mill-Ġeorġja għandha ssir b'konsultazzjoni ma' din tal-aħħar.

3.   L-Unjoni għandha tipprovdi lill-Ġeorġja b'indikazzjoni bikrija tal-kontribuzzjoni probabbli għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li tgħin lill-Ġeorġja fil-formulazzjoni tal-offerta tagħha.

4.   L-Unjoni għandha tikkomunika l-eżitu ta' dik il-valutazzjoni lill-Ġeorġja bil-miktub bil-ħsieb li tiżgura l-parteċipazzjoni tagħha skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Qafas

1.   Abbażi tad-Deċiżjoni meħuda f'konformità mal-Artikolu 1(1), il-Ġeorġja għandha tassoċja ruħha mad-Deċiżjoni tal-Kunsill li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li l-Unjoni ser twettaq l-operazzjoni għall-immaniġġar ta' kriżi, u ma' kwalunkwe Deċiżjoni oħra li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament ta' implimentazzjoni meħtieġ ieħor.

2.   Il-kontribuzzjoni tal-Ġeorġja għal operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni.

3.   Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni, wara konsultazzjoni mal-Ġeorġja jekk hija tkun għadha qed tikkontribwixxi għall-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi fid-data tat-terminazzjoni tal-operazzjoni.

Artikolu 3

Status tal-persunal u tal-forzi

1.   L-istatus tal-persunal issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi u/jew tal-forzi kkontribwiti lil operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi mill-Ġeorġja għandu jkun irregolat mill-ftehim dwar l-istatus tal-forzi/missjoni, jekk ikun konkluż, bejn l-Unjoni u l-Istat(i) li fihom titwettaq l-operazzjoni.

2.   L-istatus tal-persunal ikkontribwit għall-kwartieri ġenerali jew elementi ta’ kmand li jinsabu barra l-Istat(i) li fih(om) issir operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, għandu jkun irregolat minn arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u l-elementi ta’ kmand ikkonċernati u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ġeorġja.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-ftehim dwar l-istatus tal-forzi/missjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Ġeorġja għandha teżerċita ġurisdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi. Fejn il-forzi tal-Ġeorġja joperaw abbord bastiment jew inġenju tal-ajru ta’ Stat Membru tal-UE, dan l-Istat tal-aħħar għandu jeżerċita ġurisdizzjoni f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 5, u soġġett għall-privileġġi u l-immunitajiet applikabbli, il-Ġeorġja għandha tkun responsabbli li twieġeb għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mal-parteċipazzjoni tagħha f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, minn jew dwar il-persunal Ġeorġjan, u għandha tkun responsabbli li tressaq kwalunkwe azzjoni, b'mod partikolari azzjoni legali jew dixxiplinarja, kontra kwalunkwe membru mill-persunal tagħha f'konformità mal-liġi Ġeorġjana.

5.   Il-Partijiet jaqblu li jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet kollha, ħlief għal dawk kuntrattwali, kontra xulxin għal dannu, telf jew distruzzjoni ta’ assi ta’ proprjetà ta', jew operati minn, Parti jew oħra, jew għall-korriment jew mewt ta’ persunal ta’ Parti jew oħra, li jirriżultaw mit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom konnessi mal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja.

6.   Il-Ġeorġja tieħu l-impenn li tagħmel dikjarazzjoni, abbażi ta' reċiproċità, fir-rigward tar-rinunzja għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat parteċipanti f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi li fiha tipparteċipa l-Ġeorġja, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.

7.   L-Unjoni tieħu l-impenn li tiżgura li l-Istati Membri tal-UE jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja għal pretensjonijiet, għal kwalunkwe parteċipazzjoni futura tal-Ġeorġja f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Informazzjoni klassifikata

1.   Il-Ġeorġja għandha tieħu miżuri adatti sabiex tiżgura li l-informazzjoni klassifikata tal-UE tkun protetta skont ir-Regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE (1), u skont linji gwida ulterjuri maħruġa minn awtoritajiet kompetenti, inkluż mill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE fir-rigward ta’ operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi jew mill-Kap tal-Missjoni tal-UE fir-rigward ta’ operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.

2.   Ladarba l-Partijiet ikunu kkonkludew ftehim dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata, dak il-ftehim għandu japplika fil-kuntest ta' operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi.

TAQSIMA II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F’OPERAZZJONIJIET ĊIVILI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET

Artikolu 5

Persunal issekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi

1.   Il-Ġeorġja:

(a)

għandha tiżgura li l-persunal tagħha ssekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi jwettaq il-missjoni tiegħu f'konformità ma':

(i)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill u l-emendi sussegwenti kif imsemmija fl-Artikolu 2(1);

(ii)

il-Pjan tal-Operazzjoni;

(iii)

il-miżuri ta' implimentazzjoni.

(b)

għandha tinforma fi żmien debitu lill-Kap tal-Missjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ("RGħ") bi kwalunkwe bidla fil-kontribuzzjoni tagħha lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, inkluża t-terminazzjoni jew is-sospensjoni tal-parteċipazzjoni tagħha.

2.   Persunal issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi għandhom isirulu eżami mediku u vaċċinazzjoni u għandu jkun ċertifikat b’mod mediku li hu b’saħħtu għax-xogħol minn awtoritá kompetenti mill-Ġeorġja. Il-persunal issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi għandu jipproduċi kopja ta' dik iċ-ċertifikazzjoni.

Artikolu 6

Linja ta’ kmand

1.   Il-persunal issekondat mill-Ġeorġja għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu unikament b'kont meħud tal-interessi tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.

2.   Il-persunal Ġeorġjan kollu li jikkontribwixxi għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi għandu jibqa' taħt l-awtorità ġenerali jew, fil-każ ta' persunal militari, il-kmand totali tal-Ġeorġja.

3.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv lill-Kmandant Ċivili tal-Operazzjoni tal-UE.

4.   Il-Kmandant Ċivili tal-Operazzjoni tal-UE għandu jassumi r-responsabbiltà u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi fil-livell strateġiku.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi r-responsabbiltà u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi fuq il-post u jassumi l-amministrazzjoni ta' kuljum tagħha.

6.   Il-Ġeorġja għandha jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' amministrazzjoni ta' kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-UE li jkunu qed jipparteċipaw fl-operazzjoni, f'konformità mal-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1).

7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari tal-persunal tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi. Fejn ikun meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja mill-awtorità nazzjonali kkonċernata.

8.   Għandu jinħatar Punt ta’ Kuntatt tal-Kontinġent Nazzjonali ("NPC") mill-Ġeorġja biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tiegħu fl-operazzjoni. L-NPC għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent.

Artikolu 7

Aspetti finanzjarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, il-Ġeorġja għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni minbarra l-ispejjeż kurrenti, kif stabbiliti fil-baġit operattiv tal-operazzjoni.

2.   F'każ ta' mewt, korriment, telf jew ħsara lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, il-Ġeorġja għandha, meta r-responsabbiltá tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skont il-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim applikabbli dwar l-status tal-missjoni msemmi fl-Artikolu 3 (1).

Artikolu 8

Kontribuzzjoni għall-baġit operattiv

1.   Il-Ġeorġja għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-baġit operattiv tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.

2.   Tali kontribuzzjoni għall-baġit operattiv għandha tiġi kkalkolata abbażi ta' waħda miż-żewġ formoli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-ammont aktar baxx:

(a)

is-sehem tal-ammont ta' referenza li jkun ugwali għall-proporzjon tad-dħul nazzjonali gross (minn hawn 'il quddiem "DNG") tal-Ġeorġja fit-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-baġit operattiv tal-operazzjoni; jew

(b)

is-sehem tal-ammont ta' referenza għall-baġit operattiv li jkun ugwali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal mill-Ġeorġja parteċipanti fl-operazzjoni mqabbel man-numru totali tal-persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2 hawn fuq, il-Ġeorġja m’għandha tagħmel l-ebda kontribuzzjoni għall-finanzjament ta’ għotjiet per diem imħallsa lill-persunal tal-Istati Membri tal-UE.

4.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni għandha, fil-prinċipju, teżenta lill-Ġeorġja minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni ċivili partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi meta:

(a)

l-Unjoni tiddeċiedi li l-Ġeorġja tipprovdi kontribuzzjoni sinifikattiva li hija essenzjali għal dik l-operazzjoni; jew

(b)

il-Ġeorġja jkollha DNG per capita li ma jaqbiżx dak ta' kwalunkwe Stat Membru tal-UE.

5.   Għandu jiġi ffirmat arranġament dwar il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tal-Ġeorġja għall-baġit operattiv tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, bejn il-Kap tal-Missjoni u l-awtoritajiet amministrattivi rilevanti tal-Ġeorġja. Dak l-arranġament għandu, inter alia, jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja kkonċernata;

(b)

l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja; u

(c)

il-proċedura tal-awditjar.

TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F’OPERAZZJONIJIET MILITARI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET

Artikolu 9

Parteċipazzjoni f'operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi

1.   Il-Ġeorġja għandha tiżgura li l-forzi tagħha u l-persunal parteċipanti f'operazzjoni militari tal-UE għall-immmaniġġar ta’ kriżi jidħlu għall-missjoni tagħhom b’mod konformi ma’:

(a)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill u emendi sussegwenti kif previst fl-Artikolu 2(1);

(b)

il-Pjan tal-Operazzjoni;

(c)

il-miżuri ta’ implimentazzjoni.

2.   Il-persunal issekondat mill-Ġeorġja għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu unikament b'kont meħud tal-interessi tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi.

3.   Il-Ġeorġja għandha tinforma lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE fi żmien debitu dwar kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni, inkluża t-terminazzjoni jew is-sospensjoni tal-parteċipazzjoni.

Artikolu 10

Linja ta’ kmand

1.   Il-forzi u l-persunal Ġeorġjani kollha li jipparteċipaw fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi għandhom jibqgħu taħt il-kmand totali, jew fil-każ tal-persunal ċivili, l-awtorità ġenerali, tal-Ġeorġja.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kmand operattiv u tattiku u/jew il-kontroll tal-forzi u tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, li għandu d-dritt li jiddelega l-awtorità tiegħu.

3.   Il-Ġeorġja għandha jkollha l-istess drittijiet u obbligi f’termini tal-immaniġġar ta’ kuljum tal-operazzjoni bħal Stati Membri tal-UE parteċipanti.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jista’, wara konsultazzjonijiet mal-Ġeorġja, fi kwalunkwe ħin jitlob l-irtirar tal-kontribuzzjoni tal-Ġeorġja.

5.   Il-Ġeorġja għandha taħtar Rappreżentant Militari Għoli ("SMR") biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi. L-SMR għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forzi tal-UE dwar il-materji kollha li jaffettwaw l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent Ġeorġjan.

Artikolu 11

Aspetti finanzjarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, il-Ġeorġja għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni sakemm l-ispejjeż ma jkunux suġġetti għal finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1), kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK (2).

2.   F'każ ta' mewt, korriment, telf jew ħsara lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, il-Ġeorġja għandha, meta r-responsabbiltá tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skont il-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-forzi, imsemmi fl-Artikolu 3(1).

Artikolu 12

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż komuni

1.   Il-Ġeorġja għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.

2.   Tali kontribuzzjoni għall-ispejjeż komuni għandha tiġi kkalkolata abbażi ta' waħda miż-żewġ formoli li ġejjin, skont liema waħda tipproduċi l-ammont aktar baxx:

(a)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun proporzjonali għall-proporzjon tad-DNG tal-Ġeorġja fit-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni; jew

(b)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun proporzjonali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal mill-Ġeorġja parteċipanti fl-operazzjoni għan-numru totali ta' persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

Fejn tintuża l-formula taħt il-punt (b) u l-Ġeorġja tikkontribwixxi biss persunal għall-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni jew tal-Forza, il-proporzjon użat għandu jkun dak tal-persunal tiegħu għal dak tan-numru totali tal-persunal rispettiv fil-kwartieri ġenerali. F'każijiet oħra, il-proporzjon għandu jkun dak tal-persunal kollu kontribwit mill-Ġeorġja għal dak tal-persunal totali tal-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni għandha, fil-prinċipju, teżenta lill-Ġeorġja minn kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-ispejjeż komuni ta' operazzjoni militari partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi meta:

(a)

l-Unjoni tiddeċiedi li l-Ġeorġja tipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti għall-assi u/jew għall-kapaċitajiet li jkunu essenzjali għal dik l-operazzjoni; jew

(b)

il-Ġeorġja jkollha DNG per capita li ma jaqbiżx dak ta' kwalunkwe Stat Membru tal-UE.

4.   Għandu jiġi konkluż arranġament mal-Amministratur previst fid-Deċiżjoni 2011/871/PESK, u mal-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-Ġeorġja. Dan l-arranġament għandu jinkludi, inter alia, dispożizzjonijiet dwar:

(a)

l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja kkonċernata;

(b)

l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja; u

(c)

il-proċedura tal-awditjar.

TAQSIMA IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Arranġamenti biex jiġi implimentat il-Ftehim

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8(5) u 12(4), kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ għall-fini tal-implementazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet.

Artikolu 14

Nuqqas ta' konformità

Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim permezz ta' avviż bil-quddiem bil-miktub ta' xahar.

Artikolu 15

Riżoluzzjoni ta’ tilwim

Tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt b’mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ, tul ta' żmien u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri legali interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.   Dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għal reviżjoni regolari.

3.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat abbażi ta' ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ f'konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1.

4.   Dan il-Ftehim jista' jiġi ddenunzjat minn kwalunkwe Parti b'notifika bil-miktub ta' denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha jkollha effett sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċieviha.

B'XHIEDA TA' DAN, is-sottoskritti, debitament awtorizzati rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

Dan il-Ftehim qiegħed isir bil-lingwa Ingliża u dik Ġeorġjana, biż-żewġ testi jkunu ugwalment awtentiċi. Fil-każ ta' tilwim dwar l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim, għandu jgħodd it-test Ingliż.

Magħmul f’Vilnius, fid-disgħa u għoxrin jum ta’ Novembru tas-sena elfejn u tlettax bil-lingwa Ingliża u dik Ġeorġjana, f’żewġ kopji.

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Ġeorġja


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU UE L 141, 27.5.2011, p. 17).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK tad-19 ta’ Diċembru 2011 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (ATHENA) (ĠU UE L 343, 23.12.2011, p. 35).


Dikjarazzjoni mill-istati membri tal-UE

"L-Istati Membri tal-UE li japplikaw Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, li fiha tipparteċipa l-Ġeorġja, ser jagħmlu ħilithom, sa fejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, biex jirrinunzjaw sa fejn ikun possibbli minn kwalunkwe pretensjoni kontra l-Ġeorġja għal korriment, mewt ta' persunal tagħhom, jew ħsara lil, jew telf ta', kwalunkwe assi li jkun proprjetà tagħhom u użat mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi jekk tali korriment, mewt, ħsara jew telf:

ikunu kkawżati minn persunal mill-Ġeorġja fl-eżekuzzjoni tad-doveri tagħhom b’konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew

jirriżultaw mill-użu ta' kwalunkwe assi li jkunu proprjetà tal-Ġeorġja, sakemm l-assi ġew użati b'konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja tal-persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi mill-Ġeorġja li kien qed juża dawk l-assi.".


Dikjarazzjoni mill-Ġeorġja

"Il-Ġeorġja waqt li tapplika Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi ser tagħmel ħilitha, sa fejn is-sistema legali interna tagħha hekk tippermetti, sabiex tirrinunzja, sa fejn ikun possibbli, għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi għal korriment, mewt ta' persunal tagħha, jew dannu lil, jew telf ta', kwalunkwe assi li jkunu proprjetà tagħha u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

ikunu kkawżati minn persunal fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom b’konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew

jirriżultaw mill-użu ta’ kwalunkwe assi li jkunu proprjetà ta’ Stati parteċipanti fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, dment li l-assi ntużaw b’konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja tal-membri tal-persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi li kien qiegħed juża dawk l-assi.".


REGOLAMENTI

18.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 40/2014

tas-17 ta’ Jannar 2014

li jawtorizza ċerti dikjarazzjonijiet sanitarji dwar l-ikel, ħlief dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 432/2012

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 18(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula li d-dikjarazzjonijiet sanitarji fuq l-ikel huma pprojbiti ħlief meta tawtorizzahom il-Kummissjoni skont dan ir-Regolament u jkunu inklużi f’lista ta’ dikjarazzjonijiet permessi.

(2)

Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 ġie adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 (2) li jistabbilixxi lista ta’ dikjarazzjonijiet sanitarji fuq l-ikel li huma permessi ħlief dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet sanitarji għandhom iressquhom l-operaturi tan-negozji tal-ikel lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta’ Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tibgħat l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA), minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Awtorità” għal valutazzjoni xjentifika, kif ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għall-informazzjoni.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tad-dikjarazzjonijiet sanitarji filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Awtorità.

(5)

Id-dikjarazzjonijiet sanitarji bbażati fuq evidenza xjentifika li tkun għandha kemm ġiet żviluppata u/jew li jkunu jinkludu talba għall-protezzjoni tad-dejta riżervata għandhom jgħaddu minn tip ta’ awtorizzazzjoni mgħaġġla ħalli tiġi stimulata l-innovazzjoni.

(6)

Wara applikazzjoni mingħand il-kumpanija Nordic Sugar A/S li tressqet skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet opinjoni dwar dikjarazzjoni sanitarja relatata mal-effetti tal-fibra tal-pitravi u ż-żieda fil-ħin tat-tranżitu intestinali (Mistoqsija bin-numru EFSA-Q-2011-00972) (3). Id-dikjarazzjoni li ppropona l-applikant kienet tgħid hekk: "Il-fibra tal-pitravi żżid il-ħin tat-tranżitu intestinali".

(7)

Fit-8 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità li kkonkludiet li skont id-dejta mressqa nstabet rabta ta’ kawża u effett bejn il-konsum tal-fibra tal-pitravi u l-effett dikjarat. Għaldaqstant, dikjarazzjoni sanitarja li tirrifletti din il-konklużjoni għandha titqies li tkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u għandha tiddaħħal fil-lista tal-Unjoni tad-dikjarazzjonijiet permessi li stabbilixxa r-Regolament (UE) Nru 432/2012.

(8)

Wieħed mill-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 hu li jiżgura li d-dikjarazzjonijiet sanitarji jkunu veri, ċari, affidabbli u siewja għall-konsumatur, u li għal dan il-għan, jitqiesu l-mod kif jitqiegħed il-kliem u l-preżentazzjoni. Għalhekk, meta l-kliem li juża l-applikant fid-dikjarazzjonijiet ikollu l-istess tifsira għall-konsumaturi bħal dak ta’ dikjarazzjoni sanitarja awtorizzata, għax ikun juri l-istess relazzjoni li hemm bejn kategorija ta’ ikel, tip ta’ ikel jew xi wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa, dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet tal-użu bħal dawk elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(9)

Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ir-Reġistru tad-dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa li fih kull dikjarazzjoni sanitarja awtorizzata għandu jiġi aġġornat biex iqis dan ir-Regolament.

(10)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 432/2012 għandu jiġi emendat skont dan.

(11)

L-Istati Membri ġew ikkonsultati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-dikjarazzjoni sanitarja stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandha tiddaħħal fil-lista tal-Unjoni tad-dikjarazzjonijiet permessi kif jistabbilixxi l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 432/2012 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 tas-16 ta’ Mejju 2012 li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 136, 25.5.2012, p. 1).

(3)   EFSA Journal 2011; 9(12):2468.


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 432/2012 tiddaħħal din l-annotazzjoni f’ordni alfabetika:

Nutrijent, sustanza, tip ta’ ikel jew kategorija ta’ ikel

Dikjarazzjoni

Kundizzjonijiet tal-użu tad-dikjarazzjoni

Kundizzjonijiet u/jew restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ tip ta’ ikel u/jew dikjarazzjoni jew twissija addizzjonali

Numru tal-EFSA Journal

Numru tal-annotazzjoni rilevanti fil-Lista Konsolidata mressqa lill-EFSA għall-valutazzjoni tagħha

“Il-fibra tal-pitravi

Il-fibra tal-pitravi tgħin biex jiżdied il-ħin tat-tranżitu intestinali

Id-dikjarazzjoni tista’ tintuża biss għal ikel li jkun għani fil-fibra kif jissemma fid-dikjarazzjoni ‘GĦOLI FIL-FIBRA’ kif jelenka l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

 

2011; 9(12):2468”

 


18.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 41/2014

tas-17 ta’ Jannar 2014

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament dwar l-OKS unika) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

69,6

IL

182,0

MA

64,3

TN

99,0

TR

95,0

ZZ

102,0

0707 00 05

MA

124,7

TR

160,3

ZZ

142,5

0709 91 00

EG

82,2

ZZ

82,2

0709 93 10

MA

63,0

TR

108,5

ZZ

85,8

0805 10 20

EG

46,8

MA

59,6

TR

59,2

ZA

52,9

ZZ

54,6

0805 20 10

IL

167,2

MA

70,3

ZZ

118,8

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

CL

63,3

IL

139,7

JM

62,4

KR

142,4

MA

83,3

TR

74,3

ZZ

94,2

0805 50 10

EG

67,3

TR

73,6

ZZ

70,5

0808 10 80

CN

65,1

MK

32,8

US

134,8

ZZ

77,6

0808 30 90

CN

65,3

TR

144,6

US

176,0

ZZ

128,6


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ ZZ ” jirrappreżenta “ta’ oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

18.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/13


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ EUBAM LIBYA/1/2014

tal-14 ta’ Jannar 2014

dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta' Kontributuri għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)

(2014/16/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2013/233/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għall-istabbiliment ta' Kumitat ta' Kontributuri (KtK) għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya).

(2)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Göteborg tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2001 stabbilixxew il-prinċipji gwida u l-arranġamenti għall-kontribuzzjonijiet minn Stati terzi għall-missjonijiet tal-pulizija. Fl-10 ta' Diċembru 2002, il-Kunsill approva d-dokument intitolat 'Konsultazzjonijiet u Modalitajiet għall-Kontribut ta' Stati mhux fl-UE għall-operazzjonijiet ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet' li kompla jiżviluppa l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta' Stati terzi fl-operazzjonijiet ċivili ta' maniġġar ta' kriżijiet, inkluż l-istabbiliment ta' KtK.

(3)

Il-KtK għandu jkun forum għad-diskussjoni tal-problemi kollha relatati mal-ġestjoni ta' EUBAM Libya mal-Istati terzi li jikkontribwixxu. Il-KPS, li jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' EUBAM Libya, għandu jieħu kont tal-fehmiet espressi mill-KtK,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment u termini ta' referenza

1.   Huwa b'dan stabbilit Kumitat ta' Kontributuri (KtK) għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya).

2.   It-termini ta' referenza tal-KtK huma stabbiliti fid-dokument intitolat 'Konsultazzjonijiet u Modalitajiet għall-Kontribut ta' Stati mhux fl-UE għall-operazzjonijiet ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet'.

Artikolu 2

Kompożizzjoni

1.   Il-membri tal-KtK għandhom ikunu dawn li ġejjin:

rappreżentanti tal-Istati Membri kollha, u

rappreżentanti ta' Stati terzi li jipparteċipaw fl-EUBAM Libya u li jipprovdu kontribuzzjonijiet.

2.   Rappreżentant tal-Kummissjoni jista' wkoll jattendi għal-laqgħat tal-KtK.

Artikolu 3

Informazzjoni mill-Kap tal-Missjoni

Il-Kap tal-Missjoni għandu jittrasmetti regolarment informazzjoni lill-KtK.

Artikolu 4

Presidenza

Il-KtK għandu jkun ippresedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jew ir-rappreżentant tiegħu jew tagħha.

Artikolu 5

Laqgħat

1.   Il-KtK għandu jitlaqqa' mill-President fuq bażi regolari. Meta ċ-ċirkostanzi jitolbu dan, jistgħu jissejħu laqgħat ta' emerġenza fuq inizjattiva tal-President, jew fuq talba ta' membru.

2.   Il-President għandu jiċċirkola minn qabel aġenda provviżorja u dokumenti relatati mal-laqgħa. Il-President għandu jkun responsabbli biex iwassal lill-KPS l-eżitu tad-diskussjonijiet tal-KtK.

Artikolu 6

Kunfidenzjalità

1.   F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 (2), ir-regoli ta' sigurtà tal-Kunsill għandhom japplikaw għal-laqgħat u l-proċedimenti tal-KtK. B'mod partikolari, ir-rappreżentanti fil-KtK għandhom ikunu fil-pussess ta' awtorizzazzjoni adegwata ta' sigurtà.

2.   Id-deliberazzjonijiet fil-KtK għandhom ikunu koperti bl-obbligu ta' segretezza professjonali, sakemm il-KtK ma jiddeċidix unanimament mod ieħor.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

W. STEVENS


(1)   ĠU L 138, 24.5.2013, p. 15

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


18.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/15


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ EUBAM LIBYA/2/2014

tal-14 ta’ Jannar 2014

dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ta' Pajjiżi terzi għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)

(2014/17/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta’ Mejju 2013 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2013/233/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (“KPS”) biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni ta' kontribuzzjonijiet għall-EUBAM Libya minn Stati terzi.

(2)

Il-Kmandant Ċivili tal-Operazzjonijiet irrakkomanda li l-KPS jaċċetta l-kontribuzzjoni proposta mill-Konfederazzjoni Svizzera għal EUBAM Libya u jqisha bħala waħda sinifikanti.

(3)

Il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tiġi eżentata minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-baġit ta' EUBAM Libya,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kontribuzzjonijiet ta' Stati Terzi

1.   Il-kontribuzzjoni mill-Konfederazzjoni Svizzera għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) hija aċċettata u għandha tkun meqjusa bħala waħda sinifikanti.

2.   Il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tkun eżentata minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-baġit ta' EUBAM Libya.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

W. STEVENS


(1)   ĠU L 138, 24.5.2013, p. 15


18.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ EUCAP SAHEL NIGER/1/2014

tal-14 ta’ Jannar 2014

li testendi l-mandat tal-Kap tal-Missjoni tal-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger)

(2014/18/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/392/PESK tas-16 ta’ Lulju 2012 dwar il-missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (1),

Billi:

(1)

Taħt l-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni 2012/392/PESK, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) huwa awtorizzat, f’konformità mal-Artikolu 38 tat-Trattat, li jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti bil-għan li jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niger ( EUCAP Sahel Niger), inkluża d-deċiżjoni tal-ħatra ta' Kap ta' Missjoni.

(2)

Fit-12 ta' Novembru 2013, il-KPS adotta d-deċiżjoni EUCAP Sahel Niger/2/2013 (2), biex ħatar lis-Sur Filip DE CEUNINCK bħala l-Kap tal-Missjoni tal-EUCAP Sahel Niger, ad interim, mill-1 ta' Novembru sal-31 ta' Diċembru 2013.

(3)

Fil-5 ta' Diċembru 2013, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ppropona l-estensjoni tal-mandat tas-Sur Filip DE CEUNINCK bħala l-Kap tal-Missjoni tal-EUCAP Sahel Niger, ad interim, mill-1 ta' Jannar 2014 sal-ħatra tal-Kap il-ġdid tal-Missjoni tal-EUCAP Sahel Niger,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-mandat tas-Sur Filip DE CEUNINCK bħala l-Kap tal-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) huwa b'dan estiż sal-ħatra tal-Kap il-ġdid tal-Missjoni tal-EUCAP Sahel Niger.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

W. STEVENS


(1)   ĠU L 187, 17.7.2012, p. 48.

(2)  Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà EUCAP SAHEL Niger/2/2013 tat-12 ta' Novembru 2013 dwar il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni tal-missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 305, 15.11.2013, p. 18).


18.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Ġunju 2013

dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.30753 (C 34/10) (ex N 140/10)

li Franza biħsiebha timplimenta għall-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel

(notifikata bid-dokument C(2013) 3554)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2014/19/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu (1),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skont dawn l-Artikoli (2), u wara li ġew ikkunsidrati dawn l-osservazzjonijiet,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittra tat-13 ta' April 2010, Franza nnotifikat lill-Kummissjoni bil-proposta li tiddaħħal taxxa parafiskali fuq l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn bil-ħsieb li tiġi ffinanzjata missjoni ta' servizz pubbliku fdata f'idejn il-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel.

(2)

Permezz tal-ittra tas-17 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni infurmat lil Franza bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura kif previst fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE (minn hawn 'il quddiem "id-deċiżjoni ta' ftuħ") rigward din l-għajnuna.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din il-miżura.

(4)

Franza ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni ta' ftuħ fit-18 ta' Jannar 2011.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet bosta osservazzjonijiet min-naħa tal-partijiet interessati (ara t-tabella 1 hawn taħt):

Tabella 1

Partijiet interessati

Pożizzjoni

Entità

Deskrizzjoni qasira

Data

Favur il-miżura

Cheval Français

Kumpanija prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel tat-trott

11.2.2011

France Galop

Kumpanija prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel tal-galopp u tal-qbiż

11.2.2011

Laboratoire des Courses Hippiques

Assoċjazzjoni mingħajr skop ta' qligħ li twettaq testijiet ta' kontroll kontra d-doping iffinanzjati għal kollox mill-kumpaniji prinċipali

11.2.2011

Association de Formation et d'Action sociale des Ecuries de courses

Assoċjazzjoni mingħajr skop ta' qligħ li ssegwi missjoni ta' taħriġ professjonali u ta' azzjoni soċjali fil-qasam tat-tiġrijiet taż-żwiemel u li tirċievi 60 % tal-finanzjament tagħha mill-kumpaniji prinċipali

11.2.2011

Union Européenne du Trot

Organizzazzjoni li tiġbor fiha l-federazzjonijiet nazzjonali taż-żwiemel tat-trott f'19-il pajjiż Ewropew

9.2.2011

European and Mediterranean Horseracing Federation

Federazzjoni ta' 18-il awtorità tal-qasam tat-tiġrijiet taż-żwiemel (li minnhom, hemm 14 li huma Ewropej) li għandha l-għan li tippromwovi t-tiġrijiet taż-żwiemel. France Galop tirrappreżenta lil Franza f'din il-federazzjoni.

14.2.2011

Kontra l-miżura

European Gaming & Betting association

Assoċjazzjoni mingħajr skop ta' qligħ, irregolata mil-liġi Belġjana, li tgħaqqad operaturi Ewropej fil-qasam tal-logħob tal-azzard

14.2.2011

Anonima

Mhux Disponibbli

14.2.2011

(6)

L-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati ntbagħtu lil Franza fit-28 ta' Frar 2011. Franza għamlet il-kummenti tagħha dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati fl-4 ta’ April 2011.

(7)

Fit-12 ta’ April 2011, il-Kummissjoni bagħtet talba għal tagħrif lill-awtoritajiet Franċiżi.

(8)

Fl-4 ta' Mejju 2011, saret laqgħa ta' ħidma bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi.

(9)

Permezz ta' ittra tal-11 ta' Mejju 2011, Franza talbet li tingħata aktar żmien biex twieġeb għall-mistoqsijiet tat-12 ta' April 2011, u l-Kummissjoni approvat din it-talba permezz ta' ittra tas-16 ta' Mejju 2011. Franza wieġbet għal dawn il-mistoqsijiet fl-20 ta' Ġunju 2011.

(10)

Fil-11 ta' Lulju 2011 u fid-9 ta' Diċembru 2011 saru laqgħat ta' ħidma bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi.

(11)

Franza ppreżentat abbozz tal-emenda tan-notifika inizjali fl-14 ta' Diċembru 2011.

(12)

Fis-16 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni bagħtet xi mistoqsijiet lil Franza dwar il-miżura l-ġdida li ġiet ippreżentata. L-awtoritajiet Franċiżi wieġbu fl-1 ta' Marzu 2012.

(13)

Fit-30 ta' Marzu 2012 saret laqgħa ta' ħidma bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi abbażi tal-miżura l-ġdida proposta mill-awtoritajiet Franċiżi.

(14)

Wara xi talbiet għal emendi f'din il-miżura l-ġdida mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi pprovdew elementi addizzjonali fis-6 ta' Diċembru 2012, fil-21 ta' Jannar 2013 u fis-27 ta' Frar 2013.

(15)

Fid-29 ta' April, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw uffiċjalment lill-Kummissjoni b'emenda għan-notifika tat-13 ta' April 2010 li tinkludi l-miżura l-ġdida li ġiet diskussa mad-dipartimenti tal-Kummissjoni.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA KIF KIENET INIZJALMENT NOTIFIKATA

2.1.   Kuntest: ftuħ għall-kompetizzjoni tal-qasam tal-logħob tal-azzard

(16)

Franza fetħet il-qasam tal-logħob tal-azzard onlajn għall-kompetizzjoni permezz tal-liġi Nru 2010-476 tat-12 ta' Mejju 2010 dwar il-ftuħ għall-kompetizzjoni u r-regolamentazzjoni tal-qasam tal-logħob tal-azzard onlajn (minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-liġi tat-12 ta' Mejju 2010").

(17)

L-għan tal-liġi tat-12 ta' Mejju 2010 kien li twaqqaf l-offerta illegali ta' logħob tal-azzard li dejjem qed tikber fuq l-internet. Tliet tipi ta' logħob, magħżula għall-popolarità tagħhom mal-lagħaba u għax iġorru l-inqas riskju f'termini ta' vizzju, infetħu għall-kompetizzjoni: l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, l-imħatri fuq l-isports u l-logħob tal-poker onlajn.

(18)

L-operaturi tal-logħob tal-azzard jew tal-imħatri onlajn għandu jkolhom awtorizzazzjoni, maħruġa għal ħames snin u skont ċerti kundizzjonijiet mill-awtorità regolatorja Franċiża għal-logħob tal-azzard onlajn (ARJEL), awtorità amministrattiva indipendenti li nħolqot permezz tal-liġi tat-12 ta' Mejju 2010.

(19)

Wara l-ftuħ tal-logħob onlajn għall-kompetizzjoni, fl-24 ta' Novembru 2010, il-Kummissjoni għalqet (4) il-proċedura ta' ksur imressqa kontra Franza. Din il-proċedura ta' ksur (5) kienet ġiet imnedija fl-2006 għaliex il-Kummissjoni qieset li r-restrizzjonijiet imposti minn Franza fuq is-servizzi pprovduti mill-operaturi barranin kienu sproporzjonati. Fil-kuntest ta' din il-proċedura ta' ksur, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata fl-2007 (6).

(20)

Qabel il-ftuħ għall-kompetizzjoni, il-monopolju tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel barra mill-korsiet tat-tiġrijiet taż-żwiemel kien f'idejn il-PMU (Pari mutuel urbain) li huwa raggruppament ta' interess ekonomiku (7) magħmul minn żewġ kumpaniji prinċipali tat-tiġrijiet (8) u 49 kumpanija provinċjali tat-tiġrijiet taż-żwiemel (minn hawn 'il quddiem issir referenza għalihom b'mod konġunt bħala Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel), kemm għall-imħatri onlajn fuq l-internet kif ukoll għall-imħatri li jsiru direttament f'fergħa tal-bejgħ tal-PMU jew l-imħatri li jsiru fil-korsiet tat-tiġrijiet taż-żwiemel.

(21)

Fil-ħin tan-notifika fl-2010, il-flus li ntlagħbu fl-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, miġbura mill-PMU, l-operatur ewlieni tat-totalizzatur fl-Ewropa u t-tieni fid-dinja, kienu jammontaw għal EUR 9 342 miljun. Fl-2010, il-PMU ġġenera 8,5 % (9) tal-fatturat tiegħu onlajn. It-totalità tar-riżultat nett jitħallas lill-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel, jiġifieri EUR 790,9 miljun, fl-2010 (10). Dan l-ammont iservi biex jiffinanzja 80 % tal-industrija taż-żwiemel (trobbija, ċentri tat-taħriġ, skejjel għall-isports biż-żwiemel…) li jimpjegaw madwar 74 000 persuna u jinsabu fir-reġjuni kollha b'total ta' 250 korsa taż-żwiemel.

2.2.   L-għan tal-miżura kif kienet inizjalment notifikata

(22)

Filwaqt li wieħed iqis l-importanza tal-PMU għall-finanzjament tal-industrija taż-żwiemel, l-awtoritajiet Franċiżi kienu mħassba li l-vijabilità ta' din l-industrija tkun taħt theddida jekk il-ftuħ għall-kompetizzjoni tal-logħob tal-azzard onlajn iwassal għal tnaqqis sinifikanti fid-dħul tal-PMU minħabba r-raġunijiet potenzjali li ġejjin:

il-kompetizzjoni mill-operaturi l-oħra awtorizzati li joffru mħatri fuq iż-żwiemel onlajn;

il-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni ta' mħatri sportivi onlajn, uħud minn dawk li jilagħbu l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel jistgħu jaqilbu biex jilagħbu mħatri sportivi, u dan kieku jbiddel l-istruttura tas-suq.

(23)

Għaldaqstant, Franza ddeċidiet li tintroduċi taxxa parafiskali fuq l-imħatri fuq iż-żwiemel onlajn favur l-industrija taż-żwiemel sabiex tevita nuqqas ta' stabbiltà ekonomika permezz tal-ftuħ għall-kompetizzjoni u l-konsegwenzi negattivi potenzjali li jista' jkun hemm f'dan is-settur. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, it-taxxa parafiskali dwar l-imħatri fuq iż-żwiemel onlajn kienet tiffinanzja servizz ta' interess ekonomiku ġenerali (minn hawn 'il quddiem "SIEĠ") fdat f'idejn il-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel (ara l-Kapitolu 2.3).

(24)

Id-dħul totali mit-taxxa li jinġabar mill-imħatri fuq iż-żwiemel onlajn kollha, inklużi dawk li jsiru mis-sit tal-internet tal-PMU, jitħallas lill-kumpaniji prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel (prorata għall-imħatri fuq kull speċjalità, tat-trott, tal-galopp u tal-qbiż) li wara jaqsmu l-ammont korrispondenti bejn il-benefiċjarji differenti (11). Dan id-dħul jikkumplimenta l-finanzjament li ġej mill-imħatri li jkunu saru direttament f'fergħat ta' bejgħ tal-PMU (minn hawn 'il quddiem imsejħa "imħatri diretti"). Abbażi tad-dejta finanzjarja għas-sena 2010, kien stmat li t-taxxa tista' tirrendi madwar EUR 64 miljun.

(25)

Ir-rata tat-taxxa proposta għas-sena 2010 kienet ta' 8 % tal-flus li jintlagħbu fl-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn ikkalkulata abbażi tad-dejta finanzjarja tal-2008 u tikkorrispondi mal-proporzjon bejn il-kost tal-obbligi tas-servizz pubbliku u t-total tal-flus kollha li jintlagħbu fl-imħatri onlajn u direttament fil-fergħat. Għaldaqstant, l-għan tar-rata tal-imposta kien li jkun hemm l-istess piż finanzjarju għall-finanzjament tal-attivitajiet tas-servizz pubbliku fuq il-PMU u l-operaturi l-oħra tal-logħob tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel. Ir-rata ta' din it-taxxa tista' tiġi riveduta skont il-bidliet tal-kosti tal-obbligi tas-servizz pubbliku u tal-flus għall-imħatri li jsiru fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel permezz ta' din il-formula:

Formula

Madankollu n-notifika speċifikat li din ir-rata għandha tibqa' bejn [7 %-9 %]. Il-formula ta' hawn fuq irriżultat f'rata ta' 8 % għas-sena 2012 abbażi tad-dejta finanzjarja tas-sena 2010 (ara l-premessa (113)).

(26)

Minbarra d-dħul li ġej mill-imħatri miġbura fil-fergħat fiżiċi tal-PMU u t-taxxa parafiskali, għandu jiġi nnutat li l-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel jibbenefikaw ukoll minn dħul iġġenerat mill-attivitajiet tal-imħatri sportivi u tal-poker onlajn li għalihom il-PMU rċieva wkoll approvazzjoni wara l-ftuħ għall-kompetizzjoni tal-logħob tal-azzard onlajn.

(27)

Kien previst li meta tinħareġ in-notifika tal-miżura, din it-taxxa parafiskali fuq l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn tiżdied mat-tassazzjoni ġenerali ordinarja li tapplika għat-total tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel diretti u onlajn. Il-kodiċi ġenerali tat-taxxa jispeċifika fil-fatt li l-operaturi tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel għandhom iħallsu taxxa ta' 5,7 % fuq il-flus li jintlagħbu fl-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel (13).

2.3.   Il-missjoni tas-servizz pubbliku tal-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel

(28)

Skont in-notifika tal-awtoritajiet Franċiżi, il-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel jipprovdu missjoni ta' servizz pubbliku li tinkludi l-elementi li ġejjin:

It-titjib tal-ispeċi ekwina;

Il-promozzjoni tat-trobbija;

It-taħriġ fil-qasam tat-tiġrijiet u t-trobbija taż-żwiemel;

L-iżvilupp rurali.

(29)

Din il-missjoni, li ġeneralment hija fdata lill-Kumpaniji tat-Tiġrijiet, tagħti rwol partikolari lill-kumpaniji prinċipali tat-tiġrijiet li għandhom rwol ċentrali fl-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel u fl-industrijataż-żwiemel kollha (14). Cheval Français u France Galop għandhom b'mod partikolari responsabbiltajiet ewlenin fl-oqsma li ġejjin:

It-tfassil u l-infurzar tal-kodiċi tat-tiġrijiet taż-żwiemel;

Organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel;

Kundizzjonijiet għall-attribuzzjoni u t-tqassim tal-għotjiet;

Regolamentazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel u tal-industrija;

Tagħmir meħtieġ għall-organizzazzjoni tat-tiġrijiet;

Għażla taż-żwiemel;

Taħriġ professjonali.

(30)

L-infurzar tal-missjoni tas-servizz pubbliku li ġiet fdata f'idejn il-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel twettaq fil-prattika permezz tal-attivitajiet li ġejjin:

Id-distribuzzjoni tal-primjums u tal-benefiċċji lil dawk li jrabbu, il-propjetarji u l-ġerrejja marbuta maż-żwiemel li jkunu fit-tiġrijiet taż-żwiemel mill-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel;

L-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel mill-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel inklużi l-manutenzjoni u l-bini tal-korsiet taż-żwiemel;

L-ittestjar kontra d-doping fit-tiġrijiet taż-żwiemel mil-laboratorju tat-tiġrijiet taż-żwiemel (LCH);

Attivitajiet ta' taħriġ mill-assoċjazzjoni tat-taħriġ u tal-azzjoni soċjali tal-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel (AFASEC) li tkopri kull aspett tat-tiġrijiet taż-żwiemel (ġerrej, il-persuna li ssuq, il-persuna li tħarreġ eċċ.).

(31)

Il-kost totali nett ta' din il-missjoni tas-servizz pubbliku kien jammonta għal madwar EUR 747 miljun fl-2010 (15) (ara l-premessa (113)). Il-grafika ta' hawn taħt turi l-piż (f'termini ta' kosti) tal-attivitajiet ta' hawn fuq bħala proporzjon tal-kost totali.

Grafika 1

Tqassim tal-kosti tal-missjoni tas-servizz pubbliku (ċifri 2010)

Image 1

Contrôle anti-dopage 1,29 %

Formation et action sociale 3,61 %

Organisation des courses 31,48 %

Primes et allocations 63,61 %

(32)

L-akbar parti tal-kosti msejħa tas-servizz pubbliku msemmija fin-notifika (ara l-figura 1) kienet tikkorrispondi għall-primjums u l-benefiċċji tal-2010 mogħtija lil dawk li jrabbu, lill-propjetarji u lill-ġerrejja (EUR 493 miljun li jirrappreżentaw madwar 63,6 % tal-kosti totali). It-tieni l-akbar parti tal-kosti kienet tikkorrispondi għall-kosti tal-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel (EUR 244 miljun, li jirrappreżentaw madwar 31,48 % tal-kosti totali).

(33)

Il-kost totali tal-missjoni tas-servizz pubbliku deskritta minn Franza fin-notifika, se jkun iffinanzjat għal kollox mid-dħul tal-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel li jkun ġej minn imħatri onlajn mill-PMU, imħatri diretti fil-fergħat ta' bejgħ tal-PMU, minn imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel mill-korsiet u minn riżorsi proprji oħra tal-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel (bħall-ħlas għad-dħul fil-korsiet).

3.   RAĠUNIJIET BIEX TINBEDA L-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(34)

Il-Kummissjoni qieset li jeżistu l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-kunċett ta' għajnuna mill-Istat. Wara li esplorat il-possibbiltajiet offerti mir-regoli fis-seħħ, il-Kummissjoni ma identifikatx mod ċar li jippermetti li tiġi pprovduta l-kompatibbiltà tal-miżura notifikata mas-suq intern.

(35)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni esprimiet dubji serji dwar il-kwalifikazzjoni tas-SIEĠ invokata minn Franza għall-missjoni fdata f'idejn il-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel u, konsegwenza ta' dan, dwar il-possibbiltà li l-miżura ta' għajnuna proposta tkun trattata bħal kumpens tas-servizz pubbliku u l-kompatibbiltà tagħha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 106(2) tat-TFUE u fuq il-qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat f'forma ta' kumpens tas-servizz pubbliku (16).

(36)

Barra minn hekk, wara l-eżami preliminari li wettqet il-Kummissjoni, ma ħareġ l-ebda mod ċar li bih setgħet tiġi stabbilita l-kompatibbiltà. Fil-fatt, fid-dawl tat-tagħrif li għandha l-Kummissjoni, l-għajnuna proposta ma tidhirx li tissodisfa la l-kundizzjonijiet ġenerali ta' kompatibbiltà stipulati fl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE u lanqas il-kundizzjonijiet partikolari stipulati minn strumenti bħal-linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali (17) jew il-linji gwida dwar l-agrikoltura (18).

(37)

Barra minn hekk, meta wieħed iqis ir-rabta mill-qrib ħafna bejn il-miżura ta' għajnuna u l-ġbir tat-taxxa parafiskali, kellha tkun assigurata wkoll il-konformità tat-taxxa ma' prinċipji oħra tat-Trattat u l-Kummissjoni baqa' jkollha xi dubji dwar il-kompatibbiltà tat-taxxa parafiskali mal-prinċipju ta' libertà li tipprovdi servizzi stipulati fl-Artikolu 56 tat-TFUE u mal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni stipulat fl-Artikolu 110 tat-TFUE.

4.   MIŻURI TRANŻITORJI

(38)

Sakemm ikun hemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, Franza adottat miżura tranżitorja fl-20 ta' Ottubru 2010 li permezz tagħha tiġbor taxxa ta' 8 % fuq l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn u din se tkun applikata retroattivament mit-3 ta' Awwissu 2010. Madankollu, id-dħul minn din it-taxxa ma jaffettwax lill-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel iżda jmur fil-baġit ġenerali tal-Istat Franċiż.

(39)

B'mod parallel għall-implimentazzjoni ta' din il-miżura tranżitorja, Franza naqqset it-taxxa ġenerali fuq l-imħatri kollha fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, kemm dawk onlajn kif ukoll dawk diretti fil-fergħat ta' bejgħ. Ir-rata ta' din it-taxxa naqset minn 5,7 % għal 4,6 % tal-flus li jintlagħbu fl-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel.

5.   L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-AWTORITAJIET FRANĊIŻI

(40)

L-awtoritajiet Franċiżi, permezz ta' ittra tat-18 ta' Jannar 2011, bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni ta' ftuħ.

5.1.   Dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(41)

L-awtoritajiet Franċiżi ma jikkontestawx il-kwalifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istati li hija konformi man-notifika tagħhom iżda madankollu jistaqsu dwar il-punti li ġejjin:

5.1.1.   L-eżistenza ta' vantaġġ favur il-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel

(42)

L-awtoritajiet Franċiżi jiddubitaw minn kemm il-miżura tista' tipprovdi vantaġġ lill-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta' qabel il-ftuħ għall-kompetizzjoni tas-suq tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn. Il-miżura tikkorrispondi sempliċiment ma' adattazzjoni meħtieġa tas-sitwazzjoni l-ġdida fejn ma hemmx aktar operatur uniku tal-logħob iżda bosta. Il-piż li kellu l-PMU qabel se jiġi sempliċiment kondiviż bejn l-operaturi kollha. L-awtoritajiet Franċiżi jqisu wkoll li l-miżura ma tistax tagħti vantaġġ lill-PMU għaliex dan tal-aħħar kieku jagħti lura t-totalità tal-qligħ kollu mit-taxxa lill-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel.

5.1.2.   Impatt fuq il-kompetizzjoni u l-effett tal- kummerċ

(43)

L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li ma hemmx distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn minħabba li t-taxxa tapplika b'mod uniformi għall-operaturi kollha tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn, u li ma hemmx distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-livell tal-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel stess għaliex il-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel ma jkunux qed jikkompetu bejniethom iżda jaħdmu f'daqqa fuq livell Ewropew u saħansitra fuq livell dinji (pereżempju l-kalendarju tat-tiġrijiet taż-żwiemel ikun ottimizzat sabiex jiġi evitat trikkib fuq id-dati).

5.2.   Rigward il-kwalifikazzjoni tas-SIEĠ tal-attivitajiet tal-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel

(44)

L-awtoritajiet Franċiżi insistew fuq il-grad ta' diskrezzjoni tal-Istati Membri fid-definizzjoni u fl-organizzazzjoni tas-SIEĠ.

(45)

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bosta drabi li meta l-Istati Membri jiddefinixxu s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali li huma japplikaw għal ċerti intrapriżi, huma jistgħu "jqisu l-objettivi li huma parti mill-politika nazzjonali tagħhom" (19).

(46)

L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel mill-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel tikkontribwixxi sew għall-SIEĠ għat-titjib tal-ispeċi ekwina, il-promozzjoni tat-trobbija tal-ispeċi ekwina, it-taħriġ fil-qasam tat-tiġrijiet taż-żwiemel u t-trobbija tal-ispeċi ekwina u l-iżvilupp rurali.

(47)

Il-leġiżlatur Franċiż ried jiċċara l-eżistenza ta' missjoni tas-servizz pubbliku li għaliha kkontribwixxew il-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel permezz tal-liġi tat-12 ta' Mejju 2010. Fost l-objettivi prinċipali tal-politika tal-Istat fir-rigward tal-logħob tal-azzard, kif indikat fl-Artikolu 3 ta' din il-liġi, hemm l-"iżvilupp ekwilibrat u ġust tat-tipi differenti ta' logħob sabiex tiġi evitata kwalunkwe distabilizzazzjoni ekonomika tal-industriji kkonċernati". L-Artikolu 65 jindika li "is-soċjetajiet tat-tiġrijiet jipparteċipaw, b'mod partikolari permezz tal-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel, fis-servizz pubbliku għat-titjib tal-ispeċi ekwina u l-promozzjoni tat-trobbija, fit-taħriġ fis-settur tat-tiġrijiet taż-żwiemel u tat-trobbija taż-żwiemel kif ukoll fl-iżvilupp rurali".

(48)

Il-missjoni twieġeb għall-eżiġenzi Komunitarji fir-rigward tas-SIEĠ għaliex din tkun ġenerali u obbligatorja, u kkonferita permezz ta' att ta' awtorità pubblika b'natura speċifika meta mqabbla mal-attivitajiet ta' intrapriża privata ordinarja.

(49)

Id-dimensjoni ta' interess ġenerali għat-titjib tar-razza taż-żwiemel kienet rikonoxxuta mill-Kummissjoni b'mod partikolari permezz ta':

Id-Direttiva dwar il-kummerċ fl-equidae maħsuba għall-kompetizzjonijiet (20) li tirrikonoxxi l-interess "li tassigura żvilupp razzjonali tal-produzzjoni ekwina" tiffavorixxi "is-salvagwardja, il-promozzjoni u t-titjib tat-trobbija".

Il-pożizzjoni adottata fil-Kawża Ladbroke vs. il-Kummissjoni  (21), fejn il-Kummissjoni qieset li "il-kontribuzzjoni għall-iżvilupp u għal aktar effiċjenza fis-settur tat-totalizzazzjoni u fuq kollox għat-titjib fir-razza taż-żwiemel tinkludi objettiv leġittimu u hu konformi mal-interess tal-Komunità."

(50)

L-awtoritajiet Franċiżi insistew ukoll dwar l-importanza tal-industrija taż-żwiemel bħala vettur tal-iżvilupp rurali b'mod partikolari permezz ta' 250 korsa kif ukoll għall-preservazzjoni ta' ċertu patrimonju kulturali.

(51)

Finalment, huma wrew li l-Kunsill tal-Istat kien ikkonkluda l-eżistenza ta' tali SIEĠ fl-opinjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 (22), billi għamlu referenza kemm għall-objettivi sostnuti fid-direttiva msemmija qabel kif ukoll għall-objettivi ta' interess ġenerali bħall-promozzjoni tat-trobbija u l-iżvilupp rurali.

(52)

Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Istat qies li l-promozzjoni tat-trobbija mhijiex maqtugħa mill-ippjanar tat-territorju u l-iżvilupp rurali, li jistgħu jitqiesu wkoll bħala objettivi ta' interess ġenerali. It-tiġrijiet taż-żwiemel jikkontribwixxu għal dawn l-objettivi, b'mod partikolari minħabba l-għadd sinifikanti ta' korsiet fi Franza.

5.3.   Dwar il-kompatibbiltà tal-miżura fit-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE

(53)

L-awtoritajiet Franċiżi qiesu li l-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà abbażi tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE huma ssodisfati.

(54)

L-awtoritajiet Franċiżi jqisu, b'mod partikolari li l-kumpens għat-twettiq tal-missjoni pubblika huwa meħtieġ (il-prezzijiet tat-tiġrijiet taż-żwiemel kienu pereżempju s-salarji tal-ġerrejja) u proporzjonat. Ir-rata tat-taxxa għall-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel kienet effettivament determinata b'mod preċiż abbażi tal-kost totali tal-obbligi tas-servizz pubbliku u tal-kost totali tal-flus miġbura mill-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, li għandha tevita kwalunkwe kumpens żejjed. Barra minn hekk, in-notifika tistipula mekkaniżmu ta' kontroll fuq kumpens żejjed.

5.4.   Dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mal-prinċipju tal-moviment liberu tas-servizzi

(55)

L-awtoritajiet Franċiżi argumentaw li t-taxxa parafiskali ma tinkludix elementi diskriminatorji għaliex minnha jibbenefikaw:

L-ewwel nett, il-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel, u b'mod partikolari dawk li jinkludu l-PMU, l-operatur awtorizzat tal-imħatri. Madankollu, dawn il-kumpaniji ma jiggwadanjaw xejn meta mqabbla mal-operaturi l-oħra, la fuq livell finanzjarju u lanqas fuq livell kompetittiv, minħabba li dan id-dħul iservi biss u b'mod esklussiv għall-finanzjament tal-missjoni tas-servizz pubbliku attribwit lilhom mill-awtoritajiet Franċiżi u ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn in-nazzjonalitajiet tal-parteċipanti fit-tiġrijiet taż-żwiemel.

Finalment, b'mod indirett, l-operaturi awtorizzati kollha tal-imħatri, sew jekk dawn tal-aħħar ikunu Franċiżi sew jekk ikunu barranin. Kollha jibbenefikaw minn esternalitajiet pożittivi ta' organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel ta' kwalità għolja u attraenti ħafna.

6.   L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(56)

Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet ta' tmien partijiet interessati. Fosthom, ħamsa kienu mill-assoċjazzjonijiet, tnejn kienu mill-kumpaniji prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel u waħda xtaqet tibqa' anonima (ara l-premessa (5)).

6.1.   L-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati li jappoġġjaw il-miżura notifikata

(57)

Sitta mill-partijiet interessati kienu favur il-miżura notifikata. Huma jifhmu ż-żewġ kumpaniji prinċipali li huma benefiċjarji importanti ta' din il-miżura. Ir-raġunijiet prinċipali tal-partijiet interessati li huma favur il-miżura notifikata huma dawn li ġejjin:

6.1.1.   L-importanza tal-miżura għall-futur tat-tiġrijiet taż-żwiemel

(58)

Uħud mill-partijiet interessati spjegaw li t-tiġrijiet taż-żwiemel madwar l-Ewropa jkunu ffinanzjati mid-dħul li ġej mill-imħatri u għalhekk ikunu totalment dipendenti minn dan id-dħul.

(59)

Għalhekk teżisti korrelazzjoni bejn l-impjieg dirett fil-qasam tat-tiġrijiet taż-żwiemel u d-dħul iġġenerat mill-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel li huma inidrizzati mill-ġdid lejn dan il-qasam. Tnaqqis fid-dħul ikollu riperkussjonijiet fuq l-industrija tat-trobbija u jwaqqaf lit-tiġrijiet taż-żwiemel milli jassiguraw il-missjoni tagħhom li jtejbu l-ispeċi ekwina u l-promozzjoni tat-trobbija taż-żwiemel.

(60)

Barra minn hekk, il-qasam tat-tiġrijiet taż-żwiemel huwa ta' valur kbir għall-Ewropa u l-250 korsa fi Franza għandhom rwol soċjali importanti ħafna minħabba r-rabta tal-Franċiżi mat-tradizzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel u wkoll għaliex spiss ikunu jinsabu fir-reġjuni żvantaġġati ta' Franza.

(61)

Huwa importanti wkoll li tiġi protetta s-sistema tat-totalizzatur li ġġib magħha l-aqwa garanziji ta' trasparenza u integrità u li l-għan tagħha huwa li tassigura redditu ġust għall-isport.

6.1.2.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(62)

Uħud mill-partijiet interessati sostnew li l-miżura notifikata ma tikkostitwixxix għajnuna skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE għar-raġunijiet li ġejjin:

(63)

Il-miżura ma tagħti l-ebda vantaġġ ekonomiku lill-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel benefiċjarji: id-dħul mit-taxxa maħsuba li jikkorrispondi għal 8 % tal-flus fl-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn, ikun inferjuri wisq għall-kosti li jirrappreżenta t-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku għall-kumpaniji prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel (23).

(64)

Barra minn hekk, il-miżura ma tkunx taffettwa l-kummerċ u ma toħloqx distorsjoni u lanqas ma tkun suxxettibbli li toħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni għaliex ma jkunx hemm suq tat-tiġrijiet taż-żwiemel fis-sens strett tiegħu, li jista' jkun soġġett għal tali distorsjoni għall-kompetizzjoni, iżda sempliċiment suq tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel.

(65)

Anki jekk il-Kummissjoni jkollha tqis li jeżisti suq tat-tiġrijiet taż-żwiemel, il-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel li jibbenefikaw mill-miżura ma jkunux f'kompetizzjoni mal-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel ta' Stati Membri oħra għaliex il-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel ikunu jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom fuq livell Ewropew u saħansitra fuq livell dinji, sabiex tiġi evitata tali kompetizzjoni, billi jorganizzaw pereżempju t-tiġrijiet taż-żwiemel f'dati differenti.

(66)

Min-naħa l-oħra, jekk il-Kummissjoni tkabbar l-analiżi tagħha għas-suq tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, billi l-miżura mhijiex diskriminatorja bejn l-operaturi tal-imħatri, ma tistax lanqas toħloq distorsjoni f'dan is-suq

(67)

Finalment, ċerti partijiet interessati argumentaw ukoll li l-attività tal-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel hija lokali fin-natura tagħha u għaldaqstant ma jkollhiex effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.3.   Definizzjoni tas-SIEĠ

(68)

Uħud mill-partijiet interessati insistew fuq il-grad ta' diskrezzjoni tal-Istati Membri fid-definizzjoni u fl-organizzazzjoni tas-SIEĠ.

(69)

Dawn spjegaw ukoll li l-kwalifikazzjoni tas-SIEĠ tal-attivitajiet tal-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel tkun ġustifikata mid-dimensjoni storika, kulturali u ekonomika tal-industrija taż-żwiemel Franċiża. L-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel tissodisfa l-interess pubbliku, u żżomm mal-għażla li tappoġġja l-patrimonju kulturali u ġenetiku u l-għarfien speċifiku fil-qasam tal-ippjanar tal-ispazju. Finalment, l-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel ikollha wkoll dimensjoni sportiva.

(70)

Uħud mill-partijiet interessati saħansitra argumentaw li t-tiġrijiet taż-żwiemel huma attività li strutturalment qed tagħmel it-telf, li sserraħ fuq il-kontribuzzjonijiet mitlufa tal-propjetarji, kif ukoll fuq netwerk ta' 6 000 voluntier, biex teżisti. Konsegwentament it-tiġrijiet taż-żwiemel ma jistgħux isiru b'mod sodisfaċenti mis-suq u l-kwalifikazzjoni tas-SIEĠ tal-attivitajiet tal-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel tkun ġustifikata.

6.1.4.   Kompatibbiltà skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE

(71)

Uħud mill-partijiet interessati sostnew li, jekk il-miżura jkollha titqies li tinkludi għajnuna mill-Istat, din tkun kompatibbli fir-rigward tar-regoli li jiggvernaw il-finanzjament tas-SIEG.

(72)

Il-mezzi kollha tal-kumpaniji prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel se jkunu fil-fatt allokati għat-twettiq tal-missjonijiet li l-istruttura tagħhom twassal għal telf tas-servizz pubbliku, u kwalunkwe kumpens żejjed suxxettibbli li jrawwem l-attivitajiet kompetittivi, ikun eskluż. Barra minn hekk l-ammont miġbur mit-taxxa jkun relattivament marġinali meta mqabbel mal-ammont totali tal-kosti mġarrba mill-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel fl-implimentazzjoni tas-SIEĠ li jkun fdat lilhom.

6.1.5.   Kompatibbiltà skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE

(73)

Uħud mill-partijiet interessati argumentaw li l-missjonijiet mogħtija lill-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel iservu biex jappoġġjaw u jiżviluppaw it-trobbija taż-żwiemel, li tikkostitwixxi settur ta' attività ekonomika skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

(74)

Fin-nuqqas ta' settur ekwin vijabbli fuq terminu twil, it-tiġrijiet taż-żwiemel ma jkunux jistgħu jsiru. Għaldaqstant hemm rabta diretta bejn it-taxxa u l-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel Sa fejn il-kosti kollha tal-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel jikkontribwixxu għall-organizzazzjoni tat-tiġrijiet u b'hekk ikunu ta' benefiċċju għall-operaturi kollha tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, ikun possibbli wkoll, skont dawn il-partijiet interessati, li jintuża approċċ abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, li jivvalida l-finanzjament permezz ta' taxxa parafiskali tal-attivitajiet ta' interess komuni għas-settur. Il-kosti kollha tal-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-żwiemel għandhom jitqiesu f'approċċ ta' dan it-tip, li jiġġustifika r-rata ta' 8 % proposta mill-awtoritajiet Franċiżi għall-miżura notifikata, kif ukoll il-modalitajiet previsti fir-reviżjoni ta' din ir-rata.

6.1.6.   Kompatibbiltà tat-taxxa mal-prinċipju tal-provvista libera tas-servizzi

(75)

It-taxxa li tkun imposta b'mod nondiskriminatorju fuq l-operaturi kollha tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn, inkluż il-PMU, ma tista' bl-ebda mod tikser il-prinċipju tal-provvista libera tas-servizzi skont l-Artikolu 56 tat-TFUE jew il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni stipulat fl-Artikolu 110 tat-TFUE.

6.2.   L-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati li huma kontra l-miżura notifikata

(76)

Tnejn mill-partijiet interessati kienu kontra l-miżura, fosthom assoċjazzjoni u entità li xtaqu jibqgħu anonimi. Ir-raġunijiet prinċipali tal-partijiet interessati li huma kontra l-miżura notifikata huma dawn li ġejjin:

6.2.1.   Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(77)

Il-partijiet interessati enfasizzaw li l-ispeċifikazzjonijiet, annessi mad-Digriet Nru 2010-1314 tat-2 ta' Novembru 2010, dwar l-obbligi tas-servizz pubbliku li jaqgħu fuq il-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel u l-proċeduri ta' intervent tal-kumpaniji prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel, jindikaw li l-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-żwiemel għandhom jiggarantixxu li t-tiġrijiet taż-żwiemel Franċiżi jżommu l-istess livell ta' attrazzjoni bħal dawk organizzati fl-Istati Membri l-oħra. Din id-dispożizzjoni tkun tikkonferma l-impatt tal-miżura fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-possibbiltà ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni f'dan il-livell.

(78)

Meta wieħed iqis li l-PMU huwa Grupp ta' Interess Ekonomiku (EIĠ), dan ikun prodott tal-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel li jkunu operaturi tal-imħatri kif ukoll organizzaturi tat-tiġrijiet taż-żwiemel, fl-istess ħin. Id-differenza bejn dawn iż-żewġ attivitajiet tkun artifiċjali. Konsegwenza ta' dan, it-taxxa allokata tobbliga lill-operaturi tal-imħatri onlajn biex jiffinanzjaw lir-rivali tagħhom, u dan ikun jikkostitwixxi distorsjoni evidenti tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel.

6.2.2.   Żball ċar ta' evalwazzjoni fir-rigward tas-SIEĠ il-ġdid

(79)

Skont il-partijiet interessati, l-awtoritajiet Franċiżi għamlu żball ċar billi kkwalifikaw l-attivitajiet tal-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel bħala SIEĠ.

(80)

B'mod partikolari, ma kien hemm l-ebda dibattitu nazzjonali qabel il-ħolqien ta' dan is-SIEĠ, lanqas ta' ġustifikazzjoni partikolari mill-Kunsill tal-Istat dwar il-ħtieġa ta' tali ħolqien.

(81)

Għall-kuntrarju, fil-passat, il-Kunsill tal-Istat kien formalment ikkonkluda bosta drabi li l-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel ma kinitx SIEĠ (24) u b'mod aktar ġenerali, Franza kienet għażlet għal aktar minn seklu qafas għas-settur tat-tiġrijiet taż-żwiemel mingħajr l-ebda dimensjoni tas-servizz pubbliku.

(82)

Fl-opinjoni tal-partijiet interessati, il-ftuħ tas-suq tal-logħob onlajn kellu l-għan li jakkumpanja politika kummerċjali espansjonarja tal-PMU pjuttost kontradittorja bil-kunċett ta' interess ġenerali u ta' servizz pubbliku, billi jippermetilu, b'mod partikolari, jiddiversifika l-attivitajiet tiegħu lejn l-imħatri sportivi u l-poker onlajn.

6.2.3.   Il-bżonn tal-miżura

(83)

Il-partijiet interessati esprimew dubji fir-rigward tar-riskju li semmew l-awtoritajiet Franċiżi biex jiġġustifikaw il-miżura, ta' tnaqqis fid-dħul tal-PMU li jista' jkun ikkawżat, jew mill-kompetizzjoni ta' operaturi oħra tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, jew minn ċaqliq mill-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel għall-imħatri sportivi.

(84)

Fil-fatt huma jqisu li dan ir-riskju mhuwiex sinifikanti għaliex:

Fl-2010, il-fatturat tal-internet tal-PMU żdied b'39 % globalment u b'10 % għall-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn. Permezz tal-ftuħ għall-kompetizzjoni, il-PMU seta' jidħol f'attivitajiet tal-poker onlajn u tal-imħatri sportivi filwaqt li jkabbar il-bażi tal-klijenti tiegħu. Il-profitt tiegħu kiber bi 18 % fl-2010.

Skont l-Awtorità Franċiża għall-Kompetizzjoni, il-PMU ddomina s-suq tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn b'sehem fis-suq ta' 85 % u jiddomina bil-bosta jekk wieħed jinkludi l-monopolju tal-imħatri diretti. Huwa jokkupa l-ewwel pożizzjoni wkoll jekk wieħed iqis l-imħatri sportivi b'sehem fis-suq ta' bejn l-40 % u l-55 %.

Bejn l-imħatri sportivi u l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel ma hemmx sostitwibbiltà għaliex l-għarfien espert meħtieġ, il-kategoriji tal-età u d-dħul tal-lagħaba kif ukoll l-offerta ta' mħatri mill-operaturi huma differenti ħafna.

(85)

Barra minn hekk, ma jkunx hemm bżonn aktar tal-miżura għaliex il-monopolju tal-imħatri diretti tal-PMU jippermetilu li:

Joffri lil-lagħaba rata ta' żborż ogħla, permezz tar-rebħ tal-lagħaba, minn dik li jistgħu jagħtu l-operaturi tal-logħob onlajn;

Japprofitta min-netwerk tiegħu ta' 10 000 fergħa ta' bejgħ u dħul iġġenerat minn dan in-netwerk biex jiffinanzja u jippromwovi l-attivitajiet tiegħu onlajn.

6.2.4.   Livell tat-taxxa parafiskali u l-kalkolu tan-nefqa li trid tiġi ffinanzjata

(86)

Il-partijiet interessati sostnew li, sakemm l-awtoritajiet Franċiżi ma ppreżentawx baġit ċar tan-nefqa finanzjarja, it-taxxa allokata ma tkoprix il-kosti tal-missjoni tas-servizz pubbliku. Barra minn hekk, it-taxxa tiffinanzja attivitajiet li ma jkunux ta' benefiċċju dirett għall-organizzaturi tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn.

(87)

Anki jekk l-adozzjoni ta' tali taxxa tista' tkun ġustifikata, ir-rata ta' 8 % proposta mill-awtoritajiet Franċiżi tkun sproporzjonata meta mqabbla mad-dritt tal-imħatri mħallsa mill-operaturi tal-imħatri sportivi lill-federazzjonijiet sportivi li huma fl-ordni ta' 1 % tal-logħob tal-flus fl-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel.

6.2.5.   Diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini taż-żwiemel

(88)

Uħud mill-partijiet interessati enfasizzaw li, fost il-primjums u l-benefiċċji mogħtija mill-PMU, uħud mill-primjums mogħtija lil min irabbi jkunu riżervati għaż-żwiemel li jitwieldu fi Franza. Tali sitwazzjoni tikser il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 110 tat-TFUE.

6.2.6.   Miżuri addizzjonali

(89)

Parti interessata ressqet miżuri oħra li minnhom jibbenefika l-PMU:

Il-miżura tranżitorja ta' imposta tat-taxxa ta' 8 % fuq il-logħob tal-flus fl-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, b'rabta mat-tnaqqis tar-rata tat-taxxa fuq l-imħatri kollha fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel diretti u onlajn, tagħti vantaġġ lill-PMU u dan ifisser li tevita l-effetti tad-deċiżjoni ta' ftuħ meħuda mill-Kummissjoni. Fil-fatt, filwaqt li l-operaturi onlajn, inkluż il-PMU għall-attivitajiet tiegħu onlajn, iħallsu t-taxxa ta' 8 %, il-PMU ma jħallashiex għall-attivitajiet diretti tiegħu. Barra minn hekk, il-PMU jibbenefika aktar mill-operaturi l-oħra mit-tnaqqis ta' 1.1 % tar-rata tat-taxxa fir-rigward tal-volum tal-attività tiegħu ta' organizzazzjoni tal-imħatri diretti.

Il-PMU u l-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel ikunu eżentati mit-taxxi fuq il-qligħ.

L-Awtorità Franċiża għall-Kompetizzjoni (Autorité de la Concurrence) enfasizzat bosta prattiki tal-PMU li jistgħu jaqgħu taħt abbuż ta' pożizzjoni dominanti (25). Fost l-oħrajn, dan jittratta l-użu tal-istess marka kummerċjali mill-PMU (il-marka kummerċjali PMU) għall-attivitajiet ta' monopolju u għall-attivitajiet kompetittivi tagħha, l-użu ta' ċerti ismijiet ġeneriċi (tiercé, trio…) biex tidentifika ċerti tipi ta' mħatri, kif ukoll it-tnedija tal-karta tal-PMU li tippermetti li tinġabar dejta fuq il-klijenti tal-imħatri diretti. Din id-dejta mbagħad tkun tista' tintuża biex tattira klijenti għall-imħatri onlajn.

(90)

Ta' min wieħed jinnota li din id-deċiżjoni tikkonċerna biss il-kompatibbiltà tal-miżura notifikata minn Franza favur il-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel. Hija ma tippreġudika bl-ebda mod il-pożizzjoni futura tal-Kummissjoni dwar oġġezzjonijiet addizzjonali indikati fil-premessa (89) hawn fuq.

7.   L-OSSERVAZZJONIJIET TA’ FRANZA FUQ L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(91)

Franza ppreżentat il-kummenti tagħha dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati fl-4 ta’ April 2011. L-awtoritajiet Franċiżi f'dawn il-kummenti jirreferu essenzjalment għall-osservazzjonijiet li ġew mibgħuta lilhom fit-18 ta' Jannar 2011.

(92)

Madankollu, l-awtoritajiet Franċiżi insistew fuq il-punti li ġejjin:

Il-PMU tilef madwar 15 % tas-sehem tiegħu fis-suq onlajn fl-2010, li juri r-riskju ta' telf fuq id-dħul għall-industrija taż-żwiemel;

In-notifika tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni ma tkunx marbuta mal-kwistjoni kurrenti;

Il-politika ta' Franza rigward il-logħob tal-azzard tiffoka essenzjalment fuq objettivi ta' ordni soċjali u ta' ordni pubblika u mhux fuq objettivi ekonomiċi jew kummerċjali.

8.   EMENDA TAN-NOTIFIKA MINN FRANZA

(93)

Fid-29 ta' April 2013, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw emenda tan-notifika inizjali tagħhom lill-Kummissjoni. L-awtoritajiet Franċiżi speċifikaw li s-sistema introdotta minn din in-notifika emendata tista' tiġi implimentata mill-1 ta' Jannar 2014, soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni.

(94)

L-awtoritajiet Franċiżi qablu wkoll li jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida, sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dawn il-miżuri, previst għall-1 ta' Jannar 2014.

8.1.   Deskrizzjoni tas-sistema l-ġdida

(95)

L-awtoritajiet Franċiżi ma ppreżentawx aktar il-miżura dwar il-finanzjament tat-tiġrijiet taż-żwiemel bħala kumpens għal servizz pubbliku fdat f'idejn il-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel. Konsegwenza ta' dan, in-notifika emendata trendi irrelevanti d-dubji espressi mill-Kummissjoni dwar il-kwalifikazzjoni ta' SIEG attribwita lill-attivitajiet tal-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel kif ukoll dwar il-possibbiltà li tawtorizza l-miżura abbażi tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE.

(96)

Is-sistema l-ġdida hija ppreżentata bħala għajnuna għal qasam ekonomiku, jiġifieri l-industrija taż-żwiemel, stabbilita abbażi tal-interess komuni li l-PMU u l-operaturi rivali tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn għandhom għall-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel li fuqhom isiru l-imħatri.

(97)

Konsegwenza ta' dan, il-livell tat-taxxa li għandha tinġabar mill-operaturi kollha tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel hu kkalkulat billi jitqies biss il-kumpens tal-kosti marbuta mal-organizzazzjoni tat-tiġriijiet taż-żwiemel li jibbenefikaw minnhom ukoll l-operaturi kollha tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn (minn hawn 'il quddiem imsejħa "kosti ta' interess komuni").

(98)

Meta mqabbla mal-miżura stabbilita fin-notifika inizjali, is-sistema l-ġdida tnaqqas il-livell tal-kosti li għandhom jiġu ffinanzjati mid-dħul iġġenerat mit-taxxa parafiskali. Fil-fatt, l-awtoritajiet Franċiżi kkalkulaw li r-rata tat-taxxa tkun massimu ta' 5,6 % (ikkalkulata għas-sena 2012 abbażi tad-dejta finanzjarja tas-sena 2010) filwaqt li setgħet titla' għal 8 % abbażi tas-sistema stabbilita fin-notifika inizjali (ara l-premessa (113)).

8.2.   Tiġrijiet taż-żwiemel primjum u tiġrijiet taż-żwiemel mhux primjum

(99)

Sabiex jiġu ddeterminati l-kosti ta' interess komuni (ara l-premessa (97)), l-awtoritajiet Franċiżi jiddistingwu bejn tiġrijiet taż-żwiemel primjum (li fuqhom isiru l-imħatri (26)) u tiġrijiet taż-żwiemel mhux primjum (li fuqhom ma jsirux imħatri).

(100)

Meta wieħed iqis li l-imħatri onlajn huma biss għat-tiġrijiet taż-żwiemel primjum, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li huwa loġiku li jiġu assimilati l-kosti ta' interess komuni mal-kosti marbuta mal-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel primjum.

(101)

L-awtoritajiet Franċiżi jużaw il-proporzjon taż-żwiemel li jipparteċipaw fit-tiġrijiet primjum biex jaqsmu ċerti kosti fissi tal-kumpaniji prinċipali bejn it-tiġrijiet taż-żwiemel primjum u mhux primjum. It-tqassim għal kull kumpanija prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel hija deskritta fit-tabella 2 ta' hawn taħt:

Tabella 2

Għadd ta' żwiemel li jibdew fit-tiġrijiet taż-żwiemel primjum & mhux primjum

 

Cheval français (tat-trott)

France Galop (tal-galopp u tal-qbiż)

It-total taż-żwiemel li bdew it-tiġrija

150 822

77 304

L-għadd ta' żwiemel primjum li bdew it-tiġrija

58 112 (38,5 %)

48 027 (62 %)

L-għadd ta' żwiemel mhux primjum li bdew it-tiġrija

92 170 (61,5 %)

29 277 (38 %)

8.3.   Identifikazzjoni tal-kosti ta' interess komuni u l-kalkolu tar-rata tat-taxxa

8.3.1.   Identifikazzjoni tal-kosti ta' interess komuni

(102)

Il-kosti ta' interess komuni identifikati mill-awtoritajiet Franċiżi abbażi tad-dejta finanzjarja disponibbli tas-sena 2010 huma ppreżentati hawn taħt skont il-kategorija tal-kosti:

8.3.2.   Inċentivi

(103)

L-inċentivi (EUR 493 miljun fl-2010) jikkonsistu fit-tqassim mill-kumpanija prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel, ta' primjums u benefiċċji dovuti lil min irabbi, lill-propjetarji u lill-ġerrejja b'rabta maż-żwiemel li jipparteċipaw fit-tiġrijiet taż-żwiemel mill-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel. L-awtoritajiet Franċiżi jipproponu li jintegraw fil-kosti ta' interess komuni l-inċentivi marbuta mat-tiġrijiet taż-żwiemel primjum. Barra minn hekk, huma jipproponu li jiġu esklużi l-primjums mogħtija lill-propjetarji fit-tiġrijiet taż-żwiemel tal-galopp li huma riżervati għaż-żwiemel li jitwieldu jew jitrabbew fi Franza, u għalhekk jagħtu lok għar-riżervi espressi mill-Kummissjoni dwar il-konformità tat-taxxa mal-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jekk il-primjums riżervati għaż-żwiemel imwielda jew imrobbija kienu ffinanzjati mit-taxxa parafiskali (ara l-premessi (151)-(156)). Finalment, l-awtoritajiet Franċiżi jipproponu għaldaqstant li jżommu EUR 321 miljun tal-kosti ta' interess komuni f'din il-kategorija (jiġifieri madwar 65 % tat-total tal-inċentivi mogħtija mill-kumpaniji prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel).

8.3.3.   Spejjeż ta' organizzazzjoni mġarrba mill-kumpaniji prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel

(104)

L-ispejjeż ta' organizzazzjoni mill-kumpaniji prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel (EUR […] (*1) fl-2010) huma komposti mill-kosti ta' funzjonament tal-kwartieri tagħhom, l-ispejjeż tagħhom tal-persunal u l-kummerċjalizzazzjoni, il-kosti ta' funzjonament u l-ispejjeż tal-persunal tal-korsiet taż-żwiemel, kif ukoll l-ispejjeż ta’ amortizzament marbuta mal-manutenzjoni u l-bini tal-korsiet.

(105)

Dawn il-kosti mhumiex inklużi mill-awtoritajiet Franċiżi fil-kalkolu tal-kosti ta' interess komuni jekk dawn jistgħu jkunu attribwiti lill-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel primjum. Ċerti kosti li jibbenefikaw minnhom il-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel biss (kosti tal-kummerċjalizzazzjoni) huma totalment esklużi, oħrajn bħall-ispejjeż tal-kwartieri huma maqsuma skont il-proporzjon taż-żwiemel li jibdew fit-tiġrijiet primjum. Finalment, l-awtoritajiet Franċiżi jżommu EUR […] (jiġifieri madwar […] % tat-total tal-ispejjeż ta' organizzazzjoni tal-kumpaniji prinċipali) tal-kosti ta' interess komuni f'din il-kategorija.

8.3.4.   Spejjeż ta' organizzazzjoni mġarrba mill-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel tal-provinċja

(106)

It-total tal-ispejjeż imġarrba mill-230 kumpanija tat-tiġrijiet taż-żwiemel tal-provinċja għall-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel tela' għal EUR […] fl-2010. L-awtoritajiet Franċiżi jinkludu fil-kosti ta' interess komuni EUR […] biss (jiġifieri madwar […] tat-total tal-ispejjeż ta' organizzazzjoni mġarrba mill-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel tal-provinċja), li jikkorrispondu mal-ispejjeż marbuta mat-tiġrijiet taż-żwiemel primjum organizzati minn 49 fosthom.

8.3.5.   Il-kosti ta' rrekordjar u xandir tat-tiġrijiet taż-żwiemel

(107)

Il-kumpaniji prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel jiffinanzjaw l-irrekordjar u x-xandir dirett fuq it-televiżjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel primjum lill-operaturi tal-logħob onlajn. Dawn il-vidjows jippermettu b'mod partikolari li jikkontrollaw ir-riżultati tat-tiġrijiet taż-żwiemel meta jispiċċaw. L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li dawn il-vidjows, li ma jikkonċernawx it-tiġrijiet taż-żwiemel primjum, huma ta' benefiċċju għall-operaturi kollha tal-logħob onlajn. Fil-fatt in-nuqqas tagħhom jirriżulta fi tnaqqis kbir fil-logħob. Għalhekk, l-awtoritajiet Franċiżi jinkludu l-kost totali tal-irrekordjar u tax-xandir fuq it-televiżjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel primjum fil-kalkolu tal-kosti ta' interess komuni, jiġifieri EUR […] fl-2010.

(108)

Barra minn hekk, kosti oħra ta' promozzjoni tal-industrija taż-żwiemel, b'mod partikolari mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni, mhumiex inklużi fil-kosti ta' interess komuni (27). Ta' min wieħed jinnota li l-kosti marbuta mal-irrekordjar u max-xandir tat-tiġrijiet taż-żwiemel ma kinux inklużi fil-kosti tas-servizz pubbliku inizjalment notifikati.

8.3.6.   Il-ġlieda kontra d-doping

(109)

Il-ġlieda konra d-doping, li tikkonċerna t-tiġrijiet taż-żwiemel primjum hija element essenzjali għall-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel ta' kwalità u sabiex tkun garantita l-integrità tal-operazzjonijiet tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel. Għalhekk l-awtoritajiet Franċiżi jinkludu t-total ta' dawn il-kosti, jiġifieri EUR […] fl-2010, fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kosti ta' interess komuni.

8.3.7.   Taħriġ u azzjoni soċjali

(110)

Il-kosti totali għat-taħriġ tal-persunal kwalifikat ħafna biex jaħdem fid-dinja tat-tiġrijiet taż-żwiemel (sewwieqa, ġerrejja, persuni li jieħdu ħsieb l-istalel, eċċ…) kien jammonta għal EUR […] fl-2010. L-awtoritajiet Fraċiżi jinkludu EUR […] fil-kosti ta' interess komuni, li jikkorrispondu għall-proporzjon tat-tiġrijiet taż-żwiemel primjum.

8.3.8.   Dħul għall-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel

(111)

Id-dħul propju tal-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel (pereżempju miżati tad-dħul li jħallsu l-ispettaturi) marbut mal-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel (EUR […]) huwa mnaqqas mill-kosti ta' interess komuni.

8.3.9.   Kalkolu tar-rata massima tat-taxxa

(112)

Is-sistema l-ġdida tistipula li r-rata massima tat-taxxa għal sena N hija kkalkulata billi jinqasmu l-kosti ta' interess komuni għas-sena N-2 mit-total tal-flus li jintlagħbu fl-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn għas-sena N-2.

Formula

(113)

Applikat għas-sena 2012, abbażi tad-dejta finanzjarja tal-2010 (ara t-tabella 3 hawn isfel), dan il-kalkolu jagħti rata massima ta' 5,6 %, minħabba li jqis it-total tal-kosti ta' interess komuni ta' EUR 519 miljun. Is-sistema prevista fin- notifika inizjali, tirriżulta f'rata ta' 8 % ikkalkulata abbażi tal-kosti totali ta' EUR 747 miljun.

Tabella 3

Kalkolu tar-rata tat-taxxa għas-sena 2012

 

Kosti ta' interess komuni

(2010)

(f'EUR […])

Kosti tas-servizz pubbliku notifikati

(2010)

(f'EUR […])

Inċentivi

[…]

[…]

Spejjeż ta' organizzazzjoni tal-kumpaniji prinċipali

[…]

[…]

Spejjeż ta' organizzazzjoni tal-kumpaniji tal-provinċja

[…]

[…]

L-irrekordjar u x-xandir tat-tiġrijiet taż-żwiemel

[…]

[…] (*2)

Il-ġlieda kontra d-doping

[…]

[…]

Taħriġ u azzjoni soċjali

[…]

[…]

(a)

Total tal-kosti

[…]

[…]

(b)

Dħul propju għall-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel

[…]

Formula

Kosti netti li għandhom jiġu ffinanzjati

519

747

(d)

Total tal-logħob tal-flus fuq l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel diretti jew onlajn

9 286

Formula

Livell korrispondenti tat-taxxa

5,6  %

8  %

9.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

(114)

Kif inhu msemmi fil-premessa (90), din id-deċiżjoni hija limitata għall-eżaminazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-miżura notifikata minn Franza favur il-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel. Kif inhu indikat fil-premessa (90), din ma tippreġudikax il-pożizzjoni futura tal-Kummissjoni dwar il-miżuri eventwali addizzjonali favur il-PMU jew il-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel iddenunzjati minn ċerti partijiet interessati u msemmija fil-premessa (89).

9.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(115)

Fid-deċiżjoni ta' ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura notifikata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (29) skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Din il-konklużjoni qatt ma kienet ikkontestata mill-awtoritajiet Franċiżi li lanqas ma jikkontestaw il-kwalifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat wara l-emenda tan-notifika tad-29 ta' April 2013.

(116)

L-elementi li jiġġustifikaw il-kwalifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat huma madankollu ppreżentati hawn taħt filwaqt li jitqiesu wkoll il-kummenti ta' ċerti partijiet interessati.

9.1.1.   Riżorsi tal-Istat

(117)

B'konformità mal-prattika tal-Kummissjoni u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-kunċett tar-riżorsi tal-Istat skont l-Artikolu 107(1), it-TFUE jiġbor fih il-mezzi kollha finanzjarji li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jużaw biex jappoġġjaw lill-operaturi ekonomiċi, mingħajr ma jkun pertinenti li dawn il-mezzi jappartjenu jew le b'mod permanenti għall-patrimonju tal-imsemmija awtoritajiet pubbliċi. Konsegwentement, anki jekk is-somom li jikkorrispondu mal-miżura inkwistjoni ma jkunux kontinwament fil-pussess tal-awtoritajiet pubbliċi, il-fatt li jkunu kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat (30). Bl-istess mod, in-natura inizjalment privata tar-riżorsi ma żżommx milli dawn ikunu meqjusa bħala riżorsi tal-Istat skont din id-dispożizzjoni (31).

(118)

Skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi fatt li, sistema ta' sussidji li jibbenefikaw minnha ċerti operaturi ekonomiċi ta' settur partikolari, li tkun iffinanzjata kompletament jew parzjalment mill-kontribuzzjonijiet imposti mill-awtorità pubblika u ntaxxata fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati, mhuwiex biżżejjed biex jipprekludi lil din is-sistema milli tkun għajnuna mill-Istat (32).

(119)

Fil-każ preżenti, it-taxxa fuq l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn hija stabbilita b'mod kontraenti mir-regolamentazzjoni nazzjonali (il-liġi tat-12 ta' Mejju 2010) u allokata mill-istess regolamentazzjoni għall-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel, li jibbenefikaw mill-miżura. Il-miżura hija għalhekk iffinanzjata minn riżorsi Statali.

9.1.2.   Vantaġġ

(120)

Il-miżura notifikata, li talloka d-dħul mit-taxxa parafiskali miġbura mill-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn għall-finanzjament tal-attivitajiet li huma attwalment iffinanzjati mill-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel mid-dħul tagħhom stess, tagħti vantaġġ ekonomiku lill-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Fil-fatt, l-attivitajiet attwali tal-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel, bħall-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel, huma għalhekk parzjalment iffinanzjati minn riżorsi Statali.

(121)

Barra minn hekk, il-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel huma fil-fatt operaturi tal-imħatri onlajn ukoll minħabba li huma fi sħab mal-PMU. Permezz tal-istatus tiegħu ta' EIG, il-PMU huwa struttura trasparenti. Konsegwentament, id-dħul għall-PMU mill-attività tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel huwa trasferit lill-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel, li min-naħa tagħhom jiffinanzjaw kemm l-iżvilupp tal-PMU kif ukoll l-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel mid-dħul iġġenerat mill-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel. Barra minn hekk, il-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel biss huma f'qagħda li jagħmlu investimenti konsiderevoli għall-iżvilupp tal-attivitajiet proprji tal-PMU meta jkun meħtieġ.

(122)

Għaldaqstant, il-miżura li għandha l-għan li tiggarantixxi lill-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel ċertu livell ta' dħul, f'każ ta' tnaqqis fl-attività tal-PMU minħabba l-ftuħ għall-kompetizzjoni tas-suq tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn, għandu bħala konsegwenza indiretta li jipproteġi u jsaħħaħ il-qagħda tal-PMU f'dan is-suq stess.

9.1.3.   Selettività

(123)

Sa fejn id-dħul tat-taxxa parafiskali miġbur mill-operaturi tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn jitħallas lill-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel li huma membri tal-PMU, il-miżura hija b'mod ċar selettiva.

9.1.4.   Distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti tal-kummerċ

(124)

L-effett tal-kummerċ u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni għandhom ikunu stmati f'dak li jirrigwardja l-attività tal-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel kif ukoll dik tal-imħatri.

(125)

Il-Kummissjoni qieset fil-Komunikazzjoni 97/C 163/03 dwar l-għajnuna preżunta mogħtija lill-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel u lill-PMU (33) li hemm suq komunitarju tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, li l-ġbir tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel hija soġġetta għal kummerċ intrakomunitarju u li l-intrapriżi li jiġbru dawn l-imħatri huma f'kompetizzjoni ma' xulxin.

(126)

It-taxxa li jibbenefikaw minnha l-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-żwiemel biss approvata mill-Ministeru Franċiż għall-Agrikoltura hija fin-natura tagħha suxxettibbli li xxekkel il-kompetizzjoni fis-suq tal-operaturi tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel u l-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel fejn joperaw b'mod integrat il-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel.

(127)

Barra minn hekk, tajjeb li wieħed jinnota li d-Digriet Nru 2010-1314 tat-2 ta' Novembru 2010, dwar l-obbligi tas-servizz pubbliku li jaqgħu fuq il-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel u l-proċeduri ta' intervent tal-kumpaniji prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel, jistipula li l-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-żwiemel "għandhom iżommu l-attrazzjoni tat-tiġrijiet Franċiżi meta mqabbla mat-tiġrijiet ta' livell komparabbli organizzati barra Franza sabiex iħeġġu l-parteċipazzjoni tal-aqwa parteċipanti".

(128)

Billi jkun permess li jinżamm livell għoli tal-primjums (34) li konsegwenza ta' dan jiżgura li jattira l-aqwa żwiemel (u jevita pereżempju li ma jinbigħux barra Franza), li jattira l-imħatri u li jimmassimizza d-dħul li ġej mill-imħatri għall-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-żwiemel organizzati minn Kumpaniji oħra tat-Tiġrijiet taż-żwiemel Ewropej, il-miżura notifikata mill-awtoritajiet Franċiżi hija suxxettibbli li xxekkel il-kompetizzjoni bejn il-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-żwiemel ta' Stati Membri differenti.

(129)

Wieħed jista' jinnota wkoll li t-tiġrijiet taż-żwiemel Franċiżi huma mmexxija minn operaturi tal-imħatri ta' Stati Membri oħra (35). Miżura favur il-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel hija għalhekk suxxettibbli li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

9.2.   Kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE

(130)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura notifikata tista’ tiġi meqjusa bħala kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tad-deroga pprovduta fl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, li jippermetti “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”.

(131)

Fil-fatt il-Kummissjoni, abbażi tal-artiklu msemmi, iddikjarat kompatibbli bosta każijiet ta' għajnuna li għandhom l-għan li jiffinanzjaw, permezz ta' taxxa imposta li kienet saret fuq l-intrapriżi ta' settur partikolari ta' grupp ta' attivitajiet, sakemm dawn il-miżuri jkollhom l-għan li jxerrdu l-progress tekniku, it-titjib tal-kwalità, tal-kompetittività u tal-produttività tal-intrapriżi u l-adattament tagħhom għall-bżonnijiet tas-suq (36).

(132)

Id-dispożizzjoni l-ġdida notifikata mill-awtoritajiet Franċiżi tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' dan l-approċċ: il-miżura tikkostitwixxi għajnuna għall-industrija taż-żwiemel li jibbenefikaw minnha l-operaturi kollha tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn soġġetti għat-taxxa. Il-punt essenzjali li għandu jiġi verifikat biex tiġi determinata l-kompatibbiltà eventwali tal-għajnuna huwa dwar jekk il-kosti ffinanzjati mit-taxxa humiex ta' interess komuni. Barra minn hekk, minħabba r-rabta mill-qrib bejn it-taxxa parafiskali u l-għajnuna għall-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel (37), id-deċiżjoni ta' ftuħ tfakkar li l-kompatibbiltà tal-għajnuna ma tistax tiġi evalwata mingħajr verifika tal-kompatibbiltà tat-taxxa mal-prinċipju tal-provvista libera tas-servizzi msemmi fl-Artikolu 56 tat-TFUE u l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni msemmi fl-Artikolu 110 tat-TFUE (38).

(133)

B'konformità mal-approċċ imsemmi fil-premessa (131), il-Kummissjoni tqis li l-miżura notifikata mhijiex konformi mal-linji gwida li huma fis-seħħ bħalissa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c), tat-TFUE iżda tista' tiġi awtorizzata direttament abbażi ta' din id-dispożizzjoni tat-Trattat. Sabiex jiġi determinat jekk il-miżura ta' għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, il-Kummissjoni qed tqabbel l-effetti pożittivi tal-miżura (l-issodisfar ta' objettiv ta' interess komuni) mal-effetti potenzjalment negattivi tagħha (distorsjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni) (39). L-eżami tal-miżura jsir fi tliet stadji abbażi tal-mistoqsijiet li ġejjin:

1.

Il-miżura ta’ għajnuna għandha objettiv ta’ interess komuni definit tajjeb?

2.

Jekk iva, il-miżura hija strument xieraq sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' interess komuni? Għal dan il-għan, għandhom jiġu eżaminati l-mistoqsijiet li ġejjin:

a)

L-għajnuna hija strument adegwat jew jeżistu strumenti differenti jew aktar xierqa?

b)

L-għajnuna għandha effett ta' inċentiv?

c)

L-għajnuna hija proporzjonata mal-objettivi li għandhom jintlaħqu?

3.

Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett tal-kummerċ huma limitati b'tali mod li l-effett globali tal-miżura huwa pożittiv?

9.2.1.   Objettiv ta' interess komuni

(134)

Permezz tat-tqassim b'mod ġust tal-piż tal-finanzjament tat-tiġrijiet taż-żwiemel li fuqhom isiru l-imħatri bejn l-operaturi differenti tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn, il-miżura tippermetti kompetizzjoni ġusta bejn dawn l-operaturi fuq il-livell ta' suq liberalizzat tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn. B'dan il-mod, il-miżura tikkontribwixxi wkoll għall-objettiv tal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-logħob tal-azzard onlajn b'konformità mal-prinċipju tal-provvista libera tas-servizzi fi ħdan l-Unjoni speċifikat fl-Artikolu 56 tat-TFUE.

(135)

Il-liberalizzazzjoni tal-logħob onlajn fi Franza hija konformi mal-għan tal-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea tal-24 ta’ Marzu 2011 dwar il-“Logħob tal-Azzard Onlajn fis-Suq Intern”, li kellha tagħti kontribut għall-ħolqien fl-Istati Membri ta’ oqfsa legali għal-logħob tal-azzard onlajn u b'hekk tipprovdi ċertezza legali akbar għall-partijiet interessati kollha (40).

(136)

Il-liberalizzazzjoni tal-logħob onlajn fi Franza hija wkoll konformi mal-għan, enfasizzat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar il-logħob tal-azzard onlajn, li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' oqfsa ġuridiċi għal-logħob tal-azzard onlajn fl-Istati Membri u b'hekk tkabbar iċ-ċertezza legali għall-partijiet kollha kkonċernati (41).

(137)

Barra minn hekk, il-miżura notifikata hija favur l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni ekwina kif ukoll tat-trobbija ekwina, li tikkostitwixxi wkoll għan ta' interess komuni. Fil-premessi tad-Direttiva 90/428/KEE tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar il-kummerċ fl-equidae maħsuba għall-kompetizzjonijiet u li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fiha (42), il-Kunsill jagħraf l-interess "li jassigura żvilupp razzjonali tal-produzzjoni ekwina" u jfakkar "li t-trobbija taż-żwiemel, u b'mod partikolari taż-żwiemel tat-tiġrija, tintegra b'mod ġenerali fil-qafas tal-attivitajiet agrikoli [u] li tikkostitwixxi sors ta' dħul għal parti mill-popolazzjoni agrikola".

(138)

Il-Kummissjoni, għaldaqstant ikkonkludiet li l-miżura ta' għajnuna notifikata mill-awtoritajiet Franċiżi ssegwi l-objettivi definiti sew ta' interess komuni.

9.2.2.   Favur il-miżura

(139)

Miżura ta’ għajnuna titqies meħtieġa u proporzjonali meta tikkostitwixxi strument xieraq għall-kisba tal-għan ta’ interess komuni stabbilit, meta jkollha effett ta’ inċentiv fuq il-benefiċjarji u meta ma tintroduċix tfixkil mhux mixtieq fil-kompetizzjoni.

9.2.3.   L-għajnuna hija strument adegwat

(140)

Il-gvern Franċiż iddeċieda li jilliberalizza s-suq tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn. Qabel din il-liberalizzazzjoni, it-tiġrijiet taż-żwiemel kienu kważi esklussivament iffinanzjati mid-dħul iġġenerat mill-organizzazzjoni tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel mill-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel permezz tal-PMU. Il-miżura ta' għajnuna għandha l-għan li tqassam il-piż tal-finanzjament tat-tiġrijiet taż-żwiemel fost l-operaturi kollha li jistgħu joffru mħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn fis-suq Franċiż. Konsegwentement il-miżura hija indikata bis-sħiħ biex tassigura kompetizzjoni ġusta fost l-operaturi tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel billi twaqqaf lill-kompetituri tal-PMU milli jiksbu ishma mis-suq tal-imħatri onlajn mingħajr ma jikkontribwixxu għall-kosti tal-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel. B'dan il-mod, il-miżura tiggarantixxi s-sostenibbiltà tat-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn u l-effetti konsekwenzjali pożittivi tagħhom fuq it-trobbija taż-żwiemel u fuq l-industrija taż-żwiemel.

(141)

Fil-Greep Paper tagħha dwar il-logħob tal-flus onlajn fis-suq intern tal-24 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni enfasizzat li "Waħda mill-karatteristiċi tat-tiġrijiet taż-żwiemel meta mqabbla ma' sports ieħor hija li l-attrazzjoni primarja tagħhom qiegħda għal-lagħaba. Għaldaqstant, fuq livell ogħla minn avvenimenti sportivi oħra, il-vijabbiltà tagħhom tiddependi fuq proporzjonijiet suffiċjenti mid-dħul tal-logħob li jiġi investit mill-ġdid fl-attività". (43)

(142)

Fid-dawl tal-elementi msemmija hawn fuq, il-miżura notifikata mill-awtoritajiet Franċiżi titqies li hija xierqa biex tissodisfa l-objettiv tas-sostenibbiltà tat-tiġrijiet taż-żwiemel u biex tassigura kompetizzjoni ġusta fuq il-livell tas-suq liberalizzat tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn.

9.2.4.   L-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna

(143)

Fin-nuqqas tal-miżura, l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-settur tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel se jkollu tnaqqis għal żmien twil fir-riżorsi tal-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel, li jwassal biex is-settur jiċkien, jew saħansitra jikkollassa.

(144)

Filwaqt li wieħed iqis li l-attivitajiet tal-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-żwiemel huma ffinanzjati mid-dħul li ġej mill-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, il-miżura ta' għajnuna għandha effett dirett fuq l-imġiba tal-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel billi tħeġġiġhom jappoġġjaw u jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom ta' organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel.

9.2.5.   Proporzjonalità tal-għajnuna

(145)

Il-miżura ta' għajnuna għandha l-għan li tassigura finanzjament ibbilanċjat, fost l-operaturi tat-tiġrijiet taż-żwiemel, tal-kosti marbuta direttament mal-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel primjum. Il-mekkaniżmu tal-kalkolu tar-rata tat-taxxa jiggarantixxi li l-ammont totali miġbur mill-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn, u għalhekk, l-għajnuna mogħtija lill-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel, ma jistax jaqbeż l-ammont totali tal-kosti ta' interess komuni.

(146)

Il-kosti l-oħra kollha tal-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel jibqgħu madankollu mġarrba minnhom, sew jekk huma finanzjament tat-tiġrijiet taż-żwiemel mhux primjum jew kosti li jibbenefika minnhom il-PMU iżda mhux operaturi oħra tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel.

(147)

Fir-rigward ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-miżura ta' għajnuna tissodisfa l-kriterju ta' proporzjonalità.

9.2.6.   Impatt fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(148)

L-għajnuna favur il-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel tista' xxekkel il-kompetizzjoni fost l-operaturi tat-tiġrijiet taż-żwiemel Ewropej jekk din ma tkunx proporzjonata. Billi l-miżura hija proporzjonata (ara l-premessi (145)-(147)), ir-riskju li l-miżura tagħti vantaġġ sproporzjonat lill-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel jista' jitwarrab.

(149)

Barra minn hekk, ċerti effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fost l-Istati Membri jistgħu jiġu rrimarkati jekk jirriżulta li l-mod ta' finanzjament tagħha, f'dan il-każ it-taxxa imposta fuq l-imħatri tat-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn, jikser il-prinċipji ta' provvista libera tas-servizzi stipulat fl-Artikolu 56 tat-TFUE u tan-nondiskriminazzjoni stipulat fl-Artikolu 110 tat-TFUE. Abbażi tal-analiżi ta' hawn taħt, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm effetti negattivi. Fil-fatt, il-miżura kollha kemm hi tħeġġeġ il-kompetizzjoni sakemm din tiżgura kompetizzjoni ġusta fost l-operaturi tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn.

9.2.7.   Kompatibbiltà tat-taxxa mal-prinċipji ta' provvista libera tas-servizzi u tan-nondiskriminazzjoni

(150)

Il-Kummissjoni identifikat tliet livelli possibbli ta' diskriminazzjoni u xkiel tal-prinċipju tal-provvista libera tas-servizzi, deskritti hawn isfel, fil-miżura inizjalment notifikata. L-awtoritajiet Franċiżi pprovdew tweġibiet għal kull wieħed mir-riskji identifikati mill-Kummissjoni billi emendaw is-sistema kif speċifikata fin-notifika inizjali jew billi żiedu magħha permezz ta' impenji adegwati.

9.2.8.   Diskriminazzjoni dwar l-allokazzjoni ta' ċerti primjums

(151)

Il-Kummissjoni tqis li hemm problema fil-primjums li ngħataw lil min irabbi jew lill-propjetarji li huma ffinanzjati mit-taxxa jekk dawn kienu miżmuma għaż-żwiemel li twieldu u trabbew fi Franza (dan kien il-każ għat-tiġrijiet taż-żwiemel tal-galopp). Konsegwentament, l-operaturi Ewropej li mhumiex stabbiliti fi Franza jkunu intaxxati sabiex ikun jista' jsir il-finanzjament tal-primjums li jibbenefikaw esklussivament minnhom dawk li jrabbu u l-propjetarji taż-żwiemel li twieldu u trabbew fi Franza.

(152)

Sabiex tiġi eskluża d-diffikultà msemmija fil-premessa preċendenti, l-awtoritajiet Franċiżi eskludew mill-kalkolu tal-kosti komuni li għandhom jiġu ffinanzjati mit-taxxa, il-primjums kollha li huma riżervati għaż-żwiemel li twieldu u trabbew fi Franza (ara l-premessa (103)).

9.2.9.   Diskriminazzjoni fost l-operaturi tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel fir-rigward tal-benefiċċji miksuba mit-taxxa

(153)

It-taxxa li tistabbilixxi trasferiment fost il-kompetituri tal-PMU u l-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel attivi wkoll fl-attivitajiet tal-imħatri onlajn tkun diskriminatorja jekk din tiffinanzja l-kosti li jibbenefikaw aktar minnhom il-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel u l-PMU milli operaturi oħra tal-imħatri.

(154)

Il-Kummissjoni tqis li r-riskju ta' diskriminazzjoni fost l-operaturi tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel fil-livell tal-benefiċċji li ġejjin mit-taxxa huwa newtralizzat jekk il-kosti ffinanzjati huma ta' interess komuni għall-operaturi kollha tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel.

(155)

Madankollu, il-Kummissjoni tqis ukoll li, sakemm dawn il-kosti ta' interess komuni jinbidlu biż-żmien, huwa meħtieġ li din il-bidla, li hija riżultat tal-għażliet li għamlu l-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel, b'mod partikolari l-inċentivi, tkun immaniġġjata b'mod kontrollat. L-iskop hu li l-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel ma jkunux imħajra jżidu b'mod eċċessiv l-inċentivi jekk il-kost tagħhom jinġarr parzjalment mill-kompetituri tal-PMU, li jwassal biex dawn tal-aħħar ikunu soġġetti għal rata ogħla tat-taxxa.

(156)

Sabiex jiġi eliminat ir-riskju ta' hawn fuq, u jkun assigurat li l-bidla fil-kosti ta' interess komuni tibqa' raġonevoli, l-awtoritajiet Franċiżi qablu li jżommu l-miżuri ta' kontroll li ġejjin:

Jitwettaq kontroll strett fuq il-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel permezz ta' kontroll finanzjarju li jeżerċita l-Istat, b'mod partikolari l-Ministeru għall-Agrikoltura u dak tal-Ekonomija u tal-Finanzi, fir-rigward tal-finanzi kollha tal-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel skont id-Digriet Nru 97-456 tal-5 ta' Mejju 1997 dwar il-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel u t-totalizzatur, inkluż it-titolu V, "Rigward il-kontroll finanzjarju".

Il-kontroll regolatorju mwettaq mill-Qorti tal-Awdituri jirrigwarda lill-benefiċjarji kollha tat-taxxi parafiskali.

(157)

Il-Kummissjoni tqis li l-miżuri ta' kontroll msemmija hawn fuq jippermettu lill-awtoritajiet Franċiżi jassiguraw li l-bidla fil-kosti ta' interess komuni tibqa' raġonevoli u ma żżidx il-benefiċċji li l-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel jaqilgħu mit-taxxa. Il-bidla fil-kosti ta' interess komuni se tkun ukoll ivverifikata mill-Kummissjoni abbażi ta' rapport ta' implimentazzjoni li se jingħata mill-awtoritajiet Franċiżi (ara l-premessa (94)).

9.2.10.   Diskriminazzjoni fost l-operaturi tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel f'dak li jirrigwarda l-obbligu li titħallas it-taxxa

(158)

Tajjeb li wieħed ifakkar li l-PMU għandu monopolju tat-tmexxija tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel diretti u li, għalhekk, huwa jibbenefika wkoll mit-tiġrijiet taż-żwiemel primjum, mingħajr ma jkun soġġett għal obbligu li jħallas it-taxxa parafiskali. Il-Kummissjoni tqis li huwa importanti li wieħed jassigura li, bħad-dħul mill-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn għall-operaturi, inkluż il-PMU nnifsu, id-dħul li ġej mill-monopolju tal-PMU fuq l-imħatri tat-tiġrijiet taż-żwiemel diretti jikkontribwixxi b'mod identiku għall-finanzjament tat-tiġrijiet taż-żwiemel primjum.

(159)

L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li n-newtralità bejn l-imħatri diretti u l-imħatri onlajn hija garantita għaliex:

Id-dħul tal-monopolju tal-PMU li hu trasferit lill-industrija taż-żwiemel huwa stabbilit f'livell strutturali li huwa bil-bosta ikbar mill-ħlas tal-imposta stabbilita fuq l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn. Fil-fatt, ir-rata ta' redditu għall-industrija osservata matul is-snin 2011 u 2012, skont ir-reġim tal-liġi tal-2010, tqarreb l-10 % tal-logħob tal-flus fuq imħatri (rapport dwar ir-riżultat nett tal-PMU li ġej mil-logħob tal-flus fuq imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel diretti). Din ir-rata ta' 10 % hija bil-bosta superjuri għar-rata ta' taxxa imposta fuq l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn, li hija ta' 5,6 %.

Il-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel li jattendu fil-Kunsill tal-Amministraturi tal-PMU, u b'mod partikolari l-kumpaniji prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel li jirrappreżentaw 40 % tal-voti, għandhom interess ukoll li l-kontribuzzjoni tal-PMU li tiddefinixxi l-livell ta' riżorsi tagħhom għas-sena, ma tonqosx, minħabba li kwalunkwe tnaqqis fil-kontribuzzjoni tal-PMU jkollu impatt mhux biss fuq l-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel iżda wkoll fuq l-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel li mhumiex primjum li huma ffinanzjati esklussivament abbażi tad-dħul imħallas mill-PMU lill-industrija taż-żwiemel.

(160)

L-awtoritajiet Franċiżi madankollu impenjaw irwieħhom biex jistaqsu lill-PMU, permezz tar-rappreżentanti tal-Istat li huma membri tal-Kunsill tal-Amministraturi tal-PMU u li jirrappreżentaw 40 % tal-voti, biex kull sena jħallas lill-industrija taż-żwiemel parti mill-flus tal-logħob tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel diretti tal-PMU, li tkun ogħla jew daqs il-livell tat-taxxa parafiskali fuq l-imħatri tat-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn.

(161)

F'każ li l-PMO jippreżenta baġit li jipprevedi redditu lill-industriija inferjuri mit-taxxa parafiskali fuq l-imħatri onlajn, u f'każ li l-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel japprovaw tali baġit u għalhekk ir-rappreżentanti tal-Istat fil-Kunsill tal-Amministraturi tal-PMU jkunu f'minoranza, l-awtoritajiet Franċiżi jaqblu li l-Ministri kompetenti jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrifjutaw il-baġit b'konformità mal-Artikolu 33 tad-Digriet Nru 97-456 tal-5 ta' Mejju 1997 dwar il-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel u t-totalizzatur imsemmija hawn taħt: "Il-baġit tal-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel u ta' korpi komuni msemmija fil-punt I tal-Artikolu 12 [inkluż il-PMU] u l-emendi li se jsiru matul is-sena finanzjarja ma għandhomx jitwettqu jekk mhux bl-approvazzjoni mill-awtoritajiet Franċiżi definiti fl-Artikolu 34 ta' hawn taħt. Din l-approvazzjoni titqies li nkisbet fin-nuqqas ta' tweġiba mill-awtoritajiet matul perjodu ta' xahar mill-wasla tad-dokumenti. Jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, ma tista' ssir l-ebda nefqa mill-investiment u l-kosti ta' funzjonament miżjuda mal-baġit preċedenti jistgħu jiġġeddu, bi tnaqqis ta' 5 % sakemm jiġi approvat l-abbozz tal-baġit."

(162)

Il-Kummissjoni tqis li n-newtralità tat-taxxa bejn l-imħatri diretti u dawk onlajn tista' titqies li hija garanzija għall-impenji ta' hawn fuq mill-awtoritajiet Franċiżi, filwaqt li jitqiesu wkoll ir-relazzjonijiet partikolari bejn il-PMU, il-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-żwiemel u l-Istat. Dan il-punt se jkun verifikat ukoll mill-Kummissjoni abbażi tar-rapport ta' implimentazzjoni li se jipprovdu l-awtoritajiet Franċiżi (ara l-premessa (94)).

(163)

Il-Kummissjoni kkonkludiet mill-analiżi ta' hawn fuq li t-taxxa li tiffinanzja l-miżura ta' għajnuna lill-Kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel hija kompatibbli mal-prinċipji ta' provvista libera tas-servizzi u ta' nondiskriminazzjoni. Il-mod ta' finanzjament tal-miżura għalhekk mhux se jbiddel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b'mod li jkun kontra l-interess komuni. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

10.   KONKLUŻJONI

(164)

Il-Kummissjoni tqis li l-miżura tal-għajnuna notifikata kif emendata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fi ħdan is-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(165)

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern kif meħtieġ mill-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

(166)

Il-Kummissjoni tqis b'mod partikolari li l-emendi introdotti minn Franza għall-metodu ta' finanzjament tal-għajnuna jippermettu li tiġi żgurata l-konformità tat-taxxa mal-prinċipji tal-provvista libera tas-servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 tat-TFUE u ta' nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 110 tat-TFUE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li Franza qed tippjana li timplimenta favur il-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel hija kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

It-twettiq ta’ din l-għajnuna hija awtorizzata skont dan.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Iż-żewġ settijiet ta' dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza, identiċi. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, referenza għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandha tinftiehem bħala referenza għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE, rispettivament, fejn dan ikun xieraq. It-TFUE introduċa wkoll ċerti emendi fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta’ “Komunità” bit-terminu “Unjoni”, ta' "suq komuni" bit-terminu "suq intern" u ta' "Qorti tal-Prim Istanza" bit-terminu “Qorti Ġenerali”. It-terminoloġija tat-TFUE hija użata f’din id-Deċiżjoni.

(2)   ĠU C 10, tal-14 ta' Jannar 2010, p. 4.

(3)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna Nru 2.

(4)  Ara b'mod partikolari IP/10/1597.

(5)  Ara b'mod partikolari IP/06/1362.

(6)  Ara b'mod partikolari IP/07/909.

(7)  Raggruppament ekonomiku huwa struttura trasparenti li ma għandhiex kapital soċjali u li hija stabbilita permezz tal-membri tagħha sabiex tiġbor f'daqqa ċerti attivitajiet tagħhom.

(8)  Għal kull waħda mill-ispeċjalitajiet li madwarhom huma organizzati t-tiġrijiet taż-żwiemel (tat-Trott, tal-Galopp u tal-Qbiż), tiġi approvata kumpanija tat-tiġrijiet mill-Ministru għall-Agrikoltura bħala l-kumpanija prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel: għat-tiġrijiet tat-trott din il-kumpanija hija Cheval Français u għat-tiġrijiet tal-galopp u tal-qbiż il-kumpanija hija France Galop. Dawn il-kumpaniji prinċipali għandhom rwol ċentrali fl-organizzazzjoni tat-tiġrijiet tal-ispeċjalità tagħhom li fuqhom isiru l-imħatri.

(9)  5,8 % fl-2008 u 7,2 % fl-2009.

(10)  EUR 736,4 miljun fl-2008, EUR 731,4 miljun fl-2009.

(11)  Il-kumpaniji prinċipali tat-tiġrijiet taż-żwiemel huma responsabbli mit-tqassim tad-dħul tat-taxxa bejn il-benefiċjarji differenti: il-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel (inklużi l-kumpaniji prinċipali nnifishom), il-federazzjoni nazzjonali Franċiża tat-tiġrijiet taż-żwiemel, il-laboratorju tat-tiġrijiet taż-żwiemel, ir-raggruppament tekniku tal-korsiet taż-żwiemel Pariġini, l-assoċjazzjoni tat-taħriġ u l-azzjoni soċjali tal-istalel tat-tiġrijiet taż-żwiemel u l-federazzjonijiet reġjonali.

(12)  Ir-referenza tkun is-sena N-2 għal raġunijiet ta' disponibbiltà tad-dejta finanzjarja meħtieġa biex tiġi kkalkulata r-rata tat-taxxa

(13)  l-Artikolu 302a ZG tal-kodiċi ġenerali tat-taxxa

(14)  Id-Digriet Nru 2010-1314 tat-2 ta' Novembru 2010 dwar l-obbligi tas-servizz pubbliku tal-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel u l-proċeduri ta' intervent tal-kumpaniji prinċipali.

(15)  Li jikkorrispondi għall-kosti totali ta' EUR 775 miljun u dħul ta' EUR 28 miljun.

(16)  L-awtoritajiet Franċiżi kienu nnotifikaw il-miżura abbażi tal-qafas Komunitarju tal-għajnuna mill-Istat f'forma ta' kumpens tas-servizz pubbliku, ĠU C 297 tad-29.11.2005.

(17)  Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-perjodu 2007-2013, ĠU C 54 tal-4.3.2006.

(18)  Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-agrikoltura u l-forestrija 2007-2013, ĠU C 319 tas-27.12.2006.

(19)  Ara s-sentenza tal-21 ta' Settembru 1999, C-67/96, Albany, Ġabra p. I-5751.

(20)  Id-Direttiva 90-428/KEE tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar il-kummerċ fl-equidae maħsuba għall-kompetizzjonijiet.

(21)  Ara s-sentenza tas-27 ta' Jannar 1998, T-67/94, Ladbroke vs. il-Kummissjoni, Ġabra. p. II- 1, punt 143.

(22)  Il-Kunsill tal-Istat Nru 383.270 - Seduta tal-Ħamis 26 ta' Novembru 2009.

(23)  Kif inhuma definiti permezz tal-Liġi tal-1891 u tad-Digriet Nru 2010-1314 tat-2 ta' Novembru 2010.

(24)  Pereżempju: Il-Kunsill tal-Istat fil-kapaċità ġudizzjarja tiegħu, Nru 141204, id-9 ta' Frar 1979: "Jirriżulta kemm mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tat-2 ta' Ġunju 1891 kif ukoll ir-regolamentazzjoni applikabbli għat-totalizzatur, li l-kumpaniji tat-tiġrijiet taż-żwiemel, bħala dawk li huma responsabbli mill-organizzazzjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel u t-totalizzatur, mhumiex reponsabbli mill-missjoni tas-servizz pubbliku u jaġixxu bħala persuna ġuridika rregolata bil-liġi privata soġġetti għall-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi."

(25)  In-notifika tal-20 ta' Jannar 2011 tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni dwar il-qasam tal-logħob tal-azzard onlajn.

(26)  Fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel primjum ikun hemm imħatri onlajn kif ukoll imħatri diretti fil-fergħat ta' bejgħ tal-PMU.

(*1)  Informazzjoni kunfidenzjali Sigriet kummerċjali.

(27)  B'mod partikolari l-kosti marbuta mal-programm fuq it-televiżjoni "La Minute Hippique" fuq France 3.

(28)  Ir-referenza tkun is-sena N-2 għal raġunijiet ta' disponibbiltà tad-dejta finanzjarja meħtieġa biex tiġi kkalkulata r-rata tat-taxxa.

(*2)  Il-kosti ta' rrekordjar u xandir fuq it-televiżjoni tat-tiġrijiet taż-żwiemel ma kinux inklużi fil-kalkolu tal-kosti tas-servizz pubblilku inizjalment notifikati.

(29)  Ara l-premessa 79 tad-deċiżjoni ta' ftuħ.

(30)  Is-sentenzi tal-Qorti tas-16 ta' Mejju 2000, Franza vs. Ladbroke Racing u l-Kummissjoni, C-83/98 P, Ġabra p. I-3271, punt 50, u tas-16 ta' Mejju 2002, Franza vs. il-Kummissjoni, C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 37.

(31)  Is-sentenzi tal-Qorti tat-12 ta' Diċembru 1996, Air France vs. il-Kummissjoni, T-358/94, Ġabra p. II-2109, punti 63 sa 65, u tas-27 ta' Settembru 2012, Fedecom vs. il-Kummissjoni, T-243/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 48.

(32)  Is-sentenzi tal-Qorti tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig, 78/76, Ġabra p. 595, punt 22, tal-11 ta’ Novembru 1987, Franza vs. il-Kummissjoni, 259/85, Ġabra p. 4393, punt 23; u s-sentenza tal-Qorti, Fedecom vs. il-Kummissjoni, imsemmija qabel, punt 49. Ara wkoll, għal dan il-għan, is-sentenza tal-Qorti tat-2 ta' Lulju 1974, l-Italja vs. il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punti 27 u 35.

(33)  Paġna 4 tal-Komunikazzjoni msemmija 97/C 163/03 dwar il-Kawża C-4/97 (ex NN35/93): Komunikazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 93(2) tat-Trattat, indirizzata lill-Istati Membri u lil partijiet interessati oħra, dwar l-għajnuna preżunta mogħtija mingħand Franza lill-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-żwiemel, lill-PMU u lill-PMH.

(34)  Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-livell tal-primjums u l-benefiċċji mqassma fi Franza kien superjuri għall-medja Ewropea.

(35)  L-uffiċjal kap eżekuttiv tal-PMU, Philippe Germond jindika b'mod partikolari f'artiklu ta' Echos li "it-tixrid mill-operaturi tal-imħatri barranin tat-tiġrijiet taż-żwiemel Franċiżi rreġistra tkabbir tajjeb ta' + 20 % fl-2010." Fl-istess artiklu huwa jsemmi wkoll kuntratti sinifikanti konklużi bejn il-PMU u operatur Grieg, kif ukoll ftehim konkluż fil-Belġju ma' Ladbrokes dwar id-distribuzzjoni tat-totalizzatur tiegħu.

(36)  Xi eżempji meħuda mill-prattika tal-Kummissjoni: Għajnuna nru 472/2000 - taxxa parafiskali imposta sabiex tiffinanzja azzjonijiet kollettivi mmexxija mill-Kumitat Interprofessjonali tal-Iżvilupp tal-Industriji tal-Ġilda, il-Prodotti tal-Ġilda u taż-Żraben (Comité Interprofessionnel de Développement des Industries du Cuir, de la Maroquinerie et de la Chaussure) favur dan is-settur. Għajnuna nru 163/2002: taxxa parafiskali imposta biex tiffinanzja l-attivitajiet kollettivi tal-Uffiċċju Nazzjonali Interprofessjonali tal-Cognac (Bureau National Interprofessionnel du Cognac) favur dan is-settur. Għajnuna nru 496/2000: taxxa parafiskali fuq l-arloġġi, il-ġojjelli u l-prodotti tal-artiġjanat tad-deheb jew tal-fidda, imposta biex tiffinanzja l-attivitajiet kollettivi tal-Kumitat professjonali tal-iżvilupp tal-arloġġi, tal-ġojjelli; tal-prodotti tal-artiġjanat tad-deheb jew tal-fidda u taċ-Ċentru tekniku tal-industrija tal-arloġġi favur dan is-settur.

(37)  L-ammont ta' għajnuna mogħtija jirriżulta direttament mir-rendiment tat-taxxa.

(38)  Ara l-premessa 57 tad-deċiżjoni ta' ftuħ.

(39)  Ara l-"Pjan ta' Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat" – Inqas għajnuna mill-Istat iżda mmirata aħjar: pjan direzzjonali għar-riforma tal-għajnuna mill-Istat 2005-2009, COM(2005) 107 final, paragrafi 19 u 20.

(40)  Il-Kummissjoni Ewropea, il-Green Paper dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-suq intern, COM(2011) 128 final, p. 7.

(41)  Il-Kummissjoni Ewropea, Ara l-qafas Ewropew globali għal-logħob tal-azzard onlajn, COM(2012) 596, paġna 4.

(42)   ĠU L 224 tat-18.8.1990, p. 60-61

(43)  Il-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea, tal-24 ta' Marzu 2011, dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-suq intern [COM(2011) 128 final], ara paġna 35.


Rettifika

18.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/35


Rettifika għad-Direttiva 2013/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li temenda d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tar- rekwiżiti ta’ trasparenza f'dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill- pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/109/KE

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 294 tas-6 ta’ Novembru 2013 )

F’paġna 27, l-Artikolu 5:

minflok:

“Sas-27 ta’ Novembru 2015, …”,

aqra:

“Sas-27 ta’ Novembru 2018, …”.