ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2013.218.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 218

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 56
14 ta' Awwissu 2013


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva 2013/38/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port ( 1 )

1

 

*

Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI

8

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni Nru 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 li tipprovdi assistenza makro-finanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja

15

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 779/2013 tat-13 ta’ Awwissu 2013 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

24

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2013/430/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Awwissu 2013 dwar l-ammonti trasferiti għas-sena finanzjarja 2014 mill-programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid għall-Iskema ta’ Pagament Uniku kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (notifikata bid-dokument C(2013) 5180)

26

 

 

2013/431/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Awwissu 2013 li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għas-sustanzi attivi ġodda benalassil-M u valifenalat (notifikata bid-dokument C(2013) 5184)  ( 1 )

28

 

 

 

*

Avviż lill-qarrejja – Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Ara paġna 3 tal-qoxra)

s3

 

*

Nota lill-qarrejja – kif tirreferi għall-atti(Ara paġna 3 tal-qoxra)

s3

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DIRETTIVI

14.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/1


DIRETTIVA 2013/38/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Awwissu 2013

li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Frar 2006, l-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) adottat il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 (MLC 2006), bix-xewqa li jinħoloq strument wieħed u koerenti li jiġbor fih kemm jista’ jkun possibbli l-istandards aġġornati kollha tal-Konvenzjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet dwar ix-xogħol marittimu internazzjonali eżistenti, kif ukoll il-prinċipji fundamentali li jinsabu f’konvenzjonijiet internazzjonali oħra dwar ix-xogħol.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/431/KE (3) awtorizzat lill-Istati Membri, fl-interessi tal-Komunità Ewropea, biex jirratifikaw l-MLC 2006. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jirratifikawha malajr kemm jista’ jkun.

(3)

L-Istati Membri, meta jwettqu spezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port f’konformità mad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll mill-Istat tal-Port (4), dwar kwistjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ Konvenzjonijiet li għadhom ma rratifikawx u li jistipulaw li kull vapur huwa soġġett għall-kontroll minn uffiċjali debitament awtorizzati meta jkun f’port ta’ Stat kontraenti ieħor jew Parti kontraenti oħra, għandhom jagħmlu kull sforz biex jikkonformaw ma’ proċeduri u prattiki taħt dawk il-Konvenzjonijiet u b’hekk għandhom iżommu lura milli jagħmlu rapporti rilevanti għall-kontroll mill-Istati tal-port lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u/jew lill-ILO. L-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx konvenzjoni internazzjonali koperta mid-Direttiva 2009/16/KE fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha għandhom jagħmlu kull sforz biex jistabbilixxu kondizzjonijiet simili abbord il-vapuri tagħhom f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dik il-Konvenzjoni.

(4)

Sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat għall-infurzar effettiv tal-istandards internazzjonali mill-Istati Membri, meta jwettqu spezzjonijiet kemm tal-bandiera kif ukoll tal-Istat tal-port u biex jiġi evitat nuqqas ta’ qbil bejn il-liġi internazzjonali u dik tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jimmiraw li jirratifikaw il-Konvenzjonijiet sad-data li fiha jidħlu fis-seħħ, tal-inqas dawk il-partijiet tagħhom li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

(5)

L-MLC 2006 tistabbilixxi standards tax-xogħol marittimu għall-baħħara kollha indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u mill-bandiera tal-vapuri li jaħdmu fuqhom.

(6)

Għall-finijiet tad-Direttiva 2009/16/KE, huwa preferibbli li minflok jiġu ddefiniti t-termini “baħħar” jew “ekwipaġġ”, dawk it-termini jinftiehmu f’kull każ skont kif huma definiti jew mifhuma fil-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti. B’mod partikolari, għal kwalunkwe kwistjoni relata mal-infurzar tal-MLC 2006, it-terminu “ekwipaġġ” għandu jinftiehem li qed jirreferi għal “baħħar” kif definit fl-MLC 2006.

(7)

Għal kwalunkwe kwistjoni koperta minn din id-Direttiva relatata mal-infurzar tal-MLC 2006, inkluż għal vapuri li għalihom ma japplikax il-kodiċi ta’ Mmaniġġar ta’ Sikurezza Internazzjonali, ir-referenzi fid-Direttiva 2009/16/KE għal “kumpannija” għandhom jinftiehmu li tfisser “sid il-vapur” kif definit bid-dispożizzjoni rilevanti tal-MLC 2006, minħabba li l-aħħar definizzjoni taqdi aħjar il-ħtiġijiet speċifiċi tal-MLC 2006.

(8)

Parti sostanzjali mill-istandards tal-MLC 2006 hija implimentanta fil-liġi tal-Unjoni permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 (5) u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Komunità Ewropea tas-Sidien tal-Bastimenti (ECSA) u l-Federazzjoni tal-Unjonijiet tal- Ħaddiema tat-Trasport (FST) (6). Dawk l-istandards tal-MLC 2006 li huma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/13/KE jew tad-Direttiva 1999/63/KE għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri f’konformità ma’ dawk id-Direttivi.

(9)

Bħala prinċipju ġenerali, il-miżuri adottati biex jingħata effett lil din id-Direttiva ma għandhom taħt l-ebda ċirkostanza jikkostitwixxu raġunijiet li jiġġustifikaw tnaqqis mill-Istati Membri fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-baħħara abbord vapuri li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru taħt il-liġi soċjali applikabbli tal-Unjoni.

(10)

L-MLC 2006 fiha dispożizzjonijiet tal-infurzar li jiddefinixxu r-responsabbiltajiet tal-Istati li jwettqu l-obbligi ta’ kontroll mill-Istat tal-port. Sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, l-Istati Membri għandhom jitħallew jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-MLC 2006 minn kull vapur li jidħol fil-portijiet u l-ankraġġi tagħhom, indipendentement mill-Istat li tiegħu itajjar il-bandiera.

(11)

Il-kontroll mill-Istat tal-port huwa rregolat mid-Direttiva 2009/16/KE, li għandha tinkludi l-MLC 2006 mal-Konvenzjonijiet li l-implimentazzjoni tagħhom hija vverifikata mill-awtoritajiet tal-Istat Membri fil-portijiet tagħhom.

(12)

L-Istati Membri, meta jwettqu spezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istati tal-port f’konformità mad-Direttiva 2009/16/KE għandhom jieħdu kont tad-dispożizzjonijiet tal-MLC 2006 li jistipulaw li ċ-ċertifikat ta’ xogħol marittimu u d-dikjarazzjoni tal-konformità tax-xogħol marittimu għandhom ikunu aċċettati bħala evidenza prima facie tal-konformità mar-rekwiżiti tal-MLC 2006.

(13)

Il-liġi tal-Unjoni għandhom jirriflettu anki l-proċeduri stabbiliti fl-MLC 2006 rigward il-ġestjoni tal-ilmenti fuq l-art (onshore) li huma relatati mal-kwistjonijiet ittrattati fl-MLC 2006.

(14)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/16/KE, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex timplimenta metodoloġija għall-konsiderazzjoni ta’ parametri ta’ riskju ġeneriċi relatati b’mod partikolari mal-kriterji tal-Istat tal-bandiera u mal-kriterji ta’ prestazzjoni ta’ kumpannija; biex tiżgura kondizzjonijiet uniformi għall-ambitu ta’ spezzjonijiet imwessgħa, inkluż iż-żoni ta’ riskju li għandhom ikunu koperti; biex tiżgura applikazzjoni uniformi tal-proċeduri għall-kontroll u l-kontrolli ta’ sigurtà tal-bastimenti; biex tistabbilixxi format elettroniku armonizzat għar-rapportar u s-segwitu minn awtoritajiet tal-Istat tal-port ta’ lmenti marbuta mal-MLC 2006; biex timplimenta proċeduri armonizzati għar-rappurtar ta’ anomaliji apparenti minn piloti u awtoritajiet jew korpi tal-port u ta’ azzjonijiet ta’ segwitu meħuda mill-Istati Membri; u biex tistabbilixxi arranġamenti dettaljati għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar kumpanniji bi prestazzjoni baxxa u baxxa ħafna, il-kriterji għall-ġbir tad-data rilevanti u l-frekwenza tal-aġġornamenti. Dan huwa eżerċizzju ferm tekniku li għandu jitwettaq fil-qafas tal-prinċipji u l-kriterji li ġew stabbiliti minn dik id-Direttiva. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (7).

(15)

Atti ta’ implimentazzjoni relatati mal-metodoloġija għall-konsiderazzjoni ta’ parametri ta’ riskju ġeneriċi li jikkonċernaw b’mod partikolari l-kriterji tal-Istat tal-bandiera u l-kriterji ta’ prestazzjoni ta’ kumpannija, għar-rapporti minn bdoti u awtoritajiet jew korpi tal-port, inklużi proċeduri armonizzati għar-rappurtar ta’ anomaliji apparenti minn piloti u awtoritajiet jew korpi ta’ port u tal-azzjonijiet ta’ segwitu mwettqin mill-Istati Membri, u mal-arranġamenti dettaljati tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar kumpanniji bi prestazzjoni baxxa jew baxxa ħafna, ma għandhomx jiġu adotattati mill-Kummissjoni fejn il-kumitat imsemmi f’din id-Direttiva ma jagħti l-ebda opinjoni dwar l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni.

(16)

Meta tistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha b’mod speċifiku tieħu kont tal-għarfien espert u l-esperjenza miksuba bis-sistema ta’ spezzjoni fl-Unjoni u tibni fuq l-għarfien espert tal-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port, iffirmat f’Pariġi fis-26 ta’ Jannar 1982, fil-verżjoni aġġornata tiegħu (“MtQ ta’ Pariġi”).

(17)

Ir-regoli ta’ implimentazzjoni, inkluż ir-referenzi għall-istruzzjonijiet u l-lingwi gwida tal-MtQ ta’ Pariġi, ma għandhomx jikkompromettu l-eżerċitar tal-ġudizzju professjonali tal-ispetturi jew tal-awtorità kompetenti u l-flessibbiltà prevista fid-Direttiva 2009/16/KE.

(18)

Il-bażi tad-data ta’ spezzjoni msemmija fid-Direttiva 2009/16/KE għandha tiġi adattata u żviluppata skont l-emendi introdotti minn din id-Direttiva jew bidliet adottati fil-kuntest tal-MtQ ta’ Pariġi.

(19)

Il-MtQ ta’ Pariġi jimmira li jelimina l-operazzjoni ta’ vapuri substandard permezz ta’ sistema armonizzata ta’ kontroll mill-Istat tal-port, inkluża spezzjoni koordinata ta’ vapuri li jidħlu f’portijiet, inklużi portijiet tal-Istati Membri, fir-Reġjun tal-MtQ ta’ Pariġi. Dawk l-ispezzjonijiet għandhom l-għan li jivverifikaw li l-vapuri jilħqu l-istandards internazzjonali ta’ sikurezza, ta’ sigurtà u ambjentali, u li l-baħħarajkollhom kondizzjonijiet adegwati tal-għajxien u tax-xogħol, f’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali fis-seħħ. Meta jitwettqu l-ispezzjonijiet u meta ssir referenza għall-istruzzjonijiet u l-linji gwida tal-MtQ ta’ Pariġi, għandu jitqies il-fatt li dawk l-istruzzjonijiet u l-linji gwida huma żviluppati u adottati biex jiżguraw konsistenza u jiggwidaw l-ispezzjonijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-għola livell possibbli ta’ konverġenza.

(20)

L-ispezzjoni tal-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord ta’ baħħara u tat-taħriġ u l-kwalifiki tagħhom, biex jiġi vverifikat li dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-MLC 2006, teħtieġ il-livell neċessarju ta’ taħriġ għall-ispetturi. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-kwistjoni ta’ taħriġ għal spetturi għall-finijiet li tiġi analizzata l-konformità mal-MLC 2006.

(21)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ taġġorna malajr il-proċeduri rilevanti, u b’hekk tikkontribwixxi għall-kisba ta’ kondizzjonijiet ekwi globali għat-tbaħħir, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendi għall-Anness VI għad-Direttiva 2009/16/KE li fih lista ta’ “Struzzjonijiet” adottati mill-MtQ ta’ Pariġi, bil-ħsieb li jinżammu l-proċeduri applikabbli u infurzabbli fit-territorju tal-Istati Membri, f’konformità ma’ dawk miftiehma fuq livell u f’konformità mal-Konvenzjonijiet rilevanti. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(22)

Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(23)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2009/16/KE għandha tiġi emendata kif xieraq.

(24)

Skont l-Artikolu VIII, MLC 2006 għandu jidħol fis-seħħ 12-il xahar wara d-data li fiha jkun hemm ratifiki rreġistrati minn tal-inqas 30 Membru tal-ILO b’sehem totali tat-tunnellaġġ gross globali tal-bastimenti ta’ 33 fil-mija. Din il-kondizzjoni ġiet sodisfatta fl-20 ta’ Awwissu 2012, u l-MLC 2006 jidħol fis-seħħ fl-20 ta’ Awwissu 2013.

(25)

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-istess data bħall-MLC 2006,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2009/16/KE

Id-Direttiva 2009/16/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

jitħassar il-punt (g);

(ii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(i)

il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 (MLC 2006);

(j)

il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kontroll ta’ Sistemi Antiveġetattivi Dannużi fuq il-Vapuri, 2001 (AFS 2001);

(k)

il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Ħsara mit-Tniġġis miż-Żejt tal-Bunker, 2001 (il-Konvenzjoni dwar il-Bunkers, 2001).”.

(b)

jiżdiedu il-punti li ġejjin:

“23.

‘Ċertifikat tax-xogħol marittimu’ tfisser iċ-ċertifikat imsemmi fir-Regolament 5.1.3 tal-MLC 2006.

24.

‘Dikjarazzjoni ta’ konformità tax-xogħol marittimu’ tfisser id-dikjarazzjoni msemmija fir-Regolament 5.1.3 tal-MLC 2006.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Ir-referenzi kollha f’din id-Direttiva għall-Konvenzjonijiet, kodiċijiet internazzjonali u riżoluzzjonijiet imsemmija f’din id-Direttiva, inklużi għal ċertifikati u dokumenti oħra, għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dawk il-Konvenzjonijiet, kodiċijiet internazzjonali u riżoluzzjonijiet fil-verżjonijiet aġġornati tagħhom.”.

(2)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Meta jispezzjonaw vapur li jttajjar bandiera ta’ Stat li mhijiex parti fil-Konvenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trattament ta’ dan il-vapuk u l-ekwipaġġ tiegħu mhuwiex aktar favorevoli għal dak ta’ vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat parti f’dik il-Konvenzjoni. Tali vapur għandu jkun soġġett għal spezzjoni aktar dettaljata f’konformità mal-proċeduri stabbiliti mill-MtQ ta’ Pariġi.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Miżuri adottati biex jingħata effett lil din id-Direttiva ma għandhomx iwasslu għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni ġenerali għall-baħħara taħt il-liġi soċjali tal-Unjoni fl-oqsma fejn din id-Direttiva tapplika, meta mqabbla mas-sitwazzjoni diġà prevalenti f’kull Stat Membru. Fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri, jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat tal-port isir konxju ta’ ksur ċar tal-liġi tal-Unjoni, abbord vapuri li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, hija għandha, f’konformità mad-dritt u l-prattika nazzjonali, tinforma minnufih lil kwalunkwe awtorità kompetenti oħra sabiex tittieħed azzjoni ulterjuri kif xieraq.”.

(3)

Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 4 jitħassar.

(4)

Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Għandhom jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni biex timplimenta metodoloġija għall-konsiderazzjoni ta’ parametri ta’ riskju ġeneriċi relatati b’mod partikolari mal-kriterji tal-Istat tal-bandiera u mal-kriterji ta’ prestazzjoni ta’ kumpannija. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3).”.

(5)

Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ spezzjoni estiża, inklużi l-oqsma ta’ riskju li għandhom jiġu koperti, huwa stabbilit fl-Anness VII. Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri dettaljati biex tiżgura kondizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tal-Anness VII. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3).”.

(6)

Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri dettaljati biex tiżgura applikazzjoni uniformi tal-proċeduri msemmijin fil-paragrafu 1 u tal-verifiki ta’ sigurtà msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3).”.

(7)

Fl-Artikolu 17, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Meta, b’segwitu għal spezzjoni aktar dettaljata, jinstab li l-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fuq il-vapur ma jkunux konformi mar-rekwiżiti tal-MLC 2006, l-ispettur għandu minnufih jiġbed l-attenzjoni tal-kaptan tal-vapur dwar dawn in-nuqqasijiet, flimkien ma’ skadenzi meħtieġa għar-rettifika tagħhom.

Fil-każ li l-ispettur jikkunsidra tali nuqqasijiet bħala sinifikanti jew jekk dawn ikunu marbutin ma’ xi lment possibbli taħt il-punt 19 tal-Parti A tal-Anness V, l-ispettur għandu wkoll jiġbed l-attenzjoni tal-organizzazzjonijiet rilevanti ta’ baħħara u ta’ sidien ta’ vapuri fl-Istat Membru li fih tkun saret l-ispezzjoni dwar dawn in-nuqqasijiet, u jista:

(a)

jinnotifika lil rappreżentant tal-Istat tal-bandiera;

(b)

jgħaddi l-informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti tal-port ta’ żjara li jmiss.

Fir-rigward tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-MLC 2006, l-Istat Membru li fih tkun saret l-ispezzjoni għandu jkollu d-dritt jgħaddi kopja tar-rapport tal-ispettur, flimkien ma’ kwalunkwe tweġiba li tkun waslet mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-bandiera qabel it-tmiem tal-iskadenza preskritta, lid-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol bil-għan li tittieħed l-azzjoni li tkun meqjusa xierqa u espedjenti sabiex jiġi żgurat li jinżamm rekord ta’ tali informazzjoni u li l-partijiet li jistgħu jkunu interessati jibbenefikaw minn proċeduri ta’ rikors rilevanti tinġibdilhom l-attenzjoni dwarha.”

(8)

Fl-Artikolu 18, ir-raba’ paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-identità tal-persuna li tilmenta ma għandhiex tkun mikxufa lill-kaptan jew lil sid il-vapur tal-vapur ikkonċernat. L-ispettur għandu jieħu l-passi meħtieġa għas-salvagwardja tal-kunfidenzjalità tal-ilmenti mressqa mill-baħħara, inkluż billi jiżgura l-kunfidenzjalità waqt kwalunkwe intervista magħmula lill-baħħara.”.

(9)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 18a

Proċeduri tal-MLC 2006 għall-ġestjoni ta’ ilmenti fuq l-art

1.   Ilment minn baħħar li jallega li sar ksur tar-rekwiżiti tal-MLC 2006, (inkluż id-drittijiet tal-baħħara) jista’ jiġi rapportat lil spettur fil-port fejn ikun daħal il-vapur tal-baħħar. F’dawk il-każijiet, l-ispettur għandu jwettaq investigazzjoni inizjali.

2.   Fejn adatt, minħabba n-natura tal-ilment, l-investigazzjoni inizjali għandha tinkludi konsiderazzjoni ta’ jekk ikunux ġew segwiti l-proċeduri għal ilment abbord previsti taħt ir-Regolament 5.1.5 tal-MLC 2006. L-ispettur jista’ wkoll iwettaq spezzjoni aktar dettaljata f’konformità mal-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva.

3.   L-ispettur għandu, fejn ikun opportun, ifittex li jippromwovi riżoluzzjoni tal-ilment abbord il-vapur.

4.   Fil-każ li l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni tikxef nuqqas ta’ konformità li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19, għandu japplika dak l-Artikolu.

5.   Fejn il-paragrafu 4 ma japplikax u meta lment minn baħħar b’rabta ma’ kwistjonijiet koperti mill-MLC 2006 ma jkunx ġie solvut abbord il-vapur, l-ispettur għandu jinnotifika minnufih lill-Istat tal-bandiera filwaqt li, fi żmien stipulat, ifittex parir u pjan ta’ azzjoni korrettiv li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istat tal-bandiera. Rapport ta’ kwalunkwe spezzjoni li ssir għandu jintbagħat b’mezz elettroniku lill-bażi tad-data ta’ spezzjoni msemmija fl-Artikolu 24.

6.   Meta l-ilment ma jkunx ġie solvut wara l-azzjoni meħuda skont il-paragrafu 5, l-Istat tal-port għandu jibgħat kopja tar-rapport tal-ispettur lid-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol, flimkien ma’ kwalunkwe tweġiba li tasal qabel it-tmiem tal-iskadenza preskritta mill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera. L-organizzazzjonijiet ikkonċernati tal-baħħara u tas-sidien tal-vapuri fl-Istat tal-port għandhom jiġu informati bl-istess mod. Barra minn hekk, l-istatistika u l-informazzjoni dwar ilmenti li ġew solvuti għandhom jintbagħtu regolarment mill-Istat tal-port lid-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol.

Dawn is-sottomissjonijiet jingħataw sabiex, fuq il-bażi ta’ dik l-azzjoni li tista’ titqies xierqa u espedjenti, jinżamm reġistru ta’ dik l-informazzjoni li jinġieb għall-attenzjoni tal-partijiet, inkluż organizzazzjonijiet tal-baħħara u tas-sidien tal-vapuri, li jista’ jkollhom interess jiddisponu minn proċeduri ta’ rikors rilevanti.

7.   Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-istabbilment ta’ format u proċedura elettroniċi armonizzati għar-rapportar tal-azzjonijiet ta’ segwitu meħuda mill-Istati Membri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3).

8.   Dan l-Artikolu għandu jkun bla ħsara għall-Artikolu 18. Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 18 għandu japplika għal ilmenti relatati ma’ kwistjonijiet koperti mill-MLC 2006.”.

(10)

L-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   F’każ ta’ kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord li huma ċarament perikolużi għas-sikurezza, is-saħħa jew is-sigurtà tal-baħħara jew nuqqasijiet li jikkostitwixxu ksur serju jew ripetut tar-rekwiżiti tal-MLC 2006 (inkluż id-drittijiet tal-baħħara), l-awtorità kompetenti ta’ Stat tal-port fejn qed jiġi spezzjonat il-vapur għandha tiżgura li l-vapur jinżamm jew li l-operazzjoni li matulha jinkixfu n-nuqqasijiet titwaqqaf.

L-ordni taż-żamma jew tat-twaqqif ta’ operazzjoni m’għandhiex titneħħa sakemm dawk in-nuqqasijiet jiġu ratifikati jew jekk l-awtorità kompetenti tkun aċċettat pjan ta’ azzjoni li jirrettifika dawk in-nuqqasijiet u tkun sodisfatta li l-pjan ser jiġi implimentat bla dewmien. Qabel ma jaċċetta pjan ta’ azzjoni, l-ispettur jista’ jikkonsulta l-Istat tal-bandiera.”;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Fil-każ ta’ detenzjoni, l-awtorità kompetenti għandha minnufih tavża, bil-miktub u tinkludi r-rapport tal-ispezzjoni, lill-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera jew, meta dan ma jkunx possibbli, lill-Konslu jew, fin-nuqqas tiegħu, lill-eqreb rappreżentant diplomatiku ta’ dak l-Istat, dwar iċ-ċirkostanzi kollha li fihom l-intervent kien meqjus meħtieġ. Barra minn hekk, spetturi maħtura jew organizzazzjonijiet rikonoxxuti responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikati tal-klassifikazzjoni jew ċertifikati statutorji f’konformità mal-Konvenzjonijiet għandhom ukoll jiġu nnotifikati fejn dan huwa rilevanti. Barra minn hekk, jekk vapur ma jitħalliex ibaħħar minħabba ksur serju jew repetut tar-rekwiżiti tal-MLC 2006 (inkluż id-drittijiet tal-baħħara) jew minħabba kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord li huma ċarament perikolużi għas-sikurezza, is-saħħa jew is-sigurtà tal-baħħar, l-awtorità kompetenti għandha minnufih tinnotifika lill-Istat tal-bandiera dwar dan u tistieden rappreżentant tal-Istat tal-bandiera jkun preżenti, jekk possibbli, waqt li l-Istat tal-bandiera jintalab iwieġeb fi żmien stipulat. L-awtorità kompetenti għandha wkoll tinforma minnufih lill-organizzazzjonijiet ikkonċernati tal-baħħara u tas-sidien tal-vapuri fl-Istat tal-port fejn twettqet l-ispezzjoni.”.

(11)

Fl-Artikolu 23, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex tadotta miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inklużi proċeduri armonizzati għar-rapportar ta’ anomaliji apparenti minn bdoti u awtoritajiet jew korpi tal-port u tal-azzjonijiet ta’ segwitu mwettqa mill-Istati Membri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3).”.

(12)

Fl-Artikolu 27, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati ta’ pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, il-kriterji għall-aggregazzjoni tad-data rilevanti u l-frekwenza tal-aġġornamenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3).”.

(13)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 30a

Atti ddelegati

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b, rigward l-emendi għall-Anness VI, sabiex mal-lista stabbilita f’dak l-Anness tkun tista’ żżid aktar struzzjonijiet relatati mal-kontroll mill-Istat tal-port adottati mill-Organizzazzjoni tal-MtQ ta’ Pariġi.

Artikolu 30b

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotatta atti ddelegati kif imsemmi fl-Artikolu 30a għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mill-20 ta’ Awwissu 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodu ta’ żmien identiku, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux għal tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 30a tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif il-Kummissjoni tadotta att iddelegat, għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 30a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

(14)

L-Artikolu 31 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 31

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Vapuri (COSS – ‘Committee on Safe Seas and the Prevention of Pollution from Ships’) stabbilit mill-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni dwar abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont l-Artikoli 10(3), 23(5) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 27 rispettivament, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*)  ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1.”."

(15)

L-Artikolu 32 huwa mħassar.

(16)

L-Artikolu 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 33

Regoli ta’ implimentazzjoni

Meta tistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 10(3), 14(4), 15(4), 18a(7), 23(5) u 27 skont il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 31(3), il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb speċifikament li dawk ir-regoli jqisu l-għarfien espert u l-esperjenza miksuba bis-sistema tal-ispezzjonijiet fl-Unjoni u fuq il-bażi tal-għarfien espert tal-MtQ ta’ Pariġi.”.

(17)

Fl-Anness I, Parti II, il-punt 2B huwa emendat kif ġej:

(a)

il-ħames inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

Vapuri li kienu s-suġġett ta’ rapport jew ta’ lment, inkluż ilment fuq l-art, mill-kaptan, membru tal-ekwipaġġ, jew xi persuna jew organizzazzjoni b’interess leġittimu fl-operat b’sikurezza tal-vapur, kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord jew il-prevenzjoni tat-tinġis, sakemm l-Istat Membru kkonċernat iqis li r-rapport jew l-ilment ikun manifestament mingħajr bażi.”.

(b)

jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

Vapuri li għalihom sar qbil dwar pjan ta’ azzjoni li jirrettifika nuqqasijiet kif imsemmi fl-Artikolu 19(2a) iżda li fir-rigward tagħhom l-implimentazzjoni ta’ dak il-pjan ma ġietx ivverifikata minn spettur.”.

(18)

L-Anness IV huwa emendata kif ġej:

(a)

il-punti 14, 15 u 16 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“14.

Ċertifikati mediċi (ara l-MLC 2006).

15.

Skema ta’ arranġamenti ta’ ħidma abbord il-vapur (ara MLC 2006 u l-STCW 78/95).

16.

Reġistrazzjonijiet ta’ sigħat ta’ ħidma u mistrieħ tal-baħħara (ara l-MLC 2006).”

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“45.

Ċertifikat tax-xogħol marittimu.

46.

Dikjarazzjoni ta’ konformità tax-xogħol marittimu, partijiet I u II.

47.

Ċertifikat tas-Sistema Internazzjonali dwar l-Anti-Fouling.

48.

Ċertifikat tal-assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra dwar ir-responsabbiltà ċivili għall-ħsara mit-tinġis taż-żejt tal-bunker.”.

(19)

Fl-Anness V, Parti A, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“16.

Id-dokumenti meħtieġa taħt l-MLC 2006 mhumiex ippreżentati jew miżmuma jew inkella jinżammu b’mod falz jew id-dokumenti ppreżentati ma fihomx l-informazzjoni meħtieġa mill-MLC 2006 jew inkella mhumiex validi b’xi mod ieħor.

17.

Il-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fuq il-vapur ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-MLC 2006.

18.

Hemm raġunijiet validi biex wieħed jemmen li l-vapur bidel il-bandiera għall-fini li jevita l-konformità mal-MLC 2006.

19.

Hemm ilment li jallega li l-kondizzjonijiet speċifiċi tal-għajxien u tax-xogħol fuq il-vapur ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-MLC 2006.”.

(20)

Fl-Anness X, il-punt 3.10. huwa emendata kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’li ġej:

“Żoni taħt l-MLC 2006”;

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“8.

Il-kondizzjonijiet abbord huma ta’ perikolu b’mod ċar għas-sikurezza, is-saħħa jew is-sigurtà tal-baħħara.

9.

In-nuqqas ta’ konformità tikkostitwixxi ksur serju jew ripetut tar-rekwiżiti tal-MLC 2006 (inklużi d-drittijiet tal-baħħara) li jirrigwardaw il-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-baħħara fuq il-vapur, kif stipulat fiċ-ċertifikat tax-xogħol marittimu tal-vapur u d-dikjarazzjonijiet tal-konformità tax-xogħol marittimu”.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-21 ta’ Novembru 2014. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif isiru referenzi bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni dak it-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 ta’ Awwissu 2013, id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-MLC 2006.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 153.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Lulju 2013 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2013.

(3)  ĠU L 161, 22.6.2007, p. 63.

(4)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57.

(5)  ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30.

(6)  ĠU L 167, 2.7.1999, p. 33.

(7)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.


14.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/8


DIRETTIVA 2013/40/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Awwissu 2013

dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 83(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-għanijiet ta’ din id-Direttiva huma t-tqarrib tal-liġi kriminali tal-Istati Membri fil-qasam tal-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni, billi jiġu stabbiliti regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u s-sanzjonijiet rilevanti, u t-titjib fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-pulizija u servizzi speċjalizzati oħrajn tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati kompetenti u korpi tal-Unjoni, bħall-Eurojust, l-Europol u ċ-Ċentru Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità tiegħu, u l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA).

(2)

Is-sistemi tal-informazzjoni huma element ewlieni tal-interazzjoni politika, soċjali u ekonomika fl-Unjoni. Id-dipendenza tas-soċjetà fuq dawn is-sistemi hija kbira u qiegħda dejjem tiżdied. L-operazzjoni bla xkiel u s-sigurtà ta’ dawk is-sistemi fl-Unjoni huma kruċjali għall-iżvilupp tas-suq intern u ta’ ekonomija kompetittiva u innovattiva. L-iżgurar ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni tas-sistemi tal-informazzjoni għandu jifforma parti minn qafas komprensiv effettiv ta’ miżuri ta’ prevenzjoni li jakkumpanjaw ir-risponsi tal-liġi kriminali għaċ-ċiberkriminalità.

(3)

L-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni, u, partikolarment l-attakki marbutin mal-kriminalità organizzata, jirrappreżentaw minaċċa li qed tikber kemm fl-Unjoni kif ukoll globalment, u qed jiżdied it-tħassib dwar il-potenzjal ta’ attakki terroristiċi jew li huma mmotivati mill-politika kontra s-sistemi tal-informazzjoni li jagħmlu parti mill-infrastruttura kritika tal-Istati Membri u tal-Unjoni. Dan jikkostitwixxi theddida għall-kisba ta’ soċjetà tal-informazzjoni aktar sikura u ta’ qasam tal-libertà, is-sigurtà, u l-ġustizzja, u għalhekk jinħtieġ rispons fil-livell tal-Unjoni u kooperazzjoni u koordinazzjoni mtejbin fil-livell internazzjonali.

(4)

Hemm ċertu numru ta’ infrastrutturi kritiċi fl-Unjoni, li l-interruzzjoni jew id-distruzzjoni tagħhom ikollhom impatt transkonfinali sinifikanti. Sar evidenti, mill-ħtieġa li tiżdied il-kapaċità ta’ protezzjoni tal-infrastruttura kritika fl-Unjoni, li l-miżuri kontra l-attakki ċibernetiċi għandhom jiġu kkomplimentati minn pieni kriminali stretti li jirriflettu l-gravità ta’ tali attakki. L-infrastruttura kritika tista’ tinftiehem bħala assi, sistema jew parti minnha li tkun tinsab fi Stati Membri li tkun essenzjali pereżempju għaż-żamma ta’ funzjonijiet vitali li jappartjenu lis-soċjetà, lis-saħħa, is-sikurezza, il-benesseri ekonomiku jew soċjali ta’ poplu, bħal impjanti tal-enerġija, netwerks tat-trasport jew netwerks tal-gvern u li l-isfrattu jew il-qerda tagħhom iħallu impatt sinifikattiv fi Stat Membru bħala riżultat tan-nuqqas taż-żamma ta’ dawk il-funzjonijiet.

(5)

Hemm evidenza ta’ tendenza għal attakki fuq skala kbira li qed isiru aktar perikolużi u rikorrenti kontra s-sistemi tal-informazzjoni li spiss jistgħu jkunu kritiċi għall-Istati Membri jew għall-funzjonijiet partikolari fis-settur pubbliku jew privat. Din it-tendenza hi akkumpanjata bl-iżvilupp ta’ metodi dejjem aktar sofistikati, bħall-ħolqien u l-użu tal-hekk imsejħa “botnets”, li jinvolvi diversi stadji tal-att kriminali, fejn kull stadju waħdu jista’ jippreżenta riskju serju għall-interess pubbliku. Din id-Direttiva għandha l-għan, inter alia, li tintroduċi pieni kriminali għall-istadju meta jinħoloq il-“botnet”, jiġifieri l-att li jistabbilixxi kontroll mill-bogħod fuq għadd sostanzjali ta’ kompjuters billi jiġu infettati b’software malizzjuż permezz ta’ attakk ċibernetiku mmirat. Fi stadju aktar tard, il-kompjuters infettati li jikkostitwixxu l-“botnet” jistgħu, mingħajr ma jindunaw l-utenti tal-kompjuters, jiġu attivati biex jagħmlu attakk ċibernetiku fuq skala kbira, li normalment ikollhom il-kapaċità jikkawżaw dannu serju, kif hemm imsemmi f’din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw x’jikkostitwixxi dannu serju f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali tagħhom, bħal interruzzjonijiet f’sistemi ta’ servizzi ta’ importanza pubblika sostanzjali, jew xi spiża finanzjarja kbira jew telf ta’ data personal jew informazzjoni sensittiva.

(6)

L-attakki ċibernetiċi fuq skala kbira jistgħu jikkawżaw ħsara ekonomika sostanzjali kemm permezz ta’ interruzzjoni ta’ sistemi tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni kif ukoll permezz ta’ telf jew alterazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali importanti għall-kummerċ jew data oħra. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiżdied l-għarfien ta’ intrapriżi żgħar u medji innovattivi dwar theddid minn attakki bħal dawn u vulnerabbilta’tagħhom għall-attakki bħal dawn,, minħabba d-dipendenza akbar tagħhom mill-funzjonament korrett u d-disponibbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni u spiss mir-riżorsi limitati għas-sigurtà tal-informazzjoni.

(7)

Id-definizzjonijiet komuni f’dan il-qasam huma importanti sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti fl-Istati Membri għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(8)

Tinħass il-ħtieġa li jinkiseb approċċ komuni għall-elementi kostitwenti ta’ reati kriminali billi jiġu introdotti r-reati komuni ta’ aċċess illegali f’sistema tal-informazzjoni, l-interferenza illegali fis-sistema, l-interferenza illegali fid-data, u l-interċettazzjoni illegali.

(9)

L-interċettazzjoni tinkludi, iżda mhijiex neċessarjament limitata għas-smigħ, il-monitoraġġ jew is-sorveljanza tal-kontenut ta’ komunikazzjonijiet u l-akkwist tal-kontenut ta’ data jew direttament, permezz tal-aċċess għal u l-użu ta’ sistema ta’ informazzjoni, jew indirettament permezz tal-użu ta’ tagħmir elettroniku ta’ smigħ bil-moħbi jew ta’ tapping b’mezzi tekniċi.

(10)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pieni fir-rigward tal-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom jinkludu sentenzi ta’ priġunerija u/jew multi.

(11)

Id-Direttiva tipprevedi pieni kriminali għall-inqas f’każijiet li mhumiex minuri. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw x’jikkostitwixxi każ minuri skont id-dritt u l-prattika nazzjonali tagħhom. Każ jista’ jitqies minuri, pereżempju, meta l-ħsara kkawżata mir-reat u/jew ir-riskju li jinvolvi għall-interessi pubbliċi jew privati, bħall-integrità ta’ sistema tal-kompjuter jew ta’ data tal-kompjuter, jew l-integrità, id-drittijiet jew l-interessi l-oħrajn ta’ persuna, ikun insinifikanti jew ikun ta’ tali natura, li l-impożizzjoni ta’ piena kriminali fl-ambitu tal-limitu speċifiku legali jew l-impożizzjoni ta’ responsabbiltà kriminali mhux meħtieġa.

(12)

L-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ theddid u riskji ppreżentati minn attakki ċibernetiċi u l-vulnerabbiltà relatata tas-sistemi ta’ informazzjoni huma element pertinenti ta’ prevenzjoni effettiva ta’, u reazzjoni għal, attakki ċibernetiċi u tat-titjib tas-sistemi ta’ sigurtà tal-informazzjoni. Għal dak l-għan jista’ jiżdied l-għoti ta’ inċentivi għar-rappurtar ta’ distakki fis-sigurtà. L-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jipprovdu possibbiltajiet sabiex il-lakuni fis-sigurtà jiġu skoperti u rappurtati legalment.

(13)

Huwa xieraq li jkunu previsti pieni aktar severi fejn attakk kontra sistema tal-informazzjoni jsir minn organizzazzjoni kriminali, kif iddefinita fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (3) jew meta l-attakk isir fuq skala kbira, u b’hekk jaffettwa għadd sostanzjali ta’ sistemi tal-informazzjoni, inkluż meta l-attakk isir bl-intenzjoni li jinħoloq “botnet”, jew fejn attakk ċibernetiku jikkawża dannu serju inkluż fejn dan isir permezz ta’ “botnet”. Huwa wkoll xieraq li jkunu previsti pieni aktar severi meta jsir attakk kontra infrastruttura kritika tal-Istati Membri jew tal-Unjoni.

(14)

L-istabbiliment ta’ miżuri effettivi kontra s-serq tal-identità u reati oħrajn relatati mal-identità jikkostitwixxi element importanti ieħor ta’ approċċ integrat kontra ċ-ċiberkriminalità. Kwalunkwe ħtieġa għal azzjoni tal-Unjoni dwar dan it-tip ta’ mġiba kriminali tista’ titqies ukoll fil-kuntest tal-evalwar tal-ħtieġa għal strument tal-Unjoni orizzontali u komprensiv.

(15)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 sat-28 ta’ Novembru 2008 indikaw li għandha tiġi żviluppata strateġija ġdida flimkien mal-Istati Membri u l-Kummissjoni, waqt li jiġi kkunsidrat il-kontenut tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-2001. Dik il-Konvenzjoni hija l-qafas legali ta’ referenza għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, inklużi l-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni. Din id-Direttiva hija msejsa fuq dik il-Konvenzjoni. Għalhekk l-ikkompletar tal-proċess ta’ ratifika tal-Konvenzjoni mill-Istati Membri malajr kemm jista’ jkun għandu jitqies bħala prijorità.

(16)

Minħabba l-modi differenti kif jistgħu jsiru l-attakki, u minħabba l-iżviluppi mgħaġġla fil-qasam tal-hardware u s-software, din id-Direttiva tirriferi għal ‘għodod’ li jistgħu jintużaw biex isiru r-reati stabbiliti f’din id-Direttiva. Dawn l-għodod jirriferu għal, pereżempju, software malizzjuż, li jinkludi dak li kapaċi joħloq botnets, użat biex isiru attakki ċibernetiċi. Anke fejn tali għodda tkun adatta jew partikolarment adatta biex isir wieħed mir-reati stabbiliti f’din id-Direttiva, huwa possibbli li kien ġie prodott għal skop leġittimu. Minħabba l-ħtieġa li tkun evitata l-kriminalizzazzjoni fejn dawn l-għodod jiġu prodotti u jitqiegħdu fis-suq għal finijiet leġittimi, bħall-ittestjar tal-affidabbiltà tal-prodotti tat-teknoloġija tal-informazzjoni jew is-sigurtà ta’ sistemi ta’ informazzjoni, barra mir-rekwiżit tal-intenzjoni ġenerali, għandu jkun wkoll sodisfatt rekwiżit tal-intenzjoni diretta li dawk l-għodod jintużaw biex isir wieħed jew iżjed mir-reati stabbiliti f’din id-Direttiva.

(17)

Din id-Direttiva mhijiex maħsuba biex timponi reponsabbiltà kriminali fejn ikunu sodisfatti l-kriterji oġġettivi tar-reati stabbiliti f’din id-Direttiva iżda l-atti jitwettqu mingħajr intenzjoni kriminali, pereżempju meta persuna ma tkunx taf li l-aċċess ma kienx awtorizzat jew fil-każ tal-ittestjar jew il-protezzjoni obbligatorja ta’ sistema tal-informazzjoni, pereżempju fejn persuna tiġi assenjata minn kumpannija jew bejjiegħ biex tittestja l-qawwa tas-sistema ta’ sigurtà tagħha. Fil-kuntest ta’ din id-Direttiva, l-obbligi jew il-ftehimiet kuntrattwali biex jirrestrinġu l-aċċess għal sistemi tal-informazzjoni permezz tal-politika dwar l-utenti jew it-termini tas-servizz, kif ukoll tilwim industrijali fir-rigward tal-aċċess għal u l-użu ta’ sistemi tal-informazzjoni ta’ min iħaddem għal finijiet privati, m’għandhomx jinvolvu r-responsabbiltà kriminali, fejn l-aċċess taħt dawn iċ-ċirkostanzi jitqies mhux awtorizzat u għalhekk jikkostitwixxi l-bażi unika għal proċedimenti kriminali. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt legalment garantit ta’ aċċess għall-informazzjoni kif stabbilit fil-liġi nazzjonali u tal-Unjoni, waqt li fl-istess ħin hija ma tistax isservi bħala ġustifikazzjoni għall-aċċess illegali jew arbitrarju għall-informazzjoni.

(18)

L-attakki ċibernetiċi jistgħu jiġu ffaċilitati permezz ta’ diversi ċirkostanzi, bħal meta l-awtur tar-reat jkollu aċċess għas-sistemi ta’ sigurtà inerenti fis-sistemi tal-informazzjoni affettwati fl-ambitu tal-impjieg tiegħu. Fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, tali ċirkostanzi għandhom jitqiesu kif xieraq fil-kors ta’ proċedimenti kriminali.

(19)

L-Istati Membri għandhom jipprevedu ċirkostanzi aggravanti fil-liġi nazzjonali tagħhom f’konformità mar-regoli applikabbli stabbiliti mis-sistemi legali tagħhom dwar ċirkostanzi aggravanti. Huma għandhom jiżguraw li dawk iċ-ċirkostanzi aggravanti jkunu disponibbli biex l-imħallfin jikkunsidrawhom meta jkunu qed jissentenzjaw lit-trasgressuri. Jibqa’ fid-diskrezzjoni tal-imħallef li jivvaluta dawn iċ-ċirkostanzi flimkien mal-elementi fattwali l-oħrajn tal-każ partikolari.

(20)

Din id-Direttiva ma tirregolax il-kondizzjonijiet li taħthom hija eżerċitabbli l-ġurisdizzjoni fuq kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fiha, bħal rapport mill-vittma fil-post fejn sar ir-reat, jew denunzja mill-Istat tal-post fejn sar ir-reat, jew il-fatt li l-awtur tar-reat ma ġiex imħarrek fil-post fejn sar ir-reat.

(21)

Fil-kuntest ta’ din id-Direttiva, l-Istati u l-korpi pubbliċi jibqgħu marbutin għalkollox biex jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, skont l-obbligi internazzjonali eżistenti.

(22)

Din id-Direttiva ssaħħaħ l-importanza tan-netwerks, bħan-netwerk tal-punti ta’ kuntatt tal-G8 jew tal-Kunsill tal-Ewropa disponibbli fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Dawk il-punti ta’ kuntatt għandhom ikunu jistgħu jipprovdu assistenza effettiva, b’hekk jiffaċilitaw pereżempju l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti disponibbli jew l-għoti ta’ parir tekniku jew informazzjoni legali għall-fini tal-investigazzjonijiet jew tal-proċedimenti li jikkonċernaw ir-reati kriminali relatati mas-sistemi tal-informazzjoni u d-data assoċjata li jinvolvu l-Istat Membru rikjedenti. Sabiex tkun żgurata l-operazzjoni bla xkiel tan-netwerks, kull punt ta’ kuntatt għandu jkollu l-kapaċità li jkollu komunikazzjonijiet mal-punt ta’ kuntatt ta’ Stat Membru ieħor b’mod rapidu appoġġat, inter alia, minn persunal imħarreġ u attrezzat. Fid-dawl tal-veloċità li biha jistgħu jsiru l-attakki ċibernetiċi fuq skala kbira, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jirreaġixxu minnufih għat-talbiet urġenti minn din in-netwerk ta’ punti ta’ kuntatt. F’każijiet bħal dawn, jista’ jkun konvenjenti li t-talba għal informazzjoni tkun akkumpanjata minn numru tat-telefon, sabiex ikun żgurat li t-talba tiġi pproċessata malajr mill-Istat Membru rikjest u li l-feedback jingħata fi tmien sigħat.

(23)

Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, fuq naħa, u s-settur privat u s-soċjetà ċivili, fuq in-naħa l-oħra, hija ta’ importanza kbira ħafna għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni. Jeħtieġ li titrawwem u tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi, il-produtturi, il-korpi tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji, filwaqt li jiġi rrispettat bis-sħiħ l-istat tad-dritt. Tali kooperazzjoni tista’ tinkludi appoġġ mill-fornituri tas-servizzi fl-għajnuna għall-preservazzjoni ta’ evidenza potenzjali, biex jiġu pprovduti elementi biex jgħinu fl-identifikazzjoni tal-atturi tar-reati u, bħala l-aħħar rimedju, l-għeluq, kompletament jew parzjalment, skont il-liġi nazzjonali, inkluża l-liġi u l-prattika nazzjonali, tas-sistemi tal-informazzjoni jew funzjonijiet li ġew kompromessi jew użati għal finijiet illegali. L-Istati Membri għandhom iqisu wkoll l-istabbiliment ta’ netwerks ta’ kooperazzjoni u ta’ sħubija ma’ fornituri ta’ servizzi u produtturi għall-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward tar-reati fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(24)

Hemm il-ħtieġa li tinġabar data komparabbli dwar ir-reati msemmijin f’din id-Direttiva. Id-data rilevanti għandha ssir disponibbli għall-aġenti speċjalizzati kompetenti tal-Unjoni u korpi, bħall-Europol u l-ENISA, f’konformità mal-kompiti u l-ħtiġijiet tal-informazzjoni tagħhom, sabiex tinkiseb stampa aktar kompluta tal-problema taċ-ċiberkriminalità u tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni fil-livell tal-Unjoni u b’hekk tikkontribwixxi għall-formulazzjoni ta’ reazzjonijiet aktar effettivi. L-Istati Membri għandhom jibagħtu informazzjoni dwar il-modus operandi tal-awturi tar-reat lill-Europol u ċ-Ċentru Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità tiegħu għall-finijiet ta’ stimi tat-theddid u analiżi strateġiċi taċ-ċiberkriminalità b’konformità ma d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 li jistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (4). L-għoti ta’ informazzjoni jista’ jiffaċilita fehim aħjar tat-theddid preżent u futur u b’hekk jikkontribwixxi għal teħid tad-deċiżjonijiet aktar adatt u mmirat biex jiġu miġġielda u evitati l-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni.

(25)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u biex issir kwalunkwe proposta leġislattiva meħtieġa li tista’ twassal għat-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva b’kont meħud tal-iżviluppi fil-qasam taċ-ċiberkriminalità. Dawn l-iżviluppi jistgħu jinkludu kwalunkwe żvilupp teknoloġiku pereżempju dawk li jippermetti infurzar aktar effettiv fil-qasam tal-attakki kontra sistemi tal-informazzjoni jew li jiffaċilita l-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni ta’ tali attakki. Għal dak il-għan l-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-analiżi u r-rapporti disponibbli prodotti mill-atturi rilevanti u, b’mod partikolari, l-Europol u l-ENISA.

(26)

Sabiex iċ-ċiberkriminalità tiġi miġġielda b’mod effettiv, jeħtieġ li s-sistemi tal-informazzjoni jsiru iktar b’saħħithom, billi jittieħdu l-miżuri adatti biex jiġu protetti b’mod aktar effettiv mill-attakki Ċibernetiċi. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri meħtieġa biex jipproteġu l-infrastrutturi kritiċi mill-attakki ċibernetiċi, li bħala parti minnhom għandhom iqisu l-protezzjoni tas-sistemi tal-informazzjoni tagħhom u d-data assoċjata. L-iżgurar ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni u sigurtà tas-sistemi tal-informazzjoni minn persuni ġuridiċi, pereżempju b’rabta mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli f’konformità mal-leġislazzjoni tal-Unjoni eżistenti dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika u l-protezzjoni tad-data, jifforma parti essenzjali minn approċċ komprensiv biex iċ-ċiberkriminalità tiġi miġġielda b’mod effettiv. Għandhom jiġu provvduti livelli adatti ta’ protezzjoni mit-theddid u l-vulnerabbiltajiet li jistgħu jiġu identifikati b’mod raġonevoli f’konformità mal-ogħla żvilupp tekniku għas-setturi speċifiċi u s-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-ipproċessar tad-data. L-ispejjeż u l-piżijiet ta’ tali protezzjoni għandhom ikunu proporzjonali għad-dannu li attakk ċibernetiku x’aktarx jikkawża lil dawk affettwati. L-Istati Membri huma inkoraġġuti jipprevedu miżuri rilevanti li jattribwixxu responsabbiltajiet fil-kuntest tal-liġi nazzjonali tagħhom f’każijiet fejn ikun ċar li persuna ġuridika ma tkunx pprovdiet livell adatt ta’ protezzjoni mill-attaki ċibernetiċi.

(27)

Xi lakuni u differenzi sinifikanti fil-liġijiet tal-Istati Membri u l-proċeduri kriminali fil-qasam tal-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni jistgħu jkunu ta’ tfixkil fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, u jistgħu jikkumplikaw il-kooperazzjoni effettiva tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’dan il-qasam. In-natura transnazzjonali u ta’ mingħajr fruntieri tas-sistemi moderni tal-informazzjoni timplika li l-attakki kontra dawn is-sistemi għandhom dimensjoni transkonfinali, u għalhekk tenfasizza l-ħtieġa urġenti għal aktar azzjoni biex issir l-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali f’dan il-qasam. Barra minn dan, il-koordinazzjoni tal-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni għandhom jiġu ffaċilitati bl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni adegwati tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitt ta’ ġurisidizzjoni fi proċedimenti kriminali (5). L-Istati Membri f’kooperazzjoni mal-Unjoni Ewropea għandhom jipprovaw ukoll itejbu l-kooperazzjoni internazzjonali relatata mas-sigurtà tas-sistemi tal-informazzjoni, in-netwerks tal-kompjuter u d-data tal-kompjuter. Għandha tingħata l-konsiderazzjoni dovuta lis-sigurtà tat-trasferiment u l-ħżin tad-data fi kwalunkwe ftehim internazzjonali li jinvolvi l-iskambju tad-data.

(28)

Il-kooperazzjoni mtejba bejn il-korpi kompetenti tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji madwar l-Unjoni hija essenzjali sabiex iċ-ċiberkriminalità tiġi miġġielda b’mod effettiv. F’dan il-kuntest għandu jiġi inkoraġġut l-intensifikar tal-isforzi biex jiġi pprovdut taħriġ adegwat lill-awtoritajiet rilevanti sabiex jiżdied il-ftehim taċ-ċiberkriminalità u l-impatt tagħha, u biex jitrawmu l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattika, pereżempju permezz tal-aġenziji u korpi tal-Unjoni speċjalizzati kompetenti. Tali taħriġ għandu fost l-oħrajn ikollu l-għan li jżid l-għarfien dwar is-sistemi legali nazzjonali differenti, l-isfidi legali u tekniċi possibbli ta’ investigazzjonijiet kriminali, u d-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

(29)

Din id-Direttiva tipprevedi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għall-privatezza, il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, id-dritt għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt tad-difiża, kif ukoll il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati kriminali u ta’ pieni. B’mod partikolari, din id-Direttiva għandha l-għan li tiggarantixxi rispett sħiħ għal dawn id-drittijiet u l-prinċipji u għandha tiġi implimentata kif meħtieġ.

(30)

Il-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali taħt l-Artikolu 16(1) tat-TFUE u l-Artikolu 8 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali. Għalhekk, kwalunkwe proċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandu jikkonforma bis-sħiħ mal-leġislazzjoni tal-Unjoni rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data

(31)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawk l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(32)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(33)

Ladarba l-għanijiet tad-Direttiva, b’ mod partikolari fir-rigward tal-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni jiġu imposti fl-Istati Membri kollha pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi u li tittejjeb u tiġi promossal-kooperazzjoni bejn awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet oħra kompetenti, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(34)

Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u tespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni (6). Billi l-emendi li jridu jsiru huma ta’ għadd u natura sostanzjali, id-Deċiżjoni Qafas 2005/222/ĠAI għandha, fl-interessi taċ-ċarezza, tiġi sostitwita fl-intier tagħha fir-rigward tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli minimi fir-rigward tad-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni. Għandha wkoll l-għan li tiffaċilita l-prevenzjoni ta’ reati bħal dawn u li ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħra.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“sistema tal-informazzjoni” tfisser tagħmir jew grupp ta’ tagħmir interkonness jew relatat, li minnhom, wieħed jew aktar, skont programm, jipproċessaw awtomatikament data tal-kompjuter, kif ukoll data tal-kompjuter maħżuna, ipproċessata, irkuprata jew trasmessa b’dak it-tagħmir jew grupp ta’ tagħmir għall-finijiet tal-operazzjoni, użu, protezzjoni u manutenzjoni tiegħu jew tagħhom;

(b)

“data tal-kompjuter” tfisser ir-rappreżentazzjoni ta’ fatti, informazzjoni jew kunċetti f’forma adatta għall-ipproċessar f’sistema tal-informazzjoni, inkluż programm adatt biex iġiegħel sistema tal-informazzjoni twettaq funzjoni;

(c)

“persuna ġuridika” tfisser entità li jkollha l-istatus ta’ persuna ġuridika taħt il-liġi applikabbli, iżda ma tinkludix Stati jew korpi pubbliċi li jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ awtorità Statali, jew organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi;

(d)

“mingħajr dritt” tfisser aġir imsemmi f’din id-Direttiva, li jinkludi aċċess, interferenza jew interċettazzjoni, li ma jkunux awtorizzati mis-sid jew minn detentur ieħor tad-dritt tas-sistema jew ta’ parti minnha, jew li ma jkunux permessi taħt il-liġi nazzjonali.

Artikolu 3

Aċċess illegali għal sistemi ta’ informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġi żgurat li, meta jsir intenzjonalment, l-aċċess mingħajr dritt għat-totalità jew għal kwalunkwe parti minn sistema tal-informazzjoni ikun punibbli bħala reat kriminali fejn isir permezz tal-ksur ta’ miżura tas-sigurtà, għall-inqas għal każijiet li mhumiex minuri.

Artikolu 4

Interferenza illegali f’sistema

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li t-tfixkil serju jew l-interruzzjoni tal-funzjonament ta’ sistema tal-informazzjoni bl-inseriment ta’ data tal-kompjuter, bit-trasmissjoni, ħsara, tħassir, deterjorament, alterazzjoni jew soppressjoni ta’ tali data, jew billi wieħed jirrendi tali data inaċċessibbli, intenzjonalment u mingħajr dritt, ikunu punibbli bħala reati kriminali, għall-inqas għal każijiet li mhumiex minuri.

Artikolu 5

Interferenza illegali fid-data

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li t-tħassir, il-ħsara, id-deterjorazzjoni,l-alterazzjoni, is-soppressjoni ta’ data tal-kompjuter fuq sistema tal-informazzjoni,jew ir-rendiment ta’tali data inaċċessibbli, intenzjonalment u mingħajr dritt, ikunu punibbli bħala reati kriminali meta jsiru, mill-anqas fejn il-każ mhuwiex minuri.

Artikolu 6

Interċettazzjoni illegali

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-interċettazzjoni, b’mezzi tekniċi, ta’ trasmissjonijiet mhux pubbliċi ta’ data tal-kompjuter għal, minn jew fis-sistema tal-informazzjoni, li jinkludu emissjonijiet elettromanjetiċi minn sistema tal-informazzjoni li ġġorr tali data tal-kompjuter, intenzjonalment u mingħajr dritt, hija punibbli bħala reat kriminali, għall-inqas għal każijiet li mhumiex minuri.

Artikolu 7

Għodod użati biex isiru reati

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-produzzjoni intenzjonali, bejgħ, akkwist għall-użu, importazzjoni, distribuzzjoni jew li b’xi mod ieħor wieħed jagħmel disponibbli, ta’ waħda mill-għodod li ġejjin, mingħajr dritt u bl-intenzjoni li tintuża biex isir kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 6, huma punibbli bħala reati kriminali, għall-inqas għal każijiet li mhumiex minuri:

(a)

programm tal-kompjuter, imfassal jew adattat primarjament għall-iskop li jsir kwalunkwe reat msemmi fl-Artikoli 3 sa 6;

(b)

password tal-kompjuter, kodiċi għall-aċċess, jew data simili li biha wieħed ikun jista’ jaċċedi għal sistema tal-informazzjoni jew għal kwalunkwe parti minnha.

Artikolu 8

L-inċitament, l-għajnuna u assistenza u t-tentattiv

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-inċitament, l-għajnuna u l-assistenza biex isir reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 7 jkunu punibbli bħala reat kriminali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tentattiv biex isir reat imsemmi fl-Artikoli 4 u 5 jkun punibbli bħala reat kriminali.

Artikolu 9

Pieni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 jkunu punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7 jkunu punibbli b’ terminu ta’ priġuneria massimu ta’ mill-inqas sentejn, għall-inqas għal każijiet li mhumiex minuri.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli 4 u 5, meta mwettqa intenzjonalment, ikunu punibbli b’terminu ta’ priġuneria massimu ta’ mill-inqas tliet snin fejn ikunu ġew affettwati għadd sostanzjali ta’ sistemi tal-informazzjoni permezz tal-użu ta’ għodda, imsemmija fl-Artikolu 7, imfassla jew adattata primarjament għal dak l-iskop..

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmijin fl-Artikoli 4 sa 5 jkunu punibbli b’ terminu ta’ priġuneria massimu ta’ mill-inqas ħames snin fejn:

(a)

isiru fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali, kif definita fid-Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI, irrispettivament tal-livell ta’ pieni prevista, jew

(b)

jikkawżaw dannu serju, jew

(c)

isiru kontra sistema ta’ informazzjoni li tifforma parti minn infrastruttura kritika.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li meta r-reati msemmijin fl-Artikoli 4 u 5 jsiru bl-użu skorrett tad-data personali ta’ persuna oħra, bl-għan li tinkiseb il-fiduċja ta’ parti terza, u b’hekk jiġi kkaġunat dannu għall-identità tas-sid leġittimu, dan jista’, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali, jitqies bħala ċirkostanzi aggravanti, sakemm dawk iċ-ċirkostanzi ma jkunux diġà koperti minn reat ieħor, punibbli taħt il-liġi nazzjonali.

Artikolu 10

Responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8, li jkunu saru għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi jew waħedha jew bħala parti mill-korp tal-persuna ġuridika, li għandha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, fuq il-bażi ta’ waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

is-setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

(b)

awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika;

(c)

awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinstabu responsabbli fejn in-nuqqas ta’ sorveljanza jew kontroll minn xi persuna msemmija fil-paragrafu 1 tkun ippermettiet, minn persuna taħt l-awtorità tagħha, xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika.

3.   Ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi taħt il-paragrafi 1 u 2 m’għandhiex teskludi l-proċedimenti kriminali kontra l-persuni fiżiċi li jagħmlu, jinċitaw, jew li jkunu kompliċi f’xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8.

Artikolu 11

Sanzjonijiet kontra persuni ġuridiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li persuna ġuridika miżmuma responsabbli taħt l-Artikolu 10(1) tkun punibbli b’sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u li jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra, bħal:

(a)

l-esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji pubbliċi jew għajnuna pubblika;

(b)

l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta’ attivitajiet kummerċjali;

(c)

it-tqegħid taħt is-sorveljanza tal-qorti;

(d)

l-istralċ ġudizzjarju;

(e)

l-għeluq temporanju jew permanenti ta’ stabbilimenti li setgħu ntużaw biex isir ir-reat.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li persuna ġuridika miżmuma responsabbli taħt l-Artikolu 10(2) tkun punibbli b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi jew miżuri oħra.

Artikolu 12

Ġurisdizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom fir-rigward tar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 fejn ir-reat ikun sar:

(a)

interament jew parzjalment ġewwa t-territorju tagħhom; jew

(b)

minn wieħed miċ-ċittadini tagħhom, għall-inqas f’każijiet fejn l-att huwa reat kriminali fil-post fejn ikun sar.

2.   Meta jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni f’konformità mal-punt (a) tal-paragrafu 1, Stat Membru għandu jiżgura li għandu ġurisdizzjoni fejn:

(a)

it-trasgressur jagħmel ir-reat meta jkun fiżikament preżenti fit-territorju tiegħu, kemm jekk ir-reat ikun kontra sistema tal-informazzjoni fit-territorju tiegħu kif ukoll jekk le; jew

(b)

ir-reat ikun kontra sistema tal-informazzjoni fit-territorju tiegħu, kemm jekk it-trasgressur jagħmel ir-reat meta jkun fiżikament preżenti fit-territorju tiegħu kif ukoll jekk le.

3.   Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni fejn jiddeċiedi li jistabbilixxi ġurisdizzjoni ulterjuri dwar reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 8 li sar barra mit-territorju tiegħu, inkluż fejn:

(a)

ir-residenza abitwali tat-trasgressur tinsab fit-territorju tiegħu; jew

(b)

ir-reat ikun sar għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika stabbilita fit-territorju.

Artikolu 13

Skambju ta’ informazzjoni

1.   Għall-finijiet tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom punt ta’ kuntatt nazzjonali operattiv u jagħmlu użu min-netwerk eżistenti ta’ punti ta’ kuntatt operattivi li jkunu disponibbli 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li jkollhom proċeduri fis-seħħ sabiex meta jkun hemm talbiet urġenti għall-għajnuna, l-awtorita’ kompetenti tindika f’massimu ta’ tmien sigħat mir-riċezzjon, għall-inqas jekk hux ser ikun hemm tweġiba għat-talba, kif ukoll il-forma u ż-żmien stmat għal tali tweġiba.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-punt ta’ kuntatt mill-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-aġenziji u korpi tal-Unjoni speċjalizzati kompetenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkunu disponibbli kanali adegwati ta’ rappurtar sabiex ikun iffaċilitat ir-rappurtar tar-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 6 lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mingħajr dewmien bla bżonn.

Artikolu 14

Monitoraġġ u statistika

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun stabbilita sistema għar-reġistrazzjoni, il-produzzjoni u l-għoti ta’ data statistika dwar ir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7.

2.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha, bħala minimu, tkopri data eżistenti dwar l-għadd ta’ reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7 rreġistrati mill-Istati Membri, u l-għadd ta’ persuni, imħarrka u li nstabu ħatja fir-rigward tar-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7.

3.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu d-data miġbura taħt dan l-Artikolu lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li tiġi ppubblikata reviżjoni konsolidata tar-rapporti statistiċi u li din tiġi ppreżentata lill-aġenziji u korpi tal-Unjoni speċjalizzati kompetenti.

Artikolu 15

Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2005/222/ĠAI

Id-Deċizjoni Qafas 2005/222/ĠAI hija b’dan sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni tad-Deċizjoni Qafas fil-liġi nazzjonali.

Fir-rigward tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, ir-referenzi għad-Deċiżjoni Qafas 2005/222/ĠAI għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 16

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-4 ta’ Settembru 2015.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri li jittrasponu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Direttiva.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jigu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 17

Rappurtar

Il-Kummisjoni għandha, sal-4 ta’ Settembru 2017, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta kemm l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, akkumpanjat, jekk meħtieġ, bi proposti leġislattivi. Il-Kummissjoni għandha wkoll tqis l-iżviluppi tekniċi u legali fil-qasam taċ-ċiberkriminalità, partikolarment fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 130.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Lulju 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2013.

(3)  ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42.

(4)  ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.

(5)  ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42

(6)  ĠU L 69, 16.3.2005, p. 67.


DEĊIŻJONIJIET

14.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/15


DEĊIŻJONI Nru 778/2013/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Awwissu 2013

li tipprovdi assistenza makro-finanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit-26 ta' Ġunju 2013 (1),

Billi:

(1)

Ir-relazzjonijiet bejn il-Ġeorġja u l-Unjoni Ewropea qegħdin jiżviluppaw fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Fl-2006, il-Komunità u l-Ġeorġja qablu dwar Pjan ta' Azzjoni għal Politika Ewropea tal-Viċinat li jidentifika l-prijoritajiet fuq perjodu ta' żmien medju fir-relazzjonijiet bejn l-UE u Ġeorġja. Fl-2010, l-Unjoni u l-Ġeorġja nedew in-negozjati ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni li huwa mistenni li jieħu post il-Ftehim eżistenti UE-Ġeorġja ta' Sħubija u Kooperazzjoni (2). Il-qafas tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja huwa msaħħaħ aktar bis-Sħubija tal-Lvant li għadu kemm tnieda.

(2)

Il-Kunsill Ewropew straordinarju, f'laqgħa fl-1 ta' Settembru 2008, ikkonferma r-rieda tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u Ġeorġja fis-segwitu tal-kunflitt armat ta' Awwissu 2008 bejn il-Ġeorġja u l-Federazzjoni Russa.

(3)

L-ekonomija tal-Ġeorġja ġiet affettwata mill-kriżi finanzjarja internazzjonali sa mit-tielet trimestru tal-2008, b'nuqqas fil-produzzjoni, tnaqqis fid-dħul fiskali u żieda fil-ħtiġijiet esterni ta' finanzjament.

(4)

Fil-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi li saret fit-22 ta' Ottubru 2008, il-komunità internazzjonali wegħdet appoġġ għall-irkupru ekonomiku tal-Ġeorġja skont il-Valutazzjoni Konġunta tal-Ħtiġiet mwettqa min-Nazzjonijiet Uniti u mill-Bank Dinji.

(5)

L-Unjoni ħabbret li ser tipprovdi sa EUR 500 miljun bħala assistenza finanzjarja lill-Ġeorġja.

(6)

L-aġġustament u l-irkupru ekonomiku tal-Ġeorġja huwa appoġġat minn assistenza finanzjarja tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). F'Settembru 2008, l-awtoritajiet tal-Ġeorġja ftehmu mal-FMI fuq Arranġament ta' Riżerva ta' USD 750 miljun biex jappoġġa lill-ekonomija tal-Ġeorġja biex tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa fid-dawl tal-kriżi finanzjarja.

(7)

B'segwitu ta' aktar deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-Ġeorġja u reviżjoni neċessarja tas-suppożizzjonijiet ekonomiċi sottostanti tal-programm tal-FMI kif ukoll tal-ħtiġiet akbar tal-Ġeorġja ta' finanzjament estern, intlaħaq qbil bejn il-Ġeorġja u l-FMI għal żieda ta' self ta' USD 424 miljun skont l-Arranġament ta' Riżerva, li ġie approvat f'Awwissu 2009 mill-Bord tal-FMI.

(8)

L-Unjoni allokat, għal-2010-2012, taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (ENPI), għotjiet ta' appoġġ baġitarju lill-Ġeorġja, ta' medja ta' EUR 24 miljun kull sena.

(9)

Fid-dawl tad-deterjorazzjoni fis-sitwazzjoni u l-prospetti ekonomiċi tal-Ġeorġja, hija talbet assistenza makro-finanzjarja mill-Unjoni.

(10)

Minħabba li għad hemm lakuna finanzjarja residwa fil-bilanċ tal-pagamenti tal-Ġeorġja, l-assistenza makro-finanzjarja titqies bħala rispons xieraq għat-talba tal-Ġeorġja fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali sabiex tiġi appoġġata l-istabbilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm tal-FMI attwali.

(11)

L-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni li għandha tingħata lill-Ġeorġja ("l-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni") ma għandhiex sempliċiment tissupplimenta l-programmi u r-riżorsi mill-FMI u l-Bank Dinji, iżda għandha tiżgura l-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni.

(12)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-miżuri meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u linji ta' politika oħra rilevanti tal-Unjoni.

(13)

L-objettivi speċifiċi tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandhom isaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà. Dawk l-objettivi għandhom jiġu mmonitorjati regolarment mill-Kummissjoni.

(14)

Il-kondizzjonijiet sottostanti għall-provvediment ta' assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandhom jirriflettu l-prinċipji u l-objettivi ewlenin tal-politika tal-Unjoni rigward il-Ġeorġja.

(15)

Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effiċjenti tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni, huwa meħtieġ li l-Ġeorġja tadotta miżuri adatti rigward il-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra, il-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra marbuta ma' dik l-assistenza. Huwa wkoll meħtieġ li l-Kummissjoni tipprevedi kontrolli adatti u li l-Qorti tal-Awdituri tipprevedi verifiki adatti.

(16)

Ir-rilaxx tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja.

(17)

L-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex tiżgura li l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tinformahom regolarment dwar l-iżviluppi relatati mal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni u għandha tipprovdihom bid-dokumenti rilevanti.

(18)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (3).

(19)

F'dan il-kuntest, huwa mfakkar li fit-termini ta' dak ir-Regolament il-proċedura konsultattiva għandha, bħala regola ġenerali, tapplika fil-każijiet kollha ħlief kif previst f'dak ir-Regolament. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment importanti tal-operazzjonijiet li huma superjuri għal-limitu ta' EUR 90 miljun, huwa xieraq li l-proċedura ta' eżami tintuża għal dawn l-operazzjonijiet. Wara li jiġi kkunsidrat l-ammont ta' assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni lill-Ġeorġja, il-proċedura konsultattiva għandha tapplika għall-adozzjoni tal-Memorandum ta' Qbil, u għat-tnaqqis, is-suspensjoni jew it-tħassir tal-assistenza,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tagħmel assistenza makro-finanzjarja disponibbli għall-Ġeorġja b'ammont massimu ta' EUR 46 miljun, bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Ġeorġja u tkopri l-ħtiġijiet tagħha tal-bilanċ tal-pagamenti kif identifikat fil-programm attwali tal-FMI. Minn dak l-ammont massimu, sa EUR 23 miljun għandu jiġi pprovdut fil-forma ta' għotjiet u sa EUR 23 miljun fil-forma ta' self. Ir-rilaxx tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-baġit tal-Unjoni għall-2013 mill-awtorità baġitarja.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tissellef ir-riżorsi meħtieġa f'isem l-Unjoni sabiex tiffinanzja l-komponent ta' self tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni. Is-self għandu jkollu maturità massima ta' 15-il sena.

3.   Ir-rilaxx tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni b'mod konsistenti mal-ftehimiet jew qbil milħuqa bejn l-FMI u l-Ġeorġja u mal-prinċipji u l-għanijiet ewlenin tar-riforma ekonomika stabbiliti fil-Ftehim tas-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u Ġeorġja. Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju bl-iżviluppi fil-ġestjoni tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni u għandha tipprovdihom bid-dokumenti rilevanti.

4.   L-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun magħmula disponibbli għal perjodu ta' sentejn u sitt xhur li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta' Qbil imsemmi fl-Artikolu 2(1).

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 6(2), Memorandum ta' Qbil li fih il-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji li għalihom l-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni hija soġġetta, inkluż perjodu ta' żmien biex jintlaħqu dawk il-kondizzjonijiet. Il-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji mniżżla fil-Memorandum ta' Qbil għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew qbil imsemmija fl-Artikolu 1(3). Dawk il-kondizzjonijiet għandhom jimmiraw, b'mod partikolari, għat-tisħiħ tal-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni, injklużi s-sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġeorġja. Il-progress biex jintlaħqu dawk l-objettivi għandu jiġi mmonitorjat regolarment mill-Kummissjoni. It-termini finanzjarji dettaljati dwar l-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-Ftehim tal-Għotja u l-Ftehim ta' Self li għandhom jiġu maqbula bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Ġeorġja.

2.   Matul l-implimentazzjoni tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-validità tal-arranġamenti finanzjarji tal-Ġeorġja, il-proċeduri amministrattivi u l-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni li huma rilevanti għal din l-assistenza, kif ukoll l-aderenza tal-Ġeorġja mal-perjodu ta' żmien miftiehem.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f'intervalli regolari li l-linji ta' politika ekonomiċi tal-Ġeorġja jkunu f'konformità mal-objettivi tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni u li l-kondizzjonijiet miftiehma tal-politika ekonomika qed jintlaħqu b'mod sodisfaċenti. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji, u fejn meħtieġ, mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

Artikolu 3

1.   Soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun magħmula disponibbli mill-Kummissjoni f'żewġ pagamenti parzjali, li kull wieħed minnhom jikkonsisti f'element ta' għoti u element ta' self. Id-daqs ta' kull pagament parzjali għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta' Qbil.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali f'fażijiet soġġett għat-twettiq tal-politika ekonomika u tal-kondizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil. L-iżborż tat-tieni pagament parzjali għandux jsir mhux aktar kmieni minn tliet xhur wara r-rilaxx tal-ewwel pagament parzjali.

3.   Il-fondi tal-Unjoni għandhom jitħallsu lill-Bank Nazzjonali tal-Ġeorġja. Soġġett għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil, inkluża l-konferma tal-ħtiġiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu trasferiti lit-Teżor tal-Ġeorġja bħala l-benefiċjarju finali.

Artikolu 4

1.   L-operazzjonijiet tal-għoti jew teħid tas-self relatati mal-komponent ta' self tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandhom jitwettqu bil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u ma għandhomx jesponu lill-Unjoni għal kwalunkwe trasformazzjoni ta' maturitajiet, għal kwalunkwe riskju fir-rata tal-kambju jew tal-imgħax, jew għal kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa, jekk il-Ġeorġja hekk titlob, biex tiżgura li klawsola dwar ħlas kmieni tiġi inkluża fit-termini u l-kondizzjonijiet tas-self u li tkun appoġġata minn klawsola korrispondenti fit-termini u l-kondizzjonijiet tal-operazzjonijiet tat-teħid ta' self tal-Kummissjoni.

3.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self, u jekk il-Ġeorġja hekk titlob, il-Kummissjoni tista' tirrifinanzja s-self inizjali kollu jew parti minnu jew tista' tirristruttura l-kondizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta' rifinanzjament jew ta' ristrutturar għandhom jitwettqu f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità medja tas-self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont tal-kapital pendenti fid-data tar-rifinanzjament jew ristrutturar.

4.   L-ispejjeż kollha sostnuti mill-Unjoni li huma relatati mal-operazzjonijiet tal-għoti jew teħid ta' self skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġġarrbu mill-Ġeorġja.

5.   Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju informati bl-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 5

L-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (4) u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu (5). B'mod partikolari, il-Memorandum ta' Qbil, il-Ftehim ta' Self u l-Ftehim tal-Għotja li għandhom jiġu miftiehma mal-awtoritajiet tal-Ġeorġja għandhom jipprovdu miżuri xierqa fir-rigward tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra, l-frodi, l-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra b'rabta mal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni. Sabiex tkun żgurata trasparenza akbar fil-ġestjoni u l-iżborż tal-fondi, il-Memorandum ta' Qbil, il-Ftehim ta' Self u l-Ftehim tal-Għotja għandhom jipprevdu wkoll il-kontrolli, inklużi kontrolli fuq il-post u l-ispezzjonijiet, li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi. Dawk id-dokumenti għandhom ukoll jipprevedu l-verifiki, inkluż fejn xieraq verifiki fuq il-post, mill-Qorti tal-Awdituri.

Artikolu 6

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 7

1.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fis-sena kalendarja preċedenti, inkluż l-evalwazzjoni tiegħu. Ir-rapport għandu jindika r-rabta bejn il- politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali kurrenti tal-Ġeorġja u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti parzjali tal-assistenza makro-finanzjarja tal-Unjoni.

2.   Mhux aktar tard minn sentejn wara l-iskadenza tal-perjodu ta' disponibilità msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni ex post.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2011 (ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 211) u l-pozizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-10 ta’ Mejju 2012 (ĠU C 291 E, 27.9.2012, p. 1). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2012 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Ir-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Lulju 2013 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2013.

(2)  Ftehim ta' Assoċjazzjoni u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Ġeorġja, mill-parti l-oħra (ĠU L 205, 4.8.1999, p. 3).

(3)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(4)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(5)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad- 29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).


Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-deċiżjoni li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

jaqblu fuq il-fatt li l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja għandha titqies fil-kuntest usa' tal-bżonn ta' qafas li jiggarantixxi deċiżjonijiet korretti u effikaċi dwar il-konċessjoni ta' assistenza makrofinanzjarja lill-pajjiżi terzi;

jaqblu fuq il-fatt li l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-operazzjonijiet futuri ta' assistenza makrofinanzjarja għandha tissejjes fuq il-kunsiderazzjonijiet u l-prinċipji mħabbra hawn taħt għall-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-pajjiżi u lit-territorji terzi eleġibbli, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva u l-forma ġuridika li jista' eventwalment jassumi strument ta' formalizzazzjoni ġdid ta' tali kunsiderazzjonijiet u prinċipji;

jintrabtu li jirriflettu totalment tali kunsiderazzjonijiet u prinċipji fid-deċiżjonijiet individwali futuri dwar il-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

PARTI A -   KUNSIDERAZZJONIJIET

(1)

L-Unjoni hija wieħed mill-fornituri prinċipali ta' assistenza ekonomika, finanzjarja u teknika lill-pajjiżi terzi. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni (“assistenza makrofinanzjarja”) uriet li hija strument effiċjenti għall-istabbilizzazzjoni ekonomika, u mutur għar-riformi strutturali fil-pajjiżi u fit-territorji li jibbenefikaw minn tali assistenza (“benefiċjarji”). Skont il-politika ġenerali fir-rigward tal-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati u tal-pajjiżi tal-viċinat, l-Unjoni għandha tkun f'pożizzjoni li tikkonċedi assistenza makrofinanzjarja lil dawn il-pajjiżi bl-iskop li tiżviluppa żona ta' stabilità, sigurtà u prosperità kondiviżi.

(2)

L-assistenza makrofinanzjarja għandha tissejjes fuq deċiżjonijiet ad hoc speċifiċi għal pajjiż tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dawn il-prinċipji jimmiraw li jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jwassal għal tali deċiżjonijiet u għall-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll li jsaħħu l-applikazzjoni min-naħa tal-benefiċjarju tal-prekundizzjonijiet politiċi biex jikseb il-konċessjoni ta' assistenza makrofinanzjarja u jtejbu t-trasparenza u l-kontroll demokratiku ta' tali assistenza.

(3)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi tat-3 ta' Ġunju 2003, il-Parlament Ewropew għamel appell għal regolament qafas għall-assistenza makrofinanzjarja bil-għan li jitħaffef il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jingħata dan l-istrument finanzjarju b'bażi formali u trasparenti.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2002, il-Kunsill stabbilixxa l-kriterji (l-hekk imsejħa kriterji ta' Genval) li jirregolaw l-operazzjonijiet ta' assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Ikun xieraq li dawn il-kriterji jiġu aġġornati u ċċarati, fost affarijiet oħra fir-rigward tal-kriterji għad-determinazzjoni tal-forma xierqa ta' assistenza (self, għotja jew kombinazzjoni tagħhom).

(5)

Dawn il-prinċipji għandhom jippermettu lill-Unjoni tagħmel mod li l-assistenza makrofinanzjarja ssir disponibbli fi żmien qasir, partikolarment meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu azzjoni immedjata, u żżid iċ-ċarezza u t-trasparenza tal-kriterji applikabbli għall-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja.

(6)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tkun konformi mal-prinċipji, mal-objettivi u mal-miżuri fundamentali adottati fi ħdan id-diversi setturi ta' azzjoni esterna u fil-qafas ta' politiki rilevanti oħrajn tal-Unjoni.

(7)

L-assistenza makrofinanzjarja għandha tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandhom jaħdmu mill-qrib matul l-operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja kollha bil-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u jiggarantixxu l-konsistenza tagħha.

(8)

L-assistenza makrofinanzjarja għandha tappoġġa l-impenn tal-benefiċjarji fil-konfront tal-valuri komuni kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, u l-prinċipji ta' kummerċ miftuħ, ibbażat fuq regoli u ġust.

(9)

Ikun xieraq li l-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tkun suġġetta għall-istabbiliment min-naħa tal-pajjiż eleġibbli ta' mekkaniżmi demokratiċi effikaċi, ibbażati partikolarment fuq sistemi parlamentari multipartitiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Tali prerekwiżiti għandhom ikunu sorveljati regolarment mill-Kummissjoni.

(10)

L-objettivi speċifiċi tad-deċiżjonijiet individwali ta' assistenza makrofinanzjarja għandhom jinkludu anki t-tisħiħ tal-effiċjenza, tat-trasparenza u tar-responsabilità fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-pajjiżi benefiċjarji. Il-ksib ta' dawn l-objettivi għandu jkun regolarment sorveljat mill-Kummissjoni.

(11)

L-assistenza makrofinanzjarja għandha timmira li tappoġġa r-ristabbiliment tas-sostenibilità tas-sitwazzjoni finanzjarja esterna tal-pajjiżi u tat-territorji terzi li jinsabu quddiem skarsezza ta' valuta barranija u d-diffikultajiet relatati tal-finanzjament estern. L-assistenza makrofinanzjarja la għandha tagħti appoġġ finanzjarju regolari u lanqas ikollha bħala objettiv primarju l-appoġġ tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal- benefiċjarji.

(12)

L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun komplementari għar-riżorsi konċessi mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u minn istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali oħrajn u għandu jkun hemm qsim ġust tal-piżijiet bejn l-Unjoni u d-donaturi l-oħrajn. L-assistenza makrofinanzjarja għandha tiżgura l-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni.

(13)

Biex ikun żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni konnessi mal-assistenza makrofinanzjarja jiġu mħarsa b'mod effiċjenti, il-benefiċjarji għandhom jieħdu miżuri xierqa fir-rigward tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra fir-rigward ta' din l-assistenza, u għandu jsir provvediment biex jitwettqu kontrolli mill-Kummissjoni u verifiki mill-Qorti tal-Awdituri.

(14)

L-għażla tal-proċedura għall-adozzjoni tal-memoranda ta' qbil għandha tkun deċiża f'konformità mal-kriterji msemmija fir-Regolament (UE) Nru 182/2011. F'dan il-kuntest, bħala regola ġenerali għandha tapplika l-proċedura konsultattiva, iżda, fid-dawl tal-impatt potenzjalment importanti tal-operazzjonijiet li l-ammont tagħhom jaqbeż il-livell limitu stabbilit fil-parti B, għal dawn l-operazzjonijiet ikun xieraq li tintuża l-proċedura ta' eżami.

PARTI B -   PRINĊIPJI

1.   Għan tal-assistenza

(a)

L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta' appoġġ mhux vinkolat u mhux speċifiku għall-bilanċ tal-pagamenti tal-pajjiżi u tat-territorji terzi eleġibbli. Għandha timmira lejn ir-ristabbiliment tas-sostenibilità tas-sitwazzjoni finanzjarja esterna tal-pajjiżi u tat-territorji eleġibbli li jinsabu quddiem diffikultajiet ta' finanzjament estern. Għandha tappoġġa l-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li jkun fih miżuri ta' aġġustament u ta' riforma strutturali b'saħħithom intiżi li jtejbu s-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti, partikolarment fil-perjodu ta' applikazzjoni tal-programm, u jsaħħu l-implimentazzjoni tal-ftehimiet u tal-programmi rilevanti mal-Unjoni.

(b)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun subordinata għall-eżistenza ta' bżonn sinifikanti ta' finanzjament estern residwu, definit mill-Kummissjoni f'koopereazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali, superjuri għar-riżorsi konċessi mill-FMI u minn istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, minkejja l-implimentazzjoni ta' programmi ta' riforma u stabbilizzazzjoni ekonomika rigorużi min-naħa tal-pajjiż jew tat-territorju rilevanti.

(c)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun għal terminu qasir u għandha tieqaf malli s-sitwazzjoni finanzjarja esterna terġa' ssir sostenibbli.

2.   Pajjiżi u territorji eleġibbli

Il-pajjiżi u t-territorji terzi eleġibbli biex jibbenefikaw mill-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom ikunu s-segwenti:

il-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati;

il-pajjiżi u t-territorji koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat;

f'każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, pajjiżi terzi oħrajn li jiżvolġu rwol determinanti għall-istabilità reġjonali, li huma ta' importanza strateġika għall-Unjoni, u li huma politikament, ekonomikament u ġeografikament viċin l-Unjoni.

3.   Forma tal-assistenza

(a)

L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun konċessa ġeneralment fil-forma ta' self. F'każijiet eċċezzjonali, madankollu, l-assistenza tista' tingħata fil-forma ta' għotja jew ta' kombinazzjoni ta' self u ta' għotja. Hija u tiddetermina s-sehem xieraq ta' element possibbli ta' għotja, il-Kummissjoni, fit-tħejjija tal-proposta tagħha, għandha tqis il-livell ta' żvilupp ekonomiku tal-benefiċjarju, imkejjel skont l-introjtu per capita u l-indiċijiet tal-faqar, kif ukoll il-kapaċità tiegħu li jħallas lura bbażata fuq analiżi tas-sostenibilità tad-dejn, filwaqt li jiġi garantit ir-rispett tal-prinċipju ta' qsim ġust tal-piżijiet bejn l-Unjoni u d-donaturi l-oħrajn. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll sa liema punt l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u d-donaturi l-oħrajn japplikaw kundizzjonijiet aġevolati lill-pajjiż inkwistjoni.

(b)

Jekk l-assistenza makrofinanzjarja tiġi konċessa fil-forma ta' self, il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni, għandu jkollha s-setgħa li tissellef il-fondi neċessarji fuq is-swieq tal-kapital jew minn istituzzjonjiet finanzjarji, biex imbagħad tislef min-naħa tagħha l-fondi mislufa lill-pajjiż benefiċjarju.

(c)

L-operazzjonijiet ta' għoti u teħid b'self għandhom isiru f'euro bl-applikazzjoni tal-istess data tal-valur, u ma għandhom jinvolvu lill-Unjoni la fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet u lanqas fi kwalunkwe riskju ta' kambju jew ta' rata tal-imgħax.

(d)

L-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni għall-operazzjonijiet ta' għoti jew teħid b'self għandhom jitħallsu mill-benefiċjarju.

(e)

Fuq talba tal-benefiċjarju, u jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib tar-rata tal-imgħax fuq is-self, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tipproċedi bir-rifinanzjament tat-totalità jew parti mis-self li inizjalment tkun ħadet jew bir-ristrutturar tal-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta' rifinanzjament u ta' ristrutturar għandhom jitwettqu skont il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 3(d) u la għandu jkollhom l-effett ta' proroga tal-maturità medja tas-self meħud u lanqas żieda tal-ammont tal-kapital pendenti fid-data tal-operazzjonijiet ta' rifinanzjament u ta' ristrutturar.

4.   Dispożizzjonijiet finanzjarji

(a)

L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja konċessa fil-forma ta' għotjiet għandhom ikunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji definiti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

(b)

Għall-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja konċessa fil-forma ta' self għandha tkun prevista allokazzjoni skont ir-Regolament li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni. L-ammonti tal-allokazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji definiti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

(c)

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fi ħdan il-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

5.   Ammont tal-assistenza

(a)

Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza għandha tissejjes fuq il-bżonn ta' finanzjament estern residwu tal-pajjiż jew tat-territorju eleġibbli, u għandha tqis il-kapaċità tiegħu ta' awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, u partikolarment ir-riservi internazzjonali għad-dispożizzjoni tiegħu. Dan il-bżonn ta' finanzjament għandu jkun determinat mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, fuq il-bażi ta' valutazzjoni kwantitattiva kompleta u ta' dokumentazzjoni ġustifikattiva trasparenti. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tagħmel riferiment għall-aħħar previżjonijiet tal-bilanċ tal-pagamenti tal-FMI tal-pajjiż jew tat-territorju relevanti u tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi multilaterali, kif ukoll l-attwazzjoni preeżistenti ta' strumenti finanzjarji esterni oħrajn tal-Unjoni f'dak il-pajjiż jew territorju eleġibbli.

(b)

Id-dokumentazzjoni tal-Kummissjoni għandu jkun fiha informazzjoni dwar l-istokk previst ta' riservi ta' valuta barranija fl-assenza ta' assistenza makrofinanzjarja meta mqabbla mal-livelli meqjusa adegwati, imkejjel skont indikaturi rilevanti bħall-proporzjon bejn riservi u dejn estern f'terminu qasir u l-proporzjon bejn riservi u importazzjonijiet tal-pajjiż benefiċjarju.

(c)

Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja konċessa għandha tqis ukoll il-bżonn ta' garanzija tal-qsim ġust tal-piżijiet bejn l-Unjoni u d-donaturi l-oħrajn u tal-valur miżjud tal-involviment kumplessiv tal-Unjoni.

(d)

Jekk il-bżonn ta' finanzjament tal-benefiċjarju jonqos konsiderevolment matul il-perjodu ta' żborż tal-assistenza makrofinanzjarja meta mqabbel mal-previżjonijiet inizjali, il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura konsultattiva meta l-assistenza tkun ugwali għal, jew inqas minn, EUR 90 miljun, u skont il-proċedura ta' eżami meta l-assistenza tkun ogħla minn EUR 90 miljun, tnaqqas l-ammont ta' tali assistenza jew tissospendi jew tħassar l-assistenza.

6.   Kundizzjonalità

(a)

Il-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun subordinata għar-rispett min-naħa tal-pajjiż jew tat-territorju eliġibbli ta' mekkaniżmi demokratiċi effikaċi, inklużi sistema parlamentari multipartitika u l-istat tad-dritt, kif ukoll għall-garanzij tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni għandha tforni valutazzjoni pubblikament disponibbli (1) tar-rispett ta' din il-prerekwiżit u tissorveljah matul iċ-ċiklu kollu tal-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja. Dan il-punt għandu jiġi applikata f'konformità mad-Deċiżjoni l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE.

(b)

L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun subordinata għall-eżistenza ta' ftehim ta' kreditu mhux prekawzjonarju bejn il-pajjiż jew it-territorju eleġibbli u l-FMI, li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

l-objettiv tal-ftehim ikun konsistenti mal-iskop tal-assistenza makrofinanzjarja, jiġifieri li jittaffew id-diffikultajiet f'terminu qasir fil-livell tal-bilanċ tal-pagamenti;

l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' aġġustament b'saħħithom konsistenti mal-assistenza makrofinanzjarja, kif definit fil-punt 1(a).

(c)

L-iżborż tal-assistenza għandu jkun subordinat għat-twettiq kostantement sodisfaċenti fir-rigward ta' programm ta' politika appoġġat mill-FMI u għar-rispett tal-prerekwiżit imsemmi fl-ittra (a) ta' dan il-punt. Huwa għandu wkoll ikun subordinat għall-implimentazzjoni, skont kalendarju speċifiku, ta' sensiela ta' miżuri ta' politika ekonomika definiti biċ-ċar u fokalizzati fuq ir-riformi strutturali u fuq is-solidità tal-finanzi pubbliċi, maqbula bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarju u stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil.

(d)

Bil-għan li jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li tissaħħaħ il-governanza tal-benefiċjarji, il-Memorandum ta' Qbil għandu jinkludi miżuri mmirati lejn it-titjib tal-effiċjenza, it-trasparenza u ir-responsabilità fis-sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.

(e)

Id-determinazzjoni tal-miżuri politiċi msemmija għandha tqis ukoll il-progress li jsir fil-qasam tal-ftuħ reċiproku tas-swieq, l-iżvilupp ta' kummerċ ibbażat fuq regoli u ġust kif ukoll prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni.

(f)

Il-miżuri ta' politika għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet ta' sħubija, ta' kooperazzjoni jew ta' assoċjazzjoni fis-seħħ konklużi bejn l-Unjoni u l-benefiċjarju, kif ukoll mal-programmi ta' aġġustament makroekonomiku u ta' riforma strutturali implimentati mill-benefiċjarju bl-appoġġ tal-FMI.

7.   Proċedura

(a)

Pajjiż jew territorju li biħsiebu jibbenefika mill-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jippreżenta talba bil-miktub lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 1, 2, 4 u 6 humiex issodisfati u, jekk ikun il-każ, tista' tippreżenta proposta għal deċiżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(b)

Id-deċiżjoni ta' konċessjoni ta' self għandha tispeċifika l-ammont, il-maturità medja massima u n-numru massimu ta' pagamenti akkont tal-assistenza makrofinanzjarja. Jekk id-deċiżjoni tinkludi element ta' għotja, għandha tindika wkoll l-ammont tagħha u n-numru massimu ta' pagamenti akkont. Id-deċiżjoni ta' konċessjoni ta' għotja għandha tkun akkumpanjata minn ġustifikazzjoni tal-għotja (jew tal-element ta' għotja) ta' assistenza. Fiż-żewġ każijiet għandu jkun definit il-perjodu ta' disponibilità tal-assistenza makrofinanzjarja. Dak il-perjodu ta' disponibbilta', bħala norma, ma għandux jaqbeż it-tliet snin. Fil-preżentazzjoni ta' proposta għal deċiżjoni ġdida ta' konċessjoni ta' assistenza makrofinanzjarja, il-Kummissjoni għandha tforni l-informazzjoni msemmija fil-punt 12(c).

(c)

B'segwitu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja, il-Kummissjoni, hija u tiddelibera skont il-proċedura konsultattiva meta l-assistenza tkun ugwali għal, jew inqas minn, EUR 90 miljun, u skont il-proċedura ta' eżami meta l-assistenza tkun ogħla minn EUR 90 miljun, għandha taqbel mal-benefiċjarju, fil-Memorandum ta' Qbil, dwar il-miżuri ta' politika msemmijin fil-punt 6(c), (d), (e) u (f).

(d)

B'segwitu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja, il-Kummissjoni għandha taqbel mal-benefiċjarju dwar il-kundizzjonijiet finanzjarji dettaljati tal-assistenza. Dawk it-termini finanzjarji dettaljati għandhom ikunu speċifikati fil-Ftehim ta' Għotja jew ta' Self.

(e)

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp, inkluż l-iżborż, tal-assistenza speċifika għal pajjiż u tforni lil dawk l-istituzzjonijiet id-dokumenti rilevanti fi żmien debitu.

8.   Implimentazzjoni u ġestjoni finanzjarja

(a)

Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-assistenza makrofinanzjarja skont ir-regoli finanzjarji tal-Unjoni.

(b)

L-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun suġġetta għall-ġestjoni ċentralizzata diretta.

(c)

L-impenji baġitarji għandhom jittieħdu fuq il-bażi ta' deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni skont dan il-punt. Meta l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tinfirex fuq diversi snin finanzjarji, l-impenji baġitarji marbuta ma' tali assistenza jistgħu jinqasmu f'pagamenti akkont annwali.

9.   Żborż tal-assistenza

(a)

L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun żborżata lill-bank ċentrali tal-benefiċjarju.

(b)

L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun żborżata f'pagamenti akkont suċċessivi, suġġett għar-rispett tal-prerekwiżit imsemmi fil-punt 6(a) u tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 6(b) u (c).

(c)

F'intervalli regolari l-Kummissjoni għandha tivverifika jekk għadhomx sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 6(b) u (c).

(d)

Fejn il-prerekwiżit imsemmi fil-punt 6(a), u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 6(b) u (c) mhumiex sodisfatti, il-Kummissjoni għandha temporanjament tissospendi jew tħassar l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja. F'tali każijiet, għandha tikkomunika r-raġunijiet għas-sospensjoni jew it-tħassir lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

10.   Miżuri ta' appoġġ

Il-fondi baġitarji tal-Unjoni jistgħu jintużaw biex ikopru n-nefqa neċessarja għall-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja.

11.   Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

(a)

Il-ftehimiet konklużi fil-qafas ta' kull deċiżjoni speċifika għal pajjiż għandu jkun fihom dispożizzjonijiet intiżi li jiggarantixxu li l-benefiċjarji jivverifikaw regolarment li l-finanzjamenti li ġejjin mill-baġit tal-Unjoni jkunu ntużaw b'mod korrett, jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu irregolaritajiet u frodi, u, jekk ikun meħtieġ, jieħdu azzjoni legali għall-irkupru tal-fondi konċessi fil-qafas ta' kull deċiżjoni speċifika għal pajjiż li kienu suġġetti għal approprjazzjoni indebita.

(b)

Il-ftehimiet konklużi fil-qafas ta' kull deċiżjoni speċifika għal pajjiż għandu jkun fihom dispożizzjonijiet intiżi li jiggarantixxu l-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mal-frodi, mal-korruzzjoni u ma' kwalunkwe irregolarità oħra, skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

(c)

Il-Memorandum ta' Qbil imsemmi fil-punt 6(c) għandu jagħti espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri d-dritt li jwettqu awditjar matul u wara l-perjodu ta' disponibilità tal-assistenza makrofinanzjarja, inkluż awditjar ta' dokumenti u awditjar fuq il-post bħal pereżempju valutazzjonijiet operattivi. Il-Memorandum għandu wkoll jawtorizza espressament lill-Kummissjoni jew lir-rappreżentanti tagħha li jwettqu aċċertamenti u ispezzjonijiet in situ.

(d)

Matul l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja, il-Kummissjoni għandha tissorvelja, permezz ta' valutazzjonijiet operattivi, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji, tal-proċeduri amministrattivi u tal-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni tal-benefiċjarju li huma rilevanti għall-finijiet tal-assistenza.

(e)

Il-ftehimiet konklużi fil-qafas ta' kull deċiżjoni speċifika għal pajjiż għandu jkun fihom dispożizzjonijiet intiżi li jiggarantixxu li, jekk jinstab li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja, benefiċjarju jkun imdaħħal f'atti ta' frodi jew ta' korruzzjoni jew f'attivitajiet illegali għad-dannu tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, din tal-aħħar ikollha d-dritt għar-ripagament totali tal-għotja u/jew għar-ripagament bikri tas-self.

12.   Rapport annwali

(a)

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja u għandha tressaq rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena.

(b)

Ir-rapport annwali għandu jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-benefiċjarji, kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika msemmija fil-punt 6(c).

(c)

Ir-rapport annwali għandu wkoll iforni informazzjoni aġġornata dwar ir-riżorsi baġitarji disponibbli fil-forma ta' self u għotjiet, fid-dawl tal-operazzjonijiet li qed jiġu previsti.

13.   Valutazzjoni

(a)

Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapporti ta' valutazzjoni ex post li jivvalutaw ir-riżultati u l-effiċjenza tal-operazzjonijiet ta' assistenza makrofinanzjarja kkompletati reċentement u sa liema punt dawn tal-aħħar ikkontribwew għall-objettivi tal-assistenza.

(b)

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta perjodikament, u tal-anqas kull erba' snin, il-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, billi tforni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'rassenja dettaljata tal-assistenza makrofinanzjarja. L-iskop ta' tali valutazzjoniet għandu jkun dak li taċċerta jekk l-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni ntlaħqux u jekk il-kundizzjonijiet tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż il-livell limitu stabbilit fil-punt 7(c), għadhomx sodisfatti, kif ukoll li tippermetti lill-Kummissjoni tifformula rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-operazzjonijiet futuri. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej jew multilaterali meta tipprovdi assistenza makrofinanzjarja.


(1)  Din il-valutazzjoni se tissejjes fuq rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja prevista fil-Qafas Strateġiku u Pjan ta' Azzjoni tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u għad-Demokrazija (Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, 25 ta' Ġunju 2012).


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

14.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/24


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 779/2013

tat-13 ta’ Awwissu 2013

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament dwar l-OKS unika) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0709 93 10

TR

138,1

ZZ

138,1

0805 50 10

AR

89,8

CL

100,4

TR

70,0

UY

107,6

ZA

102,4

ZZ

94,0

0806 10 10

EG

185,9

MA

161,8

MX

263,5

TR

156,3

ZZ

191,9

0808 10 80

AR

188,5

BR

106,6

CL

134,6

CN

74,0

NZ

136,5

US

164,7

ZA

110,9

ZZ

130,8

0808 30 90

AR

177,3

CL

146,4

NZ

194,4

TR

153,8

ZA

110,4

ZZ

156,5

0809 30

TR

146,5

ZZ

146,5

0809 40 05

BA

47,7

MK

61,9

TR

83,7

ZZ

64,4


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta’ oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

14.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/26


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Awwissu 2013

dwar l-ammonti trasferiti għas-sena finanzjarja 2014 mill-programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid għall-Iskema ta’ Pagament Uniku kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007

(notifikata bid-dokument C(2013) 5180)

(it-testi bil-Franċiż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol u bil-Malti biss huma awtentiċi)

(2013/430/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), partikolarment l-Artikolu 103za, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 103n tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi li l-allokazzjoni tal-fondi tal-Unjoni disponibbli kif ukoll il-limiti baġitarji għall-programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid huma stabbiliti fl-Anness Xb ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Skont l-Artikolu 103o tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jiddeċiedu, sal-1 ta’ Diċembru 2012, li jipprovdu appoġġ lill-vitikulturi għas-sena finanzjarja 2014 billi jallokaw drittijiet għall-pagament fi ħdan it-tifsira tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-Politika Agrikola Komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa (2).

(3)

L-Istati Membri li biħsiebhom jipprovdu l-appoġġ skont l-Artikolu 103o tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 nnotifikaw l-ammonti korrispondenti. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk l-ammonti.

(4)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ammonti trasferiti mill-programmi nazzjonali ta’ appoġġ previsti fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għall-Iskema ta’ Pagament Uniku stipulata fir-Regolament (KE) Nru 73/2009 għas-sena finanzjarja 2014 huma kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ Malta u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kummissjoni

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.


ANNESS

Ammonti trasferiti mill-programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid għall-Iskema ta’ Pagament Uniku (is-sena finanzjarja 2014)

(EUR 1000)

Sena finanzjarja

2014

Il-Ġreċja

16 000

Spanja

142 749

Il-Lussemburgu

588

Malta

402

Ir-Renju Unit

120


14.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/28


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Awwissu 2013

li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għas-sustanzi attivi ġodda benalassil-M u valifenalat

(notifikata bid-dokument C(2013) 5184)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/431/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikulari r-raba’ sub-paragrafu tal-Artikolu 8(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 80(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 80(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, id-Direttiva 91/414/KEE għandha tkompli tapplika għas-sustanzi attivi li għalihom ġiet adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/414/KEE qabel l-14 ta’ Ġunju 2011.

(2)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, fi Frar 2002 il-Portugall irċieva applikazzjoni mingħand ISAGRO IT għall-inklużjoni tas-sustanza attiva benalassil-M fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/35/KE (3) kkonfermat li d-dossier kien komplut u li seta’ jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Anness II u l-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f’Settembru tal-2005 l-Ungerija rċeviet applikazzjoni minngħand ISAGRO SpA għall-inklużjoni tas-sustanza attiva valifenalat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/586/KE (4) kkonfermat li d-dossier kien komplut u li seta’ jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-data u tal-informazzjoni tal-Anness II u l-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

(4)

Il-konferma li d-dossiers kienu kompluti kienet meħtieġa sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu eżaminati fid-dettall u sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jkollhom il-possibbiltà li jagħtu awtorizzazzjonijiet provviżorji, għal perjodi sa tliet snin, għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi kkonċernati, filwaqt li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/414/KEE u, partikolarment, il-kundizzjonijiet relatati mal-valutazzjoni dettaljata tas-sustanzi attivi u tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati b’dik id-Direttiva.

(5)

Għal dawn is-sustanzi attivi, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ġew ivvalutati, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi proposti mill-applikanti. L-Istati Membri relaturi ressqu l-abbozzi tar-rapporti evalwattivi rispettivi lill-Kummissjoni fit-21 ta’ Novembru 2003 (benalassilu-M) u fit-19 ta’ Frar 2008 (valifenalat).

(6)

Wara li ġew ippreżentati l-abbozzi tar-rapporti ta’ valutazzjoni mill-Istati Membri relaturi, instab li kien hemm bżonn li tintalab iktar informazzjoni mingħand l-applikanti u li l-Istati Membri relaturi jeżaminaw dik l-informazzjoni u jressqu l-valutazzjoni tagħhom. Għalhekk, l-eżami tad-dossiers għadu għaddej u mhux ser ikun possibbli li l-valutazzjoni tintemm fil-qafas ta’ żmien stipulat fid-Direttiva 91/414/KEE, moqrija flimkien mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/671/UE (5).

(7)

Peress li sa issal-evalwazzjoni għadha ma identifikat l-ebda raġuni għal tħassib immedjat, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jtawlu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji mogħtija għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi kkonċernati għal perjodu ta’ 24 xahar skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414/KEE, sabiex ikun jista’ jitkompla l-eżami tad-dossiers. Huwa mistenni li l-evalwazzjoni u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar approvazzjoni possibbli skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għas-sustanzi benalassil-M u valifenalat se jkunu tlestew fi żmien 24 xahar.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi benalassil-M jew valifenalat għal perjodu li jintemm fil-31 ta’ Awwissu 2015 l-aktar tard.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2015.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 52.

(4)  ĠU L 236, 31.8.2006, p. 31.

(5)  ĠU L 267, 12.10.2011, p. 19.


14.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/s3


AVVIŻ LILL-QARREJJA

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 69, 13.3.2013, p. 1), mill-1 ta’ Lulju 2013, l-edizzjoni elettronika biss tal-Ġurnal Uffiċjali għandha tiġi meqjusa awtentika u għandu jkollha effett legali.

Fejn ma jkunx possibbli li tiġi ppubblikata l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux previsti, l-edizzjoni stampata għandha tkun awtentika u għandu jkollha effett legali skont it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 216/2013.


14.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/s3


NOTA LILL-QARREJJA – KIF TIRREFERI GĦALL-ATTI

Mill-1 ta' Lulju 2013, il-mod ta' kif jiġu ċċitati l-atti nbidel.

Waqt il-perjodu ta' tranżizzjoni, il-metodu l-ġdid jibqa' jeżisti flimkien mal-qadim.