ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2013.159.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 159

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 56
11 ta' Ġunju 2013


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 530/2013 tal-10 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 531/2013 tal-10 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 341/2007 rigward is-sistema ta’ liċenzji tal-importazzjoni tat-tewm minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja

5

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 532/2013 tal-10 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva diossidu tal-karbonju ( 1 )

6

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 533/2013 tal-10 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 dwar l-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi 1-metil-ċiklopropin, klorotalonil, klorotoluron, ċipermetrin, daminożid, forklorfenuron, indoksakarb, tjofanat-metil u tribenuron ( 1 )

9

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 534/2013 tal-10 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

11

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2013/273/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2013 li taħtar tliet membri Maltin u tliet membri supplenti Maltin fil-Kumitat tar-Reġjuni

13

 

 

2013/274/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2008/855/KE fir-rigward ta’ miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali marbuta mad-deni klassiku tal-ħnieżer fl-Ungerija (notifikata bid-dokument C(2013) 3348)  ( 1 )

14

 

 

 

*

Avviż lill-qarrejja — Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Ara paġna 3 tal-qoxra)

s3

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

11.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 530/2013

tal-10 ta’ Ġunju 2013

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (2) jipprovdi preferenzi tariffarji li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2014. Skont ir-Regolament (UE) Nru 978/2012, sabiex jibbenefikaw mill-preferenzi tariffarji, il-prodotti li għalihom jintalbu l-preferenzi tariffarji għandhom joriġinaw f’pajjiż benefiċjarju.

(2)

Ir-regoli ta’ oriġini li fuq il-bażi tagħhom hija implimentata l-iskema tal-Unjoni ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (“l-iskema”) ġew adattati fl-2010 u huma stabbiliti fl-Artikoli 66 sa 97w tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (3). Il-bidliet previsti fir-Regolament (UE) Nru 978/2012 jikkonċernaw inter alia l-kopertura nazzjonali tal-iskema u għalhekk iħallu impatt fuq ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, speċjalment dawk dwar il-kumulazzjoni reġjonali. Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandu għalhekk jirrifletti dawk il-bidliet.

(3)

Għalhekk huwa meħtieġ li jkun previst li l-akkumulazzjoni reġjonali tapplika fost il-pajjiżi fl-istess grupp reġjonali biss fejn huma jkunu, fil-mument tal-esportazzjoni tal-prodott lejn l-Unjoni, il-benefiċjarji tal-iskema.

(4)

Huwa wkoll meħtieġ li jiġi previst li fejn il-pajjiżi ma jibqgħux benefiċjarji tal-iskema, uħud mill-obbligi tagħhom ikomplu japplikaw, b’mod partikolari fir-rigward tal-koperazzjoni amministrattiva, għal perjodu ta’ tliet snin mid-data tal-bidla tal-istatus tagħhom, bil-għan li tkun permessal-verifika sussegwenti tal-provi ta’ oriġini għall-prodotti esportati minn dawk il-pajjiżi.

(5)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandu għalhekk jiġi emendat f’dan is-sens.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 66 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 66

Din it-taqsima tistabbilixxi r-regoli li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinanti”, il-proċeduri u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva marbuta miegħu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (SPĠ) mogħtija mill-Unjoni Ewropea bir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (“l-iskema”).

(*1)   ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.”;"

(2)

L-Artikolu 67 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

“pajjiż benefiċjarju” tfisser pajjiż jew territorju kif definit fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 978/2012;”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   Għall-għan tal-paragrafu 1(a), fejn issir referenza għall-“pajjiż benefiċjarju”, it-terminu jkopri wkoll u ma jistax jaqbeż il-limiti tal-baħar territorjali ta’ dak il-pajjiż jew territorju skont it-tifsira tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, l-10 ta’ Diċembru 1982)”;

(3)

fl-Artikolu 70, il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Serje C) il-lista tal-pajjiżi benefiċjarji u d-data li fiha kienu meqjusa li ssodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 68 u 69. Il-Kummissjoni se taġġorna din il-lista meta pajjiż benefiċjarju ġdid jissodisfa l-istess kundizzjonijiet u meta pajjiż benefiċjarju ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet.

2.   Malli jiġu rilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa fl-Unjoni Ewropea, il-prodotti oriġinanti fit-tifsira ta’ din it-taqsima f’pajjiż benefiċjarju, jibbenefikaw mill-iskema biss bil-kundizzjoni li dawn ġew esportati fid-data, jew wara d-data, speċifikata fil-lista msemmija fil-paragrafu 1.”

(4)

L-Artikolu 71 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 71

1.   In-nuqqas ta’ konformità tal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż benefiċjarju mal-Artikoli 68(1), 69(2), 91, 92, 93 jew 97 g jew in-nuqqas sistematiku ta’ konformità mal-Artikolu 97h(2) jista’ skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, jinvolvi l-irtirar temporanju tal-preferenzi taħt l-iskema għal dak il-pajjiż.

2.   Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, fejn pajjiż jew territorju jkun tneħħa mil-lista tal-pajjiżi benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 70(1), l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 68, 88(1)(b), 97 g(1)(a), 97 g(3) u 97i(1)(b) ikomplu japplikaw għal dak il-pajjiż jew territorju għal perjodu ta’ tliet snin mid-data tat-tneħħija tiegħu minn dik il-lista.”;

(5)

fl-Artikolu 75, il-paragrafu 3 jinbidel li ġej:

“3.   Il-kundizzjoniiet fil-paragrafu 2 jistgħu jitwettqu individwalment fl-Istati Membri jew f’pajjiżi benefiċjarji differenti minħabba li l-pajjiżi benefiċjarji kollha jibbenefikaw mill-akkumulazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 86(1) u (5). F’dan il-każ, il-prodotti għandhom jitqiesu li għandhom l-oriġini tal-pajjiż benefiċjarju li taħt il-bandiera tiegħu jbaħħar il-bastiment jew il-bastiment fabbrika f’konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 2.

L-ewwel subparagrafu japplika biss sakemm il-kundizzjonijiet fi ħdan l-Artikolu 86(2)(a), (c) u (d) ikunu ġew issodisfati.”;

(6)

L-Artikolu 86 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b’dan li ġej:

“1.   L-akkumulazzjoni reġjonali tapplika għall-erba’ gruppi reġjonali separati li ġejjin:

(a)

Grupp I: il-Brunej, il-Kambodja, l-Indoneżja, il-Laos, il-Malasja, il-Filippini, Singapor, it-Tajlandja, il-Vjetnam;

(b)

Grupp II: il-Bolivja, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Peru, il-Venezwela;

(c)

Grupp III: il-Bangladexx, il-Butan, l-Indja, il-Maldive, in-Nepal, il-Pakistan, is-Sri Lanka;

(d)

Grupp IV: l-Arġentina, il-Brażil, il-Paragway u l-Urugway.

2.   L-akkumulazzjoni reġjonali bejn pajjiżi fl-istess grupp tapplika biss meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-pajjiżi involuti fl-akkumulazzjoni jkunu, fil-mument tal-esportazzjoni tal-prodott lejn l-Unjoni:

(i)

il-pajjiżi benefiċjarji sakemm is-sistema tal-esportatur reġistrat tkun għadha ma ġietx implimentata f’dawk il-pajjiżi;

(ii)

il-pajjiżi benefiċjarji inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 70(1) fejn is-sistema tal-esportatur reġistrat ġiet implimentata f’dawk il-pajjiżi;

(b)

għall-finijiet ta’ akkumulazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi ta’ grupp reġjonali, japplikaw ir-regoli tal-oriġini stabbiliti f’din it-Taqsima.

(c)

il-pajjiżi tal-grupp reġjonali jimpenjaw lilhom infushom biex:

(i)

jikkonformaw jew jiżguraw il-konformità ma’ din it-Taqsima, u

(ii)

jipprovdu l-kooperazzjoni amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta ta’ din it-Taqsima kemm fir-rigward tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll bejniethom;

(d)

l-impenji msemmija fil-punt (c) ġew innotifikati lill-Kummissjoni mis-Segretarjat tal-grupp reġjonali kkonċernat jew minn korp konġunt kompetenti ieħor li jirrappreżenta lill-membri kollha tal-grupp imsemmi.

Għall-għanijiet tal-punt (b), meta l-operazzjoni kwalifikanti stabbilita fil-Parti II tal-Anness 13a ma tkunx l-istess għall-pajjiżi kollha involuti fl-akkumulazzjoni, l-oriġini tal-prodotti esportati minn pajjiż għal pajjiż ieħor tal-grupp reġjonali għall-fini tal-akkumulazzjoni reġjonali għandha tkun iddeterminata abbażi tar-regola li tapplika kieku l-prodotti kienu qed jiġu esportati lejn l-Unjoni;

Meta l-pajjiżi fi grupp reġjonali, ikunu diġà konformi mal-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu, qabel l-1 ta’ Jannar 2011, ma jkunx meħtieġ impenn ġdid.”;

(b)

fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“4.   L-akkumulazzjoni reġjonali bejn pajjiżi fl-istess grupp reġjonali għandha tapplika biss bil-kundizzjoni li x-xogħol jew l-ipproċessar imwettaq fil-pajjiż benefiċjarju fejn il-materjali jiġu pproċessati aktar jew inkorporati, imur lil hinn mill-operazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 78(1) u, fil-każ tal-prodotti tessili, anki lil hinn mill-operazzjonijiet stipulati fl-Anness 16.”;

(c)

fil-paragrafu 5, il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2(a) u (b) huma ssodisfati, u”;

(7)

fl-Artikolu 88(1), il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

l-esportazzjoni minn pajjiż benefiċjarju għal ieħor għall-finijiet ta’ akkumulazzjoni reġjonali kif previst fl-Artikolu 86(1) u (5), bla ħsara għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 86(2)(b).”;

(8)

l-Artikolu 97k huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Meta pajjiż jew territorju huwa aċċettat jew aċċettat mill-ġdid bħala pajjiż benefiċjarju fir-rigward ta’ prodotti msemmija fir-Regolament (UE) Nru 978/2012, il-merkanzija oriġinanti f’dak il-pajjiż jew territorju għandha tibbenefika mis-sistema ġeneralizzata ta’ preferenzi bil-kundizzjoni li kienet esportata mill-pajjiż jew territorju benefiċjarju fid-data, jew wara d-data msemmija fl-Artikolu 97s.”;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi 6 u 7 li ġejjin:

“6.   Għall-finijiet tas-sottotaqsima 2 u 3, fejn pajjiż jew territorju jkun tneħħa mil-lista tal-pajjiżi benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 97s(2), l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 97k(2), 97l(5), 97t(3), (4), (6) u (7) u 97u(1) ikomplu japplikaw għal dak il-pajjiż jew territorju għal perjodu ta’ tliet snin mid-data tat-tneħħija tiegħu minn dik il-lista.

7.   L-obbligi msemmija fil-paragrafu 6 għandhom japplikaw għal Singapor għal perjodu ta’ tliet snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2014.”;

(9)

fl-Artikolu 97m, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Id-dikjarazzjoni tal-fattura tista’ ssir minn kwalunkwe esportatur li jopera f’pajjiż benefiċjarju għal kwalunkwe kunsinna li tikkonsisti f’pakkett wieħed jew aktar li jkun fih prodotti oriġinanti li l-valur totali tagħhom ma jaqbiżx is-EUR 6 000, u sakemm il-kooperazzjoni amministrattiva msemmija fl-Artikolu 97k(2) tapplika għal din il-proċedura.”;

(10)

fl-Artikolu 97s, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 97k(4), il-Kummissjoni se tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Serje ‘C’), id-data li fiha pajjiż jew territorju aċċetta jew aċċetta mill-ġdid bħala pajjiż benefiċjarju fir-rigward tal-prodotti msemmija fir-Regolament (UE) Nru 978/2012 issodisfa l-obbligi stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”;

(11)

l-Anness 13a huwa emendat kif ġej:

(a)

In-Nota Introduttiva 1.1 tinbidel b’dan li ġej:

“1.1.

Dan l-Anness jistabbilixxi regoli għall-prodotti kollha, imma l-fatt li prodott huwa inkluż fih ma jfissirx li huwa neċessarjament kopert mill-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (SPĠ). Il-lista ta’ prodotti koperti mis-SPĠ, il-firxa tal-preferenzi SPĠ u l-esklużjonijiet applikabbli għal ċerti pajjiżi benefiċjarji huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 978/2012 (għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2023).”;

(b)

In-Nota Introduttiva 2.5 tinbidel b’dan li ġej:

“2.5.

F’ħafna każijiet, ir-regola/i stabbilita/i fil-kolonna nru 3 tapplika għal kull pajjiż benefiċjarji elenkat fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. Madankollu, għal xi prodotti li joriġinaw f’pajjiżi benefiċjarji tal-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati, kif elenkati fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 (“pajjiżi benefiċjarji tal-pajjiżi l-anqas żviluppati”), għandha tapplika regola inqas stretta. F’dawn il-każijiet, il-kolonna 3 tinqasam f’żewġ sottokolonni, (a) u (b), bis-sottokolonna (a) turi r-regola applikabbli għall-pajjiżi benefiċjarji tal-pajjiżi l-anqas żviluppati u s-sottokolonna (b) turi regola applikabbli għal kull pajjiż benefiċjarji ieħor kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni Ewropea lejn pajjiż benefiċjarju għall-finijiet ta’ akkumulazzjoni bilaterali.”.

(12)

It-titolu tat-tielet kolonna tal-Anness 13b tinbidel b’dan li ġej: “Grupp I: il-Brunej, il-Kambodja, l-Indoneżja, il-Laos, il-Malasja, il-Filippini, Singapor, it-Tajlandja, il-Vjetnam”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(2)   ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.

(3)   ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


11.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 531/2013

tal-10 ta’ Ġunju 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 341/2007 rigward is-sistema ta’ liċenzji tal-importazzjoni tat-tewm minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 341/2007 (1) li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji u li jintroduċi sistema għal liċenzji tal-importazzjoni u ċertifikati ta’ oriġini għat-tewm u għal ċerti prodotti agrikoli oħra importati minn pajjiżi terzi.

(2)

L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 341/2007 joħloq distinzjoni bejn importaturi tradizzjonali u ġodda fir-rigward ta’ kummerċjanti li jistgħu japplikaw għal liċenzji tal-importazzjoni tat-tewm skont il-kwoti tariffarji li huma miftuħa u amministrati skont dak ir-Regolament.

(3)

Minħabba l-adeżjoni mistennija tal-Kroazja mal-UE fl-1 ta’ Lulju 2013, għandhom jiġu stabbiliti regoli tranżitorji biex jippermettu lill-importaturi fil-Kroazja jibbenefikaw mill-kwoti tal-importazzjoni bħala importaturi tradizzjonali. Dawn ir-regoli għandhom japplikaw biss sakemm jasal il-waqt li l-importaturi jkunu jistgħu jissodisfaw ir-regoli eżistenti.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 341/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 341/2007

Fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 341/2007, għandu jiżdied ir-raba’ sottoparagrafu li ġej:

“Għall-Kroazja, għall-perjodi tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni 2013/2014, 2014/2015 u 2015/2016:

(a)

il-punt (a) tal-ewwel sottoparagrafu ma għandux japplika; u wkoll

(b)

‘importazzjoni fl-Unjoni’ għandha tinftiehem bħala importazzjoni minn pajjiżi ta’ oriġini minbarra l-Istati Membri tal-Unjoni kif kostitwita fl-1 ta’ Lulju 2013.”

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ suġġett għad-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja u f’din l-istess data.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 90, 30.3.2007, p. 12.


11.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 532/2013

tal-10 ta’ Ġunju 2013

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva diossidu tal-karbonju

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE (1), u 91/414/KEE, u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-sustanza attiva diossidu tal-karbonju kienet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (3) skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 24b tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2229/2004 tat-3 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi aktar regoli fid-dettall għall-implimentazzjoni tar-raba’ stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (4). Wara s-sostituzzjoni tad-Direttiva 91/414/KEE permezz tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, din is-sustanza qed titqies bħala approvata skont dak ir-Regolament u hija elenkata fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (5).

(2)

Skont l-Artikolu 25a tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Awtorità”, ippreżentat lill-Kummissjoni l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni għad-diossidu tal-karbonju (6) fit-18 ta’ Diċembru 2012. L-Awtorità kkomunikat l-opinjoni tagħha dwar id-diossidu tal-karbonju lin-notifikatur. Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikatur biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-reviżjoni dwar id-diossidu tal-karbonju. L-abbozz dwar ir-rapport ta’ reviżjoni flimkien mal-opinjoni tal-Awtorità ġew reveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u fis-17 ta’ Mejju 2013 ġie ffinalizzat l-abbozz dwar ir-rapport ta’ reviżjoni fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għad-diossidu tal-karbonju.

(3)

Huwa kkonfermat li s-sustanza attiva diossidu tal-karbonju għandha titqies bħala approvata skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(4)

Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu u kif ukoll fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, huwa meħtieġ li jiġu emendati l-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tad-diossidu tal-karbonju fir-rigward tal-kwantitajiet massimi għall-impuritajiet rilevanti li ġejjin: fosfan, benżen, monossidu tal-karbonju, metanol, ċjanur tal-idroġenu.

(5)

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

(6)

Għandu jitħalla perjodu raġonevoli ta’ żmien qabel l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex l-Istati Membri, in-notifikatur u d-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom id-diossidu tal-karbonju jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-emenda tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(3)   ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89.

(4)   ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13.

(5)   ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1.

(6)  European Food Safety Authority; Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance carbon dioxide. Il-Ġurnal tal-EFSA 2013; 11(1):3053. [46 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2013.3053. Jinstab fuq l-Internet: www.efsa.europa.eu/efsajournal.


ANNESS

Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, ir-ringiela 225 dwar is-sustanza attiva diossidu tal-karbonju għandha tinbidel b’dan li ġej:

Numru

Isem Komuni, Numri tal-Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“225

diossidu tal-karbonju

Nru CAS 124-38-9

Nru CIPAC: 844

diossidu tal-karbonju

≥ 99,9 %

Impuritajiet rilevanti:

 

fosfan massimu ta’ 0,3 ppm v/v

 

benżen massimu ta’ 0,02 ppm v/v

 

monossidu tal-karbonju massimu ta’ 10 ppm v/v

 

metanol massimu ta’ 10 ppm v/v

 

ċjanur tal-idroġenu massimu ta’ 0,5 ppm v/v

fl-1 ta’ Settembru 2009.

fil-31 ta’ Awwissu 2019.

PARTI A

L-użi bħala fumigant biss jistgħu jiġu awtorizzati.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar id-diossidu tal-karbonju (SANCO/2987/2008) u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-17 ta’ Mejju 2013.

Il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu, fejn xieraq, miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju.”


11.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/9


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 533/2013

tal-10 ta’ Ġunju 2013

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 dwar l-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi 1-metil-ċiklopropin, klorotalonil, klorotoluron, ċipermetrin, daminożid, forklorfenuron, indoksakarb, tjofanat-metil u tribenuron

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod parikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (2), tistabbilixxi s-sustanzi attivi meqjusa bħala approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(2)

L-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi 1-metil,ċiklopropin, klorotalonil, klorotoluron, ċipermetrin, daminożid, forklorfenuron, indoksakarb, tjofanat-metil u tribenuron se jiskadu bejn it-28 ta’ Frar 2016 u l-31 ta’ Marzu 2016. Tressqu l-applikazzjonijiet għat-tiġdid ta’ dawn is-sustanzi attivi. Billi r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (3) japplikaw għal dawk is-sustanzi attivi, huwa neċessarju li jitħalla biżżejjed żmien biex l-applikanti jlestu l-proċedura tat-tiġdid skont dak ir-Regolament. Għaldaqstant, l-approvazzjonijiet ta’ dawk is-sustanzi attivi x’aktarx li se jiskadu qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħhom. Huwa għalhekk meħtieġ li l-perjodi tal-approvazzjoni tagħhom jiġu estiżi.

(3)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Fid-dawl tal-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, rigward każijiet fejn ma titressaq ebda dokumentazzjoni supplimentari skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012, mhux aktar tard minn 30 xahar qabel id-data tal-iskadenza rispettiva stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni se tistabbilixxi d-data ta’ skadenza fl-istess data bħal ta’ qabel ma jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament jew fl-aktar data qrib wara.

(5)

Fid-dawl tal-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fir-rigward ta’ każijiet fejn il-Kummissjoni se tadotta Regolament li jipprevedi li l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ma tiġġeddidx minħabba li l-kriterji għall-approvazzjoni mhumiex sodisfatti, il-Kummissjoni se tistabbilixxi d-data ta’ skadenza fl-istess data bħal ta’ qabel dan ir-Regolament jew fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament sakemm ma tiġġeddidx l-approvazzjoni tas-sustanza attiva, skont liema data tkun l-aktar tard.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)   ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1.

(3)   ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26.


ANNESS

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata kif ġej:

(1)

Fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 101, klorotalonil, id-data tat-28 ta’ Frar 2016 tinbidel bid-data tal-31 ta’ Ottubru 2017.

(2)

Fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 102, klorotoluron, id-data tat-28 ta’ Frar 2016 tinbidel bid-data tal-31 ta’ Ottubru 2017.

(3)

Fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 103, ċipermetrin, id-data tat-28 ta’ Frar 2016 tinbidel bid-data tal-31 ta’ Ottubru 2017.

(4)

Fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 104, daminożid, id-data tat-28 ta’ Frar 2016 tinbidel bid-data tal-31 ta’ Ottubru 2017.

(5)

Fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 105, tjofanat-metil, id-data tat-28 ta’ Frar 2016 tinbidel bid-data tal-31 ta’ Ottubru 2017.

(6)

Fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 106, tribenuron, id-data tat-28 ta’ Frar 2016 tinbidel bid-data tal-31 ta’ Ottubru 2017.

(7)

Fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 117, 1-metil-ċiklopropin, id-data tal-31 ta’ Marzu 2016 tinbidel bid-data tal-31 ta’ Ottubru 2017.

(8)

Fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 118, forklorfenuron, id-data tal-31 ta’ Marzu 2016 tinbidel bid-data tal-31 ta’ Ottubru 2017.

(9)

Fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 119, indoksakarb, id-data tal-31 ta’ Marzu 2016 tinbidel bid-data tal-31 ta’ Ottubru 2017.


11.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 534/2013

tal-10 ta’ Ġunju 2013

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

41,5

TN

30,0

TR

50,2

ZZ

40,6

0707 00 05

AL

36,9

EG

172,5

MK

68,9

TR

142,5

ZZ

105,2

0709 93 10

TR

144,2

ZZ

144,2

0805 50 10

AR

100,0

TR

95,7

ZA

106,6

ZZ

100,8

0808 10 80

AR

156,7

BR

105,0

CL

125,3

CN

75,1

NZ

128,6

US

156,6

ZA

112,3

ZZ

122,8

0809 10 00

IL

325,6

TR

194,0

ZZ

259,8

0809 29 00

IL

750,0

TR

437,9

US

809,0

ZZ

665,6


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ ZZ ” jirrappreżenta “ta’ oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

11.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ Ġunju 2013

li taħtar tliet membri Maltin u tliet membri supplenti Maltin fil-Kumitat tar-Reġjuni

(2013/273/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Malti,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ Diċembru 2009 u fit-18 ta’ Jannar 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet 2009/1014/UE (1) u 2010/29/UE (2) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2010 sal-25 ta’ Jannar 2015.

(2)

Konsegwentement għat-tmiem tal-mandat tas-Sinjura Claudette ABELA BALDACCHINO, is-Sur Michael COHEN u s-Sur Malcolm MIFSUD, saru vakanti s-siġġijiet ta’ tliet membri fil-Kumitat tar-Reġjuni. Konsegwentement għat-tmiem tal-mandat tas-Sinjura Doris BORG u tas-Sur Ian BORG saru vakanti s-siġġijiet ta’ żewġ membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni. Konsegwentement għall-ħatra tas-Sur Paul FARRUGIA bħala membru fil-Kumitat tar-Reġjuni, ser isir vakanti siġġu ta’ membru supplenti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huma b’dan maħturin membri fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, jiġifieri sal-25 ta’ Jannar 2015:

(a)

bħala membri:

Is-Sur Peter BONELLO, Mayor of San Ġiljan

Is-Sur FARRUGIA, Mayor of Ħal Tarxien

Dr Marc SANT, Councillor, Ħal Lija Local Council

kif ukoll

(b)

bħala membri supplenti:

Is-Sur Jesmond AQUILINA, Deputy Mayor of Ħal Qormi

Is-Sur Anthony MIFSUD, Councillor, Imtarfa Local Council

Is-Sur Raymond TABONE, Councillor, San Pawl il-Baħar Local Council.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-6 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SHATTER


(1)   ĠU L 348, 29.12.2009, p. 22

(2)   ĠU L 12, 19.1.2010, p. 11.


11.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/14


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Ġunju 2013

li temenda d-Deċiżjoni 2008/855/KE fir-rigward ta’ miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali marbuta mad-deni klassiku tal-ħnieżer fl-Ungerija

(notifikata bid-dokument C(2013) 3348)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/274/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/855/KE tat-3 ta’ Novembru 2008 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali marbuta mad-deni klassiku tal-ħnieżer f’ċerti Stati Membri (3) tistipula ċerti miżuri ta’ kontroll għad-deni klassiku tal-ħnieżer fl-Istati Membri jew fir-reġjuni tagħhom elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Dik il-lista tinkludi l-kontea ta’ Pest fl-Ungerija.

(2)

L-Ungerija għarrfet lill-Kummissjoni dwar żviluppi riċenti fir-rigward tad-deni klassiku tal-ħnieżer fit-territorju tal-kontea ta’ Pest elenkat fl-Anness tad-Deċiżjoni 2008/855/KE.

(3)

Dik l-informazzjoni tindika li d-deni klassiku tal-ħnieżer fit-territorju tal-kontea ta’ Pest inqered. Għaldaqstant, il-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2008/855/KE ma għandhomx jibqgħu japplikaw għal dik il-kontea u r-referenza għall-kontea ta’ Pest fil-lista stipulata fil-Parti I tal-Anness tagħha għandha titħassar.

(4)

Għalhekk, id-Deċiżjoni 2008/855/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2008/855/KE, il-punt 3 hu mħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)   ĠU L 302, 13.11.2008, p. 19.


11.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/s3


AVVIŻ LILL-QARREJJA

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 69, 13.3.2013, p. 1), mill-1 ta’ Lulju 2013, l-edizzjoni elettronika biss tal-Ġurnal Uffiċjali għandha tiġi meqjusa awtentika u għandu jkollha effett legali.

Fejn ma jkunx possibbli li tiġi ppubblikata l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux previsti, l-edizzjoni stampata għandha tkun awtentika u għandu jkollha effett legali skont it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 216/2013.