ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2013.155.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 155

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 56
7 ta' Ġunju 2013


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

 

2013/267/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2013 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-65 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar fir-rigward ta’ emendi għall-Iskema tal-Verifika tal-Kondizzjoni u fit-92 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima fir-rigward ta’ emendi għall-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sikurezza kif ukoll ta’ emendi għall-Kapitolu III tal-Konvenzjoni SOLAS u għall-Kodiċijiet ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u tal-2000 dwar dħul fi spazju magħluq u eżerċizzji tas-salvataġġ

1

 

 

2013/268/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2013 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fir-rigward tal-adozzjoni ta’ ċerti Kodiċijiet u emendi relatati f’ċerti konvenzjonijiet u protokolli

3

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 520/2013 tas-6 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

7

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/269/PESK tas-27 ta’ Mejju 2013 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jiffirmaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi

9

 

 

 

*

Avviż lill-qarrejja — Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Ara paġna 3 tal-qoxra)

s3

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

7.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Mejju 2013

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-65 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar fir-rigward ta’ emendi għall-Iskema tal-Verifika tal-Kondizzjoni u fit-92 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima fir-rigward ta’ emendi għall-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sikurezza kif ukoll ta’ emendi għall-Kapitolu III tal-Konvenzjoni SOLAS u għall-Kodiċijiet ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u tal-2000 dwar dħul fi spazju magħluq u eżerċizzji tas-salvataġġ

(2013/267/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu għandha timmira biex ittejjeb is-sikurezza marittima.

(2)

Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fl-64 sessjoni tiegħu f’Ottubru 2012 approva emendi għall-Iskema tal-Verifika tal-Kondizzjoni (Riżoluzzjoni MEPC.94(46)), li jirriżultaw mill-adozzjoni tal-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Ispezzjonijiet matul Stħarriġ ta’ Bulk Carriers u ta’ Tankers taż-Żejt 2011. Dawk l-emendi huma mistennija li jiġu adottati fil-65 sessjoni tal-MEPC, li se sseħħ mit-13 sas-17 ta’ Mejju 2013.

(3)

Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC) tal-IMO, imlaqqa’ fil-91 sessjoni tiegħu, approva emendi għall-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sikurezza (ISM) kif ukoll emendi għall-Kapitolu III tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, 1974 (SOLAS), għall-Kodiċijiet ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u tal-2000 u għall-Kodiċi ta’ Inġenji b’Sostenn Dinamiku. Dawk l-emendi huma mistennija li jiġu adottati fit-92 sessjoni tal-MSC, li se sseħħ f’Ġunju 2013.

(4)

L-emendi tal-Iskema tal-Verifika tal-Kondizzjoni (CAS) għal tankers taż-żejt b’buq wieħed se jimmodifikaw il-CAS biex tirriferi għall-aħħar (2011) Programm Imtejjeb ta’ Ispezzjonijiet matul Stħarriġ ta’ Bulk Carriers u ta’ Tankers taż-Żejt jew għall-Programm Imtejjeb ta’ Stħarriġ (ESP). Ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (1) jipprovdi għall-applikazzjoni tas-CAS.

(5)

L-emendi tal-Kodiċi ISM se jintroduċu kjarifiki speċifi għal dak il-Kodiċi f’termini tal-kunsiderazzjonijiet xierqa għall-forniment ta’ ekwipaġġ u tar-responsabbiltà għall-kompiti delegati relatati mal-ISM kif ukoll tal-inseriment ta’ noti rilevanti f’qiegħ il-paġna. Il-Kodiċi ISM, għalkemm stabbilit f’Anness tar-Regolament (KE) Nru 336/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sikurezza fi ħdan il-Komunità (2), huwa wkoll iddefinit f’dak ir-Regolament bħala ‘fil-verżjoni aġġornata” tiegħu. Ir-Regolament (KE) Nru 336/2006 jesiġi li l-vapuri koperti minnu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Parti A tal-Kodiċi ISM. Għalhekk il-bidliet li għandhom jiġu adottati fit-92 sessjoni tal-MSC se jkollhom effett ġuridiku dirett fuq dak ir-Regolament.

(6)

L-emendi għall-Kapitolu III tal-Konvenzjoni SOLAS fir-rigward tal-Kodiċijiet ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u tal-2000 kif ukoll tal-Kodiċi ta’ Inġenji b’Sostenn Dinamiku se jintroduċu fir-Regolament 19 tal-Kapitolu III tal-Konvenzjoni SOLAS, fil-Kapitolu 18 tal-Kodiċijiet ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u tal-2000 u fil-Kapitolu 17 tal-Kodiċi ta’ Inġenji b’Sostenn Dinamiku obbligu għat-taħriġ ta’ salvataġġ għal dawk il-membri tal-ekwipaġġ b’responsabbiltajiet ta’ ħidma fi spazji magħluqa. Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (3) tapplika speċifikament il-Kodiċijiet ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u tal-2000 għal inġenji domestiċi tal-passiġġieri b’veloċità għolja. Għal inġenji aktar antiki li għalihom il-Kodiċijiet ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja ma japplikawx, dik id-Direttiva tapplika l-Kodiċi ta’ Inġenji b’Sostenn Dinamiku ta’ qabel.

(7)

L-emendi li għandhom jiġu adottati fil-65 sessjoni tal-MEPC u fit-92 sessjoni tal-MSC jistgħu jitqiesu bħala żviluppi pożittivi u għalhekk għandhom jingħataw l-appoġġ tal-Unjoni.

(8)

L-Unjoni la hija Membru tal-IMO u lanqas parti kontraenti għall-Konvenzjonijiet u l-Kodiċijiet konċernati. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni fl-MEPC u fl-MSC u biex jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b’dawn l-emendi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-65 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-IMO għandha tkun li taqbel li jiġu adottati l-emendi għall-Iskema tal-Verifika tal-Kondizzjoni (ir-Riżoluzzjoni MEPC 94(46)), kif approvati minn dak il-kumitat fl-64 sessjoni tiegħu u kif stabbilit fl-Annessi 13 u 16 tad-dokument tal-IMO, MEPC 64/23/Add.1.

2.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni fit-92 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-IMO għandha tkun li taqbel li jiġu adottati l-emendi tal-Kodiċi ISM u tal-linji gwida relatati u l-introduzzjoni ta’ rekwiżit tat-taħriġ ġdid għas-salvataġġ fi spazji magħluqa fir-Regolament 19 tal-Kapitolu III tal-Konvenzjoni SOLAS, fil-Kapitolu 18 tal-Kodiċijiet ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u tal-2000 u fil-Kapitolu 17 tal-Kodiċi ta’ Inġenji b’Sostenn Dinamiku, kif approvati minn dak il-Kumitat fil-91 sessjoni tiegħu u kif stabbilit fl-Annessi 22, 30 u 31 tad-dokument tal-IMO, MSC 91/22/Add. 2, u fl-Anness 4 tad-dokument tal-IMO, MSC 92/3/1, rispettivament.

3.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif stipulata fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-IMO billi jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

4.   Jista’ jsir qbil dwar bidliet formali u minuri f’din il-pożizzjoni mingħajr il-ħtieġa ta’ emendament ta’ dik il-pożizzjoni.

Artikolu 2

L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikolu 1(1) u (2).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

S. COVENEY


(1)  ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3.

(2)  ĠU L 64, 4.3.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1.


7.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Mejju 2013

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fir-rigward tal-adozzjoni ta’ ċerti Kodiċijiet u emendi relatati f’ċerti konvenzjonijiet u protokolli

(2013/268/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-IMO fl-64 sessjoni tiegħu f’Ottubru 2012 u l-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC) tal-IMO fil-91 sessjoni tiegħu f’Novembru 2012 approvaw il-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-IMO (Kodiċi III). It-28 Assemblea tal-IMO hija mistennija tadotta dak il-Kodiċi f’Diċembru 2013.

(2)

L-MEPC fl-64 sessjoni tiegħu u l-MSC fil-91 sessjoni tiegħu approvaw ukoll Kodiċi tal-IMO dwar Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti (Kodiċi RO). L-MEPC huwa mistenni li jadotta dak il-Kodiċi fl-65 sessjoni tiegħu f’Mejju 2013 u l-MSC fit-92 sessjoni tiegħu f’Ġunju 2013.

(3)

L-MSC fil-91 sessjoni tiegħu approva emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linji tat-Tagħbija, 1966 (“Konvenzjoni dwar il-Linji tat-Tagħbija”); għall-Konvenzjoni dwar ir-Regolamenti Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta’ Kolliżjonijiet fuq il-Baħar, 1972; u għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunellaġġ, 1969 bil-għan li l-Kodiċi III jsir obbligatorju, flimkien ma’ skema assoċjata ta’ verifika tal-Istat tal-bandiera, għall-kunsiderazzjoni u adozzjoni mit-28 Assemblea tal-IMO.

(4)

L-MEPC fl-64 sessjoni tiegħu approva emendi għall-protokolli tal-1978 u l-1997 relatati mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, 1973 (“Konvenzjoni MARPOL”), bil-għan li l-Kodiċi III jsir obbligatorju, flimkien ma’ skema assoċjata ta’ verifika tal-Istat tal-bandiera. L-MEPC huwa mistenni li jadotta dawk l-emendi fis-66 sessjoni tiegħu fl-2014.

(5)

L-MSC fil-91 sessjoni tiegħu approva emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, 1974 (“Konvenzjoni SOLAS”) u l-protokoll tal-1988 għall-Konvenzjoni SOLAS, kif ukoll għall-protokoll tal-1988 relatat mal-Konvenzjoni dwar il-Linji tat-Tagħbija, 1966, bil-għan li l-Kodiċi III jsir obbligatorju, flimkien ma’ skema assoċjata ta’ verifika tal-Istat tal-bandiera. Fit-92 sessjoni tiegħu, li se ssir f’Ġunju 2013, l-MSC huwa mistenni li japprova emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, 1978 (“Konvenzjoni STCW”), bl-istess skop. L-MSC huwa mistenni li jadotta dawk l-emendi għall-Konvenzjoni SOLAS u għall-Konvenzjoni STCW fit-93 sessjoni tiegħu fl-2014.

(6)

L-MEPC fl-64 sessjoni tiegħu approva emendi għall-Protokoll tal-1978 li huma relatati mal-Konvenzjoni MARPOL bil-għan li l-Kodiċi RO jsir obbligatorju. L-MEPC huwa mistenni li jadotta dawk l-emendi fil-65 sessjoni tiegħu.

(7)

L-MSC fil-91 sessjoni tiegħu approva emendi għall-Konvenzjoni SOLAS u għall-protokoll tal-1988 li huma relatati mal-konvenzjoni dwar il-Linji tat-Tagħbija, bil-għan li l-Kodiċi RO jsir obbligatorju. L-MSC huwa mistenni li jadotta dawk l-emendi fit-92 sessjoni tiegħu.

(8)

Hekk kif jiġu adottati, l-emendi għal dawk il-konvenzjonijiet u protokolli se jiġu preżentati mis-Segretarju Ġenerali tal-IMO lill-partijiet kontraenti rispettivi sabiex dawn jesprimu l-kunsens tagħhom biex jintrabtu b’dawk l-emendi taċitament jew espressament, konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ kull konvenzjoni jew protokoll.

(9)

F’ebda mill-konvenzjonijiet u protokolli ma huma inklużi klawżoli li jeskludu l-formulazzjoni ta’ riżervi fir-rigward ta’ emendi.

(10)

L-abbozz tal-Kodiċi III huwa maħsub li jieħu post ir-Riżoluzzjoni A.1054(27) tal-Assemblea tal-IMO li tinkludi l-Kodiċi eżistenti għall-implimentazzjoni tal-istrumenti obbligatorji tal-IMO, li min-naħa tiegħu ħa post, wara bosta emendi, ir-Riżoluzzjoni A.847(20) tal-Assemblea tal-IMO, li l-Istati Membri, fir-rigward tar-responsabbiltà bħala Stat tal-bandiera rispettiva tagħhom, huma obbligati li japplikaw permezz tad-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (1).

(11)

Il-materja tal-Kodiċi RO hija regolata b’mod eżawrjenti mid-Direttiva 2009/15/KE u bir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (2), direttament jew b’referenza għal għadd ta’ riżoluzzjonijiet tal-IMO.

(12)

Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/15/KE tipprovdi li, wara l-adozzjoni ta’ strumenti jew protokolli ġodda għall-konvenzjonijiet internazzjonali msemmija fiha, il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi, b’kont meħud tal-proċeduri parlamentari tal-Istati Membri kif ukoll tal-proċeduri rilevanti fl-IMO, dwar l-arranġamenti dettaljati sabiex jirratifika dawk l-istrumenti jew protokolli ġodda, filwaqt li jiżgura li jiġu applikati b’mod uniformi u simultanju fl-Istati Membri. It-terminu “konvenzjonijiet internazzjonali” kif definit kemm fid-Direttiva 2009/15/KE kif ukoll fir-Regolament (KE) Nru 391/2009 jinkludi l-konvenzjonijiet SOLAS, MARPOL u tal-Linji tat-Tagħbija, flimkien mal-protokolli u l-emendi għal dawk il-konvenzjonijiet, u l-kodiċijiet relatati ta’ applikazzjoni obbligatorja, fil-verżjoni aġġornata tagħhom.

(13)

L-obbligi li għandhom l-Istati tal-bandiera taħt il-Konvenzjoni STCW huma koperti bid-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (3).

(14)

F’ċerti oqsma, ġew identifikati diskrepanzi possibbli bejn il-Kodiċi III u l-Kodiċi RO, minn naħa waħda, u atti legali tal-Unjoni, min-naħa l-oħra. Huwa neċessarju li tiġi żgurata l-konsistenza mal-liġi tal-Unjoni tal-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Kodiċi III u l-Kodiċi RO taħt il-konvenzjonijiet STCW, SOLAS, MARPOL u tal-Linji tat-Tagħbija, il-protokolli tagħhom u konvenzjonijiet u protokolli oħrajn li jagħmlu l-Kodiċi III u l-Kodiċi RO obbligatorji għall-Partijiet Kontraenti.

(15)

Id-Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera (4) tistipula għadd ta’ obbligi għall-Istati Membri bħala Stati tal-bandiera. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, l-obbligu għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji għal verifika tal-IMO tal-amministrazzjoni tagħhom li trid titwettaq minn tal-inqas darba kull seba’ snin. Madankollu, id-dispożizzjoni rilevanti għandha tiskadi sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Ġunju 2017, jew f’data aktar kmieni, kif stabbilit mill-Kummissjoni, jekk tkun daħlet fis-seħħ Skema obbligatorja ta’ Verifika ta’ Stati Membri tal-IMO.

(16)

Bl-eċċezzjoni ta’ dawk l-oqsma ta’ diskrepanza fir-rigward tal-liġi tal-Unjoni, l-abbozzi taż-żewġ Kodiċijiet għandhom, b’mod ġenerali, jitqiesu bħala żvilupp pożittiv sakemm jistabbilixxu standards globali għoljin similment għall-attivitajiet tal-Istati tal-bandiera u għall-organizzazzjonijiet rikonoxxuti. Għal dawk ir-raġunijiet, l-iżvilupp ta’ Kodiċi RO tal-IMO kien espliċitament previst fil-premessa (4) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009. Għalhekk, l-Unjoni għandha tappoġġa l-adozzjoni taż-żewġ Kodiċijiet bħala strumenti obbligatorji tal-IMO.

(17)

L-Unjoni la hija membru tal-IMO u lanqas hija Parti Kontraenti għall-konvenzjonijiet, regolamenti u protokolli konċernati. Għalhekk, huwa neċessarju għall-Kunsill li jawtorizza lill-Istati Membri biex jagħtu l-kunsens tagħhom biex jintrabtu, fl-interessi tal-Unjoni, bl-emendi għal dawk il-konvenzjonijiet u protokolli li se jagħmlu l-Kodiċi III u l-Kodiċi RO obbligatorji, flimkien ma’ skema assoċjata ta’ verifika tal-Istat tal-bandiera,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni fit-28 Assemblea tal-IMO għandha tkun li taqbel mal-abbozz tal-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-IMO, kif approvat mill-Kumitat għas-Sikurezza Marittima tal-IMO fil-91 sessjoni tiegħu u kif stipulat fl-Anness 16 tad-dokument MSC 91/22 tal-IMO.

2.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni fit-28 Assemblea tal-IMO għandha tkun li taqbel ma’ dawn li ġejjin:

(a)

emendi għar-Regolament 3 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I u l-inklużjoni ta’ Anness IV ġdid mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linji tat-Tagħbija, 1966 bil-għan li l-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-IMO jsir obbligatorju, flimkien ma’ skema assoċjata ta’ verifika tal-Istat tal-bandiera, kif approvat mill-Kumitat għas-Sikurezza Marittima tal-IMO fil-91 sessjoni tiegħu u kif stipulat fl-Anness 10 tad-dokument MSC 91/22 tal-IMO;

(b)

emendi għar-Regolament 2 tal-Anness I u l-inklużjoni ta’ Anness III ġdid mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunellaġġ, 1969 bil-għan li l-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-IMO jsir obbligatorju, flimkien ma’ skema assoċjata ta’ verifika tal-Istat tal-bandiera, kif approvat mill-Kumitat għas-Sikurezza Marittima tal-IMO fil-91 sessjoni tiegħu u kif stipulat fl-Anness 12 tad-dokument MSC 91/22 tal-IMO;

(c)

emendi għall-Konvenzjoni dwar ir-Regolamenti Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta’ Kolliżjonijiet fuq il-Baħar, 1972, bl-inklużjoni ta’ Parti F ġdida bil-għan li l-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-IMO jsir obbligatorju, flimkien ma’ skema assoċjata ta’ verifika tal-Istat tal-bandiera, kif approvat mill-Kumitat għas-Sikurezza Marittima tal-IMO fil-91 sessjoni tiegħu u kif stipulat fl-Anness 11 tad-dokument MSC 91/22 tal-IMO.

Artikolu 2

1.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-65 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-IMO għandha tkun li taqbel mal-abbozz tal-Kodiċi tal-IMO għall-Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti, kif approvat minn dak il-kumitat fl-64 sessjoni tiegħu u mill-Kumitat għas-Sikurezza Marittima tal-IMO fil-91 sessjoni tiegħu u kif stipulat fl-Anness 19 tad-dokument MSC 91/22 tal-IMO.

2.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-65 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-IMO għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi għar-Regolament 6 tal-Anness I u għar-Regolament 8 tal-Anness II għall-Protokoll tal-1978 relatat mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, 1973 bil-għan li l-Kodiċi tal-IMO għall-Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti jsir obbligatorju, kif approvat minn dak il-kumitat fl-64 sessjoni tiegħu u kif stipulat fl-Anness 23 tad-dokument MEPC 64/23 tal-IMO.

3.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni fis-66 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-IMO għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi għar-Regolament 1 tal-Anness I; l-inklużjoni ta’ Kapitolu 10 ġdid fl-Anness I; l-emendi għar-Regolament 1 tal-Anness II; l-inklużjoni ta’ Kapitolu 9 ġdid fl-Anness II; l-inklużjoni ta’ Kapitoli 1 u 2 ġodda fl-Anness III; l-emendi għar-Regolament 1 tal-Anness IV; l-inklużjoni ta’ Kapitolu 6 ġdid fl-Anness IV; l-inklużjoni ta’ Kapitoli 1 u 2 ġodda fl-Anness V; l-emendi għar-Regolament 2 tal-Anness VI; u l-inklużjoni ta’ Kapitolu 5 ġdid fl-Anness VI għall-protokolli tal-1978 u l-1997 relatati mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, 1973 bil-għan li l-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-IMO jsir obbligatorju, flimkien ma’ skema assoċjata ta’ verifika tal-Istat tal-bandiera, kif approvat minn dak il-kumitat fl-64 sessjoni tiegħu u kif stipulat fl-Anness 20 tad-dokument MEPC 64/23 tal-IMO.

Artikolu 3

1.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni fit-92 sessjoni tal-Kumitat għas-Sikurezza Marittima tal-IMO għandha tkun li taqbel mal-abbozz tal-Kodiċi tal-IMO għall-Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti, kif approvat minn dak il-kumitat fil-91 sessjoni tiegħu u mill-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-IMO fl-64 sessjoni tiegħu u kif stipulat fl-Anness 19 tad-dokument MSC 91/22 tal-IMO.

2.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni fit-92 sessjoni tal-Kumitat għas-Sikurezza Marittima tal-IMO għandha tkun li taqbel ma’ dawn li ġejjin:

(a)

emendi għar-Regolament 1 tal-Kapitolu XI-1 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, 1974 kif emendata (SOLAS 1974) bil-għan li l-Kodiċi tal-IMO għall-Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti jsir obbligatorju, kif approvat minn dak il-kumitat fil-91 sessjoni tiegħu u kif stipulat fl-Anness 20 tad-dokument MSC 91/22 tal-IMO;

(b)

emendi għar-Regolament 2-1 tal-Kapitolu I tal-Anness I mal-Protokoll tal-1988 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linji tat-Tagħbija, 1966 bil-għan li l-Kodiċi tal-IMO għall-Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti jsir obbligatorju, kif approvat minn dak il-kumitat fil-91 sessjoni tiegħu u kif stipulat fl-Anness 21 tad-dokument MSC 91/22 tal-IMO.

3.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni fit-93 sessjoni tal-Kumitat għas-Sikurezza Marittima tal-IMO għandha tkun li taqbel ma’ dawn li ġejjin:

(a)

emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, 1974 kif emendata (SOLAS 1974) bl-inklużjoni ta’ Kapitolu XIII ġdid bil-għan li l-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-IMO jsir obbligatorju, flimkien ma’ skema assoċjata ta’ verifika tal-Istat tal-bandiera, kif approvat minn dak il-kumitat fil-91 sessjoni tiegħu u kif stipulat fl-Anness 17 tad-dokument MSC 91/22 tal-IMO;

(b)

emendi għar-Regolament 3 tal-Kapitolu I tal-Anness I u l-inklużjoni ta’ Anness IV ġdid mal-Anness B għall-Protokoll tal-1988 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linji tat-Tagħbija, 1966 bil-għan li l-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-IMO jsir obbligatorju, flimkien ma’ skema assoċjata ta’ verifika tal-Istat tal-bandiera, kif approvat minn dak il-kumitat fil-91 sessjoni tiegħu u kif stipulat fl-Anness 18 tad-dokument MSC 91/22 tal-IMO.

4.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni fit-92 u t-93 sessjonijiet tal-Kumitat għas-Sikurezza Marittima tal-IMO għandha tkun li taqbel mal-approvazzjoni u mal-adozzjoni sussegwenti ta’ emendi adatti għall-Konvenzjoni dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħhara, 1978 bil-għan li l-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-IMO jsir obbligatorju, flimkien ma’ skema assoċjata ta’ verifika tal-Istat tal-bandiera.

Artikolu 4

1.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif stabbilita fl-Artikoli 1, 2 u 3 għandha tkun espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-IMO billi jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, u suġġett għad-dikjarazzjoni li tinsab fl-Anness.

2.   Jista’ jsir qbil dwar bidliet formali u minuri fil-pożizzjoni tal-Unjoni kif stabbilita fl-Artikoli 1, 2 u 3 mingħajr il-ħtieġa ta’ emendament ta’ dik il-pożizzjoni.

Artikolu 5

L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati li jagħtu l-kunsens tagħhom biex ikunu marbuta, fl-interess tal-Unjoni u suġġett għad-dikjarazzjoni li tinsab fl-Anness, bl-emendi msemmija fl-Artikolu 1(2), fl-Artikolu 2(2) u (3) u fl-Artikolu 3(2), (3) u (4).

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

S. COVENEY


(1)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 47.

(2)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11.

(3)  ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.

(4)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 132.


ANNESS

Dikjarazzjoni minn [daħħal l-isem tal-Istat Membru kontraenti]

[Daħħal l-isem tal-Istat Membru kontraenti] jikkunsidra li [Daħħal l-isem tal-Kodiċi rilevanti] fih sett ta’ rekwiżiti minimi li fuqhom l-Istati Membri jistgħu jelaboraw u jtejbu kif meħtieġ għat-tisħiħ tas-sikurezza marittima u għall-protezzjoni tal-ambjent.

B’mod partikolari, fir-rigward ta’ [Daħħal l-isem tal-Kodiċi rilevanti], [Daħħal l-isem tal-Istat Membru kontraenti] jixtieq jagħmilha ċara li xejn fl-imsemmi Kodiċi ma għandu jinftiehem li jirrestrinġi jew jillimita bi kwalunkwe mod it-twettiq tal-obbligi tiegħu taħt il-liġi tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’:

id-definizzjoni ta’ “ċertifikati statutorji” u “certificati ta’ klassi”;

il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u l-kriterji stipulati għal organizzazzjonijiet rikonoxxuti;

id-dmirijiet tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tar-rikonoxximent, il-valutazzjoni u, fejn ikun il-każ, l-impożizzjoni ta’ miżuri korrettivi jew sanzjonijiet fuq organizzazzjonijiet rikonoxxuti.

Fil-każ ta’ verifika tal-IMO, [Daħħal l-isem tal-Istat Membru kontraenti] se jiddikjara li hija biss il-konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li [Daħħal l-isem tal-Istat Membru kontraenti] jkun aċċetta, anke fit-termini ta’ din id-dikjarazzjoni, li għandha tiġi vverifikata.


REGOLAMENTI

7.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 520/2013

tas-6 ta’ Ġunju 2013

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

41,5

MA

51,3

MK

65,0

TN

27,9

TR

62,1

ZZ

49,6

0707 00 05

AL

36,9

MK

34,4

TR

163,2

ZZ

78,2

0709 93 10

TR

145,6

ZZ

145,6

0805 50 10

AR

100,7

TR

95,7

ZA

109,5

ZZ

102,0

0808 10 80

AR

166,8

BR

108,4

CL

125,9

CN

71,8

NZ

134,1

US

209,8

ZA

120,3

ZZ

133,9

0809 10 00

IL

325,6

TR

183,3

ZZ

254,5

0809 29 00

IL

750,0

TR

459,9

US

811,3

ZZ

673,7


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta’ oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

7.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/269/PESK

tas-27 ta’ Mejju 2013

li tawtorizza lill-Istati Membri biex jiffirmaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114 u 207(3) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-11 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar dawk il-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

(2)

Fit-2 ta’ April 2013, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat it-test tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi. L-Assemblea Ġenerali wkoll talbet lis-Segretarju-Ġenerali, bħala d-depożitarju tat-Trattat, biex jiftħu għall-iffirmar fit-3 ta’ Ġunju 2013 u appellat lill-Istati kollha biex jikkunsidraw li jiffirmawh u konsegwentement, f’konformità mal-proċessi kostituzzjonali rispettivi tagħhom, isiru Partijiet għat-Trattat fid-data l-aktar kmieni possibbli.

(3)

L-għan tat-Trattat huwa li jistabbilixxi l-ogħla standards internazzjonali komuni possibbli għar-regolamentazzjoni jew għat-titjib tar-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali, biex ikun prevenut u jiġi eradikat il-kummerċ illeċitu tal-armi konvenzjonali u biex tkun prevenuta d-devjazzjoni tagħhom. L-Istati Membri esprimew is-sodisfazzjon tagħhom bl-eżitu tan-negozjati u wrew ir-rieda tagħhom li jipproċedu b’mod urġenti għall-iffirmar tat-Trattat.

(4)

Uħud mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat jikkonċernaw materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni billi jaqgħu fl-ambitu tal-Politika Kummerċjali Komuni jew jinċidu fuq ir-regoli tas-Suq Intern għat-trasferimenti ta’ armi konvenzjonali u splussivi.

(5)

L-Unjoni Ewropea ma tistax tiffirma t-Trattat, billi huma l-Istati biss li jistgħu jkunu Partijiet għalih.

(6)

Għalhekk, b’konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward ta’ dawk il-materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, il-Kunsill għandu jawtorizza lill-Istati Membri biex jiffirmaw it-Trattat fl-interessi tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fir-rigward ta’ dawk il-materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, l-Istati Membri huma b’dan awtorizzati jiffirmaw it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi fl-interessi tal-Unjoni.

Artikolu 2

L-Istati Membri huma mħeġġa jiffirmaw it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi fiċ-Ċerimonja Solenni fi New York, fit-3 ta’ Ġunju 2013, jew fid-data l-aktar kmieni possibbli.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


7.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/s3


AVVIŻ LILL-QARREJJA

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 69, 13.3.2013, p. 1), mill-1 ta’ Lulju 2013, l-edizzjoni elettronika biss tal-Ġurnal Uffiċjali għandha tiġi meqjusa awtentika u għandu jkollha effett legali.

Fejn ma jkunx possibbli li tiġi ppubblikata l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux previsti, l-edizzjoni stampata għandha tkun awtentika u għandu jkollha effett legali skont it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 216/2013.