ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2013.012.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 12

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 56
16ta' Jannar 2013


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2013/8/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar il-miżuri SA. 27420 (C 12/2009) (ex N 19/2009) implimentati mill-Finlandja għal Osuuskunta Karjaportti (notifikata bid-dokument numru C(2012) 3249)  ( 1 )

1

 

 

2013/9/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Lulju 2012 dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru SA.33114 (2012/C) (ex. 2011/NN) – il-Polonja Għajnuna li allegatament ngħatat lit-tarzna CRIST (notifikata bid-dokument numru C(2012) 5057)  ( 1 )

38

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

16.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 12/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta' Ġunju 2012

dwar il-miżuri SA. 27420 (C 12/2009) (ex N 19/2009) implimentati mill-Finlandja għal Osuuskunta Karjaportti

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 3249)

(Il-verżjonijiet bil-Finlandiż u bl-Isvediż biss huma awtentiċi)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/8/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62 (1) (a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ikkwotati hawn fuq u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ Jannar 2009, il-Finlandja nnotifikat lill-Kummissjoni bl-għajnuna ta’ salvataġġ li tikkonsisti f’garanzija u f'posponiment tad-dejn lil Osuuskunta Karjaportti (minn hawn ’il quddiem “Karjaportti”; fil-mument tan-notifika kienet magħrufa bħala Järvi-Suomen Portti Osuuskunta). Permezz ta’ ittri datati l-5 ta’ Frar 2009, il-11 ta’ Frar 2009, is-16 ta’ Frar 2009 u l-20 ta’ Frar 2009, il-Finlandja pprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni ulterjuri.

(2)

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ April 2009, il-Kummissjoni informat lill-Finlandja li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108 (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (2) fir-rigward tal-miżuri nnotifikati u miżuri diversi mogħtija fil-passat. Wara dik id-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Finlandja ppreżentat informazzjoni ulterjuri lill-Kummissjoni b’ittra datata t-13 ta’ Mejju 2009.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri ta’ għajnuna.

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn parti interessata waħda. Hija bagħtithom lill-Finlandja, li ngħatat l-opportunità li tikkummenta. Dawn il-kummenti waslu permezz ta’ ittra datata t-28 ta’ Awwissu 2009. Il-Finlandja pprovdiet aktar informazzjoni permezz ta’ ittra elettronika datata t-3 ta’ Novembru 2009.

(5)

Permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni informat lill-Finlandja li hija kienet iddeċidiet li testendi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108 (2) tat-TFUE fir-rigward ta’ miżuri ta’ għajnuna addizzjonali mogħtija fil-passat. Il-Finlandja ssottomettiet aktar informazzjoni b’ittra datata t-12 ta’ Frar 2010.

(6)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li testendi l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri ta’ għajnuna. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment ieħor mill-partijiet interessati.

(7)

Fl-1 ta’ Marzu 2010, il-Finlandja infurmat lill-Kummissjoni li hija kienet irtirat in-notifika dwar il-garanzija favur Karjaportti. Permezz ta’ ittra datata s-26 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni informat lill-Finlandja li hija kienet sejra tittratta l-irtirar tan-notifika tal-garanzija fid-deċiżjoni finali, flimkien mal-miżuri l-oħra taħt valutazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet xi mistoqsijiet lill-Finlandja, li l-Finlandja wieġbet b’ittra datata t-22 ta’ April 2010. Il-Kummissjoni bagħtet talba għal tagħrif lill-Finlandja fil-15 ta’ Lulju 2010, li għaliha l-Finlandja wieġbet fl-20 ta’ Awwissu 2010. Il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni fit-28 ta’ Settembru 2010, li għaliha l-Finlandja wieġbet fid-29 ta’ Novembru 2010. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra datata s-16 ta’ Novembru 2011. Il-Finlandja ssottomettiet din l-informazzjoni fis-16 ta’ Diċembru 2011.

2.   IL-BENEFIĊJARJU

2.1.   Il-kooperattiva Karjaportti

(8)

Karjaportti hija kumpanija kooperattiva li tinsab f’Mikkeli, b’faċilitajiet ta’ produzzjoni f’Mikkeli u Kouvola, it-tnejn fil-Lvant tal-Finlandja (Itä-Suomi), reġjun eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107 (3) (c) tat-TFUE. Il-kooperattiva kienet oriġinarjament stabbilita fl-1914. Fl-1950 ingħatat l-isem ta’ Osuusteurastamo Karjaportti; mill-31 ta’ Diċembru 2002 saret magħrufa bħala Järvi-Suomen Portti Osuuskunta u mill-14 ta’ Diċembru 2010, saret magħrufa bħala Karjaportti. Sal-lum, Karjaportti timpjega 300 ruħ b’mod permanenti u bejn 100 u 120 ħaddiem ieħor b'mod staġjonali matul ir-rebbiegħa u s-sajf.

(9)

Karjaportti hija attiva fil-manifattura tal-ikel, jiġifieri fil-qasam tal-ipproċessar tal-laħam fi prodotti bħal pulpetti u zalzett. Barra minn hekk, il-kooperattiva tbiegħ laħam ippakkjat, biċċiet tal-laħam u karkassi. Karjaportti ftit tesporta lejn Stati Membri oħra.

2.2.   Il-qagħda finanzjarja ta’ Karjaportti

(10)

Mill-1 ta’ Diċembru 2004, Karjaportti hija soġġetta għal proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti skont l-Att 47/1993 dwar ir-Ristrutturar tal-Impriżi (5) (minn hawn ’il quddiem “proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti”; għal aktar informazzjoni dettaljata dwar il-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti ara l-premessi 31 - 43).

(11)

Id-dettalji dwar il-qagħda finanzjarja ta’ Karjaportti qabel u matul il-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti huma pprovduti fil-Tabella li ġejja:

Tabella I

It-tagħrif finanzjarju prinċipali ta’ Karjaportti f’EURO

Sena

Fatturat

Riżultat operattiv

Riżultat nett (qligħ/telf)

Defiċit għall-perjodi ta’ kontabilità preċedenti

Kapital ta’ ishma / Riżervi u kontinġenza

Bilanċ ta’ interess

2000

139 620 882

8 682

–1 169 091

 

7 681 411 / 10 247 107

8 893 097

2001

139 748 861

2 082 662

549 865

 

7 812 809 / 9 078 473

9 442 963

2002

135 781 234

2 259 488

14 382

 

7 783 428 / 9 559 942

17 357 751

2003

128 354 480

–3 299 914

–6 009 055

 

7 585 778 / 9 506 525

11 083 248

2004

125 849 631

–3 972 464

–10 686 420

 

7 234 608 / 3 497 953

46 141

2005

101 507 619

–6 629 915

–9 235 908

–7 404 955

7 772 913 / 216 662

–8 651 289

2006

99 802 293

–3 485 054

4 277 565

–16 640 864

8 141 610 / 216 662

–4 005 028

2007

86 962 069

–8 916 539

–7 943 878

–12 363 299

6 244 277 / 216 662

–13 846 239

2008

80 901 753

–3 791 985

–2 770 037

–20 307 178

5 768 185 / 216 662

–17 092 368

2009

64 793 763

305 936

–2 124 435

–23 077 214

5 077 160 / 216 662

–19 907 828

(12)

Fis-sena 2008, l-awtoritajiet tat-Taxxa Finlandiżi ppreżentaw darbtejn lil Karjaportti għal proċeduri ta’ falliment. Fl-ewwel preżentazzjoni, fis-7 ta’ Ottubru 2008, huma ppreżentaw mandat biex tħallas EUR 461 579. L-awtoritajiet tat-taxxa mbagħad irtiraw din il-preżentazzjoni. Fl-1 ta’ Diċembru 2008 saret preżentazzjoni mill-ġdid ta’ mandat biex tħallas EUR 981 658. Il-proċeduri ta’ falliment kontra Karjaportti ingħalqu sa minn Ġunju 2009 peress li l-kooperattiva ħallset id-dejn pendenti lill-awtoritajiet tat-taxxa.

3.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI

(13)

Il-miżuri kkunsidrati jikkonsistu f’miżuri mogħtija mill-Belt ta’ Mikkeli, fejn tinsab Karjaportti, u miżuri mogħtija minn Finnvera Oyj (iktar ’il quddiem imsejħa “Finnvera”). Finnvera hija kumpanija ta’ finanzjament speċjalizzata, proprjetà tal-Istat tal-Finlandja u hija l-Aġenzija uffiċjali ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni tal-Finlandja (6). F’dan li ġej, l-ewwel jiġu deskritti l-miżuri mogħtija mill-Belt ta’ Mikkeli (Taqsima 3.1.), u wara l-miżuri mogħtija minn Finnvera (Taqsima 3.2.).

3.1.   Miżuri mogħtija mill-Belt ta’ Mikkeli

3.1.1.   Garanzija mogħtija fit-12 ta’ Ġunju 2000 (miżura 1) u Għoti ta’ art (miżura 2)

(14)

Miżura 1: Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2000, il-Kunsill tal-Belt ta’ Mikkeli ta garanzija assoluta (“takaus”) lil Karjaportti, li tkopri 100 % ta’ self fil-futur li jammonta għal FIM 25 miljun (madwar EUR 4,2 miljun (7)). Is-self ingħata lil Karjaportti f’Settembru 2000 b’rata ta’ imgħax fissa ta’ 5.35 % u għal 10 snin mill-bank Tapiola Pankki Oy (‘Tapiola’). Fl-istess ħin, il-garanzija ġiet implimentata mill-Bord tal-Belt ta’ Mikkeli, li ffirma l-ftehim ta’ garanzija. Il-garanzija ngħatat mingħajr ħlas ta’ garanzija u bħala garanzija assoluta fejn il-garanti huwa responsabbli għad-dejn prinċipali daqs li kieku kien id-dejn stess tal-garanti, li jfisser li l-kreditur jista’ jitlob il-ħlas lura tad-dejn prinċipali mill-garanti meta d-dejn prinċipali jsir dovut. Is-self garantit ingħata sabiex jiġi ffinanzjat il-bini ta’ faċilità ta’ produzzjoni fid-distrett ta’ Tikkala f’Mikkeli (8).

(15)

Il-garanzija kienet kollateralizzata permezz ta’ ipoteki diġà eżistenti fuq il-proprjetà immobbli b’valur reġistrat ta’ FIM 7,5 miljun (EUR 1 261 409) (9). Meta kienet ingħatat l-ewwel miżura, madwar FIM 3 miljuni tal-ipoteki fuq il-proprjetà immobbli kienu disponibbli bħala kollaterali. Barra minn hekk, il-garanzija kienet kollateralizzata permezz ta’ ipoteki kummerċjali (10) b’valur reġistrat ta’ FIM 25 miljun u FIM 30,5 miljun rispettivament fuq assi mobbli ta’ Karjaportti.

(16)

Meta bdew il-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti f’Diċembru 2004, Tapiola talab il-ħlas tad-djun pendenti ta’ Karjaportti mill-Belt ta’ Mikkeli taħt il-garanzija. Wara li għamlet dawn il-ħlasijiet lil Tapiola, il-Belt ta’ Mikkeli daħlet bħala kreditur ta’ Karjaportti minflok Tapiola (ara l-premessa 34).

(17)

Miżura 2: Fis-sena 2000 ukoll, Karjaportti ġiet assenjata biċċa art għall-bini tal-faċilità ta’ produzzjoni f’Tikkala mid-distrett rurali ta’ Mikkeli (11). Id-daqs tal-plott kien ta’ 152 366 m2 u l-Belt ta’ Mikkeli pprovdietu mingħajr konsiderazzjoni għal Karjaportti, jiġifieri, ma tħallas l-ebda prezz tax-xiri. Barra minn hekk, il-Belt ta’ Mikkeli għamlet impenn li tittrasferixxi l-art lesta għall-kostruzzjoni. Għal dan il-għan, il-Belt ta’ Mikkeli ħallset lura lil Karjaportti l-ispejjeż ta’ twittija tal-art, li kienu jammontaw għal FIM 2 000 000 (madwar EUR 336 376) (12).

(18)

Miżuri oħra ngħataw lil Karjaportti għall-kostruzzjoni tal-faċilità ta’ produzzjoni f’Tikkala. Finnvera tat self u garanziji ta’ FIM 20 000 000 (madwar EUR 3 363 759) u l-Ministeru tal-Impjiegi u l-Ekonomija (dak iż-żmien: il-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija) ta għotjiet diretti li kienu jammontaw għal FIM 15 000 000 (madwar EUR 2 552 819.

(19)

B’mod ġenerali, il-miżuri deskritti fil-premessi 14-18 li kellhom jiġu pprovduti għall-kostruzzjoni tal-faċilità ta’ produzzjoni f’Tikkala kellhom valur nominali ta’ FIM 63 783 719 (madwar EUR 10 757 652). L-ekwivalenti ta’ għotja gross tal-miżuri mogħtija kien jammonta għal EUR 3 617 143, skont il-ħarsa ġenerali pprovduta fit-Tabella li ġejja:

Tabella II

Ekwivalenti ta’ għotja gross tal-miżuri mogħtija f’EURO

Miżura

Ammont

Ekwivalenti ta’ għotja gross

Garanzija tal-Belt ta’ Mikkeli

4 204 698

345 786

Għoti ta’ art mill-Belt ta’ Mikkeli

300 000

300 000

Twittija tas-sit imħallsa mill-Belt ta’ Mikkeli

336 376

336 376

Self mingħand Finnvera

1 681 879

82 162

Għotjiet diretti mill-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija

2 552 819

2 552 819

TOTAL

10 757 652

3 617 143

(20)

L-ekwivalenti ta’ għotja gross tal-garanzija mogħtija mill-Belt ta’ Mikkeli ġie kkalkulat mill-Finlandja b’dan il-mod: hija qabblet ir-rata tas-suq għal garanzija komparabbli (1.75 %) għall-primjum tal-garanzija effettivament mitlub mill-Belt ta’ Mikkeli (0 %). L-element ta’ għajnuna tal-garanzija huwa daqs id-differenza bejn iż-żewġ primjums, jiġifieri 1.75 %. Kieku l-Belt ta’ Mikkeli talbet primjum b’dik ir-rata, kienet tiġbor FIM 2 406 250 bħala primjums matul il-validità tal-garanzija ta’ 10 snin, li skontati bir-rata ta’ 5.7 % fid-data li ngħatat il-garanzija kienu jammontaw għal FIM 1 055 949 (madwar EUR 345 786).

(21)

L-ekwivalenti ta’ għotja gross għas-self mingħand Finnvera ġie kkalkulat mill-Finlandja fil-mod li ġej: Hija qabblet l-imgħax li Finnvera talab għas-self (6 xhur EURIBOR flimkien ma’ 1.75 %) mar-rata ta’ referenza skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-metodu għall-istabbiliment ta-rati ta’ referenza u ta’ skont (13) li kienet valida fiż-żmien li ngħata s-self. L-element ta’ għajnuna huwa daqs id-differenza bejn iż-żewġ rati għat-tul tas-self (10 snin). Il-kummissjoni li Karjaportti kellha tħallas għas-self (0.5 %) kienet imnaqqsa mir-riżultat tal-kalkolu. Skontat bir-rata ta’ 5.7 %, fid-data li ngħatat il-garanzija, l-element ta’ għajnuna kien ta’ EUR 82 162.

(22)

L-ispejjeż ta’ investiment eliġibbli ġew ikkalkulati fuq il-bażi tal-ispejjeż marbuta mal-prezzijiet tal-akkwist, skont it-tqassim ipprovdut fit-Tabella li ġejja:

Tabella III

Tqassim tal-ispejjeż tal-proġett marbuta mal-prezzijiet tal-akkwist f’EURO

Art u Bini

14 208 192

Makkinarju u tagħmir

11 155 379

Tagħmir/softwer għall-uffiċċji

572 356

TOTAL

25 935 928

(23)

L-element ta’ għajnuna ta’ EUR 3 617 143 jikkorrispondi għal intensità ta’ għajnuna ta’ 13.95 % tal-ispejjeż totali eliġibbli ta’ EUR 25 935 928.

(24)

Karjaportti kienet applikat għall-miżuri mogħtija mill-Belt ta’ Mikkeli qabel ma beda x-xogħol fuq il-proġett ta’ investiment (14). Il-Finlandja kienet ħadet dawn il-miżuri sabiex tippromwovi l-iżvilupp reġjonali. Is-sit tal-produzzjoni l-ġdid għandu jtella’ l-għadd ta’ impjiegi fir-reġjun minn madwar 400 għal 550 jew 600.

3.1.2.   Xiri ta’ Art (miżura 3)

(25)

Fit-28 ta’ Frar 2002, il-Belt ta’ Mikkeli xtrat sitt proprjetajiet u bini wieħed b’kirjiet relatati mingħand Karjaportti. Il-prezz tax-xiri mħallas kien ta’ EUR 6 646 787 (15). Fid-data tal-għeluq tax-xiri tal-proprjetajiet mill-Belt ta Mikkeli, u fil-każ ta’ proprjetà waħda, fid-data meta l-pussess tagħha ġie ttrasferit lill-Belt ta’ Mikkeli, il-proprjetajiet ma kellhomx ipoteki fuqhom.

3.1.3.   Garanzija mogħtija fit-8 ta’ Marzu 2004 (miżura 4)

(26)

B’deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2004, il-Kunsill tal-Belt ta’ Mikkeli ta garanzija li tkopri 100 % ta’ self ta’ EUR 607 054 li kellu jingħata minn Tapiola. Fl-14 ta’ April 2004, is-self ingħata b’rata ta’ imgħax fissa ta’ 4 % għal 10 snin. Il-garanzija ngħatat mingħajr tariffa ta’ garanzija u bħala garanzija assoluta. Is-self u l-garanzija rispettivament ingħataw biex jissostitwixxu self mogħti minn Tapiola li għalih il-Belt ta’ Mikkeli kienet oriġinarjament tat garanzija b’deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 1992. Is-self oriġinali kien jammonta għal FIM 7,5 miljun (EUR 1 261 409) u ngħata b’rata ta’ imgħax ta’ 4.5 % għal perjodu ta’ 10 snin.

(27)

Il-garanzija kienet kollateralizzata permezz tal-ipoteki tal-proprjetà fuq is-sit tal-produzzjoni ta’ Tikkala li kienu diġà użati bħala kollateral għall-miżura 1. Barra minn hekk, il-Belt ta’ Mikkeli kellha ipoteka kummerċjali b’valur irreġistrat fir-reġistru tal-ipoteki kummerċjali ta’ FIM 25 miljun. Din l-ipoteka kummerċjali wkoll kienet diġà ntużat bħala kollateral għall-miżura 1.

(28)

Meta bdew il-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti f’Diċembru 2004, Tapiola talab il-ħlas tad-djun pendenti ta’ Karjaportti mill-Belt ta’ Mikkeli taħt il-garanzija. Wara li għamlet dawn il-pagamenti, il-Belt ta’ Mikkeli daħlet bħala kreditur ta’ Karjaportti minflok Tapiola (ara l-premessa 34).

3.1.4.   Garanzija mogħtija fl-10 ta’ Mejju 2004 (miżura 5)

(29)

B’deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2004, il-Kunsill tal-Belt ta’ Mikkeli ta garanzija assoluta li kopriet 100 % ta’ self ta’ EUR 1,7 miljun li kellu jingħata minn Tapiola. Sussegwentement, fit-8 ta’ Ġunju 2004, Tapiola iddeċieda li jagħti s-self ta’ investiment fuq tliet snin li jammonta għal EUR 1,7 miljun b’rata ta’ imgħax varjabbli ta’ 12-il xahar EURIBOR flimkien ma’ marġni fiss ta’ 0.3 %. Il-garanzija ngħatat mingħajr ħlas ta’ garanzija u bħala garanzija assoluta. Il-garanzija kienet kollateralizzata permezz tal-istess ipoteka tal-proprjetà fuq is-sit tal-produzzjoni ta’ Tikkala bħall-miżura 1 u l-miżura 4 u l-istess ipoteka kummerċjali (16), miżmuma mill-Belt ta’ Mikkeli. Barra minn hekk, il-Belt ta’ Mikkeli rċeviet strument ġdid ta’ ipoteka kollaterali b’valur reġistrat ta’ EUR 1 135 268 fuq is-sit tal-produzzjoni ta’ Tikkala bħala rahan speċjali.

(30)

Meta bdew il-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti f’Diċembru 2004, Tapiola talab il-ħlas tad-djun pendenti ta’ Karjaportti mill-Belt ta’ Mikkeli taħt il-garanzija. Wara li għamlet dawn il-pagamenti, il-Belt ta’ Mikkeli daħlet bħala kreditur ta’ Karjaportti minflok Tapiola (ara l-premessa 34).

3.1.5.   Miżuri meħuda fi ħdan il-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti (miżura 6)

(31)

Fis-17 ta’ Novembru 2004, Karjaportti, flimkien mal-kredituri Nordea Bank Finland Abp (minn hawn ’il quddiem ‘Nordea Bank’), Nordea Rahoitus Suomi Oy (minn hawn ’il quddiem ‘Nordea Financing’) u ÖKO Osuuspankkien Keskuspankki Oyj (mill-1 ta’ Marzu 2008, din il-kumpanija ġiet imsemmija Pohjola Pankki Oyj; minn hawn ’il quddiem ‘ÖKO / Pohjola Bank’) ippreżentat għal proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti quddiem il-Qorti Distrettwali ta’ Mikkeli. Skont il-liġi Finlandiża, proċeduri ta’ ristrutturar jistgħu jsiru sabiex jiġi rrijabilitat negozju vijabbli ta’ debitur f’diffikultà, biex tiġi żgurata l-vijabbiltà kontinwa tiegħu u biex jintlaħqu l-arranġamenti tad-dejn (17). Il-proċeduri ssorveljati mill-qorti li jirrigwardaw lil Karjaportti infetħu permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Mikkeli fl-1 ta’ Diċembru 2004. Legalment, mill-bidu, id-debitur ma jkunx permess li jħallas lura d-djun ta’ ristrutturar jew li jipprovdi garanzija għal dawn id-djun (18). Id-djun ta’ ristrutturar huma kollha djun akkumulati qabel id-data tal-bidu.

(32)

Sussegwentement, ġie sottomess programm ta’ ristrutturar lill-Qorti Distrettwali fit-23 ta’ Ġunju 2005 u programm ta’ ristrutturar rivedut fit-30 ta’ Novembru 2005. It-tul tal-programm ta’ ristrutturar, li ġie approvat mill-Qorti Distrettwali fit-30 ta’ Jannar 2006, kien ta’ għaxar snin (sal-1 ta’ Lulju 2015). Bejn l-2004 u l-2008 Karjaportti temmet 372 kuntratt ta’ impjieg u esternalizzat xi wħud mill-attivitajiet tagħha bħall-attivitajiet ta’ akkwist, tbiċċir u tqattigħ.

(33)

B’mod globali, madwar [30-70] (*1) % tad-djun ta’ ristrutturar li kienu soġġetti għall-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti kienu dovuti lil kredituri privati. Il-kredituri privati li kellhom l-ikbar ishma f’dawk id-djun kienu l-banek imsemmija hawn fuq Nordea Bank u ÖKO/Pohjola Bank kif ukoll Nordea Financing.

(34)

Fis-16 ta’ Diċembru 2004, b’rabta ma’ dawn il-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti Tapiola talab lill-Belt ta’ Mikkeli sabiex tħallas l-ammonti pendenti tat-tliet selfiet garantiti mill-Belt ta’ Mikkeli deskritti taħt 3.1.1, 3.1.3 u 3.1.4. Wara li ħallset lil Tapiola, il-Belt ta’ Mikkeli saret kreditur ta’ Karjaportti fir-rigward tal-ammont globali tat-tliet selfiet pendenti, li kien ta’ EUR 5 356 895. Is-selfiet kienu garantiti mill-kollateral deskritt fil-premessi 15, 27 u 29.

(35)

Barra minn hekk, il-Belt ta’ Mikkeli daħħlet pretensjoni li tammonta għal EUR 682 087 fil-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti, li tikkonsisti minn spejjeż mhux imħallsa lill-amministrazzjoni tal-proprjetà tal-Belt, id-dipartiment tal-ġestjoni tal-ilma u d-dipartiment tal-ġestjoni tal-iskart ta’ Mikkeli. Din il-pretensjoni kienet ukoll iggarantita mill-kollateral deskritt fil-premessi 15, 27 u 29.

(36)

Is-self u djun oħrajn (spejjeż mhux imħallsa) mal-Belt ta’ Mikkeli kienu meqjusa bħala djun garantiti kbar (19) fil-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti. Il-pretensjonijiet kbar l-oħra iggarantiti saru minn partijiet privati (Nordea Bank, Nordea Financing, ÖKO/Pohjola Bank) kif ukoll minn Finnvera (20).

Tabella IV

Djun kbar iggarantiti f’EUR.

Kreditur ta’ djun kbar iggarantiti

Ammont

Sehem f’ %

Nordea Bank

[…]*

[10-40] %

Nordea Financing

[…]

[0-20] %

OKO/Pohjola Bank

[…]

[10-40] %

Finnvera

[…]

[10-40] %

Belt ta’ Mikkeli – djun dovuti minħabba garanziji attivati

[…]

[10-40] %

Belt ta’ Mikkeli – djun oħra (spejjeż mhux imħallsa)

[…]

[0-20] %

TOTAL

24 579 150

100 %

(37)

B’rabta mas-self u djun oħra (spejjeż mhux imħallsa) mal-Belt ta’ Mikkeli, kienu previsti l-miżuri li ġejjin fil-programm ta’ ristrutturar:

Tnaqqis tar-rati tal-imgħax għad-djun garantiti

(38)

Is-self ta’ EUR 5 356 895 tal-Belt ta’ Mikkeli ġie ttrattat bħala “dejn garantit” u kien maqsum f’żewġ partijiet. Għaż-żewġ partijiet l-imgħax tnaqqas skont il-programm ta’ ristrutturar: Fuq porzjon ta’ EUR 4,0 miljun, l-imgħax kien jammonta għal […] EURIBOR nieqes […] % (madankollu, ir-rata ma kellhiex tkun akbar minn […] % jew inqas minn […] %) sal-31 ta’ Diċembru 2010. Wara dik id-data, intalbet rata ta’ imgħax ta’ […] EURIBOR. Għall-bqija tal-porzjon ta’ EUR 1 356 895 miljun, intalbet rata ta’ imgħax ta’ […] EURIBOR (21). Bħas-self, l-ispejjeż mhux imħallsa ta’ EUR 682 087 ġew ittrattati bħala “dejn garantit” u r-rata tal-imgħax tnaqqset għal rata ta’ […] EURIBOR (22).

(39)

Għad-djun garantiti tal-kredituri privati, hija prevista wkoll rata ta’ imgħax ekwivalenti għal […] EURIBOR fil-programm ta’ ristrutturar. Għal ċertu ammont għal kull kreditur ħlief […], sal-31 ta’ Diċembru 2010, kienet prevista rata ta’ imgħax imnaqqsa, ekwivalenti għal […] EURIBOR nieqes […] %; imgħax minimu […] % u interess massimu […] %. Wara l-31 ta’ Diċembru 2010, ir-rata ta’ imgħax għad-djun kollha ggarantiti kienet […] EURIBOR.

Tabella V

Ammonti tal-imgħax għal djun kbar garantiti f’EUR

Kreditur ta’ djun kbar garantiti

Rata ta’ imgħax […] EURIBOR nieqes […]% sal-31 ta’ Diċembru 2010; wara dik id-data, tintalab rata ta’ imgħax […] EURIBOR għal ammont ta’

Rata ta’ imgħax […] EURIBOR għal ammont ta’

Nordea Bank u Nordea Financing

[…]

[…]

OKO/Pohjola Bank

[…]

[…]

Finnvera

[…]

[…]

Belt ta’ Mikkeli – djun dovuti minħabba garanziji attivati

[…]

[…]

Belt ta’ Mikkeli – djun oħra (spejjeż mhux imħallsa)

 

[…]

Posponiment tad-djun

(40)

Il-Belt ta’ Mikkeli aċċettat differiment ta’ ħlasijiet fuq id-djun imsemmija hawn fuq. Skont il-programm ta’ ristrutturar, ir-rimborż tad-djun garantiti tal-Belt ta’ Mikkeli huwa previst fl-2015. L-ewwel pagament kellu jitħallas fl-1 ta’ Lulju 2009, mill-2010 ’l quddiem kienu previsti żewġ ħlasijiet kull sena, u fl-2015 il-parti l-kbira tad-djun garantiti li fadal għandha titħallas, jiġifieri EUR […] għas-self minħabba garanziji attivati u EUR […] għal djun oħrajn (spejjeż mhux imħallsa) rispettivament.

(41)

Il-kredituri privati wkoll qablu dwar differiment tal-ħlasijiet fuq id-djun garantiti tagħhom.

Tabella VI

Differiment tal-ħlasijiet f’EUR

Kreditur ta’ djun kbar garantiti

Dejn

Pagament dovut fl-1.7.2009 u fit-2.1.2010 u fl-1.7.2010

% tal-ammont totali ta’ djun

Pagament dovut fit-2.1.2011 u fl-1.7.2011

% tal-ammont totali ta’ djun

Pagament dovut kull sitt xhur li jibdew mit-2.1.2012 sat-2.1.2015

% tal-ammont totali ta’ djun

Pagament dovut fl-1.7.2015

% tal-ammont totali ta’ djun

Nordea Bank

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Nordea Financing

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

OKO/Pohjola Bank

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Finnvera

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Belt ta’ Mikkeli

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Belt ta’ Mikkeli

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Total

24 579 150

500 000

2  %

1 000 000

4  %

1 500 000

6  %

10 579 150

43  %

Rinunzja kondizzjonali tad-dejn

(42)

Skont il-programm ta’ ristrutturar, ir-rimborż tas-self u ħlasijiet mhux imħallsa lill-Belt ta’ Mikkeli għandu jsir sal-2015, bil-parti l-kbira tal-ammont pendenti dovut fl-2015. Jekk fl-2015 Karjaportti ma tissodisfax rekwiżiti ekonomiċi partikolari fit-tmiem tal-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti (proporzjon bejn obbligazzjonijiet u l-marġni operattiva akbar minn 4), il-Belt ta’ Mikkeli tirrinunzja għal massimu ta’ EUR [0-3] miljun tad-djun pendenti.

(43)

Il-pretensjonijiet tal-kredituri l-oħra sejrin jitnaqqsu wkoll fl-aħħar tal-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti. Nordea Bank ser jirrinunzja għal massimu ta’ EUR [0-3 miljun] u Nordea Financing ser jirrinunzja għal massimu ta’ EUR [0-2 miljun]. Il-pretensjoni ta’ Finnvera sejra titnaqqas b’massimu ta’ EUR [0-2 miljun]. Il-pretensjoni ta’ […] mhux sejra titnaqqas. Skont il-programm ta’ ristrutturar, l-ammonti li bihom id-djun garantiti huma mnaqqsa huma bbażati fuq il-valur tal-kollaterali għas-self garantit f’żewġ xenarji differenti: l-ewwel xenarju kien li Karjaportti tkompli topera; it-tieni xenarju kien li Karjaportti tibdel jew ittemm l-operat tagħha, jiġifieri li l-kollaterali jkollhom jiġu realizzati. Iż-żewġ valuri kienu ddeterminati minn żewġ evalwazzjonijiet indipendenti (23). L-ammont konkret li bih tnaqqas id-dejn garantit kien imbagħad iddeterminat għal kull kreditur separat, skont il-klassifikazzjoni tal-kreditur u bi tqabbil tal-valuri fiż-żewġ xenarji differenti.

3.1.6.   Xiri ta’ ishma mingħand Karjaportti (miżura 7)

(44)

Fit-2 ta’ Settembru 2005 Karjaportti biegħet 50 % tal-ishma fil-kumpanija tal-proprjetà immobbli Kiinteistö Oy Suksimäki lil kumpanija proprjetà tal-Belt ta’ Mikkeli, għal prezz tax-xiri ta’ EUR 860 000.

3.1.7.   Konverżjoni tar-rati ta’ imgħax mhux imħallas f’self (miżura 8)

(45)

Karjaportti ma ħallsitx l-imgħax dovut għad-djun garantiti tal-Belt ta’ Mikkeli akkumulat bejn is-16 ta’ Diċembru 2004 u d-19 ta’ Diċembru 2005 (24). Dawk l-imgħaxijiet kienu jammontaw għal EUR 281 982 u kienu kkonvertiti f’self għal perjodu ta’ self sa tmiem l-2010 b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Belt ta’ Mikkeli datata d-19 ta’ Diċembru 2005. Ir-rata ta’ imgħax tas-self hija 3 xhur EURIBOR flimkien ma’ 0.3 %. Il-ħlas lura kellu jibda f’Marzu 2009 u kien jikkonsisti f’erba’ rati indaqs li jitħallsu darbtejn fis-sena, jiġifieri EUR 144 991 kellhom jitħallsu fl-2009 u EUR 144 991 fl-2010 (25). Il-ħlas lura tal-ammonti dovuti kien mill-inqas parzjalment pospost (ara l-miżura 12).

(46)

Il-konverżjoni ta’ rati ta’ imgħax mhux imħallsa f’self fis-sena 2005 kienet fil-prinċipju stabbilita fil-programm ta’ ristrutturar. Skont il-programm, mhux biss il-Belt ta’ Mikkeli, iżda l-kredituri kollha ipotekati f’dan il-kuntest kellhom jiġu ttrattati bl-istess mod. Għaldaqstant, fit-28 ta’ Diċembru 2005, [kreditur privat] bidel rati ta’ imgħax f’self li kien jammonta għal madwar EUR 1 623 000 b’perjodu ta’ self sa tmiem l-2010. Ir-rata ta’ imgħax kienet 3 xhur EURIBOR flimkien ma’ 1.5 %. Il-ħlas lura kellu jibda fl-2009. Fid-29 ta’ Diċembru 2005, [kreditur privat ieħor] bidel rati ta’ imgħax f’self li jammonta għal madwar EUR 1 532 500 b’perjodu ta’ self sa tmiem l-2010. Ir-rata ta’ imgħax kienet ta’ 3 xhur EURIBOR flimkien ma’ 2 %. Il-ħlas lura kien mistenni li jibda fl-2009.

3.1.8.   Tħassir ta’ djun fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-2006 (miżura 9)

(47)

Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Frar 2007, il-Bord tal-Belt ta’ Mikkeli qabel dwar it-tħassir mill-kontijiet tal-2006 ta’ riċevibbli mingħand Karjaportti li jammonta għal EUR 274 023. It-tħassir tad-dejn fil-kontijiet ma kellu l-ebda effett fuq ir-relazzjoni legali bejn il-kreditur u d-debitur, u konsegwentement, il-Belt ta’ Mikkeli kompliet issegwi l-ġbir tad-djun.

3.1.9.   Tħassir ta’ djun fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-2008 (miżura 10)

(48)

Il-Belt ta’ Mikkeli ħassret riċevibbli inċert mingħand Karjaportti li kien jammonta għal EUR 5,7 miljun fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha tal-2008. It-tħassir tad-dejn fil-kontijiet ma kellu l-ebda effett fuq ir-relazzjoni legali bejn il-kreditur u d-debitur, u konsegwentement, il-Belt ta’ Mikkeli kompliet tfittex il-ġbir tad-djun.

3.1.10.   Garanzija mhux implimentata li kienet ġiet ippjanata għall-2009 (miżura 11)

(49)

Fit-8 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill tal-Belt ta’ Mikkeli ddeċieda li jipprovdi garanzija assoluta li tammonta għal EUR 2,75 miljun biex tkopri self futur minn Tapiola lil Karjaportti. Il-Kunsill tal-Belt intitola lill-Bord tal-Belt sabiex jiddeċiedi dwar il-kondizzjonijiet dettaljati relatati mal-garanzija assoluta, jiġifieri li jimplimenta l-garanzija. Skont in-notifika s-self kellu jammonta għal EUR 5 819 807 b’rata ta’ imgħax ta’ 3.65 %. Bħala remunerazzjoni għall-garanzija l-miżura nnotifikata tipprevedi ħlas ta’ darba ta’ 4 % u l-garanzija għandha tingħata għal 10 snin (26).

(50)

Id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Belt ta’ Mikkeli ma saritx finali, peress li tressaq ilment fil-qorti amministrattiva ta’ Kuopio (Kuopion Hallinto-Oikeus). Wara dan l-ilment, il-qorti ordnat lill-Belt ta’ Mikkeli sabiex twaqqaf l-implimentazzjoni tal-garanzija u li tfittex l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Kummissjoni.

(51)

Peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Belt ta’ Mikkeli li tipprovdi l-garanzija ma saritx finali, Tapiola astjena milli jagħti s-self lil Karjaportti. Fl-aħħar nett, il-Finlandja rtirat in-notifika tal-garanzija f’Marzu 2010, minħabba li Karjaportti rtirat l-applikazzjoni tagħha għall-garanzija u fit-22 ta’ Frar 2010, il-Bord tal-Belt iddeċieda li ma jimplimentax id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Belt.

3.1.11.   Posponiment tad-djun mill-2009 (miżura 12)

(52)

Differiment tal-ħlas lura ta’ djun garantiti: Skont il-programm ta’ ristrutturar approvat mill-qorti, Karjaportti kellha tħallas lura EUR […] fl-2009 u EUR […] fl-2010 tal-ammont pendenti tad-djun garantiti (ara t-Tabella VI). Skont in-notifika, ir-rimborż ta’ dawn l-ammonti kellu jkun pospost, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2015.

(53)

Differiment tal-ħlas lura tas-self mogħti fl-2005 (konverżjoni ta’ rati ta’ imgħax mhux imħallsa): Karjaportti kellha tħallas lura EUR 140 991 fl-2009 u l-istess ammont fl-2010 tal-ammont pendenti tal-imgħaxijiet ikkonvertiti f’self (ara l-premessa 40). Skont in-notifika, il-ħlas lura ta’ dawn l-ammonti kellu jkun pospost għas-snin 2011-2013 (27).

(54)

Il-qorti amministrattiva ta’ Kuopio (Kuopion Hallinto-Oikeus) ipprojbixxiet l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Belt dwar il-posponiment tad-dejn fl-4 ta’ Frar 2009. Jidher, madankollu, li xorta waħda kien hemm posponiment tad-djun. Minn Mejju 2009, Karjaportti għamlet proposti fuq bażi regolari lill-Belt ta’ Mikkeli u lill-kredituri l-oħra tagħha sabiex jipposponu l-ħlasijiet ta’ djun dovuti sabiex jitħares l-operat kontinwu tal-kooperattiva (28). Dawn il-proposti ġew approvati mill-Bord tal-Belt ta’ Mikkeli.

3.2.   Miżuri mogħtija minn Finnvera

(55)

Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Finlandja, Finnvera tat bosta self u garanziji lil Karjaportti fis-snin 2004 sal-2008.

(56)

Finnvera hija kumpanija ta’ finanzjament speċjalizzata, proprjetà tal-Finlandja u hija l- Aġenzija uffiċjali tal-Krediti għall-Esportazzjoni tal-Finlandja. L-operazzjonijiet ta’ Finnvera huma ggwidati mill-miri tal-politika industrijali u ta’ sjieda stabbiliti mill-Istat. Dawn il-miri jinkludu: iż-żieda fl-għadd ta’ intrapriżi li jibdew; l-iffaċilitar ta’ finanzjament għall-bidliet li jiltaqgħu magħhom l-SMEs, u l-promozzjoni tat-tkabbir tal-intrapriżi, l-internazzjonalizzazzjoni u l-esportazzjonijiet. Fl-operazzjonijiet tagħha, Finnvera hija mistennija li tirrispetta l-prinċipju ta’ awto-sostenibilità ekonomika. Il-Finlandja, madankollu, tkopri parti mill-kreditu u t-telf ta’ garanziji ta’ Finnvera; l-Istat huwa direttament responsabbli għall-garanziji domestiċi u garanziji ta’ kreditu tal-esportazzjoni mogħtija minn Finnvera u l-Istat jagħti garanziji għall-akkwist ta’ fondi ta’ Finnvera stess. Dawn il-miżuri statali b’rabta ma’ Finnvera ma jaqgħux fl-ambitu ta’ din id-deċiżjoni; il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tevalwahom fi stadju aktar tard. Finnvera hija soġġetta għall-Att tal-Proċedura Amministrattiva 434/2003.

(57)

Rigward il-governanza korporattiva ta’ Finnvera, il-Bord ta’ Sorveljanza, li jissorvelja l-amministrazzjoni tal-kumpanija mill-Bord tad-Diretturi u d-Direttur Maniġerjali, jirrappreżenta l-proprjetarju tal-kumpanija, li fil-każ ta’ Finnvera huwa l-Istat. Il-membri tal-Bord ta’ Sorveljanza huma magħżula mill-gruppi parlamentari tal-partiti politiċi fuq il-bażi tar-rappreżentanza tagħhom fil-Parlament Finlandiż. Barra minn hekk, il-Bord ta’ Sorveljanza ta’ Finnvera jinkludi rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet f’konformità mal-għanijiet ta’ politika industrijali tal-kumpanija. Il-Bord tad-Diretturi, li għandu 6-9 membri u 2 membri deputati, jikkonferma l-istrateġija tal-kumpanija, japprova r-rapporti finanzjarji u r-rapport interim, javvanza l-iżvilupp tal-kumpanija u jiżgura li l-operazzjonijiet huma konformi mal-liġi u jissodisfaw l-għanijiet stabbiliti mis-sid. Erba’ mill-membri tal-Bord u ż-żewġ membri deputati jiġu eletti fost kandidati nnominati mid-diversi ministeri. Id-Direttur Maniġerjali huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-kumpanija.

(58)

Finnvera hija eżentata mill-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul mill-25 ta’ Settembru 2007. Il-Kummissjoni approvat din l-eżenzjoni. Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni hija bbażata fuq il-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi taw impenn li Finnvera sejra tillimita l-attivitajiet tagħha għall-amministrazzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna mill-Istat (29).

3.2.1.   Garanzija mogħtija fis-17 ta’ Marzu 2004 (miżura 13)

(59)

Fis-17 ta’ Marzu 2004, Finnvera tat garanzija ta’ 100 % għal self li jammonta għal EUR 91 000 bi ħlas ta’ garanzija ta’ 3 % fis-sena. Is-self, li kellu tul ta’ 3 snin, ingħata minn Tapiola b’rata ta’ imgħax fissa ta’ [2-5] % kull sena. Is-self u l-garanzija rispettivament ingħataw sabiex jissostitwixxu self mogħti minn Tapiola fl-1992.

3.2.2.   Self mogħti fit-12 ta’ Jannar 2006 (miżura 14)

(60)

Fit-12 ta’ Jannar 2006, Finnvera tat self li jammonta għal EUR 180 000 b’rata ta’ imgħax ta’ 6 xhur EURIBOR + 2 % kull sena. Is-self jirrigwarda interessi akkumulati matul il-proċess ta’ ristrutturar bejn it-2 ta’ Diċembru 2004 u t-28 ta’ Frar 2008, li kienu kkonvertiti f’faċilità ta’ kreditu ġdida. Is-self kien kollateralizzat permezz ta’ ipoteki fuq proprjetajiet li jinsabu f'Tikkala, f'Lappeenranta u f'Kouvola, u ishma f’[…]. It-tul tas-self kien sa tmiem l-2010 u l-ħlas lura kellu jibda fl-2009. Fit-23 ta’ Novembru 2011, EUR […] tal-kapital kien għadu pendenti. Fl-istess ħin il-kredituri privati […] u […] ikkonvertew ir-rati ta’ imgħax f’self.

(61)

Fit-28 ta’ Diċembru 2005, [kreditur privat] ikkonverta rati ta’ imgħax f’self li jammonta għal madwar EUR 1 623 000 b’perjodu ta’ self sa tmiem l-2010. Ir-rata ta’ imgħax hija 3 xhur EURIBOR flimkien ma’ 1.5 %. Il-ħlas lura kien mistenni li jibda fl-2009.

(62)

Fid-29 ta’ Diċembru 2005, [kreditur privat ieħor] ikkonverta rati ta’ imgħax f’self li jammonta għal madwar EUR 1 532 500 b’perjodu ta’ self sa tmiem l-2010. Ir-rata ta’ imgħax kienet 3 xhur EURIBOR flimkien ma’ 2 %. Il-ħlas lura kien mistenni li jibda fl-2009.

3.2.3.   Garanzija mogħtija fl-14 ta’ Settembru 2006 (miżura 15)

(63)

Fl-14 ta’ Settembru 2006, Finnvera tat kontro-garanzija lil […] li tammonta għal EUR 300 000 bi ħlas ta’ garanzija ta’ 1.65 % fis-sena mħallsa minn Karjaportti. […] min-naħa tiegħu ta garanzija lil Karjaportti għall-istess ammont b’rata ta’ imgħax ta’ 1.25 %. Din il-garanzija u l-kontrogaranzija koprew 16.7 % ta’ EUR 1,8 miljun li kienu jirrigwardaw ftehim ta’ sottokuntratt bejn […] u Karjaportti. It-tul tal-garanzija ta’ Finnvera kien ta’ 8 xhur. Il-bqija tal-ftehim ta’ sottokuntratt kien kopert minn garanziji minn […] u […] (EUR 825 000 u EUR 675 000 rispettivament) li talbu tariffa ta’ garanzija ta’ 1.75 %. Finnvera ma kinitx involuta fl-għoti ta’ dawn il-garanziji, jiġifieri ma kinux kontro-garantiti. Il-kontro-garanzija ta’ Finnvera skadiet fit-30 ta’ Ġunju 2007 mingħajr ma ġiet invokata. Għaldaqstant, Finnvera ma sostniet l-ebda obbligu ta’ ħlas fuq il-bażi ta’ din il-garanzija.

3.2.4.   Self mogħti fis-6 ta’ Lulju 2007 (miżura 16)

(64)

Fis-6 ta’ Lulju 2007, Finnvera tat self li jammonta għal EUR 250 000 b’rata ta’ imgħax ta’ 6 xhur EURIBOR + 2.5 % fis-sena. Is-self kellu tul ta’ sitt xhur u kellu jkun rimborżat sal-15 ta’ Jannar 2008. S’issa, tħallset biss parti mis-self (ammont pendenti fit-23 ta’ Novembru 2011: […]).

(65)

Fl-istess ħin, il-kredituri privati, […] u […], taw self li jammonta għal EUR 800 000 u EUR 650 000 rispettivament, ukoll għal tul ta’ sitt xhur. Ir-rata ta’ imgħax għal dak is-self kien xahar EURIBOR flimkien ma’ 2 %. Ir-rimborż tas-self tagħhom ukoll kien ġie ttrardjat (ammonti pendenti fit-23 ta’ Novembru 2011: EUR […] u EUR […]).

(66)

Għal dan is-self u s-self mogħti minn Finnvera, Karjaportti pprovdiet il-kollateral li ġej: ipoteka kummerċjali b’valur reġistrat ta’ EUR 1 850 067; ishma fil-kumpanija […]; u kont bankarju. Dawn il-kollaterali kienu maqsuma bejn Finnvera, […] u […] skont ir-riskju tagħhom b’rabta mas-self. Fil-fatt, it-tliet kredituri kellhom l-istess grad u qasmu l-kollateral permezz ta’ sehem ta’ perċentwali (Finnvera: [0-30] %; [l-ewwel kreditur privat]: [10-50] %; [it-tieni kreditur privat]: [10-50] %).

3.2.5.   Garanzija mogħtija fid-9 ta’ Jannar 2008 (miżura 17)

(67)

Fid-9 ta’ Jannar 2008, Finnvera tat kontro-garanzija lil […] li tammonta għal EUR 280 000 bi ħlas ta’ garanzija ta’ 2.5 % fis-sena mħallsa minn Karjaportti. Il-kontro-garanzija kienet tkopri 80 % ta’ garanzija pprovduta minn […] lil Karjaportti fil-11 ta’ Jannar 2008 li kienet tammonta għal EUR 350 000 relatata ma’ ftehim ta’ sottokuntratt bejn […] u […]. […] talab tariffa ta’ garanzija ta’ [0-3] %. Finnvera kellha aċċess għal kollateral fil-forma ta’ ishma ta’ Karjaportti fi […]. Skont stima tat-8 ta’ Jannar 2008 imwettqa minn Finnvera, fil-mument tal-għoti tal-kontro-garanzija dawn l-ishma kellhom valur ta’ sigurtà għall-Finnvera ta’ EUR […]. Il-kontro-garanzija skadiet fit-28 ta’ Frar 2011, u ma sar l-ebda ħlas taħtha.

4.   RAĠUNIJIET GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA

(68)

Kif deskritt fil-premessi 2, 3 u 6, il-Kummissjoni ddeċidiet fit-8 ta’ April 2009 li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali (minn hawn ’il quddiem “l-ewwel deċiżjoni ta’ ftuħ”). Din il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ġiet estiża għal diversi miżuri oħrajn fil-15 ta’ Diċembru 2009 (minn hawn ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ta’ ftuħ”).

4.1.   Miżuri mogħtija mill-Belt ta’ Mikkeli

4.1.1.   Garanzija mogħtija fit-12 ta’ Ġunju 2000 (miżura 1)

(69)

Fl-ewwel deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni ddubitat kemm il-miżura inkwistjoni tkun konformi mal-prinċipju tal-investitur f’ekonomija tas-suq privat. L-ewwel, skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (30) (“l-Avviż dwar il-Garanziji 2000”) li kien fis-seħħ fiż-żmien meta ngħatat il-miżura, il-miżura tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat peress li l-garanzija kienet tkopri 100 % tas-self inkwistjoni. Din il-konklużjoni ma tinbidilx bl-Avviż dwar il-Garanziji 2008 attwalment fis-seħħ (31). Barra minn hekk, li wieħed jagħti garanzija mingħajr ħlas ta’ kummissjoni, jiġifieri fil-fatt qed jieħu riskju finanzjarju mingħajr quid pro quo, ma jistax jiġi deskritt bħala mġiba ta’ operatur tas-suq.

(70)

Rigward il-kompatibilità, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-garanzija tistax tikkwalifika għal eċċezzjoni skont l-Artikolu 107 (3) tat-TFUE; skont valutazzjoni preliminari l-kundizzjonijiet tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (32) (“il-Linji gwida R & R 1999”) jidhru li ma ġews issodisfati.

4.1.2.   Għoti ta’ art (miżura 2)

(71)

Fit-tieni deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-bejgħ sarx skont il-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq, minħabba li r-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar elementi ta’ għajnuna Statali fil-bejgħ ta’ artijiet u bini minn awtoritajiet pubbliċi (33) ma ġewx issodisfati. Kien ikkunsidrat li ma tħallas l-ebda prezz tas-suq, minħabba li l-art ingħatat lil Karjaportti mingħajr konsiderazzjoni. Barra minn hekk, Karjaportti ma kellhiex tbati l-ispejjeż ta’ twittija tas-sit.

4.1.3.   Xiri ta’ art (miżura 3)

(72)

Fit-tieni deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar kemm it-termini u l-kundizzjonijiet tax-xiri kienu konformi mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq, minħabba li l-Finlandja ma pprovdietx evidenza li x-xiri tal-proprjetajiet sar skont kundizzjonijiet tas-suq, bħal valutazzjoni tal-proprjetajiet minn espert indipendenti.

4.1.4.   Garanzija mogħtija fit-8 ta’ Marzu 2004 (miżura 4)

(73)

Fit-tieni deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni ddubitat kemm il-miżura inkwistjoni tkun konformi mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq privat. L-ewwel, skont l-Avviż dwar il-Garanziji 2000 li kien fis-seħħ fiż-żmien tal-għoti, il-miżura tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat peress li l-garanzija kienet tkopri 100 % tas-self inkwistjoni. Din il-konklużjoni ma tinbidilx bl-Avviż dwar il-Garanziji 2008 attwalment fis-seħħ. Barra minn hekk, li wieħed jagħti garanzija mingħajr ħlas ta’ kummissjoni, jiġifieri fil-fatt qed jieħu riskju finanzjarju mingħajr quid pro quo, ma jistax jiġi deskritt bħala mġiba ta’ operatur tas-suq, b’mod partikolari f’sitwazzjoni fejn il-kumpanija diġà kienet f’diffikultajiet.

(74)

Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura, il-Kummissjoni ma ngħatatx informazzjoni suffiċjenti li tippermetti li jiġi stabbilit jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Linji Gwida R & R 1999 kinux issodisfati.

4.1.5.   Garanzija mogħtija fl-10 ta’ Mejju 2004 (miżura 5)

(75)

Il-Kummissjoni kellha dubji simili fir-rigward tal-garanzija mogħtija fit-8 ta’ Marzu 2004.

4.1.6.   Qbil mal-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti (miżura 6)

(76)

Fl-ewwel deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni ddubitat kemm il-miżuri meħuda matul ir-ristrutturar ikunu konformi mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq privat.

(77)

L-ewwel, il-Belt ta’ Mikkeli qablet li tnaqqas ir-rati ta’ imgħax għad-djun garantiti bl-effett li r-rati ta’ imgħax imposti kienu ferm inqas mir-rata ta’ referenza għall-Finlandja dak iż-żmien. Peress li l-rata ta’ referenza hija meqjusa bħala r-rata tas-suq għall-kumpaniji b’saħħithom, u peress li Karjaportti kienet tinsab f’diffikultajiet f’dak iż-żmien, il-Kummissjoni sabet li huwa improbabbli li kreditur privat jagħti s-self b’tali rata ta’ imgħax baxxa.

(78)

Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri, il-Kummissjoni fiż-żmien tal-ftuħ kellha biss għarfien limitat tal-miżuri ta’ ristrutturar meħuda minn Karjaportti mill-2004. Kien ikkunsidrat li r-ristrutturar kontinwu ma rnexxiex minħabba li f’Diċembru 2008, l-awtoritajiet tat-taxxa ppreżentaw għall-proċeduri ta’ falliment li jikkonċernaw lil Karjaportti. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha dubji li l-vijabbiltà fit-tul tal-kumpanija setgħet tinkiseb permezz tal-miżuri ta’ ristrutturar li ttieħdu. Rigward il-kriterji l-oħra għall-għajnuna għar-ristrutturar skont il-linji gwida R & R tal-2004 (34), il-Kummissjoni ma setgħetx, fin-nuqqas ta’ notifika u ta’ pjan ta’ ristrutturar, tevalwa jekk il-ħtiġijiet l-oħra tal-Linji Gwida R & R 2004 kinux issodisfati.

4.1.7.   Xiri ta’ ishma mingħand Karjaportti (miżura 7)

(79)

Fit-tieni deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar kemm il-miżura inkwistjoni kienet konformi mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq privat, minħabba li l-Finlandja ma pprovdietx evidenza li x-xiri ta’ ishma sar skont kundizzjonijiet tas-suq.

4.1.8.   Konverżjoni ta’ rati ta’ imgħax mhux imħallsa f’self (miżura 8)

(80)

Fir-rigward tal-konverżjoni tar-rati ta’ imgħax mhux imħallsa f’self, il-Belt ta’ Mikkeli qablet li titlob rata ta’ imgħax baxxa ħafna għas-self. Fil-fatt, il-kredituri privati li kkonvertew ir-rati ta’ imgħax mhux imħallsa tagħhom innegozjaw rati ta’ imgħax ogħla, li wassal sabiex il-Kummissjoni tiddubita kemm tali approċċ kien konformi mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq.

4.1.9.   Tħassir ta’ djun fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji fl-2006 u fl-2008 (miżura 9 u miżura 10)

(81)

Fit-tieni deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni qieset li jekk it-tħassir ta’ dejn fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji fl-2006 u l-2008 kien jinkludi wkoll li l-obbligu legali jieqaf jeżisti, it-tħassir jagħti vantaġġ lil Karjaportti. Fil-fehma tal-Kummissjoni hemm dubju kemm investitur tas-suq privat kienx jaġixxi bl-istess mod.

4.1.10.   Garanzija mhux implimentata li kienet ġiet ippjanata għall-2009 (miżura 11)

(82)

Fl-ewwel deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni ddubitat kemm il-Belt ta’ Mikkeli aġixxiet bħal investitur tas-suq privat meta tat il-garanzija u kkunsidrat b’mod preliminari li l-garanzija kienet tinvolvi għajnuna mill-Istat. Fir-rigward tal-kompatibilità, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-garanzija tkunx konformi mal-Linji Gwida R & R 2004, minħabba li l-“prinċipju tal-ewwel u tal-aħħar” deher li ma kienx issodisfat. Barra minn hekk, il-ħlas tal-garanzija u l-imgħax għas-self kienu baxxi wisq sabiex jissodisfaw il-punt 25 (a) tal-Linji Gwida u l-garanzija ma kinitx konformi mal-punt 25 (c) tal-Linji Gwida, għax ma kienx limitat għal sitt xhur.

4.1.11.   Posponiment tad-djun mill-2009 (miżura 12)

(83)

Fl-ewwel deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni ddubitat kemm il-Belt ta’ Mikkeli aġixxiet bħala kreditur tas-suq privat meta qablet mal-posponiment tad-djun u kkunsidrat b’mod preliminari li l-miżura kienet tinvolvi għajnuna mill-Istat. Fir-rigward tal-kompatibilità, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-posponiment tad-dejn jikkonformax mal-Linji Gwida R & R 2004, minħabba li l-“prinċipju tal-ewwel u tal-aħħar” deher li ma kienx issodisfat. Barra minn hekk, il-posponiment tad-dejn ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti għal għajnuna ta’ salvataġġ. Ma kienx limitat għal sitt xhur u għalhekk ma kienx konformi mal-punt 25 (c) tal-Linji Gwida.

4.2.   Miżuri mogħtija minn Finnvera (miżuri 13-17)

(84)

Fit-tieni deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri ngħataw permezz ta’ riżorsi statali u kienu imputabbli lill-Istat, minħabba li l-Finlandja hija 100 % proprjetarja ta’ Finnvera. Dwar is-self, il-Kummissjoni kellha dubji kemm ir-rata tal-imgħax mitluba kienet taqbeż ir-rati ta’ referenza rilevanti. Barra minn hekk, hija ma kellhiex informazzjoni suffiċjenti biex tivvaluta jekk il-miżuri ngħatawx flimkien u bl-istess kondizzjonijiet tal-investituri privati. Rigward il-garanziji, il-Kummissjoni kellha dubji kemm ingħataw skont l-iskemi eżistenti, minħabba li garanziji mogħtija lil kumpanija kbira f’diffikultà ma jaqgħux taħt skemi bħal dawn. Jekk il-miżuri ngħataw barra minn skema ta’ għajnuna eżistenti, il-Kummissjoni ddubitat kemm huma konformi mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq.

5.   KUMMENTI MILL-FINLANDJA

5.1.   Miżuri mogħtija mill-Belt ta’ Mikkeli

5.1.1.   Garanzija mogħtija fit-12 ta’ Ġunju 2000 (miżura 1)

(85)

Il-Finlandja ssostni li l-garanzija m’għandhiex titqies bħala għajnuna statali, għaliex Karjaportti probabbilment setgħet kisbet tali garanzija mis-swieq kapitali privati. Il-Finlandja tirreferi għall-fatt li Tapiola ta s-self li kien assigurat mill-garanzija inkwistjoni bħala parti minn pakkett ta’ finanzjament ta’ EUR 25 miljun għall-investimenti fis-sit tal-produzzjoni f’Tikkala. Partijiet oħra kkontribwew għall-finanzjament. L-appoġġ mill-Istat għall-investiment kien jikkonsisti fl-għoti tal-art u l-ġarr tal-ispejjeż għat-twittija tas-sit mill-belt ta’ Mikkeli (ara l-premessi 89 u 90), self u garanziji mogħtija minn Finnvera kif ukoll għotjiet diretti mogħtija mill-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija.

(86)

Barra minn hekk, il-Finlandja ssostni li l-Belt ta’ Mikkeli kienet qiegħda tittratta l-kumpaniji kollha li japplikaw għall-garanziji fuq bażi ugwali.

(87)

Jekk il-miżura kellha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat, il-Finlandja hija tal-fehma li tali għajnuna kienet tkun kompatibbli mas-suq intern minħabba li ngħatat skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna nazzjonali reġjonali (35) (“l-RAG 1998”). Kumpaniji kbar kienu eliġibbli għal miżuri ta’ għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107 (3) (a) tat-TFUE jekk dawn ma kinux jaqbżu l-ammont ta’ 24 % tal-ispejjeż netti eliġibbli. Dawn il-kundizzjonijiet ġew issodisfati. B’mod partikolari, il-Finlandja pprovdiet kalkolu li skontu l-ekwivalenti tal-għotja gross xorta jibqa’ taħt l-24 % meta jitqies l-appoġġ kollu mill-Istat għall-investiment.

5.1.2.   Għoti ta’ art (miżura 2)

(88)

Il-Finlandja ssostni li l-valur kontabbli kurrenti tal-plott mhuwiex indikatur komparabbli għad-determinazzjoni tal-valur tal-plott fil-waqt tat-trasferiment. Il-Belt ta’ Mikkeli tistma l-valur tas-suq tal-art fil-ħin tal-għoti bħala EUR 300 000. Skont il-Finlandja, l-ispejjeż ta’ twittija tas-sit ammontaw għal FIM 2 miljuni (EUR 336 376).

(89)

Il-Finlandja tqis li t-trasferiment tal-art u li l-ġarr tal-ispejjeż għat-twittija tas-sit kien konformi mal-RAG 1998 (ara l-premessa 87).

5.1.3.   Xiri ta’ art (miżura 3)

(90)

Skont il-Finlandja, ix-xiri tal-proprjetajiet fis-sena 2002 kien marbut mal-proġett ta’ kostruzzjoni tal-faċilità ta’ produzzjoni f’Tikkala li għalih Karjaportti kienet teħtieġ il-fondi. Il-Finlandja ssostni li l-proprjetajiet inxtraw bi prezz tas-suq. L-evalwazzjoni kkunsidrat li l-proprjetajiet inxtraw sabiex jinbidlu l-aktar għall-użu residenzjali permezz ta’ bidliet fil-pjanti, filwaqt li parti miż-żona kienet għadha qiegħda tintuża għan-negozju. Barra minn hekk, il-proprjetajiet kienu soġġetti għal ipoteki mogħtija lil kredituri privati u waħda mis-sitt proprjetajiet waħedha kellha ipoteka totali ta’ madwar EUR 9,6 miljun, li jikkonferma li l-valur tal-proprjetajiet kien ogħla mill-prezz tax-xiri. Għalhekk, il-Belt ta’ Mikkeli rrispettat il-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq u x-xiri ma kienx jinkludi għajnuna statali.

5.1.4.   Garanzija mogħtija fit-8 ta’ Marzu 2004 (miżura 4)

(91)

Il-Finlandja tiddikjara li s-self garantit ingħata sabiex jikkumpensa self għall-pensjoni antik li ngħata fl-1992. F’dak iż-żmien, il-Belt ta’ Mikkeli, flimkien ma’ Finnvera u […], iggarantixxew għas-self għall-pensjoni. Bħala kontro-garanzija, il-Belt ta’ Mikkeli rċeviet ipoteka tal-valur ta’ FIM 7,5 miljun (EUR 1 261 409) fuq proprjetà ta’ Karjaportti. Meta ħarġet il-garanzija fit-8 ta’ Marzu 2004, il-Belt ta’ Mikkeli żammet din is-sigurtà.

(92)

Il-Finlandja ssostni li l-garanzija oriġinali ingħatat qabel l-adeżjoni tal-Finlandja fl-UE. Meta l-Belt ta’ Mikkeli tat il-garanzija ġdida fit-8 ta’ Marzu 2004, ma ngħatat l-ebda għajnuna ġdida, minħabba li l-garanzija oriġinali eżistenti inbidlet f’garanzija ġdida filwaqt li żammet biżżejjed kontro-garanziji. Barra minn hekk, fl-istess ħin, garanti oħra tas-self għall-pensjoni oriġinali tal-1992 ukoll taw self lil Karjaportti.

(93)

Fl-aħħarnett, il-Finlandja tikkontesta li Karjaportti kienet f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida R & R 1999 fir-rebbiegħa tal-2004. Skont il-Finlandja, il-projezzjonijiet tas-suq kienu sodisfaċenti fl-ewwel nofs tal-2004 u Karjaportti kienet ibbaġitjat profitt ta’ EUR 3 miljun għall-2004. Barra minn hekk, Karjaportti kienet kapaċi tikseb self mingħand selliefa privati b’rati ta’ imgħax relattivament baxxi fir-rebbiegħa u fis-sajf 2004. Fl-aħħarnett, f’Diċembru tal-2004, Karjaportti kienet ikkunsidrata bħala impriża vijabbli meta l-kredituri tagħha approvaw ir-ristrutturar minkejja d-diffikultajiet finanzjarji fit-tul tagħha. Inkella, Karjaportti kienet tiġi ddikjarata falluta.

5.1.5.   Garanzija mogħtija fl-10 ta’ Mejju 2004 (miżura 5)

(94)

Il-Finlandja tqis il-garanzija bħala kontinwazzjoni ta’ finanzjament ipprovdut għall-investiment fil-faċilità ta’ produzzjoni f’Tikkala fis-sena 2000 mill-Belt ta’ Mikkeli. Il-garanzija ngħatat biex jitlesta l-pjan ta’ investiment oriġinali mibdi fl-2000. Fiż-żmien li ngħatat il-garanzija, Karjaportti ma kinitx tinsab f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida R & R 1999, kif diġà ntqal għall-garanzija mogħtija f’Marzu 2004 (ara l-premessa 93).

(95)

Skont il-Finlandja, jekk il-garanzija kienet tinvolvi għajnuna mill-Istat, din kienet kompatibbli minħabba li kienet konformi mal-RAG 1998. Kumpaniji kbar kienu eliġibbli għall-miżuri ta’ għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE jekk dawn ma kinux jaqbżu l-ammont ta’ 24 % tal-ispejjeż netti eliġibbli. Dawn il-kundizzjonijiet kienu ssodisfati, minħabba li l-element ta’ għajnuna tal-garanzija kien biss EUR 57 835 filwaqt li l-investimenti globali ta’ Karjaportti f’Tikkala kienu jammontaw għal EUR […].

5.1.6.   Proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti (miżura 6)

(96)

Il-Finlandja ssostni li l-miżuri li ttieħdu kienu kollha marbuta mal-bidu tal-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni dwar l-iskemi ta’ rkupru ssorveljati mill-qorti u l-insolvenza fiha nnifisha ma tiġġustifikax it-trattament tal-leġiżlazzjoni bħala għajnuna (36).

(97)

It-tieni, l-ebda self ġdid ma ngħata matul il-proċeduri, iżda l-ħlas tad-djun mogħtija qabel ir-ristrutturar kien pospost f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-ristrutturar tal-intrapriżi, bit-trattament tal-kredituri fuq bażi ugwali. Minbarra l-ammonti riċevibbli tal-Belt ta’ Mikkeli, ir-riċevibbli ta’ atturi privati kienu wkoll irranġati mill-ġdid matul il-proċeduri. Il-kredituri ta’ Karjaportti kienu maqsumin fi gruppi diversi. Ir-riċevibbli ta’ kull grupp ta’ kredituri kienu soġġetti għal termini reċiprokament ugwali u simili. Il-Finlandja tenfasizza li dan huwa partikolarment minnu fir-rigward tad-djun garantiti tal-Belt ta’ Mikkeli. Għalhekk, jidher li l-Belt ta’ Mikkeli aġixxiet bħal investitur fl-ekonomija tas-suq privat meta qablet mal-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti.

(98)

Barra minn hekk, il-Finlandja tenfasizza li l-Belt ta’ Mikkeli kienet qieset li huwa iktar profittabbli li tipposponi d-dejn milli tippermetti li Karjaportti tfalli u li tagħlaq b’mod permanenti, u dan intwera wkoll fil-karta tal-bilanċ ta’ likwidazzjoni mehmuża mal-programm ta’ ristrutturar.

(99)

Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri skont il-Linji Gwida R & R 1999, il-Finlandja ssostni li kumpanija soġġetta għal proċeduri ta’ ristrutturar għandha ġeneralment titqies bħala kumpanija f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida. Imbagħad tirrepeti li l-proċedura ta’ ristrutturar ma kinitx tinvolvi għajnuna mill-Istat u li l-Belt ta’ Mikkeli ma wettqitx miżuri ta’ appoġġ matul il-proċeduri ta’ ristrutturar.

(100)

Imbagħad il-Finlandja ressqet l-argumenti marbuta ma’ kull miżura mogħtija: Fir-rigward tal-attivazzjoni tal-garanzija tal-Belt ta’ Mikkeli għas-self mogħti fl-2000, il-Finlandja ssostni li Mikkeli ma tat l-ebda self ġdid lil Karjaportti, iżda sempliċement daħlet bħala kreditur fuq it-talba ta’ Tapiola fil-bidu tal-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti, li kienet miżura ordinarja skont proċeduri ta’ ristrutturar bħal dawn. Fir-rigward tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-ħlas lura tas-self, il-Finlandja tosserva li dawn kienu ġew speċifikati fil-programm ta’ ristrutturar u kienu ugwali għall-kredituri kollha fi ħdan l-istess grupp ta’ kredituri.

(101)

Fir-rigward tal-ħlasijiet mhux imħallsa, il-Finlandja tiċċara li l-ammonti riċevibbli huma dovuti lill-amministrazzjoni tal-proprjetà tal-Belt, id-dipartiment tal-ġestjoni tal-ilma u d-dipartiment tal-ġestjoni tal-iskart tal-Belt. Ir-riċevibbli jikkonsistu f’tariffi mhux imħallsa li kienu qamu qabel il-bidu tal-proċedura ta’ ristrutturar issorveljata mill-qorti. Ma ngħatat l-ebda garanzija għal dawk l-ammonti pendenti mill-Belt ta’ Mikkeli, minħabba li dawn kienu riċevibbli dovuti lill-Belt. Għalhekk, meta bdew il-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti, kienu ddaħħlu fil-programm ta’ ristrutturar bħala somma waħda.

5.1.7.   Xiri ta’ ishma mingħand Karjaportti (miżura 7)

(102)

Il-Finlandja ssostni li l-ishma tal-kumpanija tal-proprjetà immobbli Kiinteistö Oy Suksimäki kienu nxtraw bi prezz tas-suq mingħand Karjaportti. Il-Finlandja ressqet dikjarazzjoni ta’ stimatur indipendenti li tgħid li l-valur tal-ishma kien jammonta għal madwar EUR 1 miljun abbażi tal-livell tal-kera prevalenti. Dan il-valur kien aġġustat fir-rigward tal-livell attwali tal-kera prevalenti u l-ishma kienu għaldaqstant inxtraw bi prezz ta’ EUR 860 000. Għalhekk, it-tranżazzjoni tal-proprjetà ma kienet tinkludi l-ebda element ta’ għajnuna.

5.1.8.   Konverżjoni ta’ rati ta’ imgħax mhux imħallsa f’self (miżura 8)

(103)

Dwar il-konverżjoni tal-imgħax mhux imħallsa f’self, il-Finlandja l-ewwel nett issostni li n-nuqqas ta’ ħlas ta’ rati ta’ imgħax hija miżura tipika għal proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti. Il-konverżjoni ta’ imgħax mhux imħallas bħal dan f’self, li jkun ikklassifikat aħjar minn self ieħor, huwa previst mil-leġiżlazzjoni Finlandiża. Barra minn hekk, il-Finlandja tikkunsidra li l-konverżjoni tal-imgħax mhux imħallas f’self saret skont il-prinċipju tal-investitur privat tas-suq, minħabba li l-kredituri privati kkonvertew riċevibbli ta’ imgħax mhux imħallas f’self flimkien mal-Belt ta’ Mikkeli.

5.1.9.   Tħassir ta’ djun fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-2006 u tal-2008 (miżura 9 u miżura 10)

(104)

Il-Finlandja tikkonferma li r-reġistrar tad-djun bħala telf huwa sempliċement operazzjoni ta’ żamma tal-kotba min-naħa tal-kreditur, li ssir bi qbil mal-prinċipju tal-prudenza u d-dispożizzjonijiet rispettivi fl-Att dwar il-Kontabilità 1336/1997. Il-Finlandja ssostni li t-tħassir tad-dejn ma jaffettwax ir-relazzjoni legali bejn il-kreditur u d-debitur, jiġifieri d-djun ma ġewx rinunzjati. Il-Belt ta’ Mikkeli kkonfermat li hija ma rrinunzjatx id-djun irreġistrati bħala telf u li din qiegħda tkompli tagħmel il-ġbir. Id-dejn huwa parti mid-dejn garantit skont il-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti.

5.1.10.   Garanzija mhux implimentata li kienet ġiet ippjanata għall-2009 (miżura 11)

(105)

Qabel ma n-notifika tal-garanzija ġiet irtirata f’Marzu 2010, il-Finlandja sostniet li l-garanzija kienet kompatibbli skont il-Linji Gwida R & R tal-2004. Fid-dawl tal-irtirar tan-notifika, l-argumenti tal-Finlandja mhumiex ippreżentati f’aktar dettall.

5.1.11.   Posponiment tad-djun mill-2009 (miżura 12)

(106)

Il-Finlandja ssostni li l-posponiment tad-djun huwa miżura inerenti għal proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti u ma jinvolvix għajnuna mill-Istat. Skont il-Finlandja, il-kredituri ta’ Karjaportti kellhom fehim reċiproku li l-posponiment tad-djun kien alternattiva raġonevoli sabiex jissalvagwardjaw ir-riċevibbli tagħhom. Hija tinforma lill-Kummissjoni li l-posponiment innotifikat qatt ma ġie implimentat, minħabba li l-qorti amministrattiva ta’ Kuopio (Kuopion hallinto-oikeus) waqqfet l-implimentazzjoni tal-posponiment tad-dejn. Il-Finlandja tispjega li d-djun ta’ Karjaportti kienu madankollu posposti, wara diversi proposti mingħand Karjaportti fil-perjodu 2009-2011, li ġew aċċettati mill-Belt ta’ Mikkeli. Il-Finlandja ssostni li din il-posponiment sussegwenti kien konformi mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq, minħabba li l-Belt ta’ Mikkeli u l-kredituri kollha l-oħra implimentaw il-posponiment fuq termini ugwali.

5.2.   Miżuri mogħtija minn Finnvera

5.2.1.   Garanzija mogħtija fis-17 ta’ Marzu 2004 (miżura 13)

(107)

Il-Finlandja tqis li l-garanzija ngħatat skont l-Avviż dwar il-Garanziji 2000. Fi kwalunkwe każ, il-garanzija ma kinitx tinvolvi għajnuna mill-Istat. L-ewwel, ir-riskju ta’ Finnvera ma żdiedx, minħabba li l-garanzija kienet tissostitwixxi garanzija li Finnvera kienet tat aktar kmieni (fl-1992) għal self għall-pensjoni. Dan is-self ġie sostitwit minn self għall-pensjoni ġdid fl-2004, li għalih Finnvera tat il-garanzija inkwistjoni. Barra minn hekk, żewġ kredituri privati taw faċilitajiet ta’ kreditu lil Karjaportti fl-istess ħin sabiex jippermettu l-finanzjament tal-posponiment tal-pagamenti tal-2004. Barra minn hekk, il-garanzija kienet soġġetta għal ħlas għoli u l-element ta’ għajnuna tal-garanzija kien taħt il-limitu de-minimis. Fl-aħħarnett, il-previżjonijiet għal Karjaportti kienu tajbin fiż-żmien ta’ meta ngħatat il-garanzija.

5.2.2.   Self mogħti fit-12 ta’ Jannar 2006 (miżura 14)

(108)

Il-Finlandja tqis li s-self mogħti fl-2006 ma kienx jinvolvi għajnuna Statali minħabba li Finnvera aġixxiet bħal kreditur tas-suq privat meta kkonvertiet l-imgħax mhux imħallas f’self ġdid f’konformità mal-programm ta’ ristrutturar. Barra minn hekk, il-kredituri privati kkonvertew l-imgħax mhux imħallas tagħhom f’self ġdid ftit qabel ma Finnvera għamlet l-istess u skont kondizzjonijiet simili.

5.2.3.   Garanzija mogħtija fl-14 ta’ Settembru 2006 (miżura 15)

(109)

Il-Finlandja tqis li l-garanzija ngħatat skont l-Avviż dwar il-Garanziji 2000. Fi kwalunkwe każ, il-garanzija ma tinvolvix għajnuna Statali għaliex tkopri biss 16.7 % ta’ EUR 1,8 miljun u kredituri privati kienu qegħdin ikopru l-bqija ta’ dan l-ammont permezz ta’ garanziji.

5.2.4.   Self mogħti fis-6 ta’ Lulju 2007 (miżura 16)

(110)

Il-Finlandja tqis li s-self mogħti fl-2007 ma kienx jinvolvi għajnuna Statali minħabba li Finnvera aġixxiet flimkien ma’ żewġ kredituri privati li taw self ġdid fl-istess żmien u f’kondizzjonijiet simili. Barra minn hekk, is-self kien kollateralizzat permezz ta’ ipoteki ta’ valur u ipoteki kummerċjali.

5.2.5.   Garanzija mogħtija fid-9 ta’ Jannar 2008 (miżura 17)

(111)

Il-Finlandja tqis li l-kontro-garanzija ngħatat skont l-Avviż dwar il-Garanziji 2000. Fi kwalunkwe każ, din ma tinvolvix għajnuna Statali minħabba li l-parti l-oħra involuta kienet sellief privat u t-tariffa ta’ garanzija imposta minn Finnvera kienet sostanzjalment ogħla mill-tariffa ta’ garanzija imposta mill-sellief privat.

6.   KUMMENTI MINGĦAND IL-PARTIJIET INTERESSATI

(112)

Il-parti interessata kkumentat biss fuq il-miżuri 1, 2, 3, 5, 7, 9 u 10.

6.1.1.   Garanzija mogħtija fit-12 ta’ Ġunju 2000 (miżura 1)

(113)

Il-parti interessata tgħid li l-garanzija ngħatat sabiex jinkiseb self ta’ FIM 25 miljun għall-investiment f’sit ta’ produzzjoni ġdid.

6.1.2.   Għoti ta’ art (miżura 2)

(114)

Il-parti interessata ssostni li biċċa art kienet allokata lil Karjaportti u l-Belt ta’ Mikkeli ħadet ħsieb li tipprovdi l-inġinerija muniċipali u xogħol tekniku ieħor meħtieġ, bi spejjeż li jammontaw għal FIM 2,5 miljun. Karjaportti ħallset FIM 1,2 miljun għall-plott. Fil-kotba ta’ Karjaportti, il-plott huwa vvalutat għal EUR 403 000 u l-parti interessata tistaqsi jekk l-allokazzjoni tal-art setgħetx kienet għajnuna mill-Istat.

6.1.3.   Xiri ta’ art (miżura 3)

(115)

Il-parti interessata tallega li l-Belt ta’ Mikkeli xtrat sitt fabbriki abbandunati f’Mikkeli u ħallset total ta’ EUR 6,7 miljun għalihom. Investitur li jaġixxi skont il-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq ma kienx jixtri proprjetajiet ta’ kumpanija bi problemi finanzjarji kbar bi prezz bħal dan.

6.1.4.   Garanzija mogħtija fl-10 ta’ Mejju 2004 (miżura 5)

(116)

Il-parti interessata ssostni li Karjaportti kienet f’diffikultajiet serji fiż-żmien meta ngħatat il-garanzija. Il-kumpanija diġà kellha dejn sostanzjali mal-Belt ta’ Mikkeli u mal-grupp ta’ kumpaniji proprjetà tal-Belt ta’ Mikkeli.

6.1.5.   Xiri ta’ ishma mingħand Karjaportti (miżura 7)

(117)

Il-parti interessata tallega li l-prezz imħallas għall-ishma fil-kumpanija immobiljari kien ogħla mill-valur tal-ishma skont il-kotba.

6.1.6.   Tħassir ta’ djun fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-2006 u tal-2008 (miżura 9 u miżura 10)

(118)

Il-parti interessata ssottomettiet kopja tal-minuti tal-laqgħa tal-Bord tal-Belt ta’ Mikkeli datata l-5 ta’ Frar 2007, li fiha ġie deċiż it-tħassir tad-dejn fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-2006. Barra minn hekk, il-parti interessata tinnota li ma kinitx ħaġa tas-soltu li l-Belt ta’ Mikkeli tħassar miljuni ta’ euro ta’ djun ta’ Karjaportti fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-2008 tagħha, u tistaqsi b’mod partikolari għaliex il-Belt ta’ Mikkeli kienet lesta fl-istess ħin li tagħti garanziji ulterjuri lil Karjaportti.

7.   VALUTAZZJONI

(119)

L-Artikolu 107 (1) tat-TFUE jistabbilixxi li kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi Statali, fi kwalunkwe forma, li toħloq tgħawwiġ jew thedded li toħloq tgħawwiġ fil-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri hija inkompatibbli mas-suq intern.

(120)

Il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107 (1) TFUE huma kumulattivi u b’hekk biex miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat il-kundizzjonijiet kollha jridu jiġu ssodisfati simultanjament.

(121)

Filwaqt li l-Artikolu 107 (1) tat-TFUE jipprovdi għall-projbizzjoni ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat fi ħdan l-Unjoni, l-Artikoli 107 (2) u 107 (3) tat-TFUE jipprovdu għal eżenzjonijiet għar-regola ġenerali li tali għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern kif iddikjarat fl-Artikolu 107 (1) tat-TFUE.

(122)

Fit-taqsimiet li ġejjin, il-Kummissjoni tevalwa l-eżistenza ta’ għajnuna statali separatament għal kull waħda mill-miżuri deskritti. Jekk miżura tinvolvi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tkompli tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna. Il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn miżuri rtirati, miżuri li kienu mogħtija mill-Belt ta’ Mikkeli u miżuri li ngħataw minn Finnvera. Bħala punt preliminari, jiġi vvalutat f’liema punt fiż-żmien Karjaportti tista’ titqies bħala kumpanija f’diffikultà.

7.1.   Kumpanija f’diffikultà

(123)

Kemm għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat kif ukoll għall-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni huwa rilevanti jekk il-benefiċjarju kienx f’diffikultà fiż-żmien meta ngħataw il-miżuri. Il-kwistjoni jekk Karjaportti tistax titqies bħala kumpanija f’diffikultà għandha tiġi evalwata skont il-Linji Gwida R & R 1999 sad-9 ta’ Ottubru 2004, id-data ta’ skadenza tal-Linji Gwida R & R 1999 (37). Mill-10 ta’ Ottubru 2004, huma applikabbli l-Linji Gwida R & R 2004 (38).

(124)

Skont il-Linji Gwida R & R 1999, kumpanija tista’ titqies bħala li qiegħda f’diffikultà meta din tissodisfa l-hekk imsejħa kriterji ibsin stabbiliti fil-Punt 5 tal-Linji Gwida, jiġifieri meta tkun tilfet aktar minn nofs il-kapital reġistrat tagħha jew tista’ tkun soġġetta għal proċeduri kollettivi ta’ falliment skont il-liġi nazzjonali. Jekk il-kriterji ibsin ma jiġux issodisfati, kumpanija xorta waħda tista’ turi s-“sinjali tas-soltu ta’ impriża f’diffikultà” skont il-punt 6 tal-Linji Gwida R & R 1999, bħal telf jiżdied, fatturat jonqos, inventarji ta’ stokk dejjem jiżdied, kapaċità eċċessiva, tnaqqis tal-fluss tal-flus, dejn dejjem jiżdied, ħlasijiet ta’ imgħax li jogħlew u valur tal-assi nett li jaqa’ jew null (l-hekk imsejħa kriterji ħfief). Il-Linji Gwida R & R 2004 jinkludi kriterji simili ibsin u ħfief fil-Punti 10 u 11.

(125)

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni tinnota li fis-sena 2000, Karjaportti ma tilfitx kapital u lanqas ma wriet is-“sinjali tas-soltu” ta’ impriża f’diffikultà fis-sena 2000. Fil-fatt jidher li Karjaportti kienet kumpanija b’saħħitha li rreġistrat dħul għoli, riżultat operattiv pożittiv, kapital azzjonarju stabbli u riżervi f’livelli relattivament għoljin għall-perjodu bejn l-2000 u l-2002 (ara wkoll Tabella I).

(126)

Is-sitwazzjoni bdiet sejra għall-agħar fis-snin ta’ wara. Il-fatturat kien qed jonqos u t-telf kien żdied b’mod sinifikanti mill-2003 sal-2004. Id-dejn kien qed jiżdied u diġà fil-bidu tal-2004, il-benefiċjarju beda l-posponiment tad-djun u kellu jitlob lill-kredituri għal differiment ta’ ħlasijiet dovuti (39). Jidher ukoll li Karjaportti kellha xi kapaċitajiet żejda. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li diġà fl-2004, it-telf ta’ Karjaportti ma baqax aktar kopert mill-fond ta’ kontinġenza (ara t-Tabella I).

(127)

Skont id-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ Karjaportti, il-kapital azzjonarju ta’ Karjaportti kważi għeb fl-2004, peress li b’mod drammatiku niżel għal inqas minn wieħed minn għaxra tal-valur tiegħu meta mqabbel mas-sena 2003. Minn dakinhar, il-kumpanija rreġistrat ekwità negattiva li kellha t-tendenza li tiżdied f’dawn l-aħħar snin. Bl-eċċezzjoni tas-sena 2006, Karjaportti kienet ilha tagħmel telf mill-2003. Il-profitt magħmul fl-2006 ma jistax jitqies bħala sinjal ta’ rkupru tal-kumpanija peress li ma kienx jirriżulta mill-attività prinċipali tal-kumpanija. Il-qligħ operattiv ta’ Karjaportti baqa’ negattiv, l-istess bħas-snin ta’ qabel u dawk ta’ wara. Il-qligħ fl-2006 ma kienx biżżejjed biex ipatti għall-ammont ta’ defiċit akkumulat fuq perjodi ta’ kontabilità preċedenti u lanqas sabiex jikkumpensa għall-ekwità negattiva. B’mod ġenerali s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Karjaportti baqgħet konsiderevolment sfavorevoli. Fl-2008, Karjaportti kienet tqiegħdet darbtejn fi proċeduri ta’ falliment mill-awtoritajiet tat-taxxa.

(128)

Fid-dawl tal-fatti ppreżentati fil-premessi 125-127, jista’ jiġi konkluż li Karjaportti tikkwalifika bħala impriża f’diffikultà skont il-Punt 5 tal-Linji Gwida R & R 1999 u skont il-Punt 11 tal-Linji Gwida R & R 2004 rispettivament mill-bidu tal-2004. Fl-2008, meta Karjaportti kienet soġġetta għal proċeduri ta’ falliment, hija kienet tikkwalifika wkoll bħala impriża f’diffikultà skont il-Punt 10 (ċ) tal-Linji Gwida R & R 2004.

7.2.   Miżuri rtirati

7.2.1.   Garanzija mhux implimentata li kienet ġiet ippjanata għall-2009 (miżura 11)

(129)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (40) (“ir-Regolament Proċedurali”), Stat Membru jista’ jirtira n-notifika wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-ħin qabel il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni dwar il-karattru tal-miżura nnotifikata. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħlaq dik il-proċedura għar-raġuni li tkun mingħajr għan.

(130)

Peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Belt ta’ Mikkeli li jipprovdi garanzija lil Karjaportti ma saritx finali u l-Bord tal-Belt iddeċieda fi Frar 2010 li ma jimplimentax il-garanzija, il-il-Finlandja rtirat in-notifika tal-garanzija f’Marzu 2010. B’hekk, fir-rigward tal-garanzija, l-investigazzjoni ma kienx baqgħalha għan.

7.3.   Miżuri mogħtija mill-Belt ta’ Mikkeli

7.3.1.   Garanzija mogħtija fit-12 ta’ Ġunju 2000 (miżura 1) u għoti ta’ art (miżura 2)

Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(131)

Garanzija (miżura 1): Kif deskritt fil-premessi (14)-(16), il-Belt ta’ Mikkeli tat il-garanzija f’Ġunju 2000 u għamlet ħlasijiet skont il-garanzija f’Diċembru 2004. Wara li l-Belt ta’ Mikkeli kienet saret kreditur ta’ Karjaportti, il-kondizzjonijiet għas-self ġew mibdula fi ħdan il-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti (għad-dettalji ara l-premessi 34-39).

(132)

Għaldaqstant, għandha ssir distinzjoni ta’ diversi passi. Filwaqt li l-għajnuna tingħata fil-mument meta tingħata garanzija mill-Istat, kwalunkwe ħlas mill-Istat skont it-termini tal-garanzija m’għandux jitqies bħala għoti ta’ għajnuna mill-Istat (41). Min-naħa l-oħra, il-bidla fil-kundizzjonijiet tas-self wara li l-garanti statali jkun sar kreditur tista’ tinvolvi għajnuna mill-Istat. F’dan li ġej, jiġi eżaminat jekk il-garanzija mogħtija f’Ġunju 2000 tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Il-kwistjoni jekk il-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-self jistgħux jinvolvu għajnuna mill-Istat hija evalwata bħala parti mill-miżura 6 (ara l-premessi 188-195).

(133)

Il-garanzija ngħatat mill-Belt ta’ Mikkeli u għaldaqstant tikkonsisti f’riżorsi statali u hija imputabbli lill-Istat.

(134)

Biex tkun tinvolvi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107 (1) tat-TFUE, miżura trid tagħti vantaġġ li impriża ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Sabiex twettaq din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni sejra tibbaża fuq l-Avviż dwar il-Garanziji 2000. Fiż-żmien meta ngħatat il-miżura, l-Avviż dwar il-Garanziji 2000 kien fis-seħħ. Madankollu, kif tindika b’mod ċar il-ġurisprudenza tal-Qorti, “il-kwistjoni dwar jekk għajnuna hijiex għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tat-Trattat għandha tkun determinata fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li għandhom jiġu evalwati fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha” (42). Għaldaqstant, għal din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni sejra tibbaża fuq l-Avviż dwar il-Garanziji 2008.

(135)

Skont il-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji 2008, l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’garanzija mill-Istat individwali tista’ tiġi eskluża jekk jiġu ssodisfati erba’ rekwiżiti kumulattivi: “(a) Min jissellef ma jkunx f’diffikultà finanzjarja […], (b) Il-limitu tal-garanzija jista’ jitkejjel kif xieraq meta jingħata, […] (c) Il-garanzija ma tkoprix aktar minn 80 % tas-self pendenti jew obbligu finanzjarju ieħor […], (d) jitħallas prezz orjentat lejn is-suq għall-garanzija […].”

(136)

F’dan il-każ preżenti, min issellef ma kienx f’diffikultajiet finanzjarji fiż-żmien tal-għoti (ara l-premessi 123-128). Madankollu, il-garanzija taħt valutazzjoni tkopri 100 % tas-self.

(137)

Barra minn hekk, il-garanzija ngħatat mingħajr ebda tariffa ta’ garanzija, anki jekk l-awtorità awtorizzanti hija stess ikkunsidrat li kien involut riskju kbir (43). Filwaqt li l-Finlandja ssostni li Karjaportti setgħet kisbet garanzija simili fuq is-suq, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li primjum ta’ garanzija ta’ żero ma jistax jiġi kkunsidrat bħala qrib il-primjum tas-suq applikabbli fiż-żmien tal-għoti. Il-garanzija kopriet 100 % tas-self inkwistjoni, jiġifieri l-awtorità awtorizzanti ġarret ir-riskju ta’ inadempjenza tal-benefiċjarju waħedha u l-garanzija ngħatat bħala garanzija assoluta, jiġifieri l-garanti kienet responsabbli għad-dejn prinċipali bħallikieku kien tal-garanti stess u l-kreditur seta’ jitlob il-ħlas lura ta’ dejn prinċipali mill-garanti meta d-dejn prinċipali kien dovut.

(138)

Għaldaqstant, fil-każ inkwistjoni, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Finlandja, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-miżura ma tistax titqies ħielsa minn għajnuna.

(139)

L-argument tal-Finlandja li l-miżura ngħatat flimkien ma’ partijiet oħra jista’ jiġi miċħud, peress li skont l-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja, il-partijiet l-oħra li ħadu sehem fl-investiment kienu wkoll proprjetà tal-Istat. Għaldaqstant, huwa kkunsidrat li l-miżura tagħti vantaġġ lill Karjaportti.

(140)

Biex tkun titqies għajnuna mill-Istat, miżura għandha tkun speċifika jew selettiva fis-sens li tiffavorixxi biss ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti. Il-miżura li qiegħda tiġi vvalutata ngħatat lil Karjaportti, kumpanija waħda speċifika. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżura li ttieħdet tikkostitwixxi vantaġġ selettiv għall-benefiċjarju.

(141)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk il-miżura meħuda mill-Belt ta’ Mikkeli favur Karjaportti hijiex probabbli li toħloq tgħawwiġ fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, billi tipprovdi lil din il-kumpanija b’vantaġġ fuq kompetituri (potenzjali) li ma jirċevux appoġġ pubbliku. Hemm kummerċ fi prodotti tal-laħam bejn l-Istati Membri, iż-żona fejn jopera l-benefiċjarju. Skont il-Finlandja, Karjaportti tesporta l-prodotti tagħha l-aktar lejn ir-Russja, iżda wkoll lejn l-Istati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżura meħuda aktarx li toħloq tgħawwiġ fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(142)

Abbażi ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(143)

Għoti ta’ art (miżura 2): Il-Finlandja ma tikkontestax li l-miżura tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-benefiċjarju b’mod ċar ingħata vantaġġ, peress li ma kellu jħallas xejn għall-għoti tal-art. Barra minn hekk, il-Belt ta’ Mikkeli ħallset lura lill-benefiċjarju l-ispejjeż għat-twittija tas-sit. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-miżura tagħti lil Karjaportti vantaġġ li ma kinitx tirċievi fuq is-suq.

(144)

Barra minn hekk, il-miżura tissodisfa l-ħtiġijiet l-oħra għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Kif deskritt fid-dettall fil-premessi 133, 140 u 141, l-għoti ta’ art ukoll jikkonsisti f’riżorsi statali u huwa imputabbli lill-Istat, huwa selettiv, u joħloq tgħawwiġ fil-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(145)

Abbażi ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

Kompatibbiltà

(146)

Il-Finlandja ssostni li l-garanzija, flimkien mal-għoti ta’ art għall-bini tas-sit ta’ produzzjoni f’Tikkala, hija kompatibbli bħala għajnuna reġjonali. Fiż-żmien meta ngħataw il-miżura 1 u 2, jiġifieri fis-sena 2000, kienu fis-seħħ l-RAG 1998 (44). Il-miżuri kkunsidrati ma ngħatawx taħt xi skema, iżda bħala ħlas individwali ad hoc. Peress li ngħataw f’settur li fih japplikaw l-RAG 1998, il-miżuri jaqgħu fil-prinċipju fl-ambitu tal-RAG 1998. Fiż-żmien tal-għoti, il-benefiċjarju ma kienx jinsab f’diffikultajiet, kif deskritt fil-premessi 123-128 ta’ hawn fuq, u kien jinsab f’Itä-Suomen, reġjun eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107 (3) (a) tat-TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni vvalutat il-proġett skont l-RAG 1998. Din il-valutazzjoni wasslet għall-osservazzjonijiet li ġejjin:

(147)

Skont Taqsima 2 tal-RAG 1998, l-għajnuna reġjonali tista’ tkun kompatibbli biss jekk ikun hemm bilanċ bejn l-effett ta’ tgħawwiġ tagħha u l-vantaġġ tagħha f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp ta’ reġjun inqas favorit. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li l-proġett ta’ investiment inkwistjoni kien suppost li jkollu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp reġjonali. Huwa kkontribwixxa għall-iżvilupp ulterjuri tal-attività ekonomika u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u indiretti. Fil-fatt, kif deskritt fil-premessa 24, is-sit ta’ produzzjoni l-ġdid għandu jtella’ l-għadd ta’ impjiegi fir-reġjun minn 400 għal 550-600.

(148)

It-Taqsima 4 tal-RAG 1998 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna reġjonali kompatibbli.

(149)

L-ewwel, skont il-Punt 4.1 tal-RAG 1998, l-għan tal-għajnuna reġjonali hu li jassigura jew l-investiment produttiv (investiment inizjali) jew il-ħolqien ta’ impiegi marbuta ma’ investiment. Skont il-Punt 4.4 tal-RAG 1998, investiment inizjali jfisser investiment f’kapital fiss marbut mal-ħolqien ta’ stabbiliment ġdid, l-estensjoni ta’ stabbiliment eżistenti, jew il-bidu ta’ attività li tinvolvi bidla fundamentali fil-prodott jew fil-proċess ta’ produzzjoni ta’ stabbiliment eżistenti. Il-miżuri kkunsidrati kienu użati sabiex jinbena sit ta’ produzzjoni ġdid, li huwa investiment inizjali fis-sens tal-punt 4.4 tal-RAG 1998.

(150)

It-tieni nett, l-għajnuna trid tkun taħt il-limitu ta’ għajnuna reġjonali ta’ 24 % (45). Sabiex tiġi kkalkulata l-intensità tal-għajnuna, iridu jiġu ddeterminati l-valur tal-investiment u l-element ta’ għajnuna involut fil-miżuri kkunsidrati.

(a)

Rigward il-valur tal-investiment, skont il-Punt 4.5 tal-RAG 1998, l-ispejjeż eliġibbli f’dan il-kuntest jistgħu jinkludu spejjeż għall-art, għall-impjanti tal-bini, u makkinarju. Fil-każ ta’ xiri, l-ispejjeż ta’ xiri ta’ dawn l-assi biss għandhom jiġu kkunsidrati. Fil-fatt, il-Finlandja kkalkulat l-ispejjeż eliġibbli skont dawn id-dispożizzjonijiet, li wassal għal ammont ta’ EUR 25 935 928 (ara l-premessa 22 u t-Tabella III).

(b)

Fir-rigward tal-element ta’ għajnuna involut, il-Finlandja pprovdiet kalkolu, li l-kredibilità tiegħu kienet kontroverifikata mill-Kummissjoni. Għall-miżura 1, il-garanzija mogħtija mill-Belt ta’ Mikkeli, jista’ jintuża l-Avviż dwar il-Garanziji 2000 sabiex jiġi kkwantifikat l-element ta’ għajnuna. Tliet metodi huma previsti sabiex jikkwantifikaw l-element ta’ għajnuna, li wieħed minnhom huwa sabiex jiġi kkalkulat “b’xi metodu ieħor oġġettivament ġustifikat u ġeneralment aċċettat” (Taqsima 3.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji 2000). Il-Finlandja qabblet ir-rata tas-suq għal garanzija komparabbli mal-primjum tal-garanzija realment iffatturat mill-Belt ta’ Mikkeli, li fil-fatt jidher li huwa metodu oġġettivament ġustifikat u ġeneralment aċċettat. Għall-miżura 2, l-element ta’ għajnuna jikkonsisti fil-valur tal-art kif ukoll l-ispejjeż għat-twittija tas-sit, li huwa wkoll aċċettabbli. Fir-rigward tal-finanzjament minn Finnvera u l-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija, li m’huwiex soġġett għal din id-Deċiżjoni, li kieku l-finanzjament kellu jiġi kkunsidrat li jinvolvi għajnuna Statali, l-element ta’ għajnuna għandu wkoll jiġi kkunsidrat. Il-Finlandja pprovdiet kalkolu għall-element ta’ għajnuna involut fis-self ta’ Finnvera, li huwa meqjus bħala kredibbli. Għall-għotjiet diretti tal-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija, ġie kkunsidrat l-ammont sħiħ. B’mod ġenerali, b’kont meħud tal-element ta’ għajnuna fil-miżuri mogħtija mill-Belt ta’ Mikkeli, Finnvera u l-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija, l-element ta’ għajnuna (ikkalkulat bħala ekwivalenti ta’ għotja gross), huwa ta’ EUR 3 617 143 (ara t-Tabella II).

(151)

L-element ta’ għajnuna ta’ EUR 3 617 143 jikkorrispondi għal intensità ta’ għajnuna ta’ 13.95 % tal-ispejjeż totali eliġibbli ta’ EUR 25 935 928. Għaldaqstant l-intensità ta’ għajnuna hija taħt il-limitu ta’ 24 %.

(152)

It-tielet, skont l-Punt 4.10 tal-RAG 1998, l-għajnuna għall-investiment inizjali għandha tkun kondizzjonali fuq iż-żamma tal-investiment inkwistjoni għal perjodu minimu ta’ ħames snin. Il-Finlandja kkonfermat li l-investiment inkwistjoni kellu jinżamm għal perjodu minimu ta’ ħames snin.

(153)

Ir-raba’, skont il-Punt 4.2 tal-RAG 1998, il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju għall-iffinanzjar tal-investiment għandha tkun mill-inqas 25 %. Il-Finlandja kkonfermat li dan kien il-każ.

(154)

Il-ħames, il-Kummissjoni tinnota li, b’konformità mal-Punt 4.2 tal-RAG 1998, l-applikazzjoni għall-għajnuna kienet sottomessa qabel ma beda x-xogħol fuq il-proġett u li r-regoli dwar il-kumulazzjoni ta’ għajnuna huma rrispettati, kif previst fil-Punt 4.18 tal-RAG 1998, u li l-limitu ta’ għajnuna reġjonali ma nqabiżx.

(155)

Abbażi tal-argumenti preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li miżuri 1 u 2 issodisfaw il-kundizzjonijiet tal-RAG 1998 u huma għalhekk kompatibbli.

7.3.2.   Xiri ta’ art (miżura 3)

(156)

Fil-prinċipju, il-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq huwa wkoll applikabbli għax-xiri ta’ art jew assi oħra minn Stat. Xiri bħal dan jista’ jinkludi għajnuna mill-Istat jekk ma jistax jiġi kkunsidrat bħala tranżazzjoni kummerċjali normali. Anke jekk awtorità pubblika tixtri xi oġġetti u servizzi bi prezz tas-suq, xorta waħda jista’ jkun hemm għajnuna statali jekk jirriżulta li l-Istat ma kellux bżonn reali tal-artijiet jew tal-assi inkwistjoni (46).

(157)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk ix-xiri tal-art jistax jitqies bħala tranżazzjoni kummerċjali normali. Għal dan il-għan, għandu jiġi kkunsidrat jekk il-prezz imħallas mill-Belt ta’ Mikkeli kienx jirrifletti l-valur tal-proprjetajiet u l-bini mixtrija.

(158)

Skont il-parti interessata, investitur privat tas-suq ma kienx ikun lest li jħallas EUR 6,7 miljun għall-bini tal-fabbrika li l-Belt ta’ Mikkeli xtrat b’dan il-prezz.

(159)

Il-Finlandja, min-naħa l-oħra, ipprovdiet lill-Kummissjoni b’indikazzjoni tal-valur tal-proprjetajiet. Skont il-Finlandja, il-bank privat […] kellu ipoteka li tammonta għal EUR 7,5 miljun fuq waħda mill-proprjetajiet mibjugħa fiż-żmien tax-xiri (47).

(160)

Il-Finlandja infurmat lill-Kummissjoni li ma teżisti l-ebda stima tal-art. Il-Kummissjoni tqis li l-valur tal-ipoteki miżmuma minn bank privat jista’ jagħti indikazzjoni tal-valur tal-proprjetà. Tabilħaqq, qabel jaċċetta l-kollaterali, il-bank jistma l-proprjetà inkwistjoni b’tali mod li jekk id-debitur ma jkunx jista’ jħallas lura d-dejn tiegħu, il-bank ikun sodisfatt billi jwettaq l-ipoteka.

(161)

Għall-proprjetajiet inkwistjoni, il-Belt ta’ Mikkeli ħallset prezz tax-xiri ta’ EUR 6 646 787, li huwa inqas mill-ammont irreġistrat tal-ipoteka miżmuma minn parti privata fuq waħda mill-proprjetajiet qabel l-għeluq tal-proċedura tal-bejgħ. Barra minn din il-proprjetà, inbiegħu ħames proprjetajiet oħra u bini lill-Belt ta’ Mikkeli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-Belt ta’ Mikkeli xtrat il-proprjetajiet bl-għan li tibdel l-art f’żona residenzjali bl-implimentazzjoni ta’ bidliet fil-pjanijiet lokali; il-proprjetajiet kienu jinsabu qrib iċ-ċentru tal-belt u f’żona residenzjali attraenti.

(162)

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-dubji mqajma mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ dwar il-prezz imħallas għall-proprjetajiet u l-bini huma eliminati. Huwa meqjus li l-Belt ta’ Mikkeli xtrat il-proprjetajiet u l-bini bi prezz li jirrifletti l-valur tagħhom u li l-prova tal-investitur fis-suq hija ssodisfata. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżura ma tinvolvix għajnuna mill-Istat.

7.3.3.   Garanzija mogħtija fit-8 ta’ Marzu 2004 (miżura 4) u garanzija mogħtija fl-10 ta’ Mejju 2004 (miżura 5)

(163)

Fir-rigward tal-garanzija mogħtija f’Ġunju 2000, għandha ssir distinzjoni ta’ diversi passi (għoti tal-garanzija; ħlas skont il-garanzija; bidla tal-kundizzjonijiet fis-self; qabbel il-premessa 132). Għaldaqstant, f’dan li ġej, qed jiġi eżaminat jekk il-garanziji mogħtija f’Marzu 2004 u f’Mejju 2004 jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Il-kwistjoni dwar jekk il-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-self jistgħux jinvolvu għajnuna mill-Istat hija evalwata bħala parti mill-miżura 6 (ara l-premessi 188-195).

Eżistenza ta’ għajnuna statali

(164)

Miżura 4: Kuntrarjament għall-argumenti tal-Finlandja, ippreżentati fil-premessa (92), il-Kummissjoni tqis li l-konverżjoni ta’ djun eżistenti f’garanzija ġdida tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. F’dan il-kuntest, għandha ssir distinzjoni bejn għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida. Id-definizzjoni ta’ għajnuna eżistenti tinvolvi miżuri ta’ għajnuna individwali li kienu ġew implementati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat (l-Artikolu 1 (b) tar-Regolament Proċedurali). Għajnuna ġdida, għall-kuntrarju, hija “kull għajnuna […] li m’hijiex għajnuna eżistenti, inkluża alterazzjoni f’għajnuna eżistenti” (Artikolu 1 (c) tar-Regolament Proċedurali). Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 659/1999 (48), alterazzjoni hija “kwalunkwe bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistgħux jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura tal-għajnuna mas-suq komuni”.

(165)

Fil-fatt, il-Belt ta’ Mikkeli tat garanzija ġdida fit-8 ta’ Marzu 2004 li kienet qiegħda tassigura self ġdid mogħti minn Tapiola fl-14 ta’ April 2004. Il-garanzija l-ġdida ma tistax titqies bħala kontinwazzjoni tal-garanzija l-qadima peress li ngħatat għal self ġdid b’kundizzjonijiet ġodda. Il-fatt li dan is-self kien qed jissostitwixxi self mogħti fl-1992 minn Tapiola li kien diġà ġie garantit mill-Belt ta’ Mikkeli ma jbiddilx il-fehma tal-Kummissjoni. Għalkemm huwa veru li s-self il-ġdid ammonta għall-kapital pendenti tas-self preċedenti, u r-rata tal-imgħax kienet iktar favorevoli għal Karjaportti (4.5 % p.a. għas-self preċedenti; 4 % p.a. għas-self il-ġdid), kien hemm bidla fil-tul tas-self (is-self qadim kellhom jitħallas lura għaxar snin wara l-għoti, jiġifieri f’Novembru 2002; is-self il-ġdid kien jippermetti ħlas lura sal-2014). B’mod ġenerali, l-ammont tas-self il-ġdid (kapital flimkien mal-imgħax għas-snin 2004 sal-2014) huwa ogħla mill-ammont tas-self il-qadim. Għaldaqstant, bl-għoti tal-garanzija l-ġdida, ir-riskju tal-Belt ta’ Mikkeli u għalhekk l-ammont tal-miżura żdied meta mqabbel mal-garanzija l-qadima. L-għoti tal-garanzija l-ġdida għandu jtitqies bħala bidla tal-garanzija l-qadima li jippermetti klassifikazzjoni tal-garanzija l-ġdida bħala għajnuna ġdida. Għaldaqstant, l-argument tal-Finlandja li l-garanzija qadima ngħatat qabel l-adeżjoni tal-Finlandja u għalhekk tista’ titqies bħala għajnuna eżistenti u li l-garanzija l-ġdida ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tinvolvi għoti ta’ għajnuna ġdida jista’ jiġi miċħud.

(166)

Il-kwistjoni dwar jekk il-garanzija tatx vantaġġ lill-benefiċjarju tista’ tiġi evalwata fuq il-bażi tal-Avviż dwar il-Garanziji 2008. Fiż-żmien meta ngħatat il-miżura, l-Avviż dwar il-Garanziji 2000 kienet fis-seħħ. Madankollu, kif spjegat fil-premessa (134), il-Kummissjoni sejra tistrieħ fuq l-Avviż dwar il-Garanziji 2008 meta tevalwa l-miżura. Skont il-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji 2008, l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fi ħdan garanzija mill-Istat individwali tista’ tiġi eskluża jekk erba’ rekwiżiti kumulattivi jiġu ssodisfati (ara l-premessa 135). Il-garanzija taħt valutazzjoni tkopri 100 % tas-self. Dan huwa biżżejjed sabiex jingħad li l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi eskluża fuq il-bażi tal-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji 2008. Barra minn hekk, u kuntrarjament għall-argumenti tal-Finlandja, il-Kummissjoni tqis li Karjaportti kienet diġà f’diffikultà, fis-sens tal-Linji Gwida R & R 1999, f’Marzu 2004 (ara l-premessi 123-128), li hija raġuni oħra li l-garanzija ma tistax taqa’ taħt il-punt 3.2. tal-Avviż dwar il-Garanziji 2008.

(167)

Barra minn hekk, il-garanzija ngħatat mingħajr ebda tariffa ta’ garanzija, anki jekk il-kumpanija kienet qiegħda tiffaċċja diffikultà u r-riskju għall-Belt ta’ Mikkeli jista’ jitqies bħala konsiderevoli. Il-garanzija kienet tkopri 100 % tas-self inkwistjoni, jiġifieri l-awtorità awtorizzanti ġarret ir-riskju ta’ inadempjenza tal-benefiċjarju waħedha u l-garanzija ngħatat bħala garanzija assoluta, jiġifieri l-garanti kien responsabbli għad-dejn prinċipali bħallikieku kien tal-garanti stess u l-kreditur seta’ jitlob il-ħlas lura ta’ dejn prinċipali mill-garanti meta d-dejn prinċipali sar dovut.

(168)

Barra minn hekk, il-Finlandja temmen li l-miżura hija konformi mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq, b’mod partikolari minħabba li kienu involuti partijiet privati. Dan l-argument jista’ jiġi miċħud. Skont l-informazzjoni sottomessa mill-Finlandja, l-ewwel nett, il-partijiet privati ma tawx garanziji iżda self lill-benefiċjarju. It-tieni nett, is-self mill-partijiet privati ma ngħatax fl-istess żmien tas-self garantit għall-pensjoni. It-tielet, ir-rata ta’ imgħax mitluba mill-inqas minn waħda mill-partijiet privati għas-self kienet diġà ogħla mir-rata ta’ imgħax għas-self għall-pensjoni. Aktar importanti minn hekk, il-partijiet privati qablu biss dwar self għal żmien qasir, b’tul ta’ bosta xhur, filwaqt li l-garanzija mogħtija mill-Belt ta’ Mikkeli kienet tkopri self b’tul ta’ żmien ta’ għaxar snin.

(169)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa kkunsidrat li l-miżura tagħti vantaġġ lil Karjaportti. Barra minn hekk, il-miżura 4 tissodisfa r-rekwiżiti kollha l-oħrajn għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Kif deskritt fid-dettall fil-premessi 133, 140 u 141, din il-garanzija tikkonsisti wkoll f’riżorsi umani u hija imputabbli lill-Istat, hija selettiva u toħloq tgħawwiġ fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(170)

Miżura 5: L-argument tal-Finlandja li l-miżura ngħatat biex jitkompla l-investiment li beda fl-2000 tista’ tiġi miċħuda, minħabba li l-garanzija kienet b’mod ċar miżura ġdida.

(171)

Skont il-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji 2008, l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fi ħdan garanzija mill-Istat individwali tista’ tiġi eskluża jekk jiġu ssodisfati erba’ rekwiżiti kumulattivi (ara l-premessa 135). Bħall-miżura 4, il-garanzija taħt valutazzjoni tkopri 100 % tas-self u Karjaportti kienet diġà tinsab f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida R & R 1999 f’Mejju 2004 (ara l-premessi 123-128). Għaldaqstant, il-garanzija ma tistax taqa’ taħt il-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji 2008.

(172)

Barra minn hekk, u simili għall-miżura 4, il-garanzija ngħatat mingħajr ebda tariffa ta’ garanzija, anki jekk il-kumpanija kienet qiegħda tiffaċċja diffikultà u r-riskju għall-Belt ta’ Mikkeli jista’ jitqies bħala konsiderevoli. Il-garanzija kopriet 100 % tas-self inkwistjoni u ngħatat bħala garanzija assoluta. Għaldaqstant, fil-każ inkwistjoni, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Finlandja, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-miżura tagħti vantaġġ lill Karjaportti.

(173)

Barra minn hekk, il-miżura 5 tissodisfa r-rekwiżiti kollha l-oħra għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Kif deskritt fid-dettall fil-premessi 133, 140 u 141, din il-garanzija tikkonsisti wkoll f’riżorsi umani u hija imputabbli lill-Istat, hija selettiva u toħloq tgħawwiġ fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(174)

Abbażi ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura 4 u l-miżura 5 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

Kompatibbiltà

(175)

Il-Finlandja ma ressqet l-ebda argument fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura 4. Għall-miżura 5, il-Finlandja invokat l-Artikolu 107 (3) (a) tat-TFUE u l-RAG 1998 (ara l-premessa 95). L-RAG 1998 jista’ madankollu ma jservix bħala bażi ta’ kompatibbiltà, peress li Karjaportti kienet f’diffikultà fil-mument tal-għoti taż-żewġ garanziji (ara l-premessi 123-128). Skont l-RAG 1998, l-għajnuna lill-kumpaniji f’diffikultà għandha tiġi evalwata skont il-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar (49). Għalhekk, l-ewwel il-Kummissjoni tivvaluta jekk il-miżuri 4 u 5 humiex kompatibbli bħala għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar skont il-linji gwida R & R. Fiż-żmien tal-għoti, il-Linji Gwida R & R 1999 kienu applikabbli (50).

(176)

Skont il-Linji Gwida R & R 1999, għajnuna għas-salvataġġ għandha tissodisfa ċerti rekwiżiti, li mhux kollha huma ssodisfati mill-miżura inkwistjoni.

(a)

L-ewwel, filwaqt li l-miżuri jikkonsistu f’għajnuna f’kontanti f’forma ta’ garanzija (il-punt 23 (a) tal-Linji Gwida R & R 1999), is-self kopert mill-garanziji rispettivi ma ngħatax b’rata ta’ imgħax għallinqas komparabbli ma’ dawk osservati għal self lil ditti b’saħħithom (rata ta’ referenza għall-Finlandja f’Marzu 2004: 4.43 % flimkien ma’ 100 punt bażi; rata ta’ referenza għall-Finlandja f’Mejju 2004: 4.43 % flimkien ma’ 100 punt bażi).

(b)

It-tieni nett, il-garanziji ma kinux marbuta ma’ self li kellu jiġi rimborsat fuq perjodu ta’ mhux aktar minn tnax-il xahar wara l-ħlas tal-aħħar pagament lill-impriża (punt 23 (b) tal-Linji Gwida R & R 1999).

(c)

It-tielet, il-Finlandja ma pprovdiet ebda informazzjoni li l-għajnuna kienet iġġustifikata fuq il-bażi ta’ diffikultajiet soċjali serji u ma kellha l-ebda effett sekondarju negattiv fuq Stati Membri oħra (il-punt 23 (c) tal-Linji Gwida R & R 1999).

(d)

Ir-raba’, il-garanziji la tħallsu lura fi żmien 6 xhur u lanqas ma ġie stabbilit pjan ta’ ristrutturar skont it-tifsira tal-Linji Gwida R & R 1999 (punt 23 (d) tal-Linji Gwida R & R 1999).

(e)

Fl-aħħar nett, m’hemmx indikazzjoni li l-garanziji kienu ristretti għall-ammont meħtieġ biex id-ditta tibqa’ fin-negozju għall-perjodu li matulu l-għajnuna kienet awtorizzata (il-punt 23 (e) tal-Linji Gwida R & R 1999).

(177)

Miżura 4 u 5 lanqas ma jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha għall-għajnuna għar-ristrutturar stabbiliti fil-Linji Gwida R & R 1999.

(a)

L-ewwel, il-miżuri ma kinux jiddependu fuq l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar (punt 31 tal-Linji Gwida R & R 1999). Huwa nnotat li ma ġie stabbilit l-ebda pjan ta’ ristrutturar fis-sens tal-punt 32 et seq. tal-Linji Gwida R & R 1999.

(b)

It-tieni, il-benefiċjarji ta’ għajnuna huma mistennija li jagħtu kontribut sinifikanti għall-pjan ta’ ristrutturar mir-riżorsi proprji tagħhom (punt 40 tal-Linji Gwida R & R 1999) u għall-miżuri kkunsidrati, ma hemm ebda indikazzjoni ta’ kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju.

(c)

It-tielet, sabiex jiġi evitat tgħawwiġ bla bżonn tal-kompetizzjoni, għandhom jittieħdu miżuri ta’ kumpens (punt 37 tal-Linji Gwida R & R 1999). Miżuri bħal dawn ma ġewx previsti.

(178)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri ma ngħatawx skont il-Linji Gwida R & R 1999.

(179)

Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat jekk miżuri 4 u 5 jistgħux ikunu kompatibbli fuq il-bażi ta’ kwalunkwe eżenzjoni oħra stipulata fl-Artikolu 107 (2) u (3) tat-TFUE.

(180)

L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 107 (2) tat-TFUE ma japplikawx f’dan il-każ minħabba li l-miżuri inkwistjoni ma għandhomx karattru soċjali, ma ngħatawx lil konsumaturi individwali, mhumiex imfassla biex ipattu għal ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali jew okkorrenzi eċċezzjonali u ma ngħatawx lill-ekonomija ta’ ċerti reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja affettwati mid-diviżjoni ta’ dak il-pajjiż.

(181)

Aktar eżenzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 107 (3) tat-TFUE.

(182)

L-Artikolu 107 (3) (a) tat-TFUE jiddikjara li “għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn hemm ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg” tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Karjaportti, fil-ħin tal-għoti, kienet tinsab f’żona bħal din.

(183)

Fiż-żmien meta ngħataw miżuri 4 u 5, il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat għal żoni assistiti kienet regolata mill-RAG 1998. Skont dawk il-Linji Gwida, il-kumpaniji f’diffikultà mhumiex eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mhijiex eliġibbli għad-deroga prevista fl-Artikolu 107 (3) (a) tat-TFUE.

(184)

L-Artikolu 107 (3) (b) tat-TFUE jiddikjara li “għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġett importanti ta’ interess komuni Ewropew jew sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru” tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna inkwistjoni mhix maħsuba biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġett importanti ta’ interess komuni Ewropew u lanqas ma l-Kummissjoni sabet xi evidenza li l-għajnuna hija mfassla sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija Finlandiża. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna ma tikkwalifikax għad-deroga stabbilita fl-Artikolu 107 (3) (b) tat-TFUE.

(185)

L-Artikolu 107 (3) (d) tat-TFUE jiddikjara li l-għajnuna għall-promozzjoni kulturali u l-preservazzjoni tal-patrimonju tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mat-TFUE fejn tali għajnuna ma taffettwax kondizzjonijiet ta’ kummerċ u kompetizzjoni fil-komunità sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Dan l-Artikolu ovvjament ma japplikax għall-każ preżenti.

(186)

L-Artikolu 107 (3) (c) tat-TFUE jipprovdi għall-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi, fejn tali għajnuna ma taffettwax ħażin il-kondizzjonijiet kummerċjali sa grad kuntrarju għall-interess komuni. Il-Kummissjoni żviluppat diversi linji gwida u komunikazzjonijiet li jispjegaw kif sejra tapplika d-deroga li tinsab f’dan l-Artikolu. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li minħabba n-natura u l-karatteristiċi tal-għajnuna, huwa evidenti li l-eċċezzjonijiet skont dawn il-linji gwida u komunikazzjonijiet mhumiex applikabbli għall-każ preżenti.

(187)

Abbażi tal-argumenti preċedenti, il-Kummissjoni tqis li miżuri 4 u 5 jinvolvu għajnuna Statali li mhix kompatibbli mas-suq intern.

7.3.4.   Proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti (miżura 6)

(188)

L-argument prinċipali tal-Finlandja, kif deskritt fil-premessi 96-98, huwa li l-Belt ta’ Mikkeli ma kinitx aktar ġeneruża minn kredituri oħra tal-kumpanija, iżda li l-Belt ta’ Mikkeli aġixxiet flimkien ma’ kredituri privati tal-benefiċjarju u fl-istess kundizzjonijiet. Għaldaqstant, hija aġixxiet bħala investitur f’ekonomija tas-suq privat meta qablet mal-programm ta’ ristrutturar.

(189)

L-ewwel domanda li għandha tiġi vverifikata f’dan il-kuntest hija jekk il-prova tal-operatur fl-ekonomija tas-suq tapplikax għal sitwazzjonijiet fejn waħda jew diversi entitajiet pubbliċi, li l-imġiba tagħha hija imputabbli lill-Istat, twettaq miżuri multipli fir-rigward ta’ impriża waħda. Il-Qorti Ġenerali indirizzat din il-kwistjoni f’BP Chemicals v Il-Kummissjoni (51). Skont il-Qorti, is-sempliċi fatt li impriża pubblika diġà għamlet injezzjonijiet kapitali f’kumpanija sussidjarja li huma kklassifikati bħala ‘għajnuna’ ma jfissirx awtomatikament li injezzjoni kapitali oħra ma tistax tiġi kkwalifikata bħala investiment li jissodisfa t-test tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq. Il-Kummissjoni, madankollu, għandha tiddetermina jekk miżuri multipli fir-rigward ta’ impriża waħda jistgħux ikunu raġonevolment mifruda u jitqiesu bħala miżuri indipendenti. F’dan il-kuntest, skont il-Qorti, il-kronoloġija tal-miżuri inkwistjoni, l-iskop tagħhom, u s-sitwazzjoni tas-sussidjarja fiż-żmien meta ttieħdet kull deċiżjoni biex issir injezzjoni għandhom jiġu kkunsidrati (52).

(190)

Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk il-garanziji mogħtija f’Marzu u f’Mejju 2004 (miżura 4 u miżura 5) jistgħux jiġu mifruda mill-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti (miżura 6). Għalkemm huwa veru li t-tliet miżuri ġew deċiżi fi żmien sena, il-Kummissjoni tosserva li dawn intervjenew f’kuntest differenti. Fil-frattemp, kienu nbdew proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti, li fiha pparteċipaw il-kredituri kollha tal-kumpanija. L-għan tal-miżura 6 għalhekk ma kienx għadu li jippermetti lill-kumpanija terġa’ ssir vijabbli mingħajr falliment billi tikseb flus ġodda mill-banek privati. Pjuttost, il-Belt ta’ Mikkeli, bħall-kredituri l-oħra, kellha l-għan, fir-rwol tagħha bħala kreditriċi, li timmassimizza l-irkupru ta’ talbiet pendenti tagħha skont il-limitazzjonijiet tal-liġi tal-falliment nazzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżura 6 tista’ tiġi mifruda mill-miżuri 4 u 5.

(191)

Kif deskritt fil-premessa 31, Karjaportti, flimkien mal-kredituri privati tagħha, ippreżentat għall-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti mal-Qorti Distrettwali ta’ Mikkeli skont l-Att dwar ir-Ristrutturar tal-Impriżi 47/1993. Ġie ppreżentat programm ta’ ristrutturar lill-Qorti, inklużi dettalji tal-miżuri li bħalissa qegħdin jiġu vvalutati. Il-Qorti, wara li vverifikat id-dettalji, approvat il-programm ta’ ristrutturar. Il-Kummissjoni tinnota li Karjaportti kienet soġġetta għal proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti skont il-liġi Finlandiża. Fil-fatt, l-għan ta’ tali proċedura ta’ ristrutturar issorveljata mill-qorti huwa li jiġi rrijabilitat negozju vijabbli ta’ debitur f’diffikultà, biex tiġi żgurata l-vijabbiltà kontinwa tiegħu u sabiex jinstabu arranġamenti tad-dejn. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri meħuda mill-Belt ta’ Mikkeli matul il-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti jistgħu jiġu evalwati skont il-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq.

(192)

Skont il-każistika Magefesa (53), jekk l-Istat ikun aktar ġeneruż minn kredituri oħra tal-kumpanija, il-miżuri taħt proċedura ta’ ristrutturar issorveljata mill-qorti tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tivverifika jekk fil-fatt il-kredituri privati u pubbliċi ġewx ittrattati b'mod ekwu fil-proċedura ta’ ristrutturar.

(193)

L-ewwel, huwa nnotat li b’mod ġenerali, il-[…] ta’ djun ta’ ristrutturar (madwar [30-70] %) huwa dovut lil kredituri privati. Il-kredituri privati ewlenin huma Nordea Bank, Pohjola Bank u Nordea Financing. It-tieni nett, għandu jiġi kkunsidrat li l-kredituri ta’ Karjaportti kienu maqsuma fi gruppi differenti, skont il-klassifikazzjoni tagħhom. Flimkien mal-kredituri privati Nordea Bank, ÖKO / Pohjola Bank u Nordea Financing kif ukoll Finnvera, il-kumpanija ta’ finanzjament speċjalizzata proprjetà tal-Istat, il-Belt ta’ Mikkeli kienet tappartjeni għall-grupp ta’ kredituri ta’ djun garantiti kbar. Kif jidher fit-Tabella IV, minn dawn id-djun garantiti kbar, il-Belt ta’ Mikkeli għandha sehem ta’ [10-40] %, filwaqt li l-kredituri privati flimkien għandhom sehem ta’ [30-70] %. Finnvera għandha sehem ta’ [10-40] %.

(194)

F’dan li ġej, kull waħda mill-miżuri meħuda mill-Belt ta’ Mikkeli hija vvalutata f’aktar dettall:

(195)

Tnaqqis tar-rati tal-imgħax għad-djun garantiti: Kif jidher fit-Tabella V, ir-rati ta’ imgħax għas-self u djun oħrajn (spejjeż mhux imħallsa) li kienu kkunsidrati “djun garantiti kbar” kienu l-istess għall-kredituri privati u pubbliċi, bl-eċċezzjoni ta’ […]. Dan il-kreditur irċieva rata ta’ imgħax ta’ […] EURIBOR għall-ammonti kollha pendenti mill-bidu tal-proċeduri ta’ ristrutturar, filwaqt li l-kredituri l-oħra rċevew biss għal parti mill-ammonti pendenti […] EURIBOR nieqes […] % sal-2010. Din id-differenza kienet dovuta għall-fatt li […] kellu l-ogħla grad rigward il-kollaterali pprovduti minn Karjaportti bħala garanzija. Huwa meqjus li l-grad ogħla ta’ […] jiġġustifika d-differenza fir-rati ta’ imgħax applikati.

(196)

Il-posponiment tad-djun: Il-pretensjonijiet tal-Belt ta’ Mikkeli kienu differiti bl-istess mod bħall-pretensjonijiet ta’ debituri ipotekarji oħra. Kif jidher fit-Tabella VI, Karjaportti għandha tħallas bin-nifs lill-kredituri kollha assigurati minn Lulju 2009 sal-2015, meta l- akbar parti ta’ pagamenti ssir dovuta (43 % tal-kapital ta’ kull wieħed mid-djun garantiti). Il-ħlasijiet li għandhom jitħallsu lil kull kreditur kollha għandhom l-istess proporzjon fir-rigward tal-ammont globali tal-pretensjoni tal-kreditur rispettiv (2 % tal-ammont pendenti għall-ewwel tliet rati, 4 % għaż-żewġ pagamenti segwenti; 6 % għall-pagament li jifdal). L-aħħar pagament jammonta għal 43 % tal-kapital għal kull wieħed mill-kredituri ipotekarji. Għaldaqstant, il-Belt ta’ Mikkeli ma ġietx trattata b’mod inqas favorevoli mill-kredituri privati f’sitwazzjoni simili.

(197)

Rinunzja tad-dejn kondizzjonali: Skont il-programm ta’ ristrutturar, kif deskritt fil-premessi 42 u 43, l-ammonti li għandhom jiġu rrinunzjati fl-aħħar tal-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti, jekk ċerti rekwiżiti ekonomiċi ma jiġux sodisfatti, huma bbażati fuq paragun bejn il-valur tal-kollateral jekk Karjaportti tkompli l-operat tagħha, u l-valur tal-kollateral fil-każ ta’ twettiq tagħha, iddeterminat għal kull wieħed mill-kredituri rispettivi, filwaqt li jitqies il-grad rispettiv tagħhom. Il-valur tal-kollateral fiż-żewġ xenarji kien stabbilit minn żewġ stimaturi indipendenti fil-mument meta ġie stabbilit il-programm ta’ ristrutturar, ibbażat fuq il-prezzijiet u tagħrif paragunabbli dwar il-kiri. F’dan l-isfond, […] ma għandux għalfejn jirrinunzja djun fit-tmiem tal-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti, minħabba li huwa l-kreditur bl-ogħla grad. L-ammonti għall-kredituri l-oħra kienu wkoll stabbiliti skont il-metodoloġija msemmija, u dan jirriżulta fl-ammonti ppreżentati fil-premessa 43. Il-metodoloġija użata fid-determinazzjoni tal-ammonti rispettivi tista’ titqies kredibbli, b’mod partikolari minħabba li torbot il-grad rispettiv mal-valur tal-kollateral rispettiv fiż-żewġ xenarji. Fil-prattika, il-kalkolu kien ibbażat fuq evalwazzjonijiet ta’ esperti indipendenti, u ntużaw l-istess prinċipji għall-kredituri kollha meta ġew stabbiliti l-ammonti li permezz tagħhom id-djun ta’ ristrutturar jistgħu fil-massimu jitnaqqsu fl-aħħar tal-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti. Fid-dawl ta’ dan, jista’ jiġi kkunsidrat li l-kredituri kollha kienu ttrattati fuq bażi ugwali.

(198)

Kollox ma’ kollox, il-Kummissjoni tqis li l-Belt ta’ Mikkeli ma kinitx ittrattata b’mod inqas favorevoli mill-kredituri privati matul il-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti. Fejn hemm differenzi mill-kredituri l-oħra, dawn kienu ġġustifikati mill-kwalità differenti tal-kollaterali li kellhom il-kredituri rispettivi. Għalhekk, fid-dawl ta’ hawn fuq, għandu jiġi konkluż li l-benefiċjarju ma kisibx vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107 (1) tat-TFUE mill-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti. Id-dubji li qajmet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ huma eliminati u l-miżuri deskritti fil-premessi 31-43 ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

7.3.5.   Xiri ta’ ishma (miżura 7)

(199)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li x-xiri ta’ ishma ma kienx parti mill-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti.

(200)

Il-Finlandja ssostni li l-Belt ta’ Mikkeli aġixxiet skont il-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq meta xtrat l-ishma. L-ewwel, skont il-loġika tal-każ BP Chemicals (ara l-premessi 189-191), għandu jiġi ddeterminat jekk il-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq jistax jiġi applikat għall-miżura 7, minħabba li l-Belt ta’ Mikkeli kienet diġà tat miżuri ta’ għajnuna lil Karjaportti fil-passat. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri 4 u 5 kienu ttieħdu qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti, filwaqt li x-xiri ta’ ishma seħħ biss wara. Barra minn hekk, filwaqt li l-iskop tal-miżuri 4 u 5 kien li jippermetti l-kontinwità tal-aċċess għal-likwidità lill-benefiċjarju, wara l-bidu tal-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti kien ċar li dawn il-bżonnijiet kienu sejrin jiġu indirizzati fi ħdan dawn il-proċeduri. Għalhekk, huwa kkunsidrat li miżura 7 tista’ tiġi sseparata mill-miżuri 4 u 5 u li l-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq fil-prinċipju huwa applikabbli għall-miżura 7.

(201)

Kif deskritt fil-premessa 156, il-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq huwa applikabbli għax-xiri ta’ artijiet jew assi oħrajn minn stat. Il-Finlandja pprovdiet valutazzjoni tal-valur tal-ishma, magħmula minn […] (54), aġenzija ta’ ġestjoni ta’ proprjetà immobbli bbażata f’Ħelsinki. Il-valutazzjoni, datata 29 ta’ Marzu 2005, stmat l-ishma fil-kumpanija tal-proprjetà immobbli bejn EUR 1 miljun u EUR 1,1 miljun. Il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq il-valur tal-proprjetà tal-kumpanija. Żewġ metodi ġew applikati biex jiddeterminaw il-valur: il-valur tal-kapital fil-kera fis-suq (skont l-istatistika tad-djar miġbura mill-Istatistika tal-Finlandja) u l-valur tal-bejgħ (skont il-prezz mitlub).

(202)

Fiż-żmien meta nbiegħu l-ishma, il-proprjetà kienet mikrija taħt il-livell tal-kera fis-suq. Skont il-valutazzjoni, il-livell tal-kera fis-suq seta’ jintlaħaq fi żmien sentejn, biż-żieda tal-kera massima annwali. Għaldaqstant, il-valur tal-proprjetà kien aġġustat fil-mument tax-xiri u fl-aħħar, il-Belt ta’ Mikkeli xtrat l-ishma bi prezz ta’ EUR 860 000.

(203)

Il-valutazzjoni saret minn espert indipendenti. Il-metodoloġija użata, kif deskritta hawn fuq, kienet li l-ewwel jiġi vverifikat il-valur tal-kapital skont il-kera fis-suq, imbagħad il-valur tal-bejgħ. Iż-żewġ valuri kienu bbażati fuq informazzjoni tas-suq u ż-żewġ valuri ntużaw sabiex jiġi stabbilit il-valur tal-ishma, li kien ukoll aġġustat għal-livell tal-kera prevalenti fiż-żmien tax-xiri. Din il-metodoloġija hija meqjusa bħala plawżibbli. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ishma f’Oy Kiinteistö Suksimäki inxtraw bi prezz tas-suq u li l-miżura ma tatx vantaġġ lil Karjaportti.

(204)

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-dubji mqajma mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ ġew eliminati u ġie konkluż li l-miżura ma tinkludix għajnuna mill-Istat.

7.3.6.   Konverżjoni ta’ rati ta’ imgħax mhux imħallsa f’self (miżura 8)

Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(205)

Il-Finlandja ssostni li l-konverżjoni ta’ rati ta’ imgħax mhux imħallsa f’self hija miżura tipika għall-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti. Huwa veru li tali miżura tista’ titqies bħala inerenti għal proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti. Fil-każ preżenti, il-konverżjoni ta’ rati ta’ imgħax mhux imħallsa f’self fis-sena 2005 kienet, fil-prinċipju diġà stipulata fil-programm ta’ ristrutturar għall-kredituri kollha ta’ djun garantiti kbar ([żewġ kredituri privati] u Finnvera). Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni ma tqisx il-fatt li rati ta’ imgħax mhux imħallsa ġew konvertiti f’self bħala tali bħala għajnuna statali. Għandu, madankollu, jiġi vverifikat jekk ir-rata ta’ imgħax li l-Belt ta’ Mikkeli talbet lil Karjaportti tinvolvix vantaġġ lil din tal-aħħar.

(206)

F’dan il-kuntest, il-Finlandja tikkunsidra li l-Belt ta’ Mikkeli aġixxiet skont il-prinċipju tal-investitur privat fis-suq, minħabba li l-kredituri privati kkonvertew rati ta’ imgħax mhux imħallsa f’self flimkien mal-Belt ta’ Mikkeli. L-ewwelnett, bl-istess mod bħal fil-proċedura ta’ ristrutturar issorveljata mill-qorti, huwa meqjus li fil-prinċipju, il-prinċipju ta’ investitur privat fis-suq jista’ jiġi applikat għall-miżura 8, minħabba li din il-miżura tista’ tiġi mifruda mill-miżuri 4 u 5 (ara l-premessi 189 - 191). Filwaqt li tapplika l-prinċipju ta’ investitur privat fis-suq għall-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni tinnota dan li ġej: Għalkemm huwa veru li mhux biss il-Belt ta’ Mikkeli, iżda wkoll [il-kredituri privati] kienu soġġetti għall-konverżjoni, il-marġni ta’ imgħax mitlub għas-self ma kienx l-istess. Fil-fatt, [kreditur privat] talab 3 xhur EURIBOR flimkien ma’ 1.5 % u [l-kreditur privat l-ieħor] talab 3 xhur EURIBOR flimkien ma’ 2 %, filwaqt li l-Belt ta’ Mikkeli talbet biss 3 xhur EURIBOR flimkien ma’ 0.3 %. Għalhekk, ir-rata tal-imgħax li l-Belt ta’ Mikkeli qablet li titlob għas-self hija 1.2 % inqas mill-imgħax li [kreditur privat] talab u 1.7 % inqas mill-imgħax li talab [kreditur privat ieħor]. Għalhekk, l-argument li l-Belt ta’ Mikkeli aġixxiet fuq termini ugwali bħall-kredituri privati jista’ jiġi miċħud. Fid-dawl tad-differenza fir-rati ta’ imgħax jista’ wkoll jiġi eskluż li l-Belt ta’ Mikkeli talbet tariffa tas-suq għas-self. Għalhekk, is-self li fih ir-rati ta’ imgħax mhux imħallsa kienu kkonvertiti mill-Belt ta’ Mikkeli jipprovdi vantaġġ lil Karjaportti.

(207)

Barra minn hekk, il-miżura 8 tissodisfa r-rekwiżiti kollha l-oħra għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Kif deskritt fid-dettall fil-premessi 133, 140 u 141, is-self jikkonsisti f’riżorsi statali u huwa imputabbli lill-Istat, huwa selettiv u joħloq tgħawwiġ fil-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(208)

Abbażi ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura 8 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

Kompatibilità

(209)

Il-Finlandja ma ressqet l-ebda argument fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura 8. Minħabba li Karjaportti kienet tinsab f’diffikultà fiż-żmien tal-konverżjoni tar-rati ta’ imgħax mhux imħallsa (ara l-premessi 123-129), il-Kummissjoni l-ewwel tivvaluta jekk il-miżura 8 hijiex kompatibbli bħala għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar skont il-linji gwida R & R. Fiż-żmien tal-għoti, kienu applikabbli l-Linji Gwida R & R 2004 (55).

(210)

Skont il-Linji Gwida R & R tal-2004, l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tissodisfa ċerti rekwiżiti, li mhux kollha huma ssodisfati mill-miżura inkwistjoni.

(a)

L-ewwel, filwaqt li l-miżura tikkonsisti f’għajnuna f’kontanti f’forma ta’ self (il-punt 25 (a) tal-Linji Gwida R & R 2004), ir-rata tal-imgħax mitluba m’hijiex tal-anqas komparabbli ma’ dawk osservati għas-self lil intrapriżi b’saħħithom (rata ta’ referenza għall-Finlandja f’Diċembru 2005: 4.08 % flimkien ma’ 100 punt bażi; ir-rata ta’ imgħax mitluba fuq is-self kien 3 xhur EURIBOR + 0.3 %, li kien jammonta fid-19 ta’ Diċembru 2005 għal 2.486 % flimkien ma’ 30 punt bażi).

(b)

It-tieni, il-Finlandja ma intrabtitx li tikkomunika pjan ta’ ristrutturar fi żmien sitt xhur mill-awtorizzazzjoni tal-għajnuna u t-tul tal-miżura ma kienx limitat għal sitt xhur (punt 25 (a) u (c) tal-Linji Gwida R & R 2004).

(c)

It-tielet, il-prinċipju tal-ewwel u l-aħħar darba (punt 25 (e) tal-Linji Gwida R & R 2004) mhux issodisfat, minħabba li l-kumpanija rċeviet għajnuna mill-Istat inkompatibbli u illegali fi żminijiet meta kien f’diffikultà qabel.

(211)

Il-miżura lanqas ma tissodisfa r-rekwiżiti kollha għall-għajnuna għar-ristrutturar stabbiliti fil-Linji Gwida R & R 2004.

(a)

L-ewwel, il-miżura ma tiddependix fuq l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar (punt 34 tal-Linji Gwida R & R 2004). Għalkemm huwa veru li ġie stabbilit programm ta’ ristrutturar għal Karjaportti matul il-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti, dan ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-punt 35 tal-Linji Gwida R & R 2004 (tul ta’ 10 snin, l-ebda analiżi tas-sensittività, l-ebda ritorn għal vijabbiltà fit-tul fi żmien raġonevoli).

(b)

It-tieni, il-benefiċjarji ta’ għajnuna huma mistennija li jagħtu kontribut sinifikanti għall-pjan ta’ ristrutturar mir-riżorsi tagħhom stess (punt 43 tal-Linji Gwida R & R 2004) u għall-miżuri kkunsidrati, ma hemm ebda indikazzjoni ta’ kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarja.

(c)

It-tielet, il-miżura ma tissodisfax il-prinċipju tal-ewwel u l-aħħar darba, minħabba li l-kumpanija rċeviet għajnuna mill-Istat inkompatibbli u illegali fi żminijiet meta kienet f’diffikultà qabel.

(212)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-miżura ma ngħatax skont il-Linji Gwida R & R 2004.

(213)

Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat jekk il-miżura 8 tistax tkun kompatibbli fuq il-bażi ta’ kwalunkwe eżenzjoni oħra stipulata fl-Artikolu 107 (2) u (3) tat-TFUE. Għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq għall-miżura 4 u l-miżura 5 (ara l-premessi 179-186), il-Kummissjoni tqis li l-ebda waħda mill-eżenzjonijiet ma hija ssodisfata. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura 8 tinvolvi għajnuna statali li mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

7.3.7.   Tħassir ta’ djun fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji fl-2006 u fl-2008 (miżura 9 u miżura 10)

(214)

L-ewwel, għandu jiġi vverifikat jekk dan it-tħassir tad-dejn jistax jagħti vantaġġ lil Karjaportti. Dan ikun il-każ jekk il-Belt ta’ Mikkeli tkun waqfet milli tfittex li tiġbor id-djun, jiġifieri jekk irrinunzjat għad-djun inkwistjoni.

(215)

Kif deskritt fil-premessa 105, il-Finlandja kkonfermat li t-tħassir tad-djun kien biss miżura ta’ kontabilità li ma taffettwax ir-relazzjoni legali bejn il-kreditur u d-debitur, jiġifieri li d-djun ma kinux irrinunzjati. Skont id-dokumenti ppreżentati mill-Finlandja, il-Belt ta’ Mikkeli għadha tfittex li tiġbor id-djun.

(216)

Skont il-prinċipju tal-prudenza skont il-prattika tajba tal-kontabilità u skont l-Att dwar il-Kontabilità 1336/1997, il-valur tal-ammonti riċevibbli mdaħħla fil-karta tal-bilanċ ma jistax jaqbeż il-valur probabbli tagħhom. Għaldaqstant, ir-riċevibbli li probabbilment ma jistgħux jinġabru huma rreġistrati fid-dikjarazzjoni tal-introjtu bħala spiża.

(217)

Abbażi ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tqis li t-tħassir tad-dejn sar biss fil-kontijiet finanzjarji tal-Belt ta’ Mikkeli skont l-istandards tal-kontabilità u l-pretensjonijiet rispettivi għadhom qegħdin jiġu segwiti fil-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti.

(218)

Id-dubji mqajma mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ ġew eliminati u jista’ jiġi konkluż li l-miżuri ma pprovdewx vantaġġ lil Karjaportti. Għalhekk, il-miżura 9 u 10 ma jinvolvux għajnuna statali.

7.3.8.   Posponiment tad-djun mill-2009 (miżura 12)

Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(219)

L-argument tal-Finlandja li l-miżura hija inerenti għall-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti u ma tinvolvix għajnuna mill-Istat jista’ jiġi miċħud. L-ewwelnett, il-posponiment tad-djun fl-2009 ma kienx previst fil-programm inizjali ta’ ristrutturar u t-tieni, il-fatt li tali ristrutturar kellu jsir b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali mhuwiex biżżejjed sabiex jeskludi l-għajnuna statali (56).

(220)

Fil-prinċipju, miżuri li jtaffu l-ispejjeż li normalment ikunu inklużi fil-baġit ta’ impriża, jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll bħala għajnuna mill-Istat. Rigward il-posponiment tad-djun, il-Kummissjoni qiegħda tivvaluta tali mġiba bil-prova tal-kreditur privat (57). Hemm, l-Istat huwa pjuttost meqjus bħala kreditur pubbliku li, bħal kreditur privat, jipprova jirkupra l-ammonti dovuti lilu u li, għal dan il-għan, jilħaq ftehim mad-debitur, li taħtu d-djun akkumulati jiġu posposti jew imħallsa bin-nifs sabiex jiġi ffaċilitat il-ħlas lura tagħhom (58). Hemm trattament favorevoli skont it-tifsira tal-Artikolu 107 (1) tat-TFUE jekk l-ammont dovut jista’ jitħallas lura lill-kreditur pubbliku fuq termini aktar favorevoli milli jkun permess minn kreditur privat. Il-Kummissjoni tieħu nota tal-argument tal-Finlandja li l-posponiment qatt ma ġie eżegwit minħabba li l-qorti amministrattiva ta’ Kuopio (Kuopion hallinto-oikeus) ipprojbixxiet l-implimentazzjoni tiegħu. Madankollu, kif tgħid il-Finlandja, il-posponiment tal-ħlas lura tad-dejn kien madankollu ġie estiż, li rriżulta f’differiment ta’ ħlasijiet dovuti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li l-posponiment attwalment implimentat huwa differenti mill-posponiment innotifikat fir-rigward tal-ammonti u l-ammont ta’ żmien. L-ammont attwalment pospost mill-Belt ta’ Mikkeli huwa inqas mill-ammont oriġinarjament innotifikat u l-posponiment kien biss mogħti għal perjodi iqsar minn kemm oriġinarjament innotifikat. Fid-dawl ta’ dan, huwa kkunsidrat li l-miżura nnotifikata kienet implimentata b’modifiki. Irrispettivament minn dawn il-modifiki, il-Kummissjoni tinnota li l-ebda kreditur privat ma kien qatt jaċċetta posponiment tad-dejn fi kwalunkwe forma għar-raġunijiet stabbiliti f’din il-premessa.

(221)

Kreditur privat normalment jinforza l-pretensjonijiet tiegħu jekk qabel ikun daħal fi ftehimiet dwar il-posponiment tad-djun li ma jkunux ġew onorati mid-debitur (59). Il-Belt ta’ Mikkeli, għall-kuntrarju, aċċettat posponiment sussegwenti tad-dejn wara li Karjaportti kienet naqset li tirrispetta l-kondizzjonijiet tal-posponiment tad-dejn miftiehma matul il-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti. Barra minn hekk, m’hemm l-ebda raġuni partikolari għan-nuqqas ta’ infurzar, bħal garanziji ogħla pprovduti lill-Belt ta’ Mikkeli. Fl-aħħarnett, fir-rigward tal-prospetti ta’ profittabbiltà fil-ġejjieni u l-vijabbiltà tal-kumpanija, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija kienet tali li ma tagħtix lok biex wieħed jemmen li l-investimenti kienu sejrin jilħqu livell aċċettabbli ta’ profittabbiltà f’perjodu raġonevoli. Fil-ħin tal-għoti, Karjaportti kienet fi proċeduri ta’ falliment u barra minn hekk, mill-2004, il-kumpanija kienet fi proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tinnota li kreditur privat ipotetiku, fl-istess sitwazzjoni tal-Belt ta’ Mikkeli, ma kienx jaċċetta li jkompli jipposponi d-djun.

(222)

F’dan il-kuntest, il-Finlandja tiddikjara li l-Belt ta’ Mikkeli aġixxiet fuq termini ugwali mal-kredituri l-oħra ta’ Karjaportti.

(223)

Fil-fatt, fir-rigward tal-posponiment tad-dejn innotifikat, il-ftehim tal-kredituri privati kien, skont il-Finlandja, jiddependi fuq il-qbil tal-Belt ta’ Mikkeli. It-tieni nett, jidher li l-posponiment tad-dejn maħsub ma pprevediex l-istess kundizzjonijiet għall-kredituri ipotekarji kollha. Filwaqt li l-Belt ta’ Mikkeli kienet sejra tiddifferixxi l-ħlas tad-djun pendenti għall-2011, il-kredituri privati xorta kienu sejrin jirċievu pagament fl-2009. Fid-dawl ta’ dan, l-argument imressaq mill-Finlandja jista’ jiġi miċħud.

(224)

Abbażi ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ma tissodisfax il-kriterju tal-kreditur privat u li din tipprovdi vantaġġ lil Karjaportti.

(225)

Rigward ir-rekwiżiti l-oħra għall-eżistenza ta’ għajnuna statali skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-Kummissjoni tinnota li l-Belt ta’ Mikkeli qablet mal-posponiment u għaldaqstant jikkonsisti f’riżorsi umani u huwa imputabbli lill-Istat. Barra minn hekk, il-miżura tista’ titqies selettiva. Barra minn hekk, toħloq tgħawwiġ fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, kif deskritt f’iktar dettall fil-premessi 133, 140 u 141.

(226)

Abbażi ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

Kompatibbiltà

(227)

L-argument prinċipali tal-Finlandja kien li din il-miżura ma kinitx tinvolvi għajnuna mill-Istat; madankollu, hija kienet innotifikat ukoll il-miżura 12 bħala għajnuna ta’ salvataġġ (ara l-premessa 1). Fil-fatt, meta l-Belt ta’ Mikkeli qablet mal-posponiment tad-dejn, Karjaportti kienet f’diffikultà skont it-tifsira tal-punt 10 (c) tal-Linji Gwida R & R 2004 (ara l-premessi 123-129). Għaldaqstant, il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata fuq il-bażi tal-Linji Gwida R & R 2004.

(228)

Skont il-Linji Gwida R & R tal-2004, l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tissodisfa ċerti rekwiżiti, li mhux kollha huma ssodisfati mill-miżura inkwistjoni.

(a)

L-ewwel, il-miżura ma tikkonsistix f’għajnuna f’kontanti f’forma ta’ garanziji fuq self jew self (il-punt 25 (a) tal-Linji Gwida R & R tal-2004), iżda f’differiment ta’ ħlasijiet.

(b)

It-tieni, il-Finlandja ma ntrabtitx li tikkomunika pjan ta’ ristrutturar fi żmien sitt xhur mill-awtorizzazzjoni tal-għajnuna u ż-żmien tal-miżura ma kienx limitat għal sitt xhur (punt 25 (a) u (ċ) tal-Linji Gwida R & R 2004).

(c)

It-tielet nett, il-prinċipju tal-ewwel u l-aħħar darba (punt 25 (e) tal-Linji Gwida R & R 2004) mhuwiex issodisfat, minħabba li l-kumpanija rċeviet għajnuna inkompatibbli u illegali mill-Istat fi żminijiet meta kienet f’diffikultà qabel.

(229)

Il-miżura lanqas ma tissodisfa r-rekwiżiti kollha għall-għajnuna għar-ristrutturar stabbiliti fil-Linji Gwida R & R 2004.

(a)

L-ewwel, il-miżura ma tiddependix fuq l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar (punt 34 tal-Linji Gwida R & R 2004). Huwa nnotat li ma ġie stabbilit l-ebda pjan ta’ ristrutturar fis-sens tal-punt 35 tal-Linji Gwida R & R 2004.

(b)

It-tieni, il-benefiċjarji ta’ għajnuna huma mistennija li jagħtu kontribut sinifikanti għall-pjan ta’ ristrutturar mir-riżorsi tagħhom stess (punt 43 tal-Linji Gwida R & R 2004) u fil-każ tal-miżuri kkunsidrati, ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju.

(c)

It-tielet, sabiex jiġi evitat tgħawwiġ bla bżonn tal-kompetizzjoni, għandhom jittieħdu miżuri ta’ kumpens (punt 38 tal-Linji Gwida R & R 2004). Miżuri bħal dawn ma kinux previsti.

(d)

Ir-raba’, il-miżura ma tissodisfax il-prinċipju tal-ewwel u l-aħħar darba, minħabba li l-kumpanija kienet irċeviet għajnuna mill-Istat inkompatibbli u illegali fi żminijiet meta kienet f’diffikultà qabel.

(230)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-miżura ma ngħatax skont il-Linji Gwida R & R 2004.

(231)

Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat jekk il-miżura 12 tistax tkun kompatibbli abbażi ta’ kwalunkwe eżenzjoni oħra stabbilita fl-Artikolu 107 (2) u (3) tat-TFUE.

(232)

L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 107 (2) tat-TFUE ma japplikawx fil-każ preżenti għaliex din il-miżura m’għandhiex karattru soċjali, ma ngħatatx lil konsumaturi individwali, mhijiex imfassla biex tpatti għal ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali jew ġrajjiet eċċezzjonali u ma ngħatatx lill-ekonomija ta’ ċerti reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja affettwati mid-diviżjoni ta’ dak il-pajjiż.

(233)

Aktar eżenzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 107 (3) tat-TFUE.

(234)

L-Artikolu 107 (3) (a) tat-TFUE jiddikjara li “għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg” tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Karjaportti, fil-ħin tal-għoti, kienet tinsab f’żona bħal din.

(235)

Il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għal żoni assistiti hija rregolata mill-RAG 1998. Skont dawk il-Linji Gwida, kumpaniji f’diffikultà mhumiex eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mhijiex eliġibbli għad-deroga prevista fl-Artikolu 107 (3) (a) tat-TFUE.

(236)

L-Artikolu 107 (3) (b) tat-TFUE jiddikjara li “għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġett fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew jew sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru” tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna inkwistjoni mhix maħsuba biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġett fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew u lanqas il-Kummissjoni ma sabet xi evidenza li hija mfassla sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija Finlandiża. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna ma tikkwalifikax għad-deroga stabbilita fl-Artikolu 107 (3) (b) tat-TFUE.

(237)

L-Artikolu 107 (3) (d) tat-TFUE jiddikjara li l-għajnuna għall-promozzjoni kulturali u l-preservazzjoni tal-patrimonju tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mat-TFUE fejn tali għajnuna ma taffettwax kondizzjonijiet ta’ kummerċ u kompetizzjoni fil-komunità sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Dan l-Artikolu ovvjament ma japplikax għall-każ preżenti.

(238)

L-Artikolu 107 (3) (c) tat-TFUE jipprovdi għall-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat biex jiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti oqsma ekonomiċi, fejn tali għajnuna ma taffettwax ħażin il-kundizzjonijiet kummerċjali sa grad kuntrarju għall-interess komuni. Il-Kummissjoni żviluppat diversi linji gwida u komunikazzjonijiet li jispjegaw kif sejra tapplika d-deroga li tinsab f’dan l-Artikolu. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li minħabba n-natura u l-karatteristiċi tal-għajnuna, huwa evidenti li l-eċċezzjonijiet skont dawn il-linji gwida u komunikazzjonijiet mhumiex applikabbli għall-każ preżenti.

(239)

Abbażi tal-argumenti preċedenti, il-Kummissjoni tqis li l-miżura 12 tinvolvi għajnuna mill-Istat li mhix kompatibbli mas-suq intern.

7.4.   Miżuri mogħtija minn Finnvera

(240)

Bħala rimarka preliminari, il-Kummissjoni tfakkar li l-Finlandja kienet, fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat N 715/2006, għamlet impenn li l-attivitajiet ta’ Finnvera kienu sejrin ikunu limitati għall-amministrazzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna statali. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ddeċidiet fil-25 ta’ Settembru 2007 (id-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni) li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul għall-Finnvera ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Il-miżuri 13 sa 17 ingħataw qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ N 715/2006. Il-miżura 18 ingħatat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ N 715/2006. Għalhekk il-Kummissjoni f’dan il-każ trid tqis l-impenn mogħti mill-awtoritajiet Finlandiżi fl-evalwazzjoni tagħha tal-miżura 18.

7.4.1.   Garanzija mogħtija fis-17 ta’ Marzu 2004 (miżura 13)

Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(241)

Sabiex titqies bħala għajnuna statali fis-sens tal-Artikolu 107 (1) tat-TFUE, miżura għandha tingħata direttament jew indirettament minn riżorsi tal-Istat u għandha tkun imputabbli lill-Istat. Il-Finlandja ma kinitx ikkontestat li l-miżuri meħuda minn Finnvera jikkonsistu f’riżorsi statali u huma imputabbli lill-Istat. Skont il-ġurisprudenza, ir-riżorsi ta’ impriża għandhom jitqiesu riżorsi tal-Istat jekk l-Istat ikun jista’, billi jeżerċita l-influwenza dominanti tiegħu fuq dawk l-impriżi, jidderieġi l-użu tar-riżorsi tagħhom (60). Il-miżuri mogħtija minn istituzzjoni ta’ finanzjament speċjali, li tista’ titqies bħala korp tas-settur pubbliku skont l-istatut tagħha, huma ġeneralment imputabbli lill-Istat (61). Il-Qorti kompliet tispjega l-kunċett ta’ imputabbiltà fi Stardust Marine (62) Ipprovdiet l-indikaturi li ġejjin għall-istabbiliment tal-imputabbiltà: l-integrazzjoni tal-impriża pubblika fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika; in-natura tal-attivitajiet tagħha u l-eżerċizzju ta’ dawn fuq is-suq f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni ma’ operaturi privati; l-istatus legali tal- impriża (fis-sens li tkun soġġetta għal-liġi pubblika jew liġi ordinarja tal-kumpaniji), l-intensità tas-sorveljanza eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq it-tmexxija tal-impriża. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li l-azzjonijiet ta’ Finnvera huma soġġetti għal-liġi amministrattiva, u dan jindika li hija marbuta mill-qrib mal-amministrazzjoni. Finnvera hija kumpanija ta’ finanzjament speċjali 100 % proprjetà tal-Istat, li tgawdi minn garanzija tal-Istat u qiegħda prinċipalment tipprovdi għajnuna statali u finanzjament li ma jkunx faċilment disponibbli fis-suq, bħall-krediti għall-esportazzjoni. Għalhekk, għalkemm l-attivitajiet tagħha jistgħu jikkoinċidu fuq il-marġni mal-banek kummerċjali, hija ma teżerċitax l-attivitajiet tagħha fil-kondizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni ma’ operaturi privati. Hija inkorporata skont il-liġi ordinarja tal-kumpaniji; fl-istess ħin, l-Istat jeżerċita sorveljanza qawwija: l-Istat jaħtar il-membri tal-Bord ta’ Sorveljanza mill-gruppi parlamentari tal-partiti politiċi fuq il-bażi tar-rappreżentanza tagħhom fil-Parlament Finlandiż. Ħafna mill-membri tal-Bord Maniġerjali għandhom jintgħażlu minn fost kandidati eletti mill-Ministeri diversi. (Ara l-premessi 56-57). Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri li ħadet Finnvera jikkonsistu f’riżorsi statali u huma imputabbli lill-Finlandja.

(242)

Rigward il-kwistjoni jekk il-miżura 13 tipprovdix vantaġġ lill-benefiċjarju, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Finlandja, il-miżura ma ngħatatx flimkien ma’ kredituri privati bl-istess kondizzjonijiet. Għalkemm huwa veru li […] u […] taw self lil Karjaportti fl-2004, il-Kummissjoni m’għandha l-ebda indikazzjoni li dawk il-banek taw xi garanziji wkoll. Barra minn hekk, is-self mogħti miż-żewġ kredituri privati ngħata biss fis-sajf 2004, jiġifieri ftit xhur wara li Finnvera tat il-miżura 13, u għalhekk ma jistax jiġi kkunsidrat li Finnvera aġixxiet “flimkien” magħhom. L-argument tal-Finlandja li l-garanzija ngħatat skont l-Avviż dwar il-Garanziji 2000, jista’ wkoll jiġi miċħud. L-ewwel, kif spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-Avviż dwar il-Garanziji 2008 meta tevalwa l-miżura (ara l-premessa 134). Skont il-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji 2008, l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fi ħdan garanzija mill-Istat individwali tista’ tiġi eskluża jekk min jissellef ma jkunx f’diffikultà finanzjarja. Peress li l-Kummissjoni tqis li Karjaportti kienet diġà tinsab f’diffikultà, fis-sens tal-Linji Gwida R & R 1999, f’Marzu 2004 (ara l-premessi 123-128), l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-Garanziji tista’ tiġi eskluża. Il-Finlandja targumenta wkoll li l-garanzija kienet soġġetta għal ħlas għoli. Fid-dawl tad-diffikultajiet finanzjarji ta’ Karjaportti f’dak iż-żmien tal-għoti tal-garanzija, madankollu, huwa kkunsidrat li t-tariffa ta’ garanzija mitluba minn Finnvera mhijiex tariffa tas-suq. Fil-fatt, il-benefiċjarju kellu spejjeż totali ta’ finanzjament ta’ [5-8] % għas-self flimkien mal-garanzija, filwaqt li r-Rata ta’ Referenza applikabbli f’dak iż-żmien kienet ta’ 4.43 %, li magħha jkollhom jiżdiedu mill-inqas 400 punt bażi, meta jitqiesu d-diffikultajiet finanzjarji tal-benefiċjarju. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa kkunsidrat li l-miżura tagħti vantaġġ lil Karjaportti.

(243)

Barra minn hekk, sabiex titqies bħala għajnuna statali, miżura għandha tkun speċifika jew selettiva fis-sens li tiffavorixxi biss ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti. Il-miżura 13 ingħatat lil Karjaportti, kumpanija waħda speċifika. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li din tikkostitwixxi vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju.

(244)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni trid tikkunsidra jekk il-miżura 13 hijiex probabbli li toħloq tgħawwiġ fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, il-Finlandja ssostni li l-element ta’ għajnuna tal-garanzija kien taħt il-limitu de minimis. Meta ngħatat il-miżura 13, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuna de minimis (63) (“ir-Regolament de minimis 2001”) kien applikabbli (64). Wieħed mir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tar-Regolament de minimis 2001 hija li l-għajnuna totali de minimis mogħtija lil impriża m’għandhiex taqbeż EUR 100 000 matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin. Il-garanzija evalwata kienet tammonta biss għal EUR 91 000, jiġifieri li saħansitra tirrispetta l-limitu ta’ EUR 100 000 kieku l-ammont kollu kellu jiġu kkunsidrat bħala element ta’ għajnuna. Madankollu, irid jiġi stabbilit jekk il-miżura 13 għandhiex tiġi evalwata flimkien mal-miżura 4, garanzija li l-Belt ta’ Mikkeli tat f’Marzu 2004, disat ijiem biss qabel il-miżura 13, il-garanzija mogħtija minn Finnvera. Għalkemm iż-żewġ garanziji ngħataw minn żewġ entitajiet differenti u kienu jkopru żewġ selfiet separati b’tul ta’ żmien differenti, dawn iż-żewġ selfiet issostitwixxew self wieħed mogħti minn Tapiola fl-1992. Għaldaqstant jista’ jiġi kkunsidrat li l-miżura 4 u l-miżura 13 ingħataw għall-istess għan, jiġifieri li tkun permessa l-konverżjoni tas-self ta’ Tapiola mogħti fl-1992 f’self ġdid. Fid-dawl ta’ din ir-rabta stretta bejn iż-żewġ miżuri, il-Kummissjoni tqis li l-miżura 4 u l-miżura 13 għandhom jitqiesu bħala miżura waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu ta’ EUR 100 000 tar-Regolament de minimis 2001. Meħudin flimkien, l-element ta’ għajnuna involuta f’dawn iż-żewġ miżuri jaqbeż il-EUR 100 000. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżura 13 mhix skont ir-Regolament de minimis 2001.

(245)

Fl-aħħarnett, il-Finlandja ssostni li l-miżura 13 hija l-kontinwazzjoni ta’ passiv diġà eżistenti u li għalhekk l-espożizzjoni ta’ Finnvera ma tiżdiedx. Il-Finlandja ppreżentat argument simili fir-rigward tal-miżura 4. Bl-istess mod tal-miżura 4, il-Kummissjoni ma tqisx il-miżura 13 bħala sempliċi kontinwazzjoni ta’ miżura mogħtija qabel (ara l-premessi 164-165).

(246)

Abbażi ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura 13 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

Kompatibbiltà

(247)

Il-Finlandja ma ressqet l-ebda argument fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura 13. Peress li Karjaportti kienet tinsab f’diffikultà meta Finnvera tatha l-garanzija (ara l-premessi 123 128), il-Kummissjoni l-ewwel tivvaluta jekk hijiex kompatibbli bħala għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar skont il-Linji gwida R & R. Meta saret l-għotja, kienu applikabbli l-Linji Gwida R & R 1999 (65).

(248)

Skont il-Linji Gwida R & R 1999, l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tissodisfa ċerti rekwiżiti, li mhux kollha huma ssodisfati mill-miżura inkwistjoni.

(a)

L-ewwel, il-garanzija ma kinitx marbuta ma’ self li kellu jiġi rimborsat fuq perjodu ta’ mhux aktar minn tnax-il xahar wara l-ħlas tal-aħħar pagament lill-impriża (punt 23 (b) tal-Linji Gwida R & R 1999).

(b)

It-tieni, il-Finlandja ma pprovdiet l-ebda informazzjoni li l-għajnuna kienet iġġustifikata fuq il-bażi ta’ diffikultajiet soċjali serji u ma kellha l-ebda effett negattiv sekondarju fuq Stati Membri oħra (il-punt 23 (c) tal-Linji Gwida R & R 1999).

(c)

It-tielet, il-garanzija la kienet rimborżata fi żmien 6 xhur u lanqas ma kien ġie stabbilit pjan ta’ ristrutturar skont it-tifsira tal-Linji Gwida R & R 1999 (punt 23 (d) tal-Linji Gwida R & R 1999).

(d)

Fl-aħħar nett, m’hemmx indikazzjoni li l-garanzija kienet ristretta għall-ammont meħtieġ biex id-ditta tibqa’ fin-negozju għall-perjodu li matulu l-għajnuna kienet awtorizzata (il-punt 23 (e) tal-Linji Gwida R & R 1999).

(249)

Għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq għall-miżura 4 u l-miżura 5 (ara l-premessi 177-178), il-Kummissjoni tqis li l-miżura 13 lanqas ma tissodisfa r-rekwiżiti kollha għall-għajnuna għar-ristrutturar stabbiliti fil-Linji Gwida R & R 1999. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-miżura ma ngħatax skont il-Linji Gwida R & R 1999.

(250)

Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat jekk il-miżura 13 tistax tkun kompatibbli abbażi ta’ xi eżenzjoni oħra stipulata fl-Artikolu 107 (2) u (3) tat-TFUE. Għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn għall-miżura 4 u l-miżura 5 (ara l-premessi 179-186), il-Kummissjoni tqis li l-ebda waħda mill-eżenzjonijiet ma hija ssodisfata. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura 13 tinvolvi għajnuna mill-Istat li mhix kompatibbli mas-suq intern.

7.4.2.   Self mogħti fit-12 ta’ Jannar 2006 (il-miżura 14)

(251)

Il-Finlandja ssostni li l-miżura kienet prevista fil-programm ta’ ristrutturar għall-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti u li Finnvera ħadet il-miżura flimkien mal-kredituri privati.

(252)

Huwa veru li l-miżura kienet diġà prevista fil-programm ta’ ristrutturar kemm għall-kredituri privati kif ukoll għal dawk pubbliċi ta’ Karjaportti. Skont id-dokumenti ppreżentati mill-Finlandja, il-konverżjoni ta’ imgħax attwalment seħħet fl-aħħar tal-2005 u fil-bidu tal-2006. Il-kredituri privati wkoll ikkonvertew rati ta’ imgħax tagħhom f’self.

(253)

L-ewwel, skont il-loġika tal-każ BP Chemicals (ara l-premessi 189-191), għandu jiġi ddeterminat jekk il-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq jistax jiġi applikat għall-miżura 14. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri 4, 5 u 13 kienu ttieħdu qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti, filwaqt li l-miżura 14 ittieħdet fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri. Għar-raġunijiet stipulati hawn fuq fil-premessi 189-191, il-Kummissjoni tqis li l-miżura 14 tista’ tiġi mifruda mill-miżuri 4, 5, u 13. Barra minn hekk, il-miżura 14 kienet saħansitra prevista fil-programm ta’ ristrutturar innifsu, li kellu l-għan li jġib lill-kumpanija lura fi triqitha.

(254)

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq għall-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni tqis li s-self mogħti mill-kredituri privati […] u minn […] huma komparabbli mas-self mogħti minn Finnvera. Bħala kredituri ipotekarji fil-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti, il-kumpaniji huma kollha f’sitwazzjoni simili. Minħabba li dan is-self ingħata b’kundizzjonijiet simili għal self mogħti minn Finnvera (l-istess perjodu ta’ self, perjodu ta’ rifużjoni komparabbli) u li r-rata ta’ imgħax li talbet Finnvera kienet saħansitra iktar favorevoli għal Finnvera (6 xhur EURIBOR + 2 % kienet 4.643 % fl-1 ta’ Jannar 2006) mir-rata ta’ imgħax li rċevew il-kredituri privati (fl-1 ta’ Jannar 2006, 3 xhur EURIBOR + 1.5 % kienet 3.988 %; 3 xhur EURIBOR + 2 % kienet 4.488 %), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ma tatx vantaġġ lil Karjaportti.

(255)

Fuq il-bażi ta’ dan kollu, ġie konkluż li l-miżura ma tinkludix għajnuna mill-Istat.

7.4.3.   Kontro-garanzija mogħtija fl-14 ta’ Settembru 2006 (miżura 15)

(256)

L-ewwel, il-Kummissjoni tqis li l-benefiċjarju tal-miżura huwa Karjaportti, għalkemm il-kontrogaranzija ngħatat lil […]. Il-ħlas baxx mitlub minn […] mingħand Karjaportti jindika li […] ta biss il-garanzija fid-dawl tal-garanzija mogħtija minn Finnvera. Tabilħaqq, fil-fatt, Karjaportti u mhux […] tħallas il-primjum tal-garanzija għall-kontrogaranzija lil Finnvera.

(257)

Fi kwalunkwe każ, il-Finlandja tikkunsidra li Finnvera aġixxiet fuq l-istess termini tal- kredituri privati […] u […]. Huwa veru li […] u […] kienu f’sitwazzjoni simili bħal Finnvera. It-tliet kumpaniji huma kredituri ipotekarji fil-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti. Dawn kollha taw self u garanziji lil Karjaportti qabel ([…]).

(258)

Bl-istess mod bħall-miżura 14, skont il-loġika tal-każ BP Chemicals (ara l-premessi 189-191) huwa meqjus li l-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq jista’ jiġi applikat għall-miżura 15, peress li din il-miżura hija separabbli mill-miżuri 4, 5 u 13 (ara l-premessa 253).

(259)

Dwar il-miżura inkwistjoni, b’mod ġenerali s-self garantit kien jammonta għal EUR 1,8 miljun. Finnvera kontro-garantiet […] biss għal 16.7 % ta’ din is-somma (EUR 300 000). Il-bqija tas-self kien kopert mill-garanziji mingħand […] u […] (EUR 825 000 u EUR 675 000 rispettivament), li ma kinux kontro-garantiti minn Finnvera. Mill-perspettiva tal-benefiċjarju Karjaportti, l-ispejjeż globali għall-garanzija kontrogarantita kienu ogħla milli għall-garanziji mogħtija minn […] u […]. Filwaqt li dawn tal-aħħar talbu tariffa ta’ garanzija ta’ 1.75 % mingħand Karjaportti, l-ispejjeż tal-finanzjament totali għall-kontrogaranzija għall Karjaportti kienu 2.9 % (1.65 % għal […] garanzija flimkien ma’ 1.25 % għall-kontrogaranzija). Minn dan isegwi li l-miżura li ħadet Finnvera ma tatx vantaġġ lil Karjaportti.

(260)

Fuq il-bażi ta ‘dan kollu, ġie konkluż li l-miżura ma tinkludix għajnuna mill-Istat.

7.4.4.   Self mogħti fis-6 ta’ Lulju 2007 (miżura 16)

(261)

Kif deskritt fil-premessa 110, il-Finlandja ssostni li s-self ma kienx jinvolvi għajnuna mill-Istat minħabba li kien parti minn miżura ta’ finanzjament akbar li fiha ħadu sehem ukoll kredituri privati.

(262)

Bl-istess mod bħall-miżura 14, skont il-loġika tal-każ BP Chemicals (ara l-premessi 189-191) huwa meqjus li l-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq jista’ jiġi applikat għall-miżura 16 (ara l-premessa 253).

(263)

Kif spjegat fil-premessa 254, il-Kummissjoni tqis li […] u […] huma f’sitwazzjoni komparabbli ma’ Finnvera. Dwar il-miżura speċifika kkunsidrata, huwa veru li Finnvera tat is-self fl-istess ħin b’kondizzjonijiet simili bħal […] u […]. Iż-żmien tas-self għall-kredituri kollha kien sitt xhur; għas-self kollu, il-ħlas kien ittardjat bl-istess proporzjon (l-ammont pendenti għall-kredituri kollha huwa ta’ madwar […] % tal-ammont oriġinali). It-tliet selfiet kienu kollha assigurati bl-istess kollateral, kif deskritt fil-premessa 66, u l-kollateral huwa maqsum fost il-kredituri skont ir-riskju tal-kreditur rispettiv fir-rigward tas-self li ta. Dwar ir-rata ta’ imgħax, jidher li r-rata ta’ imgħax li talbet Finnvera kienet saħansitra iktar favorevoli għal Finnvera (6 xhur EURIBOR + 2.5 % fis-6 ta’ Lulju 2007 kienet 6.847 %) mir-rata ta’ imgħax li rċevew il-kredituri privati (fid-9 ta’ Lulju 2007, xahar EURIBOR + 2 % kienet 6.105 %). Għaldaqstant, is-self jista’ jiġi kkunsidrat bħala konformi mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq u li ma jinvolvix għajnuna mill-Istat.

(264)

Fuq il-bażi ta’ dan kollu, ġie konkluż li l-miżura ma tinkludix għajnuna mill-Istat.

7.4.5.   Garanzija mogħtija fid-9 ta’ Jannar 2008 (miżura 17)

Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(265)

L-ewwel, għandu jiġi stabbilit liema entità tibbenefika mill-miżura inkwistjoni, […] jew Karjaportti. Finnvera tat il-kontro-garanzija lil […], il-bank ewlieni ta’ Karjaportti. […] min-naħa tiegħu ta garanzija lil Karjaportti. […] talab tariffa baxxa ħafna mingħand Karjaportti għal din il-garanzija, li jindika, li […] tat biss il-garanzija lil Karjaportti minħabba li kienet koperta mill-kontro-garanzija ta’ Finnvera. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li mhux […], iżda Karjaportti tħallas il-primjum tal-garanzija għall-kontro-garanzija ta’ Finnvera. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li l-benefiċjarju tal-miżura huwa Karjaportti.

(266)

It-tieni nett, għandu jiġi evalwat jekk il-miżura tagħtix vantaġġ lil Karjaportti. F’dan il-kuntest, il-Finlandja ssostni li l-kontro-garanzija ma tinvolvix għajnuna statali, minħabba li parti privata oħra kienet involuta fl-arranġament. Dan l-argument jista’ jiġi miċħud, minħabba li Finnvera tat kontro-garanzija għall-garanzija tal-parti privata involuta, li jfisser li Finnvera u l-parti privata ma kienu bl-ebda mod f’sitwazzjoni simili.

(267)

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tevalwa l-miżura abbażi tal-Avviż dwar il-Garanziji 2008. Għalkemm huwa veru li l-kontro-garanzija ta’ Finnvera ma tkoprix aktar minn 80 % tal-garanzija ta’ […], il-benefiċjarju, Karjaportti, kien f’diffikultà fi żmien l-għoti, kif deskritt f’iktar dettall fil-premessi 123-128. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi eskluża fuq il-bażi tal-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji 2008.

(268)

Anki jekk garanzija ma tissodisfax il-ħtiġijiet kollha tal-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji 2008, it-tariffa mħallsa għal garanzija xorta tista’ tiġġustifika l-konklużjoni li l-garanzija ma tinvolvix għajnuna mill-Istat. Fi kwalunkwe każ, fil-każ inkwistjoni, kontrarjament għall-opinjoni tal-Finlandja, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-miżura ma tistax titqies li ma tinkludix għajnuna. Il-garanzija ngħatat bi ħlas baxx ta’ garanzija, anki jekk il-kumpanija kienet qiegħda tiffaċċja xi diffikultajiet (ara l-premessi 123-128) u r-riskju għal Finnvera jista’ jitqies bħala wieħed konsiderevoli. Għaldaqstant, huwa kkunsidrat li l-miżura tagħti vantaġġ lil Karjaportti. Il-Kummissjoni tosserva f’dan il-kuntest ukoll li Finnvera, skont l-impenn mogħti mill-awtoritajiet Finlandiżi fil-kuntest tal-kawża N 715/2006, ma kellhiex il-permess li tagħti finanzjament ibbażat fis-suq.

(269)

Barra minn hekk, il-miżura tissodisfa l-ħtiġijiet l-oħra kollha għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Kif deskritt fil-premessa 241, il-miżuri mogħtija minn Finnvera jikkonsistu f’riżorsi statali u huma imputabbli lill-Istat. Il-miżura 17 hija wkoll selettiva, peress li l-unika kumpanija li tibbenefika minnha hija Karjaportti. Fl-aħħar nett, hija toħloq tgħawwiġ fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(270)

Fuq il-bażi ta’ dan li ntqal, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

Kompatibbiltà

(271)

Il-Finlandja ma kkontestatx li l-miżura 17 kienet kompatibbli mas-suq intern. Fil-fatt, meta Finnvera tat il-miżura, Karjaportti kienet f’diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida R&R 2004 (ara l-premessi 123-128). Għaldaqstant, il-miżura setgħet biss tkun kompatibbli bħala għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar skont il-Linji Gwida R&R 2004.

(272)

Skont il-Linji Gwida R & R 2004, l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tissodisfa ċerti rekwiżiti, li mhux kollha huma ssodisfati mill-miżura kkunsidrata.

(a)

L-ewwel, il-garanzija ma ntemmitx fi żmien perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur wara l-ħlas tal-ewwel pagament (punt 25 (a) tal-Linji Gwida R & R 2004).

(b)

It-tieni, il-Finlandja ma kkomunikatx fi żmien sitt xhur wara l-ewwel implimentazzjoni tal-miżura, pjan ta’ ristrutturar jew pjan ta’ likwidazzjoni jew xhieda li l-garanzija kienet ġiet itterminata (punt 25 (c) tal-Linji Gwida R & R 2004).

(c)

It-tielet, il-prinċipju tal-ewwel u tal-aħħar darba (punt 25 (e) tal-Linji Gwida R & R 2004) mhuwiex issodisfat, minħabba li l-kumpanija rċeviet għajnuna mill-Istat inkompatibbli u illegali fi żminijiet meta kienet f’diffikultà qabel.

(273)

Il-miżura lanqas ma tissodisfa r-rekwiżiti kollha għall-għajnuna għar-ristrutturar stabbiliti fil-Linji Gwida R & R 2004.

(a)

L-ewwel, il-miżura ma tiddependix fuq l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar (punt 34 tal-Linji Gwida R & R 2004). Huwa nnotat li ma ġie stabbilit l-ebda pjan ta’ ristrutturar fis-sens tal-punt 35 tal-Linji Gwida R & R.

(b)

It-tieni, il-benefiċjarji ta’ għajnuna huma mistennija li jagħtu kontribut sinifikanti għall-pjan ta’ ristrutturar mir-riżorsi tagħhom stess (punt 43 tal-Linji Gwida R & R 2004) u għall-miżuri taħt konsiderazzjoni, ma hemm ebda indikazzjoni ta’ kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju.

(c)

It-tielet, sabiex jiġi evitat tgħawwiġ bla bżonn tal-kompetizzjoni, għandhom jittieħdu miżuri ta’ kumpens (punt 38 tal-Linji Gwida R & R 2004). Miżuri bħal dawn ma kinux previsti.

(d)

Ir-raba’, il-miżura ma tissodisfax il-prinċipju tal-ewwel u l-aħħar darba, minħabba li l-kumpanija rċeviet għajnuna mill-Istat inkompatibbli u illegali fi żminijiet meta kienet f’diffikultà qabel.

(274)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-miżura ma ngħatax skont il-Linji Gwida R & R 2004.

(275)

Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat jekk il-miżura 17 tistax tkun kompatibbli fuq il-bażi ta’ kwalunkwe eżenzjoni oħra stipulata fl-Artikolu 107 (2) u (3) tat-TFUE. Għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq għall-miżura 4 u l-miżura 5 (ara l-premessi 179-186), il-Kummissjoni tqis li l-ebda eżenzjoni ma hija ssodisfata. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura 17 tinvolvi għajnuna mill-Istat li mhix kompatibbli mas-suq intern.

8.   IRKUPRU

(276)

Skont it-TFUE u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tiddeċiedi li l-Istat ikkonċernat għandu jabolixxi jew jibdel għajnuna (66) meta tkun sabet li din tkun inkompatibbli mas-suq intern. Il-Qorti konsistentement ikkonkludiet ukoll li l-obbligu fuq l-Istat li jabolixxi għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel (67). F’dan il-kuntest, il-Qorti stabbiliet li dak l-għan jintlaħaq ladarba l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija bħala għajnuna mhux skont il-liġi, biex b’hekk jintilef il-vantaġġ li kellu fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u terġa’ tinkiseb is-sitwazzjoni qabel il-ħlas tal-għajnuna (68).

(277)

Skont din il-ġurisprudenza, l-Artikolu 14 tar-Regolament Proċedurali stabbilixxa li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju.”

(278)

B’hekk, sitt miżuri inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala għajnuna illegali u inkompatibbli:

Il-garanzija mogħtija fit-8 ta’ Marzu 2004 mill-Belt ta’ Mikkeli (miżura 4);

Il-garanzija mogħtija fl-10 ta’ Mejju 2004 mill-Belt ta’ Mikkeli (miżura 5);

Il-konverżjoni ta’ rati ta’ imgħax mhux imħallsa f’self (miżura 8);

Il-posponiment tad-dejn mill-2009 (miżura 12);

Il-garanzija mogħtija fis-17 ta’ Marzu 2004 minn Finnvera (miżura 13);

Il-garanzija mogħtija fid-9 ta’ Jannar 2008 minn Finnvera (miżura 17).

(279)

Dawn għandhom għalhekk jiġu rkuprati sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel l-għoti tal-għajnuna. L-irkupru għandu għalhekk iseħħ mill-mument meta seħħ il-vantaġġ għall-benefiċjarju, jiġifieri meta l-għajnuna tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju u għandu jkollu imgħax ta’ rkupru sal-irkupru effettiv.

8.1.   Irkupru tal-miżuri ta’ għajnuna mogħtija fil-forma ta’ garanziji

(280)

L-element ta’ għajnuna inkompatibbli ta’ żewġ garanziji mogħtija mill-Belt ta’ Mikkeli fl-2004 (miżura 4 u l-miżura 5) u tal-garanziji mogħtija minn Finnvera fis-snin 2005 (miżura 13) u 2008 (miżura 17) għandu jkun stabbilit abbażi ta’ dawn il-prinċipji li ġejjin.

(281)

Fil-prinċipju, garanzija mill-Istat tista’ tkun għajnuna sal-ammont totali tas-self sottostanti, jekk il-benefiċjarju ma jkunx kapaċi li jaċċedi għas-swieq finanzjarji bis-setgħat proprji tiegħu (69). Fil-każ preżenti, il-Finlandja, madankollu, uriet li Karjaportti kienet għadha kapaċi taċċessa s-swieq finanzjarji fil-ħin tal-għoti tal-garanziji fl-2004, billi pprovdiet informazzjoni dwar self mogħti minn selliefa privati lill-benefiċjarju (ara l-premessa 93). Hemm ftit indikazzjonijiet dwar jekk Karjaportti kienx għad kellha aċċess għas-swieq fl-2008, meta ngħatat il-miżura 17. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li l-kontrogaranzija mogħtija minn Finnvera kienet tkopri biss 80 % tal-garanzija pprovduta minn kreditur privat, li jfisser li l-kreditur privat kien għadu jġorr ir-riskju għal 20 %. Fid-dawl ta’ dan, jista’ jitqies li l-kumpanija kienet għadha kapaċi tivvaluta s-swieq finanzjarji mingħajr il-garanzija tal-2008.

(282)

Madankollu, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji ta’ Karjaportti fiż-żmien tal-għoti tal-miżuri, il-banek kummerċjali kienu jitolbu rata ta’ imgħax korrispondenti ogħla minn dik miksuba bil-garanziji statali, minħabba li dawn tal-aħħar huma sigurtà addizzjonali għall-banek. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li Karjaportti bbenefikat minn rati ta’ imgħax aktar baxxi, li hija rċeviet bis-saħħa tal-garanziji.

(283)

Skont il-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji 2008, fin-nuqqas ta’ primjum ta’ garanzija komparabbli tas-suq, l-ispejjeż tal-finanzjament totali tas-self iggarantit (rata tal-imgħax flimkien mal-primjum ta’ garanzija) għandhom jitqabblu mar-rata tal-imgħax fis-suq għal self simili mingħajr garanzija statali. F’ħafna każijiet, tali rata ta’ imgħax tas-suq ma tkunx disponibbli. Għalhekk, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (70) (“il-Komunikazzjoni dwar ir-Rata ta’ Referenza 2008”) il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija finanzjarja li, għar-raġunijiet stabbiliti fil-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji 2008, jistgħu jintużaw bħala prokura għar-rata ta’ imgħax tas-suq.

(284)

Fil-każ preżenti, ma hemm ebda indikazzjoni ta’ x’kien ikollha tħallas Karjaportti għal self komparabbli mhux garantit. Barra minn hekk, l-għoti tat-tliet garanziji jippreċedi l-kriżi ekonomika u finanzjarja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li minħabba ż-żmien li għadda mill-għoti tal-miżuri, il-kalkolu ta’ rata tas-suq “reali” għal produttur tal-laħam Finlandiż ikun eżerċizzju diffiċli. Għalhekk, il-Kummissjoni sejra tuża r-rata ta’ referenza rilevanti bħala prokura għar-rata tas-suq.

8.1.1.   Garanzija mogħtija fit-8 ta’ Marzu 2004 (miżura 4)

(285)

Fir-rigward tal-miżura 4, l-assigurazzjoni tas-self ta’ Karjaportti tista’ titqies bħala normali għall-iskop tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rata ta’ Referenza tal-2008. Karjaportti tat ipoteka fuq il-proprjetà u ipoteka fuq in-negozju għall-miżura 4. Il-valuri rreġistrati ta’ dawn iż-żewġ strumenti huma pjuttost għoljin (ara l-premessa 27). Madankollu għandu jiġi kkunsidrat li l-istess kollateral kien diġà użat biex jikkollateralizza pretensjonijiet oħra tal-Belt ta’ Mikkeli (bħall-miżura 1), b’tali mod li mhux l-ammont sħiħ ikun disponibbli għall-miżura inkwistjoni. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll, li l-valur attwali tal-ipoteka fuq il-proprjetà kif ukoll tal-ipoteka fuq in-negozju jiddependi fuq il-valur tal-merkanzija ipotekata u l-klassifikazzjoni tal-Belt ta’ Mikkeli.

(286)

F’dan il-kuntest, huwa nnotat li l-Finlandja ma setgħetx tipprovdi valutazzjoni tal-valur tal-kollaterali fil-ħin tal-għoti tal-garanzija. Hija madankollu pprovdiet, żewġ valutazzjonijiet indipendenti tal-kollateral b’mod ġenerali, użati għat-tfassil tal-programm ta’ ristrutturar, datati l-15 ta’ Frar 2005 (ara l-premessa 43), li huwa pjuttost qrib id-data tal-għoti tal-garanzija. F’dan il-kuntest, huwa msemmi li fid-dawl tal-grad tal-Belt ta’ Mikkeli l-ipoteka fuq il-proprjetà tista’ tkun biżżejjed biex tkopri l-pretensjonijiet tagħha jekk il-proprjetà tibqa’ tintuża; jekk Karjaportti tiġi llikwidata, il-valur tal-proprjetà jista’ jkun baxx wisq biex ikopri kwalunkwe pretensjoni tal-Belt ta’ Mikkeli. L-ipoteka kummerċjali tista’ tkopri biss parti mill-pretensjonijiet tal-Belt ta’ Mikkeli. Fid-dawl ta’ dan, jidher plawżibbli li l-kollateral ipprovdut jiġi kkunsidrat bħala kollateral ta’ kwalità normali.

(287)

Għalhekk, ir-rata ta’ imgħax li Karjaportti kellha tħallas għal self skont il-kundizzjonijiet tas-suq, mingħajr garanzija, hija r-rata ta’ imgħax ta’ referenza ta’ 4.43 % flimkien ma’ primjum tar-riskju ta’ 650 punt bażi, li jirrifletti l-primjum tar-riskju applikabbli għal ditta f’diffikultà b’kollateral normali. L-ammont ta’ għajnuna għandu għalhekk jiġi kkalkulat bħala d-differenza bejn din ir-rata tas-suq teoretika u r-rata ta’ imgħax li biha s-self garantit kien attwalment ipprovdut (4 %), wara t-tnaqqis tal-prezz attwalment imħallas għall-garanzija, jiġifieri 0 punti bażi. Id-differenza bejn dawn ir-rati għandha tkun ikkalkulata għall-perjodu li għalih kienet applikata r-rata attwalment ipprovduta.

(288)

L-għajnuna għandha ġġorr l-imgħaxijiet tal-irkupru kkalkolati mill-mument li d-differenza bejn l-imgħaxijiet teoretiċi u r-rata ta’ imgħax li biha s-self garantit kien attwalment ipprovdut kienet tkun dovuta sal-irkupru effettiv.

8.1.2.   Garanzija mogħtija fl-10 ta’ Mejju 2004 (miżura 5)

(289)

Fir-rigward tal-miżura 5, is-sigurtà tista’ tiġi kkunsidrata bħala normali għall-fini tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rata ta’ Referenza tal-2008. Karjaportti ipprovdiet l-istess kollateral bħal dak tal-miżura 4, jiġifieri ipoteka fuq il-proprjetà fuq is-sit ta’ produzzjoni ta’ Tikkala u ipoteka kummerċjali. Barra minn hekk, ingħata “rahan speċjali” fuq is-sit tal-produzzjoni ta’ Tikkala, b’valur reġistrat ta’ EUR 1 135 268 (ara l-premessa 29). Għal dawn il-kollaterali kollha japplika l-istess raġunament kif previst hawn fuq għall-miżura 4, u jidher plawżibbli li l-kollateral ipprovdut jiġi kkunsidrat bħala kollateral normali.

(290)

Ir-rata ta’ imgħax li Karjaportti kellha tħallas għal self skont il-kundizzjonijiet tas-suq, mingħajr il-garanzija, hija għal darb’oħra r-rata tal-imgħax ta’ referenza ta’ 4.43 % flimkien ma’ primjum tar-riskju ta’ 650 punt bażi. L-għajnuna għandha għalhekk tkun ikkalkulata bħala d-differenza bejn din ir-rata tas-suq teoretiku u l-imgħax li biha s-self garantit kien attwalment ipprovdut (12-il xahar EURIBOR + 0.3 %), wara t-tnaqqis tal-prezz attwalment imħallas għall-garanzija, jiġifieri 0 punti bażi. Id-differenza bejn dawn ir-rati għandha tiġi kkalkulata għall-perjodu li għalih kienet applikata r-rata attwalment ipprovduta.

(291)

L-għajnuna għandha ġġorr l-imgħaxijiet tal-irkupru kkalkolati mill-mument li d-differenza bejn l-imgħaxijiet teoretiċi u r-rata ta’ imgħax li biha s-self garantit kien attwalment ipprovdut kienet tkun dovuta sal-irkupru effettiv.

8.1.3.   Garanzija mogħtija fis-17 ta’ Marzu 2004 (miżura 13)

(292)

Il-Kummissjoni ma tafx b’dettalji dwar is-sigurtà mogħtija għall-miżura 13, u għalhekk tista’ biss tipprovdi l-metodu ta’ kif l-irkupru għandu jsir. Fl-ewwel pass, jekk il-miżura 13 kienet tabilħaqq kollateralizzata, il-valur ta’ dan il-kollateral għandu jiġi stabbilit skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rata ta’ Referenza.

(293)

Ir-rata ta’ imgħax li Karjaportti kellha tħallas għal self skont il-kundizzjonijiet tas-suq, mingħajr il-garanzija, hija għal darb’oħra r-rata tal-imgħax ta’ referenza ta’ 4.43 % flimkien ma’ primjum ta’ riskju li jirrifletti l-valur tas-sigurtà. L-element ta’ għajnuna għandu jiġi kkalkulat bħala d-differenza bejn din ir-rata tas-suq teoretika u r-rata ta’ imgħax li biha s-self garantit kien attwalment ipprovdut ([2-5] %), wara t-tnaqqis tal-prezz attwalment imħallas għall-garanzija, li kienet ta’ 3 %. Id-differenza bejn dawn ir-rati għandha tiġi kkalkulata għall-perjodu li għalih kienet applikata r-rata attwalment ipprovduta.

(294)

L-għajnuna għandha ġġorr l-imgħaxijiet tal-irkupru kkalkolati mill-mument li d-differenza bejn l-imgħaxijiet teoretiċi u r-rata ta’ imgħax li biha s-self garantit kien attwalment ipprovdut kienet tkun dovuta sal-irkupru effettiv.

8.1.4.   Garanzija mogħtija fid-9 ta’ Jannar 2008 (miżura 17)

(295)

Fir-rigward tal-miżura 17, is-sigurtà tista’ tiġi kkunsidrata bħala normali għall-fini tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rata ta’ Referenza tal-2008. Karjaportti ipprovdiet kollateral fil-forma ta’ ishma f’kumpanija, li Finnvera stmat li kellhom valur ta’ sigurtà ta’ EUR […], kif deskritt f’iktar dettall fil-premessa (67). Ir-rata ta’ imgħax li Karjaportti kellha tħallas għal self skont kundizzjonijiet tas-suq, mingħajr il-garanzija, hija għal darb’oħra r-rata tal-imgħax ta’ referenza ta’ 5.19 % flimkien ma’ primjum tar-riskju ta’ 650 punt bażi. L-ammont ta’ għajnuna għandu għalhekk jiġi kkalkulat bħala d-differenza bejn din ir-rata tas-suq teoretika u r-rata ta’ imgħax li biha s-self garantit kien attwalment ipprovdut ([0-3] % flimkien mar-rata ta’ imgħax għal ammonti pendenti skont il-ftehim ta’ sottokuntrattar) wara t-tnaqqis tal-prezz attwalment imħallas għall-garanzija, jiġifieri 250 punt bażi. Id-differenza bejn dawn ir-rati għandhom jiġu kkalkulati għall-perjodu li għalih kienet applikata r-rata attwalment ipprovduta.

(296)

L-għajnuna għandha ġġorr l-imgħaxijiet tal-irkupru kkalkolati mill-mument li d-differenza bejn l-imgħaxijiet teoretiċi u r-rata ta’ imgħax li biha s-self garantit kien attwalment ipprovdut kienet tkun dovuta sal-irkupru effettiv.

8.2.   Irkupru tal-għajnuna mogħtija fil-forma ta’ konverżjoni ta’ imgħaxijiet mhux imħallsa f’self (Miżura 8)

(297)

L-element ta’ għajnuna inkompatibbli f’miżura 8, self mogħti mill-Belt ta’ Mikkeli, għandu jiġi stabbilit. Kif deskritt fil-premessi 45-46, il-Belt ta’ Mikkeli tat self b’rati ta’ imgħax aktar baxxi minn tal-kredituri privati ta’ Karjaportti. Fil-prinċipju, għal self, l-element ta’ għajnuna huwa kkalkulat bħala d-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax li biha s-self kien attwalment ipprovdut u r-rata tas-suq. F'dan il-każ, il-kredituri privati taw self flimkien mal-Belt ta’ Mikkeli. Ir-rati ta’ imgħax li talbu l-kredituri privati jistgħu jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ rata tas-suq.

(298)

L-ammont ta’ għajnuna għandu għalhekk jiġi kkalkulat bħala d-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax medja mitluba għas-self mogħti mill-kredituri privati (3 xhur EURIBOR + 2 % u 3 xhur EURIBOR + 1.5 %) u r-rata ta’ imgħax li biha s-self kien attwalment ipprovdut (3 xhur EURIBOR + 0.3 %).

(299)

Id-differenza bejn dawn ir-rati għandha tkun ikkalkulata għall-perjodu li għalih kienet applikata r-rata attwalment ipprovduta.

(300)

L-għajnuna għandha ġġorr l-imgħaxijiet tal-irkupru kkalkolati mill-mument li d-differenza bejn l-imgħaxijiet teoretiċi u r-rata ta’ imgħax li biha s-self garantit kien attwalment ipprovdut kienet tkun dovuta sal-irkupru effettiv.

8.3.   Irkupru tal-għajnuna mogħtija fil-forma ta’ posponiment ta’ djun mill-2009 (Miżura 12)

(301)

L-element ta’ għajnuna inkompatibbli f’miżura 12, il-posponiment tad-djun mill-Belt ta’ Mikkeli mill-2009, għandu jiġi stabbilit. Kif deskritt fil-premessi 219-226, il-posponiment tad-dejn innotifikat ġiet implimentat b’xi bidliet. Peress li l-Kummissjoni mhijiex konxja tal-dettalji tal-posponiment effettivament implimentat, hija tista’ biss tipprovdi l-metodu ta’ kif għandu jsir l-irkupru.

(302)

L-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-kumpanija mill-mument li Osuuskunta Karjaportti ddevjat mill-iskeda tal-ħlas kif miftiehem matul il-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti fl-2006. Il-Kummissjoni tikkunsidra li fil-ħin tal-għoti tal-għajnuna, Karjaportti ma baqgħetx aktar kapaċi li taċċedi għas-swieq finanzjarji. Għalhekk, l-għajnuna hija ugwali għall-ammont ta’ dejn pospost. Għalhekk, l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, huma ekwivalenti għall-ammont tad-djun posposti fir-rigward tal-Belt ta’ Mikkeli. Madankollu, il-pagamenti li diġà saru jistgħu jitnaqqsu mill-ammonti li għandhom jiġu rkuprati.

(303)

L-għajnuna għandha ġġorr imgħaxijiet mid-data li l-għajnuna tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-kumpanija sal-irkupru effettiv.

9.   KONKLUŻJONI

(304)

Il-Kummissjoni tinnota li l-investigazzjoni formali fir-rigward tal-garanzija ta’ EUR 2,75 miljun innotifikata iżda sussegwentement irtirata mill-Finlandja ma kellhiex aktar għan skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Proċedurali.

(305)

Rigward il-garanzija mogħtija fis-sena 2000 u l-għoti tal-art fl-istess sena mill-Belt ta’ Mikkeli, il-Kummissjoni tqis dawk il-miżuri bħala għajnuna mill-Istat li hija kompatibbli bħala għajnuna għall-investiment skont l-RAG 1998.

(306)

Ix-xiri tal-art li sar fl-2002 mill-Belt ta’ Mikkeli huwa meqjus li ma jinvolvix għajnuna minħabba li sar skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

(307)

Il-garanziji mogħtija mill-Belt ta’ Mikkeli f’Marzu 2004 u Mejju 2004 jistgħu jiġu kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat, meta wieħed iqis li Karjaportti kienet kumpanija f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida R & R 1999 fil-ħin li ngħataw. Dawn il-miżuri mhumiex kompatibbli mas-suq intern, billi ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107 (2) u (3) tat-TFUE ma ġiet issodisfata.

(308)

Il-miżuri meħuda mill-Belt ta’ Mikkeli bħala parti mill-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti ngħataw flimkien ma’ kredituri privati komparabbli u skont kundizzjonijiet simili. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq kien issodisfat u li l-miżuri ma jimplikawx għajnuna mill-Istat.

(309)

Ix-xiri ta’ ishma mill-Belt ta’ Mikkeli u t-tħassir ta’ dejn fir-rapporti finanzjarji fl-2007 u l-2008 jistgħu t-tnejn jitqiesu li ma jinkludux għajnuna.

(310)

Il-konverżjoni ta’ rati ta’ imgħax mhux imħallsa f’self mill-Belt ta’ Mikkeli f’Diċembru 2005 tista’ titqies bħala għajnuna mill-Istat, meta wieħed iqis li Karjaportti kienet kumpanija f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida R & R 2004 fil-ħin li ngħataw. Dawn il-miżuri mhumiex kompatibbli mas-suq intern, billi ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107 (2) u (3) tat-TFUE ma ġiet issodisfata.

(311)

Rigward il-posponiment tad-djun aċċettat mill-Belt ta’ Mikkeli fl-2009, huwa nnotat li dan kien posponiment sussegwenti tad-djun. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li kreditur privat ma kienx jaċċetta posponiment tad-dejn bħal dan u li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Minħabba li Karjaportti kienet f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida R & R 2004 fil-mument tal-għoti, il-miżura setgħet biss tkun kompatibbli skont l-imsemmija Linji gwida. Billi mhux ir-rekwiżiti kollha huma ssodisfati, ġie konkluż li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli.

(312)

Il-garanzija mogħtija minn Finnvera fis-17 ta’ Marzu 2004 ukoll tinvolvi għajnuna mill-Istat, li mhijiex kompatibbli skont il-Linji Gwida R & R 1999. Is-self mogħti minn Finnvera fit-12 ta’ Jannar 2006 ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, peress li ngħata flimkien ma’ kredituri privati komparabbli u skont kondizzjonijiet simili. L-istess jista’ jingħad għall-garanzija mogħtija minn Finnvera f’Settembru 2006 u s-self mogħti f’Lulju 2007.

(313)

Finalment, il-garanzija mogħtija fid-9 ta’ Jannar 2008 minn Finnvera tista’ titqies bħala għajnuna mill-Istat, meta wieħed iqis li Karjaportti kienet f’diffikultajiet skont it-tifsira tal-Linji Gwida R & R 2004 fil-ħin li ngħatat. Il-miżura mhijiex kompatibbli mas-Suq intern, billi ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107 (2) u (3) tat-TFUE ma ġiet issodisfata.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108 (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-garanzija ta’ EUR 2,75 miljun (miżura 11), innotifikata iżda sussegwentement irtirata mill-Finlandja, ġiet itterminata.

Artikolu 2

Il-miżuri li l-Finlandja implimentat għal Osuuskunta Karjaportti, li jikkonsistu f’:

xiri ta’ art fl-2002 (miżura 3),

il-miżuri li ttieħdu bħala parti mill-proċeduri ta’ ristrutturar issorveljati mill-qorti (miżura 6),

ix-xiri ta’ ishma mingħand Osuuskunta Karjaportti (miżura 7),

it-tħassir tad-djun fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-2006 u tal-2008 (miżura 9 u l-miżura 10),

is-self mogħti minn Finnvera f’Ġunju 2006 (miżura 14),

il-kontrogaranzija mogħtija minn Finnvera f’Settembru 2006 (miżura 15) u

is-self mogħti minn Finnvera f’Lulju 2007 (miżura 16)

ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 (1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Il-miżuri ta’ għajnuna statali li l-Finlandja implimentat għal Osuuskunta Karjaportti, li jikkonsistu f’:

garanzija mogħtija f’Ġunju 2000 (miżura 1) u

l-għoti ta’ art fl-istess sena (miżura 2)

huma kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107 (3) (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Il-miżuri ta’ għajnuna statali li l-Finlandja implimentat għal Osuuskunta Karjaportti, li jikkonsistu f’:

Garanzija mogħtija fit-8 ta’ Marzu 2004 mill-Belt ta’ Mikkeli (miżura 4);

Garanzija mogħtija fl-10 ta’ Mejju 2004 mill-Belt ta’ Mikkeli (miżura 5);

Konverżjoni ta’ rati ta’ imgħax mhux imħallsa f’self (miżura 8);

Garanzija mogħtija minn Finnvera fis-17 ta’ Marzu 2004 (miżura 13);

Garanzija mogħtija fid-9 ta’ Jannar 2008 minn Finnvera (miżura 17);

Posponiment ta’ djun mill-2009 (miżura 12).

kienu implementati mhux skont il-liġi mill-Finlandja bi ksur tal-Artikolu 108 (3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u huma inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 5

1.   Il-Finlandja għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 4 mingħand il-benefiċjarju.

2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandu jkollhom imgħaxijiet mid-data li fiha tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-irkupru effettiv tagħhom.

3.   L-imgħaxijiet għandhom jiġu kkalkulati fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

4.   Il-Finlandja għandha tikkanċella l-pagamenti kollha pendenti tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 4 b’effett mid-data ta’ notifika ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 6

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 4 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Il-Finlandja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Finlandja għandha tibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (prinċipal u imgħaxijiet ta’ rkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħuda u ppjanati sabiex tkun konformi ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   Il-Finlandja għandha żżomm lill-Kummissjoni informata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 4 jkun tlesta. Hija għandha tibgħat minnufih, fuq talba sempliċi mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħax ta’ rkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)   ĠU C 134, 13.6.2009, p. 16; ĠU C 58, 10.3.2010, p. 4.

(2)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Iż-żewġ settijiet ta’ Artikoli huma, fis-sustanza tagħhom, identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat tal-KE fejn xieraq. It-TFUE introduċa wkoll ċerti tibdiliet fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta’ "Komunità" b’"Unjoni" u "suq komuni" b’"suq intern". It-terminoloġija tat-TFUE se tintuża tul din id-Deċiżjoni.

(3)   ĠU C 134, 13.6.2009, p. 16.

(4)   ĠU C 58, 10.3.2010, p. 4.

(5)  Laki yrityksen saneerauksesta 25.1.1993/47, Lag om företagssanering 25.1.1993/47.

(6)  Ara d-deskrizzjoni ta’ Finnvera fil-premessa 56.

(7)  Rata ta’ kambju użata EUR 1 = FIM 5,95.

(8)  Il-garanzija ġiet imsejħa miżura 1 fl-ewwel deċiżjoni ta’ ftuħ.

(9)  Il-Belt ta’ Mikkeli oriġinarjament irċeviet ipoteka fuq proprjetà immobbli fuq il-proprjetà ta’ Rokkala ta’ Karjaportti (proprjetà 491-8-8-2) b’ammont reġistrat ta’ FIM 7,5 miljun (EUR 1 261 409); fl-2002, l-ipoteka ġiet trasferita fuq is-sit tal-produzzjoni ta’ Tikkala (proprjetà 491-35-1-1), minħabba li l-Belt ta’ Mikkeli kienet xtrat il-proprjetà ta’ Rokkala (ara d-deskrizzjoni ta’ miżura 3, premessa 25).

(10)  Ipoteka kummerċjali tinħoloq bil-ħruġ ta’ nota ta’ ipoteka kummerċjali, irreġistrata fir-reġistru tal-ipoteki kummerċjali; dawn in-noti huma mirhuna u mwassla bħala garanzija lill-kreditur tan-negozju rispettiv. Il-kapital reġistrat tan-noti, flimkien ma’ imgħaxijiet akkumulati bir-rata stabbilita fin-noti kif ukoll l-ammont espress fihom biex jiġi riservat għal spejjeż ta’ infurzar, jikkostitwixxi l-ammont massimu li jista’ jiġi riċevut mid-detentur tagħhom. Ipoteka kummerċjali tkopri, fil-prinċipju, l-assi kollha tan-negozju (bħal makkinarju, tagħmir, id-drittijiet tat-trademark, materja prima, prodotti, flus kontanti, ammonti riċevibbli) tal-kumpannija debitriċi, bl-eċċezzjoni ta’ proprjetà immobbli.

(11)  Id-distrett rurali ta’ Mikkeli sar parti mill-Belt ta’ Mikkeli fl-2001.

(12)  Ara sezzjoni 155 tal-minuti ta’ laqgħa tal-Bord tal-Belt ta’ Mikkeli datati l-25 ta’ Frar 2002.

(13)   ĠU C 273, 9.9.1997, p. 3.

(14)  Skont il-minuti tal-Kunsill tal-Belt ta’ Mikkeli, datati t-12 ta’ Ġunju 2000, il-miżuri kienu ttieħdu rigward il-kostruzzjoni futura ta’ impjant ġdid tal-manifattura.

(15)  Ma’ dan il-prezz, ġew miżjuda EUR 336 376 għal spejjeż ta’ twittija li tħallsu lura lil Karjaportti mill-Belt ta’ Mikkeli. Għaldaqstant, l-att għax-xiri tal-proprjetajiet jinkludi prezz ta’ xiri ta’ EUR 6 983 163.

(16)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

(17)  Ara l-Att dwar ir-Ristrutturar tal-Impriżi 47/1993, Sezzjoni 1.

(18)  Ara l-Att dwar ir-Ristrutturar tal-Impriżi 47/1993, Sezzjoni 17.

(*1)  Informazzjoni kunfidenzjali

(19)  Skont it-Taqsima 3 punt 7 tal-Att dwar ir-Ristrutturar tal-Impriżi 47/1993, djun garantiti jfissru ristrutturar ta’ dejn fejn il-kreditur ikollu, meta mqabbel ma’ partijiet terzi, dritt ta’ sigurtà reali effettiv għal proprjetà li tappartjeni lil jew li hija fil-pussess tad-debitur, safejn il-valur tal-proċeduri kien ikun biżżejjed sabiex ikopri l-ammont tal-pretensjoni tal-kreditur wara t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ likwidazzjoni u pretensjonijiet bi prijorità ogħla.

(20)  Ara d-deskrizzjoni ta’ Finnvera fil-premessa 56.

(21)  It-tnaqqis tar-rati tal-imgħax issejjaħ miżura 2 fl-ewwel deċiżjoni ta’ ftuħ.

(22)  It-tnaqqis tar-rati tal-imgħax għal spejjeż mhux imħallsa issejjaħ miżura 4 fl-ewwel deċiżjoni ta’ ftuħ.

(23)  Iż-żewġ valutazzjonijiet iddeterminaw il-valur tas-suq tal-bini mirhun, ibbażat fuq prezzijiet komparabbli u informazzjoni dwar il-kiri; dawn kienu mwettqa minn Kaakon Notariaatti Oy, www.kaakonnotariaatti.fi u Catella Property Oy, www.catella.fi. L-istudji ġew ordnati mill-amministratur tal-falliment ta’ Karjaportti.

(24)  Minn dakinhar, Karjaportti ħallset l-imgħax dovut għad-djun garantiti.

(25)  Il-konverżjoni ta’ rati ta’ imgħax mhux imħallsa issejħet miżura 3 fl-ewwel deċiżjoni ta’ ftuħ.

(26)  Il-garanzija kienet imsejħa miżura 5 fl-ewwel deċiżjoni ta’ ftuħ.

(27)  Dawn il-miżuri ssejħu miżura 6 fl-ewwel deċiżjoni ta’ ftuħ.

(28)  Il-proposti huma datati s-26 ta’ Mejju 2009, it-28 ta’ Settembru 2009, it-18 ta’ Novembru 2009, it-22 ta’ Jannar 2010, is-17 ta’ Frar 2010, it-12 ta’ April 2010, it-2 ta’ Ġunju 2010, it-23 ta’ Awwissu 2010, it-3 ta’ Novembru 2010, l-10 ta’ Frar 2011 u l-31 ta’ Mejju 2011.

(29)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 715/06, il-Finlandja. Eżenzjoni tat-Taxxa għal Finnvera Oyj, ĠU C 307, 18.12.2007, p. 6.

(30)   ĠU C 71, 11.3.2000, p. 14, punt 4.2.

(31)   ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

(32)   ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

(33)   ĠU C 209, 10.7.1997, p. 3.

(34)   ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2; estiżi fl-2009, ĠU C 156, 9.7.2009, p. 3.

(35)   ĠU C 74, 10.3.1998, p. 9.

(36)  Ara Każ C 480/98 Ir-Renju ta’ Spanja v Il-Kummissjoni [2000] ECR I-08717, paragrafu 18.

(37)  Ara Punt 79 tal-Linji Gwida R & R 1999: "Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt, dawn il-Linji Gwida għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej Huma għandhom jibqgħu fis-seħħ, sakemm mhux stipulat mod ieħor fi kwalunkwe deċiżjoni oħra, għal ħames snin. "Il-Linji Gwida R & R 1999 ġew ippubblikati fid-9 ta’ Ottubru 1999.

(38)  Ara Punt 102 tal-Linji Gwida R&R 2004.

(39)  Skont il-minuti ta’ laqgħa tal-Kunsill tal-Belt tat-8 ta’ Marzu 2004 Karjaportti kienet bdiet tirristruttura d-djun tagħha aktar kmieni f’dik is-sena u talbet lill-Belt ta’ Mikkeli sabiex taqbel dwar differiment tal-pagamenti dovuti fl-2004 għas-sena 2005 għas-self mogħti fl-2000, garantit mill-Belt ta’ Mikkeli (li ġiet aċċettata mill-Kunsill tal-Belt).

(40)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(41)  Punt 2.1 tal-Avviż dwar il-Garanziji 2008.

(42)  Ara l-Każijiet Konġunti C-341/06 P u C-342/06 P Chronopost SA and La Poste v Union française de l’express (UFEX) and Others [2008] ECR I-04777, paragrafu 95.

(43)  Skont il-Minuti tal-Kunsill tal-Belt ta’ Mikkeli tat-12 ta’ Ġunju 2000, "… għandu jiġi osservat li r-riskju għall-Belt huwa kbira matul l-ewwel snin …".

(44)  Ara Sezzjoni 6 tal-RAG 1998.

(45)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ N238/1999, ittra lill-Finlandja tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar il-mappa ta’ għajnuna reġjonali 2000-2006

(46)  Ara l-Każ T-14/96 Bretagne Angleterre Irlande (BAI) v Il-Kummissjoni [1999] ECR II-139 paragrafu 71; Każijiet Konġunti T-116/01 u T-118/01, P & O European Ferries (Vizcaya), SA and Diputación Foral de Vizcaya v Il-Kummissjoni [2003] ECR II-02957, paragrafi 114 et seq.

(47)  Ara l-premessa (25); meta l-pussess tal-proprjetà ġie trasferit lill-Belt ta’ Mikkeli, dan ma kellux ipoteki fuqu.

(48)   ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(49)  Ara Punt 4.4, nota ta’ qiegħ il-paġna 10 u nota ta’ qiegħ il-paġna 21 tal- RAG 1998.

(50)  Skont is-Sezzjoni 6 tal-Linji Gwida R&R 1999, dawn kienu japplikaw sad-9 ta’ Ottubru 2004; ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 hawn fuq.

(51)  Każ T-95/11 BP Chemicals v Il-Kummissjoni [1998] ECR II-3235.

(52)  Każ T-95/11 BP Chemicals v Il-Kummissjoni [1998] ECR II-3235, paragrafi 171 u 172.

(53)  Ara Każ C 480/98 Ir-Renju ta’ Spanja v Il-Kummissjoni [2000] ECR I-08717, paragrafu 19.

(54)  Ara […].

(55)  Ara Punt 102 tal-Linji Gwida R&R 2004.

(56)  Ara każ T-152/99 Hamsa v Il-Kummissjoni [2002] ECR II-3049, paragrafu 158.

(57)  Ara każ T-36/99 Lenzing AG v Il-Kummissjoni [2004] ECR II-3597, paragrafu 152.

(58)  Ara każ C-342/96 Spain v Il-Kummissjoni [1999] ECR I-2459, paragrafu 46.

(59)  Ara każ T-36/99 Lenzing AG v Il-Kummissjoni [2004] ECR II-3597, paragrafu 140 et seq.

(60)  Każ C-482/99 Ir-Repubblika Franċiża/Il-Kummissjoni (Stardust Marine) [2002] ECR I-4397.

(61)  Każ T-358/94 Air France vs. Il-Kummissjoni [1996] ECR II-2109, paragrafi 55-61.

(62)  Każ C-482/99 Ir-Repubblika Franċiża/Il-Kummissjoni (Stardust Marine) [2002] ECR I-4397, para. 50-59.

(63)   ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30.

(64)  Ara l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006, ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.

(65)  Skont is-Sezzjoni 6 tal-Linji Gwida R&R 1999, dawn kienu japplikaw sad-9 ta’ Ottubru 2004; ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 hawn fuq.

(66)  Ara Każ C-70/72 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja [1973] ECR 00813, paragrafu 13.

(67)  Ara Każijiet Konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs Il-Kummissjoni [1994] ECR I-4103, paragrafu 75.

(68)  Ara każ C-75/97 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni [1999] ECR I-030671 paragrafi 64-65.

(69)  Punt 2.2 u Punt 4.1.(a) tal-Avviż dwar il-Garanziji 2008

(70)   ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.


16.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 12/38


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Lulju 2012

dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru SA.33114 (2012/C) (ex. 2011/NN) – il-Polonja Għajnuna li allegatament ngħatat lit-tarzna CRIST

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 5057)

(It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/9/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikulari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b’mod partikulari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

wara li stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmijin hawn fuq (1),

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Fis-6 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet ta’ rkupru (2) fir-rigward ta’ għajnuna li kienet ngħatat mhux skont ir-regolamenti lit-tarzni ta’ Gdynia u Szczecin (minn issa ’l quddiem “it-tarzna ta’ Gdynia” u “it-tarzna ta’ Szczecin”) u li ppermettiet li ssir proċedura speċjali ta’ bejgħ. L-awtoritajiet Pollakki ngħataw l-opportunità li jbigħu, f’lottijiet, l-assi tat-tarzni permezz ta’ sejħiet għall-offerti miftuħin, trasparenti, bla kundizzjonijiet u bla diskriminazzjoni.

(2)

Fil-qafas tal-proċedura tal-irkupru tal-għajnuna, il-Kummissjoni talbet għal kjarifiki dwar il-proċeduri tas-sejħa għall-offerti inkwistjoni. Wara li fl-istampa ġie rrappurtat li seta’ ġara li, f’Settembru 2010, l-Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali (l-Agencja Rozwoju Przemysłu, minn hawn ’il quddiem “l-ARP”), li hija tal-Istat, ħarġet selfa (minn hawn ’il quddiem “il-miżura”) lil Crist S.A. (minn issa ’l quddiem “il-Crist” jew “l-impriża”) biex din tixtri ċerti assi tat-tarzna ta’ Gdynia, f’laqgħa li kellha fit-22 ta’ Ottunru 2010 mal-awtoritajiet Pollakki l-Kummissjoni talbet għal kjarifiki dwar din il-kwistjoni. L-awtoritajiet Pollakki spjegaw il-pożizzjoni tagħhom u impenjaw ruħhom li jgħaddulha l-informazzjoni u l-provi dokumentati kollha li għandhom x’jaqsmu mat-tranżazzjoni. L-informazzjoni ntbagħtet fil-25 ta’ Novembru 2010 u fil-5 ta’ Diċembru 2011.

(3)

Fis-6 ta’ Diċembru 2011 il-Kummissjoni ltaqgħet mal-awtoritajiet Pollakki.

(4)

Bejn il-Viċi President Almunia u l-Ministru tat-Teżor tal-Polonja, Aleksander Grad, għaddiet korrispondenza li wasslet biex, fil-25 ta’ Ottubru 2011, is-sur Grad bagħat ittra li biha għarraf lill-Kummissjoni li kien hemm il-ħsieb li l-proċedura tal-likwidazzjoni tintemm fi tmiem l-2011, kemm għat-tarzna ta’ Gdynia kif ukoll għat-tarzna ta’ Szczecin.

(5)

Permezz ta’ ittra datata l-25 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni għarrfet lill-Polonja li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “it-TFUE”) fil-konfront tal-miżura msemmija (minn hawn ’il quddiem “id-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura”).

(6)

Id-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżura.

(7)

Il-Polonja għamlet l-osservazzjonijiet tagħha fis-27 ta’ Frar 2012. Ma daħlu l-ebda kummenti min-naħa ta’ partijiet terzi. Fl-4 u fil-5 ta’ Ġunju 2012, il-Polonja pprovdiet aktar informazzjoni.

II.   L-ISFOND TAL-KAŻ

1.   Deskrizzjoni tal-benefiċjarju

(8)

Skont l-awtoritajiet Pollakki, il-Crist – impriża privata bbażata fi Gdańsk – twaqqfet fl-1990 miż-żewġ azzjonisti li hemm bħalissa. Tħaddem madwar 150 ruħ u tuża s-servizzi ta’ madwar 500 kuntrattur indipendenti. L-oqsma ewlenin li fihom taħdem il-Crist huma: il-bini tal-vapuri, it-tiswija tal-vapuri u l-istallazzjonijiet idrotekniċi. Fil-perjodu bejn l-2004 u l-2008, kull sena l-impriża ħadmet fuq madwar 20 vapur u fuq kostruzzjonijiet oħrajn. Il-klijenti tal-impriża huma prinċipalment proprjetarji tal-vapuri mill-Ewropa (il-Ġermanja, l-Iskandinavja u l-Polonja).

(9)

Skont l-awtoritajiet Pollakki, l-impriża hija attiva l-aktar f’dawn it-tliet segmenti tas-suq:

is-suq tal-kostruzzjoni tal-inġinerija idroloġika: strutturi tal-azzar li jintużaw bħala xtiebi, milqgħat, kxaxen u strutturi oħrajn tal-azzar għall-bini tal-mollijiet ta’ max-xatt u għall-mollijiet maħruġin ’il barra fil-portijiet,

is-suq tal-enerġija rinnovabbli: tagħmir u /jew elementi użati biex jinbnew it-turbini tal-enerġija tar-riħ fil-baħar,

is-suq tal-kostruzzjoni fil-baħar: installazzjonijiet għat-tiftix u għall-ipproċessar li jitħaddmu fil-baħar u li jintużaw biex jagħtu sostenn lill-pjattaformi tat-tħaffir, u moduli għall-bini tal-pjattaformi tal-azzar għat-tħaffir.

(10)

It-tabella nru 1, hawn taħt, turi l-istruttura tad-dħul tal-Crist maqsuma skont is-segmenti tas-suq. L-awtoritajiet Pollakki għarrfu lill-Kummissjoni li din l-istruttura tad-dħul hija r-riżultat tat-twettiq tal-pjan tal-impriża li jgħid li l-attivitajiet ewlenin iridu jinbidlu mill-bini tradizzjonali tal-vapuri għall-qasam tal-enerġija rinnovabbli marittima u tal-inġinerija idroloġika.

Tabella nru 1

L-istruttura tad-dħul tal-Crist skont is-segmenti

Kategorija tad-dħul

2009

2010 (4)

2011

inġinerija idroloġika

[17-23] (*1) %

[4-6] %

[3-5] %

enerġija rinnovabbli

[23-28] %

[75-80] %

[67-74] %

kostruzzjonijiet fil-baħar

[21-26] %

[6-8] %

[6-8] %

oħrajn (bini tal-vapuri)

[29-34] %

[9-12] %

[17-20] %

(11)

Skont l-awtoritajiet Pollakki, fil-perjodu bejn l-2002 u l-2009 l-Crist kabbret id-dħul tagħha b’għaxar darbiet, u fl-2009 laħqet it-PLN 383 miljun (EUR 95,75 miljun (5)). Fl-2010 d-dħul naqas għal PLN 236 miljun (EUR 59 miljun) iżda fl-2011 tela’ għal PLN 630 miljun (EUR 157,5 miljun). It-tabella nru 2 tippreżenta fil-qosor ir-riżultati finanzjarji ewlenin tal-Cris għall-perjodu bejn l-2007 u l-2009, jiġifieri qabel ma ngħatat is-selfa mill-ARP, u għall-perjodu bejn l-2010 u l-2011.

Tabella nru 2

Ir-riżultati finanzjarji ewlenin tal-Crist bejn l-2007 u l-2011 (f’miljuni ta’ PLN)

 

2007

2008

2009

2010

2011

Dħul mill-bejgħ

323,41

361,06

383,77

236,48

630,29

Qligħ mill-bejgħ

19,10

20,80

27,10

5,5

53,1

Qligħ operatorju

20,80

19,50

25,80

15,37

49,33

Qligħ nett

22,20

20,10

15,50

12,62

31,66

Deprezzament

2,40

3,30

4,20

5,58

10,75

Eċċess finanzjarju

24,60

23,40

19,70

18,20

42,41

(12)

Skont l-awtoritajiet Pollakki, fl-2011 l-impriża kellha krediti u limiti sa fejn kienet esposta għar-riskji ta’ madwar PLN […]* miljun (EUR […] miljun), inkluża s-selfa tal-ARP (ara t-Taqsima 3 “Deskrizzjoni tal-miżura”), u sostenn finanzjarju f’diversi għamliet mingħand erba’ banek privati. Bħalissa l-impriża hija involuta f’għaxar kuntratti b’valur totali ta’ madwar PLN […] miljun (EUR […] miljun) u qed tinnegozja aktar kuntratti li b’kollox jiswew madwar PLN […] miljun (EUR […] miljun).

2.   Deskrizzjoni tal-programm

(13)

Fis-27 ta’ Mejju 2010, il-Crist applikat għas-selfa mingħand l-ARP (ara t-Taqsima 3, “Deskrizzjoni tal-miżura”) bħala parti mill-programm “Sostenn mill-ARP għal inizjattivi li jistimulaw lill-ekonomija Pollakka” (minn hawn ’il quddiem “il-programm”), fis-sottokategorija “Sostenn għall-impriżi fir-reġjuni l-aktar mheddin mill-kriżi ekonomika”.

(14)

L-impriżi eliġibbli għall-programm huma dawk medji jew kbar li qed iwettqu proġetti li għandhom it-tir li jistimulaw lid-domanda fl-ekonomija Pollakka u li huma attivi fid-distretti l-aktar mheddin li ntlaqtu mill-kriżi ekonomika jew minn għargħar gravi. Il-programm jiddefinixxi b’mod ċar liema huma dawn id-distretti. Id-distrett ta’ Gdańsk huwa, skont id-definizzjoni tal-programm, wieħed mid-distretti vulnerabbli, iżda d-distrett ta’ Gdynia mhux.

(15)

Skont il-programm, l-ARP tieħu sehem fi proġetti u f’inizjattivi sabiex jiġu stimulati d-domanda ekonomika u l-iżvilupp ekonomiku. Ta’ dan, l-aġenzija għandha tikseb lura redditu raġonevoli, i.e. il-parteċipazzjoni għandha ssir skont il-kundizzjonijiet tas-suq. L-intensità massima tal-finanzjament ipprovdut mill-ARP ma tistax taqbeż it-80 % tal-valur nett tal-investiment ippjanat.

(16)

Skont l-awtoritajiet Pollakki, l-ARP m’għandhiex tappoġġja proġetti li jista’ jkun fihom elementi ta’ għajnuna mill-Istat, bl-eċċezzjoni ta’ proġetti relatati mas-sigurtà nazzjonali u d-difiża b'konformità mal-Artikolu 346 tat-TFUE (6).

(17)

Il-programm jikkostitwixxi parti mill-attività kummerċjali tal-ARP li għandha t-tir li tagħmel il-qligħ u, skont l-awtoritajiet Pollakki, japplika standards rilevanti fis-suq tas-servizzi kummerċjali tal-finanzjament għall-impriżi. Kif spjegat il-Polonja, tali attività hija separata mill-għoti tal-għajnuna mill-Istat lil impriżi kbar li jkunu f’diffikultà.

3.   Deskrizzjoni tal-miżura

(18)

Il-miżura li qed tiġi mistħarrġa hija selfa ta’ PLN 150 miljun (EUR 33,4 miljun) li ngħatat mill-ARP lill-Crist fl-14 ta’ Settembru 2010 (minn hawn ’il quddiem “is-selfa tal-ARP”) sabiex l-impriża tixtri lott ta’ assi – l-hekk imsejħa ż-żona nru 2 tat-tarzna tal-Crist – li jinkludi baċir xott. Skont l-awtoritajiet Pollakki, meta nħarġet, is-selfa kienet tirrappreżenta inqas minn […] % tal-ammont totali tal-krediti tal-kumpanija u l-limiti sa fejn kienet esposta għar-riskji.

(19)

Skont il-programm, ir-rata tal-imgħax għas-selfa tal-ARP għandha tiġi ffissata bħala r-rata bażi, u magħha jiżdied marġni ta’ mgħax nett ta’ 0,9 - 4 % per annum (minn hawn ’il quddiem “il-marġni tal-imgħax”) skont ir-riskju tal-finanzjament u l-kwalità tal-kollateral ipprovdut mill-benefiċjarju, kif indikat fit-tabella nru 3.

Tabella nru 3

Il-marġni tal-imgħax applikabbli għall-miżura skont il-programm

riskju finanzjarju

kollateral b’saħħtu

kollateral moderat

kollateral dgħajjef

baxx

0,9  %

1,0 – 1,4 %

1,5 – 1,8 %

moderat

1,0 – 1,4 %

1,5 –1,8 %

1,9 % – 3,3 %

għoli

1,5 – 1,8 %

1,9 % – 3,3 %

3,4 % – 4,0 %

(20)

Il-marġni tal-imgħax għas-selfa mingħand l-ARP ġie ffissat bħala 1,8 %. Ir-rata globali tal-imgħax tas-selfa li rċeviet il-Crist kienet 6,81 % (7). Ir-rata tal-imgħax ġiet iffissata fil-livell tar-rata bażi ddefinita bħala l-WIBOR għal 3 xhur (8) (3,81 % fil-mument meta ngħatat is-selfa) u magħha 1,2 %, li fuqhom ġie miżjud marġni ta’ mgħax ta’ 1,8 %. Il-marġni tal-imgħax ġie ffissat mill-ARP bħala 1,8 % minħabba li ġie stmat li kemm ir-riskju finanzjarju ta’ din it-tranżizzjoni kif ukoll il-kollateral kienu moderati. Kif muri fit-tabella nru 3, dan għandu jirriżulta f’marġni ta’ bejn 1,5 % u 1,8 %. Is-selfa tal-ARP timmatura fil-31 ta’ Diċembru 2015, i.e. dewma ta’ bejn wieħed u ieħor 5 snin u 3 xhur, minħabba li l-miżura ttieħdet fl-14 ta’ Settembru 2010.

(21)

Il-kollateral għas-selfa li ħarġet l-ARP jikkonsisti f’li ġej:

rahan irreġistrat fuq l-ishma kollha kemm huma tal-Crist,

ipoteka fuq il-proprjetà immobbli (parti miż-żona nru 2 tat-tarzna)

rahan irreġistrat fuq għadd ta’ beni mobbli li jagħmlu parti miż-żona nru 2 tat-tarzna,

kambjala inbjank iffirmata mill-Crist,

dikjarazzjoni mill-Crist dwar l-aċċettazzjoni volontarja tal-eżekuzzjoni u

dikjarazzjonijiet ta’ kull wieħed mill-azzjonisti tal-Crist dwar l-aċċettazzjoni volontarja tagħhom tal-eżekuzzjoni,

(22)

Skont il-programm, il-kollateral irid ikun jikkorrispondi għal mill-inqas 150 % tal-finanzjament ipprovdut mill-ARP.

(23)

It-tielet ħruġ ta’ sejħa għall-offerti biex jinbiegħu l-assi tat-tarzna ta’ Gdynia sar fil-15 ta’ Settembru 2010. Skont rapporti li dehru fl-istampa, b’riżultat tal-finanzjament li rċeviet mingħand l-APR, il-Crist setgħet titfa’ offerta aħjar minn ta’ kompetitur ieħor, il-Patia (impriża rreġistrata Ċipru, b’rabta mal-impriża Ukrena ISD – il-proprjetarja tat-tarzna ta’ Gdańsk). L-offerta tal-Crist kienet ta’ PLN 175 miljun (EUR 43,75 miljun) għax-xiri tal-lott assi offrut (minn hawn ’il quddiem il-“baċir xott”). Il-prezz minimu tal-baċir xott kien ġie ffissat bħala PLN 96,7 miljun (EUR 24,17 miljun).

III.   IR-RAĠUNIJIET LI MINĦABBA FIHOM INGĦATA BIDU GĦALL-PROĊEDURA TAL-INVESTIGAZZJONI FORMALI

(24)

Fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar jekk il-Crist kinitx tkun tista’ tikseb il-finanzjament meħtieġ bl-istess kundizzjonijiet fis-suq fuq il-bażi tal-informazzjoni li kellha f’idejha l-ARP fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni li tingħata s-selfa.

(25)

Skont l-analiżi preliminari tal-miżura, li saret fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha f’idejha l-Kummissjoni, is-selfa mingħand l-ARP setgħet tat lill-Crist vantaġġ permezz tar-riżorsi tal-Istat. Il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha dwar: (i) ir-rata li biha ngħatat is-selfa, (ii) il-kollateral li aċċettat l-ARP, (iii) il-valur referenzjarju li użat l-ARP, (iv) il-pjan tal-impriża li ppreżentat il-Crist u (v) il-fatt li seta’ ngħata trattament preferenzjali lill-Crist min-naħa tal-ARP.

(26)

Rigward ir-rata, il-Kummissjoni ma kinitx f’qagħda li tiddetermina jekk ir-rata tal-imgħax fuq is-selfa tal-ARP (li fil-mument tad-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura kien maħsub li kienet 7,02 %) kinitx konformi mal-prinċipji tal-investitur f’ekonomija tas-suq. Dan minħabba li l-awtoritajiet Pollakki ma kinux ipprovdew evidenza dwar il-klassifikazzjoni u l-livell tal-kollateral tal-impriża.

(27)

Fir-rigward tal-kollateral, il-kuntratt li ġie konkluż bejn l-ARP u l-Crist bħala l-bażi sabiex tinħareġ is-selfa mill-ARP u l-evalwazzjonijiet mill-esperti dwar l-ishma tal-Crist u tal-baċir xott, li tpoġġew bħala kollateral fuq is-selfa, ma ġiex ipprovdut lill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-Polonja ma kinitx tat prova prima facie li l-evalwazzjonijiet esperti kienu twettqu b’mod konservattiv u li investitur privat kien jaċċetta kollateral bħal dan.

(28)

Fir-rigward tal-valur referenzjarju, il-Kummissjoni għandha d-dubji tagħha dwar kemm is-selfa tal-Bank […] tista’ tintuża bħala valur referenzjarju sabiex jiġi vvalutat jekk is-selfa mingħand l-ARP tikkonformax mal-prinċipju tal-investitur privat fis-suq. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li s-selfa tal-Bank […] kienet differenti mis-selfa mingħand l-ARP għax: (i) kienet tiffinanzja mill-ġdid it-tranżazzjoni li għall-bidu l-Crist kienet iffinanzjat mill-fondi tagħha stess, (ii) l-ammont tas-selfa tal-Bank […] kien iktar baxx b’mod sinifikanti, u (iii) is-selfa mingħand l-ARP kien fiha riskju ikbar meta wieħed iqabbilha mas-selfa tal-Bank […] minħabba li l-ammont tagħha kien ogħla mill-fondi tal-Crist innifisha u minħabba li kienet tkopri żmien sostanzjalment itwal (ħames snin u tliet xhur, kontra tliet snin u tmien xhur).

(29)

Rigward il-pjan tal-impriża, il-Kummissjoni nnutat li fil-mument meta nħarġet is-selfa, minkejja l-fatt li l-qagħda finanzjarja ġenerali tal-Crist kienet b’saħħitha, ir-riżultati netti tal-impriża kienu ilhom fit-triq tan-niżla għal tliet snin. Minħabba r-riskji tas-suq involuti, il-possibbiltà ta’ kapaċità żejda, u l-fatt li l-kriżi finanzjarja kienet għadha għaddejja bil-qilla meta ttieħdet il-miżura, il-Kummissjoni kellha d-dubji tagħha dwar kemm investitur privat kien jipprovdi l-finanzjament inkwistjoni.

(30)

Fl-aħħar nett, bla ħsara għall-kwistjoni ta’ jekk il-programm fih innifsu jikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-Kummissjoni qajmet id-dubji dwar jekk il-Crist kinitx eliġibbli għas-sostenn ipprovdut mill-ARP fuq il-bażi tal-programm, minħabba li s-selfa ngħatat għal investiment fi Gdynia li, ġaladarba m’huwiex distrett vulnerabbli, ma setax jibbenefika mill-programm. Il-Kummissjoni qajmet id-dubji wkoll dwar jekk l-intensità tal-finanzjament mill-ARP lill-Crist kinitx tikkonforma mal-ogħla limitu minimu ddefinit mill-programm (ara l-premessa 15). Is-selfa tal-ARP hija ta’ PLN 150 miljun (EUR 37,5 miljun). Il-Crist xtrat il-baċir xott għall-prezz ta’ PLN 175 miljun (EUR 43,75 miljun). Fuq il-bażi ta’ dawk iċ-ċifri, l-intensità tal-għajnuna tas-selfa tal-ARP kienet 86 %, i.e. ogħla mil-limitu ffissat fil-programm. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li jista’ jkun li, meta ngħatat is-selfa mill-ARP fuq il-bażi tal-programm, il-Crist irċeviet trattament preferenzjali.

(31)

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni għandha d-dubji tagħha dwar jekk investitur privat kienx jipprovdi lill-Crist il-finanzjament rilevanti, u għalhekk iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

IV.   L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-POLONJA

(32)

L-awtoritajiet Pollakki qalu li, qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni li tingħata s-selfa lill-Crist, saret valutazzjoni komprensiva tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-impriża, tal-pjan tal-impriża u tar-riferimenti li setgħu jinkisbu fis-suq. Qalu wkoll li r-riżultati ċari ta’ din l-analiżi juru li s-selfa inkwistjoni tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri l-kundizzjonijiet li fihom operatur privat fis-suq jaqbel li jiffinanzja investiment partikulari. Għalhekk, skont il-Polonja, is-selfa mill-ARP lill-Crist ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

1.   Ir-rata tal-imgħax

(33)

Il-Polonja spjegat li l-għoti tas-selfa mill-ARP sar wara valutazzjoni fi tliet partijiet tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-impriża. Din saret skont l-istandards rilevanti fis-suq tas-servizzi finanzjarji kummerċjali offruti lill-impriżi. Fl-ewwel parti tagħha, il-valutazzjoni kienet tinkludi evalwazzjoni inizjali tal-kreditu minn konsulent estern indipendenti, u fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni l-kumpanija ngħatat il-punti sabiex tikkwalifika għall-parti li jmiss, i.e. valutazzjoni aktar fil-fond. Fit-tieni parti, ġew ivvalutati l-aħħar tliet snin fiskali flimkien mar-riżultati mbassrin, l-analiżi tar-relazzjonijiet, miżuri kwantitattivi bħall-proporzjon tal-likwidità, ir-rotazzjoni tal-assi, l-istruttura tal-kapital, il-profitabbiltà u l-iżvilupp, kif ukoll miżuri kwalitattivi bħall-kwalità tal-ġestjoni, il-livell tad-dipendenza fuq is-suq u l-kwalità tal-kollaterali proposti. Fl-aħħar parti ġie ffissat il-livell tal-marġni billi ġiet applikata matriċi fuq il-bażi tal-analiżi tal-esperti, b’mod li ta kas tar-riskji u tal-livell propost ta’ kollateral.

Il-klassifikazzjoni tal-Crist

(34)

Fuq il-bażi ta’ kif evolvew ir-riżultati tal-Crist bejn l-2006 u l-2009 (ara t-tabella nru 4), il-Polonja saħqet li, kif ġie stabbilit mill-analiżi tal-esperti, il-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-impriża fil-mument meta applikat għas-selfa kienet tajba.

Tabella nru 4

Kif evolvew ir-riżultati finanzjarji tal-Crist bejn l-2006 u l-2009 (f’miljuni ta’ PLN)

 

2006

2007

Evoluzzjoni

2008

Evoluzzjoni

2009

Evoluzzjoni

Qligħ mill-bejgħ

21,20

19,10

90,09  %

20,8

108,90  %

27,10

130,29  %

Qligħ operatorju

20,90

20,80

99,52  %

19,50

93,75  %

25,80

132,31  %

Qligħ nett

16,50

22,20

134,55  %

20,10

90,54  %

15,50

77,11  %

Deprezzament

1,97

2,40

121,83  %

3,30

137,50  %

4,20

127,27  %

Eċċess finanzjarju

18,47

24,60

133,19  %

23,40

95,12  %

19,70

84,19  %

Dħul mill-bejgħ

228,75

323,41

141,38  %

361,06

111,64  %

383,77

106,29  %

(35)

Rigward it-tnaqqis fir-riżultat finanzjarju nett fl-2008 u fl-2009, il-Polonja spjegat li dan seħħ minħabba bidla fil-mudell kummerċjali, ċjoè t-teħid ta’ kuntratti ta’ valur ogħla u bi profitabbiltà akbar iżda li jkunu kkaratterizzati minn perjodu itwal biex jitlestew, ta’ bejn 12 u 15-il xahar. Dan ifisser li l-akbar qligħ finanzjarju jasal meta l-prodott jitlesta u jingħadda lill-kuntrattur.

(36)

Il-valutazzjoni tal-pjan tal-impriża li ppreżentat il-Crist saret mill-ARP fuq diversi livelli. Il-Polonja spjegat li l-pjan ġie żviluppat f’koperazzjoni ma’ […], li l-analiżi tiegħu saret minn […] (“[…]”) u li sar eżami ddettaljat tad-dokument, inkluż tas-suppożizzjonijiet u tal-effetti mistennijin, minn esperti tal-ARP. L-awtoritajiet Pollakki rrimarkaw li, f’kull stadju, l-opinjoni dwar id-dokument kienet pożittiva. Qalu wkoll li l-preċiżjoni tiegħu ġiet ikkonfermata mir-riżultati reali miksubin mill-Crist, li jikkonformaw maċ-ċifri mbassrin jew saħansitra jaqbżuhom. Il-Polonja spjegat ukoll li t-tbassir finanzjarju ottimist li ppreżentat il-Crist kien kredibbli u ġie kkonfermat mill-kuntratti li ġew konklużi.

(37)

Rigward il-profittabbiltà tal-investiment, il-Polonja ppreżentat spjega ddettaljata dwar l-indikaturi kkalkulati fuq il-bażi tal-fluss tal-flus, il-valur preżenti nett (VPN) u r-rata interna ta’ redditu (RIR), li kienu lkoll kemm huma għoljin. Il-VPN tal-proġett li jkopri x-xiri tal-baċir xott għall-prezz ta’ PLN 150 miljun kien PLN […] miljun u r-RIR kienet […] %. Il-Polonja qalet ukoll li għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, il-baċir inxtara għal PLN 175 miljun, ir-relazzjonijiet finanzjarji għadhom għoljin ħafna għal dik it-tranżazzjoni (VPN ta’ PLN […] miljun u RIR ta’ […] %).

(38)

Fuq il-bażi tal-analiżi msemmija hawn fuq, l-ARP ffissat il-klassifikazzjoni tal-impriża skont is-sistema interna ta’ valutazzjoni tagħha, li hija bbażata fuq tliet livelli. Il-Crist ġiet ivvalutata bħala impriża b’riskju medju ta’ kreditu, b’affidabbiltà finanzjarja tajba u b’biżżejjed kapaċità li tħallas lura l-obbligi tagħha fuq perjodu itwal ta’ żmien, kif ukoll reżistenza għolja għal kundizzjonijiet ekonomiċi mhux favorevoli li jdumu ħafna għaddejjin. Il-Polonja qalet li r-riżultat miksub permezz tal-metodu użat mill-ARP huwa konformi mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (9) (“il-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza”). Għalkemm id-dejta li kellha f’idejha l-ARP ġiet ivvalutata bħala li tikkorrispondi għall-kategorija tal-klassifkazzjoni BBB (tajjeb), kif iddefinita mill-aġenzija tal-klassifikazzjoni EuroRating, għall-prudenza l-Polonja ppreferiet iżżomm il-klassifikazzjoni BB għall-finijiet tal-verifikazzjoni tar-riżultat wara l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza.

Il-kollateral

(39)

L-awtoritajiet Pollakki qalu li, bħala kollateral, il-Crist kienet ipprovdiet: rahan irreġistrat fuq il-100 % tal-ishma kollha tal-Crist, ipoteka fuq il-proprjetà immobbli (parti miż-żona nru 2 tat-tarzna), rahan irreġistrat fuq għadd ta’ beni mobbli li jagħmlu parti miż-żona nru 2 tat-tarzna, kambjala inbjank iffirmata mill-Crist, dikjarazzjoni mill-Crist dwar l-aċċettazzjoni volontarja tal-eżekuzzjoni u dikjarazzjonijiet ta’ kull wieħed mill-azzjonisti tal-Crist dwar l-aċċettazzjoni volontarja tagħhom tal-eżekuzzjoni.

(40)

Il-Polonja ressqet valutazzjonijiet esperti dwar l-ishma tal-Crist, li saru minn […] bl-użu ta’ żewġ metodi: il-metodu tal-valutazzjoni bbażata fuq l-assi (il-metodu tal-assi netti aġġustati), iddatat id-29 ta’ Lulju 2010, u l-metodu tal-valutazzjoni bbażata fuq id-dħul (metodu bbażat fuq il-fluss skontat ta’ flus bil-valur preżenti aġġustat), iddatat l-1 ta’ Awwissu 2010. Ir-riżultati ta’ dawn iż-żewġ valutazzjonijiet kienu differenti minn xulxin b’mod konsiderevoli. Filwaqt li l-ewwel metodu rriżulta f'valur ta’ PLN […] miljun, it-tieni metodu wassal għal kważi PLN […] miljun. Fl-istess ħin, dokument separat iddatat it-3 ta’ Awwissu 2010, li ġie ppreżentat mill-awtoritajiet Pollakki, […] wera li l-metodu tal-assi netti aġġustati kien eqreb lejn il-valur tal-likwidazzjoni tal-impriża u li ma kienx jirrifletti l-valur reali tal-Crist (b’mod partikulari l-kapital tal-ekwità). […] ikkonkluda li l-valur reali għandu jitqies bħala PLN […] miljun.

(41)

Rigward il-valur tat-tieni element tal-kollateral, i.e. l-ipoteka fuq il-proprjetà immobbli, il-Polonja pprovdiet valutazzjoni ta’ espert indipendenti bid-data tal-4 ta’ Marzu 2009 li stmat il-valur tal-assi, meħudin bħala pakkett wieħed, fis-suq bħala PLN 169,5 miljun (jew PLN 84,7 miljun f’każ ta’ bejgħ furzat). Barra minn hekk, f’Jannar 2011 l-ARP talbet għal valutazzjoni ta’ wara t-tranżazzjoni minn espert indipendenti, u din il-valutazzjoni – li ġiet ipprovduta lill-Kummissjoni – iffissat il-valur tal-proprjeta immobbli ipotekata bħala PLN […] miljun.

(42)

B’rispons għax-xettiċiżmu tal-Kummissjoni dwar jekk il-prezz li ħallset il-Crist fit-tielet ħruġ tas-sejħa għall-offerti għall-baċir xott (PLN 175 miljun) jistax jittieħed bħala li jirrappreżenta l-valur ta’ dak il-kollateral, il-Polonja pproponiet li bħala valur tas-suq tittieħed il-kontrofferta ta’ PLN 166 miljun li tefgħet f’dak iż-żmien l-impriża l-oħra li wieġbet għas-sejħa, il-Patia.

(43)

Barra minn dan, skont il-Polonja, il-valur tal-kollateral ikompli jissaħħaħ bin-natura varjata tal-komponenti tiegħu (proprjetà immobbli, proprjetà mobbli u assi finanzjarji) u bil-fatt li l-elementi kollha li jagħmlu l-kollateral kienu ħielsa minn kwalunkwe gravami qabel ma nħarġet is-selfa.

(44)

L-awtoritajiet Pollakki kkonkludew li, fuq il-bażi tad-diversi valutazzjonijiet, il-valur totali tal-kollateral ipprovdut għas-selfa kien xi mkien bejn PLN […] miljun u PLN […] miljun (ara t-tabella nru 5). Għall-fini tal-klassifikazzjoni interna tagħha, l-ARP kienet ivvalutat il-kollateral tal-Crist bħala moderat (ara t-tabella nru 3). B’referenza għall-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza (ara t-tabella nru 6), l-awtoritajiet Pollakki qalu li l-valur totali tal-kollateral, b’konformità mal-valur fis-suq, huwa PLN […] miljun (10) u jirrappreżenta […] % tas-selfa mogħtija. Dan il-livell ta’ kollateral jaqbeż b’mod sinifikanti l-livell tal-ammont tas-selfa u jikkorrispondi għall-kategorija ta’ “kollateralizzazzjoni għolja”, kif iddefinita fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza, minħabba li t-telf li mistenni jirriżulta f’każ ta’ inadempjenza fil-ħlas tas-selfa huwa 0.

Tabella nru 5

Il-valuri tal-kollateral skont il-metodu ta’ evalwazzjoni użat

 

 

Il-kollateral u l-metodu tal-valutazzjoni

L-ishma tal-Crist

Il-metodu tal-valutazzjoni bbażata fuq l-assi

(Il-metodu tal-assi netti aġġustati)

L-ishma tal-Crist

Il-metodu tal-valutazzjoni bbażata fuq id-dħul

(Il-valur preżenti aġġustat)

Valur (PLN)

[…]

[…]

Il-kollateral u l-metodu tal-valutazzjoni

Iż-żona nru 2 tat-tarzna

169 471 000

TOTAL:

TOTAL:

Il-metodu tal-valur fis-suq (fuq il-bażi tad-dħul)

[…]

[…]

Iż-żona nru 2 tat-tarzna

84 735 500

TOTAL:

TOTAL:

Il-valur f’każ ta’ bejgħ furzat

[…]

[…]

Iż-żona nru 2 tat-tarzna

180 439 000

TOTAL:

TOTAL:

Il-metodu tal-valur fis-suq (fuq il-bażi tad-dħul)

[…]

[…]

Iż-żona nru 2 tat-tarzna

166 000 000

TOTAL:

TOTAL:

Il-valur tal-aħħar kontrofferta

[…]

[…]

(45)

L-awtoritajiet Pollakki pprovdew ukoll rapport magħmul minn […] f’Mejju 2012, i.e. wara li kienet saret it-tranżazzjoni. Dan ir-rapport fih, fost l-oħrajn, verifikazzjoni tal-valutazzjonijiet ta’ […], li kienu f’idejn l-ARP fil-mument meta saret it-tranżazzjoni. Il-Polonja tiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni kritika tal-metodu tal-valutazzjoni tal-assi netti: […] ma kienet tinkludi l-ebda valutazzjoni tal-assi mhux tanġibbli bħal, fost l-oħrajn, il-kuntratti li kienu għadhom iridu jitwettqu, ir-relazzjonijiet mal-klijenti u l-forza tax-xogħol, li jistgħu jkollhom valuri sinifikanti u jgħollu r-riżultati tal-valutazzjoni. […] jikkonkludi li l-valutazzjoni tissottovaluta l-valur tal-ekwità tal-Crist b’mod sinifikanti. Fir-rigward tal-metodu tal-valutazzjoni bbażata fuq id-dħul, il-Polonja tirrimarka li […] wasal għal valuri li huma simili għal dawk ta’ […] (i.e. bejn wieħed u ieħor PLN […] miljun).

Ir-rata tal-imgħax

(46)

Għall-finijiet tal-għoti tas-selfa, l-ARP vvalutat bħala moderati kemm ir-riskju fuq il-kreditu tal-impriża kif ukoll il-livell ta’ kollateral li ġie pprovdut. Minħabba f’hekk, is-selfa ngħatat mill-ARP b’rata ta’ mgħax ta’ 6,81 %, li ġiet ikkalkulata bħala s-somma tar-rati bażi (il-WIBOR għal tliet xhur (3,81 %) u magħha 1,2 %) u l-marġni tal-imgħax kif irriżultat mill-matriċi riprodotta fit-tabella nru 3, i.e. 1,8 %.

(47)

Minbarra l-kalkoli li għamlet l-ARP fuq il-bażi tar-regoli interni tagħha, il-Polonja ppreżentat aktar kjarifiki bl-użu tal-metodu alternattiv stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza biex jiġu ddeterminati r-rati (ara t-tabella nru 6).

Tabella nru 6

Marġnijiet tas-selfiet, f’punti bażi skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza

 

Livell tal-kollateral

Kategorija tal-klassifikazzjoni

Għoli

Normali

Baxx

Tajjeb ħafna (AAA-A)

60

75

100

Tajjeb (BBB)

75

100

220

Sodisfaċenti (BB)

100

220

400

Baxx (B)

220

400

650

Ħażin / diffikultajiet finanzjarji (CCC u agħar)

400

650

1 000

(48)

Il-Polonja qalet li, meta wieħed iqis ir-rata ta’ referenza ppubblikata mill-Kummissjoni għall-Polonja (4,49 %), il-kategorija tal-klassifikazzjoni tal-Cris (BB) kif ukoll il-livell għoli ta’ kollateral (ara l-punt 44), ir-rata tal-imgħax fuq is-selfa m'għandhiex tkun iktar baxxa minn 5,49 %. Għalhekk, il-Polonja saħqet li r-rata ta’ 6,81 % applikata mill-ARP hija 132 punt bażi ogħla mir-rata ta’ referenza ddefinita fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza, i.e. 5,49 %.

(49)

Ir-rapport ta’ […] li ġie pprovdut mill-Polonja fih stima ddettaljata tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-Crist fil-mument tat-tranżazzjoni, fuq il-bażi ta’ żewġ metodi esperti differenti. Il-mudelli tal-klassifikazzjoni ġew żviluppati minn […] fuq il-bażi ta’ mudelli ta’ evalwazzjoni/klassifikazzjoni użati mill-banek kummerċjali. Ir-rapport jistma li l-klassifikazzjoni tal-Crist taqa' bejn BB u B. Minkejja dan, […] huwa tal-fehma li r-rata tal-imgħax hija biżżejjed, meta wieħed iqis il-valur għoli tal-kollateral li, meta jiġi vvalutat f’daqqa, jindika livell għoli ta’ garanzija.

2.   il-Valur ta’ Referenza

(50)

L-awtoritajiet Pollakki infurmaw lill-Kummissjoni li s-selfa li ngħatat mill-Bank […] ma kinitx l-unika bażi biex ġie ffissat il-livell finali tar-rata tal-imgħax għall-Crist, minħabba li dan sar prinċipalment fuq il-bażi ta’ sistema interna tal-valutazzjoni. Irrispettivament mid-differenzi fis-selfiet, il-Polonja rrimarkat li kemm l-ARP kif ukoll il-Bank […] waslu għal konklużjonijiet simili fir-rigward tar-rati tal-imgħax.

(51)

Hija qalet ukoll li, meta wieħed iqis il-valur għoli tas-selfa inkwistjoni (PLN 150 miljun), huwa prattikament impossibbli li, fis-suq Pollakk, jinstab valur ta’ referenza ideali għas-selfa li ngħatat lill-Crist. B’referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza fil-Kawża T-296/97 Il-Kummissjoni v. l-Alitalia, il-Polonja għamlet l-argument li l-vantaġġ li tista' tikseb il-Crist għandu jiġi vvalutat bi tqabbil ma’ selfa simili, mhux ma’ waħda identika.

(52)

Il-Polonja ppreżentat paragun taż-żewġ selfiet (ara t-tabella nru 7 hawn taħt) u fakkret li t-tnejn li huma ngħataw fl-2010, li r-rata tal-imgħax tal-Bank […] kienet saħansitra iktar baxxa (6,68 %, filwaqt li dik tal-ARP kienet 6,81 %) u li d-deċiżjoni tal-Bank […] kienet ibbażata fuq riskju ogħla. Għalhekk, fil-fehma tal-awtoritajiet Pollakki, dik it-tranżazzjoni tikkostitwixxi punt ta’ referenza validu.

Tabella nru 7

Paragun tas-selfiet tal-Bank […] u tal-ARP lill-Crist

 

Selfa tal-Bank […]

Selfa tal-ARP

Ammont

PLN […]

PLN 150 000 000

Data meta nħarġet is-selfa

18.2.2010

14.9.2010

Dewma tal-kreditu

3 snin u 10 xhur

5 snin u 3 xhur

Rata tal-imgħax

6,62  %

6,81  %

Valur tal-kollateral

[…] PLN

[…] PLN

Prospettivi ta’ żvilupp  (11)

[…] PLN

[…] PLN

Riskji oħrajn

In-nuqqas ta’ ċertezza li l-baċir xott (iż-żona nru 2 tat-tarzna) se jinxtara u li se jkun hemm linja tal-produzzjoni kompluta

Is-selfa ngħatat biex jinxtara l-baċir xott (iż-żona nru 2 tat-tarzna) sabiex il-linja tal-produzzjoni ssir kompluta

(53)

Rigward ir-riskju ta’ kreditu, il-Polonja osservat li kemm il-Bank […] kif ukoll l-ARP bbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-istess pjan tal-impriża, li kien jipprevedi x-xiri kemm taż-żona nru 1 kif ukoll taż-żona nru 2 tat-tarzna. Għalhekk, ir-riskju marbut mat-tlestija tal-impjant kien ikbar qabel ma saret l-ewwel tranżazzjoni (anki jekk kulma għamel il-Bank […] kien li ffinanzja mill-ġdid it-tranżazzjoni li fil-bidu l-impriża Crist kienet iffinanzjat minn butha stess). Fil-fatt, id-deċiżjoni li tinħareġ is-selfa mill-ARP, li ppermettiet li tinxtara ż-żona nru 2 tat-tarzna, żgurat it-tlestija tal-istrateġija l-ġdida tal-Crist biex tibdel l-enfasi tal-attività kummerċjali tagħha mill-bini tradizzjonali tal-vapuri għas-settur tal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ impjanti fil-baħar. Barra minn hekk, il-Polonja osservat li l-għoti tas-selfa mill-Bank […] lill-Crist sar qabel ma l-Crist iffirmat kuntratt li jħalli qligħ tajjeb ħafna mal-Beluga Hochtief. Il-kuntratt kellu l-ogħla valur ta’ tranżazzjoni fl-istorja tal-Crist (ta' EUR […] miljun), u dan kompla tejjeb l-affidabbiltà kreditizja tal-impriża fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar is-selfa mill-ARP.

(54)

Mill-banda l-oħra, l-awtoritajiet Pollakki saħqu li, fil-mument meta ngħatat is-selfa, kien hemm aktar informazzjoni li l-ARP kkunsidrat bis-serjetà. Ngħidu aħna, il-Polonja rrimarkat li minbarra mal-ARP u mal-Bank […], għal bosta snin il-Crist kellha relazzjonijiet tajbin ma’ għadd ta’ istituzzjonjiet finanzjarji oħrajn li jipprovdu l-finanzjament għall-attivitajiet tal-impriża (12). Dan juri l-kapaċità li kellha l-Crist li tikseb finanzjament fis-suq kapitali fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar is-selfa. Biex tagħti prova ta’ dan, il-Polonja ppreżentat lista tal-limiti tas-selfiet u tal-garanziji li l-Crist kellha f’istituzzjonijiet finanzjarji individwali fil-mument tat-tranżazzjoni.

(55)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Pollakki ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tabella tar-rati tal-imgħax tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja għal Settembru 2010, li fiha lista li tiġi ppubblikata perjodikament tar-rati medji tal-imgħax għal selfiet ġodda għan-negozji bil-PLN. Minn dik it-tabella jirriżulta li, għas-selfiet li jaqbżu l-PLN 4 miljun b’varjabbiltà tar-rata tal-imgħax li ma taqbiżx it-3 xhur (bħal fil-każ tal-Crist), ir-rata medja tal-imgħax kienet 5,4 %, i.e. iktar baxxa mir-rata li imponiet l-ARP fuq il-Crist.

3.   il-Pjan tal-Impriża

(56)

L-awtoritajiet Pollakki għaddew lill-Kummissjoni l-pjan tal-impriża tal-Crist (“il-pjan tal-impriża”). Il-Polonja għarrfet lill-Kummissjoni li, qabel ma tat is-selfa lill-Cris, l-ARP kienet ikkonsultat mas-sħab kummerċjali tal-impriża ([…] u […]) kif ukoll mal-banek privati, u lkoll kemm huma kkonfermawlha l-istabbiltà finanzjarja tal-Crist. L-awtoritajiet Pollakki għaddew lill-Kummissjoni l-ittri ta’ konferma mibgħutin mill-banek privati kif ukoll analiżi, magħmula minn […] u li kienet tkopri l-perjodu qabel id-deċiżjoni tal-ARP li toħroġ is-selfa, dwar it-twettiq tal-istrateġija tal-impriża mill-Crist.

(57)

Il-pjan tal-impriża assuma li l-valur preżenti nett tal-proġett tal-investiment kien se jammonta għal PLN […] miljun (EUR […] miljun) u li r-rata interna ta’ redditu kienet se tkun […] %. F’dawn il-kalkoli ġie ssoponut li l-impriża kienet se takkwista l-baċir xott għal PLN 150 miljun. B’reazzjoni għall-osservazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura, li fl-aħħar mill-aħħar il-prezz li fil-fatt tħallas kien PLN 175 miljun, il-Polonja ppreżentat analiżi magħmula minn […]. Din turi li l-valur preżenti nett u r-rata interna ta’ redditu tal-investiment jammontaw għal PLN […] miljun u […] % rispettivament, fuq il-bażi ta’ dak li kien magħruf fil-mument meta saret it-tranżazzjoni. […] jgħid ukoll li, b’dak li hu magħruf issa, il-VPN u r-RIR jikkorrispondu għal PLN […] miljun u […] % rispettivament.

(58)

L-istess rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn il-qagħda tas-suq u lejn il-prospettivi ta’ żvilupp li għandha l-Crist. Ir-rapport jinnota li l-Crist bidlet il-profil tal-produzzjoni tagħha mill-bini tradizzjonali tal-vapuri għal bċejjeċ tal-baħar, pjattaformi u elementi tal-kostruzzjoni fil-baħar magħmulin apposta għax-xerrej. B’din l-istrateġija tal-impriża, il-Crist ħolqot għaliha nnifisha niċċa li minnha tista’ tipparteċipa fi proġetti li jkunu ppjanati biex isiru fil-Baħar tat-Tramuntana u li toffrilha ħafna possibbiltajiet biex tikber b’mod dinamiku. […] jikkonkludi li l-impriża qed topera f’settur li għandu potenzjal sinifikanti ta’ tkabbir.

(59)

Il-Polonja qalet li, b’riżultat tal-analiżi tal-esperti dwar il-pjan tal-impriża, l-ARP kkonkludiet li: minkejja l-kriżi ekonomika li ilha sejra mill-2008, fl-aħħar tliet snin l-impriża rreġistrat riżultati finanzjarji pożittivi; il-valur tal-kuntratti ffirmati u nnegozjati kien jindika li l-kumpanija kienet se tiżviluppa malajr; it-tbassir finanzjarju ġie vvalutat b’mod pożittiv u l-impriża kienet kapaċi tħallas is-selfa lura.

(60)

Fl-aħħar nett, l-awtoritjiet Pollakki osservaw li, bi profitt nett ta’ PLN 12,6 miljun (EUR 2,8 miljun) fl-2010 u ta’ PLN 31,6 miljun (EUR 7,03 miljun) fl-2011, il-kumpanija ġġenerat riżultat nett li qabeż b’[…] darbiet iċ-ċifri previsti fil-pjan tal-impriża. Bl-istess mod, ġie nnutat li l-karta tal-bilanċ totali tal-impriża fi tmiem l-2011 kienet madwar […] % ogħla minn dak li kien ippjanat.

4.   L-għoti ta’ trattament preferenzjali lill-impriża

(61)

Fir-rigward tat-trattament preferenzjali li allegatament ingħata lill-Crist mill-ARP, l-awtoritajiet Pollakki qabelxejn spjegaw li l-impriża kienet eliġibbli għall-fondi bħala parti mill-programm minħabba li s-sede tal-Crist u tnejn miċ-ċentri ta’ attività tagħha jinsabu fi Gdańsk. L-investiment fi Gdynia, li f’ċirkustanzi oħrajn ma jikkwalifikax għal tali fondi, ma wassalx biex il-Crist titrasferixxi l-attività tagħha hemmhekk iżda sempliċiment għal estensjoni ġeografika tal-attività tal-impriża.

(62)

Rigward il-livell tal-finanzjament, il-Polonja tenniet li l-livell tal-finanzjament tal-investiment mill-fond tal-ARP ma qabiżx il-limitu massimu ta’ 80 % previst fil-programm. Il-Polonja ddikjarat li n-nefqa totali tal-programm ta’ investiment ippjanat mill-impriża kienet PLN 188,2 miljun u kienet tinkludi x-xiri mhux biss tal-baċir xott (iż-żona nru 2 tat-tarzna) iżda wkoll taż-żona fejn jiġi mmuntat il-buq tal-vapuri (iż-żona nru 1 tat-tarzna). Il-Polonja spjegat li ż-żewġ investimenti flimkien jappartjenu għall-istess linja tal-produzzjoni li ppermettiet lill-Crist tiffoka b’mod effettiv fuq is-swieq tal-enerġija rinnovabbli u tal-kostruzzjonijiet fil-baħar. Kien biss il-programm komplut ta’ investiment li ppermetta lill-Crist tibdel il-mudell kummerċjali tagħha mill-bini tradizzjonali tal-vapuri għal bċejjeċ tal-baħar, pjattaformi u elementi tal-kostruzzjoni tat-turbini tal-enerġija tar-riħ fil-baħar magħmulin apposta għax-xerrej.

(63)

Għaldaqstant il-proporzjon ta’ intensità tal-investiment totali tal-Crist (PLN 213,2 miljun (13)) li ġie mingħand l-ARP (PLN 150 miljun) jikkorrispondi għal 70 % u huwa sostanzjalment iktar baxx mil-limitu massimu ta’ 80 % stabbilit mill-programm.

(64)

Finalment, il-Polonja qalet li l-programm li minnu ġiet iffinanzjata s-selfa li ngħatat lill-Crist kien wieħed kummerċjali u mhux wieħed li jagħti l-għajnuna lill-impriżi. Il-Polonja nnutat li d-deċiżjonijiet tal-ARP li tiffinanzja ċerti proġetti huma vvalutati fuq bażi kummerċjali minn esperti li għadhom esperjenza fl-ikbar istituzzjonijiet finanzjarji fil-Polonja.

V.   VALUTAZZJONI

1.   L-eżistenza ta' għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-artikolu 107(1) tat-TFUE

(65)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma, u li tkun tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew lill-produzzjoni ta’ ċerti prodotti tkun, sal-punt li tkun tolqot lill-kummerċ bejn l-Istati Membri, inkumpatibbli mas-suq intern.

(66)

Biex miżura nazzjonali titqies bħala għajnuna mill-Istat iridu jkunu ġew issodisfati dawn il-kundizzjonijiet: (1) il-miżura tkun tagħti vantaġġ permezz tar-riżorsi tal-Istat; (2) il-vantaġġ ikun selettiv; u (3) il-miżura tkun tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni u tkun kapaċi taffettwa lill-kummerċ bejn l-Istati Membri.

1.1.   L-eżistenza ta’ vantaġġ

(67)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżura li qed tiġi mistħarrġa tikkostitwixxix għajnuna, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-Crist kisbitx vantaġġ ekonomiku li ma kienx ikollha fil-kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri l-kundizzjonijiet li fihom investitur privat kien jipprovdi finanzjament lill-Crist.

Ir-rata tal-imgħax

(68)

Sabiex tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni hix kumpatibbli mat-test tal-investitur privat, il-Kummissjoni vvalutat jekk, fuq il-bażi tal-informazzjoni li kellha f’idejha l-ARP fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni, kreditur privat kienx jagħti lill-Crist selfa bħal dik.

(69)

Kif deskritt fil-qosor fil-punt nru 33 u f’dawk ta’ warajh, il-Polonja infurmat lill-Kummissjoni li qabel ma nħarġet is-selfa l-ARP, f’koperazzjoni ma’ esperti esterni, wettqet valutazzjoni fil-fond tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-Crist, u li dan wassal biex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tal-Crist. Fuq il-bażi tas-sistema interna tagħha, l-ARP ikklassifikat lill-Crist bħala f’qagħda moderata u, skont il-Polonja, dan jikkorrispondi almenu għall-kategorija BB (sodisfaċenti) għall-fini tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza.

(70)

Rigward il-kollateral, il-Polonja ppreżentat il-valutazzjonijiet kollha tal-esperti u pprovdiet spjegazzjonijiet iddettaljati għal kull wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu l-kollateral fuq is-selfa (ara l-punti minn 39 sa 45). Fuq il-bażi ta’ dawk il-valutazzjonijiet, li indikaw li PLN […] miljun għandhom jitqiesu bħala l-valur tar-rahan fir-rigward tal-ishma filwaqt li ammont ogħla minn PLN […] miljun seta’ jiġi attribwit għall-ipoteka fuq il-baċir xott, u meta wieħed iqis il-kundizzjoni tal-programm li l-kollateral għandu jirrappreżenta mill-inqas 150 % tal-finanzjament, il-valur tal-kollateral tal-Crist ġie kklassifikat mill-ARP bħala moderat u li jipprovdi kopertura tajba għar-riskju ta’ kreditu. Minkejja dan, il-Polonja qalet li dan kien jikkostitwixxi mod prudenti ta’ kif isiru l-affarijiet, u li l-valutazzjonijiet tal-kollateral li saru minn esperti indipendenti indikaw il-valur għoli tal-kollateral.

(71)

Finalment, fuq il-bażi tal-livell moderat tar-riskju u tal-kollateral, is-selfa tal-ARP ngħatat b’rata ta’ mgħax ta’ 6,81 %, li ġiet ikkalkulata bħala s-somma tar-rata bażi (il-WIBOR għal tliet xhur u magħha 1,2 %) u marġni tal-imgħax ta’ 1,8 % (ara t-tabella nru 3). Il-Polonja qalet li din ir-rata kienet taqbeż ir-rata minima tal-imgħax jekk tiġi kkalkulata skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza (ara t-tabella nru 6 u l-punti minn 46 sa 49). Il-Kummissjoni tinnota li filwaqt li l-Polonja tuża "livell għoli ta’ kollateral" għall-kalkoli tagħha, id-dikjarazzjoni tibqa’ tgħodd anki kieku tiġi applikata l-valutazzjoni li tat l-ARP, jiġifieri livell ‘moderat’ (jew normali) ta’ kollateral: ir-rata bażi u magħdudin magħha 220 punt bażi jew 6,69 %.

(72)

Bħala rimarka ġenerali, il-Kummissjoni tfakkar li d-dubji preliminari tagħha fir-rigward tal-livell tar-rata tal-imgħax, li kien imniżżel fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura, kienu rriżultaw prinċipalment min-nuqqas ta’ evidenza dwar il-klassifikazzjoni tal-kumpanija u dwar il-livell tal-kollateral. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li, b’risposta għad-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura, il-Polonja pprovdiet l-informazzjoni rilevanti li l-ARP kellha f’idejha qabel ma ħarġet is-selfa. Barra minn dan, il-Polonja ssottomettiet valutazzjoni ex post tal-proprjeta immobbli ipotekata u rapport li ġie ppreparat minn […] wara t-tranżazzjoni iżda fuq il-bażi tal-informazzjoni li kienet disponibbli fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni li tingħata s-selfa.

(73)

Rigward il-kollateral, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ffukat fuq jekk il-valutazzjonijiet tal-esperti kinux saru b’mod konservattiv, jiġifieri li investitur privat kien jaċċetta l-kollateral offrut. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-valutazzjoni tal-ishma tal-Crist tvarja b'mod sinifikanti skont liema metodu jintuża (ara l-punt 40). Il-Kummissjoni tinnota wkoll il-parir kritiku li ta […] fir-rigward tal-valutazzjoni tal-valur nett tal-assi bħala PLN […] miljun, li tħalli barra għadd ta’ fatturi importanti (ara l-punt 45), li mbagħad wassal għal sottovalutazzjoni tal-valur tal-ekwità tal-Crist. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li kemm il-valutazzjoni ta’ […] kif ukoll dik ta’ […] bl-użu tal-metodu tal-valur preżenti aġġustat jaslu għall-istess konklużjoni (i.e. valutazzjoni ta’ ca. PLN […] miljun) u li ż-żewġ esperti indipendenti huma tal-fehma li dak il-metodu għandu jitqies bħala aktar rappreżentattiv. Minbarra li għaddiet dawn il-valutazzjonijiet lill-Kummissjoni, il-Polonja pproponiet li, bħala valur għall-kollateral impoġġi fuq il-baċir xott, tieħu l-valur tal-kontrofferta ta’ PLN 166 miljun li tefgħet il-Patia meta saret it-tielet sejħa għall-offerti. Il-Kummissjoni tinnota li tali indikatur jirrappreżenta l-valur li kompetitur tal-Crist kien lest iħallas għall-baċir f’bejgħ furzat ta’ dak l-assi.

(74)

Mingħajr ma tieħu pożizzjoni dwar liema wieħed mid-diversi rapporti għandu jintgħażel, il-Kummissjoni tinnota li l-ARP kellha f’idejha diversi valutazzjonijiet dwar il-kwalità tal-kollateral offrut, u li kien biss l-aktar waħda pessimista minnhom li kienet tirrappreżenta inqas minn 150 % tas-selfa li kellha tingħata. Kellha f’idejha wkoll rakkomandazzjonijiet ta’ esperti li kienu jindikaw li l-kollateral kien biżżejjed biex ikopri r-riskju ta’ kreditu.

(75)

Dwar il-klassifikazzjoni tal-impriża, il-Kummissjoni vvalutat b’mod kritiku l-evidenza ta’ dak iż-żmien li ppreżentat il-Polonja, u li kienet f’idejn l-ARP qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni li tinħareġ is-selfa. Il-Kummissjoni tosserva li, fl-analiżi esperta interna li għamlet dwar il-klassifikazzjoni, l-ARP wettqet analiżi kompluta tar-relazzjonijiet tal-impriża Crist li kienet tkopri r-relazzjoni tal-likwidità, il-fatturat, l-assi u l-istruttura tal-kapital kif ukoll il-profittabbiltà. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-ARP kienet tkopri elementi bħal dawn li ġejjin: analiżi tal-fluss tal-flus, tbassir finanzjarju, l-effettività tal-investiment, il-punt tal-fidi, il-vulnerabbiltà tal-proġett fil-konfront ta’ fatturi esterni bħar-rata tal-imgħax jew ir-rata tal-kambju.

(76)

Il-Kummissjoni tieħu nota wkoll tar-rapport ta’ […]. Għalkemm sar wara li t-tranżazzjoni, fih stima ddettaljata tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-Crist u tal-kollateral offrut, fuq il-bażi tal-istess informazzjoni li kellha f’idejha l-ARP fil-mument meta nħarġet is-selfa. Ir-rapport jistma lill-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-Crist bħala kemxejn iktar baxxa minn dik li applikat l-ARP (bejn BB u B). Rigward il-kollateral, ir-rapport huwa tal-fehma li l-valutazzjoni ta’ […] fuq il-bażi tal-valur tal-assi tissottovaluta b’mod sinifikanti l-valur tal-ekwità tal-Crist. […] huwa tal-fehma li l-metodu tal-valur preżenti aġġustat huwa aktar konsistenti u jintuża aktar spiss. […] jikkonkludi, fuq il-bażi tal-analiżi li għamel tal-klassifikazzjoni tal-Crist u tal-valur tal-kollateral offrut, li r-rata tal-imgħax fuq is-selfa tal-ARP ma kinitx aktar baxxa mir-rata tas-suq.

(77)

Il-Kummissjoni analizzat ukoll jekk ir-rata tal-imgħax iffissata mill-ARP tikkorrispondix għall-metodoloġija għall-iffissar tar-rati ta’ referenza, li l-Kummissjoni tista’ tadottaha bħala r-rata tas-suq. Dan il-metodu huwa stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza. Skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza, ir-rata ta’ referenza tiġi kkalkulata billi jingħadd marġni flimkien ma’ rata bażi li tikkorrispondi għall-IBOR għal sena (ir-rata annwali fis-suq monetarju tal-Istat Membru kkonċernat). Il-marġni li jrid jiġi applikat jiddependi fuq il-klassifikazzjoni tal-impriża kkonċernata u fuq il-kollateral (ara t-tabella nru 6).

(78)

Meta wieħed iqis li r-rata bażi għal Settembru 2010 fil-Polonja kienet 4,49 % (14), ir-rata tas-selfa mill-ARP (6,81 %) tkun ogħla mir-rata ta’ referenza applikabbli jekk, fil-mument meta ngħatat is-selfa:

il-klassifikazzjoni tal-Crist kienet “baxxa” (B) u l-kollateral “għoli”,

il-klassifikazzjoni tal-Crist kienet “sodisfaċenti” (BB) u l-kollateral kien almenu “normali” jew

il-kollateral kien “baxx” u l-klassifikazzjoni tal-Crist kienet almenu “tajba” (BBB).

Fit-tliet xenarji lkoll kemm huma, ir-rata ta’ referenza tkun 6,69 % (4,49 % u 2,20 %) i.e. iktar baxxa mir-rata tal-imgħax tas-selfa mill-ARP (6,81 %).

(79)

Fuq il-bażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-klassifikazzjoni tal-Crist fil-mument meta nħarġet is-selfa l-agħar li setgħet tkun kien “baxxa” (B). Rigward il-kollateral offrut, anki l-agħar sitwazzjoni possibbli ta’ kollateral b’valur ta’ PLN […] miljun tirrappreżenta aktar minn 100 % tal-valur tas-selfa u, għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-telf stmat li jirriżulta f'każ ta’ inadempjenza fil-ħlas tas-selfa (il-loss given default, LGD) qiegħed fil-firxa li ma taqbiżx it-30 %, li tikkorrispondi għal livell għoli ta’ kollateral skont id-definizzjoni tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza. Meta wieħed iqis il-kollateralizzazzjoni għolja fuq is-selfa, fl-agħar sitwazzjoni possibbli r-rata tal-imgħax għas-selfa, fil-mument meta saret l-operazzjoni, kellha tkun mhux inqas minn 6,69 % (i.e. ir-rata ta’ referenza għall-Polonja, 4,49 % + 2,20 %; ara t-tabella nru 6). Is-selfa tal-ARP ngħatat b’rata ogħla ta’ mgħax (6,81 %).

(80)

Bħala konklużjoni, l-elementi mressqin quddiem il-Kummissjoni jippermettulha tikkonkludi li, meta ddeċidiet li tagħti s-selfa lill-Crist, l-ARP aġixxiet kif kien jagħmel kreditur privat fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli u applikat ir-rata ta’ mgħax li kienet tikkorrispondi għar-rata fis-suq.

Il-valur ta’ referenza

(81)

Fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar l-użu tas-selfa tal-Bank […] bħala valur ta’ referenza f’dan il-każ. Fost l-oħrajn, il-Kummissjoni osservat li s-selfa tal-Bank […] kienet differenti mis-selfa tal-ARP minħabba li kienet għal valur bil-wisq iktar baxx u minħabba li kulma għamel il-Bank […] kien li ffinanzja mill-ġdid it-tranżazzjoni li l-Crist kienet inizjalment iffinanzjat minn butha stess. Barra minn dan, il-fehma prima facie tal-Kummissjoni kienet li s-selfa tal-ARP kien fiha riskju ogħla meta mqabbla ma’ dik tal-Bank […] minħabba li d-dewma tagħha kienet sostanzjalment itwal minn dik ipprovduta mill-Bank […].

(82)

Kif deskritt fil-qosor fil-punti minn 50 sa 55, l-awtoritajiet Pollakki tennew il-pożizzjoni tagħhom li kien xieraq li tintuża s-selfa tal-Bank […] bħala valur ta’ referenza għas-selfa tal-ARP. Madanakollu, il-Polonja saħqet li tqiesu wkoll elementi oħrajn qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni li tinħareġ is-selfa.

(83)

Il-Kummissjoni tinnota li d-deċiżjoni tal-ARP li toħroġ is-selfa lill-Crist kienet imsejsa fuq l-analiżi kumplessa li għamlu l-esperti dwar il-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-impriża, li wriet il-profittabbiltà tal-investiment ippjanat u li d-deċiżjoni aktar bikrija ta’ istituzzjoni indipendenti tal-finanzjament, il-Bank […], i.e. il-valur ta’ referenza inkwistjoni, kienet referenza addizzjonali għall-ARP.

(84)

Il-Kummissjoni tagħti kas ukoll tal-fatt li x-xiri tal-baċir xott min-naħa tal-Crist kien ifisser l-ikkompletar tal-linja tal-produzzjoni u, għalhekk, jista’ jitqies bħala pass inqas riskjuż fit-twettiq tal-istrateġija kummerċjali minn dak li fir-rigward tiegħu nħarġet is-selfa mill-Bank […]. Meta ġiet approvata s-selfa tal-Bank […], wieħed ma setax jieħdu bħala fatt li l-Crist kienet se tkun kapaċi tagħmel l-aħħar pass fl-investiment ippjanat, i.e. ix-xiri tal-baċir xott. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-iffirmar, fil-perjodu ta’ bejn iż-żewġ selfiet, tal-ikbar kuntratt fl-istorja tal-Crist (ivvalutat EUR […] miljun) isaħħaħ il-pożizzjoni tal-impriża meta wieħed iqabel mal-mument li fih ngħatat is-selfa mill-Bank […].

(85)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li, kif intwera mid-diversi sorsi esterni ta’ finanzjament li kienet qed tibbenefika minnhom l-impriża fil-mument meta nħarġet is-selfa tal-ARP, is-settur finanzjarju kellu impressjoni pożittiva tal-potenzjal finanzjarju tal-Crist u tal-kapaċità tagħha li tiġġenera d-dħul.

(86)

Issa li d-dubji li tqajmu fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura ġew indirizzati, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kundizzjonijiet tas-selfa tal-Bank […], kif ukoll il-fatt li l-Crist kellha aċċess għal sorsi oħrajn ta’ finanzjament estern, isaħħu l-konklużjoni li kreditur privat kien jipprovdi lill-Crist b’selfa b’kundizzjonijiet simili għal dawk tas-selfa tal-ARP.

Il-pjan tal-impriża

(87)

Fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura ġie nnutat li għalkemm, kollox ma’ kollox, il-Crist kienet f’qagħda finanzjarja soda meta ngħatatilha s-selfa mill-ARP, il-kontijiet kienu juru li r-riżultati netti tal-impriża kienu ilhom tliet snin fit-triq tan-niżla u s-suq kien ikkaratterizzat mill-kapaċita żejda. Prima facie, il-Kummissjoni kellha d-dubji tagħha dwar jekk investitur privat kienx jipprovdi l-finanzjament meta wieħed iqis ir-riskji tas-suq involuti u l-fatt li l-kriżi finanzjarja kienet għadha fl-eqqel tagħha meta ttieħdet il-miżura.

(88)

Kif ġie deskritt fil-qosor fil-punti minn 56 sa 60, il-Polonja ressqet aktar spjegazzjonijiet dwar l-elementi li wasslu lill-ARP biex tieħu d-deċiżjoni li toħroġ is-selfa. Dawn kienu jinkludu, inter alia, analiżi fi tliet stadji tal-kundizzjoni finanzjarja tal-impriża, li wriet affidabbiltà kreditizja b’saħħitha, u analiżi indipendenti minn […]. Il-Polonja saħqet li r-redditu fuq l-investiment ibbażat fuq il-valur preżenti nett u fuq ir-rata interna ta’ redditu kien kbir.

(89)

Il-Kummissjoni eżaminat il-valutazzjoni, ipprovduta mill-Polonja, dwar il-profitabbiltà tal-investiment tal-Crist. Din turi li għalkemm fl-aħħar mill-aħħar il-Crist kellha tħallas prezz ogħla għall-baċir xott minn dak li kien maħsub fil-bidu (i.e. PLN 175 miljun), il-valuri finanzjarji rilevanti baqgħu għoljin (il-VPN u r-RIR tal-investiment jammontaw għal PLN […] miljun u […] % rispettivament, fuq il-bażi tal-fatti li kienu magħrufin fil-mument meta saret it-tranżazzjoni). Mill-perspettiva ta’ investitur privat, dawn ir-riżultati jindikaw li l-Crist kellh pjan tal-impriża sod u li, b’riżultat tal-investiment tagħha, kisbet il-possibbiltà li tingħata kuntratti ġodda fil-qasam tal-inġinerija idroloġika. Fil-fatt, il-valur tal-kuntratti ffirmati kien jindika li l-kumpanija kienet qed tiżviluppa b’pass mgħaġġel.

(90)

Il-Kummissjoni tinnota li l-bejgħ u l-attivitajiet operazzjonali tal-impriża kienu jindikaw dinamika pożittiva qawwija. Barra minn hekk, l-awtoritajet Pollakki spjegaw li l-fatt li r-riżultati netti tbaxxew, li kien il-każ biss għal sentejn (l-2008 u l-2009, ara t-tabella nru 4), kien marbut mal-istrateġija kummerjċali l-ġdida tal-Crist. Għalhekk, m’għadx hemm dubji b’rabta mal-valutazzjoni ġenerali pożittiva tar-riżultati finanzjarji tal-Crist.

(91)

Rigward id-dubji li tqajmu kaġun tal-kapaċità żejda tas-suq, il-Kummissjoni tosserva li filwaqt li jista’ jkun li l-industrija tradizzjonali tal-bini tal-vapuri qed taffronta sitwazzjoni ta’ kapaċità żejda, il-Crist, b’konformità mal-istrateġija l-ġdida tagħha stabbilita fil-pjan kummerċjali li ngħata lill-ARP għall-finijiet tal-ħruġ tas-selfa, iġġenerat bejn […] % fl-2009 u […] % fl-2011 tad-dħul tagħha fi swieq li mhumiex dawk tal-bini tradizzjonali tal-vapuri (ara t-tabella nru 1). L-istruttura tad-dħul tal-Crist u l-informazzjoni dwar il-prospetti tal-iżvilupp tal-inġinerija tal-enerġija marittima mir-riħ, li huwa l-qasam prinċipali li fih hija attiva l-impriża, jindikaw li hemm potenzjal għall-iżvilupp.

(92)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-informazzjoni kummerċjali li kien hemm fil-mument tat-tranżazzjoni kien fiha biżżejjed elementi biex investitur privat ikun jista’ jasal għall-istess deċiżjoni bħalma ħadet l-ARP.

(93)

Din il-valutazzjoni hija kkorroborata mir-riżultati finanzjarji tal-Crist għall-2010-2011 li, bħala parti integrali mill-pjan tal-impriża, issa jistgħu jiġu vvalutati minn perspettiva ex post. Għalkemm fl-2010 l-impriża kisbet biss […] % tat-tbassir tagħha fir-rigward tal-bejgħ, ir-redditu ppjanat fuq il-bejgħ u l-marġnijiet tal-profitt nett inqabżu u l-profitt nett iġġenerat mill-Crist ammonta għal PLN 12,6 miljun u kien […] darba ogħla mill-profitt nett li kien ippjanat għal dik is-sena. Fl-2011, ir-riżultati tal-kumpanija komplew jitjiebu b’livelli ta’ bejgħ li qabżu ċ-ċifra ppjanata b’[…] % filwaqt li l-profitt nett iġġenerat qabeż it-tbassir b’[…] %. Fi tmiem l-2010 u l-2011, il-karti totali tal-bilanċi kienu ogħla minn kemm kien ippjanat b'[…] % u b’[…] % rispettivament.

L-għoti ta’ trattament preferenzjali lill-impriża

(94)

Fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar jekk ċerti kundizzjonijiet stabbiliti fil-programm kinux ġew irrispettati, u b’mod partikulari dwar jekk il-Crist kinitx eliġibbli taħt il-programm u jekk is-selfa kinitx irrispettat il-limitu massimu impost mill-programm fuq l-intensità (ara l-punt 15).

(95)

Il-Kummissjoni tinnota l-ispjegazzjoni tal-awtoritajiet Pollakki li minnhom jirriżulta li l-impriża kienet intitulata għall-finanzjament bħala parti mill-programm u li l-livell tal-finanzjament tal-investiment tal-Crist mill-ARP ma kienx jaqbeż il-limitu massimu ta’ 80 % li jimponi l-programm (ara l-punti minn 61 sa 64). B’rabta mat-tieni punt, il-Kummissjoni ċċekkjat li l-limitu massimu, kif deskritt mill-awtoritajiet Pollakki, kien ġie rrispettat ukoll fuq il-bażi tal-informazzjoni li kellha f’idejha l-ARP fil-mument meta ħadet id-deċiżjoni li toħroġ is-selfa: finanzjament ta’ PLN 150 miljun għal investiment totali ta’ PLN 188,2 miljun (15) jirriżulta f’intensità tal-għajnuna ta’ 79,7 %.

(96)

Fuq il-bażi ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, il-Kummissjoni hija tal-fehma li m'għadx fadal dubji dwar jekk investitur privat kienx jagħti s-selfa.

1.2.   Konklużjoni dwar il-vantaġġ li seta’ ngħata

(97)

Fuq il-bażi tas-sejbiet imsemmijin hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impriża ma kisbet l-ebda vantaġġ li ma kellhiex tieħu mill-kundizzjonijiet li bihom inħarġet is-selfa mill-ARP. B’mod partikulari, il-Kummissjoni hija tal-fehma li (i) l-informazzjoni li kellha f’idejha l-ARP kienet tali li investitur privat kien jasal għall-istess deċiżjoni u li (ii) ir-rata tal-imgħax fuq is-selfa tal-ARP tikkorrispondi għar-rata tas-suq.

(98)

Minħabba l-fatt li l-elementi li jindikaw l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE huma kumulattivi, l-assenza ta’ wieħed minnhom hija deċiżiva. Għaldaqstant, m’hemmx bżonn li jiġu analizzati l-elementi l-oħrajn identifikati fil-punt 66.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura, li r-Repubblika tal-Polonja implimentat favur il-Crist S.A., fil-forma ta’ selfa ta’ PLN 150 miljun b’rata ta’ mgħax ta’ 6,81 %, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)   ĠU C 129 tal-4.5.2012, p. 9.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Novembru 2008 dwar għajnuna mill-Istat C 19/05 (ex N 203/05) mogħtija mill-Polonja lil Stocznia Szczecińska, ĠU L 5, 8.1.2010, p. 1, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Novembru 2008 dwar l-għajnuna mill-Istat C 17/05 (ex N 194/05 u PL 34/04) mogħtija mill-Polonja lil Stocznia Gdynia, ĠU L 33, 4.2.2010, p. 1.

(3)  Ara n-nota nru 1 ta’ qiegħ il-paġna.

(4)  Il-Kummissjoni tinnota li, meta jingħaddu flimkien, iċ-ċifri pprovduti mill-Polonja fil-kolonna tal-2010 ma jagħmlux 100. Hija temmen li din id-diskrepanza ċkejkna ġejja mill-fatt li ċ-ċifri nqatgħu għad-dritt sa żewġ deċimali.

(*1)  Informazzjoni kunfidenzjali

(5)  F’din id-Deċiżjoni, iċ-ċifri f’EUR huma approssimazzjonijiet mogħtijin biss bħala indikazzjonijiet, ħlief fil-każ taċ-ċifra EUR […] miljun, li tirrappreżenta l-valur tal-kuntratt bejn il-Beluga Hochtief Offshore u l-Crist, li sar bl-EUR. Iċ-ċifri kollha fil-PLN huma kkonvertiti f’EUR skont ir-rata tal-kambju EUR 1 = PLN 4.

(6)  Skont dan l-artikolu: “Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati m’għandhomx ikunu inkompatibbli mar-regoli li ġejjin: […] b) kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri li jikkunsidra meħtieġa sabiex jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu …”.

(7)  Fl-ittra tal-25 ta’ Novembru 2010 l-Polonja, bi żball, għarrfet lill-Kummissjoni li r-rata tal-imgħax kienet ġiet iffissata fil-livell tar-rata bażi ddefinita bħala l-WIBOR għal 6 xhur (minflok il-WIBOR għal 3 xhur) u li r-rata globali tal-imgħax fuq is-selfa li rċeviet il-Crist kienet 7,02 % (minflok 6,81 %). Il-Polonja kkoreġiet dik l-informazzjoni permezz ta’ ittra ddatata s-27 ta’ Frar 2012.

(8)  Warsaw interbank reference rate (ir-rata ta’ ferenza interbankarja ta’ Varsavja).

(9)   ĠU C, 14 19.1.2008, p. 6.

(10)  Meta wieħed jgħodd flimkien l-istima tal-valur tal-Crist li rriżultat bil-metodu bbażat fuq id-dikjarazzjonijiet tad-dħul (irrakkomandat minn espert), li hija PLN […] miljun, u l-ipoteka fuq il-beni immobbli (parti miż-żona nru 2 tat-tarzna), li ġiet stmata minn espert bħala PLN 169,5 miljun.

(11)  Il-valur tal-kuntratti konklużi fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt tal-finanzjament.

(12)  Il-Crist kienet tibbenefika minn għadd ta’ sorsi privati esterni oħrajn ta’ finanzjament. Dawn kienu jinkludu selfiet u garanziji mingħand il-bank […], […], […], […], […] u […] ta’ aktar minn PLN […] miljun fl-2010 u ta’ aktar minn PLN […] fl-2011.

(13)  Din is-somma tinkludi PLN 38,2 miljun għaż-żona nru 1 tat-tarzna u PLN 175 miljun għaż-żona nru 2 tat-tarzna.

(14)  Ir-rata bażi għall-Polonja f’Settembru 2010, ikkalkulata skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza, tinstab f'din il-paġna tas-sit tal-Kummissjoni fuq l-internet: http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/reference_rates.html

(15)  F’dak il-punt l-ARP ma setgħetx tkun taf li, fil-fatt, l-investiment totali kien se jkun PLN 25 miljun ogħla minn kemm kien maħsub (i.e. PLN 213,2 miljun minflok PLN 188,2 miljun, kaġun taż-żieda fil-prezz imħallas għall-baċir xott).