ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2012.271.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 271

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 55
5 ta' Ottubru 2012


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2012 tal-4 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2012/538/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2012 li taħtar membru supplenti Malti fil-Kumitat tar-Reġjuni

3

 

 

2012/539/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Settembru 2012 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali fil-Makrożona tat-Tramuntana u l-Makrożona tan-Nofsinhar fl-Italja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li temenda d-Deċiżjoni 2010/403/UE (notifikata bid-dokument numru C(2012) 6665)  ( 1 )

4

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

5.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 908/2012

tal-4 ta’ Ottubru 2012

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

55,0

MA

74,2

MK

59,9

TR

57,9

XS

41,5

ZZ

57,7

0707 00 05

MK

22,1

TR

126,8

ZZ

74,5

0709 93 10

TR

115,1

ZZ

115,1

0805 50 10

AR

85,2

CL

108,8

TR

86,3

UY

79,0

ZA

99,8

ZZ

91,8

0806 10 10

MK

23,1

TR

126,3

ZZ

74,7

0808 10 80

BR

79,8

CL

136,1

NZ

133,8

US

158,1

ZA

127,3

ZZ

127,0

0808 30 90

CN

50,7

TR

110,0

ZZ

80,4


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ ZZ ” jirrappreżenta “ta’ oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

5.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Settembru 2012

li taħtar membru supplenti Malti fil-Kumitat tar-Reġjuni

(2012/538/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Malti,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ Diċembru 2009 u fit-18 ta’ Jannar 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet 2009/1014/UE (1) u 2010/29/UE (2) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2010 sal-25 ta’ Jannar 2015.

(2)

Konsegwentement għat-tmiem tal-mandat tas-Sur Noel FORMOSA sar vakanti siġġu ta’ membru supplenti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huwa b’dan maħtur membru supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, jiġifieri sal-25 ta’ Jannar 2015:

Is-Sur Paul BUTTIGIEG, Mayor of Qala, Gozo.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)   ĠU L 348, 29.12.2009, p. 22.

(2)   ĠU L 12, 19.1.2010, p. 11.


5.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/4


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta’ Settembru 2012

li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali fil-Makrożona tat-Tramuntana u l-Makrożona tan-Nofsinhar fl-Italja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li temenda d-Deċiżjoni 2010/403/UE

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 6665)

(It-test Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/539/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(5) u (6) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talba mressqa minn EniPower S.p.A. (minn hawn ‘il quddiem EniPower) permezz ta’ ittra elettronika tad-29 ta’ Marzu 2012,

Billi:

I.   FATTI

(1)

Fid-29 ta’ Marzu 2012, EniPower ippreżentat talba skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2004/17/KE lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra elettronika. Il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Taljani dwar dik it-talba fil-11 ta’ April 2012 u talbet informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet Taljani permezz tal-ittra elettronika tal-25 ta’ Mejju u l-25 ta’ Lulju 2012, u mill-EniPower permezz ta’ ittra elettronika tal-25 ta’ Mejju 2012. L-awtoritajiet Taljani bagħtu informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittri elettroniċi tal-20 ta’ Ġunju 2012, 21 ta’ Ġunju 2012 u tat-8 ta’ Awwissu 2012 u mill-EniPower fl-20 ta’ Ġunju 2012.

(2)

It-talba mressqa mill-EniPower tikkonċerna l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku fit-territorju tal-Italja, minbarra f’Sardinja u Sqallija.

II.   QAFAS ĠURIDIKU

(3)

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jipprovdi li kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ xi waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva ma jkunux soġġetti għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq, l-attività tkun esposta direttament għall-kompetizzjoni fi swieq fejn l-aċċess ma jkunx ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni huwa vvalutat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat. L-aċċess jitqies li mhuwiex ristrett jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti li tiftaħ xi settur partikolari jew parti minnu. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness XI tad-Direttiva 2004/17/KE, li, għas-settur tal-elettriku, tirreferi għad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (2). Id-Direttiva 96/92/KE ġiet sostitwita bid-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (3) li kienet sostitwita bid-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (4).

(4)

L-Italja implimentat u applikat mhux biss id-Direttiva 96/92/KE iżda wkoll id-Direttiva 2003/54/KE, u d-Direttiva 2009/72/KE. Konsegwentement, u skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(3), l-aċċess għas-suq għandu jitqies li mhuwiex ristrett fit-territorju kollu tal-Italja.

(5)

L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni għandu jiġi evalwat abbażi ta’ diversi indikaturi, li l-ebda wieħed minnhom, ma huwa neċessarjament deċiżiv, per se. Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, is-sehem tas-suq tal-protagonisti ewlenin f’xi suq partikolari jikkostitwixxi kriterju wieħed li għandu jiġi kkunsidrat. Kriterju ieħor huwa l-livell ta’ konċentrazzjoni f’dawk is-swieq. Meta wieħed iqis il-karatteristiċi tas-swieq ikkonċernati, għandhom jiġu kkunsidrati kriterji oħrajn bħall-funzjonament tas-suq ta’ bbilanċjar, il-kompetizzjoni tal-prezzijiet u l-livell tal-bdil tal-fornituri mill-klijenti.

(6)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

III.   VALUTAZZJONI

(7)

Fl-Italja, il-bejgħ tal-elettriku lill-operaturi jsir abbażi ta’ skambji, permezz ta’ kuntratti spot u kuntratti forward, jew kuntratti bilaterali.

(8)

Is-suq spot huwa magħmul mis-Suq ta’ Jum bil-Quddiem (Mercato del Giorno Prima - MGP) fejn l-elettriku huwa nnegozjat għall-ġurnata ta’ wara, u Suq għal Negozju fl-Istess Jum (Mercato Infragiornaliero) li fih l-operaturi jistgħu jaġġustaw il-bejgħ u x-xiri tagħhom fir-rigward tan-negozju tas-Suq ta’ Jum bil-Quddiem u s-Suq tas-Servizzi Anċillari (Mercato dei Servizi di Dispacciamento) li fih Terna – l-Operatur Taljan tas-Sistema tat-Trażmissjoni jixtri r-riżorsi meħtieġa biex tkun immaniġġjata u kkontrollata s-sistema sabiex ikunu solvuti l-konġestjonijiet bejn iż-żoni, tinħoloq riserva tal-enerġija u s-sistema tkun ibbilanċjata f’ħin reali.

(9)

Il-kuntratti forward huma nnegozjati fuq swieq regolati: Is-Suq Forward tal-Elettriku (Mercato a Termine MTE) u l-Italian Energy Derivatives Exchange (IDEX) u/jew pjattaformi barra l-Borża (OTC). L-Italian Energy Derivatives Exchange hija pjattaforma ddedikata għan-negozjar ta’ strumenti bbażata fuq il-prezz medju tax-xiri (Prezz Nazzjonali Uniku).

(10)

Skont l-aħħar informazzjoni disponibbli, il-gass naturali huwa l-iktar fjuwil importanti fit-taħlita Taljana tal-elettriku u jipprovdi iktar min-nofs l-elettriku prodott. L-enerġiji rinnovabbli jiġu t-tieni u jirrappreżentaw 28 % tal-elettriku prodott fl-2011, li minnhom 55 % oriġinaw mill-idroelettriku, 12 % mill-enerġija ġġenerata mir-riħ, 13 % mill-enerġija solari, 13 % mill-bijoenerġija u 7 % mill-enerġija ġeotermika (5).

Definizzjoni tas-suq

Definizzjoni tas-suq tal-prodott

(11)

Skont il-preċedenti tal-Kummissjoni (6), is-swieq tal-prodotti relevanti li ġejjin jistgħu jkunu osservati fis-settur tal-elettriku: (i) il-ġenerazzjoni u l-forniment lill-operaturi; (ii) it-trażmissjoni (iii) id-distribuzzjoni u (iv) il-forniment fil-livell tal-konsumatur i. Filwaqt li wħud minn dawn is-swieq jistgħu jkunu subdiviżi saħansitra aktar, sal-lum il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni (7) kienet tiċħad id-distinzjoni bejn suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u suq tal-forniment lill-operaturi minħabba li ġenerazzjoni fil-fatt hija biss l-ewwel stadju fil-katina tal-valur, filwaqt li l-volumi tal-elettriku ġġenerati huma kummerċjalizzati permezz tas-suq tal-operaturi.

(12)

It-talba mill-EniPower tikkonċerna l-produzzjoni u l-bejgħ tal-elettriku lill-operaturi. Skont din il-valutazzjoni tal-Awtorità Taljana tal-Antitrust (Autorità Garante della Concorrenza e del mercato) u l-Awtorità Taljana għall-Elettriku u l-Gass (Autorità per l’energia elettrica e il gas), is-suq tal-operaturi huwa definit bħala “il-kuntratti għall-bejgħ u x-xiri tal-elettriku stipulati mill-operaturi li għandhom sorsi primarji tal-enerġija (enerġija nazzjonali ġġenerata u importata) min-naħa l-waħda u konsumaturi industrijali kbar (Acquirente Unico u bejjiegħa fil-livell ta’ operatur) min-naħa oħra”.

(13)

Għall-finijiet tat-talba tiegħu, l-applikant jiddikjara li l-analiżi tas-suq tal-operaturi tista’ tkun limitat għall-Analiżi tas-Suq ta’ Jum bil-Quddiem, peress li s-suq jinkludi wkoll il-kuntratti forward li, fi kwalunkwe każ, għandhom ikunu pporgammati fis-Suq ta’ Jum bil-Quddiem ladarba jintlaħaq iż-żmien tal-kunsinna fiżika. Għal din ir-raġuni, il-volumi nnegozjati permezz ta’ kuntratti forward li qed ikunu fiżikament ikkunsinnati, jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-prezz fis-Suq ta’ Jum bil-Quddiem. L-applikant jargumenta li s-Suq għal Negozju fl-Istess Jum huwa sessjoni kumplimentari għas-Suq ta’ Jum bil-Quddiem u li l-kwantitajiet innegozjati fis-Suq għal Negozju fl-Istess Jum huma biss marġinali meta mqabbla ma’ dawk innegozjati fis-Suq ta’ Jum bil-Quddiem Is-Suq tas-Servizzi Anċillari huwa organizzat b'mod fundamentalment differenti mis-Suq ta’ Jum bil-Quddiem u s-Suq għal Negozju fl-Istess Jum, peress li f’dan is-suq, Terna hija l-kontroparti ċentrali u tixtri r-riżorsi neċessarji għall-immaniġġjar sikur u l-kontroll tas-sistema nazzjonali. Il-valutazzjoni tal-applikant hija approvata mill-Awtorità Taljana tal-Antitrust (8) u mill-Awtorità Taljana għall-Elettriku u l-Gass (9).

(14)

L-iktar deċiżjoni riċenti tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/218/UE tal-24 ta’ April 2012 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell tal-operaturi tal-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali fil-Ġermanja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (10), tagħmel distinzjoni bejn swieq ta’ żewġ prodotti fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ elettriku fil-livell tal-operaturi, b’mod partikolari s-suq tal-elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali u s-suq tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli (11). Din id-distinzjoni saret minħabba r-reġim speċjali applikabbli għall-enerġija ġġenerata mis-sorsi rinnovabbli (12) fil-Ġermanja.

(15)

F’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/218/UE, għandu jkun eżaminat jekk is-suq Taljan tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-elettriku fil-livell tal-operaturi għandux jinqasam f’żewġ swieq ta’ produzzjoni separati. Għal dak l-għan, l-applikant u l-awtoritajiet Taljani kienu mistiedna jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar dik il-kwistjoni.

(16)

Fl-Italja, il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tibbenefika minn għadd ta’ kundizzjonijiet speċjali (13) bħal:

(a)

proċedura simplifikata għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet lokali jew tar-reġjuni, għall-installazzjonijiet li jaħdmu b’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

(b)

imposti għall-konnessjoni b’rata fissa u trattament prijoritarju;

(c)

sistemi ta’ inċentivar permezz ta’ rimunerazzjoni;

(d)

prijorità għad-dispaċċ fil-każ ta’ offerti ekwivalenti fis-Suq ta’ Jum bil-Quddiem.

(17)

Is-sistemi ta’ inċentivi msemmija fil-punt (c) tal-premessa 16 jistgħu jkunu applikati permezz ta’ wieħed mill-istrumenti li ġejjin: il-mekkaniżmu CIP 6 (14) (Meccanismo CIP6), tariffa Omnikomprensiva (Tariffe Omnicomprensive – FIT), Ċertifikati Ekoloġiċi (Certificati Verdi – CV) u Kontijiet tal-Enerġija (Conto Energia – CE).

(a)

Il-mekkaniżmu CIP 6 jikkonsisti f’tariffa “feed-in” statutorja għall-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli u minn sorsi “simili għal sorsi rinnovabbli”, speċjalment l-elettriku ġġenerat f’impjanti li jiġġeneraw taħlita ta’ sħana u elettriku. Minn 3,5 GWh koperti mill-mekkaniżmu CIP 6 fl-2011, 1Gwh huwa rrappreżentat minn enerġija rinnovabbli (15). Dan il-mekkaniżmu jkopri l-kosti operattivi, il-kost kapitali, l-kost tal-fjuwil u jinkludi wkoll komponent ta’ inċentiv applikabbli fl-ewwel 8 snin tal-ħajja. Din is-sistema qed tiġi eliminata gradwalment (16).

(b)

It-tariffa omnikomprensiva (minn hawn ‘il quddiem il-mekkaniżmu FIT) tapplika għal impjanti b’kapaċità installata ta’ inqas minn 200 kW għal parks eoliċi u inqas minn 1MW għal tipi oħra ta’ enerġija rinnovabbli. Din is-sistema hija garantita għal 15–il sena, hija volontarja u alternattiva għas-sistema ta’ Ċertifikati Ekoloġiċi. It-tariffa omnikomprensiva tinkludi l-prezz tal-enerġija u inċentiv.

(c)

Il-mekkaniżmu ta’ Ċertifikati Ekoloġiċi (minn hawn ‘il quddiem mekkaniżmu CV) huwa bbażat fuq l-impożizzjoni ta’ kwoti statutorji għall-produtturi u l-importaturi tal-elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali, li għandu jippreżenta kull sena għadd ta’ Ċertifikati Ekoloġiċi. Iċ-Ċertifikati Ekoloġiċi mbagħad jiġu allokati għal istallazzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli skont is-sors tal-enerġija ġġenerata u jistgħu jkunu skambjati f’suq separat, differenti minn dak tal-enerġija. Il-produtturi tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jirċievu dħul mill-bejgħ ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u, bħala inċentiv, dħul mill-bejgħ taċ-Ċertifikati Ekoloġiċi. Il-Valur taċ-Ċertifikati Ekoloġiċi huwa determinat mir-relazzjoni bejn id-domanda (mill-produtturi u l-importaturi tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali) u l-provvista (minn produtturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli). L-iskemi taċ-ċertifikati ekoloġiċi japplikaw għal installazzjonijiet ta’ iktar minn 1MW (minbarra istallazzjonijiet fotovoltajċi) u għall-enerġija eolika ta’ iktar minn 200 kW.

(d)

Is-sistema tal-Kontijiet tal-Enerġija (minn hawn ‘il quddiem il-mekkaniżmu CE) tinċentiva l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi fotovoltajċi u tirrappreżenta żieda fil-primjum li permezz tagħha l-produtturi jirċievu l-prezz tas-Suq ta’ Jum bil-Quddiem u tariffa ta’ inċentiv. Din is-sistema ta’ inċentiv hija garantita għal 20 sena.

(18)

Skont l-aħħar informazzjoni (17), 45 % tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli, (li tirrappreżenta madwar 12,6 % tal-elettriku totali nnegozjat fis-Suq ta’ Jum bil-Quddiem fl-2011) ibbenefika minn prezz irregolat u huwa indipendenti mill-provvista u d-domanda tal-elettriku. Il-kumplament, jiġifieri l-55 % tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli huwa nnegozjat direttament permezz ta’ kuntratti bilaterali jew fil-boroż, bil-prezz tas-suq iżda xorta jista’ jirċievi inċentivi taħt il-forma ta’ Ċertifikati Ekoloġiċi jew Kontijiet tal-Enerġija.

(19)

Madankollu, kif innutaw l-awtoritajiet Taljani (18), xi elettriku, minkejja li ġġenerat minn sorsi rinnovabbli ma jirċievi l-ebda inċentiv f’termini ta’ rimunerazzjoni u ma jibbenefikax minn prijorità għad-dispaċċ (19). Tali elettriku jinbiegħ fis-Suq ta’ Jum bil-Quddiem bil-prezzijiet tas-suq, simili għall-elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali.

(20)

Peress li, ġeneralment, l-elettriku ġġenerat mis-sorsi rinnovabbli kollha għandu prijorità fil-feed-in, il-produzzjoni ta’ dan l-elettriku tista’ tkun meqjusa bħal indipendenti mid-domanda (20).

(21)

Fir-rigward tal-elettriku suġġett għall-mekkaniżmu CIP 6 u għall-mekkaniżmu FIT, il-produzzjoni u l-provvista huma indipendenti wkoll mill-prezzijiet peress li l-operaturi huma intitolati għal ħlas obbligatorju. Fir-rigward tal-elettriku suġġett għall-mekkaniżmi CV u CE, l-elettriku jinbiegħ fis-suq tal-operaturi bi prezz li jiddependi fuq is-Suq ta’ Jum bil-Quddiem, iżda jirċievi inċentiv minbarra l-prezz li nbigħ bih l-elettriku fis-suq.

(22)

Barra minn hekk, il-bejgħ tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli li huma suġġetti għall-mekkaniżmi CIP 6 u FIT, isir l-iktar permezz tal-Operatur tas-Servizzi tal-Enerġija (21) (Gestore dei Servizi Energetici – minn hawn ‘il quddiem GSE), li jiġbed l-elettriku u mbagħad ibigħu, fit-tieni fażi, fis-suq tal-operaturi. Għalhekk, evidentement, mill-perspettiva tad-domanda, is-suq ivarja wkoll mis-suq fil-livell tal-operaturi tal-elettriku konvenzjonali.

(23)

L-Awtorità Taljana tal-Antitrust tgħid li s-suq tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (taħt il-mekkaniżmu CIP 6 u FIT), li jirrappreżenta madwar 12 % biss tal-elettriku ġġenerat fl-Italja’ huwa iżgħar mis-suq tal-elettriku rinnovabbli fil-Ġermanja (14 % tas-suq tal-elettriku totali); u li mhux ikkunsidrat adattat li s-suq tal-prodott tal-elettriku Taljan jinqasam bħal fil-każ tal-Ġermanja. Il-Kummissjoni madanakollu hija tal-opinjoni li l-prinċipju de minimis ma jistax ikun invokat f’dan il-każ. Anke jekk 12 % biss tas-suq totali huwa suġġett għall-prezz iggarantit, l-elettriku rinnovabbli li jinbigħ fis-suq ġeneralment jibbenefika minn konnessjoni ta’ prijorità u feed-in ta’ prijorità u parti mill-produtturi tal-enerġija jibbenefikaw ukoll minn appoġġ minbarra mill-prezz garantit (pereżempju l-mekkaniżmi CE u/jew CV).

(24)

L-Awtorità Taljana għall-Elettriku u l-Gass tqis li l-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabli huwa parti mill-istess suq bħas-suq għall-elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali peress li l-elettriku minn sorsi rinnovabbli jagħmel pressjoni kompetittiva fuq l-elettriku konvenzjonali.

(25)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-elettriku ġġenerat permezz ta’ sorsi rinnovabbli jagħmel pressjoni kompetittiva fuq l-elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali. Madankollu, mill-elementi fattwali msemmija hawn fuq, b’mod partikolari fil-punti 19 sa 22, jirriżulta li dan mhux il-każ fid-direzzjoni opposta. Barra minn hekk, la l-applikant u lanqas l-awtoritajiet Taljani ma żiedu evidenza konvinċenti li ssostni s-sejba li l-elettriku konvenzjonali jagħmel pressjoni kompetittiva fuq l-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli. Għaldaqstant, dan tal-aħħar ma jistax ikun inkluż fl-istess suq bħall-elettriku konvenzjonali.

(26)

Fl-isfond tal-fatturi eżaminati fil-premessi 11 sa 25, għall-finijiet tal-valutazzjoni jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE humiex issodisfati, u mingħajr ħsara għal-liġi tal-kompetizzjoni, qed jiġu definiti żewġ swieq rilevanti għall-prodott. L-ewwel suq ta’ prodott huwa definit bħala suq għall-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali. Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, l-elettriku msemmi fil-premessa 19 li ma jibbenefikax minn rimunerazzjoni taħt l-ebda sistema ta’ inċentiv applikabbli u ma għandux prijorità ta’ dispaċċ, għalkemm huwa ġġenerat permezz ta’ sorsi rinnovabbli, huwa kkunsidrat parti mis-suq tal-prodott għall-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali. It-tieni suq ta’ prodott huwa definit bħala s-suq għall-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli. Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, l-elettriku ġġenerat minn sorsi “simili għal rinnovabbli”, suġġetti għall-mekkaniżmu CIP 6 msemmi fil-punt (a) tal-premessa 17, huwa meqjus parti mis-suq ta’ prodott għall-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli.

Definizzjoni tas-suq ġeografiku

Produzzjoni u bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku minn sorsi konvenzjonali

(27)

Il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni ddefinixxiet is-swieq tal-elettriku bħala li huma ta’ dimensjoni nazzjonali (22) jew saħansitra iżgħar (23). Xi kultant, tħalliet miftuħa l-possibbiltà ta’ swieq usa’ minn dawk nazzjonali (24).

(28)

Is-suq tal-elettriku fl-Italja kien suġġett għal proċedura oħra taħt l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE, li rriżultat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/403/UE tal-14 ta’ Lulju 2010 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Makro Żona Tramuntana tal-Italja u l-bejgħ bl-imnut tal-elettriku lil klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ medju, għoli u għoli ħafna fl-Italja, mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (25). L-applikazzjoni kienet sottomessa mill-Compagnia Valdostana delle Acque u tikkonċerna l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku, fit-territorju kollu tal-Italja, jew inkella fil-Makrożona tat-Tramuntana. Għall-finijiet li jiġi vvalutat jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE kinux issodisfati, il-Kummissjoni llimitat l-analiżi tagħha għas-sitwazzjoni kompetittiva li teżisti fit-territorju tal-Makrożona tat-Tramuntana fir-rigward tal-produzzjoni u l-provvista fil-livell ta’ operaturi tal-elettriku. F’dak iż-żmien, l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li d-delimitazzjoni tal-Makrożona tat-Tramuntana kienet valida bħala suq rilevanti; żiedu, madanakollu, li “peress li jinsabu għaddejjin bidliet id-delimitazzjoni bejn il-kumplament tal-makrożoni ma kinetx ċara għal issa, u sakemm isiru inkjesti estenżivi, evalwazzjoni definittiva tal-istat tal-kompetizzjoni f’dawn is-swieq ġeografiiċi, bħalissa mhix possibbli.

(29)

L-applikant jgħid li s-suq ġeografiku għandu jerġa’ jkun definit wara t-tibdiliet sinifikanti kemm fil-konfigurazzjoni tal-grid ta’ trażmissjoni kif ukoll fl-istruttura tal-provvista u d-domanda. B’mod iktar preċiż, matul l-aħħar tliet snin, fuq in-naħa tal-provvista, kien hemm entrata sinifikanti ta’ kapaċità ġdida ta’ ċiklu kkombinat fir-reġjuni tat-tramuntana u n-nofsinhar tal-pajjiż, ta’ kapaċità li taħdem bil-faħam li għandha effiċjenza għolja fiċ-ċentru tal-Italja u ta’ sorsi rinnovabbli fl-inħawi tan-nofsinhar u f’Sardinja u fi Sqallija. Fuq in-naħa tad-domanda, kien hemm tnaqqis fid-domanda fis-setturi ekonomiċi kollha minħabba l-kriżi ekonomika mill-2008 ‘il quddiem. Konsegwentement, l-applikant jiddefinixxi s-suq ġeografiku rilevanti għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-elettriku fil-livell ta’ operaturi, bħala t-territorju tal-Italja minbarra Sardinja u Sqallija (minn hawn ‘il quddiem imsemmija bħala l-Italja Kontinentali).

(30)

Fl-2005, l-Awtorità tal-Elettriku u l-Gass u l-Awtorità Antitrust wettqu analiżi fid-dettall tas-suq ġeografiku għall-elettriku fl-Italja, u r-riżultati kienu preżentati fl-istudju “Investigazzjoni għall-Fatti dwar l-istat ta' liberalizzazzjoni fis-settur tal-enerġija elettrika” (“Indagine Conoscitiva sullo stato della liberalizzazione nel settore dell’energia elettrica e del gas naturale” - IC22). Din l-analiżi identifikat erba’ swieq ġeografiċi distinti:

(a)

Il-Makrożona tat-Tramuntana (li tikkonsisti fiż-żona tat-Tramuntana (26) flimkien maċ-ċentri ta’ produzzjoni limitata ta’ Turbigo u Monfalcone);

(b)

Il-Makrożona tan-Nofsinhar li tikkorrispondi għall-bqija tal-Italja kontinentali (komposta minn tliet żoni - it-Tramuntana Ċentrali (27), in-Nofsinhar Ċentrali (28), in-Nofsinhar (29) u l-Kalabrija – flimkien maċ-ċentri ta’ produzzjoni limitata ta’ Piombino, Rossano u Brindisi);

(c)

Il-Makrożona ta’ Sqallija (li tikkonsisti fi Sqallija flimkien maċ-ċentru ta’ produzzjoni limitata ta’ Priolo);

(d)

Il-Makrożona ta’ Sardinja.

(31)

Abbażi tal-analiżi msemmija fil-premessa 30, u d-dejta attwali tas-suq għall-2008-2011, l-applikant stima l-indikaturi li ġejjin:

(a)

is-saturazzjoni tal-limiti ta’ trażmissjoni bejn żoni f’termini ta’ sigħat ta’ konġestjoni (għadd ta’ sigħat li matulhom, il-limiti tat-trażmissjoni bejn żewġ żoni li jmissu ma’ xulxin ikunu saturati). Frekwenza baxxa ta’ konġestjonijiet bejn żoni li jmissu ma’ xulxin ifisser li jappartjenu għall-istess suq ġeografiku, peress li l-kundizzjonijiet kompetittivi huma l-istess fiż-żona kkonċernata; għall-kuntrarju, frekwenza għolja ta’ konġestjonijiet tindika ċertu livell ta’ frammentazzjoni tas-suq, u l-eżistenza possibbli ta’ kundizzjonijiet kompetittivi mhux l-istess fiż-żona kkonċernata.

(b)

id-differenzi fil-prezz u l-kompetizzjoni tal-prezz fiż-żona, kif ukoll

(c)

it-test tad-domanda reżidwa definit bħala d-differenza bejn id-domanda totali f’kull żona u l-importazzjonijiet potenzjali massimi miż-żoni li jmissu ma’ xulxin.

(32)

L-awtoritajiet Taljani kienu mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar id-definizzjoni attwali tas-suq ġeografiku rilevanti għall-Italja. L-Awtorità Taljana għall-Elettriku u l-Gass ikkonfermat li d-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti mogħtija fl-2005 fl-“investigazzjoni tal-fatti dwar l-istat ta’ liberalizzazzjoni fis-settur tal-enerġija elettrika” baqgħet valida u indikat li, abbażi tad-dejta disponibbli għaliha, is-suq ġeografiku rilevanti għandu jkun subdiviż f’erba’ makrożoni, għall-finijiet tal-proċedura ta’ eżenzjoni: Il-Makrożona tat-Tramuntana, il-Makrożona tan-Nofsinhar, il-Makrożona ta’ Sqallija u l-Makrożona ta’ Sardinia.

(33)

L-Awtorità Taljana tal-Antitrust ikkonfermat ukoll l-opinjoni tal-Awtorità għall-Elettriku u l-Gass. Għalkemm tirrikonoxxi li xi wħud mill-konġestjonijiet oriġinali tal-grid ingħelbu bħala riżultat tal-investimenti mit-Terna, l-iżvilupp tar-relazzjoni bejn il-provvista (żvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni ġodda) u d-domanda riċentiment urew limitazzjonijiet ġodda tan-netwerk, li rriżultaw fi prezzijiet iktar baxxi fin-nofsinhar f’persentaġġ sinifikanti ta’ sigħat sħaħ. Barra minn hekk, l-Awtorità tal-Antitrust indikat li l-applikazzjoni tat-test tad-domanda reżidwa jikkonferma d-diviżjoni tal-Italja kontinentali f’żewġ żoni separati, jiġifieri l-Makrożona tat-Tramuntana u l-Makrożona tan-Nofsinhar.

(34)

Fl-isfond ta’ dak imsemmi hawn fuq, u fin-nuqqas ta’ evidenza suffiċjenti li tipprova l-eżistenza ta’ żona ta’ suq uniku li tkopri l-Italja Kontinentali, il-Kummissjoni ma għandhiex l-istess opinjoni tal-applikant, li s-suq ġeografiku rilevanti, f’dak li għandu x’jaqsam mal-elettriku konvenzjonali, hija l-Italja Kontinentali.

(35)

Nistgħu nikkonkludu, minħabba l-fatturi eżaminati fil-premessi 27 sa 34, għall-finijiet tal-evalwazzjoni jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE humiex issodisfati, u mingħajr ħsara għal-liġi tal-kompetizzjoni, is-swieq ġeografiċi rilevanti għall-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi tal-elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali huma meqjusa li huma l-Makrożona tat-Tramuntana u l-Makrożona tan-Nofsinhar.

Il-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli

(36)

Fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli, kif definit fil-premessa 26, ma hemmx għalfejn nikkonkludu dwar id-dimensjoni ġeografika preċiża, peress li r-riżultat tal-analiżi jkun l-istess taħt kwalunkwe definizzjoni alternattiva tas-suq (it-territorju kollu tal-Italja, l-Italja Kontinentali, jew il-Makrożona tat-Tramuntana u l-Makrożona tan-Nofsinhar).

(37)

Madankollu, xorta waħda għandu jkun innutat li s-sett ta’ inċentivi elenkati fil-premessa 16 huma applikati b’mod uniformi fit-territorju kollu tal-Italja.

L-analiżi tas-suq

Il-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku minn sorsi konvenzjonali

(a)   L-ishma tas-suq u l-konċentrazzjoni tas-suq

(38)

F’konformità mal-prassi kostanti tagħha (30), il-Kummissjoni Ewropea hija tal-opinjoni li, fir-rigward tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, “indikatur wieħed għall-grad ta’ kompetizzjoni huwa s-sehem mis-suq totali tal-ikbar tliet produtturi”.

(39)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-applikant, fl-2010, l-ishma kumulattivi tas-suq tal-ewwel tliet produtturi tal-elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali kienu ta’ 48,9 % fil-Makrożona tat-Tramuntana u ta’ 62,7 % fil-Makrożona tan-Nofsinhar. Is-suq tal-elettriku konvenzjonali għaldaqstant jinsab f’nofs il-firxa, meta mqabbel ma’ Deċiżjonijiet preċedenti ta’ eżenzjonijiet skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE (31).

(40)

Fl-2010, l-Indiċi Herfindahl-Hirschman (HHI) (32) ikkalkulat għall-produtturi tal-elettriku konvenzjonali fil-Makrożona tat-Tramuntana kien ta’ 1 302 u fil-Makrożona tan-Nofsinhar kien ta’ 1 714 (33), u b’hekk iż-żewġ Makrożoni jinsabu fil-kategorija ta’ “swieq ikkonċentrati moderatament”

(41)

L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li jkun stabbilit jekk l-attivitajiet tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi tal-elettriku humiex esposti għal tali livell ta’ kompetizzjoni (fis-swieq li għalihom l-aċċess huwa bla ħlas) li anke fin-nuqqas tad-dixxiplina tariffa mir-regoli ddettaljati dwar l-akkwisti stipulati fid-Direttiva 2004/17/KE, l-akkwist għat-twettiq tal-attivitajiet ikkonċernati jitwettaq b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi ta’ kriterji li jippermettu lill-entitajiet kontraenti jidentifikaw is-soluzzjoni li b’mod ġenerali tkun, ekonomikament, l-aktar waħda vantaġġuża. F’dan il-kuntest, għandu jkun innutat li l-kumpaniji li jiġġeneraw l-elettriku minn sorsi rinnovabbli li jinxtara mill-Operatur tas-Servizz tal-Enerġija bi prezzijiet regolati (il-mekkaniżmi CIP 6 u FIT) jew li b’xi mod ieħor huwa suġġett għal rimunerazzjoni ta’ inċentiv (il-mekkaniżmi CV u CE), meta jaġixxu fis-swieq tal-elettriku, ikollhom il-possibbiltà joħolqu pressjoni kompetittiva fuq il-produtturi tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali.

(42)

Fir-rigward taċ-ċifri ta’ hawn fuq, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u bla ħsara għal-liġi tal-kompetizzjoni, wieħed jista’ jassumi li l-grad ta’ konċentrazzjoni tas-suq jista’ jiġi kkunsidrat bħala indikazzjoni ta’ ċertu livell ta’ esponiment għall-kompetizzjoni tal-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi tal-elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali fiż-żewġ Makro-Żoni.

(b)   Fatturi oħra

(43)

Għalkemm il-Makrożona tat-Tramuntana u l-Makrożona tan-Nofsinhar jiffurmaw swieq rilevanti waħidhom, huma ma jistgħux jitqiesu li huma kompletament iżolati mir-reġjuni ta’ madwar. L-Italja bħalissa hija importatur kbir tal-elettriku, u l-importazzjonijiet prinċipalment isiru permezz tal-fruntiera tat-Tramuntana. Skont l-awtoritajiet Taljani, l-importazzjonijiet jagħmlu pressjoni kompetittiva prinċipalment fuq il-Makrożona tat-Tramuntana (34). Il-Makrożona tan-Nofsinhar hija pprovduta bl-elettriku mill-Makrożona tat-Tramuntana (35). Dan jiżgura li l-investiment fis-settur tal-elettriku kemm fil-Makrożona tat-Tramuntana, kif ukoll fil-Makrożona tan-Nofsinhar, ma jistax isir mingħajr ma jitqiesu produtturi oħra fir-reġjuni tal-madwar. Dawk il-fatturi għandhom għalhekk jitqiesu bħala kompattibbli mal-konklużjoni li l-entitajiet kontraenti li joperaw fis-suq tal-produzzjoni minn sorsi konvenzjonali fiż-żewġ Makrożoni, huma esposti għall-kompetizzjoni.

(44)

Barra minn hekk, anki jekk jirrappreżentaw parti żgħira tal-ammont totali tal-elettriku prodott u/jew ikkonsmat fi Stat Membru, il-funzjonament tal-mekkaniżmi ta’ bilanċ għandu jitqies bħala indikatur addizzjonali. Skont l-informazzjoni disponibbli, it-tħaddim tal-mekkaniżmu ta’ bilanċ, il-funzjonament tas-Suq għal Negozju fl-Istess Jum u s-Suq tas-Servizzi Anċillari, huwa tali li ma jikkostitwixxi ebda ostakolu għall-produzzjoni tal-elettriku soġġett għall-esponiment dirett għall-kompetizzjoni.

(45)

Fl-aħħar nett, analiżi tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-bdil tal-klijenti (36), turi li l-livell ta’ bdil tal-klijenti ma jmurx kontra l-konklużjoni li l-produtturi tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali, kemm fil-Makrożona tat-Tramuntana kif ukoll fil-Makrożona tan-Nofsinhar, huma esposti għall-kompetizzjoni.

Il-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli

(46)

L-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli jibbenefika minn konnessjoni prijoritarja mal-grid, u għandu prijorità fuq l-elettriku konvenzjonali għall-feed-in fil-grid, li jfisser li l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli hija prattikament indipendenti mid-domanda.

(47)

F’termini ta’ rimunerazzjoni, bħalissa hemm diversi mekkaniżmi ta’ inċentiv applikabbli għall-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli kif indikat fil-premessa 17. Dawk il-mekkaniżmi jiddependu fuq it-tip speċifiku ta’ sors rinnovabbli, il-kapaċità tal-produzzjoni, u/jew is-sena li fiha l-impjant jibda jopera.

(48)

Mit-total tal-elettriku kollu ġġenerat fl-Italja, 12,6 % jinxtara mill-GSE b’rata statutorja ta’ rimunerazzjoni (37). Il-GSE huwa responsabbli għall-bejgħ ta’ dan l-elettriku, fit-tieni fażi, fis-Suq ta’ Jum bil-Quddiem. Għaldaqstant, il-produzzjoni u l-feed-in huma wkoll totalment indipendenti mill-prezzijiet peress li f’dan il-każ l-operaturi huma intitolati għal ħlas statutorju.

(49)

L-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli li huwa suġġett għall-mekkaniżmi ta’ inċentiv CV u CE jinbiegħ mill-produtturi fis-suq tal-operaturi, iżda xorta jirċievu inċentiv minbarra l-prezz li bih biegħu l-elettriku fis-suq. Dan l-inċentiv, li f’xi każijiet jista’ jkun pjuttost għoli (bħal pereżempju s-CE għall-elettriku ġġenerat mill-enerġija solari), jipprovdi vantaġġ kompetittiv fuq il-produtturi ta’ elettriku minn sorsi konvenzjonali.

(50)

Għar-raġunijiet indikati hawn fuq fil-premessi 46 sa 49, il-ġenerazzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli, kif definit fil-premessa 26, fl-Italja huma parti minn sistema rregolata. Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li l-attività tal-produtturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli hija esposta għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, ma hemmx il-ħtieġa li jiġu vvalutati indikaturi oħrajn, bħal dawk elenkati fil-premessa 5.

(51)

Sabiex tkun riflessa s-sitwazzjoni attwali tal-qafas legali u fattwali li jiddefinixxi l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku rinnovabbli fl-Italja, li rriżultat matul il-valutazzjoni tal-applikazzjoni ta’ EniPower, u sabiex ikun żgurat trattament koerenti għas-suq tal-elettriku rinnovabbli fis-suq intern, f’konformità mal-preċedent riċenti tal-Kummissjoni stabbilit bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/218/UE, id-Deċiżjoni 2010/403/UE għandha tiġi emendata skont dan.

IV.   KONKLUŻJONIJIET

(52)

Fl-isfond tal-fatturi eżaminati fil-premessi 38 sa 45, il-kundizzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni stipulata fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha tkun meqjusa bħala ssodisfata fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku minn sorsi konvenzjonali, kif definit fil-premessa 26, kemm fil-Makrożona tat-Tramuntana kif ukoll fil-Makrożona tan-Nofsinhar fl-Italja.

(53)

Barra minn hekk, peress li l-kundizzjoni tal-aċċess mhux ristrett għas-suq hija meqjusa li ġiet issodisfata, id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika għall-għoti ta’ kuntratti intenzjonati li jippermettu l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku minn sorsi konvenzjonali fil-Makrożona tat-Tramuntana u l-Makrożona tan-Nofsinhar u lanqas meta jiġu organizzati kompetizzjonijiet għat-twettiq ta’ tali attività f’dik iż-żona ġeografika.

(54)

Barra minn hekk, il-kundizzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni stipulata fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha tkun meqjusa mhix issodisfata fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli, kif definit fil-premessa 26, fit-territorju kollu tal-Italja. Peress li d-Deċiżjoni 2010/403/UE eżentat kuntratti intenzjonati li jippermettu l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi tal-elettriku fil-Makrożona tat-Tramuntana mingħajr ma ddistingwiet bejn sorsi konvenzjonali u sorsi rinnovabbli, huwa xieraq li d-Deċiżjoni tkun emendata sabiex l-eżenzjoni tkun limitata għall-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali. Sabiex ikun possibbli li l-operatuti jadattaw għall-kamp ta’ applikazzjoni ġdid tal-eżenzjoni, li mhux se jibqa’ jkopri elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli, għandu jkun ipprovdut perjodu tranżizzjonali.

(55)

Peress li l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, kif definit fil-premessa 26 għadhom suġġetti għad-Direttiva 2004/17/KE, wieħed għandu jiftakar li l-kuntratti tal-akkwist li jkopru bosta attivitajiet għandhom jiġu ttrattati skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/17/KE. Dan ifisser li, meta entità kuntrattwali tiġi ingaġġata f’akkwist “imħallat”, li jfisser akkwist użat biex jappoġġja l-prestazzjoni tat-tnejn li huma, l-attivitajiet eżentati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE u l-attivitajiet li mhumiex eżentati, għandhom jitqiesu l-attivitajiet li għalihom huwa intenzjonat prinċipalment il-kuntratt. F’każ ta’ akkwist imħallat bħal dan, meta l-iskop ikun prinċipalment l-appoġġ għall-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli, għandha tapplika d-dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE. Jekk ikun oġġettivament impossibbli li jiġi determinat għal liema attività jkun primarjament intiż il-kuntratt, il-kuntratt għandu jingħata skont ir-regoli msemmija fil-paragrafu (2) u (3) tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/17/KE.

(56)

Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni ġuridika u fattwali minn Marzu 2012 sa Settembru 2012 kif jidher mill-informazzjoni mressqa mill-EniPower u mill-awtoritajiet Taljani. Hija tista’ tiġi riveduta, fil-każ li bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni ġuridika jew fattwali jkunu jfissru li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi ta’ elettriku minn sorsi konvenzjonali ma baqgħux issodisfati.

(57)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u maħsuba biex jippermettu l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi tal-elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali li għandhom isiru fil-Makrożona tan-Nofsinhar tal-Italja.

Id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u li huma maħsuba biex jippermettu l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi tal-elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali li għandhom isiru fil-Makrożona tan-Nofsinhar tal-Italja.

Artikolu 2

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2010/403/UE qed jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi tal-elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali li għandhom isiru fil-Makrożona tat-Tramuntana tal-Italja.”

(b)

Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Id-Direttiva 2004/17/KE għandha tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u li huma maħsuba biex jippermettu l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta’ operaturi tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli li għandhom isiru fil-Makrożona tat-Tramuntana tal-Italja.”

Artikolu 3

L-Artikolu 2 għandu japplika mill-15 ta’ April 2013.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Michel BARNIER

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

(2)   ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.

(3)   ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.

(4)   ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.

(5)  Skont l-ittra tal-Awtorità Taljana tal-Antitrust tal-21.6.2012, p. 3

(6)  Il-każ COMP/M -4110 EO N – ENDESA, 25.4.2006, il-paragrafu 10, p. 3.

(7)  Il-każ COMP/M. 3696 E.ON – MOL tal-21.12.2005, il-paragrafu 223, il-każ COMP/M.5467, RWE- ESSENT tat-23.6.2009, il-paragrafu 23.

(8)  Skont l-ittra tal-Awtorità Taljana tal-Antitrust tal-21.6.2012, p. 2.

(9)  Skont l-ittra tal-Awtorità Taljana tal-Elettriku u l-Gass tal-20.6.2012, p. 3.

(10)   ĠU L 114, 26.4.2012, p. 21.

(11)  F’dak il-każ definit bħala li huwa suġġett għall-Att Ġermaniż dwar l-Enerġija Rinnovabbli (Gesetz für den Vorrang Erneuerbarer Energien)

(12)  Is-sitwazzjoni fil-Ġermanja hija kif ġej: l-enerġija rinnovabbli tibbenefika minn konnessjoni ta’ prijorità mal-grid u għandha prijorità fuq l-elettriku konvenzjonali li jforni l-grid. Peress li l-eletrriku mill-enerġija rinnovabbli huwa ġeneralment iġġenerat b’kosti ogħla mill-prezz tas-suq, kienet stabbilita sistema li permezz tagħha dan it-tip ta’ elettriku jirċievi appoġġ partikolari. L-operaturi ta’ installazzjonijiet ta’ elettriku ġġenerat mill-enerġija rinnovabbli għandhom id-dritt li jirċievu rata ta’ ħlas statutorja mill-operaturi tal-grid tat-trażmissjoni għal perjodu ta’ 20 sena b’żieda mas-sena li fiha s-servizz ġie kkommissjonat. Dan il-ħlas ikopri l-kosti tagħhom u għalhekk huwa ogħla mill-prezz tas-suq. Għaldaqstant jistgħu jfornu l-elettriku li jipproduċu fil-grid, irrispettivament mill-prezz fil-boroż.

(13)  Skont l-ittra tal-Awtorità Taljana tal-Elettriku u l-Gass tal-20.6.2012, p. 2.

(14)  CIP huwa akkronimu għal Comitato Interministeriale Prezzi li huwa l-istituzzjoni li introduċiet dan il-mekkaniżmu fl-1992.

(15)  Skont l-ittra tal-Awtorità Taljana tal-Elettriku u l-Gass tat-8.8.2012, p. 7

(16)  Ma għadux iktar possibbli li dan il-mekkaniżmu jkun aċċessat, peress li ġie sostitwit bl-introduzzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv 79/1999 dwar is-Sistema taċ-Ċertifikat Ekoloġiku; madanakollu, l-impjanti li qabel ingħataw aċċess se jkomplu jibbenefikaw.

(17)  Skont l-ittra tal-Awtorità Taljana tal-Antitrust tal-21.6.2012, p. 3.

(18)  Skont l-ittra tal-Awtorità Taljana tal-Antitrust tat-8.8.2012, p. 2.

(19)  Dan l-aktar li huwa l-każ għall-elettriku ġġenerat minn impjanti kbar idroelettriċi.

(20)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/218/UE, premessa 18.

(21)  GSE hija kumpanija tal-Istat li tippromwovi jew tappoġġja sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-Italja. GSE hija l-kumpanija prinċipali ta’ tliet sussidjarji: Xerrej Uniku (Acquirente Unico AU), Operatur tas-Suq tal-Enerġija (Gestore dei Mercati Energetici -GME) u Riċerka fuq is-Sistema Enerġetika (Ricerca sul Sistema Energetico RSE), li hija attiva fir-riċerka.

(22)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/585/KE (ĠU L 188, 16.7.2008, p. 28), il-premessa 9, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/741/KE, (ĠU L 251, 19.9.2008, p. 35) il-premessa 9, il-Każ COMP/M.3440 ENI/EDP/PDG tad-9.12.2004, il-paragrafi 76-77

(23)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/403/UE (ĠU L 186, 20.7.2010, p. 44), premessa 9.

(24)  Il-każ COMP/M. 3268 SYDKRAFT/GRANINGE tat-30.10.2003, il-paragrafu 27 u COMP/M. Nru 3665 ENEL/SLOVENSKE ELEKTRARNE tas-26.4.2005, il-paragrafu 14.

(25)   ĠU L 186, 20.7.2010, p. 44.

(26)  Tikkonsisti fir-reġjuni li ġejjin: Valle d’aosta, Piemonte, Liguria, Lombardia, Trentino, Veneto, Friuli Venezia Giulia u Emilia Romagna.

(27)  Tikkonsisti fir-reġjuni li ġejjin: Toscana, Umbria u Le Marche.

(28)  Tikkonsisti fir-reġjuni li ġejjin: Lazio, Abruzzo u Campania.

(29)  Tikkonsisti fir-reġjuni li ġejjin: Molise, Puglia, Basilicata u Calabria.

(30)  Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2009/47/KE (ĠU L 19, 23.1.2009, p. 57); 2008/585/KE; 2008/741/KE; 2007/141/KE (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 23); 2007/706/KE (ĠU L 287, 1.11.2007, p. 18); 2006/211/KE, (ĠU L 76, 15.3.2006, p. 6) u 2006/422/KE (ĠU L 168, 21.6.2006, p. 33).

(31)  L-ishma kumulattivi tas-suq tal-ewwel tliet produtturi fir-Renju Unit (39 %), fl-Awstrija (52 %) u fil-Polonja (55 %) għandhom valuri aktar baxxi, iżda l-valuri korrispondenti fil-Finlandja (73.6 %) u fl-Isvezja (87 %) huma ogħla.

(32)  L-indiċi Herfindahl Hirshmann: Huwa definit bħala s-somma tal-kwadri tal-ishma tas-suq ta’ kull kumpanija individwali. Il-firxa tiegħu tista’ tvarja minn kważi 0 sa 10 000, u minn ammont kbir ħafna ta’ impriżi żgħar ħafna sa produttur uniku b’monopolju. Tnaqqis fl-HHI ġeneralment jindika żieda fil-kompetizzjoni, filwaqt li żidiet jimplikaw l-oppost.

(33)  Skont l-informazzjoni addizzjonali li waslet mingħand l-applikant fl-20.6.2012, b’reazzjoni għall-ittra tal-Kummissjoni tal-25.5.2012

(34)  Skont l-ittra tal-Awtorità Taljana tal-Elettriku u l-Gass tal-20.6.2012

(35)  Kif imsemmi iktar qabel, il-produtturi tal-elettriku fit-Tramuntana bħalissa mhumiex suġġetti għad-Direttiva 2004/17/KE wara l-eżenzjoni skont l-Artikolu 30 fl-2010.

(36)  Skont ir-Rapport Annwali AEEG tal-2011, il-klijenti li bidlu mill-klijenti industrijali kbar konnessi mal-grid ta’ vultaġġ għoli kienu 17,8 % f’termini ta’ punti ta’ irtirar u 39,1 % f’termini ta’ volum.

(37)  Dan l-elettriku jikkorrispondi għall-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli u huwa suġġett għall-mekkaniżmi ta’ inċentiv CIP 6 u FIT imsemmija fil-premessa 17.