ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2012.215.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 215

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 55
11 ta' Awwissu 2012


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

 

2012/471/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti

1

 

 

2012/472/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' April 2012 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti

4

Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti

5

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 731/2012 tal-10 ta’ Awwissu 2012 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

15

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 732/2012 tal-10 ta’ Awwissu 2012 li jemenda l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) Nru 971/2011 għas-sena tas-suq 2011/2012

17

 

 

LINJI GWIDA

 

 

2012/473/UE

 

*

Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Lulju 2012 dwar TARGET2-Securities (BĊE/2012/13)

19

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

11.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Diċembru 2011

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti

(2012/471/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni, flimkien ma’ direttivi ta’ negozjar, li awtorizzaw lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-trasferiment u l-użu tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra.

(2)

In-negozjati ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (“il-Ftehim”).

(3)

Il-Ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, partikolarment id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tagħha, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tagħha u d-dritt għal rimedju effettiv u proċess imparzjali rikonoxxut fl-Artikolu 47 tagħha. Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet u prinċipji.

(4)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u la huma marbutin biha u lanqas huma suġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(5)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u la hija marbuta bil-Ftehim u lanqas hija suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(6)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat suġġett għall-konklużjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Id-Dikjarazzjoni tal-Unjoni dwar il-Ftehim fir-rigward tal-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 17 u 23 tiegħu hija b’dan approvata.

It-test tad-Dikjarazzjoni huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. CICHOCKI


ANNESS

Dikjarazzjoni mill-UE dwar il-Ftehim dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (“il-Ftehim”) fir-rigward tal-obbligazzjonijiet tagħha taħt l-Artikoli 17 u 23 tal-Ftehim.

1.

Fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ reviżjoni konġunta u valutazzjoni konġunta previst fl-Artikolu 23 tal-Ftehim, u bla ħsara għal materji oħra li jistgħu jiżdiedu permezz ta' dan il-mekkaniżmu, l-Unjoni ser tfittex informazzjoni mill-Istati Uniti dwar l-iskambju ta' informazzjoni fejn ikun xieraq, fir-rigward tat-trasferiment tad-data tal-PNR tar-residenti u ċ-ċittadini tal-Unjoni lill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi hekk kif stipulat fl-Artikolu 17 tal-Ftehim;

2.

Fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ reviżjoni konġunta u valutazzjoni konġunta msemmi fil-punt 1 ta’ din id-Dikjarazzjoni, l-Unjoni ser titlob mill-Istati Uniti l-informazzjoni kollha xierqa dwar l-implimentazzjoni tal-kondizzjonijet li jirregolaw dawk it-trasferimenti skont l-Artikolu 17 tal-Ftehim;

3.

L-Unjoni, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ reviżjoni konġunta u valutazzjoni konġunta msemmi fil-punt 1 ta’ din id-Dikjarazzjoni, ser tagħti attenzjoni partikolari lir-rispett tas-salvagwardji kollha għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 17(2) tal-Ftehim, sabiex tkun sodisfatta li l-pajjiżi terzi li jirċievu dik id-data jkunu qablu li jagħtu lid-data l-protezzjoni fir-rigward tal-privatezza komparabbli ma’ dik mogħtija lil PNR mid-DHS taħt il-Ftehim.


11.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-26 ta' April 2012

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti

(2012/472/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni, flimkien ma’ direttivi ta’ negozjar, li awtorizzaw lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-trasferiment u l-użu tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra.

(2)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/471/UE (2), il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fl-14 ta' Diċembru 2011, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

(3)

Il-Ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, partikolarment id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tagħha, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tagħha u d-dritt għal rimedju effettiv u proċess imparzjali rikonoxxut fl-Artikolu 47 tagħha. Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet u prinċipji.

(4)

Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(5)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(6)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u la hija marbuta bil-Ftehim u lanqas hija suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(7)

Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jipproċedu, f'isem l-Unjoni, għall-iskambju tan-notifiki previsti fl-Artikolu 27 tal-Ftehim, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ April 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BØDSKOV


(1)  Kunsens tad-19 ta' April 2012 (għadu mhuwiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti

L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA,

minn hawn 'il quddiem imsejħa wkoll “l-Istati Uniti”, u

L-UNJONI EWROPEA,

minn hawn ’il quddiem imsejħa wkoll “l-UE”,

flimkien minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Partijiet”,

FILWAQT LI JIXTIEQU li jipprevjenu u jiġġieldu t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja b'mod effettiv bħala mezz ta' protezzjoni tas-soċjetajiet demokratiċi rispettivi tagħhom u l-valuri komuni;

WAQT LI JFITTXU li jsaħħu u jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fi spirtu ta' sħubija transatlantika;

JIRRIKONOXXU d-dritt u r-responsabbiltà ta’ Stati li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini tagħhom u jipproteġu l-fruntieri tagħhom u konxji tar-responsabbiltà tan-nazzjonijiet kollha li jipproteġu l-ħajja u s-sikurezza tal-pubbliku inklużi dawk li jużaw is-sistemi ta’ trasport internazzjonali;

KONVINTI li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni hija komponent essenzjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja u li f'dan il-kuntest, l-ipproċessar u l-użu ta’ Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) huma għodda neċessarja li tipprovdi informazzjoni li ma tistax tinkiseb b'mezzi oħra;

DETERMINATI li jipprevjenu u jiġġieldu r-reati terroristiċi u l-kriminalità transnazzjonali serja, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u jirrikonoxxu l-importanza tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali u l-informazzjoni;

WARA LI KKUNSIDRAW l-istrumenti internazzjonali, l-istatuti u r-regolamenti tal-Istati Uniti li jeħtieġu li kull trasportatur tal-ajru li jopera titjiriet tal-passiġġieri fit-trasport bl-ajru barrani lejn jew mill-Istati Uniti jagħmel il-PNR disponibbli lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna (DHS) sal-punt li jiġu miġbura u jinżammu fis-sistemi awtomatizzati tal-prenotazzjoni/kontroll tat-tluq tat-trasportatur tal-ajru, u rekwiżiti komparabbli li huma jew jistgħu jiġu implimentati fl-UE;

JINNOTAW li d-DHS jipproċessa u juża l-PNR għall-għan ta’ prevenzjoni, skoperta, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u l-kriminalità transnazzjonali serja f’konformità ma’ salvagwardji dwar il-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali u l-informazzjoni, kif stabbilit f'dan il-Ftehim;

JENFASIZZAW l-importanza tal-kondiviżjoni tal-PNR u l-informazzjoni analitika rilevanti u adegwata miksuba mill-PNR mill-Istati Uniti mal-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejħa wkoll “Stati Membri tal-UE”, u l-Europol jew l-Eurojust bħala mezz biex tittrawwem il-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja.

JIRRIKONOXXU t-tradizzjonijiet antiki taż-żewġ Partijiet ta’ rispett għall-privatezza individwali, kif rifless fil-liġijiet tagħhom u d-dokumenti fundaturi;

KONXJI mill-impenji tal-UE skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, id-dritt għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali kif stipulat fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u neċessità dwar id-dritt għall-ħajja privata u familjari, ir-rispett għall-privatezza, u l-protezzjoni ta’ data personali skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Nru. 108 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali u l-Protokoll addizzjonali tagħha 181, u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

KONXJI li d-DHS attwalment jimpjega proċessi b'saħħithom biex jipproteġi l-privatezza personali u jiżgura l-integrità tad-data, inkluż is-sigurtà fiżika, il-kontrolli tal-aċċess, is-separazzjoni u l-encryption tad-data, kapaċitajiet ta' verifika u miżuri ta’ responsabbiltà effettivi;

JIRRIKONOXXU l-importanza li tiġi żgurata l-kwalità, l-eżattezza, l-integrità, u s-sigurtà tad-data, u li jistabbilixxu responsabbiltà xierqa biex jiżguraw li dawn il-prinċipji jiġu osservati;

JINNOTAW b'mod partikolari l-prinċipju tat-trasparenza u l-mezzi varji li bihom l-Istati Uniti tiżgura li l-passiġġieri li l-PNR tagħhom jiġi miġbur mid-DHS ikunu mgħarrfa mill-ħtieġa għal u l-użu tal-PNR tagħhom;

JIRRIKONOXXU AKTAR li l-ġbir u l-analiżi tal-PNR huwa meħtieġ għad-DHS sabiex iwettaq il-missjoni tiegħu ta’ sigurtà tal-fruntieri, filwaqt li jiġi żgurat li l-ġbir u l-użu tal-PNR jibqa’ rilevanti u neċessarju għall-finijiet li għalih ikun inġabar;

JIRRIKONOXXU li, b’konsiderazzjoni ta’ dan il-Ftehim u l-implimentazzjoni tiegħu, id-DHS għandu jkun meqjus li jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data għall-ipproċessar u l-użu ta’ PNR trasferit lid-DHS;

KONXJI li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea huma marbuta li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni għall-informazzjoni personali filwaqt li jiġġieldu kontra l-kriminalità u t-terroriżmu, u huma ddeterminati li jilħqu, bla dewmien, ftehim sabiex jipproteġu l-informazzjoni personali li ġiet skambjata b’mod komprensiv fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu li ser imexxi l-miri komuni tagħna;

JIRRIKONOXXU r-Reviżjonijiet Konġunti b'suċċess fl-2005 u l-2010 tal-Ftehimiet tal-2004 u l-2007 bejn il-Partijiet dwar it-trasferiment tal-PNR;

JINNOTAW l-interess tal-Partijiet, kif ukoll l-Istati Membri tal-UE, fl-iskambju tal-informazzjoni rigward il-metodu ta’ trażmissjoni tal-PNR kif ukoll it-trasferiment ulterjuri kif stabbilit fl-artikoli rilevanti ta’ dan il-Ftehim u jkomplu jinnotaw l-interess tal-UE fil-fatt li dan jiġi indirizzat fil-kuntest tal-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni u reviżjoni stabbiliti f’dan il-Ftehim;

JAFFERMAW li dan il-Ftehim ma jikkostitwix preċedent għal kwalunkwe arranġament ġejjieni bejn il-Partijiet, jew bejn xi waħda mill-Partijiet u kull parti oħra, rigward l-ipproċessar, l-użu, jew it-trasferiment tal-PNR jew kwalunkwe forma oħra ta' data, jew dwar il-protezzjoni tad-data;

JIRRIKONOXXU l-prinċipji relatati ta’ proporzjonalità kif ukoll ir-rilevanza u n-neċessità li jiggwidaw dan il-Ftehim u l-implimentazzjoni tiegħu mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti; u

WARA LI KKUNSIDRAW il-possibbiltà tal-Partijiet li jiddiskutu ulterjorment it-trasferiment ta’ data tal-PNR fil-modalità marittima;

B’DAN JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan

1.   L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jiżgura s-sigurtà u jipproteġi l-ħajja u s-sikurezza tal-pubbliku.

2.   Għal dan il-għan, dan il-Ftehim jistabbilixxi r-responsabbiltajiet tal-Partijiet fir-rigward tal-kondizzjonijiet li taħthom il-PNR jista’ jiġi trasferit, ipproċessat u użat, u protett.

Artikolu 2

Ambitu

1.   Il-PNR, kif stabbilit fil-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili, għandu jfisser ir-reġistrazzjoni maħluqa minn trasportaturi tal-ajru jew l-aġenti awtorizzati tagħhom għal kull vjaġġ ipprenotat minn jew f'isem kwalunkwe passiġġier u inkluża f’sistemi ta’ prenotazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru, is-sistemi ta’ kontroll tat-tluq, jew sistemi ekwivalenti li jipprovdu funzjonalità simili (kollettivament imsemmija f'dan il-Ftehim bħala “sistemi ta’ prenotazzjoni”). Speċifikament, kif użat f’dan il-Ftehim, il-PNR jikkonsisti minn tipi ta’ data stabbiliti fl-Anness ta' dan il-Ftehim (“Anness”).

2.   Dan il-Ftehim għandu japplika għat-trasportaturi tal-ajru li joperaw titjiriet tal-passiġġieri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti.

3.   Dan il-Ftehim għandu japplika wkoll għat-trasportaturi tal-ajru inkorporati jew li jippreżervaw id-data fl-Unjoni Ewropea u li joperaw titjiriet tal-passiġġieri lejn jew mill-Istati Uniti.

Artikolu 3

Provvista ta’ PNR

Il-Partijiet jaqblu li t-trasportaturi tal-ajru għandhom jipprovdu l-PNR inkluż fis-sistemi ta’ prenotazzjoni tagħhom lid-DHS kif meħtieġ minn u skont l-istandards tad-DHS u b’mod konsistenti ma’ dan il-Ftehim. Jekk il-PNR trasferit mit-trasportaturi tal-ajru jinkludi data oħra minn dik elenkata fl-Anness, id-DHS għandu jħassar data bħal din hekk kif jirċiviha.

Artikolu 4

Użu tal-PNR

1.   L-Istati Uniti tiġbor, tuża u tipproċessa l-PNR għall-skopijiet ta’ prevenzjoni, skoperta, investigazzjoni, u prosekuzzjoni:

(a)

Reati terroristiċi u reati relatati, inkluż

(i)

Imġiba li –

1.

tinvolvi att vjolenti jew att perikoluż għall-ħajja umana, il-proprjetà, jew l-infrastruttura; u

2.

tidher li hi intiża biex –

a.

tintimida jew tisforza popolazzjoni ċivili;

b.

tinfluwenza l-politika ta’ gvern permezz ta’ intimidazzjoni jew sforzar; jew

c

taffettwa l-komportament ta’ gvern permezz ta’ qerda tal-massa, qtil, ħtif, jew teħid ta' ostaġġi.

(ii)

Attivitajiet li jikkostitwixxu reat fl-ambitu ta’ u kif definit f’konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli u l-protokolli dwar it-terroriżmu;

(iii)

Il-provvista jew il-ġbir ta’ fondi, bi kwalunkwe mezz, direttament jew indirettament, bl-intenzjoni li għandhom jintużaw jew bil-konoxxenza li għandhom jintużaw, b’mod sħiħ jew parzjali, sabiex jitwettaq kwalunkwe mill-atti deskritti fis-subparagrafi (i) jew (ii);

(iv)

It-tentattiv li jitwettaq kwalunkwe mill-atti deskritti fis-subparagrafi (i), (ii), jew (iii);

(v)

Il-parteċipazzjoni bħala kompliċi fil-kummissjoni ta’ kwalunkwe mill-atti deskritti fis-subparagrafi (i), (ii), jew (iii);

(vi)

L-organizzazzjoni jew id-direzzjoni ta’ oħrajn biex jikkommettu kwalunkwe mill-atti deskritti fis-subparagrafi (i), (ii), jew (iii);

(vii)

Il-kontribuzzjoni b'xi mod ieħor għall-kummissjoni ta' kwalunkwe mill-atti deskritti fis-subparagrafi (i), (ii), jew (iii);

(viii)

It-theddid li jitwettaq att deskritt fis-subparagrafu (i) taħt ċirkostanzi li jindikaw li t-theddida hija kredibbli;

(b)

Reati oħra li huma punibbli b’sentenza ta' priġunerija ta' tliet snin jew aktar u huma fin-natura transnazzjonali.

Reat huwa meqjus bħala transnazzjonali fin-natura b’mod partikolari jekk:

(i)

Jitwettaq f’aktar minn pajjiż wieħed;

(ii)

Jitwettaq f'pajjiż wieħed iżda parti sostanzjali tal-preparazzjoni, tal-ippjanar, id-direzzjoni jew il-kontroll tiegħu jseħħu f'pajjiż ieħor;

(iii)

Jitwettaq f'pajjiż wieħed iżda jinvolvi grupp kriminali organizzat li jwettaq attivitajiet kriminali f'aktar minn pajjiż wieħed;

(iv)

Jitwettaq f'pajjiż wieħed iżda għandu effetti sostanzjali f'pajjiż ieħor; jew

(v)

Jitwettaq f'pajjiż wieħed u min iwettaq ir-reat qiegħed jivvjaġġa jew għandu l-intenzjoni li jivvjaġġa lejn pajjiż ieħor.

2.   Il-PNR jista’ jintuża u jiġi pproċessat abbażi ta’ każ b’każ fejn ikun meħtieġ fid-dawl ta' theddida serja u għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali ta’ kwalunkwe individwu jew jekk ikun ordnat minn qorti.

3.   Il-PNR jista' jiġi użat u pproċessat mid-DHS sabiex jidentifika persuni li jistgħu jkunu suġġetti għal mistoqsijiet jew eżamijiet ddetaljati mal-wasla jew mat-tluq mill-Istati Uniti jew li forsi jkunu jeħtieġu iżjed eżami.

4.   Il-paragrafi 1, 2, u 3 għandhom ikunu bla ħsara għall-infurzar tal-liġi domestika, is-setgħat ġudizzjarji, jew il-proċedimenti, fejn ikun ġie skopert ksur ieħor tal-liġi jew indikazzjonijiet tagħhom matul l-użu u l-ipproċessar tal-PNR.

KAPITOLU II

SALVAGWARDJI APPLIKABBLI GĦALL-UŻU TAL-PNR

Artikolu 5

Sigurtà tad-Data

1.   Id-DHS għandu jiżgura li miżuri tekniċi adegwati u arranġamenti organizzattivi jiġu implimentati biex jipproteġu d-data personali u informazzjoni personali li tinsab fil-PNR kontra qerda aċċidentali, illegali jew mhux awtorizzata, telf, jew żvelar, alterazzjonijiet, aċċess, ipproċessar jew użu.

2.   Id-DHS għandu jagħmel użu xieraq tat-teknoloġija biex jiżgura l-protezzjoni tad-data, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-integrità. B’mod partikolari, id-DHS għandu jiżgura li:

(a)

il-proċeduri ta’ encryption, awtorizzazzjoni u dokumentazzjoni rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti jiġu applikati. B’mod partikolari, l-aċċess għall-PNR għandu jkun assigurat u limitat għal uffiċjali speċifikament awtorizzati;

(b)

Il-PNR għandu jinżamm f'ambjent fiżiku sikur u protett b’kontrolli kontra dħul mhux awtorizzat fiżiku; u

(c)

jeżisti mekkaniżmu li jiżgura li l-investigazzjonijiet dwar il-PNR jitwettqu b’mod konsistenti mal-Artikolu 4.

3.   Fil-każ ta’ vjolazzjoni tal-privatezza (inkluż aċċess mhux awtorizzat jew żvelar), id-DHS għandu jieħu miżuri raġjonevoli sabiex jinnotifika l-individwi affettwati kif xieraq, biex jitnaqqas ir-riskju ta’ ħsara ta’ żvelar mhux awtorizzat ta’ data personali u informazzjoni, u biex jiftaħ miżuri ta’ rimedju li huma teknikament prattikabbli kemm jista' jkun.

4.   Fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim, id-DHS għandu jinforma mingħajr dewmien lill-awtoritajiet Ewropej rilevanti dwar każijiet ta’ inċidenti sinifikanti relatati mal-privatezza li jinvolvu l-PNR ta’ ċittadini jew residenti tal-UE li jirriżultaw mill-qerda aċċidentali jew illegali jew telf aċċidentali, alterazzjoni, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, jew kwalunkwe forma llegali ta' pproċessar jew użu.

5.   L-Istati Uniti tikkonferma li miżuri effettivi ta’ infurzar amministrattiv, ċivili u kriminali huma disponibbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti għal inċidenti dwar il-privatezza. Id-DHS jista’ jieħu azzjoni dixxiplinari kif xieraq kontra persuni responsabbli għal kwalunkwe inċident dwar il-privatezza li tinkludi ċaħda ta’ aċċess għas-sistema, twissijiet formali, sospensjoni, demozzjoni jew tneħħija minn dmir.

6.   Kull aċċess għall-PNR, kif ukoll l-ipproċessar u l-użu tiegħu, għandu jkun irreġistrat jew dokumentat mid-DHS. Reġistrazzjonijiet jew dokumentazzjoni għandhom jintużaw biss għall-finijiet ta’ sorveljanza, verifika, u manutenzjoni tas-sistema jew kif meħtieġ mod ieħor bil-liġi.

Artikolu 6

Data Sensittiva

1.   Sal-punt li l-PNR ta’ passiġġier kif ikun miġbur jinkludi data sensittiva (jiġifieri, data personali u informazzjoni li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fit-trejdunjins, jew data dwar is-saħħa u l-ħajja sesswali tal-individwu), id-DHS għandu juża sistemi awtomatizzati għall-filtrazzjoni u l-protezzjoni ta’ data sensittiva mill-PNR. Barra minn hekk, id-DHS ma għandux jipproċessa b’mod ulterjuri jew juża tali data, ħlief skont il-paragrafi 3 u 4.

2.   Id-DHS għandu jipprovdi lill-Kummissjoni Ewropea fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim lista ta' kodiċi u termini li jidentifikaw data sensittiva li għandha tiġi ffiltrata.

3.   L-aċċess għal, kif ukoll l-ipproċessar u l-użu ta’, data sensittiva għandhom ikunu permessi f’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn il-ħajja ta’ individwu tista’ tkun ipperikolata jew indebolita serjament. Tali data tista’ tiġi aċċessata esklussivament bl-użu ta’ proċessi restrittivi abbażi ta’ każ b’każ bl-approvazzjoni ta’ maniġer anzjan tad-DHS.

4.   Id-data sensittiva għandha tiġi mħassra b’mod permanenti mhux aktar tard minn 30 jum mill-aħħar riċezzjoni tal-PNR li jinkludi tali data mid-DHS. Madankollu, data sensittiva tista’ tinżamm għaż-żmien speċifikat f’liġi tal-Istati Uniti għall-għan ta’ azzjoni speċifika ta’ investigazzjoni, prosekuzzjoni jew infurzar.

Artikolu 7

Deċiżjonijiet Individwali Awtomatizzati

L-Istati Uniti m’għandiex tieħu deċiżjonijiet li jipproduċu azzjonijiet negattivi sinifikanti li jaffettwaw l-interessi legali ta’ individwi abbażi biss ta’ proċessar u użu awtomatizzat tal-PNR.

Artikolu 8

Żamma ta’ Data

1.   Id-DHS iżomm il-PNR f’database attiva għal mhux aktar minn ħames snin. Wara l-ewwel sitt xhur ta’ dan il-perjodu, il-PNR għandu jiġi depersonalizzat u protett skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. L-aċċess għal din id-database attiva għandu, sakemm ma jkunx permess b’dan il-Ftehim, ikun ristrett għal numru limitat ta’ uffiċjali awtorizzati speċifikament.

2.   Sabiex tinkiseb d-depersonalizzazzjoni, informazzjoni identifikabbli personalment bħat-tipi ta' data tal-PNR li ġejjin għandha tiġi protetta:

(a)

isem (ismijiet);

(b)

ismijiet oħra fuq il-PNR;

(c)

l-informazzjoni kollha disponibbli dwar kuntatti (inkluża informazzjoni dwar l-oriġinatur);

(d)

Rimarki Ġenerali, inkluża informazzjoni supplimentari oħra (OSI), informazzjoni ta’ servizz speċjali (SSI), u talba għal servizz speċjali (SSR); u

(e)

kwalunkwe informazzjoni miġbura fis-Sistema ta’ Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri (APIS).

3.   Wara dan il-perjodu attiv, il-PNR għandu jiġi trasferit lejn database inattiva għal perjodu ta’ mhux aktar minn għaxar snin. Din id-database inattiva għandha tkun suġġetta għal kontrolli addizzjonali, inkluż numru aktar ristrett ta' persunal awtorizzat, kif ukoll livell ogħla ta’ approvazzjoni superviżorja meħtieġa qabel l-aċċess. F'din id-database inattiva, il-PNR m’għandux ikun personalizzat mill-ġdid minbarra b’konnessjoni ma’ operazzjonijiet ta’ infurzar tal-liġi u mbagħad f'konnessjoni biss ma’ każ, theddida jew riskju identifikabbli. Fir-rigward tal-għanijiet hekk kif stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), il-PNR ta' din id-database inattiva jista' jiġi ppersonalizza mill-ġdid biss għal perjodu ta' mhux aktar minn ħames snin.

4.   Wara l-perjodu ta’ inattività, id-data miżmuma għandha tiġi totalment anonimizzata billi jitħassru l-elementi kollha li jistgħu jservu sabiex jidentifikaw il-passiġġier li jirrelata miegħu l-PNR mingħajr il-possibbiltà ta’ personalizzazzjoni mill-ġdid.

5.   Id-data li hija relatata ma’ każ jew investigazzjoni speċifika tista’ tinżamm f'database attiva ta’ PNR sakemm il-każ jew l-investigazzjoni jiġu arkivjati. Dan il-paragrafu huwa mingħajr ħsara għal rekwiżiti taż-żamma tad-data għall-fajls ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni individwali.

6.   Il-Partijiet jaqblu li, fil-qafas tal-evalwazzjoni kif previst fl-Artikolu 23(1), il-ħtieġa ta' perjodu inattiv ta’ 10 snin ser tiġi kkunsidrata.

Artikolu 9

Nondiskriminazzjoni

L-Istati Uniti għanda tiżgura li s-salvagwardji applikabbli għall-ipproċessar u l-użu tal-PNR taħt dan il-Ftehim japplikaw għall-passiġġieri kollha fuq bażi ugwali mingħajr diskriminazzjoni illegali.

Artikolu 10

Trasparenza

1.   Id-DHS għandu jipprovdi informazzjoni lill-pubbliku li jivvjaġġa dwar l-użu u l-ipproċessar tal-PNR permezz ta’:

(a)

pubblikazzjonijiet fir-Reġistru Federali;

(b)

pubblikazzjonijiet fuq il-website tiegħu;

(c)

avviżi li jistgħu jiġu inkorporati mit-trasportaturi tal-ajru fil-kuntratti ta' trasport;

(d)

rapportar meħtieġ statutorjament lill-Kungress; u

(e)

miżuri oħra adegwati li jistgħu jiżviluppaw.

2.   Id-DHS għandu jippubblika u jipprovdi lill-UE għall-pubblikazzjoni possibbli l-proċeduri u l-modalitajiet tiegħu dwar l-aċċess, il-korrezzjoni jew ir-rettifika, u l-proċeduri ta’ rimedju.

3.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu mal-industrija tal-avjazzjoni biex jinkoraġġixxu viżibbiltà akbar għall-passiġġieri meta ssir il-prenotazzjoni dwar l-iskop tal-ġbir, l-ipproċessar u l-użu tal-PNR mid-DHS, u dwar kif issir talba għall-aċċess, il-korrezzjoni u r-rimedju.

Artikolu 11

Aċċess għall-Individwi

1.   Skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, kull individwu, irrispettivament min-nazzjonalità, pajjiż ta’ oriġini, jew il-post ta' residenza huwa intitolat li jitlob il-PNR tiegħu mid-DHS. Id-DHS għandu jipprovdi b’mod f’waqtu tali PNR suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

2.   L-iżvelar tal-informazzjoni inkluża fil-PNR jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet legali raġjonevoli, applikabbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti, inkluż kull limitazzjoni bħal din li tista’ tkun meħtieġa biex tkun salvagwardjata informazzjoni sensittiva dwar privatezza protetta, sigurtà nazzjonali, u infurzar tal-liġi.

3.   Kwalunkwe ċaħda jew restrizzjoni tal-aċċess għandha tkun stabbilita bil-miktub u pprovduta f'ħin f'waqtu lill-individwu li jkun talabha. Tali notifika għandha tinkludi l-bażi legali li fuqha l-informazzjoni ġiet miżmuma u għandha tinforma lill-individwu dwar l-għażliet disponibbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti biex ifittex rimedju.

4.   Id-DHS ma għandux jiżvela l-PNR lill-pubbliku, għajr lill-individwu li l-PNR tiegħu ġie pproċessat u użat jew lir-rappreżentant tiegħu jew tagħha, jew kif meħtieġ mil-liġi tal-Istati Uniti.

Artikolu 12

Korrezzjoni jew Rettifika għall-Individwi

1.   Kull individwu, irrispettivament min-nazzjonalità, il-pajjiż ta’ oriġini, jew il-post ta’ residenza jista’ jitlob il-korrezzjoni jew ir-rettifika, inkluż il-possibbiltà ta’ tħassir jew imblukkar, tal-PNR tiegħu mid-DHS skont il-proċessi deskritti f’dan il-Ftehim.

2.   Id-DHS għandu jinforma, bla dewmien żejjed, lill-individwu li għamel talba bil-miktub bid-deċiżjoni tiegħu jekk għandux jikkoreġi jew jirrettifika l-PNR inkwistjoni.

3.   Kwalunkwe ċaħda jew restrizzjoni ta’ korrezzjoni jew rettifika għandha titniżżel bil-miktub u tiġi pprovduta f'ħin f'waqtu lill-individwu li jkun għamel it-talba. Tali notifika għandha tinkludi l-bażi legali ta’ ċaħda jew restrizzjoni bħal din u għandha tinforma lill-individwu bl-għażliet disponibbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti biex ifittex rimedju.

Artikolu 13

Rimedju għall-Individwi

1.   Kwalunkwe individwu irrispettivament min-nazzjonalità, il-pajjiż ta' oriġini, jew il-post ta’ residenza tiegħu li d-data personali u l-informazzjoni personali tiegħu ġiet proċessata u użata b’mod inkonsistenti ma’ dan il-Ftehim jista’ jfittex rimedju amministrattiv u ġudizzjarju skont il-liġi tal-Istati Uniti.

2.   Kwalunkwe individwu huwa intitolat li jfittex li amministrattivament jikkontesta d-deċiżjonijiet tad-DHS relatati mal-użu u l-ipproċessar tal-PNR.

3.   Skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva u liġi applikabbli oħra, kwalunkwe individwu huwa intitolat għal petizzjoni għal reviżjoni ġudizzjarja fil-qorti federali tal-Istati Uniti fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni tal-aġenzija finali mid-DHS. Barra minn hekk, kwalunkwe individwu huwa intitolat għal petizzjoni għal reviżjoni ġudizzjarja skont il-liġi applikabbli u d-dispożizzjonijiet rilevanti ta':

(a)

l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni;

(b)

l-Att dwar Frodi u Abbuż Informatiċi;

(c)

l-Att dwar il-Privatezza tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi; u

(d)

dispożizzjonijiet applikabbli oħra tal-liġi tal-Istati Uniti.

4.   B’mod partikolari, id-DHS jipprovdi lill-individwi kollha mezz amministrattiv (attwalment il-Programm ta’ Inkjesta u Rimedju tal-Vjaġġatur DHS (DHS TRIP)) biex isolvi inkjesti relatati mal-ivvjaġġar inklużi dawk relatati mal-użu tal-PNR. Id-DHS TRIP jipprovdi proċess ta’ rimedju għall-individwi li jemmnu li sofrew dewmien jew li ġew ipprojbiti milli jitilgħu abbord ajruplan kummerċjali peress li ġew identifikati bħala theddida meta dan ma kienx minnu. Skont l-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva u t-Titolu 49, Kodiċi tal-Istati Uniti, Taqsima 46110, kwalunkwe tali individwu li jħossu aggravat huwa intitolat għal petizzjoni għal reviżjoni ġudizzjarja fil-qorti federali tal-Istati Uniti minn kull azzjoni tal-aġenzija finali mid-DHS fir-rigward ta' dan it-tħassib.

Artikolu 14

Sorveljanza

1.   Il-konformità mas-salvagwardji tal-privatezza f'dan il-Ftehim għandha tkun suġġetta għal reviżjoni indipendenti u sorveljanza mill-Uffiċjali dwar il-Privatezza tad-Dipartiment, bħall-Kap Uffiċjal tal-Privatezza tad-DHS, li:

(a)

għandhom rekord ippruvat tal-awtonomija;

(b)

jeżerċitaw setgħat effettivi ta’ sorveljanza, investigazzjoni, intervent, u reviżjoni;

(c)

għandhom is-setgħa li jirriferu ksur tal-liġi marbut ma’ dan il-Ftehim għall-prosekuzzjoni jew azzjoni dixxiplinarja, meta jkun xieraq.

Huma għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li l-ilmenti relatati ma’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan il-Ftehim jiġu rċevuti, investigati, imwieġba, u rimedjati b’mod xieraq. Dawn l-ilmenti jistgħu jitressqu minn kwalunkwe individwu, irrispettivament min-nazzjonalità, il-pajjiż ta’ oriġini, jew il-post ta’ residenza.

2.   Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-Istati Uniti għandha tkun suġġetta għal reviżjoni indipendenti u sorveljanza minn waħda jew aktar mill-entitajiet li ġejjin:

(a)

L-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali tad-DHS;

(b)

L-Uffiċċju tar-Responsabbiltà Governattiva kif stabbilit mill-Kungress; u

(c)

il-Kungress tal-Istati Uniti.

Sorveljanza bħal din tista’ tkun manifestata fis-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' rapporti pubbliċi, smigħ pubbliku, u l-analiżi.

KAPITOLU III

MODALITAJIET TA’ TRASFERIMENTI

Artikolu 15

Metodu ta’ Trażmissjoni tal-PNR

1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jittrasferixxu l-PNR lid-DHS bl-użu tal-metodu “push”, bi tkomplija tal-ħtieġa għall-preċiżjoni, il-puntwalità u l-kompletezza tal-PNR.

2.   It-trasportaturi tal-ajru għandhom jittrasferixxu l-PNR lid-DHS b’mezzi elettroniċi sikuri f’konformità mar-rekwiżiti tekniċi tad-DHS.

3.   It-trasportaturi tal-ajru għandhom jittrasferixxu l-PNR lid-DHS skont il-paragrafi 1 u 2, inizjalment 96 siegħa qabel it-tluq tat-titjira skedata u addizzjonalment jew f’ħin reali jew għal numru fiss ta’ trasferimenti ta’ rutina u skedati kif speċifikat mid-DHS.

4.   Fi kwalunkwe każ, il-Partijiet jaqblu li t-trasportaturi tal-ajru kollha għandhom jiksbu l-kapaċità teknika li jużaw il-metodu “push” mhux aktar tard minn 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

5.   Id-DHS jista’, fejn meħtieġ, abbażi ta’ każ b’każ, jirrikjedi li trasportatur tal-ajru jipprovdi l-PNR bejn jew wara t-trasferimenti regolari deskritti fil-paragrafu 3. Fejn it-trasportaturi tal-ajru ma jkunux jistgħu, għal raġunijiet tekniċi, jirrispondu b’mod f’waqtu għal talbiet skont dan l-Artikolu b’konformità mal-istandards tad-DHS,jew, f’ċirkostanzi eċċezzjonali sabiex tirrispondi għal theddida speċifika, urġenti, u serja, id-DHS jista’ jirrikjedi li t-trasportaturi tal-ajru jipprovdu b'mod ieħor tali aċċess.

Artikolu 16

Kondiviżjoni domestika

1.   Id-DHS jista’ jikkondividi l-PNR biss skont valutazzjoni bir-reqqa tas-salvagwardji li ġejjin:

(a)

Esklussivament b’mod konsistenti mal-Artikolu 4;

(b)

Ma’ awtoritajiet governattivi domestiċi biss meta jaġixxu fl-avvanz tal-użi msemmija fl-Artikolu 4;

(c)

L-awtoritajiet riċeventi għandhom japplikaw għas-salvagwardji ekwivalenti jew komparabbli tal-PNR kif stabbilit f'dan il-Ftehim; u

(d)

Il-PNR għandu jkun kondiviż ma' ħaddieħor biss b’appoġġ għal dawk il-każijiet taħt eżami jew investigazzjoni u skont fehim bil-miktub u l-liġi tal-Istati Uniti dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet governattivi domestiċi.

2.   Waqt it-trasferiment tal-informazzjoni analitika miksuba mill-PNR taħt dan il-Ftehim, is-salvagwardji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu rispettati.

Artikolu 17

Trasferiment ’il Quddiem

1.   L-Istati Uniti tista’ tittrasferixxi l-PNR lill-awtoritajiet governattivi kompetenti ta’ pajjiżi terzi biss taħt termini konsistenti ma’ dan il-Ftehim u biss wara li tiżgura li l-użu maħsub tar-riċevitur huwa konsistenti ma’ dawk it-termini.

2.   Minbarra ċirkostanzi ta’ emerġenza, kwalunkwe trasferiment tad-data bħal dan għandu jseħħ skont fehim espliċitu li jinkorpora protezzjonijiet tal-privatezza tad-data komparabbli ma’ dawk applikati għall-PNR mid-DHS kif stabbilit f'dan il-Ftehim.

3.   Il-PNR għandu jkun kondiviż biss b'appoġġ lejn dawk il-każijiet li huma taħt eżami jew investigazzjoni.

4.   Meta d-DHS ikun konxju li l-PNR ta’ ċittadin jew resident ta’ Stat Membru tal-UE ġie trasferit, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jiġu informati dwar il-kwistjoni ma' l-ewwel opportunità xierqa kmieni kemm jista' jkun.

5.   Waqt it-trasferiment ta’ informazzjoni analitika miksuba mill-PNR taħt dan il-Ftehim, is-salvagwardji stabbiliti fil-paragrafi 1sa 4 għandhom jiġu rispettati.

Artikolu 18

Pulizija, Infurzar tal-Liġi u Kooperazzjoni Ġudizzjarja

1.   Konsistentement mal-infurzar tal-liġi eżistenti jew ftehimiet oħra ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni jew arranġamenti bejn l-Istati Uniti u kwalunkwe Stat Membru tal-UE jew l-Europol u l-Eurojust, id-DHS għandu jipprovdi lill-pulizija kompetenti, awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi speċjalizzati jew awtoritajiet ġudizzjarji oħra tal-Istati Membri tal-UE u l-Europol u l-Eurojust fil-kompetenza tal-mandati rispettivi tagħhom, hekk kif ikun prattikabbli, rilevanti u xieraq, informazzjoni analitika miksuba mill-PNR f'dawk il-każijiet taħt eżami jew investigazzjoni sabiex jipprevjeni, jiskopri, jinvestiga jew iħarrek ġewwa l-Unjoni Ewropea reati terroristiċi jew delitti relatati jew kriminalità transnazzjonali kif deskritt fl-Artikolu 4(1)(b).

2.   Awtorità tal-pulizija jew ġudizzjarja ta’ Stat Membru tal-UE, jew l-Europol jew l-Eurojust, jistgħu jitolbu, fil-mandat tagħhom, aċċess għall-PNR jew informazzjoni analitika rilevanti miksuba mill-PNR li hija neċessarja f'każ speċifiku għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni, jew il-prosekuzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ reati terroristiċi jew delitti relatati jew kriminalità transnazzjonali kif deskritt fl-Artikolu 4(1)(b). Id-DHS għandu, suġġett għall-ftehimiet u l-arranġamenti indikati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jipprovdi din l-informazzjoni.

3.   Skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, id-DHS għandu jikkondividi l-PNR biss wara evalwazzjoni bir-reqqa tas-salvagwardji li ġejjin:

(a)

Esklussivament b’mod konsistenti mal-Artikolu 4;

(b)

Biss meta jaġixxi għat-tisħiħ tal-użi msemmija fl-Artikolu 4; u

(c)

L-awtoritajiet riċeventi għandhom jipprovdu lill-PNR salvagwardji ekwivalenti jew komparabbli kif stabbilit f'dan il-Ftehim.

4.   Waqt it-trasferiment ta’ informazzjoni analitika miksuba mill-PNR taħt dan il-Ftehim, is-salvagwardji stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 3 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu rispettati.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET IMPLIMENTATTIVI U FINALI

Artikolu 19

Adegwatezza

Fil-kunsiderazzjoni ta’ dan il-Ftehim u l-implimentazzjoni tiegħu, id-DHS għandu jitqies li jipprovdi, fis-sens tal-liġi tal-protezzjoni tad-data tal-UE, livell adegwat ta’ protezzjoni għall-ipproċessar u l-użu tal-PNR. F’dan ir-rigward, trasportaturi li pprovdew il-PNR lid-DHS f’konformità ma’ dan il-Ftehim għandhom jitqiesu li jkunu kkonformaw mar-rekwiżiti legali applikabbli fl-UE relatati mat-trasferiment ta’ tali data mill-UE lejn l-Istati Uniti.

Artikolu 20

Reċiproċità

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu b’mod attiv il-kooperazzjoni tat-trasportaturi fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom ma’ kwalunkwe sistema operattiva tal-PNR jew kif jistgħu jiġu adottati fil-ġurisdizzjonijiet tal-oħrajn, konsistenti ma’ dan il-Ftehim.

2.   Minħabba li t-twaqqif ta’ sistema tal-PNR tal-UE jista’ jkollu effett materjali fuq l-obbligi tal-Partijiet taħt dan il-Ftehim, jekk u meta sistema tal-PNR tal-UE tiġi adottata, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw biex jiddeterminaw jekk dan il-Ftehim jeħtieġ jew le li jiġi aġġustat kif xieraq biex jiżgura r-reċiproċità sħiħa. Tali konsultazzjonijiet għandhom b'mod partikolari jeżaminaw jekk xi sistema futura tal-PNR tal-UE tapplikax standards ta’ protezzjoni tad-data inqas stretti minn dawk previsti f'dan il-Ftehim, u jekk, għaldaqstant, dan il-Ftehim għandux jiġi emendat.

Artikolu 21

Implimentazzjoni u Non-Deroga

1.   Dan il-Ftehim m’għandux joħloq jew jagħti, taħt il-liġi tal-Istati Uniti, xi dritt jew benefiċċju lil kwalunkwe persuna jew entità, privata jew pubblika. Kull parti għandha tiżgura li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jiġu implimentati kif xieraq.

2.   Xejn f'dan il-Ftehim m’għandu jidderoga mill-obbligi eżistenti tal-Istati Uniti u l-Istati Membri tal-UE, inkluż taħt il-Ftehim dwar l-Assistenza Legali Reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-25 ta’ Ġunju 2003 u l-istrumenti bilaterali relatati ta’ għajnuna legali reċiproka bejn l-Istati Uniti u Istati Membri tal-UE.

Artikolu 22

Notifika ta’ Bidliet fil-Liġi Domestika

Il-Partijiet għandhom javżaw lil xulxin dwar l-approvazzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li materjalment taffettwa l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 23

Reviżjoni u Evalwazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom flimkien jirrivedu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu u b'mod regolari wara dan kif maqbul b’mod konġunt. Barra minn hekk, il-Partijiet għandhom jevalwaw dan il-Ftehim erba’ snin wara d-dħul tiegħu fis-seħħ.

2.   Il-Partijiet għandhom flimkien jiddeterminaw minn qabel il-modalitajiet u t-termini tar-reviżjoni konġunta u għandhom jikkomunikaw lil xulxin il-kompożizzjoni tat-timijiet rispettivi tagħhom. Għall-finijiet tar-reviżjoni konġunta, l-Unjoni Ewropea għandha tkun rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, u l-Istati Uniti għandhom ikunu rrappreżentati mid-DHS. It-timijiet jistgħu jinkludu esperti xierqa dwar il-protezzjoni tad-data u l-infurzar tal-liġi. Soġġetti għal-liġijiet applikabbli, il-parteċipanti fir-reviżjoni konġunta għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom il-permessi xierqa ta' sigurtà u biex jirrispettaw il-kunfidenzjalità tad-diskussjonijiet. Għall-finijiet tar-reviżjoni konġunta, id-DHS għandu jiżgura aċċess xieraq għad-dokumentazzjoni, is-sistemi, u l-persunal rilevanti.

3.   Wara r-reviżjoni konġunta, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Uniti għandha tingħata opportunità biex tipprovdi kummenti bil-miktub li għandhom ikunu mehmuża mar-rapport.

Artikolu 24

Riżoluzzjoni ta’ Disputi u Sospensjoni tal-Ftehim

1.   Kwalunkwe disputa li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u kwalunkwe kwistjoni marbuta miegħu, għandhom jagħtu lok għal konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet, bil-ħsieb li tintlaħaq riżoluzzjoni reċiprokament maqbula, inkluż billi tipprovdi opportunità għal kull Parti li tirrimedja fi żmien raġjonevoli.

2.   Fil-każ li l-konsultazzjonijiet ma jirriżultawx f’riżoluzzjoni tad-disputa, kwalunkwe Parti tista’ tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim b’notifika bil-miktub b’mezzi diplomatiċi, b’sospensjoni bħal din tidħol fis-seħħ 90 jum mid-data ta’ tali notifika, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor għal data effettiva differenti.

3.   Minkejja kull sospensjoni ta’ dan il-Ftehim, il-PNR kollha miksuba mid-DHS skont dan il-Ftehim qabel is-sospensjoni tiegħu għandhom ikomplu jiġu pproċessati u użati skont is-salvagwardji ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 25

Terminazzjoni

1.   Kull Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe żmien b’notifika bil-miktub b’mezzi diplomatiċi.

2.   It-terminazzjoni għandha tieħu effett 120 jum mid-data ta’ tali notifika, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor għal data effettiva differenti.

3.   Qabel kull terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin b’mod li jippermetti żmien biżżejjed biex tintlaħaq riżoluzzjoni reċiprokament maqbula.

4.   Minkejja kull terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-PNR kollha miksuba mid-DHS skont dan il-Ftehim qabel it-terminazzjoni tiegħu għandhom ikomplu jiġu pproċessati u użati skont is-salvagwardji ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 26

Tul ta’ żmien

1.   Soġġett għall-Artikolu 25, dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ seba’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.   Malli jiskadi l-perjodu stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, kif ukoll kwalunkwe perjodu sussegwenti ta’ tiġdid taħt dan il-paragrafu, il-Ftehim għandu jiġi mġedded għal perjodu sussegwenti ta’ seba’ snin sakemm waħda mill-Partijiet ma tinnotifikax lill-oħra bil-miktub b’mezzi diplomatiċi, mill-inqas tnax-il xahar bil-quddiem, bl-intenzjoni tagħha li ma ġġeddidx il-Ftehim.

3.   Minkejja l-iskadenza ta’ dan il-Ftehim, il-PNR kollha miksuba mid-DHS taħt it-termini ta’ dan il-Ftehim għandhom ikomplu jiġu proċessati u użati skont is-salvagwardji ta’ dan il-Ftehim. B’mod simili, il-PNR kollha miksuba mid-DHS skont it-termini tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR), minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS), iffirmat fi Brussel u f'Washington fit-23 u s-26 ta' Lulju, 2007, għandhom jitkomplew jiġu pproċessati u użati skont is-salvagwardji tal-Ftehim.

Artikolu 27

Dispożizzjonijiet finali

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu skambjaw in-notifiki li jindikaw li temmew il-proċeduri interni tagħhom għal dan l-iskop.

2.   Dan il-Ftehim, mid-data tad-dħul tiegħu fis-seħħ, għandu jieħu post il-Ftehim tat-23 u s-26 ta’ Lulju 2007.

3.   Dan il-Ftehim ser japplika biss għat-territorju tad-Danimarka, ir-Renju Unit jew l-Irlanda, jekk il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-Istati Uniti bil-miktub li d-Danimarka, ir-Renju Unit jew l-Irlanda għażlu li jkunu marbuta b’dan il-Ftehim.

4.   Jekk il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-Istati Uniti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim li dan ser japplika għat-territorju tad-Danimarka, ir-Renju Unit jew l-Irlanda, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju tal-Istat rilevanti fl-istess jum bħal dak ta' l-Istati Membri l-oħra tal-UE marbuta b’dan il-Ftehim.

5.   Jekk il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-Istati Uniti wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim li japplika għat-territorju tad-Danimarka, ir-Renju Unit jew l-Irlanda, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju tal-Istat rilevanti fl-ewwel jum wara r-riċezzjoni tan-notifika mill-Istati Uniti.

Magħmul fi Brussell, fl-erbatax-il jum ta' Diċembru fis-sena elfejn u ħdax, f'żewġ oriġinali.

Skont l-liġi tal-UE, dan il-Ftehim huwa mfassal mill-UE wkoll fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Olandiża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Svediża.

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Istati Uniti tal-Amerika

ANNESS

TIPI TA’ DATA TAL-PNR

1.

Kodiċi tal-lokalizzatur tar-reġistrazzjoni tal-PNR

2.

Data tal-prenotazzjoni/ħruġ tal-biljett

3.

Data(i) tal-ivvjaġġar previst

4.

Isem (Ismijiet)

5.

Informazzjoni disponibbli għal dawk li jtiru frekwentament u l-benefiċċji (jiġifieri, biljetti b’xejn, titjib tas-servizz, eċċ.)

6.

Ismijiet oħra fuq il-PNR, inkluż in-numru ta’ vjaġġaturi fuq il-PNR

7.

L-informazzjoni kollha disponibbli dwar kuntatti (inkluż informazzjoni dwar l-oriġinatur)

8.

L-informazzjoni kollha disponibbli dwar ħlas/ħruġ ta’ kontijiet (mhux inklużi dettalji oħra ta’ tranżazzjonijiet marbuta ma’ karta tal-kreditu jew kont u mhux marbuta mat-tranżazzjoni tal-ivvjaġġar)

9.

Itinerarju tal-ivvjaġġar għal PNR speċifiku

10.

Aġenzija tal-ivvjaġġar/aġent tal-ivvjaġġar

11.

Informazzjoni dwar kondiviżjoni ta’ kodiċi

12.

Informazzjoni maqsuma/diviża

13.

Stat tal-ivvjaġġar tal-passiġġier (inklużi konfermi u stat ta’ reġistrazzjoni)

14.

Informazzjoni dwar il-biljett, inkluż in-numru tal-biljett, biljetti ta’ mingħajr ritorn u Kwotazzjoni Awtomatizzata tal-Prezz tal-Biljett

15.

Informazzjoni dwar il-bagalji kollha

16.

Informazzjoni dwar is-sit, inkluż in-numru tas-sit

17.

Rimarki ġenerali inkluża informazzjoni taħt OSI, SSI u SS

18.

Kull informazzjoni miġbura fl-APIS

19.

Il-bidliet storiċi kollha għall-PNR elenkati fil-punti 1 sa 18


REGOLAMENTI

11.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/15


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 731/2012

tal-10 ta’ Awwissu 2012

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Awwissu 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

MK

45,6

TR

55,3

ZZ

50,5

0707 00 05

TR

100,7

ZZ

100,7

0709 93 10

TR

107,9

ZZ

107,9

0805 50 10

AR

95,1

TR

92,0

UY

83,5

ZA

101,6

ZZ

93,1

0806 10 10

EG

202,6

MA

168,7

MK

50,2

MX

186,3

TN

203,8

TR

142,8

ZZ

159,1

0808 10 80

AR

82,0

BR

97,8

CL

112,3

NZ

115,9

US

188,2

ZA

99,9

ZZ

116,0

0808 30 90

AR

129,0

CL

165,2

CN

91,7

NZ

165,5

TR

172,4

ZA

106,8

ZZ

138,4

0809 30

TR

158,1

ZZ

158,1

0809 40 05

BA

66,5

IL

69,8

ZZ

68,2


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta’ oriġini oħra”.


11.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/17


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 732/2012

tal-10 ta’ Awwissu 2012

li jemenda l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) Nru 971/2011 għas-sena tas-suq 2011/2012

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) [Regolament dwar l-OKS Unika] (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta' Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza tiegħu,

Billi:

(1)

L-ammonti tal-prezzijiet rappreżentattivi u tad-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux ipproċessat u ta' ċerti ġuleppijiet għas-sena tas-suq 2011/2012 ġew stabbiliti bir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 971/2011 (3). Dawn il-prezzijiet u dazji ġew modifikati l-aħħar bir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2012 (4).

(2)

L-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha llum, twassal biex dawn l-ammonti jiġu mmodifikati, skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006.

(3)

Minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat li din il-miżura tapplika malajr kemm jista' jkun wara li tkun disponibbli d-dejta aġġornata, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prezzijiet rappreżentattivi u d-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006, stabbiliti bir-Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) Nru 971/2011 għas-sena tas-suq 2011/2012, huma b'dan immodifikati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Awwissu 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

(3)  ĠU L 254, 30.9.2011, p. 12.

(4)  ĠU L 212, 9.8.2012, p. 17.


ANNESS

L-ammonti mmodifikati tal-prezzijiet rappreżentattivi u tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux ipproċessat u tal-prodotti bil-kodiċi NM 1702 90 95 , applikabbli mill-11 ta’ Awwissu 2012

(EUR)

Kodiċi NM

Ammont tal-prezz rappreżentattiv għal kull 100 kg nett tal-prodott ikkonċernat

Ammont tad-dazju addizzjonali għal kull 100 kg nett tal-prodott ikkonċernat

1701 12 10  (1)

39,31

0,00

1701 12 90  (1)

39,31

2,81

1701 13 10  (1)

39,31

0,00

1701 13 90  (1)

39,31

3,11

1701 14 10  (1)

39,31

0,00

1701 14 90  (1)

39,31

3,11

1701 91 00  (2)

48,19

3,01

1701 99 10  (2)

48,19

0,00

1701 99 90  (2)

48,19

0,00

1702 90 95  (3)

0,48

0,22


(1)  Stabbilit għall-kwalità standard kif iddefinita fl-Anness IV, il-punt III, tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(2)  Stabbilit għall-kwalità standard kif iddefinita fl-Anness IV, il-punt II, tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(3)  Stabbilit bħala 1 % tal-kontenut f'sukrożju.


LINJI GWIDA

11.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/19


LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta’ Lulju 2012

dwar TARGET2-Securities

(riformulazzjoni)

(BĊE/2012/13)

(2012/473/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 3.1, 12.1, 17, 18 u 22 tiegħu,

Billi:

(1)

Saru numru ta’ bidliet lil-Linja Gwida BĊE/2010/2 tal-21 ta’ April 2010 dwar TARGET2-Securities (1). Fl-interessi taċ-ċarezza dik il-Linja Gwida għandha tiġi riformulata.

(2)

Fis-6 ta’ Lulju 2006, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jesplora, f’kooperazzjoni mad-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs – Central Securities Depositories) u ma’ parteċipanti oħrajn fis-suq, il-possibbiltà li jitwaqqaf servizz ġdid tal-Eurosistema għas-saldu ta‘titoli fi flus ta’ bank ċentrali, li għandu jissejjaħ TARGET2-Securities (T2S). Bhala parti mill-kompiti tal-Eurosistema skont l-Artikoli 17, 18 u 22 tal-Istatut tas-SEBĊ, it-T2S għandu l-għan li jiffaċilita l-integrazzjoni ta’ wara n-negozju billi joffri saldu pan-Ewropew ta’ flus kontanti u titoli li huwa bażiku, newtrali u mingħajr konfini fi flus ta’ bank ċentrali sabiex CSDs ikunu jistgħu jipprovdu lill-klijenti tagħhom b’servizzi ta’ saldu abbażi ta’ konsenja mal-ħlas li huma armonizzati u ttrasformati f’komoditajiet f’ambjent tekniku integrat b’kapaċitajiet transkonfinali. Billi l-provvista ta’ flus ta’ bank ċentrali hija kompitu bażiku tal-Eurosistema, it-T2S għandu n-natura ta’ servizz pubbliku. Il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) taż-żona tal-euro ser jipprovdu servizzi ta’ ġestjoni tal-kollateral u ta’ saldu bi flus ta’ bank ċentrali fit-T2S.

(3)

Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ jagħti s-setgħa lill-Eurosistema biex ‘tiżgura sistemi ta’ clearing u ħlas fi ħdan l-Unjoni’. Barra minn dan, is-saldu fi flus ta’ bank ċentrali jevita r-riskji tal-likwidità u għalhekk huwa essenzjali għan-negozju ta’ wara b’saħħtu ta’ titoli, u għas-suq finanzjarju ġenerali.

(4)

Fis-17 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jniedi it-T2S u jipprovdi r-riżorsi meħtieġa sat-tlestija tiegħu. Abbażi ta’ offerta li saret mid-Deutsche Bundesbank, il-Banco de España, il-Banque de France u l-Banca d’Italia (minn issa ’l quddiem l-“4BĊ”), il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li t-T2S jiġi żviluppat u mħaddem mill-4BĊ.

(5)

Il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2012/6 tad-29 ta’ Marzu 2012 dwar it-twaqqif tal-Bord T2S u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2009/6 (2). Il-Bord T2S huwa korp ta’ mmaniġġar effiċjenti tal-Eurosistema li ser jiżviluppa proposti għall-Kunsill Governattiv fuq kwistjonijiet strateġiċi ewlenin u jeżegwixxi kompiti ta’ natura purament teknika. Il-mandat tal-Bord T2S li jinsab f’Anness I ta’ Deċizjoni BCE/2012/6, jirrappreżenta wieħed mill-pedamenti tal-governanza tat-T2S. Fl-istess waqt il-Bord T2S ġie fdat b’ċerti kompiti ta’ implimentazzjoni mill-banek ċentrali tal-Eurosistema sabiex ikun jista’ jkun operattiv għal kollox u jaġixxi f’isem l-Eurosistema kollha.

(6)

Din il-Linja Gwida tistabbilixxi b’mod partikolari l-pedamenti bażiċi tat-T2S fil-fażijiet tal-ispeċifikazzjoni, tal-iżvilupp u operattivi tiegħu. Ser ikollha jikkumplimentawha atti legali u arranġamenti kuntrattwali addizzjonali taħt ir-responsabbiltà aħħarija tal-Kunsill Governattiv hekk kif it-T2S jiġi żviluppat iktar.

Il-governanza interna tat-T2S hija bbażata fuq tliet livelli. Fuq l-ewwel livell ta’ governanza, it-teħid ta’ deċiżjonijiet finali fir-rigward tat-T2S huwa vestit fil-Kunsill Governattiv, li jassumi r-responsabbiltà kumplessiva għat-T2S u, taħt l-Artikolu 8 tal-Istatut tas-SEBC, huwa dak li jieħu d-deċiżjonijiet għall-Eurosistema kollha. Fuq it-tieni livell ta’ governanza, il-Bord T2S ġie stabbilit biex jassisti l-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-BĊE biex tiġi żgurata t-tlestija b’suċċess u fil-ħin tal-Programm T2S. Finalment, it-tielet livell ta’ governanza huwa pprovdut mill-4BĊ.

(7)

Peress illi s-servizzi tat-T2S huma offruti lil CSDs, lil BĊNi li mhumiex fiż-zona tal-euro u ‘l-banek ċentrali oħrajn fuq bażi ta’ arranġamenti kuntrattwali, huwa importanti illi r-relazzjoni magħhom tiġi strutturata matul l-iżvilupp, il-migrazzjoni u t-tħaddim sussegwenti tat-T2S. Għal dak il-għan twaqqfu Grupp ta’ Tmexxija tas-CSD u Grupp ta’ Tmexxija għall-Muniti li Mhumiex l-euro. Il-Gruppi tal-Utenti Nazzjonali huma forum għall-komunikazzjoni u l-interazzjoni ma’ fornituri u utenti ta’ servizzi ta’ saldu ta’ titoli fi ħdan is-suq nazzjonali tagħhom. Il-Grupp Konsultattiv tat-T2S huwa forum għall-komunikazzjoni u l-interazzjoni bejn l-Eurosistema u parteċipanti esterni fit-T2S.

(8)

It-T2S mhuwiex impriża kummerċjali u mhuwiex intiż biex jikkompeti ma’ CSDs jew ma’ xi parteċipant ieħor fis-suq. Għalhekk, filwaqt li r-reġim finanzjarju tat-T2S jimmira lejn l-irkupru tal-kostijiet kollha, is-servizzi tat-T2S ma jiġux ipprovduti għal profitt. Ittieħdet deċiżjoni interna dwar l-investiment totali fit-T2S għall-Eurosistema, filwaqt li d-deċiżjoni dwar l-ipprezzar tas-servizzi tat-T2S timmira lejn l-irkupru tal-kostijiet kollha. Barra minn dan, l-Eurosistema għandha tapplika strettament il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tas-CSDs, u jkollha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwi fost is-CSDs li jgħaddu l-pjattaforma għas-saldu tagħhom lit-T2S.

(9)

It-T2S huwa strument tekniku li mhux ser ikun disponibbli biss għas-saldu f’euro, imma ser ikun miftuħ ukoll għal BĊNi li mhumiex fiż-żona tal-euro u banek ċentrali oħra li jixtiequ jipparteċipaw billi jagħmlu l-munita tagħhom disponibbli għas-saldu fi flus ta’ bank ċentrali fit-T2S, kif stipulat f’din il-Linja Gwida,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   It-T2S għandu jkun ibbażat fuq pjattaforma teknika waħda integrata mas-sistemi ta’ saldu gross f’ħin reali tal-banek ċentrali. Għandu jkun servizz ipprovdut mill-Eurosistema lil CSDs li jippermetti tranżazzjonijiet għas-saldu ta’ titoli li huwa bażiku, newtrali u mingħajr konfini fuq bażi ta’ konsenja mal-ħlas fi flus ta’ bank ċentrali.

2.   Din il-Linja Gwida tistabbilixxi r-regoli dwar il-governanza interna tat-T2S. Hija tistabbilixxi wkoll il-karatteristiċi ewlenin tat-T2S, billi tiddefinixxi l-irwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Bord tat-T2S u tal-4BĊ, u r-relazzjonijiet bejniethom matul il-fażijiet tal-ispeċifikazzjoni, tal-iżvilupp u operattivi. Hija tispeċifika wkoll id-deċiżjonijiet ewlenin li għandhom jittieħdu fir-rigward tat-T2S mill-Kunsill Governattiv. Barra minn dan, din il-Linja Gwida tistipula l-prinċipji bażiċi għal dawn kollha li ġejjin fir-rigward tat-T2S: (a) ir-reġim finanzjarju, drittijiet u garanziji; (b) kif għandhom jiġu ddeterminati l-aċċess ta’ CSDs għat-T2S u r-relazzjonijiet kuntrattwali ma’ CSDs; (c) kif il-muniti li mhumiex l-euro jsiru eliġibbli għall-użu fit-T2S; (d) l-iżvilupp tat-T2S.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida:

(1)

“depożitorju ċentrali tat-titoli” (CSD – Central Securities Depository) tfisser entità li: (a) tagħmilha possibbli għal titoli biex ikunu stabbiliti u saldati permezz ta’ entrata fil-kont, u/jew iżżomm u tamministra titoli f’isem oħrajn permezz tal-provvista jew żamma ta’ kontijiet ta’ titoli; (b) tħaddem jew tipprovdi għal sistema ta’ saldu ta’ titoli skont Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (3) jew għal entitajiet li ma jinsabux fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti ekwivalenti għal Direttiva 98/26/KE u/jew li hija rregolata minn bank ċentrali; u (c) hija rikonoxxuta bħala CSD minn regolamenti u/jew leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew hija awtorizzata jew irregolata bħala tali minn awtorità kompetenti;

(2)

“konsenja mal-ħlas” tfisser mekkaniżmu għas-saldu ta’ titoli, li jorbot it-trasferiment ta’ titoli u t-trasferiment ta’ fondi b’mod li jiżgura li l-konsenja sseħħ biss jekk ikun sar il-ħlas korrispondenti;

(3)

“BĊN taż-żona tal-euro” tfisser il-BĊN ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(4)

“bank ċentrali tal-Eurosistema” tfisser jew BĊN taż-żona tal-euro jew il-BĊE, skont il-każ;

(5)

“Ftehim Qafas” tfisser il-qafas kuntrattwali li jidħlu fih CSD u l-Eurosistema għall-fażi tal-iżvilupp u dik operattiva;

(6)

“speċifikazzjonijiet funzjonali ġenerali” (GFS - general functional specifications) tfisser deskrizzjoni ġenerali funzjonali tal-applikazzjoni li għandha tiġi żviluppata biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-utent tat-T2S. Hija ser tinkludi elementi bhall-arkitettura funzjonali (domains, moduli u interazzjonijiet), il-mudelli kunċettwali, il-mudell tad-dejta jew il-proċess tal-fluss ta’ dejta;

(7)

“ftehim Livell 2-Livell 3”, tfisser il-ftehim dwar il-provvista u t-tħaddim innegozjat bejn il-Bord T2S u l-4BĊ, approvat mill-Kunsill Governattiv u sussegwentement iffirmat mil-banek ċentrali tal-Eurosistema u l-4BĊ, kif emendat fejn meħtieġ. Huwa fih id-dettalji addizzjonali dwar il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-4BĊ, il-Bord T2S u l-banek ċentrali tal-Eurosistema;

(8)

“BĊN li mhux fiż-żona tal-euro” tfisser il-BĊN ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro;

(9)

“fażi operattiva” tfisser il-perjodu ta’ żmien li jibda wara li l-ewwel CSD tkun imxiet għat-T2S;

(10)

«bank ċentrali ieħor” tfisser il-bank ċentrali ta’ pajjiż li huwa barra mill-Unjoni;

(11)

“skeda ta’ ħlas” tfisser skeda li tindika s-sekwenza ta’ ħlas għal ħlasijiet akkont tar-rimborż lill-4BĊ;

(12)

“ftehim tal-livell ta’ servizz” tfisser kemm il-ftehim li jiddefinixxi l-livell ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti mill-4BĊ lill-Eurosistema, kif ukoll il-ftehim li jiddefinixxi l-livell ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti mill-Eurosistema lis-CSDs, fir-rigward tat-T2S;

(13)

“fażi ta’ speċifikazzjoni u żvilupp” tfisser il-perjodu ta’ żmien li jibda bl-approvazzjoni tal-URD mill-Kunsill Governattiv u li jintemm bil-bidu tal-fażi operattiva;

(14)

“applikazzjoni ta’ negozju tat-T2S” tfisser is-software żviluppat u mħaddem mill-4BĊ f’isem l-Eurosistema bil-ħsieb li l-Eurosistema tkun tista’ tipprovdi servizzi T2S fuq il-pjattaforma tat-T2S;

(15)

“Proċedura tat-T2S għall-Ġestjoni tal-Bidla u tar-Rilaxx” tfisser sett ta’ regoli u proċeduri li jiġu applikati kull meta titnieda bidla fis-servizzi tat-T2S;

(16)

“pjattaforma tat-T2S” tfisser il-hardware u l-komponenti kollha tas-software, jiġifieri s-software kollu użat bl-esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ negozju tat-T2S, meħtieġa biex titmexxa u titħaddem l-applikazzjoni ta’ negozju tat-T2S;

(17)

“Programm T2S” tfisser is-sett ta’ attivitajiet relatati u deliverables meħtieġa għall-iżvilupp tat-T2S sakemm isseħħ il-migrazzjoni sħiħa tas-CSDs kollha li ffirmaw il-Ftehim Qafas u tal-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema, ta’ BĊNi li mhumiex fiż-żona tal-euro u ta’ banek ċentrali oħra;

(18)

“Bord T2S” tfisser il-korp ta’ manigment tal-Eurosistema stabbilit skont id-Deċiżjoni BĊE/2012/6, li għandu l-kompitu li jiżviluppa proposti għall-Kunsill Governattiv fuq kwistjonijiet strateġiċi ewlenin u li jeżegwixxi kompiti ta’ natura purament teknika fir-rigward tat-T2S;

(19)

“kont tal-proġett T2S” tfisser il-kont tat-T2S użat biex jinġabru u jitqassmu l-ħlasijiet akkont, ir-rimborż u l-miżati. Il-kont tal-proġett jista’ jkollu sub-kontijiet sabiex jigu mifrudin it-tipi differenti ta’ flussi ta’ flus kontanti. Huwa m’għandux natura baġitarja;

(20)

“Servizzi tat-T2S” tfisser is-servizzi li għandhom jingħataw mill-Eurosistema lil CSD u lil banek ċentrali abbażi tal-arranġamenti kuntrattwali li jkunu daħlu għalihom l-Eurosistema u s-CSDs, BĊNi mhux fiż-żona tal-euro, jew banek ċentrali oħra;

(21)

“Utenti tat-T2S” tfisser parteċipanti f’CSD, entitajiet legali jew individwi li għandhom relazzjoni kuntrattwali mas-CSD għall-ipproċessar tal-attivitajiet tagħhom relatati mas-saldu ta’ titoli fit-T2S, jew membri ta’ bank ċentrali, li l-munita tagħhom tista’ tintuża għall-ipproċessar relatat mas-saldu fit-T2S, li għandhom relazzjoni kuntrattwali mal-bank ċentrali għall-attivitajiet tagħhom ta’ pproċessar ta’ flus kontanti marbutin ma’ titoli fit-T2S;

(22)

“Speċifikazzjonijiet funzjonali dettaljati għall-utent (UDFS)” tfisser deskrizzjoni dettaljata tal-funzjonijiet li jimmaniġġjaw il-flussi esterni tad-dejta T2S, minn applikazzjoni għal applikazzjoni. Hija ser tinkludi l-informazzjoni meħtieġa għall-utenti biex jaġġustaw jew jiżviluppaw is-sistema ta’ informazzjoni interna tagħhom bil-ħsieb li jqabbduha mat-T2S;

(23)

“Manwal għall-utent” tfisser id-dokument li jiddeskrivi l-mod kif utenti tat-T2S jistgħu jużaw numru ta’ funzjonijiet ta’ software tat-T2S li huma disponibbli f’modalità (ibbazata fuq skrin) utent għal applikazzjoni;

(24)

“Dokument dwar il-ħtiġijiet tal-utent” (URD) tfisser id-dokument li jistabbilixxi l-ħtiġijiet tal-utent għat-T2S kif ippubblikat mill-BĊE fit-3 ta’ Lulju 2008 u kif emendat sussegwentement permezz tal-Proċedura tat-T2S għall-Ġestjoni tal-Bidla u tar-Rilaxx.

TAQSIMA II

GOVERNANZA TAT-T2S

Artikolu 3

Livelli ta’ governanza interna

Il-governanza interna tat-T2S għandha tkun ibbażata fuq tliet livelli. Livell 1 għandu jikkonsisti mill-Kunsill Governattiv, Livell 2 għandu jikkonsisti mill-Bord T2S u Livell 3 għandu jikkonsisti mill-4BĊ.

Artikolu 4

Il-Kunsill Governattiv

1.   Il-Kunsill Governattiv għandu jkun responsabbli għad-direzzjoni, il-maniġment kumplessiv u l-kontroll tat-T2S. Għandu jkun responsabbli wkoll għat-teħid ta’ deċiżjonijiet finali fir-rigward tat-T2S u għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni ta’ kompiti mhux attribwiti speċifikament lil-Livelli 2 u 3.

2.   B’mod partikolari, il-Kunsill Governattiv għandu jkollu l-kompetenzi li ġejjin:

(a)

responsabbiltà għall-governanza tat-T2S permezz tal-attivitajiet kollha li ġejjin:

(i)

li jiddeċiedi fuq kull kwistjoni dwar il-governanza tat-T2S; li jassumi r-responsabbiltà għat-T2S in ġenerali u għalhekk ikun dak li jieħu d-deċizjoni finali jekk tinqala’ xi kwistjoni;

(ii)

li jiehu deċizjonijiet, fuq bażi ad hoc, dwar kompiti assenjati lill-Bord T2S jew lill-4BĊ;

(iii)

li jalloka t-twettiq ta’ ħidmiet speċifiċi addizzjonali jew sussegwenti dwar it-T2S lill-Bord T2S u/jew lill-4BĊ, filwaqt li jiddetermina liema deċiżjonijiet dwarhom iżomm għalih innifsu;

(iv)

li jadotta kwalunkwe deċizjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-Bord T2S;

(b)

li jieħu ħsieb talbiet minn membri tal-Grupp Konsultattiv tat-T2S, il-Grupp ta’ Tmexxija għall-Muniti li Mhumiex l-euro (NECSG – Non-euro Currencies Steering Group) jew il-Grupp ta’ Tmexxija tas-CSD (CSG – CSD Steering Group) ippreżentati skont ir-regoli tal-grupp rispettiv;

(c)

li jiddeċiedi fuq ir-reġim finanzjarju bażika għat-T2S, jiġifieri:

(i)

il-politika dwar l-ipprezzar għal servizzi tat-T2S;

(ii)

il-metodoloġija tal-kost għat-T2S;

(iii)

l-arranġamenti finanzjarji skont l-Artikolu 12;

(d)

li jiddeċiedi dwar il-kriterji ta’ aċċess għas-CSD;

(e)

li jivvalida u jaċċetta l-Pjan tal-Programm T2S; jimmoniterja l-progress tal-Programm T2S u jiddeċiedi dwar mizuri biex jitnaqqas kull dewmien fl-implimentazzjoni tat-T2S;

(f)

li jiddeċiedi fuq l-aspetti operattivi bażiċi tat-T2S, jigifieri:

(i)

il-qafas operattiv tat-T2S, inkluż l-istrategija tal-ġestjoni ta’ inċidenti u kriżijiet;

(ii)

il-qafas tas-sigurtà ta’ informazzjoni tat-T2S;

(iii)

il-Proċedura tat-T2S għall-Ġestjoni tal-Bidla u tar-Rilaxx;

(iv)

l-istrateġija għall-ittestjar tat-T2S;

(v)

l-istrateġija ta’ migrazzjoni tat-T2S;

(vi)

il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tat-T2S;

(g)

li japprova l-qafas kuntrattwali bażiku, jigifieri:

(i)

il-ftehim bejn Livelli 2 u 3;

(ii)

il-ftehim tal-livell ta’ servizz li jiġu nnegozjati bejn il-Bord T2S u s-CSDs u l-banek ċentrali tal-Eurosistema kif ukoll mal-4BĊ;

(iii)

il-kuntratti mas-CSDs li jiġu nnegozjati mill-Bord T2S b’mod konġunt mal-banek ċentrali tal-Eurosistema u, min-naħa l-oħra, is-CSDs;

(iv)

il-kuntratti mal-BĊNi mhux fiż-żona tal-euro, banek ċentrali oħra jew awtoritajiet monetarji kompetenti oħra, inkluz il-ftehim tal-livell ta’ servizz rispettiv;

(h)

ir-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri xierqa biex jiġi żgurat infurzar ta’ regoli u prinċipji dwar is-sorveljanza;

(i)

li jiddeċiedi dwar id-data tal-bidu tal-ewwel migrazzjoni ta’ CSDs għat-T2S.

Artikolu 5

Il-Bord T2S

Il-kompożizzjoni u l-mandat tal-Bord T2S huma stabbiliti fid-Deċizjoni BĊE/2012/6. Il-Bord T2S għandu jkun inkarigat mill-kompiti assenjati lil-Livell 2 fi ħdan il-qafas ġenerali ddefinit mill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 6

L-4BĊ

1.   L-4BĊ għandhom jiżviluppaw u jħaddmu t-T2S u għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-organizzazzjoni interna tagħhom u l-allokazzjoni tax-xogħol lill-Bord T2S.

Il-4CB għandhom, b’mod partikolari, iwettqu l-kompiti kollha li ġejjin:

(a)

iħejju, abbażi tal-URD u tal-gwida tal-Bord T2S, il-GFS, l-UDFS u l-Manwali għall-Utent skont il-Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S;

(b)

jiżviluppaw u jibnu t-T2S f’isem l-Eurosistema, u jipprovdu l-komponenti tekniċi tat-T2S skont il-Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S u mal-URD, il-GFS u l-UDFS u speċifikazzjonijiet u livelli ta’ servizz oħra;

(c)

jagħmlu t-T2S disponibbli lill-Bord T2S skont iż-żmien, l-ispeċifikazzjonijiet u l-livelli ta’ servizz approvati;

(d)

jissottomettu dawn li ġejjin lill-Bord T2S għall-finijiet tal-arranġamenti finanzjarji tat-T2S skont l-Artikolu 12:

(i)

stima, f’forma li tista’ tiġi evalwata u/jew ivverifikata mill-kumitat relevanti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) jew tal-Eurosistema u/jew minn awdituri esterni, tal-ispejjeż li se jeħlu fl-iżvilupp u t-tħaddim tat-T2S;

(ii)

offerta finanzjarja, li tinkludi t-tip, l-iskeda tal-hlas kif ukoll il-perijodu ta’ zmien kopert;

(e)

jiksbu l-liċenzji kollha meħtieġa biex jinbena u jitħaddem it-T2S u biex l-Eurosistema tista’ tkun f’pożizzjoni li tipprovdi servizzi tat-T2S lil CSDs;

(f)

jimplimentaw bidliet fit-T2S skont il-Proċedura tat-T2S għall-Ġestjoni tal-Bidla u tar-Rilaxx;

(g)

jipprovdu tweġibiet fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom għal talbiet ifformulati mill-Kunsill Governattiv jew mill-Bord T2S;

(h)

jipprovdu taħriġ, appoġġ tekniku u operattiv għal testijiet u għal migrazzjoni, taht il-koordinazzjoni tal-Bord T2S;

(i)

jinnegozjaw kwalunkwe emendi għall-ftehim Livell 2-Livell 3 mal-Bord T2S.

2.   L-4BĊ għandhom ikunu responsabbli in solidum fil-konfront tal-Eurosistema għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Ir-responsabbiltà għandha tkopri l-frodi, l-aġir doluż u t-traskuraġni grossa. Ir-reġim tar-responsabbiltà għandu jiġi speċifikat aktar fil-ftehim Livell 2-Livell 3.

3.   L-outsourcing jew is-subappaltar tax-xogħol ta’ hawn fuq mill-4BĊ lil fornituri esterni għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-4BĊ lejn l-Eurosistema u partijiet interessati oħra li għandhom interess u għandu jkun trasparenti għall-Bord T2S.

Artikolu 7

Relazzjonijiet ma’ partijiet interessati esterni

1.   Il-Grupp Konsultattiv tat-T2S huwa forum għall-komunikazzjoni u l-interazzjoni bejn l-Eurosistema u parteċipanti interessati esterni fit-T2S. Il-Grupp Konsultattiv tat-T2S għandu jagħti parir lill-Bord T2S u jista’, f’każijiet eċċezzjonali, iressaq kwistjonijiet għall-attenzjoni tal-Kunsill Governattiv.

2.   Il-Grupp Konsultattiv tat-T2S għandu jiġi ppresedut mill-president tal-Bord T2S. Il-kompożizzjoni u l-mandat tal-Grupp Konsultattiv tat-T2S huma stipulati fl-Anness.

3.   Il-Grupp Konsultattiv għandu jwettaq il-funzjoni tiegħu skont ir-Regoli ta’ Proċedura li huma mħejjija mill-Grupp Konsultattiv tat-T2S u approvati mill-Bord T2S.

4.   Il-CSG huwa l-korp ta’ governanza tat-T2S li, fir-rigward ta’ sett ta’ kwistjonijiet stipulati fil-Ftehim Qafas, għandu jagħmel riżoluzzjonijiet u jagħti opinjonijiet f’isem CSDs li jkunu ffirmaw il-Ftehim Qafas. Il-mandat tal-CSG huwa anness mal-Ftehim Qafas.

5.   In-NECSG huwa l-korp ta’ governanza tat-T2S li, fir-rigward ta’ sett ta’ kwistjonijiet stipulati fil-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita, għandu jagħmel riżoluzzjonijiet u jagħti opinjonijiet f’isem BĊNi li mhux fiż-żona tal-euro u banek ċentrali oħra li jkunu ffirmaw il-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita. Il-mandat tan-NECSG huwa anness mal-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita.

6.   Il-Gruppi ta‘ Utenti Nazzjonali huma forum għall-komunikazzjoni u interazzjoni ma’ fornituri u utenti ta’ servizzi tas-saldu ta’ titoli fi ħdan is-suq nazzjonali tagħhom, biex jappoġġaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tat-T2S u biex jiġi vvalutat l-impatt tat-T2S fis-swieq nazzjonali. Bħala regola, il-Gruppi ta‘ Utenti Nazzjonali għandhom ikunu ppreseduti mill-BĊNi rispettivi. Il-kompożizzjoni u l-mandat tal-Gruppi ta‘ Utenti Nazzjonali huma stipulati fl-Anness.

Artikolu 8

Governanza tajba

1.   Sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess bejn il-provvista ta’ servizzi tat-T2S mill-Eurosistema u l-funzjonijiet regolatorji tal-Eurosistema, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li:

(a)

membri tal-Bord T2S m’humiex involuti direttament fis-sorveljanza tat-T2S jew ta’ CSDs li jesternalizzaw l-operazzjonijiet ta’ saldu lit-T2S. Huma ma jistgħux ikunu parti minn kumitat tal-Eurosistema/SEBĊ li għandu kwalunkwe minn dawn ir-responsabbiltajiet ta’ sorveljanza. Huma m’għandhomx ikunu parti mill-Kumitat tat-Tmexxija IT tal-Eurosistema (EISC – Eurosystem IT Steering Commtitee) jew tal-Kumitat tal-Verifika Interna; u

(b)

ikun hemm distinzjoni bejn is-sorveljanza tat-T2S u l-attivitajiet operattivi tat-T2S.

2.   Il-Bord T2S għandu jkun suġġett għall-obbligi ta’ rapportar, kontroll u verifika, kif definit f’din il-Linja Gwida. Verifiki fir-rigward tal-iżvilupp, it-tħaddim u l-kost tat-T2S għandhom jinbdew u jitmexxew abbażi tal-prinċipji u l-arranġamenti stipulati fil-politika ta’ verifika tas-SEBĊ tal-Kunsill Governattiv fis-seħħ fiż-żmien meta sseħħ il-verifika rilevanti.

Artikolu 9

Kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni

1.   L-4BĊ u l-Bord T2S għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, jiskambjaw informazzjoni u jipprovdu appoġġ tekniku u ta’ natura oħra lil xulxin matul l-iżvilupp u t-tħaddim tat-T2S.

2.   L-4BĊ, il-banek ċentrali l-oħra tal-Eurosistema u l-Bord T2S għandhom jinfurmaw lil xulxin minnufih dwar kwalunkwe kwistjonijiet li jistgħu jaffettwaw materjalment l-iżvilupp jew il-bini u t-tħaddim tat-T2S, u għandhom jipprovaw itaffu kull riskju relatat.

3.   Il-Bord T2S għandu jirrapporta fuq bażi regolari lill-Kunsill Governattiv dwar l-iżvilupp tal-Programm T2S u t-tħaddim tat-T2S. Dawn ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-EISC, li jista’ jagħti parir lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet. Il-Kumitat għas-Sistemi ta’ Ħlas u Saldu (PSSC - Payment and Settlement Systems Commtitee) għandu jirċievi r-rapporti għal finijiet ta’ informazzjoni.

4.   Il-Bord T2S għandu jaqsam l-aġendi, is-sommarji u d-dokumentazzjoni rilevanti tal-laqgħat tiegħu mal-membri tal-PSSC, sabiex dawk il-membri jitħallew jagħtu kontribut jekk meħtieġ.

5.   Il-Bord T2S jista’ jikkonsulta, u jista’ jiġi kkonsultat minn, kwalunkwe kumitat kompetenti tas-SEBĊ kif meħtieġ.

6.   L-4BĊ għandhom jipprovdu rapporti regolari fuq il-Programm T2S u dwar l-operat tat-T2S lill-Bord T2S.

7.   Il-kontenut u l-proċedura dettaljata għall-obbligi ta’ rapportar tal-Bord T2S u tal-4BĊ għandhom ikunu spjegati fid-dettall fil-ftehim Livell 2-Livell 3.

TAQSIMA III

REĠIM FINANZJARJU

Artikolu 10

Politika tal-ipprezzar

Il-politika tal-ipprezzar għat-T2S għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji bażiċi tan-nuqqas ta’ qligħ, tal-irkupru sħiħ tal-kost u tan-nondikriminazzjoni fil-konfront tas-CSDs.

Artikolu 11

Metodoloġija tal-kost u l-kontabilità

1.   It-T2S għandu jkun suġġett għall-metodoloġija komuni tal-kost tal-Eurosistema u għal-Linja Gwida BĊE/2010/20 tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rappurtar finanzjarju fis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (4), sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix mod ieħor.

2.   Il-Bord T2S għandu, fi stadju bikri ħafna, jinvolvi ‘l-kumitati relevanti tas-SEBĊ/tal-Eurosistema fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni korretta ta’:

(a)

il-metodoloġija komuni tal-kost tal-Eurosistema fil-kuntest tal-estimi tal-kost tat-T2S u l-kalkolu tal-ispejjeż annwali tat-T2S; u

(b)

il-Linja Gwida BĊE/2010/20 mill-BĊE u l-4BĊ fil-kuntest tal-kost tat-T2S u r-rikonoxximent tal-attiv.

Artikolu 12

Arranġamenti finanzjarji

1.   Il-Bord T2S għandu jippreżenta proposta dwar l-aġġustar tar-reġim finanzjarju tat-T2S lill-Kunsill Governattiv, li għandha tinkludi l-kost tat-T2S, jiġifieri l-kostijiet tal-4BĊ u tal-BĊE għall-iżvilupp, il-manteniment u l-operat tat-T2S.

2.   Il-proposta għandha tinkludi wkoll:

(a)

it-tip tal-offerta;

(b)

l-iskeda tal-ħlas;

(c)

il-perjodu ta’ żmien kopert;

(d)

il-mekkaniżmu biex jinqasam il-kost;

(e)

il-kost tal-kapital.

3.   Il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi dwar ir-reġim finanzjarju tat-T2S.

Artikolu 13

Ħlasijiet

1.   Għandu jkun hemm kont tal-proġett T2S miżmum għand il-BĊE f’isem l-Eurosistema. Il-kont tal-proġett T2S m’għandux ikollu natura baġitarja iżda għandu jintuża sabiex jinġabru u jitqassmu il-ħlasijiet bil-quddiem kollha marbutin mal-kost tat-T2S, ħlasijiet akkont u rimborżi, kif ukoll il-miżati għall-użu tat-T2S.

2.   Il-Bord T2S għandu jiġġestixxi l-kont tal-proġett T2S f’isem l-Eurosistema. Bla ħsara għall-validazzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ dak li jrid jiġi kkonsenjat mill-4BĊ, il-Bord T2S għandu japprova l-pagament ta’ kull hlas akkont lill-4BĊ, skont l-iskeda tal-ħlas miftehma approvata mill-Kunsill Governattiv u stipulata fil-ftehim Livell 2-Livell 3.

Artikolu 14

Id-drittijiet tal-Eurosistema għat-T2S

1.   L-applikazzjoni tan-negozju tat-T2S għandha tkun kollha l-proprjetà tal-Eurosistema.

2.   Għal dan il-għan, l-4BĊ għandhom jagħtu lill-Eurosistema liċenzji fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali meħtieġa biex l-Eurosistema tkun tista’ tipprovdi l-firxa sħiħa ta’ servizzi tat-T2S lil CSDs taħt ir-regoli applikabbli u l-livelli ta’ servizz komuni u fuq bażi ugwali. L-4BĊ għandhom jikkumpensaw lill-Eurosistema għal kwalunkwe talba dwar ksur imqajma minn partijiet terzi fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

3.   Id-dettalji fir-rigward tad-drittijiet tal-Eurosistema għat-T2S għandhom ikunu miftehma bejn l-4BĊ u l-Bord T2S fil-ftehim Livell 2-Livell 3. Id-drittijiet tal-awtoritajiet li jkunu ffirmaw ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-munita kif definit fl-Artikolu 18 għandhom ikunu stabbiliti f’dan il-ftehim.

TAQSIMA IV

DEPOŻITORJI ĊENTRALI TAT-TITOLI

Artikolu 15

Kriterji ta’ aċċess għal CSD

1.   CSDs għandhom ikunu eliġibbli għall-aċċess għas-servizzi tat-T2S sakemm huma:

(a)

ikunu ġew innotifikati skont Artikolu 10 ta’Direttiva 98/26/KE jew, f’każ ta’ CSD minn ġuriżdizzjoni li mhix fiż-ŻEE, joperaw taħt qafas legali u regolatorju illi huwa ekwivalenti għal dak fis-seħħ fl-Unjoni;

(b)

ikunu ġew ivvalutati b’mod pożittiv mill-awtoritajiet kompetenti fil-konfront tar-Rakkomandazzjonijiet għas-Sistema tas-Saldu ta’ Titoli tas-CESR/SEBC;

(c)

wara li jkunu ntalbu jagħmlu dan, ikunu poġġew għad-dispożizzjoni ta’ CSDs oħra fit-T2S kull titolu/ISIN li tagħhom ikunu CSD emittent (jew CSD emittent tekniku);

(d)

jintrabtu li joffru lil CSDs oħra fit-T2S servizz bażiku ta’ kustodja fuq bażi nondiskriminatorja;

(e)

jintrabtu ma’ CSDs oħra fit-T2S li jwettqu s-saldu tal-flus tal-bank ċentrali tagħhom fit-T2S, jekk il-munita hija disponibbli fit-T2S.

2.   Ir-regoli fir-rigward tal-kriterji ta’ aċċess għal CSDs huma stabbiliti fid-Deċiżjoni BĊE/2011/20 tas-16 ta’ Novembru 2011 li tistabbilixxi regoli u proċeduri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà biex id-depożitorji ċentrali tat-titoli jaċċessaw servizzi tat-TARGET2-Securities (5), u għandhom ikunu implimentati fil-ftehim kuntrattwali bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema u s-CSDs.

3.   Il-BĊE għandu jżomm lista fuq il-websajt tiegħu li tidentifika lis-CSDs ammessi biex jagħmlu saldu fit-T2S.

Artikolu 16

Relazzjonijiet kuntrattwali ma’ CSDs

1.   Il-kuntratti bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema u s-CSDs, inkluż il-ftehim tal-livell ta’ servizz, għandhom ikunu armonizzati kompletament.

2.   Il-Bord T2S, b’mod konġunt mal-banek ċentrali tal-Eurosistema, għandu jinnegozja l-emendi għall-kuntratti mas-CSDs.

3.   Il-kuntratti mas-CSDs u l-emendi li jsirulhom għandhom ikunu approvati mill-Kunsill Governattiv u wara ffirmati mill-bank ċentrali tal-Eurosistema tal-pajjiż fejn tinsab is-sede tas-CSD, jew mill-BĊE għal CSDs li jinsabu barra ż-żona tal-euro, f’kull każ waqt li jaġixxu f’isem jew bħala rappreżentant tal-banek ċentrali tal-Eurosistema kollha. Fir-rigward tal-Irlanda, il-kuntratt jigi ffirmat mill-bank ċentrali tal-Eurosistema tal-Istat Membru li jkun innotifika s-sistema ta’ saldu ta’ titoli skont Artikolu 10 tad-Direttiva 98/26/KE.

Artikolu 17

Konformità mar-rekwiziti regolatorji

1.   Il-Bord għall-Programm T2S għandu jkollu l-għan li jappoġġa konformità kontinwa minn CSDs mar-rekwiżiti legali, regolatorji u ta’ sorveljanza rilevanti.

2.   Il-Bord T2S għandu jikkunsidra jekk il-BĊE għandux joħroġ rakkomandazzjonijiet sabiex irawwem adattamenti leġiżlattivi biex jiġu żgurati drittijiet ta’ aċċess ugwali għas-servizzi tat-T2S minn CSDs, u jsiru proposti fir-rigward tagħhom lill-Kunsill Governattiv.

TAQSIMA V

MUNITI LI MHUX L-EURO

Artikolu 18

Kundizzjonijiet ta’ eliġibilità għall-inklużjoni fit-T2S

1.   Munita taż-ŻEE li mhux l-euro għandha tkun eliġibbli għall-użu fit-T2S sakemm il-BĊN li mhux fiż-żona tal-euro, bank ċentrali ieħor jew awtorità oħra responsabbli għal dik il-munita jkunu daħlu fi ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-munita mal-Eurosistema u li l-Kunsill Governattiv ikun approva l-eliġibbiltà ta’ dik il-munita.

2.   Munita li ma tkunx munita taż-ŻEE għandha tkun eliġibbli għall-użu fit-T2S sakemm il-Kunsill Governattiv ikun approva l-eliġibiiltà ta’ dik il-munita, jekk:

(a)

il-qafas legali, regolatorju u ta’ sorveljanza applikabbli għas-saldu f’dik il-munita jipprovdi sostanzjalment l-istess livell ta’ ċertezza jew ogħla bħal dak fis-seħħ fl-Unjoni;

(b)

l-inkluzjoni ta’ dik il-munita fit-T2S ikollha impatt pożittiv fuq il-kontribut tat-T2S fis-suq tas-saldu tat-titoli tal-Unjoni;

(c)

il-bank ċentrali l-ieħor jew awtorità oħra responsabbli għal dik il-munita jidħlu fi ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-munita sodisfaċenti reċiprokament mal-Eurosistema.

3.   Skont il-mandat tal-Bord T2S, BĊNi mhux fiż-żona tal-euro u banek ċentrali oħra jistgħu jkunu rrappreżentati fil-Bord T2S.

TAQSIMA VI

ŻVILUPP TAL-PROGRAMM T2S

Artikolu 19

Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S

1.   Fuq il-bażi proposti magħmulin mill-Bord T2S, il-Kunsill Governattiv għandu jivvaluta, jivvalida u jaċċetta emendi għall-Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S.

2.   Il-Bord T2S għandu jistabbilixxi pjan operattiv fuq il-bażi tal-Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S. Il-pjan operattiv u l-aġġornamenti tiegħu għandhom ikunu ppubblikati u kkomunikati lil parteċipanti interessati fit-T2S ikkonċernati.

3.   Jekk hemm riskju serju li mhux ser jinkiseb stadju fil-Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S, il-Bord T2S għandu jinforma minnufih lill-Kunsill Governattiv b’dan, u jipproponi miżuri biex jitnaqqas kull dewmien fl-implimentazzjoni tat-T2S.

TAQSIMA VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Ftehim Livell 2-Livell 3

1.   Bla ħsara għal din il-Linja Gwida, ftehim Livell 2-Livell 3 għandu jipprovdi għad-dettalji addizzjonali tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-4BĊ, il-Bord T2S u l-banek ċentrali tal-Eurosistema.

2.   Il-ftehim Livell 2-Livell 3 u l-abbozz tal-emendi tiegħu għandhom ikunu ppreżentati għall-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv u mbagħad iffirmati mill-Eurosistema u l-4CB.

Artikolu 21

Soluzzjoni ta’ tilwim

1.   Jekk tilwima fir-rigward ta’ kwistjoni rregolata minn din il-Linja Gwida ma tkunx tista’ tiġi solvuta bi ftehim bejn il-partijiet milqutin, kull parti milquta tista’ tippreżenta l-kwistjoni lill-Kunsill Governattiv għal deċiżjoni.

2.   Il-ftehim Livell 2-Livell 3 għandu jistipola illi l-Bord T2S jew l-4BĊ jistgħu jressqu kull tilwima li tinqala’ mill-ftehim Livell 2-Livell 3 lill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 22

Tħassir

1.   Il-Linja Gwida BĊE/2010/2 hija mħassra.

2.   Referenzi għal-Linja Gwida mħassra għandhom jinftehmu bħala referenzi għal din il-Linja Gwida.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ jumejn wara l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 24

Indirizzati u miżuri implimentattivi

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 65.

(2)  ĠU L 117, 1.5.2012, p. 13.

(3)  ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45.

(4)  ĠU L 35, 9.2.2011, p. 31.

(5)  ĠU L 319, 2.12.2011, p. 117.


ANNESS

GRUPP KONSULTATTIV TAT-T2S

MANDAT

1.   Preambolu u għanijiet

B’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, l-Eurosistema timmira li toffri is-servizzi tat-TARGET2-Securities (T2S) tagħha lil depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) u lil banek ċentrali fl-Ewropa. Is-servizzi tat-T2S jippermettu tranżazzjonijiet ta’ saldu ta’ titoli li huma ċentrali, newtrali u mingħajr konfini fuq bażi ta’ konsenja mal-ħlas fi flus ta’ bank ċentrali. Dan jitwettaq fuq pjattaforma teknika waħda integrata mas-sistemi ta’ saldu gross f’ħin reali ta’ bank ċentrali għall-muniti parteċipanti kollha.

Bil-ħsieb li jiġu pprovduti s-servizzi tat-T2S, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), bħala l-korp aħħari fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-Eurosistema, waqqaf il-Grupp Konsultattiv tat-T2S (AG - T2S Advisory Group) biex jiżgura illi t-T2S ikompli jaqdi l-ħtiġijiet tas-suq. L-AG iżomm l-irwol tiegħu bħala korp konsultattiv għall-Eurosistema għall-kwistjonijiet kollha relatati mat-T2S. Huwa jista’ jagħti pariri wkoll lill-Grupp ta’ Tmexxija tas-CSD u lill-Grupp ta’ Tmexxija tal-Muniti li Mhux l-Euro.

2.   Responsabbiltajiet u kompiti

L-AG huwa responsabbli biex:

jappoġġa l-konsistenza tal-ambitu tas-sett ta’ dokumenti li jiddefinixxu t-T2S, b’mod partikolari l-konformità sħiħa tagħhom mad-dokument dwar il-ħtiġijiet tal-utent;

jappoġġa r-rieżami tal-Eurosistema u l-prijoritizzazzjoni ta’ talbiet għal tibdil għas-sett ta’ dokumenti li jiddefinixxu l-ambitu tat-T2S, skont il-proċeduri applikabbli speċifikati fl-Iskedi tal-Ftehim Qafas (FQ) dwar “Il-Governanza” u “Il-Ġestjoni tal-Bidla u tar-Rilaxx”;

jappogga lill-Eurosistema fi kwalunkwe aġġustament għall-qafas dwar l-ipprezzar;

ikompli jrawwem ix-xogħol fuq l-armonizzazzjoni fil-qasam tas-saldu tat-titoli fir-rigward tat-T2S u jappoġġa l-isforzi fl-implimentazzjoni fis-suq;

jagħti pariri dwar deċiżjonijiet li jridu jittieħdu mill-Kunsill Governattiv, il-Bord T2S, il-Grupp ta’ Tmexxija tas-CSD u l-Grupp ta’ Tmexxija tal-Muniti li Mhumiex l-Euro li, fil-fehma tal-Bord T2S, għandhom implikazzjonijiet għall-utenti tat-T2S;

jagħti parir dwar prattiċi u politika li jikkontribwixxu għal implimentazzjoni tat-T2S fl-ambjent tat-T2S wara n-negozju li huwa effettiv u kost-effiċjenti;

jagħti parir dwar kwistjonijiet operattivi;

jagħti parir meta jinqalgħu tilwimiet bejn l-Eurosistema u CSD waħda jew aktar u/jew bejn l-Eurosistema u wieħed jew aktar mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) li mhux fiż-żona tal-euro, skont il-proċeduri għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-FQ u l-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita (CPA – Currency Participation Agreement).

Kull membru sħiħ individwali tal-AG jista’:

joffri parir dwar kwistjonijiet relatati mat-T2S;

jibda talba għal tibdil skont il-proċedura fl-Iskeda tal-FQ dwar “Il-Ġestjoni tal-Bidla u tar-Rilaxx”.

3.   Kompożizzjoni u mandat

L-AG huwa kompost mill-President, is-Segretarju, membri sħaħ u osservaturi.

L-AG huwa ppresedut mill-President tal-Bord T2S. Is-Segretarju tal-AG huwa membru tal-persunal tal-BĊE b’livell ta’ esperjenza għoli u jinħatar mill-President tal-AG. Il-BĊE jipprovdi lis-Segretarju tal-AG b’appoġġ operattiv u segretarjali. Il-President tal-AG jista’ jinnomina persuna alternattiva biex tieħu post is-Segretarju tal-AG f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

Rappreżentant ta’ kwalunkwe wieħed mill-gruppi segwenti huwa eliġibbli sabiex ikun membru sħiħ tal-AG:

(a)

Banek ċentrali:

Il-BĊE u kull wieħed mill-BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro huma rrappreżentati minn membru sħiħ wieħed. Fejn Stat Membru jadotta l-euro, il-BĊN rispettiv jipparteċipa bħala membru sħiħ tal-AG mid-data tal-adozzjoni tal-euro. Bank ċentrali li mhux fiż-żona tal-euro li jkun iffirma il-CPA u jipparteċipa b’effett immedjat fit-T2S ser ukoll ikun irrappreżentat minn membru sħiħ wieħed mid-data tal-firma. Rappreżentant ta’ bank ċentrali jiġi nnominat mill-Gvernatur jew President tal-bank ċentrali konċernat skont l-istatut tal-bank ċentrali applikabbli;

(b)

CSDs:

Il-membri sħaħ kollha tal-Grupp ta’ Tmexxija tal-CSD huma membri sħaħ tal-AG. Bħala eċċezzjoni u riflessjoni ta’ sehemhom fil-volum ta’ saldu, il-Grupp Euroclear għandu erba’ membri, il-Grupp Clearstream erbgħa u Monte Titoli tnejn (1). Din il-kompożizzjoni hija ffriżata għal sena mill-bidu tal-operat tat-T2S, meta l-Kunsill Governattiv jirrevedi l-membri addizzjonali sabiex jiġi rifless il-volum ta’ saldu attwali fit-T2S;

(c)

Utenti:

Kemm il-grupp ta’ Utenti li għandhom interess u l-grupp tas-CSD għandhom l-istess numru ta’ membri fl-AG, sabiex il-gruppi ta’ dawk li għandhom interess fis-suq tat-T2S ikunu rrappreżentati b’mod ugwali. Il-Kunsill Governattiv jinnomina rappreżentati tal-utenti fuq il-bażi ta’ proposta mill-Bord T2S. Il-proposta tal-Bord T2S hija bbażata fuq applikazzjonijiet li jaslu mingħand il-Federazzjoni Bankarja Ewropea, il-Grupp Ewropew ta’ Banek għat-Tfaddil, l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Banek Kooperattivi, l-Assoċjazzjoni għas-Swieq Finanzjarji fl-Ewropa, u l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Entitajiet tal-Ikklerjar bil-ħsieb li jiġu bbilanċjati l-interessi tal-utenti differenti fit-T2S, inkluż istituzzjonijiet u swieq żgħar u kbar, parteċipanti domestiċi u internazzjonali, u ambiti differenti ta’ servizzi pprovduti minn utenti, li jiffukaw fuq utenti li għandhom negozju sinifikanti ta’ titoli fit-T2S, f’euro jew f’muniti oħra li huma eliġibbli għal saldu fit-T2S, irrispettivament mill-post fejn ġew inkorporati. Kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet għandu jkollha mill-inqas wieħed mill-applikanti tagħha magħżul. Barra minn dan, japplikaw il-parametri li ġejjin:

(i)

mill-inqas ħdax-il membru sħiħ jirrappreżenta banek kummerċjali ewlenin,

(ii)

mill-inqas żewġ membri sħaħ jirrappreżentaw banek internazzjonali għall-investiment,

(iii)

mill-inqas żewġ membri sħaħ li jirrappreżentaw banek li huma attivi fl-industrija tas-saldu tat-titoli u jaqdu lill-klijenti lokali tagħhom,

(iv)

mill-inqas membru sħiħ jirrappreżenta kontroparti ċentrali.

Kull wieħed mill-kapijiet tal-istituzzjonijiet u tal-organizzazzjonijiet li ġejjin huwa intitolat jinnomina osservatur wieħed għall-AG:

l-Assoċjazzjoni għas-Swieq Finanzjarji fl-Ewropa,

l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Banek Kooperattivi;

il-Federazzjoni Bankarja Ewropea,

l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Entitajiet tal-Ikklerjar,

il-Grupp Ewropew ta’ Banek għat-Tfaddil,

il-Federazzjoni tal-Boroż Ewropej tat-Titoli,

l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq,

il-Kummissjoni Ewropea,

il-funzjoni ta’ sorveljanza tal-Eurosistema,

rappreżentant wieħed minn kull wieħed mill-4BĊ (dawn ir-rappreżentanti għandhom jippreżentaw l-opinjoni tagħhom lill-AG b’mod uniformi).

Barra minn dan, il-membri tal-Bord T2S huma mistiedna għal-laqgħat tal-AG bħala osservaturi.

Kull innominat għandu jkollu l-livell xieraq ta’ anzjanità u l-esperjenza teknika relevanti. L-entitajiet li jinnominaw għandhom jiżguraw illi nominat għandu ħin bizzejjed biex ikun involut b’mod attiv fil-ħidma tal-AG.

Sabiex jiġi limitat id-daqs tal-AG, ma jistgħux jattendu aktar minn żewġ membri sħaħ jew osservaturi li joriġinaw minn bank ċentrali wieħed għall-AG fl-istess ħin. Il-President tal-AG huwa eżentat minn din ir-regola sabiex ikun jista’ jkun hemm newtralità suffiċjenti.

Il-membri sħaħ u l-osservaturi huma nnominati għal mandat ta’ sentejn li jista’ jiġġedded. Is-sostituti ta’ membri utenti li jirriżenjaw matul mandat regolari jistgħu jkunu nnominati mill-Bord T2S fuq il-bażi ta’ applikazzjonijiet li jkun irċieva mill-organizzazzjoni utenti relevanti. Il-mandat tal-AG jibda f’Lulju tal-2012, u jissostitwixxi l-mandat u r-regoli tal-proċedura tal-AG li kienu inizjalment abbozzati għall-fażi tal-ispeċifikazzjoni u estiżi sakemm jidħol fis-seħħ il-FQ. Il-mandat il-ġdid jiskadi bis-sostituzzjoni tal-FQ u tal-CPA bi ftehim ġdid u/jew bit-terminazzjoni tal-FQ u l-CPA mill-firmatarji.

4.   Rapportar

L-AG jagħti parir lill-Bord T2S. Fuq talba, l-AG jista’ jagħti wkoll parir wkoll lill-Grupp ta’ Tmexxija tal-CSD u lill-Grupp ta’ Tmexxija tal-Muniti li Mhumiex l-Euro. F’każijiet eċċezzjonali, l-AG jista’ jagħti parir direttament lill-Kunsill Governattiv jekk l-AG iqis illi l-Prinċipji Ġenerali tat-T2S jew elementi bażiċi oħrajn tat-T2S huma mhedda.

Il-Kunsill Governattiv u l-Bord T2S (għal kwistjonijiet iddelegati lit-T2S mill-Kunsill Governattiv) jistgħu jipprovdu gwida ġenerali lill-AG, jew fuq inizjattiva tagħhom stess jew wara li ssir talba.

5.   Proċeduri tax-Xogħol

Il-membri sħaħ huma intitolati li jieħdu sehem fit-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-AG. L-osservaturi huma intitolati li jipparteċipaw fil-laqgħat tal-AG, iżda ma jipparteċipawx fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu.

Id-deċiżjonijiet tal-AG jieħdu l-forma ta’ parir jew ta’ riżoluzzjonijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol tal-AG jew ix-xogħol tas-subgruppi. Il-parir tal-AG jintbagħat direttament lill-Bord T2S, lill-Kunsill Governattiv, lill-Kumitat ta’ Tmexxija tal-CSD u lill-Grupp ta’ Tmexxija tal-Muniti li Mhumiex l-Euro, skont il-każ. Il-parir u r-riżoluzzjonijiet tal-AG għandhom ikunu adottati permezz ta’ konsensus. Fejn ma jistax jintlaħaq konsensus, il-President tal-AG jista’ jiddeċiedi li jevalwa l-grad ta’ appoġġ għal deċiżjoni speċifika, f’liema każ il-parir jew ir-reżoluzzjonijiet tagħhom jiġu adottati permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri sħaħ tal-AG. Il-President u s-Segretarju tal-AG mhumiex intitolati jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ parir jew ta’ reżoluzzjonijiet.

L-AG jista’ jwaqqaf sub-strutturi li jappoġġaw il-ħidma tiegħu jekk dan ikun meqjus neċessarju. Huwa jikkoordina mal-Bord T2S li jorganizza x-xogħol sabiex il-korpi ta’ governanza kollha relevanti jiġu involuti sew mingħajr id-duplikazzjoni ta’ sub-strutturi dwar suġġetti simili.

Bħala regola, l-AG għandu jiltaqa’ tal-anqas darbtejn fis-sena. Il-President tal-AG jista’ jsejjaħ laqgħat addizzjonali, li d-dati tagħhom jiġu kkomunikati lill-AG bi preavviz suffiċjenti. Bħala prinċipju, il-laqgħat isiru fil-bini tal-BĊE. Barra minn dan, il-President tal-AG jista’ jistieden lill-AG biex jagħti l-parir tiegħu permezz ta’ mezzi oħra, bħal ma huma proċeduri bil-miktub.

L-AG jaħdem b’mod miftuħ u trasparenti u d-dokumentazzjoni tal-AG tiġi ppubblikata fuq il-websajt tat-T2S. Proċeduri tax-xogħol dettaljati jridu jiġu speċifikati fir-‘Regoli tal-Proċedura’ abbozzati mill-AG u approvati mill-Bord T2S.

GRUPPI TA’ UTENTI NAZZJONALI

MANDAT

1.   Għanijiet

Il-Gruppi ta’ Utenti Nazzjonali (NUGs – National User Groups) jiġbru flimkien fornituri u utenti ta’ servizzi ta’ saldu ta’ titoli fi ħdan is-swieq nazzjonali tagħhom biex jiġu appoġġati l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u t-tħaddim tat-TARGET2-Securities (T2S). Huma joħolqu forum għall-involviment tal-parteċipanti tas-suq nazzjonali fix-xogħol tal-Grupp Konsultattiv tat-T2S (AG –Advisory Group) u jistabbilixxi r-rabta formali bejn l-AG u s-swieq nazzjonali. Huma jaġixxu kemm bħala mezz biex jinstemgħu l-fehmiet għall-Uffiċċju tal-Programm T2S kif ukoll bħala fornituri ta’ kontribut lill-AG fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha kkunsidrati mill-AG. Bħala tali, huma jistgħu wkoll jissuġġerixxu kwistjonijiet għall-kunsiderazzjoni tal-AG.

In-NUGs jistgħu jkunu involuti fil-proċess tal-ġestjoni tal-bidla u tar-rilaxx u jistgħu jkollhom rwol importanti fil-valutazzjoni ta’ talbiet bħal dawn fil-kuntest tal-operat tas-swieq nazzjonali. In-NUGs għandhom jadottaw il-prinċipju tat-T2S li jipprova jiġi evitat li jiġu inkorporati karatteristiċi speċifiċi nazzjonali fit-T2S, u għandhom jippromwovu l-armonizzazzjoni b’mod attiv.

2.   Responsabbiltajiet u Kompiti

In-NUGs fis-swieq li jipparteċipaw fit-T2S huma responsabbli biex:

jevalwaw l-impatt tal-funzjonalità tat-T2S, u b’mod partikolari kwalunkwe bidliet fir-rekwiżiti tal-utent tat-T2S, fuq is-suq nazzjonali tagħhom; meta jsir dan, għandha tingħata l-konsiderazzjoni dovuta lill-kunċett ta’ “T2S effiċjenti” li jimmira li jiġu evitati speċifiċitajiet nazzjonali u li tiġi promossal-armonizzazzjoni;

jikkontribwixxu għall-kompiti ta’ monitoraġġ u implimentazzjoni assoċjati mal-attivitajiet ta’ armonizazzjoni tat-T2S appoġġati mill-AG;

iġibu t-tħassib materjali tas-suq nazzjonali għall-attenzjoni tal-AG;

ikabbar il-konsapevolezza tat-T2S fis-setturi kollha tal-komunità tat-titoli nazzjonali;

jappoġġa lill-membri tal-AG li jirrappreżentaw il-komunità nazzjonali.

Waqt illi jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom, in-NUGs isegwu l-istandards għoljin ta’ trasparenza illi huma element ewlieni tat-T2S.

Għalkemm il-fokus ta’ dan il-mandat huwa fuq is-swieq li jipparteċipaw fit-T2S, is-swieq li għadhom mhux qed jipparteċipaw fit-T2S huma wkoll mistiedna jistabbilixxu NUGs. Jekk swieq bħal dawn jiddeċiedu li jistabbilixxu NUG, huma għandhom isegwu mandat simili sabiex iħejju s-swieq tagħhom għall-parteċipazzjoni fit-T2S.

3.   Kompożizzjoni u Mandat

In-NUGs jikkonsistu mill-President, is-Segretarju u l-membri.

Il-President ta’ NUG għandu preferibbilment ikun membru sħiħ jew osservatur tal-AG. Dan ir-rwol tipikament ser jitwettaq minn uffiċjal anzjan tal-bank ċentrali nazzjonali rilevanti. F‘każ fejn il-bank ċentrali nazzjonali relevanti ma jipprovdix jew ma jinnominax il-president tan-NUG, il-President għandu jiġi nnominat mill-President tal-AG li għandu jfittex il-kunsens fost il-parteċipanti ewlenin fis-suq relevanti. Jekk il-President ma jkunx membru tal-AG, membru tal-AG għandu jikkoordina bejn l-AG u l-President tal-NUG biex tiġi żgurata rabta mill-qrib bejn l-AG u n-NUG. Jekk ebda membru ta’ NUG ma jkun irrappreżentat fl-AG, in-NUG għandu jfittex kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarju tal-AG sabiex ikun informat dwar l-iżvilippi tat-T2S.

Is-segretarju ta’ NUG jigi pprovdut mill-bank ċentrali nazzjonali relevanti fil-pajjiżi taż-żona tal-euro; f’pajjiżi oħrajn is-segretarju tan-NUG jinħatar mill-President tan-NUG u idealment għandu jkun ipprovdut mill-bank ċentrali nazzjonali rispettiv. Is-segretarju huwa mistenni li jattendi laqgħat ta’ informazzjoni regolari organizzati għal segretarji tan-NUG mill-Uffiċċju tal-Programm T2S permezz tan-netwerk tal-esperti tan-NUG. Is-segretarji tan-NUG ta’ swieq li ma jipparteċipawx fit-T2S jistgħu jipparteċipaw bħala mistednin fin-netwerk tal-esperti tan-NUG.

Il-membri ta’ NUG jinkludu l-membri u l-osservaturi tal-AG relevanti (jew ir-rapprezentanti anzjani nnominat tagħhom, aċċettabbli għall-President tan-NUG) u persuni addizzjonali bil-kompetenza u r-reputazzjoni meħtieġa biex jirrappreżentaw fil-wisa’ l-kategoriji kollha ta’ utenti u fornituri fis-suq nazzjonali, inkluż esperti fuq kwistjonijiet ta’ flus kontanti. Membri tan-NUG jistgħu għalhekk jinkludu CSDs, sensara, banek, banek ta’ investiment, kustodji, emittenti u/jew l-aġenti tagħhom, kontropartijiet ċentrali, uffiċċji tal-kambji u faċilitajiet għan-negozju multilaterali, il-bank ċentrali nazzjonali relevanti, awtoritajiet regolatorji u l-assoċjazzjonijiet bankarji relevanti.

Il-mandat tan-NUGs jiskadi fl-istess ħin bħall-mandat tal-AG, jiġifieri bis-sostituzzjoni tal-Ftehim Qafas u l-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita b’kuntratt ġdid u/jew bit-terminazzjoni tal-Ftehim Qafas u l-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita mas-CSDs u banek ċentrali mhux taż-żona tal-euro firmatarji kollha.

4.   Proċeduri tax-Xogħol

In-NUGs jittrattaw biss kwistjonijiet relevanti għat-T2S. Huma jiġu mistiedna biex attivament ifittxu li jiġu infurmati mill-Uffiċċju tal-Programm T2S fir-rigward ta’ kwistjonijiet attwali, u jipprovdu fehmiet nazzjonali fil-ħin fuq kwistjonijiet mitlubin mis-Segretarju tal-AG jew imqajmin min-NUG. L-Uffiċċju tal-Programm T2S jipprovdi regolarment informazzjoni lin-NUGs tas-swieq li jipparteċipaw fit T2S u jorganizza laqgħat ma’ dawn is-segretarji tan-NUGs permezz tan-netwerk tal-esperti tan-NUG biex irawwem l-interazzjoni bejn in-NUGs u l-Uffiċċju tal-Programm T2S.

In-NUGs għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex ikollhom laqgħat regolari allinjati mal-iskeda tal-laqgħat tal-AG, sabiex ikunu jistgħu joffru parir lill-membri nazzjonali tal-AG. Madankollu, l-ebda membru tal-AG ma huwa marbut b’dan il-parir. In-NUGs jistgħu jagħmlu wkoll sottomissjonijiet bil-miktub lill-AG permezz tas-Segretarju tal-AG u jistiednu membru tal-AG biex jippreżenta l-fehma tiegħu.

Is-Segretarju tan-NUG jimmira li jiċċirkola aġenda u d-dokumenti relevanti għad-diskussjoni f’laqgħa ta’ NUG tal-anqas ħamest ijiem tan-negozju qabel il-laqgħa. Sommarju ta’ laqgħa ta’ NUG jiġi ppubblikat fuq il-websajt tat-T2S u, jekk meqjus xieraq, fuq il-websajt tal-BĊN rispettiv. Idealment il-pubblikazzjoni għandha ssir bl-Ingliż u, jekk meħtieġ, fil-lingwa nazzjonali relevanti fi żmien tliet ġimgħat wara kull laqgħa ta’ NUG.

Il-membri tan-NUGs għandhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tat-T2S. In-NUGs għandu jippubblika wkoll indirizz tal-e-Mail għall-kuntatt man-NUG fuq il-websajt tat-T2S, sabiex il-parteċipanti fis-swieq nazzjonali jkunu jafu lil min għandhom jikkuntattjaw biex jesprimu l-fehmiet tagħhom.


(1)  Din il-kompożizzjoni hija speċifikata taħt l-assunzjoni illi l-Euroclear Group jipparteċipa permezz ta’ Euroclear Belgium, Euroclear Finland, Euroclear France u Euroclear Nederland u l-Clearstream Group jipparteċipa permezz ta’ Clearstream Banking Frankfurt u ta’ LuxCSD fit-T2S.