ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2012.177.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 177

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 55
7 ta' Lulju 2012


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni Nru 602/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar emendi għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (il-BERŻ) li jwessgħu l-ambitu ġeografiku tal-operazzjonijiet tal-BERŻ għar-reġjun tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran

1

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

 

2012/364/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2012 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) għall-Ftehim taż-ŻEE

5

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 603/2012 tat-30 ta’ April 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1236/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni dwar is-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal

9

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 604/2012 tat-3 ta’ Lulju 2012 li jistabbilixxi projbizzjoni tas-sajd tal-pollakkju (saithe) fiż-żona VI; fl-ilmijiet tal-UE u l-ilmijiet internazzjonali ta’ Vb, XII u XIV minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Spanja

10

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2012 tal-4 ta’ Lulju 2012 li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd min-nases irreġistrati fi Spanja u li jkunu qed jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45°W, u fil-Baħar Mediterran

12

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 606/2012 tal-4 ta’ Lulju 2012 li jipprojbixxi attivitajiet tas-sajd bin-nases u tal-bastimenti tas-sajd bil-konz li jtajru l-bandiera tal-Italja jew huma rreġistrati fiha, u li jkunu qed jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant mill-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran

14

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 607/2012 tas-6 ta’ Lulju 2012 dwar regoli dettaljati li jikkonċernaw is-sistema ta' diliġenza dovuta u l-frekwenza u n-natura tal-kontrolli fuq l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam ( 1 )

16

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 608/2012 tas-6 ta’ Lulju 2012 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi benżoat tad-denatonju, metilnonilketon u ż-żjut veġetali/żejt tan-nagħniegħ ( 1 )

19

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 609/2012 tas-6 ta’ Lulju 2012 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

23

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva tal-Kummissjoni 2012/20/UE tas-6 ta’ Lulju 2012 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex il-flufenossuron ikun inkluż bħala sustanza attiva għall-prodott tat-tip 8 fl-Anness I għaliha ( 1 )

25

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/1


DEĊIŻJONI Nru 602/2012/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-4 ta' Lulju 2012

dwar emendi għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (il-BERŻ) li jwessgħu l-ambitu ġeografiku tal-operazzjonijiet tal-BERŻ għar-reġjun tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikulari l-Artikolu 212 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Minn meta ġie stabbilit fl-1991, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (il-BERŻ) għen lill-pajjiżi Ewropej taċ-Ċentru u tal-Lvant fit-transizzjoni tagħhom lejn ekonomiji ta’ suq miftuħ u l-promozzjoni ta’ inizjattivi privati u imprenditorjali. L-ambitu ġeografiku tal-operazzjonijiet tal-BERŻ għandu jiġi estiż għan-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran sabiex jiġu promossi objettivi simili. Bi tweġiba għall-qagħda ekonomika u politika fil-pajjiżi tan-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran, il-BERŻ żviluppa approċċ f'fażijiet differenti biex jibda l-attivitajiet tiegħu li ser iqisu l-ispeċifità tar-reġjun.

(2)

Skont ir-Rapport tal-Bord tad-Diretturi għall-Bord tal-Gvernaturi dwar l-espansjoni ġeografika tar-reġjun ta' operazzjonijiet tal-Bank lejn in-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran, in-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran jikkonsisti minn pajjiżi li jinsabu max-xatt tal-Mediterran, kif ukoll il-Ġordan li huwa integrat mill-qrib f'dak ir-reġjun.

(3)

Bi tweġiba għall-avvenimenti tal-2011 fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran, fit-8 ta’ Marzu 2011 il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ppreżentaw Komunikazzjoni Konġunta intitolata "Sħubija għal Demokrazija u Prosperità Maqsuma mal-Mediterran tan-Nofsinhar" li wriet l-appoġġ politiku u ekonomiku qawwi tal-Unjoni għal dak ir-reġjun.Il-Komunikazzjoni Konġunta inkludiet għażla li testendi l-mandat tal-BERŻ biex ikopri l-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, abbażi tal-esperjenza tal-BERŻ matul dawn l-aħħar 20 sena. Il-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2011 approvat b’mod wiesa’ l-kontenut ta’ dik il-Komunikazzjoni Konġunta. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat — Dimensjoni tan-Nofsinhar, il-Parlament Ewropew stieden lill-BERŻ jibdel l-istatut tiegħu sabiex jieħu sehem fil-proċess ta’ għajnuna finanzjarja.

(4)

F’Mejju tal-2011, il-mexxejja tal-G8 nedew is-Sħubija ta’ Deauville sabiex jgħinu lill-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran fil-bidla tagħhom lejn soċjetajiet ħielsa, demokratiċi u tolleranti u talbu lill-BERŻ iwessa’ l-ambitu ġeografiku tiegħu sabiex juża l-esperjenza tiegħu u jappoġġa l-bidla ta’ dawk il-pajjiżi biex dawn jibdew iħaddnu l-prinċipji ta’ demokrazija li fiha jieħdu sehem diversi partiti, tal-pluraliżmu u tal-ekonomija tas-suq.

(5)

L-espansjoni tal-operazzjonijiet tal-BERŻ lejn pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran tirrifletti tal-appoġġ tal-Unjoni u tal-komunità internazzjonali għat-tama, imħeġġa mir-Rebbiegħa Għarbija, għal transizzjoni f'dak ir-reġjun lejn ekonomiji tas-suq u soċjetajiet demokratiċi pluralistiċi.

(6)

B'kont meħud tal-fraġilità tal-ekonomiji fil-pajjiżi l-ġodda li jopera fihom il-BERŻ u l-inugwaljanzi soċjali li kienu wieħed mill-għeruq tal-irvelli tar-Rebbiegħa Għarbija, ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-korpi preparatorji tal-BERŻ għandhom iħeġġu lill-BERŻ iwessa' l-konċentrazzjoni tiegħu fuq l-iżvilupp tas-settur privat, sabiex jikkontribwixxi wkoll, permezz tal-iffinanzjar tiegħu, għall-kisba ta' soċjetajiet soċjalment u ambjentalment sostenibbli, kif elaborat fl-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju rilevanti u f'konformità mal-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-korpi governattivi tal-BERŻ għandhom iħeġġu l-kontribut tal-BERŻ għat-transizzjoni lejn ekonomiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija, soċjalment inklużivi, u ta' swieq miftuħa, filwaqt li jqisu l-kuntest soċjali, ta' faqar, dak ċiviku u dak tad-drittijiet tal-bniedem.

(7)

Permezz tar-Riżoluzzjonijiet 137 u 138, adottati fit-30 ta’ Settembru 2011, il-Bord tal-Gvernaturi tal-BERŻ ivvota favur l-emendi meħtieġa għall-Ftehim li jistabbilixxi l-BERŻ ("il-Ftehim"), u b’hekk ippermetta li l-ambitu ġeografiku tal-operazzjonijiet tal-BERŻ jiġi estiż għan-Nofsinhar u għall-Lvant tal-Mediterran, filwaqt li jżomm l-impenn tiegħu lejn il-pajjiżi fejn attwalment jopera. Il-Gvernaturi kollha tal-BERŻ tal-UE, inkluż il-Gvernatur li jirrappreżenta lill-Unjoni, ivvutaw favur dawk l-emendi.

(8)

Permezz tar-Riżoluzzjoni 134 tiegħu, adottata fil-21 ta’ Mejju 2011, il-Bord tal-Gvernaturi tal-BERŻ enfasizza li l-estensjoni ppjanata tal-mandat tal-BERŻ għandha tinkiseb mingħajr ma jkunu meħtieġa kontribuzzjonijiet ta’ kapital addizzjonali mill-azzjonisti tiegħu.

(9)

Skont l-Artikolu 56 tal-Ftehim, il-Bord tal-Gvernaturi tal-BERŻ għandu jistaqsi lill-membri kollha tiegħu jekk jaċċettawx l-emendi proposti jew le.

(10)

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-korpi governattivi tal-BERŻ għandhom jużaw l-aħjar sforzi tagħhom biex jinkoraġġixxu lill-BERŻ jissorvelja l-operazzjonijiet tiegħu mill-qrib, b'mod partikolari f’pajjiżi fejn hemm nuqqas ta’ responsabbiltà politika, fejn jinkisru d-drittijiet ċiviċi u tal-bniedem jew fejn jippersistu livelli għolja ta’ korruzzjoni. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-korpi governattivi tal-BERŻ għandhom jużaw l-aħjar sforzi tagħhom biex jiżguraw li l-prinċipji ta’ prattiki bankarji prudenti, it-trasparenza u l-ġlieda kontra l-frodi, kif mitluba fid-Deċiżjoni Nru 1219/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 dwar is-sottoskrizzjoni mill-Unjoni Ewropea f’ishma addizzjonali fil-kapital tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) bħala riżultat tad-deċiżjoni li jiżdied dan il-kapital (2), għandhom jitqiesu fl-attivitajiet tal-BERŻ fil-pajjiżi ġodda fejn jopera.

(11)

Fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran, ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-korpi governattivi tal-BERŻ għandhom iħeġġu lill-BERŻ biex ikompli bl-involviment mill-qrib tiegħu mal-Unjoni u l-kollaborazzjoni mas-soċjetà ċivili, kif ukoll biex jiżviluppa aktar il-kooperazzjoni mill-qrib tiegħu mal-Bank Ewropew għall-Iinvestiment u istituzzjonijiet oħrajn Ewropej u ta' finanzjament pubbliku internazzjonali, sabiex jagħmel użu sħiħ mill-vantaġġi kumparattivi tagħhom. Il-BERŻ għandu jevita wkoll l-irduppjar tal-attivitajiet ta' tali istituzzjonijiet oħra ta' finanzjament pubbliku.

(12)

Qabel ma l-BERŻ japprova pajjiż ġdid ta' operazzjoni, huwa għandu jagħmel valutazzjoni teknika dettaljata tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u pubbliċi li jeżistu fil-pajjiż ikkonċernat, li tinkludi: valutazzjoni tal-impenn ta' dak il-pajjiż għall-prinċipji tad-demokrazija multipartitarja, il-pluraliżmu u l-ekonomija tas-suq, kif inhu mnaqqax fl-Artikolu 1 tal-Ftehim, valutazzjoni tad-differenzi fit-transizzjoni, u rieżami ta' l-attivitajiet ta' istituzzjonijiet finanzjari internazzjonali oħrajn f'dak il-pajjiż u tal-prijoritajiet li għalihom il-BERŻ jista' jagħmel l-aħjar użu mill-għarfien u l-ħiliet uniċi tiegħu. Fid-diskussjoni ta' dawn il-valutazzjonijiet, ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-korpi governattivi tal-BERŻ għandhom jinkoraġġixxu lill-BERŻ jikkunsidra bis-sħiħ il-fehmiet tal-Unjoni.

(13)

Fir-rapport li l-Kummissjoni ser tippreżenta skont id-Deċiżjoni Nru 1219/2011/UE sa tmiem ir-raba’ Reviżjoni tar-Riżorsi Kapitali għall-perjodu 2011–2015, il-Kummissjoni għandha tqis l-estensjoni tal-ħidma tal-BERŻ fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran.

(14)

Fir-rigward tal-kontribut tal-BERŻ għat-transizzjoni tal-pajjiżi prospettivi ta’ operazzjoni fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran lejn ekonomiji sostenibbli, li jaħdmu sew u bi swieq moderni, ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-korpi governattivi tal-BERŻ għandhom jistiednu lill-BERŻ jirraporta dwar il-prestazzjoni tiegħu kull sena u jwettaq valutazzjonijiet komprensivi tal-impatt tiegħu fuq il-bini ta' ekonomiji bħal dawn qabel ma jseħħu r-reviżjonijiet tiegħu tar-riżorsi tal-kapital ta’ kull ħames snin.

(15)

L-emendi għall-Ftehim għandhom għalhekk jiġu approvati f'isem l-Unjoni,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-emendi għall-Artikoli 1 u 18 tal-Ftehim, li jestendu l-ambitu ġeografiku tal-operazzjonijiet tal-BERŻ b’dan qed jiġu approvati f’isem l-Unjoni.

It-test tal-emendi jinsab fl-Anness għal raġunijiet informattivi.

Artikolu 2

Il-Gvernatur tal-BERŻ li jirrappreżenta lill-Unjoni għandu, f'isem l-Unjoni, jikkomunika lill-BERŻ l-Istqarrija ta’ Aċċettazzjoni tal-emendi.

Artikolu 3

Bħala parti mir-rapport annwali tal-Parlament Ewropew, il-Gvernatur tal-BERŻ li jirrappreżenta lill-Unjoni għandu jirrapporta wkoll dwar l-attivitajiet u l-operazzjonijiet tal-BERŻ fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, l-4 ta’ Lulju 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2012 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2012.

(2)   ĠU L 313, 26.11.2011, p. 1.


ANNESS

EMENDI GĦALL-FTEHIM LI JISTABBILIXXI L-BANK EWROPEW GĦAR-RIKOSTRUZZJONI U L-IŻVILUPP

L-Artikolu 1 tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Bank għandu jiġi emendat sabiex jaqra kif ġej (it-test il-ġdid bil-korsiv):

“Artikolu 1

Għan

Huwa u jikkontribwixxi għall-progress ekonomiku u għar-rikostruzzjoni, l-għan tal-Bank għandu jkun li jrawwem il-bidla lejn ekonomiji miftuħin diretti lejn is-suq u li jippromwovi l-inizjattivi privati u tal-intrapriżi fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Ewropa Ċentrali impenjati li jħarsu l-prinċipji tad-demokrazija li fiha jieħdu sehem diversi partiti, tal-pluraliżmu u tal-ekonomiji tas-suq u li qed japplikaw dawn il-prinċipji. L-għan tal-Bank jista’ jitwettaq ukoll, dejjem bl-istess kundizzjonijiet, fil-Mongolja u fil-pajjiżi membri li jinsabu fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-Mediterran, kif stabbilit mill-Bank, wara li mill-inqas żewġ terzi tal-Gvernaturi li jirrappreżentaw mill-inqas tliet kwarti tas-setgħat kollha tal-vot tal-membri jivvutaw favur dan. B’hekk, kull referenza f’dan il-Ftehim u fl-Annessi tiegħu għall-“pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Ewropa Ċentrali”, għall-“pajjiżi li jinsabu fl-Ewropa tal-Lvant u fl-Ewropa Ċentrali”, għall-“pajjiż benefiċjarju (jew pajjiżi benefiċjarji)” u għall-“pajjiż membru li huwa benefiċjarju (jew pajjiżi membri li huma benefiċjarji)” għandha tirreferi wkoll għall-Mongolja u għal kull wieħed mit-tali pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran.”

L-Artikolu 18 tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Bank għandu jiġi emendat sabiex jaqra kif ġej (it-test il-ġdid bil-korsiv):

“Artikolu 18

Fondi speċjali

(i)

Il-Bank jista’ jaċċetta l-amministrazzjoni ta’ Fondi Speċjali li huma mfassla biex jaqdu l-għan tal-Bank u li jaqgħu fi ħdan il-funzjonijiet tiegħu fil-pajjiżi benefiċjarji tiegħu u fil-pajjiżi li huma benefiċjarji potenzjali tiegħu. L-ispiża totali tal-amministrazzjoni ta’ kwalunkwe Fond Speċjali bħal dan għandha titħallas minn dak il-Fond Speċjali.

(ii)

Għall-għanijiet tas-subparagrafu (i), il-Bord tal-Gvernaturi jista’, fuq talba ta’ membru li mhuwiex pajjiż benefiċjarju, jiddeċiedi li dan il-membru jikkwalifika bħala pajjiż li huwa benefiċjarju potenzjali għal perijodu limitat u bil-kundizzjonijiet li huwa jqis li huma xierqa. Deċiżjoni bħal din għandha tittieħed billi mill-inqas żewġ terzi tal-Gvernaturi li jirrappreżentaw mill-inqas tliet kwarti tas-setgħat kollha tal-vot tal-membri jivvutaw favuriha.

(iii)

Id-deċiżjoni li membru jitħalla jikkwalifika bħala pajjiż li huwa benefiċjarju potenzjali tista’ tittieħed biss jekk it-tali membru jkun jista’ jissodisfa r-rekwiżiti biex isir pajjiż benefiċjarju. Dawn ir-rekwiżiti huma dawk stipulati fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim, fil-verżjoni tiegħu meta tittieħed it-tali deċiżjoni jew fil-verżjoni tiegħu hekk kif tidħol fis-seħħ emenda li tkun diġà ġiet approvata mill-Bord tal-Gvernaturi meta tittieħed it-tali deċiżjoni.

(iv)

Jekk pajjiż li jkun benefiċjarju potenzjali ma jkunx sar pajjiż benefiċjarju fi tmiem il-perijodu msemmi fis-subparagrafu (ii), il-Bank għandu minnufih itemm kwalunkwe operazzjoni speċjali f’dak il-pajjiż, ħlief dik marbuta mal-implimentazzjoni, il-konservazzjoni u l-preservazzjoni ordinarja tal-assi tal-Fond Speċjali u mas-saldu tal-obbligi li jkunu ġew minnhom.

2.   Il-Fondi Speċjali aċċettati mill-Bank jistgħu jintużaw fil-pajjiżi benefiċjarji tiegħu u fil-pajjiżi li huma benefiċjarji potenzjali tiegħu b’kull mod u bi kwalunkwe termini u kundizzjonijiet li jkunu konsistenti mal-għan u mal-funzjonijiet tal-Bank, mad-dispożizzjonijiet l-oħra li japplikaw għal dan il-Ftehim, u mal-ftehim jew ftehimiet marbutin ma’ Fondi bħal dawn.

3.   Il-Bank għandu jadotta r-regoli u r-regolamenti li jkun hemm bżonn biex jiġi stabbilit, amministrat u użat kull Fond Speċjali. It-tali regoli u regolamenti għandhom ikunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, ħlief għal dawk id-dispożizzjonijiet li japplikaw biċ-ċar biss għall-operazzjonijiet ordinarji tal-Bank.”


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Ġunju 2012

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) għall-Ftehim taż-ŻEE

(2012/364/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43(2), 114(1) u 207(2), flimkien ma’ 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE (2) għandu jkun inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“Ftehim ŻEE”).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti (3) għandu jkun inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(3)

Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti (4) għandha tkun inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tistabbilixxi prinċipji komuni u dispożizzjonijiet ta’ referenza għal leġiżlazzjoni futura li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, kif ukoll test ta’ referenza għal-leġiżlazzjoni eżistenti.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 iħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1995 li tistabbilixxi proċedura għall-iskambju tat-tagħrif dwar il-miżuri nazzjonali li jidderogaw mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa l-Komunità (5) li hi inkorporata fil-Ftehim ŻEE. Il-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jieħu kont tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 iħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 tat-8 ta’ Frar 1993 dwar kontrolli għall-konformità mar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti fil-każ ta’ prodotti importati minn pajjiżi terzi (6), li hu inkorporat fil-Ftehim ŻEE. Il-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jieħu kont tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE.

(7)

Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE tat-22 ta’ Lulju 1993 dwar il-moduli għall-fażijiet differenti tal-proċeduri tal-evalwazzjoni tal-konformità u tar-regoli għat-twaħħil u l-użu tal-marka ta’ konformità KE, li huma intenzjonati sabiex jiġu użati fid-direttivi dwar l-armonizzazzjoni teknika (7) li hi inkorporata fil-Ftehim ŻEE. Il-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jieħu kont tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE.

(8)

Għalhekk, l-Anness II għall-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif xieraq.

(9)

Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) għall-Ftehim taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)   ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6 [Mhux disponibbli bil-Malti].

(2)   ĠU L 218, 13.8.2008, p. 21.

(3)   ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

(4)   ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.

(5)   ĠU 321, 30.12.1995, p. 1.

(6)   ĠU 40, 17.2.1993, p. 1.

(7)   ĠU L 220, 30.8.1993, p. 23. [Mhux disponibbli bil-Malti].


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2012 TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

ta’

li temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) ta’ mal-Ftehim taż-ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat mill-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor (1) għandu jkun inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti (2) għandu jkun inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(3)

Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti (3) għandha tkun inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tistabbilixxi prinċipji komuni u dispożizzjonijiet ta’ referenza għal leġiżlazzjoni tal-ġejjieni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, kif ukoll test ta’ referenza għal-leġiżlazzjoni eżistenti.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1995 li tistabbilixxi proċedura għall-iskambju tat-tagħrif dwar il-miżuri nazzjonali li jidderogaw mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa l-Komunità (4) li hi inkorporata fil-Ftehim ŻEE. Il-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jieħu kont tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tat-8 ta’ Frar 1993 dwar kontrolli għall-konformità mar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti fil-każ ta’ prodotti importati minn pajjiżi terzijirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (5), li hu inkorporat fil-Ftehim ŻEE. Il-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jieħu kont tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE.

(7)

Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE tat-22 ta’ Lulju 1993 dwar il-moduli għall-fażijiet differenti tal-proċeduri tal-evalwazzjoni tal-konformità u tar-regoli għat-twaħħil u l-użu tal-marka ta’ konformità KE, li huma intenzjonati sabiex jiġu użati fid-direttivi dwar l-armonizzazzjoni teknika (6) li hi inkorporata fil-Ftehim ŻEE. Il-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jieħu kont tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE.

(8)

Għalhekk, l-Anness II għall-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kapitolu XIX tal-Anness II għall-Ftehim ŻEE jiġi emendat kif ġej

1.

It-test tal-punt 3b (ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

32008 R 0765: Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li jirrevoka ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Dan li ġej huwa miżjud fit-tmiem tal-Artikolu 4(2):

‘Il-Liechtenstein għandu jirrikorri wkoll għall-korp nazzjonali ta’ akkreditament tal-Isvizzera għas-setturi tal-prodotti koperti mill-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar ir-rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità u li fir-rigward tagħhom r-rekwiżiti tal-UE u dawk Svizzeri huma meqjusa bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 1(2) u (3) ta’ dak il-Ftehim’.

(b)

Il-prodotti esportati mil-Liechtenstein għall-Partijiet Kontraenti l-oħra jistgħu jkunu soġġetti għall-kontrolli fuq il-fruntiera skont l-Artikoli 27-29.”.

2.

It-test tal-punt 3d (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

32008 D 0768: Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).”.

3.

It-test tal-punt 3f (id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

32008 R 0764: Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 21).

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

Ir-Regolament għandu japplika biss għall-prodotti koperti mill-Artikolu 8(3) tal-Ftehim.

Ir-Regolament ma japplikax għal-Liechtenstein fir-rigward ta’ prodotti koperti mill-Anness I, mill-Kapitoli XII u XXVII tal-Anness II u mill-Protokoll 47 tal-Ftehim, sakemm l-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli hija estiża għal-Liechtenstein.”.

4.

Dan li ġej għandu jiddaħħal fil-punt 3h (id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“, kif emendat permezz ta’:

32008 R 0765: Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 (ĠU L 218, 13.8.2008. p. 30).’

Artikolu 2

It-testi tar-Regolamenti (KE) Nru 764/2008 u Nru 765/2008 u tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, bil-lingwa Islandiża u b’dik Norveġiża, li għandhom ikunu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ ma’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi …, sakemm ikunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ miegħu.

Magħmul fi Brussell,.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)   ĠU L 218, 13.8.2008, p. 21.

(2)   ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

(3)   ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.

(4)   ĠU L 321, 30.12.1995, p. 1.

(5)   ĠU L 40, 17.2.1993, p. 1.

(6)   ĠU L 220, 30.8.1993, p. 23.

(*1)  [L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.] [Rekwiżiti kostituzzjonali indikati.]


REGOLAMENTI

7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/9


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 603/2012

tat-30 ta’ April 2012

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1236/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni dwar is-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1236/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2010 li jistabbilixxi skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni dwar is-sajd fil-Grigal tal-Atlantiku u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2791/1999 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 51(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1236/2010 jinkorpora fil-liġi tal-Unjoni d-dispożizzjonijiet tal-Iskema ta’ kontroll u infurzar (l-Iskema) stabbilita permezz ta’ rakkomandazzjoni adottata mill-Kummissjoni tas-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku (NEAFC) fil-Laqgħa Annwali tagħha fil-15 ta’ Novembru 2006, u sussegwentament emendata b’diversi rakkomandazzjonijiet fil-Laqgħat Annwali ta’ Novembru 2007, 2008 u 2009.

(2)

Fil-Laqgħa Annwali tagħha ta’ Novembru 2011, NEAFC adottat ir-Rakkomandazzjoni 9: 2012 li temenda l-Artikolu 14 tal-Iskema dwar il-komunikazzjoni ta’ rapporti u messaġġi lis-Segretarju tan-NEAFC.

(3)

Skont l-Artikoli 12 u 15 tal-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni tas-sajd fil-Grigal tal-Atlantiku approvati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/608/KEE (2), dik ir-rakkomandazzjoni daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Frar 2012,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1236/2010, wara l-paragrafu 1 għandu jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   Ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 9 jistgħu jiġu kkanċellati permezz ta’ rapport ta’ kanċellazzjoni.

Jekk rapport ikun jeħtieġ korrezzjoni, għandu jiġi kkanċellat permezz ta’ rapport ta’ kanċellazzjoni. Rapport ġdid, ikkoreġut għandu jintbagħat wara r-rapport ta’ kanċellazzjoni u fil-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 9.

Jekk iċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tas-Sajd tal-Istat Membru tal-bandiera jaċċetta l-kanċellazzjoni ta’ rapport, għandu jikkomunika dan lis-Segretarju tan-NEAFC.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 348, 31.12.2010, p. 17.

(2)   ĠU L 227, 12.8.1981, p. 21.


7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 604/2012

tat-3 ta’ Lulju 2012

li jistabbilixxi projbizzjoni tas-sajd tal-pollakkju (saithe) fiż-żona VI; fl-ilmijiet tal-UE u l-ilmijiet internazzjonali ta’ Vb, XII u XIV minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Spanja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 44/2012 tas-17 ta’ Jannar 2012 li jiffissa għall-2012 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastimenti tal-UE, f'ċerti ilmijiet mhux tal-UE għal ċerti stokkijiet ta’ ħut li huma suġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali (2), jistabbilixxi l-kwoti għall-2012.

(2)

Mill-informazzjoni li waslet għand il-Kummissjoni, jirriżulta li l-qabdiet li saru tal-istokk imsemmi fl-Anness ta’ dan ir-Regolament minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru msemmi hemmhekk jew irreġistrati fih, eżawrew il-kwota allokata lilhom għall-2012.

(3)

Għalhekk, jeħtieġ li jiġu pprojbiti l-attivitajiet tas-sajd għal dak l-istokk,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżawriment tal-kwota

Il-kwota tas-sajd għall-2012 allokata lill-Istat Membru msemmi fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għall-istokk imsemmi hemmhekk għandha titqies bħala eżawrita mid-data stipulata f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Projbizzjonijiet

L-attivitajiet tas-sajd għall-istokk imsemmi fl-Anness ta’ dan ir-Regolament minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru msemmi hemmhekk jew irreġistrati fih għandhom jiġu pprojbiti mid-data stipulata f'dak l-Anness. B'mod partikolari, għandu jkun ipprojbit li jinżamm abbord, jiġi ttrażbordat, ittrasportat, jew jinħatt l-art, ħut minn dak l-istokk li jinqabad minn dawk il-bastimenti wara dik id-data.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Lowri EVANS

Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)   ĠU L 25, 27.01.2012, p. 55.


ANNESS

Nru

7/T&Q

Stat Membru

Spanja

Stokk

(POK/56 -14)

Speċi

Pollakkju (Pollachius virens)

Żona

VI; L-ilmijiet tal-UE u l-ilmijiet internazzjonali taż-żoni Vb, XII u XIV

Data

12.6.2012


7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 605/2012

tal-4 ta’ Lulju 2012

li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd min-nases irreġistrati fi Spanja u li jkunu qed jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45°W, u fil-Baħar Mediterran

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 36, il-paragrafu 2 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 44/2012 tas-17 ta’ Jannar 2012 li jiffissa għall-2012 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastimenti tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut li huma suġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali, jiffissa l-ammont tat-tonn li jista’ jsir sajd għalih fl-2012 fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran li jemeda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007 (2),, jeħtieġ li l-Istati Membri għall-bastimenti li huma inqas minn 24 m u għan-nases, jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-kwota allokata lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew gruppi ta' bastimenti li jistadu bi rkaptu simili.

(3)

Il-Politika Komuni tas-Sajd hija mfassla b’tali mod li tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd permezz tal-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin abbażi tal-approċċ ta’ prekawzjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 36, il-paragrafu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, fejn il-Kummissjoni ssib li, abbażi tat-tagħrif li jingħata mill-Istati Membri jew ta’ tagħrif ieħor fil-pussess tagħha, l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni Ewropea, għal Stat Membru jew għal grupp ta’ Stati Membri jitqiesu li ntużaw kollha għal irkaptu wieħed jew iktar jew għal flotta waħda jew aktar, hija għandha tgħarraf lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan u għandha tipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għaż-żona, għall-irkaptu, għall-istokk, għall-grupp tal-istokkijiet jew għall-flotta involuta f’dawk l-attivitajiet tas-sajd speċifiċi.

(5)

Mit-tagħrif li għandha l-Kummissjoni jidher li l-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran allokati lin-nases li huma rreġistrat fi Spanja qed jitqiesu li ntużaw għal kollox fl-20 ta' Ġunju. Il-Kummissjoni infurmat lil Spanja b'dan.

(6)

Fis-7, fl-14 u fil-21 ta' Ġunju, Spanja infurmat lill-Kummissjoni bil-fatt li kienet imponiet waqfien tal-attivitajiet tas-sajd tal-erba' nases tagħha li matul l-2012, kienu attivi fis-sajd għat-tonn, b'effett mit-8 ta' Ġunju għal żewġ nases, b'effett mill-14 ta' Ġunju għal nassa waħda u b'effett mill-21 ta' Ġunju għall-aħħar nassa, miżura li rriżultat fil-projbizzjoni tal-attivitajiet kollha mill-21 ta' Ġunju 2012 fis-14:00.

(7)

Mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet li ttieħdu minn Spanja msemmija hawn fuq, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tikkonferma l-projbizzjoni tas-sajd għat-tonn mill-21 ta' Ġunju fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 W u fil-Baħar Mediterran min-nases irreġistrati fi Spanja.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran min-nases irreġistrati fi Spanja għandu jkun ipprojbit mill-21 ta’ Ġunju 2012, sa mhux aktar tard mis-14:00.

Minn dik id-data għandu jiġi pprojbit ukoll li stokk ta’ dan it-tip maqbud minn dawk in-nases jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi ttrażbordat jew jinħatt l-art.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni, F’isem il-President,

László ANDOR

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)   ĠU L 96, 15.4.2009, p. 1.


7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/14


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 606/2012

tal-4 ta’ Lulju 2012

li jipprojbixxi attivitajiet tas-sajd bin-nases u tal-bastimenti tas-sajd bil-konz li jtajru l-bandiera tal-Italja jew huma rreġistrati fiha, u li jkunu qed jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant mill-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 36, il-paragrafu 2 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 44/2012 tas-17 ta’ Jannar 2012 li jiffissa għall-2012 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastiment tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut li huma suġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali, jiffissa l-ammont ta' tonn li jista’ jsir sajd għalih fl-2012 fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007 (2), jeħtieġ li l-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-kwota individwali allokata lill-bastimenti tagħhom b’tul ta’ iktar minn 24 metru, u għal bastimenti b’tul ta’ inqas minn 24 metru u għal nases, talanqas dwar il-kwota allokata lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew gruppi ta’ bastimenti li jistadu b'irkaptu simili.

(3)

Il-Politika Komuni tas-Sajd hija mfassla b’tali mod li tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd permezz tal-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin abbażi tal-approċċ ta’ prekawzjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 36, il-paragrafu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, fejn il-Kummissjoni ssib li, abbażi tat-tagħrif li jingħata mill-Istati Membri jew ta’ tagħrif rilevanti ieħor fil-pussess tagħha, l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni Ewropea, għal Stat Membru jew għal grupp ta’ Stati Membri jitqiesu li ntużaw kollha għal irkaptu wieħed jew iktar jew għal flotta waħda jew aktar, hija għandha tgħarraf lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan u għandha tipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għaż-żona rispettiva, għall-irkaptu, għall-istokk, għall-grupp tal-istokkijiet jew għall-flotta involuti f’dawk l-attivitajiet tas-sajd speċifiċi.

(5)

Mit-tagħrif li għandha l-Kummissjoni jidher li l-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran allokati lin-nases u l-bastimenti tas-sajd bil-konz li jtajru l-bandiera tal-Italja jew li jkunu rreġistrati fiha qed jitqiesu li jkunu eżawriti.

(6)

Fl-20 ta’ Ġunju 2012 l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni bil-fatt li hija kienet imponiet waqfien tal-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tagħha li jistadu bin-nases u bil-konz attivi fis-sajd tat-tonn tal-2012, b'seħħ mill-20 ta' Ġunju fis-13.00 għall-bastimenti tas-sajd bil-konz u b'seħħ mit-22 ta' Ġunju fil-17.00 għan-nases.

(7)

Mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet li ttieħdu mill-Italja msemmija hawn fuq, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tikkonferma l-projbizzjoni tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W u fil-Baħar Mediterran mill-20 ta’ Ġunju 2012 fis-13.00 għall-bastimenti tas-sajd bil-konz li jtajru l-bandiera tal-Italja jew li huma rreġistrati fiha u mit-22 ta’ Ġunju 2012 fil-17.00 għan-nases irreġistrati fl-Italja.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran mill-bastimenti tas-sajd bil-konz u li jtajru l-bandiera tal-Italja jew li huma rreġistrati fiha għandu jiġi pprojbit mill-20 ta’ Ġunju 2012 fis-13:00.

Minn dik id-data għandu jiġi pprojbit ukoll li stokk ta’ dan it-tip maqbud minn dawk il-bastimenti tas-sajd jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi ttrażbordat, ittrasferit jew jinħatt l-art.

Artikolu 2

Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W u fil-Baħar Mediterran min-nases li huma rreġistrati fl-Italja għandu jiġi pprojbit mit-22 ta’ Ġunju 2012 fil-17:00.

Minn dik id-data għandu jiġi pprojbit ukoll li stokk ta’ dan it-tip maqbud minn dawk in-nases jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi ttrażbordat, ittrasferit jew jinħatt l-art.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni, F’isem il-President,

László ANDOR

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)   ĠU L 96, 15.4.2009, p. 1.


7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/16


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 607/2012

tas-6 ta’ Lulju 2012

dwar regoli dettaljati li jikkonċernaw is-sistema ta' diliġenza dovuta u l-frekwenza u n-natura tal-kontrolli fuq l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (1), u b 'mod partikolari l-Artikoli 6(2) u 8(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 jobbliga lill-operaturi biex jużaw qafas ta’ proċeduri u miżuri (minn issa ’l quddiem imsejjaħ sistema ta' diliġenza dovuta) biex inaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskju tat-tqegħid fis-suq intern ta’ njam maħsud b'mod illegali jew prodotti derivati minn injam maħsud b'mod illegali.

(2)

Jeħtieġ li jiġu ċċarati l-każijiet li fihom informazzjoni dwar l-isem xjentifiku sħiħ tal-ispeċi tas-siġar, fir-reġjun subnazzjonali fejn ġie maħsud l-injam u li tkun provduta l-konċessjoni tal-ħsad.

(3)

Jeħtieġ li jkunu speċifikati l-frekwenza u n-natura tal-kontrolli li l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu fuq l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ.

(4)

Il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali miksuba fil-kuntest tal-kontrolli hi soġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (2) u tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (3).

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Infurzar tal-Liġi, il-Governanza u l-Kummerċ fis-settur Forestali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati li jikkonċernaw is-sistema ta’ diliġenza dovuta u l-frekwenza u n-natura tal-kontrolli fuq l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ.

Artikolu 2

L-applikazzjoni tas-sistema ta’ diliġenza dovuta

1.   L-operaturi għandhom japplikaw is-sistema tad-diliġenza dovuta biex kull tip speċifiku ta’ njam jew prodotti tal-injam fornuti minn fornitur partikolari fi żmien perjodu ta’ mhux aktar minn 12-il xahar, sakemm l-ispeċi tas-siġar, il-pajjiż jew il-pajjiżi tal-ħsad jew, fejn applikabbli, ir-reġjun(i) subnazzjonali u l-konċessjoni(jiet) tal-ħsad ma jinbidlux.

2.   L-ewwel paragrafu huwa bla ħsara għall l-obbligu tal-operatur li jżomm miżuri u proċeduri li jipprovdu aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 dwar kull kunsinna tal-injam u ta’ prodotti tal-injam mqiegħda fis-suq mill-operatur.

Artikolu 3

Informazzjoni dwar il-forniment tal-operatur

1.   L-informazzjoni dwar il-forniment ta’ operatur ta’ njam jew prodotti tal-injam msemmija fl-Artikolu (6)(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 għandha tingħata skont il-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   L-isem xjentifiku sħiħ tal-ispeċi tas-siġar riferiti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 għandu jingħata fejn teżisti ambigwità fl-użu tal-isem komuni.

3.   Informazzjoni dwar ir-reġjun subnazzjonali msemmi fit-tieni inċiż tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 għandha tingħata fejn ir-riskju ta' ħsad illegali jvarja bejn reġjun subnazzjonali u ieħor.

4.   Informazzjoni dwar il-konċessjoni tal-ħsad msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 għandha tingħata fejn ir-riskju ta' ħsad illegali jvarja bejn konċessjoni tal-ħsad u oħra f’pajjiż jew f’reġjun subnazzjonali partikolari.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu kwalunkwe arranġament li jikkonferixxi d-dritt biex jinħasad l-injam f'żona definita, għandu jitqies bħala konċessjoni tal-ħsad.

Artikolu 4

Valutazzjoni u mitigazzjoni tar-riskju

Iċ-ċertifikazzjoni jew skemi oħra ta’ verifika minn parti terza msemmija fl-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(1)(b) u fl-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 jistgħu jitqiesu fil-valutazzjoni tar-riskju u fil-proċeduri ta' mitigazzjoni tar-riskju meta jkunu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:

(a)

tkun stabbilita u disponibbli għall-użu minn partijiet terzi, sistema ta’ rekwiżiti li hija pubblikament disponibbli u li għandha tal-anqas tinkludi r-rekwiżiti rilevanti kollha tal-leġiżlazzjoni applikabbli;

(b)

huma jispeċifikaw li kontrolli xierqa, inklużi żjarat fuq il-post, isiru minn parti terza f'intervalli regolari li ma jdumux aktar minn 12-il xahar sabiex ikun ivverifikat li hemm konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli;

(c)

huma jinkludu mezzi, ivverifikati minn parti terza, li jippermettu t-traċċabbiltà tal-injam li jkun ġie maħsud f'konformità mal-leġislazzjoni applikabbli, u prodotti tal-injam ġejjin minn dan l-injam, fi kwalunkwe punt fil-katina tal-provvista qabel tali njam jew prodotti tal-injam jitqiegħdu fis-suq;

(d)

huma jinkludu kontrolli, vverifikati minn parti terza, li jiżguraw li l-injam jew prodotti tal-injam ta’ oriġini mhux magħrufa, jew injam jew prodotti tal-injam li ma jkunux ġew maħsuda skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, ma jidħlux fil-katina tal-provvista.

Artikolu 5

Iż-żamma tar-reġistri mill-operaturi

1.   Informazzjoni dwar forniment tal-operatur kif stipulat fl-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 u l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ mitigazzjoni tar-riskju għandhom ikunu ddokumentati permezz rekords adegwati, li għandhom jinħażnu għal 5 snin u jinżammu disponibbli għal kontrolli mill-awtorità kompetenti.

2.   Bl-applikazzjoni tas-sistema tagħhom ta’ diliġenza dovuta l-operaturi għandhom ikunu kapaċi juru kif l-informazzjoni miġbura ġiet ivverifikata mal-kriterji tar-riskju stipulati fl-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010, kif ittieħdet deċiżjoni dwar miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju u kif l-operatur iddetermina l-grad tar-riskju.

Artikolu 6

Il-frekwenza u n-natura tal-kontrolli fuq l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kontrolli f'intervalli regolari msemmija fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 jitwettqu tal-anqas darba kull sentejn.

2.   Il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 għandhom jitwettqu b’mod partikolari fi kwalunkwe mill-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn awtorità kompetenti, waqt li twettaq kontrolli fuq l-operaturi, tkun sabet nuqqasijiet fl-effikaċja jew fl-implimentazzjoni min-naħa tal-operaturi tas-sistema ta’ diliġenza dovuta stabbilita minn organizzazzjoni ta' monitoraġġ;

(b)

fejn il-Kummissjoni tkun għarrfet lill-awtoritajiet kompetenti li organizzazzjoni ta’ monitoraġġ tkun għaddiet minn tibdil sussegwenti kif previst fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 363/2012 tat-23 ta’ Frar 2012 dwar ir-regoli proċedurali fir-rigward tar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ kif ipprovdut fir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu injam u prodotti tal-injam fis-suq (4).

3.   Il-kontrolli għandhom isiru mingħajr twissija minn qabel, ħlief fejn hija meħtieġa notifika minn qabel tal-organizzazzjoni ta' monitoraġġ sabiex tkun żgurata l-effikaċja tal-kontrolli.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-kontrolli skont il-proċeduri dokumentati.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli biex jiżguraw il-konformità mar-Regolament (UE) Nru 995/2010 li għandhom jinkludu, b'mod partikolari u skont kif xieraq, l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

kontrolli fuq il-post; inklużi awditjar fuq il-post;

(b)

eżami ta’ dokumentazzjoni u ta’ rekords tal-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ;

(c)

intervisti mal-amministrazzjoni u l-persunal tal-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ;

(d)

intervisti mal-operaturi u mal-kummerċjanti jew kwalunkwe persuna rilevanti oħra;

(e)

eżami ta’ dokumentazzjoni u rekords tal-operaturi;

(f)

eżami tal-kampjuni tal-provvista tal-operaturi li jużaw is-sistema ta' diliġenza dovuta tal-organizzazzjoni ta' monitoraġġ konċernata.

Artikolu 7

Rapporti tal-kontrolli fuq l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu rapporti dwar il-kontrolli individwali li jkunu wettqu, li għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-proċess u tat-tekniki applikati u s-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħhom.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu s-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-abbozz tar-rapport lil organizzazzjoni ta' monitoraġġ li ġiet soġġetta għal kontroll. L-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ tista’ tagħti l-kummenti tagħha lill-awtoritajiet kompetenti fil-limitu taż-żmien speċifikat mill-awtoritajiet kompetenti.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu r-rapporti msemmija fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 fuq il-bażi tar-rapporti dwar kontrolli individwali.

Article 8

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.

(2)   ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(3)   ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(4)   ĠU L 115, 27.4.2012, p. 12.


7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/19


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 608/2012

tas-6 ta’ Lulju 2012

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi benżoat tad-denatonju, metilnonilketon u ż-żjut veġetali/żejt tan-nagħniegħ

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-sustanzi attivi benżoat tad-denatonju, metilnonilketon u ż-żjut veġetali/żejt tan-nagħniegħ ġew inklużi fl-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (3) skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 24b tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2229/2004 tat-3 ta' Diċembru 2004 li jistabbilixxi aktar regoli fid-dettall għall-implimentazzjoni tar-raba' stadju tal-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (4). Mis-sostituzzjoni tad-Direttiva 91/414/KEE bir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dawn is-sustanzi qed jitqiesu bħala approvati skont dak ir-Regolament u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (5).

(2)

Skont l-Artikolu 25a tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn issa 'l quddiem “l-Awtorità”, ressqet il-fehmiet tagħha lill-Kummissjoni dwar l-abbozz tar-rapporti ta' reviżjoni għall-benżoat tad-denatonju (6), għall-metilnonilketon (7) fit-2 ta' Diċembru 2011 u għaż-żjut veġetali/żejt tan-nagħniegħ (8) fis-16 ta' Diċembru 2011. L-abbozz tar-rapporti ta' reviżjoni u l-fehmiet tal-Awtorità ġew irreveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġew iffinalizzati fl-1 ta' Ġunju 2012 fil-format tar-rapporti ta' reviżjoni tal-Kummissjoni għall-benżoat tad-denatonju, għall-metilnonilketon u għaż-żjut veġetali/żejt tan-nagħniegħ.

(3)

L-Awtorità kkomunikat il-fehmiet tagħha dwar il-benżoat tad-denatonju, il-metilnonilketon u ż-żjut veġetali/żejt tan-nagħniegħ lin-notifikaturi, u l-Kummissjoni stednithom iressqu l-kummenti dwar ir-rapporti ta' reviżjoni.

(4)

Huwa kkonfermat li s-sustanzi attivi benżoat tad-denatonju, metilnonilketon u ż-żjut veġetali/żejt tan-nagħniegħ għandhom jitqiesu bħala approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(5)

Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, huwa meħtieġ li jiġu emendati l-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tal-benżoat tad-denatonju, tal-metilnonilketon u taż-żjut veġetali/żejt tan-nagħniegħ. Huwa, b'mod partikolari, xieraq li tkun meħtieġa aktar informazzjoni konfermattiva fir-rigward tal-metilnonilketon. L-użu taż-żjut veġetali/żejt tan-nagħniegħ għandu jkun ristrett għat-trattament ta' wara l-ħsad tal-patata.

(6)

Għandu jitħalla perjodu raġonevoli ta' żmien qabel l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sabiex l-Istati Membri, in-notifikaturi u d-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-emenda tal-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti A tal-Anness mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata skont l-Anness ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Novembru 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(3)   ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89.

(4)   ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13.

(5)   ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1.

(6)  Il-konklużjoni dwar ir-reviżjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċida tas-sustanza attiva benżoat tad-denatonju, l-EFSA Journal 2012;10(1):2483. Tinstab onlajn: www.efsa.europa.eu/efsajournal.htm

(7)  l Il-konklużjoni dwar ir-reviżjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċida tas-sustanza attiva metilnonilketon, l-EFSA Journal 2012;10(1):2495. Tinstab onlajn: www.efsa.europa.eu/efsajournal.htm

(8)  Il-konklużjoni dwar ir-reviżjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċida tas-sustanza attiva żjut veġetali/żejt tan-nagħniegħ, l-EFSA Journal 2012;10(1):2541. Tinsab onlajn: www.efsa.europa.eu/efsajournal.htm


ANNESS

Il-Parti A tal-Anness mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata kif ġej:

(1)

Ir-ringiela 226 dwar is-sustanza attiva benżoat tad-denatonju tinbidel b'dan li ġej:

Numru

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (*1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

"226

Benżoat tad-denatonju

Nru tas-CAS: 3734-33-6

Nru tas-CIPAC: 845

Benżildietil[[2,6-xililkarbamojl]metil]benżoat tal-ammonju

≥ 975g/kg

l-1 ta' Settembru 2009

il-31 ta' Awwissu 2019

PARTI A

L-użi bħala repellent biss jistgħu jkunu awtorizzati.

PARTI B

Fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-benżoat tad-denatonju għall-użi li mhumiex l-ibbraxxjar b'tagħmir b'romblu awtomatiku fil-forestrija, l-Istati Membri għandhom jagħtu importanza partikolari lill-kriterji fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u għandhom jaċċertaw li kull dejta u informazzjoni neċessarja tkun ipprovduta qabel ma tingħata awtorizzazzjoni bħal din.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar il-benżoat tad-denatonju (SANCO/2607/2008), u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fl-1 ta' Ġunju 2012.

F'din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-operaturi. Il-kundizzjonijiet awtorizzati ta' użu jridu jippreskrivu l-applikazzjoni ta' tagħmir protettiv personali adattat.

Il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu, fejn xieraq, miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju."

(2)

Ir-ringiela 238 dwar is-sustanza attiva metilnonilketon tinbidel b'dan li ġej:

Numru

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (*2)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

"238

Metilnonilketon

Nru tas-CAS: 112-12-9

Nru tas-CIPAC: 846

Undecan-2-one

≥ 975g/kg

l-1 ta' Settembru 2009

il-31 ta' Awwissu 2019

PARTI A

L-użi bħala repellent biss jistgħu jkunu awtorizzati.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar il-metilnonilketon (SANCO/2619/2008), u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u IItiegħu, kif iffinalizzat fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fl-1 ta' Ġunju 2012.

Il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu, fejn xieraq, miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju. Għandu jiġi evitat il-kuntatt mal-ikel u mal-għelejjel tal-għalf.

In-notifikatur għandu jressaq informazzjoni konfermattiva fir-rigward ta' dan li ġej:

(a)

l-ispeċifikazzjoni tal-materjal eżaminat fl-istudji tat-tossikoloġija u l-ekotossikoloġija tal-mammiferi.

(b)

l-ispeċifikazzjoni b'dejta tal-lott ġustifikattiva u metodi validati ta' analiżi;

(c)

valutazzjoni xierqa tad-destin u l-imġiba tal-metilnonilketon u prodotti potenzjalment trasformattivi fl-ambjent;

(d)

ir-riskju għall-organiżmi akkwatiċi u għal organiżmi li jgħixu fil-ħamrija.

In-notifikatur għandu jibgħat lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità l-informazzjoni stabbilita fil-punti (a) u (b) sat-30 ta' April 2013 u l-informazzjoni stabbilita fil-punti (c) u (d) sal-31 ta' Diċembru 2015."

(3)

Ir-ringiela 243 dwar is-sustanza attiva żjut veġetali/żejt tan-nagħniegħ tinbidel b'dan li ġej:

Numru

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (*3)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

"243

Żjut veġetali/żejt tan-nagħniegħ

Nru tas-CAS: 8008-79-5

Nru tas-CIPAC: 908

Żejt tan-nagħniegħ

≥ 550 g/kg bħala (R)-Carvone

l-1 ta' Settembru 2009

il-31 ta' Awwissu 2019

PARTI A

Għandhom jiġu awtorizzati biss l-użi bħala regolatur tat-tkabbir tal-pjanti għat-trattament ta' wara l-ħsad tal-patata.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet jipprovdu li l-"hot fogging" isir esklussivament b'faċilitajiet ta' ħażna professjonali u li l-aħjar tekniki disponibbli jiġu applikati biex jeskludu r-rilaxx fl-ambjent tal-prodott (evaporizzat) matul il-ħażna, it-trasport, ir-rimi u l-applikazzjoni.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni emendat dwar iż-żjut veġetali/żejt tan-nagħniegħ (SANCO/2624/2008), u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali tal-1 ta' Ġunju 2012.

Il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu, fejn xieraq, miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju."


(*1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' reviżjoni tagħhom.

(*2)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' reviżjoni tagħhom.

(*3)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' reviżjoni tagħhom.


7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/23


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 609/2012

tas-6 ta’ Lulju 2012

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

TR

50,2

ZZ

50,2

0707 00 05

TR

104,1

ZZ

104,1

0709 93 10

TR

111,7

ZZ

111,7

0805 50 10

AR

90,1

TR

54,0

UY

78,0

ZA

87,5

ZZ

77,4

0808 10 80

AR

188,8

BR

82,4

CA

169,1

CL

110,6

CN

123,6

NZ

132,4

US

130,2

UY

68,3

ZA

114,0

ZZ

124,4

0808 30 90

AR

216,0

CL

123,4

CN

83,4

NZ

207,2

ZA

116,9

ZZ

149,4

0809 10 00

TR

182,6

ZZ

182,6

0809 29 00

TR

371,6

ZZ

371,6

0809 30

TR

191,8

ZZ

191,8


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ ZZ ” jirrappreżenta “ta’ oriġini oħra”.


DIRETTIVI

7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/25


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2012/20/UE

tas-6 ta’ Lulju 2012

li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex il-flufenossuron ikun inkluż bħala sustanza attiva għall-prodott tat-tip 8 fl-Anness I għaliha

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-għan li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I, IA jew IB għad-Direttiva 98/8/KE. Dik il-lista tinkludi l-flufenossuron.

(2)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007, il-flufenossuron ġie evalwat skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fi prodotti tat-tip 8, preservattivi tal-injam, kif definit fl-Anness V għal dik id-Direttiva.

(3)

Franza nħatret bħala l-Istat Membru Rapporteur u ressqet ir-rapport tal-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fis-17 ta' Marzu 2009 skont l-Artikolu 14(4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007.

(4)

Ir-rapport tal-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, ir-riżultati tal-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fit-22 ta Settembru 2011, f’rapport ta’ valutazzjoni.

(5)

Mill-analiżijiet li saru, jidher li l-prodotti bijoċidali użati bħala preservattivi tal-injam u li fihom il-flufenossuron jistgħu jiġu preżunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Minħabba dan, u minkejja l-fatt li l-flufenossuron ma ġiex approvat f'ċerti oqsma oħrajn li għalihom il-valutazzjonijiet speċifiċi tar-riskju dwar l-użu taw riżultat differenti (3), huwa xieraq li l-flufenossuron jiddaħħal għall-użu fi prodotti tat-tip 8 fl-Anness I għal dik id-Direttiva.

(6)

Minħabba l-karatteristiċi tiegħu, li jagħmluh persistenti, soġġett għall-bijoakkumulat u t-tossiku (PBT), kif ukoll persistenti ħafna u soġġett ħafna għall-bijoakkumulat (vPvB), skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness XIII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni [l-evalwazzjoni], l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (4), il-flufenossuron għandu jkun inkluż fl-Anness I għal tliet snin biss għandu jkun soġġett għal valutazzjoni tar-riskju komparattiva skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(5)(i) tad-Direttiva 98/8/KE qabel ma tiġġedded l-inklużjoni tiegħu fl-Anness I.

(7)

Il-valutazzjoni tar-riskju tal-flufenossuron użat fil-preservattivi tal-injam indirizzat biss it-trattament tal-injam intenzjonat għall-użu ġewwa (il-kategoriji ta' użu 1 u 2 kif identifikati mill-OECD (5)) jew fl-apert mhux kopert u mhux f'kuntatt mal-art u espost kontinwament għall-elementi tat-temp, protett mill-elementi tat-temp iżda soġġett għat-tixrib tas' spiss jew f'kuntatt mal-ilma ħelu (il-kategoria ta' użu 3 kif definit mill-OECD (6)), li mhux se jintuża fil-bini fejn jinżammu l-annimali jew li se jiġi f'kuntatt mal-ikel jew mal-għalf. Ġew identifikati riskji inaċċettabbli għall-ambjent fit-trattatment tal-injam in situ fl-apert, kif ukoll f'xenarji varji għall-użu fl-apert tal-injam ittrattat. Minħabba l-karatteristiċi tal-flufenossuron, huwa xieraq li jiġu awtorizzati biss dawk l-użi u x-xenarji ta' esponiment li kienu ġew indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni, u li għalihom ma nstab l-ebda riskju inaċċettabbli.

(8)

Minħabba r-riskji identifikati għas-saħħa tal-bniedem fl-użu industrijali u professjonali huwa xieraq li jkun hemm l-esiġenza li jiġu stabbiliti l-proċeduri operattivi sikuri għall-prodotti awtorizzati għat-tali użu, u li dawk il-prodotti jintużaw bit-tagħmir personali protettiv adegwat sakemm ma jkunx jista' jintwera fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-prodott li r-riskji għall-utenti industrijali jew professjonali jistgħu jitnaqqsu għal livell aċċettabbli b'mezzi oħrajn.

(9)

Minħabba r-riskji li ġew identifikati għall-kompartimenti akkwatiċi u terrestri, huwa xieraq li jkun hemm l-esiġenza li jittieħdu miżuri xierqa biex jittaffa r-riskju sabiex dawk il-kompartimenti jkunu protetti, b'mod partikolari li l-injam li jkun għadu kemm ġie ttrattat għandu jinħażen wara t-trattament, taħt għata jew fuq bażi iebsa impermeabbli, jew it-tnejn, u li kwalunkwe rilaxx dirett li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-prodotti użati bħala preservattivi tal-injam u li fih il-flufenossuron għandu jinġabar għall-użu mill-ġdid jew għar-rimi.

(10)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu applikati fl-istess ħin fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat trattament ugwali fis-suq tal-Unjoni tal-prodotti bijoċidali tal-prodott tat-tip 8 li fihom is-sustanza attiva flufenossuron u wkoll biex jiġi ffaċilitat l-operat kif suppost tas-suq tal-prodotti bijoċidali inġenerali.

(11)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jippreparaw ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda involuti u biex ikun żgurat li l-applikanti li ppreparaw id-dokumentazzjoni jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-perjodu ta’ għaxar (10) snin ta’ protezzjoni tad-dejta, li skont l-Artikolu 12(1)(c)(ii) tad-Direttiva 98/8/KE jibda mid-data tal-inklużjoni.

(12)

Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli biex jimplimentaw l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE.

(13)

Id-Direttiva 98/8/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

(14)

Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 98/8/KE ma tax opinjoni dwar il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva, u għalhekk il-Kummissjoni ressqet proposta lill-Kunsill dwar il-miżura u ttrasmettietha lill-Parlament Ewroepw. Il-Kunsill ma ħax azzjoni fi żmien xahrejn (2) kif stipulat fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (7), u għalhekk il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament Ewropew mingħajr dewmien. Il-Parlament Ewropew ma opponiex il-miżura fl-erba’ (4) xhur ta’ wara t-trasmissjoni msemmija hawn fuq,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar 2013.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Frar 2014.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(2)   ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3.

(3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 942/2011 tat-22 ta’ Settembru 2011 dwar in-nonapprovazzjoni tas-sustanza attiva flufenoxuron, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/934/KE (ĠU L 246, 23.9.2011, p. 13); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/77/UE tad-9 ta' Frar 2012 dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni tal-flufenossuron għall-prodotti tat-tip 18 fl-Anness I, IA jew IB għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/8/KE dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 38, 11.2.2012, p. 47).

(4)   ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(5)  OECD series on emission scenario documents, Number 2, Emission Scenario Document for Wood Preservatives, part 2, p. 64 [Is-serje ta' dokumenti tal-OECD dwar xenarji ta' emissjonijiet, Nru 2, Dokument dwar Xenarji ta' Emissjonijiet għal Preservattivi tal-Injam, il-parti 2, p. 64].

(6)  Ibid.

(7)   ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


ANNESS

Fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

Nru

Isem Komuni

Isem tal-IUPAC

Numri ta’ Identifikazzjoni

Purezza minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif jitqiegħed fis-suq

Data tal-inklużjoni

Skadenza sa meta għandu jkun hemm konformità mal-Artikolu 16(3) (ħlief għall-prodotti li jkun fihom aktar minn sustanza attiva waħda, li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipulata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom)

Data ta’ skadenza tal-inklużjoni

Tip tal-prodott

Dispożizzjonijiet speċifiċi (*1)

“57

flufenossuron

1-[4-(2-kloro-alfa, alfa,alfa-trifluworo-para-tolilossi)-2-fluworofenil]-3-(2,6-difluworobenżojl)urea

Nru tal-KE: 417-680-3

Nru CAS: 101463-69-8

960  g/kg

L-1 ta' Frar 2014

Il-31 ta’ Jannar 2016

Il-31 ta’ Jannar 2017

8

Il-flufenossuron għandu jiġi soġġett għal valutazzjoni tar-riskju komparattiva skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(5)(i) tad-Direttiva 98/8/KE qabel ma tiġġedded l-inklużjoni tiegħu f’dan l-Anness.

Il-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni indirizzat it-trattament ta' njam li mhuwiex se jintuża fil-bini fejn jinżammu l-annimali jew li se jiġi f'kuntatt mal-ikel jew mal-għalf. Il-prodotti ma għandhomx ikunu awtorizzati għall-użi jew għal xenarji ta' esponiment li ma ġewx indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

Il-prodotti għandhom jintużaw biss għat-trattament tal-injam intenzjonat għall-użu ġewwa.

(2)

Il-prodotti awtorizzati għall-użu industrijali jew professjonali għandhom jiġu stabbiliti proċeduri operattivi sikuri, u l-prodotti għandhom jintużaw flimkien ma' tagħmir personali protettiv adegwat, sakemm fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-prodott ma jistax jintwera li r-riskji għall-utenti industrijali jew għal dawk professjonali jistgħu jitnaqqsu għal livell aċċettabbli b’mezzi oħrajn.

(3)

Għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa għat-taffija tar-riskju sabiex il-kompartimenti tal-ħamrija u dawk akkwatiċi jkunu protetti. B'mod partikolari, it-tikketti u, fejn disponibbli, il-fuljettii tad-data tas-sikurezza tal-prodotti awtorizzati għandhom jindikaw li l-injam li jkun għadu kemm ġie ttrattat wara t-trattament għandu jinħażen taħt għata jew fuq bażi iebsa impermeabbli, jew it-tnejn, biex ma jitħalliex li jkun hemm rilaxxi diretti fil-ħamrija jew fl-ilma, u li kwalunkwe materjal li jiskula [kwalunkwe rilaxx li jirriżulta] mill-applikazzjoni tal-prodott għandu jinġabar għall-użu mill-ġdid jew għar-rimi.”


(*1)  Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ valutazzjoni huma disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm