ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2012.102.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 102

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 55
12 ta' April 2012


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

 

2012/189/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw

1

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 307/2012 tal-11 ta’ April 2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel

2

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 308/2012 tal-11 ta’ April 2012 li jemenda r-rata tad-dazju addizzjonali għall-prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika

5

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 309/2012 tal-11 ta’ April 2012 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

7

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2012/190/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2012 li temenda d-Deċiżjonijiet 2008/603/KE, 2008/691/KE, 2008/751/KE fir-rigward tad-derogi temporanji mir-regoli ta’ oriġini stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali fil-Mawrizju, is-Seychelles u l-Madagaskar fir-rigward tat-tonn u l-flettijiet tat-tonn (notifikata bid-dokument numru C(2012) 2321)

9

 

 

2012/191/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ April 2012 li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji maħruġa għas-sustanzi attivi ġodda amisulbrom, klorantraniliprol, meptildinokap, pinoksaden, tijosulfat tal-fidda u tembotrijon (notifikata bid-dokument numru C(2012) 2259)  ( 1 )

15

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

12.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-26 ta' Marzu 2012

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw

(2012/189/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(3) u (4) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fil-25 ta’ Ġunju 2010 l-konferenza tan-negozjar, stabbilita taħt l-awspiċi tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, approvat it-test tal-Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw (“il-Ftehim”).

(2)

Il-Ftehim ġie nnegozjat sabiex jissostitwixxi l-Ftehim Internazzjonali tal-2001 dwar il-Kawkaw (“il-Ftehim tal-2001”), li ġie estiż sat-30 ta’ Settembru 2012.

(3)

Il-Ftehim huwa miftuħ għall-iffirmar mill-1 ta' Ottubru 2010 sat-30 ta' Settembru 2012 u l-istrumenti ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni jistgħu jiġu depożitati matul l-istess perijodu.

(4)

L-għanijiet tal-Ftehim jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni.

(5)

L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Ftehim tal-2001, u l-iffirmar tal-Ftehim u l-preżentazzjoni tal-istrument ta' applikazzjoni provviżorja diġà ġew awtorizzati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/643/UE (1) Għaldaqstant huwa fl-interess tal-Unjoni li tikkonkludi l-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw (“il-Ftehim”) b'dan huwa approvat f’isem l-Unjoni Ewropea (2).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jiddepożita l-atti previsti fl-Artikolu 54 tal-Ftehim (3).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)   ĠU L 259, 4.10.2011, p. 7.

(2)  It-test tal-Ftehim ġie ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar, fil-ĠU L 259, 4.10.2011, p. 8.

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


REGOLAMENTI

12.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/2


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 307/2012

tal-11 ta’ April 2012

li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Talbiet mill-Istati Membri jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, għall-ftuħ ta’ proċedura skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 biex tiġi pprojbita, ristretta jew titpoġġa taħt l-iskrutinju tal-Unjoni sustanza minbarra vitamini jew minerali, jew ingredjent li jkun fih sustanza minbarra vitamini jew minerali li tkun miżjuda mal-ikel jew li tintuża fil-manifattura tal-ikel, għandhom jilħqu ċerti kundizzjonijiet u għandhom jiġu stabbiliti regoli uniformi biex jiġi vverifikat li dawn il-kundizzjonijiet intlaħqu. Waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 hija li t-teħid ta’ sustanza għandha teċċedi t-teħid normali ta’ dieta bbilanċjata u varjata u għandha tippreżenta riskju potenzjali għall-konsumaturi kif muri mid-dejta xjentifika rilevanti. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 jipprovdi li l-proċedura għandha tkun applikata wkoll fejn is-sustanza tippreżenta riskju potenzjali għas-saħħa għal raġunijiet minbarra eċċess kbir tal-konsum normali tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 jipprovdi li s-sustanza għandha tiġi miżjuda mal-ikel jew tintuża fil-manifattura tal-ikel.

(2)

Għall-iskop tal-applikazzjoni tal-kundizzjoni msemmija hawn fuq, il-konsum djetetiku tas-sustanza kkonċernata li jaqbeż bil-kbir dak mistenni taħt kundizzjonijiet normali ta’ konsum ta’ dieta bilanċjata u varjata għandu jirrifletti l-konsum attwali tas-sustanza u mhux suppożizzjoni teoretika ta’ konsum, u għandu jiġi evalwat fuq bażi ta’ każ b’każ meta mqabbel ma’ livell medju tat-teħid tas-sustanza mill-popolazzjoni adulta ġenerali jew minn gruppi ta’ popolazzjoni oħra li għalihom ir-riskji potenzjali għall-konsumaturi ġew identifikati.

(3)

L-Istat Membru li jressaq talba għandu jipprovdi t-tagħrif meħtieġ biex juri li l-kundizzjonijiet mitluba mir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 ntlaħqu. Dan għandu jinkludi tagħrif dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-ikel li fihom is-sustanza, u l-evidenza xjentifika ġeneralment aċċettata, rilevanti u disponibbli li tassoċja s-sustanza ma’ riskju potenzjali għall-konsumaturi. Dawk ir-rikjesti aċċertati bħala kompluti biss għandhom jintbagħtu lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn issa ‘l quddiem “l-Awtorità”) għal valutazzjoni tas-sigurtà msejsa fuq it-tagħrif disponibbli. L-Awtorità għandha tadotta opinjoni dwar is-sigurtà tas-sustanza f’limitu ta’żmien speċifikat kif stabbilit fl-Artikolu 29(3) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Il-partijiet interessati għandhom jitħallew jissottomettu l-kummenti lill-Kummissjoni wara l-pubblikazzjoni tal-opinjoni mill-Awtorità.

(4)

L-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 jistabbilixxi li l-operaturi tal-kummerċ tal-ikel, jew kull parti oħra interessata, jistgħu fi kwalunkwe mument jippreżentaw għal valutazzjoni lill-Awtorità fajl li jkun fih id-dejta xjentifika li turi s-sigurtà ta’ sustanza elenkata fl-Anness III, il-Parti C ta’ dan ir-Regolament, taħt il-kundizzjonijiet għall-użu tagħha f’ikel jew f’kategorija ta’ ikel u li tispjega l-għan ta’ dak l-użu. Kull fajl ta’ dan it-tip imressaq minn operatur tal-kummerċ tal-ikel jew minn parti interessata għandu jkun ibbażat fuq dokumenti ta’ gwida adottati jew approvati mill-awtorità, bħalma hija l-gwida dwar is-sottomissjonijiet għal evalwazzjoni tas-sikurezza ta’ sorsi ta’ nutrijenti jew ta’ ingredjenti oħra proposti għall-użu fil-manifattura tal-ikel, jew kwalunkwe verżjoni riveduta oħra ta’ din il-gwida.

(5)

Biex il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar sustanza inkluża fl-Anness III, il-Parti C tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 fl-iskadenza mitluba, huwa meħtieġ li tittieħed kunsiderazzjoni biss ta’ dawk il-fajls sottomessi fi żmien 18-il xahar mid-data li sustanza ġiet inkluża f’dak l-Anness. Barra minn hekk, biex il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fiż-żmien ta’ skadenza stipulat, l-Awtorità għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar is-sigurtà tas-sustanza fi żmien disa’ (9) xhur mid-data tal-wasla ta’ fajl li huwa meqjus validu u komplut skont id-dokumenti ta’ gwida adottati jew approvati mill-Awtorità.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli implimentattivi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 u b’ mod partikolari:

(a)

il-kundizzjonijiet għall-użu tal-proċedura msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006; kif ukoll

(b)

il-proċedura msemmija fil-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 dwar is-sustanzi elenkati fl-Anness III, il-Parti C tiegħu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Talba” tfisser is-sottomissjoni ta’ tagħrif lill-Kummissjoni minn Stat Membru, inkluż id-dejta xjentifika, għall-iskop tal-ftuħ tal-proċedura taħt il-paragrafu 2 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

(b)

“Fajl” ifisser fajl kif imsemmi fil-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 li huwa ppreżentat lill-Awtorità minn operatur tal-kummerċ tal-ikel jew minn parti interessata.

(c)

“Tqegħid fis-suq” kif definit bl-Artikolu 3 (8) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet li għandhom jintlaħqu għat-talba

1.   Fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom is-sustanza kkonċernata hija miżjuda mal-ikel jew li tkun użata fil-manifattura ta’ ikel, kif stabbilit fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, it-tqegħid fis-suq f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri tal-prodott tal-ikel li fih ġiet miżjuda s-sustanza għandu jiġi kkunsidrat.

2.   L-Istati Membri jistgħu jissottomettu talba lill-Kummissjoni meta l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 turi mill-inqas wieħed mis-segwenti:

(a)

li jkun hemm riskju potenzjali għall-konsumaturi assoċjat mal-inġestjoni tal-ammonti tas-sustanza li jaqbżu bil-kbir dawk mistennija raġjonevolment taħt kundizzjonijiet normali ta’ konsum minn dieta bilanċjata u varjata, minħabba l-kundizzjonijiet li taħthom is-sustanza hija miżjuda mal-ikel jew li tkun intużat fil-manifattura tal-ikel;

(b)

li jkun hemm riskju potenzjali għall-konsumaturi assoċjat mal-konsum ta’ din is-sustanzamill-popolazzjoni adulta ġenerali jew minn gruppi ta’ popolazzjoni speċifikati oħra li għalihom ir-riskji potenzjali ġew identifikati..

3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament dawn il-kundizzjonijiet li jkunu jirriżultaw f’inġestjoni tal-ammonti ta’ sustanza li jaqbżu bil-kbir dawk raġonevolment mistennija li jittieklu taħt kundizzjonijiet normali ta’ konsum ta’ dieta bilanċjata u varjata għandhom iseħħu fiċ-ċirkostanzi attwali u għandhom ikunu evalwati fuq bażi ta’ każ b’ każ meta mqabbla mal-konsum medju tas-sustanza kkonċernata mill-popolazzjoni adulta ġenerali jew minn gruppi tal-popolazzjoni speċifikati oħra li għalihom tqajjem tħassib għas-saħħa.

4.   Il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw mutatis mutandis fejn il-proċedura skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tinbeda mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Il-kontenut tat-talba

1.   It-talba għandha tinkludi l-evidenza xjentifika ġeneralment aċċettata, rilevanti u disponibbli li turi li l-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 intlaħqu u għandha tinkludi:

(a)

Evidenza li turi ż-żieda tas-sustanza mal-ikel jew l-użu tas-sustanza fil-manifattura tal-ikel.

Tali evidenza għandha tinkludi tagħrif dwar it-tqegħid attwali fis-suq ta’ prodotti tal-ikel li fihom is-sustanza kif imsemmi fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

(b)

Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3 (2) (a), evidenza li turi li t-teħid tas-sustanza jeċċedi bil-kbir il-kundizzjonijiet normali ta’ konsum ta’ dieta bilanċjata u varjata, kif stmat skont l-Artikolu 3 (3).

Tali evidenza għandha tinkludi dejta xjentifika li tirrappreżenta t-teħid djetetiku attwali tas-sustanza miksuba minn stħarriġiet disponibbli l-iktar riċenti dwar il-konsum djetetiku jew dwar il-konsum tal-ikel. L-inklużjoni ta’ ikel li fih is-sustanza tkun ġiet miżjuda u/jew supplimenti tal-ikel li jkun fihom is-sustanza jistgħu jiġu kkunsidrati. L-Istati Membri għandhom jipprovdu ġustifikazzjoni għall-bażi tal-evalwazzjoni tagħhom ta’ “kundizzjonijiet normali ta’ konsum ta’ dieta bilanċjata u varjata” meta jagħmlu t-talba.

(c)

Evidenza li turi riskju potenzjali għall-konsumaturi minn konsum tas-sustanza.

Din l-evidenza għandha tikkonsisti minn dejta xjentifika rilevanti li tinkludi rapporti vvalidati mhux ippubblikati, opinjonijiet xjentifiċi minn korp pubbliku jew indipendenti tal-valutazzjoni tar-riskju jew artikoli rivisti mill-pari. Taqsira tad-dejta xjentifika u l-lista ta’ referenzi tad-dejta xjentifika għandhom jiġu pprovduti.

2.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru biex jipprovdi kjarifiki jew tagħrif addizzjonali jekk it-talba ma tkunx kompluta.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika kull talba kompluta magħmula minn Stat Membru fuq il-websajt uffiċjali tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat it-talba lill-Awtorità flimkien mat-tagħrif kollu disponibbli, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri. L-Awtorità għandha tadotta opinjoni xjentifika f’limitu ta’ żmien speċifikat kif stabbilit mill-Artikolu 29 (3) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

5.   Il-partijiet interessati jistgħu jressqu l-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien 30 jum mill-pubblikazzjoni mill-Awtorità tal-opinjoni tagħha.

Artikolu 5

Is-sustanza inkluża fl-Anness III, il-Parti C

1.   Biex jitqies validu, fajl imressaq minn operatur tal-kummerċ tal-ikel jew minn kwalunkwe parti interessata oħra lill-Awtorità fid-dawl ta’ valutazzjoni tas-sikurezza tas-sustanza mqiegħda fil-Parti C tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, skont il-proċedura prevista skont l-Artikolu 8 (4) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, għandu jkun ibbażat fuq dokumenti ta’ gwida relevanti adottati jew approvati mill-Awtorità.

F’każ li din tqis li fajl mhuwiex validu għall-għan tal-ewwel sub-paragrafu, l-Awtorità għandha tgħarraf lill-operatur tal-kummerċ tal-ikel jew lill-parti interessata li ressqet il-fajl u wkoll lill-Kummissjoni, waqt li tindika r-raġunijiet għalfejn il-fajl mhux meqjus validu.

2.   Il-fajls imressqa fi żmien tmintax-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ deċiżjoni li tinkludi sustanza fil-Parti C tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 skont l-Artikolu 8 (2) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 biss għandhom jiġu kkunsidrati mill-Awtorità bħala fajl validu għall-iskopijiet ta’ deċiżjoni kif stabbilit fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

Artikolu 6

Opinjoni tal-Awtorità

1.   L-Awtorità għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-fajls imsemmija fl-Artikolu 5 (1) ta’ dan ir-Regolament fi żmien 9 xhur mid-data tal-wasla ta’ fajl validu. L-Awtorità għandha tevalwa l-validità tal-fajl fi żmien 30 jum mid-data tal-wasla tiegħu.

2.   L-Awtorità tista’ titlob lill-operatur tal-kummerċ tal-ikel jew lil parti interessata biex jissupplimenta/tissupplimenta id-dejta jew it-tagħrif imressqa f’fajl f’limitu ta’ żmien speċifikat. Meta l-Awtorità tfittex li tikseb tagħrif supplimentari mingħand l-operatur tal-kummerċ tal-ikel jew minn kwalunkwe parti interessata oħra, il-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi estiż darba biss sa tliet xhur u għandu jinkludi l-ħin meħtieġ mill-operatur tal-kummerċ tal-ikel jew minn kwalunkwe parti interessata biex jipprovdu dan it-tagħrif supplimentari. L-operatur tal-kummerċ tal-ikel jew il-parti interessata għandu jressaq/għandha tressaq it-tagħrif meħtieġ fi żmien 15-il jum mid-data tal-wasla tat-talba tal-Awtorità.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26.

(2)   ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.


12.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 308/2012

tal-11 ta’ April 2012

li jemenda r-rata tad-dazju addizzjonali għall-prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 tal-25 ta’ April 2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

B’konsegwenza tan-nuqqas min-naħa tal-Istati Uniti biex iġġib l-Att dwar il-Kumpens għall-Persistenza tad-Dumping u għaż-Żamma tas-Sussidji (CDSOA) konformi mal-obbligi tagħha skont il-ftehimiet tad-WTO, ir-Regolament (KE) Nru 673/2005 impona dazju doganali addizzjonali ad valorem ta’ 15 % fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika mill-1 ta’ Mejju 2005. B’konformità mal-awtorizzazzjoni tad-WTO biex tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-konċessjonijiet lill-Istati Uniti, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-livell tas-sospensjoni kull sena għal-livell ta’ tixjin jew ħsara kkawżat mis-CDSOA lill-Unjoni Ewropea f’dak iż-żmien.

(2)

Il-ħlasijiet tas-CDSOA għall-aktar sena riċenti li għaliha hemm dejta disponibbli għandhom x’jaqsmu mad-distribuzzjoni ta’ dazji kontra d-dumping u ta’ kontrobilanċ miġbura matul is-Sena Fiskali 2011 (mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2011). Fuq il-bażi tad-dejta ppublikata mill-Ħarsien tad-Dwana u tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, il-livell ta’ tixjin jew ħsara kkawżat lill-Unjoni huwa kkalkulat li jammonta għal USD 3 241 000.

(3)

Il-livell ta’ tixjin jew ħsara, u konsegwement ta’ sospensjoni, naqas. Madankollu, il-livell ta’ sospensoni ma jistax jiġi aġġustat għal-livell ta’ tixjin jew ħsara billi jinżiedu jew jitneħħew prodotti mil-lista fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 673/2005. Minħabba f’hekk, skont l-Artikolu 3(1)(e) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha żżomm il-lista ta’ prodotti fl-Anness I bla tibdil u temenda r-rata tad-dazju addizzjonali biex taġġusta l-livell ta’ sospensjoni għal-livell ta’ tixjin jew ħsara. It-tliet prodotti elenkati fl-Anness I għandhom għalhekk jinżammu fil-list u r-rata tad-dazju tal-importazzjoni addizzjonali għandha tiġi emendata u ffissata għal 6 %.

(4)

L-effett ta’ dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni ta’ 6 % ad valorem fuq importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-prodotti fl-Anness I jirrappreżenta, fuq tul ta’ sena, valur ta’ kummerċ li ma jisboqx it-USD 3 241 000.

(5)

Biex ikun żgurat li ma jkun hemm ebda dewmien fl-applikazzjoni tar-rata emendata tad-dazju ta’ importazzjoni addizzjonali, dan ir-Regolament ta’ implimentazzjoni għandu jidħol fis-seħħ dakinhar li jiġi ppubblikat.

(6)

Il-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jaqblu mal-opinjoni mogħtija mill-Kumitat dwar ir-Ritaljazzjoni Kummerċjali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-dazju ad valorem ta’ 6 % addizzjonali għad-dazju doganali applikabbli skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2) għandu jiġi impost fuq il-prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 673/2005.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jibda japplika mill-1 ta’ Mejju 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 110, 30.4.2005, p. 1.

(2)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS I

Il-prodotti li fuqhom għandhom japplikaw id-dazji addizzjonali huma identifikati permezz tal-kodiċi NM tagħhom bi tmien numri. Id-deskrizzjoni tal-prodotti klassifikati taħt dawn il-kodiċijiet tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (1) kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 493/2005 (2).

0710 40 00

9003 19 30

8705 10 00


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)   ĠU L 82, 31.3.2005, p. 1.


12.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 309/2012

tal-11 ta’ April 2012

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

52,4

TN

107,6

TR

101,9

ZZ

87,3

0707 00 05

TR

148,1

ZZ

148,1

0709 91 00

EG

66,1

ZZ

66,1

0709 93 10

MA

81,4

TR

120,6

ZZ

101,0

0805 10 20

EG

52,7

IL

72,2

MA

48,5

TN

56,3

TR

61,6

ZA

34,5

ZZ

54,3

0805 50 10

TR

48,2

ZZ

48,2

0808 10 80

AR

86,1

BR

85,2

CA

121,8

CL

103,1

CN

113,0

MK

31,8

US

164,2

ZA

153,1

ZZ

107,3

0808 30 90

AR

105,5

CL

129,5

CN

77,5

US

107,0

UY

67,7

ZA

111,7

ZZ

99,8


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ ZZ ” jirrappreżenta “ta’ oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

12.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/9


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-4 ta’ April 2012

li temenda d-Deċiżjonijiet 2008/603/KE, 2008/691/KE, 2008/751/KE fir-rigward tad-derogi temporanji mir-regoli ta’ oriġini stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali fil-Mawrizju, is-Seychelles u l-Madagaskar fir-rigward tat-tonn u l-flettijiet tat-tonn

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 2321)

(2012/190/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f’ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) previsti fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(4) tal-Anness II tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Lulju 2008 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/603/KE (2) li tagħti deroga temporanja mir-regoli ta’ oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali tal-Mawrizju rigward it-tonn ippreservat u l-flettijiet tat-tonn. Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/377/UE (3) ingħatat estensjoni ta’ dik id-deroga temporanja sal-31 ta’ Diċembru 2011. Fis-6 ta’ Ottubru 2011, il-Mawrizju talab, b’konformità mal-Artikolu 36 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 deroga ġdida mir-regoli tal-oriġini stipulati f’dak l-Anness. Skont it-tagħrif ipprovdut mill-Mawrizju, il-qabdiet ta’ tonn nej baqgħu żgħar ħafna anke meta mqabbla mal-varjazzjonijiet normali staġjonali. Billi s-sitwazzjoni anormali sa mill-2008 għadha ma ntemmitx u minħabba l-problema tal-piraterija fl-Oċean Indjan għandha tingħata deroga ġdida b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012.

(2)

Fl-14 ta’ Awwissu 2008 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/691/KE (4) dwar deroga temporanja mir-regoli ta’ oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali tas-Seychelles fir-rigward tat-tonn ippreservat. Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/377/UE ingħatat estensjoni ta’ dik id-deroga temporanja sal-31 ta’ Diċembru 2011. Fis-17 ta’ Novembru 2011, is-Seychelles talab, b’konformità mal-Artikolu 36 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 deroga ġdida mir-regoli tal-oriġini stipulati f’dak l-Anness. Skont it-tagħrif ipprovdut mis-Seychelles il-qabdiet ta’ tonn nej baqgħu żgħar ħafna anke meta mqabbla mal-varjazzjonijiet normali staġjonali. Minbarra dan, it-theddida tal-piraterija tirriżulta f’numru mnaqqas ta’ jiem tas-sajd f’żoni li jħallu qligħ tajjeb iżda li huma ta’ riskju għoli. Billi s-sitwazzjoni anormali tal-2008 baqgħet l-istess, għandha tingħata deroga ġdida b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012.

(3)

Fit-18 ta’ Settembru 2008 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/751/KE (5) li tagħti deroga temporanja mir-regoli ta’ oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali tal-Madagaskar rigward it-tonn ippreservat u l-flettijiet tat-tonn. Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/377/UE ingħatat estensjoni ta’ dik id-deroga temporanja sal-31 ta’ Diċembru 2011. Fil-25 ta’ Ottubru 2011, il-Madagaskar talab, b’konformità mal-Artikolu 36 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 deroga ġdida mir-regoli tal-oriġini stipulati f’dak l-Anness. Skont din l-informazzjoni l-kisba ta’ tonn nej oriġinarju għadha diffiċli minħabba l-problema tal-piraterija fl-Oċean Indjan. Billi s-sitwazzjoni anormali tal-2008 baqgħet l-istess, għandha tingħata deroga ġdida b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012.

(4)

Id-Deċiżjonijiet 2008/603/KE, 2008/691/KE u 2008/751/KE kienu japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2011. Jeħtieġ li tiġi żgurata l-kontinwità tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi tal-AKP lejn l-Unjoni kif ukoll tranżizzjoni bla problemi għall-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar bħala parti u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha bħala l-parti l-oħra (Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika ESA-UE). Għalhekk, il-perjodu ta’ żmien tad-Deċiżjonijiet 2008/603/KE, 2008/691/KE u 2008/751/KE għandu jiġi estiż mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012.

(5)

Ma jkunx xieraq li jingħataw derogi skont l-Artikolu 36 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 li jaqbżu l-kwota annwali mogħtija lir-reġjun ESA skont il-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika ESA-UE. Għaldaqstant, l-ammonti tal-kwoti għall-2012 għandhom jiġu stabbiliti għal 3 000 tunnellata ta’ tonn ippreservat u 600 tunnellata ta’ flettijiet tat-tonn għall-Mawrizju, 3 000 tunnellata ta’ tonn ippreservat u 600 tunnellata ta’ flettijiet tat-tonn għas-Seychelles u 2 000 tunnellata ta’ tonn ippreservat u 500 tunnellata ta’ flettijiet tat-tonn għall-Madagaskar.

(6)

Fl-interess taċ-ċarezza, huwa adatt li jiġi stipulat b’mod espliċitu li l-uniċi materjali mhux ta’ oriġini li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta’ tonn preservat u flettijiet tat-tonn taħt kodiċi NM 1604 14 16 għandhom ikunu tonn taħt l-Intestaturi HS 0302 jew 0303, sabiex it-tonn preservat u l-flettijiet tat-tonn jibbenefikaw mid-deroga.

(7)

Id-Deċiżjonijiet 2008/603/KE, 2008/691/KE u 2008/751/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(8)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2008/603/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

B’deroga mill-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 u skont l-Artikolu 36(1)(a) ta’ dak l-Anness, it-tonn ippreservat u l-flettijiet tat-tonn taħt l-Intestatura HS 1604 manifatturati minn tonn mhux ta’ oriġini taħt l-Intestaturi HS 0302 jew 0303 għandhom jitqiesu bħala li oriġinaw mill-Mawrizju skont it-termini stipulati fl-Artikoli 2 sa 5 ta’ din id-Deċiżjoni.”;

2.

L-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-prodotti u l-kwantitajiet stipulati fl-Anness li huma ddikjarati għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa lejn il-Komunità mill-Mawrizju matul il-perjodi mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008, mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009, mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2010, mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 u mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012.”;

3.

L-Artikolu 6 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2012.”;

4.

L-Anness huwa sostitwit bit-test imniżżel fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2008/691/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

B’deroga mill-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 u skont l-Artikolu 36(1)(a) ta’ dak l-Anness, it-tonn ippreservat u l-flettijiet tat-tonn taħt l-Intestatura HS 1604 manifatturati minn tonn mhux ta’ oriġini taħt l-Intestaturi HS 0302 jew 0303 għandhom jitqiesu bħala li oriġinaw mis-Seychelles skont it-termini stipulati fl-Artikoli 2 sa 5 ta’ din id-Deċiżjoni.”;

2.

L-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-prodotti u l-kwantitajiet stipulati fl-Anness li huma ddikjarati għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa lejn il-Komunità mis-Seychelles matul il-perjodi mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008, mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009, mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2010, mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 u mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012.”;

3.

L-Artikolu 6 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2012.”;

4.

L-Anness huwa sostitwit bit-test imniżżel fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni 2008/751/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

B’deroga mill-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 u skont l-Artikolu 36(1)(a) tiegħu, it-tonn ippreservat u l-flettijiet tat-tonn taħt l-Intestatura HS 1604 manifatturati minn tonn mhux ta’ oriġini taħt l-Intestaturi HS 0302 jew 0303 għandhom jitqiesu bħala li oriġinaw mill-Madagaskar skont it-termini stipulati fl-Artikoli 2 sa 5 ta’ din id-Deċiżjoni.”;

2.

L-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-prodotti u l-kwantitajiet stipulati fl-Anness li huma ddikjarati għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa lejn il-Komunità mill-Madagaskar matul il-perjodi mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008, mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009, mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2010, mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 u mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012.”;

3.

L-Artikolu 6 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2012.”;

4.

L-Anness huwa sostitwit bit-test imniżżel fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ April 2012.

Għall-Kummissjoni

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1

(2)   ĠU L 194, 23.7.2008, p. 9.

(3)   ĠU L 168, 28.6.2011, p. 12.

(4)   ĠU L 225, 23.8.2008, p. 17.

(5)   ĠU L 255, 23.9.2008, p. 31.


ANNESS I

“ANNESS

Nru tal-Ordni

Kodiċi tan-NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Perjodi

Kwantitajiet

(tunnellati)

09.1668

ex 1604 14 11 , ex 1604 14 18 , ex 1604 20 70

Tonn ippreservat (1)

Mill-1.1.2008 sal-31.12.2008

3 000

Mill-1.1.2009 sal-31.12.2009

3 000

Mill-1.1.2010 sal-31.12.2010

3 000

Mill-1.1.2011 sal-31.12.2011

3 000

Mill-1.1.2012 sal-31.12.2012

3 000

09.1669

1604 14 16

Flettijiet tat-tonn

Mill-1.1.2008 sal-31.12.2008

600

Mill-1.1.2009 sal-31.12.2009

600

Mill-1.1.2010 sal-31.12.2010

600

Mill-1.1.2011 sal-31.12.2011

600

Mill-1.1.2012 sal-31.12.2012

600


(1)  Fi kwalunkwe għamla ta’ imballaġġ li bih il-prodott jitqies bħala ppreservat fi ħdan it-tifsira tal-intestatura HS ex ex 1604.”


ANNESS II

“ANNESS

Nru tal-Ordni

Kodiċi tan-NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Perjodi

Kwantità

(tunnellati)

09.1666

ex 1604 14 11 , ex 1604 14 18 , ex 1604 20 70

Tonn ippreservat (1)

Mill-1.1.2008 sal-31.12.2008

3 000

Mill-1.1.2009 sal-31.12.2009

3 000

Mill-1.1.2010 sal-31.12.2010

3 000

Mill-1.1.2011 sal-31.12.2011

3 000

Mill-1.1.2012 sal-31.12.2012

3 000

09.1630

1604 14 16

Flettijiet tat-tonn

Mill-1.1.2011 sal-31.12.2011

600

Mill-1.1.2012 sal-31.12.2012

600


(1)  Fi kwalunkwe għamla ta’ imballaġġ li bih il-prodott jitqies bħala ppreservat fi ħdan it-tifsira tal-intestatura HS ex ex 1604.”


ANNESS III

“ANNESS

Nru tal-Ordni

Kodiċi tan-NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Perjodi

Kwantitajiet

(tunnellati)

09.1645

ex 1604 14 11 , ex 1604 14 18 ex 1604 20 70

Tonn ippreservat (1)

Mill-1.1.2008 sal-31.12.2008

2 000

Mill-1.1.2009 sal-31.12.2009

2 000

Mill-1.1.2010 sal-31.12.2010

2 000

Mill-1.1.2011 sal-31.12.2011

2 000

Mill-1.1.2012 sal-31.12.2012

2 000

09.1646

1604 14 16

Flettijiet tat-tonn

Mill-1.1.2008 sal-31.12.2008

500

Mill-1.1.2009 sal-31.12.2009

500

Mill-1.1.2010 sal-31.12.2010

500

Mill-1.1.2011 sal-31.12.2011

500

Mill-1.1.2012 sal-31.12.2012

500


(1)  Fi kwalunkwe għamla ta’ imballaġġ li bih il-prodott jitqies bħala ppreservat fi ħdan it-tifsira tal-intestatura HS ex ex 1604.”


12.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/15


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ April 2012

li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji maħruġa għas-sustanzi attivi ġodda amisulbrom, klorantraniliprol, meptildinokap, pinoksaden, tijosulfat tal-fidda u tembotrijon

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 2259)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/191/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 80(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 80(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, id-Direttiva 91/414/KEE għandha tkompli tapplika għal sustanzi attivi li għalihom ġiet adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/414/KEE qabel l-14 ta’ Ġunju 2011.

(2)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f’Marzu 2006 r-Renju Unit irċieva applikazzjoni mingħand Nissan Chemical Europe SARL għall-inklużjoni tas-sustanza attiva amisulbrom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/669/KE (3) kkonfermat li d-dossier kien komplut u li seta’ jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, fi Frar 2007 l-Irlanda rċeviet applikazzjoni mingħand DuPont International Operations SARL għall-inklużjoni tas-sustanza attiva klorantraniliprol fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/560/KE (4) kkonfermat li d-dossier kien komplut u li seta’ jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III ta’ dik id-Direttiva.

(4)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f’Awwissu 2005 r-Renju Unit irċieva applikazzjoni mingħand Dow AgroSciences għall-inklużjoni tas-sustanza attiva meptildinokap fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/589/KE (5) kkonfermat li d-dossier kien komplut u li seta’ jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III ta’ dik id-Direttiva.

(5)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f’Marzu 2004 r-Renju Unit irċieva applikazzjoni mingħand Syngenta Ltd għall-inklużjoni tas-sustanza attiva pinoksaden fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/459/KE (6) kkonfermat li d-dossier kien komplut u li seta’ jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III ta’ dik id-Direttiva.

(6)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f’Jannar 2003 l-Pajjiżi l-Baxxi rċevew applikazzjoni mingħand Enhold B.V. għall-inklużjoni tas-sustanza attiva tijosulfat tal-fidda fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/850/KE (7) kkonfermat li d-dossier kien komplut u li seta’ jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III ta’ dik id-Direttiva.

(7)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE f’Novembru 2005 l-Awstrija rċeviet applikazzjoni mingħand Bayer CropScience AG għall-inklużjoni tas-sustanza attiva tembotrijon fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/586/KE (8) kkonfermat li d-dossier kien komplut u li seta’ jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III ta’ dik id-Direttiva.

(8)

Il-konferma li d-dossiers kienu kompluti kienet meħtieġa sabiex dawn setgħu jiġu eżaminati fid-dettall u sabiex l-Istati Membri seta’ jkollhom il-possibbiltà li jagħtu awtorizzazzjonijiet provviżorji, għal perjodi sa tliet snin, għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi kkonċernati, filwaqt li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/414/KEE u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet relatati mal-valutazzjoni dettaljata tas-sustanzi attivi u tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati b’dik id-Direttiva.

(9)

Għal dawn is-sustanzi attivi, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ġew ivvalutati, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi li pproponew l-applikanti. L-Istati Membri relaturi ppreżentaw l-abbozzi tar-rapporti ta’ valutazzjoni rispettivi lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Lulju 2008 (amisulbrom), fil-11 ta’ Frar 2009 (klorantraniliprol), fil-25 ta’ Ottubru 2006 (meptildinokap), fit-30 ta’ Novembru 2005 (pinoksaden), fid-9 ta’ Novembru 2005 (tijosulfat tal-fidda) u fit-2 ta’ Frar 2007 (tembotrijon).

(10)

Wara li tressqu l-abbozzi tar-rapporti ta’ valutazzjoni mill-Istati Membri relaturi, instab li kien hemm bżonn li tintalab iktar informazzjoni mill-applikanti u li l-Istati Membri relaturi jeżaminaw dik l-informazzjoni u jressqu l-valutazzjoni tagħhom. Għalhekk, l-eżaminazzjoni tad-dossiers għadha għaddejja u mhux se jkun possibbli li l-valutazzjoni titlesta fiż-żmien stabbilit fid-Direttiva 91/414/KEE, li tinqara flimkien mad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2010/353/UE (9) (amisulbrom, klorantraniliprol, meptildinokap u pinoksaden) u 2010/149/UE (10) (tijosulfat tal-fidda u tembotrijon).

(11)

Peress li sa issal-evalwazzjoni għadha ma identifikat l-ebda raġuni għal tħassib immedjat, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jtawlu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji mogħtija għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi kkonċernati għal perjodu ta’ 24 xahar skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414/KEE, sabiex tkun tista’ titkompla l-eżaminazzjoni tad-dossiers. Huwa mistenni li l-evalwazzjoni u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar approvazzjoni possibbli skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għas-sustanzi amisulbrom, klorantraniliprol, meptildinokap, pinoksaden, tijosulfat tal-fidda u tembotrijon se jitlestew fi żmien 24 xahar.

(12)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi amisulbrom, klorantraniliprol, meptildinokap, pinoksaden, tijosulfat tal-fidda jew tembotrijon għal perjodu li jintemm mhux iktar tard mill-31 ta’ Mejju 2014.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi nhar il-31 ta’ Mejju 2014.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ April 2012.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(3)   ĠU L 274, 18.10.2007, p. 15.

(4)   ĠU L 213, 15.8.2007, p. 29.

(5)   ĠU L 240, 2.9.2006, p. 9.

(6)   ĠU L 160, 23.6.2005, p. 32.

(7)   ĠU L 322, 9.12.2003, p. 28.

(8)   ĠU L 236, 31.8.2006, p. 31.

(9)   ĠU L 160, 26.6.2010, p. 26.

(10)   ĠU L 60, 10.3.2010, p. 24.