ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2012.044.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 44

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 55
16 ta' Frar 2012


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 121/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2012 li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

16.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 44/1


REGOLAMENT (UE) Nru 121/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Frar 2012

li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3730/87 tal-10 ta’ Diċembru 1987 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-provvista tal-ikel minn ħażniet ta’ intervent lil organizzazzjonijiet magħżula għad-distribuzzjoni lil persuni li huma l-aktar fil-bżonn fil-Komunità (4), li sussegwentement ġie imħassar u integrat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċertu prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (5), ipprovda skema affidabbli għad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn tal-Unjoni (skema ta’ distribuzzjoni tal-ikel) għal aktar minn għoxrin sena u kkontribwixxa b’mod pożittiv għall-koeżjoni soċjali tal-Unjoni billi naqqas id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali.

(2)

Fost l-għanijiet tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) kif definiti fl-Artikolu 39(1) tat-Trattat hemm li jkunu stabbiliti swieq u li jkun żgurat li l-provvisti jilħqu lill-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli. Matul is-snin, l-iskema għad-distribuzzjoni tal-ikel serviet bħala sies sabiex jinkisbu ż-żewġ għanijiet u, permezz tat-tnaqqis tal-inċertezza tal-ikel għal persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni, uriet li hija għodda essenzjali li tiggarantixxi disponibbiltà ampja tal-ikel fl-Unjoni filwaqt li tnaqqas il-ħażniet ta’ intervent.

(3)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2011, il-Parlament Ewropew sejjaħ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżviluppaw soluzzjoni tranżizzjonali għas-snin li fadal tal-qafas finanzjarju multiannwali sabiex jiġi evitat tnaqqis qawwi fl-għajnuna alimentari bħala riżultat tat-tnaqqis fil-finanzjament minn EUR 500 miljun għal EUR 113 miljun u sabiex jiġi żgurat li n-nies li huma dipendenti mill-għajnuna alimentari ma jbatux mill-faqar tal-ikel.

(4)

L-iskema preżenti ta’ distribuzzjoni tal-ikel tiddipendi fuq id-distribuzzjoni tal-prodotti mill-ħażniet ta’ intervent tal-Unjoni, supplimentati, fuq bażi temporanja, bix-xiri mis-swieq. Madankollu, ir-riformi suċċessivi tal-PAK u l-iżviluppi favorevoli tal-prezzijiet tal-produtturi rriżultaw fi tnaqqis progressiv tal-istokkijiet ta’ intervent u fil-firxa ta’ prodotti disponibbli. Il-verżjoni attwali tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 tippermetti biss xiri fis-swieq fil-każ ta’ nuqqas temporanju ta’ disponibbiltà tal-prodotti. Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-576/08 (6), ix-xiri ta’ ikel fis-suq tal-Unjoni ma jistgħux jissostitwixxu fuq bażi regolari l-ħażniet imnaqqsa ta’ intervent. F’dawn iċ-ċirkostanzi, jidher li huwa xieraq li tintemm l-iskema ta’ distribuzzjoni tal-ikel. Sabiex l-organizzazzjonijiet tal-karità fl-Istati Membri li qed jużaw l-iskema attwali ta’ distribuzzjoni tal-ikel jintgħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida, l-iskema ta’ distribuzzjoni tal-ikel għandha tiġi emendata biex tipprevedi eliminazzjoni gradwali li matulha x-xirjiet mis-swieq għandhom isiru sors regolari ta’ provvista għall-iskema ta’ distribuzzjoni tal-ikel sabiex jikkomplementaw il-ħażniet ta’ intervent, fejn ma jkunux disponibbli ħażniet ta’ intervent adatti. L-eliminazzjoni gradwali għandha tintemm bit-tlestija tal-pjan annwali għall-2013.

(5)

L-iskema ta’ distribuzzjoni tal-ikel tal-Unjoni għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe skema nazzjonali ta’ distribuzzjoni tal-ikel.

(6)

Sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni baġitarja korretta, huwa meħtieġ li jiġi stipulat limitu massimu fiss għall-għajnuna mill-Unjoni. L-iskema ta’ distribuzzjoni tal-ikel għandha tiżdied mal-lista ta’ infiq fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (7) biex tiġi ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG).

(7)

L-esperjenza wriet li huwa meħtieġ ċertu titjib fil-ġestjoni tal-iskema tad-distribuzzjoni tal-ikel. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi pjanijiet annwali għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ distribuzzjoni tal-ikel fl-2012 u l-2013, ibbażati fuq it-talbiet mill-Istati Membri li ġew komunikati lill-Kummissjoni u fuq informazzjoni oħra kkunsidrata rilevanti. L-Istati Membri għandhom jibbażaw ir-rikjesti tagħhom għal prodotti tal-ikel fuq programmi nazzjonali għad-distribuzzjoni tal-ikel, li jiddeterminaw l-għanijiet u l-prijoritajiet tagħhom għad-distribuzzjoni tal-ikel lil dawk l-aktar fil-bżonn, li għandhom jinkludu konsiderazzjonijiet ta’ nutrizzjoni. F’dan il-kuntest, ikun xieraq li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jagħtu preferenza lill-prodotti li ġejjin mill-Unjoni. Fl-aħħarnett, sabiex tkun żgurata kopertura xierqa tal-ispejjeż konnessi mal-implimentazzjoni tal-pjanijiet annwali, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jingħataw l-għażla li jirrifondu, fil-limiti tar-riżorsi li jsiru disponibbli permezz tal-pjanijiet annwali, ċerti spejjeż magħmulin mill-organizzazzjonijiet magħżula relatati mal-amministrazzjoni, trasport u ħżin.

(8)

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-kontrolli amministrattivi u fiżiċi adegwati u għandhom jipprovdu penali fil-każ ta’ irregolaritajiet sabiex jiżguraw li l-pjanijiet annwali jiġu implimentati skont ir-regoli applikabbli.

(9)

Sabiex tiġi żgurata l-operazzjoni kontinwa tal-iskema attwali ta’ distribuzzjoni tal-ikel sabiex tkun tista’ tiġi eliminata gradwalment b’mod effiċjenti, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-tlestija tal-pjan annwali għall-2013.

(10)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007 għalhekk għandhom jiġu emendati kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, jiżdied il-punt li ġej:

“(g)

l-iskema għad-distribuzzjoni tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.”.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 27 qed jiġi mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 27

Skema għad-distribuzzjoni tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni

1.   Hija b’dan stabbilita skema, għall-2012 u l-2013, li permezz tagħha jistgħu jitqassmu prodotti tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni permezz ta’ organizzazzjonijiet magħżula, li ma għandhomx ikunu impriżi kummerċjali, mill-Istati Membri. Għall-fini ta’ din l-iskema ta’ distribuzzjoni tal-ikel, il-prodotti fil-ħażniet ta’ intervent għandhom ikunu disponibbli jew, fejn m’hemm l-ebda ħażniet ta’ invervent adegwati għall-iskema għad-distribuzzjoni tal-ikel, il-prodotti tal-ikel għandhom jinxtraw fis-suq.

Għall-finijiet tal-iskema ta’ distribuzzjoni tal-ikel prevista fl-ewwel subparagrafu, “persuni l-aktar fil-bżonn” tfisser persuni fiżiċi, inklużi familji jew gruppi magħmulin minn dawn il-persuni, li huma registati jew rikonoxxuti abbażi ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà adottati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li huma soċjalment u finanzjarment dipendenti, jew li huma determinati bħala tali abbażi tal-kriterji użati mill-organizzazzjonijiet magħżula li huma approvati minn dawk l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

2.   L-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fl-iskema ta’ distribuzzjoni tal-ikel prevista fil-paragrafu 1 għandhom jippreżentaw, lill-Kummissjoni, programmi għad-distribuzzjoni tal-ikel li jinkludu li ġej:

(a)

dettalji tal-karatteristiċi ewlenin u tal-għanijiet ta’ tali programmi,

(b)

l-organizzazzjonijiet magħżula,

(c)

it-talbiet għal kwantitajiet ta’ prodotti tal-ikel li għandhom jitqassmu kul sena u informazzjoni rilevanti oħra.

L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-prodotti tal-ikel abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inklużi l-valuri nutrittivi u l-adegwatezza għad-distribuzzjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jagħtu preferenza lill-prodotti tal-ikel li joriġinaw fl-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta pjanijiet annwali abbażi tat-talbiet u informazzjoni rilevanti oħra msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 u ppreżentati minn Stati Membri bħala parti fil-programmi ta’ distribuzzjoni tal-ikel tagħhom.

Kull pjan annwali għandu jiffissa allokazzjonijiet finanzjarji annwali mill-Unnjoni għal kull Stat Membru.

Meta prodotti tal-ikel inklużi fil-pjan annwali ma jkunux disponibbli fil-ħażniet ta’ intervent fl-Istat Membru fejn dawn il-prodotti ikunu meħtieġa, il-Kummissjoni għandha tipprovdi fil-pjan annwali għat-trasferiment ta’ dawk il-prodotti lil dak l-Istat Membru fejn ikunu disponibbli fil-ħażniet ta’ intervent.

Il-Kummissjoni tista’ tirrevedi pjan annwali fid-dawl ta’ kwalunkwe żvilupp rilevanti li jaffettwa l-eżekuzzjoni tiegħu.

4.   Il-prodotti tal-ikel għandhom jingħataw lill-organizzazzjonijiet magħżula mingħajr ħlas.

Id-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel lil dawk l-aktar fil-bżonn għandha tkun:

(a)

mingħajr ħlas, jew

(b)

bi prezz li fl-ebda każ ma għandux jkun akbar minn dak iġġustifikat mill-ispejjeż imġarrba mill-organizzazzjonijiet magħżula fid-distribuzzjoni tagħhom u li mhumiex spejjeż eliġibbli taħt il-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7.

5.   L-Istati Membri li jieħdu sehem fl-iskema ta’ distribuzzjoni tal-ikel prevista fil-paragrafu 1 għandhom:

(a)

jibagħtu lill-Kummissjoni rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi għad-distribuzzjoni tal-ikel;

(b)

iżommu lill-Kummissjoni infurmata, b’mod f’waqtu, dwar l-iżviluppi li jaffettwaw l-implimentazzjoni tal-programmi għad-distribuzzjoni tal-ikel.

6.   L-Unjoni għandha tikkofinanzja l-ispejjeż eliġibbli taħt l-iskema. Dan il-finanzjament m’għandux jaqbeż EUR 500 miljun għal kull sena baġitarja.

7.   L-ispejjeż eliġibbli taħt l-iskema għandhom ikunu:

(a)

l-ispejjeż tal-prodotti rrilaxxati mill-ħażniet ta’ intervent,

(b)

l-ispejjeż tal-prodotti tal-ikel mixtrija fis-suq, u

(c)

l-ispejjeż tat-trasport tal-prodotti tal-ikel fil-ħażniet ta’ intervent bejn l-Istati Membri.

Fil-limiti tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet annwali f’kull Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jqisu eliġibbli l-ispejjeż li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż tat-trasport tal-prodotti tal-ikel lejn l-imħażen tal-organizzazzjonijiet magħżula;

(b)

l-ispejjeż, li ġejjin, imġarrba mill-organizzazzjonijiet magħżula, safejn dawn ikunu marbutin direttament mal-implimentazzjoni tal-pjanijiet annwali:

(i)

spejjeż amministrattivi;

(ii)

l-ispejjeż tat-trasport bejn l-imħażen tal-organizzazzjonijiet magħżula u l-punti tad-distribuzzjoni finali, u

(iii)

l-ispejjeż tal-ħżin.

8.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu kontrolli amministrattivi u fiżiċi biex jiżguraw li l-pjanijiet annwali jiġu implimentati f’konformità mar-regoli applikabbli u għandhom jistabbilixxu l-penali applikabbli f’każijiet ta’ irregolaritajiet.

9.   Il-kliem “Għajnuna mill-Unjoni Ewropea” flimkien mal-emblema tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu mmarkati b’mod ċar fuq l-ippakkjar tal-ikel distribwit permezz tal-pjanijiet annwali kif ukoll fil-punti ta’ distribuzzjoni.

10.   L-iskema ta’ distribuzzjoni tal-ikel prevista fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe skema nazzjonali, li permezz tagħha jitqassmu prodotti tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn, li jkunu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.”.

(2)

Fl-Artikolu 204, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   L-Artikolu 27 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-tlestija tal-pjan annwali għall-2013.”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-publikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-tlestija tal-pjan annwali għall-2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Frar 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  L-Opinjoni tal-20 ta’ Jannar 2011 (ĠU C 84, 17.3.2011, p. 49) u l-Opinjoni tat-8 ta’ Diċembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 104, 2.4.2011, p. 44.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2009 (ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 258) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-23 ta’ Jannar 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Frar 2012 (ĠU C 38 E, 11.2.2012, p. 1).

(4)  ĠU L 352, 15.12.1987, p. 1.

(5)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(6)  Kawża T-576/08 Ġermanja v Kummissjoni, sentenza tat-13 ta’ April 2011 (għadha mhijiex ippubblikata).

(7)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.