ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2012.024.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 24

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 55
27ta' Jannar 2012


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

 

2012/41/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Jannar 2012 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward tal-ħolqien ta’ Grupp ta’ Ħidma Konġunt li jwettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Kapitolu IIa tal-Protokoll 10 tal-Ftehim taż-ŻEE dwar is simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u li jiddefinixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu

1

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2012 tas-26 ta’ Jannar 2012 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

5

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 69/2012 tas-26 ta’ Jannar 2012 dwar il-kwistjoni tal-liċenzji għall-importazzjoni tar-ross skont il-kwota tariffarja miftuħa għas-subperjodu ta' Jannar 2012 permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011

7

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2012/42/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Jannar 2012 li taħtar il-President tal-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika

11

 

 

2012/43/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Jannar 2012 li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka jikkonkludi ftehimiet mal-Groenlandja u l-Gżejjer Faeroe għat-trasferimenti ta’ fondi bejn id-Danimarka u kull wieħed minn dawn it-territorji li għandhom jiġu ttrattati bħala trasferimenti ta’ fondi fid-Danimarka, skont ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2012) 141)

12

 

 

2012/44/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Jannar 2012 dwar ir-regoli applikabbli għall-kontrolli veterinarji li jridu jitwettqu fuq annimali ħajjin u prodotti li joriġinaw mill-annimali li jidħlu f’ċerti Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej minn pajjiżi terzi (notifikata bid-dokument numru C(2012) 222)  ( 1 )

14

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

27.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Jannar 2012

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward tal-ħolqien ta’ Grupp ta’ Ħidma Konġunt li jwettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Kapitolu IIa tal-Protokoll 10 tal-Ftehim taż-ŻEE dwar is simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u li jiddefinixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu

(2012/41/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114, 207(2) u 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 10 ta’ mal-Ftehim ġie emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 76/2009 tat-30 ta’ Ġunju tal-2009 (2), bil-għan li jiddaħħal Kapitolu IIa ġdid dwar miżuri ta’ sigurtà doganali.

(2)

L-Artikolu 9b tal-Protokoll 10 jipprovdi li, f’kummerċ bilaterali bejn il-Partijiet Kontraenti, titneħħa l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà doganali, sakemm ikun hemm livell ekwivalenti ta’ sigurtà doganali fit-territorji rispettivi tagħhom.

(3)

L-Artikolu 9f tal-Protokoll 10 jipprovdi wkoll li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jiddefinixxi r-regoli li jippermettu lill-Partijiet Kontraenti li jiggarantixxu l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Kapitolu IIa ta’ dak il-Protokoll u li jivverifikaw li d-dispożizzjonjiet tal-Kapitolu IIa u tal-Annessi I u II għal dak il-Protokoll jiġu segwiti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar il-ħolqien ta’ Grupp ta’ Ħidma Konġunt biex iwettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Kapitolu IIa tal-Protokoll 10 tal-Ftehim taż-ŻEE dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u u li jiddefinixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu għandha tkun imsejsa fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

M. GJERSKOV


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 232, 3.9.2009, p. 40.


ABBOZZ TA’

DEĊIŻJONI Nru …/2011 TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

ta’ …

li toħloq Grupp ta’ Ħidma Konġunt li jwettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Kapitolu IIa tal-Protokoll 10 tal-Ftehim taż-ŻEE dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u li jiddefinixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat mill-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim taż-ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 92 u 94(3) tiegħu, u l-Artikolu 9f(1) tal-Protokoll 10 għall-Ftehim taż-ŻEE,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 10 għall-Ftehim taż-ŻEE ġie emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 76/2009 tat-30 ta’ Ġunju tal-2009 (1), bil-għan li jiddaħħal Kapitolu IIa ġdid dwar miżuri ta’ sigurtà doganali.

(2)

L-Artikolu 9b tal-Protokoll 10 jipprovdi li, f’kummerċ bilaterali bejn il-Partijiet Kontraenti, titneħħa l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà doganali, sakemm ikun hemm livell ekwivalenti ta’ sigurtà doganali fit-territorji rispettivi tagħhom.

(3)

L-Artikolu 9f tal-Protokoll 10 jipprovdi wkoll li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jiddefinixxi r-regoli li jippermettu lill-Partijiet Kontraenti li jiggarantixxu monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu IIa ta’ dak il-Protokoll u li jivverifikaw li d-dispożizzjonjiet tal-Kapitolu IIa u l-Annessi I u II għal dak il-Protokoll jiġu segwiti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Grupp ta’ Ħidma Konġunt dwar Miżuri ta’ Sigurtà Doganali (minn hawn ‘il quddiem “il-Grupp ta’ Ħidma”), biex jiggarantixxi l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjjonijiet ta’ sigurtà doganali fil-Kapitolu IIa tal-Protokoll 10 tal-Ftehim taż-ŻEE u sabiex jivverifika li d-dispożizzjonjiet tal-Kapitolu IIa u l-Annessi I u II għal dan il-Protokoll jiġu segwiti.

2.   Il-Grupp ta’ Ħidma għandu jopera skont ir-regoli ta’ proċedura speċifikati fl-Anness ta’ ma’ din id-Deċiżjoni.

3.   Il-Grupp ta’ Ħidma għandu jirrapporta lis-Sottokumitat Konġunt I dwar il-moviment ħieles tal-prodotti, kif imsemmi fl-Artikolu 15(1)(a) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (2).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fi …, sakemm ikunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (*).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu.

Magħmul fi Brussell, … .

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)  ĠU L 232, 3.9.2009, p. 40.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 1/94 tat-8 ta’ Frar 1994 li tadotta r-Regoli ta’ Procedura tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, (ĠU L 85, 30.3.1994, p. 60).

(*)  [Ma huma indikati l-ebda ħtiġijiet kostituzzjonali.] [Ħtiġijiet kostituzzjonali huma indikati.]

ANNESS

għad-Deċiżjoni Nru …/2011 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONĠUNT DWAR IL-MIŻURI TA’ SIGURTÀ DOGANALI

Artikolu 1

Il-kompożizzjoni

Il-Grupp ta’ Ħidma għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, rappreżentanti tal-Istati tal-EFTA u rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Il-kompiti

1.   Il-Grupp ta’ Ħidma għandu jevalwa l-ekwivalenza tal-miżuri ta’ sigurtà doganali definiti fil-leġiżlazzjoni tal-Partijiet Kontraenti. B’mod partikolari, huwa għandu jwettaq monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni dwar l-informazzjoni ta’ qabel il-wasla u ta’ wara t-tluq, kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u l-ġestjoni tar-riskju u l-leġiżlazzjoni dwar l-operaturi ekonomiċi awtorizzati. Barra minn hekk, jiskambja informazzjoni dwar emendi għal-leġiżlazzjoni kkonċernata.

2.   Il-Grupp ta’ Ħidma jiddiskuti l-emendi tekniċi meħtieġa għall-Kapitolu IIa tal-Protokoll 10.

3.   Fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti, il-Grupp ta’ Ħidma jorganizza laqgħa ta’ grupp ta’ esperti biex jiddiskuti kwistjoni speċifika. Barra minn dan, il-Grupp ta’ Ħidma janalizza l-proċeduri amministrattivi tal-Partijiet Kontraenti. Sabiex iwettaq din l-analiżi, il-Grupp ta’ Ħidma jista’ jiftiehem biex jorganizza żjajjar fuq il-post.

4.   Fuq talba tal-Partijiet Kontraenti, il-Grupp ta’ Ħidma jeżamina kwalunkwe kwistjoni li jqis li tkun relevanti għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà doganali definiti fl-Kapitolu IIa tal-Protokoll 10.

Artikolu 3

Il-Presidenza

Il-presidenza tal-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma talterna kull sitt xhur bejn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant ta’ wieħed mill-Istati tal-EFTA li fil-konfront tagħhom ikun japplika l-Kapitolu IIa tal-Protokoll 10.

Artikolu 4

Il-laqgħat

1.   Il-Grupp ta’ Ħidma jiltaqa’ fuq bażi regolari tal-anqas darba fis-sena.

2.   Il-laqgħat isiru fi Brussell jew fi kwalunkwe post ieħor li jintgħażel mill-President tal-Grupp ta’ Ħidma.

3.   Il-President isejjaħ il-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma. L-istediniet għal-laqgħat jintbagħtu lill-parteċipanti msemmija fl-Artikolu 1 tal-anqas 10 ijiem tax-xogħol qabel il-laqgħa. Fi kwistjonijiet urġenti, l-istediniet jistgħu jintbagħtu f’limitu iqsar ta’ żmien.

4.   Il-lingwa li biha jiġi diskuss ix-xogħol fil-Grupp ta’ Ħidma hija l-Ingliż.

5.   Il-laqgħat ma jkunux pubbliċi sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor.

Artikolu 5

L-aġenda

1.   Il-President ifassal l-aġenda provviżorja għal kull laqgħa. L-aġenda provviżorja tintbagħat lill-parteċipanti msemmija fl-Artikolu 1 tal-anqas 10 ijiem tax-xogħol qabel il-laqgħa.

2.   Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jitolbu li jiżdied suġġett mal-aġenda kemm bil-miktub lill-President jew qabel l-adozzjoni tal-aġenda dakinhar tal-laqgħa.

Artikolu 6

Il-minuti

1.   Il-President ikun responsabbli miż-żamma tal-minuti ta’ kull laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma. Il-minuti jindikaw, fir-rigward ta’ kull suġġett fuq l-aġenda, ir-rakkomandazzjonijiet u/jew il-konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma.

2.   L-abbozz tal-minuti għandu jiġi skambjat bejn il-Partijiet Kontraenti u jintlaħaq ftehim dwaru fi żmien 20 jum tax-xogħol wara l-laqgħa.

Artikolu 7

L-ispejjeż

Ir-rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti u l-esperti mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jkopru l-ispejjeż kollha li jġarrbu b’rabta mal-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma.


REGOLAMENTI

27.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 68/2012

tas-26 ta’ Jannar 2012

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

IL

160,4

MA

51,6

TN

83,0

TR

103,5

ZZ

99,6

0707 00 05

EG

217,9

JO

229,9

MA

148,6

TR

169,0

ZZ

191,4

0709 91 00

EG

143,2

ZZ

143,2

0709 93 10

MA

126,9

TR

160,1

ZZ

143,5

0805 10 20

EG

52,8

MA

54,0

TN

58,7

TR

63,6

ZZ

57,3

0805 20 10

MA

81,7

ZZ

81,7

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

CN

61,5

EG

79,2

IL

84,0

KR

91,9

MA

39,3

PK

50,1

TR

99,3

ZZ

72,2

0805 50 10

TR

56,1

ZZ

56,1

0808 10 80

CA

126,3

CL

74,9

CN

97,5

MK

30,8

US

152,7

ZZ

96,4

0808 30 90

CN

55,6

TR

95,1

US

159,7

ZA

87,1

ZZ

99,4


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta’ oriġini oħra”.


27.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 69/2012

tas-26 ta’ Jannar 2012

dwar il-kwistjoni tal-liċenzji għall-importazzjoni tar-ross skont il-kwota tariffarja miftuħa għas-subperjodu ta' Jannar 2012 permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) [ir-Regolament dwar l-OKS Unika] (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi (kwoti tariffarji) fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b’sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1273/2011 tas-7 ta’ Diċembru 2011 li jiftaħ u li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ ċerti kwoti ta’ tariffi (kwoti tariffarji) għall-importazzjoni ta’ ross u ross miksur (3), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011 fetaħ u pprovda għall-amministrazzjoni ta’ ċerti kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta’ ross u ross miksur, li jitkisser mill-pajjiż tal-oriġini u li jinqasam f'diversi subperjodi skont l-Anness I għal dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni.

(2)

Jannar huwa l-ewwel subperjodu għall-kwoti pprovduti fl-Artikolu 1(1)(a), (b), (c) u (d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011.

(3)

In-notifiki mibgħuta skont l-Artikolu 8(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011 juru li, għall-kwoti bin-numru tal-ordni 09.4154 – 09.4112 – 09.4116 – 09.4117 – 09.4118 – 09.4119 – 09.4166, l-applikazzjonijiet imressqa fl-ewwel għaxart (10) ijiem ta' xogħol ta' Jannar 2012, skont l-Artikolu 4(1) ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni, ikopru kwantità li taqbeż dik disponibbli. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi ddeterminat sa liema punt jistgħu jinħarġu l-liċenzji għall-importazzjoni, billi jiġi stabbilit il-koeffiċjent tal-allokazzjoni li għandu jiġi applikat għall-kwantitajiet mitluba taħt il-kwoti kkonċernati.

(4)

Dawk in-notifiki juru wkoll li, għall-kwoti bin-numri tal-ordni 09.4127 – 09.4128 – 09.4148 – 09.4149 – 09.4150 – 09.4152 – 09.4153, l-applikazzjonijiet imressqa fl-ewwel għaxart (10) ijiem ta' xogħol ta' Jannar 2012, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjonu (UE) Nru 1273/2011, ikopru kwantità li hija inqas minn dik disponibbli.

(5)

Jeħtieġ ukoll li, għall-kwoti bin-numru tal-ordni 09.4127 – 09.4128 – 09.4148 – 09.4149 – 09.4150 – 09.4152 – 09.4153 – 09.4154 – 09.4112 – 09.4116 – 09.4117 – 09.4118 – 09.4119 – 09.4166, tiġi ffissata l-kwantità totali disponibbli għas-subperjodu ta' wara, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011.

(6)

Sabiex tkun żgurata ġestjoni effettiva tal-proċedura tal-ħruġ tal-liċenzji għall-importazzjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Għall-applikazzjonijiet tal-liċenzji għall-importazzjoni tar-ross li jaqgħu taħt il-kwoti bin-numru tal-ordni 09.4154 – 09.4112 – 09.4116 – 09.4117 – 09.4118 – 09.4119 – 09.4166 imsemmija fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011, imressqa matul l-ewwel għaxart (10) ijiem ta' xogħol ta' Jannar 2012, il-liċenzji għandhom jinħarġu għall-kwantità mitluba, immultiplikata bil-koeffiċjent tal-allokazzjoni stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

2.   Il-kwantità totali disponibbli għas-subperjodu ta' wara taħt il-kwoti bin-numri tal-ordni 09.4127 – 09.4128 – 09.4148 – 09.4149 – 09.4150 – 09.4152 – 09.4153 – 09.4154 – 09.4112 – 09.4116 – 09.4117 – 09.4118 – 09.4119 – 09.4166 imsemmija fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011, hija stabbilita fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.

(3)  ĠU L 325, 8.12.2011, p. 6.


ANNESS

Kwantitajiet li għandhom jiġu allokati għas-subperjodu ta' Jannar 2012 u kwantitajiet disponibbli għas-subperjodu ta' wara skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011

(a)

Kwota ta' ross mitħun kollu jew ross mitħun parzjalment kopert bil-kodiċi tan-NM 1006 30 kif provdut bl-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011:

Oriġini

Numru tal-ordni

Koeffiċjent tal-allokazzjoni għas-subperjodu ta' Jannar 2012

(f’%)

Kwantità totali disponibbli għas-subperjodu ta' April 2012

(kg)

L-Istati Uniti

09.4127

 (1)

23 803 600

It-Tajlandja

09.4128

 (1)

9 812 999

L-Awstralja

09.4129

 (2)

1 019 000

Joriġinaw minn xi pajjiż ieħor

09.4130

 (2)

1 805 000

(b)

Kwota ta' ross bla ħliefa kopert bil-kodiċi tan-NM 1006 20 kif provdut fl-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011

Oriġini

Numru tal-ordni

Koeffiċjent tal-allokazzjoni għas-subperjodu ta' Jannar 2012

(f’%)

Kwantità totali disponibbli għas-subperjodu ta' Lulju 2012

(kg)

Il-pajjiżi kollha

09.4148

 (3)

1 634 000

(c)

Kwota ta' ross miksur kopert bil-kodiċi tan-NM 1006 40 00 kif provdut fl-Artikolu 1(1)(c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011

Oriġini

Numru tal-ordni

Koeffiċjent tal-allokazzjoni għas-subperjodu ta' Jannar 2012

(f’%)

Kwantità totali disponibbli għas-subperjodu ta' Lulju 2012

(kg)

It-Tajlandja

09.4149

 (4)

44 047 269

L-Awstralja

09.4150

 (5)

16 000 000

Il-Gujana

09.4152

 (5)

11 000 000

L-Istati Uniti

09.4153

 (4)

5 455 000

Joriġinaw minn xi pajjiż ieħor

09.4154

1,447729

6 000 011

(d)

Kwota ta' ross mitħun kollu jew ross mitħun parzjalment kopert bil-kodiċi tan-NM 1006 30 kif provdut bl-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011

Oriġini

Numru tal-ordni

Koeffiċjent tal-allokazzjoni għas-subperjodu ta' Jannar 2012

(f’%)

Kwantità totali disponibbli għas-subperjodu ta’ Lulju 2012

(kg)

It-Tajlandja

09.4112

1,073576

0

L-Istati Uniti

09.4116

2

0

l-Indja

09.4117

0,91078

0

Il-Pakistan

09.4118

0,933048

0

Joriġinaw minn xi pajjiż ieħor

09.4119

0,997548

0

Il-pajjiżi kollha

09.4166

0,842279

17 011 014


(1)  L-applikazzjonijiet ikopru kwantitajiet li huma inqas minn jew daqs il-kwantitajiet disponibbli: għalhekk, l-applikazzjonijiet kollha huma aċċettabbli.

(2)  L-ebda kwantità disponibbli għal dan is-subperjodu.

(3)  L-ebda koeffiċjent tal-allokazzjoni ma ġie applikat għal dan is-subperjodu: l-ebda applikazzjoni ta' liċenzji ma ġiet notifikata lill-Kummissjoni.

(4)  L-applikazzjonijiet ikopru kwantitajiet li huma inqas minn jew daqs il-kwantitajiet disponibbli: għalhekk, l-applikazzjonijiet kollha huma aċċettabbli.

(5)  L-ebda koeffiċjent tal-allokazzjoni applikat għal dan is-subperjodu: l-ebda applikazzjoni ta' liċenzji ma ġiet notifikata lill-Kummissjoni.


DEĊIŻJONIJIET

27.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/11


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Jannar 2012

li taħtar il-President tal-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika

(2012/42/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 235/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 li tistabbilixxi Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Marzu 2009, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2009/249/KE (2) sabiex jaħtar lis-Sur Johnny ÅKERHOLM bħala l-President tal-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika għal perijodu ta’ tliet snin mit-23 ta’ Marzu 2009.

(2)

Huwa għalhekk meħtieġ li jinħatar President ġdid sabiex jassumi l-funzjoni meta jiskadi l-mandat li beda fit-23 ta’ Marzu 2009.

(3)

Taħt l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Nru 235/2008/KE, il-President m’għandux ikun membru attwali ta’ uffiċċju nazzjonali tal-istatistika jew tal-Kummissjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sur Thomas WIESER huwa b’dan maħtur President tal-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika għal perijodu ta’ tliet snin mit-23 ta’ Marzu 2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

M. VESTAGER


(1)  ĠU L 73, 15.3.2008, p. 17.

(2)  ĠU L 74, 20.3.2009, p. 30.


27.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/12


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Jannar 2012

li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka jikkonkludi ftehimiet mal-Groenlandja u l-Gżejjer Faeroe għat-trasferimenti ta’ fondi bejn id-Danimarka u kull wieħed minn dawn it-territorji li għandhom jiġu ttrattati bħala trasferimenti ta’ fondi fid-Danimarka, skont ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 141)

(It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)

(2012/43/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-applikazzjoni mir-Renju tad-Danimarka,

Billi:

(1)

F'April 2011, id-Danimarka temmet l-applikazzjoni tagħha, imnedija f'Diċembru 2006, għal deroga skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1781/2006 għat-trasferimenti ta’ fondi bejn id-Danimarka u l-Groenlandja u bejn id-Danimarka u l-Gżejjer Faeroe.

(2)

Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 1781/2006, it-trasferimenti ta’ fondi bejn id-Danimarka u l-Groenlandja u bejn id-Danimarka u l-Gżejjer Faeroe ġew provviżorjament ittrattati bħala trasferimenti ta’ fondi fid-Danimarka minn Diċembru 2006.

(3)

Fis-27 ta’ April 2011, l-Istati Membri ġew informati li l-Kummissjoni qieset li kienet irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tivvaluta t-talbiet li għamlet id-Danimarka.

(4)

La l-Groenlandja u lanqas il-Gżejjer Faeroe ma jiffurmaw parti mit-territorju tal-Unjoni Ewropea kif iddeterminat skont l-Artikolu 52 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) iżda jiffurmaw parti miż-żona monetarja tad-Danimarka. Għalhekk il-Groenlandja u l-Gżejjer Faeroe jikkonformaw mal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1781/2006.

(5)

Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlasijiet fil-Groenlandja u l-Gżejjer Faeroe jipparteċipaw direttament f'sistemi ta’ ħlasijiet u saldu fid-Danimarka, jiġifieri jew Kronos inkella Sumclearing. Għaldaqstant huma jikkonformaw mal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1781/2006.

(6)

Kemm il-Groenlandja kif ukoll il-Gżejjer Faeroe inkorporaw fl-ordnijiet ġuridiċi tagħhom dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk fir-Regolament (KE) Nru 1781/2006, b'mod partikolari, għall-Groenlandja permezz tal-Att nru 399 tal-21 ta’ April 2010 dwar l-informazzjoni dwar il-pagatur li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u l-Att nru 6 tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-informazzjoni dwar il-pagatur li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi, u għall-Gżejjer Faeroe permezz tal-Att nru 467 tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-informazzjoni dwar il-pagatur li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi, b'emendi għall-Att nru 579 tal-1 ta’ Ġunju 2010.

(7)

Il-Groenlandja u l-Gżejjer Faeroe ħarġu leġiżlazzjoni li tikkontribwixxi għall-bini ta’ sistema soda kontra l-ħasil tal-flus. Fil-Groenlandja, din il-leġiżlazzjoni tikkonsisti b'mod partikolari mid-Digriet Irjali nru 1034 tat-30 ta’ Awwissu 2010 dwar Miżuri għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Iffinanzjar tat-Terroriżmu u l-Att nru 5 tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar Miżuri għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Iffinanzjar tat-Terroriżmu. Fil-Gżejjer Faeroe, il-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus tinkludi b'mod partikolari d-Digriet Irjali nru 79 tad-29 ta’ Jannar 2010 dwar Miżuri għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Iffinanzjar tat-Terroriżmu u l-Att dwar Miżuri għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Iffinanzjar tat-Terroriżmu, l-Att nru 56 tad-9 ta’ Ġunju 2008 bl-emendi tas-26 ta’ Mejju 2010.

(8)

Il-Groenlandja u l-Gżejjer Faeroe għandhom implimentata leġiżlazzjoni xierqa biex jimponu sanzjonijiet finanzjarji vis-à-vis entitajiet jew persuni elenkati min-Nazzjonijiet Uniti jew l-Unjoni Ewropea.

(9)

Għalhekk, kemm il-Groenlandja kif ukoll il-Gżejjer Faeroe adottaw l-istess regoli bħal dawk stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 u jesiġu li l-fornituri tas-servizzi ta’ ħlasijiet rispettivi tagħhom japplikawhom u b'hekk jissodisfaw il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 17(1)(c) ta’ dak ir-Regolament.

(10)

Għalhekk huwa xieraq li d-Danimarka tingħata d-deroga mitluba.

(11)

Il-ftehimiet li se jiġu konklużi bejn id-Danimarka u l-Groenlandja għandhom jipprovdu biex jiżguraw il-konformità mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewrope u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data [dejta] personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [dejta] (2) u b'mod partikolari l-Artikoli 25 u 26.

(12)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Renju tad-Danimarka għandu jingħata l-awtorizzazzjoni li jikkonkludi ftehimiet mal-Groenlandja u l-Pajjiżi Faeroe, bil-għan li t-trasferimenti ta’ fondi bejn id-Danimarka u l-Groenlandja u bejn id-Danimarka u l-Gżejjer Faeroe jiġu trattati bħala trasferimenti ta’ fondi fid-Danimarka għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 1781/2006.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni

Michel BARNIER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.


27.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/14


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Jannar 2012

dwar ir-regoli applikabbli għall-kontrolli veterinarji li jridu jitwettqu fuq annimali ħajjin u prodotti li joriġinaw mill-annimali li jidħlu f’ċerti Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej minn pajjiżi terzi

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 222)

(It-Test Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/44/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttivi 91/496/KEE u 97/78/KE jispjegaw fid-dettall ir-rekwiżiti speċifiċi għall-kontrolli veterinarji fuq kull konsenja ta’ annimali ħajjin u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali li ġejja minn pajjiż terz u li hija maħsuba għall-Unjoni f’post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera (BIP) approvat tal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/496/KEE jippermetti regoli speċjali għall-kontrolli li jridu jitwettqu fuq annimali ħajjin importati għat-tbiċċir u maħsuba għall-konsum lokali u tal-annimali tat-tgħammir jew tal-produzzjoni, għall-użu f’partijiet remoti tal-Istati Membri. Dawn ir-regoli jirrikjedu li l-pjanijiet li jiddeskrivu n-natura tal-kontrolli li jridu jitwettqu jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni. Dawn il-pjanijiet għandhom jispeċifikaw il-kontrolli mwettqa sabiex annimali introdotti fir-reġjuni remoti kkonċernati jew prodotti derivati minn dawn l-annimali jinżammu milli jintbagħtu f’kull ċirkostanza lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni.

(3)

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 97/78/KE jippermetti regoli speċjali għall-kontrolli li jridu jitwettqu fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali importati għall-użu f’partijiet remoti, fost l-oħrajn, tar-Repubblika Franċiża. Dawn ir-regoli jirrikjedu li l-pjanijiet li jiddeskrivu n-natura tal-kontrolli li jridu jitwettqu jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni. Dawn il-pjanijiet għandhom jispeċifikaw il-kontrolli mwettqa sabiex il-prodotti li joriġinaw mill-annimali introdotti fir-reġjuni remoti kkonċernati jinżammu milli jintbagħu, f’kull ċirkostanza, lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004 tat-22 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi proċeduri għal kontrolli veterinarji f’postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntieri tal-Komunità fuq prodotti importati minn pajjiżi terzi (3) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 282/2004 tat-18 ta’ Frar 2004 li jintroduċi dokument għad-dikjarazzjoni, u kontroll veterinarju, fuq annimali minn pajjiżi terzi li deħlin fil-Komunità (4), qed jispjegaw fid-dettall il-proċeduri għan-notifika u l-kontrolli veterninarji ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u annimali ħajjin u d-Dokumenti Veterinarji Komuni għad-Dħul (CVEDs), li jridu jintużaw biex jiġu ġġustifikati r-riżultati tal-kontrolli veterinarji fuq konsenji bħal dawn.

(5)

L-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw pjanijiet rispettivi lill-Kummissjoni għal ċerti punti tad-dħul li jinsabu fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej tal-Gwadelup, Martinique u l-Gujana Franċiża.

(6)

Il-pjanijiet Franċiżi juru li l-konsenji kollha ta’ annimali ħajjin jew prodotti li joriġinaw mill-annimali jeħtieġ li jiġu ppreżentati għall-importazzjoni f’punti tad-dħul nominati fid-dipartimenti, fejn ikunu suġġetti għal kontrolli veterinarji. Il-pjanijiet juru li meta jiġu implimentati, il-bgħit ta’ konsenji lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni, li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, huwa effettivament ipprojbit. Sabiex dan jinkiseb, is-CVEDs ta’ annimali ħajjin jew prodotti li joriġinaw mill-annmali approvati għall-importazzjoni fid-dipartimenti, ikollhom timbru li jiddikjara l-użu limitat esklużivament għat-territorju tad-dipartimenti rilevanti. L-importaturi huma mgħarrfa li mhuwiex possibbli li dawn l-annimali ħajjin, il-prodotti li joriġinaw minnhom, jew il-prodotti li joriġinaw mill-annimali jintbagħtu lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni u d-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej jimmonitorjaw dan ir-rekwiżit meta japprovaw iċ-ċertifikati tal-kummerċ intra-Komunitarju.

(7)

Il-pjanijiet Franċiżi jispjegaw fid-dettall ukoll l-infrastruttura tal-faċilitajiet li għandhom bini kbir biżżejjed li jippermetti t-teħid ta’ kampjuni iġjeniku u t-tagħmir neċessarju biex jitwettqu l-kontrolli veterinarji meħtieġa sabiex jiġi verifikat li qegħdin jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-Unjoni għas-saħħa pubblika u tal-annimali għall-annimali ħajjin u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali. Barra minn hekk, hemm bini u mħażen imkessħa għall-ħżin ta’ konsenji magħżula fil-kampjun, miżmuma jew spezzjonati fuq il-post, kif ukoll faċilitajiet xierqa maħsuba għaż-żamma ta’ annimali ħajjin sakemm jitlestew ir-riżultati ta’ kull kontoll li jkun twettaq.

(8)

Il-pjanijiet Franċiżi jispjegaw fid-dettall li hemm disponibbli għadd suffiċjenti ta’ persunal veterinarju u tekniku biex iwettaq il-kontrolli veterinarji kif stipulat bl-Artikoli 4 tad-Direttivi 91/496/KEE u 97/78/KE u b’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness 1 mar-Regolament (KE) Nru 136/2004 u fir-Regolament (KE) Nru 282/2004.

(9)

Filwaqt li ġeneralment il-kontrolli veterinarji jridu jitwettqu fuq il-konsenji kollha tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 97/78/KE jippermetti t-tnaqqis tal-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi fuq ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali, li huma elenkati flimkien mal-frekwenza rilevanti għall-kontrolli fiżiċi fl-Anness I u II mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/360/KE tal-20 ta’ Mejju 1994 dwar il-frekwenza mnaqqsa ta’ kontrolli fiżiċi ta’ kunsinni ta’ ċerti prodotti li jridu jiġu implimentati minn pajjiżi terzi, skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/675/KEE (5). Sabiex ikunu konsistenti mal-kontrolli veterinarji fuq il-fruntieri tal-Unjoni, dawn il-frekwenzi mnaqqsa jistgħu jiġu applikati għall-konsenji veterinarji maħsuba għat-tliet Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej.

(10)

Is-Sistema Esperta u ta’ Kontroll tal-Kummerċ (Traces) tal-Unjoni mwaqqfa bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar l-introduzzjoni tas-sistema Traces (6) tistipula li l-Istati Membri għandhom jintroduċu u jibdew jużaw Traces b’mod partikolari għall-konsenji ta’ annimali ħajjin u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni.

(11)

L-użu tas-sistema Traces għall-importazzjonijiet ta’ annimali ħajjin u prodotti li joriġinaw mill-annimali, jirrikjedi l-ħruġ ta’ CVED għal kull konsenja ppreżentata għall-introduzzjoni. Dawn id-dokumenti għandhom jintużaw biex jiżguraw li dawn il-konsenji importati ta’ annimali ħajjin, jew prodotti li joriġinaw mill-animali, ma jintbagħtux lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni u jkunu biss għal użu lokali.

(12)

Għaldaqstant, il-punti tad-dħul fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej ta’ Gwadelup, Martinique u l-Gujana Franċiża għandhom jiġu identifikati u r-rekwiżiti għat-tħaddim tagħhom għandhom jiġu speċifikati f’din id-Deċiżjoni.

(13)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/496/KEE u l-Artikolu 18 tad-Direttiva 97/78/KE, il-punti tad-dħul awtorizzati fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej ta’ Gwadelup, Martinique u l-Gujana Franċiża għandhom kollha jiġu elenkati fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Kull punt tad-dħul elenkat fl-Anness għandu jkun taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità kompetenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha veterinarji uffiċjali u tekniċi nominati, jekk ikun meħtieġ.

2.   Kull punt tad-dħul għandu jkollu l-persunal, it-tagħmir u l-faċilitajiet kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kontrolli veterinarji fuq il-konsenji ta’ annimali ħajjin u prodotti li joriġinaw mill-annimali, li jkunu nominati li jirċievu.

Artikolu 3

L-importatur jew ir-rappreżentant tiegħu għandu:

1.

jinnotifika lill-awtorità kompetenti responsabbli għall-punt tad-dħul qabel il-wasla fiżika tal-konsenja tal-prodotti permezz tal-ewwel parti tas-CVED skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 u permezz tas-sistema Traces skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2004/292/KE;

2.

jagħti avviż ta’ jum tax-xogħol lill-awtorità kompetenti fejn għandhom jiġu ppreżentati l-annimali ħajjin billi jispeċifika n-numru, in-natura u l-ħin previst tal-wasla permezz tal-ewwel parti tas-CVED skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 282/2004 u permezz tas-sistema Traces skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2004/292/KE;

3.

iżomm reġistru approvat mill-awtorità kompetenti li juri l-kwantitajiet ta’ prodotti jew annimali importati u l-isem u l-indirizz tax-xerrej(ja);

4.

jgħarraf lix-xerrej(ja) li l-prodotti derivati mill-annimali jew il-prodotti li joriġinaw mill-annimali importati huma maħsuba għall-konsum lokali biss u li l-annimali tat-tgħammir u tal-produzzjoni ma għandhom fl-ebda ċirkostanza jintbagħtu lejn territorji oħra tal-Unjoni;

5.

jgħarraf lix-xerrej(ja) li, fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid, għandhom jgħarrfu lix-xerrej(ja) ġodda, fejn dawn tal-aħħar ikunu operaturi kummerċjali, li l-prodotti huma maħsuba għall-konsum lokali biss u li l-annimali tat-tgħammir u tal-produzzjoni ma għandhom fl-ebda ċirkostanza jintbagħtu lejn territorji oħra tal-Unjoni.

Artikolu 4

1.   Il-veterinarju uffiċjali, megħjun mit-tekniċi nominati, għandu jwettaq il-kontrolli fil-punti tad-dħul elenkati fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni b’konformità mal-Artikoli 4 tad-Direttivi 91/496/KEE u 97/78/KE u b’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness 1 mar-Regolament (KE) Nru 136/2004 u fir-Regolament (KE) Nru 282/2004.

2.   Il-kontrolli fiżiċi jistgħu jitwettqu fuq ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali skont il-frekwenza stabbilita fl-Anness I u II tad-Deċiżjoni 94/360/KE.

3.   Il-veterinarji uffiċjali għandhom jiżguraw li d-dejta kollha inkluża fis-CVED għall-annimali ħajjin u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali ppreżentati għall-importazzjoni, tiddaħħal fis-sistema Traces skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2004/292/KE.

4.   Il-veterinarji uffiċjali għandhom jiżguraw li wara li jkunu twettqu l-kontrolli veterinarji, is-CVED rilevanti maħruġ jiġi ttimbrat biex jindika li l-annimali jew il-prodotti li joriġinaw mill-annimali jistgħu jkunu biss għal użu lokali u ma għandhom fl-ebda ċirkostanza jintbagħtu lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni.

5.   Il-veterinarju uffiċjali għandu jwettaq spezzjonijiet regolari fil-postijiet fejn jinżammu/jinħażnu l-annimali importati jew il-prodotti li joriġinaw mill-annimali biex jivverifika li r-rekwiżiti għas-saħħa pubblika u tal-annimali huma sodisfatti u li l-konsenji ma jintbagħtux lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 5

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 91/496/KEE, għajr dawk fl-Artikolu 6, u fid-Direttiva 97/78/KE, għajr dawk fl-Artikolu 6, għandhom jibqgħu japplikaw.

Artikolu 6

L-awtoritajiet Franċiżi għandhom jieħdu l-miżuri amministrattivi jew penali xierqa kontra kull ksur ta’ din id-Deċiżjoni li jitwettaq minn persuna fiżika jew ġuridika.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2012.

Artikolu 8

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56.

(2)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(3)  ĠU L 21, 28.1.2004, p. 11.

(4)  ĠU L 49, 19.2.2004, p. 11.

(5)  ĠU L 158, 25.6.1994, p. 41.

(6)  ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63.


ANNESS

LISTA TAL-PUNTI TAD-DĦUL AWTORIZZATI

1

2

3

4

5

Il-Gwadelup – il-port ta’ Baie-Mahault

FR09600

P

HC, NHC

 

Il-Gwadelup – l-ajruport ta’ Les Abymes

FR09600

A

HC, NHC-NT

 

Martinique – il-port ta’ Fort-de-France

FR09700

P

HC, NHC-T(CH), NHC-NT

 

Martinique – l-ajruport Aimé Césaire

FR09700

A

HC-T(CH), HC-NT, NHC-T(CH), NHC-NT

O, E

Il-Gujana Franċiża – St Georges de l’Oyapock

FR09800

R

HC, NHC

O

Noti u abbrevjazzjonijiet:

1

=

Isem

2

=

Kodiċi Traces tal-Unità Veterinarja Lokali

3

=

Tip: A = Ajruport, P = Port, R = Triq

4

=

Prodotti:

HC

=

Il-Prodotti kollha għall-Konsum tal-Bniedem

NHC

=

Prodotti oħrajn mhux għall-konsum mill-bniedem

NT

=

l-ebda rekwiżit ta’ temperatura

T

=

Prodotti Ffriżati/Mkessħa

T(FR)

=

Prodotti ffriżati

T(CH)

=

Prodotti mkessħa

5

=

Annimali Ħajjin:

E

=

Ekwidi rreġistrati kif definit fid-Direttiva 90/426/KEE (1)

O

=

Annimali ħajjin oħrajn (inklużi annimali taż-żu) għajr E u U (Ungulati bħal frat, ħnieżer, nagħaġ, mogħoż, solipedi slavaġ u domestiċi)


(1)  Id-Direttiva 90/426/KEE tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ equidae (razza taż-żwiemel) (ĠU L 224 18.8.1990, p. 42).