ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2012.023.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 23

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 55
26ta' Jannar 2012


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 66/2012 tal-25 ta’ Jannar 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 318/2007 li jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fil-Komunità u l-kundizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom ( 1 )

1

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 67/2012 tal-25 ta’ Jannar 2012 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

3

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/39/PESK tal-25 ta’ Jannar 2012 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo

5

 

 

2012/40/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2008/855/KE fir-rigward tal-bgħit ta’ ċertu laħam u ċerti prodotti tal-laħam lil Stati Membri oħra minn stabbilimenti fiż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness tagħha (notifikata bid-dokument numru C(2012) 181)  ( 1 )

9

 

 

III   Atti oħrajn

 

 

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

 

*

Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 176/11/COL tal-1 ta' Ġunju 2011 biex tagħlaq il-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-iffinanzjar taċ-ċentru tal-fitness fil-Kippermoen Leisure Centre (in-Norveġja)

12

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

26.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 66/2012

tal-25 ta’ Jannar 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 318/2007 li jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fil-Komunità u l-kundizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar is-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ, u l-importazzjoni fil-Komunità, ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għall-ħtiġijiet tas-saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 318/2007 (2) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ ċerti għasafar. Jipprovdi li l-għasafar koperti minnu għandhom jiġu importati fl-Unjoni biss jekk ikunu ġejjin minn pajjiżi terzi, jew partijiet minnhom, imsemmija fl-Anness I tiegħu.

(2)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 318/2007 jirreferi għall-pajjiżi terzi jew il-partijiet minnhom li huma elenkati fil-kolonni 1 u 3 tat-tabella fil-Parti 1 tal-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/696/KE (3) u li minnhom huma permessi l-importazzjonijiet ta’ tjur tal-irziezet għat-tgħammir jew il-produzzjoni u li mhumiex ratiti.

(3)

Id-Deċiżjoni 2006/696/KE ġiet revokata u sostitwita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 tat-8 ta’ Awwissu 2008 li jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu ta’ tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja (4). Ir-referenzi għal dik id-Deċiżjoni fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 318/2007 għandhom għalhekk jinbidlu b’referenzi għar-Regolament (KE) Nru 798/2008.

(4)

Barra minn hekk, l-Arġentina talbet lill-Kummissjoni biex tawtorizza l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti għasafar imrobbija fil-magħluq skont ir-Regolament (KE) Nru 318/2007. Saret spezzjoni mill-Uffiċċju Veterinarju u Alimentari tal-Kummissjoni fl-Arġentina li kienet tinkudi l-azzjonijiet ta’ segwitu meħuda minn dak il-pajjiż terz, u din uriet li l-Arġentina tagħti l-garanziji xierqa fir-rigward tal-konformità mar-regoli tal-Unjoni meħtieġa għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ dawn l-għasafar.

(5)

L-Arġentina bħalissa mhix elenkata fit-tabella tal-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008. Madankollu, l-importazzjonijiet tat-tjur tal-irziezet għat-tgħammir jew il-produzzjoni minbarra r-ratiti minn dak il-pajjiż terz mhumiex permessi. L-Arġentina għandha għalhekk tiġi inkluża bħala entrata separata fil-lista stipulata fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 318/2007.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 318/2007 għandu jinbidel bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(2)  ĠU L 84, 24.3.2007, p. 7.

(3)  ĠU L 295, 25.10.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1.


ANNESS

“ANNESS I

LISTA TA’ PAJJIŻI TERZI LI MINNHOM HUMA AWTORIZZATI L-IMPORTAZZJONIIJIET TA’ GĦASAFAR IMROBBIJA FIL-MAGĦLUQ

1.

Il-pajjiżi terzi jew il-partijiet minnhom elenkati fil-kolonni 1 u 3 tat-tabella fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 798/2008 (*), fejn il-kolonna 4 ta’ dik it-tabella tistipula mudell taċ-ċertifikat veterinarju għat-tjur għat-tgħammir jew il-produzzjoni li mhumiex ratiti (BPP);

2.

L-Arġentina.


(*)  ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1.”


26.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 67/2012

tal-25 ta’ Jannar 2012

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

IL

149,3

MA

53,3

TN

93,3

TR

114,5

ZZ

102,6

0707 00 05

EG

217,9

JO

229,9

MA

148,6

TR

160,8

ZZ

189,3

0709 91 00

EG

91,5

ZZ

91,5

0709 93 10

MA

123,8

TR

159,7

ZZ

141,8

0805 10 20

AR

41,5

EG

53,8

MA

55,8

TN

58,6

TR

62,7

ZA

41,5

ZZ

52,3

0805 20 10

MA

85,8

ZZ

85,8

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

CN

61,5

EG

79,2

IL

98,8

KR

91,7

MA

124,7

TR

97,8

ZZ

92,3

0805 50 10

TR

61,6

ZZ

61,6

0808 10 80

CA

126,3

CL

58,2

CN

85,2

MK

30,8

US

144,3

ZZ

89,0

0808 30 90

CN

71,3

TR

116,3

US

120,1

ZA

87,1

ZZ

98,7


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta’ oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

26.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/39/PESK

tal-25 ta’ Jannar 2012

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (1)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill irriafferma l-impenn inekwivoku tiegħu għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent, li jibqa’ essenzjali għall-istabbiltà, ir-rikonċiljazzjoni u l-futur tar-reġjun. Huwa kkonferma wkoll mill-ġdid il-politika tal-Unjoni lejn il-Kosovo kif imfakkra fil-konklużjonijiet preċedenti tal-Kunsill.

(2)

Fil-5 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/270/PESK (2) li taħtar lis-Sur Fernando GENTILINI bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Kosovo, li l-mandat tiegħu jiskadi fil-31 ta’ Jannar 2011.

(3)

Is-Sur Samuel ŽBOGAR għandu jinħatar bħala RSUE fil-Kosovo mill-1 ta’ Frar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2013.

(4)

Il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huwa l-qafas strateġiku għall-politika tal-Unjoni lejn ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, u l-istrumenti tiegħu japplikaw għall-Kosovo, inklużi sħubija Ewropea, djalogu politiku u tekniku bħala parti mid-djalogu tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, u programmi relatati ta’ assistenza mill-Unjoni.

(5)

Il-mandat tar-RSUE ser jiġi implimentat f’koordinazzjoni mal-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata konsistenza ma’ attivitajiet rilevanti oħra li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni.

(6)

Il-Kunsill jipprevedi li s-setgħat u l-awtoritajiet tar-RSUE u s-setgħat u l-awtoritajiet tal-Kap tal-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea fi Pristina għandhom jingħataw lill-istess persuna.

(7)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Is-Sur Samuel ŽBOGAR huwa b’dan maħtur bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Kosovo mill-1 ta’ Frar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2013. Il-mandat tar-RSUE jista’ jintemm qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni fil-Kosovo. Dawn jinkludu rwol ewlieni fil-promozzjoni ta’ Kosovo stabbli, vijabbli, paċifiku, demokratiku u multietniku, it-tisħiħ tal-istabbiltà fir-reġjun u l-kontribut għall-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi ġirien fil-Balkani tal-Punent; il-promozzjoni ta’ Kosovo li jkun impenjat għall-istat tad-dritt u għall-protezzjoni tal-minoritajiet u tal-wirt kulturali u reliġjuż; l-appoġġ għall-progress tal-Kosovo lejn l-Unjoni f’konformità mal-perspettiva Ewropea fir-reġjun, f’konformità mal-Konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

joffri l-konsulenza u l-appoġġ tal-Unjoni fil-proċess politiku;

(b)

jippromovi koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni fil-Kosovo;

(c)

jsaħħaħ il-preżenza tal-Unjoni fil-Kosovo u jiżgura l-koerenza u l-effettività tagħha;

(d)

jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO), inkluż dwar l-aspetti politiċi ta’ kwistjonijiet relatati ma’ responsabbilitajiet eżekuttivi;

(e)

jiżgura l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni fil-Kosovo;

(f)

jappoġġa l-progress tal-Kosovo lejn l-Unjoni, f’konformità mal-perspettiva Ewropea fir-reġjun, permezz ta’ komunikazzjoni pubblika mmirata u attivitajiet ta’ komunikazzjoni tal-Unjoni maħsubin biex ikunu żgurati l-fehim usa’ u l-appoġġ mill-pubbliku tal-Kosovo dwar kwistjonijiet relatati mal-Unjoni;

(g)

jissorvelja, jassisti u jiffaċilita l-progress dwar il-prijoritajiet politiċi, ekonomiċi u Ewropej, f’konformità mal-kompetenzi u r-responsabbiltajiet istituzzjonali rispettivi;

(h)

jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kosovo, inkluż fir-rigward tan-nisa u t-tfal, skont il-politika dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni u l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

(i)

jassisti fl-implimentazzjoni tad-djalogu bejn Belgrad u Pristina ffaċilitat mill-Unjoni.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta’ Frar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2013 għandu jkun ta’ EUR 2 410 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Iċ-ċittadini tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent għandhom ikunu permessi jitfgħu offerti għal kuntratti.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun suġġetta għal kuntrattat bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull infiq.

Artikolu 6

Struttura u kompożizzjoni tal-iskwadra

1.   Għandu jiġi assenjat persunal ddedikat lir-RSUE biex jimplimenta l-mandat tiegħu u biex jikkontribwixxi għall-koerenza, il-viżibbiltà u l-effettività tal-azzjoni globali tal-Unjoni fil-Kosovo. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tal-iskwadra tiegħu. L-iskwadra għandha tinkludi konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tal-iskwadra tiegħu.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati sabiex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

3.   Il-persunal kollu ssekondat għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru emittenti, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu

Il-privileġġi, immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti/partijiet ospitanti skont il-każ. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

1.   Ir-RSUE u l-membri tal-iskwadra tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (3).

2.   Ir-RGħ għandu l-awtorità sabiex jirrilaxxa lin-NATO/KFOR informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” ġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, skont ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.

3.   Ir-RGħ huwa awtorizzat biex jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti (NU) u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), skont il-ħtiġijiet operattivi tar-RSUE, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, skont ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE. Għandhom jiġu mfassla arranġamenti lokali għal dan il-għan.

4.   Ir-RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa lil partijiet terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni dokumenti mhux klassifikati tal-UE li jkunu relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill rigward l-azzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (4).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, kif adatt, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

Skont il-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra mill-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri prattikabbli raġonevoli kollha, f’konformità mal-mandat tiegħu u mas-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, partikolarment billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà li jkun speċifiku għall-missjoni ibbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll l-immaniġġar ta’ inċidenti ta’ sigurtà u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u ta’ evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tal-iskwadra tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni Ewropea, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-SEAE.

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà, u jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapport intermedju u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rapportar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti orali u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport, kif meħtieġ, lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-network COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE għandu jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni. Huwa għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fuq il-post ikunu użati b’mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll ma’ dawk ta’ RSUE oħrajn li jkunu attivi fir-reġjun skont il-każ. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-EULEX KOSOVO, inkluż dwar l-aspetti politiċi ta’ kwistjonijiet relatati ma’ responsabbiltajiet eżekuttivi. Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili ser jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

3.   Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma’ aġenziji lokali rilevanti u ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.

4.   Ir-RSUE, flimkien ma’ atturi tal-Unjoni oħra preżenti fuq il-post, għandu jiżgura t-tixrid u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-atturi tal-Unjoni fuq il-post bil-ħsieb li jinkiseb livell għoli ta’ għarfien komuni dwar is-sitwazzjoni u ta’ valutazzjoni komuni.

Artikolu 13

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport ta’ progress sat-tmiem ta’ Novembru 2012 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat fi tmiem il-mandat tar-RSUE.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Frar 2012.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  Skont ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(2)  ĠU L 119, 7.5.2011, p. 12.

(3)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.

(4)  Id-Deċiżjoni 2009/937/KE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


26.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/9


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Jannar 2012

li temenda d-Deċiżjoni 2008/855/KE fir-rigward tal-bgħit ta’ ċertu laħam u ċerti prodotti tal-laħam lil Stati Membri oħra minn stabbilimenti fiż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness tagħha

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 181)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/40/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/855/KE tat-3 ta' Novembru 2008 dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali marbuta mad-deni klassiku tal-ħnieżer f'ċerti Stati Membri (3) tistipula ċerti miżuri ta' kontroll għad-deni klassiku tal-ħnieżer fl-Istati Membri jew reġjuni tagħhom elenkati fl-Anness ma' dik id-Deċiżjoni.

(2)

L-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2008/855/KE jipprovdi li l-Istati Membri kkonċernati miż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness għandhom jiżguraw li ebda kunsinja ta’ laħam frisk tal-majjal minn stabbilimenti li jinsabu fiż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness, u preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn dan il-laħam jew li fihom dan il-laħam ma jintbagħtu minn dawk iż-żoni lejn l-Istati Membri l-oħra.

(3)

Il-Parti III ta’ dak l-Anness bħalissa telenka t-territorju kollu tar-Rumanija.

(4)

Ir-Rumanija pprovdiet informazzjoni lill-Kummissjoni li turi li s-sitwazzjoni tad-deni klassiku tal-ħnieżer f’dak l-Istat Membru marret għall-aħjar b’mod sinifikanti mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2008/855/KE.

(5)

Ir-Rumanija talbet li l-bgħit lill-Istati Membri oħra ta' laħam tal-majjal u preparazzjonijiet tal-laħam li jikkonsistu minn jew fihom laħam frisk minn majjali miżmumin f’dak l-Istat Membru jkun permess, kemm-il darba s-sigurtà ta’ dawk il-komoditajiet hija żgurata permezz ta’ sistema ta’ kanalizzazzjoni.

(6)

Tali sistema tkun tikkonsisti f’stabbilimenti jew f’unità epidemjoloġika waħda jew aktar li topera sistema ta’ ġestjoni ta’ bijosiġurtà komuni u katina stabbilita ta’ forniment, biex ikun żgurat status ta’ saħħa distint għad-deni klassiku tal-ħnieżer għas-subpopolazzjoni tal-majjali miżmumin hemm. Dawn l-istabbilimenti jew l-unitajiet epidemjoloġiċi jinsabu f’żoni fejn jitħaddmu s-sorveljanza, il-kontroll u l-miżuri ta' bijosigurtà.

(7)

L-istabbilimenti li jappartjenu għas-sistema ta’ kanalizzazzjoni u l-istabbilimenti li jipproduċu, jaħżnu u jipproċessaw il-laħam frisk tal-majjal u tal-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn jew fihom dan il-laħam għandhom ikunu approvati mill-awtorità kompetenti u notifikati lill-Kummissjoni, kemm-il darba jissodisfaw l-kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2008/855/KE.

(8)

Barra minn hekk, il-produzzjoni, il-ħżin u l-ipproċessar ta’ dan il-laħam u l-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn jew fihom dan il-laħam għandhom iseħħu separatament minn dak ta' prodotti oħra li jikkonsistu minn jew fihom laħam minn majjali li ġejjin minn stabbilimenti barra mis-sistema ta’ kanalizzazzjoni lokalizzati f’żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness tad-Deċiżjoni 2008/855/KE.

(9)

Sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-laħam, il-prodotti tal-laħam u l-preparazzjonijiet tal-laħam manifatturati taħt is-sistema ta’ kanalizzazzjoni, għandhom jitwettqu spezzjonijiet regolari mill-awtorità kompetenti fl-istabbilimenti li jifformaw parti mis-sistema ta’ kanalizzazzjoni.

(10)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda tal-infafet vessikolari (deni klassiku) tal-ħnieżer (4), tistabbilixxi għadd ta' kontrolli minimi tal-Unjoni għall-kontroll tad-deni klassiku tal-ħnieżer. Dik id-Direttiva tistabbilixxi li, hekk kif ikun hemm konferma li seħħ każ primarju tad-deni klassiku tal-ħnieżer ta’ ħnieżer selvaġġi, sabiex jitnaqqas it-tixrid tal-mard, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru għandha immedjatament tordna numru ta' miżuri dettaljati f'dik id-Direttiva.

(11)

L-ispezzjonijiet regolari mwettqa mill-awtorità kompetenti fl-istabbilimenti li jifformaw parti mis-sistema ta’ kanalizzazzjoni għandhom jivverifikaw b'mod partikolari li dawk il-miżuri huma applikati b'mod effettiv.

(12)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/106/KE tal-1 ta' Frar 2002 li tapprova Manwal Djanjostiku li jwaqqaf proċeduri djanjostiċi, metodi tal-kampjunar u kriterji għall-istima tat-testijiet fil-laboratorju għall-konferma tad-deni klassiku tal-ħnieżer (5) tidentifika l-proċeduri tat-teħid ta' kampjuni l-aktar xierqa u l-kriterji ta’ valutazzjoni tar-riżultati tat-testijiet tal-laboratorju għal dijanjożi xierqa ta’ din il-marda f’sitwazzjonijiet differenti. Għalhekk dawk il-proċeduri u l-kriterji għandhom jintużaw matul l-ispezzjonijiet regolari mill-awtorità kompetenti fl-istabbilimenti li jifformaw parti mis-sistema ta’ kanalizzazzjoni.

(13)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (6) jipprovdi li l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ laħam frisk jitwettqu f’konformità mal-Anness I tiegħu. Dan ir-Regolament jipprovdi wkoll li l-marki tas-saħħa jridu jkunu stampati meta l-kontrolli uffiċjali ma jkunux identifikaw xi nuqqasijiet li jistgħu jagħmlu l-laħam mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem. Konsegwentement, laħam frisk manifatturat taħt is-sistema ta’ kanalizzazzjoni għandu, sabiex ikun jista’ jintbagħat fi Stati Membri oħra, jkun immarkat b'timbru tas-saħħa stabbilit fil-Kapitolu III tat-Taqsima I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.

(14)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (7) jipprovdi li operaturi tan-negozji tal-ikel ma għandhomx jintroduċu fis-suq prodotti ta’ oriġini tal-annimali trattati fi stabbiliment soġġett għall-approvazzjoni skont ir-Regolament, sakemm ma jkollhomx marka tas-saħħa applikata skont ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jew, meta dak ir-Regolament ma jipprovdix għall-applikazzjoni tal-marka tas-saħħa, marka ta’ identifikazzjoni applikat skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004. Il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam li fihom il-laħam tal-majjal manifatturati taħt sistema ta’ kanalizzazzjoni għandhom għalhekk ikunu immarkati b'marka ta' identifikazzjoni provduta fit-Taqsima I tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, sabiex ikun permess għall-bgħit lil Stati Membri oħra.

(15)

L-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO) għamel spezzjoni fir-Rumanija f'Lulju 2011. Ġew deskritti għadd ta’ nuqqasijiet sinifikattivi fl-implimentazzjoni tal-programm għall-kontroll u l-monitoraġġ tad-deni klassiku tal-ħnieżer kif ukoll fis-sistema ta’ kanalizzazzjoni proposta mir-Rumanija. Madankolllu, il-konklużjoni tar-rapport kienet li l-implimentazzjoni ta’ tali sistema f’dak l-Istat Membru għandha l-potenzjal li tiffunzjona b’mod effettiv wara li jkunu saru xi emendi relattivi. Ir-rapport tal-FVO għamel rakkomandazzjonijiet speċifiċi għat-titjib ta’ dawn in-nuqqasijiet mill-awtoritajiet Rumeni. Wara il-verifika, ir-Rumanija infurmat lill-Kummissjoni li n-nuqqasijiet identifikati matul il-verifika tranġaw wara l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni li jindirizzahom. Il-Kummissjoni eżaminat dawn il-korrezzjonijiet u tikkunsidra li dawn huma suffiċjenti biex is-sistema ta’ kanalizzazzjoni tiffunzjona b’mod effttiv.

(16)

Barra minn hekk, il-programm għall-kontroll u l-monitoraġġ tad-deni klassiku tal-ħnieżer ippreżentat mir-Rumanija kien approvat għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sal-31 ta' Diċembru 2012 permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/807/UE tat-30 ta' Novembru 2011 li tapprova programmi annwali u multiannwali u l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-eradikazjzoni, il-kontroll u l-monitoraġġ ta' ċertu mard u żoonożi tal-annimali ppreżentati mill-Istati Membri għall-2012 u s-snin ta’ wara (8). Skont dak il-programm u fil-kuntest tal-pjan ta’ azzjoni msemmi hawn fuq, ir-Rumanija implimentat miżuri ta' sorveljanza addizzjonali fir-rigward tad-deni klassiku tal-ħnieżer b'riżultati favorevoli.

(17)

Fid-dawl tad-dejta disponibbli, huwa xieraq li jkun permess il-bgħit lejn Stati Membri oħra ta’ laħam tal-majjal frisk u l-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn jew li fihom tali laħam minn ħnieżer miżmumin fir-Rumanija skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, kemm-il darba s-sistema ta’ kanalizzazzjoni proposta minn dak l-Istat Membru hija stabbilita.

(18)

Id-Deċiżjoni 2008/855/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(19)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 8c li ġej qed jiddaħħal fid-Deċiżjoni 2008/855/KE:

“Artikolu 8c

Il-bgħit tal-laħam frisk tal-majjal u l-preparazzjonijiet tal-laħam lil Stati Membri oħra u l-prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn jew fihom tali laħam miż- żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness

1.   B’deroga mill-Artikolu 7(1), l-Istati Membri kkonċernati miż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness jistgħu jawtorizzaw il-bgħit ta’ laħam frisk tal-majjal u prodotti tal-laħam u preparazzjonijiet tal-laħam li jikkonsistu minn dan il-laħam, lejn l-Istati Membri oħra kemm-il darba dawn:

(a)

jkunu ġejjin minn ħnieżer li nżammu sa mit-twelid fl-istabbilimenti:

(i)

li huma approvati għal dak l-iskop mill-awtorità kompetenti u nnotifikati minnha lill-Kummissjoni lill-Istati Membri l-oħra;

(ii)

li jimplimentaw pjan ta’ bijosigurtà approvat mill-awtorità kompetenti;

(iii)

li jkunu daħlu biss ħnieżer minn stabbilimenti:

approvati f'konformità ma' din id-Deċiżjoni jew

lokalizzati f’żoni mhux elenkati fl-Anness u mhux soġġetti għal xi restrizzjonijiet għad-deni klassiku tal-ħnieżer f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni matul perjodu ta’ sitt xhur qabel l-introduzzjoni tal-ħnieżer; il-perjodu ta’ qabel id-data tal-approvazzjoni tal-istabbiliment f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni huwa inkluż f’dan il-perjodu ta’ sitt xhur;

(iv)

li huma regolarment spezzjonati mill-awtorità kompetenti f’intervalli ta’ mhux aktar minn tliet xhur; matul tali spezzjonijiet l-awtorità kompetenti għandha ta’ mill-inqas:

issegwi l-linji ta’ gwida stipulati fil-Kapitolu III tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/106/KE;

twettaq eżami kliniku skont il-proċeduri ta’ kontroll u teħid ta’ kampjuni stipulati fil-Parti A tal-Kapitolu IV tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/106/KE;

tivverifika li d-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-tieni inċiż u fir-raba' sas-seba' inċiż tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2001/89/KE jiġu applikati effettivament;

immedjatament tissospendi jew tirtira l-approvazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità;

(v)

fejn l-annimali kienu soġġetti għall-ittestjar tal-laboratorju għad-deni klassiku tal-ħnieżer li jkun ta riżultati negattivi fuq kampjuni meħuda skont il-proċeduri tat-teħid ta’ kampjun stabbiliti fil-pjan ta’ sorveljanza għad-deni klassiku tal-ħnieżer implimentat mill-awtorità kompetenti għal perjodu ta’ mill-inqas ta’ sitt xhur qabel iċ-ċaqliq għall-biċċerija msemmija fil-punt (b);

(vi)

li huma lokalizzati fiċ-ċentru ta’ żona b’radius ta’ mill-inqas 10 km li fih l-annimali fl-istabbiliment tal-ħnieżer kienu soġġetti għall-ittestjar tal-laboratorju għad-deni klassiku tal-ħnieżer li jkun ta riżultati negattivi fuq kampjuni meħuda skont il-proċeduri tat-teħid ta’ kampjun stabbiliti fil-pjan ta’ sorveljanza għad-deni klassiku tal-ħnieżer għal perjodu ta’ mill-inqas tliet xhur qabel iċ-ċaqliq għall-biċċerija msemmija fil-punt (b);

(vii)

li huma lokalizzati f’pajjiż li fih;

jiġi implimentat programm għall-kontroll u l-monitoraġġ tad-deni klassiku tal-ħnieżer approvat mill-Kummissjoni;

l-inċidenza u l-prevalenza tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-ħnieżer domestiċi u slavaġ naqqsu b’mod sinifikattiv;

l-ebda evidenza tal-virus tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-majjali ma nstabet f’dawn l-aħħar 12-il xahar;

(b)

kienu manifatturati f’biċċeriji, f’impjanti tal-qtugħ jew fi stabbilimenti tal-ipproċessar:

(i)

li huma approvati għal dak l-iskop mill-awtorità kompetenti u nnotifikati minnha lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra;

(ii)

fejn il-produzzjoni, il-ħżin u l-ipproċessar tal-laħam frisk u l-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam jikkonsistu minn jew fihom tali laħam eliġibbli għall-bgħit lil Stati Membri oħra jitwettqu separatament mill-produzzjoni, il-ħżin u l-ipproċessar ta’ prodotti oħra li jikkonsistu minn jew fihom laħam frisk jew preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn jew fihom laħam li ġej minn majjali li joriġinaw jew ġejjin minn stabbilimenti barra dawk approvati skont l-punt (a)(i).

2.   Il-laħam frisk tal-majjal imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun immarkat kif stipulat fil-Kapitolu III tat-Taqsima I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.

Il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mmarkati kif stipulat fit-Taqsima 1 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004."

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  ĠU L 302, 13.11.2008, p. 19.

(4)  ĠU L 316, 1.12.2001, p. 5.

(5)  ĠU L 39, 9.2.2002, p. 71.

(6)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(7)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(8)  ĠU L 322, 6.12.2011, p. 11.


III Atti oħrajn

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

26.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/12


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 176/11/COL

tal-1 ta' Ġunju 2011

biex tagħlaq il-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-iffinanzjar taċ-ċentru tal-fitness fil-Kippermoen Leisure Centre (in-Norveġja)

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA (“l-Awtorità”),

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim taż-ŻEE”), u partikolarment l-Artikoli 61 u 62,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati ta’ l-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja (“il-Ftehim ta' Sorveljanza u ta' Qorti”), b’mod partikolari l-Artikolu 24,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Protokoll 3 tal-Ftehim ta' Sorveljanza u Qorti (“il-Protokoll 3”), b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) tal-Parti I u l-Artikoli 4(4), 6 u 7(3) tal-Parti II,

WARA li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1), u wara li tqiesu l-kummenti tagħhom

Billi:

I.   FATTI

1.   Il-proċedura

Bl-ittra tas-27 ta' Jannar 2009 (Avveniment Nru 506341), l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw l-iffinanzjar taċ-ċentru tal-fitness Kippermoen Leisure Centre (“il-KLC”), skont l-Artikolu 1(3) ta' Parti I tal-Protokoll 3.

Wara bosta skambji ta’ korrispondenza, permezz ta’ ittra ddatata s-16 ta’ Diċembru 2009 (Avveniment Nru. 538177) l-Awtorità informat lill-awtoritajiet Norveġiżi li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 1(2) ta' Parti I tal-Protokoll 3 fir-rigward tal-iffinanzjar taċ-ċentru tal-fitness tal-KLC.

Permezz ta' ittra ddatata t-23 ta' Frar 2010 (Avveniment Nru 547864), l-awtoritajiet Norveġiżi ippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ.

Id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 537/09/COL li jingħata bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu (2). L-Awtorità talbet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’dan ir-rigward.

L-Awtorità rċeviet kummenti mill-Assoċjazzjoni Norveġiża tal-Fitness (“l-NAF”) (Treningsforbundet) (3) u l-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Saħħa u l-Fitness (“l-EHFA”). Fit-2 ta' Novembru 2010, l-Awtorità kellha laqgħa mal-NAF. Permezz tal-ittri ddatati l-20 ta' Settembru 2010 (Avveniment Nru 567099) u d-9 ta' Novembru 2010 (Avveniment Nru 576711) l-Awtorità għaddiet il-kummenti u l-informazzjoni pprovduta fil-laqgħa lill-awtoritajiet Norveġiżi, li ppreżentaw il-kummenti permezz ta' ittra ddatata l-10 ta' Jannar 2011 (Avveniment Nru 582713).

L-awtoritajiet Norveġiżi ippreżentaw aktar kummenti permezz ta' ittri ddatati l-14 ta' Marzu 2011 (Avveniment Nru 590193) u t-22 ta' Marzu 2011 (Avveniment Nru 591454), u email iddatata t-28 ta' Marzu 2011 (Avveniment Nru 592463).

2.   Il- Kippermoen Leisure Centre (“il-KLC”) u ċ-ċentru tal-fitness tiegħu

Kif ġie ddikjarat fid-Deċiżjoni Nru 537/09/COL, il-KLC ġie mwaqqaf fis-sebgħinijiet. Hu jinsab fil-muniċipalità ta' Vefsn, fil-kontea ta' Nordland. Iċ-ċentru huwa proprjetà tal-muniċipalità u mhuwiex organizzat bħala entità legali separata.

Fil-bidu, il-KLC kien jikkonsisti f'pixxina interna b’solarium u sala tal-isport, minbarra ċentru tal-fitness mgħammar modestament. Matul is-snin 1997-1999 u għal darb’oħra fl-2006-2007, kien hemm espansjoni tal-KLC u ċ-ċentru tal-fitness tiegħu.

2.1.   Il-finanzjament tal-KLC u ċ-ċentru tal-fitness tiegħu

Mit-twaqqif tiegħu fis-sebgħinijiet, il-KLC kien qed jiġi ffinanzjat minn dawk li kienu jużawh u mill-baġit muniċipali. L-użaturi jikkontribwixxu għall-finanzjament billi jħallsu għall-aċċess tal-faċilitajiet. Il-muniċipalità tikkontrolla bis-sħiħ il-prezzijiet, it-tipi ta' biljetti li jiġu offruti u l-allokazzjoni tad-dħul. Minkejja li matul is-snin il-prezzijiet tal-biljetti kienu suġġett għal aġġustamenti, il-kontribuzzjonijiet mill-użaturi ma jkoprux il-kost kollu tal-operazzjonijiet tal-KLC. Id-defiċit hu kopert mill-baġit muniċipali skont id-deċiżjonijiet baġitarji tal-kunsill muniċipali.

2.2.   Informazzjoni ġdida ppreżentata mill-awtoritajiet Norveġiżi

2.2.1.   Il-ħlas tal-miżati mill-użaturi taċ-ċentru tal-fitness

Fid-Deċiżjoni Nru 537/09/COL, l-Awtorità nnutat li l-KLC, sa mit-twaqqif tiegħu fis-sebgħinijiet, kien iffinanzjat mill-miżati mħallsa minn dawk li jużawh u mill-baġit muniċipali (4). Fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Norveġiżi ċċaraw li l-użaturi kienu mitluba jħallsu biss għall-aċċess ta' wħud mill-faċilitajiet tal-KLC (fost l-oħrajn il-pixxina) imma kulħadd seta' jkollu aċċess għaċ-ċentru tal-fitness mingħajr ħlas sal-1996 meta l-muniċipalità bdiet titlob lill-użaturi jħallsu (5).

2.2.2.   Espansjonijiet fl-1997-1999

Fid-Deċiżjoni Nru 537/09/COL, l-Awtorità nnutat li l-KLC b'mod ġenerali għaddiet minn espansjoni fl-1997 u li din l-espansjoni kienet iffinanzjata fost l-oħrajn b'self ta' NOK 10 miljun. L-Awtorità ma rċevietx informazzjoni ddetaljata dwar is-self u sa liema punt, jekk kien hemm, iċ-ċentru tal-fitness fil-KLC ibbenefika mis-self (6). Waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Norveġiżi ċċaraw li s-self kien jammonta għal NOK 5,8 miljun minflok NOK 10 miljun kif issemma fid-deċiżjoni tal-ftuħ (7). Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi ċċaraw li l-muniċipalità ma kisbitx is-self sabiex tiffinanzja l-espansjonijiet taċ-ċentru tal-fitness, imma sabiex, fost l-oħrajn, tibni arena ġdida tal-futbol magħrufa bħala Mosjøhallen bi spiża totali ta' NOK 14-il miljun (8).

Fl-1997-1999, iċ-ċentru tal-fitness għadda minn espansjoni u l-KLC xtara tagħmir ġdid (tagħmir tal-irfigħ tal-piż, roti tal-post u diversi magni oħra tal-fitness) għal ammont totali ta' madwar NOK 870 000 (madwar EUR 109 000) (9).

2.2.3   Espansjonijiet fl-2006-2007

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi ppreżentaw informazzjoni ġdida dwar l-espansjoni tal-KLC li saret fl-2006-2007.

Fl-2005, il-muniċipalità ddeċidiet li tespandi ċ-ċentru tal-fitness, billi tibni anness ġdid li kien se jgħaqqad il-binjiet eżistenti tal-KLC. Il-ħsieb kien li ċ-ċentru jsir aktar faċli għall-użu f'termini ta' aċċess. Barra minn hekk, il-muniċipalità ddeċidiet li taġġorna l-faċilitajiet eżistenti fil-proċess (10). Il-pont bejn iż-żewġ binjiet u l-immodernizzar tagħhom saru sabiex jiġi żgurat li l-istandards tal-faċilitajiet tal-KLC jsiru kumparabbli ma' dawk taċ-ċentri eżistenti (11).

Fl-2006-2007, il-KLC u ċ-ċentru tal-fitness kienu konsegwentement immodernizzati u estiżi f'anness ġdid (Mellombygningen). L-ispiża totali tal-espansjoni kienet madwar NOK 14,2 miljun. Ġie mfassal pjan ta' allokazzjoni tal-ispejjeż sabiex jiġi żgurat li ċ-ċentru tal-fitness jerfa' s-sehem proporzjonat tiegħu (madwar 80 %) (12) tal-ispejjeż tal-espansjoni Is-sehem li jifdal (madwar 20 %) kellu jiġi kopert b'mezzi oħra peress li dawn il-kostijiet ma kellhomx x'jaqsmu maċ-ċentru tal-fitness, imma ma' faċilitajiet oħra tal-KLC. Fid-Deċiżjoni biex tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Awtorità nnutat li ċ-ċentru tal-fitness ma refax is-sehem kollu tiegħu tal-kost tas-self għall-2008 skont il-pjan tal-allokazzjoni tal-kostijiet. L-awtoritajiet Norveġiżi sussegwentement iċċaraw li ċ-ċentru tal-fitness kien tabilħaqq refa' l-kost kollu tas-self fl-2008 billi alloka l-profitt annwali lill-muniċipalità (13).

2.2.4.   L-ebda finanzjament mill-kontea muniċipali ta' Nordland

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tad-Deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali, l-Awtorità ma kinetx fil-pożizzjoni li teskludi li ċ-ċentru tal-fitness tal-KLC kien irċieva finanzjament mill-kontea muniċipali ta' Nordland (14). L-awtoritajiet Norveġiżi għalhekk intalbu jipprovdu aktar informazzjoni fuq din il-kwistjoni. L-awtoritajiet Norveġiżi ċċaraw li ċ-ċentru tal-fitness tal-KLC ma kienx iffinanzjat mill-kontea muniċipali ta' Nordland (15).

3.   Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura

L-Awtorità fetħet il-proċedura tal-investigazzjoni formali, peress li kellha dubji dwar jekk il-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness tal-KLC kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61 tal-Ftehim taż-ŻEE. Barra minn hekk, l-Awtorità kellha dubji dwar jekk il-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness, kieku kellu jitqies bħala għajnuna mill-Istat, setax jitqies bħala kompatibbli mal-Ftehim taż-ŻEE fuq il-bażi tal-Artikolu 59(2) bħala għajnuna għal servizz ta' interess ekonomiku ġenerali jew kompatibbli alternattivament fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(c) bħala għajnuna biex jiġu ffaċilitati attivitajiet kulturali u reġjonali.

L-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw l-iffinanzjar taċ-ċentru tal-fitness f'Jannar tal-2009 u ma pprovdew l-ebda informazzjoni biex jiġġustifikaw il-konklużjoni proviżorja li l-iffinanzjar taċ-ċentru tal-fitness, kieku kellu jitqies bħala għajnuna mill-Istat, kien jikkostitwixxi sistema ta' għajnuna eżistenti fit-tifsira tal-Artikolu 1(1) tal-Parti I ta' Protokoll 3. Konsegwentment, fid-dawl tad-dubji li kellha, l-Awtorità bdiet il-proċedura ta' investigazzjoni formali pprovveduta fl-Artikolu 1(3) u (2).

4.   Il-kummenti tal-partijiet terzi

L-Awtorità rċeviet kummenti minn żewġ partijiet terzi, l-EHFA u l-NAF.

4.1.   Il-Kummenti mill-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Saħħa u l-Fitness (“l-EHFA”)

L-EHFA hija organizazzjoni indipendenti li ma taħdimx għall-profitt li tirrappreżenta l-interessi tal-industrija Ewropea tas-saħħa u l-fitness. Hi tal-fehma li ċ-ċentri tal-fitness għandhom jiġu ttrattati l-istess humiex tal-privat jew humiex pubbliċi, u li ċ-ċentri tal-fitness li huma proprjetà pubblika m'għandhomx jingħataw vantaġġi li jmorru kontra l-Artikolu 59 tal-Ftehim taż-ŻEE.

4.2.   Il-Kummentti mill-Assoċjazzjoni Norveġiża tal-Fitness (“l-NAF”)

L-NAF hija organizzazzjoni Norveġiża għaċ-ċentri kummerċjali tal-fitness. L-NAF hi tal-fehma li r-riżorsi tal-Istat li selettivament jibbenefikaw minnhom iċ-ċentri tal-fitness fis-suq Norveġiż b'mod ġenerali jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE peress li tali finanzjament joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ fi ħdan iż-ŻEE. Biex tissostanzja dan, l-NAF ipprovdiet lill-Awtorità b'informazzjoni ġenerali dwar is-suq Norveġiż taċ-ċentri tal-fitness (16).

Barra minn hekk l-NAF iġġib l-argument li l-għajnuna mill-Istat liċ-ċentri tal-fitness li huma proprjetà pubblika ma jistgħux jitiqiesu kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE fuq il-bażi tal-Artikolu 59(2) bħala kumpens għas-servizz pubbliku jew l-Artikolu 61(3)(c) bħala għajnuna għall-attivitajiet kulturali jew reġjonali meta l-istess għajnuna ma tiġix offruta liċ-ċentri tal-fitness tal-privat bl-istess termini.

5.   Kummenti mill-awtoritajiet Norveġiżi

L-awtoritajiet Norveġiżi jqisu li l-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness tal-KLC ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE għar-raġunijiet li ġejjin: (i) iċ-ċentru tal-fitness ma jirċevix vantaġġ selettiv li joħroġ minn riżorsi tal-Istat, (ii) iċ-ċentu ma jikkostitwix impriża, u (iii) il-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness ma jaffettwax il-kummerċ bejn il-partijiet kontraenti tal-Ftehim taż-ŻEE.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li kwalunkwe riżors muniċipali allokat liċ-ċentru tal-fitness jissodisfa r-rekwiżiti tar-regolament de minimis  (17) u għlahekk ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

Fil-każ li l-Awtorità ssib li l-finanzjament jinvolvi għajnuna mill-Istat, l-awtoritajiet Norveġiżi jikkunsidraw tali għajnuna bħala għajnuna eżistenti għax il-KLC ġie ffinanzjat mill-baġit muniċipali u l-miżati tal-użaturi sa minn qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim taż-ŻEE u dan il-metodu ta’ finanzjament baqa' l-istess minn dak iż-żmien.

Apparti l-kunsiderazzjoni t’hawn fuq, l-awtoritajiet Norveġiżi jikkunsidraw kull għajnuna potenzjali bħala kompatibbli mal-Ftehim taż-ŻEE fuq il-bażi jew tal-Artikolu 59(2) bħala għajnuna għal servizz ta' interess ekonomiku ġenerali jew alternattivament kompatibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(c) bħala għajnuna biex tiffaċilita l-attivitajiet kulturali. Fl-aħħar, l-awtoritajiet Norveġiżi jsostnu li l-finanzjament tal-espansjoni taċ-ċentru tal-fitness fl-2006-2007 jikkostitwixxi forma ta' għajnuna reġjonali kompatibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(c) u b'referenza għal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna Reġjonali (2007-2013) (18).

II.   VALUTAZZJONI

1.   Il-finanzjament mill-muniċipalità ta' Vefsn

L-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw il-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness lill-Awtorità f'Jannar tal-2009. Fin-notifikazzjoni, l-awtoritajiet Norveġiżi ma ppreżentaw l-ebda argument li jgħid li l-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness kien jikkostitwixxi għajnuna eżistenti, minkejja l-fatt li n-notifikazzjoni kienet tinkludi kopja taċ-ċitazzjoni mill-proċedimenti quddiem il-qrati Norveġiżi fejn l-applikant sostna, pjuttost fit-tul, li l-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness kien jikkonsisti għajnuna ġdida (19).

Fid-Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Awtorità rreferiet għall-fatt li l-metodu tal-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness (li jkopri t-total tad-defiċit tal-KLC mill-baġit muniċipali u l-allokazzjoni tad-dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-biljetti) kien fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim taż-ŻEE, u fuq din il-bażi jista' jidher li jikkostitwixxi għajnuna eżistenti skont it-tifsira tal-Artikolu 1(b)(i) tal-Parti II tal-Protokoll 3. (20) Madankollu, alterazzjonijiet ta' għajnuna eżistenti, jirrappreżentaw għajnuna ġdida skont l-Artikolu 1(c) tal-istess Protokoll.

Fid-Deċiżjoni tagħha l-Awtorità indikat li ma kinetx irċeviet biżżejjed informazzjoni speċifika dwar iż-żewġ espansjonijiet taċ-ċentru tal-fitness u t-tibdiliet fis-sistema tal-allokazzjoni tad-dħul mill-biljetti, u tinnota li dawn il-fatturi setgħu biddlu s-sistema eżistenti ta' għajnuna f'għajnuna ġdida skont l-Artikolu 1(c) tal-istess Protokoll. (21)

B'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-QEĠ (22), l-Awtorità ttrattat il-miżuri fi ħdan il-qafas tar-regoli pertinenti għal għajnuna ġdida.

Kwalunkwe valutazzjoni magħmula permezz ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali rigward jekk miżura ta’ għajnuna potenzjali tikkostitwixxx għajnuna ġdida jew għajnuna eżistenti hija neċessarjament ta’ natura preliminari biss. Anke jekk l-Awtorità, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta dak iż-żmien, tkun iddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' investigazzjoni formali fuq il-bażi tal-Artikolu 1(2) tal-Parti I tal-Protokoll 3, xorta waħda, fid-deċiżjoni li tikkonkludi dik il-proċedura, jekk ikun hemm għajnuna involuta, tista' tikkostitwixxi għajnuna eżistenti (23). Meta tkun involuta għajnuna eżistenti, l-Awtorità trid issegwi l-proċedura għal għajnuna eżistenti (24). Għaldaqstant, f’tali każ, l-Awtorità tkun trid tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u tiftaħ il-proċedura differenti għal għajnuna eżistenti stabbilita fl-Artikoli 17 sa 19 tal-Parti II tal-Protokoll 3 (25). Skont din il-proċedura tal-aħħar, u skontha biss, l-Awtorità trid tevalwa jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna u jekk iva, tkunx konformi mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE.

Kif spjegat hawn fuq fil-Kapitolu I.2 tad-Deċiżjoni, l-awtoritajiet Norveġiżi ppreżentaw informazzjoni fattwali addizzjonali dwar il-finanzjament u l-espansjonijiet taċ-ċentru tal-fitness tal-KLC.

Peress li ċ-ċentru tal-fitness ma ġiex iffinanzjat bħala operazzjoni separata, il-finanzjament tiegħu ma jistax jiġi evalwat separatament mill-finanzjament tal-KLC bħala tali. Mit-twaqqif tiegħu fis-sebgħinijiet, il-KLC kien qed jiġi ffinanzjat minn dawk li kienu jużawh u mill-baġit muniċipali. Minkejja li l-muniċipalità ma introduċietx miżati għall-użaturi biex ikollhom aċċess għaċ-ċentru tal-fitness sal-1996, mis-sebgħinijiet kienet qed titlob tali miżata mill-użaturi għal partijiet tal-KLC, b'mod partikolari għall-pixxina. Fuq din il-bażi, l-Awtorità tinnota li s-sistema ta' finanzjament tal-KLC bħala tali ma nbidilx.

L-espansjoni taċ-ċentru tal-fitness fl-1997-1999 kienet ta' skala iżgħar minn dik li indikat l-informazzjoni li fil-bidu ġiet ipprovduta lill-Awtorità. L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw fl-investigazzjoni formali li l-muniċipalità isselfet NOK 5,8 miljun (minflok NOK 10 miljun) li ma ntużawx għat-tiġdid taċ-ċentru tal-fitness. Bil-maqlub, espansjoni relattivament modesta u attrezzament mill-ġdid taċ-ċentru tal-fitness b'kost totali ta' madwar NOK 870 000 li saru matul dan iż-żmien kienu iffinanzjati minn dħul li ġie minn miżati li ġew imposti fuq l-użaturi.

Għalkemm b'kamp ta' applikazzjoni aktar sostanzjali, l-espansjoni tal-2006-2007 żgurat biss li s-servizz offrut ikun komparabbli ma' dak offrut f'ċentri tal-fitness oħra. Bħala konsegwenza, it-tip ta' attività imwettqa miċ-ċentru tal-fitness, kemm qabel kif ukoll wara l-espansjoni, baqgħet l-istess u kienet sempliċiment aġġustata biex timxi mal-evoluzzjoni tas-settur u d-domanda tal-użaturi. Biċ-ċentru tal-fitness tal-KLC, il-muniċipalità kienet attiva fis-suq taċ-ċentri tal-fitness kemm qabel u wara li daħal fis-seħħ il-Ftehim taż-ŻEE, okkażjonalment hi espandiet l-istudio tal-fitness biss biex tkun tista' tipprovdi servizz lill-popolazzjoni b'konformità ma' dak li hu mistenni minn ċentru tal-fitness. Is-sistema tal-finanzjament (miżati tal-użaturi u allokazzjonijiet mill-baġit muniċipali) u l-għan li jrid jintlaħaq (li jkunu pprovduti faċilitajiet ta' ċentru tal-fitness lill-popolazzjoni) ma nbidlux (26). Barra minn hekk, dawn l-espansjonijiet ma poġġewx lill-muniċipalità f'pożizzjoni li tidħol fi swieq ġodda. F'dak ir-rigward, il-kwistjoni ta' quddiemna hi differenti mid-Deċiżjoni dwar il-BBC Digital Curriculum (27). Dik il-kawża kienet dwar tibdiliet li saru f'sistema eżistenti ta' għajnuna li minnha kien jibbenefika x-xandar pubbliku Brittanniku, il-BBC. F'dak il-każ, il-Kummissjoni sabet li t-tibdiliet li saru fl-iskema eżistenti ta' għajnuna kienu jinvolvu għajnuna ġdida peress li poġġew lix-xandar f'pożizzjoni li jwettaq attivitajiet li ma kellhomx “assoċjazzjoni mill-qrib” mal-iskema eżistenti, u poġġew lill-BBC f'pożizzjoni li jidħol fis-swieq żviluppati fejn l-atturi kummerċjali kienu esposti ftit jew xejn għall-BBC bħala kompetitur (28).

Fuq il-bażi ta' dan t'hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness fil-Kippermoen Leisure Centre b'riżorsi mill-Muniċipalità ta' Vefsn, sa fejn hi involuta l-għajnuna, jikkostitwixxi sistema ta' għajnuna eżistenti. Proċedura separata ta' għajnuna eżistenti hi stabbilita fl-Artikolu 1(1) tal-Parti I tal-Protokoll 3. Skont dik id-dispożizzjoni, l-Awtorità għandha, f’kooperazzjoni mal-Istati tal-EFTA, tirrevedi b’mod kostanti s-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżistu f’dawk l-Istati. Hija għandha tipproponi lil dawn tal-aħħar kwalunkwe miżuri adattati meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mit-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE.

2.   Il-finanzjament mill-Kontea Muniċipali ta' Nordland

Kif ġie nnotat hawn fuq, l-awtoritajiet Norveġiżi ċċaraw li ċ-ċentru tal-fitness tal-KLC ma kienx iffinanzjat mill-kontea muniċipali ta' Nordland. Allura, ma kien hemm l-ebda trasferiment tar-riżorsi tal-Istat mill-muniċipalità tal-Kontea ta' Nordland, li hija l-ewwel minn erba' kriterji kumulattivi li jridu jiġu ssodisfati biex miżura tkun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE. Fuq il-bażi tal-informazzjoni ġdida pprovduta mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-Awtorità tikkonkludi li ċ-ċentru tal-fitness tal-KLC, fi ħdan dan il-kuntest, ma rċeviex għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE fil-forma ta' vantaġġi li joħorġu minn riżorsi tal-Istat (il-kontea muniċipali ta' Nordland).

3.   Konklużjoni

Skont l-informazzjoni ġdida pprovduta mill-awtoritajiet Norveġiżi, il-kontea muniċipali ta' Nordland ma tatx vantaġġi ekonomiċi liċ-ċentru tal-fitness tal-KLC fil-perjodu kopert mill-proċedura kurrenti ta' investigazzjoni formali. Fuq din il-bażi l-Awtorità tikkonkludi li ċ-ċentru tal-fitness tal-KLC ma rċeviex għajnuna mill-Istat li ħarġet mill-kontea muniċipali ta' Nordland fil-perjodu relevanti.

L-Awtorità ikkonkludiet ukoll li, safejn r-riżorsi li ħarġu mill-muniċipalità ta' Vefsn ikkontribwixxew għall-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness tal-KLC u safejn dawn ir-riżorsi jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, tali għajnuna ingħatat skont sistema ta' għajnuna eżistenti. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni ta' hawn fuq, l-Awtorità iddeċidiet li tagħlaq il-proċedura ta' investigazzjoni formali u se tagħti bidu għal proċedura tar-reviżjoni tal-għajnuna eżistenti provduta fl-Artikolu 1(1) u (2) tal-Parti I tal-Protokoll 3,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness tal- Kippermoen Leisure Centre permezz ta' fondi li ġejjin mill-kontea muniċipali ta' Nordland matul il-perjodu li qed jiġi vvalutat hija mingħajr skop u għalhekk qed tingħalaq.

Artikolu 2

Il-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness tal-Kippermoen Leisure Centre permezz ta' fondi li ġejjin mill-kontea muniċipali ta' Vefsn hija magħluqa.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 4

Il-verżjoni Ingliża biss hi kkunsidrata bħala awtentika.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza ta' l-EFTA

Per SANDERUD

Il-President

Sabine MONAUNI-TÖMÖRDY

Membru tal-Kulleġġ


(1)  ĠU C 184, 8.7.2010, p. 5 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 35 tat-8.7.2010, p. 1.

(2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(3)  Li qabel kienet l-Assoċjazzjoni Norveġiża għaċ-Ċentri tal-Fitness (NAFC) (Norsk Treningssenterforbund).

(4)  Kapitolu I.2.2 tad-Deċiżjoni.

(5)  Ara l-e-mail mill-awtoritajiet Norveġiżi ddatat t-28.3.2011 (Avveniment Nru 592463).

(6)  Kapitolu I.2.2 u II.1.3 tad-Deċiżjoni Nru 537/09/COL.

(7)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi ddatata t-23.2.2011 (Avveniment Nru 547864), p. 6.

(8)  Ibid. pp. 2, 6 u 8.

(9)  Ibid. pp. 7-9.

(10)  Ara d-Deċiżjonijiet 10/05 u 152/05 tal-kunsill lokali tal-Muniċipalità ta' Vefsn, anness 2 ta' Avveniment Nru 547864.

(11)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi ddatata t-23.2.2011 (Avveniment Nru 547864), p. 10.

(12)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi ddatata d-9.9.2009 (Avveniment Nru 529846), pp. 2-4.

(13)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi ddatata t-23.2.2011 (Avveniment Nru 547864), p. 12.

(14)  Kapitolu II.1.1 tad-Deċiżjoni Nru 537/09/COL.

(15)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi ddatata t-23.2.2010 (Avveniment Nru 547864), p. 19-20.

(16)  Ara l-ittra mill-Awtorità ddatata d-9.11.2010 (Avveniment Nru 576711).

(17)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għal għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5), inkorporat fil-ftehim taż-ŻEE fil-paragrafu 1ea tal-Anness 15 tal-Ftehim.

(18)  Il-Linji gwida huma disponibbli onlajn fuq: http://www.eftasurv.int/?1=1&showLinkID=15125&1=1

(19)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi ddatata s-27.1.2009 (Avveniment Nru 506341), p. 40.

(20)  Skont l-Artikolu 1(b)(i) tal-Parti II tal-Protokoll 3, għajnuna eżistenti hi: “... l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim taż-ŻEE fl-Istati tal-ŻEE rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim taż-ŻEE”.

(21)  Kapitolu II.1.3 tad-Deċiżjoni Nru 537/09/COL.

(22)  Kawża C-400/99 l-Italja vs il-Kummissjoni [2005] ġabra I-3657.

(23)  Ibid. paragrafi 47 u 54-55.

(24)  Każ T-190/00 Ir-Reġjun ta’ Sqallija vs Il-Kummissjoni [2003] Ġabra II-5015, paragrafu 48.

(25)  Kawża C-312/90 Spanja vs Il-Kummissjoni [1992] ECR I-4117, paragrafI 14-17, u Kawża C-47/91 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1992] ġabra I-4145, paragrafi 22-25.

(26)  Ara l-Opinjoni tal-AG Trabucchi fil-Kawża 51/74 Hulst [1975] ġabra 79.

(27)  Kawża N 37/2003 (UK), disponibbli onlajn: http://ec.europa.eu/eu_law/state_aids/comp-2003/n037-03.pdf

(28)  Ibid. paragrafu 36.