ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2012.007.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 7

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 55
11ta' Jannar 2012


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 12/2012 tal-10 ta’ Jannar 2012 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2012/21/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (notifikata bid-dokument numru C(2011) 9380)  ( 1 )

3

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 7/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 12/2012

tal-10 ta’ Jannar 2012

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

61,0

TN

101,1

TR

107,6

ZZ

89,9

0707 00 05

EG

182,1

TR

156,6

ZZ

169,4

0709 91 00

EG

208,4

ZZ

208,4

0709 93 10

MA

64,4

TR

145,3

ZZ

104,9

0805 10 20

EG

70,2

MA

59,3

TR

75,5

ZZ

68,3

0805 20 10

MA

73,1

ZZ

73,1

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

IL

70,8

MA

62,0

TR

79,5

ZZ

70,8

0805 50 10

MA

126,4

TR

59,3

ZZ

92,9

0808 10 80

CA

125,9

US

111,1

ZA

128,3

ZZ

121,8

0808 30 90

CN

42,7

US

116,7

ZZ

79,7


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta’ oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 7/3


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Diċembru 2011

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 9380)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/21/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 106(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 14 tat-Trattat jobbliga lill-Unjoni, bla ħsara għall-Artikoli 93, 106 u 107 tat-Trattat, li tuża l-poteri tagħha b’tali mod li jiġi żgurat li ċerti servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali joperaw abbażi ta’ prinċipji u kundizzjonijiet li jippermettulhom li jaqdu l-missjonijiet tagħhom.

(2)

Biex ċerti servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jkunu jistgħu joperaw abbażi ta’ prinċipji u kundizzjonijiet li jippermettulhom jaqdu l-missjonijiet tagħhom, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jingħata sostenn finanzjarju mill-Istat biex ikopri xi spejjeż speċifiċi, jew l-ispejjeż kollha, li joħorġu mill-obbligi ta’ servizz pubbliku. Skont l-Artikolu 345 tat-Trattat, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa irrilevanti jekk tali servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jkunux operati minn impriżi pubbliċi jew privati.

(3)

L-Artikolu 106(2) tat-Trattat jistipula f’dan ir-rigward li impriżi responsabbli sabiex joperaw servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, jew li jkollhom il-karattru ta’ monopolju fiskali, huma suġġetti għar-regoli tat-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax, de jure jew de facto, it-twettiq tal-funzjonijiet li għalihom huma responsabbli. Dan madankollu m’għandux jaffettwa l-iżvilupp tal-kummerċ sal-punt li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni.

(4)

Fis-sentenza tagħha Altmark  (1), il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħetha li kumpens għal servizzi pubbliċi ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-Trattat sakemm jiġu sodisfatti erba’ kriterji kumulattivi. L-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja jrid ikollha tassew obbligi ta’ servizz pubbliku xi twettaq, u l-obbligi jridu jkunu ddefiniti b’mod ċar. It-tieni nett, il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkulat il-kumpens iridu jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti. It-tielet nett, il-kumpens ma jridx ikun aktar minn dak li hu meħtieġ sabiex ikopri l-ispejjeż kollha, jew parti minnhom, li jkunu saru fit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, waqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti u profitt raġonevoli. Fl-aħħar nett, meta l-għażla tal-impriża inkarigata bl-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, f’xi każ speċifiku, ma ssirx fil-qafas ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku li tippermetti li jintgħażel il-kandidat li jkun kapaċi jipprovdi dawk is-servizzi bl-inqas prezz għall-komunità, il-livell tal-kumpens neċessarju jrid ikun iddeterminat fuq bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li jkollha impriża medja, immexxija sewwa u mgħammra adegwatament bil-mezzi rilevanti.

(5)

Fejn dawk il-kundizzjonijiet ma jiġux sodisfatti u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat jintlaħqu, il-kumpens għal servizzi pubbliċi jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u huwa suġġett għall-Artikoli 93, 106, 107 u 108 tat-Trattat.

(6)

Flimkien ma’ din id-Deċiżjoni, hemm tliet strumenti li huma rilevanti għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal kumpens mogħti għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali:

(a)

Komunikazzjoni ġdida dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat għal kumpens mogħti għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (2) tiċċara l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 tat-Trattat u l-kriterji stabbiliti mis-sentenza Altmark għal tali kumpens;

(b)

Regolament ġdid, li l-Kummissjoni biħsiebha tadotta, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat għall-għajnuna de minimis għal forniment tas-SIEĠ jistabbilixxi ċerti kundizzjonijiet – inkluż l-ammont tal-kumpens- li taħthom il-kumpens għal servizzi pubbliċi għandu jitqies li ma jissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1);

(c)

qafas rivedut għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi (3) jispeċifika kif il-Kummissjoni ser tanaliżża l-każijiet li mhumiex koperti minn din id-Deċiżjoni u għalhekk għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni.

(7)

Id-Deċiżjoni tal-Kummisjoni 2005/842/KE tat-28 ta’ Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (4) tispeċifika t-tifsira u l-estensjoni tal-eċċezzjoni skont l-Artikolu 106(2) tat-Trattat u tfassal regoli maħsuba biex ikun hemm monitoraġġ effettiv tat-twettiq tal-kriterji kif stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni. Din id-Deċiżjoni tissostitwixxi d-Deċiżjoni 2005/842/KE u tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali mhijiex soġġetta għall-obbligu tan-notifika minn qabel skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat ladarba tista’ titqies kompatibbli mal-Artikolu 106(2) tat-Trattat.

(8)

Għajnuna bħal din tista’ titqies kompatibbli biss jekk tingħata sabiex jiġi żgurat il-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kif imfisser fl-Artikolu 106(2) tat-Trattat. Mill-ġurisprudenza jidher ċar li, fin-nuqqas ta’ regoli settorjali tal-Unjoni li jirregolaw il-kwistjoni, l-Istati Membri għandhom marġini wiesa’ ta’ diskrezzjoni fid-definizzjoni ta’ servizzi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Għaldaqstant, il-kompitu tal-Kummissjoni huwa li tiżgura li ma jkun hemm l-ebda żball evidenti rigward id-definizzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

(9)

Sakemm jiġu sodisfatti għadd ta’ kundizzjonijiet, ammonti limitati ta’ kumpens mogħtija lil impriżi inkarigati bil-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jaffettwawx l-iżvilupp tal-kummerċ u l-kompetizzjoni sal-punt li jkunu kuntrarji għall-interessi tal-Unjoni. Għaldaqstant, notifika individwali dwar għajnuna mill-Istat m’għandhiex tkun meħtieġa għal kumpens li jkun inqas mill-ammont annwali ta’ kumpens sakemm ikunu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ din id-Deċiżjoni.

(10)

Fid-dawl tal-iżvilupp tal-kummerċ fi ħdan l-Unjoni fil-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, muri pereżempju bl-iżvilupp qawwi ta’ fornituri multinazzjonali f’numru ta’ setturi li huma ta’ importanza kbira għall-iżvilupp tas-suq intern, huwa xieraq li jiġi stabbilit limitu iżjed baxx għall-ammont ta’ kumpens li jista’ jiġi eżentat mill-obbligu tan-notifika skont din id-Deċiżjoni minn dak stabbilit mid-Deċiżjoni 2005/842/KE, filwaqt li dak l-ammont ikun jista’ jiġi kkalkulat bħala medja annwali fuq il-perjodu ta’ inkarigu.

(11)

L-isptarijiet u l-impriżi inkarigati b’servizzi soċjali, fdati b’kompiti ta’ interess ekonomiku ġenerali, għandhom karatteristiċi speċifiċi li jridu jiġu kkunsidrati. B’mod partikolari, irid jiġi kkunsidrat il-fatt li, fil-kundizzjonijiet ekonomiċi attwali u fl-istadju attwali tal-żvilupp tas-suq intern, is-servizzi soċjali jaf ikunu jeħtieġu ammont ta’ għajnuna ogħla mil-limitu stipulat minn din id-Deċiżjoni sabiex jikkumpensaw għall-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi. Ammont akbar ta’ kumpens għal servizzi soċjali għalhekk mhux neċessarjament jipproduċi riskju ogħla ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-impriżi inkarigati b’servizzi soċjali, inkluż il-forniment ta’ akkomodazzjoni soċjali għal ċittadini żvantaġġjati jew gruppi li jbatu minn żvantaġġ soċjali, li minħabba restrizzjonijiet ta’ solvenza ma jkunux jistgħu jakkwistaw akkomodazzjoni bil-kundizzjonijiet tas-suq, għandhom jibbenefikaw wkoll mill-eżenzjoni min-notifika prevista f’din id-Deċiżjoni, anke jekk l-ammont tal-kumpens li jirċievu jkun ogħla mil-limitu ġenerali ta’ kumpens stabbilit f’din id-Deċiżjoni. L-istess għandu japplika għall-isptarijiet li jipprovdu kura medika, inkluż, fejn applikabbli, servizzi ta’ emerġenza u servizzi anċillari direttament relatati mal-attivitajiet ewlenin tagħhom, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka. Sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni min-notifika, is-servizzi soċjali jridu jkunu servizzi identifikati b’mod ċar li jissodisfaw bżonnijiet soċjali fir-rigward tal-kura tas-saħħa u fit-tul, l-indukrar tat-tfal, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u r-reintegrazzjoni fih, l-akkomodazzjoni soċjali u l-kura u l-inklużjoni soċjali ta’ gruppi vulnerabbli.

(12)

Il-punt sa fejn miżura partikolari ta’ kumpens ikollha impatt fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni jiddependi mhux biss fuq l-ammont medju ta’ kumpens irċevut kull sena u s-settur ikkonċernat, iżda wkoll fuq it-tul tal-perjodu kollu ta’ inkarigu. Sakemm ma jkunx ġustifikat perjodu ta’ inkarigu itwal minħabba l-ħtieġa ta’ investiment qawwi, pereżempju fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali, l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha għaldaqstant tkun limitata għal perjodi ta’ inkarigu li ma jeċċedux l-għaxar snin.

(13)

Sabiex ikun jista’ jiġi applikat l-Artikolu 106(2) tat-Trattat, l-impriża kkonċernata għandha tkun ġiet inkarigata mill-Istat Membru bl-operazzjoni ta’ servizzi partikolari ta’ interess ekonomiku ġenerali.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 106(2) tat-Trattat ikunu sodisfatti, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet aktar preċiżi li għandhom ikunu mwettqa fejn jidħol l-inkarigu tal-operazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. L-ammont ta’ kumpens jista’ jiġi kkalkolat u vverifikat biss jekk l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jkunu qed iġorru l-impriżi, u kull obbligu li jkun qed iġorr l-Istat, ikunu stipulati b’mod ċar f’att wieħed jew aktar tal-awtoritajiet pubbliċi kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat. Il-forma tal-istrument tista’ tvarja minn Stat Membru għal ieħor iżda għandha tispeċifika, mill-inqas, l-impriżi kkonċernati, preċiżament il-kontenut u l-perjodu u fejn xieraq, it-territorju kkonċernat mill-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti, l-għotja ta’ kwalunkwe drittijiet esklużivi jew speċjali, u għandha tiddeskrivi l-mekkaniżmu ta’ kumpens u l-parametri biex jiġi kkalkulat il-kumpens u biex jiġi evitat u rkuprat kwalunkwe kumpens żejjed possibbli. Sabiex tkun żgurata t-trasparenza rigward l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, l-att ta’ inkarigu għandu jinkludi wkoll referenza għaliha.

(15)

Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet mhux ġustifikati tal-kompetizzjoni, il-kumpens m’għandux jeċċedi dak li hu neċessajru biex jiġu koperti l-ispejjeż netti li teħel impriża biex topera s-servizz, inkluż profitt xieraq.

(16)

Kumpens li jkun aktar minn dak li hu neċessarju biex jiġu koperti l-ispejjeż netti li teħel l-impriża kkonċernata fl-operazzjoni tas-servizz mhuwiex neċessarju għall-operazzjoni tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, u għaldaqstant jikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mill-Istat li għandha titħallas lura lill-Istat. Il-kumpens mogħti għall-operazzjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali iżda li fil-konkret jiġi użat mill-impriża kkonċernata biex topera f’suq ieħor għal skopijiet lil hinn minn dawk stabbiliti fl-att ta’ inkarigu mhuwiex neċessarju għall-operazzjoni tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, u għaldaqstant jista’ jikkostitwixxi wkoll għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli u li għandha titħallas lura.

(17)

L-ispiża netta li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għandha tiġi kkalkulata bħala d-differenza bejn l-ispiża involuta fl-operazzjoni tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u d-dħul li jsir mis-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jew, alternattivament, bħala d-differenza bejn l-ispiża netta tal-operazzjoni bl-obbligu ta’ servizz pubbliku u l-ispiża netta jew il-profitt tal-operazzjoni mingħajr l-obbligu ta’ servizz pubbliku. B’mod partikolari, jekk l-obbligu ta’ servizz pubbliku jwassal għal tnaqqis fid-dħul, pereżempju minħabba tariffi regolati, iżda li ma jaffettwax l-ispejjeż, għandu jkun possibbli li l-ispiża netta involuta fit-twettiq tal-obbligu ta’ servizz pubbliku tiġi determinata fuq il-bażi tad-dħul mitluf. Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet mhux ġustifikati tal-kompetizzjoni, id-dħul kollu mis-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, jiġifieri kwalunkwe dħul li l-fornitur ma kienx jaqla’ li kieku ma ġiex inkarigat bl-obbligu għandu jiġi kkunsidrat għall-għanijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-kumpens. Jekk l-impriża inkwistjoni jkollha drittijiet speċjali jew esklużivi marbutin ma’ attivitajiet, minbarra s-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li għalih tingħata l-għajnuna, li jiġġeneraw profitti ogħla mill-profitt raġonevoli, jew benefiċċji minn vantaġġi oħra mogħtija mill-Istat, dawn għandhom jiġu inklużi fid-dħul tagħha, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-Artikolu 107 tat-Trattat.

(18)

Profitt raġonevoli għandu jiġi ddeterminat bħala rata ta’ redditu fuq il-kapital li tikkunsidra l-grad tar-riskju, jew tan-nuqqas ta’ riskju, involut. Ir-rata ta’ redditu fuq il-kapital għandha tkun definita bħala r-rata interna ta’ redditu li l-impriża tikseb fuq il-kapital tagħha investit matul it-tul tal-perjodu ta’ inkarigu.

(19)

Profitt li ma jaqbiżx ir-rata rilevanti ta’ tpartit u 100 punt bażi magħdudin magħha m’għandux jiġi kkunsidrat bħala mhux raġonevoli. F’dan il-kuntest, ir-rata rilevanti ta’ tpartit hija kkunsidrata bħala rata ta’ redditu xierqa għal investiment ħieles mir-riskju. Il-primjum ta’ 100 punt bażi jservi, inter alia, biex jikkumpensa għar-riskju ta’ likwidità relatat mal-forniment ta’ kapital li hu impenjat għall-operazzjoni tas-servizz matul il-perjodu ta’ inkarigu.

(20)

F’każijiet fejn l-impriża inkarigata b’servizz ma ġġorrx ammont sostanzjali ta’ riskju kummerċjali, pereżempju minħabba li tieħu kumpens sħiħ tal-ispejjeż biex topera s-servizz, il-profitti li jaqbżu l-limitu tar-rata ta’ tpartit rilevanti u 100 punt bażi magħdudin magħha m’għandhomx ikunu kkunsidrati raġonevoli.

(21)

Fejn, minħabba ċirkustanzi speċifiċi, ma jkunx xieraq li tintuża r-rata ta’ redditu fuq il-kapital, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jserrħu fuq indikaturi oħrajn tal-livell tal-profitt, biex jiddeterminaw liema għandu jkun il-profitt raġonevoli, bħar-redditu medju fuq l-ishma, ir-redditu fuq il-kapital imħaddem, ir-redditu fuq l-assi jew ir-redditu fuq il-bejgħ.

(22)

Biex jiddeterminaw x’jikkostitwixxi profitt raġonevoli, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jintroduċu kriterji ta’ inċentiv relatati, b’mod partikolari, mal-kwalità tas-servizz ipprovdut u mal-kisbiet fl-effiċjenza fil-produzzjoni. Il-kisbiet fl-effiċjenza ma għandhomx inaqqsu l-kwalità tas-servizz ipprovdut. Pereżempju, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu, fl-att ta’ inkarigu, jiddefinixxu miri għall-effiċjenza fil-produzzjoni li bihom il-livell tal-kumpens jagħmluh dipendenti fuq sa liema punt ikunu ġew sodisfatti l-miri. L-att ta’ inkarigu jista’ jipprevedi li jekk l-impriża ma tilħaqx l-objettivi, il-kumpens jitnaqqas billi jiġi applikat metodu ta’ kalkolu li jkun speċifikat fl-att ta’ inkarigu, filwaqt li jekk l-impriża tmur lil hinn mill-objettivi, il-kumpens ikun jista’ jiżdied billi jiġi applikat metodu speċifikat fl-att ta’ inkarigu. Kwalunkwe ppremjar marbut mal-kisbiet fl-effiċjenza fil-produzzjoni għandu jkun iffissat f’livell li jkun tali li jippermetti li dawk il-kisbiet jinqasmu b’mod ibbilanċjat bejn l-impriża u l-Istat Membru u/jew l-utenti.

(23)

L-Artikolu 93 tat-Trattat jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat. Huwa jistipula r-regoli applikabbli għall-kumpens għal servizzi pubbliċi fis-settur tat-trasport fuq l-art. L-Artikolu 93 ġie interpretat mir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (5), li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-kumpens ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fit-traffiku pubbliku tal-passiġġieri. L-applikazzjoni tiegħu għat-traffiku tal-passiġġieri fuq l-ilmijiet interni huwa fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Ir-Regolament (KEE) Nru 1370/2007 jeżenta min-notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat kull kumpens fis-settur tat-trasport fuq l-art li jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament. Skont is-sentenza f’Altmark, il-kumpens fis-settur tat-trasport fuq l-art li ma jkunx jissodisfa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 93 tat-Trattat ma jistax jiġi ddikjarat kompatibbli mat-Trattat buq il-bażi tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat, jew fuq il-bażi ta’ xi dispożizzjoni oħra tat-Trattat. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni ma tapplikax għas-settur tat-trasport fuq l-art.

(24)

Għall-kuntrarju tat-trasport fuq l-art, is-setturi tat-trasport bil-baħar u bl-ajru huma soġġetti għall-Artikolu 106(2) tat-Trattat. Ċerti regoli applikabbli għal kumpens għal servizzi pubbliċi fis-setturi tat-trasport bl-ajru u bil-baħar jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (6) u fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (7). Madankollu, b’differenza mir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, dawk ir-Regolamenti ma jagħmlux referenza għall-kompatibbiltà ta’ elementi possibbli ta’ għajnuna mill-Istat, u lanqas ma jipprovdu eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-kumpens għal servizzi pubbliċi fis-setturi tat-trasport bl-ajru u bil-baħar sakemm, barra li jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Deċiżjoni, tali kumpens ikun konformi wkoll mar-regoli settorjali li hemm fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u (KEE) Nru 3577/92, fejn ikun applikabbli.

(25)

Fil-każijiet speċifiċi ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi għal konnessjonijiet bl-ajru jew bil-baħar lejn gżejjer u għal ajruporti u portijiet li jikkostitwixxu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 106(2) tat-Trattat, huwa xieraq li jiġu stabbiliti wkoll limiti alternattivi bbażati fuq l-għadd medju annwali ta’ passiġġieri peress li dan ikun jirrifletti b’mod iktar preċiż ir-realtà ekonomika ta’ dawn l-attivitajiet u l-karattru tagħhom bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

(26)

L-eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ notifika minn qabel għal ċerti servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ma teskludix il-possibbiltà għall-Istati Membri li jinnotifikaw xi proġett speċifiku ta’ għajnuna. Fil-każ ta’ tali notifika, jew jekk il-Kummissjoni tevalwa l-kompatibilità ta’ miżura ta’ għajnuna speċifika wara li jkun sar ilment jew ex officio, il-Kummissjoni ser tevalwa jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni jkunux sodisfatti. Jekk dak ma jkunx il-każ, il-miżura ser tiġi evalwata skont il-prinċipji stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar qafas ta’ għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi.

(27)

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (8).

(28)

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat.

(29)

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku.

(30)

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika bla ħsara għal dispożizzjonijiet aktar stretti marbuta ma’ obbligi ta’ servizz pubbliku li jinsabu fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni.

(31)

Dispożizzjonijiet tranżitorji għandhom jiġu stipulati għal għajnuna individwali li kienet ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Skemi ta’ għajnuna li jkunu ngħataw effett skont id-Deċiżjoni 2005/842/KE qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jibqgħu jkunu kompatibbli mas-suq intern kif ukoll eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika għal perjodu ulterjuri ta’ sentejn. Għajnuna li tkun ingħatat effett qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni u li ma kinitx ingħatat skont id-Deċiżjoni 2005/842/KE iżda li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni għandha tkun kompatibbli mas-suq intern kif ukoll eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika.

(32)

Il-Kummissjoni biħsiebha twettaq reviżjoni ta’ din id-Deċiżjoni ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħtija lil ċerti impriżi inkarigati bl-operazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali hija kompatibbli mas-suq intern u eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika stabbillit fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħtija lil impriżi inkarigati bl-operazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 106(2) tat-Trattat, li taqa’ f’waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

kumpens li ma jaqbiżx l-ammont annwali ta’ EUR 15-il miljun għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali f’oqsma oħra apparti dak tat-trasport u tal-infrastruttura tat-trasport;

fejn l-ammont tal-kumpens ivarja fuq it-tul tal-perjodu ta’ inkarigu, l-ammont annwali għandu jiġi kkalkulat bħala l-medja tal-ammonti annwali ta’ kumpens mistenni li jsir matul il-perjodu ta’ inkarigu;

(b)

kumpens għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali minn sptarijiet li jipprovdu kura medika, inkluż, fejn applikabbli, servizzi ta’ emerġenza; it-twettiq ta’ servizzi anċillari direttament relatati mal-attivitajiet ewlenin, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka, madankollu, ma jxekkilx l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu;

(c)

kumpens għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jissodisfaw ħtiġijiet soċjali essenzjali fir-rigward tal-kura tas-saħħa u fit-tul, l-indukrar tat-tfal, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u r-reintegrazzjoni fih, l-akkomodazzjoni soċjali u l-kura u l-inklużjoni soċjali ta’ gruppi vulnerabbli;

(d)

kumpens għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali rigward konnessjonijiet bl-ajru jew bil-baħar lejn gżejjer fejn it-traffiku medju annwali matul is-sentejn finanzjarji ta’ qabel dik is-sena li fiha jkun ingħata s-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jkunx jaqbeż it-300 000 passiġġier;

(e)

kumpens għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali rigward ajruporti u portijiet fejn it-traffiku medju annwali matul is-sentejn finanzjarji ta’ qabel dik is-sena li fiha jkun ingħata s-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jkunx jaqbeż il-200 000 passiġġier, fil-każ tal-ajruporti, u t-300 000 passiġġier, fil-każ tal-portijiet.

2.   Din id-Deċiżjoni tapplika biss fejn il-perjodu li għalih ġiet inkarigata l-impriża bl-operazzjonoi tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jaqbiżx l-għaxar snin. Fejn il-perjodu ta’ inkarigu jaqbeż l-għaxar snin, din id-Deċiżjoni tapplika biss safejn ikun meħtieġ investiment sinifikanti min-naħa tal-fornitur tas-servizz li jkun irid jiġi amortizzat fuq perjodu itwal ta’ inkarigu skont prinċipji ta’ kontabbiltà ġeneralment aċċettati.

3.   Jekk matul il-perjodu ta’ inakrigu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ma jibqgħux jiġi ssodisfati, l-għajnuna għandha tiġi nnotifikata skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

4.   Fil-qasam tat-trasport bl-ajru u dak bil-baħar, din id-Deċiżjoni tapplika biss għal għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħtija lil impriżi inkarigati bl-operazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 106(2) tat-Trattat, li hija kompatibbli mar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u, rispettivament, mar-Regolament (KE) Nru 3577/92 fejn applikabbli.

5.   Din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħtija lil impriżi fil-qasam tat-trasport fuq l-art.

Artikolu 3

Eżenzjoni mill-kompatibbiltà u n-notifika

L-għajnujna mill-istat fil-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni għandha tkun kompatibbli mas-suq intern u għandha tkun eżenti mill-obbligu ta’ notifika minn qabel previst fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm tkun konformi wkoll mar-rekwiżiti li joħorġu mit-Trattat jew minn leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni.

Artikolu 4

Inkarigu

L-operzzjoni tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali għandha tkun fdata lill-impriża kkonċernata permezz ta’ att wieħed jew aktar, fil-forma li tista’ tkun stabbilita minn kull Stat Membru. L-att jew atti għandhom jinkludu, b’mod partikolari:

(a)

il-kontenut u t-terminu ta’ żmien tal-obbligi ta’ servizz pubbliku;

(b)

l-impriża u, fejn applikabbli, it-territorju kkonċernat;

(c)

in-natura ta’ kwalunkwe drittijiet esklużivi jew speċjali mogħtija lill-impriża mill-awtorità emittenti;

(d)

deskrizzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kumpens u l-parametri għall-kalkolu, il-kontroll u r-reviżjoni tal-kumpens;

(e)

l-arranġamenti biex jiġi evitat u rkuprat kwalunkwe kumpens żejjed; u

(f)

referenza għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Kumpens

1.   L-ammont ta’ kumpens ma għandux jaqbeż dak li huwa meħtieġ biex tkopri l-ispiża netta kkawżata mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, inkluż profitt raġonevoli.

2.   L-ispiża netta tista’ tiġi kkalkulata bħala d-differenza bejn l-ispejjeż hekk kif definiti fil-paragrafu 3 u d-dħul hekk kif definit fil-paragrafu 4. Alternattivament, tista’ tiġi kkalkulata bħala d-differenza bejn l-ispiża netta għall-impriża li topera bl-obbligu ta’ servizz pubbliku u l-ispiża netta jew profitt tal-istess impriża li topera mingħajr l-obbligu ta’ servizz pubbliku.

3.   L-ispejjeż li għandhom jiġu kkunsidrati għandhom jinkludu l-ispejjeż kollha involuti sabiex jiġi operat is-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Dawn għandhom ikunu kkalkolati fuq il-bażi ta’ prinċipji tal-kontabbiltà ġeneralment aċċettati, kif ġej:

(a)

meta l-attivitajiet tal-impriża inkwistjoni jkunu limitati għas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati l-ispejjeż kollha;

(b)

meta l-impriża tkun twettaq ukoll attivitajiet li jkunu jaqgħu barra mill-ambitu tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, huma biss l-ispejjeż marbuta mas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li għandhom jiġu kkunsidrati;

(c)

l-ispejjeż allokati għas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jistgħu jkopru l-ispejjeż diretti kollha involuti sabiex jiġi operat is-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u kontribut xieraq għal spejjeż fissi komuni kemm għas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali kif ukoll għal attivitajiet oħra;

(d)

l-ispejjeż marbuta mal-investimenti, b’mod speċjali fejn tidħol l-infrastruttura, jistgħu jiġu kkunsidrati meta jkun meħtieġ għall-operazzjoni tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

4.   Id-dħul li jrid jiġi kkunsidrat għandu jinkludi mill-inqas id-dħul kollu mis-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, irrispettivament minn jekk id-dħul ikunx ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-Trattat. Jekk l-impriża inkwistjoni jkollha drittijiet speċjali jew esklużivi marbutin ma’ attivitajiet, minbarra s-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li għalih tingħata l-għajnuna, li jiġġeneraw profitti ogħla mill-profitt raġonevoli, jew benefiċċji minn vantaġġi oħra mogħtija mill-Istat, dawn għandhom jiġu inklużi fid-dħul tagħha, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-Artikolu 107 tat-Trattat. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jiddeċiedi li l-profitti li jiġu minn attivitajiet oħra barra l-ambitu tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali inkwistjoni għandhom jiġu assenjati, kollha jew parti minnhom, għall-iffinanzjar tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

5.   Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, “profitt raġonevoli” tfisser ir-rata ta’ redditu fuq il-kapital meħtieġ minn impriża medja li tkun qed tikkunsidra jekk tfornix is-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali għall-perjodu kollu ta’ inkarigu jew le, filwaqt li jiġi kkunsidrat il-livell tar-riskju. Ir-“rata ta’ redditu fuq il-kapital” tfisser ir-rata interna ta’ redditu li l-impriża tagħmel fuq il-kapital investit tagħha matul it-tul tal-perjodu ta’ inkarigu. Il-livell tar-riskju jiddependi fuq is-settur ikkonċernat, it-tip ta’ servizz u l-karatteristiċi tal-kumpens.

6.   Meta jiġi stabbilit x’jikkostitwixxi profitt raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu kriterji ta’ inċentiv relatati, b’mod partikolari, mal-kwalità tas-servizz ipprovdut u l-kisbiet fl-effiċjenza produttiva. Il-kisbiet fl-effiċjenza m’għandhomx inaqqsu l-kwalità tas-servizz ipprovdut. Kwalunkwe ppremjar marbut mal-kisbiet fl-effiċjenza fil-produzzjoni għandu jkun iffissat f’livell li jkun tali li jippermetti li dawk il-kisbiet jinqasmu b’mod ibbilanċjat bejn l-impriża u l-Istat Membru u/jew l-utenti.

7.   Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, rata ta’ redditu fuq il-kapital li ma taqbiżx ir-rata rilevanti ta’ tpartit flimkien ma’ primjum ta’ 100 punt bażi għandha tkun ikkunsidrata bħala raġonevoli fi kwalunkwe każ. Ir-rata rilevanti ta’ tpartit għandha tkun ir-rata ta’ tpartit li l-maturità u l-munita tagħha jikkorrispondu għall-perjodu u l-munita tal-att ta’ inkarigu. Fejn il-forniment tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jkunx marbut ma’ riskju kummerċjali jew kuntrattwali sostanzjali, b’mod partikolari meta l-ispiża netta involuta sabiex jiġi provdut is-servizz ta’ interess ġenerali ekonomiku hija essenzjalment ikkumpensata ex post bi sħiħ, il-profitt raġonevoli ma jistax jaqbeż ir-rata rilevanti ta’ tpartit flimkien ma’ primjum ta’ 100 punt bażi.

8.   Fejn, minħabba ċirkustanzi speċifiċi, ma jkunx xieraq li tintuża r-rata tar-redditu fuq il-kapital, l-Istati Membri jistgħu jserrħu fuq indikaturi tal-livell tal-profitt apparti dik tar-rata tar-redditu fuq il-kapital sabiex jiddeterminaw liema għandu jkun il-profitt raġonevoli, bħar-redditu medju fuq l-ishma r-redditu fuq il-kapital imħaddem, ir-redditu fuq l-assi jew ir-redditu fuq il-bejgħ. Ir-“redditu” tfisser il-gwadann qabel l-interessi u t-taxxi f’dik is-sena. Ir-redditu medju huwa kkalkulat permezz tal-fattur ta’ skont matul il-ħajja tal-kuntratt kif speċifikat mill-Komunikazzjoni tal-Kummisjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (9). Ikun xi jkun l-indikatur magħżul, l-Istat Membru għandu jkun kapaċi jipprovdi lill-Kummissjoni, meta din titolbu, bi provi li l-profitt ma jkunx jaqbiżx dak li tkun teħtieġ impriża medja li tkun qed tikkunsidra jekk tipprovdix is-servizz jew le, pereżempju billi jipprovdi referenzi għal redditi miksubin minn fuq tipi simili ta’ kuntratti mogħtijin b’kundizzjonijiet kompetittivi.

9.   Fejn impriża twettaq attivitajiet li jaqgħu kemm fi ħdan kif ukoll barra l-ambitu tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, il-kontijiet interni għandhom juru b’mod separat l-ispejjeż u d-dħul marbuta mas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u dawk ta’ servizzi oħra, kif ukoll il-parametri li bihom jiġu allokati l-ispejjeż u d-dħul. L-ispejjeż marbuta ma’ xi attivitajiet li jkunu barra mill-ambitu tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali għandhom ikopru l-ispejjeż diretti kollha, kontribut xieraq lejn l-ispejjeż komuni kif ukoll redditu adegwat fuq l-kapital. M’għandu jingħata l-ebda kumpens fejn jidħlu dawk l-ispejjeż.

10.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriża kkonċernata tirrifondi kwalunkwe kumpens żejed li tkun irċeviet.

Artikolu 6

Kontroll tal-kumpens żejjed

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpens mogħti għall-operazzjoni tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u b’mod partikolari li l-impriża ma tirċevix kumpens li jeċċedi l-ammont determinat skont l-Artikolu 5. Għandhom jipprovdu evidenza fuq talba tal-Kummissjoni. Għandhom iwettqu kontrolli regolari, jew jiżguraw li tali kontrolli jsiru, tal-inqas kull tliet snin matul il-perjodu ta’ inkarigu u fl-aħħar ta’ dak il-perjodu.

2.   Fejn impriża tkun irċeviet kumpens li jeċċedi l-ammont determinat skont l-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jitolbu lill-impriża kkonċernata tħallas lura kwalunkwe kumpens żejjed li tkun irċeviet. Il-parametri għall-kalkolu tal-kumpens għandhom ikunu aġġornati għall-futur. Fejn l-ammont tal-kumpens żejjed ma jkunx jaqbeż l-10 % tal-ammont tal-kumpens annwali medju, tali kumpens żejjed jista’ jiġi ttrasferit għall-perjodu li jkun imiss u jitnaqqas mill-ammont ta’ kumpens pagabbli fir-rigward ta’ dak il-perjodu.

Artikolu 7

Trasparenza

Għal kumpens ta’ aktar minn EUR 15-il miljun mogħti lil impriża li għandha wkoll attivitajiet barra mill-ambitu tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippubblika l-informazzjoni li ġejja fuq l-Internet jew b’mezz xieraq ieħor:

(a)

l-att ta’ inkarigu jew sommarju li jinkludi l-elementi elenkati fl-Artikolu 4.

(b)

l-ammonti ta’ għajnuna mogħtija lill-impriża fuq bażi annwali.

Artikolu 8

Disponibilità tal-informazzjoni

L-Istati Membri għandhom iżommu disponibbli matul il-perjodu ta’ inkarigu u għal mill-anqas għaxar snin mit-tmiem tal-perjodu ta’ inkarigu, l-informazzjoni kollha neċessarja biex jiġi determinat jekk il-kumpens mogħti huwiex kompatibbli ma’ din id-Deċiżjoni.

Fuq talba bil-miktub mill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha li din tal-aħħar tkun tqis meħtieġa biex tkun tista’ tistabbilixxi jekk il-miżuri ta’ kumpens fis-seħħ humiex kompatibbli ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 9

Rapporti

Kull Stat Membru għandu kull sentejn jippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Ir-rapporti għandhom jipprovdu deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni għad-diversi kategoriji ta’ servizzi msemmija fl-Artikolu 2(1), inklużi:

(a)

deskrizzjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għas-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, inklużi attivitajiet interni;

(b)

l-ammont totali ta’ għajnuna mogħtija b’konformità ma’ din id-Deċiżjoni bi tqassim skont is-settur ekonomiku tal-benefiċjarji;

(c)

indikazzjoni ta’ jekk, għal tip partikolari ta’ servizz, l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tatx lok għal diffikultajiet jew ilmenti minn partijiet terzi;

kif ukoll

(d)

kwalunkwe informazzjoni oħra mitluba mill-Kummissjoni rigward l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni u li trid tiġi speċifikata fil-ħin qabel jiġi ppreżentat ir-rapport.

L-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat sat-30 ta’ Ġunju 2014.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet tranżitorjii

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal għajnuna individwali u skemi ta’ għajnuna skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

kwalunkwe għajnuna li ngħatat effet qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni li kienet kompatibbli mas-suq intern u eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika skont id-Deċiżjoni 2005/842/KE għandha tibqa’ kompatibbli mas-suq intern u eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika għal perjodu ulterjuri ta’ sentejn.

(b)

kwalunkwe għajnuna li ngħatat effet qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni li Ma kinitx kompatibbli mas-suq intern u lanqas ma kienet eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika skont id-Deċiżjoni 2005/842/KE għandha tibqa’ kompatibbli mas-suq intern u eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika minn qabel.

Artikolu 11

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2005/842/KE hija b’dan imħassra.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-31 ta’ Jannar 2012.

Artikolu 13

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi-President


(1)  Kawża C-280/00 Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark [2003] Ġabra p. I-7747.

(2)  ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4.

(3)  ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15.

(4)  ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67.

(5)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1.

(6)  ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.

(7)  ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7.

(8)  ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17.

(9)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.