ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2011.204.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 204

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 54
9 ta' Awwissu 2011


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 tat-3 ta’ Awwissu 2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 792/2011 tal-5 ta’ Awwissu 2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi tal-illegar bl-anelli li joriġinaw mit-Tajlandja

11

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 793/2011 tal-5 ta’ Awwissu 2011 li jistabbilixxi projbizzjoni għas-sajd minn bastimenti tat-tkarkir bil-friża għas-sajd pelaġiku tal-kategorija 9 fiż-Żona Ekonomika tal-Mawritanja minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea

18

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 794/2011 tat-8 ta’ Awwissu 2011 li japprova emendi fl-ispeċifikazzjonijiet inizjali ta’ denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Parmigiano Reggiano (DPO)]

19

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 795/2011 tat-8 ta’ Awwissu 2011 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

21

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2011/494/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ ImplimentazzjonI tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Awwissu 2011 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ lamtu tal-qamħirrum iffosfatat bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2011) 5550)  ( 1 )

23

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

9.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 791/2011

tat-3 ta’ Awwissu 2011

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri provviżorji

(1)

Bir-Regolament (UE) Nru 138/2011 (2) (“ir-Regolament provviżorju”), il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ).

(2)

Il-proċediment inbeda wara li tressaq ilment fis-6 ta’ April 2010 minn Saint-Gobain Vertex s.r.o., Tolnatext Fonalfeldolgozó és Müszakiszövetgyártó, “Valmieras stikla šķiedra” AS u Vitrulan Technical Textiles GmbH (“l-ilmentaturi”), li jirrapreżentaw proporzjon ewlieni, f'dan il-każ ta’ aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ.

(3)

Kif stabbilit fil-premessa (13) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (il-“perjodu kkunsidrat”).

2.   Proċedura sussegwenti

(4)

Wara li ġew żvelati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li abbazi tagħhom ġie deċiż li jkunu imposti miżuri provviżorji tal-anti-dumping (“żvelar provviżorju”), għadd ta’ partijiet interessati ressqu sottomissjonijiet bil-miktub li bihom urew il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li talbu dan ingħataw l-opportunità li jinstemgħu.

(5)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Flimkien mal-verifiki msemmija fil-premessa (11) tar-Regolament provviżorju, twettqu aktar żjarat ta’ verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

 

Il-produttur esportatur li kien talab eżami individwali:

Yuyao Feitian Fiberglass Co. Ltd

 

u n-negozjant relatat tiegħu:

Yuyao Winter International Trade Co. Ltd

 

Importatur mhux relatat fl-Unjoni:

Vimaplás – Tecidos Técnicos Lda., Portugal

(6)

Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa maħsub li tkun rakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju definittiv ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ u l-ġbir definittiv tal-ammonti miksuba permezz tad-dazju provviżorju (“żvelar finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu ta’ żmien li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar finali.

(7)

Il-kummenti orali u bil-miktub sottomessi mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu fejn kien xieraq.

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(8)

Il-prodott ikkonċernat huwa, kif stipulat fil-premessa (14) tar-Regolament provviżorju, drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ta’ daqs ta’ ċellola ta’ aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisgħa u li tiżen aktar minn 35 g/m2 li jorġina mir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”) li bħalissa jaqa' fil-kodiċi NM ex 7019 40 00, ex 7019 51 00, ex 7019 59 00, ex 7019 90 91 u ex 7019 90 99.

(9)

Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, analiżi ulterjuri wriet li l-prodott ikkonċernat ma jistax jiġi kklassifikat taħt tlieta mill-ħames kodiċijiet tan-NM msemmija fil-premessa (8). Għalhekk il-kodiċijiet tan-NM ex 7019 90 91, ex 7019 90 99 u ex 7019 40 00 għandhom jitneħħew mid-deskriżżjoni tal-prodott ikkonċernat.

(10)

Qed tinġibed l-attenzjoni wkoll lejn il-fatt li, kif spjegat fil-premessa (16) tar-Regolament provviżorju, produttur esportatur Ċiniż wieħed talab kjarifika dwar jekk diski tal-fibreglass humiex inklużi fid-definizzjoni tal-prodott. L-industrija tal-Unjoni kienet tal-fehma li d-diski tal-fibreglass huma prodott fl-istadju aħħari tiegħu (downstream product) b'karatteristiċi differenti minn dawk tal-prodott ikkonċernat. Madankollu, ġie deċiż li jinġabar aktar tagħrif mill-partijiet interessati qabel tittieħed konklużjoni definittiva dwar din il-kwistjoni.

(11)

Barra l-iżvelar provviżorju, tressqet evidenza mill-industrija tal-Unjoni u mill-Federazzjoni tal-Produtturi Ewropej tal-Abrażivi (sustanzi li joborxu) (“FEPA”) li tirrappreżenta l-utenti tad-diski tal-fibreglass li turi li hemm għadd ta’ stadji fil-proċess ta’ produzzjoni li jridu jitwettqu biex id-drapp b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ jitbiddel f'diski tal-fibreglass. Il-forma fiżika tad-diska hija wkoll differenti mill-prodott ikkonċernat li huwa normalment fornut f'rollijiet (dojoq jew wiesa') u huwa normalment maħsub għal użu aħħari differenti (ir-rinfurzar tar-roti tat-titħin). Dawn l-argumenti kienu kondiviżi mill-produttur esportatur Ċiniż.

(12)

Ġie nnutat ukoll li d-diski tal-fibreglass ma kienu prodotti jew mibjugħa minn l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun fir-RPĊ jew mill-produtturi tal-Unjoni.

(13)

Produttur wieħed tal-Unjoni tad-diski tal-fibreglass li tfaċċa wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji sostna li d-diski tal-fibreglass ma għandhomx ikunu esklużi mill-ambitu tal-prodotti. Huwa stqarr li d-diski tal-fibreglass mhumiex prodott fl-istadju aħħari u wkoll li għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-prodott ikkonċernat u prodott fl-istadju aħħari, fl-istadju ta’ kisi tar-rollijiet b'malja miftuħa. Skont il-kumpanija, il-kisi tar-rollijiet b'malja miftuħa li jintużaw fis-settur tal-kostruzzjoni huwa differenti minn dak ta’ rollijiet b'malja miftuħa li aktar tard jintużaw għall-produzzjoni tad-diski tal-fibreglass. F'dan l-aħħar każ ir-rollijiet huma miksija bir-reżina tal-fenol. Fi kliem ieħor, il-karatteristiċi kimiċi tar-rollijiet b'malja miftuħa maħsuba għall-produzzjoni tad-diski tal-fibreglass huma allegatament identiċi ma’ dawk tad-diski tal-fibreglass. Skont il-kumpanija dawn it-tipi ta’ rollijiet b'malja miftuħa ma jistgħux jintużaw fir-rinfurzar tal-kostruzzjoni, li hija l-applikazzjoni ewlenija tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk il-kumpanija sostniet li jekk id-diski tal-fibreglass kellhom jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodotti, ir-rollijiet b'malja miftuħa miksija bir-reżina tal-fenol għandhom ukoll ikunu esklużi.

(14)

Kif spjegat fil-premessa (13) il-kumpanija tfaċċat biss wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji u għalhekk ma provvdietx dejta verifikabbli li tiġġustifika l-pretensjonijiet tagħha. Billi ma kien hemm l-ebda dejta disponibbli mill-investigazzjoni fir-rigward tat-tipi differenti ta’ kisi użat, il-pretensjoni tal-kumpanija ma setgħetx tiġi evalwata fid-dawl tad-dejta miksuba mill-investigazzjoni. Barra min hekk, irrespettivament mill-kisi, tipi differenti ta’ rollijiet b'malja miftuħa għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi ta’ bażi u għalhekk ir-rollijiet b'malja miftuħa miksija bir-reżina tal-fenol ma għandhomx ikunu esklużi. Din il-pretensjoni għalhekk ma ntlaqgħetx.

(15)

Imsejsa fuq id-dejta miġbura matul l-investigazzjoni u l-evidenza mressqa mill-produttur esportatur imsemmi fil-premessa (10), mill-industrija tal-Unjoni u mill-FEPA fil-kummenti tagħhom dwar l-iżvelar provviżorju, il-pretensjoni biex id-diski tal-fibreglass jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodotti hija b'dan aċettata. Qed jiġi għalhekk konkluż li d-diski tal-fibreglass bħala prodott fl-istadju aħħari ma jgawdux l-istess karatteristiċi fiżiċi u għandhom użi differenti meta mqabbla mad-drappijiet b'malja miftuħa u għalhekk għandhom jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat kif definit fir-Regolament provviżorju. Id-diski tal-fibreglass huma għalhekk esklużi definittivament mill-proċediment.

2.   Il-prodott simili

(16)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward il-prodott simili, il-premessa (17) tar-Regolament provviżorju hija b'dan ikkonfermata.

C.   DUMPING

1.   Trattament tal-Ekonomija tas-Suq (TES)

(17)

Kif stipulat fil-premessi (18) sa (32) tar-Regolament provviżorju, ġie propost inizjalment li jingħata TES lil żewġ kumpaniji iżda fi stadju aktar tard tal-proċediment billi ġie deċiż li din il-proposta titreġġa' lura wara allegazzjonijiet ta’ investigazzjoni li waslu dwar l-istatus ta’ TES tal-kumpaniji kkonċernati li nstabu li kienu korretti.

(18)

Produttur esportatur wieħed, li għalih ġie applikat l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, irrepeta l-argumenti li tressqu diġà meta ġie mgħarraf li l-Kummissjoni kienet beħsiebha tirrifjuta t-TES. Huwa reġa' sostna li l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni u l-Kuntratt Konġunt tal-Proġett li waslu għand il-Kummissjoni kienu verżjoni antika li qatt ma kienu daħlu fis-seħħ u li għalhekk ma kellhom l-ebda impatt fuq is-sejbiet tal-evalwazzjoni tat-TES tal-kumpanija.

(19)

Kif stipulat fil-premessa (28) tar-Regolament provviżorju, dawn l-argumenti ma setgħux ineħħu d-dubji dwar l-awtentiċità tad-dokumenti inizjali u t-tagħrif ipprovdut mill-produttur esportatur meta ressaq il-formola ta’ Talba għal TES.

(20)

Rigward l-argument li l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku huwa sproporzjonat f'dan il-każ, il-Kummissjoni tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu fuq bażi ta’ każ b'każ skont il-meriti ta’ kull każ. Fil-proċediment preżenti, l-użu ta’ dan l-Artikolu kien qed jitqies bħala xieraq kif diġà indikat fil-premessi (26), (27) u (31) tar-Regolament provviżorju, billi l-forniment tad-dokumenti ffalsifikati titfa' dubji fuq id-dokumenti kollha pprovduti mill-kumpanija.

(21)

It-tieni produttur esportatur li ġie rrifjutat it-TES iżda li ġie mogħti Trattament Individwali (TI) minflok, ma qabilx mar-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni reġġgħet lura d-deċiżjoni tagħha. Huma qiesu li ma kien hemm l-ebda evidenza konvinċenti ġdida li kienet se tnaqqas b'mod sinifikanti s-sejbiet oriġinali biex tiġġustifika t-tħassir tad-deċiżjoni inizjali għall-għoti tat-TES. Sostnew li l-ineżattezzi u l-inkompletezza li nstabu fir-rendikonti finanzjarji tagħhom u li ma kinux rappurtati mill-awditur ma kellhom l-ebda impatt materjali fuq il-kredibbiltà ta’ dawn il-kontijiet.

(22)

Kif stipulat fil-premessa (30) tar-Regolament provviżorju, dawn l-argumenti ma setgħux ineħħu d-dubbji dwar l-eżattezza u l-kompletezza taċ-ċifri preżenti fir-rendikonti finanzjarji.

(23)

Huma jqisu wkoll li l-eżitu tal-investigazzjoni u r-rata ta’ dazju individwali tagħhom hija inġusta u sproporzjonata billi l-kumpanija kkooperat matul il-proċediment u hija soġġetta għall-ogħla rata ta’ dazju bħall-kumpaniji li ma kooperawx u l-kumpanija soġġetta għall-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. F'dan ir-rigward qed jiġi nnotat li l-kumpanija hija soġġetta għal dazju li huwa r-riżultat tal-metodoloġija tas-soltu applikata għall-kumpaniji mogħtija t-TI.

(24)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar it-TES, il-premessi (18) sa (32) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

2.   L-eżami individwali (EI)

(25)

Kif stipulat fil-premessa (37) tar-Regolament provviżorju, grupp ta’ kumpaniji relatati li mhuwiex fil-kampjun talab eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku u wieġeb għall-formola ta’ talba għal TES fil-limitu ta’ żmien stipulat.

(26)

Kif imsemmi fil-premessa (5), twettqet żjara ta’ verifika fil-bini tal-grupp ta’ kumpaniji relatati u nstab li l-kumpaniji ma ssodisfawx il-kriterji 1, 2, u 3 tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

(27)

Rigward l-ewwel kriterju, iż-żewġ kumpaniji relatati naqsu milli jipprovdu biżżejjed evidenza li tikkonċerna l-kontribuzzjoni tas-sidien tal-ishma għall-kapital tal-kumpaniji. Is-sidien tal-ishma ħadu f'idejhom il-kumpaniji inizjalment stabbiliti b'fondi tal-Istat mingħajr ma ħallsu l-ebda kontribuzzjoni huma stess. Flimkien ma’ dan, kuntrarju għar-rekwiżiti tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni, ma saru l-ebda laqgħat għas-sidien tal-ishma, ma ġew ipprovduti l-ebda minuti ta’ dawn il-laqgħat li jnisslu dubji dwar jekk ittieħdux deċiżjonijiet kummerċjali mis-sidien tal-ishma mingħajr indħil mill-Istat. Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, qed jitqies li l-kumpaniji ma setgħux juru li d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħhom ma sarux mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat.

(28)

Fir-rigward tat-tieni kriterju, l-investigazzjoni wriet li l-kotba tal-kontijiet taż-żewġ kumpaniji relatati ma ġewx verifikati skont l-istandards internazzjonali tal-kontijiet, billi kien fihom għadd ta’ nuqqasijiet u żbalji ta’ kontabilità bħal taxxi bbukkjati/mħallsa; żbalji kontinwi fuq kontijiet ta’ interessi li jridu jitħallsu; instab deprezzament nieqes li ma ssemmiex fir-rapporti ta’ verifika.

(29)

Rigward it-tielet kriterju, kumpanija waħda relatata naqqset milli tipprovdi l-Ftehim dwar id-Dritt għall-Użu tal-Art, ma nstab l-ebda buking fil-kontijiet tagħhom u ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza ta’ ħlas. It-tieni kumpanija kisbet dritt tal-użu tal-art mill-kumpanija relatata tagħha mingħajr ħlas, li ma kienx jidher fir-rekords tagħha u għalhekk ma kienx imnaqqas.

(30)

Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, ġie propost li t-TES jiġi rrifjutat lill-grupp ta’ kumpaniji li talbu eżami individwali.

(31)

Il-Kummissjoni żvelat uffiċjalment ir-riżultati tas-sejbiet tat-TES lill-grupp ta’ kumpaniji relatati ikkonċernati fir-RPĊ u lill-ilmentaturi. Huma kienu mogħtija opportunità wkoll biex iressqu fehmiethom bil-miktub u biex jitolbu seduta jekk kien hemm raġunijiet partikolari għalfejn kellhom jinstemgħu. Ma waslu l-ebda kumenti wara l-iżvelar tas-sejbiet tat-TES.

3.   Trattament Individwali (TI)

(32)

Ġie stabbilit b'mod provviżorju li wieħed mill-grupp ta’ produtturi esportaturi ta’ kumpaniji fil-kampjun fir-RPĊ li ma ngħatawx it-TES, kienu jissodisfa r-rekwiżiti kollha għal TI.

(33)

Barra dan, kif stipulat fil-premessa (35) tar-Regolament provviżorju, il-produttur esportatur li lilu treġġgħelu lura t-TES, kien jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku biex minflok, jingħata TI.

(34)

L-industrija tal-Unjoni ikkontestat id-deċiżjoni li jingħata TI lill-kumpanija li lilha treġġgħelha lura t-TES, waqt li stqarret li l-kontijiet mhux kompluti u d-diskrepanzi jiddiskreditaw id-dejtaset kollu tal-kumpanija. Madankollu, sar magħruf li l-irregolaritajiet li nstabu fil-kontijiet ma kellhom l-ebda impatt fuq il-kredibbiltà tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-kumpanija. Il-pretensjoni tal-industrija tal-Unjoni għalhekk ma ntlaqgħetx.

(35)

Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, il-konklużjoni inizjali li tnejn mit-tliet produtturi esportaturi fil-kampjun jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha għal TI hija għalhekk ikkonfermata. Il-premessi (33) sa (36) tar-Regolament provviżorju riward it-TI huma b'dan ikkonfermati.

(36)

Flimkien ma’ dan, il-grupp taż-żewġ kumpaniji relatati li talbu eżami individwali, talbu wkoll TI, fil-każ li l-investigazzjoni tistabbilixxi li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal TES. Instab li dawn kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku biex jingħataw TI.

(37)

L-industrija tal-Unjoni qajmet dubju dwar id-deċiżjoni li jingħata TI lill-grupp taż-żewġ kumpaniji relatati waqt li stqarret li billi d-dejta tal-kumpaniji nstabet li ma kinetx kredibbli għall-evalwazzjoni tat-TES, din id-dejta ma setgħetx titqies biżżejjed għall-għoti ta’ TI. Il-pretensjoi tal-industrija tal-Unjoni ma ntlaqgħetx billi nstab li dawn l-irregolaritajiet identifikati fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-TES ma kellhom l-ebda impatt fuq l-eliġibbiltà għal rata' ta’ dazju individwali u għalhekk seta' jingħata TI.

4.   Valur normali

(a)   L-għażla tal-pajjiż analogu

(38)

Ma waslu l-ebda kummenti dwar l-għażla tal-pajjiż analogu. Għalhekk, huwa kkonfermat li l-Kanada huwa pajjiż analogu xieraq u raġonevoli skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku. Il-premessi (39) sa (45) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

(b)   Id-determinazzjoni tal-valur normali

(39)

Qed jitfakkar li kien jitqies aktar xieraq li jinbena valur normali biex jiġu kkunsidrati d-differenzi fil-kwalità bejn il-prodott simili prodott u mibjugħ fil-Kanada u l-prodott mir-RPĊ kkonċernat. Għalhekk inbena valur normali bl-użu tal-kost tal-manifattura tal-produttur Kanadiż flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi (“BĠ&A”) u għall-profitt fis-suq domestiku.

(40)

Il-kumpaniji li ngħataw TI ma qablux mal-kalkolu tal-valur normali kostruwit (“VN”), u waħda minnhom qajmet dubju partikolarment dwar jekk dan kienx kostruwit skont it-tip ta’ prodott. Ġie kkonfermat li l-VN kien kostruwit skont it-tip ta’ prodott fuq il-bażi tad-dejta miksuba mill-produttur uniku tal-prodott ikkonċernat fil-pajjiż analogu. Minħabba l-ħtieġa ta’ kunfidenzjalità, il-VN ġie żvelat fil-forma ta’ firxa ta’ prezzijiet.

(41)

Tliet partijiet sostnew li l-VN żvelat ma kienx jipprovdi fehma raġjonevoli tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom tfassal il-marġni ta’ dumping. Il-kumpaniji kollha talbu aktar dettalji dwar il-kostruzzjoni tal-VN inkluż l-ammont tal-aġġustamenti varji li saru lill-VN biex jitqiesu d-differenzi fil-kwalità. Madankollu, wara li ġie kkunsidrat l-obbligu li tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità tad-dejta, tqies li l-kumpaniji ġew ipprovduti bit-tagħrif kollu li seta' jiġi żvelat.

(42)

Għalhekk din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. Il-premessi (46) sa (49) tar-Regolament provviżorju rigward id-determinazzjoni tal-valur normali huma b'dan ikkonfermati.

(c)   Il-prezzijiet tal-esportazzjoni għall-produtturi esportaturi li ngħataw it-TI

(43)

Waħda mill-kumpaniji li ngħatat it-TI fl-istadju provviżorju, talbet spjega dwar il-kalkolu tal-ipejjeż ta’ ppakkjar billi dawn qiesu li d-dejta żvelata dwar l-ippakkjar ma kinetx turi korrelazzjoni konsistenti la mal-volum u lanqas mal-valur tat-trażazzjonijiet. Billi din il-kumpanija ma kinetx talbet għall-ispejjeż ta’ ppakkjar fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju dwar l-anti-dumping, il-kost tal-ippakkjar ġie għalhekk ikkalkolat fuq il-bażi tat-tagħrif miksub miż-żewġ produtturi esportaturi l-oħra fil-kampjun.

(44)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, il-premessa (50) tar-Regolament proviżorju hija b'dan ikkonfermata.

(45)

Wara żvelar tas-sejbiet definittivi, il-grupp ta’ kumpaniji relatati li għandu jingħata TI stqarr li l-ispejjeż ta’ kummissjoni ma kellhomx jitqiesu waqt li ġew ikkalkulati l-bosta benefiċċji mnaqqsa mill-prezz tal-esportazzjoni. Il-pretensjoni ġiet aċċettata u l-prezz ta’ esportazzjoni aġġustat kif xieraq filwaqt li l-marġni ta’ dumping tal-grupp ġie revedut b'riżultat ta’ dan.

(d)   Tqabbil

(46)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor fir-rigward tat-tqabbil tal-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni fuq il-livell tal-prezz tal-fabbrika, il-premessi (51) u (52) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

5.   Marġnijiet ta’ dumping

(a)   Gћall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ngћataw it-TI

(47)

Importatur wieħed tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni laqa' tajjeb l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji billi dawn kellhom jirrestawraw il-prezz ta’ importazzjoni għal livelli mhux dannużi. Madankollu, huwa qies li differenza ta’ aktar minn 10 % bejn id-dazji varji imposti setgħet tfixkel is-suq. Għalhekk, huwa talab li l-miżuri jiġu rreveduti biex il-kumpanija li ngħatat TI soġġett għar-rata ta’ dazju individwali aktar baxxa ma tkunx tista' tibbenefika minnu. L-importatur stqarr li r-riskju ta’ evażjoni mill-produttur esportatur bir-rata ta’ dazju individwali aktar baxxa kien żdied. Madankollu, l-ebda tagħrif ieħor addizzjonali jew evidenza ma ngħataw biex jiġġustifikaw din il-pretensjoni, u għalhekk ma tqisitx.

(48)

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet tad-dumping definittivi, espressi bћala perċentwali tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma:

Kumpanija

Il-marġni definittiv tad-dumping

Yuyao Mingda Fiberglass Co., Ltd

62,9  %

Grand Composite Co., Ltd u l-kumpanija relatata tagħha Ningbo Grand Fiberglass Co., Ltd

48,4  %

Yuyao Feitian Fiberglass Co., Ltd

60,7  %

(b)   Gћall-produtturi esportaturi l-oћra kollha

(49)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor fir-rigward tal-marġni tad-dumping, il-premessi (53) sa (57) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

(50)

Fuq din il-bażi, il-livell ta’ dumping mal-pajjiż kollu qed jiġi stabbilit definittivament għal 62,9 % tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, dazju mhux imħallas, u l-premessa (58) tar-Regolament provviżorju hija b'dan ikkonfermata.

D.   ĦSARA

1.   Il-produzzjoni tal-Unjoni

(51)

Qed jiġi ċċarat li fil-premessa (59) tar-Regolament provviżorju, it-terminu “industrija tal-Unjoni” jirreferi għall-produtturi kollha tal-Unjoni. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor li jikkonferma l-produzzjoni tal-Unjoni, il-premessa (60) tar-Regolament provviżorju hija b'dan ikkonfermata.

2.   Il-konsum tal-Unjoni

(52)

Kif spjegat fil-premessa (9), il-kodiċijiet tan-NM ex 7019 90 91, ex 7019 90 99 u ex 7019 40 00 għandhom jitneħħew mid-deskriżżjoni tal-prodott ikkonċernat. L-esklużjoni ta’ dawn il-kodiċijiet ma biddlitx is-sejbiet fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, inklużi l-importazzjonijiet, li kienu msejsa fuq ċifri li jinsabu fl-ilment, supplementati b'ċifri verifikati miksuba minn kumpaniji li kkooperaw u miċ-ċifri tal-Eurostat.

(53)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar il-konsum tal-Unjoni, il-premessi (61) sa (63) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(54)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar il-volum, il-prezz u s-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet li humma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat, is-sejbiet imniżżla fil-premessi (64) sa (66) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

(55)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor li jikkonċerna t-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-metodoloġija deskritta fil-premessi (67) u (68) tar-Regolament provviżorju biex jiġi stabbilit it-twaqqigħ tal-prezzijiet, inkluż il-kwalità, hija kkonfermata. Madankollu, wara l-eżami individwali mogħti wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji lil grupp wieħed ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ, it-tqabbil tal-prezz ta’ tipi ta’ prodotti simili reġa' gie evalwat. Din ir-rivalutazzjoni kkonfermat li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ kienu qegħdin iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni bi 30-35 % matul il-PI.

4.   Il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni

(56)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi (69) sa (84) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

5.   Il-konklużjoni dwar il-ħsara

(57)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward il-konklużjoni dwar il-ħsara, il-premessi (85) sa (87) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

E.   KAWŻALITÀ

1.   Effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

(58)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward l-effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, il-premessi (89) sa (91) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

2.   Effetti ta’ fatturi oħra

(59)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar l-effetti ta’ fatturi oħra, il-premessi (92) sa (96) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

3.   Il-konklużjoni dwar il-kawżalità

(60)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward il-konklużjoni dwar il-kawżalità, il-premessi (97) sa (99) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

F.   L-INTERESS TAL-UNJONI

1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(61)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor fir-rigward tal-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi (101) sa (103) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

2.   L-interess tal-importaturi

(62)

Billi ma kienx hemm kummenti dwar l-interess tal-importaturi, ġie konkluż li l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ma tmurx kontra l-interess tal-importaturi.

3.   L-interess tal-utenti u tal-konsumaturi

(63)

Qed jitfakkar li fl-istadju provviżorju tal-investigazzjoni ma waslet l-ebda kooperazzjoni tal-utenti jew tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi. Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, assoċjazzjoni waħda tal-utenti ressqet xi kummenti. Madankollu, il-kummenti kienu jindirizzaw biss l-impatt negattiv potenzjali tal-impożizzjoni tal-miżuri fuq id-diski tal-fibreglass, kemm-il darba dawn ma jiġux esklużi mill-ambitu tal-prodotti. Kif deskritt fil-premessa (15) qed jitqies li d-diski tal-fibreglass għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodotti. Għalhekk, l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping definittivi mhux se jkollha impatt negattiv fuq l-utenti tad-diski tal-fibreglass.

(64)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar l-interess tal-utenti u tal-konsumaturi, ġie konkluż li l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ma tmurx kontra l-interess tagħhom.

4.   Il-konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(65)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li ma hemm l-ebda raġuni valida kontra l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ.

G.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

1.   Il-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara

(66)

Barra l-iżvelar provviżorju, produttur esportatur Ċiniż wieħed stqarr li ma kienx ipprovdut b'dejta dettaljata biżżejjed dwar il-kalkoli ta’ marġni ta’ ħsara tiegħu billi d-dejta dwar il-volumi, il-valuri u l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni għal kull tip ta’ prodott ma kinetx żvelata. Il-kumpanija stqarret li billi l-kampjun kien jikkonsisti minn erba' produtturi tal-Unjoni dan it-tagħrif ma setax jitqies bħala kunfidenzjali. Madankollu, għandu jiġi nnotat li xi tipi ta’ prodotti nbigħu fil-PI minn għadd limitat ħafna ta’ produtturi tal-Unjoni. Għalhekk kien qed jitqies prudenti li ma jigux żvelati prezzijiet, volumi u valuri ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, l-iżvelar taċ-ċifri ddettaljati għall kull tip ta’ prodott mhuwiex meqjus meħtieġ biex il-partijiet ikunu jistgħu jifhmu biżżejjed il-metodoloġija ta’ kalkolu u r-riżultat tal-kalkolu.

(67)

L-istess produttur esportatur Ċiniż kellu dubji dwar il-profitt fil-mira użat fil-kalkolu tal-marġni ta’ ħsara, b'mod partikolari l-fatt li l-profitt fil-mira kien identiku għall-marġni ta’ profitt medju ppeżat tal-industrija tal-Unjoni matul il-PI. Huwa kellu dubji wkoll dwar l-użu tad-dejta mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fl-istabbiliment tal-profitt fil-mira kuntrarju għal dejta li tirreferi għall-industrija tal-Unjoni b'mod ġenerali. Fl-aħħar, huwa wera dubbji dwar il-livell tal-profitt fil-mira użat meta mqabbel ma’ dak użat f'investigazzjoni oħra reċenti li tikkonċerna settur ta’ prodott relatat mill-qrib.

(68)

Kif spjegat fil-premessa (112) tar-Regolament provviżorju il-profitt fil-mira jirrifletti l-profitt medju miksub mill-industrija tal-Unjoni fis-snin 2006-2007 waqt li l-profitt medju ppeżat fil-PI ġie kkalkolat fuq id-dejta tal-erba' kumpaniji fil-kampjun. Barra dan, kif spjegat fil-premessa (79) tar-Regolament provviżorju dan il-profitt ma kkunsidrax l-ispejjeż straordinarji ta’ ristruzzjoni li ġew irrappurtati minn xi wħud mill-produtturi fil-kampjun. Huwa għalhekk b'kumbinazzjoni li dawn iż-żewġ ċifri ta’ profitt huma identiċi.

(69)

Rigward il-kwistjoni ta’ liema dejta għandha tintuża biex jiġi ddeterminat il-profitt fil-mira, wieħed għandu jinnota li meta jittieħdu l-kampjuni, il-livell ta’ profitt huwa wieħed mill-indikaturi mikro tal-analiżi tal-ħsara. Konsegwentement, iċ-ċifra stabbilita għall-kampjun titqies bħala rappreżentattiva għall-industrija tal-Unjoni b'mod ġenerali. F'investigazzjoni fejn jittieħdu l-kampjuni, il-profitt fil-mira użat għall-kalkolu tal-marġni ta’ ħsara huwa dejjem imsejjes fuq dejta miġbura minn kumpaniji fil-kampjun.

(70)

Fl-aħħar, rigward ir-referenza li saret għall-profitt ta’ mira użat f'investigazzjoni oħra ta’ anti-dumping, għandu jkun enfasizzat li s-sejbiet u l-konklużjonijiet ta’ kull investigazzjoni huma msejsa fuq id-dejta miġbura mill-kumpaniji ta’ kull investigazzjoni li jkunu kkooperaw, għal deskrizzjoni speċifika ta’ prodott u għal perjodu ta’ żmien. Għalhekk huwa impossibbli li wieħed jorbot b'mod dirett is-sejbiet ta’ dawn iż-żewġ investigazzjonijiet separati ma’ żewġ PI differenti.

(71)

Rigward il-livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara, minħabba fil-korrezzjoni ta’ żball tal-pinna fil-kalkolu tal-marġni ta’ ħsara provviżorju li jikkonċerna produttur esportatur wieħed, il-marġni tiegħu ġie aġġustat aktar 'il fuq. Dan il-fatt madankollu ma jaffettwax il-livell ta’ dazju anti-dumping ta’ din il-kumpanija billi d-dazju huwa msejjes fuq il-marġni ta’ dumping.

(72)

Għandha wkoll tinġibed l-attenzjoni lejn il-fatt li minħabba li ngħata TI lil grupp ieħor ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi kif spjegat fil-premessa (32), ġie kkalkolat marġni ta’ ħsara individwali għalihom.

(73)

B'konsegwenza tar-reviżjonijiet imsemmija fil-premessa (71) ġie rrevedut il-marġni ta’ ħsara medju ppeżat għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun kif ukoll il-marġni residwali ta’ ħsara għall-produtturi li ma kkooperawx.

(74)

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta’ ħsara definittiva espressi bћala perċentwali tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma:

Kumpanija

Il-marġni ta’ ħsara definittiv

Yuyao Mingda Fiberglass Co., Ltd

69,1  %

Grand Composite Co., Ltd u l-kumpanija relatata tagħha Ningbo Grand Fiberglass Co., Ltd

77,4  %

Yuayo Feitian Fiberglass Co., Ltd

87,6  %

Il-medja ppeżata tal-kampjun għall-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun

72,1  %

Il-marġni residwali għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx u għal Ningbo Weishan Duo Bao Building Materials Co., Ltd

87,6  %

2.   Miżuri definittivi

(75)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, qed jitqies li, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandhom jiġu imposti miżuri ta’ anti-dumping definittivi fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fil-livell aktar baxx tal-marġnijiet ta’ dumping u ta’ ħsara, skont ir-regola dwar id-dazju iżjed baxx. B'konformità ma’ dan, ir-rati kollha tad-dazju għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-marġnijiet ta’ dumping li nstabu.

(76)

Id-dazji tal-anti-dumping proposti huma dawn li ġejjin:

Kumpanija

Marġni tal-eliminazzjoni tal-ħsara

Marġni ta’ dumping

Rata tad-dazju tal-anti-dumping

Yuyao Mingda Fiberglass Co., Ltd

69,1  %

62,9  %

62,9  %

Grand Composite Co., Ltd u l-kumpanija relatata tagħha Ningbo Grand Fiberglass Co., Ltd

77,4  %

48,4  %

48,4  %

Yuayo Feitian Fiberglass Co., Ltd

87,6  %

60,7  %

60,7  %

Il-medja ppeżata tal-kampjun għall-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun

72,1  %

57,7  %

57,7  %

Il-marġni residwali għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx u għal Ningbo Weishan Duo Bao Building Materials Co., Ltd

87,6  %

62,9  %

62,9  %

(77)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping ta’ kumpanija individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu kif kienet il-qagħda matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati tad-dazju (għall-kuntrarju tad-dazju għall-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”) huma għalhekk applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jiġu prodotti mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Il-prodotti impurtati prodotti minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b'mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament b'isimha u l-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b'mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(78)

Kwalunkwe talba għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ dazju ta’ anti-dumping għal kumpanija individwali (eż. wara bidla fl-isem tal-entità jew wara l-istabbiliment ta’ entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew ta’ bejgħ) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (3) minnufih flimkien mat-tagħrif rilevanti kollu, b'mod partikolari kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u b'esportazzjoni assoċjat ma', pereżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament jiġi mbagħad emendat skont dan billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpaniji li jgawdu minn rati ta’ dazju individwali.

(79)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping definittivi. Huma ngħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara l-iżvelar finali. Il-kummenti sottomessi mill-partijiet kienu kkunsidrati sew, u, fejn kien xieraq, is-sejbiet kienu modifikati skont dan.

(80)

Il-grupp taż-żewġ kumpaniji relatati li talbu eżami individwali u li ngħata TI esprima l-intenzjoni tiegħu li joffri garanzija. Madankollu, il-grupp ma bagħat l-ebda offerta għal garanzija fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku u għalhekk ma setax jiġi kkunsidrat.

(81)

Sabiex jiġi żgurat l-istess trattament bejn kwalunkwe esportatur ġdid u l-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, imsemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, id-dazju medju ppeżat impost fuq dawn il-kumpaniji tal-aħħar għandu jiġi previst sabiex jiġi applikat għal kwalunkwe esportatur ġdid li nkella jkollu dritt għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku billi dak l-Artikolu ma japplikax fejn ikun sar it-teħid tal-kampjuni.

3.   Il-ġbir definittiv ta’ dazji provviżorji

(82)

Fid-dawl tal-kobor tal-marġnijiet tad-dumping misjuba u fid-dawl tal-livell tal-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni, huwa kkunsidrat neċessarju li l-ammonti garantiti permezz tad-dazju provviżorju tal-anti-dumping, imposti bir-Regolament provviżorju, jinġabru b'mod definittiv sakemm jintlaħaq l-ammont tad-dazji definittivi imposti. Peress li d-diski tal-fibreglass issa huma esklużi mill-ambitu tal-prodott (ara l-premessa (15)), l-ammonti garantitit b'mod provviżorju fuq importazzjonijiet tal-fibreglass għandhom jiġu rilaxxati. Fejn id-dazji definittivi jkunu aktar baxxi mid-dazji provviżorji, l-ammonti garantiti b'mod provviżorju li jkunu ogħla mir-rata definittiva ta’ dazji anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   B'dan, qed jiġi impost dazju ta’ anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tad-drappijiet b'malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ, ta’ daqs ta’ ċellola ta’ aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisgħa u li tiżen aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski tal-fibreglass, li bħalissa jinsabu fil-kodiċijiet tan-NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 (il-kodiċijiet tat-TARIC 7019510010 u 7019590010) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju ta’ anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u prodott mill-kumpaniji ta’ hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Dazju (%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

Yuyao Mingda Fiberglass Co., Ltd

62,9

B006

Grand Composite Co., Ltd u l-kumpanija relatata tagħha Ningbo Grand Fiberglass Co., Ltd

48,4

B007

Yuyao Feitian Fiberglass Co., Ltd

60,7

B122

Kumpaniji elenkati fl-Anness I

57,7

B008

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

62,9

B999

3.   L-applikazzjoni tar-rati individwali tad-dazju speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 gћandha sseћћ bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II. Jekk l-ebda tali fattura ma tiġi ppreżentata, japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

1.   L-ammonti garantiti bħala dazju ta’ anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 138/2011 fuq l-importazzjoni ta’ diski tal-fibreglass li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jiġu rilaxxati fuq talba.

2.   L-ammonti garantiti bħala dazju ta’ anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 138/2011 fuq l-importazzjoni ta’ ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jinġabru definittivament sakemm dan jikkonċerna prodotti li attwalment jinsabu fil-kodiċijiet NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00. L-ammonti garantiti b'eċċess tar-rati ta’ dazju anti-dumping definittivi għandhom jiġu rilaxxati, inklużi l-ammonti li kienu jkunu garantiti għal prodotti li attwalment jinsabu fil-kodiċijiet NM ex 7019 40 00, ex 7019 90 91 u ex 7019 90 99.

Artikolu 3

Fejn kwalunkwe produttur esportatur ġdid fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jipprovdi evidenza biżżejjed lill-Kummissjoni li:

ma jkunx esporta lejn l-Unjoni l-prodott deskritt fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ April 2009 sat-30 ta’ Marzu 2010),

ma jkun relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma soġġetti għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament,

li effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew li jkun daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni,

il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi dwar proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li jkun ikkonsulta l-Kumitat Konsultattiv, jista' jemenda l-Artikolu 1(2) billi jżid il-produttur esportatur il-ġdid mal-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u għalhekk soġġetti għar-rata tad-dazju medja ppeżata ta’ 57,7 %.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 43, 17.2.2011, p. 9.

(3)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, Office N105 04/090, 1049 Brussels, Belgium.


ANNESS I

PRODUTTURI ESPORTATURI ĊINIŻI LI KKOOPERAW, MHUX INKLUŻI FIL-KAMPJUN (IL-KODIĊI ADDIZZJONALI TARIC B008)

 

Jiangxi Dahua Fiberglass Group Co., Ltd

 

Lanxi Jialu Fiberglass Net Industry Co., Ltd

 

Cixi Oulong Fiberglass Co., Ltd

 

Jiangsu Tianyu Fibre Co., Ltd

 

Jia Xin Jinwei Fiber Glass Products Co., Ltd

 

Jiangsu Jiuding New Material Co., Ltd

 

Changshu Jiangnan Glass Fiber Co., Ltd.

 

Shandong Shenghao Fiber Glass Co., Ltd

 

Yuyao Yuanda Fiberglass Mesh Co., Ltd

 

Ningbo Kingsun Imp & Exp Co., Ltd

 

Ningbo Integrated Plasticizing Co., Ltd

 

Nankang Luobian Glass Fibre Co., Ltd

 

Changshu Dongyu Insulated Compound Materials Co., Ltd


ANNESS II

Fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3), għandu jkun hemm dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej:

1.

L-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li qed joħroġ il-fattura kummerċjali.

2.

Id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jiena, hawn taћt iffirmat, niċċertifika li (l-volum) ta’ drappijiet b'malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ li nbiegћ gћall-esportazzjoni fl-Unjoni Ewropea u li huwa kopert b'din il-fattura ġie manifatturat minn (l-isem u s-sede reġistrata tal-kumpanija) (il-kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Niddikjara li t-tagħrif mogħti f'din il-fattura huwa sħiħ u korrett.

Data u firma”


9.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 792/2011

tal-5 ta’ Awwissu 2011

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi tal-illegar bl-anelli li joriġinaw mit-Tajlandja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   IL-MIŻURI PROVVIŻORJI

(1)

Il-Kummissjoni, bir-Regolament (UE) Nru 118/2011 tal-10 ta’ Frar 2011 (2) (“ir-Regolament provviżorju”) imponiet dazju provviżorju ta’ anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi tal-illegar bl-anelli li joriġinaw mit-Tajlandja.

(2)

Il-proċediment inbeda bħala riżultat ta’ ilment li ġie sottomess fis-6 ta’ April 2010 minn Ring Alliance Ringbuchtechnik GmbH (“il-kwerelant”) f’isem produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f’dan il-każ ta’ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti mekkaniżmi tal-illegar bl-anelli (“RBM”). L-ilment kien jinkludi evidenza prima facie ta’ dumping tal-prodott imsemmi u ta’ ħsara materjali li tirriżulta minnu, li kienet meqjusa bħala biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta’ proċediment.

(3)

Huwa mfakkar li, kif stipulat fil-premessa (7) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta’ dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “il-PI”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-aħħar tal-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-ħsara”).

2.   IL-PROĊEDURA SUSSEGWENTI

(4)

Wara l-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuq il-bażi tagħhom kien deċiż li jiġu imposti miżuri provviżorji anti-dumping (“l-iżvelar provviżorju”), għadd ta’ partijiet interessati ressqu sottomissjonijiet bil-miktub biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li talbu biex jinstemgħu, b’mod partikolari żewġ importaturi u l-produttur mit-Tajlandja, ingħataw l-opportunità li jagħmlu dan.

(5)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li hija qieset bħala meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha fir-rigward tad-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni. Minbarra l-verifiki msemmija fil-premessa (6) tar-Regolament provviżorju, twettqet verifika oħra fil-bini ta’ Rima Benelux Holding BV, l-uniku utent li kkoopera fl-investigazzjoni billi wieġeb għal kwestjonarju tal-utenti.

(6)

Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju definittiv ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi tal-illegar bl-anelli li joriġinaw mit-Tajlandja u l-ġbir definittiv tal-ammonti assigurati permezz tad-dazju provviżorju. Huma ngħataw ukoll perjodu ta’ żmien li matulu setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara li dan ġie żvelat.

(7)

Il-kummenti orali u bil-miktub sottomessi mill-partijiet interessati kienu kkunsidrati u meqjusa fejn xieraq.

3.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

(8)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-premessi (8) sa (11) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

4.   DUMPING

4.1.   Valur Normali

(9)

Huwa mfakkar li, kif spjegat fil-premessa (14) tar-Regolament provviżorju, fl-investigazzjoni kkoopera biss produttur esportatur wieħed mit-Tajlandja u li l-esportazzjonijiet tiegħu lejn l-Unjoni matul il-PI kienu jammontaw għall-esportazzjonijiet kollha mit-Tajlandja lejn l-Unjoni. Il-produttur esportatur u importatur wieħed mhux relatat li kkoopera sostnew li l-espert estern indipendenti li għen lill-Kummissjoni matul iż-żjara fuq il-post lill-produttur esportatur għamel xi żbalji ta’ kalkolu fir-rapport tiegħu. Wieħed mill-kompiti tal-espert kien li jeżamina l-proċess tal-kisi bin-nikil u l-ammont ta’ materja prima kkonsmata mill-produttur esportatur fil-fażijiet differenti tal-produzzjoni. Kif imsemmi fil-premessa (15) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni żvelat li l-produttur esportatur ipprovda informazzjoni inkompleta u żbaljata fir-rigward tal-elementi sinifikanti tal-ispiża tal-produzzjoni tiegħu u materja prima oħra. L-allegazzjonijiet magħmula mill-produttur esportatur u minn importatur rigward l-iżbalji ta’ kalkolu fir-rapport tal-espert kienu eżaminati mill-Kummissjoni u ġie konkluż li dawn ma kinux fondati. Għalhekk, is-sejbiet kif stabbiliti fil-premessa (15) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

(10)

Il-produttur esportatur u importatur ikkontestaw ukoll is-sejbiet provviżorji kif stabbiliti fil-premessi (19) sa (20) tar-Regolament provviżorju. B’mod partikolari, huma sostnew li l-metodoloġija użata għad-determinazzjoni provviżorja tal-valur normali għal tipi oħrajn għajr dawk li għalihom kien stabbilit valur normali speċifiku kienet esaġerata, minħabba li hija kienet ibbażata inġustament fuq medja aritmetika tal-valuri normali. Il-Kummissjoni aċċettat it-talba, aġġustat il-metodoloġija u rrevediet il-kalkolu tal-valuri normali għal dawn it-tipi l-oħrajn billi kkunsidrat it-taħlita ta’ prodotti tal-produttur Tajlandiż, li b’mod aktar preċiż tirrifletti s-sitwazzjoni tiegħu.

(11)

Il-produttur esportatur kompla jsostni li r-rati użati għall-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u l-ispejjeż amministrattivi (SGA) u l-marġni ta’ profitt ta’ 16 % u 8 % rispettivament kienu għoljin wisq. Il-produttur esportatur sostna li r-rata SGA ma għandhiex taqbeż it-12,59 %, li tirrifletti l-SGA tiegħu minbarra l-ispejjeż tal-merkanzija interni.

(12)

Huwa mfakkar li, kif deskritt fil-premessi (15) sa (17) tar-Regolament provviżorju, il-produttur esportatur ma kkooperax fl-investigazzjoni u konsegwentement ma pprovda l-ebda dejta dwar l-ispejjeż SGA totali tiegħu. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi u minħabba l-fatt li ma ġietx ipprovduta aktar informazzjoni dwar l-ispejjeż SGA totali tal-kumpanija, ġie deċiż li hija għandha tkompli tiddependi fuq l-informazzjoni disponibbli fl-ilment. Barra minn hekk, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli u sakemm din tkun tista’ tiġi vverifikata, rata SGA ta’ 16 % kienet meqjusa bħala waħda raġonevoli. Għalhekk, it-talba ġiet irrifjutata.

(13)

Il-produttur esportatur sostna li l-livell ta’ profitt ta’ 8 % użat fil-kalkolu provviżorju kien għoli wisq u minflok, kellu jintuża livell ta’ profitt ta’ 5 %. L-argumenti mressqa kienu, l-ewwel nett, li ntuża livell ta’ profitt ta’ 5 % għall-profitt fil-mira fl-analiżi tal-ħsara u, it-tieni, livell ta’ profitt ta’ 5 % ikun konformi mal-investigazzjonijiet preċedenti dwar l-istess prodott. Fir-rigward tal-ewwel argument, il-Kummissjoni innotat li d-determinazzjoni ta’ profitt fil-mira għall-industrija tal-Unjoni u l-livell ta’ profitt użat għad-determinazzjoni ta’ valur normali ma jsegwux l-istess loġika u għalhekk, ma għandhomx għalfejn ikunu l-istess. Fir-rigward tat-tieni argument, il-Kummissjoni qablet li kien hemm xi raġunijiet validi għall-użu tal-istess livell ta’ profitt bħal fl-investigazzjonijiet preċedenti dwar l-istess prodott u ddeċidiet li taċċetta din it-talba u li tbiddel il-livell ta’ profitt użat fil-kalkolu tal-valuri normali, kif xieraq.

(14)

Wara l-iżvelar finali, l-industrija tal-Unjoni u l-produttur esportatur ippreżentaw xi kummenti. L-industrija tal-Unjoni ma qablitx mal-korrezzjoni li saret fir-rigward tal-marġni tal-profitt, filwaqt li sostniet li rata ta’ profitt ta’ 5 % ma tkunx biżżejjed sabiex jiġu koperti r-rekwiżiti tal-profittabbiltà tat-tliet kumpaniji relatati involuti fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, iżda mingħajr ma pprovdiet argumenti sostanzjali oħrajn. Għalhekk, it-talba ġiet irrifjutata.

(15)

Il-produttur esportatur sostna li l-ispiża għad-deprezzament, il-bini u l-assigurazzjoni użata fil-kalkolu tal-valur normali ta’ tip wieħed ma kinitx l-istess bħal dik li ntużat għat-tipi l-oħrajn u li l-istess ċifra għandha tapplika għat-tipi kollha. Il-Kummissjoni vverifikat l-allegazzjoni u tabilħaqq sabet żball fil-kalkolu. Madankollu, għall-kuntrarju tal-allegazzjoni tal-produttur esportatur, instab li l-iżball kien sar fil-kalkolu tal-valur normali tat-tipi l-oħrajn. Għaldaqstant, saret korrezzjoni fil-valur normali għat-tipi l-oħrajn, kif xieraq.

(16)

Il-produttur esportatur sostna wkoll li l-valuri normali għal tipi oħrajn għajr dawk li għalihom ġie stabbilit valur normali speċifiku ma kkunsidrawx kompletament it-taħlita ta’ prodotti attwali tal-produttur esportatur. F’dan ir-rigward, il-produttur esportatur tenna t-talba tiegħu li għandha tintuża medja peżata tal-valuri normali għat-tipi l-oħrajn, sabiex tkun riflessa t-taħlita ta’ prodotti attwali tal-produttur esportatur. Kif imsemmi fil-premessa (10) aktar ’il fuq, il-Kummissjoni qablet li tirrevedi l-kalkolu tal-valuri normali għal dawn it-tipi l-oħrajn sabiex tikkunsidra t-taħlita ta’ prodotti attwali tal-produttur Tajlandiż u, irrispettivament mill-volumi tal-bejgħ attwali għal kull tip, ġie kkalkolat valur normali għal RBM żgħar, medji u kbar. Madankollu, il-Kummissjoni rrifjutat l-argument li, minbarra dan, għandu jiġi kkunsidrat fattur importanti bbażat fuq il-bejgħ tal-esportatur lejn l-Unjoni fin-nuqqas ta’ raġunijiet issostanzjati.

(17)

Barra minn hekk, il-produttur esportatur sostna li l-metodu tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-NV fuq il-bażi tat-tul tal-mekkaniżmi tal-illegar bl-anelli kien impreċiż u inkomplet u ppropona metodu ġdid għall-kalkolu tal-medji, li jikkunsidra t-tulijiet varji tagħhom b’mod aktar preċiż. Kif spjegat fil-premessa (16) hawn fuq, il-Kummissjoni kkalkolat valur normali għal tipi oħrajn għajr dawk li għalihom kien stabbilit valur normali speċifiku u kkalkolat valuri normali li jirriflettu RBM żgħar, medji u kbar. Il-kalkolu tal-esportatur instab li kellu xi nuqqasijiet u orjentat lejn ir-riżultati. Għalhekk, it-talba ġiet miċħuda.

(18)

Minbarra l-bidliet imsemmija hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-kontenut tal-premessi (15) sa (20) tar-Regolament provviżorju dwar l-istabbiliment tal-valur normali huwa b’hekk ikkonfermat definittivament.

4.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni u t-tqabbil

(19)

Il-produttur esportatur sostna li l-munita użata għall-komputazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport fil-kalkolu tad-dumping ma kinitx dik korretta. Il-Kummissjoni aċċettat din it-talba.

(20)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-kontenut tal-premessi (21) sa (24) tar-Regolament provviżorju dwar l-istabbiliment tal-prezzijiet tal-esportazzjoni u t-tqabbil tal-prezzijiet tal-esportazzjoni mal-valur normali rispettiv huwa b’dan ikkonfermat definittivament.

4.3.   Il-marġni tad-dumping

(21)

Il-produttur esportatur sostna li l-kalkolu tal-marġni tad-dumping ma kkunsidrax il-valur normali speċifiku għaż-żewġ tipi. Din it-talba kienet aċċettata u emendata kif xieraq.

(22)

Fid-dawl tal-bidliet imsemmija fuq fil-kalkolu tal-valur normali u t-tqabbil, u wara korrezzjoni tal-iżball fil-kalkolu rigward il-prezz tal-esportazzjoni msemmi fuq, l-ammont tad-dumping li finalment ġie stabbilit, espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, dazju mhux imħallas, huwa kif ġej:

Produttur esportatur

Il-marġni tad-dumping

Thai Stationery Industry Co. Ltd., Bangkok, it-Tajlandja

16,3  %

(23)

Billi l-produttur esportatur li kkoopera kien responsabbli għall-esportazzjonijiet kollha tal-prodott ikkonċernat mit-Tajlandja lejn l-Unjoni, kien ikkunsidrat li l-marġni residwali tad-dumping għandu jiġi stabbilit fil-livell tal-marġni tad-dumping misjub għal dan il-produttur esportatur li kkoopera, jiġifieri 16,3 %.

5.   ID-DEFINIZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

(24)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (28) sa (32) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

6.   IL-ĦSARA

6.1.   Il-konsum fl-Unjoni u l-importazzjonijiet mit-Tajlandja

(25)

Il-produttur mit-Tajlandja u bosta importaturi kellhom dubji dwar it-tendenzi fil-konsum tal-Unjoni stabbiliti fir-Regolament provviżorju. B’mod partikolari, huma sostnew li l-konsum naqas b’rata ogħla milli kien stabbilit b’mod provviżorju (b’madwar 30 %). Huma talbu wkoll għal kjarifiki dwar il-metodoloġija segwita mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-konsum, minħabba li l-RBM hija inkluża f’intestatura ta’ tariffa doganali li tinkludi prodotti oħrajn.

(26)

Ta’ min isemmi li għalkemm dawn il-partijiet interessati kkontestaw is-sejbiet relatati mal-konsum, huma ma pprovdew l-ebda evidenza jew ċifra ta’ sostenn sabiex jissostanzjaw l-argumenti tagħhom. Huma naqsu wkoll milli juru xi nuqqas metodoloġiku.

(27)

Fir-rigward tal-metodoloġija, għandu jiġi mfakkar li, kif imsemmi fil-premessa (33) tar-Regolament provviżorju, il-konsum kien stabbilit fuq il-bażi taċ-ċifri tal-bejgħ ivverifikati pprovduti fit-tweġiba tal-kwestjonarju tal-partijiet li kkooperaw (iż-żewġ produtturi tal-Unjoni u l-esportatur Tajlandiż għall-perjodi PI-2008) u fuq il-bażi taċ-ċifri tal-Eurostat għall-bqija tal-importazzjonijiet. Minħabba li l-RBM minn sorsi oħrajn huma soġġetti għal miżuri anti-dumping, l-importazzjonijiet (mis-sorsi kollha) huma rreġistrati taħt il-kodiċi tas-subintestaturi fil-bażi ta’ dejta tat-tariffi doganali (TARIC) li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma speċifiċi għall-prodott li jkun qed jiġi investigat. Dawn is-subintestaturi ntużaw sabiex jiżguraw li ġew ikkunsidrati biss l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, minkejja aġġornament minuri tad-definizzjoni tal-prodott f’din l-investigazzjoni.

(28)

Barra minn hekk, minħabba li ċ-ċifri tal-Eurostat huma espressi f’kilogrammi, filwaqt li l-konsum kien ikkalkolat f’biċċiet, kien hemm importatur wieħed li talab kjarifiki rigward il-metodoloġija użata sabiex il-kilogrammi jinqalbu f’biċċiet. Għalhekk, għandu jiġi ċċarat li ntuża fattur ta’ konverżjoni ta’ 50 gramma għal kull biċċa, li huwa konformi mal-investigazzjonijiet preċedenti u li nstab li huwa raġonevoli, meta mqabbel mal-informazzjoni pprovduta mill-produttur esportatur Tajlandiż. Għandu jingħad ukoll li kieku l-Kummissjoni użat eżattament il-piż medju għal kull biċċa li jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-produttur esportatur Tajlandiż, l-importazzjonijiet mit-Tajlandja kienu juru, matul il-perjodu globali tal-investigazzjoni tal-ħsara, żieda aktar f’daqqa f’termini kemm tal-volum assolut (b’25 %, meta mqabbel maż-żieda ta’ 19 % stabbilit fir-Regolament provviżorju) kif ukoll tal-ishma mis-suq (minn 11,8 % għal 15,5 %, meta mqabbel ma’ 12,0 % għal 15,0 % stabbilit fir-Regolament provviżorju).

(29)

Importatur wieħed sostna wkoll li l-importazzjonijiet mit-Tajlandja fil-fatt naqsu b’40 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-ħsara, iżda dan kien ibbażat fuq il-valur tal-importazzjoni – u mhux fuq il-volum – għat-totalità tal-kodiċi doganali, biex b’hekk jiġu inklużi prodotti oħrajn għajr dawk taħt investigazzjoni. Din l-allegazzjoni kellha tiġi miċħuda.

(30)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, is-sejbiet fil-premessi (33) sa (40) tar-Regolament provviżorju dwar il-konsum tal-Unjoni (li naqas b’aktar minn 15 % bejn l-2008 u l-PI) u l-importazzjonijiet mit-Tajlandja, huma b’dan ikkonfermati.

6.2.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(31)

Importatur wieħed sostna li l-analiżi tal-ħsara ma kinitx imparzjali minħabba li s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina tal-industrija tal-Unjoni għandha titqies flimkien mas-sitwazzjoni ta’ waħda mill-kumpaniji relatati magħha, li allegatament tkun qiegħda tagħmel profitti fin-negozju tal-RBM. F’dan ir-rigward, huwa innotat li l-analiżi tal-ħsara għandha tiffoka biss fuq il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat manifatturat fl-Unjoni. Minħabba li, kif imsemmi fil-premessa (69) tar-Regolament provviżorju, il-kumpanija relatata inkwistjoni mhijiex produttur fl-Unjoni u primarjament tinnegozja prodotti li ma joriġinawx mill-Unjoni, hija ma għandhiex tiġi kkunsidrata għall-iskop ta’ analiżi tal-ħsara.

(32)

Mingħajr ħsara għal dak li ntqal hawn fuq, huwa madankollu enfasizzat li l-importatur ma pprovda l-ebda informazzjoni li turi li l-kumpanija relatata msemmija hawn fuq ser tkun f’sitwazzjoni finanzjarja tajba. Għall-kuntrarju, iċ-ċifri miksuba matul l-investigazzjoni juru li anki din il-kumpanija naqqset b’mod sinifikanti l-volum tal-bejgħ tagħha ta’ RBM matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(33)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn fir-rigward tal-analiżi tal-ħsara, il-premessi (41) sa (57) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati, u huwa konkluż li l-industrija tal-Unjoni sofriet ħsara materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3 (5) tar-Regolament bażiku.

7.   KAWŻALITÀ

7.1.   L-effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

(34)

Minkejja li xi partijiet interessati kkontestaw is-sejbiet provviżorji fir-rigward tal-effett ta’ fatturi oħrajn (ara hawn taħt), ħadd minnhom ma kkontesta l-konklużjoni provviżorja li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mit-Tajlandja kkawżaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Il-premessi (58) sa (64) tar-Regolament provviżorju huma għalhekk b’dan ikkonfermati.

7.2.   L-effetti ta’ fatturi oħrajn

(35)

Xi partijiet interessati kkontestaw is-sejbiet provviżorji li jikkonċernaw l-effett ta’ fatturi oħrajn, u sostnew li alternattivament, it-tnaqqis fid-domanda, il-kompetizzjoni bejn il-produtturi mill-Unjoni, l-importazzjonijiet mill-Indja u l-ħsara li wieħed jikkawża lilu nnifsu jkunu l-kawża prinċipali tal-ħsara.

(36)

Fir-rigward tat-tnaqqis fid-domanda, issir referenza għall-premessi (25) sa (30) imsemmija hawn fuq, li jikkonfermaw it-tendenza tal-konsum stabbilit fir-Regolament provviżorju. Għalhekk, l-allegazzjonijiet li l-effetti tat-tnaqqis fid-domanda ġew sottovalutati għandhom jiġu miċħuda. Madankollu, ta’ min ifakkar li l-premessa (67) tar-Regolament provviżorju kkonkludiet li t-tnaqqis fil-konsum tabilħaqq seta’ kkontribwixxa għall-ħsara materjali mġarrba mill-industrija tal-Unjoni, għalkemm dan l-effett issaħħaħ b’mod konsiderevoli mill-effett ikkawżat mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Madankollu, l-effett tat-tnaqqis fil-konsum ma kienx wieħed li jikser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-ħsara li nstabet.

(37)

Kien sostnut ukoll mill-esportatur Tajlandiż li l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni kienet ikkawżata wkoll mill-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-Unjoni. Dan huwa primarjament minħabba li t-telf tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni kkoinċida maż-żieda fis-sehem mis-suq tal-produttur l-ieħor tal-Unjoni.

(38)

F’dan ir-rigward, anki jekk il-kalkoli ppreżentati mill-esportatur Tajlandiż mhumiex korretti għal kollox, huwa minnu li b’mod ġenerali, is-sehem mis-suq tat-tieni produttur żdied ukoll matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-ħsara. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, kif imsemmi fil-premessa (30) tar-Regolament provviżorju, dan il-produttur qiegħed jimporta kwantità sinifikanti ta’ RBM mit-Tajlandja. Huwa interessanti li, matul is-sena meta dan il-produttur irnexxielu jżid il-bejgħ tiegħu ta’ prodotti magħmula fl-UE u s-sehem mis-suq, huwa żied ukoll b’mod sinifikanti l-bejgħ tiegħu ta’ RBM mit-Tajlandja. Fil-fatt, huwa saħansitra sar importatur sinifikanti ta’ RBM mit-Tajlandja, billi xtara parti kbira mill-esportazzjonijiet Tajlandiżi matul dik is-sena. Għalhekk, anki jekk tabilħaqq it-tieni produttur tal-UE rnexxielu jieħu sehem mis-suq mill-industrija tal-UE, huwa diffiċli li ma tikkonkludix li din il-kumpanija rnexxielha tagħmel dan minħabba li hija bbenifikat ukoll mill-importazzjonijiet ta’ RBM mit-Tajlandja li huma l-oġġett ta’ dumping. Huwa mfakkar li dan il-produttur kien eskluż mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni minħabba l-attivitajiet importanti tiegħu ta’ importazzjoni meta mqabbla mal-produzzjoni tiegħu stess.

(39)

Barra minn hekk, l-allegazzjoni diġà indirizzata fil-premessa (69) tar-Regolament provviżorju li l-importazzjonijiet Indjani wkoll ikkawżaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni kienet imtennija mill-partijiet interessati. Din kienet ibbażata fuq il-fatt li l-Indja għandha sehem ta’ madwar 50 % mis-suq tal-Unjoni, jiġifieri tliet darbiet aktar mit-Tajlandja, u li l-prezzijiet medji korrispondenti naqsu bi 3 % bejn l-2009 u l-PI, filwaqt li baxxiet il-prezzijiet tal-UE b’24 %. Kien enfasizzat ukoll li porzjon sinifikanti tal-importazzjonijiet mill-Indja nxtara minn kumpanija relatata mal-industrija tal-Unjoni.

(40)

Madankollu, ma tressaq l-ebda argument ġdid f’dan ir-rigward u dawn l-allegazzjonijiet kienu diġà indirizzati fir-Regolament provviżorju. Anki jekk il-livell assolut ta’ importazzjonijiet mill-Indja kien fil-fatt b’mod ġenerali ogħla minn dak tat-Tajlandja, fir-Regolament provviżorju ntwera li dawn l-importazzjonijiet żviluppaw b’mod differenti: filwaqt li l-importazzjonijiet mit-Tajlandja żdiedu b’mod ġenerali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-ħsara, kemm f’termini assoluti kif ukoll relattivi, l-importazzjonijiet mill-Indja naqsu (kważi b’10 %) u s-sehem mis-suq naqas ukoll bi ftit. Minbarra dan, il-livell tal-prezz medju fl-Indja kien ukoll ogħla mill-prezz tal-importazzjoni fit-Tajlandja. Barra minn hekk, anki jekk kumpanija relatata mal-industrija tal-Unjoni qiegħda timporta RBM mill-Indja, l-investigazzjoni stabbiliet li l-livell ta’ dawn l-importazzjonijiet naqas b’mod sinifikanti matul is-snin, kif imsemmi aktar ’il fuq fil-premessa (32).

(41)

Fl-aħħar nett, bosta partijiet interessati sostnew ukoll li l-kwerelant tilef il-klijenti tiegħu minħabba li sar attiv fis-suq downstream permezz tal-kumpanija prinċipali tiegħu, Ring International Holding (RIH), u li l-bejgħ tal-RBM lil kumpaniji relatati għandu jiġi kkunsidrat bir-reqqa minħabba li ma jsirx mill-bogħod. Madankollu, dawn l-allegazzjonijiet ġew irrifjutati minħabba li ma kinux issostanzjati u l-investigazzjoni wriet li l-bejgħ lil kumpaniji relatati kienu negliġibbli meta mqabbla mal-bejgħ totali.

7.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(42)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-konklużjonijiet provviżorji stipulati fil-premessi (65) sa (76) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. Anki jekk fatturi oħrajn għajr l-importazzjonijiet kellhom ukoll xi impatt fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, huwa konkluż li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mit-Tajlandja kkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament Bażiku, fuq il-bażi ta’ analiżi li ddistingwiet u sseparat b’mod xieraq l-effetti tal-fatturi kollha magħrufa mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

8.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(43)

Tnejn mill-ħames importaturi li kkooperaw matul l-investigazzjoni rreaġixxew għall-iżvelar tas-sejbiet provviżorji u ssottomettew kummenti bil-miktub. Wieħed minn dawn l-importaturi, kif ukoll importatur ieħor, talbu li jinstemgħu. Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tagħmel żjara fil-bini tal-uniku utent li pparteċipa fl-investigazzjoni.

(44)

Ma saru l-ebda kummenti fir-rigward tal-premessi (79) sa (90) tar-Regolament provviżorju li jikkonċerna d-deskrizzjoni tas-suq u t-taqsima relatata mal-interess tal-industrija tal-Unjoni.

8.1.   L-importaturi u l-operaturi tas-suq

(45)

Huwa l-ewwel nett imfakkar li fir-Regolament provviżorju kien konkluż li l-impożizzjoni tal-miżuri jista’ jkollha biss impatt negattiv sinifikanti fuq is-sitwazzjoni ta’ importatur wieħed, li jipproduċi wkoll l-RBM fl-Unjoni. Dan l-importatur ma rreaġixxiex għall-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji.

(46)

Importatur ieħor, li talab ukoll li ssir seduta ta’ smigħ ippreseduta mill-Uffiċjal tas-Seduta, staqsa primarjament dwar il-kalkolu tal-marġni tad-dumping, l-analiżi tal-ħsara u l-kalkolu tal-konsum fl-Unjoni. Madankollu, huwa ma qajjem l-ebda kumment ġdid rigward l-analiżi tal-interess tal-Unjoni.

(47)

It-tielet importatur, li jirrappreżenta 20 % tal-importazzjonijiet globali mit-Tajlandja, talab li ssir seduta li matulha ġie spjegat li, kuntrarju għall-informazzjoni ppreżentata qabel matul l-investigazzjoni, huwa ma waqqafx l-attivitajiet kollha tiegħu relatati mal-RBM – kif imsemmi fil-premessa (92) tar-Regolament provviżorju – iżda ttrasferihom għal uffiċċju ieħor. Waqt is-seduta ta’ smigħ, dan l-importatur spjega li n-negozju tal-RBM tiegħu huwa kumplimentari biss għan-negozju prinċipali tiegħu li jkopri prodotti oħrajn u ma eskludiex l-importazzjoni tal-RBM mit-Tajlandja, anki jekk jiġu imposti l-miżuri. Madankollu, minħabba l-ispejjeż ġenerali tan-netwerk ta’ distribuzzjoni kbir tiegħu, dan ser jiddependi fuq il-livell tad-dazji anti-dumping u fuq il-possibbiltà li jiżdied il-prezz għall-klijenti. Alternattivament, dan l-importatur ma jsofrix konsegwenzi negattivi sinifikanti mill-waqfien tan-negozju tal-RBM minħabba l-importanza minuri ta’ din l-attività meta mqabbla man-negozju globali tiegħu.

8.2.   L-utenti

(48)

Kif imsemmi fil-premessa (5) ta’ hawn fuq, it-tweġiba għall-kwestjonarju tal-uniku utent li kkoopera kienet ivverifikata waqt iż-żjara fil-bini tiegħu wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji. Dan l-utent qiegħed jixtri minn varjetà ta’ sorsi, inkluż mill-Unjoni, mill-Indja u mit-Tajlandja. Huwa kien jimporta wkoll miċ-Ċina, iżda biddel is-sors tal-provvista tiegħu minn mindu ġew imposti d-dazji anti-dumping.

(49)

L-importazzjonijiet mit-Tajlandja jirrappreżentaw madwar 10 % tax-xiri totali tagħha ta’ RBM, u l-kumpanija ddeċidiet li ma timportax prodotti Tajlandiżi minn mindu ġew imposti l-miżuri provviżorji. Anki jekk sa issa ma jidhirx li l-miżuri affettwaw is-sitwazzjoni ekonomika tagħha b’mod sinifikanti, madankollu, il-kumpanija lmentat dwar il-limitazzjoni tas-sorsi ta’ provvista tagħha, u speċjalment dwar il-fatt li issa hija ma tistax tiddependi dejjem fuq il-kunsinna tal-RBM għal perjodu ta’ żmien qasir.

(50)

Il-partijiet interessati tennew it-talba tagħhom, diġà indirizzata fir-Regolament provviżorju, li l-impożizzjoni tal-miżuri ser twassal għal sorsi limitati ta’ provvista fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, ta’ min jerġa’ jenfasizza li tabilħaqq l-investigazzjoni wriet li s-suq tal-Unjoni huwa kkaratterizzat minn numru limitat ta’ parteċipanti: hemm produttur wieħed fl-Indja, wieħed fit-Tajlandja, tnejn fl-Unjoni u xi wħud fiċ-Ċina. L-għan tal-miżuri anti-dumping huwa li jerġa’ jkun hemm kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-UE u mhux li jipprevjenu l-importazzjonijiet. Dan jista’ tabilħaqq jirriżulta fi tnaqqis tal-livell tal-importazzjonijiet, filwaqt li l-miżuri jikkumpensaw in-natura ta’ tagħwiġ tal-kummerċ ta’ dawn l-importazzjonijiet. Madankollu, minnha nnifisha, din mhijiex raġuni suffiċjenti sabiex tiġi ddubitata l-impożizzjoni tal-miżuri kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Jista’ jiġi sostnut ukoll li l-kompetizzjoni ġusta għandha tkun iggarantita fis-suq tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li s-sorsi kollha ta’ provvista jibqgħu jeżistu fit-tul.

(51)

Huwa mistenni li b’livell ta’ dazju definittiv, li huwa aktar baxx minn dak provviżorju, l-importazzjonijiet mit-Tajlandja xorta waħda jistgħu jidħlu fis-suq tal-Unjoni, filwaqt li l-investigazzjoni wriet li hemm ukoll sorsi oħrajn ta’ provvista, anki jekk f’għadd limitat.

8.3.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(52)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, u fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-premessi (77) sa (110) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati u huwa konkluż li b’mod ġenerali, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli dwar l-Interess tal-Unjoni, ma hemm l-ebda raġuni konvinċenti kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi kontra l-importazzjonijiet tal-RBM li joriġinaw mit-Tajlandja.

9.   IL-MIŻURI DEFINITTIVI ANTI-DUMPING

9.1.   Il-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara

(53)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara, il-premessi (111) sa (114) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

9.2.   Miżuri definittivi

(54)

Fir-rigward tal-ammont ta’ dazju meħtieġ sabiex jitneħħew l-effetti tad-dumping ta’ ħsara, ġie kkummentat li d-dazju anti-dumping għandu jitnaqqas għal 6 %, billi l-importazzjonijiet allegatament Indjani mhumiex l-oġġett ta’ dumping u huma 6 % ogħla mill-importazzjonijiet mit-Tajlandja. F’dan ir-rigward, huwa innotat li l-iskop tad-dazji anti-dumping mhuwiex li jallinjaw il-prezzijiet ma’ dawk ta’ sorsi oħrajn, iżda li jeliminaw l-effetti ta’ tagħwiġ ta’ dumping li jikkawża ħsara.

(55)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, u b’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi impost dazju definittiv anti-dumping fl-inqas livell tal-marġni tad-dumping u tal-ħsara misjub, skont ir-regola tal-inqas dazju. F’dan il-każ, ir-rata tad-dazju għandha għaldaqstant tkun stabbilita fil-livell tad-dumping misjub. Din ġiet ikkalkolata li hi 16,3 % wara li naqset b’mod sinjifikanti mill-istadju provviżorju.

(56)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rata tad-dazju definittiv anti-dumping għall-esportatur li kkoopera hija ta’ 16,3 %.

10.   IL-ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAZJU PROVVIŻORJU

(57)

Minħabba d-daqs tal-marġni ta’ dumping misjub u minħabba l-livell tal-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni, jitqies li huwa meħtieġ li l-ammonti assigurati permezz tad-dazju provviżorju anti-dumping impost mir-Regolament provviżorju għandhom jinġabru definittivament sal-ammont tad-dazju impost definittivament minn dan ir-Regolament. Minħabba li d-dazju definittiv huwa aktar baxx mid-dazju provviżorju, l-ammonti assigurati lil hin mir-rata tad-dazju definittiv għandhom jiġu rilaxxati,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju definittiv anti-dumping huwa b’dan impost fuq ċerti mekkaniżmi tal-illegar bl-anelli, li bħalissa huma kklassifikati bil-kodiċi NM ex 8305 10 00 (il-kodiċi TARIC 8305100011, 8305100013, 8305100019, 8305100021, 8305100023, 8305100029, 8305100034, 8305100035 u 8305100036) li joriġinaw mit-Tajlandja. Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, il-mekkaniżmi tal-illegar bl-anelli għandhom jikkonsistu minn mill-inqas żewġ folji jew wajers tal-azzar b’mill-inqas erba’ nofs ċrieki magħmula minn wajer tal-azzar imwaħħlin magħhom u li huma miżmumin ma’ xulxin permezz ta’ kopertura tal-azzar. Dawn jistgħu jinfetħu billi jinġibdu n-nofs ċrieki jew billi jintuża mekkaniżmu żgħir tal-azzar li huwa mwaħħal mal-mekkaniżmu tal-illegar bl-anelli.

2.   Ir-rata tad-dazju definittiv anti-dumping għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 għandha tkun ta’ 16,3 %.

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana.

Artikolu 2

L-ammonti assigurati mid-dazji provviżorji anti-dumping skont ir-Regolament (UE) Nru 118/2011 għandhom jinġabru definittivament bir-rata tad-dazju definittiv impost skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament. L-ammonti assigurati lil hinn mir-rata tad-dazju definittiv anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 37, 11.2.2011, p. 2.


9.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/18


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 793/2011

tal-5 ta’ Awwissu 2011

li jistabbilixxi projbizzjoni għas-sajd minn “bastimenti tat-tkarkir bil-friża għas-sajd pelaġiku” tal-kategorija 9 fiż-Żona Ekonomika tal-Mawritanja minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 704/2008 tal-15 ta' Lulju 2008 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja provduti fil-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja għall-perjodu mill-1 ta' Awwissu 2008 sal-31 ta' Lulju 2012 (2) irristrinġa l-opportunitajiet tas-sajd għal kategorija 9 (bastimenti tat-tkarkir bil-friża għas-sajd pelaġiku) għal tunnellaġġ ta' referenza ta' 250 000 tunnellata.

(2)

B'kunsiderazzjoni li abbażi tal-Artikolu 2(3) ta' dan ir-Regolament hawn fuq imsemmi, ġiet allokata kwota supplimentari ta' 50 000 tunnellata għall-perjodu mill-1 ta' Awwissu 2010 sal-31 ta' Lulju 2011, biex b'hekk it-tunnellaġġ ta' referenza totali tela' għal 300 000 tunnellata.

(3)

Skont l-informazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni, qabdiet irrapportati f'din il-kategorija ta' sajd minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri kkonċernati jew li ġew irreġistrati fihom, eżawrew il-kwota għall-perjodu ta' referenza msemmi hawn fuq.

(4)

Għalhekk, jeħtieġ li l-attivitajiet tas-sajd għal din il-kategorija ta' sajd jiġu pprojbit.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżawriment tal-kwota

Il-kwota tas-sajd allokata lill-Istati Membri konċernati għandha titqies bħala eżawrita mid-19 ta' Lulju 2011.

Artikolu 2

Projbizzjonijiet

L-attivitajiet tas-sajd fil-kategorija 9 minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri kkonċernati jew li ġew irreġistrati fihom għandhom jiġu pprojbiti mid-19 ta' Lulju 2011 sal-31 ta' Lulju 2011. B'mod partikolari, għandu jkun ipprojbit li jinżamm abbord, jiġi ttrażbordat, ittrasportat, jew jinħatt l-art ħut li jinqabad minn dawk il-bastimenti matul dan il-perjodu.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Lowri EVANS

Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 203, 31.7.2008, p. 1.


9.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 794/2011

tat-8 ta’ Awwissu 2011

li japprova emendi fl-ispeċifikazzjonijiet inizjali ta’ denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Parmigiano Reggiano (DPO)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(2), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, it-talba mressqa mill-Italja għall-approvazzjoni tal-emendi fl-ispeċifikazzjonijiet inizjali tad-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano” kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Il-Belġju, id-Danimarka, u l-“Assoċjazzjoni tal-Importaturi tal-ġobon”, li għandha l-uffiċċju ċentrali tagħha f’Basel (l-Isvizzera), iddikkjaraw oġġezzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. L-oġġezzjonijiet tal-Belġju u tad-Danimarka tqiesu eliġibbli abbażi tal-punti (a), u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3), ta’ dak ir-Regolament. Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tal-“Assoċjazzjoni tal-Importaturi tal-ġobon” tqieset ineliġibbli, għax intbagħtet wara l-iskadenza stipulata.

(3)

Bl-ittri tat-30 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet ikkonċernati biex jibdew il-konsultazzjoni xierqa.

(4)

Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tad-Danimarka kienet dwar l-assenza ta’ ġustifikazzjoni relatata mal-obbligu tat-tqattigħ, it-tħakkik u l-kundizzjonament tal-ġobon tad-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano” fi ħdan iż-żona ġeografika delimitata. Permezz tal-kjarifikazzjonijiet mibgħuta mill-Italja skont dawn il-konsultazzjonijiet, id-Danimarka rtirat l-oġġezzjoni tagħha.

(5)

Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tal-Belġju kienet ukoll dwar l-assenza ta’ ġustifikazzjoni relatata mal-obbligu tat-tqattigħ, t-tħakkik u l-kundizzjonament tal-ġobon tad-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano” fi ħdan iż-żona ġeografika delimitata.

(6)

Peress li l-ebda qbil ma ntlaħaq bejn il-Belġju u l-Italja fi żmien sitt xhur, il-Kummissjoni jkollha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura stipulata fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(5) u fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

(7)

Fil-punt 3.6 tad-dokument uniku, l-Italja enfasizzat illi “dan l-obbligu jiġi spjegat permezz tal-isparizzjoni jew l-inviżibbiltà, fuq il-ġobon maħkuk, jew mqatta’ f’biċċiet, tal-marka tal-identifikazzjoni tal-ġobon “Parmigiano Reggiano” li tinsab fuq il-ġobna sħiħa, u minħabba l-ħtieġa li jiġi garantit l-oriġini tal-prodott qabel ma jiġi ppakkjat. Hekk ukoll ġej mill-ħtieġa li jiġi ggarantit li l-operazzjoni ta’ kundizzjonament f’biċċiet isseħħ malajr kemm jista’ jkun wara li l-ġobna titqatta’, permezz ta’ metodi li jippermettu li ma jkunx hemm riskji ta’ deidrazzjoni jew ossidazzjoni, u għalhekk, tat-telf tal-karaterristiċi organolettiċi oriġinali tal-“Parmigiano Reggiano”. B’mod partikulari, il-qsim tal-ġobna oriġinali jneħħi l-protezzjoni li tagħti l-qoxra, imnixxfa sew, u b’hekk tiżolaha kompletament mill-effetti ambjentali.”

(8)

Il-Kummissjoni tqis din il-ġustifikazzjoni hija tali li tiggarantixxi l-oriġini tal-prodott ikkunsidrat, filwaqt li tiżgura kontroll ottimali u tippreserva l-kwalità fiżika u organolettika, u ma turi ebda nuqqas ta’ valutazzjoni mil-parti tal-partijiet kompetenti Taljani.

(9)

Il-Belġju, barra minn hekk, fid-dikjarazzjoni tagħha ta’ oġġezzjoni invokat il-punt (c) tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Skont dan l-Artikolu, jiġu aċċettati d-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni “(…) [li] juru li r-reġistrazzjoni tal-isem propost jikkawża periklu […] għall-eżistenza ta’ prodotti li kienu jinsabu fuq is-suq b’mod legali għal tal-anqas ħames snin mid-data tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2)”.

(10)

Il-Belġju ma bagħatx fatturi konkreti dwar il-periklu potenzjali li l-intrapriżi Belġjani setgħu jsofru wara d-dħul fis-seħħ tal-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet inizjali.

(11)

Madankollu huwa magħruf sew li effettivament jeżistu entitajiet ’il barra miż-żona ġeografika delimitata li huma kkonċernati mit-tqattigħ u/jew il-kundizzjonament tal-ġobon li jġib id-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano”. L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 jawtorizza f’dan ir-rigward dispożizzjoni għal perjodu tranżizzjonali ta’ mhux aktar minn ħames snin, meta dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tkun ġiet iddikjarata ammissibbli għar-raġuni li r-reġistrazzjoni tal-isem propost jipperikola l-eżistenza ta’ prodotti li ilhom fis-suq b’mod legali għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament imsemmi. Meta jitqiesu, notevolment, l-obbligi kuntrattwali matul l-implimentazzjoni u l-adattament progressiv meħtieġ tas-suq wara emendi fid-denominazzjoni inizjali “Parmigiano Reggiano”, jidher li jkun xieraq, f’dan il-każ, li jiġi previst perjodu tranżizzjonali ta’ sena għal vantaġġ ta’ operaturi mhux stabbiliti fiż-żona ġeografika delimitata fir-rigward ta’ speċifikazzjonijiet tad-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano”, sakemm jipproċedu legalment l-operazzjonijiet tat-tqattigħ u l-kundizzjonament tal-ġobon “Parmigiano Reggiano” barra miż-żona ġeografika delimitata matul tal-anqas ħames snin qabel id-data tas-16 ta' April 2009. It-tul ta’ dan il-perjodu tranżizzjonali huwa l-istess bħal dak mogħti lill-Italja għal vantaġġ tal-operaturi li jagħmlu t-tqattigħ u l-ippakkjar fit-territorju tagħhom, iżda barra miż-żona ġeografika delimitata.

(12)

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-emendi għandhom jiġu approvati u jiġi introdott perjodu tranżizzjonali ta’ sena.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u d-Denominazzjonijiet Protetti tal-Oriġini,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emendi fl-ispeċifikazzjoni inizjali, ippublikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' April 2009 dwar id-denominazzjoni li tidher fl-Anness 1 għal dan ir-Regolament huma approvati.

Artikolu 2

Perjodu tranżizzjonali ta’ sena qed jingħata lill-operaturi li mhumiex stabbiliti fi ħdan iż-żona ġeografika delimitata fir-rigward tal-ispecikazzjonijiet tad-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano”, u li pproċedew legalment fit-tqattigħ u l-kundizzjonament tal-ġobon li jġib id-denominazzjoni “Parmegiano Reggiano” barra miż-żona ġeografika delimitata msemmija matul tal-anqas ħames snin qabel id-data tas-16 ta' April 2009.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament ser jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)  ĠU C 87, 16.4.2009, p. 14.


ANNESS

Prodotti tal-Anness I tat-Trattat maħsubin għall-ikel mill-bniedem:

Klassi 1.3   Ġobnijiet

L-ITALJA

Parmigiano Reggiano (DPO)


9.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/21


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 795/2011

tat-8 ta’ Awwissu 2011

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-9 ta’ Awwissu 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0707 00 05

TR

105,8

ZZ

105,8

0709 90 70

TR

124,2

ZZ

124,2

0805 50 10

AR

73,4

CL

76,3

TR

57,0

UY

53,9

ZA

87,4

ZZ

69,6

0806 10 10

EG

168,5

MA

187,2

TR

160,8

ZZ

172,2

0808 10 80

AR

104,7

BR

68,8

CL

105,2

CN

56,0

NZ

100,6

US

100,4

ZA

84,6

ZZ

88,6

0808 20 50

AR

81,9

CL

81,6

CN

49,3

NZ

108,0

ZA

102,2

ZZ

84,6

0809 20 95

CA

870,0

TR

337,4

US

510,8

ZZ

572,7

0809 30

TR

129,2

ZZ

129,2

0809 40 05

BA

50,1

IL

149,1

XS

57,7

ZZ

85,6


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

9.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/23


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Awwissu 2011

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ lamtu tal-qamħirrum iffosfatat bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 5550)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/494/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar ikel ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (1), u partikolarment l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Awwissu 2005 il-kumpanija National Starch Food Innovation għamlet talba lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit biex tqiegħed il-fosfat tad-diamid iffosfatat (lamtu tal-qamħirrum iffosfatat) fis-suq bħala ingredjent ġdid tal-ikel.

(2)

Fis-27 ta’ April 2009, l-entità kompetenti għall-evalwazzjoni tal-ikel tar-Renju Unit ħarġet l-ewwel rapport ta’ valutazzjoni tagħha. F’dan ir-rapport hi waslet għall-konklużjoni li l-fosfat tad-diamid iffosfatat huwa aċċettabbli bħala ingredjent ġdid tal-ikel.

(3)

Il-Kummissjoni bagħtet l-ewwel rapport ta’ valutazzjoni lill-Istati Membri kollha fl-4 ta’ Mejju 2009.

(4)

Fi żmien il-perjodu ta’ 60 jum stipulat fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97, tressqu oġġezzjonijiet motivati għat-tqegħid fis-suq tal-prodott skont dik id-dispożizzjoni.

(5)

Għalhekk, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza Alimentari (l-EFSA) ġiet ikkonsultata fl-10 ta’ Frar 2010.

(6)

Fl-10 ta’ Settembru 2010, fid-dokument “Scientific opinion on the safety of ‘phosphated distarch phosphate’ as a novel food ingredient (2) (“L-opinjoni xjentifika dwar is-sikurezza tal-‘fosfat tad-diamid iffosfatat’ bħala ingredjent ġdid tal-ikel”) l-EFSA waslet għall-konklużjoni li l-fosfat tad-diamid iffosfatat jista’ jittiekel b’sikurezza skont il-kondizzjonijiet tal-użu proposti u l-livelli ta’ inġestjoni proposti.

(7)

Abbażi tal-valutazzjoni xjentifika, ġie stabbilit li l-fosfat tad-diamid iffosfatat jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-fosfat tad-diamid iffosfatat, kif speċifikat fl-Anness, jista’ jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni bħala ingredjent ġdid tal-ikel biex jintuża fi prodotti tal-forn moħmija, fl-għaġin, fiċ-ċereali u fil-bars taċ-ċereali b’kontenut massimu ta’ 15 %.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni tal-fosfat tad-diamid iffosfatat awtorizzata b’din id-Deċiżjoni u li trid tidher fuq it-tikketta tal-oġġetti tal-ikel li jkun fihom dan l-ingredjent għandha tkun “lamtu tal-qamħirrum iffosfatat”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil National Starch Food Innovation, Corn Products UK Ltd., Prestbury Court, Greencourts Business Park, 333 Styal Road, Manchester M22 5LW, l-Ingilterra.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

(2)  EFSA Journal 2010; 8(9): 1772.


ANNESS

SPEĊIFIKAZZJONIJIET TAL-LAMTU TAL-QAMĦIRRUM IFFOSFATAT

Deskrizzjoni: L-ingredjent ġdid tal-ikel huwa trab abjad jew kważi abjad.

Il-lamtu tal-qamħirrum iffosfatat (fosfat tad-diamid iffosfatat) huwa lamtu reżistenti modifikat kimikament miksub minn lamtu b’kontenut għoli ta’ amilosi billi jitħalltu t-trattamenti kimiċi biex joħolqu l-ħoloq inkroċjati tal-fosfati bejn ir-residwi tal-karboidrati u l-gruppi tal-idrossili esterifikati.

Nru tas-CAS: 11120-02-8

Formula Kimika: (C6H10O5)n [(C6H9O5)2PO2H]x [(C6H9O5)PO3H2]y

n = numru ta’ unitajiet ta’ glukożju; x, y = gradi ta’ sostituzzjoni