ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2011.184.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 184

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 54
14 ta' Lulju 2011


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 672/2011 tat-13 ta’ Lulju 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità

1

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 673/2011 tat-13 ta’ Lulju 2011 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

2

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 674/2011 tat-13 ta’ Lulju 2011 li jistipula perċentwali ta' aċċettazzjoni għall-ħruġ ta' liċenzji tal-esportazzjoni li jirrifjuta applikazzjonijiet għal liċenzji tal-esportazzjoni u li jissospendi t-tressiq tal-applikazzjonijiet għal liċenzji tal-esportazzjoni għal zokkor ’il barra mill-kwota

4

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 675/2011 tat-13 ta’ Lulju 2011 li jistipula l-koeffiċjent ta' allokazzjoni applikabbli għat-talbiet għal liċenzji tal-importazzjoni mressqa mill-1 ta’ Lulju 2011 sat-8 ta’ Lulju 2011 skont il-subkwota III fil-kuntest tal-kwota tariffarja miftuħa bir-Regolament (KE) Nru 1067/2008 għall-qamħ komuni ta' kwalità għajr dik superjuri

5

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 676/2011 tat-13 ta’ Lulju 2011 li jemenda l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 867/2010 għas-sena tas-suq 2010/11

7

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2011/414/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat C 8/10 (ex N 21/09 u NN 15/10) implimentata mill-Greċja favur Varvaressos S.A. (notifikata bid-dokument numru C(2010) 8923)  ( 1 )

9

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

14.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 672/2011

tat-13 ta’ Lulju 2011

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 tal-20 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006 (2) jipprovdi li l-perjodu għall-ħatt l-faċilitajiet ta’ produzzjoni u għall-konformità mal-impenji soċjali u ambjentali msemmija fl-Artikoli 3(3) (c) u 3(4) (c) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 jista’ jiġi estiż sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2011.

(2)

Ċerti produtturi taz-zokkor mhux ser ikunu jistgħu jħottu għalkollox il-faċilitajiet ta’ produzzjoni fil-ħin, sakemm dik l-iskadenza ma tkunx estiża għall-perjodu itwal. Madanakollu, l-estensjoni ma għandhiex tiżdied aktar milli jkun assolutament meħtieġ biex jintemmu x-xogħlijiet tal-ħatt. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, l-iskadenza għandha b’hekk tiġi estiża sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2012.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 968/2006 għaldaqstant għandu jiġi emendat kif xieraq.

(4)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 968/2006, it-tieni subparagrafu jinbidel b’li ġej:

“B’deroga mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, fuq talba motivata tal-impriża kkonċernata, l-Istati Membri jistgħu jagħtu estensjoni tad-data ta’ skadenza ffissata f’dak il-punt sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2012. F’dan il-każ, l-impriża għandha tressaq pjan emendat tar-ristrutturar skont l-Artikolu 11.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 42.

(2)  ĠU L 176, 30.6.2006, p. 32.


14.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/2


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 673/2011

tat-13 ta’ Lulju 2011

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-14 ta’ Lulju 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

49,0

EC

20,9

MK

43,1

ZZ

37,7

0707 00 05

TR

105,8

ZZ

105,8

0709 90 70

AR

27,2

EC

26,5

TR

110,5

ZZ

54,7

0805 50 10

AR

58,1

TR

64,0

UY

64,3

ZA

71,5

ZZ

64,5

0808 10 80

AR

136,0

BR

81,7

CA

106,0

CL

91,3

CN

87,0

EC

60,7

NZ

112,4

US

150,8

ZA

100,9

ZZ

103,0

0808 20 50

AR

110,0

AU

75,6

CL

110,0

CN

81,6

NZ

118,4

ZA

111,3

ZZ

101,2

0809 10 00

AR

75,0

TR

220,1

XS

138,6

ZZ

144,6

0809 20 95

CL

298,8

SY

253,3

TR

297,8

ZZ

283,3

0809 40 05

BA

62,0

EC

75,9

ZZ

69,0


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


14.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 674/2011

tat-13 ta’ Lulju 2011

li jistipula perċentwali ta' aċċettazzjoni għall-ħruġ ta' liċenzji tal-esportazzjoni li jirrifjuta applikazzjonijiet għal liċenzji tal-esportazzjoni u li jissospendi t-tressiq tal-applikazzjonijiet għal liċenzji tal-esportazzjoni għal zokkor ’il barra mill-kwota

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta' Ġunju 2006 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mal-kummerċ ma' pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7e 9(1)(b) flimkien mal-Artikolu 9(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 61, l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, iz-zokkor prodott matul is-sena tas-suq u li jaqbeż il-kwota msemmija fl-Artikolu 56 ta’ dak ir-Regolament jista’ jiġi esportat biss fil-limitu kwantitattiv stipulat mill-Kummisjoni.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 397/2010 tas-7 ta' Mejju 2010 li jistipula l-limitu kwantitattiv tal-esportazzjoni taz-zokkor u l-isoglukożju ’l barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2010/2011 (3) jistipula l-limiti msemmija hawn fuq.

(3)

Il-kwantitajiet ta' zokkor koperti minn applikazzjonijiet għal liċenzji tal-esportazzjoni jaqbżu l-limitu kwantitattiv iffissat bir-Regolament (UE) Nru 397/2010. Għaldaqstant għandu jiġi stabbilit perċentwal ta' aċċettazzjoni għall-kwantitajiet li għalihom tressqu applikazzjonijiet fl-4, fil-5, fis-6, fis-7 u fit-8 ta' Lulju 2011. Kull applikazzjoni għal liċenzja tal-esportazzjoni għaz-zokkor imressqa wara t-8 ta' Lulju 2011 għaldaqstant ma għandhiex tintlaqa', u t-tressiq tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni għandu jkun sospiż,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Liċenzji tal-esportazzjoni taz-zokkor ’il barra mill-kwota li l-applikazzjonijiet għalihom tressqu bejn l-4 ta' Lulju u t-8 ta' Lulju 2011, għandhom jinħarġu għall-kwantitajiet mitluba, multiplikati b'perċentwali ta' aċċettazzjoni ta' 71,122263 %.

2.   L-applikazzjonijiet għal liċenzji tal-esportazzjoni taz-zokkor ’il barra mill-kwota li tressqu fil-11, fit-12, fit-13, fl-14 u fil-15 ta' Lulju 2011. huma b'dan irrifjutati.

3.   It-tressiq ta' applikazzjonijiet għal liċenzji tal-esportazzjoni taz-zokkor ’il barra mill-kwota għandu jiġi sospiż għall-perjodu bejn it-18 ta' Lulju 2011 u t-30 ta' Settembru 2011.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24. Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 312M, 22.11.2008, p. 86.

(3)  ĠU L 115, 8.5.2010, p. 26.


14.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 675/2011

tat-13 ta’ Lulju 2011

li jistipula l-koeffiċjent ta' allokazzjoni applikabbli għat-talbiet għal liċenzji tal-importazzjoni mressqa mill-1 ta’ Lulju 2011 sat-8 ta’ Lulju 2011 skont il-subkwota III fil-kuntest tal-kwota tariffarja miftuħa bir-Regolament (KE) Nru 1067/2008 għall-qamħ komuni ta' kwalità għajr dik superjuri

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji għall-importazzjoni tal-prodotti agrikoli rregolati minn sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1067/2008 (3) fetaħ kwota tariffarja annwali globali għall-importazzjoni ta' 2 989 240 tunnellata qamħ komuni ta' kwalità għajr dik superjuri. Din il-kwota tinqasam fi tliet subkwoti.

(2)

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008 jaqsam is-subkwota III (numru tas-serje 09.4125) f'erba' subperjodi trimestrali u ffissa l-kwantità ta' 594 597 tunnellata għas-subperjodu nru 3, għall-perjodu mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru 2011.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni(UE) Nru 632/2011 (4) jidderoga mill-Artikolu 3(3), tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008 għas-sena 2011, u jgħaqqad is-subperjodi 3 u 4 tas-subkwota III (numru tal-ordni 09.4125) u jiffissa l-kwantità għal 1 189 193 tunnellata għas-subperjodu 3 mill-1 ta Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2011.

(4)

Min-notifika skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008, jirriżulta li l-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Lulju 2011, mis-13:00 sat-8 ta’ Lulju 2011 fis-13:00, ħin ta’ Brussell, skont l-Artikolu 4(1), it-tieni inċiż, tar-Regolament imsemmi, jirrigwardaw kwantitajiet akbar minn dawk disponibbli. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi determinat sa liema punt jistgħu jinħarġu l-liċenzji tal-importazzjoni, billi jiġi stabbilit il-koeffiċjent ta' allokazzjoni li għandu jkun applikat għall-kwantitajiet mitluba.

(5)

Jeħtieġ ukoll li ma jinħarġux aktar liċenzji tal-importazzjoni skont is-subkwota III msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1067/2008 għall-perjodu attwali tal-kwota.

(6)

Sabiex tkun żgurata ġestjoni effettiva tal-proċedura tal-ħruġ taċ-ċertifikati tal-importazzjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Kull applikazzjoni għal liċenzja tal-importazzjoni fl-ambitu tas-subkwota III msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1067/2008, imressqa mill-1 ta’ Lulju 2011, mis-13:00 sat-8 ta’ Lulju 2011 fis-13:00, ħinijiet ta' Brussell, tagħti lok għall-ħruġ ta' liċenzja għall-kwantitajiet mitluba assenjati skont il-koeffiċjent ta' allokazzjoni ta' 50,926778 %.

2.   Il-ħruġ ta' liċenzji għall-kwantitajiet mitluba mit-8 ta’ Lulju 2011 fis-13:00, ħin ta' Brussell, fl-ambitu tas-subkwota III msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1067/2008, huwa sospiż għall-perjodu attwali tal-kwota.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.

(3)  ĠU L 290 31.10.2008, p. 3.

(4)  ĠU L 170, 30.6.2011, p. 18.


14.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 676/2011

tat-13 ta’ Lulju 2011

li jemenda l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 867/2010 għas-sena tas-suq 2010/11

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta’ Ġunju 2006 dwar regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mal-iskambji mal-pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza tiegħu,

Billi:

(1)

L-ammonti tal-prezzijiet rappreżentattivi u tad-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux ipproċessat u ta' ċerti ġuleppijiet għas-sena tas-suq 2010/11 ġew stabbiliti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 867/2010 (3). Dawn il-prezzijiet u dazji ġew emendati l-aħħar mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 663/2011 (4).

(2)

L-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha f'idejha llum twassal biex dawn l-ammonti jiġu mmodifikati, skont ir-regoli ddettaljati pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 951/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prezzijiet rappreżentattivi u d-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006, stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 867/2010 għas-sena tas-suq 2010/11, huma b'dan mmodifikati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-14 ta’ Lulju 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

(3)  ĠU L 259, 1.10.2010, p. 3.

(4)  ĠU L 181, 9.7.2011, p. 27.


ANNESS

L-ammonti mmodifikati tal-prezzijiet rappreżentattivi u tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux ipproċessat u tal-prodotti bil-kodiċi NM 1702 90 95 , applikabbli mill-14 ta’ Lulju 2011

(EUR)

Kodiċi NM

Ammont tal-prezz rappreżentattiv għal kull 100 kg nett tal-prodott ikkonċernat

Ammont tad-dazju addizzjonali għal kull 100 kg nett tal-prodott ikkonċernat

1701 11 10  (1)

51,51

0,00

1701 11 90  (1)

51,51

0,00

1701 12 10  (1)

51,51

0,00

1701 12 90  (1)

51,51

0,00

1701 91 00  (2)

61,37

0,00

1701 99 10  (2)

61,37

0,00

1701 99 90  (2)

61,37

0,00

1702 90 95  (3)

0,61

0,16


(1)  Stabbilit għall-kwalità standard kif iddefinita fl-Anness IV, il-punt III, tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(2)  Stabbilit għall-kwalità standard kif iddefinita fl-Anness IV, il-punt II, tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(3)  Stabbilit bħala 1 % tal-kontenut f'sukrożju.


DEĊIŻJONIJIET

14.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/9


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Diċembru 2010

dwar l-għajnuna mill-Istat C 8/10 (ex N 21/09 u NN 15/10) implimentata mill-Greċja favur Varvaressos S.A.

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 8923)

(Il-verżjoni bil-Grieg biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/414/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu (1),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE, rigward l-għajnuna C 8/10 (ex N 21/09 u NN 15/10) (2),

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fil-5 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni rċeviet notifika mill-Greċja għal miżura ta’ għajnuna għas-salvataġġ favur Varvaressos S.A. (“Varvaressos”). Wara skambju ta’ informazzjoni, fis-16 ta’ Lulju 2008 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni “mingħajr ebda oġġezzjoni” rigward il-miżura nnotifikata.

(2)

Fil-15 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni rċeviet notifika mill-Greċja għal miżura ta’ għajnuna għas-salvataġġ favur Varvaressos S.A. (“Varvaressos”).

(3)

Wara skambji ta’ informazzjoni, fid-9 ta’ Marzu 2010 l-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-għajnuna għar-ristrutturar li l-Greċja kienet innotifikat fil-15 ta’ Jannar 2009 u dwar garanzija mill-Istat mogħtija lil Varvaressos b’mod illegali mill-Greċja fl-2007. Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni ddikjarat il-possibbiltà li tirrevoka d-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Lulju 2008 li biha tapprova l-għajnuna għas-salvataġġ lil Varvaressos li ġiet notifikata.

(4)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-10 ta’ Marzu 2009 (3). Wara l-ftuħ tal-proċedura, il-Greċja ppreżentat kummenti u informazzjoni fit-28 ta’ Lulju 2010. Barra minn hekk, Varvaressos ippreżentat kummenti u informazzjoni fit-18 ta’ Ġunju 2010. Fl-aħħar nett, partijiet terzi oħrajn bagħtu l-kummenti tagħhom fl-4 ta’ Ġunju 2010, fl-14 ta’ Ġunju 2010 u fis-17 ta’ Ġunju 2010 (4).

(5)

Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni dwar il-miżuri tal-Istat imsemmija hawn fuq, b’ittra tad-9 ta’ Lulju 2010. L-awtoritajiet Griegi wieġbu b’ittra tal-14 ta’ Settembru 2010.

(6)

Fuq talba tal-benefiċjarju, saret laqgħa fl-14 ta’ Lulju 2010. Waqt dik l-okkażjoni, ġie diskuss il-pjan ta’ ristrutturar modifikat.

2.   DESKRIZZJONI

2.1.   Il-benefiċjarju

(7)

Varvaressos ġiet stabbilita fl-1975, u hija attiva fis-suq tat-tessuti bħala kumpanija tal-għażil (produzzjoni ta’ u kummerċ fil-ħjut). Hija tesporta l-ħjut lejn 20 pajjiż, inklużi l-Ġermanja, Franza, l-Awstrija, l-Italja, Spanja, ir-Renju Unit u s-Slovenja. Fl-2009, il-kumpanija għamlet 52 % tal-bejgħ tagħha fil-pajjiżi tal-UE, barra l-Greċja (57 % fl-2008, 67 % fl-2007), 42 % fil-Greċja (40 % fl-2008, 32 % fl-2007) u 6 % f’pajjiżi li mhumiex parti mill-UE (2 % fl-2008, 1 % fl-2007).

(8)

Fl-2009, il-kumpanija kellha medja ta’ 205 impjegati (tnaqqis minn 212 fl-2008) u dħul ta’ EUR 19-il miljun. Fuq il-bażi tad-dejta tal-2007, hija kienet fl-10 post fis-suq Grieg tat-tessuti. Fl-2008, is-sehem tagħha fis-suq tal-ħjut kien ta’ […] %.

(9)

Matul il-perjodu 2004-2009, il-fatturat annwali tal-kumpanija niżel minn EUR 28,4 miljun għal EUR 19,2 miljun (tnaqqis ta’ 32 %). Matul il-perjodu 2006-2009, il-kumpanija kellha telf akkumulat, li żdied minn EUR 2 miljun fl-2006 għal EUR 17,2 miljun fl-2009. Id-dejta finanzjarja ewlenija tal-kumpanija għas-snin 2004-2009 tidher fit-Tabella 1 hawn taħt.

Tabella 1

Id-dejta finanzjarja ewlenija ta’ Varvaressos għall-perjodu 2004-2009

(miljuni ta’ EUR)

 

2004

2005

2006

2007

2008

2009

Fatturat

28,5

26,1

26,4

23,2

20,7

19,2

EBT (qligħ qabel it-taxxa)

0,02

–2,8

–3,3

–2,7

–6,3

–5,5

Telf akkumulat

NA

NA

–2

–5,1

–11,5

–17,2

Kapital irreġistrat

16,6

16,6

16,6

16,6

16,6

16,6

Ekwità proprja

32,9

29,1

25,5

22,4

15,9

10,3

Dejn/ekwità

79  %

106  %

117  %

135  %

216  %

350  %

Sors: Dejta mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji għall-perjodu 2004-2009.

2.2.   Il-miżuri

(10)

Fil-perjodu 2007-2008, Varvaressos ngħatat żewġ miżuri mill-Istat, garanzija mill-Istat mhux innotifikata għall-ippjanar mill-ġdid ta’ self eżistenti f’Mejju 2007 (miżura 1) u garanzija mill-Istat innotifikata għal self ġdid ta’ salvataġġ li kienet approvata mill-Kummissjoni f’Lulju 2008 (miżura 2). F’Jannar 2009, il-Greċja nnotifikat miżura ta’ għajnuna għar-ristrutturar fil-forma ta’ għotja diretta (miżura 3).

2.2.1.   Il-pjan ta’ rkupru tal-2006

(11)

Sabiex tirċievi l-għajnuna msemmija hawn fuq, f’Diċembru 2006 Varvaressos ippreżentat pjan ta’ rkupru bl-isem ta’ “Pjan strateġiku u tan-negozju 2006-2011” lill-awtoritajiet Griegi. Dan jiddeskrivi l-għan strateġiku u l-azzjonijiet meħtieġa tal-kumpanija, kif ukoll il-pożizzjoni finanzjarja mbassra tal-kumpanija għall-perjodu 2006-2011. Il-pjan jipprovdi għal: (a) żieda fil-proporzjon ta’ fibri speċjali fil-produzzjoni ġenerali, minn […] % fl-2007 għal […] % fl-2011, sabiex jiżdied il-marġni tal-profitt tal-kumpanija; (b) tnaqqis fil-kapaċità totali tal-produzzjoni, minn […] elf tunnellata fl-2007 għal […] elf tunnellata fl 2008-2011; u (c) tnaqqis fin-numru tal-persunal tal-kumpanija minn 237 fl-2007 għal 217 fl-2011.

(12)

Is-selfa fit-tul ta’ EUR 15,6 miljun tal-kumpanija hija mistennija li titħallas lura qabel tmiem l-2010. Barra minn hekk, fil-perjodu 2006-2009 huma mistennija spejjeż ta’ EUR [1-2] miljun, għal investimenti fl-organizzazzjoni mill-ġdid tal-ġestjoni tal-kumpanija u l-qlib tal-produzzjoni tal-kumpanija lejn prodotti li jiġġeneraw aktar qligħ. L-għajnuna mill-Istat meħtieġa għall 2007-2011 tammonta għal EUR 13.5 miljun, sabiex tagħmel tajjeb għal investimenti li marru ħażin fil-perjodu 2000-2005 u li ħolqu d-diffikultajiet li tinsab fihom il-kumpanija. Il-kumpanija mistennija tilħaq il-vijabbiltà fl-2010, b’EBT ta’ EUR 1 miljun u marġni ta’ profitt ta’ 3,5 % (EBT pożittiv ta’ EUR 0,8 miljun u marġni ta’ profitt ta’ 2,6 % fl-2011). Il-bejgħ huwa mistenni li jiżdied minn EUR 26,2 miljun fl-2006 għal EUR 29,3 miljun fl-2011 (żieda ta’ 12 %).

2.2.2.   Miżura 1: Il-garanzija mill-Istat mhux notifikata tal-2007

(13)

Fit-30 ta’ Mejju 2007, il-Greċja ħarġet deċiżjoni ministerjali li pprovdiet lil Varvaressos b’garanzija mill-Istat bħala garanzija għall-ippjanar mill-ġdid tas-self eżistenti tal-kumpanija, li jammonta għal EUR 22,7 miljun. Il-garanzija kellha tkopri 80 % tas-self, jiġifieri EUR 18,2 miljun; madankollu, din qabżet l-ammont totali tas-self sottostanti (ara l-premessa 16 hawn taħt).

(14)

Qabel l-ippjanar mill-ġdid tal-2007, parti biss mill-assi ta’ proprjetà immobbli tal-kumpanija kienu ipotekati biex ikopru s-self tagħha. Fil-kuntest tal-ippjanar mill-ġdid tal-2007, il-bqija tal-assi ta’ proprjetà immobbli tal-kumpanija kienu ipotekati addizzjonalment. Din l-ipoteka ġiet stabbilita favur il-banek li kienu qed jipprovdu s-self lill-kumpanija, u mhux favur l-Istat. Madankollu, skont il-liġi Griega (5), qabel ma jħallas is-sejħa ta’ garanzija, l-Istat għandu l-ewwel jirċievi l-garanziji għal-self garantit.

(15)

Din il-miżura qatt ma ġiet notifikata lill-Kummissjoni; minflok, fin-notifika tal-għajnuna ta’ salvataġġ tal-5 ta’ Novembru 2007, il-Greċja speċifikat li l-kumpanija qatt ma kienet irċeviet għajnuna għal salvataġġ jew ristrutturar qabel.

(16)

Din il-miżura kienet ibbażata fuq skema ta’ garanzija mhux notifikata, approvata mill-Ministeru tal-Finanzi Grieg fis-26 ta’ Jannar 2007. L-iskema tat garanziji mill-Istat għall-ippjanar mill-ġdid ta’ self pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2006, kemm jekk imħallas kif ukoll jekk le, f’self ġdid. Is-self rilevanti kien ingħata lil kumpaniji industrijali, tal-minjieri, ta’ trobbija tal-bhejjem u tal-lukandi stabbiliti u li joperaw fid-distrett ta’ Imathia, fit-Tramuntana tal-Greċja, għal investimenti f’assi fissi u f’kapital ċirkolanti. L-iskema ma kinitx tipprovdi għal primjum għall-garanzija mill-Istat. Fuq il-bażi ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha, il-garanzija eventwalment kopriet ammont massimu ta’ EUR 30 miljun, imgħax mhux inkluż, li huwa ammont ogħla minn dak tas-self sottostanti (EUR 22,7 miljun) (6).

2.2.3.   Miżura 2: Il-garanzija mill-Istat notifikata tal-2008

(17)

Fis-16 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni approvat għajnuna għas-salvataġġ notifikata għal Varvaressos, fil-forma ta’ garanzija mill-Istat għal self ta’ EUR 2,4 miljun (7). Id-deċiżjoni ġiet adottata fuq il-bażi tal-informazzjoni li tistabbilixxi li l-kumpanija ma kinitx ingħatat għajnuna għal salvataġġ jew ristrutturar qabel (8), u li għalhekk kienet eliġibbli għal għajnuna ta’ salvataġġ.

(18)

Il-garanzija ngħatat mingħajr primjum għall-garanti (l-Istat) u kopriet l-ammont kollu tas-self, jiġifieri EUR 2,4 miljun.

(19)

Skont in-notifika tal-miżura mill-awtoritajiet Griegi tal-5 ta’ Novembru 2007, mill-ammont totali tal-għajnuna, EUR [1-2] miljun kellhom jintużaw biex jiġu ffinanzjati l-investimenti li ġejjin: (a) l-organizzazzjoni mill-ġdid u l-immodernizzar tal-ġestjoni tal-kumpanija (EUR […] miljun), li twettqu tul il-perjodu 2006-2009, u (b) il-qlib tal-produzzjoni tal-kumpanija lejn prodotti li jiġġeneraw aktar qligħ (EUR […] miljun), li twettaq tul il-perjodu 2007-2009. Dawn l-investimenti kienu wkoll parti mill-pjan ta’ ristrutturar li ġie ppreżentat fil-15 ta’ Jannar 2009, u kellhom jitwettqu tul l-istess perjodu ta’ żmien allokat għall-pjan (ara l-premessi 22-23 u 42-43 hawn taħt).

2.2.4.   Miżura 3: L-għotja diretta notifikata tal-2009

(20)

Fil-15 ta’ Jannar 2009, il-Greċja notifikat għotja diretta ta’ EUR 14-il miljun għall-iffinanzjar tal-pjan ta’ ristrutturar tal-kumpanija.

(21)

Skont il-pjan ta’ ristrutturar li ġie ppreżentat, id-diffikultajiet tal-kumpanija ġew ikkawżati mill-ispiża finanzjarja għolja ta’ programm ta’ investiment imwettaq fil-perjodu 2000-2005, kif ukoll minn spejjeż operattivi għoljin u nuqqasijiet amministrattivi.

(22)

Il-pjan ikopri l-perjodu 2006-2011. Dan ġie aġġornat u aġġustat b’mod regolari tul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-idea prinċipali tal-proċess ta’ ristrutturar tipprevedi ħlas sħiħ tal-biċċa l-kbira tas-self tal-kumpanija mill-banek (inkluż is-self li għalih kienet approvata l-għajnuna ta’ salvataġġ f’Lulju 2008), tnaqqis fil-produzzjoni u fl-impjiegi (9), il-qlib tal-produzzjoni tal-kumpanija lejn prodotti li jiġġeneraw aktar qligħ (il-proporzjon tal-produzzjoni tal-ħjut speċjali bħala parti mill-produzzjoni totali għandha tiżdied għal […] % mill-2012) u l-organizzazzjoni mill-ġdid u l-immodernizzar tal-ġestjoni tal-kumpanija.

(23)

Skont it-tliet xenarji tal-pjan ta’ ristrutturar (xenarju intermedju, l-aħjar xenarju u l-agħar xenarju), il-kumpanija sejra terġa’ tikseb il-vijabbiltà tagħha fit-tul qabel tmiem l-2011.

(24)

Taħt it-tliet xenarji, il-bejgħ tal-kumpanija huwa mistenni li jiżdied, waqt li l-ispejjeż (mingħajr deprezzament) huma mistennija li jonqsu. Bħala riżultat, l-EBT + D (10) tal-kumpanija huma mistennija li jkunu negattivi fl-2010 u pożittivi fl-2011, fl-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturar. Fl-istess ħin, fl-2011 l-ROE (11) tal-kumpanija se jkun ogħla mill-ammont tal-ispejjeż tagħha relatati ma’ self (12) (fl-isfond tax-xenarju intermedju u tal-aħjar xenarju) jew ugwali għal dan l-ammont (fl-isfond tal-agħar xenarju).

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(25)

Fid-deċiżjoni tagħha biex tagħti bidu għall-proċedura, il-Kummissjoni indikat li l-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna kienet sejra tiġi evalwata fuq il-bażi tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u l-istrutturar mill-ġdid ta’ impriżi li jinsabu f’diffikultà (“Il-Linji Gwida R&R”) (13). Il-Kummissjoni għalhekk għamlet valutazzjoni inizjali tal-miżuri ta’ għajnuna fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-Linji Gwida R&R.

(26)

L-ewwelnett, il-Kummissjoni nnutat li l-Greċja ma kinitx għarrfitha dwar garanzija mill-Istat li kienet diġà ngħatat lil Varvaressos f’Mejju 2007. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li l-Greċja kienet għarrfitha, fin-notifika tagħha tal-għajnuna għas-salvataġġ f’Novembru 2007, li Varvaressos ma kinitx ingħatat għajnuna għal salvataġġ jew għal strutturar mill-ġdid qabel. Sussegwentement, il-Kummissjoni ddubitat jekk kinitx tikkunsidra lill-kumpanija bħala li hija eliġibbli għal għajnuna ta’ salvataġġ fid-deċiżjoni tagħha ta’ Lulju 2008, li kieku l-Greċja ma ppreżentatx informazzjoni żbaljata rigward il-garanzija tal-2007.

(27)

It-tieni nett, fid-dawl tal-garanzija tal-2007, il-Kummissjoni qajmet ukoll dubji dwar jekk il-kumpanija kinitx eliġibbli għall-għajnuna għall-istrutturar notifikata, jiġifieri jekk ġiex osservat il-prinċipju ta’ “darba waħda, l-aħħar darba”.

(28)

Fir-rigward tal-istatus tal-benefiċjarju bħala ditta li tinsab f’diffikultà, il-Kummissjoni nnotat li Varvaressos, minħabba t-telf u t-tnaqqis fil-bejgħ li laqtuha fis-snin ta’ qabel, tista’ tikkwalifika bħala ditta li tinsab f’diffikultà. Madankollu, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-fatt li Varvaressos kienet tabilħaqq tinsab f’diffikultà meta ngħatat il-garanzija tal-2007, għaliex il-kumpanija setgħet allegatament tikseb l-ippjanar mill-ġdid tas-self eżistenti tagħha mingħand l-istess banek mingħajr l-intervent pubbliku.

(29)

Rigward il-ksib mill-ġdid tal-vijabbiltà, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar l-iskeda ta’ żmien tal-pjan, li pprevediet treġġigħ lura għall-vijabbiltà fit-tul qabel tmiem l-2009. Minħabba li s-sena 2009 kienet waslet fi tmiemha u l-parti prinċipali tal-istrutturar mill-ġdid kienet għadha ma ġietx implimentata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-perjodu ta’ żmien li ġie stabbilit għall-ksib mill-ġdid tal-vijabbiltà ma setax jibqa’ jiġi kkunsidrat bħala wieħed realistiku.

(30)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet dubji rigward l-istħarriġiet dwar is-suq tal-għażil li ġew ippreżentati, u li jmorru lura sal-2007. Minħabba li kienu diġà għaddew sentejn u minħabba li minn dakinhar kien seħħ tibdil sinifikanti fl-ekonomija globali, kien possibbli li dawn l-istħarriġiet kienu saru obsoleti. Għalhekk il-Kummissjoni kellha bżonn sett ġdid ta’ dejta u tbassiriet, kif ukoll ta’ stħarriġiet aktar riċenti dwar is-suq.

(31)

Rigward l-evitar ta’ tfixkil mhux meħtieġ tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar iż-żewġ miżuri ta’ kumpens li ġew proposti. Dawn kienu: (a) l-għeluq ta’ wieħed mit-tliet impjanti tal-kumpanija, dak f’Naoussa; u (b) il-bejgħ tal-ishma miżmuma fil-kumpanija sussidjarja “Thiva Ginning Mills SA”. Iż-żewġ miżuri kienu qabel kollox ikkunsidrati bħala li huma meħtieġa biex tintlaħaq il-vijabbiltà fit-tul tal-benefiċjarju, u b’hekk ma kkumpensawx lill-kompetituri tal-kumpanija għat-tfixkil tal-kompetizzjoni.

(32)

Fl-aħħarnett, rigward il-limitazzjoni tal-għajnuna għall-ammont minimu neċessarju, il-Kummissjoni, għall-finijiet tal-valutazzjoni, ikkunsidrat lil Varvaressos bħala li hija kumpanija kbira (fl-2006 kellha fatturat annwali ta’ EUR 28 miljun) u indikat li kienet tinsab f’żona eliġibbli għall-għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE. Fuq il-bażi ta’ kif ġie stipulat hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet il-kontribuzzjoni proprja tal-kumpanija biex fil-prinċipju din tkun ta’ mill-inqas 40 % tal-ispiża totali tal-pjan.

4.   IL-KUMMENTI TAL-GREĊJA

(33)

L-informazzjoni li ġiet ippreżentata mill-awtoritajiet Griegi rigward l-allegati miżuri ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu jiġu mqassra kif ġej:

4.1.   Il-garanzija tal-2007 bħala għajnuna mill-istat

(34)

Il-Greċja tirrikonoxxi li tat il-garanzija mill-Istat ta’ Mejju 2007. Madankollu, il-Greċja ssostni li din ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, il-Greċja ssostni li: (a) banek tas-self kienu jaqblu mal-ippjanar mill-ġdid, anki mingħajr il-garanzija mill-Istat, (b) ma kien hemm l-ebda bżonn ta’ garanzija mill-Istat, minħabba li s-self kien kopert b’mod xieraq fl-ippjanar mill-ġdid minn assi ta’ valur ogħla minn dak tal-ammont pendenti u (c) il-garanzija mill-Istat tal-2007 ma tejbitx il-kapaċità tal-kumpanija biex tiġbor fondi fis-suq kapitali, minħabba li Varvaressos kienet għadha kapaċi tiġbor il-fondi weħidha.

4.2.   Il-benefiċjarju bħala “ditta li tinsab f’diffikultà” fl-2007

(35)

Il-Greċja ssostni li Varvaressos kienet tabilħaqq tinsab f’diffikultà fl-2007 u li kien biss grazzi għal assi ta’ valur konsiderevoli mingħajr piżijiet li seta’ jkollha aċċess għas-suq finanzjarju mingħajr garanzija mill-Istat.

(36)

Il-Greċja ssostni wkoll li l-ippjanar mill-ġdid tas-self tal-2007 ma kienx biżżejjed biex il-kumpanija tiffinanzja r-ristrutturar tagħha. Dan intuża biss biex id-dejn sostanzjali eżistenti jiġi organizzat mill-ġdid. Kien għad hemm bżonn ta’ ffinanzjar ġdid, u dan ma ġiex permezz tal-ippjanar mill-ġdid tal-2007. Għalhekk, il-kumpanija ma kinitx kapaċi li terġa’ tikseb il-vijabbiltà tagħha weħidha, u l-intervent pubbliku kien regolari. Għalhekk, Varvaressos tissodisfa l-kriterju tal-punt 9 tal-Linji Gwida tal-R&R.

(37)

F’dan l-isfond, il-Greċja ssostni li jekk il-miżura 2007 titqies bħala li hija għajnuna mill-Istat, il-kumpanija kienet eliġibbli biex tirċievi għajnuna ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturar.

4.3.   Il-prinċipju ta’ “darba waħda, l-aħħar darba”

(38)

Skont il-Greċja, it-tliet miżuri li qegħdin jiġu eżaminati (il-garanzija mill-Istat tal-2007, il-garanzija mill-Istat tal-2008 u l-għotja diretta notifikata), ingħataw sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar wieħed.

(39)

F’Diċembru 2006, Varvaressos applikat għal għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar u ppreżentat l-istess pjan li ġie notifikat lill-Kummissjoni aktar tard f’Jannar 2009. Id-differenza bejn iż-żmien meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar lill-awtoritajiet Griegi (Diċembru 2006) u n-notifika tal-għotja diretta tal-2009 lill-Kummissjoni (Jannar 2009) kienet ġiet ikkawżata biss minn kwistjonijiet amministrattivi u mhux minn diffikultajiet kontinwi u minn ħtieġa ripetittiva għal intervent mill-Istat.

(40)

Barra minn hekk, il-garanzija tal-2007 (miżura 1) kienet maħsuba biex tindirizza l-problemi finanzjarji tal-kumpanija fiż-żmien qasir, billi tagħtiha spazju biex tirkupra n-nifs permezz tal-iffriżar ta’ pagamenti tas-self għal sentejn. Il-miżuri l-oħrajn kienu maħsuba biex jeliminaw il-problemi finanzjarji tal-kumpanija fit-tul. Fl-istess ħin, it-tliet miżuri kienu ta’ natura komuni, minħabba li kollha indirizzaw il-problema tas-self tal-kumpanija mill-banek.

(41)

Il-Greċja finalment issostni li t-tliet miżuri huma partijiet tal-istess proċess ta’ ristrutturar, u għalhekk ma sarx ksur tal-prinċipju ta’ “darba waħda, l-aħħar darba”.

4.4.   L-ispejjeż ta’ ristrutturar u l-kontribuzzjoni proprja

(42)

L-ispejjeż għar-ristrutturar jikkonsistu fir-ristrutturar ta’ self fit-tul mill-banek (EUR 23 miljun), fir-ristrutturar tal-impjiegi (EUR 1 miljun), f’investimenti (EUR 3 miljuni) u fir-ristrutturar ta’ assi (EUR 1 miljun). Dawn l-ispejjeż jammontaw għal EUR 28 miljun (14).

(43)

Il-Greċja ssostni li l-ispejjeż totali tar-ristrutturar sejrin jiġu ffinanzjati permezz ta’ EUR 14-il miljun f’għajnuna mill-Istat u EUR 14-il miljun ta’ kontribuzzjoni proprja. Il-kontribuzzjoni proprja tinkludi dħul ta’ […] u EUR 1 miljun mill-bejgħ ta’ ishma miżmuma f’kumpanija sussidjarja fl-2007.

4.5.   L-evitar ta’ tgħawwiġ mhux meħtieġ tal-kompetizzjoni

(44)

Rigward il-miżuri ta’ kumpens, fil-pjan ġie inizjalment propost (qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali): (a) il-waqfien tal-operazzjonijiet f’waħda mit-tliet impjanti tal-kumpanija, li beda fl-2007 u li ġie konkluż fl-2008; u (b) il-bejgħ ta’ ishma miżmuma f’kumpanija sussidjarja, li seħħ fl-2007. Il-kumpanija ddikjarat li din is-sussidjarja kienet qed iġġarrab telf fis-snin 2005 u 2006.

(45)

Wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Greċja pproponiet il-miżuri alternattivi ta’ kumpens li ġejjin:

L-irtirar tal-kumpanija mis-suq Grieg b’mill-inqas 10 % meta mqabbel mal-bejgħ fl-2009 fil-Greċja, għall-perjodu sa tmiem l-2013, jiġifieri sentejn wara t-tmiem tar-ristrutturar.

Il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe tip ta’ għajnuna mill-Istat lill-kumpanija għall-perjodu sa tmiem l-2013, jiġifieri sentejn wara t-tmiem tar-ristrutturar.

(46)

Il-Greċja ssostni li hemm raġunijiet li jiġġustifikaw miżuri ta’ kumpens inqas stretti u li jnaqqsu l-kontribuzzjoni proprja fil-każ ta’ Varvaressos.

(47)

B’mod partikolari, il-Greċja ssostni li Varvaressos tinsab fiż-żona ta’ Imathia, żona megħjuna b’għajnuna reġjonali. Ir-rata tal-qgħad f’Imathia hija d-doppju tal-medja nazzjonali, u l-PDG tagħha huwa ta’ 70 % tal-medja nazzjonali. Fl-istess ħin, in-numru ta’ kumpaniji tal-ħwejjeġ/tat-tessuti f’Imathia naqas minn 296 għal 181 fl-2008 (tnaqqis ta’ 39 %). Fl-aħħar nett, intilfu 56 % tal-impjiegi fil-kumpaniji b’aktar minn għaxar impjegati tul dawn l-aħħar ftit snin.

(48)

Il-Greċja ssostni wkoll li d-daqs ta’ Varvaressos naqas b’mod sinifikanti mill-2006, minħabba li wieħed mit-tliet impjanti tagħha għalaq, u minħabba l-bejgħ tas-sussidjarja tagħha. L-għeluq tal-impjant ikkawża tnaqqis fil-forza tax-xogħol b’[…] sigħat ta’ xogħol, u tnaqqis fil-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ 30 %, li barra minn hekk ma jistax jerġa’ jitreġġa’ lura (minħabba rimi jew bejgħ ta’ tagħmir). Il-bejgħ tal-kumpanija sussidjarja kkawża tnaqqis ta’ EUR 6,7 miljun fil-fatturat annwali. B’mod ġenerali, is-sehem tas-suq tal-kumpanija tnaqqas b’27 % fil-kuntest tal-valur tal-bejgħ u bi 30 % fil-kuntest tal-volum tal-bejgħ. Barra minn hekk, il-kumpanija waqqfet l-operazzjonijiet kollha tagħha fl-Estonja, l-Ungerija u r-Rumanija, u parti mill-operazzjonijiet tagħha fl-Awstrija, il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Italja u l-Polonja (medda ta’ rtirar ta’ bejn […] % u […] %).

5.   KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI

(49)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand Varvaressos. L-argumenti tagħha qablu kważi bis-sħiħ ma’ dawk li tressqu mill-awtoritajiet Griegi.

(50)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti minn partijiet terzi oħra, li jew kienu relatati mal-operazzjonijiet ta’ Varvaressos jew kienu affettwati minnhom. Il-kummenti kollha faħħru l-istatus tal-benefiċjarju, kemm bħala kontributur għall-ekonomija lokali kif ukoll bħala kumpanija stabbilita b’mod sod. Ġie ddikjarat ukoll li l-waqfien tal-operazzjonijiet tal-kumpanija kienu se jnaqqsu b’mod sinifikanti l-impjiegi u l-kapaċità ta’ produzzjoni fil-Greċja, u b’mod partikolari f’Imathia. Barra minn hekk, ġie ddikjarat li l-għajnuna lil Varvaressos ma toħloq l-ebda tgħawwiġ għall-kompetizzjoni, minħabba s-sehem minimu tas-suq li għandha l-kumpanija.

6.   VALUTAZZJONI: L-EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA

6.1.   Il-Miżuri 1 u 2: Il-garanziji mill-Istat tal-2007 u tal-2008

(51)

L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jiddikjara bħala inkompatibbli mas-suq intern kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li tgħawweġ jew li thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċertu impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċertu oġġetti, u li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk, sabiex tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat, miżura għandha tissodisfa dawn l-erba’ kriterji li ġejjin.

(52)

L-ewwel nett, miżura għandha tingħata minn Stat Membru jew mir-riżorsi tal-Istat. Garanziji mill-Istat iqiegħdu r-riżorsi tal-Istat f’riskju, minħabba li s-sejħa tagħhom titħallas mill-baġit tal-Istat. Barra minn hekk, kull garanzija li mhijiex remunerata b’mod xieraq tinvolvi telf ta’ riżorsi finanzjarji għall-Istat. Barra minn hekk, garanziji mill-Istat jingħataw permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Ministeri kompetenti. F’dan il-każ, kien permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministeru tal-Finanzi Grieg li l-garanziji tal-2007 u tal-2008 ngħataw lil Varvaressos. Għalhekk, il-kriterju ta’ riżorsi mill-Istat jitqies bħala li ġie sodisfatt.

(53)

It-tieni nett, miżura għandha tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju. Il-Kummissjoni tqis li ż-żewġ garanziji in kwistjoni taw vantaġġ mhux dovut lil Varvaressos. Tabilħaqq, għar-raġunijiet stabbiliti fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għal għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (“l-Avviż dwar il-Garanziji”) (15), taqsimiet 2.2 u 3.2, meta min jissellef ma jħallasx prezz orjentat lejn is-suq għall-garanzija, dan ikun kiseb vantaġġ. F’ċertu każijiet, min jissellef, bħala ditta li tinsab f’diffikultajiet finanzjarji, ma jsibx istituzzjoni finanzjarja lesta li ssellef, taħt kwalunkwe termini, mingħajr garanzija mill-Istat.

(54)

Fil-punt 3.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji, il-Kummissjoni stipulat tliet kundizzjonijiet kumulattivi li hija tqis bħala biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat (jiġifieri vantaġġ) fil-forma ta’ garanzija. Dawn huma:

Min jissellef ma jinsabx f’diffikultà finanzjarja;

Il-garanzija ma tkoprix aktar minn 80 % tas-self pendenti;

L-ammont tal-garanzija jista’ jitkejjel b’mod xieraq meta din tingħata;

Għall-garanzija għandu jitħallas prezz orjentat lejn is-suq.

(55)

Meta dawn il-kriterji jiġu applikati għal dan il-każ, il-Kummissjoni ssib li:

Varvaressos kienet tinsab f’diffikultjiet finanzjarji (16) kemm meta ngħatat il-garanzija tal-2007, kif ukoll meta ngħatat il-garanzija tal-2008.

It-tieni nett, kif muri fil-premessi 13, 16 u 18, il-garanziji tal-2007 u tal-2008 koprew aktar minn 100 % tas-self.

It-tielet nett, rigward il-garanzija tal-2007, il-Kummissjoni tinnota li l-ammont tal-garanzija ma jistax jitkejjel sewwa meta jkun ingħata. Dan jidher mill-fatt li, skont l-informazzjoni li ntbagħtet mill-awtoritajiet Griegi (ara hawn fuq, il-premessi 13 u 16), inizjalment il-garanzija kienet mistennija li tkopri 80 % tas-self, jew EUR 18,2 miljun, iżda eventwalment, fuq il-bażi ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tal-iskema ta’ garanzija, kopriet EUR 30 miljun.

Ir-raba’ nett, il-garanziji tal-2007 u tal-2008 kienu ngħataw għal self lil ditta li tinsab f’diffikultajiet finanzjarji, u ma kinux jipprovdu għall-primjum għall-garanti (l-Istat). Is-sempliċi fatt li ma tħallas l-ebda dritt għall-garanziji jista’ jindika li l-miżuri taw vantaġġ lil Varvaressos. Garanzija mingħajr ħlas ta’ primjum mhijiex disponibbli fis-suq bankarju kummerċjali. Dan huwa iktar minnu għal garanziji mogħtija lil ditti li jinsabu f’diffikultà, li għandhom riskju għoli ta’ inadempjenza.

(56)

Fuq il-bażi ta’ kif issemma’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kumpanija ma kinitx tikseb il-garanziji tal-2007 u tal-2008 taħt l-istess kundizzjonijiet fis-suq, u b’hekk dawn il-miżuri jikkostitwixxu vantaġġ.

(57)

It-tielet nett, biex titqies bħala għajnuna skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, miżura għandha tkun waħda selettiva. Il-garanzija tal-2007 kienet ibbażata fuq skema settorjali u l-garanzija tal-2008 kienet miżura ad hoc għal Varvaressos. Għalhekk, il-kriterju ta’ selettività jitqies bħala li ġie sodisfatt.

(58)

Fl-aħħar nett, miżura għandha tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri. Varvaressos hija attiva f’settur li l-prodotti tiegħu huma kkummerċjalizzati ħafna bejn l-Istati Membri, liema settur huwa soġġett għal kompetizzjoni intensa. Fiż-żmien li ngħataw il-miżuri ta’ għajnuna, il-biċċa l-kbira tal-bejgħ ta’ Varvaressos kien sar ma’ Stati Membri oħra (ara l-premessa 7 hawn fuq). Barra minn hekk, il-miżuri ta’ għajnuna in kwistjoni taw vantaġġ lil Varvaressos fuq il-kompetituri tagħha (ara l-premessi 53-56 hawn fuq). Meta għajnuna mill-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jikkompetu fil-qasam tal-kummerċ bejn Stati Membri, l-impriżi l-oħra għandhom jitqiesu bħala li huma affettwati minn dik l-għajnuna. Għalhekk, il-kriterju tat-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri jitqies bħala li ġie tabilħaqq sodisfatt.

(59)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ġie konkluż li l-garanziji tal-Istat tal-2007 u tal-2008 (il-miżuri 1 u 2) jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur Varvaressos skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

6.2.   Il-Miżura 3: L-għotja diretta nnotifikata tal-2009

(60)

Fir-rigward tal-kriterju ta’ riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà, din l-għotja diretta mill-Istat qiegħda tingħata mill-baġit tal-Istat, u hija approvata mill-ministeru responsabbli. Għalhekk, il-kriterju jitqies bħala li ġie sodisfatt.

(61)

Fir-rigward tal-kriterju rigward il-vantaġġ, l-għotja diretta ġiet deċiża favur kumpanija li tinsab f’diffikultajiet finanzjarji. L-Istat Grieg ma jirċievi l-ebda ħlas korrispettiv għall-għotja. Għalhekk, l-għotja tagħti vantaġġ lil Varvaressos.

(62)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għotja diretta notifikata tal-2009 sejra tagħti vantaġġ lill-kumpanija skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(63)

Fir-rigward tal-kriterju rigward is-selettività, l-għotja diretta ġiet deċiża fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ad hoc għall-kumpanija. Għalhekk, il-kriterju jitqies bħala li ġie sodisfatt.

(64)

Fl-aħħar nett, il-kriterju ta’ tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri jitqies bħala li ġie sodisfatt bl-istess mod kif imsemmi fil-premessa 58 hawn fuq.

(65)

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għotja diretta notifikata tal-2009 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur Varvaressos skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

6.3.   Għajnuna illegali

(66)

Skont l-Artikolu 1(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (17), għajnuna ġdida li tkun iddaħħlet fis-seħħ bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija għajnuna illegali.

(67)

F’dan il-każ, il-garanzija mill-Istat tal-2007 favur Varvaressos tpoġġiet fis-seħħ mill-Greċja mingħajr ma ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u mingħajr ma ħadd ma’ stenna d-deċiżjoni finali jew il-kummenti ta’ din tal-aħħar rigward il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern.

(68)

Għalhekk, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li l-garanzija mill-Istat tal-2007 hija illegali.

7.   VALUTAZZJONI: KOMPATIBBILTÀ MAT-TFUE

(69)

Kif stipulat fil-punt 4.1 tal-Avviż dwar il-Garanziji, fejn garanzija individwali jew skema ta’ garanzija ma tkunx konformi mal-prinċipju tal-investitur tal-ekonomija tas-suq, din titqies bħala li tinvolvi għajnuna mill-Istat. Għalhekk, l-element ta’ għajnuna mill-Istat għandu jiġi kkwantifikat sabiex jiġi mistħarreġ jekk l-għajnuna tistax tinstab bħal li hi kompatibbli skont eżenzjoni speċifika ta’ għajnuna mill-Istat. Għalhekk, qabel tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna, il-Kummissjoni għandha tikkwantifika l-element ta’ għajnuna.

7.1.   Il-kwantifikazzjoni tal-għajnuna

(70)

Il-garanziji tal-2007 u tal-2008: il-Kummissjoni stabbiliet il-prinċipji ġenerali biex jiġi kkalkulat l-element ta’ għajnuna f’garanziji fl-Avviż dwar il-Garanziji.

(71)

Il-Kummissjoni tqis li, fil-prinċipju, garanzija mill-Istat tista’ titqies bħala għajnuna sal-ammont totali tas-self sottostanti jekk il-benefiċjarju ma jkunx kapaċi li jaċċedi għas-swieq finanzjarji permezz tal-mezzi tiegħu stess (ara l-punti 2.2 u 4.1(a) tal-Avviż dwar il-Garanziji).

(72)

L-Avviż dwar il-Garanziji, fil-punti 4.1 (regoli ġenerali), 4.2 (l-element ta’ għajnuna fil-garanziji individwali) u 4.4 (element ta’ għajnuna fi skemi ta’ garanzija), jistabbilixxi r-regoli li japplikaw għall-kalkolu tal-element ta’ għajnuna fil-garanziji. Fil-premessi li ġejjin, il-Kummissjoni sejra tapplika dawn ir-regoli għall-miżuri 1 u 2.

(73)

F’dan il-każ, il-Greċja wriet li Varvaressos kienet għadha tista’ taċċedi għas-swieq finanzjarji (ara l-premessa 35 hawn fuq) meta ngħatat il-garanzija tal-2007. Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kumpanija għad seta’ jkollha aċċess għas-swieq finanzjarji mingħajr il-garanziji mill-Istat tal-2007.

(74)

It-tielet nett, rigward il-garanzija tal-2007, il-Kummissjoni tinnota li l-Greċja nnotifikat il-garanzija tal-2008 qabel tmiem l-istess sena (Novembru 2007) li fiha tat il-garanzija tal-2007 (Mejju 2007). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li anki meta ngħatat il-garanzija tal-2008, il-kumpanija kienet għadha xi ftit jew wisq kapaċi li tħallas lura l-kreditu li ngħatat, u kellha wkoll aċċess għas-suq finanzjarju (18).

(75)

Madankollu, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji tagħha fiż-żmien tal-għoti tal-miżuri, il-banek kummerċjali kieku kienu japplikaw rata ta’ imgħax proporzjonalment ogħla minn dik miksuba b’garanzija mill-Istat, minħabba li din tal-aħħar hija sigurtà addizzjonali għall-banek. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-benefiċċju ta’ Varvaressos permezz tal-garanziji tal-2007 u tal-2008 ma kienx is-self totali, li setgħet waslet biex tikseb anki mingħajr il-garanziji mill-Istat, iżda r-rata aktar baxxa ta’ imgħax, li hija rċeviet grazzi għall-garanziji.

(76)

Skont il-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji, fin-nuqqas ta’ primjum tas-suq li miegħu jista’ jsir tqabbil, l-ispejjeż totali tal-iffinanzjar tas-self fis-suq bi u mingħajr garanzija (jiġifieri r-rata tal-imgħax għal self simili mingħajr garanzija għandha tiġi mqabbla mar-rata ta’ interess + primjum ta’ garanzija għas-self mal-garanzija mill-Istat) għandhom jitqabblu.

(77)

F’ħafna każijiet, rata ta’ imgħax tas-suq ta’ dan it-tip ma tkunx disponibbli. Għalhekk, fl-Avviż tagħha tal-2008 dwar il-metodu li jistabbilixxi r-referenza u r-rati ta’ skont (19) (“il-Komunikazzjoni tal-2008 dwar ir-Rata ta’ Referenza”), il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija finanzjarja li, għar-raġunijiet stabbiliti fil-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji, tista’ tintuża bħala prokura għar-rata ta’ imgħax tas-suq.

(78)

F’dan il-każ, ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ x’kienet tħallas Varvaressos għal self mhux garantit komparabbli. Barra minn hekk, l-għoti taż-żewġ garanziji seħħ qabel il-kriżi ekonomika u finanzjarja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li minħabba ż-żmien li għadda mill-għoti tal-miżuri, li tiġi kkalkulata rata tas-suq “reali” għal kumpanija tat-tessuti Griega huwa eżerċizzju diffiċli. Għalhekk, il-Kummissjoni sejra tuża r-rata ta’ referenza rilevanti bħala prokura għar-rata tas-suq.

(79)

Fir-rigward tal-garanzija mill-Istat tal-2007, fiż-żmien meta din ingħatat, il-garanziji fuq is-self ta’ Varvaressos jistgħu jitqiesu bħala li huma għoljin għall-finijiet tal-Komunikazzjoni tar-Rata ta’ Referenza tal-2008 (20). Għalhekk, l-element ta’ għajnuna tal-garanzija mill-Istat 2007 għandu jiġi kkalkulat b’marġni ta’ 400 punt bażi, applikabbli għal self titolizzat f’livell għoli għal impriżi li jinsabu f’diffikultà.

(80)

Fuq il-bażi ta’ dan ġie kkalkulat li b’kollox, l-ammont tal-imgħax tas-suq li kellu jitħallas għas-self kopert mill-garanzija tal-2007 fin-nuqqas tal-garanzija mill-Istat kien ta’ EUR 7,3 miljun. L-imgħax li tħallas għas-self (ma kien hemm l-ebda dritt ta’ garanzija) jammonta għal total ta’ EUR 4,9 miljun għall-perjodu minn Jannar 2007 sa Diċembru 2010. Għalhekk id-differenza bejn ir-rata speċifika ta’ imgħax tas-suq li kien ikollha tħallas din il-kumpanija mingħajr il-garanzija u r-rata ta’ imgħax miksuba permezz tal-garanzija mill-Istat wara l-ħlas ta’ primjums imħallsa hija ugwali għal element ta’ għajnuna ta’ EUR 2,4 miljun, li għandhom jiżdiedu mal-ammont ta’ għajnuna tal-pjan ta’ ristrutturar (21).

(81)

Fir-rigward tal-garanzija mill-Istat tal-2008, is-self sottostanti ta’ EUR 2,4 miljun tħallas lill-kumpanija fl-10 ta’ Frar 2009. Dan kellu rata ta’ imgħax ta’ 6 xhur Euribor b’żieda ta’ 3,6 %, u tul ta’ 6 xhur (jew sa tmiem il-valutazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar). Dan għadu ma tħallasx lura (għadu mal-kapital inizjali).

(82)

Il-kumpanija kienet għadha tinsab f’diffikultajiet u ma kellha l-ebda assi liberi x’toffri bħala garanzija (22). Fin-nuqqas ta’ garanzija, il-Kummissjoni għalhekk tapplika riforniment ta’ 1 000 punt bażi fuq ir-rata bażi Griega, li rriżulta fl-ammont ta’ EUR 550 000 f’imgħax tas-suq li kellu jitħallas għall-finanzjament tal-2008. L-imgħax li ġie impost għas-self tal-2008 jammonta (ma kien hemm l-ebda miżata ta’ garanzija) għal total ta’ EUR 0,25 miljun għall-perjodu minn Frar 2009 (meta tħallas is-self sottostanti) sa Diċembru 2010. Għalhekk id-differenza bejn ir-rata speċifika ta’ imgħax tas-suq li kien ikollha tħallas din il-kumpanija mingħajr il-garanzija u r-rata ta’ imgħax miksuba permezz tal-garanzija mill-Istat wara l-ħlas ta’ primjums imħallsa hija ugwali għal element ta’ għajnuna ta’ EUR 0,3 miljun, li għandhom jiżdiedu mal-ammont ta’ għajnuna tal-pjan ta’ ristrutturar.

(83)

Fir-rigward tal-miżura 3, minħabba li hija għotja diretta, l-ammont kollu ta’ EUR 14-il miljun jirrappreżenta l-element ta’ għajnuna.

(84)

Fuq il-bażi ta’ kif ġie stabbilit hawn fuq, l-element ta’ għajnuna totali fil-miżuri 1, 2 u 3 jammonta għal EUR 16,7 miljun.

7.2.   Il-bażi legali għall-valutazzjoni: il-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar

(85)

Safejn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-kompatibbiltà tagħhom għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dak l-Artikolu.

(86)

Jidher b’mod ċar li l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(2) u l-Artikolu 107(3), punti (d) u (e) mhumiex applikabbli u ma ġewx invokati mill-awtoritajiet Griegi.

(87)

Varvaressos kienet ditta li kienet tinsab f’diffikultà fiż-żmien meta ngħataw il-miżuri (ara l-premessa 9 hawn fuq u l-premessi 89-90 hawn taħt), għalhekk, il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl tal-Linji Gwida tal-R&R, jiġifieri skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

7.3.   Eliġibbiltà tal-impriża

(88)

Fir-rigward tal-punt 10(a) tal-Linji Gwida tal-R&R, il-Kummissjoni tinnota li għalkemm Varvaressos tilfet ammont sostanzjali ta’ ekwità proprja fil-perjodu 2004-2009, hija ma tilfitx aktar minn nofs il-kapital reġistrat tagħha fil-perjodu li qiegħed jiġi analizzat (2007-2009). Rigward il-punt 10(c), Varvaressos ma ssodisfatx il-kriterji taħt il-liġi domestika tagħha biex tkun is-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment kollettivi.

(89)

Min-naħa l-oħra, kif deskritt fil-premessa 9 hawn fuq, il-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpanija ddeterjorat b’mod sinifikanti fil-perjodu 2006-2009. Għalhekk ġie konkluż li fl-2006, Varvaressos kienet diġà ditta li tinsab f’diffikultà, skont it-tifsira tal-punt 11 tal-Linji Gwida tal-R&R, minħabba li kellha telf dejjem qed jiżdied u dħul dejjem qed jonqos.

(90)

Rigward il-punt 9 tal-Linji Gwida tal-R&R, jidher li fl-2007, apparti s-self li diġà ngħatalha, il-kumpanija kellha tabilħaqq bżonn ta’ aktar fondi sabiex tikseb il-vijabbiltà. Dan jidher mill-fatt li fl-2006 applikat għall-għajnuna għar-ristrutturar. Għalhekk, l-ippjanar mill-ġdid tal-2007 ma kienx biżżejjed għall-ksib mill-ġdid tal-vijabbiltà, għaliex serva biss biex iħallas is-self eżistenti, u mhux biex jikseb aktar self. Għalhekk, il-Kummissjoni taċċetta li fl-2007, il-kumpanija ma setgħetx terġa’ tikseb il-vijabbiltà mill-ġdid mingħajr għajnuna pubblika, u li kellha diffikultajiet finanzjarji anki fuq il-bażi tal-punt 9 tal-Linji Gwida tal-R&R.

7.4.   Il-prinċipju ta’ “darba waħda, l-aħħar darba”

(91)

Il-Kummissjoni tikkunsidra l-garanziji mill-Istat tal-2007 u tal-2008 bħala għajnuna ta’ salvataġġ. Tabilħaqq, din tal-ewwel kienet maħsuba biex tindirizza l-problemi finanzjarji tal-kumpanija fiż-żmien qasir, billi tagħtiha spazju biex tirkupra n-nifs permezz tal-iffriżar ta’ pagamenti fuq self għal sentejn. Din tal-aħħar kellha l-għan li żżomm il-kumpanija għaddejja sakemm jiġi ppreżentat pjan ta’ ristrutturar.

(92)

Minkejja l-fatt li l-garanzija tal-2007 fil-fatt kienet miżura ta’ għajnuna għas-salvataġġ, din ma waslitx fi tmiemha fi żmien 6 xhur mid-data meta ngħatat (it-30 ta’ Mejju 2007), jiġifieri sat-30 ta’ Novembru 2007. Fil-prinċipju, dan jikkostitwixxi abbuż ta’ għajnuna (illegali) u ksur tal-prinċipju ta’ “darba waħda, l-aħħar darba”.

(93)

Madankollu, il-Kummissjoni għandha wkoll tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna fuq kull bażi oħra possibbli. Il-punt 20 tal-Linji Gwida tal-R&R jillimita l-bażijiet għal dawk stipulati taħt il-linji gwida għas-salvataġġ u r-ristrutturar. Dan xorta għandu jħalli l-possibbiltà li l-għajnuna għas-salvataġġ tikkwalifika bħala għajnuna għar-ristrutturar, jiġifieri bħala parti minn serje kontinwa ta’ ristrutturar (ara wkoll il-Kawża C11/2007, Ottana Energia  (23).

(94)

F’dan il-kuntest u fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tliet miżuri li qed jiġu eżaminati jiffurmawx serje kontinwa ta’ ristrutturar jew le, il-Kummissjoni tikkunsidra li iva. Din il-konsiderazzjoni tirriżulta minn dan li ġej:

(95)

L-ewwel nett, it-tliet miżuri kienu diretti lejn l-istess għan, jiġifieri biex tiġi indirizzata l-problema li nħolqot mill-obbligi għoljin fir-rigward tas-self li l-kumpanija kellha fil-passat.

(96)

Barra minn hekk, il-garanziji tal-2007 u tal-2008 ma kinux biżżejjed biex jipprovdu lill-kumpanija bir-riżorsi finanzjarji meħtieġa għar-ristrutturar tagħha (ugwali għal mill-inqas is-self totali tagħha, jiġifieri EUR 25,4 miljun fl-aħħar tal-2006), minħabba li dan tal-aħħar seta’ jinkiseb biss permezz tat-tgħaqqid flimkien tat-tliet miżuri, bħala t-tliet porzjonijiet ta’ proċess wieħed ta’ ristrutturar.

(97)

Barra minn hekk, l-akbar parti tas-self li kien kopert mill-garanzija tal-2008 (EUR 1,8 miljun minn total ta’ EUR 2,4 miljun) kienet immirata lejn l-iffinanzjar tal-istess investimenti tal-għotja ta’ ristrutturar tal-2009. Fl-istess ħin, dawk l-investimenti kellhom jitwettqu tul l-istess perjodu ta’ żmien tal-pjan ta’ ristrutturar tal-2009 (ara l-premessa 19 hawn fuq).

(98)

Barra minn hekk, il-pjan ta’ ristrutturar tal-2009 huwa l-istess bħall-pjan ta’ rkupru li diġà ġie ppreżentat mill-kumpanija lill-awtoritajiet Griegi fl-2006 (ara l-premessi 11-12 hawn fuq), b’xi emendi fil-kuntest tal-valutazzjoni tiegħu.

(99)

Fl-aħħar nett, ir-ristrutturar inbeda tabilħaqq fl-2006. B’mod partikolari, il-pjan kien jinkludi erba’ miżuri ta’ ristrutturar li ġew applikati jew li bdew jiġu applikati qabel l-għoti tal-garanzija tal-2007 (Mejju 2007), jiġifieri t-tnaqqis fil-produzzjoni (2006), it-tnaqqis fil-forza tax-xogħol (2006), il-bejgħ tal-kumpanija sussidjarja Thiva (Jannar 2007) u l-organizzazzjoni mill-ġdid u l-immodernizzar tal-ġestjoni tal-kumpanija (2006).

(100)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ għajnuna li qed jiġu eżaminati huma partijiet tal-istess ristrutturar, mogħtija sabiex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni ta’ pjan wieħed ta’ ristrutturar. Għalhekk, ma sarx ksur tal-prinċipju ta’ “darba waħda, l-aħħar darba”.

7.5.   Il-ksib mill-ġdid tal-vijabbiltà

(101)

Fuq il-bażi ta’ kif imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni sejra tivvaluta l-kompatibbiltà tat-tliet miżuri ta’ għajnuna bħala serje kontinwa ta’ ristrutturar.

(102)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżuri previsti fil-pjan ta’ ristrutturar qegħdin tabilħaqq jindirizzaw l-għejun preċiżi tad-diffikultajiet tal-kumpanija. B’mod partikolari, fil-fehma tal-Kumissjoni l-pjan ġustament jidentifika l-fatturi (esterni u interni) bħala l-għejun tad-diffikultajiet ta’ Varvaressos:

Self kbir fil-passat (fil-perjodu 2000-2005);

Spejjeż operattivi għoljin (tnaqqis fil-marġini minħabba kompetizzjoni mill-Asja u prezzijiet tad-dħul li qegħdin dejjem jogħlew);

Nuqqas ta’ kapaċità li tirrispondi għall-iżvilupp tas-suq.

(103)

Il-miżuri ta’ ristrutturar li ġew proposti għandhom l-għan li jsolvu dawn il-problemi. L-ewwel nett, il-pjan jipproponi r-ristrutturar finanzjarju tal-kumpanija; it-tieni nett, jipproponi miżuri konkreti għat-titjib tal-marġni ta’ profitt tal-kumpanija billi jbiddel it-tipi differenti ta’ qligħ u jnaqqas l-ispejjeż operattivi; u t-tielet nett, jipproponi l-immodernizzar tal-ġestjoni. Il-miżuri ta’ ristrutturar huma mqassma f’14-il “azzjoni”, bi spejjeż attribwiti lil kull waħda minn dawn l-azzjonijiet. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-azzjonijiet li ġew proposti fil-fatt jidhru li qegħdin jindirizzaw il-problemi fundamentali tal-kumpanija.

(104)

Fir-rigward tal-impatt finanzjarju tal-pjan ta’ ristrutturar, il-projezzjonijiet finanzjarji jsegwu l-implimentazzjoni tal-pakkett tar-ristrutturar b’mod realistiku. Kemm iż-żieda fil-fatturat (madwar 5 % kull sena) kif ukoll iż-żieda fid-dħul operattiv (madwar 10 % kull sena) huma raġonevoli wara l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar (jiġifieri l-għoti ta’ direzzjoni ġdida lill-firxa tal-prodotti u l-miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż).

(105)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni taċċetta li r-ristrutturar sejjer jippermetti li l-kumpanija terġa’ tikseb il-vijabbiltà fl-2011 u li l-azzjonisti tagħha se jkollhom redditu fuq il-kapital li investew li se jkun ogħla minn jew (fl-agħar każ) ugwali għall-ispiża tagħhom għas-self, u għaldaqstant, ta’ livell sodisfaċenti. Il-Kummissjoni tinnota li dawn ir-riżultati sejrin jinkisbu fi żmien raġonevoli u li r-riżultati mistennija huma bbażati fuq suppożizzjonijiet raġonevoli.

(106)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-pjan jissodisfa l-kriterji tal-punti 35-37 tal-Linji Gwida tal-R&R.

7.6.   L-evitar ta’ tgħawwiġ mhux dovut għall-kompetizzjoni

(107)

Fir-rigward tal-miżuri ta’ kumpens li ġew proposti, il-pjan ta’ ristrutturar jipproponi: (a) l-irtirar tal-kumpanija mis-suq Grieg b’mill-inqas 10 % meta mqabbel mal-bejgħ fl-2009 fil-Greċja, għall-perjodu sa tmiem l-2013, jiġifieri sentejn wara t-tmiem tar-ristrutturar (b) il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe tip ta’ għajnuna mill-Istat lill-kumpanija għall-perjodu sa tmiem l-2013, jiġifieri sentejn wara t-tmiem tar-ristrutturar.

(108)

Il-Kummissjoni tqis li l-irtirar propost b’10 % mill-Greċja sejjer jippermetti li l-kompetituri jidħlu fi jew iżidu l-bejgħ tagħhom f’suq li fih il-kumpanija għad għandha preżenza msaħħa. Tabilħaqq, il-preżenza tal-kumpanija fil-Greċja żdiedet b’mod konsiderevoli tul dawn l-aħħar snin, minn 32 % għal 42 %, b’differenza għall-bejgħ tagħha fl-UE, li naqas minn 67 % għal 52 % (ara l-premessa 7 hawn fuq). Fl-aħħar nett, il-kumpanija hija kklassifikata bħala l-għaxar waħda fis-suq Grieg tat-tessuti (skont id-dejta tal-2007, ara l-premessa 8 hawn fuq). Fl-istess ħin, żdiedet ukoll il-preżenza tal-kumpanija fil-pajjiżi li mhumiex parti mill-UE f’dawn l-aħħar snin (minn 1 % sa 6 %), li juri li l-vijabbiltà tal-kumpanija ma tiddependix fuq li tiżdied il-preżenza tagħha fis-suq tal-UE.

(109)

Fl-istess ħin, l-irtirar mis-suq Grieg se jfisser li Varvaressos se ċċedi, b’mod parzjali jew bis-sħiħ, ir-relazzjonijiet kummerċjali li stabbiliet f’pajjiżha, u li se tipprova tibdilhom b’oħrajn ġodda, fi Stati Membri oħra tal-UE jew f’pajjiżi terzi. Dan sejjer ikun test reali tal-kompetittività tal-kumpanija.

(110)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li huwa mistenni li l-bejgħ tal-kumpanija sejjer jiżdied fit-tliet xenarji ta’ vijabbiltà (ara l-premessa 24 hawn fuq). Madankollu, it-tnaqqis tal-bejgħ fil-Greċja ma joħloqx kontraddizzjoni maż-żieda fil-fatturat: dan tal-ewwel jista’ jseħħ għall-benefiċċju tal-kompetituri tal-kumpanija billi jagħtihom aktar spazju għall-kapaċità; dan tal-aħħar se jippermetti l-vijabbiltà tal-benefiċjarju.

(111)

Madankollu, jista’ jingħad li s-sena l-aktar xierqa biex tintuża bħala l-punt ta’ referenza għall-irtirar ta’ 10 % mis-suq Grieg għandha tkun l-2006 minflok l-2009. Dan minħabba li skont il-punt 40 tal-Linji Gwida tal-R&R, “It-tnaqqis għandu jkun parti integrali tar-ristrutturar skont kif stabbilit fil-pjan ta’ ristrutturar”. Tabilħaqq, ir-ristrutturar tal-kumpanija beda fl-2006 u kellu jdum ħames snin (sal-2011). Għalhekk, skont din il-linja ta’ ħsieb, il-miżura ta’ kumpens għandu jkollha impatt li jieħu in kunsiderazzjoni u li jikkorrispondi għal kemm idum ir-ristrutturar, u mhux biss għal parti minnu.

(112)

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tinnota li l-impatt ta’ miżuri ta’ kumpens għandu jkun l-aktar sinifikanti possibbli. F’dan il-każ, il-bejgħ tal-kumpanija għall-2009 fil-Greċja kien ogħla mill-bejgħ għall-2006 (EUR 8,1 miljun u EUR 7,1 miljun, rispettivament). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżura għandha tiġi kkalkulata bi tqabbil mal-bejgħ għall-2009, minħabba li hekk ikollha impatt ogħla.

(113)

Fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ kwalunkwe tip ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tqis li din hija żieda għall-irtirar mis-suq Grieg, li diġà hija ta’ livell sodisfaċenti (10 %). Tabilħaqq, Varvaressos tinsab fiż-żona ta’ Imathia, żona megħjuna għal skopijiet ta’ għajnuna reġjonali skont id-deroga fl-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE (ara l-premessa 47 hawn fuq), li jfisser li l-kumpanija setgħet tkun eliġibbli għal għajnuna għall-investimenti b’intensità ta’ għajnuna ta’ 40 %. Projbizzjonijiet ta’ għajnuniet futuri diġà ġew approvati qabel, bħala miżuri ta’ kumpens addizzjonali, fil-kawżi Alstom  (24) u Constructions Mécaniques de Normandie  (25).

(114)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li d-daqs tal-kumpanija tant naqas li kwalunkwe tnaqqis ulterjuri jista’ biss ikun fatali għall-vijabbiltà tagħha (ara l-premessa 48 hawn fuq).

(115)

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tinnota mill-ġdid li l-impatt ta’ miżuri ta’ kumpens għandu jkun l-aktar sinifikanti possibbli. B’hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li t-tul tal-projbizzjoni futura ta’ għajnuna mill-Istat għandu jiġi estiż għal aktar minn sentejn. Dan mhux se jkun ta’ ħsara lill-vijabbiltà tal-kumpanija, iżda se jagħmel tajjeb għat-tfixkil mhux meħtieġ tal-kompetizzjoni. Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li projbizzjoni ta’ erba’ snin hija aktar xierqa.

(116)

Fuq il-bażi ta’ kif issemma’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri ta’ kumpens deskritti hawn fuq jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Linji Gwida R&R. B’mod partikolari: (a) huma ta’ benefiċċju għall-kompetituri ta’ Varvaressos, skont it-tifsira tal-paragrafu 31; (b) jingħataw forma prevista fil-paragrafi 39 u 46(c); u (c) sejrin iseħħu fis-suq li fih Varvaressos sejra jkollha pożizzjoni sinifikanti fis-suq wara r-ristrutturar, skont it-tifsira tal-paragrafu 40.

(117)

Barra minn hekk, skont il-punt 40 tal-Linji Gwida tal-R&R, il-miżuri ta’ kumpens huma proporzjonali mal-effetti ta’ tfixkil tal-għajnuna in kwistjoni, u b’mod partikolari mad-daqs u l-importanza relattiva tal-kumpanija fis-suq. Fl-2008, Varvaressos kellha sehem żgħir fis-suq ta’ […] % fil-produzzjoni tal-UE tal-ħjut (ara l-premessa 8 hawn fuq).

(118)

Fl-istess ħin, il-paragrafu 56 tal-Linji Gwida jipprevedi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna jistgħu jkunu inqas stretti f’żona megħjuna. Varvaressos tinsab fiż-żona ta’ Imathia, żona megħjuna għal skopijiet ta’ għajnuna reġjonali skont id-deroga fl-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE (ara l-premessa 47 hawn fuq).

(119)

Fuq il-bażi ta’ kif issemma’ hawn fuq, il-miżuri ta’ kumpens li ġew proposti mill-Greċja ma jidhrux li huma biżżejjed. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżuri, flimkien mal-projbizzjoni ta’ għajnuna fil-futur estiża sal-2015, tabilħaqq jissodisfaw il-kriterji tal-miżuri ta’ kumpens tal-Linji Gwida tal-R&R.

7.7.   Għajnuna limitata għall-ammont minimu: kontribuzzjoni reali, ħielsa minn għajnuna

(120)

Il-Greċja ssostni li sa mill-2009, il-kumpanija kienet ta’ daqs medju, skont il-kriterji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (26). Madankollu, meta jitqies il-fatt li l-kumpanija rċeviet għajnuna mill-Istat għall-ewwel darba fl-2007, għandha titqies bħala li hi kumpanija kbira għall-finijiet ta’ din il-valutazzjoni (fl-2006 kellha fatturat annwali ta’ EUR 28 miljun). Għalhekk, fil-prinċipju, il-kontribuzzjoni tal-kumpanija għall-pjan ta’ ristrutturar għandha tkun ta’ mill-inqas 50 % tal-ispiża totali tal-pjan, skont il-punt 44 tal-Linji Gwida R&R.

(121)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-kumpanija tinsab f’żona megħjuna għal skopijiet ta’ għajnuna reġjonali skont id-deroga fl-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE (ara l-premessa 47 hawn fuq). Skont il-punt 56 tal-Linji Gwida tal-R&R, f’żoni megħjuna u sakemm ma jkunx ġie stipulat mod ieħor fir-regoli dwar għajnuna mill-Istat f’qasam partikolari, il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna jistgħu jkunu inqas stretti fir-rigward tad-daqs tal-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju.

(122)

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi li ġew spjegati hawn fuq u b’konformità mal-prattika tagħha, il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ il-perċentwal ta’ 40 % jikkwalifika bħala kontribuzzjoni proprja xierqa skont il-Linji Gwida tal-R&R.

(123)

Fid-dawl ta’ dak li ssemma’ hawn fuq u fid-dawl tal-kalkolu tal-miżuri ta’ għajnuna fil-premessi 70 sa 84 hawn fuq, ir-ristrutturar ġenerali ta’ EUR 30,7 miljun huwa ffinanzjat kif ġej:

EUR 16,7 miljun f’għajnuna: għotja diretta ta’ EUR 14-il miljun, flimkien ma’ element ta’ għajnuna ta’ EUR 2,4 miljun tal-garanzija mill-Istat tal-2007 (skont ix-xenarju tal-400 punt bażi), flimkien ma’ element ta’ għajnuna ta’ EUR 0,3 miljun tal-garanzija mill-Istat tal-2008 (skont il-bażi 1 000);

flimkien ma’ EUR 14-il miljun ta’ kontribuzzjoni proprja.

(124)

Għalhekk, il-kontribuzzjoni proprja tal-kumpanija hija ta’ 46 % tal-ispiża finanzjarja totali tar-ristrutturar, jiġifieri aktar mill-minimu ta’ kontribuzzjoni proprja ta’ 40 % kif stabbilit fil-premessa 122 hawn fuq, u b’hekk f’limiti xierqa skont il-Linji Gwida tal-R&R.

8.   REVOKA TAD-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI TA’ LULJU 2008 DWAR GĦAJNUNA GĦAS-SALVATAĠĠ

(125)

Il-garanzija mill-Istat tal-2007 turi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2008 dwar għajnuna għas-salvataġġ (ara l-premessa 1 hawn fuq) kienet ibbażata fuq informazzjoni żbaljata li ġiet ipprovduta mill-awtoritajiet Griegi. B’mod partikolari, fin-notifika tal-għajnuna għas-salvataġġ (Novembru 2007), l-awtoritajiet Griegi ddikjaraw li Varvaressos ma kinitx irċeviet għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar, għalkemm kienet ingħatat garanzija mill-Istat f’Mejju 2007.

(126)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Proċedurali, il-Kummissjoni tista’ tirrevoka deċiżjoni li tkun ittieħdet skont l-Artikolu 4(3), wara li tkun tat l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat li jressaq il-kummenti tiegħu, f’każ li d-deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni żbaljata pprovduta waqt il-proċedura, li kienet fattur determinanti għad-deċiżjoni.

(127)

F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx konxja mill-fatt li Varvaressos kienet diġà ngħatat għajnuna qabel, waqt li diġà kienet tinsab f’diffikultà. Għalhekk, il-prinċipju ta’ “darba waħda, l-aħħar darba” ma ġiex eżaminat u l-għajnuna li ngħatat diġà ma ġietx ikkunsidrata fil-kalkolu tal-għajnuna għas-salvataġġ.

(128)

Bid-deċiżjoni tagħha tal-ftuħ tad-9 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni tat l-opportunità lill-Greċja biex tippreżenta l-kummenti tagħha dwar il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2008 dwar għajnuna għas-salvataġġ kienet ibbażata fuq l-informazzjoni żbaljata pprovduta mill-awtoritajiet Griegi li Varvaressos ma kinitx irċeviet għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar qabel. Fil-kummenti tagħha, il-Greċja ammettiet li kienet tat il-garanzija tal-Istat ta’ Mejju 2007. Madankollu, il-Greċja sostniet li l-garanzija tal-2007 ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (ara l-premessa 34 hawn fuq). Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argumenti tal-Greċja, minħabba li jew huma bbażati fuq dikjarazzjonijiet ipotetiċi u fuq kriterji rigward għajnuna li mhijiex mill-Istat, jew minħabba li jgħawwġu s-sens korrett tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.

(129)

Fuq il-bażi ta’ kif ġie stabbilit hawn fuq, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2008 dwar għajnuna għas-salvataġġ għandha tiġi revokata.

9.   KONKLUŻJONI

(130)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ għajnuna li qegħdin jiġu eżaminati huma kompatibbli mas-suq intern, jekk jiġu rispettati ċerti kundizzjonijiet,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2008 li tapprova l-għajnuna notifikata għas-salvataġġ favur Varvaressos hija revokata fuq il-bażi ta’ informazzjoni żbaljata li ġiet ipprovduta waqt il-proċedura u li kienet fattur determinanti għad-deċiżjoni, b’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999.

Artikolu 2

L-għajnuna li l-Greċja implimentat b’mod parzjali u li qed tippjana li timplimenta b’mod parzjali għal Varvaressos S.A. u li tammonta għal EUR 16,7 miljun hija kompatibbli mas-suq intern, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

Artikolu 3

1.   Il-pjan għar-ristrutturar ta’ Varvaressos għandu jiġi implimentat għal kollox.

2.   Mis-sena 2011, il-fatturat annwali mill-bejgħ ta’ Varvaressos fil-Greċja għandu jitnaqqas b’10 % meta mqabbel mal-fatturat mill-bejgħ fil-Greċja fl-2009. Din il-limitazzjoni għandha tapplika għas-snin kalendarji 2011, 2012 u 2013.

3.   Il-kumpanija ma hija sejra tingħata l-ebda tip ta’ għajnuna mill-Istat qabel tmiem l-2015. Dan jinkludi kull tip ta’ finanzjament minn sorsi lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE.

4.   Dawn l-aħħar żewġ kundizzjonijiet għandhom japplikaw għal Varvaressos, għas-sussidjarji kollha tagħha fil-ġejjieni, u għal kwalunkwe kumpanija kkontrollata mill-azzjonisti ta’ Varvaressos sal-punt li fih tuża assi produttivi (pereżempju impjanti, linji ta’ produzzjoni) li bħalissa huma proprjetà ta’ Varvaressos jew tas-sussidjarji tagħha. Dawn għandhom jibqgħu fis-seħħ ukoll jekk Varvaressos tinbiegħ u/jew tingħaqad f’entità legali differenti, jew jekk l-assi ta’ Varvaressos jinbiegħu bħala impriża avvjata lil entità legali differenti.

5.   Għall-finijiet ta’ monitoraġġ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha msemmija hawn fuq, il-Greċja għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b’rapporti dwar l-istat tal-progress tar-ristrutturazzjoni ta’ Varvaressos kull sitt xhur. Rigward il-limitazzjonijiet tal-bejgħ, il-Greċja għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b’rapporti annwali li juru l-figuri tal-bejgħ għas-sena kalendarja preċedenti, u li għandhom jintbagħtu mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Jannar.

Artikolu 4

Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Greċja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li ttieħdu biex tikkonforma magħha.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi-President


(1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru, rispettivament, l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE; iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma essenzjalment identiċi. Fejn xieraq, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu, rispettivament, bħala li huma referenzi għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 1250 finali tad-9 ta’ Marzu 2010 (ĠU C 126, 18.5.2010, p. 7).

(3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 2.

(4)  Il-Federazzjoni Ellenika tal-Intrapriżi, il-Kamra tan-Negozju ta’ Imathia, il-Muniċipalità ta’ Naoussa u Feinjersey Betriebsgesellschaft (impriża tal-ħwejjeġ Awstrijaka, […]).

(5)  N2322/95 u N2362/95, kif ukoll id-deċiżjoni ministerjali 2/478/0025 tal-4 ta’ Jannar 2006.

(6)  Il-miżura bħalissa qiegħda tiġi eżaminata fil-każ CP150/2009, li b’kollox tirrigwarda erba’ skemi ta’ garanzija adottati mill-awtoritajiet Griegi fil-perjodu 2006-2009, li ma ġewx notifikati lill-Kummissjoni. Ara wkoll il-Kawża C27/2010 United Textiles.

(7)  Kawża N635/07 (ĠU C 264, 17.10.2008, p. 1).

(8)  Kif ippreżentat mill-Awtoritajiet Griegi fin-notifika tal-għajnuna (Novembru 2007).

(9)  Għal 190 impjegat.

(10)  Qligħ Qabel it-Taxxa flimkien miżjud mad-Deprezzament.

(11)  Dħul fuq l-Ekwità.

(12)  6 xhur Euribor + massimu ta’ 3,6 %, attwalment ugwali għal 5 %.

(13)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(14)  Hawnhekk il-Kummissjoni qiegħda tirreferi għall-ispejjeż “reali” għar-ristrutturar. Fil-premessa 123 hawn taħt, fejn qed jiġu ppreżentati l-ispejjeż għar-ristrutturar, qegħdin jiġu inklużi wkoll l-elementi ta’ għajnuna tal-2007 u l-garanziji mill-Istat tal-2008 minħabba li għandhom jiġu ffinanzjati mill-kontribuzzjoni proprja.

(15)  ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

(16)  Ara t-taqsima 7.3 hawn taħt għal valutazzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni tal-kumpanija fl-2007 u fl-2008.

(17)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(18)  Id-deċiżjoni tal-2008 dwar l-għajnuna għas-salvataġġ ma kwantifikatx l-element ta’ għajnuna tal-garanzija.

(19)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont, ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(20)  L-assi tal-proprjetà immobbli ta’ Varvaressos kellhom valur kummerċjali u valur ta’ “likwidazzjoni” (dħul minn bejgħ taħt ċirkostanzi urġenti) qrib ta’ dak tas-self pendenti tagħha. B’mod partikolari, f’Jannar 2005 l-assi tal-proprjetà immobbli tal-kumpanija ġew ivvalutati bħala li għandhom valur kummerċjali ta’ EUR 15,6 miljun. F’Diċembru 2008 dawn ġew valutati bħala li għandhom valur kummerċjali ta’ EUR 28,8 miljun. Barra minn hekk, f’Diċembru 2007 is-self totali tal-kumpanija kien jammonta għal EUR 26,4 miljun, u għal EUR 29,2 miljun f’Diċembru 2008. Valur ta’ “likwidazzjoni” li huwa ugwali għal […] % tal-valur tal-assi fis-suq jammonta għal valur ta’ “likwidazzjoni” ta’ EUR […] miljun. Konsegwentement, il-valur ta’ “likwidazzjoni” tal-assi tal-proprjetà immobbli tal-kumpanija kien ugwali għal […] % tas-self pendenti tagħha sena wara li seħħ l-ippjanar mill-ġdid. Dan il-perċentwal kieku jagħti LGD ta’ […] %, għaldaqstant, ta’ inqas minn […] %. Fuq din il-bażi, il-kollateralizzazzjoni tas-self ippjanat mill-ġdid titqies bħala li hija għolja.

(21)  Il-kalkolu sar billi l-imgħax li ġie impost jitqabbel mal-imgħax li suppost kellu jiġi impost. Dan twettaq għall-perjodu minn Jannar 2007 (meta daħlet fis-seħħ il-garanzija mill-Istat tal-2007) sa Diċembru 2010, minħabba li l-pjan ta’ ristrutturar jipprovdi għal rifużjoni sħiħa tas-self.

(22)  Fil-verità, kien hemm xi assi li ġew offruti bħala garanzija, iżda dawn kienu diġà ġew ipotekati qabel, u għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li koprew is-self tal-2008 b’mod effettiv.

(23)  ĠU L 259, tat-2.10.2009, paġ. 22.

(24)  ĠU L 150, 10.6.2005, p. 24, paragrafu 209.

(25)  ĠU C 191, 17.8.2007, p. 1, paragrafu 29.

(26)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.