ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2011.173.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 173

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 54
1 ta' Lulju 2011


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2011 tat-30 ta’ Ġunju 2011 li jemenda għall-152 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, man-network ta’ Al-Qaida u mat-Taliban

1

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 641/2011 tat-30 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

3

 

 

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 642/2011 tat-30 ta’ Ġunju 2011 li jiffissa d-dazji tal-importazzjoni fis-settur taċ-ċereali applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2011

5

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2011/386/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2011 li taħtar il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew

8

 

 

2011/387/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 dwar it-tnedija ta’ skambju awtomatizzat ta’ data fir-rigward ta’ Data dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi (VRD) fis-Slovenja

9

 

 

2011/388/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2011/44/UE dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-Bulgarija (notifikata bid-dokument numru C(2011) 4573)  ( 1 )

10

 

 

2011/389/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 dwar il-kwantità ta’ kwoti madwar l-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3e(3) (a) sa (d) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità ( 1 )

13

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

1.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 640/2011

tat-30 ta’ Ġunju 2011

li jemenda għall-152 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, man-network ta’ Al-Qaida u mat-Taliban

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, man-network ta’ Al-Qaida u mat-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-iffriżar ta' fondi u riżorsi finanzjarji oħra fir-rigward tat-Taliban tal-Afganistan (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 7(1)(a) u 7a(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jelenka l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet koperti mill-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi skont dak ir-Regolament.

(2)

Fit-22 ta’ Ġunju 2011, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jneħħi ħames persuni naturali u tliet persuni ġuridiċi mil-lista ta' persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi.

(3)

Għaldaqstant l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 għandu jiġi aġġornat biex jirrifletti dan.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2011

Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,

Kap tas-Servizz tal-Politika Estera Strumenti


(1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.


ANNESS

L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-annotazzjonijiet li ġejjin taħt l-intestatura “Persuni ġuridiċi, gruppi u entitajiet” għandhom jitħassru:

(a)

Meadowbrook Investments Limited. Indirizz: 44 Upper Belgrave Road, Clifton, Bristol, BS8 2XN, Ir-Renju Unit. Tagħrif ieħor: (a) Numru ta’ reġistrazzjoni: 05059698; (b) Assoċjati ma’ Mohammed Benhammedi. Data tal-klassifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2a (4)(b): 7.2.2006.”

(b)

Ozlam Properties Limited. Indirizz: 88 Smithdown Road, Liverpool L7 4JQ, Ir-Renju Unit. Tagħrif ieħor: (a) Numru ta’ reġistrazzjoni: 05258730; (b) Assoċjati ma’ Mohammed Benhammedi. Data tal-klassifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2a (4)(b): 7.2.2006.”

(c)

Sara Properties Limited (magħrufa ukoll bħala Sara Properties). Indirizz: (a) 104 Smithdown Road, Liverpool, Merseyside L7 4JQ, Ir-Renju Unit (b) 2a Hartington Road, Liverpool L8 OSG, Ir-Renju Unit. Tagħrif ieħor: (a) Numru ta’ reġistrazzjoni: 4636613; (b) Assoċjati ma’ Mohammed Benhammedi. Data tal-klassifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2a (4)(b): 7.2.2006.”

(2)

L-annotazzjonijiet li ġejjin taħt l-intestatura “Persuni naturali” għandhom jitħassru:

(a)

“Ghuma Abd’rabbah (magħruf ukoll bħala (a) Ghunia Abdurabba, (b) Ghoma Abdrabba, (c) Abd’rabbah, (d) Abu Jamil, (e) Ghunia Abdrabba). Indirizz: Birmingham, ir-Renju Unit. Data tat-twelid: 2.9.1957. Post tat-twelid: Benghazi, il-Libja. Nazzjonalità: Brittanika. Data tal-klassifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2a (4)(b): 7.2.2006.”

(b)

“Abd Al-Rahman Al-Faqih (magħruf ukoll bħala (a) Mohammed Albashir, (b) Muhammad Al-Bashir, (c) Bashir Mohammed Ibrahim Al- Faqi, (d) Al-Basher Mohammed, (e) Abu Mohammed, (f) Mohammed Ismail, (g) Abu Abd Al Rahman, (h) Abd Al Rahman Al-Khatab, (i) Mustafa, (j) Mahmud, (k) Abu Khalid). Indirizz: Birmingham, ir-Renju Unit. Data tat-twelid: 15.12.1959. Post tat-twelid: il-Libja. Data tal-klassifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2a (4)(b): 7.2.2006.”

(c)

“Mohammed Benhammedi (magħruf ukoll bħala (a) Mohamed Hannadi, (b) Mohamed Ben Hammedi, (c) Muhammad Muhammad Bin Hammidi, (d) Ben Hammedi, (e) Panhammedi, (f) Abu Hajir, (g) Abu Hajir Al Libi, (h) Abu Al Qassam (i) Hammedi Mohamedben). Indirizz: Midlands, ir-Renju Unit. Data tat-twelid: 22.9.1966. Post tat-twelid: il-Libja. Nazzjonalità: Libjana.”

(d)

“Abdulbaqi Mohammed Khaled (magħruf ukoll bħala (a) Abul Baki Mohammed Khaled (b) Abd’ Al-Baki Mohammed (c) Abul Baki Khaled (d) Abu Khawla). Indirizz: Birmingham, ir-Renju Unit. Data tat-twelid: 18.8.1957. Post tat-twelid: Tripli, il-Libja. Nazzjonalità: Brittanika.”

(e)

“Tahir Nasuf (magħruf ukoll bħala (a) Tahir Mustafa Nasuf, (b) Tahar Nasoof, (c) Taher Nasuf, (d) Al-Qa’qa, (e) Abu Salima El Libi, (f) Abu Rida, (g) Tahir Moustafa Nasuf, (h) Tahir Moustafa Mohamed Nasuf). Indirizz: Manchester, ir-Renju Unit. Data tat-twelid: (a) 4.11.1961, (b) 11.4.1961. Post tat-twelid: Tripli, il-Libja. Nazzjonalità: Libjana. Numru tal-Passaport: RP0178772 (Numru ta’ passaport Libjan). Numru ta' identifikazzjoni nazzjonali: PW548083D (Numru tas-Sigurtà Soċjali Brittannika). Tagħrif ieħor: Residenti fir-Renju Unit minn Jannar 2009. Data tal-klassifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2a (4)(b): 7.2.2006.”


1.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 641/2011

tat-30 ta’ Ġunju 2011

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

AR

26,0

EC

26,0

MK

29,3

TR

40,0

ZZ

30,3

0707 00 05

TR

96,4

ZZ

96,4

0709 90 70

EC

28,8

TR

110,5

ZZ

69,7

0805 50 10

AR

68,3

BR

42,9

CL

88,7

TR

68,6

UY

54,5

ZA

85,8

ZZ

68,1

0808 10 80

AR

134,7

BR

76,6

CA

105,9

CL

93,6

CN

77,5

NZ

110,8

US

155,4

UY

64,7

ZA

85,1

ZZ

100,5

0809 10 00

AR

89,7

TR

294,1

XS

152,4

ZZ

178,7

0809 20 95

TR

333,5

ZZ

333,5

0809 30

TR

179,1

XS

55,8

ZZ

117,5


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


1.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 642/2011

tat-30 ta’ Ġunju 2011

li jiffissa d-dazji tal-importazzjoni fis-settur taċ-ċereali applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2011

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 642/2010 tal-20 ta' Lulju 2010 dwar regoli ta' applikazzjoni (dazju ta' importazzjoni fis-settur taċ-ċereali) għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 136(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi li, għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM 1001 10 00, 1001 90 91, ex 1001 90 99 (qamħ durum ta' kwalità għolja), 1002, ex 1005 minbarra ż-żrieragħ ibridi, u ex 1007 minbarra l-ibridu għaż-żrigħ, id-dazju tal-importazzjoni huwa daqs il-prezz tal-intervent li jgħodd għal dawn il-prodotti fil-waqt tal-importazzjoni, biż-żieda ta' 55 % u bit-tnaqqis tal-prezz tal-importazzjoni CIF applikabbli għall-kunsenja kkonċernata. Madankollu, dan id-dazju ma jistax jaqbeż ir-rata ta' dazji fit-Tariffa Doganali Komuni.

(2)

L-Artikolu 136(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi li, għall-finijiet tal-kalkolu tad-dazju tal-importazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu msemmi, għall-prodotti kkonċernati kull tant żmien jiġu stabbiliti prezzijiet rappreżentattivi CIF għall-importazzjoni.

(3)

Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010, il-prezz li għandu jintuża għall-kalkolu tad-dazju tal-importazzjoni tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 1001 10 00, 1001 90 91, ex 1001 90 99 (qamħ durum ta' kwalità għolja), 1002 00, 1005 10 90, 1005 90 00 u 1007 00 90, huwa l-prezz rappreżentattiv tal-importazzjoni CIF tal-ġurnata stabbilit skont il-metodu pprovdut fl-Artikolu 5 tar-Regolament imsemmi.

(4)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti d-dazji tal-importazzjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2011, applikabbli sakemm jidħlu fis-seħħ dazji tal-importazzjoni ġodda,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mill-1 ta’ Lulju 2011, id-dazji tal-importazzjoni fis-settur taċ-ċereali msemmija fl-Artikolu 136(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 huma stipulati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament abbażi tal-fatturi msemmija fl-Anness II.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 187, 21.7.2010, p. 5.


ANNESS I

Dazji tal-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 136(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2011

Kodiċi NK

Isem tal-merkanziji

Dazju tal-importazzjoni (1)

(EUR/t)

1001 10 00

QAMĦ iebes ta' kwalità għolja

0,00

ta' kwalità medja

0,00

ta' kwalità baxxa

0,00

1001 90 91

QAMĦ għaż-żrigħ

0,00

ex 1001 90 99

QAMĦ komuni ta' kwalità għolja, minbarra dak li hu taż-żrigħ

0,00

1002 00 00

SEGALA

0,00

1005 10 90

QAMĦIRRUM għaż-żrigħ minbarra dak ibridu

0,00

1005 90 00

QAMĦIRRUM minbarra dak taż-żrigħ (2)

0,00

1007 00 90

SORGU f'żerriegħa minbarra dik ibrida taż-żrigħ

0,00


(1)  Għall-prodotti li jaslu fl-Unjoni mill-Oċean Atlantiku jew mill-Kanal ta' Suez (l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010) l-importatur jista' jibbenefika minn tnaqqis ta' dazju ta':

EUR 3 kull tunnellata, jekk il-port tal-ħatt jinsab fil-Baħar Mediterran jew fil-Baħar l-Iswed,

EUR 2 kull tunnellata, jekk il-port fejn isir il-ħatt jinsab fl-Irlanda, fir-Renju Unit, fid-Danimarka, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja, fil-Finlandja, fl-Isvezja jew fuq il-kosta Atlantika tal-Peniżola Iberika.

(2)  L-importatur jista' jibbenefika minn tnaqqis fiss ta' EUR 24 kull tunnellata jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 642/2010 huma sodisfatti.


ANNESS II

Fatturi għall-kalkolu tad-dazji fl-Anness I

16.6.2011-29.6.2011

(1)

Medji fuq il-perjodu ta' referenza msemmi fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010:

(EUR/t)

 

Qamħ (1)

Qamħirrum

Qamħ iebes kwalità għolja

Qamħ iebes, kwalità medja (2)

Qamħ iebes kwalità baxxa (3)

Xgħir

Borża

Minnéapolis

Chicago

Kwotazzjoni

236,80

189,82

Prezz FOB USA

413,89

403,89

383,89

173,72

Tariffa fuq il-Golf

16,29

Tariffa fuq l-Għadajjar il-Kbar

80,11

(2)

Medji fuq il-perjodu ta' referenza msemmi fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010:

Merkanzija/Spejjeż: Il-Golf tal-Messiku–Rotterdam:

18,42  EUR/t

Merkanzija/Spejjeż: L-Għadajjar il-Kbar–Rotterdam:

47,52  EUR/t


(1)  Tariffa pożittiva ta' EUR 14/t inkorporata (l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010).

(2)  Tariffa negattiva ta' EUR 10/t (l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010).

(3)  Tariffa negattiva ta' EUR 30/t (l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 642/2010).


DEĊIŻJONIJIET

1.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL EWROPEW

tal-24 ta’ Ġunju 2011

li taħtar il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew

(2011/386/UE)

IL-KUNSILL EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 283(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 11.2 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (3),

Billi

(1)

Il-mandat tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, is-Sur Jean-Claude TRICHET, maħtur bid-Deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2003 (4), jiskadi fil-31 Ottubru 2011 u għalhekk huwa meħtieġ li jinħatar President ġdid tal-Bank Ċentrali Ewropew.

(2)

Il-Kunsill Ewropew jixtieq jaħtar lis-Sur Mario DRAGHI li, fil-fehma tiegħu, jissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 283(2) tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sur Mario DRAGHI huwa b’dan maħtur President tal-Bank Ċentrali Ewropew għal mandat ta’ tmien snin mill-1 ta’ Novembru 2011.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kunsill Ewropew

Il-President

H. VAN ROMPUY


(1)  ĠU L 150, 9.6.2011, p. 8.

(2)  Opinjoni mogħtija fit-23 ta’ Ġunju 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU C 182, 23.6.2011, p. 6.

(4)  Deċiżjoni meħuda bi qbil komuni, fil-livell ta’ Kapijiet ta’ Stat jew Gvern, mill-Gvernijiet tal-Istati Membri li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom tas-16 ta’ Ottubru 2003 li taħtar il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 277, 28.10.2003, p. 16).


1.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ Ġunju 2011

dwar it-tnedija ta’ skambju awtomatizzat ta’ data fir-rigward ta’ Data dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi (VRD) fis-Slovenja

(2011/387/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (2), b’mod partikolari l-Artikolu 20 u l-Kapitolu 4 tal-Anness tagħha,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Protokoll dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-effetti ġuridiċi tal-atti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona huma ppreservati sakemm dawk l-atti jiġu rmħassra, annullati jew emendati fl-implimentazzjoni tat-Trattati.

(2)

Konformement ma’ dan, l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI huwa applikabbli u l-Kunsill għandu jiddeċiedi unanimament jekk l-Istati Membri implimentawx id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6 ta’ dik id-Deċiżjoni.

(3)

L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI jipprevedi li d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI għandhom jittieħdu abbazi ta’ rapport ta’ evalwazzjoni bbażat fuq kwestjonarju. Fir-rigward tal-iskambju awtomatizzat ta’ data f’konformità mal-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jiġi bbażat fuq żjara ta’ evalwazzjoni u eżerċizzju pilota.

(4)

F’konformità mal-Kapitolu 4, il-punt 1.1, tal-Anness tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, il-kwestjonarju mfassal mill-Grupp ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill jikkonċerna kull wieħed mill-iskambji awtomatizzati ta’ data u għandu jimtela minn Stat Membru hekk kif huwa jemmen li huwa jissodisfa l-prerekwiżiti għall-kondiviżjoni tad-data fil-kategorija rilevanti ta’ data.

(5)

Is-Slovenja kkompletat il-kwestjonarju dwar il-protezzjoni tad-data u l-kwestjonarju dwar id-Data dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi (VRD).

(6)

Twettaq eżerċizzju pilota b’suċċess mis-Slovenja mal-Pajjiżi l-Baxxi, bil-ħsieb li jiġu evalwati r-riżultati tal-kwestjonarju dwar id-Data dwar il-VRD.

(7)

Saret żjara ta’ evalwazzjoni fis-Slovenja u tħejja rapport dwar iż-żjara ta’ evalwazzjoni mill-grupp ta’ evalwazzjoni Belġjan/Olandiż u ntbagħat lill-Grupp ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill bil-ħsieb li jiġi evalwat il-kwestjonarju li jikkonċerna l-VRD.

(8)

Ġie ppreżentat lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni ġenerali, li jagħti sintesi tar-riżultati tal-kwestjonarju, taż-żjara ta’ evalwazzjoni u tal-eżerċizzju pilota l-VRD,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijet ta’ tfittxija awtomatizzata ta’ data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, is-Slovenja implimentat bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data tal-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u hija intitolata li tirċievi u tipprovdi data personali f’konformità mal-Artikolu 12 ta’ dik id-Deċiżjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

FAZEKAS S.


(1)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12.


1.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/10


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ Ġunju 2011

li temenda d-Deċiżjoni 2011/44/UE dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-Bulgarija

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 4573)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/388/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

F’Jannar 2011, fil-Bulgarija, ġie kkonfermat każ tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-ħnieżer selvaġġi u numru ta’ tifqigħat tal-istess marda fil-bhejjem. Għaldaqstant, il-Bulgarija ħadet miżuri fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad-29 ta' Settembru 2003 dwar miżuri tal-Komunità fuq il-kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer (3).

(2)

Barra minn hekk, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/44/UE tad-19 ta’ Jannar 2011 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-Bulgarija (4), billi kien meħtieġ li l-miżuri ta’ kontroll meħuda mill-Bulgarija jissaħħu. Dik id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2011.

(3)

L-Anness I mad-Deċiżjoni 2011/44/UE jelenka ż-żoni fil-Bulgarija fejn ġew ikkonfermati każijiet tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer. Iż-żoni madwar dawk iż-żoni huma elenkati fl-Anness II ma’ dik id-Deċiżjoni. Il-miżuri ta’ protezzjoni stipulati fid-Deċiżjoni 2011/44/UE jvarjaw skont jekk iż-żona hijiex elenkata fl-Anness I jew fl-Anness II ma’ dik id-Deċiżjoni.

(4)

L-Anness I mad-Deċiżjoni 2011/44/UE bħalissa jinkludi r-reġjun ta’ Burgas u l-Anness II ma’ dik id-Deċiżjoni jinkludi r-reġjuni ta’ Kardjali, Haskovo, Yambol, Sliven, Shumen u Varna.

(5)

Peress li mis-7 ta' April 2011 ma ġew irrappurtati l-ebda tifqigħat ġodda tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-Bulgarija, u peress li s-sorveljanza li twettqet fiż-żoni elenkati fl-Anness I u fl-Anness II ma rrivelat l-ebda infezzjoni tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-annimali domestiċi ta' speċi suxxettibbli li tiġi infettata bil-marda tal-ilsien u d-dwiefer, huwa xieraq li jitnaqqsu ż-żoni taħt restrizzjoni elenkati fl-Annessi I u II mad-Deċiżjoni 2011/44/UE, rispettivament.

(6)

Madankollu, is-sorveljanza b'konformità mal-punt 4(g) tal-Parti B tal-Anness XVIII mad-Direttiva 2003/85/KE biex teskludi l-infezzjoni tal-organiżmi slavaġ bil-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer ma tistax tkun kompluta sakemm għall-inqas l-antikorpi materni f'annimali slavaġ, suxxettibbli għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer, li jgħixu f'dik iż-żona jkunu għebu wara li l-ewwel każ ta' dik il-marda ġie rrappurtat f'Jannar 2011.

(7)

Huwa għalhekk neċessarju li jiġu estiżi l-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2011/44/UE, sat-30 ta' Settembru 2011.

(8)

Id-Deċiżjoni 2011/44/UE għandha għaldaqstant tiġi emendata skont dan.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2011/44/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 16, id-data “30 ta' Ġunju 2011” tinbidel bi “30 ta' Settembru 2011”;

(2)

l-Annessi I u II jinbidlu bit-test fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 19, 22.1.2011, p. 20.


ANNESS

ANNESS I

Iż-żoni li ġejjin fir-reġjun ta' Burgas fil-Bulgarija:

(a)

il-muniċipalitajiet ta' Malko Tarnovo u Tsarevo;

(b)

il-parti tal-muniċipalità ta' Sredets fin-Nofsinhar ta'

(i)

fejn it-triq lokali li ġejja minn Gabar (muniċipalità ta' Sozopol) u li twassal għal Drachevo (muniċipalità ta' Sredets) tmiss mal-fruntiera amministrattiva tal-muniċipalità ta' Sredets fuq 42°18′19.82″N / 27°17′12.11″E;

(ii)

it-triq lokali mill-post deskritt fil-punt (i) li twassal għal Drachevo, il-villaġġ ta' Drachevo u mbagħad aktar ’l isfel tat-triq li twassal mit-tramuntana ta' Drachevo għal fejn it-triq nazzjonali Nru 79 tingħaqad mat-triq nazzjonali Nru 53 fil-Lvant tal-villaġġ Sredets;

(iii)

it-triq nazzjonali Nru 53 mill-konnessjoni deskritta fil-punt (ii) għall-post fejn tingħaqad mat-triq lokali li twassal għal Belila, li jiffurmaw il-fruntieri tat-Tramuntana ta' Sredets;

(iv)

it-triq lokali minn fejn tingħaqad mat-triq nazzjonali Nru 53 fi Stredets kif deskritt fil-punt (iii), li tmur lejn il-Punent għall-villaġġ ta' Belila u li twassal għall-pont ta' dik it-triq fuq ix-xmara Sredetska fil-Punent tal-villaġġ ta' Prohod, u inkluż il-villaġġ ta' Prohod;

(v)

ix-xmara Sredetska mill-post fejn tiltaqa' mat-triq lokali li twassal minn Prohod għal Bistrets sal-post fejn dik il-fergħa tax-xmara li twassal għall-villaġġ ta' Oman (muniċipalità ta' Bolyarovo) tmiss mal-fruntiera tal-muniċipalità ta' Boyarovo fuq 42°16′57.78″N / 26°57′33.54″E.

ANNESS II

Iż-żoni li ġejjin fil-Bulgarija:

1.

fir-reġjun ta' Burgas:

(a)

il-muniċipalitajiet ta' Sozopol u Primorsko;

(b)

il-parti tal-muniċipalità ta' Sredets fit-Tramuntana ta',

(i)

fejn it-triq lokali li ġejja minn Gabar (muniċipalità ta' Sozopol) u li twassal għal Drachevo (muniċipalità ta' Sredets) tmiss mal-fruntiera amministrattiva tal-muniċipalità ta' Sredets fuq 42°18′19.82″N / 27°17′12.11″E;

(ii)

it-triq lokali mill-post deskritt fil-punt (i) li twassal għal Drachevo, il-villaġġ ta' Drachevo u mbagħad aktar ’l isfel tat-triq li twassal mit-Tramuntana ta' Drachevo għall-konnessjoni tat-triq nazzjonali Nru 79 mat-triq nazzjonali Nru 53 fil-Lvant tal-villaġġ Sredets;

(iii)

it-triq nazzjonali Nru 53 mill-konnessjoni deskritta fil-punt (ii) għall-post fejn tingħaqad mat-triq lokali li twassal għal Belila, li jiffurmaw il-fruntieri tat-Tramuntana ta' Sredets;

(iv)

it-triq lokali mill-post fejn tingħaqad mat-triq nazzjonali Nru 53 fi Stredets kif deskritt fil-punt (iii), li tmur lejn il-Punent tal-villaġġ ta' Belila u li twassal għall-pont ta' dik it-triq fuq ix-xmara Sredetska fil-Punent tal-villaġġ ta' Prohod, u inkluż il-villaġġ ta' Prohod;

(v)

ix-xmara Sredetska mill-post fejn tiltaqa' mat-triq lokali li twassal minn Prohod għal Bistrets sal-post fejn dik il-fergħa tax-xmara li twassal għall-villaġġ ta' Oman (muniċipalità ta' Bolyarovo) tmiss mal-fruntiera tal-muniċipalità ta' Boyarovo fuq 42°16′57.78″N / 26°57′33.54″E.

2.

fir-reġjun ta' Yambol:

(a)

il-parti tal-muniċipalità ta' Sredets fin-Nofsinhar tat-triq nazzjonali Nru 53;

(b)

il-muniċipalità ta’ Bolyarovo.


1.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/13


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Ġunju 2011

dwar il-kwantità ta’ kwoti madwar l-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3e(3) (a) sa (d) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/389/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3e(3)(a) sa (d) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3e(3)(a) sa (d) tad-Direttiva 2003/87/KE jipprovdi għal deċiżjoni mill-Kummissjoni, qabel il-bidu ta’ kull perjodu ta’ negozjar, tiġi ffissata l-kwantità totali ta’ kwoti li se jinħolqu, jiġu irkantati, jitpoġġew fir-riserva speċjali pprovduta fl-Artikolu 3f(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, u jitqassmu b’xejn lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Dawn il-kwantitajiet għandhom jiġu determinati aritmetikament miċ-ċifra dwar l-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni li ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/149/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar l-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni skont l-Artikolu 3c(4) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju [in-negozjar] ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (2), b’219 476 343 tunnellata ta’ CO2.

(2)

Wara l-adattament għall-inkorporazzjoni fil-Ftehim taż-ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 6/2011 tal-1 ta’ April 2011 li temenda l-Anness XX (l-Ambjent) għall-Ftehim dwar iż-ŻEE (3), l-Artikolu 3e(3) tad-Direttiva 2003/87/KE jipprovdi wkoll għall-kalkoli ta’ kwantitajiet ta’ kwoti madwar iż-ŻEE mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE meta din id-Deċiżjoni tiġi inkorporata fil-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(3)

Skont l-Artikolu 3e(3)(e) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3f (5) tad-Direttiva 2003/87/KE (imdaħħlin mal-inkorporazzjoni fil-Ftehim taż-ŻEE), il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-livell madwar iż-ŻEE, li jeħtieġ li jkun imsejjes fuq il-kwantitajiet ta’ kwoti stabbiliti madwar iż-ŻEE mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Skont dan, ma tistax tittieħed deċiżjoni dwar il-livell sakemm jiġu stabbiliti l-kwantitajiet madwar iż-ŻEE mill-Kumitat Kunġunt taż-ŻEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-għadd totali ta’ kwoti madwar l-Unjoni msemmi fl-Artikolu 3c(1) tad-Direttiva 2003/87/KE relatat mal-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012 huwa 212 892 053.

2.   L-għadd totali ta’ kwoti madwar l-Unjoni msemmi fl-Artikolu 3c(2) tad-Direttiva 2003/87/KE relatat ma’ kull sena tal-perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2013 huwa 208 502 526.

Artikolu 2

1.   L-għadd totali ta’ kwoti madwar l-Unjoni msemmi fl-Artikolu 3d(1) tad-Direttiva 2003/87/KE relatat mal-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012 huwa 31 933 808.

2.   L-għadd totali ta’ kwoti madwar l-Unjoni msemmi fl-Artikolu 3d(2) tad-Direttiva 2003/87/KE relatat ma’ kull sena tal-perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2013 huwa 31 275 379.

Artikolu 3

L-għadd totali ta’ kwoti madwar l-Unjoni msemmi fl-Artikolu 3f(1) tad-Direttiva 2003/87/KE relatat mar-riserva speċjali huwa 50 040 608.

Artikolu 4

1.   L-għadd totali ta’ kwoti madwar l-Unjoni msemmi fl-Artikolu 3e(3)(d) tad-Direttiva 2003/87KE relatat mal-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012 huwa 180 958 245.

2.   L-għadd totali ta’ kwoti madwar l-Unjoni msemmi fl-Artikolu 3e(3)(d) tad-Direttiva 2003/87/KE relatat ma’ kull sena tal-perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2013 huwa 170 972 071.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  ĠU L 61, 8.3.2011, p. 42.

(3)  ĠU L 93, 7.4.2011, p. 35.