ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2011.154.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 154

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 54
11 ta' Ġunju 2011


Werrej

 

IV   Atti adottati qabel l-1 ta' Diċembru 2009, skont it-Trattat tal-KE, it-Trattat tal-UE u t-Trattat Euratom

Paġna

 

 

2011/334/Euratom

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2006 li tapprova l-konklużjoni mill-Kummissjoni tal-Ftehim għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika rappreżentata mill-Kummissjoni u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni

1

Ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika rappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni

2

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


IV Atti adottati qabel l-1 ta' Diċembru 2009, skont it-Trattat tal-KE, it-Trattat tal-UE u t-Trattat Euratom

11.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 154/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Novembru 2006

li tapprova l-konklużjoni mill-Kummissjoni tal-Ftehim għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika rappreżentata mill-Kummissjoni u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni

(2011/334/Euratom)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari it-tieni paragrafu tal-Artikolu 101,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni, skont id-direttivi mil-Kunsill tal-14 ta’ April 2006, wettqet negozjati dwar Ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika rappreżentata mill-Kummissjoni u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni.

(2)

Il-konklużjoni tal-Ftehim mill-Kummissjoni għandha tiġi approvata,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Waħdieni

Il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, għal u f’isem il-Komunità, tal-Ftehim għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika rrappreżentata mill-Kummissjoni u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni, hija b’dan approvata.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

U.-M. WIDEROOS


TRADUZZJONI

FTEHIM TA’ KOOPERAZZJONI

bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika rappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni

Il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (Euratom), rappreżentata mill-Kummissjoni taL-Komunitajiet Ewropej, u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea (minn hawn ’il quddiem imsemmija kollettivament “il-Partijiet”);

BILLI fil-Ftehim ta’ Qafas għall-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri fuq naħa waħda, u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea fuq in-naħa l-oħra, fit-28 ta’ Ottubru 1996, il-Partijiet impenjaw ruħhom li jippromwovu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija u l-ħarsien tal-ambjent, u, partikolarment, biex jiżviluppaw forom ġodda u rinnovabbli ta’ enerġija; kif ukoll

XEWQANA li jkomplu jippromwovu l-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni bħala għajn ta’ enerġija li potenzjalment ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, hija kompetittiva ekonomikament, u li prattikament ma għandhiex tmiem;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu I

Għan

L-għan ta’ dan il-Ftehim hu li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fl-oqsma koperti mill-programmi ta’ fużjoni rispettivi tagħhom, fuq il-bażi ta’ benefiċċji reċiproki u reċiproċità globali sabiex jiġi żviluppat għarfien xjentifiku u ħila teknoloġika fl-isfond ta’ sistema ta’ enerġija mill-fużjoni.

Artikolu II

L-Oqsma ta’ Kooperazzjoni

L-oqsma ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

tokamaks, inklużi l-proġetti kbar tal-ġenerazzjoni preżenti u attivitajiet marbuta ma’ dawk tal-ġenerazzjoni li jmiss;

(b)

alternattivi għat-tokamaks;

(c)

teknoloġija ta’ enerġija mill-fużjoni manjetika;

(d)

teorija tal-plażma u fiżika applikata tal-plażma;

(e)

politiki u pjanijiet tal-programm; kif ukoll

(f)

oqsma oħrajn kif maqbul b’mod reċiproku bil-miktub mill-Partijiet safejn ikunu koperti mill-programmi rispettivi tagħhom.

Artikolu III

Forom tal-kooperazzjoni

1.   Il-forom tal-kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim jistgħu jinkludu, iżda mhux esklussivament, dawn li ġejjin:

(a)

skambju u għoti ta’ informazzjoni u data dwar attivitajiet xjentifiċi u tekniċi, żviluppi, prattiki u riżultati, u dwar politiki u pjanijiet tal-programm, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni mhux mikxufa skont it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli VI u VII;

(b)

skambju ta’ xjentisti, inġiniera u speċjalisti oħra għal perjodi maqbula ta’ żmien sabiex jieħdu sehem f’esperimenti, analiżijiet, disinn u attivitajiet oħra ta’ riċerka u żvilupp skont l-Artikolu VIII;

(c)

organizzazzjoni ta’ seminars u laqgħat oħrajn għad-diskussjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar temi maqbula fl-oqsma elenkati fl-Artikolu II, u għall-identifikazzjoni ta’ attivitajiet kooperattivi li jistgħu jsiru skont l-Artikolu V;

(d)

skambju u għoti ta’ kampjuni, materjali, tagħmir (strumenti u komponenti) għal esperimenti, ittestjar u evalwazzjoni skont l-Artikoli IX u X;

(e)

eżekuzzjoni ta’ studji, proġetti jew esperimenti konġunti inkluż id-disinn, il-kostruzzjoni u l-operat konġunt tagħhom;

(f)

l-istabbiliment ta’ links ta’ data bħal, iżda mhux esklussivament, għodod remoti għall-analiżi tad-data; kif ukoll

(g)

forom oħra speċifiċi ta’ kooperazzjoni kif maqbul b’mod reċiproku mill-Partijiet bil-miktub.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet, kif ikun xieraq, skont dan il-Ftehim, ma’ attivitajiet internazzjonali oħra ta’ riċerka u żvilupp tal-fużjoni, sabiex titnaqqas kemm jista’ jkun id-duplikazzjoni tal-isforzi.

F’dan il-Ftehim xejn m’hu ser jitħalla jippreġudika ftehimiet eżistenti jew tal-ġejjieni għall-kooperazzjoni bejn il-Partijiet.

Artikolu IV

Il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni u s-Segretarji Eżekuttivi

1.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu Kumitat ta’ Koordinazzjoni biex jikkoordina u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim. Kull Parti għandha taħtar għadd ugwali ta’ membri għall-Kumitat ta’ Koordinazzjoni u tinnomina wieħed mill-membri maħtura tagħha bħala l-Kap tad-Delegazzjoni tagħha. Il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni għandu jiltaqa’ kull sena, darba fir-Repubblika tal-Korea u darba fl-Unjoni Ewropea, jew fi żminijiet u postijiet li jaqblu dwarhom huma. Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Parti li qed tilqa’ l-Kumitat għandu jippresjedi l-laqgħa.

2.   Il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni għandu jirrevedi l-progress u l-pjanijiet tal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, u jipproponi, jikkoordina u japprova attivitajiet futuri ta’ kooperazzjoni li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim fir-rigward tal-mertu tekniku u l-livell ta’ sforz tagħhom biex jiżgura l-benefiċċju reċiproku u r-reċiproċità globali fi ħdan il-Ftehim.

3.   Id-deċiżjonijiet kollha tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni għandhom jittieħdu b’konsensus.

4.   Għal perjodi bejn il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni, kull Parti għandha taħtar Segretarju Eżekuttiv sabiex jaġixxi f’isimha f’kull ma għandu x’jaqsam ma’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim. Is-Segretarji Eżekuttivi għandhom ikunu responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ kuljum ta’ din il-koperazzjoni.

Artikolu V

Implimentazzjoni

1.   Kull Parti għandha tiddeżinja l-entitajiet xierqa għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim.

2.   Meta l-Kumitat ta’ Koordinazzjoni japprova attività ta’ kooperazzjoni, għandu japprova, kull fejn ikun xieraq, Pjan tal-Proġett taħt dan il-Ftehim u soġġett għat-termini tiegħu.

3.   Kull Pjan tal-Proġett għandu jelenka l-entitajiet iddeżinjati sabiex jimplimentaw il-proġett, u jinkludi dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni tal-attività ta’ kooperazzjoni, inkluz, iżda mhux esklussivament, l-ambitu tekniku u l-ġestjoni, ir-responsabbiltajiet ta’ dekontaminazzjoni applikabbli, l-iskambju ta’ informazzjoni mhux mikxufa, l-iskambju ta’ tagħmir, it-trattament ta’ proprjetà intellettwali, l-ispejjeż totali, il-qsim tal-ispejjeż u l-iskeda, skont kif ikun xieraq.

Artikolu VI

Id-Disponibbiltà u t-Tixrid ta’ Informazzjoni

1.   Soġġetta għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tagħha u għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, kull Parti u dawk iddeżinjati minnha għandhom jimpenjaw ruħhom biex jagħmlu disponibbli faċilment lill-Parti l-oħra u lil dawk iddeżinjati minnha kwalunkwe informazzjoni li tkun rekwiżita għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ kollaborazzjoni taħt dan il-Ftehim.

2.   Il-Partijiet u dawk iddeżinjati minnhom għandhom jappoġġaw l-iktar tixrid wiesa’ possibbli ta’ informazzjoni li jkollhom id-dritt li jikxfu, u li jew ġiet żviluppata b’mod konġunt jew tkun maħsuba li tiġi pprovduta jew skambjata skont dan il-Ftehim, soġġett għall-ħtieġa li tiġi protetta informazzjoni mhux mikxufa u l-ħtieġa li tiġi protetta proprjetà intellettwali maħluqa jew mogħtija taħt dan il-Ftehim.

3.   Informazzjoni mibgħuta minn Parti waħda lil Parti oħra skont dan il-Ftehim, sa fejn taf u temmen il-Parti li qed tibgħatha, għandha tkun preċiża, iżda l-Parti li tibgħatha ma tagħtix garanzija tal-adegwatezza tal-informazzjoni mibgħuta għal kwalunkwe użu jew applikazzjoni partikolari mill-Parti li tirċeviha jew minn kwalunkwe parti terza. Informazzjoni żviluppata b’mod konġunt mill-Partijiet, sa fejn jafu u jemmnu ż-żewġ Partijiet, għandha tkun preċiża. L-ebda Parti ma toffri garanzija tal-preċiżjoni tal-informazzjoni żviluppata b’mod konġunt jew tal-adegwatezza tagħha għal kwalunkwe skop, użu jew applikazzjoni miż-żewġ Partijiet jew minn kwalunkwe parti terza.

Artikolu VII

Il-Proprjetà intellettwali

Il-protezzjoni u l-allokazzjoni tal-proprjetà intellettwali maħluqa jew mogħtija matul attivitajiet ta’ kooperazzjoni skont dan il-Ftehim għandhom ikun rregolati mid-dispożizzjonijiet fl-Anness A li għandu jifforma parti integrali minn dan il-Ftehim u għandu japplika għall-attivitajiet kollha mwettqa skont dan il-Ftehim.

Artikolu VIII

Skambji ta’ Staff

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw fir-rigward ta’ skambji ta’ staff bejn il-Partijiet jew dawk iddeżinjati minnhom skont dan il-Ftehim:

(a)

kull Parti għandha tiżgura l-għażla ta’ staff ikkwalifikat bil-ħiliet u l-kompetenza meħtieġa biex iwettaq l-attivitajiet ippjanati skont dan il-Ftehim. Kull skambju ta’ staff bħal dan għandu jiġi maqbul bil-quddiem permezz ta’ skambju ta’ ittri bejn il-Partijiet, li jagħmlu referenza għal dan il-Ftehim u d-dispożizzjonijiet pertinenti tiegħu fir-rigward tal-proprjetà intellettwali kif ukoll tal-attività kooperattiva kkonċernata;

(b)

kull Parti għandha tkun responsabbli għall-pagi, l-assigurazzjoni u l-benefiċċji mogħtija lill-istaff fuq skambju;

(c)

il-Parti li tibgħatu għandha tħallas għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-għajxien tal-istaff tagħha fuq skambju fl-istabbiliment ospitanti, sakemm mhux maqbul mod ieħor;

(d)

il-Parti li tilqgħu għandha tieħu ħsieb tipprovdi akkomodazzjoni xierqa għall-istaff tal-Parti l-oħra li jkun fuq skambju (u l-familji tagħhom li joqogħdu magħhom) fuq bażi reċiproka maqbula reċiprokament;

(e)

il-Parti li tilqgħu għandha tipprovdi l-għajnuna kollha meħtieġa taħt il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tagħha lill-istaff fuq skambju tal-Parti l-oħra fir-rigward tal-formalitajiet amministrattivi (eż. ħtiġijiet ta’ viża);

(f)

kull Parti għandha tiżgura li l-istaff fuq skambju jobdi r-regoli ġenerali rigward ir-regolamenti dwar ix-xogħol u s-sikurezza fis-seħħ fl-istabbiliment ospitanti;

(g)

kull Parti tista’, bi ħlas minn butha, tosserva attivitajiet speċifiċi ta’ test u ħidma analitika tal-Parti l-oħra fl-oqsma ta’ kooperazzjoni ddefiniti fl-Artikolu II. Din l-osservazzjoni tista’ ssir permezz ta’ żjarat minn staff, soġġetta għall-qbil minn qabel tal-Parti li tilqa’ f’kull okkażjoni.

Artikolu IX

Skambji ta’ Tagħmir, Kampjuni, eċċ.

Fil-każ li jkunu se jiġu skambjati, mislufa jew mogħtija tagħmir, strumenti, kampjuni, materjali jew spare parts meħtieġa (minn hawn ‘il quddiem, ‘it-tagħmir, eċċ.) minn Parti waħda jew dawk iddeżinjati minnha lill-oħra jew lil dawk iddeżinjati minnha, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin li jkopru t-trasport bil-baħar u l-użu tat-tagħmir, eċċ.:

(a)

Il-Parti li tibgħathom għandha tagħti kemm jista’ jkun malajr lista dettaljata tat-tagħmir, eċċ, li għandu jingħata, bl-ispeċifikazzjonijiet rilevanti u d-dokumentazzjoni teknika u informazzjonali;

(b)

it-tagħmir, eċċ. ipprovdut mill-Parti li tibagħtu għandu jibqa’ l-proprjetà tagħha u għandu jintbagħat lura lill-Parti li tibagħtu f’data li għandha tiġi ddeterminata mill-Kumitat ta’ Koordinazzjoni sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor fil-Pjan tal-Proġett imsemmi fl-Artikolu V;

(c)

it-tagħmir, eċċ, għandu jitħaddem biss fl-istabbiliment ospitanti permezz tal-qbil reċiproku bejn il-Partijiet; kif ukoll

(d)

il-Parti li tirċevih għandha tipprovdi l-post meħtieġ għat-tagħmir, eċċ, u għandha tipprovdi għall-enerġija elettrika, l-ilma, il-gass eċċ., skont ir-rekwiżiti tekniċi, li għandhom jiġu maqbula reċiprokament mill-Partijiet.

Artikolu X

Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.   Kull Parti għandha twettaq l-attivitajiet ipprovduti f’dan il-Ftehim soġġetti għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, u għandha tipprovdi riżorsi skont id-disponibilità tal-fondi approprjati.

2.   Sakemm mhux maqbul speċifikament mod ieħor bil-miktub mill-Partijiet, l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim għandhom jinġarru mill-Parti li ġġarrabhom.

3.   Il-kwistjonijiet kollha ta’ interpretazzjoni jew implimentazzjoni marbuta ma’ dan il-Ftehim li joħorġu matul it-terminu tiegħu għandhom jiġu riżolti permezz ta’ qbil bejn il-Partijiet.

4.   Dan il-Ftehim għandu japplika, safejn jikkonċerna l-Euratom, għat-territorji fejn japplika t-Trattat li jistabilixxi l-Euratom u għat-territorji tal-pajjiżi parteċipanti fil-programm tal-fużjoni tal-Euratom bħala Stati terzi kompletament assoċjati.

Artikolu XI

Tul, Estensjoni u Terminazzjoni

1.   Dan il-Fteħim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li l-Partijiet ikunu għarrfu lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul tiegħu fis-seħħ ikunu tlestew, u għandu jibqa’ fis-seħħ għal ħames (5) snin. Sakemm waħda mill-Partijiet ma tinnotifikax lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar l-intenzjoni tagħha li tittermina dan il-Ftehim għallinqas sitt xhur qabel tmiemu, dan il-Ftehim għandu jiġi estiż awtomatikament għal perjodi addizzjonali ta’ ħames (5) snin.

2.   Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet.

3.   L-isforzi u l-esperimenti kollha konġunti li ma jitlestewx sat-terminazzjoni jew l-iskadenza ta’ dan il-Ftehim jistgħu jitkomplew sakemm jitlestew skont it-termini ta’ dan il-Ftehim.

4.   Dan il-Ftehim u kwalunkwe Pjan ta’ Proġett sussegwenti, jistgħu jiġu tterminati fi kwalunkwe ħin skont id-diskrezzjoni ta’ kwalunkwe Parti b’sitt (6) xhur ta’ notifika bil-quddiem bil-miktub mill-Parti li tkun trid tittermina dan il-Ftehim jew il-Pjan tal-Proġett. Terminazzjoni bħal din għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet li setgħu nkisbu taħt dan il-Ftehim jew il-Pjan ta’ Proġett lil kwalukwe Parti sad-data tat-terminazzjoni.

5.   Dan il-Ftehim tfassal f’żewġ kopji f’21 lingwa (iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż , il-Grieg, l-Ingliż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Isvediż, it-Taljan, l-Ungeriż u l-Korean). L-Ingliż u l-Korean għandhom ikunu l-lingwi awtentiċi.

B’xhieda ta’ dan, il-firmatarji hawn taħt, awtorizzati kif xieraq għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, fit-tnejn u għoxrin jum ta’ Novembru tas-sena elfejn u sitta, f’żewġ kopji, fil-lingwa Ingliża u dik Koreana.

GĦALL-KOMUNITÀ EWROPEA GĦALL-ENERĠIJA ATOMIKA RRAPPREŻENTATA MILL-KUMMISSJONI TAL- KOMUNITAJIET EWROPEJ

GĦALL-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-KOREA

ANNESS A

DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI

Drittijiet għal proprjetà intellettwali li nħolqu jew inghataw taħt dan il-Ftehim għandhom jiġu allokati kif ġej:

I.   Applikazzjoni

Dan l-Anness huwa applikabbli għall-attivitajiet koperattivi kollha meħuda skont dan il-Ftehim, ħlief kif miftiehem speċifikament mod ieħor.

II.   Il-pussess, l-Allokazzjoni u l-Eżerċizzju tad-Drittijiet

A.   Għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, “Proprjetà intellettwali” għandha jkollha t-tifsira li tinsab fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni tal-Proprjetà Intellettwali Dinjija, magħmula fi Stokkolma, l-14 ta’ Lulju 1967.

B.   Dan l-Anness jindirizza l-allokazzjoni ta’ drittijiet, interessi u drittijiet bejn il-Partijiet. Kull Parti għandha tiżgura li l-Parti l-oħra tista’ tikseb id-drittijiet għal proprjetà intellettwali allokati għaliha bi qbil ma’ dan l-Anness. Dan l-Anness ma jibdilx jew jipreġudika b’mod ieħor l-allokazzjoni ta’ drittijiet, interessi u bejn Parti u ċ-ċittadini tagħha, li għandhom ikunu stabbiliti mill-liġijiet u l-prattiki ta’ dik il-Parti.

C.   Id-drittijiet jew obbligazzjonijiet ta’ dan l-anness ma għandhomx jiġu affettwati bit-terminazzjoni jew l-iskadenza ta’ dan il-Ftehim.

D.

(1)

Fil-każ ta’ attivitajiet kooperattivi bejn il-Partijiet, proprjetà intellettwali li toħroġ minn riċerka konġunta, i.e. riċerka appoġġata miż-żewġ Partijiet, għandha tiġi trattata fi Pjan ta’ Ġestjoni tat-Teknoloġija skont il-prinċipji li ġejjin:

(a)

Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin fi żmien raġjonevoli bi kwalunkwe drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li joħorġu minn dan il-Ftehim (jew arranġamenti implimentattivi rilevanti).

(b)

Sakemm ma jintlaħaqx qbil mod ieħor, id-drittijiet u l-interessi fil-proprjetà intellettwali maħluqa matul riċerka konġunta għandhom ikunu jistgħu jiġu sfruttati miż-żewġ Partijiet mingħajr restrizzjoni territorjali.

(c)

Kull Parti għandha tfittex protezzjoni f’waqtha għall-proprjetà intellettwali li għaliha tikseb drittijiet u interessi taħt il-Pjan ta’ Ġestjoni tat-Teknoloġija.

(d)

Kull Parti għandu jkollha liċenzja mhix esklużiva, irrevokabbli, mingħajr ħlasijiet għad-drittijiet tal-awtur sabiex tuża kull proprjetà intellettwali li tirriżulta taħt dan il-Ftehim għal skopijiet ta’ riċerka biss.

(e)

Riċerkaturi viżitaturi li jkunu pparteċipaw fil-ħolqien ta’ proprjetà intellettwali għandhom jirċievu drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u s-sehem mill-ħlasijiet tad-drittijiet tal-awtur miksuba mill-istituzzjonijiet ospitanti mill-għoti ta’ liċenzji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali bħal dan skont il-politiki tal-istituzzjonijiet ospitanti. Kull Parti għandha tagħti lir-riċerkaturi viżitaturi trattament li mhuwiex inqas favorevoli minn dak li tagħti liċ-ċittadini tagħha stess fir-rigward tal-għoti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-ħlasijiet għad-drittijiet tal-awtur imsemmija qabel. Barra minn hekk, kull riċerkatur viżitatur imsemmi bħala inventur għandu jkun intitolat għal trattament bħal ċittadin tal-Parti ospitanti fir-rigward ta’ premji, bonuses, benefiċċji, jew premji oħra, skont il-politika tal-istituzzjoni ospitanti u l-liġijiet rispettivi tal-Partijiet applikabbli f’dan il-każ.

(2)

Fil-każ ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni li mhumiex riċerka konġunta li jaqgħu fi ħdan id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu II.D.(1), sal-punt rekwiżit mil-liġijiet u r-regolamenti tagħha, kull Parti għandha tesigi lill-parteċipanti tagħha li jidħlu fi ftehimiet speċifiċi dwar l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ riċerka konġunta u d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-parteċipanti. Fir-rigward tal-proprjetà intellettwali, il-ftehimiet għandhom normalment jindirizzaw, fost oħrajn, il-pussess, il-protezzjoni, id-drittijiet tal-utent għal skopijiet ta’ riċerka, l-isfruttament u d-disseminazzjoni, inklużi l-arranġamenti għal pubblikazzjoni konġunta, d-drittijiet u l-obbligi ta’ riċerkaturi viżitaturi u proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim. Il-ftehimiet jistgħu jindirizzaw ukoll kwistjonijiet oħrajn bħall-aċċess għal informazzjoni preliminari u fl-isfond, l-għoti ta’ liċenzji u r-riżultati.

E.   Filwaqt li jinżammu l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fl-oqsma affettwati mill-Ftehim, kull Parti għandha tagħmel ħilitha sabiex tiżgura li d-drittijiet akkwistati bis-saħħa ta’ dan il-Ftehim u l-arranġamenti magħmula taħtu jkunu eżerċitati b’tali mod li jitrawmu partikolarment (i) l-użu ta’ informazzjoni maħluqa, jew inkella li saret disponibbli, taħt il-Ftehim u d-disseminazzjoni tagħha safejn dan ikun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima IV tagħha u kull regola li tista’ tkun fis-seħħ taħt il-liġijiet domestiċi tal-Partijiet li jiggvernaw it-trattament ta’ informazzjoni sensittiva jew kunfidenzali fil-qasam nukleari, u (ii) l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali.

III.   Xogħolijiet bid-drittijiet tal-awtur

Skond it-termini ta’ dan il-Ftehim, drittijiet tal-awtur li huma proprjetà tal-Partijiet għandhom jiġu ttrattati konsistentement mal-Ftehim dwar Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ amministrat mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

IV.   Xogħlijiet Xjentifiċi Letterarji

Soġġetti għat-trattament ipprovdut għal informazzjoni mhix mikxufa fit-Taqsima V, il-proċeduri li ġejjin għandhom japplikaw:

A.

Kull Parti għandha tkun intitolata għal liċenza mhix esklussiva, irrevokabbli, mingħajr drittijiet tal-awtur fil-pajjiżi kollha sabiex tittraduċi, tipproduċi u tqassam pubblikament informazzjoni misjuba f’ġurnali, artikli, rapporti, kotba, jew mezzi oħra, xjentifiċi u tekniċi, li tirriżulta direttament minn riċerka konġunta skont dan il-Ftehim jew f’isem il-Partijiet.

B.

Il-kopji kollha mqassma pubblikament ta’ xogħol kopert mid-Drittijiet tal-Awtur imħejji taħt din id-dispożizzjoni għandu jindika l-ismijiet tal-awturi tax-xogħol, sakemm l-awtur ma jkunx għażel espliċitament li ma jissemmiex. Għandhom ikollhom ukoll rikonoxximent viżibbli b’mod ċar tal-appoġġ kooperattiv tal-Partijiet.

V.   Informazzjoni mhux mikxufa

A.   Informazzjoni Dokumentarja mhux Mikxufa

(1)

Kull Parti għandha tidentifika mill-aktar fis possibbli l-informazzjoni li tixtieq li tibqa’ mhux mikxufa f’rabta ma’ dan il-Ftehim, filwaqt li jitqiesu, inter alia, il-kriterji li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni hija sigrieta fis-sens li mhix, kollha kemm hi jew fil-konfigurazzjoni preċiża tal-komponenti tagħha, magħrufa b’mod ġenerali jew aċċessibbli faċilment b’mezzi legali;

(b)

l-informazzjoni għandha valur kummerċjali attwali jew potenzjali minħabba s-segretezza tagħha; kif ukoll

(c)

l-informazzjoni kienet soġġetta għal passi li kienu raġjonevoli skont iċ-ċirkustanzi mill-persuna legalment fil-kontroll, sabiex iżżomm is-segretezza tagħha.

F’ċertu każijiet il-Partijiet jistgħu jaqblu li, sakemm mhux indikat mod ieħor, partijiet mill-informazzjoni, jew l-informazzjoni kollha, li tkun ipprovduta, skambjata jew maħluqa matul riċerka konġunta skont dan il-Ftehim ma tkunx tista’ tinkixef.

(2)

Kull Parti għandha tiżgura li informazzjoni mhux mikxufa taħt dan il-Ftehim u, konsegwentement, in-natura pprivileġġata tagħha, tingħaraf faċilment bħala tali mill-Parti l-oħra, pereżempju permezz ta’ marki xierqa jew referenzi restrittivi. Dan japplika wkoll għal kull riproduzzjoni sħiħa jew parzjali tal-informazzjoni msemmija.

Parti jew parteċipant li tirċievi informazzjoni mhux mikxufa skont dan il-Ftehim għandha tirrispetta n-natura priviliġġata tiegħu. Dawn il-limitazzjonijiet għandhom jintemmu awtomatikament meta din l-informazzjoni tkun mikxufa mis-sid mingħajr restrizzjonijiet.

(3)

Informazzjoni mhux mikxufa li tiġi kkomunikata taħt dan il-Ftehim tista’ tkun disseminata mill-Parti li tirċeviha lill-persuni impjegati mill-Parti li tirċeviha inklużi l-kuntratturi tagħha, u dipartimenti oħra kkonċernati tal-Parti awtorizzati għall-għanijiet speċifiċi tar-riċerka konġunta li tkun għaddejja, fuq bażi ta’ bżonn biss u sakemm kull informazzjoni mhux mikxufa li tiġi disseminata hekk tiġi protetta skont dan l-Anness u safejn jipprovdu l-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti, u għandha tkun faċilment rikonoxxibbli bħala tali, kif stipulat hawn fuq.

B.   Informazzjoni Mhux Mikxufa li mhix Dokumentarja

Informazzjoni mhux mikxufa li mhix dokumentarja jew informazzjoni oħra kunfidenzali jew priviliġġata pprovduta f’seminars u laqgħat oħra organizzati taħt il-Ftehim, jew informazzjoni li toħroġ mis-sekondar ta’ staff, l-użu ta’ faċilitajiet, jew proġetti konġunti, għandha tiġi ttrattata mill-Partijiet jew dawk iddeżinjati minnhom skont il-prinċipji speċifikati għal informazzjoni dokumentarja f’dan il-Ftehim, sakemm, madankollu, ir-reċipjent ta’ informazzjoni mhux mikxufa bħal din jew informazzjoni oħra kunfidenzali jew privileġġata jiġi infurmat bil-miktub bil-karattru kunfidenzali tal-informazzjoni kkomunikata mhux iktar tard mill-ħin li tkun saret din il-komunikazzjoni.

C.   Kontroll

Kull Parti għandha tipprova tiżgura li informazzjoni mhux mikxufa li tirċievi hi skont dan il-Ftehim għandha tiġi kkontrollata kif ipprovdut hawnhekk. Jekk waħda mill-Partijiet issir konxja li mhix se tkun, jew huwa raġonevolment mistenni li mhux se tkun, tista’ tissodisfa d-dispożizzjonijiet kontra d-disseminazzjoni tal-paragrafi A u B fuq, għandha tinforma immedjatament lill-Parti l-oħra. Minn hemm 'il quddiem, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiddefinixxu azzjoni xierqa.

VI.   Ir-Riżoluzzjoni tat-Ttilwim u Tipi Ġodda jew Imprevisti ta’ Proprjetà Intellettwali

A.   It-tilwim bejn il-Partijiet dwar proprjetà intellettwali għandhom jiġu solvuti bi qbil mal-Artikolu X.3 ta’ dan il-Ftehim.

Madankollu, bi qbil reċiproku tal-Partijiet, tilwima bħal din tista’ titressaq lil tribunal internazzjonali ta’ arbitraġġ għal arbitraġġ li jorbot skont ir-regoli applikabbli tal-liġi internazzjonali. Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, għandhom japplikaw ir-regoli dwar l-arbitraġġ ta’ UNCITRAL.

B.   Fil-każ li xi Parti tikkonkludi li jista’ jirriżulta tip ġdid ta’ proprjetà intellettwali li mhux kopert f’TMP jew ftehim bejn entitajiet deżinjati minn attività kooperattiva mwettqa skont dan il-Ftehim, jew jekk jinqalgħu xi diffikultajiet imprevisti, il-Partijiet għandhom jidħlu f'diskussjonijiet immedjati bil-ħsieb li jiżguraw li hemm provvedimenti adegwati għall-protezzjoni, l-isfruttament u d-disseminazzjoni tal-proprjetà intellettwali kkonċernata ġewwa t-territorji rispettivi tagħhom.