ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2011.095.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 95

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 54
8 ta' April 2011


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

 

2011/217/UE

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Marzu 2011 dwar l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ sottosistemi strutturali u ta’ vetturi skont id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

1

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

RAKKOMANDAZZJONIJIET

8.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 95/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ Marzu 2011

dwar l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ sottosistemi strutturali u ta’ vetturi skont id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/217/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(1) tagħha,

Billi:

(1)

Mill-2005, l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (minn hawn ’quddiem “l-Aġenzija”) ilha twettaq diversi attivitajiet li jsostnu l-iżvilupp ta’ sistema ferrovjarja tal-UE integrata, sikura u interoperabbli. Wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/57/KE, l-Aġenzija kellha laqgħat regolari mal-partijiet interessati u mal-Awtoritajiet Nazzjonali tas-Sikurezza (ANS), b’mod partikolari fil-qasam tal-aċċettazzjoni transkonfinali tal-vetturi ferrovjarji. Dawn il-laqgħat urew li hemm ftehim differenti tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ sottosistemi strutturali u ta’ vetturi kif inhu pprovdut fil-Kapitoli IV u V rispettivament ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Hemm riskju sinifikanti li mingħajr fehim komuni, ir-regoli implimentattivi nazzjonali jistgħu jwasslu għal applikazzjonijiet diverġenti tar-rekwiżiti bejn l-Istati Membri u għalhekk għal diffikultajiet ikbar għall-manifatturi u għall-impriżi ferrovjarji. Jinħtieġ ukoll fehim komuni ta’ dawn il-proċessi sabiex tkun żgurata konsistenza bejn id-diversi rakkomandazzjonijiet li għandha tipproduċi l-Aġenzija fir-rigward ta’ diversi kompiti imposti mid-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà [sikurezza] tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà [sikurezza] (Id-Direttiva tas-Sigurtà [Sikurezza] Tal-Linji tal-Ferrovija) (2) u d-Direttiva 2008/57/KE.

(3)

Meta tiġi kkontrollata l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/57/KE mill-Istati Membri, għandhom jitqiesu l-prinċipji u l-interpretazzjonijiet stabbiliti f'din ir-Rakkomandazzjoni, fejn dan ikun xieraq.

(4)

Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2008/57/KE ġie kkonsultat dwar din il-miżura,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

Meta jiġi awtorizzat it-tqegħid fis-servizz ta’ sottosistemi strutturali u ta’ vetturi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li jitqiesu l-prinċipji u d-direzzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

B’mod partikolari:

(a)

Awtorizzazzjoni waħda għat-tqegħid fis-servizz ta’ vetturi għandha tkun biżżejjed għan-netwerk ferrovjarja sħiħa tal-UE meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet speċifikati fid-Direttiva 2008/57/KE u fl-Anness. Dan huwa l-każ, per eżempju, meta vettura li hija konformi mal-STI taħdem biss fuq netwerk li hija konformi mal-STI.

(b)

Il-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tal-vetturi għandhom ikunu armonizzati u jinkludu xi passi ċari b'limiti ta’ żmien fiss li jridu jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti.

(c)

Ir-regoli tekniċi applikabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-servizz ta’ sottosistemi strutturali jew vetturi għandhom ikunu stabbli, trasparenti, mhux diskriminatorji u kemm jista' jkun armonizzati; ir-regoli għandhom ikunu jew STI jew, meta jkun permess mid-Direttiva 2008/57/KE, regoli nazzjonali nnotifikati lill-Kummissjoni u disponibbli permezz ta’ bażi tad-dejta stabbilita mill-Kummissjoni. Mill-mument li tiġi adottata STI, l-Istati Membri ma għandhom jadottaw l-ebda regola nazzjonali relatata ma’ prodotti jew ma’ partijiet ta’ sottosistemi koperti minn dik l-STI (ħlief għal dawk iddikjarati bħala “kwistjonijiet pendenti” u “każijiet speċifiċi” fejn l-STI tipprovdi dan, u fejn ikun applikabbli, id-derogi).

(d)

Fil-każ tal-vetturi mhux konformi mal-STI, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għandu jiġi applikat, sa fejn ikun possibbli, sabiex ikunu pprevenuti rekwiżiti mhux meħtieġa u verifiki żejda, sakemm dawn ma jkunux strettament meħtieġa biex tkun ivverifikata l-kompatibbiltà teknika tal-vettura man-netwerk rilevanti.

(e)

Il-proċess tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ sottosistemi strutturali jew ta’ vetturi u l-operat u l-manutenzjoni ta’ dawk is-sottosistemi jew vetturi huma żewġ proċessi distinti b'mod ċar, li huma regolati minn dispożizzjonijiet distinti u jitwettqu minn korpi differenti.

(f)

Il-kompatibbiltà teknika fl-interface bejn in-netwerk u l-vetturi hija kruċjali għas-sikurezza. Għalkemm l-aspett tas-sikurezza ta’ interface ta’ din ix-xorta jista' jiġi pprovat permezz ta’ sistemi ta’ referenza jew ta’ stimi espliċiti tar-riskji skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 352/2009 (3), għal raġunijiet ta’ interoperabbiltà, dik il-kompatibbiltà teknika jeħtieġ li tiġi pprovata fuq il-bażi ta’ approċċ ibbażat fuq ir-regoli (jiġifieri l-użu ta’ kodiċijiet ta’ prassi skont ir-Regolament (KE) Nru 352/2009), inklużi regoli armonizzati tal-Unjoni bħall-STI jew l-EN, jew, fejn regoli ta’ din ix-xorta għadhom ma jeżistux, fuq il-bażi ta’ regoli nazzjonali nnotifikati.

(g)

Għat-tqegħid ta’ vettura fis-servizz, l-integrazzjoni sikura tinkludi żewġ aspetti: l-integrazzjoni sikura bejn is-sottosistemi rilevanti tal-vettura (fil-każ tal-ewwel awtorizzazzjoni biss) u l-integrazzjoni sikura bejn il-vettura u n-netwerk ikkonċernat.

Fejn l-interface bejn il-vettura u n-netwerk hija koperta jew minn rekwiżit tal-STI jew minn regola nazzjonali, l-applikant iqisha bħala kodiċi ta’ prattika. F'dak il-każ, il-periklu/i li għalih(om) ġew identifikati r-rekwiżiti f'STI jew f'regola nazzjonali bħal din jitqiesu bħala iċċekkjati permezz tal-issodisfar tar-rekwiżiti tal-STI jew tar-regola nazzjonali. Dan ifisser li jekk ir-rekwiżiti tal-STI jew ir-regola nazzjonali jkopru r-rekwiżit essenzjali tas-sikurezza (jiġifieri, il-perikli kollha rilevanti), l-integrazzjoni sikura tintwera permezz tal-implimentazzjoni tal-STI jew tar-regola nazzjonali.

Jekk ikun hemm perikli li r-rekwiżiti għalihom ma jkunux koperti fl-STI jew fir-regoli nazzjonali, dan jindika li l-STI jew ir-regoli nazzjonali ma jissodisfawx għal kollox ir-rekwiżiti essenzjali. F'dak il-każ in-nuqqas irid jiġi indirizzat skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/57/KE. Dawn ir-rekwiżiti neqsin għandhom jitqiesu fir-reviżjonijiet futuri tal-STI sabiex jaslu biex ikopru kompletament l-interfaces interoperabbli mill-STI b'mod progressiv. Sadanittant, ir-riskji huma mmaniġġjati mill-applikant permezz ta’ paragun ma’ sistema ta’ referenza jew ta’ analiżi espliċita tar-riskji skont ir-Regolament (KE) Nru 352/2009.

Għall-fini tal-interoperabbiltà, jeħtieġ li l-kompatibbiltà teknika u l-integrazzjoni sikura bejn il-vettura u n-netwerk jintwerew permezz ta’ approċċ ibbażat fuq ir-regoli. Għal dak il-għan, l-STI għandha tkopri b'mod eżawrjenti ż-żewġ aspetti.

(h)

Jekk l-STI tinkludi speċifikazzjoni għall-kompatibbiltà bejn il-vetturi, dik l-ispeċifikazzjoni tiġi vverifikata bħala parti mill-proċedura ta’ verifika “KE”. Madankollu, ma hemm l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-interoperabbiltà teżiġi li kull vettura ferrovjarja jkollha l-istess agganċjament.

(i)

Fil-każ ta’ awtorizzazzjonijiet addizzjonali, l-Istati Membri ma għandhomx jitfgħu dubji dwar ir-regoli nazzjonali li jkopru l-kwistjonijiet pendenti li mhumiex relatati mal-kompatibbiltà teknika bejn il-vettura u n-netwerk.

(j)

Id-Direttiva 2004/49/KE tagħmel lil kull wieħed mill-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji responsabbli għall-partijiet rispettivi tagħhom tas-sistema. L-impriża ferrovjarja hija l-unika entità responsabbli għat-tħaddim sikur tal-ferroviji tagħha. Ir-rwol tal-maniġer tal-infrastruttura huwa limitat għall-ġestjoni tal-infrastruttura u għalhekk il-maniġer tal-infrastruttura ma għandu l-ebda responsabbiltà għat-tħaddim tal-ferroviji għajr li joħroġ awtorizzazzjoni għall-moviment. Il-maniġer tal-infrastruttura ma għandu ebda rwol fil-ħruġ tal-permessi.

(k)

Fil-każ ta’ miżuri urġenti li jistgħu jiġu imposti minn Stati Membri b'konsegwenza ta’ aċċidenti jew inċidenti, l-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb jirrikonoxxu li s-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza tal-impriża ferrovjarja hija l-mekkaniżmu ewlieni għall-ġestjoni ta’ riskji ġodda għat-tħaddim ta’ vetturi li jirriżultaw mill-investigazzjonijiet ta’ aċċidenti/inċidenti jew minn konklużjonijiet li joħorġu mill-proċess ta’ superviżjoni. Anke meta Stat Membru jħoss il-ħtieġa urġenti li tinħoloq regola ġdida għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz, għandu jsegwi l-proċeduri speċifikati fil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, inkluża in-notifika ta’ abbozz lill-Kummissjoni skont id-Direttivi 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew 2004/49/KE.

2.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi-President


(1)   ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.

(2)   ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44.

(3)   ĠU L 108, 29.4.2009, p. 4.

(4)   ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.


ANNESS

WERREJ

1.

Introduzzjoni 6

2.

Il-kostitwenti tal-interoperabbiltà, is-sottosistemi u l-vetturi 6

2.1.

Il-kostitwenti tal-interoperabbiltà u s-sottosistemi 6

2.2.

Il-vetturi 7

3.

Ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati meta tiġi manifatturata sottosistema 7

3.1.

Tipi ta’ rekwiżiti 7

3.1.1.

Ir-rekwiżiti essenzjali 7

3.1.2.

Ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2008/57/KE 7

3.1.3.

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà (STI) 7

3.1.4.

Ir-regoli nazzjonali 8

3.1.5.

L-istandards armonizzati (EN) 8

3.2.

L-evoluzzjoni tal-interoperabbiltà 9

4.

Il-verifiki li l-IC u s-sottosistemi iffurmati skont ir-rekwiżiti applikabbli 9

4.1.

Il-valutazzjoni tal-konformità jew tal-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà (IC) 9

4.2.

Il-proċedura ta’ verifika għas-sottosistemi 9

4.2.1.

Il-proċedura ta’ verifika “KE” għas-sottosistemi 9

4.2.2.

Il-proċedura ta’ verifika tas-sottosistemi fil-każ tar-regoli nazzjonali 10

4.2.3.

Id-dikjarazzjoni magħmula mill-applikant 10

5.

L-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz 10

5.1.

X’inhi awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz? 10

5.1.1.

Kunċett 10

5.1.2.

L-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz tas-sottosistemi 11

5.1.3.

L-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz tal-vetturi 11

5.2.

Il-linja ta’ konfini bejn l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz u t-tħaddim u l-manutenzjoni tas-sottosistemi u tal-vetturi 11

5.2.1.

Prinċipji ġenerali 11

5.2.2.

Ir-rekwiżiti ta’ manutenzjoni u dawk operattivi li għandhom jiġu vverifikati qabel l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz 12

5.2.3.

Is-Sistemi ta’ Ġestjoni tas-Sikurezza (SMS) 13

5.3.

Il-kompatibbiltà teknika, l-integrazzjoni sikura u l-kompatibbiltà bejn il-vetturi 13

5.3.1.

Il-kompatibbiltà teknika 13

5.3.2.

L-integrazzjoni sikura 14

5.3.3.

Il-kompatibbiltà bejn il-vetturi 15

5.4.

L-awtorizzazzjonijiet fil-każ ta’ vetturi konformi mal-STI u fil-każ ta’ vetturi mhux konformi mal-STI 15

5.4.1.

L-awtorizzazzjoni ta’ vetturi konformi mal-STI 15

5.4.2.

L-awtorizzazzjoni ta’ vetturi mhux konformi mal-STI 16

5.5.

L-awtorizzazzjoni tat-tip ta’ vettura 17

5.6.

L-awtorizzazzjonijiet għall-vetturi li jaħdmu fuq it-TEN u dawk li jaħdmu barra mit-TEN 17

5.7.

L-awtorizzazzjonijiet għall-vetturi li ġejjin minn pajjiżi terzi 18

6.

Il-proċess li għandu jiġi segwit wara l-awtorizzazzjoni 18

6.1.

L-ifformar ta’ ferrovija 18

6.2.

L-aċċertament tal-kompatibbiltà tar-rotta 18

6.3.

Il-kisba tar-rotta (l-allokazzjoni tal-kapaċità) 19

7.

Il-modifikazzjonijiet f’sottosistema jew f’vettura diġà awtorizzata 19

7.1.

Il-proċedura li għandha tiġi segwita 19

7.2.

Ir-rabta bejn il-każijiet speċifiċi, id-derogi u l-applikazzjoni parzjali tal-STI f’każ ta’ tiġdid/modernizzar 20

8.

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet 21

8.1.

L-applikant għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz 21

8.2.

L-Impriża Ferrovjarja (RU) 22

8.3.

Il-Maniġer tal-Infrastruttura (IM) 22

8.4.

L-Entità Responsabbli mill-Manutenzjoni (ECM) 22

8.5.

Il-Korp Innotifikat (NoBo) 22

8.6.

Il-Korp Innominat (DeBo) 23

8.7.

L-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza (ANS) 23

8.8.

L-Istat Membru (SM) 23

8.9.

Il-korp tal-valutazzjoni fil-kuntest tas-CSM dwar l-RA (Korp tal-valutazzjoni tas-CSM) 23

9.

Ir-reġistri 24

9.1.

Id-dikjarazzjoni tan-netwerk 24

9.2.

Ir-reġistru tal-infrastruttura (RINF) 24

9.3.

Ir-reġistru Ewropew tat-tip ta’ vetturi awtorizzati (ERATV) 24

9.4.

Ir-reġistru nazzjonali tal-vetturi (NVR) 25

9.5.

Id-Dokument ta’ Referenza 25

9.6.

Il-lista tal-marki tal-kustodju tal-vettura (VKM) 25

10.

Grafika relatata mal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tad-Direttiva 2008/57/KE 25
LISTA TA’ ABBREVJAZZJONIJIET 29

1.   Introduzzjoni

Id-Direttiva 2008/57/KE tibda biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu jintlaħqu biex tinkiseb l-interoperabbiltà fis-sistema ferrovjarja tal-Komunità. Dawn il-kundizzjonijiet jikkonċernaw id-disinn, il-kostruzzjoni, it-tqegħid fis-servizz, it-titjib fil-kwalità, it-tiġdid, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ partijiet ta’ din is-sistema kif ukoll il-kwalifiki professjonali u l-kundizzjonijiet tas-saħħa u tas-sikurezza tal-persunal li jikkontribwixxi għat-tħaddim u għall-manutenzjoni tagħha. (Artikolu 1) (1).

L-għanijiet prinċipali tad-Direttiva 2008/57/KE huma li telimina l-ostakoli “tekniċi” li jfixklu l-iżvilupp tat-trasport ferrovjarju u li toħloq livell ottimali ta’ armonizzazzjoni teknika fil-qasam tal-interoperabbiltà ferrovjarja, biex b’hekk ikun iffaċilitat il-ftuħ tas-swieq ferrovjarji u t-tħaddim tal-ferroviji internazzjonali. Sabiex ikun iffaċilitat il-moviment tal-vetturi ferrovjarji, id-Direttiva 2008/57/KE tistabbilixxi l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi għall-Interoperabbiltà (STI), li huma essenzjali sabiex ikun żgurat li l-ferroviji jkunu jistgħu jaħdmu b’mod sikur u mingħajr problemi fis-sistema ferrovjarja kollha tal-UE, u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz tal-vetturi.

Għal dan il-għan, uħud mill-prinċipji elementari ġew ikkonsolidati fid-Direttiva 2008/57/KE.

1.

Awtorizzazzjoni waħda biss għat-tqegħid fis-servizz ta’ vetturi għandha tkun suffiċjenti għan-netwerk ferrovjarju kollu tal-UE meta jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet. Dan huwa l-każ, pereżempju, meta vettura konformi mal-STI tkun qed taħdem biss fuq netwerk konformi mal-STI.

2.

Il-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tal-vetturi għandhom ikunu armonizzati u jinkludu xi stadji ċari b’perjodu ta’ żmien fiss mill-awtoritajiet kompetenti.

3.

Ir-regoli tekniċi applikabbli għandhom ikunu stabbli, trasparenti, mhux diskriminatorji u, sa fejn ikun possibbli, armonizzati; ir-regoli għandhom ikunu jew STI jew, meta jkun permess mid-Direttiva 2008/57/KE, regoli nazzjonali nnotifikati lill-Kummissjoni u disponibbli permezz ta’ bażi tad-dejta stabbilita mill-Kummissjoni.

4.

Fil-każ tal-vetturi mhux konformi mal-STI, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għandu jiġi applikat, sa fejn ikun possibbli, sabiex ikunu pprevenuti rekwiżiti mhux meħtieġa u verifiki żejda, sakemm dawn ma jkunux strettament meħtieġa biex tkun ivverifikata l-kompatibbiltà teknika tal-vettura man-netwerk rilevanti.

L-għan ta’ din ir-rakkomandazzjoni huwa li tiġi ċċarata l-proċedura għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ sottosistemi strutturali u ta’ vetturi kif ġie stabbilit fid-Direttiva 2008/57/KE. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu kkunsidrati diversi xenarji relatati mal-vetturi: vetturi ġodda u mmodernizzati/imġedda, tipi ta’ vetturi, vetturi konformi mal-STI, vetturi mhux konformi mal-STI, vetturi awtorizzati biex jaħdmu fuq in-Netwerk Trans-Ewropew għat-Trasport (TEN-T), vetturi awtorizzati biex jaħdmu barra mit-TEN-T, vetturi awtorizzati biex jaħdmu fuq in-netwerks ta’ iktar minn Stat Membru wieħed u awtorizzazzjonijiet addizzjonali. F’dan is-sens, sakemm ma jiġix indikat espliċitament mod ieħor, ir-referenzi fit-test għal “awtorizzazzjoni” għandhom ifissru “awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz”.

Il-linji gwida kollha indirizzati lill-Impriżi Ferrovjarji (RU) għandhom ikunu validi wkoll għall-maniġers tal-infrastruttura (IM) meta jwettqu spezzjoni tal-infrastruttura u manutenzjoni tal-ferroviji.

2.   Il-kostitwenti tal-interoperabbiltà, is-sottosistemi u l-vetturi

2.1.   Il-kostitwenti tal-interoperabbiltà u s-sottosistemi

Minħabba l-firxa u l-kumplessità tas-sistema ferrovjarja, din ġiet diviża f’sottosistemi relatati jew ma’ oqsma strutturali jew ma’ oqsma funzjonali (l-Artikolu 2(e)).

Is-sottosistemi strutturali huma ddefiniti fl-Anness II (2) u huma dawn li ġejjin: l-infrastruttura, l-enerġija, il-kmand tal-kontroll u s-sinjalazzjoni maġenb il-binarji, il-kmand tal-kontroll u s-sinjalazzjoni ta’ abbord, u l-vetturi ferrovjarji. Is-sottosistemi funzjonali huma ddefiniti fl-Anness II u huma dawn li ġejjin: it-tħaddim u l-ġestjoni tat-traffiku, il-manutenzjoni, l-applikazzjonijiet telamatiċi għas-servizzi tal-passiġġieri u tal-merkanzija.

Barra minn hekk, hemm ħtieġa li jiġi ddefinit kwalunkwe komponent elementari, grupp ta’ komponenti, armar parzjali jew armar komplet ta’ tagħmir inkorporat jew intiż biex jiġi inkorporat f’sottosistema li fuqha l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja tiddependi direttament jew indirettament. Dawn il-komponenti jissejħu “kostitwenti tal-interoperabbiltà” (IC) (l-Artikolu 2(f)). Dawn huma suġġetti għal proċeduri biex tkun ivvalutata l-konformità u l-idoneità għall-użu (l-Artikolu 11). L-IC li jkunu konformi mad-Direttiva u jkollhom id-dikjarazzjoni “KE” ta’ konformità jew ta’ idoneità għall-użu jistgħu jitqiegħdu fis-suq u sussegwentement jiġu inkorporati f’sottosistema.

Eżempji: il-pantografu huwa IC għas-sottosistema tal-“vetturi ferrovjarji”; il-linja ferrovjarja hija IC għas-sottosistema tal-“infrastruttura”.

Dawk is-sottosistemi li jkunu sottosistemi strutturali huma suġġetti għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz li għandha tinħareġ mill-awtorità kompetenti li, fil-każ tad-Direttiva hija l-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza (ANS), li għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri (SM) (l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49/KE).

2.2.   Il-vetturi

Is-sistema ferrovjarja tista’ tiġi diviża wkoll f’elementi fissi u f’elementi mobbli li jinkludu, min-naħa l-waħda, in-netwerk (inklużi l-linji, l-istazzjonijiet, it-terminali, u kull tip ta’ tagħmir fiss meħtieġ biex jiżgura t-tħaddim sikur u kontinwu tas-sistema ferrovjarja) u, min-naħa l-oħra, il-vetturi kollha li jivvjaġġaw fuq dan in-netwerk. Għalhekk, vettura hija magħmula mis-sottosistema tal-vetturi ferrovjarji u, fejn ikun applikabbli, minn parti waħda jew iktar ta’ sottosistemi oħrajn (inklużi s-sottosistema tal-kmand tal-kontroll u s-sinjalazzjoni ta’ abbord) (l-Artikoli 2(c) u 2(d)).

Peress li l-vetturi huma magħmulin minn sottosistemi, id-dispożizzjonijiet relatati mas-sottosistemi fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2008/57/KE għandhom ikunu applikabbli għas-sottosistemi rilevanti tal-vetturi, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu V.

3.   Ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati meta tiġi manifatturata sottosistema

3.1.   Tipi ta’ rekwiżiti

3.1.1.   Ir-rekwiżiti essenzjali

Meta prodott jitqiegħed fis-suq tal-UE, huwa jkun konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fid-Direttivi ta’ Approċċ Ġdid (3) applikabbli (eż. id-Direttiva dwar vultaġġ baxx, eċċ.) u mar-rekwiżiti tekniċi stabbiliti f’Direttivi (jew f’leġiżlazzjoni) oħrajn rilevanti (eż. id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (4). Ir-rekwiżiti essenzjali jistabbilixxu l-elementi meħtieġa għall-protezzjoni tal-interess pubbliku. Dawn huma mandatorji u l-prodotti li jkunu konformi magħhom biss jitħallew jitqiegħdu fis-suq.

Eżempju: fil-każ tad-Direttiva 2004/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-kompatibbilità elettromanjetika u li tħassar id-Direttiva 89/336/KEE  (5) , hemm rekwiżit ta’ protezzjoni sabiex id-disturb elettromanjetiku ġġenerat ma jaqbiżx ċertu livelli ħalli jkun żgurat li t-tagħmir tar-radju u tat-telekomunikazzjonijiet jew tagħmir ieħor jkun jista’ jaħdem skont kif kien maħsub.

3.1.2.   Ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2008/57/KE

Fl-Anness III, id-Direttiva 2008/57/KE tistabbilixxi lista ta’ rekwiżiti essenzjali li għandhom jagħtu kontribut sabiex tinkiseb l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja (l-Artikolu 3(1)). Dawn ir-rekwiżiti huma speċifiċi għas-settur ferrovjarju. Is-sistema ferrovjarja, is-sottosistemi, il-kostitwenti tal-interoperabbiltà u l-interfaces kollha għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali. Li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti essenzjali huwa prerekwiżit qabel ma sottosistema strutturali tkun tista’ titqiegħed fis-servizz (l-Artikolu 4(1)). Il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-UE. (l-Artikolu 3(2)).

3.1.3.   L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà (STI)

L-STI jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa li s-sottosistemi għandhom japplikaw sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2008/57/KE u sabiex jilħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2008/57/KE, inkluża t-tfittxija ta’ livell ottimali ta’ armonizzazzjoni teknika (l-Artikolu 1(2)). L-STI mhux biss jidentifikaw l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi li għandhom jiġu rispettati mis-sottosistemi, imma anki jispeċifikaw l-interfaces bejn is-sottosistemi.

L-STI jidentifikaw il-parametri bażiċi li huma kritiċi għall-interoperabbiltà u għall-IC. Barra minn hekk, l-STI jiddikjaraw liema proċeduri (6) għandhom jintużaw sabiex ikunu vvalutati l-konformità u l-idoneità għall-użu tal-IC, fuq in-naħa l-waħda, u għall-proċedura ta’ verifika “KE” tas-sottosistema, fuq in-naħa l-oħra.

Kull STI tindika bħala mira sottosistema fil-mira li tista’ tintlaħaq gradwalment f’perjodu ta’ żmien raġonevoli (l-Artikolu 5(4)). Għal dak il-fini, il-Kapitolu 4 ta’ kull STI jistabbilixxi l-parametri u l-interfaces bażiċi tas-sottosistema fil-mira u l-Kapitolu 7 jistabbilixxi l-proċess ta’ implimentazzjoni sabiex tintlaħaq din is-sottosistema fil-mira, inkluż perjodu tranżitorju, fejn ikun xieraq.

F’ċerti każijiet, l-STI jagħmlu referenza espliċita għall-istandards Ewropej jew għal parti(jiet) minnha/hom, jew għal speċifikazzjonijiet, fejn dan ikun strettament meħtieġ sabiex tinkiseb l-interoperabbiltà. Dawn l-istandards isiru mandatorji mill-mument li fih l-STI ssir applikabbli.

L-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/57/KE ma għandhiex toħloq ostakli għall-preservazzjoni u għall-iżvilupp tan-netwerk ferrovjarju eżistenti ta’ kull SM li ma jkunux ġustifikati f’termini ta’ spejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji, imma għandha tagħmel ħilitha sabiex issostni l-għan tal-interoperabbiltà. Għal dak il-għan, l-STI ukoll iqisu kwalunkwe parti mis-sistema ferrovjarja li teħtieġ dispożizzjonijiet speċjali, u għalhekk jiddefinixxu l-“każijiet speċifiċi”.

Normalment il-każ speċifiku għandu jkun inkluż fl-STI fil-forma ta’ valur differenti għal parametru (eż. id-distanza bejn il-linji ta’ binarju li tintuża l-iktar fin-netwerks ferrovjarji ta’ Spanja u tal-Portugall (Iberian gauge) fl-STI tal-Infrastruttura). F’ċerti ċirkustanzi fejn l-STI ma tinkludix it-test tal-każ speċifiku, l-STI minflok tista’ tagħmel referenza espliċita għal regola nazzjonali. Regoli ta’ din ix-xorta għandhom jiġu nnotifikati u l-SM irid tinnomina l-korp li għandu jwettaq il-proċedura ta’ verifika (il-korp innominat) (l-Artikolu 17).

Jekk ċerti aspetti li jikkorrispondu għar-rekwiżiti essenzjali ma jistgħux jiġu koperti b’mod espliċitu f’STI (eż. minħabba n-nuqqas ta’ soluzzjoni armonizzata, jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent reċiproku fost il-partijiet ikkonċernati), din l-STI għandha tidentifikahom b’mod espliċitu bħala “punti miftuħa [kwistjonijiet pendenti]” (l-Artikolu 5(6)).

3.1.4.   Ir-regoli nazzjonali

Sakemm jasal dak iż-żmien li tintlaħaq is-sistema fil-mira (l-Artikolu 5(4)) u konsegwentement tinkiseb l-interoperabbiltà, l-SM joqogħdu fuq ir-regoli nazzjonali għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali (l-Artikolu 17(3)). Dan huwa għaliex:

Għal diversi raġunijiet, l-STI ma jkunux kompluti (eż. kwistjonijiet pendenti, ambitu ristrett għat-TEN-T għall-ewwel sett ta’ STI, l-STI li jkunu għadhom qed jiġu żviluppati),

Sabiex tkun żgurata kompatibbiltà b’lura mal-installazzjonijiet eżistenti, uħud mis-sottosistemi f’uħud mill-SM jistgħu jeħtieġu derogi,

Il-parti l-kbira tas-sottosistemi eżistenti tqiegħdu fis-servizz qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttivi dwar l-Interoperabbiltà jew ta’ wħud mill-STI u għalhekk ma jkunux konformi mal-STI kollha,

Il-każijiet speċifiċi joqogħdu fuq regoli nazzjonali meta l-STI ma tinkludix it-test tal-każ speċifiku.

Dawn ir-regoli nazzjonali jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha trid timmonitorjahom sabiex tipprevjeni regoli nazzjonali diskriminatorji (l-Artikolu 17(3)) li jimponu rekwiżiti bla bżonn u verifiki żejda. Dawn ir-regoli nazzjonali biss għandhom jiġu applikati għat-tqegħid fis-servizz tal-vetturi u għandhom ikunu suġġetti għal kontroreferenzi fid-dokumenti ta’ referenza (l-Artikolu 27(3)).

Konklużjoni: Skont id-Direttiva u l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni tagħha, għandha tinġibed il-konklużjoni li r-regoli nazzjonali li ġew innotifikati biss għandhom jiġu applikati għall-awtorizzazzjoni ta’ sottosistemi strutturali u ta’ vetturi.

Minn hawn ’il quddiem, kwalunkwe referenza f’din ir-rakkomandazzjoni għal regoli nazzjonali għandha tfisser “regoli nazzjonali nnotifikati”.

Mill-mument li tiġi adottata STI, SM ma għandu jadotta l-ebda regola nazzjonali relatata ma’ prodotti jew ma’ partijiet ta’ sottosistemi koperti minn dik l-STI (ħlief għal dawk iddikjarati bħala “kwistjonijiet pendenti” u “każijiet speċifiċi” fejn l-STI tipprovdi dan, u fejn ikun applikabbli, id-derogi).

Tabilħaqq, kwalunkwe regola nazzjonali li tispeċifika żżejjed parametru diġà kopert minn STI tista’ twassal għal sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ kompatibbiltà bejn żewġ sottosistemi konformi mal-STI. Pereżempju, regola nazzjonali relatata ma’ vettura li timponi rekwiżiti iktar stretti mill-STI PRM, tista’ twassal għal sitwazzjoni fejn vettura konformi mal-STI diġà awtorizzata fi SM ieħor ma tistax tiġi awtorizzata mill-ġdid. Għalhekk, skont l-Artikolu 17(3), il-Kummissjoni għandha timmonitorja r-regoli nazzjonali sabiex tkun evitata kwalunkwe diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija (l-Artikolu 17(3)).

Barra minn hekk, rigward il-moviment ħieles tas-sottosistemi, id-Direttiva 2008/57/KE tirrifletti l-ispirtu tal-istrateġija l-ġdida: meta prodott li jkun konformi ma’ speċifikazzjonijiet tekniċi mhux armonizzati (jiġifieri, ir-regoli nazzjonali rilevanti) jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali, dan il-prodott jista’ jiġi awtorizzat sabiex jitqiegħed f’servizz mingħajr aktar kontrolli (l-Artikolu 16) (7).

3.1.5.   L-istandards armonizzati (EN)

Sabiex tintlaħaq il-mira ta’ suq komuni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali jistgħu jiġu stabbiliti fi standards armonizzati (EN). F’uħud mill-każijiet, l-istandards armonizzati li jkopru l-parametri bażiċi tal-STI jipprovdu preżunzjoni ta’ konformità mal-STI. Skont l-ispirtu tal-istrateġija l-ġdida għall-armonizzazzjoni teknika u għall-istandardizzazzjoni, dawk l-EN jibqgħu volontarji imma r-referenzi tagħhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠUUE) u jiġu identifikati fil-gwida ta’ applikazzjoni tal-STI sabiex ikun iffaċilitat l-użu tagħhom mill-industrija.

3.2.   L-evoluzzjoni tal-interoperabbiltà

L-interoperabbiltà għandha tinkiseb b’mod gradwali.

Għall-ewwel, fin-nuqqas ta’ STI kompluti li jkopru s-sistema ferrovjarja kollha u sakemm tintlaħaq il-konformità mal-STI tas-sottosistemi kollha, ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2008/57/KE jiġu ssodisfati, għall-partijiet tas-sistema ferrovjarja jew għall-aspetti mhux koperti mill-STI, permezz ta’ konformità mar-regoli nazzjonali, inklużi r-regoli li jirreferu għal ftehimiet internazzjonali, li jiġu nnotifikati (l-Artikolu 17(3)).

Eventwalment, meta s-sistema fil-mira tkun kemm speċifikata kif ukoll implimentata, ma għandux ikun hemm iktar ħtieġa għal dawn ir-regoli nazzjonali.

Sakemm tinkiseb interoperabbiltà sħiħa, l-STI għandhom jeżistu flimkien mar-regoli nazzjonali. F’dan il-perjodu tranżitorju, hija meħtieġa proċedura sabiex tkun iffaċilitata l-aċċettazzjoni transkonfinali tal-vetturi. Għal dan il-għan, ir-regoli nazzjonali kollha li jiġu applikati mill-SM għat-tqegħid tal-vetturi fis-servizz għandhom jiġu kklassifikati u jkunu suġġetti għal referenzi inkroċjati fid-dokument ta’ referenza (l-Artikolu 27). L-Artikoli 16, 23, 25 u 27 tad-Direttiva jipprovdu għal rikonoxximent reċiproku (“aċċettazzjoni transkonfinali”) ta’ regoli u ta’ kontrolli nazzjonali ta’ din ix-xorta skont dawn ir-regoli.

4.   Il-verifiki li l-IC u s-sottosistemi iffurmati skont ir-rekwiżiti applikabbli

4.1.   Il-valutazzjoni tal-konformità jew tal-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà (IC)

L-STI jiddeterminaw l-IC fl-ambitu tagħhom, u jistabbilixxu l-proċeduri li għandu japplika l-manifattur sabiex ikunu vvalutati l-konformità u/jew l-idoneità għall-użu tal-IC. L-STI tista’ teżiġi li l-valutazzjoni ssir minn NoBo li joħroġ iċ-ċertifikat għall-konformità u għall-idoneità għall-użu. Il-manifattur imbagħad jagħmel id-dikjarazzjoni “KE” ta’ konformità jew id-dikjarazzjoni “KE” ta’ idoneità għall-użu (l-Artikolu 13 u l-Anness IV).

Sabiex jitqiegħed fis-suq, kull IC jkollu dikjarazzjoni “KE” ta’ konformità u, jekk il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità teżiġi dan, ikun akkumpanjat minn ċertifikat “KE” korrispondenti. Barra minn hekk, fejn l-STI teżiġi l-validazzjoni tat-tip ta’ esperjenza fis-servizz, l-IC jkun akkumpanjat mid-dikjarazzjoni “KE” ta’ idoneità għall-użu u minn ċertifikat “KE” ta’ idoneità għall-użu. IC jitqies bħala li huwa konformi mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2008/57/KE meta jkollu dikjarazzjoni “KE” ta’ konformità jew dikjarazzjoni “KE” ta’ idoneità għall-użu. Meta l-IC jkunu suġġetti għal leġiżlazzjoni oħra tal-UE li tkopri aspetti oħrajn, id-dikjarazzjoni “KE” għandha tiddikjara wkoll li l-IC jissodisfaw anki r-rekwiżiti essenzjali ta’ dik il-leġiżlazzjoni tal-UE.

4.2.   Il-proċedura ta’ verifika għas-sottosistemi (8)

4.2.1.   Il-proċedura ta’ verifika “KE” għas-sottosistemi

In-NoBo jikkontrolla l-konformità tas-sottosistema mal-STI applikabbli fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fl-STI rilevanti u fir-reġistri (l-Artikoli 5(3)(e) u 18(2)).

Il-kompitu tan-NoBo responsabbli mill-verifika “KE” ta’ sottosistema jibda fl-istadju tad-disinn u jkopri l-perjodu tal-manifattura kollu sal-istadju tal-aċċettazzjoni mill-applikant qabel ma s-sottosistema titqiegħed fis-servizz. Huwa jkopri anki l-verifika tal-interfaces mas-sistema li fiha jkunu inkorporati. Madankollu, il-kompitu ta’ verifika tan-NoBo, skont id-Direttiva 2008/57/KE, huwa limitat għar-rekwiżiti msemmija fl-STI applikabbli. Sabiex iwettaq il-kompitu tiegħu, in-NoBo jista’ jkollu jikkonsulta r-reġistri.

Pereżempju, fil-każ ta’ tiġdid jew ta’ modernizzar ta’ sezzjoni minn rotta, in-NoBo għandu jkun żgur li jintgħażlu l-opzjonijiet korretti tal-STI. F’dan il-każ, il-kontenut tal-STI mhuwiex se jkun suffiċjenti biex jiġu kkontrollati l-interfaces mas-sezzjonijiet tar-rotta ta’ biswit: pereżempju, in-NoBo jeħtieġ li jkun jaf li d-distanza bejn il-linji ta’ binarju (gauge) u l-vultaġġ huma l-istess anki fuq ir-rotta ta’ biswit  (9).

In-NoBo japplikaw il-proċedura ta’ verifika “KE” skont il-“moduli” li huma speċifikati fl-STI u, f’uħud mill-każijiet, li huma stabbiliti f’deċiżjoni speċifika tal-Kummissjoni. Huma jirreġistraw il-konklużjonijiet tagħhom billi jabbozzaw ċertifikat ta’ verifika “KE” u billi jikkompilaw fajl tekniku.

Meta kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra tal-UE tkun ukoll applikabbli għas-sottosistema jew għal parti minnha, in-NoBo jiġbor kwalunkwe ċertifikat “KE” ieħor li jirriżulta minn dik il-leġiżlazzjoni maħruġ min-NoBo rilevanti kkonċernat minn dik il-leġiżlazzjoni.

4.2.2.   Il-proċedura ta’ verifika tas-sottosistemi fil-każ tar-regoli nazzjonali

Il-korp innominat mill-Istati Membri (korp innominat, DeBo), fil-każ tar-regoli nazzjonali, japplika proċedura simili għall-proċedura ta’ verifika “KE” billi jabbozza ċertifikat ta’ verifika fil-każ tar-regoli nazzjonali u billi jikkompila fajl tekniku (l-Artikolu 17(3)). L-applikant, min-naħa tiegħu, jagħmel dikjarazzjoni ta’ konformità mar-regoli nazzjonali.

4.2.3.   Id-dikjarazzjoni magħmula mill-applikant (10)

L-applikant għandu r-responsabbiltà biex jagħmel dikjarazzjoni ta’ verifika “KE” tas-sottosistema fejn jiddikjara li s-sottosistema hija konformi mal-STI rilevanti u hija konformi mar-rekwiżiti essenzjali li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni oħra tal-UE, fejn ikun applikabbli.

Bl-istess mod, jekk ikunu applikabbli r-regoli nazzjonali, l-applikant jagħmel dikjarazzjoni ta’ konformità mar-regoli nazzjonali għall-partijiet koperti mir-regoli nazzjonali. Huwa biss meta l-evidenza u d-dikjarazzjonijiet preċedenti kollha jkunu ġew ikkompilati li l-applikant ikun f’pożizzjoni li jagħmel applikazzjoni formali mal-ANS kompetenti għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz tas-sottosistema.

Iċ-ċertifikati “KE” u d-dikjarazzjonijiet “KE” huma validi mal-UE kollha. Iċ-ċertifikati u d-dikjarazzjonijiet relatati mar-regoli nazzjonali huma validi mal-UE kollha ħlief għad-dispożizzjonijiet relatati mal-kompatibbiltà teknika jew mal-integrazzjoni sikura bejn il-vettura u n-netwerk, għaliex dawk l-aspetti huma suġġetti għal dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mat-tqegħid fis-servizz tal-vetturi (iktar dettalji jingħataw fit-taqsima li ġejja).

L-applikant għandu jehmez il-fajl tekniku kkompletat min-NoBo (imsemmi fit-Taqsima 4.2.1) mad-dikjarazzjoni ta’ verifika “KE”.

5.   L-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz

5.1.   X’inhi awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz?

5.1.1.   Kunċett

Il-proċedura tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz kienet introdotta l-ewwel darba fid-Direttiva 96/48/KE u kellha l-għan li tikkomplementa l-kunċett tat-tqegħid fis-suq imsemmi fit-Taqsima 3.1.1. Filwaqt li prodott jew Kostitwent tal-Interoperabbiltà jista’ jitqiegħed fis-suq mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ta’ awtorità kompetenti, dan mhuwiex il-każ għal sottosistema li jeħtieġ li tingħata awtorizzazzjoni minn awtorità kompetenti qabel ma sottosistema tista’ titqiegħed f’servizz (l-Artikolu 15).

Kull SM jawtorizza t-tqegħid fis-servizz ta’ dawk is-sottosistemi strutturali li jikkostitwixxu s-sistema ferrovjarja li jinsabu jew jitħaddmu fit-territorju tiegħu (l-Artikolu 15). Bl-istess mod, il-Kapitolu V tad-Direttiva huwa relatat mal-awtorizzazzjoni tal-vetturi.

L-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ sottosistema hija mitluba għall-partijiet kollha tas-sistema ferrovjarja: il-linji tat-TEN-T u l-linji barra mit-TEN-T, il-linji ta’ veloċità għolja jew il-linji konvenzjonali, kif ukoll is-sottosistemi li jifformaw il-vetturi li jaħdmu fuq dawk il-linji irrispettivament minn jekk ikunx hemm STI rilevanti jew le.

Bħala parti mill-verifika tar-rekwiżiti essenzjali, l-SM għandu jikkontrolla l-kompatibbiltà teknika ta’ dawn is-sottosistemi mas-sistema li fiha qed jiġu integrati, u l-integrazzjoni sikura ta’ dawn is-sottosistema meta jiġu integrati fis-sistema ferrovjarja. (l-Artikolu 15).

Il-kompatibbiltà teknika u l-integrazzjoni sikura huma relatati mas-sottosistemi strutturali kollha, kemm dawk integrati fil-vettura kif ukoll dawk fuq kull naħa tal-interface bejn il-vettura u n-netwerk ikkonċernat.

L-awtorizzazzjoni hija proċess li għandu jitwettaq qabel it-tqegħid fis-servizz. Skont l-Artikolu 15, huwa previst li l-konformità kontinwata mar-rekwiżiti essenzjali tkun issorveljata bħala parti mis-superviżjoni tal-SMS tal-RU jew tal-IM skont id-Direttiva 2004/49/KE. ANS li biħsiebha tirrevoka awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz għandha tuża l-proċeduri pprovduti mid-Direttiva 2004/49/KE (l-Artikolu 21(9) tad-Direttiva 2008/57/KE).

Jekk l-ANS jemmnu li vettura jew sottosistema awtorizzata ma għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti essenzjali (eż. minħabba manutenzjoni fqira jew disinn li ma tantx huwa tajjeb jew difett endemiku li tfaċċa wara l-awtorizzazzjoni), huma għandhom jieħdu azzjoni skont id-Direttiva 2004/49/KE sabiex jissodisfaw irwieħhom li r-riskju qed jiġi ġestit b’mod adegwat.

5.1.2.   L-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz tas-sottosistemi

L-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz tapplika għas-sottosistemi strutturali kif ġew iddefiniti fl-Anness II (11) għad-Direttiva 2008/57/KE (l-enerġija, l-infrastruttura, il-vetturi ferrovjarji, il-kmand tal-kontroll u s-sinjalazzjoni maġenb il-binarji u l-kmand tal-kontroll u s-sinjalazzjoni ta’ abbord) u kif ġew iddefiniti ulterjorment fl-STI rilevanti (l-Artikolu 15).

5.1.3.   L-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz tal-vetturi

Id-Direttiva 2008/57/KE tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex tingħata l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz tal-vetturi (il-Kapitolu V). Peress li vettura hija magħmula minn sottosistema strutturali waħda jew iktar, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/57/KE relatati mal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz tas-sottosistemi (l-Artikolu 15), mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra relatati mat-tqegħid fis-servizz tal-vetturi (il-Kapitolu V).

Awtorizzazzjoni mogħtija għal vettura minn SM wieħed hija valida fl-SM kollha mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni tat-tieni SM li jeżiġi awtorizzazzjoni addizzjonali (l-Artikolu 23). Fil-każ ta’ vetturi li ma jkunux konformi mal-STI, l-awtorizzazzjoni tkun limitata għan-netwerk tal-SM li jagħtiha (l-Artikoli 24 u 25). Madankollu, hemm ambitu limitat għall-verifika tal-awtorizzazzjonijiet addizzjonali.

L-awtorizzazzjoni ta’ vettura hija r-rikonoxixment mill-SM li l-istat ta’ tħaddim tal-vettura skont kif ippjanat jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva u ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE meta jkun hemm il-ħsieb li l-vettura tintuża fuq in-netwerk ta’ dak l-SM.

L-awtorizzazzjoni mogħtija lil vettura tista’ tistipula l-kundizzjonijiet tal-użu u restrizzjonijiet oħrajn (l-Artikolu 21(6)). Pereżempju, awtorizzazzjoni għandha tispeċifika l-vultaġġ tal-linji li fuqhom il-vettura titħalla timxi fil-każ tal-vetturi bi trazzjoni elettrika. Madankollu, kwistjonijiet ta’ kompatibbiltà speċifika għar-rotta (12) bejn il-karatteristiċi tad-disinn tal-vettura u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ rotot partikolari (eż. restrizzjonijiet fuq il-piż, sistemi ta’ elettrifikazzjoni, sistemi ta’ protezzjoni tal-ferroviji) għandhom jiġu ttrattati taħt is-Sistema ta’ Ġestjoni tas-Sikurezza (SMS) tal-RU, fejn jiġu applikati l-kundizzjonijiet tal-użu u r-restrizzjonijiet stabbiliti fl-awtorizzazzjoni u fil-fajl tekniku kif ukoll l-informazzjoni dwar in-natura tal-infrastruttura pprovduta mill-IM fir-Reġistru tal-Infrastrutturi (RINF) (ara t-Taqsima 6 ta’ dan id-dokument).

Sabiex jiġu evitati l-ispeċifiċità ġeografika u l-ħtieġa li vettura tiġi awtorizzata mill-ġdid jekk il-karatteristiċi ta’ rotta jinbidlu (eż. elettrifikazzjoni ġdida jew bidla fil-vultaġġ), kwalunkwe kundizzjoni tal-użu marbuta ma’ awtorizzazzjoni ta’ vettura għat-tqegħid fis-servizz (minbarra dawk diġà koperti mil-linja ta’ konfini tal-ambitu tal-użu li għalih kienet ippjanata l-vettura) għandhom ikunu speċifikati f’termini ta’ parametri tal-karatteristiċi tekniċi tad-disinn tal-infrastruttura (eż. li għandha titħaddem biss fuq ċirkwiti ta’ binarji bi frekwenza ta’ xxHz) u mhux f’termini ta’ ġeografija.

Rimarka: l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz hija kunċett ferm differenti minn dak tal-“omologazzjoni” li kienet titwettaq fl-imgħoddi mill-kumpaniji ferrovjarji nazzjonali. Essenzjalment, l-omologazzjoni kienet aċċettazzjoni ta’ prodott imwettqa mill-kumpanija ferrovjarja nazzjonali meta tixtri prodott, filwaqt li l-awtorizzazzjoni hija rekwiżit legali sabiex jinkiseb permess ħalli sottosistema jew vettura titqiegħed f’servizz fuq il-bażi ta’ sett iddefinit ta’ verifiki mwettqa mill-korpi nnominati mill-gvern u mill-ANS.

5.2.   Il-linja ta’ konfini bejn l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz u t-tħaddim u l-manutenzjoni tas-sottosistemi u tal-vetturi

5.2.1.   Prinċipji ġenerali

Sabiex “tikkontribwixxi għall-ħolqien progressiv tas-suq intern fit-tagħmir u s-servizzi għall-kostruzzjoni, it-tiġdid, l-immodernizzar u l-operat tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità” (l-Artikolu 1), huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz tas-sottosistemi strutturali/vetturi tiġi sseparata mir-regolamentazzjoni tat-tħaddim tagħhom.

Din is-separazzjoni għandha tagħti l-possibbiltà li l-vetturi li jappartjenu lil tip partikolari ta’ vettura jitqiegħdu fis-servizz minn manifatturi jew minn entitajiet kontraenti differenti, jitħaddmu minn impriżi ferrovjarji differenti, u jingħataw manutenzjoni minn Entitajiet Responsabbli mill-Mantenzjoni (ECM) differenti skont is-sistemi ta’ manutenzjoni differenti li jiddependu mill-kuntest operattiv.

Pereżempju, manifattur jista’ jagħmel applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal lokomotiva jew għal tip ta’ lokomotiva għal netwerk fi SM sabiex ibigħha lil għadd ta’ RU jew ta’ kumpaniji tal-kiri eċċ. differenti, biex titħaddem minn RU differenti, b’kull waħda minnhom ikollha arranġamenti differenti fl-SMS rispettiva tagħhom għall-ġestjoni u għall-manutenzjoni tal-lokomotivi.

Alternattivament, RU tista’ tħaddem lokomotiva awtorizzata li qabel kienet titħaddem minn RU oħra fuq l-istess netwerk mingħajr il-ħtieġa għal awtorizzazzjoni ġdida.

Sabiex tiċċara l-linja ta’ konfini, id-Direttiva 2008/57/KE stabbiliet ir-regoli u l-proċess ta’ awtorizzazzjoni sabiex jinkiseb l-istat ta’ operazzjoni tal-vettura skont kif ippjanat. Malli sottosistema titqiegħed fis-servizz, għandha tingħata attenzjoni sabiex ikun żgurat li din titħaddem u tingħata manutenzjoni skont ir-rekwiżiti essenzjali relatati magħha. Skont id-Direttiva 2004/49/KE, ir-responsabbiltà sabiex jiġu ssodisfati dawn ir-rekwiżiti hija tal-IM jew tal-RU għas-sottosistemi rispettivi tagħhom, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet ta’ atturi oħrajn (l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/49/KE). L-ANS jistgħu jikkontrollaw il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti meta jagħtu ċ-ċertifikati tas-sikurezza u l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza lill-RU u lill-IM (l-Artikoli 10, 11 u 16 tad-Direttiva 2004/49/KE).

Eċċezzjoni għal dik il-linja diviżorja tapplika fir-rigward tar-regoli tat-tħaddim u tal-manutenzjoni (ara t-Taqsima 5.2.2).

Minn perspettiva ġenerali, id-Direttiva 2008/57/KE tirregola l-karatteristiċi tekniċi (prinċipalment, id-disinn, il-produzzjoni u l-ittestjar finali) tas-sottosistemi u tal-vetturi u l-proċess tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz tagħhom filwaqt li d-Direttiva 2004/49/KE tirregola l-entitajiet li jużawhom, iħaddmuhom u jagħmlulhom manutenzjoni, kif jintwera fid-dijagramma li ġejja.

Image 1

Fid-dijagramma ta’ hawn fuq:

“NNTR” tfisser “regoli tekniċi nazzjonali nnotifikati skont l-Artikolu 17”, iżda tinkludi wkoll regoli għal kwistjonijiet pendenti, derogi u każijiet speċifiċi fejn ikun meħtieġ.

“RA skont is-CSM” tfisser “valutazzjoni tar-riskji bl-applikazzjoni tas-CSM” u hija relatata mal-aspetti tal-kompatibbiltà teknika u tal-integrazzjoni sikura li huma rilevanti għar-rekwiżiti essenzjali iżda li mhumiex koperti minn STI jew NNTR.

Il-karatteristiċi tekniċi u r-regoli għat-tħaddim/manutenzjoni relatati mad-disinn jistgħu jinħarġu mill-proċess ta’ awtorizzazzjoni u huma parti mill-fajl tekniku.

Ir-ritorn tal-esperjenza huwa l-proċess li permezz tiegħu jeħtieġ li l-karatteristiċi tekniċi jiġu mmodifikati bħala riżultat ta’ tħaddim u manutenzjoni reali tas-sottosistemi/vetturi. Il-ġestjoni tat-tibdil hija parti mill-SMS tal-IM u l-RU, kif spjegat fiż-żewġ taqsimijiet li ġejjin.

5.2.2.   Ir-rekwiżiti ta’ manutenzjoni u dawk operattivi li għandhom jiġu vverifikati qabel l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz

Skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/57/KE, l-SM għandhom jikkontrollaw li s-sottosistemi jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet dwar it-tħaddim u l-manutenzjoni li jkunu relatati mal-istat ta’ tħaddim tagħhom skont kif ippjanat qabel ma jitqiegħdu f’servizz. Dan ifisser li, qabel ma tinħareġ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz, jeħtieġ li jiġi kkontrollat li s-sottosistemi se jkunu jistgħu jitħaddmu u jinżammu f’kundizzjoni tajba skont ir-regoli operattivi u dawk dwar il-manutenzjoni speċifikati fl-STI rilevanti.

L-STI tal-operat u l-ġestjoni tat-traffiku wkoll jiġu żviluppati u adottati skont id-Direttiva 2008/57/KE imma peress li jkopru sottosistema mhux strutturali ma hemm l-ebda ħtieġa għal awtorizzazzjoni għal dik is-sottosistema. L-ispeċifikazzjonijiet kollha relatati mar-rekwiżiti operattivi li għandhom jiġu ddefiniti fl-istat ta’ operazzjoni skont kif ippjanat (eż. il-karatteristiċi tal-ibbrejkjar, il-ħornijiet fuq il-vetturi tas-sewqan) huma koperti mill-STI strutturali.

L-STI tal-Operat u l-Ġestjoni tat-Traffiku (STI OPE) tiddeskrivi r-rekwiżiti għal “[i]l-proċeduri u t-tagħmir relatat li jgħin it-tħaddim koerenti tad-diversi strutturi tas-sottosistemi” (l-Anness II). Din l-STI mhijiex relatata mal-obbligi fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-istat ta’ operazzjoni skont kif ippjanat li jinkiseb minn applikant (eż. manifattur) imma mal-proċeduri armonizzati li huma meħtieġa sabiex ikun żgurat it-tħaddim konsistenti tal-partijiet rispettivi tas-sistema ferrovjarja li jitwettaq mill-IM u mill-RU skont l-SMS tagħhom.

Wieħed mill-finijiet primarji tal-STI OPE huwa li tarmonizza d-diviżjoni tar-responsabbiltajiet operattivi bejn l-IM u l-RU li inkella jkollhom jiġu koperti minn sett ta’ ftehimiet multilaterali ta’ kooperazzjoni ferm kumplessi.

Ir-rekwiżiti kollha li huma rilevanti għall-manutenzjoni u li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali sabiex tinkiseb l-interoperabbiltà huma inklużi fl-STI strutturali, ibbażati fuq il-karatteristiċi tekniċi tas-sottosistema. Fuq dik il-bażi, l-applikant għandu jikkonsenja dokumentazzjoni preliminari dwar il-manutenzjoni u t-tħaddim li għandha tiġi inkluża fil-fajl tekniku tas-sottosistema rilevanti. Il-fajl tekniku huwa referenza inizjali essenzjali għall-ġestjoni kontinwa tal-manutenzjoni u jinkludi l-manwali tat-tħaddim u tal-manutenzjoni inizjali. Wara t-tqegħid fis-servizz, hija r-responsabbiltà tal-RU jew tal-IM flimkien ma’ ECM li jirrivedu b’mod kontinwu l-interventi ta’ manutenzjoni u li jemendaw din l-informzzjoni sabiex ikun żgurat li tirrifletti ċ-ċiklu ta’ ħidma u l-kisba ta’ esperjenza (l-Artikoli 4 u 9 tad-Direttiva 2004/49/KE). Għandu jiġi nnotat ukoll li l-ġestjoni tal-bidla hija parti mill-SMS tal-IM u tal-RU.

5.2.3.   Is-Sistemi ta’ Ġestjoni tas-Sikurezza (SMS)

Skont id-Direttiva 2004/49/KE, meta jwettqu dmirijiethom u jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom, l-IM u l-RU jkunu qed jimplimentaw SMS li tissodisfa r-rekwiżiti tal-UE u dawk nazzjonali u tinkludi elementi komuni. Il-proċessi sabiex ikun żgurat tħaddim sikur (inklużi l-użu u l-manutenzjoni) tal-vetturi/tas-sottosistemi huma koperti mill-SMS tal-RU (għall-vetturi) u tal-IM (għan-netwerks).

Wieħed mill-finijiet taċ-ċertifikat tas-sikurezza u tal-awtorizzazzjoni tas-sikurezza rispettivament huwa li jipprovdi evidenza li l-RU u l-IM stabbilew l-SMS tagħhom u jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-STI waqt it-tħaddim tas-sottosistemi rilevanti. Iċ-ċertifikati tas-sikurezza u l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza jiġu riveduti f’intervalli regolari, li mhuwiex il-każ tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz. Madankollu, l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz dejjem tibqa’ valida ħlief fil-każ ta’ kwalunkwe bidla sostanzjali li taffetwa l-istat ta’ operazzjoni skont kif ippjanat (il-karatteristiċi tekniċi) li jista’ jkun hemm, pereżempju, fil-każ ta’ tiġdid jew ta’ modernizzar, jiddependi minn kemm ikunu mifruxa x-xogħlijiet. B’hekk, il-bidliet f’operazzjoni ta’ RU jiġu rregolati mid-Direttiva 2004/49/KE, u l-bidliet fl-istat ta’ operazzjoni ta’ vettura jew ta’ sottosistema skont kif ippjanat jiġu rregolati mill-proċess ta’ awtorizzazzjoni f’konformità mad-Direttiva 2008/57/KE.

5.3.   Il-kompatibbiltà teknika, l-integrazzjoni sikura u l-kompatibbiltà bejn il-vetturi

5.3.1.   Il-kompatibbiltà teknika

Il-kompatibbiltà teknika hija waħda mir-“rekwiżiti essenzjali” li trid tiġi ssodisfata minn “[i]s-sistema ferrovjarja, is-sottosistemi u l-kostitwenti tal-interoperabbiltà inklużi l-interfaces” (l-Artikolu 4).

Il-kompatibbiltà teknika hija ddefinita fl-Anness III għad-Direttiva 2008/57/KE: “Il-karatteristiċi [tekniċi] tal-infrastruttura u l-istallazzjonijiet fissi għandhom ikunu kompatibbli ma’ xulxin u ma’ dawk tal-ferroviji li għandhom jintużaw fis-sistema ferrovjarja”. Hija wkoll speċifikata għal sottosistemi strutturali differenti (il-punti 2.2.3, 2.3.2 u 2.4.3 tal-Anness III).

Barra minn hekk, it-Taqsima 3 tal-Anness I tidentifika l-kompatibbiltà teknika bħala sies għall-kwalità tas-servizzi, tal-prestazzjoni, tas-sikurezza u tal-ispejjeż tas-sistema ferrovjarja.

RU li tħaddem ferrovija jeħtieġ li tkun taf jekk ir-rotta partikolari hijiex kapaċi ssostni t-tħaddim tal-ferrovija tagħha, jiġifieri jekk hijiex teknikament kompatibbli.

Konsegwentement, l-STI jinkludu l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa biex is-sottosistema u l-interfaces tagħha jkunu interoperabbli u jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali (inkluż dak tal-kompatibbiltà teknika). B’hekk, fejn jeżistu u japplikaw l-STI rilevanti, il-verifika tal-kompatibbiltà teknika għandha titwettaq b’referenza għall-STI. (l-Artikolu 17(2)).

Fejn ma jkun hemm l-ebda STI rilevanti li tkopri r-rekwiżit essenzjali tal-kompatibbiltà teknika (eż. l-interface ma’ sistemi storiċi ta’ sinjalazzjoni/protezzjoni tal-ferroviji, ma’ infrastruttura mhux konformi mal-STI, ma’ sottosistemi tal-enerġija u tal-kmand tal-kontroll u s-sinjalazzjoni - CCS) għandhom japplikaw ir-regoli nazzjonali.

Dan ifisser li sakemm l-interfaces mal-partijiet kollha tan-netwerk jkunu kollha koperti mill-STI, l-SM għandhom idaħħlu fis-seħħ regoli li jispeċifikaw kwalunkwe rekwiżit flimkien ma’ dawk fl-STI li jkunu meħtieġa għall-kompatibbiltà teknika bejn il-vetturi u l-partijiet mhux konformi mal-STI tan-netwerk li jkunu responsabbli għalihom. Dan għandu jinkludi, pereżempju, ir-rekwiżiti storiċi għas-sistemi ta’ protezzjoni tal-ferroviji ta’ abbord sabiex is-sistemi tas-CCS ta’ abbord il-vetturi jkunu jistgħu jiġu ddisinjati, installati u vverifikati bħala li jistgħu jaqraw u jirreaġixxu għas-sinjali mit-transponders b’konnessjoni ma’ sors estern (line-side transponders) tas-sistema storika.

Fil-fażi tranżitorja huwa possibbli li wħud mill-SM ma jkunux għadhom issodisfaw ir-rekwiżit li jkunu stabbiliew sett sħiħ ta’ regoli nazzjonali trasparenti (l-Artikolu 17) sabiex ikun kopert l-interface bejn il-vettura u n-netwerk meta ma jkun hemm l-ebda STI rilevanti, fuq l-istess livell ta’ dettall bħall-STI. Dan jista’ jkun għaliex l-ispeċifikazzjoni ta’ dawn l-interfaces, li hija daqstant meħtieġa sabiex jinżammu l-livelli eżistenti tal-interoperabbiltà nazzjonali, fl-imgħoddi tkun ġiet koperta mir-regoli interni tal-kumpaniji ferrovjarji nazzjonali. F’każ ta’ din ix-xorta, l-użu ta’ metodi ta’ valutazzjoni tar-riskji sabiex tintwera l-kompatibbiltà teknika bbażati fuq it-tieni u t-tielet prinċipji tal-CSM dwar l-RA mhuwiex rakkomandat għaliex dan jista’ jwassal għall-inkompatibbiltà tal-ispeċifikazzjonijiet tal-interfaces bejn il-proġetti u għat-telf tal-interoperabbiltà.

Konklużjoni: Il-kompatibbiltà teknika fl-interface bejn in-netwerk u l-vetturi hija kruċjali għas-sikurezza. Għalkemm l-aspett tas-sikurezza ta’ interface ta’ din ix-xorta jista’ jiġi pprovat permezz tat-tieni u tat-tielet prinċipji tal-CSM dwar il-valutazzjoni tar-riskji, għal raġunijiet ta’ interoperabbiltà, dik il-kompatibbiltà teknika jeħtieġ li tiġi pprovata fuq il-bażi ta’ approċċ ibbażat fuq ir-regoli (l-ewwel prinċipju tas-CSM dwar l-RA) – inklużi regoli armonizzati tal-UE bħall-STI jew l-EN – jew, fejn regoli ta’ din ix-xorta għadhom ma jeżistux, fuq il-bażi ta’ regoli nazzjonali nnotifikati.

5.3.2.   L-integrazzjoni sikura

Meta jawtorizzaw it-tqegħid fis-servizz ta’ sottosistemi strutturali, l-SM għandhom jikkontrollaw li dawn is-sottosistemi jkunu ddisinjati, mibnija u installati b’tali mod li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali u, b’mod partikolari, għandhom jikkontrollaw li jkunu integrati b’mod sikur fis-sistema li jitqiegħdu fiha (l-Artikolu 15(1)). Dan, sabiex ikun żgurat it-tħaddim sikur tas-sistema ferrovjarja u l-ġestjoni tar-riskji assoċjati magħha.

Għal dan il-għan u bħala regola ġenerali, jeħtieġ li jintwera dan li ġej:

għat-tqegħid fis-servizz ta’ sottosistema invididwali, l-integrazzjoni sikura bejn din is-sottosistema u s-sottosistemi l-oħra kollha li fihom tiġi integrata,

għat-tqegħid fis-servizz ta’ vettura, l-integrazzjoni sikura bejn is-sottosistemi rilevanti tal-vettura (fil-każ tal-ewwel awtorizzazzjoni biss) u l-integrazzjoni sikura bejn il-vettura u n-netwerk ikkonċernat.

Madankollu, il-kontrolli tal-integrazzjoni sikura mhumiex mitluba fiċ-ċirkustanzi kollha; pereżempju, fil-każ tal-vetturi u f’kundizzjonijiet speċifiċi, il-Kapitolu V tad-Direttiva 2008/57/KE neħħa obbligi ta’ din ix-xorta fil-każ ta’ vetturi diġà awtorizzati fi SM wieħed u li jitħaddmu fi SM ieħor.

L-integrazzjoni sikura hija parti mir-rekwiżiti essenzjali (l-Artikolu 15(1)). Għalhekk, hija koperta, bħala regola ġenerali, mill-STI jew mir-regoli nazzjonali (l-Artikolu 17).

Meta tintwera l-integrazzjoni sikura bl-applikazzjoni tas-CSM dwar l-RA, l-applikant:

għandu jirreferi jew għar-rekwiżiti tal-STI jew għar-regoli nazzjonali, bl-applikazzjoni tal-ewwel prinċipju tal-aċċettazzjoni tar-riskji “l-użu tal-kodiċijiet ta’ prassi”, jew

jekk is-suġġett ma jkunx kopert mill-STI u mir-regoli nazzjonali, għandu jwettaq stima espliċita tar-riskji jew studju ta’ xebh sabiex jidentifika r-rekwiżiti neqsin (it-tieni u t-tielet prinċipji tal-aċċettazzjoni tar-riskji tas-CSM dwar l-RA) li għandha ssir pubblika, sabiex dak li jaċċetta l-ANS jsir trasparenti.

Kif ġie ddikjarat fis-CSM dwar l-RA, l-applikazzjoni tas-CSM dwar l-RA għal integrazzjoni sikura ma tridx twassal għal rekwiżiti li jikkontradixxu lil dawk stabbiliti fl-STI. B’analoġija, dan japplika wkoll għar-regoli nazzjonali. Dan ifisser li, fejn ikun hemm rekwiżiti ta’ STI jew regoli nazzjonali, dawn jibqgħu mandatorji. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-interoperabbiltà qatt ma tinkiseb.

Konklużjonijiet:

Fil-każ li l-interface bejn vettura u netwerk tkun koperta minn rekwiżit ta’ STI jew minn regola nazzjonali, l-applikant għandu jikkunsidraha bħala kodiċi ta’ prassi u l-periklu/i li għalih/hom ġew identifikati r-rekwiżiti f’STI jew f’regola nazzjonali ta’ din ix-xorta jiġu kkunsidrati bħala li ġew ikkontrollati billi jiġu ssodisfati r-rekwiżiti jew tal-STI jew tar-regola nazzjonali. Dan ifisser li jekk ir-rekwiżiti tal-STI jew ir-regola nazzjonali jkopru r-rekwiżit essenzjali tas-sikurezza (jiġifieri, il-perikli kollha rilevanti), l-integrazzjoni sikura tintwera permezz tal-implimentazzjoni tal-STI jew tar-regola nazzjonali.

Jekk ikun hemm perikli li r-rekwiżiti għalihom ma jkunux koperti fl-STI jew fir-regoli nazzjonali, dan jindika li l-STI jew ir-regoli nazzjonali ma jissodisfawx għal kollox ir-rekwiżiti essenzjali u dan in-nuqqas għandu jiġi indirizzat skont l-Artikolu 7. Dawn ir-“rekwiżiti neqsin” għandhom jiġu kkunsidrati fir-reviżjonijiet futuri tal-STI sabiex gradwalment l-STI jaslu biex ikopru kompletament l-interfaces interoperabbli. Sadanittant, ir-riskji huma mmaniġġjati mill-applikant permezz ta’ paragun ma’ sistema ta’ referenza jew ta’ analiżi espliċita tar-riskji skont ir-Regolament tas-CSM dwar l-RA.

Għall-fini tal-interoperabbiltà, jeħtieġ li l-kompatibbiltà teknika u l-integrazzjoni sikura bejn il-vettura u n-netwerk jintwerew permezz ta’ approċċ ibbażat fuq ir-regoli. Għal dak il-għan, l-STI għandha tkopri b’mod eżawrjenti ż-żewġ aspetti.

Għandu jiġi nnotat li r-rekwiżiti kollha għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz huma inklużi fid-Direttiva 2008/57/KE u li hemm konformità simultanja kemm mad-Direttiva 2008/57/KE kif ukoll mad-Direttiva 2004/49/KE. Dan ifisser li:

Jekk ikunu meħtieġa rekwiżiti sabiex jinżamm il-livell eżistenti ta’ sikurezza skont id-Direttiva 2004/49/KE minbarra dawk previsti fl-STI sabiex ma jkunx ristrett il-moviment ta’ ferroviji konformi mal-STI, dawn għandhom:

jieħdu l-forma ta’ rekwiżiti dwar l-infrastruttura jew l-operazzjonijiet (li għandhom jiġu inklużi fl-STI rilevanti bħala każijiet speċifiċi debitament iġġustifikati), jew

jekk miżura relatata ma’ vettura tkun inevitabbli, din għandha tiġi inkluża fl-STI bħala każ speċifiku debitament iġġustifikat.

SM ma għandux jinvoka d-Direttiva 2004/49/KE sabiex jimponi rekwiżiti addizzjonali għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz.

5.3.3.   Il-kompatibbiltà bejn il-vetturi

Meta jippreparaw il-ferroviji, l-RU għandhom jużaw vetturi li jkunu teknikament kompatibbli man-netwerk imma li jistgħu wkoll jiġu agganċjati ma’ xulxin. Peress li s-sistema ta’ agganċjament tista’ titħalla għall-għażla ta’ RU għall-ġestjoni tal-flotta tagħha jew għal ftehim bejn diversi RU għall-ġestjoni ta’ flotta komuni, ma hemm l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-interoperabbiltà jew il-livell ottimali ta’ armonizzazzjoni teżiġi li kull vettura ferrovjarja jkollha l-istess agganċjament.

Madankollu, peress li l-vetturi wara l-agganċjament iridu jibqgħu sikuri, l-STI għandha tinkludi mill-inqas ir-rekwiżiti funzjonali relatati mal-agganċjament li jeħtieġ li jiġu vverifikati fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika “KE”.

Sitwazzjoni speċifika tikkonċerna l-vaguni li jintużaw fil-kuntest ta’ vaguni li jitgħabbew individwalment fin-netwerk b’distanza standard bejn il-linji tal-binarji (standard gauge). Meta jiġi kkunsidrat id-daqs ta’ din il-flotta wieħed jista’ jipprevedi l-inklużjoni ta’ speċifikazzjoni tal-agganċjament standard fl-STI; madankollu, peress li hija meħtieġa għall-interoperabbiltà, l-ispeċifikazzjoni tal-agganċjament ma għandhiex tkun mandatorja għall-vaguni kollha, imma applikabbli biss għall-vaguni li jużaw dak l-agganċjament standard. L-ERA bħalissa qed tistudja l-ottimizzazzjoni tal-post it-tajjeb għal speċifikazzjonijiet ta’ din ix-xorta: jekk l-RU jikkondividu l-vetturi skont ftehim kummerċjali (eż. Kuntratt Ġenerali tal-Użu - GCU), l-aħjar post biex jiġu ġestiti dawn l-ispeċifikazzjonijiet huwa fil-ftehim stess, fi standards volontatrji, fi standards armonizzati jew f’STI?

Konklużjoni: jekk l-STI tinkludi speċifikazzjoni għall-kompatibbiltà bejn il-vetturi, dik l-ispeċifikazzjoni tiġi vverifikata bħala parti mill-proċedura ta’ verifika “KE”. Madankollu, ma hemm l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-interoperabbiltà teżiġi li kull vettura ferrovjarja jkollha l-istess agganċjament.

5.4.   L-awtorizzazzjonijiet fil-każ ta’ vetturi konformi mal-STI u fil-każ ta’ vetturi mhux konformi mal-STI

5.4.1.   L-awtorizzazzjoni ta’ vetturi konformi mal-STI

Id-dispożizzjonijiet relatati mal-ewwel awtorizzazzjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/57/KE.

Jekk is-sottosistemi kollha li jintegraw il-vettura jkunu ġew awtorizzati skont il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2008/57/KE, l-SM għandhom jawtorizzaw direttament vettura mingħajr kontrolli ulterjuri għaliex dawn ikunu diġà ġew koperti mill-kontrolli skont il-proċedura għat-tqegħid fis-servizz tas-sottosistemi, inklużi l-kompatibbiltà teknika u l-integrazzjoni sikura (l-Artikoli 15 u 22(2)(a)). F’każijiet fejn is-sottosistemi li jintegraw il-vettura ma jkunux ġew awtorizzati skont il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2008/57/KE, il-paragrafi li ġejjin huma rilevanti.

Fil-każ ta’ vetturi li s-sottosistemi tagħhom għandhom id-dikjarazzjonijiet ta’ verifika “KE” kollha meħtieġa, għandu jkun hemm żewġ tipi ta’ kompatibbiltà teknika: waħda bejn is-sottosistemi fil-vettura u l-oħra bejn il-vettura u n-netwerk (l-Artikolu 22(2)(b)).

Bl-istess mod, jista’ jkun ipprovdut għal kontroll separat tal-integrazzjoni sikura kemm bejn is-sottosistemi li jintegraw il-vettura kif ukoll bejn il-vettura u n-netwerk.

Id-DeBo jiċċekkja l-konformità mar-regoli nazzjonali relatati mal-kwistjonijiet pendenti u mal-każijiet speċifiċi.

Fir-rigward ta’ awtorizzazzjoni addizzjonali, għandu japplika l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/57/KE.

Id-Direttiva 2008/57/KE tiżgura li jkun hemm rikonoxximent reċiproku tal-modi differenti kif ikunu sodisfatti r-rekwiżiti essenzjali sabiex ikunu evitati kontrolli ġodda bħala parti minn awtorizzazzjoni addizzjonali.

F’dan il-każ, ANS tista’ timponi biss iktar rekwiżiti jew analiżijiet tar-riskji addizzjonali (fuq il-bażi tas-CSM dwar l-RA) relatati ma’:

il-kompatibbiltà teknika bejn il-vettura u n-netwerk ikkonċernat, inklużi r-regoli nazzjonali applikabbli għall-kwistjonijiet pendenti meħtieġa sabiex tkun żgurata kompatibbiltà ta’ din ix-xorta, u

ir-regoli nazzjonali applikabbli għall-każijiet speċifiċi debitament identifikati fl-STI.

Konklużjoni: SM ma għandux jitfa’ dubji fuq ir-regoli nazzjonali li jkopru l-kwistjonijiet pendenti li mhumiex relatati mal-kompatibbiltà teknika bejn il-vettura u n-netwerk.

Madankollu, dan ma għandux ifisser li r-regoli nazzjonali li ma jkunux relatati mal-kompatibbiltà teknika bejn il-vettura u n-netwerk jiġu awtomatikament ikkunsidrati bħala ekwivalenti u b’hekk ikklassifikati fil-Grupp A fid-dokument ta’ referenza. Dan ifisser li d-dokument ta’ referenza, fil-kuntest ta’ vetturi konformi mal-STI, għandu jintuża biss fil-każ ta’ kwistjonijiet pendenti relatati mal-kompatibbiltà teknika bejn il-vettura u n-netwerk, jew f’każijiet speċifiċi. Huwa biss fl-aħħar żewġ każijiet (il-kompatibbiltà teknika bejn il-vettura u n-netwerk kif ukoll il-każijiet speċifiċi), wara l-adozzjoni tad-dokument ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 27 tad-Direttiva, li l-ANS ma għandhiex titħalla titfa’ dubji fuq ir-rekwiżiti li jkunu rikonoxxuti b’mod reċiproku u, bħala tali, jiġu kklassifikati fil-Grupp A skont l-Anness VII għad-Direttiva 2008/57/KE.

Eżempju: L-ebda kontroll ulterjuri għal awtorizzazzjoni addizzjonali ta’ vetturi konformi mal-STI CCS li jimxu fuq linji konformi mal-STI CCS (sakemm it-tnejn li huma jkunu ġew iċċertifikati bħala totalment konformi mal-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/79/KE  (13) ).

u

Fejn vettura konformi mal-STI CCS għandha tingħata awtorizzazzjoni addizzjonali għal netwerk mhux konformi mal-STI CCS, allura l-kontrolli relatati mas-CCS jistgħu jkopru biss il-kompatibbiltà teknika bejn is-sistemi tas-CCS ta’ abbord il-vettura u tan-netwerk.

5.4.2.   L-awtorizzazzjoni ta’ vetturi mhux konformi mal-STI

Il-vetturi mhux konformi mal-STI huma dawk li ma jkunux f’konformità mal-STI kollha fis-seħħ, inklużi dawk li jkunu suġġetti għal derogi, jew fejn parti sinifikanti mir-rekwiżiti essenzjali ma jkunux stabbiliti f’STI waħda jew iktar. Fil-każ tal-aħħar, għalkemm vettura tista’ tkun f’konformità mal-STI kollha rilevanti, għal finijiet ta’ sempliċità biss għandu jintuża t-terminu mhux konformi mal-STI.

Għall-ewwel awtorizzazzjoni għandu japplika l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2008/57/KE. Dan huwa proċess ferm simili għal dak li jintuża għall-vetturi konformi mal-STI. Id-differenza prinċipali hija li l-ambitu tal-kontrolli li għandhom jitwettqu skont ir-regoli nazzjonali huwa ddefinit mil-lista ta’ parametri fid-dokument ta’ referenza; – filwaqt li, għall-vetturi konformi mal-STI, l-ambitu tal-kontrolli skont ir-regoli nazzjonali jiġi ddeterminat mir-regoli meħtieġa sabiex tkun żgurata l-kompatibbiltà teknika man-netwerk, mal-lista ta’ kwistjonijiet pendenti u mal-każijiet speċifiċi f’kull STI.

Madankollu, għall-partijiet koperti mill-STI, għandha tapplika l-proċedura ta’ verifika “KE”; din għandha tinkludi l-kompatibbiltà teknika u l-integrazzjoni sikura, kif ġie deskritt fit-taqsimiet preċedenti.

Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni addizzjonali, għandu japplika l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2008/57/KE.

F’dan il-każ, l-ambitu tal-kontrolli huwa usa’ u mhuwiex daqstant limitat bħal fil-każ tal-vetturi konformi mal-STI. L-SM jistgħu jinvokaw kwalunkwe regola meħtieġa sabiex ikunu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali sakemm dawn ikunu relatati mal-parametri koperti mid-dokument ta’ referenza. Madankollu:

huma ma jistgħux jitfgħu dubji fuq kwalunkwe waħda mill-partijiet mhux tan-netwerk tal-ewwel awtorizzazzjoni sakemm ma jistgħux juru li hemm riskju sostanzjali għas-sikurezza tal-applikant. Din l-opzjoni mhijiex miftuħa għall-ANS fir-rigward tal-vetturi konformi mal-STI u lanqas mhija miftuħa għall-vetturi mhux konformi mal-STI fil-każ fejn ir-regoli li jkopru l-parametru rilevanti jappartjenu lill-Grupp “A”. Peress li d-dubji huma mingħajr preġudizzju għall-moviment ħieles tas-sottosistemi (l-Artikolu 16), l-ewwel verifika tar-rekwiżiti essenzjali għas-sottosistemi mill-SM tieħu preċedenza u t-tieni ANS tista’ tinvoka l-kontrolli biss jekk l-ewwel kontrolli ma kinux koperti minn dikjarazzjoni ta’ verifika “KE”.

huma jistgħu jitolbu valutazzjoni tar-riskji jew testijiet sabiex tkun ivverifikata l-konformità mar-regoli nazzjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe waħda mir-reġistrazzjonijiet tat-tħaddim u mill-wirjiet tal-kompatibbiltà tan-netwerk. Imma wara li d-dokument ta’ referenza jkun fis-seħħ biss għar-regoli tal-Gruppi B u C.

Bosta SM jagħmlu distinzjoni bejn ir-rekwiżiti li japplikaw għall-vetturi awtorizzati eżistenti u dawk li japplikaw għal awtorizzazzjoni ta’ vetturi ġodda u mmodernizzati/imġedda. Jekk applikazzjoni għal awtorizzazzjoni addizzjonali ssir għal vettura mhux konformi mal-STI eżistenti f’SM ieħor, l-Artikolu 25 għandu jippermetti li t-tieni SM jikkontrolla biss il-kompatibbiltà man-netwerk tal-SM tal-aħħar. It-tieni SM għandu jirrispetta l-ewwel awtorizzazzjoni, anki jekk din setgħet ingħatat taħt sistema preċedenti, ħlief fil-każ ta’ riskju sinifikanti għas-sikurezza. Dan huwa konsistenti mal-ħtieġa li tkun evitata diskriminazzjoni bejn il-vetturi li kienu awtorizzati għall-ewwel darba fi SM wieħed u vetturi li kienu awtorizzati għall-ewwel darba fi SM ieħor.

Għalhekk, għal finijiet ta’ ċarezza, l-SM għandhom jagħmluha ċara fir-regoli nazzjonali tagħhom liema mid-dispożizzjonijiet japplikaw għas-sottosistemi kollha fis-servizz u ma’ liema regoli għandu jkun hemm konformità biss min-naħa tas-sottosistemi ġodda u mmodernizzati/imġedda li għandhom jiġu awtorizzati għat-tqegħid fis-servizz.

5.5.   L-awtorizzazzjoni tat-tip ta’ vettura

Id-Direttiva 2008/57/KE tistabbilixxi żewġ proċeduri għall-awtorizzazzjoni tat-tip:

Tip ta’ vettura jista’ jiġi awtorizzat għall-ewwel darba (l-Artikolu 26(1)) fuq il-bażi ta’ eżami tat-tip mingħajr ma l-ebda vettura ta’ dan it-tip tkun awtorizzata biex titqiegħed fis-servizz (it-terminu “eżami tat-tip” ma għandux ikun limitat għal eżami tad-disinji minn wara skrivanija, imma għandu jinkludi t-testijiet kollha meħtieġa ta’ prototip). Jekk tip jiġi awtorizzat, mela kwalunkwe awtorizzazzjoni ta’ vettura għandha tkun ibbażata fuq dikjarazzjoni ta’ konformità mat-tip mingħajr kontrolli ulterjuri (l-Artikolu 26(3)).

jew

Vettura individwali tista’ tiġi awtorizzata għall-ewwel darba, f’liema każ it-tip irid jiġi awtorizzat fl-istess ħin (l-Artikolu 26(2)).

Barra minn hekk, jekk vettura tikseb awtorizzazzjoni addizzjonali għat-tqegħid fis-servizz f’SM ieħor, mela t-tip ta’ vettura trid tiġi awtorizzata fit-tieni SM u u l-awtorizzazzjonijiet sussegwenti tal-vettura f’dan it-tieni SM għandhom ikunu bbażati fuq dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan it-tip mingħajr kontrolli ulterjuri.

5.6.   L-awtorizzazzjonijiet għall-vetturi li jaħdmu fuq it-TEN u dawk li jaħdmu barra mit-TEN

L-ambitu ġeografiku tal-STI li ġew adottati sa issa hija l-parti ferrovjarja tan-netwerk tat-TEN-T (l-Anness I). Fid-29 ta’ April 2010, il-Kummissjoni tat mandat lill-Aġenzija għall-estensjoni tal-ambitu tal-STI.

Kif inhu pprovdut fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2008/57/KE, sakemm jasal iż-żmien li tidħol fis-seħħ l-estensjoni tal-ambitu tas-STI biex ikun kopert in-network ferrovjarju kollu:

(a)

l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-servizz

ta’ vetturi u tas-sottosistemi tal-kmand tal-kontroll u s-sinjalazzjoni ta’ abbord għall-użu tal-anqas parzjali fuq il-parti tan-netwerk li għadha ma tagħmilx parti mill-ambitu tal-STI, fir-rigward ta’ dik il-parti tan-netwerk,

tas-sottosistemi tal-infrastruttura, tal-enerġija u tal-kmand tal-kontroll u s-sinjalazzjoni maġenb il-linji ferrovjarji fuq il-partijiet tan-netwerk li għadhom ma jagħmlux parti mill-ambitu tal-STI,

għandhom jingħataw b’konformità mar-regoli nazzjonali msemmija fl-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2008/57/KE (14).

(b)

l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-servizz ta’ vetturi għal użu okkażjonali fuq il-parti tan-netwerk li għadha ma tagħmilx parti mill-ambitu tal-STI, fir-rigward ta’ dik il-parti tan-netwerk, għandhom jingħataw b’konformità mal-Artikoli 21 sa 27 u mar-regoli nazzjonali msemmija fl-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2008/57/KE.

Dan ifisser li, sabiex tingħata awtorizzazzjoni għal netwerk sħiħ ta’ SM, vettura għandha tiġi kkontrollata skont żewġ settijiet ta’ regoli fl-ewwel każ (wieħed għan-netwerk tat-TEN-T u wieħed mhux tat-TEN), sakemm l-SM ma jkunux iddeċidew mod ieħor fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom li tittrasponi d-Direttiva 2008/57/KE, imma skont sett wieħed biss ta’ regoli jekk il-vettura ġieli taħdem fuq netwerks barra mit-TEN.

5.7.   L-awtorizzazzjonijiet għall-vetturi li ġejjin minn pajjiżi terzi

Il-prinċipju ġenerali huwa li qabel ma tintuża fuq netwerk, vettura li tkun ġejja minn pajjiż terz għall-ewwel darba jeħtieġ li tiġi awtorizzata biex titqiegħed fis-servizz mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza li tkun kompetenti għal dan in-netwerk (l-Artikolu 21(1)).

Fil-każ ta’ vetturi li jaħdmu bejn Stat Membru u pajjiż terz, fuq netwerk li d-distanza bejn il-linji tal-binarju (track gauge) tiegħu hija differenti minn dik tan-netwerk ferrovjarju prinċipali fil-Komunità u bla ħsara għal każijiet speċifiċi jew għal derogi, jistgħu jkunu applikabbli ftehimiet internazzjonali (l-Artikolu 21(11)). Dan huwa tipikament il-każ tal-vetturi li jaħdmu bejn l-Istati Baltiċi u l-pajjiżi terzi li jużaw id-distanza bejn il-linji tal-binarju li tintuża l-iktar fin-netwerks ferrovjarji tar-Russja (Russian gauge).

B’eċċezzjoni għar-regoli ġenerali, l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-servizz li ngħataw qabel id-19 ta’ Lulju 2008, inklużi dawk mogħtija taħt ftehimiet internazzjonali, bħar-RIC (Regolamento Internazionale Carrozze) u r-RIV (Regolamento Internazionale Veicoli) jibqgħu validi f’konformità mal-kundizzjonijiet li fihom ingħataw l-awtorizzazzjonijiet (l-Artikolu 21(12)).

Fl-aħħar nett, sa fejn għandhom x’jaqsmu l-ftehimiet internazzjonali, għandu jitfakkar li meta l-UE tkun parti għal ftehimiet ta’ din ix-xorta, ir-regoli ta’ ftehimiet ta’ din ix-xorta jorbtu lill-UE u lill-Istati Membri. Pereżempju, meta l-UE se ssir parti sħiħa għall-COTIF 99 u tapplika l-Appendiċi ATMF rivedut, il-vetturi awtorizzati f’pajjiż terz li japplika l-COTIF se jkunu jistgħu jidħlu fuq in-netwerk tal-UE jekk ikunu awtorizzati minn awtorità kompetenti fuq il-bażi ta’ rekwiżiti identiċi jew ekwivalenti għal dawk fis-seħħ fl-UE u wara proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità simili. L-Appendiċi ATMF rivedut jispeċifika l-kundizzjonijiet li għandhom iwasslu għal rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa fi u barra l-UE, u b’hekk il-possibbiltà ta’ dħul fl-UE mingħajr awtorizzazzjoni addizzjonali, li għandu jkun il-każ għall-vaguni tal-merkanzija simili għas-sistema tal-RIV l-antika.

6.   Il-proċess li għandu jiġi segwit wara l-awtorizzazzjoni

6.1.   L-ifformar ta’ ferrovija

Malli l-vetturi jkunu ġew awtorizzati, l-RU tista’ tużahom biex tifforma ferrovija.

L-STI OPE (it-Taqsima 4.2.2.5 Il-kompożizzjoni tal-ferrovija) tistabbilixxi li l-RU għandha tiddefinixxi r-regoli u l-proċeduri għall-formazzjoni tal-ferroviji u l-limiti għal dan il-proċess (eż. l-għoli u l-wisa’ massimi tal-vaguni tal-merkanzija miftuħin u t-tagħbijiet tagħhom sabiex ikun żgurat passaġġ sikur minn pontijiet, mini, u strutturi oħrajn (loading gauge), it-tqegħid ta’ merkanzija perikoluża f’ċerta pożizzjoni, ikun żgurat ammont suffiċjenti ta’ qawwa għat-trazzjoni u għall-ibbrejkjar). Il-proċessi biex ikun hemm konformità ma’ dawn ir-regoli għandhom ikunu koperti mill-SMS tal-RU.

Image 2

6.2.   L-aċċertament tal-kompatibbiltà tar-rotta

L-SMS tal-RU tkopri l-proċeduri sabiex tkun żgurata l-kompatibbiltà tal-ferrovija mar-rotta (eż. it-tul massimu, it-tip ta’ elettrifikazzjoni, il-kurvi ta’ raġġ minimu). L-SMS tal-RU jeħtieġ li tqis id-dispożizzjonijiet/il-kundizzjonijiet relatati mat-tħaddim tal-ferroviji koperti mill-STI OPE (15) u mir-regoli nazzjonali.

Qabel mal-RU jiksbu aċċess għan-netwerk għall-ferrovija mingħand l-IM, l-ewwel għandhom ikunu jafu n-natura tal-aċċess li l-IM offra għall-bejgħ. L-RU jeħtieġ li jkunu żguri li r-rotta li biħsiebhom jixtru l-aċċess għaliha kapaċi ssostni l-vetturi u l-ferroviji li biħsiebhom iħaddmu.

Fir-reġistru tal-infrastruttura, l-RU għandhom isibu l-informazzjoni dwar in-natura tal-infrastruttura li jeħtieġu sabiex jistabbilixxu jekk il-ferrovija li biħsiebhom iħaddmu hijiex kompatibbli mar-rotta speċifika. Għal kull parametru, l-IM għandha tiddeskrivi fir-reġistru l-valuri ta’ limitu tal-parametri tal-interfaces li qed jiġu osservati fis-sezzjoni tar-rotta. Ir-reġistru għandu jkopri wkoll il-każ tal-konformità meta l-STI tippreżenta għadd ta’ għażliet jew tħalli lill-IM ħieles li juża r-regoli nazzjonali.

L-RU joqogħdu fuq l-integrità ta’ din l-informazzjoni sabiex jiżguraw irwieħhom mit-tħaddim sikur tal-ferroviji tagħhom.

L-obbligu tal-IM li jgħarraf in-natura tal-infrastruttura b’mod pubbliku diġà jeżisti llum (id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) sa fejn għandu x’jaqsam l-aċċess għan-netwerk; id-Direttivi 2004/49/KE u 2008/57/KE kif ukoll l-STI OPE sa fejn għandu x’jaqsam it-tħaddim). Sakemm ir-reġistru tal-infrastruttura jkun fis-seħħ, eżawrjenti u operattiv, l-IM għandu jippubblika din l-informazzjoni f’forma oħra. Dan ma jagħtix is-setgħa lill-IM li jimponi xi xorta ta’ tieni awtorizzazzjoni fuq il-vetturi/ferroviji tal-RU. Ladarba RU tkun stabbiliet, billi tuża r-reġistru tal-infrastruttura u l-fajl tekniku tal-vetturi, u meta jitqiesu r-restrizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz tal-vettura, li r-rotta hija kompatibbli mal-vetturi li biħsiebha tuża fil-ferrovija, hija allura għandha tirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-STI OPE (b’mod partikolari t-Taqsimiet 4.2.2.5 “Il-kompożizzjoni tal-ferroviji”, 4.2.2.6 “L-ibbrejkjar tal-ferroviji” u 4.2.2.7 “Ikun żgurat li l-ferrovija tkun qed taħdem sew”) sabiex taċċerta ruħha jekk ikunx hemm xi restrizzjonijiet relatati mal-ferrovija li jinibixxu t-tħaddim fuq ir-rotta (eż. il-limiti għall-veloċità, il-limiti għat-tul, il-limiti għall-provvista tal-enerġija).

Ladarba L-RU tkun stabbiliet il-kompatibbiltà bejn ir-rotta u l-ferrovija, hija tkun f’pożizzjoni li tħaddem il-ferrovija.

Huwa importanti li jiġi nnotat li d-Direttiva 2004/49/KE tagħmel lil kull IM u lil kull RU responsabbli mill-partijiet tas-sistema tagħhom. L-RU hija l-unika entità responsabbli għat-tħaddim sikur tal-ferroviji tagħha. Ir-rwol tal-IM huwa limitat għall-ġestjoni tal-infrastruttura u għalhekk l-IM ma għandu l-ebda responsabbiltà għat-tħaddim tal-ferroviji għajr li joħroġ awtorizzazzjoni għall-moviment.

6.3.   Il-kisba tar-rotta (l-allokazzjoni tal-kapaċità)

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/14/KE jipprovdi li, “Impriżi tal-ferroviji għandhom, fuq bażi mhux diskriminatorja, ikunu intitolati għall-pakkett miinimu ta’ aċċess u aċċess għall-binarji għal faċilitajiet tas-servizzi deskritti fl-Anness II. Il-provvista tas-servizzi msemmija fl-Anness II, il-punt 2, għandha tiġi pprovduta f’ mod mhux diskriminatorju u talbiet mill-impriżi tal-ferroviji jistgħu jiġu miċħuda biss jekk jeżistu alternattivi vijabbli fil-kunduzzjonijiet tas-suq.”

Għalhekk l-RU għandhom dritt ta’ aċċess; l-RU ma għandhomx għalfejn jitolbu lill-IM għal permess/awtorizzazzjoni/aċċettazzjoni għal aċċess u l-IM ma għandhomx jimponu proċess ta’ “awtorizzazzjoni għall-vetturi jew għall-ferroviji” jew ta’ “aċċettazzjoni” (eż. xi forma ta’ “aċċettazzjoni tar-rotta”) bħala parti mis-sistema ta’ aċċess. Il-kwistjonijiet kollha relatati mas-sikurezza u mal-kompatibbiltà teknika huma koperti mid-Direttivi dwar l-interoperabbiltà u s-sikurezza. Hija biss l-ANS li għandha l-awtorità li tawtorizza u hija r-responsabbiltà tal-RU li tkun żgura li qed tuża vetturi u ferroviji li jkunu kompatibbli mal-infrastruttura.

Jekk, matul il-proċess ta’ awtorizzazzjoni, IM jew RU jkollu xi tħassib relatat mal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ vettura jew ta’ tagħmir fiss ta’ parti oħra, huwa għandu jġib dan għall-attenzjoni tal-parti l-oħra u jekk ikun għadu mhux sodisfatt, għandu jqajjem il-kwistjoni mal-ANS li għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kummenti fid-deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni.

Jekk IM jew RU jkollu tħassib relatat mal-użu ta’ vettura speċifika jew ma’ biċċa ta’ tagħmir fiss fuq linja speċifika, huwa għandu jġib dan għall-attenzjoni tal-parti l-oħra sabiex flimkien jaqblu dwar soluzzjoni. Jekk ma jistgħux isibu soluzzjoni ta’ din ix-xorta, huma għandhom iqajmu l-kwistjoni mal-ANS, li tiddeċiedi skont is-setgħat tagħha.

Madankollu, filwaqt li l-IM ma għandu l-ebda rwol fil-ħruġ ta’ permessi għall-awtorizzazzjoni tal-vetturi, skont id-Direttiva 2001/14/KE huwa responsabbli mill-allokazzjoni tal-kapaċità. L-allokazzjoni ta’ rotta ta’ ferrovija hija fil-fatt l-att tal-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja lill-ferroviji. F’uħud mill-każijiet jista’ ma jkunx hemm kapaċità suffiċjenti sabiex ikunu akkomodati l-applikazzjonijiet kollha tal-RU kollha li jagħmlu applikazzjoni għal kapaċità. F’dan il-każ, għandhom japplikaw ir-regoli tad-Direttiva 2001/14/KE.

7.   Il-modifikazzjonijiet f’sottosistema jew f’vettura diġà awtorizzata

7.1.   Il-proċedura li għandha tiġi segwita

Is-sottosistemi għandhom jikkonformaw mal-STI li kienu fis-seħħ meta dawn tqiegħdu fis-servizz, ġew immodernizzati jew imġedda (l-Artikolu 5(2)). Madankollu, il-fatt li sottosistema tkun ġiet immodernizzata jew imġedda ma għandux iwassal awtomatikament għal awtorizzazzjoni ġdida għat-tqegħid fis-servizz ta’ dik is-sottosistema.

Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/57/KE, l-SM filwaqt li jqis il-fajl imressaq mill-entità kontraenti jew mill-manifattur u l-istrateġija ta’ implimentazzjoni tal-STI, għandu jiddeċiedi jekk il-firxa tax-xogħlijiet hijiex se tfisser awtorizzazzjoni ġdida għat-tqegħid fis-servizz. Fil-każ ta’ awtorizzazzjoni ġdida, l-SM għandu jiddeċiedi sa liema punt jeħtieġ li l-STI jiġu applikati fir-rigward tal-proġett. Awtorizzazzjoni ġdida għat-tqegħid fis-servizz hija mitluba kull meta l-livell globali tas-sikurezza tas-sottosistema kkonċernata jista’ jiġi affettwat ħażin mix-xogħlijiet previsti (fejn ix-xogħlijiet iwasslu għal bidla sinifikanti fl-istat ta’ operazzjoni tas-sottosistema skont kif ippjanat – karatteristiċi tekniċi koperti minn STI u regoli tekniċi nazzjonali). Jekk l-istat ta’ operazzjoni tagħha skont kif ippjanat ma jinbidilx, mela ma tkun meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni ġdida.

Sa fejn għandha x’taqsam il-proċedura ta’ verifika “KE” tas-sottosistemi, peress li l-immodernizzar jew it-tiġdid jista’ ma jikkonċernax is-sottosistema kollha, l-applikant jista’ jagħmel applikazzjoni għal “verifika intermedja tad-dikjarazzjoni” għall-parti mmodernizzata/imġedda u għaċ-ċertifikat relatat maħruġ min-NoBo flimkien mad-dikjarazzjoni maħruġa mill-applikant (l-Anness VI (17). Madankollu, fejn ma tkun mitluba l-ebda awtorizzazzjoni ġdida għat-tqegħid fis-servizz, proċedura ta’ ċertifikat u ta’ dikjarazzjoni tal-verifika “KE” tkun mitluba wkoll għall-għoti tal-awtorizzazzjoni. F’dan il-każ, iċ-ċertifikati u d-dikjarazzjoni rilevanti jindikaw ir-referenza eżatta għall-STI jew għall-partijiet tagħhom li ma kinux eżaminati f’termini tal-konformità tagħhom waqt il-proċedura ta’ verifika “KE”.

7.2.   Ir-rabta bejn il-każijiet speċifiċi, id-derogi u l-applikazzjoni parzjali tal-STI f’każ ta’ tiġdid/modernizzar

Id-Direttiva 2008/57/KE ma tipprovdix għal ġerarkija bejn id-Derogi (l-Artikolu 9), il-Każijiet Speċifiċi (l-Artikolu 5(5)) u l-applikazzjoni parzjali tal-STI fil-każ ta’ tiġdid/modernizzar (l-Artikolu 20).

Fir-rigward tal-għażla bejn id-derogi futuri li għandhom jintalbu u l-każijiet speċifiċi li għandhom jinkitbu fl-STI, huwa rrakkomandat li l-prinċipji li ġejjin jiġu kkunsidrati mill-partijiet rilevanti sabiex titnaqqas il-burokrazija:

In-nuqqas ta’ konformità permanenti identifikata mas-sistema fil-mira speċifikata fil-Kapitolu 4 tal-STI għandha tiġi ttrattata permezz tal-każijiet speċifiċi: dan għandu jevita għadd ta’ talbiet għal derogi li ma jkunux meħtieġa (il-ħtieġa għall-każ speċifiku trid tiġi ddikjarata mill-SM waqt l-abbozzar tal-STI, sabiex dawn il-każijiet speċifiċi jkunu jistgħu jiġu inklużi fl-STI);

Il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità temporanja jew lokali/ta’ darba identifikati ma’ STI għandhom jiġu ttrattati permezz ta’ talbiet futuri għal deroga: dan għandu jevita għadd ta’ każijiet li mhumiex meħtieġa fl-STI.

Meta jiġi implimentat proġett, għandhom isiru l-mistoqsijiet li ġejjin f’dan l-ordni:

(a)

is-sistema fil-mira tista’ tiġi implimentata?

(b)

jekk le, hemm każ speċifiku li ġie speċifikat fl-STI?

(c)

jekk le, dan huwa każ ta’ talba għal deroga?

(d)

jekk le, u jekk dan huwa proġett ta’ modernizzar/tiġdid, liema parti mis-sistema fil-mira tista’ tiġi applikata? (F’uħud mill-każijiet, l-istrateġija ta’ implimentazzjoni ta’ STI jista’ jkollha dispożizzjonijiet relatati ma’ dan is-suġġett.)

Fil-każijiet (a) u (b), l-SM għandu jkun jista’ jieħu deċiżjonijiet mingħajr l-intervent tal-Kummissjoni jew ta’ SM ieħor. Fil-każijiet (c) u (d), il-Kummissjoni u l-SM l-oħra għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni u, f’uħud mill-każijiet, għandhom ikunu jistgħu jintervjenu:

jew permezz ta’ proċedura ta’ komitoloġija (il-Kummissjoni u l-SM kollha);

jew permezz ta’ diskussjoni bilaterali (il-Kummissjoni u l-SM rilevanti).

Fil-każijiet (c) u (d), l-applikazzjoni parzjali tal-STI mhijiex rakkomandata fil-każ tal-infrastruttura u tat-tagħmir maġenb il-binarji, għaliex din tista’ tfixkel il-moviment ħieles tal-ferroviji għal perjodu twil ta’ żmien. L-applikazzjoni parzjali tal-STI fil-każ tal-vetturi ferrovjarji hija inqas oneruża peress li taffettwa biss lid-detentur tal-vettura u lill-RU li jużawha. Fl-aħħar nett, l-għoti tal-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 20(2) huwa ta’ siwi sabiex ikunu ddeterminati kemm l-iżviluppi/ir-reviżjonijiet futuri tal-STI kif ukoll il-progress tal-interoperabbiltà. Dan jagħti wkoll il-possibbiltà li l-Kummissjoni tivverifika l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva 2008/57/KE.

Bħala tfakkira, il-każijiet speċifiċi u d-derogi jistgħu jeżistu wkoll fil-każ ta’ proġetti ġodda.

8.   Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet

Id-Direttiva 2008/57/KE tiddefinixxi serje ta’ rwoli u ta’ responsabbiltajiet għal sett ta’ entitajiet. F’uħud mill-każijiet, entità jista’ jkollha iktar minn waħda minn dawn ir-responsabbiltajiet. F’uħud mill-każijiet, dawn l-entitajiet jistgħu joħorġu b’sottokuntratt kompiti partikolari, imma ma jistgħux joħolqu rekwiżiti, rwoli jew responsabbiltajiet ġodda. Sottokuntrattur huwa marbut bl-istess restrizzjonijiet bħall-entitajiet responsabbli u jrid jaġixxi bħall-entitajiet. L-entitajiet li joħorġu s-sottokuntratti jibqgħu totalment responsabbli.

8.1.   L-applikant għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz

L-“applikant” mhuwiex entità waħda; huwa l-parti li tagħmel l-applikazzjoni rilevanti. Id-Direttiva 2008/57/KE tipprovdi għall-possibbiltà li l-applikanti jressqu applikazzjonijiet għal dawn li ġejjin:

Verifiki Intermedji tad-Dikjarazzjonijiet

Verifika “KE”

Verifika skont ir-regoli nazzjonali

Valutazzjoni tas-CSM (Ir-Regolament (KE) Nru 352/2009)

awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ sottosistema

l-ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ vettura

awtorizzazzjoni addizzjonali għat-tqegħid fis-servizz ta’ vettura

awtorizzazzjoni ta’ tip ta’ vettura

L-applikant għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ sottosistema:

jagħmel l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ sottosistema

jiżgura ruħu li s-sottosistema tkun għaddiet mill-proċedura ta’ verifika u jipprovdi lill-ANS bl-evidenza meħtieġa

skont l-Artikolu 20, jista’ jkun responsabbli minn dan li ġej

“Fil-każ ta’ tiġdid jew immodernizzar, l-entità kontraenti jew il-produttur għandhom jibagħtu lill-Istat Membru kkonċernat fajl li jiddeskrivi l-proġett”

fejn ikun xieraq, jistieden lill-korp tal-valutazzjoni tas-CSM dwar l-RA sabiex jipproduċi r-rapport dwar il-valutazzjoni tas-sikurezza.

Bl-istess mod, l-applikant għall-awtorizzazzjoni ta’ vettura:

jagħmel l-applikazzjoni

iressaq “fajl” (l-Artikolu 23 – vetturi konformi mal-STI) jew “fajl tekniku” (l-Artikolu 25 – vetturi mhux konformi mal-STI) fil-każ ta’ awtorizzazzjonijiet addizzjonali.

Nota 1: Jekk jinzerta li RU jew IM tkun applikanta għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz, hija ġġorr ir-responsabbiltajiet kollha allokati lill-applikant għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz, imma dan huwa indipendenti mill-attività tagħha bħala RU jew IM. Il-fatt li tkun RU jew IM (jew anki kumpanija oħra) ma għandu l-ebda impatt fuq ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħha bħala applikanta għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz.

Nota 2: L-applikant għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz mhuwiex bilfors dak li jagħmel l-arranġamenti għall-proċedura ta’ verifika “KE” u għall-proċedura ta’ verifika nazzjonali. Eż. għal vettura, il-manifattur jista’ jagħmel l-arranġamenti għal proċedura kompluta ta’ verifika (jagħżel u jistieden lil NoBo wieħed jew iktar, jistabbilixxi d-dikjarazzjoni “KE”, jagħmel arranġamenti għall-verifika tal-konformità mar-regoli nzzjonali minn DeBo wieħed jew iktar, u jagħmel arranġamenti għall-valutazzjoni tar-riskji) u mbagħad is-sid jew id-detentur tal-vettura jkun jista’ japplika għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz.

8.2.   L-Impriża Ferrovjarja (RU)

L-RU huma waħda mill-entitajiet (flimkien mal-manifatturi, mad-detenturi, eċċ.) li jistgħu jagħmluha ta’ applikanti.

L-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/57/KE jagħmel referenza għall-obbligu impost mid-Direttiva 2004/49/KE fuq l-SMS tal-RU biex jiżguraw irwieħhom li s-sottosistema u l-vetturi jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali. Dan, għalhekk, jinkludi l-obbligu li tinżamm il-kompatibbiltà teknika. Biex tinżamm il-kompatibbiltà teknika, l-SMS tal-RU għandha tiżgura li l-vetturi li tħaddem l-RU jinżammu f’konformità mal-STI u mar-regoli nazzjonali li jiddefinixxu r-rekwiżiti għall-kompatibbiltà teknika bejn il-vetturi u l-infrastruttura.

8.3.   Il-Maniġer tal-Infrastruttura (IM)

Din it-taqsima tapplika biss għall-IM fil-kapaċità tiegħu ta’ maniġer tal-infrastruttura biss u mhux bħala operatur ta’ spezzjonijiet/manutenzjoni/xogħlijiet fuq il-ferroviji.

L-IM għandu responsabbiltà diretta fil-kuntest tal-faċilitazzjoni tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni. Fil-każ tat-testijiet addizzjonali mitluba mill-ANS, l-Artikolu 23(6) jeżiġi li “[l]-amministratur tal-infrastruttura, b’konsultazzjoni mal-applikant, għandu jagħmel kull sforz sabiex jiżgura li kwalunkwe test ikun jista’ jsir fi żmien tliet xhur minn meta jkun għamel it-talba l-applikant.”

Barra minn hekk, l-Artikolu 15(3) jagħmel referenza għall-obbligu fid-Direttiva 2004/49/KE li l-SMS tal-IM għandhom jiżguraw li s-sottosistemi tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali. Dan iwassal għall-obbligu li tinżamm il-kompatibbiltà teknika.

Biex IM jissodisfa l-obbligu tiegħu li jżomm il-kompatibbiltà teknika (flimkien mar-rekwiżiti essenzjali l-oħra) filwaqt li l-vetturi qed jintużaw fuq in-netwerk, l-IM bħala parti mill-SMS tiegħu għandu jżomm is-sottosistemi tiegħu f’konformità mal-STI u mar-regoli nazzjonali li jiddefinixxu r-rekwiżiti għall-kompatibbiltà teknika bejn il-vetturi u l-infrastruttura. Fejn in-netwerk ma jkunx konformi mal-STI jew mar-regoli nazzjonali, l-IM għandu jżommu skont sett ta’ limiti ddikjarati ppubblikati fl-RINF.

Sabiex iżomm il-kompatibbiltà teknika, l-IM – bħala parti mill-SMS tiegħu – għandu jinforma lill-RU bin-natura tal-infrastruttura tad-diversi sezzjonijiet tar-rotta billi jiddeskrivi l-parametri li jirreferu għall-ispeċifikazzjonijiet tar-reġistru tal-infrastruttura. Sabiex ikun żgur li l-kompatibbiltà tas-sezzjoni tar-rotta mal-ferroviji tinżamm matul iż-żmien, l-IM għandu jiġġestixxi u jżomm l-infrastruttura skont il-limiti ddikjarati u għandu jinforma lill-RU bi kwalunkwe bidla fin-natura tal-infrastruttra.

L-IM ukoll huma waħda mill-entitajiet (flimkien mal-manifatturi, mad-detenturi, eċċ.) li jistgħu jagħmluha ta’ applikanti.

8.4.   L-Entità Responsabbli mill-Manutenzjoni (ECM)

L-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 2004/49/KE, emendata bid-Direttiva 2008/110/KE, jiddikjara li, qabel ma titqiegħed fis-servizz, kull vettura jrid ikollha ECM assenjata lilha.

Meta jitqies li awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz hija indipendenti mit-tħaddim ta’ vettura minn RU jew mill-manutenzjoni tal-vettura minn ECM, u li d-Direttiva 2004/49/KE għandha x’taqsam mat-tħaddim (l-użu) u mal-manutenzjoni tal-vetturi, l-ECM tista’ tiġi assenjata jew qabel jew wara li vettura tkun ġiet awtorizzata biex titqiegħed fis-servizz, imma dejjem qabel ma tiġi rreġistrata fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi (l-ECM hija qasam mandatorju fl-NVR) u qabel ma effettivament titqiegħed fis-servizz jew tintuża fuq in-netwerk.

Isegwi wkoll li l-ECM la għandha rwol u lanqas rilevanza fil-proċess ta’ awtorizzazzjoni.

8.5.   Il-Korp Innotifikat (NoBo)

Il-Korpi Nnotifikati jivverifikaw il-konformità mal-STI u jippreparaw iċ-ċertifikat ta’ verifika “KE” maħsub għall-applikant.

L-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2008/57/KE jiddikjara li l-verifika tan-NoBo “għand[ha] [t]kopri wkoll il-verifika tal-interfaces tas-sottosistema in kwistjoni mas-sistema li fiha tkun inkorporata, ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli fit-TSI rilevanti u fir-reġistri previsti fl-Artikoli 34 u 35.”

Dan jimplika li n-NoBo għandu rwol fil-kontroll tal-kompatibbiltà teknika ma’ sottosistemi oħrajn, li huwa konsistenti mal-fatt li l-kompatibbiltà teknika hija koperta mill-STI. L-ambitu ta’ dawn il-kontrolli huwa limitat għall-STI rilevanti.

Kull NoBo jikkompila fajl tekniku fir-rigward tal-verifiki li jkun wettaq.

8.6.   Il-Korp Innominat (DeBo)

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/57/KE jipprovdi li “F’dik l-okkażjoni, (meta japplikaw ir-regoli nazzjonali) l-Istati Membri għandhom jinnominaw il-korpi responsabbli għat-twettiq, fil-każ ta’ dawn ir-regolamenti tekniċi, tal-proċedura ta’ verifika msemmija fl-Artikolu 18” (il-Proċedura għat-twaqqif ta’ dikjarazzjoni ta’ verifika “KE”)

Dan jindika li fejn japplikaw ir-regoli nazzjonali, id-DeBo jwettaq l-istess proċedura bħan-NoBo u jikkompila fajl tekniku li jkopri l-ambitu tal-verifika tiegħu.

8.7.   L-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza (ANS)

L-ANS jaġixxu f’isem l-SM biex jagħtu awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz.

Il-kompiti tal-ANS huma deskritti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49/KE. Fir-rigward tal-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, l-ANS tiddeċiedi fi żmien erba’ xhur wara li l-informazzjoni mitluba kollha tkun ġiet ipprovduta, mingħajr preġudizzju għal-limiti ta’ żmien speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2008/57/KE. Dan ifisser li l-limitu ta’ żmien ta’ erba’ xhur huwa applikabbli, pereżempju, fil-każ ta’ talba għall-ewwel awtorizzazzjoni biex vettura titqiegħed fis-servizz.

Minħabba l-fatt li l-proċedura tista’ tieħu diversi xhur, huwa rrakkomandat li r-regoli li għandhom jiġu applikati mill-ANS għal proċess ta’ awtorizzazzjoni speċifika jkunu dawk li kienu fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni u li ma tiġi imposta l-ebda regola ġdida matul il-proċess sussegwenti.

Fil-każ ta’ miżuri urġenti li jistgħu jiġu imposti minn Stati Membri b’konsegwenza ta’ aċċidenti jew inċidenti, l-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb jirrikonoxxu li s-Sistema ta’ Ġestjoni tas-Sikurezza (SMS) tal-impriża ferrovjarja (RU) hija l-mekkaniżmu ewlieni għall-ġestjoni ta’ riskji ġodda għat-tħaddim ta’ vetturi li jirriżultaw mill-investigazzjonijiet ta’ aċċidenti/inċidenti jew minn konklużjonijiet li joħorġu mill proċess ta’ superviżjoni.

Anke meta Stat Membru jħoss il-ħtieġa urġenti li tinħoloq regola ġdida għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz, dan l-Istat Membru għandu jsegwi l-proċeduri speċifikati fil-leġiżlazzjoni Ewropea applikabbli, inkluż in-notifika ta’ abbozz lill-Kummissjoni skont id-Direttivi 98/34/KE jew 2004/49/KE. Ir-regoli ta’ din ix-xorta jiġu stabbiliti, applikati u infurzati bi proċedura miftuħa u li ma tiddiskriminax, u ma għandhomx joħolqu aktar ostakli bla ħtieġa għas-sistema tat-trasport ferrovjarju Ewropea.

Barra minn hekk, l-esperjenza tal-azzjoni ta’ segwitu li ttieħdet fl-aċċident drammatiku ta’ Viareggio f’Ġunju 2009 wriet li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaqsmu l-informazzjoni permezz ta’ grupp ta’ netwerk/ħidma stabbilit mill-ERA qabel ma jittieħdu miżuri urġenti nazzjonali; dan il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni jtejjeb il-kwalità u n-newtralità tal-analiżi u jkun hemm għażla infurmata aħjar tal-miżuri adegwati, kemm jekk obbligatorji kif ukoll volontarji, kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq livell nazzjonali.

8.8.   L-Istat Membru (SM)

L-SM huma responsabbli mit-traspożizzjoni tad-Direttivi fid-dritt nazzjonali u mill-infurzar tal-konformità.

Fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-servizz, l-SM għandu– skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/57/KE – ir-responsabbiltà li jfassal u jinnotifika l-lista ta’ regoli nazzjonali sabiex ikunu koperti r-rekwiżiti essenzjali fil-każ ta’ deroga, ta’ każ speċifiku (jekk il-każ speċifiku jeżiġi dan), ta’ kwistjonijiet pendenti jew tan-nuqqas ta’ eżistenza tal-STI rilevanti. L-SM jinnominaw ukoll il-korpi responsabbli mill-verifika tal-konformità mar-regoli nazzjonali. L-SM iqiegħduhom ukoll għad-dispożizzjoni tal-IM, tal-RU u tal-applikanti għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz.

Fin-nuqqas tal-STI rilevanti, l-SM għandhom joqogħdu fuq, jagħmlu pubbliċi, u jinforzaw ir-regoli li jkopru r-Rekwiżiti Essenzjali inkluż dak tal-kompatibbiltà teknika bejn il-vetturi u n-netwerk tagħhom. Sabiex tkun ippreservata l-interoperabbiltà nazzjonali u tkun evitata diskriminazzjoni bejn l-applikanti, dawn ir-regoli għandhom ikunu fuq l-istess livell ta’ dettall tal-STI u ma għandhomx ikunu ambigwi fir-rekwiżiti tagħhom (jiġifieri, għandhom jispeċifikaw il-valuri tal-parametri u tal-metodi ta’ valutazzjoni tal-konformità rilevanti).

L-SM huma wkoll responsabbli milli jinnotifikaw lin-NoBo u lid-DeBo.

8.9.   Il-korp tal-valutazzjoni fil-kuntest tas-CSM dwar l-RA (Korp tal-valutazzjoni tas-CSM)

Korp tal-valutazzjoni tas-CSM ikun involut fil-verifika tal-integrazzjoni sikura meta dan ikun mitlub mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/57/KE kif ġie deskritt fis-CSM dwar l-RA.

L-ANS tista’ tagħmilha tal-korp tal-valutazzjoni tas-CSM fil-kuntest tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz:

fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika “KE” tas-sottosistema, fejn l-STI jeżiġi l-intervent ta’ korp tal-valutazzjoni tas-CSM (l-Artikolu 7(3) tas-CSM dwar ir-RA)

kif ġie preskritt fis-CSM dwar l-RA (l-Artikoli 2(2)(b), 5(1)(a) u 7(2) tas-CSM dwar ir-RA).

Madankollu, kull meta ANS tagħmilha ta’ korp tal-valutazzjoni tas-CSM, dan il-kompitu għandu jkun funzjonalment separat u mwettaq minn persuni li ma jkunux inkarigati mill-applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz u mid-deċiżjoni relatata li tagħti l-awtorizzazzjoni.

9.   Ir-reġistri

9.1.   Id-dikjarazzjoni tan-netwerk

Id-dikjarazzjoni tan-netwerk huwa rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/14/KE bħala għodda sabiex jingħataw drittijiet ta’ aċċess, ħalli l-IM ikun jista’ jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa dwar, fost l-oħrajn, in-“natura tal-infrastruttura’ disponibbli, li għandha tippermetti lill-RU titlob il-kapaċità fuq rotta. L-RU għandha tkun taf in-natura tal-infrastruttura fuq ir-rotta sabiex tkun tista” tistabbilixxi li r-rotta hija kompatibbli mal-ferrovija tagħha.

Wara analiżi tad-dikjarazzjonijiet tan-netwerk eżistenti tal-IM, jidher li l-informazzjoni pprovduta mhijiex armonizzata u mhijiex suffiċjenti sabiex tiġi kkontrollata l-kompatibbiltà teknika bejn il-ferrovija u n-netwerk. Fil-kuntest tat-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva 2001/14/KE, sabiex ikunu pprevenuti kwalunkwe kompitu oneruż u xogħol doppju, id-dikjarazzjoni tan-netwerk u r-reġistru tal-infrastruttura jridu jkunu konsistenti, sa fejn għandha x’taqsam “[i]n-natura tal-infrastruttura” .

9.2.   Ir-reġistru tal-infrastruttura (RINF)

Ir-reġistru tal-infrastruttura kien introdott bħala għodda sabiex tkun żgurata l-kompatibbiltà bejn il-ferroviji u r-rotot u sabiex tkun deskritta l-konformità ta’ infrastruttura ġdida, imġedda u mmodernizzata mqiegħda fis-servizz skont id-Direttiva 2001/16/KE. L-ambitu tiegħu kien limitat għat-TEN-T. Il-kontenut tar-reġistru tal-infrastruttura kellu jiġi deskritt fl-STI rilevanti.

L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2008/57/KE kkonferma dak l-approċċ u estenda l-ambitu tar-reġistru tal-infrastruttura għan-netwerk kollu.

Konsegwentement, ir-reġistru tal-infrastruttura estiż għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa sabiex tkun stabbilita l-kompatibbiltà b’mod armonizzat u sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/57/KE sa fejn għandha x’taqsam in-natura tal-infrastruttura b’mod konsistenti mad-Direttiva 2001/14/KE.

B’hekk meta n-“natura tal-infrastruttura” tinbidel b’mod li taffettwa l-kompatibbiltà tal-ferroviji, id-deskrizzjoni tan-netwerk għandha tkun aġġornata skont l-ispeċifikazzjonijiet li għandhom jiġu adottati (l-Artikolu 35).

Sabiex il-kontroll tal-kompatibbiltà jkun effiċjenti, il-parametri tar-reġistru tal-infrastruttura u tar-reġistru Ewropew tat-tip ta’ vetturi awtorizzati għandhom ikunu allinjati.

9.3.   Ir-reġistru Ewropew tat-tip ta’ vetturi awtorizzati (ERATV)

Ir-Reġistru Ewropew tat-Tipi ta’ Vetturi Awtorizzati għandu jidentifika fuq bażi ta’ każ b’każ it-tipi kollha ta’ vetturi awtorizzati għat-tqegħid fis-servizz fuq in-netwerk ferrovjarju Komunitarju sabiex iservi l-finijiet li ġejjin:

l-ANS ikunu jistgħu jissimplifikaw l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz tal-vetturi li jkunu konformi ma’ tip awtorizzat,

jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ aċċettazzjoni transkonfinali billi jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar it-tipi awtorizzati ta’ vetturi,

kwalunkwe organizzazzjoni interessata fil-ġestjoni ta’ negozju relatat mal-ferroviji (impriża ferrovjarja, sid jew detentur ta’ vettura, kumpanija tal-kiri, eċċ.) tkun tista’ ssir taf liema huma t-tipi ta’ vetturi li huma awtorizzati biex jitqiegħdu fis-servizz f’kull SM u l-applikanti jingħataw ċertezza raġonevoli dwar l-eżitu ta’ appikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ vettura,

l-ANS, il-korp ta’ investigazzjoni, eċċ. ikunu jistgħu jikkonsultaw il-karatteristiċi tekniċi prinċipali ta’ kwalunkwe vettura awtorizzata biex titqiegħed fis-servizz,

l-Aġenzija tkun tista’ tikseb informazzjoni dwar it-tipi awtorizzati fl-SM differenti fejn issir distinzjoni bejn il-vetturi konformi mal-STI u l-vetturi mhux konformi mal-STI, u

kwalunkwe organizzazzjoni interessata li tiġġestixxi negozju relatat mal-ferroviji tkun tista’ tikseb idea ġenerali ta’ liema tipi ta’ vetturi jistgħu jkunu kompatibbli ma’ netwerk partikolari. Dan ir-reġistru ma għandux jagħmilha ta’ kontroll finali tal-kompatibbiltà teknika ta’ ferrovija ma’ netwerk jew ma’ sezzjoni tar-rotta ta’ netwerk. Dan għaliex ferrovija tista’ ma tkunx kompatibbli ma’ rotta, anki meta l-vetturi kollha li hija magħmula minnhom ikunu kompatibbli mal-istess rotta. Il-kompatibbiltà tal-ferrovija mar-rotta hija koperta mid-dispożizzjonijiet tal-STI OPE (ara t-Taqsima 5 ta’ dan id-dokument),

sabiex ikunu magħrufa r-restrizzjonijiet marbuta ma’ tip ta’ vettura.

9.4.   Ir-reġistru nazzjonali tal-vetturi (NVR)

L-NVR għandu jintuża sabiex tkun identifikata kwalunke vettura awtorizzata u sabiex iservi l-finijiet li ġejjin:

ir-reġistrazzjoni tan-numru ta’ awtorizzazzjoni u ta’ identifikazzjoni allokat lill-vetturi,

it-tiftix għal informazzjoni fil-qosor u li tkopri l-Ewropa kollha relatata ma’ vettura partikolari,

il-possibbiltà li jkun stabbilit kuntatt mas-sid u mad-detentur, u

l-identifikazzjoni tal-ECM ta’ kwalunkwe vettura f’servizz.

9.5.   Id-Dokument ta’ Referenza

L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2008/57/KE jeżiġi li jiġi adottat id-dokument ta’ referenza relatat mar-regoli nazzjonali applikati mill-SM meta l-vetturi jitqiegħdu f’servizz. Dan jintuża sabiex:

jiddefinixxi l-parametri li għandhom jiġu kkontrollati għall-awtorizzazzjoni tal-vettura – li għandhom ikunu l-istess parametri bħal dawk li għandhom jiġu ddefiniti fl-STI; u

jirreġistra l-ekwivalenza u l-klassifikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar l-awtorizzazzjoni tal-vetturi sabiex ikun iffaċilitat ir-rikonoxxoment reċiproku.

Id-dokument ta’ referenza għandu jintuża għall-awtorizzazzjonijiet kollha għat-tqegħid tal-vetturi fis-servizz li huma suġġetti għad-Direttiva 2008/57/KE u fejn il-konformità mar-regoli nazzjonali hija mitluba. Huma kkonċernati l-linji tat-TEN kif ukoll dawk barra mit-TEN. Fir-rigward tal-vetturi konformi mal-STI, dan għandu jippermetti l-verifika tal-kompatibbiltà teknika man-netwerk u tal-konformità mar-regoli nazzjonali relatati mal-każijiet speċifiċi u mal-għeluq tal-kwistjonijiet pendenti relatati mal-kompatibbiltà teknika bejn il-vettura u n-netwerk. Fir-rigward tal-vetturi mhux konformi mal-STI, id-dokument ta’ referenza għandu jippermetti paragun tar-regoli nazzjonali relatati mal-lista ta’ parametri li għandhom jiġu kkontrollati mill-ANS meta jagħtu awtorizzazzjoni, ħlief għall-aspetti koperti minn STI, jekk ikun hemm.

9.6.   Il-lista tal-marki tal-kustodju tal-vettura (VKM)

Ir-reġistru aġġornat jiġi ppubblikat b’mod regolari fuq il-websajt tal-Aġenzija (bħalissa jiġi ppubblikat l-ewwel Erbgħa ta’ kull xahar).

Marka tal-Kustodju tal-Vettura (VKM) hija kodiċi, li tikkonsisti f’minn tnejn (2) sa ħames (5) ittri li tinkiteb fuq kull vettura.

VKM hija rappreżentazzjoni tal-isem sħiħ jew ta’ abbrevjazzjoni tal-isem tal-kustodju tal-vettura, jekk ikun possibbli b’mod rikonoxxibbli.

VKM tkun unika fil-pajjiżi kollha koperti mill-STI OPE u fil-pajjiżi kollha li jidħlu fi ftehim li jinvolvi l-applikazzjoni tas-sistema ta’ numerazzjoni tal-vetturi u tal-marka tal-kustodju tal-vettura kif ġie deskritt fl-STI OPE.

VKM tista’ tintuża fin-netwerk biss wara l-pubblikazzjoni mill-korp ċentrali (l-ERA jew l-OTIF).

10.   Grafika relatata mal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tad-Direttiva 2008/57/KE

Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ sottosistemi u ta’ vetturi qed jiġu spjegati fil-figuri annessi.

Rimarka: Minkejja l-kumplessità apparenti tal-proċeduri, għandu jiġi nnotat li diversi azzjonijiet jistgħu jitwettqu mill-istess attur fl-istess ħin. Barra minn hekk, diversi proċeduri ta’ awtorizzazzjoni addizzjonali għall-istess vettura jistgħu jitwettqu fl-istess ħin mal-ewwel awtorizzazzjoni.

Figura 1

Artikolu 15 L-APS ta' sottosistemi fissi

Image 3

Figura 2

Artikolu 22(2)(a) L-ewwel APS għall-vetturi konformi mal-STI

Image 4

Figura 3

Artikolu 22(2)(b) L-ewwel APS għall-vetturi konformi mal-STI

Image 5

Figura 4

Artikolu 23(1) APS addizzjonali għall-vetturi konformi mal-STI “li jmorru kullimkien”

Image 6

Figura 5

Artikolu 23 APS addizzjonali għall-vetturi konformi mal-STI

Image 7

Figura 6

Artikolu 24 L-ewwel APS għall-vetturi mhux konformi mal-STI

Image 8

Figura 7

Artikolu 25 APS addizzjonali għall-vetturi mhux konformi mal-STI

Image 9

LISTA TA’ ABBREVJAZZJONIJIET

Abbrevjazzjoni

Definizzjoni

CCS

Il-Kmand tal-Kontroll u s-Sinjalazzjoni

CSM dwar ir-RA

Metodi Komuni tas-Sikurezza dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji

DeBo

Korp Innominat

ECM

Entitajiet Responsabbli mill-Manutenzjoni

ERATV

Reġistru Ewropew tat-Tipi ta’ Vetturi Awtorizzati

IC

Kostitwenti tal-Interoperabbiltà

IM

Maniġer tal-Infrastruttura

SM

Stat(i) Membru/i

NNTR

Regoli Tekniċi Nazzjonali li ġew Innotifikati

NoBo

Korp Innotifikat

ANS

Awtoritajiet Nazzjonali tas-Sikurezza

NVR

Reġistru Nazzjonali tal-Vetturi

ĠUUE

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

STI OPE

STI tal-Operat u l-Ġestjoni tat-Traffiku

RINF

Reġistru tal-Infrastruttura

RU

Impriża Ferrovjarja

SMS

Sistema ta’ Ġestjoni tas-Sikurezza

TEN-T

Netwerk Trans-Ewropew għat-Trasport

STI

Speċifikazzjonijiet Tekniċi għall-Interoperabbiltà

VKM

Lista’ tal-Marki tal-Kustodju tal-Vettura


(1)  Ir-referenzi għall-Artikoli tad-Direttiva 2008/57/KE qed jissemmew f’parenteżi fit-test kollu.

(2)  Kif inhu stabbilit fl-Anness II emendat għad-Direttiva 2008/57/KE (li bħalissa qed jiġi emendat).

(3)  Il-kunċett ta’ Approċċ Ġdid ġie rivedut fl-2008 permezz ta’ qafas leġiżlattiv ġdid għall-valutazzjoni tal-konformità, għall-akkreditazzjoni u għas-sorveljanza tas-swieq.

(4)   ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.

(5)   ĠU L 390, 31.12.2004, p. 24.

(6)  L-STI jindikaw il-moduli li għandhom jiġu applikati fid-deċiżjoni rilevanti tal-Kummissjoni.

(7)  Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) u għall-Kapitolu V tad-Direttiva li huma deskritti iktar fid-dettall fit-Taqsima 5 ta’ dan id-dokument.

(8)  L-Anness VI emendat għad-Direttiva.

(9)  F’dan id-dokument ara wkoll it-Taqsima 5.3 relatata mal-kompatibbiltà teknika, l-integrazzjoni sikura u l-kompatibbiltà bejn il-vetturi u t-Taqsima 9 relatata ma’ Ir-Reġistri.

(10)  L-Anness V emendat għad-Direttiva.

(11)  L-Anness II għad-Direttiva 2008/57/KE bħalissa qed jiġi emendat mill-Kummissjoni.

(12)  L-itinerarju li miegħu huwa maħsub li titħaddem il-ferrovija.

(13)   ĠU L 37, 10.2.2010, p. 74.

(14)  Id-Direttiva 2008/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 62) li temenda d-Direttiva 2004/49/KE emendat il-kontenut tal-Anness III b’tali mod li r-referenza għall-Artikolu 8 ma għadhiex meħtieġa iktar.

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/920/KE tal-11 ta’ Awwissu 2006 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika tal-interoperabbiltà relatata mas-sottosistema tal-Operat u l-Ġestjoni tat-Traffiku tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 359, 18.12.2006, p. 1) u id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/231/KE tal-1 ta’ Frar 2008 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-sub-sistema tat-tħaddim tas-sistema ferrovjarja tranż-Ewropea ta’ veloċità għolja adottata, imsemmija fl-Artiklu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE u li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2002/734/KE tat-30 ta’ Mejju 2002 (ĠU L 84, 26.3.2008, p. 1).

(16)   ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29.

(17)  L-Anness VI bħalissa qed jiġi emendat mill-Kummissjoni.