ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2011.001.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 1

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 54
4ta' Jannar 2011


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1/2011 tat-3 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

1

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2/2011 tat-3 ta’ Jannar 2011 li jemenda l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 867/2010 għas-sena tas-suq 2010/11

3

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva tal-Kummissjoni 2011/1/UE tat-3 ta' Jannar 2011 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex tinkludi s-6-benżiladenina bħala sustanza attiva u li temenda d-Deċiżjoni 2008/941/KE ( 1 )

5

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2011/1/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2010 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat C 38/09 (ex NN 58/09) li Spanja qiegħda tippjana li timplimenta għall-Corporación de Radio y Televisión Española (RTVE) (notifikata bid-dokument numru C(2010) 4925)  ( 1 )

9

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

4.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 1/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1/2011

tat-3 ta’ Jannar 2011

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-4 ta’ Jannar 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

106,0

MA

34,9

TR

103,3

ZZ

81,4

0707 00 05

EG

155,1

TR

93,4

ZZ

124,3

0709 90 70

MA

63,6

TR

100,5

ZZ

82,1

0805 10 20

AR

43,0

BR

41,5

EC

48,7

IL

67,1

MA

55,7

TR

67,9

UY

53,0

ZA

43,9

ZZ

52,6

0805 20 10

MA

70,7

TR

82,1

ZZ

76,4

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

HR

55,2

IL

71,4

TR

70,3

ZZ

65,6

0805 50 10

AR

49,2

TR

54,5

UY

49,2

ZZ

51,0

0808 10 80

AR

74,9

CA

98,2

CL

83,5

CN

75,3

MK

29,3

NZ

74,9

US

128,4

ZZ

80,6

0808 20 50

CN

68,8

US

122,0

ZZ

95,4


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


4.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 1/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 2/2011

tat-3 ta’ Jannar 2011

li jemenda l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 867/2010 għas-sena tas-suq 2010/11

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta’ Ġunju 2006 dwar regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mal-iskambji mal-pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza tiegħu,

Billi:

(1)

L-ammonti tal-prezzijiet rappreżentattivi u tad-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux ipproċessat u ta' ċerti ġuleppijiet għas-sena tas-suq 2010/11 ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 867/2010 (3). Dawn il-prezzijiet u dazji ġew emendati l-aħħar mir-Regolament tal- Kummissjoni (UE) Nru 1253/2010 (4).

(2)

L-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha f'idejha llum twassal biex dawn l-ammonti jiġu mmodifikati, skont ir-regoli ddettaljati pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 951/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prezzijiet rappreżentattivi u d-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006, stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 867/2010 għas-sena tas-suq 2010/11, huma b'dan mmodifikati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-4 ta’ Jannar 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

(3)  ĠU L 259, 1.10.2010, p. 3.

(4)  ĠU L 341, 23.12.2010, p. 21.


ANNESS

L-ammonti mmodifikati tal-prezzijiet rappreżentattivi u tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux ipproċessat u tal-prodotti bil-kodiċi NM 1702 90 95 , applikabbli mill-4 ta’ Jannar 2011

(EUR)

Kodiċi NM

Ammont tal-prezz rappreżentattiv għal kull 100 kg nett tal-prodott ikkonċernat

Ammont tad-dazju addizzjonali għal kull 100 kg nett tal-prodott ikkonċernat

1701 11 10  (1)

61,51

0,00

1701 11 90  (1)

61,51

0,00

1701 12 10  (1)

61,51

0,00

1701 12 90  (1)

61,51

0,00

1701 91 00  (2)

58,29

0,00

1701 99 10  (2)

58,29

0,00

1701 99 90  (2)

58,29

0,00

1702 90 95  (3)

0,58

0,18


(1)  Stabbilit għall-kwalità standard kif iddefinita fl-Anness IV, il-punt III, tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(2)  Stabbilit għall-kwalità standard kif iddefinita fl-Anness IV, il-punt II, tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(3)  Stabbilit bħala 1 % tal-kontenut f'sukrożju.


DIRETTIVI

4.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 1/5


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2011/1/UE

tat-3 ta' Jannar 2011

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex tinkludi s-6-benżiladenina bħala sustanza attiva u li temenda d-Deċiżjoni 2008/941/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1112/2002 (2) u (KE) Nru 2229/2004 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-raba' stadju tal-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta' sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati, bl-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista kienet tinkludi s-6-benżiladenina.

(2)

Skont l-Artikolu 24e tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004 l-applikant irtira l-appoġġ tiegħu għall-inklużjoni ta' dik is-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE fi żmien xahrejn mill-wasla tal-abbozz tar-rapport ta' stima. Konsegwentement, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/941/KE tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar in-noninklużjoni ta' ċerti sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi (4) kienet addottata għan-noninklużjoni tas-6-benżiladenina.

(3)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE n-notifikant oriġinali (minn hawn 'il quddiem l-applikant) ressaq applikazzjoni ġdida li titlob l-applikazzjoni tal-proċedura aċċellerata msemmija fl-Artikoli minn 14 sa 19 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta' Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta' proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta' sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta' dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (5).

(4)

L-applikazzjoni tressqet lir-Renju Unit, li kien maħtur bħala l-Istat Membru relatur bir-Regolament (KE) Nru 2229/2004. Il-perjodu ta' żmien għall-proċedura aċċellerata ġie rispettat. L-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva u l-użi sostnuti huma l-istess kif kien is-suġġett tad-Deċiżjoni 2008/941/KE. L-applikazzjoni tikkonforma wkoll mar-rekwiżiti proċedurali u sostantivi li fadal tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 33/2008.

(5)

Ir-Renju Unit ivvaluta d-dejta addizzjonali sottomessa mill-applikant u ħejja rapport addizzjonali. Huwa kkomunika dak ir-rapport lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fis-27 ta' Novembru 2009. L-Awtorità kkomunikat ir-rapport ta' valutazzjoni lill-applikant u lill-Istati Membri l-oħra għall-kummenti u bagħtet il-kummenti li kienu waslulha lill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 33/2008 u fuq talba tal-Kummissjoni, l-Awtorità ppreżentat il-konklużjoni tagħha dwar is-6-benżiladenina lill-Kummissjoni fis-27 ta' Awwissu 2010 (6). L-abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni, ir-rapport addizzjonali u l-konklużjoni tal-Awtorità ġew irreveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ffinalizzati fit-23 ta' Novembru 2010 fil-format tar-rapport ta' reviżjoni tal-Kummissjoni għas-6-benżiladenina.

(6)

Ħareġ ċar minn diversi eżamijiet li saru li l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-6-benżiladenina jistgħu jkunu mistennija li jissodisfaw, b'mod ġenerali, ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, b'mod partikolari dwar l-użi li ġew eżaminati u mniżżla fid-dettall fir-rapport ta' reviżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa xieraq li s-6-benżiladenina tiġi inkluża fl-Anness I biex jiġi assigurat li, fl-Istati Membri kollha, ikunu jistgħu jingħataw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva skont id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

(7)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma tiġi inkluża sustanza attiva fl-Anness I biex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jingħataw ċans jippreparaw irwieħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-inklużjoni.

(8)

Bla ħsara għall-obbligazzjonijiet stipulati fid-Direttiva 91/414/KEE b'konsegwenza tal-inklużjoni ta' sustanza attiva fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta' sitt xhur wara l-inklużjoni biex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet eżistenti ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-6-benżiladenina sabiex jaċċertaw li r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 91/414/KEE, b'mod partikolari fl-Artikolu 13 tagħha u l-kundizzjonijiet rilevanti stipulati fl-Anness I, jiġu sodisfatti. L-Istati Membri għandhom ivarjaw, ibiddlu jew jirtiraw, kif ikun meħtieġ, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE. B'deroga mill-iskadenza msemmija hawn fuq, għandu jiġi pprovdut perjodu itwal għas-sottomissjoni u l-valutazzjoni tal-fajl sħiħ tal-Anness III ta' kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu maħsub skont il-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE.

(9)

L-esperjenza miksuba minn inklużjonijiet preċedenti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ta' sustanzi attivi vvalutati fil-qafas tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta' Diċembru 1992 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm ta' xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li jittratta dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (7) wriet li jistgħu jinħolqu diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dmirjiet tad-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti b'rabta mal-aċċess għad-dejta. Għalhekk, sabiex jiġu evitati iktar diffikultajiet, jidher li huwa meħtieġ li d-dmirijiet tal-Istati Membri jiġu ċċarati, speċjalment id-dmir li jivverifikaw li d-detentur ta' awtorizzazzjoni jkollu x'juri li għandu aċċess għal fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II ta' din id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponix xi obbligi ġodda fuq l-Istati Membri jew id-detenturi ta' awtorizzazzjonijiet, meta mqabbla mad-Direttivi li jemendaw l-Anness I li ġew adottati sa issa.

(10)

Għaldaqstant, huwa xieraq li d-Direttiva 91/414/KEE tiġi emendata skont dan.

(11)

Id-Deċiżjoni 2008/941/KE tistipula li s-6-benżiladenina ma għandhiex tkun inkluża u li l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza jkunu rtirati sal-31 ta' Diċembru 2011. Jeħtieġ li tiġi mħassra l-linja dwar is-6-benżiladenina fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

(12)

Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi emendata d-Deċiżjoni 2008/941/KE skont dan.

(13)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Il-linja li tikkonċerna s-6-benżiladenina fl-Anness tad-Deċiżjoni 2008/941/KE titħassar.

Artikolu 3

Sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru 2011 l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet, kif ukoll tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Diċembru 2011.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'referenza bħal din fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom, b'konformità mad-Direttiva 91/414/KEE, fejn hu meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-6-benżiladenina bħala sustanza attiva sat-30 ta' Novembru 2011.

Sa dik id-data huma għandhom b'mod partikolari jivverifikaw li l-kundizzjonijiet fl-Anness I tad-Direttiva li jikkonċernaw is-6-benżiladenina qed jiġu ssodisfati, bl-eċċezzjoni ta' dawk identifikati fil-parti B tal-annotazzjoni li tikkonċerna dik is-sustanza attiva, u li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jkollu f'idejh, jew li jkollu aċċess għal, fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II ta' dik id-Direttiva skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13 ta' dik id-Direttiva.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott awtorizzat għall-ħarsien tal-pjanti li fih is-6-benżiladenina jew bħala l-unika sustanza attiva jew inkella bħala waħda minn bosta sustanzi attivi li għandhom ikunu kollha elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2011, l-Istati Membri għandhom jerġgħu jivvalutaw il-prodott skont il-prinċipji uniformi stipulati fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta' fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III ta' din id-Direttiva u billi titqies il-parti B tal-annotazzjoni fl-Anness I ta' din id-Direttiva li tikkonċerna s-6-benżiladenina. Fuq il-bażi ta' din il-valutazzjoni, huma għandhom jistabbilixxu jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE.

Wara li dan jiġi ddeterminat, l-Istati Membri għandhom:

(a)

fil-każ ta' prodott li jkun fih is-6-benżiladenina bħala l-unika sustanza attiva, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2015; jew

(b)

fil-każ ta' prodott li jkun fih is-6-benżiladenina bħala waħda minn bosta sustanzi attivi, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni, fejn meħtieġ, sal-31 ta' Mejju 2015 jew sad-data ffissata għal tali emenda jew irtirar fid-Direttiva jew id-Direttivi rispettivi li żiedu s-sustanza jew is-sustanzi rilevanti fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE, liema minnhom tkun tal-aħħar.

Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2011.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 168, 27.6.2002, p. 14.

(3)  ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13.

(4)  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 91.

(5)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.

(6)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance 6-benzyladenine. (Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni dwar ir-riskju marbut mal-pestiċidi tas-sustanza attiva 6-benżiladenina). Ġurnal tal-EFSA 2010; 8(10):1716. [49 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2010.1716. Disponibbli onlajn: www.efsa.europa.eu.

(7)  ĠU L 366, 15.12.1992, p. 10.


ANNESS

L-annotazzjoni li ġejja għandha tiġi miżjuda fl-aħħar tat-tabella fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE:

Nru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Dħul fis-seħħ

Skadenza tal-inklużjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“322

6-benżiladenina

Nru CAS:

1214-39-7

Nru CIPAC: 829

N6-benżiladenina

≥ 973 g/kg

L-1 ta’ Ġunju 2011

Il-31 ta’ Mejju 2021

PARTI A

Huma biss użi bħala regolatur tal-iżvilupp tal-pjanti li jistgħu jiġu awtorizzati.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar is-6-benżiladenina, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzati mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-23 ta’ Novembru 2010.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari għall-ħarsien ta’organiżmi akkwatiċi. Għandhom jiġu applikati miżuri li jnaqqsu r-riskju bħaż-żoni ta’ protezzjoni, fejn xieraq.”


(1)  Jinsabu aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva fir-rapport ta’ reviżjoni.


DEĊIŻJONIJIET

4.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 1/9


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Lulju 2010

dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat C 38/09 (ex NN 58/09) li Spanja qiegħda tippjana li timplimenta għall-Corporación de Radio y Televisión Española (RTVE)

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 4925)

(It-test Spanjol biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/1/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1),

Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ikkwotati hawn fuq (2) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   IL-PROĊEDURA

(1)

Fit-22 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni rċeviet ilment li jiġbed l-attenzjoni lejn il-pjanijiet tal-gvern Spanjol li jemenda s-sistema ta’ finanzjament tal-Corporación de Radio y Televisión Española (RTVE), ix-xandar nazzjonali tar-radju u t-televiżjoni. Fil-5 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mingħand Spanja rigward din l-emenda, b’mod partikolari rigward ir-relazzjoni bejn l-imposti l-ġodda u l-finanzjament ta’ RTVE. Fl-1 ta’ Settembru 2009, daħlet fis-seħħ il-Liġi l-ġdida 8/2009 tat-28 ta’ Awwissu 2009 dwar il-finanzjament tal-Corporación de Radio y Televisión Española (3), li temenda l-Liġi 17/2006 tal-5 ta’ Ġunju 2006 dwar ir-radju u t-televiżjoni tal-Istat (4). Fil-21 ta’ Settembru, fit-22 u fis-26 ta’ Ottubru 2009, Spanja ssottomettiet l-informazzjoni mitluba dwar l-iskema lill-Kummissjoni.

(2)

Permezz ta’ ittra li ġġib id-data tat-2 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni informat lil Spanja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) rigward il-miżura. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (5). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura ta’ għajnuna.

(3)

Spanja wieġbet għad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura b’ittra tal-21 ta’ Diċembru 2009. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn partijiet interessati. Hija bagħtithom lil Spanja, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi; il-kummenti tagħha waslu permezz ta’ ittra li ġġib id-data tat-23 ta’ Marzu 2010.

(4)

Il-Kummissjoni staqsiet mistoqsijiet addizzjonali permezz tal-ittri tad-19 ta’ Frar u tad-19 ta’ Mejju 2010, li l-awtoritajiet Spanjoli wieġbu għalihom permezz tal-ittri tat-22 ta’ Marzu u tal-31 ta’ Mejju 2010.

(5)

Fit-18 ta’ Marzu 2010, permezz ta’ ittra ta’ avviż formali skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur fuq il-bażi li t-taxxa dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi tmur kontra l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (6), li tistabbilixxi regoli preċiżi rigward l-imposti amministrattivi li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq il-kumpaniji li jipprovdu servizz jew netwerk tat-telekomunikazzjonijiet. L-investigazzjoni rigward l-għajnuna mill-Istat hija mingħajr preġudizzju għall-proċedura ta’ ksur.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

Is-sistema attwali tal-finanzjament tax-xandir pubbliku fi Spanja

(6)

Is-sistema attwali tal-finanzjament tax-xandir pubbliku fi Spanja minn RTVE, kif stabbilita mil-Liġi 17/2006, kienet approvata mill-Kummissjoni b’deċiżjonijiet fl-2005 u fl-2007. (7) Il-Liġi 17/2006 tinkariga lil RTVE b’missjoni ta’ servizz pubbliku. It-Taqsima I ta’ dik il-liġi (b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 3) tiddefinixxi l-missjoni ta’ servizz pubbliku ta’ RTVE u tispeċifika li l-missjoni għas-servizzi tat-televiżjoni u tar-radju rispettivament sejrin jitwettqu mill-kumpaniji RTVE (Radio Televisión Española) u RNE (Radio Nacional de España). It-Taqsima II, Kapitolu IV, tirregola l-kundizzjonijiet tal-qafas finanzjarju u ekonomiku skont liema RTVE sejra twettaq il-kompiti tagħha ta’ servizz pubbliku. B’mod partikolari, l-Artikolu 33 jistipula li RTVE sejra tirċievi pagamenti baġitarji kull sena bħala kumpens għat-twettiq tal-kompiti tagħha ta’ servizz pubbliku. Dan il-kumpens m’għandux jaqbeż l-ispiża netta tas-servizz pubbliku pprovdut minn RTVE u RNE rispettivament. It-Taqsima II, Kapitolu VI, tirregola l-kontroll estern mill-Parlament, l-awtorità awdjoviżiva u l-Qorti tal-Awdituri.

(7)

L-ispejjeż annwali ibbaġitjati għat-tmexxija ta’ RTVE kienu EUR 1 177 miljun fl-2007, EUR 1 222 miljun fl-2008 u EUR 1 146 miljun fl-2009. Matul dawn l-aħħar snin, RTVE rċeviet kumpens ta’ servizz pubbliku ta’ madwar EUR 500 miljun kull sena (2006: EUR 575 miljun; 2007: EUR 433 miljun; 2008: EUR 500 miljun; 2009, madankollu, bi dħul diġà mnaqqas mir-reklamar: EUR 726 miljun).

Ir-riforma tal-finanzjament ta’ RTVE

(8)

Il-Liġi 8/2009 temenda l-Liġi 17/2006 fir-rigward tad-definizzjoni tal-missjoni ta’ servizz pubbliku u l-attivitajiet kummerċjali potenzjali ta’ RTVE. Hija żżid aktar elementi fil-missjoni ta’ servizz pubbliku li kienu approvati mill-Kummissjoni fl-2005. B’mod partikolari, hija tillimita l-akkwist tad-drittijiet tax-xandir ta’ avvenimenti sportivi ta’ interess ġenerali jew ta’ interess kbir għas-soċjetà, ħlief għall-Olimpijadi u għall-Paralimpijadi, għal 10 % tal-baġit totali ta’ kull sena għall-fornimenti, xiri u servizzi esterni (l-Artikolu 9(1)(i)). Hija tiddikjara l-obbligi fir-rigward tal-programmi tat-tfal (l-Artikolu 9(1)(d)) u tillimita x-xandir tal-films prodotti mill-produtturi internazzjonali ewlenin għall-ewwel ħruġ fil-ħin tal-ogħla domanda għal 52 film kull sena (l-Artikolu 9(1)(m)).

(9)

Il-liġi l-ġdida tistipula b’mod partikolari li l-użu tas-servizzi tar-reklamar, it-telebejgħ, l-isponsorships u l-pay-per-view bħala sorsi ta’ dħul sejjer jintemm sa tmiem l-2009. Dan id-dħul kummerċjali sejjer jiġi sostitwit bil-fondi ġġenerati mill-ħlasijiet eżistenti jew ġodda fuq ix-xandara kummerċjali u l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet. Spanja tistenna li l-miżura sejra tnaqqas il-pressjoni minn fuq l-operaturi kummerċjali, iżżid id-dħul tagħhom mir-reklamar u telimina sors potenzjali ta’ tgħawwiġ tas-suq. Bħala sorsi ta’ dħul kummerċjali, RTVE sejra żżomm l-għoti ta’ servizzi lil partijiet terzi u l-bejgħ tal-produzzjonijiet tagħha stess (b’kollox madwar EUR 25 miljun).

(10)

S’issa, id-dħul annwali mir-reklamar kien ta’ madwar EUR 600 miljun (2007: EUR 667 miljun; 2008: EUR 565 miljun). Bl-għajbien ta’ dan id-dħul kummerċjali, l-ispejjeż netti tal-missjoni tax-xandir ta’ servizz pubbliku ta’ RTVE sejrin ikunu kważi identiċi għall-ispejjeż ibbaġitjati kull sena għat-tħaddim tax-xandar. Għaldaqstant, Spanja biħsiebha tagħti kumpens għat-tneħħija ta’ dan id-dħul billi żżid il-kontribuzzjoni tagħha mill-fondi pubbliċi sal-livell tal-ispejjeż ibbaġitjati kull sena għat-tħaddim ta’ RTVE, imnaqqsa biss bid-dħul kummerċjali żgħir li baqa’ ta’ EUR 25 miljun imsemmi fil-paragrafu preċedenti.

(11)

Bħala d-dħul annwali ġenerali ta’ RTVE, l-Artikolu 3(2) tal-liġi l-ġdida jipprevedi, għas-snin 2010 u 2011, ammont massimu ta’ EUR 1 200 miljun, għas-snin 2012-2014 żieda massima ta’ 1 % f’dan l-ammont u għas-snin sussegwenti żieda bbażata fuq l-indiċi annwali tal-prezzijiet għall-konsumatur. Meta kienet qiegħda tiddetermina dawn l-ammonti, Spanja stmat, meta mqabbel mal-ispejjeż ibbaġitjati kull sena ta’ RTVE fis-snin preċedenti, spiża annwali addizzjonali ta’ EUR 104 miljun biex jimtela l-ħin tax-xandir li qabel kien irriżervat għar-reklamar bi produzzjonijiet awdjoviżivi oħrajn.

Miżuri fiskali marbuta mar-riforma

(12)

Skont l-ippjanar baġitarju ta’ Spanja, dan l-ammont ġenerali ta’ dħul annwali sejjer ikun magħmul minn allokazzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Istat, skont l-iskema prevista fil-Liġi 17/2006, ta’ madwar EUR 500 miljun, li huma konformi mal-ammont ikkontribwit fis-snin preċedenti, u permezz ta’ dħul ġdid iġġenerat minn tliet miżuri fiskali introdotti jew immodifikati mill-Artikoli 4, 5 u 6 tal-liġi l-ġdida:

(a)

Taxxa ta’ 3 % tad-dħul tax-xandara tat-televiżjoni free-to-air u ta’ 1,5 % tad-dħul tax-xandara ta’ pay-TV. Dawn il-kontribuzzjonijiet ma jridux jaqbżu 15 % (għat-televiżjoni bla ħlas) u 20 % (għat-televiżjoni bi ħlas) tal-appoġġ totali ta’ kull sena għal RTVE. Kwalunkwe dħul mit-taxxa li jibqa’ ’l hinn minn dawn il-perċentwali sejjer imur fil-baġit ġenerali tal-Istat. It-taxxa tapplika biss għal entitajiet stabbiliti fi Spanja. Is-servizzi importati minn Stat Membru ieħor mhumiex soġġetti għal din it-taxxa.

(b)

Taxxa ta’ 0,9 % fuq id-dħul operattiv qabel it-taxxa (eskluż dak miksub fis-suq ta’ referenza bl-ingrossa) tal-operaturi tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet irreġistrati mar-reġistru tal-operaturi tar-regolatur tat-telekomunikazzjoni Spanjol, il-Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones, fi kwalunkwe wieħed minn dawn is-servizzi: telefonija fissa, telefonija mobbli u forniment ta’ aċċess għall-Internet. L-operaturi soġġetti għat-taxxa jridu jkunu qegħdin joperaw fuq livell nazzjonali jew f’aktar minn Komunità Awtonoma waħda u jridu jipprovdu servizzi awdjoviżivi jew xi servizz ieħor li jinkludi r-reklamar. Din il-kontribuzzjoni ma tridx taqbeż il-25 % tal-appoġġ totali ta’ kull sena għal RTVE. Kwalunkwe dħul mit-taxxa ’l hinn minn dan il-perċentwal imur fil-baġit ġenerali tal-Istat. It-taxxa tapplika biss għal entitajiet stabbiliti fi Spanja. Is-servizzi importati minn Stat Membru ieħor mhumiex soġġetti għal din it-taxxa.

(c)

Sehem ta’ 80 %, sa ammont massimu ta’ EUR 330 miljun, tat-taxxa li diġà teżisti fuq l-użu tal-ispettru tar-radju kif stabbilit mil-Liġi 32/2003 tat-3 ta’ Novembru 2003. Dak li jibqa’ sejjer jiġi attribwit għall-baġit ġenerali. Dan il-perċentwal jista’ jkun immodifikat skont il-liġijiet tal-Baġit Ġenerali tal-Istat.

(13)

L-Artikoli 5 u 6 tal-Liġi 17/2006 jiddikjaraw espressament li t-taxxi fuq l-operaturi tat-televiżjoni u tat-telekomunikazzjonijiet kummerċjali jinġabru “bil-għan li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ RTVE”. Barra minn hekk, il-preambolu jistabbilixxi espressament din ir-rabta bejn it-taxxi l-ġodda u l-kumpens finanzjarju għall-irtirar ta’ RTVE mis-suq tar-reklamar.

(14)

Jekk id-dħul minn dawn it-tliet sorsi ta’ taxxi ma jkunx biżżejjed biex ikopri d-differenza ta’ EUR 700 miljun bejn il-kumpens tradizzjonali ta’ servizz pubbliku (EUR 500 miljun) u l-ispejjeż ġenerali tat-tmexxija ta’ RTVE, li sa issa kienu koperti mid-dħul kummerċjali, l-Artikolu 2(2) tal-Liġi 8/2009 jistabbilixxi li l-fondi nieqsa għandhom jiġu kkontribwiti mill-baġit ġenerali tal-Istat, skont l-Artikolu 33 tal-Liġi 17/2006 li jobbliga lill-gvern sabiex ikopri l-ispejjeż netti tal-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ RTVE. Dan ifisser li l-finanzjament tal-ispejjeż netti pubbliċi pprovduti minn RTVE, sa ammont massimu ta’ EUR 1 200 miljun, sejjer ikun żgurat, indipendentament mid-dħul iġġenerat mit-taxxi.

(15)

Spanja kkonfermat li l-kontribuzzjoni mit-taxxi fuq ix-xandara tat-televiżjoni u l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet m’għandhiex neċessarjament tintuża biss għall-finanzjament ta’ RTVE. Spanja stabbilixxiet l-ammonti massimi li jistgħu jiġu kkontribwiti mit-taxxi. Kwalunkwe dħul li jibqa’ sejjer ikun attribwit għall-baġit ġenerali tal-Istat u jista’ b’hekk jintuża biex ikunu koperti spejjeż oħrajn. Barra minn hekk, sa dawn l-ammonti massimi, Spanja tista’ tiddeċiedi liema ammont mit-taxxa attwalment għandha l-ħsieb li talloka għal RTVE. L-ippjanar baġitarju għall-2010, pereżempju, jipprevedi inqas minn nofs il-kontribuzzjoni massima possibbli biex tkun allokata għal RTVE.

Dispożizzjonijiet finanzjarji ġodda oħrajn

(16)

Sabiex ikun evitat kumpens żejjed, l-Artikolu 8 tal-liġi l-ġdida jipprevedi fond ta’ riżerva li fih titħallas parti mid-dħul allokat mill-gvern li jaqbeż l-ispejjeż netti attwali tal-obbligu ta’ servizz pubbliku. Din ir-riżerva hija limitata għal 10 % tal-ispejjeż ibbaġitajati ta’ kull sena ta’ RTVE. Kwalunkwe dħul li jaqbeż dawn l-10 % imur lura għand it-Teżor. Ir-riżerva sejra tintuża biex ikun kopert telf potenzjali magħmul fis-snin preċedenti. Jekk ma tintefaqx fi żmien 4 snin, din tiġi rkuprata billi jitnaqqas kif jixraq il-kumpens ta’ servizz pubbliku għas-sena ta’ wara.

(17)

Barra minn hekk, skont l-Artikoli 37 u 39 sa 41 tal-Liġi 17/2006, il-kontroll estern mill-awdituri, l-Uffiċċju tal-Verifika tal-Gvern, il-Parlament, l-awtorità awdjoviżiva u l-Qorti tal-Awdituri sejrin jiżguraw li RTVE ma tirċevix kumpens li jaqbeż l-ispejjeż netti attwali flimkien mar-riżerva ta’ 10 %. Kwalunkwe dħul mill-ftit attivitajiet kummerċjali li jibqa’ sejjer inaqqas il-kumpens ta’ servizz pubbliku (l-Artikolu 7(1) tal-Liġi 8/2009).

Il-bażi għall-bidu tal-proċedura

(18)

Il-kwistjonijiet analizzati f’din id-deċiżjoni huma dawk l-elementi tal-bidliet għas-sistema eżistenti tal-finanzjamant ta’ RTVE li dwarhom il-Kummissjoni esprimiet dubji fid-deċiżjoni biex tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(19)

Kif iddikjarat il-Kummissjoni, l-element ewlieni tal-bidliet fil-finanzjament ta’ RTVE u l-waqfien kważi totali tal-attivitajiet kummerċjali ta’ RTVE huwa li dik il-parti tad-dħul ta’ RTVE li sa issa kienet iġġenerata minn dawn l-attivitajiet kummerċjali sejra tinbidel bi dħul li joriġina minn taxxi introdotti jew emendati b’mod speċifiku preċiżament għal dak il-għan. Ir-referenzi ċari fil-Liġi 8/2009 jindikaw li l-ammont tat-taxxi ġie stabbilit bil-għan li jikkontribwixxi ċerta parti ddeterminata minn qabel għall-finanzjament ta’ RTVE. Din il-konnessjoni bejn il-finanzjament u d-dħul mit-taxxi ġodda tissuġġerixxi li t-taxxi huma ipotekati għall-għajnuna mogħtija lil RTVE, fis-sens li d-dħul mit-taxxi huwa neċessarjament allokat għall-finanzjament ta’ din l-għajnuna lil RTVE u għandu impatt dirett fuq l-ammont tal-għajnuna.

(20)

Il-Qorti ripetutament iddikjarat li fejn il-metodu tal-finanzjament jifforma parti integrali mill-miżura, il-Kummissjoni trid bilfors tqis ukoll lil dak il-metodu fil-kunsiderazzjonijiet tagħha rigward il-miżura tal-għajnuna (8). Meta ħlas speċifikament intenzjonat biex jiffinanzja għajnuna jirriżulta kuntrarju għal dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, il-Kummissjoni ma tistax tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna li l-imposta tagħmel parti minnha bħala kompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, il-metodu li bih tiġi ffinanzjata miżura ta’ għajnuna jista’ jagħmel lill-iskema ta’ għajnuna kollha inkompatibbli mas-suq intern.

(21)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni esprimiet dubji rigward jekk it-taxxi l-ġodda jiffurmawx parti integrali mill-miżura. Jekk dan hu minnu, il-kompatibilità tagħhom mat-Trattat tkun trid tiġi evalwata mill-Kummissjoni u din ikollha impatt fuq il-legalità b’mod ġenerali tal-iskema ta’ għajnuna. Dan it-tħassib deher iġġustifikat, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-Kummissjoni għandha dubji rigward il-kompatibilità tat-taxxi l-ġodda imposti fuq intrapriżi li jipprovdu servizzi ta’ telefonija fissa, telefonija mobbli u aċċess għall-Internet mad-Direttiva 2002/20/KE (9).

(22)

Kwistjoni oħra li dwarha l-Kummissjoni kellha dubji kienet rigward jekk, wara r-riforma tas-sistema ta’ finanzjament, Spanja kinitx stabbiliet salvagwardji biżżejjed kontra l-possibilità ta’ kumpens żejjed. It-tneħħija tar-reklamar jista’ jkollu impatt fuq l-ispejjeż tax-xandar billi jagħmel il-programmi tiegħu inqas dipendenti fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali.

(23)

Barra minn hekk, is-sistema tal-finanzjament ta’ RTVE għandha tipprevedi proċedura adegwata għal stima minn qabel rigward jekk is-servizzi l-ġodda ta’ RTVE, ix-xandar pubbliku, jikkonformawx mal-kundizzjonijiet materjali tal-Protokoll ta’ Amsterdam (10). L-informazzjoni sottomessa minn Spanja ma ppermettietx lill-Kummissjoni li teżamina jekk Spanja kellhiex diġà tali mekkaniżmu.

III.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(24)

Waslu kummenti minn 15-il parti interessata. Dawn ġew minn xandara kummerċjali (TFI u ACT – Assoċjazzjoni tat-Televiżjoni Kummerċjali fl-Ewropa), operaturi tal-pay TV (DTS, Canal Satélite), fornituri ta’ servizzi tat-telefonija u l-Internet (redtel, ONO, AETIC) operaturi tal-kejbil (Cable Europe) u entitajiet tar-reklamar. Uħud minnhom talbu li l-identità tagħhom tinżamm kunfidenzjali.

(25)

Il-maġġoranza tal-kwerelanti kienu qegħdin jargumentaw kontra l-legalità tat-taxxi l-ġodda, li fil-fehma tagħhom sejrin ixekklu l-kompetizzjoni bejn it-televiżjoni pubblika u dik privata, bejn it-televiżjoni bla ħlas u t-televiżjoni bil-ħlas, jew bejn l-operaturi li joffru biss servizzi ta’ telekomunikazzjoni u operaturi oħrajn ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni li joffru wkoll servizzi awdjoviżivi. Huma ressqu wkoll dubji rigward il-kompatibilità tat-taxxa fuq il-komunikazzjonijiet elettroniċi mal-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni 2002/20/KE (11).

(26)

Ix-xandara u l-fornituri tas-servizz tal-Internet ikkontestaw ukoll il-kompatibilità tad-definizzjoni tal-mandat ta’ servizz pubbliku ta’ RTVE. Din mhux sejra tkun preċiża biżżejjed u sejra tkun ġeneruża wisq rigward l-akkwist tad-drittijiet tax-xandir ta’ avvenimenti sportivi speċjali jew films prodotti mill-produtturi internazzjonali ewlenin. It-TFI, argumentat b’mod partikolari, li l-ebda test ex ante ma kien fis-seħħ għall-introduzzjoni ta’ servizzi pubbliċi sinifikanti ġodda ta’ RTVE.

(27)

Rigward l-allokazzjoni potenzjali tat-taxxa għall-għajnuna, ix-xandara tat-televiżjoni u l-fornituri tas-servizz tal-Internet argumentaw li d-dħul mit-taxxi l-ġodda se jkollu impatt dirett fuq l-għajnuna. Huma kienu partikolarment imħassba li ż-żieda tad-dħul mit-taxxi jista’ jwassal għal kumpens lil RTVE li jkun akbar mil-livell tal-ispejjeż netti tal-forniment ta’ servizz pubbliku.

(28)

Rigward il-proporzjonalità tal-għajnuna, diversi operaturi tat-televiżjoni u l-Internet raw riskju ta’ kumpens żejjed. L-ippjanar baġitarju għal RTVE ta’ EUR 1 200 miljun, kif stabbilit mil-Liġi 8/2009, mhux sejjer ikun ibbażat fuq kalkolazzjoni xierqa tal-ispejjeż netti ta’ servizz pubbliku. L-ispejjeż attwali bbaġitjati kull sena ta’ RTVE jkunu bażi arbitrarja. Mhux sejra ssir differenzazzjoni bejn l-attivitajiet kummerċjali u dawk tas-servizz pubbliku. B’mod partikolari, l-ippjanar mhux sejjer iqis it-tfaddil fl-ispejjeż li jinkiseb bit-tneħħija tar-reklamar, minħabba li l-programmi ma jkollhomx aktar bżonn li jiġbdu udjenzi kbar. Il-produzzjoni, bħal fil-każ tal-programmi artistiċi, pereżempju, b’hekk tiġi tiswa inqas. Madankollu, oħrajn esprimew il-biża’ li RTVE tonfoq aktar fuq programmi ta’ valur għoli.

(29)

Il-possibilità ta’ kumpens żejjed kienet osservata wkoll fil-fatt li t-telf ta’ RTVE mid-dħul mir-reklamar sejjer ikun kopert b’mod sħiħ mill-fondi tal-Istat. Dan il-kumpens jiġi kkalkulat fuq il-bażi tas-snin preċedenti meta l-kriżi ekonomika kienet wasslet għal dħul kummerċjali aktar baxx fl-2010 u b’hekk għal dħul ġenerali inqas għal RTVE. Ma jkunx ġust jekk, bit-tneħħija tal-finanzjament doppju, RTVE kellha tikseb dħul iggarantit, indipendenti mid-dħul kummerċjali li jvarja.

(30)

Ix-xandara kkontestaw ukoll l-eżistenza ta’ sistema ta’ kontroll baġitarju effikaċi li tiżgura li l-ispejjeż netti biss tal-provvediment ta’ servizz pubbliku jkunu koperti minn fondi pubbliċi.

IV.   KUMMENTI MINN SPANJA

(31)

Bħala punt preliminari, Spanja tikkontesta l-fatt li fil-proċedura attwali, il-Kummissjoni tevalwa l-kwistjonijiet ta’ proporzjonalità u tat-test ex ante għal servizzi sinifikanti ġodda. Huma jkunu parti mill-iskema eżistenti ta’ finanzjament ta’ RTVE kif approvata mill-Kummissjoni fl-2005 u fl-2007. Madankollu, id-deċiżjoni tal-ftuħ fil-proċedura attwali hija bbażata fuq id-definizzjoni tar-riforma tas-sistema ta’ finanzjament bħala għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (12). L-element ta’ “għajnuna ġdida” sejjer ikun limitat għar-riforma tal-finanzjament bl-introduzzjoni ta’ taxxi ġodda u ma jbiddilx u ma jaffettwax l-elementi l-oħrajn tal-iskema eżistenti. Għaldaqstant, dawn l-elementi l-oħra xorta jkunu għajnuna eżistenti u m’għandhomx jiġu evalwati mill-Kummissjoni f’din il-proċedura.

(32)

Rigward il-kwistjoni tal-ipotekazzjoni tat-taxxa, Spanja targumenta li t-taxxi l-ġodda mhumiex sejrin jiffurmaw parti integrali mill-għajnuna u mhumiex sejrin ikollhom impatt dirett fuq l-ammont tal-għajnuna. Spanja enfasizzat li skont l-Artikolu 2(2) tal-Liġi 8/2009, meta jinqara flimkien mal-Artikolu 33 tal-Liġi 17/2006, l-uniku fattur għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ finanzjament pubbliku ta’ RTVE huma l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku, ikun x’ikun id-dħul iġġenerat mit-taxxi. L-ispejjeż ippjanati tas-servizz pubbliku ma jqisux id-dħul iġġenerat mit-taxxi, iżda huma bbażati fuq l-ispejjeż ta’ dan is-servizz fis-snin preċedenti.

(33)

Spanja kkonfermat li l-kontribuzzjoni mit-taxxi fuq ix-xandara tat-televiżjoni u l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet mhijiex allokata sempliċiment għal RTVE. Minflok, id-dħul mit-taxxi sejjer jiġi ttrasferit fil-baġit ġenerali tal-Istat (it-Teżor tal-Istat), minn fejn sejrin isiru l-ħlasijiet kollha lil RTVE. Spanja stabbilixxiet ammonti massimi għall-kontribuzzjoni mit-taxxi. Kwalunkwe dħul li jibqa’ sejjer jiġi attribwit lill-baġit ġenerali tal-Istat u b’hekk jista’ jintuża għal skopijiet oħrajn. Barra minn hekk, taħt dawn l-ammonti massimi, Spanja tista’ tiddeċiedi liema perċentwal mit-taxxa attwalment għandha l-ħsieb li talloka għal RTVE. L-ippjanar baġitarju għall-2010, pereżempju, jipprevedi li inqas minn nofs il-kontribuzzjoni massima potenzjali sejra tkun allokata għal RTVE.

(34)

Spanja tinsisti li dħul ogħla jew inqas minn dak mistenni mit-taxxi l-ġodda ma jwassalx għal bidliet fl-ammonti ppjanati għall-kumpens tas-servizz pubbliku. Jekk id-dħul minn dawn is-sorsi ta’ taxxi ġodda ma jkunx biżżejjed biex ikopri n-nuqqas fil-finanzjament ikkawżat mit-tneħħija tar-reklamar, il-fondi nieqsa sejrin jiġu kkontribwiti mill-baġit ġenerali tal-Istat, skont l-Artikolu 33 tal-Liġi 17/2006. Kwalunkwe dħul li jibqa’ sejjer ikun attribwit għall-baġit ġenerali. Finalment, kwalunkwe dħul li jibqa’ ’l fuq mil-livell massimu ta’ EUR 1 200 miljun stabbilit mill-Artikolu 3(2) tal-Liġi 8/2009 sejjer jiġi ittrasferit lit-Teżor Pubbliku. Għaldaqstant, il-finanzjament ġenerali ppjanat tal-missjoni ta’ servizz pubbliku ta’ RTVE ma jiddependix fuq l-ammont tad-dħul speċifiku mit-taxxi iżda fi kwalunkwe każ ikun żgurat mill-baġit ġenerali tal-Istat.

(35)

Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-għajnuna, Spanja argumentat li l-prinċipju tal-kopertura tal-ispejjeż netti għandha tkun żgurata. Skont l-Artikolu 33(1) tal-Liġi 17/2006, kif emendata mil-Liġi 8/2009, l-ispejjeż netti huma l-uniku parametru għad-determinazzjoni tal-ammont effettiv tal-għajnuna. Skont l-Artikoli 2(2) u 8(2) tal-Liġi 8/2009, il-baġit ġenerali tal-Istat jikkumpensa kwalunkwe dħul mit-taxxi li ma jkunx biżżejjed u kwalunkwe dħul li jibqa’ huwa allokat lilha, ħlief għal kumpens żejjed potenzjali ta’ 10 % tal-ispejjeż ibbaġitajti kull sena previsti mill-Artikolu 8(1) u (2).

(36)

Fir-rigward tal-adegwatezza tal-ippjanar baġitarju ta’ kull sena ta’ EUR 1 200 miljun għas-snin li ġejjin, Spanja ma tqisx li aġixxiet b’mod arbitrarju. Dan l-ammont huwa bbażat fuq l-ispejjeż ibbaġitjati kull sena magħmula minn RTVE fit-twettiq tal-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku. Dawn l-obbligi ma nbidlux b’mod li jista’ jwassal sabiex wieħed jistenna inqas spejjeż; għall-kuntrarju, l-ilmenti jinsew il-fatt li RTVE kellha tinvesti EUR 104 miljun fi produzzjonijiet addizzjonali biex timla l-ħin tax-xandir li sar vojt minħabba t-tneħħija tar-reklami.

(37)

Barra minn hekk, ma jkunx sewwa li wieħed jassumi li, wara t-tneħħija tar-reklamar, RTVE mhux sejjer ikollha l-ħtieġa tiġbed udjenzi kbar u għaldaqstant tista’ tnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni u toffri trażmissjonijiet inqas attraenti. Skont il-missjoni tagħha ta’ servizz pubbliku, RTVE sejra tkun obbligata li tilħaq udjenza u żżomm preżenza distinta u sostanzjali fost il-kanali tat-televiżjoni, sabiex twettaq il-missjoni tagħha b’mod effettiv.

(38)

Finalment, skont l-Artikolu 37 tal-Liġi 17/2006, kontroll baġitarju ex post effettiv sejjer ikun assigurat permezz ta’ verifika interna, analiżi mill-Uffiċċju tal-Verifika tal-Gvern u verifika esterna minn ditta privata tal-verifika (KPMG). Barra minn hekk, skont l-Artikoli 39 u 40 ta’ din il-liġi, il-Parlament u l-awtorità awdjoviżiva jikkontrollaw it-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku minn RTVE u l-kontijiet annwali tagħha. Finalment, RTVE hija soġġetta għal analiżi mill-Qorti tal-Awdituri.

(39)

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ kontroll ex ante għall-introduzzjoni ta’ servizzi sinifikanti ġodda, Spanja enfasizzat li l-Artikolu 41(3) tal-Liġi Ġenerali 7/2010 tal-31 ta’ Marzu 2010 dwar il-Komunikazzjonijiet Awdjoviżivi (13) stabbilixxa tali proċedura. L-awtorità superviżorja u regolatorja indipendenti Spanjola għax-xandir pubbliku, Consejo Estatal de Medios Audiovisuales, ġiet inkarigata b’dan il-kontroll ex ante, li jikkonsisti f’konsultazzjoni pubblika mal-partijiet interessati, il-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni, u l-evalwazzjoni tal-impatt ġenerali ta’ kull servizz ġdid fuq is-suq. Barra minn hekk, Spanja indikat li sal-1 ta’ Novembru 2010 għandha l-ħsieb li tiffirma kuntratt dwar il-programmi (contrato-programa) ma’ RTVE li sejjer jiddefinixxi x’jikkostitwixxi servizz ġdid. Skont l-abbozz ta’ dan il-kuntratt dwar il-programmi, servizz sinifikanti ġdid se jkun ifisser offerta ta’ servizz ġdid iddifferenzjat b’mod ċar mis-servizzi diġà fis-seħħ, li jistgħu jkunu kklassifikati bħala s-suq tal-prodotti ta’ referenza, bil-kapaċità li jkollu effett fuq is-suq, b’mod partikolari rigward l-impatt fuq id-domanda.

V.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA TA’ GĦAJNUNA

Il-preżenza tal-għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(40)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, li jikkonċerna l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li tista’ xxekkel jew thedded li xxekkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, hija inkompatibbli mas-suq intern.

(41)

Ir-riżorsi finanzjarji inklużi fis-sistema Spanjola ta’ finanzjament ta’ RTVE immoru ġol-baġit ġenerali tal-Istat, u sussegwentement jinħarġu minnu. Huma jikkostitwixxu trasferiment dirett ta’ riżorsi tal-Istat għal intrapriża speċifika li mhumiex disponibbli għall-kompetituri tagħha. RTVE b’hekk tgawdi vantaġġ selettiv.

(42)

Madankollu, fil-kummenti tagħha sottomessi qabel il-ftuħ tal-proċedura, Spanja indikat li r-riforma ma kinitx taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, minħabba li RTVE ma toperax barra minn Spanja. Iżda meta l-għajnuna finanzjarja tal-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ intrapriża meta mqabbla ma’ intrapriżi oħrajn li jikkompetu f’kummerċ intra-Komunitarju, dan il-kummerċ għandu jitqies bħala affettwat minn dik l-għajnuna, anki jekk l-intrapriża benefiċjarja nnifisha ma tkunx involuta fl-esportazzjoni (14). Bl-istess mod, meta Stat Membru jagħti għajnuna lill-intrapriżi li joperaw fl-industriji tas-servizzi u d-distribuzzjoni, mhuwiex meħtieġ li l-intrapriżi riċevituri nfushom iwettqu n-negozju tagħhom barra mill-Istat Membru biex l-għajnuna jkollha effett fuq il-kummerċ fl-Unjoni (15).

(43)

Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat lix-xandara tas-servizz pubbliku tal-2001 u l-2009 jispjegaw li “il-finanzjament tal-Istat għax-xandara ta’ servizz pubbliku jista” wkoll ġeneralment jitqies li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri … Din, hija b’mod ċar il-pożizzjoni fir-rigward tal-akkwist u l-bejgħ tad-drittijiet tal-programmi, li ta’ spiss iseħħu f’livell internazzjonali … Barra minn hekk, l-istruttura tas-sjieda tax-xandara kummerċjali tista’ testendi għal aktar minn Stat Membru wieħed’ (16).

(44)

RTVE nnifisha hija attiva fis-swieq internazzjonali (bejgħ ta’ programmi u akkwist tad-drittijiet tax-xandir). Permezz tal-Unjoni Ewropea tax-Xandir hija tiskambja l-programmi tat-televiżjoni u tipparteċipa fis-sistema tal-Eurovision (17). Barra minn hekk, meta takkwista u tbigħ id-drittijiet tax-xandir, RTVE tkun f’kompetizzjoni diretta ma’ xandara kummerċjali li huma attivi fis-suq tax-xandir nazzjonali u internazzjonali u li għandhom struttura ta’ sjieda internazzjoanli. Għaldaqstant anki mingħajr l-attivitajiet kummerċjali li RTVE wettqet sa Awwissu 2009, il-kompetizzjoni fis-suq Spanjol tirriskja li tkun imxekkla mill-għajnuna mogħtija lil RTVE b’mod li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni diġà ddikjarat dan fid-Deċiżjonijiet E 8/2005 u NN 8/07.

(45)

Il-Kummissjoni qieset ukoll il-possibilità li l-miżuri ta’ finanzjament jistgħu sempliċiment jitqiesu bħala kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku li ma jagħtux vantaġġ finanzjarju lil RTVE, skont it-tifsira tas-sentenza Altmark tal-Qorti tal-Ġustizzja. (18) RTVE hija intrapriża inkarigata bil-provvediment ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI - service of general economic interest), ix-xandir fis-servizz pubbliku. Il-miżuri tal-Istat li jikkumpensaw l-ispejjeż addizzjonali netti tal-SGEI ma jikkwalifikawx bħala għajnuna mill-Istat jekk il-kundizzjonijiet kollha stipulati f’dik is-sentenza jiġu ssodisfati. L-ewwel nett, l-intrapriża benefiċjarja trid tkun effettivament inkarigata sabiex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, u tali obbliġi jridu jiġu ddefiniti b’mod ċar; it-tieni nett, il-parametri li fuqhom huwa kkalkolat il-kumpens iridu jkunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti; it-tielet nett, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li huwa meħtieġ sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jkun ikkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ tali obbligi; ir-raba’ nett, meta l-impriża li għandha twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku ma tintgħażilx permezz ta’ proċedura ta’ offerta pubblika li tippermetti li tintgħażel l-offerta li kapaċi tipprovdi tali servizzi bl-inqas spiża għall-komunità, il-livell tal-kumpens għandu jkun stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li intrapriża tipika, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija bil-mezzi meħtieġa sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq obbligi bħal dawn.

(46)

Meta s-sussidji pubbliċi mogħtija lil intrapriżi espressament meħtieġa li jwettqu l-obbligi ta’ servizz pubbliku sabiex jikkumpensaw għall-ispejjeż li jsiru fit-twettiq ta’ dawn l-obbligi ma jkunux konformi ma’ dawn il-kundizzjonijiet kollha, sussidji bħal dawn jaqgħu taħt l-Artikolu 107(1) tat-TFUE u jridu jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni (19).

(47)

Entità pubblika, RTVE, kienet inkarigata bil-forniment tax-xandir fis-servizz pubbliku kif iddefinit mil-Liġijiet 17/2006 u 8/2009. Madankollu, kienet maħtura bħala x-xandar tas-servizz pubbliku bil-liġi u mhux permezz ta’ sejħa għall-offerti. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Spanjoli ma ddeterminawx il-livell tal-kumpens meħtieġ fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż, li intrapriża tipika, immexxija u mgħammra tajjeb, kienet tagħmel sabiex tissodisfa obbligi bħal dawn. Il-livell jiġi stabbilit kull sena fuq il-bażi tal-ispejjeż netti attwali, mingħajr l-użu ta’ intrapriża mmexxija tajjeb bħala punt ta’ referenza. Il-parametri li fuqhom sejjer jiġi kkalkulat il-kumpens ma kinux stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti. Għaldaqstant mhux il-kundizzjonijiet kollha stipulati mill-Qorti ġew issodisfati u l-miżuri li qegħdin jiġu evalwati jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE (20).

Valutazzjoni tan-natura ta’ għajnuna eżistenti tal-miżuri

(48)

Spanja ma nnotifikatx il-miżura ta’ għajnuna ġdida. Hija ssostni li l-miżura ma tikkostitwixxix bidla sostantiva tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti kif emendata skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ E8/2005 skont it-tifsira tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE u għaldaqstant ma tikkostitwixxix għajnuna ġdida li teħtieġ notifika.

(49)

Skont l-Artikolu 1(c) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, “għajnuna ġdida” titqies li tfisser kull għajnuna li ma tkunx għajnuna eżistenti, inklużi bidliet għall-għajnuna eżistenti. Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Implimentattiv (KE) Nru 794/2004, la modifiki ta’ għajnuna eżistenti ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistgħux jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern u lanqas żieda sa 20 % fil-baġit oriġinali ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti m’għandhom jitqiesu bħala bidla fl-għajnuna eżistenti.

(50)

Sabiex bidla fi skema eżistenti tikkwalifika bħala “għajnuna ġdida”, il-bidla fis-sistema trid tkun sostantiva, jiġifieri, l-elementi bażiċi tas-sistema jridu jinbidlu bħalma jiġri fil-każ meta, pereżempju, ikun hemm bidliet fl-iskop segwit, fil-bażi li fuqha tkun saret l-imposta, fil-persuni u l-korpi affettwati jew, b’mod ġenerali, fis-sors tal-finanzi tagħha (21). F’dan il-każ, is-sorsi tal-finanzi ta’ RTVE nbidlu b’mod sostanzjali. Is-sorsi l-ġodda ta’ finanzjament ifissru wkoll li l-finanzjament marbut mar-reklamar (li ma kienx għajnuna) issa qiegħed jingħata mill-Istat (u huwa għajnuna). Din iż-żieda qawwija fl-ammont tal-għajnuna u l-bidla minn finanzjament doppju għal sistema ta’ finanzjament uniku jagħtu indikazzjoni ċara li hemm għajnuna ġdida.

(51)

Barra minn hekk, jekk l-Artikolu 1(c) tar-regolament proċedurali jiddikjara li bidliet fl-għajnuna eżistenti għandhom jitqiesu bħala għajnuna ġdida, din id-dispożizzjoni tfisser li “mhux l-għajnuna eżistenti mibdula li għandha titqies bħala għajnuna ġdida, iżda hija biss il-bidla bħala tali li tista’ tkun ikklassifikata bħala għajnuna ġdida”, kif enfasizzat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-każ ta’ Ġibiltà  (22). Hija kompliet li “huwa biss fejn il-bidla taffettwa s-sustanza attwali tal-iskema oriġinali li din tal-aħħar hija ttrasformata fi skema ta’ għajnuna ġdida. Ma jistax ikun hemm dubju rigward bidla sostantiva bħal din meta l-element il-ġdid jista’ b’mod ċar jinqata’ mill-iskema inizjali (23).

(52)

Isegwi minn din il-każistika u minn din il-leġiżlazzjoni li aġġustamenti li ma jaffettwawx l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ għajnuna lanqas jistgħu jaffettwaw is-sustanza tal-għajnuna, u għaldaqstant ma jibdlux il-klassifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna eżistenti. Min-naħa l-oħra, jekk bidla taffettwa s-sustanza ta’ skema, iżda mhux sal-punt li tirrikjedi evalwazzjoni ġdida tal-elementi l-oħrajn tagħha, din il-bidla tista’ tkun evalwata fuq bażi indipendenti, mingħajr referenza għall-elementi l-oħrajn tal-iskema. F’dan il-każ tkun biss il-bidla li hija soġġetta għall-obbligu ta’ notifika u analiżi mill-Kummissjoni.

(53)

It-tliet miżuri fiskali li huma introdotti jew emendati mill-Artikoli 4, 5 u 6 tal-Liġi 8/2009 huma diviżibbli mill-iskema eżistenti għall-finanzjament ta’ RTVE. Għalkemm is-sorsi ġodda ta’ finanzjament jistgħu jaffettwaw il-legalità tal-iskema bħala tali, huma ma jaffettwawx l-evalwazzjoni tal-elementi l-oħrajn tal-għajnuna għal RTVE jew l-effett li l-għajnuna jista’ jkollha fuq is-suq.

(54)

L-elementi l-ġodda tal-għajnuna, jiġifieri t-taxxi l-ġodda, jistgħu joħolqu għajnuna ġdida minħabba li ma jaqgħux fi ħdan xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt huma ġew stabbiliti minn liġijiet approvati wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat, mhumiex miżura ta’ għajnuna individwali mogħtija fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata, mhumiex awtorizzati fuq il-bażi tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament 659/1999, ma ngħatawx għaxar snin qabel l-ewwel azzjoni tal-Kummissjoni, u finalment, huma japplikaw għal setturi li kienu miftuħin għall-kompetizzjoni meta daħlu fis-seħħ. It-tieni nett, anki jekk naċċettaw, bħala ipoteżi, l-argument ta’ Spanja li għandhom jitqiesu bħala modifika għal skema ta’ għajnuna eżistenti, jidher li l-mod kif il-finanzjament addizzjonali ta’ RTVE huwa ffinanzjat jikkostitwixxi tibdil sostanzjali fl-iskema ta’ finanzjament eżistenti fir-rigward tas-sors tal-finanzi tagħha. L-iskema eżistenti ma kienx fiha l-imposti speċifiċi li jridu jinġabru għall-benefiċċju ta’ RTVE, li l-legalità ta’ dan jista’ jkollha impatt fuq il-kompatibilità tal-għajnuna kollha.

(55)

Kif ġie stabbilit fid-deċiżjoni tal-ftuħ, it-tibdiliet fil-finanzjament ta’ RTVE qajmu dubji min-naħa tal-Kummissjoni rigward l-effett tagħhom fuq il-kompatibilità ġenerali tal-finanzjament ta’ RTVE mat-Trattat u kienu jirrikjedu evalwazzjoni addizzjonali mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, dawn it-tibdiliet kienu jeħtieġu li jiġu nnotifikati formalment lill-Kummissjoni. Kif kien stabbilit hawn fuq, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida tapplika biss għall-bidla bħala tali. Għaldaqstant, il-proċedura nfetħet mill-Kummissjoni sabiex tevalwa biss il-kwalità ta’ dawn il-bidliet u tal-konsegwenzi tagħhom fuq il-kompatibilità tal-għajnuna.

Il-kompatibilità tal-għajnuna

Definizzjoni tal-mandat u l-inkarigu ta’ servizz pubbliku ta’ RTVE

(56)

Il-Kummissjoni tevalwa l-għajnuna lix-xandara pubbliċi f’forma ta’ kumpens għat-twettiq ta’ mandat ta’ servizz pubbliku skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-2001 rigward l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għax-xandir fis-servizz pubbliku (il-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001). (24) Skont l-avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-evalwazzjoni ta’ għajnuna illegali mill-Istat u mal-paragrafu 100 tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2009, din tal-aħħar tapplika fil-każ ta’ għajnuna ġdida mhux innotifikata biss jekk l-għajnuna ġdida tkun ingħatat wara l-pubblikazzjoni tagħha fis-27 ta’ Ottubru 2009. Madankollu, f’dan il-każ, is-sistema ta’ għajnuna ġdida ġiet introdotta mad-dħul fis-seħħ tal-liġi fl-1 ta’ Settembru 2009. B’hekk, l-iskema ta’ finanzjament ġdida sejra tiġi evalwata fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni tal-2001 u tal-każistika sussegwenti tal-Kummissjoni. (25)

(57)

Sabiex miżura tibbenefika mid-deroga tal-Artikolu 106(2), huwa meħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

is-servizz imsemmi jrid ikun servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u ddefinit b’mod ċar bħala tali mill-Istat Membru (definizzjoni);

(b)

l-intrapriża msemmija trid tkun inkarigata b’mod espliċitu mill-Istat Membru bl-għoti ta’ dak is-servizz (mandat);

(c)

l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat (f’dan il-każ, il-projbizzjoni fuq l-għajnuna mill-Istat) trid tevita t-twettiq tal-kompiti partikolari mogħtija lill-intrapriża u l-eżenzjoni minn dawn ir-regoli m’għandhiex taffettwa l-iżvilupp tal-kummerċ sal-punt li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni (proporzjonalità) (26).

(58)

Fil-każ speċifiku tax-xandir pubbliku, il-mudell ta’ hawn fuq ikollu jiġi addattat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet interpretattivi tal-Protokoll ta’ Amsterdam, li jirreferi għall-“mandat ta’ servizz pubbliku kif mogħti, iddefinit u organizzat minn kull Stat Membru” (definizzjoni u mandat) u jipprovdi għal deroga mir-regoli tat-Trattat fil-każ tal-finanzjament tax-xandir fis-servizz pubbliku “sakemm tali finanzjament jingħata lil organizzazzjonijiet tax-xandir għat-twettiq tal-mandat tas-servizz pubbliku … u … ma jaffettwax il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u l-kompetizzjoni fl-Unjoni sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni, waqt li għandu jitqies it-twettiq tal-mandat ta’ dak is-servizz pubbliku” (proporzjonalità) (27).

(59)

Id-definizzjoni tal-mandat ta’ servizz pubbliku mil-Liġi 17/2006 tqieset li hija kompatibbli mal-Artikolu 106(2) tat-TFUE mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha rigward il-finanzjament ta’ RTVE fil-każijiet E 8/2005 u NN 8/07. L-Artikolu 9 tal-Liġi 8/2009 jaffettwa lil din id-definizzjoni minħabba li jżid aktar obbligi u restrizzjonijiet fuq il-kontenut tax-xandir minn RTVE. Għaldaqstant il-kriterju ta’ definizzjoni xierqa tal-mandat ta’ servizz pubbliku xorta għadu ssodisfatt. Barra minn hekk, l-irtirar ta’ RTVE mis-suq tar-reklamar tat-televiżjoni jista’ jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-missjoni ta’ servizz pubbliku billi jagħmel il-programmi inqas dipendenti fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali u fuq il-varjazzjonijiet tad-dħul kummerċjali.

(60)

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ma esprimietx dubji fid-deċiżjoni tal-ftuħ fir-rigward ta’ dawn l-aspetti tal-finanzjament ta’ RTVE.

L-għażla tal-finanzjament ta’ RTVE

(61)

Element ċentrali tat-tibdiliet fil-finanzjament ta’ RTVE huwa l-waqfien kważi totali tal-attivitajiet kummerċjali tagħha, il-bidla minn sistema ta’ “finanzjament doppju”, il-kombinazzjoni ta’ appoġġ minn fondi pubbliċi u dħul minn attivitajiet kummerċjali, għal “finanzjament uniku”, fejn ix-xandir huwa ffinanzjat esklussivament, jew kważi esklussivament, permezz ta’ fondi pubbliċi, f’konformità mad-distinzjoni magħmula fil-paragrafu 45 tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001. L-Istati Membri huma ħielsa li jagħżlu jekk jikkombinawx, u kif jikkombinaw, sorsi differenti ta’ finanzjament. Madankollu, il-parti tad-dħul ta’ RTVE li sa issa oriġinat minn attivitajiet kummerċjali mhux sejra tiġi sostitwita sempliċiment minn finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Istat ta’ Spanja, f’konformità mal-Artikolu 33 tal-Liġi 17/2006. Din is-sostituzzjoni sejra tkun akkumpanjata wkoll mill-introduzzjoni jew mill-emendar ta’ ċerti taxxi għall-iskop preċiż li jiġġeneraw id-dħul meħtieġ.

(62)

Ir-rabta stabbilita bejn il-finanzjament u d-dħul minn taxxi ġodda tissuġġerixxi li d-dħul mit-taxxi jidher li huwa allokat għall-finanzjament tal-għajnuna għal RTVE u li għandu impatt dirett fuq l-ammont tal-għajnuna. Meta ħlas speċifikament intenzjonat biex jiffinanzja għajnuna jirriżulta kuntrarju għal dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat, il-Kummissjoni ma tistax tiddikjara li l-iskema ta’ għajnuna li minnha l-ħlas jifforma parti hija kompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, il-metodu li bih miżura ta’ għajnuna hija ffinanzjata jista’ jirrendi l-iskema ta’ għajnuna kollha inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, kif stabbilit fil-paragrafi 21, 22 u 23 ta’ hawn fuq, irid ikun evalwat jekk is-sistema ta’ finanzjament hijiex, fil-fatt, qiegħda tipoteka l-għajnuna għat-taxxi u jekk il-Kummissjoni għandhiex għaldaqstant tinkludi l-effetti tat-taxxi l-ġodda fl-analiżi tal-għajnuna mill-Istat.

(63)

Madankollu, biex taxxa titqies li tifforma parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, hija trid tkun ipotekata għall-finanzjament tal-għajnuna, fis-sens li d-dħul mit-taxxa huwa neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna u għandu impatt dirett fuq l-ammont tal-għajnuna. (28)

(64)

Dawn il-kundizzjonijiet mhumiex issodisfati fil-każ imsemmi. Kif ikkonfermat minn Spanja, l-ammont ta’ għajnuna għal RTVE huwa stabbilit billi jitqiesu biss il-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ RTVE u l-ispejjeż netti stmati tal-għoti tas-servizz ta’ xandir pubbliku. Il-finanzjament li tirċievi RTVE huwa, fil-fatt u skont il-liġi, indipendenti mid-dħul iġġenerat mit-taxxi, minħabba li tali finanzjament jiddependi biss fuq l-ispejjeż netti tal-obbligu tas-servizz pubbliku. Min-naħa l-oħra, id-dħul iġġenerat mit-taxxi li sejjer ikun allokat għall-finanzjament ta’ RTVE ma jistax jaqbeż l-ispejjeż netti tal-obbligu tas-servizz pubbliku (kwalunkwe ammont li jaqbeż l-ispiża netta tas-servizz pubbliku sejjer jitħallas lura lill-baġit ġenerali tal-Istat). Min-naħa l-oħra, meta l-ispejjeż netti tal-obbligu tas-servizz pubbliku jaqbeż id-dħul iġġenerat mit-taxxi msemmija, id-differenza timtela minn kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-istat. Dħul ogħla jew anqas minn dak mistenni mit-taxxi l-ġodda ma jwassalx għal bidliet fl-ammonti ppjanati. Jekk id-dħul mis-sorsi ta’ taxxi ġodda ma jkunx biżżejjed biex ikopri d-differenza fil-finanzjament ikkawżata mit-tneħħija tar-reklamar, il-fondi nieqsa se jkunu kkontribwiti mill-baġit ġenerali tal-Istat, skont l-Artikolu 33 tal-Liġi 17/2006. Kwalunkwe dħul li jibqa’ sejjer jiġi attribwit lill-baġit ġenerali tal-Istat. Għaldaqstant, il-finanzjament ġenerali ppjanat tal-missjoni ta’ servizz pubbliku ta’ RTVE mhuwiex sejjer jiddependi fuq l-ammont tad-dħul mit-taxxi speċifiċi iżda fi kwalunkwe każ sejjer ikun żgurat mill-baġit ġenerali tal-Istat.

(65)

Il-fatt li r-rabta bejn it-taxxi u l-iskop li għalih kienu introdotti hija msemmija fil-memorandum ta’ spjegazzjoni u fil-liġi nnifisha, ma jibiddilx din il-konklużjoni. Il-formolazzjoni tal-kliem fil-liġi (“bil-għan li jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ RTVE”) ma tiddefinixxix il-kwalità tar-rabta bejn it-taxxi u l-għajnuna.

(66)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tliet miżuri ta’ taxxi deskritti fil-paragrafu 14 mhumiex parti integrali mill-għajnuna. Il-legalità tagħhom m’għandhiex influwenza fuq il-kompatibilità tal-għajnuna għal RTVE. L-osservazzjazzjonijiet magħmula mill-partijiet interessati rigward il-legalità tagħhom mhumiex ta’ rilevanza għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant il-proċedura ta’ ksur attwalment miftuħa fir-rigward tat-taxxa dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi għal ksur allegat tal-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni 2002/20/KE ma taffettwax din id-deċiżjoni.

Il-proporzonalità tal-miżura

(67)

Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-kumpens sabiex ikopri mhux aktar mill-ispejjeż netti tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ RTVE, il-liġi l-ġdida tipprevedi li kwalunkwe dħul ta’ RTVE li jkun aktar mill-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku flimkien ma’ riżerva addizzjonali ta’ 10 % sejjer imur lura fil-baġit ġenerali tal-Istat. 10 % tad-dħul li jibqa’ jista’ jinżamm f’fond ta’ riżerva, sabiex ikopri kumpens inqas li jista’ jkun hemm minn snin preċedenti jew spejjeż eċċezzjonali, sa 4 snin. Dan il-mekkaniżmu, biex ikun evitat kumpens żejjed mhux dovut, huwa konformi mal-każistika tal-Kummissjoni. (29)

(68)

Biex jiżguraw li l-għajnuna tkun proporzjonata, l-Istati Membri jridu jinstallaw ukoll mekkeniżmu xieraq li jiżgura kontroll regolari u effettiv fuq l-użu tal-finanzjament pubbliku għall-mandat tas-servizz pubbliku (30) u garanzija li l-finanzjament annwali mill-Istat ikun limitat għall-ispiża netta tal-obbligu ta’ servizz pubbliku. (31) Spanja żżomm fis-seħħ is-sistema ta’ kontroll estern tagħha introdotta mil-Liġi 17/2006, kif deskritta hawn fuq u kif approvata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni E 8/2005, li tippermetti li jiġu stabbiliti l-ispejjeż netti tax-xandir fis-servizz pubbliku.

(69)

Madankollu, minħabba li t-tneħħija tar-reklamar jista’ jkollha impatt fuq l-ispejjeż tax-xandar minħabba li l-progammi tiegħu jsiru inqas dipendenti fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali, sabiex tkun evitata l-possibilità ta’ kumpens żejjed il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, stiednet lil Spanja u lil partijiet interessati oħrajn biex jikkummentaw fuq il-mekkaniżmu tal-finanzjament.

(70)

Il-partijiet interessati esprimew tħassib li probabbilment iseħħ kumpens żejjed ta’ RTVE. L-ippjanar baġitarju għal RTVE ta’ EUR 1 200 miljun fis-sena ma jkunx ibbażat fuq kalkolazzjoni xierqa tal-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku. Dan ma jiddifferenzjax bejn attivitajiet kummerċjali u dawk ta’ servizz pubbliku u ma jqisx it-tfaddil mill-ispejjeż bit-tneħħija tar-reklamar minħabba li l-programmi ma jkunux aktar jeħtieġu li jiġbdu udjenza kbira u jistgħu jkunu prodotti bi spejjeż aktar baxxi. Barra minn hekk, il-kumpens sħiħ għat-telf tad-dħul mir-reklamar sejjer jiġi ikkalkulat fuq il-bażi tas-snin preċedenti meta l-kriżi ekonomika wasslet għal dħul kummerċjali aktar baxx fl-2010 u b’hekk għal dħul ġenerali inqas għal RTVE. Ma jkunx ġust jekk, bit-tneħħija tal-finanzjament doppju, RTVE kellha tikseb dħul iggarantit, indipendenti mid-dħul kummerċjali li jvarja. Huma esprimew ukoll tħassib rigward il-kontroll baġitarju.

(71)

Madankollu, Spanja uriet li l-ippjanar baġitarju jibqa’ konformi mal-ispejjeż ibbaġitjati kull sena ta’ RTVE fis-snin preċedenti u li mhemmx raġuni biex wieħed jassumi li issa, jew fil-ġejjieni qrib, jista’ jsir xi tfaddil konsiderevoli mill-ispejjeż sempliċiment minħabba t-tneħħija tar-reklamar. RTVE sejra tkompli tkun meħtieġa tattira udjenza kbira, u t-tneħħija tar-reklami sejra toħloq il-ħtieġa ta’ produzzjonijiet addizzjonali li jridu jiġu ffinanzjati. Imqabbla maċ-ċifri tas-snin preċedenti (EUR 1 177 miljun fl-2007, EUR 1 222 miljun fl-2008 u EUR 1 146 miljun fl-2009) u meta titqies l-ispiża addizzjonali tal-produzzjonijiet (EUR 104 miljun) meħtieġa għas-sostituzzjoni għall-ħin għall-wiri tar-reklami, id-dħul kummerċjali li jibqa’ (stmat li huwa EUR 25 miljun biss), il-limitu ta’ EUR 1 200 miljun għall-ippjanar tal-ispejjeż baġitarji jidher ammont kawt u raġonevoli għall-ispejjeż annwali bbaġitjati tal-kumpens ta’ servizz pubbliku. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ kumpens għall-ispejjeż netti effettivi ta’ xandar pubbliku jeħtieġ bilfors li dan ikun protett mill-varjazzjonijiet fid-dħul mis-suq tar-reklamar.

(72)

Fir-rigward tal-kontroll baġitarju, Spanja enfasizzat il-mekkaniżmi ta’ kontroll eżistenti diġà stabbilit bil-Liġi 17/2006, kif deskritt fil-paragrafu 38 ta’ hawn fuq. Biex ikun żgurat li l-għajnuna mill-Istat ma taqbiżx l-ispejjeż netti tal-missjoni ta’ servizz pubbliku, kontroll baġitarju ex post effettiv huwa żgurat, skont l-Artikolu 37 tal-Liġi 17/2006, permezz ta’ verifika interna, analiżi pubblika mill-Uffiċċju tal-Verifika tal-Gvern u verifika esterna minn ditta privata tal-verifika. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 39 u 40 ta’ din il-Liġi, il-Parlament u l-awtorità awdjoviżiva jikkontrollaw it-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku minn RTVE u l-kontijiet annwali tagħha. Finalment, RTVE hija soġġetta għal analiżi mill-Qorti tal-Awdituri. Il-kummenti li waslu mingħand il-partijiet interessati ma jagħtu l-ebda raġuni biex wieħed jistenna li din is-sistema mhux qiegħda tkun applikata kif jixraq.

(73)

Il-Kummissjoni tqis li m’hemmx indikazzjoni li l-kumpens annwali stmat għall-obbligu ta’ servizz pubbliku ta’ RTVE sejjer jaqbeż dak li raġonevolment jista’ jkun mistenni li jkunu l-ispejjeż ta’ dan is-servizz jew li l-kumpens eventwalment ikun iżjed mill-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku.

Diversifikazzjoni tas-servizzi awdjoviżivi

(74)

Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni staqsiet lil Spanja jekk kellhiex qafas proċedurali adegwat għal valutazzjoni ex ante rigward jekk is-servizzi awdjoviżivi ġodda ta’ RTVE, ix-xandar pubbliku, kinux konformi mal-kundizzjonijiet materjali tal-Protokoll ta’ Amsterdam (’l hekk imsejjaħ kontroll ex ante). (32) L-informazzjoni sottomessa minn Spanja sa issa ma ppermettietx lill-Kummissjoni li teżamina jekk Spanja kellhiex tali mekkaniżmu. Il-Kummissjoni taqbel mal-asserzjoni ta’ Spanja li fil-prinċipju dan l-element tal-finanzjament ta’ RTVE kien is-suġġett tad-deċiżjonijiet tal-2005 u l-2007, li kienu jikkonċernaw is-sistema kollha tal-finanzjament ta’ RTVE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni taqbel li s-sistema ma ġietx affettwata mill-introduzzjoni ta’ taxxi ġodda li kkaġunaw il-proċedura preżenti.

(75)

Madankollu, skont l-informazzjoni sottomessa minn Spanja, l-Artikolu 41(3) tal-Liġi 7/2010 (33) stabbilixxa tali proċedura u nkariga lill-awtorità superviżorja u regolatorja indipendenti Spanjola għax-xandir pubbliku, il-Consejo Estatal de Medios Audiovisuales, bit-twettiq ta’ dan il-kontroll, li jikkonsisti f’konsultazzjoni pubblika mal-partijiet interessati, il-pubblikazzjoni tar-riżulatati tal-konsultazzjoni, u l-evalwazzjoni tal-impatt ġenerali ta’ kull servizz ġdid fuq is-suq. Madankollu, din il-liġi ma fihiex definizzjoni ta’ x’jikkostitwixxi servizz ġdid. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kriterji rilevanti. (34) Iżda Spanja indikat li sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Novembru 2010 biħsiebha tiffirma kuntratt dwar il-programmi (contrato-programa) ma’ RTVE li jkun fih tali definizzjoni. Skont l-abbozz ta’ dan il-kuntratt dwar il-programmi, servizz sinifikanti ġdid sejjer jitqies li jfisser offerta ta’ servizz ġdid iddifferenzjat b’mod ċar mis-servizzi diġà fis-seħħ, li jistgħu jkunu kklassifikati bħala s-suq tal-prodotti rilevanti, bil-kapaċità li jkollu effett fuq is-suq, b’mod partikolari rigward l-impatt fuq id-domanda.

(76)

Għaldaqstant, Spanja ssodisfat l-obbligu tagħha li tintroduċi kontroll ex ante, u l-Kummissjoni tieħu nota li sa Novembru 2010 hija għandha wkoll il-ħsieb li tintroduċi definizzjoni vinkolanti rigward dak li jikkostitwixxi servizz sinifikanti ġdid. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li dan il-mekkaniżmu ma kienx ġie stabbilit qabel l-2010.

VI.   KONKLUŻJONI

(77)

Il-Kummissjoni ssib li Spanja implimentat illegalment ir-riforma tal-finanzjament ta’ RTVE, ix-xandar pubbliku, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-taxxi miġbura mhumiex ipotekati għall-finanzjament tal-għajnuna għal RTVE u m’għandhomx impatt fuq il-kompatibilità tal-għajnuna mat-Trattat. Barra minn hekk, Spanja għandha fis-seħħ salvagwardji biex ikun evitat kumpens żejjed lil RTVE. Finalment, il-Kummissjoni tinnota li Spanja introduċiet proċedura għal kontroll ex ante għall-introduzzjoni ta’ servizzi sinifikanti ġodda fi ħdan il-mandat tas-servizz pubbliku. Għaldaqstant l-għajnuna lil RTVE, ix-xandar fis-servizz pubbliku, tibqa’ kompatibbli mat-Trattat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-finanzjament ta’ Corporación de Radio y Televisión Española (RVTE), ix-xandar fis-servizz pubbliku, immodifikat minn Spanja bil-Liġi 8/2009 dwar il-finanzjament ta’ RTVE, huwa kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi-President


(1)  ĠU C 115, 9.5.2008, p. 312.

(2)  ĠU C 8, 14.1.2010, p. 31.

(3)  Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat [Boletín Oficial del Estado – (BOE)] 210, 31.8.2009, p. 74003.

(4)  Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat 134, 6.6.2006, p. 21207.

(5)  Ara n-nota ta’qiegħ il-paġna 2.

(6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21; rigward il-proċedura ta’ ksur ara l-Istqarrija għall-Istampa tal-Kummissjoni IP/10/322.

(7)  Il-Każijiet E 8/2005, għajnuna mill-Istat favur RTVE, ix-xandar nazzjonali Spanjol, u NN8/07, l-iffinanzjar tal-miżuri għat-tnaqqis tal-ħaddiema ta’ RTVE.

(8)  Il-Każijiet Konġunti C-261/01 u C-262/01, Belgische Staat vs Eugene van Calster, Felix Cleeren u Openbaar Slachthuis, paragrafi 48 u 49; il-Każ C-174/02 Streekgewest Westelijk Noord-Brabant, paragrafu 26; il-Każ C-333/07, Régie Networks, paragrafi 93 sa 112.

(9)  Ara l-paragrafu 5 ta’ hawn fuq.

(10)  Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni E 3/2005 tal-24 ta’ April 2007, paragrafi 370 u 372, E 8/2006 tas-27 ta’ Frar 2008, il-paragrafu 230, u E 4/2005 tas-27 ta’ Frar 2008, paragrafu 121. Din il-każistika ġiet adottata fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għax-xandir ta’ servizz pubbliku (ĠU C 320, 15.11.2001) (il-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001) u ċċarata u kkonsolidata aktar fil-paragrafu 88 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għax-xandir ta’ servizz pubbliku (ĠU C 257, 27.10.2009, p. 1).

(11)  Ara l-paragrafu 6 ta’ hawn fuq.

(12)  ĠU L 83, tas-27.3.1999, p. 1.

(13)  Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat 79, 1.4.2010, p. 30157.

(14)  QEĠ, sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Kawża C-75/97 Maribel bis/ter [1999] ECR I-3671, paragrafu 47.

(15)  QEĠ, sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, Kawża C-310/99 L-Italja vs il-Kummissjoni, [2002] ECR I-2289.

(16)  ĠU C 320, 15.11.2001, p. 5, paragrafu 18; ĠU C 257, 27.10.2009, p. 1, paragrafu 22.

(17)  QEĠ, sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2002 fil-kawżi konġunti T-185/00, T-216/00, T-299/00 u T-300/00 M6 u oħrajn vs il-Kummissjoni, [2002] ECR II-3805.

(18)  Is-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, il-Kawża C-280/00 Altmark Trans [2003] ECR I-7747.

(19)  Ara n-nota ta’qiegħ il-paġna 18, paragrafu 94.

(20)  Ara l-istess konklużjoni fil-Kawża E 8/2005, nota ta’ qiegħ il-paġna 7, paragrafu 46.

(21)  L-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Trabucchi mogħtija fit-23 ta’ Jannar 1975, fil-Kawża C51/74 HULST [1975] ECR p. 79. Edizzjoni Spanjola speċjali, p. 27.

(22)  Is-sentenza tat-30 ta’ April 2002 fil-Kawżi konġunti T-195/01 u T-207/01, Il-Gvern ta’ Gibiltà vs il-Kummissjoni [2002] ECR II-2309, paragrafu 109.

(23)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, paragrafu 111.

(24)  ĠU C 320, 15.11.2001, p. 5.

(25)  Din il-każistika ġiet ikkonsolidata fil-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2009. Fil-prattika, meta tikkonforma mal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2009, Spanja tkun qiegħda tikkonforma wkoll mal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001 tal-Kummissjoni u l-każistika żviluppata abbażi ta’ din il-Komunikazzjoni.

(26)  Ara l-paragrafu 29 tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001.

(27)  Ara l-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001.

(28)  Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża C-333/07 Regie Networks, paragrafu 99.

(29)  Ara pereżempju l-paragrafu 281 tad-Deċiżjoni E 3/2005 (“marġni ta’ 10 %”) u l-paragrafu 147 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C 2/04 tat-22 ta’ Ġunju 2006 (“10 % tal-baġit totali”). Din il-każistika kienet ikkonsolidata u kkjarifikata fil-paragrafi 73 u 74 tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2009.

(30)  Il-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001, paragrafu 41.

(31)  Ara d-Deċiżjonijiet E 3/2005, paragrafu 282, u E 4/2005, paragrafu 112.

(32)  Ara d-Deċiżjonijiet E 3/2005, paragrafi 370 u 372; E 8/2006, paragrafu 230, u E 4/2005, paragrafu 121. Din il-każistika kienet adottata fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-2001 u ċċarata u kkonsolidata aktar fil-paragrafi 84-89 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-2009.

(33)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ hawn fuq.

(34)  Stabbiliti fil-paragrafu 85 tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2009.