ISSN 1725-5104 doi:10.3000/17255104.L_2010.325.mlt |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 325 |
|
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 53 |
|
|
II Atti mhux leġiżlattivi |
|
|
|
DEĊIŻJONIJIET |
|
|
|
2010/718/UE |
|
|
* |
|
|
|
(1) Test b’relevanza għaż-ŻEE |
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
I Atti leġiżlattivi
REGOLAMENTI
9.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 325/1 |
REGOLAMENT (UE) Nru 1090/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-24 ta’ Novembru 2010
li jemenda d-Direttiva 2009/42/KE dwar il-prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Iffunzjonar tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbgħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
It-tieni paragrafu tal-Anness VIII tad-Direttiva 2009/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistipula li l-kundizzjonijiet għall-ġbir ta’ sett ta’ data B1 (data dwar “Trasport bil-baħar fil-portijiet Ewropej ewlenin skont il-port, it-tip ta’ merkanzija, l-oġġetti u r-relazzjoni”) għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni fid-dawl tar-riżultati ta’ studju bi prova li sar matul perjodu tranżitorju ta’ tliet snin, kif stipulat fl-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 95/64/KE tat-8 ta’ Diċembru 1995 dwar il-prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar (3). |
(2) |
Skont ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-esperjenza miksuba fix-xogħol imwettaq skont id-Direttiva tal-Kunsill 95/64/KE (“ir-Rapport tal-Kummissjoni”), il-ġbir ta’ informazzjoni dettaljata deher fattibbli u bi prezz raġonevoli għal tagħbija bil-massa jew b’nofs massa. Madankollu d-diffikultà ewlenija ġrat fil-kompilazzjoni ta’ data bħal din għal traffiku ta’ kontenituri u dak ro-ro. Kien xieraq li tiġi esplorata l-possibiltà li jiġi estiż l-ambitu tad-Direttiva 95/64/KE għal punti oħra ta’ informazzjoni elenkati fl-Artikolu 10(2)(a) ta’ dik id-Direttiva biss meta tinkiseb aktar esperjenza bil-ġbir tal-varjabbli attwali u meta s-sistemà attwali tkun stabbilita sew. Fir-rigward tal-ġbir ta’ informazzjoni dwar merkanzija għandom jitqiesu r-reviżjonijiet potenzjali tal-klassifikazzjoni NST/R (Klassifikazzjoni Standard tal-Oġġetti għal Statistiċi tat-Trasport/Riveduta, 1967). |
(3) |
It-tħaddim tas-sistema ta’ ġbir attwali huwa stabbilit sew, inkluż l-implimentazzjoni tal-modifikazzjonijiet introdotti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/366/KE tal-4 ta’ Marzu 2005 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 95/64/KE dwar il-prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar u li temenda l-Annessi tagħha (4) u l-estensjoni ġeografika tas-sistema minħabba t-tkabbir tal-Unjoni tal-2004 u l-2007. |
(4) |
Numru kbir mill-Istati Membri li trażmettew data lill-Kummissjoni (Eurostat) fl-ambitu tad-Direttiva 96/64/KE qed jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b’mod regolari b’sett ta’ data B1 fuq bażi volontarja skont il-klassifikazzjoni NST/R. |
(5) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1304/2007 tas-7 ta’ Novembru 2007 fir-rigward tat-twaqqif ta’ NST 2007 bħala l-klassifikazzjoni unika għall-merkanzija ttrasportata b’ċerti mezzi ta’ trasport (5) introduċew l-NST 2007 (Klassifikazzjoni Standard tal-Merkanzija għall-Istatistiċi tat-Trasport, 2007) bħala l-unika klassifikazzjoni għall-merkanzija trasportata permezz ta’ trasport bil-baħar, bit-triq, dak ferrovjarju u dak minn passaġġi fuq l-ilmijiet interni. Dik il-klassifikazzjoni għandha tapplika mis-sena ta’ referenza 2008, u tkopri d-data tal-2008. Il-problemi ewlenin fil-kumpilazzjoni tad-data skont it-tip ta’ merkanzija skont il-klassifikazzjoni NST/R, kif imsemmi fir-Rapport tal-Kummissjoni ġew solvuti bl-introduzzjoni ta’ NST 2007. Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira, il-ġbir tas-sett ta’ data B1 mhu se jimponi l-ebda piż żejjed fuq dawk li jwieġbu. |
(6) |
Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/98 tal-25 ta’ Mejju 1998 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta’ merkanzija bit-triq (6), ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija (7) u r-Regolament (KE) Nru 1365/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta’ Settembru 2006 dwar statistika ta’ trasport ta’ merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni (8), il-ġbir ta’ data skont it-tip ta’ merkanzija huwa mandatorju għall-istatistiċi Ewropej dwar it-trasport bit-triq, dak ferrovjarju u dak fuq passaġġi fuq l-ilmijiet interni rispettivament, filwaqt li hu volontarju għat-trasport marittimu. L-istatistiki Ewropej dwar il-mezzi kollha tat-trasport għandhom jinġabru skont il-kunċetti u l-istandards komuni, bl-għan li tinkiseb l-ogħla kumparabbiltà prattikabbli bejn il-mezzi ta’ trasport. |
(7) |
L-introduzzjoni fl-2011 tal-obbligazzjoni li l-Kummissjoni (Eurostat) tkun ipprovduta b’sett ta’ data B1, tagħti lill-Istati Membri perjodu adegwat li matulu kumpilazzjoni volontarja tkun tista’ tintuża għat-testijiet u l-adattazzjonijiet neċessarji. |
(8) |
Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/42/KE. Huwa ta’ importanza partikulari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. |
(9) |
Id-Direttiva 2009/42/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan. |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2009/42/KE hija b’dan emendata kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 3(4), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej: “Il-Kummissjoni tista’ tadotta dawk il-miżuri permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 10a u bil-kundizzjonijiet tal-Artikoli 10b u 10c.” |
(2) |
fl-Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej: “Il-Kummissjoni tista’ tadotta dawk il-miżuri permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 10a u bil-kundizzjonijiet tal-Artikoli 10b u 10c.” |
(3) |
fl-Artikolu 5, it-tielet paragrafu għandu jinbidel b’dan li ġej: “Il-Kummissjoni tista’ tadotta dawk il-miżuri permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 10a u bil-kundizzjonijiet tal-Artikoli 10b u 10c.” |
(4) |
fl-Artikolu 10, il-paragrafu 3 għandu jitħassar; |
(5) |
għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin; “Artikolu 10a Eżerċitar tad-delega 1. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(4), l-Artikolu 4(1) u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn tad-29 ta’ Diċembru 2010. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tas-setgħat delegati mhux aktar tard minn sitt xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delegazzjoni tas-setgħa għandha tiġġedded awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jirrevokawha skont l-Artikolu 10b. 2. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tagħmel notifika tiegħu simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 3. Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni bil-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 10b u 10c. Artikolu 10b Revoka tad-delega 1. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 3(4), l-Artikolu 4(1) u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. 2. L-istituzzjoni li tkun bdiet il-proċedura interna għad-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tiġi revokata delega tas-setgħat għandha timpenja ruħha biex tgħarraf lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed deċiżjoni aħħarija, b’indikazzjoni tad-delega tas-setgħat li tista’ tkun suġġetta għal revoka u r-raġunijiet possibbli għal dan. 3. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ minnufih jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 10c Oġġezzjonijiet għal atti delegati 1. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika. Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn. 2. Jekk, meta jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data msemmija fih. L-att delegat jista’ jiġi ppubblikat f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu għarrfu lill-Kummissjoni bil-ħsieb tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet. 3. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għall-att delegat fiż-żmien imsemmi fil-paragrafu 1, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tagħti r-raġunijiet għaliex oġġezzjonat għall-att delegat.”; |
(6) |
it-tieni paragrafu tal-Anness VIII huwa mħassar. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-ewwel sena ta’ referenza għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun l-2011, li tkopri d-data tal-2011.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Novembru 2010.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BUZEK
Għall-Kunsill
Il-President
O. CHASTEL
(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ottubru 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2010
(2) ĠU L 141, 6.6.2009, p. 29.
(3) ĠU L 320, 30.12.1995, p. 25. Id-Direttiva 95/64/KE ġiet irrevokata mid-Direttiva 2009/42/KE.
(4) ĠU L 123, 17.5.2005, p. 1.
(5) ĠU L 290, 8.11.2007, p. 14.
(8) ĠU L 264, 25.9.2006, p. 1.
II Atti mhux leġiżlattivi
DEĊIŻJONIJIET
9.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 325/4 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL EWROPEW
tad-29 ta’ Ottubru 2010
li timmodifika l-istatus tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni Ewropea
(2010/718/UE)
IL-KUNSILL EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 355(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Franċiża,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jippermetti lill-Kunsill Ewropew, fuq l-inizjattiva tal-Istat Membru kkonċernat, li jadotta, b’unanimità u wara li jikkonsulta mal-Kummissjoni, deċiżjoni li timmodifika l-istatus fir-rigward tal-Unjoni, ta’ pajjiż jew territorju Daniż, Franċiż jew Olandiż imsemmi fl-Artikolu 355(1) u (2). |
(2) |
Permezz ta’ ittra mill-President tagħha bid-data tat-30 ta’ Ġunju 2010, ir-Repubblika Franċiża (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Franza”) talbet lill-Kunsill Ewropew biex jieħu din id-deċiżjoni fir-rigward tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy li hija msemmija fl-Artikolu 355(1) tat-TFUE. Franza titlob li l-istatus ta’ din il-gżira jinbidel minn dak ta’ reġjun l-aktar ’il bogħod, kopert mill-Artikolu 349 tat-TFUE, għal dak ta’ pajjiż u territorju extra-Ewropew, previst fil-Parti IV tat-TFUE. |
(3) |
It-talba ta’ Franza tirrifletti r-rieda li ntweriet mir-rappreżentanti eletti tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy, li hija kollettività extra-Ewropea fi ħdan ir-Repubblika Franċiża, irregolata mill-Artikolu 74 tal-Kostituzzjoni Franċiża u awtonoma, li jinkiseb status fir-rigward tal-Unjoni li jkun aktar adatt għal dak li hija għandha permezz tal-liġi interna, b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni fiżikament imbiegħda tagħha mill-metropoli, tal-ekonomija insulari u ċkejkna tagħha, orjentata biss lejn it-turiżmu u ffaċċjata b’diffikultajiet konkreti ta’ forniment ta’ provvisti li jikkawżaw diffikultajiet fl-applikazzjoni ta’ xi wħud mill-istandards tal-Unjoni. |
(4) |
Franza ħadet l-impenn biex tikkonkludi l-ftehimiet meħtieġa dment li fl-okkażjoni ta’ tali evoluzzjoni l-interessi tal-Unjoni jiġu ppreżervati. Tali ftehimiet għandhom jikkonċernaw, min-naħa waħda, il-kwistjoni monetarja, dment li Franza għandha l-intenzjoni li tikkonserva kemm l-euro kif ukoll il-munita unika ta’ Saint-Barthélemy u li jkun adatt li jkun żgurat li tinżamm l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-oqsma essenzjali tal-funzjonament tajjeb tal-Unjoni ekonomika u monetarja. Huma għandhom jikkonċernaw, min-naħa l-oħra, il-fiskalità u jimmiraw li jiggarantixxu li l-mekkaniżmi tad-Direttiva 77/799/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-tassazzjoni ta’ premiums tal-assigurazzjoni (1) u d-Direttiva 2003/48/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta’ riżervi fuq id-dħul fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax (2), immirati b’mod partikolari lejn il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali transkonfinali, ser jiġu applikati wkoll fil-futur fit-territorju ta’ Saint-Barthélemy. Iċ-ċittadini ta’ Saint-Barthélemy għandhom jibqgħu ċittadini tal-Unjoni u jgawdu l-istess drittijiet u libertajiet fl-Unjoni bħaċ-ċittadini Franċiżi oħrajn, hekk kif iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għandhom ikomplu jibbenefikaw mill-istess drittijiet u libertajiet f’Saint-Barthélemy bħal ma jagħmlu attwalment. |
(5) |
Għalhekk, il-bidla fl-istatus fir-rigward tal-Unjoni tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy, bħar-rispons għal talba espressa demokratikament mir-rappreżentanti eletti tagħha, ma għandhiex timmina l-interessi tal-Unjoni u għandha tikkostitwixxi pass konsistenti mal-aċċess tal-gżira għal status awtonomu skont il-liġi nazzjonali, |
ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Mill-1 ta’ Jannar 2012, il-gżira ta’ Saint-Barthélemy ma għandhiex tibqa’ reġjun l-aktar ’il bogħod tal-Unjoni u għandu jkollha l-istatus ta’ pajjiż u territorju extra-Ewropew assoċjat previst fil-Parti IV tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Artikolu 2
Konsegwentement, it-TFUE huwa modifikat kif ġej:
1. |
fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 349, għandhom jitħassru l-kliem “ta’ Saint-Barthélemy”; |
2. |
fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 355, għandhom jitħassru l-kliem “għal Saint-Barthélemy”; |
3. |
fl-Anness II, għandu jiddaħħal inċiż, bejn dak li jikkonċerna lil Saint Pierre u Miquelon u dak li jikkonċerna lill-Aruba, u għandu jaqra kif ġej:
|
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012.
Magħmul fi, Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2010.
Għall-Kunsill Ewropew
Il-President
H. VAN ROMPUY
(1) ĠU L 336, 27.12.1977, p. 15.
(2) ĠU L 157, 26.6.2003, p. 38.