ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2010.311.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 311

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 53
26 ta' Novembru 2010


Werrej

 

I   Atti leġislattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE, Euratom) Nru 1080/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra ta' dawk il-Komunitajiet

1

 

*

Regolament (UE, Euratom) Nru 1081/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, fir-rigward tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

9

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġislattivi

REGOLAMENTI

26.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/1


REGOLAMENT (UE, EURATOM) Nru 1080/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Novembru 2010

li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra ta' dawk il-Komunitajiet

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 336 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, li ġiet ippreżentata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 27 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) għandu jiġi assistit minn Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Dan is-servizz għandu jaħdem f'kooperazzjoni mas-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri u għandu jinkludi uffiċjali mid-dipartimenti rilevanti tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni kif ukoll persunal issekondat mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri. Dan għandu jifforma parti mill-amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(2)

Fid-dawl tal-kompiti speċifiċi tiegħu, is-SEAE għandu jingħata awtonomija fi ħdan il-qafas tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, għall-finijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra (4) (minn hawn 'il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal” u l-“Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra”, rispettivament), is-SEAE għandu jiġi meqjus bħala istituzzjoni tal-Unjoni.

(3)

Ir-Rappreżentant Għoli għandu jaġixxi bħala l-Awtorità tal-Ħatra u l-Awtorità għall-Konklużjoni tal-Kuntratti għall-persunal tas-SEAE, bil-possibbiltà ta' delega tas-setgħat f'dik il-kapaċita' lis-SEAE. Minħabba li il-Kapijiet tad-Delegazzjoni ser ikollhom iwettqu dmirijiet għall-Kummissjoni bħala parti mill-kompiti normali tagħhom, għandha tkun prevista l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni f'ċerti deċiżjonijiet li jikkonċernaw lil dawk il-membri tal-persunal.

(4)

L-uffiċjali tal-Unjoni u l-aġenti temporanji li ġejjin mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi u jiġu trattati b'mod ugwali, b'mod partikolari fir-rigward tal-eliġibilltà tagħhom li jassumu l-pożizzjonijiet kollha b'kondizzjonijiet ekwivalenti. M'għandha ssir l-ebda distinzjoni bejn aġenti temporanji li ġejjin mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali u uffiċjali tal-Unjoni fir-rigward tat-tqassim tal-kompiti li għandhom iwettqu fl-oqsma kollha tal-attività u l-linji politiċi implimentati mis-SEAE.

(5)

Huwa xieraq li jiġi kkjarifikat li l-persunal tas-SEAE li jwettaq dmirijiet għall-Kummissjoni bħala parti mid-dmirijiet tiegħu għandu, f'konformità mal-Artikolu 221(2) tat-TFUE, isegwi istruzzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni. Bl-istess mod, uffiċjali tal-Kummissjoni li jaħdmu fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom għandhom isegwu istruzzjonijiet mill-Kap tad-Delegazzjoni.

(6)

Sabiex jiġi evitat id-dubju, għandu jiġi kkonfermat li uffiċjali u persunal temporanju li jokkupaw post f'entità organizzazzjonali li hija ttrasferita mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni għas-SEAE skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (5) huma meqjusa ttrasferiti mal-post. Dan għandu japplika mutatis mutandis għal persunal kuntrattwali u lokali assenjat għal tali entità organizzazzjonali. Il-persunal li jintlaqat minn tali trasferiment ser ikun infurmat minn qabel.

(7)

Uffiċjali minn istituzzjonijiet oħra għajr is-SEAE li jkunu qed jaħdmu mas-SEAE għandhom ikunu jistgħu japplikaw għal postijiet vakanti fi ħdan l-istituzzjoni ta' oriġini tagħhom jew fuq bażi indaqs mal-kandidati interni ta' dik l-istituzzjoni.

(8)

Sat-30 ta' Ġunju 2013, sabiex jittieħed kont ta' sitwazzjonijiet speċifiċi b'mod flessibbli (pereżempju ħtieġa ta' trasferimenti futuri ta' karigi ta' appoġġ tekniku mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jew mill-Kummissjoni għas-SEAE), trasferiment ta' uffiċjali fl-interess tas-servizz flimkien mal-post tagħhom, jiġifieri mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' post vakanti, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni għas-SEAE għandu jkun ukoll possibbli f'każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati.

(9)

Sat-30 ta' Ġunju 2014, fir-rigward ta' dawk l-uffiċjali mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jew mill-Kummissjoni li jkunu ġew trasferiti għas-SEAE matul il-fażi tal-bidu, għandu jkun possibbli li jiġu ttrasferiti tali uffiċjali tas-SEAE mingħajr il-post tagħhom, fl-interess tas-servizz, mis-SEAE għall-Kunsill jew għall-Kummissjoni.

(10)

Sabiex jingħata effett għall-Artikolu 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jidentifika tliet sorsi ta' persunal għas-SEAE, għandu jkun previst li sat-30 ta' Ġunju 2013, is-SEAE ser jimpjega esklużivament uffiċjali li joriġinaw mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni kif ukoll persunal mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri. Matul dan il-perijodu huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-persunal mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali u kandidati mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni, kif ukoll kandidati interni, jkunu jistgħu japplikaw għal postijiet fis-SEAE fuq bażi indaqs. Matul l-istess perijodu, għandu madankollu jkun possibbli, f'każijiet eċċezzjonali u wara li jkunu eżawriti l-possibbiltajiet ta' reklutaġġ mit-tliet sorsi esklużivi, li jiġi reklutat minn barra dawk is-sorsi persunal ta' appoġġ tekniku fil-livell ta' Amministratur (AD) meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tas-SEAE, bħal speċjalisti fl-oqsma tal-maniġġar ta' kriżijiet, tas-sigurtà u tal-IT. Mill-1 ta' Lulju 2013, l-aċċess għall-postijiet fis-SEAE għandu jinfetaħ ukoll għall-uffiċjali minn istituzzjonijiet oħra.

(11)

Barra minn hekk, bil-ħsieb li jinkiseb l-objettiv li l-persunal mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali għandu jirrappreżenta mill-anqas terz tal-persunal kollu tas-SEAE fil-livell ta' AD, huwa meħtieġ li tiġi prevista deroga temporanja sat-30 ta' Ġunju 2013 mill-Artikolu 98(1) tar-Regolamenti tal-Persunal li tippermetti lir-Rappreżentant Għoli jagħti prijorità lil ċerti postijiet fil-grupp funzjonali AD fis-SEAE lill-kandidati minn tali servizzi diplomatiċi nazzjonali fil-każ ta' kwalifiċi ekwivalenti.

(12)

Sabiex jiġi żgurat bilanċ tajjeb fost il-komponenti differenti tal-persunal tas-SEAE u b'konformità mad-Deċiżjoni 2010/427/UE, meta s-SEAE jkun laħaq il-kapaċità sħiħa tiegħu, persunal mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri maħturin bħala aġenti temporanji għandhom jirrappreżentaw mill-inqas terz tal-persunal kollu tas-SEAE fil-livell AD u l-uffiċjali tal-Unjoni għandhom jirrappreżentaw mill-inqas 60 % tal-persunal kollu tas-SEAE fil-livell AD. Dan għandu jinkludi persunal mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri li saru uffiċjali permanenti tal-Unjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

(13)

Kandidati magħżula li huma ssekondati minn servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri tagħhom għandhom ikunu impjegati bħala aġenti temporanji u b'hekk ikunu fuq bażi indaqs mal-uffiċjali. Huma għandhom jiġu reklutati fuq il-bażi ta' proċedura oġġettiva u trasparenti u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati mis-SEAE għandhom jiggarantixxu prospettivi tal-karriera li huma ekwivalenti fis-SEAE għall-aġenti temporanji u għall-uffiċjali.

(14)

Skont l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 82 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, ir-reklutaġġ jew l-ingaġġar għandu jimmira li jiżgura għas-SEAE is-servizzi ta' uffiċjali u persunal temporanju tal-ogħla livell ta' kapaċità, effiċjenza u integrità, reklutati skont l-usa' bażi ġeografika possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni. Dan ser japplika għas-SEAE kollu kemm hu u għall-komponenti varji tal-persunal tiegħu inkluż persunal temporanju kif msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra. Barra minn hekk, il-persunal tas-SEAE għandu jinkludi preżenza xierqa u sinifikanti ta' ċittadini mill-Istati Membri kollha.

(15)

Ir-Rappreżentant Għoli għandu jieħu miżuri xierqa, kif previst fl-Artikolu 1d(2) u (3) tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs għas-sess irrappreżentat inqas f'ċerti gruppi funzjonali partikolari, b'mod iktar partikolari fil-grupp funzjonali AD.

(16)

Sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet mhux neċessarji dwar l-impjieg fis-SEAE tal-persunal minn servizzi diplomatiċi nazzjonali, għandhom jiġu adottati regoli speċifiċi dwar it-tul tal-kuntratti, flimkien ma' garanzija li dawn ser jerġgħu jiddaħħlu fis-servizz fit-tmiem tal-perijodu tas-servizz tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti. Għal din il-kategorija partikolari ta' persunal temporanju, ir-regoli dwar l-issekondar u l-età massima ta' rtirar għandhom jiġu allinjati ma' dawk applikabbli għall-uffiċjali.

(17)

Dawk ir-regoli speċifiċi għandhom isiru applikabbli wkoll, bil-qbil tar-Rappreżentant Għoli u tas-servizz diplomatiku nazzjonali kkonċernat, għall-aġenti temporanji minn servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri li kienu ingaġġati mid-dipartimenti rilevanti tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, jew li l-kuntratt tagħhom kien emendat, qabel ma twaqqaf is-SEAE iżda wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.

(18)

Is-SEAE jista', f'każijiet speċifiċi, jirrikorri għal numru limitat ta' esperti nazzjonali ssekondati (SNEs) speċjalizzati, issekondati bil-ħsieb li jwettqu kompiti speċifiċi, b'mod partikolari kompiti relatati mal-maniġġar ta' kriżijiet jew funzjonijiet militari, li r-Rappreżentant Għoli għandu jkollu awtorità fuqhom. Is-sekondar tagħhom m'għandux jgħodd mat-terz tal-persunal kollu tas-SEAE fil-livell AD li l-persunal mill-Istati Membri għandu jirrappreżenta meta s-SEAE jilħaq il-kapaċità sħiħa tiegħu.

(19)

Sabiex jittaffa l-piż amministrattiv tas-SEAE, il-Bord ta' Dixxiplina stabbilit fil-Kummissjoni għandu jservi wkoll bħala l-Bord ta' Dixxiplina għas-SEAE, sakemm ir-Rappreżentant Għoli jiddeċiedi li jistabbilixxi Bord ta' Dixxiplina għas-SEAE. Id-deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli għandha tittieħed mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011.

(20)

Sakemm jitwaqqaf Kumitat tal-Persunal fis-SEAE skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandu jitwaqqaf sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011, għandu jkun previst li l-Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni jirrappreżenta wkoll lill-persunal tas-SEAE, li ser ikun intitolat li jivvota u li jkun kandidat fl-elezzjonijiet tiegħu.

(21)

Minħabba li d-dispożizzjonijiet speċifiċi stipulati fl-Anness X għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali li jservu f'pajjiżi terzi mhumiex applikabbli matul il-liv tal-ġenituri jew il-liv tal-familja, fil-prattika huwa diffiċli għall-uffiċjali li jkunu qed jaħdmu fid-delegazzjonijiet li jieħdu dan it-tip ta' liv. Dan imur kontra l-għan ġenerali ta' rikonċiljazzjoni aħjar bejn il-ħajja privata u dik professjonali u, b'mod partikolari, jikkostitwixxi ostaklu għal dawk in-nisa li, kieku mhux għal dan, ikunu interessati li jokkupaw post f'delegazzjoni tal-Unjoni. Għalhekk huwa xieraq li d-dispożizzjonijiet ta' dak l-Anness għandhom ikomplu japplikaw, sa ċertu limitu, matul il-liv tal-ġenituri u l-liv tal-familja.

(22)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-2004, jidher li m'hemm l-ebda ġustifikazzjoni biex tinżamm il-limitazzjoni eżistenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għall-persunal kuntrattwali. Dan ifisser b'mod partikolari li l-persunal kuntrattwali għandu jieħu sehem bis-sħiħ fil-proċedura ta' mobilità skont l-Artikoli 2 u 3 ta' dak l-Anness X. Għal dan il-għan, huwa neċessarju li jiġi previst li l-persunal kuntrattwali impjegat fid-delegazzjonijiet, li għalihom japplika l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, jista' jiġi assenjat b'mod temporanju għas-sede tal-istituzzjoni.

(23)

Fir-rigward tas-sigurtà soċjali għall-persunal lokali, l-Artikolu 121 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra jirreferi għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali taħt ir-regolamenti attwali fil-post fejn l-aġent għandu jaqdi dmirijietu. Minħabba li s-sistemi ta' sigurtà soċjali huma ineżistenti jew insuffiċjenti f'ċerti pajjiżi, għandha tinħoloq bażi statutorja għall-istabbiliment ta' sistema awtonoma jew kumplimentari ta' sigurtà soċjali.

(24)

Biex jiġu ffaċilitati l-affarijiet għall-persunal li jivvjaġġa barra mill-Unjoni Ewropea fit-twettiq ta' dimirijietu, għandu jkun possibbli li jinħareġ laissez-passer meta jkun meħtieġ fl-interess tas-servizz, u l-konsulenti speċjali għandhom ikunu koperti minn din il-possibbiltà.

(25)

It-termini użati fir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra għandhom jiġu adattati għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Lisbona.

(26)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data l-aktar kmieni possibbli, minħabba li l-emendi għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra jikkostitwixxu kondizzjoni neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-SEAE.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandhom jiġu emendati kif ġej:

(1)

it-titolu għandu jiġi sostitwit bi “Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”;

(2)

ħlief fl-Artikolu 66a(1), il-kelmiet “Komunitajiet Ewropej” għandhom jiġu sostitwiti bil-kelmiet “Unjoni Ewropea”.

Bl-eċċezzjoni tar-referenzi għall-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, il-Komunità Ekonomika Ewropea jew il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fl-Artikoli 68 u 83, il-kelmiet “Komunità” u “Komunnitajiet” għandhom jiġu sostitwiti bil-kelma “Unjoni” u għandu jsir kwalunkwe tibdil grammatiku neċessarju.

Il-kelmiet “it-tliet Komunitajiet Ewropej” u “waħda mit-tliet Komunitajiet Ewropej” għandhom jiġu sostitwiti bil-kelmiet “l-Unjoni Ewropea”;

(3)

fl-Artikolu 64, it-tieni pargrafu, u fl-Artikolu 65(3), il-kelmiet “fl-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikoli 148(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea u 118(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika” għandhom jiġu sostitwiti minn “fl-Artikolu 16(4) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”. Fl-Artikolu 13, l-ewwel paragrafu, it-tieni sentenza, tal-Anness X, il-kelmiet “fl-ewwel eventwalità stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 148(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Artikolu 118 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika” għandhom jiġu sostitwiti minn “fl-Artikolu 16(4) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”.

Fl-Artikolu 83a(5), l-Artikolu 14(2) tal-Anness XII u fl-Artikolu 22(3) tal-Anness XIII, il-kelmiet “fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 205(2) tat-Trattat tal-KE” għandhom jiġu sostitwiti minn “fl-Artikolu 16(4) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”. Fl-Artikolu 13(3) tal-Anness VII, il-kelmiet “fl-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 205(2) tat-Trattat tal-KE” għandhom jiġu sostitwiti minn “fl-Artikolu 16(4) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”.

Fl-Artikolu 45(2), il-kelmiet “L-Artikolu 314 tat-Trattat tal-KE” għandhom jiġu sostitwiti minn “L-Artikolu 55 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”;

(4)

fl-Artikolu 7(1) tal-Anness III il-kelmiet “l-Uffiċċju tal-Għażla tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej” għandhom jiġu sostitwiti minn “l-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal”.

Fl-Artikolu 7(3) tal-Anness VII il-kelmiet “fl-Anness IV tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea” għandhom jiġu sostitwiti bil-kelmiet “fl-Anness II għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”.

Fl-Artikolu 40 tal-Anness VIII il-kelmiet “Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej” għandhom jiġu sostitwiti bil-kelmiet “Il-Kummissjoni Ewropea”;

(5)

it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddeċiedu skont l-Artikolu 336 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.”

Fl-Artikolu 9(2) tal-Anness VIII u fl-Artikolu 15(2) tal-Anness XI, il-kelmiet “l-Artikolu 283 tat-Trattat tal-KE” għandhom jiġu sostitwiti minn “l-Artikolu 336 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”.

Fl-Artikolu 10 tal-Anness XI il-kelmiet “il-Kunsill għandu jaġixxi skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 283 tat-Trattat tal-KE” għandhom jiġu sostitwiti minn “il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddeċiedu skont l-Artikolu 336 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”;

(6)

L-Artikolu 1b għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

għandu jiġi miżjud il-punt li ġej:

“(a)

is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ is-SEAE),’ ”;

(b)

il-punti (a) sa (d) għandhom isiru l-punti (b) sa (e);

(7)

fl-Artikolu 23, it-tielet paragrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Il-laissez-passer previst fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet għandu jingħata lill-kapijiet ta' unità, lill-uffiċjali ta' grad AD12 sa AD16, lill-uffiċjali li qed iservu barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea u lill-uffiċjali l-oħra li għalihom dan huwa meħtieġ fl-interess tas-servizz.”;

(8)

fl-Artikolu 77, it-tielet paragrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Madankollu, f'każ ta' uffiċjali li kienu qed jassistu persuna li b' kariga li prevista fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-President elett ta' waħda mill-istituzzjonijiet jew organi tal-Unjoni jew il-President elett ta' wieħed mill-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, l-intitolament għall-pensjonijiet korrispondenti għas-snin ta' servizz pensjonabbli miksuba matul il-ħidma f'dik il-kariga għandha tiġi kkalkolata b'referenza għas-salarju bażiku finali mirċievi matul dak iż-żmien jekk is-salarju bażiku mirċievi jaqbeż dak meħud bħala referenza għall-finijiet tat-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu.”;

(9)

it-Titolu VIIIa għandu jsir it-Titolu VIIIb. It-Titolu li ġej għandu jiżdied wara t-Titolu VIII:

“TITOLU VIIIa

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI APPLIKABBLI GĦAS-SEAE

Artikolu 95

1.   Is-setgħat mogħtija minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra għandhom jiġu eżerċitati mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ r-Rappreżentant Għoli’) fir-rigward tal-persunal tas-SEAE. Ir-Rappreżentant Għoli jista' jiddetermina min, fi ħdan is-SEAE, għandu jeżerċita dawn is-setgħat. L-Artikolu 2(2) għandu japplika.

2.   Fir-rigward tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet, is-setgħat li jikkonċernaw il-ħatriet għandhom ikunu eżerċitati bl-użu ta' proċedura ta' għażla bir-reqqa bbażata fuq il-mertu u wara li jitqies il-bilanċ bejn is-sessi u dak ġeografiku, abbażi ta' lista' ta' kandidati li dwarhom tkun qablet il-Kummissjoni fi ħdan il-qafas tas-setgħat mogħtija lilha mit-Trattati. Dan għandu japplika mutatis mutandis għal trasferimenti fl-interess tas-servizz magħmula f'ċirkostanzi eċċezzjonali u għal perijodu temporanju definit għal post ta' Kap tad-Delegazzjoni.

3.   Fir-rigward ta' Kapijiet tad-Delegazzjoni, f'każijiet fejn dawn għandhom iwettqu kompiti għall-Kummissjoni bħala parti minn dmirijiethom, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tibda inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji kif imsemmi fl-Artikoli 22 u 86 tal-Anness IX jekk il-Kummissjoni titlob dan.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 43 il-Kummissjoni għandha tiġi kkonsultata.

Artikolu 96

Minkejja l-Artikolu 11, uffiċjal tal-Kummissjoni li jaħdem f'delegazzjoni tal-Unjoni għandu jieħu istruzzjonijiet mill-Kap tad-Delegazzjoni, skont ir-rwol ta' dan tal-aħħar kif previst fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (*).

Uffiċjal tas-SEAE li għandu jwettaq kompiti għall-Kummissjoni bħala parti mid-dmirijiet tiegħu għandu jieħu istruzzjonijiet mill-Kummissjoni fir-rigward ta' dawn il-kompiti, skont l-Artikolu 221(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-arranġamenti dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu maqbula bejn il-Kummissjoni u s-SEAE.

Artikolu 97

Sat-30 ta' Ġunju 2014, fir-rigward ta' dawk l-uffiċjali li kienu ttrasferiti għas-SEAE skont id-Deċiżjoni 2010/427/UE, b'deroga mill-Artikoli 4 u 29 ta' dawn ir-Regolamenti tal-Persunal u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tagħhom, l-Awtoritajiet tal-Ħatra tal-istituzzjonijiet ikkonċernati jistgħu f'każijiet eċċezzjonali, filwaqt li jaġixxu bi qbil komuni u unikament fl-interess tas-servizz, wara li jkunu semgħu lill-uffiċjal ikkonċernat, jitrasferixxu tali uffiċjal tas-SEAE mis-SEAE għall-post vakanti fl-istess grad mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jew fil-Kummissjoni mingħajr ma jinnotifikaw lill-persunal dwar il-post vakanti.

Artikolu 98

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 29(1)(a), meta jkun qed jimtela post vakanti fis-SEAE, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tikkunsidra l-applikazzjonijiet ta' uffiċjali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE, ta' persunal temporanju li għalih japplika l-Artikolu 2(e) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra u ta' persunal minn servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri mingħajr ma tingħata prijorità lill kwalunkwe waħda minn dawk il-kategoriji. Sat-30 ta' Ġunju 2013, b'deroga mill-Artikolu 29, għar-reklutaġġ minn barra l-istituzzjoni, is-SEAE għandu jirrekluta esklużivament uffiċjali mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u mill-Kummissjoni kif ukoll persunal mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri.

Madankollu, f'każijiet eċċezzjonali u wara li tkun eżawriet il-possibilitajiet li tirrekluta skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Awtorità tal-Ħatra tista' tiddeċiedi li tirrekluta minn barra s-sorsi msemmija fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu persunal ta' appoġġ tekniku fil-livell AD meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tas-SEAE, bħal speċjalisti fl-oqsma tal-maniġġar ta' kriżijiet, tas-sigurtà u tal-IT.

Mill-1 ta' Lulju 2013, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tikkunsidra wkoll l-applikazzjonijiet ta' uffiċjali minn istituzzjonijiet oħra minbarra dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu mingħajr ma tingħata prijorità lil kwalunkwe waħda minn dawk il-kategoriji.

2.   Għall-finijiet tal-Arikolu 29(1)(a) u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 97, l-Awtorità tal-Ħatra ta' istituzzjonijiet għajr is-SEAE għandha, meta tkun qed timla post vakanti tikkunsidra applikazzjonijiet mill-kandidati interni u uffiċjali tas-SEAE li kienu uffiċjali tal-istituzzjoni kkonċernata sakemm saru uffiċjali tas-SEAE mingħajr ma tingħata prijorità lil kwalunkwe minn dawk il-kategoriji.

Artikolu 99

1.   Sakemm ir-Rappreżentant Għoli jiddeċiedi li jistabbilixxi Bord Dixxiplinari għas-SEAE, il-Bord Dixxiplinari tal-Kummissjoni għandu jservi wkoll bħala Bord Dixxiplinari għas-SEAE. Id-deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli għandha tittieħed mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011.

Sakemm jiġi stabbilit Bord Dixxipplinari għas-SEAE, iż-żewġ membri addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5(2) tal-Anness IX għandhom jinħatru minn fost l-uffiċjali tas-SEAE. L-Awtorità tal-Ħatra u l-Kumitat tal-Persunal imsemmi fl-Artikoli 5(5) u 6(4) tal-Anness IX għandhom ikunu dawk tas-SEAE.

2.   Sakemm jitwaqqaf Kumitat tal-Persunal fi ħdan is-SEAE skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1)(a), li m'għandux ikun aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011, u b'deroga mid-dispożizzjoni li tinsab f'dak l-inċiż, il-Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni għandu jirrappreżenta wkoll uffiċjali u aġenti oħra tas-SEAE.”;

(10)

fil-Kapitolu 3 tal-Anness X, l-Artikolu li ġej għandu jiżdied:

“Artikolu 9a

Matul il-liv tal-ġenituri u tal-familja kif previst fl-Artikolu 42a u 42b tar-Regolament tal-Persunal, l-Artikoli 5, 23 u 24 ta' dan l-Anness għandhom ikomplu japplikaw għal perijodu massimu kumulattiv ta' sitt xhur matul kull perijodu ta' sentejn ta' assenjazzjoni għal pajjiż terz, u l-Artikolu 15 ta' dan l-Anness għandu jkompli japplika għal perijodu massimu kumulattiv ta' disa' xhur matul kull perijodu ta' sentejn ta' assenjazzjoni għal pajjiż terz.”.

Artikolu 2

Il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Komunitajiet Ewropej għandhom jiġu emendati kif ġej:

(1)

it-titolu għandu jiġi sostitwit bi “Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea”;

(2)

ħlief fl-Artikolu 28a(8), il-kliem “Il-Komunitajiet Ewropej” għandhom jiġu sostitwiti bi “Unjoni Ewropea”, il-kliem “Komunità” u “Komunitajiet” għandhom jiġu ssostitwiti bi “Unjoni” u għandu jsir kwalunkwe tibdil grammatikali neċessarju;

(3)

fl-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 82(5) il-kelmiet “l-Uffiċċju tal-Għażla tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej” għandhom jiġu sostitwiti minn “l-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal”;

(4)

fl-Artikolu 39(1), il-kelmiet “L-Artikolu 283 tat-Trattat tal-KE” għandhom jiġu sostitwiti minn “L-Artikolu 336 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”;

(5)

L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (c) il-kliem “it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet jew it-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej, jew il-President elett ta' waħda mill-istituzzjonijiet jew organi tal-Komunitajiet” għandhom jiġu ssostitwiti minn “it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew il-President elett ta' waħda mill-istituzzjonijiet jew organi tal-Unjoni”;

(b)

il-punt li ġej għandu jiżdied:

“(e)

persunal issekondat mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri ingaġġat biex jimla temporanjament post permanenti fis-SEAE.”;

(6)

fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3a, is-subparagrafu li ġej jiġi miżjud:

“Persunal ingaġġat għat-twettiq ta' dmirijiet full-time jew part-time f'delegazzjonijiet tal-Unjoni jista' jiġi assenjat temporanjament għas-sede ġenerali tal-istituzzjoni skont il-proċedura ta' mobilità stilupata fl-Artikoli 2 u 3 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.”;

(7)

fl-Artikolu 3b, it-tieni paragrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Ħlief fil-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3a(1), l-użu tal-persunal kuntrattwali għal xogħlijiet awżiljarji huwa eskluż fejn japplika l-Artikolu 3a.”;

(8)

L-Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

l-erba' paragrafi eżistenti għandhom jiġu nnumerati;

(b)

l-aħħar sentenza tal-paragrafu 4 għandha titħassar;

(c)

Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   L-Artikoli 95, 96 u 99 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom japplikaw b'analoġija għall-persunal temporanju. It-Titolu VIIIb tar-Regolamenti tal-Persunal għandu japplika b'analoġija għall-persunal temporanju li jservi f'pajjiż terz.”;

(9)

fl-Artikolu 47, il-punt (a) għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

fl-aħħar tax-xahar li fih l-aġent jilħaq l-età ta' 65 sena jew, fejn applikabbli, fid-data stabbilta skont l-Artikolu 50c(2); jew”;

(10)

il-Kapitolu li ġej għandu jiżdied mat-Titolu II:

“KAPITOLU 10

Dispożizzjonijiet speċjali għall-membri ta' persunal temporanju msemmi fl-Artikolu 2(e)

Artikolu 50b

1.   Persunal mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri li kienu ntgħażlu skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 98(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u li huma ssekondati mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali tagħhom għandhom ikunu ingaġġati bħala persunal temporanju skont l-Artikolu 2(e).

2.   Jistgħu jkunu ingaġġati għal perijodu massimu ta' erba' snin. Il-kuntratti jistgħu jiġġeddu għal perijodu massimu ta' erba' snin. L-ingaġġament tagħhom m'għandux ikun għal aktar minn tmien snin b'kollox. Madankollu, f'ċirkostanzi eċċezzjonali u fl-interess tas-servizz, fi tmiem it-tmien sena, il-kuntratt jista' jiġi estiż għal perijodu massimu ta' sentejn. Kull Stat Membru għandu jagħti lill-uffiċjali tiegħu li jkunu saru aġenti temporanji fis-SEAE garanzija li hu jaċċettahom lura minnufih fl-aħħar tal-perijodu tas-servizz tagħhom mas-SEAE, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi nazzjonali tiegħu.

3.   L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-Unjoni fl-infurzar ta' kwalunkwe responsabbiltà li taqa' taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Persunal ta' aġenti temporanji tas-SEAE msemmija tal-Artikolu 2(e) ta' dawn il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

Artikolu 50c

1.   L-Artikoli 37, 38 u 39 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom japplikaw b'analoġija. Is-sekondar m'għandux ikun itwal mill-iskadenza tal-kuntratt.

2.   It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(b) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu japplika b'analoġija.”;

(11)

Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud mal-Artikolu 80:

“5.   L-Artikoli 95, 96 u 99 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom japplikaw b'analoġija.”;

(12)

l-Artikolu 118 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 118

L-Anness X għar-Regolamenti tal-Persunal għandu japplika b'analoġija għall-persunal kuntrattwali li jservu f'pajjiżi terzi. Madankollu, l-Artikolu 21 ta' dak l-Anness għandu japplika biss jekk it-tul tal-kuntratt huwa għal perijodu ta' mhux inqas minn sena.”;

(13)

l-Artikolu 121 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 121

Fir-rigward tas-sigurtà soċjali, l-istituzzjoni għandha tkun responsabbli għas-sehem ta' min iħaddem tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali taħt ir-regolamenti attwali fil-post fejn l-aġent għandu jaqdi dmirijietu, sakemm il-ftehim tal-post ma jipprevedix mod ieħor. L-istituzzjoni għandha twaqqaf sistema awtonoma jew kumplimentari ta' sigurtà soċjali għall-pajjiżi fejn il-kopertura mis-sistema lokali jew ma teżistix jew mhijiex biżżejjed.”;

(14)

fl-Artikolu 124, il-kliem “l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 23” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “Artikolu 23”.

Artikolu 3

1.   Uffiċjali u persunal temporanju li jokkupa post f'entità organizzazzjonali li hija trasferita mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jew mill-Kummissjoni għas-Servizz Ewropew għal Azzjoni Esterna (SEAE) skont id-Deċiżjoni 2010/427/KE għandu jkun meqjus trasferit għas-SEAE mill-istituzzjonijiet relevanti fid-data stabbilita fl-Artikolu 7 ta' dik id-Deċiżjoni. Dan għandu japplika mutatis mutandis għal persunal kuntrattwali u persunal lokali assenjat għal tali entità organizzazzjonali, li għalihom il-kondizzjonijiet tal-kuntratt jibqgħu l-istess. L-Awtorità tal-Ħatra tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, skont il-każ, għandha tgħarraf minn qabel lill-persunal ikkonċernat minn tali trasferiment.

2.   Bil-qbil tar-Rappreżentant Għoli u tas-servizz diplomatiku kkonċernat, il-kuntratti tal-persunal temporanju minn servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri li kienu ingaġġati jew li l-kuntratt tagħhom ġie emendat, wara t-30 ta' Novembru 2009 u li jokkupaw post f'entità organizzazzjonali li hija trasferita mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jew mill-Kummissjoni għas-SEAE skont id-Deċiżjoni 2010/427/UE għandu jinbidel, mingħajr proċedura ta' għażla ġdida, għal kuntratti skont il-punt (e) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra. Għall-bqija, il-kundizzjonijiet tal-kuntratt għandhom jibqgħu l-istess.

3.   Sat-30 ta' Ġunju 2013 u b'deroga mill-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni li jeżerċitaw funzjonijiet ta' appoġġ tekniku għas-SEAE jistgħu, wara li jkunu nstemgħu, jiġu ttrasferiti għas-SEAE bi qbil komuni tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, b'rispett sħiħ tal-prerogattivi tal-awtorità tal-estimi. Dan it-trasferiment għandu jieħu effett mid-data determinata fid-Deċiżjoni baġitarja relevanti li tipprevedi l-postijiet u l-approprjazzjonijiet korrispondenti fis-SEAE.

4.   F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1), u l-Artikolu 82 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, ir-reklutaġġ jew l-ingaġġar għandu jkun immirat biex jiżgura għas-SEAE s-servizz ta' uffiċjali u persunal temporanju tal-ogħla standard ta' kapaċità, effiċjenza u integrità, reklutati fuq l-usa' bażi ġeografika possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni. Dan għandu japplika għas-SEAE bħala entità u għall-varji komponenti tal-persunal tiegħu, inkluż persunal temporanju msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra. Flimkien ma' dan, il-persunal tas-SEAE għandu jkun fih preżenza xierqa u sinifikanti ta' ċittadini mill-Istati Membri kollha.

5.   Skont l-Artikoli 1d(2) u (3) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-Rappreżentant Għoli għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jippromovi l-opportunitajiet indaqs għas-sess anqas irrappreżentat f'ċerti gruppi funzjonali, b'mod aktar partikolari fil-grupp funzjonali AD.

6.   Sabiex tiġi garantita rappreżentanza xierqa tal-persunal mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali fis-SEAE, ir-Rappreżentant Għoli għandu jiddeċiedi li, b'deroga mill-Artikolu 29 u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(1), tar-Regolamenti tal-Persunal, sat-30 ta' Ġunju 2013, tista' tingħata prijorità għal ċerti postijiet fil-grupp funzjonali AD fis-SEAE lil kandidati mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri f'każ ta' kwalifiki ekwivalenti.

Artikolu 4

Sa nofs l-2013, ir-Rappreżentant Għoli għandu jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'enfasi partikolari fuq il-bilanċ tas-sessi u dak ġeografiku tal-persunal fis-SEAE.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Novembru 2010

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  Opinjoni tas-7 ta' Lulju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni Nru 5/2010 tat-28 ta' Settembru 2010 (ĠU C 291, 27.10.2010, p. 1).

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta' 17 ta' Novembru 2010.

(4)  Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Komunitajiet Ewropej stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(5)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.

(*)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.


26.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/9


REGOLAMENT (UE, EURATOM) Nru 1081/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Novembru 2010

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, fir-rigward tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 322 tieghu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3) (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju”), jistabbilixxi l-prinċipji tal-baġit u r-regoli finanzjarji li għandhom jiġu rispettati fl-atti leġislattivi kollha. Huwa meħtieġ li jiġu emendati ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju sabiex jittieħed kont tal-emendi introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona u tal-istabbiliment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (4).

(2)

It-Trattat ta’ Lisbona jistabbilixxi Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna (minn hawn ’il quddiem is-“SEAE”). Id-Deċiżjoni 2010/427/UE tipprevedi li s-SEAE huwa servizz ta’ natura sui generis u għandu jiġi ttrattat bħala istituzzjoni għall-finijiet tar-Regolament Finanzjarju.

(3)

Fil-kuntest tar-rilaxx, minħabba li s-SEAE għandu jiġi trattat bħala istituzzjoni għall-finijiet tar-Regolament Finanzjarju, is-SEAE għandu jkun soġġett b’mod sħiħ għall-proċeduri previsti fl-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 145 sa 147 tar-Regolament Finanzjarju. Is-SEAE għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-istituzzjonijiet involuti fil-proċedura ta’ rilaxx u jipprovdi, kif xieraq, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa, inkluż permezz tal-attendenza fil-laqgħat tal-korpi rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tibqa’ responsabbli, skont l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għall-implimentazzjoni tal-baġit, inklużi l-approprjazzjonijiet operattivi implimentati mill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet li huma uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega tal-Kummissjoni. Sabiex jippermettu lill-Kummissjoni biex tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (minn hawn ’il quddiem “ir-Rappreżentant Għoli”) għandu jiġi infurmat fl-istess ħin u għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u d-dipartimenti tal-Kummissjoni. Minħabba n-natura ġdida ta’ din l-istruttura, jeħtieġ li jiġu applikati dispożizzjonijiet ta’ standard għoli dwar it-trasparenza u r-responsabilità baġitarja u finanzjarja.

(4)

Fi ħdan is-SEAE, Direttur Ġenerali għall-baġit u l-amministrazzjoni għandu jirrispondi lir-Rappreżentant Għoli għall-ġestjoni amministrattiva u baġitarja interna tas-SEAE. Id-Direttur Ġenerali għandu jaħdem fi ħdan il-format eżistenti u jsegwi l-istess regoli amministrattivi bħal dawk applikabbli għal dik il-parti tat-Taqsima III tal-baġit tal-UE li taqa’ taħt l-intestatura 5 tal-qafas finanzjarju multiannwali.

(5)

L-istabbiliment tas-SEAE għandu jkun iggwidatmill-prinċipji stipulati mill-Kunsill Ewropew tad-29 u t-30 ta’ Ottubru 2009, b’mod partikolari mill-prinċipju tal-effiċjenza fl-infiq bl-għan tan-newtralità baġitarja.

(6)

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li d-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni jsiru parti mis-SEAE bħala Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni effiċjenti tagħhom, kull nefqa amministrattiva u ta’ appoġġ tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li tiffinanzja l-ispejjeż komuni għandha tiġi eżegwita minn servizz ta’ appoġġ uniku. Għal dak il-għan, ir-Regolament Finanzjarju għandu jipprevedi l-possibbiltà għal arranġamenti dettaljati, li għandhom jiġu miftiehma mal-Kummissjoni, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet amministrattivi tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni.

(7)

Huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonament tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-kontinwità u l-effiċjenza fil-ġestjoni tal-għajnuna esterna mid-Delegazzjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata biex tgħaddi permezz ta’ sottodelega s-setgħat tagħha ta’ implimentazzjoni baġitarja tal-infiq operattiv lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li jappartjenu għas-SEAE bħala istituzzjoni separata. Barra minn hekk, fejn il-Kummissjoni timplimenta l-baġit b’ġestjoni ċentralizzata diretta, għandu jkun permess lilha li tagħmel dan ukoll permezz ta’ sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. L-uffiċjali awtorizzanti b’delega tal-Kummissjoni għandhom ikomplu jkunu responsabbli għad-definizzjoni tas-sistemi tal-ġestjoni u kontroll interni, filwaqt li l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu responsabbli għall-istabbiliment u t-tħaddim adegwati ta’ sistemi ta’ ġestjoni u kontroll interni u għall-ġestjoni tal-fondi u l-operazzjonijiet imwettqa fid-Delegazzjonijiet tagħhom. Huma għandhom jirrapportaw dwar dan darbtejn fis-sena. Tali delega tista’ tiġi rtirata skont ir-regoli applikabbli għall-Kummissjoni.

(8)

Sabiex ikunu konformi mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, meta jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega tal-Kummissjoni, għandhom japplikaw ir-regoli tal-Kummissjoni u għandhom ikunu soġġetti għall-istess dmirijiet, obbligi u responsabbiltà bħal kull uffiċjal awtorizzanti ieħor b’sottodelega tal-Kummissjoni. Għal dawk il-finijiet, huma għandhom jirreferu wkoll għall-Kummissjoni bħala l-istituzzjoni tagħhom.

(9)

L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni jibqa’ responsabbli għat-taqsima tal-Kummissjoni tal-baġit kollha kemm hi, inklużi l-operazzjonijiet ta’ kontabilità li jirrigwardaw l-approprazzjonijiet mgħoddija b’sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li r-responsabbiltajiet tal-uffiċjal tal-kontabilità tas-SEAE għandhom jikkonċernaw biss it-taqsima tal-baġit tas-SEAE biex tiġi evitata kull duplikazzjoni ta’ responsabbiltajiet. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jaġixxi wkoll bħala l-uffiċjal tal-kontabilità tas-SEAE fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-taqsima tas-SEAE tal-baġit, soġġett għal rieżami.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-ugwaljanza tat-trattament bejn l-uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega li huma persunal tas-SEAE u dawk li huma impjegati tal-Kummissjoni, u sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun infurmata b’mod xieraq, il-bord speċjali għall-irregolaritajiet finanzjarji tal-Kummissjoni għandu wkoll ikun responsabbli sabiex jieħu azzjoni dwar irregolaritajiet fi ħdan is-SEAE fejn il-Kummissjoni għaddiet setgħat ta’ implimentazzjoni b’sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, sabiex tinżamm ir-rabta bejn ir-responsabbiltà tal-ġestjoni finanzjarja u l-azzjoni dixxiplinari, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata titlob lir-Rappreżentant Għoli sabiex jibda proċedimenti jekk il-bord isib irregolaritajiet li jikkonċernaw dawk il-kompetenzi tal-Kummissjoni mgħoddija b’sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. F’tali każ ir-Rappreżentant Għoli għandu jieħu l-azzjoni xierqa skont ir-Regolamenti tal-Persunal.

(11)

L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jaġixxi bħala l-awditur intern tas-SEAE fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-taqsimiet tal-baġit kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tas-SEAE, soġġett għal rieżami.

(12)

Biex jiġi żgurat l-iskrutinju demokratiku tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jipprovdu assigurazzjoni, flimkien ma’ rapport li jkun jinkludi informazzjoni dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll interni fid-Delegazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar il-ġestjoni ta’ operazzjonijiet li ġew fdati lilhom b’sottodelega. Ir-rapporti tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu mehmuża bħala annessi għar-rapport ta’ attività annwali tal-uffiċjal awtorizzanti b’delega responsabbli u jkunu disponibbli għall-awtorità baġitarja.

(13)

It-terminu “Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà”, għall-finijiet tar-Regolament Finanzjarju, għandu jiġi interpretat f’konformità mad-diversi funzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli skont l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(14)

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, (il-‘baġit’), u għall-preżentazzjoni u l-verifika tal-kontijiet.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

it-terminu ‘istituzzjoni’ jirreferi għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Ombudsman Ewropew, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (minn hawn ’il quddiem is-‘SEAE’);

il-Bank Ċentrali Ewropew m’għandux jitqies bħala istituzzjoni tal-Unjoni.

3.   Kwalunkwe referenza għall-‘Komunitajiet’ jew għall-‘Unjoni’ għandha tinftiehem bħala referenza għall-Unjoni Ewropea u / jew il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, skont kif jirrikjedi l-kuntest.”

(2)

Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 16, il-kliem “tas-Servizz Estern tal-Kummissjoni” għandhom jinbidlu bil-kliem “tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna”.

(3)

Fl-Artikolu 28(1), l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Kwalunkwe proposta jew inizjattiva ppreżentata lill-awtorità leġislattiva mill-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (minn hawn ’il quddiem ‘ir-Rappreżentant Għoli’) jew minn Stat Membru, li jista’ jkollha impatt fuq il-baġit, inkluż bidliet fin-numru ta’ karigi, għandha tkun akkumpanjata b’dikjarazzjoni finanzjarja u bl-evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 27(4).”

(4)

Fl-Artikolu 30(3), l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli, b’mod xieraq, l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi li ġejjin mill-baġit miżmum minnha meta l-baġit ikun implimentat fuq bażi ċentralizzata u direttament mid-dipartimenti tagħha jew mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, u l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi kif ipprovduti mill-entitajiet li lilhom ikunu delegati l-kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit taħt modi oħrajn ta’ ġestjoni.”

(5)

Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 31, il-kliem “il-Kunsill Ewropew u” għandhom jiddaħħlu quddiem il-kliem “il-Kunsill” u l-kliem “u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna” għandhom jiddaħħlu quddiem il-kliem “għandhom iħejju”.

(6)

Fl-Artikolu 31, il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal wara l-paragrafu 1:

“Is-SEAE għandu jfassal stima tad-dħul u l-infiq tiegħu, li huwa għandu jibgħat lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Lulju ta’ kull sena. Ir-Rappreżentant Għoli ser ikollu konsultazzjonijiet mal-Membri tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika tal-iżvilupp, il-politika tal-viċinat u l-kooperazzjoni internazzjonali, l-għajnuna umanitarja u r-rispons f’każ ta’ kriżi, rigward ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.”

(7)

Fl-Artikolu 33, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   F’konformità mal-Artikolu 8(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (*) u sabiex tiġi żgurata t-trasparenza baġitarja fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-awtorità baġitarja, flimkien mal-abbozz ta’ baġit, dokument ta’ ħidma li jippreżenta, b’mod komprensiv:

l-infiq amministrattiv u operazzjonali kollu relatat mal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni, inklużi l-kompiti tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni /Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PESK/PSDK), u ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni,

l-infiq amministrattiv globali tas-SEAE għas-sena preċedenti, maqsum f’infiq skont id-delegazzjoni u nfiq għall-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE; flimkien mal-infiq operattiv, maqsum skont iż-żona ġeografika (reġjuni, pajjiżi), l-oqsma tematiċi, id-Delegazzjoni tal-Unjoni u l-missjoni.

Id-dokument ta’ ħidma għandu wkoll:

juri n-numru ta’ karigi għal kull grad f’kull kategorija u n-numru ta’ karigi permanenti u temporanji, inkluż il-persunal kuntrattwali u lokali awtorizzati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet tal-baġit f’kull Delegazzjoni tal-Unjoni, kif ukoll fl-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE,

juri kwalunkwe żieda jew tnaqqis fil-karigi skont il-grad u l-kategorija fl-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE u fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni kollha kemm huma fuq il-bażi tas-sena preċedenti,

juri, flimkien man-numru ta’ karigi awtorizzati għas-sena finanzjarja, in-numru ta’ karigi awtorizzati għas-sena preċedenti, kif ukoll in-numru ta’ karigi okkupati minn uffiċjali diplomatiċi ssekondati mill-Istati Membri u minn persunal tal-Kunsill u tal-Kummissjoni; jipprovdi stampa dettaljata tal-persunal kollu fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fil-mument tal-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ baġit, imqassma skont iż-żona ġeografika, il-pajjiż u l-missjoni individwali, filwaqt li ssir distinzjoni bejn il-karigi tal-organigramma, l-aġenti kuntrattwali, l-aġenti lokali u l-esperti nazzjonali ssekondati u l-approprjazzjonijet mitluba fl-abbozz ta’ baġit għal tipi oħra ta’ persunal flimkien ma’ stimi korrispondenti tal-persunal f’karigi ekwivalenti ta’ full-time, li jista’ jiġi impjegat fil-limiti tal-approprjazzjonijiet mitluba.

(*)  ĠU L 201 , 3.8.2010, p. 30.”"

(8)

Fl-Artikolu 46(1), għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(6)

l-ammont totali tal-infiq tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (‘PESK’) għandu jiddaħħal f’kapitolu wieħed tal-baġit, intitolat PESK, b’artikoli baġitarji speċifiċi. Dawk l-artikoli għandhom ikopru l-infiq tal-PESK u għandhom jinkludu linji baġitarji speċifiċi li jidentifikaw mill-inqas il-missjonijiet ewlenin individwali.”

(9)

Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50 għandhom jiżdiedu s-sentenzi li ġejjin:

“Madankollu, arranġamenti dettaljati jistgħu jiġu miftiehma mal-Kummissjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet amministrattivi tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Dawn l-arranġamenti m’għandhomx jinkludu derogi mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju jew mir-regoli implimentattivi tiegħu.”

(10)

Fl-Artikolu 51 għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tiddelega s-setgħat tagħha ta’ implimentazzjoni tal-baġit għall-approprjazzjonijiet operattivi tat-taqsima tagħha stess lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Hija għandha, fl-istess ħin, tgħarraf lir-Rappreżentant Għoli b’dan. Meta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega tal-Kummissjoni, huma għandhom japplikaw ir-regoli tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit u għandhom ikunu sottomessi għall-istess dmirijiet, obbligi u responsabbiltà bħal kull uffiċjal awtorizzanti ieħor b’sottodelega tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tista’ tirtira dik id-delega skont ir-regoli tagħha stess.

Għall-finijiet tat-tieni paragrafu, ir-Rappreżentant Għoli għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.”

(11)

L-Artikolu 53a għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 53a

Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit fuq bażi ċentralizzata, il-kompiti implimentattivi għandhom jitwettqu, jew direttament mid-dipartimenti tagħha jew mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, jew b’mod indirett, skont l-Artikoli 54 sa 57.”

(12)

Fl-Artikolu 59, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Meta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, huma għandhom ikunu suġġetti għall-Kummissjoni bħala l-istituzzjoni responsabbli għad-definizzjoni, l-eżerċitar, il-kontroll u l-evalwazzjoni tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega. Il-Kummissjoni għandha, fl-istess ħin, tgħarraf lir-Rappreżentant Għoli b’dan.”

(13)

Fl-aħħar tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60(7), għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Ir-rapporti annwali ta’ attività tal-uffiċjali awtorizzanti b’delega għandhom jitqiegħdu wkoll għad-dispożizzjoni tal-awtorità tal-baġit.”

(14)

Fit-Taqsima 2, għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 60a

1.   Meta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, huma għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni xierqa tal-fondi, sabiex tiġi żgurata, b’mod partikolari, il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, ir-rispett tal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba fil-ġestjoni tal-fondi u l-ħarsien effettiv tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Għal dan il-għan, huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-periklu r-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit sottodelegat lilhom kif ukoll kwalunkwe kunflitt ta’ prijoritajiet li x’aktarx ikollu impatt fuq l-implimentazzjoni tal-kompiti tal-ġestjoni finanzjarja ssottodelegati lilhom.

Meta jinqalgħu sitwazzjoni jew kunflitt tat-tip imsemmi fit-tieni subparagrafu, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jgħarrfu b’dan mingħajr dewmien lid-Diretturi Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni u tas-SEAE. Dawk id-Diretturi Ġenerali għandhom jieħdu passi xierqa biex isibu soluzzjoni għas-sitwazzjoni.

2.   Meta Kapijiet ta’ Delegazzjonijiet tal-Unjoni jsibu rwieħom f’sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 60(6), huma għandhom jirreferu l-kwistjoni għall-bord speċjalizzat għall-irregolaritajiet finanzjarji mwaqqaf skont l-Artikolu 66(4). Fil-każ ta’ kwalunkwe attività illegali, frodi jew korruzzjoni li tista’ tippreġudika l-interessi tal-Komunità, huma għandhom jinformaw lill-awtoritajiet u l-korpi maħtura mil-leġislazzjoni applikabbli.

3.   Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li jkunu qed jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51 għandhom jagħmlu rapporti lill-uffiċjal awtorizzanti b’delega tagħhom sabiex dan ikun jista’ jintegra r-rapporti tagħhom fir-rapport annwali ta’ attività tiegħu msemmi fl-Artikolu 60(7). Ir-rapporti tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll interni stabbiliti fid-Delegazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar il-ġestjoni ta’ operazzjonijiet sottodelegati lilhom, u jipprovdu l-assigurazzjoni skont l-Artikolu 66(3a). Dawn ir-rapporti għandhom jiġu mehmuża bħala annessi mar-rapport annwali tal-attività tal-uffiċjal awtorizzanti b’delega, u għandhom ikunu disponibbli għall-awtorità tal-baġit filwaqt li titqies, fejn ikun xieraq, il-kunfidenzjalità tagħhom.

Il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jikkooperaw b’mod sħiħ mal-istituzzjonijiet involuti fil-proċedura ta’ rilaxx u jipprovdu, kif adatt, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa. F’dan il-kuntest, jistgħu jintalbu jattendu laqgħat tal-korpi rilevanti u jassistu lill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli b’delega.

4.   Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li jkunu qed jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51 għandhom iwieġbu għal kwalunkwe talba mill-uffiċjal awtorizzanti b’delega tal-Kummissjoni fuq talba tagħha stess jew, fil-kuntest tar-rilaxx, meta t-talba ssir mill-Parlament Ewropew.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-sottodelegazzjoni tas-setgħat ma tippreġudikax il-proċedura ta’ rilaxx, b’konformità mal-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.”

(15)

Fl-Artikolu 61(1), għandhom jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin wara l-punt (f):

“Ir-responsabbiltajiet tal-uffiċjal tal-kontabilità tas-SEAE għandhom jikkonċernaw biss it-taqsima tas-SEAE tal-baġit kif implimentat mis-SEAE. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni jibqa’ responsabbli għat-taqsima tal-Kummissjoni tal-baġit kollha kemm hi, inklużi l-operazzjonijiet ta’ kontabilità li jirrigwardaw l-approprazzjonijiet mgħoddija b’sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni.

L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jaġixxi wkoll bħala l-uffiċjal tal-kontabilità tas-SEAE fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-taqsima tas-SEAE tal-baġit, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 186a.”

(16)

L-Artikolu 66 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Fil-każ ta’ sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, l-uffiċjali awtorizzanti b’delega għandhom ikunu responsabbli għad-definizzjoni tas-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll interni fis-seħħ, l-effiċjenza u l-effettività tagħhom. Il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu responsabbli għall-formazzjoni u l-funzjonament adegwati ta’ dawk is-sistemi, skont l-istruzzjonijiet tal-uffiċjal awtorizzanti b’delega, u għall-ġestjoni tal-fondi u l-operazzjonijiet li dawn jeżegwixxu fid-Delegazzjoni tal-Unjoni taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Qabel ma jibdew jaqdu dmirijiethom, huma għandhom isegwu korsijiet speċifiċi ta’ taħriġ dwar il-kompiti u r-responsabilitajiet tal-uffiċjali awtorizzanti u dwar l-implimentazzjoni tal-baġit, f’konformità mal-Artikolu 50 tar-Regoli Implimentattivi.

Il-kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jirrapportaw dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 60a(3).

Kull sena, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jipprovdu lill-uffiċjal awtorizzanti b’delega tal-Kummissjoni bl-assigurazzjoni fuq is-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll interni stabbiliti fid-Delegazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar il-ġestjoni tal-operazzjonijiet sottodelegati lilhom u r-riżultati tagħhom, sabiex jippermettu lill-uffiċjal awtorizzanti biex jistabbilixxi d-dikjarazzjoni tiegħu ta’ assigurazzjoni, kif previst fl-Artikolu 60(7).”

(b)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Meta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, il-bord speċjalizzat għall-irregolaritajiet finanzjarji mwaqqaf mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun kompetenti għall-każijiet imsemmija f’dak il-paragrafu.

Jekk il-bord isib problemi sistemiċi, huwa għandu jibgħat rapport bir-rakkomandazzjonijiet lill-uffiċjal awtorizzanti, lir-Rappreżentant Għoli u lill-uffiċjal awtorizzanti b’delega tal-Kummissjoni, sakemm dan tal-aħħar ma jkunx il-persuna involuta, u kif ukoll lill-awditur intern.

Abbażi tal-opinjoni tal-bord, il-Kummissjoni tista’ titlob lir-Rappreżentant Għoli biex jibda, fil-kapaċità tar-Rappreżentant Għoli bħala awtorità tal-ħatra, proċedimenti li jwasslu għal azzjoni dixxiplinari jew għal ħlas ta’ kumpens kontra l-uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega jekk l-irregolaritajiet jirrigwardaw il-kompetenzi tal-Kummissjoni mgħoddija lilhom b’sottodelega. F’każ bħal dan, ir-Rappreżentant Għoli jieħu azzjoni xierqa skont ir-Regolament tal-Persunal biex jinforza d-deċiżjonijiet dwar l-azzjoni dixxiplinari u/jew il-ħlas ta’ kumpens, kif rakkomandat mill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom jappoġġaw b’mod sħiħ lill-Unjoni fl-infurzar ta’ kwalunkwe responsabilità skont l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Persunal ta’ persunal temporanju li għalih japplika l-Artikolu 2(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti oħra tal-Komunitajiet Ewropej.”

(17)

Fl-Artikolu 85 għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Għall-finijiet tal-verifika interna tas-SEAE, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, li jkunu qed jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51 għandhom ikunu soġġetti għas-setgħat ta’ verifika tal-awditur intern tal-Kummissjoni għall-ġestjoni finanzjarja mgħoddija lilhom b’sottodelega.

L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jaġixxi wkoll bħala l-awditur intern tas-SEAE fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-taqsima tas-SEAE tal-baġit, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 186a.”

(18)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 147a

Is-SEAE għandu jkun suġġett b’mod sħiħ għall-proċeduri previsti fl-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 145 sa 147 ta’ dan ir-Regolament. Is-SEAE għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-istituzzjonijiet involuti fil-proċedura ta’ rilaxx u jipprovdi, kif adatt, kwalunkwe addizzjonali informazzjoni meħtieġa, inkluż permezz tal-attendenza f’laqgħat tal-korpi rilevanti.”

(19)

Fl-Artikolu 163, l-ewwel sentenza għandha tinbidel b’dan li ġej:

“L-azzjonijiet imsemmijin f’dan it-Titolu jistgħu jiġu implimentati fuq bażi ċentralizzata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 53a, b’ġestjoni konġunta, fuq bażi deċentralizzata mill-pajjiż jew pajjiżi terzi benefiċjarji, jew konġuntament ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 53 sa 57.”

(20)

Fl-Artikolu 165, l-ewwel sentenza għandha tinbidel b’dan li ġej:

“L-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali benefiċjarji hija soġġetta għal skrutinju mill-Kummissjoni u mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 51.”

(21)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 186a

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 61(1), u t-tielet paragarfu tal-Artikolu 85 ser jiġu rieżaminati fl-2013 filwaqt li jittieħed kont dovut tan-natura speċifika tas-SEAE u b’mod partikolari dik tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u, fejn ikun xieraq, il-kapaċità ta’ ġestjoni finanzjarja adegwata tas-SEAE.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Novembru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  ĠU C 145, 3.6.2010, p. 4.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2010.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.