ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2010.304.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 304

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 53
20 ta' Novembru 2010


Werrej

 

II   Atti mhux leġislattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Informazzjoni rigward id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-Ftehim li jġedded il-Ftehim ta’ koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja

1

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1064/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jġib fit-tmiem ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping u kumpensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li toriġina mill-Indja

2

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1065/2010 tad-19 ta’ Novembru 2010 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

7

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1066/2010 tad-19 ta’ Novembru 2010 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

9

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1067/2010 tad-19 ta’ Novembru 2010 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

11

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1068/2010 tad-19 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

14

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1069/2010 tad-19 ta’ Novembru 2010 li jemenda l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 867/2010 għas-sena tas-suq 2010/11

16

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva tal-Kummissjoni 2010/79/UE tad-19 ta’ Novembru 2010 dwar l-adattament għall-progress tekniku tal-Anness III għad-Direttiva 2004/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili

18

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2010/696/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2010 li taħtar membru tal-Qorti tal-Awdituri

20

 

 

ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Ir-Regolament Nru 29 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN/ECE) – Id-dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-kabina ta’ vettura kummerċjali

21

 

 

FTEHIMIET INTERISTITUZZJONALI

 

*

Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

47

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġislattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/1


Informazzjoni rigward id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-Ftehim li jġedded il-Ftehim ta’ koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja

Il-Ftehim li jġedded il-Ftehim ta’ koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (1), iffirmat fit-30 ta’ Novembru 2007, skont l-Artikolu 11 tiegħu, daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2010.


(1)   ĠU L 171, 1.7.2009, p. 19.


REGOLAMENTI

20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/2


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1064/2010

tas-17 ta’ Novembru 2010

li jġib fit-tmiem ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping u kumpensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li toriġina mill-Indja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku tal-antidumping”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) u (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku kontra s-sussidji”), u b’mod partikolari l-Artikoli 19 u 22(1), l-ewwel sentenza tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

1.1.   Investigazzjonijiet preċedenti u l-miżuri kumpensatorji eżistenti

(1)

F’Diċembru 1999, permezz tar-Regolament (KE) Nru 2597/1999 (3), il-Kunsill impona dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) (“il-prodott ikkonċernat”), li toriġina fl-Indja. L-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament hija hawnhekk iżjed ’il quddiem magħrufa bħala “l-investigazzjoni oriġinali kontra s-sussidji”. Il-miżuri ħadu l-forma ta’ dazju kumpensatorju ad valorem, li jvarja bejn 3,8 % u 19,1 %, impost fuq importazzjonijiet minn esportaturi individwali, b’rata ta’ dazju residwa ta’ 19,1 % imposta fuq importazzjonijiet mill-kumpaniji l-oħrajn kollha. Il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali ta’ kontra s-sussidji kien mill-1 ta’ Ottubru 1997 sat-30 ta’ Settembru 1998.

(2)

F’Marzu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 367/2006 (4), il-Kunsill, wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażi kontra s-sussidji, żamm id-dazju kumpensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 2597/1999 fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa PET li toriġina mill-Indja. Il-perjodu ta’ reviżjoni investigat kien mill-1 ta’ Ottubru 2003 sat-30 ta’ Settembru 2004.

(3)

F’Awwissu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1288/2006 (5), il-Kunsill, wara reviżjoni parzjali interim li tikkonċerna s-sussidji lil produttur Indjan tat-tertuqa PET, Garware Polyester Limited (“Garware”), emenda d-dazju kumpensatorju definittiv impost fuq Garware bir-Regolament (KE) Nru 367/2006.

(4)

F’Settembru 2007, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1124/2007 (6), il-Kunsill, wara reviżjoni parzjali interim li tikkonċerna s-sussidji lil produttur Indjan ieħor tat-tertuqa PET, Jindal Poly Films Limited, qabel magħruf bħala Jindal Polyester Ltd. (“Jindal”), emenda d-dazju kumpensatorju definittiv impost fuq Jindal bir-Regolament (KE) Nru 367/2006.

(5)

F’Jannar 2009, permezz tar-Regolament (KE) Nru 15/2009 (7), il-Kunsill, wara reviżjoni parzjali interim imnedija mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha tas-sussidji lil ħames produtturi Indjani tat-tertuqa PET, emenda d-dazju kumpensatorju definittiv impost fuq dawn il-kumpaniji bir-Regolament (KE) Nru 367/2006.

(6)

F’Ġunju 2010, permezz tar-Regolament (UE) Nru 579/2010 (8), il-Kunsill, wara reviżjoni parzjali interim li tikkonċerna s-sussidji lil Jindal, emenda d-dazju kumpensatorju definittiv impost fuq Jindal bir-Regolament (KE) Nru 367/2006.

1.2.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri antidumping eżistenti

(7)

F’Awwissu 2001, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 (9), il-Kunsill impona dazju definittiv kontra d-dumping fuq importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li toriġina, inter alia, fl-Indja. L-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament minn hawn ’il quddiem hija magħrufa bħala “l-investigazzjoni oriġinali kontra d-dumping”. Il-miżuri kienu jikkonsistu f’dazju ad valorem kontra d-dumping li jvarja bejn 0 % u 62,6 % impost fuq importazzjonijiet mingħand produtturi esportaturi individwali, b’rata ta’ dazju residwa ta’ 53,3 % fuq importazzjonijiet mingħand il-kumpaniji l-oħrajn kollha.

(8)

F’Marzu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 366/2006 (10), il-Kunsill emenda l-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 1676/2001. Id-dazju impost kontra d-dumping varja bejn 0 % u 18 %, wara li tqiesu r-riżultati tar-reviżjoni ta’ skadenza tad-dazji kumpensatorji definittivi imwettqa mir-Regolament (KE) Nru 367/2006.

(9)

F’Awwissu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1288/2006, wara reviżjoni interim li tikkonċerna s-sussidji lil produttur Indjan tat-tertuqa PET, Garware, il-Kunsill emenda d-dazju definittiv antidumping impost fuq Garware bir-Regolament (KE) Nru 1676/2001.

(10)

F’Settembru 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1424/2006 (11), fuq talba ta’ produttur ġdid li jesporta, il-Kunsill emenda r-Regolament (KE) Nru 1676/2001 fir-rigward ta’ SRF Limited. Ir-Regolament emendat stabbilixxa marġini ta’ dumping ta’ 15,5 % u rata ta’ dazju antidumping ta’ 3,5 % għall-kumpanija kkonċernata wara li ġie meqjus il-marġini ta’ sussidju fuq l-esportazzjoni tal-kumpanija kif ġie aċċertat fl-investigazzjoni kontra s-sussidji li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 367/2006. Ladarba l-kumpanija ma kellhiex dazju kumpensatorju individwali, kienet applikata r-rata stabbilita għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

(11)

F’Novembru 2007, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007 (12), il-Kunsill impona dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa PET li toriġina mill-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażi antidumping. Bl-istess Regolament intemmet reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku antidumping, limitata għal produttur esportatur Indjan wieħed.

(12)

F’Jannar 2009, permezz tar-Regolament (KE) Nru 15/2009, il-Kunsill, wara reviżjoni parzjali interim imnedija mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha fir-rigward tas-sussidji lil ħames produtturi Indjani tat-tertuqa PET, emenda d-dazju definittiv antidumping impost fuq dawn il-Kumpaniji bir-Regolament (KE) Nru 1292/2007.

2.   PROĊEDURA

2.1.   Raġunijiet għar-reviżjoni

(13)

It-talba għal reviżjoni parzjali interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku kontra d-dumping u l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji kienet ippreżentata minn Polyplex Corporation Limited, produttur esportatur mill-Indja (“l-applikant”). It-talba kienet limitata għall-eżami tal-ambitu tal-prodott fejn tidħol il-kjarifika ta’ jekk ċerti tipi ta’ prodotti jaqgħu fl-ambitu tal-miżuri antidumping u kumpensatorji applikabbli għal importazzjonijiet tat-tertuqa PET.

(14)

L-applikant talab l-esklużjoni tal-prodott “siliconized polyester release liner” (“SPRL”) sa fejn dan jaqa’ fi ħdan id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, mill-ambitu tal-miżuri preżenti antidumping u kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet tat-tertuqa PET li toriġina mill-Indja. L-applikant ipprovda evidenza prima facie li l-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-SPRL ivarjaw b’mod sinifikanti minn dawk tal-prodott ikkonċernat.

2.2.   Bidu

(15)

Wara li ġie ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ reviżjoni parzjali interim, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat fid-9 ta’ Settembru 2009 f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (13) (“in-Notifikazzjoni tal-Bidu”) il-bidu tar-reviżjoni parzjali interim skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, limitata għall-eżami tal-ambitu tal-prodott. B’mod partikolari, ir-reviżjoni kellha tiddetermina jekk l-SPRL huwiex parti mill-prodott ikkonċernat kif definit fl-investigazzjoni oriġinali, jew le.

2.3.   Investigazzjoni tar-reviżjoni

(16)

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Indja (“il-pajjiż ikkonċernat”) u lill-partijiet kollha l-oħra magħrufa li kienu kkonċernati, jiġifieri produtturi esportaturi magħrufa fil-pajjiż ikkonċernat, utenti u importaturi fl-Unjoni u produtturi fl-Unjoni, bil-bidu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni parzjali interim. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jgħarrfu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu ta’ żmien stabbilit fin-Notifikazzjoni tal-Bidu.

(17)

Il-partijiet kollha interessati, li talbu u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta.

(18)

Il-Kummissjoni bagħtet il-kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa li kienu kkonċernati, u lill-partijiet l-oħrajn kollha li ppreżentaw ruħhom fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fin-Notifikazzjoni tal-Bidu.

(19)

It-tweġibiet għall-kwestjonnarju ntbagħtu mill-applikant, minn żewġ produtturi esportaturi Indjani oħrajn, minn erba’ produtturi tal-Unjoni u minn żewġ importaturi tal-Unjoni.

(20)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa għall-iskop tal-valutazzjoni dwar jekk kienx hemm ħtieġa għall-emenda tal-ambitu tal-miżuri eżistenti antidumping u kumpensatorji u wettqet żjarat ta’ verifika fuq il-post fil-kumpaniji li ġejjin:

Garware Polyester Limited, Mumbai, l-Indja,

Mitsubishi Polyester Film, Wiesbaden, il-Ġermanja,

Polyplex Corporation Limited, Noida, l-Indja.

(21)

L-investigazzjoni kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2008 sal-31 ta’ Marzu 2009 (“perjodu ta” investigazzjoni tar-reviżjoni’ jew “PIR”).

3.   PRODOTT IKKONĊERNAT

(22)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-istess prodott bħal dak definit mir-Regolamenti (KE) Nru 367/2006 u (KE) Nru 1292/2007, jiġifieri t-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li toriġina mill-Indja, li fil-preżent taqa’ fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 3920 62 19  u ex 3920 62 90 .

4.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI TAR-REVIŻJONI

4.1.   Sfond

(23)

Il-PET hija tertuqa mhux awto-adeżiva tat-tereftalat tal-polietilene. It-tertuqa PET dejjem hija prodotta mill-polimeru PET u tikkonsisti f’tertuqa bażi li tista’ tkun soġġetta għal trattament ulterjuri matul jew wara l-proċess ta’ produzzjoni. Dan it-trattament tat-tertuqa bażi jista’ jinkludi tipikament trattament korona, il-metallizzazzjoni jew il-kisi b’sustanzi kimiċi.

(24)

It-tertuqa PET għandha karatteristiċi speċifiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi li jiddistingwuha minn trietaq oħrajn. Xi wħud mill-karatteristiċi tat-tertuqa PET huma eż. is-saħħa tensili għolja tagħha, il-proprjetajiet elettriċi tajbin ħafna, l-assorbiment baxx tal-umdità u r-reżistenza għall-umdità, ċans baxx li tinxtorob u proprjetajiet tajbin ta’ protezzjoni. Għaldaqstant, filwaqt li dawn il-karatteristiċi speċifiċi jiddeterminaw tipi varji ta’ tertuqa PET, dawn it-tipi jżommu l-istess karatteristiċi bażiċi, fiżiċi, tekniċi u kimiċi tat-tertuqa PET bażika. It-tertuqa PET għandha ħames użijiet finali wiesgħin li jaqgħu fi ħdan ħames segmenti tas-suq, jiġifieri, il-medja manjetika, l-imballaġġ, applikazzjonijiet ta’ elettriku, immaġni u industrijali.

4.2.   Metodoloġija

(25)

Sabiex jiġi stmat jekk l-SPRL u tipi oħrajn ta’ tertuqa PET għandhomx jiġu kkunsidrati bħala prodott wieħed jew żewġ prodotti differenti, ġie eżaminat jekk l-SPRL u tipi oħrajn ta’ tertuqa PET kinux jikkondividu l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u kimiċi. Barra minn hekk, kienu eżaminati wkoll il-proċess tal-produzzjoni, differenzi fl-użijiet finali u l-interkambjalità kif ukoll id-differenzi fi spejjeż u prezzijiet.

4.3.   Argumenti prinċipali tal-partijiet

(26)

L-applikant iddikjara li l-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-SPRL ivarjaw minn dawk tal-prodott ikkonċernat. B’mod partikolari, il-qawwa relattivament baxxa ta’ rilaxx tal-SPRL u t-tensjoni superfiċjali baxxa tiegħu jagħmlu t-tertuqa tiżloq u b’konsegwenza s-superfiċi tagħha ssir inattiva għal-linki, għall-kisi, għall-adeżivi u għall-metallizzazzjoni. Skont l-applikant, minħabba l-migrazzjoni ta’ silikon mhux vulkanizzat fl-SPRL, anke n-naħa inversa tal-SPRL b’naħa waħda miksija turi differenzi sostanzjali fil-proprjetajiet fiżiċi u tekniċi meta pparagunat ma’ tipi ta’ tertuqa PET oħrajn. Dawn il-fatturi allegatament jimpedixxu l-użu tal-SPRL f’segmenti bażiċi tal-industrija tat-tertuqa PET identifikati fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri, l-imballaġġ, il-medja manjetika, applikazzjonijiet tal-elettriku, tal-immaġni u industrijali. Min-naħa l-oħra, is-superfiċi funzjonalment attiva ta’ tipi oħrajn ta’ tertuqa PET tagħmilha impossibbli li jintużaw bħala release liners, minħabba li jeħlu b’mod li ma jkunux jistgħu jerġgħu jinqalaw ma’ superfiċi adeżivi. B’konsegwenza, l-applikant argumenta li l-SPRL mhuwiex interkambjabbli fl-applikazzjonijiet tiegħu ma’ kwalunkwe tip ieħor ta’ tertuqa PET.

(27)

L-industrija tal-Unjoni iddikjarat li l-argumenti tal-applikant kienu jistrieħu fuq żewġ settijiet suċċessivi ta’ paraguni artifiċjalment limitati. L-ewwel, l-applikant ipparaguna l-SPRL ma’ sett limitat ta’ trietaq PET, jiġifieri ma' tertuqa bażika PET, u mhux ma’ tipi oħrajn ta’ tertuqa Pet miksija li huma iktar paragunabbli mal-SPRL. It-tieni, dan il-paragun allegatament limitat twettaq biss fir-rigward ta’ sett selettiv u limitat ħafna ta’ proprjetajiet fiżiċi u kimiċi. L-industrija tal-Unjoni iddikjarat li meta tipparaguna l-SPRL ma’ firxa wiesgħa ta’ tipi oħrajn ta’ tertuqa PET, u għal numru rappreżentattiv ta’ proprjetajiet kimiċi u fiżiċi, huwa ċar li l-SPRL huwa l-istess prodott bħal tipi oħrajn ta’ tertuqa PET u għandu jibqa’ fl-ambitu tal-miżuri antidumping u kumpensatorji. Skont l-industrija tal-Unjoni, l-SPRL huwa effettivament tertuqa PET miksi sussegwentement b’saff tas-silikon. Mhuwiex differenti fil-kunċett minn tipi oħra ta’ tertuqa miksija, bħal tertuqa metallizzata jew tertuqa b’kisja anti-statika jew tertuqa b’kisja ta’ protezzjoni, u infatti huwa b’mod ċar prodott ikkonċernat. B’sostenn għad-dikjarazzjonijiet tagħha, l-industrija tal-Unjoni pprovdiet paragun ta’ għadd ta’ proprjetajiet fiżiċi u kimiċi differenti mifruxin fuq għadd ta’ tipi ta’ tertuqa PET differenti.

4.4.   Riżultati

4.4.1.   Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi

(28)

L-investigazzjoni uriet li ż-żewġ karatteristiċi msemmija fil-premessa 27, jiġifieri l-qawwa ta’ rilaxx relattivament baxxa tal-SPRL u t-tensjoni superfiċjali baxxa tiegħu, huma fatturi addizzjonali meta pparagunat mal-karatteristiċi baċiżi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tat-tertuqa PET kif iddefinit fl-investigazzjoni oriġinali antidumping (14) u msemmija fil-premessa 24. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi huma l-istess għall-SPRL bħal ma huma għal kwalunkwe tipi oħrajn ta’ tertuqa PET.

(29)

Fir-rigward taż-żewġ karatteristiċi speċifiċi għall-SPRL, jiġifieri l-qawwa ta’ rilaxx baxxa u t-tensjoni superfiċjali baxxa, instab li dawn mhumiex il-karatteristiċi tat-tertuqa PET per se, iżda iktar karatteristiċi tas-superfiċi silikonizzat tagħha jew effettivament il-karatteristiċi tas-silikon. Il-kisi bis-silikon, kif ukoll il-kisi bi kwalunkwe sustanza oħra, ibiddel xi fatturi tas-superfiċi tat-tertuqa iżda ma jbiddilx il-karatteristika bażika fiżika, teknika u kimika tat-tertuqa PET infisha, li taħt is-saff tal-kisi tibqa’ l-istess.

(30)

Filwaqt li huwa veru li meta t-tertuqa PET tiġi miksija bis-silikon dan jirriżulta f’qawwa ta’ rilaxx baxxa tas-superfiċi u wkoll f’tensjoni superfiċjali baxxa, jista’ jsir argument simili għal tipi oħrajn ta’ kisi, jiġifieri meta miksija b’tipi oħrajn ta’ kisi is-superfiċi tat-tertuqa PET takkwista karatteristiċi speċjali oħrajn. F’xi każijiet il-kisi jista’ jirriżulta f’karatteristiċi li jagħmlu t-tertuqa PET adattata biss għal applikazzjonijiet speċifiċi ħafna. Il-kisi bis-silikon b’ebda mod ma huwa uniku f’dan ir-rigward. Prodotti speċjali oħrajn b’tipi oħra ta’ kisi jinkludu per eżempju trietaq li jistgħu jingħalqu, trietaq b’kisi kontra ċ-ċpar, trietaq li jitqaxxru/jagħlqu u trietaq miksija b’kopoliester. Dawn it-tipi kollha, madankollu, jikkondividu l-istess karatteristiċi bażiċi, fiżiċi, tekniċi u kimiċi u huma parti mill-prodott ikkonċernat kif iddefinit fl-investigazzjoni oriġinali.

(31)

Fuq din il-bażi, huwa kkunsidrat li ma hemm ebda differenzi sinifikanti f’termini ta’ karatteristiċi bażiċi, fiżiċi, tekniċi u kimiċi bejn l-SPRL u tipi oħrajn ta’ tertuqa PET li jiġgustifikaw l-esklużjoni tal-SPRL mill-ambitu tal-prodott.

4.4.2.   Paragun ta’ kriterji oħrajn

(32)

Għar-raġuni ta’ kompletezza, dikjarazzjonijiet oħrajn imressqa mill-applikant fit-talba ta’ reviżjoni tiegħu, li wrew allegatament li t-tertuqa SPRL u PET huma prodotti differenti, ġew eżaminati wkoll.

4.4.2.1.   Proċess tal-produzzjoni

(33)

L-applikant iddikjaara li l-SPRL jeħtieġ faċilitajiet separati ta’ manifattura meta pparagunat ma’ tipi oħrajn ta’ tertuqa PET prodotti.

(34)

Kif imsemmi fil-premessa 23, it-tertuqa PET hija dejjem prodotta minn polimeru PET u tikkonsisti f’tertuqa bażika li tista’ tkun soġġetta għal trattament ulterjuri jew matul jew wara l-proċess tal-produzzjoni. Dan it-trattament tat-tertuqa bażika jista’ jinkludi tipikament trattament korona, il-metalizzazzjoni jew il-kisi b’sustanzi kimiċi.

(35)

L-SPRL huwa tertuqa PET miksija b’saff tas-silikon. L-investigazzjoni wriet li hemm żewġ teknoloġiji differenti ta’ manifattura tal-SPRL. Il-produttur tal-Unjoni investigat juża t-teknoloġija ta’ kisi fil-linja waqt il-manifattura. F’dan il-proċess it-tertuqa bażika PET tiġi miksija matul il-proċess tal-produzzjoni qabel ma tinġibed. Il-modjul tal-kisi huwa biss parti addizzjonali, li tista’ titneħħa, tal-linja tal-produzzjoni. B’kuntrast, il-produtturi Indjani investigaw l-użu tat-teknoloġija tal-kisi barra mil-linja. F’dan il-proċess it-tertuqa PET l-ewwel tiġi prodotta, u wara tiġi miksija f’linja tal-produzzjoni separata.

(36)

Instab li l-għażla tat-teknoloġija tal-kisi fil-linja jew barra mil-linja hija waħda purament ekonomika, bl-ispiża tal-investiment f’modjuls mobbli għall-kisi fil-linja li jiswew bejn wieħed u ieħor 10 darbiet iktar mill-investiment f’linja ta’ kisi barra mil-linja. Il-vantaġġ ta’ kisi fil-linja huwa veloċità ogħla fil-linja li tippermetti volumi sinifikanti ta’ produzzjoni. Il-kisi fil-linja jwassal ukoll għal tfaddil fuq kull unità fir-rigward tal-ispejjeż tas-silikon minħabba li s-saff tas-superfiċi tas-silikon huwa irqaq milli fil-każ ta’ kisi barra mil-linja.

(37)

Għandu jiġi nnutat li l-eżistenza ta’ żewġ metodoloġiji ta’ kisi differenti ma tbiddilx il-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-SPRL, li jibqgħu l-istess meta pparagunat ma’ dawk ta’ tipi oħrajn ta’ tertuqa PET. Infatti proċessi ta’ produzzjoni differenti mhumiex per se rilevanti biex jiddeterminaw jekk tip ta’ prodott huwiex prodott distint sakemm it-tipi ta’ prodotti miksubin minn dawn il-proċessi huma l-istess f’termini tal-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi.

4.4.2.2.   Differenzi fl-użijiet finali u fl-interkambjabbiltà

(38)

L-applikant iddikjara wkoll li ma hemm ebda interkambjabbiltà fl-applikazzjonijiet bejn l-SPRL u tipi oħra ta’ tertuqa PET. Din id-dikjarazzjoni kienet ikkonfermata mill-investigazzjoni. Madankollu, kif ġie konkluż fl-investigazzjoni oriġinali, dan huwa veru wkoll għal tipi oħra ta’ tertuqa PET bi trattament speċjali.

(39)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-iskop tal-kisi, jew ta’ kwalunkwe trattament speċjali ieħor ta’ tertuqa PET, huwa li jkun magħmul adattat għal ċerti applikazzjonijiet speċifiċi. Is-sustanza magħżula bħala s-saff tal-kisi f’kull każ għandha ċerti karatteristiċi li jservu l-iskop rilevanti. Is-silikon per eżempju jagħti qawwa ta’ rilaxx baxxa. Is-sustanza tal-kisi jista’ jkollha fatturi speċjali oħrajn (fil-każ ta’ silikon, hija tensjoni superfiċjali baxxa) li jagħmilha impossibbli li tuża l-prodott miksi għal applikazzjonijiet oħrajn. Hemm għadd ta’ tipi oħrajn ta’ tertuqa PET, miksija b’sustanzi oħra jew trattati xort’oħra, li għar-raġunijeit ta’ hawn fuq għandhom applikazzjonijiet speċifiċi u limitati.

(40)

Għaldaqstant, filwaqt li l-SPRL jintuża speċifikament għal ċerti applikazzjonijiet, il-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tiegħu huma l-istess bħal dawk ta’ tipi oħra ta’ tertuqa PET. B’konsegwenza, l-interkambjabbiltà u l-użu finali mhumiex rilevanti biex jiddeterminaw jekk l-SPRL jikkostitwix prodott differenti.

4.4.2.3.   Differenzi fi spejjeż u prezzijiet

(41)

Fl-aħħar, l-applikant iddikjara li l-proċess ta’ silikonizzazzjoni tat-tertuqa PET bażika jinvolvi spejjeż addizzjonali.

(42)

Infatti nstab li l-ispiża addizzjonali tal-kisi bis-silikon tista’ tammonta għal sa 10% tal-ispejjeż tal-manifattura, skont l-għażla tal-metodoloġija tal-kisi. Kif deskritt fil-premessi 35 u 36 l-applikant għażel metodoloġija iżjed għalja f’termini ta’ spejjeż tas-silikon għal kull unità. Għandu jiġi enfasizzat, madankollu, li din hija spiża addizzjonali meta pparagunata mal-ispiża tal-produzzjoni tat-tertuqa bażika PET. Il-kisi tat-tertuqa bażika PET b’sustanzi oħrajn, kif ukoll il-proċess ta’ metallizzazzjoni, iżid ukoll l-ispejjeż tal-manifattura u b’hekk il-prezzijiet.

(43)

F’dan ir-rigward, madankollu, huwa kkunsidrat li l-ispiża addizzjonali ta’ kisi bis-silikon ma tikkostitwix fiha nfisha kriterju deċiżiv fid-determinazzjoni ta’ jekk l-SPRL jiffurmax prodott distint. Infatti differenzi fl-ispejjeż u fil-prezzijiet ma jiġġustifikawx per se l-konklużjoni li ċertu tip ta’ prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala prodott differenti sakemm dan it-tip jikkondividi l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bħall-prodott ikkonċernat.

5.   KONKLUŻJONIJIET DWAR L-AMBITU TAL-PRODOTT

(44)

Ir-riżultati tal-investigazzjoni ikkonfermaw li l-proċess ta’ silikonizzazzjoni tat-tertuqa PET jirriżulta f’superfiċi differenti tal-prodott finali meta pparagunat mat-tertuqa bażika PET. Madankollu, dan il-proċess ma jbiddilx il-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi tal-prodott. Infatti, l-investigazzjoni kkonfermat li hemm għadd ta’ tipi ta’ tertuqa PET fis-suq li huma ttrattati b’mod speċjali li jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. Barra minn hekk, il-kriterji l-oħra analizzati, jiġifieri l-proċess tal-produzzjoni, l-interkambjabbiltà/l-użu finali u differenzi fi spejjeż u prezzijiet, ma biddlux din il-konklużjoni.

(45)

Il-partijiet kollha interessati tgħarrfu mil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom intlaħħqu l-konklużjonijiet ta’ hawn fuq. Il-partijiet ingħataw perjodu biex fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwenti għal din l-informazzjoni żvelata.

(46)

Il-kummenti orali u miktubin ippreżentati mill-partijiet ġew ikkunsidrati kif dovut, iżda dan ma biddilx il-konklużjoni li ma jiġix emendat l-ambitu tal-prodott tal-miżuri fis-seħħ antidumping u kumpensatorji fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa PET,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping u kumpensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċertu tertuqa PET li toriġina mill-Indja hija hawnhekk mitmuma mingħajr l-emenda tal-miżuri antidumping u kumpensatorji fis-seħħ.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REYNDERS


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(3)   ĠU L 316, 10.12.1999, p. 1.

(4)   ĠU L 68, 8.3.2006, p. 15.

(5)   ĠU L 236, 31.8.2006, p. 1.

(6)   ĠU L 255, 29.9.2007, p. 1.

(7)   ĠU L 6, 10.1.2009, p. 1.

(8)   ĠU L 168, 2.7.2010, p. 1.

(9)   ĠU L 277, 23.8.2001, p. 1.

(10)   ĠU L 68, 8.3.2006, p. 6.

(11)   ĠU L 270, 29.9.2006, p. 1.

(12)   ĠU L 288, 6.11.2007, p. 1.

(13)   ĠU C 215, 9.9.2009, p. 19.

(14)  Il-premessa (10) tar-Regolament (KE) Nru 367/2001.


20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1065/2010

tad-19 ta’ Novembru 2010

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ma' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqha jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna nru (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikata fil-kolonna nru (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna nru (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta' oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament tfasslu b’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna nru (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu klassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna nru (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tista' tibqa’ tiġi invokata għal perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fit-totalità tiegħu, u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott magħmul minn romblu tal-kartun u manku magħmul minn plastiks iffurmati (hekk imsejjaħ “textile roller”).

Ir-romblu tal-kartuna huwa mgħotti b’karta li teħel waħedha min-naħa ta’ barra u koperta minn plastiks sintetiċi min-naħa ta’ ġewwa.

Ir-romblu tal-kartuna, bil-karta li teħel waħedha, jintrema wara l-użu u huwa interkambjabbli. Huwa mgeżwer b’kopertura protettiva tal-karti li għandha miktuba fuqha deskrizzjoni tal-funzjoni tal-prodott.

Il-prodott huwa maħsub biex jintuża għat-tneħħija ta’, pereżempju, trab, tentux, xagħar, brija, minn fuq ħwejjeġ tat-tessuti, eċċ.

9603 90 91

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 4 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u l-kliem tal-kodiċi NM 9603 , 9603 90 u 9603 90 91 .

Il-prodott, li mhuwiex klassifikabbli prima facie taħt intestatura speċifika, huwa simili l-aktar għal xkupilji li jaqgħu taħt l-intestatura 9603 . L-intestatura 9603 fiha diversi artikoli li b’mod konsiderevoli, huma differenti minn xulxin kemm fil-materjali li minnhom huma magħmula kif ukoll f’surithom. (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni dwar is-Sistema Armonizzata għall-intestatura 9603 ).

Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 9603 90 91 bħala elementi ottiċi oħra.


20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1066/2010

tad-19 ta’ Novembru 2010

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u speċjalment l-Artikolu 9(1)(a), tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness mehmuż ma' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqha jew li żżid kwalunkwe suddiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna nru (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikata fil-kolonna nru (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna nru (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta' oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma b’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna nru (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu klassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna nru (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tista' tibqa’ tiġi invokata għal perjodu ta' tliet xhur taħt l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fit-totalità tiegħu, u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott li jikkonsisti f'amplifikatur tal-awdjofrekwenza (15-il W) u lawdspiker (madwar 20 cm (8 pulzieri)) f'kaxxa waħda b'dimensjonijiet bejn wieħed u ieħor 38 × 38 × 20,5 cm u piż ta' madwar 8 kg.

Il-prodott huwa attrezzat b'interfaces:

għal strument mużikali, bħal kitarra tal-elettriku,

għal kontrollur imħaddem bir-riġel għall effetti tal-ħoss,

għal apparat li jirreġistra u jipproduċi l-ħoss, bħal MP3 jew compact disc player, kif ukoll

għal headphones.

Huwa attrezzat ukoll b'buttuni tal-kontroll għall-volum, gain, ħoss u effetti tal-ħoss

Il-prodott jirċievi sinjali tal-elettriku mill-istrument mużikali, jamplifikahom permezz ta' amplifikatur tal-awdjofrekwenza u jikkonvertihom f'ħoss li jinstema' permezz ta' lawdspiker.

8518 40 89

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali nri 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, min-Nota 3 sas-Sezzjoni XVI u mid-diċitura tal-kodiċijiet tan-NM bin-numri 8518 , 8518 40  u 8518 40 89 .

Minħabba li l-prodott mhuwiex mgħammar bi, u lanqas għandu interface iddedikat għal mikrofonu, ma jistax jirċievi ħoss biex jinstema'. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni taħt is-sottointestatura 8518 50 bħal sett ta' amplifikazzjoni għal kitarra tal-elettriku huwa eskluż.

Il-prodott huwa magna magħmula minn komponenti differenti skont it-tifsira min-Nota 3 sa Taqsima XVI li tikkonsisti f'lawdspiker tas-sottointestatura 8518 29  u amplifikatur elettriku tal-awdjofrekwenzi tas-sottointesatura 8518 40  u magna tal-effetti tal-ħoss tas-sottointestatura 8543 70 .

Il-funzjoni ta' amplifikazzjoni tal-awdjofrekwenza hija l-funzjoni ewlenija tal-prodott minħabba l-livell ta' proċessar tas-sinjali li jirċievi.

Il-prodott għandu għalhekk jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8518 40 89 bħala amplifikatur elettriku tal-awdjofrekwenzi.


20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1067/2010

tad-19 ta’ Novembru 2010

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ma' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqha jew li żżid kwalunkwe suddiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikati fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta' oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament tfasslu b’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikati fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tista' tibqa’ tiġi invokata għal perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fit-totalità tiegħu, u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

1.

Prodott (l-hekk imsejħa “bexxiexa tad-doċċa”) magħmul minn plastik b'kisja tan-nikil, użat għad-distribuzzjoni tal-ilma permezz ta' żennuna.

Dan huwa mgħammar b'valv ta’ bla ritorn li jwaqqaf l-ilma milli jerġa' lura. Madankollu, il-valv ma jirregolax il-fluss tal-ilma.

Il-fluss tal-ilma miż-żennuna huwa rregolat mill-vit li miegħu huwa maħsub li jitwaħħal il-prodott permezz ta' pajp flessibbli.

3924 90 00

Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċi tan-NM 3924  u 3924 90 00 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8481 bħala valv jew bħala appart simili hija eskluża, peress li l-prodott huwa aktar minn valv li jinkorpora karatteristiċi aċċessorji, huwa bexxiexa tad-doċċa sħiħa (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni dwar is-Sistema Armonizzata għall-intestatura 8481 ).

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8424 bħala apparat mekkaniku għall-projezzjoni, dispersjoni jew traxxix ta' likwidi hija eskluża, peress li l-prodott m'għandu l-ebda mekkaniżmu għall-projetazzjoni, dispersjoni jew traxxix ta' likwidi. Il-fluss tal-ilma miż-żennuna huwa rregolat biss mill-vit li miegħu huwa maħsub li jitwaħħal il-prodott.

Għalhekk, il-prodott għandu jiġi kklassifikat skont il-materjal kostitwenti fil-Kapitolu 39.

Il-Klassifikazzjoni taħt l-intestatura 3922 bħala oġġett sanitarju tal-plastik hija eskluża, peress li din l-intestatura tkopri banjijiet, banjijiet tad-doċċa, sinkijiet, bedè, friskaturi, tojlits, sedini u għotjien, ċisterni tal-flaxings u oġġetti sanitarji simili tal-plastik biex jitwaħħlu b'mod permanenti (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni dwar is-Sistema Armonizzata għall-intestatura 3922 ).

Għalhekk, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 3924 bħala artiklu iġeniku jew tat-tojlit, tal-plastik.

2.

Prodott (l-hekk imsejħa “bexxiexa tad-doċċa”) magħmul minn plastik b'kisja tan-nikil, użat għad-distribuzzjoni tal-ilma permezz ta' żennuna.

Huwa mgħammar b'buttuna konnessa ma' valv li jwaqqaf l-ilma milli jerġa' lura u jbiddel ukoll il-mod ta' kif jitfa' l-ilma (“xita” jew “massaġġ”). Madankollu, il-valv ma jirregolax il-fluss tal-ilma.

Il-fluss tal-ilma miż-żennuna huwa rregolat mill-vit li miegħu huwa maħsub li jitwaħħal il-prodott permezz ta' pajp flessibbli.

8424 89 00

Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċi tan-NM 8424  u 8424 89 00 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8481 bħala valv jew bħala appart simili hija eskluża, peress li l-prodott huwa aktar minn valv li jinkorpora karatteristiċi aċċessorji, huwa bexxiexa tad-doċċa sħiħa (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni dwar is-Sistema Armonizzata għall-intestatura 8481 ).

Il-preżenza ta' mekkaniżmu sabiex jinbidel il-mod ta' kif jitfa' l-ilma jagħti lill-prodott il-karattru ta' apparat mekkaniku għall-projezzjoni, dispersjoni jew traxxix ta' likwidi.

Għalhekk, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8424 .

3.

Prodott (l-hekk imsejħa “bexxiexa tad-doċċa”) magħmul minn plastik b'kisja tan-nikil, użat għad-distribuzzjoni tal-ilma permezz ta' żennuna mingħajr valv ta' bla ritorn jew mekkaniżmu biex ibiddel il-mod ta' kif jitfa' l-ilma.

Il-fluss tal-ilma miż-żennuna huwa rregolat mill-vit li miegħu huwa maħsub li jitwaħħal il-prodott permezz ta' pajp flessibbli.

3924 90 00

Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċi tan-NM 3924  u 3924 90 00 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8424 bħala apparat mekkaniku għall-projezzjoni, dispersjoni jew traxxix ta' likwidi hija eskluża, peress li l-prodott m'għandu l-ebda mekkaniżmu għall-projezzjoni, dispersjoni jew traxxix ta' likwidi. Il-fluss tal-ilma miż-żennuna huwa rregolat biss mill-vit li miegħu huwa maħsub li jitwaħħal il-prodott.

Għalhekk, il-prodott għandu jiġi kklassifikat skont il-materjal kostitwenti fil-Kapitolu 39.

Il-Klassifikazzjoni taħt l-intestatura 3922 bħala oġġett sanitarju tal-plastik hija eskluża, peress li din l-intestatura tkopri banjijiet, banjijiet tad-doċċa, sinkijiet, friskaturi, bedè, tojlits, sedini u għotjien, ċisterni tal-flaxings u oġġetti sanitarji simili, tal-plastik biex jitwaħħlu b'mod permanenti (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni dwar is-Sistema Armonizzata għall-intestatura 3922 ).

Għalhekk, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 3924 bħala artiklu iġeniku jew tat-tojlit, tal-plastik.


20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/14


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1068/2010

tad-19 ta’ Novembru 2010

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

64,0

EC

92,0

IL

95,1

MA

70,6

MK

58,9

ZZ

76,1

0707 00 05

AL

54,8

EG

150,8

JO

182,1

MK

59,4

TR

146,5

ZZ

118,7

0709 90 70

MA

69,0

TR

151,0

ZZ

110,0

0805 20 10

MA

66,9

ZA

141,4

ZZ

104,2

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

HR

42,1

IL

75,3

MA

61,9

TN

78,6

TR

58,9

UY

58,6

ZZ

62,6

0805 50 10

AR

39,6

CL

79,2

MA

68,0

TR

65,7

UY

57,1

ZZ

61,9

0806 10 10

BR

251,8

LB

196,9

TR

141,7

US

278,0

ZA

79,2

ZZ

189,5

0808 10 80

AR

74,9

AU

187,8

BR

49,6

CL

75,0

CN

82,6

MK

24,7

NZ

98,9

US

121,8

ZA

104,1

ZZ

91,0

0808 20 50

CL

78,3

CN

103,9

US

160,9

ZZ

114,4


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ ZZ ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1069/2010

tad-19 ta’ Novembru 2010

li jemenda l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 867/2010 għas-sena tas-suq 2010/11

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta’ Ġunju 2006 dwar regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mal-iskambji mal-pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza tiegħu,

Billi:

(1)

L-ammonti tal-prezzijiet rappreżentattivi u tad-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux ipproċessat u ta' ċerti ġuleppijiet għas-sena tas-suq 2010/11 ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 867/2010 (3). Dawn il-prezzijiet u dazji ġew emendati l-aħħar mir-Regolament tal- Kummissjoni (UE) Nru 1050/2010 (4).

(2)

L-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha f'idejha llum twassal biex dawn l-ammonti jiġu mmodifikati, skont ir-regoli ddettaljati pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 951/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prezzijiet rappreżentattivi u d-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006, stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 867/2010 għas-sena tas-suq 2010/11, huma b'dan mmodifikati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

(3)   ĠU L 259, 1.10.2010, p. 3.

(4)   ĠU L 299, 17.11.2010, p. 43.


ANNESS

L-ammonti mmodifikati tal-prezzijiet rappreżentattivi u tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux ipproċessat u tal-prodotti bil-kodiċi NM 1702 90 95 , applikabbli mill-20 ta’ Novembru 2010

(EUR)

Kodiċi NM

Ammont tal-prezz rappreżentattiv għal kull 100 kg nett tal-prodott ikkonċernat

Ammont tad-dazju addizzjonali għal kull 100 kg nett tal-prodott ikkonċernat

1701 11 10  (1)

57,89

0,00

1701 11 90  (1)

57,89

0,00

1701 12 10  (1)

57,89

0,00

1701 12 90  (1)

57,89

0,00

1701 91 00  (2)

51,92

1,89

1701 99 10  (2)

51,92

0,00

1701 99 90  (2)

51,92

0,00

1702 90 95  (3)

0,52

0,21


(1)  Stabbilit għall-kwalità standard kif iddefinita fl-Anness IV, il-punt III, tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(2)  Stabbilit għall-kwalità standard kif iddefinita fl-Anness IV, il-punt II, tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(3)  Stabbilit bħala 1 % tal-kontenut f'sukrożju.


DIRETTIVI

20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/18


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/79/UE

tad-19 ta’ Novembru 2010

dwar l-adattament għall-progress tekniku tal-Anness III għad-Direttiva 2004/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar il-limitazzjonijiet ta’ emissjonijiet ta’ komposizzjonijiet [komposti] organiċi volatili minħabba l-użu ta’ solventi f'ċertu żebgħa u lostri u prodotti ta’ lostru mill-ġdid tal-vetturi u li temenda d-Direttiva 1999/13/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

Billi:

(1)

Il-metodi analitiċi mogħtija fl-Anness III għad-Direttiva 2004/42/KE għandhom jiġu wżati biex tiġi ddeterminata, għall-prodotti li jinsabu fl-Anness I għad-Direttiva, il-konformità mal-limiti tal-kontenut massimu permess ta’ komposti organiċi volatili (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-KOV”) stabbilit fl-Anness II għad-Direttiva. Dawk il-metodi ghandhom jiġu adattati għall-progress tekniku.

(2)

Il-metodu ISO 11890-2 ġie rrivedut mill-Organizzazzjoni internazzjonali tal-istandards fl-2006 u l-verżjoni l-ġdida għandha tiġi integrata fl-Anness III għad-Direttiva 2004/42/KE.

(3)

Il-metodu ISO 11890-2 jgħid li f’każ fejn id-dilwenti reattivi ma jiffurmawx parti mill-formulazzjoni tal-prodott u f’każ fejn il-kontenut tal-KOV huwa ta’ 15 % mill-massa jew aktar, il-metodu ISO 11890-1, li huwa iktar sempliċi u orħos, huwa alternattiva aċċettabbli. Dan il-metodu għandu, b'hekk, ikun permess mid-Direttiva 2004/42/KE biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-testijiet għall-Istati Membri u għall-operaturi ekonomiċi affettwati minn dik id-Direttiva.

(4)

Id-Direttiva 2004/42/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/42/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III għad-Direttiva 2004/42/KE għandu jinbidel bl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-10 ta’ Ġunju 2012, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jibagħtu minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 143, 30.4.2004, p. 87.


ANNESS

“ANNESS III

METODI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(1)

Metodu permess għall-prodotti b’kontenut tal-KOV li huwa ta’ inqas minn 15 % tal-massa f’każ fejn ma jkunx hemm dilwenti reattivi:

Parametru

Unità

Test

Metodu

Data tal-pubblikazzjoni

Kontenut tal-KOV

g/l

ISO 11890-2

2006

Metodi permessi għall-prodotti b’kontenut ta’ KOV li huwa ta’ 15 % tal-massa jew iktar f’każ fejn ma jkunx hemm dilwenti reattivi:

Parametru

Unità

Test

Metodu

Data tal-pubblikazzjoni

Kontenut tal-KOV

g/l

ISO 11890-1

2007

Kontenut tal-KOV

g/l

ISO 11890-2

2006

Metodu permess għall-prodotti b’kontenut tal-KOV f’każ fejn ikun hemm id-dilwenti reattivi:

Parametru

Unità

Test

Metodu

Data tal-pubblikazzjoni

Kontenut tal-KOV

g/l

ASTMD 2369

2003”


DEĊIŻJONIJIET

20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/20


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Novembru 2010

li taħtar membru tal-Qorti tal-Awdituri

(2010/696/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 286(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Is-Sur Maarten B. ENGWIRDA, membru tal-Qorti tal-Awdituri, irriżenja b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011.

(2)

Is-Sur Maarten B. ENGWIRDA għandu għalhekk jiġi sostitwit għall-bqija tal-mandat tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sur Gijs M. de VRIES huwa b’dan maħtur membru tal-Qorti tal-Awdituri għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REYNDERS


(1)  Opinjoni tas-7 ta’ Ottubru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/21


It-testi oriġinali UN/ECE biss għandhom effett legali skont id-dritt pubbliku internazzjonali. L-istatus u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ċċekkjati fl-aħħar verżjoni tad-dokument TRANS/WP.29/343 tal-istatus UN/ECE, disponibbli fuq:

http://www.unece.org/trans/main/wp29/wp29wgs/wp29gen/wp29fdocstts.html

Ir-Regolament Nru 29 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN/ECE) – Id-dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-kabina ta’ vettura kummerċjali

Tinkorpora t-test validu kollu sa:

Is-serje 03 tal-emendi – Id-data tad-dħul fis-seħħ: it-30 ta’ Jannar 2011.

WERREJ

REGOLAMENT

1.

Il-kamp ta’ applikazzjoni

2.

Definizzjonijiet

3.

Applikazzjoni għall-approvazzjoni

4.

Approvazzjoni

5.

Rekwiżiti

6.

Il-modifiki u l-estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura

7.

Konformità tal-produzzjoni

8.

Sanzjonijiet għal nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni

9.

Produzzjoni mwaqqfa għalkollox

10.

Dispożizzjonijiet Tranżizzjonali

11.

L-ismijiet u l-indirizzi tas-Servizzi Tekniċi responsabbli mit-twettiq tat-testijiet ta’ approvazzjoni, u tad-Dipartimenti Amministrattivi

ANNESSI

Anness 1 –

Dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip ECE

Parti 1– Mudell tad-Dokument ta’ Informazzjoni

Parti 2– Komunikazzjoni

Anness 2 –

Arranġamenti tal-marki tal-approvazzjoni

Anness 3 –

Il-proċedura tat-test

Appendiċi 1: Istruzzjonijiet għat-twaħħil tal-vetturi mas-sodda tal-ittestjar

Appendiċi 2: Il-manikin li għandu jintuża biex jiġi vverifikat l-ispazju tar-reżistenza

Anness 4 –

Il-proċedura biex jiġu ddeterminati l-punt “H” u l-angolu effettiv tat-torso għall-pożizzjonijiet bil-qiegħda fil-vetturi bil-magna

Appendiċi 1: Deskrizzjoni tal-magna tridimensjonali tal-punt H

Appendiċi 2: Sistema tridimensjonali ta’ referenza

Anness 5 –

Id-dejta ta’ referenza li tikkonċerna l-pożizzjonijiet bilqiegħda

1.   IL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Dan ir-Regolament japplika għall-vetturi b’kabina tas-sewwieq separata tal-kategorija N (1) fir-rigward tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-kabina.

2.   DEFINIZZJONIJIET

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

2.1.

“approvazzjoni ta’ vettura” tfisser l-approvazzjoni ta’ tip ta’ vettura skont ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-kabina ta’ vettura f’każ ta’ impatt head-on jew f’każ li tinqaleb il-vettura,

2.2.

“tip ta’ vettura” tfisser kategorija ta’ vettura bil-mutur li ma tvarjax fl-elementi essenzjali bħalma huma:

2.2.1.

il-qisien, il-forom u l-materjali tal-komponenti tal-kabina tal-vettura; jew

2.2.2.

il-mod kif inhi mwaħħla l-kabina mal-frejm tax-xażi;

2.3.

“pjan trasversali” tfisser pjan wieqaf perpendikulari mal-pjan lonġitudinali tal-vettura;

2.4.

“pjan lonġitudinali” tfisser pjan parallel mal-pjan lonġitudinali medjan tal-vettura;

2.5.

“Vettura bil-kabina fuq il-magna” tfisser vettura li jkollha aktar minn nofs it-tul tal-magna lura mill-aktar punt ’il quddiem tal-bażi tal-windskrin u l-hub tar-rota tal-istering tkun fl-ewwel kwart tat-tul tal-vettura.

2.6.

“il-punt R” tfisser il-punt ta’ referenza bilqiegħda kif iddefinit fl-Anness 4, paragrafu 2.4.

2.7.

“il-punt H” tfisser il-punt iddefinit fl-Anness 4, paragrafu 2.3.

2.8.

“Test A” tfisser test ta’ impatt frontali maħsub biex jevalwa r-reżistenza ta’ kabina f’inċident ta’ impatt frontali.

2.9.

“Test B” tfisser test ta’ impatt tal-pilastri A tal-kabina maħsub biex jevalwa r-reżistenza ta’ kabina f’inċident li fih il-vettura tinqaleb 90° bl-impatt sussegwenti.

2.10.

“Test C” tfisser test tas-saħħa tas-saqaf tal-kabina maħsub biex jevalwa r-reżistenza ta’ kabina f’inċident li fih il-vettura tinqaleb 180°.

2.11.

“Pilastru A” tfisser appoġġ tas-saqaf quddiem nett u barra nett.

2.12.

“Windskrin” tfisser il-ħġieġ ta’ quddiem tal-vettura li tinsab bejn il-pilastri A.

3.   L-APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI

3.1.   L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ tip ta’ vettura fir-rigward tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-kabina ta’ vettura għandha titressaq mill-manifattur tal-vettura jew mir-rappreżentant dovutament akkreditat tiegħu.

3.2.   Għandu jkollha magħha disinji tal-vettura, li juru l-pożizzjoni tal-kabina fuq il-vettura u l-mod kif titwaħħal, u disinji suffiċjentement dettaljati tal-istruttura tal-kabina, u għandhom jitressqu tliet kopji ta’ dawn id-disinji kollha. Mudell tad-dokument ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-kostruzzjoni huwa pprovdut fl-Anness 1, Parti 1.

4.   L-APPROVAZZJONI

4.1.   Jekk it-tip tal-vettura mressqa għall-approvazzjoni skont dan ir-Regolament jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 5 tiegħu, għandha tingħata l-approvazzjoni għal dik it-tip ta’ vettura.

4.2.   Numru ta’ approvazzjoni għandu jiġi assenjat għal kull tip approvat. L-ewwel żewġ figuri (attwalment 03 li jikkorrispondi għas-serje 03 tal-emendi) għandhom jindikaw is-serje ta’ emendi li jinkorporaw l-emendi tekniċi l-aktar reċenti u importanti magħmula għar-Regolament fiż-żmien tal-ħruġ tal-approvazzjoni. L-istess Parti Kontraenti ma għandhiex tassenja l-istess numru għal tip ta’ vettura oħra fi ħdan it-tifsira tal-paragrafu 2.2 hawn fuq.

4.3.   Għandha tintbagħat notifika ta’ approvazzjoni jew ta’ estensjoni jew ta’ ċaħda jew ta’ rtirar tal-approvazzjoni jew ta’ produzzjoni mwaqqfa għalkollox ta’ tip ta’ vettura skont dan ir-Regolament mill-Partijiet għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formola li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament.

4.4.   Ma’ kull vettura li tikkonforma ma’ tip ta’ vettura approvat skont dan ir-Regolament, għandha titwaħħal, b’mod li jidher u f’post li huwa faċilment aċċessibbli li jiġi speċifikat fuq il-formola tal-approvazzjoni, marka ta’ approvazzjoni internazzjonali li tikkonsisti minn:

4.4.1.

ċirku madwar l-ittra “E” segwit min-numru li jiddistingwi lill-pajjiż li ta l-approvazzjoni (2) u

4.4.2.

in-numru ta’ dan ir-Regolament, segwit mill-ittra ‘R’, sing u n-numru tal-approvazzjoni, fuq il-lemin taċ-ċirku kif preskritt fil-paragrafu 4.4.1.;

4.5.   Jekk il-vettura tkun konformi ma’ tip ta’ vettura approvata, taħt wieħed jew aktar Regolamenti oħra annessi ma’ dan il-Ftehim, fil-pajjiż li jkun ħareġ l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament, is-simbolu msemmi fil-paragrafu 4.4.1 ma għandux għalfejn jittenna; f’dan il-każ in-numru u s-simboli addizzjonali tar-Regolamenti kollha li skonthom inħarġet l-approvazzjoni fil-pajjiż li jkun ħareġ l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament għandhom jitqiegħdu f’kolonni wieqfa fuq in-naħa tal-lemin tas-simbolu li hemm preskritt fil-paragrafu 4.4.1.

4.6.   Il-marka tal-approvazzjoni trid tkun tista’ tinqara b’mod ċar u li ma tistax titħassar.

4.7.   Il-marka tal-approvazzjoni għandha titqiegħed qrib it-tabella tad-dejta tal-vettura jew fuqha.

4.8.   L-Anness 2 ta’ dan ir-Regolament jagħti eżempji ta’ arranġamenti tal-marki tal-approvazzjoni.

5.   REKWIŻITI

5.1.   Rekwiżiti ġenerali

5.1.1.   Il-kabina tal-vettura għandha tkun iddiżinjata u mwaħħla mal-vettura b’mod u manjiera li jiġi eliminat kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ korrimenti tal-okkupanti f’każ ta’ inċident.

5.1.2.   Il-vetturi tal-kategoriji N1 u tal-kategoriji N2 b’massa grossa tal-vettura li ma taqbiżx is-7.5 tunnellati għandhom jiġu soġġetti għat-testijiet A u C, kif deskritt fl-Anness 3, paragrafi 5 u 7.

Madankollu, tip ta’ vettura li jkun ġie approvat skont ir-Regolament Nru 33 jew ir-Regolament Nru 94 jista’ jitqies li jkun issodisfa r-rekwiżiti dwar l-impatt frontali (it-test A).

5.1.3.   Il-vetturi tal-kategoriji N3 u l-vetturi tal-kategoriji N2 b’massa grossa tal-vettura li taqbeż is-7.5 tunnellati għandhom jiġu soġġetti għat-testijiet A, B, u C, kif deskritt fl-Anness 3, paragrafi 5, 6 u 7.

5.1.4.   It-test A (l-impatt frontali) għandu jsir biss fuq vetturi bil-kabina fuq il-magna.

5.1.5.   Jistgħu jintużaw kabina waħda, tnejn jew tlieta, skont kif jagħżel il-manifattur, biex tintwera l-konformità mal-paragrafi 5.1.2 jew 5.1.3 hawn fuq. Madankollu, iż-żewġ fażijiet fit-test C, jekk applikabbli, għandhom jitwettqu fuq l-istess kabina.

5.1.6.   L-ebda wieħed mit-testijiet A, B u C ma jeħtieġ li jitwettaq jekk il-manifattur ikun jista’ juri, permezz ta’ simulazzjoni bil-kompjuter jew kalkoli tas-saħħa tal-partijiet komponenti tal-kabina jew permezz ta’ mezzi oħra għas-sodisfazzjon tas-Servizz Tekniku, li l-kabina mhux se jsirilha tibdil li jkun perikoluż għall-okkupanti (penetrazzjoni fl-ispazju tas-sopravivenza) jekk tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet tat-testijiet.

5.2.   L-ispazju tas-sopravivenza meħtieġ wara t-test jew it-testijiet

5.2.1.   Wara li jitwettqilha kull wieħed mit-testijiet li saret referenza għalihom fil-paragrafi 5.1.2 jew 5.1.3, il-kabina tal-vettura għandu jkollha spazju tas-sopravivenza li jippermetti li l-manikin joqgħod fuq is-sit, kif iddefinit fl-Anness 3, Appendiċi 2, meta dan tal-aħħar ikun f’pożizzjoni medjana, mingħajr kuntatt bejn il-manikin tat-test u l-partijiet mhux reżistenti b’ebusija Shore ta’ 50 jew aktar. Ma għandhomx jiġu kkunsidrati l-partijiet mhux reżistenti li jistgħu jitwarrbu minn ħdejn il-manikin tat-test mingħajr l-ebda għodda, b’forza ta’ inqas minn 100 N. Biex tiġi ffaċilitata l-installazzjoni, il-manikin jista’ jiddaħħal meta jkun żarmat u jiġi armat fil-kabina. Għaldaqstant, is-sit għandu jiġi aġġustat għall-pożizzjoni l-aktar lura tiegħu u l-manikin għandu jiġi armat għalkollox u jitqiegħed b’mod u manjiera li l-punt H tiegħu jikkoinċidi mal-punt R. Imbagħad, is-sit għandu jitressaq ’il quddiem għall-pożizzjoni medjana tiegħu biex jiġi evalwat l-ispazju tas-sopravivenza. Bħala alternattiva għall-manikin tat-test definit fl-Anness 3, Appendiċi 2, jista’ jintuża manikin raġel tat-tip Hybrid II jew III ta’ daqs ta’ ħamsin fil-mija, bi strumenti tal-kejl jew mingħajrhom, li d-deskrizzjoni tagħhom tingħata fir-Regolament Nru 94.

5.2.2.   L-ispazju definit hekk għandu jiġi vverifikat għal kull sit ipprovdut mill-manifattur.

5.3.   Kundizzjonijiet oħra

5.3.1.   Matul it-testijiet, il-komponenti li bihom il-kabina titwaħħal mal-frejm tax-xażi, jistgħu jitgħawġu jew jinksiru, sakemm il-kabina tibqa’ mwaħħla mal-frejm tax-xażi.

5.3.2.   L-ebda bieba ma għandha tinfetaħ matul it-testijiet, iżda l-bibien ma għandhomx ikunu meħtieġa li jinfetħu wara l-ittestjar.

6.   IL-MODIFIKI U L-ESTENSJONI TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TA’ VETTURA

6.1.   Kull modifika tat-tip ta’ vettura għandha tkun innotifikata lid-dipartiment amministrattiv li approva t-tip ta’ vettura. Id-dipartiment jista’ mbagħad:

6.1.1.

jikkunsidra li l-modifiki li saru x’aktarx ma jkollhomx effett konsiderevolment negattiv, u li f’kull każ, il-vettura xorta tikkonforma mar-rekwiżiti; jew

6.1.2.

jitlob rapport tat-test ieħor mis-Servizz Tekniku responsabbli għat-twettiq tat-testijiet.

6.2.   Il-konferma jew ir-rifjut tal-approvazzjoni, li jispeċifikaw it-tibdiliet, għandhom ikunu ikkomunikati lill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament permezz tal-proċedura indikata fil-paragrafu 4.3. hawn fuq.

6.3.   L-awtorità kompetenti li toħroġ estensjoni tal-approvazzjoni għandha tassenja numru serjali għal kull estensjoni u tinforma b’dan lill-Partijiet l-oħra għall-Ftehim tal-1958 li japplikaw dawn ir-Regolament permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament.

7.   KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI

Il-konformità tal-proċeduri tal-produzzjoni għandha tkun skont dawk stipolati fil-Ftehim, Appendiċi 2 (E/ECE/324-E/ECE/TRANS/505/Rev.2), u jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

7.1.   Kull vettura approvata skont dan ir-Regolament għandha tkun immanifatturata b’mod li tikkonforma mat-tip approvat billi tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ hawn fuq.

7.2.   L-Awtorità Kompetenti li tkun tat l-approvazzjoni tista’ fi kwalunkwe ħin tivverifika l-konformità tal-mezzi ta’ kontroll li huma applikabbli għal kull unità tal-produzzjoni. Il-frekwenza normali ta’ dawn il-verifiki għandha tkun ta’ darba kull sentejn.

8.   SANZJONIJIET GĦAL NUQQAS TA’ KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI

8.1.   L-approvazzjoni mogħtija fir-rigward tat-tip tal-vettura skont dan ir-Regolament tista’ tiġi rtirata jekk ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 7.1 ta’ hawn fuq ma jkunux rispettati.

8.2.   Jekk Parti tal-Ftehim li tapplika dan ir-Regolament tirtira l-approvazzjoni li kienet tat qabel, għandha minnufih tavża b’dan lill-Partijiet Kontraenti l-oħra li qed japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni konformi mal-mudell fl-Anness 1 għal dan ir-Regolament.

9.   PRODUZZJONI MWAQQFA GĦAL KOLLOX

Jekk id-detentur ta’ approvazzjoni jieqaf b’mod permanenti mill-manifattura ta’ tip ta’ vettura approvat skont dan ir-Regolament, għandu jinforma b’dan lill-awtorità li tat l-approvazzjoni. Hekk kif tirċievi l-komunikazzjoni rilevanti, dik l-awtorità għandha tinforma b’dan lill-Partijiet l-oħra tal-Ftehim tal-1958 li qegħdin japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 1 għal dan ir-Regolament.

10.   DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI

10.1.   Mid-data uffiċjali tad-dħul fis-seħħ tas-serje 02 tal-emendi, l-ebda Parti Kontraenti li qed tapplika dan ir-Regolament ma għandha tirrifjuta li tagħti l-approvazzjoni ECE skont dan ir-Regolament kif emendat mis-serje 02 tal-emendi.

10.2.   Mill-1 ta’ Ottubru 2002, il-Parti Kontraenti li tapplika dan ir-Regolament għandha tagħti l-approvazzjonijiet ECE unikament jekk ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, kif emendati mis-serje 02 tal-emendi, jiġu sodisfatti.

10.3.   Mill-1 ta’ Ottubru 2006, il-Parti Kontraenti li tapplika dan ir-Regolament tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi l-approvazzjonijiet li ma ngħatawx b’konformità mas-serje 02 tal-emendi ta’ dan ir-Regolament.

10.4.   Mid-data uffiċjali tad-dħul fis-seħħ tas-serje 03 tal-emendi, l-ebda Parti Kontraenti li tapplika dan ir-Regolament ma għandha tirrifjuta li tagħti l-approvazzjoni ECE skont dan ir-Regolament kif emendat mis-serje 03 tal-emendi.

10.5.   Minn 72 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tas-serje 03 tal-emendi, il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jagħtu l-approvazzjoni ECE skont dan ir-Regolament għat-tipi l-ġodda tal-kabini unikament jekk ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, kif emendati mis-serje 03 tal-emendi, jiġu sodisfatti.

10.6.   Il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament ma għandhomx jirrifjutaw li jagħtu estensjonijiet tal-approvazzjoni għas-serje preċedenti tal-emendi ta’ dan ir-Regolament.

10.7.   Il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament għandhom ikomplu jagħtu l-approvazzjonijiet għal dawk it-tipi ta’ vetturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament kif emendati mis-serje preċedenti tal-emendi matul il-perjodu ta’ 72 xahar ta’ wara d-data tad-dħul fis-seħħ tas-serje 03 tal-emendi.

10.8.   L-ebda Parti Kontraenti li tapplika dan ir-Regolament ma għandha tirrifjuta tip ta’ approvazzjoni nazzjonali jew reġjonali ta’ vettura tat-tip approvata għas-serje 03 tal-emendi ta’ dan ir-Regolament.

10.9.   Anki wara d-dħul fis-seħħ tas-serje 03 tal-emendi ta’ dan ir-Regolament, l-approvazzjonijiet tal-vetturi għas-serje preċedenti ta’ emendi ta’ dan ir-Regolament għandhom jibqgħu validi u l-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jibqgħu jaċċettawhom.

11.   L-ISMIJIET U L-INDIRIZZI TAS-SERVIZZI TEKNIĊI RESPONSABBLI MIT-TWETTIQ TAT-TESTIJIET TAL-APPROVAZZJONI, U TAD-DIPARTMENTI AMMINISTRATTIVI

Il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim, li japplikaw dan ir-Regolament, għandhom jikkomunikaw lis-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti l-ismijiet u l-indirizzi tas-Servizzi Tekniċi responsabbli mit-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni, u tad-Dipartimenti Amministrattivi li jagħtu l-approvazzjoni u fejn għandhom jintbagħtu l-formoli li jiċċertifikaw l-approvazzjoni jew l-estensjoni jew ir-rifjut jew l-irtirar tal-approvazzjoni, maħruġa f’pajjiżi oħra.


(1)  Kif iddefinit fl-Anness 7 tar-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Kostruzzjoni tal-Vetturi (R.E.3), (id-dokument TRANS/WP.29/78/Rev.1/Amend.2 kif emendat l-aħħar mill-Emenda 4).

(2)  1 għall-Ġermanja, 2 għal Franza, 3 għall-Italja, 4 għall-Pajjiżi l-Baxxi, 5 għall-Iżvezja, 6 għall-Belġju, 7 għall-Ungerija, 8 għar-Repubblika Ċeka, 9 għal Spanja, 10 għas-Serbja, 11 għar-Renju Unit, 12 għall-Awstrija, 13 għal-Lussemburgu, 14 għall-Isvizzera, 15 (vojta), 16 għan-Norveġja, 17 għall-Finlandja, 18 għad-Danimarka, 19 għar-Rumanija, 20 għall-Polonja, 21 għall-Portugall, 22 għall-Federazzjoni Russa, 23 għall-Greċja, 24 għall-Irlanda, 25 għall-Kroazja, 26 għas-Slovenja, 27 għas-Slovakkja, 28 għall-Belarus, 29 għall-Estonja, 30 (vojta), 31 għall-Bożnja u Ħerzegovina, 32 għal-Latvja, 33 (vojta), 34 għall-Bulgarija, 35 (vojta), 36 għal-Litwanja, 37 għat-Turkija, 38 (vojta), 39 għall-Ażerbajġan, 40 għal dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, 41 (vojta), 42 għall-Unjoni Ewropea (L-approvazzjonijiet jingħataw mill-Istati Membri tagħha li jużaw is-simbolu UNECE rispettiv tagħhom), 43 għall-Ġappun, 44 (vojta), 45 għall-Awstralja, 46 għall-Ukraina, 47 għall-Afrika t’Isfel, 48 għan-New Zealand, 49 għal Ċipru, 50 għal Malta, 51 għar-Repubblika tal-Korea, 52 għall-Malasja, 53 għat-Tajlandja, 54 u 55 (vojta) u 56 għall-Montenegro, 57 (vojta) u 58 għat-Tuneżija. In-numri sussegwenti għandhom jiġu assenjati lill-pajjiżi l-oħra fl-ordni kronoloġiku li fiha jirratifikaw jew jaċċedu għall-Ftehim Li Jikkonċerna L-Adozzjoni Ta’ Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi Għall-Vetturi bir-Roti, Għall-apparat U Għall-Partijiet Li Jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw Fuq Vetturi Bir-Roti u L-Kondizzjonijiet Għall-Għarfien Reċiproku tal-Approvazzjonijiet Mogħtija Abbażi ta’ dawn il-Preskrizzjonijiet, u n-numri assenjati b’dan il-mod għandhom ikunu kkomunikati mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim.


ANNESS 1

DOKUMENTAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP ECE

Parti 1

MUDELL TAD-DOKUMENT TA’ INFORMAZZJONI

Skont ir-Regolament Nru 29 dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-kabina

L-informazzjoni li ġejja, jekk applikabbli, għandha tiġi pprovduta fi tliet kopji u għandha tinkludi werrej. Kull disinn għandu jiġi pprovdut fi skala xierqa u f’biżżejjed dettall f’daqs A4 jew f’fowlder ta’ format A4. Jekk ikun hemm xi ritratti, dawn għandhom juru biżżejjed dettall.

1.   Ġenerali …

1.1.   Għamla (isem kummerċjali tal-manifattur): …

1.2.   Tip: …

1.3.   Mezz ta’ identifikazzjoni tat-tip, jekk ikun immarkat fuq il-vettura: …

1.3.3.   Il-post ta’ dik il-marka: …

1.4.   Kategorija tal-vettura (1): …

1.5.   Isem u indirizz tal-manifattur: …

1.6.   Indirizz(i) tal-impjant(i) tal-immontar: …

2.   Karatteristiċi tal-Kostruzzjoni Ġenerali tal-Vettura …

2.1.   Ritratti u/jew tpinġija ta’ vettura rappreżentattiva: …

2.2.   Tpinġija bil-qisien tal-vettura kollha: …

2.3.   Numru ta’ fusien u roti: …

2.6.   Pożizzjoni u arranġament tal-magna: …

2.7.   Kabina tas-sewqan (kabina fuq il-magna jew bonit) (2)

2.8.   Naħa tas-sewqan: …

3.   Mases u Qisien (f’kg u mm) (fejn applikabbli, irreferi għat-tpinġija) …

3.1.   Massa mgħobbija massima teknikament permissibbli ddikjarata mill-manifattur: …

3.2.   Massa massima teknikament permissibbli għall-fus jew fusien ta’ quddiem tal-vettura: …

4.   Kabina: …

4.1.   Tip ta’ kabina: (normali/tal-irqad/tal-irqad b’livell superjuri) (3): …

4.2.   Materjal użat u metodi ta’ kostruzzjoni: …

4.3.   Konfigurazzjoni tal-bibien u numru ta’ bibien: …

4.4.   Tpinġijiet tal-lukketti tal-bibien u tal-komponenti li jżommuhom u l-pożizzjoni tagħhom fuq il-bibien: …

4.5.   Numru ta’ sits: …

4.6.   Punti R: …

4.7.   Deskrizzjoni dettaljata tal-kabina tat-tip ta’ vettura inklużi l-qisien, il-konfigurazzjoni u l-materjali kostitwenti tagħha u t-twaħħil tagħha ma’ kwalunkwe frejm tax-xażi: …

4.8.   Tpinġijiet tal-kabina u ta’ dawk il-partijiet tal-arranġament intern tagħha li jistgħu jinfluwenzaw l-ispazju li jibqa’: …

5.   Stering …

5.1.   Dijagramma(i) skematiku(skematiċi) tal-kontroll(i) tal-istering: …

5.2.   Firxa u metodu ta’ aġġustament (jekk ikun hemm) tal-kontroll tal-istering …

Parti 2

KOMUNIKAZZJONI

(format massimu: A4 (210 × 297 mm))

Image 1
1

maħruġa minn

:

L-isem tal-amministrazzjoni

li tikkonċerna (4)

:

Approvazzjoni mogħtija

Approvazzjoni estiża

Approvazzjoni rrifjutata

Approvazzjoni rtirata

Il-produzzjoni mwaqqfa għalkollox

ta’ tip ta’ vettura fir-rigward tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-kabina ta’ vettura skont ir-Regolament Nru 29.

Approvazzjoni Nru … Estensjoni Nru …

1.   Isem jew marka kummerċjali tal-vettura: …

2.   Tip ta’ vettura: …

3.   Isem u indirizz tal-manifattur: …

4.   Fejn applikabbli, l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tal-manifattur: …

5.   Deskrizzjoni qasira tad-disinn tal-kabina u l-metodu ta’ twaħħil: …

6.   Vettura mressqa għall-approvazzjoni fi: …

7.   Is-servizz tekniku responsabbli għat-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni: …

8.   Data tar-rapport maħruġ minn dak is-servizz: …

9.   Numru tar-rapport maħruġ minn dak is-servizz: …

10.   Approvazzjoni mogħtija/irrifjutata/estiża/irtirata (4)

11.   Pożizzjoni tal-marka ta’ approvazzjoni fuq il-vettura: …

12.   Post: …

13.   Data: …

14.   Firma: …

Il-lista tad-dokumenti sottomessi quddiem is-Servizz Amministrattiv li ta l-approvazzjoni hija mehmuża ma’ din il-komunikazzjoni u tista’ tinkiseb fuq talba.


(1)  Kif iddefinit fl-Anness 7 tar-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Kostruzzjoni tal-Vetturi (R.E.3). TRANS/WP.29/78/Rev.1/Amend. 2 kif emendat l-aħħar mill-Emenda 4).

(2)  Kabina fuq il-magna tfisser konfigurazzjoni li fiha aktar minn nofs it-tul tal-magna lura mill-aktar punt ’il quddiem tal-bażi tal-windskrin u l-hub tar-rota tal-istering tkun fl-ewwel kwart tat-tul tal-vettura.

(3)  Ħassar fejn mhuwiex applikabbli (hemm każijiet fejn ma jkun jeħtieġ jitħassar xejn għax ikun hemm aktar minn risposta waħda applikabbli).

(4)  Aqta’ barra dak li ma japplikax.


ANNESS 2

ARRANĠAMENTI TAL-MARKI TAL-APPROVAZZJONI

MUDELL A

(Ara l-paragrafu 4.4 ta’ dan ir-Regolament)

Image 2

Il-marka tal-approvazzjoni ta’ hawn fuq li tkun imwaħħla ma’ vettura turi li t-tip ta’ vettura kkonċernat, fir-rigward tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-kabina ta’ vettura kummerċjali, ġie approvat fil-Pajjiżi l-Baxxi (E 4), bin-numru 032439. L-ewwel żewġ ċifri tan-numru tal-approvazzjoni jindikaw ir-Regolament Nru 29 diġà inkluż fis-serje 03 tal-emendi meta ngħatat l-approvazzjoni.

MUDELL B

Image 3

Il-marka tal-approvazzjoni ta’ hawn fuq li tkun imwaħħla ma’ vettura turi li t-tip ta’ vettura kkonċernat ġie approvat fil-Pajjiżi l-Baxxi (E 4) skont ir-Regolamenti Nru 29 u Nru 24 (1). (Fil-każ tar-Regolament imsemmi l-aħħar, il-koeffiċjent tal-assorbiment korrett huwa 1,30 m–1). In-numri tal-approvazzjoni jindikaw li fid-dati li fihom ingħataw dawn l-approvazzjonijiet, ir-Regolamenti Nru 29 u Nru 24 kienu jinkludu s-serje 03 tal-emendi.


(1)  It-tieni numru qed jingħata biss bħala eżempju.


ANNESS 3

Il-PROĊEDURA TAT-TESTIJIET

1.   Il-bibien

Qabel it-testijiet, il-bibien tal-kabina għandhom jingħalqu iżda mhux jissakkru.

2.   Il-magna

Għat-test A, il-magna, jew mudell ekwivalenti għaliha fil-piż, fid-dimensjonijiet u fil-muntatura, għandha titwaħħal fil-vettura.

3.   Il-kabina

Il-kabina għandha tkun mgħammra bil-mekkaniżmu tal-istering, bl-istering, bil-panew tal-istrumenti u bis-sits tas-sewwieq u tal-passiġġieri. L-istering u l-pożizzjoni bilqiegħda għandhom jiġu aġġustati fil-pożizzjonijiet tagħhom għal użu normali kif stipulat mill-manifattur.

4.   L-ankraġġ tal-kabina

Għat-test A, il-kabina għandha tiġi mmontata fuq vettura. Għat-testijiet В u C, il-kabina għandha, skont kif jagħżel il-manifattur, tiġi mmontata fuq vettura jew fuq frejm separat. Il-vettura jew il-frejm għandhom jitwaħħlu kif previst fl-Appendiċi 1 ta’ dan l-anness.

5.   It-test tal-impatt frontali (test A)

Figura 1

Test tal-impatt frontali (test A)

Image 4

5.1.   L-impattatur għandu jkun tal-azzar u l-massa tiegħu għandha tkun imqassma b’mod uniformi; il-massa tiegħu ma għandhiex tkun inqas minn 1 500 kg. Is-superfiċje tad-daqqa tal-impattatur, rettangolari u ċatta, għandha tkun wiesgħa 2 500 mm u għolja 800 mm (ara b u h fil-figura 1). Ix-xfar tiegħu għandhom ikunu ttundjati għal raġġ ta’ kurvatura ta’ 10 mm ± 5 mm.

5.2.   Il-muntatura tal-impattatur għandu jkollha binja riġida. L-impattatur għandu jkun imdendel liberament minn żewġ travi mwaħħla miegħu b’mod riġidu u bi spazju ta’ mhux inqas minn 1 000 mm ’il bogħod minn xulxin (ara f fil-figura 1). It-travi m’għandhomx ikunu inqas twal minn 3 500 mm mill-assi ta’ sospensjoni għaċ-ċentru ġeometriku tal-impattatur (L fil-figura 1).

5.3.   L-impattatur għandu jiġi ppożizzjonat b’mod u manjiera li fil-pożizzjoni vertikali:

5.3.1.

il-wiċċ tad-daqqa tal-impattatur ikun qed imiss mal-parti ta’ quddiem nett tal-vettura;

5.3.2.

iċ-ċentru ta’ gravità tiegħu jkun c = 50 + 5/– 0 mm ’l isfel mill-punt R tas-sit tas-sewwieq; u

5.3.3.

iċ-ċentru ta’ gravità tiegħu jkun fil-pjan lonġitudinali medjan tal-vettura.

5.4.   L-impattatur għandu jaħbat mal-kabina minn quddiem fid-direzzjoni lejn in-naħa ta’ wara tal-kabina. Id-direzzjoni tal-impatt għandha tkun orizzontali u għandha tkun parallela mal-pjan lonġitudinali medjan tal-vettura.

5.5.   L-enerġija tal-impatt għandha tkun:

5.5.1.

29,4 kJ fil-każ ta’ vetturi tal-kategorija N1 u ta’ vetturi tal-kategorija N2 b’massa grossa tal-vettura li ma taqbiżx is-7,5 tunnellati.

5.5.2.

55 kJ fil-każ ta’ vetturi tal-kategorija N3 u ta’ vetturi tal-kategorija N2 b’massa grossa tal-vettura li taqbeż is-7,5 tunnellati.

6.   Test tal-impatt tal-pilastru ta’ quddiem (Test B)

Figura 2

Test tal-impatt tal-pilastru ta’ quddiem (Test B)

Image 5

6.1.   L-impattatur għandu jkun riġidu u l-massa tiegħu għandha tkun imqassma b’mod uniformi; il-massa tiegħu ma għandhiex tkun inqas minn 1 000 kg. L-impattatur għandu jkollu għamla ta’ ċilindru b’dijametru d taċ-ċilindru ta’ 600 ± 50 mm u b’tul b ta’ mhux inqas minn 2 500 mm. Ix-xfar tiegħu għandhom ikunu ttundjati għal raġġ ta’ kurvatura ta’ mhux inqas minn 1,5 mm.

6.2.   Il-muntatura tal-impattatur għandha tkun ta’ binja riġida. L-impattatur għandu jkun imdendel liberament minn żewġ travi mwaħħla miegħu b’mod riġidu u bi spazju ta’ mhux inqas minn f = 1 000 mm ’il bogħod minn xulxin. It-travi ma għandhomx ikunu inqas minn L = 3 500 mm mill-assi tas-sospensjoni saċ-ċentru ġeometriku tal-impattatur tal-ballun tal-azzar (bob impactor).

6.3.   L-impattatur għandu jiġi ppożizzjonat b’mod u manjiera li meta s-sospensjoni tiegħu tkun f’pożizzjoni vertikali:

6.3.1.

il-wiċċ tad-daqqa tal-impattatur ikun qed imiss mal-parti ta’ quddiem nett tal-kabina;

6.3.2.

il-linja lonġitudinali medjana tiegħu tkun orizzontali u perpendikulari mal-pjan vertikali lonġitudinali medjan tal-kabina;

6.3.3.

iċ-ċentru ta’ gravità tiegħu jkun nofs triq bejn il-gwarniċ ta’ isfel u ta’ fuq tal-windskrin, kif imkejjel tul il-windskrin u tul il-pjan vertikali lonġitudinali medjan tal-kabina;

6.3.4.

iċ-ċentru ta’ gravità tiegħu jkun fil-pjan lonġitudinali medjan tal-kabina;

6.3.5.

it-tul tiegħu jkun imqassam indaqs fuq il-wisa’ kollu tal-vettura u sovrapost fuq il-wisa’ kollu taż-żewġ pilastri A.

6.4.   L-impattatur għandu jaħbat mal-kabina minn quddiem fid-direzzjoni lejn in-naħa ta’ wara tal-kabina. Id-direzzjoni tal-impatt għandha tkun orizzontali u parallela mal-pjan lonġitudinali medjan tal-vettura.

6.5.   L-enerġija tal-impatt għandha tkun 29,4 kJ.

7.   Test tas-saħħa tas-saqaf (Test С)

Figura 3

Test tas-saħħa tas-saqaf (Test C)

Image 6

7.1.   Għall-vetturi tal-kategorija N2 b’massa grossa tal-vettura li taqbeż is-7,5 tunnellati u tal-kategorija N3, iż-żewġ testijiet kif deskritti fil-paragrafi 7.3 u 7.4 hawn taħt, f’dak l-ordni, għandhom jitwettqu fuq l-istess kabina.

7.2.   Għall-vetturi tal-kategorija N2 b’massa grossa tal-vettura li ma taqbiżx is-7,5 tunnellati u tal-kategorija N1, għandu jitwettaq biss it-test kif deskritt fil-paragrafu 7.4. hawn taħt.

7.3.   Il-pre-loading dinamiku tal-vetturi tal-kategorija N2 b’massa grossa tal-vettura li taqbeż is-7,5 tunnellati u tal-kategorija N3 (ara P1 fil-figura 3).

7.3.1.   L-impattatur għandu jkun riġidu u l-massa tiegħu għandha tkun imqassma b’mod uniformi; il-massa tiegħu ma għandhiex tkun inqas minn 1 500 kg.

7.3.2.   Is-superfiċje tad-daqqa tal-impattatur għandha tkun rettangolari u ċatta. Id-dimensjonijiet tiegħu għandhom ikunu kbar biżżejjed biex, meta jiġi ppożizzjonat skont il-paragrafu 7.3.3 hawn taħt, ma jkun hemm l-ebda kuntatt bejn il-kabina u x-xfar tal-impattatur.

7.3.3.   L-impattatur u/jew il-kabina għandhom jiġu ppożizzjonati b’mod u manjiera li, meta jseħħ l-impatt:

7.3.3.1.

il-wiċċ tad-daqqa tal-impattatur ikun f’angolu ta’ 20° mal-pjan lonġitudinali medjan tal-kabina. L-impattatur jew il-kabina jistgħu jiġu inklinati;

7.3.3.2.

il-wiċċ tad-daqqa tal-impattatur ikopri t-tul kollu tan-naħa ta’ fuq tal-kabina;

7.3.3.3.

il-linja lonġitudinali medjana tal-impattatur tkun orizzontali u parallela mal-pjan lonġitudinali medjan tal-kabina.

7.3.4.   L-impattatur għandu jaħbat man-naħa ta’ fuq tal-kabina b’tali mod li meta jseħħ l-impatt, jiġu sodisfatti l-preskrizzjonijiet tal-paragrafu 7.3.3 hawn fuq. Id-direzzjoni tal-impatt għandha tkun perpendikulari mas-superfiċje tal-impattatur u perpendikulari mal-linja lonġitudinali medjana tal-kabina. L-impattatur jew il-kabina jistgħu jkunu qed jiċċaqilqu, sakemm ir-rekwiżiti tal-ippożizzjonar jiġu sodisfatti.

7.3.5.   L-enerġija tal-impatt għandha tkun minimu ta’ 17,6 kJ.

7.4.   It-test tas-saħħa tas-saqaf (ara P2 fil-figura 3)

7.4.1.   L-apparat tal-piż għandu jkun tal-azzar u l-massa tiegħu għandha tkun imqassma b’mod uniformi.

7.4.2.   Il-wiċċ tal-piż tal-apparat għandu jkun rettangolari u ċatt. Id-dimensjonijiet tiegħu għandhom ikunu kbar biżżejjed biex, meta jiġi ppożizzjonat skont il-paragrafu 7.4.4 hawn taħt, ma jkun hemm l-ebda kuntatt bejn il-kabina u x-xfar tal-apparat.

7.4.3.   Sistema ta’ tnaqqis tal-frizzjoni (bearing) lineari tista’ tiġi inkluża bejn l-apparat u l-istruttura ta’ appoġġ tiegħu biex tippermetti li s-saqaf tal-kabina jagħmel moviment laterali ’l bogħod min-naħa li tkun ħadet id-daqqa fil-fażi tal-pre-loading tal-paragrafu 6.3, jekk applikabbli.

7.4.4.   L-apparat tal-piż għandu jiġi ppożizzjonat b’mod u manjiera li, matul it-test:

7.4.4.1.

ikun parallel mal-pjan x-y tax-xażi;

7.4.4.2.

jiċċaqlaq b’mod parallel mal-assi vertikali tax-xażi;

7.4.4.3.

il-wiċċ tal-piż tiegħu jkopri s-superfiċje kollha tas-saqaf tal-kabina.

7.4.5.   L-apparat tal-piż għandu japplika piż statiku fuq is-saqaf tal-kabina, liema piż jikkorrispondi għall-massa massima awtorizzata għall-fus jew fusien ta’ quddiem tal-vettura, soġġetta għal massimu ta’ 98 kN.

Appendiċi 1

ISTRUZZJONIJIET GĦAT-TWAĦĦIL TAL-VETTURI MAS-SODDA TAL-ITTESTJAR

1.   Impatt frontali

It-test A għandu jiġi applikat għal kabina mmuntata fuq il-vettura b’dan il-mod (ara l-figura 1 hawn taħt).

1.1.   Ktajjen jew ħbula ta’ ankraġġ

Il-ktajjen jew il-ħbula kollha ta’ ankraġġ għandhom ikunu tal-azzar u għandhom ikunu kapaċi jifilħu piż ta’ trazzjoni ta’ mill-inqas 10 tunnellati.

1.2.   Imblukkar tal-frejm tax-xażi

Il-partijiet lonġitudinali tal-frejm tax-xażi għandhom iserrħu fuq blokok tal-injam fil-wisa’ kollu tagħhom u f’tul ta’ mhux inqas minn 150 mm. Ix-xfar ta’ quddiem tal-blokok ma għandhomx ikunu quddiem l-aktar punt lura tal-kabina u lanqas ma għandhom ikunu fuq wara tal-punt nofsani tad-distanza bejn ir-roti. Fuq talba tal-manifattur, il-frejm tax-xażi għandu jiġi ssettjat skont il-forma li jieħu meta jkun mgħobbi.

1.3.   Twaħħil lonġitudinali

Il-moviment lura tal-frejm tax-xażi għandu jkun limitat għall-ktajjen jew il-ħbula A mwaħħlin man-naħa ta’ quddiem tal-frejm tax-xażi b’mod simmetriku meta mqabbel mal-assi lonġitudinali tiegħu filwaqt li l-punti ta’ twaħħil ma jkunux inqas minn 600 mm ’il bogħod minn xulxin. Il-ktajjen jew il-ħbula għandhom, meta jiġu stirati, jiffurmaw angolu ’l isfel ta’ mhux aktar minn 25° mal-orizzontali u l-projezzjoni tagħhom fuq pjan orizzontali għandha tifforma angolu ta’ mhux aktar minn 10° mal-assi lonġitudinali tal-vettura. Il-ktajjen jew il-ħbula jistgħu jgħaddu minn fuq xulxin.

1.4.   Twaħħil laterali

Il-moviment laterali għandu jkun limitat bil-ktajjen jew bil-ħbula В imwaħħla mal-frejm tax-xażi b’mod simmetriku meta mqabbel mal-assi lonġitudinali tiegħu. Il-punti tat-twaħħil max-xażi m’għandhomx ikunu aktar minn 5 m u mhux inqas minn 3 m min-naħa ta’ quddiem tal-vettura. Il-ktajjen jew il-ħbula għandhom, meta jiġu stirati, jiffurmaw angolu ’l isfel ta’ mhux aktar minn 20° mal-orizzontali u l-projezzjoni tagħhom fuq pjan orizzontali għandha tifforma angolu ta’ mhux inqas minn 25° u mhux aktar minn 45° mal-assi lonġitudinali tal-vettura.

1.5.   L-istirar tal-ktajjen jew tal-ħbula u t-twaħħil fuq in-naħa ta’ wara

Il-katina jew il-ħabel С għandhom, l-ewwel nett, jitqegħdilhom piż ta’ madwar 1 kN. Il-laxk kollu fl-erba’ ktajjen jew ħbula A u В imbagħad għandu jittella’ ’l fuq u l-katina jew il-ħabel С għandhom jinġibdu b’forza tensili ta’ mhux inqas minn 10 kN. L-angolu tal-katina jew tal-ħabel С mal-pjan orizzontali m’għandux jaqbeż il-15°. Għandha tiġi applikata forza ta’ imblukkar vertikali ta’ mhux inqas minn 500 N fil-punt D bejn il-frejm tax-xażi u l-art.

1.6.   Muntatura ekwivalenti

Fuq talba tal-manifattur, it-test jista’ jitwettaq bil-kabina mmuntata fuq frejm speċjali, bil-kundizzjoni li jintwera li dan il-metodu ta’ muntatura huwa ekwivalenti għall-muntatura fuq il-vettura.

2.   Impatt tal-pilastri ta’ quddiem

2.1.   Il-kabina mmuntata fuq il-vettura (ara l-figura 1)

Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-vettura ma tiċċaqlaqx b’mod konsiderevoli matul it-test. Għaldaqstant, għandu jittella’ l-hand-brake, jiddaħħal il-gear u jkun hemm feles mar-roti ta’ quddiem.

2.2.   Il-kabina mmuntata fuq frejm

Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-kabina ma tiċċaqlaqx b’mod konsiderevoli matul it-test.

3.   Is-saħħa tas-saqaf

3.1.   Il-kabina mmuntata fuq il-vettura

Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-vettura ma tiċċaqlaqx b’mod konsiderevoli matul it-test. Għaldaqstant, għandu jittella’ l-hand-brake, jiddaħħal il-gear u jkun hemm feles mar-roti ta’ quddiem. Id-deformazzjoni tad-diversi komponenti tas-sospensjoni (molol, tajers, eċċ.) għandha tiġi eliminata permezz ta’ partijiet riġidi.

3.2.   Il-kabina mmuntata fuq frejm

Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-frejm ma jiċċaqlaqx b’mod konsiderevoli matul it-test.

Figura 1

Test tal-impatt frontali

Image 7

Test ta 'immaġni

Image 8

Appendiċi 2

IL-MANIKIN LI GĦANDU JINTUŻA BIEX JIĠI VVERIFIKAT L-ISPAZJU TAS-SOPRAVIVENZA

Image 9


ANNESS 4

IL-PROĊEDURA BIEX JIĠU DDETERMINATI L-PUNT “H” U L-ANGOLU REALI TAT-TORSO F’POŻIZZJONIJIET BILQIEGĦDA FIL-VETTURI BIL-MUTUR

1.   L-għan

Il-proċedura deskritta f’dan l-anness tintuża biex ikun stabbilit fejn jinsab il-punt “H” u l-angolu reali tat-torso għal pożizzjoni waħda, jew għal aktar pożizzjonijiet, ta’ bilqiegħda f’vettura bil-mutur u biex tkun ivverifikata r-relazzjoni tad-dejta mkejla għall-ispeċifikazzjonijiet tad-disinn mogħtija mill-manifattur tal-vettura (1).

2.   Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan l-anness:

2.1.    “Id-dejta ta’ referenza” tfisser karatteristika waħda jew diversi karatteristiċi minn dawn li ġejjin ta’ pożizzjoni bil-qiegħda:

2.1.1.

il-punt “H” u l-punt “R” u r-relazzjoni tagħhom,

2.1.2.

l-angolu reai tat-torso u l-angolu tad-disinn tat-torso u r-relazzjoni tagħhom.

2.2.    “Il-magna tridimensjonali tal-punt ‘H’ ” (magna 3-D “H”) tfisser l-apparat użat għad-determinazzjoni tal-punti “H” u tal-angoli reali tat-torso. Dan l-apparat huwa deskritt fl-Appendiċi 1 għal dan l-anness;

2.3.   Il-punt “H” tfisser iċ-ċentru tal-pern tat-torso u tal-koxxa tal-magna 3-D H installata fis-sit tal-vettura skont il-paragrafu 4 ta’ hawn taħt. Il-punt “H” jinstab fiċ-ċentru tal-linja ċentrali tal-apparat li hi bejn il-buttuni tal-viżjoni tal-punt “H” fuq kull naħa tal-magna 3-D H. Il-punt “H” jikkorrispondi teoretikament għall-punt “R” (għat-tolleranzi, ara l-paragrafu 3.2.2 isfel). Ladarba jkun iddeterminat skont il-proċedura deskritta fil-paragrafu 4, il-punt “H” jitqies bħala fiss f’relazzjoni mal-istruttura tal-kuxxin tas-sit u li jiċċaqlaq magħha meta s-sit ikun aġġustat.

2.4.    “Il-punt ‘R’ ” jew “il-punt ta” referenza ta’ bilqiegħda’ ifissru punt ta’ disinn iddefinit minn manifattur tal-vettura għal kull pożizzjoni bilqiegħda u stabbilit fir-rigward tas-sistema tridimensjonali ta’ referenza.

2.5.    “Il-linja tat-torso” tfisser il-linja ċentrali tas-sonda tal-magna 3-D H meta s-sonda tkun fil-pożizzjoni għalkollox lura.

2.6.    “L-angolu reali tat-torso” tfisser l-angolu mkejjel bejn linja vertikali mil-punt ‘H’ u l-linja tat-torso bl-użu tal-angolu ta’ wara tal-kwadrant fil-magna 3-D H. L-angolu reali tat-torso jikkorrispondi teoretikament mal-angolu tat-torso ddiżinjat (għat-tolleranzi ara l-paragrafu 3.2.2 hawn taħt).

2.7.    “L-angolu tat-torso skont id-disinn” tfisser il-qisien tal-angolu bejn linja vertikali li tgħaddi mill-punt “R” u l-linja tat-torso f’pożizzjoni li tikkorrispondi mal-pożizzjoni skont id-disinn tad-dahar tas-sit stabbilit mill-manifattur tal-vettura.

2.8.    “Il-pjan ċentrali tal-okkupant” (C/LO) tfisser il-pjan medjan tal-magna 3-D H imqiegħed f’kull pożizzjoni ta’ bilqiegħda indikata; huwa rrappreżentat mill-koordinat tal-punt “H” fuq l-assi Y. Għas-sits individwali, il-pjan ċentrali tas-sit jikkoinċidi mal-pjan ċentrali tal-okkupant. Għas-sits l-oħra, il-pjan ċentrali tal-okkupant ikun speċifikat mill-manifattur.

2.9.    “Sistema ta’ referenza tridimensjonali” tfisser sistema kif inhi deskritta fl-Appendiċi 2 ta’ dan l-Anness.

2.10.    “Marki ta’ riferiment” huma punti fiżiċi (toqob, uċuh, marki jew marki forma ta’ sinniet) fuq il-bodi tal-vettura ddefiniti mill-manifattur;

2.11.    “Attitudni ta’ qisien tal-vettura” tfisser il-pożizzjoni tal-vettura ddefinita mill-koordinati tal-marki ta’ riferiment fis-sistema ta’ referenza tridimensjonali.

3.   Ħtiġijiet

3.1.   It-tressiq tad-dejta

Għal kull pożizzjoni bilqiegħda fejn hija meħtieġa d-dejta ta’ referenza biex turi konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, id-dejta kollha li ġejja, jew selezzjoni xierqa minnha għandha titressaq fil-formola indikata fl-Appendiċi 3 ta’ dan l-Anness:

3.1.1.

il-koordinati tal-punt “R” b’relazzjoni mas-sistema ta’ referenza tridimensjonali;

3.1.2.

l-angolu ddiżinjat għat-torso;

3.1.3.

l-indikazzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi aġġustat is-sit (jekk dan jista’ jiġi aġġustat) għall-pożizzjoni għall-qisien stipulat fil-paragrafu 4.3 hawn taħt.

3.2.   Ir-relazzjoni bejn id-dejta mkejla u l-ispeċifikazzjonijiet tad-disinn

3.2.1.

Il-koordinati tal-punt “H” u l-valur tal-angolu reali tat-torso miksub permezz tal-proċedura stipulata fil-paragrafu 4 hawn taħt għandhom jiġu mqabbla, rispettivament, mal-koordinati tal-punt “R” u l-valur tal-angolu tat-torso fid-disinn indikat mill-manifattur tal-vettura.

3.2.2.

Il-pożizzjonijiet relattivi tal-punt “R” u l-punt “H” u r-relazzjoni bejn l-angolu tat-torso ddiżinjat u l-angolu reali tat-torso jkunu meqjusa aċċettabbli għall-pożizzjoni bilqiegħda kkonċernata jekk il-punt “H”, kif iddefinit mill-koordinati tiegħu, ikun fi kwadru li l-ġnub tiegħu jkunu twal 50 mm u d-djagonali tagħhom jissallbu fil-punt “R”, u jekk id-differenza bejn l-angolu reali tat-torso u l-angolu ddiżinjat tat-torso hija ta’ bejn 5° u inqas.

3.2.3.

Jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, il-punt “R” u l-angolu ddiżinjat tat-torso għandhom jintużaw biex juru l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

3.2.4.

Jekk il-punt “H” jew l-angolu reali tat-torso ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tal-punt 3.2.2 ta’ hawn fuq, il-punt “H” u l-angolu reali tat-torso għandhom jitkejlu darbtejn oħra (tliet darbiet b’kollox). Jekk ir-riżultati ta’ tnejn minn dawn it-tliet operazzjonijiet jissodisfaw il-ħtiġijiet, japplikaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3.2.3 ta’ hawn fuq.

3.2.5.

Jekk ir-riżultati ta’ mill-inqas tnejn minn dawn it-tliet operazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 3.2.4 ta’ hawn fuq ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tal-paragrafu 3.2.2, jew jekk ma tistax issir verifika minħabba li l-manifattur tal-vettura ma tax informazzjoni dwar il-punt “R” jew dwar l-angolu ddiżinjat tat-torso, għandhom jintużaw il-punt tat-tislib tat-tliet punti mkejlin jew il-medja tat-tliet angoli mkejlin u jkunu meqjusa li huma applikabbli fil-każijiet kollha fejn jissemma l-punt “R” jew l-angolu ddiżinjat tat-torso f’dan ir-Regolament.

4.   Il-proċedura għad-Determinazzjoni tal-Punt “H” u l-Angolu Reali tat-Torso

4.1.   Il-vettura għandha tiġi prekondizzjonata, fid-diskrezzjoni tal-manifattur, f’temperatura ta’ 20 ± 10 °C biex ikun żgurat li l-materjal tas-sit jasal għat-temperatura ambjentali. Jekk ħadd qatt ma poġġa fis-sit li se jiġi kkontrollat, għandha tpoġġi persuna, jew jitpoġġa oġġett li jiżen bejn 70 u 80 kg, darbtejn għal minuta kull darba, biex jilwi l-kuxin u d-dahar. Fuq talba tal-manifattur, il-muntaturi kollha tas-sits għandhom jibqgħu vojta għal perjodu minimu ta’ 30 minuta qabel l-installazzjoni tal-magna 3-D H.

4.2.   Il-vettura għandha tkun fil-pożizzjoni ta’ kejl iddefinita fil-paragrafu 2.11 ta’ hawn fuq.

4.3.   Is-sit, jekk ikun jista’ jiġi aġġustat, għandu l-ewwel ikun aġġustat għall-pożizzjoni l-aktar lura ta’ sewqan jew ta’ ġarr, kif indikat mill-manifattur tal-vettura, filwaqt li jitqies biss l-aġġustament lonġitudinali tas-sit, u jkun eskluż il-moviment tas-sit li jintuża għal finijiet oħra li ma jkunux dawk ta’ sewqan jew ta’ ġarr normali. Meta jkunu jeżistu modi oħra ta’ aġġustament tas-sit (vertikali, angolari, tad-dahar tas-sit, eċċ.) dawn imbagħad se jkunu aġġustati għall-pożizzjoni speċifikata mill-manifattur tal-vettura. Għas-sits bis-sospensjoni, il-pożizzjoni vertikali għandha tkun iffissata b’mod riġidu b’mod li tikkorrispondi għal pożizzjoni normali ta’ sewqan skont kif ikun speċifikat mill-manifattur.

4.4.   Iż-żona tal-pożizzjoni ta’ bilqiegħda li tkun ħadet il-magna 3-D H għandha tkun miksija bi drapp tal-qoton tal-musulina, ta’ daqs biżżejjed u ta’ tessut adattat, deskritt bħala drapp tal-qoton sempliċi li jkollu 18,9 ħajt għal kull ċm2 u li jiżen 0,228 kg/m2 jew li jkun drapp innitjat jew li ma jkunx minsuġ li jkollu karatteristiċi ekwivalenti.

Jekk it-test isir fuq sit barra mill-vettura, l-art li fuqha jitpoġġa s-sit għandu jkollha l-istess karatteristiċi essenzjali (2) bħall-art tal-vettura li fiha jkun hemm il-ħsieb li jintuża s-sit.

4.5.   Qiegħed is-sit u l-immontar tad-dahar tal-magna 3-D H b’mod u manjiera li l-pjan ċentrali tal-okkupant (C/LO) jikkoinċidi mal-pjan ċentrali tal-magna 3-D H. Fuq talba tal-manifattur, il-magna 3-D H tista’ tiġi mċaqilqa ’l ġewwa fejn għandu x’jaqsam is-C/LO jekk il-magna 3-D H titqiegħed tant ’il barra li t-tarf tas-sit mhux se jħalli l-livellar tal-magna 3-D H.

4.6.   Waħħal l-immontar tas-sieq u tan-naħa t’isfel tar-riġel mal-immontar tal-qiegħ tas-sit, jew b’mod individwali jew billi tuża t-T-bar u l-immontar tan-naħa t’isfel tar-riġel. Il-linja li tgħaddi mill-buttuni tal-vista tal-punt “H” għandha tkun parallela mal-art u perpendikulari mal-pjan ċentrali lonġitudinali tas-sit.

4.7.   Aġġusta l-pożizzjonijiet tas-sieq u tar-riġel tal-magna 3-D H kif ġej:

4.7.1.

Il-pożizzjoni ta’ bilqiegħda ppjanata: is-sewwieq u passiġġier fuq quddiem u fin-naħa ta’ barra.

4.7.1.1.

L-immontar kemm tas-sieq kif ukoll tar-riġel għandhom ikunu mċaqalqa ’l quddiem b’mod u manjiera li s-saqajn jieħdu pożizzjonijiet naturali mal-art, bejn il-pedali tat-tħaddim jekk dan ikun meħtieġ. Fejn ikun possibbli, is-sieq xellugija għandha titqiegħed bejn wieħed u ieħor l-istess distanza fuq ix-xellug tal-pjan ċentrali tal-magna 3-D H bl-istess mod kif is-sieq leminija għandha titqiegħed fuq il-lemin. L-invell li jivverifika l-orjentazzjoni trasversali tal-magna 3-D H jinġieb għall-pożizzjoni orizzontali permezz ta’ aġġustament mill-ġdid tal-qiegħ tas-sit jekk ikun meħtieġ, jew billi jiġi aġġustat l-immontar tas-sieq u tar-riġel lejn wara. Il-linja li tgħaddi mill-buttuni tal-vista tal-punt “H” għandhom jinżammu perpendikulari għall-pjan ċentrali lonġitudinali tas-sit.

4.7.1.2.

Jekk ir-riġel xellugi ma jistax jinżamm parallel għar-riġel lemini u s-sieq xellugija ma tistax tiġi appoġġjata mill-istruttura, ċaqlaq is-sieq xellugija sakemm tkun appoġġjata. L-allinjament tal-buttuni tal-vista għandu jinżamm.

4.7.2.

Il-pożizzjoni ta’ bilqiegħda ppjanata: is-sit fuq wara ta’ barra

Għas-sits ta’ wara jew dawk awżiljarji, is-saqajn jitqiegħdu kif inhu speċifikat mill-manifattur. Jekk is-saqajn imbagħad iserrħu fuq partijiet mill-art li jkunu fuq livelli differenti, l-ewwel sieq li tiġi f’kuntatt mas-sit ta’ quddiem għandha sservi bħala referenza u s-sieq l-oħra għandha tkun irranġata b’mod u manjiera li l-invell li jagħti l-orjentazzjoni trasversali tas-sit tal-apparat jindika l-orizzontali.

4.7.3.

Pożizzjonijiet ta’ bilqiegħda ppjanati oħrajn:

Il-proċedura ġenerali indikata fil-paragrafu 4.7.1 ta’ hawn fuq għandha tkun segwita minbarra dik li s-saqajn għandhom jitqiegħdu skont kif inhu speċifikat mill-manifattur tal-vettura.

4.8.   Applika l-piżijiet tan-naħa t’isfel tar-riġel u tal-koxxa u llivella l-magna 3-D H.

4.9.   Inklina l-qiegħ ta’ wara ’l quddiem mal-waqfa ta’ quddiem u iġbed il-magna 3-D H ’il bogħod mid-dahar tas-sit permezz tat-T-bar. Ippożizzjona mill-ġdid il-magna 3-D H fuq is-sit permezz ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin:

4.9.1.

Jekk il-magna 3-D H għandha t-tendenza li tiżżerżaq lura, uża l-proċedura li ġejja. Ħalli l-magna 3-D H tiżżerżaq lura sakemm ma jkunx hemm aktar bżonn piż orizzontali ’l quddiem li jrażżan fuq it-T-bar, jiġifieri sakemm il-qiegħ tas-sit jiġi f’kuntatt mad-dahar tas-sit. Jekk ikun hemm bżonn, ippożizzjona mill-ġdid in-naħa t’isfel tar-riġel.

4.9.2.

Jekk il-magna 3-D H m’għandhiex it-tendenza li tiżżerżaq lura, uża l-proċedura li ġejja. Żerżaq il-magna 3-D H lura billi tapplika piż orizzontali lura fuq it-T-bar sakemm il-qiegħ tas-sit jiġi f’kuntatt mad-dahar tas-sit. (ara l-figura 2 tal-Appendiċi 1 għal dan l-anness).

4.10.   Applika piż ta’ 100 ± 10 N fuq il-montatura tad-dahar u tal-qiegħ tal-magna 3-D H fl-intersezzjoni tal-kwadrant tal-angolu tal-ġenbejn u tal-kisi tat-T-bar. Id-direzzjoni tal-applikazzjoni tal-piż għandha tinżamm tul linja li tgħaddi mill-intersezzjoni li ssemmiet aktar ’il fuq għal punt li jkun eżatt ’il fuq mill-kisi tal-iżbarra tal-koxxa (ara l-figura 2 tal-Appendiċi 1 għal dan l-Anness). Imbagħad bil-mod il-mod reġġa’ l-qiegħ ta’ wara għad-dahar tas-sit. Il-bqija tal-proċedura trid issir b’attenzjoni sabiex ikun evitat li l-magna 3-D H tiżżerżaq ’il quddiem.

4.11.   Installa l-piżijiet leminija u xellugin tal-warrani u mbagħad, b’mod alternat, it-tmien piżijiet tat-torso. Żomm il-livell tal-magna 3-D H.

4.12.   Inklina l-qiegħ ta’ wara ’l quddiem biex teħles it-tensjoni minn fuq id-dahar tas-sit. Ċaqlaq il-magna 3-D H minn naħa għall-oħra f’ark ta’ 10 gradi (5 gradi fuq kull naħa tal-pjan ċentrali vertikali) għal tliet ċikli sħaħ biex teħles kull frizzjoni li tkun inġemgħet bejn il-magna 3-D H u s-sit.

Waqt l-azzjoni ta’ ċaqliq, it-T-bar tal-magna 3-D H jista’ jkollha t-tendenza li tiżvijja mill-allinjament orizzontali u vertikali speċifikat. Għalhekk it-T-bar trid titrażżan billi jiġi applikat piż laterali adattat waqt iċ-ċaqliq. It-T-bar trid tinżamm b’attenzjoni u l-istess attenzjoni trid tingħata waqt li tkun qed tiċċaqlaq il-magna 3-D H biex ikun żgurat li l-ebda piż esterjuri ma jkun applikat b’mod involontarju f’direzzjoni vertikali jew f’direzzjoni ’l quddiem u lura.

Is-saqajn tal-magna 3-D H m’għandhomx jitrażżnu jew jinżammu waqt dan il-pass. Jekk is-saqajn ibiddlu l-pożizzjoni, għandhom jitħallew f’dik il-pożizzjoni għal dak il-ħin.

B’attenzjoni reġġa’ l-qiegħ ta’ wara lejn id-dahar tas-sit u ċċekkja li ż-żewġ invelli jkunu fil-pożizzjoni żero. Jekk ikun sar xi ċaqliq tas-saqajn waqt l-operazzjoni taċ-ċaqliq tal-magna 3-D H, iridu jkunu ppożizzjonati mill-ġdid kif ġej:

B’mod alternat, għolli kull sieq mill-art bl-ammont minimu neċessarju sakemm ma jkun hemm ebda moviment addizzjonali tas-sieq. Waqt li tkun qed tgħolli, is-saqajn għandhom ikunu ħielsa li jduru; u m’għandu jiġi applikat ebda piż minn quddiem jew mill-ġenb. Meta kull sieq titpoġġa lura fil-pożizzjoni t’isfel, l-għarqub irid ikun f’kuntatt mal-istruttura maħsuba għal dan.

Iċċekkja li l-invell laterali jkun fil-pożizzjoni żero; jekk ikun meħtieġ, applika piż laterali fil-quċċata tal-qiegħ ta’ wara li jkun biżżejjed biex jillivella l-qiegħ tas-sit tal-magna 3-D H fuq is-sit.

4.13.   Waqt li żżomm it-T-bar biex tevita li l-magna 3-D H tiżżerżaq ’il quddiem fuq il-kuxxin tas-sit, ipproċedi kif ġej:

(a)

reġġa’ l-qiegħ ta’ wara lejn id-dahar tas-sit;

(b)

b’mod alternat applika u erħi piż orizzontali li qiegħed fuq lura, li ma jeċċedix il-25 N, lejn l-iżbarra tal-angolu ta’ wara f’għoli li bejn wieħed u ieħor ikun fiċ-ċentru tal-piżijiet tat-torso sakemm il-kwadrant tal-angolu tal-ġenbejn jindika li tkun intlaħqet pożizzjoni stabbli wara li nħeles il-piż. Għandu jkun hemm attenzjoni biex ikun żgurat li l-ebda piż esterjuri ’l isfel jew lejn il-ġenb ma jkun applikat lill-magna 3-D H. Jekk ikun hemm il-ħtieġa ta’ aġġustament ieħor fil-livelli tal-magna 3-D H, dawwar il-qiegħ ta’ wara ’l quddiem, illivella mill-ġdid, u rrepeti l-proċedura mill-paragrafu 4.12.

4.14.   Ħu l-qisien kollha:

4.14.1.

Il-koordinati tal-punt “H” jitkejlu fejn għandha x’taqsam is-sistema tridimensjonali ta’ referenza.

4.14.2.

L-angolu effettiv tat-torso jinqara fil-kwadrant tal-angolu ta’ wara tal-magna 3-D H bis-sonda mqiegħda fil-pożizzjoni għalkollox lura.

4.15.   Jekk tkun mixtieqa ripetizzjoni tal-installazzjoni tal-magna 3-D H, l-immontar tas-sit għandu jitħalla bla piż għal perjodu minimu ta’ 30 minuta qabel ir-repetizzjoni. Il-magna 3-D H ma għandhiex titħalla bil-piż fuq l-immontar tas-sit għal aktar mill-ħin meħtieġ biex jitwettaq it-test.

4.16.   Jekk is-sits fl-istess ringiela jistgħu jitqiesu bħala simili (sit f’forma ta’ bank, sits identiċi, eċċ.) għandu jkun iddeterminat punt “H” wieħed biss u “angolu effettiv tat-torso” wieħed biss għal kull ringiela ta’ sits, bil-magna 3-D H, deskritta fl-Appendiċi 1 għal dan l-Anness titqiegħed bilqiegħda f’post li jitqies bħala rappreżentattiv għar-ringiela. Dan il-post għandu jkun:

4.16.1.

fil-każ tar-ringiela ta’ quddiem, is-sit tas-sewwieq;

4.16.2.

fil-każ tar-ringiela jew tar-ringieli ta’ wara, sit fuq in-naħa ta’ barra.


(1)  Fi kwalunkwe pożizzjoni bilqiegħda ħlief dik tas-sits ta’ quddiem fejn il-punt “H” ma jistax ikun iddeterminat billi tintuża l-“magna tridimensjonali tal-punt H” jew il-proċeduri, il-punt “R” indikat mill-manifattur jista’ jitqies bħala referenza skont id-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti.

(2)  L-angolu tal-inklinazzjoni, id-differenza fl-għoli bil-muntatura tas-sit, bit-tessuti tas-superfiċje, eċċ.

Appendiċi 1

DESKRIZZJONI TAL-MAGNA TRIDIMENSJONALI TAL-PUNT “H”  (1)

(il-magna 3-D H)

1.   Il-qigħan tad-dahar u tas-sit

Il-qigħan tad-dahar u tas-sit huma magħmulin minn plastik u metall rinforzat; huma jissimulaw it-torso u l-koxxa umana u huma mpernjati b’mod mekkaniku fil-punt ‘H’. Jitqabbad kwadrant mas-sonda mpernjata fil-punt ‘H’ biex jitkejjel l-angolu effettiv tat-torso. Żbarra tal-koxxa li tista’ tiġi aġġustata, imqabbda mal-qiegħ tas-sit, tistabbilixxi l-linja ċentrali tal-koxxa u sservi bħala linja bażi għall-kwadrant tal-angolu tal-ġenbejn.

2.   L-elementi tal-ġisem u tar-riġel

Is-segmenti tal-parti t’isfel tar-riġel huma marbuta mal-montatura tal-qiegħ tas-sit fit-T-bar li jgħaqqad l-irkopptejn, li huwa estensjoni laterali tal-iżbarra tal-koxxa li tista’ tiġi aġġustata. Il-kwadranti huma inkorporati fis-segmenti tal-parti t’isfel tar-riġel biex ikejlu l-angoli tal-irkopptejn. Il-montaturi taż-żarbuna u tas-sieq huma kkalibrati biex jitkejjel l-angolu tas-sieq. Żewġ invelli jorjentaw l-apparat fl-ispazju. Il-piżijiet tal-elementi tal-ġisem jitqiegħdu fiċ-ċentri ta’ gravità korrispondenti biex jipprovdu penetrazzjoni ekwivalenti għal raġel ta’ 76 kg. Il-ġogi kollha tal-magna 3-D H għandhom jiġu ċċekkjati għall-ħelsien tal-movimenti mingħajr ma jkun hemm frizzjoni partikolari.

Figura 1

It-tfassil tal-elementi tal-magna 3-D H

Image 10

Figura 2

Id-dimensjonijiet tal-elementi tal-magna 3-D H u d-distribuzzjoni tal-piż

Image 11


(1)  Għal dettalji dwar il-kostruzzjoni tal-magna 3-D H irreferi għas-Soċjetà tal-Inġiniera tal-Karozzi [Society of Automotive Engineers] (SAE), 400 Commonwealth Drive, Warrendale, Pennsylvania 15096, United States of America. Il-magna tikkorrispondi għal dik deskritta fl-Istandard ISO 6549: 1980.

Appendiċi 2

IS-SISTEMA TRIDIMENSJONALI TA’ REFERENZA

1.

Is-sistema tridimensjonali ta’ referenza hija ddefinita minn tliet pjani ortogonali li jiġu stabbiliti mill-manifattur tal-vettura (ara l-figura) (1).

2.

Il-pożizzjoni tal-kejl tal-vettura tiġi stabbilita billi l-vettura tkun ippożizzjonata fuq superfiċje ta’ appoġġ b’tali mod li l-koordinati tal-marki ta’ riferiment jikkorrispondu għall-valuri li ġew indikati mill-manifattur.

3.

Il-koordinati tal-punt “R” u tal-punt “H” jiġu stabbiliti f’relazzjoni mal-marki ta’ riferiment li ġew iddefiniti mill-manifattur tal-vettura.

Image 12


(1)  Is-sistema ta’ referenza tikkorrispondi għall-Istandard ISO 4130, 1978.


ANNESS 5

ID-DEJTA TA’ REFERENZA LI TIKKONĊERNA L-POŻIZZJONIJIET BILQIEGĦDA

1.   L-ikkodifikar tad-dejta ta’ referenza

Id-dejta ta’ referenza hija elenkata b’mod konsekuttiv għal kull pożizzjoni ta’ bilqiegħda. Il-pożizzjonijiet ta’ bilqiegħda huma identifikati b’kodiċi ta’ żewġ numri. L-ewwel karattru huwa numru Għarbi u jindika r-ringiela tas-sits, li jingħaddu minn quddiem għal wara tal-vettura. It-tieni numru huwa ittra kapitali li tindika l-post tal-pożizzjoni ta’ bilqiegħda fir-ringiela, kif tidher fid-direzzjoni ta’ moviment ’il quddiem tal-vettura; għandhom jintużaw l-ittri li ġejjin:

L

=

xellug

C

=

ċentru

R

=

lemin

2.   Id-deskrizzjoni tal-pożizzjoni tal-kejl tal-vettura

2.1.   Il-koordinati tal-marki ta’ riferiment

 

X …

 

Y …

 

Z …

3.   Il-lista tad-dejta ta’ referenza

3.1.   Il-pożizzjoni ta’ bilqiegħda: …

3.1.1.   Il-koordinati tal-punt “R”

 

X …

 

Y …

 

Z …

3.1.2.   L-angolu ddiżinjat tat-torso: …

3.1.3.   L-ispeċifikazzjoni għal-aġġustament tas-sit (1)

 

orizzontali: …

 

vertikali: …

 

angolari: …

 

angolu tat-torso: …

Nota: Elenka d-dejta ta’ referenza għal aktar pożizzjonijiet ta’ bilqiegħda taħt il-paragrafi 3.2, 3.3, eċċ.


(1)  Ingassa fejn ma japplikax


FTEHIMIET INTERISTITUZZJONALI

20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/47


Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUMMISSJONI EWROPEA (minn issa ’l quddiem “iż-żewġ Istituzzjonijiet”),

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), partikolarment l-Artikolu 295 tiegħu, u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (minn issa “l quddiem it-Trattati”),

wara li kkunsidraw il-Ftehimiet Interistituzzjonali u t-testi li jkopru r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ istituzzjonijiet,

wara li kkunsidraw ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 105, 106 u 127 tagħhom u l-Annessi VIII u XIV għalihom,

wara li kkunsidraw il-linji gwida politiċi maħruġin, u l-istqarrijiet rilevanti magħmulin, mill-President elett tal-Kummissjoni fil-15 ta’ Settembru 2009 u d-9 ta’ Frar 2010 kif ukoll l-istqarrijiet li għamel kull wieħed mill-kandidati Membri tal-Kummissjoni waqt is-seduti ta’ smigħ tagħhom quddiem il-kumitati tal-Parlament Ewropew;

A.

billi t-Trattat ta’ Lisbona jsaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni tal-Unjoni,

B.

billi ż-żewġ istituzzjonijiet jagħtu l-ikbar importanza lit-traspożizzjoni effettiva u l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni,

C.

billi dan il-Ftehim Qafas ma jaffettwax il-poteri u l-prerogattivi tal-Parlament, il-Kummissjoni jew istituzzjoni oħra jew korp tal-Unjoni, imma jfittex li jiżgura li dawk il-prerogattivi jiġu eżerċitati bl-iżjed mod effettiv u trasparenti possibbli,

D.

billi dan il-Ftehim Qafas għandu jkun interpretat b’konformità mal-qafas istituzzjonali hekk kif organizzat mit-Trattati,

E.

billi l-Kummissjoni tqis kif jistħoqq l-irwoli rispettivi mogħtija mit-Trattati lill-Parlament u lill-Kunsill, b’mod partikolari b’riferiment għall-prinċipju bażiku ta’ trattament indaqs stipulat taħt il-punt 9,

F.

billi huwa xieraq li jiġi emendat il-Ftehim Qafas konkluż f’Mejju 2005 (2) u għandu jinbidel bit-test li ġej,

JAQBLU KIF ĠEJ:

I.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

1.

Bil-għan li tiġi riflessa aħjar is-“sħubija speċjali” l-ġdida bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, iż-żewġ Istituzzjonijiet jaqblu fuq il-miżuri li ġejjin biex isaħħu r-responsabbiltà u l-leġittimità politika tal-Kummissjoni, jestendu d-djalogu kostruttiv u jtejbu l-iskambju ta’ tagħrif bejn iż-żewġ Istituzzjonijiet, kif ukoll itejbu l-kooperazzjoni fil-proċeduri u fl-ippjanar.

Jaqblu wkoll fuq dispożizzjonijiet speċifiċi:

dwar laqgħat tal-Kummissjoni mal-esperti nazzjonali, kif inhu stipulat fl-Anness I;

dwar il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali lill-Parlament, kif inhu stipulat fl-Anness II;

dwar in-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, kif inhu stipulat fl-Anness III; u

dwar l-iskeda tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni, kif inhu stipulat fl-Anness IV.

II.   RESPONSABBILTÀ POLITIKA

2.

Wara n-nomina tiegħu mill-Kunsill Ewropew, il-President nominat tal-Kummissjoni jippreżenta lill-Parlament linji gwida politiċi għall-mandat tiegħu bil-għan li jippermettu li jsir skambju infurmat ta’ opinjonijiet mal-Parlament qabel ma dan jieħu l-vot dwar l-elezzjoni.

3.

Il-Parlament, b’konformità mal-Artikolu 106 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, għandu jikkomunika mal-President-elett tal-Kummissjoni f’ħin xieraq qabel il-ftuħ tal-proċeduri relatati mal-approvazzjoni tiegħu għall-Kummissjoni l-ġdida. Il-Parlament għandu jqis kummenti espressi mill-President-elett.

Il-Membri nominati tal-Kummissjoni għandhom jiżguraw li jagħtu t-tagħrif rilevanti kollu, bi qbil mal-obbligu ta’ indipendenza stabbilit fl-Artikolu 245 TFUE.

Il-proċeduri għandhom jitfasslu b’tali mod li jkun żgurat li l-Kummissjoni nominata kollha tkun evalwata b’mod miftuħ, ġust u konsistenti.

4.

Kull Kummissarju għandu jerfà responsabbiltà politika għal azzjoni fl-oqsma li jkun responsabbli għalihom, bla ma jagħmel ħsara lill-prinċipju tal-kulleġġjalità tal-Kummissjoni.

Hija r-responsabbiltà sħiħa tal-President tal-Kummissjoni li jidentifika kull kunflitt ta’ interess li jimpedixxi Kummissarju milli jaqdi dmirijietu.

Il-President tal-Kummissjoni huwa wkoll responsabbli għal kull azzjoni sussegwenti meħuda f’tali ċirkustanzi u għandu immedjatament javża bil-miktub lill-President tal-Parlament.

Il-parteċipazzjoni tal-Membri tal-Kummissjoni fil-kampanji elettorali hija regolata mill-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Kummissarji.

Il-Membri tal-Kummissjoni li jipparteċipaw f’kampanji elettorali bħala kandidati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom jieħu leave mingħajr ħlas għall-elezzjonijiet b’effett mit-tmiem tal-aħħar sessjoni parzjali qabel l-elezzjonijiet.

Il-President tal-Kummissjoni għandu jgħarraf lill-Parlament f’ħin xieraq bid-deċiżjoni tiegħu li jagħti dan il-leave, filwaqt li jindika liema Membru tal-Kummissjoni se jassumi r-responsabbiltajiet rilevanti għal dak il-perjodu ta’ leave.

5.

Jekk il-Parlament jitlob lill-President tal-Kummissjoni jirtira l-fiduċja lil xi Membru individwali tal-Kummissjoni, huwa jeżamina serjament jekk għandux jitlob ir-riżenzja ta’ dak il-Membru, skont l-Artikolu 17(6) TUE. Il-President għandu jitlob ir-riżenja ta’ dak il-Membru jew jispjega quddiem il-Parlament iċ-ċaħda tiegħu li jagħmel dan fis-sessjoni parzjali ta’ wara.

6.

Meta tqum il-ħtieġa li Membru tal-Kummissjoni jinbidel waqt il-mandat tiegħu, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 246 TFUE, il-President tal-Kummissjoni jeżamina serjament ir-riżultat tal-konsultazzjoni tal-Parlament qabel ma jagħti l-kunsens tiegħu għad-deċiżjoni tal-Kunsill.

Il-Parlament għandu jassigura li l-proċeduri tiegħu jitmexxew b’ħeffa, sabiex jippermettu li l-President tal-Kummissjoni jeżamina serjament l-opinjoni tal-Parlament qabel ma jinħatar il-Membru l-ġdid.

Bl-istess mod, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 246 TFUE, meta ż-żmien li jkun fadal għall-mandat tal-Kummissjoni jkun qasir, il-President tal-Kummissjoni jrid jeżamina serjament il-pożizzjoni tal-Parlament.

7.

Jekk il-President tal-Kummissjoni jkun biħsiebu jbiddel l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet fost il-Membri tal-Kummissjoni matul il-mandat tagħha skont l-Artikolu 248 TFUE, għandu jgħarraf lill-Parlament f’ħin xieraq għall-konsultazzjoni parlamentari rilevanti fir-rigward ta’ dan it-tibdil. Id-deċiżjoni tal-President li jbiddel l-allokazzjoni tal-portafolli jista’ jkollha effett minnufih.

8.

Kull meta l-Kummissjoni tressaq reviżjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Kummissarji dwar kunflitt ta’ interess jew imġiba etika, għandha titlob l-opinjoni tal-Parlament.

III.   DJALOGU KOSTRUTTIV U SKAMBJU TA’ TAGĦRIF

(i)   Dispożizzjonijiet ġenerali

9.

Il-Kummissjoni tiggarantixxi li tapplika l-prinċipju bażiku ta’ trattament indaqs għall-Parlament u għall-Kunsill, speċjalment f’dak li huwa aċċess għal-laqgħat u l-għoti ta’ kontributi u tagħrif ieħor, b’mod partikolari fi kwistjonijiet leġiżlattivi u baġitarji.

10.

Fi ħdan il-kompetenzi tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri biex tinvolvi aħjar il-Parlament b’tali mod li tqis kemm jista’ jkun il-fehmiet tal-Parlament fil-qasam tal-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni.

11.

Għandhom isiru għadd ta’ arranġamenti kif ġej biex tiġi implimentata s-“sħubija speċjali” bejn il-Parlament u l-Kummissjoni:

il-President tal-Kummissjoni jiltaqa’ mal-Konferenza tal-Presidenti fuq talba tal-Parlament, mhux inqas minn darbtejn fis-sena biex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ interess komuni.

il-President tal-Kummissjoni jkollu djalogu regolari mal-President tal-Parlament dwar kwistjonijiet orizzontali fundamentali u proposti leġiżlattivi ewlenin. Dan id-djalogu għandu jinkludi wkoll stediniet lill-President tal-Parlament biex jattendi laqgħat tal-Kulleġġ tal-Kummissarji;

il-President tal-Kummissjoni jew il-Viċi President responsabbli mir-relazzjoni interistituzzjonali għandu jkun mistieden jattendi l-laqgħat tal-Konferenza tal-Presidenti u l-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati meta jiġu diskussi kwistjonijiet speċifiċi relatati mat-tfassil tal-aġenda għas-sessjoni plenarja, mar-relazzjonijiet interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni u ma’ kwistjonijiet leġiżlattivi u baġitarji;

għandhom isiru laqgħat kull sena bejn il-Konferenza tal-Presidenti u l-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u l-Kulleġġ tal-Kummissarji sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet rilevanti, inklużi t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma;

il-Konferenza tal-Presidenti u l-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fi żmien xieraq bir-riżultati tad-diskussjonijiet tagħhom li jkollhom dimensjoni interistituzzjonali. Barra minn hekk il-Parlament għandu jżomm il-Kummissjoni mgħarrfa bis-sħiħ u regolarment dwar l-eżitu tal-laqgħat li jittrattaw it-tħejjija tas-sessjonijiet parzjali, billi jqis il-fehmiet tal-Kummissjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-punt 45;

Bil-għan li jiġi garantit skambju ta’ tagħrif rilevanti bejn iż-żewġ Istituzzjonijiet, is-Segretarji Ġenerali tal-Parlament u tal-Kummissjoni għandhom jiltaqgħu fuq bażi regolari.

12.

Kull Kummissarju jrid jiżgura li jkun hemm skambju regolari u dirett ta’ tagħrif bejn il-Kummissarju u l-Presidenti tal-kumitat parlamentari relevanti.

13.

Il-Kummissjoni ma għandhiex tagħmel pubblika xi proposta leġiżlattiva jew xi inizjattiva jew deċiżjoni sinifikanti qabel ma tavża lill-Parlament bil-miktub.

Iż-żewġ Istituzzjonijiet għandhom jidentifikaw minn qabel, bi ftehim komuni, fuq bażi tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni, l-inizjattivi ewlenin li għandhom jiġu ppreżentati fis-sessjoni plenarja. Bħala prinċipju, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tippreżenta dawn l-inizjattivi waqt is-sessjoni plenarja u biss wara dan lill-pubbliku.

Bl-istess mod, għandhom jidentifikaw dawk il-proposti u l-inizjattivi li għalihom hemm bżonn jiġi ppreżentat tagħrif quddiem il-Konferenza tal-Presidenti, jew billi jiġi mgħarraf b’mod xieraq il-kumitat parlamentari relevanti jew il-president tiegħu.

Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fil-qafas tad-djalogu regolari bejn iż-żewġ Istituzzjonijiet, kif inhu stipulat fil-punt 11, u għandhom jiġu aġġornati fuq bażi regolari billi jitqiesu kwalunkwe żviluppi politiċi.

14.

Jekk dokument intern tal-Kummissjoni - li dwaru l-Parlament ma kienx avżat skont dan il-Ftehim Qafas - jiċċirkola barra mill-Istituzzjonijiet, il-President tal-Parlament jista’ jitlob li d-dokument konċernat jintbagħat lill-Parlament mingħajr dewmien ħalli jgħaddih lil kull Membru tal-Parlament li jsaqsi għalih.

15.

Il-Kummissjoni tipprovdi kull tagħrif u dokumentazzjoni dwar il-laqgħat tagħha mal-esperti nazzjonali fil-qafas tal-ħidma tagħha għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inklużi liġijiet li ma jorbtux u atti delegati. Il-Kummissjoni, f’każ li tintalab tagħmel dan mill-Parlament, tista’ wkoll tistieden l-esperti tal-Parlament biex jattendu għal dawk il-laqgħat.

Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma stipulati fl-Anness I.

16.

Fi żmien tliet xhur wara l-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni parlamentari, il-Kummissjoni għandha tipprovdi tagħrif bil-miktub lill-Parlament dwar l-azzjoni meħuda bħala tweġiba għal talba speċifika indirizzata lilha mir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament, inkluż f’każijiet fejn ma setgħatx tieħu azzjoni skont il-fehmiet tiegħu. F’każ li t-talba tkun urġenti, dak il-perjodu jista’ jitqassar. Jista’ jiġi prorogat b’xahar meta t-talba tkun teħtieġ ħidma aktar eżawrjenti u meta din tkun debitament kif jistħoqq. Il-Parlament għandu jiżgura ruħu li dan it-tagħrif jinxtered b’mod wiesa’ mal-istituzzjoni.

Il-Parlament għandu jagħmel ħiltu biex jevita li jagħmel mistoqsijiet bil-fomm jew bil-miktub dwar kwistjonijiet li dwarhom il-Kummissjoni tkun diġà għarrfet lill-Parlament dwar il-pożizzjoni tagħha permezz ta’ komunikazzjoni ta’ segwitu bil-miktub.

Il-Kummissjoni għandha tintrabat li tirrapporta dwar is-segwitu konkret li jkun ingħata lil kwalunkwe talba għal preżentazzjoni ta’ proposta skont l-Artikolu 225 TFUE (rapport ta’ inizjattiva leġiżlattiva) fi żmien tliet xhur wara l-adozzjoni tar-risoluzzjoni korrispondenti fil-plenarja. Il-Kummissjoni għandha tressaq proposta leġiżlattiva sa mhux iktar tard minn sena wara jew tinkludi l-proposta fil-Programm ta’ Ħidma tagħha tas-sena ta’ wara. Jekk il-Kummissjoni ma tippreżentax proposta, din għandha tagħti spjegazzjonijiet dettaljati lill-Parlament Ewropew dwar ir-raġunijiet.

Il-Kummissjoni għandha wkoll timpenja ruħha favur kooperazzjoni mill-qrib u bikrija mal-Parlament dwar kull talba ta’ inizjattiva leġiżlattiva minn inizjattivi taċ-ċittadini.

Rigward il-proċedura ta’ kwittanza, id-disposizzjonijiet speċifiċi stipulati fil-punt 31 għandhom japplikaw.

17.

Meta jsiru inizjattivi, rakkomandazzjonijiet jew talbiet għal atti leġiżlattivi skont l-Artikolu 289(4) TFUE, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Parlament, jekk dan ikun mitlub, dwar il-pożizzjoni tagħha dwar dawk il-proposti miġjuba quddiem il-kumitat parlamentari rilevanti.

18.

Iż-żewġ Istituzzjonijiet jaqblu li jikkooperaw fil-qasam tar-relazzjonijiet mal-Parlamenti nazzjonali.

Il-Parlament u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw fl-implimentazzjoni tal-Protokoll nru 2 tat-TFUE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità. Din il-kooperazzjoni għandha tinkludi arranġamenti li jkollhom x’jaqsmu ma’ kwalunkwe traduzzjoni meħtieġa tal-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Parlamenti nazzjonali.

Meta l-limiti msemmija fl-Artikolu 7 tal-Protokoll nru 2 tat-TFUE jkunu ġew sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tipprovdi t-traduzzjonijiet tal-opinjonijiet motivati kollha ppreżentati mill-Parlamenti nazzjonali flimkien mal-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

19.

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament dwar il-lista tal-gruppi esperti tagħha mwaqqfa sabiex jgħinu lill-Kummissjoni fit-twettiq tad-dritt tagħha għall-inizjattiva. Din il-lista għandha tkun aġġornata fuq bażi regulari u pubblikata.

F’dan il-qafas, il-Kummissjoni għandha tgħarraf b’mod xieraq lill-kumitat parlamentari kompetenti, fuq rikjesta speċifika u motivata tal-president tiegħu, dwar l-attivitajiet u l-kompożizzjoni ta’ gruppi bħal dawn.

20.

Bl-għajnuna ta’ mekkaniżmi xierqa, iż-żewġ istituzzjonijiet għandu jkollhom djalogu kostruttiv dwar mistoqsijiet li jikkonċernaw oqsma amministrattivi importanti, l-iżjed dwar kwistjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet diretti għall-amministrazzjoni tal-Parlament stess.

21.

Il-Parlament għandu jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni, meta huwa jressaq reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu dwar ir-relazzjonijiet mal-Kummissjoni.

22.

Meta tkun invokata l-kunfidenzjalità dwar kwalunkwe tagħrif mibgħut skont din il-Ftehim Qafas, għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet imsemmija fl-Anness II.

(ii)   Ftehimiet internazzjonali u tkabbir

23.

Il-Parlament għandu jkun mgħarraf minnufih u bis-sħiħ f’kull fażi tan-negozjati u tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, inkluża d-definizzjoni ta’ direttivi ta’ negozjati. Il-Kummissjoni għandha taġixxi b’mod tali li tagħti effett sħiħ lill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 218 TFUE, filwaqt li tirrispetta l-irwol ta’ kull Istituzzjoni skont l-Artikolu 13(2) TUE.

Il-Kummissjoni għandha tapplika l-arranġamenti stipulati fl-Anness III.

24.

It-tagħrif imsemmi fil-punt 23 għandu jingħata lill-Parlament fi żmien biżżejjed biex jekk hemm bżonn, ikun jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu, u lill-Kummissjoni biex safejn ikun possibbli tkun tista’ tqis l-opinjoni tal-Parlament. Dan it-tagħrif għandu, bħala regola ġenerali, jkun provdut lill-Parlament mill-kumitat parlamentari responsabbli u, fejn hu xieraq, waqt seduta plenarja. F’każijiet ġustifikati kif jistħoqq, dan għandu jingħata lil aktar minn kumitat parlamentari wieħed.

Bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Anness II, il-Parlament u l-Kummissjoni jieħdu ħsieb jistabbilixxu proċeduri u salvagwardji xierqa għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-Kummissjoni lill-Parlament.

25.

Iż-żewġ Istituzzjonijiet jagħrfu illi minħabba l-irwoli istituzzjonali differenti tagħhom, il-Kummissjoni tirrappreżenta l-Unjoni Ewropea f’negozjati internazzjonali, għajr f’dawk li għandhom x’jaqsmu mal-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni u f’każijiet oħra kif jiddisponu t-Trattati.

Meta l-Kummissjoni tirrappreżenta l-Unjoni f’konferenzi internazzjonali, hija għandha fuq talba tal-Parlament, tiffaċilita l-inklużjoni ta’ delegazzjoni ta’ Membri tal-Parlament Ewropew bħala osservaturi f’delegazzjonijiet tal-Unjoni, sabiex ikun mgħarraf minnufih u bis-sħiħ dwar il-ħidma tal-konferenza. Il-Kummissjoni tieħu ħsieb, fejn japplika, li sistematikament tgħarraf lid-delegazzjoni tal-Parlament bl-eżitu tan-negozjati.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħux jieħdu sehem direttament f’dawn in-negozjati. Suġġett għall-possibilitajiet ġuridiċi, tekniċi u diplomatiċi, jistgħu jingħataw status ta’ osservaturi mill-Kummissjoni. F’każ li dan jiġi miċħud, il-Kummissjoni tgħarraf lill-Parlament bir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ Membri tal-Parlament Ewropew bħala osservaturi fil-laqgħat kollha rilevanti taħt ir-responsabbiltà tagħha qabel u wara s-sessjonijiet tan-negozjati.

26.

Taħt l-istess kundizzjonijiet, il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament mgħarraf sistematikament dwar il-laqgħat ta’ korpi mwaqqfa bi ftehimiet internazzjonali multilaterali li jinvolvu l-Unjoni u tiffaċilita l-aċċess għal Membri tal-Parlament Ewropew li jkunu parti minn delegazzjonijiet tal-Unjoni, kulmeta dawn il-korpi jintalbu jieħdu deċiżjonijiet li jkunu jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Parlament jew li l-implimentazzjoni tagħhom tkun tista’ tirrikjedi l-adozzjoni ta’ atti ġuridiċi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

27.

Il-Kummissjoni għandha barra minn hekk tagħti lid-delegazzjonijiet tal-Parlament inklużi fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni għal konferenzi internazzjonali aċċess għall-użu tal-faċilitajiet kollha tad-delegazzjoni tal-UE f’dawn l-okkażjonijiet, konformement mal-prinċipju ġenerali ta’ kooperazzjoni tajba bejn l-istituzzjonijiet u billi tqis il-loġistika disponibbli.

Il-President tal-Parlament għandu jibgħat proposta lill-President tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni ta’ delegazzjoni tal-Parlament fid-delegazzjoni tal-Unjoni mhux aktar tard minn 4 ġimgħat qabel il-bidu tal-konferenza, u jispeċifika l-kap tad-delegazzjoni tal-Parlament u n-numru ta’ Membri tal-Parlament Ewropew li għandhom ikunu inklużi. F’każijiet debitament ġustifikati, dan it-terminu jista’ jitqassar f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

In-numru ta’ Membri tal-Parlament Ewropew inklużi fid-delegazzjoni tal-Parlament u tal-persunal ta’ sostenn għandu jkun proporzjonat għad-daqs kumplessiv tad-delegazzjoni tal-Unjoni.

28.

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament infurmat għal kollox dwar il-progress tan-negozjati għal sħubija u b’mod partikulari dwar aspetti u żviluppi prinċipali, sabiex tagħtih opportunità jesprimi l-opinjonijiet tiegħu f’ħin biżżejjed bl-għajnuna tal-proċeduri parlamentari xierqa.

29.

Meta l-Parlament jadotta rakkomandazzjoni dwar dawn is-suġġetti msemmijin fil-punt 28, skont l-Artikolu 90(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, u meta l-Kummissjoni tiddeċiedi għal raġunijiet importanti li ma tistax tappoġġja rakkomandazzjoni bħal din, hija għandha tispjega r-raġunijiet quddiem il-Parlament, waqt seduta plenarja jew waqt il-laqgħa li jkun imiss tal-kumitat parlamentari rilevanti.

(iii)   Implimentazzjoni baġitarja

30.

Waqt konferenzi ta’ donaturi, qabel ma jsir irbit finanzjarju li jinvolvi impriżi finanzjarji ġodda u li jitlob il-qbil tal-awtorità baġitarja, il-Kummissjoni għandha tavża l-awtorità baġitarja u tevalwa l-kummenti tagħha.

31.

Fir-rigward tal-kwittanza annwali rregolata mill-Artikolu 319 TFUE, il-Kummissjoni għandha tikkomunika it-tagħrif kollu meħtieġ għall-kontroll tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena rilevanti, li jitlob mingħandha għal dak il-għan il-president tal-kumitat parlamentari responsabbli għall-proċedura ta’ kwittanza, skont l-Anness VII tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.

Jekk joħorġu aspetti ġodda li jikkonċernaw is-snin preċedenti, li għalihom tkun diġà ngħatat il-kwittanza, il-Kummissjoni għandha tgħaddi t-tagħrif kollhu meħtieġ dwar il-kwistjoni bil-għan li tintlaħaq soluzzjoni li tkun aċċettabbli għaż-żewġ naħat.

(iv)   Relazzjoni ma’ aġenziji regolatorji

32.

Il-persuni nominati għall-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv ta’ aġenziji regolatorji għandhom ikunu preżenti għas-seduti ta’ smigħ tal-kumitati parlamentari.

Barra minn hekk, fl-ambitu tad-diskussjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma interistituzzjonali dwar l-aġenziji mwaqqaf f’Marzu 2009, il-Kummissjoni u l-Parlament ifittxu approċċ komuni fir-rigward tal-irwol u tal-pożizzjoni tal-aġenziji deċentralizzati fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni, akkumpanjat b’linji gwida komuni għall-ħolqien, l-istruttura u l-operat ta’ dawk l-aġenziji, flimkien ma’ kwistjonijiet relatati mal-finanzjament, mal-baġit, mal-viġilanza u mal-ġestjoni.

IV.   KOOPERAZZJONI FIR-RIGWARD TAL-PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI U TAL-IPPJANAR LEĠIŻLATTIV

(i)   Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni u l-programmazzjoni tal-Unjoni Ewropea

33.

Il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għall-programmazzjoni annwali u multiannwali tal-Unjoni bil-għan li jintlaħqu ftehimiet interistituzzjonali.

34.

Kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-Programm ta’ Ħidma tagħha.

35.

Iż-żewġ Istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw skont l-iskeda mħejjija fl-Anness IV.

Il-Kummissjoni għandha tqis il-prijoritajiet espressi mill-Parlament.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi biżżejjed dettalji dwar x’inhu previst minn kull punt fil-Programm ta’ Ħidma tagħha.

36.

Il-Kummissjoni għandha tispjega meta ma tistax tressaq proposti individwali fil-Programm ta’ Ħidma tagħha għas-sena kkonċernata jew meta titbiegħed minnu. Il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli mir-relazzjonijiet interistituzzjonali jieħu ħsieb li jippreżenta regolarment rapport lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, li jispeċifika l-implimentazzjoni politika tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena kkonċernata.

(ii)   Proċedura għall-adozzjoni ta’ atti

37.

Il-Kummissjoni għandha tevalwa bir-reqqa l-emendi għall-proposti leġiżlattivi tagħha adottati mill-Parlament, bil-għan li dawn jitqiesu fi kwalunkwe proposta emendata.

Meta tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-emendi tal-Parlament skont l-Artikolu 294 TFUE, il-Kummissjoni għandha tqis bir-reqqa l-emendi adottati fit-tieni qari; jekk tiddeċiedi, għal raġunijiet importanti u wara konsiderazzjoni mill-Kulleġġ, biex ma tadottax jew ma tappoġġjax emendi bħal dawn, għandha tispjega d-deċiżjoni tagħha quddiem il-Parlament, u f’kull każ fl-opinjoni tagħha dwar l-emendi tal-Parlament, skont il- punt (ċ) tal-Artikolu 294(7) TFUE.

38.

Meta tittratta inizjattiva ppreżentata minn mhux inqas minn kwart tal-Istati Membri, b’konformità mal-Artikolu 76 TFUE, il-Parlament jieħu ħsieb li ma jadotta l-ebda rapport fil-kumitat rilevanti qabel ma jirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-inizjattiva.

Il-Kummissjoni tieħu ħsieb toħroġ l-opinjoni tagħha dwar inizjattiva bħal din sa mhux aktar tard minn 10 ġimgħat wara li tkun ġiet ippreżentata.

39.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi spjegazzjoni dettaljata fi żmien xieraq qabel ma tirtira kwalunkwe proposta li dwarha l-Parlament ikun diġà esprima pożizzjoni fl-ewwel qari.

Il-Kummissjoni għandha tipproċedi b’analiżi tal-proposti kollha pendenti fil-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni l-ġdida, biex tikkonfermahom jew tirtirahom politikament, filwaqt li tqis kif jistħoqq il-fehmiet espressi mill-Parlament.

40.

Għall-proċeduri leġiżlattivi speċjali li dwarhom il-Parlament għandu jiġi kkonsultat, inklużi proċeduri oħrajn bħal dik imniżżla fl-Artikolu 148 TFUE, il-Kummissjoni:

(i)

għandha tieħu miżuri biex tinvolvi aħjar lill-Parlament b’mod li tqis kemm jista’ jkun il-fehmiet tal-Parlament, partikolarment biex tiżgura li l-Parlament ikollu ż-żmien meħtieġ biex iqis il-proposta tal-Kummissjoni;

(ii)

għandha tiżgura li l-korpi tal-Kunsill jiġu mfakkra fi żmien xieraq biex ma jilħqux ftehim politiku għall-proposti tagħha qabel ma l-Parlament ikun adotta l-opinjoni tiegħu. Hi għandha titlob li d-diskussjoni tiġi konkluża fuq livell ministerjali wara li jkun ingħata żmien raġonevoli lill-membri tal-Kunsill biex jeżaminaw l-opinjoni tal-Parlament;

(iii)

għandha tiżgura li l-Kunsill josserva r-regoli stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jeżiġu li l-Parlament jerġa’ jiġi kkonsultat jekk il-Kunsill jemenda proposta tal-Kummissjoni b’mod sostanzjali. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament dwar kull avviż mogħti lill-Kunsill dwar il-ħtieġa ta’ konsultazzjoni mill-ġdid;

(iv)

tieħu ħsieb, jekk hu xieraq, biex tirtira proposta leġiżlattiva li l-Parlament ikun ċaħad. Jekk, għal raġunijiet importanti u wara konsiderazzjoni mill-Kulleġġ, il-Kummissjoni tiddeċiedi li żżomm il-proposta tagħha, għandha tispjega r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni f’dikjarazzjoni quddiem il-Parlament.

41.

Min-naħa tiegħu, sabiex itejjeb l-ippjanar leġiżlattiv, il-Parlament jieħu ħsieb:

(i)

li jippjana t-taqsimiet leġiżlattivi tal-aġenda tiegħu, jadattahom mal-Programm ta’ Ħidma attwali tal-Kummissjoni u mar-riżoluzzjonijiet li jkun adotta fuq dak il-programm b’mod partikolari bil-ħsieb ta’ titjib fl-ippjanar tad-dibattiti prijoritarji;

(ii)

li josserva skadenzi raġonevoli, safejn dawn huma utli għall-proċedura, meta jkun qed jadotta l-posizzjoni tiegħu waqt l-ewwel qari skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew l-opinjoni tiegħu skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni;

(iii)

li sa fejn ikun possibbli jaħtar rapporteurs fuq proposti fil-ġejjieni hekk kif jiġi adottat il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni;

(iv)

li jikkunsidra talbiet għal konsultazzjoni mill-ġdid bħala kwistjoni ta’ prijorità assoluta kemm-il darba jkun irċieva t-tagħrif kollu meħtieġ.

(iii)   Kwistjonijiet relatati ma’ Tfassil Aħjar tal-Liġijiet

42.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-valutazzjonijiet tal-impatt li tagħmel jitwettqu taħt ir-responsabbiltà tagħha permezz ta’ proċedura trasparenti li tiggarantixxi valutazzjoni indipendenti. Il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom ikunu ppubblikati fi żmien xieraq, filwaqt li jitqiesu xenarji differenti, fosthom għażla li jinżamm l-istatus quo, u għandhom fil-prinċipju jiġu ppreżentati lill-kumitat parlamentari rilevanti fil-fażi ta’ għoti ta’ tagħrif lill-Parlamenti nazzjonali skont il-Protokolli nri 1 u 2 tat-TFUE.

43.

Fl-oqsma fejn il-Parlament normalment huwa involut fil-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni għandha tuża liġijiet li ma jorbtux, fejn dan ikun xieraq, u fuq bażi ġustifikata kif jistħoqq wara li tkun tat lill-Parlament l-opportunità li jesprimi fehmietu. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi spjegazzjoni dettaljata lill-Parlament dwar il-mod kif fehmietu jkunu tqiesu meta tadotta l-proposti tagħha.

44.

Sabiex ikun żgurat monitoraġġ aħjar tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, il-Kummissjoni u l-Parlament għandhom jagħmlu ħilithom biex jinkludu tabelli ta’ korrelazzjoni obbligatorji u limitu ta’ żmien li jorbot għat-traspożizzjoni, li fil-każ tad-direttivi normalment ma għandux jisboq perjodu ta’ sentejn.

Barra mir-rapporti speċjali u mir-rapport annwali dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Parlament tagħrif fil-qosor dwar il-proċeduri ta’ ksur kollha mill-ittra ta’ avviż formali, inkluż, jekk il-Parlament jitlob dan, fuq bażi ta’ każ b’każ u fir-rispett tar-regoli relatati mal-kunfidenzjalità, partikolarment dawk rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, dwar il-kwistjonijiet li magħhom ikollha x’taqsam il-proċedura ta’ ksur.

V.   IL-PARTEĊIPAZZJONI TAL-KUMMISSJONI FIL-PROĊEDURI PARLAMENTARI

45.

Il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-preżenza tagħha, jekk hekk jintalab, fis-seduti plenarji jew fil-laqgħat tal-korpi l-oħra tal-Parlament, qabel ġrajjiet jew stediniet oħra li jseħħu fl-istess ħin.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura, bħala regola ġenerali, li l-Membri tal-Kummissjoni jkunu preżenti kull meta l-Parlament jitlob dan waqt seduti plenarji li fihom jiġu diskussi punti tal-aġenda li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Dan japplika għall-abbozzi preliminari tal-aġendi li jkunu ġew approvati mill-Konferenza tal-Presidenti fis-sessjonijiet parzjali preċedenti.

Il-Parlament ifittex li jiżgura, bħala regola ġenerali, li punti tal-aġenda tas-sessjonijiet parzjali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Membru tal-Kummissjoni jiġu raggruppati.

46.

Fuq talba tal-Parlament, issir dispożizzjoni għal Siegħa ta’ Mistoqsijiet regolari mal-President tal-Kummissjoni. Din is-Siegħa ta’ Mistoqsijiet tkun tikkonsisti f’żewġ partijiet: l-ewwel waħda mal-mexxejja tal-gruppi politiċi jew mar-rappreżentanti tagħhom, li titmexxa fuq bażi totalment spontanja; it-tieni waħda ddedikata lil tema politika miftiehma minn qabel, mhux aktar tard mill-Ħamis qabel is-sessjoni parzjali rilevanti, iżda mingħajr mistoqsijiet imħejjija.

Barra minn hekk, għandha tiddaħħal Siegħa ta’ Mistoqsijiet mal-membri tal Kummissjoni, fosthom il-Viċi President għar-Relazzjonijiet Esterni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, fuq il-mudell tas-Siegħa ta’ Mistoqsijiet mal-President tal-Kummissjoni, bil-għan li jiġi riformat il-Ħin għall-Mistoqsijiet attwali. Din is-Siegħa ta’ Mistoqsijiet għandha jkollha x’taqsam mal-portafoll tal-Membri tal-Kummissjoni rispettivi.

47.

Il-Kummissarji għandhom jinstemgħu jekk huma jitolbu dan.

Bla ħsara għall-Artikolu 230 TFUE, iż-żewġ Istituzzjonijiet għandhom jaqblu dwar regoli ġenerali dwar l-allokazzjoni tal-ħin tad-diskorsi bejn l-Istituzzjonijiet.

Iż-żewġ istituzzjonijiet jaqblu li l-allokazzjoni indikattiva tal-ħin tad-diskorsi tagħhom għandha tiġi rispettata.

48.

Bil-għan li tiġi żgurata l-preżenza tal-Kummissarji, il-Parlament jieħu ħsieb li jagħmel mill-aħjar biex jaderixxi mal-abbozz finali tal-aġenda tiegħu.

Meta l-Parlament jemenda l-abbozz finali tal-aġenda, jew iċaqlaq punti mill-aġenda fis-sessjoni parzjali, il-Parlament għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-aħjar li tista’ biex tiżgura l-preżenza tal-Membru responsabbli tal-Kummissjoni.

49.

Il-Kummissjoni tista’ tipproponi l-inklużjoni ta’ punti fl-aġenda sa mhux aktar tard mil-mil-laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti li tiddeċiedi dwar l-abbozz aħħari tal-aġenda ta’ sessjoni parzjali. Il-Parlament għandu jqis bis-sħiħ proposti bħal dawn.

50.

Kwalunkwe kumitat parlamentari għandu jfittex li jżomm l-abbozzi tal-aġenda u l-aġenda tiegħu.

Kull meta kumitat parlamentari jemenda l-abbozz għall-aġenda jew l-aġenda tiegħu, il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa minnufih. B’mod partikolari, il-kumitati parlamentari għandhom jagħmlu ħilithom biex jirrispettaw skadenza raġonevoli li tippermetti l-preżenza ta’ Membri tal-Kummissjoni fil-laqgħat tagħhom.

Meta l-preżenza ta’ Membru tal-Kummissjoni ma tkunx espliċitament mitluba waqt laqgħa tal-kumitat parlamentari, il-Kummissjoni għandha tiżgura li tkun rappreżentata minn uffiċjal kompetenti fil-livell xieraq.

Il-kumitati parlamentari jagħmlu ħilithom biex jikkoordinaw xogħolhom, inkluż li ma jħallux li jsiru laqgħat paralleli dwar l-istess suġġett, u jagħmlu ħilithom biex ma jitbiegħdux mill-abbozz ta’ aġenda, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiggarantixxi livell xieraq ta’ rappreżentanza.

Jekk tintalab il-preżenza ta’ uffiċjal ta’ livell għoli (Direttur Ġenerali jew Direttur) f’laqgħa ta’ kumitat li tittratta proposta tal-Kummissjoni, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jitħalla jagħmel interventi.

VI.   DISPOŻIZZJONIJIET AĦĦARIN

51.

Il-Kummissjoni tikkonferma l-impenn tagħha li teżamina mill-aktar fis possibbli l-atti leġiżlattivi li ma kinux ġew adattati għall-proċedura regolatorja bi skrutinju qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, bil-għan li jiġi valutat jekk dawk l-istrumenti jeħtiġux jiġu adattati għar-reġim ta’ atti delegati introdott mill-Artikolu 290 TFUE.

Bħala għan aħħari, sistema koerenti ta’ atti delegati u ta’ atti ta’ implimentazzjoni, konsisteni bis-sħiħ mat-Trattat il-ġdid, għandha tinkiseb permezz ta’ valutazzjoni progressiva tax-xorta u tal-kontenuti ta’ miżuri attwalment suġġetti għall-proċedura regolatorja bi skrutinju, sabiex jiġu adattati fi żmien xieraq għar-reġim stipulat fl-Artikolu 290 TFUE.

52.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim Qafas jissupplimenta l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (3) mingħajr ma jaffettwawh u bla ħsara għal kwalunkwe reviżjoni oħra tiegħu. Bla ħsara għan-negozjati imminenti bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill, iż-żewġ Istituzzjonijiet jintrabtu li jaqblu dwar tibdil ewlieni fit-tħejjija ta’ negozjati ġejjienin dwar l-adattament tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet għad-dispożizzjonijiet il-ġodda imdaħħla mit-Trattat ta’ Lisbona, filwaqt li titqies il-prattika attwali u dan il-Ftehim Qafas.

Jaqblu wkoll dwar il-bżonn li jissaħħaħ il-mekkaniżmu eżistenti ta’ kuntatt interistituzzjonali, fuq livell politiku u tekniku, fir-rigward tat-Tfassil Ahjar tal-Liġijiet, biex tiġi żgurata kooperazzjoni interistituzzjonali effettiva bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill.

53.

Il-Kummissjoni tintrabat li tagħti bidu malajr lill-programmazzjoni annwali u multiannwali tal-Unjoni bil-għan li jintlaħqu ftehimiet interistituzzjonali, skont l-Artikolu 17 TUE.

Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni huwa l-kontribut tal-Kummissjoni għall-programmazzjoni annwali u multiannwali tal-Unjoni. Wara l-adozzjoni tiegħu mill-Kummissjoni, għandu jsir trilogu bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni bil-għan li jintlaħaq qbil dwar il-programmazzjoni tal-Unjoni.

F’dan il-kuntest u malli l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu laħqu kunsens dwar il-programmazzjoni tal-Unjoni, iż-żewġ Istituzzjonijiet għandhom jirrivedu d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim Qafas li għandhom x’jaqsmu mal-programmazzjoni.

Il-Parlament u l-Kummissjoni jistiednu lill-Kunsill biex mill-iktar fis possibli jidħol f’taħditiet dwar il-programmazzjoni tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 17 TUE mill-aktar fis possibbli.

54.

L-implimentazzjoni prattika ta’ dan il-Ftehim Qafas u l-Annessi tiegħu se tkun valutata perjodikament miż-żewġ Istituzzjonijiet. Sa tmiem l-2011, għandha ssir reviżjoni fid-dawl tal-esperjenza prattika.

Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kummissjoni Ewropea

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 44, 15.2.2005, p. 1.

(2)   ĠU C 117 E, 18.5.2006, p. 125.

(3)   ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


ANNESS I

Laqgħat tal-Kummissjoni ma' esperti nazzjonali

Dan l-Anness jistipula l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-punt 15 tal-Ftehim Qafas.

1.   Kamp ta' Applikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet tal-punt 15 tal-Ftehim Qafas jikkonċernaw il-laqgħat segwenti:

1)

Laqgħat tal-Kummissjoni li jsiru fil-qafas tal-gruppi ta' esperti stabbiliti mill-Kummissjoni u li għalihom ikunu mistednin l-awtoritajiet nazzjonali mill-Istati Membri kollha, meta dawn ikunu dwar it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inklużi liġijiet li ma jorbtux u atti delegati;

2)

Laqgħat ad hoc tal-Kummissjoni li għalihom ikunu mistednin esperti nazzjonali mill-Istati Membri kollha, meta dawn ikunu dwar it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inklużi liġijiet li ma jorbtux u atti delegati.

Huma esklużi l-laqgħat tal-kumitati tal-komitoloġija, bla ħsara għall-arranġamenti speċifiċi eżistenti u tal-ġejjieni dwar l-għoti ta' tagħrif lill-Parlament Ewropew dwar l-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni tal-Kummissjoni (1).

2.   Tagħrif li għandu jintbagħat lill-Parlament

Il-Kummissjoni tintrabat li tibgħat lill-Parlament l-istess dokumentazzjoni li tibgħat lill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-laqgħat imsemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni tibgħat dawn id-dokumenti, inklużi l-aġendi, f'kaxxa tal-posta funzjonali tal-Parlament fl-istess żmien li jintbagħtu lill-esperti nazzjonali.

3.   Stedina ta' esperti tal-Parlament

Fuq talba tal-Parlament, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tistieden lill-Parlament jibgħat esperti tal-Parlament biex jattendu l-laqgħat tal-Kummissjoni ma' esperti nazzjonali kif identifikat fil-punt 1.


(1)  It-tagħrif li għandu jingħata lill-Parlament dwar il-ħidma tal-kumitati tal-komitoloġija u l-prerogattivi tal-Parlament fl-operat tal-proċeduri ta' komitoloġija huma ddefiniċi b'mod ċar fi strumenti oħra: (1) Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23), (2) ftehima interistituzzjonali tat-3 ta' Ġunju 2008 bejn il-Parlament u l-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta' komitoloġija; u (3) strumenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 291 TFUE.


ANNESS II

Tagħrif kunfidenzjali mibgħuta lill-Parlament

1.   Kamp ta' applikazzjoni

1.1.

Dan l-Anness għandu jirregola t-twassil lill-Parlament u l-ġestjoni ta’ tagħrif kunfidenzjali, kif definit fil-punt 1.2., mill-Kummissjoni f’relazzjoni mal-eżerċizzju tal-prerogattivi u tal-kompetenzi tal-Parlament. Iż-żewġ Istituzzjonijiet għandhom jaġixxu skont id-doveri reċiproċi ta’ kooperazzjoni sinċiera fl-ispirtu ta’ fiduċja kompleta u reċiproka u f’konformità stretta mad-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat.

1.2.

“Tagħrif” tfisser kwalunkwe tagħrif miktub jew bil-fomm, ikun x 'ikun il-mezz u jkun min ikun l-awtur.

1.2.1.

“ Tagħrif kunfidenzjali” tfisser “tagħrif klassifikat tal-UE” (IKUE) u “tagħrif kunfidenzjali ieħor” mhux klassifikat.

1.2.2.

“Tagħrif klassifikat tal-UE” (IKUE) tfisser kwalunkwe tagħrif u materjal, klassifikat bħala “TRÈS SECRET UE/ EU TOP SECRET”, “SECRET UE”, “CONFIDENTIEL UE” jew “RESTREINT UE” jew b'indikazzjonijiet ta’ klassifikazzjoni nazzjonali jew internazzjonali ekwivalenti, li l-iżvelar mhux awtorizzat tiegħu jaf jikkaġuna livelli varji ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni, jew għal xi Stat Membru wieħed jew iżjed tagħha, kemm jekk dan it-tagħrif joriġina fl-Unjoni jew ikun ġej mill-Istati Membri, minn Stati terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali.

(a)   TRÈS SECRET UE/ EU TOP SECRET: din il-klassifikazzjoni għandha tiġi applikata biss għal tagħrif u materjal li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista' jipperikola b'mod eċċezzjonalment gravi l-interessi essenzjali tal-Unjoni Ewropea jew ta’ xi Stat Membru wieħed jew iżjed tagħha.

(b)   Secret UE: din il-klassifikazzjoni għandha tiġi applikata biss għal tagħrif u materjal li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista' jwassal għal ħsara gravi fl-interessi essenzjali tal-Unjoni jew ta’ xi Stat Membru wieħed jew iżjed tagħha.

(c)   Confidentiel UE: din il-klassifikazzjoni għandha tiġi applikata għal tagħrif u materjal li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista' jkun ta’ ħsara għall-interessi essenzjali tal-Unjoni jew ta’ xi Stat Membru wieħed jew iżjed tagħha;

(d)   RESTREINT UE: din il-klassifikazzjoni għandha tiġi applikata għal tagħrif u materjal li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista' jkun ta’ żvantaġġ għall-interessi tal-Unjoni jew ta’ xi Stat Membru wieħed jew iżjed tagħha;

1.2.3.

“Tagħrif kunfidenzjali ieħor” tfisser kwalunkwe tagħrif kunfidenzjali, inkluż tagħrif kopert bl-obbligu tas-sigriet professjonali, mitlub mill-Parlament u/jew mibgħut mill-Kummissjoni.

1.3.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Parlament jingħata aċċess għat-tagħrif kunfidenzjali, skont id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Anness, kull meta tirċievi mingħand wieħed mill-korpi parlamentari jew detenturi ta’ kariga msemmijin fil-punt 1.4, talba dwar it-trażmissjoni ta’ tagħrif kunfidenzjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tibgħat kwalunkwe tagħrif kunfidenzjali lill-Parlament fuq inizjattiva tagħha stess skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness.

1.4.

Fil-kuntest ta’ dan l-Anness, dawn li ġejjin jistgħu jitolbu tagħrif kunfidenzjali mill-Kummissjoni:

il-President tal-Parlament,

il-presidenti tal-kumitati parlamentari kkonċernati,

il-Bureau u l-Konferenza tal-Presidenti, u

u l-kap tad-delegazzjoni tal-Parlament fi ħdan id-delegazzjoni tal-Unjoni f'konferenza internazzjonali.

1.5.

Tagħrif dwar proċeduri ta’ ksur u proċeduri dwar kompetizzjoni, sakemm ma jkunux koperti minn deċiżjoni aħħarija tal-Kummissjoni jew minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fid-data meta tiġi rċevuta it-talba minn wieħed mill-korpi parlamentari / mid-detenturi ta’ kariga msemmija fil-punt 1.4, u tagħrif li jkollu x'jaqsam mal-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandu jitħalla barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Anness. Dan japplika mingħajr preġudizzju għall-punt 44 tal-Ftehim Qafas u għad-drittijiet ta’ kontroll tal-baġit li jgawdi l-Parlament.

1.6.

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KESE tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta’ April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jikkontrollaw it-tħaddim tad-dritt tal-Parlament Ewropew tal-investigazzjoni (1) u d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KESE, Euratom tat-28 ta’ April 1999 li twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (2).

2.   Regoli ġenerali

2.1.

Fuq talba ta’ wieħed mill-korpi parlamentari / mid-detenturi ta’ kariga msemmija fil-punt 1.4, il-Kummissjoni għandha tibgħat lil dak il-korp parlamentari / lid-detentur ta’ kariga, b'ħeffa kif jistħoqq, kwalunkwe tagħrif kunfidenzjali meħtieġ għat-tħaddim tal-prerogattivi u tal-kompetenzi tal-Parlament. Skond is-setgħat u r-responsabilitajiet rispettivi tagħhom, iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom jirrispettaw:

id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, inkluż id-dritt għal proċess ġuridiku ġust u d-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza;

id-disposizzjonijiet li jirregolaw proċeduri ġuridiċi u dixxiplinarji;

il-protezzjoni tas-segretezza fin-negozju u tar-relazzjonijiet kummerċjali;

il-protezzjoni tal-interessi tal-Unjoni, b'mod partikulari dawk dwar is-sigurtà pubblika, id-difiża, ir-relazzjonijiet internazzjonali, l-istabbilità monetarja u l-interessi finanzjarji.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, il-punt għandu jgħaddi f'idejn il-Presidenti taż-żewġ Istituzzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jsolvu l-kwistjoni.

Tagħrif kunfidenzjali minn Stat, istituzzjoni jew organizzazzjoni internazzjonali għandu jiġi trażmess biss bil-kunsens tiegħu.

2.2.

L-IKUE għandha tintbagħat lill-Parlament u tkun ġestita u protetta minnu b'konformità mal-istandards komuni minimi ta’ sigurtà applikati minn Istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni, partikolarment il-Kummissjoni.

Hi u tikklassifika t-tagħrif li jkun ġejja mingħandha, il-Kummissjoni għandha tiżgura ruħha li tapplika livelli adegwati ta’ klassifikazzjoni konformi mal-istandards u mad-definizzjonijiet internazzjonali u mar-regoli interni tagħha, filwaqt li tqis kif jistħoqq il-ħtieġa li l-Parlament ikun jista' jkollu aċċess għad-dokumenti klassifikati għat-tħaddim effikaċi tal-kompetenzi u tal-prerogattivi tiegħu.

2.3.

Fil-każ ta’ dubji dwar ix-xorta kunfidenzjali ta’ xi punt jew xi tagħrif jew dwar il-livell adegwat ta’ klassifikazzjoni tiegħu, jew fejn hu meħtieġ li jsiru l-arranġamenti xierqa biex tiġi trażmessa skont waħda mill-għażliet imsemmija fil-punt 3.2, iż-żewġ Istituzzjonijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin mill-aktar fis possibbli u qabel it-trażmissjoni tad-dokument. F'dawn il-konsultazzjonijiet, il-Parlament għandu jkun rappreżentat mill-president tal-korp parlamentari kkonċernat, akkumpanjat fejn ikun meħtieġ mir-rapporteur jew mid-detentur ta’ kariga li jkunu ippreżentaw t-talba. Il-Kummissjoni għandha tkun rappreżentata mill-Membru tal-Kummissjoni b'responsabbiltà għal dak il-qasam, wara konsultazzjoni mal- Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-affarijiet ta’ sigurtà. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, il-punt għandu jgħaddi f'idejn il-Presidenti taż-żewġ Istituzzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jsolvu l-kwistjoni.

2.4.

Jekk fl-aħħar tal-proċedura msemmija fil-punt 2.3, ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim, il-President tal-Parlament, bi tweġiba għal talba motivata mill-korp parlamentari / mid-detentur ta’ kariga li jkun ippreżenta t-talba, għandu jitlob lill-Kummissjoni biex titrażmetti, skont l-iskadenza xierqa indikata kif suppost, it-tagħrif kunfidenzjali msemmi, waqt li jagħżel l-arranġamenti fost il-possibilitajiet imsemmija fil-punt 3.2 ta’ dan l-Anness. Qabel l-iskadenza ta’ dik id-data, il-Kummissjoni għandha tavża bil-miktub lill-Parlament dwar il-posizzjoni aħħarija tagħha. F'dan ir-rigward, jekk xieraq, il-Parlament jirriżerva d-dritt ta’ rimedju.

2.5.

L-aċċess għall-IKUE għandu jingħata skont ir-regoli applikabbli għall-awtorizzazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal.

2.5.1.

L-aċċess għat-tagħrif klassifikat bħala “TRÈS SECRET UE/ EU” u “CONFIDENTIEL UE” jista' jingħata esklussivament lill-uffiċjali tal-Parlament u lil dawk l-impjegati tal-Parlament li jaħdmu għall-gruppi politiċi li għalihom huwa strettament meħtieġ, u li jkunu ntgħażlu minn qabel mill-korp parlamentari / mid-detentur ta’ kariga bħala persuni li jeħtieġu jkunu mgħarrfa u li ngħataw awtorizzazzjoni ta’ sigurtà xierqa.

2.5.2.

Fid-dawl tal-prerogattivi u tal-kompetenzi tal-Parlament, dawk il-Membri li ma ngħatawx awtorizzazzjoni ta’ sigurtà personali għandhom jingħataw aċċess għad-dokumenti kklassifikati “CONFIDENTIEL UE”, skont arranġamenti prattiċi definiti bi qbil komuni, inkluż l-iffirmar ta’ dikjarazzjoni solenni li ma għandhomx jiżvelaw il-kontenuti ta’ dawk id-dokumenti lil xi terza persuna.

L-aċċess għad-dokument klassifikati “SECRET UE” għandu jingħata lill-Membri li ngħataw awtorizzazzjoni ta’ sigurtà personali xierqa.

2.5.3.

Għandu jintlaħaq qbil bl-appoġġ tal-Kummissjoni biex jiġi garantit li l-kontribut mill-awtoritajiet nazzjonali meħtieġ fil-qafas tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà jkun jista' jinkiseb kemm jista' jkun malajr mill-Parlament.

Id-dettalji tal-kategorija jew il-kategoriji ta’ persuni b'aċċess għat-tagħrif kunfidenzjali għandhom jiġu kkomunikati fl-istess ħin mat-talba.

Qabel ma jingħata aċċess għal tagħrif bħal dan kull persuna għandha tkun mgħarrfa dwar il-livell ta’ kunfidenzjalità u dwar l-obbligi ta’ sigurtà li jirriżultaw.

Fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ dan l-Anness u tal-arranġamenti ġejjienin relatati mas-sigurtà, li hemm riferiment għalihom fil-punti 4.1 u 4.2, il-kwistjoni tal-awtorizzazzjonijiet ta’ sigurtà se terġa' tkun eżaminata.

3.   Arranġamenti għall-aċċess u l-ġestjoni ta' tagħrif kunfidenzjali

3.1.

Tagħrif kunfidenzjoni mogħti skond il-proċeduri msemmija fil-punt 2.3 u, fejn hu xieraq, il-punt 2.4, għandu isir disponibbli, taħt ir-responsibilità tal-President jew tal-Membru tal-Kummissjoni, lill-korp parlamentari/detentur ta’ kariga li jkun għamel it-talba, taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

Il-Parlament u l-Kummissjoni jiżguraw r-reġistrazzjoni u t-traċċabbiltà tat- tagħrif kunfidenzjali.

B'mod aktar speċifiku, l-IKUE ikklassifikat bħala “CONFIDENTIEL UE” u “SECRET UE” għandha tintbagħat mir-reġistru ċentrali tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni għand is-servizz ekwivalenti kompetenti tal-Parlament li jkun responsabbli li jqegħdha għad-dispożizzjoni, skont l-arranġamenti miftiehma, tal-korp parlamentari / tad-detentur ta’ kariga li jkun għamel it-talba.

It-trażmissjoni tal-IKUE ikklassifikati bħala “TRÈS SECRET UE/ EU TOP SECRET” għandha tkun suġġetta għal arranġamenti ulterjuri miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-korp parlamentari/id-detentur ta’ kariga li jkun għamel it-talba li jkunu mmirati li jiżguraw livell ta’ ħarsien xieraq għal dik il-klassifikazzjoni.

3.2.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-punti 2.2 u 2.4 u għall-arranġamenti ta’ sigurtà ġejjienin imsemmijin fil-punt 4.1, l-aċċess u l-arranġamenti magħmula biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tat-tagħrif għandhom jiġu stipulati bi qbil komuni qabel ma jintbagħat it-tagħrif. Dak il-qbil bejn il-Membru tal-Kummissjoni b'responsabbiltà fil-qasam politiku involut u l-korp parlamentari (rappreżentat mill-president tiegħu) / id-detentur ta’ kariga li jkun għamel t-talba, għandu jipprevedi l-għażla ta’ waħda mill-għażliet stipulati fil-punti 3.2.1 u 3.2.2 sabiex jiġi garantit livell ta’ kunfidenzjalità xieraq.

3.2.1.

Għal dak li għandu x'jaqsam mad-destinatarji tat-tagħrif kunfidenzjali għandha tkun prevista waħda minn dawn l-għażliet li ġejjin:

tagħrif li jkun maħsub biss għall-President tal-Parlament, f'każijiet ġustifikati minn raġunijiet assolutament eċċezzjonali;

il-Bureau u/jew il-Konferenza tal-Presidenti,

il-president tal-kumitat parlamentari rilevanti u r-rapporteur tal-istess kumitat;

il-membri kollha (sħaħ jew supplenti) tal-kumitat parlamentari rilevanti;

il-Membri kollha tal-Parlament Ewropew.

It-tagħrif kunfidenzjali msemmij ma jistax ikun ippubblikat jew trażmess lil xi destinatarju ieħor mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

3.2.2.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-arranġamenti għall-ġestjoni tat- tagħrif kunfidenzjali, għandhom ikunu previsti l-għażliet li ġejjin:

(a)

eżami tad-dokumenti f'kamra tal-qari sikura f'każ li t-tagħrif ikun klassifikat “CONFIDENTIEL UE” u f'livelli ogħla;

(b)

il-laqgħa ssir in camera, bil-parteċipazzjoni esklussiva tal-membri tal-Bureau, tal-membri tal-Konferenza tal-Presidenti jew membri sħaħ jew supplenti tal-kumitat parlamentari kompetenti kif ukoll ta’ uffiċjali tal-Parlament u dawk l-impjegati tal-Parlament li jaħdmu għall-gruppi politiċi li jkunu ntgħażlu minn qabel mill-president bħala persuni li jeħtieġu jkunu mgħarrfa u li l-preżenza tagħhom hija strettament meħtieġa, kemm-il darba ikunu ngħataw livell meħtieġ ta’ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

kwalunkwe dokument jista' jiġi numerat u mqassam fil-bidu tal-laqgħa u jinġabar lura fi tmiemha. Ma jistgħu la jitniżżlu noti u lanqas isiru fotokopji ta’ dawk id-dokumenti;

id-diskussjoni dwar punt trattat skont il-proċedura ta’ kunfidenzjalità ma għandhiex tissemma fil-minuti tal-laqgħa.

Qabel it-trażmissjoni, id-data personali kollha tista' titneħħa mid-dokumenti.

It-tagħrif kunfidenzjali mogħti bil-fomm lid-destinatarji fil-Parlament għandu jkun suġġett għal-livell ekwivalenti ta’ ħarsien tat-tagħrif kunfidenzjali mogħti lill-forma bil-miktub. Dan jista' jinkludi dikjarazzjoni solenni mid-destinatarji ta’ dak it-tagħrif biex ma jxerrdux il-kontenut tiegħu lill-ebda persuna terza.

3.2.3.

Meta t-tagħrif bil-miktub jiġi eżaminata f'kamra tal-qari sikura, il-Parlament għandu jiżgura li l-arranġamenti li ġejjin ikunu fis-seħħ:

sistema ta’ ħżin sikura għat-tagħrif kunfidenzjali;

kamra tal-qari sigura mingħajr magni tal-fotokopji, telefons, faċilitajiet għall-fax, “scanners” jew kwalunkwe apparat tekniku ieħor għar-riproduzzjoni u t-trażmissjoni ta’ dokumenti, eċċ;

disposizzjonijiet ta’ sigurtà li jikkontrollaw l-aċċess għall-kamra tal-qari, inklużi l-ħtiġijiet ta’ firma f'reġistru t'aċċess u dikjarazzjoni solenni biex ma jinxteredx it-tagħrif kunfidenzjal eżaminat.

3.2.4.

Dan li jingħad aktar'l fuq ma jipprekludix arranġamenti ekwivalenti oħra miftiehmin bejn l-Istituzzjonijiet.

3.3.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawn l-arranġamenti għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet tal-Membri mniżżla fl-Anness VIII tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament u fir-rigward tal-uffiċjali u impjegati oħra tal-Parlament Ewropew, id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal (3) jew tal-Artikolu 49 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni.

4.   Dispożizzjonijiet aħħarin

4.1.

Il-Kummissjoni u l-Parlament għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness.

Għal dan il-għan, is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni u tal-Parlament għandhom jikkoordinaw mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness. Dan għandu jinkludi l-verifika tat-traċċabbiltà tat-tagħrif kunfidenzjali u monitoraġġ perjodiku konġunt tal-arranġamenti relatati mas-sigurtà u l-istandards applikati.

Il-Parlament jintrabat li jadatta, fejn ikun meħtieġ, id-dispożizzjonijiet interni tiegħu biex jimplimenta r-regoli ta’ sigurtà għat-tagħrif kunfidenzjali stabbiliti f'dan l-Anness.

Il-Parlament jintrabat li jadotta malajr kemm jista' jkun l-arranġamenti ta’ sigurtà ġejjienin u jivverifika dawn l-arranġamenti bi qbil komuni mal-Kummissjoni, bil-għan li jistabbilixxi ekwivalenza tal-istandards tas-sigurtà. Dan jagħti effett lil dan l-Anness fir-rigward ta':

id-dispożizzjonijiet u l-istandards tekniċi ta’ sigurtà relatati mal-ġestjoni u mal-ħżin tat-tagħrif kunfidenzjali, inklużi l-miżuri ta’ sigurtà fil-qasam tas-sigurtà fiżika, tal-informatika, tal-persunal u tad-dokumenti.

il-ħolqien ta’ kumitat speċjali ta’ sorveljanza magħmul minn Membri Parlamentari li għandhom awtorizzazzjoni ta’ sigurtà meħtieġa għall-ġestjoni tal-IKUE ikklassifikat bħala “TRÈS SECRET UE/ EU TOP SECRET”.

4.2.

Il-Parlament u l-Kummissjoni jirrevedu dan l-Anness u, jekk ikun meħtieġ, jadattawh, sa mhux aktar tard miż-żmien ta’ reviżjoni imsemmi fil-punt 54 tal-Ftehim Qafas, fid-dawl tal-iżviluppi dwar:

arranġamenti ta’ sigurtà ġejjienin li jinvolvu l-Parlament u l-Kummissjoni;

ftehimiet jew atti ġuridiċi oħra rilevanti għat-trażmissjoni ta’ tagħrif bejn l-Istituzzjonijiet.


(1)   ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1.

(2)   ĠU L 136, 31.5.1999, p. 20.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni.


ANNESS III

Negozjati u konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali

Dan l-Anness jistipula l-arranġamenti dettaljati għall-għoti ta' tagħrif lill-Parlament dwar in-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali msemmija fil-punti 23, 24 u 25 tal-Ftehim Qafas:

(1)

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament bl-intenzjoni tagħha li tipproponi l-bidu tan-negozjati fl-istess ħin li tgħarraf lill-Kunsill.

(2)

Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-punt 24 tal-Ftehim Qafas, meta l-Kummissjoni tipproponi abbozz ta' direttivi ta' negozjati bil-għan li dawn jiġu adottati mill-Kunsill, hija għandha tippreżentah fl-istess ħin lill-Parlament.

(3)

Il-Kummissjoni għandha tqis kif jistħoqq l-osservazzjonijiet tal-Parlament matul in-negozjati kollha.

(4)

Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-punt 23 tal-Ftehim Qafas, il-Kummissjoni għandha tgħarraf regolarment u malajr bl-iżvolġiment tan-negozjati sakemm il-ftehim ikun inizjalat u għandha tispjega jekk u sa liema punt l-osservazzjonijiet tal-Parlament ikunu ġew inkorporati fit-testi f’negozjati u, f’każ li ma jkunux, għaliex.

(5)

Fil-każ ta' ftehimiet internazzjonali li l-konklużjoni tagħhom tkun teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament matul il-proċess tan-negozjati t-tagħrif kollu rilevanti li hija tipprovdi wkoll lill-Kunsill (jew lill-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill). Dan għandu jinkludi abbozzi ta' emendi għad-direttivi ta' negozjati adottati, abbozzi ta' testi ta' negozjati, artikoli miftehmin, id-data miftiehma biex jiġi inizjalat il-ftehim u t-test tal-ftehim qabel ma jiġi inizjalat. Il-Kummissjoni għandha wkoll tibgħat lill-Parlament, kif ukoll lill-Kunsill (jew lill-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill) id-dokumenti rilevanti kollha li tirċievi minn partijiet terzi, taħt riżerva tal-kunsens tal-awtur. Il-Kummissjoni għandha żżomm il-kumitat parlamentari responsabbli mgħarraf bl-iżviluppi fin-negozjati u, partikolarment, tispjega kif il-fehmiet tal-Parlament ikunu tqiesu.

(6)

F’każ ta' ftehimiet internazzjonali li l-konklużjoni tagħhom ma tkunx teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Parlament ikun mgħarraf minnufih u bis-sħiħ, billi tagħti tagħrif li jkun ikopri mill-inqas l-abbozzi ta' direttivi ta' negozjati, id-direttivi ta' negozjati adottati, l-iżvoġiment sussegwenti tan-negozjati u l-konklużjoni tan-negozjati.

(7)

Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-punt 24 tal-Ftehim Qafas, il-Kummissjoni għandha tagħti tagħrif sħiħ lill-Parlament f’ ħin xieraq meta tkun ġie inizjalat ftehim internazzjonali, u tgħarraf lill-Parlament malajr kemm jista’ jkun meta tkun biħsiebha tipproponi lill-Kunsill l-applikazzjoni provviżorja tagħha u r-raġunijiet għal dan, għajr jekk il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tagħmel dan minħabba raġunijiet ta' urġenza.

(8)

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Kunsill u lill-Parlament fl-istess ħin u f’ħin xieraq bil-ħsieb tagħha li tipproponi lill-Kunsill is-sospensjoni ta' xi ftehim internazzjonali u r-raġunijiet għal dan.

(9)

Għal ftehimiet internazzjonali li jaqgħu taħt il-proċedura ta' approvazzjoni stipulata fit-TFUE, il-Kummissjoni għandha wkoll iżżomm lill-Parlament mgħarraf bis-sħiħ qabel ma tapprova modifiki għal xi ftehim, kif ikun awtorizza l-Kunsill b’deroga, bi qbil mal-Artikolu 218(7) TFUE.


ANNESS IV

Skeda għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni

Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għandu jkun akkumpanjat b’lista ta’ proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi għas-snin ta’ wara. Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni jkopri s-sena kkonċernata li jkun jmiss u jagħti indikazzjoni dettaljata tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni għas-snin sussegwenti. Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għalhekk jista’ jservi ta’ bażi għal djalogu strutturat mal-Parlament bil-għan li jinlaħaq kunsens.

Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għandu jinkludi wkoll l-inizjattivi ppjanati għal liġijiet li ma jorbtux, irtirar u simplifikazzjoni.

1.

Fl-ewwel semestru ta’ sena partikolari, il-Membri tal-Kummissjoni għandhom jidħlu fi djalogu regolari kontinwu mal-kumitati parlamentari korrispondenti dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena kkonċernata u dwar it-tħejjija tal-Programm ta’ Ħidma li jkun jmiss tal-Kummissjoni. Abbażi ta’ dak id-djalogu, kull kumitat parlamentari għandu jipprovdi rapport lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati dwar l-eżitu tiegħu.

2.

Parallelament, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati għandu jkollha skambju ta’ opinjonijiet mal-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għar-relazzjonijiet interistituzzjonali, sabiex jiġi valutat l-istat ta’ implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma attwali tal-Kummissjoni, sabiex tiġi diskussa it-tħejjija tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni li jkun jmiss, u sabiex isir rendikont tar-riżultati tad-djalogu bilaterali kontinwu bejn il-kumitati parlamentari kkonċernati u l-Membri rilevanti tal-Kummissjoni.

3.

F’Ġunju, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati għandha tippreżenta rapport fil-qosor lill-Konferenza tal-Presidenti, li għandu jkun fih ir-riżultati tal-analiżi tal-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni kif ukoll tal-prijoritajiet tal-Parlament għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni li jkun jmiss, u l-Parlament għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dan.

4.

Abbażi ta’ dak ir-rapport fil-qosor, waqt is-sessjoni parzjali ta’ Lulju, il-Parlament għandu jadotta riżoluzzjoni li tagħti l-pożizzjoni tiegħu u tinkludi b’mod partikolari it-talbiet ibbażati fuq rapporti ta’ inizjattiva leġiżlattiva.

5.

Kull sena matul l-ewwel sessjoni parzjali ta’ Settembru, għandu jsir dibattitu dwar l-Istat tal-Unjoni li fih il-President tal-Kummissjoni għandu jagħmel diskors li fih jagħti rendikont tas-sena attwali filwaqt li jagħti ħarsa lejn il-prijoritajiet fil-ġejjieni għas-snin ta’ wara. Għal dak il-għan, il-President tal-Kummissjoni għandu jistabbilixxi bil-miktub lill-Parlament b’mod parallel l-elementi ewlenin li jiggwidaw it-tħejjija tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena ta’ wara.

6.

Mill-bidu ta’ Settembru, il-kumitati parlamentari u l-Membri rilevanti tal-Kummissjoni jistgħu jiltaqgħu biex ikollhom skambju ta’ opinjonijiet aktar dettaljat dwar il-prijoritajiet fil-ġejjieni f’kull wieħed mill-oqsma politiċi. Dawn il-laqgħat għandhom jintemmu b’laqgħa bejn il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u l-Kulleġġ tal-Kummissarji u b’laqgħa bejn il-Konferenza tal-Presidenti u l-President tal-Kummissjoni, kif ikun xieraq.

7.

F’Ottubru, il-Kummissjoni għandha tadotta l-Programm ta’ Ħidma tagħha għas-sena ta’ wara. Wara, il-President tal-Kummissjoni għandu jippreżenta dak il-Programm ta’ Ħidma lill-Parlament f’livell xieraq.

8.

Il-Parlament jista’ jagħmel dibattitu u jadotta riżoluzzjoni fis-sessjoni parzjali ta’ Diċembru.

9.

Din l-iskeda għandha tiġi applikata għal kull ċiklu regolari tal-programmazzjoni, ħlief fis-snin ta’ elezzjonijiet Parlamentari li jaħbtu fl-istess żmien tat-tmiem taż-żmien tal-kariga tal-Kummissjoni.

10.

Din l-iskeda m’għandhiex tkun ta’ ħsara għal xi ftehim fil-ġejjieni dwar programmazzjoni interistituzzjonali.