ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2010.254.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 254

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 53
29 ta' Settembru 2010


Werrej

 

II   Atti mhux leġislattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament implimentattiv tal-Kunsill (UE) Nru 855/2010 tas-27 ta’ Settembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1631/2005 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ aċidu trichloroisocyanuric li joriġina, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

1

 

*

Regolament implimentattiv tal-Kunsill (UE) Nru 856/2010 tas-27 ta’ Settembru 2010 li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali tar-Regolament (KE) Nru 661/2008 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja

5

 

*

Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 857/2010 tas-27 ta’ Settembru 2010 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda

10

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 858/2010 tat-28 ta’ Settembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 951/2006 fir-rigward tal-esportazzjonijiet barra mill-kwota u l-liċenzji tal-esportazzjoni

29

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 859/2010 tat-28 ta’ Settembru 2010 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

31

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/576/PESK tat-23 ta’ Settembru 2010 dwar il-missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo)

33

 

 

2010/577/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2010 li ttemm il-proċediment ta’ anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-tereftalat tal-polietilene li joriġinaw mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda u li tirrilaxxa l-ammonti miġbura permezz tad-dazji provviżorji imposti

40

 

 

2010/578/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2010 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw [jikklassifikaw] il-kreditu (notifikata bid-dokument numru C(2010) 6418)  ( 1 )

46

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/571/UE tal-24 ta’ Settembru 2010 li temenda, għal skopijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għal applikazzjonijiet li jkun fihom iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibrominati u l-eteri tad-difenil polibrominati ( ĠU L 251, 25.9.2010 )

48

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġislattivi

REGOLAMENTI

29.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/1


REGOLAMENT IMPLIMENTATTIV TAL-KUNSILL (UE) Nru 855/2010

tas-27 ta’ Settembru 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1631/2005 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ aċidu trichloroisocyanuric li joriġina, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4), u l-Artikolu 11(3), (5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

F’Ottubru 2005, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1631/2005 (2), (“ir-Regolament oriġinali”) impona miżuri antidumping definittivi fuq importazzjonijiet ta’ aċidu trichloroisocyanuric (“TCCA”) li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ir-“RPĊ”). Id-dazji jvarjaw minn 7,3 % sa 42,6 %.

2.   Talba għal reviżjoni

(2)

Fl-2009, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. It-talba, li kienet limitata fl-ambitu għall-eżami ta’ dumping, tressqet minn produttur esportatur Ċiniż Heze Huayi Chemical Co., Ltd (“Heze” jew “l-applikant”). Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-applikant hija ta’ 14,1 %.

(3)

Fit-talba tiegħu, l-applikant qal li ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom il-miżuri eżistenti kienu ġew imposti inbidlu u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema. L-applikant ipprovda evidenza prima facie li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex meħtieġa biex tpaċi d-dumping.

(4)

B’mod partikolari, it-talba kienet ibbażata fuq l-istqarrija li l-unità tal-ispiża tal-applikant tat-TCCA naqset b’mod sinifikanti mill-investigazzjoni oriġinali billi:

l-applikant jipproduċi l-materja prima ewlenija meħtieġa biex jipproduċi l-prodott taħt investigazzjoni; u

l-applikant żied il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha.

3.   Bidu ta’ reviżjoni.

(5)

Wara li ddeterminat, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni, il-Kummissjoni, fit-2 ta’ Lulju 2009, bdiet investigazzjoni (3) skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitat fl-ambitu għall-eżami ta’ dumping fir-rigward tal-applikant.

4.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili

(6)

Il-prodott ikkonċernat mir-reviżjoni attwali huwa l-istess bħal dak deskritt fir-Regolament oriġinali, l-aċidu trichloroisocyanuric u preparazzjonijiet tiegħu, li wkoll issir referenza għalih bħala “symclosene” taħt l-isem internazzjonali mhux proprjetarju (INN), li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2933 69 80 u ex 3808 94 20.

(7)

Il-prodott li huwa prodott u mibjugħ fis-suq domestiku Ċiniż u dak esportat lejn l-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi u għalhekk huma meqjusa li huma simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

5.   Partijiet ikkonċernati

(8)

Il-Kummissjoni għarrfet b’mod uffiċjali lill-applikant, lill-industrija tal-Unjoni, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-gvern tal-pajjiż esportatur, bil-bidu tar-reviżjoni.

(9)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jgħarrfu l-ħsibijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien imniżżel fl-Avviż ta’ Bidu.

(10)

Sabiex tikseb it-tagħrif li qieset meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet formola ta’ talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq (MET) u kwestjonarju lill-applikant u rċeviet tweġibiet skont il-limiti ta’ żmien stipulati għal dan il-għan. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li dehrilha neċessarja biex tiddetermina d-dumping, filwaqt li wettqet żjara ta’ verifika fil-kwartieri tal-applikant.

6.   Perijodu ta’ investigazzjoni

(11)

L-investigazzjoni għad-dumping kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009 (il-“PI”).

B.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

1.   Trattament ta’ ekonomija tas-suq (“MET”)

(12)

Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f’investigazzjonijiet tal-antidumping li jikkonċernaw importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont il-paragrafi 1 sa 6 tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku għal dawk il-produtturi li jesportaw li jkunu nstabu li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fejn jintwera li l-manufattura u l-bejgħ tal-prodott simili jsiru fil-kondizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Dawn il-kriterji huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt:

id-deċiżjonijiet kummerċjali jsiru b’reazzjoni għas-sinjali tas-suq, mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat, u l-ispejjeż jirriflettu l-valuri fis-suq;

id-ditti kummerċjali għandhom sett wieħed ċar ta’ kotba tal-kontijiet li huma vverifikati indipendentement skont standards ta’ kontabilità internazzjonali (IAS) u huma applikati għall-għanijiet kollha;

ma hemm l-ebda tfixkil sinifikanti li għadu nieżel minn sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq;

il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà jiggarantixxu stabbiltà u ċertezza ġuridika;

l-iskambji ta’ valuta jsiru bir-rata tas-suq.

(13)

L-investigazzjoni żvelat li l-applikant issodisfa l-ħames kriterji kollha tal-MET. Instab li matul il-PI, Heze ħadet id-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha mingħajr ebda interferenza jew tfixkil mill-Istat marbuta ma’ kondizzjonijiet ekonomiċi mhux tas-suq. Heze hija suġġetta għal-liġijiet Ċiniżi dwar il-falliment u l-proprjetà bla ebda deroga. Il-kumpanija għandha ġabra waħda ta’ kotba tal-kontabilità vverifikata minn awdituri indipendenti u sistema waħda ta’ verifika u l-prattika tagħha nstabet li kienet kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tal-kontabilità aċċettati internazzjonalment u mal-IAS. Instab li l-ispejjeż u l-prezzijiet jirriflettu l-valuri tas-suq u li konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jsiru bir-rati tas-suq.

(14)

Abbażi tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-applikant jista’ jingħata MET.

2.   Valur normali

(15)

Għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur normali l-ewwel ġie stabbilit jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku ta’ Heze tal-prodott simili kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-volum tal-bejgħ totali tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-bejgħ domestiku hu kkunsidrat rappreżentattiv meta l-volum totali tal-bejgħ domestiku jkun mill-anqas 5 % tal-volum totali tagħha tal-bejgħ rispettiv tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni stabbilixxiet li t-TCCA kien inbiegħ domestikament mill-applikant f’volumi ġeneralment rappreżentattivi.

(16)

Sussegwentement, dawk it-tipi tal-prodott simili mibjugħa fis-suq domestiku mill-aplikant li kienu identiċi jew li jitqabblu b’mod dirett mat-tipi mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, ġew identifikati.

(17)

Għal kull tip mibjugħ minn Heze fis-suq domestiku u li nstab li jitqabbel b’mod dirett mat-tip mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, ġie stabbilit jekk il-bejgħ domestiku sarx f’volum rappreżentattiv għall-għanijiet tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgћ domestiku ta’ tip partikolari tqies bћala rappreżentattiv biżżejjed meta l-volum tal-bejgћ domestiku totali ta’ dak it-tip matul il-PI rrappreżenta 5 % jew iktar tal-volum totali ta’ bejgћ tat-tip komparabbli esportat lejn l-Unjoni.

(18)

Ġie eżaminat ukoll jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull tip setax ikun ikkunsidrat bħala magħmul fl-andament normali tal-kummerċ, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi ġie stabbilit il-proporzjon tal-bejgћ profittabbli lill-konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku ta’ kull tip tal-prodott ikkonċernat esportat matul il-PI.

(19)

Fejn il-volum tal-bejgħ ta’ tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew iktar mill-ispiża kkalkulata tal-produzzjoni, irrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dak it-tip, u fejn il-prezz medju peżat ta’ dak it-tip kien daqs jew iktar mill-ispiża unitarja tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku effettiv. Dan il-prezz ġie kkalkulat bħala l-medja peżata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dan it-tip matul il-PI, sew jekk dan il-bejgħ kien bi qligħ kif ukoll jekk le.

(20)

Meta l-volum ta’ bejgħ bi qligħ ta’ tip ta’ prodott kien jirrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum ta’ bejgħ totali ta’ dak it-tip, jew meta l-prezz medju peżat ta’ dak it-tip kien inqas mill-ispiża unitarja tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali, li ġie kkalkulat bħala l-prezz medju differenzjat tal-bejgħ domestiku profittabbli biss tat-tip inkwistjoni magħmul matul il-PI.

(21)

Kull fejn il-prezzijiet domestiċi ta’ tip ta’ prodott partikolari mibjugħ minn Heze ma setgħux jintużaw sabiex jiġi stabbilit il-valur normali, kellu jiġi applikat metodu ieħor. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni użat il-valur normali maħdum. Skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kien kalkolat billi mal-ispejjeż tal-manifattura tat-tipi esportati ġew miżjuda, ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, u l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u marġni raġonevoli ta’ profitt. Skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, l-ammonti għall-SG&A u l-marġni ta’ profitt kienu bbażati fuq il-medja tal-SG&A u l-marġni ta’ profitt tal-bejgħ tal-Heze fl-andament normali tal-kummerċ tal-prodott simili.

(22)

B’mod konformi mal-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali, l-ispiża tal-manifattura kienet ikkalkolata għal żewġ tipi ta’ prodotti. Meta titqies l-informazzjoni provduta mill-applikant, ġiet ikkalkolata spiża waħda tal-manifattura għall-granuli u l-pilloli u oħra għat-trab.

3.   Prezz ta’ esportazzjoni

(23)

Billi l-prodott ikkonċernat ġie esportat direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, il-prezz ta’ esportazzjoni ġie stabbilit skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi tal-prezz ta’ esportazzjoni effettivament imħallas jew dovut għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

4.   Tqabbil

(24)

Il-valur normali medju tqabbel mal-prezz medju tal-esportazzjoni għal kull tip ta’ prodott ikkonċernat, fuq bażi ex-works u fuq l-istess livell ta’ kummerċ. Sabiex jiġi żgurat paragun imparzjali bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tqiesu d-differenzi fil-fatturi li kienu affermati u ppruvati li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet. Għal dan il-għan, l-aġġustamenti għall-ispejjeż ta’ trasport, l-ispejjeż ta’ trasport ta’ merkanzija bil-baħar u ta’ assigurazzjoni, ta’ tqandil, spejjeż ta’ kreditu, u spejjeż bankarji saru fejn kienu applikabbli u ġustifikati. Barra minn hekk, instab li l-VAT kienet parzjalment imħallsa lura meta l-prodott ikkonċernat kien mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Konsegwentement, il-VAT dovuta fuq il-bejgħ domestiku kien għalhekk aġġustat skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku.

(25)

Fir-rigward tal-allowance tal-ispiża tal-ippakkjar, l-applikant għamel talba għal allowance fir-rigward tal-ispejjeż tal-ippakkjar għall-bejgħ kemm fis-swieq Ċiniżi kif ukoll f’dawk tal-Unjoni. Il-verifika wriet li dawn l-ispejjeż kienu ugwalment inklużi fl-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott irrispettivament minn jekk kellux jinbiegħ domestikament jew għall-esportazzjoni. Għalhekk, il-konċessjoni mitluba ma ġietx aċċettata la fis-suq dometiku u lanqas f’dak tal-esportazzjoni.

5.   Marġni ta’ Dumping

(26)

Kif previst fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur medju normali peżat skont it-tip ġie mqabbel mal-prezz medju peżat tal-esportazzjonijiet tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat. Dan it-tqabbil wera l-eżistenza ta’ dumping.

(27)

Il-marġni tad-dumping għal Heze espress bħala perċentwali tal-prezz nett, ħieles fuq il-fruntiera tal-Unjoni, instab li kien 3,2 %.

C.   NATURA DEJJIEMA TAĊ-ĊIRKUSTANZI MIBDULA

(28)

Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat ukoll jekk jistax jitqies b’mod raġonevoli li ċ-ċirkostanzi mibdula li nstabu li jeżistu huma ta’ natura dejjiema.

(29)

L-applikant ipprovda kooperazzjoni sħiħa f’din ir-reviżjoni interim u d-data miġbura u vverifikata ppermettiet l-istabbiliment ta’ marġni tad-dumping ibbażat fuq il-prezzijiet individwali tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Ir-riżultat ta’ dan il-kalkolu jindika li l-issuktar tal-applikazzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma kienx għadu ġustifikat.

(30)

L-evidenza miksuba u vverifikata matul l-investigazzjoni wriet tnaqqis fil-livell ta’ dumping spjegat mit-tnaqqis tal-istruttura tal-ispiża tal-kumpanija. Il-fatturi prinċipali li wasslu għat-tnaqqis fl-istruttura tal-ispejjeż tal-applikant huma l-produzzjoni interna tal-materja prima ewlenija u l-espansjoni fil-kapaċità produttiva tal-applikant.

(31)

Instab ukoll li minn meta kienet saret l-investigazzjoni oriġinali, żdiedu l-prezzijiet ta’ esportazzjoni ta’ Heze lejn is-swieq kollha. B’mod partikolari, il-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni huma konformi mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-kumpanija lejn pajjiżi terzi oħra. Provi miġbura fuq il-post urew li l-kumpanija għandha ħafna klijenti fl-Unjoni b’livelli ta’ prezzijiet simili. L-imġiba koerenti tas-suq tal-applikant turi li l-bidliet fiċ-ċirkustanzi huma ta’ natura dejjiema.

(32)

Għalhekk, fid-dawl ta’ kulma ntqal hawn fuq, qed jitqies li ċ-ċirkostanzi li wasslu għat-tnedija ta’ din ir-reviżjoni aktarx li mhumiex ser jinbidlu fil-futur qrib b’mod li jaffettwaw is-sejbiet tar-reviżjoni attwali. Għalhekk ġie konkluż li l-bidliet huma kkunsidrati bħala ta’ natura dejjiema u li l-applikazzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma tkunx aktar ġustifikata.

D.   MIŻURI ANTIDUMPING

(33)

Fid-dawl tar-riżultati ta’ din l-investigazzjoni ta’ reviżjoni, jitqies xieraq li d-dazju antidumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn Heze jiġi emendat għal 3,2 %,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-entrata dwar Heze Huayi Chemical Co. Limited, fit-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1631/2005, għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“RPĊ

Heze Huayi Chemical Co. Limited

3,2  %

A629 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

K. PEETERS


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 261, 7.10.2005, p. 1.

(3)  ĠU C 150, 2.7.2009, p. 14 (“Avviż ta’ Bidu”).


29.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/5


REGOLAMENT IMPLIMENTATTIV TAL-KUNSILL (UE) Nru 856/2010

tas-27 ta’ Settembru 2010

li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali tar-Regolament (KE) Nru 661/2008 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 8, 9(4) u 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA PREĊEDENTI

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 2022/1995 (2), il-Kunsill impona dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju (“AN”) li joriġinaw mir-Russja, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3102 30 90 u 3102 40 90. Wara aktar investigazzjoni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku, li stabbiliet li d-dazju kien qed jiġi assorbit, il-miżuri ġew emendati mir-Regolament (KE) Nru 663/1998 (3). Wara talba għal skadenza u għal reviżjoni interim skont l-Artikoli 11(2) u 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 658/2002 (4), impona dazju definittiv anti-dumping ta’ EUR 47,07 għal kull tunnellata fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3102 30 90 u 3102 40 90 u li joriġinaw mir-Russja. Fl-aħħarnett, saret reviżjoni interim tal-ambitu tal-prodott skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku u, permezz tar-Regolament (KE) Nru 945/2005 (5), dazju definittiv anti-dumping li jvarja bejn EUR 41,42 għal kull tunnellata u EUR 47,07 għal kull tunellata kien impost fuq l-importazzjonijiet ta’ fertilizzanti solidi li joriġinaw mir-Russja b’kontenut ta’ nitrat tal-ammonju li jeċċedi 80 % tal-piż, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3102 30 90, 3102 40 90, ex 3102 29 00, ex 3102 60 00, ex 3102 90 00, ex 3105 10 00, ex 3105 20 10, ex 3105 51 00, ex 3105 59 00 u ex 3105 90 91.

(2)

Wara talba għal skadenza u reviżjoni interim (“l-aħħar reviżjoni ta’ skadenza”) skont l-Artikoli 11(2) u 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 661/2008 (6), impona dazju antidumping definittiv li jvarja bejn EUR 28,88 għal kull tunnellata u EUR 47,07 għal kull tunnellata għal ħames snin oħra.

(3)

Wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej li tannulla parzjalment ir-Regolament (KE) Nru 945/2005, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 989/2009 (7), emenda d-dazju antidumping definittiv f’dak li kien jikkonċerna JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 2008/577/KE tal-4 ta’ Lulju 2008 (8), il-Kummissjoni aċċettat l-offerti ta’ impenn imressqa minn diversi produtturi, inkluż il-produtturi esportaturi Russi relatati Joint Stock Company Acron u Joint Stock Company Dorogobuzh (“Acron” Holding Company), b’konnessjoni mal-proċedura ta’ antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja u mill-Ukraina.

B.   PROĊEDURA PREŻENTI

1.   Talba għal reviżjoni

(5)

Talba għal reviżjoni interim parzjali (“ir-reviżjoni preżenti”) skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku saret minn JSC Acron, JSC Dorogobuzh u l-kumpanija kummerċjali relatata tagħhom Agronova International Inc., membri ta’ “Acron” Holding Company (“l-applikant”). It-talba kienet limitata fl-ambitu għall-eżaminazzjoni tal-forma tal-miżura u b’mod partikolari l-inklużjoni ta’ Agronova International Inc. fl-impenn tal-prezz ta’ JSC Acron u JSC Dorogobuzh.

(6)

L-applikant allega li ċ-ċirkostanzi li fihom ingħata l-impenn tal-prezz kienu tbiddlu, partikolarment li Agronova International Inc., kummerċjant ġdid stabbilit fl-Istati Uniti, kien inkorporat fil-kumpanija “Acron” Holding Company. L-applikant kompla jallega li dawn il-bidliet kienu ta’ natura dejjiema.

2.   Bidu ta’ reviżjoni

(7)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza prima facie ppreżentata mill-applikant u kkunsidrat li din kienet suffiċjenti biex tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni bdiet (9) reviżjoni tal-miżuri ta’ antidumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 661/2008 (“miżuri fis-seħħ”) limitati fl-ambitu għall-eżaminazzjoni tal-forma tal-miżuri, partikolarment l-effett potenzjali tal-inklużjoni ta’ Agronova International Inc. fl-impenn tal-prezz ta’ JSC Acron u JSC Dorogobuzh.

3.   Prodott Ikkonċernat

(8)

Il-prodott ikkonċernat minn din ir-reviżjoni huwa l-istess bħal fl-aħħar reviżjoni tal-iskadenza, jiġifieri fertilizzanti solidi b’kontenut ta’ nitrat tal-ammonju li jeċċedi 80 % tal-piż, li joriġina mir-Russja (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3102 30 90, 3102 40 90, ex 3102 29 00, ex 3102 60 00, ex 3102 90 00, ex 3105 10 00, ex 3105 20 10, ex 3105 51 00, ex 3105 59 00 u ex 3105 90 91.

4.   Partijiet Ikkonċernati

(9)

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-applikant, lir-rappreżentanti tal-pajjiż li jesporta u l-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni dwar il-bidu tar-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu ta’ żmien stabbilit fin-notifika tal-bidu. Il-partijiet kollha interessati li talbu dan u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu, ingħataw possibbiltà ta’ smigħ.

(10)

Il-Kummissjoni bagħtet il-kwestjonarji lill-applikant u rċeviet ir-risposti fil-limiti ta’ żmien stabbiliti għal dan. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa. Il-Kummissjoni wettqet żjara ta’ verifika fuq il-post ta’ Agronova International Inc., Hallandale, USA (“Agronova”).

5.   Perijodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni

(11)

Il-perijodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni kopra l-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2008 u t-30 ta’ Ġunju 2009 (“PIV”).

C.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

(12)

L-investigazzjoni kkonfermat li Agronova kienet kumpanija kummerċjali ġdida li tappartjeni għall-kumpanija “Acron” Holding company.

1.   It-tħaddim tal-impenn

(13)

Il-kunsiderazzjonijiet prinċipali għall-inklużjoni ta’ kumpanija kummerċjali fl-impenn preżenti kienu l-prattikabbiltà tal-kumpanija, jiġifieri l-effettività tal-monitoraġġ tagħha u partikolarment il-valutazzjoni tar-riskji ta’ kontrokumpens u tgħawwiġ permezz ta’ kanali differenti ta’ bejgħ u/jew permezz ta’ prezzijiet ta’ diversi prodotti potenzjalment mibjugħa lill-istess klijenti.

1.1.   Riskju għoli ta’ kontrokumpens permezz ta’ kumpanija kummerċjali mhux iddikjarata

(14)

L-investigazzjoni wriet li Agronova kellha rabtiet qawwija interpersonali u operattivi ma’ tal-anqas kumpanija oħra mhux iddikjarata attiva fin-negozju u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fertilizzanti. Instab li kienu l-istess persuni li joperaw Agronova li fil-fatt kienu involuti wkoll fl-attivitajiet ta’ din il-kumpanija kummerċjali. B’mod partikolari, l-evidenza disponibbli wriet li ż-żewġ kumpaniji kellhom maniġer komuni u uffiċjal komuni matul il-parti l-kbira tal-PIV, fil-waqt li persuna oħra (li f’dak iż-żmien instab li kienet il-President tal-kumpanija kummerċjali msemmija), għalkemm mhux formalment impjegata minn Agronova, kienet fil-fatt qed twettaq il-kummerċ ta’ kuljum inkluż it-tmexxija waqt iż-żjara tal-verifika għan-nom ta’ Agronova fejn kienet ippreżentata bħala konsulent ta’ Agronova. Barra mir-rabtiet qawwija interpersonali, instab li ż-żewġ kumpaniji kienu qed joperaw mill-istess uffiċċju, jimpjegaw l-istess segretarja u jużaw l-istess kompjuters u tagħmir tal-uffiċċju matul il-parti l-kbira tal-PIV. Agronova ma kixfitx l-eżistenza u l-operazzjonijiet ta’ din il-kumpanija kummerċjali l-oħra, la fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju, u lanqas matul iż-żjara ta’ verifika. It-talba tal-Kummissjoni għal aktar informazzjoni sabex tiċċara s-sitwazzjoni kienet sodisfatta biss in parti mill-applikant minħabba li din ma kixfitx, inter alia, min kien preċiżament il-proprjetarju tal-kumpanija kummerċjali u lanqas l-attivitajiet dettaljati tagħha. L-informazzjoni mogħtija għalhekk kienet meqjusa bħala insuffiċjenti.

(15)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kumpanija kummerċjali msemmija hawn fuq kienet relatata ma’ Agronova fis-sens tal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (l-“IPCCC”) (10) u kellha tkun irrappurtata fir-risposta għall-kwestjonarju mill-applikant. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-applikant skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku dwar l-intenzjoni tagħha li tibbaża dawn is-sejbiet fuq il-fatti disponibbli u stiednet lill-applikant biex jikkummenta fuqhom skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku.

(16)

L-applikant ikkuntesta li Agronova hija relatata mal-kumpanija kummerċjali msemmija hawn fuq jew ma’ kwalunkwe kumpanija oħra. Barra minn dan, fuq talba oħra tal-Kummissjoni, ma pprovda l-ebda informazzjoni dettaljata u li tista’ tkun verifikata dwar il-proprjetarju u l-attivitajiet tal-kumpanija kummerċjali msemmija fil-limitu ta’ żmien stabbilit.

(17)

Wara l-iżvelar tal-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu bbażati s-sejbiet fuq l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, l-applikant kompla jirrifjuta kwalunkwe relazzjoni bejn Agronova u l-kumpanija kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 143 tal-IPCCC. Fir-rigward tar-rwoli preċiżi tal-persuni involuti fiż-żewġ kumpaniji, l-applikant ikkuntesta li ż-żewġ kumpaniji kellhom diretturi jew uffiċjali komuni. L-applikant saħansitra rtira l-informazzjoni li kien ta qabel, u ddikjara li din kienet ħażina jew mhux preċiża. L-informazzjoni l-ġdida mogħtija, madankollu, ma kinitx sostnuta b’biżżejjed evidenza. B’mod ġenerali, l-informazzjoni u l-evidenza mogħtija f’dan ir-rigward ma kinux ċari u f’ċertu postijiet kienu kontradittorji, u għalhekk b’mod ġenerali dawn tefgħu id-dubji fuq l-affidabbiltà tal-informazzjoni mogħtija.

(18)

Bħala eżempju, filwaqt li l-applikant oriġinarjament iddikjara li l-president ta’ Agronova kien ukoll il-maniġer tal-kumpanija kummerċjali inkwistjoni, din id-dikjarazzjoni wara ġiet ikkwalifikata bl-ispjegazzjoni li x-xogħlijiet imwettqa fil-kumpanija kummerċjali mill-president ta’ Agronova ma kienu jinkludu l-ebda funzjoni ta’ kontroll jew ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Bl-istess mod, filwaqt li l-evidenza mogħtija (il-kontijiet annwali) urew li persuna oħra kienet “uffiċjal” fiż-żewġ kumpaniji, wara ġie ddikjarat li l-funzjonijiet reali ta’ din il-persuna kienu dawk ta’ segretarju legali.

(19)

B’konklużjoni, l-applikant ma ppreżentax informazzjoni jew evidenza affidabbli biżżejjed li setgħu juru li r-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ kull parti kienu definiti u mwettqa b’tali mod li setgħu jeskludu l-evidenza ta’ relazzjoni.

(20)

L-applikant ikkuntesta wkoll li l-kumpanija kummerċjali msemmija għandha tkun meqjusa bħala kumpanija kummerċjali minħabba li din kienet involuta prinċipalment fil-kummerċjalizzazzjoni aktar milli fil-bejgħ ta’ prodotti fertilizzanti. Madankollu, minbarra l-fatt li din id-dikjarazzjoni ma kienet sostnuta bl-ebda evidenza, il-kumpanija ddikjarat ukoll f’diversi okkażjonijiet li fil-fatt kienet involuta fil-bejgħ ta’ fertilizzanti bħala kummerċjant, imma biss għal kwantitajiet żgħar maħsuba għal swieq oħra barra mill-Ewropa. Għalhekk, il-kumpanija kellha tkun ikkunsidrata bħala kummerċjant u dan l-argument kellu jkun irrifjutat.

(21)

Il-Kummissjoni qieset li l-applikant fixkel l-investigazzjoni fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku billi pprovda informazzjoni rilevanti biss gradwalment u meta din ġiet mitluba, u l-informazzjoni mogħtija f’bosta każijiet ġiet sussegwentement korretta, emendata jew ingħatat kontradizzjoni. F’dan ir-rigward, minħabba l-kooperazzjoni mhux sodisfaċenti ta’ Agronova, relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-Kummissjoni u l-kumpanija, li, bħala politika ġenerali, hija prekondizzjoni meħtieġa għall-aċċettazzjoni ta’ impenn, ma setgħatx tkun stabbilita.

(22)

Huwa mfakkar li fl-analiżi tar-riskju tal-kontrokumpens, l-għarfien ta’ kanali tal-bejgħ differenti u l-fluss tal-prodotti minn dawn il-kanali hija informazzjoni indispensabbli. Minħabba r-rabtiet mill-qrib ħafna interpersonali u operattivi bejn Agronova u l-kumpanija kummerċjali l-oħra, ġie konkluż li r-riskju ta’ kontrokumpens u tgħawwiġ permezz ta’ kanali tal-bejgħ differenti kien għoli wisq u għalhekk Agronova m’għandhiex tkun inkluża f’dan l-impenn.

(23)

Wara l-iżvelar, l-applikant iddikjara li jkun hemm riskju ta’ kontrokumpens biss meta l-kumpaniji jkunu relatati permezz tal-ishma. L-ewwelnett, għandu jkun innutat li r-riskju ta’ kontrokumpens mhux limitat għal sitwazzjonijiet fejn kumpaniji huma relatati b’ishma, minħabba li hemm diversi metodi ta’ kontrokumpens. Għalhekk, f’dan il-każ partikolari u għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, ġie meqjus li hemm riskju għoli ta’ kontrokumpens anke jekk l-applikant u Agronova mhumiex relatati permezz tal-ishma. Barra minn dan, l-applikant ma wera l-ebda bażi legali jew fattwali jew ma ppreżenta l-ebda evidenza biex isostni d-dikjarazzjoni tiegħu. Għalhekk, dan l-argument kellu jkun irrifjutat.

1.2.   Riskju konsiderevoli għal kontrokumpens permezz tal-prezzijiet ta’ prodotti differenti

(24)

L-impenn preżenti mhux biss ikopri n-nitrat tal-ammonju imma jimponi wkoll skema ta’ prezzijiet għal prodotti oħra kummerċjati mill-grupp biex ikun evitat ir-riskju ta’ kontrokumpens. L-applikant iddikjara fir-risposta tiegħu għall-kwestjonarju li kellu l-ħsieb li permezz ta’ Agronova jbiegħ, inter alia, prodotti li mhumiex inklużi f’din l-iskema ta’ prezzijiet u anke prodotti ta’ fertilizzant prodotti minn produtturi oħra, li jinstabu kemm fir-Russja u kif ukoll f’pajjiżi oħra. Għalhekk, ir-riskju ta’ kontrokumpens minħabba esportazzjonijiet ta’ prodotti differenti lill-istess klijenti kien meqjus bħala għoli.

(25)

Uħud mill-prodotti li Agronova kellha l-ħsieb li tbiegħ m’għandhomx prezz tas-suq ikkwotat li jista’ jservi bħala limitu għal skopijiet ta’ monitoraġġ. Għaldaqstant, il-monitoraġġ tal-impenn ukoll ma jkunx prattiku.

(26)

Wara l-iżvelar, l-applikant iddikjara li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-offerta tal-applikant li jħassar il-pjanijiet kummerċjali tiegħu relatati mat-taħlit u prodotti oħra fil-każ li l-Kummissjoni tqis li dan ikun neċessarju. F’dan ir-rigward, hu nnutat li l-Kummissjoni rċeviet dawk l-offerti emendati biss aktar tard matul il-proċedura. Il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tibdil kontinwu tal-applikant tal-pjan kummerċjali tiegħu biex dan jakkomoda dak li hu kkunsidra li kienu l-aspettazzjonijiet tal-Kummissjoni tefgħa dubji fuq il-kredibbiltà tal-offerta tal-applikant. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset ukoll il-livell insuffiċjenti ta’ kooperazzjoni minn Agronova f’din l-investigazzjoni bħala impediment fit-twaqqif ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-Kummissjoni u Agronova. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta li tali impenn fil-fatt ser ikun rispettat.

(27)

Għalhekk ġie konkluż li l-inklużjoni ta’ Agronova fil-kanali tal-bejgħ ta’ “Acron” Holding Company iżid serjament ir-riskji ta’ kontrokumpens u tgħawwiġ u dan jaffetwa t-tħaddim u l-monitoraġġ effettiv tal-impenn.

2.   In-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula

(28)

Matul l-investigazzjoni, il-kumpanija “Acron” Holding Company stabbiliet kumpanija kummerċjali oħra, jiġifieri Agronova Europe AG (“Agronova Europe”) li din iddikjarat li se tkun responsabbli għall-parti l-kbira tal-kummerċ mal-klijenti Ewropej u għalhekk gradwalment tissostitwixxi lil Agronova. F’ċertu punt tal-proċedura, l-applikant talab li din il-kumpanija kummerċjali ġdida tiġi inkluża wkoll f’din ir-reviżjoni bil-ħsieb li ż-żewġ kumpaniji kummerċjali jiġu inklużi fl-impenn tal-prezz eżistenti jew, li bħala alternattiva, tinbeda reviżjoni ġdida biex tinkludi l-kummerċjant il-ġdid ukoll fil-kanali tal-bejgħ tal-impenn. Dan juri li ċ-ċirkostanzi mibdula li abbażi tagħhom intalbet din ir-reviżjoni mhumiex ta’ natura dejjiema.

(29)

Wara l-iżvelar, l-applikant iddikjara li analiżi dwar jekk iċ-ċirkostanzi mibdula li abbażi tagħhom inbdiet din ir-reviżjoni kinux ta’ natura dejjiema, ma tkunx rilevanti fil-kuntest tar-reviżjoni interim preżenti limitata fl-ambitu tagħha għall-forma tal-miżuri. L-applikant iddikjara li tali analiżi tkun meħtieġa biss fil-każ li jkun verifikat dumping u/jew ħsara.

(30)

L-applikant iddikjara wkoll li m’għandux il-ħsieb li jibqa’ jbiegħ in-nitrat tal-ammonju mill-kanali tal-bejgħ ta’ Agronova Europe.

(31)

Fir-rigward tal-argument tal-applikant li analiżi dwar jekk iċ-ċirkostanzi mibdula kinux ta’ natura dejjiema tkunx irrelevanti f’din ir-reviżjoni, l-applikant ma pprovda l-ebda raġuni legali li tkun tista’ ssostni din l-opinjoni. F’din ir-reviżjoni ġie kkunsidrat li l-istabbiltà tal-kanal(i) tal-bejgħ kien fattur importanti fid-deċiżjoni biex tkun aċċettata l-inklużjoni ta’ kummerċjant ġdid stabbilit f’impenn minħabba li ma’ kull kummerċjant ġdid inkluż f’impenn ta’ prezz jiżdied ir-riskju ta’ kontrokumpens u tgħawwiġ. Dan irid ikun indirizzat ukoll permezz ta’ attivitajiet adegwati ta’ monitoraġġ. Għalhekk, ġie konkluż li n-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula fil-fatt kien fattur relevanti, u l-argument tal-applikant kellu jkun rifjutat.

(32)

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-applikant li Agronova Europe ma kinitx se tintuża għal bejgħ ta’ nitrat tal-ammonju fis-suq tal-Unjoni Ewropea, din ingħatat fi stadju tard wisq tal-investigazzjoni (wara l-għeluq finali) u kkontradixxiet l-informazzjoni li kienet ingħatat preċedentement. Barra minn dan, l-applikant ma setax jagħti assigurazzjonijiet biżżejjed fir-rigward tar-rispett ta’ dan l-impenn. Il-Kummissjoni reġgħet ikkunsidrat li t-tibdil kontinwu mill-applikant tal-pjanijiet tal-kummerċ tiegħu biex jakkomodaw dak li hu kien jaħseb li kienu l-aspettazzjonijiet tal-Kummissjoni jitfgħu dubji fuq il-kredibbiltà tal-offerta tal-applikant. Kif indikat fil-premessa 26, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll l-aġir ta’ Agronova meta fixklet l-investigazzjoni bħala impediment għat-twaqqif ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-partijiet fl-impenn. Għaldaqstant, l-argument tal-applikant kellu jkun rifjutat.

D.   TMIEM TAR-REVIŻJONI

(33)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rigward tat-tħaddim tal-impenn u n-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula, l-investigazzjoni għandha tiġi mitmuma mingħajr tibdil fl-impenn eżistenti tal-applikant.

E.   ŻVELAR

(34)

L-applikant u l-partijiet interessati ġew infurmati dwar il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien maħsub li tintemm l-investigazzjoni. Il-partiijet kollha ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

(35)

L-applikant iddikjara li d-drittijiet tiegħu ta’ difiża u ta’ smigħ ġust ġew imtellfa matul il-proċedura. L-applikant ingħata u fil-fatt uża diversi okkażjonijiet biex jippreżenta s-sottomissjonijiet u ngħata żmien suffiċjenti biex jipprovdi informazzjoni u evidenza matul il-proċedura. L-applikant ingħata wkoll il-possibilità li jitlob smigħ f’diversi okkażjonijiet. Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward mhumiex ġustifikati.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-reviżjoni interim parzjali li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ fertilizzanti solidi b’kontenut ta’ nitrat tal-ammonju li jeċċedi 80 % tal-piż, li bħalissa jaqgħu fil-kodiċi NM 3102 30 90, 3102 40 90, ex 3102 29 00, ex 3102 60 00, ex 3102 90 00, ex 3105 10 00, ex 3105 20 10, ex 3105 51 00, ex 3105 59 00 u ex 3105 90 91 u li joriġinaw mir-Russja prodotti minn Joint Stock Company Acron u Joint Stock Company Dorogobuzh hija mitmuma mingħajr bidla għall-forma tal-miżura.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

K. PEETERS


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 198, 23.8.1995, p. 1.

(3)  ĠU L 93, 26.3.1998, p. 1.

(4)  ĠU L 102, 18.4.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 160, 23.6.2005, p. 1.

(6)  ĠU L 185, 12.7.2008, p. 1.

(7)  ĠU L 278, 23.10.2009, p. 1.

(8)  ĠU L 185, 12.7.2008, p. 43.

(9)  ĠU C 152, 4.7.2009, p. 40.

(10)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


29.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/10


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 857/2010

tas-27 ta’ Settembru 2010

li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ir-Regolament bażiku’) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni’) wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri provviżorji

(1)

Il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament (UE) Nru 473/2010 (2) (ir-Regolament provviżorju’) imponiet dazju kumpensatorju provviżorju fuq l-importazzjoni ta’ ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda (il-pajjiżi kkonċernati’).

(2)

Il-proċedura ngħatat bidu wara lment imressaq fl-20 ta’ Lulju 2009 mill-Kumitat tat-Tereftalat tal-Polietilene ta’ Plastics Europe (il-kwerelant’) f’isem il-produtturi li kienu jirrappreżentaw proporzjon sostanzjali, f’dan il-każ iżjed minn 50 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċertu polyethylene terephthalate.

(3)

Kif stabbilit fil-premessa (15) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni tas-sussidju u l-ħsara kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009 (il-perjodu ta’ investigazzjoni’ jew PI’). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sa tmiem il-PI (il-perijodu kkunsidrat’).

(4)

Fil-proċedura parallela tal-antidumping, il-Kummissjoni permezz tar-Regolament (UE) 472/2010 (3), imponiet dazju provviżorju ta’ antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran u l-Emirati Għarab Magħquda.

1.2.   Proċedura sussegwenti

(5)

Wara li saru magħrufa l-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom ġie deċiż li jiġu imposti miżuri kumpensatorji provviżorji (żvelar provviżorju’), ħafna partijiet interessati issottomettew bil-miktub il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu.

(6)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Il-kummenti orali u miktuba sottomessi mill-partijiet interessati wara l-iżvelar provviżorju ġew ikkunsidrati u, fejn xieraq, is-sejbiet provviżorji inbidlu kif meħtieġ.

(7)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien intiż li tiġi rrikmandata l-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda u l-ġbir definittiv tal-ammonti assigurati permezz tad-dazju provviżorju (“żvelar finali”’). Ingħatalhom ukoll perijodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwenti għal dan l-iżvelar.

(8)

Il-kummenti orali u bil-miktub sottomessi mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u, fejn xieraq, is-sejbiet inbidlu kif meħtieġ.

1.3.   Partijiet ikkonċernati mill-proċedura

(9)

Ċertu partijiet interessati affermaw li l-kampjun tal-produtturi tal-UE ma kienx rappreżentattiv u kien inkonsistenti u li għalhekk l-analiżi tal-ħsara ma kinitx kompluta. B’mod partikolari, ġie affermat li t-teħid tal-kampjuni ma kienx meħtieġ billi n-numru tal-produtturi ma kienx kbir. Barra dan, ġie affermat li permezz tal-qsim “artifiċjali” ta’ gruppi ta’ kumpaniji f’entitajiet ġuridiċi individwali, fil-kampjun ma jiġux inklużi wħud mill-mexxejja tas-suq (Artenius, M&G Polimeri) u li l-metodoloġija għall-għażla tal-kampjun hija inkonsistenti billi l-kampjun kien jinkludi wkoll żewġ gruppi ta’ kumpaniji. Ġie affermat ukoll li l-kampjun ma kienx rappreżentattiv billi ma kellu l-ebda produttur li qed ibiegħ lil proċessur tal-PET relatat fi kwantitajiet biżżejjed. Bħala riżultat, l-istituzzjonijiet allegatament ma setgħux jivvalutaw il-kapaċità effettiva tal-provvista tal-industrija tal-Unjoni u ma kkunsidrawx il-konflitt ta’ interessi tal-industrija tal-Unjoni. Barra dan, billi kumpanija minnhom ma pprovditx it-tagħrif kollu meħtieġ u ġiet eskluża mill-kampjun, jingħad li r-rappreżentattività naqset għal 28 % tal-produzzjoni tal-UE. L-istess partijiet affermaw li l-kampjun magħżul ma kienx statistikament validu.

(10)

Fir-rigward tal-argument li t-teħid ta’ kampjuni ma kienx meħtieġ billi n-numru ta’ produtturi ma kienx kbir, qed jiġi ddikjarat għal darb’oħra li fl-eżerċizzju tat-teħid tal-kampjuni resqu 14-il produttur tal-Unjoni li jagħmlu parti minn tmien gruppi ta’ kumpaniji. B’kunsiderazzjoni tan-numru objettivament għoli ta’ produtturi tal-UE li kkooperaw, jiġifieri 14, it-teħid ta’ kampjuni ġie applikat skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ li seta’ jiġi investigat b’mod raġjonevoli fil-ħin disponibbli. Il-kampjun magħżul kien jikkonsisti f’ħames kumpaniji individwali (b’sitt postijiet tal-produzzjoni).

(11)

Fir-rigward tal-ewwel affermazzjoni li tikkonċerna r-rappreżentattività tal-kampjun, għandu jiġi osservat li l-istituzzjonijiet jistgħu jinkludu kumpaniji individwali li jagħmlu parti minn grupp ta’ kumpanija fl-ambitu tal-kampjun sakemm ikunu rappreżentattivi u jkollhom kontijiet finanzjarji separati. Inkella, l-investigazzjoni ta’ kull wieħed mill-erbatax-il produttur tal-UE li jagħmlu parti mit-tmien gruppi ta’ kumpaniji kienet timpedixxi li l-investigazzjoni tiġi kompluta fil-ħin. Madankollu, il-fatt li żewġ gruppi ta’ kumpaniji ġew inklużi fil-kampjun mhuwiex inkonsistenti mal-metodoloġija tat-teħid ta’ kampjuni applikata f’dan il-każ, jiġifieri l-ikbar volumi rappreżentattivi ta’ bejgħ lil klijenti tal-UE.

(12)

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ Indorama, dan il-grupp kellu żewġ impjanti ta’ produzzjoni differenti fil-PI – wieħed fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-ieħor fir-Renju Unit. L-inklużjoni ta’ dan il-grupp fil-kampjun huwa konformi mal-metodoloġija tat-teħid ta’ kampjuni applikata billi dawk l-impjanti ffurmaw entità waħda mill-perspettiva legali u finanzjarja. Għal dak li jirrigwarda Equipolymers, li kellha żewġ entitajiet separati li jipproduċu l-PET fil-PI (waħda fl-Italja u oħra fil-Ġermanja), il-kumpanija rrapurtat ċifri konsolidati għaż-żewġ postijiet. Meta wieħed jikkunsidra li l-verifika ta’ dawn iċ-ċifri konsolidati kienet possibbli waqt żjara fil-kwartieri ġenerali tal-kumpanija, ġie deċiż li l-kumpaniji tal-produzzjoni tal-PET ta’ Equipolymers jiġu ttrattati bħala entità waħda għall-għan ta’ din il-proċedura. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-affermazzjoni li Artenius u M&G Polimeri kellhom jiġu inklużi fil-kampjun minħabba li kienu l-mexxejja tas-suq, qed jiġi nnotat li l-ebda waħda mill-entitajiet individwali tagħhom ma kienet il-proprjetà tal-kumpaniji bl-ogħla volumi ta’ bejgħ lil klijenti tal-UE.

(13)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-affermazzjoni li l-kampjun ma kienx rappreżentattiv minħabba li ma kienx jinkludi produttur wieħed li jipproduċi prinċipalment għall-konsum intern, għandu jiġi nnotat li l-kapaċità tal-provvista tista’ tiġi eżaminata fil-qafas tal-analiżi tal-interess tal-Unjoni jekk issir affermazzjoni bħal din u għal dak il-għan il-konsum miżmum jista’ jitnaqqas mill-volum tal-produzzjoni. Għalhekk, ma hemm l-ebda ħtieġa li produttur bħal dan ikun inkluż fil-kampjun għall-eżami ta’ ċertu fatturi ta’ ħsara. It-tieni nett, kwalunkwe interess doppju li jirriżulta mill-pożizzjoni ta’ kumpanija bħala produttur u proċessur tal-UE fl-istess ħin jista’ jiġi vvalutat biss fl-analiżi tal-interess tal-Unjoni. Il-pożizzjoni ta’ kumpanija bħala produttur u proċessur tal-UE mhijiex konnessa mal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fejn il-bejgħ lil klijenti mhux relatati fl-UE jittieħed bħala punt ta’ referenza. L-affermazzjoni qiegħda għalhekk tiġi miċħuda.

(14)

Fir-rigward tal-affermazzjoni li tikkonċerna r-rappreżentattività ġenerali tal-kampjun, qed jiġi mtenni li t-tnaqqis tal-kampjun għal erba’ kumpaniji naqqas ir-rappreżentattività minn 65 % għal 47 % tal-bejgħ mill-produtturi kollha li kkooperaw. L-istess erba’ kumpaniji jirrappreżentaw 52 % tal-produzzjoni tal-Unjoni. Dan huwa kkunsidrat bħala kampjun rappreżentattiv tal-produtturi tal-UE f’termini ta’ bejgħ lil klijenti indipendenti fl-UE.

(15)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-affermazzjoni li l-kampjun magħżul ma kienx statistikament validu, qed jiġi nnotat li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament bażiku jippermetti b’mod ċar li kampjun jiġi bbażat fuq l-ikbar volum rappreżentattiv tal-bejgħ li jista’ jiġi investigat b’mod raġjonevoli fil-ħin disponibbli, bħala alternattiva għal kampjun “statistikament validu”.

(16)

Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor li jikkonċerna t-teħid ta’ kampjuni, is-sejbiet fil-premessi (5) sa (14) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(17)

Qed jiġi mfakkar li, fil-premessa (16) tar-Regolament provviżorju, il-prodott ikkonċernat kien definit bħala polyethylene terephthalate b’numru tal-viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard ISO 1628-5, li joriġina fil-pajjiżi kkonċernati u li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3907 60 20.

(18)

Barra dan, fil-premessa (18) tar-Regolament provviżorju, ġie ddikjarat li l-investigazzjoni wriet li l-PET prodott u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni, u l-PET prodott u mibjugħ fis-swieq domestiċi tal-pajjiżi kkonċernati, u esportati lejn l-Unjoni kienu prodotti simili.

(19)

Billi l-prodott investigat kien ikkunsidrat prodott omoġenju, ma ġiex maqsum iżjed f’tipi differenti tal-prodott għall-kalkolu tal-marġnijiet tal-ħsara.

(20)

Produttur esportatur partikolari afferma li l-PET għandu jiġu suddiviż f’tipi differenti tal-prodott skont in-numru tal-viskożità differenti tagħhom billi n-numru tal-viskożità huwa essenzjali għad-determinazzjoni tal-applikazzjonijiet differenti possibbli tat-tip ta’ PET prodott. Ġie kkunsidrat li l-affermazzjoni għandha tintlaqa’ u l-metodoloġija għall-kalkolu tal-marġnijiet tal-ħsara ġiet adatta kif meħtieġ.

3.   GĦOTI TA’ SUSSIDJU

3.1.   L-Iran

3.1.1.   Introduzzjoni

(21)

Il-Gvern tal-Iran u l-produttur esportatur li kkoopera ressqu kummenti dwar l-iskemi li ġejjin, ikkumpensati fir-Regolament provviżorju.

(I)

Miżuri marbuta ma’ Żoni Ekonomiċi Speċjali (SEZs’) – SEZ Petrokimiċi

(II)

Finanzjament mill-Kumpanija Petrokimika Nazzjonali lill-produttur esportatur tal-PET

3.1.2.   Skemi Speċifiċi

(I)   Miżuri marbuta maż-Żoni Ekonomiċi Speċjali (SEZs) – SEZ Petrokimika

(22)

Il-Gvern tal-Iran (GOI) argumenta li l-importazzjonijiet li fuqhom ma jitħallasx dazju fiż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles ta’ materja prima u beni kapitali jistgħu jiġu kkumpensati. Iż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles u ż-Żoni Ekonomiċi Speċjali huma definiti żoni fejn ma jitħallasx dazju fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni, kompatibbli mad-WTO. Barra dan, il-GOI kif ukoll il-produttur esportatur li kkoopera affermaw li l-importazzjoni ta’ beni kapitali li fuqhom ma jitħallasx dazju mhijiex kontinġenti fil-liġi fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni billi din l-eżenzjoni teżisti ukoll għall-kumpaniji stabbiliti fil-bqija tat-territorju Iranjan.

(23)

Għal dak li jirrigwarda l-konformità ta’ kull SEZ mar-regoli tad-WTO, qed jiġi nnotat li l-argument ġenerali sottomess ma jistax jikkontradixxi l-fatti stabbiliti li s-sussidji kkonċernati jistgħu jiġu kkumpensati billi ma ġiet ipprovduta l-ebda analiżi elaborata sabiex tirribatti dik ippreżentata fir-Regolament provviżorju. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-importazzjoni ta’ beni kapitali fl-Iran li fuqhom ma jitħallasx dazju, it-tagħrif fiż-żmien meta kienu qegħdin jiġu sottomessi l-kummenti dwar l-iżvelar provviżorju jissuġġerixxi li din il-possibbiltà teżisti biss għall-kumpaniji li qegħdin jimmodernizzaw l-infrastruttura tagħhom, jiġifieri mhijiex dispożizzjoni awtomatika applikabbli għall-partijiet kollha. Għalhekk, l-affermazzjonijiet ta’ hawn fuq kellhom jiġu miċħuda.

(24)

Il-produttur esportatur li kkoopera argumenta li l-Kummissjoni injorat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni meta wieħed jikkunsidra li regoli u reġimi simili jiġu wkoll applikati f’pajjiżi oħra. Il-kumpanija affermat ukoll li l-Kummissjoni ma nfurmathiex tajjeb dwar l-ambitu taż-żjara tal-verifika u r-rekwiżiti ta’ tagħrif korrispondenti qabel verifika bħal din.

(25)

Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni ġenerali ta’ vjolazzjoni tal-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, qed jiġi mfakkar li l-Kummissjoni bdiet din l-investigazzjoni kontra s-sussidju kontra t-tliet pajjiżi msemmija fl-ilment b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku. Għalhekk ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni setgħet tiġi bbażata biss fuq is-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għal dak li jirrigwarda n-nuqqas allegat ta’ tagħrif preliminari dwar il-punti li kellhom jiġu investigati, qed jiġi nnotat li l-Kummissjoni informat lill-produttur esportatur li kkoopera ħafna qabel iż-żjara tal-verifika li kellha tfittex tagħrif waqt iż-żjara ta’ verifika dwar ir-relazzjoni bejn il-produttur esportatur u l-azzjonista tiegħu. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet kellhom jiġu miċħuda.

(26)

Il-produttur esportatur li kkoopera ressaq għall-attenzjoni tal-istituzzjonijiet żewġ żbalji klerikali fil-kalkolu tal-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjonijiet ta’ materja prima waħda tal-proċess ta’ produzzjoni u fil-valur totali tal-importazzjoni tal-beni kapitali eżentati. Dawn l-iżbalji qegħdin jiġu hawnhekk ikkoreġuti. Ir-rati riveduti tas-sussidju huma 0,14 % għall-importazzjoni mingħajr ħlas ta’ dazju ta’ prodotti tal-input u 0,72 % għall-importazzjoni mingħajr ħlas ta’ dazju ta’ beni kapitali. Ir-rata totali tas-sussidju riveduta għal din l-iskema hija ta’ 0,86 %.

(27)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fl-assenza ta’ kwalunkwe kummenti rilevanti oħra, is-sejbiet b’rabta ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (20) sa (44) tar-Regolament provviżorju, kif modifikat bil-premessa (26) ta’ dan ir-Regolament, qegħdin jiġu b’dan ikkonfermati.

(II)   Finanzjament mill-Kumpanija Petrokimika Nazzjonali lill-produttur esportatur tal-PET

(28)

Il-produttur esportatur li kkoopera (Shahid Tondguyan Petrochemical Co. jew STPC) afferma li l-azzjonista ewlieni tiegħu, il-Kumpanija Petrokimika Nazzjonali (NPC), mhijiex korp pubbliku u li l-GOI la inkariga u lanqas qabbad lill-NPC sabiex tagħmel pagamenti lill-STPC. Barra dan, ġie sottomess li l-finanzjament tal-NPC lill-STPC għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed li jista’ jitħallas lura u għalhekk mhuwiex sussidju.

(29)

Meta wieħed jikkunsidra dawn l-affermazzjonijiet, għandu jiġi mfakkar li, sabiex jiġi vvalutat jekk entità għandhiex tiġi kkunsidrata bħala korp pubbliku għal għanijiet ta’ investigazzjonijiet kontra s-sussidju, il-fatturi li ġejjin huma rilevanti: 1) is-sjieda tal-gvern; 2) il-preżenza tal-gvern fuq il-bord tad-diretturi tal-entità; 3) il-kontroll tal-gvern fuq l-attivitajiet tal-entità u l-attività tal-entità sabiex issegwi l-politika jew l-interessi tal-gvern u 4) jekk l-entità tkunx ġiet maħluqa permezz ta’ statut. Dawn ir-rekwiżiti kollha ġew analizzati kif irrapurtat fil-premessa (52) tar-Regolament provviżorju. L-NPC, bħala korp tal-gvern, m’għandhiex bżonn ta’ għoti ta’ responsabbiltà jew delegazzjoni, kunċetti li jirreferu għall-entitajiet privati. Fil-fatt l-investigazzjoni stabbiliet li r-rwol tal-NPC huwa l-iżvilupp u l-operat tas-settur petrokimiku tal-pajjiż u li l-kumpanija rċeviet mill-GOI l-kompitu addizzjonali ta’ ġestjoni bħala awtorità amministrattiva tal-istat taż-Żona Ekonomika Speċjali Petrokimika. Għalhekk kwalunkwe affermazzjoni li tiddisputa r-rwol ta’ korp pubbliku tal-NPC għandha tiġi miċħuda.

(30)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-affermazzjoni li l-finanzjament lill-STPC għandu jerġa’ jitħallas lura, huwa pertinenti li wieħed jinnota li l-investigazzjoni stabbiliet li l-ħlas lura ta’ dan il-finanzjament huwa biss allegazzjoni ipotetika billi ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza fl-ebda stadju tal-proċedura li twettaq ħlas lura bħal dan. Tabilħaqq, kif spjegat fil-premessa (51) tar-Regolament provviżorju, il-fatt li l-fondi li m’għandhomx jitħallsu lura ilhom jiġu akkumulati mill-inqas mill-2004 jikkonferma li dan huwa sussidju rikorrenti, li l-għan tiegħu huwa li l-uniku produttur esportatur Iranjan li kkoopera jibqa’ jaħdem. B’kunsiderazzjoni ta’ dan ta’ hawn fuq, l-affermazzjoni għandha tiġi miċħuda.

(31)

Il-produttur esportatur li kkoopera sostna wkoll li l-ammont tas-sussidju ġie esaġerat. Fir-rigward ta’ dan ġie affermat li hija prattika ta’ negozju perfettament normali fl-Iran li ma jiżdidux interessi bejn kumpanija possedenti (f’dan il-każ l-NPC) u s-sussidjarja tagħha (f’dan il-każ l-STPC). Ġie ukoll sostnut li waqt il-kalkolu tar-rata tas-sussidju l-ammonti użati fuq il-finanzjament totali pprovdut mill-NPC u l-qligħ totali tal-STPC ma kinux korretti billi ċ-ċifra tal-qligħ ġiet iddikjarata inqas milli kienet u li kellu jintuża ammont ieħor waqt li l-finanzjament totali pprovdut ġie esaġerat billi ċertu ammonti m’għandhomx jiġu attribwiti għall-fondi pprovduti mill-NPC lill-STPC.

(32)

L-argumenti ta’ hawn fuq kellhom jiġu miċħuda. Fir-rigward tal-argument ta’ qabel li tikkonċerna l-kalkoli tar-rata tal-interessi, qed jiġi nnotat li l-evidenza miġbura ma ssostnix l-affermazzjoni tal-kumpanija li l-prattika normali tan-negozju fl-Iran hija dik li l-ebda interessi ma jiżdiedu bejn kumpanija possedenti u s-sussidjarja tagħha fit-transazzjonijiet tal-finanzjament tagħhom. Barra dan, jidher ċar li kwalunkwe prassi bħal din hija inkonsistenti mal-prassi ekonomika tas-soltu tal-investituri privati.

(33)

Għal dak li jirrigwarda dan l-argument tal-aħħar, huwa pertinenti li wieħed jinnota li l-ammont tas-sussidju ġie kkalkulat bl-użu taċ-ċifri tal-finanzjament u l-qligħ ipprovduti mill-produttur esportatur li kkoopera u vverifikati waqt iż-żjara tal-verifika.

(34)

Għal dak li jirrigwarda l-qligh totali ġdid allegat qed jiġi mfakkar li ċ-ċifra pprovduta fiż-żmien meta ġew sottomessi l-kummenti dwar ir-Regolament provviżorju ma hija sostanzjata bl-ebda evidenza verifikabbli u ma taqbilx ma’ dak li l-kumpanija rrappurtat qabel u waqt iż-żjara tal-verifika.

(35)

Għal dak li jirrigwarda ċ-ċifra totali tal-finanzjament, il-produttur esportatur li kkoopera sostna li ċertu ammonti m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parti mill-finanzjament tal-NPC lill-STPC. Madankollu t-tagħrif ipprovdut ma setgħax jikkorrobora din l-affermazzjoni billi ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza sabiex tipprova li l-ammonti inkwistjoni ma kinux rilevanti għall-finanzjament tal-NPC lill-STPC. Fil-fatt parti mill-ispjegazzjonijiet mogħtija kkonfermaw mill-ġdid li NPC kienet qiegħda taġixxi bħala korp pubbliku li kien qed jerfa’ obbligi għall-finanzjament tal-produttur esportatur li kkoopera mingħajr ma jżomm l-ebda interessi li kien ikollhom jiġu onorati minn korp pubbliku ieħor. Għalhekk, ma jista’ jsir l-ebda tnaqqis mill-ammont totali tal-finanzjament billi ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li tista’ tiġi verifikata.

(36)

Il-GOI sostna li skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji (Ftehim SCM), “l-għoti min-naħa tal-gvern ta’ kapital ta’ ekwità….[u] self mill-gvern m’għandux jiġi kkunsidrat bħala l-għoti ta’ benefiċċju…”, għalhekk il-finanzjament tal-NPC lill-SPTC m’għandux jiġi kkunsidrat bħala sussidju. Din l-affermazzjoni trid tiġi rrifjutata billi l-istess Artikolu 14 imsemmi hawn fuq jikkonkludi li “l-provvediment tal-gvern ta’ kapital ta’ ekwità m’għandux jitqies li jikkonferixxi benefiċċju, sakemm id-deċiżjoni tal-investiment ma tistax titqies bħala inkonsistenti mal-prattika normali tal-investiment ta’ investituri privati fit-territorju ta’ dak il-Membru.” Din il-prattika hi tabilħaqq inkonsistenti mal-prattika normali tal-investimenti ta’ investituri privati billi l-ebda organizzazzjoni kummerċjali fl-ebda Membru tad-WTO mhi se tissokta tipprovdi, b’mod konċepibbli, dan il-finanzjament li ma jistax jitħallas lura. Fi kwalunkwe eventwalità għandu jiġi nnotat li l-Iran mhuwiex membru tad-WTO.

(37)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment rilevanti ieħor, is-sejbiet relatati ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (45) sa (57) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

3.1.3.   Ammont ta’ sussidji kumpensatorji

(38)

B’kunsiderazzjoni tal-premessi (21) sa (37) ta’ hawn fuq, l-ammont definittiv ta’ sussidji kumpensatorji skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, espress ad valorem, għall-produttur esportatur Iranjan uniku li kkoopera huwa ta’ 51,88 %.

3.2.   Il-Pakistan

3.2.1.   Introduzzjoni

(39)

Il-Gvern tal-Pakistan (GOP) u l-produttur esportatur li kkoopera ressqu kummenti dwar l-iskemi li ġejjin, ikkumpensati fir-Regolament provviżorju:

(I)

Skema ta’ Manifattura taħt Kontroll Doganali

(II)

Importazzjonijiet ta’ impjanti, makkinarju u tagħmir fl-iskema tal-Manifattura Taħt Kontroll Doganali

(III)

Ħarsien tat-tariffi fuq ix-xiri ta’ PTA fis-suq domestiku

(IV)

Reġim tat-Taxxa Finali (FTR)

(V)

Skema ta’ Finanzjament tal-Esportazzjoni fit-Tul b’Rata Fissa (LTF-EOP)

(VI)

Skema ta’ Finanzjament tal-Esportazzjoni mill-Bank tal-Istat tal-Pakistan (EFS)

(VII)

Finanzjament taħt F.E. Ċirkulari Nru. 25 tal-Bank tal-Istat tal-Pakistan.

(40)

Il-GOP bħala kumment preliminari ssottometta li l-Kummissjoni naqset milli tifhem jew injorat is-sottomissjonijiet tagħha tal-passat dwar l-iskemi tas-sussidju. Il-produttur esportatur li kkoopera bħala kumment preliminari sostna li s-sottomissjonijiet tal-passat tal-GOP ipprovdew analiżi legali raġjunata li turi li l-iskemi m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala sussidji “projbiti”. Ġie sostnut ukoll minn din il-parti li l-Kummissjoni bbażat is-sejbiet tagħha fir-Regolament provviżorju mhux biss fuq stima ħażina ta’ elementi fattwali iżda pjuttost fuq analiżi legali ħażina wkoll. Ġie affermat ukoll li l-analiżi legali korretta kienet dik ippreżentata mill-GOP.

(41)

Għal dak li jirrigwarda s-sottomissjonijiet qabel ir-Regolament provviżorju, qed jiġi nnotat li l-Kummissjoni kkunsidrathom kompletament waqt il-proċess tal-investigazzjoni billi kienu jagħmlu parti, flimkien mat-tweġibiet tal-kwestjonarju rilevanti tal-partijiet u d-dejta sussegwenti pprovduta, mit-tagħrif li fuq il-bażi tiegħu saret id-determinazzjoni provviżorja.

(42)

Barra dan, qed jiġi nnotat li l-Kummissjoni elenkat b’mod preċiż id-dispożizzjonijiet legali tal-iskemi rilevanti u l-implimentazzjonijiet prattiċi li nħarġu minnhom. Ma ġiet provduta l-ebda evidenza li d-dispożizzjonijiet legali elenkati ma kinux preċiżi. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-analiżi legali tal-Kummissjoni, din kienet ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament bażiku u rinfurzata bl-analiżi legali li ilha teżisti użata mill-UE f’investigazzjonijiet tal-passat kontra s-sussidju waqt l-analiżi pereżempju ta’ skemi tar-rifużjoni tad-dazju, skemi tal-kreditu tal-esportazzjoni u skemi tat-taxxa fuq id-dħul (4). Il-fatt li parti ma taqbilx mal-analiżi legali ppreżentata ma jimplikax li din l-analiżi mhijiex korretta, speċjalment meta ma tiġi pprovduta l-ebda evidenza biex tikkorrobora din l-affermazzjoni. Dan huwa iżjed ovvju billi l-GOP esprima mas-sottomissjoni tiegħu għar-Regolament provviżorju r-rieda tiegħu li jemenda, sakemm ikun possibbli, numru ta’ skemi. B’kunsiderazzjoni ta’ dan ta’ hawn fuq l-argumenti ppreżentati fil-premessa (40) kellhom jiġu miċħuda.

3.2.2.   Skemi Speċifiċi

(I)   Skema ta’ Manifattura taħt Kontroll Doganali

(43)

Il-GOP u l-produttur esportatur li kkoopera tennew il-fehmiet tagħhom li l-iskema tal-Manifattura taħt Kontroll Doganali hija mmexxija tajjeb grazzi għall-eżistenza ta’ sistema ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ effettiva li żżomm rekords tal-konsum/tnaqqis u tikkontrolla l-materji primi li fuqhom ma jitħallasx dazju u l-konsum attwali tal-kumpanija skont ir-rekords tal-produzzjoni totali tagħha. Ġie ukoll sottomess li l-proporzjon input/produzzjoni huwa bbażat fuq il-konsum attwali tal-kumpanija rilevanti li tagħmel użu mill-benefiċċji tal-iskema u li r-rekord fuq l-input huwa soġġett għal verifika. Skont dawn l-affermazzjonijiet il-proporzjon input/produzzjoni ġie stabbilit b’sistema verifikata ta’ sejba ta’ punt ta’ referenza li kien aġġornat regolarment fuq il-bażi tal-konsum attwali tal-kumpanija. Wara kwalunkwe bdil fil-proporzjon, it-tnaqqis żejjed tal-perijodu preċedenti ġie miżjud lura sabiex jiġi aġġornat ir-reġistru tal-ħażniet, sabiex b’hekk tinkiseb il-ħażna attwali, u huwa fuq il-bażi tal-ħażna attwali bħal din li l-kumpanija li tkun qiegħda tgawdi l-benefiċċji taħt l-iskema għandha turi l-esportazzjoni tal-prodotti finali. Barra dan, il-produttur esportatur li kkoopera ssottometta żewġ ittri li fihom għarraf lill-awtoritajiet tad-Dwana bil-materjali salvati fl-iskema ta’ Manifattura taħt Kontroll Doganali u wera li l-kumpanija tħalliet tuża l-materjali ta’ input li sfaw żejda għall-manifattura ta’ oġġetti għall-esportazzjoni fil-ġejjieni.

(44)

Fir-rigward ta’ din l-iskema, kif iddikjarat fil-premessa (70) tar-Regolament provviżorju, ir-rekord rilevanti tal-oġġetti tal-input irċevuti, manifatturati u esportati ma nżammx fuq il-bażi tal-konsum attwali. Il-konsum teoretiku biss ġie rreġistrat, skont Ċertifikat tal-Analiżi, bi proporzjonijiet bejn l-input u l-produzzjoni tal-materji primi kollha għall-produzzjoni ta’ 1 000 kilogramma ta’ prodotti. Dawn in-normi ta’ input-produzzjoni jiġu stabbiliti mill-awtoritajiet u jiġu analizzati perjodikament fuq il-bażi tat-tagħrif miksub mill-produttur esportatur li kkoopera iżda m’hemm l-ebda regoli ċari u l-ebda evidenza ta’ kif din l-analiżi titwettaq. Barra dan, wara l-analiżi mwettqa fuq iċ-Ċertifikat tal-Analiżi li indikaw l-eżistenza ta’ tnaqqis żejjed ma ttieħdet l-ebda azzjoni sussegwenti mill-awtoritajiet sabiex tiġi vverifikata t-totalità tal-konsum effettiv ta’ qabel u biex jintalbu pagamenti magħmula għas-snin ta’ qabel. Fi kliem ieħor ma sar kontroll fuq l-ebda tnaqqis żejjed fuq id-dazji mitlufa. Il-produttur esportatur li kkoopera allega li l-materji primi żejda mniżżla fil-kontijiet fil-perijodu preċedenti żdiedu mill-ġdid biex jiġi aġġornat ir-reġistru tal-ħażniet, u b’hekk inkisbu l-ħażniet attwali. Ta’ min jinnota li din il-prassi hija bbażata fuq il-fatt li huwa l-produttur esportatur li, b’inizzjattiva tiegħu stess, juri lill-awtorità rilevanti t-tnaqqis żejjed akkumulat fil-perijodu ta’ qabel. Huwa ta’ iżjed interess il-fatt li din il-prassi ma kienet bl-ebda mod antiċipata fid-dispożizzjonijiet leġislattivi li jiddixxiplinaw din l-iskema. Dan kollu ta’ hawn fuq jikkonferma li ma teżisti l-ebda sistema effettiva ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ għal din l-iskema. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-argumenti kollha rilevanti kellhom jiġu miċħuda.

(45)

Iż-żewġ partijiet sostnew ukoll li d-dazju doganali taħt ir-reġim normali tal-importazzjoni kien żero matul il-PI u għalhekk l-ebda qligħ tal-gvern m’huwa predeterminat fuq l-importazzjonijiet ta’ PTA skont il-Manifattura taħt Kontroll Doganali.

(46)

Din l-affermazzjoni kellha tiġi miċħuda. Huwa ċar mit-tagħrif sottomess mill-partijiet li d-dazju doganali normali fuq l-importazzjoni ta’ PTA huwa ta’ 7,5 %. Permezz ta’ deroga u taħt ċertu kondizzjonijiet il-partijiet jistgħu jużaw rata tad-dazju żero. Il-fatt li l-GOP stabbilixxa l-iskema ta’ Manifattura taħt Kontroll Doganali jew l-iskema dwar il-ħarsien tat-Tariffi fuq ix-xiri ta’ PTA, bl-ebda mod ma jimplika li r-rata tad-dazju doganali għall-importazzjonijiet kollha ta’ PTA hija żero. Fil-fatt, l-eżistenza tal-iskemi msemmija qabel tikkonferma li hemm qligħ predeterminat għall-gvern u din hija r-raġuni għalfejn ġew implimentati skemi ta’ deroga speċjali b’regoli speċifiċi u utenti eliġibbli.

(47)

Il-produttur esportatur li kkoopera afferma wkoll li ma kien hemm l-ebda ksur tal-Artikolu 349 tal-Kapitolu XV tar-Regoli Doganali tal-Pakistan 2001. F’dan ir-rigward ġie sottomess li l-Manifattura Taħt Kontroll Doganali tkopri l-fabbrika kollha tal-kumpanija u għalhekk il-post tal-maħżen kien jissodisfa r-regoli rilevanti li jirrikjedu żona indipendenti b’post tad-dħul jew ħruġ indipendenti minn żona pubblika u mingħajr l-ebda post tad-dħul jew ħruġ ieħor maż-żona tal-manifattura u mħażen separati tal-oġġetti lesti, oġġetti mwarrba u skart immarkati b’mod ċar fil-post.

(48)

Għal dak li jirrigwarda l-kummenti ta’ hawn fuq, għandu jiġi mtenni li ż-żjara tal-verifika wriet li l-materja prima importata mingħajr ħlas ta’ dazju biss kienet separata mill-oġġetti tal-input miksuba lokalment. Il-post tal-maħżen, jiġifieri l-maħżen doganali u l-maħżen tal-merkanzija manifatturata taħt kontroll doganali, ma kinux f’żona indipendenti b’post tad-dħul jew ħruġ indipendenti minn żona pubblika u bla ebda post tad-dħul jew ħruġ ieħor, kif preskritt fl-Artikolu 349 msemmi hawn fuq. Barra dan, l-affermazzjoni tal-parti li l-fabbrika kollha tagħha hija taħt l-iskema tal-Manifattura taħt Kontroll Doganali m’hija bbażata fuq l-ebda evidenza verifikabbli (pereżempju permess espliċitu fuq il-wiċċ tal-Maħżen tal-Manifattura Taħt Kontroll Doganali) minbarra analiżi tal-kliem tal-Artikolu 349. Għalhekk, l-argumenti in kwistjoni kellhom jiġu miċħuda.

(49)

Il-GOP ipprovda bidliet amministrattivi riċenti ħafna b’rabta ma’ din l-iskema. Dan introduċa definizzjoni iżjed dettaljata tal-iskema tal-Manifattura taħt Kontroll Doganali fil-leġislazzjoni u ħa passi biex isaħħaħ il-kontroll tal-awtorità rilevanti fuq l-iskema.

(50)

Fir-rigward tal-kontroll eżerċitat mill-awtorità fuq l-iskema tal-Manifattura taħt Kontroll Doganali, il-bidliet introdotti ma jindirizzawx in-nuqqasijiet l-iżjed serji tas-sistema kif identifikat mill-investigazzjoni attwali jiġifieri: (i) in-nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-konsum attwali ta’ materji primi importati u (ii) in-nuqqas ta’ sistema ta’ verifika li tiffoka fuq ir-riżultati reali minflok fuq l-istandards stabbiliti fl-imgħoddi. Barra dan, billi l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe bidla magħmula fir-rigward ta’ din l-iskema teħtieġ li tiġi verifikata tajjeb (il-problemi identifikati jirreferu wkoll għall-ġestjoni tal-iskema) ikun hemm bżonn ta’ ċertu perijodu ta’ żmien qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni konklużiva dwar l-emendi magħmula lill-iskema u l-mod kif l-awtoritajiet ikunu implimentaw dawn l-emendi u żguraw li tiġi stabbilita sistema ta’ verifika ġestita b’mod tajjeb.

(51)

Il-GOP esprima wkoll ir-rieda li jipprovdi lill-Kummissjoni b’impenn li jikkonċerna l-implimentazzjoni konkreta tar-regoli applikabbli fl-iskema tal-Manifattura taħt Kontroll Doganali. Ġie propost li dan għandu jieħu l-forma ta’ provvista ta’ evidenza li l-produttur esportatur li kkoopera jikkonforma mar-regoli ġodda (jiġifieri l-bdil fil-post, l-analiżi tal-proporzjonijiet input/produzzjoni, it-tnaqqis tad-dazji), il-provvista ta’ rapporti perjodiċi u l-permess li jsiru żjarat ta’ verifika mill-Kummissjoni.

(52)

Għal dak li jirrigwarda dan ta’ hawn fuq qed jiġi nnotat li b’din il-proposta ta’ impenn il-GOP indirettament qed jikkonferma n-nuqqasijiet kollha evidenzjati bir-Regolament provviżorju fir-rigward ta’ din l-iskema. Barra dan, kif iddikjarat fil-premessa (50) ta’ hawn fuq mhuwiex possibbli li jiġi aċċettat impenn li jirreferi għall-ġestjoni ta’ skema fuq il-bażi ta’ evidenza li tkun se tidher biss fil-ġejjieni. Finalment, impenn bħal dan mhuwiex prattiku minħabba li l-monitoraġġ meħtieġ effettivament ikun jirrikjedi r-ripetizzjoni ta’ partijiet importanti tal-investigazzjoni fuq bażi regolari. Għal dak li jirrigwarda dan għandu jiġi evidenzjat li l-GOP u/jew il-produttur esportatur li kkoopera jistgħu jitolbu, jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku jintlaħqu, reviżjoni interim tal-miżuri.

(53)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment rilevanti ieħor, is-sejbiet marbuta ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (60) sa (80) tar-Regolament provviżorju, kif modifikat fil-premessi (44) sa (52) ta’ hawn fuq, qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

(II)   Importazzjonijiet ta’ impjanti, makkinarju u tagħmir fl-iskema tal-Manifattura Taħt Kontroll Doganali

(54)

Għal dak li jikkonċerna din l-iskema ż-żewġ partijiet affermaw li r-rata tal-imgħax użata għall-kalkolu tal-marġni tas-sussidju għandha tkun ir-rata tal-imgħax disponibbli għall-esportatur ikkonċernat waqt il-PI. Barra dan, il-partijiet sostnew li billi l-impjant, il-makkinarju u t-tagħmir intużaw għall-produzzjoni ta’ PET maħsuba għall-esportazzjonijiet kif ukoll għall-bejgħ domestiku, il-marġni tas-sussidju għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-qligħ totali tal-produttur esportatur.

(55)

Bħala tweġiba għal dawn l-argumenti għandu jiġi nnotat li r-rata tal-imgħax użata fil-kalkolu hija r-rata kummerċjali tal-imgħax applikata waqt il-PI fil-Pakistan, skont it-tagħrif imniżżel fil-websajt tal-Bank tal-Istat tal-Pakistan. Din ir-rata tirrappreżenta r-rata normali ta’ kreditu prevalenti fis-suq. Għal dak li jirrigwarda d-denominatur fil-kalkolu tas-sussidju, għandu jiġi mfakkar li l-prekondizzjoni għall-użu tal-iskema hija l-installazzjoni tal-makkinarju impurtat fl-iskema tal-Manifattura taħt Kontroll Doganali li hija sistema ta’ importazzjoni mingħajr ħlas ta’ dazju tal-materji primi użati biss għal esportazzjoni sussegwenti tal-produzzjoni skont l-iskema tal-Manifattura taħt Kontroll Doganali. Għalhekk, l-ammont tas-sussidju (nominatur) għandu jiġi allokat fuq il-qligħ totali mill-esportazzjoni waqt il-PI minħabba li s-sussidju huwa kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni. Konsegwentement, l-argumenti kollha ta’ hawn fuq kellhom jiġu miċħuda.

(56)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment rilevanti ieħor, is-sejbiet relatati ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (81) sa (92) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

(III)   Ħarsien tat-tariffi fuq ix-xiri ta’ PTA fis-suq domestiku

(57)

Il-GOP sostna li l-prezz tal-PTA prodott lokalment mhuwiex imnaqqas b’7,5 % fuq il-prezz internazzjonali u li r-rimborż ma jingħatax biss għall-PTA prodott domestikament iżda wkoll għall-PTA importat. Il-produttur esportatur li kkoopera sostna li l-iskema tippermetti rimborż ta’ dazji doganali kemm għall-PTA prodott lokalment kif ukoll għal dak importat u għalhekk l-iskema ma tiffavorixxix il-ksib ta’ PTA prodott domestikament. Ġie ukoll sostnut li l-leġislazzjoni ma tillimitax l-aċċess għal din l-iskema.

(58)

L-argumenti ta’ hawn fuq kellhom jiġu miċħuda. F’dan ir-rigward qed jiġi nnotat li din l-iskema tipprovdi kontribut finanzjarju fl-għamla ta’ trasferiment dirett ta’ fondi li jipprovdi benefiċċju ċar lill-kumpanija li tirċevieh. Permezz tal-analiżi tat-tagħrif sottomess mill-GOP, huwa ċar li kumpanija eliġibbli tista’: (i) tixtri l-PTA mis-suq domestiku u tirċievi għajnuna kumpensatorja ta’ porzjon ugwali għal 7,5 % tal-prezz imħallas għax-xiri ta’ PTA immanifatturat lokalment jew (ii) timporta PTA u tirċievi rimborż tad-dazju doganali applikabbli (7,5 %) mħallas fuq l-importazzjonijiet ta’ PTA. Madankollu, l-għażla tal-aħħar mhijiex permessa jekk il-kumpanija eliġibbli tuża skema ta’ rifużjoni tad-dazju (pereżempju skema tal-Manifattura Taħt Kontroll Doganali) fuq l-importazzjoni ta’ PTA.

Huwa ċar minn dan ta’ hawn fuq li l-produttur esportatur li kkoopera kien de jure sfurzat li juża l-iskema biss għax-xiri tiegħu ta’ PTA prodott domestikament billi kien qed juża b’mod parallel l-iskema tal-Manifattura Taħt Kontroll Doganali għall-PTA tiegħu importat. Barra dan huwa ovvju li anke f’każijiet fejn kumpanija eliġibbli partikolari tuża ż-żewġ għażliet disponibbli tal-iskema (jiġifieri billi tirrapporta l-possibbiltà li tuża l-iskema tar-rifużjoni tal-Manifattura Taħt Kontroll Doganali) huwa ċar li r-rimborżi li wieħed jistenna li jirċievi kienu jkunu differenti billi f’każ wieħed ir-rata tiġi kkalkulata fuq prezz sħiħ ta’ fattura domestiku waqt li fil-każ l-ieħor hija kkalkulata fuq il-valur iddikjarat fid-dwana li mhuwiex neċessarjament il-prezz sħiħ tal-fattura. Ma ġiet provduta l-ebda evidenza verifikabbli li setgħet timmina l-konklużjonijiet imsemmija qabel. Finalment, għal dak li jirrigwarda l-argument li ma hemm l-ebda restrizzjoni fl-aċċess tal-iskema, l-investigazzjoni stabbiliet li l-leġiżlazzjoni rilevanti elenkat b’mod ċar b’isimhom il-partijiet eliġibbli. Fi kwalunkwe eventwalità, il-PTA prodott domestikament m’huwa soġġett għall-ebda dazju u għalhekk ir-“rimborż” ta’ 7,5 % huwa trasferiment dirett ta’ fondi, jew purament għotja. L-uniku mod għal produttur ta’ PET li jikseb dan is-sussidju, jiġifieri l-għotja, huwa li jixtri PTA prodott domestikament. Min-naħa l-oħra, kwalunkwe “rimborż” ta’ dazju doganali fuq PTA impurtat huwa eżenzjoni ta’ ħlas li normalment ikun dovut, mhux trasferiment dirett ta’ fondi; għalhekk, m’hemm l-ebda ekwivalenza bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet.

(59)

Konsegwentement, l-iskema tagħti benefiċċju ċar lix-xerrej domestiku jiġifieri l-produttur ta’ PET permezz ta’ trasferiment dirett ta’ fondi u huwa speċifiku, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(4)(b) tar-Regolament bażiku, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li s-sussidju huwa kontinġenti mal-użu tal-oġġetti domestiċi flok dawk importati, billi l-oġġetti domestiċi biss huma eliġibbli għall-għotja diretta. Barra dan, dan is-sussidju jista’ wkoll jiġi kkunsidrat bħala wieħed speċifiku fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 4(4)(a) tar-Regolament bażiku, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-istess leġislazzjoni tillimita b’mod espliċitu l-aċċess għal din l-iskema għal ċertu intrapriżi li jagħmlu parti mill-industrija tal-poliester.

(60)

B’konnessjoni ma’ din l-iskema, il-GOP pprovda bil-kummenti tiegħu dwar ir-Regolament provviżorju Ordni tal-Gvern maħruġa fit-28 ta’ Ġunju 2010 li tiddikjara li n-Nru SRO 1045(I)/2008 ġie rrevokat b’effett mill-1 ta’ Lulju 2010. Il-GOP ssottometta li dan l-iżvilupp għandu jiżgura li l-ebda rimborż fuq PTA akkwistat domestikament jew importat ma jista’ jsir jew m’huwa se jkun jista’ jsir lill-utenti tal-PTA.

(61)

Barra dan, klipp mill-istampa sottomessa dwar l-istess kwistjoni mill-produttur esportatur li kkoopera tidher li qiegħda tissuġġerixxi li l-GOP iddeċieda li jirtira r-regolament rilevanti għal din l-iskema sabiex il-Pakistan jilħaq standards internazzjonali f’dan ir-rigward. Il-produttur esportatur li kkoopera kkorrobora t-tagħrif ipprovdut mill-GOP b’dejta li tikkonferma li mill-1 ta’ Lulju 2010 mhuwiex iżjed possibbli li wieħed jirċievi l-għotja rilevanti meta jixtri PTA prodott domestikament. Għal dan ir-rigward qed jiġi mfakkar li b’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku, l-ebda miżura m’għandha tiġi imposta jekk is-sussidju jiġi rtirat jew jekk ikun intwera li s-sussidju m’għadu jagħti l-ebda benefiċċju lill-esportaturi involuti. Huwa ovvju mill-informazzjoni ta’ hawn fuq li sostanzjalment il-Pakistan jaċċetta li l-punti evidenzjati mir-Regolament provviżorju fir-rigward ta’ din l-iskema kienu jirrikjedu azzjoni korrettiva min-naħa tiegħu, li l-GOP temm l-iskema u li l-produttur esportatur li kkoopera ma qed jirċievi l-ebda benefiċċju relatat ma’ din l-iskema. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi huwa kkunsidrat li l-kondizzjonijiet stabbiliti bl-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku ntlaħqu u għalhekk din l-iskema m’għandhiex tiġi kkumpensata.

(62)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment rilevanti ieħor, is-sejbiet marbuta ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (93) sa (105) tar-Regolament provviżorju, kif modifikat fil-premessi (58) sa (61) ta’ hawn fuq, qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

(IV)   Reġim tat-Taxxa Finali (FTR)

(63)

Iż-żewġ partijiet affermaw li din l-iskema tikkostitwixxi sistema ta’ tassazzjoni differenti u m’għandhiex tiġi kkumpensata billi l-Pakistan għandu s-sovranità tat-tassazzjoni u huwa ħieles li japplika s-sistema ta’ tassazzjoni li jixtieq. Ġie ukoll sostnut li l-FTR ma timplika l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja lill-ebda kumpanija u hija regola ġeneralizzata ta’ tassazzjoni fil-Pakistan (taxxa minn ras il-għajn ta’ 1 % fiż-żmien tar-realizzazzjoni tal-qligħ minn kambju tal-munita barranija) li topera taħt kunċett differenti u fuq bażi differenti meta mqabbla mar-Reġim Normali ta’ Taxxa (NTR) li jipprovdi livell ta’ tassazzjoni ta’ 35 % fuq id-dħul domestiku. Skont dawn il-partijiet mhuwiex possibbli li jiġi determinat liema waħda miż-żewġ sistemi hija l-iżjed favorevoli u għalhekk l-FTR ma tirriżultax fi dħul mitluf jew in-nuqqas ta’ ġbir ta’ dħul tal-gvern li nkella huwa dovut.

(64)

Għal dak li jirrigwarda dawn l-affermazzjonijiet, għandu jiġi nnotat li mhijiex is-sovranità tal-Pakistan li qiegħda tiġi ddubitata, iżda s-sussidji li allegatament ingħataw lil ċertu produtturi esportaturi. Barra dan, għandu jiġi mfakkar li l-profitti mill-esportazzjonijiet jiġu ntaxxati b’mod differenti minn dawk miksuba fuq il-bejgħ domestiku. Sal-punt li dan ir-reġim ta’ taxxa jirriżulta fi profitti minn esportazzjonijiet li jiġu ntaxxati b’rati iżjed baxxi minn dawk miksuba mill-bejgħ domestiku, din l-iskema hija kkunsidrata bħala sussidju fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku fil-forma ta’ dħul mitluf tal-gvern li jagħti benefiċċju lill-kumpanija li tirċivieh. Huwa wkoll sussidju speċifiku skont l-Artikolu 4(4)(a) billi huwa kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni.

(65)

Barra dan, il-produttur esportatur li kkoopera pprovda sett ta’ kalkoli magħmula f’format excel għas-snin 2008 u 2009 u notifika ta’ talba ta’ taxxa u ordni ta’ valutazzjoni maħruġa mid-Deputat Kummissarju tat-Taxxa fuq id-Dħul li rriveda sett ta’ ċifri tad-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-2008 tal-kumpanija. Il-GOP ikkorrobora d-dikjarazzjonijiet tal-produttur esportatur li kkoopera billi sostna li l-kalkoli pprovduti juru li l-produttur esportatur li kkoopera ħallas iżjed taxxa taħt ir-reġim tal-FTR meta mqabbel ma’ dak li kien ikollu jħallas f’każ ta’ applikazzjoni tar-reġim tal-NTR.

(66)

Dawn l-argumenti kellhom jiġu miċħuda. L-ewwel nett, il-kalkoli pprovduti ma jagħmlux parti mid-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanija jew kwalunkwe dokument uffiċjali ieħor ta’ awtorità tat-taxxa. Għalhekk, m’hemm l-ebda evidenza verifikabbli li tagħti stampa preċiża tal-obbligi tat-taxxa fuq id-dħul tal-produttur esportatur li kkoopera.

(67)

It-tieni, analiżi tad-dokumenti uffiċjali tat-taxxa sottomessi (notifika tat-talba tat-taxxa u l-ordni tal-valutazzjoni) bl-ebda mod ma tikkonferma l-affermazzjonijiet magħmula minn partijiet dwar il-livelli ta’ taxxa dovuta taħt ir-reġimi differenti tat-taxxa.

(68)

Għal dak li jirrigwarda d-dokumentazzjoni sottomessa li tirreferi għall-2008, il-partijiet naqsu milli juru kif l-ammonti ppreżentati jistgħu b’mod preċiż jaqblu mad-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanija tal-2008 u ż-żewġ dokumenti maħruġa sussegwentement mill-awtoritajiet tat-taxxa rilevanti. Għal dak li jirrigwarda dawn l-aħħar dokumenti jidher li jikkonfermaw li l-kumpanija għandha tħallas ammont ta’ taxxa fuq id-dħul fuq id-dħul domestiku tagħha. Barra dan, bl-ebda mod ma huwa ċar mit-tagħrif sottomess li dan l-ammont ta’ taxxa (jew kwalunkwe ammont ieħor ta’ taxxa) ġie effettivament imħallas jew jekk il-kumpanija appellatx kontra n-notifika ta’ taxxa msemmija hawn fuq. Lanqas m’huwa ċar kif l-ammonti sottomessi fil-kalkoli excel jistgħu jaqblu jew mad-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanija jew mal-ordni ta’ valutazzjoni tal-awtorità tat-taxxa. Fi kwalunkwe eventwalità anke jekk wieħed ikollu jaċċetta li l-ammont stabbilit fin-notifika tat-talba tat-taxxa ġie mħallas, dan m’għandux ibiddel il-konklużjoni li l-produttur esportatur li kkoopera ħallas inqas taxxa milli kieku kien iħallas bl-applikazzjoni tar-rata ta’ 35 % fuq id-dħul mill-esportazzjoni.

(69)

Għal dak li jirrigwarda d-dokumentazzjoni sottomessa relatata għall-2009 qed jiġi nnotat li l-partijiet ma pprovdewx id-dikjarazzjoni tat-taxxa tad-dħul tal-2009 tal-produttur esportatur li kkoopera. Minflok ma ġew ipprovduti d-dikjarazzjonijiet uffiċjali tat-taxxa u d-dikjarazzjonijiet tar-ritorn, bħala evidenza ġie pprovdut kalkolu Excel. Huwa ċar li tagħrif bħal dan mhuwiex verifikabbli u ma jista’ jikkorrobora l-ebda argument magħmul għall-iżviluppi dwar it-taxxa tad-dħul ta’ wara l-PI. F’dan ir-rigward għandu jiġi evidenzjat li l-GOP u/jew il-produttur esportatur li kkoopera jista’ jitlob, jekk jintlaħqu d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, reviżjoni interim tal-miżuri.

(70)

Madankollu, waqt il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju taħt il-FTR, instab żball klerikali li jirreferi għad-dħul mill-esportazzjoni tal-produttur esportatur li kkoopera kif iddikjarat fid-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanija tal-2008. Għalhekk dan ġie korrett kif xieraq. Ir-rata tas-sussidju stabbilita fir-rigward ta’ din l-iskema waqt il-PI għall-produttur esportatur tammonta għal 1,97 % (minflok 1,95 %).

(71)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment rilevanti ieħor, is-sejbiet relatati ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (106) sa (116) tar-Regolament provviżorju, kif modifikat fil-premessa (70) ta’ hawn fuq, qegħdin jiġu b’dan ikkonfermati.

(V)   Skema ta’ Finanzjament tal-Esportazzjoni fit-Tul b’Rata Fissa (LTF-EOP)

(72)

Iż-żewġ partijiet affermaw li r-rata tal-imgħax użata għall-kalkolu tal-marġni tas-sussidju ta’ din l-iskema ta’ finanzjament għandha tkun ir-rata tal-imgħax disponibbli fiż-żmien li l-produttur esportatur kien qed jinnegozja l-finanzjament b’rata fissa, prinċipalment ir-rata fis-snin 2004-2005. Barra dan, id-denominatur użat għall-kalkolu tal-marġni tas-sussidju provviżorju għandu jkun il-qligħ totali tal-kumpanija pjuttost milli l-qligħ totali mill-esportazzjoni, billi l-istess faċilitajiet ta’ manifattura li huma finanzjati taħt il-LTF-EOP jintużaw sabiex jiġu prodotti oġġetti kemm domestiċi kif ukoll esportati.

(73)

Dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda. L-ewwel nett, għandu jiġi ċċarat li r-rata użata fil-kalkolu hija r-rata tal-imgħax kummerċjali li kienet tintuża waqt il-PI fil-Pakistan, skont it-tagħrif li jinsab fuq il-websajt tal-Bank tal-Istat tal-Pakistan. Il-finanzjament innegozjat fl-2004/2005 nġbided f’porzjonijiet mill-esportatur ikkonċernat. Waqt il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju, inġibed l-ammont ta’ kreditu għall-PI, kif irrapurtat mill-produttur esportatur li kkoopera. Waqt l-eżami tal-benefiċċju li parti rċeviet waqt PI speċifiku, ir-rata ta’ kreditu kummerċjali applikabbli li tkun prevalenti fis-suq waqt il-PI normalment titqabbel mar-rata mħallsa fuq is-self irċevut matul il-PI, u dan kien il-każ hawnhekk. Għal dak li jirrigwarda d-denominatur fil-kalkolu tas-sussidju, għandu jiġi mfakkar li prekondizzjoni sabiex wieħed jibbenefika mill-iskema hija li l-kumpanija għandha tesporta direttament jew indirettament mill-inqas 50 % tal-produzzjoni annwali tagħha. Għalhekk, l-ammont tas-sussidju (nominatur) għandu jiġi allokat fuq il-qligħ mill-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat waqt il-PI minħabba li s-sussidju huwa kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni.

(74)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment rilevanti ieħor, is-sejbiet relatati ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (117) sa (133) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

(VI)   Skema ta’ Finanzjament tal-Esportazzjoni mill-Bank tal-Istat tal-Pakistan (EFS)

(75)

Il-Gvern tal-Pakistan issottometta li s-settur tal-PET ġie eskluż minn din l-iskema b’deċiżjoni meħuda mill-Bank tal-Istat tal-Pakistan fit-28 ta’ Ġunju 2010. Għalhekk ġie sostnut li din l-iskema hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku u li l-Kummissjoni m’għandhiex tikkumpensa billi s-sussidju ġie rtirat. Dwar din il-kwistjoni l-produttur esportatur li kkoopera sostna li skont iċ-Ċirkolari Nru 09 tal-Bank tal-Istat tal-Pakistan (SBP) tal-2010, datata 28 ta’ Ġunju 2010, il-kumpanija ħallset lura l-ammonti kollha tal-finanzjament EFS u m’hemm l-ebda ammont li għad irid jitħallas fit-30 ta’ Ġunju 2010 għal dak li għandu x’jaqsam mal-EFS.

(76)

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ din l-affermazzjoni qed jiġi mfakkar li l-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku jiddikjara li l-ebda miżura m’għandha tiġi imposta jekk is-sussidju jiġi rtirat jew jintwera li s-sussidju m’għadux jagħti benefiċċju lill-esportatur involut. Għal dak li jirrigwarda d-dokumentazzjoni sottomessa rilevanti għall-faċilità tal-EFS huwa nnotat li tabilħaqq id-deċiżjoni tal-Bank tal-Istat tal-Pakistan tiddikjara li l-banek ma jistgħux jippermettu li jkun hemm faċilitajiet ta’ finanzjament għall-PET taħt din l-iskema. It-test rilevanti jiddikjara wkoll li l-faċilitajiet eżistenti mogħtija lill-esportaturi għandhom jibqgħu validi sad-data tal-maturar tas-self rispettivi waqt li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-kumpaniji għandha tiġi kkunsidrata għas-self min-naħa tal-kumpaniji waqt 2009-2010 u għad-drittijiet sal-2011.

Għal dak li jirrigwarda dawn il-punti il-GOP iċċara, billi pprovda d-dokumentazzjoni meħtieġa, li l-kumpaniji li m’għandhomx self għal żmien qasir taħt din l-iskema fis-Sena Finanzjarja tal-Pakistan 2009-2010 (jiġifieri sat-30 ta’ Ġunju 2010) m’għandhom dritt għall-ebda benefiċċju fil-perijodu tranżitorju sal-2011. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-affermazzjoni li l-produttur esportatur li kkoopera m’għandu l-ebda finanzjament mhux imħallas taħt l-EFS, huwa nnotat li din l-affermazzjoni ġiet sostanzjata b’sett ta’ evidenza pprovduta mill-banek rilevanti u kkumplimentata mill-accountant kwalifikat tal-kumpanija. Wara li ġie kkunsidrat dan ta’ hawn fuq, qed jiġi konkluż li l-partijiet kienu f’pożizzjoni li juru li l-iskema tal-EFS m’għadha tagħti l-ebda benefiċċju lill-esportatur involut. Għalhekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku ntlaħqu u l-affermazzjonijiet magħmula kienu kkunsidrati ġustifikati. Għalhekk ġie konkluż li l-iskema m’għandhiex tiġi kkumpensata.

(77)

Il-produttur esportatur li kkoopera afferma wkoll li r-rata tal-imgħax użata għall-kalkolu tal-marġni tas-sussidju għandha tkun ir-rata tal-imgħax għal żmien qasir disponibbli għall-kumpanija waqt il-PI. Ġie sostnut ukoll li l-finanzjament miksub qed jiġi użat sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet kumplessivi tal-finanzjament tal-assi attwali tal-kumpanija kemm għall-bejgħ domestiku kif ukoll għal dak tal-esportazzjonijiet u għalhekk id-denominatur fil-kalkolu tal-marġni tas-sussidju għandu jkun il-qligħ totali tal-kumpanija.

(78)

Dawn l-affermazzjonijiet kellhom jiġu miċħuda. Qed jiġi mfakkar li r-rata użata fil-kalkolu hija r-rata tal-imgħax kummerċjali applikata waqt il-PI fil-Pakistan, skont l-informazzjoni li tinsab fuq il-websajt tal-Bank tal-Istat tal-Pakistan. Din ir-rata tirrappreżenta r-rata normali ta’ kreditu prevalenti fis-suq. Għal dak li jirrigwarda d-denominatur fil-kalkolu tas-sussidju, qed jiġi nnotat li l-prekondizzjoni għall-użu tal-iskema hija jew it-twettiq ta’ transazzjonijiet speċifiċi tal-esportazzjoni jew il-prestazzjoni kumplessiva tal-esportazzjoni. Għalhekk, l-ammont tas-sussidju (nominatur) għandu jiġi allokat fuq il-qligħ totali mill-esportazzjoni waqt il-PI minħabba li s-sussidju huwa kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni.

(79)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment rilevanti ieħor, is-sejbiet marbuta ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (134) sa (148) tar-Regolament provviżorju, kif modifikat fil-premessi (75) sa (78) ta’ hawn fuq, qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

(VII)   Finanzjament taħt Ċirkulari F.E. Nru. 25 tal-Bank tal-Istat tal-Pakistan

(80)

Iż-żewġ partijiet issottomettew li m’hemm l-ebda intervent mill-Bank tal-Istat tal-Pakistan f’din l-iskema, li l-banek kummerċjali jipprovdu finanzjament f’valuta barranija mingħajr rati tal-imgħax preferenzjali u li l-iskema mhijiex kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni billi kemm l-esportaturi kif ukoll l-importaturi jistgħu jużawha.

(81)

L-argumenti mressqa ġew analizzati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti u l-implimentazzjonijiet prattiċi tal-iskema u nstabu li huma ġustifikati. Għalhekk ġie konkluż li l-iskema m’għandhiex tiġi kkumpensata. Billi l-iskema taħt iċ-Ċirkulari F.E. Nru 25 tal-Bank tal-Istat tal-Pakistan mhijiex se tkun ikkumpensata, mhuwiex neċessarju li tingħata risposta għall-kummenti korrispondenti dwar l-iżvelar.

3.2.3.   Ammont ta’ sussidji kumpensatorji

(82)

Wara li ġie kkunsidrat dan ta’ hawn fuq, l-ammont definittiv ta’ sussidji kumpensatorji skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, espress ad valorem, għall-uniku produttur esportatur Pakistani li kkoopera huwa ta’ 5,15 %.

3.3.   Emirati Għarab Magħquda (UAE)

3.3.1.   Introduzzjoni

(83)

Il-Gvern tal-UAE (GUAE) u l-produttur esportatur li kkoopera ssottomettew kummenti dwar l-iskemi li ġejjin, ikkumpensati fir-Regolament provviżorju:

(I)

Liġi Federali Nru 1 tal-1979

(II)

Żona ta’ Kummerċ Ħieles (FTZ).

3.3.2.   Skemi Speċifiċi

(I)   Liġi Federali Nru 1 tal-1979

(84)

Il-GUAE issottometta li l-iskema taħt il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979 hija disponibbli b’mod vast u orizzontali għas-setturi industrijali u l-impriżi kollha fil-UAE u tingħata mingħajr eżenzjoni. Il-produttur esportatur li kkoopera issottometta li l-liċenzja maħruġa taħt il-Liġi Federali Nru. 1 tal-1979 tikkostitwixxi l-prekondizzjoni għall-eżistenza u l-operat fl-UAE.

(85)

B’kunsiderazzjoni ta’ dan ta’ hawn fuq qed jiġi nnotat li l-investigazzjoni stabbiliet li l-impriżi industrijali fil-UAE jistgħu joperaw taħt tipi ta’ liċenzji differenti. Tabilħaqq, apparti mil-liċenzja mogħtija taħt il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979, impriża industrijali tista’ topera taħt liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet reġjonali fl-emirat speċifiku fejn tkun stabbilita. Dan kien il-każ għall-produttur esportatur li kkoopera li għandu liċenzja maħruġa mill-Gvern tal-Emirat Ras al Khaimah. Barra dan, impriża industrijali tista’ topera f’Żona ta’ Kummerċ Ħieles fejn mhija meħtieġa l-ebda liċenzja taħt il-liġi msemmija qabel. Għalhekk, mhuwiex korrett li wieħed jgħid li l-impriżi industrijali kollha fl-UAE joperaw taħt il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979. Għalhekk mhuwiex pruvat li l-allokazzjoni tal-iskema hija awtomatika u l-affermazzjoni rilevanti għandha tiġi miċħuda.

(86)

Iż-żewġ partijiet sostnew li r-rekwiżiti pprovduti fil-liġi huma sempliċement il-prekondizzjonijiet meħtieġa għal kwalunkwe proġett industrijali sabiex jopera fil-pajjiż u mhux biex jikseb l-eżenzjonijiet mill-ħlas tad-dazji doganali u għalhekk l-analiżi tal-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju tal-Artikoli 12, 13 u 21 tal-Liġi Federali Nru 1 hija żbaljata. Il-GUAE issottometta wkoll li fir-rigward tal-Artikolu 13 it-terminu ikkunsidrat’ m’għandu ebda tifsira mandatorja fil-verżjoni bl-Għarbi tal-liġi. Il-GUAE sostna wkoll li l-Artikoli 11 u 12 tal-liġi msemmija qabel qatt ma ġew applikati fil-prattika billi l-Kumitat Tekniku responsabbli għar-rakkomandazzjonijiet lill-Ministru dwar l-applikazzjonijiet qatt ma ġie stabbilit. Ġie ukoll sottomess li r-rwol tad-Dipartiment tal-Iżvilupp Industrijali huwa stabbilit fil-Manwal tal-Utent tas-Sistema Industrijali Elettronika maħruġ mill-Ministeru kif imsemmi fil-premessa (173) tar-Regolament provviżorju.

(87)

Dawn l-affermazzjonijiet kellhom jiġu miċħuda. Qed jiġi nnotat li l-Artikoli 13 u 21 tal-liġi jagħmlu parti mill-proċess li għandu jitwettaq pass wara pass previst fl-analiżi għal-Liċenzja Industrijali taħt il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979. Għal dak li jirrigwarda l-Artikoli 11 u 12 huwa nnotat li dawn l-artikoli jistabbilixxu r-rwol u r-responsabbiltajiet tal-korpi differenti tal-awtorità tal-Istat li toħroġ il-Liċenzja Industrijali taħt il-Liġi Federali Nru. 1 tal-1979. Il-fatt li qatt ma ġie stabbilit korp minkejja li huwa previst bil-liġi u huwa responsabbli għal: (i) valutazzjoni tal-input ipprovdut mid-Dipartiment tal-Iżvilupp Industrijali u (ii) r-rakkomandazzjoni lill-Ministru tal-approvazzjoni jew tar-rifjut tal-applikazzjonijiet, tikkonferma li l-leġislazzjoni li b’konformità magħha l-awtorità tal-għoti topera fil-prattika ma tiġix rispettata u għalhekk m’hemm l-ebda ċertezza legali fuq il-mod kif jingħata s-sussidju. Barra dan, fil-fatt l-affermazzjoni tal-GUAE għal dak li għandu x’jaqsam mal-Kumitat Tekniku hija kontradittorja għall-argumenti preċedenti li b’konformità magħhom il-Ministru talab lil dan il-kumitat biex jipprovdi kummenti dwar reviżjoni possibbli tal-liġi. Għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-kelma kkunsidrat’ fl-Artikolu 13 tal-Liġi Federali qed jiġi nnotat li l-verżjoni Ingliża kienet l-uniku test ipprovdut mill-GUAE waqt l-investigazzjoni. Barra dan, il-possibbiltà li jeżistu differenzi fid-definizzjonijiet bejn it-test bl-Ingliż u dak bl-Għarbi ġiet ippreżentata biss wara l-iżvelar provviżorju. Il-fatt li ż-żewġ verżjonijiet tat-test iqajmu dubji dwar ċerti partijiet tal-kriterji ta’ eliġibbiltà huwa għal darb’oħra indikazzjoni ċara li m’hemmx ċarezza legali dwar il-kriterji u l-kondizzjonijiet li jamministraw l-eliġibbiltà tas-sussidju. Għal dak li jirrigwarda r-rwol tad-Dipartiment tal-Iżvilupp Industrijali qed jiġi nnotat li ma ġie sottomess l-ebda tagħrif li jista’ jimmina s-sejbiet tal-investigazzjoni.

(88)

Il-GUAE issottometta li l-istatistiċi industrijali tiegħu huma evidenza li hemm iżjed minn 4 000 impriża industrijali rreġistrata taħt il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979. Iż-żewġ partijiet sostnew li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi evidenza pożittiva li l-awtoritajiet tal-UAE eżerċitaw diskrezzjoni fl-għoti jew ir-rifjut ta’ applikazzjonijiet għall-iskema.

(89)

Dawn l-affermazzjonijiet kellhom jiġu miċħuda. Qed jiġi nnotat li l-investigazzjoni stabbiliet li l-għoti ta’ Liċenzja Industrijali taħt il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979 mhuwiex awtomatiku u li r-regoli li jirregolaw il-proċess tal-għotja għall-għażla tar-riċevituri mhumiex oġġettivi. Wara li ġie kkunsidrat li l-iskema nstabet li kienet waħda speċifika b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2)(a) u 4(2)(b) tar-Regolament bażiku, kien imiss lill-GUAE li jipprova, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament bażiku, l-affermazzjoni tiegħu li t-talbiet mill-partijiet kollha li ssottomettew applikazzjonijiet għal Liċenzja Industrijali taħt il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979 sa mill-approvazzjoni tal-liġi ġew approvati. L-ebda tagħrif verifikabbli bħal dan ma ġie pprovdut.

(90)

Iż-żewġ partijiet affermaw li l-impriżi industrijali kollha fl-UAE jiksbu eżenzjonijiet mid-dazji doganali għall-produzzjoni tagħhom. Il-produttur esportatur li kkoopera afferma wkoll li r-Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali tad-WTO fuq l-UAE, ippubblikata fl-2006, analizzat il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979 u sabet li eżenzjonijiet mid-dazji doganali jingħataw lill-intrapriżi industrijali kollha. Ġie wkoll sostnut li jeżistu kontrolli tas-sistema billi l-Liċenzji Industrijali jiġġeddu kull sena, il-kumpaniji taħt l-iskema jirrapurtaw il-materjali importati mingħajr ħlas ta’ dazju u l-awtoritajiet jirrifjutaw l-importazzjonijiet li fuqhom ma jitħallasx dazju jekk l-inputs ma jkunux relatati mal-produzzjoni.

(91)

Dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda. Huwa pertinenti li wieħed jinnota li l-eżenzjonijiet minn dazji doganali jiġu konċessi lil kumpaniji li jagħmlu użu mill-iskema taħt il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979 u li r-rata normali tad-dazju doganali għall-materja prima mhijiex żero. Il-produttur esportatur li kkoopera naqas milli juri kif dikjarazzjoni ġenerali fid-dokument tar-Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali tad-WTO hija iżjed preċiża mill-analiżi dettaljata, ibbażata fuq iż-żjara ta’ verifika, ipprovduta fir-Regolament provviżorju espliċitament dwar l-eliġibbiltà u l-implikazzjonijiet prattiċi tal-Liġi Federali Nru 1 tal-1979. B’iktar importanza, l-investigazzjoni stabbiliet li l-awtoritajiet jaġixxu b’mod diskriminatorju meta jimmaniġġjaw l-importazzjoni tal-materjali li fuqhom ma jitħallasx dazju taħt l-iskema. Tabilħaqq billi ma jeżistu l-ebda regoli fuq kif it-talbiet għal importazzjonijiet mingħajr ħlas ta’ dazju jiġu aċċettati jew miċħuda u b’kunsiderazzjoni tal-assenza ta’ sistema ta’ verifika effettiva dwar il-ġestjoni tal-iskema, mhuwiex ċar għaliex parti waħda f’ċertu żmien tista’ titħalla timporta mingħajr ħlas ta’ dazju waqt li f’ċertu data oħra tista’ tiċċaħħad milli timporta mingħajr ħlas ta’ dazju. Fil-fatt dan kien il-każ għall-produttur esportatur li kkoopera li kien jintalab minn żmien għal żmien li jħallas dazji mingħajr ma tingħata l-ebda ġustifikazzjoni mill-awtorità li qed tikkonċedi l-għotja. Għalhekk iż-żewġ partijiet naqsu milli jipprovdu kwalunkwe evidenza sabiex jikkorroboraw l-affermazzjonjiiet tagħhom dwar il-ġestjoni tal-iskema u l-allokazzjoni ta’ importazzjonijiet mingħajr ħlas ta’ dazju.

(92)

Ġie ukoll sottomess li l-iskema hija amministrata minn kriterji oġġettivi, prinċipalment ir-rekwiżit li l-eżenzjoni mid-dazju tista’ tikkonċerna biss l-oġġetti importati użati għall-produzzjoni tal-impriża industrijali. Din l-affermazzjoni kellha tiġi miċħuda billi, kif inhu spjegat fil-premessi (89) u (91) ta’ hawn fuq, ma ntwera li jeżistu l-ebda kriterji oġġettivi bħal dawn.

(93)

Il-GUAE issottometta li l-Liġi Federali Nru 1 tal-1979 qiegħda tiġi riveduta u li dan it-tagħrif ingħata lill-Kummissjoni. Ġie ukoll sostnut li l-Kummissjoni injorat it-tagħrif u d-dokumenti sottomessi mill-GUAE u ma pprovditx argumenti u evidenza pożittiva dwar il-fatti u l-liġi li wasslu għall-konklużjonijiet tagħha.

(94)

Għal dak li jirrigwarda dan ta’ hawn fuq huwa nnotat li l-Kummissjoni vvalutat u analizzat bir-reqqa t-tagħrif kollu fornit mill-partijiet. Għal dak li jirrigwarda r-reviżjoni tal-Liġi Federali Nru 1 tal-1979 huwa pertinenti li wieħed jinnota li t-test ipprovdut mill-GUAE huwa abbozz ta’ dokument intern tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Industrija. Bħala tali, dan m’għandu l-ebda valur legali. L-awtorità tal-investigazzjoni hija obbligata li tanalizza d-dispożizzjonijiet legali effettivi u l-mod kif dawn jiġu implimentati u mhux abbozz li ma jorbotx u li ma ġiex approvat mill-fergħat amministrattivi u leġislattivi tal-UAE u li ma ġiex ippromulgat. Ta’ iktar importanza, il-fatt li l-GUAE qiegħed fil-preżent jaħdem fuq reviżjoni possibbli tal-Liġi Federali Nru 1 tal-1979 jikkonferma li l-awtoritajiet irrealizzaw li hemm ħtieġa, kif mistqarr mill-GUAE, li titwarrab kwalunkwe inkonsistenza mal-Ftehim dwar Sussidji u Miżuri Kumpensatorji tal-WTO.

(95)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, is-sejbiet relatati ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (166) sa (183) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

(II)   Żona ta’ Kummerċ Ħieles (FTZ)

(96)

Iż-żewġ partijiet issottomettew li l-impriżi kollha fl-UAE jingħataw importazzjonijiet mingħajr ħlas ta’ dazju ta’ beni kapitali.

(97)

F’dan ir-rigward qed jiġi nnutat li l-investigazzjoni stabbiliet li l-kumpaniji stabbiliti fil-FTZ jirċievu importazzjonijiet mingħajr ħlas ta’ dazju ta’ beni kapitali. Il-fatt li parti waħda tista’ tagħmel użu mill-istess benefiċċju bl-użu ta’ skema oħra (prinċipalment il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979) ma jimplikax li s-sussidju kkonċernat mhuwiex ikkunsidrat bħala wieħed kumpensatorju. Barra dan, il-partijiet ma kinux f’pożizzjoni li jipprovdu xi evidenza fattwali sabiex jirribattu s-sejbiet tal-investigazzjoni fir-rigward tal-FTZ. Wara li ġie kkunsidrat dan ta’ hawn fuq, l-sffermazzjoni sottomessa kellha tiġi miċħuda.

(98)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, is-sejbiet relatati ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (184) sa (199) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

3.3.3.   Ammont ta’ sussidji kumpensatorji

(99)

Wara li ġie kkunsidrat dan ta’ hawn fuq, l-ammont definittiv ta’ sussidji kumpensatorji skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku espress ad valorem, għall-uniku produttur esportatur tal-Emirati Għarab Magħquda li kkoopera huwa ta’ 5,13 %.

3.4.   Kummenti dwar l-iżvelar finali

(100)

Ta’ min ifakkar li l-partijiet kollha interessati ngħataw opportunità li jippreżentaw il-kummenti u l-osservazzjonijiet tagħhom wara l-iżvelar finali. Il-kummenti ġew ikkunsidrati fejn xieraq iżda ma kinux tali li jbiddlu s-sejbiet imsemmija hawn fuq.

(101)

Il-produttur esportatur Iranjan li kkoopera ppreżenta għal darb’oħra l-analiżi tiegħu tal-fatti tal-każ iżda ma pprovda l-ebda evidenza konklużiva ġdida li setgħet timmina s-sejbiet tal-investigazzjoni.

(102)

Il-Gvern tal-Pakistan esprima nuqqas ta’ sodisfazzjon bir-rifjut tal-impenn tiegħu fir-rigward tal-iskema ta’ Manifattura taħt Kontroll Doganali u tenna l-kummenti dwar l-iskema LTF-EOP u dwar l-FTR. Hu ppreżenta wkoll deċiżjoni ġdida tal-Federal Board of Revenue maħruġa fis-27 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi d-dazju doganali fuq l-importazzjonijiet ta’ PTA (materja prima użata għall-PET) bir-rata ta’ 3 % u sostna li l-istituzzjonijiet kienu marbuta bil-liġi li jikkalkolaw mill-ġdid il-marġni tas-sussidju stabbilit għall-iskema ta’ Manifattura taħt Kontroll Doganali. Dan kellu jiġi rifjutat billi ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li s-sussidju mhux se jkompli jeżisti. Il-Gvern tal-Pakistan jiddikjara li dan naqas. Madankollu, skont ir-regoli tal-iskema ta’ Manifattura taħt Kontroll Doganali, il-materjal ta’ input jista’ jintuża mill-inqas sa sentejn wara l-importazzjoni. Fi kliem ieħor, xi ħaġa li ġiet importata sa Lulju 2010 (meta r-rata tad-dazju kienet 7,5 %) tista’ tintuża sa Lulju 2012. L-istituzzjonijiet iddeterminaw l-ammont ta’ sussidju fuq il-bażi tad-dejta marbuta mal-PI u skont ir-regoli tal-iskema, ir-rata tad-dazju preċedenti għad tista’ tħalli l-effett tagħha sal-2012. Għaldaqstant, jidher ċar li s-sussidji għadhom preżenti fil-waqt tal-impożizzjoni tad-dazju definittiv. Barra minn hekk, id-dazju doganali huwa biss element wieħed tal-ġabra tad-dejta u, kif muri fil-premessi (43) sa (53) hawn fuq, kieku r-rata tad-dazju kienet aktar baxxa, il-volumi ta’ importazzjoni setgħu kienu ogħla.

(103)

Il-produttur esportatur Pakistani li kkoopera ma qabilx mal-analiżi dwar l-FTR iżda l-elementi pprovduti ma setgħux ibiddlu s-sejbiet tal-investigazzjoni. Dan sostna wkoll li teżisti evidenza verifikabbli li tagħti stampa preċiża tal-obbligi fiskali tiegħu u pprovda ġabra ta’ dokumenti li jikkonfermaw li s-sejbiet tal-Kummissjoni mhumiex preċiżi. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-informazzjoni mogħtija mhijiex konklużiva u verifikabbli u għalhekk ma tistax tiġi kkunsidrata.

(104)

Il-Gvern tal-Emirati Għarab Magħquda ppreżenta għal darb’oħra l-analiżi tiegħu tal-fatti tal-każ u sostna li l-istituzzjonijiet ibbażaw is-sejbiet tagħhom fuq interpretazzjoni mhux ċara tal-Liġi Federali 1 tal-1979 u ma pprovdew l-ebda evidenza pożittiva. F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li l-ispeċifiċità ġiet stabbilita skont l-Artikoli 4(2)(a) u 4(2)(b) tar-Regolament bażiku, li l-interpretazzjoni tal-Liġi Federali 1 tal-1979 mill-istituzzjonijiet kienet imsejsa fuq l-informazzjoni, l-evidenza u d-dejta ppreżentati u ma nstabet l-ebda evidenza konklużiva li tista’ tbiddel is-sejbiet tal-investigazzjoni. Il-GUAE ċċara li l-proċess ta’ emenda tal-Liġi Federali 1 tal-1979 mexa l quddiem u dieħel fil-fażi aħħarija ta’ promulgazzjoni. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-Kummissjoni tilqa’ l-isforzi li saru mill-UAE biex jemendaw id-dispożizzjonijiet legali rilevanti tagħhom iżda l-iżviluppi msemmija qabel m’għandhom l-ebda impatt fuq is-sejbiet tal-investigazzjoni, billi ma teżisti l-ebda skeda ta’ żmien ċara għall-konklużjoni tal-proċess ta’ emenda u għad-dħul fis-seħħ tal-liġi ġdida.

(105)

Il-produttur esportatur tal-UAE li kkoopera tenna l-affermazzjonijiet tiegħu dwar il-Liġi Federali 1 tal-1979. Hu sostna wkoll li hemm żbalji fil-kalkolu tal-marġni ta’ sussidju. Ġie sostnut li l-kumpanija ndunat, wara l-iżvelar definittiv, li m’hemm l-ebda dazju impost fuq il-ksib ta’ materja prima mill-Arabja Sawdija għaliex l-UAE u l-Arabja Sawdija jagħmlu parti mill-unjoni doganali tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni fil-Golf u pprovdiet ġabra ta’ dokumentazzjoni marbuta mad-dikjarazzjonijiet tagħha. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li dawn ir-rappreżentazzjonijiet jagħmlu parti minn ġabra kompletament ġdida ta’ informazzjoni li diġà kellha tiġi ppreżentata fit-tweġiba għall-kwestjonarju jew mhux aktar tard miż-żjara ta’ verifika biex b’hekk il-Kummissjoni setgħet tivverifika l-veraċità ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet. Għaldaqstant, id-dejta pprovduta ma tistax tiġi verifikata f’dan l-istadju avvanzat tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, m’hemm l-ebda evidenza konklużiva li tikkorrobora dawn l-affermazzjonjiiet. Barra minn hekk, ġie sostnut li l-benefiċċju għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ materja prima kkonsmata matul il-PI u mhux fuq il-bażi tal-materja prima miksuba. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-qasma bejn il-materja prima kkonsmata u miksuba hija irrilevanti billi l-ammont ikkumpensat huwa l-ammont totali marbut mal-PI kif spjegat fil-premessi (84) sa (95) ta’ hawn fuq.

4.   ĦSARA

4.1.   Produzzjoni tal-Unjoni, industrija tal-Unjoni u konsum tal-Unjoni

(106)

L-ebda kummenti ma ġew irċevuti fir-rigward tal-produzzjoni tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni u l-konsum tal-Unjoni. Konsegwentement, il-premessi (201) sa (206) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

4.2.   Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(107)

Ebda kummenti ma ġew irċevuti fir-rigward tal-valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet ikkonċernati, il-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u s-sehem rispettiv tagħhom fis-suq. Konsegwentement, il-premessi (207) sa (213) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

Prezzijiet u twaqqigħ tal-prezzijiet

(108)

Billi, kif imsemmi hawn fuq fil-premessa (20), ġie deċiż li l-prodott taħt investigazzjoni jinqasam f’ħafna tipi ta’ prodotti twettaq kalkolu ġdid għat-twaqqigħ tal-prezzijiet li jirrifletti dik il-bidla.

(109)

Għall-għan tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-prezzijiet tal-bejgħ medji ppeżati tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni skont it-tip ta’ prodott, aġġustati sabiex jilħqu l-livell ta’ xogħol tal-fabbrika (ex-works), ġew paragunati mal-prezzijiet medji peżati korrispondenti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi CIF b’aġġustamenti xierqa għall-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni u d-differenzi fil-livell tal-kummerċ.

(110)

Il-paragun wera li, waqt il-PI, l-importazzjonijiet sussidjati li joriġinaw fl-UAE mibjugħa fl-Unjoni għandhom prezz inqas bi 3,2 % minn dak tal-industrija tal-Unjoni. L-importazzjonijiet sussidjati li joriġinaw mill-Iran mibjugħa fl-Unjoni għandhom prezz inqas bi 3,0 % minn dak tal-industrija tal-Unjoni. L-importazzjonijiet sussidjati li joriġinaw mill-Pakistan mibjugħa fl-Unjoni għandhom prezz inqas b’0,5 % minn dak tal-industrija tal-Unjoni. Il-marġni medju peżat tat-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-pajjiżi kkonċernati waqt il-PI huwa ta’ 2,5 %.

(111)

L-esportatur Iranjan ikkummenta li l-marġni ta’ ħsara tiegħu ġie esaġerat billi l-unità tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ stabbilit kien iddikjarat inqas milli effettivament huwa minħabba kalkolu żbaljat tal-ammont tal-livell ta’ aġġustament tal-kummerċ. Għal dak li jirrigwarda din l-affermazzjoni għandu jiġi nnotat li l-ammont għal-livell ta’ kummerċ użat fil-kalkolu provviżorju kien ammont fiss kull tunnellata li huwa l-ħlas iċċarġjat mill-aġent importatur li kkoopera u li jirrappreżenta madwar 1 % tal-prezz medju tas-CIF. Madankollu, billi ma ġiet proposta l-ebda kwantifikazzjoni alternattiva tal-livell ta’ aġġustament tal-kummerċ u l-ebda tagħrif ieħor m’hu disponibbli għal aġġustament bħal dan, l-affermazzjoni qiegħda għalhekk tiġi miċħuda.

(112)

L-istess parti affermat ukoll li r-rata ta’ 2 % meħuda għall-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni dehret li kienet iżjed baxxa milli suppost.

(113)

Għal dan ir-rigward qed jiġi mtenni li l-ebda importatur ma kkoopera f’din l-investigazzjoni u ma kienx possibbli li tiġi verifikata l-ispiża effettiva ta’ wara l-importazzjoni. Għalhekk, fl-assenza ta’ kwalunkwe tagħrif ieħor, ġiet applikata r-rata użata fil-proċeduri preċedenti.

4.3.   Sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(114)

Ċertu partijiet interessati affermaw li ma kienx hemm ħsara billi l-kampjun kien intgħażel b’mod żbaljat u bħala riżultat l-ebda riżultat ma seta’ jiġi estrapolat għall-industrija totali tal-Unjoni. Ġie affermat li billi kumpanija partikolari (mhux fil-kampjun) kienet indikat li kienet qiegħda tuża iżjed minn 100 % tal-kapaċità tagħha, dan għandu jkun sinjal ċar ta’ nuqqas ta’ ħsara. Qed jiġi nnotat li t-tagħrif sottomess huwa estratt mis-sottomissjoni ta’ din il-kumpanija lill-awtoritajiet tas-suq tal-ishma f’pajjiż terz u mhuwiex verifikat. Dan it-tagħrif lanqas jaqbel mat-tagħrif fuq il-fajl. Barra dan, u fi kwalunkwe eventwalità, l-użu tal-kapaċità ta’ produttur wieħed waħdu tal-UE ma jistax ibiddel is-sejbiet ta’ ħsara għall-produtturi tal-UE li ttieħdu bħala kampjun u l-produtturi l-oħra tal-UE.

(115)

Fl-assenza ta’ affermazzjonijiet jew kummenti oħra, il-premessi (218) sa (237) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

4.4.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(116)

Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment speċifiku, il-konklużjoni dwar il-ħsara stabbilita fil-premessi (238) sa (240) tar-Regolament provviżorju qiegħda b’dan tiġi kkonfermata.

5.   KAWŻALITÀ

5.1.   Effett tal-importazzjonijiet sussidjati

(117)

Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment speċifiku, il-premessi (241) sa (245) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

5.2.   Effett ta’ fatturi oħra

(118)

Xi wħud mill-partijiet interessati affermaw li kwalunkwe ħsara li tinstab ma tkunx saret minħabba l-importazzjonijiet issussidjati, iżda li l-prezzijiet baxxi għall-PET fl-UE jirriflettu ċ-ċiklu dinji tal-industrija u li minn Settembru 2008 sa Ġunju 2009 il-prezzijiet tal-PET fl-UE segwew il-prezzijiet baxxi taż-żejt mhux raffinat. Għal dak li jirrigwarda dan l-argument, huwa rikonoxxut li l-prezzijiet tal-PET jiddependu sa ċertu punt fuq il-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat, li d-derivattivi tiegħu huma l-materja prima ewlenija li tipproduċi l-PET. Madankollu, il-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat ma kinux baxxi tul il-PI kollu iżda volatili ħafna, bi tnaqqis enormi fil-bidu li ġie segwit minn irkupru. Il-volatilità tal-prezzijiet madwar id-dinja taż-żejt mhux raffinat ma tistax tispjega għaliex l-importazzjonijiet tal-PET kienu ssussidjati u għalhekk kienu iżjed baxxi mill-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni. Kien preċiżament dan it-twaqqigħ tal-prezzijiet, li possibilment sar minħabba s-sussidji rċevuti, li baxxa l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, u ġiegħel lill-produtturi tal-UE jbiegħu b’telf sabiex ma jitilfux il-klijenti tagħhom.

(119)

L-esportatur Iranjan afferma li l-problemi finanzjarji u tekniċi ta’ ċertu produtturi tal-UE ma ġewx separati tajjeb mill-analiżi ta’ ħsara u ġew attribwiti b’mod żbaljat lill-importazzjonijiet Iranjani billi daħal fis-suq biss wara l-2006. Għal dan ir-rigward qed jiġi nnotat li importazzjonijiet mill-Iran kienu diġà preżenti fl-2006 u l-2007 fi kwantitajiet taħt il-1 % tas-sehem tas-suq. Sa mill-2008, kienu iżjed minn 1 % u kienu jikkontribwixxu bil-prezzijiet baxxi tagħhom għas-soppressjoni tal-prezzijiet fl-UE. Barra dan, il-kondizzjonijiet għal valutazzjoni kumulattiva f’dan il-każ intlaħqu u l-effetti tal-importazzjonijiet issussidjati mill-pajjiżi kollha kkonċernati setgħu jiġu valutati b’mod kumulattiv. Barra dan, waħda biss mill-kumpaniji msemmija mill-esportatur Iranjan kienet fil-kampjun u l-problemi tekniċi ta’ dan il-produttur tal-UE, limitati minn Settembru sa nofs Ottubru 2008, ma nfluwenzawx b’mod sinifikanti l-kwadru ġenerali tal-ħsara.

(120)

L-istess parti tenniet li kwalunkwe ħsara misjuba għandha tkun konnessa mat-tnaqqis fid-domanda, b’mod speċjali waqt il-PI li ġiet ikkundizzjonata mill-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Madankollu din il-parti ma rribattietx l-argumenti mogħtija fil-premessi (254) sa (256) tar-Regolament provviżorju: li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li beda fl-aħħar tliet xhur tal-2008 ma jista’ bl-ebda mod inaqqas l-effetti ta’ ħsara tal-importazzjonijiet issussidjati bi prezz baxx fis-suq tal-UE tul il-perijodu kollu kkunsidrat u li, għalkemm id-domanda li dejjem qiegħda tonqos kienet fattur li kkontribwixxa għall-ħsara li ġġarbet, ma kissritx il-konnessjoni kawżali. Qed jiġi nnotat ukoll li dawk l-importazzjonijiet issussidjati saħansitra kabbru s-sehem tas-suq tagħhom meta d-domanda naqset, jiġifieri minn 7,6 % għal 10,2 %, għad-detriment tal-produtturi tal-UE.

(121)

Xi wħud mill-partijiet interessati affermaw li l-ħsara eventwali kienet il-kawża ta’ nuqqas ta’ investiment min-naħa tal-produtturi PET tal-UE u l-iżvantaġġ konsegwenti tagħhom fl-ispejjeż għal dak li għandu x’jaqsam mal-esportaturi.

(122)

Huwa rikonoxxut li l-PET hija industrija b’kapital intensiv u li ċertu livell ta’ investiment huwa meħtieġ sabiex tibqa’ kompetittiva fil-perspettiva medja u dik fit-tul. Qed jiġi mfakkar li, kif imsemmi fil-premessa (237) tar-Regolament provviżorju, ċertu kumpaniji li ttieħdu bħala kampjun għamlu investimenti importanti fl-2006 u l-2007, iżda kien hemm biss livell minimu ta’ investiment fl-2008 u fil-PI.

(123)

Huwa nnotat għal dak li jirrigwarda dan li minħabba fil-produzzjoni u r-rati tal-użu tal-kapaċità li baqgħu jonqsu matul l-2008 u l-PI flimkien mas-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni li qed jonqos b’mod qawwi, ma jkunx raġjonevoli li wieħed jistenna xi tip ta’ investiment kbir f’kapaċitajiet ġodda fl-istess perijodu.

(124)

Qed jittenna wkoll li, kif imsemmi fil-premessi (233) u (234) tar-Regolament provviżorju, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-produtturi tal-Unjoni meħuda bħala kampjun kienet ħażina ħafna waqt il-perijodu kollu kkunsidrat u li sofrew telf konsiderevoli bejn l-2006 u l-PI. Hawn ukoll, f’sitwazzjoni bħal din, ma jkunx raġjonevoli li wieħed jistenna kwalunkwe tip ta’ investiment kbir min-naħa tal-produtturi tal-Unjoni.

(125)

Konsegwentement, qed jiġi konkluż li l-investiment limitat fl-2008 u l-PI ma kkontribwixxiex b’mod materjali għall-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni iżda pjuttost kien riżultat ta’ din.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(126)

Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar il-kawżalità, il-premessi (246) sa (264) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

6.   INTERESS TAL-UNJONI

(127)

Wara l-iżvelar provviżorju għadd sinifikanti ta’ konvertituri u/jew bottiljaturi tal-UE resqu u affermaw li l-analiżi tal-interess tal-Unjoni ma setgħetx tirrifletti tajjeb l-argumenti tan-numru kbir ta’ utenti li kkooperaw u li s-sejbiet jikkontradixxu l-klima ekonomika attwali. Madankollu, ma kienx hemm iżjed sostanzjar jew spjegazzjoni. Il-kumpaniji kollha talbu għal seduta, iżda żewġ kumpaniji biss ta’ dan il-grupp ta’ utenti u assoċjazzjoni waħda ta’ bottiljaturi Taljani effettivament ġew għas-seduta. Inltaqgħu iżjed kummenti ta’ sostanzjar minn konvertitur partikolari tal-UE li kkoopera (ALPLA), grupp ta’ proċessuri (Caiba SA, il-grupp Coca-Cola, Danone Waters, Logoplaste, MFS Commodities, PepsiCO, Novara International u Silico Polymers), l-aġent tal-importazzjoni li kkoopera (GSI) u l-assoċjazzjoni tal-konvertituri tal-plastik (EuPC). Dawn il-partijiet kollha opponew bil-qawwi l-impożizzjoni ta’ kwalunkwe miżura.

6.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni u produtturi oħra tal-Unjoni

(128)

Ċertu partijiet interessati affermaw li l-produtturi tal-UE setgħu jużaw (jużaw ħażin) l-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ sabiex jipproteġu s-suq tal-Unjoni u jistabbilixxu prezzijiet ta’ livell għoli artifiċjali fl-UE. Dawn il-partijiet qegħdin jargumentaw dwar il-miżuri eżistenti ta’ anti-dumping u/jew kumpensatorji li hemm kontra l-Indja, l-Indoneżja, il-Korea t’Isfel, il-Malasja, it-Tajwan, it-Tajlandja u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Madankollu, qed jiġi nnotat li kwalunkwe kumpanija li qiegħda tipproduċi fl-UE għandha d-dritt li tilmenta u tfittex rimedji f’każ li tista’ turi l-eżistenza ta’ prattiki dannuża ta’ sussidju. Il-fatt li nstabu prattiki ta’ sussidju u dumping li jikkonċernaw ħafna pajjiżi possibilment jista’ jiġi spjegat bil-fatt li d-domanda għal dan il-prodott żdiedet ħafna sa mis-snin disgħin b’rati annwali ta’ żieda li s-soltu jilħqu ċifri doppji. Dan ġibed investimenti sinifikanti mid-dinja kollha, u wassal għal offerta strutturali żejda ta’ PET fuq livell dinji. Qed jiġi wkoll innotat li ċertu pajjiżi terzi għandhom miżuri li qegħdin joperaw kontra ħafna mill-pajjiżi msemmija hawn fuq, li tkompli tikkonferma l-problema strutturali eżistenti.

(129)

Diversi partijiet interessati tennew li l-produtturi tal-Unjoni fuq perijodu twil ma jkunux jistgħu itejbu l-prestazzjoni tagħhom billi investimenti ġodda f’pajjiżi terzi oħra dalwaqt jiġu introdotti fis-suq u jnaqqsu l-prezzijiet artifiċjalment għolja fl-UE.

(130)

L-investigazzjoni wriet li investiment ġdid li ġie introdott fis-suq biss reċentement fl-Oman żied il-volumi ta’ importazzjonijiet tiegħu b’mod konsiderevoli fl-2009 u ma jistax jiġi eskluż li jista’ jikkawża problemi lill-industrija tal-Unjoni fil-futur. Madankollu, kif diġà ġie indikat fil-premessa (270) tar-Regolament provviżorju, investimenti ġodda li jistgħu jiġu introdotti fis-suq u jistgħu jikkawżaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni mhumiex raġuni valida sabiex tiġi miċħuda protezzjoni leġittima f’din il-proċedura.

(131)

Parti interessata partikolari affermat li ż-żieda fil-prezzijiet tal-PET fl-UE għandha tippermetti lill-produtturi tal-UE li jkollhom investiment f’pajjiżi terzi mhux soġġetti għal miżuri (it-Tajlandja, l-Istati Uniti, ir-Russja) jew produtturi tal-PET oħra f’pajjiżi terzi (il-Korea t’Isfel) biss li jtejbu l-prestazzjoni tagħhom. Għalhekk, sostniet il-parti, il-benefiċċju fuq perijodu qasir għall-produtturi tal-UE għandu jiġi ssuperat b’mod ċar bit-trasferiment ta’ ġid lil produtturi barra mill-UE.

(132)

F’dan ir-rigward qed jiġi nnotat li m’hemm l-ebda evidenza bil-miktub li ssostni d-dikjarazzjoni li kwalunkwe benefiċċju finanzjarju li jista’ jiġi spustat favur il-produtturi f’pajjiżi terzi li mhumiex soġġetti għal miżuri ta’ protezzjoni ta’ kummerċ jew favur kumpaniji b’dazju żero għandu jissupera l-benefiċċji tal-industrija tal-Unjoni.

(133)

Ġie affermat ukoll li l-produtturi tal-Unjoni jimpjegaw biss madwar 2 000 persuna waqt li l-proċessuri tal-PET u l-bottiljaturi li għandhom jiġu affettwati sew bi kwalunkwe dazju jimpjegaw madwar 20 000 u 60 000 persuna rispettivament.

(134)

Qed jiġi nnotat li l-impjieg maħluq mill-produtturi tal-PET mhuwiex marġinali u l-kwistjoni jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess kumplessiv tal-Unjoni ma tistax tiġi ridotta għal kwistjoni sempliċi tan-numru ta’ nies impjegati. F’dan ir-rigward huwa wkoll partikolarment rilevanti li l-utenti rilevanti x’aktarx li mhumiex se jintlaqtu b’mod sinifikanti mill-miżuri, meta jiġi kkunsidrat il-livell tad-dazju kif ukoll sorsi alternattivi ta’ provvista, kif stabbilit hawn taħt fil-premessi (141) sa (156).

6.2.   Interess ta’ importaturi mhux relatati fl-Unjoni

(135)

Qed jiġi mtenni li l-ebda importatur mhux relatat ma kkoopera f’din l-investigazzjoni.

(136)

L-aġent li kkoopera ikkuntesta bil-qawwa li l-impożizzjoni ta’ dazji m’għandhiex ikollha impatt konsiderevoli fuq in-negozju tiegħu. Il-kumpanija affermat li waqt li tabilħaqq kienet qiegħda taħdem fuq bażi ta’ ħlas, l-impatt għandu jkun importanti billi parti importanti tan-negozju tagħha kienet konnessa mal-pajjiżi kkonċernati. Jekk jiġu imposti miżuri definittivi, il-ħlas miksub mill-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati għandu jiġi affettwat billi l-PET mill-pajjiżi kkonċernati ma jkunx jista’ jkompli jikkompeti mal-PET prodott minn produtturi oħra.

(137)

Meta jiġi kkunsidrat il-livell moderat ta’ dazju kumplessiv, mhux probabbli li l-bejgħ ta’ PET mill-pajjiżi kkonċernati jiġi affettwat b’mod sostanzjali. Barra dan, l-aġent fil-perijodu medju jista’ wisq probabbli jaqleb għal sorsi oħra ta’ provvista, prinċipalment għal importazzjonijiet mill-Oman, l-Istati Uniti, il-Brażil, il-Messiku u l-kumpaniji b’rata tad-dazju anti-dumping żero fil-Korea t’Isfel. Il-bejgħ ta’ dawn il-produtturi esportaturi għandu jqiegħed lill-aġent f’pożizzjoni li jikkumpensa kwalunkwe telf li jista’ jsofri minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri. Konsegwentement, l-affermazzjoni qegħda tiġi miċħuda.

6.3.   Interess tal-fornituri tal-materja prima fl-Unjoni

(138)

Parti interessata partikolari affermat li mhuwiex leġittimu li jiġu mħarsal-fornituri tal-materja prima tal-produtturi tal-PET tal-UE bi żvantaġġ għall-industrija tal-imballaġġ, il-bottiljaturi u l-konsumaturi finali.

(139)

Qed jiġi nnotat li l-analiżi tal-impatt ta’ miżuri fuq l-industrija fornitriċi hija konformi mal-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku. Hija prassi standard li ssir analiżi bħal din, b’mod partikolari meta jkun hemm dipendenza qawwija bejn il-fornituri tal-materja prima u l-produtturi tal-Unjoni.

(140)

Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor f’dan ir-rigward, il-premessi (265) sa (279) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu definittivament ikkonfermati.

6.4.   Interess tal-utenti

(141)

Qed jiġi mtenni li l-PET użat fil-produzzjoni ta’ pre-forom ta’ fliexken jammonta għal bejn 70 % u 80 % tat-total tal-ispiża tal-produzzjoni għall-konvertituri. Għalhekk hija komponent ta’ spiża kritika għal dawn il-kumpaniji.

(142)

Xi wħud mill-partijiet interessati indikaw li l-industrija tal-imballaġġ tal-UE għandha sfida kontinwa minħabba r-rekwiżiti ta’ dawk li jimlew il-fliexken għal disinji ġodda u imballaġġ li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent. Għal dak il-fini, xi wħud mill-konvertituri jidhru li qegħdin jinvestu kostantement fir-riċerka u l-iżvilupp biex jivvintaw prodotti u disinji ġodda sabiex jibqgħu kompetittivi u jżidu iżjed valur fil-katina.

(143)

Xi wħud mill-partijiet interessati affermaw li l-impatt fuq l-industrija tal-konvertituri tal-UE għandu jkun qawwi ħafna u għandu jwassal għall-erożjoni tar-riżorsi tagħhom sabiex jinvestu f’imballaġġ ġdid li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u possibilment anke għall-għeluq ta’ mijiet ta’ kumpaniji iżgħar billi l-marġni tagħhom huma idjaq minħabba l-volumi żgħar ipproċessati u l-poter limitat ta’ negozjar.

(144)

Tabilħaqq, jekk il-konvertituri jassorbu ż-żieda totali fil-prezzijiet minħabba l-miżuri, l-impatt fuqhom jista’ jkun imdaqqas, skont is-sorsi ta’ provvista tagħhom, billi l-ispiża tal-PET tikkostitwixxi l-parti l-kbira tal-ispejjeż tagħhom u li ħafna mill-kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju joperaw fuq marġnijiet baxxi.

(145)

F’dan ir-rigward, ġiet imwettqa żjara ta’ verifika fuq konvertitur żgħir tal-plastik fl-Italja sabiex tinkiseb idea aħjar dwar l-impatt tad-dazji fuq dan il-grupp ta’ utenti. L-investigazzjoni wriet li, minkejja li huma limitati, il-proċessuri normalment għandhom ċertu abbiltà li jgħaddu lill-oħrajn iż-żieda tal-prezz tagħhom, b’mod speċjali jekk iż-żieda fil-prezz ma tkunx marġinali u tista’ tiġi antiċipata. Barra dan, ċertu proċessuri tal-PET għandhom klawżoli ta’ adattament fil-kuntratti tagħhom għall-prezzijiet tal-materja prima u dan jista’ jgħin lill-kovertituri biex jgħaddu ċertu żieda fil-prezz lill-bottiljaturi.

(146)

Konsegwentement, u fil-kuntest tal-livell tad-dazju pjuttost moderat, qed jiġi konkluż li l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji probabbilment ma jkollhiex effett devastanti fuq il-konvertituri.

(147)

Xi wħud mill-partijiet interessati tennew l-argument li r-riskju ta’ delokalizzazzjoni tal-proċessuri/konvertituri tal-PET għandu jiżdied jekk jiġu imposti miżuri definittivi. Dawn il-partijiet affermaw ukoll li minħabba fid-delokalizzazzjoni tal-proċessuri tal-UE m’għandu jkun hemm l-ebda benefiċċju fit-tul għall-produtturi tal-UE. Wieħed mill-konvertituri tal-PET li kkoopera ddikjara li l-proċess ta’ delokalizzazzjoni huwa diġà fis-seħħ u li kwalunkwe impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji għandha taċċellera iżjed dan l-iżvilupp. Din il-parti sostniet li parti sostanzjali tal-konvertituri tal-UE għandha titqiegħed f’żoni li huma qrib il-konfini tal-UE (l-Isvizzera, il-Kroazja, il-Bosnja, is-Serbja, it-Turkija, ir-Russja u l-Ukraina) u li ċerti konvertituri għandhom ikunu ħafna iżjed flessibbli fil-ġarr tal-produzzjoni tagħhom lejn dawn iż-żoni minn kemm issuġġerit fir-Regolament provviżorju.

(148)

Fuq bażi tat-tagħrif fuq il-fajl, id-delokalizzazzjoni hija tabilħaqq proċess li diġà huwa fis-seħħ u għalhekk huwa kkunsidrat li l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji tista’ tkun fattur wieħed minn ħafna kunsiderazzjonijiet oħra li jinfluwenzaw deċiżjoni bħal din ta’ kumpanija. Ma nstabx li, mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri f’dan il-każ, dawk il-kumpaniji jkunu lesti li jibqgħu fl-UE billi deċiżjoni bħal din hija normalment ir-riżultat ta’ analiżi li tikkunsidra numru ta’ aspetti oħra minbarra l-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, bħall-fatt li wieħed ikun qrib il-klijent, li jkun hemm aċċess għal ħaddiema tas-sengħa għar-riċerka u l-iżvilupp, l-istruttura tal-ispejjeż ġenerali, eċċ.

(149)

Qed jiġi nnutat ukoll li t-tagħrif fuq il-fajl juri li l-industrija tal-konvertituri tal-UE qiegħda tiffaċċja numru ta’ sfidi importanti minħabba nuqqasijiet strutturali inerenti li qegħdin isiru iżjed u iżjed apparenti f’ambjent li qed jinbidel b’rata mgħaġġla u li qed isir dejjem iżjed kompetittiv. Huwa evidenti li d-daqs huwa importanti f’dak in-negozju u li l-konsolidament tas-suq huwa diġà fis-seħħ, inkluż l-għeluq u d-delokalizzazzjoni. Konsegwentement, huwa kkunsidrat li kwalunkwe żieda fil-prezz għall-PET minħabba miżuri kumpensatorji mhijiex ir-raġuni għall-għeluq mhux mixtieq tal-konvertituri ż-żgħar.

(150)

Konsegwentement, qed jiġi konkluż li l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji mhijiex se tkun fattur determinanti fid-deċiżjoni eventwali dwar id-delokalizzazzjoni għall-kumpaniji fl-industrija tal-ipproċessar tal-PET.

(151)

Diversi partijiet interessati ddikjaraw li kwalunkwe miżura jkollha effett sostanzjali fuq ħafna bottiljaturi, billi minħabba arranġamenti kuntrattwali kwalunkwe żieda fil-prezzijiet PET tar-reżina tiġi mgħoddija lilhom (għall-inqas parzjalment). Ġie ukoll sostnut li xi wħud minn dawk li jimlew il-fliexken jista’ jkun li ma jkunux f’pożizzjoni li jgħaddu ż-żieda fil-prezzijiet lill-klijenti tagħhom, meta dawn ikunu ktajjen ta’ supermarkits u ħwienet tal-bejgħ bl-imnut, u li ma jkunux jistgħu jifilħu kwalunkwe żieda fl-ispiża.

(152)

Dawn il-partijiet affermaw li l-firxa ta’ prodotti li se jiġu affettwati bid-dazji ġiet sottovalutata billi mhux se jiġu affettwati biss l-ilma fil-fliexken, is-softdrinks u ż-żejt tal-ikel, iżda wkoll il-birra, il-ħalib u l-prodotti magħmula mill-ħalib, il-produtturi tal-meraq tal-frott, il-ketchup u l-ħwawar, il-prodotti kożmetiċi u tal-kura personali, id-drogi, il-vitamini u s-supplimenti, il-prodotti għat-tindif tad-dar u ż-żejt u l-lubrikanti għall-karozzi.

(153)

Huwa rikonoxxut li l-imballaġġ tal-PET għandu ħafna għamliet. Huwa nnotat, madankollu li r-Regolament provviżorju ffoka fuq l-impatt fuq il-bottiljaturi, billi huwa bbażat fuq id-dejta sottomessa mill-kumpaniji li kkooperaw f’din l-investigazzjoni, prinċipalment il-produtturi tal-ilma, tas-soft-drinks jew tal-meraq. Ma kien hemm disponibbli l-ebda dejta oħra ddettaljata li turi impatt ogħla fuq l-applikazzjonijiet imsemmija hawn fuq.

(154)

Konsegwentement, huwa kkunsidrat li s-sejbiet provviżorji deskritti fil-premessa (291) tar-Regolament provviżorju jistgħu jiġu kkonfermati b’mod definittiv. Barra dan, meta jiġi kkunsidrat il-livell moderat tal-miżuri proposti, jistgħu jirriżultaw f’żieda fil-prezz ta’ mhux iżjed minn 1 % (fl-agħar każ – jiġifieri impatt totali tal-miżuri li jaqa’ fuq il-kumpaniji tal-ibbottiljar) u għalhekk għandu jkollhom biss impatt limitat fuq is-sitwazzjoni kumplessiva tal-kumpaniji tal-ibbottiljar, anke jekk, kif affermat, ma jkunux f’pożizzjoni li jgħaddu ż-żieda fl-ispejjeż lill-klijenti tagħhom.

(155)

Diversi partijiet interessati sostnew li kwalunkwe miżura ta’ protezzjoni tal-kummerċ ser tħarrax in-nuqqas ta’ forniment fis-suq tal-Unjoni, sitwazzjoni li ser tkun partikolarment problematika fix-xhur tas-sajf minħabba fid-domanda ogħla għall-ilma/xorb. Ġie affermat li fl-2010 se jkun hemm bżonn sa 900 000 tunnellata ta’ importazzjonijiet. Din il-problema se tikber b’mod sostanzjali bil-fatt li ċertu produtturi tal-UE huma wkoll proċessuri tal-PET u jbiegħu biss lis-suq ħieles ladarba d-domanda interna tagħhom tiġi sodisfatta u bi prezzijiet primjum.

(156)

F’dan ir-rigward ma ġie sottomess l-ebda tagħrif ġdid u l-argumenti previsti fil-premessi (294) u (295) tar-Regolament provviżorju ma ġewx ikkontestati. Qed jiġi nnotat ukoll li meta jiġi kkunsidrat il-livell moderat ta’ dazji imposti fuq l-importazzjonijiet mill-UAE u l-Pakistan, l-impatt fuq il-volumi tal-kummerċ minn dawk il-pajjiżi jista’ ma jiġix affettwat b’mod sinifikanti. Konsegwentement, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (294) u (295) huma definittivament ikkonfermati.

6.5.   Impatt fuq il-konsumaturi

(157)

Diversi partijiet interessati affermaw li r-Regolament provviżorju naqas milli jindirizza tajjeb l-impatt fuq il-konsumaturi li potenzjalment jixtru, ta’ kuljum, prodotti li jkollhom ir-reżina tal-PET. Dawn l-affermazzjonijiet ma ġewx sostanzjati iżjed minbarra d-dikjarazzjoni li żieda ta’ EUR 50 kull tunnellata applikata għal konsum ta’ 3 miljun tunnellata jwasslu għal EUR 150 miljun li jaqgħu fuq il-konsumatur finali kull sena.

(158)

Qed jiġi nnotat li l-istima proposta mhijiex realistika billi ħafna mill-partijiet qablu li ftit mill-impatt ser jaqa’ fuq il-proċessuri tal-PET, il-bottiljaturi u l-ktajjen ta’ supermarkits/ħwienet bl-imnut, jiġifieri li xi wħud mill-ispejjeż miżjuda ser jiġu dilwiti fil-katina tal-bejgħ.

(159)

L-impatt fuq il-konsumatur finali, fl-agħar xenarju possibbli (jiġifieri x-xenarju mhux realistiku fejn l-impatt kollu taż-żieda fil-prezz jaqa’ fuq il-klijent), meta jiġu kkunsidrati l-miżuri moderati imposti, m’għandux jaqbeż iż-0,5 ċenteżmi tal-euro kull flixkun ikkunsmat, u x’aktarx li jkun ħafna inqas.

6.6.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(160)

Wara li ġie kkunsidrat dan ta’ hawn fuq u wara l-analiżi fid-dettall tal-interessi kollha involuti, qed jiġi definittivament konkluż li, bħala bilanċ, ma teżisti l-ebda raġuni valida għaliex m’għandhomx jiġu imposti miżuri fil-każ preżenti. Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor f’dan ir-rigward, il-premessi (280) sa (298) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu definittivament ikkonfermati.

6.7.   Kummenti dwar l-iżvelar finali

(161)

Wara li saru magħrufa l-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni proponiet l-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju definittiv, xi partijiet interessati ressqu aktar kummenti. Meta jitqies li l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kummenti kienu ripetizzjoni tal-osservazzjonijiet li diġà tressqu u ġew indirizzati, dawn ma bidlux is-sejbiet imsemmija hawn fuq.

(162)

Fir-rigward tal-argument imtenni li t-tibdil riċenti fir-rata tal-kambju bejn il-USD u l-EUR wassal għal żieda konsiderevoli fil-prezz tal-PET importat u konsegwentement l-industrija tal-Unjoni allegatament m’għandhiex bżonn tingħata protezzjoni mill-miżuri ta’ difiża kummerċjali, ta’ min jinnota li kwalunkwe investigazzjoni kontra s-sussidji normalment ma tqisx l-iżviluppi ta’ wara l-PI; sakemm, f’sitwazzjonijiet straordinarji, jista’ jintwera, inter alia, li dawn huma ta’ natura permanenti u jistgħu jbiddlu konsiderevolment is-sejbiet tal-każ. L-ebda tibdil fir-rata tal-kambju bejn il-USD u l-EUR ma jista’ jtiqies li huwa ta’ natura tali.

7.   MIŻURI DEFINITTIVI

7.1.   Livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara

(163)

Parti interessata partikolari sostniet li profitt ta’ mira ta’ 5 % kien esaġerat għat-tieni tliet xhur tal-PI billi f’dawn it-tliet xhur (l-aħħar tliet xhur tal-2008) mhux biss it-talba kienet iżjed baxxa (staġun tax-xitwa), iżda l-kriżi ekonomika globali affettwat ukoll bil-kbir lill-produtturi tal-PET. Għalhekk, qed jiġi affermat li applikazzjoni tajba tal-prinċipju żviluppat fil-Każ T-210/95 (5) għandu jwassal għal marġni ta’ 0 % fl-assenza ta’ importazzjonijiet sussidjati. Barra dan, il-parti affermat, billi l-erba’ perijodi kollha ta’ tliet xhur tal-PI ġew affettwati mill-kriżi, ukoll fil-perijodi l-oħra ta’ tliet xhur, marġni ta’ profitt ta’ 5 % għandu jidher bħala wieħed mhux realistiku meta jiġi kkunsidrat li anke mingħajr il-kriżi ekonomika, jiġifieri fl-2006/2007, l-industrija tal-Unjoni ma resqitx lejn il-livell ta’ profitt ta’ 5 %.

(164)

Huwa rikonoxxut li b’konformità mal-ġurisprudenza, il-profitt ta’ mira li għandu jintuża għandu jkun il-profitt li l-industrija tal-Unjoni tista’ raġjonevolment tilħaq f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, fl-assenza ta’ importazzjonijiet issussidjati. Qed jiġi mfakkar li fl-investigazzjonijiet ta’ qabel għall-istess prodott intuża profitt ta’ mira ta’ 7 % u iżjed minflok il-5 % użat provviżorjament fl-investigazzjoni attwali. Il-profitt ta’ mira ta’ 5 % huwa kkunsidrat bħala l-profitt li l-industrija tal-Unjoni tista’ tistenna fl-assenza ta’ importazzjonijiet issussidjati. Konsegwentement, l-affermazzjoni għat-tnaqqis tal-profitt ta’ mira ġiet miċħuda.

(165)

Meta jiġi kkunsidrat il-kalkolu aġġustat għat-twaqqigħ tal-prezzijiet imsemmi fil-premessi (108) sa (110) ta’ hawn fuq, il-livelli korrispondenti ta’ eliminazzjoni tal-ħsara huma dawn li ġejjin:

Pajjiż

Livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara

Iran

16,7  %

Pakistan

14,1  %

UAE

17,5  %

7.2.   Miżuri definittivi

(166)

B’kunsiderazzjoni għall-konklużjonijiet definittivi milħuqa fir-rigward tas-sussidji, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, u skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, qed jiġi kkunsidrat li dazju kumpensatorju definittiv għandu jiġi impost fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fl-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda fil-livell l-iżjed baxx tal-livell ta’ sussidji u l-eliminazzjoni tal-ħsara li jinsab, skont ir-regola dwar id-dazju l-iktar baxx.

(167)

Fid-dawl ta’ dan ta’ qabel, u skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, huwa kkunsidrat li r-rata ta’ dazju kumpensatorju definittiv għandha tiġi imposta fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Iran fil-livell tal-marġni tal-ħsara misjub waqt li għall-importazzjonijiet li joriġinaw fil-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda, ir-rata definittiva tad-dazju kumpensatorju għandha tiġi imposta fil-livell tal-marġni tas-sussidju li jinstab.

(168)

Qed jiġi mfakkar li l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-PET huma soġġetti għal ċaqliq konsiderevoli f’perijodi ta’ żmien relattivament qosra. Għalhekk ġie kkunsidrat xieraq li jiġu imposti dazji fl-għamla ta’ ammont speċifiku kull tunnellata. Dan l-ammont jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata kumpensatorja għall-prezzijiet tal-esportazzjoni CIF użati għall-kalkoli fil-proċedura parallela tal-anti-dumping.

(169)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, l-ammonti proposti ta’ dazji kumpensatorji, espressi fuq il-prezz marġinali CIF tal-Unjoni, dazji doganali mhux imħallsa, huma dawn li ġejjin:

Pajjiż

Marġni tas-sussidju totali

Marġni tal-ħsara

Rata definittiva tad-dazju kumpensatorju

 

 

 

%

Ammont

(EUR/tunnellata)

Iran

51,8  %

16,7  %

16,7  %

139,70

Pakistan

5,1  %

14,1  %

5,1  %

44,02

UAE

5,1  %

17,5  %

5,1  %

42,34

(170)

Kwalunkwe talba għall-applikazzjoni ta’ rata tad-dazju kumpensatorju ta’ kumpanija individwali (pereżempju wara bdil fl-isem tal-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgħ) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (6) minnufih bit-tagħrif kollu rilevanti, b’mod partikolari kwalunkwe bdil fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u tal-esportazzjoni assoċjat ma’, pereżempju, il-bdil tal-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni u l-bejgħ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament għandu mbagħad jiġi emendat skont il-każ bl-aġġornament tal-lista ta’ kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali.

7.3.   Garanziji

(171)

Wara li saru magħrufa l-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi kontra s-sussidju, il-produttur esportatur Iranjan offra garanzija fuq il-prezzijiet skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

(172)

L-offerta ġiet eżaminata u fid-dawl tal-fatt li l-prezzijiet għat-tipi ta’ prodott individwali jvarjaw konsiderevolment, instab li l-uniku prezz minimu ta’ importazzjoni (PMI) offrut ma jiggarantix it-tneħħija tas-sussidji dannużi għall-prodotti kollha.

(173)

Ġie stabbilit ukoll li l-produttur esportatur Iranjan li kkoopera jbiegħ il-prodott ikkonċernat u prodotti oħra lill-UE esklużivament permezz ta’ kumpanija tal-kummerċ relatata li tesporta għadd kbir ta’ prodotti manifatturati minn diversi kumpaniji. Din l-istruttura ta’ bejgħ tippreżenta riskju ferm għoli ta’ kumpens trasversali billi l-PET suġġett għal garanzija jista’ jinbiegħ flimkien ma’ prodotti oħra lill-istess konsumaturi u l-prezzijiet iffissati għal varjetà ta’ prodotti mibjugħa lill-istess klijent jistgħu faċilment jiġu kkumpensati jew ibbilanċjati. Fl-aħħar nett, mis-sorsi disponibbli għall-pubbliku jidher ukoll li hemm mill-inqas produttur addizzjonali wieħed ta’ PET fl-Iran. Fid-dawl tal-istruttura ta’ bejgħ imsemmija hawn fuq, din is-sitwazzjoni tixħet dubji serji dwar jekk l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet doganali jistgħux jiżguraw li l-PET mill-produttur esportatur li kkoopera biss jinbiegħ skont id-dispożizzjonijiet tal-garanzija billi l-prodott huwa prodott bażiku u jista’ faċilment jitpartat fis-sens li fi prodotti bażiċi bħal dawn mhuwa xejn faċli biex jiġi rikonoxxut fiżikament il-produttur.

(174)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ġie konkluż li garanzija bħal din ma kinitx prattika u għalhekk ma tistax tiġi aċċettata. Il-parti ġiet informata b’dan u ngħatat l-opportunità li tikkummenta. Madankollu, il-kummenti tagħha ma biddlux il-konklużjoni ta’ hawn fuq.

8.   ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAZJU PROVVIŻORJU

(175)

Fid-dawl tal-kobor tas-sussidji kumpensatorji li nstabu u tal-livell tal-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni, huwa kkunsidrat neċessarju li l-ammonti protetti permezz ta’ dazju provviżorju impost bir-Regolament provviżorju jinġabru b’mod definittiv sal-punt fejn jintlaħaq l-ammont tad-dazji definittivi imposti,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

1.   Dazju kumpensatorju definittiv qiegħed b’dan jiġi impost fuq l-importazzjonijiet tal-polyethylene terephthalate b’numru tal-viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard ISO 1628-5, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3907 60 20 u li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda.

2.   Ir-rata tad-dazju kumpensatorju definittiv applikabbli għall-prezz nett li jkun ħieles fuq il-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 għandha tkun kif ġej:

Pajjiż

Rata tad-dazju kumpensatorju definittiv (EUR/tunnellata)

Iran: il-kumpaniji kollha

139,70

Pakistan: il-kumpaniji kollha

44,02

Emirati Għarab Magħquda: il-kumpaniji kollha

42,34

3.   F’każijiet fejn issir ħsara fuq oġġetti qabel ma jiġu introdotti fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa u, għalhekk, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas jiġi mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (7), l-ammont ta’ dazju kumpensatorju definittiv, ikkalkulat fuq l-ammonti stabbiliti hawn fuq, għandu jitnaqqas b’perċentwal li jikkorrispondi għat-tqassim tal-prezz effettivament imħallas jew li jkun għad irid jitħallas.

4.   Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li huma fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazju doganali.

Artikolu 2

L-ammonti depositati bħala dazju kumpensatorju provviżorju skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 473/2010 dwar l-importazzjonijiet tal-polyethylene terephthalate b’numru tal-viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard tal-ISO 1628-5, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3907 60 20 u li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda, għandhom jinġabru b’mod definittiv bir-rata tad-dazju kompensatorju definittiv impost skont l-Artikolu 1. L-ammonti depositati li jkunu jeċċedu r-rata tad-dazju kumpensatorju definittiv għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

K. PEETERS


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  ĠU L 134, 1.6.2010, p. 25.

(3)  ĠU L 134, 1.6.2010, p. 4.

(4)  Ara pereżempju r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 713/2005 (ĠU L 121, 13.5.2005, p. 1) u (KE) Nru 1176/2008 (ĠU L 319, 29.11.2008, p. 1).

(5)  Każ T-210/95 Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Fertilizzanti (EFMA) v il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Ġabra 1999, pġ. II-3291.

(6)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat-Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat H, Uffiċċju N105 04/092, 1049 Brussell, BELĠJU.

(7)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


29.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/29


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 858/2010

tat-28 ta’ Settembru 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 951/2006 fir-rigward tal-esportazzjonijiet barra mill-kwota u l-liċenzji tal-esportazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1) u b'mod partikulari l-Artikoli 134 u 161(3), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (2), jistipula regoli dettaljati għall-esportazzjonijiet barra mill-kwota fis-settur taz-zokkor.

(2)

L-Artikolu 4c tar-Regolament (KE) Nru 951/2006 jipprovdi d-dokumenti li huma provi tal-wasla fid-destinazzjoni, li għandhom jintwerew f’każ li xi wħud mid-destinazzjonijiet ma jkunux eliġibbli għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u/jew tal-iżoglukożju barra mill-kwota. Madankollu, fejn il-kwantità taz-zokkor hija żgħira, ir-riskji ta’ frodi eventwali ta’ kummerċ huma pjuttost limitati. Sabiex jiġi ssimplifikat ix-xogħol amministrattiv meħtieġ ikun xieraq li tiġi prevista deroga minn din ir-regola fil-każ ta’ kwantitajiet li ma jaqbżux il-25 tunnellata.

(3)

L-Artikolu 7c tar-Regolament (KE) Nru 951/2006 jistipula dispożizzjonijiet għall-komunikazzjoni dwar l-esportazzjonijiet barra mill-kwota. Sabiex titjieb il-ġestjoni tas-sistema tal-esportazzjoni barra mill-kwota huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-komunikazzjoni tal-Istati Membri dwar il-kwantitajiet applikati għandha tinqasam skont l-applikanti wkoll.

(4)

Għas-sena tas-suq 2010/2011, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 397/2010 tas-7 ta’ Mejju 2010 li jiffissa l-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-iżoglukożju lil hinn mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2010/2011 (3) stabbilixxa l-limitu kwantitattiv ta’ 650 000 tunellata għal zokkor abjad li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1701 99, jiġifieri għall-kodiċi b'6 ċifri. Fil-każ fejn ikun hemm talba qawwija għal-liċenzji tal-esportazzjoni u fejn il-limitu kwantitattiv annwali jintuża malajr, l-operaturi li jesportaw iz-zokkor abjad skont kodiċi NM differenti jistgħu ma jkunux kapaċi jiksbu biżżejjed liċenzji biex ikopru s-swieq tradizzjonali tagħhom. Sabiex titjieb il-flessibbiltà tas-sistema barra mill-kwota huwa xieraq li jkun possibbli li l-liċenzji tal-esportazzjoni maħruġa għal prodott ta’ zokkor abjad li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1701 99 ikunu jistgħu jintużaw ukoll għall-esportazzjonijiet ta’ prodott differenti ta’ zokkor abjad li jaqa’ fi ħdan l-istess kodiċi NM.

(5)

Skont l-Artikolu 8a(b) tar-Regolament (KE) Nru 951/2006, il-liċenzji tal-esportazzjoni għaz-zokkor u l-iżoglukożju barra mill-kwota maħruġa mill-1 ta’ April 2010 huma validi mid-data tal-ħruġ tagħhom sa tmiem il-ħames xahar wara dik id-data. Madankollu, dak jista’ jikkawża diffikultajiet serji għal xi wħud mill-esportaturi, fosthom dawk li jfornu lis-swieq tradizzjonali tagħhom matul is-sena tas-suq. Għalhekk huwa xieraq li d-dispożizzjonijiet għas-sena tas-suq 2009/2010 japplikaw fuq bażi permanenti.

(6)

Skont l-Artikolu 1(2)(b)(i) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għall-prodotti agrikoli (4), il-liċenzji tal-esportazzjoni għandhom jiġu ppreżentati fil-każ ta’ esportazzjonijiet ta’ prodotti ta’ zokkor li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1701. Skont il-Parti II tal-Anness II għal dak ir-Regolament l-ammont ta’ garanzija li għandha tingħata hija stabbilita għal EUR 110 għal kull tunnellata. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u biex jiġi żgurat trattament ugwali tal-operaturi f'kull Stat Membru, huwa xieraq li fl-Artikolu 12a(1) tar-Regolament Nru 951/2006 jiġi ċċarat li l-garanzija għandha tingħata wkoll fil-każ ta’ esportazzjonijiet barra mill-kwota.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 951/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 951/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 4c tal-Kapitolu IIa jiddaħħal il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni li jikkonċernaw kwantità massima ta’ 25 tunnellata ta’ zokkor, u meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24(2) (a) u (b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009 (*), l-Istati Membri għandhom jeżentaw l-esportaturi milli jipprodvu l-prova prevista fil-paragrafu 1 u 2 (b) u (c) ta’ dan l-Artikolu. Id-dokument tat-trasport jew l-ekwivalenti elettroniku tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 612/2009 għandu jiġi ppreżentat fi kwalunkwe każ.

(*)  ĠU L 186, 17.7.2009, p. 1”."

(2)

Il-Kapitolu III huwa emendat kif ġej:

(a)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7c(1) jinbidel b'dan li ġej:

“Il-kwantitajiet li għalihom tkun saret l-applikazzjoni jridu jinqasmu skont l-applikant u skont il-kodiċi NM bi tmien ċifri mingħajr ma jiġi indikat l-isem tal-applikant. L-Istati Membri għandhom ukoll jinfurmaw lill-Kummissjoni meta ma jkunux tressqu applikazzjonijiet għal-liċenzja tal-esportazzjoni.”

(b)

L-Artikolu 7f li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 7f

Użu tal-liċenzji tal-esportazzjoni għal zokkor barra mill-kwota

Il-liċenzji tal-esportazzjoni maħruġa għal zokkor abjad barra mill-kwota li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1701 99 għandhom jindikaw il-kodiċi NM 1701 99 10 u 1701 99 90 u għandhom ikunu validi għal kull wieħed minnhom.”

(c)

L-Artikolu 8a jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 8a

Il-validità tal-liċenzji tal-esportazzjoni għall-esportazzjonijiet barra mill-kwota

Permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, il-liċenzji tal-esportazzjoni maħruġa fir-rigward tal-limitu kwantitattiv stabbilit skont l-Artikolu 61, l-ewwel paragrafu, punt (d) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom ikunu validi kif ġej:

(a)

il-liċenzji maħruġa bejn l-1 ta’ Ottubru u t-30 ta’ April tas-sena tas-suq ikkonċernata għandhom ikunu validi mid-data tal-ħruġ tagħhom sat-30 ta’ Settembru tas-sena tas-suq ikkonċernata;

(b)

il-liċenzji maħruġa bejn l-1 ta’ Mejju u t-30 ta’ Settembru tas-sena tas-suq ikkonċernata għandhom ikunu validi mid-data tal-ħruġ tagħhom sa tmiem il-ħames xahar wara dik id-data.”

(3)

Fil-Kapitolu V l-Artikolu 12a huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-applikant għandu jagħti garanzija ta’ EUR 110 għal kull tunnellata ta’ zokkor barra mill-kwota u EUR 42 għal kull tunnellata netta ta’ materjal niexef fil-każ tal-iżoglukożju barra mill-kwota.”

(b)

Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fejn xi wħud mid-destinazzjonijiet jiġu esklużi mill-esportazzjonijiet ta’ zokkor u/jew iżoglukożju barra mill-kwota, il-garanzija msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinħeles ladarba r-rekwiżiti tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u r-rekwiżiti tal-Artikolu 4c ta’ dan ir-Regolament ikunu ssodisfati.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

(3)  ĠU L 115, 8.5.2010, p. 26.

(4)  ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3.


29.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/31


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 859/2010

tat-28 ta’ Settembru 2010

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-29 ta’ Settembru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

84,4

MK

50,2

TR

50,2

ZZ

61,6

0707 00 05

TR

111,6

ZZ

111,6

0709 90 70

TR

110,4

ZZ

110,4

0805 50 10

AR

107,5

CL

79,2

EG

66,3

IL

120,5

MA

157,0

TR

103,4

UY

128,7

ZA

101,5

ZZ

108,0

0806 10 10

TR

120,1

ZA

56,9

ZZ

88,5

0808 10 80

AR

56,1

AU

217,4

BR

59,6

CL

93,8

CN

82,6

NZ

97,6

US

85,0

ZA

84,7

ZZ

97,1

0808 20 50

CN

85,9

ZA

80,8

ZZ

83,4

0809 30

TR

149,8

ZZ

149,8

0809 40 05

BA

53,5

MK

45,0

ZZ

49,3


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

29.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/33


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/576/PESK

tat-23 ta’ Settembru 2010

dwar il-missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28 u 43(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Ġunju 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK (1) li tistabbilixxi missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea mwettqa fil-qafas tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mas-sistema tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “EUPOL RD Congo” jew “il-Missjoni”).

(2)

Fit-23 ta' Ġunju 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/485/PESK (2) li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK sat-30 ta' Ġunju 2009.

(3)

Fil-15 ta' Ġunju 2009, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2009/466/PESK (3) li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK sat-30 ta' Ġunju 2010.

(4)

Fl-14 ta' Ġunju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/329/PESK (4) li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK sat-30 ta' Settembru 2010.

(5)

EUPOL RD CONGO għandha titkompla għal sena oħra sat-30 ta' Settembru 2011.

(6)

L-istruttura ta' kmand u kontroll tal-Missjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà kontraenti tal-Kap tal-Missjoni lejn il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni.

(7)

Il-Kapaċità tal-Għassa stabbilita fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandha tiġi attivata għall-Missjoni.

(8)

Il-Missjoni ser titwettaq fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Missjoni

1.   Il-Missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea mwettqa fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mas-sistema tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (minn hawn ' il-quddiem imsejħa “EUPOL RD Congo” jew “il-Missjoni”), stabbilita bl-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK, għandha tiġi estiża għall-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2010 sat-30 ta' Settembru 2011.

2.   EUPOL RD Congo għandha topera konformement mad-dikjarazzjoni tal-Missjoni stipulata fl-Artikolu 2 u għandha twettaq il-kompiti stipulati fl-Artikolu 3. Hija għandha topera mingħajr preġudizzju għall-appartenenza mir-RDK tar-RSS.

Artikolu 2

Dikjarazzjoni tal-Missjoni

1.   Sabiex jitjiebu l-maturità u s-sostenibbiltà tal-proċess ta' riforma tal-Pulizija Nazzjonali Kongoliża (PNK), l-EUPOL RD Congo għandha tassisti lill-awtoritajiet Kongoliżi fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Pulizija, billi tkopri l-prijoritajiet tal-Proċess ta' Riforma tal-Pulizija għall-perijodu 2010-2012, u billi tibni fuq il-linji gwida tal-Qafas Strateġiku. EUPOL RD Congo għandha tiffoka fuq attivitajiet u proġetti konkreti biex tiġi sostnuta l-azzjoni tagħha fil-livell strateġiku tal-proċess ta' riforma, fuq il-bini ta' kapaċità u fuq it-tisħiħ tal-interazzjoni bejn il-PNK u s-sistema usa' tal-ġustizzja kriminali bil-għan ta' appoġġ aħjar għall-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u l-impunità. L-EUPOL RD Congo għandha taħdem b'koordinazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib ma' donaturi oħra tal-Unjoni, internazzjonali u bilaterali, bil-għan li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi.

2.   L-objettivi partikolari tal-Missjoni għandhom ikunu:

(a)

l-appoġġ għall-proċess RSS sħiħ fil-livell strateġiku fir-REpubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) b'enfasi partikolari fuq ir-riforma tal-PNK u l-interazzjoni tagħha mal-ġudikatura;

(b)

l-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riforma tal-Pulizija u t-titjib tal-kapaċità operattiva u l-affidabbiltà tal-PNK permezz ta' attivitajiet ta' iggwidar, monitoraġġ u l-għoti ta' konsulenza;

(c)

it-titjib tal-għarfien u l-kapaċità tal-uffiċjali anzjani, il-ħarrieġa u s-sistemi ta' taħriġ tal-PNK, inkluż permezz tal-għoti ta' korsijiet ta' taħriġ strateġiku;

(d)

l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-impunità fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza sesswali.

3.   Il-Missjoni għandu jkollha Ċellula ta' Riċerka għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-missjoni għandha tagħti konsulenza lill-Istati Membri u lil Stati terzi u għandha tikkoordina u tiffaċilita, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom fl-oqsma li huma ta' interess għall-Missjoni u fit-twettiq tal-objettivi tagħha.

Artikolu 3

Kompiti tal-missjoni

Sabiex jiġu sodisfatti l-objettivi tagħha, il-kompiti tal-EUPOL RD Congo għandhom ikunu kif ġej:

1)

l-appoġġ għall-proċess RSS sħiħ fil-livell strateġiku fir-RFK b'enfasi partikolari fuq ir-riforma tal-PNK u l-interazzjoni tagħha mal-ġudikatura:

billi tappoġġa l-ħidma u l-evoluzzjoni tal-Kumitat ta' Monitoraġġ tar-Riforma tal-Pulizija (CSRP) u l-Gruppi ta' Ħidma tiegħu, inkluż billi tipprovdi assistenza fit-tħejjija tal-qafas legali u sotto-legali rilevanti tar-Riforma tal-Pulizija biex tikkontribwixxi għall-finalizzazzjoni tal-ħidma ta' konċepiment;

billi ikkontribwixxi għal u tagħti konsulenza dwar l-istabbiliment u l-iżvilupp tal-korpi li għandhom jinħolqu għar-Riforma tal-Pulizija; billi tikkontribwixxi għall-attivitajiet ta' dawn il-korpi permezz tal-għoti ta' kompetenza esperta fl-oqsma l-aktar rilevanti għall-implimentazzjoni tar-Riforma tal-Pulizija;

billi tikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-Ministeru tal-Intern u l-Ministeru tal-Ġustizzja bil-għan li jiżdiedu l-livelli ta' kooperazzjoni u fehim bejn iż-żewġ Ministeri;

billi tipparteċipa fl-attivitajiet tal-Kumitat Imħallat tal-Ġustizzja (Comité Mixte de Suivi du Programme Cadre de la Justice) u tassisti, kif adatt, fir-reviżjoni tal-qafas legali kriminali, filwaqt li l-Kumitat Imħallat tad-Difiża jiġi appoġġat, kif adatt, bil-għan li tappoġġa l-koerenza u l-konsistenza fost il-pilastri differenti tar-RSS;

billi tingħaqad mal- fiisforzi usa' tal-Unjoni għall-appoġġ tal-koordinazzjoni u l-koerenza interministerjali.

2)

l-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riforma tal-Pulizija u t-titjib tal-kapaċità operattiva u l-affidabbiltà tal-PNK permezz ta' attivitajiet ta' iggwidar, monitoraġġ u l-għoti ta' konsulenza:

billi tagħti konsulenza dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta' struttura organizzattiva adegwata għall-PNK u billi tappoġġa l-attivitajiet ta' ġbir tad-data sabiex jiġi stabbilit ċensiment komplet tal-uffiċjali tal-pulizija;

billi tiggwida, tagħmel monitoraġġ u tagħti konsulenza lill-persunal, inkluż permezz ta' ko-lokazzjoni jekk adatt, fid-direttorati tekniċi fl-Ispettorat tal-PNK u fil-Kwartieri Ġenerali biex jingħataw konsulenza u assistenza fl-implimentazzjoni tal-proċess ta' riforma u fl-integrazzjoni tas-servizzi kollha tal-pulizija fi ħdan istituzzjoni unika. Dan il-kompitu jeħtieġ li jkun ikkoordinat mill-qrib mal-operazzjoni UN MONUSCO, b'kont meħud tal-iskjerament tagħhom fit-territorju Kongoliż kollu;

billi tappoġġa l-integrazzjoni rapida tal-pulizija kriminali (Police Judiciaire des Parquets) fil-PNK, sabiex tgħin fl-istabbiliment ta' interface effettiv bejn il-pulizija kriminali u s-servizz tal-prosekuzzjoni. Il-Missjoni ser taħdem f'din id-direzzjoni billi tagħti konsulenza, kif adatt, lil atturi ewlenin fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-programmi tal-imsieħba;

billi tappoġġa s-servizz ta' verifika tal-pulizija li għadu kif inħoloq (Inspection Générale d'Audit) permezz ta' sforzi biex tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali u operattiva tagħha sabiex tipprovdi liċ-ċittadini u lill-awtoritajiet bi strument ewlieni ta' kontroll demokratiku fuq il-forza tal-pulizija;

billi tagħti konsulenza u gwida lill-pulizija kriminali f'Kinshasa, speċjalment permezz tal-Police de Recherche et d’Intervention, fit-titjib tal-istandards tagħha u l-kapaċità tagħha li b'mod effettiv timpedixxi u tinvestiga r-reati;

billi tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Pulizija biex il-PNK tkun tista' jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, safejn l-aktar ikun possibbli, l-istrumenti, il-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u l-mezzi biex tiġi ggarantita ż-żamma korretta tal-ordni pubblika, b'rispett sħiħ tal-libertajiet fundamentali mogħtija fil-Kostituzzjoni kif ukoll l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

billi tgħin biex il-PNK taġġorna l-koordinazzjoni, il-koerenza u l-flessibbiltà tal-proċess tagħha ta' teħid tad-deċiżjonijiet billi tappoġġa r-rinfurzar taċ-Ċentru ta' Kmand u Kontroll kif ukoll iċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet f'Kinshasa, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' msieħba oħra li diġà qed jaħdmu f'dan il-qasam;

billi tikkontribwixxi għall-finalizzazzjoni ta' kunċett ta' Pulizija Komunitarja (police de proximité) u billi tipparteċipa fil-proġett pilota tal-Commissariat de Référence, bil-għan li tissaħħaħ fiduċja bejn il-popolazjoni u l-pulizija u li titjieb is-sigurtàkemm f'termini oġġettivi kif ukoll fil-perċezzjoni tal-pubbliku.

3)

it-titjib tal-għarfien u l-kapaċità tal-uffiċjali anzjani, il-ħarrieġa u s-sistemi ta' taħriġ tal-PNK, inkluż permezz tal-għoti ta' korsijiet ta' taħriġ strateġiku:

billi tassisti fit-titjib tal-kapaċitajiet ta' taħriġ fl-Iskola għall-Uffiċjali tal-Pulizija Kriminali f'Kinshasa;

billi tappoġġa l-istabbiliment u t-tħaddim tal-Akkademja tal-Pulizija f'Kasapa, Lubumbashi, inklużi l-loġistika u t-tagħmir;

billi tappoġġa l-iżvilupp professjonali tal-uffiċjali anzjani tal-PNK bil-għan li jitjiebu l-ħiliet ta' tmexxija u ta' ġestjoni;

billi twettaq valutazzjoni tal-ħtiġijiet u r-riżorsi tat-taħriġ attwali tal-PNK;

billi ikkontribwixxi għad-definizzjoni tal-qafas regolatorju u edukattiv għall-bidu u t-tħaddim tal-Akkademja tal-Pulizija;

billi tiżviluppa u tintroduċi manwali ta' taħriġ tal-PNK għat-taħriġ bażiku u speċifiku;

billi tikkontribwixxi għall-istituzzjonalizzazzjoni tal-kunċett ta' Pulizija Komunitarja (Police de proximité) mat-taħriġ;

billi tipparteċipa fis-selezzjoni u t-taħriġ tal-ħarrieġa tal-pulizija;

billi tipprovdi taħriġ speċjalizzat fl-oqsma li jappoġġaw il-kisba tal-objettivi tal-Missjoni.

4)

l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-impunità fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza sesswali:

billi tassisti lill-gruppi rilevanti tas-CSRP u tal-korpi implimentattivi tar-Riforma tal-Pulizija;

billi tappoġġa l-iżvilupp ta' politika koerenti għall-PNK u l-Inspection Générale d'Audit kontra l-vjolenza sesswali;

billi tgħin fil-ħolqien u billi tagħmel monitoraġġ u tiggwida l-unitajiet speċjalizzati fil-pulizija fil-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali, ir-reati relatati mat-tfal kif ukoll l-impunità, u ż-żieda fl-operazzjonalizzazzjoni permezz tal-attivitajiet ta' iggwidar, monitoraġġ u l-għoti ta' konsulenza;

billi tappoġġa l-organizzazzjoni ta' azzjonijiet immirati biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-uffiċjali tal-pulizija tal-problema tal-vjolenza sesswali u l-impunità;

billi tagħmel monitoraġġ u sssegwi l-attivitajiet tal-PNK u dawk ġudizzjarji f'dan il-qasam, billi tagħti konsulenza, kif adatt, lil rappreżentanti rilevanti tas-servizzi ta' prosekuzzjoni, ta' qrati militari u tal-pulizija kriminali, f'koordinazzjoni ma' atturi ewlenin oħra nazzjonali u internazzjonali.

5)

Kompiti oħra / Ċellula ta' Riċerka:

l-appoġġ lill-Kummissjoni kif meħtieġ, speċjalment fil-proġetti tagħha għal sistema integrata għall-ġestjoni tar-riżorsi umani u għaċ-ċensiment tal-pulizija;

l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti permezz taċ-Ċellula ta' Riċerka biex jiġi żgurat l-użu korrett ta' fondi assenjati mill-baġit tal-PESK għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-persunal taċ-Ċellula ta' Riċerka jista' wkoll jappoġġa lill-Istati Membri u lil Stati terzi fuq talba tagħhom stess, fil-limitu tal-mezzi u l-kapaċitajiet tal-Missjoni, billi jipprovdi koordinazzjoni u assistenza teknika msaħħa għall-proġetti tagħom stess u taħt ir-responsabbilità tagħhom stess. L-attivitajiet kollha taċ-Ċellula ta' Riċerka għandhom jitwettqu fi ħdan il-mandat tal-Missjoni u biex jitlestew l-attivitajiet imwettqa mill-EUPOL RD Congo.

Artikolu 4

Struttura tal-Missjoni

1.   L-EUPOL RD Congo għandha tkun strutturata kif ġej:

(a)

Kwartieri Ġenerali f'Kinshasa. Il-Kwartieri Ġenerali għandhom jikkonsistu mill-Uffiċċju tal-Kap tal-Missjoni u tal-Persunal tal-Kwartieri Ġenerali, li jipprovdu l-funzjonijiet kollha meħtieġa biex jingħataw konsulenza fil-livell strateġiku u operattiv, ta' kmand u kontroll, kif ukoll appoġġ tal-missjoni u dak amministrattiv;

(b)

Uffiċċju Lokali. Uffiċċju Lokali għandu jiġi stabbilit f'Goma. L-implikazzjonijiet fuq il-livell nazzjonali kollu tal-mandat tal-Missjoni jistgħu wkoll jeħtieġu azzjonijiet fil-pajjiż u possibbilment preżenza temporanja (ukoll għal terminu aktar twil) ta' esperti f'postijiet oħra, dejjem soġġetti għal konsiderazzonijiet ta' sigurtà.

2.   L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu soġġetti għal aktar arranġamenti dettaljati fil-Pjan Operattiv (OPLAN).

Artikolu 5

Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili

1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUPOL RD Congo.

2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u t-tmexxija strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPOL RD Congo fil-livell strateġiku.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, anke bil-ħruġ ta' istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni u billi jagħtih konsulenza u appoġġ tekniku.

4.   Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat tal-oriġini jew tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

5.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu r-responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat korrettament.

6.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar kwistjonijiet tar-RSS u ta' appoġġ fil-livell Reġjonali kollu, kif meħtieġ.

Artikolu 6

Kap tal-Missjoni

1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà għall-missjoni fil-livell operattiv fuq il-post u jeżerċita kmand u kontroll tagħha.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita l-OPCON fuq il-persunal minn Stati kontribuwenti kif assenjati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika, inkluż fuq l-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni mqegħdin għad-dispożizzjoni tal-Missjoni.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-Missjoni għat-twettiq effikaċi tal-EUPOL RD Congo fil-post tal-operazzjoni, jassumi l-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta' kuljum tagħha, u jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mall-Kummissjoni.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità kkonċernata nazzjonali jew tal-Unjoni.

6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta lill-EUPOL RD Congo fiż-żona tal-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adatta tal-Missjoni.

7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif adatt, l-azzjonijiet tal-EUPOL RD Congo ma' atturi oħrajn tal-Unjoni fuq il-post. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika lokali dwar il-kwistjonijiet tar-RSS u ta' appoġġ fil-livell Reġjonali kollu mir-RSUE.

Artikolu 7

Persunal

1.   L-EUPOL RD Congo għandha tikkonsisti primarjament minn persunal sekondat mill-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Kull Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni għandhom jerfgħu l-ispejjeż relatati ma' kwalunkwe membru tal-persunal sekondat minnhom, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-iskjerament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances minbarra allowances tal-ġurnata applikabbli, kif ukoll allowances għat-tbatija u għar-riskju.

2.   Il-persunal ċivili internazzjonali u l-persunal lokali għandhom jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali mill-Missjoni jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux ipprovduti mill-persunal issekondat mill-Istati Membri. B'mod eċċezzjonali, f'każijiet debitament ġustifikati, fejn m'hemm disponibbli l-ebda applikazzjoni kwalifikata mill-Istati Membri, ċittadini minn Stati terzi parteċipanti jistgħu jiġu rreklutati fuq bażi kontrattwali, kif adatt.

3.   Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-istandards operattivi minimi ta' sigurtà speċifiċi għall-Missjoni u l-pjan ta' sigurtà tal-Missjoni li jappoġġa l-politika tal-Unjoni ta' sigurtà fuq il-post. Fir-rigward tal-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE li l-membri tal-persunal ikunu fdati biha waqt li jwettqu dmirijiethom, il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji u l-istandards minimi tas-sigurtà stabbiliti mir-Regolamenti ta' Sigurtà tal-Kunsill (5).

Artikolu 8

Status tal-Missjoni u tal-persunal tagħha

1.   L-istatus tal-Missjoni u tal-persunal tagħha, inklużi fejn adatt il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-Missjoni, għandhom jiġu miftiehma konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 tat-Trattat.

2.   L-Istat jew l-istituzzjoni tal-Unjoni li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu għal kwalunkwe azzjoni marbuta mas-sekondar, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernati għandhom ikunu responsabbli għall-introduzzjoni ta' kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata.

3.   Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ċivili internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membri tal-persunal.

Artikolu 9

Linja ta' kmand

1.   EUPOL RD Congo għandu jkollha linja ta' kmand unifikata, bħala operazzjoni ta' maniġġar tal-kriżijiet.

2.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u t-tmexxija strateġika tal-EUPOL RD Congo.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u t-tmexxija strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPOL RD Congo fil-livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ struzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita il-kmand u l-kontroll fuq l-EUPOL RD Congo fuq il-post tal-operazzjoni u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

Artikolu 10

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat sabiex jinħatar Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-RGħ, u sabiex jiġu emendati il-CONOPS u l-OPLAN. Is-setgħat deċiżjonali fir-rigward tal-objettivi u t-tmiem tal-Missjoni għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirraporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 11

Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna biex jikkontribwixxu għall-Missjoni, bil-kondizzjoni li dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allowances ta' sussistenza ta' kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mir-RDK, u li jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta' tħaddim tal-Missjoni, kif adatt.

2.   Stati terzi li jikkontribwixxu għall-Missjoni għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' ġestjoni ta' kuljum tal-Missjoni daqs l-Istati Membri.

3.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u biex jistabbilixxi Kumitat ta' Kontributuri.

4.   L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 tat-Trattat u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat terz f'operazzjonijiet tal-Unjoni ta' maniġġar ta' kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-Missjoni.

Artikolu 12

Sigurtà

1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, f'koordinazzjoni mal-Uffiċċju ta' Sigurtà tal-Kunsill, għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta' sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tagħhom għall-EUPOL RD Congo skont l-Artikoli 5 u 9.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-Missjoni u biex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta' sigurtà applikabbli għall-Missjoni, konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra mill-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, u l-istrumenti li jappoġġawha.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Anzjan tas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mal-Uffiċċju ta' Sigurtà tal-Kunsill.

4.   Il-persunal tal-EUPOL RD Congo għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta' sigurtà qabel ma jibda jwettaq dmirijietu, konformement mal-OPLAN. Huwa għandu jingħata taħriġ regolari ta' aġġornament fuq il-post, organizzat mill-SMSO.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE konformement mar-Regolamenti ta' Sigurtà tal-Kunsill.

Artikolu 13

Kapaċità tal-Għassa

Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUPOL RD Congo.

Artikolu 14

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Missjoni għall-perijodu bejn l-1 ta' Ottubru 2010 sat-30 ta' Settembru 2011 għandu jkun ta' EUR 6 430 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita konformement mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta totalment lill-Kummissjoni u jiġi ssorveljat minnha rigward l-attivitajiet imwettqin fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

4.   Ċittadini ta’ Pajjiżi terzi għandhom jkunu jistgħu jippreżentaw offerti għal kuntratti. Soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kap tal-Missjoni jista' jikkonkludi arranġamenti tekniċi ma' Stati Membri, Stati terzi parteċipanti u ma' atturi internazzjonali oħra fir-rigward tal-provvista ta' tagħmir, servizzi u siti lill-EUPOL RD Congo.

5.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti operattivi tal-Missjoni, inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tal-iskwadri tal-Missjoni.

6.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 15

Koordinazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f'koordinazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjoni tal-Unjoni u l-EUSEC RD Congo biex tkun żgurta l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni b'appoġġ tar-RDK.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mal-Kapijiet tal-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina ma' atturi internazzjonali oħra preżenti fil-pajjiż, u jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mal-UN MONUSCO.

Artikolu 16

Rilaxx ta' informazzjoni klassifikata

1.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat biex jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, kif adatt u konformement mal-ħtiġijiet tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, konformement mar-Regolamenti ta' Sigurtà tal-Kunsill.

2.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lin-NU u lill-OSKE, konformement mal-ħtiġijiet operattivi tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, konformement mar-Regolamenti ta' Sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jitfasslu arranġamenti lokali għal dan il-għan.

3.   Fil-każ ta' ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, konformement mar-Regolamenti ta' Sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħra kollha, din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti għandhom jiġu rrilaxxati lill-Istat ospitanti konformement mal-proċeduri applikabbli għall-kooperazzjoni mill-Istat ospitanti mal-Unjoni.

4.   Ir-RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, id-dokumenti mhux klassifikati tal-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-Missjoni u li jkunu koperti mill-obbligu tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (6).

Artikolu 17

Reviżjoni tal-Missjoni

Reviżjoni tal-Missjoni għandha tiġi ppreżentata lill-KPS kull sitt xhur, abbażi ta' rapport mill-Kap tal-Missjoni.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ u tul ta' żmien

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2011.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

S. VANACKERE


(1)  ĠU L 151, 13.6.2007, p. 46.

(2)  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 44.

(3)  ĠU L 151, 16.6.2009, p. 40.

(4)  ĠU L 149, 15.6.2010, p. 11.

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/263/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


29.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/40


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Settembru 2010

li ttemm il-proċediment ta’ anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-tereftalat tal-polietilene li joriġinaw mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda u li tirrilaxxa l-ammonti miġbura permezz tad-dazji provviżorji imposti

(2010/577/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri provviżorji

(1)

Fit-3 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż li ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2), il-ftuħ ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċertu tereftalat tal-polietilene (“PET”) li joriġinaw mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda (“il-pajjiżi kkonċernati”). Fl-1 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni, bir-Regolament (UE) Nru 472/2010 (3) (ir-Regolament provviżorju’) imponiet dazju ta’ anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu tereftalat tal-polietilene li joriġinaw mill-Iran u mill-Emirati Għarab Magħquda.

(2)

Il-proċediment ingħata bidu b’segwitu għal ilment imressaq fl-20 ta’ Lulju 2009 mill-Polyethylene Terephthalate Committee of Plastics Europe (“il-kwerelant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f’dan il-każ ta’ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċertu tereftalat tal-polietilene.

(3)

Kif stipulat fil-premessa 11 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta’ dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-aħħar tal-PI (“il-perjodu meqjus”).

(4)

Fil-proċediment parallel tal-antisussidju, il-Kummissjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 473/2010 (4) imponiet dazju kompensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu tereftalat tal-polietilene li joriġinaw fl-Iran u l-Emirati Għarab Magħquda.

2.   Il-proċedura sussegwenti

(5)

Wara l-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuq il-bażi tagħhom kien deċiż li jkunu imposti miżuri provviżorji antidumping (“l-iżvelar provviżorju”), għadd ta’ partijiet interessati ressqu sottomissjonijiet bil-miktub biex juru l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu.

(6)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika t-tagħrif kollu li qieset li kien meħtieġ għas-sejbiet definittivi tagħha. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet interessati wara l-iżvelar provviżorju tqiesu u, fejn xieraq, is-sejbiet provviżorji ġew immodifikati skont dan.

(7)

Il-partijiet kollha kienu informati bil-fatti essenzali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li jiġi rrakkomandat it-tmiem tal-proċediment u r-rilaxx tal-ammonti miġbura permezz ta’ dazji provviżorji imposti (“l-iżvelar finali”). Ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu l-appelli wara li dan ġie żvelat.

(8)

Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet interessati tqiesu u, fejn xieraq, is-sejbiet ġew immodifikati skont dan.

3.   Il-partijiet ikkonċernati mill-proċediment

(9)

Xi partijiet interessati ilmentaw li l-kampjun ta’ produtturi tal-UE ma kienx rappreżentattiv u kien inkonsistenti u li għalhekk l-analiżi tal-ħsara ma kinitx kompluta. B’mod partikolari, ilmentaw li t-teħid ta’ kampjuni ma kienx meħtieġ billi l-għadd ta’ produtturi ma kienx kbir. Barra minn hekk, sar l-ilment li bil-qsim “artifiċjali” tal-gruppi ta’ kumpaniji f’entitajiet legali individwali, il-kampjun ma jkunx fih xi wħud mill-kumpaniji ewlenin tas-suq (Artenius, M&G Polimeri) u li l-metodoloġija għall-għażla tal-kampjun hija inkonsistenti billi l-kampjun inkluda fih ukoll żewġ gruppi ta’ kumpaniji. Sar ukoll ilment li l-kampjun ma kienx rappreżentattiv billi ma kienx fih kull produttur kwalunkwe li jbiegħ lil manifattur PET relatat fi kwantitajiet suffiċjenti. Għaldaqstant l-istituzzjonijiet allegatament ma setgħux jaslu għal stima tal-kapaċità vera ta’ provvista tal-industrija tal-Unjoni u ma qiesux il-konflitt ta’ interess tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, billi kien hemm kumpanija li ma pprovditx it-tagħrif kollu meħtieġ u tħalliet barra mill-kampjun, ir-rappreżentanza allegatament naqset għal 28 % tal-produzzjoni tal-UE. L-istess partijiet ilmentaw li l-kampjun magħżul ma kienx validu statistikament.

(10)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-argument li t-teħid ta’ kampjuni ma kienx meħtieġ billi l-għadd ta’ produtturi ma kienx kbir, mill-ġdid qed jiġi kkonfermat li fl-eżerċizzju ta’ teħid ta’ kampjuni ppreżentaw ruhħom 14-il produttur tal-Unjoni li ġejjin minn tmien kumpaniji. Minħabba l-għadd oġġettivament għoli ta’ produtturi tal-UE li kkooperaw, jiġifieri 14, it-teħid ta’ kampjuni twettaq skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku abbażi tal-volum l-aktar rappreżentattiv ta’ bejgħ li seta’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien li kien disponibbli. Il-kampjun magħżul kien jikkonsisti minn ħames kumpaniji individwali (b’sitt imkejjen ta’ produzzjoni).

(11)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-ewwel ilment dwar ir-rappreżentanza tal-kampjun, ta’ min jinnota li l-istituzzjonijiet jistgħu jinkludu kumpaniji individwali li huma parti minn grupp ta’ kumpaniji ġewwa l-kampjun sakemm ikunu rappreżentattivi u jkollhom kontijiet finanzjarji separati. Kieku le, l-investigar tal-14-il produttur tal-UE li ġejjin mit-tmien gruppi ta’ kumpaniji ma kienx jippermetti t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni. Iżda, il-fatt li żewġ gruppi ta’ kumpaniji ġew inklużi fil-kampjun mhuwiex inkonsistenti mal-metodoloġija ta’ teħid ta’ kampjuni applikata f’dan il-każ, jiġifieri l-aktar volumi rappreżentattivi ta’ bejgħ lill-klijenti tal-UE.

(12)

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ Indorama, dan il-grupp kellu żewġ impjanti ta’ produzzjoni differenti fil-PI – wieħed fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-ieħor fir-Renju Unit. Li jiġi inkluż dan il-grupp fil-kampjun huwa bi qbil mal-metodoloġija ta’ teħid ta’ kampjuni applikata billi dawn l-impjanti jiffurmaw entità waħda mill-perspettiva legali u finanzjarja. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ Equipolymers, li kellha żewġ entitajiet separati li jipproduċu PET fil-PI (waħda fl-Italja u oħra fil-Ġermanja), il-kumpanija bagħtet rapporti ta’ ċifri kkonsolidati għaż-żewġ imkejjen. Billi l-verifika ta’ dawn iċ-ċifri kkonsolidati kienet possibbli waqt żjara fil-kwartieri ġenerali tal-kumpanija, ġie deċiż li jiġi aċċettat dan l-irrappurtar ikkonsolidat u li l-kumpaniji Equipolymers li jipproduċu PET jitqiesu bħala entità waħda għall-fini ta’ dan il-proċediment. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-ilment li Artenius u M&G Polimeri kellhom jiġu inklużi fil-kampjun minħabba li huma kumpaniji ewlenin fis-suq, ta’ min jinnota li ebda waħda mill-entitajiet individwali tagħhom mhija parti mill-kumpaniji bl-ogħla volum ta’ bejgħ lill-klijenti tal-UE.

(13)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-ilment li l-kampjun ma kienx rappreżentattiv minħabba li ma kienx jinkludi produttur wieħed li fil-biċċa l-kbira jipproduċi għall-konsum intern, ta’ min jinnota li l-kapaċità ta’ provvista tista’ tiġi eżaminata fil-qafas tal-analiżi tal-interess tal-Unjoni jekk issir talba bħal din u għal dan il-għan il-konsum mhux ħieles jista’ jitnaqqas mill-volum ta’ produzzjoni. Għalhekk mhemmx għalfejn ikun hemm produttur ta’ dan it-tip fil-kampjun għall-eżami ta’ ċerti fatturi ta’ ħsara. It-tieni, kull interess doppju li jirriżulta mill-pożizzjoni ta’ kumpanija bħala waħda li tipproduċi u tipproċessa fl-istess ħin ukoll tista’ ssir stima tiegħu fl-analiżi tal-interess tal-Unjoni. Il-pożizzjoni ta’ kumpanija bħala waħda li tipproduċi u tipproċessa fl-UE mhijiex marbuta mar-rendiment tal-industrija tal-Unjoni fejn il-bejgħ lill-konsumaturi mhux relatati fl-UE jittieħed bħala kriterju ta’ tqabbil. Għaldaqstant, l-ilment hu rrifjutat.

(14)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-ilment dwar ir-rappreżentanza ġenerali tal-kampjun għal darb’oħra qed jiġi kkonfermat li t-tnaqqis tal-kampjun għal erba’ kumpaniji baxxa r-rappreżentanza għal 47 % minn 65 % tal-bejgħ li sar mill-produtturi kollha li kkooperaw. L-istess erba’ kumpaniji kienu jirrappreżentaw 52 % tal-produzzjoni tal-Unjoni. Dan jitqies bħala kampjun rappreżentattiv tal-produtturi tal-UE f’termini ta’ bejgħ lill-konsumaturi indipendenti fl-UE.

(15)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-ilment li l-kampjun magħżul ma kienx statistikament validu, ta’ min jinnota li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku jipprevedi b’mod ċar li kampjun jissejjes fuq l-aktar volum rappreżentattiv tal-bejgħ li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fil-ħin disponibbli, bħala alternattiva għal kampjun “statistikament validu”.

(16)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra rigward is-sejbiet, il-premessi 3 sa 10 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(17)

Ta’ min ifakkar li, fil-premessa 12 tar-Regolament provviżorju, il-prodott ikkonċernat kien iddefinit bħala tereftalat tal-polietilene, li n-numru ta’ viskożità tiegħu huwa 78 ml/g jew aktar skont l-Istandard ISO 1628-5, li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati u li attwalment jinsab fi ħdan il-kodiċi NM 3907 60 20.

(18)

Barra minn hekk, fil-premessa 14 tar-Regolament provviżorju, intqal li l-investigazzjoni wriet li PET prodott u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni, u PET prodott u mibjugħ fis-swieq domestiċi tal-pajjiżi kkonċernati, u esportati lejn l-Unjoni kienu prodotti simili.

(19)

Billi l-prodott investigat tqies bħala prodott omoġeneju, ma nqasamx ulterjorment f’tipi differenti ta’ prodotti għall-kalkolu tal-marġnijiet ta’ dumping u ta’ ħsara.

(20)

Produttur esportatur ilmenta li l-PET għandha tinqasam f’tipi differenti ta’ prodotti skont in-numri differenti tagħhom ta’ viskożità billi n-numru ta’ viskożità huwa essenzjali biex jiġu ddeterminati l-applikazzjonijiet differenti għat-tipi ta’ PET li jiġu prodotti. Tqies li l-ilment għandu jintlaqa’ u l-metodoloġija għall-kalkolu tal-marġnijiet ta’ dumping u ħsara ġiet adattata skont dan.

C.   DUMPING

(21)

Kif ġie spjegat fil-premessa 20, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping ġiet adattata u l-marġni ta’ dumping għal kull pajjiż ikkonċernat issa huwa kkalkulat għal kull tip ta’ prodott b’mod separat.

1.   L-Iran

1.1.   Valur normali

(22)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti għajr dawk li diġà ssemmew fil-premessi 20 u 21 hawn fuq, il-metodoloġija spjegata fil-premessi 16 sa 18 tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

1.2.   Prezz ta’ esportazzjoni

(23)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti għajr dawk li diġà ssemmew fil-premessi 20 u 21 hawn fuq, il-metodoloġija spjegata fil-premessa 19 tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

1.3.   Tqabbil

(24)

Fil-premessa (23) tar-Regolament provviżorju ntqal li l-esportatur Iranjan ma kienx f’qagħda li jikkwantifika l-impatt allegat tas-sanzjonijiet kontra l-Iran b’mod li tintwera xi evidenza. Fil-kummenti tagħha dwar ir-Regolament provviżorju, il-kumpanija stqarret li d-dmir li jiġi ġġarantit tqabbil ġust kien tal-awtorità investigattiva u mhux tal-esportatur. Iżda, skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, jista’ jsir aġġustament ukoll għal differenzi f’fatturi oħra jekk jiġi pruvat illi jaffettwaw il-komparabilità tal-prezz, partikolarment li l-konsumaturi b’mod konsistenti iħallsu prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba d-differenzi f’dawn il-fatturi. Billi hija r-responsabbiltà tal-produttur esportatur li jipprova l-eżistenza ta’ xi fattur ieħor, it-talba mhux qed tiġi milqugħa u l-metodoloġija spjegata fil-premessi (20) sa (23) tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

1.4.   Marġini ta’ dumping

(25)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti għajr dawk li diġà ssemmew fil-premessi 20 u 21 hawn fuq, il-metodoloġija spjegata fil-premessi 24 sa 25 tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

(26)

Il-marġini ta’ dumping definittiv għall-Iran, espress bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, dazju mhux imħallas, huwa ta’ 26,8 %.

2.   Il-Pakistan

2.1.   Valur normali

(27)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti għajr dawk li diġà ssemmew fil-premessi 20 u 21 hawn fuq, il-metodoloġija spjegata fil-premessi 27 sa 29 tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

2.2.   Prezz ta’ esportazzjoni

(28)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti għajr dawk li diġà ssemmew fil-premessi 20 u 21 hawn fuq, il-metodoloġija spjegata fil-premessa 30 tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

2.3.   Tqabbil

(29)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti għajr dawk li diġà ssemmew fil-premessi 20 u 21 hawn fuq, il-metodoloġija spjegata fil-premessi 31 sa 32 tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

2.4.   Marġini ta’ dumping

(30)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti għajr dawk li diġà ssemmew fil-premessi 20 u 21 hawn fuq, il-metodoloġija spjegata fil-premessa 33 tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

(31)

Il-marġini ta’ dumping definittiv għall-uniku produttur esportatur Pakistani, Novatex Limited, espress bħala perċentwali tal-prezz tal-CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huwa ta’ 0,6 %, jiġifieri taħt id-de minimis skont it-tifsira tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku.

(32)

Minħabba li ma hemmx aktar produtturi tal-prodott ikkonċernat fil-Pakistan, ma għandhom jiġu imposti ebda miżuri definittivi.

3.   L-Emirati Għarab Magħquda

3.1.   Valur normali

(33)

Wara t-tibdil fil-metodoloġija spjegat fil-premessi 20 u 21, ir-riżultati tat-test tal-andament normali tal-kummerċ kif deskritti fil-premessi 37 u 38 tar-Regolament provviżorju nbidlu fir-rigward ta’ xi tipi ta’ prodott. Għalhekk, fejn il-volum ta’ bejgħ bi profitt ta’ tip ta’ prodott irrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dan it-tip, jew fejn il-prezz medju differenzjat ta’ dan it-tip kien taħt il-kost ta’ produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku effettiv, ikkalkulat bħala medja differenzjata ta’ bejgħ bi profitt ta’ dan it-tip biss.

(34)

Fejn ma kien hemm l-ebda bejgħ bi profitt ta’ ċertu tip ta’ prodott, tqies li dan it-tip ta’ prodott inbiegħ fi kwantitajiet mhux suffiċjenti biex il-prezz domestiku jipprovdi bażi xierqa għat-twaqqif tal-valur normali.

(35)

Kulfejn il-prezzijiet domestiċi ta’ tip ta’ prodott partikolari mibjugħ mill-produtturi esportaturi ma setgħux jintużaw biex jiġi stabbilit il-valur normali, il-valur normali nbena skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

(36)

Fil-bini tal-valur normali skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, l-ammonti għall-ispejjeż għall-bejgħ, dawk amministrattivi u ġenerali u għall-profitti ġew ibbażati, skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, fuq id-dejta effettiva marbuta mal-produzzjoni u l-bejgħ, fl-andament ordinarju tal-kummerċ, tal-prodott simili, mill-produttur esportatur li qiegħed jiġi investigat.

3.2.   Prezz ta’ esportazzjoni

(37)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti għajr dawk li diġà ssemmew fil-premessi 20 u 21 hawn fuq, il-metodoloġija spjegata fil-premessa 39 tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

3.3.   Tqabbil

(38)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti għajr dawk li diġà ssemmew fil-premessi 20 u 21 hawn fuq, il-metodoloġija spjegata fil-premessi 40 sa 41 tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

3.4.   Marġini ta’ dumping

(39)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti għajr dawk li diġà ssemmew fil-premessi 20 u 21 hawn fuq, il-metodoloġija spjegata fil-premessa 42 tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

(40)

Il-marġini ta’ dumping definittiv għall-uniku produttur esportatur tal-Emirati Għarab Magħquda, JBF RAK LLC, espress bħala perċentwali tal-prezz tal-CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huwa ta’ 0,6 %, jiġifieri taħt id-de minimis skont it-tifsira tal-Artikolu 9(3) tar-Regoalment bażiku.

(41)

Billi mhemmx produtturi oħra tal-prodott ikkonċernat fl-Emirati Għarab Magħquda, ma għandhom jiġu imposti ebda miżuri definittivi.

D.   ĦSARA

1.   Il-produzzjoni tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni u l-konsum tal-Unjoni

(42)

Ma waslu ebda kummenti għal dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni u l-konsum tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-premessi minn (45) sa (50) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.   Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

2.1.   Il-valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet ikkonċernati

(43)

Mill-ġdid qed jiġi kkonfermat li fil-premessa (52) tar-Regolament provviżorju, tqies li billi l-marġni ta’ dumping li nstab għall-Pakistan kien de minimis, l-effett ta’ dawk l-importazzjonijiet ma setax jiġi evalwat flimkien mal-importazzjonijiet li provviżorjament instabu li kienu oġġett ta’ dumping mill-Iran u l-Emirati Għarab Magħquda.

(44)

Billi investigazzjoni ulterjuri wriet li l-marġini ta’ dumping għall-Emirati Għarab Magħquda kien ukoll de minimis, tqies li l-effett ta’ dawk l-importazzjonijiet ma jistax jiġi eżaminat flimkien mal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-Iran. Għaldaqstant, ma saret ebda evalwazzjoni kumulattiva tal-importazzjonijiet.

2.2.   Volum ta’ importazzjonijiet ikkonċernati

(45)

Il-volum ta’ importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat fl-UE beda minn livell relattivament baxx fl-2006, iżda żdied bil-mod il-mod sal-PI, u laħaq 55 500 tunnellata fil-PI. B’mod aktar speċifiku, l-importazzjonijiet mill-Iran aktar milli rduppjaw bejn l-2006 u l-2007, qabel ma reġgħu żdiedu b’aktar minn 100 punt perċentwali fl-2008 bi tqabbil mal-2007 u madwar 130 punt perċentwali bejn l-2008 u l-PI.

Tabella 1

 

2006

2007

2008

PI

Volum ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Iran (tunnellati)

11 752

26 624

40 101

55 500

Indiċi (2006 = 100)

100

227

341

472

Sehem tas-suq ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Iran

0,4  %

0,9  %

1,4  %

1,9  %

Sors: Eurostat.

2.3.   Sehem tas-suq tal-importazzjonijiet ikkonċernati

(46)

Is-sehem tas-suq li kellhom l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Iran kien madwar 0,4 % matul l-2006 u żdied b’mod sostnut b’madwar 1,5 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat. Aktar speċifikament, dan żdied b’0,5 punti perċentwali bejn l-2006 u l-2007, kompla jiżdied bi 0,5 punti perċentwali bejn l-2007 u l-2008 u bi 0,5 punti perċentwali bejn l-2008 u l-PI. Fil-PI, is-sehem tas-suq ta’ importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping mill-Iran kien ta’ 1,9 %.

2.4.   Il-prezzijiet

(i)   Evoluzzjoni tal-prezzijiet

(47)

Il-prezz medju ta’ importazzjoni naqas bi 11 % fil-perjodu meqjus bl-akbar tnaqqis bejn l-2008 u l-PI. Aktar speċifikament, il-prezz medju baqa’ stabbli fl-2007 u naqas b’żewġ punti perċentwali fl-2008, qabel ma kompla jonqos b’disa’ punti perċentwali oħra fil-PI.

Tabella 2

 

2006

2007

2008

PI

Il-prezz tal-importazzjonijiet mill-Iran (EUR/tunnellata)

1 033

1 034

1 008

920

Indiċi

100

100

98

89

Sors: Eurostat.

(ii)   Bejgħ taħt il-prezz

(48)

Wara l-iżvelar provviżorju, l-esportatur Iranjan ikkumenta li l-marġni ta’ ħsara tiegħu kien minfuħ iż-żejjed billi l-medja differenzjata tal-prezz ta’ bejgħ ta’ unità stabbilita kienet sottovalutata billi ġie kkalkulat ħażin l-ammont tal-aġġustament tal-livell ta’ kummerċ; iżda, ebda kwantifikazzjoni alternattiva tal-aġġustament tal-livell ta’ kummerċ ma ġiet proposta. Tabilħaqq, il-bażi għal-livell ta’ kummerċ użata għall-kalkolu provviżorju kienet ammont fiss għal kull tunnellata li hija kummissjoni li titħallas lill-aġent importatur li kkoopera u tirrappreżenta madwar 1 % tal-prezz medju CIF. Ebda tagħrif ieħor ma huwa disponibbli dwar dan l-aġġustament u għalhekk it-talba ma ntlaqitx. L-istess parti ilmentat ukoll li r-rata ta’ 2 % għall-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni kienet tidher inqas min-normal. Għal darb’oħra f’dan ir-rigward qed jiġi kkonfermat li ebda importatur ma kkoopera f’din l-investigazzjoni u ma kienx possibbli li tiġi vverifikata l-ispiża attwali ta’ wara l-importazzjoni. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ xi tagħrif ieħor disponibbli, ġiet applikata r-rata użata fil-proċedimenti ta’ qabel.

(49)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, qed jiġi kkonfermat b’mod definittiv li l-prodotti oġġett ta’ dumping li joriġinaw mill-Iran u li nbiegħu fl-Unjoni waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni bi 3,2 %.

3.   Il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni

(50)

Xi partijiet interessati stqarru li ma kienet teżisti ebda ħsara billi minħabba l-kampjun allegatament ħażin ebda riżultat ma seta jiġi kkalkolat għall-industrija totali tal-Unjoni. Bħala eżempju tressaq l-argument li billi kumpanija waħda (mhux fil-kampjun) kienet uriet li kienet qed tuża aktar minn 100 % tal-kapaċità tagħha, dan kien sinjal ċar li ma kinitx teżisti ħsara. ta’ min jinnota li t-tagħrif li ntbagħat huwa estratt minn dak li bagħtet il-kumpanija lill-awtoritajiet tal-borsa u ma kienx ivverifikat. Dan it-tagħrif ma jikkwadrax mat-tagħrif fid-dokument. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità ta’ produttur wieħed tal-UE ma tistax tibdel is-sejbiet ta’ ħsara li jirrigwardjaw kważi l-indikaturi kollha l-oħra ta’ ħsara għall-produtturi tal-UE fil-kampjun u l-produtturi l-oħra tal-UE.

(51)

Minħabba li ma hemm l-ebda stqarrija jew kummenti oħra, il-premessi minn 63 sa 82 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

4.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(52)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti speċifiċi, il-konklużjoni dwar il-ħsara stabbilita fil-premessi 83 sa 85 tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata.

E.   KAWŻALITÀ

1.   L-effett tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(53)

Iż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Iran bi kważi ħames darbiet bejn l-2006 u l-PI, u tas-sehem tagħha korrispondenti fis-suq tal-Unjoni, jiġifieri b’ 1,5 punti perċentwali, kif ukoll il-bejgħ taħt il-prezz li nstab (3.2 % matul il-PI) ġeneralment inzertat fl-istess żmien mat-tiħżin tal-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, wieħed jista’ jikkonkludi li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Iran kellhom impatt fuq il-ħsara li nstabet lill-industrija tal-Unjoni.

(54)

Huwa importanti li wieħed jenfasizza li fil-proċediment parallel tal-antisussidju, l-importazzjonijiet issussidjati akkumulati mill-Pakistan, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Iran instabu li qed jikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni.

(55)

Mill-banda l-oħra, minħabba l-volumi konsiderevoli u l-prezzijiet baxxi tal-importazzjonijiet mill-Korea u l-Pakistan, qed jiġi kkonfermat ukoll, kif imsemmi fil-premessi 94 u 96 tar-Regolament provviżorju, li dawk l-importazzjonijiet ikkontribwixxew sa ċertu punt għall-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

(56)

Barra minn hekk, f’dan il-proċediment, bosta importazzjonijiet mill-Emirati Għarab Magħquda (madwar 150 000 t) kienu ukoll qed jinbiegħu taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

(57)

Fl-istess waqt, is-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet Iranjani kien taħt 1 % fl-2006 u fl-2007 u fil-PI kien qrib biss ta’ 2 %, li jikkorrispondi għal 55 000 t.

(58)

Ta’ min ukoll jinnota li l-bejgħ taħt il-prezz li ġie stabbilit għall-produttur Iranjan kien iktar baxx milli fil-każ tal-importazzjonijiet mhux oġġett ta’ dumping mill-Emirati Għarab Magħquda.

2.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(59)

B’konklużjoni, filwaqt li l-analiżi ta’ hawn fuq uriet li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping li oriġinaw fl-Iran kellhom xi impatt negattiv fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, dan l-impatt, meħud għalih waħdu, ma kienx jeżisti b’mod tali li jista’ jitqies bħala materjali kif mitlub bl-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

F.   TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT

(60)

L-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda ma nbigħux taħt il-prezzijiet normali. Għaldaqstant il-proċediment fir-rigward tal-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda għandu jiġi tterminat mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri.

(61)

L-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Iran saru bi prezzijiet taħt il-prezz normali u kkontribwixxew sa ċertu punt għall-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

(62)

Iżda, kif jidher fil-premessa 59, ġie stabbilit li l-impatt negattiv tal-importazzjonijiet Iranjani fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni ma kienx jeżisti b’mod tali li jista’ jiġi kklassifikat bħala materjali.

(63)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, meqjus in-nuqqas ta’ ħsara materjali kkawżata mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fl-Iran, ġie konkluż li l-proċediment għandu jiġi tterminat mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri anki fil-każ tal-Iran.

(64)

L-ammonti miġbura permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2010 għandu jiġi rilaxxat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment ta’ anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal- tereftalat tal-polietilene li għandha numru ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew iktar, skont l-Istandard ISO 1628-5, li bħalissa taqa’ taħt il-Kodiċi NM 3907 60 20 u li toriġina fl-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda huwa b’dan itterminat.

Artikolu 2

Ir-Regolament (UE) Nru 472/2010 huwa b’dan irrevokat. L-ammonti miġbura permezz ta’ dazju provviżorju ta’ anti-dumping impost skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2010 fuq l-importazzjonijiet tal- tereftalat tal-polietilene li għandha numru ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew iktar, skont l-Istandard ISO 1628-5, u li bħalissa taqa’ taħt il-Kodiċi NM 3907 60 20 u li toriġina fl-Iran u l-Emirati Għarab Magħquda għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU C 208, 3.9.2009, p. 12.

(3)  ĠU L 134, 1.6.2010, p. 4.

(4)  ĠU L 134, 1.6.2010, p. 25.


29.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/46


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Settembru 2010

dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw [jikklassifikaw] il-kreditu

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 6418)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/578/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-aġenziji li jiggradaw [jikklassifikaw] il-kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni tat mandat lill-Kumitat tar-Regolaturi ta’ Titoli Ewropej (KRTE) u talbet il-parir tekniku tiegħu dwar il-valutazzjoni teknika tal-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun rigward l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.

(2)

Fil-parir tiegħu mogħti fil-21 ta’ Mejju 2010, il-KRTE issuġġerixxa li l-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun rigward l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jista’ jitqies bħala ekwivalenti għar-Regolament.

(3)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, sabiex il-qafas legali u superviżorju ta’ pajjiż terz ikun ikkunsidrat ekwivalenti għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, jeħtieġ li jkun ivvalutat jekk ġewx osservati tliet kundizzjonijiet.

(4)

Skont l-ewwel kundizzjoni, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fil-pajjiż terz għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni jew għar-reġistrazzjoni u huma suġġetti għal superviżjoni u infurzar effikaċi fuq bażi kontinwa; il-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jikkonsisti fl-Att dwar l-Istrumenti Finanzjarji u l-Borża (l-Att Nru 25 tal-1948) relatat mar-Regolament dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu; l-Ordinanza tal-Gvern dwar in-Negozju fl-Istrumenti Finanzjarji (l-Ordinanza Nru 52 tat-2007) relatata mar-Regolament dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu; l-Ordinanza tal-Gvern dwar Definizzjonijiet skont l-Artikolu 2 tal-Att dwar l-Istrumenti Finanzjarji u l-Borża (l-Ordinanza tal-Ministeru tal-Finanzi Nru 14 tal-1993) relatat mar-Regolament dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu, kif ukoll il-Linji Gwida Komprensivi għas-Superviżjoni tal-Operaturi tan-Negozju fl-Istrumenti Finanzjarji (Suppliment) u l-Linji Gwida għas-Superviżjoni tal-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu. F’Ġunju 2009, il-Parlament Ġappuniż (id-Diet) għadda leġiżlazzjoni li tintroduċi qafas regolatorju ġdid għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li kien segwit mir-rilaxx f’Diċembru 2009 tal-Ordinanzi tal-Gvern li jistabbilixxu d-dettalji tat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ dan il-qafas. Il-qafas, li daħal fis-seħħ f’April 2010, jesiġi li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jkunu rreġistrati mal-Aġenzija tas-Servizzi Finanzjarji tal-Ġappun (JFSA) sabiex il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu tagħhom jintuzaw għal skopijiet regolatorji fil-Ġappun u jimponi obbligi legalment vinkolanti fuq l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u s-superviżjoni tagħhom fuq bażi kontinwa. Il-JFSA tgawdi minn firxa ta’ poteri wiesgħa u komprensiva u għandha s-setgħa li tieħu għadd ta’ miżuri, inklużi sanzjonijiet, kontra l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Istrumenti Finanzjarji u l-Borża relatat mar-Regolament tal-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu.

(5)

Skont it-tieni kundizzjoni, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fil-pajjiż terz għandhom ikunu suġġetti għar-regoli legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għal dawk stipulati mill-Artikoli 6 sa 12 u l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Is-sistema Ġappuniża hija bbażata fuq: l-obbligu ta’ rieda tajba, l-obbligu li aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tistabbilixxi sistemi ta’ kontroll operazzjonali għall-prestazzjoni ġusta u xierqa tan-negozju tal-klassifikazzjoni tal-kreditu permezz ta’ għadd kbir ta’ rekwiżiti dettaljati u preskrittivi, dispożizzjonijiet estensivi relatati mal-evitar, l-immaniġġjar u d-divulgazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess u l-obbligu li tkun irrekordjata u divulgata informazzjoni kemm lill-JFSA kif ukoll lill-pubbliku. Il-qafas Ġappuniż jilħaq l-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 rigward l-immaniġġjar ta’ kunflitti ta’ interess, il-proċessi organizzazzjonali u l-proċeduri li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jeħtieġu li jkunu stabbilixxew, il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet u l-metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet, id-divulgazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u d-divulgazzjoni ġenerali u perjodika tal-attivitajiet tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Għalhekk, il-qafas Ġappuniż jipprovdi protezzjonijiet ekwivalenti f’termini ta’ integrità, trasparenza, governanza tajba tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u affidabbiltà tal-attivitajiet li jikklassifikaw il-kreditu.

(6)

Skont it-tielet kundizzjoni, l-iskema regolatorja fil-pajjiż terz għandha tevita l-indħil mill-awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħra ta’ dak il-pajjiż terz fil-kontenut tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u fil-metodoloġiji. F’dan ir-rigward, il-JFSA hija projbita bil-liġi milli tindaħal fil-kontenut tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u fil-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.

(7)

Fl-isfond tal-fatturi eżaminati, il-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jistgħu jitqiesu li kienu ssodisfati mill-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Għalhekk, il-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandu jitqies ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(8)

Il-miżuri provduti f’din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-iskopijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Michel BARNIER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.


Rettifika

29.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/48


Rettifika għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/571/UE tal-24 ta’ Settembru 2010 li temenda, għal skopijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għal applikazzjonijiet li jkun fihom iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibrominati u l-eteri tad-difenil polibrominati

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 251 tal-25 ta’ Settembru 2010 )

F’paġna 30, fl-Anness, l-entrata li ġejja għandha tinqara kif ġej:

Eżenzjoni

Ambitu u dati tal-applikabbiltà

“2(a)(5)

Sustanza li tifluworexxi fi tliet frekwenzi b’ċiklu tal-ħajja twil (≥ 25 000 siegħa): 8 mg

Tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011; Wara l-31 ta’ Diċembru 2011 jistgħu jintużaw 5 mg għal kull bozza”