ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2010.190.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 190

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 53
22 ta' Lulju 2010


Werrej

 

II   Atti mhux leġislattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

 

2010/397/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2010 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon

1

Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon

3

Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon

27

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 621/2010 tat-3 ta’ Ġunju 2010 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd taħt il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon

29

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġislattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

22.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-3 ta’ Ġunju 2010

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon

(2010/397/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni nnegozjat mal-Gżejjer Solomon Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd li jipprovdi lil bastimenti tal-Unjoni opportunitajiet ta’ sajd fl-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Gżejjer Solomon f’dak li għandu x’jaqsam mas-sajd.

(2)

B’riżultat ta’ dawk in-negozjati ġie inizjalat Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd fis-26 ta’ Settembru 2009.

(3)

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea u l-Gżejjer Solomon dwar is-sajd ‘il barra mill-Gżejjer Solomon (1) għandu jiġi revokat u sostitwit bil-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid dwar is-Sajd.

(4)

Il-Ftehim ġdid ta’ Sħubija dwar is-Sajd għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni.

(5)

Sabiex jiġu ggarantiti l-attivitajiet tas-sajd min-naħa tal-bastimenti tal-Unjoni, huwa essenzjali li l-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid dwar is-Sajd jiġi applikat mill-aktar fis possibbli. Għaldaqstant, iż-żewġ partijiet inizjalaw Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd mid-9 ta’ Ottubru 2009, sakemm jidħol fis-seħħ.

(6)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li l-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd jiġi approvat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar lill-persuni mogħtija s-setgħa biex, f’isem l-Unjoni, jiffirmaw il-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Il-Ftehim fl-għamla ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test ta’ tali Ftehim fl-għamla ta’ Skambju ta’ Ittri huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar lill-persuni mogħtija s-setgħa jiffirmaw il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd sabiex l-Unjoni tintrabat.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-3 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ESPINOSA


(1)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 34.


FTEHIM TA’ SĦUBIJA DWAR IS-SAJD BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-GŻEJJER SOLOMON

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-UE”,

u

IL-GVERN TAL-GŻEJJER SOLOMON, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Il-Gżejjer Solomon”,

Minn hawn ‘il quddiem “il-Partijiet”,

FILWAQT LI JQISU l-koperazzjoni u r-relazzjoni ta’ ħidma mill-qrib bejn l-UE u l-Gżejjer Solomon, partikolarment fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Cotonou, u x-xewqa tagħhom it-tnejn li jiżviluppaw dawk ir-relazzjonijiet;

FILWAQT LI JQISU x-xewqa taż-żewġ Partijiet li jħeġġu l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa,

FILWAQT LI JQISU l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut b’Tendenza Kbira li Jpassi,

DETERMINATI li japplikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzonijiet tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent u fiċ-Ċentru tal-Paċifiku, minn hawn ‘il quddiem “WCPFC”;

KONXJI mill-importanza tal-prinċipji stabbiliti permezz tal-Kodiċi ta’ Mġiba dwar sajd responsabbli adottat fil-Konferenza tal-FAO fl-1995.

JIRRIKONOXXU d-drittijiet sovrani tal-Gżejjer Solomon, f’konformità mal-Konvenzjoni tal-1982 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, il-Ftehim tal-1995 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet ta’ Ħut b’Tendenza kbira li Jpassi u prinċipji u prattiki oħra tad-dritt internazzjonali, id-drittijiet sovrani għall-finijiet ta’ esplorazzjoni, sfruttar, konservazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi ħajjin fiż-ŻEE tal-Gżejjer Solomon,

DETERMINATI li jikkooperaw, fl-interess reċiproku tagħhom, biex iħeġġu titjib fis-sajd responsabbli biex tiġi żgurata l-konservazzjoni fit-tul u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar.

KONVINTI li din il-kooperazzjoni għandha tkun imsejsa fuq il-komplimentarjetà tal-inizjattivi u l-azzjonijiet imwettqa kemm b’mod konġunt kif ukoll minn kull waħda mill-Partijiet sabiex jiżguraw il-koerenza tal-politika u s-sinerġija tal-isforzi.

BI ĦSIEBHOM, għal dawn il-finijiet, li jiftħu djalogu dwar il-politika settorjali tas-sajd fil-Gżejjer Solomon u li jidentifikaw il-mezzi adatti sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ din il-politika kif ukoll biex l-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili jiddaħħlu fil-proċess;

ĦERQANA biex jistabbilixxu t-termini u l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-UE fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon, kif ukoll dawk li jirrigwardaw l-appoġġ mogħti mill-UE għat-titjib tas-sajd responsabbli f’dawk l-ilmijiet,

DEĊIŻI li jikkooperaw aktar mill-qrib ekonomikament fl-industrija tas-sajd u fl-attivitajiet relatati magħha, permezz tat-twaqqif u l-iżvilupp ta’ impriżi konġunti li jinvolvu kumpanniji miż-żewġ Partijiet.

FTIEHMU DWAR DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Ambitu

Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-prinċipji, ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw:

il-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fil-qasam tas-sajd bil-għan li jitħeġġeġ is-sajd responsabbli fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Solomon sabiex ikunu żgurati l-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u l-iżvilupp tas-settur tas-sajd tal-Gżejjer Solomon;

il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess tal-bastimenti tas-sajd tal-UE għaż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon;

il-kooperazzjoni dwar metodi ta’ kontroll tas-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Solomon sabiex jiġu żgurati l-osservanza tal-kondizzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-effikaċja tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd, u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat;

sħubijiet bejn kumpanniji bil-għan li, fl-interess komuni, jiġu żviluppati attivitajiet ekonomiċi fis-settur tas-sajd u fl-attivitajiet relatati.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)

“L-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon” tfisser il-Ministeru għas-Sajd u r-Riżorsi tal-Baħar tal-Gżejjer Solomon;

(b)

“L-awtoritajiet tal-UE”, tfisser il-Kummissjoni Ewropea;

(c)

“Żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon”, tfisser l-ilmijiet li, f’dak li jirrigwarda s-sajd, jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Gżejjer Solomon. L-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-UE li hemm provvediment għalihom f’dan il-Ftehim għandhom iseħħu biss fiż-żoni li fihom is-sajd huwa awtorizzat mil-leġislazzjoni tal-Gżejjer Solomon;

(d)

“Bastiment tal-UE” tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru tal-UE u li huwa reġistrat fl-UE;

(e)

“Impriża konġunta” tfisser kumpannija kummerċjali stabbilita fil-Gżejjer Solomon mis-sidien tal-bastiment jew minn impriżi nazzjonali mill-Partijiet sabiex ikunu jistgħu jistadu jew iwettqu attivitajiet relatati mas-sajd;

(f)

“Kumitat Konġunt” tfisser kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-UE u tal-Gżejjer Solomon kif jispeċifika l-Artikolu 9 ta’ dan il-Ftehim;

(g)

“Sajd” tfisser:

i.

it-tiftix, qbid, teħid jew ħsad ta’ ħut;

ii.

tentattivi ta’ tiftix, qbid, teħid jew ħsad ta’ ħut;

iii.

involviment fi kwalunkwe attività oħra raġonevolment mistennija li tirriżulta fis-sejbien, il-qbid, it-teħid jew il-ħsad ta’ ħut għal kwalunkwe għan;

iv.

it-tfigħ ta’, it-tiftix għal jew l-irkupru ta’ tagħmir biex jinġemal-ħut jew tagħmir elettroniku assoċjat bħalma huma beacons tar-radju;

v.

kwalunkwe operazzjoni fuq il-baħar b’appoġġ dirett jew bi tħejjija għal kwalunkwe attività msemmija fis-subparagrafi (i.) sa (iv.);

vi.

l-użu ta’ kwalunkwe inġenju ieħor, tal-ajru jew tal-baħar, għal kwalunkwe attività msemmija fis-subparagrafi (i.) sa (v.) minbarra għall-emerġenzi li jinvolvu s-saħħa u s-sikurezza tal-ekwipaġġ jew is-sikurezza tal-bastiment.

(h)

“bastiment tas-sajd” tfisser kwalunkwe bastiment li jintuża jew li huwa maħsub għall-użu għall-finijiet tas-sajd, inklużi bastimenti ta’ appoġġ, bastimenti tal-ġarr u kwalunkwe bastimenti oħra involuti direttament f’operazzjonijiet tas-sajd bħal dawn;

(i)

“vjaġġ tas-sajd” tfisser il-perijodu mid-data tad-dħul fiż-ŻEE tal-Gżejjer Solomon sad-data tar-rilaxx tal-qabda kollha tal-bastiment jew ta’ parti minnha, għal fuq l-art inkella għal fuq bastiment ieħor;

(j)

“trasbord”, tfisser it-trasferiment fi jew ‘il barra minn port tal-qabda kollha ta’ bastiment jew ta’ parti minnha minn bastiment għall-ieħor;

(k)

“ċirkostanzi mhux normali”, tfisser ċirkostanzi għajr il-fenomeni naturali, li jaħarbu l-kontroll raġonevoli ta’ waħda mill-Partijiet, b’tali mod li jtellfu l-eżerċizzju tal-attività tas-sajd fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon;

(l)

“baħrin tal-AKP”, tfisser kwalunkwe baħrin li jkunu ċittadini ta’ pajjiż mhux Ewropew firmatarju tal-Ftehim ta’ Cotonou. Għalhekk, baħri mill-Gżejjer Solomon huwa baħri tal-AKP.

(m)

“Delegazzjoni tal-UE” tfisser id-delegazzjoni tal-UE fil-Gżejjer Solomon;

(n)

“sid ta’ bastiment” tfisser kwalunkwe persuna ġuridikament responsabbli mill-bastiment tas-sajd;

(o)

“awtorizzazzjoni tas-sajd” tfisser id-dritt li jiġu eżerċitati attivitajiet tas-sajd matul perijodu determinat, f’żona determinata inkella f’qasam tas-sajd determinat u f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, ir-referenza għall-awtorizzazzjoni tas-sajd hija referenza għal liċenzja tas-sajd maħruġa skont l-Att tal-1998 dwar is-Sajd tal-Gżejjer Solomon inkella r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-UE.

Artikolu 3

Prinċipji u għanijiet li jispirawl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim

1.   Il-Partijiet b’dan jintrabtu li jippromwovu s-sajd responsabbli fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, abbażi tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni bejn il-flotot tas-sajd differenti f’dawk l-ilmijiet, mingħajr preġudizzju għall-ftehimiet milħuqa bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’reġjuni ġeografiċi partikolari, fosthom ftehimiet reċiproċi dwar is-sajd.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bil-għan li jimplimentaw politika settorali tas-sajd adottata mill-Gżejjer Solomon, u għalhekk għandhom jagħtu bidu għal djalogu ta’ politika dwar ir-riformi meħtieġa. Għandhom jikkonsultaw bejniethom bil-għan li jiġu adottati miżuri potenzjali f’dan il-qasam.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw ukoll biex jagħmlu evalwazzjonijiet ex-ante, waqt il-proċess, u ex-post, kemm flimkien kif ukoll unilateralment, tal-miżuri, programmi u azzjonijiet implimentati abbażi ta’ dan il-Ftehim.

4.   Il-Partijiet jintrabtu li jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont il-prinċipji tat-treġija ekonomika u soċali tajba, u b’rispett għall-qagħda tar-riżorsi tas-sajd u/jew tal-istokkijiet tal-ħut.

5.   B’mod partikolari, l-impjegar ta’ baħrin mill-Gżejjer Solomon u/jew AKP abbord il-bastimenti tal-UE hu kkontrollat mid-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol, li tapplika bis-sħiħ fil-qafas tal-kuntratti korrispondenti u tal-kondizzjonijiet ġenerali tax-xogħol. B’mod partikolari l-applikazzjoni tad-dritt ta’ assoċjazzjoni u tal-għarfien effettiv tad-dritt għan-negozjar kollettiv tal-ħaddiema u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u tal-professjonijiet.

Artikolu 4

Kooperazzjoni xjentifika

1.   Sakemm idum japplika l-Ftehim, l-UE u l-Gżejjer Solomon għandhom jagħmlu ħilithom biex isegwu l-iżvilupp tal-istat tar-riżorsi fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

2.   Iż-żewġ Partijiet, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet adottati fl-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha kompetenti għall-iżvilupp u għall-ġestjoni tas-sajd, u fid-dawl tal-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, għandhom jikkonsultaw bejniethom fil-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, biex, jekk ikun il-każ, jadottaw miżuri bil-għan tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, b’mod partikolari li jolqtu l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-UE.

3.   Il-Partijiet hawnhekk jintrabtu li jikkonsultaw bejniethom, jew direttament, inkluż fuq il-livell tas-sottoreġjun, jew fl-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, biex jiżguraw il-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin fil-Punent u fiċ-Ċentru tal-Oċean Indjan, u biex jikkooperaw fir-riċerka xjentifika relevanti.

Artikolu 5

Aċċess minn bastimenti tal-UEgħar-sajd fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon

1.   Il-Gżejjer Solomon jintrabtu li jawtorizzaw lill-bastimenti tal-UE biex jieħdu sehem f’attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tagħhom skont dan il-Ftehim, inkluż il-Protokoll u l-Anness tiegħu.

2.   L-attivitajiet ta’ sajd irregolati minn dan il-Ftehim huma soġġetti għal-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fil-Gżejjer Solomon. L-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet tal-UE dwar kwalunwke emenda li ssir fil-leġislazzjoni msemmija. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjonijiet li l-Partijiet jistgħu jaqblu dwarhom, il-bastimenti tal-UE għandhom josservaw tali emendi fi żmien xahar min-notifika tagħhom.

3.   Il-Gżejjer Solomon jintrabtu li jieħdu l-miżuri adatti kollha meħtieġa f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni effikaċi tad-dispożizzjonijiet li jolqtu l-monitoraġġ tas-sajd fil-Protokoll. Il-bastimenti tal-UE għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Solomon għat-twettiq ta’ monitoraġġ bħal dan.

4.   L-UE tintrabat li tieħu l-miżuri kollha adatti sabiex tiżgura l-ħarsien tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim mill-bastimenti tagħha, kif ukoll il-ħarsien tal-leġislazzjoni li tirregola s-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

Artikolu 6

Kondizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd – klawżola tal-esklussività

1.   Il-bastimenti tal-UE jistgħu jistadu fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon biss jekk ikollhom awtorizzazzjoni valida tas-sajd maħruġa mill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon skont dan il-Ftehim u l-Protokoll mehmuż miegħu.

2.   Għal kategoriji ta’ sajd li mhumiex koperti bil-Protokoll fis-seħħ, kif ukoll għas-sajd esploratorju, l-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet għas-sajd lil bastimenti tal-UE. Madankollu, l-għoti ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd jibqa’ jiddependi mill-opinjoni favorevoli taż-żewġ Partijiet.

3.   Il-proċedura biex bastiment jikseb awtorizzazzjoni tas-sajd, it-tariffi applikabbli u l-metodu ta’ ħlas li jrid jintuża mill-bastimenti tal-UE għandhom ikunu dawk stipulati fl-Anness tal-Protokoll.

Artikolu 7

Kontribuzzjoni finanzjarja

1.   L-UE għandha tħallas kontribuzzjoni finanzjarja lill-Gżejjer Solomon skont it-termini u l-kondizzjonijiet stipulati fil-Protokoll u fl-Annessi. Din il-kontribuzzjoni unika għandha tkun ibbażata fuq żewġ elementi, jiġifieri:

(a)

l-aċċess tal-bastimenti tal-UE għaż-żona tas-sajd u r-riżorsi tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, u

(b)

Appoġġ finanzjarju mill-UE għall-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali tas-sajd imsejsa fuq sajd responsabbli u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon.

2.   L-element tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1(b) hawn fuq għandu jkun determinat fid-dawl tal-għanijiet identifikati, bi qbil komuni bejn il-Partijiet, u skont id-dispożizzjonjiet tal-Protokoll, li jridu jintlaħqu fil-kuntest tal-politika settorjali tas-sajd definita mill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon u programmazzjoni annwali u pluriennali għall-implimentazzjoni tagħha.

3.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja min-naħa tal-UE titħallas kull sena skont it-termini stabbiliti fil-Protokoll, u skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim u tal-Protokoll rigward il-modifika eventwali tat-total tagħha minħabba:

(a)

ċirkostanzi mhux normali;

(b)

it-tnaqqis, bi qbil komuni, tal-opportunitajiet ta’ sajd mogħtija lill-bastimenti tal-UE fl-applikazzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni tal-istokkijiet ikkonċernati meqjusa neċessarji għall-konservazzjoni u għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli;

(c)

iż-żieda, bi qbil komuni bejn il-Partijiet, tal-opportunitajiet ta’ sajd mogħtija lill-bastimenti tal-UE jekk, skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, il-qagħda tar-riżorsi tippermetti dan;

(d)

rievalwazzjoni konġunta tal-kondizzjonijiet tal-appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd fil-Gżejjer Solomon, meta r-riżultati tal-ipprogrammar annwali u pluriennali misjuba miż-żewġ Partijiet jiġġustifikaw dan;

(e)

is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 13 tiegħu.

(f)

terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 14.

Artikolu 8

Promozzjoni tal-kooperazzjoni fostl-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili

1.   Il-Partijiet għandhom iħeġġu l-kooperazzjoni ekonomika, xjentifika u teknika fis-settur tas-sajd u s-setturi marbuta miegħu. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw flimkien sabiex jikkoordinaw id-diversi miżuri li jistgħu jittieħdu f’dan ir-rigward.

2.   Il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu l-iskambju tal-informazzjoni dwar tekniki tas-sajd u l-irkaptu tas-sajd, il-metodi ta’ konservazzjoni u l-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd.

3.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex joħolqu l-kondizzjonijiet adatti għall-promozzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-impriżi tagħhom, fl-oqsma tekniċi, ekonomiċi u kummerċjali, billi jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-iżvilupp tan-negozju u l-investimenti.

4.   Il-Partijiet għandhom iħeġġu, b’mod partikolari, il-ħolqien ta’ impriżi konġunti ta’ interess reċiproku fl-osservanza sistematika tal-leġislazzjoni tal-Gżejjer Solomon u dik tal-UE.

Artikolu 9

Kumitat Konġunt

1.   Kumitat Konġunt huwa stabbilit bil-għan li jissorvelja u jikkontrolla l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt għandu jwettaq il-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

jissorvelja l-prestazzjoni, l-interpretazzjoni, l-implimentazzjoni u l-operazzjoni bla intoppi tal-applikazzjoni tal-Ftehim;

(b)

jissorvelja u jevalwa l-kontribut tal-Ftehim ta’ Sħubija tas-Sajd għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tal-Gżejjer Solomon dwar is-sajd;

(c)

jipprovdi l-kooperazzjoni meħtieġa dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni fil-qasam tas-sajd;

(d)

iservi ta’ forum sabiex jissolvew bonarjament il-kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu mill-interpretazzjoni, l-implimentazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Ftehim;

(e)

jevalwa mill-ġdid, jekk ikun hemm il-ħtieġa, il-livelli ta’ sajd possibbli u, konsegwentament, il-kontribuzzjoni finanzjarja;

(f)

jadatta, fejn adatt, il-modalitajiet biex jiġu kkalkulati l-isforz tas-sajd, billi jitqiesu d-dispożizzjonijiet applikabbli fuq livell reġjonali, eż. l-Iskema tal-Jiem/Bastiment;

(g)

jaqdi kwalunkwe funzjoni oħra li l-Partijiet jaqblu li jinkarigawh li jwettaq, inkluż il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ għall-inqas darba fis-sena, darba fil-Gżejjer Solomon u d-darba ta’ wara fl-UE, jew fi kwalunkwe post ieħor maqbul mill-partijiet, u għandu jkun ippresedut mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa. Għandu jitlaqqa’ f’seduta straordinarja fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet.

Fejn meħtieġ, fuq talba minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt jistgħu jittieħdu permezz tal-proċedura bil-miktub.

Artikolu 10

Żona ġeografika li għaliha japplika l-Ftehim

Dan il-ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, fit-territorji fejn japplika t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont il-kondizzjonijiet stipulati f’dak it-Trattat, u min-naħa l-oħra, fit-territorju tal-Gżejjer Solomon.

Artikolu 11

Tul ta’ żmien

Dan il-Ftehim għandu japplika għal tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu; għandu jiġġedded b’mod impliċitu għal perijodi ta’ tliet snin, ħlief fil-każ tat-terminazzjoni skont l-Artikolu 14 tiegħu.

Artikolu 12

Soluzzjoni tat-tilwim

Il-Partijiet kontraenti għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar kwalunkwe tilwima fir-rigward tal-interpretazzjoni u/jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 13

Sospensjoni

1.   Soġġetta għall-Artikolu 12, l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tista’ tiġi sospiża fuq l-inizjattiva ta’ xi waħda mill-Partijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil serju fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati f’dan il-Ftehim. Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Ftehim għandha tirrikjedi li l-Parti kkonċernata tinnotifika l-intenzjoni tagħha, bil-miktub, mhux inqas minn tliet xhur qabel id-data meta din is-sospensjoni tkun se tidħol fis-seħħ. Malli tasal din in-notifika, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bil-għan li jsolvu n-nuqqas ta’ ftehim bonarjament.

2.   Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 7 għandu jitnaqqas, proporzjonalment u pro rata temporis, skont it-tul ta’ żmien tas-sospensjoni.

Artikolu 14

Terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim jista’ jintemm minn xi waħda mill-Partijiet, fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux normali relatati, fost oħrajn, mad-degradazzjoni tal-istokkijiet ikkonċernati, l-osservazzjoni ta’ livell ridott tal-użu tal-opportunitajiet ta’ sajd allokati mill-Gżejjer Solomon għall-bastimenti tal-UE, jew in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tal-Partijiet fil-kwistjoni tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat.

2.   Il-Parti kkonċernata għandha tgħarraf bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li ttemm il-Ftehim mill-inqas sitt xhur qabel ma jiskadi l-perijodu inizjali jew kull perijodu ieħor.

3.   Meta tintbagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu 2, għandhom jinfetħu l-konsultazzjonijiet mill-Partijiet.

4.   Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 7 għas-sena li fiha sseħħ it-terminazzjoni tal-Ftehim għandu jitnaqqas b’mod proporzjonali u pro rata temporis.

Artikolu 15

Protokoll u Anness

Il-Protokoll u l-Anness għandhom jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

Artikolu 16

Liġi nazzjonali

L-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-UE li joperaw fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon għandhom ikunu regolati mil-liġi applikabbli fil-Gżejjer Solomon, sakemm il-Ftehim, dan il-Protokoll, l-Anness u l-Appendiċijiet tiegħu ma jistipulawx xort’oħra.

Artikolu 17

Revoka

Fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, dan il-Ftehim jirrevoka u jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea u l-Gżejjer Solomon dwar is-sajd ‘il barra mill-Gżejjer Solomon li daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Ottubru 2006.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan il-Ftehim, imfassal duplikatament fil-lingwa Bulgara, Spanjola, Ċeka, Daniża, Ġermaniża, Estonjana, Griega, Ingliża, Franċiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Ungeriża, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Finlandiża u Svediża, b’kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku, għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bil-miktub li jkunu tlestew il-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għal dan il-għan.

PROTOKOLL

li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja pprovduti fil-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon għall-perijodu mid-9 ta’ ottubru 2009 sat-8 ta’ ottubru 2012

Artikolu 1

Perijodu tal-applikazzjoni u l-opportunitajiet ta’ sajd

1.   Il-Gżejjer Solomon għandhom jagħtu opportunitajiet annwali tas-sajd lil bastimenti tas-sajd tat-tonn tal-UE skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim, f’konformità mal-Pjan Nazzjonali tagħhom għall-Ġestjoni tat-Tonn, u fil-limiti stabbiliti mill-Arranġament ta’ Palau għall-Ġestjoni tas-Sajd bil-Purse Seines fil-Punent tal-Paċifiku, minn hawn ‘il quddiem “l-Arranġament ta’ Palau”.

2.   Mid-9 ta’ Ottubru 2009, u għal perijodu ta’ 3 snin, l-opportunitajiet ta’ sajd previsti skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim, għall-ispeċijiet li jpassu ħafna (speċijiet elenkati fl-Anness 1 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982), għandhom ikunu kif ġej:

purse seiners: 4 bastimenti.

3.   Il-Paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw soġġett għall-Artikoli 4 u 5 ta’ dan il-Protokoll.

4.   Il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-UE jistgħu biss ikunu involuti f’attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon jekk ikollhom awtorizzazzjoni valida tas-sajd maħruġa mill-Gżejjer Solomon fil-qafas ta’ dan il-Protokoll skont l-Anness ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 2

Kontribuzzjoni finanzjarja – Metodi ta’ ħlas

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 7 tal-Ftehim għandha tinkorpora, għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 1(2):

ammont annwali ta’ EUR 260 000, ekwivalenti għal tunnellaġġ ta’ referenza ta’ 4 000 tunnellata fis-sena, u

ammont speċifiku ta’ EUR 140 000 fis-sena għall-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd tal-Gżejjer Solomon. Dan l-ammont speċifiku huwa parti integrali kontribuzzjoni finanzjarja unika kif definita fl-Artikolu 7 tal-Ftehim.

2.   Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu japplika soġġett għall-Artikoli 4, 5, 6 u 7 ta’ dan il-Protokoll.

3.   L-UE għandha tħallas l-ammont totali stipulat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu (jiġifieri EUR 400 000), kull sena matul il-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

4.   Jekk il-kwantità globali ta’ ħut maqbuda mill-bastimenti tal-UE fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Solomon jaqbeż it-tunnellaġġ ta’ referenza, l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali jitla’ għal EUR 65 għal kull tunnellata supplimentari maqbuda. Madankollu, l-ammont annwali totali mħallas mill-UE ma jistax jiżboq id-doppju tal-ammont indikat fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu (EUR 800 000). Meta l-kwantitajiet maqbuda mill-bastimenti tal-UE jeċċedu l-kwantitajiet li jikkorrispondu għad-doppju tal-ammont totali annwali, l-ammont dovut għall-kwantità li teċċedi dak il-limitu, jitħallas is-sena ta’ wara.

5.   Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jsir sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Diċembru 2010 fl-ewwel sena u sa mhux aktar tard mid-data tal-anniversarju tal-Protokoll għas-snin segwenti.

6.   Soġġett għall-Artikolu 7, l-allokazzjoni ta’ dawn il-fondi għandha tkun deċiża fil-qafas tal-Istruzzjonijiet Finanzjarji tal-Gżejjer Solomon, u għalhekk, l-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon għandhom ikollhom id-diskrezzjoni sħiħa fir-rigward tal-użu li jsir minnhom.

7.   Il-ħlasijiet imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom jiġu ttrasferiti lil kont bankarju tat-Teżor Pubbliku, miftuħ fil-Bank Ċentrali tal-Gżejjer Solomon u li d-dettalji tiegħu għandhom ikunu notifikati kull sena mill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon lill-UE.

Artikolu 3

Kooperazzjoni dwar sajd responsabbli – Kooperazzjoni xjentifika

1.   Il-Partijiet b’dan jintrabtu li jħeġġu s-sajd responsabbli fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Solomon fuq il-bażi tal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni bejn id-diversi flotot tas-sajd preżenti f’dawk l-ilmijiet.

2.   Sakemm idum japplika l-Protokoll, l-UE u l-Gżejjer Solomon għandhom jagħmlu ħilithom biex isegwu l-qagħda tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

3.   Il-Partijiet jimpenjaw irwieħhom biex iħeġġu, fil-livell sottoreġjonali, il-kooperazzjoni għas-sajd responsabbli, b’mod partikolari fil-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent u fiċ-Ċentru tal-Paċifiku (WCPFC) u kwalunkwe organizzazzjoni oħra subreġjonali jew internazzjonali kkonċernata.

4.   F’konformità mal-Artikolu 4 tal-Ftehim u fid-dawl tal-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bejniethom fil-Kumitat Konġunt regolat mill-Artikolu 9 tal-Ftehim, biex jadottaw, fejn adatt, miżuri għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, b’mod partikolari dawk li jolqtu l-attivitajiet tal-bastimenti tal-UE.

Artikolu 4

Reviżjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd bi qbil reċiproku

1.   L-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jiżdiedu bi qbil reċiproku, bil-kondizzjoni li l-konklużjonijiet tal-laqgħa annwali tal-“Arranġament ta’ Palau” u r-reviżjoni annwali tal-qagħda tal-istokkijiet li jagħmel is-Segretarjat tal-Komuntià tal-Paċifiku jikkonfermaw li żieda bħal din ma tipperikolax il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-Gżejjer Solomon. F’ dan il-każ, il-kontribuzzjoni finanzjarja stipulata fl-Artikolu 2(1) għandha tiżdied proporzjonalment u pro rata temporis.

2.   Min-naħa l-oħra jekk il-Partijiet jaqblu dwar l-adozzjoni ta’ tnaqqis tal-opportunitajiet tas-sajd stipulati fl-Artikolu 1, il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titnaqqas proporzjonalment u pro rata temporis.

Artikolu 5

Opportunitajiet oħra tas-sajd

1.   Jekk il-bastimenti tal-UE jkunu interessati f’opportunitajiet tas-sajd li mhumiex indikati fl-Artikolu 1, iż-żewġ Partijiet għandhom jaqblu dwar il-kondizzjonijiet applikabbli għal dawn l-opportunitajiet ġodda tas-sajd u, jekk meħtieġ, jagħmlu emendi għal dan il-Protokoll u għall-Anness tiegħu.

2.   Il-Partijiet jistgħu iwettqu stħarriġiet esploratorji konġunti dwar is-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, soġġetti għal opinjoni minn laqgħa xjentifika li għandha tiġi stabbilita mill-Partijiet. Għal dan il-għan, għandhom iwettqu konsultazzjonijiet fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet biex jiddeterminaw, skont il-każ, ir-riżorsi l-ġodda, il-kondizzjonijiet u parametri oħra importanti.

3.   Iż-żewġ Partijiet għandhom iwettqu l-attivitajiet tas-sajd sperimentali skont il-parametri xjentifiċi u amministrattivi adottati bi qbil reċiproku. L-awtorizzazzjonijiet għal sajd sperimentali għandhom jinħarġu, għall-finijiet ta’ prova, għal perijodu u minn data tal-bidu li għandhom jiġu deċiżi bil-qbil komuni taż-żewġ Partijiet.

4.   Meta l-Partijiet jiddeterminaw li l-istħarriġiet esploratorji jkunu taw riżultati pożittivi, b’rispett għall-preservazzjoni tal-ekosistemi u għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, ikunu jistgħu jiġu attribwiti opportunitajiet ġodda ta’ sajd lill-bastimenti tal-UE skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni misjuba fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll u sal-iskadenza tal-istess, skont l-isforz permissibbli. Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tiżdied skont dan, u tiġi kkalkulata skont formula maqbula.

Artikolu 6

Sospensjoni u reviżjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja f’ċirkostanzi li mhumiex normali

1.   F’ċirkostanzi li mhumiex normali, għajr fenomeni naturali li jwaqqfu l-eżerċizzju tal-attivitajiet tas-sajd fiż-Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) tal-Gżejjer Solomon, L-UE tista’ tissospendi l-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja prevista fl-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Protokoll.

2.   Id-deċiżjoni għal sospensjoni, fil-każijiet previsti fil-paragrafu 1 hawn fuq, għandha tittieħed wara konsultazzjonijiet bejn iż-żewġ Partijiet sa mhux aktar tard minn xahrejn mid-data tat-talba magħmula minn waħda mill-Partijiet, u bil-kondizzjoni li l-UE tkun ħallset kwalunkwe ammont dovut fil-mument tas-sospensjoni.

3.   Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja jerġa’ jsir dovut minn meta jistabbilixxu l-Partijiet, wara konsultazzjonijiet u bi qbil komuni li ċ-ċirkonstanzi li taw lok għall-waqfien tal-attivitajiet tas-sajd jkunu għebu u/jew is-sitwazzjoni hija tali li tippermetti li l-attivitajiet tas-sajd jinbdew mill-ġdid.

4.   Il-validità tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-UE, li tkun ġiet sospiża flimkien mal-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja, hija mtawla għal perijodu ta’ żmien li jkun jikkorrispondi għall-perijodu tas-sospensjoni tal-attivitajiet tas-sajd.

Artikolu 7

Promozzjoni ta’ sajd responsabbli fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon

1.   50 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ dan il-Protokoll għandha tkun allokata kull sena għall-appoġġ u l-implimentazzjoni ta’ għanijiet identifikati fil-kuntest tal-politika settorjali tas-sajd definita mill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon u approvata miż-żewġ Partijiet kif deskritt hawn taħt.

Il-Gżejjer Solomon għandhom jieħdu ħsieb l-amministrazzjoni tas-somma korrispondenti, skont l-identifikazzjoni miż-żewġ Partijiet permezz ta’ qbil komuni, b’konformità mal-prijoritajiet attwali tal-politika tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, bl-għan li tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli u responsabbli tas-setturi u għanijiet li jridu jintlaħqu, fosthom l-ippjanar annwali u l-ippjanar pluriennali, skont il-paragrafu 2 indikat hawn taħt.

2.   Fuq proposta mill-Gżejjer Solomon, u għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-paragrafu preċedenti, l-UE u l-Gżejjer Solomon għandhom jiftehmu, fil-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, mid-dħul fis-seħħ tal-Protokoll u sa mhux aktar tard minn tliet xhur mid-dħul fis-seħħ tiegħu, dwar programm settorjali pluriennali, u regoli dettaljati tal-implimentazzjoni li jkopru b’mod partikolari:

(a)

il-linji gwida annwali u multijannwali għall-użu tal-perċentwal tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 hawn fuq għall-inizjattivi li għandhom jitqwettqu kull sena;

(b)

l-għanijiet, kemm annwali kif ukoll pluriennali, li għandhom jitlaħqu sabiex jitrawwem sajd sostenibbli u responsabbli, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet tal-Gżejjer Solomon fil-politika nazzjonali tas-sajd u ta’ politiki oħra konnessi jew li għandhom impatt fuq il-promozzjoni tas-sajd responsabbli u sostenibbli.

(c)

il-kriterji u l-proċeduri li jridu jintużaw biex issir l-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba, fuq bażi annwali.

3.   Iż-żewġ Partijiet jaqblu, madankollu, li jenfasizzaw il-miżuri kollha ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-Sajd għat-Tonn Oċeaniku.

4.   Kwalunkwe emenda proposta għall-programm settorjali multijannwali jeħtiġilha l-approvazzjoni taż-żewġ Partijiet fil-Kumitat Konġunt.

5.   Kull sena, il-Gżejjer Solomon għandhom jallokaw is-sehem li jikkorrispondi għall-ammonti msemmija fil-paragrafu 1, bil-għan li jiġi implimentat il-programm pluriennali. Fir-rigward tal-ewwel sena ta’ validità tal-Protokoll, din l-allokazzjoni trid tiġi komunikata lill-UE malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ qabel l-approvazzjoni tal-Programm Settorjali Pluriennali mill-Kumitat Konġunt. Għal kull sena wara dan, din l-allokazzjoni għandha tiġi komunikata mill-Gżejjer Solomon lill-UE sa mhux aktar tard minn 45 jum qabel id-data tal-anniversarju ta’ dan il-Protokoll.

6.   Jekk l-evalwazzjoni konġunta annwali tar-riżultati tal-implimentazzjoni tal-Programm Settorjali Pluriennali tiġġustifikah, l-UE tkun tista’ tagħmel aġġustament mill-ġdid tas-somma allokata għall-appoġġ u għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, li tagħmel parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Protokoll, biex is-somma effettiva tal-fondi allokati għall-implimentazzjoni tal-Programm tiġi adattata għal dawn ir-riżultati.

7.   L-UE tirriżerva d-dritt li tissospendi l-ħlas tal-kontribut speċifiku previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Protokoll jekk ir-riżultati miksuba mill-ewwel sena tal-applikazzjoni tal-Protokoll, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali u ġustifikati kif adatt, ma jkunux konformi mal-progrmazzjoni skont l-evalwazzjoni magħmula fil-kuntest tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 8

Tilwim – sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll

1.   Kull tilwima bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll jew l-applikazzjoni tiegħu għandu jitressaq għall-konsultazzjoni bejn il-Partijiet fil-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, u jekk meħtieġ, għandha tissejjaħ laqgħa straordinarja.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9, l-applikazzjoni tal-Protokoll tista’ tiġi sospiża fuq inizjattiva ta’ xi waħda mill-Partijiet meta t-tilwima bejn iż-żewġ Partijiet titqies bħala waħda serja u l-konsultazzjonijiet li jkunu saru fil-Kumitat Konġunt skont il-paragrafu 1 ma jkunux wasslu għal soluzzjoni bonarja.

3.   Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll hija soġġetta għan-notifika mill-Parti interessata tal-intenzjoni tagħha, liema notifika għandha tkun bil-miktub u ta’ mhux inqas minn tliet xhur qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din is-sospensjoni.

4.   F’każ ta’ sospensjoni, il-Partijiet għandhom ikomplu bil-konsultazzjonijiet sabiex isibu soluzzjoni bonarja għat-tilwima ta’ bejniethom. Meta tinkiseb tali soluzzjoni, il-Protokoll jibda japplika mill-ġdid u s-somma tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titnaqqas b’mod proporzjonali u pro rata temporis skont it-tul ta’ żmien li matulu l-applikazzjoni tal-Protokoll kienet sospiża.

Artikolu 9

Sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll minħabba nuqqas ta’ ħlas

Soġġett għall-Artikolu 6, f’każ li l-UE tonqos milli tagħmel il-ħlasijiet previsti fl-Artikolu 2, l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll tista’ tiġi sospiża bil-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

L-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar in-nuqqas ta’ ħlas. Din tgħaddi għall-verifiki meħtieġa u jekk ikun meħtieġ, għall-ħlas sa mhux aktar tard minn 60 jum ta’ xogħol, li għandhom jibdew jgħoddu mid-data li tasal il-notifika.

(b)

Fin-nuqqas ta’ ħlas jew ġustifikazzjoni adatta għan-nuqqas ta’ ħlas fiż-żmien stipulat fl-Artikolu 2(5) ta’ dan il-Protokoll, l-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon għandhom ikollhom fid-dritt li jissospendu l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rigward minnufih.

(c)

Il-Protokoll jibda japplika mill-ġdid, hekk kif isir il-pagament.

Artikolu 10

Liġi nazzjonali

L-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-UE li joperaw fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon għandhom ikunu regolati mil-liġi applikabbli fil-Gżejjer Solomon, sakemm il-Ftehim, dan il-Protokoll, l-Anness u l-Appendiċijiet tiegħu ma jistipulawx xort’oħra.

Artikolu 11

Klawżola ta’ reviżjoni

1.   Fil-każ li jkun hemm tibdiliet sinifikanti fil-linji ta’ politika li wasslu għall-konklużjoni ta’ dan il-Protokoll, waħda mill-Partijiet tista’ tesiġi li d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll jiġu riveduti bil-għan li dawn eventwalment jiġu emendati.

2.   Il-Parti interessata tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar il-ħsieb tagħha li tirrevedi d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll.

3.   Sa mhux aktar tard minn 60 jum min-notifika, iż-żewġ Partijiet għandhom jikkonsultaw bejniethom f’dan ir-rigward. Jekk ma jintlaħaq l-ebda qbil dwar ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet, il-Parti kkonċernata tista’ ttemm il-Protokoll f’konformità mal-Artikolu 14 tiegħu.

Artikolu 12

Tħassir

Dan il-Protokoll u l-annessi tiegħu jħassru u jissostitwixxu l-Protokoll bejn il-Komunità u l-Gżejjer Solomon rigward is-sajd ‘il barra mill-Gżejjer Solomon, li daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Ottubru 2006.

Artikolu 13

Tul ta’ żmien

Dan il-Protokoll u l-annessi tiegħu japplikaw għal perijodu ta’ 3 snin li jibda mid-9 ta’ Ottubru 2009, sakemm ma jingħatax avviż tat-terminazzjoni skont l-Artikolu 14

Artikolu 14

Terminazzjoni

Fil-każ ta’ terminazzjoni tal-Protokoll, il-Parti interessata għandha tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li ttemm il-Protokoll mill-inqas sitt xhur qabel id-data li fiha sseħħ it-terminazzjoni. Kif tintbagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu ta’ qabel għandhom jibdew il-konsultazzjonijiet mal-Partijiet.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa fir-rigward.

2.   Għandu japplika b’effett mid-9 ta’ Ottubru 2009.

ANNESS

Kondizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd mill-bastimenti tal-UE fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon

KAPITOLU I

APPLIKAZZJONI U FORMALITAJIET GĦALL-ĦRUĠ TA’ AWTORIZZAZZJONIJIET GĦAS-SAJD

TAQSIMA 1

Ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet għas-sajd

1.

Bastimenti eliġibbli biss jistgħu jiksbu awtorizzazzjoni biex jistadu fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

2.

Biex bastiment ikun eliġibbli, sid il-bastiment, il-kaptan tas-sajd/tal-bastiment u l-bastiment innifsu m’għandhomx ikunu pprojbiti mis-sajd fil-Gżejjer Solomon. Huma jrid ikollhom kollox f’postu fir-rigward tal-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon fis-sens li jridu jkunu ssodisfaw l-obbligi preċedenti li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ sajd tagħhom fil-Gżejjer Solomon skont il-ftehimiet dwar is-sajd konklużi mal-UE.

3.

Il-bastimenti kollha tal-UE li japplikaw għal liċenzja tas-sajd għandhom ikunu rappreżentati minn aġent residenti fil-Gżejjer Solomon. L-isem u l-indirizz ta’ dak l-aġent għandhom jiġu ddikjarati fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sajd.

4.

L-awtoritajiet tal-UE rilevanti għandhom iressqu elettronikament lis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tas-Sajd u r-Riżorsi tal-Baħar tal-Gżejjer Solomon (minn hawn ‘il quddiem “is-Segretarju Permanenti”), b’kopja lid-Delegazzjoni tal-UE fil-Gżejjer Solomon (minn hawn ‘il quddiem “id-Delegazzjoni tal-UE”), applikazzjoni għal kull bastiment li jixtieq jistad fil-kuntest tal-Ftehim, sa mhux inqas minn 20 jum tax-xogħol qabel id-data tal-bidu tal-perijodu ta’ validità mitlub.

5.

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lis-Segretarju Permanenti, fuq formola adatta skont l-eżempju mogħti fl-Appendiċi I.

6.

L-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-dejta li jirċievu fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sajd, tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali. Din l-informazzjoni tintuża biss fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar is-Sajd.

7.

Kull talba għall-awtorizzazzjoni tas-sajd għandu jkollha magħha d-dokumenti li ġejjin:

l-isem u l-indirizz tal-aġent għandhom jiġu ddikjarati fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sajd.

prova tas-somma mħallsa minn qabel għall-perijodu tal-validità tagħha.

kull dokument jew ċertifikat ieħor meħtieġ skont id-dispożizzjonijiet partikolari li japplikaw għat-tip ta’ bastiment ikkonċernat skont dan il-Protokoll.

8.

Il-ħlas għandu jsir fuq il-kont speċifikat mis-Segretarju Permanenti (Kont tad-Dħul tal-Gvern Nru 0260-002 mal-Bank Ċentrali tal-Gżejjer Solomon, Honiara).

9.

Il-ħlasijiet għandhom jinkludu t-tariffi kollha lokali għajr għat-taxxi tal-port u t-tariffi għas-servizzi.

10.

L-awtorizzazzjonijiet għas-sajd għall-bastimenti kollha għandhom jinħarġu lil sidien tal-bastimenti jew aġenti tagħhom permezz tad-Delegazzjoni tal-UE fi żmien 20 jum tax-xogħol minn meta tasal id-dokumentazzjoni kollha stipulata fil-punt 6 ta’ hawn fuq għand is-Segretarju Permanenti.

11.

Jekk fil-mument tal-iffirmar tal-awtorizzazzjoni tas-sajd, l-uffiċċji tad-Delegazzjoni tal-UE jkunu magħluqin, din għandha tintbagħat direttament lill-aġent tal-bastiment u għandha tintbagħat kopja tagħha lid-Delegazzjoni tal-UE.

12.

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom jinħarġu għal bastiment speċifiku u mhumiex trasferibbli.

13.1.

Fuq talba mill-UE, fil-każ fejn tiġi ppruvata force majeure, l-awtorizzazzjoni tas-sajd ta’ bastiment għandha titħassar u għandha tinħareġ awtorizzazzjoni ġdida għas-sajd, meta titressaq applikazzjoni minn bastiment tal-istess kategorija, kif jissemma fl-Artikolu 1 tal-Protokoll.

13.2.

L-applikazzjonijiet taħt il-paragrafu 13.1 ta’ din it-taqsima huma soġġeti għat-Taqsima 1(2) u m’għandhomx ikunu soġġetti għal ħlasijiet ulterjuri.

13.3.

Malli titressaq applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ġdida għas-sajd, sid il-bastiment li tkun tħassritlu l-awtorizzazzjoni tas-sajd, inkella l-aġent tiegħu għandu jibgħat lura l-awtorizzazzjonijiet imħassra tas-sajd lill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon permezz tad-Delegazzjoni tal-UE.

13.4.

F’dan il-każ, il-kalkolu tal-livell ta’ ħut maqbud għad-determinazzjoni tal-ħlas eventwali addizzjonali għandu jikkunsidra t-total tal-ħut maqbud miż-żewġ bastimenti.

14.

L-awtorizzazzjoni l-ġdida tas-sajd għandha tidħol fis-seħħ meta l-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon jinnotifikaw lill-operatur/aġent tal-bastiment fil-jum li sid il-bastiment jirritorna l-awtorizzazzjoni tas-sajd imħassra lis-Segretarju Permanenti. Id-Delegazzjoni tal-UE għandha tiġi infurmata dwar il-ħruġ tal-awtorizzazzjoni l-ġdida għas-sajd.

15.

L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinżamm abbord f’kull ħin.

16.

Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jippromwovu l-implimentazzjoni ta’ sistema għall-awtorizzazzjoni tas-sajd msejsa esklussivament fuq l-iskambju elettroniku tal-informazzjoni kollha u tad-dokumenti deskritti hawn fuq. Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jippromwovu mill-aktar fis possibbli s-sostituzzjoni tal-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-karti bl-ekwivalenti elettronika, bħall-lista tal-bastimenti awtorizzati biex jistadu fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, kif speċifikat fil-punt 1 ta’ din it-taqsima.

TAQSIMA 2

Kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tas-sajd – tariffi u ħlasijiet bil-quddiem

1.

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom validità ta’ sena. Jistgħu jiġġeddu.

2.

It-tariffa għandha tkun ta' EUR 35 għal kull tunnellata maqbuda fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

3.

L-awtorizzazzjonijiet għas-sajd għandhom jingħataw meta dawn l-ammonti standard ikunu tħallsu fil-kont tad-Dħul tal-Gvern Nru 0260-002 mal-Bank Ċentrali tal-Gżejjer Solomon, Honiara:

EUR 13 000 għal kull bastiment tas-sajd tat-tonn bit-tartarun, li huma ekwivalenti għat-tariffi dovuti għal 371 tunnellata ta' tonn u speċijiet bħat-tonn maqbuda kull sena;

4.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena, dwar it-tunnellaġġ tal-qabdiet li jkunu saru matul is-sena li tkun għadha kif għaddiet, kif konfermat mill-istituti xjentifiċi regolati minn punt 5 aktar ‘il quddiem.

5.

Il-fattura finali tal-ammonti dovuti fuq bażi annwali huwa deċiż mill-Kummissjoni Ewropea sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju tas-sena n + 1, abbażi tad-dikjarazzjonijiet dwar il-qabdiet magħmula minn kull sid ta’ bastiment u konfermati mill-istituti xjentifiċi kompetenti biex jivverifikaw l-informazzjoni dwar il-qabdiet fl-Istati Membri, bħalma huma l-Institut de Recherche pour le Développement (IRD), l-Instituto Español de Oceanografia (l-IEO), l-Instituto Português de Investigação Marítima (IPIMAR). Għandha tintbagħat permezz tad-Delegazzjoni tal-UE.

6.

Dan il-kalkolu għandu jiġi kkomunikat simultanjament lis-Segretarju Permanenti u lis-sidien tal-bastiment.

7.

Kull ħlas addizzjonali għandu jsir mis-sidien tal-bastiment lill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu tas-sena n + 1, fil-kont imsemmi fil-paragrafu 7 tat-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu, fuq il-bażi ta’ EUR 35 kull tunnellata.

8.

Madanakollu, jekk it-tnaqqis finali huwa inqas mis-somma mħallsa bil-quddiem skont punt 3 tat-taqsima preżenti, l-ammont residwu korrispondenti ma jistax jiġi rkuprat minn sid il-bastiment.

KAPITOLU II

ŻONI TAS-SAJD

1.

Il-bastimenti msemmija fl-Artikolu 1 tal-Protokoll għandhom ikunu awtorizzati jieħdu sehem f’attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, ħlief fiż-żona ‘l ġewwa tletin (30) mil nawtiku madwar l-Arċipielgu tal-Grupp Ewlieni (AGE) u l-ilmijiet arċipelaġiċi u territorjali tal-arċipielgi l-oħra. Il-koordinati tal-ilmijiet A tal-AGE u l-bqija tal-Arċipelagi (jiġifieri l-Ilmijiet B, C, D u E) għandhom jiġu pprovduti mis-Segretarju Permanenti qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim. Is-Segretarju Permanenti għandu jikkomunika lill-Kummissjoni Ewropea kwalunkwe modifika għaż-żoni tas-sajd imsemmija għall-inqas xahrejn qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ.

2.

Fi kwalunkwe każ l-ebda sajd ma huwa permess f’distanza ta’ inqas minn tliet (3) mili nawtiċi minn kwalunkwe rkaptu fiss (ankrat) biex jinġemal-ħut li għalih tkun tressqet notifika dwar il-post fejn jinsab skont il-koordinati ġeografiċi.

KAPITOLU III

ARRANĠAMENTI GĦAR-RAPPURTAR TAL-QABDIET

1.

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, il-perijodu ta’ vjaġġ li matulu bastiment tal-UE jkun fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, huwa definit kif ġej:

il-perijodu mid-data tad-dħul fiż-ŻEE tal-Gżejjer Solomon sad-data tar-rilaxx tal-qabda kollha tal-bastiment jew ta’ parti minnha, għal fuq l-art inkella għal fuq bastiment ieħor;

2.

Il-bastimenti kollha li huma awtorizzati jistadu fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon skont il-Ftehim għandhom jibagħtu notifika dwar il-qabdiet tagħhom lill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon għal finijiet ta’ verifika. Il-qabdiet għandhom ikunu notifikati kif ġej:

2.1.

Matul perijodu ta’ sena ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd, fil-kuntest tal-Punt 1 ta’ Taqsima 2 tal- I ta’ dan l-Anness, id-dikjarazzjonijiet għandhom jinkludu l-qabdiet tal-bastiment għal kull vjaġġ fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon. L-oriġinal tad-dikjarazzjonijiet għandu jintbagħat lill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon, permezz ta’ dokument tanġibbli, fi żmien 45 jum minn tmiem l-aħħar vjaġġ magħmul f’dak il-perijodu.

2.2.

Bħala rapport preliminari, id-dikjarazzjonijiet għandhom jintbagħtu fi żmien 15-il jum wara tmiem vjaġġ tas-sajd. Dawn in-notifiki għandhom isiru bil-fax (+677.387.30 jew +677.381.06) jew b'e-mail (logsheets@fisheries.gov.sb).

2.3.

Il-bastimenti għandhom jiddikjaraw il-qabdiet tagħhom fuq il-formola adatta fil-ġurnal ta’ abbord, f’konformità mal-mudell fl-Appendiċi II. Il-kliem “Barra ż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon” għandha tiddaħħal fil-ġurnal ta’ abbord għal dawk il-perijodi li fihom il-bastimenti ma jkunx fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

2.4.

Il-formoli għandhom jimtlew b’mod li jinqara faċilment u għandhom ikunu ffirmati mill-kaptan tas-sajd/kaptan tal-bastiment.

2.5.

Id-dikjarazzjonijiet dwar il-qabdiet għandhom ikunu affidabbli biex isir kontribut għall-monitoraġġ tal-qagħda tal-istokkijiet.

3.

F’każ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu ma jiġux rispettati, l-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon jirriżervaw id-dritt li jissospendu l-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastiment li wettaq in-nuqqas sakemm jitlestew il-formalitajiet u tiġi applikata fuq sid il-bastiment is-sanzjoni stabbilita fil-leġislazzjoni attwali tal-Gżejjer Solomon. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istat tal-bandiera għandhom jiġu infurmati b’dan.

4.

Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jippromwovu sistema għad-dikjarazzjoni tal-qabdiet imsejsa eklussivament fuq l-iskambju elettroniku tal-informazzjoni u tad-dokumenti kollha deskritti aktar ‘il fuq. Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jippromwovu s-sostituzzjoni tad-dikjarazzjoni bil-miktub (il-ġurnal ta’ abbord) bl-ekwivalenti f’forma elettronika, mill-aktar fis possibbli.

KAPITOLU IV

IMBARK TAL-BAĦRIN

1.

Is-sidien tal-bastimenti li jkunu nħarġulhom il-liċenzji tas-sajd skont il-Ftehim għandhom jikkontribwixxu għat-taħriġ vokazzjonali prattiku taċ-ċittadini tal-Gżejjer Solomon u għal titjib fis-suq tax-xogħol, fil-kondizzjonijiet u l-limiti li ġejjin:

2.

Is-sidien tal-bastimenti jintrabtu li jimpjegaw, għall-istaġun tas-sajd tat-tonn fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, għall-inqas 25 % tal-baħrin li joriġinaw minn pajjiżi AKP, u jagħtu prijorità lill-baħrin mill-Gżejjer Solomon. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, is-sidien ikkonċernati jistgħu jitqiesu li mhumiex eliġibbli għal awtorizzazzjoni tas-sajd mill-Gżejjer Solomon, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu 1 ta’ dan l-Anness.

3.

Is-sidien tal-bastimenti għandhom jagħmlu ħilithom sabiex itellgħu abbord baħrin addizzjonali mill-Gżejjer Solomon.

4.

Is-sidien tal-bastimenti għandhom ikunu ħielsa jagħżlu l-baħrin li jtellgħu abbord il-bastimenti tagħhom mill-ismijiet li jinsabu fuq lista mressqa mis-Segretarju Permanenti.

5.

Is-sid jew l-aġent għandhom jinfurmaw lis-Segretarju Permanenti dwar l-ismijiet tal-baħrin tal-Gżejjer Solomon li jittellgħu abbord il-bastiment ikkonċernat, u jindikaw ir-rwol tagħhom fl-ekwipaġġ kif reġistrati.

6.

Id-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali tax-Xogħol għandha tapplika bi dritt sħiħ għall-baħrin li jittellgħu abbord fuq bastimenti tal-UE. B’mod partikolari l-applikazzjoni tad-dritt ta’ assoċjazzjoni u tal-għarfien effettiv tad-dritt għan-negozjar kollettiv tal-ħaddiema u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u tal-professjonijiet.

7.

Il-kuntratti tax-xogħol tal-baħrin tal-AKP għandhom jitlestew bejn l-aġent(i) ta’ sid il-bastiment u l-baħrin u/jew it-trejdjunjins jew ir-rappreżentanti tagħhom, f’konsultazzjoni mas-Segretarju Permanenti. Għandha tintbagħat kopja ta’ dawn il-kuntratti lill-firmatarji. Dawn il-kuntratti jiggarantixxu lill-baħrin il-benefiċċju tas-sistema tas-sigurtà soċjali applikabbli għalihom, li tinkludi assigurazzjoni f’każ ta’ mewt, mard u inċident.

8.

Is-salarju tal-baħrin tal-AKP jitħallas mis-sidien tal-bastimenti. Għandu jiġi ffissat bi qbil komuni bejn is-sidien tal-bastimenti jew l-aġenti tagħhom u l-baħrin u/jew it-trejdjunjins jew ir-rappreżentanti tagħhom. Madankollu, il-kondizzjonijiet ta’ ħlas tal-baħrin tal-AKP ma jistgħux ikunu agħar minn dawk applikabbli għall-ekwipaġġi tal-pajjiż rispettiv tagħhom u fi kwalunkwe każ ma jistgħux ikunu inferjuri għall-istandards tal-ILO.

KAPITOLU V

MIŻURI TEKNIĊI

Il-bastimenti għandhom josservaw il-miżuri u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-membri tal-“Arranġament ta’ Palau” u/jew tal-WCPFC u/jew xi organizzazzjoni oħra reġjonali/subreġjonali tas-sajd fir-rigward tal-irkaptu tas-sajd, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom u kull miżura teknika oħra li tapplika għall-attivitajiet tas-sajd tagħhom.

KAPITOLU VI

OSSERVATURI

1.

Fil-mument tat-tressiq ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sajd, kull bastiment tal-UE kkonċernat għandu jikkontribwixxi EUR 1 500 fil-Kont tad-Dħul tal-Gvern Nru 0260-002 fil-Bank Ċentrali tal-Gżejjer Solomon, Honiara, speċifikament għall-programm ta’ osservaturi nazzjonali.

2.

Il-bastimenti awtorizzati jistadu fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon fil-qafas tal-Ftehim għandhom itellgħu abbord osservaturi maħtura mill-Gżejjer Solomon skont il-kondizzjonijiet stabbiliti hawn taħt:

2.1.

fuq talba tal-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon, il-bastimenti tal-UE għandhom itellgħu abbord osservatur maħtur mill-organizzazzjoni sabiex jivverifikaw il-qabdiet li jsiru fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon.

2.2.

L-awtoritajiet kompetenti tal-gżejjer solomon għandhom iħejju lista tal-bastimenti deżinjati biex itellgħu osservatur abbord, kif ukoll lista tal-osservaturi maħtura. Dawn il-listi għandhom jinżammu aġġornati. Dawn għandhom jiġu komunikati lill-Kummissjoni Ewropea hekk kif jiġu stabbiliti u mbagħad kull tliet xhur fir-rigward tal-aġġornament eventwali tagħhom,

2.3.

L-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon għandhom jinfuraw lis-sidien tal-bastimenti jew lill-aġenti tagħhom bl-isem tal-osservatur maħtur biex jittella’ abbord il-bastiment tagħhom mal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni tas-sajd, jew sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel id-data ppjanata biex l-osservatur jittella’ abbord.

3.

Iż-żmien imqatta’ abbord mill-osservaturi għandu jiġi ffissat mill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon, iżda, bħala regola ġenerali, ma għandux jaqbeż iż-żmien meħtieġ sabiex iwettqu dmirijiethom. L-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon għandhom jinfurmaw lis-sidien tal-bastimenti u lill-aġenti tagħhom meta jinnotifikawhom dwar l-osservaturi maħtura. Madankollu, fuq talba espliċita tal-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon, il-perijodu li matulu l-osservatur jibqa’ abbord jkun imqassam fuq diversi vjaġġi skont it-tul taż-żmien medju tal-vjaġġi għall-bastiment partikolari. Din it-talba għandha ssir mill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon meta jiġi komunikat l-isem tal-osservatur magħżul biex jitla’ abbord il-bastiment konċernat.

4.

Il-kondizzjonijiet għall-imbark tal-osservaturi għandu jsir bi qbil bejn is-sidien tal-bastimenti jew l-aġenti tagħhom u l-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon.

5.

L-osservaturi għandhom jittellgħu abbord b’mod magħżul mis-sidien tal-bastiment wara li tkun saret in-notifika tal-lista ta’ bastimenti magħżula.

6.

Is-sidien ikkonċernati għandhom jikkomunikaw fi żmien ġimagħtejn, u b’avviż ta’ għaxart ijiem bil-quddiem, id-dati u l-portijiet stabbiliti għall-imbark tal-osservaturi.

7.

Fil-każ li l-osservaturi jittellgħu abbord f’port barrani, l-ispejjeż tal-vjaġġ tal-osservatur jitħallsu minn sid il-bastiment. Jekk bastiment li jkollu osservatur mill-Gżejjer Solomon abbord joħroġ miż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon, għandhom jittieħdu l-miżuri kollha biex jiġi assigurat li l-osservatur jittieħed lura f’pajjiżu malajr kemm jista’ jkun, bl-ispejjeż imħallsa minn sid il-bastiment.

8.

Jekk l-osservatur ma jkunx preżenti fil-ħin u fil-post miftiehem u matul it-tnax-il siegħa mill-ħin miftiehem, sid il-bastiment ikun awtomatikament meħlus mill-obbligu tiegħu li jtella’ lil dak l-osservatur abbord.

9.

Meta jkun abbord, l-osservatur għandu jiġi ttrattat bħala uffiċjal. Meta l-bastiment ikun qed jopera fl-ilmjiet tal-Gżejjer Solomon, għandu jwettaq id-dmirijiet segwenti:

9.1.

josserva l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti;

9.2.

jivverifika l-pożizzjoni tal-bastimenti impenjati fl-attivitajiet tas-sajd;

9.3.

jipproċedi f’ħidmiet ta’ ġbir ta’ kampjuni bijoloġiċi fil-qafas tal-programmi xjentifiċi;

9.4.

jinnota l-irkaptu tas-sajd użat;

9.5.

jivverifika l-informazzjoni li tidher fil-ġurnal ta’ abbord dwar il-qabdiet li jkunu saru fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon;

9.6.

jivverifika l-perċentwali tal-qabdiet addizzjonali u jagħmel stima tal-volum tal-ispeċijiet ta’ ħut mormija li huma tajbin għall-kummerċ;

9.7.

jikkomunika, permezz ta’ kull mezz adatt, l-informazzjoni dwar is-sajd, inkluż il-volum tal-qabdiet prinċipali u addizzjonali li jkunu abbord.

10.

Il-kaptan tas-sajd/tal-bastiment għandu jagħmel kull ma hu fis-setgħa tiegħu sabiex jiżgura is-sikurezza fiżika u l-benesseri tal-osservatur fit-twettiq ta’ dmirijietu.

11.

L-osservatur għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-faċilitajiet kollha neċessarji għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu. Il-kaptan tas-sajd/tal-bastiment għandu jagħtih aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu, għad-dokumenti marbuta direttament mal-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment, li jinkludu b’mod partikolari l-ġurnal ta’ abbord u l-ġurnal tan-navigazzjoni, kif ukoll għall-partijiet tal-bastiment meħtieġa sabiex ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu aktar faċilment.

12.

Waqt li jkun abbord, l-osservatur għandu:

12.1.

jieħu l-miżuri kollha adatti sabiex il-kondizzjonijiet tat-tlugħ tiegħu abbord, kif ukoll il-preżenza tiegħu fuq il-bastiment, ma jinterrompux u lanqas itellfu l-ħidmiet tas-sajd,

12.2.

jirrispetta l-materjal u l-irkaptu li jinsabu fuq il-bastiment, kif ukoll il-kunfidenzjalità ta’ kull dokument li jappartjeni lill-bastiment rilevanti.

13.

Fi tmiem il-perijodu tal-osservazzjoni u qabel ma jitlaq minn fuq il-bastiment, l-osservatur għandu jagħmel rapport tal-attivitajiet, li għandu jintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti b’kopja tiegħu tintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea. Għandu jiffirmah fil-preżenza tal-kaptan tal-bastiment/tas-sajd li jista’ jżid jew jitlob li jiżdiedu l-osservazzjonijiet kollha li huwa jqis li huma utli, u fl-aħħar dan għandu jiġi ffirmat mill-kaptan tal-bastiment/tas-sajd. Kopja tar-rapport għandha tingħata lill-kaptan tal-bastiment/tas-sajd meta l-osservatur jitniżżel l-art.

14.

Sid il-bastiment huwa responsabbli għall-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-ikel tal-osservatur bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-uffiċjali, skont il-possibbiltajiet prattiċi tal-bastiment.

15.

Is-salarju u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-osservatur jitħallsu mill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon.

16.

Iż-żewġ Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkonsultaw bejniethom fir-rigward tal-iżvilupp ta’ programm reġjonali jew sub-reġjonali tal-osservaturi, f’konsultazzjoni mal-Aġenzija Forum għas-Sajd (FFA) u organizzazzjonijiet reġjonali kompetenti oħra tas-sajd

KAPITOLU VII

IDENTIFIKAZZJONI TAL-BASTIMENTI U INFURZAR

1.

Għal finijiet tas-sajd u tas-sikurezza fuq il-baħar, kull bastiment għandu jkun immarkat u identifikat f’konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura (FAO) għall-immarkar u l-identifikazzjoni tal-bastimenti tas-sajd.

2.

Isem il-bastiment għandu jidher ċar f’karattri tal-alfabett Latin fuq il-pruwa u fuq il-poppa tal-bastiment.

3.

Kwalunkwe bastiment li ma jurix ismu u s-sinjal tar-radju jew l-ittri tas-sinjal kif meħtieġ jista’ jiġi skortat lejn port tal-Gżejjer Solomon għal aktar investigazzjonijiet.

4.

Il-kaptan tas-sajd/tal-bastiment għandu jiżgura l-monitoraġġ kontinwu tal-frekwenza internazzjonali ta’ emerġenza u tas-sejħiet 2 182 kHz (HF), u/jew il-frekwenza internazzjonali tas-sikurezza u tas-sejħiet 156.8 MHz (Kanal 16, VHF-FM) sabiex jiffaċilita l-komunikazzjoni mal-awtoritajiet tal-ġestjoni, sorveljanza u infurzar tal-Gvern.

5.

Il-kaptan tas-sajd/tal-bastiment għandu jiżgura li kopja reċenti u aġġornata tal-kodiċi Internazzjonali tas-Sinjali (INTERCO) tkun abbord u tkun aċċessibbli f’kull mument.

KAPITOLU VIII

KOMUNIKAZZJONI MA’ BASTIMENTI TAL-GĦASSA TAL-GŻEJJER SOLOMON

Il-komunikazzjoni bejn il-bastimenti awtorizzati u l-bastimenti tal-għassa tal-Gvern għandha ssir permezz tal-kodiċijiet internazzjoni segwenti:

Kodiċi internazzjonali - Tifsir:

 

L … Ieqaf immedjatament

 

SQ3 … Ieqaf jew naqqas il-pass, nixtieq nitla’ abbord il-bastiment tiegħek

 

QN … Ġib il-bastiment tiegħek biswit in-naħa leminija (starboard) tal-bastiment tagħna.

 

QN1 … Ġib il-bastiment tiegħek biswit in-naħa xellugija (port) tal-bastiment tagħna.

 

TD2 … Inti bastiment tas-sajd?

 

C … Iva

 

N … Le

 

QR … Ma nistgħux inġibu l-bastiment tagħna biswit il-bastiment tagħkom.

 

QP … Se nġibu l-bastiment tagħna biswit il-bastiment tagħkom.

KAPITOLU IX

KONTROLL

1.   Dħul fiż-żona u l-ħruġ minnha:

1.1.

Għall-inqas 24 siegħa qabel, il-bastimenti tal-UE għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon dwar l-intenzjoni tagħhom li jidħlu jew joħorġu miż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon. Għandhom jiddikjaraw ukoll il-kwantitajiet totali u l-ispeċijiet abbord.

1.2.

Għandhom jiddikjaraw ukoll il-kwantitajiet totali u l-ispeċijiet abbord. Dawn il-komunikazzjonijiet għandhom isiru preferibbilment bil-faks (+ 677 387.30 jew + 677 381.06) iżda fin-nuqqas ta’ dan, fil-każ ta’ bastimenti mingħajr faks, bil-posta elettronika (logsheets@fisheries.gov.sb).

1.3.

Bastimenti li ma jikkonformawx ma’ dawn ir-rekwiżiti tar-rappurtar għandhom jitqiesu bħala bastimenti fi ksur tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ta-ssajd.

1.4.

In-numri tal-fax u tat-telefon kif ukoll l-indirizz elettroniku jingħataw ukoll meta tinħareġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd.

2.   Proċeduri ta’ kontroll

2.1.

Il-kaptani tas-sajd/tal-bastimenti tal-UE li jkunu involuti f’attivitajiet ta’ sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon għandhom jippermettu u jiffaċilitaw l-imbark u t-twettiq tad-dmirijiet ta’ kwalunkwe uffiċjal mill-Gżejjer Solomon responsabbli għall-ispezzjoni u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd.

2.2.

Il-preżenza abbord ta’ dawn l-uffiċjali ma taqbiżx iż-żmien meħtieġ għat-twettiq tal-kompitu tagħhom.

2.3.

Ladarba jitlestew l-ispezzjoni u l-kontroll, jingħata ċertifikat lill-kaptan tal-bastiment.

3.   Tlugħ abbord

3.1.

L-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon għandhom jinfurmaw lill-Istat tal-bandiera u lill-Kummissjoni Ewropea, fi żmien 24 siegħa, b’kull tlugħ abbord u s-sanzjonijiet imposti fuq bastimenti tal-UE fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Solomon.

3.2.

L-Istat tal-bandiera u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jirċievu fl-istess waqt rapport qasir dwar iċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet li wasslu għall-ispezzjoni.

4.   Ir-rapport tal-ispezzjoni

4.1.

Wara li l-awtorità tal-Gżejjer Solomon tkun ħejjiet stqarrija, il-kaptan tal-bastiment/tas-sajd għandu jiffirmaha.

4.2.

Din il-firma m’għandhiex tippreġudika d-drittijiet tal-kaptan tal-bastiment/tas-sajd jew kwalunkwe difiża li jista’ jagħmel għall-ksur allegat. Jekk il-kaptan tal-bastiment/tas-sajd jirrifjuta li jiffirma id-dokument, irid jagħti r-raġunijiet preċiżi għal dan bil-miktub u l-ispettur irid iniżżel ir-referenza “irrifjuta li jiffirma”.

4.3.

Il-kaptan tas-sajd/tal-bastiment għandu jieħu l-bastiment tiegħu fil-port indikat mill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon. F’ każ ta’ ksur minuri, l-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon jistgħu jawtorizzaw lill-bastiment spezzjonat biex ikompli jistad.

5.   Il-laqgħa ta’ konsultazzjoni f’każ ta’ spezzjoni

5.1.

Qabel ma jiġu kkunsidrati l-miżuri eventwali fil-konfront tal-kaptan tal-bastiment jew il-kaptan tas-sajd jew tal-ekwipaġġ tal-bastiment jew kull azzjoni oħra li tirrigwarda t-tagħbija u t-tagħmir tal-bastiment, għajr dawk maħsuba għall-konservazzjoni tal-provi dwar il-ksur allegat, għandha ssir laqgħa ta’ konsultazzjoni, fi żmien jum tax-xogħol minn meta jiġi rċevut dan it-tagħrif, bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon, bil-parteċipazzjoni eventwali ta’ rappreżentant tal-Istat Membru konċernat.

5.2.

Matul din il-laqgħa, il-Partijiet għandhom ipartu bejniethom id-dokumentazzjoni kollha jew it-tagħrif rilevanti li jistgħu jgħinu biex jiċċaraw iċ-ċirkostanzi tal-fatti allegati. Is-sid tal-bastiment jew l-aġent tiegħu għandhom jiġu infurmati b’dak li joħroġ mil-laqgħa u x’miżuri jkunu se jittieħdu minħabba l-imbarkar.

6.   Proċedura għat-tlugħ abbord

6.1.

Qabel ma jittieħdu proċeduri ġudizzjarji, għandu jsir tentattiv sabiex il-ksur allegat jiġi solvut bonarjament. Din il-proċedura għandha tintemm sa mhux aktar tard minn 15-il jum tax-xogħol mill-ispezzjoni.

6.2.

F’każ ta’ transazzjoni bonarja, l-ammont tal-multa applikata għandu jiġi determinat skont il-leġislazzjoni tal-Gżejjer Solomon.

6.3.

Jekk il-każ ma jkunx jista jissolva bonarjament u jkollu jitressaq quddiem awtorità ġudizzjarja kompetenti, sid il-bastiment għandu jiddepożita garanzija bankarja biex jitqiesu l-ispejjeż konnessi mal-ispezzjoni kif ukoll l-ammont tal-multa u tal-kumpens li jistgħu jeħlu dawk responsabbli għall-ksur, fil-Kont tad-Dħul tal-Gvern Nru. 0260-002 mal-Bank Ċentrali tal-Gżejjer Solomon, Honiara.

6.4.

Il-garanzija bankarja għandha tkun irrevokabbli qabel ma jiġu konklużi l-proċedimenti ġudizzjarji. Tiġi rilaxxata f’każ li l-proċedimenti ġudizzjarji jintemmu mingħajr kundanna. Bl-istess mod, f’każ ta’ kundanna li twassal għal multa li tkun inqas mill-garanzija depożitata, id-differenza tiġi rilaxxata mill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon.

6.5.

Il-bastiment għandu jinħeles u l-ekwipaġġ tiegħu jitħalla jitlaq mill-port:

Ladarba jitqwettqu l-obbligi miftiehma fil-proċedura bonarja, jew

mad-depożitu tal-garanzija bankarja skont il-punt 6.3 indikat aktar ‘il fuq u l-aċċettatazzjoni tagħha mill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon, sakemm il-proċedimenti ġudizzjarj jkunu għandhom pendenti.

7.   Is-Sistema tal-Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS)

Kull bastiment tal-UE għandu jikkonforma mal-VMS reġjonali attwalment applikabbli fiż-ŻEE tal-Gżejjer Solomon. Kull bastiment tal-UE għandu jkollu abbord unità tat-trasmissjoni mobbli (UTM) installata, miżmuma kif adatt, u kompletament operazzjonali, approvata mill-FFA.

8.   Trasbord

8.1.

Il-bastimenti tal-UE kollha għandhom jittrasbordaw biss qabdiet fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon ġewwa portijiet magħżula tal-Gżejjer Solomon.

8.2.

Is-sidien ta’ dawn il-bastimenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Solomon, mill-inqas 48 siegħa minn qabel:

(a)

l-ismijiet tal-bastimenti tas-sajd involuti fi trasbord;

(b)

l-ismijiet, in-numri tal-IMO u l-bandiera tal-bastiment tal-ġarr;

(c)

it-tunnellaġġ, għal kull speċi, li jkun ser jiġi trasbordat;

(d)

il-jum u l-post tat-trasbord;

8.3.

Kwalunkwe trasbord ta’ qabdiet, fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon jekk mhux fil-portijiet magħżula, għandu jkun ipprojbit. Kwalunkwe persuna li tikser din id-dispożizzjoni għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet previsti fil-liġi tal-Gżejjer Solomon.

9.   Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-UE li jkunu involuti f’operazzjonijiet ta’ żbark jew ta’ trasbord f’port magħżul tal-Gżejjer Solomon għandhom jippermettu u jiffaċilitaw il-kontroll ta’ dawn l-operazzjonijiet mill-ispetturi tal-Gżejjer Solomon. Ladarba l-ispezzjoni tkun ġiet ikkompletata fil-port, għandu jinħareġ ċertifikat lill-kaptan tal-bastiment.

APPENDIĊI

I.

Formola ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sajd.

II.

Il-ġurnal ta’ abbord

Appendiċi I

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Appendiċi II

Image

Test ta 'immaġni

FTEHIM

fil-forma ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon

A.   Ittra mill-Gvern tal-Gżejjer Solomon

Sinjur,

Ninsab sodisfatt li n-negozjaturi tal-Gżejjer Solomon u tal-Unjoni Ewropea rnexxielhom jilħqu qbil dwar Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Gżejjer Solomon u l-Unjoni Ewropea, kif ukoll dwar Protokoll li jistipula l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja, u l-Annessi tiegħu.

Ir-riżultat ta’ dawn in-negozjati, evoluzzjoni pożittiva tal-Ftehim preċedenti għandu jsaħħaħ ir-relazjonijiet bejnietna fil-qasam tas-sajd u se jistabbilixxi tabilħaqq qafas ta’ sħubija għall-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u responsabbli fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon. F’dan ir-rigward, nipproponilek li fl-istess waqt jinfetħu l-proċeduri ta’ approvazzjoni u ta’ ratifika tat-testijiet tal-Ftehim, tal-Protokoll u tal-Anness tiegħu flimkien mal-Appendiċijiet, f’konformità mal-proċeduri fis-seħħ fil-Gżejjer Solomon u fl-Unjoni Ewropea u meħtieġa għad-dħul tagħhom fis-seħħ.

Bil-għan li ma jiġux interrotti l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-UE fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon u b’referenza għall-Ftehim u għall-Protokoll konklużi fis-26 ta’ Settembru 2009 li jistipulaw l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja għall-perijodu bejn id-9 ta’ Ottubru 2009 u t-8 ta’ Ottubru 2012, għandi l-unur ninfurmak li l-Gvern tal-Gżejjer Solomon huwa lest japplika dan il-Ftehim u dan il-Protokoll b’mod proviżorju mid-9 ta’ Ottubru 2009 sakemm huma jidħlu fis-seħħ skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim, bil-kondizzjoni li l-Unjoni Ewropea tkun disposta tagħmel l-istess.

Huwa mifhum li f’dan il-każ, l-ewwel parti tal-kontribuzzjoni finanzjarja stipulata fl-Artikolu 2 tal-Protokoll għandha titħallas sal-1 ta’ Diċembru 2010.

Inkun nafulek jekk tikkonferma l-qbil tal-Unjoni Ewropea ma’ din l-applikazzjoni proviżorja.

Dejjem tiegħek.

Għall-Gżejjer Solomon

B.   Ittra mill-Unjoni Ewropea

Sinjur,

Għandi l-pjaċir ninfurmak li rċevejt l-ittra tiegħek ta’ llum li tgħid hekk:

“Ninsab sodisfatt li n-negozjaturi tal-Gżejjer Solomon u tal-Unjoni Ewropea rnexxielhom jilħqu qbil dwar Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Gżejjer Solomon u l-Unjoni Ewropea, kif ukoll dwar Protokoll li jistipula l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja, u l-Annessi tiegħu.

Ir-riżultat ta’ dawn in-negozjati, evoluzzjoni pożittiva tal-Ftehim preċedenti għandu jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejnietna fil-qasam tas-sajd u se jistabbilixxi tabilħaqq qafas ta’ sħubija għall-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u responsabbli fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon. F’dan ir-rigward, nipproponilek li fl-istess waqt jinfetħu l-proċeduri ta’ approvazzjoni u ta’ ratifika tat-testijiet tal-Ftehim, tal-Protokoll u tal-Anness tiegħu flimkien mal-Appendiċijiet, f’konformità mal-proċeduri fis-seħħ fil-Gżejjer Solomon u fl-Unjoni Ewropea u meħtieġa għad-dħul tagħhom fis-seħħ.

Bil-għan li ma jiġux interrotti l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-UE fl-ilmijiet tal-Gżejjer Solomon u b’referenza għall-Ftehim u għall-Protokoll konklużi fis-26 ta’ Settembru 2009 li jistipulaw l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja għall-perijodu bejn id-9 ta’ Ottubru 2009 u t-8 ta’ Ottubru 2012, għandi l-unur ninfurmak li l-Gvern tal-Gżejjer Solomon huwa lest japplika dan il-Ftehim u dan il-Protokoll b’mod proviżorju mid-9 ta’ Ottubru 2009 sakemm huma jidħlu fis-seħħ skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim, bil-kondizzjoni li l-Unjoni Ewropea tkun disposta tagħmel l-istess.

Huwa mifhum li f’dan il-każ, l-ewwel parti tal-kontribuzzjoni finanzjarja stipulata fl-Artikolu 2 tal-Protokoll għandha titħallas sal-1 ta’ Diċembru 2010.

Inkun nafulek jekk tikkonferma l-qbil tal-Unjoni Ewropea ma’ din l-applikazzjoni proviżorja.”.

Għandi pjaċir nikkonferma l-qbil tal-Unjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni proviżorja msemmija.

Dejjem tiegħek.

Għall-Unjoni Ewropea


REGOLAMENTI

22.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/29


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 621/2010

tat-3 ta’ Ġunju 2010

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd taħt il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon (minn hawn ’il quddiem “Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd”) ġie inizjalat fis-26 ta’ Settembru 2009.

(2)

Il-Kunsill fit-3 ta’ Ġunju 2010 adotta d-Deċiżjoni 2010/397/UE (1) dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid dwar is-Sajd.

(3)

Il-metodu għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għandhom ikunu ddefiniti għal matul il-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid dwar is-Sajd kif ukoll għall-perijodu tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu.

(4)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu u għandu japplika mid-9 ta’ Ottubru 2009,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon għandhom jiġu allokati fost l-Istati Membri kif ġej:

—   Sajd għat-tonn bit-tartaruni mgħammra bi friżer:

Spanja

:

75 % tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli

Franza

:

25 % tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli

2.   Jekk l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd mill-Istati Membri msemmijin fil-paragrafu 1 ma jkoprux l-opportunitajiet kollha tas-sajd stabbiliti bil-Protokoll, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.

3.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd u tal-Protokoll, għandu japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità (2).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-9 ta’ Ottubru 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-3 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

A. PÉREZ RUBALCABA


(1)  Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33.