ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2010.132.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 132

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 53
29 ta' Mejju 2010


Werrej

 

I   Atti leġislattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 437/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-interventi għall-akkomodazzjoni favur komunitajiet emarġinati

1

 

*

Regolament (UE) Nru 438/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 998/2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets

3

 

*

Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil

11

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġislattivi

REGOLAMENTI

29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/1


REGOLAMENT (UE) Nru 437/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Mejju 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-interventi għall-akkomodazzjoni favur komunitajiet emarġinati

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 178 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi,

(1)

Bil-għan li tittejjeb il-koeżjoni soċjali u ekonomika tal-Unjoni, jeħtieġ li jkunu appoġġati l-interventi limitati għar-restawr tal-bini eżistenti li jintuża għall-akkomodazzjoni fl-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara tali data. Dawn l-interventi jistgħu jsiru skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (3).

(2)

L-infiq għandu jiġi pprogrammat fil-qafas ta’ operazzjoni ta’ żvilupp urban integrata jew ta’ assi prijoritarju għal żoni li jinsabu għaddejjin jew mheddin minn deterjorazzjoni fiżika u esklużjoni soċjali. Għall-finijiet taċ-ċarezza, jeħtieġ li jiġu simplifikati l-kundizzjonijiet li jridu jkunu sodisfatti biex isiru l-interventi għall-akkomodazzjoni f’żoni urbani. Għal dan il-għan, l-infiq fl-interventi għall-akkomodazzjoni għandhom ikunu pprogrammati skont parametri differenti, irrispettivament mis-sors tal-finanzjament. Barra minn hekk, għandu jkun ikkunsidrat bħala infiq eliġibbli biss l-infiq fl-interventi fuq binjiet li diġà jeżistu.

(3)

F’diversi Stati Membri, għall-komunitajiet emarġinati li jgħixu f’żoni urbani jew rurali, l-akkomodazzjoni hija fattur deċiżiv għall-integrazzjoni. Għalhekk jeħtieġ li l-eliġibbiltà tal-infiq tkun estiża għall-interventi għall-akkomodazzjoni fl-Istati Membri kollha lill-komunitajiet li jgħixu f’żoni urbani jew f’żoni rurali.

(4)

Jeħtieġ ukoll li l-infiq għar-restawr u t-tiġdid ta’ djar ġodda ta’ akkomodazzjoni, anke permezz tal-bini ta’ djar ġodda, ukoll ikun ikkunsidrat bħala infiq eliġibbli, kemm jekk il-komunitajiet jinsabu f’żoni urbani kif ukoll jekk jinsabu f’żoni rurali, u dan minħabba l-kwalità ferm fqira ta’ djarhom.

(5)

Konformement mal-Prinċipju Nru 2 tal-Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Inklużjoni tar-Roma li tenna l-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar l-Inklużjoni tar-Roma tat-8 ta’ Ġunju 2009, l-interventi għall-akkomodazzjoni li jiffukaw fuq grupp speċifiku ma għandhomx jeskludu lil nies oħra li qegħdin f’ċirkostanzi soċjoekonomiċi simili.

(6)

Konformement mal-Prinċipju Nru 1 ta’ dawn il-Prinċipji Bażiċi Komuni, sabiex ikun limitat ir-riskju ta’ segregazzjoni, l-interventi għall-akkomodazzjoni ta’ komunitajiet emarġinati għandhom isiru fil-qafas ta’ approċċ integrat li jinkludi, partikolarment, miżuri fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa, il-kwistjonijiet soċjali, l-impjiegi u s-sigurtà u miżuri ta’ desegregazzjoni.

(7)

Għandu jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi ta’ implimentazzjoni għall-adozzjoni tal-lista ta’ kriterji meħtieġa biex jiġu ddeterminati ż-żoni li jinsabu għaddejjin jew mheddin minn deterjorazzjoni fiżika u esklużjoni soċjali, u għall-adozzjoni tal-lista ta’ interventi eliġibbli. L-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li r-regoli u l-prinċipji ġenerali relatati mal-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat implimentattivi tagħha jiġu stabbiliti minn qabel b’regolament adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Sa meta jiġi adottat tali regolament u sabiex jiġi evitat li jkun hemm tfixkil tal-azzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni, għandhom jibqgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (4).

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 huwa b’dan sostitwit b’li ġej:

“2.   L-infiq fuq l-akkomodazzjoni, minbarra dak li jsir għall-effiċjenza fl-enerġija u fuq l-użu tal-enerġija rinnovabbli kif stipulat fil-paragrafu 1a, għandu jkun infiq eliġibbli fil-każijiet li ġejjin:

(a)

għall-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara u fil-qafas ta’ approċċ ta’ żvilupp urban integrat għal żoni li jinsabu għaddejjin jew mheddin minn deterjorazzjoni fiżika u esklużjoni soċjali;

(b)

għall-Istati Membri kollha unikament fil-qafas ta’ approċċ integrat għal komunitajiet emarġinati.

L-allokazzjoni għall-infiq fuq l-akkomodazzjoni għandha tkun jew ta’ massimu ta’ 3 % tal-allokazzjoni tal-FEŻR lill-programmi operattivi kkonċernati jew ta’ 2 % tal-allokazzjoni totali tal-FEŻR.

2a.   Għall-finijiet tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, iżda mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-infiq għandu jkun limitat għall-interventi li ġejjin:

(a)

ir-restawr tal-partijiet komuni fil-bini preżenti fejn joqogħdu iżjed minn familja waħda,

(b)

ir-restawr u l-bidla fl-użu ta’ bini li jkun il-proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi jew ta’ operaturi li joperaw mingħajr skop ta’ profitt għall-użu bħala akkomodazzjoni maħsub għal familji bi dħul baxx jew għal persuni bi bżonnijiet speċjali.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 2, l-interventi jistgħu jinkludu r-restawr u t-tiġdid ta’ djar eżistenti ta’ akkomodazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-lista ta’ kriterji meħtieġa biex jiġu determinati ż-żoni msemmijin taħt il-punt (a) tal-paragrafu 2 u l-lista ta’ interventi eliġibbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ Mejju 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

D. LÓPEZ GARRIDO


(1)  L-Opinjoni tal-5 ta’ Novembru 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Frar 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ April 2010.

(3)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/3


REGOLAMENT (UE) Nru 438/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Mejju 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 998/2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43(2) u 168(4)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi l-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u r-regoli li japplikaw għall-kontrolli fuq tali moviment.

(2)

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jistabbilixxi dispożizzjonijiet applikabbli għall-moviment bejn l-Istati Membri ta’ klieb, qtates u nemsijiet kif elenkat fil-Partijiet A u B tal-Anness I ta’ miegħu. Skont l-Artikolu 5(1)(a) ta’ dak ir-Regolament, dawk il-pets għandhom jiġu identifikati permezz ta’ sistema ta’ identifikazzjoni elettronika (transponder). Għal perijodu tranżitorju ta’ tmien snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament, dawk il-pets għandhom jitqiesu bħala identifikati wkoll meta jkollhom tattwaġġ li jkun jista’ jinqara bla diffikultà.

(3)

L-Artikoli 4(1) u 14 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jipprevedu li, meta t-transponder ma jikkonformax mal-Istandard ISO 11784 jew mal-Anness A tal-Istandard ISO 11785, is-sid jew il-persuna fiżika responsabbli mill-pet f’isem is-sid tipprovdi l-mezzi meħtieġa sabiex jinqara t-transponder kull meta ssir spezzjoni.

(4)

Sabiex jiġu evitati kull disturbi bla bżonn, b’mod partikolari fir-rigward tal-movimenti tal-pets minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li r-referenzi għal dawk l-Istandards tal-ISO isiru aktar preċiżi qabel ma jsir obbligatorju l-użu tat-transponders. Minħabba fin-natura teknika ta’ dawk ir-referenzi, jixraq li dawn jiġu inklużi f’Anness għar-Regolament (KE) Nru 998/2003 u li jiġu emendati l-Artikoli 4 u 14 ta’ dak ir-Regolament kif meħtieġ.

(5)

Barra minn dan, l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jipprevedi li l-klieb, il-qtates u n-nemsijiet ikunu akkumpanjati minn passaport maħruġ minn veterinarju awtorizzat mill-awtorità kompetenti, li jiċċertifika t-tilqim validu kontra r-rabbja, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-laboratorju tal-manifattura, imwettaq fuq l-annimal inkwistjoni, b’tilqima ta’ kontra r-rabbja inattivata ta’ mill-inqas unità antiġenika waħda f’kull doża (l-istandard tad-WHO). Mindu ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 998/2003, saru disponibbli wkoll tilqimiet rikombinanti għall-għanijiet ta’ tilqim kontra r-rabbja.

(6)

Sabiex jiġi permess il-moviment, b’mod partikolari minn pajjiżi terzi, tal-klieb, tal-qtates u tan-nemsijiet imlaqqma bit-tilqimiet rikombinanti, għandhom jissawru dispożizzjonijiet ukoll sabiex jiġi awtorizzat, għall-għan tar-Regolament (KE) Nru 998/2003, l-użu ta’ tilqimiet ta’ dan it-tip skont ċerti ħtiġiet tekniċi stabbiliti fl-Anness għal dak ir-Regolament.

(7)

Jekk ikunu amministrati fi Stat Membru, it-tilqimiet għandhom ikunu ngħataw awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq jew skont id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (4) jew skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (5).

(8)

Jekk ikunu amministrati f’pajjiż terz, it-tilqimiet għandhom ikunu konformi mal-istandards minimi għas-sikurezza kif stabbilit fil-Kapitolu rilevanti tal-Manwal tat-Testijiet Djanjostiċi u t-Tilqimiet għall-Annimali li Jgħixu fuq l-Art maħruġ mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE).

(9)

Barra minn dan, għandhom jiġu adottati regoli msejsa fuq ix-xjenza ta’ tip simili għal dawk stabbiliti għar-rabbja. Huma għandhom jipprovdu miżuri tas-saħħa preventivi għall-moviment ta’ pets fir-rigward ta’ mard ieħor li jaf jolqot lil dawn l-annimali, f’każijiet fejn dawk il-miżuri preventivi jkunu proporzjonali għar-riskju li jinxtered dak il-mard minħabba t-tali moviment.

(10)

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jipprevedi li d-dħul tal-klieb u l-qtates fl-Irlanda, Malta, l-Iżvezja u r-Renju Unit ikun suġġett għal ħtiġiet addizzjonali, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari f’dawk l-Istati Membri fir-rigward tar-rabbja. Dik id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata bħala miżura tranżitorja sat-30 ta’ Ġunju 2010.

(11)

Skont dawk il-ħtiġiet addizzjonali, il-klieb u l-qtates li jiddaħħlu fit-territorju ta’ dawk l-Istati Membri jeħtieġ li jiġu identifikati permezz ta’ transponder sakemm l-Istat Membru ta’ destinazzjoni ma jirrikonoxxix ukoll li l-annimal jista’ jiġi identifikat permezz ta’ tattwaġġ li jkun jista’ jinqara bla diffikultà. Barra minn hekk, dawk il-ħtiġiet jinkludu titrazzjoni tal-antikorpi obbligatorja qabel id-dħul ta’ dawk il-pets fit-territorju ta’ dawk l-Istati Membri, sabiex jiġi kkonfermat li jkun intlaħaq livell protettiv ta’ antikorpi kontra r-rabbja.

(12)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ miżuri tas-saħħa preventivi fir-rigward ta’ mard ieħor minbarra r-rabbja, u modifiki ta’ ħtiġiet għall-identifikazzjoni ta’ annimali u għat-tilqim ta’ kontra r-rabbja kif stabbilit fl-Annessi imdaħħlin, skont dan ir-Regolament, fir-Regolament (KE) Nru 998/2003. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti.

(13)

L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-moviment tal-klieb, il-qtates u n-nemsijiet minn pajjiżi terzi skont is-sitwazzjoni prevalenti tar-rabbja fil-pajjiż terz ta’ oriġini u fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

(14)

L-Artikolu 8(1)(a)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jipprevedi li, f’każijiet fejn il-pets jittieħdu minn ċerti pajjiżi terzi lejn l-Irlanda, Malta, l-Isvezja u r-Renju Unit, għandhom japplikaw il-ħtiġiet addizzjonali previsti fl-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament. Dawk il-pajjiżi terzi huma elenkati fit-Taqsima 2 tal-Parti B u fil-Parti C tal-Anness II għal dak ir-Regolament.

(15)

L-Artikolu 8(1)(b)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jipprevedi li, f’każijiet fejn pets jinġarru minn pajjiżi terzi oħra, dawn għandhom jitqiegħdu taħt kwarantina sakemm ma jkunux inġiebu f’konformità mal-ħtiġiet tal-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament wara li jkunu ddaħħlu fl-Unjoni.

(16)

Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jipprevedi li l-Finlandja, l-Irlanda, Malta, l-Isvezja u r-Renju Unit, għal dik li hija ekinokoċċosi, u l-Irlanda, Malta u r-Renju Unit għal dak li huwa qurdien, jistgħu jagħmlu d-dħul ta’ pets fit-territorju tagħhom suġġett għall-konformità mar-regoli speċjali applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament. Dik id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata bħala miżura tranżitorja sat-30 ta’ Ġunju 2010.

(17)

L-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jipprevedi li l-Kummissjoni, wara li taslilha l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar il-ħtieġa li jinżamm it-test seroloġiku, u abbażi tal-esperjenza miksuba u ta’ valutazzjoni tar-riskju, għandha tressaq rapport quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, flimkien ma’ proposti xierqa sabiex tiġi ddeterminata s-sistema li għandha tiġi applikata b’effett mill-1 ta’ Lulju 2010 għall-Artikoli 6, 8 u 16 ta’ dak ir-Regolament.

(18)

Sabiex tiddetermina dak ir-reġim, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt imsejsa fuq għadd ta’ konsultazzjonijiet riċenti u fuq ir-rapport tal-Kummissjoni li ġie adottat fit-8 ta’ Ottubru 2007 b’rabta mal-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 u ħadet kont tar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-EFSA.

(19)

Fil-11 ta’ Diċembru 2006, l-EFSA adottat opinjoni msejjħa “Il-valutazzjoni tar-risjku tad-dħul tar-rabbja fir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Iżvezja u Malta, bħala konsegwenza tat-tneħħija tat-test seroloġiku li jkejjel l-antikorpi protettivi kontra r-rabbja” (6).

(20)

Abbażi ta’ data mill-2005, l-EFSA identifikat li ċerti Stati Membri għandhom prevalenza li ma tistax tiġi injorata ta’ rabbja fil-pets. Barra minn dan, l-EFSA rrakkomandat li jiġu implimentati miżuri li jtaffu r-riskju fir-rigward tal-moviment tal-pets mill-pajjiżi fejn hemm prevalenza li ma tistax tiġi injorata ta’ rabbja fil-pets.

(21)

Ir-rabbja f’dawk l-Istati Membri hija primarjament ta’ natura selvatika. Evidenza minn fuq il-post turi li permezz tal-qirda tar-rabbja selvatika b’riżultat ta’ programmi intensivi ta’ tilqim orali tal-annimali selvaġġi, il-frekwenza tal-preżenza tal-marda fl-annimali domestiċi tittaffa.

(22)

Il-Komunità approvat għadd ta’ programmi għall-eradikazzjoni, il-kontroll u l-monitoraġġ tar-rabbja f’dawk l-Istati Membri, skont l-Artikolu 24(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (7). Il-Kummissjoni tipprevedi li ttemm is-sostenn tal-UE għall-programmi nazzjonali fit-territorju ta’ dawk l-Istati Membri sa tmiem l-2011.

(23)

Fid-dawl tal-opinjoni tal-EFSA tal-11 ta’ Diċembru 2006 u tal-programmi sostnuti mill-Komunità għall-eradikazzjoni tar-rabbja f’ċerti Stati Membri, il-miżura tranżitorja prevista fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 għandha tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2011.

(24)

Fit-18 ta’ Jannar 2007, l-EFSA adottat opinjoni msejħa “Il-valutazzjoni tar-riskju tad-dħul tal-ekinokoċċosi fir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Iżvezja, Malta u l-Finlandja minħabba t-tneħħija tar-regoli nazzjonali” (8).

(25)

Fit-8 ta’ Marzu 2007, l-EFSA adottat opinjoni msejħa “Il-valutazzjoni tar-riskju tad-dħul tal-qurdien fir-Renju Unit, l-Irlanda u Malta minħabba t-tneħħija tar-regoli nazzjonali” (9).

(26)

Dawk l-opinjonijiet juru li d-data disponibbli ma ppermettietx lill-EFSA turi xi status partikolari tal-Istati Membri li japplikaw il-miżuri tranżitorji fir-rigward ta’ ċertu qurdien u d-duda Echinococcus multilocularis u tikkwantifika r-riskju li jiddaħħal il-patoġenu permezz tal-moviment mhux kummerċjali tal-pets.

(27)

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm konsistenza fir-rigward tal-miżuri tranżitorji, jixraq li l-miżura tranżitorja prevista fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2011.

(28)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fil-każ imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, meta t-transponder ma jikkonformax mal-ħtiġiet stabbiliti fl-Anness Ia, is-sid jew il-persuna fiżika responsabbli mill-pet f’isem is-sid jeħtieġ li tipprovdi l-mezzi neċessarji sabiex jinqara t-transponder kull meta ssir spezzjoni.”;

(2)

L-Artikolu 5(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (b) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

għandhom ikunu akkumpanjati minn passaport maħruġ minn veterinarju awtorizzat mill-awtorità kompetenti li jiċċertifika li:

(i)

l-annimal inkwistjoni jkun ingħata tilqima valida kontra r-rabbja skont l-Anness Ib,

(ii)

fejn ikun meħtieġ, ikunu ttieħdu miżuri tas-saħħa preventivi kontra mard ieħor fir-rigward tal-annimal inkwistjoni.”;

(b)

Is-subparagrafu li ġej huwa miżjud:

“Sabiex jiġi żgurat il-kontroll tal-mard l-ieħor minbarra r-rabbja, li x’aktarx jinxtered minħabba l-moviment tal-pets, il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 19b u suġġetti għall-kondizzjonijiet tal-Artikoli 19c u 19d, il-miżuri tas-saħħa preventivi msemmija fil-punt (b)(ii) tal-ewwel subparagrafu. Dawk il-miżuri għandhom ikunu ġġustifikati xjentifikament u għandhom ikunu proporzjonati mar-riskju li dak il-mard jinxtered minħabba dak il-moviment.”;

(3)

Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), il-parti introduttorja u l-ewwel inċiż huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(1)   Sal-31 ta’ Diċembru 2011, id-dħul tal-pets elenkati fil-Parti A tal-Anness I fit-territorju tal-Irlanda, Malta, l-Iżvezja u r-Renju Unit għandu jkun suġġett għall-ħtiġiet li ġejjin:

dawn għandhom jiġu identifikati skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1), sakemm, sa tmiem il-perijodu tranżitorju ta’ tmien snin previst fl-Artikolu 4(1), l-Istat Membru ta’ destinazzjoni jirrikonnoxxi wkoll l-identifikazzjoni skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1), u”;

(4)

L-Artikolu 8(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-punt (a), il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

sal-31 ta’ Diċembru 2011, f’wieħed mill-Istati Membri elenkati fil-parti A tal-Anness II, jew direttament jew inkella wara tranżitu f’wieħed mit-territorji elenkati fil-parti B tal-Anness II, jissodisfaw il-ħtiġiet tal-Artikolu 6.”

(b)

Fil-punt (b), il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

sal-31 ta’ Diċembru 2011, f’wieħed mill-Istati Membri elenkati fil-parti A tal-Anness II, jew direttament jew inkella wara tranżitu f’wieħed mit-territorji elenkati fil-parti B tal-Anness II, jitpoġġew taħt kwarantina sakemm ma jkunux inġiebu f’konformità mal-ħtiġiet tal-Artikolu 6 wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni.”;

(5)

Fl-Artikolu 14, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fil-każ imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1), meta t-transponder ma jkunx konformi mal-ħtiġiet stabbiliti fl-Anness Ia, is-sid jew il-persuna fiżika responsabbli mill-pet f’isem is-sid jeħtieġ li tipprovdi l-mezzi neċessarji sabiex jinqara t-transponder kull meta ssir spezzjoni.”;

(6)

L-Artikolu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 16

Sal-31 ta’ Diċembru 2011, il-Finlandja, l-Irlanda, Malta, l-Iżvezja u r-Renju Unit, għal dik li hija ekinokoċċosi, u l-Irlanda, Malta u r-Renju Unit, għal dak li huwa qurdien, jistgħu jagħmlu d-dħul ta’ pets fit-territorju tagħhom suġġett għal konformità mar-regoli speċjali applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.”;

(7)

L-Artikoli li ġejjin huma mdaħħla:

“Artikolu 19a

1.   Sabiex jittieħed kont tal-progress tekniku, il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ atti ddelegati skont l-Artikolu 19b u suġġetti għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 19c u 19d, emendi għall-ħtiġiet tekniċi għall-identifikazzjoni kif stabbilit fl-Anness Ia.

2.   Sabiex jittieħed kont tal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi rigward it-tilqim ta’ kontra r-rabbja, il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 19b u suġġett għall-kondizzjonijiet tal-Artikoli 19c u 19d, emendi għall-ħtiġiet tekniċi għat-tilqim ta’ kontra r-rabbja kif stabbilit fl-Anness Ib.

3.   Meta tadotta dawn l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 19b

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 19a għandhom jingħataw lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin wara t-18 ta’ Ġunju 2010. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport fir-rigward tas-setgħat delegati mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delegazzjoni tas-setgħat għandha tiġġedded awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jirrevokawha skont l-Artikolu 19c.

2.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 19c u 19d.

Artikolu 19c

1.   Id-delega ta’ setgħat imsemmijin fl-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 19a jistgħu jiġu revokati fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.   L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna sabiex jiġi deċiż jekk tiġix revokata d-delega ta’ setgħat għandha tagħmel ħilitha sabiex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, filwaqt li tindika s-setgħat delegati li jistgħu jkunu suġġetti għar-revoka u r-raġunijiet possibbli għal revoka.

3.   Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ immedjatament jew f’data aktar tard speċifikata fid-deċiżjoni. Din m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ. Din għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19d

1.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ joġġezzjona għal att delegat fi żmien perijodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika.

Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perijodu għandu jittawwal b’xahrejn.

2.   Jekk, meta jiskadi dan il-perijodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita fih.

L-att delegat jista’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel ma jiskadi dak il-perijodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma joġġezzjonawx.

3.   Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal att delegat, dan m’għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex oġġezzjonat għall-att delegat.”;

(8)

L-Annessi Ia u Ib, kif stabbiliti fl-Anness ma’ dan ir-Regolament, huma mdaħħla.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ Mejju 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

D. LÓPEZ GARRIDO


(1)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 121.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ April 2010.

(3)  ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1.

(5)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

(6)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2006) 436, p. 1.

(7)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.

(8)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2006) 441, p. 1.

(9)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2007) 469, p. 1.


ANNESS

ANNESS Ia

Ħtiġiet tekniċi għall-identifikazzjoni

Għall-għanijiet tal-Artikolu 4(1), is-sistema standard ta' identifikazzjoni elettronika għandha tkun apparat ta' identifikazzjoni bi frekwenza radju passiva li tista' biss tinqara (‘transponder’):

1.

li tkun konformi mal-Istandard ISO 11784 u li tapplika t-teknoloġija HDX jew FDX-B;

2.

li tkun tista' tinqara permezz ta' apparat tal-qari kompatibbli mal-Istandard ISO 11785.

ANNESS Ib

Ħtiġiet tekniċi għat-tilqima kontra r-rabbja (Imsemmija fl-Artikolu 5(1)(b)(i))

Għall-għanijiet tal-Artikolu 5(1), tilqima kontra r-rabbja għandha titqies bħala valida jekk tikkonforma mal-ħtiġiet li ġejjin:

1.

It-tilqima kontra r-rabbja għandha:

(a)

tkun tilqima għajr tilqima modifikata bil-virus ħaj u tkun taqa' fi ħdan waħda minn dawn il-kategoriji:

(i)

tilqima inattivata b'tal-anqas unità antiġenika waħda għal kull doża (l-istandard tad-WHO); jew

(ii)

tilqima rikombinanti li tesprimi l-glikoproteina immunizzanti tal-virus tar-rabbja f'vettur tal-virus ħaj;

(b)

jekk tkun amministrata fi Stat Membru, tkun ingħatat awtorizzazzjoni biex titqiegħed fis-suq b'konformità ma':

(i)

id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (*); jew;

(ii)

ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (**);

(c)

jekk tkun amministrata f'pajjiż terz, tkun tissodisfa tal-anqas il-ħtiġiet stabbiliti fil-Parti C tal-Kapitolu 2.1.13 tal-Edizzjoni tal-2008 tal-Manwal tat-Testijiet Djanjostiċi u t-Tilqimiet għall-Annimali li Jgħixu fuq l-Art, maħruġ mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali.

2.

Tilqima kontra r-rabbja tista' titqies bħala valida biss jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-tilqima tkun ġiet amministrata f'data imniżżla fi:

(i)

it-Taqsima IV tal-passaport; jew

(ii)

it-taqsima adatta taċ-ċertifikat akkumpanjanti dwar saħħet l-annimal;

(b)

id-data msemmija fil-punt (a) ma tistax tkun qabel id-data tal-mikroċippjar imniżżla fi:

(i)

it-Taqsima III(2) tal-passaport; jew

(ii)

it-taqsima adatta taċ-ċertifikat akkumpanjanti dwar saħħet l-annimal;

(c)

iridu tal-anqas ikunu skorrew 21 jum mindu jkun tlesta l-protokoll dwar it-tilqim mitlub mill-manifattur għat-tilqima primarja skont l-ispeċifikazzjoni teknika tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq imsemmija fil-punt 1(b) għat-tilqima kontra r-rabbja fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz li fih tingħata t-tilqima;

(d)

il-perijodu ta' validità tat-tilqima, kif preskritt fl-ispeċifikazzjoni teknika tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għat-tilqima kontra r-rabbja fl-Istat Membru jew il-pajjiż terz fejn tingħata t-tilqima, jeħtieġ li jiddaħħal mill-veterinarju awtorizzat fi:

(i)

it-Taqsima IV tal-passaport; jew

(ii)

it-taqsima adatta taċ-ċertifikat akkumpanjanti dwar saħħet l-annimal;

(e)

tilqima mill-ġdid (booster) għandha titqies bħala tilqima primarja jekk ma tkunx ingħatat fil-perijodu ta' validità msemmi fil-punt (d) ta' tilqima preċedenti.



Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar l-Artikolu 290 TFUE

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddikjaraw li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe pożizzjoni futura tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE jew l-atti leġislattivi individwali li fihom tali dispożizzjonijiet.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tipproponi reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 fl-intier tiegħu qabel it-30 ta’ Ġunju 2011, u, b’mod partikulari, l-aspetti tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni rigward in-notifika tal-atti delegati

“Il-Kummissjoni Ewropea tinnota li minbarra f'każijiet fejn l-atti leġiżlattivi jipprovdu għal proċedura ta' urġenza, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jikkunsidraw li n-notifika tal-atti delegati għandha tikkunsidra l-perjodi tal-vaganzi tal-istituzzjonijiet (fix-xitwa, fis-sajf u waqt l-elezzjonijiet Ewropej), sabiex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu kapaċi jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom fil-limiti tal-ħin stabbiliti fl-atti leġiżlattivi rilevanti, u hija lesta li taġixxi skont dan.”


29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/11


REGOLAMENT (UE) Nru 439/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Mejju 2010

li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 74 u l-Artikolu 78(1) u (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-politika tal-Unjoni dwar is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (is-SEKA), għandha l-għan, skont it-termini tal-Programm tal-Aja, li tistabbilixxi żona komuni ta' asil, permezz ta' proċedura armonizzata effettiva li tkun konsistenti mal-valuri u t-tradizzjoni umanitarja tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Sar progress kbir f'dawn l-aħħar snin lejn l-istabbiliment tas-SEKA bis-saħħa tal-introduzzjoni ta' standards minimi komuni. Madankollu għad hemm diskrepanzi kbar bejn Stat Membru u ieħor fl-għoti tal-protezzjoni internazzjonali u fis-suriet diversi ta’ tali protezzjoni internazzjonali. Dawn id-diskrepanzi għandhom jitnaqqsu.

(3)

Il-Kummissjoni, fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar l-Asil adottat f'Ġunju 2008, ħabbret l-intenzjoni tagħha li tiżviluppa s-SEKA billi tipproponi reviżjoni tal-istrumenti leġislattivi eżistenti sabiex tinkiseb armonizzazzjoni akbar tal-istandards applikabbli u billi ssaħħaħ l-appoġġ għall-koperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri, partikolarment bil-preżentazzjoni ta' proposta leġislattiva għall-istabbiliment ta' Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (l-Uffiċċju ta’ Appoġġ), sabiex tiżdied il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri għall-implimentazzjoni effikaċi tar-regoli komuni.

(4)

Fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil, adottat f'Settembru 2008, il-Kunsill Ewropew solennement tenna li kwalunkwe barrani ppersegwitat għandu d-dritt li jikseb għajnuna u protezzjoni fit-territorju tal-Unjoni Ewropea b'konformità mal-Konvezjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati, kif emendata bil-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967, u trattati oħra rilevanti. Ġie maqbul ukoll espressament li fl-2009 jiġi stabbilit Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ.

(5)

Il-koperazzjoni prattika fil-qasam tal-asil għandha l-għan li żżid il-konverġenza u tiżgura li tinżamm il-kwalità tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Istati Membri f’dak is-settur fil-qafas leġislattiv Ewropew. Fis-snin reċenti diġà ttieħed numru sostanzjali ta' miżuri ta' koperazzjoni prattika, notevolment l-adozzjoni ta' approċċ komuni dwar informazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini u dwar l-istabbiliment ta' kurrikulu komuni Ewropew dwar l-asil.

(6)

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jiġi stabbilit għat-tisħiħ u għall-iżvilupp ta' dawk il-miżuri ta' koperazzjoni. L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jieħu kont dovut tal-miżuri ta' koperazzjoni u tat-tagħlim miksuba minnhom.

(7)

Għall-Istati Membri li huma ffaċċati bi pressjonijiet speċifiċi u sproporzjonati fuq is-sistemi tagħhom tal-asil u l-akkoljenza, partikolarment minħabba s-sitwazzjoni ġeografika jew demografika tagħhom, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jappoġġa l-iżvilupp ta' solidarjetà fl-Unjoni biex tiġi promossa rilokazzjoni aħjar ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri, waqt li jiġi żgurat li s-sistemi tal-asil u l-akkoljenza ma jiġux abbużati.

(8)

Sabiex iwettaq bl-aħjar mod il-mandat tiegħu, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun indipendenti fl-oqsma tekniċi u jgawdi minn awtonomija legali, amminstrattiva u finanzjarja. Għal dan l-iskop, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun korp tal-Unjoni li jkollu personalità legali u li jeżerċita s-setgħat implimentattivi li jingħatawlu b'dan ir-Regolament.

(9)

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jaħdem f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tal-asil tal-Istati Membri, mas-servizzi nazzjonali tal-immigrazzjoni u tal-asil u ma’ servizzi oħra, waqt li juża l-ħiliet u l-kompetenza esperta ta' dawn is-servizzi, kif ukoll mal-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom jikkoperaw mal-Uffiċċju ta’ Appoġġ biex jiġi żgurat li dan ikun jista’ jwettaq il-mandat tiegħu.

(10)

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu wkoll jaġixxi b'koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR) u, skond il-każ, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti sabiex jibbenefika mill-kompetenza esperta u l-appoġġ tagħhom. Għal dak il-għan, ir-rwol tal-UNHCR kif ukoll dak tal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti l-oħra għandhom ikunu rikonoxxuti b'mod sħiħ u dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu involuti b'mod sħiħ fil-ħidma tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ. Kwalunkwe riżorsi finanzjarji magħmula disponibbli mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ tal-UNHCR skont dan ir-Regolament m'għandhomx jirriżultaw f'finanzjament doppju tal-attivitajiet tal-UNHCR ma' sorsi nazzjonali jew internazzjonali oħra.

(11)

Barra minn hekk, biex iwettaq l-għan tiegħu, u safejn dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jikkopera ma' korpi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Koperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex), stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 (2), u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (FRA), stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 (3).

(12)

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu wkoll jikkopera man-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni, stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE (4), sabiex tkun evitata d-duplikazzjoni tal-attivitajiet. L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu wkoll iżomm djalogu mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bil-ħsieb tal-iskambju ta' informazzjoni u l-akkomunament tal-konoxxenza fil-qasam tal-asil.

(13)

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza fil-qasam tal-asil u jkun inkarigat bil-faċilitazzjoni, il-koordinazzjoni u t-tisħiħ tal-koperazzjoni prattika fil-qasam tal-asil bejn l-Istati Membri, fl-aspetti numerużi tiegħu, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu protezzjoni lil dawk li lilhom ikun dovut, filwaqt li jittrattaw b’mod ġust u effikaċi, skond il-każ, ma' dawk li ma jikkwalifikawx għall-protezzjoni internazzjonali. Il-mandat tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun iddedikat għal tliet kompiti ewlenin, jiġifieri l-għoti ta’ kontribut għall-implimentazzjoni tas-SEKA, l-appoġġ għall-koperazzjoni prattika fost l-Istati Membri fil-qasam tal-asil u l-appoġġ għall-Istati Membri li jkunu suġġetti għal pressjoni partikolari.

(14)

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ m'għandu jkollu l-ebda setgħa diretta jew indiretta fir-rigward tat-teħid ta' deċiżjonijiet, mill-awtoritajiet tal-asil tal-Istati Membri dwar applikazzjonijiet individwali għall-protezzjoni internazzjonali.

(15)

Sabiex jingħata u/jew ikun ikkordinat l-għoti ta' appoġġ operattiv rapidu u effikaċi lil Stati Membri li jkunu suġġetti għal pressjoni partikolari fuq is-sistemi ta' asil u akkoljenza tagħhom, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu, fuq it-talba tal-Istati Membri kkonċernati, jikkoordina azzjoni għall-appoġġ ta' dawk l-Istati Membri fost l-oħrajn permezz tal-iskjerament fit-territorji tagħhom ta' timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil magħmula minn esperti fil-qasam. Dawn it-timijiet għandhom jipprovdu, b'mod partikolari, il-kompetenza esperta tagħhom fir-rigward ta’ servizzi ta' interpretazzjoni, informazzjoni dwar il-pajjiżi ta' oriġini u konoxxenza dwar it-trattament u l-ġestjoni tal-każijiet ta’ asil. L-arranġamenti għat-timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil għandhom ikunu regolati minn dan ir-Regolament sabiex jiġi żgurat l-iskjerament effikaċi tagħhom.

(16)

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jwettaq l-għan tiegħu f'kondizzjonijiet li jippermettulu li jservi bħala punt ta' referenza minħabba l-indipendenza tiegħu, il-kwalità xjentifika u teknika tal-għajnuna li jipprovdi u l-informazzjoni li jxerred, it-trasparenza tal-proċeduri tiegħu u l-metodi operattivi tiegħu, u d-diliġenza tiegħu fit-twettiq tal-kompiti assenjati lilu.

(17)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikunu rappreżentati fil-Bord ta' Tmexxija tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ sabiex jikkontrollaw b'mod effikaċi l-ħidma tiegħu. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jkun magħmul, fejn possibbli, mill-kapijiet operattivi tal-amministrazzjonijiet tal-asil tal-Istati Membri, jew ir-rappreżentanti tagħhom. Dan għandu jingħata s-setgħat meħtieġa, b'mod partikolari biex jistabbilixxi l-baġit, jivverifika l-esekuzzjoni tiegħu, jadotta r-regoli finanzjarji adatti, jistabbilixxi proċeduri trasparenti ta' ħidma għat-teħid ta' deċiżjonijiet mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ, jadotta r-rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-asil fl-Unjoni Ewropea u d-dokumenti tekniċi dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni dwar l-asil, u jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u, jekk ikun il-każ, Kumitat Eżekuttiv. Minħabba l-kompetenza esperta tiegħu fil-qasam tal-asil, il-UNHCR għandu jkun rappreżentat minn membru tal-Bord ta’ Tmexxija mingħajr dritt għall-vot sabiex ikun involut b'mod sħiħ fil-ħidma tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

(18)

Minħabba n-natura tal-kompiti tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u r-rwol tad-Direttur Eżekuttiv, u bil-ħsieb li l-Parlament Ewropew ikun jista' jadotta opinjoni dwar il-kandidat magħżul, qabel il-ħatra tiegħu kif ukoll qabel estensjoni possibbli tat-tul tal-kariga tiegħu, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun mistieden jagħmel dikjarazzjoni u jirrispondi mistoqsijiet lill-kumitat jew kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta wkoll ir-rapport annwali lill-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew għandu jkollu l-possibbiltà li jistieden lid-Direttur Eżekuttiv biex jirrapporta dwar it-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(19)

Sabiex jiġu żgurati l-awtonomija u l-indipendenza b'mod sħiħ tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ, dan għandu jkollu l-baġit tiegħu, li ħafna minnu ser jinkludi kontribut mill-Unjoni. Il-finanzjament tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun suġġett għal ftehim mill-awtoritajiet baġitarji kif stabbilit fil-Punt 47 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u amministrazzjoni finanzjarja tajba (5) (IIA). Il-proċedura baġitarja tal-Unjoni għandha tkun applikabbli għall-kontribut tal-Unjoni u għal kwalunkwe għotja li għandha tiġi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Il-verifika tal-kontijiet għandha ssir mill-Qorti tal-Awdituri.

(20)

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jikkopera mal-awtoritajiettal-asil ta’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti f'materji li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u ma’ pajjiżi terzi, fil-qafas ta' ftehim ta' arranġamenti ta' ħidma konklużi f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(21)

F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom, permezz ta’ ittri tat-18 ta’ Mejju 2009, li jipparteċipaw fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(22)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, u la hija marbuta bih u lanqas hija suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(23)

B’kont meħud li d-Danimarka, bħala Stat Membru, s'issa ikkontribwixxiet għall-koperazzjoni prattika bejn l-Istati membri fil-qasam tal-asil, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jiffaċilita l-koperazzjoni operattiva mad-Danimarka. Għal dak il-għan, għandu jiġi mistieden rappreżentant Daniż biex jattendi għal-laqgħat kollha tal-Bord ta’ Tmexxija, li ghandu jkun jista' jiddeċiedi wkoll li jistieden osservaturi Daniżi għal-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma, fejn ikun il-każ.

(24)

Sabiex iwettaq l-għan tiegħu, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni minn pajjiżi li kkonkludew ftehimiet mal-Unjoni li permezz tagħhom adottaw u japplikaw il-liġi tal-Unjoni fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament, partikolarment l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera. Huwa għandu jkun jista' wkoll, bi ftehim mal-Kummissjoni, jikkonkludi arranġamenti ta' ħidma, f'konformità mat-TUE, ma' pajjiżi oħra minbarra dawk li kkonkludew ftehimiet mal-Unjoni li permezz tagħhom adottaw u japplikaw il-liġi tal-Unjoni. Madankollu, m'għandu taħt l-ebda ċirkostanza jfassal kwalunkwe politika esterna indipendenti.

(25)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6) (ir-Regolament Finanzjarju), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu, għandu japplika għall-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

(26)

Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (7) għandu japplika mingħajr restrizzjoni għall-Uffiċċju ta’ Appoġġ, li għandu jaderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward tal-investigazzjonijiet interni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (8).

(27)

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (9) tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandu japplika għall-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

(28)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta' tali data (10), għandu japplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

(29)

Id-dispożizzjonijiet meħtieġa li jikkonċernaw l-akkomodazzjoni tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ fl-Istat Membru fejn għandu jkollu l-kwartieri ġenerali tiegħu u r-regoli speċifiċi applikabbli għall-persunal kollu tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u għall-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim dwar Kwartieri Ġenerali. Barra minn hekk, l-Istat Membru ospitanti għandu jipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-funzjonament korrett tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ, inklużi l-iskejjel għat-tfal u t-trasport, sabiex dan ikun jista’ jattira r-riżorsi umani ta' kwalità għolja minn firxa ġeografika wiesgħa kemm jista' jkun.

(30)

Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tittejjeb l-implimentazzjoni tas-SEKA, li tiġi ffaċilitata, koordinata u msaħħa l-koperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-asil u li jingħata u/jew li jiġi koordinat l-għoti ta’ appoġġ operattiv lill-Istati Membri li jkunu suġġetti għal pressjoni partikolari fuq is-sistemi tagħhom ta’ asil u akkoljenza, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta' sussidjarjetà stabbilit mill-Artikolu 5 tat-TUE. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(31)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti, b'mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għandu jkun applikat f'konformità mad-dritt għall-asil rikonoxxut fl-Artikolu 18 tal-Karta,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

STABBILIMENT U GĦAN TAL-UFFIĊĊJU EWROPEW TA' APPOĠĠ FIL-QASAM TAL-ASIL

Artikolu 1

Stabbiliment tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil

B'dan huwa stabbilit Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (“l-Uffiċċju ta’ Appoġġ”) sabiex jgħin fit-titjib tal-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (is-SEKA), għat-tisħiħ tal-koperazzjoni prattika fost l-Istati Membri dwar l-asil u biex jipprovdi u/jew jikkoordina l-għoti ta' appoġġ operattiv lil Stati Membri li jkunu suġġetti għal pressjoni partikolari fis-sistemi ta' asil u akkoljenza tagħhom.

Artikolu 2

Għan tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ

1.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jiffaċilita, jikkoordina u jsaħħaħ il-koperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri dwar il-ħafna aspetti tal-asil u jgħin biex titjieb l-implimentazzjoni tas-SEKA. F'dan ir-rigward, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun involut kompletament fid-dimensjoni esterna tas-SEKA.

2.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jipprovdi appoġġ operattiv effikaċi lil Stati Membri li jkunu suġġetti għal pressjoni partikolari fis-sistemi ta' asil u akkoljenza tagħhom, waqt li juża r-riżorsi utli kollha li qegħdin għad-dispożizzjoni tiegħu li jistgħu jinkludu l-koordinazzjoni ta' riżorsi pprovduti mill-Istati Membri taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

3.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jipprovdi għajnuna xjentifika u teknika għat-tfassil tal-politika u l-leġislazzjoni tal-Unjoni fl-oqsma kollha li għandhom impatt dirett jew indirett fuq l-asil, sabiex ikun jista' jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu fil-koperazzjoni prattika fil-qasam tal-asil u jwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effikaċi. Huwa għandu jkun sors indipendenti ta' informazzjoni fuq il-kwistjonijiet kollha relatati ma' dawk l-oqsma.

4.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jwettaq l-għan tiegħu f'kondizzjonijiet li jippermettulu li jservi bħala punt ta' referenza minħabba l-indipendenza tiegħu, il-kwalità xjentifika u teknika tal-għajnuna li jipprovdi u l-informazzjoni li jxerred, it-trasparenza tal-proċeduri u l-metodi operattivi tiegħu, id-diliġenza tiegħu fit-twettiq tal-kompiti assenjati lilu, u l-appoġġ tat-teknoloġija tal-informazzjoni meħtieġ biex iwettaq il-mandat tiegħu.

5.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jaħdem mill-qrib mal-awtoritajiet tal-asil tal-Istati Membri, mas-servizzi nazzjonali ta' immigrazzjoni u tal-asil u servizzi nazzjonali oħra u mal-Kummissjoni. L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jwettaq il-kompiti tiegħu mingħajr preġudizzju għal dawk attribwiti lil korpi rilevanti oħra tal-Unjoni u għandu jaħdem mill-qrib ma' dawn il-korpi u mal-UNHCR.

6.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ m'għandu jkollu l-ebda setgħa fit-teħid ta' deċiżjonijiet mill-awtoritajiet tal-asil tal-Istati Membri dwar applikazzjonijiet individwali għal protezzjoni internazzjonali.

KAPITOLU 2

KOMPITI TAL-UFFIĊĊJU TA’ APPOĠĠ

TAQSIMA 1

Appoġġ għall-koperazzjoni prattika fil-qasam tal-asil

Artikolu 3

L-aħjar prattika

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jorganizza, jippromwovi u jikkoordina attivitajiet li jippermettu l-iskambju ta' informazzjoni u l-identifikazzjoni u l-akkomunament tal-aħjar prattika fi kwistjonijiet dwar l-asil bejn l-Istati Membri.

Artikolu 4

Informazzjoni dwar il-pajjiżi ta' oriġini

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jorganizza, jippromwovi u jikkoordina attivitajiet relatati mal-informazzjoni dwar il-pajjiżi ta' oriġini, b'mod partikolari:

(a)

il-ġbir, b'mod trasparenti u imparzjali, ta' informazzjoni rilevanti, affidabbli, eżatta u aġġornata dwar il-pajjiżi ta' oriġini ta' persuni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali, billi jintużaw is-sorsi rilevanti kollha ta' informazzjoni, inkluża informazzjoni miġbura minn organizzazzjonijiet governattivi, mhux governattivi u internazzjonali u mill-istituzzjonijiet u kopri tal-Unjoni;

(b)

l-abbozzar ta' rapporti dwar il-pajjiżi ta' oriġini, abbażi ta' informazzjoni miġbura f'konformità mal-punt (a);

(c)

il-ġestjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta' portal li jiġbor informazzjoni relatata mal-pajjiżi ta' oriġini u l-manteniment tiegħu bil-ħsieb li tiġi żgurata t-trasparenza skont ir-regoli meħtieġa għall-aċċess għal tali informazzjoni taħt l-Artikolu 42;

(d)

l-iżvilupp ta' format komuni u ta' metodoloġija komuni għall-preżentazzjoni, il-verifika u l-użu tal-informazzjoni dwar il-pajjiżi ta' oriġini;

(e)

l-analiżi ta' informazzjoni dwar il-pajjiż ta' oriġini b'mod trasparenti bil-għan li titrawwem il-konverġenza ta' kriterji ta' valutazzjoni, u, skond il-każ, bl-użu tar-riżultati tal-laqgħat ta' grupp ta' ħidma jew aktar. Din l-analiżi m’għandhiex tkun maħsuba biex tagħti istruzzjonijiet lill-Istati Membri dwar l-għoti jew iċ-ċaħda ta' applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

Artikolu 5

Appoġġ għar-rilokazzjoni fl-Unjoni tal-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali

Għall-Istati Membri li huma ffaċċati bi pressjonijiet speċifiċi u sproporzjonati fuq is-sistemi tal-asil u l-akkoljenza tagħhom, speċjalment minħabba s-sitwazzjoni ġeografika jew demografika tagħhom, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jippromwovi, jiffaċilita u jikkoordina skambji ta' informazzjoni u attivitajiet oħrajn relatati mar-rilokazzjoni fl-Unjoni. Ir-rilokazzjoni fl-Unjoni għandha titwettaq biss fuq bażi maqbula, bejn l-Istati Membri u bil-kunsens tal-benefiċjarju kkonċernat tal-protezzjoni internazzjonali u, skond il-każ, b'konsultazzjoni mal-UNHCR.

Artikolu 6

Appoġġ għat-taħriġ

1.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jistabbilixxi u jiżviluppa t-taħriġ disponibbli għall-membri tal-amministrazzjonijiet u qrati u tribunali nazzjonali kollha, kif ukoll għas-servizzi nazzjonali responsabbli għall-kwistjonijiet ta' asil fl-Istati Membri. Il-parteċipazzjoni fit-taħriġ hija mingħajr preġudizzju għas-sistemi u l-proċeduri nazzjonali.

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jiżviluppa tali taħriġ f'koperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tal-asil tal-Istati Membri, u fejn rilevanti, jieħu vantaġġ mill-kompetenza esperta tal-istituzzjonijiet akkademiċi u ta' organizzazzjonijiet rilevanti oħra.

2.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jamministra u jiżviluppa kurrikulu Ewropew fil-qasam tal-asil b'kont meħud tal-koperazzjoni eżistenti tal-Unjoni f'dak il-qasam.

3.   It-taħriġ offrut mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ jista' jkun ġenerali, speċifiku jew tematiku u jista' jinkludi metodoloġija ta' taħriġ għal min iħarreġ.

4.   L-attivitajiet ta' taħriġ speċifiku jew tematiku dwar konoxxenza u ħiliet fir-rigward ta’ materji ta' asil għandhom jinkludu, mingħajr ma jkunu limitati għal:

(a)

id-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u l-acquis tal-Unjoni dwar l-asil, inklużi kwistjonijiet legali speċjali u ġurisprudenzjali;

(b)

il-kwistjonijiet relatati mat-trattament ta' applikazzjonijiet għall-asil tal-minuri u dawk il-persuni vulnerabbli bi bżonnijiet speċifiċi;

(c)

it-teknika tal-intervista;

(d)

l-użu ta' rapporti ta' esperti mediċi u legali fil-proċeduri tal-asil;

(e)

il-kwistjonijiet relatati mal-produzzjoni u l-użu tal-informazzjoni dwar il-pajjiżi ta' oriġini;

(f)

il-kondizzjonijiet tal-akkoljenza, inkluża attenzjoni speċjali mogħtija lil gruppi vulnerabbli u vittmi tat-tortura.

5.   It-taħriġ offrut għandu jkun ta' kwalità għolja, u għandu jidentifika l-prinċipji ewlenin u l-aħjar prattika bil-ħsieb ta' konverġenza akbar ta’ metodi u deċiżjonijiet amministrattivi u tal-prattika legali, b'rispett sħiħ għall-indipendenza tal-qrati u t-tribunali nazzjonali.

6.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jipprovdi l-esperti li jkunu parti mir-Riżerva ta' Intervent għall-Asil imsemmi fl-Artikolu 15 b'taħriġ speċjalizzat rilevanti għall-kompiti u l-funzjonijiet tagħhom, u għandu jwettaq eżerċizzji regolari ma' dawk l-esperti f'konformità mat-taħriġ speċjalizzat u l-iskeda ta' eżerċizzji msemmija fil-programm ta' ħidma annwali tiegħu.

7.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ jista' jorganizza attivitajiet ta' taħriġ f'koperazzjoni mal-Istati Membri fit-territorju tagħhom.

Artikolu 7

Appoġġ għad-dimensjonijiet esterni tas-SEKA

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jikkoordina l-iskambju ta' informazzjoni u azzjonijiet oħra meħuda dwar kwistjonijiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-istrumenti u l-mekkaniżmi relatati mad-dimensjonijiet esterni tas-SEKA.

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jikkoordina l-iskambji ta' informazzjoni u azzjonijiet oħra dwar is-sistemazzjoni mill-ġdid li jsiru mill-Istati Membri bil-ħsieb li jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-protezzjoni internazzjonali ta' refuġjati f'pajjiżi terzi u tintwera solidarjetà mal-pajjiżi li jospitawhom.

F'konformità mal-mandat tiegħu, u skont l-Artikolu 47, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ jista' jikkopera mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi dwar aspetti tekniċi, b'mod partikolari bil-ħsieb tal-promozzjoni u l-għajnuna tal-bini tal-kapaċità fis-sistemi proprji tal-pajjiż terz tal-asil u l-akkoljenza u l-implimentazzjoni ta' programmi reġjonali ta' protezzjoni, u azzjonijiet oħra rilevanti għal soluzzjonijiet dejjiema.

TAQSIMA 2

Appoġġ għal stati membri li jkunu suġġetti għal pressjoni partikolari

Artikolu 8

Pressjoni partikolari fuq is-sistema ta' asil u akkoljenza

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jikkoordina u jappoġġa azzjoni komuni li tassisti s-sistemi tal-asil u l-akkoljenza ta' Stati Membri li jkunu suġġetti għal pressjoni partikolari li toħloq sitwazzjonijiet li huma eċċezzjonalment kbar u urġenti fuq il-faċilitajiet tal-akkoljenza u s-sistemi tal-asil tagħhom. Tali pressjoni tista' tkun ikkaratterizzata mill-wasla għall-għarrieda ta' numru kbir ta' ċittadini ta' pajjiż terz li jistgħu jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u li tista' titfaċċa minħabba s-sitwazzjoni ġeografika jew demografika tal-Istat Membru.

Artikolu 9

Ġbir u analiżi tal-informazzjoni

1.   Sabiex ikun jista' jevalwa l-ħtiġijiet tal-Istati Membri li jkunu suġġetti għal pressjoni partikolari, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jiġbor, b'mod partikolari abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, l-UNHCR u, skond il-każ, organizzazzjonijiet rilevanti oħra, informazzjoni rilevanti għall-identifikazzjoni, it-tħejjija u l-formulazzjoni tal-miżuri ta' emerġenza msemmija fl-Artikolu 10 sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu ma' tali pressjoni.

2.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jidentifika, jiġbor u janalizza b'mod sistematiku, abbażi ta’ data, ipprovduta mill-Istati Membri li jkunu suġġetti għall-pressjoni partikolari, informazzjoni relatata mal-istrutturi u l-persunal disponibbli, speċjalment fit-traduzzjoni u l-interpretazzjoni, informazzjoni dwar il-pajjiżi ta' oriġini u dwar l-għajnuna fit-trattament u l-ġestjoni ta' każijiet ta' asil kif ukoll il-kapaċità ta' akkoljenza fil-qasam tal-asil f'dawk l-Istati Membri li jkunu suġġetti għall-pressjoni partikolari, bil-ħsieb li titrawwem informazzjoni reċiproka rapida u affidabbli għall-awtoritajiet tal-asil diversi tal-Istati Membri.

3.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu janalizza d-data dwar kwalunkwe wasla għall-għarrieda ta' numri kbar ta' ċittadini ta' pajjiż terz li tista' tikkawża pressjoni partikolari fuq is-sistemi tal-asil u l-akkoljenza u jiżgura l-iskambju rapidu ta' informazzjoni rilevanti bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jagħmel użu mis-sistemi u l-mekkaniżmi ta' twissija bikrija eżistenti u, jekk meħtieġ, jistabbilixxi sistema ta' twissija bikrija għall-finijiet tiegħu stess.

Artikolu 10

Azzjonijiet ta' appoġġ għall-Istati Membri

Fuq it-talba tal-Istati Membri kkonċernati, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jikkoordina azzjonijiet ta' appoġġ għall-Istati Membri li jkunu suġġetti għal pressjoni partikolari fuq is-sistemi tal-asil u l-akkoljenza tagħhom, inkluża l-koordinazzjoni ta':

(a)

azzjoni ta' għajnuna għall-Istati Membri li jkunu suġġetti għal pressjoni partikolari sabiex tiġi ffaċilitata l-ewwel analiżi tal-applikazzjonijiet għall-asil li jkunu qegħdin jiġu eżaminati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

(b)

azzjoni mmirata biex ikun żgurat li jkunu jistgħu jsiru disponibbli malajr faċilitajiet adatti ta' akkoljenza mill-Istati Membri li jkunu suġġetti għal pressjoni partikolari, b'mod partikolari akkomodazzjoni ta' emerġenza, trasport u assistenza medika;

(c)

timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil, li l-arranġamenti operattivi tagħhom huma stabbiliti fil-Kapitolu 3.

TAQSIMA 3

Kontribut għall-implimentazzjoni tas-seka

Artikolu 11

Ġbir u skambju ta' informazzjoni

1.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jorganizza, jikkoordina u jippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-asil tal-Istati Membri stess u bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-asil tal-Istati Membri, dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti kollha rilevanti tal-acquis tal-Unjoni fil-qasam tal-asil. Għal dan il-għan, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ jista' joħloq databases fattwali, legali u ġurisprudenzjali dwar l-istrumenti tal-asil nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali li jużaw, fost oħrajn, arranġamenti eżistenti. Mingħajr preġudizzju għall-attivitajiet tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ skont l-Artikolu 15 u 16, l-ebda data personali m'għandha tinżamm f'databases bħal dawn, sakemm tali data ma tkunx inkisbet mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ mid-dokumenti li jkunu aċċessibbli pubblikament.

2.   B'mod partikolari, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jiġbor informazzjoni dwar:

(a)

l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali minn amministrazzjonijiet u awtoritajiet nazzjonali;

(b)

il-liġi nazzjonali u l-iżviluppi legali fil-qasam tal-asil, inkluża l-ġurisprudenza.

Artikolu 12

Rapporti u dokumenti oħra tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ

1.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jħejji rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-asil fl-Unjoni Ewropea, b'kont debitu meħud tal-informazzjoni diġà disponibbli minn sorsi rilevanti oħra. Bħala parti minn dak ir-rapport, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jevalwa r-riżultati tal-attivitajiet magħmula skont dan ir-Regolament u jagħmel analiżi komparattiva komprensiva tagħhom bil-għan li titjieb il-kwalità, il-konsistenza u l-effikaċjaità tas-SEKA.

2.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ jista' jadotta, f'konformità mal-programm ta' ħidma tiegħu jew fuq talba tal-Bord ta' Tmexxija jew tal-Kummissjoni, b'kont debitu meħud tal-opinjonijiet li esprimew l-Istati Membri jew il-Parlament Ewropew, li jaħdmu f'konsultazzjoni mill-qrib mal-gruppi ta' ħidma tiegħu u l-Kummissjoni, dokumenti tekniċi dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni fil-qasam tal-asil, inklużi linji gwida u manwali operattivi. Kull meta dokumenti tekniċi bħal dawn jagħmlu referenza għal punti tal-liġi internazzjonali dwar ir-refuġjati, għandha tingħata l-konsiderazzjoni dovuta għal-linji gwida rilevanti tal-UNHCR. Id-dokumenti m’għandhomx ikunu maħsuba biex jagħtu istruzzjonijiet lill-Istati Membri dwar l-għoti jew iċ-ċaħda fir-rigward ta' applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

KAPITOLU 3

TIMIJIET TA' APPOĠĠ FIL-QASAM TAL-ASIL

Artikolu 13

Koordinazzjoni

1.   Stat Membru jew Stati Membri li jkunu suġġetti għal pressjoni partikolari jistgħu jitolbu lill-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-iskjerament ta' tim ta' appoġġ fil-qasam tal-asil. L-Istat Membru jew Stati Membri rikjedenti għandhom jipprovdu, b'mod partikolari, deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, jindikaw l-objettivi tat-talba għall-iskjerament u jispeċifikaw l-istima tar-rekwiżiti ta' skjerament, f'konformità mal-Artikolu 18(1).

2.   Bħala rispons għal tali talba, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ jista' jikkoordina l-assistenza teknika u operattiva meħtieġa għall-Istat Membru jew Stati Membri rikjedenti u l-iskjerament, għal żmien limitat, ta' tim ta' appoġġ fil-qasam tal-asil fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jew dawk l-Istati Membri abbażi ta' pjan operattiv kif imsemmi fl-Artikolu 18.

Artikolu 14

Għajnuna teknika

It-timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil għandhom jipprovdu konsulenza esperta kif miftiehem fil-pjan operattiv imsemmi fl-Artikolu 18, b'mod partikolari fir-rigward tas-servizzi ta' interpretazzjoni, informazzjoni dwar il-pajjiżi ta' oriġini u konoxxenza dwar it-trattament u l-ġestjoni ta' każijiet ta' asil fil-qafas tal-azzjonijiet ta' appoġġ għall-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 10.

Artikolu 15

Riżerva ta' intervent fil-qasam tal-asil

1.   Fuq proposta tad-Direttur Eżekuttiv, il-Bord ta' Tmexxija għandu jiddeċiedi b'maġġoranza ta' tliet kwarti tal-membri tiegħu bi dritt għall-vot dwar il-profili u n-numru globali ta' esperti li għandhom ikunu disponibbli għat-timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil (Riżerva ta' intervent għall-asil). Bħala parti mir-Riżerva ta' Intervent għall-Asil, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jistabbilixxi lista ta' interpreti. L-istess proċedura għandha tapplika fir-rigward ta' kwalunkwe bidla sussegwenti fil-profili u n-numru globali ta' esperti tar-Riżerva ta' Intervent għall-Asil.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għar-Riżerva ta' Intervent għall-Asil permezz ta' riżerva ta' esperti nazzjonali abbażi ta' profili definiti u jipproponi esperi li jikkorrispondu mal-profili meħtieġa.

L-Istati Membri għandhom jassistu l-Uffiċċju ta’ Appoġġ fl-identifikazzjoni ta' interpreti għal-lista ta' interpreti.

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jibagħtu l-interpreti jew li jagħmluhom disponibbli permezz ta' vidjokonferenza.

Artikolu 16

Skjerament

1.   L-Istat Membru tal-post għandu jżomm l-awtonomija tiegħu fir-rigward tal-għażla tan-numru u l-profili tal-esperti (riżerva nazzjonali) u t-tul tal-iskjerament tagħhom. L-Istati Membri għandhom jagħmlu lil dawn l-esperti disponibbli għall-iskjerament fuq it-talba tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ sakemm ma jkunux iffaċċjati b'sitwazzjoni li taffettwa b'mod sostanzjali t-twettiq ta' kompiti nazzjonali, bħal kompitu li jirriżulta minn persunal insuffiċjenti għat-twettiq ta' proċeduri ta' determinazzjoni tal-istatus ta’ persuni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali. L-Istati Membri għandhom, fuq talba tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ, jikkomunikaw malajr kemm jista' jkun in-numru, l-ismijiet u l-profili tal-esperti mir-riżerva nazzjonali tagħhom li jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni malajr kemm jista' jkun biex jingħaqdu ma' tim ta' appoġġ fil-qasam tal-asil.

2.   Fid-determinazzjoni tal-kompożizzjoni ta' tim ta' appoġġ fil-qasam tal-asil , id-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jieħu kont taċ-ċirkostanzi partikolari li l-Istat Membru rikjedent jkun qiegħed jiffaċċja. It-tim ta' appoġġ fil-qasam tal-asil għandu jkun kompost f'konformità mal-pjan operattiv imsemmi fl-Artikolu 18.

Artikolu 17

Proċedura għad-deċiżjoni dwar l-iskjerament

1.   Jekk meħtieġ, id-Direttur Eżekuttiv jista' jibgħat esperti mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ biex jevalwaw is-sitwazzjoni fl-Istat Membru rikjedent.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinforma immedjatament lill-Bord ta' Tmexxija dwar kwalunkwe talba għall-iskjerament tat-timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu deċiżjoni dwar it-talba għall-iskjerament tat-timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil malajr kemm jista' jkun u mhux iktar tard minn ħamest ijiem ta' xogħol mid-data meta rċieva t-talba. Id-Direttur Esekuttiv għandu jinnotifika bil-kitba simultanjament lill-Istat Membru rikjedent u lill-Bord ta' Tmexxija dwar id-deċiżjoni. u jiddikjara r-raġunijiet ewlenin għaliha.

4.   Jekk id-Direttur Eżekuttiv jiddeċiedi li jsir skjerament ta' wieħed jew iktar mit-timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil, għandu jitfassal immedjatament pjan operattiv mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ u l-Istat Membru rikjedent f'konformità mal-Artikolu 18.

5.   Malli jkun hemm qbil dwar dak il-pjan, id-Direttur Eżekuttiv għandu jinforma lill-Istati Membri filwaqt li jipprovdi lill-esperti li ser jiġu skjerati bin-numru u l-profili rekwiżiti. Din l-informazzjoni għandha tingħata, bil-miktub, lill-punti nazzjonali ta' kuntatt imsemmija fl-Artikolu 19 u għandha tispeċifika d-data skedata għall-iskjerament. Għandha tintbagħtilhom ukoll kopja tal-pjan operattiv.

6.   Jekk id-Direttur Eżekuttiv ikun assenti jew indispost, id-deċiżjonijiet dwar l-iskjerament tat-timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil għandhom jittieħdu mill-kap tal-unità li jassumi l-kompiti tiegħu.

Artikolu 18

Pjan operattiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv u l-Istat Membru rikjedent għandhom jaqblu dwar pjan operattiv li jistabbilixxi fid-dettall il-kondizzjonijiet għall-iskjerament tat-timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil. Il-pjan operattiv għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni tas-sitwazzjoni bil-modus operandi u l-objettivi tal-iskjerament, inkluż l-objettiv operattiv;

(b)

it-tul previst tal-iskjerament tat-timijiet;

(c)

iż-żona ġeografika ta' responsabbiltà fl-Istat Membru rikjedent fejn ser jiġu skjerati t-timijiet;

(d)

deskrizzjoni tal-kompiti u tal-istruzzjonijiet speċjali għall-membri tat-timijiet, inklużi l-bażi tad-data li l-membri tat-timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil huma awtorizzati jikkonsultaw, u t-tagħmir li jistgħu jieħdu fl-Istat Membru ospitanti;

(e)

il-kompożizzjoni tat-timijiet.

2.   Kwalunkwe emenda jew adattament għall-pjan operattiv, għandu jirrikjedi l-qbil kemm tad-Direttur Eżekuttiv kif ukoll tal-Istat Membru rikjedent. L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jibgħat minnufih kopja tal-pjan operattiv emendat jew adattat lill-Istati Membri parteċipanti.

Artikolu 19

Punt ta' kuntatt nazzjonali

Kull Stat Membru għandu jaħtar punt nazzjonali ta' kuntatt għall-komunikazzjoni mal-Uffiċċju ta’ Appoġġ dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mat-timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil.

Artikolu 20

Punt ta' kuntatt tal-Unjoni

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaħtar espert wieħed jew aktar tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ bħala punt ta' kuntatt tal-Unjoni għall-koordinazzjoni. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinnotifika lill-Istat Membru ospitanti b'dawn il-ħatriet.

2.   Il-punt ta' kuntatt tal-Unjoni għandu jaġixxi f'isem l-Uffiċċju ta’ Appoġġ fl-aspetti kollha tal-iskjerament tat-timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil. B'mod partikolari, il-punt ta' kuntatt tal-Unjoni għandu:

(a)

jaġixxi bħala l-kollegament bejn l-Uffiċċju ta’ Appoġġ u l-Istat Membru ospitanti;

(b)

jaġixxi bħala kollegament bejn l-Uffiċċju ta’ Appoġġ u l-membri tat-timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil, u jipprovdi assistenza, f'isem l-Uffiċċju ta’ Appoġġ, dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-kondizzjonijiet tal-iskjerament ta’ dawk it-timijiet;

(c)

isegwi l-implimentazzjoni korretta tal-pjan operattiv;

(d)

jirrapporta lill-Uffiċċju ta’ Appoġġ dwar l-aspetti kollha tal-iskjerament tat-timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ jista' jawtorizza l-punt ta' kuntatt tal-Unjoni biex jikkontribwixxi għas-soluzzjoni f'każijiet ta' disputi rigward l-implimentazzjoni tal-pjan operattiv u l-iskjerament tat-timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil.

4.   Fil-qadi ta' dmirijietu, il-punt ta' kuntatt tal-Unjoni għandu jaċċetta biss istruzzjonijiet mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

Artikolu 21

Responsabbiltà ċivili

1.   Fejn il-membri ta' tim ta' appoġġ fil-qasam tal-asil ikunu qegħdin joperaw fi Stat Membru ospitanti, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu għal kwalunkwe dannu kkawżat minnhom waqt l-operazzjonijiet tagħhom.

2.   Fejn dak id-dannu jiġi kkawżat minn negliġenza gravi jew kondotta skorretta volontarja, l-Istat Membru ospitanti jista' jitlob lill-Istat Membru ta' oriġini sabiex kwalunkwe somma li jkun ħallas lill-vittmi jew lill-persuni intitolati għan-nom tagħhom tiġi rrimborsata mill-Istat Membru ta' oriġini.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu fil-konfront ta' partijiet terzi, kull Stat Membru għandu jirrinunzja l-pretensjonijiet kollha tiegħu kontra l-Istat Membru ospitanti jew kwalunkwe Stat Membru ieħor għal kwalunkwe dannu li jkun sofra, ħlief f'każijiet ta' negliġenza gravi jew kondotta skorretta volontarja.

4.   Kwalunkwe tilwima bejn l-Istati Membri, relatata mal-applikazzjoni tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, li ma tistax tiġix solvuta permezz ta' negozjati bejniethom, għandha tiġi ppreżentata minnhom lill-Qorti tal-Ġustizzja f'konformità mal-Artikolu 273 tat-TFUE.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu fil-konfront ta' partijiet terzi, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jassumi l-ispejjeż relatati mad-danni kkawżati lit-tagħmir tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ matul l-iskjerament, għajr f'każijiet ta' negliġenza gravi jew kondotta skorretta volontarja.

Artikolu 22

Responsabbiltà kriminali

Matul l-iskjerament ta' tim ta' appoġġ fil-qasam tal-asil, il-membri tat-tim ta' appoġġ fil-qasam tal-asil għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward ta' kwalunkwe reat kriminali li jista' jitwettaq kontrihom jew minnhom.

Artikolu 23

Spejjeż

Fejn l-Istati Membri jqiegħdu l-esperti tagħhom għad-dispożizzjoni tat-timijiet ta' appoġġ fil-qasam tal-asil, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jassumi l-ispejjeż li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż tal-ivvjaġġar mill-Istat Membru ta' oriġini għall-Istat Membru ospitanti u mill-Istat Membru ospitanti sal-Istat Membru ta' oriġini;

(b)

l-ispejjeż tat-tilqim;

(c)

l-ispejjeż relatati mal-ħtiġijiet ta' assigurazzjoni speċjali;

(d)

l-ispejjeż relatati mal-kura tas-saħħa;

(e)

allowances tal-għajxien ta' kuljum, inklużi l-ispejjeż għall-akkomodazzjoni;

(f)

l-ispejjeż relatati mat-tagħmir tekniku tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ; u

(g)

il-miżati ta’ esperti.

KAPITOLU 4

ORGANIZZAZZJONI TAL-UFFIĊĊJU TA’ APPOĠĠ

Artikolu 24

Struttura ta' amministrazzjoni u ġestjoni tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ

L-istruttura ta' amministrazzjoni u ġestjoni tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandha tinkludi:

(a)

Bord ta' Tmexxija;

(b)

Direttur Eżekuttiv u l-persunal tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

L-istruttura ta' amministrazzjoni u ġestjoni tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ tista' tinkludi Kumitat Eżekuttiv, jekk ikun stabbilit skont l-Artikolu 29(2).

Artikolu 25

Kompożizzjoni tal-Bord ta' Tmexxija

1.   Kull Stat Membru marbut b'dan ir-Regolament għandu jaħtar membru wieħed għall-Bord ta' Tmexxija u l-Kummissjoni għandha taħtar tnejn.

2.   Kull membru tal-Bord ta' Tmexxija jista' jiġi rrappreżentat jew akkumpanjat minn membru supplenti; meta jkun qiegħed jakkumpanja membru, il-membru supplenti għandu jattendi mingħajr ma jkollu d-dritt għall-vot.

3.   Il-membri tal-Bord ta' Tmexxija għandhom jiġu appuntati abbażi tal-esperjenza tagħhom, ir-responsabbiltà professjonali u livell għoli ta' kompetenza esperta fil-qasam tal-asil.

4.   Rappreżentant tal-UNHCR għandu jkun membru mingħajr dritt għall-vot tal-Bord ta' Tmexxija.

5.   It-tul tal-kariga tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija għandu jkun ta' tliet snin. Dan it-terminu għandu jkun jista' jiġġedded. Malli jiskadi t-tul tal-kariga tagħhom jew f'każ ta' riżenja, il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm il-ħatra tagħhom tiġi mġedda, jew sakemm jiġu sostitwiti.

Artikolu 26

Presidenza tal-Bord ta' Tmexxija

1.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jeleġġi President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu bi dritt għall-vot. Il-Viċi President għandu jissostitwixxi awtomatikament lil-President meta dan tal-aħħar ma jkunx f'pożizzjoni li jaqdi dimirijietu.

2.   It-tul tal-kariga tal-President u tal-Viċi President għandu jkun ta' tliet snin u jista' jiġġedded darba biss. Madankollu, jekk tintemm is-sħubija tagħhom fil-Bord ta' Tmexxija fi kwalunkwe waqt tul il-kariga tagħhom bħala President jew Viċi President, il-kariga tagħhom għandha tiskadi awtomatikament fl-istess data wkoll.

Artikolu 27

Laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija

1.   Il-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija għandhom jiġu mlaqqa' mill-President tal-istess Bord. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fil-laqgħat. Ir-rappreżentant tal-UNHCR ma għandux jieħu sehem fil-laqgħa meta l-Bord ta' Tmexxija jwettaq il-funzjonijiet stabbiliti fil-punti (b), (h), (i), (j) u (l) tal-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 29(2), u meta l-Bord ta' Tmexxija jiddeċiedi li jagħmel riżorsi finanzjarja disponibbli għall-finanzjament tal-attivitajiet li jippermettu lill-Uffiċċju ta’ Appoġġ jibbenefika mill-kompetenza esperta tal-UNHCR f'materji ta' asil kif imsemmi fl-Artikolu 50.

2.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jiltaqa' mill-anqas darbtejn fis-sena f'sessjoni ordinarja. Addizzjonalment, għandu jiltaqa' fuq l-inizjattiva tal-President jew fuq it-talba ta' mill-inqas terz tal-membri tiegħu.

3.   Il-Bord ta' Tmexxija jista' jistieden lil kwalunkwe persuna li jista' jkollha opinjoni li tkun ta' interess biex tattendi l-laqgħat tiegħu bħala osservatur.

Id-Danimarka għandha tkun mistiedna tattendi l-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija.

4.   Il-membri tal-Bord ta' Tmexxija jistgħu, suġġett għad-dispożizzjonijiet tar-regoli ta' proċedura tiegħu, jiġu assistiti minn konsulenti jew esperti.

5.   Is-segretarjat tal-Bord ta' Tmexxija għandu jiġi pprovdut mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

Artikolu 28

Votazzjoni

1.   Sakemm ma jkunx dispost mod ieħor, il-Bord ta' Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta' maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu bid-dritt għall-vot. Kull membru li għandu d-dritt għall-vot għandu jkollu vot wieħed. Fin-nuqqas ta' membru, is-supplent tiegħu għandu jkun intitolat jeżerċita d-dritt tiegħu li jivvota.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv m'għandux jivvota.

3.   Il-President għandu jieħu sehem fil-votazzjoni.

4.   L-Istati Membri li ma jipparteċipawx bis-sħiħ fl-acquis tal-Unjoni fil-qasam tal-asil ma għandhomx jivvotaw meta l-Bord ta' Tmexxija jissejjaħ biex jieħu deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-punt (e) tal-Artikolu 29(1) u fejn id-dokument tekniku fil-kwistjoni ikun relatat esklużivament ma' strument tal-Unjoni fil-qasam tal-asil li bih huma ma jkunux marbutin.

5.   Ir-regoli ta' proċedura tal-Bord ta' Tmexxija għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta' votazzjoni aktar dettaljati b'mod partikolari meta ċ-ċirkostanzi li fihom membru jista' jaġixxi f'isem membru ieħor, u kwalunkwe rekwiżit ta' kworum, fejn meħtieġ.

Artikolu 29

Funzjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija

1.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jiżgura li l-Uffiċċju ta’ Appoġġ jwettaq il-kompiti assenjati lilu. Huwa għandu jkun il-korp ta' programmazzjoni u sorveljanza tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ. B'mod partikolari, għandu:

(a)

jadotta r-regoli ta' proċeudra tiegħu, b'maġġoranza ta' tliet kwarti tal-membri tiegħu bi dritt għall-vot u wara li jkun rċieva l-opinjoni tal-Kummissjoni;

(b)

jaħtar id-Direttur Eżekuttiv skont l-Artikolu 30, jeżerċita l-awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur Eżekuttiv u, jekk ikun meħtieġ, jissospendih jew ikeċċih;

(c)

jadotta r-rapport annwali ġenerali dwar l-attivitajiet tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u jibgħatu sal-15 ta' Ġunju tas-sena ta' wara lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri. Ir-rapport ġenerali annwali għandu jiġi ppubblikat;

(d)

jadotta r-rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-asil fl-Unjoni skont l-Artikolu 12 (1). Ir-rapport għandu jkun ippreżentat lill-Parlament Ewropew. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jistgħu jitolbu li r-rapport jiġi wkoll ippreżentat lilhom;

(e)

jadotta d-dokumenti tekniċi kif imsemmi fl-Artikolu 12(2);

(f)

qabel it-30 ta' Settembru ta' kull sena, abbażi ta' abbozz ippreżentat mid-Direttur Eżekuttiv, u wara li jirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni, jadotta b'maġġoranza ta' tliet kwarti tal-membri tiegħu bid-dritt għall-vot, il-programm ta' ħidma tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għas-sena ta' wara u jibgħatu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Dak il-programm ta' ħidma għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura baġitarja tal-Unjoni u l-programm ta' ħidma leġislattiv tal-Unjoni fil-qasam tal-asil;

(g)

jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu fir-rigward tal-baġit tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ kif stabbilit fil-Kapitolu 5;

(h)

jadotta r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 f'konformità mal-Artikolu 42 ta' dan ir-Regolament;

(i)

jadotta l-politika tal-persunal tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ f'konformità mal-Artikolu 38;

(j)

jadotta, wara li jkun talab l-opinjoni tal-Kummissjoni, il-pjan pluriennali tal-politika tal-persunal;

(k)

jieħu d-deċiżjonijiet kollha għall-iskop tat-twettiq tal-mandat tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ kif stabbilit f'dan ir-Regolament;

(l)

jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar l-istabbiliment u, fejn meħtieġ, l-iżvilupp tas-sistemi ta' informazzjoni previsti f'dan ir-Regolament, inkluż il-portal tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(c); u

(m)

jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar l-istabbiliment u, fejn meħtieġ, il-modifiki tal-istrutturi interni tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

2.   Il-Bord ta' Tmexxija jista' jistabbilixxi Kumitat Eżekuttiv sabiex jassisti lilu u lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-preparazzjoni tad-deċiżjonijiet, il-programm ta' ħidma u l-attivitajiet li jkunu jridu jiġu adottati mill-Bord ta' Tmexxija u, fejn meħtieġ, minħabba l-urġenza, biex jieħu ċerti deċiżjonijiet provviżorji f'isem il-Bord ta' Tmexxija.

Tali Kumitat Eżekuttiv għandu jikkonsisti fi tmien membri maħtura minn fost il-membri tal-Bord ta' Tmexxija, li minnhom wieħed għandu jkun wieħed mill-membri tal-Kummissjoni tal-Bord ta' Tmexxija. It-tul tal-kariga tal-membri tal-Kumitat Eżekuttiv għandu jkun l-istess bħal dak tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija.

Fuq talba tal-Kumitat Eżekuttiv, ir-rappreżentanti tal-UNHCR jew kwalunkwe persuna oħra li l-opinjoni tagħha tista' tkun ta' interess, tista' tattendi l-laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv mingħajr id-dritt għall-vot.

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jistabbilixxi l-proċeduri operattivi tal-Kumitat Eżekuttiv fir-regoli ta' proċedura tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u jagħmel dawn il-proċeduri pubbliċi.

Artikolu 30

Ħatra tad-Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar għal perijodu ta' ħames snin mill-Bord ta' Tmexxija minn fost il-kandidati adattati li jkunu ġew identifikati f'kompetizzjoni miftuħa organizzata mill-Kummissjoni. Dik il-proċedura ta' għażla għandha tipprevedi l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u f'postijiet oħra għal sejħa għal espressjonijiet ta' interess. Il-Bord ta' Tmexxija jista' jeħtieġ proċedura ġdida jekk ma jkunx sodisfatt mid-disponibbiltà ta' kwalunkwe kandidat meqjus fl-ewwel lista. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar abbażi tal-mertu personali tiegħu, l-esperjenza fil-qasam tal-asil u ħiliet amministrattivi u ta' tmexxija. Qabel il-ħatra, il-kandidat magħżul mill-Bord ta' Tmexxija għandu jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat/i kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet mill-membri tagħhom.

Wara dik id-dikjarazzjoni, il-Parlament Ewropew jista' jadotta opinjoni li tagħti l-opinjoni tiegħu relatata mal-kandidat magħżul. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bil-mod li bih ikun ittieħed kont tal-opinjoni. L-opinjoni għandha tiġi ttrattata bħala personali u konfidenzjali sakemm ma jinħatar il-kandidat.

Fl-aħħar disa' xhur ta' dan il-perjodu ta' ħames snin ta' kariga tad-Direttur Eżekuttiv, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni li tiffoka fuq:

il-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv; u

il-kompiti u l-ħtiġijiet tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ fis-snin li ġejjin.

2.   Il-Bord ta' Tmexxija, waqt li jieħu kont tal-evalwazzjoni, jista' jestendi t-tul tal-kariga tad-Direttur Eżekuttiv darba, għal mhux iktar minn tliet snin, u biss f'każijiet meta din l-estensjoni tkun ġustifikata mill-għan u l-ħtiġijiet tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

3.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li jestendi t-tul tal-kariga tad-Direttur Eżekuttiv. Fix-xahar ta' qabel ma ssir din l-estensjoni tat-tul tal-kariga tiegħu, id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat jew kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet mill-membri tagħhom.

Artikolu 31

Kompiti tad-Direttur Eżekuttiv

1.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jitmexxa mid-Direttur Eżekuttiv tiegħu, li għandu jkun indipendenti fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Id-Direttur Eżekuttiv għandhu jagħti rendikont tal-attivitajiet tiegħu lill-Bord ta' Tmexxija.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-Kummissjoni, il-Bord ta' Tmexxija, jew il-Kumitat Eżekuttiv jekk stabbilit, id-Direttur Eżekuttiv m'għandu la jfittex u lanqas jieħu istruzzjoniijiet minn xi gvern jew minn kwalunkwe korp ieħor.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar it-twettiq tal-kompiti tiegħu meta jiġi mistieden. Il-Kunsill jista' jistieden lid-Direttur Eżekuttiv biex jirrapporta dwar it-twettiq tal-kompiti tiegħu.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

5.   Id-Direttur Ezekuttiv jista' jiġi assistit minn wieħed jew aktar kapijiet ta' unità. Jekk id-Direttur Eżekuttiv ikun assenti jew indispost, wieħed mill-kapijiet tal-unità għandu jissostitwih.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli mill-ġestjoni amministrattiva tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u għall-implimentazzjoni tal-kompiti assenjati lilu b'dan ir-Regolament. B'mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għal:

(a)

l-amministrazzjoni ta' kuljum tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ;

(b)

l-istabbiliment tal-programmi ta' ħidma tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ, wara li jirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni;

(c)

l-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma u d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord ta' Tmexxija;

(d)

l-abbozzar ta' rapporti dwar il-pajjiżi ta' oriġini kif stipulat fl-Artikolu 4 (b);

(e)

it-tħejjija tal-abbozz tar-regolament finanzjarju tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-adozzjoni mill-Bord ta' Tmexxija f'konformità mal-Artikolu 37, u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu;

(f)

it-tħejjija tal-abbozz ta' dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u l-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu;

(g)

l-eżerċizzju tal-poteri stabbiliti fl-Artikolu 38 fir-rigward tal-persunal tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ;

(h)

it-teħid tad-deċiżjonijiet kollha dwar il-ġestjoni tas-sistemi ta' informazzjoni previsti f'dan ir-Regolament, inkluż il-portal ta' informazzjoni stipulat fl-Artikolu 4 (c);

(i)

it-teħid tad-deċiżjonijiet kollha rigward il-ġestjoni tal-istrutturi interni tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ; u

(j)

il-koordinazzjoni u t-tmexxija tal-Forum Konsultattiv imsemmija fl-Artikolu 51. Għal dan il-għan, id-Direttur Eżekuttiv għandu, b'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili, l-ewwel jadotta pjan għall-installazzjoni tal-Forum Konsultattiv. Ladarba jiġi installat formalment, id-Direttur Eżekuttiv għandu, f'konsultazzjoni mal-Forum Konsultattiv, jadotta pjan operattiv li ser jinkludi regoli dwar il-frekwenza u n-natura tal-konsultazzjoni u l-mekkaniżmi organizzattivi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 51. Għandu jsir qbil ukoll dwar kriterja trasparenti għall-parteċipazzjoni li tkun għaddejja fil-Forum Konsultattiv.

Artikolu 32

Gruppi ta' ħidma

1.   Bħala parti mill-mandat tiegħu kif stipulat f'dan ir-Regolament, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ jista' jistabbilixxi gruppi ta' ħidma ffurmati minn esperti minn awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li joperaw fil-qasam tal-asil, inklużi mħallfin. L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jistabbilixxi gruppi ta' ħidma għall-finijiet tal-punt (e) tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 12(2). L-esperti jistgħu jiġu sostitwiti minn membri supplenti, maħtura fl-istess waqt.

2.   Il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-gruppi ta' ħidma bi dritt. Ir-rappreżentanti tal-UNHCR jistgħu jattendu l-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ kollha jew parti minnhom, skont in-natura tal-kwistjonijiet li jkunu qegħdin jiġu diskussi.

3.   Il-gruppi ta' ħidma jistgħu jistiednu kwalunkwe persuna biex tattendi l-laqgħat li l-opinjoni tagħha tista' tkun ta' interess, inklużi r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam tal-asil.

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 33

Baġit

1.   L-estimi tad-dħul u l-infiq kollha tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandhom ikunu ppreparati għal kull sena finanzjarja, li tikkorrispondi għas-sena kalendarja, u għandhom jintwerew fil-baġit tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

2.   Il-baġit tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkunu ibbilanċjat f'termini ta' dħul u nfiq.

3.   Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħra, id-dħul tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jinkludi:

(a)

kontribuzzjoni mill-Unjoni, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

(b)

kwalunkwe kontribuzzjoni volontarja mill-Istati Membri;

(c)

l-ispejjeż għall-pubblikazzjonijiet u kwalunkwe servizz ipprovdut mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ;

(d)

kontribuzzjoni mill-pajjiżi assoċjati.

4.   L-infiq tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jinkludi r-rimunerazzjoni tal-persunal, spejjeż amministrattivi u ta' infrastruttura u spejjeż operattivi.

Artikolu 34

Stabbiliment tal-baġit

1.   Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jagħmel abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq flimkien tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għas-sena ta' wara, inkluż il-pjan tal-istabbiliment, u jibgħatu lill-Bord ta' Tmexxija.

2.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu, abbażi ta' dak l-abbozz, jipproduċi abbozz provviżorju ta’ estimi tad-dħul u l-infiq tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għas-sena finanzjarja ta' wara.

3.   L-abbozz provviżorju ta’ estimi tad-dħul u l-infiq tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jintbagħat lill-Kummissjoni sal-10 ta' Frar kull sena. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jibgħat abbozz finali ta' dawn l-estimi, li għandu jinkludi abbozz ta' pjan ta' stabbiliment, lill-Kummissjoni mill-Bord ta' Tmexxija sal-31 ta' Marzu.

4.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat id-dikjarazzjoni tal-estimi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (l-awtorità baġitarja) flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

5.   Abbażi tad-dikjarazzjoni tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea l-estimi li tqis meħtieġa għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tas-sussidju li jrid jitħallas mill-baġit ġenerali, li għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja skont l-Artikoli 313 u 314 tat-TFUE.

6.   L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

7.   L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

8.   Il-baġit tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun adottat mill-Bord ta' Tmexxija. Għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Fejn hu meħtieġ, għandu jkun aġġustat skond il-każ.

9.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu, malajr kemm jista' jkun, jgħarraf lill-awtorità baġitarja bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta xi proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-iffinanzjar tal-baġit tiegħu, b'mod partikolari kwalunkwe proġett relatat mal-proprjetà immobbli bħall-kiri jew bejgħ ta' bini. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni skond il-każ.

10.   Fejn fergħa tal-awtorità baġitarja tkun avżat l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, hija għandha tibgħat l-opinjoni tagħha lill-Bord ta' Tmexxija f'perijodu ta' sitt ġimgħat mid-data tan-notifika tal-proġett.

Artikolu 35

Implimentazzjoni tal-baġit

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat, ta' kull sena, lill-awtorità baġitarja kull informazzjoni rilevanti għar-riżultat tal-proċess tal-valutazzjoni.

Artikolu 36

Preżentazzjoni tal-kontijiet u kwittanza

1.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jikkomunika l-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni flimkien ma' rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. L-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet provviżorji tal-istituzzjonijiet u tal-korpi deċentralizzati skont l-Artikolu 128 tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Sal-31 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jibgħat lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-kontijiet provviżorji tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ flimkien ma' rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja għandu jintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju, id-Direttur Eżekuttiv għandu jistabbilixxi l-kontijiet finali tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ taħt ir-responsabbilta' tiegħu u jibgħathom lill-Bord ta' Tmexxija għall-opinjoni.

4.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord ta' Tmexxija sal-1 ta' Lulju wara kull sena finanzjarja.

6.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.

7.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tiegħu sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru. Huwa għandu wkoll jindirizza din it-tweġiba lill-Bord ta' Tmexxija.

8.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena finanzjarja kkonċernata, kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju.

9.   Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill fuq maġġoranza kwalifikata, għandu jagħti, qabel il-15 ta' Mejju tas-sena N + 2, kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv skont l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

Artikolu 37

Regolament finanzjarju

Ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jiġi adottat mill-Bord ta' Tmexxija wara li tkun ġiet ikkonsultata l-Kummissjoni. Dan m'għandux ivarja mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-korpi msemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (11) sakemm dan ma jkunx meħtieġ speċifikament għat-tmexxija tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PERSUNAL

Artikolu 38

Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (12) u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni bl-għan li jiġu applikati dawn ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg għandhom japplikaw għall-persunal tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ, inkluż id-Direttur Eżekuttiv.

2.   Il-Bord ta' Tmexxija, bi ftehim mal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri ta' applikazzjoni meħtieġa, previsti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

3.   Il-kompetenzi mogħtija lill-awtorità li tinnomina mir-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll lill-awtorità intitolata li tikkonkludi l-kuntratti mill-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Aġenti Oħra, għandhom jiġu eżerċitati mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ fir-rigward tal-persunal tiegħu stess.

4.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jadotta dispożizzjonijiet sabiex esperti nazzjonali mill-Istati Membri jkunu jistgħu jiġu impjegati mal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

Artikolu 39

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

KAPITOLU 7

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 40

Status legali

1.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun korp tal-Unjoni. Huwa għandu jkollu personalità ġuridika.

2.   F'kull Stati Membru, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu l-iktar kapaċità legali estensiva mogħtija lill-persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. Huwa jista', b'mod partikolari, jakkwista u jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jkun parti fi proċedimenti legali.

3.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun rappreżentat mid-Direttur Eżekuttiv tiegħu.

Artikolu 41

Arranġamenti lingwistiċi

1.   Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw fil-Komunità Ekonomika Ewropea (13) għandhom japplikaw għall-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

2.   Mingħajr ħsara għad-deċiżjonijiet meħuda abbażi tal-Artikolu 342 tat-Trattat, ir-rapport ġenerali annwali dwar l-attivitajiet tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u l-programm ta' ħidma annwali msemmi fil-punti (c) u (f) tal-Artikolu 29(1), għandhom jiġu prodotti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

3.   Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-korpi tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 42

Aċċess għal dokumenti

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

2.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu, fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, jadotta r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta' ilment lill-Ombudsman jew ta' azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 228 u 263 tat-TFUE rispettivament.

4.   L-ipproċessar ta' data ta' natura personali mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkunu suġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 43

Regoli ta' sigurtà dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

1.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu japplika l-prinċipji ta' sigurtà li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura tagħha (14), inter alia, id-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju, l-ipproċessar u l-ħażna tal-informazzjoni klassifikata.

2.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu japplika wkoll il-prinċipji ta' sigurtà dwar l-ipproċessar tal-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata kif adottati u implimentati mill-Kummissjoni.

Artikolu 44

Ġlieda kontra l-frodi

1.   Sabiex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet oħra illegali, ir-Regolament (KE) Nru. 1073/1999 għandu japplika mingħajr restrizzjonijiet.

2.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jaderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 u għandu joħroġ, bla dewmien, id-dispożizzjonijiet adatti applikabbli għall-impjegati kollha tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

3.   Id-deċiżjonijet dwar il-finanzjament u l-ftehimiet u strumenti implimentattivi li jirriżultaw minnhom għandhom jistipulaw espliċitament li l-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF jistgħu iwettqu, jekk meħtieġ, kontrolli fuq il-post fost dawk li jirċievu fondi mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ u fost l-aġenti responsabbli li jallokawhom.

Artikolu 45

Dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandha tkun regolata bil-liġi li tapplika għall-kuntratt ikkonċernat.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha jkollha ġurisdizzjoni biex tagħti sentenza skont kwalunkwe klawsola ta' arbitraġġ li tinsab f'kuntratt konkluż mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

3.   F'każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, jagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat minnu jew mill-persunal tiegħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom.

4.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet dwar kumpens għal kwalunkwe ħsara kif imsemmi fil-paragrafu 3.

5.   Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tiegħu lejn l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandha tiġi rregolata bid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għalihom.

Artikolu 46

Evalwazzjoni u reviżjoni

1.   Sa mhux akar tard minn 19 ta' Ġunju 2014, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jikkummissjona evalwazzjoni esterna u indipendenti, tar-riżultati miskuba abbażi tat-termini ta' referenza maħruġa mill-Bord ta' Tmexxija bi ftehim mal-Kummissjoni. Din l-evalwazzjoni għandha tkopri l-impatt tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ fuq il-koperazzjoni prattika fil-qasam tal-asil u fuq is-SEKA. L-evalwazzjoni għandha tagħti l-konsiderazzjoni dovuta lill-progress magħmul, fil-mandat tagħha, inkluża l-valutazzjoni ta' jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali sabiex ikunu żgurati solidarjetà effikaċi u kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet mal-Istati Membri li jkunu suġġetti għal pressjoni partikolari. Din għandha, b'mod partikolari, tindirizza l-ħtieġa possibbli li jiġi modifikat il-mandat tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' kwalunkwe modifika bħal din u għandha teżamina ukoll lejn jekk l-istruttura ta' ġestjoni hijiex adatta għat-twettiq tal-kompiti tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ. L-evalwazzjoni għandha tieħu kont tal-fehmiet tal-partijiet interessati, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali.

2.   Il-Bord ta' Tmexxija, bi ftehim mal-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi meta għandhom isiru l-evalwazzjonijiet futuri, b'kont meħud tar-riżultati tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 47

Kontrolli amministrattivi

L-attivitajiet tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandhom ikunu suġġetti għall-kontroll tal-Ombudsman, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 228 tat-TFUE.

Artikolu 48

Koperazzjoni mad-Danimarka

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jiffaċilita koperazzjoni operattiva mad-Danimarka, inkluż l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattika f'materji koperti mill-attivitajiet tiegħu.

Artikolu 49

Koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' pajjiżi assoċjati

1.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera bħala osservaturi. Għandhom isiru arranġamenti li jispeċifikaw b'mod partikolari n-natura, l-limitu u l-manjiera li fihom dawk il-pajjiżi għandhom jipparteċipaw fil-ħidma tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ. Dawn l-arranġamenti għandhom jinkludu dispożizzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni f' inizjattivi meħuda mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ, mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal. Fir-rigward ta' materji ta’ persunal, dawk l-arranġamenti għandhom, fi kwalunkwe każ, jikkonformaw mar-Regolamenti tal-Persunal.

2.   Fi kwistjonijiet konnessi mal-attivitajiet tiegħu u sal-limitu meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu, bi ftehim mal-Kummissjoni u fil-limiti tal-mandat tiegħu, jiffaċilita l-koperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi ħlief dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fil-qafas tal-politika tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni fil-qasam, u jista' wkoll jikkopera mal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi kompetenti, fuq aspetti tekniċi fl-oqsma irregolati minn dan ir-Regolament, fil-qafas tal-arranġamenti ta' ħidma konklużi ma' dawk l-awtoritajiet, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-TFUE.

Artikolu 50

Koperazzjoni mal-UNHCR

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jikkopera mal-UNHCR fl-oqsma rregolati minn dan ir-Regolament fil-qafas tal-arranġamenti ta' ħidma konklużi miegħu. Min-naħa tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ, il-Bord ta' Tmexxija għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti tal-ħidma inkluż l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom.

Addizzjonalment, il-Bord ta' Tmexxija jista' jiddeċiedi li l-Uffiċċju ta’ Appoġġ jista' jagħmel disponibbli riżorsi finanzjarji biex ikopru l-ispejjeż tal-UNHCR għal attivitajiet li mhumiex previsti fl-arranġamenti tal-ħidma. Dawn għandhom jiffurmaw parti mir-relazzjonijiet ta' koperazzjoni speċjali stabbiliti bejn l-Uffiċċju ta’ Appoġġ u l-UNHCR, f'konformità ma' dan l-Artikolu u mal-Artikolu 2(5), l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 25(4) u l-Artikolu 32(2). F'konformità mal-Artikolu 75 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju u r-regoli implimentattivi tiegħu.

Artikolu 51

Forum Konsultattiv

1.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jżomm djalogu miftuħ ma' organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjeta ċivili u korpi kompetenti rilevanti li joperaw fil-qasam tal-politika tal-asil fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali u għandu jistabbilixxi Forum Konsultattiv għal dan il-għan.

2.   Il-Forum Konsultattiv għandu jikkostitwixxi mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni u tal-akkomunament ta' konoxxenza. Huwa għandu jiżgura djalogu mill-qrib bejn l-Uffiċċju ta’ Appoġġ u l-partijiet interessati rilevanti.

3.   Il-Forum Konsultattiv għandu jkun miftuħ għall-partijiet interessati rilevanti kollha skont il-paragrafu 1. L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jindirizza lill-membri tal-Forum Konsultattiv skont il-ħtiġijiet speċifiċi relatati mal-oqsma identifikati bħala prijoritarjiet għall-ħidma tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

L-UNHCR għandu jkun membru tal-Forum Konsultattiv ex officio.

4.   L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jsejjaħ lill-Forum Konsultattiv b'mod partikolari biex:

a)

jagħmel suġġerimenti lill-Bord ta' Tmexxija dwar il-programm ta' ħidma annwali li għandu jkun adottat taħt il-punt (f) tal-Artikolu 29(1);

b)

jipprovdi feedback lill-Bord ta' Tmexxija u jissuġġerixxi miżuri ta' segwitu dwar ir-rapport annwali msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 29(1)kif ukoll ir-rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-asil fl-Unjoni msemmi fl-Artikolu 12(1); u

c)

jikkomunika l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-konferenzi, seminars u laqgħat rilevanti għall-ħidma tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ lid-Direttur Eżekuttiv u l-Bord ta' Tmexxija.

5.   Il-Forum Konsultattiv għandu jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena.

Artikolu 52

Koperazzjoni mal-Frontex, l-FRA, korpi oħra tal-Unjoni u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jikkopera mal-korpi tal-Unjoni li għandhom attivitajiet relatati mal-qasam ta' attività tiegħu u b'mod partikolari mal-Frontex u mal-FRA, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-oqsma rregolati minn dan ir-Regolament, fil-qafas ta' ftehimiet ta' ħidma konklużi ma' dawk il-korpi, f'konformità mat-TFUE u d-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenza ta' dawk il-korpi.

Il-koperazzjoni għandha toħloq sinerġiji bejn il-korpi kkonċernati u tevita kwalunkwe duplikazzjoni tal-isforz fil-ħidma mwettqa skont il-mandat tagħhom.

Artikolu 53

Ftehim dwar il-kwartieri ġenerali u kondizzjonijiet tal-operat

L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li trid tingħata lill-Uffiċċju ta’ Appoġġ fl-Istat Membru ospitanti u l-faċilitajiet li jridu jkunu disponibbli minn dak l-Istat Membru, kif ukoll regoli speċifiċi applikabbli fl-Istat Membru li jospita l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għad-Direttur Eżekuttiv, għall-membri tal-Bord ta' Tmexxija, għall-persunal tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u għall-membri tal-familja tagħhom, għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim dwar il-kwartieri ġenerali bejn l-Uffiċċju ta’ Appoġġ u l-Istat Membru ospitanti, konkluż wara li tkun inkisbet l-approvazzjoni tal-Bord ta' Tmexxija. L-Istat Membru ospitanti għandu jipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-funzjonament tajjeb tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ, inkluża edukazzjoni multilingwistika b'orjentazzjoni Ewropea u b’konnessjonijiet adegwati ta' trasport.

Artikolu 54

Bidu tal-attivitajiet tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun operattiv kompletament sad-19 ta' Ġunju 2011.

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-istabbiliment u l-bidu operattiv tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ sakemm dan ikollu l-kapaċità operattiva biex jimplimenta l-baġit tiegħu stess.

Għal dan l-għan:

sa meta d-Direttur Eżekuttiv jibda l-kompiti tiegħu wara l-ħatra tiegħu mill-Bord ta' Tmexxija f'konformità mal-Artikolu 30, uffiċjal tal-Kummissjoni jista' jaġixxi bħala Direttur temporanju u jeżerċita l-kompiti assenjati lid-Direttur Eżekuttiv;

Uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu kompiti assenjati lill-Uffiċċju ta’ Appoġġ taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur temporanju jew tad-Direttur Eżekuttiv.

Id-Direttur temporanju jista' jawtorizza l-pagamenti kollha koperti mill-approprjazzjonijiet previsti fil-baġit tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ wara approvazzjoni mill-Bord ta' Tmexxija u jista' jikkonkludi kuntratti, inkluż kuntratti tal-persunal, wara l-adozzjoni tal-pjan ta' stabbiliment tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

Artikolu 55

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ Mejju 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

D. LÓPEZ GARRIDO


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Mejju 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-25 ta' Frar 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.

(4)  ĠU L 131, 21.5.2008, p. 7.

(5)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(8)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(9)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(10)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(11)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(12)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(13)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385.

(14)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.