ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2010.031.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 31

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 53
3 ta' Frar 2010


Werrej

 

II   Atti mhux leġislattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 91/2010 tat-2 ta’ Frar 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1982/2004 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja relatata mal-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri, fir-rigward tal-lista ta’ prodotti esklużi mill-istatistika, l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni mill-amministrazzjoni tat-taxxa u l-valutazzjoni tal-kwalità

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 92/2010 tat-2 ta’ Frar 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward ta’ skambju ta’ dejta bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali, il-kompilazzjoni tal-istatistika u l-valutazzjoni tal-kwalità ( 1 )

4

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 93/2010 tat-2 ta’ Frar 2010 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

7

 

 

IV   Atti adottati qabel l-1 ta' Diċembru 2009 skont it-Trattat tal-KE, it-Trattat tal-UE u t-Trattat Euratom

 

 

2010/55/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar l-għajnuna għas-salvataġġ tal-kumpanija Les Volailles du Périgord u l-bidla tagħha f’għajnuna għar-ristrutturar (C 31/08 (ex N 681/06)) (notifikata bid-dokument numru C(2009) 5494)

9

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġislattivi

REGOLAMENTI

3.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 31/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 91/2010

tat-2 ta’ Frar 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1982/2004 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja relatata mal-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri, fir-rigward tal-lista ta’ prodotti esklużi mill-istatistika, l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni mill-amministrazzjoni tat-taxxa u l-valutazzjoni tal-kwalità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara l-kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar l-istatistika Komunitarja relatata mal-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3330/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 3(4) u (5), 8, 2 u 13 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 ġie implementat bir-Regolament (KE) Nru 1982/2004 (2).

(2)

L-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali għad-dejta disponibbli fuq id-dikjarazzjonijiet tal-VAT ta’ rikapitolazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1982/2004 għandu jiġi estiż biex tkun żgurata l-kwalità tad-dejta statistika.

(3)

Il-modalitajiet u l-istruttura tar-rapport ta’ kwalità msemmija fl-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 1982/2004 għandhom jiġu emendati sabiex jiġi żgurat qafas ta’ assigurazzjoni tal-kwalità integrata li jkun konformi mal-Kodiċi ta’ Prattika għall-Istatisika Ewropea (3).

(4)

Il-lista fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1982/2004 li jistabbilixxi l-prodotti esklużi mill-istatistika relatata mal-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri biex jiġu trażmessi lill-Kummissjoni (Eurostat) għandha tiġi adattata biex tkun iktar konformi mar-rakkomandazzjonijiet internazzjonali addottati mill-Kummissjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti u biex jiġi iktar iċċarat l-ambitu tad-dejta miġbura.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1982/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-istatistiċi fuq il-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1982/2004 għandu għalhekk jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikoli 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Informazzjoni fuq id-denunzji tal-VAT

1.   L-amministrazzjoni responsabbli mit-taxxa f’kull Stat Membru għandha tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali bl-informazzjoni li ġejja sabiex jiġu identifikati persuni li jkunu ddikjaraw akkwisti intra-UE u provvisti ta’ merkanzija għall-finijiet fiskali:

(a)

l-isem sħiħ tal-persuna taxxabbli;

(b)

l-indirizz sħiħ, inkluża l-kodiċi postali;

(c)

in-numru ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 638/2004.

2.   L-amministrazzjoni responsabbli mit-taxxa f’kull Stat Membru għandha tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali, għal kull persuna taxxabbli:

(a)

l-ammont taxxabbli ta’ akkwisti intra-UE u provvisti ta’ oġġetti miġbur mid-denunzji tal-VAT skont l-Artikolu 251 tal-Kunsill 2006/112/KE (*);

(b)

il-perjodu tat-taxxa.

Artikolu 6

Informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ rikapitolazzjoni tal-VAT

1.   Għal kull persuna taxxabbli, l-amministrazzjoni responsabbli mit-taxxa f’kull Stat Membru għandha tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali għall-inqas b’din l-informazzjoni:

(a)

L-informazzjoni dwar il-provvisti intra-UE miġbura mid-dikjarazzjonijiet ta’ rikapitolazzjoni tal-VAT skont l-Artikolu 264 tad-Direttiva 2006/112/KE, u b’mod partikolari:

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ kull fornitur nazzjonali,

In-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-Istat Membru msieħeb akkwirenti,

l-ammont taxxabbli bejn kull fornitur nazzjonali u l-Istat Membru msieħeb akkwirenti;

(b)

informazzjoni dwar l-akkwisti intra-UE kollha kkomunikati mill-Istati Membri l-oħra skont l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 (**), u b’mod partikolari:

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ kull akkwirent nazzjonali,

l-ammont totali taxxabbli mill-akkwirent nazzjonali aggregat mill-Istat Membru msieħeb.

2.   Malli tirċievi l-informazzjoni, l-amministrazzjoni responsabbli mit-taxxa f’kull Stat Membru għandha tagħmilha disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali mingħajr dewmien.”

(*)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1."

(**)  ĠU L 264, 15.10.2003, p. 1."

(2)

L-Artikolu 26 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 26

1.   F’konformità mal-kriterji ta’ kwalità definiti fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 638/2004, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha twettaq evalwazzjoni annwali tal-kwalità abbażi tal-indikaturi tal-kwalità u l-ħtiġiet miftiehma minn qabel mal-awtoritajiet nazzjonali.

2.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprepara abbozz ta’ rapport ta’ kwalità parzjalment ikkompilat għal kull Stat Membru. L-abbozzi tar-rapporti ta’ kwalità għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri sat-30 ta’ Novembru, wara s-sena ta’ referenza.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bir-rapporti ta’ kwalità tagħhom kompluti fi żmien tmien ġimgħat mill-wasla tal-abbozzi tar-rapporti ta’ kwalità parzjalment ikkompilati.

4.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità tal-istatistika trażmessa abbażi tad-dejta u tar-rapporti ta’ kwalità pprovduti mill-Istati Membri u għandha tipprepara rapport ta’ valutazzjoni għal kull Stat Membru.

5.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprepara u tqassam sommarju tar-rapport ta’ kwalità li jkopri l-Istati Membri kollha. Dan ikun jinkludi l-indikaturi ewlenin ta’ kwalità u l-informazzjoni miġbura permezz tar-rapporti ta’ kwalità.”

(3)

L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1982/2004 għandu jinbidel bit-test fl-Anness għal dan ir-Regolament.

(4)

L-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1982/2004 huwa mħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, it-2 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)  ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 343, 19.11.2004, p. 3.

(3)  COM(2005) 217 finali.


ANNESS

“ANNESS I

Lista ta’ oġġetti esklużi mill-istatistika relatata mal-kummerċ ta’ merkanzija ma’ Stati Membri, li għandha tintbagħat lill-Kummissjoni (Eurostat)

(a)

deheb monetarju;

(b)

mezzi ta’ ħlas li huma valuta legali u titoli, inklużi mezzi li huma ħlasijiet għal servizzi bħal posta, taxxi, onorarji għall-utent;

(c)

merkanzija għal jew wara użu temporanju, (eż. kiri, self, kiri operattiv), sakemm il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

l-ebda proċessar ma huwa jew ma kien ġie ippjanat jew imwettaq,

it-tul mistenni tal-użu temporanju ma kienx jew mhux maħsub li jkun itwal minn 24 xahar,

id-dispaċċ/il-wasla ma jridx/tridx jiġi/tiġi ddikjarat/a bħala provvista/akkwist għall-finijiet tal-VAT;

(d)

merkanzija spustjata bejn:

Stat Membru u l-enklavi territorjali tiegħu fi Stati Membri oħra, u

l-Istat Membru li jospita u l-enklavi territorjali ta’ Stati Membri oħra jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

L-enklavi territorjali jinkludu l-ambaxxati u l-forzi armati nazzjonali stazzjonati barra mit-territorju tal-pajjiż ta’ oriġini;

(e)

merkanzija użata biex tinġarr informazzjoni personalizzata, inkluż is-software;

(f)

software mniżżel mill-Internet;

(g)

oġġetti fornuti bla ħlas li minnhom infushom mhumiex suġġetti ta’ tranżazzjoni kummerċjali, sakemm il-moviment huwa bl-intenzjoni waħdanija ta’ preparazzjoni jew ta’ sostenn ta’ tranżazzjoni kummerċjali maħsuba sussegwenti billi jintwerew il-karatteristiċi ta’ prodotti jew servizzi bħal:

materjal ta’ reklamar,

kampjuni kummerċjali;

(h)

merkanzija għat-tiswija jew wara t-tiswija u l-partijiet tal-bdil li huma inkorporati fil-qafas tat-tiswija u partijiet difettużi sostitwiti;

(i)

mezzi tat-trasport li jkunu qed jivvjaġġaw fil-kors tax-xogħol tagħhom, inkluż apparat tat-tfigħ ta’ vetturi spazjali fil-mument tat-tfigħ.”


3.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 31/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 92/2010

tat-2 ta’ Frar 2010

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward ta’ skambju ta’ dejta bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali, il-kompilazzjoni tal-istatistika u l-valutazzjoni tal-kwalità

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(3), Artikolu 8(3) u l-Artikolu 9(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ statistika Ewropea rigward il-kummerċ ta’ merkanzija ma’ pajjiżi li mhumiex membri.

(2)

Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-proċeduri għall-iskambju tad-dejta bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali biex jiġi żgurat il-ġbir komprensiv tal-istatistika kummerċjali esterna.

(3)

Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet fuq il-kumpilazzjoni ta’ statistiċi ta’ kull xahar biex jinkisbu riżultati armonizzati u komparabbli mill-Istati Membri kollha, inklużi regoli għall-aġġustamenti ta’ dokumentazzjoni mdewma jew mhux kompluta u dejta affettwata b’dispożizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità.

(4)

Sabiex tkun tista’ tiġi valutata l-kwalità tal-istatistika trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat), huma meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni rigward il-modalitajiet u l-istruttura tar-rapport ta’ kwalità.

(5)

Il-miżuri provvduti f’dan ir-Regolament huma fi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Istatistka li għandha x’taqsam mal-kummerċ ta’ merkanzija ma’ pajjiżi li mhumiex Membri,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Modalitajiet ta’ skambju ta’ dejta bejn awtoritajiet doganali u awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali

1.   L-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali tagħhom mingħajr dewmien u mhux aktar tard mix-xahar ta’ wara x-xahar li fih ġew aċċettati d-dikjarazzjonijiet doganali jew li fih dawn kienu suġġetti għal deċiżjonijiet doganali marbuta magħhom, id-dokumentazzjoni fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni msejsa fuq id-dikjarazzjonijiet doganali ppreżentati magħhom.

2.   B’effett mid-data tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-iskambju reċiproku ta’ dejta b’mezzi elettroniċi skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009, l-awtoritajiet doganali għandhom jipprovdu ta’ kuljum kopji tad-dejta mid-dikjarazzjonijiet doganali ppreżentati magħhom lill-awtorità doganali tal-Istat Membru indikat fuq id-dokumentazzjoni bħala:

(a)

l-Istat Membru tad-destinazzjoni aħħarija, fuq l-importazzjoni,

(b)

l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali, fuq l-esportazzjoni.

L-awtorità doganali fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, fuq l-importazzjoni, u l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali, fuq l-esportazzjoni, għandhom jibagħtu d-dokumentazzjoni tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni minn dawn id-dikjarazzjonijiet doganali mingħajr dewmien, u mhux aktar tard mix-xahar ta’ wara x-xahar li fih id-dikjarazzjonijiet doganali ġew aċċettati jew kienu suġġetti għal deċiżjonijiet doganali marbuta magħhom, lill-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali tagħhom.

3.   L-awtoritajiet doganali għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali dokumentazzjonijiet riveduti dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet fejn id-dejta tal-istatistika diġà provduta hija emendati jew mibdula.

4.   L-awtoritajiet doganali għandhom jivverifikaw, fuq talba tal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali, il-korrettezza u l-kompletezza tad-dokumentazzjonijiet dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet pprovduti minnhom.

Artikolu 2

Kompilazzjoni ta’ statistika Ewropea dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ merkanzija

1.   L-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali għandhom jikkompilaw l-istatistika ta’ kull xahar minn:

(a)

dokumentazzjonijiet dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet previsti mill-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 1;

(b)

dejta pprovduta mill-operatur ekonomiku fil-każ ta’ simplifikazzjonijiet doganali skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009;

(c)

sorsi ta’ dejta għall-prodotti u spostamenti speċifiċi skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009.

2.   L-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali għandhom jikkompilaw l-istatistiċi kummerċjali esterni ta’ kull xahar skont:

(a)

l-Istat Membru tal-kompilazzjoni, waqt li jindikaw l-istatistiċi kummerċjali esterni rrapurtati minn dak l-Istat Membru lill-Eurostat;

(b)

il-perjodu ta’ referenza;

(c)

il-fluss tal-kummerċ;

(d)

il-valur tal-istatistika fil-munita nazzjonali mingħajr deċimali;

(e)

il-kwantità espressa f’kg mingħajr deċimali;

(f)

il-kwantità espressa f’unitajiet supplimentari;

(g)

il-kodiċi tal-merkanzija;

(h)

l-Istat Membru fejn id-dikjarazzjoni doganali tiġi ppreżentata;

(i)

l-Istat Membru tad-destinazzjoni fuq l-importazzjoni. Madankollu, għal dawk id-dokumentazzjonijiet ta’ importazzjoni fejn id-dejta doganali fuq l-Istat Membru ta’ destinazzjoni ma tkunx disponibbli, il-kodiċi tal-pajjiż QV għandu jkun indikat meta jkun preżunt li l-Istat Membru tad-destinazzjoni hu differenti mill-Istat Membru fejn id-dikjarazzjoni doganali hija ippreżentata;

(j)

l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali fuq l-esportazzjoni. Madankollu, għal dawk id-dokumentazzjonijiet ta’ esportazzjoni fejn id-dejta doganali fuq l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali ma tkunx disponibbli, il-kodiċi tal-pajjiż QV għandu jkun indikat meta jkun preżunt li l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali hu differenti mill-Istat Membru fejn id-dikjarazzjoni doganali hija ippreżentata;

(k)

il-pajjiż tal-oriġini fuq l-importazzjoni;

(l)

il-pajjiż tal-kunsinna/dispaċċ fuq l-importazzjoni. Madankollu, jekk il-pajjiż tal-kunsinna/dispaċċ huwa Stat Membru, il-pajjiż ta’ oriġini għandu jkun indikat jekk ma jkunx fl-UE jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jintuża l-kodiċi tal-pajjiż QW;

(m)

il-pajjiż tad-destinazzjoni l-aħħar magħrufa fuq l-esportazzjoni;

(n)

il-proċedura statistika;

(o)

in-natura tal-kodiċi ta’ tranżazzjoni b’wieħed jew b’żewġ numri. Madankollu, għal dawk id-dokumentazzjonijiet doganali fejn id-dejta dwar in-natura tat-tranżazzjoni ma tkunx disponibbli, il-kodiċi 0 għandu jiġi indikat fuq livell ta’ numru wieħed;

(p)

il-kodiċi mogħti preferenza fuq l-importazzjoni;

(q)

il-metodu ta’ trasport fuq il-fruntiera;

(r)

il-mod tat-trasport;

(s)

il-kontejner.

3.   L-istatistiċi għandu jkun fihom aġġustamenti fuq id-dokumentazzjonijiet imdewma jew mhux kompluti. L-aġġustamenti għandhom jindikaw il-valur statistiku mill-inqas b’tqassim skont il-pajjiż imsieħeb, il-kodiċi tal-merkanzija fil-livell tal-kapitolu tan-Nomenklatura Magħquda u l-perjodu ta’ referenza ta’ kull xahar. L-aġġustamenti għandhom ikunu abbażi ta’ metodi ta’ evalwazzjoni jew metodi xjentifiċi sodi u kompetenti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiġbru informazzjoni inqas dettaljata minn dik speċifikata fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009 għal tranżazzjonijiet individwali taħt il-limitu tal-valur statistiku. Madankollu, bħala minimu, id-dejta dwar il-valur statistiku totali ta’ kull xahar kemm tal-importazzjonijiet kif ukoll tal-esportazzjonijiet għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat).

5.   L-istatistiċi għandu jkun fihom dejta protetta mid-dispożizzjonijiet tal-kunfidenzjalità fl-Istat Membru tal-kompilazzjoni. L-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali għandhom jimmarkaw id-dejta li għandha tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali b’tali mod li jkun possibbli li l-informazzjoni tixxerred, għall-inqas fuq il-livell tal-kapitolu tan-Nomenklatura Magħquda, sakemm il-kunfidenzjalità tibqa’ b’hekk żgurata.

Artikolu 3

Evalwazzjoni tal-kwalità

1.   F’konformità mal-kriterji ta’ kwalità definiti fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha twettaq evalwazzjoni annwali tal-kwalità bbażata fuq indikaturi tal-kwalità u l-ħtiġiet miftiehma minn qabel mal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali.

2.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprepara abbozz ta’ rapport ta’ kwalità parzjalment mimli minn qabel għal kull Stat Membru. Abbozzi ta’ rapporti ta’ kwalità għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri sat-30 ta’ Novembru, wara s-sena ta’ referenza.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bir-rapporti tal-kwalità tagħhom kompluti fi żmien tmien ġimgħat mill-wasla tal-abbozzi ta’ rapporti ta’ kwalità mimlija minn qabel.

4.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità tal-istatistika trażmessa abbażi tar-rapporti ta’ dejta u ta’ kwalità pprovduti mill-Istati Membri u għandha tipprepara rapport ta’ valutazzjoni għal kull Stat Membru.

5.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprepara u tqassam sommarju tar-rapport ta’ kwalità li jkopri l-Istati Membri kollha. Dan ikun jinkludi l-indikaturi ewlenin ta’ kwalità u l-informazzjoni miġbura permezz tar-rapporti ta’ kwalità.

Artikolu 4

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 152, 16.6.2009, p. 23.


3.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 31/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 93/2010

tat-2 ta’ Frar 2010

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-3 ta’ Frar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

IL

106,9

JO

75,8

MA

68,1

TN

117,1

TR

100,1

ZZ

93,6

0707 00 05

JO

101,4

MA

76,9

TR

131,1

ZZ

103,1

0709 90 70

MA

129,1

TR

140,5

ZZ

134,8

0709 90 80

EG

85,3

ZZ

85,3

0805 10 20

EG

51,6

IL

55,6

MA

51,7

TN

44,6

TR

55,8

ZZ

51,9

0805 20 10

IL

154,5

MA

82,2

TR

62,0

ZZ

99,6

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

CN

52,9

EG

55,8

IL

76,2

JM

92,7

MA

81,2

TR

79,1

ZZ

73,0

0805 50 10

EG

88,6

IL

81,9

TR

69,2

ZZ

79,9

0808 10 80

CA

87,8

CL

60,1

CN

68,5

MK

24,7

US

122,2

ZZ

72,7

0808 20 50

CN

82,9

US

101,8

ZA

93,3

ZZ

92,7


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


IV Atti adottati qabel l-1 ta' Diċembru 2009 skont it-Trattat tal-KE, it-Trattat tal-UE u t-Trattat Euratom

3.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 31/9


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Lulju 2009

dwar l-għajnuna għas-salvataġġ tal-kumpanija “Les Volailles du Périgord” u l-bidla tagħha f’għajnuna għar-ristrutturar (C 31/08 (ex N 681/06))

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 5494)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(2010/55/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li, b’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tat-Trattat, intimat lill-partijiet interessati biex jippreżentawlha l-osservazzjonijiet tagħhom u wara li kkunsidrat dawk l-osservazzjonijiet,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittra C(2007) 3564 tad-19 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni awtorizzat, taħt in-Nru N 681/06, għajnuna għas-salvataġġ tal-kumpanija “Les Volailles du Périgord” ta’ miljun euro. It-tul ta’ żmien ta’ din l-għajnuna ġie stabbilit għal sitt xhur.

(2)

Wara n-notifika tal-għajnuna għas-salvataġġ, l-awtoritajiet Franċiżi impenjaw ruħhom li jissottomettu lill-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturar, pjan ta’ stralċ jew prova li s-self ġie mħallas lura kollu, sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ mill-Kummissjoni. Dan iż-żmien skada fid-19 ta’ Jannar 2008 mingħajr ma l-Kummissjoni rċeviet xi wieħed mid-dokumenti meħtieġa.

(3)

B’ittra tas-7 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni talbet lil Franza tippreżenta d-dokumenti meħtieġa fl-iqsar żmien possibbli u ħabbret li jekk ma tagħmilx dan hija tkun obbligata tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat, b’mod konformi mal-punt 27 tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (1).

(4)

Peress li Franza kienet naqset milli tibgħat pjan ta’ ristrutturar jew pjan ta’ stralċ jew il-prova li s-self ġie mħallas lura kollu, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Franċiżi, bl-ittra C(2008) 3540 finali tas-16 ta’ Lulju 2008, bil-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tal-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE u tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tal-Kunsill (2) dwar l-applikazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ.

(5)

Il-Kummissjoni ħeġġet lil Franza biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, biex tipprovdi l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-kumpanija “Les Volailles du Périgord” u biex tipprovdi pjan ta’ ristrutturar, jew pjan ta’ stralċ jew il-prova li s-self tħallas lura kollu, fi żmien xahar mid-data tal-wasla tal-ittra msemmija qabel.

(6)

Intbagħtet nota ta’ tfakkir lill-awtoritajiet Franċiżi fil-5 ta’ Settembru 2008 (AGRI D/21337).

(7)

B’e-Mail tat-18 ta’ Settembru 2008, Franza ppreżentat pjan ta’ ristrutturar. B’ittra tal-4 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni dwar il-pjan ta’ ristrutturar u l-użu tal-għajnuna għas-salvataġġ. B’e-Mail tat-8 ta’ Diċembru 2008, l-awtoritajiet Franċiżi talbu għal żmien addizzjonali biex jagħtu l-informazzjoni. Dan iż-żmien addizzjonali ngħata mill-Kummissjoni. Franza bagħtet aktar informazzjoni b’e-Mails tat-12 ta’ Frar 2009 u tas-26 ta’ Ġunju 2009.

II.   DESKRIZZJONI  (3)

(8)

Bl-ittra C(2007) 3564 tad-19 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni awtorizzat għajnuna għas-salvataġġ tal-kumpanija “Les Volailles du Périgord”, li hija impriża attiva fit-tbiċċir tat-tiġieġ u tad-dundjani u li ġiet affettwata mill-kriżi tal-influwenza tat-tjur.

(9)

Il-kumpanija, li hija 100 % proprjetà tal-familja Gaye, kienet tħaddem, fl-2006, 236 impjegat, u kien ikollha, fl-aħħar tas-sena finanzjarja 2006/07, fatturat ta’ madwar EUR 43 miljun (4). Il-kumpanija kienet tbigħ il-maġġoranza tal-prodotti tagħha lis-supermarkets fi Franza. 70 % tal-prodotti tagħha kienu jinbigħu bħala qatgħat, il-bqija bħala tjur sħaħ u lesti għat-tisjir. L-esportazzjoni tal-kumpanija kienet marġinali.

(10)

“Les Volailles du Périgord” kibret malajr matul l-għaxar snin ta’ bejn l-1990 u l-2000 u kompliet tikber sas-sena finanzjarja 2001/2002. Dan it-tkabbir madankollu kien ikkontrollat ħażin, minħabba, b’mod partikolari, maniġment żgħir wisq u orjentazzjoni kummerċjali lejn il-Hard Discount. Dawn id-dgħjufijiet ħarġu bis-sħiħ fl-okkażjoni tal-bidla fis-sitwazzjoni li wasslet biex il-kumpanija jkollha defiċit strutturali. It-telf aggregat tan-negozju fuq it-tliet snin finanzjarji 2002/2003-2004/2005 kien ta’ EUR 5.3 miljun. Il-maniġment tal-impriża rreaġġixxa billi ħadem fuq il-produttività, b’aktar kontroll fuq in-nefqa tal-pagi u fuq l-użu ta’ persunal estern u bi tnaqqis tas-servizzi u l-ispejjeż esterni. Dawn il-miżuri meħuda ppermettew li jinkiseb riżultat operattiv għall-aħħar semestru tal-2005. B’mod parallel, l-azzjonisti daħħlu EUR 3 miljun f’kontijiet kurrenti biex isaħħu l-likwidità. Il-kriżi tal-influwenza tat-tjur affettwat ħafna l-impriża, li diġà kienet f’qagħda fraġli. Il-fatturat nett naqas b’madwar EUR 5 miljun fis-sena finanzjarja 2005/2006 meta mqabbel mas-sena finanzjarja preċedenti. It-telf fin-negozju kien jammonta għal madwar EUR 168 000. Il-likwidità kompliet tmur għall-agħar minħabba t-telf u ż-żieda tal-istokks ta’ tjur iffriżati. Il-kumpanija rnexxielha tiffinanzja ruħha bl-użu ta’ overdraft mill-bank li ngħata sakemm isir il-ħlas tal-għajnuna għas-salvataġġ (fil-każ li din l-għajnuna ma titħallasx, dan kien isir dovut u kien iwassal għad-dikjarazzjoni tal-waqfien tal-pagamenti u l-istralċ volontarju tal-kumpanija).

(11)

Il-ħtieġa ta’ likwidità tal-kumpanija għat-tieni semestru tal-2007 kienet laħqet madwar EUR 1.2 miljun f’Lulju u kellha, skont it-tbassir, tonqos ftit matul it-tieni nofs tas-sena 2007.

(12)

L-għajnuna għas-salvataġġ ta’ miljun euro ingħatat, fil-forma ta’ self rimborsabbli, għal żmien ta’ sitt xhur u kellha titħallas, parti minnha, mill-Istat (EUR 850 000) u, parti oħra, mill-Kunsill Reġjonali tal-Aquitaine (EUR 150 000). Din ingħatat fuq il-bażi taċ-ċirkulari tal-Ministru tal-agrikoltura u tas-sajd DPEI/SDEPA/C2006-4019 tal-15 ta’ Marzu 2006.

(13)

L-awtoritajiet Franċiżi kienu kkonfermaw li r-rata ta’ imgħax applikata kellha tkun ir-rata ta’ referenza tal-Kummissjoni li tapplika għaż-żmien tal-għoti tas-self.

(14)

Fl-ittra tagħha C(2008) 3540 finali tas-16 ta’ Lulju 2008, li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-applikazzjoni ta’ din l-għajnuna għas-salvataġġ, il-Kummissjoni nnotat li kien probabbli li l-għajnuna kienet estiża b’mod illegali sa aktar miż-żmien ta’ skadenza ta’ sitt xhur u esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq komuni.

III.   OSSERVAZZJONIJIET IPPREŻENTATI MINN PARTIJIET TERZI

(15)

L-ebda parti terza ma ppreżentat osservazzjonijiet fil-qafas tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

IV.   OSSERVAZZJONIJIET IPPREŻENTATI MINN FRANZA

(16)

Bl-e-Mail tat-18 ta’ Settembru 2008 Franza ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2), tat-Trattat kontra l-applikazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ tal-kumpanija “Les Volailles du Périgord”. Hija ppreżentat pjan tar-ristrutturar tal-kumpanija kif ukoll talba għall-bidla tal-għajnuna għas-salvataġġ f’għajnuna għar-ristrutturar. Intbagħtet aktar informazzjoni bl-e-Mail tat-12 ta’ Frar 2009.

(17)

Skont l-informazzjoni pprovduta, fl-2006/07 il-kumpanija “Les Volailles du Périgord” kienet baqgħet f’qagħda diffiċli minħabba li l-orjentazzjoni tagħha kienet għadha wisq lejn il-hard discount, in-nuqqas ta’ prodotti mqattgħin u pproċessati, l-għodda għas-saturazzjoni u l-maniġment fuq skala żgħira.

(18)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, l-ammont ta’ EUR 150 000 tal-għajnuna għas-salvataġġ tħallas fid-9 ta’ Awwissu 2007 u l-bilanċ ta’ EUR 850 000 fil-11 ta’ Settembru 2007. Il-pjan tar-ristrutturar ġie stabbilit mill-kumpanija matul is-sena finanzjarja 2007/08 u ġie implimentat minn Jannar 2008 (miżuri stabbiliti fl-ewwel semestru 2008: ħatra ta’ direttur ġenerali ġdid; waqfien ta’ ċerti attivitajiet ta’ defiċit; talba għal stima għat-twettiq tal-investimenti meħtieġa għall-orjentazzjoni mill-ġdid tal-kumpanija; titjib tas-sistema informatika).

Sitwazzjoni attwali tal-kumpanija

(19)

Skont l-informazzjoni pprovduta, fl-aħħar tas-sena finanzjarja 2007/08 il-kumpanija kellha fondi proprji negattivi ta’ madwar EUR 2,5 miljun. Sat-30 ta’ Ġunju 2007 ir-riżultati kienu qed juru defiċit u l-bilanċ ittrasferit kien negattiv b’madwar EUR 4,7 miljun.

(20)

Il-kumpanija kisbet l-ewwel riżultat pożittiv ta’ madwar EUR 525 000 wara s-sena finanzjarja 2007/08 (irreġistrat fit-30/06/2008). Barra minn hekk, il-kumpanija diġà wriet kapaċità ta’ awtofinanzjament ta’ aktar minn miljun euro. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, dan kien possibbli minħabba miżuri ta’ ristrutturar li kienu diġà stabbiliti fl-ewwel semestru tal-2008.

(21)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, fin-nuqqas tal-għajnuna, l-impriża ma tkunx tista’ twettaq il-pjan tar-ristrutturar tagħha u ma tkunx tista’ terġa’ ssir vijabbli. Mingħajr għajnuna, ma tkunx tista’ terġa’ ssib struttura finanzjarja b’saħħitha li tippermettiha tiffinanzja l-attività tagħha waħedha.

Pjan tar-ristrutturar

(22)

Il-pjan tar-ristrutturar ikopri perjodu ta’ tliet snin finanzjarji, li huma mill-2007/08 sal-2009/10.

Is-suq

(23)

Il-kumpanija “Les Volailles du Périgord” hija attiva fit-tbiċċir tat-tiġieġ u tad-dundjani. Fl-2006/07 kienet tbigħ 70 % tal-prodotti tagħha bħala qatgħat, u l-bqija bħala tjur sħaħ u lesti għat-tisjir. Kienet tagħmel 44 % tal-fatturat tagħha (F) mis-supermarkets, 32 % mill-Hard Discount, 14 % mil-laħam u l-laħam imħejji b’mod tradizzjonali u 10 % mit-take aways. Skont l-informazzjoni pprovduta, l-iskjerament ġeografiku kummerċjali tal-kumpanija huwa nazzjonali. Skont l-istess informazzjoni hija għandha parti mis-suq Franċiż ta’ madwar 1 %.

(24)

Bl-e-Mail tat-12 ta’ Frar 2009 l-awtoritajiet Franċiżi ssottomettew, fl-Anness tal-pjan tar-ristrutturar tal-kumpanija, studju tas-suq imsejjaħ “L-Industrija u l-Kummerċ tat-Tjur”, imwettaq mill-kumpanija “Xerfi” f’Lulju 2008 (5).

(25)

Skont dan l-istudju, il-produzzjoni tal-laħam tat-tjur hija parti kbira tal-industrija tal-laħam fi Franza. Is-settur tat-tjur huwa relattivament ikkonċentrat: l-impriżi ta’ aktar minn 500 impjegat jiġġeneraw aktar min-nofs il-F tas-settur. Fl-ewwel post fis-suq Franċiż jinsab il-grupp LDC li għandu, b’F konsolidat ta’ madwar EUR 1,8 biljun, sehem fis-suq ta’ 25,5 %. Wara l-LDC hemm il-grupp GASTRONOME b’sehem fis-suq ta’ 14 % u l-grupp ARRIVE b’sehem fis-suq ta’ 9 %.

(26)

Skont l-informazzjoni pprovduta, fl-2007 is-suq tat-tjur innormalizza ruħu wara li għadda mit-tfixkil kbir ikkawżat mill-kriżi tal-influwenza tat-tjur fl-2006. Is-sena 2007 madankollu kienet ukoll immarkata minn żieda fil-prezz tal-materji primi agrikoli li għolliet l-prezz tal-għalf għat-tjur u, għalhekk, l-ispiża tal-produzzjoni. Fi ħdan is-suq tal-laħam, it-tjur għalhekk kienu l-ispeċi li l-prezz tal-bejgħ tagħhom għall-konsum żdied l-aktar fl-2007.

(27)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni fuq skala Komunitarja kienu qegħdin jiżdiedu għal bosta snin, u dan iwassal għal żieda fit-tbiċċir. Huwa previst li fi żmien medju t-tbiċċir tat-tjur jonqos bi ftit aktar minn 2 % minħabba n-nuqqas fil-konsum fil-kuntest tal-kriżi attwali. Il-prezzijiet iżda għandhom jiżdiedu fl-istess żmien.

Ċirkostanzi li wasslu għad-diffikultajiet tal-impriża

(28)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi l-fatturi ewlenin li ġabu l-kumpanija f’sitwazzjoni ta’ diffikultà kienu l-influwenza tat-tjur, strateġija kummerċjali orjentata lejn swieq bi ftit qligħ kif ukoll il-kuntest ekonomiku (ara l-premessa 10) (6).

Strateġija futura proposta

(29)

Il-pjan tar-ristrutturar ta’ “Les Volailles du Périgord” jipprevedi modifika tal-istrateġija kummerċjali tal-kumpanija. Il-prodotti li ma jagħmlux ħafna qligħ bil-bejgħ (il-prezz bażiku l-aktar baxx) imwettqa bix-xiri tal-kummerċ, bħal pereżempju tiġieġ jew fargħun, għandhom jitnaqqsu ħafna biex iħallu post għall-prodotti b’valur miżjud aktar għoli u/jew ta’ kwalità aktar għolja. Dawn il-prodotti, li l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom huma totalment ikkontrollati upstream, jiġifieri fit-trobbija, għandhom jinqatlu u jiġu pproċessati mill-kumpanija.

(30)

Għalhekk, it-tjur tal-Label Rouge u tal-Bio għandhom jiġu żviluppati u kkumerċjalizzati f’imballaġġ innovattiv u li jagħti aktar valur miżjud (f’atmosfera) jew ikkummerċjalizzati fi swieq tax-xiwi tal-laħam li għalihom il-marġnijiet huma akbar.

(31)

Il-prodotti tal-“prezz l-aktar baxx” li huma meħtieġa fis-supermarkets f’prodotti addizzjonali ta’ kwalità għolja għandhom ikunu miżjuda bi prodotti b’valur miżjud aktar għoli (koxox, kebabs, prodotti mħawra). Barra minn hekk, il-kumpanija għandha żżomm parti kbira tal-bejgħ tagħha taħt il-marka tagħha “Le Croquant”.

Miżuri tar-ristrutturar

(32)

Il-pjan tar-ristrutturar ta’ “Les Volailles du Périgord” jipprevedi t-titjib tal-produzzjoni permezz ta’ investimenti fl-għodda u permezz tal-organizzazzjoni mill-ġdid tal-attività kif ukoll organizzazzjoni mill-ġdid tal-kumpanija.

(33)

Somma ta’ aktar minn EUR 4 miljun hija prevista biex tiġi mmodernizzata l-għodda tal-kumpanija. Xi investimenti ser jikkonċernaw il-bini (estensjoni tal-pjattaforma ta’ riċezzjoni tat-tjur), il-materjal ta’ produzzjoni (pjattaforma Maxiload tiġieġ u dundjani, moduli Maxiload, trakkijiet, linja ta’ kalibratura tal-ajru, imballaġġ f’atmosfera modifikata) u s-sistema ta’ informazzjoni (soluzzjoni SAP, tiġdid tal-infrastruttura informatika).

(34)

Skont l-informazzjoni pprovduta, il-moduli Maxiload sejrin jippermettu tagħbija aktar rapida u aktar faċli tat-tjur ħajjin fi trobbija u mbagħad fit-trakkijiet, rata ta’ tagħbija aħjar tal-vetturi u fl-aħħar nett it-tneħħija tat-tagħbija b’mod aktar faċli fil-post tat-tbiċċir. L-investimenti fuq il-pjattaforma fejn jaslu t-tjur sejrin jippermettu li x-xogħol isir inqas iebes u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ġbir. Ix-xiri ta’ għodda ta’ kalibrazzjoni għandu wkoll itejjeb il-kwalità tal-produzzjoni bi tjur magħżulin aħjar, iħaffef l-ipproċessar u l-imballaġġ tal-prodotti u jnaqqas in-numru ta’ persunal fil-post ta’ għażla. Barra minn hekk, dan l-investiment ser ikun meħtieġ għall-iżvilupp tas-swieq tax-xiwi li jeżiġu tiġieġ ikkalibrati. Ix-xiri tal-magna tal-imballaġġ f’atmosfera modifikata huwa indispensabbli biex jiġi sodisfatt is-suq tas-supermarkets, li huwa s-suq ewlieni tal-kumpanija.

(35)

Skont l-informazzjoni pprovduta, il-kumpanija m’għandhiex sistema ta’ informazzjoni integrata s’issa. L-investimenti fl-infrastruttura informatika u soluzzjoni SAP jippermettu li jsir titjib konsiderevoli fil-ġestjoni tal-impriża, mill-analiżi tal-qligħ ta’ kull segment prodott/suq sat-tbassir tal-iżvilupp tas-swieq tagħha.

(36)

Illum il-kumpanija għandha 205 impjegati, li 55 minnhom għandhom kuntratt għal żmien definit u 150 kuntratt għal żmien indefinit. Wara t-twettiq tal-investimenti previsti ser ikun hemm tnaqqis ta’ 9 persuni mill-persunal, jiġifieri ffrankar definittiv ġenerali ta’ aktar minn EUR 430 000. Barra minn hekk, bit-tnaqqis tal-bejgħ tagħha lejn il-Hard Discount, l-impriża ser tnaqqas il-persunal tagħha b’madwar 30 persuna permezz ta’ waqfien ta’ 55 % tal-kuntratti tagħha għal żmien definit. Dan ser jippermetti, skont l-informazzjoni pprovduta, li jiġu ffrankati aktar minn miljun euro. L-ispiża tas-sensji hija stmata għal madwar EUR 170 000. Direttur ġenerali ġdid tal-kumpanija diġà nħatar fl-ewwel semestru tal-2008. Barra minn hekk, il-pjan tar-ristrutturar jipprevedi li jiġi impjegat kontrollur tal-ġestjoni u persuna fuq bejgħ u marketing, biex imexxu l-orjentazzjonijiet ġodda meħuda mill-kumpanija.

(37)

Il-kumpanija bdiet twettaq il-miżuri tar-ristrutturar mill-ewwel semestru tal-2008 (ara l-premessa 18). Il-maġġoranza tal-investimenti ser titwettaq matul is-sena finanzjarja 2008/09. Il-proġett ta’ skjerament kummerċjali mill-ġdid, li beda fl-2008, ser jitkompla matul is-snin finanzjarji 2008/09 kif ukoll 2009/10.

Pjan finanzjarju tar-ristrutturar

(38)

Skont l-informazzjoni pprovduta, il-pjan finanzjarju tar-ristrutturar ser ikun dan li ġej:

Volailles du Périgord - Pjan finanzjarju tar-ristrutturar

(EUR)

Spiża

Finanzjament

Investimenti

4 145 150

Kiri

3 265 150

Sensji

170 000

Għajnuna għar-ristrutturar

1 000 000

Ristrutturar tal-ħtiġijiet tal-finanzjament tal-kapitali

850 000

Kontribuzzjoni tal-azzjonisti

900 000

Total

5 165 150

Total

5 165 150

(39)

Il-kiri, li bih sejra tiġi ffinanzjata l-parti l-kbira tal-investimenti, ser isir fuq kuntratt ta’ perijodu minn 4 sa 5 snin. L-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw lill-Kummissjoni l-proposta ta’ kuntratt ta’ finanzjament mill-kumpanija ETICA, tal-grupp Crédit Agricole Leasing.

(40)

Mill-kontribuzzjoni totali ta’ EUR 900 000 tal-azzjonisti, EUR 850 000 ser jiddaħħlu f’kontijiet kurrenti u sejrin iservu għar-ristrutturar finanzjarju tal-ħtiġijiet tal-finanzjament tal-kapital. Skont l-informazzjoni pprovduta, dan ir-ristrutturar finanzjarju ser jippermetti lill-kumpanija jerġa’ jkollha struttura finanzjarja b’saħħitha u, għalhekk, li terġa’ ssib il-kapaċità li tiffinanzja ruħha permezz tal-użu tas-sorsi tas-suq.

Il-pjan tan-negozju

(41)

Bl-e-Mail tat-18 ta’ Settembru 2008 l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw pjan tan-negozju għall-perijodu sal-aħħar tas-sena finanzjarja 2009/10. Dan il-pjan tan-negozju li, skont l-informazzjoni pprovduta, juri ipoteżi medjana għal “Les Volailles du Périgord”, diġà jinkludi r-riżultati miksuba b’mod effettiv fis-snin finanzjarji 2006/07 kif ukoll 2007/08. Bl-e-Mail tat-12 ta’ Frar 2009 l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw ukoll pjanijiet tan-negozju għal xenarji ottimisti u pessimisti tal-kumpanija.

(42)

Il-pjan tan-negozju medjan huwa bbażat fuq l-iżvilupp li ġej tal-F u tal-medda ta’ prodotti:

Volailles du Périgord - Żvilupp tal-Fatturat u tal-volumi għal kull grupp ta’ klijenti

 

2006/07

2007/08

2008/09

2009/10

Development

F (f’eluf ta’ EUR)

Supermarkets

19 137

19 680

20 250

21 736

14  %

Hard Discount

13 839

12 462

7 775

5 959

–57  %

Ħwienet tal-laħam u tal-laħam imħejji b’mod tradizzjonali.

5 927

7 064

5 152

5 357

–10  %

Ħwienet tax-xiwi Speċjalizzati/TA (*)

4 328

5 526

6 616

6 828

58  %

Total

43 231

44 732

39 793

39 880

–8  %

Volum (tunnellati ta’ prodotti lesti)

Supermarkets

5 687

5 289

5 329

5 720

1  %

%/total

39  %

42  %

47  %

51  %

 

Hard Discount

4 384

3 748

2 281

1 752

–60  %

%/total

30  %

30  %

20  %

15  %

 

Ħwienet tal-laħam u tal-laħam imħejji b’mod tradizzjonali.

2 968

1 653

1 610

1 633

–45  %

%/total

20  %

13  %

14  %

14  %

 

Ħwienet tax-xiwi Speċjalizzati/TA (*)

1 679

1 929

2 198

2 202

31  %

%/total

11  %

15  %

19  %

19  %

 

Total

14 718

12 619

11 418

11 307

–23  %

Prezz medju (EUR/kg)

2,94

3,54

3,49

3,53

 

(43)

Il-pjan tar-ristrutturar jimmira għat-titjib tal-valorizzazzjoni tal-produzzjoni tal-“Volailles du Périgord” permezz ta’ ċentralizzazzjoni mill-ġdid fuq l-attivitajiet li jagħmlu jrendu l-aktar. Bħala total, il-kumpanija sejra tnaqqas l-attività tagħha f’volumi ta’ 23 % fil-perijodu ta’ ristrutturar (2006/07-2009/10). It-tnaqqis ser isir fil-hard discount (– 60 %) kif ukoll fil-ħwienet tal-laħam (– 45 %). Iżda, il-bejgħ f’volumi sejrin jiżdiedu b’1 % fis-supermarkets kif ukoll b’31 % fil-ħwienet tax-xiwi speċjalizzati u fit-take aways (li huwa, skont l-informazzjoni pprovduta, ċirkwit fejn il-previżjonijiet f’termini ta’ żvilupp tad-domanda huma tajbin).

(44)

Minkejja dan it-tnaqqis ġenerali konsiderevoli tal-volumi, il-F ser jonqos b’8 % biss matul l-istess perijodu. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, wara l-perijodu tar-ristrutturar il-kumpanija ser ikollha sehem fis-suq (nazzjonali Franċiż) ta’ 0.8 %.

(45)

Iċ-ċifri ewlenin tal-pjan tan-negozju medjan jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej:

Volailles du Périgord - ċifri ewlenin tal-pjan tan-negozju

(f’eluf ta’ EUR)

 

2006/07

2007/08

2008/09

2009/10

Fatturat

43 231

44 732

39 793

39 880

Marġni kummerċjali

11 525

12 390

10 872

10 223

Valur miżjud

6 931

7 774

7 868

7 318

Riżultat operattiv

– 465

445

1 115

828

Riżultat attwali

– 570

326

974

553

Riżultat kontabbli

–57

525

823

675

KAF (**)

ns

1 001

1 204

1 233

Fond tal-kapital

–4 376

–3 660

–1 895

–1 013

Fondi proprji

–3 071

–2 466

238

791

DŻTM (***)

871

603

3 408

3 057

Likwidità

– 844

–1 295

428

785

Kapaċità ta’ ħlas lura. (****)

ns

0,60

2,83

2,48

(46)

Il-pjan tan-negozju medjan jipprevedi, flimkien mat-titjib tal-valorizzazzjoni tal-prodott, tnaqqis tal-ispejjeż esterni (l-inqas użu tas-servizz intermedjarju; tnaqqis fl-ispejjeż għall-enerġija) u tal-ispejjeż tal-persunal (tnaqqis tan-numru tal-persunal). Għalekk huwa previst li r-riżultat ser jitjieb b’mod ċar matul il-perijodu tar-ristrutturar, biex jilħaq madwar 1.7 % (fuq il-bażi tar-riżultat kontabbli) fl-2009/10. Il-kapaċità ta’ awtofinanzjament annwali għandha tilħaq livell ta’ madwar EUR 1.2 miljun fl-2009/10 u huwa previst li l-fond tal-kapital jista’ jitjieb b’madwar EUR 3.4 miljun matul il-perijodu ta’ ristrutturar.

(47)

Il-pjan tan-negozju medjan jipprevedi titjib konsiderevoli fl-istruttura finanzjarja tal-kumpanija. Il-fondi proprji ser jerġgħu jiġu pożittivi mis-sena finanzjarja 2008/09 (7). Minkejja żieda fid-djun fuq żmien twil u medju fl-2008/09 (kiri li bih ser tiġi ffinanzjata l-parti l-kbira tal-invetimenti previsti), il-kapaċità ta’ ħlas lura (kif inhi definita fil-punt 0) sejra tilħaq biss 2.48 fl-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar. Il-likwidità għandha ssir pożittiva wkoll mis-sena finanzjarja 2008/09.

(48)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, dan l-iżvilupp huwa kkonfermat bir-riżultati pożittivi li nkisbu b’mod effettiv fis-sena finanzjarja 2007/08 (ara l-premessa 20).

(49)

Ix-xenarji ottimisti u pessimisti għall-iżvilupp ta’ “Les Volailles du Périgord”, ippreżentati wkoll mill-awtoritajiet Franċiżi (ara l-premessa 41), huma bbażati fuq l-ipoteżijiet li ġejjin:

(50)

Ipoteżi ottimista: tunnellati ekwivalenti għal dawk previsti fl-ipoteżi medjana, bi ftit titjib fl-iżvilupp tal-volumi fit-take aways u prezz medju apparenti ta’ EUR 3,56 meta mqabbel ma’ EUR 3,53 fl-ipoteżi medjana. Ipoteżi pessimista: tunnellati li qegħdin jonqsu fis-supermarkets fl-2009/10 kontra għal dak li huwa previst fix-xenarju medjan; tunnellati wieqfa fit-take aways bi żvilupp ta’ dan is-suq insuffiċjenti; prezz medju apparenti ta’ EUR 3,48 meta mqabbel ma’ EUR 3,53 fl-ipoteżi medjana.

(51)

Ix-xenarju ottimist jipprevedi titjib ċar tal-qligħ fil-perijodu. Ir-riżultat jidher li jiżdied b’EUR 1,3 miljun meta mqabbel mal-ipoteżi medjana. F’termini ta’ sitwazzjoni finanzjarja, din ser twassal għal rikostituzzjoni tal-fond tal-kapital li jiġi bbilanċjat. Ix-xenarju pessimist iwassal għal tnaqqis tal-qligħ b’riżultati ta’ miljun euro inqas meta mqabbla mal-ipoteżi medjana. F’termini ta’ sitwazzjoni finanzjarja, din sejra twassal għal nuqqas ta’ rikostituzzjoni tal-likwidità, li titjieb matul il-perijodu iżda tibqa’ negattiva fl-2009/10.

Affarijiet oħra

(52)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi, mhuwiex previst li l-kumpanija “Les Volailles du Périgord” tirċievi għajnuniet oħra qabel it-tmiem tal-perijodu tar-ristrutturar tagħha.

V.   EVALWAZZJONI

(53)

Il-kumpanija “Les Volailles du Périgord” hija attiva fit-tbiċċir tal-tiġieġ u tad-dundjani. Il-Kummissjoni tinnota li l-Artikoli 92, 93 u 94 tat-Trattat (li saru l-Artikoli 87, 88 u 89) japplikaw għall-produzzjoni tal-laħam tat-tjur, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KEE) Nru 2777/75 tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni fis-suq tal-laħam tat-tjur (8), li kien japplika fil-mument tal-għoti tal-għajnuna (9).

1.   Preżenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat

(54)

Skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, l-għajnuniet mogħtija mill-Istati jew permezz tar-riżorsi tal-Istat ta’ kwalunkwe forma li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet, mhumiex kumpatibbli mas-suq komuni, minħabba li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(55)

L-għajnuna hija mogħtija mill-Istat u mill-Kunsill Reġjonali tal-Aquitaine (ara l-premessi 12 u 18) u tiffavorixxi impriża partikolari. Skont ġurisprudenza kostanti huwa meqjus li l-kummerċ huwa affettwat meta l-impriża benefiċjarja teżerċita attività ekonomika u ssib ruħha f’kompetizzjoni mal-prodotti li ġejjin minn Stati Membri oħrajn (10). Is-sempliċi fatt li l-kompetittività ta’ impriża tiġi msaħħa meta mqabbla ma’ impriżi kompetituri billi tikseb vantaġġ ekonomiku li kieku ma kinitx tirċievi fl-eżerċizzju normali tal-attività tagħha, jindika li hemm riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (11). “Les Volailles du Périgord” topera f’settur fejn hemm kummerċ bejn l-Istati Membri (12). Kif il-Kummissjoni nnotat diġà fl-ittra tagħha C(2007) 3564 tad-19 ta’ Lulju 2007, l-għajnuna mogħtija għalhekk tista taffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri u għalhekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikoli 87(1) tat-Trattat.

2.   Kompatibbiltà mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat

(56)

L-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat jipprevedi madankollu li jistgħu jitqiesu bħala kumpatibbli mas-suq komuni l-għajnuniet intenzjonati biex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjunijiet ekonomiċi meta ma jbiddlux il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

(57)

Sabiex din id-deroga tkun applikabbli, id-dispożizzjonijiet rilevanti li jirregolaw l-għoti tal-għajnuniet għandhom jiġu ssodisfati.

Għajnuna għas-salvataġġ

(58)

Il-Kummissjoni eżaminat l-għajnuna għas-salvataġġ tal-kumpanija “Les Volailles du Périgord”, fid-dawl tal-linji gwida li kienu japplikaw fid-data tan-notifika, jiġifieri l-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuniet mill-Istat fis-settur agrikolu (13) u l-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (14) (“linji gwida”).

(59)

Bl-ittra tad-19 ta’ Lulju 2007 C(2007) 3564 hija ddeċidiet li tikkunsidra l-għajnuna bħala kumpatibbli mas-suq komuni b’applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

(60)

Skont il-punt 25(a) tal-linji gwida, l-għajnuniet għas-salvataġġ għandhom jikkonsistu f’għajnuniet ta’ likwidità fil-forma ta’ garanziji ta’ krediti jew ta’ krediti, li jkunu sottomessi għal rata mill-inqas komparabbli mar-rati osservati għas-self lil impriżi b’saħħithom, u b’mod partikolari mar-rati ta’ referenza adottati mill-Kummissjoni. Kwalunkwe self għandu jiġi mħallas lura u kwalunkwe garanzija għandha tintemm fi żmien mhux aktar minn sitt xhur minn meta titħallas l-ewwel parti lill-impriża.

(61)

L-għajnuna approvata għandha tieħu l-forma ta’ self rimborsabbli li jkun sottomess għal rata ta’ imgħax annwali ugwali għar-rata ta’ referenza tal-Kummissjoni li tapplika fil-mument meta jingħata s-self (4,62 % mill-1 ta’ Lulju 2007).

(62)

L-awtoritajiet Franċiżi indikaw li s-self ser jiġi mħallas lura fi żmien sitt xhur mill-ewwel ħlas tas-somom mislufa lill-impriża. B’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-punt 25(c) tal-linji gwida, huma impenjaw ruħhom li jissottomettu lill-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturar, pjan ta’ stralċ jew il-prova li s-self tħallas lura kollu, sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ mill-Kummissjoni.

(63)

Peress li Franza naqqset milli tippreżenta d-dokumenti meħtieġa, il-Kummissjoni, bl-ittra C(2008) 3540 finali tas-16 ta’ Lulju 2008, fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tal-Artikolu 88(2) tat-Trattat u tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 dwar l-applikazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ. F’din l-ittra l-Kummissjoni nnotat li kien probabbli li l-għajnuna għas-salvataġġ kienet ġiet estiża illegalment għal aktar minn 6 xhur, u esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq komuni.

(64)

Bl-e-Mail tat-18 ta’ Settembru 2008, Franza ppreżentat pjan tar-ristrutturar. Intbagħtet aktar informazzjoni bl-e-Mail tat-12 ta’ Frar 2009. L-awtoritajiet Franċiżi enfasizzaw li għalkemm il-kumpanija “Les Volailles du Périgord” damet biex tapplika għal għajnuna għar-ristrutturar, il-pjan tar-ristrutturar ġie implimentat minn Jannar 2008 (ara l-premessa 22). Il-Kummissjoni esprimiet dispjaċir li Franza ma rrispettatx l-impenn tagħha li tissottometti d-dokumenti meħtieġa fi żmien sitt xhur.

(65)

Skont il-punt 29 tal-linji gwida, l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna għas-salvataġġ ma timplikax neċessarjament li l-għajnuniet li jirrigwardjaw pjan tar-ristrutturar ikunu awtorizzati minħabba f’hekk, peress li dawn għandhom jiġu eżaminati fuq il-merti tagħhom.

(66)

Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk l-għajnuna għar-ristrutturar tal-kumpanija “Les Volailles du Périgord”, fil-forma ta’ bidla tal-għajnuna għas-salvataġġ ta’ EUR 1miljun, hijiex kumpatibbli mas-suq komuni.

Għajnuna għar-ristrutturar

(67)

Il-pjan tar-ristrutturar ta’ “Les Volailles du Périgord”, għall-finanzjament parzjali li għalih din l-għajnuna qiegħda tiġi mitluba, ġie applikat minn Jannar 2008. F’dan il-mument, il-linji gwida tal-Komunità rigward l-għajnuniet mill-Istat fis-settur agrikolu u tal-foresti 2007 sa 2013 (15) kienu japplikaw. Dawn il-linji gwida agrikoli jirreferu, fil-punt 145, għal-linji gwida għall-eżaminazzjoni tal-għajnuniet għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà.

(68)

Is-sezzjoni 3.2 tal-linji gwida tisabbilixxi r-regoli għall-għajnuniet għar-ristrutturar.

Eliġibbiltà tal-impriża

(69)

Skont il-punt 33 tal-linji gwida, l-impriżi f’diffikultà biss fis-sens tal-punti 9 sa 13 huma eliġibbli għal għajnuna għar-ristrutturar. Is-sezzjoni 2.1 tal-istess linji gwida tistabbilixxi dan il-kunċett.

(70)

Il-punt 10 jelenka l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati sabiex kumpanija tiġi meqjusa ex officio bħala waħda f’diffikultà (l-għibien ta’ aktar min-nofs tal-kapital azzjonarju jew tal-fondi proprji jew l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet ta’ sottomissjoni għal proċedura kollettiva ta’ insolvenza tad-dritt nazzjonali). Il-punt 11 jipprevedi, madankollu, li anke jekk l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 10 ma tiġi sodisfatta, impriża xorta tista’ titqies bħala waħda f’diffikultà, b’mod partikolari jekk ikunu jeżistu l-indikaturi tipiċi ta’ impriża f’sitwazzjoni ta’ diffikultà, bħal pereżempju, telf dejjem jiżdied, żieda fl-istokks jew żieda fid-dejn.

(71)

Il-kumpanija “Les Volailles du Périgord”, li għandha defiċit strutturali iżda li qiegħda tirpilja, ġiet affettwata ħafna mill-kriżi tal-influwenza tat-tjur: Il-fatturat nett naqas b’madwar EUR 5 miljun fis-sena finanzjarja 2005/2006 meta mqabbel mas-sena finanzjarja preċedenti u l-likwidità kompliet tonqos minħabba t-telf u ż-żieda tal-istokks ta’ tjur iffriżati. L-overdraft tal-bank, li bih il-kumpanija setgħet tkompli tiffinanzja ruħha fl-ewwel semestru tal-2007, ġie awtorizzat biss sakemm tiġi mħallsa l-għajnuna għas-salvataġġ. Fil-każ li din l-għajnuna ma tingħatax, dan kien isir dobut u kien iwassal għad-dikjarazzjoni tal-waqfien tal-pagamenti u l-istralċ volontarju tal-kumpanija (ara l-premessa 10). Għalhekk il-Kummissjoni nnotat li l-kumpanija setgħet titqies bħala waħda f’diffikultà fis-sens tal-punt 11 tal-linji gwida (16).

(72)

Parti mill-għajnuna għas-salvataġġ ta’ miljun euro ġiet imħallsa f’Awwissu 2007 u parti oħra f’Settembru 2007 (ara l-premessa 18). L-ewwel miżuri tar-ristrutturar ittieħdu minn Jannar 2008 (ara l-istess premessa 18). Ir-riżultat ftit pożittiv tas-sena finanzjarja 2007/08 jirrifletti l-miżuri diġà meħuda wara l-ħlas tal-għajnuna għas-salvataġġ (ara l-premessa 20). Il-fondi proprji kif ukoll il-likwidità kienu għadhom negattivi, b’ammont ta’ madwar EUR 2.5 miljun u madwar EUR 1.3 miljun rispettivament, wara din is-sena finanzjarja. Il-pjan tan-negozju medjan jipprevedi li jerġgħu jkunu pożittivi l-fondi proprji kif ukoll il-likwidità, li fl-aħħar tal-perijodu tar-ristrutturar fl-2009/10 sejrin jilħqu livell ta’ madwar EUR 800 000 rispettivament (ara l-premessa 45). Peress li l-pjan tan-negozju jinkludi l-għajnuna għar-ristrutturar ta’ miljun euro, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-kumpanija mhux ser tkun tista’ tlesti l-pjan tar-ristrutturar tagħha u ma tkunx tista’ terġa’ tibda tagħmel qligħ mingħajr għajnuna. Din is-sitwazzjoni tfixkel lill-kumpanija milli ssib struttura finanzjarja b’saħħitha li tippermettiha tiffinanzja waħedha l-attività tagħha. Il-Kummissjoni tinnota, għalhekk, li fil-bidu tal-perijodu tar-ristrutturar f’Jannar 2008, il-kumpanija “Les Volailles du Périgord” tista’, mingħajr din l-għajnuna (jiġifieri fil-każ li terġa’ titħallas lura l-għajnuna għas-salvataġġ), xorta titqies bħala waħda f’diffikultà fis-sens tal-linji gwida.

L-irkupru tal-vijabbiltà fuq żmien twil

(73)

Skont il-punti 34 sa 37 tal-linji gwida, l-għoti tal-għajnuna għandu jkun soġġett għall-implimentazzjoni ta’ pjan tar-ristrutturar li għandu jippermetti l-irkupru fi żmien raġonevoli tal-vijabbiltà fit-tul tal-impriża. Dan it-titjib tal-vijabbiltà għandu jirriżulta l-aktar minn miżuri interni u ma jistax jiġi bbażat fuq fatturi esterni, li l-impriża ma tantx ikollha kontroll fuqhom (varjazzjoni tal-prezzijiet, tad-domanda, eċċ). Il-pjan tar-ristrutturar għandu jqis is-sitwazzjoni attwali u l-iżvilupp li jista’ jiġi previst tal-provvista u tad-domanda. Xenarji li juru ipoteżijiet ottimisti, pessimisti u medjani għandhom jiġu inklużi. Il-pjan tar-ristrutturar għandu jipprevedi tali tibdil fl-impriża li din tkun tista’ tkopri, wara li jitlesta r-ristrutturar, l-ispejjeż kollha tagħha, inklużi l-ispejjeż ta’ diprezzament u l-ispejjeż finanzjarji. Il-qligħ mistenni mill-kapitali proprju tal-impriża ristrutturata għandu jkun biżżejjed biex jippermettilha tiffaċċja l-kompetizzjoni u tiddependi biss fuq il-forzi tagħha stess. Jekk id-diffikultajiet tal-impriża jirriżultaw minn difetti fis-sistema ta’ tmexxija tagħha, dan għandu jkun soġġett għal adattamenti meħtieġa.

(74)

L-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw lill-Kummissjoni pjan tar-ristrutturar tal-kumpanija għal tliet snin finanzjarji, li huma mill-2007/08 sal-2009/10. Dan il-pjan tar-ristrutturar ġie implimentat minn Jannar 2008. Huwa bbażat fuq pjan tan-negozju li juri l-ipoteżi medjana u li jinkludi diġà r-riżultati realment miksuba fis-snin finanzjarji 2006/07 kif ukoll 2007/08 (ara l-premessa 41). Il-pjan tar-ristrutturar sar flimkien ma’ studju tas-suq li sar f’Lulju 2008, imwettaq mill-Kumpanija “Xerfi” (ara l-premessa 24).

(75)

Il-pjan tar-ristrutturar jimmira għat-titjib tal-valorizzazzjoni tal-produzzjoni permezz ta’ ċentralizzazzjoni mill-ġdid fuq l-attivitajiet li li jrendu l-aktar. Bħala total, il-kumpanija sejra tnaqqas, fl-ipoteżi medjana, l-attività tagħha f’volumi ta’ 23 % u f’F ta’ 8 % fuq il-perijodu tar-ristrutturar (ara l-premessa 43 u 44). Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-pjan tar-ristrutturar ser jippermetti lill-kumpanija terġa’ ssib il-kapaċità tagħha li tiffinanzja ruħha permezz tal-użu tas-sorsi tas-suq. Skont il-pjan tan-negozju medjan, ir-riżultat kontabbli ser jilħaq madwar 1,7 % tal-F f’2009/10. Il-kapaċità ta’ awtofinanzjament annwali għandha tilħaq livell ta’ madwar EUR 1.2 miljun u huwa previst li l-fond tal-kapital jista’ jitjieb b’madwar EUR 3,4 miljun matul l-istess perjodu. L-istruttura finanzjarja tal-kumpanija għandha titjieb b’mod konsiderevoli. Huwa previst li l-fondi prorpji jerġgħu jiġu pożittivi mis-sena finanzjarja 2008/09 u, minkejja żieda tad-debiti fuq żmien twil u medju fl-2008/09 (finanzjament permezz tal-kiri), il-kapaċità ta’ ħlas lura sejra tilħaq biss 2,48 fit-tmiem tal-perijodu tar-ristrutturar. Il-likwidità għandha wkoll issir pożittiva mis-sena finanzjarja 2008/09 (ara l-premessi 46 u 47).

(76)

Barra minn hekk, pjanijiet tan-negozju li juru x-xenarji ottimisti u pessimisti ġew ippreżentati lill-Kummissjoni (ara l-premessa 49). Il-pjan tan-negozju bbażat fuq l-ipoteżi ottimista jipprevedi titjib ċar tal-qligħ fil-perijodu. F’termini ta’ sitwazzjoni finanzjarja, jirriżulta rikostituzzjoni tal-fond tal-kapital li jerġa’ jikseb il-bilanċ. Ix-xenarju pessimist iwassal għal tnaqqis tal-qligħ b’riżultati ta’ miljun euro inqas minn dawk tal-ipoteżi medjana. F’termini ta’ sitwazzjoni finanzjarja, jirriżulta nuqqas ta’ rikostituzzjoni tal-likwidità, li titjieb matul il-perijodu iżda tibqa’ negattiva fl-2009/10 (ara l-premessa 51).

(77)

Biex titjieb u tissaħħaħ il-ġestjoni tal-kumpanija, diġà nħatar direttur ġenerali fl-ewwel semestru tal-2008. Barra minn hekk, il-pjan tar-ristrutturar jipprevedi li jiġi impjegat kontrollur tal-ġestjoni u persuna fuq bejgħ u marketing, biex imexxu l-orjentazzjonijiet ġodda meħuda mill-kumpanija.

(78)

Il-Kummissjoni tinnota li t-tul tal-pjan tar-ristrutturar ta’ tliet snin finanzjarji (2007/08-2009/10) huwa l-iqsar possibbli biex jippermetti lill-kumpanija twettaq l-orjentazzjoni kummerċjali mill-ġdid tagħha, timplimenta l-miżuri tar-ristrutturar previsti u tistabbilizza, wara l-bidla, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħha b’mod sostenibbli.

(79)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan il-pjan tar-ristrutturar tal-“Volailles du Périgord” jista’ jerġa’ jistabbilixxi fi żmien raġonevoli l-vijabbiltà fuq żmien twil tal-impriża.

Prevenzjoni ta’ kwalunkwe distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni

(80)

Skont il-punti 38 sa 42 tal-linji gwida, kwalunkwe distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni għandha tiġi evitata. Fit-termini tal-punt 38, għandhom jittieħdu miżuri ta’ kumpens sabiex l-effetti li jisfavorixxu l-kundizzjonijiet tal-kummerċ ikunu mnaqqsa sal-minimu. Skont il-punt 40, il-kontropartijiet għandhom ikunu proporzjonati mal-effetti ta’ distorsjoni kkawżati mill-għajnuna, u b’mod partikolari mad-daqs u mal-piż relattiv tal-impriża fis-suq jew fis-swieq li topera fihom. Dawn għandhom jirrigwardaw, b’mod partikolari, is-suq jew is-swieq fejn l-impriża ser ikollha pożizzjoni importanti wara r-ristrutturar. Il-waqfien tal-attivitajiet b’defiċit li fi kwalunkwe każ ser ikun meħtieġ biex terġa’ tiġi stabbilita l-vijabbiltà mhux ser jiġi kkunsidrat bħala tnaqqis tal-kapaċità jew tal-preżenza fis-suq.

(81)

Skont l-informazzjoni pprovduta, l-iskjerament ġeografiku kummerċjali tal-kumpanija “Les Volailles du Périgord” huwa nazzjonali u għandha sehem f’dan is-suq ta’ madwar 1 % (ara l-premessi 23). Għalhekk, wieħed jista’ jikkunsidra li fuq livell Komunitarju s-sehem fis-suq tal-“Volailles du Périgord” għadu inqas sinifikattiv. Il-kumpanija hija, madankollu, obbligata fil-pjan tan-negozju tagħha li tnaqqas l-attività tagħha f’volumi ta’ 23 % u f’F ta’ 8 % (ipoteżi medjana) matul il-perijodu tar-ristrutturar (ara l-premessi 43 u 44). It-tnaqqis ser isir fil-hard discount (– 60 % f’volumi) kif ukoll fil-ħwienet tal-laħam (– 45 % f’volumi). L-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw li l-attivitajiet li ser jitnaqqsu fil-qafas tal-pjan tar-ristrutturar ma kinux attivitajiet b’defiċit. Dawn l-attivitajiet, madankollu, kienu jiġġeneraw marġni medja ċara inqas għolja minn dik li tista’ titwettaq bil-prodotti għas-supermarkets, għall-ħwienet tax-xiwi speċjalizzati u għat-take aways (0,4 EUR/kg vs. 0,6 EUR/kg).

(82)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, is-sehem fis-suq tal-kumpanija, minħabba t-tnaqqis tal-attività tagħha, ser jonqos matul il-perijodu tar-ristrutturar sa 0,8 % tas-suq nazzjonali. Meta titqies l-importanza ferm żgħira tal-kumpanija fis-suq Ewropew tat-tiġieġ u tad-dundjani, u l-fatt li t-tnaqqis fil-produzzjoni ma jirriżultax minn ħtieġa li jitwaqqfu l-attivitajiet b’defiċit, il-Kummissjoni nnotat li l-miżuri ta’ kumpens proposti huma adegwati.

Limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu

(83)

Skont il-punti 43 sa 45 tal-linji gwida, l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu meħtieġ. Skont il-punt 43, il-benefiċjarju tal-għajnuna għar-ristrutturar għandu jikkontribwixxi ħafna għall-pjan tar-ristrutturar mir-riżorsi proprji tiegħu, inkluż permezz tal-bejgħ ta’ assi li mhumiex indispensabbli għas-sopravivenza tal-impriża jew permezz ta’ finanzjament estern miksub skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Din il-kontribuzzjoni għandha tkun reali, jiġifieri effettiva, b’esklużjoni ta’ kwalunkwe benefiċċju potenzjali, bħal pereżempju il-fluss ta’ flus. Fit-termini tal-punt 44, din il-kontribuzzjoni reali għandha normalment tkun mill-inqas 40 % għall-impriżi ta’ daqs medju. Il-punt 45 jistipola li l-ammont tal-għajnuna għandu jkun ta’ natura li jevita li l-impriża jkollha likwiditajiet eċċessivi u li l-għajnuna m’għandha bl-ebda mod isservi biex tiffinanzja investimenti ġodda li mhumiex indispensabbli għall-irkupru tal-vijabbiltà tal-impriża.

(84)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi, l-ispejjeż tar-ristrutturar ta’ EUR 5 165 150 sejrin jiġu ffinanzjati, minbarra minn din l-għajnuna ta’ miljun euro, sa EUR 3 265 150 mill-kiri u sa EUR 900 000 permezz ta’ kontribuzzjoni mill-azzjonisti (ara l-premessa 38). Is-sehem proporzjonali tal-kontribuzzjoni tal-impriża għall-ispiża totali tar-ristrutturar għalhekk jirrappreżenta madwar 81 %. B’inqas minn 250 impjegat u fatturat ta’ inqas minn EUR 50 miljun, il-kumpanija “Les Volailles du Périgord” taqa’ taħt il-kriterji tal-impriżi ta’ daqs medju, li minnhom hija mitluba kontribuzzjoni reali ta’ mill-inqas 40 % skont il-linji gwida. Il-kontribuzzjoni reali tal-impriża għalhekk hija konformi ma’, u anke taqbeż, ir-rekwiżiti tal-linji gwida. Skont l-awtoritajiet Franċiżi l-kumpanija m’għandhiex likwiditajiet eċċessivi. Huma enfasizzaw li l-likwidità tal-kumpanija kienet għadha negattiva b’madwar EUR 1.5 miljun fit-30 ta’ Ġunju 2008. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tinnota li awtorizzazzjoni ta’ din l-għajnuna mhux ser twassal għal kontribuzzjoni ta’ likwidità supplementari għall-kumpanija, iżda pjuttost ser tikkonsisti f’bidla tal-għajnuna għas-salvataġġ, li kienet diġà mħallsa f’Awwissu u f’Settembru 2007. L-awtoritajiet Franċiżi wrew li l-investimenti previsti (ara l-premessi 33 sa 35) huma indispensabbli għall-irkupru tal-vijabbiltà tal-impriża. Billi kkunsidrat l-elementi esposti hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota li din l-għajnuna hija limitata għall-minimu meħtieġ, b’mod konformi mal-punti 43 sa 45 tal-linji gwida.

Dispożizzjonijiet oħra

(85)

Skont il-punt 47 tal-linji gwida, l-impriża għandha timplimenta totalment il-pjan tar-ristrutturar. Il-Kummissjoni ser tqis kwalunkwe nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-pjan bħala applikazzjoni abużiva tal-għajnuna mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 u għall-possibbiltà li jittieħdu passi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tat-Trattat.

(86)

Skont il-punt 49 tal-linji gwida, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tiżgura l-implimentazzjoni tajba tal-pjan tar-ristrutturar, permezz ta’ rapporti regolari dettaljati li għandhom jiġu ppreżentati lilha mill-Istat Membru. Skont il-punt 51 tal-linji gwida, il-preżentazzjoni annwali ta’ kopja tal-kont tal-qligħ u t-telf u tal-bilanċ tal-kumpanija mogħtija l-għajnuna normalment tkun biżżejjed għal SMEs. Wara l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturar, il-pjan tar-ristrutturar jista’ biss jiġi mmodifikat (matul il-perijodu tar-ristrutturar) jekk il-modifiki jkunu konformi mal-punt 52 tal-linji gwida u jekk ikunu awtorizzati mill-Kummissjoni. L-awtoritajiet Franċiżi impenjaw ruħhom li jirrispettaw dawn il-kundizzjonijiet.

(87)

Fit-termini tal-punt 70 tal-linji gwida, kwalunkwe għajnuna oħra mogħtija lill-impriża matul il-perijodu tar-ristrutturar, inklużi l-għajnuniet mogħtija b’mod konformi ma’ skema awtorizzata, għandha tiġi nnotifikata b’mod individwali lill-Kummissjoni.

(88)

L-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw li l-kumpanija għadha ma bbenefikatx minn għajnuna għar-ristrutturar fil-passat, u dan huwa konformi mar-regola ta’ “darba waħda għall-aħħar darba”, stabbilita mis-sezzjoni 3.3 tal-linji gwida.

(89)

Is-sezzjoni 5 tal-linji gwida tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-għajnuniet għar-ristrutturar fis-settur agrikolu. Dawn id-dispożizzjonijiet madankollu japplikaw biss għall-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli. Il-kumpanija “Les Volailles du Périgord” hija attiva fit-tbiċċir, it-tqattigħ u l-imballaġġ tat-tjur u għalhekk taqa’ taħt l-ambitu tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi għas-settur agrikolu għalhekk ma japplikawx f’dan il-każ.

(90)

Peress li din l-għajnuna ser tingħata b’mod konformi mal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà u abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmijin qabel, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura m’għandhiex taffettwa l-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni. Għalhekk hija tista’ tibbenefika mid-deroga prevista fil-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

VI.   KONKLUŻJONI

(91)

Il-Kummissjoni tesprimi dispjaċir li Franza tat l-għajnuna għar-ristrutturar tal-impriża “Les Volailles du Périgord” bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

(92)

L-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza fil-forma ta’ bidla tal-għajnuna għas-salvataġġ tal-kumpanija “Les Volailles du Périgord” f’għajnuna għar-ristrutturar, bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat, hija madankollu kompatibbli mas-suq komuni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat ta’ miljun euro, mogħtija permezz tal-bidla tal-għajnuna għas-salvataġġ tal-kumpanija “Les Volailles du Périgord” f’għajnuna għar-ristrutturar, li Franza tat illegalment bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat, hija kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Franza.

Magħmula fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(2)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(3)  Għal deskrizzjoni fid-dettall tal-għajnuna għas-salvataġġ Nru N 681/16 u tal-kumpanija “Les Volailles du Périgord”, irreferi għall-ittra C(2007) 3564 tad-19 ta’ Lulju 2007 tal-Kummissjoni, li tinsab fuq http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/agriculture-2006/n681-06.pdf

(4)  B’inqas minn 250 persuna u fatturat annwali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun, il-kumpanija tidħol taħt il-kriterji tal-SMEs, skont l-Anness I għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3).

(5)  Dan l-istudju jkopri s-suq nazzjonali Franċiż.

(6)  Għal analiżi dettaljata tal-fatturi li wasslu għad-diffikultajiet tal-kumpanija rreferi għall-ittra C(2007) 3564 tad-19 ta’ Lulju 2007 tal-Kummissjoni, li tawtorizza l-għajnuna għas-salvataġġ Nru N 681/16.

(*)  Take aways

(**)  Kapaċità ta’ awtofinanzjament

(***)  Djun fuq żmien twil u medju

(****)  DŻTM/KAF

(7)  L-għajnuna għar-ristrutturar ta’ miljun euro hija inkluża fil-fondi proprji mis-sena finanzjarja 2008/09.

(8)  ĠU L 282, 1.11.1975, p. 77.

(9)  Dan ir-Regolament ġie rrevokat mill-1 ta’ Lulju 2008 mir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 tal-Kunsill, (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1). L-Artikolu 180 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jiddikjara l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat applikabbli għall-produzzjoni u għall-kummerċ tal-laħam tat-tjur.

(10)  Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1988, Kawża 102/87, Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Ġabra 1988, p. 4067.

(11)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Kawża 730/79, Philip Morris Holland BV vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Ġabra 1980, p. 2671.

(12)  Fl-2005, madwar 2.9 miljuni ta’ tunnellati ta’ laħam tat-tjur kienu soġġetti għal kummerċ intrakomunitarju. (Sors: Eurostat).

(13)  ĠU C 28, 1.2.2000, p. 2.

(14)  Ara in-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna.

(15)  ĠU C 319, 27.12.2006, p. 1

(16)  Ara l-paragrafu 29 tal-ittra tal-Kummissjoni C(2007) 3564 tad-19 ta’ Lulju 2007, li tawtorizza l-għajnuna għas-salvataġġ tal-kumpanija “Les Volailles du Périgord”.