ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2010.024.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 24

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 53
28ta' Jannar 2010


Werrej

 

II   Atti mhux leġislattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 77/2010 tad-19 ta’ Jannar 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 452/2007 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw inter alia, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 78/2010 tas-27 ta’ Jannar 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 33/2008 dwar l-ambitu u l-perjodu mogħti skont il-proċedura regolari lill-Awtorità għall-adozzjoni tal-konklużjonijiet tagħha dwar l-inklużjoni ta’ ċerti sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ( 1 )

7

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 79/2010 tas-27 ta’ Jannar 2010 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

9

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva tal-Kummissjoni 2010/2/UE tas-27 ta’ Jannar 2010 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward tal-estensjoni tal-użu tas-sustanza attiva chlormequat ( 1 )

11

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 23/2010, tal-14 ta' Jannar 2010 li jistabbilixxi għall-2010 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għal bastimenti tal-UE f'ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta' qbid u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1359/2008, (KE) Nru 754/2009, (KE) Nru 1226/2009 u (KE) Nru 1287/2009 ( ĠU L 21, 26.1.2010 )

14

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġislattivi

REGOLAMENTI

28.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 77/2010

tad-19 ta’ Jannar 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 452/2007 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw inter alia, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), li jħassar ir-Regolament 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”), u b’ mod partikolari l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Il-miżuri attwalment fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) huma dazji antidumping definittivi imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) 452/2007 (3). Skont l-istess Regolament, id-dazji antidumping ġew imposti wkoll fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw mill-Ukraina.

B.   L-INVESTIGAZZJONI ATTWALI

1.   Talba għal reviżjoni

(2)

Din ir-reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” tnediet fuq il-bażi ta’ talba li tressqet, flimkien mal-informazzjoni pprovduta, minn Greenwood Houseware (Zhuhai) Ltd, (“l-applikant” jew “Greenwood Houseware”), esportatur mir-RPĊ. L-applikant stqarr li din ma kellha x’taqsam mal-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri ta’ antidumping fis-seħħ fir-rigward ta’ twavel għall-mogħdija. Barra minn hekk, huwa stqarr li ma kienx esporta t-twavel għall-mogħdija lejn il-Komunità matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali (il-PI oriġinali, jiġifieri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2005), iżda li kien beda jesporta t-twavel għall-mogħdija lejn l-Unjoni minn din id-data ‘l quddiem.

2.   Bidu ta’ reviżjoni ta’ “esportatur ġdid”

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza mressqa mill-applikant u kkunsidratha biżżejjed biex tiġġustifika li jingħata bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, u wara li l-industrija tal-Unjoni ngħatat l-opportunità li tikkummenta, il-Kummissjoni bdiet, permezz tar-Regolament (KE) Nru 356/2009 (4), reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 452/2007 rigward l-applikant, u bdiet l-investigazzjoni tagħha.

(4)

Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni li jagħti bidu għar-reviżjoni, id-dazju ta’ antidumping ta’ 38,1 % impost bir-Regolament (KE) Nru 452/2007 fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija prodotti mill-applikant ġie mħassar. Fl-istess waqt, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet doganali ġew mitluba jieħdu l-passi meħtieġa biex jirreġistraw importazzjonijiet bħal dawn.

3.   Il-prodott ikkonċernat

(5)

Il-prodott ikkonċernat permezz tar-reviżjoni attwali huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni li wassal għall-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw, inter alia, fir-RPĊ, jiġifieri twavel għall-mogħdija, bis-saqajn jew mingħajrhom, bil-fwar jew mingħajru u/jew bil-wiċċ isaħħan, inklużi t-twavel għall-kmiem u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri, is-saqajn, il-wiċċ u fejn titpoġġa l-ħadida, li attwalment jaqgħu fi ħdan il-kodiċi tan-NM ex 3924 90 00 , ex 4421 90 98 , ex 7323 93 90 , ex 7323 99 91 , ex 7323 99 99 , ex 8516 79 70 u ex 8516 90 00 u li joriġinaw fir-RPĊ.

4.   Il-partijiet ikkonċernati

(6)

Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-applikant, lill-industrija tal-Unjoni permezz tar-rappreżentanti tagħha u r-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur dwar it-tnedija ta’ din ir-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu fehmiethom bil-miktub u li jinstemgħu.

(7)

Il-Kummissjoni bagħtet ukoll formola ta’ talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq/trattament individwali (“TES/TI”) flimkien ma’ kwestjonarju lill-applikant, u rċeviet ir-risposti qabel l-iskadenzi stabbiliti għal dan l-għan.

(8)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għall-iskop ta’ TES/TI u għad-determinazzjoni tad-dumping. Iż-żjarat ta’ verifika twettqu kif ġej:

(a)

Il-produttur esportatur fir-RPĊ

Greenwood Houseware (Zhuhai) Ltd, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(b)

Relatati mal-kumpaniji tal-produttur esportatur

Brabantia S&S, Hong Kong

Brabantia S&L il-Belġju NV, Overpelt, il-Belġju

Brabantia Belgium NV, Overpelt, il-Belġju

Brabantia International BV, Valkenswaard, l-Olanda

Brabantia Branding BV, Valkenswaard, l-Olanda

Brabantia Export, Valkenswaard, l-Olanda

Brabantia S&L (UK) Ltd, Bristol, ir-Renju Unit

Brabantia UK Limited, Bristol, ir-Renju Unit.

(9)

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi stabbilit valur normali għall-produttur esportatur fir-RPĊ u fl-Ukrajna, fil-każ li t-TES jista’ ma jingħatalhomx, saret verifika biex ikun stabbilit valur normali fuq il-bażi ta’ dejta minn produttur tal-industrija tal-Unjoni fl-uffiċċji tal-kumpanija li ġejja:

Vale Mill Ltd, Rochdale, ir-Renju Unit.

5.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni

(10)

L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2007 sal-31 ta’ Marzu 2009 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew il-“PI”). Il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ 18-il xahar intgħażel biex tintuża d-dejta wkoll f’investigazzjoni parallela għall-ħlas lura, rilevanti għall-applikant.

C.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

1.   Kwalifika tal-“esportatur ġdid”

(11)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-applikant ma kienx esporta l-prodott ikkonċernat matul il-PI oriġinali u li kien beda jesporta lejn il-Komunità wara dan il-perjodu. Matul il-PI oriġinali l-kumpanija kummerċjali relatata tal-applikant esportat it-twavel għall-mogħdija mixtrija minn produttur wieħed ieħor Ċiniż. Madankollu din kienet biss attività kummerċjali li ma tiksirx l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku.

(12)

Barra minn hekk, l-applikant seta’ juri li ma kien relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri ta’ antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-RPĊ.

(13)

Għalhekk, ġie kkonfermat li l-applikant għandu jitqies bħala “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku.

2.   It-trattament tal-ekonomija tas-suq

(14)

Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f’investigazzjonijiet ta’ antidumping li jikkonċernaw importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament Bażiku għal dawk il-produtturi esportaturi li jkunu wrew li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fejn jintwera minn dawn il-produtturi esportaturi li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq huma prevalenti fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili. Fil-qosor, u biss biex ir-referenza tkun eħfef, dawn il-kriterji huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt:

(1)

id-deċiżjonijiet kummerċjali jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonjiet tas-suq, mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat, u l-ispejjeż jirriflettu l-valuri tas-suq;

(2)

id-ditti kummerċjali għandhom sett ċar ta’ reġistri ta’ kontabilità bażika li huma vverifikati indipendentement skont Standards ta’ Kontabilità Internazzjonali (“IAS”) u applikati għall-għanijiet kollha;

(3)

ma hemmx tgħawwiġ sinifikanti li ġej mis-sistema ta’ qabel ta’ ekonomija mhux tas-suq;

(4)

iċ-ċertezza legali u l-istabbiltà hija pprovduta bil-liġijiet ta’ falliment u proprjetà;

(5)

il-kambju tal-valuta jitwettaq bir-rata tas-suq.

(15)

L-applikant talab it-TES skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, u ġie mistieden jimla formola ta’ talba għal TES. Hu wieġeb għall-formola ta’ talba ta’ TES qabel id-data tal-għeluq.

(16)

Il-Kummissjoni fittxet l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa u vverifikat l-informazzjoni li tressqet fit-talba għat-TES fl-istabbilimenti tal-kumpanija kkonċernata.

(17)

Tqies li m’għandux jingħata TES lill-applikant fuq il-bażi li dan ma kienx jissodisfa t-tieni u t-tielet kriterji kif stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

(18)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-Kriterju 2, ġie stabbilit fuq il-post li l-prinċipji fundamentali tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (“IAS”) u b’mod partikolari l-IAS 1 ma ġewx rispettati (jiġifieri l-prinċipju tal-akkumulazzjoni, il-kumpens, in-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni ġusta ta’ tranżazzjonijiet, rappurtar ħażin ta’ informazzjoni bażika relatata mar-reġim ta’ taxxa applikabbli lill-kumpanija) kemm fil-kontijiet kif ukoll fil-verifika tagħhom, li tefa’ dubju fuq l-kredibbiltà tal-kontijiet tal-kumpanija. Għaldaqstant, ġie konkluż li l-kumpanija ma wrietx li tissodisfa l-Kriterju 2.

(19)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-Kriterju 3, ġie stabbilit fuq il-post li l-kumpanija kienet qed tibbenefika minn skemi speċifiċi ta’ taxxi li nġarru mis-sistema mhux fis-suq ekonomiku. Tabilħaqq, il-verifika fuq il-post stabbiliet li matul il-PI l-applikant ma kien ħallas l-ebda taxxa fuq id-dħul billi kien għadu fl-ewwel sentejn ta’ qliegħ tal-programm speċjali ta’ taxxa applikat lill-intrapriżi barranin (“Tnejn B’Xejn, Tliet Snin in-Nofs”) fejn il-kumpaniji huma eżenti mit-taxxa fuq il-qliegħ matul l-ewwel sentejn ta’ qliegħ u huma soġġetti għan-nofs ir-rata ta’ taxxa applikabbli (iffissata għal 25 %) għat-tliet snin li jmiss li f’dan il-każ partikolari jfisser li l-kumpanija se tgawdi minn tnaqqis ta’ 50 % ta’ rata ta’ taxxa fuq id-dħul sal-2012. Il-kumpanija kienet eżentata wkoll mill-ħlas ta’ serje ta’ taxxi inkluża t-taxxa għaż-żamma tal-belt, il-miżata ta’ protezzjoni għall-kostruzzjoni ta’ vjadotti, id-dazju doganali u l-Taxxa fuq il-Valur Miżjud fuq xiri ta’ tagħmir. L-investigazzjoni wriet ukoll l-eżistenza ta’ tgħawwiġ sinifikanti fir-rigward ta’ drittijiet tal-użu tal-art (land use rights – “LUR”) rilevanti għall-applikant li jiġbdu l-attenzjoni lejn il-konklużjoni li d-drittijiet tal-użu tal-art ma jikkorrispondux mal-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, wara li tqies dak kollu msemmi hawn fuq, ġie konkluż li l-kumpanija ma wrietx li tissodisfa l-Kriterju 3.

(20)

Kemm l-applikant kif ukoll l-industrija tal-Unjoni ngħataw opportunità biex jikkummentaw dwar is-sejbiet li ssemmew hawn fuq. L-industrija tal-Unjoni qablet mas-sejbiet ta’ hawn fuq iżda stqarret li l-Kummissjoni missha evalwat l-impatt tal-prezzijiet mgħawġa tal-azzar fis-suq Ċiniż. Fir-rigward tal-Kriterju 2, l-applikant stqarr li huwa konformi mal-IAS u fir-rigward tal-Kriterju 3, ressaq kummenti u spjegazzjonijiet li jikkonċernaw ir-reġim ta’ taxxa tiegħu u l-kwistjonijet ta’ LUR imqajma mill-Kummissjoni.

(21)

Rigward il-kummenti tal-industrija tal-Unjoni ġie nnotat li l-kwistjoni ta’ prezzijiet mgħawġa tal-azzar fis-suq Ċiniż ma ġietx investigata minħabba nuqqasijiet ċari oħra li nstabu fir-rigward tat-TES. Għalhekk, l-ebda konklużjoni ma ntlaħqet fir-rigward ta’ dan il-punt.

(22)

Il-Kummissjoni rrevediet u eżaminat bir-reqqa l-kummenti mressqa mill-applikant. Fir-rigward tal-Kriterju 2, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti ma dgħajfux il-bażi fattwali li fuqha kienu stabbiliti d-diskrepanzi tal-kontabilità filwaqt li l-ispjegazzjonijeit tar-regoli applikabbli tal-IAS instabu li ma kinux rilevanti. Fir-rigward tal-Kriterju 3 u b’mod partikolari l-miżata ta’ protezzjoni, id-dazju doganali u l-eżenzjonijiet mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, l-ispjegazzjonijiet u l-informazzjoni mogħtija mill-applikant kienu aċċettati. Madankollu l-ispjegazzjonijiet u informazzjoni oħra mogħtija mill-applikant ma setgħux idgħajfu n-nuqqasijiet ċari marbuta mal-Kriterju 3, jiġifieri li l-allokazzjoni tal-art hija marbuta mal-impriżi ta’ negozju, il-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet pubbliċi mingħajr kumpens u n-nuqqas ta’ varjazzjoni fil-prezz LUR f’waqtu. Fid-dawl tan-nuqqasijiet ċari li baqa’ marbuta mal-Kriterju 3, dan il-kriterju jibqa’ ma jintlaħaqx.

(23)

Fuq il-bażi ta’ dak imsemmi hawn fuq, ġie konkluż li l-applikant ma wriex li jissodisfa l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku u, għalhekk, ma setax jingħata t-TES.

3.   Trattament Individwali

(24)

Skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, dazju fuq skala nazzjonali, jekk jeżisti, huwa stabbilit għal pajjiżi li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(7)(a), għajr f’dawk il-każijiet fejn il-kumpaniji jkunu jistgħu juru li jissodisfaw il-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u għalhekk ikunu jistgħu jingħataw TI.

(25)

Greenwood Houseware talbet TI fil-każ li ma tingħatax TES.

(26)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, ġie stabbilit li l-kumpanija ma ssodisfatx ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. B’hekk ġie konkluż li l-applikant ma setax jingħata TI.

4.   Il-Valur Normali

4.1.   Il-pajjiż analogu

(27)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, f’każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi b’ekonomija mhux tas-suq u sakemm it-TES ma setax jingħata, għall-pajjiżi speċifikati fl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi stabbilit valur normali fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur mibni f’pajjiż analogu.

(28)

Fl-avviż ta’ bidu, il-Kummissjoni indikat l-intenzjoni tagћha li tuża lit-Turkija bћala pajjiż analogu xieraq għall-fini li jiġi stabbilit il-valur normali gћar-RPĊ, u stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar dan. It-Turkija kien diġà ttieħed bħala pajjiż analogu fl-investigazzjoni oriġinali.

(29)

Ma waslu l-ebda kummenti dwar l-għażla tat-Turkija bħala pajjiż analogu għall-istabbiliment tal-valur normali.

(30)

Il-Kummissjoni fittxet il-kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi kollha fit-Turkija. Intbagħtu ittri u kwestjonarji rilevanti lil tliet kumpaniji fit-Turkija. L-ebda waħda minn dawn il-kumpaniji ma kkooperat mal-investigazzjoni jew resqet xi informazzjoni rilevanti. Il-Kummissjoni kkuntattjat għal darba oħra lill-produtturi magħrufa kollha fit-Turkija, iżda ma waslu l-ebda risposti. L-industrija tal-Unjoni u l-applikant ġew informati b’din is-sitwazzjoni u ntalbu jipprovdu kwalunkwe kummenti rilevanti fir-rigward ta’ metodi li jintużaw għall-għażla ta’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Ma wasal l-ebda kumment.

(31)

Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, tqies xieraq, skont l-Artikolu 2.7(a) tar-Regolament bażiku li l-industrija tal-Unjoni tiġi mistoqsija jekk kinitx beħsiebha tikkoopera biex tippermetti lill-Kummissjoni tikseb informazzjoni meħtieġa għall-istabbiliment ta’ valur normali.

(32)

Intbagħtu ittri u kwestjonarji rilevanti lill-produtturi tal-industrija tal-Unjoni biex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għall-istabbiliment ta’ valur normali u Greenwood Houseware kienet mistiedna tikkummenta dwar dan.

(33)

Ma waslu l-ebda kummenti għand Greenwood Houseware dwar l-użu tal-informazzjoni miksuba mill-industrija tal-Unjoni għall-istabbiliment ta’ valur normali.

(34)

Produttur Ewropew wieħed ressaq l-informazzjoni kollha meħtieġa fi żmien xieraq għad-determinazzjoni tal-valur normali u qabel li jikkoopera fl-investigazzjoni. Ġie għalhekk deċiż li jiġi stabbilit valur normali fuq din il-bażi.

4.2.   Id-determinazzjoni tal-valur normali

(35)

Filwaqt li ġiet segwita l-għażla li tintuża d-dejta tal-industrija tal-Unjoni, il-valur normali ġie kkalkulat fuq il-bażi tal-informazzjoni vverifikata fuq il-post tal-produttur tal-Unjoni li kkoopera, Vale Mill Ltd.

(36)

Instab li l-bejgħ domestiku tal-produttur tal-Unjoni tal-prodott simili kien rappreżentattiv meta mqabbel mal-prodott ikkonċernat li ġie esportat lejn l-Unjoni mill-produttur esportatur fir-RPĊ.

(37)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, ġie stabbilit valur normali għar-RPĊ fuq il-bażi tal-informazzjoni vverifikata li waslet għand il-produttur tal-Unjoni waħdieni li kkoopera, jiġifieri fuq il-bażi ta’ prezzijiet imħallsa jew li jitħallsu fis-suq tal-Unjoni għal tipi ta’ prodotti kumparabbli, fejn instab li dawn ġew magħmula fil-kors ta’ kummerċ normali, jew fuq valuri mibnija fejn ma nstab l-ebda bejgħ domestiku fil-kors ta’ kummerċ normali għat-tipi ta’ prodotti kumparabbli, jiġifieri fuq il-bażi tal-ispiża tal-manifattura ta’ twavel għall-mogħdija mmanifatturati mill-produttur tal-Unjoni flimkien ma ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi (“BĠA”) u għall-qliegħ. Il-marġini ta’ qliegħ użat huwa konformi ma’ dak użat fl-investigazzjoni oriġinali.

5.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(38)

L-applikant wettaq il-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni permezz ta’ kummerċ relatat u ta’ kumpaniji sensara allokati kemm barra l-Unjoni (kumpanija waħda rreġistrata f’Ħong Kong) kif ukoll fl-Unjoni (25 kumpanija rreġistrati f’diversi Stati Membri tal-Unjoni).

(39)

Minħabba li l-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni sar permezz ta’ kumpaniji kummerċjali relatati, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-prodott meta mibjugħ mill-kumpaniji kummerċjali relatati lill-ewwel xerrej indipendenti skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

(40)

Greenwood Houseware użat għadd kbir ta’ kumpaniji relatati għall-bejgħ lill-ewwel xerrej indipendenti fl-Unjoni. Il-prodott ikkonċernat l-ewwel daħal f’ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni permezz ta’ kumpanija waħda relatata mal-kumpanija li applikat u mbagħad inbigħ lil kumpaniji relatati differenti li kkummerċjalizzaw u li wettqu attivitajiet oħra għall-applikant f’bosta Stati Membri tal-Unjoni. L-applikant talab li l-kalkoli ta’ dumping jiġu llimitati għat-tranżazzjonijiet li jirreferu għat-tliet partijiet relatati tiegħu, li jbigħu fl-Olanda, fir-Renju Unit u fil-Belġju, li kienu jirrappreżentaw proporzjon prinċipali mill-bejgħ tiegħu fl-Unjoni. Fid-dawl tal-għadd totali kbir tal-partijiet ta’ bejgħ relatati u r-restrizzjoni ta’ ħin fil-konklużjoni tal-investigazzjoni qed jitqies xieraq li s-sejbiet jiġu msejsa fuq dumping fis-swieq prinċipali tal-applikant fl-Unjoni li ssemmew hawn fuq. Il-Kummissjoni vverifikat it-totalità tal-bejgħ għall-esportazzjoni mir-RPĊ via Ħong Kong sal-punt fejn il-prodott ikkonċernat daħal f’ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni u reġa’ nbigħ lill-bosta kumpaniji kummerċjali tagħha. Kien biss f’dan il-punt li l-Kummissjoni llimitat il-valutazzjoni ta’ dumping għat-tlitt iswieq ewlenin imsemmija hawn fuq.

(41)

Għaldaqstant, u skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, il-prezzijiet tal-esportazzjoni ssawru fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodott importat inbiegħ għall-ewwel darba lil klijenti indipendenti fl-Olanda, fir-Renju Unit u fil-Belġju. Kellu jsir tnaqqis għall-ispejjeż kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid inkluż l-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u dawk amministrattivi mill-kumpaniji importaturi matul il-PI. Dawn l-ispejjeż kienu vverifikati fuq il-post fil-kumpaniji rispettivi.

(42)

Kellu jitnaqqas ukoll il-marġini ta’ qliegħ li kopra l-operazzjonijiet tal-applikant fir-rigward tal-prodott ikkonċernat matul il-PI. F’dan ir-rigward, il-qligħ proprju tan-negozjanti relatati ma setax jintuża billi r-relazzjoni bejn il-produttur esportatur u n-negozjanti relatati rrendiet il-livelli ta’ qliegħ bħala mhux kredibbli. Barra dan il-kumpanija spjegat fuq il-post li normalment ma kinitx responsabbli għal rati ta’ qliegħ bħal dawn fil-mod mitlub mill-investigazzjoni. L-applikant għalhekk issuġġerixxa li l-Kummissjoni tuża l-livell normali ta’ qliegħ użat fl-investigazzjoni ta’ qabel. Fl-assenza ta’ ċifri oħra kif spjegat ħawn fuq, ġie għalhekk deċiż li tintuża r-rata stipulata fl-investigazzjoni oriġinali.

6.   Tqabbil

(43)

Skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku, il-marġini tad-dumping għal Greenwood Houseware ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ tqabbil ta’ valur normali medju b’piż differenzjat skont it-tip ta’ prodott ma’ prezz tal-esportazzjoni medju b’piż differenzjat skont it-tip ta’ prodott kif ġie stabbilit hawn fuq.

(44)

It-tqabbil sar fuq il-bażi tal-prezz hekk kif il-prodott jitlaq mill-fabbrika u fl-istess livell tal-kummerċ.

(45)

Biex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Ingħataw konċessjonijiet fejn kien japplika u fejn kien ġustifikat għad-differenzi fit-taxxi indiretti, għall-ispejjeż tat-trasport u tal-assigurazzjoni, għall-ispejjeż tal-immaniġġjar, tat-tagħbija u għall-ispejjeż anċillari, għall-ispejjeż tal-ippakkjar, għall-ispejjeż tal-kreditu, għall-ispejjeż tal-garanziji u għall-kummissjonijiet.

7.   Il-Marġini ta’ Dumping

(46)

It-tqabbil wera li kien hemm l-eżistenza ta’ dumping. Dan il-marġini ta’ dumping espress bħal perċentwal tal-prezz nett ħieles fuq il-fruntiera tal-Unjoni Ewropea, mingħajr dazju mħallas huwa ta’ 22,7 %.

D.   IMPOSTA RETROATTIVA TAD-DAZJU TA’ ANTIDUMPING

(47)

Fid-dawl tas-sejbiet ta’ hawn fuq, id-dazju ta’ antidumping applikabbli għall-applikant għandu jiġi impost retroattivament fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, li saru soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 356/2009.

E.   ŻVELAR

(48)

Il-partijiet interessati ġew infurmati bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li jiġi impost dazju ta’ antidumping definittiv emendat fuq il-importazzjonijet ta’ twavel għall-mogħdija mingħand l-applikant u li dan id-dazju jiġi impost retroattivament fuq l-importazzjonijiet li saru soġġetti għar-reġistrazzjoni.

(49)

Il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-kummenti tagħhom tqiesu u ttieħdu f’kunsiderazzjoni fejn xieraq iżda dawn ma kinux ta’ natura li jbiddlu l-konklużjonijiet.

(50)

Din ir-reviżjoni ma taffettwax id-data li fiha se jiskadu l-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 452/2007 skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 452/2007 hija b’dan emendata billi jiddaħħal dan li ġej:

“Il-pajjiż

Il-manifattur

Ir-rata tad-dazju

(%)

Il-kodiċi addizjonali TARIC

RPĊ

Greenwood Houseware (Zhuhai) Ltd

22,7  (*1)

A953

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SALGADO


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(3)   ĠU L 109, 26.4.2007, p. 12.

(4)   ĠU L 109, 30.4.2009, p. 6.

(*1)  Id-dazju impost hawnhekk għandu jiġi impost retroattivament fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat reġistrati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 356/2009 (*2). L-awtoritajiet doganali b’dan qed jingħataw id-direttiva li jieqfu jirreġistraw l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u prodotti minn Greenwood Houseware (Zhuhai) Ltd.

(*2)   ĠU L 109, 30.4.2009, p. 6.”


28.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 78/2010

tas-27 ta’ Jannar 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 33/2008 dwar l-ambitu u l-perjodu mogħti skont il-proċedura regolari lill-Awtorità għall-adozzjoni tal-konklużjonijiet tagħha dwar l-inklużjoni ta’ ċerti sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(5) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha japplika għas-sustanzi tat-tielet u r-raba’ stadju li kienu ġew vvalutati iżda mhux inklużi fl-Anness I (2) tad-Direttiva 91/414/KEE sal-31 ta’ Diċembru 2008. Ma japplikax fir-rigward tas-sustanzi tat-tielet u r-raba’ stadju vvalutati wara dik id-data.

(2)

Iżda, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2002 (3) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/565/KE (4) ġew emendati biex jiġi estiż il-perjodu ta’ żmien għall-programm tax-xogħol sal-31 ta’ Diċembru 2009 fir-rigward tas-sustanzi tat-tielet u r-raba’ stadju. Jeħtieġ li tiġi adattata d-data rispettiva fir-Regolament (KE) Nru 33/2008.

(3)

Fir-rigward tal-proċedura regolari, huwa issa ovvju li l-perjodu ta’ żmien mogħti lill-Awtorità biex tħejji l-konklużjonijiet tagħha għandu jiġi estiż minħabba l-komplessità u l-ammont ta’ xogħol involut. Dan għandu japplika biss fir-rigward ta’ sustanzi attivi li għalihom jintbagħat l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni lill-Kummissjoni wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(4)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 33/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 33/2008 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-punt (c) jinbidel b’dan li ġej:

“(c)

għas-sustanzi tat-tielet u r-raba’ stadju, sal-31 ta’ Diċembru 2009.”

(2)

L-Artikolu 10 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Konklużjoni tal-Awtorità

1.   L-Awtorità għandha tadotta konklużjoni dwar jekk is-sustanza attiva tistax tiġi mistennija li tilħaq ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414/KEE fi żmien sitt xhur minn mindu jintemm il-perjodu previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, u għandha tikkomunikaha lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

Fejn xieraq, l-Awtorità għandha tindirizza fil-konklużjoni tagħha l-alternattivi ta’ mitigazzjoni tar-riskju fir-rigward ta’ użi maħsuba li ġew identifikati fl-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni.

2.   Meta l-Awtorità teħtieġ tagħrif addizzjonali, b’konsultazzjoni mal-Istat Membru relatur, għandha tistipula perjodu ta’ żmien ta’ massimu ta’ disgħin jum li fih l-applikant irid jipprovdih lill-Awtorità u l-Istat Membru relatur. L-Awtorità għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. It-tagħrif li jintbagħat fil-perjodu ta’ żmien mogħti biss se jitqies.

L-Istat Membru relatur għandu jivvaluta t-tagħrif addizzjonali u jippreżentah lill-Awtorità minnufih u mhux aktar tard minn sittin jum wara li jasallu t-tagħrif addizzjonali.

F’dan il-każ, il-perjodu ta’ sitt xhur għall-adozzjoni tal-konklużjoni mill-awtorità, kif ipprovdut fil-paragrafu 1, għandu jiġi estiż b’perjodu li għandu jintemm fil-mument meta l-valutazzjoni tat-tagħrif addizzjonali tasal għand l-Awtorità.

3.   Il-Kummissjoni u l-Awtorità għandhom jaqblu dwar skeda għall-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet sabiex jiffaċilitaw l-ippjanar tax-xogħol. Il-Kummissjoni u l-Awtorità għandhom jaqblu dwar il-format li bih jintbagħtu l-konklużjonijiet tal-Awtorità.”

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

L-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 33/2008 għandu jkompli japplika, hekk kif inhu mingħajr l-emenda, għas-sustanzi attivi li għalihom intbagħat l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni mill-Istat Membru relatur, kif ipprovdut fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 33/2008, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)   ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.

(3)   ĠU L 319, 23.11.2002, p. 3.

(4)   ĠU L 192, 31.7.2003, p. 40.


28.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 79/2010

tas-27 ta’ Jannar 2010

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-28 ta’ Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

JO

73,2

MA

73,5

TN

112,2

TR

99,1

ZZ

89,5

0707 00 05

MA

76,9

TR

127,7

ZZ

102,3

0709 90 70

MA

135,7

TR

140,1

ZZ

137,9

0709 90 80

EG

82,2

ZZ

82,2

0805 10 20

EG

50,2

IL

54,1

MA

53,2

TN

55,2

TR

58,3

ZZ

54,2

0805 20 10

IL

166,5

MA

80,5

ZZ

123,5

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

CN

48,6

EG

76,6

IL

72,6

JM

106,6

MA

100,8

PK

46,5

TR

86,7

ZZ

76,9

0805 50 10

EG

65,9

IL

88,6

TR

79,1

ZZ

77,9

0808 10 80

CA

75,7

CL

60,5

CN

76,1

MK

24,7

US

120,9

ZZ

71,6

0808 20 50

CN

73,6

US

115,1

ZA

90,0

ZZ

92,9


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ ZZ ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


DIRETTIVI

28.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/11


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/2/UE

tas-27 ta’ Jannar 2010

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward tal-estensjoni tal-użu tas-sustanza attiva chlormequat

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari t-tieni inċiż tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/37/KE (2), il-chlormequat kienet inkluża bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(2)

Meta kien qed japplika għall-inklużjoni tal-chlormequat, in-notifikatur tagħha, CCC Task Force, ressaq dejta dwar l-użu bħala regolatur tat-tkabbir tal-pjanti, liema dejta appoġġat il-konklużjoni ġenerali li tgħid li hu mistenni li prodotti li jipproteġu l-pjanti li fihom il-chlormequat għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sikurezza stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE. Madankollu, il-chlormequat kienet inkluża fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva bid-dispożizzjoni speċifika li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw biss użi tagħha fuq iċ-ċereali.

(3)

Barra minn dak l-użu, il-Belġju u l-Iżvezja issa applikaw għal emenda għal din id-dispożizzjoni speċifika biex jawtorizzaw l-użu tal-chlormequat fuq ornamenti u ħaxix għaż-żrieragħ, rispettivament. Fid-29 ta’ Ottubru 2009 u fl-4 ta’ Novembru 2009 dawn l-Istati Membri infurmaw lill-Kummissjoni bil-konklużjoni tagħhom li l-estensjonijiet tal-użu mitluba ma jikkawżaw ebda riskju ieħor barra dawk li diġà tqiesu fid-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-chlormequat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE u fir-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni dwar is-sustanza. B’mod partikolari, l-estensjonijiet jikkonċernaw applikazzjonijiet dwar għelejjel mhux edibbli u għaldaqstant mhu se jkun hemm ebda residwi fl-ikel. Barra minn dan, il-parametri l-oħra ta’ applikazzjoni, kif stipulati fid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, jibqgħu l-istess.

(4)

Għalhekk huwa ġustifikat li jkunu modifikati d-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-chlormequat.

(5)

Għaldaqstant huwa xieraq li d-Diretttiva 91/414/KEE tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux iktar tard mit-28 ta’ Mejju 2010, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mid-29 ta’ Mejju 2010.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)   ĠU L 104, 24.4.2009, p. 23.


ANNESS

Fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, ir-ringiela 281 hi sostitwita b’dan li ġej:

Nru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Dħul fis-seħħ

Skadenza tal-inklużjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“281

chlormequat

Nru tal-CAS 7003-89-6 (chlormequat)

Nru tal-CASo999-81-5 (chlormequat chloride)

Nru tal-CIPAC 143 (chlormequat)

Nru tal-CIPAC 143.302 (chlormequat chloride)

2-chloroethyltrimethylammonium (chlormequat)

2-chloroethyltrimethylammonium chloride

(chlormequat chloride)

≥ 636 g/kg

Impuritajiet

1,2-dichloroethane: mass. ta’ 0.1 g/kg (fuq il-kontenut niexef tal-chlormequat chloride).

Chloroethene (vinylchloride): mass. ta’ 0,0005 g/kg (fuq il-kontenut niexef tal-chlormequat chloride).

1 ta’ Diċembru 2009

30 ta’ Novembru 2019

PARTI A

L-użu bħala regolatur tat-tkabbir tal-pjanti fuq iċ-ċereali u l-għelejjel edibbli biss jista’ jiġi awtorizzat.

PARTI B

Waqt il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-chlormequat għal użu għajr dak fis-segala u t-triticale, notevolment fejn jidħol l-esponiment tal-konsumaturi, l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti għall-kriterji fl-Artikolu 4(1) (b), u għandhom jiżguraw li tiġi pprovduta kull dejta u informazzjoni meħtieġa qabel ma tingħata awtorizzazzjoni bħal din.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-chlormequat u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-23 ta’ Jannar 2009.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri jridu joqogħdu partikolarment attenti:

għas-sikurezza tal-operaturi u jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu jippreskrivu l-applikazzjoni ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali adegwat;

lill-protezzjoni tal-għasafar u l-mammiferi.

Il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri li jnaqqsu r-riskju, fejn ikun xieraq.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu l-preżentazzjoni ta’ aktar informazzjoni dwar id-destin u l-imġiba (studji ta’ assorbiment li għandhom isiru fl-20 °C, kalkolu mill-ġdid tal-konċentrazzjonijiet imbassra fl-ilma taħt l-art, fl-ilma tal-wiċċ u s-sediment), il-metodi ta’ monitoraġġ għall-kalkolu tas-sustanza fi prodotti u ilma għall-annimali, u r-riskju għall-organiżmi akkwatiċi, l-għasafar u l-mammiferi. Huma għandhom jiżguraw li n-notifikant li fuq talba tiegħu ġiet inkluża l-chlormequat f’dan l-Anness jipprovdi informazzjoni bħal din lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2011.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma pprovduti fir-rapport ta’ reviżjoni.


Rettifika

28.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/14


Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 23/2010, tal-14 ta' Jannar 2010 li jistabbilixxi għall-2010 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għal bastimenti tal-UE f'ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta' qbid u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1359/2008, (KE) Nru 754/2009, (KE) Nru 1226/2009 u (KE) Nru 1287/2009

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 21, 26 ta’ Jannar 2010 )

Fl-ewwel paġna tal-qoxra u f’paġna 1, fit-titolu:

minflok:

“Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 23/2010”;

aqra:

“Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 53/2010”.