ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2010.009.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 9

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 53
14ta' Jannar 2010


Werrej

 

II   Atti mhux leġislattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 24/2010 tat-13 ta’ Jannar 2010 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Jihočeská Niva (IĠP)]

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 25/2010 tat-13 ta’ Jannar 2010 li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 796/2004 f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-ammonti tal-għajnuna għall-bdiewa fil-Greċja għall-2009

3

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 26/2010 tat-12 ta’ Jannar 2010 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 872/2004 li jirrigwarda iktar miżuri restrittivi li għandhom x'jaqsmu mal-Liberja

5

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 27/2010 tat-13 ta’ Jannar 2010 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

7

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 28/2010 tat-13 ta’ Jannar 2010 li jistabbilixxi l-koeffiċjent tal-allokazzjoni applikabbli għat-talbiet għal liċenzji tal-importazzjoni mressqa mill-1 ta’ Jannar sat-8 ta’ Jannar 2010 fil-kuntest tal-kwota tariffarja miftuħa bir-Regolament (KE) Nru 955/2005 fir-rigward tar-ross li joriġina mill-Eġittu

9

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

 

2010/19/UE

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Jannar 2010 dwar l-iskambju sikur ta’ dejta elettronika bejn l-Istati Membri biex tkun ivverifikata l-uniċità tal-biljetti tas-sewwieqa li joħorġu (notifikata bid-dokument numru C(2010) 19)  ( 1 )

10

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġislattivi

REGOLAMENTI

14.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 24/2010

tat-13 ta’ Jannar 2010

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Jihočeská Niva (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), b’mod partikolari t-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 7(5), tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(2) u f’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, it-talba mressqa mir-Repubblika Ċeka għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Jihočeská Niva”, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Is-Slovakkja ressqet oġġezzjoni kontra r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Din l-oġġezzjoni kienet meqjusa ammissibbli fuq il-bażi tal-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Fl-oġġezzjoni, is-Slovakkja indikat li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni kkonċernata tmur kontra l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 u se xxekkel l-eżistenza ta’ trejdmarks reġistrati fit-territorju tas-Slovakkja.

(4)

Il-Kummissjoni, permezz tal-ittra tal-24 ta’ Ġunju 2008, stiednet lill-Istati Membri kkonċernati biex jilħqu qbil bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom.

(5)

Minħabba li ma ntlaħaq l-ebda qbil bejn is-Slovakkja u r-Repubblika Ċeka fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

(6)

Fid-dawl tal-informazzjoni provduta mis-Slovakkja, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Jihočeská Niva” tmur kontra l-Artikolu 3(4) tar-Regolament KE Nru 510/2006. Filwaqt li min oġġezzjona seta’ provda evidenza li d-denominazzjoni “Jihočeská Niva” tista’ tkun assoċjata mad-denominazzjoni “Niva”, ma kienet provduta l-ebda evidenza dwar il-grad ta’ distinzjoni li t-trejdmark akkwista minħabba r-reputazzjoni, il-fama u t-tul ta’ żmien li kien użat. Għalhekk, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, ma kienx hemm evidenza li r-reġistrazzjoni ta’ “Jihočeská Niva” kienet se tiżgwida lill-konsumaturi rigward l-identità reali tal-prodott.

(7)

Ma kienet preżentata l-ebda evidenza li tippermetti lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li wara li jkunu kkunsidrati l-użu ġust u tradizzjonali u l-probabbiltà reali ta’ konfużjoni, ir-reġistrazzjoni tal-isem “Jihočeská Niva” bħala indikazzjoni ġeografika protetta, kien imur kontra d-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7. Skont l-evidenza preżentata lill-Kummissjoni, it-terminu “Niva” kien użat b’mod ġeneriku għal tip ta’ ġobon, fir-Repubblika Ċeka u fis-Slovakkja għal għexieren ta’ snin. Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni tal-isem imsemmi bħala indikazzjoni ġeografika protetta ma kinetx se tirrikjedi la l-kanċellazzjoni jew l-invalidazzjoni tat-trejdmarks, minħabba li kien hemm applikazzjoni għalihom qabel id-data tat-tressiq tal-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni lill-Kummissjoni u lanqas ma kienet se xxekkel l-użu tal-istess. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, id-dritt esklussiv tal-proprjetarju tat-trejdmarks imsemmijin, ma jippermettilux li jipprojbixxi parti terza milli tuża matul il-kummerċjalizzazzjoni u skont prattiki onesti fi kwistjonijiet industrijali jew kummerċjali, indikazzjoni dwar l-oriġini ġeografika skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks [trejdmarks] (3)

(8)

Fid-dawl ta’ dan kollu, id-denominazzjoni “Jihočeská Niva” għandha tiddaħħal fir-“Reġistru ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”.

(9)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u d-Denominazzjonijiet tal-Oriġini Protetti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni msemmija fl-Anness għal dan ir-Regolament għandha tiddaħħal fir-reġistru.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, it-13 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)   ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)   ĠU C 278, 21.11.2007, p. 13.

(3)   ĠU L 299, 8.11.2008, p. 25.


ANNESS

Prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I għat-Trattat:

Kategorija 1.3.   Ġobnijiet

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

Jihočeská Niva (IĠP)]


14.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 25/2010

tat-13 ta’ Jannar 2010

li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 796/2004 f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-ammonti tal-għajnuna għall-bdiewa fil-Greċja għall-2009

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 142(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 73/2009, kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ konformità kif hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 (2) fl-Artikolu 21 tiegħu jipprovdi għat-tnaqqis li jrid jiġi applikat fil-każ tat-tressiq tard ta’ applikazzjoni għall-għajnuna kif ukoll ta’ dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet li huma obbligatorji għall-eliġibbiltà tal-għajnuna.

(2)

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-pakketti agrikoli huma identifikati b’mod ċar u jridu jirrikjedu li l-applikazzjoni waħdanija tkun akkumpanjata minn dokumenti li jidentifikaw il-pakketti sabiex tkun tista’ ssir l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 12(1) ta’ dak ir-Regolament, l-applikazzjoni waħdanija għandu jkollha t-tagħrif meħtieġ kollu biex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà għall-għajnuna. Dan jinkludi dettalji li jidentifikaw il-pakketti agrikoli kollha fl-impriża u dettalji dwar fejn jinsabu.

(3)

Sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet marbuta mal-identifikazzjoni tal-pakketti agrikoli, li kienu jinstabu regolarment fil-passat, il-bdiewa Griegi, għall-ewwel darba fl-2009, intalbu jidentifikaw il-pakketti agrikoli marbuta mal-applikazzjoni tagħhom f’forma diġitali wkoll flimkien mal-identifikazzjoni fil-forma alfanumerika li kienet tkun meħtieġa waħidha fil-passat, biex l-applikazzjoni tagħhom tkun eliġibbli.

(4)

Madankollu, il-Greċja esperjenzat ċirkostanzi eċċezzjonali fl-amministrazzjoni tagħha tal-applikazzjoni waħdanija fl-2009. L-implimentazzjoni prattika ta’ din l-identifikazzjoni diġitali ddewmet b’mod sinifikanti minħabba problemi mhux mistennija, marbuta mad-diffikultajiet tekniċi severi li kien hemm.

(5)

Minbarra l-kumplessità intrinsika teknika, il-proċess tad-diġitalizzazzjoni xxekkel mis-sitwazzjoni globali tal-pakketti agrikoli Griegi, li huma mifruxa ma’ kullimkien u mħawdin ħafna. Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni korretta u mingħajr xkiel tal-proċess tad-diġitalizzazzjoni, kienu meħtieġa kapaċitajiet speċifiċi u għarfien fil-fond min-naħa tal-bdiewa.

(6)

B’rabta ma’ dan, kienu meħtieġa tagħrif estensiv u pariri mill-korpi pubbliċi u privati kompetenti involuti. Kienu meħtieġa arranġamenti speċifiċi fuq skala kbira u li jieħdu ħafna ħin għal taħriġ xieraq tal-bdiewa Griegi.

(7)

Barra minn hekk, kien hemm serje ta’ nuqqasijiet severi u persistenti tan-netwerk u konnessjonijiet li ma jaħdmux sew, partikolarment fiż-żoni remoti.

(8)

Din is-sitwazzjoni effettwat b’mod sinifikanti l-abbiltà tal-bdiewa Griegi biex iressqu applikazzjoni waħdanija sad-data ta’ skadenza pprovduta fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004, li jkun fiha wkoll, mill-2009 ‘l quddiem, identifikazzjoni diġitizzata tal-pakketti agrikoli. Fil-fatt, għadd żgħir biss ta’ bdiewa rnexxielhom ikunu konformi mar-rekwiżit tal-identifikazzjoni diġitizzata sad-data tal-iskadenza. Għadd kbir ta’ bdiewa oħrajn sussegwentement lestew l-applikazzjoni tagħhom billi żiedu din l-identifikazzjoni.

(9)

Minħabba din is-sitwazzjoni, jixraq li għas-sena ta’ applikazzjoni tal-2009, ma għandhomx japplikaw it-tnaqqis jew l-esklużjoni stipulati fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 minħabba li l-identifikazzjoni diġitali tal-pakketti agrikoli tkun waslet tard, sakemm din l-identifikazzjoni diġitali tkun inkluża fl-applikazzjoni waħdanija tal-bdiewa sa data li tqis kemm il-fatt li ħafna bdiewa Griegi sadanittant irnexxielhom jimlew id-dejta nieqsa u minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat trattament malajr kemm jista’ jkun tal-applikazzjonijiet li tressqu għall-2009, filwaqt li jiġi evitat id-dewmien mhux meħtieġ fiċ-ċiklu tal-infiq. Jidher xieraq li l-31 ta’ Jannar 2010 għandu jiġi stabbilit bħala l-aħħar data sa meta l-bdiewa għandhom jitħallew iressqu l-identifikazzjoni diġitizzata. Madankollu, sabiex jitqiesu l-problemi partikolari tal-konnessjoni u tat-trasport tagħhom, il-bdiewa fil-gżejjer minuri tal-Eġew fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 tat-18 ta’ Settembru 2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri tal-Eġew u li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (3) għandhom jitħallew jissupplimentaw din l-identifikazzjoni sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar 2010.

(10)

Minħabba li d-deroga proposta għandha tkopri l-applikazzjonijiet imressqin għas-sena tal-għajnuna tal-2009, jixraq li dan ir-Regolament japplika retroattivament.

(11)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Ħlasijiet Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004, fir-rigward tas-sena ta’ applikazzjoni tal-2009, fil-Greċja m’hu se japplika l-ebda tnaqqis jew esklużjoni minħabba li l-identifikazzjoni diġitali tal-pakketti agrikoli tkun waslet tard, sakemm din l-identifikazzjoni diġitali tkun inkluża fl-applikazzjoni waħdanija tal-bdiewa sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2010. Madankollu, għall-bdiewa fil-gżejjer minuri tal-Eġew fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006, din l-identifikazzjoni diġitali għandha tiġi inkluża fl-applikazzjoni waħdanija tal-bdiewa sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar 2010.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

Għandu jiskadi fis-16 ta’ Frar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)   ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

(2)   ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18.

(3)   ĠU L 265, 26.9.2006, p. 1.


14.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 26/2010

tat-12 ta’ Jannar 2010

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 872/2004 li jirrigwarda iktar miżuri restrittivi li għandhom x'jaqsmu mal-Liberja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 872/2004 tad-29 ta' April 2004 dwar iktar miżuri restrittivi li għandhom x’jaqsmu mal-Liberja (1), u partikolarment l-Artikolu 11 (a) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 872/2004 jelenka l-persuni, korpi u entitajiet fiżiċi u ġuridiċi li huma koperti mill-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi taħt dak ir-Regolament.

(2)

Fis-16 ta’ Diċembru 2009, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jemenda l-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet li għalihom għandhom japplikaw l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi. L-Anness I għandu għalhekk jiġi emendat kif jixraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 872/2004 hu emendat kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni,

f'isem il-President,

João Vale DE ALMEIDA

Direttur Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni


(1)   ĠU L 162, 30.4.2004, p. 32.


ANNESS

L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 872/2004, huwa emendat kif ġej:

Għandhom jitneħħew dawn il-persuni fiżiċi li ġejjin:

“Ali Kleilat (magħruf ukoll bħala (a) Ali Qoleilat, (b) Ali Koleilat Delbi, (c) Ali Ramadhan Kleilat Al-Delbi, (d) Ali Ramadan Kleilat Al-Dilby, (e) Ali Ramadan Kleilat, (f) Ali Ramadan Kleilat Sari). Data tat-twelid: 10.7.1970 (is-sena tat-twelid miktuba fuq xi passaporti tiegħu hi l-1963). Post tat-twelid: Beirut, il-Libanu. Ċittadinanza: Libaniża. Nru tal-passaporti: (a) 0508734, (b) 1432126 (il-Libanu), (c) Regolari-RL0160888 (il-Libanu), (d) D00290903 (il-Liberja), (e) Z01037744 (l-Olanda), (f) Regolari-B0744958 (il-Venezwela). Nru tar-Reġistru Nazzjonali: 2016, Mazraa. Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 6(b): 23.6.2004.”


14.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 27/2010

tat-13 ta’ Jannar 2010

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-14 ta’ Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

IL

122,3

MA

72,6

TN

113,4

TR

92,1

ZZ

100,1

0707 00 05

EG

174,9

JO

115,2

MA

76,9

TR

118,5

ZZ

121,4

0709 90 70

MA

170,4

TR

119,1

ZZ

144,8

0709 90 80

EG

225,1

ZZ

225,1

0805 10 20

EG

49,2

IL

56,2

MA

50,7

TN

56,6

TR

53,8

ZZ

53,3

0805 20 10

MA

96,0

TR

64,0

ZZ

80,0

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

CN

52,9

EG

67,7

HR

59,0

IL

68,7

JM

115,8

MA

83,8

TR

64,1

ZZ

73,1

0805 50 10

EG

63,9

IL

88,6

MA

65,5

TR

72,5

US

87,7

ZZ

75,6

0808 10 80

CA

84,4

CN

88,7

MK

24,7

US

109,6

ZZ

76,9

0808 20 50

CN

51,2

US

100,6

ZZ

75,9


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ ZZ ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


14.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 28/2010

tat-13 ta’ Jannar 2010

li jistabbilixxi l-koeffiċjent tal-allokazzjoni applikabbli għat-talbiet għal liċenzji tal-importazzjoni mressqa mill-1 ta’ Jannar sat-8 ta’ Jannar 2010 fil-kuntest tal-kwota tariffarja miftuħa bir-Regolament (KE) Nru 955/2005 fir-rigward tar-ross li joriġina mill-Eġittu

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji għall-importazzjoni tal-prodotti agrikoli rregolati minn sistema ta’ liċenzji tal-importazzjoni (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 955/2005 (3) stabbilixxa kwota tariffarja annwali għall-importazzjoni ta’ 5 605 tunnellati ross li joriġina mill-Eġittu li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1006 (numru tas-serje 09.4097).

(2)

Mill-komunikazzjoni magħmula skont l-Artikolu 5(a) tar-Regolament (KE) Nru 955/2005, jirriżulta li t-talbiet imressqa mill-1 ta’ Jannar 2010 fis-13:00 sat-8 ta’ Jannar 2010 fis-13:00, ħin ta’ Brussell, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament imsemmi, jaqbżu l-kwantitajiet disponibbli. Għaldaqstant, jixraq li jiġi ddeterminat safejn jistgħu jinħarġu liċenzji, billi jiġi stabbilit il-koeffiċjent ta’ allokazzjoni li għandu jkun applikat għall-kwantitajiet mitluba.

(3)

Jixraq ukoll li jkun sospiż it-tressiq ta’ talbiet ġodda għal liċenzji tal-importazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 955/2005 sa tmiem il-perjodu attwali ta’ kwoti, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament imsemmi.

(4)

Sabiex tiġi żgurata ġestjoni effikaċi tal-proċedura tal-ħruġ taċ-ċertifikati tal-importazzjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ eżatt wara li jiġi ppubblikat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Kull talba għal liċenzja ta’ importazzjoni ta’ ross li joriġina mill-Eġittu li taqa’ taħt il-kwota stipulata bir-Regolament (KE) Nru 955/2005, u mressqa mill-1 ta’ Jannar 2010 fis-13:00 sat-8 ta’ Jannar 2010 fis-13:00, ħin ta’ Brussell, tagħti lok għall-ħruġ ta’ liċenzji għall-kwantitajiet mitluba, assenjati skont koeffiċjent tal-allokazzjoni ta’ 8,623076 %.

2.   It-tressiq ta’ talbiet ġodda għal liċenzji tal-importazzjoni mill-Ġimgħa t-8 ta’ Jannar 2010 fis-13:00, ħin ta’ Brussell, huwa sospiż sa tmiem il-perjodu attwali tal-kwoti.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.

(3)   ĠU L 164, 24.6.2005, p. 5.


RAKKOMANDAZZJONIJIET

14.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/10


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Jannar 2010

dwar l-iskambju sikur ta’ dejta elettronika bejn l-Istati Membri biex tkun ivverifikata l-uniċità tal-biljetti tas-sewwieqa li joħorġu

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 19)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/19/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (1), jitlob lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru biex toħroġ biljetti tas-sewwieqa, fuq talba ta’ sewwieq li għandu r-residenza regolari tiegħu f’dak l-Istat Membru, kif stipulat fl-Anness IB ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Ir-rekwiżit 268a tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 jitlob lill-Istati Membri biex jiskambjaw dejta b’mod elettroniku sabiex jiżguraw l-uniċità tal-biljetti tas-sewwieqa li joħorġu. Skont dan ir-rekwiżit, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu wkoll jiskambjaw id-dejta b’mod elettroniku meta jwettqu verifiki tal-biljetti tas-sewwieqa mal-ġenb tat-triq jew fil-bini tal-kumpanija sabiex jivverifikaw l-uniċità u l-istatus tal-biljetti.

(3)

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-applikanti ma jkollhomx diġà biljett tas-sewwieqa validu.

(4)

Il-biljetti tas-sewwieqa maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu rikonoxxuti reċiprokament.

(5)

Is-sigurtà, l-integrità u l-affidabbiltà tas-sistema diġitali tat-takografu għandhom ikunu assigurati b’kontroll xieraq u permezz tal-użu ta’ biljetti tas-sewwieqa maħruġa fl-Unjoni Ewropea kollha.

(6)

Huwa għaqli li l-awtorità emittenti jkollha proċessi effikaċi u proċeduri stabbiliti biex tamministra b’mod xieraq id-dejta dwar il-ħruġ ta’ biljetti takografiċi b’mod ġenerali u ta’ biljetti tas-sewwieqa b’mod partikolari.

(7)

L-awtoritajiet emittenti ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-possibilità li jivverifikaw malajr u jiskambjaw b’mod affidabbli informazzjoni dwar biljetti tas-sewwieqa maħruġa u b’hekk jevitaw milli jkun hemm sewwieqa li jkollhom iktar minn biljett tas-sewwieqa wieħed validu.

(8)

Għandu jkun possibbli għall-awtoritajiet nazzjonali responsabbli li, matul il-kontrolli mal-ġenb tat-triq, jivverifikaw mal-ġenb tat-triq jekk sewwieq għandux biljett tas-sewwieqa u biex jiċċekkjaw il-validità tal-istejtus ta’ biljett tas-sewwieqa partikolari.

(9)

Is-sistema ta’ messaġġi TACHOnet hija għodda stabbilita u affidabbli li tintuża għall-iskambju elettroniku ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar il-ħruġ u l-kontroll ta’ biljetti tas-sewwieqa u li 28 pajjiż Ewropew diġà għandhom konnessjoni magħha. Is-sistema ta’ messaġġi TACHOnet hija definita permezz ta’ sett ta’ dokumenti ta’ referenza, inkluża Gwida ta’ Referenza dwar messaġġi XML, li kollha huma ppubblikati fuq il-websajt tas-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-aspetti soċjali tal-politika tat-trasport bit-triq.

(10)

Il-prestazzjoni tas-sistema ta’ messaġġi TACHOnet tiddependi mill-prestazzjonijiet rispettivi tas-sistemi nazzjonali. Għalhekk, għandu jkun stipulat livell minimu tas-servizz li l-Istati Membri għandhom jippruvaw jilħqu rigward id-disponibbiltà tas-sistema,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Użu ta’ TACHOnet

1.

L-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema ta’ messaġġi TACHOnet meta jiskambjaw informazzjoni biex jivverifikaw l-uniċità tal-biljetti tas-sewwieqa maħruġa skont ir-Regolament (KEE) Nru 3821/1985.

Użu ta’ sistemi kompatibbli oħra

2.

Grupp ta’ Stati Membri jista’ juża wkoll sistema kompatibbli, biex jiskambjaw dejta elettronika bejniethom, li għall-inqas tikkonforma mal-Gwida ta’ Referenza dwar il-messaġġi TACHOnet XML, ippubblikata fil-websajt tal-Kummissjoni, dejjem jekk dawn jiskambjaw dejta elettronika mal-Istati Membri l-oħra kollha permezz tat- TACHOnet,

Proċedura biex tkun ivverifikata l-uniċità tal-biljetti tas-sewwieqa

3.

L-Istati Membri għandhom, meta jivverifikaw l-uniċità tal-biljetti tas-sewwieqa, jużaw il-proċedura stipulata fl-Anness I.

Użu tat-TACHOnet jew ta’ sistemi ekwivalenti mill-Entitajiet ta’ Kontroll Nazzjonali

4.

L-Istati Membri għandhom jippermettu, jinkoraġġixxu u jappoġġaw lill-entitajiet ta’ infurzar u ta’ kontroll nazzjonali biex jużaw it-TACHOnet u/jew sistemi ekwivalenti sabiex jiffaċilitaw kontroll effettiv tal-validità, l-istejtus u l-uniċità tal-biljetti tas-sewwieqa, b’mod partikolari jew mal-ġenb tat-triq jew fil-bini tal-impriża.

Livell minimu ta’ servizz

5.

L-Istati Membri għandhom jistipulaw il-livell minimu tas-servizz tat-TACHOnet jew ta’ sistema kompatibbli msemmija fil-punt numru (2), kif deskritt fl-Anness II.

Segwitu

6.

L-Istati Membri huma mistiedna jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jittieħdu fid-dawl ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2010.

Analiżi

7.

Jekk tkun disponibbli sistema għall-iskambju elettroniku tad-dejta applikabbli għall-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni għandha tanalizza din ir-Rakkomandazzjoni, fuq talba ta’ mill-inqas ħames Stati Membri u wara li ssir konsultazzjoni mal-Kumitat imwaqqaf mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/1985.

Indirizzati

8.

Ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)   ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8.


ANNESS I

IL-VERIFIKA TAL-UNIĊITÀ TAL-BILJETTI TAS-SEWWIEQA

1.

L-applikazzjonijiet kollha għall-biljetti tas-sewwieqa għandhom ikunu vverifikati mar-reġistru tal-biljetti tas-sewwieqa tal-Istat Membru fejn issir l-applikazzjoni.

2.

F’każijiet meta l-applikant ikollu liċenzja tas-sewqan maħruġa fil-pajjiż fejn issir l-applikazzjoni, l-awtoritajiet emittenti tal-Istat Membru jistgħu jużaw is-sistema ta’ messaġġi TACHOnet jew sistema kompatibbli oħra biex jagħmlu kontrolli kawżali sabiex ikun stabbilit jekk l-applikant ikunx applika jew irċieva biljett tas-sewwieqa f’xi Stat Membru ieħor. Dawn il-kontrolli każwali għandhom ikopru mill-inqas 2 % tal-applikazzjonijiet kollha.

3.

F’każijiet meta l-applikant ikollu liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru li mhux il-pajjiż fejn tkun saret l-applikazzjoni, l-awtoritajiet emittenti tal-Istat Membru għandhom dejjem jużaw is-sistema ta’ messaġġi TACHOnet jew sistema kompatibbli oħra.

4.

L-Istati Membri li joħorġu biljett tas-sewwieqa lil sewwieq detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor, għandhom jinnotifikaw direttament lil dan l-Istat Membru li jkunu ħarġu biljett tas-sewqan permezz tat-TACHOnet jew ta’ sistema kompatibbli oħra.

5.

Stat Membru li jirċievi notifika minn Stat Membru ieħor li jkun inħareġ biljett tas-sewwieqa lil sewwieq detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fl-Istat Membru nnotifikat, għandu jirreġistra din l-informazzjoni fir-reġistru tal-biljetti tas-sewwieqa tiegħu. Din ir-reġistrazzjoni mhix neċessarja jekk l-awtoritajiet emittenti ta’ Stat Membru jużaw it-TACHOnet jew sistema kompatibbli fl-applikazzjonijiet kollha.

ANNESS II

LIVELL MINIMU TA’ SERVIZZ

L-Istati Membri għandhom japplikaw l-istandards minimi ta’ servizz li ġejjin rigward it-TACHOnet jew sistema kompatibbli ta’ skambju ta’ dejta elettronika:

1.   Żmien li fih jingħata servizz u kopertura tiegħu: 24 siegħa/7 ijiem

2.   Rata ta’ disponibbiltà tas-Sistema: 98 %

Ir-rata tad-disponibbiltà tas-sistema tirrappreżenta l-persentaġġ ta’ żmien meta titħaddem is-sistema.

Disponibbiltà

tfisser indisponibbiltà ta’

Kuljum

Kull xahar

Kull sena

98  %

20 minuta

10 sigħat

5 ijiem

3.   Ħin tar-rispons tas-sistema: Massimu 60 sekonda

Jekk sistema ma tissodisfax il-ħin tar-rispons mitlub, l-Istat Membru għandu jieħu l-passi neċessarji kollha biex is-sistema tiġi lura għall-ħin ta’ rispons normali malajr kemm jista’ jkun.

4.   Proċedura ta’ manutenzjoni: L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe attività ta’ manutenzjoni permezz tal-għodda “Schedule Maintenance” li hija disponibbli fil-portal elettroniku TACHOnet

https://webgate.cec.eu-admin.net/tachonet/prod/tachonetportal/

(aċċess limitat għal konnessjonijiet permezz tan-netwerk s-TESTA)

5.   Eskalazzjoni ta’ problema: F’każ li problema ma tkunx tista’ tiġi solvuta fi żmien 30 minuta, għandha tkun applikata l-proċedura ta’ eskalazzjoni li ġejja mill-Istat Membru li s-sistema tiegħu hija l-oriġini tal-problema:

(a)

L-Istati Membri l-oħra għandhom ikunu nnotifikati permezz tal-għodda “Schedule Maintenance” — il-Kummissjoni awtomatikament tirċievi kopja tan-notifika;

(b)

Għandu jintbagħat avviż li s-sistema ġiet lura għan-normal immedjatament wara li s-sistema tkun irkuprat.