ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2009.175.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 175

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 52
4 ta' Lulju 2009


Werrej

 

I   Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 580/2009 tat-3 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 581/2009 tat-3 ta' Lulju 2009 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 li jistabbilixxi kull proċedura tal-Komunità għal iffissar ta’ limiti massimi ta’ residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji fi prodotti tal-ikel ta’ oriġini mill-annimali, fir-rigward tal-gamithromycin ( 1 )

3

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 582/2009 tat-3 ta' Lulju 2009 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 li jistabbilixxi kull proċedura tal-Komunità għal iffissar ta’ limiti massimi ta’ residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji fi prodotti tal-ikel ta’ oriġini mill-annimali, fir-rigward tad- diclofenac ( 1 )

5

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 583/2009 tat-3 ta' Lulju 2009 li jintroduċi denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Aceto Balsamico di Modena (IĠP)]

7

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva tal-Kunsill 2009/69/KE tal-25 ta' Ġunju 2009 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni

12

 

 

II   Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

Il-Kummissjoni

 

 

2009/520/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Lulju 2009 li temenda l-Artikolu 23(4) tal-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 5134)

14

 

 

2009/521/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Lulju 2009 dwar l-awtorizzazzjoni provviżorja tal-prodotti bijoċidali li fihom il-malathion fid-Dipartiment tal-Gujana Franċiża (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 5349)

16

 

 

Il-Bank Ċentrali Ewropew

 

 

2009/522/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Lulju 2009 fuq l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (covered bond) (ECB/2009/16)

18

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

4.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 580/2009

tat-3 ta’ Lulju 2009

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi ta' l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-4 ta’ Lulju 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

46,5

MK

24,2

TR

44,0

ZZ

38,2

0707 00 05

TR

87,7

ZZ

87,7

0709 90 70

TR

93,5

ZZ

93,5

0805 50 10

AR

56,3

TR

59,4

ZA

55,7

ZZ

57,1

0808 10 80

AR

94,1

BR

73,3

CL

87,5

CN

97,8

NZ

99,3

US

92,3

UY

116,5

ZA

89,1

ZZ

93,7

0808 20 50

AR

89,2

CL

80,1

NZ

145,3

ZA

94,8

ZZ

102,4

0809 10 00

TR

208,6

XS

120,6

ZZ

164,6

0809 20 95

SY

197,7

TR

363,3

ZZ

280,5

0809 30

TR

198,4

ZZ

198,4

0809 40 05

IL

160,5

ZZ

160,5


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


4.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 581/2009

tat-3 ta' Lulju 2009

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 li jistabbilixxi kull proċedura tal-Komunità għal iffissar ta’ limiti massimi ta’ residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji fi prodotti tal-ikel ta’ oriġini mill-annimali, fir-rigward tal-gamithromycin

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 tas-26 ta’ Ġunju 1990 li jistabbilixxi kull proċedura tal-Komunità għal iffissar ta’ limiti massimi ta’ residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji fi prodotti tal-ikel ta’ oriġini mill-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini mogħtija mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju,

Billi:

(1)

Is-sustanzi farmakoloġikament attivi kollha użati fil-Komunità fil-prodotti mediċinali veterinarji maħsuba għall-annimali mrobbija għall-ikel għandhom ikunu vvalutati skont ir-Regolament (KEE) Nru 2377/90.

(2)

Is-sustanza gamithromycin hija inkluża fl-Anness III għar-Regolament (KEE) Nru 2377/90 għall-ispeċi bovina, applikabbli għax-xaħam, il-fwied u l-kliewi, minbarra l-annimali li jipproduċu l-ħalib għall-konsum mill-bniedem. Il-limiti massimi ta’ residwi provviżorji (minn hawn ‘il quddiem “MRLs”) għal dik is-sustanza stabbilita f’dak l-Anness se jiskadu fl-1 ta’ Lulju 2009. Ġiet ipprovduta u eżaminata dejta addizzjonali li wasslet lill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju biex jirrakkomanda li l-MRLs provviżorji għall-gamithromycin għandhom jiġu stabbiliti bħala definittivi u għalhekk inklużi fl-Anness I għar-Regolament (KEE) Nru 2377/90 għall-ispeċi bovina, applikabbli għax-xaħam, il-fwied u l-kliewi, minbarra l-annimali li jipproduċu l-ħalib għall-konsum mill-bniedem.

(3)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2377/90 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(4)

Jinħtieġ li jiġi stipulat perjodu xieraq qabel ma jsir applikabbli dan ir-Regolament, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu kull aġġustament meħtieġ fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti biex iqiegħdu fis-suq il-prodotti mediċinali veterinarji kkonċernati li ngħataw skont id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (2).

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (KEE) Nru 2377/90 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn 60 jum wara l-pubblikazzjoni.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, it-3 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 1.

(2)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1.


ANNESS

A. Fil-punt 1.2.4 tal-Anness I (Lista ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi li għalihom ġew iffissati l-limiti massimi ta’ residwi) tar-Regolament (KEE) Nru 2377/90, l-annotazzjoni li ġejja għal “Gamithromycin” qed titniżżel wara erythromycin:

Sustanza/i farmakoloġikament attiva/i

Residwu markatur

Speċi tal-annimal

MRLs

Tessuti kkonċernati

Dispożizzjonijiet oħra

“Gamithromycin

Gamithromycin

Bovini

20 μg/kg

Xaħam

Mhux għall-użu f’annimali li jipproduċu l-ħalib għall-konsum mill-bniedem.”

200 μg/kg

Fwied

100 μg/kg

Kliewi


4.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 582/2009

tat-3 ta' Lulju 2009

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 li jistabbilixxi kull proċedura tal-Komunità għal iffissar ta’ limiti massimi ta’ residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji fi prodotti tal-ikel ta’ oriġini mill-annimali, fir-rigward tad- diclofenac

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 tas-26 ta’ Ġunju 1990 li jistabbilixxi kull proċedura tal-Komunità għal iffissar ta’ limiti massimi ta’ residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji fi prodotti tal-ikel ta’ oriġini mill-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini mogħtija mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju,

Billi:

(1)

Is-sustanzi farmakoloġikament attivi kollha użati fil-Komunità fil-prodotti mediċinali veterinarji maħsuba għall-annimali mrobbija għall-ikel għandhom ikunu vvalutati skont ir-Regolament (KEE) Nru 2377/90.

(2)

Is-sustanza diclofenac hi inkluża fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2377/90 għall-ispeċi tal-bovini, fir-rigward tat-tessuti tal-muskoli, tax-xaħam, tal-fwied u tal-kliewi, bl-esklużjoni tal-annimali li jipproduċu l-ħalib għall-konsum mill-bniedem. Saret talba lill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju biex jiġi kkunsidrat jekk l-annotazzjoni eżistenti għad-diclofenac, għall-ispeċi tal-bovini fl-Anness għandhiex tiġi estiża biex jiġu inklużi l-limiti massimi ta’ residwi applikabbli għall-ħalib. Wara l-eżaminazzjoni tat-talba, qed jitqies xieraq li tiġi emendata l-annotazzjoni għad-diclofenac fl-Anness I għall-ispeċi tal-bovini biex jiġu stabbiliti l-limiti massimi ta’ residwi applikabbli għall-ħalib.

(3)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2377/90 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(4)

Meħtieġ li jkun ipprovdut perjodu adegwat qabel ma dan ir-Regolament jiġi applikat, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu l-aġġustamenti neċessarji fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti biex jitpoġġew fis-suq il-prodotti mediċinali veterinarji kkonċernati li ngħataw skont id-Direttiva 2001/82/KE tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (2).

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (KEE) Nru 2377/90 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn 60 jum wara l-pubblikazzjoni.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, it-3 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 1.

(2)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1.


ANNESS

A. Fil-punt 4.1.6. tal-Anness I (Lista ta’ sustanzi attivi farmakoloġikament li għalihom ġew iffissati limiti massimi ta’ residwu) tar-Regolament (KEE) Nru 2377/94, l-annotazzjoni għad-“Diclofenac” tiġi sostitwita b’dan li ġej:

Sustanza/i attiva/i farmakoloġikament

Limitu tar-residwu

Speċijiet ta’ annimali

MRLs

Tessuti kkonċernati

“Diclofenac

Diclofenac

Bovini

5 μg/kg

Muskoli

1 μg/kg

Xaħam

5 μg/kg

Fwied

10 μg/kg

Kliewi

0,1 μg/kg

Ħalib

Porċini

5 μg/kg

Muskoli

1 μg/kg

Ġilda + xaħam

5 μg/kg

Fwied

10 μg/kg

Kliewi”


4.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 583/2009

tat-3 ta' Lulju 2009

li jintroduċi denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Aceto Balsamico di Modena (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (1), b’mod partikolari l-Artikolu 7(5), it-tielet u r-raba’ inċiżi,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(2), u bi qbil mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, it-talba tal-Italja għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Il-Ġermanja, il-Greċja u Franza ddikjaraw rwieħhom kontra r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Dawn l-oġġezzjonijiet tqiesu eliġibbli abbażi tal-Artikolu 7(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti a) sa d) tar-Regolament imsemmi.

(3)

Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tal-Ġermanja kienet dovuta l-aktar minħabba l-biża’ li r-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Aceto Balsamico di Modena” ma tirriflettix il-fatt li hemm prodotti oħra li ilhom fis-suq legalment għal talanqas ħames snin u li nbigħu bid-denominazzjonijiet Balsamessig/Aceto balsamico, kif ukoll skont il-karattru ġeneriku tagħhom marbut ma’ dawn id-denominazzjonijiet. Il-Ġermanja wriet ukoll in-nuqqas ta’ ċarezza f’dak li jirrigwarda l-fażijiet tal-produzzjoni li għandhom isiru fil-post tal-oriġini.

(4)

L-oġġezzjoni ta’ Franza tirrigwarda b’mod partikolari l-fatt li l-“Aceto Balsamico di Modena” ma għandhiex reputazzjoni għaliha nnifisha, differenti minn dik tal “Aceto balsamico tradizionale di Modena” li diġà ġiet reġistrata bħala denominazzjoni tal-oriġini protetta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 813/2000 (3). Skont Franza, il-konsumaturi setgħu jitqarrqu fir-rigward tan-natura u l-oriġini ta’ dan il-prodott.

(5)

Il-Greċja saħqet fuq l-importanza tal-produzzjoni tal-ħall balsamiku fuq it-territorju tagħha, li jinbiegħ taħt l-ismijiet “balsamico”“jew”“balsamon” u l-impatt żvantaġġuż, li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” jkollha fuq dawn il-prodotti li ilhom fis-suq legalment għal talanqas ħames snin. Il-Greċja ssostni wkoll li l-ismijiiet “aceto balsamico”, “balsamiku” eċċ huma ġeneriċi.

(6)

Il-Kummissjoni, bl-ittri tal-4 ta’ Marzu 2008, stiednet lill-Istati Membri konċernati jilħqu qbil bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom.

(7)

Peress li l-ebda qbil ma ntlaħaq bejn Franza, il-Ġermanja u l-Greċja u l-Italja fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni jkollha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

(8)

Il-Kummissjoni talbet għall-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-ismijiet tal-oriġini, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u ċ-ċertifikati tal-ispeċifiċità, li ġie stabbilit bid-Deċiżjoni 93/53/KE (4) biex dan jivverifika jekk ġewx sodisfatti l-kundizzonijiet għar-reġistrazzjoni. Fl-opinjoni unanima tiegħu tas-6 ta’ Marzu 2006, il-Kumitat qies li d-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” għandha reputazzjoni indiskutibbli fis-suq nazzjonali, kif ukoll internazzjonali, u li l-bosta riċetti tat-tisjir f’ħafna Stati Membri, il-preżenza mifruxa tagħha fuq l-Internet u fl-istampa jew fil-midja huma xhieda tal-utilizzazzjoni frekwenti tagħha. L-“Aceto Balsamico di Modena” jissodisfa wkoll ir-rekwiżit inerenti ta’ reputazzjoni speċifika għal prodott li jikkorrispondi għal din id-denominazzjoni. Il-Kumitat jinnota l-koeżistenza ta’ dawn il-prodotti fis-swieq għal mijiet ta’ snin. Bl-istess mod il-Kumitat iddeċieda li l-“Aceto Balsamico di Modena” u l-“Aceto balsamico tradizionale di Modena” huma prodotti differenti minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-klijentela li jattiraw, l-użu tagħhom, u l-mod ta’ distribuzzjoni tagħhom kif ukoll il-preżentazzjoni u l-prezz tagħħhom, u b’dan il-mod it-trattament ugwali tal-produtturi konċernati tagħhom huwa żgurat u ma jagħtux lok għal ingann tal-konsumatur. Il-Kummissjoni tikkonferma dawn il-kunsiderazzjonijiet.

(9)

Bil-għan li tissaħħaħ id-differenzjazzjoni bejn dawn il-prodotti, ġie ppreċiżat li ddaħħlu termini numeriċi fil-projbizzjoni ġenerali dwar l-użu ta’ termini oħrajn ħlief dawk li huma espressament previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tal-“Aceto Balsamico di Modena” saru għadd ta’ emendi żgħar bil-għan li jiġu eliminati l-ambigwitajiet li jista’ jkun hemm.

(10)

Jidher li l-Ġermanja u l-Greċja, fl-oġġezzjonijiet tagħhom dwar il-karattru ġeneriku tal-isem propost għar-reġistrazzjoni, ma qisux d-denominazzjoni msemmija kollha kemm hi, jiġifieri l-“Aceto Balsamico di Modena”, iżda biss biss partijiet minnha, jiġifieri t-termini “aceto”,“balsamico” u “aceto balsamico”, jew it-traduzzjonijiet tagħhom. Madankollu, il-protezzjoni hija kkonferita fuq id-denominazzjoni ta’ “Aceto Balsamico di Modena”. It-termini individwali mhux ġeografiċi tad-denominazzjoni komposta, ukoll jekk jintużaw flimkien, kif ukoll it-traduzzjoni tagħhom, jistgħu jiġu utilizzati fit-territorju komunitarju skont il-prinċipji u r-regoli applikabbli tal-liġi Komuniatrja.

(11)

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, id-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” għalhekk għandha tiddaħħal fir-“Reġistru ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini protetta u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”.

(12)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-indikazzjonijiet ġeografiċi u għad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament hija b’dan irreġistrata.

Artikolu 2

It-tabella konsolidata li fiha l-punti prinċipali tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tidher fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)  ĠU C 152, 6.7.2007, p. 18.

(3)  ĠU L 100, 20.4.2000, p. 5.

(4)  ĠU L 13, 21.1.1993, p. 16.


ANNESS I

Prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I tat-Trattat:

Prodotti oħrajn taħt il-Klassi 1.8.   tal-Anness I għat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

L-ITALJA

Aceto Balsamico di Modena (IĠP)


ANNESS II

SOMMARJU

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini għal prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ACETO BALSAMICO DI MODENA

Nru tal-KE: IT-PGI-0005-0430-18.11.2004

DOP ( ) IĠP (X)

Dan is-sommarju jippreżenta l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott b’finijiet ta’ informazzjoni biss.

1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

Isem

:

Ministero delle politiche agricole alimentari e forestali

Indirizz

:

Via XX Settembre, 20 — 00187 Roma

Tel.

:

06-4819968

Feks

:

06-42013126

Posta elettronika

:

qualita@politicheagricole.it

2.   Grupp:

Isem

:

Consorzio Aceto Balsamico di Modena Soc. Coop. a r.l. — Consorzio Produzione Certificata Aceto Balsamico Modenese — Comitato Produttori Indipendenti Aceto Balsamico di Modena

Indirizz

:

c/o C.C.I.A.A. Via Ganaceto, 134 — 41100 Modena

Tel.

:

059/3163514

Feks

:

059/3163526

Posta elettronika

:

info@consorziobalsamico.it

Kompożizzjoni

:

produtturi/proċessuri (X) oħrajn ( )

3.   Tip ta’ prodott:

Klassi 1.8. — Prodotti oħra fl-Anness I tat-Trattat – Ħall

4.   Speċifikazzjonijiet

(sinteżi tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem

“Aceto Balsamico di Modena”

4.2.   Deskrizzjoni

Karatteristiċi analitiċi:

għall-prodott raffinat densità ta’ 20 °C mhux anqas minn 1.06;

forza attwali ta’ alkoħol mhux aktar minn volum ta’ 1.5 %

aċidità totali minima ta’ 6 %

total ta’ diossidu tal-kubrit: massimu ta’ 100 mg/l;

irmied: mhux anqas minn 2.5 għal kull elf;

minimu ta’ estratt niexef nett: 30 g kull litru;

zokkriet ta’ riduzzjoni: minimu ta’ 110 g/l.

Karatteristiċi organolettiċi:

ċarezza: ċar u jleqq;

lewn: kannella skur;

riħa: persistenti, delikat u kemmxejn aċiduż, b’noti sottili tal-injam;

togħma: ħelu morr, ibbilanċjat.

4.3.   Żona ġeografika:

Il-produzzjoni tal-“Aceto Balsamico di Modena” għandha ssir fit-territorju amministrattiv tal-provinċji ta’ Modena u ta’ Reggio Emilia.

4.4.   Prova tal-oriġini:

Kull fażi tal-proċess ta’ produzzjoni għandha tkun ikkontrollata mill-organu ta’ spezzjoni, skont il-pjan ta’ monitoraġġ, billi jiġu ddokumentati, għall kull fażi, il-prodotti li jidħlu u dawk li joħorġu. Dan, flimkien mal-kompilazzjoni ta’ listi speċifiċi, ġestiti mill-organu ta’ spezzjoni l-artijiet katastali li fihom isir it-tkabbir tad-dwieli u fejn jinsabu dawk li jkabbruhom, il-produtturi tal-most, dawk li jipproċessawhom u dawk li jimlew il-fliexken, u n-notifika fil-ħin lill-organu ta’ spezzjoni tal-kwantitajiet prodotti, ippakkjati u ttikkettati tiżgura t-traċċabilità tal-prodott. Il-persuni kollha, fiżiċi jew ġuridiċi, imniżżla fil-listi relatati, huma suġġetti għall-kontroll minn dan l-organu ta’ spezzjoni, skont kif previst mill-ispeċifikazzjoni tal-produzzjoni u tal-pjan ta’ kontroll relatat.

4.5.   Metodu ta’ produzzjoni:

L-“Aceto Balsamico di Modena” isir mill-most tal-għeneb, parzjalment iffermentat u/jew imsajjar u/jew konċentrat miżjud bi kwantità ta’ ħall li jitħalla jiffermenta għal mill-inqas għaxar snin u miżjud ukoll b’mill-inqas 10 % ta’ ħall prodott mill-aċidifikazzjoni ta’ inbid biss. Il-perċentwal tal-most tal-inbid, misjur u/jew konċentrat m’għandux ikun ta’ inqas minn 20 % tal-volum li jintbagħat għall-ipproċessar. Il-konċentrazzjoni tiżdied sakemm l-ammont inizjali ta’ most ikun kiseb densità ta’ mhux anqas minn 1 240 f’temperatura ta’ 20 °C.

Sabiex ikun assigurat li l-“Aceto Balsamico di Modena” jakkwista l-karatteristiċi previsti fil-punt 4.2 jeħtieġ li l-most jinkiseb mill-varjetajiet ta’ dwieli li ġejjin: Lambruschi, Sangiovese, Trebbiani, Albana, Ancellotta, Fortana, Montuni, u għandhom dawn il-karatteristiċi li ġejjin:

aċidità minima totali: 8 g kull kg (esklussivament għall-most misjur u konċentrat)

minimu ta’ estratt niexef nett: 55 g kull kg (esklussivament għall-most misjur u konċentrat).

Tista’ tinżdied il-karamella sa mhux iktar minn 2 % tal-volum tal-prodott lest għall-istabbilità tal-kulur. Ma jistgħux jiżdiedu sustanzi oħra. Il-produzzjoni tal-“Aceto Balsamico di Modena” għandha ssegwi l-metodu ta’ aċidifikazzjoni tas-soltu bl-użu ta’ kolonji ta’ batterji magħżula, jew billi jiġi użat metodu konsolidat ta’ aċidifikazzjoni bil-mod fil-wiċċ jew permezz ta’ qxur ta’ injam, u segwita bl-irfinar. F’kwalunkwe każ, l-aċidifikazzjoni u l-irfinar isiru f’reċipjenti ta’ injam ta’ kwalità għolja, bħad-durmast, il-qastan, il-ballut, iċ-ċawsli jew il-ġniebru, f’perjodu ta’ mhux iktar minn 60 jum mid-data minn meta jintemm l-assemblaġġ tal-materji primi lesti għall-preparazzjoni. Ir-reċipjenti li fihom l-“Aceto Balsamico di Modena” jinbiegħ għall-konsum dirett għandu jkun magħmul mill-ħġieġ, l-injam, iċ-ċeramika jew it-terrakotta, fil-kapaċitajiet li ġejjin: 0 250 l; 0 500 l; 0 750 l; 1 l; 2 l; 3 l jew 5 l; jew f’boroż tal-plastik għal doża waħda jew materjali komposti, li jesgħu massimu ta’ 25 ml, li fuqhom hemm l-istess kliem li hemm fuq it-tikketti tal-fliexken. Ir-reċipjenti tal-ħġieġ, tal-injam, taċ-ċeramika jew tat-tafal mill-forn li jkollhom kapaċità minima ta’ 5 litri, jew r-reċipjenti tal-plastik li jesgħu kapaċità minima ta’ 2 litri fi kwalunkwe kas jiġu awtorizzati jekk il-prodott ikun destinat għall-użu professjonali. Il-fażijiet li għandhom jitwettqu obbligatorjament fiż-żoni ġeografiċi tal-oriġini huma l-assemblaġġ tal-materji primi, l-ipproċessar, l-irfinar u/jew il-fermentazzjoni fir-reċipjenti tal-injam. Il-prodott jista’ jiġi ppakkjat barra mil-limiti taż-żona stipulata fil-punt 4.3.

4.6.   Rabta:

Ir-reputazzjoni li għandu l-“Aceto Balsamico di Modena” kemm fis-suq nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali hija magħrufa u murija sew, bl-użu ta’ spiss tiegħu f’diversi riċetti u mill-preżenza tiegħu fuq l-Internet, fl-istampa u fil-midja Din ir-reputazzjoni tgħin lill-konsumatur jagħraf mill-ewwel il-karattru uniku u l-awtentiċità tal-prodott konċernat.

L-“Aceto Balsamico di Modena” ilu għal ħafna żmien jirrappreżenta l-kultura u l-istorja ta’ Modena u wieħed ma jistgħax jiċħad ir-reputazzjoni li jgawdi. L-eżistenza tiegħu hija strettament marbuta mal-għarfien, it-tradizzjonijiet u l-kompetenzi tan-nies tal-lokal li ħolqu prodott esklussiv u distintiv f’dawk it-territorji. L-“Aceto Balsamico di Modena” sar parti min-nisġa soċjali u ekonomika ta’ dan it-territorju u sar is-sors ta’ dħul ta’ diversi operaturi u parti integrali anki fit-tradizzjoni tal-ikel, minħabba r-rwol ewlieni li għandu f’diversi riċetti tar-reġjun. Ilhom isiru festi u avvenimenti speċifiċi għal bosta snin, li ġejjin minn tradizzjonijiet stabbiliti biż-żmien, li fihom jipparteċipaw diversi produtturi lokali biex jieħdu l-opportunità biex iqabblu l-prodotti tagħhom, u b’hekk iġeddu d-drawwiet lokali. Billi huwa prodott speċifiku u partikolari, l-“Aceto Balsamico di Modena” biż-żmien kiseb reputazzjoni u apprezzament mad-dinja kollha, u l-konsumaturi jagħmlu konnessjoni ideali bejn l-“esperjenza” tal-prodott u d-dehra tal-kwalità gastronomika taż-żewġ provinċji tal-Emilia-Romagna.

4.7.   Struttura tal-kontroll:

Isem

:

CSQA Certificazioni srl

Indirizz

:

Via S. Gaetano, 74 – 36016 Thiene (VI)

Tel.

:

0039 0445 313011

Feks

:

0039 0445 313070

Posta elettronika

:

csqa@csqa.it

4.8.   Tikkettar:

Fuq il-pakketti tagħha, id-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” għandu jkollha magħha l-kliem “Indicazione Geografica Protetta” (Indikazzjoni Ġeografika Protetta) miktuba bis-sħiħ jew fil-forma mqassra, fil-lingwa Taljana jew fil-lingwa tal-pajjiż tad-destinazzjoni. Mhux permezz żieda mad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” kwalunkwe terminu kwalifikattiv, ukoll f’forma numerika, għajr għal dawk previsti espressament fl-ispeċifikazzjoni inklużi l-aġġettivi “extra”, “fine”, “scelto”, “selezionato”, “riserva”, “superiore”, “classico” jew xi ħaġa simili. Titħalla biss il-kelma “invecchiato” (immaturat) mingħajr l-ebda kelma miżjuda sakemm il-perjodu ta’ fermentazzjoni jittawwal għal perjodu ta’ mhux inqas minn 3 snin fil-btieti, bramel jew xi reċipjenti oħra magħmula mill-injam.


DIRETTIVI

4.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/12


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2009/69/KE

tal-25 ta' Ġunju 2009

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tiegħu dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tat-28 ta’ Novembru 2006, il-Kunsill qabel li jistabbilixxi Strateġija Kontra l-Frodi Fiskali implimentata fil-livell Komunitarju, speċjalment għall-frodi tat-taxxa fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta, sabiex tikkomplimenta l-isforzi nazzjonali.

(2)

Ċerti miżuri li ġew diskussi f’dak il-kuntest jeħtieġu emenda tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 (3).

(3)

L-importazzjoni tal-merkanzija hija eżentata mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jekk din tiġi segwita mill-provvista jew mit-trasferiment ta’ dik il-merkanzija lil persuna taxxabbli fi Stat Membru ieħor. Il-kondizzjonijiet li bihom tingħata dik l-eżenzjoni huma stabbiliti mill-Istati Membri. Madankollu, l-esperjenza turi li d-diverġenzi fl-applikazzjoni huma sfruttati min-negozjanti biex jevitaw li jħallsu l-VAT fuq merkanzija importata skont dawk iċ-ċirkostanzi.

(4)

Sabiex tiġi evitata dik l-esplojtazzjoni huwa meħtieġ li jiġi speċifikat, għal transazzjonijiet partikolari, f’livell Komunitarju sett ta’ kondizzjonijiet minimi li taħthom tapplika din l-eżenzjoni.

(5)

Ladarba, minħabba dawk ir-raġunijiet, l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tiġi indirizzata l-problema tal-evażjoni tal-VAT, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri nfushom u jista’, għalhekk, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(6)

Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (4), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom u fl-interessi tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li juru sa fejn hu possibbli l-korrelazzjoni bejn id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(7)

Id-Direttiva 2006/112/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/112/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 22 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 22

L-applikazzjoni mill-forzi armati ta’ Stat li hu parti għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, għall-użu tagħhom jew għall-użu tal-istaff ċivili li jakkumpanjahom, ta’ merkanzija li ma jkunux xtraw soġġett għar-regoli ġenerali li jirregolaw it-tassazzjoni fis-suq domestiku ta’ Stat Membru, għandha tiġi ttrattata bħala akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija bi ħlas, fejn l-importazzjoni ta’ dik il-merkanzija ma tkunx eliġibbli għall-eżenzjoni prevista fil-punt (h) tal-Artikolu 143(1).”;

(2)

fl-Artikolu 140, il-punt (b) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija li l-importazzjoni taghħa f’kull ċirkostanza tkun eżenti taħt il-punti (a), (b) u (c) u (e) sa (l) tal-Artikolu 143(1);”;

(3)

l-Artikolu 143 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-kliem introduttiv hu sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2.   L-eżenzjoni prevista f’punt (d) tal-paragrafu 1 għandha tapplika f’każijiet meta l-importazzjoni ta’ merkanzija tkun segwita mill-provvista ta’ merkanzija eżentata skont l-Artikolu 138(1) u (2)(c) biss jekk fil-mument tal-importazzjoni l-importatur ikun ipprovda lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-importazzjoni għall-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tiegħu maħruġ fl-Istat Membru tal-importazzjoni jew in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tar-rappreżentant tat-taxxa tiegħu, responsabbli għall-ħlas tal-VAT, maħruġ fl-Istat Membru tal-importazzjoni;

(b)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-klijent, li għalih il-merkanzija tiġi pprovduta skont l-Artikolu 138(1), maħruġ fi Stat Membru ieħor, jew in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tiegħu stess maħruġ fl-Istat Membru fejn jispiċċa d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija meta l-merkanzija tkun soġġetta għal trasferiment skont l-Artikolu 138(2)(c);

(c)

ix-xhieda li l-merkanzija importata hi intenzjonata li tinġarr jew tintbagħat mill-Istat Membru tal-importazzjoni lejn Stat Membru ieħor.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li x-xhieda msemmija f’punt (c) tiġi indikata lill-awtoritajiet kompetenti biss fuq talba.”.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2011. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir referenza bħal din għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

L. MIKO


(1)  L-Opinjoni tal-24 ta’ April 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni tat-13 ta’ Mejju 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(4)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


II Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

DEĊIŻJONIJIET

Il-Kummissjoni

4.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/14


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta' Lulju 2009

li temenda l-Artikolu 23(4) tal-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta “Clean Sky”

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 5134)

(2009/520/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta “Clean Sky” (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 24(2) tal-Anness I tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-abbozz tal-emenda li kien approvat mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” fl-10 ta’ Ottubru 2008,

Billi:

(1)

Il-Bord tal-Gvernaturi tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” approva u ressaq abbozz tal-emenda li jibdel l-Artikolu 23(4) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 71/2008 b’test differenti sabiex jippermetti li d-drittijiet għall-aċċess ikunu ddefiniti mhux biss għall-użu fir-riċerka iżda wkoll għall-użu kummerċjali fil-ftehim tal-għotja.

(2)

Filwaqt li din l-emenda, li ma taffettwax l-elementi essenzjali tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta “Clean Sky”, hija ġġustifikata skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 71/2008, il-politika dwar id-drittijiet intellettwali tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” għandha tissejjes fuq il-prinċipji mogħtija fir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (2), li fih id-drittijiet għall-aċċess għall-użu jinkludu l-użu għall-isfruttament kummerċjali, u għandha tippromwovi mhux biss il-ħolqien tal-għarfien iżda wkoll l-isfruttament tiegħu (ara l-Premessa nru 29 u l-Artikolu 23(2) tal-Anness I għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 23(4) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 71/2008, jinbidel b’dan li ġej:

“4.   It-termini u l-kundizzjonijiet tad-drittijiet għall-aċċess u tal-liċenzji bejn entitajiet ġuridiċi li jkunu kkonkludew ftehim tal-għotja mal-Impriża Konġunta ‘Clean Sky’ għandhom jiġu ddefiniti fil-ftehim tal-għotja f’dak li għandu x’jaqsam mal-Isfond u l-Ewwel Pjan għall-għanijiet li jitlestew il-proġetti,u mal-Ewwel Pjan u l-Isfond neċessarji biex jintuża l-Ewwel Pjan”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Impriżi Konġunta “Clean Sky”:

L-Impriża Konġunta “Clean Sky”

c/o Liam Breslin

Il-Kummissjoni Ewropea – id-DĠ RTD

Id-Direttur Eżekuttiv Temporanju tal-Impriża Konġunta “Clean Sky”

CDMA 04/166

BE-1049 Brussell

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 30, 4.2.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 391, 30.12.2006, p. 1.


4.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta' Lulju 2009

dwar l-awtorizzazzjoni provviżorja tal-prodotti bijoċidali li fihom il-malathion fid-Dipartiment tal-Gujana Franċiża

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 5349)

(2009/521/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Billi:

(1)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE (minn hawn ‘il quddiem imsemmija “id-Direttiva”) jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tibda programm ta’ ħidma ta’ għaxar snin sabiex b’mod sistematiku teżamina s-sustanzi attivi kollha li diġà kienu fis-suq fl-14 ta’ Mejju 2000 (minn hawn ‘il quddiem imsemmi “il-programm tar-reviżjoni”).

(2)

Il-Malathion (Nru tal-KE 204-497-7; Nru CAS 121-75-5) ġie identifikat li kien disponibbli fis-suq qabel l-14 ta’ Mejju 2000 bħala sustanza attiva fil-prodotti bijoċidali għal skopijiet barra dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2)(c) u (d) tad-Direttiva.

(3)

Ladarba ebda dokument komplut ma tressaq biex jappoġġa l-inklużjoni tal-malathion fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva sad-data tal-iskadenza preskritta fil-parti B tal-Anness V għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2032/2003 (2), il-Kummissjoni ddeċidiet, bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/565/KE (3), li l-malathion ma għandux jiġi inkluż fl-Annessi I, IA jew IB tad-Direttiva. Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007 (4), il-prodotti bijoċidali li fihom il-malathion mhux se jibqgħu jitqiegħdu fis-suq.

(4)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom l-Istati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni provviżorja għal perjodu li ma jaqbiżx 120 jum għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Awtorizzazzjoni provviżorja bħal din tista’ tingħata biss għall-użu limitat u kontrollat kemm-il darba din il-miżura tkun meħtieġa minħabba xi periklu mhux previst u li ma jistax jiġi kkontrollat mod ieħor. F’dan il-każ, l-Istat Membru ikkonċernat għandu jgħarraf minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-azzjoni tiegħu u bil-ġustifikazzjoni għaliha. Il-miżura provviżorja tista’ tittawwal b’deċiżjoni meħuda skont il-proċedura tal-ġestjoni msemmija fl-Artikolu 28(2) tad-Direttiva.

(5)

Franza għarrfet lill-Kummisjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar id-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Frar 2009 biex tagħti awtorizzazzjoni provviżorja għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali li fihom il-malathion għall-prodotti tat-tip 18 kif inhu definit fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE (insettiċidi, akariċidi u prodotti li jikkontrollaw artropodi oħra). L-awtorizzazzjoni ngħatat għal perjodu ta’ 120 jum li jibda mit-3 ta’ Marzu 2009 u kien validu biss għall-kontroll tal-mard li jittieħed permezz tal-insetti li jġorru l-parassiti mwettaq minn operaturi pubbliċi fid-Dipartiment tal-Gujana Franċiża. Skont l-informazzjoni pprovduta minn Franza, l-awtorizzazzjoni provviżorja tal-prodotti bijoċidali li fihom il-malathion kienet meħtieġa minħabba t-tixrid rapidu tal-epidemija tad-dengue fil-Gujana Franċiża. L-awtoritajiet lokali ma kellhomx prodotti insettiċidi effettivi oħra disponibbli għall-użu fuq skala kbira għal kontra n-nemus adult.

(6)

Fit-28 ta’ April 2009, Franza talbet lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi li l-azzjoni tista’ tittawwal jew tiġi ripetuta skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 98/8/KE. It-talba saret abbażi tar-riskju li xorta ma jkun hemm l-ebda prodott alternattiv xieraq għall-kontroll tan-nemus li jġorr il-parassiti disponibbli fil-Gujana Franċiża fl-1 ta’ Lulju 2009 meta l-awtorizzazzjoni tal-bidu tiskadi.

(7)

Fir-rigward tal-importanza tal-epidemija tad-dengue fid-Dipartiment Franċiż extra-Ewropew tal-Gujana, in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ prodotti insettiċidi li hemm bħalissa barra l-malathion fid-dipartiment imsemmi, kif ukoll ir-riskju li l-alternattivi ma jkunux disponibbli meta l-awtorizzazzjoni provviżorja mogħtija minn Franza tiskadi, huwa xieraq li Franza tkun tista’ ttawwal l-awtorizzazzjoni provviżorja sakemm prodotti insettiċidi alternattivi jkunu disponibbli sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Novembru 2009.

(8)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 98/8/KE, Franza tista’ tippermetti t-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali li fihom il-malathion (Nru tal-KE 204-497-7; Nru CAS 121-75-5) għall-prodotti tat-tip 18 kif inhu definit fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE (insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta’ artropodi oħra) għall-kontroll tan-nemus li jġorr il-parassiti fid-Dipartiment tal-Gujana Franċiża sal-1 ta’ Novembru 2009.

Artikolu 2

1.   Hija u tippermetti t-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali li jkun fihom il-malathion skont l-Artikolu 1, Franza għandha tiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

prodotti bijoċidali bħal dawn għandhom jintużaw biss taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi;

(b)

prodotti bijoċidali bħal dawn għandhom jintużaw biss sakemm prodotti bijoċidali alternattivi xierqa li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/8/KE isiru disponibbli fid-Dipartiment tal-Gujana Franċiża.

2.   Franza għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 sal-10 ta’ Settembru 2009.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 307, 24.11.2003, p. 1.

(3)  ĠU L 216, 21.8.2007, p. 17.

(4)  ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3.


Il-Bank Ċentrali Ewropew

4.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/18


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-2 ta’ Lulju 2009

fuq l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (covered bond)

(BĊE/2009/16)

(2009/522/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, partikolarment l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 105(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ‘il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u partikolarment it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 18.1,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tal-SEBĊ, banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li adottaw l-euro (minn hawn ‘il quddiem il-“BĊNi”) u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) (minn hawn ‘il quddiem il-“banek ċentrali tal-Eurosistema”) jistgħu joperaw fis-swieq finanzjarji billi, fost affarijiet oħra, jixtru u jbiegħu strumenti negozjabbli immedjatament.

(2)

Fis-7 ta’ Mejju 2009 u sussegwentement fl-4 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li minħabba ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kurrenti li jeżistu fis-suq għandu jinbeda programm (minn hawn “il quddiem il-“programm ta’ xiri ta” bonds garantiti” jew il-“programm”) li bih il-BĊNi u eċċezzjonalment il-BĊE f’kuntatt dirett mal-kontropartijiet, jistgħu skont is-sehem allokat tagħhom, jixtru immedjatament bonds garantiti eliġibbli. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema fi ħsiebhom jimplimentaw il-programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti gradwalment, wara li jqisu l-kundizzjonijiet tas-suq u l-bżonnijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. L-għanijiet ta’ dan ix-xiri huma biex jikkontribwixxu għal (a) promozzjoni tat-tnaqqis kontinwu fir-rati tal-imgħax tas-swieq tal-flus; (b) taffija tal-kundizzjonijiet tal-iffinanzjar għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u impriżi; (c) inkoraġġiment tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex iżommu u jespandu s-self tagħhom lill-klijenti; u (d) titjib tal-likwidità tas-suq f’setturi importanti tas-suq tat-titoli tad-dejn privat.

(3)

Bħala parti mill-politika monetarja waħda, ix-xiri immedjat ta’ bonds garantiti eliġibbli mill-banek ċentrali tal-Eurosistema taħt il-programm għandu jiġi implimentat b’mod uniformi, skont dak li tgħid din d-Deċiżjoni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Twaqqif u ambitu tax-xiri immedjat ta’ bonds garantiti

L-Eurosistema stabbiliet programm li bih il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jixtru bonds garantiti eliġibbli b’ammont nominali mmirat ta’ EUR 60 biljun. Taħt il-programm, bank ċentrali tal-Eurosistema jista’ jiddeċiedi li jixtri bonds garantiti eliġibbli minn kontropartijiet eliġibbli fis-swieq primarji u sekondarji skont il-kriterji ta’ eliġibbiltà li hawn f’din id-Deċiżjoni. Il-Linja Gwida BĊE/2000/7 tal-31 ta’ Awwissu 2000 dwar l-istrumenti tal-politika monetarja u l-proċedura tal-Ewrosistema (1) m’għandhiex tapplika għax-xiri immedjat ta’ bonds garantiti minn bank ċentrali tal-Eurosistema taħt il-programm.

Artikolu 2

Kriterji ta’ eliġibbiltà għal bonds garantiti

Il-bonds garantiti li huma (a) eliġibbli għall-operazzjonijiet ta’ politika monetarja kif ddefiniti fil-Linja Gwida BĊE/2000/7; (b) iddenominati f’euro; (c) maħruġin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu nkorporati fiż-żona tal-euro jew minn entitajiet oħra nkorporati fiż-żona tal-euro li jaderixxu mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 hawn isfel; u (d) miżmumin u rregolati fiż-żona tal-euro, għandhom ikunu eliġibbli għall-bejgħ immedjat taħt il-programm, iżda għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet addizzjonali li ġejjin:

(1)

Għandhom ikunu jew (i) bonds garantiti maħruġin skont il-kriterji msemmijin fl-Artikolu 22(4) tad-Direttiva UCITS (2) (minn hawn ‘il quddiem il-“bonds garantiti konformi mal-UCITS”), jew (ii) bonds garantiti strutturati li bank ċentrali tal-Eurosistema fid-diskrezzjoni tiegħu biss jikkunsidra li joffru salvagwardji simili għall-bonds garantiti konformi mal-UCITS.

(2)

Kull ħarġa ta’ bonds garantiti għandhom, bħala regola, ikollhom, daqs ta’ ħruġ minimu ta’ EUR 500 miljun. F’każijiet speċjali, bank ċentrali tal-Eurosistema jista’ jiddeċiedi li jixtri immedjatament bonds garantiti b’daqs ta’ ħruġ ta’ anqas minn EUR 500 miljun, iżda id-daqs tal-ħruġ m’għandux ikun anqas minn EUR 100 miljun, meta dan il-bank ċentrali tal-Eurosistema jiddeċiedi fid-diskrezzjoni tiegħu biss li hemm ċirkustanzi tas-suq speċifiċi jew kunsiderazzjonijiet tal-immaniġġar tar-riskju li jeħtieġu dan ix-xiri.

(3)

Il-ħruġ ta’ bonds garantiti, bħala regola, ikollhom klassifikazzjoni minima ta’ “AA” jew ekwivalenti, mogħtija minn tal-anqas aġenzija ta’ klassifikazzjoni ewlenija waħda.

(4)

Jekk minn joħroġ il-bond garantit hija entità (minbarra istituzzjoni ta’ kreditu) inkorporata fiż-żona tal-euro, il-kundizzjonijiet għandhom ikunu li (i) dik l-entità toħroġ biss bonds koperti u (ii) il-bonds garantiti ikunu ggarantiti b’mod sodisfaċenti għall-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti minn istituzzjoni ta’ kreditu inkorporata fiż-żona tal-euro, jew, alternattivament, ikollhom salvagwardji ta’ natura simili li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti.

(5)

Il-bonds garantiti għandhom jinħarġu bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-bonds garantiti li hija fis-seħħ fi Stat Membru li qiegħed fiż-żona tal-euro. Fil-każ ta’ bonds garantiti strutturati, il-liġi li tirregola d-dokumentazzjoni tal-bonds garantiti għandha tkun il-liġi tal-Istati Membru taż-żona tal-euro.

Artikolu 3

Kontropartijiet eliġibbli

Dawn li ġejjin għandhom ikunu kontrpartijiet eliġibbli għall-programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti: (a) kontropartijiet domestiċi li jipparteċipaw fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema kif iddefiniti fit-taqsima 2.1 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2000/7; u (b) kull kontroparti oħra stabbilita fiż-żona tal-euro (jew permezz ta’ inkorporazzjoni jew permezz ta’ fergħa) li jintużaw minn bank ċentrali tal-Eurosistema għall-investiment tal-portafolli ta’ investiment iddenominati f’euro tiegħu.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet finali

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fuq il-websajt tal-BĊE.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2010.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-2 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 310, 11.12.2000, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1985 fuq il-koordinazzjoni tal-liġijiet, r-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-impriżi għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 375, 31.12.1985, p. 3).