ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2009.133.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 133

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 52
29 ta' Mejju 2009


Werrej

 

II   Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

Il-Kunsill

 

 

2009/397/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-iffirmar f’isem il-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar Ftehim dwar l-Għażla tal-Forum

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

DEĊIŻJONIJIET

Il-Kunsill

29.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 133/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2009

dwar l-iffirmar f’isem il-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar Ftehim dwar l-Għażla tal-Forum

(2009/397/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 61(c) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Komunità qegħda taħdem biex toħloq żona ġudizzjarja komuni bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċizjonijiet ġudizzjarji.

(2)

Il-Konvenzjoni dwar Ftehim dwar l-Għażla tal-Forum konkluża fit-30 ta’ Ġunju 2005 skont il-Konferenza tal-Aja dwar il-Liġi Privata Internazzjonali, (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni”) tagħmel kontribut kbir biex tipprowmovi l-awtonomija tal-partijiet fit-operazzjonijiet kummerċjali internazzjonali u biex tiżviluppa l-previdibilità ta’ soluzzjonijiet ġudizzjari f’ operazzjonijiet bħal dawn.

(3)

Il-Konvenzjoni taffettwa l-leġislazzjoni sekondarja Komunitarja dwar il-ġurisdizzjoni bbażata fuq l-għażla mill-partijiet u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi li jirriżultaw, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (1).

(4)

Il-Komunità għandha kompetenza esklużiva fil-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt din il-Konvenzjoni.

(5)

L-Artikolu 30 ta’ din il-Konvenzjoni jippermetti lill-Komunità tiffirma, taċċetta, tapprova u taċċedi għal din il-Konvenzjoni.

(6)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(7)

Id-Danimarka, skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, mhix ser tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhix marbuta biha u lanqas hi soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(8)

Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi ffirmata l-Konvenzjoni u tiġi approvata d-dikjarazzjoni mehmuża,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Konvenzjoni dwar Ftehim dwar l-Għażla tal-Forum (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni”) konkluża fl-Aja fit-30 ta’ Ġunju 2005, hija approvata f’isem il-Komunità Ewropea, suġġetta għal konklużjoni possibbli tagħha aktar tard.

It-test tal-Konvenzjoni jinsab fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat jaħtar il-persunai bis-setgħa li jiffirmaw il-Konvenzjoni, f’isem il-Komunità, u li jagħmlu d-dikjarazzjoni li tinsab fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Frar 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

I. LANGER


(1)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.


TRADUZZJONI

ANNESS I

KONVENZJONI DWAR FTEHIM DWAR L-GĦAŻLA TAL-FORUM

L-Istati li huma Partijiet f’din il-Konvenzjoni,

Billi jixtiequ jippromwovu l-kummerċ u l-investiment internazzjonali permezz ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja msaħħa,

Billi jemmnu li kooperazzjoni bħal din tista’ tiġi msaħħa b’regoli uniformi dwar il-ġurisdizzjoni u dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali,

Billi jemmnu li kooperazzjoni msaħħa bħal din teħtieġ partikularment sistema legali internazzjonali li tipprovdi ċertezza u tiżgura l-effettività ta’ ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum bejn il-partijiet fi tranżazzjoni kummerċjali u li jirregolaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi li jirriżultaw minn proċeduri bbażati fuq tali ftehim.

Iddeċidew li jikkonkludu din il-Konvenzjoni u ftehmu dwar id-dispożizzjonijiet li ġejjin -

KAPITOLU I

L-AMBITU U D-DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

L-ambitu

1.   Din il-Konvenzjoni tapplika f’każijiet internazzjonali għal ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum konkluż fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

2.   Għall-finijiet tal-Kapitolu II, każ huwa internazzjonali sakemm il-partijiet ma jkunux residenti fl-istess Stat Kontraenti u r-relazzjoni tal-partijiet u l-elementi l-oħra kollha relevanti għad-disputa, independentement mis-sede tal-Qorti magħżula, huma konnessi ma’ dak l-Istat biss.

3.   Għall-finijiet tal-Kapitolu III, każ huwa internazzjonali meta jiġu mfittxa r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjonita’ sentenza barranija.

Artikolu 2

Esklużjonijiet mill-ambitu

1.   Din il-Konvenzjoni ma tapplikax għal ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum:

(a)

li tkun parti fihom persuna fiżika li taġixxi primarjament għal raġunijiet personali, familjari jew domestiċi (konsumatur);

(b)

relatati ma’ kuntratti ta’ xogħol, inkluż ftehim kollettiv.

2.   Din il-Konvenzjoni ma għandhiex tapplika għall-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

l-istatus jew il-kapaċità legali ta’ persuni fiżiċi;

(b)

obligazzjonijiet tal-manteniment;

(c)

kwistjonijiet oħra tal-liġi tal-familja inklużi r-reġimi matrimonjali dwar il-proprjeta’ u drittijiet u obbligazzjonijiet oħra li jirriżultaw miż-żwieġ u minn relazzjonijiet simili;

(d)

testmenti u suċċessjoni;

(e)

insolvenza, akkordji u kwistjonijiet analogi;

(f)

il-ġarr ta’ passiġġieri u merkanzija;

(g)

tniġġiż tal-baħar, limitazzjoni tar-responsabbilità għal pretensjonijiet marittimi, avarija ġenerali u irmunkar u salvataġġ ta’ emerġenza;

(h)

kwistjonijiet ta’ anti-trust (kompetizzjoni);

(i)

responsabbiltà għal dannu nukleari;

(j)

pretensjonijiet għall-korriment personali miġjub minn jew għan-nom ta’ persuni fiżiċi;

(k)

pretensjonijiet triżultanti minn responsabbilta’ ċivili għal ħsara fuq proprjetà tanġibbli li ma jirriżultawx minn relazzjoni kuntrattwali;

(l)

drittijiet in rem fi proprjetà immobbli u kiri ta’ proprjetà immobbli;

(m)

il-validità, nullità, jew ix-xoljiment ta’ persuni legali, u l-validità tad-deċizjonijiet tal-organi taghħom;

(n)

il-validità tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ħlief dawk tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati;

(o)

ksur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ħlief id-drittjiet tal-awtur u drittijet relatati, minbarra fejn il-proċeduri ta’ ksur isiru dwar ksur ta’ kuntratt bejn il-partijiet relatati ma’ tali drittjiet, jew setgħu jsiru għall-ksur ta’ dak il-kuntratt;

(p)

il-validità ta’ reġistrazzjoni f’reġistri pubbliċi.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, il-proċeduri mhumiex esklużi mill-ambitu ta’ din il-Konvenzjoni fejn kwistjoni eskluża taħt dak il-paragrafu tinqala’ sempliċiment bħala mistoqsija preliminarja u mhux bħala suġġett tal-proċedimenti. B’mod partikolari, is-sempliċi fatt li kwistjoni eskluża taħt il-paragrafu 2 tinqala’ bħala difiża ma teskludix il-proċedimenti mill-Konvenzjoni, jekk dik il-kwistjoni ma tkunx is-suġġett tal-proċedimenti.

4.   Din il-Konvenzjoni ma tapplikax għall-arbitraġġ u proċedimenti relatati.

5.   M’humiex esklużi proċedimenti mill-ambitu ta’ din il-Konvenzjoni minħabba s-sempliċi fatt li Stat, inkluż gvern, aġenzija governattiva jew kwalunkwe persuna li qed taġixxi għal Stat, jkun parti minnhom.

6.   M’hemm xejn f’din il-Konvenzjoni li għandu jaffettwa l-privileġġi u l-immunitajiet ta’ Stati jew organizzazzjonijiet internazzjonali, fir-rigward tagħhom stess jew tal-proprjetà tagħhom.

Artikolu 3

Ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum

Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

(a)

“il-ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum” jfisser ftehim konkluż bejn żewġ partijiet jew iktar li jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu c) u jindika, għall-iskop li jiġu deċiżi d-disputi li nqalgħu jew jistgħu jinqalgħu b’konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikulari, l-qrati ta’ wieħed mill-Istati Kontraenti jew qorti speċifika waħda jew iktar ta’ Stat Kontraenti wieħed bl-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni ta’ kwalukwe qorti oħra;

(b)

ftehim dwar l-għażla tal-forum li jindika l-qrati ta’ wieħed mill-Istati Kontraenti jew qorti speċifika waħda jew iktar ta’ Stati Kontraenti wieħed għandu jitqies bħala esklussiv sakemm il-partijiet ma jkunux espressament ipprovdew mod ieħor;

(c)

ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum għandu jkun konkluż jew dokumentat:

(i)

bil-miktub; jew

(ii)

bi kwalunkwe mod ta’ komunikazzjoni ieħor li jagħmel l-informazzjoni aċċessibbli biex tkun tista’ tintuża għal referenza suċċessiva;

(d)

ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum li jifforma parti minn kuntratt għandu jiġi trattat bħala ftehim indipendentament mit-termini l-oħra tal-kuntratt. Il-validità tal-ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum ma tistax tiġi kkontestata biss fuq il-bażi li l-kuntratt mhux validu.

Artikolu 4

Definizzjonijiet oħra

1.   F’din il-Konvenzjoni, “sentenza” tfisser kwalukwe deċiżjoni dwar il-merti mogħtija minn qorti, irrispettivament minn nomenklatura tagħha, inkluż digriet jew ordni, u determinazzjoni tal-ispejjeż mill-qorti (inkluz uffiċjal tal-qorti), sakemm id-determinazzjoni tkun relatata ma’ deċiżjoni dwar il-merti li tista’ tkun rikonoxxuta jew eżegwita skont din il-Konvenzjoni. Miżura provviżorja ta’ protezzjoni m’hijiex sentenza.

2.   Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni, entità jew persuna li m’hijiex persuna fiżika għandha tkun ikkunsidrata residenti fl-Istat:

(a)

fejn għandu/ha s-sede statutorja;

(b)

li taħt il-liġi tiegħu ġie(t) inkorporat(a) jew iffurmat(a);

(c)

fejn għandu/ha l-amministrazzjoni ċentrali; jew

(d)

fejn għandu/ha l-post prinċipali tan-negozju.

KAPITOLU II

ĠURISDIZZJONI

Artikolu 5

Il-ġurisdizzjoni tal-qorti magħżula

1.   Il-qorti jew qrati tal-Istat Kontraenti indikati fi ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum għandu jkollhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu disputa li għaliha japplika l-ftehim, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett skont il-liġi ta’ dak l-Istat.

2.   Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont il-paragrafu 1 m’għandhiex tastjeni milli tezerċita l-ġurisdizzjoni fuq il-bażi li d-disputa għandha tiġi deċiża f’qorti ta’ Stat ieħor.

3.   Il-paragrafi preċedenti ma jinċidux fuq regoli:

(a)

dwar il-ġurisdizzjoni relatata mas-suġġett jew mal-valur tal-pretensjoni;

(b)

dwar l-allokazzjoni interna tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Istati Kontraenti. Madankollu, fejn il-qorti magħżula jkollha d-diskrezzjoni dwar jekk il-kawża għandhiex tiġi trasferita, l-għażla tal-partijiet għandha tiġi debitament kkunsidrata.

Artikolu 6

L-obbligi ta’ qorti li m’hijiex magħżula

Il-qorti ta’ Stat Kontraenti li m’hijiex magħżula għandha tissospendi jew twaqqa’ l-proċedimenti li għalihom japplika ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum, sakemm:

(a)

il-ftehim ma jkunx null u bla effett skont il-liġi tal-Istat tal-qorti magħżula;

(b)

Parti minnhom ma kellhiex il-kapacità tikkonkludi ftehim skont il-liġi tal-Istat tal-qorti li tkun qed tisma l-kawża;

(c)

l-attwazzjoni tal-ftehim ma tkunx twassalx għall-inġustizzja manifesta jew ma tkunx tmur manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat tal-qorti li tkun qed tisma l-kawża;

(d)

għal ragunijiet eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-partijiet, il-ftehim ma jkunx jista’ jitwettaq b’mod ragonevoli; jew

(e)

il-qorti magħżula ma tiddeċidix li ma tismax il-kawża.

Artikolu 7

Miżuri provviżorja għall-protezzjoni

Il-miżuri provviżorji ta’ protezzjoni m’humiex regolati minn din il-Konvenzjoni. Din il-Konvenzjoni la teħtieġ u lanqas tipprekludi l-għoti, iċ-ċaħda jew it-terminazzjoni ta’ miżuri provviżorji ta’ protezzjoni minn qorti ta’ Stat Kontraenti u ma tinċidix fuq jekk parti tista jew ma tistax titlob jew jekk qorti għandhiex tagħti, tiċħad jew tittermina tali miżuri.

KAPITOLU III

IR-RIKONOXXIMENT U L-EŻEKUZZJONI

Artikolu 8

Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni

1.   Sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Kontraenti indikata fi ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum għandha tiġi rikonxxuta u eżegwita fl-Istati Kontraenti l-oħra skont dan il-Kapitolu. Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jistgħu biss jiġu miċħuda għal ragunijiet speċifikati f’din il-Konvenzjoni.

2.   Bla ħsara għar-reviżjoni neċessarja għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, m’għandu jkun hemm ebda reviżjoni tal-merti tas-sentenza mogħtija mill-qorti tal-oriġini. Il-qorti indirizzata għandha tkun marbuta mill-konklużjonijiet fattwali li fuqhom il-qorti tal-oriġini bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha, sakemm is-sentenza ma tkunx ingħatat f’kontumaċja.

3.   Sentenza għandha tkun rikonoxxuta biss jekk għandha effett fl-Istat ta’ oriġini, u għandha tkun eżegwita biss jekk tista’ tiġi eżegwita fl-Istat ta’ oriġini.

4.   Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jistgħu jiġu posposti jew irrifjutati jekk is-sentenza hija soġġetta għal reviżjoni fl-Istat ta’ oriġini jew jekk il-limitu ta’ żmien biex tintalab reviżjoni ordinarja ma jkunx skada. Rifjut ma jipprevenix talba sussegwenti għar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza.

5.   Dan l-Artikolu m’għandux japplika għal sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Kontraenti wara t-trasferiment tal-każ mill-qorti magħżula f’dak l-Istat Kontraenti kif permess mill-Artikolu 5(3). Madanakollu, fejn il-qorti magħżula jkollha d-diskrezzjoni dwar jekk tittrasferix il-kawża lill-qorti oħra, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza jistgħu jiġu miċħuda kontra parti li tkun oġġezzjonat tempestivament għat-trasferiment fl-Istat ta’ oriġini.

Artikolu 9

Iċ-caħda tar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni

Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jista’ jiġi miċħud jekk -

(a)

il-ftehim kien null u bla effett skont il-liġi tal-Istat tal-qorti magħżula, sakemm il-qorti magħżula ma tkunx iddeterminat li l-ftehim huwa validu;

(b)

parti minnhom ma kellhiex il-kapacità tikkonkludi il-ftehim skont il-liġi tal-Istat rikjest;

(c)

id-dokument li beda l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti, li jinkludi l-elementi essenzjali tal-pretensjoni,

(i)

ma ġiex notifikat lill-konvenut f’ħin suffiċjenti u b’mod li jagħtih il-possibilità li jirranġa d-difiża tiegħu, sakemm il-konvenut ma jkunx deher jew ippreżenta l-każ tiegħu mingħajr ma kkontesta n-notifika fil-qorti tal-oriġini, sakemm il-liġi tal-Istat ta’ oriġini kienet tippermetti li n-notifika tiġi kkontestata; jew

(ii)

kien avżat lill-konvenut fl-Istat rikjest b’mod li huwa inkompatibbli mal-prinċipji fundamentali tal-Istat rikjest dwar in-notifika tad-dokumenti;

(d)

is-sentenza ittieħdet bi frodi f’konnessjoni ma’ materja ta’ proċedura;

(e)

ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ikun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku tal-Istat rikjest, inklużi sitwazzjoni fejn il-proċedimenti speċifiċi li jwasslu għas-sentenza kienu inkompatibbli mal-prinċipji fundamentali ta’ ġustizzja proċedurali ta’ dak l-Istat;

(f)

is-sentenza hija inkonsistenti ma’ sentenza mogħtija mill-Istat rikjest f’disputa bejn l-istess partijiet; jew

(g)

is-sentenza hija inkonsistenti ma’ sentenza preċedenti mogħtija minn Stat ieħor bejn l-istess partijiet dwar l-istess kawża għall-azzjoni, sakemm dik is-sentenza preċedenti tissodisfa il-kunidizzjonijet neċessarji għar-rikonoxximent fl-Istat rikjest.

Artikolu 10

Domandi preliminarji

1.   Fejn kwistjoni eskluża taħt l-Artikolu 2(2) jew taħt l-Artikolu 21, inqalgħet bħala domanda preliminari, is-sentenza dwar dik il-kwistjoni m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jew eżegwita skont din il-Konvenzjoni.

2.   Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jistgħu jiġu miċħuda jekk u safejn is-sentenza kienet ibbażata fuq deċiżjoni dwar kwistjoni eskluża taħt l-Artikolu 2(2).

3.   Madanakollu, fil-każ ta’ deċiżjoni dwar il-validità ta’ dritt ta’ propjetà intellettwali għajr id-dritt tal-awtur jew dritt relatat, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jistgħu jiġi miċħuda jew posposti skont il-paragrafu preċedenti biss fejn:

(a)

dik id-deċiżjoni tkun inkonsistenti ma’ sentenza jew deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fuq dik il-kwistjoni mogħtija mill-Istat, taħt il-liġi ta’ liema rriżulta d-dritt ta’ propjetà intellettwali; jew

(b)

il-proċedimenti dwar il-validità tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali huma pendenti f’dak l-Istat.

4.   Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jistgħu jiġu miċħudajekk u safejn is-sentenza kienet ibbażata fuq deċiżjoni dwar kwistjoni eskluża skont dikjarazzjoni magħmula mill-Istat rikjest taħt l-Artikolu 21.

Artikolu 11

Kumpens

1.   Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jistgħu jiġu miċħuda jekk u safejn is-sentenza tagħti kumpens għal danni, inkluzi danni eżemplari jew punittivi, li ma jikkumpensawx lill-parti għat-telf jew danni attwalment subiti.

2.   Il-qorti indirizzata għandha tikkunsidra jekk u safejn il-kumpens mogħti mill-qorti tal-oriġini jservi biex ikopri l-ispejjeż relatati mal-proċedimenti.

Artikolu 12

Riżolviment ġudizzjarju (transactions judiciaires)

It-tranżazzjonijiet ġudizzjarji (transactions judiciaires) li jkunu ġew approvati minn qorti ta’ Stat Kontraenti indikata fi ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum, jew li ġew konklużi quddiem dik il-qorti matul il-proċedimenti, u li huma eżegwibblii bl-istess mod bħal sentenza fl-Istat ta’ oriġini, għandhom jiġu eżegwiti skont din il-Konvenzjoni bl-istess mod bħal sentenza.

Artikolu 13

Dokumenti li għandhom jiġu preżentati

1.   Il-parti li tkun qed titlob rikonoxximent jew li tkun qed tapplika għall-eżekuzzjoni għandha tippreżenta:

(a)

kopja sħiħa u ċertifikata tas-sentenza;

(b)

il-ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum, kopja ċertifikata tiegħu jew evidenza oħra tal-eżistenza tiegħu;

(c)

jekk is-sentenza ġiet mogħtija f’każ ta’ kontumaċja, l-oriġinal jew kopja ċertifikata ta’ dokument li juri li d-dokument li bih ġew istitwiti il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti ġie notifikat lill-parti kontumaċi;

(d)

kull dokument neċessarju biex jiġi stabbilit li s-sentenza għandha effett jew, fejn applikabbli, hija eżegwibbli fl-Istat ta’ oriġini;

(e)

fil-każ imsemmi fl-Artikolu 12, ċertifikat ta’ qorti tal-Istat ta’ oriġini li juri li t-tranżazzjoni ġudizzjarja jew parti minnha tista’ jiġi eżegwita bl-istess mod bħal sentenza fl-Istat ta’ oriġini.

2.   Jekk it-termini tas-sentenza ma jippermettux lill-qorti indirizzata li tivverifika jekk il-kundizzjonijet ta’ dan il-Kapitolu ġewx sodisfatti, dik il-qorti tista’ teħtieġ kull dokument ieħor li jkun neċessarju.

3.   Talba għar-rikonoxximent jew eżekuzzjoni tista’ tkun akkumpanjata minn dokument, maħruġ minn qorti (inkluz uffiċjal tal-qorti) tal-Istat tal-oriġini, fil-forma rakkomandata u pubblikata mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

4.   Jekk id-dokumenti li għalihom saret referenza f’dan l-Artikolu m’humiex fil-lingwa uffiċjali tal-Istat rikjest, dawn għandhom ikunu akkumpanjata minn traduzzjoni ċertifikata f’lingwa uffiċjali, sakemm il-liġi tal-Istat rikjest ma tipprovdix mod ieħor.

Artikolu 14

Il-proċedura

Il-proċedura għar-rikonoxximent, id-dikjarazzjoni tal-eżekutorjetà jew ir-reġistrazzjoni għall-eżekuzzjoni, u l-eżekuzzjoni tas-sentenza, huma regolati mil-liġi tal-Istat rikjest sakemm din il-Konvenzjoni ma tipprovdix mod ieħor. Il-qorti indirizzata għandha tagixxi b’ħeffa.

Artikolu 15

Diviżibilità

Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ parti diviżibbli ta’ sentenza għandhom jingħataw meta jiġi mitlub ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ dik il-parti, jew meta parti mis-sentenza biss tista’ tkun rikonoxxuta jew eżegwita skont din il-Konvenzjoni.

KAPITOLU IV

KLAWŻOLI ĠENERALI

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tapplika għall-ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum konkluz wara d-dħul fis-seħħ fl-Istat tal-qorti magħżula.

2.   Din il-Konvenzjoni ma tapplikax għall-proċedimenti istitwiti qabel d-dħul fis-seħħ fl-Istat tal-qorti li qed tisma’ s-sentenza.

Artikolu 17

Kuntratti ta’ assigurazzjoni u assigurazzjoni mill-ġdid

1.   Il-proċedimenti skont kuntratt ta’ assigurazzjoni jew assigurazzjoni mill-ġdid m’humiex esklużi mill-ambitu ta’ din il-konvenzjoni fuq il-bażi li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni jew assigurazzjoni mill-ġdid għandu x’jaqsam ma’ kwistjoni li għalija ma tapplikax din il-Konvenzjoni.

2.   Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza fir-rigward ta’ responsabbilità skont it-termini ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni jew assigurazzjoni mill-ġdid ma jistgħux jiġu limitati jew miċħuda fuq il-bażi li r-responsabbilità skont dak il-kuntratt tinkludi responsabbilità li skontha, l-persuna assikurta jew assikurata mill-ġdid tiġi kkumpensat fir-rigward ta’:

(a)

kwistjoni li għaliha ma tapplikax din il-Konvenzjoni; jew

(b)

għotja ta’ kumpens għal danni li għaliha jista’ japplika l-Artikolu 11.

Artikolu 18

Ebda legalizzazzjoni

Id-dokumenti kollha mibgħuta jew konsenjati taħt din il-Konvenzjoni għandhom ikunu eżenti mill-legalizzazzjoni jew formalitajiet simili, inkluża Apostille.

Artikolu 19

Dikjarazzjonijiet li jillimitaw il-ġurisdizzjoni

Stat jista’ jiddikjara li l-qrati tiegħu jistgħu jirrifjutaw li jiddeċiedu disputi li għalihom japplika ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum jekk, għajr għall-post tal-qorti magħżula, ma jkun hemm l-ebda konnessjoni bejn dak l-Istat u l-partijiet jew id-disputa.

Artikolu 20

Dikjarazzjonijiet li jillimitaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni

Stat jista’ jiddikjara li l-qrati tiegħu jistgħu jirrifjutaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn qorti tal Stat Kontraenti ieħor jekk il-partijiet kienu residenti fl-Istat rikjest u r-relazzjoni tal-partijiet u l-elementi l-oħra kollha relevanti għad-disputa, għajr il-post tal-qorti magħżula, kienu konnessi biss mal-Istat rikjest.

Artikolu 21

Dikjarazzjonijiet rigward kwistjonijiet speċifiċi

1.   Fejn Stat għandu interess qawwi li ma japplikax din il-Konvenzjoni għal kwistjoni speċifika, dak l-Istat jista’ jiddikjara li mhux se japplika l-Konvenzjoni għal dik il-kwistjoni. L-Istat li jagħmel dikjarazzjoni bħal din għandu jiżgura li d-dikjarazzjoni ma tkunx iktar wiesgħa milli hu neċessarju u li l-kwistjoni speċifika eskluża tkun definita b’mod ċar u preċiż.

2.   Fir-rigward ta’ dik il-kwistjoni, il-Konvenzjoni m’għandhiex tapplika:

(a)

fl-Istat Kontraenti li għamel id-dikjarazzjoni;

(b)

fi Stati Kontraenti oħra, fejn il-ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum jindika l-qrati, jew qorti speċifika waħda jew iktar, tal-Istat li għamel id-dikjarazzjoni.

Artikolu 22

Dikjarazzjonijiet reċiproċi dwar ftehim mhux esklussiv dwar l-għażla tal-forum

1.   Stat Kontraenti jista’ jiddikjara li l-qrati tiegħu jirrikonoxxu u jeżegwixxu sentenzi mogħtija minn qrati ta’ Stati Kontraenti oħra indikati fi ftehim dwar l-għażla tal-forum konkluż minn żewġ partijiet jew iktar li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3(c), u jindika, għall-iskop li jiġu deċiżi disputi li nqalgħu jew li jistgħu jinqalaw b’konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, qorti jew qrati ta’ wieħed jew iktar mill-Istati Kontraenti (ftehim mhux esklussiv dwar l-għażla tal-forum).

2.   Fejn ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn Stat Kontraenti li għamel tali dikjarazzjoni jiġi mitlub fi Stat Kontraenti ieħor li għamel tali dikjarazzjoni, is-sentenza għandha tiġi rikonoxxuta u eżegwita taħt din il-Konvenzjoni, jekk:

(a)

il-qorti tal-oriġini kienet ġiet indikata minn ftehim mhux esklussiv dwar l-għażla tal-forum;

(b)

ma teżisti l-ebda sentenza mogħtija minn xi qorti oħra li quddiemha setgħu jitressqu l-proċedimenti skont il-ftehim mhux esklussiv dwar l-għażla tal-forum u lanqas ma jeżisti proċediment pendenti bejn l-istess partijiet f’xi qorti oħra bħal din dwar l-istess kawża għal azzjoni; u

(c)

il-qorti ta’ oriġini kienet l-ewwel qorti li tressqet il-kawża quddiemha.

Artikolu 23

Interpretazzjoni uniformi

Fl-interpretazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, għandu jiġi meqjus il-karattru internazzjonali tagħha u l-bżonn li tiġi promossal-uniformità tal-applikazzjoni tagħha.

Artikolu 24

Ir-reviżjoni tat-tħaddim tal-Konvenzjoni

Is-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat għandu jagħmel arranġamenti f’intervalli regolari biex:

(a)

tiġi riveduta l-operazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, inkluża kull dikjarazzjoni; kif ukoll

(b)

jiġi kkunsidrat jekk hemmx bżonn xi emendi għal din il-Konvenzjoni.

Artikolu 25

Sistemi legali mhux unifikati

1.   Fir-rigward ta’ Stat Kontraenti fejn żewġ sistemi legali jew iktar japplikaw f’unitajiet territorjali differenti, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet trattati minn din il-Konvenzjoni:

(a)

kull riferenza għal-liġi jew proċedura ta’ Stat għandha tinftiehem bħala li tirreferi, fejn ikun xieraq, għal-liġi jew proċedura fis-seħħ fl-unità territorjali rilevanti;

(b)

kull riferenza għal residenza fi Stat għandha tinftiehim bħala li tirreferi, fejn ikun xieraq, għal residenza fl-unità territorjali rilevanti;

(c)

kull riferenza għall-qorti jew qrati ta’ Stat għandha tinftiehem bħala li tirreferi, fejn ikun xieraq, għall-qorti jew qrati fl-unità territorjali rilevanti;

(d)

kull riferenza għal konnessjoni ma’ Stat għandha tinftiehem bħala li tirreferi, fejn ikun xieraq għall-konnessjoni mal-unità territorjali rilevanti.

2.   Minkejja l-paragrafu preċedenti, Stat Kontraenti b’żewġ unitajiet territorjali jew iktar li fihom japplikaw sistemi legali differenti m’għandux ikun marbut li japplika din il-Konvenzjoni għal sitwazzjonijiet li jinvolvu biss tali unitajiet territorjali differenti.

3.   Qorti f’unità territorjali ta’ Stat Kontraenti b’żewġ unitajiet territorjali jew iktar li fihom japplikaw sistemi legali differenti m’għandhiex tkun marbuta li tirrikonoxxi jew teżegwixxi sentenza minn Stat Kontraenti ieħor abbażi tal-fatt uniku li s-sentenza kienet rikonoxxuta jew eżegwita f’unità territorjali oħra tal-Istess Stat Kontraenti skont din il-Konvenzjoni.

4.   Dan l-Artikolu ma japplikax għal Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika.

Artikolu 26

Relazzjoni ma’ strumenti internazzjonali oħra

1.   Safejn hu possibbli, din il-Konvenzjoni għandha tiġi interpretata sabiex tkun kompattibbli ma’ trattati oħra fis-seħħ fl-Istati Kontraenti, sew jekk konkluzi qabel jew wara din il-Konvenzjoni.

2.   Din il-Konvenzjoni ma tinċidix fuq l-applikazzjoni minn Stat Kontraenti ta’ trattat, sew jekk konkluż qabel jew wara din il-Konvenzjoni, f’każi fejn l-ebda waħda mill-partijiet m’hi residenti fi Stat Kontraenti li mhux Parti fit-trattat.

3.   Din il-Konvenzjoni ma tinċidix fuq l-applikazzjoni minn Stat Kontraenti ta’ trattat li kien konkluż qabel din il-Konvezjoni daħlet fis-seħħ għal dak l-Istat Kontraenti, jekk l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni tkun inkonsistenti mal-obbligi ta’ dak l-Istat Kontraenti fil-konfront ta’ kull Stat mhux Kontraenti. Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għal trattati li jirrevedu jew jissostitwixxu trattat konkluż qabel ma din il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ għal dak l-Istat Kontraenti, bl-eċċezzjoni ta’ meta r-reviżjoni jew sostituzzjoni joħolqu inkonsistenzi ġodda ma’ din il-Konvenzjoni.

4.   Din il-Konvenzjoni ma tinċidix fuq l-applikazzjoni minn Stat Kontraenti ta’ trattat, sew jekk konkluż qabel jew wara din il-Konvenzjoni, għall-iskop li jinkiseb rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Kontraenti li huwa wkoll Parti f’dak it-trattat. Madanakollu, is-sentenza ma tistax tkun rikonoxxuta jew eżegwita sa punt inferjuri minn dak provdut f’din il-Konvenzjoni.

5.   Din il-Konvenzjoni ma tinċidix fuq l-applikazzjoni minn Stat Kontraenti ta’ trattat li, fir-rigward ta’ kwistjoni speċifika, jirregola l-ġurisdizzjoni jew ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, anki jekk konklużi wara din il-Konvenzjoni u anki jekk l-Istati kollha konċernati huma Partijiet f’din il-Konvenzjoni.

Dan il-paragrafu għandu japplika biss jekk l-Istat Kontraenti għamel dikjarazzjoni fir-rigward tat-trattat skont dan il-paragrafu. F’każ ta’ tali dikjarazzjoni, Stati Kontraenti oħra m’humiex obbligati japplikaw din il-Konvenzjoni għal dik il-kwistjoni speċifika safejn ikun hemm xi inkonsistenza, fejn ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum jindika l-qrati jew qorti waħda jew iktar qrati speċifiċi, tal-Istati Kontraenti li għamlu d-dikjarazzjoni.

6.   Din il-Konvenzjoni ma tinċidix fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ Organizzazzjoni ta’ Integrazzjoni Ekonomika Reġjonali li hija Parti minn din il-Konvenzjoni, adottata qabel jew wara din il-Konvenzjoni-

(a)

fejn ħadd mill-partijiet ma huwa residenti fi Stat Kontraenti li mhux Stat Membru tal-Organizzazzjoni ta’ Integrazzjoni Ekonomika Reġjonali;

(b)

f’dak li tikkonċerna r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi bejn Stati Membru tal-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni.

KAPITOLU V

KLAWŻOLI FINALI

Artikolu 27

L-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni

1.   Din il-Konvenzjoni hija miftuħa għall-iffirmar mill-Istati kollha.

2.   Din il-Konvenzjoni hija suġġetta għar-ratifika, għall-aċċettazzjoni jew għall-approvazzjoni tal-Istati firmatarji.

3.   Din il-Konvenzjoni hija miftuħa għall-adeżjoni tal-Istati kollha.

4.   L-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni għandhom ikunu depożitati mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju tal-Olanda, depożitarju tal-Konvenzjoni.

Artikolu 28

Dikjarazzjonijiet rigward sistemi legali mhux unifikati

1.   Jekk Stat għandu żewġ unitajiet territorjali jew aktar li fihom japplikaw sistemi legali differenti rigward kwistjonijiet trattati f’din il-Konvenzjoni, huwa jista’ mal-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, jiddikjara li l-Konvenzjoni għandha testendi għall-unitajiet territorjali kollha tiegħu jew biss għal unità waħda jew aktar minnhom, u jista’ jimmodifika din id-dikjarazzjoni billi jissottometti dikjarazzjoni oħra fi kwalunkwe ħin.

2.   Id-dikjarazzjoni għandha tiġi notifikata lid-depożitarju u għandha tiddikjara espressament l-unitajiet territorjali li għalihom tapplika l-Konvenzjoni.

3.   Jekk Stat ma jagħmel l-ebda dikjarazzjoni skont dan l-Artikolu, il-Konvenzjoni testendi għall-unitajiet territorjali kollha ta’ dak l-Istat.

4.   Dan l-Artikolu ma japplikax għal Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika.

Artikolu 29

L-Organizzazzjonijie Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika

1.   Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika li hija kostitwita minn Stati sovrani biss u għandha l-kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha regolati minn din il-Konvenzjoni jew fuq xi wħud minnhom tista’ b’mod simili tiffirma, taċċetta, tapprova u taċċedi għal din il-Konvenzjoni. F’dak il-każ, l-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika għandu jkollha d-drittijiet u l-obbligi ta’ Stat Kontraenti, safejn l-Organizzazzjoni għandha kompetenza fuq kwistjonijiet regolati minn din il-Konvenzjoni.

2.   L-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika għandha, fil-mument tal-iffirmar, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, tavża d-depożitarju bil-miktub dwar kwistjonijiet regolati minn din il-Konvenzjoni li l-kompetenza tagħhom ġiet trasferita għal dik l-organizzazzjoni mill-Istati Membri. L-Organizzazzjoni għandha tinnotifka minnufih lid-depożitarju bil-miktub dwar kull bidla fil-kompetenzi tagħha kif speċifikat fl-avviz l-iktar reċenti mogħti taħt dan il-paragrafu.

3.   Għall-iskopijiet tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, strument iddepożitat minn Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika m’għandux jingħadd sakemm l-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika Reġjonali tiddikjara, skont l-Artikolu 30, li l-Istati Membri tagħhom mhux se jkunu Partijiet fil-Konvenzjoni.

4.   Kwalunkwe referenza għal “Stat Kontraenti” jew “Stat” f’din il-Konvenzjoni għandha tapplika b’mod ugwali, fejn ikun xieraq, għal Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika li hi Parti minnha.

Artikolu 30

Adeżjoni minn Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika mingħajr l-Istati Membri tagħha

1.   Fil-mument tal-iffirmar, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika tista’ tiddikjara li teżerċita kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha regolati minn din il-Konvenzjoni u li l-Istati Membri tagħha mhux se jkunu Partijiet f’din il-Konvenzjoni iżda se jkunu marbuta permezz tal-iffirmar, l-aċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni tal-Organizzazzjoni.

2.   Fil-każ li tkun magħmula dikjarazzjoni minn Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika skont il-paragrafu 1, kwalukwe referenza għal “Stat Kontraenti” jew “Stat” f’din il-Konvenzjoni għandha tapplika b’mod ugwali, fejn ikun xieraq, għall-Istati Membri tal-Organizzazzjoni.

Artikolu 31

Dħul fis-seħħ

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tax-xahar li jsegwi l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-depożitu tat-tieni strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 27.

2.   Minn hemm ‘il quddiem din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ:

(a)

għal kull Stat jew Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika li sussegwentement jirratifkaw, jaċċettaw, japprovaw jew jaċċedu għaliha, fl-ewwel ġurnata tax-xahar li jsewgi l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-depożitu tal-istrument tagħhom ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni;

(b)

għal unità territorjali li għaliha ġiet estiża din il-Konvenzjoni skont l-Artikolu 28(1), fl-ewwel ġurnata tax-xahar li jsewgi l-iskadenza ta’ tliet xhur mill-avviż tad-dikjarazzjoni imsemmi f’dak l-Artikolu.

Artikolu 32

Dikjarazzjonijiet

1.   Id-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 19, 20, 21, 22 u 26 jistgħu jsiru fil-mument tal-iffirmar, ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni jew fi kwalukwe ħin iktar tard, u jistgħu jiġu modifikati jew irtirati fi kwalukwe ħin.

2.   Id-dikjarazzjonijiet, modifikazzjonijiet jew irtirar għandhom jiġu avżati lid-depożitarju.

3.   Dikjarazzjoni magħmula fil-mument tal-iffirmar, ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni għandu jkollha effett simultanjament mad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni għall-Istat konċernat.

4.   Dikjarazzjoni magħmula iktar tard, u kull modifika jew irtirar ta’ dikjarazzjoni, għandu jkollha effett fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-data li fiha d-depożitarju jirċievi n-notifika.

5.   Dikjarazzjoni taħt l-Artikoli 19, 20 21, 22 u 26 ma tapplikax għal ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-forum konkluż qabel tkun ħadet effett.

Artikolu 33

Denunzja

1.   Din il-Konvenzjoni tista’ tiġi denunzjata b’notifika bil-miktub lid-depożitarju. Id-denunzja tista’ tkun limitata għal xi unitajiet territorjali ta’ sistema legali mhux unifikata li għalihom tapplika din il-Konvenzjoni.

2.   Id-denunzja tidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara l-iskadenza ta’ tnax-il xahar mid-data li fiha d-depożitarju jkun irċieva n-notifika. Fejn fin-notifika tkun speċifikat żmien itwal biex id-denunzja tidħol fis-seħħ, din tidħol fis-seħħ wara l-iskadenza ta’ tali perjodu itwal mid-data li fiha d-depożitarju jkun irċieva n-notifika.

Artikolu 34

Notifiki mid-depożitarju

Id-depożitarju għandu jinnotifika lill-Istati Membri tal-Konferenza tal-Aja dwar il-Liġi Internazzjonali Privata, u Stati u Organizzazzjonijiet Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika oħrajn li ffirmaw, irratifikaw, aċċettaw, approvaw jew aċċedew skont l-Artikoli 27, 29 u 30 b’dan li ġej:

(a)

il-firem, ir-ratifiki, l-aċċettazzjonijiet, l-approvazzjonijet u l-adeżjonijiet msemmija fl-Artikoli 27, 29 u 30;

(b)

id-data li fiha l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ, skont l-Artikolu 31;

(c)

in-notifiki, id-dikjarazzjonijiet, il-modifikazzjonijiet u l-irtirar ta’ dikjarazzjonijet msemmija fl-Artikoli 19, 20, 21, 22, 26, 28, 29 u 30;

(d)

id-denunzji msemmija fl-Artikolu 33.

B’xhieda ta’ dan, aħna hawn taħt sottoskritti, debitament awtorizzati kif biex nagħmlu dan, iffirmajna din il-Konvenzjoni.

Magħmula fl-Aja, it-30 ta’ Ġunju 2005, bil-lingwa Ingliza u dik Franċiża, b’kull wieħed miż-żewġ testi jkun ugwalment awtentiku, f’kopja unika li għandha tiġi depożitata fl-arkivji tal-Gvern tar-Renju tal-Olanda, u li tagħha se tintbagħat kopja ċertifikata, permezz tal-kanali diplomatiċi, lil kull Stat Membru tal-Konferenza tal-Aja dwar il-Liġi Internazzjonali Privata fid-data tal-Għoxrin Sessjoni tagħha u lil kull Stat li pparteċipa f’dik is-Sessjoni.


ANNESS II

Dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea taħt l-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni dwar ftehim dwar l-għażla tal-forum

Il-Komunità Ewropea tiddikjara, taħt l-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni dwar ftehim dwar l-għażla tal-forum, li hija teżerċita kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha regolati minn din il-Konvenzjoni. L-Istati Membri tagħha m’humiex ser jiffirmaw, jirratifikaw, jaċċettaw jew japprovaw il-Konvenzjoni iżda huma xorta waħda marbuta biha minħabba l-konklużjoni tagħha mill-Komunità Ewropea.

Għall-finijet ta’ tali dikjarazzjoni, it-terminu “Komunità Ewropea” ma jinkludix id-Danimarka, konformement mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.