ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2009.120.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 120

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 52
15 ta' Mejju 2009


Werrej

 

I   Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 402/2009 tal-14 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 403/2009 tal-14 ta' Mejju 2009 dwar l-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni ta' L-valine bħala addittiv fl-għalf ( 1 )

3

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija ( 1 )

5

 

 

II   Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

Il-Kummissjoni

 

 

2009/382/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2009 dwar l-għajnuna mill-Istat C 27/05 (ex NN 69/04) mogħtija għax-xiri tal-magħlef fir-reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia (L-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 14 tal-20 ta’ Awwissu 2003 u sejħa għall-espressjonijiet ta’ interess ippubblikata mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste) (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 187)

13

 

 

2009/383/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Mejju 2009 li tissospendi d-dazji definittivi ta’ anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/2004 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ glyphosate li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

20

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

 

Il-Kummissjoni

 

 

2009/384/KE

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2009 dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji ( 1 )

22

 

 

2009/385/KE

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2009 li tikkumplementa r-Rakkomandazzjonijiet Nru 2004/913/KE u Nru 2005/162/KE fir-rigward tas-sistema tar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kkwotati fil-borża ( 1 )

28

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

15.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 402/2009

tal-14 ta’ Mejju 2009

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi ta' l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-15 ta’ Mejju 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kummissjoni

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

53,3

TN

115,0

TR

101,5

ZZ

89,9

0707 00 05

JO

155,5

MA

32,7

TR

143,8

ZZ

110,7

0709 90 70

JO

216,7

TR

116,6

ZZ

166,7

0805 10 20

EG

44,5

IL

54,1

MA

43,6

TN

49,2

TR

99,9

US

49,3

ZZ

56,8

0805 50 10

AR

50,9

TR

56,4

ZA

67,0

ZZ

58,1

0808 10 80

AR

80,2

BR

71,7

CL

72,4

CN

100,3

MK

42,0

NZ

105,1

US

133,5

UY

71,7

ZA

80,2

ZZ

84,1


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


15.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 403/2009

tal-14 ta' Mejju 2009

dwar l-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni ta' L-valine bħala addittiv fl-għalf

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fin-nutriment tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistipula l-awtorizzazzjoni ta' addittivi għall-użu fin-nutriment tal-annimali u għar-raġunijiet u għall-proċeduri biex tingħata din l-awtorizzazzjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, intbagħtet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni stipulata fl-Anness ma' dan ir-Regolament. Din l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mid-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

L-applikazzjoni hija dwar awtorizzazzjoni ġdida tal-amino aċidu L-valine b'purità ta' mill-inqas 98 %, prodott minn Escherichia coli (K-12 AG314) FERM ABP-10640 bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċi kolha, biex jiġi kklassifikat fil-kategorja tal-addittivi “addittivi nutrittivi”.

(4)

Mill-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) tat-30 ta' Jannar 2008 (2) u tat-18 ta' Novembru 2008 (3) jirriżulta li l-amino aċidu L-valine b'purità ta' mill-inqas 98 %, m'għandux effett negattiv fuq is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent u li huwa kkunsidrat bħala sors ta' valine disponibbli għall-ispeċi kollha. L-Awtorità ma tikkunsidrax li hemm bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi ta' sorveljanza wara t-tqegħid fis-suq. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta’ analiżi tal-addittiv fl-għalf f'għalf imressaq mil-Laboratorju Komunitarju ta’ Referenza stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Il-valutazzjoni ta’ dik il-preparazzjoni turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma sodisfatti. Għaldaqstant, l-użu ta' din il-preparazzjoni għandu jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ma' dan ir-Regolament.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta’ addittivi “addittivi nutrittivi” u mill-grupp funzjonali “amino aċidi, l-imluħa u l-analogi tagħhom”, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutriment tal-annimali suġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2008) 695, 1-21.

(3)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2008) 872, 1-6.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku.

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg/kg ta’ għalf sħiħ b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 %

Kategorija ta’ addittivi nutrittivi. Grupp funzjonali: amino aċidi u l-imluħa u l-analogi tagħhom.

3c3.7.1

-

L-valine

Kompożizzjoni tal-addittiv:

L-valine b'purità ta' mill-inqas 98 % (fuq materja xotta) prodott minn Escherichia coli (K-12 AG314) FERM ABP-10640

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva:

L-valine (C5H11NO2)

Metodu analitiku:

Metodu Komunitarju għad-determinazzjoni ta' amino aċidi (Regolament (KE) Nru 152/2009 (1))

L-ispeċi kollha

-

-

-

Il-kontenut ta' umdità għandu jkun indikat.

It-3 ta’ Ġunju 2019


(1)  ĠU L 54, 26.2.2009, p. 1.


DIRETTIVI

15.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/5


DIRETTIVA 2009/33/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2009

dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Ir-riżorsi naturali, li tagħhom l-Artikolu 174(1) tat-Trattat jesiġi t-tfittxija għall-użu għaqli u razzjonali, jinkludu ż-żejt, li huwa r-riżors prinċipali ta’ enerġija fl-Unjoni Ewropea, iżda huwa wkoll sors ewlieni ta’ emissjonijiet li jniġġsu.

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Mejju 2001 imsejħa “Ewropa Sostenibbli għal Dinja Aħjar: Strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli”, ippreżentata lill-Kunsill Ewropew ta’ Gothenburg tal-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001, identifikat l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra u t-tniġġis ikkawżat mit-trasport fost l-ostakli prinċipali għall-iżvilupp sostenibbli.

(3)

Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 talulju 2002 li tistipula s-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Ambjent tal-Komunità (4) tirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ miżuri speċifiċi biex jittejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u għall-integrazzjoni ta’ għanijiet fir-rigward tat-tibdil fil-klima f’linji politiċi tat-trasport u l-enerġija, kif ukoll il-ħtieġa li jittieħdu miżuri speċifiċi fis-settur tat-trasport li jindirizzaw l-użu tal-enerġija u l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett tas-serra.

(4)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2007 bl-isem “Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa” ipproponiet impenn min-naħa tal-Unjoni Ewropea biex sal-2020 tikseb tnaqqis ta’ mill-inqas 20 % mill-gassijiet b’effett tas-serra meta mqabbel mal-1990. Addizzjonalment, ġew proposti miri vinkolanti għal iktar titjib ta’ 20 % fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija, livell ta’ 20 % tal-enerġija rinnovabbli u sehem ta’ 10 % ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport fil-Komunità sal-2020, fost l-oħrajn biex tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija billi jiġu ddiversifikati t-taħlitiet tal-karburant.

(5)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2006 intitolata “Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Enerġija: Inwettqu l-Potenzjal” ħabbret li l-Kummissjoni ser tkompli tipprova tiżviluppa, permezz tal-akkwist pubbliku u billi tqanqal il-kuxjenza pubblika, swieq għal vetturi li jkunu aktar nodfa, proġettati b’mod aktar intelliġenti, aktar sikuri u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(6)

Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-White Paper tal-Kummissjoni tal-2001 dwar it-Trasport “Inżommu lill-Ewropa miexja – il-Mobbiltà sostenibbli għall-kontinent tagħna”, tat-22 ta’ Ġunju 2006, ħabbret li l-Unjoni se tistimola l-innovazzjoni li tippreżerva l-ambjent, b’mod partikolari permezz ta’ standards Ewropej suċċessivi ta’ emissjoni (normi EURO) u permezz tal-promozzjoni ta’ vetturi nodfa abbażi tal-akkwist pubbliku.

(7)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-7 ta’ Frar 2007 intitolata “Riżultati tar-reviżjoni tal-Istrateġija Komunitarja għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali ħfief”, il-Kummissjoni ppreżentat strateġija komprensiva ġdida li permezz tagħha l-Unjoni tkun tista’ tilħaq l-għan tagħha ta’ 120 g/km għall-emissjonijiet ta’ CO2 mill-karozzi ġodda tal-passiġġieri sal-2012. Ġie propost qafas leġiżlattiv biex jiżgura t-titjib teknoloġiku tal-vetturi. Miżuri komplementari għandhom jippromwovu x-xiri ta’ vetturi effiċjenti fl-użu tal-karburant.

(8)

Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar it-Trasport Urban tal-25 ta’ Settembru 2007 imsejħa “Lejn kultura ġdida għall-mobbiltà urbana” tinnota l-appoġġ tal-partijiet interessati għall-promozzjoni tad-dħul fis-suq ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija permezz ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku li jirrispettaw l-ambjent. Din il-Green Paper tipproponi li approċċ possibbli jista’ jiġi bbażat fuql-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni bl-applikazzjoni tal-ispejjeż tul il-ħajja tal-vettura għall-konsum tal-enerġija, għall-emissjonijiet tas-CO2 u għall-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu marbuta mal-użu tal-vetturi li jkunu se jinxtraw bħala kriterji tal-għoti ta’ kuntratt tal-akkwist, minbarra l-prezz tal-vettura. Barra minn hekk, l-akkwist pubbliku jista’ jagħti prefenza lil standards EURO ġodda. L-użu aktar bikri ta’ vetturi aktar nodfa jista’ konsegwentement itejjeb il-kwalità tal-arja fiż-żoni urbani.

(9)

Ir-rapport tat-12 ta’ Diċembru 2005 tal-Grupp ta’ livell Għoli CARS 21 appoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bil-kundizzjoni li jittieħed approċċ integrat li jinvolvi l-manifatturi tal-vetturi, il-fornituri taż-żejt u tal-karburant, min isewwi, klijenti jew sewwieqa u l-awtoritajiet pubbliċi li jkun teknoloġikament newtrali u bbażat fuq il-prestazzjoni.

(10)

Il-Grupp ta’ livell Għoli dwar il-kompetittività, l-enerġija u l-ambjent, fir-rapport tiegħu tas-27 ta’ Frar 2007, irrakkomanda li l-akkwist privat u l-akkwist pubbliku għandhom iqisu l-ispejjeż tal-vetturi tul ħajjithom kollha b’enfażi fuq l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. L-Istati Membri u l-Komunità għandhom jiżviluppaw u jippubblikaw gwida għall-akkwist pubbliku dwar avvanz minn sistema ta’ sejħiet għall-offerti bl-irħas prezz għall-akkwist ta’ prodotti intermedji aktar sostenibbli b’konsistenza mad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (5) u mad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31ta’ Marzu 2004 dwar kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (6).

(11)

Din id-Direttiva għandha l-għan li tistimula s-suq għall-vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u b’mod speċjali – billi din se jkollha impatt ambjentali sostanzjali – li tinfluwenza s-suq għall-vetturi standardizzati li jiġu prodotti fi kwantitajiet akbar bħal karozzi tal-passiġġieri, xarabanks, coaches u trakkijiet, billi tiżgura livell ta’ domanda għal vetturi tat-trasport fuq it-triq li jkunu nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija li jkun sostanzjali biżżejjed biex iħeġġeġ lill-manifatturi u lill-industrija biex jinvestu f’vetturi b’konsum baxx tal-enerġija, b’emissjonijiet baxxi ta’ CO2 u b’emissjonijiet baxxi ta’ sustanzi li jniġġsu u biex jiżviluppaw aktar dawn il-vetturi.

(12)

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kontraenti nazzjonali, reġjonali jew lokali u lill-entitajiet u operaturi kontraenti li jipprovdu servizzi tat-trasport pubbliku lill-passiġieri dwar id-dispożizzjonijiet relatati max-xiri ta’ vetturi għat-trasport fuq it-triq li jkunu nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(13)

Fil-bidu, il-prezz tal-vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija ikun ogħla minn dak ta’ vetturi konvenzjonali. Il-ħolqien ta’ domanda suffiċjenti għal dan it-tip ta’ vetturi jista’ jiżgura li l-ekonomizzazzjoni miksuba fuq skala kbira twassal għal tnaqqis fl-ispiża.

(14)

Din id-Direttiva tindirizza l-ħtieġa li jiġi provdut appoġġ lill-Istati Membri permezz tal-faċilitazzjoni u strutturazzjoni tal-iskambju ta’ tagħrif u l-aħjar prattika għall-promozzjoni tax-xiri ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(15)

L-akkwist ta’ vetturi għas-servizzi ta’ trasport pubbliku jista’ jagħmel impatt sinifikanti fuq is-suq jekk jintużaw kriterji armonizzati fil-livell Komunitarju.

(16)

L-akbar impatt fuq is-suq, flimkien mal-aħjar rizultat tar-relazzjoni bejn l-ispiża u l-benefiċċji, jinkiseb permezz tal-inklużjoni obbligatorja tal-ispejjeż tal-vetturi tul ħajjithom fuq il-konsum tal-enerġija, l-emissjonijiet ta’ CO2, u emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu, bħala kriterji tal-għoti fl-akkwist ta’ vetturi għal servizzi ta’ trasport pubbliku.

(17)

Konformement mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE u tad-Direttiva 2004/18/KE u b’rispett sħiħ tal-implimentazzjoni fil-liġi nazzjonali ta’ dawn id-Direttivi, din id-Direttiva għandha tkopri l-vetturi ta’ trasport fuq it-triq mixtrija minn awtoritajiet kontraenti u entitajiet kontraenti, irrispettivament minn jekk dawn l-awtoritajiet u l-entitajiet ikunux pubbliċi jew privati. Barra minn hekk, din id-Direttiva għandha tkopri x-xiri ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq użati għat-twettiq ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku tal-passiġġieri taħt kuntratt ta’ servizz pubbliku, waqt li tippermetti li l-Istati Membri jeskludu xiri minuri bil-ħsieb li jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn.

(18)

Konformement mad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi qafas għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (7) u bl-għan li jiġi evitat piż amministrattiv mhux dovut, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeżentaw lill-awtoritajiet u lill-operaturi mir-rekwiżiti stipulati f’din id-Direttiva meta jixtru vetturi mfassla u mibnija għal użu speċjali.

(19)

Din id-Direttiva għandha tipprovdi għal sensiela ta’ għażliet sabiex jittieħed kont tal-impatti enerġetiċi u ambjentali. Dan jippermetti lill-awtoritajiet u lill-operaturi li diġà żviluppaw metodi mfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-kundizzjonijiet lokali li jkomplu japplikaw dawk il-metodi.

(20)

L-inklużjoni tal-konsum tal-enerġija, l-emissjonijiet tas-CO2, u emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fil-kriterji tal-għoti ma timponix spejjeż totali ogħla, anzi, tantiċipa l-ispejjeż tal-vetturi tul ħajjithom fid-deċiżjoni tax-xiri. Filwaqt li jikkomplementa l-leġiżlazzjoni dwar l-Euro Norms, li tistabbilixxi l-limiti massimi ta’ emissjoni, dan l-approċċ jikkwantifika l-emissjoni attwali tas-sustanzi li jniġġsu fi flus u ma jeħtieġ ebda aġġustament addizzjonali tal-istandards.

(21)

Fl-osservanza tar-rekwiżit li jittieħed kont tal-impatti enerġetiċi u ambjentali billi jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi, l-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti u l-operaturi huma mħeġġa biex jistabbilixxu speċifikazzjonijiet ta’ prestazzjoni enerġetika u ambjentali talivell ogħla minn dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, b’kont meħud pereżempju tal-Euro Norms li huma diġà adottati iżda li għadhom ma sarux obbligatorji.

(22)

L-Istudju ExternE (8), il-Programm tal-Kummissjoni għal Arja Nadifa għall-Ewropa (CAFE) (9), u l-Istudju HEATCO (10) lkoll taw informazzjoni dwar spejjeż minħabba emissjonijiet ta’ CO2, ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx), ta’ idrokarburi li ma jkunux tal-metanu (NMHC), u ta’ materja partikulata. Biex il-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt tibqa’ sempliċi, l-ispejjeż jitqiesu abbażi tal-valur attwali.

(23)

Din id-Direttiva għandha tiddefinixxi firxa għall-ispejjeż tal-emissjonijiet tas-CO2 u l-emissjonijiet li jniġġsu li, fuq naħa waħda, tippermetti flessibbiltà għall-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti u l-operaturi biex iqisu s-sitwazzjoni lokali tagħhom, u, fuq in-naħa l-oħra, tiżgura livell xieraq ta’ armonizzazzjoni.

(24)

L-applikazzjoni obbligatorja ta’ kriterji għall-akkwist ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija ma teskludix l-inklużjoni ta’ kriterji oħra rilevanti għall-għoti tal-kuntratt. L-anqas ma timpedixxi l-għażla ta’ vetturi li jiġu sussegwentement mmodifikati għal rendiment ambjentali aħjar. Dawn il-kriterji rilevanti oħrajn għall-għoti ta’ kuntratt jistgħu jiġu inklużi fil-kuntratti ta’ akkwist suġġett għad-Direttiva 2004/17/KE jew għad-Direttiva 2004/18/KE, sakemm dawn ikunu marbuta mal-oġġett tal-kuntratt, ma jagħtux libertà tal-għażla bla restrizzjonijiet lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontreanti, jissemmew espressament u josservaw il-prinċipji fundamentali tat-Trattat.

(25)

Il-metodu għall-kalkolu tal-ispejjeż operattivi tul il-ħajja ta’ vettura minħabba emissjonijiet li jniġġsu għall-finijiet ta’ deċiżjonijiet dwar l-akkwist ta’ vettura, inklużi l-valuri numeriċi definiti f’din id-Direttiva, ma jippreġudikax leġiżlazzjoni Komunitarja oħra li tindirizza l-ispejjeż esterni.

(26)

L-eżami u r-reviżjoni tal-metodu tal-kalkolu definiti f’din id-Direttiva għandhom iqisu l-miżuri leġiżlattivi Komunitarji rilevanti relatati u għandhom jimmiraw għal konsistenza magħhom.

(27)

Il-kriterji enerġitiċi u ambjentali għall-għoti ta’ kuntratt għandhom ikunu fost il-bosta kriterji għall-għoti li jiġu meqjusa mill-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti meta jintalbu biex jieħdu deċiżjoni rigward l-akkwist ta’ vetturi tat-trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(28)

Din id-Direttiva m’għandhiex iżżomm lill-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti milli jagħtu preferenza lill-aħħar Euro Norms fix-xiri ta’ vetturi għas-servizzi ta’ trasport pubbliku minn qabel ma dawk l-istandards isiru obbligatorji. M’għandhiex ukoll iżżomm lill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti milli jagħtu preferenza lil karburanti alternattivi, pereżempju idroġenu, gass taż-żejt fi stat likwidu (LPG), gass naturali kkumpressat (CNG) u bijokarburanti, sakemm jittieħed kont tal-impatti enerġitiċi u ambjentali ta’ tul il-ħajja tal-vettura.

(29)

Għandhom jiġu żviluppati proċeduri ta’ testijiet standardizzati tal-Komunità għal aktar kategoriji ta’ vetturi sabiex jitjiebu l-komparabbiltà u t-trasparenza tad-data tal-manifattur. Il-manifatturi għandhom jiġu mħeġġa li jipprovdu data dwar il-konsum totali tal-enerġija ta’ tul il-ħajja tal-vettura, dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 u dwar l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu.

(30)

Il-possibbiltà ta’ appoġġ pubbliku għax-xiri ta’ vetturi tat-trasport nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inklużi l-installazzjoni sussegwenti fuq dawn il-vetturi ta’ magni u partijiet ta’ rikambju, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti ambjentali obbligatorji, hija rikonoxxuta fil-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (11) u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni konformement mal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) (12). F’dan il-kuntest, il-linji gwida inklużi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida Komunitarji dwar Għajnuniet mill-Istat għall-Impriżi Ferrovjarji” (13), partikolarment in-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna għall-punt 34 u n-nota 3 ta’ qiegħ il-paġna għall-punt 36, huma wkoll rilevanti. Madankollu, ir-regoli tat-Trattat, u b’mod partikolari l-Artikoli 87 u 88 tiegħu, għandhom ikomplu japplikaw għal dan l-appoġġ pubbliku.

(31)

Il-possibbiltà ta’ appoġġ pubbliku favur il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-infrastrutturi meħtieġa għad-distribuzzjoni ta’ karburanti alternattivi hija rikonoxxuta fil-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent. Madankollu, ir-regoli tat-Trattat, u b’mod partikolari, l-Artikoli 87 u 88 tiegħu, għandhom ikomplu japplikaw għal dan l-appoġġ pubbliku.

(32)

Ix-xiri ta’ vetturi tat-trasport fuq it-triq li jkunu nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija joffri opportunità għall-bliet li jixtiequ jippromwovu l-kuxjenza ambjentali tagħhom. F’dan il-kuntest huwa importanti li jkun hemm żvelar fuq l-Internet tat-tagħrif dwar l-akkwist pubbliku taħt din id-Direttiva.

(33)

Għandha tiġi mħeġġa l-pubblikazzjoni fuq l-Internet tat-tagħrif kollu relatat mal-istrumenti finanzjarji disponibbli fl-Istati Membri għall-mobbiltà urbana u għall-promozzjoni ta’ vetturi għat-trasport tat-triq li jkunu nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(34)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (14).

(35)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħa biex tadatta d-data abbażi tal-inflazzjoni u tal-progress tekniku għall-kalkolu tal-ispejjeż ta’ tul il-ħajja operattiva tal-vetturi tat-trasport fuq it-triq. Billi dawn il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, jeħtieġ li dawn jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(36)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi promoss u stimulat is-suq għal vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jitjieb il-kontribut tas-settur tat-trasport għal-linji politiċi ambjentali, klimatiċi u enerġetiċi tal-Komunità, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, sabiex tinkiseb il-massa kritika ta’ vetturi meħtieġa biex l-iżvilupp tagħhom mill-industrija Ewropea jkun ekonomikament effiċjenti, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(37)

L-Istati Membri u l-Kumissjoni għandhom ikomplu jippromwovu vetturi tat-trasport fuq it-triq li jkunu nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. F’dan il-kuntest, il-programmi operattivi nazzjonali u reġjonali, kif definiti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 talulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (15), jista’ jkollhom rwol importanti. Barra minn hekk, il-programmi tal-Komunità bħas-Civitas u l-Enerġija Intelliġenti - Ewropa jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-mobbiltà urbana filwaqt li jnaqqsu l-effetti negattivi tagħha.

(38)

Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar leġiżlazzjoni aħjar (16), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interessi tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u għanijiet

Din-Direttiva teħtieġ lill-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti kif ukoll ċerti operaturi, iqisu l-impatti enerġetiċi u ambjentali ta’ tul il-ħajja, inkluż il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet ta’ CO2 u ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu, meta jkunu qed jixtru vetturi ta’ trasport fuq it-triq, bl-għanijiet li jiġi promoss u stimulat is-suq għal vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jitjieb il-kontribut tas-settur tat-trasport għal-linji politiċi ambjentali, klimatiċi u enerġetiċi tal-Komunità.

Artikolu 2

Eżenzjonijiet

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti stipulati f’din id-Direttiva kuntratti għax-xiri ta’ vetturi msemmija fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2007/46/KE, li ma jkunux suġġetti għal approvazzjoni tat-tip jew approvazzjoni individwali fit-territorju tagħhom.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tapplika għal kuntratti għax-xiri ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq minn:

(a)

awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti sa fejn dawn ikollhom l-obbligu li japplikaw il-proċeduri ta’ akkwist previsti fid-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE;

(b)

operaturi għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku taħt kuntratt ta’ servizz pubbliku fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (17) b’mod li jisboq il-limitu li għandu jiġi definit mill-Istati Membri liema limitu m’għandux jisboq il-valuri talimitu kif previst fid-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(1)

“awtoritajiet kontraenti” tfisser awtoritajiet kontraenti kif definit fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/17/KE u fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE;

(2)

“entitajiet kontraenti” tfisser entitajiet kontraenti kif imsemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/17/KE;

(3)

“vettura ta’ trasport fuq it-triq” tfisser vettura koperta mill-kategoriji tal-vetturi elenkati fit-Tabella 3 tal-Anness.

Artikolu 5

Xiri ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mill-4 ta’ Diċembru 2010, l-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti u l-operaturi kollha msemmija fl-Artikolu 3, meta jixtru vetturi ta’ trasport fuq it-triq, iqisu l-impatti enerġetiċi u ambjentali ta’ tul il-ħajja operattiva tal-vettura kif previst fil-paragrafu 2 u japplikaw għall-inqas waħda mill-għażliet previsti fil-paragrafu 3.

2.   L-impatti operattivi enerġetiċi u ambjentali li għandhom jitqiesu għandhom jinkludu għall-inqas dawn li ġejjin:

(a)

konsum tal-enerġija;

(b)

emissjonijiet ta’ CO2; u

(ċ)

emissjonijiet ta’ NOx, ta’ NMHC u ta’ materja partikulata.

Barra mill-impatti operattivi enerġetiċi u ambjentali msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti u l-operaturi jistgħu wkoll jikkunsidraw impatti ambjentali oħrajn.

3.   Ir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu sodisfatti konformement mal-għażliet li ġejjin:

(a)

billi jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi għall-prestazzjoni enerġetika u ambjentali fid-dokumentazzjoni għax-xiri ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq dwar kull waħda mill-impatti kkunsidrati, kif ukoll kwalunkwe impatt ambjentali addizzjonali; jew

(b)

billi jiġu inklużi l-impatti enerġetiċi u ambjentali fid-deċiżjoni dwar xiri, fejn:

f’każijiet fejn tiġi applikata proċedura ta’ akkwist, dan għandu jsir billi jintużaw dawn l-impatti bħala kriterji għall-għoti tal-kuntratt; u

f’każijiet fejn dawn l-impatti jiġu stmati fi flus għall-inklużjoni fid-deċiżjoni ta’ xiri, għandha tintuża metodoloġija armonizzata prevista fl-Artikolu 6.

Artikolu 6

Metodoloġija għall-kalkolu tal-ispejjeż ta’ tul il-ħajja operattiva tal-vettura

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 5(3)(b), it-tieni inċiż, l-ispejjeż ta’ tul il-ħajja operattiva għall-konsum tal-enerġija, kif ukoll għall-emissjonijiet ta’ CO2 u l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu kif previst fit-Tabella 2 tal-Anness, li huma marbuta mat-tħaddim tal-vetturi li jinxtraw għandhom jiġu stmati fi flus u kkalkulati bl-użu tal-metodoloġija stabbilita fil-punti li ġejjin:

(a)

L-ispejjeż tal-konsum operattiv ta’ enerġija tal-vettura tul ħajjitha għandu jiġi kkalkulat bl-użu ta’ din il-metodoloġija:

il-konsum ta’ karburant għal kull kilometru minn vettura taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jingħadd f’unitajiet ta’ konsum tal-enerġija għal kull kilometru, kemm jekk dan jingħata b’mod dirett kif huwa l-każ pereżempju għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku, kif ukoll jekk le. Meta l-konsum tal-karburant ikun preżentat f’unitajiet differenti, dan għandu jiġi msarraf f’konsum ta’ enerġija għal kull kilometru, bl-użu tal-fatturi ta’ konverżjoni kif previst fit-Tabella 1 tal-Anness għall-kontenut ta’ enerġija tad-diversi karburanti;

għandu jintuża valur monetarju uniku għal kull unità ta’ enerġija. Dan il-valur uniku għandu jkun anqas mill-prezz mingħajr taxxa għal kull unità ta’ enerġija tal-petrol jew diesel meta użat bħala karburant għat-trasport;

l-ispiża ta’ tul il-ħajja tal-konsum operattiv ta’ enerġija ta’ vettura għandha tiġi kkalkulata billi l-kilometraġġ ta’ tul il-ħajja jiġi mmultiplikat, u fejn meħtieġ filwaqt li jitqies il-kilometraġġ diġà mwettaq, konformement mal-paragrafu 3 bil-konsum ta’ enerġija għal kull kilometru skont l-ewwel inċiż ta’ dan il-paragrafu, u bl-ispiża għal kull unità ta’ enerġija skont it-tieni inċiż ta’ dan il-punt.

(b)

L-ispiża operattiva ta’ tul il-ħajja għall-emissjonijiet ta’ CO2 ta’ vettura għandha tiġi kkalkulata billi l-kilometraġġ ta’ tul il-ħajja jiġi mmultiplikat, u fejn meħtieġ filwaqt li jitqies il-kilometraġġ diġà magħmul, taħt il-paragrafu 3 bl-emissjonijiet ta’ CO2 f’kilogrammi għal kull kilometru taħt il-paragrafu 2, u bl-ispiża għal kull kilogramm meħuda mill-iskala kif previst fit-Tabella 2 tal-Anness.

(ċ)

L-ispiża operattiva ta’ tul il-ħajja għall-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu, kif elenkati fit-Tabella 2 tal-Anness, ta’ vettura għandha tiġi kkalkulata billi jingħaddu flimkien l-ispejjeż ta’ tul il-ħajja għall-emissjonijiet ta’ NOx, ta’ NMHC u ta’ materja partikulata. L-ispiża ta’ tul il-ħajja għal kull sustanza li tniġġes għandha tiġi kkalkulata billi l-kilometraġġ ta’ tul il-ħajja jiġi mmultiplikat, fejn meħtieġ, filwaqt li jitqies il-kilometraġġ diġà magħmul, taħt il -paragrafu 3 bl-emissjonijiet fi grammi għal kull kilometru taħt il -paragrafu 2, u bl-ispiża għal kull gramm rispettiv. L-ispiża għandha tittieħed mill-valuri ta’ medja tal-Komunita’ stipulati fit-Tabella 2 tal-Anness.

L-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti u l-operaturi msemmijin fl-Artikolu 3 jistgħu japplikaw spejjeż ogħla sakemm dawn l-ispejjeż ma jisbqux il-valuri rilevanti stipulati fit-Tabella 2 tal-Anness multiplikati b’fattur ta’ 2.

2.   Il-konsum tal-karburant, kif ukoll l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu kif stipulat fit-Tabella 2 tal-Anness għal kull kilometru tat-tħaddim tal-vettura għandhom ikunu bbażati fuq proċeduri ta’ testijiet tal-Komunita’ standardizzati għall-vetturi li għalihom tali proċeduri ta’ testijiet huma definiti f’leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-Komunita’. Għall-vetturi li m’humiex koperti minn proċeduri ta’ testijiet tal-Komunita’ standardizzati, il-komparabbiltà bejn offerti differenti għandha tiġi żgurata bl-użu ta’ proċeduri ta’ testijiet ġeneralment rikonoxxuti, jew tar-riżultati tat-testijiet tal-awtorità, jew ta’ informazzjoni fornita mill-manifattur.

3.   Il-kilometraġġ totali ta’ tul il-ħajja ta’ vettura, jekk ma jiġix speċifikat mod ieħor, għandu jittieħed mit-Tabella 3 tal-Anness.

Artikolu 7

Adattamenti għall-progress tekniku

Il-Kummissjoni għandha tadatta d-data għall-kalkolu tal-ispejjeż ta’ tul il-ħajja operattiva tal-vetturi tat-trasport fuq it-triq kif previst fl-Anness għall-inflazzjoni u għall-progress tekniku. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(2).

Artikolu 8

Skambju tal-aħjar prattika

Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita u tistruttura l-iskambju ta’ tagħrif u l-aħjar prattika bejn l-Istati Membri abbażi ta’ prattika għall-promozzjoni tax-xiri ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għat-trasport bit-triq mill-awtoritajiet kontraenti, entitajiet kontraenti u operaturi msemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 9

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 10

Rappurtar u reviżjoni

1.   Kull sentejn, b’effett mill-4 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u dwar l-azzjonijiet li jittieħdu mill-Istati Membri individwali biex jippromwovu x-xiri ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq li jkunu nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

2.   Dawk ir-rapporti għandhom jevalwaw l-effetti tad-Direttiva, speċjalment tal-għażliet imsemmija fl-Artikolu 5(3), u l-ħtieġa ta’ aktar azzjoni, u jinkludu proposti kif meħtieġ.

F’dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tqabbel iċ-ċifri nominali u relattivi tal-vetturi mixtrija li jikkorrispondu mal-aqwa alternattiva tas-suq f’termini ta’ enerġija tul il-ħajja operattiva u tal-impatti ambjentali, f’kull waħda mill-kategoriji tal-vetturi elenkati fit-Tabella 3 tal-Anness, mas-suq totali għal dawn il-vetturi, u tagħmel stima kif l-għażliet imsemmija fl-Artikolu 5(3) affettwaw is-suq. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ħtieġa għal iktar azzjoni u tinkludi proposti kif meħtieġ.

3.   Mhux aktar tard mid-data tal-ewwel rapport, il-Kummissjoni għandha teżamina l-għażliet imsemmija fl-Artikolu 5(3), tippreżenta evalwazzjoni tal-metodoloġija stipulata fl-Artikolu 6, u tipproponi aġġustamenti adatti jekk meħtieġ.

Artikolu 11

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-4 ta’ Diċembru 2010. Huma għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni dwarhom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’ tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 23 ta’ April 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

P. NEČAS


(1)  ĠU C 195, 18.8.2006, p. 26.

(2)  ĠU C 229, 22.9.2006, p. 18.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2009.

(4)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

(6)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

(7)  ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.

(8)  Bickel, P., Friedrich R., ExternE. Externalities of Energy. Methodology 2005 update, Kummissjoni Ewropea, Uffiċċju tal-Publikazzjonijiet, il-Lussemburgu, 2005.

(9)  Holland M., et al., (2005a). Methodology for the Cost-Benefit Analysis for CAFE: Volume 1: Overview of Methodology. AEA Technology Environment, Didcot, 2005.

(10)  Bickel, P., et al., HEATCO Deliverable 5. Proposal for Harmonised Guidelines, Stuttgart, 2006.

(11)  ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.

(12)  ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

(13)  ĠU C 184, 22.7.2008, p. 13.

(14)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(15)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(16)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(17)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1.


ANNESS

Data għall-kalkolu tal-ispejjeż operattivi esterni tal-ħajja operattiva tal-vetturi tat-trasport tat-triq

Tabella 1:   Il-kontenut ta’ enerġija ta’ karburanti tal-magni

Karburant

Il-kontenut ta’ enerġija

Diesel

36 MJ/litru

Petrol

32 MJ/litru

Gass Naturali/Biogass

33-38 MJ/Nm3

Gass tal-pitrolju likwifikat (LPG)

24 MJ/litru

Etanol

21 MJ/litru

Biodiesel

33 MJ/litru

Emulsjoni ta’ karburanti

32 MJ/litru

Idroġenu

11 MJ/Nm3


Tabella 2:   Spejjeż dovuti għall-emissjonijiet minn trasport tat-triq (prezzijiet tas-sena 2007):

CO2

NOx

NMHC

Materja partikulata

0,03-0,04 EUR/kg

0,0044 EUR/g

0,001 EUR/g

0,087 EUR/g


Tabella 3:   Għadd ta’ mili li l-vettura tat-trasport tat-triq tagħmel tul ħajjitha

Kategorija tal-vettura

(il-kategoriji M u N kif definiti fid-Direttiva 2007/46/KE)

Għadd ta’ mili li l-vettura tagħmel tul ħajjitha

Karozzi tal-passiġġieri (M1)

200 000 km

Vetturi kummerċjali ħfief (N1)

250 000 km

Vetturi kummerċjali tqal (N2, N3)

1 000 000 km

Karozzi tal-linja (M2, M3)

800 000 km


II Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

DEĊIŻJONIJIET

Il-Kummissjoni

15.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/13


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Jannar 2009

dwar l-għajnuna mill-Istat C 27/05 (ex NN 69/04) mogħtija għax-xiri tal-magħlef fir-reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia (L-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 14 tal-20 ta’ Awwissu 2003 u sejħa għall-espressjonijiet ta’ interess ippubblikata mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 187)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(2009/382/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 88(2), l-ewwel subparagrafu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom f’konformità mal-Artikolu msemmi,

billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

B’ittra bid-data tat-2 ta’ April 2004, is-servizzi tal-Kummissjoni, wara li rċevew informazzjoni, u wara lment, li l-Liġi Reġjonali Nru 14 tal-20 ta’ Awwissu 2003 tar-Reġjun tal-Friuli-Venzia Giulia kienet tipprovdi għall-finanzjament lill-Kmamar tal-Kummerċ ta’ Trieste u Gorizia sabiex jipprovdu għall-bżonnijiet tal-magħlef tal-impriżi agrikoli milquta min-nixfa tal-2003, talbu lill-awtoritajiet Taljani sensiela ta’ kjarifikazzjonijiet dwar dan.

(2)

Billi ma waslet l-ebda tweġiba fi żmien l-erba’ ġimgħat mogħtija mill-awtoritajiet Taljani biex jikkomunikaw l-informazzjoni mitluba, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu nota ta’ tfakkira b’ittra fis-26 ta’ Mejju 2004.

(3)

B’ittra tal-10 ta’ Ġunju 2004, irreġistrata li waslet fil-15 ta’ Ġunju 2004, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Italja għall-Unjoni Ewropea għaddiet lill-Kummissjoni ittra mill-awtoritaijiet Taljani li jiddikjaraw li kienu bagħtu żewġ ittri lill-Kmamar tal-Kummerċ ta’ Trieste u ta’ Gorizia, fitt-30 ta’ Settembru 2003 u fit-12 ta’ Marzu 2004 rispettivament, sabiex jiġbdulhom l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li tiġi ppubblikata sejħa għall-espressjonijiet tal-interess għall-għajnuna prevista mill-Artikolu 6 tal-Liġi msemmija fuq u biex tintbagħat kopja tagħha lill-Kummissjoni.

(4)

Abbażi ta’ din l-infromazzjoni, b’ittra tat-28 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni staqsiet lill-awtoritajiet Taljani jikkomunikawlha t-test taż-żewġ ittri kkonċernati u tas-sejħiet għall-espressjonijiet tal-interess imfassla miż-żewġ Kmamar tal-Kummerċ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni staqsiet jekk ingħatatx għajnuna u, jekk dan kien il-każ, kemm ingħataw flus u b’liema mod.

(5)

B’ittra tas-27 ta’ Settembru 2004, irreġistrata li waslet fid-29 ta’ Settembru 2004, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Italja għall-Unjoni Ewropea ikkomunikat lill-Kummissjoni t-testi u t-tagħrif mitluba fl-ittra tat-28 ta’ Ġunju 2004.

(6)

Billi deher ċar mill-informazzjoni li s-sejħiet għall-espressjonijiet tal-interess kienu ġa ġew ippubblikati mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste u kienet ġa ttieħdet azzjoni dwarhom u li, barra minn hekk, l-għajnuna li l-Kmamar tal-Kummerċ setgħu jħallsu jew kienu ħallsu ma kinitx prevista fl-iskema ta’ għajnuna ġenerali tal-Kmamar, approvata mill-Kummissjoni taħt għajnuna tal-Istat N 241/01, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ fajl tal-għajnuna mhux notifikat bin-numru NN 69/04.

(7)

Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Novembru 2004, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu lill-awtoritajiet Taljani informazzjoni supplimentari dwar l-għajnuna kkonċernata.

(8)

Fl-istess jum, il-Kummissjoni rċeviet ittra mingħand l-awtoritajiet Taljani b’informazzjoni li kienet tikkompleta dik mitluba fl-ittra tat-28 ta’ Ġunju 2004 (ara il-premessa 4).

(9)

B’ittra tas-6 ta’ Jannar 2005, irreġistrata li waslet fil-11 ta’ Jannar 2005, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Italja għall-Unjoni Ewropea ikkomunikat lill-Kummissjoni ittra tal-awtoritajiet Taljani li fiha dawn tal-aħħar talbu li tiġi estiza l-iskadenza mogħtija lilhom sabiex ifornu informazzjoni kumplimentari għall-għajnuniet inkwistjoni, sabiex tiġi eżaminata mill-ġdid il-leġiżlazzjoni reġjonali kkonċernata.

(10)

Is-servizzi tal-Kummisjoni, b’ittra tal-25 ta’ Jannar 2005, ikkonċedew estensjoni ta’ xahar.

(11)

B’ittra tal-21 ta’ Frar 2005, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Italja għall-Unjoni Ewropea ikkomunikat lill-Kummissjoni ittra tal-awtoritajiet Taljani li fiha dawn tal-aħħar speċifikaw li l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Gorizia ma kinitx implimentat l-għajnuniet previsti u ma kellhiex ħsieb tagħmel dan (din l-ittra kienet akkumpanjata minn Deċiżjoni tal-Kamra tal-Kummerċ li tikkonferma dan).

(12)

B’ittra tat-28 ta’ Frar 2005, irreġistrata li waslet fl-1 ta’ Marzu 2005, u b’ittra tat-30 ta’ Marzu 2005, irreġistrata li waslet fil-31 ta’ Marzu 2005, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Italja għall-Unjoni Ewropea ikkomunikat lill-Kummissjoni informazzjoni kumplimentari għall-għajnuniet mogħtija mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste.

(13)

B’ittra tat-22 ta’ Lulju 2005 (1) il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja bid-deċiżjoni li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat għax-xiri tal-magħlef prevista mill-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 14 tal-20 ta’ Awwissu 2003 u suġġett ta’ sejħa għall-espressjoni tal-interess ippubblikata mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste.

(14)

Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata fi Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżura kkonċernata.

(15)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda osservazzjoni mill-partijiet interessati.

II.   DESKRIZZJONI

(16)

L-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali tal-Friuli-Venzia Giulia tal-20 ta’ Awwissu 2003 nru 14, (minn issa ‘l quddiem il-liġi reġjonali Nru 14) tistabbilixxi li l-awtoritajiet reġjonali huma awtorizzati jagħtu finanzjament speċjali ta’ EUR 170 000 lill-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija, l-Artiġjanat u l-Agrikoltura ta’ Trieste u ta’ EUR 80 000 lill-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija, l-Artiġjanat u l-Agrikoltura ta’ Goriza, sabiex ilaħħqu mal-bżonnijiet eċċezzjonali konnessi mat-tagħlif tal-bhejjem fl-impriżi agrikoli li ntlaqtu min-nixfa tal-2003 u li jinsabu f’żoni li mhumiex imqabbda ma’ stallazzjonijiet komuni tat-tisqija.

(17)

L-istedina għall-espressjoni tal-interess ippubblikata mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste tipprevedi appoġġ finanzjarju lill-impriżi agrikoli tal-provinċja ta’ Trieste li ntlaqtu min-nixfa tal-2003 u li, billi ma setgħux isaqqu l-art b’sistema ta’ tisqija komuni, tilfu mill-produzzjoni mill-inqas 20 % fiż-żoni żvantaġġati u 30 % fiż-żoni l-oħra. Dan l-appoġġ jissarraf f’għajnuna għax-xiri tal-magħlef meħtieġ għall-bhejjem.

(18)

L-għajnuna tingħata fuq preżentazzjoni ta’ fatturi għax-xiri tal-magħlef bejn l-1 ta’ Mejju u l-20 ta’ Novembru 2003 u tkopri l-ammont ta’ magħlef meħtieġ għall-ħtiġijiet nutrittivi għal kull bhima (UB) li hemm fl-impriża u li hi proprjetà tar-raħħal. UB tirrapreżenta unitajiet ta’ bovini, ovini, kaprini u suini mrobbija għall-qatla jew użati għax-xogħol; fil-każ tal-annimali għall-qatla, huma kkonċernati biss dawk imrobbija minn raħħala full-time jew sidien diretti rreġsitrati mal-INPS (Istituto nazionale per la previdenza sociale) għas-settur agrikolu. It-terminu “magħlef” jindika kul tip ta’ ħuxlief imnixxef.

(19)

L-għajnuniet jistgħu jitħallsu sakemm jiġi eżawrit il-fond maħluq għal dan il-għan u jistgħu jingħataw lil kull impriża stabbilita fil-provinċja ta’ Trieste li titlob għalihom.

(20)

Il-massimu ta’ magħlef li jitħallass lura għal kull bhima huwa ta’ 1 500 kg. Il-prezz ta’ referenza użat għall-kalkolu tal-għajnuna huwa ta’ EUR 20, minbarra l-VAT. Jekk l-għadd ta’ talbiet jaqbeż it-tbassir, l-għajnuna individwali titnaqqas proporzjonalment għal kull bhima.

(21)

Fil-każ li l-impriżi jitlobu u jingħataw għajnuniet oħra għat-telf minħabba n-nixfa tal-2003, l-ammont tal-għajnuna previst fis-sejħa tal-espressjoni tal-interess jitnaqqas skont dan.

III.   BIDU TAL-PROĊEDURA STABBILITA FL-ARTIKOLU 88(2) TAT-TRATTAT

(22)

Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat billi kellha dubju dwar jekk il-miżuri ta’ għajnuna kkonċernati kinux kompatibbli mas-suq komuni. Id-dubji mqajma kienu dawn:

(a)

abbażi tad-dispożizzjonijiet li ġiet infurmata dwarhom, il-Kummissjoni ma setgħitx tasal għall-konklużjoni li l-limiti tat-telf ġew stabbiliti strettament f’konformità mal-punt 11.3 tal-linjigwida Komunitarji dwar l-għajnuna tal-Istat fis-settur agrikolu (3) (minn issa ‘l quddiem: il-linjigwida) u għalhekk ma setgħitx teskludi li setgħet tħallset għajnuna lil ċerti bdiewa li ma kinux ikunu eliġibbli li kieku l-limitu tat-telf ġie kkalkulat kif stipulat f’dak il-punt;

(b)

il-metodu attwali użat għall-kalkolu tal-għajnuna lanqas kien jikkorrispondi għal dak previst fil-punt 11.3 tal-linjigwida, minħabba li dan kien ibbażat biss fuq parametru ta’ prezz għal kull unità ta’ piż mixtrija; barra minn hekk, l-għajnuna kellha titħallas abbażi tal-fatturi tax-xiri tal-magħlef, iżda fis-sejħa għall-espressjoni tal-interess tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste ma kienx speċifikat li x-xiri kellu jkun limitat għall-ammont tal-magħlef effettivament mitluf minħabba n-nixfa;

(c)

skont il-punt 11.3 tal-linjigwida, lill-ammont tal-għajnuna għandu wkoll jitnaqqaslu l-ammont ta’ kwalunkwe ħlas dirett. Madankollu, l-awtoritajiet Taljani ma taw l-ebda tagħrif dwar dan, u għalhekk ma setax jiġi eskluż riskju ta’ kumpens żejjed għat-telf imġarrab;

(d)

skont l-istess punt tal-linjigwida, l-ammont ta’ għajnuna mħallas għandu jitnaqqaslu kwalunkwe ammont irċevut minn skemi tal-assigurazzjoni, u għandhom jitqiesu wkoll l-ispejjeż normali mhux imġarrba mill-bidwi, pereżempju meta ma jkunx sar il-ħsad tal-għalqa,; madankollu, l-awtoritajiet Taljani ma taw l-ebda tagħrif dwar dan, li jkompli jsaħħaħ id-dubji dwar ir-riskju ta’ kumpens żejjed

IV.   OSSERVAZZJONIJIET TAL-AWTORITAJIET TALJANI

(23)

B’ittra tas-26 ta’ Settembru 2005, irreġistrata li waslet fis-27 ta’ Settembru 2005, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Italja għall-Unjoni Ewropea bagħtet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tal-awtotitajiet Taljani wara li nbdiet il-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat fir-rigward tal-għajnuniet inkwistjoni.

(24)

F’dawn l-osservazzjonijiet, l-awtoritajiet Taljani jispeċifikaw qabel kollox li n-nixfa tal-2003 ġiet iddikjarata “kundizzjoni atmosferika avversa” mir-Reġjun Friuli-Venezia Giulia b’digriet tal-President tar-reġjun tas-16 ta’ Settembru 2003, n. 0329/Pres, u kkonfermata minn dejta meteoroloġika tal-osservatorju meteroloġiku reġjonali, u kienet is-suġġet ta’ fajl tal-għajnuna mill-Istat notifikat mill-Kummissjoni u approvat minnha (fajl N 262/04).

(25)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani jirrikonoxxu li l-metodu użat mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste għall-kalkolu tat-telf imġarrab mill-bdiewa tal-Provinċja ta’ Trieste mhuwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-punt 11.3 tal-linjigwida. Jispeċifikaw mandakollu li wara li nbdiet il-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste ivverifikat il-limiti għat-telf tal-produzzjoni għal kull impriża li rċeviet l-għajnuna (43 impriża), skont tqabbil tal-produzzjoni medja tal-magħlef tul it-tliet snin mill-2000 sal-2002 (li fihom ma tħallsux kumpensi għal telf minħabba kundizzjonijiet atmosferiċi avversi) u l-kwantitajiet tal-magħlef maħsuda fl-2003. Skont l-awtoritajiet imsemmija, l-informazzjoni miksuba wriet li f’kull każ it-telf kien ogħla mil-limiti minimi li jintitolaw għall-għajnuna (20 % fiż-żoni żvantaġġati u 30 % fiż-żoni l-oħra).

(26)

L-awtoritajiet Taljani jgħidu wkoll li kkalkulaw l-għajnuna li setgħet tħallset skont il-linjigwida. Għal dan il-għan, użaw l-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni Nru 1535 tat-23 ta’ Mejju 2003 tal-Eżekuttiv Reġjonali fir-rigward tal-kwantità medja u l-prezz medju tal-magħlef fit-tliet snin bejn l-2000 u l-2002. Miċ-ċifra miksuba, naqqsu l-produzzjoni attwali ddikjarata għal kull impriża għall-2003, immoltiplikata bil-prezz medju mħallas għal dik is-sena. Dawn il-kalkoli kollha tniżżlu f’tabella li turi l-ammonti ta’ għajnuna mħallsa, l-ammonti ta’ għajnuna li setgħet ġiet approvata skont il-linjigwida u l-ammonti tal-għajnuna de minimis li għad tista’ titħallas lill-benefiċjarji tal-għajnuna skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1860/2004 tas-6 ta’ Ottubru 2004 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE dwar l-għajnuna de minimis fl-oqsma tal-agrikolatura u s-sajd (4). Minn din it-tabella, wieħed jista’ jara li jekk l-għajnuna de minimis tiġi kumulata mal-għajnuna li tista’ tingħata skont il-linjigwida, żewġ bdiewa biss irċevew għajnuna li kienet akbar mit-telf imġarrab, li l-awtoriatjiet Taljani impenjaw irwieħhom li jirkupraw.

(27)

F’dak li għandu x’jaqsam mad-dubji l-oħra mqajma mill-Kummissjoni meta tat bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat, l-awtoritajiet Taljani jispjegaw li l-benefiċjari tal-għajnuna kkonċernata ma rċevewx għajnuna diretta għall-magħlef jew xi ammont taħt skemi ta’ assigurazzjoni. Jispjegaw ukoll li l-benefiċjarji ġarrbu l-ispejjeż għall-ħsad u t-trasport tal-magħlef, billi xi magħlef ġie prodott.

(28)

Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet Taljani ddikjaraw li l-bdiewa kollha li gawdew mill-għajnuna inkwistjoni ġew mgħarrfa bl-għoti ta’ bidu tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat fil-konfront tal-miżura inkwistjoni.

V.   VALUTAZZJONI

(29)

Skont l-Artikolu 87, il-paragrafu 1 tat-Trattat, kull għajnuna mogħtija minn Stati Membri jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’kull għamla tkun xi tkun li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti titqies, minħabba li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, bħala inkompatibbli mas-suq komuni. L-għajnuniet previsti mill-Liġi Reġjonali n 14 jidħlu f’din id-definzzjoni, fis-sens li jingħataw minn awtorità lokali, jiffavorixxu l-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti (bhejjem, billi l-għajnuna għax-xiri tal-magħlef hija sabiex l-annimali jkunu jistgħu jiġu mitmugħa) u jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri fid-dawl tal-pożizzjoni tal-Italja fil-produzzjoni ta’ dawn l-oġġetti (pereżempju, l-Italja kienet responsabbli għal 13.3. % tal-produzzjoni Komunitarja taċ-ċanga u l-vitella fl-2006, li jagħmilha t-tielet l-akbar produttur taċ-ċanġa u l-vitella fil-Komunità).

(30)

Madankollu, fil-każi previsti milli-Artikolu 87(2) u (3) tat-Trattat, xi miżuri jistgħu jgawdu minn derogi u jiġu kkunsidrati kompatibbli mas-suq komuni.

(31)

Fil-każ speċifiku, jekk titqies in-natura tal-għajnuna (għajnuna biex il-bdiewa jiġu kkumpensati għat-telf ikkawżat mill-kundizzjonijiet klimatiċi avversi), l-unika deroga li tista tapplika hija dik tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE, li jawtorizza l-għajnuniet maħsuba biex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ċerti reġjuni ekonomiċi, dejjem sakemm din l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad tali li jkun kuntrarju għall-interess komuni (id-deroga tal-Artikolu 87(2)(b) tat-Trattat tapplika fil-każ ta’ diżastri naturali attwali iktar milli għal avvenimenti assimilati; kif indikat fil-linjigwida, il-Kummissjoni dejjem kienet tal-fehma li n-nixfa fiha nfisha ma tistax titqies bħala diżastru naturali skont it-tifsira tal-Artikolu 87(2)(b) tat-Trattat).

(32)

Sabiex tiġi applikata d-deroga msemmija, l-għajnuna kkonċernata, illegali skont l-Artikolu 1(f) tar-Regolament tal-Kunsill(KE) Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE. (5), għandhom jiġu analizzati skont il-kriterji sostantivi stipulati fi kwalunkwe strument fis-seħħ fiż-żmien meta l-għajnuna ingħatat skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment (6).

(33)

F’dan il-każ, ir-regoli li japplikaw għall-għajnuna inkwistjoni fil-mument li din tingħata qegħdin stipulati fil-punt 11.3 tal-linjigwida. Skont dan il-punt:

(a)

it-telf irid jilħaq ċertu limitu, iffissat għal 20 % tal-produzzjoni normali fiż-żoni żvantaġġati u 30 % fiż-żoni l-oħra; il-kalkolu tat-telf irid isir għal kull impriża;

(b)

il-limiti msemmija fuq għandhom jiġu ddeterminati abbażi ta’ tqabbil bejn il-produzzjoni gross tal-għalla speċifika fis-sena inkwistjoni mal-produzzjoni gross f’sena normali; il-produzzjoni gross ġeneralment tiġi kkalkulata b’referenza għall-produzzjoni gross medja fit-tliet snin ta’ qabel, u tkun eskluża kull sena li fiha ġie mħallas kumpens bħala riżultat ta’ kundizzjonijiet tat-temp oħra avversi; jistgħu jiġu aċċettati metodi alternattivi ta’ kalkolu tal-produzzjoni normali, inklużi valuri ta’ referenza reġjonali, dejjem sakemm ikunu rappreżentattivi u mhux ibbażati fuq rendimenti annormalment għoljin;

(c)

sabiex jiġu evitati kumpensi eċċessivi, l-ammont ta’ għajnuna pagabbli ma għandux jaqbeż il-livell medju ta’ produzzjoni tul perjodu normali, immoltiplikat bil-prezz medju tul l-istess perjodu nieqes il-produzzjoni attwali fis-sena li fiha seħħ l-avveniment, immoltiplikat bil-prezz medju għal dik is-sena;

(d)

l-ammont tal-għajnuna għandu wkoll jitnaqqas bl-ammont ta’ kwalunkwe ħlas dirett ta’ għajnuna;

(e)

l-ammont tal-għajnuna għandu wkoll jitnaqqas bl-ammonti ġejjin minn skemi ta’ assigurazzjoni; iridu wkoll jitqiesu l-ispejjeż normali mhux imġarrba mill-bidiwi, bħal fil-każ li ma jkunx hemm bżonn li jsir il-ħsad tal-għalqa.

(34)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-osservanza tal-ewwel żewġ kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Taljani stabbilew l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ nixfa skont informazzjoni meteoroloġika xierqa. F’dak li għandu x’jaqsam mal-kobor tat-telf ikkawżat mill-kundizzjonijiet atmosferiċi avversi, il-Kummissjoni l-ewwelnett tinnota li l-awtoritajiet Taljani jirrikonoxxu li l-metodu użat għall-kalkolu tat-telf imġarrab mill-bdiewa tal-Provinċja ta’ Trieste mhuwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-punt 11.3 tal-linjigwida. Hi ma tista’ tagħmel xejn ħlief tikkonferma dan, peress li s-sejħa għall-espressjoni tal-interess tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste tistipola sempliċment il-limitu tat-telf li lil hinn minnu tista’ tingħata l-għajnuna, iżda ma tispeċifikax il-metodu għall-kalkolu tat-telf.

(35)

B’dan, skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Taljani wara li ngħata bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat, bl-applikazzjoni tal-metodu stipulat fil-punt 11.3 tal-linjigwida, jiġifieri, f’dan il-każ, tqabbil tal-produzzjoni medja tal-magħlef fil-perjodu mill-2000 sal-2002 (li fih ma tħallas l-ebda kumpens għat-telf ikkawżat mill-kundizzjonijiet klimatiċi avversi) u l-produzzjoni tal-magħlef fl-2003, it-telf kien aktar mil-limiti minimi stipulati biex ikun hemm dritt għall-għajnuna (20 % fiż-żoni żvantaġġati u 30 % f’żoni oħra) għal kull impriża li rċeviet l-għajnuna.

(36)

Fir-rigward tal-metodu attwali tal-kalkolu tal-għajnuna, (u għalhekk il-konformità mat-tielet kundizzjoni msemmija fuq), il-Kummissjoni tosserva li l-metodu użat ma jimxix mal-linjigwida, minħabba li l-għajnuna tħallset fuq preżentazzjoni ta’ fatturi għal xiri ta’ magħlef li sar bejn l-1 ta’ Mejju u l-20 ta’ Novembru 2003, għall-kwantitajiet meħtieġa biex jissodisfaw il-bżonnijiet nutrittivi normali għal kull bhima preżenti fuq il-farm, filwaqt li skont il-linjigwida, l-ammont ta’ għajnuna pagabbli ma għandux jaqbeż il-livell medju ta’ produzzjoni tul perjodu normali, immoltiplikat bil-prezz medju tul l-istess perjodu nieqes il-produzzjoni attwali fis-sena li fiha seħħ l-avveniment, immoltiplikat bil-prezz medju għal dik is-sena.

(37)

L-informazzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet Taljani wara l-bidu tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat turi li l-metodu tal-kalkolu użat mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste wassal f’bosta każi (12 minn 43) għal ħlas ogħla ta’ għajnuna milli kien jirriżulta mill-użu tal-metodu tal-kalkolu stipulat fil-linjigwida.

(38)

Billi l-metodu tal-kalkolu użat mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste irriżulta f’aktar minn 25 % tal-każi f’ammonti żejda ta’ għajnuna aktar milli seta’ tħallas skont il-punt 11.3 tal-linjigwida, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta dan il-metodu.

(39)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet l-oħra stipulati fil-punt 11.3 tal-linjigwida (u għalhekk il-konformità mar-raba’ u l-ħames kundizzjonijiet imsemmija fuq), il-Kummissjoni tinnota d-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Taljani li l-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni ma rċevewx għajnuna diretta għall-magħlef jew xi ammont taħt skemi ta’ assigurazzjoni, u li l-benefiċjarji ġarrbu spejjeż għall-ħsad u t-trasport tal-magħlef, billi ġie prodott xi magħlef. Dan ifisser li l-kundizzjonijiet ikkonċernati mhumiex rilevanti f’dan il-każ.

VI.   KONKLUŻJONI

(40)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet t’hawn fuq, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta li l-kundizzjonijiet kollha stipulati fil-punt 11.3 ġew sodisfatti billi, kif mistqarr fil-punt 38, il-metodu tal-kalkolu użat mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste f’bosta każi irriżulta f’ ammonti ogħla minn dawk li setgħu tħallsu kieku ma sarx kumpens żejjed.

(41)

L-għajnuniet mogħtija mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste għax-xiri tal-magħlef wara n-nixfa tal-2003 ma jistgħux għalhekk igawdu mid-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat, fir-rigward tal-parti li hija ogħla mill-ammont li seta’ jgawdi mid-deroga msemmija, li kieku intuża l-metodu ta’ kalkolu tal-għajnuniet previst mill-punt 11.3 tal-linjigwida. Il-parti tal-għajnuna li ma taqbiżx l-ammont imsemmi hija madankollu kompatibbli mas-suq komuni, billi tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbilitiu mil-linjigwida.

(42)

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju. L-Italja hija għalhekk obbligata tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tirkupra dawn l-għajnuniet mill-benefiċjarji. Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 42 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi”, (7) l-Italja għandha terminu ta’ erba’ xhur li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni biex twettaq dawn id-dispożizzjonijiet. L-għajnuniet li għandhom jiġu rkuprati jinkludu l-imgħaxijiet ikkalkulati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (8).

(43)

Madankollu, kull għajnuna individwali mogħtija skont l-iskema attwali tal-għajnuna u li fil-waqt tal-konċessjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati minn regolament tal-Kummissjoni adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 (9) tal-Kunsill (ir-Regolament de minimis), titqies bħala li ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

(44)

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 49 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi”, biex jikkwantifika l-ammont preċiż tal-għajnuna li għandha tkun irkuprata minn kull benefiċjarju individwali fl-ambitu tal-iskema, l-Istat Membru jista’ japplika wkoll il-kriterji sostantivi de minimis applikabbli fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna illegali u inkompatibbli li tkun is-suġġett tad-deċiżjoni ta’ rkupru.

(45)

Meta ngħataw l-għajnuniet mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste, ma kinux jeżistu n-normi Komunitarji dwar l-għajnuniet de minimis fis-settur agrikolu.

(46)

L-ewwel dispożizzjonijiet Komunitarji li ġew adotatti f’dan il-qasam kienu dawk tarr-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1860/2004

(47)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1860/2004, l-għajnuniet li fit-tliet snin ma jaqbżux it-3 000 EUR l-benefiċjarju (dan l-ammont jinkludi l-għajnuna de minimis mogħtija lil impriża), ma jaffetwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u lanqas ma jgħawġu jew jheddu li jgħawġu l-kompetizzjoni u għalhekk ma jidħlux fl-ambitu tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

(48)

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004, japplika l-istess prinċipju għall-għajnuniet mogħtija qabel ma daħal fis-seħħ dan ir-regolament, jekk dawn tal-aħħar jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikoli 1 sa 3.

(49)

Fil-każ inkwistjoni, l-għajnuniet individwali ta’ mhux aktar min EUR 3 000 se jitqiesu bħala li ma jikkostitwux għajnuna mill-Istat skont it-tifisra tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat, jekk, fil-waqt li ngħataw, kienu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1, 2 u 3 tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004. Dan ta’ hawn fuq japplika biss għall-ammonti li ma jaqbżux it-3 000 EUR attwalment imħallsa fi ħdan l-iskema kkonċernata. L-awtoritajiet Taljani ma jistgħux isostnu li l-għadd tal-każi ta’ rkupru jista’ jiġi limitat permezz tat-tnaqqis, fit-12-il każ ta’ kumpens żejjed, mill-ammont li kull parti interessata rċeviet skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004 billi, jekk l-ammont tal-għajnuna mogħtija fl-ambitu tal-iskema jabeż il-massimu de minimis, ma jistax igawdi mid-dispożizzjonijiet tar-regolament de minimis, lanqas għall-parti li ma taqbiżx il-limitu massimu msemmi.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema ta’ għajnuna għax-xiri tal-magħlef implimentata illegalment mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste (l-Italja, reġjun Friuli-Venezia Giulia), bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat, mhix kompatibbli mas-suq komuni, billi tippermetti għajnuna li taqbeż dik li tirriżulta skont il-metodu ta’ kalkolu tal-għajnuniet previst mill-punt 11.3 tal-linjigwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu. L-għajnuniet mogħtija skont l-iskema huma kompatibbli mas-suq komuni sal-ammont li jirriżulta mill-metodu ta’ kalkolu tal-għajnuniet previst mill-punt 11.3 tal-linjigwida msemmija u inkompatibbli għall-parti li taqbeż dak l-ammont.

Artikolu 2

Għajnuna individwali mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ma tikkostitwix għajnuna jekk, fil-ħin li tingħata, hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati mir-regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 li huwa applikabbli fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna.

Artikolu 3

1.   Il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Trieste (l-Italja) għandha tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuniet inkompatibbli mogħtija skont l-iskema mfissra fl-Artikolu 1.

2.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandu jkollhom magħduda magħhom l-imgħaxijiet mid-data meta tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data meta ġew irkuprati.

3.   L-imgħaxijiet għandhom ikunu kkalkolati skont l-iskema tal-imgħax kompost tal-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (10) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

Artikolu 4

1.   L-irkupru tal-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-iskema msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   L-Italja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data ta’ notifika.

Artikolu 5

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Italja għandha tressaq l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (kapital u imgħax) li għandhom jiġu rkuprati mingħand kull benefiċjarju;

(b)

id-deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni;

(ċ)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

2.   L-Italja għandha żżomm il-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex tkun implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 tkun irkuprata. Hija għandha tibgħat minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri li diġà jkunu ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Ir-rapport għandu wkoll jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-ammont ta’ għajnuna u l-interessi għall-irkupru diġà koperti mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Italja.

Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Jannar 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ara l-ittra SG(2005)-Greffe D/203816.

(2)  ĠU C 233, 22.9.2005, p. 5.

(3)  ĠU C 28, 1.2.2000, p. 2.

(4)  ĠU L 325, 28.10.2004, p. 4. Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 348M, 24.12.2008, p. 10.

(5)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(6)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.

(7)  ĠU C 272, 15.11.2007, p. 11.

(8)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(9)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

(10)  ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1.


15.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/20


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Mejju 2009

li tissospendi d-dazji definittivi ta’ anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/2004 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ glyphosate li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(2009/383/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), (“ir-Regolament bażiku”), u b’ mod partikolari l-Artikolu 14(4) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

(1)

Wara investigazzjoni ta’ reviżjoni mwettqa skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (“investigazzjoni ta’ reviżjoni”), il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1683/2004 (2) impona dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ glyphosate li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 2931 00 95 (kodiċi tat-TARIC 2931009582) u ex 3808 93 27 (kodiċi tat-TARIC 3808932719) (il-prodott ikkonċernat), kif estiżi għall-importazzjonijiet ta’ glyphosate kkunsinnati mill-Malażja (kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malażja kemm jekk le) (kodiċijiet tat-TARIC 2931009581 u 3808932711) apparti dawk prodotti minn Crop protection (M) Sdn. Bhd., Lot 746, Jalan Haji Sirat 4 ½ Mili, off Jalan Kapar, 42100 Klang, Selangor Darul Ehsan, Malaysia (kodiċi addizzjonali tat-TARIC A 309) u kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ glyphosate kkunsinnati minn Tajwan (kemm jekk iddikjarati li joriginaw minn Tajwan kemm jekk le) (kodiċijiet tat-TARIC 2931009581 u 3808932711) apparti dawk prodotti minn Sinon Corporation, No 23, Sec. 1, Mei Chuan W. Rd, Taichung, Taiwan (kodiċi addizzjonali tat-TARIC A 310). Ir-rata tad-dazju ta’ anti-dumping hi ta’ 29,9 %.

(2)

AUDACE, l-assoċjazzjoni ta’ utenti u ta’ distributuri tal-prodott ikkonċernat, ippreżentat informazzjoni dwar bidla fil-kundizzjonijiet tas-suq li seħħet wara li spiċċa l-perjodu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni (jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2002), u allegat li bidliet ta’ din ix-xorta għandhom jiġġustifikaw is-sospensjoni tal-miżuri attwalment fis-seħħ, skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, il-Kummissjoni eżaminat jekk din is-sospensjoni kinitx mistħoqqa.

B.   RAĠUNIJIET

(3)

L-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku jistipula li, fl-interess Komunitarju, il-miżuri anti-dumping jistgħu jiġu sospiżi minħabba li l-kundizzjonijiet tas-suq ikunu nbidlu temporanjament u li ma jkunx probabbli li l-ħsara terġa’ tibda mill-ġdid b’riżultat ta’ din is-sospensjoni, dejjem jekk l-industrija Komunitarja tkun ingħatat l-opportunità li tikkummenta u li dawn il-kummenti jkunu ġew ikkunsidrati. L-Artikolu 14(4) jispeċifika wkoll li dawn il-miżuri ta’ anti-dumping jistgħu jerġgħu jiddaħħlu fi kwalunkwe ħin jekk ir-raġuni ta’ sospensjoni ma tibqax applikabbli.

(4)

Fir-rigward tal-industrija Komunitarja, hu nnotat li s-sitwazzjoni tagħha tjiebet sal-ewwel nofs tal-2008. Minħabba żieda qawwija fil-prezzijiet fis-suq tal-UE, żieda fil-volum u l-valur tal-bejgħ, u l-ispejjeż relattivament stabbli tal-produzzjoni, il-profitti mogħtija bħala persentaġġ tal-fatturat żdied b’mod sinifikanti. Dawn it-tendenzi pożittivi huma kkonfermati b’aktar ċifri reċenti għall-produtturi prinċipali tal-Komunità, li jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira tal-produzzjoni tal-industrija Komunitarja u tal-volum ta’ bejgħ. Abbażi tal-informazzjoni tas-suq attwalment disponibbli, mhux mistenni li se tinbidel din is-sitwazzjoni b’mod sostanzjali f’każ ta’ sospensjoni tal-miżuri.

(5)

L-industrija tal-Komunità kkonfirmat li, attwalment, il-livell tal-prezzijiet tagħha fis-suq tal-UE jibqa’ b’mod ġenerali l-istess għalkemm il-prezzijiet tal-esportazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina waqgħu b’mod sostanzjali minn Lulju 2008.

(6)

Il-kapaċità li dejjem qed tiżdied tal-produzzjoni u tal-output fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jista’ jkollhom effett ‘l isfel fuq il-prezzijiet tal-glyphosate tal-UE fit-tul medju jew twil ta’ żmien. Madankollu, l-informazzjoni attwali turi li dan l-effett hu mistenni li b’mod wiesa’ jiġi assorbit minn domanda dinjija li dejjem qed tikber.

(7)

Ma nstabet ebda indikazzjoni għalfejn is-sospensjoni ma tkunx fl-interess Komunitarju.

(8)

Bħala konklużjoni, minħabba l-bidla temporanja fil-kundizzjonijiet tas-suq, u b’mod partikolari l-livell attwali tal-prezzijiet fis-suq tal-Komunità, flimkien mal-livelli attwali għolja ta’ profitt tal-industrija tal-Komunità minkejja t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjonijiet mill-industrija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fix-xhur reċenti, jitqies li d-dannu marbut mal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina mhux probabbli li jibda mill-ġdid bħala riżultat tas-sospensjoni. Għalhekk qed jiġi propost li l-miżuri fis-seħħ jiġu sospiżi għal disa’ xhur skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku.

C.   KONSULTAZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ

(9)

Skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni infurmat lill-industrija Komunitarja dwar l-intenzjoni tagħha li tissospendi l-miżuri anti-dumping fis-seħħ. L-industrija tal-Komunità ngħatat l-opportunità biex tikkummenta u tqiesu l-kummenti tagħha.

D.   KONKLUŻJONI

(10)

Il-Kummissjoni għalhekk tqis li r-rekwiżiti kollha għas-sospensjoni tad-dazju anti-dumping impost fuq il-prodott ikkonċernat intlaħqu, bi qbil mal-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, id-dazju anti-dumping li kien impost mir-Regolament (KE) Nru 1683/2004 għandu jiġi sospiż għal perjodu ta’ disa’ xhur.

(11)

Jekk is-sitwazzjoni li wasslet għas-sospensjoni sussegwentement tinbidel, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi mill-ġdid il-miżuri anti-dumping billi tneħħi s-sospensjoni tad-dazji anti-dumping minnufih,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Wara d-dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament (KE) Nru 1683/2004 fuq l-importazzjonijiet ta’ glyphosate, li jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 2931 00 95 (kodiċi tat-TARIC 2931009582) u ex 3808 93 27 (kodiċi tat-TARIC 3808932719) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ta’ glyphosate kkunsinnati mill-Malażja (kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malażja jew le) (kodiċijiet tat-TARIC 2931009581 u 3808932711) apparti dawk prodotti minn Crop protection (M) Sdn. Bhd., Lot 746, Jalan Haji Sirat 4 ½ Mili, off Jalan Kapar, 42100 Klang, Selangor Darul Ehsan, Malaysia (kodiċi addizzjonali tat-TARIC A 309) u kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ glyphosate ikkunsinnati minn Tajwan (kemm jekk iddikjarati li joriginaw minn Tajwan kemm jekk le) (kodiċijiet tat-TARIC 2931009581 u 3808932711) apparti dawk prodotti minn Sinon Corporation, No 23, Sec. 1, Mei Chuan W. Rd, Taichung, Taiwan (kodiċi addizzjonali tat-TARIC A 310), qed jiġi sospiż għal disa’ xhur.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kummissjoni

Catherine ASHTON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 303, 30.9.2004, p. 1.


RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Kummissjoni

15.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/22


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ April 2009

dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/384/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tieni inċiż tal-Artikolu 211 tiegħu,

Billi:

(1)

It-teħid ta’ riskji eċċessivi fl-industrija tas-servizzi finanzjarji u b’mod partikolari f’banek u f’kumpaniji ta’ investiment ikkontribwixxa għall-falliment ta’ impriżi finanzjarji u għal problemi sistemiċi fl-Istati Membri u madwar id-dinja kollha. Dawn il-problema nfirxu anke fil-bqija tal-ekonomija u wasslu għal kost għoli għas-soċjetà.

(2)

Minkejja li ma kinux il-kawża ewlenija tal-kriżi finanzjarja li żviluppat fl-2007 u l-2008, hemm kunsens wiesa’ li xi prattiċi mhux xierqa ta’ rimunerazzjoni fl-industrija tas-servizzi finanzjarji kkaġunaw ukoll it-teħid ta’ riskji eċċessivi u b’hekk ikkontribwixxew għal telf sinifikanti lil impriżi finanzjarji kbar.

(3)

Fil-biċċa l-kbira tal-industrija tas-servizzi finanzjarji, il-prattiċi ta’ rimunerazzjoni kienu qed jaħdmu kontra l-ġestjoni effettiva u għaqlija tar-riskji. Dawn il-prattiċi kellhom it-tendenza li jippreferu l-ksib ta’ profitt fi żmien qasir u joffru inċentivi lill-membri tal-persunal biex jagħżlu attivitajiet riskjużi li jroddu dħul ogħla fi żmien qasir filwaqt li jesponu lill-impriżi finanzjarji għal potenzjal ta’ telf akbar f’aktar tul ta’ żmien.

(4)

Fil-prinċipju, jekk is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tar-riskji jkunu b’saħħithom u effeikaċi ħafna, l-inċentivi għat-teħid ta’ riskji offruti mill-prattiċi ta’ rimunerazzjoni jkunu konsistenti mat-tolleranza tar-riskji tal-impriża finanzjarja. Madankollu, is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tar-riskji kollha għandhom il-limitazzjonijiet tagħhom u, kif uriet il-kriżi finanzjarja, għandhom mnejn ma jirnexxilhomx jindirizzaw ir-riskji li jinħolqu mill-inċentivi ħżiena, minħabba li n-natura tar-riskji hija dejjem aktar kumplessa u li r-riskji jistgħu jittieħdu f’għadd kbir ta’ modi diversi. Konsegwentement, hu meħtieġ li ssir separazzjoni funzjonali sempliċi bejn l-unitajiet tan-negozju u l-persunal responsabbli għas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tar-riskji, anke jekk din weħidha ma għadhiex biżżejjed.

(5)

Il-ħolqien ta’ inċentivi adegwati fis-sistema ta’ rimunerazzjoni nnifisha għandu jnaqqas il-piż minn fuq il-ġestjoni tar-riskji u jżid il-probabbiltà li dawn is-sistemi jsiru effikaċi. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji għal politika ta’ rimunerazzjoni għaqlija.

(6)

Meta wieħed iqis il-pressjonijiet kompetittivi eżistenti fl-industrija tas-servizzi finanzjarji u l-fatt li bosta impriżi finanzjarji jwettqu kummerċ transkonfinali, huwa importanti li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti fl-Istati Membri kollha ta’ prinċipji għal politika ta’ rimunerazzjoni għaqlija. Madankollu, wieħed jirrikonoxxi li biex ikunu aktar effikaċi, il-prinċipji għal politika ta’ rimunerazzjoni għaqlija jkollhom jiġu implimentati madwar id-dinja kollha u b’mod konsistenti.

(7)

Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa “Nixprunaw l-Irkupru Ewropew” (1), il-Kummissjoni ppreżentat il-pjan tagħha biex terġa’ tiġi stabbilita u tinżamm sistema finanzjarja stabbli u affidabbli. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ħabbret li se tiġi ppreżentata Rakkomandazzjoni ġdida dwar ir-remunerazzjoni fis-settur tas-servizzi soċjali biex ittejjeb il-ġestjoni tar-riskji fil-kumpaniji finanzjarji u ġġib l-inċentivi tal-ħlas fl-istess linja mal-prestazzjoni sostenibbli.

(8)

Din ir-Rakkomandazzjoni tistipula prinċipji ġenerali applikabbli għall-politika ta’ remunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji u għandha tkun applikabbli għall-impriżi finanzjarji kollha li joperaw fl-industrija tas-servizzi finanzjarji.

(9)

Fid-dawl ta’ regolamenti u prattiċi komuni attwali fl-industrija tas-servizzi finanzjarji, dawn il-prinċipji ġenerali jistgħu jkunu aktar rilevanti għal ċerti kategoriji ta’ impriżi finanzjarji milli għal oħrajn. Dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati flimkien ma’ kwalunkwe regola jew regolament li jirregola settur finanzjarju speċifiku. B’mod partikolari, id-drittijiet jew kummissjonijiet li jirċievu intermedjarji jew fornituri ta’ servizzi esterni fil-każ ta’ attivitajiet li jinvolvu l-għoti ta’ kuntratti lil entitajiet esterni ma għandhomx jiġu indirizzati, peress l-prattiċi ta’ kumpens relatati ma’ dawn id-drittijiet u kummissjonijiet diġà huma koperti parzjalment minn skemi speċifiċi, b’mod partikolari d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (2) u d-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (3). Barra minn hekk, din ir-Rakkomandazzjoni hija bla ħsara għad-drittijiet, fejn applikabbli, tas-sħab soċjali fin-negozjati kollettivi.

(10)

Fir-rigward tal-impriżi finanzjarji li t-titoli tagħhom jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/39/KE fi Stat Membru wieħed jew aktar, din ir-Rakkomandazzjoni tapplika wkoll flimkien mar-Rakkomandazzjoni 2004/913/KE tal-14 ta’ Diċembru 2004 sabiex titkattar sistema xierqa għar-rimunerazzjoni ta’ diretturi ta’ kumpaniji kkwotati (4) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/385/KE tat-30 ta’ April 2009 li tikkumplimenta ir-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE kif jirigwardja is-sistema għar-rimunerazzjoni ta’ diretturi ta’ kumpaniji kkwotati (5).

(11)

Il-politika ta’ rimunerazzjoni ta’ impriża finanzjarja speċifika għandha tkun relatata wkoll mad-daqs tal-impriża finanzjarja konċernata, kif ukoll man-natura u l-komplessità tal-attivitajiet tagħha.

(12)

Għandha tiġi adottata politika ta’ rimunerazzjoni li tiffoka fuq ir-riskji, li tkun konsistenti mal-ġestjoni effettiva tar-riskji u li ma tinvolvix espożizzjoni għal riskji eċċessivi.

(13)

Il-politika ta’ rimunerazzjoni għandha tkopri dawk il-kategoriji tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom iħallu impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-impriża finanzjarja. Sabiex ma jingħatawx inċentivi għat-teħid ta’ riskji eċċessivi, għandhom jiġu adottati arranġamenti speċjali fir-rigward tar-rimunerazzjoni ta’ dawn il-kategoriji ta’ staff.

(14)

Il-politika ta’ rimunerazzjoni għandha jkollha l-għan li ġġib l-għanijiet personali tal-membri tal-persunal konsistenti mal-interessi fit-tul tal-impriża finanzjarja konċernata. Il-valutazzjoni tal-komponenti ta’ rimunerazzjoni li jiddependu mill-prestazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prestazzjoni aktar fit-tul u tqis ir-riskji pendenti assoċjati mal-prestazzjoni. Il-valutazzjoni tal-prestazzjoni għandha tifforma parti minn qafas ta’ diversi snin, pereżempju minn tliet snin sa ħames snin, sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-valutazzjoni jkun ibbażat fuq prestazzjoni aktar fit-tul u li l-ħlas attwali tal-komponenti ta’ rimunerazzjoni li jiddependu mill-prestazzjoni jitqassam tul iċ-ċiklu ta’ negozju tal-kumpanija.

(15)

L-impriżi finanzjarji għandhom ikunu jistgħu jirkupraw il-komponenti varjabbli ta’ rimunerazzjoni li jkunu ngħataw għall-prestazzjoni abbażi ta’ dejta li sussegwentament jingħata prova li kienet manifestament iddikjarata ħażin.

(16)

Bħala prinċipju ġenerali, il-ħlasijiet relatati mat-terminazzjoni bikrija ta’ kuntratt li jingħataw fuq bażi kuntrattwali ma għandhomx iservu ta’ premju għall-falliment. Fil-każ ta’ diretturi ta’ impriżi finanzjarji kkwotati, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-ħlasijiet għal terminazzjoni kif stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 2009/385/KE.

(17)

Sabiex il-politika ta’ rimunerazzjoni tkun konsistenti mal-għanijiet, l-istrateġija ta’ negozjar, il-valuri u l-interessi fit-tul tal-istituzzjoni finanzjarja, apparti mill-prestazzjoni finanzjarja għandhom jitqiesu fatturi oħra, bħall-konformità ma’ sistemi u kontrolli tal-istituzzjoni finanzjarja, kif ukoll il-konformità mal-istandards li jirregolaw ir-relazzjoni mal-klijenti u l-investituri.

(18)

Il-governanza effikaċi hija kundizzjoni neċessarja biex il-politika ta’ rimunerazzjoni tkun waħda għaqlija. Il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-politika ta’ rimunerazzjoni ta’ impriża finanzjarja għandu jkun internament trasparenti u għandu jkun mfassal b’tali mod li jevita l-possibbiltà ta’ konflitti ta’ interess u jiżgura l-indipendenza tal-persuni involuti.

(19)

L-entità li tirregola l-impriża finanzjarja għandu jkollha r-resposabbiltà aħħarija li tistabbilixxi l-politika ta’ rimunerazzjoni għall-impriża finanzjarja kollha u li timmonitorja l-implimentazzjoni tagħha. Fil-proċess għandhom jiġu involuti funzjonijiet ta’ kontroll u, fejn xieraq, dipartimenti tar-riżorsi umani u esperti, biex jingħata l-għarfien espert meħtieġ. B’mod partikolari, il-funzjonijiet ta’ kontroll għandhom jiġu involuti wkoll fit-tfassil u l-analiżi tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ rimunerazzjoni, u l-ħlas għal xogħolhom għandu jkun xieraq biex jiġu mħajrin jipparteċipaw individwi esperti u jiġi żgurat li dawn ikunu indipendenti mill-unitajiet ta’ negozju li jikkontrollaw. L-awditur statutorju, fil-limiti tad-doveri attwali ta’ rappurtar, għandu jirrapporta dwar in-nuqqasijiet materjali fl-analiżi tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ rimunerazzjoni lill-bord (ta’ sorveljanza) jew lill-kumitat tal-verifika.

(20)

Il-kontroll tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ rimunerazzjoni x’aktarx li jkun aktar effittiv jekk il-partijiet interessati tal-impriża finanzjarja, fosthom, fejn applikabbli, ir-rappreżentanti tal-impjegati, ikunu informati sew dwar il-proċess li bih tiġi stabbilita u mmonitorjata l-politika ta’ rimunerazzjoni u involuti fih. Għal dan l-għan, l-impriżi finanzjarji għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-partijiet interessati tagħhom.

(21)

L-implimentazzjoni tal-prinċipji stipulati f’din ir-Rakkomandazzjoni għandha tissaħħaħ permezz ta’ analiżi superviżorja fuq livell nazzjonali. Għalhekk, il-valutazzjoni superviżorja globali tas-saħħa tal-impriża finanzjarja għandha tinkludi l-valutazzjoni tal-konformità tal-politika ta’ rimunerazzjoni tal-impriża finanzjarja mal-prinċipji stipulati f’din ir-Rakkomandazzjoni.

(22)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fergħat tal-impriżi finanzjarji li jkollhom l-uffiċju reġistrat tagħhom jew l-uffiċju prinċipali tagħhom f’pajjiż terz u li jwettqu kummerċ fit-territorju ta’ Stat Membru jiġu suġġetti għal prinċipji dwar il-politika ta’ rimunerazzjoni simili għall-prinċipji applikabbli għal impriżi finanzjarji li jkollhom l-uffiċju reġistrat tagħhom jew l-uffiċju prinċipali tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru.

(23)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiġi applikata bla ħsara għall-miżuri li jistgħu jiġu adottati minn Stati Membri fir-rigward ta’ politiki ta’ rimunerazzjoni ta’ impriżi finanzjarji li jibbenifikaw mill-għajnuna mill-Istat.

(24)

In-notifika ta’ miżuri minn Stati Membri skont din ir-Rakkomandazzjoni għandha tinkludi skeda ċara taż-żmien li fih l-impriżi finanzjarji għandhom jadottaw politiki ta’ rimunerazzjoni konsistenti mal-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni.

B’DAN TIRRAKKOMANDA:

TAQSIMA I

Ambitu u definizzjonijiet

1.   Ambitu

1.1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prinċipji msemmija fit-Taqsimiet II, III u IV japplikaw għall-impriżi finanzjarji kollha li jkollhom l-uffiċju reġistrat tagħhom jew l-uffiċċju prinċipali tagħhom fit-territorju tagħhom.

1.2.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prinċipji msemmija fit-Taqsimiet II, III u IV japplikaw għar-rimunerazzjoni ta’ dawk il-kategoriji tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom iħallu impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-impriża finanzjarja.

1.3.

Meta jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-impriżi finanzjarji jimplimentaw dawk il-prinċipji, l-Istati Membri għandhom iqisu n-natura, id-daqs, kif ukoll l-ambitu speċifiku tal-attivitajiet tal-impriżi finanzjarji konċernati.

1.4.

L-Istati Membri għandhom japplikaw il-prinċipji msemmija fit-Taqsimiet II, III u IV għal impriżi finanzjarji fuq bażi individwali u fuq bażi konsolidata. Il-prinċipji għal politika ta’ rimunerazzjoni għaqlija għandhom jiġu applikati, fuq livell ta’ grupp, għall-impriża prinċipali u s-sussidjarji tagħha, inkluż dawk stabbiliti f’ċentri finanzjarji offshore.

1.5.

Din ir-Rakkomandazzjoni ma tapplikax għal drittijiet u kummissjonijiet li jirċievu intermedjarji jew fornituri ta’ servizzi esterni fil-każ ta’ attivitajiet li jinvolvu l-għoti ta’ kuntratti lil entitajiet esterni.

2.   Definizzjonijiet għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni

2.1.

“Impriża finanzjarja”, tfisser kwalunkwe impriża, ikun xi jkun l-istatus legali tagħha, kemm jekk regolata kif ukoll jekk mhix, li twettaq kwalunkwe waħda minn dawn l-attivitajiet fuq bażi professjonali:

(a)

Taċċetta depożiti u fondi oħra li jitħallsu lura;

(b)

Tipprovdi servizzi ta’ investiment u/jew twettaq attivitajiet ta’ investiment skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/39/KE;

(ċ)

Tkun involuta fin-negozju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;

(d)

Twettaq attivitajiet ta’ negozju simili għal dawk stipulati fil-punti (a), (b) u (c).

Impriża finanzjarja tinkludi, iżda mhijiex limitata għal, istituzzjonijiet tal-kreditu, kumpaniji ta’ investiment, impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, fondi ta’ pensjonijiet u skemi kollettivi ta’ investiment.

2.2.

“Direttur”, tfisser kwalunkwe membru ta’ korp amministrattiv, maniġerjali jew ta’ sorveljanza ta’ impriża finanzjarja.

2.3.

“Funzjonijiet ta’ kontroll”, tfisser ġestjoni tar-riskji, kontroll intern u funzjonijiet simili li jitwettqu f’impriża finanzjarja.

2.4.

“Komponent varjabbli ta’ rimunerazzjoni”, tfisser komponent tad-dritt għar-rimunerazzjoni li jingħata abbażi tal-kriterji ta’ prestazzjoni, inkluż il-bonusijiet.

TAQSIMA II

Politika ta’ rimunerazzjoni

3.   Ġenerali

3.1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi finanzjarji jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu politika ta’ rimunerazzjoni li tkun konsistenti u tippromwovi l-ġestjoni għaqlija u effettiva tar-riskji u li ma tikkaġunax it-teħid ta’ riskji eċċessivi.

3.2.

Il-politika ta’ rimunerazzjoni għandha tkun konsistenti mal-istrateġija ta’ negozjar, il-valuri u l-interessi fit-tul tal-impriża finanzjarja, bħall-prospetti ta’ tkabbir sostenibbli, u mal-prinċipji relatati mal-protezzjoni tal-klijenti u l-investituri waqt il-forniment tas-servizzi.

4.   Struttura tal-politika ta’ rimunerazzjoni.

4.1.

Meta r-rimunerazzjoni tinkludi xi komponent varjabbli jew xi bonus, il-politika ta’ rimunerazzjoni għandha tiġi strutturata b’bilanċ xieraq bejn il-komponenti ta’ rimunerazzjoni fissi u dawk varjabbli. Il-bilanċ xieraq ta’ komponenti ta’ rimunerazzjoni jista’ jvarja bejn il-membri tal-persunal, skont il-kundizzjonijiet tas-suq u l-kuntest speċifiku li l-impriża finanzjarja topera fih. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-politika ta’ rimunerazzjoni tal-impriża finanzjara tiffissa limitu massimu għall-komponent varjabbli.

4.2.

Il-komponent fiss tar-rimunerazzjoni għandu jirrappreżenta proporzjon għoli biżżejjed tar-rimunerazzjoni totali li jippermetti lill-impriża finanzjarja tħaddem politika ta’ bonus li tkun flessibbli għal kollox. B’mod partikolari, l-impriża finanzjarja għandha tkun tista’ tiċħad il-bonus għal kollox jew parzjalment f’każ li l-individwu konċernat, l-unità ta’ negozju konċernata jew l-impriża finanzjarja ma jissodisfawx il-kriterji ta’ prestazzjoni. L-impriża finanzjarja għandha tkun tista’ wkoll tiċħad il-bonus meta s-sitwazzjoni tagħha tmur għall-agħar b’mod sinifikanti, b’mod partikolari meta ma jkunx jista’ jiġi ggarantit li tista’ tkompli twettaq in-negozju tagħha bħala impriża li tfendi.

4.3.

Meta jingħata bonus sinifikanti, il-biċċa l-kbira tal-bonus għandu jiġi ddifferit b’perjodu minimu ta’ differiment. L-ammont tal-parti differita tal-bonus għandha tiġi ddeterminata skont l-ammont totali tal-bonus kif imqabbel mal-ammont totali tar-rimunerazzjoni.

4.4.

Fl-element differit tal-bonus għandhom jitqiesu r-riskji pendenti assoċjati mal-prestazzjoni li l-bonus jirrelata magħhom u dan l-element jista’ jkun magħmul minn ekwità, opzjonijiet, flus, jew fondi oħra li l-ħlas tagħhom jiġi pospost tul il-perjodu ta’ żmien tad-differiment. Il-kejl tal-prestazzjoni għall-ġejjieni li miegħu jiġi relatat l-element differit għandu jiġi aġġustat skont ir-riskju kif stipulat fil-punt 5.

4.5.

Il-ħlasijiet relatati mat-terminazzjoni bikrija ta’ kuntratt li jingħataw fuq bażi kuntrattwali għandhom ikunu relatati mal-prestazzjoni tul iż-żmien u mfassla b’tali mod li ma jservux biex jippremjaw il-falliment.

4.6.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bord (ta’ sorveljanza) ta’ impriża finanzjarja jkun jista’ jġiegħel lil membri tal-staff iħallsu lura l-bonus kollu jew parti mill-bonus li jkun ingħata għall-prestazzjoni abbażi ta’ dejta li sussegwentament jingħata prova li kienet manifestament iddikjarata ħażin.

4.7.

L-istruttura tal-politika ta’ rimunerazzjoni għandha tiġi aġġornata maż-żmien biex jiġi żgurat li tinbidel mas-sitwazzjoni tal-impriża finanzjarja konċernata.

5.   Kejl tal-prestazzjoni

5.1.

Meta r-rimunerazzjoni tkun relata mal-prestazzjoni, l-ammont totali tagħha għandu jkun ibbażat fuq taħlita tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-individwu u tal-unità ta’ negozju konċernata u tar-riżultati kumplessivi tal-impriża finanzjarja.

5.2.

Il-valutazzjoni tal-prestazzjoni għandha tifforma parti minn qafas ta’ diversi snin, sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-valutazzjoni jkun ibbażat fuq prestazzjoni aktar fit-tul u li l-ħlas attwali tal-bonusijiet jitqassam tul iċ-ċiklu ta’ negozju tal-kumpanija.

5.3.

Il-kejl tal-prestazzjoni, bħala bażi għall-bonus jew għal fondi ta’ bonus, għandu jinkludi aġġustament għal riskji attwali u riskji fil-ġejjieni relatati mal-prestazzjoni bażi u għandu jqis il-kost tal-kapital li jintuża u l-likwidità meħtieġa.

5.4.

Fid-determinazzjoni tal-prestazzjoni individwali għandhom jitqiesu kriterji mhux finanzjarji, bħall-konformità mar-regoli u proċeduri interni, kif ukoll il-konformità mal-istandards li jirregolaw ir-relazzjoni mal-klijenti u l-investituri.

6.   Governanza

6.1.

Il-politika ta’ rimunerazzjoni għandha tinkludi miżuri li jevitaw il-possibbiltà ta’ konflitti ta’ interess. Il-proċeduri li jintużaw għad-determinazzjoni tar-rimunerazzjoni fl-impriża finanzjarja għandhom ikunu ċari u dokumentati, kif ukoll internament trasparenti.

6.2.

Il-bord (ta’ sorveljanza) għandu jiddetermina r-rimunerazzjoni tad-diretturi. Barra minn hekk, il-bord (ta’ sorveljanza) għandu jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tal-politika ta’ rimunerazzjoni tal-impriża finanzjarja u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha.

6.3.

Fit-tfassil tal-politika ta’ rinumerazzjoni għandhom jiġu involuti l-funzjonijiet ta’ kontroll u, fejn xieraq, dipartimenti tar-riżorsi umani u esperti esterni.

6.4.

Il-membri tal-bord (ta’ sorveljanza) responsabbli għall-politika ta’ rimunerazzjoni u l-membri tal-kumitati ta’ ruminerazzjoni u l-membri tal-persunal li huma involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ rimunerazzjoni għandu jkollhom l-għarfien espert rilevanti u indipendenza funzjonali mill-unitajiet ta’ negozju li jikkontrollaw, u b’hekk ikunu jistgħu jiffurmaw ġudizzju indipendenti dwar is-sostenibbiltà tal-politika ta’ rimunerazzjoni, inkluż il-konsegwenzi għar-riskji u l-ġestjoni tar-riskji.

6.5.

Bla ħsara għar-responsabbiltà kumplessiva tal-bord (ta’ sorveljanza) kif stabbilita fil-punt 6.2, l-implimentazzjoni tal-politika ta’ rimunerazzjoni għandha, mill-anqas fuq bażi annwali, tiġi suġġetta għal analiżi interna ċentrali u indipendenti mill-funzjonijiet ta’ kontroll għall-konformità mal-politiki u l-proċeduri definiti mill-bord (ta’ sorveljanza). Il-funzjonijiet ta’ kontroll għandhom jirrapportaw lill-bord (ta’ sorveljanza) dwar ir-riżultat ta’ din l-analiżi.

6.6.

Il-membri tal-persunal involuti fil-proċessi ta’ kontroll għandhom ikunu indipendenti mill-unitajiet ta’ negozju li huma jissorveljaw, ikollhom l-awtorità xierqa, u jiġu kkumpensati skont kemm jirnexxilhom jilħqu l-għanijiet relatati mal-funzjonijiet tagħhom, tkun xi tkun il-prestazzjoni tan-negozji li jikkontrollaw. B’mod partikolari, fir-rigward tal-impriżi ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, il-funzjoni attwarja u l-attwarja responsabbli għandhom jiġu rrimunerati b’mod proporzjonat mar-rwol tagħha jew tiegħu fl-impriża ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni u mhux skont il-prestazzjoni tal-impriża konċernata.

6.7.

Il-prinċipji ġenerali tal-politika ta’ rimunerazzjoni għandhom ikunu aċċessibbli għall-membri tal-persunal li huma applikabbli għalihom. Dawn il-membri tal-persunal għandhom jiġu informati bil-quddiem dwar il-kriterji li jkunu se jintużaw biex tiġi ddeterminata r-rimunerazzjoni tagħhom u dwar il-proċess ta’ evalwazzjoni. Il-proċess ta’ evalwazzjoni u l-politika ta’ rimunerazzjoni għandhom jiġu ddokumentati kif xieraq u jkunu trasparenti għall-membri individwi tal-persunal konċernati.

TAQSIMA III

Żvelar

7.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-dejta, l-informazzjoni rilevanti dwar il-politika ta’ rimunerazzjoni msemmija fit-Taqsima II u kwalunkwe aġġornamenti f’każ ta’ tibdil fil-politika għandhom jiġu żvelati mill-impriża finanzjarja b’mod ċar u li jinftihem faċilment lill-partijiet interessati rilevanti. Dan l-iżvelar jista’ jsir fil-forma ta’ dikjarazzjoni ta’ politika ta’ rimunerazzjoni indipendenti, żvelar perjodiku f’dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew fi kwalunkwe forma oħra.

8.

Għandha tiġi żvelata din l-informazzjoni:

(a)

informazzjoni dwar il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jintuża biex tiġi ddeterminata l-politika ta’ rimunerazzjoni, inkluż, jekk applikabbli, informazzjoni dwar il-kompożizzjoni u l-mandat tal-kumitat ta’ rimunerazzjoni, l-isem tal-konsulent estern li s-servizzi tiegħu jkunu ntużaw biex tiġi ddeterminata l-politika ta’ rimunerazzjoni u r-rwol tal-partijiet interessati rilevanti;

(b)

informazzjoni dwar ir-rabta ta’ bejn il-ħlas u l-prestazzjoni;

(ċ)

informazzjoni dwar il-kriterji użati għall-kejl tal-prestazzjoni u l-aġġustament għar-riskji;

(d)

informazzjoni dwar il-kriterji ta’ prestazzjoni li fuqhom huwa bbażat l-għoti ta’ drittijiet għal ishma, opzjonijiet u komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni;

(e)

il-parametri ewlenin u l-ġustifikazzjoni għal kwalunkwe skema ta’ bonus annwali u kwalunkwe benefiċċji oħra mhux f’forma ta’ flus.

9.

Meta jiġi ddeterminat il-livell ta’ informazzjoni li għandha tiġi żvelata, l-Istati Membri għandhom iqisu n-natura, id-daqs, kif ukoll l-ambitu speċifiku tal-attivitajiet tal-impriżi finanzjarji konċernati.

TAQSIMA IV

Sorveljanza

10.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, waqt il-monitoraġġ tagħhom dwar jekk humiex segwiti l-prinċipji msemmija fit-Taqsimiet II u III, iqisu d-daqs tal-impriża finanzjarja u n-natura u l-komplessità tal-attivitajiet tagħha.

11.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi finanzjarji jkunu jistgħu jikkomunikaw il-politika ta’ rimunerazzjoni koperta minn din ir-Rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom, fejn jinkludu indikazzjoni tal-konformità mal-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni, fil-forma ta’ dikjarazzjoni ta’ politika ta’ rimunerazzjoni suġġetta għal aġġornamenti xierqa.

12.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu u jingħataw aċċess għall-informazzjoni kollha li jeħtieġu biex jevalwaw il-punt sa fejn jiġu segwiti l-prinċipji msemmija fit-Taqsimiet II u III.

TAQSIMA V

Dispożizzjonijiet finali

13.

L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu l-miżuri neċessarji biex jippromwovu l-applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2009 u jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jieħdu skont din ir-Rakkomandazzjoni, biex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja s-sitwazzjoni mill-qrib u, abbażi ta’ dan, tivvaluta l-ħtieġa għal aktar miżuri.

14.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 30 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi President


(1)  COM(2009) 114.

(2)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 9, 15.1.2003, p. 3.

(4)  ĠU L 385, 29.12.2004, p. 55. Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 269M, 14.10.2005, p. 143.

(5)  Ara paġna 28 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


15.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/28


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ April 2009

li tikkumplementa r-Rakkomandazzjonijiet Nru 2004/913/KE u Nru 2005/162/KE fir-rigward tas-sistema tar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kkwotati fil-borża

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/385/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tieni inċiż tal-Artikolu 211 tiegħu,

BILLI:

(1)

Fl-14 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni Nru 2004/913/KE sabiex titkattar sistema għar-rimunerazzjoni ta’ diretturi ta’ kumpaniji kkwotati fil-borża (1) u fil-15 ta’ Frar 2005 il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni Nru 2005/162/KE dwar ir-rwol tad-diretturi mhux eżekuttivi jew superviżorji ta’ kumpaniji kkwotati fil-borża u dwar il-kumitati tal-bord (superviżorju) (2). L-għanijiet prinċipali tal-imsemmija Rakkomandazzjonijiet huma li tkun żgurata trasparenza tal-prattiki tar-rimunerazzjoni, kontroll min-naħa tal-azzjonisti f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika ta’ rimunerazzjoni u mar-rimunerazzjoni individwali billi tkun żvelata informazzjoni u jkun introdott vot mandatorju jew konsultattiv dwar ir-rendikont ta’ rimunerazzjoni u l-approvazzjoni mill-azzjonisti għal skemi ta’ rimunerazzjoni skont l-ishma, superviżjoni mhux eżekuttiva li tkun effikaċi u indipendenti u kumitat tar-rimunerazzjoni li tal-anqas ikollu rwol konsultattiv fir-rigward tal-prattiki tar-rimunerazzjoni.

(2)

Għalhekk minn dawn ir-Rakkomandazzjonijiet joħroġ li l-Kummissjoni għandha teżamina s-sitwazzjoni, inklużi l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipji mdaħħla f’dawk ir-Rakkomandazzjonijiet, u tevalwa l-ħtieġa ta’ iktar miżuri. Barra minn dan, l-esperjenza tul dawn l-aħħar snin, u dan l-aħħar minħabba l-kriżi finanzjarja, uriet li l-istrutturi tar-rimunerazzjoni qegħdin isiru dejjem iktar kumplessi, iffukati wisq fuq kisbiet imwettqa fuq perjodu qasir ta’ żmien u f’xi każijiet dawn wasslu għal rimunerazzjoni żejda li ma kinitx iġġustifikata mill-prestazzjoni tagħhom.

(3)

Filwaqt li l-forma, l-istruttura u l-livell tar-rimunerazzjoni tad-diretturi jibqgħu jaqgħu primarjament fil-kompetenzi tal-kumpaniji, l-azzjonisti tagħhom u, fejn huwa applikabbli, ir-rappreżentanti tal-impjegati, il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn ta’ prinċipji oħra fir-rigward tal-istruttura tar-rimunerazzjoni tad-diretturi, kif stipulat fil-politika ta’ rimunerazzjoni tal-kumpanija u fil-proċess ta’ kif jiġu kkalkulati ir-rimunerazzjoni u l-kontroll tat-tali proċess.

(4)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-drittijiet, fejn huma applikabbli, tal-imsieħba soċjali fin-negozjati kollettivi.

(5)

Is-sistema eżisenti għar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kkwotati fil-borża għandha tissaħħaħ permezz ta’ prinċipji li huma komplimentari għal dawk li jinsabu fir-Rakkomandazzjonijiet Nru 2004/913/KE u Nru 2005/162/KE.

(6)

L-istruttura tar-rimunerazzjoni tad-diretturi għandha tippromwovi s-sostenibbiltà tal-kumpanija fit-tul u tiżgura li r-rimunerazzjoni hija kkalkulata skont il-prestazzjoni tagħhom. Komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni għandhom għalhekk ikunu marbuta ma’ kriterji ta’ prestazzjoni li jkunu ġew iffissati minn qabel u li jistgħu jitkejlu, inklużi kriterji ta’ natura mhux finanzjarja. Għandhom jiġu ffissati limiti dwar il-komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni. Komponenti varjabbli ewlenin tar-rimunerazzjoni għandhom ikunu differiti għal perjodu partikolari, per eżempju minn tlieta sa ħames snin, skont il-kundizzjonijiet ta’ prestazzjoni. Barra minn hekk, il-kumpaniji, għandhom ikunu jistgħu jitolbu lura l-komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni li kienu diġà tħallsu abbażi ta’ dejta, li dwarha ħarġu provi biċ-ċar li ma kinitx ġenwina.

(7)

Huwa meħtieġ li jkun żgurat li l-ħlasijiet għat-terminazzjoni, imsejħin “paraxuts dehbin” (“golden parachutes”), mhumiex premju għal falliment u li jiġi rispettat l-għan primarju tal-ħlasijiet għat-terminazzjoni bħala xibka ta’ sikurezza f’każ li l-kuntratt jintemm kmieni. Għal dak il-għan, il-ħlasijiet għat-terminazzjoni għandhom ikunu limitati għal ammont jew tul ta’ żmien partikolari li jkunu ġew iffissati minn qabel, li, b’mod ġenerali, ma għandhomx jammontaw għal iktar minn sentejn rimunerazzjoni (abbażi tal-komponent fiss waħdu tar-rimunerazzjoni fis-sena) u ma jitħallsux jekk it-terminazzjoni tal-kuntratt hija riżultat ta’ prestazzjoni inadegwata jew f’każ li d-direttur jitlaq minn jeddu. Dan ma għandux iżomm milli jkun hemm ħlasijiet għat-terminazzjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-kuntratt jintemm kmieni, minħabba tibdiliet fl-istrateġija tal-kumpanija jew f’sitwazzjoni li jkun hemm amalgamazzjoni u/jew takeover.

(8)

L-iskemi li bihom id-diretturi jiġu rimunerati b’ishma, opzjonijiet tal-ishma jew bi kwalunkwe dritt għall-akkwist tal-ishma jew li jiġu rimunerati skont kif jiċċaqilqu l-prezzijiet tal-ishma għandhom ikunu marbutin aħjar mal-prestazzjoni u l-valur miżjud tal-kumpaniji li jissawwar fit-tul. Għalhekk, għandu japplika perjodu xieraq għall-assenjazzjoni tal-ishma, b’din l-assenjazzjoni tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet ta’ prestazzjoni. L-opzjonijiet tal-ishma u d-drittijiet għall-akkwist tal-ishma għad-diretturi jew għar-rimunerazzjoni tagħhom li jiġu kkalkulati skont kif jiċċaqilqu l-prezzijiet tal-ishma ma jistgħux ikunu eżerċitati f’perjodu xieraq u d-dritt li jeżerċitawhom għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet ta’ prestazzjoni. Sabiex ikunu evitati iżjed il-kunflitti ta’ interess tad-diretturi li għandhom ishma fil-kumpanija, dawn id-diretturi huma obbligati jżommu parti mill-ishma tagħhom sal-aħħar tal-mandat tagħhom.

(9)

Sabiex tkun iffaċilitata l-valutazzjoni tal-azzjonijisti dwar l-approċċ tal-kumpanija għar-rimunerazzjoni u sabiex tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-kumpanija lejn l-azzjonisti tagħha, ir-rendikont tar-rimunerazzjoni għandha tkun ċara u faċli biex tinftiehem. Barra minn dan, hemm bżonn li tkun żvelata iktar informazzjoni dwar l-istruttura tar-rimunerazzjoni.

(10)

Sabiex tiżdied ir-responsabbiltà, l-azzjonisti għandhom ikunu mħeġġa jattendu l-laqgħat ġenerali u jagħmlu użu siewi tad-dritt tagħhom tal-vot. B’mod partikolari, l-azzjonisti istituzzjonali għandu jkollhom rwol ewlieni fl-iżgurar li l-bordijiet ikunu iktar responsabbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjonijiet ta’ rimunerazzjoni.

(11)

Il-kumitati tar-rimunerazzjoni, kif inhuma imsemmijin fir-Rakkomandazzjoni Nru 2005/162/KE, jissodisfaw rwol importanti fit-tfassil tal-politika ta’ rimunerazzjoni tal-kumpanija, fl-evitar tal-kunflitti ta’ interess u fis-superviżjoni tal-imġiba tal-bordijiet (maniġerjali) mil-lat ta’ rimunerazzjoni. Sabiex jissaħħaħ ir-rwol ta’ dawk il-kumitati, għall-anqas membru wieħed tal-kumitat għandu jkun espert fil-qasam tar-rimunerazzjoni.

(12)

Il-konsulenti dwar ir-rimunerazzjoni jista jkollhom interessi konflinġenti, per eżempju meta jagħtu pariri lill-kumitat tar-rimunerazzjoni dwar il-prattiki u l-arranġamenti tar-rimunerazzjoni, u fl-istess ħin jagħtu parir lill-kumpanija jew lid-direttur(i) eżekuttiv(i) jew maniġerjali. Huwa xieraq li l-kumitati ta’ rimunerazzjoni joqogħdu attenti meta jkunu qegħdin jimpjegaw konsulenti dwar ir-rimunerazzjoni sabiex jiżguraw li l-istess konsulenti ma jagħtux pariri lid-dipartiment tar-riżorsi umani tal-kumpanija jew lid-diretturi eżekuttivi jew maniġerjali fl-istess ħin.

(13)

Fid-dawl tal-importanza tal-kwistjoni dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi u sabiex titjieb l-applikazzjoni effikaċi tal-qafas tal-Komunità dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb tagħmel użu estensiv tal-mekkaniżmi differenti ta’ eżami, bħalma huma t-tabelli ta’ valutazzjoni (scoreboards) li joħorġu kull sena u l-evalwazzjoni reċiproka li ssir mill-Istati Membri. Barra minn dan, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb tifli l-possibbiltajiet li tistandardizza l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-politika ta’ rimunerazzjoni tad-diretturi.

(14)

L-avviż tal-miżuri li jinħareġ mill-Istati Membri skont din ir-Rakkomandazzjoni għandu jinkludi perjodu ta’ żmien ċar li fih il-kumpaniji għandhom jadottaw politiki li jkunu konsistenti mal-prinċipji stipulati f’din ir-Rakkomandazzjoni.

B’DAN TIRRAKKOMANDA:

TAQSIMA I

Ambitu u definizzjonijiet

1.   Ambitu

1.1.

L-ambitu tat-Taqsima II ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jikkorrispondi ma’ dak li jinsab fir-Rakkomandazzjoni Nru 2004/913/KE.

L-ambitu tat-Taqsima III ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jikkorrispondi ma’ dak li jinsab fir-Rakkomandazzjoni Nru 2005/162/KE.

1.2.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw li l-kumpaniji kkwotati fil-borża, li għalihom japplikaw ir-Rakkomandazzjonijiet Nru 2005/913/KE u 2005/162/KE, jikkunsidraw din ir-Rakkomandazzjoni.

2.   Definizzjonijiet oħra flimkiem ma’ dawk stipulati fir-Rakkomandazzjonijiet Nru 2005/913/KE u 2004/162/KE:

2.1.

“Komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni” tfisser komponenti tad-dritt għar-rimunerżzzjoni li jingħataw lid-diretturi abbażi tal-kriterji ta’ prestazzjoni, inklużi bonusijiet.

2.2.

“Ħlasijiet għat-terminazzjoni” tfisser kwalunkwe ħlas marbut ma’ sitwazzjoni fejn il-kuntratt tad-diretturi eżekuttivi jew maniġerjali jintemm qabel iż-żmien maħsub, inkluż ħlasijiet għall-perjodu ta’ notifika jew klawżola li ma tippermettix li jkun hemm kompetizzjoni mat-tali kumpanija li tkun inkluża fil-kuntratt.

TAQSIMA II

Politika ta’ rimunerazzjoni

(Taqsima II tar-Rakkomandazzjoni Nru 2004/913/KE)

3.   Struttura tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi

3.1.

Meta l-politika ta’ rimunerazzjoni tinkludi komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni, il-kumpaniji għandhom jiffissaw limiti għall-komponent(i) varjabbli. Il-komponent fiss tar-rimunerazzjoni għandu jkun biżżejjed sabiex jippermetti lill-kumpanija żżomm il-komponenti varjabbli ta’ rimunerazzjoni meta ma jintlaħqux il-kriterji ta’ prestazzjoni.

3.2.

L-għoti ta’ komponenti varjabbli għar-rimunerazzjoni għandu jkun soġġett għall-kriterji ta’ prestazzjoni li jkunu ġew iffissati minn qabel u li jistgħu jitkejlu

Il-kriterji ta’ prestazzjoni għandhom jippromwovu s-sostenibbiltà tal-kumpanija fit-tul u jinkludu kriterji mhux finanzjarji li huma relevanti għall-valur miżjud li jissawwar fit-tul għall-kumpaniji, bħall-konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli.

3.3.

Meta jingħata komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni, parti kbira tal-komponent varjabbli għandha tiġi differita għal perjodu qasir ta’ żmien. Il-parti tal-komponent varjabbli soġġetta għal differiment għandha tiġi kkalkulata skont il-piż relattiv tal-komponent varjabbli mqabbel mal-komponent fiss tar-rimunerazzjoni.

3.4.

L-arranġamenti kuntrattwali mad-diretturi eżekuttivi jew maniġerjali għandhom jinkludu provvedimenti li jippermettu lill-kumpanija sabiex titlob lura l-komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni li kienu diġà tħallsu abbażi ta’ dejta, li dwarha ħarġu provi biċ-ċar li ma kinitx ġenwina.

3.5.

Il-ħlasijiet għat-terminazzjoni ma għandhomx jaqbżu ammont fiss jew għadd fiss ta’ snin ta’ rimunerazzjoni fis-sena, li b’mod ġenerali ma għandhomx jammontaw għal iktar minn sentejn tal-komponent fiss ta’ rimunerazzjoni jew l-ekwivalenti tiegħu.

Il-ħlasijiet ta’ terminazzjoni ma għandhomx jitħallsu jekk it-terminazzjoni hija riżultat ta’ prestazzjoni inadegwata.

4.   Rimunerazzjoni skont l-ishma

4.1.

L-ishma ma għandhomx jiġu assenjati lil ħaddieħor għall-anqas tliet snin minn meta jkunu ngħataw.

L-opzjonijiet tal-ishma jew kwalunkwe dritt ieħor tal-akkwist tal-ishma jew li bih jiġu rimunerati abbażi taċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-ishma, ma għandhomx ikunu eżerċitati għall-anqas tliet snin minn meta jkunu ngħataw.

4.2.

L-assenjazzjoni tal-ishma u d-dritt eżerċitat għall-opzjonijiet tal-ishma jew kwalunkwe dritt ieħor tal-akkwist tal-ishma jew li bih jiġu rimunerati abbażi taċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-ishma, għandhom ikunu soġġetti għall-kriterji ta’ prestazzjoni li jkunu ġew iffissati minn qabel u li jistgħu jitkejlu.

4.3.

Wara l-assenjazzjoni, id-diretturi għandhom iżommu għadd ta’ ishma, sakemm jintemm il-mandat tagħhom, soġġett għall-ħtieġa li jkunu ffinanzjati kwalunkwe spejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-akkwist tal-ishma. L-għadd ta’ ishma li għandhom jinżammu għandu jkun iffissat, pereżempju d-doppju tal-valur tar-rimunerazzjoni kollha fis-sena (il-komponenti fissi flimkien ma’ dawk varjabbli).

4.4.

Ir-rimunerazzjoni tad-diretturi mhux eżekuttivi jew superviżorji ma għandux jinkludi l-opzjonijiet tal-ishma.

5.   Żvelar ta’ inforamzzjoni dwar il-politika ta’ rimunerazzjoni tad-diretturi

5.1.

Ir-rendikont tar-rimunerazzjoni, imsemmi fil-punt 3.1 tar-Rakkomandazzjoni Nru 2004/913/KE, għandu jkun ċar u jinftiehem faċilment.

5.2.

Barra mill-informazzjoni stipulata fil-punt 3.3 tar-Rakkomandazzjoni Nru 2004/913/KE, ir-rendikont tar-rimunerazzjoni għandu jinkludi li ġej:

(a)

spjegazzjoni ta’ kif l-għażla tal-kriterji ta’ prestazzjoni tikkontribwixxi għall-interessi tal-kumpaniji fit-tul, skont il-punt 3.2 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(b)

spjegazzjoni tal-metodi, applikati sabiex ikun stabbilit jekk il-kriterji ta’ prestazzjoni humiex sodisfatti;

(ċ)

informazzjoni biżżejjed dwar il-perjodi ta’ differiment fir-rigward tal-komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni, kif imsemmi fil-punt 3.3 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(d)

informazzjoni biżżejjed dwar il-politika fir-rigward ta’ ħlasijiet ta’ terminazzjoni, kif imsemmi fil-punt 3.4 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(e)

informazzjoni biżżejjed dwar il-perjodu ta’ assenjazzjoni ta’ ishma li fuqhom tiddependi r-rimunerazzjoni, kif imsemmi fil-punt 4.1 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(f)

informazzjoni biżżejjed dwar il-politika fir-rigward taż-żamma tal-ishma wara li jkunu ġew assenjati, kif imsemmi fil-punt 4.3 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(g)

informazzjoni biżżejjed dwar il-kompożizzjoni tal-istess gruppi ta’ kumpaniji li l-politika ta’ rimunerazzjoni tagħhom ġiet eżaminata skont l-istabbiliment tal-politika ta’ rimunerazzjoni tal-kumpanija inkwistjoni.

6.   Vot tal-azzjonijsti

6.1.

L-azzjonisti, b’mod partikolari l-azzjonisti istituzzjonali, għandhom ikunu mħeġġa jattendu laqgħat ġenerali fejn huwa xieraq u jagħmlu użu sew tal-voti tagħhom fir-rigward tar-rimunerazzjoni tad-diretturi, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji inklużi f’din ir-Rakkomandazzjoni, ir-Rakkomandazzjoni Nru 2004/913/KE u r-Rakkomandazzjoni Nru 2005/162/KE.

TAQSIMA III

Il-kumitat tar-rimunerazzjoni

(il-punt 3 tal-Anness I għar-Rakkomandazzjoni Nru 2005/162/KE)

7.   Ħolqien u kompożizzjoni

7.1.

Għall-anqas membru wieħed mill-kumitat tar-rimunerazzjoni għandu jkollu l-għarfien u l-esperjenza fil-qasam tal-politika ta’ rimunereazzjoni.

8.   Rwol

8.1.

Il-kumitat tar-rimunerazzjoni għandu jirrevedi perjodikament il-politika ta’ rimunerazzjoni għad-diretturi eżekuttivi jew maniġerjali, inkluża l-politika li għandha x’taqsam mar-rimunerazzjoni skont l-ishma, u l-implimentazzjoni tagħha.

9.   Operazzjoni

9.1.

Il-kumitat tar-rimunerazzjoni għandu jeżerċita ġudizzju u integrità indipendenti fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu.

9.2.

F’każ li jsir użu mis-servizzi ta’ konsulent bil-ħsieb li tinkiseb informazzjoni dwar l-istandards tas-suq għas-sistemi tar-rimunerazzjoni, il-kumitat tar-rimunerazzjoni għandu jiżgura li l-konsulent inkwistjoni ma jagħtix pariri fl-istess ħin lid-dipartiment tar-riżorsi umani jew lid-diretturi eżekuttivi jew maniġerjali tal-kumpanija inkwistjoni.

9.3.

Fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, il-kumitat tar-rimunerazzjoni għandu jiżgura li r-rimunerazzjoni tad-diretturi eżekuttivi jew maniġerjali individwali hija proporzjonata mar-rimunerazzjoni ta’ diretturi eżekuttivi jew maniġerjali oħrajn u membri tal-persunal oħra tal-kumpanija.

9.4.

Il-kumitat tar-rimunerazzjoni għandu jħejji rapport dwar il-qadi tal-funzjonijiet tiegħu għall-azzjonisti u jkun preżenti fil-laqgħa ġenerali ta’ kull sena għal dan il-għan.

TAQSIMA IV

Dispożizzjonijiet finali

10.

L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jippromwovu l-applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2009.

Rigward dan, l-Istati Membri huma mistiedna jorganizzaw konsultazzjonijiet nazzjonali mal-partijiet interessati dwar din ir-Rakkomandazzjoni u jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu skont din ir-Rakkomandazzjoni sabiex jippermettu lill-Kummissjoni teżamina s-sitwazzjoni mill-qrib, u abbażi ta’ dan tevalwa jekk hemmx il-ħtieġa għal iktar miżuri.

11.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 30 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi President


(1)  ĠU L 269M, 14.10.2005, p. 143.

(2)  ĠU L 272M, 18.10.2005, p. 94.