ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

L 273

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 51
15 ta' Ottubru 2008


Werrej

 

I   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 997/2008 ta’ l-14 ta’ Ottubru 2008 li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 998/2008 ta’ l-14 ta’ Ottubru 2008 li jiffissa, għas-sena tal-kontijiet 2009, il-koeffiċjenti tad-deprezzament li għandhom japplikaw għax-xiri tal-prodotti agrikoli ta’ intervent

3

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 999/2008 ta’ l-14 ta’ Ottubru 2008 li jistabbilixxi, għas-sena tal-kontijiet 2009 tal-FAEG, ir-rati tal-imgħax li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-ispejjeż għall-iffinanzjar tal-miżuri ta’ intervent, li jikkonsistu fix-xiri, il-ħżin u r-rimi tal-ħażniet

5

 

 

II   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

Kunsill

 

 

2008/797/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Settembru 2008 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru

7

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru

9

 

 

Kummissjoni

 

 

2008/798/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta l-14 ta’ Ottubru 2008 li timponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta' prodotti li fihom il-ħalib jew prodotti tal-ħalib li joriġinaw minn jew li jiġu kkunsinjati miċ-Ċina, u li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/757/KE (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6086)  ( 1 )

18

 

 

 

*

Nota lill-qarrej (Ara paġna 3 tal-qoxra)

s3

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

15.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 273/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 997/2008

ta’ l-14 ta’ Ottubru 2008

li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu ta’ l-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi ta' l-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi ta' l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kummissjoni

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss ta' l-importazzjoni

0702 00 00

MA

76,4

MK

52,8

TR

106,4

ZZ

78,5

0707 00 05

MK

81,9

TR

141,7

ZZ

111,8

0709 90 70

TR

140,3

ZZ

140,3

0805 50 10

AR

75,7

TR

98,0

UY

95,7

ZA

84,4

ZZ

88,5

0806 10 10

BR

224,6

TR

91,6

US

224,7

ZZ

180,3

0808 10 80

AR

67,2

CL

71,3

CN

53,8

MK

35,3

NZ

88,4

US

104,9

ZA

79,5

ZZ

71,5

0808 20 50

CN

58,4

TR

76,2

ZA

98,3

ZZ

77,6


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


15.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 273/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 998/2008

ta’ l-14 ta’ Ottubru 2008

li jiffissa, għas-sena tal-kontijiet 2009, il-koeffiċjenti tad-deprezzament li għandhom japplikaw għax-xiri tal-prodotti agrikoli ta’ intervent

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (1) [titlu mhux uffiċjali], u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 884/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 f’dak li jirrigwarda l-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew tal-Garanzija (FAEG) ta’ miżuri ta’ intervent fil-forma ta’ ħżin pubbliku u l-kontabbiltà tal-operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku min-naħa tal-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri (2) [titlu mhux uffiċjali], jipprovdi għall-finanzjament tad-deprezzament tal-prodotti li jinsabu maħżuna b’intervent pubbliku fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku.

(2)

L-Anness VIII, il-punti 1, 2 u 3 tar-Regolament (KE) Nru 884/2006 jiddetermina l-metodi ta’ kalkolu tad-deprezzament. Il-perċentwal tad-deprezzament fil-waqt tax-xiri tal-prodotti agrikoli jikkorrispondi għall-massimu tad-differenza bejn il-prezz tax-xiri u bejn il-prezz prevedibbli tal-bejgħ għal kull prodott partikulari. Dan il-perċentwal għandu jkun definit għal kull prodott qabel il-bidu tas-sena tal-kontijiet Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tillimita d-deprezzament fil-waqt tax-xiri għal frazzjoni ta’ dan il-perċentwal ta’ deprezzament, li ma tistax tkun anqas minn 70 % tad-deprezzament totali.

(3)

Għaldaqstant jidher f’loku li, għal ċerti prodotti, jiġu definiti l-koeffiċjenti li, matul is-sena tal-kontijiet 2009, għandhom ikunu applikati mill-aġenziji ta’ intervent għall-valuri tax-xiri ta’ kull xahar ta’ dawn il-prodotti, sabiex l-aġenziji msemmija jkunu jistgħu jistabbilixxu l-ammonti tad-deprezzament.

(4)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-prodotti li jidhru fl-Anness u li, wara xiri b’intervent pubbliku, jinħażnu jew jittieħdu f’idejn l-aġenziji ta’ intervent bejn l-1 ta’ Ottubru 2008 u t-30 ta’ Settembru 2009, l-aġenziji ta’ intervent għandhom japplikaw għall-valuri tal-prodotti mixtrija kull xahar il-koeffiċjenti ta’ deprezzament li jidhru fl-Anness imsemmi.

Artikolu 2

L-ammonti tal-infiq, ikkalkolati bil-qies tad-deprezzament imsemmi fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet stabbiliti skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006 (3).

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 171, 23.6.2006, p. 35.

(3)  ĠU L 171, 23.6.2006, p. 1.


ANNESS

Koeffiċjenti ta’ deprezzament li għandhom japplikaw għall-valuri tax-xiri ta’ kull xahar

Prodotti

Koeffiċjenti

Qamħ komuni tajjeb għall-ħobż

Xgħir

Qamħirrum

Alkoħol

0,45


15.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 273/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 999/2008

ta’ l-14 ta’ Ottubru 2008

li jistabbilixxi, għas-sena tal-kontijiet 2009 tal-FAEG, ir-rati tal-imgħax li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-ispejjeż għall-iffinanzjar tal-miżuri ta’ intervent, li jikkonsistu fix-xiri, il-ħżin u r-rimi tal-ħażniet

Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, għall-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Garanzija (FAEG) ta’ miżuri ta’ intervent fil-forma ta’ ħażna pubblika u l-kontabbiltà tat-transazzjonijiet ta’ ħażna pubblika mill-entitajiet ta’ pagament tal-Istati Membri (2), jistipula li l-ispejjeż korrispondenti għall-fondi maħruġin mill-Istati Membri għax-xiri tal-prodotti għandhom jiġu ddeterminati skond il-metodi ta’ kalkolu stabbiliti fl-Anness IV għal dak ir-Regolament, abbażi ta’ rata tal-imgħax uniformi għall-Komunità kollha.

(2)

Ir-rata tal-imgħax uniformi għall-Komunità tikkorrispondi għall-medja tar-rati Euribor fit-tul, fuq tliet xhur u fuq tnax-il xahar, irreġistrati matul is-sitt xhur ta’ qabel in-notifika mill-Istati Membri pprovduta fil-punt I.2 tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 884/2006, b’koeffiċjent ta’ terz u żewġ terzi rispettivament. Din ir-rata għandha tkun iffissata fil-bidu ta’ kull sena tal-kontijiet tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Garanzija (FAEG).

(3)

Madankollu, jekk ir-rata tal-imgħax innotifikata minn Stat Membru tkun inqas mir-rata tal-imgħax uniformi ffissata għall-Komunità, għandha tiġi stipulata rata tal-imgħax speċifika għal dak l-Istat Membru, skond it-tieni subparagrafu tal-punt I.2 tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 884/2006. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ notifika, sal-aħħar tas-sena tal-kontijiet, mingħand Stat Membru tar-rata medja tal-ispejjeż tal-imgħax tiegħu, il-Kummissjoni għandha tiffissa r-rata tal-imgħax għal dak l-Istat Membru fil-livell tar-rata uniformi stabbilita mill-Komunità.

(4)

Fid-dawl tan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni, ir-rati tal-imgħax applikabbli għas-sena tal-kontijiet 2009 tal-FAEG għandha tiġi ffissata b’qies għal dawn il-fatturi varji.

(5)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-infiq marbut mal-ispejjeż maħruġin mill-Istati Membri għax-xiri ta’ prodotti ta’ intervent, li għandhom jitħallsu mis-sena tal-kontijiet 2009 tal-FAEG, ir-rati tal-imgħax ipprovduti fl-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 884/2006 skond l-Artikolu 4(1)(a) ta’ dak ir-Regolament huma fissati kif ġej:

(a)

4.1 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fi Franza, fl-Irlanda u fir-Repubblika Ċeka;

(b)

4.3 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fis-Slovakkja;

(c)

4.4 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fl-Olanda u fl-Iżvezja;

(d)

4.5 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fil-Greċja;

(e)

5.0 % għar-rata tal-imgħax uniformi għall-Komunità, applikabbli f’dawk l-Istati Membri li għalihom ma ġietx iffissata rata tal-imgħax speċifika.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 171, 23.6.2006, p. 35.


II Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

DEĊIŻJONIJIET

Kunsill

15.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 273/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Settembru 2008

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru

(2008/797/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2), flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Fid-deċiżjoni tiegħu tal-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar il-bdil ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi strumenti ta’ ftehim bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

(2)

Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem il-Komunità, ftehim mal-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru f’konformità mal-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2003 li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar il-bdil ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi strumenti ta’ ftehim bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

(3)

Soġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f’data aktar ‘il quddiem, il-Ftehim innegozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi ffirmat u applikat proviżorjament,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità, soġġett għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna/i mogħtija l-poter li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim f’isem il-Komunità soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Ftehim għandu jiġi applikat proviżorjament mill-ewwel jum ta’ l-ewwel xahar wara d-data li fiha l-partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri kollha meħtieġa għal dan il-għan ikunu tlestew (1).

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 7(2) tal-Ftehim.

Magħmula fi Brussell, 25 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

L. CHATEL


(1)  Id-data li minnha jiġi applikat proviżorjament il-Ftehim se tkun ippubblikata f’L-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


FTEHIM

bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru

IL-KOMUNITÀ EWROPEA

minn naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA TA’ L-INDJA

min-naħa l-oħra

(minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Partijiet”)

FILWAQT LI JINNUTAW li strumenti ta’ ftehim bilaterali dwar servizzi ta’ l-ajru ġew konklużi bejn diversi Stati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Indja li fihom dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-leġislazzjoni Komunitarja,

FILWAQT LI JINNUTAW li l-Komunità Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward ta’ diversi aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi strumenti ta’ ftehim bilaterali dwar is-servizzi ta’ l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

FILWAQT LI JINNUTAW li, skond il-leġislazzjoni tal-Komunità Ewropea, it-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji stabbiliti fi Stat Membru wieħed għandhom id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għar-rotot ta’ l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-istrumenti ta’ ftehim bejn il-Komunità Ewropea u ċerti pajjiżi terzi li jipprovdu l-possibbiltà għaċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi terzi li jiksbu dritt ta’ proprjetà fi trasportaturi ta’ l-ajru mogħtija liċenzja f’konformità mal-leġislazzjoni tal-Komunità Ewropea,

FILWAQT LI JAGĦRFU li ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-istrumenti ta’ ftehim bilaterali dwar is-servizzi ta’ l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Indja għandhom jinġiebu f’konformità mal-leġislazzjoni tal-Komunità Ewropea sabiex tiġi stabbilita bażi legali tajba għas-servizzi ta’ l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Indja u biex tinżamm il-kontinwità ta’ dawn is-servizzi ta’ l-ajru,

FILWAQT LI JINNUTAW li, skond il-leġislazzjoni tal-Komunità Ewropea, it-trasportaturi ta’ l-ajru fil-prinċipju ma jistgħux jikkonkludu strumenti ta’ ftehim li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni,

FILWAQT LI JAGĦRFU li d-dispożizzjonijiet fl-istrumenti ta’ ftehim bilaterali dwar is-servizzi ta’ l-ajru konklużi bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Indja li i) jirrikjedu jew jiffavorixxu l-adozzjoni ta’ akkordji bejn impriżi, deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi jew prattiċi miftiehma li jipprevjenu, joħolqu distorsjoni jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta’ l-ajru fuq ir-rotot rilevanti; jew ii) isaħħu l-effetti ta’ kwalunkwe akkordju, deċiżjoni jew prattika miftiehma ta’ dan it-tip; jew iii) jiddelegaw lit-trasportaturi ta’ l-ajru jew lil operaturi ekonomiċi privati oħra r-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu, joħolqu distorsjoni jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta’ l-ajru fuq ir-rotot rilevanti, jistgħu jrendu mhux effettiva l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li fejn Stat Membru jkun innomina trasportatur ta’ l-ajru li l-kontroll regolatorju tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam mas-sorveljanza tas-sikurezza huwa eżerċitat u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tar-Repubblika ta’ l-Indja skond id-dispożizzjonijiet tas-sikurezza tal-ftehim bejn l-Istat Membru li nnomina t-trasportatur ta’ l-ajru u r-Repubblika ta’ l-Indja għandhom japplikaw bl-istess mod fir-rigward ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor,

FILWAQT LI JINNUTAW li l-istrumenti ta’ ftehim bilaterali dwar is-servizzi ta’ l-ajru elenkati fl-Anness I huma msejsa fuq il-prinċipju ġenerali li t-trasportaturi ta’ l-ajru nnominati tal-partijiet għandu jkollhom opportunitajiet ġusti u ndaqs fl-operat tas-servizzi maqbula fuq ir-rotot speċifikati,

FILWAQT LI JIINNUTAW li dan il-ftehim la għandu l-għan li jżid il-volum totali tat-traffiku ta’ l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Indja, la li jaffettwa l-bilanċ bejn trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità u trasportaturi ta’ l-ajru tar-Repubblika ta’ l-Indja, u lanqas li jinnegozja emendi għad-dispożizzjonijiet ta’ strumenti ta’ ftehim bilaterali eżistenti dwar is-servizzi ta’ l-ajru fir-rigward ta’ drittijiet tat-traffiku,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, “Stati Membri” għandha tfisser l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

2.   Ir-referenzi f’kull ftehim elenkat fl-Anness I għaċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru li huwa parti għal dak il-ftehim għandhom jinftiehmu bħala referenzi għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

3.   Ir-referenzi f’kull ftehim elenkat fl-Anness I għat-trasportaturi ta’ l-ajru jew għal-linji ta’ l-ajru ta’ l-Istat Membru li huwa parti għal dak il-ftehim għandhom jinftiehmu bħala referenzi għat-trasportaturi ta’ l-ajru jew għal-linji ta’ l-ajru nnominati minn dak l-Istat Membru.

4.   L-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku jkompli jsir permezz ta’ arranġamenti bilaterali.

Artikolu 2

Nomina minn Stat Membru

1.   Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-Artikoli elenkati fl-Anness II (a) u (b), rispettivament, f’dak li għandu x’jaqsam man-nomina ta’ trasportatur ta’ l-ajru mill-Istat Membru kkonċernat, l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi tiegħu mogħtija mir-Repubblika ta’ l-Indja, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet jew tal-permessi tat-trasportaturi ta’ l-ajru, rispettivament.

2.   Mal-wasla ta’ nomina minn Stat Membru, ir-Repubblika ta’ l-Indja għandha toħroġ l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi adegwati bl-anqas dewmien proċedurali, bil-kondizzjoni li:

(i)

it-trasportatur ta’ l-ajru jkun stabbilit fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jkun qed jinnomina skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u għandu Liċenzja Operattiva valida f’konformità mal-leġislazzjoni tal-Komunità Ewropea;

(ii)

ikun eżerċitat u miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur ta’ l-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta’ l-Ajru tiegħu u l-awtorità ajrunawtika rilevanti tkun identifikata biċ-ċar fin-nomina; u

(iii)

it-trasportatur ta’ l-ajru jkun proprjetà u għandu jkompli jkun proprjetà diretta jew permezz ta’ proprjetà maġġoritarja ta’ l-Istati Membri u/jew taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, u/jew ta’ Stati oħrajn elenkati fl-Anness III u/jew taċ-ċittadini ta’ Stati oħra simili, u għandu jkun il-ħin kollu taħt il-kontroll effettiv ta’ tali Stati u/jew ta’ tali ċittadini.

3.   Ir-Repubblika ta’ l-Indja tista’ tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta’ trasportatur ta’ l-ajru nnominat minn Stat Membru fejn:

(i)

it-trasportatur ta’ l-ajru ma jkunx stabbilit fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jkun qed jinnomina skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew m’għandux Liċenzja Operattiva valida f’konformità mal-leġislazzjoni tal-Komunità Ewropea;

(ii)

ma jiġix eżerċitat jew miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur ta’ l-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta’ l-Ajru tiegħu, jew l-awtorità ajrunawtika rilevanti ma tkunx identifikata biċ-ċar fin-nomina;

(iii)

it-trasportatur ta’ l-ajru ma jkunx proprjetà, direttament jew permezz ta’ proprjetà maġġoritarja, jew ma jkunx ikkontrollat effettivament mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, u/jew mill-Istati l-oħra elenkati fl-Anness III u/jew miċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati l-oħra;

(iv)

it-trasportatur ta’ l-ajru jkun diġà awtorizzat li jopera fl-ambitu ta’ ftehim bilaterali bejn ir-Repubblika ta’ l-Indja u xi Stat Membru ieħor u billi jeżerċita d-drittijiet tat-traffiku fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim fuq rotta li tinkludi punt f’dak l-Istat Membru l-ieħor, dan ikun qed jevita r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tat-traffiku imposti minn dak il-ftehim l-ieħor; jew

(v)

it-trasportatur ta’ l-ajru nnominat għandu Ċertifikat Operattiv ta’ l-Ajru maħruġ minn Stat Membru li miegħu r-Repubblika ta’ l-Indja m’għandhiex ftehim bilaterali dwar is-servizzi ta’ l-ajru u dak l-Istat Membru jkun ċaħad id-drittijiet tat-traffiku lir-Repubblika ta’ l-Indja.

Fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha taħt dan il-paragrafu, ir-Repubblika ta’ l-Indja m’għandhiex tiddiskrimina bejn trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità Ewropea abbażi tan-nazzjonalità.

Artikolu 3

Sikurezza

1.   Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw l-Artikoli korrispondenti elenkati fl-Anness II (c).

2.   Fejn Stat Membru jkun innomina trasportatur ta’ l-ajru li l-kontroll regolatorju tiegħu huwa eżerċitat u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tar-Repubblika ta’ l-Indja skond id-dispożizzjonijiet tas-sikurezza tal-ftehim bejn l-Istat Membru li nnomina t-trasportatur ta’ l-ajru u r-Repubblika ta’ l-Indja għandhom japplikaw b’mod ugwali fir-rigward ta’ l-adozzjoni, l-eżerċizzju jew iż-żamma ta’ l-istandards tas-sikurezza minn dak l-Istat Membru l-ieħor u fir-rigward ta’ l-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ dak it-trasportatur ta’ l-ajru.

Artikolu 4

Kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni

1.   Minkejja kull dispożizzjoni oħra għall-kuntrarju, xejn f’kull wieħed mill-istrumenti ta’ ftehim elenkati fl-Anness I m’għandu (i) jiffavorixxi l-adozzjoni ta’ akkordji bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew prattiċi miftiehma li jipprevjenu, joħolqu distorsjoni jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni; (ii) isaħħaħ mill-ġdid l-effetti ta’ kwalunkwe akkordju, deċiżjoni jew prattika miftiehma ta’ dan it-tip; jew (iii) jiddelega lill-operaturi ekonomiċi privati r-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu, joħolqu distorsjoni jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

2.   Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-istrumenti ta’ ftehim elenkati fl-Anness I li mhumiex kompatibbli mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx jiġu applikati.

Artikolu 5

Annessi għall-Ftehim

L-Annessi għal dan il-Ftehim għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.

Artikolu 6

Eżami, reviżjoni jew emendar

Il-Partijiet jistgħu, f’kull ħin, jeżaminaw, jirrevedu jew jemendaw dan il-Ftehim bi qbil reċiproku.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni proviżorja

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu jkunu tlestew.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet jaqblu li japplikaw dan il-Ftehim proviżorjament mill-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri kollha meħtieġa għal dan il-għan ikunu tlestew.

3.   L-istrumenti ta’ ftehimiet u arranġamenti oħra bejn l-Istati Membri u r-Repubblika ta’ l-Indja li, fid-data ta’ l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, ikunu għadhom ma daħlux fis-seħħ u li jkun għadhom mhux qed jiġu applikati proviżorjament huma elenkati fl-Anness I (b). Dan il-Ftehim għandu japplika għat-tali strumenti ta’ Ftehim u arranġamenti kollha mad-dħul fis-seħħ jew ma’ l-applikazzjoni proviżorja tagħhom.

Artikolu 8

Terminazzjoni

1.   Fil-każ li ftehim elenkat fl-Anness I jiġi tterminat, id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-Ftehim li għandhom x’jaqsmu mal-ftehim elenkat fl-Anness I ikkonċernat għandhom jiġu tterminati fl-istess ħin.

2.   Fil-każ li l-istrumenti ta’ ftehim kollha elenkati fl-Anness I jiġu tterminati, dan il-Ftehim għandu jiġi tterminat fl-istess ħin.

B’XHIEDA ta’ DAN, il-firmatarji, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul f’Marsilja f’żewġ kopji, fit-tmienja u għoxrin jum ta’ Settembru elfejn u tmienja bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, Ungeriża, u bil-Ħindi.

За Европейската общност

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

Az Európai Közösség részéről

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Pentru Comunitatea Europeană

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

För Europeiska gemenskapen

Image

Image

Image

За правителството на Република Индия

Por el Gobierno de la República de la India

Za vládu Indické republiky

For regeringen for Republikken Indien

Für die Regierung der Republik Indien

India Vabariigi valitsuse nimel

Για την κυβέρνηση της Δημοκρατίας της Ινδίας

For the Government of the Republic of India

Pour le gouvernement de la République de l'Inde

Per il governo della Repubblica dell'India

Indijas Republikas valdības vārdā

Indijos Respublikos Vyriausybės vardu

Az Indiai Köztársaság kormánya részéről

Għall-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja

Voor de Regering van de Republiek India

W imieniu Rządu Republiki Indii

Pelo Governo da Repúblika da Índia

Pentru Guvernul Republicii India

Za vládu Indickej republiky

Za Vlado Republike Indije

Intian tasavallan hallituksen puolesta

För Republiken Indiens regering

Image

Image

ANNESS I

Lista ta’ strummenti ta’ ftehim imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim

(a)

Strumenti ta’ ftehim dwar is-servizzi ta’ l-ajru bejn il-Gvern ta’ l-Indja u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea kif setgħu ġew emendati, modifikati jew supplimentati, li, fid-data ta’ l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, kienu ġew konklużi, iffirmati u/jew qed jiġu applikati proviżorjament

Ftehim bejn il-Gvern Federali ta’ l-Awstrija u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-servizzi ta’ l-ajru ffirmat fi New Delhi fis-26 ta’ Ottubru 1989;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru ffirmat fi New Delhi fis-6 ta’ April 1967;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Bulgarija u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja dwar is-servizzi ta’ l-ajru magħmul fi New Delhi fis-16 ta’ Ġunju 1992;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-servizzi ta’ l-ajru magħmul f’Nikosija fit-18 ta’ Diċembru 2000;

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja ffirmat f’Delhi fis-16 ta’ Ottubru 1997;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tad-Danimarka u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru ffirmat fi New Delhi fid-19 ta’ Diċembru 1995;

Ftehim dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Finlandja u l-Gvern ta’ l-Indja ffirmat fi New Delhi fit-18 ta’ Lulju 1995;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru ffirmat fi New Delhi fis-16 ta’ Lulju 1947;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru ffirmat fi New Delhi fil-31 ta’ Mejju 1963;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu ta’ l-Ungerija u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru ffirmat fi New Delhi fit-23 ta’ Frar 1966;

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern ta’ l-Irlanda u l-Gvern ta’ l-Indja ffirmat fi New Delhi fl-20 ta’ Frar 1991;

Ftehim bejn il-Gvern ta’ l-Italja u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru ffirmat f’Ruma fis-16 ta’ Lulju 1959;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Latvja u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru ffirmat fi New Delhi fl-20 ta’ Ottubru 1997;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru ffirmat fi New Delhi fl-20 ta’ Frar 2001;

Ftehim bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja dwar is-servizzi ta’ l-Ajru ffirmat fi New Delhi fit-8 ta’ Jannar 2001;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Malta u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru ffirmat f’Malta fil-5 ta’ Ottubru 1998;

Ftehim bejn il-Gvern ta’ l-Olanda u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru ffirmat fi New Delhi fl-24 ta’ Mejju 1951;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu tal-Polonja u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru ffirmat fi New Delhi fil-25 ta’ Jannar 1977;

Ftehim dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Portugall u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja ffirmat fi New Delhi fis-6 ta’ Frar 1997;

Ftehim dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru bejn il-Gvern tar-Rumanija u l-Gvern ta’ l-Indja magħmul fi New Delhi fl-4 ta’ Diċembru 1993;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Slovakka u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru bi Skeda ffirmat fi Bratislava fid-9 ta’ Ottubru 1996;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tas-Slovenja u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru bi Skeda ffirmat fi New Delhi fis-16 ta’ Frar 2004;

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern ta’ Spanja u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja ffirmat fi New Delhi fl-10 ta’ April 1987;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju ta’ l-Isvezja u l-Gvern ta’ l-Indja dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru ffirmat fi New Delhi fid-19 ta’ Diċembru 1995;

Ftehim dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja u l-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq iffirmat fi New Delhi fit-8 ta’ Settembru 2005;

(b)

Strumenti ta’ ftehim dwar is-servizzi ta’ l-ajru u arranġamenti oħra inizjalati jew iffirmati bejn il-Gvern ta’ l-Indja u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea kif setgħu ġew emendati, modifikati jew supplimentati, li, fid-data ta’ l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ u mhux qed jiġu applikati proviżorjament

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Ellenika u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja inizjalat f’Ateni fit-23 ta’ Ottubru 1997.

ANNESS II

Lista ta’ Artikoli fl-istrumenti ta’ ftehim elenkati fl-Anness I u msemmija fl-Artikoli 2 u 3 ta’ dan il-Ftehim

(a)

Nomina minn Stat Membru:

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Awstrija;

Artikolu 3, paragrafi 1 sa 5, tal-Ftehim Indja - Belġju;

Artikolu III tal-Ftehim Indja – Bulgarija;

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Ċipru;

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Repubblika Ċeka;

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Danimarka;

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Finlandja;

Artikolu 2, tal-Ftehim Indja - Franza;

Artikolu III, tal-Ftehim Indja - Ġermanja;

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Greċja;

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Ungerija;

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Irlanda;

Artikolu IV, tal-Ftehim Indja - Italja;

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Latvja;

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Litwanja;

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Lussemburgu;

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Malta;

Artikolu 2, tal-Ftehim Indja - Olanda;

Artikolu IV, tal-Ftehim Indja - Polonja;

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Portugall;

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Rumanija;

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Slovakkja;

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Slovenja;

Artikolu II, tal-Ftehim Indja - Spanja;

Artikolu 3, tal-Ftehim Indja - Żvezja;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja – Renju Unit;

(b)

Ir-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet jew tal-permessi:

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Awstrija;

Artikolu 3, paragrafu 6, tal-Ftehim Indja - Belġju;

Artikolu IV tal-Ftehim Indja – Bulgarija;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Ċipru;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Repubblika Ċeka;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Danimarka;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Finlandja;

Artikolu 9, tal-Ftehim Indja - Franza;

Artikolu IV, tal-Ftehim Indja - Ġermanja;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Greċja;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Ungerija;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Irlanda;

Artikolu IV, paragrafi 4 sa 6 tal-Ftehim Indja - Italja;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Latvja;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Litwanja;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Lussemburgu;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Malta;

Artikolu 8, tal-Ftehim Indja - Olanda;

Artikolu V, tal-Ftehim Indja - Polonja;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Portugall;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Rumanija;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Slovakkja;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Slovenja;

Artikolu IV, tal-Ftehim Indja - Spanja;

Artikolu 4, tal-Ftehim Indja - Żvezja;

Artikolu 5, tal-Ftehim Indja – Renju Unit;

(ċ)

Sikurezza:

L-Artikolu dwar is-sikurezza maqbul bejn l-Indja u d-Danimarka fit-30 ta’ Novembru 2006

L-Artikolu dwar is-sikurezza maqbul bejn l-Indja u l-Finlandja fit-18 ta’ Mejju 2006

Appendiċi “C”, tal-Ftehim Indja - Greċja

Artikolu XI, tal-Ftehim Indja - Spanja

L-Artikolu dwar is-sikurezza maqbul bejn l-Indja u l-Iżvezja fit-30 ta’ Novembru 2006

Artikolu 7, tal-Ftehim Indja – Renju Unit

ANNESS III

Lista ta’ Stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim

(a)

Ir-Repubblika ta’ l-Islanda (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

(b)

Il-Prinċipat ta’ Liechtenstein (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

(ċ)

Ir-Renju tan-Norveġja (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

(d)

Il-Konfederazzjoni Żvizzera (taħt il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru).


Kummissjoni

15.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 273/18


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta l-14 ta’ Ottubru 2008

li timponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta' prodotti li fihom il-ħalib jew prodotti tal-ħalib li joriġinaw minn jew li jiġu kkunsinjati miċ-Ċina, u li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/757/KE

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6086)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/798/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53 (2), it-tieni sottoparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistipula l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta' emerġenza Komunitarji xierqa għal ikel u għalf importati minn pajjiż terz biex tkun imħarsa s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b'mod sodisfaċenti permezz ta' miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri individwali.

(2)

Dan l-aħħar il-Kummissjoni Ewropea ġiet mgħarrfa li nstabu livelli għolja ta' melamina fil-ħalib tat-trabi u fi prodotti oħra tal-ħalib fiċ-Ċina. Il-melamina hija kimika intermedjarja wżata fil-manifattura ta' reżini amminiċi u plastik u tintuża bħala monomeru u bħala addittiv għall-plastik. Il-livelli għolja ta' melamina fl-ikel jistgħu jirriżultaw f'effetti serji ħafna fuq is-saħħa.

(3)

L-importazzjonijiet ta' ħalib u ta' prodotti tal-ħalib, inkluż it-trab tal-ħalib, li joriġinaw miċ-Ċina mhumiex permessi fil-Komunità; Madankollu, ċerti prodotti kompożiti (jiġifieri prodotti li fihom, fl-istess waqt, prodott ipproċessat li joriġina mill-annimali u prodott li ma joriġinax mill-annimali) li fihom komponenti ta' ħalib ipproċessat setgħu waslu fis-swieq tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Minkejja li t-tagħrif fattwali jindika li mhu importat l-ebda prodott kompożitu li huwa maħsub għall-użi nutrizzjonali partikolari tat-trabi jew tfal żgħar, ċerti prodotti kompożiti bħal dawn, skond il-formulazzjoni speċifika tagħhom u b'mod partikolari l-proporzjon ta' kontenut tal-prodott tal-ħalib, setgħu ġew ippreżentati għall-importazzjoni mingħajr ma għaddew minn kontrolli sistematiċi fuq il-fruntieri skond id-Deċiżjoni tal-kummissjoni 2007/275/KE tas-17 ta’ April 2007 li tikkonċerna l-listi ta' annimali u prodotti li għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli fil-postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntieri skond id-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE u 97/78/KE (2). Meta jitqies li tali prodotti jirrappreżentaw is-sors primarju, u f'xi każijiet uniku, ta' nutriment għat-trabi u t-tfal żgħar, huwa xieraq li tiġi pprojbita l-importazzjoni fil-Komunità ta' kull prodott ta' dan it-tip li joriġina miċ-Ċina. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk jinstab kwalunkwe prodott bħal dan fis-suq għandu jinqered mingħajr dewmien.

(5)

Fir-rigward ta' prodotti kompożiti oħra (bħal gallettini u ċikkulata), li huma biss parti żgħira minn dieta varjata, wara talba mill-Kummissjoni Ewropea għal evalwazzjoni tar-riskji relatati mal-preżenza ta' melamina fi prodott kompożitu, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ħarġet stqarrija li fiha qed tikkonkludi li l-ogħla riskju jkun irrappreżentat mill-agħar xenarju possibbli li skontu tfal b'konsum għoli ta' kuljum ta' gallettini u ċikkulata li fihom l-ogħla proporzjon ta' trab tal-ħalib (li jvarja bejn 16 % u aktar minn 20 %), b'kontaminazzjoni ugwali għall-ogħla livell misjub fit-trab tal-ħalib miċ-Ċina, jistgħu potenzjalment jaqbżu l-limitu tollerat tal-konsum ta' kuljum (LTK) ta' melamina (0.5 mg/kg ta' piż tal-ġisem).

(6)

Biex jaffrontaw ir-riskju għas-saħħa li jista' jirriżulta minn espożizzjoni għall-kontenut ta' melamina ta' prodotti kompożiti bħal dawn, l-Istati Membri huma obbligati skond id-Deċiżjoni tal-kummissjoni 2008/757/KE (3) li jiżguraw li l-prodotti kompożiti kollha li fihom mill-inqas 15 % ta' prodott tal-ħalib, li joriġinaw miċ-Ċina, jiġu ttestjati b'mod sistematiku qabel l-importazzjoni fil-Komunità u li l-prodotti kollha bħal dawn li ntwera li fihom il-melamina li taqbeż it-2,5 mg/kg jinqerdu minnufih. Il-melamina minn sorsi differenti, bħalma huma migrazzjoni minn materjali ta' kuntatt tal-ikel, użu tal-pestiċida, eċċ. tista' tkun preżenti fl-għalf u l-ikel. Meta tittieħed inkunsiderazzjoni d-dejta disponibbli ta' okkorrenza, il-livell ta' 2,5 mg/kg huwa l-livell xieraq biex jiddistingwi bejn il-preżenza insinifikanti inevitabbli fl-isfond tal-melamina u adulterazzjoni inaċċettabbli. Dan il-livell iwieġeb ukoll għall-ħtieġa li jiġi żgurat marġinu kbir ta' sikurezza. L-Istati Membri rrappurtaw diffikultajiet sinifikanti rrappurtati biex jiġi stabbilit il-kontenut eżatt ta' ħalib jew ta' prodott tal-ħalib ta' prodotti kompożiti. B'konsegwenza ta' dan, il-valur ta' 15 % huwa fil-biċċa l-kbira mingħajr rilevanza biex jiġi deċiż jekk kunsinna hijiex soġġetta għal rekwiżiti ta' kontroll qabel l-importazzjoni. Għalhekk biex jiġu integrati u ssimplifikati l-proċeduri ta' kontroll, huwa xieraq li jiġi stabbilit ir-rekwiżit ta' kontrolli irrispettivament mill-ammont eżatt ta' ħalib jew ta' prodotti ta' ħalib fi prodotti kompożiti.

(7)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-prodotti kompożiti li diġà huma preżenti fil-Komunità jiġu ttestjati b'mod xieraq u jekk ikun meħtieġ, jiġu rtirati mis-suq. L-ispejjeż tat-testijiet għall-importazzjoni u tal-miżuri uffiċjali meħuda fir-rigward ta' prodotti misjuba li mhumiex konformi mal-livell massimu kkonċernat għandu jeħilhom l-operatur tan-negozju tal-għalf u l-ikel responsabbli għall-prodotti.

(8)

Biex il-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta mill-ġdid fi żmien propizju kemm huma xierqa dawn il-miżuri, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati mhux favorevoli permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf u għandhom jirrapportaw ir-riżultati favorevoli kull ġimagħtejn.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni hija skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

HAS ADOPTED THIS DECISION:

Artikolu 1

Artikolu 1 Għall-iskopijiet ta' din id-Deċiżjoni, referenzi għaċ-Ċina għandhom jinftiehmu bħala għar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Artikolu 2

Il-miżuri ta' kontroll

1.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-importazzjoni fil-Komunità ta' prodotti kompożiti li fihom il-ħalib jew prodotti tal-ħalib, maħsuba għall-użu nutrizzjonali partikolari tat-trabi u t-tfal żgħar skond it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE (4) dwar ikel għal użi nutrizzjonali partikolari, li joriġinaw jew jiġu kkunsinjati miċ-Ċina. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li kwalunkwe prodott bħal dan li jinstab fis-suq wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni se jiġi rtirat minnufih u se jinqered.

2.   L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli dokumentati, fiżiċi u ta' identità, inkluża analiżi tal-laboratorju, fuq il-kunsinni kollha li joriġinaw fiċ-Ċina jew ikkunsinnati minnha ta' prodotti kompożiti, inkluż l-għalf, li fihom prodotti tal-ħalib.

L-Istati Membri jistgħu jwettqu kontrolli aleatorji qabel l-importazzjoni ta' prodotti oħra tal-għalf u l-ikel li għandhom kontenut għoli ta' proteina li joriġinaw miċ-Ċina.

Dawn il-kontrolli għandhom b'mod partikolari jimmiraw li jaċċertaw li l-livell ta' melamina, jekk hemm, ma jaqbiżx it-2,5 mg/kg ta' prodott. Il-kunsinni għandhom jinżammu sakemm joħorġu r-riżultati tal-analiżi tal-laboratorju.

3.   Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, se jitwettqu f'punti ta' kontroll speċifikament magħżula mill-Istat Membru għal dak l-iskop. L-Istati Membri għandhom jagħmlu lista ta' punti ta' kontroll disponibbli għall-pubbliku u jikkomunikawha lill-Kummissjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull riżultat mhux favorevoli tal-analiżi tal-laboratorju msemmija fil-paragrafu 2 permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf. Dawn għandhom jirrapportaw lill-Kumissjoni r-riżultati favorevoli kull ġimagħtejn.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-prodotti msemmija fil-paragrafu 2, u prodotti tal-għalf u l-ikel b'kontenut għoli ta' proteina, kif xieraq, li diġà tqiegħdu fis-suq jiġu soġġetti għal livell xieraq ta' kontrolli bl-għan li jaċċertaw il-livell ta' melamina.

6.   Kull prodott li jinstab li fih melamina li taqbeż it-2,5 mg/kg ta' prodott, wara l-kontrolli mwettqa skond il-paragrafi 2 u 5, għandu jinqered mingħajr dewmien.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż li jintefqu fl-implimentazzjoni tal-paragrafu 2 jeħluhom l-operaturi responsabbli għall-importazzjoni, u li l-ispiża ta' miżuri uffiċjali meħuda fir-rigward ta' prodotti misjuba li mhumiex konformi ma' din id-Deċiżjoni jeħilha l-operatur tan-negozju tal-għalf u l-ikel responsabbli għal dak il-prodott.

Artikolu 3

In-notifika bil-quddiem

L-operaturi tan-negozju tal-għalf u l-ikel jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu notifika bil-quddiem lill-punt ta' kontroll imsemmi fl-Artiklu 2(3) tad-data u l-ħin stmat tal-kunsinni kollha li joriġinaw fiċ-Ċina jew li huma kkunsinnati minnha ta' prodotti, inkluż l-għalf, li fihom prodotti tal-ħalib.

Artikolu 4

Ir-reviżjoni tal-miżuri

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid regolarment fid-dawl tar-riżultati tal-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri.

Artikolu 5

Id-Deċiżjoni 2008/757/KE hija revokata.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 116, 4.5.2007, p. 9.

(3)  ĠU L 259, 27.9.2008, p. 10.

(4)  ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27.


15.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 273/s3


NOTA LILL-QARREJ

L-istituzzjonijiet iddeċidew li ma jikkwotawx aktar fit-testi tagħhom l-aħħar emenda ta' l-atti kkwotati.

Sakemm mhux indikat mod ieħor, l-atti mmsemija fit-testi ppubblikati hawn jirreferu għall-atti li bħalissa huma fis-seħħ.