ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

L 247

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 51
16 ta' Settembru 2008


Werrej

 

I   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 893/2008 ta’ l-10 ta’ Settembru 2008 li jżomm fis-seħħ dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ staple fibres tal-poliesteri li joriġinaw mill-Belarus, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mill-Arabja Sawdija u mill-Korea wara reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96

1

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 894/2008 tal-15 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

17

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 895/2008 tat-12 ta' Settembru 2008 li jemenda, għat-tlettax-il darba, ir-Regolament (KE) Nru 1763/2004 li jimponi ċerti miżuri restrittivi biex isostnu l-implimentazzjoni effettiva tal-mandat tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għal dik li qabel kienet il-Jugoslavja (ICTY)

19

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 896/2008 tal-15 ta’ Settembru 2008 li jffissa d-dazji ta’ l-importazzjoni fis-settur taċ-ċereali applikabbli mill-16 ta’ Settembru 2008

20

 

 

II   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

Kunsill

 

 

2008/725/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 2008 li taħtar membru Ġermaniż tal-Kumitat tar-Reġjuni

23

 

 

2008/726/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 2008 li taħtar membru Taljan tal-Kumitat tar-Reġjuni

24

 

 

2008/727/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 2008 li taħtar membru Slovakk u membru supplenti Slovakk tal-Kumitat tar-Reġjuni

25

 

 

2008/728/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 2008 li taħtar membru Belġjan u membru supplenti Belġjan tal-Kumitat tar-Reġjuni

26

 

 

Kummissjoni

 

 

2008/729/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2007 fuq il-każ C 53/06 dwar l-Għajnuna mill-Istat (ex N 262/05, ex CP 127/04), Investiment mill-belt ta’ Amsterdam f’netwerk fibre-to-the-home (FttH) (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6072)  ( 1 )

27

 

 

2008/730/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Settembru 2008 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, li huma magħmula, jew li ġejjin mis-sojja modifikata ġenetikament A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 4735)  ( 1 )

50

 

 

III   Atti adottati skond it-Trattat ta' l-UE

 

 

ATTI ADOTTATI SKOND IT-TITOLU V TAT-TRATTAT TA' L-UE

 

 

2008/731/PESK

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà CHAD/4/2008 tat-2 ta' Settembru 2008 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà CHAD/1/2008 dwar l-aċċettazzjoni ta' kontributi ta’ Stati terzi għall-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u r-Repubblika Ċentru-Afrikana u d-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà CHAD/2/2008 dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta' Kontributuri għall-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

54

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/732/PESK tal-15 ta’ Settembru 2008 li timplimenta l-Pożizzjoni Komuni 2004/293/PESK li ġġedded il-miżuri b'appoġġ għall-implimentazzjoni effettiva tal-mandat tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (TKIJ)

56

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/733/PESK tal-15 ta' Settembru 2008 li timplimenta l-Pożizzjoni Komuni 2004/694/PESK dwar iktar miżuri b'sostenn għall-implimentazzjoni effettiva tal-mandat tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (TKIJ)

63

 

 

 

*

Nota lill-qarrej (Ara paġna 3 tal-qoxra)

s3

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

16.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 247/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 893/2008

ta’ l-10 ta’ Settembru 2008

li jżomm fis-seħħ dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ staple fibres tal-poliesteri li joriġinaw mill-Belarus, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mill-Arabja Sawdija u mill-Korea wara reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3),

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ u suġġetti għal reviżjoni

(1)

Il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 428/2005 (2) impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ staple fibres tal-poliesteri (“FDP” kif definiti f’aktar dettall fil-premessa (15)) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”) u mill-Arabja Sawdija u emenda r-Regolament (KE) Nru 2852/200 (3) li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ staple fibres tal-poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea (“Korea”). Fit-8 ta’ Lulju 2008, il-Qorti tal-Prim’Istanza, sa ċertu punt annullat l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2005, fir-rigward ta’ dazju anti-dumping impost fuq l-esportazzjonijiet fil-Komunità Ewropea ta’ oġġetti prodotti u esportati mill-kumpanija Koreana Huvis Corp (4).

2.   Miżuri skaduti u suġġetti għal reviżjoni

(2)

Il-Kunsill permezz tar-Regolament (KE) Nru 1799/2002, impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ FDP li joriġinaw mill-Belarus (5). Il-miżuri imposti b’dak ir-Regolament skadew fil-11 ta’ Ottubru 2007.

3.   Investigazzjoni preċedenti rigward l-importazzjonijiet ta’ FDP li joriġinaw mill-Malażja u mit-Tajwan.

(3)

Wara l-irtirar tal-ilment, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2007/430/KE (6) (“id-Deċiżjoni ta’ terminazzjoni”) itterminat proċedura kontra d-dumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ FDP li joriġinaw mill-Malażja u mit-Tajwan (“l-investigazzjoni preċedenti”). Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, it-terminazzjoni tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet mill-Malażja u mit-Tajwan ġiet meqjusa li ma tmurx kontra l-interess tal-Komunità.

4.   L-investigazzjoni preżenti

(4)

Wara li ddeterminat li kien hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-miżuri fis-seħħ f’dak iż-żmien ma setgħux ikunu xierqa aktar minħabba li ż-żamma tagħhom fis-seħħ tista’ tkun kontra l-interess tal-Komunità, fit-30 ta’ Awwissu 2007 il-Kummissjoni, b’inizjattiva tagħha stess, permezz ta’ notifika ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (7) bdiet reviżjoni interim parzjali tal-miżuri fis-seħħ f’dik id-data, applikabbli għal importazzjonijiet ta’ FDP li joriġinaw mill-Belarus, mill-Korea, mill-Arabja Sawdija u mir-RPĊ (“il-pajjiżi kkonċernati”). Ir-reviżjoni hija limitata għal eżaminar ta’ jekk l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri hijiex kontra l-interessi tal-Komunità jew le, bid-deċiżjoni fuq din possibilment ikollha effett retroattiv mit-22 ta’ Ġunju 2007, jiġifieri d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ terminazzjoni.

(5)

Kif imsemmi hawn fuq, il-miżuri anti-dumping imposti fuq importazzjonijiet li joriġinaw mill-Belarus skadew fil-11 ta’ Ottubru 2007. B’konsegwenza, ir-reviżjoni li tikkonċerna l-Belarus twaqqfet. Madankollu, din saret formalment sa dik id-data u l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod partikolari l-kwistjoni tar-revokar b’mod retroattiv tal-miżuri fis-seħħ bejn it-22 ta’ Ġunju 2007 u l-11 ta’ Ottubru 2007, jekk il-konklużjonijiet iwasslu għal dan.

5.   Partijiet ikkonċernati

(6)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-produtturi, lill-fornituri, lill-importaturi u lill-utenti kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-Komunità u lill-produtturi, lill-esportaturi u lir-rappreżentanti tal-pajjiżi kkonċernati bil-bidu tal-proċedura. Il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ.

(7)

Il-partijiet interessati li talbu dan u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu, ingħataw smigħ. Risposti sħaħ għall-kwestjonarji waslu mingħand 12-il produttur, 10 utenti, tliet importaturi, assoċjazzjoni Ewropea waħda tal-produtturi, assoċjazzjoni Awstrijaka-Ġermaniża waħda tal-produtturi, federazzjoni Ġermaniża waħda tal-utenti, żewġ assoċjazzjonijiet li jappartjenu għal din il-federazzjoni u assoċjazzjoni Ewropea waħda tal-utenti.

(8)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni rċeviet sottomissjonijiet minn produtturi, utenti u importaturi oħra li ma pprovdewx kwestjonarju mimli kollu.

(9)

Fost il-produtturi u l-utenti li pparteċipaw fl-investigazzjoni hemm żewġ gruppi integrati vertikalment li jipproduċu FDP (parti minnu jew kollu kemm hu) għall-konsum kaptiv.

(10)

Finalment, ressqu l-opinjonijiet tagħhom assoċjazzjoni waħda ta’ esportaturi Ċiniżi u żewġ esportaturi Koreani, megħjuna mill-Awtoritajiet tagħhom.

(11)

Esportaturi mill-Belarus u mill-Arabja Sawdija ma ressqux l-opinjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, l-ebda parti ma għamlet kummenti rigward il-miżuri relatati ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi.

(12)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li deherilha li hija meħtieġa sabiex tiddetermina jekk l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri tmurx kontra l-interessi tal-Komunità jew le. Iż-żjarat ta’ verifika saru fl-istabbilimenti tal-partijiet interessati segwenti:

(a)

Produtturi fil-Komunità

Silon (Ir-Repubblika Ċeka)

Trevira GmbH (Il-Ġermanja)

Advansa (Il-Ġermanja)

Wellman International Ltd (L-Irlanda)

(b)

Utenti fil-Komunità

PGI Nonwovens B.V (L-Olanda)

Libeltex BVBA (Il-Belġju)

Lück GmbH (Il-Ġermanja)

(ċ)

Utent u produttur fil-Komunità

ORV Manufacturing SpA (L-Italja)

(d)

Assoċjazzjonijiet tal-utenti

Gesamtverband Textil + Mode (Konfederazzjoni tal-Industrija tat-Tessuti u l-Moda Ġermaniża)

Edana (Applikazzjonijiet Ewropej li Jintremew Wara L-Użu u ta’ Applikazzjonijiet Mhux Minsuġa)

6.   Perjodu ta’ investigazzjoni

(13)

Il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni (“PIR”) kopra l-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2006 u t-30 ta’ Ġunju 2007. L-eżaminar tax-xejriet relevanti għall-valutazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2004 sa l-aħħar tal-PIR (il-“perjodu kkunsidrat”).

(14)

Jingħad li fl-investigazzjoni preċedenti, il-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2005 u l-eżaminar tax-xejriet relevanti għall-valutazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2005.

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

Prodott ikkonċernat

(15)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-istess bħal fl-investigazzjoni msemmija fil-premessi (1) sa (3): staple fibres tal-poliesteri mhux mirqudin, mimxutin jew inkella pproċessati għall-għażil. Fil-preżent, dan huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM 5503 20 00. Issir referenza għalih ġeneralment bħala staple fibres tal-poliesteri (“FDP”).

(16)

Il-prodott huwa materjal bażiku użat f’fażijiet differenti tal-proċess ta’ manifattura ta’ prodotti tat-tessut. Il-konsum ta’ FDP mill-Komunità jintuża jew għall-għażil, jiġifieri l-manifattura ta’ filamenti għall-produzzjoni ta’ tessuti mħallta ma’ fibri oħra bħall-qoton u suf jew għal applikazzjonijiet mhux minsuġin bħall-mili, jiġifieri l-mili jew l-ikkuttunar ta’ ċerti prodotti tat-tessut bħall-kuxxini, sedili tal-karozzi u ġkieket.

C.   SITWAZZJONI FIS-SUQ TAL-KOMUNITÀ

1.   Konsum fil-Komunità

(17)

Id-determinazzjoni tal-konsum totali tal-Komunità kienet ibbażata fuq l-istatistika tal-importazzjoni u l-esportazzjoni mill-Eurostat u l-produzzjoni tal-industrija tal-Komunità (kif definita fil-premessa (26)), u produtturi oħra fil-Komunità.

Tabella 1

Konsum tal-Komunità

2004

2005

2006

PIR

Volum (tunnellati)

834 141

843 579

822 509

823 667

Indiċi (2004 = 100)

100

101

99

99

(18)

Kif jidher fit-tabella hawn fuq, il-konsum ta’ FDP naqas kemmxejn fil-perjodu kkunsidrat. Din ix-xejra hija f’kuntrast ċar mas-sitwazzjoni eżaminata fl-investigazzjoni preċedenti fejn il-konsum tal-Komunità kif indikat fir-Regolament li jimponi dazji proviżorji (8) żdied bi 3 % waqt il-perjodu kkunsidrat f’dik l-investigazzjoni (2002-2005).

2.   Importazzjonijet mill-Belarus, ir-RPĊ, l-Arabja Sawdija u l-Korea: volum, sehem tas-suq u prezzijiet tal-importazzjoni

(19)

Il-volum tal-importazzjonijiet fil-Komunità mill-pajjiżi kkonċernati naqas bi 28 % bejn l-2004 u l-PIR u s-sehem tas-suq niżel minn 24.4 % għal 18 % filwaqt li l-prezzijiet żdiedu b’16 %. Id-data hija bbażata fuq statistika mill-Eurostat.

Tabella 2

Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

2004

2005

2006

PIR

Il-Korea

Volum (tunnellati)

122 260

108 407

111 967

133 574

Indiċi (2004 = 100)

100

87

92

109

Sehem tas-suq

15,1  %

13,2  %

14,1  %

16,9  %

Prezzijiet 000 EUR/Tunnellata

0,987

1,115

1,079

1,114

Indiċi (2004 = 100)

100

113

109

113

Ir-RPĊ

Volum (tunnellati)

45 713

38 103

2 283

8 935

Indiċi (2004 = 100)

100

83

5

20

Sehem tas-suq

5,7  %

4,6  %

0,3  %

1,1  %

Prezzijiet 000 EUR/Tunnellata

0,92

0,97

1,06

1,10

Indiċi (2004 = 100)

100

105

115

120

Il-Belarus

Volum (tunnellati)

1 771

153

81

43

Indiċi (2004 = 100)

100

8

4,5

2,4

Sehem tas-suq

0,2  %

0  %

0  %

0  %

Prezzijiet 000 EUR/Tunnellata

0,97

1,17

1,16

1,26

Indiċi (2004 = 100)

100

121

120

130

L-Arabja Sawdija

Volum (tunnellati)

27 805

6 433

450

72

Indiċi (2004 = 100)

100

23

2

0,3

Sehem tas-suq

3,4  %

0,8  %

0,1  %

0  %

Prezzijiet 000 EUR/Tunnellata

0,93

1,05

1,21

0,9

Indiċi (2004 = 100)

100

113

130

97

Total tal-pajjiżi kkonċernati

Volum (tunnellati)

197 549

153 096

114 781

142 624

Indiċi (2004 = 100)

100

77

58

72

Sehem tas-suq

24,4  %

18,7  %

14,5  %

18  %

Prezzijiet 000 EUR/Tunnellata

0,96

1,08

1,08

1,11

Indiċi (2004 = 100)

100

112

112

116

(20)

Iż-żieda qawwija fl-importazzjonijiet mill-Korea waqt il-PIR kienet dovuta b’mod ewlieni għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping proviżorji fuq importazzjonijiet mit-Tajwan fl-ewwel simestru tal-2007 (9). Kemm il-Korea kif ukoll it-Tajwan huma l-fornituri ewlenin tal-Low Melt Polyester (Poliester li Jdub Malajr) (“LMP”) u ta’ polyester Hollow Conjugated Siliconised (Poliesteri Konjugati Vojta Minn Ġewwa Silikonizzati) (“HCS”). Billi l-livell ta’ dazji proviżorji imposti fuq l-importazzjonijiet mit-Tajwan laħaq id-29,5 % għal ċerti kumpaniji, l-importaturi tal-Komunità ddeċidew li jakkwistaw l-LMP u l-HCS mill-Korea fejn il-livell ta’ dazji anti-dumping huwa sostanzjalment inqas.

3.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra: volum, sehem tas-suq u prezzijiet tal-importazzjoni

Tabella 3

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

2004

2005

2006

PIR

Volum (tunnellati)

171 633

225 748

278 392

256 291

Indiċi (2004 = 100)

100

132

162

149

Sehem tas-suq

21  %

28  %

35  %

32  %

Prezzijiet 000 EUR/Tunnellata

1,09

1,20

1,15

1,15

Indiċi (2004 = 100)

100

110

106

106

(21)

Waqt il-perjodu kkunsidrat, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra żdiedu b’49 %. Ir-raġuni għal din iż-żieda hija marbuta mal-impożizzjoni f’Marzu 2005 ta’ dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet mill-Arabja Sawdija u mir-RPĊ u r-revokar tal-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet mill-Indonesja, it-Tajlandja u l-Indja f’Ottubru 2006.

(22)

Għalhekk, fuq livell globali l-importazzjonijiet żdiedu minn ca. 370 KT għal ca. 400 KT matul il-perjodu. Jekk wieħed juża l-perjodu tal-investigazzjoni preċedenti bħala l-punt ta’ tluq, iż-żieda kienet minn ca. 380 KT għal ca. 400 KT.

D.   SITWAZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ

1.   Livell ta’ koperazzjoni

(23)

Waqt l-PIR, il-FDP kienu qegħdin jiġu mmanifatturati minn 19-il produttur fil-Komunità. Il-koperazzjoni mill-produtturi fil-Komunità kienet għolja ħafna f’din l-investigazzjoni. Fost id-19-il produttur fil-Komunità, 12-il produttur responsabbli għal 70 % tal-produzzjoni kkoperaw b’mod sħiħ. Produtturi oħrajn fil-Komunità għamlu sottomissjonijiet relatati mal-investigazzjoni iżda ma pprovdewx koperazzjoni sħiħa. Barra minn hekk, żewġ assoċjazzjonijiet tal-produtturi (CIRFS u IVC) (10) ukoll bagħtu l-kummenti tagħhom. Ma’ dawn, il-produtturi kollha tal-Komunità pprovdew informazzjoni fuq il-produzzjoni tagħhom. Jekk is-sottomissjonijiet kollha milqugħin (produtturi individwali u assoċjazzjonijiet) jiġu kkunsidrati, jista’ jiġi konkluż li l-produtturi tal-Komunità li jammontaw għal 88 % tal-produzzjoni tal-Komunità esprimew l-opinjonijiet tagħhom u huma kontra t-terminazzjoni tal-miżuri. Dan il-livell ta’ koperazzjoni huwa sostanzjalment ogħla minn dak fl-investigazzjoni preċedenti fejn tliet kumpaniji biss, responsabbli għal 25 % tal-produzzjoni tal-Komunità u assoċjazzjoni tal-produtturi waħda (CIRFS), ikkoperaw mal-Kummissjoni u sussegwentement irtiraw l-ilment.

(24)

Il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi ekonomiċi u l-indiċijiet kollha rilevanti li għandhom effett fuq is-sitwazzjoni tal-produtturi tal-Komunità.

2.   Definizzjoni ta’ produzzjoni tal-Komunità u l-industrija tal-Komunità

(25)

Kif indikat hawn fuq, waqt il-PIR, il-FDP kienu mmanifatturati minn 19-il produttur fil-Komunità. Dawn id-19-il produttur għalhekk jikkostitwixxu t-total tal-produzzjoni tal-Komunità fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(26)

Tnax-il produttur tal-Komunità (Advansa GmbH, Fibracat Europa S.L., Fidion S.r.l., Frana Polifibre SpA, Greenfiber International S.A., IMP Comfort Sp.z o.o., Märkische Faser, Nurel S.A., ORV Manufacturing SpA, Silon s.r.o., Trevira GmbH u Wellman International Ltd) ikkoperaw b’mod sħiħ fl-investigazzjoni. Waqt il-PIR huma pproduċew 347 640 tunnellata u huma responsabbli għal 70 % tal-produzzjoni tal-Komunità. Għalhekk irrappreżentaw proporzjon kbir tal-produzzjoni totali tal-Komunità tal-prodott ikkonċernat waqt il-PIR.

(27)

Għalhekk kien meqjus li t-12-il produttur tal-Komunità li kkoperaw b’mod sħiħ fl-investigazzjoni rrappreżentaw l-industrija tal-Komunità fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku. F’dan ir-Regolament issir referenza għalihom bħala “l-industrija tal-Komunità”.

3.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Komunità

Produzzjoni

(28)

Bejn l-2004 u l-PIR, il-produzzjoni u s-sehem tas-suq tal-industrija tal-Komunità evolvew kif ġej:

Tabella 4

 

2004

2005

2006

PIR

Volum tal-Produzzjoni (tunnellati)

317 450

307 043

321 127

347 640

Indiċi (2004 = 100)

100

97

101

110

Sehem tas-suq

36,9  %

32,4  %

38,6  %

41,8  %

(29)

Wara tnaqqis fl-2005, il-produzzjoni tal-Komunità żdiedet b’10 % meta mqabbla mas-sitwazzjoni fl-2004. Din iż-żieda hija marbuta inter alia mal-istabbiliment ta’ impjanti ġodda tal-FDP fil-Polonja u fir-Rumanija fl-2006. Huwa mistenni li l-produzzjoni se tkompli tikber fil-futur bit-tisħiħ tal-attivitajiet tal-impjanti l-ġodda msemmija hawn fuq u l-bidu ta’ impjant ieħor fil-Bulgarija b’kapaċità annwali ta’ bejn 12 000 u 14 500 tunnellata. Fir-rigward tas-sehem tas-suq, dan ukoll naqas fl-2005 u żdied fl-2006 u fl-2007. Jekk inqabblu din it-tabella mal-produzzjoni tal-industrija tal-Komunità tal-investigazzjoni preċedenti (kif definita fil-premessa (70) tar-Regolament li jimponi d-dazji proviżorji) (11) waqt il-perjodu kkunsidrat f’dik l-investigazzjoni (2002-2005), ix-xejra nbidlet. Tabilħaqq, bejn l-2002 u l-2005, il-produzzjoni ta’ dik l-industrija tal-Komunità naqset b’9 % filwaqt li waqt il-perjodu kkunsidrat f’din l-investigazzjoni, il-produzzjoni tal-industrija tal-Komunità żdiedet b’10 %. Rigward is-sehem tas-suq, is-sitwazzjoni hija differenti wkoll. Tabilħaqq, is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Komunità fl-investigazzjoni preċedenti naqset b’2.3 punti perċentwali filwaqt li fl-investigazzjoni preżenti, is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Komunità żdied bi kważi 5 punti perċentwali.

3.1.   Kapaċità ta’ produzzjoni u użu tal-kapaċità

(30)

Bejn l-2004 u l-2005 kien hemm tnaqqis ta’ 6 % fil-kapaċità. Mill-2006, il-kapaċità bdiet tiżdied u laħqet livell ta’ kważi 413 000 tunnellata waqt il-PIR (kważi 13 % ogħla mill-2004). Din iż-żieda kienet dovuta l-aktar għall-fatt li tnejn mill-produtturi li kkoperaw installaw żewġ impjanti ġodda fil-Polonja u r-Rumanija li bdew jaħdmu fl-2006. Rigward l-użu tal-kapaċità, dan naqas bi 2.4 punti perċentwali waqt il-perjodu kkunsidrat. Bi probabbiltà kbira, il-kawża ta’ dan it-tnaqqis kienet x’aktarx relatata mal-installazzjoni ta’ kapaċitajiet ġodda u mat-tnaqqis tal-konsum fil-Komunità. Data li tikkonċerna l-kapaċità tal-produzzjoni hija f’kuntrast qawwi ma’ data miksuba fl-investigazzjoni preċedenti fejn il-kapaċità tal-industrija tal-Komunità naqset b’9 % fil-perjodu kkunsidrat (2002-2005).

Tabella 5

 

2004

2005

2006

PIR

Kapaċità f’tunnellati

366 062

344 872

378 931

412 916

Indiċi (2004 = 100)

100

94

103,5

112,7

Użu tal-kapaċità

86,8  %

89,3  %

85  %

84,4  %

3.2.   Fatturat u kwantitajiet mibjugħin

Tabella 6

 

2004

2005

2006

PIR

Fatturat 000 EUR

391 259

388 502

403 189

443 540

Indiċi (2004 = 100)

100

99

103

113

Bejgħ fil-Komunità (tunnellati)

281 083

259 314

272 553

300 051

Indiċi (2004 = 100)

100

92

97

107

(31)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-fatturat tal-industrija tal-Komunità u l-kwantità ta’ FDP mibjugħ żdiedu bi 13 % u 7 % rispettivament. Dawn iż-żidiet huma marbuta mal-bidu tat-tħaddim ta’ żewġ impjanti ġodda fl-2006 fil-Polonja u fir-Rumanija. Jekk inqabblu din id-data ma’ dik tal-investigazzjoni preċedenti fejn kien hemm tnaqqis ta’ 1 % fil-volum ta’ bejgħ matul il-perjodu kkunsidrat, is-sitwazzjoni nbidlet radikalment u evidenza turi li l-industrija tal-Komunità għamlet sforz sinifikanti sabiex tlaħħaq mad-domanda.

3.3.   Il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-bejgħ

(32)

Il-prezz tal-bejgħ ta’ kull unità tal-industrija tal-Komunità fl-UE żdied b’6,2 % matul il-perjodu kkunsidrat (minn 1 392 EUR/tunnellata fl-2004 għal 1 478 EUR/tunnellata matul il-PIR). Madankollu, kien hemm tnaqqis żgħir fil-prezzijiet mill-2005. Il-prezz medju għola b’9,7 % (minn 1 388 EUR/tunnellata fl-2004 għal 1 523 EUR/tunnellata matul il-PIR). Din iż-żieda fl-ispejjeż kienet dovuta b’mod ewlieni għall-fatt li l-ispiża medja ta’ ħafna mill-materja prima (in fine dovuta għaż-żieda globali fil-prezz taż-żejt) żdiedet b’mod sostanzjali. Dawn iċ-ċifri juru li, sabiex ma titlifx is-sehem tas-suq, l-industrija tal-Komunità ma kinitx f’pożizzjoni li tkopri għal kollox l-ispiża tal-produzzjoni tagħha bil-prezzijiet tal-bejgħ tagħha. Iż-żidiet fil-prezzijiet tal-industrija tal-Komunità kienu ferm aktar moderati milli fl-investigazzjoni preċedenti fejn dawn għolew bi 12 % matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 7

 

2004

2005

2006

PIR

Prezz medju peżat (000 EUR/tunnellata)

1,39

1,50

1,48

1,48

Indiċi

100

107

106

106

Prezz medju peżat (EUR/tunnellata)

1,388

1,511

1,556

1,523

Indiċi (2003 = 100)

100

109

112

109,7

3.4.   Impjiegi u pagi

(33)

Il-livell tal-impjiegi mill-industrija tal-Komunità żdied bi 17,8 % bejn l-2004 u l-PIR u l-paga medja għal kull impjegat naqset b’10 %. Għalkemm il-produzzjoni ta’ FDP ma teħtieġx ħafna ħaddiema, iż-żieda fil-kapaċità u fil-produzzjoni kienu kkumplimentati b’żieda sostanzjali fin-numru ta’ impjiegi. Fl-investigazzjoni preċedenti, il-livell ta’ impjiegi naqas b’19 % matul il-perjodu kkunsidrat u l-ispiża tax-xogħol għal kull impjegat żdiedet b’aktar minn 30 %, għal darb’oħra sitwazzjoni totalment differenti.

Tabella 8

 

2004

2005

2006

PIR

Impjieg

1 743

1 660

1 944

2 053

Indiċi (2004 = 100)

100

95

111,5

118

Spiża medja tax-xogħol/impjegat fix-xahar

3 191

3 411

3 015

2 859

Indiċi (2004 = 100)

100

107

94

90

3.5.   Profittabbiltà

(34)

Il-profittabbiltà fuq il-bejgħ (12) tal-prodott ikkonċernat lill-konsumaturi mhux relatati fil-Komunità iddeterjorat sostanzjalment, kemm jekk il-punt ta’ tluq huwa l-2004 kif ukoll jekk huwa l-2005. Għalhekk is-sitwazzjoni ħżienet b’mod sostanzjali.

Tabella 9

 

2004

2005

2006

PIR

Profittabbiltà

0,3  %

–0,8  %

–5,4  %

–3,2  %

3.6.   Investimenti

Tabella 10

 

2004

2005

2006

PIR

Investimenti f’ 000 EUR

15 604

16 580

39 865

32 618

Indiċi (2003 = 100)

100

106

255

209

(35)

Bejn l-2004 u l-PIR, il-livell ta’ investimenti fl-industrija tal-Komunità żdied b’109 %. Sa ċertu punt, din iż-żieda hija spjegata bl-installazzjoni ta’ impjanti ġodda fil-Polonja u fir-Rumanija li bdew joperaw fl-2006.

3.7.   Konklużjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-produtturi

(36)

L-investigazzjoni kkonkludiet li, kuntrarju għall-każ imsemmi taħt premessa (3), l-industrija tal-Komunità qed tkabbar l-interess tagħha f’dan il-prodott u fil-produzzjoni tiegħu, u li l-vijabilità tiegħu kienet imsaħħa.

(37)

L-industrija tal-Komunità kienet kapaċi tkabbar is-sehem tagħha tas-suq bi kważi 5 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, din iż-żieda seħħet f’perjodu fejn il-konsum naqas b’aktar minn 1 %.

(38)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Komunità żdied b’6 % iżda kien hemm tnaqqis żgħir mill-2005 ‘l hawn. F’dan il-kuntest, irid jiġi kkunsidrat il-fatt li, kif spjegat fil-premessa (32) din iż-żieda fil-prezzijiet seħħet meta l-ispejjeż għolew b’10 %.

(39)

Barra minn hekk, kien hemm żieda sostanzjali f’dawk li huma impjiegi minħabba l-ftuħ ta’ żewġ impjanti ġodda (13). F’dak li għandu x’jaqsam mal-profittabbiltà, is-sitwazzjoni ħżienet f’dawn l-aħħar snin, għalkemm kien hemm titjib bejn l-2006 u l-PIR. Sabiex tkun tista’ żżomm il-pożizzjoni tagħha fis-suq, l-industrija tal-Komunità hija obbligata li tbigħ b’telf.

(40)

Wara li ġie kkunsidrat dan ta’ hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li, għalkemm l-industrija tal-Komunità ibbenefikat sa ċertu punt mill-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati, hija ma rkupratx mid-dumping tal-imgħoddi u għadha f’sitwazzjoni fraġili u vulnerabbli. Jekk il-miżuri jisparixxu, probabbli li l-importazzjonijiet fl-istess u/jew f’livelli miżjuda mill-pajjiżi kkonċernati jiggravaw is-sitwazzjoni.

4.   Żvilupp tal-importazzjonijiet jekk jitneħħew il-miżuri

4.1.   Kapaċitajiet mhux użati

(41)

Il-kapaċità addizzjonali fir-RPĊ tammonta għal madwar tliet miljun tunnellata li tikkorrispondi għal 3.5 darbiet il-konsum totali tal-Komunità. Din il-kapaċità addizzjonali żdiedet b’37 % mill-2005 ‘l hawn (is-sena meta ġew imposti l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ). Fil-każ tal-Korea, il-kapaċità addizzjonali matul is-sena li ġejja se tkun ta’ 114 000 tunnellata li tikkorrispondi għal 14 % tal-konsum totali tal-Komunità. Anki jekk parti minn din il-kapaċità addizzjonali tikkorrispondi għal kumpanija li għaliha japplika dazju anti-dumping ta’ 0 %, ħafna minnha tikkorrispondi għal kumpaniji li huma suġġetti għal dazji anti-dumping. Ma hemm l-ebda data disponibbli għall-Arabja Sawdija. Rigward il-Belarus, ma hemm l-ebda bżonn li ssir analiżi prospettiva fuq il-kapaċità addizzjonali billi l-miżuri skadew f’Ottubru 2007. Il-kapaċità addizzjonali ta’ dawn il-pajjiżi tista’ tkun diretta lejn il-Komunità jekk jitneħħew il-miżuri.

4.2.   Inċentivi sabiex il-volumi ta’ bejgħ jerġgħu jiġu indirizzati lejn il-Komunità

(42)

Uħud mill-ikbar swieq tal-esportazzjoni fid-dinja huma protetti minn dazji anti-dumping għal importazzjonijiet ta’ FDP li joriġinaw fir-RPĊ u l-Korea. Tabilħaqq, hemm dazji fuq importazzjonijiet mir-RPĊ fit-Turkija u l-Istati Uniti tal-Amerika u f’dawn tal-aħħar ilaħħqu sa 44,3 %. Barra minn hekk, l-esportazzjonijiet Koreani huma suġġetti għal dazji anti-dumping ta’ bejn 0 % u 24,6 %, fil-Ġappun, fit-Turkija, fil-Pakistan u fl-Istati Uniti. Jekk il-miżuri kkonċernati, kif imsemmija fil-premessa (4), jitneħħew, l-Unjoni Ewropea tkun wieħed fost l-aktar swieq importanti ta’ ċertu daqs li l-esportazzjonijiet lejh mir-RPĊ u mill-Korea ma jkunux suġġetti għal miżuri anti-dumping.

(43)

Ġie ddikjarat minn numru ta’ utenti, li r-RPĊ tiskoraġġixxi l-esportazzjoni ta’ materja prima bħall-FDP. Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Skont statistika disponibbli, il-fluss nett ta’ FDP fir-RPĊ (tqabbil bejn il-produzzjoni u l-konsum intern) qiegħed jiżdied b’mod qawwi u fis-snin li ġejjin mistenni jiżdied kif muri fit-tabella hawn taħt:

Tabella 11

 

2004

2005

2006

2007

2008

2009

Fluss nett (tqabbil tal-produzzjoni u l-konsum mill) 000 tunnellati

– 480

– 200

23

258

449

541

(44)

Dan huwa sinjal ċar li l-esportazzjonijiet tal-FDP mir-RPĊ qed jikbru u mistennija li jikbru fil-futur minkejja d-dikjarazzjoni li r-RPĊ tiskoraġġixxi l-esportazzjonijiet tal-FDP. Għalhekk l-argument huwa rifjutat.

4.3.   Politiki ta’ sourcing

(45)

Assoċjazzjoni ta’ utenti indikat li ħafna drabi produtturi ta’ ħjut u ħjut mhux minsuġ magħmul minn FDP għandhom interess ċar li jixtru fibri li joriġinaw fl-UE sabiex jipproduċu ħjut u ħjut mhux minsuġ oriġinali u jesportawhom lejn pajjiżi bi ftehim preferenzjali. Madankollu, id-data pprovduta mill-utenti fl-investigazzjoni preżenti turi li 85-100 % tal-fatturat tal-kumpaniji fis-settur tal-ħajt mhux minsuġ għal prodotti li jinkorporaw FDP isir permezz ta’ bejgħ fil-Komunità. Għalhekk, ir-regoli tal-oriġini għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi bi ftehim preferenzjali ma għandux ikollhom rwol sinifikanti għall-utenti tal-FDP meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-oriġini tal-prodotti fil-ħin li jiġu akkwistati. Fin-nuqqas ta’ evidenza li ssostni l-argument tal-assoċjazzjoni, l-argument huwa mwaqqa’.

4.4.   Konklużjoni dwar l-iżvilupp tal-importazzjonijiet jekk il-miżuri jiġu rrevokati

(46)

Għalhekk ġie konkluż li, meta wieħed jikkunsidra l-inċentivi osservati hawn fuq, hemm probabilità li jekk jitneħħew il-miżuri anti-dumping li hemm fis-seħħ, jiġu esportati kwantitajiet sostanzjali lejn il-Komunità.

5.   Konklużjoni fuq l-industrija tal-Komunità

(47)

L-industrija tal-Komunità għamlet sforz sostanzjali f’termini ta’ investimenti li ġew tradotti f’espansjoni sinifikanti. Is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Komunità inbidlet sostanzjalment f’dawn l-aħħar snin kif jidher b’mod partikolari bil-feġġa ta’ industrija ġdida fil-Polonja u r-Rumanija u l-espansjoni prevista fil-Bulgarija.

(48)

Minkejja dawn l-isforzi mġedda f’termini ta’ espansjoni u investimenti, madankollu xorta waħda għandu jiġi nnotat, kif iddikjarat qabel, li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Komunità f’termini ta’ profittabbiltà xorta għadha prekarja. Probabbilment ikun hemm kwantità sinifikanti ta’ importazzjonijiet li jkunu l-oġġett ta’ dumping li kieku kellhom jitneħħew il-miżuri anti-dumping.

(49)

Volumi kbar ta’ importazzjoni bi prezzijiet ta’ dumping iwasslu għal pressjoni addizzjonali fir-rigward tal-prezz fuq l-industrija tal-Komunità, tnaqqis fil-marġini tal-profitt u fil-profittabbiltà u żieda fit-telf. Dan jista’ jkollu bħala konsegwenza l-probabbiltà ta’ kanċellazzjoni ta’ investiment ieħor, tnaqqis fl-innovazzjoni, it-tnaqqir tal-pożizzjoni kompettittiva tal-industrija integrata, tnaqqis u għeluq.

(50)

Wara li jiġi kkunsidrat dan ta’ hawn fuq, li kieku l-industrija tal-Komunità kellha tkun esposta għal volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ, mill-Korea u mill-Arabja Sawdija bi prezzijiet tad-dumping u mingħajr miżuri, dan kien jikkawża aktar deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Għalhekk, fuq din il-bażi, huwa konkluż li t-tneħħija tal-miżuri tmur kontra l-interess tal-industrija tal-Komunità.

E.   UTENTI TAL-KOMUNITÀ

(51)

Is-suq għal prodotti li jinkorporaw FDP huma maqsumin f’(a) l-applikazzjonijiet tal-għażil (jiġifieri l-manifattura ta’ filamenti għall-produzzjoni ta’ tessuti wara t-taħlit jew le ma’ fibri oħra bħall-qoton u s-suf), (b) l-applikazzjonijiet mhux minsuġa: il-manifattura ta’ folji u nisġiet mhux maqlubin f’ħajt, eskluż il-karta u (ċ) l-applikazzjonijiet tal-mili (jiġifieri l-mili jew l-ikkuttunar ta’ ċerti oġġetti tat-tessut, eżempju l-kuxxini jew is-sedili tal-karozzi).

1.   Livell ta’ koperazzjoni tal-utenti tal-Komunità

(52)

Sittax-il utent industrijali bagħtu sottomissjonijiet relatati mal-investigazzjoni preżenti. Dawn jirrappreżentaw 17 % tal-konsum totali ta’ FDP mill-Komunità u madwar 13 % tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Madankollu, il-koperazzjoni totali waslet mingħand 10 utenti (14) biss, li jirrappreżentaw madwar 12 % tal-konsum totali ta’ FDP mill-Komunità (dawn l-utenti kollha li kkoperaw kompletament jappartjenu għas-setturi ta’ oġġetti mhux minsuġa u tal-mili). Fir-rigward tal-utenti l-oħra li kkoperaw parzjalment, wieħed biss jopera fis-settur tal-għażil.

(53)

Barra minn hekk, Gesamtverband Textil + Mode (il-federazzjoni Ġermaniża tal-industriji tat-tessuti li tirrappreżenta kemm is-settur tal-għażil kif ukoll dak tal-oġġetti mhux minsuġa), żewġ assoċjazzjonijiet li jappartjenu għal din il-federazzjoni: Industrieverband Garne-Gewebe-Technische Textilien e.V. (IVGT) u Verband der Deutschen Heimtextilien-Industrie e.V. u assoċjazzjoni Ewropea waħda li tirrappreżenta kumpaniji tas-settur ta’ oġġetti mhux minsuġa (EDANA) għamlu sottomissjonijiet sabiex jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tittermina l-miżuri eżistenti. L-utenti kollha msemmija hawn fuq huma membri ta’ waħda jew aktar minn dawn l-assoċjazzjonijiet. Ir-rappreżentanza ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet tikkorrispondi għal 30 % tal-konsum totali ta’ FDP mill-Komunità.

(54)

Il-livell ta’ koperazzjoni tal-utenti individwali f’din il-proċedura huwa ikbar minn dak fl-investigazzjoni preċedenti. Ta’ min wieħed jinnota li fl-investigazzjoni preċedenti l-utenti favur li ma jkunx hemm impożizzjoni tad-dazji biss (madwar 10 % tal-konsum totali) esprimew l-opinjonijiet tagħhom filwaqt li f’din il-proċedura, utenti li huma favur li jinżammu l-miżuri pparteċipaw ukoll.

2.   Argumenti mressqa mill-utenti.

2.1.   Utenti favur it-terminazzjoni

(55)

Utenti li jirrappreżentaw madwar 11 % tal-konsum totali ta’ FDP u 10 % tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati ressqu għadd ta’ argumenti kontra ż-żamma fis-seħħ tad-dazji. Dawn l-utenti kollha huma membri ta’ waħda jew aktar mill-assoċjazzjonijiet tal-utenti msemmija hawn fuq u li huma wkoll favur it-terminazzjoni. L-argumenti mressqa mill-utenti u l-assoċjazzjonijiet favur it-terminazzjoni huma eżaminati hawn taħt.

(56)

L-ewwel jiddikjaraw li huma kkonfrontati b’sitwazzjoni diffiċli minħabba kompetizzjoni li qed tiżdied fuq il-prodotti lesti tagħhom minn pajjiżi li mxew minn esportazzjonijiet ta’ FDP għal esportazzjonijiet ta’ prodotti mhux minsuġa (eż ir-RPĊ). Huma jargumentaw li f’każ ta’ terminazzjoni tal-miżuri eżistenti, huma jkollhom l-abilità li jġibu fibra aktar irħisa u għalhekk isiru aktar kompetittivi ma’ prodotti lesti li ġejjin mill-Ażja. Jekk il-prezz tas-suq ta’ FDP jonqos, huwa probabbli li jkun hemm żieda fil-profittabbiltà. Irid jiġi kkunsidrat il-fatt li l-konsumaturi tagħhom huma b’mod ewlieni discount chains u li għalihom, il-prezz baxx ħafna huwa deċiżiv u li l-marġini applikat għall-prodotti lesti huwa wieħed baxx ħafna.

(57)

Rigward dawn l-argumenti, ta’ min wieħed jiġbed l-attenzjoni li l-informazzjoni pprovduta mill-utenti li kkoperaw fl-investigazzjoni turi li s-sitwazzjoni tagħhom f’termini ta’ profittabbiltà ma nbidlitx minkejja l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping fl-2005 fuq FDP li joriġinaw mir-RPĊ u ż-żieda fl-importazzjonijiet ta’ oġġetti lesti minn dan il-pajjiż. Dan huwa dovut għall-fatt li l-impatt ta’ FDP fl-ispejjeż totali tagħhom ukoll baqa’ stabbli kif jidher fit-tabella hawn taħt:

Tabella 12

 

2004

2005

2006

PIR

Profittabbiltà

3,48  %

4,07  %

3,88  %

3,79  %

Spejjeż totali ta’ FDP bħala perċentwali tal-ispejjeż totali

22,3  %

24  %

24  %

24  %

(58)

Għalhekk is-sitwazzjoni hija differenti mill-investigazzjoni preċedenti fejn l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping ġodda, li f’ċerti każi jistgħu jilħqu t-30 %, bla dubju ta’ xejn ħalliet impatt ferm aktar negattiv fl-istruttura tal-ispejjeż tal-utenti ta’ FDP u l-possibbiltà li joffru offerti attraenti lill-klijenti tagħhom.

(59)

Barra minn hekk, il-fatturat tagħhom fil-Komunità relatat mal-prodotti li jinkorporaw FDP żdied b’aktar minn 10 % matul il-perjodu kkunsidrat kif indikat fit-Tabella 13:

Tabella 13

 

2004

2005

2006

PIR

Fatturat (000/EUR)

427 694

452 329

456 445

472 750

Indiċi: (2004 = 100)

100

106

107

111

(60)

Dawn iċ-ċifri juru li ż-żieda fl-importazzjonijiet tal-oġġetti lesti mir-RPĊ mill-2005 ‘l hawn ma ċaħħditx lill-utenti tal-FDP fil-Komunità milli jespandu u jbiegħu l-oġġetti tagħhom lill-bejjiegħa bl-imnut u jżommu l-marġini ta’ profitt tagħhom. Rigward l-impatt possibbli fuq il-prezzijiet finali mħallsa mill-konsumaturi, ma tpoġġa l-ebda argument f’dan ir-rigward filwaqt li fl-investigazzjoni preċedenti ġie konkluż li l-impożizzjoni ta’ dazji ġodda, li jistgħu jlaħħqu kważi 30 %, seta’ kellhom impatt fuq il-konsumaturi.

(61)

L-utenti favur it-terminazzjoni argumentaw ukoll li l-prezzijiet ta’ FDP qegħdin jiżdiedu fi ħdan il-Komunità minkejja li d-dollaru nieżel. Din id-dikjarazzjoni ma’ tikkorrispondix mad-data miksuba mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni. Minkejja li l-prezz tal-FDP għola f’daqqa fl-2005, wara, dan baqa’ stabbli kif jidher fit-Tabella 7 għall-FDP prodotti u mibjugħin fil-Komunità u fit-Tabella 14, għal FDP (15) importati:

Tabella 14

 

2004

2005

2006

2007

l-ewwel tliet xhur ta’ l-2008

Prezzijiet 000 EUR/Tunnellata

1,02

1,15

1,13

1,15

1,15

Indiċi (2004 = 100)

100

113

111

113

113

(62)

Jekk wieħed jikkunsidra dan ta’ hawn fuq, il-miżuri eżistenti ma jidhirx li kellhom impatt qawwi fuq l-ispejjeż u l-profittabbiltà tal-kumpaniji utenti.

(63)

It-tieni, l-utenti li huma kontra l-impożizzjoni tal-miżuri jindikaw li hemm differenza sostanzjali fil-livell tal-impjiegi fil-Komunità bejn is-settur li jikkonċerna l-produzzjoni ta’ FDP (madwar 3 000 ruħ) u l-industrija downstream (allegatament 70 000 ruħ).

(64)

Rigward din id-dikjarazzjoni, għalkemm iċ-ċifra ta’ 70 000 ruħ tidher li hija waħda esaġerata, wieħed ma jistax jiċħad li l-industrija tal-utent għandha bżonn aktar ħaddiema mill-industrija tal-produzzjoni. Meta wieħed jikkunsidra l-livell limitat ta’ koperazzjoni totali fost l-utenti (ċifri dwar l-impjiegi ntbagħtu biss mill-utenti li jammontaw għal 12 % tal-konsum totali ta’ FDP mill-Komunità) ma kienx possibbli għall-Komunità sabiex tikseb data eżatta dwar l-impjiegi. Madankollu, fit-Tabella 15 jidher li l-utenti li kkoperaw b’mod sħiħ fl-investigazzjoni jimpjegaw 5 009 persuni. Dan jindika li tal-inqas 40 000-45 000 ruħ ikunu involuti fil-produzzjoni ta’ oġġetti li jinkorporaw FDP. It-Tabella hawn taħt fiha wkoll indikazzjonijiet ta’ kif l-impjiegi evolvew fost l-utenti li kkoperaw:

Tabella 15

 

2004

2005

2006

PIR

Impjiegi

3 898

4 471

4 854

5 009

Indiċi (2004 = 100)

100

115

125

129

(65)

Għalkemm in-numru ta’ kumpaniji li kkoperaw huwa wieħed limitat, xorta waħda jista’ jiġi konkluż li d-dazji anti-dumping eżistenti ma pprevenewx l-impjiegi milli jikbru b’mod sostanzjali matul il-perjodu kkunsidrat. Għalhekk dan l-argument tal-utenti huwa rifjutat. Is-sitwazzjoni fl-investigazzjoni preċedenti kienet żgur differenti fejn l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping oħrajn, li jistgħu jilħqu t-30 % setgħu wasslu għal telf ta’ impjiegi fis-settur tal-utenti.

(66)

It-tielet, l-utenti msemmija f’din it-taqsima jindikaw li hemm domanda li qiegħda tikber fis-setturi tal-materjal mhux minsuġ u tal-mili għal żewġ tipi speċjali ta’ FDP: HCS u LMP (kif imsemmi fi premessa (20)) u li għalihom hemm produzzjoni limitata fil-Komunità filwaqt li fir-RPĊ u fil-Korea hemm kapaċitajiet kbar ta’ produzzjoni.

(67)

F’dan ir-rigward, skont l-aħjar estimi tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-informazzjoni mressqa mill-partijiet interessati, il-konsum totali ta’ FDP fil-Komunità waqt il-PIR huwa fil-medda ta’ 85 000-90 000 tunnellata u l-konsum totali ta’ HCS huwa fil-medda ta’ 65 000-70 000 tunnellata. L-industrija tal-Komunità bħalissa qiegħda tipprovdi 2 155 tunnellata ta’ LMP u 21 543 tunnellata ta’ HCS. Id-domanda għal dawn it-tipi ta’ FDP qiegħda dejjem tikber, u skont assoċjazzjoni tal-utenti, se jkun hemm żieda annwali ta’ 6 % għaż-żewġ tipi fis-snin li ġejjin.

(68)

Il-produtturi ta’ FSP fil-Komunità jiddikjaraw li l-produzzjoni ta’ dawn l-“ispeċjalitajiet” fil-Komunità hija limitata għax il-livell eżistenti ta’ prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping ma jippermettulhomx li jżidu l-produzzjoni. Skont id-data miġbura f’din l-investigazzjoni, il-kapaċitajiet għal HCS u LMP fl-industrija tal-Komunità matul il-perjodu kkunsidrat evolvew kif ġej:

Tabella 16

 

2004

2005

2006

PIR

Kapaċità tal-industrija tal-HCS tal-Komunità

67 050

46 550

61 550

61 550

Indiċi (2004 = 100)

100

69

92

92

Kapaċità tal-industrija tal-LMP tal-Komunità

32 050

32 050

32 050

32 050

Indiċi (2004 = 100)

100

100

100

100

(69)

Din it-Tabella turi li l-industrija tal-Komunità tkun f’pożizzjoni sabiex tkopri 88-95 % tad-domanda totali ta’ HCS u madwar 37 % tad-domanda totali ta’ LMP f’każ li l-prezzijiet jilħqu ċertu livell. Barra minn hekk, anki jekk l-industrija tal-Komunità tipproduċi kwantitajiet limitati minn dawn l-“ispeċjalitajiet”, l-utenti jistgħu jġibuhom mill-Korea u mir-RPĊ b’dazji anti-dumping limitati (5,7 % biss mingħand Huvis fil-Korea u 4,9 % mingħand Far Eastern fir-RPĊ). Sa fejn hija kkonċernata l-possibilità li jinġiebu mit-Tajwan, ġie ddikjarat li l-produzzjoni ta’ FDP fit-Tajwan qiegħda tonqos u dan se jwassal għal żieda fil-prezzijiet jew skarsezza fil-provvista u jekk se tiġi sostitwita b’importazzjonijiet mir-RPĊ u l-Korea, il-prezz tal-impatt tad-dazji mħallsa għal dawn l-“ispeċjalitajiet” importati mir-RPĊ u l-Korea se jkun wieħed sostanzjali minħabba l-marġini ta’ profitt baxx tal-utenti tal-Komunità. Dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu aċċettati. Fuq naħa, anki jekk il-produzzjoni ta’ FDP fit-Tajwan qiegħda tonqos, il-kapaċità addizzjonali mistennija li tiżdied (il-kapaċità addizzjonali mistennija għall-2008 hija ta’ madwar 122 000 tunnellata u għall-2009 150 000 tunnellata). Bħala konklużjoni, m’huwiex ċar li jista’ jkun hemm skarsezza strutturali ta’ dawn l-ispeċjalitajiet.

(70)

Rigward il-prezzijiet f’dawn l-“ispeċjalitajiet”, ma hemm l-ebda statistika uffiċjali iżda kif jidher fit-Tabella hawn taħt, skont id-data mogħtija mill-kumpaniji li kkoperaw, il-prezz ta’ HCS (inkluż id-dazji anti-dumping) żdied biss bi 2 % bejn l-2004 u l-PIR. Kien hemm ukoll tnaqqis sostanzjali fil-prezz fl-2006. Iż-żieda bejn l-2006 u l-PIR kienet aktarx dovuta għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping proviżorji fuq importazzjonijiet mit-Tajwan fl-ewwel simestru tal-2007. Rigward l-LMP, il-prezz tiegħu żdied bi 18 % matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 17

 

2004

2005

2006

PIR

Prezz HCS 000 EUR/Tunnellata

1,21

1,26

1,05

1,24

Indiċi (2004 = 100)

100

104

87

102

Prezz LMP 000 EUR/Tunnellata

1,31

1,44

1,43

1,54

Indiċi (2004 = 100)

100

110

109

118

(71)

Din id-data jeħtieġ li tiġi analizzata fir-rigward tal-impatt ta’ dawn l-ispeċjalitajiet fuq l-ispejjeż totali. Fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-utenti li kkoperaw, l-impatt ta’ HCS fuq l-ispejjeż totali tagħhom jammonta biss għal 1.98 % u l-impatt ta’ LMP jammonta biss għal 4.38 %. Jekk wieħed iżomm f’moħħu li l-profittabbiltà medja hija madwar 4 %, l-impatt fuq l-ispejjeż totali marbuta ma’ dawn l-“ispeċjalitajiet”, minkejja ż-żieda sostanzjali fil-prezz ta’ LMP, m’huwiex wieħed sinifikanti. Għalhekk din il-pretensjoni hija rifjutata.

(72)

Is-sitwazzjoni fl-investigazzjoni preċedenti kienet differenti fejn l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping ta’ kważi 30 % fuq l-importazzjonijiet ta’ LMP u HCS li joriġinaw mit-Tajwan u ż-żidiet fil-prezzijiet li kieku din kienet iġġib magħha għall-istess prodotti kien ikollhom impatt aktar sostanzjali fuq l-ispejjeż totali.

2.2.   Utenti kontra t-terminazzjoni

(73)

L-utenti li jirrappreżentaw madwar 6 % tal-konsum totali ta’ FDP mill-Komunità u 3 % tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati indikaw li t-terminazzjoni tal-miżuri thedded il-profittabbiltà tal-industrija downstream billi l-falliment tas-settur tal-FDP fl-UE jwassal għal żidiet fil-prezzijiet ta’ FDP fi żmien sentejn u konsegwentement wieħed jistenna żieda fl-importazzjonijiet ta’ oġġetti li fihom FDP.

(74)

Fid-dawl tal-argumenti żviluppati taħt D.4 hawn fuq (il-probabbiltà ta’ importazzjonijiet sostanzjali jekk il-miżuri jiġu revokati), mhux eskluż li dan jista’ jseħħ tassew, bir-riskji assoċjati għall-preservazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva.

3.   Konklużjoni

(75)

Wara li ġew ikkunsidrati l-fatturi ta’ hawn fuq, huwa konkluż li għalkemm ħafna mill-utenti li pparteċipaw fl-investigazzjoni jqisu li ż-żamma fis-seħħ ta’ dazji tmur kontra l-interessi tagħhom, l-investigazzjoni turi li t-tkomplija tal-miżuri ma jkollhiex effett negattiv sinifikanti fuq is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħhom. Barra minn hekk, kuntrarju għall-investigazzjoni preċedenti, l-utenti għandhom opinjonijiet varji dwar l-impatt tat-terminazzjoni possibbli tal-miżuri eżistenti fuq in-negozju tagħhom. Għalkemm, kif spjegat hawn fuq, ħafna minnhom talbu lill-Kummissjoni sabiex tneħħi d-dazji anti-dumping, fost dawk li kkoperaw fl-investigazzjoni hemm ukoll numru sostanzjali li huma kontra t-terminazzjoni tad-dazji.

F.   IMPORTATURI U NEGOZJANTI

(76)

Sitt importaturi/negozjanti għamlu sottomissjonijiet relatati ma’ din l-investigazzjoni fiż-żmien stipulat fl-Avviż ta’ Inizjazzjoni iżda tlieta biss (Saehan Europe, GSI Global Service International u Marubeni) ikkoperaw b’mod sħiħ u pprovdew tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha mressqa mill-Kummissjoni. Kollha huma kumpaniji li jagħmlu l-profitt u n-numru ta’ impjegati relatati mal-importazzjoni/negozju tal-prodott FDP huwa wieħed negliġibbli.

(77)

Ma jidhirx li ż-żamma fis-seħħ tad-dazji jista’ jkollha impatt negattiv fuq in-negozju tagħhom. Ħafna minnhom huma tal-opinjoni li huwa fl-interess tagħhom li jitwaqqfu l-miżuri imposti fuq l-importazzjonijiet mill-Korea iżda mhux fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ għaliex dan ikun jinvolvi fluss kbir ta’ prodotti u l-livell tal-prezzijiet jinżel kif ukoll il-marġini tagħhom. Fuq in-naħa l-oħra, skont l-opinjonijiet tagħhom, billi l-kapaċitajiet mhux użati tal-Korea huma aktar limitati minn dawk Ċiniżi, huma tal-opinjoni li l-impatt tal-importazzjonijiet Koreani fuq il-prezzijiet mhux se jkun ta’ detriment għan-negozju tagħhom.

(78)

Fuq din il-bażi, ġie konkluż li, kemm jekk jiġu ppreservati l-miżuri kif ukoll jekk le, b’mod ġenerali, l-attività tal-importaturi u n-negozjanti mhux se tkun affettwata b’mod sinifikanti.

G.   KUNSIDERAZZJONIJIET OĦRA

(79)

Il-produtturi tal-Komunità li allegatament jipproduċu 56 % tal-FDP minn materjal riċiklat argumentaw li l-importazzjonijiet ta’ FDP li huma l-oġġett ta’ dumping affettwaw b’mod ħażin il-profittabbiltà tal-kumpaniji ta’ riċiklaġġ; ġie ddikjarat ukoll li 425 000 ruħ huma impjegati fil-ġbir ta’ polyethylene terephthalate sabiex ifornu l-kumpaniji ta’ riċiklaġġ. F’dan ir-rigward, wieħed irid jinnota li r-riċiklaturi tal-fliexken PET ma kinux interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni minkejja l-istedina li saritilhom fl-Avviż ta’ Inizjazzjoni u l-kwestjonarji li ntbagħtulhom mill-Kummissjoni u li għalihom ma waslet l-ebda risposta. Min-naħa l-oħra, hemm domanda importanti u li qiegħda tikber għal fliexken PET riċiklati fl-Ażja u n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping mhux se jwaqqaf lir-riċiklaturi tal-fliexken PET milli jbiegħu l-prodotti tagħhom fis-suq globali. Konsegwentement dawn it-talbiet huma rifjutati.

(80)

Barra minn hekk, ġie indikat mill-produtturi tal-Komunità li l-produzzjoni ta’ staple fibres tal-poliesteri minn materjal riċiklat tuża inqas enerġija mill-proċess kimiku u t-trasport tal-FDP importati mill-Ażja jipproduċi emissjonijiet tal-karbonju. Konsegwentement, is-sostituzzjoni tal-produzzjoni tal-Komunità b’importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, b’mod partikolari dawk mir-RPĊ u mill-Korea jżidu l-emissjonijiet tal-karbonju u jitfgħu lura l-miri tal-UE dwar il-bidla fil-klima. F’dan il-kuntest f’kull eventwalità huwa nnutat li l-analiżi tal-interess tal-Komunità fil-proċeduri ta’ kontra d-dumping tiffoka fuq l-impatt ekonomiku tal-miżuri fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati u mhux relatati direttament mat-tħassib ambjentali.

(81)

Ma tressaq l-ebda argument rigward l-Arabja Sawdija (jew il-Belarus) li jiġġustifika l-konklużjoni li ż-żamma fis-seħħ tal-miżuri ma tkunx fl-interess tal-Komunità.

H.   KONKLUŻJONI

(82)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li l-produtturi ta’ FDP fil-Komunità, inkluż l-industrija tal-Komunità, qegħdin jibbenefikaw mill-miżuri fis-seħħ iżda xorta għadhom f’sitwazzjoni vulnerabbli. Matul il-perjodu kkunsidrat, kienu kapaċi jżidu s-sehem tas-suq, il-produzzjoni, il-kapaċità u l-livell tal-impjiegi tagħhom. Barra minn hekk għamlu sforzi sostanzjali fir-rigward ta’ investimenti, fetħu impjanti ġodda fil-Polonja, fir-Rumanija u fil-Bulgarija. Barra dan, Tegal, fornitur importanti fl-industrija tal-għażil, għeleb id-diffikultajiet finanzjarji tiegħu u skont l-informazzjoni mogħtija mill-kumpanija, minn Lulju 2007 ma għadux aktar taħt il-proċedura ta’ salvagwardja (“procédure de sauvegarde”). Madankollu, is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom għadha prekarja u ma jistgħux jiffaċċjaw influss f’daqqa ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Iż-żamma fis-seħħ tad-dazji se tkompli tipprovdi benefiċċji sostanzjali għall-industrija tal-Komunità u probabbli li tikkontribwixxi sabiex terġa’ tiġi vijabbli. Din is-sitwazzjoni hija f’kuntrast qawwi mal-istampa miksuba fl-investigazzjoni preċedenti fejn ġie konkluż li l-provvista ta’ FDP fis-suq tal-Komunità tista’ tkun problematika minħabba l-konverżjoni industrijali ta’ kumpanija waħda (La Seda) sabiex iżżid il-produzzjoni tagħha fi prodotti oħra, il-falliment ta’ produttur ieħor (Pennine Fibers) u d-diffikultajiet finanzjarji preċedenti ta’ Tergal.

(83)

Rigward l-utenti u l-importaturi, id-dazji anti-dumping eżistenti fuq importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati ma heddewx il-vijabilità u l-kapaċità tagħhom li jespandu. Għalhekk, jekk il-miżuri jitwaqqfu, kwalunkwe vantaġġ għall-utenti u l-produtturi x’aktarx li jkun wieħed limitat, minħabba li d-dazji anti-dumping ma kellhomx effett sinifikanti fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom. Kuntrarju għal din il-konklużjoni, l-analiżi tal-investigazzjoni preċedenti wriet li l-impożizzjoni ta’ dazji ġodda kontra d-dumping li jistgħu jilħqu kważi 30 %, kien ikollha impatt fuq il-prezzijiet tal-FDP, b’mod partikolari tal-HCS u l-LMP, u li potenzjalment setgħet titfa’ għadd sostanzjali ta’ utenti f’diffikultajiet finanzjarji.

(84)

Għalhekk ġie konkluż li l-vantaġġi limitati possibbli sabiex jitgawdew mill-utenti u mill-importaturi ta’ FDP fil-Komunità li kieku kellhom jitneħħew id-dazji, ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-iżvantaġġi serji għall-industrija tal-Komunità.

(85)

Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li t-terminazzjoni tal-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati minħabba l-interess tal-Komunità ma tkunx waħda ġustifikata.

I.   APPLIKAZZJONI TAL-PRINĊIPJU TA’ NONDISKRIMINAZZJONI

(86)

Numru ta’ partijiet interessati ressqu argument li l-miżuri anti-dumping ma jistgħux jiġu imposti fuq bażi diskriminatorja, kif stabbilit fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku li jgħid li “għandu jiġi impost dazju anti-dumping fl-ammonti xierqa f’kull każ, fuq bażi mhux diskriminatorja fuq importazzjonijiet ta’ prodott li jinstab mibjugħ taħt il-prezz mis-sorsi kollha u li jkun qiegħed jikkawża ħsara, …”. Ġie indikat ukoll li dan il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa wkoll prinċipju fundamentali tal-liġi tad-WTO.

(87)

Skont il-partijiet interessati li jinvokaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, l-importazzjonijiet ta’ FDP mit-Tajwan u l-Malażja nstabu li kienu l-oġġett ta’ dumping u jikkawżaw ħsara fir-Regolament (KE) Nru 2005/2006. Ġie ddikjarat li “ir-raġuni għaliex dawn iż-żewġ sorsi ta’ importazzjonijiet ta’ FDP ma kinux suġġetti għal dazji anti-dumping mhix għax il-Kummissjoni kienet sussegwentement se ssib li l-importazzjonijiet ta’ FDP mill-Malażja u t-Tajwan ma kinux l-oġġett ta’ dumping jew li ma kinux qed jikkawżaw ħsara….”. Barra minn hekk, kien hemm l-argument li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tkomplix timponi miżuri anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ FDP mill-Malażja u mit-Tajwan mit-22 ta’ Ġunju 2007 minkejja li dawn l-importazzjonijiet instabu li kienu l-oġġett ta’ dumping u li kienu qegħdin jikkawżaw ħsara, għandha l-effett li tinvalida l-impożizzjoni kontinwa ta’ dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ FDP minn pajjiżi oħra.

(88)

L-ewwel, qiegħed jiġi enfasizzat li fil-każ tal-Malażja u t-Tajwan l-ilment kien irtirat u li ma saret l-ebda sejba definittiva mill-Kunsill rigward l-adegwatezza tal-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping. Bħala riżultat, ma hemm l-ebda diskriminazzjoni.

(89)

It-tieni, in-natura tat-testijiet legali rigward l-interess tal-Komunità skont l-Artikolu 9(1) (applikabbli fil-każ tat-Tajwan u l-Malażja) u 21 (applikabbli fil-każ preżenti) tar-Regolament bażiku hija differenti. Skont tal-ewwel, it-test huwa jekk fil-preżent, il-bilanċ tal-interessi huwiex daqshekk pożittiv li l-Kummissjoni għandha tkompli l-proċeduri ex officio anki fin-nuqqas ta’ lment b’evidenza. Skont tal-aħħar, it-test huwa jekk il-bilanċ tal-interessi huwiex daqshekk negattiv li l-miżuri jeħtieġu jitwaqqfu. Għalhekk in-natura differenti tat-testijiet timplika li ma jistax ikun hemm diskriminazzjoni.

(90)

It-tielet, anki f’sitwazzjoni ipotetika ta’ deċiżjoni definittiva meħuda mill-Kunsill li tikkonċerna n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ FDP li joriġinaw mill-Malażja u mit-Tajwan, f’dan il-każ ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni, dejjem jekk il-prinċipju msemmi huwa applikabbli biss jekk jintlaħqu konklużjonijiet simili għal investigazzjonijiet differenti li jikkonċernaw l-istess prodott. Fi kliem ieħor, konformità mal-prinċipju ta’ ebda diskriminazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 9(2) tal-ftehim tad-WTO dwar Anti-dumping tirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx ikunu ttrattati b’mod differenti, u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx ikunu ttrattati bl-istess mod. Kif spjegat hawn fuq, il-fatti u l-konklużjonijiet fl-investigazzjoni attwali huma radikalment differenti mill-fatti u l-konklużjonijiet fil-każ tal-Malażja u t-Tajwan u, konsegwentement, iż-żewġ sitwazzjonijiet ma humiex komparabbli.

(91)

Wara li ġie ikkunsidrat dak li hawn imsemmi hawn fuq, it-talbiet imressqa fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huma rifjutati.

J.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(92)

Il-partijiet kollha ġew informati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom hemm il-ħsieb li jiġi rrakkomandat li l-miżuri eżistenti jinżammu. Dawn ingħataw ukoll perjodu sabiex jagħmlu r-rappreżentazzjonijiet sussegwenti għal dan l-iżvelar.

(93)

Fuq il-bażi tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, ġie konkluż li skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ir-reviżjoni interim għandha titwaqqaf u d-dazji anti-dumping eżistenti imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ FDP prodotti u esportati lejn il-Komunità Ewropea mill-pajjiżi kkonċernati għandhom jinżammu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu Waħdieni

Ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli fuq importazzjonijiet ta’ staple fibres tal-poliesteri (FDP) li joriġinaw mill-Belarus, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Arabja Sawdija u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina normalment iddikjarati taħt il-Kodiċi NM 5503 20 00, hija permezz ta’ dan terminata mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri anti-dumping fis-seħħ.

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 71, 17.3.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 332, 28.12.2000, p. 17.

(4)  Il-Każ T-221/05

(5)  ĠU L 274, 11.10.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 160, 21.6.2007, p. 30

(7)  ĠU C 202, 30.8.2007, p. 4

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2005/2006 tat-22 ta’ Diċembru 2006 li jimponi dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ fibri sintetiċi tal-poliesteri ta’ qisien ta’ qosor predeterminat (FDP) li joriġinaw mill-Malażja u t-Tajwan (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 65).

(9)  Ara n-nota 8 f'qiegħ il-paġna.

(10)  CIRFS (“Il-Kumitat Internazzjoniali tar-Rayon u tal-Fibri Sintetiċi”, il-korp rappreżentattiv tal-industrija Ewropea tal-fibra magħmula mill-bniedem) u IVC (Industrievereinigung Chemiefaser e.V., Assoċjazzjoni tal-Industriji Ġermaniżi u Awstrijaċi tal-Fibri Magħmulin mill-Bniedem).

(11)  Ara n-nota 8 f'qiegħ il-paġna.

(12)  Il-profittabbiltà għal kumpaniji b’operazzjonijiet li għadhom jibdew u li jsiru waqt jew f’parti mill-perjodu ta’ investigazzjoni ma ġietx ikkunsidrata sabiex jiġu evitati ineżattezzi possibbli fiċ-ċifri.

(13)  Fl-2005 produttur wieħed tal-Komunità fir-Renju Unit falla, iżda impjanti ġodda ibbażati fil-Polonja u r-Rumanija ikkumpensaw għat-telf fil-produzzjoni u fl-impjiegi minħabba dan il-falliment.

(14)  Libeltex, ORV, PGI Nonwovens, Ziegler, Tharreau, Sandler, Frankenstolz, Lück, TWE Vliesstoffwerke u IMP Comfort.

(15)  Sors: Eurostat. L-assoċjazzjoni tal-produtturi qalet ukoll li f’Ġunju 2008 kien hemm żieda f’daqqa fil-prezzijiet meta mqabbel ma’ Ġunju 2007. Din iż-żieda f’daqqa tikkorrispondi mal-prezzijiet f’dollari iżda jekk nikkunsidraw il-prezzijiet f’EUR dawn baqgħu stabbli.


16.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 247/17


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 894/2008

tal-15 ta’ Settembru 2008

li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu ta’ l-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi ta' l-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi ta' l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-16 ta’ Settembru 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 15 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss ta' l-importazzjoni

0702 00 00

MK

26,9

TR

68,0

ZZ

47,5

0707 00 05

EG

162,5

JO

156,8

MK

43,3

TR

140,9

ZZ

125,9

0709 90 70

TR

92,6

ZZ

92,6

0805 50 10

AR

78,8

TR

104,3

UY

47,5

ZA

82,2

ZZ

78,2

0806 10 10

IL

248,7

TR

94,9

US

110,9

ZZ

151,5

0808 10 80

AR

92,1

AU

195,4

BR

74,2

CL

83,3

CN

78,4

NZ

103,9

US

102,0

ZA

80,0

ZZ

101,2

0808 20 50

AR

76,1

CN

63,1

TR

144,3

ZA

99,4

ZZ

95,7

0809 30

TR

123,8

US

157,7

ZZ

140,8

0809 40 05

IL

122,2

MK

22,0

TR

77,6

XS

64,2

ZZ

71,5


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


16.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 247/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 895/2008

tat-12 ta' Settembru 2008

li jemenda, għat-tlettax-il darba, ir-Regolament (KE) Nru 1763/2004 li jimponi ċerti miżuri restrittivi biex isostnu l-implimentazzjoni effettiva tal-mandat tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għal dik li qabel kienet il-Jugoslavja (ICTY)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1763/2004 li jimponi ċerti miżuri restrittivi biex isostnu l-implimentazzjoni effettiva tal-mandat tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għal dik li qabel kienet il-Jugoslavja (ICTY) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(a) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1763/2004 jelenka l-persuni li jaqgħu taħt l-iffriżar ta' fondi u riżorsi finanzjarji skond dak ir-Regolament.

(2)

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li temenda dak l-Anness, filwaqt li tikkunsidra Deċiżjonijiet tal-Kunsill li jimplimentaw il-Pożizzjoni Komuni 2004/694/PBSK dwar aktar miżuri b'appoġġ għall-implimentazzjoni effettiva tal-mandat tal-ICTY (2). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/733/PBSK (3) tal-15 ta' Settembru 2008 timplimenta dik il-Pożizzjoni Komuni. L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1763/2004 għandu għaldaqstant jiġi emendat f’dan is-sens,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1763/2004 hu emendat kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Eneko LANDÁBURU

Direttur Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni


(1)  ĠU L 315, 14.10.2004, p. 14.

(2)  ĠU L 315, 14.10.2004, p. 52.

(3)  Ara paġna 63 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS

Il-persuna li ġejja għandha titneħħa mill-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1763/2004:

Karadžić, Radovan. Data tat-twelid: 19.6.1945. Post tat-twelid: Petnjica, Savnik, il-Montenegro, is-Serbia u l-Montenegro. Nazzjonalità: Il-Bożnija u Ħerzegovina


16.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 247/20


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 896/2008

tal-15 ta’ Settembru 2008

li jffissa d-dazji ta’ l-importazzjoni fis-settur taċ-ċereali applikabbli mill-16 ta’ Settembru 2008

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1249/96 tat-28 ta' Ġunju 1996 dwar regoli ta' applikazzjoni (dazju ta' importazzjoni fis-settur taċ-ċereali) għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 136(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi li, għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM 1001 10 00, 1001 90 91, ex 1001 90 99 [qamħ durum ta' kwalità għolja], 1002, ex 1005 minbarra ż-żrieragħ ibridi, u ex 1007 minbarra l-ibridu għaż-żrigħ, id-dazju ta' l-importazzjoni huwa daqs il-prezz ta' l-intervent li jgħodd għal dawn il-prodotti fil-waqt ta' l-importazzjoni, biż-żieda ta' 55 % u bit-tnaqqis tal-prezz ta' l-importazzjoni CIF applikabbli għall-kunsenja kkonċernata. Madankollu, dan id-dazju ma jistax jaqbeż ir-rata ta' dazji fit-Tariffa Doganali Komuni.

(2)

L-Artikolu 136(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi li, għall-finijiet tal-kalkolu tad-dazju ta’ l-importazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu msemmi, għall-prodotti kkonċernati kull tant żmien jiġu stabbiliti prezzijiet rappreżentattivi CIF għall-importazzjoni.

(3)

Skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1249/96, il-prezz li għandu jintuża għall-kalkolu tad-dazju ta' l-importazzjoni tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 1001 10 00, 1001 90 91, ex 1001 90 99 (qamħ durum ta' kwalità għolja), 1002 00, 1005 10 90, 1005 90 00 u 1007 00 90, huwa l-prezz rappreżentattiv ta' l-importazzjoni CIF tal-ġurnata stabbilit skond il-metodu pprovdut fl-Artikolu 4 tar-Regolament imsemmi.

(4)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti d-dazji ta' l-importazzjoni għall-perjodu mis-16 ta’ Settembru 2008, applikabbli sakemm jidħlu fis-seħħ dazji ta' l-importazzjoni ġodda.

(5)

Madankollu, f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2008 tas-26 ta' Ġunju 2008 li jwassal għal sospensjoni temporanja tad-dazji tad-dwana fuq l-importazzjoni ta’ ċerti ċereali għas-sena finanzjarja ta’ bejgħ 2008/2009 (3), l-applikazzjoni ta’ ċerti dazji ffissati b’dan ir-Regolament hija sospiża,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mis-16 ta’ Settembru 2008, id-dazji ta’ l-importazzjoni fis-settur taċ-ċereali msemmija fl-Artikolu 136(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 huma stipulati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament abbażi tal-fatturi msemmija fl-Anness II.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-16 ta’ Settembru 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 15 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 161, 29.6.1996, p. 125.

(3)  ĠU L 166, 27.6.2008, p. 19.


ANNESS I

Dazji ta’ l-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 136(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 applikabbli mis-16 ta' Settembru 2008

Kodiċi NK

Isem tal-merkanziji

Dazju ta' l-importazzjoni (1)

(EUR/t)

1001 10 00

QAMĦ iebes ta' kwalità għolja

0,00  (2)

ta' kwalità medja

0,00  (2)

ta' kwalità baxxa

0,00  (2)

1001 90 91

QAMĦ għaż-żrigħ

0,00

ex 1001 90 99

QAMĦ komuni ta' kwalità għolja, minbarra dak li hu taż-żrigħ

0,00  (2)

1002 00 00

SEGALA

0,00  (2)

1005 10 90

QAMĦIRRUM għaż-żrigħ minbarra dak ibridu

0,00

1005 90 00

QAMĦIRRUM minbarra dak taż-żrigħ (3)

0,00  (2)

1007 00 90

SORGU f'żerriegħa minbarra dik ibrida taż-żrigħ

4,22  (2)


(1)  Għall-prodotti li jaslu fil-Komunità mill-Oċean Atlantiku jew mill-Kanal ta' Suez (l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1249/96) l-importatur jista' jibbenefika minn tnaqqis ta' dazju ta':

EUR 3 kull tunnellata, jekk il-port fejn jsir il-ħatt jinsab fil-baħar Mediterran, jew ta'

EUR 2 kull tunnellata, jekk il-port fejn isir il-ħatt jinsab fl-Irlanda, fir-Renju Unit, fid-Danimarka, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja, fil-Finlandja, fl-Iżvezja jew fuq il-kosta Atlantika tal-Peniżola Iberika.

(2)  Skond ir-Regolament (KE) Nru 608/2008, l-applikazzjoni ta’ dan id-dazju hija sospiża.

(3)  L-importatur jista' jibbenefika minn tnaqqis fiss ta' EUR 24 kull tunnellata jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 1249/96 huma sodisfatti.


ANNESS II

Fatturi għall-kalkolu tad-dazji fl-Anness I

29.8.2008-12.9.2008

(1)

Medji fuq il-perjodu ta' referenza msemmi fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1249/96:

(EUR/t)

 

Qamħ (1)

Qamħirrum

Qamħ iebes kwalità għolja

Qamħ iebes, kwalità medja (2)

Qamħ iebes kwalità baxxa (3)

Xgħir

Borża

Minnéapolis

Chicago

Kwotazzjoni

223,83

152,19

Prezz FOB USA

305,61

295,61

275,61

127,68

Tariffa fuq il-Golf

13,93

Tariffa fuq l-Għadajjar il-Kbar

4,68

(2)

Medji fuq il-perjodu ta' referenza msemmi fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1249/96:

Merkanzija/Spejjeż Il-Golf tal-Messiku–Rotterdam

36,78  EUR/t

Merkanzija/Spejjeż L-Għadajjar il-Kbar–Rotterdam:

30,13  EUR/t


(1)  Tariffa pożittiva ta' EUR 14/t inkorporata [l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1249/96].

(2)  Tariffa negattiva ta' EUR 10/t [l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1249/96].

(3)  Tariffa negattiva ta' EUR 30/t [l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1249/96].


II Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

DEĊIŻJONIJIET

Kunsill

16.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 247/23


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Settembru 2008

li taħtar membru Ġermaniż tal-Kumitat tar-Reġjuni

(2008/725/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 263 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Ġermaniż,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Jannar 2006 l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2006/116/KE li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2006 sal-25 ta’ Jannar 2010 (1).

(2)

Wara r-riżenja tas-Sur Willi STÄCHELE sar vakanti post ta’ membru fil-Kumitat tar-Reġjuni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-persuna li ġejja hija hawnhekk maħtura membru tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, jiġifieri sal-25 ta’ Jannar 2010:

Prof. Dr Wolfgang REINHART, Minister for Federal and European Affairs, Baden-Württemberg.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiedħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Settembru 2008.

Ghall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)  ĠU L 56, 25.2.2006, p. 75.


16.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 247/24


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Settembru 2008

li taħtar membru Taljan tal-Kumitat tar-Reġjuni

(2008/726/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 263 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Taljan,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Jannar 2006, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2006/116/KE li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2006 sal-25 ta’ Jannar 2010 (1).

(2)

Post ta’ membru fil-Kumitat tar-Reġjuni sar vakanti wara li ntemm il-mandat tas-Sur Francesco SCOMA,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dan li ġej huwa b’dan maħtur fil-Kumitat tar-Reġjuni bħala membru għall-bqija tal-mandat attwali, li jibqa’ sejjer sal-25 ta’ Jannar 2010:

Is-Sur Francesco MUSOTTO, Deputato dell’Assemblea Regionali Siciliana.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)  ĠU L 56, 25.2.2006, p. 75.


16.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 247/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Settembru 2008

li taħtar membru Slovakk u membru supplenti Slovakk tal-Kumitat tar-Reġjuni

(2008/727/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 263 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Gvern Slovakk,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Jannar 2006, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2006/116/KE li taħtar il-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2006 sal-25 ta’ Jannar 2010 (1).

(2)

Post ta’ membru fil-Kumitat tar-Reġjuni tbattal wara r-riżenja tas-Sur Milan MURGAŠ. Post ta’ membru supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni sar disponibbli wara l-ħatra tas-Sur Vladimír BAJAN bħala membru tal-Kumitat tar-Reġjuni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dawn li ġejjin huma b’dan maħturin fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, jiġifieri sal-25 ta’ Jannar 2010:

(a)

bħala membru:

is-Sur Vladimír BAJAN, predseda Bratislavského samosprávneho kraja, (President tar-Reġjun Awto-Governanti ta’ Bratislava), (Bidla fil-Mandat)

(b)

bħala membru supplenti:

Mr Milan MURGAŠ, predseda Banskobystrického samosprávneho kraja (President tar-Reġjun Awto-Governanti ta’ Banskà Bystrica).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mill-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Settembru 2008.

Ghall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)  ĠU L 56, 25.2.2006, p. 75.


16.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 247/26


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Settembru 2008

li taħtar membru Belġjan u membru supplenti Belġjan tal-Kumitat tar-Reġjuni

(2008/728/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 263 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Gvern Belġjan,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Jannar 2006, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2006/116/KE li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2006 sal-25 ta’ Jannar 2010 (1).

(2)

Post ta’ membru fil-Kumitat tar-Reġjuni sar battal wara r-riżenja tas-Sinjura Joëlle KAPOMPOLÉ. Post ta’ membru supplenti sar battal wara l-ħatra tas-Sur Patrick LACHAERT bħala membru tal-Kumitat tar-Reġjuni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dawn li ġejjin huma b’dan maħturin fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, jiġifieri sal-25 ta’ Jannar 2010:

(a)

bħala membru:

Is-Sur Patrick LACHAERT, Vlaams Volksvertegenwoordiger (bidla fil-mandat)

u

(b)

bħala membru supplenti:

Is-Sur Marc VAN DEN ABEELEN, Vlaams Volksvertegenwoordiger.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Settembru 2008.

Ghall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)  ĠU L 56, 25.2.2006, p. 75.


Kummissjoni

16.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 247/27


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Diċembru 2007

fuq il-każ C 53/06 dwar l-Għajnuna mill-Istat (ex N 262/05, ex CP 127/04), Investiment mill-belt ta’ Amsterdam f’netwerk fibre-to-the-home (FttH)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6072)

(Il-verżjoni Olandiża biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/729/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subpremessa ta’ l-Artikolu 88 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62 (1) a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skond id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

F’April 2004, il-muniċipalità ta’ Amsterdam ikkuntattjat lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-aspetti tal-ksib pubbliku tat-tnedija ta’ netwerk ta’ aċċess ta’ telekomunikazzjonijiet FttH (fibre-to-the-home). Minbarra dan, il-muniċipalità talbet lill-Kummissjoni biex tikkonferma li l-proġett ma kienx jinvolvi għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni għarrfet lill-muniċipalità ta’ Amsterdam li tali konferma tista’ tingħata biss wara notifika tal-miżura mill-awtoritajiet Olandiżi. Il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Olandiżi tat-23 ta’ Lulju 2004 biex jipprovdu kull informazzjoni meħtieġa għal evalwazzjoni tal-miżura skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. L-awtoritajiet Olandiżi talbu għal estensjoni ta’ l-iskadenza f’Awwissu 2004, li kienet aċċettata mill-Kummissjoni nhar is-7 ta’ Settembru 2004.

(2)

F’Settembru 2004, l-awtoritajiet Olandiżi ltaqgħu mal-Kummissjoni biex jippreżentaw u jiddiskutu l-pjani tal-muniċipalità ta’ Amsterdam. Fis-7 ta’ Ottubru 2004, fir-risposta tagħhom għall-ittra tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 2004, l-awtoritajiet iddikjaraw li l-proġett f’Amsterdam ser ikun innotifikat fil-futur qrib. Fis-17 ta’ Mejju 2005, l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw il-proġett – il-parteċipazzjoni tal-muniċipalità ta’ Amsterdam f’intrapriża li twettaq it-tnedija u s-sjieda ta’ dan in-netwerk. L-awtoritajiet Olandiżi kienu qegħdin ifittxu konferma mill-Kummissjoni li l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam fl-entità legali li għandha n-netwerk huwa f’konformità mal-Prinċipju ta’ l-Investitur ta’ l-Ekonomija tas-Suq (“MEIP”) u għalhekk ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat.

(3)

Wara informazzjoni ulterjuri mibgħuta mill-awtoritajiet nhar it-23 ta’ Ġunju 2005, u laqgħa li saret nhar it-28 ta’ Ġunju 2005 bejn rappreżentanti tal-belt ta’ Amsterdam u l-Kummissjoni, fil-15 ta’ Lulju 2005 il-Kummissjoni bagħtet ittra li kienet tinkludi elementi ta’ spjegazzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ l-MEIP flimkien mat-tieni talba għall-informazzjoni.

(4)

F’ittra rreġistrata fit-18 ta’ Novembru 2005, l-awtoritajiet Olandiżi qalu li kien hemm dewmien fl-ippjanar u li l-muniċipalità ta’ Amsterdam kienet għadha qiegħda taħdem fuq l-istruttura tal-proġett u l-kundizzjonijiet ta’ l-investiment. L-awtoritajiet Olandiżi ddikjaraw li ser ikollhom bżonn aktar żmien sabiex jipprovdu l-informazzjoni mitluba u talbu lill-Kummissjoni biex tissospendi l-evalwazzjoni sakemm tkun disponibbli d-data kollha.

(5)

Il-muniċipalità ta’ Amsterdam għarrfet lill-Kummissjoni permezz ta’ e-mail irreġistrata fit-23 ta’ Diċembru 2005 li l-kunsill tal-Belt ta’ Amsterdam kien iddeċieda b’mod unanimu li jinvesti fit-tnedija tan-netwerk FttH u kompliet tgħid li n-negozjati ma’ BAM/DRAKA (għall-kostruzzjoni tan-netwerk) u ma’ BBned (għall-esplojtazzjoni tan-netwerk) u n-negozjati ma’ ING RE u ħames korporazzjonijiet tad-djar (ko-investituri) kienu kollha mibdija u għandhom jiġu ffinalizzati sa Jannar 2006.

(6)

Permezz ta’ ittra rreġistrata fis-27 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni rċeviet ilment li jirrigwardja l-proġett minn VECAI (l-assoċjazzjoni ta’ l-operaturi tal-kejbil fl-Olanda, li f’Settembru 2007 biddlet isimha għal “NLKabel”) (2). UPC Nederland BV (operatur tal-kejbil preżenti notevolment fl-Olanda, minn hawn ‘il quddiem: “UPC” (3) għarraf lill-Kummissjoni għall-ewwel darba dwar it-tħassib tiegħu f’Marzu 2005. Iż-żewġ partijiet – li magħhom saru diversi laqgħat – isostnu li l-parteċipazzjoni tal-muniċipalità m’hijiex f’konformità ma’ l-MEIP u tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(7)

Fit-3 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni bagħtet nota ta’ tfakkir lill-awtoritajiet Olandiżi, li fiha ssir referenza għall-istqarrija li saret mill-awtoritajiet Olandiżi f’Novembru 2005 illi ser tiġi pprovduta aktar informazzjoni ladarba jkun sar aktar progress fl-istruttura tal-proġett u li kien previst għar-Rebbiegħa ta’ l-2006. Il-Kummissjoni fakkret ukoll lill-awtoritajiet Olandiżi dwar l-obbligu ta’ waqfien ta’ l-Artikolu 88 (3) tat-Trattat tal-KE.

(8)

L-awtoritajiet Olandiżi wieġbu għall-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2006 fit-3 ta’ April 2006, u bagħtu informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Mejju 2006. Fid-19 ta’ Mejju 2006, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu ittra oħra lill-awtoritajiet Olandiżi, li fiha ssir referenza għall-informazzjoni rċevuta mingħand il-UPC li tqajjem dubji inizjali dwar l-applikazzjoni ta’ l-MEIP, waqt li reġgħu fakkru lill-awtoritajiet dwar l-obbligu ta’ waqfien (4).

(9)

L-awtoritajiet Olandiżi bagħtu aktar informazzjoni f’Mejju u f’Ġunju 2006 (5). Il-Kummissjoni bagħtet talba addizzjonali għall-informazzjoni lill-awtoritajiet Olandiżi fl-24 ta’ Lulju 2006, bħala tweġiba li għaliha l-awtoritajiet Olandiżi ppreżentaw diversi lottijiet ta’ informazzjoni (6). Wara talba addizzjonali għall-informazzjoni li saret fid-29 ta’ Settembru 2006, l-awtoritajiet talbu, fit-13 ta’ Ottubru 2006, għal estensjoni ta’ l-iskadenza biex ikunu jistgħu jwieġbu.

(10)

Sadanittant, it-tnedija tan-netwerk bdiet fit-12 ta’ Ottubru 2006 (7). Minħabba dawn l-iżviluppi, l-estensjoni ta’ l-iskadenza mitluba mill-awtoritajiet Olandiżi ġiet irrifjutata. L-awtoritajiet Olandiżi ssottomettew parti mit-tweġibiet tagħhom qabel l-iskadenza tas-26 ta’ Ottubru u ġie pprovdut ukoll ammont sostanzjali ta’ tagħrif fit-30 ta’ Ottubru, fis-16, fl-20 u fil-21 ta’ Novembru 2006.

(11)

Fi proċedura għal miżuri temporanji, il-UPC talab lill-Qorti tad-Distrett f’Amsterdam biex tordna lill-muniċipalità ta’ Amsterdam sabiex tirrispetta l-obbligu ta’ waqfien stipulat fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE u biex ma tipproċedix bil-proġett qabel ma l-Kummissjoni tkun iffinalizzat l-evalwazzjoni tagħha. It-talba minn UPC kienet imwarrba mill-Qorti tad-Distrett, li fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2006 ddikjarat li ma kienx ovvju li l-involviment tal-muniċipalità fil-proġett kien jinvolvi għajnuna mill-Istat. Skond il-Qorti, is-sempliċi fatt li l-muniċipalità bdiet il-proġett m’għandux jitqies bħala għajnuna mill-Istat. Minbarra dan, il-Qorti kkonkludiet li l-ispejjeż inizjali li daħlet għalihom Amsterdam (studji, eċċ.) għandhom jintraddu lura mill-intrapriża konġunta Glasvezelnet Amsterdam CV u għalhekk ma kienu jikkostitwixxu ebda għajnuna.

(12)

Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Settembru 2006, il-UPC għarraf lill-Kummissjoni li huwa kien appella d-deċiżjoni meħuda mill-Qorti Distrettwali. Il-muniċipalità ta’ Amsterdam (8) għarrfet lill-Kummissjoni f’Novembru 2006 li l-Qorti ta’ l-Appell ipproponiet lil UPC u lill-muniċipalità ta’ Amsterdam biex jistennew id-deċiżjoni tal-Kummissjoni qabel tingħata sentenza mill-Qorti. Iż-żewġ partijiet aċċettaw din il-proposta (9).

(13)

Permezz ta’ ittra datata l-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni għarrfet lill-Olanda li hija kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 88 (2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-miżura nnotifikata.

(14)

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Jannar 2007, l-awtoritajiet Olandiżi talbu biex jingħataw aċċess għal diversi dokumenti ppreżentati minn UPC u msemmija fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Permezz ta’ ittra rreġistrata fit-13 ta’ Frar 2007, il-UPC qabel li jaqsam id-dokumenti mitluba ma’ l-awtoritajiet Olandiżi, li ntbagħtu mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet.

(15)

Fit-18 ta’ Jannar 2007, il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Amsterdam (10) ma laqgħetx l-appell imressaq minn UPC Nederland kontra l-muniċipalità ta’ Amsterdam biex jitwaqqfu attivitajiet ulterjuri relatati mal-miżura. Il-Qorti ta’ l-Appell sabet li, għalkemm fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet ċerti dubji fir-rigward ta’ jekk l-MEIP kienx issodisfat, billi pprovdiet l-informazzjoni mitluba lill-Kummissjoni, il-muniċipalità ta’ Amsterdam għadha tista’ tipprova li l-miżura hija f’konformità ma’ l-MEIP u ma tikkostitwixxi ebda għajnuna. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti ta’ l-Appell dehrilha li kien possibbli li l-Kummissjoni tikkonkludi li ma kienet involuta ebda għajnuna. Il-Qorti sabet ukoll li l-muniċipalità tħossha mweġġgħa li kieku kellha twaqqaf l-attivitajiet kollha relatati ma’ GNA, waqt li UPC ma jsofrix b’mod sinjifikanti mill-attivitajiet preparatorji mwettqa minn Amsterdam.

(16)

Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Marzu 2007, il-UPC talab lill-Kummissjoni biex tagħtih aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali sottomessa mill-awtoritajiet Olandiżi u biex tistabbilixxi proċedura ta’ “kamra għall-ħżin tad-data (11) għall-miżura konċernata, sabiex ikun jista’ jevalwa l-affermazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Olandiżi biex ikompli jissostanzja l-ilment tagħhom. Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni għarrfet lill-UPC li l-proċeduri ta’ l-għajnuna mill-Istat ma jipprevenux aċċess għall-partijiet terzi għall-informazzjoni kunfidenzjali mitluba jew biex tiġi stabbilita proċedura ta’ “kamra għall-ħżin tad-data”.

(17)

L-awtoritajiet Olandiżi wieġbu permezz ta’ ittra rreġistrata fis-16 ta’ Marzu 2007 għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(18)

Wara diversi skambji ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi dwar kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità, il-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni tal-ftuħ intbagħtet lill-kwerelanti fit-23 ta’ April 2007 u konsegwentement ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (12). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

(19)

Wara l-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand ħames partijiet interessati, jiġifieri mingħand Liberty Global/UPC (13), Com Hem (14), Ono (15), France Telecom (16) u parti oħra li talbet li tibqa’ anonima (17). Permezz ta’ ittra rreġistrata fit-30 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti tat-tielet parti lill-awtoritajiet Olandiżi. L-awtoritajiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Settembru 2007.

(20)

Is-servizzi tal-Kummissjoni ltaqgħu ma’ rappreżentanti ta’ Liberty Global/UPC fil-5 ta’ Lulju 2007 u ma’ l-awtoritajiet Olandiżi fil-5 ta’ Novembru 2007. L-awtoritajiet Olandiżi ppreżentaw informazzjoni addizzjonali fid-9 ta’ Novembru 2007 u fit-12 ta’ Novembru 2007.

II.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

(21)

Fl-2004 il-muniċipalità ta’ Amsterdam iddeċidiet li tinvestiga l-possibbiltà li tinvesti f’netwerk ta’ aċċess ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fibre-to-the-home (FttH) (18). Wara rapporti, analiżi tas-suq u kuntatti preliminari li saru ma’ investituri potenzjali, f’Diċembru 2005 il-muniċipalità ddeċidiet b’mod formali dwar l-imsemmi investiment u l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jsir investiment bħal dan.

(22)

In-netwerk FttH ippjanat f’Amsterdam ser iservi 37 000 dar f’Amsterdam fid-distretti ta’ Zeeburg, Osdorp u Oost-Watergraafsmeer, li flimkien jikkomprendu madwar 10 % tal-belt ta’ Amsterdam. Il-muniċipalità ta’ Amsterdam esprimiet ukoll l-ambizzjoni tagħha fuq perjodu twil ta’ żmien li testendi l-proġett għal partijiet oħrajn ta’ Amsterdam, b’mhux inqas minn 400 000 dar konnessi flimkien. Madankollu, estensjoni potenzjali mis-37 000 dar li hemm bħalissa ma tagħmilx parti mill-proġett taħt evalwazzjoni.

Il-mudell bi tliet saffi

(23)

Il-proġett f’Amsterdam huwa bbażat fuq “mudell bi tliet saffi” kif muri hawn taħt.

Figura 1

Ħarsa ġenerali ssimplifikata tal-proġett ta’ Citynet Amsterdam

Image

(24)

L-ewwel saff huwa l-hekk imsejjaħ “infrastruttura ta’ netwerk passiv”, li jinkludi kanali, fibre u street cabinets.

(25)

Din l-infrastruttura passiva tiġi attivata permezz ta’ tagħmir ta’ telekomunikazzjonijiet (it-tieni saff jew “is-saff attiv”) minn operatur ta’ kummerċ bl-ingrossa li jimmaniġġja u jieħu ħsieb in-netwerk u jipprovdi servizzi ta’ kummerċ bl-ingrossa lil operaturi ta’ kummerċ bl-imnut. Is-saff attiv jinkludi s-sistemi ta’ immaniġġjar, kontroll u manutenzjoni meħtieġa biex jitħaddem in-netwerk, bħalma huma swiċċijiet, routers jew splitters.

(26)

L-operatur tal-kummerċ bl-ingrossa ser jipprovdi aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju lill-operaturi tal-kummerċ bl-imnut biex joffru servizzi tat-televiżjoni, tal-broadband, tat-telefonija u servizzi oħra bbażati fuq l-Internet lill-klijenti aħħarin (it-tielet saff jew “is-saff tal-bejgħ bl-imnut”). Sabiex ikunu jistgħu jipprovdu dawn is-servizzi, il-fornituri tas-servizzi bl-imnut ser ikollhom jinvestu, inter alia, fit-tagħmir, kontenut ta’ prokura u joperaw il-pjattaforma tas-servizz tagħhom stess (manutenzjoni, servizz ta’ għajnuna lill-klijenti u fatturazzjoni).

Il-partijiet interessati fil-proġett

(27)

L-infrastruttura passiva ser tkun ipposseduta u ġestita mill-isħubija Glasvezelnet Amsterdam cv (“GNA”) (19), li l-azzjonisti tagħha huma l-muniċipalità ta’ Amsterdam, żewġ investituri privati, jiġifieri ING Real Estate (minn hawn ‘il quddiem: “ING RE”) (20) u Reggefiber (21), u ħames sussidjarji ta’ korporazzjonijiet tal-housing soċjali (22). Fil-11 ta’ April 2006 ġie ffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni (“Samenwerkingsovereenkomst”) mill-partijiet u fis-26 ta’ Mejju 2006 ġie ffirmat il-ftehim ta’ l-investiment (“CV-overeenkomst”).

(28)

Il-muniċipalità ta’ Amsterdam tinvesti 6 miljun ewro, ING RE u Reggefiber jinvestu EUR 3 miljun kull wieħed, tliet korporazzjonijiet tal-housing soċjali jinvestu EUR 1,5 miljun kull waħda u żewġ korporazzjonijiet tal-housing jinvestu EUR 750 000 kull waħda (23). L-investiment ta’ l-ekwità totali jammonta għal 18-il miljun ewro. Minbarra dan, GNA ħadet self li jammonta għal EUR […] (*) mingħand […] (24). Il-baġit totali ppjanat għall-proġett jammonta għal EUR 30 miljun. Kif muri wkoll fil-Figura 1, il-muniċipalità ta’ Amsterdam għandha terz ta’ l-ishma ta’ GNA, iż-żewġ investituri privati flimkien għandhom terz ieħor, waqt li s-sussidjarji tal-korporazzjonijiet tal-housing għandhom it-terz ta’ l-ishma li jifdal.

(29)

L-infrastruttura passiva ta’ GNA ser tkun attivata u operata minn BBned (25) fuq il-bażi ta’ kuntratt bejn GNA u BBned ta’ […]. L-investimenti meħtieġa biex jiġi pprovdut l-aċċess bl-ingrossa iridu jsiru minn BBned. Bbned għandha tikri l-fibre mingħand GNA u jkollha l- – […] (26) – dritt li tipprovdi t-trasport u servizzi relatati bl-ingrossa lill-operaturi ta’ servizzi bl-imnut għar-riskju tagħha. Il-kumpanija għandha tħallas miżata għal kull dar konnessa mal-GNA għall-użu tan-netwerk passiv.

(30)

L-operatur tal-kummerċ bl-ingrossa ser jipprovdi aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju lill-operaturi tal-kummerċ bl-imnut biex joffru servizzi tat-televiżjoni, tat-telefonija u ta’ aċċess ta’ l-Internet broadband. Is-servizzi offruti bin-netwerk il-ġdid ser ikunu qegħdin jikkompetu ma’ offerti eżistenti ta’ kumpaniji tal-kejbil u t-telekomunikazzjonijiet bħal KPN u UPC. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, jidher li BBNed diġà ffinalizzat kuntratti ma’ diversi fornituri ta’ servizz bl-imnut li bdew joffru servizzi “triple play” (27) fuq in-netwerk tal-fibre tal-GNA lill-utenti aħħarin. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li BBned hija attiva wkoll, permezz tal-kumpaniji affiljati tagħha Pilmo u Bbeyond, fil-livell tal-kummerċ bl-imnut.

III.   RAĠUNIJIET BIEX TINBEDA PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(31)

Fl-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali billi l-awtoritajiet Olandiżi ma pprovdewx evidenza suffiċjenti għall-Kummissjoni biex tikkonkludi dwar il-konformità ta’ l-investiment mill-belt ta’ Amsterdam f’GNA ma’ l-MEIP. Il-Kummissjoni dehrilha li kien meħtieġ li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali kemm għal raġunijiet sostanzjali u wkoll għal raġunijiet proċedurali (28).

(32)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma kinitx konvinta li l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam f’GNA kien “konkomitanti”, jiġifieri twettaq fl-istess ħin ma’ l-investimenti privati minn ING RE u Reggefiber. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx konvinta li t-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-investiment mill-muniċipalità ta’ Amsterdam f’GNA kienu ugwali għat-termini u l-kondizzjonijiet li taħthom investew il-partijiet l-oħrajn. Dan it-tħassib ġej primarjament mill-fatt li l-muniċipalità ta’ Amsterdam nefqet il-flus fuq il-proġett Citynet qabel it-twaqqif ta’ GNA (l-hekk imsejħa “pre-investimenti”) (29). Fuq il-bażi ta’ l-evalwazzjoni preliminari li saret, il-Kummissjoni kellha wkoll dubji fir-rigward tal-fattibbiltà tal-pjan tan-negozju ta’ GNA. Għalhekk, f’dan l-istadju ma kienx possibbli li tiġi eskluża l-preżenza ta’ l-għajnuna mill-Istat.

(33)

Wara li jiġu kkunsidrati wkoll dawn id-diffikultajiet iffaċċjati, l-impatt ta’ l-għajnuna potenzjali mill-Istat fuq l-investimenti ta’ l-operaturi privati, il-ftuħ tal-proċedura kien iġġustifikat ukoll minħabba li l-awtoritajiet Olandiżi ma ppreżentawx l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni biex tkun tista’ tevalwa l-proġett.

(34)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali anki sabiex tagħti lill-awtoritajiet Olandiżi u l-partijiet terzi l-opportunità li jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-evalwazzjoni provviżorja tagħha tal-miżura deskritta u sabiex jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni rilevanti relatata mal-miżura.

IV.   KUMMENTI SOTTOMESSI MINN PARTIJIET TERZI

(35)

Il-UPC ssottometta l-kummenti tiegħu permezz ta’ ittra rreġistrata fis-17 ta’ Lulju 2007. Is-sottomissjoni tal-UPC ittenni l-pożizzjoni tiegħu espressa quddiem id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal proċeduri (30) li jgħidu li l-pjan tan-negozju tal-proġett Citynet huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet ekonomiċi mhux realistiċi, b’mod partikolari fir-rigward tar-rati ta’ penetrazzjoni u l-prezzijiet bl-ingrossa, biex b’hekk il-pjan tan-negozju ma jidhirx li huwa vijabbli kummerċjalment. Biex jissostanzja din l-affermazzjoni, il-UPC ppreżenta rapport imħejji minn kumpanija ta’ konsulenza, RBB Economics, li taġġorna rapporti oħrajn imħejjija mill-istess konsulenza dwar il-kwistjoni (31) li jiġu ppreżentati qabel il-ftuħ ta’ l-investigazzjoni formali (32).

(36)

Fir-rigward tal-vijabbiltà kummerċjali tal-proġett, il-UPC jisħaq li n-netwerk il-ġdid tal-fibre mhux ser jagħti ċ-ċans lill-operaturi joffru servizzi differenti b’mod sinjifikanti mis-servizzi offruti mill-operaturi kurrenti. Konsegwentement, u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-penetrazzjoni tal-broadband fiz-żoni li jridu jiġu koperti minn GNA diġà laħqet il-65 % tad-djar, in-netwerk il-ġdid tal-fibre jonqos milli jattira biżżejjed klijenti għas-servizzi tiegħu sabiex jagħmel il-pjan tan-negozju tiegħu wieħed vijabbli.

(37)

Sabiex isaħħaħ dan l-argument, il-UPC ssottometta figuri li jikkonċernaw ir-rati churn totali (33) għan-netwerk tal-kejbil tiegħu stess fir-rigward taz-żoni fejn GNA diġà qiegħda tipprovdi (34) servizzi ta’ triple play. Il-figuri churn ikopru l-perjodi mill-1 ta’ Jannar 2006 sa l-1 ta’ Ġunju 2007 fiz-żoni fejn qiegħed jintuża n-netwerk ta’ GNA. Il-figuri churn massimi jindikaw li r-rati ta’ penetrazzjoni tal-UPC għat-televiżjoni bil-kejbil analogu, l-aċċess għall-Internet, telefonija jew televiżjoni diġitali fiz-żoni konċernati kienu stabbli, u saħansitra kienu qegħdin jiżdiedu għall-aċċess ta’ l-Internet. Għalhekk, il-UPC josserva li ma hemm ebda indikazzjoni li kien hemm tnaqqis immarkat ta’ penetrazzjoni minħabba l-preżenza ta’ GNA.

(38)

Minbarra dan, il-UPC jisħaq li l-użu tal-fibre b’suċċess fil-bliet Olandiżi ta’ Nuenen u Hillegom (35) imressaq mill-awtoritajiet Olandiżi ma jistax jitqies bħala paragun xieraq mal-proġett ta’ Amsterdam, billi dawn il-proġetti allegatament irċivew sussidji sinjifikanti mingħand il-Ministeru Olandiż ta’ l-Affarijiet Ekonomiċi, in-netwerks jappartjenu flimkien għall-abitanti u l-operaturi, il-proġetti huma relattivament żgħar (36), u l-operaturi tal-broadband eżistenti offrew biss servizzi bażiċi ta’ broadband fiż-żewġt ibliet. Dan kien jikkuntrasta mas-sitwazzjoni f’Amsterdam, fejn offerti ta’ veloċità għolja huma disponibbli fuq in-netwerks eżistenti tal-kejbil u tat-telekomunikazzjonijiet.

(39)

Skond il-UPC, billi huwa improbabbli li l-pjan tan-negozju ta’ GNA ikun realistiku, l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam f’GNA m’huwiex skond l-MEIP u jammonta għal għajnuna mill-Istat. B’referenza għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ Appingedam (37), il-UPC itenni wkoll il-pożizzjoni tiegħu ta’ qabel li kwalunkwe għajnuna mill-Istat involuta fil-proġett ma tistax titqies bħala kompatibbli mat-Trattat billi din ma hi ser tkun la meħtieġa u lanqas proporzjonata.

(40)

Barra minn hekk, il-UPC jesprimi wkoll dubji dwar jekk l-investiment pubbliku f’GNA huwiex qed isir fuq termini ugwali ma’ l-investimenti ta’ l-azzjonisti l-oħrajn ta’ GNA. Il-UPC jsostni li l-fatt li l-muniċipalità ta’ Amsterdam wettqet ċerti pre-investimenti u azzjonisti oħrajn ta’ GNA iddeċidew li jikkommettu ruħhom li jipparteċipaw fil-proġett wara li l-muniċipalità wettqet ċerti studji ta’ fattibbiltà jindika li l-investiment ma sarx fuq termini ugwali mill-azzjonisti kollha, fatt li għandu jixħet aktar dubji fuq il-konformità tal-miżura fis-suq.

(41)

Fl-aħħarnett, il-UPC juri wkoll li jekk il-proġett ifalli, in-netwerk jista’ jinbiegħ bl-irħis lil operatur ieħor, li ma jkollux għaliex iġorr l-ispejjeż ta’ l-investiment sħiħ. Dan l-operatur għalhekk jista’ jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu billi jikkapitalizza fuq proġett iffinanzjat mill-pubbliku. Il-UPC jagħmel enfasi wkoll fuq l-allegat karattru preċedenti tal-miżura. F’każ li l-Kummissjoni ssib li l-miżura ma tikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat, muniċipalitajiet oħrajn jistgħu jsegwu l-eżempju ta’ Amsterdam fl-użu tan-netwerks FttH. Il-UPC jenfasizza li l-Ministeru Olandiż ta’ l-Affarijiet Ekonomiċi u kumpanija ta’ l-inġinerija, Arcadis (38) diġà żviluppaw kalkolazzjoni ta’ mudell tan-negozju (39) disponibbli għal kulħadd mingħajr ebda restrizzjoni fuq l-Internet u li allegatament qiegħed jinkoraġġixxi lill-muniċipalitajiet biex jiżviluppaw netwerks FttH tagħhom stess.

(42)

ONO, operatur tal-kejbil Spanjol li joffri servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u trażmissjoni tax-xandir, huwa ta’ l-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tapplika t-test ta’ l-MEIP strettament billi muniċipalitajiet oħrajn jistgħu jsegwu l-eżempju u jinvokaw l-MEIP fi proġetti simili li jistgħu jżidu l-proliferazzjoni tas-sussidji mill-Istat. ONO jasserixxi li l-intervent tal-pubbliku għandu jsir biss f’ċirkostanzi speċifiċi bħal fil-preżenza ta’ falliment fis-suq, fejn tiġi assigurata l-proporzjonalità tal-miżura u jiġi rispettat il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, li allegatament m’huwiex il-każ fil-miżura konċernata. Li kieku l-investiment ta’ Amsterdam ikkostitwixxa għajnuna mill-Istat, ONO jsostni li kwalunkwe għajnuna involuta tkun inkompatibbli mas-suq komuni, billi ċ-ċirkostanzi huma simili għal dawk ta’ Appingedam (40), u f’dak il-każ kwalunkwe għajnuna mogħtija tkun suġġetta għal obbligu ta’ rkupru. ONO juri l-allegat karattru preċedenti tad-deċiżjoni fuq il-mistoqsija dwar jekk u taħt liema kundizzjonijiet it-tnedija tan-netwerks FttH tista’ tiġi mgħejuna mill-fondi pubbliċi.

(43)

Il-kumpanija France Telecom (“FT”), l-operatur inkumbenti tat-telecom tal-linja tat-telefonija fissa fi Franza, għandha opinjoni simili għal dik ta’ UPC u ONO. Il-kumpanija tesprimi d-dubji tagħha fir-rigward ta’ jekk l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam fil-proġett Citynet huwiex skond l-MEIP. FT tappoġġja wkoll l-approċċ tal-Kummissjoni biex tiddistingwi l-miżuri ta’ l-għajnuna mill-Istat f’żoni “bojod”, “griżi” u “suwed”, li jiġi applikat mill-Kummissjoni meta twettaq l-evalwazzjoni tal-kompatibbilià fil-preżenza ta’ l-għajnuna (41). FT tasserixxi li kwalunkwe intervent mill-Istat f’żoni “suwed” (bħalma hi Amsterdam) jidher li huwa diffiċli jiġi ġġustifikat, billi dan jirriżulta fi tfixkil serju tal-kompetizzjoni. Skond l-FT, dan kien partikolarment il-każ għall-miżura konċernata, ladarba l-użu tan-netwerks ta’ aċċess tal-fibre jeħtieġu investimenti akbar mill-operaturi fis-suq.

(44)

Il-kummenti sottomessi minn COM HEM, operatur tal-kejbil Żvediż, jimxu fuq linja li tixbah lil dik ta’ l-operaturi l-oħrajn. Il-kumpanija COM HEM ġeneralment tiddubita mill-konformità fis-suq ta’ l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam. Fl-osservazzjonijiet tagħha, COM HEM issostni li l-fondi pubbliċi għal proġetti ta’ broadband f’żoni urbani rari jkunu skond l-MEIP u għandhom effetti distortivi qawwija fuq il-kompetizzjoni. COM HEM titlob ukoll għal applikazzjoni stretta ta’ l-MEIP u tagħmel enfasi fuq il-valur preċedenti tal-każ ta’ Amsterdam għal investimenti muniċipali u oħrajn fis-settur pubbliku li jista’ jkun hemm fil-ġejjieni.

(45)

Parti oħra li talbet li tibqa’ anonima, li tipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet f’diversi pajjiżi Ewropej, laqgħet b’merħba d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-kumpanija ssostni li l-investiment tagħha huwa pperikolat mill-inizjattivi tal-muniċipalitajiet li jagħmlu użu mill-fondi pubbliċi li għandhom effett distortiv fuq is-suq. Il-kumpanija tistenna li l-Kummissjoni tipprojbixxi kwalunkwe flus pubbliċi fil-proġett ta’ Citynet Amsterdam.

V.   KUMMENTI SOTTOMESSI MILL-AWTORITAJIET OLANDIŻI

(46)

Permezz ta’ ittra rreġistrata fis-16 ta’ Marzu 2007, l-awtoritajiet Olandiżi ssottomettew il-kummenti tagħhom b’konnessjoni mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Olandiżi pprovdew ukoll kummenti dwar verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ l-istudji mħejjija għall-UPC minn RBB.

(47)

F’kull parti tas-sottomissjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu l-pożizzjoni tagħhom li l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam f’GNA huwa konformi ma’ l-MEIP u għalhekk ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat.

V.1.   Kummenti sottomessi b’konnessjoni mad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura

Kummenti ġenerali

(48)

L-awtoritajiet Olandiżi jenfasizzaw li l-użu tal-fibre fuq skala kbira qiegħed jiġi attwat fl-Istati Uniti u fl-Asja, u li l-Ewropa, f’termini komparattivi, qiegħda tibqa’ lura. L-awtoritajiet jaffermaw li l-proġetti simili għal dak taħt evalwazzjoni huma ta’ benefiċċju għall-ekonomija Ewropea u huma għalkollox skond l-aġenda ta’ Liżbona (42).

(49)

L-awtoritajiet jagħmlu enfasi wkoll fuq il-mudell tan-negozju pro-kompetittiv ta’ GNA, li jipprovdi - kuntrarjament għall-mudell magħluq ta’ l-operaturi tal-kejbil – aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju għall-operaturi kollha ta’ bejgħ bl-imnut. Huma jsostnu li l-mudell tan-negozju l-ġdid, inter alia, jippromwovi l-kompetizzjoni tas-servizzi, jinkoraġġixxi l-innovazzjoni u jgħin biex jitnaqqas ir-riskju tal-fornituri tas-servizzi billi jagħtihom iċ-ċans li jużaw il-fondi li jaqblu mal-karatteristiċi ta’ kull saff individwali.

(50)

L-awtoritajiet Olandiżi jidhrilhom li l-partijiet interessati fil-proġett għandhom jipprovdu aktar evidenza li l-proġett ta’ GNA qiegħed isir fuq termini tas-suq. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet jagħmlu enfasi fuq il-fatt li żewġ investituri privati u s-sussidjarji kummerċjali tal-korporazzjonijiet tad-djar huma lesti li jipparteċipaw fil-proġett taħt l-istess termini u kundizzjonijiet bħall-muniċipalità. Huma jirreferu wkoll għall-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti miftuħa għall-kostruzzjoni tan-netwerk u għall-forniment ta’ servizzi bl-ingrossa tan-netwerk. Huma jkomplu jenfasizzaw li l-fatt li self bankarju sinjifikanti kien offrut lil GNA fuq termini tas-suq jikkostitwixxi evidenza ċara li l-proġett u l-pjan tan-negozju bażiċi huma bbażati fuq termini tas-suq prudenti.

(51)

L-awtoritajiet Olandiżi jenfasizzaw ukoll li għadd numeruż ta’ proġetti simili tal-fibre li rnexxew madwar l-Ewropa kollha u speċjalment fl-Olanda (43) mwettqa minn operaturi fis-suq jipprovdu evidenza suffiċjenti li tali investimenti jistgħu jibqgħu għaddejjin taħt kundizzjonijiet tas-suq normali.

Dwar il-pre-investimenti

(52)

Fir-rigward tal-pre-investimenti mill-muniċipalità ta’ Amsterdam, il-Kummissjoni nnotat fid-deċiżjoni tal-ftuħ li l-muniċipalità ħadet inizjattivi qabel stabbilixxiet il-GNA li dehret li marret lil hinn minn dak li tissuġġerixxi l-prattika tas-suq normali. Il-Kummissjoni esprimiet tħassib li l-pre-investimenti setgħu naqqsu r-riskji assoċjati mal-proġett għall-partijiet kollha li investew fih. Uħud mir-riskji tal-bidu tan-negozju li jsejjes il-pjan tan-negozju ta’ GNA setgħu ġew imnaqqsa jew imtaffija mill-muniċipalità ta’ Amsterdam qabel ma saru l-investimenti minn ING u Reggefiber fil-GNA. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Olandiżi qabel il-ftuħ ta’ l-investigazzjoni formali, ma jistax jiġi ċċarat jekk l-azzjonisti kollha f’GNA investewx taħt l-istess termini u kundizzjonijiet.

(53)

Fit-tweġiba tagħhom, l-awtoritajiet Olandiżi juru li fl-24 ta’ Mejju 2006 l-investituri kollha kkommettew ruħhom għall-investiment f’GNA fuq termini u kundizzjonijiet identiċi.

(54)

Fir-rigward tal-pre-investimenti (li jlaħħqu l-ammont ta’ EUR […]), l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-azzjonisti kollha ta’ GNA dejjem fehmu li l-pre-investimenti mill-muniċipalità ta’ Amsterdam kellhom jitħallsu lura minn GNA. Sabiex jissostanzjaw din id-dikjarazzjoni, l-awtoritajiet Olandiżi jiddistingwu bejn żewġ partijiet fil-pre-investimenti.

(55)

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ewwel parti, l-awtoritajiet Olandiżi jenfasizzaw li, għalkemm il-ftehimiet li jistabbilixxu l-GNA ġew iffirmati fl-24 ta’ Mejju 2006, li jorbtu lill-partijiet kollha għall-investiment ta’ EUR […], fl-ittri ta’ intenzjoni ta’ […], l-azzjonisti futuri ta’ GNA iddeċidew flimkien li jassenjaw somma flus ta’ EUR […] (VAT eskluż) għall-ispejjeż tat-tħejjija tal-proġett. Fost l-oħrajn, dan l-ammont kien ikopri wkoll l-ispejjeż tal-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti sabiex jintgħażel dak li ser jibni n-netwerk (BAM/Draka) u għall-operatur ta’ l-ingrossa (BBNed), ċerti spejjeż relatati mal-proċedura tan-notifika u ċerti attivitajiet ta’ tħaffir.

(56)

Fir-rigward tat-tieni parti tal-pre-investimenti (li jammontaw għal EUR […]), l-awtoritajiet Olandiżi sostnew li tali pre-investimenti huma għalkollox skond il-prattika tas-suq normali: l-investituri tas-suq prudenti għandhom isegwu l-istess prattika fi proġetti konġunti billi waħda mill-partijiet normalment ikollha tieħu l-irwol ta’ “investitur ewlieni”. L-awtoritajiet enfasizzaw ukoll li l-pre-investimenti mill-muniċipalità ta’ Amsterdam ma naqqsux ir-riskju tal-bidu ta’ l-investiment għall-azzjonisti l-oħrajn ta’ GNA.

(57)

L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu wkoll li l-pre-investimenti ma pprovdew ebda vantaġġ lil xi parti minnhom, għaldaqstant ma jistgħu jikkostitwixxu ebda għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87 (1) tat-Trattat tal-KE. Biex nieħdu eżempju, il-bidu ta’ ċerti attivitajiet ta’ tħaffir kien ikkawżat mill-fatt li xi xogħlijiet ċivili saru f’żoni li kienu importanti għall-kostruzzjoni futura tan-netwerk tal-GNA. Ladarba l-attivitajiet kollha tat-tħaffir huma kkoordinati f’Amsterdam, it-tħaffir ftit xhur wara kien ikun impossibbli, minbarra li kien jikkawża dewmien u spejjeż addizzjonali għal GNA.

(58)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li dawn l-ispejjeż kollha kienu nkorporati fil-pjan tan-negozju u li ma tfaċċaw ebda elementi ta’ spejjeż ġodda li ma kinux magħrufa mill-azzjonisti l-oħrajn ta’ GNA.

(59)

Sabiex tissostanzja dawn l-affermazzjonijiet, il-muniċipalità ta’ Amsterdam ippreżentat rapport imħejji minn Deloitte – ditta ta’ l-accounting – tat-18 ta’ Jannar 2007, li jivverifika r-rimborż tal-pre-investimenti. Ir-rapport jgħid li l-pre-investimenti msemmija fuq, li jammontaw għal EUR […] kienu interament rimborżati minn GNA fl-aħħar ta’ l-2006 b’interess iċċarġjat. L-awtoritajiet Olandiżi għarrfu lill-Kummissjoni li r-rata ta’ l-interess applikata (44) hija […]% skond il-liġi nazzjonali Olandiża (45), bl-interess jammonta għal EUR […] u li tħallsu nhar il-[…] minn GNA.

(60)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Olandiżi ma jqisux l-istudji ta’ fattibbiltà tagħhom stess bħala parti mill-pre-investimenti. Skond l-awtoritajiet Olandiżi, l-investituri tas-suq prudenti kollha għandhom jagħmlu dawn l-istudji. L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li dawn l-istudji setgħu ma naqqsux jew ma assorbewx parti mir-riskju tal-bidu għall-azzjonisti l-oħrajn ta’ GNA, billi l-azzjonisti potenzjali l-oħrajn iridu jsegwu wkoll l-istima tagħhom stess, filwaqt li jevalwaw ir-riskji u l-benefiċċji tagħhom mill-proġett.

(61)

Bl-istess mod, l-istudji tal-fattibbiltà ta’ l-azzjonisti l-oħrajn ta’ GNA (bħal ING RE’s jew Reggefiber’s) li saru qabel l-investiment f’GNA kienu ffinanzjati mill-partijiet rispettivi mingħajr ma ġew iċċarġjati lil GNA.

(62)

Għalhekk, l-awtoritajiet Olandiżi jasserixxu li d-dubji preliminari tal-Kummissjoni fir-rigward tal-“konkomitanza” u t-“termini u l-kundizzjonijiet identiċi” li joriġinaw mill-pre-investimenti tal-muniċipalità ta’ Amsterdam huma indirizzati sewwa mill-ispjegazzjonijiet imsemmija fuq li ġew ipprovduti u mir-rimborż ta’ l-ispejjeż rilevanti ffinanzjati minn qabel lil GNA.

Kummenti dwar id-dubji relatati mal-pjan tan-negozju tal-GNA

(63)

Fir-rigward tal-pjan tan-negozju tal-GNA, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-investimenti magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ l-MEIP jekk dawn isiru taħt l-istess termini u kundizzjonijiet bħal dawk magħmula minn investituri privati. Il-preżenza ta’ l-investituri privati għandha tiggarantixxi li l-proġett isir fuq termini tas-suq. Għalhekk, huma jsostnu li ma kienx strettament meħtieġ għall-Kummissjoni li tanalizza l-pjan tan-negozju ta’ GNA.

(64)

It-tieninett, l-awtoritajiet Olandiżi jqisu li s-suppożizzjonijiet kollha tal-pjan tan-negozju ta’ GNA ma kinux ottimistiċi, anzi pjuttost konservattivi.

(65)

B’mod aktar partikolari, fir-rigward ta’ l-indikaturi finanzjarji fil-pjan tan-negozju, fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni qablet l-indikaturi finanzjarji fil-mira mad-data komparattiva rilevanti li hija disponibbli għall-pubbliku, jiġifieri l-ispiża medja peżata tal-kapital (“WACC”) (46) ta’ kumpaniji ta’ l-istess livell (47). Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li kollox ma’ kollox, l-indikaturi finanzjarji fil-mira ta’ GNA ma jidhrux li m’humiex realistiċi, iżda huma dipendenti ħafna fuq il-ksib ta’ fatturi ta’ suċċess ewlenin. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li l-previżjonijiet għall-fatturi ta’ suċċess ewlenin tal-pjan tan-negozju aktarx li jkunu inċerti ħafna minħabba n-novità tal-proġett ta’ Amsterdam f’termini tat-teknoloġija wżata (teknoloġija tal-fibre), il-mudell tan-negozju (mudell bi tliet saffi), id-daqs limitat tal-proġett (għalhekk ekonomiji limitati biss ta’ skala) u d-domanda mistennija mill-konsumatur għal servizzi b’bandwidth għolja.

(66)

L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li r-rata ta’ redditu interna tal-proġett (48) m’għandhiex titqabbel mal-figuri tad-WACC ta’ operaturi integrati vertikalment, kif sar fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni billi dawn il-figuri jinkludu r-riskju tat-tliet saffi kollha ta’ dawn l-operaturi tan-netwerk. Għall-kuntrarju, GNA qiegħda tinvesti biss fin-netwerk passiv, li għandu lifetime ekonomika mistennija ta’ 30 sena (jew saħansitra iktar) u li huwa aktar simili għall-investimenti fl-infrastruttura, li ġeneralment, minnhom jintalbu rati ta’ redditu aktar baxxi mill-investituri.

(67)

Fir-rigward tar-rata tal-penetrazzjoni fil-mira, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li, fuq il-bażi tad-data disponibbli, il-ksib ta’ mill-inqas […]% penetrazzjoni għax-“xenarju minimu” tal-GNA jidher ottimistiku. Minbarra dan, il-mira ta’ […]% tad-djar kollha wara […] tidher bħala waħda aggressiva u ser tkun possibbli biss permezz ta’ strateġija ta’ “ipprezzar ta’ penetrazzjoni” massiva li taqleb il-klijenti eżistenti ta’ operaturi oħrajn għan-netwerk tal-GNA.

(68)

L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li diġà hemm diversi proġetti tal-fibre li kisbu suċċess kbir fl-Olanda, fejn in-netwerks tal-fibre jistgħu jiksbu proporzjonijiet ta’ penetrazzjoni għoljin. Biex nieħdu eżempju, fir-rigward ta’ Nuenen jew Hillegom, l-awtoritajiet isostnu li l-penetrazzjoni tal-fibre laħqet aktar minn 80 % wara sena waħda ta’ tħaddim. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li r-rati kurrenti tal-penetrazzjoni tal-broadband m’humiex rilevanti fil-każ konċernat: is-servizzi pprovduti bin-netwerks tal- fibre għandhom jitqiesu bħala suq ġdid meta mqabbla ma’ offerti tal-broadband kurrenti ta’ operaturi eżistenti. Għalhekk, ir-rati kurrenti tal-penetrazzjoni tal-broadband m’għandhomx jintużaw bħala punt ta’ referenza. Minbarra dan, l-awtoritajiet isostnu li qegħdin jitfaċċaw għadd numeruż ta’ servizzi u applikazzjonijiet ġodda (49) li jeħtieġu netwerks simetriċi b’veloċità għolja li jistgħu jiġu pprovduti fuq netwerk fibre-to-the-home. Fuq il-bażi ta’ dawn l-argumenti, l-awtoritajiet Olandiżi jenfasizzaw li l-mira li tintlaħaq rata ta’ penetrazzjoni ta’ madwar […] f’żoni ta’ Amsterdam fejn in-netwerk jiġi mniedi fi żmien […] mhux biss hija waħda realistika, iżda hija pjuttost konservattiva.

(69)

Fir-rigward tal-prezzijiet bl-ingrossa mitluba minn GNA lill-operatur bl-ingrossa, il-Kummissjoni ssostni fid-deċiżjoni tal-ftuħ li għalkemm l-esperti jissuġġerixxu li n-netwerks tal-fibre jinvolvu spiża operattiva aktar baxxa mit-telekomunikazzjonijiet tar-ram u n-netwerks tal-kejbil kurrenti, il-prezzijiet ta’ l-ingrossa ta’ GNA għadhom konsiderevolment baxxi minn dak li jissuġġerixxu r-rapporti fis-suq.

(70)

L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li n-netwerks tal-fibre jinvolvu spejjeż operattivi aktar baxxi u għandhom lifetime ekonomika itwal min-netwerks eżistenti, għalhekk il-prezzijiet bl-ingrossa aktar baxxi jistgħu possibbilment jitqabblu ma’ dak li tista’ tissuġġerixxi d-data dwar in-netwerks eżistenti. Dan il-vantaġġ fil-kost jipprovdi spazju suffiċjenti għal prezzijiet bl-ingrossa relattivament baxxi mqabbla ma’ l-offerti fuq netwerks tar-ram kurrenti.

(71)

Fir-rigward tal-validità tal-figuri ta’ l-ispejjeż ta’ l-investiment, il-Kummissjoni sabet fid-deċiżjoni tal-ftuħ li l-figuri benchmark kienu jindikaw li l-ispiża tal-kapital għal kull konnessjoni proġettata minn GNA dehret li kienet waħda baxxa f’paragun mad-data disponibbli mill-parteċipanti fis-suq u minn sorsi oħrajn.

(72)

L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-fattibbiltà ta’ l-ispejjeż ta’ l-investiment ippjanati qiegħda tkompli tiġi sostnuta mit-tipoloġija u l-karatteristiċi taz-żona ġeografika fejn jintuża n-netwerk: iz-żoni konċernati f’Amsterdam għandhom densità ta’ popolazzjoni għolja u ħafna binjiet li fihom jgħixu aktar minn familja waħda rrinovati jew li għadhom kif inbnew li jgħinu biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ l-użu tan-netwerk għal kull dar.

(73)

Fir-rigward ta’ l-istima tal-valur residwali tan-netwerk, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-istima fil-pjan tan-negozju ta’ GNA hija realistika, billi l-lifetime ekonomika tan-netwerks tal-fibre tista’ tkun 30 sena jew saħansitra aktar. Fi ħdan dan il-qafas ta’ żmien, ma huma ser ikunu meħtieġa l-ebda spejjeż addizzjonali maġġuri ta’ investiment jew manutenzjoni, kuntrarju għan-netwerks tar-ram jew tal-kejbil eżistenti. Barra minn hekk, l-awtoritajiet isostnu li n-netwerk fis-seħħ ser ikollu “valur strateġiku” sinjifikanti minħabba l-“karatteristiċi ta’ monopolju naturali tan-netwerks ta’ l-aċċess tal-fibre” li ser tgawdi minnhom il-GNA minħabba l-ewwel vantaġġ movent tagħha.

(74)

L-awtoritajiet Olandiżi kkummentaw ukoll dwar il-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet kollha li jsejsu l-pjan tan-negozju kienu jidhru ottimistiċi u li hemm grad għoli ta’ sensittività għas-suċċess tal-proġett anki jekk waħda mill-miri (bħall-grad tal-penetrazzjoni) ma timmaterjalizzax.

(75)

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Olandiżi kellhom il-fattibbiltà tas-suppożizzjonijiet riveduta u endorsjata minn rapport minn Stratix Consulting/l-Università Teknika ta’ Delft (50). Ir-rapport ippreżentat evalwa wkoll il-fattibbiltà tar-rata ta’ penetrazzjoni ppjanata tal-GNA. Billi janalizza proġetti simili li jsiru fl-Ewropa u barra minnha u b’mod partikolari fl-Olanda, u billi jikkalkula wkoll id-domanda tas-suq għall-ġejjieni għal netwerks simetriċi b’bandwidth għolja (i.e. għal netwerks tal-fibre), ir-rapport ippreżentat isostni li l-figuri ta’ penetrazzjoni ppjanati tal-GNA jistgħu jitqiesu bħala stima konservattiva. Barra minn hekk, ir-rapport isostni li wara żieda fid-domanda tas-suq għas-servizzi li jeħtieġu n-netwerks tal-fibre u wkoll minħabba n-natura pro-kompetittiva ta’ l-infrastruttura miftuħa, id-domanda għan-netwerks tal-fibre tista’ tevolvi saħansitra b’rata aktar mgħaġġla u f’livell ogħla milli mbassar ftit snin ilu.

(76)

Il-konklużjoni prinċipali ta’ l-istudju ppreżentat, kondiviża mill-awtoritajiet Olandiżi, hija li l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam huwa kummerċjalment vijabbli u għalhekk huwa konformi ma’ l-MEIP.

V.2.   Kummenti sottomessi b’konnessjoni ma’ l-osservazzjonijiet minn Partijiet Terzi

Kummenti ġenerali

(77)

L-ewwelnett, l-awtoritajiet Olandiżi jtennu l-pożizzjoni tagħhom li d-dubji tal-Kummissjoni rigward il-“konkomitanza” u t-“termini u l-kundizzjonijiet identiċi” li ġejjin mill-pre-investimenti tal-muniċipalità ta’ Amsterdam ġew indirizzati sewwa mir-rimborż ta’ l-ispejjeż rilevanti ffinanzjati minn qabel minn GNA. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-pjan tan-negozju ta’ GNA huwa wieħed fattibbli u realistiku, għaldaqstant l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam fil-proġett ta’ GNA huwa għalkollox konformi ma’ l-MEIP.

(78)

It-tieninett, l-awtoritajiet Olandiżi jerġgħu jenfasizzaw ukoll li, skond il-fehma tagħhom, b’konformità mal-ġurisprudenza eżistenti (51) u mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (52), il-parteċipazzjoni sinjifikanti ta’ l-investituri privati fi proġett taħt termini u kundizzjonijiet identiċi bħall-investitur pubbliku għandha titqies bħala “evidenza konklużiva” li l-MEIP intlaħaq u li b’hekk ma hija involuta l-ebda għajnuna mill-Istat.

Kummenti dwar l-osservazzjonijiet minn Partijiet Terzi

(79)

L-awtoritajiet Olandiżi, billi jirreferu għar-regolament tal-Kunsill 659/1999 (53), isostnu li jekk pożizzjoni kompetittiva ta’ intrapriża ma tistax tiġi affettwata direttament mill-miżura fis-seħħ, dik il-parti ma tistax tiġi kkwalifikata bħala parti interessata. Għalhekk, l-awtoritajiet Olandiżi qegħdin jitolbu lill-Kummissjoni biex ma tqisx il-kummenti ta’ ONO, France Telecom (54) u Com Hem, peress li dawn ma għandhom ebda interess fin-negozju fuq is-suq tal-broadband Olandiż u b’mod partikolari dak ta’ Amsterdam.

(80)

L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-partijiet kollha li jipprovdu kummenti f’dan il-każ naqsu milli jqisu li l-investimenti ta’ l-investituri privati huma suffiċjenti biex jikkonkludu l-konformità ta’ l-investiment ma’ l-MEIP. Huma jkomplu jaffermaw ukoll li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti rilevanti, l-analiżi tal-pjan tan-negozju ma kinitx meħtieġa fil-preżenza ta’ dawn l-investituri privati.

(81)

Fir-rigward ta’ l-affermazzjoni tal-UPC li l-penetrazzjoni tal-broadband fiz-żoni li jridu jiġu koperti minn GNA diġà laħqet il-65 %, biex b’hekk il-GNA tfalli milli tilħaq il-proporzjonijiet tal-penetrazzjoni fil-mira, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li s-suq indirizzabbli huwa ħafna akbar għal GNA billi mhux biss servizzi tal-broadband, iżda wkoll televiżjoni, telefonija u servizzi oħrajn ġodda ser jiġu offruti lill-klijenti bin-netwerk tal-GNA. Fir-rigward tar-rati churn sottomessi mill-UPC bil-għan li juru n-nuqqas ta’ interess suffiċjenti għas-servizzi li jistgħu jiġu pprovduti bin-netwerk tal-GNA, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li d-data m’hijiex rilevanti billi t-tqassim tas-servizz fuq in-netwerk beda biss f’Marzu 2007, u għalhekk sa issa ma tista’ ssir ebda konklużjoni bbażata fuq dik id-data  (55).

(82)

Għar-raġunijiet spjegati fil-premessa 0, l-awtoritajiet Olandiżi jiddubitaw mill-kwalifikazzjoni ta’ l-erba’ kumpaniji l-oħrajn bħala partijiet interessati u huma ta’ l-opinjoni li dawn il-partijiet issottomettew biss osservazzjonijiet ġenerali li m’humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-miżura fis-seħħ. Għalhekk, l-awtoritajiet Olandiżi ma jħossux li huwa meħtieġ li jikkummentaw dwar dawn l-osservazzjonijiet. L-awtoritajiet Olandiżi lanqas ma jipprovdu kummenti dwar l-osservazzjonijiet minn partijiet terzi dwar il-kompatibilità ta’ kwalunkwe għajnuna mill-Istat inkluża fil-miżura billi skond l-awtoritajiet, evalwazzjoni tal-kompatibilità m’hijiex meħtieġa fil-każ kurrenti billi fil-miżura ma hemm involuta l-ebda għajnuna mill-Istat.

VI.   EVALWAZZJONI TA’ L-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(83)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk il-miżura tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 87 (1) tat-Trattat tal-KE, li jgħid li “kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat fi kwalunkwe forma tkun li tkun li tgħawweġ jew li thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti għandha, sakemm din taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni”. Jidher li sabiex miżura tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, iridu jintlaħqu l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: 1) il-miżura trid tingħata barra mir-riżorsi ta’ l-Istat u għandha tkun imputabbli għall-Istat, 2) għandha tagħti vantaġġ ekonomiku lill-intrapriżi, 3) il-vantaġġ għandu jkun selettiv u jgħawweġ jew jhedded li jgħawweġ il-kompetizzjoni, 4) il-miżura għandha taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju.

(84)

Meta tiġi evalwata l-miżura, għandu jitqies il-kuntest tas-suq: is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ġie liberalizzat b’mod sħiħ diversi snin ilu fl-Ewropa. B’mod partikolari, l-investimenti fin-netwerks broadband fl-hekk imsejħa “żoni suwed” fejn servizzi tal-broadband differenti huma offruti fuq mill-inqas żewġ infrastrutturi li jikkompetu flimkien (bħan-netwerks tat-telefonija u tat-televiżjoni bil-kejbil) (56) huma primarjament immexxija minn kumpaniji privati. Il-politika tal-Kummissjoni f’dan il-qasam għandha tkun aktar stretta fir-rigward ta’ proġetti li jinvolvu fondi pubbliċi f’tali żoni minħabba l-effett distortiv fuq in-negozju ta’ l-operaturi privati (57).

VI.1.   Riżorsi ta’ l-Istat

(85)

L-ewwelnett, għandu jiġi evalwat jekk il-miżura hijiex mogħtija direttament jew indirettament permezz tar-riżorsi ta’ l-Istat u imputabbli għall-Istat (58).

(86)

Fil-każ kurrenti, il-muniċipalità ta’ Amsterdam tinvesti 6 miljun euro fis-sħubija GNA. Ladarba muniċipalità għandha titqies bħala emanazzjoni ta’ l-Istat, din għandha titqies bħala investiment b’riżorsi ta’ l-Istat fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE (59). L-awtoritajiet Olandiżi ma kkontestawx l-eżistenza tar-riżorsi ta’ l-Istat.

VI.2.   Vantaġġ

VI.2.1.   Il-Prinċipju ta’ l-Investitur ta’ l-Ekonomija tas-Suq

(87)

Għall-iskop li jiġi stabbilit jekk investiment finanzjarju mill-Istat f’intrapriża jinvolvix vantaġġ fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87 (1) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni tapplika l-MEIP skond il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti. Skond dak il-prinċipju, transazzjoni ma tinvolvi ebda għajnuna mill-Istat jekk issir fl-istess ħin u taħt l-istess termini u kundizzjonijiet li jkunu aċċettabbli għal investitur privat li jaħdem taħt kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq normali (60).

(88)

Skond ġurisprudenza stabbilita, kapital impoġġi mill-istat, direttament jew indirettament, għad-dispożizzjoni ta’ intrapriża f’ċirkostanzi li jikkorrespondu għall-kundizzjonijiet tas-suq normali ma jistax jitqies bħala għajnuna mill-Istat. Madankollu, jekk l-investiment minn investitur pubbliku ma jagħtix kas ta’ kull prospett ta’ profitabbiltà, anke għal perjodu fit-tul, tali inċentiv għandu jitqies bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87 (1) tat-Trattat tal-KE (61).

(89)

Fuq din il-bażi, kontribuzzjoni ta’ kapital mill-fondi pubbliċi għandha titqies bħala li tissodisfa t-test ta’ l-investitur ta’ l-ekonomija tas-suq u li ma tikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat jekk, fost l-oħrajn, din tkun saret fl-istess waqt bħala kontribuzzjoni ta’ kapital sinjifikanti min-naħa ta’ investitur privat magħmula f’ċirkostanzi komparabbli (it-test tal-“konkomitanza”) (62).

(90)

Fil-każ preżenti, l-investiment mill-muniċipalità ta’ Amsterdam sar flimkien ma’ żewġ investituri privati, jiġifieri ING RE u Reggefiber. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha l-ewwel teżamina jekk l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam jissodisfax it-test ta’ l-investitur ta’ l-ekonomija tas-suq minħabba l-fatt li dan ikun sar flimkien ma’ investiment privat sinjifikanti. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ser teżamina l-kriterji li ġejjin:

(91)

L-ewwelnett, għandu jiġi identifikat jekk dawn l-investituri tas-suq u jekk l-investimenti mill-investituri privati għandhomx sinjifikanza ekonomika reali. Tali sinjifikanza għandha tiġi evalwata f’termini assoluti (porzjon sinjifikanti ta’ l-investiment totali) u f’relazzjoni għas-saħħa finanzjarja ta’ l-investitur privat konċernat.

(92)

It-tieninett, irid jiġi evalwat jekk l-investiment mill-partijiet kollha konċernati isirx fl-istess ħin (“konkomitanza”).

(93)

It-tielet, għandu jiġi identifikat jekk it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-investiment humiex identiċi għall-azzjonisti kollha.

(94)

Ir-raba’, f’każijiet fejn l-Istat, investituri oħrajn jew il-benefiċjarju ikollhom relazzjonijiet oħrajn barra dan l-investiment (per eżempju permezz ta’ ittra sekondarja, li tipprovdi garanzija mill-Istat), jistgħu jeżistu raġunijiet biex wieħed jiddubita jekk tali ekwivalenza kinitx biżżejjed fis-sempliċi termini ta’ l-investiment (63).

(95)

Sussegwentement, u f’livell sussidjarju, il-Kummissjoni ser teżamina wkoll il-pjan tan-negozju tal-GNA, b’mod partikolari minħabba l-affermazzjonijiet tal-kwerelant Liberty Global/UPC u partijiet oħrajn interessati, li sostnew li ma hemm ebda każ ta’ negozju fattibbli għan-netwerk mibni minn GNA.

VI.2.2.   Evalwazzjoni tal-miżura fid-dawl ta’ l-MEIP

VI.2.2.1.   Parteċipazzjoni sinjifikanti minn investituri privati

(96)

Kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ (64), kemm ING RE u kif ukoll Reggefiber jistgħu bla dubju jitqiesu bħala “investituri privati” (65). Flimkien ma’ dan, l-interessi tan-negozju taż-żewġ kumpaniji huma koerenti mal-proġett imwettaq minn GNA: ING RE huwa attiv fin-negozju tal-proprjetà tal-beni immobbli u t-tip ta’ infrastruttura ta’ l-investimenti u Reggefiber huwa ingaġġat f’diversi proġetti ta’ netwerks tal-fibre fl-Olanda. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li ż-żewġ operaturi privati differenti jistgħu jġibu tipi differenti ta’ abbiltajiet sabiex jikkontribwixxu għas-suċċess tal-proġett.

(97)

F’termini assoluti, iż-żewġ investituri privati qegħdin jinvestu ammont sostanzjali (3 miljun ewro, rispettivament) fis-sħubija GNA. Jekk investiment ta’ 3 miljun ewro, meta mqabbel mas-saħħa finanzjarja li jgawdu ING RE u Reggefiber, jista’ jitqies f’termini relattivi mad-daqs ta’ l-investituri bħala li huwa investiment żgħir, tali investiment huwa ċertament wieħed sinjifikanti f’termini relattivi mal-kapitalizzazzjoni totali ta’ GNA u mal-kontribuzzjoni tal-kapital tal-muniċipalità ta’ Amsterdam.

(98)

Flimkien, iż-żewġ investituri privati jħaddnu terz tal-valur proprjetarju totali. Fil-kuntest ta’ dan il-proġett, dan is-sehem - waqt li ma jagħtix liż-żewġ kumpaniji kontroll dirett ta’ GNA - huwa porzjon sinjifikanti ta’ l-investiment totali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tosserva li ING RE u Reggefiber huma azzjonisti maġġuri ta’ GNA. Tabilħaqq, l-akbar azzjonist waħdieni (il-muniċipalità ta’ Amsterdam) jippossjedi 33 % tal-valur proprjetarju ta’ GNA. ING RE u Reggefiber għandhom kull wieħed sehem ugwali għal nofs is-sehem ta’ l-akbar azzjonist waħdieni; jekk tgħaqqadhom flimkien, huma jippossjedu l-istess sehem daqs il-muniċipalità. L-azzjonisti li jifdal fl-intrapriża, il-ħames korporazzjonijiet tad-djar, kull wieħed minnhom jippossjedi ishma iżgħar minn ING RE u Reggefiber. Jidher li fi ħdan il-GNA ma hemm ebda azzjonist waħdieni li jista’ jeżerċita kontroll ta’ maġġoranza fuq il-kumpanija. Barra minn hekk, individwalment, iż-żewġ investituri privati jistgħu jkunu, u saħansitra aktar jekk jittieħdu lkoll flimkien, ta’ importanza kbira fl-iffurmar ta’ maġġoranza ta’ kontroll fi ħdan il-GNA (66).

(99)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li skond il-liġi korporattiva Olandiża, terz ta’ l-ishma huma biżżejjed biex jiffurmaw minoranza ta’ mblukkar fir-rigward ta’ kwalunkwe deċiżjoni importanti meħuda minn GNA. Għalhekk, iż-żewġ investituri privati jistgħu flimkien jiffurmaw minoranza ta’ mblukkar fi ħdan il-kumpanija.

(100)

Biex nikkonkludu, kemm ING RE u kif ukoll Reggefiber huma investituri tas-suq u l-investimenti tagħhom għandhom sinjifikanza ekonomika reali kemm f’termini assoluti u kif ukoll f’termini relattivi jekk wieħed jarahom fil-kuntest ta’ l-istruttura ta’ pussess ta’ ishma ta’ GNA.

VI.2.2.2.   Konkomitanza

(101)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ (67), il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-muniċipalità investiet de jure fl-istess ħin ma’ l-investituri privati fis-sħubija GNA, iżda esprimiet xi dubji preliminari dwar il-konkomitanza de facto ta’ l-investimenti ta’ l-azzjonisti kollha ta’ GNA, billi l-muniċipalità kienet diġà ħadet ir-responsabbiltà ta’ inizjattivi u investimenti qabel ma ġie konkluż ftehim finali ma’ l-investituri l-oħrajn kollha.

(102)

Il-Kummissjoni nnotat li l-muniċipalità kkummissjonat diversi studji fl-2003 u fl-2004 biex tħejji l-proġett. Barra minn hekk, il-muniċipalità ħadet inizjattivi li jidhru li jmorru ‘lil hinn minn dawn il-passi preliminari. Minkejja n-nuqqas ta’ impenn qawwi mill-investituri privati, il-muniċipalità ppubblikat u organizzat sejħiet għall-offerti u saħansitra nnegozjat kuntratti għall-kostruzzjoni u l-esplojtazzjoni tan-netwerk. Minbarra dan, il-muniċipalità ta’ Amsterdam iffinanzjat ċerti attivitajiet ta’ tħaffir u xtrat softwer għall-kostruzzjoni tan-netwerk.

(103)

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Olandiżi pprovdew aktar informazzjoni (ivverifikata minn Deloitte) dwar il-pre-investimenti u dwar ir-rimborż tagħhom tal-pre-investimenti wara l-ftuħ ta’ l-investigazzjoni formali. Skond ir-rapport ta’ verifika ta’ Deloitte, il-fondi assenjati b’mod komuni mill-azzjonisti ta’ GNA kienu jammontaw għal EUR […] mill-pre-investimenti totali ta’ EUR […]. L-ammont ta’ EUR […] li kien jifdal kienu inizjalment iffinanzjati mill-muniċipalità biss (68).

(104)

L-informazzjoni ġdida rċevuta matul l-investigazzjoni formali tat iċ-ċans lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi dawn il-fatti: L-ewwelnett, parti sostanzjali mill-attivitajiet u l-pre-investimenti (EUR […]) intlaħaq qbil fuqha b’mod espliċitu fl-“Ittri ta’ Intenzjoni” iffirmati mill-azzjonisti prospettivi ta’ GNA u ko-iffinanzjati minnhom kollha b’mod proporzjonali għar-riskju tagħhom saħansitra qabel it-twaqqif tal-kumpanija, billi l-imsieħba kollha fl-intrapriża dehrilhom li kien meħtieġ li b’mod individwali u separat jieħdu ċerti passi qabel l-inkorporazzjoni ta’ GNA.

(105)

It-tieni, il-pre-investimenti kollha (inklużi EUR […] assenjati biss mill-muniċipalità ta’ Amsterdam) kienu inklużi fil-pjan tan-negozju li fuqu kien ibbażat l-investiment u b’hekk intlaħaq qbil fuqhom bejn l-azzjonisti kollha ta’ GNA. Għalhekk, l-imsieħba kollha fl-intrapriża qiesu dawk il-pre-investimenti bħala passi utli qabel it-twaqqif ta’ GNA. Skond l-awtoritajiet Olandiżi, kien hemm ftehim fost l-azzjonisti kollha li l-porzjon inizjalment iffinanzjat mill-muniċipalità jiġi rimborżat minn GNA. Fi kliem ieħor, il-kondotta tal-muniċipalità ma tipprevedix minn qabel jew tinfluwenza l-imġiba ta’ l-investituri tas-suq l-oħrajn.

(106)

Fuq il-bażi ta’ dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li l-muniċipalità ta’ Amsterdam wettqet xi pre-investimenti limitati qabel it-twaqqif formali ta’ GNA ma tiddubitax mill-issodisfar ta’ l-MEIP meta wieħed jikkunsidra li kien hemm ftehim fost l-azzjonisti kollha li l-muniċipalità ta’ Amsterdam kellha tiġi rimborżata għal dawn il-pre-investimenti.

VI.2.2.3.   Termini u kundizzjonijiet

(107)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ (69), il-Kummissjoni esprimiet dubji preliminari dwar jekk it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-investiment għall-azzjonisti kollha kinux identiċi. B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha li l-pre-investimenti mwettqa mill-muniċipalità ta’ Amsterdam setgħu naqqsu jew immitigaw xi riskji tal-bidu assoċjati mal-proġett għal partijiet oħrajn li jinvestu.

(108)

Dawn id-dubji preliminari ġejjin mill-fatt li, għalkemm il-Kummissjoni talbet diversi drabi li tingħata deskrizzjoni kompleta ta’ l-ispejjeż tal-pre-investiment (70), u l-awtoritajiet Olandiżi ppreżentaw xi informazzjoni dwar il-ħlasijiet finali bejn Amsterdam, GNA u l-azzjonisti tagħha f’dan ir-rigward, dan ma ċċarax għalkollox l-attivitajiet kollha ta’ “iffinanzjar minn qabel” mill-muniċipalità, inklużi l-ammonti attwalment minfuqa mill-muniċipalità ta’ Amsterdam.

(109)

Fuq il-bażi tas-sottomissjonijiet mill-awtoritajiet Olandiżi fil-mument li nbdiet l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkalkula jew tivverifika l-ammont totali ta’ dawn il-“pre-investimenti” li l-Kummissjoni stmat li kienu fil-grad ta’ miljun u nofs euro. Barra minn hekk, ma kienx għal kollox ċar għall-Kummissjoni kif kienu maqsumin dawn l-ispejjeż bejn l-azzjonisti u kif kienu inklużi fil-pjan tan-negozju ta’ GNA.

(110)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni beżgħet li l-“iffinanzjar minn qabel” mill-muniċipalità - parzjalment mingħajr il-qbil espliċitu ta’ wħud mill-investituri l-oħrajn – seta’ naqqas ir-riskju ta’ l-investiment mill-investituri l-oħrajn fil-GNA u seta’ kellu impatt pożittiv fuq ir-rieda tagħhom li jinvestu fil-GNA. L-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Olandiżi wara l-ftuħ ta’ l-investigazzjoni formali taffiet dawn id-dubji preliminari.

(111)

L-ewwelnett, kif iċċarat mill-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Olandiżi dwar ir-rimborż ta’ l-ispejjeż tal-pre-investiment u mir-rapport ta’ verifika li ġie ppreżentat, l-ispejjeż totali tal-pre-investiment kienu jammontaw għal EUR […], maqsuma f’żewġ partijiet: EUR […] li ntlaħaq ftehim fuqhom u li ġew ko-finanzjati mill-azzjonisti prospettivi kollha ta’ GNA fl-“Ittri ta’ Intenzjoni” b’mod proporzjonali għar-riskju tagħhom, u EUR […] li fil-bidu kienu ffinanzjati biss mill-muniċipalità ta’ Amsterdam. Dawn l-ispejjeż kollha kienu mitluba kif xieraq lil GNA, inklużi l-interessi (71) u ma jidher li hemm l-ebda spejjeż addizzjonali marbuta mal-proġett ta’ GNA li baqgħu ma ġewx indirizzati.

(112)

It-tieninett, l-ispejjeż kollha relatati mal-pre-investiment inizjalment kienu inklużi wkoll fil-pjan tan-negozju ta’ GNA, biex b’hekk ma jidher li tfaċċaw l-ebda spejjeż ġodda wara l-iffirmar tal-ftehim tal-GNA, li setgħu jbiddlu t-termini u l-kundizzjonijiet għall-azzjonisti l-oħrajn. Dan huwa skond is-sejba li kien hemm qbil fost l-azzjonisti kollha li l-muniċipalità ta’ Amsterdam ser ikollha tiġi rimborżata għall-pre-investimenti mwettqa.

(113)

It-tielet, għalkemm il-muniċipalità ta’ Amsterdam ħadet l-inizjattiva u ffinanzjat minn qabel parti mill-ispejjeż tal-proġett, dawk l-inizjattivi u investimenti ma setgħux inaqqsu r-riskji nvoluti fil-proġett għall-azzjonisti l-oħrajn. Kuntrarju għad-dubji preliminari mqajma fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li l-investimenti inizjalment iffinanzjati mill-muniċipalità fit-twettiq ta’ xogħlijiet ċivili limitati u għax-xiri ta’ softwer ma setgħux, minħabba n-natura tagħhom u minħabba s-sinjifikanza finanzjarja limitata tagħhom, ibiddlu l-profil tar-riskju tal-proġett. L-istess huwa minnu għall-pre-investimenti kofinanzjati mill-azzjonisti prospettivi kollha b’mod parallel ma’ l-iffirmar ta’ l-“Ittri ta’ Intenzjoni”. L-analiżi tal-pjan tan-negozju turi b’mod ċar li r-riskji kummerċjali ta’ l-investiment fil-GNA huma marbuta mas-suċċess tal-proġett fis-snin li ġejjin, b’mod partikolari f’termini ta’ l-evoluzzjoni tas-suq, u mhux ma’ l-ewwel passi li saru fit-tħejjija tal-proġett.

(114)

Ir-raba’, il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ l-argument tal-UPC li l-istudji tal-fattibbiltà li saru mill-muniċipalità ta’ Amsterdam setgħu naqqsu xi ftit mir-riskju għall-azzjonisti l-oħrajn tal-GNA, li seta’ kien biss wara li ddeċidew li jinvestu fil-GNA. Il-Kummissjoni tinnota li kwalunkwe investitur tas-suq prudenti normalment ikollu jwettaq l-evalwazzjoni tiegħu stess fir-rigward ta’ l-istrateġija u l-prospetti tal-profitabbiltà (studju ta’ fattibbiltà) ta’ proġett ta’ investiment (72) mingħajr ma titqies bħala mezz biex tnaqqas ir-riskji involuti għal partijiet oħrajn li jinvestu. Fi kwalunkwe każ, li kieku l-proġett kellu jfalli, il-partijiet li investew kollha flimkien ikollhom jerfgħu fuq spallejhom it-telf li jirriżulta minn negozju li ma jkunx sejjer tajjeb jew, fl-agħar każ, mill-falliment ta’ GNA.

(115)

Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-azzjonisti kollha f’GNA investew taħt l-istess termini u kundizzjonijiet.

VI.2.2.4.   Relazzjonijiet oħrajn

(116)

Il-UPC qabel li ING RE setgħet iddeċidiet li tinvesti fil-proġett ta’ GNA mhux fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, iżda pjuttost bħala parti mill-istrateġija ta’ kummerċjalizzar tagħha biex iżżomm relazzjoni tajba mal-muniċipalità ta’ Amsterdam, li allegatament hija msieħba kummerċjali importanti ta’ ING RE.

(117)

Għandu jiġi evalwat jekk hemmx xi relazzjonijiet oħrajn barra mill-ftehim ta’ l-investiment u l-kooperazzjoni li huma rilevanti biex jiġi evalwat jekk l-investiment jissodisfax l-MEIP. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-ftuħ (73) irreferiet għall-fatt li l-awtoritajiet Olandiżi pprovdew stqarrija li fiha ddikjaraw li ma hemm ebda relazzjoni oħra bejn il-partijiet konċernati, jiġifieri relazzjonijiet barra mill-ftehimiet innotifikati, li huma rilevanti biex jiġi evalwat jekk l-investiment huwiex skond l-MEIP.

(118)

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni u l-informazzjoni ppreżentata mill-partijiet interessati ma pprovdew ebda elementi li jindikaw li l-istqarrija ta’ l-awtoritajiet Olandiżi m’hijiex korretta.

(119)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-investiment mill-muniċipalità ta’ Amsterdam sar fl-istess waqt u f’ċirkostanzi komparabbli mal-kontribuzzjonijiet tal-kapital sinjifikanti mill-investituri privati.

(120)

Għalhekk, l-investiment magħmul mill-muniċipalità ta’ Amsterdam huwa skond il-prinċipju ta’ l-investitur tas-suq u ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat.

VI.2.2.5.   Evalwazzjoni tal-pjan tan-negozju

(121)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni evalwat ukoll il-pjan tan-negozju ta’ GNA, b’mod partikolari minħabba d-dubji mqajjma fid-deċiżjoni tagħha li tagħti bidu għall-investigazzjoni formali u fid-dawl ta’ l-affermazzjonijiet tal-partijiet interessati Liberty Global/UPC, ONO, FT, COM HEM u parti oħra li għażlet li tibqa’ anonima (74).

(122)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ (75), wara l-analiżi preliminari tal-pjan tan-negozju ta’ GNA u r-rimarki kritiċi rċevuti mill-UPC f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni dehrilha li mhux biss l-indikaturi tal-prestazzjoni fil-mira, iżda s-suppożizzjonijiet kollha li jsejsu l-pjan tan-negozju ta’ GNA kienu jidhru ottimistiċi. Il-Kummissjoni qieset ukoll li kien hemm grad għoli ta’ sensittività għas-suċċess tal-proġett li kieku l-miri (bħar-rata tal-penetrazzjoni) naqsu milli jimmaterjalizzaw, saħansitra aktar li kieku waħda mis-suppożizzjonijiet bażiċi ddevjat mil-livelli fil-mira.

(123)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar l-analiżi tal-pjan tan-negozju inkluża fid-deċiżjoni tal-ftuħ kemm mill-awtoritajiet Olandiżi u kif ukoll mill-UPC, li tatha ċ-ċans li tidħol aktar fil-fond fl-evalwazzjoni tagħha.

(124)

Il-Kummissjoni tinnota li l-pjan tan-negozju ta’ GNA huwa relatat ma’ intrapriża li għadha kif ġiet iffurmata mingħajr ebda rekord, li taġixxi f’segment ta’ negozju ġdid u innovattiv (teknoloġija ta’ FttH, “mudell bi tliet saffi”, fejn l-infrastrutturi passivi u attivi jitħaddmu u jiġu ġestiti separatament, b’aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju offrut lill-operaturi kollha tal-bejgħ bl-imnut, ara l-parti tad-deskrizzjoni premessi 0- 0). Għalhekk, f’każ bħal dan, l-evalwazzjoni ta’ pjan tan-negozju ta’ intrapriża li għadha kif ġiet iffurmata hija neċessarjament u b’mod inevitabbli bbażata fuq ipotesijiet u projezzjonijiet tas-suq għall-ġejjieni fir-rigward ta’ l-evoluzzjoni probabbli tad-domanda u l-provvista għas-servizzi ta’ FttH.

Reviżjonijiet indipendenti mwettqa f’relazzjoni mal-pjan tan-negozju

(125)

Il-Kummissjoni tinnota li l-metodoloġija tal-pjan tan-negozju kienet ivverifikata u aċċettata minn PricewaterhouseCoopers (76), kumpanija tal-verifika indipendenti. B’mod aktar speċifiku, wara l-ewwel analiżi ta’ l-ewwel verżjoni tal-pjan tan-negozju ta’ GNA, PricewaterhouseCoopers ipproponiet xi modifikazzjonijiet biex jiffiltraw ċerti inkonsistenzi preliminari. Dawn il-proposti ttieħdu f’kunsiderazzjoni fil-pjan tan-negozju aġġornat ta’ GNA. Wara dawk il-modifikazzjonijiet, PricewaterhouseCoopers qalet li l-mudell “ma jinkludix kwistjonijiet ta’ integrità teknika jew ekonomika”, u l-pjan tan-negozju ta’ GNA ġie ppreżentat lill-Kummissjoni wara.

(126)

Wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Olandiżi ppreżentaw rapport imħejji minn Stratix Consulting/l-Università Teknika ta’ Delft (77), li jirrevedi u jendorsja l-fattibbiltà tal-pjan tan-negozju ta’ GNA, b’fokus speċjali fuq is-suppożizzjonijiet li kienu enfasizzati mill-Kummissjoni bħala “ottimistiċi” fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Ir-rapport wasal għall-konklużjoni li l-pjan tan-negozju ta’ GNA huwa wieħed realistiku u li s-suppożizzjonijiet bażiċi huma bbażati b’mod korrett fuq tendenzi tas-suq kurrenti u għandhom jitqiesu bħala stimi “konservattivi”.

Indikaturi finanzjarji

(127)

GNA applikat tliet indikaturi tal-prestazzjoni finanzjarja ewlenin biex tkejjel is-suċċess tal-proġett, b’dawn ikunu l-ġenerazzjoni tal-ħruġ u d-dħul tal-flus, ir-redditu fuq l-ekwità u r-rata interna tar-redditu (IRR).

(128)

Il-Kummissjoni tqis li l-porzjon ta’ l-IRR jidher li huwa l-aktar parametru addattat għal analiżi tal-pjan tan-negozju. L-IRR tintuża għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-investimenti fuq perjodu twil u biex jiġu mqabbla l-proġetti ta’ investiment differenti. L-IRR bażika tal-pjan tan-negozju ta’ GNA hija […] %.

(129)

Minħabba n-novità tal-proġett u n-natura dinamika tas-swieq tat-telekomunikazzjoni tal-broadband, huwa diffiċli li jitwettaq eżerċizzju ta’ benchmarking. Id-disponibbiltà pubblika tal-figuri ta’ l-IRR minn proġetti simili hija limitata, mhux l-inqas minħabba li dawn il-figuri rari jitpoġġew disponibbli għall-pubbliku billi jitqiesu bħala sigrieti kummerċjali. Id-data komparattiva disponibbli għall-pubbliku li hija l-aktar rilevanti hija dik dwar l-ispiża medja peżata tal-kapital (“WACC”) ta’ kumpaniji oħrajn fl-istess industrija. Id-data tad-WACC tista’ tkun punt ta’ referenza utli minħabba li proġett jitqies bħala wieħed li jkun jaqbel li jsir jekk l-IRR taqbeż id-WACC. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li għandha fil-pussess tagħha l-Kummissjoni, il-figuri ta’ l-industrija jitilgħu u jinżlu fil-medda bejn 8,1 % u 10,6 % (78). Fuq il-bażi ta’ dawn il-figuri, l-IRR fil-pjan tan-negozju ta’ GNA tidher li tinsab fi ħdan il-medda aċċettabbli.

(130)

Fis-sottomissjoni tiegħu, il-UPC sostna li minħabba n-novità u r-riskju għoli involut fil-proġett, l-IRR immirata għal GNA, li bażikament hija ditta li għadha kif bdiet topera, għandha tkun ogħla mill-figuri tad-WACC ta’ kumpanija stabbilita sewwa b’bażi ta’ klijenti sinjifikanti u b’ġenerazzjoni ta’ ħruġ u dħul ta’ flus, bħall-KPN jew il-UPC.

(131)

L-awtoritajiet Olandiżi jesprimu d-dubju tagħhom għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-punti ta’ referenza użati għall-evalwazzjoni ta’ l-IRR fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Huma jsostnu li l-figuri tad-WACC huma relatati ma’ operaturi integrati vertikalment, filwaqt li l-GNA qiegħda tinvesti biss f’netwerk passiv, li huwa aktar simili għal investiment ta’ infrastruttura li għalih ġeneralment jintalbu rati aktar baxxi ta’ redditu mill-investituri.

(132)

Il-Kummissjoni ssib li l-IRR fil-mira fil-pjan tan-negozju ta’ GNA tidher li tinsab fi ħdan l-aspettattivi għall-kumpaniji li huma attivi fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-proġett ta’ l-investiment taħt skrutinju huwa differenti minn dak ta’ operatur integrat vertikalment u jippreżenta karatteristiċi ta’ investiment tat-tip ta’ infrastruttura, li għalih hija mitluba IRR aktar baxxa.

(133)

Il-Kummissjoni evalwat ukoll l-indikaturi finanzjarji alternattivi użati fil-pjan tan-negozju, bħall-ġenerazzjoni pożittiva tal-ħruġ u d-dħul tal-flus u r-redditu fuq l-ekwità. Il-Kummissjoni ma tistax twettaq eżerċizzju ta’ benchmarking bir-reqqa għal dawn l-indikaturi minħabba n-nuqqas ta’ data disponibbli għall-pubbliku (79), u għalhekk evalwat minnhom il-lat ta’ l-adegwatezza u l-konsistenza interna fi ħdan il-pjan tan-negozju. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-figuri pprovduti fil-pjan tan-negozju jidhru li huma aċċettabbli għal investitur ta’ l-ekonomija tas-suq.

Ir-rata ta’ penetrazzjoni

(134)

Wieħed mill-aktar fatturi importanti għall-pjan tan-negozju huwa r-rata ta’ penetrazzjoni fil-mira. Billi d-dħul finanzjarju għall-GNA ser jiddependi ħafna fuq ir-rata ta’ penetrazzjoni miksuba, jiġifieri l-perċentaġġ ta’ djar li għandhom konnessjoni, il-fattibbiltà tal-ksib tar-rata ta’ penetrazzjoni fil-mira hija ta’ importanza kruċjali għas-suċċess tan-negozju ta’ GNA.

(135)

GNA għandha l-għan li tikseb rata ta’ penetrazzjoni ta’ […] % tad-djar kollha fi żmien […] xahar (u l-livelli ta’ penetrazzjoni huma mistennija li jiġu saturati bejn wieħed u ieħor f’dan il-livell). Barra minn hekk […] (80).

(136)

Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-UPC esprima dubji serji dwar jekk kwalunkwe sehem sinjifikanti fis-suq (bħar-rata ta’ 40 % fil-mira msemmija f’rapport dwar l-investiment (81) jistax jinkiseb mill-proġett. Il-UPC, billi joqgħod fuq ir-rapport minn RBB u fuq il-figuri li jikkonċernaw ir-rati churn totali għaz-żoni fejn il-GNA diġà qiegħda tipprovdi servizzi tat-tip triple play, isostni li l-penetrazzjoni tal-broadband totali kurrenti fiz-żoni li huma ppjanati li jkunu koperti minn GNA diġà laħqet il-65 %. B’mod aktar partikolari, skond il-UPC, il-kompetizzjoni relattivament qawwija fiz-żona u l-offerti ġodda limitati disponibbli fuq in-netwerk tal-fibre ta’ GNA ikomplu jsaħħu l-fehma li l-operaturi bl-imnut li jużaw in-netwerk tal-GNA vija l-BBned ser jonqsu milli jattiraw biżżejjed klijenti.

(137)

Il-UPC jenfasizza wkoll li huwa ma jara ebda vantaġġ kompetittiv tan-netwerk tal-fibre il-ġdid meta mqabbel ma’ l-offerti eżistenti ta’ l-operaturi tal-broadband kurrenti minflok il-forniment tal-bandwidth simetrika lill-klijenti ta’ servizzi bl-imnut, li għalihom id-domanda għas-servizz hija madankollu ineżistenti. Minbarra dan, il-UPC jsostni li l-aktar prodott tal-broadband avvanzat tagħhom f’termini ta’ bandwidth disponibbli (82) ma kisibx wisq suċċess sa issa u li l-klijenti għandhom tendenza li jagħżlu prodotti irħas u inqas sofistikati kull meta fis-suq jiġu offruti prodotti aktar avvanzati.

(138)

B’kuntrast, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li s-servizzi l-ġodda jistgħu jiġu pprovduti fuq il-konnessjoni simetrika tal-broadband tal-fibre (bħall-qsim tal-fajls u “applikazzjonijiet oħrajn bejn entità u oħra ta’ l-istess livell”, HDTV), li jappartjenu għal suq differenti mill-konnessjonijiet asimmetriċi kurrenti. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Olandiżi li joqogħdu fuq l-istudju diġà msemmi li tħejja minn Stratix Consulting u mill-Università Teknika ta’ Delft jenfasizzaw li diversi eżempji li kisbu suċċess mhux biss mill-Olanda, iżda wkoll mill-Istati Uniti u l-Ġappun jindikaw li r-rata ta’ penetrazzjoni fil-mira hija waħda realistika.

(139)

Il-Kummissjoni evalwat l-argumenti tad-diversi partijiet f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni tinnota li l-GNA, sabiex tiddetermina l-kurva tar-rata tal-penetrazzjoni, […]. Dan il-mudell li jbassar ir-rata tal-penetrazzjoni jinkorpora fih is-suppożizzjonijiet kollha meħtieġa, inklużi r-rata tat-teħid, il-veloċità tar-rata tat-teħid u r-rati churn, kif ukoll dawk is-suppożizzjonijiet li kienu kkwotati mill-UPC bħala li kienu fatturi importanti biex jevalwaw il-fattibbiltà tal-pjan tan-negozju. Għalhekk, il-pjan tan-negozju jinkludi l-fatturi rilevanti li huma meħtieġa għall-evalwazzjoni tar-rata tal-penetrazzjoni.

(140)

Dwar il-kwistjoni jekk ir-rati ta’ penetrazzjoni fil-pjan tan-negozju jistgħux jinkisbu, il-Kummissjoni tinnota li hija tiddependi ħafna fuq l-evoluzzjoni tas-suq, il-veloċità li biha għandhom jiġu adottati l-applikazzjonijiet u t-teknoloġiji ġodda li jeħtieġu konnessjoni rapida u simetrika ta’ broadband tal-fibre mill-fornituri tas-servizzi, flimkien mar-reazzjoni tal-klijenti għal dawn il-possibbiltajiet il-ġodda. Dawn il-fatturi ma jistgħux ikunu magħrufa b’ċertezza f’dan il-mument, kif inhu muri mill-fehmiet differenti bejn il-UPC (aktar xettiċi fir-rigward tal-prospetti tas-suq) u Reggefiber, ING RE u l-Università Teknika ta’ Delft (li endorsjaw l-estimi fil-pjan tan-negozju jew bħala investituri jew inkella bħala konsulenti indipendenti).

(141)

B’mod aktar speċifiku dwar ir-rati churn sottomessi mill-UPC biex juru li l-proġett qiegħed ifalli milli jilħaq kull rata ta’ penetrazzjoni li tagħmel sens, il-Kummissjoni tinnota li l-figuri sottomessi jkopru l-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u l-1 ta’ Ġunju 2007, filwaqt li l-operaturi bl-imnut li jużaw in-netwerk tal-GNA bdew joffru s-servizzi lill-klijenti f’żoni limitati ta’ Amsterdam f’Marzu 2007. Minħabba l-ammont limitat ħafna ta’ żmien li għadda minn mindu s-servizzi bdew jiġu pprovduti fuq in-netwerk tal-GNA, il-Kummissjoni m’hijiex konvinta li f’dan l-istadju wieħed ikun jista’ jislet informazzjoni sinjifikanti mir-rati churn.

(142)

Fir-rigward ta’ l-argument tal-UPC li l-eżempji ta’ bliet Olandiżi żgħar li kisbu suċċess fl-użu tal-fibre, bħalma huma Hillegom jew Nuenen (83) m’għandhomx jittieħdu f’kunsiderazzjoni billi dawn il-bliet m’humiex komparabbli f’termini ta’ daqs, is-sitwazzjoni kompetittiva u s-sussidji għall-proġett ta’ Amsterdam, il-Kummissjoni tqis li għalkemm jeżistu ċerti differenzi, dawk il-proġetti xorta għadhom jipprovdu xi intuwizzjonijiet utli għall-analiżi tal-benchmarking bħala eżempji ta’ proġetti ta’ l-użu tal-fibre fl-Olanda.

(143)

Skond l-analiżi ta’ l-industrija (84) madwar 20-25 % tal-popolazzjoni bħala medja hija lesta li tibda tuża netwerk tal-fibre ġdid. […].

(144)

Minbarra dan, fuq il-bażi ta’ tendenzi kurrenti, id-domanda għas-servizzi li jingħataw fuq netwerks tal-fibre b’bandwidth għolja tidher li qiegħda tiżdied b’pass aktar mgħaġġel minn dak li stennew l-esperti tas-suq ftit snin ilu. Il-pjanijiet kurrenti għall-użu tan-netwerks tal-fibre b’mod speċjali fl-Olanda u f’pajjiżi Ewropej oħrajn (85) jipprovdu aktar evidenza għall-ġibda ta’ l-investimenti f’netwerks ta’ aċċess tal-fibre. Għalhekk, m’huwiex maqtugħ mir-realtà li rata ta’ penetrazzjoni ta’ […] % tad-djar kollha tista’ tintlaħaq wara […] xahar.

(145)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li huwa konċepibbli għal investitur ta’ l-ekonomija tas-suq li jinvesti fil-proġett fuq dik il-bażi tar-rati ta’ penetrazzjoni previsti fil-pjan tan-negozju (tabilħaqq, dan huwa dak li għamlu Reggefiber u ING RE).

Prezzijiet bl-ingrossa

(146)

Il-prezzijiet bl-ingrossa għal kull konnessjoni mitluba minn GNA lil BBned għall-esplojtazzjoni tan-netwerk passiv […].

(147)

Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-UPC ikkalkula li l-GNA għandha titlob mill-inqas EUR 20 - EUR 22 fix-xahar għal konnessjoni bl-ingrossa li tippermetti servizzi ta’ triple-play fuq in-netwerk tagħha. Madankollu, f’dan il-livell tal-prezz, il-prezzijiet finali ta’ servizz bl-imnut neċessarjament ikunu aktar għaljin minn offerti simili kurrenti ta’ l-operaturi eżistenti, li allegatament iqajmu dubji dwar ir-rata ta’ penetrazzjoni fil-mira.

(148)

Sabiex isaħħaħ l-argumenti tiegħu, il-UPC issottometta kalkoli (86) għall-prezzijiet bl-ingrossa ibbażati fuq il-prezzijiet ta’ servizzi bl-imnut offruti mill-fornituri ta’ servizzi (87) fuq in-netwerk tal-GNA. Il-UPC isostni li fuq il-bażi ta’ dawn il-prezzijiet bl-imnut kurrenti, huwa improbabbli li t-tliet saffi kollha (passivi, attivi u ta’ l-imnut) ikunu jistgħu joperaw bi profitt fl-istess waqt.

(149)

B’kuntrast, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li t-teknoloġija l-ġdida tal-fibre teħtieġ kalkoli ta’ l-ispiża differenti mil-linji tal-kejbil jew tar-ram tradizzjonali. Biex nieħdu eżempju, in-netwerk tal-fibre jeħtieġ nefqiet operattivi ferm aktar baxxi (bħal spejjeż ta’ l-immaniġġjar, manutenzjoni) u barra minn hekk għandu ħajja ekonomika itwal, jiġifieri perjodu ta’ amortizzazzjoni itwal (sa 30 sena).

(150)

Il-UPC sostna wkoll li m’huwiex possibbli għat-tliet saffi kollha (88) li jrendu profitti b’mod simultanju. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li hija evalwat il-prezzijiet bl-ingrossa mitluba għall-aċċess għas-saff passiv, billi dan huwa s-saff inkluż fil-pjan tan-negozju li qiegħed jiġi evalwat, fejn huma involuti l-fondi pubbliċi. Il-Kummissjoni sabet li dawn il-prezzijiet bl-ingrossa m’humiex maqtugħin mir-realtà (89). Il-vijabilità taż-żewġ saffi l-oħrajn, imħaddma minn operaturi privati, hija sa ċertu punt affettwata mill-prezzijiet bl-ingrossa mitluba għall-użu tas-saff passiv. B’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-operat tat-tieni saff intrebaħ minn BBned permezz ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, li aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju huwa offrut lil kull operatur fuq is-saff tas-servizzi bl-imnut u b’kunsiderazzjoni wkoll tal-prezzijiet bl-ingrossa ta’ GNA, il-Kummissjoni ma tara li hemm ebda riskju li ż-żewġ saffi l-oħrajn jistgħu ma jitħaddmux b’mod li jħallu l-profitti.

(151)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-prezzijiet mitluba minn GNA għall-aċċess bl-ingrossa, hemm xi indikazzjonijiet li n-netwerks tal-fibre jistgħu jinvolvu nefqa operattiva aktar baxxa min-netwerks tal-kejbil u t-telekomunikazzjoni ta’ legat. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u wkoll b’kunsiderazzjoni ta’ l-informazzjoni ta’ punt ta’ referenza disponibbli u tar-riżultati tar-rapport ta’ Stratix Consulting/l-Università Teknika ta’ Delft, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prezzijiet bl-ingrossa fil-pjan tan-negozju m’humiex maqtugħin mir-realtà meta mqabblin ma’ servizzi simili pprovduti minn operaturi oħrajn.

Spejjeż ta’ l-Investiment

(152)

Il-Kummissjoni evalwat ukoll l-ispejjeż ta’ l-investiment ippjanati. Il-GNA tikkalkula EUR […]. Dan iwassal għal spiża totali għas-saff passiv ta’ […] għal kull dar. Il-figuri tal-benchmark, miġbura mill-Kummissjoni, għall-infrastruttura kompleta (attiva u passiva flimkien) jitilgħu u jinżlu bejn EUR 1 000 u EUR 2 000 (90), waqt li l-porzjon bejn il-ħtiġijiet ta’ l-investiment għal konnessjoni passiva u dik attiva hija bejn wieħed u ieħor madwar tnejn għal kull wieħed.

(153)

Il-UPC jappoġġja l-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni espressa fid-deċiżjoni tal-ftuħ li l-vijabilità tal-pjan tan-negozju hija dipendenti ħafna fuq l-ispejjeż marbuta ma’ l-investiment u jenfasizza li l-ispejjeż ikkalkulati huma estimi baxxi ħafna. B’kuntrast ma’ dan, l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-ispejjeż ta’ l-investiment jirriżultaw mit-topoloġija taz-żoni konċernati, id-densità tal-popolazzjoni għolja u l-preżenza tal-binjiet li fihom jgħixu aktar minn familja waħda (li jnaqqsu l-ispejjeż ta’ l-użu għal kull dar). Minbarra dan, l-awtoritajiet jenfasizzaw li l-GNA diġà ffirmat kuntratt mal-kumpaniji ta’ l-inġinerija ċivili Van den Berg/BAM u Draka Comteq nhar il-[…] 2006 (91) f’kundizzjonijiet speċifikati li għandhom jiggarantixxu li l-ispejjeż ta’ l-użu jkunu fil-medda inkluża fil-pjan tan-negozju.

(154)

B’kunsiderazzjoni wkoll tat-topografija taz-żoni (żona b’popolazzjoni densa fuq pjan terran), il-fatt li l-kumpaniji ta’ l-inġinerija ċivili li għamlu x-xogħlijiet aċċettaw li jagħmluhom għal prezz kompatibbli mal-pjan tan-negozju, u mad-data tal-benchmark disponibbli, il-Kummissjoni ssib li l-figuri ppjanati fl-investiment tal-GNA jidhru li huma realistiċi. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-GNA ikkalkulat b’ċertu livell ta’ buffer fil-każ ta’ qabża ta’ l-ispejjeż ta’ l-investiment li tkun skond il-prattika ta’ l-investituri tas-suq prudenti u tipprovdi aktar evidenza għar-robustezza ta’ l-estimi ta’ l-ispejjeż marbuta ma’ l-investiment.

Il-valur residwali tan-netwerk

(155)

Il-valur residwali stmat tan-netwerk passiv għandu rwol importanti ħafna fil-pjan tan-negozju tal-GNA sabiex jinkisbu l-miri finanzjarji u sabiex jiġi pprovdut kollateral għall-investituri. Il-GNA tapplika kkalkolata fuq bażi multipla biex tiddetermina l-valur residwali ta’ l-assi (il-valur proġettat tan-netwerk fl-[…] huwa ta’ EUR […]), il-valur qiegħed jiddependi biss fuq ir-rata ta’ penetrazzjoni miksuba. Il-Kummissjoni evalwat ukoll b’validazzjoni alternattiva fuq bażi multipla l-valur residwali tan-netwerk tal-GNA, li rriżulta f’valur fil-medda ta’ EUR […] miljun f’rata ta’ penetrazzjoni ta’ […]%, li taqbel ma’ l-istima tal-GNA.

(156)

Il-UPC jissuġġerixxi li l-figuri tal-benchmark użati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ (92) għall-evalwazzjoni tal-valur residwali tan-netwerk huma ottimistiċi wisq, ladarba dawk il-figuri huma relatati ma’ kumpanija stabbilita bi dħul u klijenti rikorrenti. Barra minn hekk, il-UPC jasserixxi li għal-lifetime ekonomika mistennija tan-netwerk, stima ta’ massimu ta’ 20 sena tidher li hija waħda raġonevoli (meta mqabbla mal-[…] użata fil-pjan tan-negozju ta’ GNA). Il-UPC jirrakkomanda wkoll li tintuża evalwazzjoni bbażata fuq il-ħruġ u d-dħul tal-flus sabiex jiġi ċċekkjat il-valur residwali tan-netwerk.

(157)

L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-kalkolazzjoni tal-pjan tan-negozju tal-GNA fir-rigward tal-valur residwali tan-netwerk hija waħda realistika u bbażata fuq metodoloġija korretta. Minbarra dan, huma jsostnu li l-lifetime ekonomika tan-netwerks tal-fibre tista’ tkun […] jew saħansitra aktar. Barra minn hekk, huma jsostnu li n-netwerk fis-seħħ ser ikun siewi minħabba l-vantaġġ first-mover tiegħu u minħabba li l-kostruzzjoni tat-tieni netwerk simili tista’ ma tkunx ekonomikament vijabbli fid-dawl ta’ ċerti karatteristiċi ta’ monopolju naturali tan-netwerks ta’ l-aċċess tal-fibre. Dawn l-aħħar fatturi allegatament jipprovdu aktar evidenza li n-netwerk fis-seħħ ser ikollu valur sinjifikanti anki jekk il-pjan tan-negozju ma jimmaterjalizzax għalkollox.

(158)

Ladarba għal dan il-parametru kienet disponibbli biss data tas-suq rilevanti limitata, il-Kummissjoni analizzat il-valur residwali tan-netwerk b’diversi metodi alternattivi, inkluża evalwazzjoni bbażata fuq id-dħul u l-ħruġ tal-flus (93). Barra minn hekk, ir-rapporti ta’ l-industrija (94) jappoġġjaw il-fehma ta’ l-awtoritajiet Olandiżi li l-lifetime ekonomika tan-netwerks tal-fibre tista’ tilħaq […]. Fuq il-bażi tad-data disponibbli, il-valur residwali ma jvarjax b’mod sinjifikanti mill-medda tal-prezz derivata mid-data tal-benchmark. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li n-netwerk x’aktarx li jkun ass tanġibbli b’valur sinjifikanti għall-azzjonisti ta’ GNA […] (95).

Tħassib metodoloġiku

(159)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qajjmet ukoll ċertu tħassib metodoloġiku preliminari fir-rigward tal-pjan tan-negozju ta’ GNA. Biex nieħdu eżempju, it-taxxa korporattiva m’hijiex inkluża fil-pjan tan-negozju. L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li l-azzjonisti ta’ GNA għażlu l-forma legali ta’ “gesloten commanditaire vennotschap” li ma għandha ebda obbligu li tħallas it-taxxa fuq il-profitti. Għaldaqstant, ir-riżultati ta’ GNA ser jiġu kkonsolidati direttament mill-azzjonisti tagħha u l-proġett jiġi evalwat fuq “bażi ta’ qabel it-taxxa”.

(160)

Wara li evalwat il-miżura f’aktar dettall matul l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni sabet li l-elementi ta’ tħassib metodoloġiku huma ta’ importanza minuri, ibbażati fuq l-għażla tal-metodoloġija tal-pjan tan-negozju applikata minn GNA, u ma jitfgħux dubju fuq il-vijabilità ġenerali tal-pjan tan-negozju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li kemm l-investituri privati u kif ukoll il-kumpanija PricewaterhouseCoopers, li vverifikat il-pjan tan-negozju, approvaw uffiċjalment (96) l-għażliet metodoloġiċi li fuqhom huwa bbażat il-pjan tan-negozju.

Kunsiderazzjonijiet oħrajn fir-rigward tal-pjan tan-negozju ppreżentat mill-kwerelanti

(161)

Il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni li l-awtoritajiet Olandiżi ppreżentaw ukoll diversi analiżi ta’ sensittività u xenarji ta’ negozju (97) sabiex ikomplu jappoġġjaw ir-robustezza tal-pjan tan-negozju ta’ GNA. Din l-informazzjoni kompliet turi li l-pjan tan-negozju ta’ GNA jieħu f’kunsiderazzjoni r-riskji u l-opportunitajiet kollha relatati mal-proġett.

(162)

Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-UPC kompla jikkritika s-suppożizzjonijiet tal-pjan tan-negozju ta’ GNA mhux imsemmija b’mod espliċitu fl-evalwazzjoni tal-pjan tan-negozju deskritta fil-premessi (121) u dawk ta’ wara, billi kkonkluda li l-pjan mhux ser ikun kummerċjalment fattibbli. Il-Kummissjoni tixtieq ittenni li la l-UPC u lanqas RBB, il-kumpanija ta’ konsulenza li għamlet diversi rapporti għall-UPC fil-qafas ta’ l-investigazzjoni ta’ dan il-każ, ma kellhom aċċess għall-pjan tan-negozju attwali ta’ GNA. Għalhekk, l-analiżi tagħhom kienu bbażati fuq informazzjoni magħmula disponibbli għall-pubbliku, fuq kollox fuq rapport ta’ analiżi mħejji dwar il-fattibbiltà ta’ proġett fibre-to-the-home f’Amsterdam (98).

(163)

Il-Kummissjoni tinnota li l-fatturi determinanti ewlenin tal-pjan tan-negozju ippreżentat mill-UPC jew diġà ġew evalwati fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan tan-negozju ta’ GNA (bħar-rata tal-penetrazzjoni, rata ta’ abbonati ġodda, ir-rata churn, id-dħul finanzjarju bl-ingrossa, l-ispejjeż ta’ l-investiment, it-tul mistenni tal-ħajja tan-netwerk fil-kalkolazzjoni tal-“valur residwali”) jew inkella huma ta’ rilevanza limitata għall-evalwazzjoni tiegħu (l-għażla tal-metodoloġija fil-pjan) (99).

(164)

Il-UPC enfasizza wkoll li l-Kummissjoni għandha tieħu f’kunsiderazzjoni mhux biss is-suppożizzjonijiet individwali iżda wkoll l-interrelazzjoni bejniethom. Biex nieħdu eżempju, il-UPC jsostni li livelli għolja ta’ penetrazzjoni bi prezzijiet għoljin flimkien huma meqjusa bħala impossibbli. Il-Kummissjoni evalwat il-metodoloġija u l-figuri li fuqhom huwa bbażat il-pjan tan-negozju u sabet li dawn jistgħu jitqiesu bħala aċċettabbli għal investitur privat li jopera taħt kundizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq normali.

(165)

Il-UPC jsostni wkoll li fil-kalkolazzjonijiet tiegħu dwar il-pjan tan-negozju ta’ GNA, huwa ma ħax f’kunsiderazzjoni li l-GNA ser tipprovdi skontijiet għall-utenti tan-netwerk fl-ewwel snin, kif kienet mikxufa din l-informazzjoni fil-proċedura tal-ftuħ tal-Kummissjoni. Il-UPC jsostni li tali kontribuzzjoni minn GNA għall-ispejjeż tal-kummerċjalizzar tal-proġett komplet tkompli tiddeterjora kwalunkwe redditu finanzjarju tal-proġett għall-investituri u tipprovdi aktar evidenza li l-pjan tan-negozju ta’ GNA m’huwiex wieħed fattibbli. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li hija prattika tas-suq normali li servizzi ġodda jiġu offruti bi prezzijiet imraħħsa fil-bidu sabiex tintlaħaq ċerta bażi ta’ klijenti. Barra minn hekk, l-impatt finanzjarju ta’ dawk l-iskontijiet ittieħed kollu kemm hu f’kunsiderazzjoni fil-pjan tan-negozju ta’ GNA, li kien analizzat mill-Kummissjoni.

(166)

Fir-rigward tal-mudell Arcadis (100) indikat minn UPC bħala prokura possibbli għall-pjan tan-negozju ta’ GNA, il-Kummissjoni tinnota li l-mudell ma kienx jagħmel parti mis-sottomissjoni ta’ l-awtoritajiet Olandiżi, u l-awtoritajiet ikkonfermaw li ma hemm l-ebda rabta bejn il-proġett taħt skrutinju u l-mudell Arcadis.

(167)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandha ebda indikazzjoni li s-self ta’ EUR […] ipprovdut minn […] ma kienx ipprovdut fuq it-termini tas-suq. Ir-rata ta’ l-interess mitluba minn […] (101) u l-valur kollaterali potenzjali ta’ l-assi involuti jipprovdu biżżejjed evidenza li s-self ingħata fit-termini tas-suq.

Konklużjoni dwar il-pjan tan-negozju

(168)

Wara li saret l-investigazzjoni formali u wara li evalwat l-informazzjoni addizzjonali li rċeviet, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-pjan tan-negozju ta’ GNA huwa f’konformità ma’ l-MEIP.

(169)

Il-pjan tan-negozju huwa bbażat fuq il-previżjoni ewlenija li l-evoluzzjoni tas-swieq tat-telekomunikazzjoni u tal-midja fl-Olanda ser tittraduċi f’domanda sinjifikanti għal servizzi ta’ broadband b’veloċità għolja, li għandha tiġi ssodisfata ħafna min-netwerks ta’ FttH. Minn din il-previżjoni, li kienet endorsjata mir-rapport ta’ Stratix Consulting/l-Università Teknika ta’ Delft, joħorġu s-suppożizzjonijiet fir-rigward tal-prezzijiet u r-rata ta’ penetrazzjoni tan-netwerk tal-GNA. Flimkien ma’ suppożizzjonijiet oħrajn (eż. spejjeż ta’ l-investiment), dawn il-fatturi iwasslu għar-riżultat li l-proġett jagħti rimunerazzjoni suffiċjenti lill-investituri tiegħu.

(170)

Il-Kummissjoni evalwat il-pjan u s-suppożizzjonijiet fih billi għamlet benchmarking tiegħu ma’ proġetti komparabbli kull fejn possibbli, billi ċċekkjat il-konsistenza interna tiegħu u l-fattibbiltà tas-suppożizzjonijiet. Il-konklużjoni minn din l-evalwazzjoni hija li l-pjan tan-negozju huwa metodoloġikament korrett u jieħu f’kunsiderazzjonijiet il-fatturi rilevanti kollha li jistgħu jħallu impatt fuq is-suċċess tal-proġett.

(171)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssib li l-pjan tan-negozju ta’ GNA ma jinkludi ebda suppożizzjoni li hija żbaljata b’mod gross. Is-suppożizzjonijiet li jsejsu l-pjan huma realistiċi jekk wieħed jarahom kontra l-previżjoni prinċipali dwar l-evoluzzjoni tas-swieq tal-midja u t-telekomunikazzjonijiet. Jidhru wkoll li huma realistiċi meta sottomessi għal analiżi komparattiva u mqabbla ma’ proġetti komparabbli. Ir-riżervi li jisgħtu jitfaċċaw kontra wħud mis-suppożizzjonijiet tal-pjan ta’ negozju bħala kwistjoni ta’ prinċipju jew minn punt tat-tluq ta’ tbassir differenti dwar l-evoluzzjoni ġejjiena tas-swieq rilevanti mhumiex biżżejjed biex jimminaw il-kredibbiltà globali tiegħu. Din id-diverġenza ta’ perspettivi tirrigwarda l-marġini wiesa’ ta’ ġudizzju li jsib ruħu f’deċiżjonijiet intraprendenti dwar investiment.

(172)

Għandu jiġi enfasizzat li żewġ investituri privati speċjalizzaw (ukoll) f’investimenti f’infrastruttura ta’ komunikazzjonijiet, ING RE u Reggefiber, ħadu sehem sinjifikanti fil-proġett fuq il-bażi tal-pjan tan-negozju. […] (102). Minbarra l-profitti finanzjarji, il-valur strateġiku tal-proġett (bħala “proġett pilota” relattivament żgħir biex jiġi ttestjat il-potenzjal tat-teknoloġija FttH f’żoni b’popolazzjoni densa u l-mudell ta’ negozju ġdid bażi (103) seta’ kkontribwixxa sewwa għad-deċiżjoni ta’ l-investituri pubbliċi u privati li jaċċettaw livell relattivament ogħla ta’ riskju (104).

(173)

B’dawn l-elementi f’moħħha, il-Kummissjoni tikkonkludi li investitur privat li jaħdem taħt kundizzjonijiet ekonomiċi tas-suq normali jista’ jinvesti fil-GNA fuq il-bażi tal-pjan tan-negozju tagħha. Il-fatt li żewġ investituri privati qegħdin jinvestu fil-GNA jikkonferma dan.

(174)

Fir-rigward tas-sottomissjonijiet ta’ UPC, ONO, FT, COM HEM u l-parti anonima, li jitolbu lill-Kummissjoni biex tadotta linja stretta fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-MEIP fil-każ preżenti fid-dawl ta’ l-allegat “karattru preċedenti” tal-proġett għal investimenti tal-broadband oħrajn fl-Ewropa, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-evalwazzjoni ta’ l-MEIP dejjem għandha titwettaq fuq bażi ta’ każ b’każ skond il-ġurisprudenza eżistenti u l-prattika tagħha tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’dan il-qasam.

(175)

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-investiment mill-muniċipalità ta’ Amsterdam ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat peress li dan sar fl-istess waqt bħala kontribuzzjoni ta’ kapital sinjifikanti min-naħa ta’ investitur privat magħmula f’ċirkostanzi komparabbli. Barra minn hekk, eżaminazzjoni tal-pjan tan-negozju ikkonfermat b’mod ugwali li l-investiment huwa f’konformità mal-Prinċipju ta’ l-Investitur ta’ l-Ekonomija tas-Suq.

VII.   KONKLUŻJONI

(176)

Wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Olandiżi indirizzaw id-dubji preliminari espressi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ b’mod sodisfaċenti. B’mod partikolari, il-pre-investimenti kollha mill-muniċipalità ta’ Amsterdam, li kien wieħed mit-tħassib prinċipali tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ, kienu rimborżati minn GNA. Il-Kummissjoni ssib li l-muniċipalità ta’ Amsterdam tinvesti fil-GNA fuq l-istess termini u kundizzjonijiet bħal dawk tal-partijiet privati involuti fil-proġett, li qegħdin jinvestu fuq il-bażi tal-pjan tan-negozju ta’ GNA.

(177)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-investiment tal-muniċipalità ta’ Amsterdam fil-GNA ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87 (1) tat-Trattat tal-KE billi huwa f’konformità mal-Prinċipju ta’ l-Investitur ta’ l-Ekonomija tas-Suq.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-investiment mill-muniċipalità ta’ Amsterdam fi Glasvezelnet Amsterdam C.V., li qiegħda tiżviluppa netwerk tal-fibre f’Amsterdam, kif innotifikat lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Mejju 2005, ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87 (1) tat-Trattat tal-KE.

Il-miżura tista’ għalhekk tiġi implimentata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Olanda.

Magħmula fi Brussell, 11 ta’ Diċembru 2007

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 134, 16.6.2007, p. 9: Għajnuna statali C 53/2006 (ex N 262/05) – Citynet Amsterdam – investment by the city of Amsterdam in a fibre-to-the home (FttH) network – Invit biex ikunu ippreżentati kummenti skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE.

(2)  VECAI ippreżentat aktar informazzjoni b’e-mails irreġistrati fis-27 ta’ Diċembru 2005, il-11 ta’ Jannar 2006 u l-31 ta’ Jannar 2006.

(3)  UPC Nederland BV huwa sussidjarju ta’ Liberty Global Inc.. UPC Nederland BV jaġixxi taħt l-isem ta’ UPC fl-Olanda. Liberty Global, Inc. (“Liberty Global”) huwa operatur tal-kejbil internazzjonali li joffri servizzi tal-vidjo, tat-telefonija u ta’ aċċess għall-Internet. Huwa jopera netwerks ta’ komunikazzjonijiet broadband f’diversi pajjiżi.

(4)  Informazzjoni ppreżentata minn UPC fit-12 ta’ Mejju u rreġistrata fil-15 ta’ Mejju 2006.

(5)  L-awtoritajiet bagħtu informazzjoni fid-19 u fil-31 ta’ Mejju, fl-1, fis-7, u fit-13 ta’ Ġunju 2006.

(6)  L-awtoritajiet bagħtu informazzjoni fit-18, 25 u 29 ta’ Awwissu 2006.

(7)  Cf. ibbażat fuq informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, eż. artikoli fil-gazzetti Parool (7 ta’ Lulju 2006) u Trouw (13 ta’ Ottubru 2006).

(8)  L-aħħar lott ta’ informazzjoni kien ippreżentat permezz ta’ ittra rreġistrata fit-22 ta’ Settembru 2006.

(9)  Minuti tal-Qorti ta’ l-Appell datati l-21 ta’ Novembru 2006, nru 200601252.

(10)  Gerechtshof, sentenza fil-kawża 1252/06 KG tat-18 ta’ Jannar 2007.

(11)  Id-“data rooms” jintużaw tipikament, per eżempju, matul il-fażi ta’ diliġenza dovuta ta’ transazzjonijiet ta’ inkorporazzjoni u ta’ akkwist u jipprovdu aċċess għal data kunfidenzjali tal-kumpanija għall-offerenti prospettivi.

(12)  Cf. nota 1 ta’ qiegħ il-paġna.

(13)  Permezz ta’ ittra datata u rreġistrata fis-17 ta’ Lulju 2007

(14)  Permezz ta’ ittra datata u rreġistrata fis-16 ta’ Lulju 2007

(15)  Permezz ta’ ittra datata u rreġistrata fis-17 ta’ Lulju 2007

(16)  Permezz ta’ ittra datata u rreġistrata fis-17 ta’ Lulju 2007

(17)  Permezz ta’ ittra datata u rreġistrata fis-17 ta’ Lulju 2007, verżjoni mhux kunfidenzjali rċevuta fis-27 ta’ Lulju 2007

(18)  L-użu ta’ netwerks ta’ aċċess għall-fibre huwa meqjus bħala l-qabża kbira li jmiss fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. In-netwerks ġodda tal-fibre, meta kkomparati man-netwerks eżistenti bbażati fuq ir-ram (bħall-ADSL jew il-kejbil) ser jipprovdu veloċitajiet ferm ogħla u servizzi simetriċi u huma mistennija li jiftħu t-triq għal għadd numeruż ta’ servizzi u applikazzjonijiet ġodda u innovattivi bbażati fuq teknoloġiji ta’ IP (IPTV, vidjo fuq domanda, telemediċina, eċċ.).

(19)  Il-kumpanija li rnexxielha tirbaħ l-offerta għall-kostruzzjoni hija Van den Berg Infrastructuren (BAM)/Draka Comteq Telecom. Van den Berg hija sussidjarja ta’ BAM, kumpanija kbira tal-kostruzzjoni u Draka Comteq hija kumpanija li tipproduċi l-kejbils. Il-kumpanija li rnexxielha tirbaħ l-offerta għat-tħaddim tan-netwerk, offerta 2005/S 79-076325, hija BBned.

(20)  ING RE hija sussidjarja ta’ ING, konglomerat ta’ servizzi finanzjarji (fis-settur bankarju u ta’ l-assigurazzjoni).

(21)  Reggefiber hija involuta f’diversi proġetti ta’ netwerk tal-fibre fl-Olanda u marbuta mal-grupp tal-bini u l-kostruzzjoni Volker Wessels.

(22)  L-iffinanzjar tal-korporazzjonijiet tal-housing soċjali fl-Olanda bħalissa huwa suġġett għal proċedura ta’ għajnuna eżistenti mwettqa mill-Kummissjoni (Kawża E-2/2005 Bestaande woonwet en financierings-methoden voor woningsbouwcorporaties). Permezz ta’ ittra datata l-20 ta’ Diċembru 2005 mibgħuta lill-Kummissarju Neelie Kroes, Vecai talab lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-istejtus legali tal-korporazzjonijiet tad-djar skond ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Frar 2006, il-Kummissarju Kroes irrisponda, billi wieġeb li d-DĠ Kompetizzjoni qiegħda tittratta l-kwistjoni fi ħdan il-qafas tal-proċedura msemmija qabel u li għadha għaddejja.

(23)  Madwar terz tad-djar (13 000) f’din iz-żona huma proprjetà tal-korporazzjonijiet tal-housing soċjali.

(*)  […] l-informazzjoni fil-parentesi hija koperta mill-obbligu ta’ segretezza professjonali.

(24)  […]

(25)  BBNed huwa operatur privat tal-broadband, sussidjarju ta’ Telecom Italia. BBned intgħażel permezz ta’ proċedura ta’ offerti li ġiet irreklamata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej b’referenza għal 2004/S 138 – 118456, tas-17 ta’ Lulju 2004.

(26)  […]

(27)  Fit-telekomunikazzjonijiet, “triple play” hija terminu li tfisser li jiġu offruti servizzi ta’ telefonija, televiżjoni u aċċess għall-Internet b’veloċità għolja fuq konnessjoni waħdanija ta’ broadband.

(28)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża T-73/98 Société chimique Prayon-Rupel SA v Commission [2001] ECR II-867, para 93 tgħid “il-fatt li l-ħin meħud jaqbeż b’mod konsiderevoli l-ħin li normalment ikun meħtieġ għal eżaminazzjonijiet preliminari skond l-Artikolu 93 (3) tat-Trattat jista’, flimkien ma’ fatturi oħrajn, jiġġustifika l-konklużjoni li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni li tagħti neċessità lill-bidu tal-proċedura skond l-Artikolu 93 (2) tat-Trattat”.

(29)  Il-muniċipalità kkummissjonat diversi studji fl-2003 u fl-2004 sabiex ħejjiet il-proġett u organizzat is-sejħiet għall-offerti għall-kostruzzjoni u l-esplojtazzjoni tan-netwerk. Minbarra dan, il-belt ta’ Amsterdam iffinanzjat ċerti attivitajiet ta’ tħaffir u xtraw softwer għall-kostruzzjoni tan-netwerk. Dawn il-“pre-investimenti” tal-muniċipalità jammontaw għal […].

(30)  Ara l-premessa 30 u s-segwitu tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(31)  Billi l-awtoritajiet Olandiżi talbu li l-pjan tan-negozju ta’ GNA ikun suġġett għall-obbligu ta’ segretezza professjonali, RBB Economics ma kellhiex aċċess għall-pjan tan-negozju attwali ta’ GNA u bbażat l-istudju tagħha fuq informazzjoni disponibbli għall-pubbliku u fuq il-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni.

(32)  Ara l-premessa 30 u s-segwitu tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(33)  Ir-rati churn totali indikaw il-klijenti kollha li ħallew lill-UPC biex ingħaqdu ma’ kwalunkwe operatur ieħor (per eżempju ma’ KPN, GNA, marru f’distretti oħrajn, eċċ.). Għalhekk, il-UPC iqis din il-figura bħala r-rata churn massima li n-netwerk il-ġdid tal-fibre ta’ GNA seta’ jikseb f’dan l-istadju.

(34)  GNA bdiet tniedi n-netwerk f’Ottubru 2006 u l-operaturi bl-imnut li jużaw in-netwerk GNA permezz ta’ BBNed bdew joffru s-servizzi f’Marzu 2007.

(35)  Biex nieħdu eżempju, f’ċerti partijiet ta’ Nuenen u Hillegom, il-penetrazzjoni tas-servizzi fis-suq fuq in-netwerk tal-fibre hija ogħla minn 80 % tad-djar kollha wara sena waħda ta’ forniment tas-servizz. Il-proġetti f’Nuenen u Hillegom għandhom ambjent differenti mill-proġett f’Amsterdam, per eżempju ma hemm ebda investitur pubbliku preżenti f’Hillegom.

(36)  In-netwerk tal-fibre f’Nuenen jgħaddi minn 7 400 dar, inqas minn 25 % tad-daqs kurrenti tal-proġett f’Amsterdam.

(37)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19.7.2006, C 35/2005, Broadband development Appingedam (ĠU L 86, 27.3.2007, p. 1), fejn il-Kummissjoni qieset l-għajnuna mogħtija għall-iżvilupp ta’ netwerk ta’ aċċess tal-fibre-optic bħala li hija inkompatibbli mas-suq komuni, billi l-muniċipalità Olandiża ta’ Appingedam żviluppat in-netwerk tagħha bl-għajnuna mill-Istat fejn operaturi privati tan-netwerk broadband fiz-żona diġà kienu qegħdin joffru servizzi simili. Fil-kawża ta’ Appingedam, ma kien hemm ebda involviment privat fl-iffinanzjar tal-proġett u l-MEIP ma ġiex invokat mill-awtoritajiet Olandiżi.

(38)  Arcadis hija kumpanija ta’ l-inġinerija li tipprovdi ġestjoni ta’ proġetti, konsulenza u servizzi ta’ inġinerija għall-użu ta’ netwerk tal-fibre.

(39)  Il-mudell huwa disponibbli fuq dan is-sit elettroniku: http://ngn.arcadis.nl/

(40)  Ara n-nota 37 ta’ qiegħ il-paġna.

(41)  Id-distinzjoni bejn “abjad”, “griż” u “iswed” tiddependi fuq il-livell ta’ l-offerti eżistenti ta’ servizzi ta’ broadband. F’termini ġenerali, “żoni bojod” huma żoni rurali u bi ftit li xejn nies jgħixu fihom u li ma jkun fihom assolutament ebda forniment ta’ servizzi broadband; “żoni griżi” huma żoni fejn servizzi bażiċi ta’ broadband huma diġà pprovduti f’xi partijiet tat-territorju konċernat; u “żoni suwed” huma żoni fejn servizzi ta’ broadband differenti jiġu offruti fuq mill-inqas 2 infrastrutturi li jikkompetu ma’ xulxin (bħal netwerks tat-telefon u tat-televiżjoni bil-kejbil).

(42)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Azzjonijiet Komuni għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Il-Programm Komunitarju ta’ Liżbona, KUMM(2005) 330 ta’ l-20 ta’ Lulju 2005.

(43)  Fir-rapport ta’ Stratix Consulting/l-Università Teknika ta’ Delft imħejji għall-awtoritajiet Olandiżi fit-8 ta’ Marzu 2007 u ppreżentat lill-Kummissjoni fis-16 ta’ Marzu 2007, il-kumpanija tal-konsulenza tagħti lista ta’ madwar 50 proġetti ta’ użu tal-fibre li għadhom għaddejjin fl-Olanda minn Diċembru 2006, b’ammont simili ta’ proġetti simili mħabbra u ippjanati li jiġu mnedija mill-2007.

(44)  Informazzjoni ppreżentata fid-9 ta’ Novembru 2007 u fit-12 ta’ Novembru 2007.

(45)  […]

(46)  L-ispiża medja peżata tal-kapital (WACC) tesprimi l-ispiża relattiva ta’ l-investiment ta’ kapital u l-kapital ta’ dejn ta’ negozju. Id-WACC hija indikatur finanzjarju aċċettat minn kulħadd biex ikejjel għal kwalunkwe negozju jew proġett partikolari r-rata tar-redditu mitluba mill-fornituri tal-kapital (dejn u investiment ta’ kapital) b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tar-riskju inerenti fil-proġett. Negozji jew proġetti li jistgħu jieħdu profitti lura (imkejla per eżempju bl-użu tar-rata interna tar-redditu) li jkunu akbar min-nefqa tal-valur miżjud għall-kapital għall-investituri. Bil-maqlub, negozji jew proġetti li, filwaqt li xorta jistgħu jkunu vantaġġjużi, jipproduċu profitti inqas min-nefqa tal-kapital jispiċċaw “jeqirdu” l-valur ta’ l-investitur.

(47)  Fl-analiżi tal-benchmarking tal-Kummissjoni, is-suppożizzjonijiet tal-pjan tan-negozju ta’ GNA ġew imqabbla ma’ l-informazzjoni disponibbli tal-kumpaniji tagħha meqjusa li huma ta’ l-istess livell, primarjament l-operaturi tat-telecom Ewropej.

(48)  Ir-rata interna tar-redditu tintuża biex jittieħdu deċiżjonijiet fuq investimenti fit-tul u biex jitqabblu l-proġetti ta’ investiment differenti.

(49)  Bħal applikazzjonijiet bejn entità u oħra ta’ l-istess livell, tniżżil ta’ fajls, servizzi ta’ HDTV, eċċ.

(50)  Ara n-nota 44 ta’ qiegħ il-paġna.

(51)  L-awtoritajiet Olandiżi qegħdin jirreferu b’mod partikolari għas-sentenza tas-CFI tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia v il-Kummissjoni, T-296/97, premessi 80-81, is-sentenza tal-Qorti tal-21 ta’ Marzu 1991, l-Italja vs il-Kummissjoni, C-303/88, ECR I-1433, premessa 20; u s-sentenza tas-CFI tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France v il-Kummissjoni, T-358/94, ECR.II-2109, premessa 70.

(52)  L-awtoritajiet Olandiżi qegħdin jirreferu għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 95/404/KE dwar proċedura relatata ma’ l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2407/92 (“Swissair/Sabena”) tad-19 ta’ Lulju 1995, u Nru. 172/00 Seed and Venture Capital Scheme, l-Irlanda tas-17 ta’ Ottubru 2000, (ĠU C 037, 3.2.2001, p. 48).

(53)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE; ĠU L 083, 27.3.1999, p. 1.

(54)  Dan l-aħħar il-kumpanija France Telecom biegħet il-kumpaniji sussidjarji tagħha, Orange Netherlands u Nederland Breedband lil Deutsche Telekom. It-tranżazzjoni ġiet approvata mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Awwissu 2007.

(55)  L-aħħar data għall-figuri churn ippreżentati minn UPC hija relatata mas-sitwazzjoni sa mill-1 ta’ Ġunju 2007.

(56)  Ara wkoll in-nota 41 ta’ qiegħ il-paġna.

(57)  Ara per eżempju d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19.7.2006, C 35/2005, Broadband development Appingedam (ĠU L 86, 27.3.2007, p. 1), u wkoll in-nota 37 ta’ qiegħ il-paġna.

(58)  C-345/02, Pearle and others, [2004] I-7139, premessa 35 b’referenza għall-kawża C-303/88 L-Italja v Il-Kummissjoni [1991] ECR I-1433, premessa 11 u C-482/99, Franza v. il-Kummissjoni, Stardust Marine, [2002] ECR I-4379, premessa 24.

(59)  Legalment, il-muniċipalità ma tinvestix lilha nnifisha f’GNA iżda permezz ta’ vettura bi skop speċjali li twaqqfet apposta għal dan il-proġett […] u li hija proprjetà tal-muniċipalità ta’ Amsterdam permezz tal-Korporazzjoni ta’ Żvilupp ta’ Amsterdam (OGA, intrapriża li hija proprjetà tal-muniċipalità ta’ Amsterdam). L-investiment għalhekk jiġi minn riżorsi ta’ l-Istat li huma imputabbli għall-Istat (il-kumpanija sussidjarja hija proprjetà tal-muniċipalità u d-deċiżjoni li tinvesti lilha nnifisha ttieħdet mill-muniċipalità u hija ggwidata mill-kumpanija sussidjarja tagħha fuq inizjattiva mill-muniċipalità. Għalhekk, il-kundizzjonijiet deskritti fil-kawża C-482/99, premessa 37 Stardust Marine (ara n-nota 58 ta’ qiegħ il-paġna) ġew issodisfati.

(60)  Ara per eżempju s-sentenza tal-Qorti tat-8 ta’ Mejju 2003 fil-Kawżaijiet Konġunti C-328/99 u C-399/00: ir-Repubblika Taljana u SIM 2 Multimedia SpA v il-Kummissjoni [2003] ECR I-4035, premessi 37-38, “Seleco judgement”; il-Kawżaijiet Konġunti 296 u 318/82, Netherlands and Leeuwarder Papierwarenfabriek BV v il-Kummissjoni [1985] ECR 809, premessa 17; l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 61 tal-Ftehim taż-ŻEE għal għajnuna mill-Istat fis-settur ta’ l-avjazzjoni, op. cit. punti 25 u 26; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Awwissu 2004 (2006/621/KE) dwar l-Għajnuna mill-Istat implimentata minn Franza għal France Télécom, ĠU L 257, 20.9.2006, p. 11; il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għall-Istati Membri 93/C 307/03 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KEE u ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE għal intrapriżi pubbliċi fis-settur tal-manifattura, ĠU C 307, 13.11.1993, p. 3).

(61)  Ara per eżempju s-sentenza tal-Qorti fil-Kawża C-303/88 Italy v il-Kummissjoni [1991] ECR I-1433, premessa 20, “ENI-Lanerossi judgement”; il-Kawża T-358/94 Air France v il-Kummissjoni [1996] ECR II-2109, premessa 70.

(62)  Il-Kawża T-296/97, Alitalia, [2000] ECR II-3871, para. 81; il-Kawża T-385/94, Air France, [1996] ECR II-2109, premessi 148-149. Cf. ugwalment Il-Pożizzjoni tal-Kummissjoni, L-Applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KEE għal ishma ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, Bullettin EC-9/1984, premessa 3.2 (i) u (iii).

(63)  Fi kliem ieħor, it-termini u l-kundizzjonijiet jistgħu jkunu identiċi fi ftehim wieħed iżda, fl-istess ħin, ftehimiet oħrajn jistgħu jistipulaw klawżoli addizzjonali bi drittijiet u obbligi differenti.

(64)  In-nota 48 ta’ qiegħ il-paġna tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(65)  L-ishma ta’ l-ING ivarjaw 100 % fuq il-borża tal-kambju mingħajr ebda azzjonist li jippossjedi aktar minn 5 % ta’ l-ishma tagħha. Reggefiber hija sussidjarja ta’ Reggeborgh, li hija vettura ta’ investiment tal-familja Wessels. Ara wkoll in-noti 20 u 21 ta’ qiegħ il-paġna.

(66)  Is-sinjifikanza tal-parteċipazzjoni privata trid tidher ukoll fil-kuntest li l-investiment fis-servizz tal-broadband f’żoni “suwed” huwa primarjament imħaddem minn operaturi privati. Ara wkoll il-premessa (84).

(67)  Premessi 49 ff tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(68)  Ara wkoll il-prmessi 0 u 0.

(69)  Premessi 52 ff. tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(70)  Per eżempju fl-ittra tagħha lill-awtoritajiet Olandiżi tad-29 ta’ Settembru 2006.

(71)  Ara wkoll il-premessa 0. L-awtoritajiet Olandiżi għarrfu lill-Kummissjoni li l-ħlas ta’ l-interessi kien jammonta għal […] u tħallas nhar il-[…] minn GNA.

(72)  Ara per eżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2005dwar il-pjan ta’ ristrutturar ta’ l-Alitalia, ĠU L 69, 8.3.2006, p. 1, premessa 194: “Sabiex jippreżenta l-offerta tiegħu, id-Deutsche Bank wettaq evalwazzjoni ta’ l-istrateġija tal-kumpanija u tal-prospetti tal-profitabilità. Minbarra dan, qabel jikkonkludi l-kuntratt finali, huwa jipproponi li jwettaq operazzjoni ta’ diliġenza dovuta li kwalunkwe investitur għandu jwettaq qabel tinbeda l-operazzjoni”.

(73)  Premessa 62 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(74)  Fl-evalwazzjoni li ġejja, l-aktar li ser issir referenza huwa għal UPC, billi s-sottomissjonijiet tagħhom huma l-aktar dettaljati. Madankollu, l-evalwazzjoni tkopri wkoll ir-rimarki aktar ġenerali sottomessi minn partijiet interessati oħrajn.

(75)  Premessi 63 ff. tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(76)  Imwettqa fit-2 ta’ Mejju 2006 f’isem l-awtoritajiet Olandiżi, ippreżentata lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Mejju 2006.

(77)  Ippreżentat fis-16 ta’ Marzu 2007, ara wkoll il-premessa 0.

(78)  UPC (Operatur tal-kejbil Olandiż) 10,6 %, Fastweb (Operatur tal-broadband Taljan) 9 %, Telenet (Operatur tal-kejbil Fjandriż) 8,5 %, KPN (incumbent Olandiż) 8,1 %.

(79)  Għandu jiġi nnotat li fis-sottomissjonijiet tiegħu l-UPC ukoll ma użax dawn l-indikaturi għall-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-pjan tan-negozju ta’ GNA.

(80)  […]

(81)  UPC/RBB għamlu l-analiżi tagħhom dwar l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, fuq kollox dwar rapport analitiku ta’ ING imħejji dwar il-fattibbiltà ta’ proġett fibre-to-the-home f’Amsterdam: rapport analitiku ta’ ING “Telecoms Ewropej”, 24 ta’ Frar 2006.

(82)  Jiġifieri Chello Extreme, li bħalissa qiegħda toffri download ta’ 20 Mbps u upload b’veloċità ta’ 2 Mbps.

(83)  Fejn il-penetrazzjoni tal-fibre laħqet aktar minn 80 %.

(84)  Ara per eżempju l-istudju JPMorgan (2006): The fibre battle - Changing Dynamics in European Wirelines, 4 ta’ Ottubru 2006. JPMorgan jikkalkula wkoll li ż-żmien tal-qligħ mill-investiment ta’ infrastruttura fibre to the home – li tipprovdi aċċess miftuħ f’suq metropolitan medju – jibda jidher attraenti minn sehem fis-suq ta’ 25 %.

(85)  Kif per eżempju muri mill-investimenti ta’ Reggefiber, Casanet fl-Olanda, Iliad, Free jew France Telecom fi Franza u eżempji oħrajn minn pajjiżi Ewropej oħrajn. Ara wkoll: L-Olanda: FTTH deployment overview, 4Q2006 imħejjija minn Stratix, Jannar 2007

(86)  Sors: Suppliment għar-rapport ta’ l-RBB dwar l-investiment ta’ Amsterdam fil-proġett FttH Citynet, 7 ta’ Novembru 2006.

(87)  Intrapriżi bħalma huma Pilmo, Unet jew InterNLnet diġà qegħdin joffru servizzi fuq in-netwerk tal-GNA bi skop ġeografiku limitat.

(88)  Għal deskrizzjoni tal-mudell bi tliet saffi ara l-premessa 0 ff.

(89)  Għall-evalwazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa ara l-premessa 0 ff.

(90)  Għall-infrastruttura sħiħa (attiva u passiva) UPC/RBB jikkalkula EUR 1 500 għal kull dar (EUR 1 000/EUR 500 rispettivament), KPN EUR 1 300, Hillegom (proġett ta’ FttH Olandiż) EUR 1 200, Corning (kumpanija li timmanifattura l-fibre optic) EUR 1 200, Arthur D. Little (kumpanija ta’ konsulenza) EUR 1 000 (EUR 600/EUR 400 rispettivament), Fastweb (operatur tal-broadband Taljan) EUR 1 200, ARCEP (regolatur Franċiż) EUR 2 000 (data mill-2005 u l-2006), JPMorgan (kumpanija ta’ konsulenza) EUR 1 000 - EUR 2 000.

(91)  Ara wkoll in-nota 19 ta’ qiegħ il-paġna.

(92)  Nota 37 ta’ qiegħ il-paġna tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(93)  L-evalwazzjoni bbażata fuq id-dħul u l-ħruġ tal-flus (f’konformità mal-kummenti tal-UPC) irriżultat f’medda ta’ valur ta’ EUR […].

(94)  Ara per eżempju d-dokumenti tal-kunsill ta’ FttH li huma disponibbli fuq http://www.ftthcouncil.org/ jew ir-riċerka ta’ Gartner ta’ l-14 ta’ Frar 2006: Governments Can Bring Moore’s Law to Broadband Access.

(95)  L-awtoritajiet Olandiżi ppreżentaw ukoll diversi analiżi ta’ sensittività u xenarji ta’ negozji differenti bħala parti mill-pjan tan-negozju ta’ GNA. L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li anke fix-“xenarju ta’ l-agħar każ” il-valur ta’ l-assi ser ikun wieħed suffiċjenti […].

(96)  Imwettaq fit-2 ta’ Mejju 2006 f’isem GNA, ippreżentat lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Mejju 2006. Ara wkoll il-premessa 0.

(97)  F’każ ta’ pjan tan-negozju, l-analiżi tas-sensittività jagħtu ċ-ċans lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet li jevalwaw id-dipendenza tar-riżultati finanzjarji tal-pjan tan-negozju għall-bidliet fis-suppożizzjonijiet bażiċi. B’mod simili, xenarji ta’ negozji differenti jagħmlu enfasi wkoll fuq riżultati differenti tal-proġett fid-dawl tas-suppożizzjonijiet tas-suq differenti.

(98)  Ir-rapport ta’ l-ING wasal għall-konklużjoni li netwerk fibre to the home f’Amsterdam huwa finanzjarment fattibbli u vijabbli (ir-rapport ta’ analiżi ta’ l-ING “European Telecoms”, 24 ta’ Frar 2006). Madankollu, il-pjan tan-negozju użat fir-rapport ta’ analiżi huwa differenti b’mod sinjifikanti meta mqabbel ma’ dak tal-GNA (eż. il-metodoloġija, il-kwadru taż-żmien proġettat, il-miri finanzjarji, eċċ.).

(99)  Il-GNA tapplika metodoloġija tal-pjan tan-negozju differenti meta mqabbla ma’ dik applikata fir-rapport ta’ l-ING imsemmi fin-nota 98 ta’ qiegħ il-paġna. Fil-metodoloġija ta’ GNA, nefqa ta’ indikatur tal-kapital ma kinitx meħtieġa. Madankollu, fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni użat ukoll in-nefqa tal-figuri tal-kapital biex tittestja r-rata IRR tal-pjan tan-negozju ta’ GNA. Ara wkoll il-premessa (134) u dawk sussegwenti.

(100)  Ara l-par. 0.

(101)  L-awtoritajiet ipprovdew lill-Kummissjoni bi ftehimiet ta’ self nhar il-[…] u huwa ddikjarat li l-interessi mitluba huma ugwali għal […] %.

(102)  […]

(103)  Jiġifieri l-“mudell ta’ tliet saffi”, fejn is-saffi passivi u attivi jitħaddmu u jiġu ġestiti separatament, b’aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju offrut lill-operaturi kollha ta’ servizzi bl-imnut, ara wkoll il-Figura 1.

(104)  Investimenti riskjużi żgħar jistgħu jiġu spjegati wkoll permezz ta’ teorija ta’ għażla reali (real option theory), li tgħid li l-investimenti riskjużi jistgħu jinvolvu proċess b’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, isir biss investiment żgħir (jiġifieri l-kumpanija qiegħda takkwista għażla). Xi żmien wara, meta tiġi magħrufa aktar informazzjoni, il-kumpanija tkun tista’ tagħżel li tagħmel investiment akbar (jiġifieri li teżerċita din l-għażla) jew inkella li tabbanduna l-pjanijiet tagħha, biex b’hekk tillimita t-telf tagħha għall-investiment inizjali fuq skala żgħira (jiġifieri għall-ispejjeż ta’ l-għażla). Billi jerfgħu fuq spallejhom riskji u inċertezza ogħla fl-ewwel stadju (b’impenn żgħir), il-kumpaniji jistgħu jnaqqsu r-riskji ta’ investimenti sussegwenti (akbar).


16.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 247/50


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Settembru 2008

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, li huma magħmula, jew li ġejjin mis-sojja modifikata ġenetikament A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 4735)

(It-test Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/730/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikati ġenetikament (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-1 ta’ Lulju 2005, Bayer CropScience AG ippreżentat applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Olanda, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq tal-ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom, li huma magħmula jew li ġejjin mis-sojja A2704-12 (“l-applikazzjoni”).

(2)

L-applikazzjoni tkopri wkoll it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti oħrajn li fihom jew li huma magħmula mis-sojja A2704-12 għall-istess użi bħal kull sojja oħra bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni. Għalhekk, skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5(5) u 17(5) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, din tinkludi d-dejta u t-tagħrif meħtieġ mill-Annessi III u IV tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (2) u tagħrif u konklużjonijiet dwar il-valutazzjoni ta’ riskju mwettqa skond il-prinċipji stipulati f’Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE.

(3)

Fl-10 t’Awwissu 2007, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-“EFSA”), tat opinjoni favorevoli skond l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u kkonkludiet li mhux probabbli li t-tqegħid fis-suq tal-prodotti li fihom, li huma magħmula, jew li ġejjin mis-sojja A2704-12 kif deskritti fl-applikazzjoni (“il-prodotti”), jkollu xi effetti negattivi fuq il-bniedem jew is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent fil-kuntest tal-użi li huma maħsuba għalihom (3) Fl-opinjoni tagħha, l-EFSA qieset il-mistoqsijiet speċifiċi kollha u t-tħassib imqajjem mill-Istati Membri fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kif previst fl-Artikoli 6(4) u 18(4) ta’ dan ir-Regolament.

(4)

B’mod partikolari, l-EFSA kkonkludiet li wara li qieset id-dejta kollha disponibbli fl-applikazzjoni dwar il-karatterizzazzjoni molekolari, l-analiżi ta’ kompożizzjoni u l-osservanza agronomika, is-sojja A2704-12 hi ekwivalenti għal kontroparti mhux ġenetikament modifikata tagħha u, bħala konsegwenza, li m’hemmx bżonn aktar studji dwar is-sikurezza tal-annimali bl-ikel/l-għalf kollu (eż. studju ta’ tossiċità fil-firien għal 90 ġurnata).

(5)

Fl-opinjoni tagħha, l-EFSA kkonkludiet ukoll li l-pjan ta’ monitoraġġ tal-ambjent, li jikkonsisti fi pjan ta’ sorveljanza ġenerali, li kien ippreżentat mill-applikant, huwa konformi ma’ l-użu intenzjonat tal-prodotti.

(6)

Wara li jitqiesu dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandha tingħata l-awtorizzazzjoni għall-prodotti.

(7)

Għandu jiġi assenjat identifikatur uniku għal kull OMĠ kif previst fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 tal-14 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta’ identifikaturi uniċi għall-organiżmi modifikati ġenetikament (4).

(8)

Fuq il-bażi tal-opinjoni mogħtija mill-EFSA, l-ebda rekwiżiti tat-tikkettjar speċifiċi għajr dawk stipulati fl-Artikolu 13(1) u 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma jidhru meħtieġa għall-ikel, l-ingredjenti tal-ikel u l-għalf li fihom, li huma magħmula minn, jew li ġejjin mis-sojja A2704-12. Madankollu, sabiex ikun żgurat l-użu tal-prodotti fil-limiti tal-awtorizzazzjoni prevista b’din id-Deċiżjoni, l-ittikkettjar ta’ għalf li fih jew li hu magħmul minn OMĠ u prodotti oħra għajr ikel u għalf li fih jew li hu magħmul mill-OMĠ li għalih intalbet awtorizzazzjoni għandu jkun ikkomplementat b’indikazzjoni ċara li l-prodotti meqjusa ma għandhomx jintużaw għall-kultivazzjoni.

(9)

Bl-istess mod, l-opinjoni tal-EFSA ma tiġġustifikax l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet speċifiċi għat-tqegħid fis-suq u/jew kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet speċifiċi għall-użu u l-ġarr, inklużi r-rekwiżiti ta’ superviżjoni ta’ wara t-tqegħid fis-suq, jew ta’ kundizzjonijiet speċifiċi għall-ħarsien ta’ ekosistemi/ambjent u/jew żoni ġeografiċi partikolari, kif stipulat fil-punt (e) tal-Artikoli 6(5) u 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(10)

It-tagħrif rilevanti kollu dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodotti għandu jiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf modifikat ġenetikament, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(11)

L-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċabilità u tal-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċabilità ta’ prodotti tal-ikel u tal-għalf prodotti minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE (5), jistipula rekwiżiti ta’ tqegħid ta’ tikketti għal prodotti li huma magħmula minn jew li fihom OMĠ.

(12)

Din id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata permezz tal-Clearing House dwar il-Bijosigurtà lill-Partijiet fil-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, skont l-Artikoli 9(1) u 15(2)(c), tar-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-movimenti transkonfinali ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (6).

(13)

Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu. Il-Kummissjoni għalhekk ippreżentat proposta lill-Kunsill fit-28 ta’ April 2008 skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1999/468/KE (7), bil-Kunsill mitlub jaġixxi fi żmien tliet xhur.

(14)

Madankollu, il-Kunsill ma aġixxiex fil-limiti taż-żmien mitluba; issa għandha tiġi adottata Deċiżjoni mill-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Organiżmu modifikat ġenetikament u identifikatur uniku

Is-Sojja modifikata ġenetikament (Glycine max) A2704-12, kif inhu speċifikat fil-punt (b) tal-Anness ma’ din id-Deċiżjoni, hi assenjata l-identifikatur uniku ACS-GHØØ5-3, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 65/2004.

Artikolu 2

Awtorizzazzjoni

Il-prodotti li ġejjin huma awtorizzati għall-finijiet tal-Artikoli 4(2) u 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, skond il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni:

(a)

ikel u ingredjenti tal-ikel li fihom, li huma magħmula, jew li ġejjin mis-sojja ACS-GHØØ5-3;

(b)

ikel li fih, li hu magħmul, jew li ġej mis-sojja ACS-GHØØ5-3;

(c)

prodotti għajr ikel u għalf li fihom jew li huma magħmulin mis-sojja ACS-GHØØ5-3 għall-istess użi bħal kwalunkwe sojja oħra ħlief għall-kultivazzjoni.

Artikolu 3

It-tikkettjar

1.   Għall-finijiet tar-rekwiżiti tal-ittikkettjar stipulati fl-Artikoli 13(1) u 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, l-“isem tal-organiżmu” għandu jkun “sojja”.

2.   Il-kelmiet “mhux għall-kultivazzjoni” għandhom jidhru fuq it-tikketta ta’, u fid-dokumenti li jakkumpanjaw, il-prodotti li fihom jew li huma magħmula mis-sojja ACS-GHØØ5-3 li jissemmew fl-Artikolu 2(b) u (c).

Artikolu 4

Il-Monitoraġġ għal effetti ambjentali

1.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiżgura li l-pjan ta’ sorveljanza għal effetti ambjentali, kif speċifikat fil-punt (h) tal-Anness, jiddaħħal fis-seħħ u jiġi implimentat.

2.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jibgħat lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet imfassla fil-pjan ta’ monitoraġġ.

Artikolu 5

Reġistru Komunitarju

It-tagħrif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandu jiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament, kif stipulat fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

Artikolu 6

Detentur tal-awtorizzazzjoni

Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jkun Bayer Cropscience AG.

Artikolu 7

Validità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perjodu ta’ 10 snin mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 8

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Bayer CropScience AG, Alfred-Nobel-Strasse 50, D - 40789 Monheim am Rhein - il-Ġermanja,

Magħmula fi Brussell, 8 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.

(3)  http://www.efsa.europa.eu/EFSA/efsa_locale-1178620753816_1178620785771.htm

(4)  ĠU L 10, 16.1.2004, p. 5.

(5)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24.

(6)  ĠU L 287, 5.11.2003, p. 1.

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


ANNESS

(a)   L-applikant u d-detentur tal-Awtorizzazzjoni:

Isem

:

Bayer CropScience AG

Indirizz

:

Alfred-Nobel-Strasse 50, D - 40789 Monheim am Rhein – Il-Ġermanja

(b)   Isem u speċifikazzjoni tal-prodotti:

(1)   Ikel u ingredjenti tal-ikel li fihom, li huma magħmula, jew li ġejjin mis-sojja ACS-GHØØ5-3;

(2)   Għalf li fih, li hu magħmul, jew li ġej mis-sojja ACS-GHØØ5-3;

(3)   Prodotti għajr ikel u għalf li fihom jew li huma magħmula mis-sojja ACS-GHØØ5-3 għall-istess użi bħal kwalunkwe sojja oħra ħlief għall-kultivazzjoni.

Is-sojja ACS-GHØØ5-3 modifikata ġenetikament, kif deskritt fl-applikazzjoni, tesprimi l-proteina PAT li tagħti t-tolleranza lill-erbiċida glufosinat-ammonju.

(c)   L-ittikkettjar:

(1)   Għall-finijiet tar-rekwiżiti speċifiċi tal-ittikkettjar stipulati fl-Artikoli 13(1) u 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, “isem l-organiżmu” għandu jkun “sojja”.

(2)   Il-kelmiet “mhux għall-kultivazzjoni” għandhom jidhru fuq it-tikketta ta’, u fid-dokumenti li jakkumpanjaw, il-prodotti li fihom jew li huma magħmula mis-sojja ACS-GHØØ5-3 li jissemmew fl-Artikolu 2(b) u (c) ta’ din id-Deċiżjoni.

(d)   Metodu ta’ investigazzjoni:

Metodu fil-ħin reali speċifiku għall-avveniment ibbażat fuq il-PCR għall-kwantifikazzjoni tas-sojja ACS-GHØØ5-3

Ivvalidat fuq iż-żrieragħ mil-laboratorju ta’ referenza Komunitarju stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ippubblikat fuq http://gmo-crl.jrc.it/statusofdoss.htm

Materjal ta’ Referenza: AOCS 0707-A, AOCS 0707-B u AOCS 0707-C aċċessibbli permezz l-American Oil Chemists Society f’http://www.aocs.org/tech/crm/bayer_soy.cfm

(e)   Identifikatur uniku:

ACS-GMØØ5-3

(f)   Tagħrif mitlub skond l-Anness II tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà mal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika:

Clearing House tal-Bijosikurezza, Rekord ID: ara [għandu jitlesta meta notifikat]

(g)   Kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet rigward it-tqegħid fis-suq, l-użu jew il-ġarr tal-prodotti:

Mhux meħtieġa.

(h)   Il-pjan ta’ monitoraġġ

Il-pjan ta’ monitoraġġ għal effetti ambjentali li jikkonforma ma’ l-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE

[Link: pjan ippubblikat fuq l-Internet]

(i)   Rekwiżiti ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għall-użu tal-ikel għal konsum mill-bniedem

Mhux meħtieġa.

Nota: il-links għal dokumenti rilevanti jista’ jkollhom bżonn jiġu emendati minn żmien għall-ieħor. Dawk il-modifiki se jkunu disponibbli għall-pubbliku permezz tal-aġġornament tar-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament.


III Atti adottati skond it-Trattat ta' l-UE

ATTI ADOTTATI SKOND IT-TITOLU V TAT-TRATTAT TA' L-UE

16.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 247/54


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ CHAD/4/2008

tat-2 ta' Settembru 2008

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà CHAD/1/2008 dwar l-aċċettazzjoni ta' kontributi ta’ Stati terzi għall-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u r-Repubblika Ċentru-Afrikana u d-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà CHAD/2/2008 dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta' Kontributuri għall-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

(2008/731/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/677/PESK tal-15 ta' Ottubru 2007 dwar l-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali (1) (Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(2) tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà CHAD/1/2008 tat-13 ta' Frar 2008 dwar l-aċċettazzjoni ta' kontributi ta’ Stati terzi għall-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u r-Repubblika Ċentru-Afrikana (2) u d-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà CHAD/2/2008 tat-18 ta' Marzu 2008 dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta' Kontributuri għall-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (3),

Billi:

(1)

B'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet dwar il-kontribut mir-Repubblika tal-Kroazja mill-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE u l-Kumitat Militari ta' l-Unjoni Ewropea, il-kontribut mir-Repubblika tal-Kroazja għandu jiġi aċċettat.

(2)

Skond l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u l-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà CHAD/1/2008 għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Kontributi ta' Stati Terzi

B'segwitu għall-Konferenzi dwar il-Ħolqien ta' Forza u konsultazzjonijiet oħrajn, il-kontributi mir-Repubblika ta' l-Albanija, il-Federazzjoni Russa u r-Repubblika tal-Kroazja għandhom jiġu aċċettati għall-operazzjoni militari ta' l-UE fir-Repubblika taċ-Ċad u r-Repubblika Ċentru-Afrikana.”

Artikolu 2

L-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà CHAD/2/2008 għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

“ANNESS

LISTA TA' STATI TERZI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(1)

ir-Repubblika ta' l-Albanija

il-Federazzjoni Russa

ir-Repubblika tal-Kroazja”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussell, 2 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

C. ROGER


(1)  ĠU L 279, 23.10.2007, p. 21.

(2)  ĠU L 56, 29.2.2008, p. 64.

(3)  ĠU L 107, 17.4.2008, p. 60.


16.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 247/56


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2008/732/PESK

tal-15 ta’ Settembru 2008

li timplimenta l-Pożizzjoni Komuni 2004/293/PESK li ġġedded il-miżuri b'appoġġ għall-implimentazzjoni effettiva tal-mandat tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (TKIJ)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni 2004/293/PESK (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha, flimkien ma' l-Artikolu 23(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tal-Pożizzjoni Komuni 2004/293/PESK, il-Kunsill adotta miżuri għall-prevenzjoni tad-dħul jew transitu fit-territorji ta' l-Istati Membri ta' persuni li huma involuti f'attivitajiet suxxettibbli li jgħinu lil persuni akkużati mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (TKIJ) sabiex ikomplu jevadu l-ġustizzja jew li, barra minn hekk, jaġixxu b'mod li jista' jimpedixxi lit-Tribunal milli jimplimenta, kif dovut, il-mandat tiegħu.

(2)

Konsegwentement għat-trasferiment tas-Sur Radovan KARADZIC, imqiegħed f'detenzjoni mit-TKIJ fit-30 ta' Lulju 2008, għandhom jitneħħew mil-lista li tinsab fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2004/293/PESK ċerti persuni li huma konnessi mas-Sur KARADZIC.

(3)

Il-lista li tinsab fl-Anness mal-Pożizzjoni Komuni 2004/293/PESK għandha għalhekk tiġi emendata,

IDDEĊIEDA:

Artikolu 1

Il-lista ta' persuni li tidher fl-Anness mal-Pożizzjoni Komuni 2004/293/PESK hija b'dan sostitwita mil-lista li tidher fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)  ĠU L 94, 31.3.2004, p. 65.


ANNESS

1.   BILBIJA, Milorad

Iben Svetko Bilbija

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Sanski Most (il-Bożnja u Ħerzegovina), 13 ta' Awwissu 1956

Nru tal-Passaport: 3715730

Nru tal-karta ta' l-identità: 03GCD9986

Nru Personali ta' l-Identità: 1308956163305

Psewdonimi:

Indirizz: Brace Pantica 7, Banja Luka, il-Bożnja u Ħerzegovina

2.   BJELICA, Milovan

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Rogatica (il-Bożnja u Ħerzegovina), 19 ta' Ottubru 1958

Nru tal-Passaport: 0000148 maħruġ fis-26 ta' Lulju 1998 f'Srpsko Sarajevo (annullat)

Nru tal-karta ta' l-identità: 03ETA0150

Nru Personali ta' l-Identità: 1910958130007

Psewdonimi: Cicko

Indirizz: Kumpanija CENTREK f'Pale, il-Bożnja u Ħerzegovina

3.   ECIM (EĆIM), Ljuban

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Sviljanac (il-Bożnja u Ħerzegovina), 6 ta' Jannar 1964

Nru tal-Passaport: 0144290 maħruġ fil-21 ta' Novembru 1998 f'Banja Luka (annullat)

Nru tal-karta ta' l-identità: 03GCE3530

Nru Personali ta' l-Identità: 0601964100083

Psewdonimi:

Indirizz: Ulica Stevana Mokranjca 26, Banja Luka, il-Bożnja u Ħerzegovina

4.   HADZIC (HADŽIĆ), Goranka

Bint Branko u Milena HADZIC (HADŽIĆ)

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Muniċipalità ta' Vinkovci, il-Kroazja, 18 ta' Ġunju 1962

Nru tal-Passaport:

Nru tal-karta ta' l-identità: 1806962308218 (JMBG), Karta ta' l-identità Nru 569934/03

Psewdonimi:

Indirizz: Aranj Janosa 9, Novi Sad, is-Serbja

Relazzjoni ma' persuni akkużati b'reati tal-gwerra: oħt Goran HADZIC (HADŽIĆ)

5.   HADZIC (HADŽIĆ), Ivana

Bint Goran u Zivka HADZIC (HADŽIĆ)

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Vukovar, il-Kroazja, 25 ta' Frar 1983

Nru tal-Passaport:

Nru tal-karta ta' l-identità:

Psewdonimi:

Indirizz: Aranj Janosa 9, Novi Sad, is-Serbja

Relazzjoni ma' persuni akkużati b'reati tal-gwerra: bint Goran HADZIC (HADŽIĆ)

6.   HADZIC (HADŽIĆ), Srecko (Srećko)

Iben Goran u Zivka HADZIC (HADŽIĆ)

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Vukovar, il-Kroazja, 8 ta' Ottubru 1987

Nru tal-Passaport:

Nru tal-karta ta' l-identità:

Psewdonimi:

Indirizz: Aranj Janosa 9, Novi Sad, is-Serbja

Relazzjoni ma' persuni akkużati b'reati tal-gwerra: iben Goran HADZIC (HADŽIĆ)

7.   HADZIC (HADŽIĆ), Zivka (Živka)

Bint Branislav NUDIC (NUDIĆ)

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Vinkovci, il-Kroazja, 9 ta' Ġunju 1957

Nru tal-Passaport:

Nru tal-karta ta' l-identità:

Psewdonimi:

Indirizz: Aranj Janosa 9, Novi Sad, is-Serbja

Relazzjoni ma' persuni akkużati b'reati tal-gwerra: mart Goran HADZIC (HADŽIĆ)

8.   JOVICIC (JOVIČIĆ), Predrag

Iben Desmir JOVICIC (JOVIČIĆ)

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Pale, il-Bożnja u Ħerzegovina, 1 ta' Marzu 1963

Nru tal-Passaport: 4363551

Nru tal-karta ta' l-identità: 03DYA0852

Nru Personali ta' l-Identità: 0103963173133

Psewdonimi:

Indirizz: Milana Simovica 23, Pale, il-Bożnja u Ħerzegovina

9.   KESEROVIC (KESEROVIĆ), Dragomir

Iben Slavko

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Piskavica/Banja Luka, il-Bożnja u Ħerzegovina, 8 ta' Ġunju 1957

Nru tal-Passaport: 4191306

Nru tal-karta ta' l-identità: 04GCH5156

Nru Personali ta' l-Identità: 0806957100028

Psewdonimi:

Indirizz:

10.   KIJAC, Dragan

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Sarajevo (il-Bożnja u Ħerzegovina), 6 ta' Ottubru 1955

Nru tal-Passaport:

Nru tal-karta ta' l-identità:

Nru Personali ta' l-Identità:

Psewdonimi:

Indirizz:

11.   KOJIC (KOJIĆ), Radomir

Iben Milanko u Zlatana

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Bijela Voda, Sokolac, il-Bożnja u Ħerzegovina, 23 ta' Novembru 1950

Nru tal-Passaport: 4742002. Maħruġ fl-2002 f'Sarajevo. Skada fl-2007

Nru tal-karta ta' l-identità: 03DYA1935. Maħruġ fis-7 ta' Lulju 2003 f'Sarajevo

Nru Personali ta' l-Identità: 2311950173133

Psewdonimi: Mineur jew Ratko

Indirizz: Trifka Grabeza 115, Pale jew Hotel KRISTAL, Jahorina, il-Bożnja u Ħerzegovina

12.   KOVAC (KOVAČ), Tomislav

Iben Vaso

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Sarajevo, il-Bożnja u Ħerzegovina, 4 ta' Diċembru 1959

Nru tal-Passaport:

Nru tal-karta ta' l-identità:

Nru Personali ta' l-Identità: 0412959171315

Psewdonimi: Tomo

Indirizz: Bijela, il-Montenegro; u Pale, il-Bożnja u Ħerzegovina

13.   KUJUNDZIC (KUJUNDŽIĆ), Predrag

Iben Vasilija

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Suho Pole Doboj, il-Bożnja u Ħerzegovina, 30 ta' Jannar 1961

Nru tal-Passaport:

Nru tal-karta ta' l-identità: 03GFB1318

Nru Personali ta' l-Identità: 3001961120044

Psewdonimi: Predo

Indirizz: Doboj, il-Bożnja u Ħerzegovina

14.   LUKOVIC (LUKOVIĆ), Milorad Ulemek

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Belgrad (is-Serbja), 15 ta' Mejju 1968

Nru tal-Passaport:

Nru tal-karta ta' l-identità:

Nru Personali ta' l-Identità:

Psewdonimi: Legija (karta ta' l-identità falsifikata bħal IVANIC, Zeljko (IVANIĆ, Željko))

Indirizz: il-ħabs (Il-ħabs tad-distrett ta' Belgrad, Bacvanska 14, Belgrad)

15.   MALIS (MALIŠ), Milomir

Iben Dejan Malis (MALIŠ)

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Bjelice, 3 ta' Awwissu 1966

Nru tal-Passaport:

Nru tal-karta ta' l-identità:

Nru Personali ta' l-Identità: 0308966131572

Psewdonimi:

Indirizz: Vojvode Putnika, Foca, il-Bożnja u Ħerzegovina

16.   MANDIC, (MANDIĆ), Momcilo (Momčilo)

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Kalinkovic (il-Bożnja u Ħerzegovina), 1 ta' Mejju 1954

Nru tal-Passaport: 0121391. Maħruġ fit-12 ta' Mejju 1999 f'Srpsko Sarajevo, il-Bożnja u Ħerzegovina (annullat)

Nru tal-karta ta' l-identità:

Nru Personali ta' l-Identità: 0105954171511

Psewdonimi: Momo

Indirizz: il-ħabs

17.   MARIC (MARIĆ), Milorad

Iben Vinko Maric (Marić)

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Visoko, il-Bożnja u Ħerzegovina, 9 ta' Settembru 1957

Nru tal-Passaport: 4587936

Nru tal-karta ta' l-identità: 04GKB5268

Nru Personali ta' l-Identità: 0909957171778

Psewdonimi:

Indirizz: Vuka Karadzica 148, Zvornik, il-Bożnja u Ħerzegovina

18.   MICEVIC (MIČEVIĆ), Jelenko

Bin Luka u Desanka, kunjom ta' xebba: Simic (Simić)

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Borci ħdejn Konjic, il-Bożnja u Ħerzegovina, 8 ta' Awwissu 1947

Nru tal-Passaport: 4166874

Nru tal-karta ta' l-identità: 03BIA3452

Nru Personali ta' l-Identità: 0808947710266

Psewdonimi: Filaret

Indirizz: Monasteru ta' Milesevo, is-Serbja

19.   MLADIC (MLADIĆ), Biljana (kunjom ta' xebba: STOJCEVSKA (STOJČEVSKA))

Bint Strahilo STOJCEVSKI (STOJČEVSKI) u Svetlinka STOJCEVSKA (STOJČEVSKA)

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Skopje, ir-Repubblika ex-Jugoslava tal-Maċedonja, 30 ta' Mejju 1972

Nru tal-Passaport:

Nru tal-karta ta' l-identità: 3005972455086 (JMBG)

Psewdonimi:

Indirizz: irreġistrata fi Blagoja Parovica 117a, f'Belgrad, iżda residenti fi Vidikovacki venac, 83, Belgrad, is-Serbja

Relazzjoni ma' persuni akkużati b'reati tal-gwerra: ħtint Ratko MLADIC (MLADIĆ)

20.   MLADIC (MLADIĆ), Bosiljka; (kunjom ta' xebba: JEGDIC (JEGDIĆ))

Bint Petar JEGDIC (JEGDIĆ)

Data u Post tat-Twelid: Okrugljaca, Muniċipalità ta' Virovitica, il-Kroazja, 20 ta' Lulju 1947

Nru tal-karta ta' l-identità: 2007947455100 (JMBG)

Karta ta' l-identità personali: T77619 maħruġa fil-31 ta' Mejju 1992 minn SUP Belgrad

Indirizz: Blagoja Parovica 117a, Belgrad, is-Serbja

Relazzjoni ma' persuni akkużati b'reati tal-gwerra: mart Ratko MLADIC (MLADIĆ)

21.   MLADIC (MLADIĆ), Darko

Iben Ratko u Bosiljka MLADIC (MLADIĆ)

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Skopje, ir-Repubblika ex-Jugoslava tal-Maċedonja, 19 ta' Awwissu 1969

Nru tal-Passaport: passaport SCG Nru 003220335, maħruġ fis-26 ta' Frar 2002

Nru tal-karta ta' l-identità: 1908969450106 (JMBG); karta ta' l-identità personali BII2059, maħruġa fit-8 ta' April 1994 minn SUP Belgrad.

Psewdonimi:

Indirizz: Vidikovacki venac Belgrade 83, Belgrad, is-Serbja

Relazzjoni ma' persuni akkużati b'reati tal-gwerra: iben Ratko MLADIC (MLADIĆ)

22.   NINKOVIC (NINKOVIĆ), Milan

Iben Simo

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Doboj, il-Bożnja u Ħerzegovina, 15 ta' Ġunju 1943

Nru tal-Passaport: 3944452

Nru tal-karta ta' l-identità: 04GFE3783

Nru Personali ta' l-Identità: 1506943120018

Psewdonimi:

Indirizz:

23.   OSTOJIC (OSTOJIĆ), Velibor

Iben Jozo

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Celebici, Foca, il-Bożnja u Ħerzegovina, 8 ta' Awwissu 1945

Nru tal-Passaport:

Nru tal-karta ta' l-identità:

Nru Personali ta' l-Identità:

Psewdonimi:

Indirizz:

24.   OSTOJIC (OSTOJIĆ), Zoran

Iben Mico OSTOJIC (OSTOJIĆ)

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Sarajevo, il-Bożnja u Ħerzegovina, 29 ta' Marzu 1961

Nru tal-Passaport:

Nru tal-karta ta' l-identità: 04BSF6085

Nru Personali ta' l-Identità: 2903961172656

Psewdonimi:

Indirizz: Malta 25, Sarajevo, il-Bożnja u Ħerzegovina

25.   PAVLOVIC (PAVLOVIĆ), Petko

Iben Milovan PAVLOVIC (PAVLOVIĆ)

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Ratkovici, il-Bożnja u Ħerzegovina, 6 ta' Ġunju 1957

Nru tal-Passaport: 4588517

Nru tal-karta ta' l-identità: 03GKA9274

Nru Personali ta' l-Identità: 0606957183137

Psewdonimi:

Indirizz: Vuka Karadzica 148, Zvornik, il-Bożnja u Ħerzegovina

26.   POPOVIC (POPOVIĆ), Cedomir (Čedomir)

Iben Radomir POPOVIC (POPOVIĆ)

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Petrovici, 24 ta' Marzu 1950

Nru tal-Passaport:

Nru tal-karta ta' l-identità: 04FAA3580

Nru Personali ta' l-Identità: 2403950151018

Psewdonimi:

Indirizz: Crnogorska 36, Bileca, il-Bożnja u Ħerzegovina

27.   PUHALO, Branislav

Iben Djuro

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Foca, il-Bożnja u Ħerzegovina, 30 ta' Awwissu 1963

Nru tal-Passaport:

Nru tal-karta ta' l-identità:

Nru Personali ta' l-Identità: 3008963171929

Psewdonimi:

Indirizz:

28.   RADOVIC (RADOVIĆ), Nade

Iben Milorad RADOVIC (RADOVIĆ)

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Foca, il-Bożnja u Ħerzegovina, 26 ta' Jannar 1951

Nru tal-Passaport: passaport qadim Nru 0123256 (annullat)

Nru tal-karta ta' l-identità: 03GJA2918

Nru Personali ta' l-Identità: 2601951131548

Psewdonimi:

Indirizz: Stepe Stepanovica 12, Foca/Srbinje, il-Bożnja u Ħerzegovina

29.   RATIC (RATIĆ), Branko

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: MIHALJEVCI SLAVONSKA POZEGA, il-Bożnja u Ħerzegovina, 26 ta' Novembru 1957

Nru tal-Passaport: 0442022. Maħruġ fis-17 ta' Settembru 1999 f'Banja Luka.

Nru tal-karta ta' l-identità: 03GCA8959

Nru Personali ta' l-Identità: 2611957173132

Psewdonimi:

Indirizz: Ulica Krfska 42, Banja Luka, il-Bożnja u Ħerzegovina

30.   ROGULJIC (ROGULJIĆ), Slavko

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Srpska Crnja Hetin, Serbja, 15 ta' Mejju 1952

Passaporti mhux validi Nru 3747158 maħruġ fit-12 ta' April 2002 f'Banja Luka, li skada fit-12 ta' April 2007 u Nru 0020222 maħruġ fil-25 ta' Awwissu 1988 f'Banja Luka, li skada fil-25 ta' Awwissu 2003

Nru tal-karta ta' l-identità: 04EFA1053

Nru Personali ta' l-Identità: 1505952103022

Psewdonimi:

Indirizz: Vojvode Misica 21, Laktasi, il-Bożnja u Ħerzegovina

31.   SAROVIC (ŠAROVIĆ), Mirko

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Rusanovici-Rogatica, il-Bożnja u Ħerzegovina, 16 ta' Settembru 1956

Nru tal-Passaport: 4363471. Maħruġ f'Isticno Sarajevo. Validu sa: 8 ta' Ottubru 2008

Nru tal-karta ta' l-identità: 04PEA4585

Nru Personali ta' l-Identità: 1609956172657

Psewdonimi:

Indirizz: Bjelopoljska 42, 71216 Srpsko Sarajevo, il-Bożnja u Ħerzegovina

32.   SKOCAJIC (SKOČAJIĆ), Mrksa (Mrkša)

Iben Dejan SKOCAJIC (SKOČAJIĆ)

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Blagaj, il-Bożnja u Ħerzegovina, 5 ta' Awwissu 1953

Nru tal-Passaport: 3681597

Nru tal-karta ta' l-identità: 04GDB9950

Nru Personali ta' l-Identità: 0508953150038

Psewdonimi:

Indirizz: Trebinjskih Brigade, Trebinje, il-Bożnja u Ħerzegovina

33.   VRACAR (VRAČAR), Milenko

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Nisavici, Prijedor, il-Bożnja u Ħerzegovina, 15 ta' Mejju 1956

Passaporti mhux validi Nru 3865548 maħruġ fid-29 ta' Awwissu 2002 f'Banja Luka, li skada fid-29 ta' Awwissu 2007, Nru 0280280, maħruġ fl-4 ta' Diċembru 1999 f'Banja Luka, li skada fl-4 ta' Diċembru 2004, u Nru 0062130, maħruġ fis-16 ta' Settembru 1998 f'Banja Luka, (il-Bożnja u Ħerzegovina)

Nru tal-karta ta' l-identità: 03GCE6934

Nru Personali ta' l-Identità: 1505956160012

Psewdonimi:

Indirizz: Save Ljuboje 14, Banja Luka, il-Bożnja u Ħerzegovina

34.   ZOGOVIC (ZOGOVIĆ), Milan

Iben Jovan

Data tat-Twelid/Post tat-Twelid: Dobrusa, 7 ta' Ottubru 1939

Nru tal-Passaport:

Nru tal-karta ta' l-identità:

Nru Personali ta' l-Identità:

Psewdonimi:

Indirizz:


16.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 247/63


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2008/733/PESK

tal-15 ta' Settembru 2008

li timplimenta l-Pożizzjoni Komuni 2004/694/PESK dwar iktar miżuri b'sostenn għall-implimentazzjoni effettiva tal-mandat tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (TKIJ)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni 2004/694/PESK (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha, flimkien mat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 23(2), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skond il-Pożizzjoni Komuni 2004/694/PESK, il-Kunsill adotta miżuri għall-iffriżar tal-kapital u r-riżorsi ekonomiċi kollha tal-persuni fiżiċi elenkati fl-Anness għal dik il-Pożizzjoni Komuni, li ġew akkużati mit-TKIJ.

(2)

B'segwitu għat-trasferiment tas-Sur Radovan KARADZIC, li tqiegħed taħt il-kustodja tat-TKIJ fit-30 ta' Lulju 2008, ismu għandu jitneħħa mil-lista.

(3)

Għaldaqstant jeħtieġ li l-lista li tinsab fl-Anness għall-Pożizzjoni Komuni 2004/694/KE tiġi emendata skond il-każ,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Anness għal-Pożizzjoni Komuni 2004/694/PESK huwa b'dan sostitwit bl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett mill-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)  ĠU L 315, 14.10.2004, p. 52.


ANNESS

“ANNESS

Lista ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 1

 

Persuna

Raġuni

1.

Isem: HADZIC Goran (sess: M)

Data tat-twelid: 7.9.1958

Post tat-twelid: Vinkovci, Kroazja

Ċittadin Serb

Akkużat mit-TKIJ u għadu fil-libertà

Att ta' akkuża: 4 ta’ Ġunju 2004

Każ Nru: IT-04-75

2.

Isem: MLADIC Ratko (sess: M)

Data tat-twelid: 12.3.1948

Post tat-twelid: Bozanovici, muniċipalità ta’ Kalinovik, Bosnja-Ħerzegovina

Ċittadin tal-Bosnja-Ħerzegovina

Akkużat mit-TKIJ u għadu fil-libertà

L-ewwel att ta' akkuża: 25 ta’ Lulju 1995; it-tieni att ta' akkuża: 16 ta’ Novembru 1995; att ta' akkuża emendat: 8 ta’ Novembru 2002

Każ Nru: IT-95-5/18”


16.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 247/s3


NOTA LILL-QARREJ

L-istituzzjonijiet iddeċidew li ma jikkwotawx aktar fit-testi tagħhom l-aħħar emenda ta' l-atti kkwotati.

Sakemm mhux indikat mod ieħor, l-atti mmsemija fit-testi ppubblikati hawn jirreferu għall-atti li bħalissa huma fis-seħħ.