ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

L 196

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 51
24 ta' Lulju 2008


Werrej

 

I   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo)

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

24.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 196/1


REGOLAMENT (KE) NRU 683/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta' Lulju 2008

dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 156 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura kif imsemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-politika Ewropea dwar in-navigazzjoni bis-satellita għandha l-għan li tagħti lill-Komunità żewġ sistemi ta' navigazzjoni bis-satelliti (minn hawn ‘il quddiem “is-sistemi”). Dawn is-sistemi huma stabbiliti taħt il-programmi EGNOS u Galileo (minn hawn ‘il quddiem “il-programmi”). Kull infrastruttura hija magħmula minn satelliti u minn network ta' stazzjonijiet terrestri.

(2)

Il-programm Galileo huwa maħsub biex tiġi stabbilita l-ewwel infrastruttura dinjija ta' navigazzjoni u pożizzjonament bis-satellita maħsuba speċifikament għal finijiet ċivili. Is-sistema stabbilita mill-programm Galileo hija totalment indipendenti mis-sistemi l-oħra eżistenti, jew minn dawk li jistgħu jinħolqu.

(3)

Il-programm EGNOS huwa maħsub biex itejjeb il-kwalità tas-sinjali minn sistemi eżistenti ta' navigazzjoni globali bis-satelliti (minn hawn ‘il quddiem “GNSS”).

(4)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew appoġġaw b’mod sħiħ u konsistenti l-programmi GNSS Ewropej.

(5)

L-iżvilupp ta' navigazzjoni bis-satellita huwa totalment konformi ma' l-Istrateġija ta' Liżbona u politiki Komunitarji oħra, bħall-politika tat-trasport kif stabbilita fil-White Paper tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2001, intitolata “Politika Ewropea dwar l-Itrasport għall-2010: iż-żmien ta' deċiżjoni”. Fil-programm ta' ħidma tagħha l-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tagħti attenzjoni speċjali għall-iżvilupp ta' l-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-GNSS.

(6)

Il-programmi jikkostitwixxu wieħed mill-proġetti prijoritarji inklużi fil-Programm t’Azzjoni ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi propost mill-Kummissjoni u approvat mill-Kunsill Ewropew. Jitqiesu wkoll bħala waħda mill-kolonni ewlenin tal-programm spazjali Ewropew tal-ġejjieni, kif jissemma fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2007 dwar il-Politika Spazjali Ewropea.

(7)

Il-programm Galileo jinkludi fażi ta' definizzjoni, fażi ta' żvilupp, fażi ta' mobilitazzjoni u fażi ta' sfruttar. Il-fażi ta' mobilitazzjoni għandha tibda fl-2008 u tintemm fl-2013. Is-sistema għandha tkun operattiva mill-2013.

(8)

Il-fażi ta' definizzjoni u dik ta' żvilupp tal-programm Galileo, li jikkostitwixxu l-parti tal-programm allokata għar-riċerka, ġew finanzjati sostanzjalment mill-baġit Komunitarju tan-networks trans-Ewropej u mill-Aġenzija Spazjali Ewropea (minn hawn ‘il quddiem l-“ESA”). Il-fażi ta' mobilitazzjoni għandha, bħala prinċipju, tkun totalment finanzjata mill-Komunità. Jista’ jiġi deċiż fi stadju aktar tard li ftehim ta' sħubija pubbliku privat jew xi forma oħra ta' kuntratt mas-settur privat ikunu xierqa għall-operazzjoni, ż-żamma, it-titjib u r-rinovar tas-sistema wara l-2013.

(9)

Iċ-Ċentru ta' Sikurezza tal-Ħajja f’Madrid jista’ jiddeċiedi li jittrasforma ruħu f’ċentru kompletament kwalifikat, ekwivalenti għal Ċentru ta' Kontroll tas-Satelliti Galileo, li l-assi tiegħu jkunu proprjetà tal-Komunità. L-investiment meħtieġ għal din l-evoluzzjoni se jsir mingħajr spiża addizzjonali għall-baġit miftiehem tal-Komunità għall-programmi għall-perjodu 2007-2013. F’dak il-każ, filwaqt li l-kapaċitajiet operattivi taċ-Ċentri ta' Kontroll tas-Satelliti Galileo f’ Oberpfaffenhofen u Fucino mhux se jiġu affettwati, il-Kummissjoni għandha tassigura li sakemm dan ikun jista’ jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli għaċ-ċentri kollha, iċ-Ċentru ta' Milan jikkwalifika kompletament fuq livell operattiv bħala Ċentru ta' Kontroll tas-Satelliti Galileo sa l-aħħar ta' l-2013 u jiġi inkluż fin-network Galileo taċ-ċentri msemmija hawn fuq.

(10)

Hu importanti li finanzjament tas-sistema EGNOS, inklużl-operazzjonijiet, is-sostenibbiltà u l-kummerċjalizzazzjoni tagħha, jiġi assigurat mill-Komunità. L-operazzjoni ta' l-EGNOS jista’ jsir permezz ta' kuntratt wieħed jew aktar ta' servizz pubbliku, partikolarment mas-settur privat, sakemm jiġi integrat fl-operazzjonijiet ta' Galileo.

(11)

Billi l-programmi issa waslu fi stadju avvanzat ta' maturità u jaqbżu sew il-qafas ta' proġett sempliċi ta' riċerka, jeħtieġ li jingħataw bażi ġuridika speċifika, li tista’ tissodisfa aħjar il-ħtiġijiet tagħhom u twieġeb għall-ħtieġa ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba.

(12)

Is-sistemi mwaqqfa taħt il-programmi huma infrastrutturi stabbiliti bħala networks trans-Ewropej li l-użu tagħhom jestendi sew lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta' l-Istati Membri. Barra minn hekk, is-servizzi offruti permezz ta' dawn is-sistemi jikkontribwixxu, b’mod partikolari għall-iżvilupp ta' networks tranżEwropej fl-oqsma ta' l-infrastrutturi tat-trasport, tat-telekomunikazjoni u ta' l-enerġija.

(13)

Il-governanza pubblika soda tal-programmi Galileo u EGNOS tassumi, l-ewwel, li jeżisti tqassim strett tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni, l-Awtortità Superviżorja Ewropea GNSS (minn hawn ‘il quddiem “l-Awtorità”) u l-ESA, u t-tieni, li l-Komunità, rappreżentata mill-Kummissjoni, tassigura t-tmexxija tal-programmi. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-istrumenti xierqa u għandha jkollha r-riżorsi meħtieġa, partikolarment fir-rigward ta' l-għajnuna li hija tkun teħtieġ.

(14)

Minħabba l-importanza, il-karatteristika unika u l-komplessità tal-programmi, il-programmi li jagħtu d-dritt tal-proprjetà tas-sistemi lill-Komunità, il-finanzjament sħiħ tal-baġit Komunitarju tal-programmi għall-perjodu 2008-2013, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jirrikonoxxu l-utilità sħiħa ta' koperazzjoni mill-qrib bejn it-tliet istituzzjonijiet. Għal dan il-għan, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni se jiltaqgħu fil-Panel Interistituzzjonali Galileo skond id-dikjarazzjoni konġunta dwar il-Panel Interistituzzjonali Galileo tad-9 ta' Lulju 2008.

(15)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1321/2004 tat-12 ta' Lulju 2004 dwar it-twaqqif ta' strutturi għat-tmexxija tal-programmi (3) Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita jistabbilixxi l-Awtorità. L-Awtorità hi aġenzija Komunitarja, li bħala entità li taqa’ taħt l-ambitu ta' l-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) (minn hawn ‘il quddiem “Regolament Finanzjarju”) hija suġġetta għall-obbligi previsti għall-aġenziji Komunitarji.

(16)

Waqt li tirrispetta l-irwol tal-Kummissjoni tal-maniġer tal-programmi u f’konformità mal-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni, l-Awtorità għandha tassigura l-akkreditazzjoni tas-sigurtà tas-sistema u l-operat taċ-ċentru tas-sigurtà Galileo u tikkontribwixxi għat-tħejjija tal-kummerċjalizzazzjoni tas-sistemi bil-ħsieb li jkun assigurat il-forniment ta' servizz li jaħdem mingħajr xkiel u b’mod kontinwu u li jkun hemm penetrazzjoni għolja tas-suq. Barra minn hekk, l-Awtorità għandha twettaq kompiti oħra li jistgħu jiġu fdati lilha mill-Kummissjoni skond ir-Regolament Finanazjarju, b’mod partikolari l-promozzjoni ta' applikazzjonijiet u servizzi u l-assigurazzjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-komponenti tas-sistemi.

(17)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta sabiex tallinja formalment l-istrutturi tat-tmexxija tal-programmi kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 ma' l-irwoli ġodda tal-Kummissjoni u ta' l-Awtorità.

(18)

Sabiex tiġi garantita l-kontinwazzjoni tal-programmi, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas finanzjarju u ġuridiku adatt sabiex il-Komunità tkun tista’ tkompli tiffinanza dawn il-programmi. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi indikat l-ammont ta' fondi meħtieġa għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2007 u l-31 ta' Diċembru 2013, għall-finanzjament tal-bqija tal–fażi ta' żvilupp u validazzjoni u tal-fażi ta' mobilitazzjoni ta' Galileo, l-operazzjoni ta' EGNOS kif ukoll tal-preparazzjoni tal-fażi ta' l-isfruttar tal-programmi.

(19)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew li l-ammont totali stmat għall-ispejjeż operattivi tas-sistemi ta' Galileo u EGNOS għall-perjodu 2007-2013 huwa ta' EUR 3 405 miljun. EUR 1 005 miljun kieu diġà ġew previsti fil-qafas finanzjarju pluriennali (2007-2013). Dan l-ammont ġie miżjud b’EUR 2 000 miljun (5). Barra minn hekk, saru disponibbli EUR 400 miljun permezz tas-Seba’ Programm Qafas tal-Kommunita’ Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (6) (minn hawn ‘il quddiem “is-Seba’ Programm Qafas), u għalhekk il-baġit totali disponibbli huwa ta' EUR 3 405 miljun għall-programmi għall-perjodu 2007-2013.

(20)

Fl-allokazzjoni ta' dawk il-fondi Komunitarji, huma essenzjali proċeduri effettivi ta' l-akkwist u negozjati kuntrattwali li jiksbu l-aħjar riżultati għall-flus li jintefqu u li jassiguraw rendiment sħiħ, kif ukoll il-kontinwità mingħajr qtugħ tal-programmi, l-immaniġġjar tar-riskju u żamma mal-programm. Dan kollu għandu jkun assigurat mill-Kummissjoni.

(21)

Skond ir-Regolament Finanzjarju, l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu jistgħu jikkontribwixxu finanzjarjament jew xorta oħra għall-programmi fuq il-bażi ta' ftehim adegwat.

(22)

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-ispejjeż ta' investiment u l-ispejjeż operattivi tas-sistemi Galileo u EGNOS attwalment stmati għall-perjodu 2007-2013 ma jqisux l-obbligi finanzjarji imprevisti, li l-Komunità jista’ jkollha tassumi, partikolarment dawk relatati mas-sistema ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali li tirriżulta min-natura pubblika tad-dritt ta' proprjetà fuq is-sistemi partikolarment fir-rigward ta' force majeur u ta' falliment katastrofiku.

(23)

Id-dħul mill-operazzjoni tas-sistemi Galileo u EGNOS, li jsir, b’mod partikolari, mis-servizz kummerċjali mogħti mis-sistema stabbilita taħt il-programm Galileo, għandu jinġabar mill-Komunità biex jiġi assigurat l-irkupru ta' l-investimenti preċedenti tagħha. Madankollu, għandu jkun possibli li jġi previst mekkaniżmu tal-qsim tad-dħul jista’, fil-kuntratti li jiġu ffirmati mas-settur privat.

(24)

Il-Komunità għandha tikkonkludi ftehim ta' delega pluriennali ma' l-ESA li tkopri l-aspetti tekniċi u proġettwali tal-programmi. Sabiex il-Kummissjoni, li tirrappreżenta l-Komunità, teżerċita kompletament is-setgħa ta' verifika tagħha, il-ftehim ta' delega għandha tinkludi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-fondi allokati lill-ESA.

(25)

Minħabba li l-programmi se jkunu ffinanzjati mill-Komunità, l-akkwist pubbliku taħt dawn il-programmi għandu jikkonforma mar-regoli tal-Komunità dwar il-kuntratti pubbliċi u għandu jkollu l-għan, l-ewwel u qabel kollox, li jakkwista l-aqwa valur għall-flus li jintefqu, jikkontrolla l-ispejjeż, inaqqas ir-riskji, iżid l-effiċjenza u jnaqqas id-dipendenza fuq xi fornitur wieħed. Għandha tiġi segwita, fl-Istati Membri kollha, politika ta' aċċess miftuħ u kompetizzjoni ġusta fil-katina tal-provvista industrijali, u l- offerta ta' opportunitajiet ta’parteċipazzjoni ta' l-industrija fil-livelli kollha, inkluż b’mod partikolari l-intrapriżi zgħar u ta' daqs medju (SMEs). Għandha tiġi evitata l-possibbiltà ta' abbuż ta' dominanza jew ta' dipendenza fit-tul fuq fornitur wieħed. Sabiex jitnaqqsu r-riskji tal-programmi, id- dependenzai fuq fornitur wieħed u sabiex jiġi assigurat il-kontroll ġenerali aħjar tal-programm, ta' l-ispejjeż u ta' kalendarju għandha tiġi segwita, fejn xieraq, il-politika ta' żewġ fornituri. L-industriji Ewropej għandu jiġu permessi jiddependu minn sorsi mhux Ewropej għal ċerti komponenti u servizzi f’każ ta' vantaġġi sostanzjali ippruvati f’termini ta' kwalità u spejjeż, waqt li jqisu n-natura strateġika tal-programmi GNSS Ewropej u tar-rekwiżiti tas-sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea u tal-kontroll ta' l-esportazzjoni. Għandu jittieħed vantaġġ mill-investiment tas-settur pubbliku u mill-esperjenza u kompetenza industrijali, inkluża dik akkwistata waqt fażijiet ta' definizzjoni u ta' żvilupp u validazzjoni tal-programmi, waqt li jiġi assigurat li s-sejħiet għal offerti kompetittivi ma jiġux preġudikati.

(26)

Il-pakketti kollha ta' xogħol fil-qafas ta' l-attivitajiet tal-fażi ta' mobilitazzjoni ta' Galileo għandhom ikunu miftuħa għall-ogħla livell ta' kompetizzjoni possibbli, skond il-prinċipji ta' l-Unjoni Ewrope dwar l-akkwist. Sabiex jiġi assigurat l-akkwist sodisfaċenti, il-pakketti ta' xogħol għandhom ikunu miftuħa sew għal parteċipanti ġodda u għall-SMEs, waqt li jiġu assigurati l-eċċellenza teknoloġika u l-effikaċja għall-ispejjeż li jsiru.

(27)

Ladarba l-governanza pubblika tajba tesiġi l-ġestjoni uniformi tal-programmi, ħeffa fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess ugwali għall-informazzjoni, ir-rappreżentanti ta' l-Awtorità u ta' l-ESA jistgħu jkunu involuti fix-xogħol tal-Kumitat tal-Programmi GNSS Ewropej (minn hawn ‘il quddiem “il-Kumitat”) stabbilit sabiex jassisti lill-Kummissjoni.

(28)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċitar ta' setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (7).

(29)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex tadotta kwalunkwe miżura meħtieġa biex jiġu assigurati l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà tas-sistemi. Minħabba li dawn il-miżuri għandhom kamp ta' applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw dan ir-Regolament billi jissupplimentawh b’elementi mhux essenzjali ġodda, dawn għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(30)

Il-Komunità għandha tkun il-proprjetarju ta' l-assi kollha tanġibbli u intanġibbli li jinħolqu jew jiġu żviluppati permezz tal-programmi. Sabiex jiġu rispettati b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali dwar il-proprjetà, għandu jiġi konkluż il-ftehim meħtieġ ma' proprjetarji attwali.

(31)

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għaċ-ċertifikazzjoni ta' l-EGNOS għall-modi kollha tat-trasport, partikolarment għall-avjazzjoni, sabiex is-sistema tista’ tiġi dikjarata operattiva u tikun tista’ tintuża malajr kemm jista’ jkun.

(32)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi, għall-kontinwazzjoni tal-programmi, pakkett finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza privileġġata, fl-ambitu tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba, għall-awtorità baġitarja fil-qafas tal-proċedura annwali tal-baġit.

(33)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri t-twaqqif ta' sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita, ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri billi jeċċedi l-kapaċitajiet finanzjarji u tekniċi ta' kwalunkwe Stat Membru wieħed, u għalhekk l-azzjoni fil-livell Komunitarju huwa l-aħjar mod għat-twettiq ta' dawn il-programmi, il-Komunità tista’ taddotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarita’ kif stabbilit mill-Artikolu 5 tat-Trattat. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan.

(34)

Huwa meħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinżammu informati regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-programmi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

Is-sistemi u programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita

1.   Il-programmi EGNOS u Galileo għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha meħtieġa biex jiġu definiti, żviluppati, validati, mibnija, operati, imġedda u mtejba ż-żewġ sistemi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita, jiġifieri s-sistema EGNOS u s-sistema stabbilita taħt il-programm Galileo.

2.   Is-sistema EGNOS hi infrastruttura li timmonitorja u tikkoreġi sinjali li jintbagħtu minn sistemi attwali globali ta' navigazzjoni bis-satellita. Tikkonsisti minn stazzjonijiet terrestri u diversi transponders installati fuq is-satelliti ġeostazzjonarji.

3.   Is-sistema li ġiet stabbilita taħt il-programm Galileo hija infrastruttura awtonoma ta' sistema globali ta' navigazzjoni bis-satellita (GNSS) li tinkludi kostellazzjoni ta' satelliti u network globali ta' stazzjonijiet terrestri.

4.   L-għanijiet speċifiċi tal-programmi huma stabbiliti f’Anness.

Artikolu 2

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi, inklużi dawk dwar il-governanza u l-kontribut finanzjarju tal-Komunità.

Artikolu 3

Il-fażijiet tal-programm Galileo

Il-programm Galileo għandu jikkonsisti f’dawn il-fażijiet:

(a)

fażi ta' definizzjoni li matulha ġiet disinjata l-istruttura tas-sistema u l-elementi tagħha ġew determinati, li spiċċat fl-2001;

(b)

fażi ta' żvilupp u ta' validazzjoni li tinkludi l-bini u l-varar ta' l-ewwel satelliti, l-istabbiliment ta' l-ewwel infrastrutturi fuq l-art u x-xogħlijiet u l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għall-validazzjoni tas-sistema fl-orbita. L-għan hu li din il-fażi titlesta fl-2010;

(ċ)

fażi ta' mobilitazzjoni li tinkludi t-twaqqif ta' l-infrastrutturi spazjali u terrestri kollha, kif ukoll l-operazzjonijiet relatati ma' dan it-twaqqif. L-għan hu li din il-fażi tintuża mill-2008 sa l-2013. Se tinkludi tħejjijiet għall-fażi ta' sfruttar;

(d)

fażi ta' sfruttar li tinkludi l-ġestjoni ta' l-infrastruttura, il-manutenzjoni, it-titjib kostanti u t-tiġdid tas-sistema, l-operazzjonijiet ta' ċertifikazzjoni u standardizzazzjoni relatati mal-programm, il-kummerċjalizzazzjoni tas-sistema u l-attivitajiet l-oħra kollha meħtieġa għall-iżvilupp tas-sistema u għall-funzjonament bla xkiel tal-programm. Il-fażi ta' sfruttar għandha tibda l-aktar tard mat-tmiem tal-fażi ta' mobilitazzjoni.

Artikolu 4

Il-finanzjament tal-programm Galileo

1.   Il-fażi ta' żvilupp u ta' validazzjoni għandha tiġi ffinanzjata mill-Komunità u mill-ESA.

2.   Il-fażi ta' mobilitazzjoni għandha tiġi ffinanzjata mill-Komunità mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 5.

3.   Fl-2010, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun il-każ, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien mar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tagħha, proposta dwar il-fondi u l-impenji pubbliċi meħtieġa għall-perjodu għall-iffinanzjar tal-programmi li jibda mill-2014, li jkopru wkoll kwalunkwe obbligu finanzjarju rigward il-fażi ta' sfruttar, li ġej mir-responsabbiltà tagħha dwar il-proprjetà pubblika tas-sistema, il-mekkaniżmu biex jinqasam id-dħul waqt il-fażi ta' sfruttar u l-għanijiet għall-politika dwar il-prezzijiet li tassigura li l-konsumaturi jirċievu servizzi ta' kwalità għolja bi prezzijiet ġusti. Għandha tinkludi, b’mod partikolari, studju ta' fattibbiltà rraġunat tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' l-użu ta' kuntratti ta' konċessjoni ta' servizz jew kuntratti ta' servizz pubbliku ma' entitajiet fis-settur privat.

Fejn applikabbli, il-Kummissjoni għandha tipproponi wkoll, flimkien mar-reviżjoni ta' nofs it-terminu, miżuri xierqa li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet u servizzi ta' navigazzjoni bis-satellita.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu fondi addizzjonali għall-programm Galileo sabiex ikopru l-investiment ta' l-evoluzzjoni tas-sistema ta' arkitettura maqbula f’każijiet partikolari. Id-dħul li jirriżulta minn dawn il-kontribuzzjonijiet għandu jikkostitwixxi dħul assenjat skond l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Finanzjarju. Skond il-prinċipju ta' amministrazzjoni trasparenti, il-Kummissjoni għandha tikkomunika kwalunkwe impatt fuq il-programm Galileo li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' dan is-sub-paragrafu, lill-Kumitat.

5.   Pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu wkoll jipprovdu finanzjament addizzjonali għall-programm Galileo. Ftehim konkluż mill-Komunità ma' tali entitajiet skond l-Artikolu 300 tat-Trattat, għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet u r-regoli dettaljati rigward l-involviment tagħhom.

Artikolu 5

L-operazzjoni tas-sistema EGNOS

L-operazzjoni tas-sistema EGNOS għandha primarjament tikkonsisti fil-ġestjoni ta' l-infrastruttura, il-manutenzjoni, it-titjib kostanti u t-tiġdid tas-sistema, l-operazzjonijiet ta' ċertifikazzjoni u standardizzazzjoni relatati mal-programm, u l-kummerċjalizzazzjoni.

Artikolu 6

Il-finanzjament ta' l-operazzjoni tas-sistema EGNOS

1.   Il-Komunità għandha tiffinanzja l-operazzjoni ta' l-EGNOS, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kontribuzzjoni minn kwalunkwe sors ieħor, inklużi dawk imsemmija fil-paragrafi 3 u 4.

2.   L-operazzjoni ta' l-EGNOS għandu inizjalment ikun l-oġġett ta' kuntratt ta' servizz pubbliku wieħed jew aktar.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu finanzjament addizzjonali għall-programm EGNOS. Id-dħul li jirriżulta minn dawn il-kontribuzzjonijiet għandu jikkostitwixxi dħul assenjat skond l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Finanzjarju.

4.   Il-pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu wkoll jipprovdu finanzjament addizzjonali għall-programm EGNOS. Kull ftehim konkluż mill-Komunità ma' dawn l-entitajiet taħt l-Artikolu 300 tat-Trattat għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u r-regoli dettaljati rigward l-involviment tagħhom.

Artikolu 7

Il-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà tas-sistemi

1.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel kull sforz biex tassigura l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà tas-sistemi, in-networks u s-servizzi ta' l-EGNOS u l-Galileo u għandha tfittex li tikseb il-benefiċċji tal-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà ta' l-EGNOS u l-Galileo ma' sistemi ta' navigazzjoni oħra u fejn possibbli ma' mezzi ta' navigazzjoni konvenzjonali.

2.   Il-miżuri meħtieġa għal dan il-għan, imfassla sabiex jemenda l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(5).

Artikolu 8

Dritt ta' proprjetà

Il-Komunità għandha tkun il-proprjetarja ta' l-assi kollha tanġibbli u intanġibbli maħluqa jew żviluppati taħt dawn il-programmi, u għal dan il-għan għandhom jiġu konklużi ftehim b’effett ma' pajjiżi terzi, kull fejn xieraq, fir-rigward ta' drittijiet eżistenti ta' proprjetà.

KAPITOLU II

KONTRIBUZZJONI U MEKKANIŻMI BAĠITARJI

Artikolu 9

L-attivitajiet konċernati

1.   L-approprjazzjonijiet baġitarji Komunitarji allokati għall-programmi taħt dan ir-Regolament għandhom jingħataw għall-finanzjament ta’:

(a)

l-attivitajiet relatati mat-tlestija tal-fażi ta' żvilupp u ta' validazzjoni tal-programm Galileo,

(b)

l-attvitajiet relatati mal-fażi ta' mobilitazzjoni tal-programm Galileo, inklużi l-azzjonijiet ta' ġestjoni u ta' monitoraġġ ta' din il-fażi,

(ċ)

l-attivitajiet relatati ma' l-operazzjoni ta' l-EGNOS, kif ukoll ma' l-azzjonijiet preċedenti jew preparatorji għall-fażi ta' l-isfruttar kummerċjali tal-programmi.

2.   Sabiex tista’ ssir identifikazzjoni ċara ta' l-ispejjeż tal-programmi u tal-fażijiet differenti tal-programmi, il-Kummissjoni, skond il-prinċipju ta' amministrazzjonitrasparenti, għandha annwalment tinforma lill-Kumitat dwar l-allokazzjoni tal-fondi Komunitarji għall-kull attività speċifikati fil-paragrafu 1.

Artikolu 10

Riżorsi baġitarji

1.   L-ammont allokat biex jiġu implimentati l-attivitajiet speċifikati fl-Artikolu 9 huwa ta' EUR 3 405 miljun għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013. Dan jinkludi EUR 400 miljun disponibbli mis-Seba’ Programm Kwadru.

2.   L-approprjazzjonijiet għandhom ikunu awtorizzati kull sena mill-awtorità baġitarja fil-limiti stabbiliti fil-qafas finanzjarju pluriennali. Huma għandhom jiġu implimentati skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju.

3.   L-impenji baġitarji għall-programmi għandhom isiru permezz ta' allokazzjonijiet annwali.

Artikolu 11

Dħul operattiv

1.   Id-dħul mill-operazzjoni tas-sistemi għandu jinġabar mill-Komunità Ewropea u għandu jmur fil-baġit Komunitarju u jiġi allokat għall-programmi. Jekk id-dħul jirriżulta li hu iżjed milli meħtieġ għall-programmi, kwalunkwe adattazzjoni tal-prinċipju ta' allokazzjoni għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità baġitarja abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

2.   Jista’ jiġi pprovdut mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tad-dħul fi kwalunkwe kuntratti konklużi ma' entitajiet fis-settur privat.

KAPITOLU III

IL-GOVERNANZA PUBBLIKA TAL-PROGRAMMI

Artikolu 12

Qafas ġenerali għall-governanza tal-programmi

1.   Il-governanza pubblika tal-programmi għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' diviżjoni stretta tar-responsabbiltajiet bejn il-Komunità Ewropea, rappreżentata mill-Kummissjoni, mill-Awtorità u mill-ESA.

2.   Il-Kummissjoni, assistita mill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 19, għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi, li għandha twettaq b’mod trasparenti. Hija għandha tevita wkoll id-duplikazzjoni ta' l-istrutturi u l-funzjonijiet permezz ta' diviżjoni ċara tal-kompiti ma' l-Awtorità u l-ESA. Hija tista’ tiġi megħjuna minn esperti mill-Istati Membri u għandha twettaq verifiki finanzjarji u tekniċi.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-istrumenti adatti, inkluża l-implimentazzjoni ta' programm integrat għall-immaniġġjar tar-riskji fil-livelli kollha tal-programmi, u miżuri strutturali għall-identifikazzjoni, il-kontroll, it-tnaqqis u l-monitoraġġ ta' riskji, u għandha tassigura li jkollha r-riżorsi meħtieġa biex twettaq din il-ħidma. Għal dan il-għan, b’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 19(2), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi punti ta' deċiżjoni ewlenin għal reviżjonijiet ta' l-implimentazzjoni tal-programmi.

Artikolu 13

Il-governanza tal-kwistjonijiet tas-sigurtà

1.   Il-Kummissjoni għandha tassigura l-ġestjoni tal-kwistjonijiet kollha relatati mas-sigurtà tas-sistemi, filwaqt li tiegħu kont tal-bżonn ta' monitoraġġ u ta' l-integrazzjoni tar-rekwiżiti- tas-sigurtà fil-programmi ġenerali.

2.   Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 19(4), tadotta miżuri ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti tekniċi ewlenin għall-kontroll ta' l-aċċess u l-immaniġġar ta' teknoloġiji li jipprovdu sigurtà għas-sistemi.

3.   Il-Kummissjoni għandha tassigura li jittieħdu l-passi meħtieġa għall-konformità mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 u li tintlaħaq kwalunkwe ħtieġa ulterjuri relatata mas-sigurtà tas-sistemi, b’kont sħiħ meħud tal-parir ta' l-esperti.

4.   Kull meta s-sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' l-Istati Membri tagħha tista’ tiġi affettwata mill-operat tas-sistemi, għandhom japplikaw il-proċeduri previsti mill-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK tat- 12 ta' Lulju 2004 dwar aspetti ta' l-operazzjoni tas-sistema Ewropea tar-navigazzjoni bis-satellita li jaffetwaw is-sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea (8).

5.   Kwistjonijiet li jaqgħu esklussivament fit-Titolu V u/jew fit-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea m’għandhomx jaqgħu fl-ambitu tal-Kumitat.

Artikolu 14

Applikazzjoni tar-regolamenti dwar is-sigurtà

1.   Kull Stat Membru għandu jassigura li regolamenti dwar is-sigurtà li jassiguraw livell ta' protezzjoni ta' l-anqas ekwivalenti għal dak garantit mir-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif stabbiliti fl-Anness mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (9) u mir-regolamenti dwar is-sigurtà tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea stabbiliti fl-Anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE (10) japplikaw għal kwalunkwe persuna fiżika residenti u għal kull entità ġuridika stabbilita fit-territorju tagħhom li tkun qed tittratta informazzjoni klassifikata ta' l-UE fir-rigward tal-programmi.

2.   L-Istati Membri għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tar-regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà kif msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Il-persuni fiżiċi residenti f’pajjiżi terzi u l-entitàjiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiżi terzi jistgħu jittrattaw informazzjoni klassifikata ta' l-UE dwar il-programmi biss fejn ikunu suġġetti, f’dawk il-pajjiżi, għal regolamenti dwar is-sigurtà li jassiguraw livell ta' protezzjoni għall-inqas ekwivalenti għal dak garantit mir-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif stabbiliti fl-Anness mad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom u mir-regolamenti dwar is-sigurtà tal-Kunsill stabbiliti fl-Anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE. Ir-regolamenti dwar is-sigurtà ta' l-ESA għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għal dawk ir-regoli u regolamenti. L-ekwivalenza tar-regolamenti dwar is-sigurtà applikati f’pajjiż terz tista’ tiġi rikonoxxuta fi ftehim ma' dak il-pajjiż.

Artikolu 15

Programmazzjoni

1.   Il-Kummissjoni Ewropea tieħu ħsieb il-fondi allokati għall-programmi taħt dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri sabiex tiddefinixxi qafas strateġiku għall-istabbiliment ta' programm ta' ħidma b’konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Il-qafas strateġiku għandu jinkludi l-azzjonijiet ewlenin, il-baġit stmat u l-iskeda taż-żmien, meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi mniżżlin fl-Anness.

Dawn il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(5).

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-programm ta' ħidma li jinkludi l-pjan għall-implimentazzjoni tal-programm u l-finanzjament assoċjat, riveduti fuq bażi annwali, u kwalunkwe emenda għalihom skond il-proċedura ta' amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(3).

4.   Il-miżuri ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati skond ir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 16

L-irwol ta' l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-GNSS Ewropew

Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12 u r-rispett għall-irwol tal-Kummissjoni bħala amministratur tal-programmi, l-Awtorità għandha twettaq il-kompiti li ġejjin fil-programmi skond il-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni:

(a)

għar-rigward tis-sigurtà tal-programmi, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13 u 14, hija għandha tassigura:

(i)

l-akkreditazzjoni tas-sigurtà; għal dan l-effett hija għandha tagħti bidu u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta' sigurtà u twettaq verifiki tas-sigurtà tas-sistema,

(ii)

l-operazzjoni taċ-ċentru ta' sigurtà tal-Galileo, implimentat skond iż-żewġ deċiżjonijiet meħuda skond l-Artikolu 13 u l-istruzzjonijiet previsti fl-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK;

(b)

hija għandha tikkontribwixxi għat-tħejjija tal-kummerċjalizzazzjoni tas-sistemi, inkluża l-analiżi meħtieġa tas-suq;

(ċ)

hija għandha wkoll twettaq ħidmiet oħra li jistgħu jiġu fdati lilha mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 54(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju li jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-programmi bħal:

(i)

il-promozzjoni ta' applikazzjonijiet u servizzi fis-suq tan-navigazzjoni bis-satellita;

(ii)

l-assigurazzjoni li l-komponenti tas-sistemi jkunu ċċertifikati mill-korpi ta' ċertifikazzjoni adattati u debitament awtorizzati.

Artikolu 17

Prinċipji ta' l-akkwist relatati mal-fażi ta' mobilitazzjoni tal-programm Galileo

1.   Ir-regoli tal-Komunità dwar l-akkwist pubbliku, b’mod partikolari l-aċċess miftuħ u l-kompetizzjoni ġusta tul il-katina tal-provvista industrijali, is-sejħiet għall-offerti abbażi ta' l-għoti ta' informazzjoni trasparenti u f’waqtha, il-komunikazzjoni ċara tar-regoli li japplikaw dwar l-akkwist, il-kriterji ta' l-għażla u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li twassal għal kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-offerenti potenzjali kollha għandhom japplikaw għall-fażi ta' mobilitazzjoni tal-programm Galileo mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni ta' l-interessi primarji tas-sigurtà ta' l-Unjoni Ewropea jew tas-sigurtà pubblika jew biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-kontroll ta' l-esportazzjoni.

2.   Matul il-proċedura ta' akkwist, għandhom jiġu segwiti l-objettivi li ġejjin:

(a)

tiġi promossa l-parteċipazzjoni bbilanċjata ta' l-industrija fil-livelli kollha, inkluż b’mod partikolari l-SMEs, fl-Istati Membri kollha,

(b)

jiġi evitat l-abbuż possibbli ta' dominanza u tiġi evitata d-dipendenza fit-tul fuq fornituri uniċi,

(ċ)

jittieħed vantaġġ minn investimenti preċedenti tas-settur pubbliku u tal-lezzjonijiet miksuba kif ukoll ta' l-esperjenza industrijali u l-kompetenzi, inklużi dawk miksuba fil-fażijiet tad-definizzjoni u l-iżvilupp u validazzjoni tal-programmi, waqt li jkun assigurat li ma jiġux preġudikati r-regoli dwar sejħiet għal offerti b’mod kompetittiv.

3.   Għal dan l-għan, il-prinċipji li ġejjin għall-akkwist ta' l-attivitajiet tal-fażi ta' mobilitazzjoni tal-programm Galileo għandhom japplikaw:

(a)

għandha ssir il-kondiviżjoni ta' l-akkwist ta' l-infrastruttura f’sett ta' sitt pakketti prinċipali ta' xogħol (appoġġ għas-sistema ta' inġinerija, tlestija ta' l-infrastruttura għall-missjoni fuq l-art, tlestija ta' l-infrastruttura għall-kontroll fuq l-art, satelliti, lanċaturi u operazzjonijiet) kif ukoll għadd ta' pakketti addizzjonali ta' xogħol, permezz ta' tqassim komprensiv ġenerali ta' l-akkwist; dan ma jeskludix il-prospettiva ta' triqat multipli ta' akkwist simultanju għal pakketti individwali ta' xogħol, anke għas-satelliti,

(b)

għandu jiġi assigurat li s-sejħiet għall-offerti jsiru b’mod kompetittiv għall-pakketti kollha u għandha tiġi applikata, għas-sitt pakketti prinċipali ta' xogħol, proċedura unika li permezz tagħha kwalunkwe entità ġuridika indipendenti, jew grupp rappreżentat għal dan il-għan minn entità ġuridika li tappartjeni lil dak il-grupp, jistgħu jitgħu offerta għall-irwol ta' kuntrattur prinċipali għal massimu ta' tnejn mis-sitt pakketti prinċipali ta' xogħol,

(ċ)

mill-inqas 40 % mill-valur aggregat ta' l-attivitajiet li għandhom jiġu sub-kuntrattati permezz ta' sejħiet għall-offerti b’mod kompetittiv fuq livelli varji lil kumpaniji minbarra dawk li jappartjenu għall-gruppi ta' entitajiet li jkunu l-kuntratturi prinċipali għal kwalunkwe wieħed mill-pakketti prinċipali ta' xogħol; il-Kummissjoni għandha, fuq bażi regolari, tirrapporta lill-Kumitat dwar il-kisba ta' dan il-prinċipju. Fil-każ li t-tbassir jistabillixxi li l-mira ta' 40 % ma tkunx tista’ tintlaħaq il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura tar-riskju msemmija fl-Artikolu 19(3), tieħu l-miżuri adatti,

(d)

għandu jiġi applikat id-dual sourcing kull fejn dan ikun possibbli biex jiġi assigurat kontroll ġenerali aħjar tal-programm, ta' l-ispejjeż tiegħu u ta' l-iskeda ta' żmien tiegħu.

Artikolu 18

L-irwol ta' l-Aġenzija Spazjali Ewropea

1.   Fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 17, il-Komunità, rappreżentata mill-Kummissjoni, għandha tikkonkludi ftehim pluriennali ta' delegazzjoni ma' l-ESA, abbażi ta' deċiżjoni ta' delegazzjoni adottata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Finanzjarju li għandha tkopri l-kompiti delegati u l-baġit ta' implimentazzjoni relatati ma' l-implimentazzjoni tal-programm Galileo, b’mod partikolari l-fażi ta' mobilitazzjoni.

2.   Il-ftehim ta' delegazzjoni għandu, sa fejn dan ikun meħtieġ għall-kompiti u għall-implimentazzjoni tal-baġit delegati taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jistabbilixxi l-kondizzjonijiet ġenerali għall-amministrazzjoni tal-fondi mogħtija lill-ESA, u b’mod partikolari l-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati, il-finanzjament rilevanti, il-proċeduri ta' amministrazzjoni u l-miżuri ta' monitoraġġ u ispezzjoni, il-miżuri applikabbli fil-każ ta' nuqqasijiet fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti u tar-regoli fir-rigward tad-dritt ta' proprjetà fuq l-assi tanġibbli u intanġibbli kollha.

3.   Il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat dwar id-deċiżjoni ta' delegazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, skond il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 19(2). Il-Kumitat għandu jkun infurmat dwar il-ftehim pluriennali ta' delegazzjoni li għandu jiġi konkluż bejn il-Komunità, rappreżentata mill-Kummissjoni, u l-ESA.

4.   Il-Kumitat għandu jiġi infurmat mill-Kummissjoni dwar ir-riżultati intermedjarji u finali ta' l-evalwazzjoni tas-sejħiet għal offerti u tal-kuntratti ma' entitajiet fis-settur privat li għandu jiġu konlużi mill-ESA.

Artikolu 19

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat imsejjaħ “Kumitat dwar il-Programmi Ewropej tal-GNSS” (“il-Kumitat”).

2.   Fejn issir referenza għall-paragrafu preżenti, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

3.   Fejn issir referenza għall-paragrafu preżenti, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deciżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahar.

4.   Fejn issir referenza għall-paragrafu preżenti, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deciżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahar.

5.   Kull fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

6.   Ir-rappreżentanti ta' l-Awtorità u l-ESA jistgħu jkunu involuti bħala osservaturi fil-ħidma tal-Kumitat skond il-kondizzjonijiet stipulati fir-regoli ta' proċedura tiegħu.

7.   Kull ftehim konkluż mill-Komunità skond l-Artikoli 4(5) u 6(4) jista’ jipprevedi l- parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fil-ħidma tal-Kumitat skond il-kondizzjonijiet stipulati fir-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 20

Il-protezzjoni ta' data personali u l-privatezza

Il-Kummissjoni għandha tassigura li tkun garantita l-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza u li jiġu integrati salvagwardji adegwati fl-istruttura teknika tas-sistemi.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 21

Protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità

1.   Il-Kummissjoni għandha tassigura li, fl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet finanzjati fil-qafas ta' dan ir-Regolament, jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Komunità mill-applikazzjoni tal-miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività oħra illegali, permezz ta' kontrolli effettivi u permezz ta' l-irkupru ta' ammonti indebitament mħallsa, kif ukoll, fil-każ ta' l-iskoperta ta' irregolarjitajiet, permezz ta' l-applikazzjoni ta' pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 2988/95 (11) tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar kontrolli u ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewroprej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (12) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet mmexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (13).

2.   Għall-azzjonijiet Komunitarji finanzjati minn dan ir-Regolament, il-kunċett ta' irregolarità msemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 għandu jfisser kwalunkwe ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja jew kwalunkwe nuqqas fil-qadi ta' obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur eknomiku li għandhom jew ikollhom l-effett li jippreġudikaw lill-baġit ġenerali ta' Unjoni Ewropea jew lill-baġits amministrati minnha, permezz ta' element ta' spiża mingħajr ġustifikazzjoni.

3.   Kull ftehim li jirriżulta minn dan ir-Regolament, inkluż ftehim konkluż ma' pajjiżi terzi parteċipanti u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, għandu jipprevedi sorveljanza u kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni, jew minn kwalunkwe rappreżentat awtorizzat minnha, kif ukoll għal verifiki li jsiru mill-Qorti ta' l-Awdituri, u jekk ikunu meħtieġa, anke dawk fuq il-post.

Artikolu 22

Informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

Il-Kummissjoni għandha tassigura l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Kull sena, meta tippreżenta l-abbozz preliminari tal-baġit, hija għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-programmi. Reviżjoni ta' nofs it-terminu għandha titwettaq fl-2010, li għandha tinkludi reviżjoni ta' l-ispejjeż, ir-riskji u d-dħul probabbli mis-servizzi offruti mill-Galileo, inter aliafid-dawl ta' l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq, biex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu informati dwar il-progress li sar fil-programmi.

Artikolu 23

Tħassir

L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 tal-21 ta' Mejju 2002 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Galileo (14) għandu jitħassar b’ effett mill-25 ta' Lulju 2009.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 9 ta' Lulju 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J.-P. JOUYET


(1)  ĠU C 221, 8.9.2005, p. 28.

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Lulju 2008

(3)  ĠU L 246, 20.7.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1942/2006 (ĠU L 367, 22.12.2006. p. 18).

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1525/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9).

(5)  Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjon finanzjara tajba (ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1). Ftehim kif emendat mid-Deċiżjoni 2008/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( ĠU L 6, 10.1.2008, p. 7).

(6)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(8)  ĠU L 246, 20.7.2004, p. 30.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1). Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/548/KE (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1). Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/438/KE (ĠU L 164, 26.6.2007, p. 24).

(11)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1233/2007 (ĠU L 279, 23.10.2007, p. 10).

(12)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(13)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(14)  ĠU L 138, 28.5.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1943/2006 (ĠU L 367, 22.12.2006, p. 21).


ANNESS

GĦANIJIET SPEĊIFIĊI TAL-PROGRAMMI GNSS EWROPEJ

L-għanijiet speċifiċi tal-programm Galileo huma li jiġi assigurat li s-sinjali li tibgħat is-sistema jkunu jistgħu jiġu utilizzati biex jissodisfaw il-ħames funzjonijiet li ġejjin:

li jkun offrut servizz miftuħ (open service, OS), b'xejn għall-utenti u li jipprovdi l-informazzjoni dwar il-pożizzjonament u s-sinkronizzazzjoni, maħsub għall-applikazzjonijiet tal-massa tar-navigazzjoni bis-satellita.

li jkun offrut servizz ta' protezzjoni tal-ħajja (safety-of-life service, SoL) maħsub għall-utenti li għalihom is-sikurezza hija essenzjali. Dan is-servizzi jissodisfa wkoll ir-rekwiżiti ta' ċerti setturi għall-kontinwità, id-disponibbiltà u l-preċiżjoni u jinkludi messaġġ ta' integrità li jallerta lill-utent bi kwalunkwe falliment fis-sistema.

li jkun offrut servizz kummerċjali (commercial service, CS) għall-iżvilupp ta' applikazzjonijiet għall-użu professjonali jew kummerċjali permezz ta' titjib fil-prestazzjonijiet u ta' data ta' valur miżjud superjuri għal dik offruta permezz tas-servizz miftuħ.

li jkun offrut servizz pubbliku regolat (public regulated service PRS) maħsub biss għall-utenti awtorizzati mill-gvernijiet, għall-applikazzjonijiet sensittivi li jesiġu livell kbir ta' kontinwità fis-servizz. Is-servizz pubbliku regolamentat juża sinjali b'saħħithom u kodifikati.

parteċipazzjoni fis-servizz ta' riċerka u ta' salvataġġ (search and rescue support service, SAR) tas-sistema COSPAS-SARSAT billi jiġu identifikati sinjali ta' emerġenza mibgħuta minn transmittenti u jintbagħtulhom messaġġi lura.

L-għanijiet speċifiċi tal-programm EGNOS huma li jiġi assigurat li s-sistema EGNOS tissodisfa t-tliet funzjonijiet li ġejjin:

li jkun offrut servizz miftuħ (OS), bla ħlas għall-utenti u li jipprovdi l-informazzjoni dwar il-pożizzjonament u s-sinkronizzazzjoni, maħsub għall-applikazzjonijiet tal-massa tar-navigazzjoni bis-satellita fiż-żona koperta mis-sistema.

li jkun offrut servizz għad-disseminazzjoni ta' data kummerċjali sabiex jgħin l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet għall-użu professjonali jew kummerċjali permezz ta' titjib fil-prestazzjonijiet u ta' data ta' valur miżjud superjuri għal dik offruta permezz tas-servizz miftuħ.

li jkun offrut servizz ta' protezzjoni tal-ħajja (SoL) maħsub għall-utenti li għalihom is-sikurezza tkun essenzjali. B'mod partikolari, dan is-servizzi jissodisfa wkoll ir-rekwiżiti ta' ċerti setturi għall-kontinwità, disponibbiltà u preċiżjoni u jinkludi messaġġ ta' integrità li jallerta lill-utent bi kwalunkwe falliment fis-sistema fir-rigward taż-żona ta' kopertura.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni Ewropea

dwar

IL-“PANEL INTERISTITUZZJONALI GALILEO (GIP)”

1.

Minħabba l-importanza, il-karatteristika unika u l-kumplessità tal-programmi Ewropej GNSS, is-sjieda tal-Komunità tas-sistemi li jirriżultaw mill-programmi, u l-finanzjament sħiħ tal-baġit tal-Komunità tal-programmi għall-perjodu 2008-2013, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea jirrikonoxxu l-bżonn ta' koperazzjoni mill-qrib tat-tliet istituzzjonijiet.

2.

Il-Panel Interistituzzjonali Galileo (GIP) se jilħaq l-objettiv li jiffaċilita kull istituzzjoni tal-Komunità fit-twettiq tar-responsabilità rispettiva tagħha. Għal dan il-għan, il-GIP se jitwaqqaf sabiex isegwi mill-qrib:

(a)

il-progress dwar l-implimentazzjoni tal-programmi Ewropej GNSS, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' akkwisti u ta' kuntratti, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-ESA;

(b)

il-Ftehimiet Internazzjonali ma' pajjiżi terzi mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 300 tat-Trattat;

(ċ)

it-tħejjija tas-swieq tan-navigazzjoni bis-satellita;

(d)

l-effettività ta' l-arranġamenti ta' governanza; u

(e)

ir-reviżjoni annwali tal-programm ta' ħidma.

3.

Skond ir-regoli eżistenti, il-GIP se jirrispetta l-ħtieġa ta' diskrezzjoni b'mod partikulari fid-dawl tal-kunfidenzjalità fin-negozju u n-natura sensittiva ta' ċerta data.

4.

Il-Kummissjoni se tagħti kont tal-fehmiet espressi mill-GIP.

5.

Il-GIP se jkun magħmul minn seba’ rappreżentanti, li minnhom:

3 jkunu mill-Kunsill

3 mill-PE

1 mill-Kummissjoni,

u se jiltaqa’ fuq bażi regolari (fil-prinċipju 4 darbiet kull sena).

6.

Il-GIP ma jaffettwax ir-responsabbiltajiet jew ir-relazzjonijiet interistituzzjonali stabbiliti.