ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

L 90

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 51
2 ta' April 2008


Werrej

 

I   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 291/2008 ta' l-1 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 292/2008 ta’ l-1 ta’ April 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1580/2007 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u l-ħxejjex

3

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 293/2008 ta’ l-1 ta’ April 2008 li jemenda l-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 għal dak li għandu x’jaqsam mal-limiti nazzjonali stabbiliti fl-anness imsemmi

5

 

 

II   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

Kummissjoni

 

 

2008/283/KE

 

*

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Belġju għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju u li temenda d-Deċiżjoni 2003/757/KE (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5416)  ( 1 )

7

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

2.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 90/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 291/2008

ta' l-1 ta’ April 2008

li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali tal-Laqgħa ta' l-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi ta' l-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness tiegħu.

(2)

Fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija hawn fuq, il-valuri fissi ta' l-importazzjoni għandhom ikunu ffissati fil-livelli msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi ta' l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stabbiliti kif inhu indikat fit-tabella ta' l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-2 ta’ April 2008.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 1 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

tar-Regolament ta' l-Kummissjoni ta' l-1 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss ta' l-importazzjoni

0702 00 00

JO

69,1

MA

43,2

TN

125,1

TR

89,8

ZZ

81,8

0707 00 05

JO

178,8

TR

165,0

ZZ

171,9

0709 90 70

MA

43,9

TR

138,6

ZZ

91,3

0805 10 20

EG

44,4

IL

62,8

MA

53,6

TN

53,6

TR

58,2

ZZ

54,5

0805 50 10

IL

117,7

TR

109,8

ZA

148,3

ZZ

125,3

0808 10 80

AR

88,2

BR

83,7

CA

80,7

CL

91,8

CN

81,3

MK

52,2

US

120,9

UY

63,4

ZA

71,7

ZZ

81,5

0808 20 50

AR

78,1

CL

80,1

CN

53,4

ZA

88,0

ZZ

74,9


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ ZZ ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


2.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 90/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 292/2008

ta’ l-1 ta’ April 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1580/2007 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u l-ħxejjex

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1182/2007 tas-26 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward is-settur tal-frott u l-ħxejjex u li jemenda d-Direttivi 2001/112/KE u 2001/113/KE u r-Regolamenti (KEE) Nru 827/68, (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96, (KE) Nru 2826/2000, (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 318/2006 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2202/96 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(a), (b) u (j) tiegħu,

Billi:

(1)

L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 80(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 (2) jistabbilixxi limitu fuq l-irtirar mis-suq espress bħala proporzjon tal-volum tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq ta’ kwalunkwe prodott fi kwalunkwe organizzazzjoni ta’ produtturi. Bil-għan li titħeġġeġ id-distribuzzjoni ħielsa bħala destinazzjoni għal tali rtirar, dak il-limitu ma għandux jinkludi prodotti mibgħuta għad-distribuzzjoni ħielsa.

(2)

It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 80(2) jipprovdi għal marġni ta’ żball ta’ 3 % fil-kalkolu tal-volum tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq. Billi dawn it-termini aktarx jistgħu jitqiesu li mhumiex ċari biżżejjed, għall-finijiet taċ-ċarezza, din id-dispożizzjoni għandha tirreferi għal marġni ta’ eċċess ta’ 3 %.

(3)

L-Artikolu 55(3) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007 jipprovdi li l-programmi operattivi approvati qabel il-31 ta’ Diċembru 2007 jistgħu jiġu mmodifikati biex jilħqu r-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, tali modifiki jeħtieġu li l-Istat Membru kkonċernat jadotta strateġija nazzjonali skond dak ir-Regolament, u dan jista’ jirrikjedi żmien twil fis-sena 2008.

(4)

Ma jistax isir irtirar mis-suq skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 (3) wara l-31 ta’ Diċembru 2007, wara l-emendi li saru għal dak ir-Regolament permezz tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007.

(5)

Barra minn hekk, jixraq li tkun permessa fl-2008 l-introduzzjoni rapida tal-miżuri l-ġodda ta’ prevenzjoni u ġestjoni ta’ kriżijiet, fejn dan ikun vijabbli mil-lat amministrattiv u jkunu jistgħu jsiru l-verifiki xierqa, partikolarment dawk li jirrigwardaw il-promozzjoni, il-komunikazzjoni u t-taħriġ.

(6)

Għaldaqstant, sabiex tkun permessa t-tranżizzjoni bla xkiel bejn l-iskemi rregolati mir-Regolament (KE) Nru 2200/96 u (KE) Nru 1182/2007, kif ukoll l-implimentazzjoni rapida ta’ dawk il-miżuri ġodda ta’ prevenzjoni u ġestjoni ta’ kriżijiet, u sabiex tiġi evitata l-interruzzjoni bla bżonn tal-miżuri ta’ rtirar mis-suq, jeħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jagħmlu eliġibbli l-infiq fuq tali miżuri applikati mill-1 ta’ Jannar 2008, inkluż fejn operazzjoni fil-qafas ta’ miżura ssir qabel ma l-programm operattiv ikkonċernat ikun ġie mmodifikat biex jinkludi dik il-miżura. Għal raġunijiet simili, l-Istati Membri għandhom jitħallew jawtorizzaw modifiki għal miżuri fi programmi eżistenti skond l-Artikolu 55(3) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007 biex ikopru l-infiq li jsir mill-1 ta’ Jannar 2008.

(7)

Għall-iskopijiet ta’ tmexxija tajba, l-operazzjoni għandha tirrispetta wkoll il-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007, filwaqt li l-istrateġija nazzjonali u l-programm operattiv għandhom jiġu mmodifikati biex ikopru l-miżura kkonċernata qabel ma ssir applikazzjoni għall-ħlas ta’ l-għajnuna korrispondenti.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 1580/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(9)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 80(2), l-ewwel subparagrafu jinbidel b’li ġej:

“2.   L-irtirar mis-suq ma għandux jeċċedi 5 % bħala proporzjon tal-volum tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq ta’ kwalunkwe prodott fi kwalunkwe organizzazzjoni ta’ produtturi. Madankollu, l-ammonti li jitqassmu skond wieħed mill-modi msemmija fil-punti (a) u (b) ta’ l-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007, jew bi kwalunkwe mod ieħor approvat mill-Istati Membri skond l-Artikolu 81(2), ma għandhomx jitqiesu f’dak il-proporzjon”.

2.

Fl-Artikolu 80(2), it-tielet subparagrafu jinbidel b’li ġej:

“Il-perċentwali msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu medji annwali fuq perjodu ta’ tlett snin, b’marġni annwali ta’ eċċess ta’ 3 %.”

3.

Fl-Artikolu 152(2), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-infiq fuq miżura waħda jew aktar ta’ prevenzjoni u ġestjoni ta’ kriżijiet, relatati ma’ l-irtirar mis-suq, il-promozzjoni, il-komunikazzjoni u t-taħriġ, li jsiru fl-2008 minn organizzazzjoni ta’ produtturi, ikun eliġibbli anki jekk il-programm operattiv ma jkunx għadu ġie modifikat biex ikopri l-miżuri kkonċernati. Biex dan l-infiq ikun eliġibbli:

(a)

l-Istat Membru għandu jiżgura li l-istrateġija nazzjonali tiegħu adottat fl-2008 skond dan ir-Regolament tkopri l-miżuri kkonċernati,

(b)

il-programm operattiv għandu jkun modifikat fl-2008 skond dan ir-Regolament, biex ikopri l-miżuri kkonċernati qabel ma ssir applikazzjoni għall-ħlas ta’ l-għajnuna korrispondenti, u

(ċ)

il-miżuri u kwalunkwe verifika li ssirilhom għandhom ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament.

L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li modifika għal miżura fil-qafas ta’ programm operattiv eżistenti, imwettqa skond il-punt (b) ta’ l-Artikolu 55(3) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007, tkopri l-infiq fuq l-operazzjonijiet li jsiru fl-2008 anki qabel ma ssir dik il-modifika, sakemm il-kundizzjoniiet tal-punti (a), (b) u (ċ) tar-raba’ subparagrafu jkunu rispettati.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 1 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 273, 17.10.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.

(3)   ĠU L 297, 21.11.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).


2.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 90/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 293/2008

ta’ l-1 ta’ April 2008

li jemenda l-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 għal dak li għandu x’jaqsam mal-limiti nazzjonali stabbiliti fl-anness imsemmi

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (1), u partikolarment l-Artikolu 12(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jistabbilixxi, għal kull Stat Membru, il-limiti nazzjonali li ma għandhomx jinqabżu ta’ l-ammonti supplementari ta’ għajnuna previsti fl-Artikolu 12 tar-Regolament imsemmi.

(2)

Mir-reviżjoni prevista fl-Artikolu 12(4) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, jirriżulta li l-limiti stabbiliti fl-Anness II m’għadhomx jikkorrispondu għas-sitwazzjoni strutturali ta’ l-istabbilimenti agrikoli. Jeħtieġ għalhekk li l-limiti applikabbli jiġu adattati b’bidu mis-sena 2008.

(3)

Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu jiġi emendat.

(4)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Ħlasijiet Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jinbidel mit-test ta’ l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 1 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 146/2008 (ĠU L 46, 21.2.2008, p. 1).


ANNESS

“ANNESS II

Il-limiti massimi nazzjonali msemmijin fl-Artikolu 12(2)

(f’miljuni ta’ EUR)

Stat Membru

2005

2006

2007

2008

2009

2010

2011

2012

Il-Belġju

4,7

6,4

8,0

7,9

7,9

7,9

7,9

7,9

Id-Danimarka

7,7

10,3

12,9

10,6

10,6

10,6

10,6

10,6

Il-Ġermanja

40,4

54,6

68,3

62,7

62,7

62,7

62,7

62,7

L-Irlanda

15,3

20,5

25,6

24,4

24,4

24,4

24,4

24,4

l-Greċja

45,4

61,1

76,4

79,0

79,0

77,6

77,6

77,4

Spanja

56,9

77,3

97,0

98,3

98,3

97,8

97,8

97,8

Franza

51,4

68,7

85,9

87,0

87,0

87,0

87,0

87,0

L-Italja

62,3

84,5

106,4

96,9

97,0

95,6

94,9

94,9

Il-Lussemburgu

0,2

0,3

0,4

0,4

0,4

0,4

0,4

0,4

L-Olanda

6,8

9,5

12,0

11,4

11,4

11,4

11,4

11,4

L-Awstrija

12,4

17,1

21,3

19,6

19,6

19,6

19,6

19,6

Il-Portugall

10,8

14,6

18,2

10,2

10,2

10,2

10,2

10,2

Il-Finlandja

8,0

10,9

13,7

12,6

12,6

12,5

12,5

12,5

L-Iżvezja

6,6

8,8

11,0

11,0

11,0

11,0

11,0

11,0

Ir-Renju Unit

17,7

23,6

29,5

29,5

29,5

29,5

29,5

29,5 ”


II Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

DEĊIŻJONIJIET

Kummissjoni

2.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 90/7


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Novembru 2007

dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Belġju għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju u li temenda d-Deċiżjoni 2003/757/KE

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5416)

(It-testi bil-Franċiż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/283/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1) a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skond l-Artikoli msemmija (1) u wara li kkunsidrat dawn l-osservazzjonijiet,

Billi:

I.   IL-PROĊEDURA (2)

(1)

Il-bażi ġuridika ta’ l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni hija d-Digriet Irjali Nru 187 tat-30 ta’ Diċembru 1982. Bid-Deċiżjonijiet tat-2 ta’ Mejju 1984 u d-9 ta’ Marzu 1987, il-Kummissjoni kienet awtorizzat din l-iskema, billi din ma qajmet l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tar-regoli tat-Trattat applikabbli fil-qasam ta’ għajnuniet mill-Istat.

(2)

Billi hija kienet impenjat ruħha fil-qafas tal-Kodiċi ta’ Kondotta fil-qasam tat-taxxa ta’ l-intrapriżi (minn issa ‘l quddiem “il-Kodiċi ta’ Kondotta”), adottat bir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, mlaqqgħa fi ħdan il-Kunsill, ta’ l-1 ta’ Diċembru 1997 (3), il-Kummissjoni reġgħet eżaminat din l-iskema, fid-dawl tar-regoli tat-Trattat applikabbli fil-qasam ta’ għajnuniet mill-Istat u l-Komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli relatati ma’ l-għajnuniet mill-Istat għall-miżuri li joħorġu mit-taxxa diretta ta’ l-intrapriżi (4).

(3)

Fil-11 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni pproponiet miżuri utli intiżi biex irażżnu l-effetti ta’ l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, għall-intrapriżi kollha kkonċernati, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005. Il-Belġju m’aċċettax dawn il-miżuri utli billi ħass li kien legalment marbut li jirrispetta, sad-data ta’ l-għeluq tagħhom, il-ftehimiet ta’ 10 snin, li wħud minnhom kienu se jintemmu wara l-31 ta’ Diċembru 2005.

(4)

Fis-27 ta’ Frar 2002, fin-nuqqas ta’ aċċettazzjoni tal-miżuri utli, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura formali ta’ eżami (5) stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat f’konformità ma’ l-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 (li sar 88) tat-Trattat tal-KE (6). Il-Kummissjoni, f’din l-okkażjoni, stiednet lill-partijiet terzi interessati biex jagħtuha l-kummenti tagħhom, notevolment fir-rigward taċ-ċirkostanzi li jippermettu li tiġi stabbilita fosthom l-eżistenza ta’ fiduċja leġittima.

(5)

Il-Kummissjoni għalqet din il-proċedura formali ta’ eżami b’deċiżjoni finali negattiva, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/757/KE tas-17 ta’ Frar 2003 dwar l-iskema ta’ għajnuniet implimentati mill-Belġju għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju (7), innotifikata lill-Belġju fit-18 ta’ Frar 2003. Billi din kienet għajnuna eżistenti, il-Kummissjoni ma talbitx l-irkupru ta’ għajnuniet mogħtija fl-imgħoddi. Madankollu, taħt miżuri tranżitorji, id-Deċiżjoni 2003/757/KE ippermettiet liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni biex jibbenefikaw mill-vantaġġi ta’ l-iskema sat-tmiem tal-ftehim tagħhom fis-seħħ, u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010. Il-Belġju u l-assoċjazzjoni Forum 187, li tgħaqqad iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, iddepożitaw appelli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, bil-għan li tiġi sospiża jew annullata, kompletament jew parzjalment, id-Deċiżjoni msemmija (il-każijiet C-182/03 u T-140/03 li sar C-217/03).

(6)

Permezz ta’ Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003 (8), il-President tal-Qorti ssospenda l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2003/757/KE “sakemm din (tipprojbixxi) lir-Renju tal-Belġju milli jġedded il-ftehimiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li jkun hemm fis-seħħ fid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni msemmija”. Huwa speċifika wkoll li “[l-]effetti tat-tiġdid eventwali li jsir fuq bażi ta’ [din l-]ordinanza ma [setgħux] iseħħu wara l-ġurnata li tingħata s-sentenza fl-azzjoni prinċipali”.

(7)

Fuq talba tal-Belġju, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/531/KE tas-16 ta’ Lulju 2003 dwar l-għotja mill-Gvern Belġjan ta’ għajnuna għal ċerti ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju (9) kkunsidrat, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tat-Trattat, “bħala kompatibbli mas-Suq Komuni, l-għajnuna li l-Belġju għandu l-ħsieb li jagħti sal-31 ta’ Diċembru 2005 lill-intrapriżi li fil-31 ta’ Diċembru 2000 kienu bbenefikaw minn ftehim bħala ċentru ta’ koordinazzjoni taħt id-Digriet Irjali Nru 187 tat-30 ta’ Diċembru 1982 li skada bejn is-17 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005.” L-għajnuna kkonċernata kienet li jinżammu l-benefiċċji ta’ l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni għall-intrapriżi msemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni ddepożitat appell quddiem il-Qorti kontra d-Deċiżjoni 2003/531/KE (il-każ C-399/03).

(8)

Fis-16 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni rreaġixxiet għad-Deċiżjoni 2003/531/KE bi stqarrija għall-istampa u speċifikat: “Ir-raġunament żviluppat fl-Ordinanza u l-għażla tal-kliem użat fid-dikjarazzjoni tagħha jagħtu x’jaħsbu li l-għajnuniet mogħtija fuq din il-bażi huma miksuba b’mod definit għaċ-ċentri, anke jekk il-Qorti jkollha, fir-rigward tas-sustanza, sussegwentement tirrifjuta l-appell tal-Belġju”. (IP/03/1032).

(9)

Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006 (10), il-Qorti annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni “billi din ma tagħmilx provvediment għal miżuri tranżitorji fir-rigward taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni fejn it-talba għat-tiġdid ta’ ftehim kienet għadha pendenti fid-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni kkuntestata jew fejn il-ftehim kien jiskadi fl-istess żmien jew ftit żmien wara n-notifika tad-Deċiżjoni msemmija”. Fl-istess ġurnata, hija annullat ukoll id-Deċiżjoni 2003/531/KE (11).

(10)

Permezz ta’ ittra ta’ l-4 ta’ Lulju 2006 (12), il-Kummissjoni talbet lill-Belġju biex jipprovdilha ċerta informazzjoni sabiex tiddetermina s-segwitu xieraq li għandha tagħti għas-sentenza tal-Qorti tat-22 ta’ Ġunju 2006 fil-każijiet C-182/03 u C-217/03. Din l-informazzjoni kienet tolqot il-mod kif il-Belġju kien implimenta d-Deċiżjoni 2003/757/KE hekk kif kienet parzjalment sospiża bl-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003. Il-Belġju ngħata limitu ta’ żmien ta’ 20 jum ta’ xogħol – jiġifieri fil-prinċipju sat-2 ta’ Awwissu 2006 – biex jipprovdi l-informazzjoni mitluba.

(11)

Fit-23 ta’ Awwissu 2006, billi kienet għadha ma rċeviet l-ebda tweġiba, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ tfakkir (13) lill-Belġju. Il-Belġju ngħata limitu ta’ żmien ġdid ta’ 10 ijiem ta’ xogħol – jiġifieri fil-prinċipju sas-7 ta’ Settembru 2006 – biex jipprovdi l-informazzjoni mitluba.

(12)

Fit-13 ta’ Settembru 2006, intbagħtet e-mail informali lill-Belġju b’kopja taż-żewġ ittri msemmija hawn fuq. Permezz ta’ ittra ta’ l-14 ta’ Settembru 2006, b’referenza għall-e-mail imsemmija u l-ittri mehmużin magħha, il-Belġju indika li qatt ma rċieva dawn l-ittri. Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni stiednet lill-Belġju biex jibgħat l-informazzjoni mitluba fil-bidu fl-4 ta’ Lulju u biex javżaha fid-dettall bl-intenzjonijiet tiegħu fir-rigward taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni. Ġiet proposta wkoll laqgħa teknika. Billi t-tweġiba tal-Belġju, tat-12 ta’ Ottubru 2006, ma kellha xejn mill-informazzjoni mitluba, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra ta’ l-10 ta’ Novembru 2006, reġgħet fakkret fl-importanza ta’ l-informazzjoni mitluba u insistiet mal-Belġju biex dan jagħti t-tweġibiet mixtieqa sa mhux aktar tard mit-22 ta’ Novembru 2006. L-aħħar ittra mill-Belġju, tas-17 ta’ Novembru 2006, reġgħet ma kellha ebda tweġiba dwar is-sustanza.

(13)

Fis-16 ta’ Jannar 2007, il-Belġju bagħat l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni. Il-Belġju ta spjegazzjonijiet komplementari permezz ta’ ittri tat-8 u s-16 ta’ Frar 2007. Barra minn hekk, kien hemm tliet laqgħat, fil-5 u l-15 ta’ Frar kif ukoll fil-5 ta’ Marzu 2007, bejn il-Kummissjoni u l-Belġju.

(14)

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni infurmat lill-Belġju bid-deċiżjoni tagħha li testendi l-proċedura li nfetħet fis-27 ta’ Frar 2002 kontra din l-għajnuna, skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat.

(15)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li testendi l-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (14). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri tranżitorji xierqa li fit-termini tas-sentenza tal-Qorti, hija kellha tipprevedi.

(16)

Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett min-naħa ta’ Forum 187 (15) u minn tliet ċentri ta’ koordinazzjoni. Hija bagħtithom lill-Belġju fejn tagħtu l-possibbiltà biex jikkummenta fuqhom, u rċeviet il-kummenti tiegħu permezz ta’ ittri tad-19 u t-30 ta’ Lulju 2007.

II.   DESKRIZZJONI TA’ L-ISKEMA

(17)

Il-bażi ġuridika prinċipali ta’ l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni hija d-Digriet Irjali Nru 187 tat-30 ta’ Diċembru 1982. Ċentru ta’ koordinazzjoni huwa intrapriża li tagħmel parti minn grupp multinazzjonali u li jipprovdi ċerti servizzi kkwalifikati anċillari (finanzjament, ġestjoni tat-teżor, riċerka u żvilupp, eċċ.) għall-benefiċċju esklussiv ta’ intrapriżi oħra ta’ l-istess grupp. Mill-1983, taħt skema speċjali approvata mill-Kummissjoni, dawn l-intrapriżi bbenefikaw fil-Belġju minn bażi taxxabbli mnaqqsa b’mod konsiderevoli għat-taxxa tal-kumpaniji u bosta eżenzjonijiet (taxxa kapitali, taxxa fuq il-proprjetà, taxxa miżmuma f’ras il-għajn). Il-benefiċċju ta’ din l-iskema ngħata mal-kisba ta’ ftehim ta’ 10 snin li jiddikjara li ċ-ċentru ta’ koordinazzjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Digriet Irjali Nru 187. Dan il-ftehim seta’ jiġġedded kif jgħaddu l-10 snin bl-istess kundizzjonijiet (16).

(18)

Fis-27 ta’ Diċembru 2006, il-Belġju adotta liġi (17) li kienet tippermetti li jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2010 l-ftehim taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha li jitolbuh, jekk ikun il-każ b’effett retroattiv. Barra ċ-ċentri li l-ftehimiet ġew imġedda bejn is-17 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005, din il-possibbiltà ta’ estensjoni kienet ukoll aċċessibbli għaċ-ċentri li l-ftehim tagħhom jiskadi bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2010 kif ukoll numru mhux speċifikat ta’ ċentri li l-ftehim tagħhom kien se jiskadi sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005 iżda li, sa dakinhar, ma jkunux għamlu t-talba ta’ tiġdid. Din il-liġi ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat iżda d-dħul fis-seħħ tagħha ġie sospiż u bil-kundizzjoni ta’ konferma mill-Kummissjoni li ma kienx hemm oġġezzjoni min-naħa tagħha.

(19)

Mill-243 ċentru ta’ koordinazzjoni attiv fl-2002, 173 kienu għadhom attivi fl-2007. Fosthom, 27 għandhom ftehim validu sal-31 ta’ Diċembru 2010, skond id-Deċiżjoni 2003/757/KE. Il-ftehim tal-136 l-oħra jiskadi qabel il-31 ta’ Diċembru 2010 u dawn għalhekk huma kkonċernati bil-possibbiltà ta’ estensjoni offerta mil-liġi. Numru mhux determinat ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni li sadanittant waqfu mill-attivitajiet tagħhom jistgħu, milli jidher, jibbenefikaw ukoll mill-estensjoni stipulata mil-liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006.

III.   L-GĦAN TA’ L-ESTENSJONI TAL-PROĊEDURA FORMALI

(20)

Wara l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003 li ssospendiet l-effetti tal-projbizzjoni ta’ tiġdid tal-ftehimiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li waslu biex jiskadu, il-Belġju kellu l-possibbiltà li jġedded dawn il-ftehimiet. L-effetti ta’ dan it-tiġdid madankollu ma setgħux jaqbżu d-data tad-deċiżjoni fis-sustanza. Is-sentenza tal-Qorti ngħatat fit-22 ta’ Ġunju 2006.

(21)

Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni kienet qiegħda tistenna li l-Belġju jkun sodisfatt li jestendi l-ftehim taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni sa tmiem l-2005, kif ġie deċiż fil-qafas tal-Kodiċi ta’ Kondotta u kif mitlub bosta drabi mill-Belġju. Il-Kummissjoni talbet konferma ta’ dan mill-Belġju permezz ta’ ittra ta’ l-4 ta’ Lulju 2006. Il-Belġju kkonferma li kien illimita sal-31 ta’ Diċembru 2005 t-tiġdid mogħti fuq bażi ta’ l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003, ħlief għal erba’ ċentri li l-ftehim tagħhom ġie estiz mingħajr data definita. Il-Belġju avża wkoll lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu, fuq bażi ta’ l-interpretazzjoni tiegħu tas-sentenza tal-Qorti, li jestendi l-ftehimiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha sa tmiem l-2010 u bl-adozzjoni f’Diċembru 2006 ta’ liġi maħsuba biex tippermetti din l-estensjoni ġenerali lil hinn mill-2005, jekk ikun il-każ b’effett retroattiv.

(22)

Fil-21 ta’ Marzu 2007, minħabba ftehim fuq l-interpretazzjoni mogħtija għas-sentenza tal-Qorti, il-Kummissjoni ħasbet li għandha testendi l-proċedura formali ta’ eżami biex tesponi l-interpretazzjoni tagħha stess tas-sentenza u tagħmel pubbliċi l-elementi li fuqhom hija ħasbet li għandha tibbaża ruħha biex tiffissa l-perjodu tranżitorju “ġdid” mitlub mill-Qorti. Il-Kummissjoni kellha wkoll xi dubji fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni tas-sentenza tal-Qorti hekk kif ippreżentata mill-Belġju u dwar l-intenzjoni tiegħu li jġedded il-ftehim taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha sa tmiem l-2010.

IV.   IL-KUMMENTI TAL-BELĠJU U TAL-PARTIJIET TERZI INTERESSATI

(23)

Wara l-estensjoni tal-proċedura, saru osservazzjonijiet mill-Belġju, minn Forum 187 kif ukoll minn tliet ċentri ta’ koordinazzjoni li l-ftehimiet tagħhom kienu jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2003 jew il-31 ta’ Diċembru 2004 u li ġew imġedda sal-31 ta’ Diċembru 2005. Minn dawn l-osservazzjonijiet, jidher li l-Belġju u ċ-ċentri ta’ koordinazzjoni jiddefendu l-għoti ta’ perjodu tranżitorju li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2010, għar-raġunijiet li ġejjin:

Is-sentenza tal-Qorti għandha tkun interpretata fis-sens li l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza mqajjem mill-Qorti, jimplika li ċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha għandhom jibbenefikaw mill-itwal perjodu tranżitorju mogħti lil ċentru ta’ koordinazzjoni, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2010. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Kummissjoni toħloq inugwaljanzi ġodda u tgħawwiġ ġdid ta’ kompetizzjoni bejn iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, fejn uħud ikomplu jibbenefikaw mill-iskema u oħrajn ma jibqgħux jibbenefikaw minnha qabel l-2010.

L-ugwaljanza ta’ trattament timplika wkoll li ċ-ċentri ta’ koordinazzjoni Belġjani jiksbu l-istess perjodu tranżitorju bħal dak mogħti mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet tagħha relatati ma’ skemi fiskali oħrajn. Jissemmew b’mod partikolari l-iskemi li ġejjin: il-kumpaniji ta’ investiment imsejħin ta’ l-1929 fil-Lussemburgu (18); il-kumpaniji eżenti ta’ Ġibiltà (19); iż-Żona Ħielsa ta’ Madejra (20).

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta d-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni 2003/757/KE bħala l-bidu tal-perjodu tranżitorju “ġdid” li hija tipproponi li tiffissa. Skond il-partijiet interessati, il-perjodu tranżitorju ġdid għandu jibda jew fit-30 ta’ Ottubru 2003, id-data ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni 2003/757/KE, jew l-iktar l-iktar it-22 ta’ Ġunju 2006, id-data tas-sentenza tal-Qorti. Il-Belġju jaħseb li l-miżuri tranżitorji huma ffissati tradizzjonalment għall-ġejjieni u mhux għall-imgħoddi. Il-bidu tal-perjodu tranżitorju ġdid għalhekk għandu jkun id-data ta’ notifika tad-deċiżjoni finali l-ġdida (jiġifieri din id-deċiżjoni). Huwa minn din id-data li ċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha għandhom jitħallew b’perjodu xieraq (ta’ minimu ta’ sentejn) biex jadattaw irwieħhom għall-iskema l-ġdida.

Wara s-sospensjoni u l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2003/757/KE u wara l-annullament tad-Deċiżjoni 2003/531/KE, l-intrapriżi kienu qegħdin jistennew mill-ġdid b’mod leġittimu li l-iskema tkun estiża sa tmiem l-2010. Il-Belġju qajjem ukoll l-ispiża marbuta mat-tkeċċija ta’ l-impjegati taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, li tiġġustifika l-aġġornament tal-bidu tal-perjodu tranżitorju għad-data ta’ din id-deċiżjoni.

L-elementi esposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha li testendi l-proċedura biex tiddefendi l-proposta tagħha ta’ perjodu tranżitorju sa tmiem l-2005 jew anke sa tmiem l-2006 m’humiex rilevanti. B’mod partikolari, it-tiġdid mogħti mill-Belġju liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-ftehim tagħhom skada bejn is-17 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005 kien limitat għall-31 ta’ Diċembru 2005, b’mod temporanju u bħala miżura ta’ prudenza waqt l-istennija għas-sentenza tal-Qorti.

Billi s-sentenza ngħatat mill-Qorti fit-22 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni m’aġixxietx malajr biżżejjed sabiex jiġu adottati miżuri tranżitorji ġodda. Dan jiġġustifika wkoll li perjodu tranżitorju għandu jingħata liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha mid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni li tiffissa dawn il-miżuri tranżitorji.

(24)

Il-Belġju jaħseb li l-liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006 tikkostitwixxi s-sempliċi implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti u ma tikkostitwixxix skema ġdida ta’ għajnuniet iżda l-estensjoni ta’ l-iskema eżistenti. Wieħed miċ-ċentri ta’ koordinazzjoni jaħseb ukoll li t-talba tiegħu għal estensjoni, magħmula wara s-sentenza tal-Qorti iżda qabel l-adozzjoni tal-liġi, tistrieħ fuq dritt għal tiġdid rikonoxxut mis-sentenza u mhux mil-liġi.

V.   IL-VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

(25)

L-argumenti ppreżentati mill-Belġju u miċ-ċentri ta’ koordinazzjoni huma maħsuba biex juru li l-Kummissjoni għandha tawtorizza liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha biex jibbenefikaw mill-iskema sal-31 ta’ Diċembru 2010, kemm skond l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza mqajjem mill-Qorti, li jimponi l-għoti, liċ-ċentri kollha, ta’ l-itwal perjodu tranżitorju mogħti (jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2010), kif ukoll skond l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja leġittima li jimponi lill-Kummissjoni biex tiffissa data oħra li mhix it-18 ta’ Frar 2003, jiġifieri d-data tas-sentenza, jew inkella dik ta’ din id-Deċiżjoni, bħala l-bidu tal-perjodu tranżitorju xieraq mitlub mill-Qorti. La l-Belġju u lanqas l-intrapriżi kkonċernati ma ppreżentaw argumenti maħsuba biex juru li l-perjodu tranżitorju xieraq, iddefinit mill-Qorti bħala l-perjodu meħtieġ għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni biex jadattaw irwieħhom għall-bidla fl-iskema, kellu jestendi mit-18 ta’ Frar 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2010, jiġifieri jdum iktar minn 7 snin u 10 xhur. Għar-raġunijiet spjegati f’din il-parti, il-Kummissjoni taħseb li l-bidu tal-perjodu tranżitorju għandu jkun it-18 ta’ Frar 2003 u li għandu jkun ta’ tul ta’ żmien raġjonevoli. Fuq bażi ta’ l-elementi fil-pussess tagħha, il-Kummissjoni barra minn hekk taħseb li dan il-perjodu tranżitorju xieraq intemm fil-31 ta’ Diċembru 2005.

1.   Il-limiti ta’ l-annullament iddikjarat mill-Qorti

(26)

Is-sentenza tal-Qorti tiddikjara li d-Deċiżjoni 2003/757/KE hija annullata “billi din ma tagħmilx provvediment għal miżuri tranżitorji fir-rigward taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni fejn it-talba għat-tiġdid ta’ ftehim kienet għadha pendenti fid-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni kkuntestata jew fejn il-ftehim kien jiskadi fl-istess żmien jew ftit żmien wara n-notifika tad-Deċiżjoni msemmija”. Fil-punt 163 tas-sentenza, il-Qorti tispeċifika li “l-espressjoni “ftit żmien wara” għandha tinftiehem fis-sens li qiegħda tirreferi għal data tant qrib ta’ dik tan-notifika tad-deċiżjoni kkuntestata li ċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kkonċernati ma kellhomx ħin biżżejjed biex jadattaw irwieħhom għall-bidla ta’ l-iskema inkawża.”

(27)

L-ewwel nett, huwa importanti li wieħed jinnota li l-Qorti tikkonferma l-leġittimità tad-Deċiżjoni 2003/757/KE billi din tikkwalifika l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni ta’ skema ta’ għajnuniet bħala inkompatibbli mas-Suq Komuni. Din il-kwalifika kienet ikkuntestata quddiem il-Qorti minn Form 187 iżda mhux mill-Belġju. Din ma kienitx l-għan tas-sospensjoni u l-annullament parzjali tad-deċiżjoni msemmija. L-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni għalhekk hija inkompatibbli mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni msemmija.

(28)

Imbagħad, il-Kummissjoni tinterpreta s-sentenza tal-Qorti fis-sens li l-annullament iddikjarat jistrieħ fuq id-dikjarazzjoni li d-Deċiżjoni 2003/757/KE kienet iċċaħħad lil ċerti intrapriżi mill-miżuri tranżitorji xierqa li kellhom jingħatawlhom biex ikunu jistgħu jadattaw irwieħhom għall-bidla fl-iskema tat-taxxa.

(29)

Il-Qorti fil-fatt tikkritika l-projbizzjoni b’effett immedjat tat-tiġdid, anke temporanjament, tal-ftehimiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, billi din taffettwa l-fiduċja leġittima ta’ ċerti ċentri “fejn it-talba għat-tiġdid ta’ ftehim kienet għadha pendenti fid-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni kkuntestata jew fejn il-ftehim kien jiskadi fl-istess żmien jew ftit żmien wara n-notifika tad-Deċiżjoni msemmija”. Il-Qorti taħseb li dawn iċ-ċentri setgħu jistennew b’mod leġittimu li jibbenefikaw minn perjodu tranżitorju xieraq biex jadattaw irwieħhom għall-bidla fl-iskema u, jekk meħtieġ biex jibbenefikaw minn dan il-perjodu tranżitorju, sabiex jiksbu estensjoni temporanja tal-ftehim.

(30)

Is-sentenza tal-Qorti għalhekk timponi lill-Kummissjoni biex tawtorizza t-tiġdid tal-ftehimiet sakemm dan it-tiġdid – temporanju – ikun meħtieġ biex jitħares id-dritt taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni għal perjodu tranżitorju xieraq. Il-Kummissjoni għalhekk tiddikjara li l-Qorti ma tannullax l-effetti kollha tal-projbizzjoni għat-tiġdid – anke temporanjament – tal-ftehimiet, kif mitlub mill-Belġju u Forum 187 fl-appelli tagħhom u kif propost fil-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali. Din il-projbizzjoni għalhekk għandha l-effetti tagħha, ħlief jekk it-tiġdid tal-ftehimiet huwa meħtieġ biex ikun konformi mas-sentenza fis-sustanza.

(31)

Kif jidher mill-kummenti rċevuti, il-Qorti kkritikat ukoll il-fatt li ngħataw perjodi tranżitorji differenti lill-intrapriżi – minn ftit xhur għal bosta snin – għar-raġuni li dan jikser il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza ta’ trattament. Il-Qorti għalhekk tissuġġerixxi li l-Kummissjoni kellha tiffissa, għall-intrapriżi kollha kkonċernati, perjodu tranżitorju wieħed u xieraq, jiġifieri li jippermettilhom li jadattaw irwieħhom għall-bidla fl-iskema.

(32)

Il-Kummissjoni għalhekk għamlet żball meta tat liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni fiduċja leġittima bbażata fuq it-tul ta’ żmien (10 snin) tal-ftehimiet u tat perjodu tranżitorju qasir wisq (jiġifieri inqas mill-perjodu tranżitorju xieraq) lil ċerti ċentri u perjodu tranżitorju twil wisq (jiġifieri iktar mill-perjodu tranżitorju xieraq) lil oħrajn.

(33)

Il-Qorti madankollu fasslet id-dispożizzjoni tagħha b’tali mod li din tillimita l-annullament fin-nuqqas ta’ perjodu tranżitorju xieraq għal ċerti intrapriżi “fejn it-talba għat-tiġdid ta’ ftehim kienet għadha pendenti fid-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni kkuntestata jew fejn il-ftehim kien jiskadi fl-istess żmien jew ftit żmien wara n-notifika tad-Deċiżjoni msemmija”. Il-Qorti barra minn hekk tispeċifika wkoll, fil-punt 163 tas-sentenza tagħha, dak li tfisser l-espressjoni “ftit żmien wara”.

(34)

Is-sentenza tal-Qorti għalhekk ma timponix lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mill-ġdid ugwaljanza ta’ trattament perfetta għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha, iżda biex tikkumpensa l-effetti ta’ din l-inugwaljanza ta’ trattament għal ċerti intrapriżi li jkunu sofrew dannu fin-nuqqas ta’ perjodu tranżitorju xieraq. L-ugwaljanza ta’ trattament timplika f’dan il-każ li b’xi mod l-intrapriżi kollha jibbenefikaw minn perjodu tranżitorju li jippermittilhom li jadattaw irwieħhom għall-iskema. Is-sentenza ma tannullax id-definizzjoni tal-perjodu tranżitorju għall-intrapriżi li jkunu kisbu perjodu tranżitorju superjuri għall-perjodu tranżitorju xieraq biex jadattaw irwieħhom għall-bidla fl-iskema u l-Kummissjoni għalhekk ma tistax tqassru sabiex terġa’ tistabbilixxi l-ugwaljanza ta’ trattament.

(35)

Il-Kummissjoni tqis madankollu li l-Qorti tastjeni milli tispeċifika t-tul ta’ żmien tal-miżuri tranżitorji xierqa, u li ma tispeċifikax in-numru ta’ intrapriżi mċaħħda minn tali miżuri xierqa u għalhekk ikkonċernati bl-annullament. B’mod partikolari, is-sentenza ma tgħidx li l-perjodu tranżitorju xieraq invokat huwa dak li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2010 u ma tobbligax lill-Kummissjoni, kif jippretendi l-Belġju, bl-applikazzjoni waħdanija tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament, li tallinja l-perjodu tranżitorju ta’ l-intrapriżi kollha fuq l-itwal wieħed mill-perjodi tranżitorji mogħtija bid-Deċiżjoni 2003/757/KE – jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 2010. Il-Qorti għall-kuntrarju donnha qiegħda tissuġġerixxi li perjodu identiku għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha, maħsub unikament biex jippermettilhom jadattaw irwieħhom għall-bidla fl-iskema, kien ikun xieraq u li dawk biss li l-ftehim tagħhom kien se jintemm ftit wara kienu se jkunu mċaħħda minnu.

(36)

Il-Kummissjoni għalhekk taħseb li l-perjodu tranżitorju previst fid-Deċiżjoni 2003/757/KE għandu jkun riformat unikament skond l-annullament iddikjarat mill-Qorti. Bl-istess mod, hija taħseb li l-perjodu tranżitorju xieraq invokat mill-Qorti għandu jkun determinat fuq il-bażi ta’ elementi li juru l-karattru xieraq tiegħu, jiġifieri mhux biss il-karattru suffiċjenti tiegħu iżda wkoll il-karattru meħtieġ tiegħu. Id-deċiżjoni li tiġi estiża l-proċedura kienet maħsuba biex tippermetti lill-Belġju u lill-partijiet terzi interessati

li jesprimu rwieħhom fuq ir-rilevanza ta’ l-elementi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni u li donnhom jindikaw il-31 ta’ Diċembru 2005 bħala t-tmiem tal-perjodu tranżitorju xieraq;

li jinvokaw elementi oħrajn li x’aktarx juru li l-perjodu tranżitorju xieraq għandu jittawwal lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2005, jekk ikun il-każ sal-31 ta’ Diċembru 2010 jew kwalunkwe data oħra.

(37)

Fis-segwitu ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tintrabat li turi li l-perjodu tranżitorju xieraq invokat mill-Qorti kellu jibda fit-18 ta’ Frar 2003 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2005 għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha, u mhux fil-31 ta’ Diċembru 2010. Il-Kummissjoni tittratta mbagħad sitwazzjonijiet li fihom hija taħseb li fiduċja leġittima mqabbda minnha stess tobbligaha biex tippermetti lil ċerti ċentri ta’ koordinazzjoni li jibbenefikaw mill-iskema wara l-31 ta’ Diċembru 2005.

2.   Il-bidu tal-perjodu tranżitorju xieraq

(38)

Il-kummenti tal-Belġju u tal-partijiet terzi interessati jissuġġerixxu li l-bidu tal-perjodu tranżitorju li jrid jiġi determinat mill-Kummissjoni wara s-sentenza tal-Qorti ma jistax ikun id-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni 2003/757/KE. Tressqu dati differenti, notevolment id-data tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni msemmija fil-Ġurnal Uffiċjali u d-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

(39)

Il-Kummissjoni taħseb għall-kuntrarju li l-perjodu tranżitorju xieraq invokat mill-Qorti għandu jkun ikkalkulat mid-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni 2003/757/KE, jiġifieri mit-18 ta’ Frar 2003.

(40)

L-ewwel nett, fit-22 ta’ Ġunju 2006, l-effetti ta’ l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003 ġew mibdula bl-effetti tas-sentenza tal-Qorti fis-sustanza u dan, b’effett retroattiv għad-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni 2003/757/KE. Is-sentenza tal-Qorti tikkunsidra s-sitwazzjoni taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni fid-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni msemmija. Għalhekk wieħed m’għandux jaħseb li l-Qorti titlob perjodu tranżitorju li l-bidu tiegħu jkun differenti mid-data ta’ notifika tad-deċiżjoni kkontestata.

(41)

Imbagħad, id-dispożizzjoni tas-sentenza tal-Qorti tirreferi b’mod espliċitu għal din id-data, billi d-deċiżjoni hija annullata “billi din ma tagħmilx provvediment għal miżuri tranżitorji fir-rigward taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni fejn it-talba għat-tiġdid ta’ ftehim kienet għadha pendenti fid-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni kkuntestata jew fejn il-ftehim kien jiskadi fl-istess żmien jew ftit żmien wara n-notifika tad-Deċiżjoni msemmija ”. (is-sottolinjament ġie miżjud).

(42)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni taħseb li l-fiduċja leġittima li teżisti fost iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet u l-pożizzjonijiet anterjuri tal-Kummissjoni f’dan il-fajl ġiet interrotta mhux aktar tard mid-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni 2003/757/KE. Fil-fatt, f’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkwalifika l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni ta’ għajnuna bħala inkompatibbli mas-Suq Komuni u titlob il-modifika jew it-tneħħija tagħha. Din il-kwalifika ma kienitx l-għan ta’ sospensjoni u ġiet ikkonfermata mill-Qorti fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2006. Hija tipproduċi għalhekk l-effetti tagħha mid-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni 2003/757/KE għall-Belġju. Id-deċiżjoni msemmija barra minn hekk kellha magħha stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni u bbenefikat minn kopertura wiesgħa fil-gazzetti. Il-Kummissjoni għalhekk taħseb li tista’ tikkunsidra d-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni 2003/757/KE bħala l-aħħar data ta’ ksur tal-fiduċja leġittima mqiegħda miċ-ċentri ta’ koordinazzjoni fil-kompatibbiltà ta’ l-iskema mas-Suq Komuni, u għalhekk bħala data tal-bidu tal-miżuri tranżitorji ġġustifikati minn din il-fiduċja leġittima mgħoddija. Minħabba fil-ksur tal-fiduċja leġittima minn meta ħarġet in-notifika tad-Deċiżjoni 2003/757/KE, il-Kummissjoni taħseb li l-aġġornament tal-bidu tal-perjodu tranżitorju għal data ulterjuri m’huwiex iġġustifikat, anke sad-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-Ġurnal Uffiċjali. Fil-fatt, Forum 187, l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta u taġixxi f’isem iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni u, skond id-dikjarazzjonijiet tagħha stess, rikonoxxuta b’dan id-dritt mill-Belġju, iddepożitat appell dettaljat quddiem il-Qorti fl-aħħar ta’ April 2003 kontra d-Deċiżjoni 2003/757/KE – għalhekk qabel il-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali – li juri li ċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, bl-intermedjar ta’ l-assoċjazzjoni mqabbda biex tiddefendihom, kien jafu bis-sustanza tad-deċiżjoni msemmija, u b’mod partikolari bil-kwalifika ta’ għajnuna bħala inkompatibbli mas-Suq Komuni u bl-obbligu impost fuq il-Belġju biex jemenda jew ineħħi l-iskema inkawża.

(43)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tiddikjara li ebda ċentru ta’ koordinazzjoni fil-prattika ma sofra danni bil-projbizzjoni tat-tiġdid tal-ftehimiet u, kemm skond id-Deċiżjoni 2003/757/KE, kif ukoll skond l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003, kollha setgħu japprofittaw sa mit-18 ta’ Frar 2003 minn perjodu tranżitorju li kien jippermettilhom jadattaw irwieħhom għall-bidla fl-iskema imposta mill-Kummissjoni. L-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003 tirreferi wkoll b’mod espliċitu għad-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni 2003/757/KE li tissospendi l-effetti tad-Deċiżjoni “safejn din tipprojbixxi lir-Renju tal-Belġju milli jġedded il-ftehimiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li jkunu għadhom għaddejjin fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni msemmija ” (is-sottolinjmanet ġie miżjud). Din is-sospensjoni għalhekk ippermettiet it-tiġdid tal-ftehimiet li kienu għadhom għaddejjin fis-17 ta’ Frar 2003 u l-estensjoni ta’ l-effetti ta’ l-iskema sa mhux aktar tard mit-22 ta’ Ġunju 2006, id-data tas-sentenza fis-sustanza. Barra minn hekk, sa mis-16 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni kkonfermat li hija ma kienitx se titlob ir-rimborż ta’ l-għajnuniet mogħtija fuq il-bażi ta’ l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003, biex b’hekk żgurat liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni tgawdija b’mod effettiv u definittiv mill-perjodu tranżitorju li rriżulta mill-effetti tas-sospensjoni ordnata.

(44)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija ma tistax tilqa’ b’mod favorevoli l-argumenti ppreżentati mill-Belġju u ċ-ċentri ta’ koordinazzjoni biex jitolbu l-aġġornament għal data ulterjuri tal-bidu tal-perjodu tranżitorju xieraq. Fil-fatt, il-Qorti kkonfermat il-kwalifika ta’ għajnuna bħala imkompatibbli mas-Suq Komuni fis-17 ta’ Frar 2003. Il-fiduċja leġittima mqajjma mid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ta’ l-1984 u l-1987 li jawtorizzaw l-iskema għalhekk intemmet mhux aktar tard minn Frar 2003. Jekk id-data tas-sentenza tal-Qorti u s-sustanza tagħha ma kienux mgħarrfa liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, din l-inċertezza ma tirriżultax mill-atti tal-Kummissjoni. Il-proċedura ġudizzjarja għalhekk ma kienitx suxxettibbli li twassal għal fiduċja leġittima, li tista’ tintuża kontra l-Kummissjoni, li skond hi l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kienet kompatibbli mas-Suq Komuni. Din tirriżulta mid-depożitu ta’ l-appelli li – kif inhuma – ma jistgħux iwasslu għal sospensjoni. Id-dewmien tal-proċedura ġudizzjarja għalhekk ma jistax jiġġustifika l-estensjoni tal-perjodu tranżitorju – effettivament mogħti liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni mit-18 ta’ Frar 2003 – billi jitfa’ lura b’tant id-data tal-bidu tal-perjodu tranżitorju.

3.   Id-data ta’ tmiem il-perjodu tranżitorju xieraq

(45)

Sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut tal-miżuri tranżitorji xierqa u d-dewmien eżatt tal-perjodu tranżitorju xieraq, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-informazzjoni disponibbli hekk kif jirriżulta mill-impenji meħuda, it-talbiet li tfasslu u d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Belġju jew mill-intrapriżi kkonċernati qabel jew ftit wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2003/757/KE. Il-Kummissjoni fil-fatt taħseb li din l-informazzjoni hija l-aħjar li tista’ turi mhux biss il-pożizzjoni tal-Belġju, iżda wkoll dik ta’ l-intrapriżi kkonċernati fis-17 ta’ Frar 2003. In-nuqqas ta’ reazzjoni għal ċerti atti formali – u kuntestabbli – ta’ l-awtoritajiet nazzjonali jew għad-Deċiżjoni 2003/531/KE ġie wkoll interpretat bħala sinjal ta’ l-adeżjoni ta’ l-intrapriżi kkonċernati.

(46)

L-ewwelnett, il-Belġju ntrabat, fil-qafas tal-ħidmiet tal-gruppi ta’ segwitu tal-Kodiċi ta’ Kondotta, li jneħħi l-effetti ta’ l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005. Dan l-impenn reġa ‘tqajjem fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 u s-27 ta’ Novembru 2000 (21).

(47)

Dawn il-konklużjonijiet ġew magħmula pubbliċi permezz ta’ stqarrija għall-istampa (22) u, fuq din il-bażi, il-Ministru tal-Finanzi Belġjan iddikjara fl-20 ta’ Diċembru 2000 quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti li “iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni approvati għall-ewwel darba fil-31.12.2000 […] jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-iskema sal-31 ta’ Diċembru 2005, kemm taħt il-ftehim inizjali, kif ukoll taħt tiġdid tal-ftehim […].” (23).

(48)

F’ittra tas-6 ta’ Marzu 2003 indirizzata lill-Kummissjoni li ssemmi l-konklużjonijiet tal-Kunsill u l-Komunikazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi, il-Belġju jaħseb li “F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Belġju daħal għal impenji, li l-effetti tagħhom jintemmu fil-31 ta’ Diċembru 2005, lejn iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni tiegħu.” Il-Belġju wkoll iqajjem dan l-argument quddiem il-Qorti (il-punti 141 u 142 tas-sentenza). Għalkemm m’huwiex miżmum mill-Qorti bħala l-bażi ta’ fiduċja leġittima fir-rigward tal-Kummissjoni, l-impenn politiku tal-Belġju lejn iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni jidher, għall-kuntrarju, rilevanti biex jiġi evalwat il-perjodu tranżitorju li l-Belġju ġġudika xieraq għal dawn.

(49)

It-tieninett, f’din l-istess ittra tas-6 ta’ Marzu 2003, il-Belġju rreaġixxa f’dawn it-termini fir-rigward tat-tul ta’ żmien raġjonevoli hekk kif definit mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2003/757/KE: “Tassew, il-Kummissjoni tat tul ta’ żmien raġjonevoli liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni. Id-deċiżjoni li tkun permessa l-applikazzjoni sħiħa tat-tul ta’ żmien ta’ ftehim li għadu għaddej hija ġustifikata, ħlief għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-ftehim tagħhom li għadu għaddej jiskadi fix-xhur ta’ wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u, b’mod aktar partikolari qabel it-tmiem ta’ l-2005, billi dawn iċ-ċentri ma jkollhomx żmien jadattaw irwieħhom għat-tmiem bikri ta’ l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni. F’dan il-każ, it-tul ta’ żmien raġjonevoli m’huwiex biżżejjed.” Huwa stieden ukoll lill-Kummissjoni biex tirriforma d-Deċiżjoni 2003/757/KE u “biex tagħmel provvediment, għaċ-ċentri li l-ftehim tagħhom li għadu għaddej jiskadi qabel it-tmiem ta’ l-2005, għall-possibbiltà li jinkiseb tiġdid, fuq bażi ta’ l-iskema eżistenti, sa tmiem l-2005.” Il-Kummissjoni kkonkludiet mill-ġdid li l-Belġju ħaseb li ma kienx ingħata tul ta’ żmien raġjonevoli għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-ftehim tagħhom kien jiskadi qabel il-31 ta’ Diċembru 2005 u li l-għoti ta’ tul ta’ żmien raġjonevoli għal dawn iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kien jimplika l-estensjoni tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2005.

(50)

It-tieletnett, fl-20 ta’ Marzu u fis-26 ta’ Mejju 2003, il-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni “bl-intenzjoni [tiegħu] li jżomm l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, fir-rigward taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 2000 u fejn il-ftehim kien jiskadi bejn is-17 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005 sa din l-aħħar data.” Huwa talab ukoll lill-Kunsill biex jadotta, fuq il-bażi tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tat-Trattat, deċiżjoni li tawtorizza din l-estensjoni. Huwa jistipula fl-inċiż (10): “L-għajnuna l-ġdida prevista hija temporanja. Hija […] ser tippermetti lid-destinatarji biex ikomplu bl-attivitajiet tagħhom fil-Belġju mill-inqas matul il-perjodu meħtieġ għal dan il-pajjiż biex iwaqqaf miżuri oħra għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fuq it-territorju tiegħu jew [biex] tiffaċilita r-riorganizzazzjoni ta’ l-investimenti tal-gruppi internazzjonali inkwistjoni biex jiġi evitat it-tmiem mhux mistenni ta’ kuntratti.” It-talba tal-Belġju u d-Deċiżjoni 2003/531/KE kienu s-suġġett ta’ bosta artikli fl-istampa. Il-Kummissjoni rreaġixxiet għad-deċiżjoni msemmija permezz ta’ stqarrija għall-istampa, fis-16 ta’ Lulju 2003. La Forum 187 u lanqas ebda wieħed miċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kkonċernati ma kkuntesta d-deċiżjoni msemmija u lanqas ma kkuntesta l-limiti ta’ l-estensjoni sal-31 ta’ Diċembru 2005.

(51)

Ir-rabanett, il-Qorti tiġbor fil-qosor it-talba ta’ Forum 187 hekk kif ġej: “Forum 187 […] talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni billi din ma tagħmilx provvediment għal miżuri tranżitorji xierqa għaċ-ċentri li l-ftehim tagħhom kien se jiskadi bejn is-17 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2004” u “iċ-ċentri li l-ftehim tagħhom jiskadi matul is-snin 2003 u 2004 kellhom bżonn perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn biex jirriorganizzaw irwieħhom, jew inkella, jekk jinqala ‘l-każ, li jitilqu mill-Belġju.” (24). Il-Kummissjoni tqis li bejn is-17 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005, ikunu għaddew 34 xahar.

(52)

Il-ħamesnett, kif awtorizzat l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003, il-Belġju ġedded il-ftehimiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li kienu jiskadu bejn is-17 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005. Ħlief għal erba’ ċentri ta’ koordinazzjoni, dawn il-ftehimiet kollha ġew imġedda għal perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2005. La l-Belġju u lanqas l-intrapriżi kkonċernati ma qajmu l-fatt ta’ appell kontra din il-limitazzjoni espliċita tat-tul ta’ żmien tal-ftehimiet. Bl-istess mod, jidher li l-ebda waħda mill-intrapriżi kkonċernati ma ppreżentat – la qabel il-31 ta’ Diċembru 2005, u lanqas qabel it-22 ta’ Ġunju 2006 – talba għal estensjoni tal-ftehim għal perjodu ġdid.

(53)

Is-sittnett, l-eżiġenza ta’ miżuri tranżitorji xierqa maħsuba biex jippermettu lill-Belġju biex jadatta l-leġiżlazzjoni tiegħu u liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni biex jadattaw irwieħhom għal skema tat-taxxa ġdida, ta’ min jinnota l-elementi li ġejjin:

Id-Digriet Irjali tas-16 ta’ Mejju 2003 li jemenda fil-qasam tat-taxxa miżmuma f’ras il-għajn id-Digriet Irjali ta’ Eżekuzzjoni tal-Kodiċi tat-Taxxi fuq id-Dħul ikkoordinat fl-1992 (AR/CIR92) jistipula l-eżenzjoni mit-taxxa miżmuma f’ras il-għajn fuq l-imgħaxijiet imħallsa mill-banek fost il-gruppi (li fosthom hemm iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni). Dan daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Ġunju 2003.

Fit-23 ta’ April 2003, il-Kummissjoni approvat l-iskema ta’ ruling implimentata mill-Belġju fl-1 ta’ Jannar 2003  (25), applikabbli wkoll għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni. Hija approvat ukoll parti mill-iskema l-ġdida taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni nnotifikata f’Mejju 2002. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/378/KE tat-8 ta’ Settembru 2004 dwar l-iskema ta’ għajnuna li l-Belġju jipproponi li jimplimenta għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni (26) kkunsidrat li l-iskema l-ġdida hekk kif il-Belġju impenja ruħu li jemenda ma kienitx kostitwenti ta’ għajnuniet mill-Istat.

Il-liġi tat-22 ta’ Ġunju 2005 li tistabbilixxi tnaqqis tat-taxxa għall-kapital spekulattiv (27) tistipula skema ta’ tnaqqis ta’ imgħaxijiet spekulattivi li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006. Għalkemm m’hijiex limitata għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, din l-iskema ġiet żviluppata bl-għan espliċitu li toffri alternattiva attraenti għall-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, b’mod partikolari għaċ-ċentri li l-ftehim tagħhom kien jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2005. Din il-miżura ġiet imħabbra fl-aħħar ta’ l-2004 u, sa mill-bidu tas-sena 2005, ġiet ippreżentata lir-rappreżentanti taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li, milli jidher, laqgħuha b’mod favorevoli (28). Din il-miżura kienet ukoll is-suġġett ta’ bosta rapporti mill-istampa.

Il-liġi tat-22 ta’ Ġunju 2005 tistipula wkoll it-tneħħija – ġenerali – tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni ta’ 0.5 % fuq il-kapital investit mill-1 ta’ Jannar 2006.

(54)

B’riżultat ta’ dan, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006, l-intrapriżi kkonċernati li ddeċidew li jibqgħu fil-Belġju kellhom skema sostituta, li kienet skema sempliċi, ma kienitx timplika riorganizzazzjoni kbira (29), u attraenti. Fuq din il-bażi wkoll, id-data tal-31 ta’ Diċembru 2005 għalhekk tidher li tikkostitwixxi data raġjonevoli għall-iskadenza tal-perjodu tranżitorju xieraq mitlub mill-Qorti sakemm din tippermetti liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha biex jgħaddu minn skema għall-oħra mingħajr waqfien. Il-Kummissjoni tiddikjara barra minn hekk li 70 mill-243 ċentru ta’ koordinazzjoni preżenti fl-2002 kienu effettivament temmew l-attivitajiet tagħhom fil-Belġju.

4.   Is-sitwazzjoni taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-ftehim tagħhom ġie mtawwal bejn is-17 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005

(55)

Għar-raġunijiet li diġà ġew spjegati, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-perjodu tranżitorju xieraq mitlub mill-Qorti kellu jestendi mit-18 ta’ Frar 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2005. Għall-biċċa l-kbira taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-ftehim tagħhom ġie mġedded fuq il-bażi ta’ l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003 it-tul ta’ żmien tat-tiġdid ġie limitat mill-Belġju għall-31 ta’ Diċmembru 2005, li għalhekk huwa konformi mal-perjodu tranżitorju xieraq iddefinit fis-sezzjonijiet 2 u 3.

(56)

Madankollu, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ erbgħa miċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-ftehim tagħhom ġie mġedded fuq il-bażi ta’ l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003, il-ftehim ġie mġedded mill-Belġju għal tul ta’ żmien mhux determinat. Sadanittant, il-Kummissjoni tqis li l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003 tillimita b’mod espliċitu l-effetti ta’ tiġdid bħal dan għad-data tas-sentenza fis-sustanza. B’riżultat ta’ dan, għalkemm iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kkonċernati ma rrinunzjawx għall-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni billi għażlu l-applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ l-imgħaxijiet spekulattivi fuq id-dħul tas-sena 2006, dawn il-ftehimiet għalhekk kienu koperti b’din l-Ordinanza msemmija sat-22 ta’ Ġunju 2006.

(57)

Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-perjodu tranżitorju xieraq intemm fil-31 ta’ Diċembru 2005, hija tirrikonoxxi, madankollu, li l-istqarrija għall-istampa tagħha tas-16 ta’ Lulju 2003 setgħet ħalqet, fost iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kkonċernati, il-fiduċja leġittima li ma kienx se jintalab ir-rimborż għall-għajnuniet li minnhom huma kienu effettivament ibbenefikaw sad-data tas-sentenza tal-Qorti fis-sustanza.

(58)

Fl-aħħarnett, l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni hija skema tat-taxxa applikata skond is-sena finanzjarja. Sadanittant, f’għadd kbir ta’ każijiet, is-sena finanzjarja tikkorrispondi għas-sena ċivili. Billi s-sentenza nħarġet f’nofs is-sena 2006, il-Kummissjoni taħseb li għandu japplika l-prinċipju ta’ fiduċja leġittima, għal kull intrapriża kkonċernata, sat-tmiem tal-perjodu taxxabbli ordinarju li kien għaddej fid-data tas-sentenza.

5.   Is-sitwazzjoni taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-ftehim tagħhom ġie mġedded qabel in-notifika tad-Deċiżjoni 2003/757/KE

(59)

Id-Deċiżjoni 2003/757/KE rrikkonoxxiet fost iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha l-eżistenza ta’ fiduċja leġittima bbażata fuq it-tul ta’ żmien tal-ftehimiet ta’ 10 snin li kienu għaddejjin fid-data ta’ notifika tad-deċiżjoni msemmija u ddefinixxiet il-perjodu tranżitorju xieraq fuq din l-istess bażi. Il-Qorti kkunsidrat li, fil-qafas ta’ skema li saret permanenti, it-tiġdid tal-ftehim kien biss formalità amministrattiva. Iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni għalhekk setgħu b’mod leġittimu jistennew li jibbenefikaw minn perjodu tranżitorju xieraq u, meta tkun qiegħda toqrob l-iskadenza tal-ftehim tagħhom, huma setgħu wkoll jistennew li jiksbu t-tiġdid tal-ftehim imsemmi b’mod li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-perjodu tranżitorju xieraq.

(60)

Kif indikat fir-reċiti (31) sa (34), il-Qorti ġġudikat ukoll li l-għoti ta’ perjodi tranżitorji differenti skond id-data ta’ skadenza tal-ftehimiet wassal għal inugwaljanza ta’ trattament. Il-Kummissjoni kkonkludiet li hija kellha tistabbilixxi perjodu tranżitorju – xieraq – waħdieni għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha.

(61)

Madankollu, il-Qorti annullat id-definizzjoni tal-miżura tranżitorja li tinsab fid-Deċiżjoni 2003/757/KE ħlief f’każ li kienet insuffiċjenti, jiġifieri inqas mill-perjodu tranżitorju xieraq, għal ċerti ċentri ta’ koordinazzjoni li l-ftehim tagħhom kien se jiskadi fi ftit żmien. Kif diġà ġie spjegat, il-Kummissjoni taħseb li l-annullament iddikjarat mill-Qorti huwa mmirat biss għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-ftehim tagħhom ġie mġedded bejn is-17 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005 u li l-perjodu tranżitorju xieraq intemm fil-31 ta’ Diċembru 2005.

(62)

B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni taħseb li s-sentenza tal-Qorti m’annullatx id-definizzjoni tal-perjodu tranżitorju li tinsab fid-Deċiżjoni 2003/757/KE għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-ftehim tagħhom, li kien għaddej fis-17 ta’ Frar 2003, kien jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2005 jew f’data ulterjuri. Meta titqies is-sentenza tal-Qorti, għalkemm il-Kummissjoni tikkunsidra madankollu li l-perjodu tranżitorju stabbilit għal dawn iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kien twil wisq, hija tiddikjara li d-Deċiżjoni 2003/757/KE, sakemm din tistipula perjodu tranżitorju li jintemm, għal kull ċentru kkonċernat, ma’ l-iskadenza tal-ftehim li kien għaddej fid-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni 2003/757/KE, ma ġietx annullata u għalhekk tibqa’ applikabbli. B’riżultat ta’ dan, sakemm id-Deċiżjoni 2003/757/KE tibqa’ applikabbli, hija ma tippermettix li l-Kummissjoni tnaqqas it-tul ta’ żmien tal-perjodu tranżitorju hekk kif stabbilit fid-deċiżjoni msemmija għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kkonċernati.

(63)

Kull deċiżjoni tal-Kummissjoni mmirata biex tistipula, għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha, perjodu tranżitorju identiku li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2005 barra minn hekk ma tkun xejn prattika minħabba l-fiduċja leġittima mqajjma mid-Deċiżjoni 2003/757/KE fost iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni msemmija fil-paragrafu (62).

6.   L-istat tal-liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006

(64)

Il-Kummissjoni tinnota li għalkemm hija ma nnotifikatx id-dispożizzjonijiet tal-liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006 maħsuba biex jippermettu l-estensjoni tal-ftehim taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha sa tmiem l-2010, il-Belġju ssospenda d-dħul fis-seħħ tagħha għal approvazzjoni espliċita ta’ din l-iskema mill-Kummissjoni. Għar-raġunijiet spjegati f’din is-sezzjoni, il-Kummissjoni taħseb li ma tistax tapprova dawn id-dispożizzjonijiet u għalhekk tistieden lill-Belġju biex ma japplikahomx.

(65)

Fit-tmiem tas-sena 2005, ħlief għall-ftehimiet ta’ erba’ ċentri ta’ koordinazzjoni li huma msemmija fis-sezzjoni 4, il-ftehimiet imġedda fuq il-bażi ta’ l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003 skadew. Milli jidher, ma kienx hemm ħsieb għal estensjoni addizzjonali, la mill-Belġju, u lanqas miċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, sat-tħabbira tas-sentenza fit-22 ta’ Ġunju 2006. Il-bażi ġuridika ġdida li tippermetti t-tiġdid taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha sa tmiem l-2010 ġiet adottata biss fis-27 ta’ Diċembru 2006 – jiġifieri sena wara li skadew il-ftehimiet imsemmija. Din il-liġi barra minn hekk tippermetti applikazzjoni retroattiva, jekk ikun il-każ għal intrapriżi li sadanittant ikunu waqfu jibbenefikaw mill-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni.

(66)

Għall-kuntrarju tal-Belġju, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006 m’hijiex biss implimentazzjoni tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006 fil-qafas tal-miżura eżistenti, iżda skema ġdida li, kieku daħlet fis-seħħ mingħajr l-awtorizzazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, kienet twassal probabbilment għall-applikazzjoni tal-proċedura applikabbli għall-għajnuniet illegali.

(67)

Fil-fatt, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006 tikkonferma l-inkompatibbiltà ta’ l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni mid-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni 2003/757/KE. Sa mhux aktar tard minn din in-notifika, l-iskema waqfet li tkun skema ta’ għajnuniet eżistenti u ċ-ċentri ta’ koordinazzjoni daħlu fil-perjodu tranżitorju li matulu huma setgħu jkomplu jibbenenfikaw mill-iskema iżda ma setgħux jistrieħu iktar, kif kien jiġri qabel, fuq il-fiduċja leġittima bbażata fuq id-deċiżjonijiet jew il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-1984, l-1987 u l-1990 (30). L-appelli ddepożitati u l-konferma mill-Qorti, f’Ġunju 2006 biss, ta’ din l-inkompatibbiltà x’aktarx m’humiex se jimmodifikaw din l-affermazzjoni. Fil-fatt, l-appelli – kif inhuma – m’għandhomx effett ta’ sospensjoni u l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003 ma ssospendietx il-kwalifika ta’ skema ta’ għajnuna inkompatibbli. Għall-istess raġunijiet, il-fiduċja leġittima tal-Belġju fil-kompatibbiltà ta’ l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni tħassret l-aktar tard mid-Deċiżjoni 2003/757/KE u, minħabba li kien jaf il-fatti li l-Belġju llimita sal-31 ta’ Diċembru 2005 l-estensjonijiet ta’ ftehim mogħtija fuq il-bażi ta’ l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003.

(68)

A fortiori, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Belġju, meħuda wara s-sentenza tal-Qorti li kkonfermat b’mod definittiv l-inkompatibbiltà ta’ l-iskema mas-Suq Komuni, li jġedded fuq talba l-ftehimiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha sa tmiem l-2010 ma tistax titniżżel fil-qafas tal-miżura eżistenti, u lanqas tkun koperta minn kwalunkwe fiduċja leġittima mqajjma mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-fiduċja leġittima rikonoxxuta fost iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-ftehim tagħhom ġie mġedded fuq il-bażi ta’ l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003 ma tista’ tiġi estiża għat-tiġdid mogħti taħt il-liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006. Fil-fatt, jekk mogħtija wara d-data tas-sentenza tal-Qorti fis-sustanza, huma ma jkunux aktar koperti mill-effetti ta’ l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003 u għalhekk l-ebda fiduċja leġittima ma tirriżulta mill-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2003.

(69)

B’riżultat ta’ dan, kull estensjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuniet inkompatibbli li sadanittant tkun ingħatat probabbilment għandha tkun ikkunsidrata bħala għajnuna illegali, li tista’ tkun l-għan ta’ talba ta’ rkupru.

7.   Tqabbil mal-perjodi tranżitorji ddefiniti f’deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni

(70)

Kif indikat fl-inċiż ((23)), il-Belġju jitlob ukoll l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament meta jqabbel ma’ miżuri fiskali li, bħall-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, huma s-suġġett ta’ deċiżjoni taħt għajnuniet mill-Istat. B’mod partikolari jissemmew l-iskemi tal- kumpaniji ta’ investiment imsejħin ta’ l-1929 fil-Lussemburgu, l-“exempt companies” ta’ Ġibiltà u ż-Żona Ħielsa tal-Madejra, fejn il-Kummissjoni tat miżuri tranżitorji sa l-2010 u anke awtorizzat l-għoti ta’ l-iskema għal applikanti ġodda.

(71)

Il-Kummissjoni taħseb li kull fajl huwa partikolari. F’kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkonċernati, il-miżuri tranżitorji kienu ġew stabbiliti wara li tqiesu l-karatteristiċi partikolari proprji għal kull skema, il-benefiċjarji tagħha u l-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni taħseb li għamlet l-istess fil-każ taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni Belġjani billi stabbilixxiet fid-Deċiżjoni 2003/757/KE, għar-raġunijiet spjegati preċedentement, it-tmiem tal-perjodu tranżitorju raġjonevoli għal mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010.

(72)

Il-Kummissjoni tiddikjara b’mod partikolari li din id-Deċiżjoni hija segwitu ta’ sentenza tal-Qorti li hija trid timplimenta. Il-Kummissjoni ma tistax fl-ebda każ tbiddel l-implimentazzjoni ta’ din is-sentenza bit-tqabbil sempliċi tat-tul ta’ żmien tal-miżuri tranżitorji mogħtija f’fajls oħra.

(73)

Barra minn hekk, mingħajr ma nidħlu f’ġustifikazzjoni dettaljata fis-sustanza, li l-Kummissjoni diġà tat fid-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu (23), il-Kummissjoni tqis fir-rigward tal-forma li ċerti deċiżjonijiet huma qodma, oħrajn huma reċenti ħafna, uħud jawtorizzaw id-dħul ta’ applikanti ġodda, oħrajn le u x’uħud għandhom bosta kundizzjonijiet. Barra minn hekk, jistgħu jintużaw ukoll punti oħra ta’ tqabbil, li, skond l-opinjoni tal-Kummissjoni, huma wkoll validi. Għalhekk, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iskema Olandiża ta’ finanzjament ta’ attivitajiet internazzjonali (Concernfinancieringsactiviteiten) li ntemmet fis-17 ta’ Frar 2003 wkoll, bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/515/KE (31), il-miżuri tranżitorji kienu ddefiniti bl-istess mod bħaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, skond l-iskadenza tal-ftehimiet ta’ 10 snin. Bl-istess mod, għalkemm ma kienux is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-Belġju temm skemi speċjali taċ-ċentri ta’ distribuzzjoni u ċ-ċentri ta’ servizzi, għall-intrapriżi kollha, fil-31 ta’ Diċembru 2005. Iċ-ċirkulari amministrattiva li tħabbar din it-tneħħija, ippubblikata fl-20 ta’ Settembru 2005, tindika li dawn l-iskemi ġew mibdula bis-sistema ta’ deċiżjonijiet antiċipati li twaqqfet wara l-1 ta’ Jannar 2003 (l-Artikolu 20 tal-liġi ta’ l-24 ta’ Diċembru 2002).

(74)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni taħseb li hija ma tistax tilqa’ l-argumenti bbażati fuq tqabbil ma’ fajls oħra.

8.   In-nuqqas ta’ sigurtà ġuridika b’riżultat tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni

(75)

Il-Belġju jaħseb li perjodu tranżitorju itwal ikun ġustifikat bin-nuqqas ta’ sigurtà ġuridika li rriżulta bin-nuqqas tal-Kummissjoni li tistabbilixxi malajr miżuri tranżitorji ġodda wara l-annullament imħabbar mill-Qorti.

(76)

Il-Kummissjoni taħseb li hija ma tistax tiġi mgħobbija bir-responsabbiltà tad-dewmien iddikjarat.

(77)

L-ewwelnett, la l-interpretazzjoni mogħtija mill-Belġju, u lanqas l-intenzjoni tiegħu, li rriżultat minnha, li jestendi l-ftehim taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha sal-31 ta’ Diċembru 2010 ma kienu s-suġġett ta’ notifika – u lanqas ta’ nota ta’ informazzjoni – lill-Kummissjoni.

(78)

It-tieninett, fl-4 ta’ Lulju 2006 il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Belġju mmirata biex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tas-sentenza tal-Qorti u biex tikseb konferma ta’ l-implimentazzjoni tajba tad-Deċiżjoni 2003/757/KE, wara li jitqiesu l-effetti ta’ l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003 u tas-sentenza msemmija. Fin-nuqqas ta’ tweġiba, intbagħtet l-ewwel nota ta’ tfakkir fit-23 ta’ Awwissu 2006. Minkejja noti ta’ tfakkir ulterjuri, kemm formali kif ukoll informali, u l-għoti ta’ tul ta’ żmien addizzjonali għal tweġiba, l-informazzjoni mitluba ġiet biss ipprovduta lill-Kummissjoni f’Jannar 2007. Sadanittant, jidher mill-memorandum ta’ spjegazzjoni u l-Artikolu 379 tal-liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006 li, sa mill-20 ta’ Lulju 2006, il-Ministru tal-Finanza ngħata mandat biex jaċċetta malajr kemm jista’ jkun it-talbiet ta’ tiġdid fir-rigward taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni.

(79)

Fuq bażi ta’ l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha sa dak iż-żmien (ara l-paragrafu (21), il-Kummissjoni kienet qiegħda tistenna li l-Belġju jtawwal il-ftehim taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha sa tmiem l-2005, perjodu li għall-Kummissjoni jikkorrispondi għall-perjodu tranżitorju xieraq mitlub mill-Qorti. L-informazzjoni pprovduta mill-Belġju f’Jannar 2007 ħabbret għall-kuntrarju l-intenzjoni tal-Belġju li jestendi l-ftehim taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha sa tmiem l-2010 fuq bażi ta’ liġi adottata f’Diċembru 2006 li ma kienitx innotifikata lill-Kummissjoni. Dawn l-elementi ġodda ġġustifikaw l-adozzjoni fil-21 ta’ Marzu 2007 tad-deċiżjoni ta’ estensjoni ta’ proċedura u l-analiżi ta’ l-argumenti l-ġodda ppreżentati mill-Belġju u l-partijiet terzi.

(80)

It-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni ta’ l-4 ta’ Lulju 2006 ġew ipprovduti mill-Belġju fis-16 ta’ Jannar 2007.

VI.   KONKLUŻJONIJIET

(81)

L-ewwelnett, il-Kummissjoni trid temenda d-Deċiżjoni 2003/757/KE billi din ġiet annullata mis-sentenza tal-Qorti tat-22 ta’ Ġunju 2006.

(82)

Is-sentenza tal-Qorti tat-22 ta’ Ġunju 2006 fil-każijiet konġunti C-182/03 u C-217/03 tannulla d-Deċiżjoni 2003/757/KE “billi din ma tagħmilx provvediment għal miżuri tranżitorji fir-rigward taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni fejn it-talba għat-tiġdid ta’ ftehim kienet għadha pendenti fid-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni kkuntestata jew fejn il-ftehim kien jiskadi fl-istess żmien jew ftit żmien wara n-notifika tad-Deċiżjoni msemmija.”

(83)

Wara din is-sentenza, id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni 2003/757/KE għandha tiġi emendata b’mod:

li tagħmel provvediment għal miżuri tranżitorji partikolari għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li t-talba ta’ tiġdid tagħhom kienet pendenti fid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni jew li l-ftehim tagħhom kien jiskadi fl-istess ħin jew ftit wara n-notifika tad-Deċiżjoni msemmija, jiġifieri bejn it-18 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005;

li tawtorizza, fil-qafas ta’ dawn il-miżuri tranżitorji partikolari, liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kkonċernati biex jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuniet mill-Istat li kienu inkompatibbli sal-31 ta’ Diċembru 2005;

li tawtorizza, biex isir dan, it-tiġdid temporanju tal-ftehimiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kkonċernati, sakemm dan huwa meħtieġ biex ikunu jistgħu jibbenenfikaw mill-iskema sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005. Il-projbizzjoni ta’ tiġdid, għall-kumplament, għandha tinżamm.

(84)

Id-Deċiżjoni m’għandhiex tiġi emendata aktar. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma terġax tqajjem il-perjodi tranżitorji mogħtija mid-Deċiżjoni 2003/757/KE sakemm hija tippermetti lil ċerti ċentri ta’ koordinazzjoni biex jibbenefikaw mill-iskema inkompatibbli sa l-iskadenza tal-ftehim tagħhom li għadu għaddej u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010. Dan l-aspett tad-deċiżjoni ma ġiex annullat mill-Qorti u għalhekk għadu applikabbli.

(85)

It-tieninett, il-Kummissjoni trid ukoll tirrikonoxxi li l-istqarrija ta’ l-istampa tagħha tas-16 ta’ Lulju 2003 setgħet qajmet, fost l-erba’ ċentri ta’ koordinazzjoni li l-ftehim tagħhom ġie mġedded fuq il-bażi ta’ l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003 u għal tul ta’ żmien mhux determinat, il-fiduċja leġittima li huma setgħu jibbenefikaw mill-iskema inkompatibbli sad-data tas-sentenza tal-Qorti fis-sustanza. Din is-sentenza nħarġet fit-22 ta’ Ġunju 2006 u meta jitqies il-karattru fiskali tal-miżura, il-benefiċċju tal-fiduċja leġittima għandu jiġi estiż biex iħalli lil dawn iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni jibbenefikaw mill-iskema inkompatibbli sat-tmiem tal-perjodu taxxabbli ordinarju li kien għaddej fid-data tas-sentenza.

(86)

It-tieletnett, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Belġju biex jirrinunzja milli jdaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006 maħsuba biex itawlu l-ftehim taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha sal-31 ta’ Diċembru 2010, billi dawn id-dispożizzjonijiet huma inkompatibbli mas-Suq Komuni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2003/757/KE jiġi miżjud it-test li ġej:

“Iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li t-talba tagħhom ta’ tiġdid hija pendenti fid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni jew li l-ftehim tagħhom jiskadi fl-istess ħin jew ftit wara din in-notifika, jiġifieri bejn id-data ta’ din in-notifika u l-31 ta’ Diċembru 2005, jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2005. It-tiġdid tal-ftehim taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni msemmija huwa awtorizzat sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005.”

Artikolu 2

L-erba’ ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju li l-ftehim tagħhom ġie mġedded għal tul ta’ żmien indeterminat fuq il-bażi ta’ l-Ordinanza tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tas-26 ta’ Ġunju 2003 li tħabbar is-sospensjoni ta’ l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2003/757/KE jistgħu jibbenefikaw mill-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni sat-tmiem tal-perjodu taxxabbli ordinarju li kien għaddej fit-22 ta’ Ġunju 2006.

Artikolu 3

Il-liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006 hija inkompatibbli mas-Suq Komuni minħabba li d-dispożizzjonijiet tagħha huma maħsuba biex jestendu, permezz ta’ deċiżjonijiet ġodda ta’ tiġdid ta’ ftehim, l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2005.

Il-Kummissjoni b’riżultat ta’ dan tistieden lill-Belġju biex jirrinunzja milli jdaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006.

Artikolu 4

L-Artikolu 1 japplika mit-18 ta’ Frar 2003.

Artikolu 5

Il-Belġju jinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri meħuda biex jikkonforma magħha.

Artikolu 6

Ir-Renju tal-Belġju huwa d-destinatarju ta’ din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussell, 13 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 110, 16.5.2007, p. 20.

(2)  Għad-dettalji ta’ l-istadji tal-proċedura ta’ qabel id-data ta’ din id-Deċiżjoni, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Frar 2002 li tiftaħ il-proċedura u d-Deċiżjoni 2003/757/KE.

(3)   ĠU C 2, 6.1.1998, p. 2.

(4)   ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3.

(5)   ĠU C 147, 20.6.2002, p. 2.

(6)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(7)   ĠU L 282, 30.10.2003, p. 25; verżjoni kkoreġuta (ĠU L 285, 1.11.2003, p. 52).

(8)  Il-każijiet konġunti C-182/03 R u C-217/03 R, Il-Belġju u Forum 187/Il-Kummissjoni, Ġabra 2003 p. I-6887.

(9)   ĠU L 184, 23.7.2003, p. 17.

(10)  Il-każijiet konġunti C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u Forum 187/il-Kummissjoni, Ġabra 2006 p. I-5479.

(11)  Il-każ C-399/03, Il-Kummissjoni/il-Kunsill, Ġabra 2006 p. I-5629.

(12)  Irreġistrata taħt ir-referenza D/55614.

(13)  Irreġistrata taħt ir-referenza D/57226.

(14)  Ara n-nota tal-qiegħ tal-paġna nru 1.

(15)  Forum 187 hija l-federazzjoni professjonali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni, iċ-ċentri ta’ servizzi u l-call centres stabbiliti fil-Belġju

(16)  Għal deskrizzjoni sħiħa ta’ l-iskema ara d-deċiżjoni ta’ ftuħ tas-27 ta’ Frar 2002.

(17)  Il-liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006 li għandha diversi dispożizzjonijiet (Moniteur belge tat-28 ta’ Diċembru 2006).

(18)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/940/KE tad-19 ta’ Lulju 2006 dwar l-iskema ta’ għajnuna C 3/2006 implimentata mil-Lussemburgu għall-kumpaniji ta’ investiment 1929 u l-kumpaniji ta’ investiment biljunarji (ĠU L 366, 21.12.2006, p. 47).

(19)  Ir-Renju Unit – L-Għajnuna C 53/2001 (ex NN 52/2000) – Ġibiltà: l-iskema tal-kumpaniji eżenti – Stedina biex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE (ĠU C 26, 30.1.2002, p. 13).

(20)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/294/KE tal-11 ta’ Diċembru 2002 dwar l-applikazzjoni mill-Portugall ta’ l-iskema ta’ għajnuniet finanzjarji u fiskali fiż-Żona Ħielsa ta’ Madejra fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2000 (ĠU L 111, 6.5.2003, p. 45).

(21)  F’din id-data, il-Belġju kien għadu ma kisibx l-approvazzjoni tal-Kunsill biex jestendi lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2005 l-effetti tal-ftehimiet (li kienu diġà għaddejjin fil-31 ta’ Diċembru 2000) li kienu jiskadu wara l-31 ta’ Diċembru 2005.

(22)  Referenza Kunsill/00/453.

(23)  Ara t-tweġiba tal-Ministru tal-Finanzi ta’ l-20 ta’ Diċembru 2000 għal interpellanza tas-Sur Jacques Simonet, Nru 5 (Dok. Parl., Kamra, Sessjoni 2000-2001, COM 343), ikkwotata fl-ittra PH/chw/1467 tal-Belġju tas-6 ta’ Marzu 2003.

(24)  Ara s-sentenza fil-każijiet C-182/03 u C-217/03, il-punti 140 u 145; ara wkoll l-Ordinanza tas-26 ta’ Ġunju 2003, il-punt 73; l-appell iddepożitat fit-28.4.2003, notevolment il-punti 5 u 6 tat-talba dwar l-użu tal-proċedura mgħaġġla, il-punt 6 ta’ l-appell sommarju u l-punti 148 sa 150, 154 u 158.

(25)  Il-Belġju – Stedina biex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE, dwar il-miżura C 26/03 (ex N 351/02) – Emenda ta’ l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni (ĠU C 209, 4.9.2003, p. 2).

(26)   ĠU L 125, 18.5.2005, p. 10.

(27)  Moniteur Belge tat-30 ta’ Ġunju 2005.

(28)  Ara t-tweġiba tal-Ministru tal-Finanzi għall-mistoqsijiet parlamentari orali magħmula mis-Sinjura Pieters (MP Nru 5852 tal-15 ta’ Marzu 2005), is-Sur Devlies (MP Nru 5911 tal-15 ta’ Marzu 2005), is-Sinjura Anseeuw (MP Nru 3-4179 ta’ l-20 ta’ Jannar 2006).

(29)  L-eżenzjoni ta’ taxxa miżmuma minn ras il-għajn u ta’ taxxa kapitali ġiet miżmuma għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni u estiża għall-intrapriżi l-oħra, it-tnaqqis għall-imgħaxijiet spekulattivi hija operazzjoni purament fiskali, u għalhekk sempliċi biex tiġi implimentata.

(30)  It-tweġiba tat-12 ta’ Lulju 1990 għall-mistoqsija miktuba nru 1735/90 tas-Sur G. de VRIES lill-Kummissjoni (ĠU C 63, 11.3.1991, p. 37).

(31)   ĠU L 180, 18.7.2003, p. 52.