ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

L 346

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 50
29 ta' Diċembru 2007


Werrej

 

I   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1579/2007 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi, għall-2008, l-opportunitajiet tas-sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati magħhom applikabbli fil-Baħar l-Iswed għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut

1

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva tal-Kunsill 2007/74/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazju tas-sisa fuq oġġetti importati minn persuni li jkunu qed jivvjaġġaw minn pajjiżi terzi

6

 

*

Direttiva tal-Kunsill 2007/75/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet temporanji dwar rati ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

13

 

 

II   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

Kunsill

 

 

2007/880/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 li tawtorizza lil Franza tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u destinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

15

 

 

2007/881/KE

 

*

Deċizjoni tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill

17

 

 

2007/882/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Deċiżjoni 1999/70/KE dwar l-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali, fir-rigward ta’ l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru

19

 

 

2007/883/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Deċiżjoni 1999/70/KE dwar l-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali fir-rigward ta’ l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta

20

 

 

2007/884/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

21

 

 

Kummissjoni

 

 

2007/885/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Deċiżjoni 2006/415/KE rigward ċerti miżuri ta' protezzjoni b'rabta ma' influwenza tat-tjur ta' patoġeniċità għolja ħafna tas-sottotip H5N1 fit-tjur fil-Ġermanja ( 1 )

23

 

 

III   Atti adottati skond it-Trattat ta' l-UE

 

 

ATTI ADOTTATI SKOND IT-TITOLU V TAT-TRATTAT TA' L-UE

 

 

2007/886/PESK

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà EUPOL AFGH/2/2007 tat-30 ta’ Novembru 2007 dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta’ Kontributuri għall-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN)

26

 

*

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/887/PESK ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK dwar l-azzjoni ta’ appoġġ ċivili-militari ta’ l-Unjoni Ewropea lill-missjonijiet ta’ l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan u fis-Somalja

28

 

 

2007/888/PESK

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà EUPT/2/2007 tat-18 ta’ Diċembru 2007 dwar il-ħatra tal-Kap tat-Tim ta' l-Ippjanar ta' l-Unjoni Ewropew (EUPT Kosovo)

29

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

29.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 346/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1579/2007

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

li jistabbilixxi, għall-2008, l-opportunitajiet tas-sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati magħhom applikabbli fil-Baħar l-Iswed għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta’ Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri meħtieġa li jirregolaw l-aċċess għaż-żoni u għar-riżorsi u l-attivitajiet sostenibbli tas-sajd, b’kont meħud tal-parir xjentifiku disponibbli u, b’mod partikolari, tar-rapport preżentat mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku dwar is-Sajd.

(2)

Skond l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-opportunitajiet ta’ sajd skond it-tip ta’ sajd jew gruppi ta’ tipi ta’ sajd u jallokhom lill-Istati Membri.

(3)

Sabiex tkun assigurata l-ġestjoni effikaċi ta’ l-opportunitajiet ta’ sajd, għandhom jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet speċifiċi għall-operazzjonijiet ta’ sajd.

(4)

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jistabbilixxi d-definizzjonijiet rilevanti dwar l-allokazzjoni ta’ l-opportunitajiet ta’ sajd.

(5)

Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-istokkijiet li huma suġġetti għal miżuri varji previst fl-imsemmi Regolament.

(6)

Sabiex jikkontribwixxu għall-konservazzjoni ta’ l-istokkijiet tal-ħut, ċerti kondizzjonijiet tekniċi supplimentari għas-sajd għandhom jiġu implimentati fl-2008.

(7)

L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jintużaw skond il-liġi Komunitarja dwar il-materja, u b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (il-politika komuni tas-sajd) (3) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar (4).

(8)

B’kont meħud tal-fatt li fi Stat Membru kienu tradizzjonalment jintuzaw xbieki ta’ maljatura ta’ inqas minn 200 mm għas-sajd tal-barbun imperjali qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u sabiex ikun permess adattament adegwat għall-miżuri tekniċi introdotti minn dan ir-Regolament, huwa kunsiljabbli li dak l-Istat Membru jkun permess jistad għall-barbun imperjali bl-użu ta’ xbieki b’daqs minimu ta’ malji ta’ mhux inqas minn 180 mm.

(9)

Fid-dawl ta’ l-urġenza tal-każ, huwa imperattiv li tiġi permessa eċċezzjoni għall-perijodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fil-paragrafu I(3) tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

GĦAN, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Għan

Dan ir-Regolament jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2008 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut fil-Baħar l-Iswed u l-kondizzjonijiet assoċjati li taħthom tali opportunitajiet ta’ sajd jistgħu jintużaw.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd Komunitarji (bastimenti Komunitarji) li joperaw fil-Baħar l-Iswed.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, dan ir-Regolament m’għandux japplika għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa biss għal skopijiet ta’ investigazzjoni xjentifika u li jsiru bil-permess u taħt l-awtorità ta’ l-Istat Membru kkonċernat u li ġew infurmati bihom bil-quddiem il-Kummissjoni u l-Istat Membru li fl-ilmijiet tiegħu tkun qed issir ir-riċerka.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, addizzjonalment għad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“GFCM” tfisser il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran;

(b)

“Il-Baħar l-Iswed” tfisser is-subżona ġeografika tal-GFCM kif definita fir-Riżoluzzjoni GFCM/31/2007/2;

(ċ)

“qabda totali permessa (TAC)” tfisser il-kwantità prelevabbli minn kull stokk kull sena;

(d)

“kwota” tfisser proporzjon mit-TAC li tkun allokata lill-Komunità, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz.

KAPITOLU II

OPPORTUNITAJIET TA’ SAJD U KONDIZZJONIJIET ASSOĊJATI MAGĦHOM

Artikolu 4

Limiti ta’ qbid u allokazzjonijiet

Il-limiti tal-qbid, l-allokazzjoni ta’ dawk il-limiti fost l-Istati Membri, u kondizzjonijiet addizzjonali skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 huma stabbiliti fl-Anness I ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet

L-allokazzjoni tal-limiti tal-qbid fost l-Istati Membri kif stipulati fl-Anness I għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:

(a)

skambji magħmula skond l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

(b)

allokazzjonijiet mill-ġdid magħmula skond l-Artikoli 21(4), 23(1) u 32(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

(ċ)

ħatt l-art addizzjonali permess skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96;

(d)

tnaqqis magħmul skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96, u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

Artikolu 6

Kondizzjonijiet għal qabdiet u qabdiet inċidentali

1.   Ħut minn stokkijiet li għalihom hemm stabbiliti limiti ta’ qbid għandu jinżamm abbord jew jinħatt l-art biss jekk jinqabad minn bastimenti tas-sajd ta’ Stat Membru li għandu kwota u dik il-kwota ma tkunx ġiet eżawrita;

2.   Il-qabdiet kollha għandhom jittieħdu mill-kwota jew, jekk is-sehem Komunitarju ma jkunx tqassam fost l-Istati Membri permezz tal-kwoti, mis-sehem Komunitarju.

Artikolu 7

Miżuri tekniċi tranżitorji

Għandhom japplikaw il-miżuri tekniċi transizzjonali stabbiliti fl-Anness II.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 8

Trasmissjoni ta’ data

Meta l-Istati Membri jittrasmettu data lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art ta’ kwantitajiet ta’ stokkijiet maqbuda skond Artikolu 15(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, għandhom jużaw il-kodiċijiet ta’ l-istokkijiet stabbiliti fl-Anness I ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. NUNES CORREIA


(1)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 865/2007 (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1).

(2)  ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3.

(3)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 9).

(4)  ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2166/2005 (ĠU L 345, 28.12.2005, p. 5).


ANNESS I

Il-limiti tal-qbid u l-kondizzjonijiet assoċjati magħhom għall-ġestjoni minn sena għall-oħra tal-limiti fuq il-qabdiet applikabbli għall-bastimenti Komunitarji f’żoni fejn jeżistu l-limiti fuq il-qabdiet skond l-ispeċi u skond iż-żona

It-tabelli li ġejjin jistipulaw it-TACs u l-kwoti (f’tunnellati ta’ piż ħaj, ħlief fejn speċifikat mod ieħor) skond l-istokk, l-allokazzjoni lill-Istati Membri u l-kondizzjonijiet assoċjati għall-immaniġjar tal-kwoti minn sena għall-oħra.

F’kull żona, l-istokkijiet tal-ħut huma msemmija fl-ordni alfabetiku li ġej ta’ l-ismijiet ta’ l-ispeċi bil-Latin. Għall-iskopijiet ta’ dawn it-tabelli il-kodiċijiet użati għall-ispeċijiet differenti huma dawn:

Isem Xjentifiku

Kodiċi Alpha-3

Isem komuni

Psetta maxima

TUR

Barbun imperjali

Sprattus sprattus

SPR

Laċċa kaħla


Speċi

:

Barbun imperjali

Psetta maxima

Żona

:

Il-Baħar l-Iswed

Il-Bulgarija

50

TAC Prekawzjonali
L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.
L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.
L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika.

Ir-Rumanija

50

KE

100

TAC

Mhux rilevanti


Speċi

:

Laċċa kaħla

Sprattus sprattus

Żona

:

Il-Baħar l-Iswed

KE

15 000  (1)

TAC Prekawzjonali
L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika.
L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.
L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika.

TAC

Mhux rilevanti


(1)  Jistgħu jinqabdu biss minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Bulgarija jew ir-Rumanija.


ANNESS II

MIŻURI TEKNIĊI TRANŻIZZJONALI

1.

M’għandha titħalla l-ebda attività tas-sajd għall-barbun imperjali mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ġunju fl-ilmijiet tal-Komunità Ewropea tal-Baħar l-Iswed.

2.

Fi Stat Membru fejn id-daqs minimu legali tal-malji tax-xbieki li jintużaw għas-sajd tal-barbun imperjali kien inqas minn 200 mm qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-użu ta’ xbieki b’daqs minimu ta’ malji ta’ mhux inqas minn 180 mm huwa permess għas-sajd tal-barbun imperjali.

3.

Id-daqs minimu ta’ barbun imperjali li jista’ jinħatt l-art m’għandux ikun inqas minn 45 ċm tul, imkejjel skond l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 850/98.


DIRETTIVI

29.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 346/6


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2007/74/KE

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazju tas-sisa fuq oġġetti importati minn persuni li jkunu qed jivvjaġġaw minn pajjiżi terzi

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 69/169/KEE tat-28 ta’ Mejju 1969 fuq l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati b'liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva relatata ma’ l-eżenzjoni minn taxxa fuq il-bejgħ u minn taxxa tas-sisa fuq l-importazzjoni fi vvjaġġar internazzjonali (1) stabbiliet sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa. Filwaqt li tibqa l-ħtieġa li dik is-sistema tinżamm sabiex tkun evitata t-tassazzjoni doppja, kif ukoll f’każijiet fejn, minħabba l-kondizzjonijiet li taħthom ikunu importati l-oġġetti, is-soltu ħtieġa li tkun imħarsa l-ekonomija ma tkunx hemm, din għandha tkompli tapplika biss għall-importazzjoni mhux kummerċjali ta’ oġġetti fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi minn pajjiżi terzi.

(2)

Madankollu, minħabba n-numru ta’ emendi meħtieġa, kif ukoll il-ħtieġa li d-Direttiva 69/169/KEE tkun adattata għat-tkabbir u għall-fruntieri esterni l-ġodda tal-Komunità, u biex ikunu ristrutturati u ssimplifikati ċerti dispożizzjonijiet biex l-affarijiet ikunu ċari, ir-reviżjoni, ir-revoka u s-sostituzzjoni sħiħa tad-Direttiva 69/169/KEE huma ġustifikati.

(3)

Il-limiti kwantitattivi u l-limiti monetarji li għalihom huma soġġetti l-eżenzjonijiet għandhom jaqdu l-ħtiġiet attwali ta’ l-Istati Membri.

(4)

Il-limitu monetarju għandu jieħu kont tal-bidliet fil-valur reali tal-flus mill-aħħar żieda fl-1994 u għandu wkoll jirrifletti l-abolizzjoni tal-limiti kwantitattivi fuq oġġetti soġġetti għal dazji tas-sisa f'xi Stati Membri li issa ser jaqgħu fil-limitu ġenerali dwar il-VAT.

(5)

Il-faċilità tax-xiri barra mill-pajjiż tista’ toħloq il-problemi lil Stati Membri li għandhom fruntieri fuq l-art ma’ pajjiżi terzi bi prezzijiet irħas b’mod sinifikattiv. Huwa ġustifikabbli, għalhekk, li jkun stabbilit limitu monetarju aktar baxx għal forom ta’ vjaġġar għajr l-ivvjaġġar bl-ajru u bil-baħar.

(6)

Fl-esperjenza tal-Kummissjoni, intwera li l-kwantitajiet għall-prodotti tat-tabakk u x-xorb alkoħoliku, b’mod ġenerali, huma xierqa u għandhom, għaldaqstant, jinżammu.

(7)

Il-limiti kwantitattivi għall-eżenzjoni ta’ oġġetti bid-dazju tas-sisa għandhom jirriflettu l-iskema kurrenti ta’ tassazzjoni ta’ tali oġġetti fl-Istati Membri. Għalhekk, huwa xieraq li jkun hemm limitu għall-birra filwaqt li l-limiti għall-fwieħa, il-kafé u t-te għandhom jieqfu.

(8)

Huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew jiffissaw limiti aktar baxxi fir-rigward tal-limitu monetarju għat-tfal u biex il-persuni taħt l-età jkunu esklużi mill-eżenzjoni għall-prodotti tat-tabakk u x-xorb alkoħoliku, sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa.

(9)

Minħabba l-ħtieġa li jkun promoss livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem għaċ-ċittadini tal-Komunità, huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew japplikaw limiti kwantitattivi mnaqqsa għall-eżenzjoni tal-prodotti tat-tabakk.

(10)

Sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjoni speċjali ta’ ċerti nies fir-rigward ta’ fejn jinsabu jew l-ambjent tax-xogħol tagħhom, għandu jkun possibbli wkoll li l-Istati Membri japplikaw eżenzjonijiet aktar stretti fil-każ tal-ħaddiema tal-fruntieri, il-persuni li jgħixu qrib il-fruntieri Komunitarji u l-ekwipaġġ tal-mezzi tat-trasport li jintużaw fl-ivvjaġġar internazzjonali.

(11)

Għandu jiġi mfakkar li l-Awstrija tikkondividi fruntiera ta’ l-art ma’ Samnauntal, enklav Svizzeru fejn tiġi applikata sistema ta’ taxxa speċifika li tirriżulta f'tassazzjoni sinifikament iżjed baxxa minn dik applikabbli taħt ir-regoli li japplikaw fil-kumplament ta’ l-Isvizzera u anki fil-Kanton ta’ Graubünden li minnu tifforma parti Samnauntal. Fid-dawl ta’ dik is-sitwazzjoni speċjali, li wasslet lill-Awstrija biex tapplika limiti kwantitattivi iżjed baxxi għal prodotti tat-tabakk fir-rigward ta’ dak l-enklav skond l-Artikolu 5(8) tad-Direttiva 69/169/KEE, huwa xieraq li dak l-Istat Membru jitħalla japplika l-limitu l-baxx previst għal prodotti tat-tabakk b'din id-Direttiva għas-Samnauntal biss.

(12)

Għall-Istati Membri li ma introduċewx l-ewro, għandu jkun stabbilit mekkaniżmu li jippermetti li l-ammonti espressi fil-munita nazzjonali jinqalbu fl-ewro u għalhekk ikun żgurat trattament indaqs fl-Istati Membri.

(13)

L-ammont li fuqu l-Istati Membri huma ħielsa li ma japplikawx taxxi fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti għandu jiżdied sabiex ikun jirrifletti l-valuri monetarji attwali.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u d-dazju tas-sisa fuq oġġetti importati fil-bagalji personali ta’ persuni li jkunu qed jivvjaġġaw minn pajjiż terz jew minn territorju fejn id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-VAT jew id-dazju tas-sisa jew it-tnejn, kif definiti fl-Artikolu 3, ma japplikawx.

Artikolu 2

Fejn vjaġġ jinvolvi transitu mit-territorju ta’ pajjiż terz, jew jibda f'territorju kif imsemmi fl-Artikolu 1, din id-Direttiva għandha tapplika jekk il-vjaġġatur ma jkunx jista' jistabbilixxi li l-oġġetti trasportati fil-bagalji tiegħu nkisbu soġġett għall-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw tassazzjoni fuq is-suq domestiku ta’ Stat Membru u li ma jikkwalifikawx għal kwalunkwe rimbors ta’ VAT jew dazju tas-sisa.

Titjir mingħajr żbark m ta’għandux jitqies bħala transitu.

Artikolu 3

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“pajjiż terz” tfisser kwalunkwe pajjiż li mhux Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea;

In vista tal-Ftehim fiskali bejn Franza u l-Prinċipat ta’ Monako datat 18 ta’ Mejju 1963 u l-Ftehim ta’ ħbiberija u relazzjonijiet tal-viċinat bejn l-Italja u r-Repubblika ta’ San Marino datat 31 ta’ Marzu 1939, Monako m'għandux jitqies bħala pajjiż terz u San Marino m'għandux jitqies bħala pajjiż terz għal skop ta’ dazju tas-sisa.

2)

“territorju fejn id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-VAT jew id-dazju tas-sisa jew it-tnejn ma japplikawx” tfisser kwalunkwe territorju, minbarra territorju ta’ pajjiż terz, fejn id-Direttivi 2006/112/KE (2) jew 92/12/KEE jew it-tnejn ma japplikawx;

In vista tal-Ftehim bejn il-Gvernijiet tar-Renju Unit u l-Isle of Man dwar Dwana u Sisa u materji assoċjati datat 15 ta’ Ottubru 1979, l-Isle of Man m'għandhiex titqies bħala territorju fejn id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-VAT jew id-dazju tas-sisa jew it-tnejn ma japplikawx.

3)

“vjaġġaturi bl-ajru” u “vjaġġaturi bil-baħar” tfisser kwalunkwe passiġġier li jivvjaġġa bl-ajru jew bil-baħar ħlief għal titjir privat għad-delizzju jew navigazzjoni bil-baħar privata għad-delizzju;

4)

“titjir privat għad-delizzju” u “navigazzjoni bil-baħar privata għad-delizzju” tfisser l-użu ta’ inġenju ta’ l-ajru jew inġenju tal-baħar minn sidu jew il-persuna fiżika jew ġuridika li tgawdi l-użu tiegħu jew billi tikrih jew b ta’xi mod ieħor, għajr għal għanijiet kummerċjali u partikolarment għajr għall-ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti jew għall-għoti ta’ servizzi bi ħlas jew għall-għanijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi;

5)

“żona tal-fruntiera” tfisser żona li, f’linja dritta, ma testendix aktar minn 15-il kilometru mill-fruntiera ta’ Stat Membru u li tinkludi d-distretti amministrattivi lokali, li parti mit-territorju tagħhom tinsab fiż-żona; l-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet minn dan;

6)

“ħaddiem taż-żona tal-fruntiera” tfisser kwalunkwe persuna li l-attivitajiet normali tagħha jeħtieġu li din tmur fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera fil-jiem tax-xogħol tagħha.

KAPITOLU II

EŻENZJONIJIET

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom, abbażi jew tal-limiti monetarji jew tal-limiti kwantitattivi, jeżentaw mill-VAT u d-dazju tas-sisa oġġetti importati fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi, sakemm l-importazzjoni tkun ta’ natura mhux kummerċjali.

Artikolu 5

Għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-eżenzjonijiet, il-bagalji personali għandhom jitqiesu bħala l-bagalji kollha li min ikun qed jivvjaġġa jkun kapaċi jippreżenta lill-awtoritajiet tad-dwana mal-wasla tiegħu, kif ukoll il-bagalji li jippreżenta aktar tard lill-istess awtoritajiet, bil-kondizzjoni li jkun ippruvat li tali bagalji kienu rreġistrati bħala bagalji akkumpanjati, fil-ħin tat-tluq tiegħu, mal-kumpannija li kienet responsabbli biex twasslu. Karburant ieħor, minbarra dak imsemmi fl-Artikolu 11, m'għandux jitqies bħala bagalji personali.

Artikolu 6

Għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-eżenzjonijiet, l-importazzjoni għandha titqies bħala ta’ natura mhux kummerċjali jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

isseħħ kultant;

(b)

tikkonsisti esklussivament minn oġġetti għall-użu personali jew għall-użu tal-familja tal-vjaġġaturi, jew minn oġġetti maħsuba bħala rigali.

In-natura jew il-kwantità ta’ l-oġġetti ma tridx tkun tali li tindika li dawn qed jiġu importati għal raġunijiet kummerċjali.

TAQSIMA 2

Limiti monetarji

Artikolu 7

1.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT u mid-dazju tas-sisa l-importazzjoni ta’ oġġetti, għajr dawk imsemmija fit-Taqsima 3, li l-valur totali tagħhom ma jaqbiżx EUR 300 għal kull persuna.

Fil-każ ta’ vjaġġaturi bl-ajru u bil-baħar, il-limitu monetarju speċifikat fl-ewwel subparagrafu għandu jkun ta’ EUR 430.

2.   L-Istati Membri jistgħu jbaxxu l-limitu monetarju għal vjaġġaturi ta’ taħt il-ħmistax-il sena, irrispettivament mill-mezz ta’ trasport tagħhom. Madankollu, il-limitu monetarju ma’ jistax ikun inqas minn EUR 150.

3.   Għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni tal-limiti monetarji, il-valur ta’ oġġett individwali ma jistax jinqasam.

4.   Il-valur tal-bagalji personali ta’ vjaġġatur, li jkunu importati temporanjament jew importati mill-ġdid wara l-esportazzjoni temporanja tagħhom, u l-valur tal-prodotti mediċinali meħtieġa biex jintlaħqu l-ħtiġijiet personali tal-vjaġġatur m'għandhomx jiġu kkunsidrati għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

TAQSIMA 3

Limiti kwantitattivi

Artikolu 8

1.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT u d-dazju tas-sisa l-importazzjoni tat-tipi ta’ prodotti tat-tabakk li ġejjin, soġġetti jew għal-limiti kwantitattivi ogħla jew aktar baxxi li ġejjin:

(a)

200 sigarett jew 40 sigarett;

(b)

100 sigarru żgħir jew 20 sigarru żgħir;

(ċ)

50 sigarru jew 10 sigarri;

(d)

250 g tabakk tat-tipjip jew 50 g tabakk tat-tipjip.

Kull ammont speċifikat fil-punti (a) sa (d) jirrappreżenta, għall-għanijiet tal-paragrafu 4, 100 % tal-konċessjoni totali għal prodotti tat-tabakk.

Sigarri żgħar huma sigarri ta’ piż massimu ta’ 3 grammi kull wieħed.

2.   L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jiddistingwu bejn vjaġġaturi bl-ajru u vjaġġaturi oħrajn billi japplikaw il-limiti kwantitattivi aktar baxxi speċifikati f'paragrafu 1 għal vjaġġaturi oħrajn għajr għal vjaġġaturi bl-ajru.

3.   B'deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-Awstrija tista', sakemm is-sistema tat-taxxa fl-enklav Svizzeru ta’ Samnauntal hija differenti minn dik applikabbli fil-kumplament tal-Kanton ta’ Graubünden, tillimita l-applikazzjoni tal-limitu kwantitattiv il-baxx għal prodotti tat-tabakk imdaħħla fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minn vjaġġaturi li jidħlu fit-territorju tiegħu direttament mill-enklav Svizzeru ta’ Samnauntal.

4.   Fil-każ ta’ kwalunkwe vjaġġatur wieħed, l-eżenzjoni tista’ tiġi applikata għal kwalunkwe kombinazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk, sakemm it-total tal-perċentwali użati mill-konċessjonijiet individwali ma jaqbiżx il-100 %.

Artikolu 9

1.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT u mid-dazju tas-sisa alkoħol u xorb alkoħoliku minbarra nbid still u birra, soġġett għal-limiti kwantitattivi li ġejjin:

(a)

total ta’ litru wieħed ta’ alkoħol u xorb alkoħoliku ta’ qawwa alkoħolika li teċċedi t-22 % ta’ volum, jew alkoħol etiliku mhux denaturat ta’ 80 % ta’ volum u aktar;

(b)

total ta’ 2 litri ta’ alkoħol u xorb alkoħoliku ta’ qawwa alkoħolika li ma teċċedix it-22 % ta’ volum.

Kull wieħed mill-ammonti speċifikati fil-punti (a) u (b) jirrapreżentaw, għall-għanijiet tal-paragrafu 2, 100 % tal-konċessjoni totali għall-alkoħol u xorb alkoħoliku.

2.   Fil-każ ta’ kwalunkwe vjaġġatur wieħed, l-eżenzjoni tista ta’ tkun applikata għal kwalunkwe kombinazzjoni tat-tipi ta’ alkoħol u xorb alkoħoliku msemmija fil-paragrafu 1, sakemm it-total tal-perċentwali użati mill-konċessjonijiet individwali ma jaqbiżx il-100 %.

3.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT u mid-dazju tas-sisa, total ta’ 4 litri ta’ nbid still u ta’ 16-il-litru birra.

Artikolu 10

L-eżenzjonijiet skond l-Artikoli 8 jew 9 m ta’għandhomx japplikaw fil-każ ta’ vjaġġaturi taħt is-17-il sena.

Artikolu 11

L-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT u d-dazju tas-sisa, fil-każ ta’ kwalunkwe mezz wieħed ta’ trasport bil-mutur, il-karburant li jkun ġot-tank standard u kwantità ta’ karburant li ma taqbiżx l-10 litri ġo kontenitur li jinġarr.

Artikolu 12

Il-valur ta’ l-oġġetti msemmija fl-Artikoli 8, 9 jew 11 m'għandux jiġi kkunsidrat għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 7(1).

KAPITOLU III

KAŻIJIET SPEĊJALI

Artikolu 13

1.   L-Istati Membri jistgħu jbaxxu l-limiti monetarji jew il-limiti kwantitattivi, jew it-tnejn, fil-każ ta’ vjaġġaturi fil-kategoriji li ġejjin:

(a)

persuni residenti f'żona tal-fruntiera;

(b)

ħaddiema taż-żona tal-fruntieri;

(ċ)

l-ekwipaġġ ta’ mezz ta’ trasport li jintuża għall-ivvjaġġar minn pajjiż terz jew minn territorju fejn id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-VAT jew id-dazju tas-sisa jew it-tnejn ma japplikawx.

2.   Il-paragrafu 1 m ta’għandux japplika fejn vjaġġatur li jaqa’ f’ waħda mill-kategoriji elenkati fih jipproduċi evidenza biex juri li jkun sejjer lil hinn miż-żona tal-fruntiera ta’ l-Istat Membru jew li ma jkunx ġej lura miż-żona tal-fruntiera tal-pajjiż terz ġar.

Madankollu, dan il-paragrafu għandu japplika fejn il-ħaddiema taż-żona tal-fruntiera jew l-ekwipaġġ tal-mezzi ta’ trasport li jintużaw fl-ivvjaġġar internazzjonali jimportaw oġġetti meta jkunu qed jivvjaġġaw waqt ix-xogħol tagħhom.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 14

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jimponux VAT jew dazju tas-sisa fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti minn vjaġġatur meta l-ammont tat-taxxa li għandha tkun imposta huwa daqs, jew inqas minn, EUR 10.

Artikolu 15

1.   L-ekwivalenti ta’ l-ewro fil-munita nazzjonali li għandha tapplika għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandu jkun iffissat darba fis-sena. Ir-rati applikabbli għandhom ikunu dawk ta’ l-ewwel jum ta’ xogħol ta’ Ottubru. Għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiġbdu għad-dritt l-ammonti fil-munita nazzjonali li jirriżultaw mill-qlib ta’ l-ammonti fl-ewro previsti fl-Artikolu 7, sakemm dan il-ġbid għad-dritt ma jaqbiżx EUR 5.

3.   L-Istati Membri jistgħu jżommu l-limiti monetarji li jkunu fis-seħħ meta jsir l-aġġustament annwali previsti fil-paragrafu 1 jekk, qabel jinġibed għad-dritt kif previst fil-paragrafu 2, il-qlib ta’ l-ammonti korrispondenti espressi f’ewro jirriżulta f ta’tibdil ta’ inqas minn 5 % ta’ l-eżenzjoni espressa fil-munita nazzjonali jew fi tnaqqis ta’ din l-eżenzjoni.

Artikolu 16

Kull erba' snin u għall-ewwel darba fl-2012 il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Kunsill, fejn xieraq flimkien ma’ proposta għal emenda.

Artikolu 17

Fl-Artikolu 5(9) tad-Direttiva 69/169/KEE id-data tal-31 ta’ Diċembru 2007 għandha tinbidel bid-data tat-30 ta’ Novembru 2008.

Artikolu 18

Id-Direttiva 69/169/KEE għandha tiġi revokata u sostitwita b'din id-Direttiva b’ effett mill-1 ta’ Diċembru 2008.

Ir-referenzi għad-Direttiva revokata għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 19

1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ l-Artikoli 1 sa 15 ta’ din id-Direttiva b'effett mill-1 ta’ Diċembru 2008. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn il-miżuri.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 20

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika b’ effett mill-1 ta’ Diċembru 2008.

Madanakollu, l-Artikolu 17 għandu japplika b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008.

Artikolu 21

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

For the Council

Għall-Kunsill

F. NUNES CORREIA


(1)  ĠU L 133, 4.6.1969, p. 6. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/93/KE (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 16).

(2)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/138/KE (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 92).


ANNESS

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Direttiva 69/169/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 1(2)

Artikolu 7(2)

Artikolu 1(3)

Artikolu 7(3)

Artikolu 2

Artikolu 3, punt wieħed

Artikolu 7(4)

Artikolu 3, punt tnejn

Artikolu 6

Artikolu 3, punt tlieta, l-ewwel subparagrafu

Artikolu 5

Artikolu 3, punt tlieta, it-tieni subparagrafu

Artikoli 5 u 11

Artikolu 4(1), frażi ta’ introduzzjoni

Artikolu 8(1) frażi introduttorja, Artikolu 9(1) frażi introduttorja

Artikolu 4(1), it-tieni kolonna

Artikolu 4(1)(a), l-ewwel kolonna

Artikolu 8(1)

Artikolu 4(1)(b), l-ewwel kolonna

Artikolu 9(1)

Artikoli 4(1)(ċ), (d) u (e), l-ewwel kolonna

Artikolu 4(2) l-ewwel subparagrafu

Artikolu 10

Artikolu 4(2) it-tieni subparagrafu

Artikolu 4(3)

Artikolu 12

Artikolu 4(4)

Artikolu 2

Artikolu 4(5)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 13(1)

Artikolu 5(3)

Artikolu 5(4)

Artikolu 13(2)

Artikolu 5(5)

Artikolu 5(6), frażi introduttorja, l-ewwel inċiż

Artikolu 3(5)

Artikolu 5(6), frażi introduttorja, it-tieni inċiż

Artikolu 3(6)

Artikolu 5(7)

Artikolu 5(8)

Artikolu 5(9)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(2)

Artikolu 15(1)

Artikolu 7(3)

Artikolu 15(2)

Artikolu 7(4)

Artikolu 15(3)

Artikolu 7(5)

Artikolu 7a(1)

Artikolu 7a(2)

Artikolu 14

Artikolu 7b

Artikolu 7ċ

Artikolu 7d

Artikolu 8(1)

Artikolu 19(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 19(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 9

Artikolu 21


29.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 346/13


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2007/75/KE

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet temporanji dwar rati ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2) tipprovdi għal ċerti derogi fir-rigward tar-rati tal-VAT. Xi wħud mid-derogi jiskadu f’data fissa, filwaqt li oħrajn jibqgħu applikabbli sa l-adozzjoni ta’ l-arranġamenti definittivi.

(2)

Id-derogi fir-rigward tar-rati tal-VAT li d-Direttiva 2006/112/KE tipprevedi konformement ma’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003, u li jippermettu adattament bla xkiel ta’ l-ekonomiji ta’ ċerti Stati Membri ġodda għas-suq intern, għandhom data fissa u jiskadu dalwaqt.

(3)

Numru minn dawn l-Istati Membri ġodda ddikjaraw ix-xewqa tagħhom li japplikaw id-derogi li minnhom b’hekk jibbenefikaw għal perijodu ulterjuri ta’ żmien.

(4)

Fid-dawl tad-dibattitu pendenti dwar l-użu ta’ rati mnaqqsa u l-proposta leġislattiva li għandha tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni, huwa kunsiljabbli li jiġu estiżi ċerti derogi sa tmiem l-2010, id-data sa meta ġie estiż l-esperiment dwar l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għal servizzi li jinvolvu xogħol intensiv.

(5)

Id-Direttiva 2006/112/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

B’effett mill-1 ta’ Jannar 2008, id-Direttiva 2006/112/KE hija b’dan emendata kif ġej:

1.

l-Artikolu 123 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 123

Ir-Repubblika Ċeka tista’, sal-31 ta’ Diċembru 2010, tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ mhux anqas minn 5 % fuq il-provvista ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni għal djar residenzjali mhux prevista bħala parti mill-politika soċjali, minbarra l-materjal tal-bini.”;

2.

l-Artikolu 124 għandu jitħassar;

3.

fl-Artikoli 125(1) u (2), il-kliem “sal-31 ta’ Diċembru 2007” għandhom jinbidlu bil-kliem “sal-31 ta’ Diċembru 2010”;

4.

l-Artikolu 126 għandu jitħassar;

5.

fl-Artikolu 127, “1 ta’ Jannar 2010” għandha tinbidel bi “31 ta’ Diċembru 2010”;

6.

l-Artikolu 128 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 128

1.   Il-Polonja tista’, sal-31 ta’ Diċembru 2010 tagħti eżenzjoni bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti fir-rigward tal-provvista ta’ ċerti kotba u perjodiċi specjalizzati.

2.   Il-Polonja tista’, sal-31 ta’ Diċembru 2010, jew sa l-introduzzjoni ta’ arranġamenti definittivi kif imsemmija fl-Artikolu 402, skond liema jiġi l-ewwel, tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ mhux anqas minn 7 % għall-provvista ta’ servizzi ta’ ristoranti.

3.   Il–Polonja tista’, sal-31 ta’ Diċembru 2010, tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ mhux anqas minn 3 % għall-provvista ta’ oġġetti ta’ ikel kif imsemmi fil-punt (1) ta’ l-Anness III.

4.   Il-Polonja tista’, sal-31 ta’ Diċembru 2010, tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ mhux anqas minn 7 % fuq il-provvista ta’ servizzi, mhux ipprovduti bhala parti minn politika soċjali, ghall-kostruzzjoni, rinnovazzjoni u alterazzjoni ta’ djar, eskluż il-materjal tal-bini, u fuq il-provvista qabel l-ewwel okkupazzjoni ta’ bini residenzjali jew partijiet minn bini residenzjali, kif imsemmi fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 12(1).”;

7.

fl-Artikoli 129(1) u (2), il-kliem “sal-31 ta’ Diċembru 2007” għandhom jinbidlu bil-kliem “sal-31 ta’ Diċembru 2010”;

8.

l-Artikolu 130 għandu jitħassar.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. NUNES CORREIA


(1)  Opinjoni tal-11 ta’ Diċembru 2007 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2006/138/KE (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 92).


II Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

DEĊIŻJONIJIET

Kunsill

29.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 346/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

li tawtorizza lil Franza tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u destinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

(It-test Franċiż biss huwa awtentiku)

(2007/880/KE)

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u partikolarment l-Artikolu 19(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96/KE flimkien ma’ l-Anness II ma’ dik id-Direttiva, Franza ġiet awtorizzata li tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-konsum f'Korsika. L-awtorizzazzjoni ngħatat sal-31 ta’ Diċembru 2006.

(2)

Permezz ta’ ittra ddatata s-16 ta’ Ottubru 2006, l-awtoritajiet Franċiżi talbu l-awtorizzazzjoni sabiex japplikaw, billi hija taxxa enerġetika, rata mnaqqsa għall-petrol bla ċomb biss użat bħala karburant, bħala kontinwazzjoni ta’ prattika segwita fil-qafas tad-deroga msemmija hawn fuq u qabel ma din tiskadi. It-tnaqqis jammonta għal EUR 1 għal kull ettolitru. L-awtorizzazzjoniji hija mitluba għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2012. F'Korsika, il-provvista ta’ petrol bla ċomb fil-pompa timplika spiża żejda sostanzjali meta mqabbla mal-provvista fuq il-kontinent u l-prezzijiet finali huma bejn EUR 4 u EUR 7 ogħla, għal kull ettolitru, minn dawk mitluba fuq il-kontinent.

(3)

Bit-tnaqqis tat-taxxa fuq il-petrol bla ċomb imħallsa mill-konsumaturi f'Korsika, il-konsumaturi konċernati jitpoġġew iktar fuq l-istess livell ma’ dawk fuq il-kontinent. Għalhekk, il-miżura tikkonforma ma’ objettivi ta’ politika reġjonali u ta’ koeżjoni.

(4)

It-tnaqqis fiskali ma jeċċedix dak meħtieġ sabiex jittieħed kont ta’ l-ispejjeż addizzjonali ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni mġarrba mill-konsumaturi f'Korsika.

(5)

Il-livell finali ta’ tassazzjoni jirrispetta l-minimi previsti mid-Direttiva 2003/96/KE, attwalment EUR 359 għal kull 1 000 litru (jew EUR 35.90 għal kull ettolitru). Dan hu minnu anki jekk titqies l-awtorizzazzjoni mogħtija mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/767/KE (2), li l-effetti tagħha jistgħu jingħaqdu ma’ dawk ta’ din id-Deċiżjoni.

(6)

Fir-rigward tal-lok mbiegħed u l-insularità tad-dipartimenti li għalihom tapplika, kif ukoll tat-tnaqqis moderat fir-rata, li hija wkoll għolja ħafna meta mqabbla mal-minimu Komunitarju, din il-miżura mhix se twassal għal ċaqliq marbut speċifikament mal-provvista ta’ karburant.

(7)

Konsegwentement, il-miżura mitluba hija aċċettabbli fir-rigward tal-funzjonament korrett tas-suq intern u l-ħtieġa li tiġi garantita kompetizzjoni ġusta u mhijiex inkompatibbli mal-politika Komunitarja dwar l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

(8)

Għaldaqstant, jeħtieġ li Franza tiġi awtorizzata, skond l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, li tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa applikabbli għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u destinat għall-konsum f'Korsika, sal-31 ta’ Diċembru 2012.

(9)

Jeħtieġ li jiġi garantit li Franza tkun tista' tapplika t-tnaqqis preċiż konċernat, li huwa s-suġġett ta’ din id-Deċiżjoni, bħala kontinwazzjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2007, fil-kuntest tad-deroga li tinsab fl-Artikolu 18 konġuntament ma’ l-Anness II tad-Direttiva 2003/96/KE. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li tingħata l-awtorizzazzjoni mitluba b'effett mill-1 ta’ Jannar 2007,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Franza hija b'dan awtorizzata tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u destinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika.

Sabiex jiġi evitat li jingħata kumpens eċċessiv, it-tnaqqis ma għandux imur lil hinn mill-ispejjeż addizzjonali ta’ trasport, ħżin u distribuzzjoni meta mqabbla ma’ Franza kontinentali.

Ir-rata mnaqqsa għandha tikkonforma ma’ l-obbligi previsti mid-Direttiva 2003/96/KE, u partikolarment mar-rati minimi msemmija fl-Artikolu 7.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007 u tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. NUNES CORREIA


(1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/75/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100).

(2)  ĠU L 290, 4.11.2005, p. 25.


29.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 346/17


DEĊIZJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill

(2007/881/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 207(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 2 (2) ta’ l-Anness III għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (1).

Billi:

(1)

L-Artikolu 11(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (minn hawn ’il quddiem imsejħin “ir-Regoli ta’ Proċedura”) jipprovdi li meta deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-Kunsill b’maġġoranza kwalifikata, u jekk membru tal-Kunsill hekk jitlob, għandu jiġi verifikat li l-Istati Membri li jikkostitwixxu din il-maġġoranza kwalifikata jirrappreżentaw mill-inqas 62 % tal-popolazzjoni totali ta’ l-Unjoni Ewropea kalkolata abbażi taċ-ċifri tal-popolazzjoni mniżżla fl-Artikolu 1 ta’ l-Anness III għar-Regoli ta’ Proċedura.

(2)

L-Artikolu 2(2) ta’ l-Anness III għar-Regoli ta’ Proċedura dwar regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet rigward l-ippeżar tal-voti fil-Kunsill jipprovdi li, b’seħħ mill-1 ta’ Jannar ta’ kull sena, il-Kunsill għandu, skond id-data disponibbli fl-Uffiċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej fit-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ qabel, jadatta ċ-ċifri mniżżla fl-Artikolu 1 ta’ dak l-Anness.

(3)

Ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom jiġu emendati għaldaqstant għas-sena 2008.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Artikolu 1 ta’ l-Anness III għar-Regoli ta’ Proċedura għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

“Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 205(4) tat-Trattat KE, l-Artikolu 118(4) tat-Trattat Euratom, it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 34(3) tat-Trattat UE, il-popolazzjoni totali ta’ kull Stat Membru għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2008 għandha tkun kif ġej:

Stat Membru

Popolazzjoni

(× 1 000 )

Il-Ġermanja

82 314,9

Franza

63 392,1

Ir-Renju Unit

60 823,8

L-Italja

59 131,3

Spanja

44 474,6

Il-Polonja

38 125,5

Ir-Rumanija

21 565,1

L-Olanda

16 358

Il-Greċja

11 171,7

Il-Portugall

10 599,1

Il-Belġju

10 584,5

Ir-Repubblika Ċeka

10 287,2

L-Ungerija

10 066,1

L-Iżvezja

9 113,2

L-Awstrija

8 298,9

Il-Bulgarija

7 679,3

Id-Danimarka

5 447,1

Is-Slovakja

5 393,6

Il-Finlandja

5 276,9

L-Irlanda

4 319,4

Il-Litwanja

3 384,9

Il-Latvja

2 281,3

Is-Slovenja

2 010,3

L-Estonja

1 342,4

Ċipru

778,7

Il-Lussemburgu

476,2

Malta

407,8

Total

495 103,9

Livell mitlub (62 %)

306 964,4 ”

.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett mill-1 ta’ Jannar 2008.

Hija għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. NUNES CORREIA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/683/KE, Euratom tal-15 ta’ Settembru 2006 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 285, 16.10.2006, p. 47).


29.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 346/19


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

li temenda d-Deċiżjoni 1999/70/KE dwar l-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali, fir-rigward ta’ l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru

(2007/882/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 27.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni BĊE/2007/12 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Novembru 2007 lill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru (1),

Billi:

(1)

Il-kontijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Ewrosistema huma verifikati minn awdituri esterni indipendenti rakkomandati mill-Kunsill Regolatorju tal-BĊE u approvati mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea.

(2)

Skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/503/KE ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 f’konformità ma’ l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni minn Ċipru tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2008 (2), Ċipru issa jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni ta’ l-ewro u d-deroga favur Ċipru msemmija fl-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni 2003 għandha tkun abrogata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008.

(3)

Skond it-Taqsima 60(1)(a) tal-Liġi 34(I) ta’ l-2007 li temenda l-Liġijiet tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru ta’ l-2002 u l-2003, li tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru huma vverifikati f’konformità ma’ l-Artikolu 27 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ.

(4)

Wara l-abrogazzjoni tad-deroga għal Ċipru, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE irrakkomanda li l-Kunsill japprova bħala awdituri esterni tal-Bank ta’ Ċipru lil PricewaterhouseCoopers Limited għas-snin finanzjarji 2007 sa l-2012.

(5)

Huwa xieraq li tiġi segwita r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE u li tiġi emendata d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/70/KE (3) kif meħtieġ.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/70/KE:

“14.   PricewaterhouseCoopers Limited huma b’dan approvati bħala l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru għas-snin finanzjarji 2008 sa l-2012.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi komunikata lill-BĊE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. NUNES CORREIA


(1)  ĠU C 277/1, 20.11.2007, p. 1

(2)  ĠU L 186, 18.7.2007, p. 29.

(3)  ĠU L 22, 29.1.1999, p. 69. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/145/KE (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 35).


29.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 346/20


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

li temenda d-Deċiżjoni 1999/70/KE dwar l-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali fir-rigward ta’ l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta

(2007/883/KE)

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 27.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni BĊE/2007/17 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta’ Novembru 2007 lill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta (1),

Billi:

(1)

Il-kontijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-banek ċentrali nazjonali tal-Eurosystem għandhom jiġu vverifikati minn awdituri esterni indipendenti rakkomandati mill-Kunsill Regolatorju tal-BĊE u approvati mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea.

(2)

Skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/504/KE ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 konformement ma’ l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni minn Malta tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2008 (2), Malta issa tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni ta’ l-ewro u d-deroga favur Malta msemmija fl-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 għandha tiġi abrogata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008.

(3)

Skond l-Artikolu 20 ta’ l-Att emendat dwar il-Bank Ċentrali ta’ Malta, li jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta huma vverifikati skond l-Artikolu 27 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ.

(4)

Wara l-abrogazzjoni tad-deroga għal Malta, il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE irrakkomanda li l-Kunsill japprova lil PricewaterhouseCoopers u Ernst & Young bħala l-awdituri esterni tal-Bank ta’ Malta għas-sena finanzjarja 2008.

(5)

Huwa kunsiljabbli li tiġi segwita r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE u li tiġi emendata d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/70/KE (3) kif meħtieġ,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud ma’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/70/EC:

“15.   PricewaterhouseCoopers u Ernst & Young huma b’dan approvati bħala awdituri esterni konġunti tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena finanzjarja 2008.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi komunikata lill-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. NUNES CORREIA


(1)  ĠU C 304, 15.12.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 186, 18.7.2007, p. 32.

(3)  ĠU L 22, 29.1.1999, p. 69. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/145/KE (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 35).


29.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 346/21


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2007/884/KE)

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjonijiet 95/252/KE (2) u 98/198/KE (3), il-Kunsill awtorizza r-Renju Unit jirrestrinġi sal-50 % d-dritt tal-kerrej jew tal-lessee biex inaqqas il-VAT fuq il-kiri jew il-lease ta’ karozza għall-passiġġieri f’każ li l-karozza ma tintużax esklussivament għall-finijiet ta’ negozju. Ir-Renju Unit kien awtorizzat ukoll biex ma jittrattax bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas l-użu privat ta’ karozza mikrija jew leased minn persuna taxxabbli għall-finijiet ta’ negozju tiegħu stess. Din il-miżura ta’ simplifikazzjoni eliminat il-ħtieġa li l-kerrej jew il-lessee jżomm reġistru tal-kilometri korsi b’finijiet privati f’karozzi użati minn impriżi u li jieħu kont fil-kontabbiltà tat-taxxa fuq il-kilometri effettivament korsi f’finijiet privati ta’ kull karozza.

(2)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kumissjoni fil-5 ta’ Frar 2007, ir-Renju Unit talab estensjoni tal-perijodu ta’ validità ta’ dik id-deroga, li tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2007.

(3)

Skond l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra b’ittra tal-15 ta’ Ottubru 2007 bit-talba magħmula mir-Renju Unit. Permezz ta’ ittra ddatata s-17 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

(4)

Iċ-ċirkostanzi tad-dritt u tal-fatt li ġġustifikaw l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni għall-applikazzjoni ta’ deroga ma nbidlux u għadhom rilevanti.

(5)

Fid-29 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Direttiva tal-Kunsill li emendat id-Direttiva 77/388/KEE, issa d-Direttiva 2006/112/KE, li tinkludi l-armonizzazzjoni tal-kategoriji ta’ l-infiq li għalihom jistgħu japplikaw l-esklużjonijiet tad-dritt tat-tnaqqis. Skond din il-proposta, l-esklużjonijiet għad-dritt tat-tnaqqis jistgħu jiġu applikati għal vetturi tat-triq bil-mutur. Għaldaqstant, huwa opportun li l-perijodu ta’ l-awtorizzazzjoni jiġi estiż sa meta d-Direttiva tidħol fis-seħħ. Madankollu, l-awtorizzazzjoni fi kwalunkwe każ se tiskadi sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010 jekk dik id-Direttiva ma tkunx għadha daħlet fis-seħħ sa dik id-data, bil-għan li ssir valutazzjoni tal-ħtieġa ta’ din id-Deċiżjoni fid-dawl tal-perċentwal tat-tqassim globali bejn l-użu b’finijiet ta’ negozju u dak privat.

(6)

Id-deroga, kif estiża, mhix se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej miġbura mill-VAT.

(7)

Minħabba l-urġenza tal-każ, huwa imperattiv li ssir eċċezzjoni għall-perijodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fil-paragrafu I(3) tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikoli 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Renju Unit huwa awtorizzat jirrestrinġi sal-50 % d-dritt tal-kerrej jew tal-lessee ta’ karozza biex inaqqas il-VAT fuq il-kiri jew il-leasing ta’ dik il-karozza f’każ li ma tintużax esklussivament għall-finijiet ta’ negozju.

Artikolu 2

B’deroga mill-Artikoli 26(1)(a) tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Renju Unit huwa awtorizzat biex ma jittrattax bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas l-użu privat ta’ karozza użata għall-finijiet ta’ negozju mikrija jew leased minn persuna taxxabbli.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008.

Għandha tiskadi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ regoli Komunitarji li jiddeterminaw liema nfiq marbut mal-vetturi tat-triq bil-mutur ma jkunx eliġibbli għal tnaqqis totali tal-VAT, iżda sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. NUNES CORREIA


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2006/138/KE (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 92).

(2)  ĠU L 159, 11.7.1995, p. 19.

(3)  ĠU L 76, 13.3.1998, p. 31. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2004/855/KE (ĠU L 369, 16.12.2004, p. 61).


Kummissjoni

29.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 346/23


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta’ Diċembru 2007

li temenda d-Deċiżjoni 2006/415/KE rigward ċerti miżuri ta' protezzjoni b'rabta ma' influwenza tat-tjur ta' patoġeniċità għolja ħafna tas-sottotip H5N1 fit-tjur fil-Ġermanja

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/885/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 9(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern rigward iċċekkjar veterinarju f'kummerċ intrakomunitarju f'ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb li jkun komplut is-suq intern (2) u b'mod partikulari l-Artikolu 10(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/415/KE ta' l-14 ta' Ġunju 2006 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward ta' l-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta' patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/135/KE (3) tistabbilixxi ċerti miżuri ta' protezzjoni biex ikunu applikati sabiex tkun evitata l-firxa ta' dik il-marda, fosthom it-twaqqif ta' żoni A u B wara tifqigħa suspettata jew konfermata tal-marda.

(2)

Wara tifqigħat ta' l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja ħafna tas-sottotip H5N1 fir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Polonja, id-Deċiżjoni 2006/415/KE ġiet emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2007/878/KE tat-21 ta' Diċembru 2007 li temenda d-Deċiżjoni 2006/415/KE dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward ma' influwenza tat-tjur ta' patoġeniċità għolja ħafna tas-sottotip H5N1 fit-tjur f'dawk l-Istati Membri (4).

(3)

Billi kien hemm tifqigħa oħra tal-marda fil-Ġermanja barra ż-żona ristretta, id-deskrizzjoni taż-żona taħt restrizzjoni u t-tul tal-miżuri għandhom jiġu emendati biex iqisu l-qagħda edipemoloġika.

(4)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2006/415/KE għandha tiġi emendata skond dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni għandhom ikunu riveduti fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2006/415/KE huwa emendat skond it-test fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 26 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 33); verżjoni kkoreġuta (ĠU L 195, 2.6.2004, p. 12).

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14);

(3)  ĠU L 164, 16.6.2006, p. 51. Id-Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 2007/785/KE (ĠU L 316, 4.12.2007, p. 62).

(4)  ĠU L 344, 28.12.2007, p. 55.


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni 2006/415/KE huwa emendat kif ġej:

1.

It-test li ġej jieħu post id-daħla għall-Ġermanja fil-Parti A:

ISO Kodiċi tal-Pajjiż

Stat Membru

Żona A

Data sakemm applikabbli Artikolu 4(4) (b)(iii)

Kodiċi

(jekk disponibbli)

Isem

“DE

IL-ĠERMANJA

 

The 10 km zone established around the outbreak in the commune of Großwoltersdorf including all or parts of the communes of:

 

Landkreis Oberhavel: Fürstenberg/Havel, Gransee, Großwoltersdorf, Sonnenberg, Stechlin

 

Landkreis Ostprignitz-Ruppin: Lindow (Mark), Rheinsberg

 

Landkreis Mecklenburg-Strelitz: Priepert, Wesenberg

15.1.2008

The 10 km zone established around the outbreak in the commune of Bensdorf including all or parts of the communes of:

 

Kreisfreie Stadt Brandenburg an der Havel

 

Landkreis Havelland: Milower Land

 

Landkreis Potsdam-Mittelmark: Bensdorf, Havelsee, Rosenau, Wusterwitz

 

Landkreis Jerichower Land: Brettin, Demsin, Genthin, Kade, Karow, Klitsche, Roßdorf, Schlagenthin, Zabakuck

21.1.2008

The 10 km zone established around the outbreak in the commune of Heiligengrabe including all or parts of the communes of:

 

im Landkreis Ostprignitz-Ruppin: Heiligengrabe, Kyritz, Wittstock/Dosse, Wusterhausen/Dosse

 

im Landkreis Prignitz: Groß Pankow, Gumtow, Pritzwalk

25.1.2008”

2.

It-test li ġej jieħu post id-daħla għall-Ġermanja fil-Parti B:

ISO Kodiċi tal-Pajjiż

Stat Membru

Żona B

Data sakemm applikabbli Artikolu 4(4) (b)(iii)

Kodiċi

(jekk disponibbli)

Isem

“DE

IL-ĠERMANJA

 

The communes of:

 

Landkreis Oberhavel: Fürstenberg/Havel, Gransee, Großwoltersdorf, Schönermark, Sonnenberg, Stechlin, Zehdenick

 

Landkreis Ostprignitz-Ruppin: Lindow (Mark), Rheinsberg

 

Landkreis Uckermark: Lychen, Templin

 

Landkreis Mecklenburg-Strelitz: Godendorf, Priepert, Wesenberg, Wokuhl-Dabenow, Wustrow

15.1.2008

The communes of:

 

Kreisfreie Stadt Brandenburg an der Havel

 

Landkreis Havelland: Milower Land, Premnitz

 

Landkreis Potsdam-Mittelmark: Beetzsee, Bensdorf, Havelsee, Rosenau, Wenzlow, Wusterwitz, Ziesar

 

Landkreis Jerichower Land: Brettin, Demsin, Genthin, Kade, Karow, Klitsche, Mützel, Paplitz, Parchen, Roßdorf, Schlagenthin, Wulkow, Zabakuck

21.1.2008

The communes of:

 

im Landkreis Ostprignitz-Ruppin: Heiligengrabe, Kyritz, Wittstock/Dosse, Wusterhausen/Dosse

 

im Landkreis Prignitz: Groß Pankow, Gumtow, Pritzwalk

25.1.2008”


III Atti adottati skond it-Trattat ta' l-UE

ATTI ADOTTATI SKOND IT-TITOLU V TAT-TRATTAT TA' L-UE

29.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 346/26


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ EUPOL AFGH/2/2007

tat-30 ta’ Novembru 2007

dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta’ Kontributuri għall-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN)

(2007/886/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U ta’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/369/PESK tat-30 ta’ Mejju 2007 dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 10(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 10(1) ta’ l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/369/PESK, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni u huwa awtorizzat mill-Kunsill sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond l-Artikolu 25 tat-Trattat.

(2)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Göteborg tal-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001 stabbilew prinċipji ta’ gwida u modalitajiet għall-kontributi ta’ Stati terzi lill-Missjonijiet tal-Pulizija. Fl-10 ta’ Diċembru 2002, il-Kunsill approva l-Konsultazzjonijiet u l-modalitajiet għall-kontribut ta’ Stati mhux fl-UE lill-operazzjonijiet ċivili ta’ l-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, li żviluppaw aktar l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi f’operazzjonijiet ċivili ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, inkluż l-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri (CoC).

(3)

Is-CoC għall-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN) għandu jkollu rwol ċentrali fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-Missjoni. Huwa għandu jkun il-forum prinċipali biex jiġu diskussi l-problemi kollha relatati mal-ġestjoni ta’ kuljum tal-Missjoni. Il-KPS, li jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni, għandu jieħu kont tal-fehmiet tas-CoC,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment

Huwa b’dan stabbilit Kumitat ta’ Kontributuri (CoC) għall-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN).

Artikolu 2

Funzjonijiet

1.   Is-CoC jista’ jesprimi fehmiet. Il-KPS għandu jieħu kont ta’ tali fehmiet u jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni.

2.   It-termini ta’ referenza tas-CoC huma stabbiliti fid-dokument intitolat “Konsultazzjonijiet u modalitajiet għall-kontribut ta’ Stati mhux fl-UE lill-operazzjonijiet ċivili ta’ l-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet”.

Artikolu 3

Kompożizzjoni

1.   L-Istati Membri kollha ta’ l-UE huma intitolati li jkunu preżenti waqt id-diskussjonijiet tas-CoC. Madankollu, l-Istati kontribwenti biss għandhom jieħdu sehem fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-Missjoni. Rappreżentanti ta’ l-Istati terzi parteċipanti fil-Missjoni jistgħu jattendu għal-laqgħat tas-CoC. Jista’ wkoll jattendi rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħat tas-CoC.

2.   Is-CoC għandu jirċievi informazzjoni fuq bażi regolari mill-Kap tal-Missjoni.

Artikolu 4

President

Għall-Missjoni msemmija fl-Artikolu 1, is-CoC għandu jkun presedut, skond il-Konsultazzjonijiet u l-modalitajiet imsemmijin fl-Artikolu 2(2), minn rappreżentant tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, b’konsultazzjoni mill-qrib mal-Presidenza.

Artikolu 5

Laqgħat

1.   Is-CoC għandu jitlaqqa’ mill-President fuq bażi regolari. Fejn jeħtieġu ċ-ċirkostanzi, jistgħu jitlaqqgħu laqgħat ta’ emerġenza fuq l-inizjattiva tal-President jew fuq it-talba ta’ rappreżentat ta’ Stat parteċipanti.

2.   Il-President għandu jiċċirkola minn qabel aġenda provviżorja u dokumenti relatati mal-laqgħa. Il-President għandu jkun responsabbli biex iwassal l-eżitu tad-diskussjonijiet tas-CoC lill-KPS.

Artikolu 6

Konfidenzjalità

1.   Ir-Regolamenti tal-Kunsill dwar is-Sigurtà għandhom japplikaw għal-laqgħat u l-proċedimenti tas-CoC. B’mod partikolari, ir-rappreżentanti fis-CoC għandhom ikunu fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà adegwata.

2.   Id-deliberazzjonijiet tas-CoC għandhom ikunu koperti mill-obbligu ta’ segretezza professjonali.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussel, 30 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

C. DURRANT PAIS


(1)  ĠU L 139, 31.5.2007, p. 33. Azzjoni Konġunta kif emendata bl-Azzjoni Konġunta 2007/733/CFSP (ĠU L 295, 14.11.2007 p. 31).


29.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 346/28


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/887/PESK

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK dwar l-azzjoni ta’ appoġġ ċivili-militari ta’ l-Unjoni Ewropea lill-missjonijiet ta’ l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan u fis-Somalja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK tat-18 ta’ Lulju 2005 dwar l-azzjoni ta’ appoġġ ċivili-militari ta’ l-Unjoni Ewropea lill-missjonijiet ta’ l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan u fis-Somalja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16 (2) tagħha,

Billi:

(1)

Bl-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK, l-Unjoni Ewropea stabbiliet azzjoni ċivili-militari sabiex tappoġġa lill-Missjonijiet ta’ l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan u fis-Somalja (“AMIS/AMISOM”).

(2)

Skond ir-Riżoluzzjoni 1769 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Operazzjoni ta’ l-Unjoni Afrikana/NU fid-Darfur (UNAMID) hija li tittieħed l-awtorità minn AMIS mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2007.

(3)

L-Azzjoni ta’ Appoġġ ta’ l-UE AMIS/AMISOM għandha tingħalaq meta l-awtorità tiġi trasferita lill-UNAMID, u jittieħdu l-miżuri meħtieġa għal-likwidazzjoni ta’ l-Azzjoni ta’ Appoġġ ta’ l-UE,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK hija b’dan imħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008.

Artikolu 2

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. NUNES CORREIA


(1)  ĠU L 188, 20.7.2005, p. 46. Azzjoni Konġunta kif emendata mill-Azzjoni Konġunta 2007/245/PESK (ĠU L 106, 24.4.2007, p. 65).


29.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 346/29


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ EUPT/2/2007

tat-18 ta’ Diċembru 2007

dwar il-ħatra tal-Kap tat-Tim ta' l-Ippjanar ta' l-Unjoni Ewropew (EUPT Kosovo)

(2007/888/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/304/PESK ta' l-10 ta’ April 2006 dwar l-istabbiliment ta' Tim ta' Ppjanar ta' l-UE (EUPT Kosovo) fir-rigward ta' operazzjoni possibbli ta' l-UE għall-maniġġar ta' kriżijiet fil-qasam ta' l-istat tad-dritt u f'oqsma oħrajn possibbli fil-Kosovo (1), u b' mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/778/PESK tad-29 ta’ Novembru 2007 li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK dwar l-istabbiliment ta' Tim ta' Ppjanar ta' l-UE (EUPT Kosovo) fir-rigward ta' operazzjoni possibbli ta' l-UE għall-maniġġar ta' kriżijiet fil-qasam ta' l-istat tad-dritt u f'oqsma oħrajn possibbli fil-Kosovo (2),

Billi:

L-Artikolu 6 ta' l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK jipprevedi lill-Kunsill jawtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà jieħu d-deċiżjonijiet relevanti skond l-Artikolu 25 tat-Trattat, inkluża d-deċiżjoni, fuq proposta mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, li jaħtar Kap tat-Tim ta' Ppjanar ta' l-UE (EUPT Kosovo).

Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli ppropona l-ħatra ta’ Roy REEVE,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Roy REEVE hu b'dan maħtur Kap tat-Tim ta' Ppjanar ta' l-UE (EUPT Kosovo) fir-rigward ta' operazzjoni possibbli ta' l-UE għall-maniġġar ta' kriżijiet fil-qasam ta' l-istat tad-dritt u f'oqsma oħrajn possibbli fil-Kosovo.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fl-1 ta’ Jannar 2008.

Din għandha tapplika sal-31 ta’ Marzu 2008.

Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

C. DURRANT PAIS


(1)  ĠU L 112, 26.4.2006, p.19.

(2)  ĠU L 312, 30.11.2007, p. 68.