ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

L 262

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 50
9 ta' Ottubru 2007


Werrej

 

I   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1174/2007 tat-8 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1175/2007 tat-8 ta’ Ottubru 2007 li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 1623/2000 li jistabilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-suq

3

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1176/2007 tat-8 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi projbizzjoni tas-sajd għall-arġentina ta' l-Atlantiku fl-ilmijiet tal-KE u internazzjonali fiż-żoni I u II ta' l-ICES min-naħa ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Ġermanja

4

 

 

II   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2007/648/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 2007 dwar l-iffirmar f’isem il-Komunità Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006

6

Il-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006

8

Dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea skond l-Artikolu 36(3) tal-Ftehim

26

 

 

2007/649/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-1 ta' Ottubru 2007 li taħtar erba’ membri Svediżi u tliet membri supplenti Svediżi fil-Kumitat tar-Reġjuni

27

 

 

2007/650/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-1 ta’ Ottubru 2007 li taħtar membru Awstrijak fil-Kumitat tar-Reġjuni

28

 

 

2007/651/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-1 ta’ Ottubru 2007 li taħtar membru Ġermaniż u żewġ membri supplenti Ġermaniżi fil-Kumitat tar-Reġjuni

29

 

 

2007/652/Euratom

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-1 ta’ Ottubru 2007 li taħtar membru tal-Kumitat Konsultattiv ta' l-Aġenzija għall-Fornimenti ta' l-Euratom

30

 

 

2007/653/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2007 li tistipula għas-sena finanzjarja 2007 allokazzjonijiet finanzjarji fissi għall-Istati Membri, fir-rigward ta' ċertu numru ta' ettari, għar-ristrutturar u l-konverżjoni tad-dwieli skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4524)

31

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

9.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 262/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1174/2007

tat-8 ta’ Ottubru 2007

li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3223/94 ta' l-21 ta' Diċembru 1994 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-arranġamenti dwar l-importazzjoni tal-frott u l-ħxejjex (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali tal-Laqgħa ta' l-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 3223/94 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi ta' l-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness tiegħu.

(2)

Fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija hawn fuq, il-valuri fissi ta' l-importazzjoni għandhom ikunu ffissati fil-livelli msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi ta' l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 3223/94 huma stabbiliti kif inhu indikat fit-tabella ta' l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-9 ta’ Ottubru 2007.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 337, 24.12.1994, p. 66. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 756/2007 (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 41).


ANNESS

tar-Regolament tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss ta' l-importazzjoni

0702 00 00

MA

91,4

MK

24,6

TR

78,0

ZZ

64,7

0707 00 05

EG

135,3

JO

151,2

TR

108,0

ZZ

131,5

0709 90 70

JO

139,2

TR

119,0

ZZ

129,1

0805 50 10

AR

75,4

TR

84,8

UY

83,2

ZA

56,4

ZW

52,6

ZZ

70,5

0806 10 10

BR

265,3

IL

284,6

MK

44,5

TR

115,1

US

217,5

ZZ

185,4

0808 10 80

AR

90,2

AU

138,9

CL

27,4

MK

13,8

NZ

86,2

US

97,1

ZA

81,7

ZZ

76,5

0808 20 50

CN

70,6

TR

123,3

ZA

65,4

ZZ

86,4


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


9.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 262/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1175/2007

tat-8 ta’ Ottubru 2007

li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 1623/2000 li jistabilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-suq

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid (1), u partikolarment l-Artikolu 33 tiegħu,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 27(3) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, kwalunkwe persuna naturali jew ġuridika jew grupp ta' persuni li jagħmlu l-inbid huma mitluba li jwasslu kull prodott sekondarju tal-proċess mill-inbid għad-distillazzjoni.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1623/2000 (2) jistabilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-obbligu għad-distillazzjoni u l-Artikolu 49 tiegħu jipprovdi għal ċerti eżenzjonijiet possibbli.

(3)

Minkejja l-miżuri diġà stabbiliti mill-Ungerija, jidher li d-distillaturi ta' dan l-Istat Membru ma għandhomx biżżejjed kapaċità li jiddistillaw il-prodotti sekondarji kollha. Għalhekk, l-Ungerija għandha tawtoriżża l-eżenzjoni ta' ċerti kategoriji ta' produtturi mill-obbligu li jiddistillaw il-prodotti sekondarji tal-proċess ta' l-inbid.

(4)

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Awissu 2007 sabiex l-eżenzjoni mogħtija lill-Ungerija tkun tgħodd għas-sena kollha ta' l-inbid.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni ta' l-inbejjed,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Bħala eżenzjoni mill-Artikolu 49(4)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000, l-Ungerija tista' tistabbilixxi li mis-sena tas-suq 2007/2008, il-produtturi li ma jeċċedux il-livell ta' produzzjoni ta' 500 hl minnhom fil-post individwali tagħhom jistgħu jonoraw l-obbligu li jwasslu l-prodotti sekondarji għad-distillazzjoni billi dawk il-prodotti jiġu rtirati taħt superviżjoni.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1.)

(2)  ĠU L 194, 31.7.2000, p. 45. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 923/2007 (ĠU L 201, 2.8.2007, p. 9.)


9.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 262/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1176/2007

tat-8 ta’ Ottubru 2007

li jistabbilixxi projbizzjoni tas-sajd għall-arġentina ta' l-Atlantiku fl-ilmijiet tal-KE u internazzjonali fiż-żoni I u II ta' l-ICES min-naħa ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Ġermanja

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika komuni tas-sajd (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 21(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 41/2007 tal-21 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi għall-2007 l-opportunitajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti ħażniet (stokkijiet) ta' ħut u gruppi ta' ħażniet ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità, u għal bastimenti Komunitarji, f'ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta' qbid (3), jistabbilixxi kwoti għall-2007.

(2)

Skond l-informazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni, il-qabdiet ta' l-istokk imsemmi fl-Anness għal dan ir-Regolament mill-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' l-Istat Membru msemmi hemmhekk, jew li huma rreġistrati fih, eżawrew il-kwota allokata għall-2007.

(3)

Jeħtieġ għalhekk li s-sajd għal dak l-istokk kif ukoll iż-żamma tiegħu fuq il-bastimenti, it-trasbord u l-ħatt tiegħu l-art, jiġu pprojbiti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżawriment tal-kwota

Il-kwota tas-sajd allokata għall-Istat Membru msemmi fl-Anness għal dan ir-Regolament għall-istokk imsemmi hemmhekk għall-2007 għandha titqies bħala eżawrita mid-data stipulata f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Projbizzjonijiet

Is-sajd għall-istokk imsemmi fl-Anness għal dan ir-Regolament minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ l-Istat Membru msemmi hemmhekk jew li huma rreġistrati fih għandu jiġi pprojbit mid-data stipulata f’dak l-Anness. Għandu jkun ipprojbit li t-tali stokk maqbud minn dawk il-bastimenti wara dik id-data jinżamm fuq il-bastimenti, jiġi ttrasbordat jew jinħatt l-art.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Ufficjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Fokion FOTIADIS

Direttur Ġenerali għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi


(1)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 865/2007 (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1).

(2)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11); kif ikkoreġuta fil-ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6.

(3)  ĠU L 15, 20.1.2007, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 898/2007 (ĠU L 196, 28.7.2007, p. 22).


ANNESS

Nru

46

Stat Membru

Il-Ġermanja

Stokk

ARU/1/2.

Speċi

Arġentina ta' l-Atlantiku (Argentina silus.)

Żona

L-ilmijiet tal-KE u internazzjonali fìż-żoni I u II ta’ l-ICES

Data

1.9.2007


II Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

DEĊIŻJONIJIET

9.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 262/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Settembru 2007

dwar l-iffirmar f’isem il-Komunità Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006

(2007/648/KE)

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 133 u 175, flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Jannar 2006 l-konferenza tan-negozjar stabbilita taħt il-patroċinju tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) approvat it-test tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006 (“il-Ftehim ta’ l-2006”).

(2)

Il-Ftehim ta’ l-2006 ġie nnegozjat biex jissostitwixxi l-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994, kif estiż, li ser jibqa’ fis-seħħ sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ l-2006.

(3)

Il-Ftehim ta’ l-2006 hu miftuħ għall-iffirmar u d-depożitu ta’ l-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mit-3 ta’ April 2006 u ser jibqa’ hekk sa xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ finali tiegħu.

(4)

L-għanijiet tal-Ftehim ta’ l-2006 huma konsistenti kemm mal-politika kummerċjali komuni kif ukoll mal-politika ambjentali.

(5)

Il-Komunità Ewropea kienet parti mill-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994. Ftehim ta’ l-2006 ser ikompli jippromwovi l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli ta’ l-Unjoni Ewropea u għalhekk huwa fl-interess tagħha li tapprova l-Ftehim ta’ l-2006.

(6)

L-Istati Membri kollha esprimew l-intenzjoni tagħhom li jiffirmaw, u li jikkontribwixxu kif adatt lejn l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ l-2006.

(7)

Billi l-kontribuzzjonijiet obbligatorji mill-membri konsumaturi ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali (ITTO) huma stmati primarjament f’termini tal-volum ta’ l-injam tropikali li dawn jimpurtaw, il-Komunità Ewropea ser tikkontribwixxi għall-Kont Amministrattiv ta’ l-ITTO, ladarba l-Ftehim ta’ l-2006 jidħol fis-seħħ, waqt li l-Istati Membri, kif ukoll il-Komunità Ewropea, ser ikunu jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji volontarji għall-azzjonijiet ippjanati permezz tal-kontijiet tal-kontribuzzjonijiet volontarji ta’ l-ITTO,

(8)

Il-Ftehim ta’ l-2006 għandu jkun iffirmat u applikat proviżorjament, soġġett għall-konklużoni tiegħu f’data aktar tard,

IDDEĊIEDA KIF GEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006 (“il-Ftehim ta’ l-2006”) huwa b’ dan approvat f’isem il-Komunità Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.

It-test tal-Ftehim ta’ l-2006 huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat sabiex jinnomina lill-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim ta’ l-2006 u li jiddepożitaw id-dikjarazzjoni ta’ kompetenza mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni, f’isem il-Komunità, mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, skond l-Artikoli 36(1) u 36(3) tal-Ftehim ta’ l-2006.

Artikolu 3

Soġġett għar-reċiproċità il-Ftehim ta’ l-2006 għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm ma jiġu konklużi l-proċeduri għall-konklużjoni formali tiegħu (1).

Il-President tal-Kunsill għandu jinnotifika, f’isem il-Komunità, lid-depożitarju li l-Komunità ser tapplika l-Ftehim ta’ l-2006 proviżorjament meta huwa jidħol fis-seħħ.

Magħmula fi Brussell, 26 ta’ Settembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SILVA


(1)  Id-data ta’ l-applikazzjoni provviżorja ser tkun pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea mis-segretarjat ġenerali tal-Kunsill.


TRADUZZJONI

IL-FTEHIM INTERNAZZJONALI DWAR L-INJAM TROPIKALI, 2006

PREAMBOLU

IL-PARTIJIET TA’ DAN IL-FTEHIM,

(a)

FILWAQT LI JFAKKRU fid-Dikjarazzjoni u l-Programm ta’ Azzjoni dwar l-Istabbiliment ta’ Ordni Ekonomiku Internazzjonali Ġdid; fil-Programm Integrat għall-Prodotti Bażiċi; fis-Sħubija Ġdida għall-Iżvilupp; u fl-Ispirtu ta’ São Paulo u l-Kunsens ta’ São Paulo, kif adottati mill-UNCTAD XI;

(b)

FILWAQT LI JFAKKRU wkoll fil-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1983, u fil-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994, u jirrikonoxxu l-ħidma ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali u l-kisbiet tagħha sa mill-bidu tagħha, inkluż strateġija biex jinkiseb kummerċ internazzjonali fl-injam tropikali minn sorsi ġestiti b’mod sostenibbli;

(ċ)

FILWAQT LI JFAKKRU wkoll fid-Dikjarazzjoni u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni ta’ Johannesburg kif adottati mis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f’Settembru 2002, il-Forum tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Foresti stabbilit f’Ottubru 2000 u l-ħolqien assoċjat tas-Sħubija Kollaborattiva dwar il-Foresti, li l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali hija membru tagħha, kif ukoll fid-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, id-Dikjarazzjoni Awtoritattiva li Ma Torbotx Legalment tal-Prinċipji għal Kunsens Globali dwar il-Ġestjoni, il-Konservazzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ Kull Xorta ta’ Foresta, u l-Kapitoli rilevanti ta’ l-Aġenda 21 kif adottati mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp f’Ġunju 1992, il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti biex Tikkumbatti d-Deżertifikazzjoni;

(d)

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Istati għandhom, skond il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali, id-dritt sovran li jisfruttaw ir-riżorsi proprji tagħhom skond il-politika ambjentali tagħhom u għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li l-attivitajiet fi ħdan il-ġurisdizzjoni u taħt il-kontroll tagħhom ma jagħmlux ħsara lill-ambjent ta’ l-Istati l-oħrajn jew taż-żoni lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali, kif stabbilit fil-prinċipju 1(a) tad-Dikjarazzjoni Awtoritattiva li Ma Torbotx Legalment tal-Prinċipji għal Kunsens Globali dwar il-Ġestjoni, il-Konservazzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ Kull Xorta ta’ Foresta;

(e)

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza ta’ l-injam u tal-kummerċ relatat għall-ekonomiji tal-pajjiżi li jipproduċu l-injam;

(f)

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU wkoll l-importanza tad-diversi benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali li jipprovdu l-foresti, inkluż prodotti tal-foresti ta’ l-injam u mhumiex u servizzi ambjentali, fil-kuntest tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, fuq livelli lokali, nazzjonali u globali u l-kontribut tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għall-iżvilupp sostenibbli u biex jittaffa l-faqar u għall-kisba ta’ għanijiet għall-iżvilupp miftehmin internazzjonalment, inkluż dawk li hemm fid-Dikjarazzjoni tal-Millennju;

(ġ)

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU wkoll il-ħtieġa li jingħataw promozzjoni u jiġu applikati kriterji u indikaturi komparabbli għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti bħala għodod importanti biex il-membri kollha jivvalutaw, isegwu u jippromwovu l-progress lejn ġestjoni sostenibbli tal-foresti tagħhom;

(g)

FILWAQT LI JQISU r-rabtiet tal-kummerċ ta’ l-injam tropikali u s-suq internazzjonali ta’ l-injam u ekonomija globali usa’ u l-ħtieġa li tittieħed perspettiva globali sabiex titjieb it-trasparenza fil-kummerċ internazzjonali ta’ l-injam;

(għ)

FILWAQT LI JAFFERMAW mill-ġdid l-impenn tagħhom biex jersqu malajr kemm jista’ jkun lejn il-kisba ta’ esportazzjoni ta’ l-injam tropikali u prodotti ta’ l-injam minn sorsi ġestiti b’mod sostenibbli (Għan ta’ l-ITTO ta’ l-2000) u filwaqt li jfakkru fil-ħolqien tal-Fond ta’ Sħubija ta’ Bali;

(h)

FILWAQT LI JFAKKRU fl-impenn meħud mill-membri konsumaturi f’Jannar 1994 biex iżommu jew jiksbu l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tagħhom;

(ħ)

FILWAQT LI JINNUTAW ir-rwol ta’ governanza tajba, arranġamenti ċari tad-dritt fuq l-art u koordinazzjoni trans-settorjali fil-kisba ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti u esportazzjoni ta’ l-injam minn sorsi legali;

(i)

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-kollaborazzjoni fost il-membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili, inkluż il-komunitajiet indiġeni u lokali, u partijiet interessati oħrajn fil-promozzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

(j)

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU wkoll l-importanza ta’ kollaborazzjoni bħal din biex jitjieb l-infurzar tal-liġi tal-foresti u għall-promozzjoni tal-kummerċ mill-injam maqtugħ legalment;

(k)

FILWAQT LI JINNUTAW li t-titjib tal-kapaċità tal-komunitajiet indiġeni u lokali li jiddependu mill-foresti, inkluż dawk li huma proprjetarji u ġesturi tal-foresti, jista’ jikkontribwixxi għall-kisba ta’ l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim;

(l)

FILWAQT LI JINNUTAW ukoll il-ħtieġa li jitjieb l-istandard ta’ l-għajxien u l-kondizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-foresti, b’kont meħud tal-prinċipji rilevanti rikonoxxuti internazzjonalment dwar dawn il-materji, u l-Konvenzjonijiet u l-istrumenti rilevanti ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol;

(m)

FILWAQT LI JINNUTAW li l-injam huwa materja prima effiċjenti fl-enerġija, rinnovabbli u favorevoli għall-ambjent meta mqabbel mal-prodotti li jikkompetu miegħu;

(n)

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa għal investiment akbar fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, inkluż billi jerġa’ jiġi investit id-dħul iġġenerat mill-foresti, inkluż mill-kummerċ relatat ma’ l-injam;

(o)

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU wkoll il-benefiċċji ta’ prezzijiet tas-suq li jirriflettu l-ispejjeż ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

(p)

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU wkoll il-ħtieġa għal riżorsi finanzjarji msaħħa u prevedibbli minn komunità wiesgħa ta’ donaturi sabiex tingħata għajnuna biex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim;

(q)

FILWAQT LI JINNUTAW il-ħtiġiet speċjali tal-pajjiżi l-inqas żviluppati li jipproduċu l-injam tropikali.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

GĦANIJIET

Artikolu 1

Għanijiet

L-għanijiet tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “dan il-Ftehim”) huma li jippromwovi l-espansjoni u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ internazzjonali fl-injam tropikali minn foresti ġestiti b’mod sostenibbli u maħsuda legalment u li jippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jipproduċu l-injam tropikali billi:

(a)

Jipprovdi qafas effettiv għal konsultazzjoni, kooperazzjoni internazzjonali u żvilupp tal-politika fost il-membri kollha rigward l-aspetti kollha rilevanti ta’ l-ekonomija dinjija ta’ l-injam;

(b)

Jipprovdi forum għal konsultazzjoni għall-promozzjoni ta’ prattiki non-diskriminatorji fil-kummerċ ta’ l-injam;

(ċ)

Jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u biex jittaffa l-faqar;

(d)

Itejjeb il-kapaċità tal-membri li jimplimentaw strateġiji biex tinkiseb esportazzjoni ta’ l-injam tropikali u prodotti ta’ l-injam minn sorsi ġestiti b’mod sostenibbli;

(e)

Jippromwovi fehim aħjar tal-kondizzjonijiet strutturali fis-swieq internazzjonali, inkluż it-tendenzi fit-tul fil-konsum u fil-produzzjoni, il-fatturi li jaffettwaw l-aċċess għas-suq, il-preferenzi tal-konsumaturi u l-prezzijiet u l-kondizzjonijiet li jwasslu għal prezzijiet li jirriflettu l-ispejjeż ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

(f)

Jippromwovi u jappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp bl-għan li jitjiebu l-ġestjoni tal-foresti u l-effiċjenza ta’ l-użu ta’ l-injam u l-kompetittività tal-prodotti ta’ l-injam meta mqabbla ma’ materjali oħrajn, kif ukoll tiżdied il-kapaċità li jiġu konservati u mtejba valuri oħrajn tal-foresti fil-foresti tropikali li jipproduċu l-injam;

(ġ)

Jiżviluppa u jikkontribwixxi lejn mekkaniżmi għall-provvista ta’ riżorsi finanzjarji ġodda u addizzjonali bl-għan li jippromwovu l-adegwatezza u l-prevedibbiltà tal-fondi u l-ħiliet esperti meħtieġa biex titjieb il-kapaċità tal-membri produtturi li jilħqu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim;

(g)

Itejjeb l-intelliġenza tas-suq u jinkoraġġixxi t-taqsim ta’ l-informazzjoni fuq is-suq internazzjonali ta’ l-injam bl-għan li tkun żgurata trasparenza akbar u informazzjoni aħjar fuq is-swieq u t-tendenzi tas-suq, inkluż il-ġbir, il-kompilazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ data relatata mal-kummerċ, inkluż data relatata ma’ l-ispeċi li qed isir kummerċ tagħhom;

(għ)

Jippromwovi żieda fl-ipproċessar u proċessar addizzjonali ta’ injam tropikali minn sorsi sostenibbli fil-pajjiżi membri produtturi, bl-għan tal-promozzjoni ta’ l-industrijalizzazzjoni tagħhom u b’hekk taż-żieda fl-opportunitajiet ta’ impjieg u fil-qligħ mill-esportazzjoni tagħhom;

(h)

Iħeġġeġ lill-membri biex jappoġġaw u jiżviluppaw ir-riafforestazzjoni ta’ l-injam tropikali, kif ukoll ir-riabilitazzjoni u r-restawr ta’ art forestali degradata, b’konsiderazzjoni dovuta ta’ l-interessi tal-komunitajiet lokali li jiddependu mir-riżorsi tal-foresti;

(ħ)

Itejjeb il-kummerċjalizzazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ l-esportazzjoni ta’ l-injam tropikali u prodotti ta’ l-injam minn sorsi ġestiti b’mod sostenibbli u maqtugħin legalment u li huma negozjati legalment, inkluż li jippromwovi l-għarfien tal-konsumatur;

(i)

Isaħħaħ il-kapaċità tal-membri li jiġbru, jipproċessaw u jqassmu l-istatistika dwar il-kummerċ tagħhom fl-injam u l-informazzjoni dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tropikali tagħhom;

(j)

Iħeġġeġ lill-membri biex jiżviluppaw politika nazzjonali mmirata lejn l-użu u l-konservazzjoni sostenibbli tal-foresti li jipproduċu l-injam, u ż-żamma ta’ bilanċ ekoloġiku, fil-kuntest tal-kummerċ ta’ l-injam tropikali;

(k)

Isaħħaħ il-kapaċità tal-membri li jtejbu l-infurzar u l-governanza tal-liġi tal-foresti, u li jindirizzaw il-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ relatat fl-injam tropikali;

(l)

Jinkoraġġixxi l-kondiviżjoni ta’ l-informazzjoni għal fehim aħjar tal-mekkaniżmi volontarji bħal, fost oħrajn, iċ-ċertifikazzjoni, biex tingħata spinta lill-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tropikali, u tingħata għajnuna lill-membri fl-isforzi tagħhom f’dan il-qasam;

(m)

Jippromwovi l-aċċess għal, u t-trasferiment ta’, teknoloġiji u kooperazzjoni teknika biex jiġu implimentati l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, inkluż b’termini u kondizzjonijiet konċessjonali u preferenzjali, kif miftiehem reċiprokament;

(n)

Jippromwovi fehim aħjar tal-kontribut tal-prodotti tal-foresti mhux ta’ l-injam u tas-servizzi ambjentali għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tropikali bl-għan li titjieb il-kapaċità tal-membri li jiżviluppaw strateġiji biex isaħħu kontributi bħal dawn fil-kuntest ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti, u jkun hemm kooperazzjoni ma’ l-istituzzjonijiet u l-proċessi rilevanti għal dan l-għan;

(o)

Iħeġġeġ lill-membri biex jirrikonoxxu r-rwol tal-komunitajiet indiġeni u lokali li jiddependu mill-foresti biex tinkiseb ġestjoni sostenibbli tal-foresti u jiġu żviluppati strateġiji biex titjieb il-kapaċità ta’ dawn il-komunitajiet li jġestixxu l-foresti li jipproduċu l-injam tropikali b’mod sostenibbli; u

(p)

Jiġu identifikati u indirizzati kwistjonijiet rilevanti ġodda u emerġenti.

KAPITOLU II

DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(1)

“Injam tropikali” tfisser injam tropikali għal użi industrijali, li jikber jew jiġi prodott fil-pajjiżi li jinsabu bejn it-Tropiku ta’ Kankru u t-Tropiku ta’ Kaprikornu. It-terminu jkopri zkuk maqtugħin, injam isserrat, folji tal-venier u plywood;

(2)

“Ġestjoni sostenibbli tal-foresti” ser tinftiehem skond id-dokumenti tal-politika u l-linji gwida tekniċi rilevanti ta’ l-Organizzazzjoni;

(3)

“Membru” tfisser Gvern, il-Komunità Ewropea jew kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva li tissemma fl-Artikolu 5, li tat il-kunsens tagħha biex tintrabat b’dan il-Ftehim kemm jekk ikun fis-seħħ b’mod proviżorju jew b’mod definittiv;

(4)

“Membru produttur” tfisser kwalunkwe membru li jinsab bejn it-Tropiku ta’ Kankru u t-Tropiku ta’ Kaprikornu li għandu riżorsi ta’ foresti tropikali u/jew esportatur nett ta’ l-injam tropikali f’termini ta’ volum li huwa elenkat fl-Anness A u li jsir parti minn dan il-Ftehim, jew kwalunkwe membru li għandu riżorsi ta’ foresti tropikali u/jew esportatur nett ta’ l-injam tropikali f’termini ta’ volum li m’huwiex elenkat b’dan il-mod u li jsir parti minn dan il-Ftehim u li l-Kunsill, bil-kunsens ta’ dak il-membru, jiddikjara li huwa membru produttur;

(5)

“Membru konsumatur” tfisser kwalunkwe membru li huwa importatur ta’ l-injam tropikali li huwa elenkat fl-Anness B li jsir parti minn dan il-Ftehim, jew kwalunkwe membru li huwa importatur ta’ l-injam tropikali li m’huwiex elenkat b’dan il-mod li jsir parti minn dan il-Ftehim u li l-Kunsill, bil-kunsens ta’ dak il-membru, jiddikjara li huwa membru konsumatur;

(6)

“Organizzazzjoni” tfisser l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali stabbilita skond l-Artikolu 3;

(7)

“Kunsill” tfisser il-Kunsill Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali stabbilit skond l-Artikolu 6;

(8)

“Vot speċjali” tfisser vot li jeħtieġ mill-inqas żewġ terzi tal-voti mitfugħin mill-membri produtturi preżenti u li jivvutaw u mill-inqas 60 fil-mija tal-voti mitfugħin mill-membri konsumaturi preżenti u li jivvutaw, magħdudin separatament, bil-kondizzjoni li dawn il-voti jintefgħu minn ta’ l-inqas nofs il-membri produtturi preżenti u li jivvutaw u minn ta’ l-inqas nofs il-membri konsumaturi preżenti u li jivvutaw.

(9)

“Vot b’maġġoranza mqassma sempliċi” tfisser vot li jeħtieġ aktar minn nofs il-voti mitfugħin mill-membri produtturi preżenti u li jivvutaw u aktar minn nofs il-voti mitfugħin mill-membri konsumaturi preżenti u li jivvutaw, magħdudin separatament;

(10)

“Biennju finanzjarju” tfisser il-perijodu mill-1 ta’ Jannar ta’ sena waħda sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara.

(11)

“Valuta liberament konvertibbli” tfisser l-Ewro, il-Yen Ġappuniż, il-Lira Sterlina, il-Frank Żvizzeru, id-Dollaru ta’ l-Istati Uniti, u kwalunkwe valuta oħra li tkun indikata minn żmien għal żmien minn organizzazzjoni monetarja internazzjonali kompetenti bħala li fil-fatt tintuża b’mod ġenerali biex isiru ħlasijiet għal transazzjonijiet internazzjonali u li hija nnegozjata b’mod ġenerali fis-swieq prinċipali tal-kambju.

(12)

Għall-finijiet tal-kalkolu tad-distribuzzjoni tal-voti skond il-paragrafu 2(b) ta’ l-Artikolu 10, “riżorsi tal-foresti tropikali” tfisser il-foresti naturali magħluqa u l-pjantaġġuni tal-foresti li jinsabu bejn it-Tropiku ta’ Kankru u t-Tropiku ta’ Kaprikornu.

KAPITOLU III

ORGANIZZAZZJONI U AMMINISTRAZZJONI

Artikolu 3

Kwartieri ġenerali u struttura ta’ l-Organizzazzjoni internazzjonali ta’ l-Injam tropikali

1.   L-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali stabbilita mill-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1983 għandha tkompli teżisti sabiex tamministra d-dispożizzjonijiet u tissorvelja l-operat ta’ dan il-Ftehim.

2.   L-Organizzazzjoni għandha tiffunzjona permezz tal-Kunsill stabbilit skond l-Artikolu 6, il-kumitati u korpi sussidjarji oħrajn li jissemmew fl-Artikolu 26 u d-Direttur Eżekuttiv u l-persunal.

3.   Il-kwartieri ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni għandhom ikunu jinsabu dejjem fit-territorju ta’ membru.

4.   Il-kwartieri ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni għandhom ikunu f’Yokohama, sakemm il-Kunsill, permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, ma jiddeċidix mod ieħor.

5.   Jistgħu jiġu stabbiliti uffiċċji reġjonali ta’ l-Organizzazzjoni jekk il-Kunsill jiddeċiedi dan permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12.

Artikolu 4

Sħubija fl-Organizzazzjoni

Għandu jkun hemm żewġ kategoriji ta’ sħubija fl-Organizzazzjoni, jiġifieri:

(a)

Produttur; u

(b)

Konsumatur.

Artikolu 5

Sħubija minn organizzazzjonijiet intergovernattivi

1.   Kwalunkwe referenza f’dan il-Ftehim għal “Gvernijiet” għandha tinftiehem bħala li tinkludi l-Komunità Ewropea u organizzazzjonijiet intergovernattivi oħrajn li għandhom responsabbiltajiet komparabbli fejn għandhom x’jaqsmu n-negozjar, il-konklużjoni u l-applikazzjoni ta’ ftehim internazzjonali, b’mod partikolari ftehim dwar prodotti bażiċi. Għalhekk, kwalunkwe referenza f’dan il-Ftehim għall-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, jew għan-notifika ta’ applikazzjoni proviżorja, jew għall-adeżjoni, fil-każ ta’ tali organizzazzjonijiet, għandha tinftiehem bħala li tinkludi referenza għall-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, jew għan-notifika ta’ applikazzjoni proviżorja, jew għall-adeżjoni minn tali organizzazzjonijiet.

2.   Fil-każ ta’ vot dwar kwistjonijiet fi ħdan il-kompetenza tagħhom, il-Komunità Ewropea u organizzazzjonijiet intergovernattivi oħrajn li jissemmew fil-paragrafu 1 għandhom jivvotaw b’numru ta’ voti ugwali għan-numru totali tal-voti attribwibbli lill-Istati membri tagħhom li huma parti mill-Ftehim, skond l-Artikolu 10. F’każijiet bħal dawn, l-Istati membri ta’ tali organizzazzjonijiet m’għandux ikollhom id-dritt li jeżerċitaw id-drittijiet individwali tagħhom li jivvotaw.

KAPITOLU IV

KUNSILL INTERNAZZJONALI TA’ L-INJAM TROPIKALI

Artikolu 6

Kompożizzjoni tal-Kunsill Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali

1.   L-ogħla awtorità ta’ l-Organizzazzjoni għandha tkun il-Kunsill Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali, li għandu jikkonsisti mill-membri kollha ta’ l-Organizzazzjoni.

2.   Kull membru għandu jkun rappreżentat fil-Kunsill minn rappreżentant wieħed u jista’ jaħtar supplenti u konsulenti biex jattendu għas-sessjonijiet tal-Kunsill.

3.   Supplenti għandu jkollu s-setgħa li jaġixxi u jivvota f’isem ir-rappreżentant meta dan ta’ l-aħħar ma jkunx preżenti jew f’ċirkostanzi speċjali.

Artikolu 7

Setgħat u funzjonijiet tal-kunsill

Il-Kunsill għandu jeżerċita dawk is-setgħat kollha u jwettaq jew jirranġa għat-twettiq ta’ dawk il-funzjonijiet kollha li huma meħtieġa biex jitwettqu d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, huwa għandu:

(a)

Permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, jadotta tali regoli u regolamenti li huma meħtieġa biex jitwettqu d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u li huma konsistenti miegħu, inkluż ir-regoli ta’ proċedura tiegħu stess u r-regoli finanzjarji u r-regolamenti dwar il-persunal ta’ l-Organizzazzjoni. Tali regoli finanzjarji u regolamenti għandhom, fost oħrajn, jirregolaw id-dħul u l-infiq tal-fondi taħt il-kontijiet stabbiliti fl-Artikolu 18. Fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, il-Kunsill jista’ jipprevedi proċedura li biha jkun jista’, mingħajr ma jiltaqa’, jiddeċiedi kwistjonijiet speċifiċi;

(b)

Jieħu dawk id-deċiżjonijiet li jkunu meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament u l-operat effettiv u effiċjenti ta’ l-Organizzazzjoni; u

(ċ)

Iżomm dawk ir-reġistri li huma meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu skond dan il-Ftehim.

Artikolu 8

President u viċi-president tal-kunsill

1.   Għal kull sena kalendarja l-Kunsill għandu jeleġġi President u Viċi-President, li s-salarji tagħhom m’għandhomx jitħallsu mill-Organizzazzjoni.

2.   Il-President u l-Viċi-President għandhom jiġu eletti, wieħed minn fost ir-rappreżentanti tal-membri produtturi u l-ieħor minn fost ir-rappreżentanti tal-membri konsumaturi.

3.   Dawn il-karigi għandhom jalternaw kull sena bejn iż-żewġ kategoriji ta’ membri, sakemm, madankollu, dan ma jimpedixxix l-elezzjoni mill-ġdid ta’ wieħed minnhom jew tat-tnejn li huma, f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

4.   Fin-nuqqas temporanju tal-President, il-Viċi-President għandu jassumi l-funzjonijiet tal-President. Fin-nuqqas temporanju kemm tal-President kif ukoll tal-Viċi-President, jew fin-nuqqas ta’ wieħed minnhom jew tat-tnejn li huma għall-bqija tal-mandat li ġew eletti għalih, il-Kunsill jista’ jeleġġi uffiċjali ġodda minn fost ir-rappreżentanti tal-membri produtturi u/jew minn fost ir-rappreżentanti tal-membri konsumaturi, skond kif ikun il-każ, fuq bażi temporanja jew għall-bqija tal-mandat li l-predeċessur jew il-predeċessuri ġew eletti għalih.

Artikolu 9

Sessjonijiet tal-kunsill

1.   Bħala regola ġenerali, il-Kunsill għandu jorganizza mill-inqas sessjoni regolari waħda fis-sena.

2.   Il-Kunsill għandu jiltaqa’ f’sessjoni speċjali kull meta jiddeċiedi dan jew fuq talba ta’ kwalunkwe membru jew tad-Direttur Eżekuttiv, bi ftehim mal-President u mal-Viċi-President tal-Kunsill, u:

(a)

Maġġoranza tal-membri produtturi jew maġġoranza tal-membri konsumaturi; jew

(b)

Maġġoranza tal-membri.

3.   Is-sessjonijiet tal-Kunsill għandhom isiru fil-kwartieri ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni sakemm il-Kunsill, permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, ma jiddeċidix mod ieħor. F’dan ir-rigward, il-Kunsill għandu jipprova jlaqqa’ sessjonijiet alternanti tal-Kunsill barra mill-kwartieri ġenerali, preferibbilment f’pajjiż produttur.

4.   Meta jqis il-frekwenza u l-post tas-sessjonijiet tiegħu, il-Kunsill għandu jipprova jiżgura d-disponibbiltà ta’ biżżejjed fondi.

5.   L-avviż ta’ kwalunkwe sessjoni u l-aġenda għal tali sessjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-membri mid-Direttur Eżekuttiv mill-inqas sitt ġimgħat minn qabel, ħlief f’każijiet ta’ emerġenza, meta l-avviż għandu jiġi kkomunikat mill-inqas sebat ijiem minn qabel.

Artikolu 10

Tqassim tal-voti

1.   Il-membri produtturi flimkien għandu jkollhom 1 000 vot u l-membri konsumaturi flimkien għandu jkollhom 1 000 vot.

2.   Il-voti tal-membri produtturi għandhom ikunu mqassmin kif ġej:

(a)

Erba’ mitt vot għandhom ikunu mqassmin ugwalment fost it-tliet reġjuni produtturi ta’ l-Afrika, ta’ l-Asja u l-Paċifiku u ta’ l-Amerika Latina u l-Karibew. Il-voti hekk allokati lil kull wieħed minn dawn ir-reġjuni mbagħad għandhom jitqassmu ugwalment fost il-membri produtturi ta’ dak ir-reġjun;

(b)

Tliet mitt vot għandhom ikunu mqassmin fost il-membri produtturi skond l-ishma rispettivi tagħhom mir-riżorsi totali tal-foresti tropikali tal-membri produtturi kollha; u

(ċ)

Tliet mitt vot għandhom ikunu mqassmin fost il-membri produtturi b’mod proporzjonali għall-medja tal-valur ta’ l-esportazzjoni netta rispettiva tagħhom ta’ injam tropikali matul il-perijodu ta’ tliet snin l-aktar riċenti li għalih hemm disponibbli ċifri definittivi.

3.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-voti totali allokati lill-membri produtturi mir-reġjun Afrikan, ikkalkulati skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għandhom ikunu mqassmin ugwalment fost il-membri produtturi kollha mir-reġjun Afrikan. Jekk jifdal xi voti, kull wieħed minn dawn il-voti għandu jkun allokat lil membru produttur mir-reġjun Afrikan: l-ewwel wieħed lill-membru produttur li jkollu allokat l-akbar numru ta’ voti kkalkulati skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, it-tieni lill-membru produttur li jkollu allokat it-tieni l-akbar numru ta’ voti, u dan jibqa’ sejjer sakemm il-voti li jifdal ikunu tqassmu kollha.

4.   Soġġett għall-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, il-voti tal-membri konsumaturi għandhom ikunu mqassmin kif ġej: kull membru konsumatur għandu jkollu 10 voti inizjali; il-voti li jifdal għandhom ikunu mqassmin fost il-membri konsumaturi b’mod proporzjonali għall-volum medju ta’ l-importazzjoni netta rispettiva tagħhom ta’ injam tropikali matul il-perijodu ta’ ħames snin li jibda sitt snin kalendarji qabel it-tqassim tal-voti.

5.   Il-voti mqassmin lil membru konsumatur għal biennju speċifiku m’għandhomx ikunu aktar minn 5 fil-mija aktar mill-voti mqassmin lil dak il-membru għall-biennju ta’ qabel. Il-voti li jifdal għandhom jerġgħu jitqassmu fost il-membri konsumaturi b’mod proporzjonali għall-volum medju ta’ l-importazzjoni netta rispettiva tagħhom ta’ injam tropikali matul il-perijodu ta’ ħames snin li jibda sitt snin kalendarji qabel it-tqassim tal-voti.

6.   Permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, il-Kunsill jista’ jaġġusta l-perċentwali minima meħtieġa għal vot speċjali mill-membri konsumaturi jekk iqis li dan huwa meħtieġ.

7.   Il-Kunsill għandu jqassam il-voti għal kull biennju finanzjarju fil-bidu ta’ l-ewwel sessjoni tiegħu ta’ dak il-biennju skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu. Dan it-tqassim għandu jibqa’ fis-seħħ għall-bqija ta’ dak il-biennju, ħlief kif previst fil-paragrafu 8 ta’ dan l-artikolu.

8.   Kull meta s-sħubija ta’ l-Organizzazzjoni tinbidel jew meta xi membru jkollu d-drittijiet tiegħu li jivvota sospiżi jew ristawrati skond xi dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Kunsill għandu jerġa’ jqassam il-voti fil-kategorija jew fil-kategoriji tal-membri affettwati skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu. F’dak il-każ, il-Kunsill għandu jiddeċiedi meta dan it-tqassim mill-ġdid għandu jkun effettiv.

9.   M’għandu jkun hemm l-ebda vot frazzjonali.

Artikolu 11

Proċedura tal-votazzjoni tal-kunsill

1.   Kull membru għandu jkollu d-dritt jixħet in-numru ta’ voti li għandu, u l-ebda membru m’għandu jkollu d-dritt jaqsam il-voti tiegħu. Madankollu, membru jista’ jixħet b’mod differenti minn dawn il-voti kwalunkwe vot li huwa awtorizzat jixħet skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

2.   B’notifika bil-miktub lill-President tal-Kunsill, kwalunkwe membru produttur jista’ jawtorizza, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, lil kwalunkwe membru produttur ieħor, u kwalunkwe membru konsumatur jista’ jawtorizza, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, lil kwalunkwe membru konsumatur ieħor, biex jirrappreżenta l-interessi tiegħu u li jixħet il-voti tiegħu fi kwalunkwe laqgħa tal-Kunsill.

3.   Meta membru jastjeni, huwa għandu jitqies li ma jkunx xeħet il-voti tiegħu.

Artikolu 12

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-kunsill

1.   Il-Kunsill għandu jagħmel ħiltu biex jieħu d-deċiżjonijiet kollha u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet kollha b’kunsens.

2.   Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq kunsens, il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjonijiet kollha u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet kollha b’vot b’maġġoranza mqassma sempliċi, sakemm dan il-Ftehim ma jipprevedix vot speċjali.

3.   Meta membru jagħmel użu mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 11, u l-voti tiegħu jinxteħtu f’laqgħa tal-Kunsill, dak il-membru, għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, għandu jitqies bħala preżenti u li jivvota.

Artikolu 13

Kworum għall-kunsill

1.   Il-kworum għal kwalunkwe laqgħa tal-Kunsill għandu jkun il-preżenza ta’ maġġoranza tal-membri ta’ kull kategorija li tissemma fl-Artikolu 4, bil-kondizzjoni li dawn il-membri għandhom mill-inqas żewġ terzi tal-voti totali fil-kategoriji rispettivi tagħhom.

2.   Jekk m’hemmx kworum skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu fil-jum iffissat għal-laqgħa u fil-jum ta’ wara, il-kworum fil-jiem sussegwenti tas-sessjoni għandha tkun il-preżenza ta’ maġġoranza tal-membri ta’ kull kategorija li tissemma fl-Artikolu 4, bil-kondizzjoni li dawn il-membri għandhom maġġoranza tal-voti totali fil-kategoriji rispettivi tagħhom.

3.   Ir-rappreżentanza skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 11 għandha titqies bħala preżenza.

Artikolu 14

Direttur Eżekuttiv u persunal

1.   Il-Kunsill għandu jaħtar lid-Direttur Eżekuttiv permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12.

2.   It-termini u l-kondizzjonijiet tal-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv għandhom jiġu determinati mill-Kunsill.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun l-uffiċjal amministrattiv ewlieni ta’ l-Organizzazzjoni u għandu jkun responsabbli lejn il-Kunsill għall-amministrazzjoni u għall-operat ta’ dan il-Ftehim skond id-deċiżjonijiet tal-Kunsill.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaħtar il-persunal skond ir-regolamenti li jiġu stabbiliti mill-Kunsill. Il-persunal għandu jkun responsabbli lejn id-Direttur Eżekuttiv.

5.   La d-Direttur Eżekuttiv u lanqas il-membri tal-persunal m’għandu jkollhom kwalunkwe interess finanzjarju fl-industrija jew fil-kummerċ ta’ l-injam, jew f’attivitajiet kummerċjali assoċjati.

6.   Fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, id-Direttur Eżekuttiv u l-persunal m’għandhomx ifittxu jew jirċievu struzzjonijiet minn membri jew awtoritajiet esterni għall-Organizzazzjoni. Huma għandhom iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista’ tirrifletti ħażin fuq il-pożizzjonijiet tagħhom bħala uffiċjali internazzjonali li fl-aħħar mill-aħħar huma responsabbli lejn il-Kunsill. Kull membru għandu jirrispetta l-karattru esklużivament internazzjonali tar-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv u l-persunal u m’għandux jipprova jinfluwenzahom fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom.

Artikolu 15

Kooperazzjoni u koordinazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħrajn

1.   Fit-twettiq ta’ l-għanijiet tal-Ftehim, il-Kunsill għandu jagħmel l-arranġamenti kif adatt għal konsultazzjonijiet u kooperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti u mal-korpi u l-aġenziji speċjalizzati tagħha, inkluż il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali u reġjonali rilevanti oħrajn, kif ukoll is-settur privat, organizzazzjonijiet non-governattivi u s-soċjetà ċivili.

2.   L-Organizzazzjoni għandha, sakemm l-aktar hu possibbli, tuża l-faċilitajiet, is-servizzi u l-ħiliet esperti ta’ l-organizzazzjonijiet intergovernattivi, governattivi jew non-governattivi, is-soċjetà ċivili u s-settur privat sabiex tevita d-duplikazzjoni ta’ l-isforzi biex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim u biex jitjiebu l-komplementarjetà u l-effiċjenza ta’ l-attivitajiet tagħhom.

3.   L-Organizzazzjoni għandha tieħu vantaġġ sħiħ mill-faċilitajiet tal-Fond Komuni għall-Prodotti Bażiċi.

Artikolu 16

Ammissjoni ta’ osservaturi

Il-Kunsill jista’ jistieden lil kwalunkwe Stat membru jew Stat osservatur tan-Nazzjonijiet Uniti li m’huwiex parti minn dan il-Ftehim, jew lil kwalunkwe organizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 15 li tkun interessata fl-attivitajiet ta’ l-Organizzazzjoni, biex jattendi bħala osservatur għas-sessjonijiet tal-Kunsill.

KAPITOLU V

PRIVILEĠĠI U IMMUNITAJIET

Artikolu 17

Privileġġi u immunitajiet

1.   L-Organizzazzjoni għandu jkollha personalità ġuridika. B’mod partikolari għandu jkollha l-kapaċità tikkuntratta, takkwista u tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli, u tieħu passi legali.

2.   L-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet ta’ l-Organizzazzjoni, tad-Direttur Eżekuttiv tagħha, tal-persunal u l-esperti tagħha, u tar-rappreżentanti tal-membri waqt li jkunu fit-territorju tal-Ġappun għandhom ikomplu jkunu rregolati mill-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn il-Gvern tal-Ġappun u l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali ffirmat f’Tokjo fis-27 ta’ Frar 1988, b’tali emendi li jistgħu jkunu meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tal-Ftehim.

3.   L-Organizzazzjoni tista’ tikkonkludi, ma’ pajjiż wieħed jew aktar, ftehim li jrid jiġi approvat mill-Kunsill relatat ma’ tali kapaċità, privileġġi u immunitajiet li jistgħu jkunu meħtieġa biex dan il-Ftehim jiffunzjona tajjeb.

4.   Jekk il-kwartieri ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni jitmexxew għal pajjiż ieħor, il-membru konċernat għandu, mill-aktar fis possibbli, jikkonkludi ftehim dwar il-kwartieri ġenerali, li jrid jiġi approvat mill-Kunsill, ma’ l-Organizzazzjoni. Sakemm jiġi konkluż tali Ftehim, l-Organizzazzjoni għandha titlob lill-Gvern ospitanti l-ġdid, fil-limiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, biex jagħti eżenzjoni mit-tassazzjoni fuq ir-remunerazzjoni mħallsa mill-Organizzazzjoni lill-impjegati tagħha, u fuq l-assi, id-dħul u l-proprjetà l-oħra ta’ l-Organizzazzjoni.

5.   Il-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali għandu jkun indipendenti minn dan il-Ftehim. Madankollu, huwa għandu jintemm:

(a)

Bi ftehim bejn il-Gvern ospitanti u l-Organizzazzjoni;

(b)

Fil-każ li l-kwartieri ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni jitneħħew mill-pajjiż tal-Gvern ospitanti; jew

(ċ)

Fil-każ li l-Organizzazzjoni ma tibqax teżisti.

KAPITOLU VI

FINANZI

Artikolu 18

Kontijiet finanzjarji

1.   Għandhom ikunu stabbiliti:

(a)

Il-Kont Amministrattiv, li huwa kont ta’ kontribuzzjonijiet stmati;

(b)

Il-Kont Speċjali u l-Fond tas-Sħubija ta’ Bali, li huma kontijiet ta’ kontribuzzjonijiet volontarji; u

(ċ)

Kontijiet oħrajn li l-Kunsill jista’ jqis li huma adatti u meħtieġa.

2.   Il-Kunsill għandu jistabbilixxi, skond l-Artikolu 7, regoli finanzjarji li jipprovdu ġestjoni u amministrazzjoni trasparenti tal-kontijiet, inkluż regoli li jkopru t-tpaċija tal-kontijiet meta jintemm jew jiskadi dan il-Ftehim.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għal, u jirrapporta lill-Kunsill dwar l-amministrazzjoni tal-kontijiet finanzjarji.

Artikolu 19

Kont amministrattiv

1.   L-ispejjeż meħtieġa għall-amministrazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiddaħħlu fil-Kont Amministrattiv u għandhom jitħallsu permezz ta’ kontribuzzjonijiet annwali mill-membri skond il-proċeduri kostituzzjonali jew istituzzjonali rispettivi tagħhom u li jiġu stmati skond il-paragrafi 4, 5 u 6 ta’ dan l-artikolu.

2.   Il-Kont Amministrattiv għandu jinkludi:

(a)

Spejjeż amministrattivi bażiċi bħal salarji u benefiċċji, spejjeż ta’ l-installazzjoni, u vvjaġġar uffiċjali; u

(b)

Spejjeż operattivi essenzjali bħal dawk relatati mal-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni (outreach), laqgħat ta’ esperti msejħin mill-Kunsill u t-tħejjija u l-pubblikazzjoni ta’ l-istudji u tal-valutazzjonijiet skond l-Artikoli 24, 27 u 28 ta’ dan il-Ftehim.

3.   L-ispejjeż tad-delegazzjonijiet fil-Kunsill, tal-kumitati u ta’ kwalunkwe korp sussidjarju ieħor tal-Kunsill li jissemmew fl-Artikolu 26 għandhom jitħallsu mill-membri konċernati. F’każijiet fejn membru jitlob servizzi speċjali mill-Organizzazzjoni, il-Kunsill għandu jirrikjedi lil dak il-membru biex iħallas l-ispejjeż ta’ dawk is-servizzi.

4.   Qabel it-tmiem ta’ kull biennju finanzjarju, il-Kunsill għandu japprova l-baġit għall-Kont Amministrattiv ta’ l-Organizzazzjoni għall-biennju ta’ wara u għandu jistma l-kontribuzzjoni ta’ kull membru għal dak il-baġit.

5.   Il-kontribuzzjonijiet lejn il-Kont Amministrattiv għal kull biennju finanzjarju għandhom jiġu stmati kif ġej:

(a)

L-ispejjeż li jissemmew fil-paragrafu 2(a) ta’ dan l-artikolu għandhom jinqasmu b’mod ugwali bejn il-membri produtturi u konsumaturi u għandhom jiġu stmati fil-proporzjon li n-numru ta’ voti ta’ kull membru jkollu meta mqabbel mal-voti totali tal-grupp tal-membru;

(b)

L-ispejjeż li jissemmew fil-paragrafu 2(b) ta’ dan l-artikolu għandhom jinqasmu bejn il-membri fil-proporzjonijiet ta’ 20 fil-mija għall-produtturi u 80 fil-mija għall-konsumaturi u għandhom jiġu stmati fil-proporzjon li n-numru ta’ voti ta’ kull membru jkollu meta mqabbel mal-voti totali tal-grupp tal-membru;

(ċ)

L-ispejjeż li jissemmew fil-paragrafu 2(b) ta’ dan l-artikolu m’għandhomx ikunu aktar minn terz ta’ l-ispejjeż li jissemmew fil-paragrafu 2(a) ta’ dan l-artikolu. B’kunsens, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jvarja dan il-limitu għal biennju finanzjarju speċifiku;

(d)

Il-Kunsill jista’ jirrevedi kif il-Kont Amministrattiv u l-kontijiet volontarji jikkontribwixxu għall-operat effiċjenti u effettiv ta’ l-Organizzazzjoni fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni li tissemma fl-Artikolu 33; u

(e)

Meta jiġu stmati l-kontribuzzjonijiet, il-voti ta’ kull membru għandhom jiġu kkalkulati mingħajr ma titqies is-sospensjoni tad-drittijiet li jivvota ta’ xi membru jew xi tqassim mill-ġdid tal-voti li jirriżulta minnha.

6.   Il-kontribuzzjoni inizjali ta’ kwalunkwe membru li jissieħeb fl-Organizzazzjoni wara li jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim għandha tiġi stmata mill-Kunsill abbażi tan-numru ta’ voti li għandu jkollu dak il-membru u tal-perijodu li jifdal fil-biennju finanzjarju kurrenti, iżda l-istima li tkun saret fuq il-membri l-oħrajn mill-biennju finanzjarju kurrenti m’għandhiex tinbidel b’dan.

7.   Il-kontribuzzjonijiet għall-Kont Amministrattiv għandhom ikunu dovuti fl-ewwel jum ta’ kull sena finanzjarja. Il-kontribuzzjonijiet tal-membri rigward il-biennju finanzjarju li fihom jissieħbu fl-Organizzazzjoni għandhom ikunu dovuti fid-data ta’ meta jsiru membri.

8.   Jekk membru ma jkunx ħallas il-kontribuzzjoni sħiħa tiegħu għall-Kont Amministrattiv fi żmien erba’ xhur wara li din il-kontribuzzjoni tkun dovuta skond il-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, id-Direttur Eżekuttiv għandu jitlob lil dak il-membru biex iwettaq il-ħlas mill-aktar fis possibbli. Jekk dak il-membru jkun għadu ma ħallasx il-kontribuzzjoni tiegħu fi żmien xahrejn wara din it-talba, dak il-membru għandu jintalab jiddikjara r-raġunijiet għaliex ma jistax iwettaq il-ħlas. Jekk meta jiskadu seba’ xhur mid-data meta kienet dovuta l-kontribuzzjoni, dak il-membru jkun għadu ma ħallasx il-kontribuzzjoni tiegħu, id-drittijiet tiegħu li jivvota għandhom ikunu sospiżi sa meta jkun ħallas il-kontribuzzjoni kollha tiegħu, sakemm il-Kunsill, permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, ma jiddeċidix mod ieħor. Jekk membru ma jkunx ħallas il-kontribuzzjoni sħiħa tiegħu għal sentejn konsekuttivi, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 30, dak il-membru għandu jsir ineliġibbli biex jissottometti proposti ta’ proġetti jew pre-proġetti biex jitqiesu għall-fondi skond il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 25.

9.   Jekk membru jkun ħallas il-kontribuzzjoni sħiħa tiegħu għall-Kont Amministrattiv fi żmien erba’ xhur wara li din il-kontribuzzjoni tkun dovuta skond il-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, il-kontribuzzjoni ta’ dak il-membru tingħata skont kif jista’ jiġi stabbilit mill-Kunsill fir-regoli finanzjarji ta’ l-Organizzazzjoni.

10.   Membru li d-drittijiet tiegħu ġew sospiżi skond il-paragrafu 8 ta’ dan l-artikolu għandu jibqa’ obbligat iħallas il-kontribuzzjoni tiegħu.

Artikolu 20

Kont speċjali

1.   Il-Kont Speċjali għandu jkun fih żewġ sub-kontijiet:

(a)

Is-Sub-Kont tal-Programmi Tematiċi; u

(b)

Is-Sub-Kont tal-Proġetti.

2.   Is-sorsi possibbli ta’ finanzi għall-Kont Speċjali għandhom ikunu:

(a)

Il-Fond Komuni għall-Prodotti Bażiċi;

(b)

Istituzzjonijiet finanzjarji reġjonali u internazzjonali;

(ċ)

Kontribuzzjonijiet volontarji mill-membri; u

(d)

Sorsi oħrajn.

3.   Il-Kunsill għandu jistabbilixxi kriterji u proċeduri biex il-Kont Speċjali jitħaddem b’mod trasparenti. Dawn il-proċeduri għandhom iqisu l-ħtieġa għal rappreżentazzjoni bilanċjata fost il-membri, inkluż il-membri kontribwenti, fit-tħaddim tas-Sub-Kont tal-Programmi Tematiċi u s-Sub-Kont tal-Proġetti.

4.   L-għan tas-Sub-Kont tal-Programmi Tematiċi għandu jkun li jiffaċilita l-kontribuzzjonijiet mhux assenjati biex ikunu ffinanzjati pre-proġetti, proġetti u attivitajiet approvati li huma konsistenti mal-Programmi Tematiċi stabbiliti mill-Kunsill abbażi tal-prijoritajiet tal-politika u tal-proġetti identifikati skond l-Artikoli 24 u 25.

5.   Id-donaturi jistgħu jallokaw il-kontribuzzjonijiet tagħhom għal Programmi Tematiċi speċifiċi jew jistgħu jitolbu lid-Direttur Eżekuttiv biex jagħmel proposti ħalli jiġu allokati l-kontribuzzjonijiet tagħhom.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta regolarment lill-Kunsill dwar l-allokazzjoni u l-infiq tal-fondi fis-Sub-Kont tal-Programmi Tematiċi u dwar l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ pre-proġetti, proġetti u attivitajiet u l-ħtiġiet finanzjarji biex il-Programmi Tematiċi jiġu implimentati b’suċċess.

7.   L-għan tas-Sub-Kont tal-Proġetti għandu jkun li jiffaċilita l-kontribuzzjonijiet assenjati biex ikunu ffinanzjati pre-proġetti, proġetti u attivitajiet approvati skond l-Artikoli 24 u 25.

8.   Il-kontribuzzjonijiet assenjati għas-Sub-Kont tal-Proġetti għandhom jintużaw biss għall-pre-proġetti, il-proġetti u l-attivitajiet li kienu indikati għalihom, sakemm id-donatur ma jiddeċidix mod ieħor b’konsultazzjoni mad-Direttur Eżekuttiv. Wara li jitlesta jew jintemm pre-proġett, proġett jew attività, l-użu ta’ xi fondi li jista’ jifdal għandu jiġi deċiż mid-donatur.

9.   Biex tkun żgurata l-prevedibbiltà meħtieġa tal-fondi għall-Kont Speċjali, filwaqt li titqies in-natura volontarja tal-kontribuzzjonijiet, il-membri għandhom jagħmlu ħilithom biex imantnu fih livell xieraq ta’ riżorsi sabiex il-pre-proġetti, il-proġetti u l-attivitajiet li japprova l-Kunsill jitwettqu b’mod sħiħ.

10.   L-irċevuti kollha li jappartjenu għal pre-proġetti, proġetti u attivitajiet speċifiċi taħt is-Sub-Kont tal-Proġetti jew is-Sub-Kont tal-Programmi Tematiċi għandhom jiddaħħlu fis-Sub-Kont rispettiv. L-infiq kollu li sar fuq tali pre-proġetti, proġetti u attivitajiet, inkluż ir-remunerazzjoni u l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar tal-konsulenti u l-esperti, għandu jitniżżel fl-istess Sub-Kont.

11.   L-ebda membru m’għandu jkun responsabbli minħabba s-sħubija tiegħu fl-Organizzazzjoni għal kwalunkwe obbligu li jirriżulta minn azzjonijiet ta’ xi membru ieħor jew entità oħra b’rabta ma’ pre-proġetti, proġetti jew attivitajiet.

12.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jipprovdi l-għajnuna fl-iżvilupp ta’ proposti għal pre-proġetti, proġetti u attivitajiet skond l-Artikoli 24 u 25 u għandu jagħmel ħiltu, skond tali termini u kondizzjonijiet kif jista’ jiddeċiedi l-Kunsill, biex ifittex finanzi adegwati u assigurati għal pre-proġetti, proġetti u attivitajiet approvati.

Artikolu 21

Il-fond tas-sħubija ta’ bali

1.   Qed jiġi stabbilit b’dan Fond għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jipproduċu l-injam tropikali sabiex jgħin lill-membri produtturi jagħmlu l-investimenti meħtieġa biex jinkiseb l-għan ta’ l-Artikolu 1 (d) ta’ dan il-Ftehim.

2.   Il-Fond għandu jkun magħmul minn:

(a)

Kontribuzzjonijiet minn membri donaturi;

(b)

Ħamsin fil-mija tad-dħul li jirriżulta mill-attivitajiet relatati mal-Kont Speċjali;

(ċ)

Riżorsi minn sorsi privati u pubbliċi oħrajn li l-Organizzazzjoni tista’ taċċetta konsistenti mar-regoli finanzjarji tagħha; u

(d)

Sorsi oħrajn approvati mill-Kunsill.

3.   Ir-riżorsi tal-Fond għandhom jiġu allokati mill-Kunsill biss għal pre-proġetti u proġetti għall-għan imniżżel fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u li jkunu ġew approvati skond l-Artikoli 24 u 25.

4.   Meta jalloka r-riżorsi tal-Fond, il-Kunsill għandu jistabbilixxi kriterji u prijoritajiet għall-użu tal-Fond, filwaqt li jqis:

(a)

Il-ħtiġiet tal-membri għall-għajnuna biex tinkiseb esportazzjoni ta’ l-injam tropikali u prodotti ta’ l-injam minn sorsi ġestiti b’mod sostenibbli;

(b)

Il-ħtiġiet tal-membri biex jistabbilixxu u jġestixxu programmi ta’ konservazzjoni sinifikattivi fil-foresti li jipproduċu l-injam; u

(ċ)

Il-ħtiġiet tal-membri li jimplimentaw programmi ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jipprovdi l-għajnuna fl-iżvilupp ta’ proposti għal proġetti skond l-Artikolu 25 u għandu jagħmel ħiltu, skond tali termini u kondizzjonijiet kif jista’ jiddeċiedi l-Kunsill, biex ifittex finanzi adegwati u assigurati għall-proġetti approvati mill-Kunsill.

6.   Il-membri għandhom jagħmlu ħilithom biex imantnu l-Fond tas-Sħubija ta’ Bali għal livell adegwat biex jitmexxew ’il quddiem l-għanijiet tal-Fond.

7.   F’intervalli regolari, il-Kunsill għandu jeżamina l-adegwatezza tar-riżorsi disponibbli għall-Fond u għandu jagħmel ħiltu biex jikseb ir-riżorsi addizzjonali meħtieġa mill-membri produtturi biex jinkiseb l-għan tal-Fond.

Artikolu 22

Forom ta’ ħlas

1.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-kontijiet stabbiliti skond l-Artikolu 18 għandhom jitħallsu f’valuti liberament konvertibbli u għandhom ikunu eżenti minn restrizzjonijiet fuq il-kambju barrani.

2.   Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll li jaċċetta forom oħrajn ta’ kontribuzzjonijiet għall-kontijiet stabbiliti skond l-Artikolu 18, ħlief il-kont amministrattiv, inkluż tagħmir jew persunal xjentifiku u tekniku, biex jiġu sodisfatti l-ħtiġiet tal-proġetti approvati.

Artikolu 23

Verifika u pubblikazzjoni tal-kontijiet

1.   Il-Kunsill għandu jaħtar awdituri indipendenti sabiex jivverifikaw il-kontijiet ta’ l-Organizzazzjoni.

2.   Id-dikjarazzjonijiet verifikati indipendement tal-kontijiet stabbiliti skond l-Artikolu 18 għandhom ikunu disponibbli għall-membri mill-aktar fis possibbli wara l-għeluq ta’ kull sena finanzjarja, iżda mhux aktar tard minn sitt xhur wara dik id-data, u għandhom jitqiesu għall-approvazzjoni mill-Kunsill fis-sessjoni tiegħu li jmiss, kif adatt. Wara dan għandu jiġi ppubblikat sommarju tal-kontijiet u l-karta tal-bilanċ verifikati.

KAPITOLU VII

ATTIVITAJIET OPERATTIVI

Artikolu 24

Ħidma ta’ politika ta’ l-Organizzazzjoni

1.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1, l-Organizzazzjoni għandha twettaq ħidma ta’ politika u attivitajiet ta’ proġetti b’manjiera integrata.

2.   Il-ħidma ta’ politika ta’ l-Organizzazzjoni għandha tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim għall-membri ta’ l-ITTO b’mod ġenerali.

3.   Il-Kunsill għandu jistabbilixxi fuq bażi regolari pjan ta’ azzjoni biex jiggwida l-attivitajiet ta’ politika u jidentifika l-prijoritajiet u l-programmi tematiċi li jissemmew fil-paragrafu 4 ta’ l-Artikolu 20 ta’ dan il-Ftehim. Il-prijoritajiet identifikati fil-pjan ta’ azzjoni għandhom ikunu riflessi fil-programmi ta’ ħidma approvati mill-Kunsill. L-attivitajiet ta’ politika jistgħu jinkludu l-iżvilupp u t-tħejjija ta’ linji gwida, manwali, studji, rapporti, għodod bażiċi ta’ komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni, u ħidmiet simili identifikati fil-pjan ta’ azzjoni ta’ l-Organizzazzjoni.

Artikolu 25

Attivitajiet ta’ proġetti ta’ l-Organizzazzjoni

1.   Il-membri u d-Direttur Eżekuttiv jistgħu jissottomettu proposti għal pre-proġetti u proġetti li jagħtu kontribut biex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim u qasam ta’ prijorità wieħed jew aktar għal programmi ta’ ħidma jew tematiċi identifikati fil-pjan ta’ azzjoni approvat mill-Kunsill skond l-Artikolu 24.

2.   Il-Kunsill għandu jistabbilixxi kriterji għall-approvazzjoni tal-proġetti u l-pre-proġetti, billi jitqiesu fost l-oħrajn ir-rilevanza tagħhom għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim u għall-oqsma ta’ prijorità għall-programmi ta’ ħidma jew tematiċi, l-effetti ambjentali jew soċjali tagħhom, ir-relazzjoni tagħhom ma’ programmi u strateġiji nazzjonali tal-foresti, il-kost-effettività tagħhom, il-ħtiġiet tekniċi u reġjonali, il-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ l-isforzi, u l-ħtieġa li tiġi inkorporata l-esperjenza miksuba.

3.   Il-Kunsill għandu jistabbilixxi skeda u proċedura għas-sottomissjoni, valutazzjoni, approvazzjoni u prijoritizzazzjoni lil pre-proġetti u proġetti li qed ifittxu fondi mingħand l-Organizzazzjoni, kif ukoll għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jissospendi l-ħlas tal-fondi ta’ l-Organizzazzjoni għal pre-proġett jew proġett jekk ma jkunux qed jintużaw skond id-dokument tal-proġett jew f’każijiet ta’ frodi, ħela, negliġenza jew ġestjoni ħażina. Id-Direttur Eżekuttiv jipprovdi lill-Kunsill fis-sessjoni li jmiss rapport għall-konsiderazzjoni tiegħu. Il-Kunsill għandu jieħu azzjoni xierqa.

5.   Il-Kunsill jista’ jistabbilixxi, skond kriterji miftehmin, limiti fuq in-numru ta’ proġetti u pre-proġetti li membru jew id-Direttur Eżekuttiv jista’ jissottometti f’ċiklu ta’ proġetti speċifiku. Il-Kunsill jista’ wkoll jieħu l-miżuri xierqa, inkluż li jissospendi jew itemm l-isponsorjar tiegħu ta’ pre-proġett jew proġett, wara r-rapport tad-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 26

Kumitati u korpi sussidjarji

1.   Dawn li ġejjin b’dan qed jiġu stabbiliti bħala Kumitati ta’ l-Organizzazzjoni, li għandhom ikunu miftuħin għall-membri kollha:

(a)

Kumitat dwar l-Industrija tal-Foresti;

(b)

Kumitat dwar l-Ekonomija, l-Istatistika u s-Swieq;

(ċ)

Kumitat dwar ir-Riafforestazzjoni u l-Ġestjoni tal-Foresti; u

(d)

Kumitat dwar il-Finanzi u l-Amministrazzjoni.

2.   Permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, il-Kunsill jista’ jistabbilixxi jew ixolji l-kumitati u l-korpi sussidjarji kif ikun adatt.

3.   Il-Kunsill għandu jiddetermina l-funzjonament u l-ambitu tal-ħidma tal-kumitati u l-korpi sussidjarji l-oħrajn. Il-Kumitati u l-korpi sussidjarji l-oħrajn għandhom ikunu responsabbli lejn u jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kunsill.

KAPITOLU VIII

STATISTIKA, STUDJI U INFORMAZZJONI

Artikolu 27

Statistika, studji u informazzjoni

1.   Il-Kunsill għandu jawtorizza lid-Direttur Eżekuttiv biex jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet intergovernattivi, governattivi u non-governattivi rilevanti sabiex jgħin ħalli tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ data u informazzjoni reċenti u affidabbli, inkluż dwar il-produzzjoni u l-kummerċ fl-injam tropikali, tendenzi u diskrepanzi fid-data, kif ukoll informazzjoni rilevanti dwar l-injam mhux tropikali u dwar il-ġestjoni tal-foresti li jipproduċu l-injam. Kif jitqies meħtieġ għat-tħaddim ta’ dan il-Ftehim, l-Organizzazzjoni, b’kooperazzjoni ma’ dawn l-organizzazzjonijiet, għandha tikkompila, tiġbor, tanalizza u tippubblika tali informazzjoni.

2.   L-Organizzazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-isforzi biex jiġi standardizzat u armonizzat ir-rappurtar internazzjonali dwar materji relatati mal-foresti, waqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni fil-ġbir tad-data minn organizzazzjonijiet differenti.

3.   Il-membri għandhom jipprovdu, sakemm l-aktar ikun possibbli b’mod konsistenti mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, fiż-żmien speċifikat mid-Direttur Eżekuttiv, statistika u informazzjoni dwar l-injam, il-kummerċ tiegħu u l-attivitajiet maħsubin biex tinkiseb ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jipproduċu l-injam, kif ukoll informazzjoni oħra rilevanti kif mitluba mill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar it-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skond dan il-paragrafu u dwar il-format kif trid tiġi ppreżentata.

4.   Fuq talba jew fejn ikun meħtieġ, il-Kunsill għandu jagħmel ħiltu biex itejjeb il-kapaċità teknika tal-pajjiżi membri, b’mod partikolari tal-pajjiżi membri li qed jiżviluppaw, biex ikunu sodisfatti l-ħtiġiet dwar l-istatistika u r-rappurtar skond dan il-Ftehim.

5.   Jekk membru ma jkunx ipprovda, għal sentejn konsekuttivi, l-istatistika u l-informazzjoni meħtieġa skond il-paragrafu 3 u ma jkunx talab l-għajnuna tad-Direttur Eżekuttiv, id-Direttur Eżekuttiv għandu għall-ewwel jitlob spjegazzjoni mingħand dak il-membru fi żmien speċifikat. F’każ li ma tingħata l-ebda spjegazzjoni sodisfaċenti, il-Kunsill għandu jieħu dik l-azzjoni li jqis li tkun xierqa.

6.   Il-Kunsill għandu jirranġa biex isir kwalunkwe studju rilevanti tat-tendenzi u tal-problemi għall-perijodu qasir u fit-tul tas-swieq internazzjonali ta’ l-injam u tal-progress lejn il-kisba ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jipproduċu l-injam.

Artikolu 28

Rapport annwali u evalwazzjoni biennali

1.   Il-Kunsill għandu jippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu u dik l-informazzjoni oħra li jqis opportun.

2.   Kull sentejn, il-Kunsill għandu jeżamina u jivvaluta:

(a)

Is-sitwazzjoni internazzjonali ta’ l-injam; u

(b)

Fatturi, kwistjonijiet u żviluppi oħrajn meqjusa rilevanti għall-kisba ta’ l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim.

3.   L-eżami għandu jsir fid-dawl ta’:

(a)

L-informazzjoni pprovduta mill-membri rigward il-produzzjoni nazzjonali, il-kummerċ, il-provvista, il-ħażniet, il-konsum u l-prezzijiet ta’ l-injam;

(b)

Data statistika oħra u indikaturi speċifiċi pprovduti mill-membri kif mitluba mill-Kunsill;

(ċ)

L-informazzjoni pprovduta mill-membri dwar il-progress tagħhom lejn ġestjoni sostenibbli tal-foresti tagħhom li jipproduċu l-injam;

(d)

Dik l-informazzjoni oħra rilevanti li tista’ tkun disponibbli għall-Kunsill kemm direttament jew permezz ta’ l-organizzazzjonijiet fis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet intergovernattivi, governattivi jew non-governattivi; u

(e)

L-informazzjoni pprovduta mill-membri dwar il-progress tagħhom lejn l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ informazzjoni dwar il-qtugħ illegali u l-kummerċ illegali ta’ l-injam tropikali u ta’ prodotti tal-foresti li m’humiex ta’ l-injam.

4.   Il-Kunsill għandu jippromwovi l-iskambju ta’ fehmiet fost il-pajjiżi membri dwar:

(a)

L-istatus tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jipproduċu l-injam u ta’ kwistjonijiet relatati fil-pajjiżi membri; u

(b)

Il-flussi tar-riżorsi u l-ħtiġiet rigward l-għanijiet, il-kriterji u l-linji gwida stabbiliti mill-Organizzazzjoni.

5.   Meta jintalab, il-Kunsill għandu jagħmel ħiltu biex itejjeb il-kapaċità teknika tal-pajjiżi membri, b’mod partikolari l-pajjiżi membri li qed jiżviluppaw, sabiex tinkiseb id-data meħtieġa għal taqsim adegwat ta’ l-informazzjoni, inkluż il-provvista ta’ riżorsi għat-taħriġ u faċilitajiet għall-membri.

6.   Ir-riżultati ta’ l-eżami għandhom ikunu inklużi fir-rapporti tas-sessjoni tal-Kunsill korrispondenti.

KAPITOLU IX

MIXXELLANJI

Artikolu 29

Obbligi ġenerali tal-membri

1.   Sakemm idum japplika l-Ftehim, il-membri għandhom jagħmlu ħilithom kollha u jikkooperaw biex jippromwovu l-kisba ta’ l-għanijiet tiegħu u biex tkun evitata kull azzjoni li tmur kontrih.

2.   Il-membri jimpenjaw irwieħhom li jaċċettaw u jwettqu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u għandhom iżommu lura milli jimplimentaw miżuri li jkollhom l-effett li jillimitawhom jew imorru kontrihom.

Artikolu 30

Ħelsien mill-obbligi

1.   Fejn ikun meħtieġ minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali jew emerġenza jew forza maġġura mhux espressament previsti f’dan il-Ftehim, il-Kunsill jista’, b’vot speċjali skond l-Artikolu 12, jeħles lil membru minn obbligu taħt dan il-Ftehim jekk ikun sodisfatt bi spjegazzjoni minn dak il-membru dwar ir-raġunijiet għaliex l-obbligu ma jistax jiġi sodisfatt.

2.   Meta jeħles lil membru skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-Kunsill għandu jiddikjara espliċitament it-termini u l-kondizzjonijiet li bihom, u l-perijodu li matulu, il-membru huwa meħlus minn tali obbligu, u r-raġunijiet għaliex ġie meħlus.

Artikolu 31

Ilmenti u tilwim

Kwalunkwe membru jista’ jressaq quddiem il-Kunsill ilment li membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dan il-Ftehim u kwalunkwe tilwima li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar dawn il-kwistjonijiet għandhom jittieħdu b’kunsens, minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra f’dan il-Ftehim, u jkunu finali u jorbtu.

Artikolu 32

Miżuri differenzjali u ta’ rimedju u miżuri speċjali

1.   Il-membri konsumaturi li huma pajjiżi li qed jiżviluppaw u li l-interessi tagħhom jintlaqtu ħażin minn miżuri meħudin taħt dan il-Ftehim jistgħu japplikaw lill-Kunsill għal miżuri differenzjali u ta’ rimedju adatti. Il-Kunsill għandu jqis li jieħu miżuri adatti skond il-paragrafi 3 u 4 tat-Taqsima III tar-Riżoluzzjoni 93 (IV) tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp.

2.   Il-membri fil-kategorija tal-pajjiżi l-inqas żviluppati kif iddefiniti min-Nazzjonijiet Uniti jistgħu japplikaw lill-Kunsill għal miżuri speċjali skond il-paragrafu 4 tat-Taqsima III tar-Riżoluzzjoni 93 (IV) u skond il-paragrafi 56 u 57 tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi u l-Programm ta’ Azzjoni għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati għas-snin 90.

Artikolu 33

Reviżjoni

Il-Kunsill jista’ jevalwa l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, inkluż l-għanijiet u l-mekkaniżmi finanzjarji, ħames snin wara li jidħol fis-seħħ.

Artikolu 34

Non-diskriminazzjoni

L-ebda parti minn dan il-Ftehim tawtorizza l-użu ta’ miżuri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kummerċ internazzjonali fi, u partikolarment għaliex jikkonċernaw l-importazzjoni ta’, u l-użu ta’, l-injam u ta’ prodotti ta’ l-injam.

KAPITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 35

Depożitarju

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti huwa b’dan innominat bħala d-depożitarju ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 36

Firma, ratifika, aċċettazzjoni u approvazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-iffirmar, fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti mit-3 ta’ April 2006 sa xahar wara d-data meta jidħol fis-seħħ, mill-Gvernijiet mistednin għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għan-Negozjar ta’ Ftehim Suċċessur għall-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994.

2.   Kwalunkwe Gvern li jissemma fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jista’:

(a)

Fil-ħin ta’ l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, jiddikjara li b’tali firma huwa jesprimi l-kunsens tiegħu li jintrabat b’dan il-Ftehim (iffirmar definittiv); jew

(b)

Wara li jiffirma dan il-Ftehim, jirratifikah, jaċċettah jew japprovah permezz tad-depożitu ta’ strument b’dak l-effett mad-depożitarju.

3.   Ma’ l-iffirmar u r-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, jew l-adeżjoni, jew l-applikazzjoni proviżorja, il-Komunità Ewropea jew kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva li tissemma fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 5, għandha tiddepożita dikjarazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti ta’ din l-organizzazzjoni li tispeċifika n-natura u l-estent tal-kompetenza tagħha fi kwistjonijiet irregolati minn dan il-Ftehim, u għandha tinforma lid-depożitarju bi kwalunkwe bidla sostanzjali f’tali kompetenza. Meta tali organizzazzjoni tiddikjara kompetenza esklużiva fuq il-kwistjonijiet kollha rregolati minn dan il-Ftehim, l-Istati membri ta’ din l-organizzazzjoni m’għandhomx jieħdu l-azzjonijiet skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 36, l-Artikolu 37 u l-Artikolu 38, jew għandhom jieħdu l-azzjoni skond l-Artikolu 41 jew jirtiraw in-notifika ta’ applikazzjoni proviżorja skond l-Artikolu 38.

Artikolu 37

Adeżjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-adeżjoni mill-Gvernijiet skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill, li għandhom jinkludu limitu ta’ żmien għad-depożitu ta’ l-istrumenti ta’ adeżjoni. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jintbagħtu mill-Kunsill lid-Depożitarju. Madanakollu, il-Kunsill jista’ jikkonċedi aktar żmien lill-Gvernijiet li ma jistgħux jaderixxu sal-limitu ta’ żmien stabbilit fil-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni.

2.   L-adeżjoni għandha sseħħ permezz tad-depożitu ta’ strument ta’ adeżjoni mad-depożitarju.

Artikolu 38

Notifika ta’ applikazzjoni proviżorja

Gvern firmatarju li biħsiebu jirratifika, jaċċetta jew japprova dan il-Ftehim, jew Gvern li għalih il-Kunsill stabbilixxa kondizzjonijiet għall-adeżjoni iżda li għadu ma setax jiddepożita l-istrument tiegħu jista’, fi kwalunkwe ħin, jinnotifika lid-depożitarju li ser japplika dan il-Ftehim b’mod proviżorju skond il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu, meta jidħol fis-seħħ skond l-Artikolu 39 jew, jekk diġà jkun fis-seħħ, f’data speċifikata.

Artikolu 39

Dħul fis-Seħħ

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ definittivament fl-1 ta’ Frar 2008 jew fi kwalunkwe data warajha, jekk 12-il Gvern ta’ produtturi li għandhom mill-inqas 60 fil-mija tal-voti totali kif stabbilit fl-Anness A għal dan il-Ftehim u 10 Gvernijiet ta’ konsumaturi kif elenkati fl-Anness B u li jirrappreżentaw 60 fil-mija tal-volum globali ta’ l-importazzjoni ta’ l-injam tropikali fis-sena ta’ referenza 2005 jkunu ffirmaw dan il-Ftehim definittivament jew ikunu rratifikawh, aċċettawh jew approvawh skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 36 jew skond l-Artikolu 37.

2.   Jekk dan il-Ftehim ma jkunx daħal fis-seħħ definittivament fl-1 ta’ Frar 2008, għandu jidħol fis-seħħ proviżorjament f’dik id-data jew fi kwalunkwe data fi żmien sitt xhur warajha jekk 10 Gvernijiet ta’ produtturi li għandhom mill-inqas 50 fil-mija tal-voti totali kif stabbilit fl-Anness A għal dan il-Ftehim u seba’ Gvernijiet ta’ konsumaturi kif elenkati fl-Anness B u li jirrappreżentaw 50 fil-mija tal-volum globali ta’ l-importazzjoni ta’ l-injam tropikali fis-sena ta’ referenza 2005 ikunu ffirmaw dan il-Ftehim definittivament jew ikunu rratifikawh, aċċettawh jew approvawh skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 36 jew ikunu nnotifikaw lid-depożitarju skond l-Artikolu 38 li ser japplikaw dan il-Ftehim proviżorjament.

3.   Jekk il-ħtiġiet għad-dħul fis-seħħ skond il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma jkunux ġew sodisfatti fl-1 ta’ Settembru 2008, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jistieden lil dawk il-Gvernijiet li ffirmaw dan il-Ftehim definittivament jew irratifikawh, aċċettawh jew approvawh skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 36, jew innotifikaw lid-depożitarju li ser japplikaw dan il-Ftehim proviżorjament, biex jiltaqgħu fl-iqsar żmien prattikabbli biex jiddeċiedu jekk idaħħlux dan il-Ftehim fis-seħħ proviżorjament jew defittivament bejniethom b’mod sħiħ jew parzjali. Il-Gvernijiet li jiddeċiedu li jdaħħlu dan il-Ftehim fis-seħħ proviżorjament bejniethom jistgħu jiltaqgħu minn żmien għal żmien biex jirrevedu s-sitwazzjoni u jiddeċiedu jekk dan il-Ftehim għandux jidħol fis-seħħ definittivament bejniethom.

4.   Għal kwalunkwe Gvern li ma jkunx innotifika lid-depożitarju skond l-Artikolu 38 li ser japplika dan il-Ftehim proviżorjament u li jiddepożita l-istrumenti tiegħu tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data ta’ tali depożitu.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv ta’ l-Organizzazzjoni għandu jlaqqa’ l-Kunsill mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 40

Emendi

1.   Permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, il-Kunsill jista’ jirrakkomanda emenda ta’ dan il-Ftehim lill-membri.

2.   Il-Kunsill għandu jiffissa data sa liema l-membri għandhom jinnotifikaw lid-depożitarju bl-aċċettazzjoni tagħhom ta’ l-emenda.

3.   Emenda għandha tidħol fis-seħħ 90 jum wara li d-depożitarju jkun irċieva n-notifiki ta’ l-aċċettazzjoni minn membri li jikkostitwixxu mill-inqas żewġ terzi tal-membri produtturi u li jirrappreżentaw mill-inqas 75 fil-mija tal-voti tal-membri produtturi, u mill-membri li jikkostitwixxu mill-inqas żewġ terzi tal-membri konsumaturi u li jirrappreżentaw mill-inqas 75 fil-mija tal-voti tal-membri konsumaturi.

4.   Wara li d-depożitarju jinforma lill-Kunsill li l-ħtiġiet għad-dħul fis-seħħ ta’ l-emenda jkunu ġew sodisfatti, u minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu rigward id-data ffissata mill-Kunsill, membru jista’ xorta waħda jinnotifika lid-depożitarju bl-aċċettazzjoni tiegħu ta’ l-emenda, dment li tali notifika ssir qabel ma tidħol fis-seħħ l-emenda.

5.   Kwalunkwe membru li ma jkunx innotifika l-aċċettazzjoni tiegħu ta’ emenda sad-data meta tali emenda tidħol fis-seħħ m’għandux jibqa’ jkun parti minn dan il-Ftehim sa minn dik id-data, ħlief jekk tali membru jkun issodisfa lill-Kunsill li l-aċċettazzjoni tiegħu ma setgħetx tinkiseb fil-ħin minħabba diffikultajiet biex jitlestew il-proċeduri kostituzzjonali jew istituzzjonali tiegħu u l-Kunsill jiddeċiedi li jestendi għal dak il-membru l-perijodu għall-aċċettazzjoni ta’ l-emenda. Dan il-membru m’għandux ikun marbut bl-emenda qabel ma jkun innotifika li aċċettaha.

6.   Jekk il-ħtiġiet għad-dħul fis-seħħ ta’ l-emenda ma jkunux ġew sodisfatti sad-data ffissata mill-Kunsill skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-emenda għandha titqies li ġiet irtirata.

Artikolu 41

Irtirar

1.   Membru jista’ jirtira minn dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim billi jagħti avviż ta’ l-irtirar bil-miktub lid-depożitarju. Dak il-membru għandu fl-istess ħin jinforma lill-Kunsill bl-azzjoni li jkun ħa.

2.   L-irtirar għandu jsir effettiv 90 jum wara li d-depożitarju jkun irċieva l-avviż.

3.   L-obbligi finanzjarji lejn l-Organizzazzjoni li jkollu membru skond dan il-Ftehim m’għandhomx jintemmu minħabba li jkun irtira.

Artikolu 42

Esklużjoni

Jekk il-Kunsill jiddeċiedi li xi membru jkun qed jikser l-obbligi tiegħu skond dan il-Ftehim u jiddeċiedi wkoll li dak il-ksur ifixkel b’mod sinifikattiv l-operat ta’ dan il-Ftehim, huwa jista’, permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, jeskludi lil dak il-membru minn dan il-Ftehim. Il-Kunsill għandu minnufih jinnotifika b’dan lid-depożitarju. Sitt xhur wara d-data tad-deċiżjoni tal-Kunsill, dak il-membru m’għandux jibqa’ jagħmel parti minn dan il-Ftehim.

Artikolu 43

Tpaċija tal-Kontijiet ma’ membri li jirtiraw jew jiġu esklużi jew membri li ma jistgħux jaċċettaw emenda

1.   Il-Kunsill għandu jiddetermina kwalunkwe tpaċija tal-kontijiet ma’ membru li ma jibqax jagħmel parti minn dan il-Ftehim minħabba:

(a)

Non-aċċettazzjoni ta’ emenda għal dan il-Ftehim skond l-Artikolu 40;

(b)

Irtirar minn dan il-Ftehim skond l-Artikolu 41; jew

(ċ)

Esklużjoni minn dan il-Ftehim skond l-Artikolu 42.

2.   Il-Kunsill għandu jżomm kwalunkwe stima jew kontribuzzjoni mħallsa lill-kontijiet finanzjarji stabbiliti skond l-Artikolu 18 minn membru li ma jibqax jagħmel parti minn dan il-Ftehim.

3.   Membru li ma jibqax jagħmel parti minn dan il-Ftehim m’għandu jkollu d-dritt għal ebda sehem mill-profitti ta’ likwidazzjoni jew ta’ l-assi l-oħrajn ta’ l-Organizzazzjoni. Lanqas m’għandu tali membru jkun responsabbli għall-ħlas ta’ xi parti mid-defiċit, jekk ikun hemm, ta’ l-Organizzazzjoni meta jintemm dan il-Ftehim.

Artikolu 44

Tul ta’ żmien, estensjoni u tmiem

1.   Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għal perijodu ta’ 10 snin wara li jidħol fis-seħħ sakemm il-Kunsill, permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, ma jiddeċidix li jestendih, jinnegozjah mill-ġdid jew itemmu skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-Kunsill jista’, permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, jiddeċiedi li jestendi dan il-Ftehim għal żewġ perijodi, perijodu inizjali ta’ ħames snin u perijodu addizzjonali ta’ tliet snin.

3.   Jekk, qabel ma jiskadi l-perijodu ta’ 10 snin li jissemma fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew qabel ma jiskadi perijodu ta’ estensjoni li jissemma fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, skond kif ikun il-każ, il-Ftehim il-ġdid li jissostitwixxi dan il-Ftehim ikun ġie nnegozjat iżda għadu ma daħalx fis-seħħ b’mod definittiv jew proviżorju, il-Kunsill jista’, permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, jestendi dan il-Ftehim sad-dħul fis-seħħ definittiv jew proviżorju tal-Ftehim il-ġdid.

4.   Jekk il-Ftehim il-ġdid ikun ġie nnegozjat u jidħol fis-seħħ matul perijodu ta’ estensjoni ta’ dan il-Ftehim skond il-paragrafu 2 jew il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, dan il-Ftehim, kif estiż, għandu jintemm malli jidħol fis-seħħ il-Ftehim il-ġdid.

5.   Il-Kunsill jista’ fi kwalunkwe ħin, permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, jiddeċiedi li jtemm dan il-Ftehim b’effett minn tali data skond kif jista’ jiddetermina.

6.   Minkejja t-tmiem ta’ dan il-Ftehim, il-Kunsill għandu jkompli jeżisti għal perijodu ta’ mhux aktar minn 18-il xahar sabiex iwettaq il-likwidazzjoni ta’ l-Organizzazzjoni, inkluż it-tpaċija tal-kontijiet, u, soġġett għad-deċiżjonijiet rilevanti li għandhom jittieħdu permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, matul dak il-perijodu għandu jkollu tali setgħat u funzjonijiet kif jista’ jkun meħtieġ għal dawn il-finijiet.

7.   Il-Kunsill għandu jinnotifka lid-depożitarju bi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond dan l-artikolu.

Artikolu 45

Riżervi

Ma jistgħu jsiru riżervi fir-rigward ta’ l-ebda dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 46

Dispożizzjonijiet supplimentari u transitorji

1.   Dan il-Ftehim għandu jkun is-suċċessur għall-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994.

2.   L-atti kollha minn jew f’isem l-Organizzazzjoni jew kwalunkwe wieħed mill-korpi tagħha skond il-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1983, u/jew il-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994, li jkunu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u li t-termini tagħhom ma jipprevedux l-iskadenza f’dik id-data għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm ma jinbidlux skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

MAGĦMUL f’Ġinevra fis-27 ta’ Jannar 2006, bit-testi ta’ dan il-Ftehim bil-lingwa Għarbija, Ċiniża, Ingliża, Franċiża, Russa u Spanjola jkunu ugwalment awtentiċi.

ANNESS A

Lista tal-Gvernijiet li jattendu l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għan-Negozjar ta’ Ftehim Suċċessur għall-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994 li huma membri produtturi potenzjali kif iddefinit fl-Artikolu 2 (Definizzjonijiet) u allokazzjoni indikattiva tal-voti skond l-Artikolu 10 (Tqassim tal-Voti)

Membri

Total ta’ voti

AFRIKA

249

Angola

18

Benin

17

Kamerun (*)

18

Repubblika Ċentru Afrikana (*)

18

Kosta ta’ l-Avorju (*)

18

Repubblika Demokratika tal-Kongo (*)

18

Gabon (*)

18

Gana (*)

18

Liberja (*)

18

Madagaskar

18

Niġerja (*)

18

Repubblika tal-Kongo (*)

18

Rwanda

17

Togo (*)

17

ASJA-PAĊIFIKU

389

Kambodja (*)

15

Fiġi (*)

14

Indja (*)

22

Indoneżja (*)

131

Malasja (*)

105

Mjanmar (*)

33

Papwa Ginea Ġdida (*)

25

Filippini (*)

14

Tajlandja (*)

16

Vanwatu (*)

14

AMERIKA LATINA U KARIBEW

362

Barbados

7

Bolivja (*)

19

Brażil (*)

157

Kolombja (*)

19

Kosta Rika

7

Repubblika Dominikana

7

Ekwador (*)

11

Gwatemala (*)

8

Gujana (*)

12

Ħaiti

7

Ħonduras (*)

8

Messiku (*)

15

Nikaragwa

8

Panama (*)

8

Paragwaj

10

Perù (*)

24

Surinam (*)

10

Trinidad u Tobago (*)

7

Veneżwela (*)

18

Total

1 000


(*)  Membru tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994.

ANNESS B

Lista tal-Gvernijiet li jattendu l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għan-Negozjar ta’ Ftehim Suċċessur għall-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994 li huma membri konsumaturi potenzjali kif iddefinit fl-Artikolu 2 (Definizzjonijiet)

 

Albanija

 

Alġerija

 

Awstralja (*)

 

Kanada (*)

 

Ċina (*)

 

Eġittu (*)

 

Komunità Ewropea (*)

 

Awstrija (*)

 

Belġju (*)

 

Repubblika Ċeka

 

Estonja

 

Finlandja (*)

 

Franza (*)

 

Ġermanja (*)

 

Greċja (*)

 

Irlanda (*)

 

Italja (*)

 

Litwanja

 

Lussemburgu (*)

 

Olanda (*)

 

Polonja

 

Portugall (*)

 

Slovakkja

 

Spanja (*)

 

Żvezja (*)

 

Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (*)

 

Iran (Repubblika Iżlamika ta’)

 

Iraq

 

Ġappun (*)

 

Lesoto

 

Ġamaħirija Għarbija Libjana

 

Marokk

 

Nepal (*)

 

New Zealand (*)

 

Norveġja (*)

 

Repubblika tal-Korea (*)

 

Żvizzera (*)

 

Stati Uniti ta’ l-Amerika (*)


(*)  Membru tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994.

Dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea skond l-Artikolu 36(3) tal-Ftehim

Skond l-Artikolu 36(3) tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006, din id-dikjarazzjoni tindika s-setgħat trasferiti lill-Komunità Ewropea mill-Istati Membri tagħha fl-oqsma li jittratta dwarhom il-Ftehim.

Il-Komunità Ewropea tiddikjara li, skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea:

fir-rigward ta’ l-oqsma kummerċjali koperti mill-Ftehim, il-Komunità Ewropea għandha kompetenza esklużiva taħt il-politika kummerċjali komuni, u

il-Komunità Ewropea tikkondividi s-setgħat ma’ l-Istati Membri tagħha fl-oqsma ambjentali u fil-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp.

L-ambitu u l-eżerċizzju tas-setgħat tal-Komunità Ewropea huma, min-natura tagħhom, soġġetti għal żvilupp kontinwu, u l-Komunità Ewropea ser tikkompleta jew temenda din id-dikjarazzjoni, jekk ikun meħtieġ, skond l-Artikolu 36(3) tal-Ftehim.


9.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 262/27


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-1 ta' Ottubru 2007

li taħtar erba’ membri Svediżi u tliet membri supplenti Svediżi fil-Kumitat tar-Reġjuni

(2007/649/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 263 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Svediż,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Jannar 2006 l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2002/116/KE li taħtar il-membri u l-membri supplenti għall-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2006 sal-25 ta’ Jannar 2010 (1).

(2)

Erba’ siġġijiet ta’ membri fil-Kumitat tar-Reġjuni tbattlu wara bidliet fil-mandat tas-Sinjura BESKOW, is-Sur JOHANSSON, is-Sur KNAPE u s-Sinjura STARK. Tliet siġġijiet ta’ membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni tbattlu wara bidliet fil-mandat tas-Sur JOHNSON, is-Sinjura KARLSSON u s-Sur NILSSON,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dawn li ġejjin huma b’dan maħturin fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, jiġifieri sal-25 ta’ Jannar 2010:

(a)

bħala membri:

 

Is-Sinjura Ann BESKOW, Orsa kommun li tibdel lis-Sinjura Ann BESKOW, Ordförande i kommunstyrelsen, Orsa kommun,

 

Is-Sur Kent JOHANSSON, Västra Götalands läns landsting li jibdel lis-Sur Kent JOHANSSON, Regionråd, ledamot i regionstyrelsen i Västra Götalands läns landsting,

 

Is-Sur Anders KNAPE, Karlstads kommun li jibdel lis-Sur Anders KNAPE, Kommunalråd, ledamot i kommunstyrelsen, Karlstads kommun,

 

Is-Sinjura Anneli STARK, Västra Götalands läns landsting li tibdel lis-Sinjura Anneli STARK, Regionråd, ledamot i regionstyrelsen i Västra Götalands läns landsting,

u

(b)

bħala membri supplenti:

 

Is-Sur Bernth JOHNSON, Västra Götalands läns landsting li jibdel lis-Sur Bernth JOHNSON, Landstingsråd, ledamot i landstingsstyrelsen, Blekinge läns landsting,

 

Is-Sinjura Ewa-May KARLSSON, Vindelns kommun li tibdel lis-Sinjura Ewa-May KARLSSON, Kommunalråd, ledamot i kommunstyrelsen, Vindelns kommun,

 

Is-Sur Jens NILSSON, Karlstads kommun li jibdel lis-Sur Jens NILSSON, Ordförande i kommunstyrelsen, Östersunds kommun.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 1 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LINO


(1)  ĠU L 56, 25.2.2006, p. 75.


9.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 262/28


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-1 ta’ Ottubru 2007

li taħtar membru Awstrijak fil-Kumitat tar-Reġjuni

(2007/650/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 263 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Awstrijak,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Jannar 2006, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2006/116/KE (1) li taħtar il-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2006 sal-25 ta’ Jannar 2010.

(2)

Wara tmiem il-mandat tas-Sur Sepp RIEDER sar vakanti post ta’ membru,

IDDEĊIEDA:

Artikolu 1

Hija b’dan maħtura membru tal-Kumitat tar-Reġjuni, għall-bqija tal-mandat, jiġifieri sal-25 ta’ Jannar 2010, is-Sinjura Renate BRAUNER, Viċisindku tal-belt ta’ Vjenna u Viċipresident tar-Reġjun, li tibdel is-Sur Sepp RIEDER.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett mill-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 1 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LINO


(1)  ĠU L 56, 25.2.2006, p. 75.


9.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 262/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-1 ta’ Ottubru 2007

li taħtar membru Ġermaniż u żewġ membri supplenti Ġermaniżi fil-Kumitat tar-Reġjuni

(2007/651/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 263 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Ġermaniż,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Jannar 2006 l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2006/116/KE (1) li taħtar il-membri u l-membri supplenti għall-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2006 sal-25 ta’ Jannar 2010,

(2)

Post ta’ membru supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni sar vakanti wara t-tmiem tal-mandat tas-Sinjura SPECKERT. Żewġ postijiet ta’ membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni saru vakanti wara t-tmiem tal-mandat tas-Sinjura SPIESS u tas-Sinjura WISCHER,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dawn li ġejjin huma b’dan maħturin fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, jiġifieri sal-25 ta’ Jannar 2010:

(a)

bħala membru:

Is-Sur Reinhard LOSKE, Senator für Umwelt, Bau, Verkehr und Europa der Freien Hansestadt Bremen, li jibdel lis-Sinjura Sandra SPECKERT,

u

(b)

bħala membri supplenti:

Is-Sur Hermann KUHN, Mitglied der Bremischen Bürgerschaft (Landtag), li jibdel lis-Sinjura Iris SPIESS,

Is-Sinjura Manuela MAHNKE, Mitglied der Bremischen Bürgerschaft (Landtag), li tibdel lis-Sinjura Christine WISCHER.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett mill-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Luxembourg, 1 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LINO


(1)  ĠU L 56, 25.2.2006, p. 75.


9.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 262/30


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta' l-1 ta’ Ottubru 2007

li taħtar membru tal-Kumitat Konsultattiv ta' l-Aġenzija għall-Fornimenti ta' l-Euratom

(2007/652/Euratom)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 54(2) u (3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Artikolu X ta' l-Istatut ta' l-Aġenzija għall-Fornimenti ta' l-Euratom (1), hekk kif l-aħħar emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/1/KE, Euratom, KEFA ta' l-1 ta' Jannar 1995 (2),

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/514/Euratom tat-10 ta' Lulju 2007 li taħtar il-membri tal-Kumitat Konsultattiv ta' l-Aġenzija għall-Fornimenti ta' l-Euratom (3),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Post ta' membru tal-Kumitat imsemmi sar vakanti wara r-riżenja tas-Sur Jean-Luc SALANAVE, mgħarrfa lill-Kunsill fl-1 ta' Awissu 2007.

(2)

Huwa għaldaqstant xieraq li jimtela' dan il-post vakanti.

(3)

Giet ippreżentata l-kandidatura mill-gvern Franċiż fl-1 ta' Awissu 2007,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu uniku

Is-Sur Jean-Michel GUIHEUX huwa maħtur membru tal-Kumitat Konsultattiv ta' l-Aġenzija għall-Fornimenti ta' l-Euratom għall-bqija tal-mandat ta' dan il-Kumitat, jiġifieri sat-28 ta' Marzu 2009.

Magħmul fil-Lussemburgu, 1 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LINO


(1)  ĠU 27, 6.12.1958, p. 534/58.

(2)  ĠU L 1, 1.1.1995, p. 1.

(3)  ĠU L 190, 21.07.2007, p. 15


9.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 262/31


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta' Ottubru 2007

li tistipula għas-sena finanzjarja 2007 allokazzjonijiet finanzjarji fissi għall-Istati Membri, fir-rigward ta' ċertu numru ta' ettari, għar-ristrutturar u l-konverżjoni tad-dwieli skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4524)

(It-testi bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Maltija, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana u Ungeriża biss huma awtentiċi)

(2007/653/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-regoli dwar ir-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni tad-dwieli huma stipulati bir-Regolament (KE) Nru 1493/1999 u bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1227/2000 tal-31 ta’ Mejju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid f’dak li jirrigwarda l-potenzjal tal-produzzjoni (2).

(2)

Ir-regoli dettaljati dwar l-ippjanar finanzjarju u l-parteċipazzjoni fl-iffinanzjar ta' l-iskema tar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni, stipulati bir-Regolament (KE) Nru 1227/2000, jipprevedu li r-referenzi għal sena finanzjarja partikolari jikkorrispondu għall-ħlasijiet li effettivament isiru mill-Istati Membri bejn is-16 ta’ Ottubru u l-15 ta’ Ottubru tas-sena sussegwenti.

(3)

Skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, ta’ kull sena l-Kummissjoni tagħti allokazzjoni inizjali tal-krediti lill-Istati Membri, abbażi ta' kriterji oġġettivi, b’qies għas-sitwazzjonijiet u l-ħtiġijiet partikolari kif ukoll għall-isforzi li jridu jsiru fid-dawl ta' l-għan ta' l-iskema.

(4)

Il-Kummissjoni stipulat l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi għas-sena finanzjarja 2006/2007 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/701/KE (3), kif ukoll għall-Bulgarija u għar-Rumanija, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/381/KE (4).

(5)

Skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1227/2000, l-ispejjeż likwidi li ntefqu mill-Istati Memrbi huma limitati għall-ammont ta’ l-allokazzjonijiet indikattivi tagħhom. Għas-sena finanzjarja 2007, din il-limitazzjoni hija applikabbli għall-Italja, li għamlet spejjeż likwidi li jeċċedu l-allokazzjoni finanzjarja.

(6)

Skond l-Artikolu 17(4), tiġi applikata penali meta l-ispejjeż reali ta’ Stat Membru għal kull ettaru jeċċedu dawk previsti fl-allokazzjoni inizjali. Din is-sena din il-penali sejra tapplika għal Malta fl-ammont ta' EUR 16 690.

(7)

Skond l-Artikolu 16(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1227/2000, l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw appplikazzjoni ulterjuri fil-qafas tas-sena finanzjarja kurrenti. Din is-sena tali applikazzjoni tressqet mir-Repubblika Ċeka, Spanja, Franza, l-Italja, l-Ungerija, l-Awstrija u l-Portugall. Skond l-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 922/2007 ta’ l-1 ta’ Awvissu 2007 li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 1227/2000 f'dak li għandu x'jaqsam mad-dispożizzjoni transitorja dwar l-allokazzjonijiet finanzjarji maħsuba għall-Bulgarija u għar-Rumanija għar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni (5), il-Bulgarija u r-Rumanija jistgħu jressqu talba lill-Kummissjoni għall-finanzjament ulterjuri ta' l-ispejjeż għas-sena finanzjarja 2007, li jeċċedu l-ammont notifikat lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 16(1)(a) u (b) ta’ l-imsemmi Regolament, sa massimu ta’ 90 % ta’ l-allokazzjoni finanzjarja attribwita lilhom skond id-Deċiżjoni 2007/381/KE. Il-Bulgarija fil-fatt ressqet talba għal dan il-għan lill-Kummissjoni.

(8)

Skond l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (KE) Nru 1227/2000 u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 922/2007, it-talbiet għall-finanzjament ulterjuri nnotifikati lill-Kummissjoni minn Stati Membri oħra minbarra l-Bulgarija u r-Rumanija jintlaqgħu pro rata, bl-użu tal-krediti disponibbli wara t-tnaqqis tas-somma għall-Istati Membri kollha, ta’ l-ammonti nnotifikati skond l-Artikolu 16(1)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1227/2000 u ta’ l-ammonti nnotifikati mill-Bulgarija u mir-Rumanija skond l-imsemmija dispożizzjoni ta' l-Artikolu 1(1) tar-Regolament 922/2007, ta' l-ammont totali allokat lill-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni tapplika għas-sena finanzjarja 2007 għar-Repubblika Ċeka, Spanja, Franza, l-Italja, l-Ungerija, l-Awstrija u l-Portugall.

(9)

Skond l-Artikolu 16(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1227/2000, l-Istati Membri jistgħu jressqu lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-10 ta’ Lulju ta’ kull sena, dikjarazzjoni ta’ l-ispejjez likwidi ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni fit-30 ta' Ġunju tas-sena finanzjarja kurrenti, kif ukoll l-art totali kkonċernata. Ir-regoli ta’ l-Artikolu 17(2) ta' l-imsemmi regolament jistipulaw li l-Istati Membri m’għandhomx iressqu d-dikjarazzjoni imsemmija fl-Artikolu 16(1)(b), ħlief jekk l-ammont li ddikjaraw skond l-Artikolu 16(1)(a), jiġifieri n-nefqa effettiva fit-30 ta' Ġunju tas-sena finanzjarja, hija għallinqas ugwali għal 75 % ta' l-ammont ta' l-allokazzjoni indikattiva għall-Istat Membru kkonċernat. Jekk in-nefqa effettiva ma tilħaqx il-75 % ta’ l-allokazzjonijiet inizjali, l-ispejjeż likwidi nnotifikati mill-Ġermanja ma jistgħux jiġu aċċettati,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi għas-sena finanzjarja 2006/2007 għall-Istati Membri kkonċernati, fir-rigward ta' ċertu numru ta' ettari, għar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni tad-dwieli skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, għall-perjodu tas-sena finanzjarja 2007, jidhru fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Bulgara, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Griega, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika Ungeriża, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika Awstrijaka, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovena u r-Repubblika Slovakka.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 143, 16.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1216/2005 (ĠU L 199, 29.7.2005, p. 32).

(3)  ĠU L 290, 20.10.2006, p. 41.

(4)  ĠU L 141, 2.6.2007, p. 80.

(5)  ĠU L 201, 2.8.2007, p. 7.


ANNESS

Allokazzjonijiet finanzjarji inidikattivi għall-2006/2007 (sena finanzjarja 2007)

Stat Membru

L-erja (ettari)

Allokazzjoni Finanzjarja (EUR)

Il-Bulgarija

1 918

6 030 464

Ir-Repubblika Ċeka

1 345

3 178 866

Il-Ġermanja

1 410

9 385 538

Il-Greċja

823

6 420 790

Spanja

20 345

165 870 765

Franza

12 769

111 282 822

L-Italja

13 142

100 479 369

Ċipru

145

1 971 461

Il-Lussemburgu

8

59 665

L-Ungerija

1 242

9 940 855

Malta

4

26 249

L-Awstrija

1 074

6 501 073

Il-Portugall

4 117

34 284 676

Ir-Rumanija

880

6 893 688

Is-Slovenja

108

2 120 499

Is-Slovakkja

107

536 527

Total

59 438

464 983 308