ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

Ħarġa Speċjali ( 1 )

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 49
30 ta' Diċembru 2006


Werrej

 

I   Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

*

Regolament (KE) Nru 1923/2006 tal-Parlament Ewropew U tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 999/2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċerti enċefalopatija sponġiformi trasmissibbli ( 3 )

1

 

*

Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel

9

 

*

Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra ma' l-ikel

26

 

*

Deċiżjoni (KE) Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007-2013) ( 3 )

39

 


 

(1)   Din il-Ħarga Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fil-ĠU L 404.

 

(2)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea fil-ĠU L 404.

 

(3)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

30.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


REGOLAMENT (KE) NRU 1923/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Diċembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 999/2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċerti enċefalopatija sponġiformi trasmissibbli

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 152(4)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 (3) hu maħsub biex jipprovdi qafas legali wieħed għal enċifalopatija sponġiformi trasmissibbli (TSEs) fil-Komunità.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 932/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 999/2001 dwar l-estensjoni tal-perijodu għal miżuri transitorji (4) tawwal il-perijodu ta' applikazzjoni għal miżuri transitorji msemmija f'Regolament (KE) Nru 999/2001 sa l-1 ta' Lulju 2007 l-aktar tard.

(3)

Waqt is-Sessjoni Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta' l-Annimali f'Mejju 2003, ġiet adottata Riżoluzzjoni biex tissemplifika l-kriterji internazzjonali kurrenti għall-klassifikazzjoni tal-pajjiżi skond ir-riskju tagħhom għall-Enċifalopatija Sponġiformi Bovina (BSE). Ġiet adottata proposta fis-Sessjoni Ġenerali f'Mejju 2005. L-Artikoli tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandhom jiġu adattati biex jirriflettu s-sistema ġdida ta' kategorizzazzjoni miftiehma f'livell internazzjonali.

(4)

Żviluppi ġodda li jikkonċernaw kampjunar u analiżi se jkunu jeħtieġu emendi komprensivi lil Anness X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. Huwa għaldaqstant meħtieġ li jsiru ċertu emendi tekniċi lid-definizzjoni eżistenti ta' 'testijiet rapidi' fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 sabiex l-emendi għall-istruttura ta' dak l-Anness fi stadju ulterjuri jsiru aktar faċli.

(5)

Sabiex il-leġislazzjoni tal-Komunità tkun ċara, ikun xieraq li jiġi ċċarat li d-definizzjoni ta' 'laħam rikoverat mekkanikament' prevista f'leġislazzjonioħratal-Komunità fuq is-sigurtà ta' l-ikel għandha tkun applikabbli fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 fil-kuntest tal-miżuri għall-qerda tat-TSE.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi programm ta' monitoraġġ għall-BSE u scrapie. Fl-opinjoni tiegħu tas-6-7 ta' Marzu 2003, il-Kumitat Xjentifiku tat-Tmexxija irrakkomanda l-introduzzjoni ta' programm ta' osservazzjoni għat-TSEs fl-ispeċi taċ-ċriev. Għaldaqstant is-sistema ta' osservazzjoni prevista fir-Regolament għandha tkun estiża għal TSEs oħrajn, bil-possibilità li jiġu adottati miżuri oħrajn biex jimplimentaw is-sistema fi stadju ulterjuri.

(7)

Bħala miżura transitorja twaqqaf programm tat-trobbija armonizzat biex jintgħażlu minn annimali bħal nagħaġ dawk reżistenti għat-TSEs, bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/100/KE tat-13 ta' Frar 2003 li tippreskrivi r-rekwiżiti minimi għall-istabbiliment ta' programmi ta' tnissil għar-reżistenza għall-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli fin-nagħaġ (5). Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jiġi emendat biex jipprovdi bażi legali permanenti għal dak il-programm, kif ukoll il-possibilità li programmi bħal dawn jiġu emendati biex iqisu r-riżultati xjentifiċi evalwati u l-konsegwenzi ġenerali ta' l-implimentazzjoni tagħhom.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprojbixxi l-għalf ta' ċertu proteini pproċessati ta' l-annimali lil ċertu annimali, bil-possibilità li jipprovdi għal derogi. Żviluppi ġodda li jikkonċernaw l-projbizzjonijiet fuq l-għalf ta' l-annimali jistgħu jeħtieġu emendi lil Anness IV ta' dak ir-Regolament. Jeħtieġ li jsiru ċertu emendi tekniċi lill-għażla eżistenti tal-kliem użat fl-Artikolu li jikkorrispondi sabiex l-emendi għall-istruttura ta' dak l-Anness fi stadju ulterjuri jsiru aktar faċli.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta' l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (6) jistabbilixxi regoli għall-eliminazzjoni ta' materjali riskjużi speċifiċi u annimali infettati bit-TSEs. Regoli fuq it-transitu fil-Komunità ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali ġew issa adottati. Għaldaqstant, biex il-leġislazzjoni tal-Komunità tkun konsistenti, ir-regoli eżistenti fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 dwar l-eliminazzjoni ta' dawn il-materjali u annimali għandhom jiġu mibdula b'riferenza għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, u r-riferenza għar-regoli fuq it-transitu fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandha tiġi mħassra.

(10)

Żviluppi ġodda li jikkonċernaw materjali riskjużi speċifiċi se jkunu jeħtieġu wkoll emendi komprensivi lil Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. Jeħtieġ li jsiru ċertu emendi tekniċi lill-għażla eżistenti tal-kliem użat fid-dispożizzjonijiet dak ir-Regolament li jikkorrispondu sabiex l-emendi għall-istruttura ta' dak l-Anness fi stadju ulterjuri jsiru aktar faċli.

(11)

Għalkemm l-isturdament b'injezzjoni tal-gass fil-ħofra kranjali hu projbit fil-Komunità, l-injezzjoni tal-gass tista' sseħħ ukoll wara l-isturdament. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet rilevanti fuq il-metodi ta' tbiċċir fir-Regolament (KE) Nru. 999/2001 b'għan li jipprojbixxu l-injezzjoni tal-gass fil-ħofra kranjali wara l-isturdament.

(12)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1915/2003 li jemenda Regolament (KE) Nru 999/2001 (7), jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġodda għall-qerda ta' scrapie f'annimali bħal nagħaġ u bħal mogħoż. Għaldaqstant, hi neċessarja l-projbizzjoni tal-moviment ta' annimali bħal nagħaġ u bħal mogħoż minn azjendi fejn l-iscrapie hi uffiċjalment suspettata.

(13)

Filwaqt li jkun ibbażat fuq għarfien xjentifiku dejjem jinbidel, ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jippermetti l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq u l-esportazzjoni ta' annimali bovini, bħal nagħaġ u bħal mogħoż, is-semen, l-embrijuni u l-bajd tagħhom għal speċi oħrajn.

(14)

L-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku tat-Tmexxija tas-26 ta' Ġunju 1998 tindika li ċertu restrizzjonijiet dwar mnejn jinġieb il-materjal mhux ipproċessat għall-fabbrikazzjoni tad-di-kalċju fosfat għandhom jiġu osservati. Għaldaqstant, id-di kalċju fosfat għandu jitneħħa mil-lista ta' prodotti li mhumiex suġġetti għar-restrizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. In-nuqqas ta' restrizzjonijiet applikabbli għall-ħalib u prodotti tal-ħalib għandha tiġi klassifikata.

(15)

Filwaqt li jkun ibbażat fuq għarfien xjentifiku dejjem jinbidel u l-klassifikazzjoni tar-riskju, u minkejja l-possibilità li jiġu adottati miżuri ta' salvagwardja, ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jippermetti l-adozzjoni skond il-proċedura ta' komitoloġija ta' aktar kundizzjonijiet speċifiċi għat-tqegħid fis-suq u l-esportazzjoni ta' prodotti li ġejjin mill-annimali li joriġinaw minn Stati Membri u pajjiżi terzi b'riskju kkontrollat jew mhux determinat ta' TSE.

(16)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (8).

(17)

B'mod partikolari, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tkun abilitata sabiex tadotta deċiżjonijiet li japprovaw it-testijiet rapidi, li tadatta l-eta ta' l-annimali, tintroduċi livell ta' tolleranza, li tippermetti l-għalf ta' annimali żgħar ta' speċi li jixtarru bi proteini ġejjin mill-ħut u li testendi ċerti disposizzjonijiet għal speċi ta' annimali oħra li tistabbilixxi regoli li jipprovdu eżenzjonijiet mir-rekwiżit tat-tneħħija u qerda ta' materjal speċifiku ta' riskju; li tistabbilixxi kriterji li juru titjib fis-sitwazzjoni epidemjoloġika u kriterji għall-għoti ta' eżenzjonijiet minn ċerti restrizzjonijiet kif ukoll minn proċessi ta' distribuzzjoni. Peress illi dawk il-miżuri huma ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali u maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 u/jew sabiex jissuplimentaw dak ir-Regolament biż-żieda ta' elementi mhux essenzjali ġodda, dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE.

(18)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 huwa b' dan emendat kif ġej:

1)

Għandha tiżdied il-premessa li ġejja:

“(8a)

L-għalf ta' ċerti proteini proċessati ta' l-annimali li ġejjin minn annimali li ma jixtarrux (non-ruminants) lill-annimali li ma jixtarrux għandu jkun permess filwaqt li tkun ikkunsidrata l-projbizzjoni fuq ir-riċiklaġġ intra-speċi kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ottubru 2002 li jistipula regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta' l-annimali mhux intiżi għall-konsum uman (*) u l-aspetti ta' kontroll b'mod partikolari li għandhom x'jaqsmu mad-divrenzjar ta' proteini pproċessati ta' l-annimali speċifiċi għal ċerti speċi kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar ir-Road Map tat-TSE adottata mill-Kummissjoni fil-15 ta' Lulju 2005.

(*)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 208/2006 (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 25).”;"

2)

Għandhom jiżdiedu l-premessi li ġejjin:

“(11a)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2004 (**), il-Parlament Ewropew esprima tħassib dwar l-għalf ta' proteini ta' l-annimali lill-annimali li jixtarru peress li ma jagħmlux parti min-nutriment naturali ta' l-ifrat adulti. Wara l-kriżi tal-BSE u l-kriżi tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, qed isir aktar aċċettat li l-aħjar mod kif tiġi assigurata s-saħħa tal-bnedmin u ta' l-annimali huwa li l-animali jinżammu u jiġu nutriti f'mod li jirrispetta l-partikolaritajiet ta' kull speċi. Skond il-prinċipju ta' prekawzjoni u konformi mad-dieta u mal-kundizzjonijiet ta' ħajja naturali ta' l-annimali li jixtarru, huwa għalhekk neċessarju li tinżamm il-projbizzjoni fuq l-għalf ta' proteini ta' l-annimali lill-annimali li jixtarru f'forma li normalment ma tagħmilx parti mid-dieta naturali tagħhom.

(11b)

Laħam li hu rikoverat mekkanikament jinkiseb billi jitneħħa l-laħam mill-għadam b'tali mod li l-istruttura tal-fibra muskolari tinqered jew tiġi mmodifikata. Jista' jkollu biċċiet mill-għadam u mill-perjostju (il-ġilda ta' l-għadma). B'hekk, laħam rikoverat mekkanikament ma jistax jitqabbel ma' laħam regolari. Konsegwentement l-użu tiegħu għall-konsum uman għandu jiġi rivedut.

(**)  ĠU C 174 E, 14.7.2005, p. 178.”;"

3)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

a)

punt (l) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“l)

‘testijiet rapidi’: il-metodi ta' stħarriġ fl-Anness X, li r-riżultati tagħhom ikunu magħrufa fi żmien 24 siegħa;”;

b)

għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“n)

‘laħam rikoverat mekkanikament’ jew ‘MSM’ jfisser prodott miksub meta l-laħam jitneħħa mill-għadam li jkollu i-laħam wara li jiġi ddissussat, bl-użu ta' mezzi mekkaniċi li jirriżulta fit-telf jew il-modifika ta' l-istruttura tal-fibra muskolari;

o)

‘sorveljanza passiva’: ir-rappurtaġġ ta' l-annimali kollha suspettati li huma infettati b'TSE u, fejn it-TSE ma tistax tiġi eskluża minn investigazzjonijiet kliniċi, l-ittestjar fil-laboratorju ta' dawn l-annimali;

p)

‘sorveljanza attiva’: l-ittestjar ta' annimali mhux rapportati bħala suspettati li huma infettati minn TSE, bħal annimali maqtula f'emerġenza, annimali b'osservazzjonijiet fi spezzjoni ante mortem, annimali misjuba mejta, annimali b'saħħithom maqtula u annimali maqtula minħabba każ ta' TSE b'mod partikolari biex tiġi determinata l-evoluzzjoni u l-prevalenza tat-TSE f'pajjiż jew reġjun tiegħu.”;

4)

l-Artikolu 5 huwa b' dan emendat kif ġej:

a)

il-paragrafu 1 għandu jinbidel b' dan li ġej:

“1.   L-istatus tal-BSE ta' l-Istati Membri jew ta' pajjiżi terzi jew ta' reġjuni tagħhom (minn hawn 'il quddiem ''pajjiżi jew reġjuni'') għandu jiġi determinat b' klassifikazzjoni f'wieħed mit-tliet kategoriji li ġejjin:

riskju żgħir ħafna ta' BSE kif definit fl-Anness II,

riskju kontrollat ta' BSE kif definit fl-Anness II,

riskju mhux determinat ta' BSE kif definit fl-Anness II.

L-istatus tal-BSE ta' pajjiżi jew reġjuni jista' jiġi determinat biss fuq il-bażi tal-kriterji stipulati fl-Anness II, Kapitolu A. Dawn il-kriterji għandhom jinkludu r-riżultat ta' analiżi ta' riskju fuq il-bażi tal-fatturi potenzjali kollha għall-preżenza ta' enċifalopatija sponġiformi bovina kif imsemmi fl-Anness II, Kapitolu B, u l-iżvilupp tagħhom biż-żmien, kif ukoll miżuri komprensivi għas-sorveljanza attiva u passiva billi titqies il-kategorija ta' riskju tal-pajjiż jew reġjun.

Stat Membru u pajjiżi terzi li jixtiequ jinżammu fuq il-lista ta' pajjiżi terzi approvati għall-esportazzjoni fil-Komunità ta' l-annimali ħajjin jew tal-prodotti koperti minn dan ir-Regolament, għandhom jippreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi determinat l-istatus tal-BSE tagħhom, flimkien ma' l-informazzjoni relevanti dwar il-kriterji stabbiliti fl-Anness II, Kapitolu A, u fuq il-fatturi ta' riskju potenzjali fl-Anness II, Kapitolu B, u l-iżvilupp tagħhom biż-żmien.”;

b)

il-paragrafu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Stati Membri u pajjiżi terzi li ma ressqux applikazzjoni skond it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom, dwar it-tixrid mit-territorju tagħhom ta' annimali ħajjin u prodotti li ġejjin mill-annimali, ikunu konformi mal-kundizzjonijiet ta' l-importazzjoni applikabbli għal pajjiżi b'riskju mhux determinat ta' BSE, sakemm iressqu din l-applikazzjoni u sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni finali fuq l-istatus tagħhom tal-BSE.”;

5)

Artikolu 6 huwa b' dan emendat kif ġej:

a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“1.   Kull Stat Membru għandu jagħmel programm annwali ta' osservazzjoni għat-TSEs ibbażat fuq is-sorveljanza attiva u passiva skond l-Anness III. Jekk huwa disponibbli għall-ispeċi ta' l-annimali, dak il-programm għandu jinkludi proċedura ta' eżami bl-użu ta' testijiet rapidi.

Testijiet rapidi għandhom jiġu approvati għal dak l-għan skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3) u mniżżla fl-Anness X.”;

b)

il-paragrafi li ġejjin għandhom jiġu miżjuda:

“1a.   Il-programm annwali ta' monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu mill-inqas ikopri s-subpopolazzjonijiet li ġejjin:

a)

l-annimali bovini kollha ta' età 'l fuq minn 24 xahar mibgħuta għal qtil ta' emerġenza jew b'osservazzjonijiet fi spezzjonijiet ante mortem,

b)

l-annimali bovini kollha ta' età 'l fuq minn 30 xahar maqtula b'mod normali għall-konsum uman,

ċ)

l-annimali bovini kollha ta' età 'l fuq minn 24 xahar mhux maqtula għall-konsum uman, li jkunu mietu jew inqatlu fir-razzett, waqt it-trasport jew f'biċċerija (annimali misjuba mejta).

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jidderogaw mid-dispożizzjoni taħt il-punt (ċ) f'inħawi remoti b'densità baxxa ta' annimali, fejn m'hemmx ġbir organizzat ta' annimali mejta. Stati Membri li jagħmlu użu minn din il-possibilità għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u jippreżentaw lista ta' l-inħawi kkonċernati flimkien ma' ġustifikazzjoni għad-deroga. Id-deroga m'għandhiex tkopri iżjed minn 10 % tal-popolazzjoni bovina fi Stat Membru.

1b.   Wara konsultazzjoni tal-kumitat xjentifiku rilevanti, l-età mniżżla fil-paragrafu 1a(a) u (c) tista' tiġi adattata skond il-progress xjentifiku skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3).

Fuq talba ta' Stat Membru li jista' juri t-titjib tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-pajjiż, skond ċerti kriterji li jridu jiġu stipulati bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3), il-programmi annwali ta' monitoraġġ għal dak l-Istat Membru partikolari jistgħu jiġu riveduti.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi prova tal-kapaċità tiegħu li jiddetermina l-effettività tal-miżuri applikati u jiżgura l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimali bbażata fuq analiżi ta' riskju komprensiva. L-Istat Membru għandu juri b'mod partikolari:

a)

prevalenza tal-BSE li tkun qed tonqos b'mod ċar jew li tkun baxxa b'mod konsistenti, ibbażata fuq riżultati ta' ttestjar li jkunu aġġornati;

b)

li jkun implimenta u inforza skema sħiħa għall-ittestjar tal-BSE għal mill-inqas sitt snin (leġiżlazzjoni Komunitarja dwar it-traċċabilità u l-identifikazzjoni ta' annimali ħajjin u dwar is-sorveljanza tal-BSE);

ċ)

li jkun implimenta u inforza għal mill-inqas sitt snin leġiżlazzjoni Komunitarja dwar projbizzjoni sħiħa ta' l-għalf għall-annimali fl-irziezet.”;

(ċ)

il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

“5.   Regoli għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2).”;

6)

L-Artikolu li ġej għandu jiġi miżjud:

“Artikolu 6a

Programmi ta' tnissil

1.   L-Istati Membri jistgħu jintroduċu programmi tat-tnissil biex jagħżlu dawk reżistenti għal TSEs fil-popolazzjoni tan-nagħaġ tagħhom. Dawk il-programmi għandhom jinkludu qafas biex jirrikonoxxi l-istatus reżistenti għat-TSE ta' ċertu merħliet u jistgħu jiġu estiżi biex jinkludu speċi oħra ta' l-annimali bbażati fuq evidenza xjentifika li tikkorrobora r-reżistenza għat-TSE ta' ġenotipi partikolari ta' dawk l-ispeċi.

2.   Regoli speċifiċi għall-programmi previsti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2).

3.   Stati Membri li jintroduċu programmi tat-trobbija għandhom jippreżentaw rapporti regolari lill-Kummissjoni sabiex il-programmi ikunu jistgħu jiġu evalwati xjentifikament, b'mod partikolari fir-rigward l-impatt tagħhom fuq l-inċidenza tat-TSEs u wkoll fuq id-diversità u l-varjabilità ġenetika u fuq iż-żamma ta' razez tan-nagħaġ qodma u rari jew ta' dawk li huma adattati sew għal reġjun partikolari. Ir-riżultati xjentifiċi u l-konsegwenzi globali tal-programmi tat-trobbija għandhom jiġu evalwati b'mod regolari, u fejn jeħtieġ, dawk il-programmi għandhom jiġu emendati għaldaqstant.”;

7)

L-Artikolu 7 huwa b' dan emendat kif ġej:

a)

paragrafi 1 sa 4 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

“1.   It-tmigħ lill-annimali li jixtarru ta' proteini li jiġu mill-annimali għandu jkun projbit.

2.   Il-projbizzjoni li għaliha hemm dispożizzjoni fil-paragrafu 1 għandha tiġi estiża għal annimali barra mill-annimali li jixtarru u ristretta, rigward l-għalf lil dawk l-annimali, bi prodotti li ġejjin mill-annimali skond l-Anness IV.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw bla ħsara għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV li jippreskrivi d-derogi mill-projbizzjoni li tinsab f'dawn il-paragrafi.

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3), fuq bażi ta' evalwazzjoni xjentifika tal-bżonnijiet tad-dieta ta' annimali żgħar li jixtarru u soġġetta għar-regoli adottati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu li għalihom hemm dispożizzjoni fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, u wara evalwazzjoni ta' l-aspetti ta' kontroll ta' din id-deroga, li tippermetti l-għalf bi proteini ġejjin mill-ħut lill-annimali ż-żgħar ta' speċi li jixtarru.

4.   Stati Membri, jew reġjuni tagħhom, b'riskju ta' BSE mhux determinat m'għandhomx jiġu permessi li jesportaw jew li jżommu għalf intenzjonat għal annimali fl-irziezet li jkollu fih proteini derivati mill-mammiferi jew għalf intenzjonat għal mammiferi, ħlief għalf għall-klieb, għall-qtates u għall-annimali bil-pil, li jkollu fih proteini proċessati derivati mill-mammiferi.

Pajjiżi terzi, jew reġjuni tagħhom, b'riskju ta' BSE mhux determinat m'għandhomx jiġu permessi li jesportaw lejn il-Komunità għalf intenzjonat għall-annimali fl-irziezet li jkollu fih proteini derivati minn mammiferi jew għalf intenzjonat għall-mammiferi, ħlief għalf għall-klieb, għall-qtates u għall-annimali bil-pil, li jkollu fih proteini proċessati derivati mill-mammiferi.

Fuq it-talba ta' Stat Membru jew ta' pajjiż terz tista' tittieħed deċiżjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2), skond kriterji dettaljati li għandhom jiġu stabbiliti, biex jingħataw eżenzjonijiet individwali mir-restrizzjonijiet f'dan il-paragrafu. Kwalunkwe eżenzjoni għandha tikkunsidra d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.”;

b)

il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

“4a.   Imsejsa fuq evalwazzjoni ta' riskju favorevoli li għall-inqas tqis l-ammont u s-sors possibbli ta' kontaminazzjoni u d-destinazzjoni finali tal-kunsinna, tista' tittieħed deċiżjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3) biex jiġi introdott livell ta' tolleranza għal ammonti żgħar ħafna ta' proteini ta' l-annimali fl-għalf li jiġu minn kontaminazzjoni aċċidentali u li hija teknikament impossibbli li tiġi evitata.”;

ċ)

il-paragrafu 5 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“5.   Regoli għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, b'mod partikolari regoli dwar il-prevenzjoni ta' kontaminazzjoni miż-żewġ naħat u dwar il-metodi ta' teħid ta' kampjuni u l-analiżi meħtieġa biex jiġi żgurat li jkun konformi ma' dan l-Artikolu, għandu jiġi adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2). Dawk ir-regoli għandhom jiġu bbażati fuq rapport tal-Kummissjoni li jkopri t-tiftix, l-ipproċessar, il-kontroll u t-traċċabilità ta' l-għalf b'oriġini mill-annimali.”;

8)

Fl-Artikolu 8, il-paragrafi 1 sa 5 għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej:

“1.   Il-materjal riskjuż speċifikat għandu jitneħħa u jiġi eliminat skond l-Anness V ta' dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 1774/2002. M'għandux ikun impurtat ġol-Komunità. Il-lista ta' materjal riskjuż speċifikat imsemmi fl-Anness V għandu jinkludi mill-inqas il-moħħ, is-sinsla, l-għajnejn u t-tonsilli ta' l-annimali bovini ta' l-età ta' 12-il xahar 'il fuq u l-kolonna vertebrali ta' l-annimali bovini 'l fuq minn età li trid tiġi determinata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3). Billi jitqiesu l-kategoriji ta' riskju differenti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 5(1) u l-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 6(1a) u (1b)(b), il-lista tal-materjal riskjuż speċifikat fl-Anness V għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

2.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu m'għandux japplika għal tessuti minn annimali li jkunu għaddew minn test alternattiv approvat għal dak l-għan waħdieni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3) sakemm dan it-test ikun imniżżel fl-Anness V u r-riżultati tat-testijiet ikunu negattivi.

L-Istati Membri li jawtorizzaw l-użu ta' test alternattiv skond dan il-paragrafu għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

3.   Fl-Istati Membri, jew fir-reġjuni tagħhom, fejn hemm riskju kkontrollat jew mhux determinat ta' BSE, it-tiċrit, wara l-isturdament, ta' tessuti tas-sistema ċentrali nervuża permezz ta' strument f'għamla ta' virga mtawla introdotta fil-ħofra kranjali, jew permezz ta' injezzjoni tal-gass fil-ħofra kranjali b'konnessjoni ma' l-isturdament, m'għandux jintuża fuq annimali bovini, ovini u kaprini li l-laħam tagħhom hu destinat għall-konsum uman jew ta' l-annimal.

4.   Id-data relatata ma' l-età stipulata fl-Anness V tista' tkun adattata. Adattamenti bħal dawn għandhom jiġu bbażati fuq l-aħħar skoperti xjentifikament provati li jikkonċernaw il-probabilità statistika tas-seħħ tat-TSE fil-gruppi ta' l-età relevanti tal-popolazzjoni bovina, u ta' l-annimali bovini, nagħaġ u mogħoż tal-Komunità.

5.   Jistgħu jiġu adottati regoli li jipprovdu għal eżenzjonijiet mill-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3), dwar id-data ta' l-infurzar effettiv tal-projbizzjoni ta' l-għalf prevista fl-Artikolu 7(1) jew, kif xieraq għal pajjiż terz jew reġjun tagħhom b'riskju għall-BSE kkontrollat, skond id-data ta' l-infurzar effettiv tal-projbizzjoni ta' proteini mammiferi f'għalf għall-annimali li jixtarru b'għan li jillimitaw il-ħtiġijiet individwali biex jitneħħa u jinqered materjal speċifiku riskjuż lil annimali mwielda qabel dik id-data f'dawk il-pajjiżi jew reġjuni konċernati.”;

9)

fl-Artikolu 9, il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej:

“1.   Il-prodotti li ġejjin mill-annimali mniżżla fl-Anness VI għandhom jiġu prodotti bil-proċessi ta' produzzjoni approvati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3).

2.   Għadam ta' annimali bovini, ovini u kaprini minn pajjiżi jew reġjuni fejn hemm riskju kkontrollat jew mhux determinat ta' BSE m'għandhomx jintużaw għall-produzzjoni ta' laħam separat b'mod mekkaniku (MSM). Qabel l-1 ta' Lulju 2008, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-użu u l-metodu ta' produzzjoni ta' l-MSM fit-territorju tagħhom. Dan ir-rapport għandu jinkludi dikjarazzjoni dwar jekk l-Istat Membru huwiex bi ħsiebu jkompli bil-produzzjoni ta' l-MSM.

Il-Kummissjoni għandha b'hekk tippreżenta komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħtieġa u l-użu fil-futur ta' l-MSM fil-Komunità, inkluża l-politika ta' l-informazzjoni fir-rigward tal-konsumaturi.”;

10)

Artikolu 12 huwa b' dan emendat kif ġej:

a)

il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Kull annimal suspettat li hu infettat bit-TSE għandu jitqiegħed taħt restrizzjoni uffiċjali fuq il-moviment sakemm ir-riżultati ta' eżami kliniku u epidemjoloġiku li jsir mill-awtorità kompetenti jkunu magħrufa, jew maqtula għal eżami fil-laboratorju taħt kontroll uffiċjali.

Jekk TSE jkun uffiċjalment suspettat f'annimal bovin f'azjenda fi Stat Membru, l-annimali l-oħra kollha bovini f'dik l-azjenda għandhom jitqiegħdu taħt restrizzjoni uffiċjali fuq il-moviment sakemm ir-riżultati ta' l-eżami jkunu disponibbli. Jekk TSE jkun uffiċjalment suspettat f'annimali ovini u kaprini f'azjenda fi Stat Membru, l-annimali l-oħra kollha ovini jew kaprini f'dik l-azjenda għandhom jitqiegħdu taħt restrizzjoni uffiċjali fuq il-moviment sakemm ir-riżultati jkunu disponibbli.

Madankollu, jekk ikun hemm evidenza li l-azjenda fejn l-annimal kien jinsab meta t-TSE kienet suspettata mhix l-azjenda fejn l-annimal seta' kien espost għat-TSE, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li l-unika annimal suspettat li hu infettat għandu jitqiegħed taħt restrizzjoni uffiċjali fuq il-moviment.

Jekk jitqies meħtieġ, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi ukoll li azjendi oħrajn jew l-azjenda esposta biss għandha titqiegħed taħt kontroll uffiċjali skond l-informazzjoni epidemjoloġika disponibbli.

Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2) u bħala deroga mir-restrizzjonijiet uffiċjali fuq il-moviment previsti f'dan il-paragrafu, l-Istat Membru jista' jiġi eżonerat milli jimplimenta dawn ir-restrizzjonijiet jekk japplika miżuri li joffru salvagwardji ekwivalenti bbażati fuq evalwazzjoni xierqa tar-riskji possibbli għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimal.”;

b)

il-paragrafu 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“3.   Il-partijiet kollha tal-ġisem ta' l-annimal suspettat għandhom jinżammu taħt kontroll uffiċjali sakemm issir dijanjosi negattiva, jew jiġu eliminati skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002.”;

11)

Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 huwa b' dan emendat kif ġej:

a)

punt (a) ta' l-ewwel subparagrafu għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“a)

il-partijiet kollha tal-ġisem ta' l-annimal għandhom jiġu eliminati skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 barra mill-materjal miżmum għar-reġistri skond l-Anness III, Kapitolu B ta' dan ir-Regolament.”;

(b)

punt (c) ta' l-ewwel subparagrafu għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“ċ)

l-annimali kollha u l-prodotti tagħhom li qegħdin f'riskju, kif imniżżla fl-Anness VII, punt 2 ta' dan ir-Regolament, identifikati b'inkjesta msemmija f'punt (b) ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu maqtula u eliminati skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002.”;

(ċ)

is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied wara l-ewwel subparagrafu:

“Fuq it-talba ta' Stat Membru u bbażata fuq evalwazzjoni favorevoli tar-riskju fil-waqt li b'mod partikulari jqis il-miżuri ta' kontroll f'dak l-Istat Membru, tista' tittieħed deċiżjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2) biex ikun permess l-użu ta' l-annimali bovini msemmija f'dan il-paragrafu sa tmiem iż-żmien fertili tagħhom.”;

12)

Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“3.   Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3), id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiġu estiżi għal speċi ta' annimali oħra.

4.   Ir-regoli biex jiġi implementat dan l-Artikolu jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2).”;

13)

Artikolu 16 huwa b' dan emendat kif ġej:

a)

fil-paragrafu 1 il-punt (b) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“b)

ħalib u prodotti tal-ħalib, ġlud u ġild, u ġelatina u collagen ġejjin minn ġlud u ġild.”;

b)

paragrafi 2 and 3 għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej:

“2.   Prodotti li ġejjin mill-annimali impurtati minn pajjiż terz bir-riskju kkontrollat jew mhux determinat tal-BSE għandhom jiġu minn annimali bovini, minn dawk bħan-nagħaġ u minn dawk bħall-mogħoż b'saħħithom li ma kinux suġġetti għal tiċrit tat-tessut tas-sistema nervuża ċentrali jew injezzjoni tal-gass fil-ħofra kranjali kif imsemmija fl-Artikolu 8(3).

3.   Prodotti ta' l-ikel li joriġinaw mill-annimali li fihom materjal miksub minn annimali bovini li joriġinaw f'pajjiż jew reġjun b'riskju tal-BSE mhux determinat m'għandhomx jitqiegħdu fis-suq kemm-il darba ma jkunux ġejjin minn:

a)

annimali mwielda tmien snin wara d-data minn meta kienet effettivament infurzata l-projbizzjoni ta' l-għalf ta' proteini ġejjin minn annimali mammiferi lill-annimali li jixtarru; u

b)

annimali li twieldu, trabbew u baqgħu f'merħliet bi storja ċċertifikata ta' ħelsien mill-BSE għal mill-inqas seba' snin.

Barra minn hekk, prodotti ta' l-ikel li ġejjin minn annimali li jixtarru m'għandhomx jintbagħtu minn Stat Membru jew minn reġjun tiegħu b'riskju mhux determinat tal-BSE lil Stat Membru ieħor jew ikunu impurtati minn pajjiż terz b'riskju mhux determinat tal-BSE.

Din il-projbizzjoni m'għandhiex tapplika għal prodotti li joriġinaw minn annimali elenkati fl-Anness VIII, Kapitolu C, u li jilħqu r-rekwiżiti ta' l-Anness VIII, Kapitolu C.

Dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa ta' l-annimali maħruġ minn veterinarju uffiċjali li jiċċertifika li ġew prodotti f'konformità ma' dan ir-Regolament.”;

14)

L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“L-Artikolu 23a

Il-miżuri għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament li ġejjin, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 24(3):

a)

approvazzjoni tat-testijiet rapidi msemmija fl-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(2),

b)

adattament ta' l-età msemmija fl-Artikolu 6(1b),

ċ)

kriterji li juru titjib tas-sitwazzjoni epidemjoloġika msemmija fl-Artikolu 6(1b),

d)

deċiżjoni biex ikun permess l-għalf ta' annimali ta' età żgħira ta' l-ispeċi ta' ruminanti bi proteini derivati mill-ħut kif imsemmi fl-Artikolu 7(3),

e)

kriterji għall-għoti ta' eżenzjonijiet mir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(4a),

f)

deċiżjoni biex jiġi introdott livell ta' tolleranza kif imsemmi fl-Artikolu 7(4a),

g)

deċiżjoni dwar l-età kif imsemmi fl-Artikolu 8(1),

h)

regoli li jipprovdu għal eżenzjonijiet mir-rekwiżit tat-tneħħija u qerda ta' materjal riskjuz speċifikat kif imsemmi fl-Artikolu 8(5),

i)

proċessi ta' produzzjoni approvati skond l-Artikolu 9(1),

j)

deċiżjoni biex ċerti dispożizzjonijiet jiġu estiżi għal speċi ta' annimali oħra kif imsemmi fl-Artikolu 15(3).”

15)

L-Artikolu 24 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 24

Kumitati

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-Kumitat Permanenti għall-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali. Madankollu, il-Kumitat Permanenti għaż-Żooteknika għandu jiġi kkonsultat ukoll mill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-Artikolu 6a.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b' konsiderazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

L-iskadenzi msemmija fl-Artikolu 5(6) ta' dik id-Deċiżjoni għandhom ikunu ta' tliet xhur u, fil-każ ta' miżuri ta' salvagwardja msemmija fl-Artikolu 4(2) ta' dan ir-Regolament, 15-il jum.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b' konsiderazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.” ;

16)

l-Artikolu li ġej għandu jiġi miżjud:

“Artikolu 24a

Deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati skond waħda mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 24 għandhom jissejsu fuq evalwazzjoni xierqa tar-riskji possibbli għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimali u għandhom, meta wieħed iqis l-evidenza xjentifika li teżisti, iżommu, jew jekk ġustifikat xjentifikament iżidu, il-livell ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimali kif żgurat fil-Komunità.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, fit-18 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J.-E. ENESTAM


(1)  ĠU C 234, 22.9.2005, p. 26.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Novembru 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 147, 31.5.2001, p.1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2006 (ĠU L 187, 8.7.2006, p. 10).

(4)  ĠU L 163, 23.6.2005, p. 1.

(5)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 41.

(6)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 208/2006 (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 25).

(7)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 29.

(8)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11.)


30.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

9


REGOLAMENT (KE) Nru 1924/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' l-20 ta' Diċembru 2006

dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Numru dejjem jikber ta' ikel li qed jiġi ttikkettat u rriklamat fil-Komunità qed ikollu stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumaturi u biex tiġi ffaċilitata l-għażla tagħhom, il-prodotti li jitqiegħdu fis-suq iridu jkunu siguri u ttikkettati b'mod xieraq.

(2)

Id-differenzi bejn id-disposizzjonijiet nazzjonali dwar tali stqarrijiet jistgħu jxekklu l-moviment liberu ta' l-ikel u joħolqu kondizzjonijiet mhux ugwali ta' kompetizzjoni. Għalhekk huma għandhom impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern. Għaldaqstant hemm bżonn li jiġu adottati regoli Komunitarji dwar l-użu ta' stqarrijiet fuq l-ikel dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa.

(3)

Disposizzjonijiet ġenerali għall-ittikkettar jinsabu fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati ma' l-ittikkettar, il-preżentazzjoni u r-riklamar ta' oġġetti ta' l-ikel (3). B'mod ġenerali, id-Direttiva 200/13/KE tipprojbixxi l-użu ta' informazzjoni li tista' tqarraq lix-xerrej jew li tista' tattribwixxi kwalitajiet mediċinali lill-ikel. Dan ir-Regolament għandu jikkomplementa l-prinċipji ġenerali stabbiliti fid-Direttiva 2000/13/KE u għandu jistabbilixxi disposizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu ta' stqarrijiet fuq l-ikel dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa li jitwassal bħala tali lill-konsumatur.

(4)

Dan ir-Regolament għandu japplika għal stqarrijiet kollha dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa f'komunikazzjonijiet kummerċjali, inklużi inter alia, reklamar ġeneriku ta' l-ikel u kampanji promozzjonali, bħal dawk appoġġati totalment jew parzjalment mill-awtoritajiet pubbliċi. Huwa m'għandux japplika għall-istqarrijiet li jsiru f'komunikazzjonijiet mhux kummerċjali, bħal linji gwida dwar dieta jew pariri maħruġa mill-awtoritajiet u l-korpi tas-saħħa pubblika, jew komunikazzjonijiet u informazzjoni mhux kummerċjali fil-ġurnali u f'pubblikazzjonijiet xjentifiċi. Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal trade-marks u marki oħrajn tad-ditta li jistgħu jinftiehmu bħala stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv jew għas-saħħa.

(5)

Stqarrijiet li ma jkunux ta' benefiċċju m'humiex koperti mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament; l-Istati Membri li għandhom il-ħsieb jintroduċu skemi nazzjonali relatati ma' stqarrijiet li mhumiex ta' benefiċċju għandhom jinnotifikaw tali skemi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra skond id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u r-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni (4).

(6)

Fuq livell internazzjonali l-Codex Alimentarius adotta Linji Gwida Ġenerali dwar Stqarrijiet fl-1991 u Linji Gwida għall-Użu ta' Stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv fl-1997. Emenda għal dan ta' l-aħħar ġiet adottata mill-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius fl-2004. Dik l-emenda tittratta l-inklużjoni ta' stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa fil-Linji Gwida ta' l-1997. Id-definizzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida tal-Codex jingħataw konsiderazzjoni xierqa.

(7)

Il-possibbiltà li tintuża l-istqarrija “kontenut baxx ta' xaħam” għax-xaħmijiet li jindilku previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2991/94 tal-5 ta' Diċembru 1994 li tistabbilixxi standards għal xaħmijiet li jindilku (5) għandha tiġi adattata għad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament kemm jista' jkun malajr. Sadattant, ir-Regolament (KE) Nru 2991/94 japplika għall-prodotti koperti minnu.

(8)

Hemm firxa kbira ta' nutrijenti u sustanzi oħrajn li jinkludu, iżda mhux limitati għal, vitamini, minerali li jinkludu oligo-elementi, aċidi amino, aċidi tax-xaħam essenzjali, fibra, pjanti diversi u estratti ta' ħxejjex b'effett nutrittiv jew fiżjoloġiku li jistgħu jkunu preżenti f'ikel u jkunu s-suġġett ta' stqarrija. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti prinċipji ġenerali li japplikaw għall-istqarrijiet kollha magħmula fuq l-ikel sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, sabiex lill-konsumatur tingħatalu l-informazzjoni meħtieġa biex l-għażliet tiegħu jagħmilhom b'għarfien sħiħ tal-fatti, kif ukoll biex jinħolqu kondizzjonijiet indaqs għall-kompetizzjoni fl-industrija ta' l-ikel.

(9)

F'għajnejn il-konsumatur, ikel li jiġi promoss permezz ta' stqarrijiet jista' jidher li għandu vantaġġ nutrittiv, fiżjoloġiku jew vantaġġ ieħor ta' saħħa fuq prodotti simili jew prodotti oħrajn li m'għandhomx dawn in-nutrijenti u sustanzi oħra miżjuda. Dan jista' jħeġġeġ lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet li jinfluwenzaw direttament il-konsum totali tagħhom ta' nutrijenti individwali jew ta' sustanzi oħra b'mod li jmur kontra l-parir xjentifiku. Sabiex wieħed jilqa' għal dan l-effett potenzjali mhux mixtieq, huwa xieraq li jiġu imposti ċerti restrizzjonijiet fir-rigward ta' prodotti li juru l-istqarrijiet. F'dan il-kuntest, fatturi bħall-preżenza ta' ċerti sustanzi, bħal m'huma l-kontenut ta' alkoħol fil-prodott jew il-profil nutrittiv tal-prodott, huma kriterji adatti biex wieħed jistabbilixxi jekk il-prodott jistax juri l-istqarrijiet. L-użu ta' dawn il-kriterji fuq il-livell nazzjonali, filwaqt li ġġustifikat għall-għan li jippermetti lill-konsumaturi jagħmlu għażliet nutrittivi infurmati, x'aktarx jirriżulta f'ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju u għalhekk għandu jiġi armonizzat fuq livell Komunitarju.

(10)

L-applikazzjoni tal-profili nutrittivi bħala kriterju timmira li tevita sitwazzjoni fejn stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv jew għas-saħħa jaħbu l-istatus nutrittiv ġenerali ta' prodott ta' ikel, li jista' jqarraq lill-konsumatur meta dan ikun qed jipprova jagħmel għażliet sani fil-kuntest ta' dieta bilanċjata. Profili nutrittivi kif previsti f'dan ir-Regolament ikunu maħsuba għall-għan uniku li jirregolaw iċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jsiru l-istqarrijiet. Hemm bżonn li jkunu bbażati fuq data xjentifika ġeneralment aċċettata relatata mar-relazzjoni bejn id-dieta u għas-saħħa. Madankollu l-profili wkoll iħallu spazju għall-innovazzjoni tal-prodott u jieħdu kont tal-varjabbiltà tad-drawwiet u t-tradizzjonijiet tad-dieta, u l-fatt li prodotti individwali jistgħu jkollhom rwol importanti fil-kuntest ta' dieta ġenerali.

(11)

Il-ħolqien ta' profili nutrittivi għandu jikkunsidra l-kontenut tad-diversi nutrijenti u sustanzi li għandhom effett nutrittiv jew fiżjoloġiku, b'mod partikolari dawk bħal m'huma x-xaħam, ix-xaħam saturat, l-aċidi tax-xaħam trans, il-melħ/sodju u z-zokkor, li l-konsum eċċessiv tagħhom fid-dieta ġenerali mhux rakkomandat u kif ukoll xaħmijiet poly-unsaturates jew mono-unsaturates, il-karboidrati disponibbli apparti z-zokkor, il-vitamini, il-minerali, il-proteini u l-fibri. Meta jiġu stabbiliti l-profili nutrittivi, il-kategoriji differenti ta' prodotti ta' l-ikel u l-post u r-rwol ta' dawn il-prodotti ta' l-ikel fid-dieta ġenerali għandhom jiġu kkunsidrati. Jista' jkun hemm bżonn xi eżenzjonijiet biex jiġu rrispettati profili nutrittivi stabbiliti fil-każ ta' ċertu ikel jew kategoriji ta' ikel, skond r-rwol u l-importanza tagħhom fid-dieta tal-popolazzjoni. Dan ikun xogħol tekniku kkumplikat u l-adozzjoni tal-miżuri rilevanti għandhom jitħallew f'idejn il-Kummissjoni, meħud kont tal-parir ta' l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta' l-Ikel.

(12)

Supplimenti ta' l-ikel kif definiti fid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar is-supplimenti ta' l-ikel (6) ippreżentati f'forma likwida u b'kontenut ta' aktar minn 1,2 % fil-volum ta' alkoħol m'humiex ikkunsidrati bħala xarbiet taħt dan ir-Regolament.

(13)

Hemm varjetà kbira ta' stqarrijiet li bħalissa qed jintużaw fl-it-tikkettjar u fir-reklamar ta' l-ikel f'xi Stati Membri relatati ma' sustanzi li ma ġewx ippruvati li huma ta' benefiċċju jew li bħalissa m'hemmx biżżejjed qbil xjentifiku dwarhom. Hu meħtieġ li jiġi żgurat li s-sustanzi li dwarhom issir stqarrija jkunu ġew ippruvati li għandhom effett nutrittiv jew fiżjoloġiku li huwa ta' benefiċċju.

(14)

Sabiex jiġi żgurat l-verità ta' l-istqarrijiet, hu meħtieġ li s-sustanza li hija s-suġġett ta' l-istqarrija tkun preżenti fil-prodott finali fi kwantitajiet li huma suffiċjenti, jew li s-sustanza ma tkunx preżenti jew li tkun preżenti fi kwantitajiet imnaqqsa biżżejjed, biex jiġi prodott l-effett nutrittiv jew fiżjoloġiku mistqarr. Is-sustanza għandha wkoll tkun f'forma li tista' tintuża mill-ġisem. Barra minn hekk, għandu jiġi pprovdut ammont sinifikanti tas-sustanza li tipproduċi l-effett nutrittiv jew fiżjoloġiku mistqarr minn kwantità ta' l-ikel li wieħed jista' raġonevolment jistenna li se jiġi kkunsmat.

(15)

Huwa importanti li l-istqarrijiet fuq l-ikel ikunu jistgħu jinftiehmu mill-konsumatur u huwa xieraq li-konsumaturi kollha jkunu mħarsa minn stqarrijiet qarrieqa. Madankollu, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 84/450/KEE ta' l-10 ta' Settembru 1984 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (7), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, sabet li hu meħtieġ meta tkun qed tiġġudika każijiet dwar riklamar li teżamina l-effett fuq konsumatur konċettwali tipiku. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, u sabiex tkun tista' sseħħ l-applikazzjoni effettiva tal-protezzjoni kontenuta fih, dan ir-Regolament jieħu bħala standard il-konsumatur medju, li hu infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment osservanti u attent, u meħud kont tal-fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi, skond l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda fih disposizzjonijiet sabiex jipprevjeni l-esplojtazzjoni tal-konsumaturi li l-karatteristiċi tagħhom jagħmluhom partikolarment vulnerabbli għal stqarrijiet li jqarrqu. Fejn xi stqarrija tkun immirata speċifikament lejn grupp partikolari ta' konsumaturi, bħat-tfal, hu mixtieq li l-impatt ta' l-istqarrija jiġi valutat mill-perspettiva tal-membru medju ta' dak il-grupp. L-eżami tal-konsumatur medju mhuwiex eżami statistiku. Il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali ser ikollhom jeżerċitaw il-fakoltà tagħhom ta' ġudizzju, wara li jikkunsidraw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, biex jiddeterminaw ir-reazzjoni tipika tal-konsumatur medju f'każ partikolari.

(16)

L-evidenza xjentifika għandha tkun l-aspett ewlieni li jrid jitqies fl-użu ta' stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u dwar vantaġġ għas-saħħa u l-operaturi tan-negozju ta' l-ikel li jużaw l-istqarrijiet għandhom jiġġustifikawhom.

(17)

Stqarrija ta' vantaġġ nutrittiv jew għas-saħħa m'għandhiex issir jekk tkun inkonsistenti mal-prinċipji ta' nutriment u saħħa ġeneralment aċċettati jew jekk tinkoraġġixxi jew tittollera konsum eċċessiv ta' kwalunkwe ikel jew tmaqdar il-prattika ta' dieta tajba.

(18)

Minħabba l-immaġini pożittiva li tingħata lill-ikel li juri stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa u l-impatt potenzjali li dan l-ikel jista' jkollu fuq id-drawwiet ta' dieta u fuq il-konsum totali ta' nutrijenti, il-konsumatur għandu jkun kapaċi jagħmel valutazzjoni tal-kwalità nutrittivi globali tagħhom. Għalhekk, it-tikketti nutrittivi għandhom ikunu obbligatorji u għandhom ikunu estensivi fuq l-ikel kollu li juri stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa.

(19)

Disposizzjonijiet ġenerali dwar tikketti nutrittivi jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE dwar l-ittikkettjar tan-nutriment għall-oġġetti ta' l-ikel (8). Skond dik id-Direttiva, fejn tidher stqarrija ta' vantaġġ nutrittiv fuq it-tikketti, fil-preżentazzjoni jew fir-reklamar, ħlief fir-reklamar ġeneriku, l-ittikkettar b'tagħrif nutrittiv għandu jkun obbligatorju. Fejn issir stqarrija ta' vantaġġ nutrittiv għaz-zokkor, saturati, fibri jew sodju, l-informazzjoni li trid tingħata għandha tkun dik tal-Grupp 2 kif definit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/496/KEE. Sabiex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumatur, dan l-obbligu biex tiġi fornita l-informazzjoni fil-Grupp 2 għandu japplika mutatis mutandis fejn issir kwalunkwe stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa, ħlief fil-każ ta' reklamar ġeneriku.

(20)

Għandha wkoll tinħoloq lista ta' stqarrijiet ta' vantaġġ nutrittiv li huma permessi u l-kondizzjonijiet speċifiċi għall-użu tagħhom, abbażi tal-kondizzjonijiet għall-użu ta' tali stqarrijiet li dwarhom intlaħaq ftehim fuq livell nazzjonali jew internazzjonali u stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja. Kwalunkwe stqarrija li tkun ikkunsidrata li jkollha l-istess tifsira għall-konsumatur bħal stqarrija ta' vantaġġ nutrittiv inkluża fil-lista hawn fuq imsemmija għandha tkun soġġetta għall-istess kondizzjonijiet ta' użu indikati hemmhekk. Per eżempju, stqarrijiet relatati maż-żieda ta' vitamini u minerali bħal “bi…”, “re-integrat…”, “miżjud…”, jew “arrikkit…” għandhom ikunu soġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti għall-istqarrija “sors ta'…”. Il-lista għandha tiġi regolarment aġġornata sabiex jittieħed kont ta' l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi. Barra minn dan, għal stqarrijiet komparattivi hu meħtieġ li l-prodotti li qegħdin jitqabblu jkunu identifikati b'mod ċar lill-konsumatur finali.

(21)

Kondizzjonijiet għall-istqarrijiet bħal “mingħajr lattosju” jew “mingħajr glutina”, indirizzati lil grupp ta' konsumaturi b'disturbi speċifiċi għandhom jiġu ttrattati fid-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta' Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward oġġetti ta' l-ikel maħsuba għal użu nutrittiv partikolari (9). Barra minn hekk, dik id-Direttiva tipprovdi l-possibbiltà li l-oġġetti ta' ikel għal konsum normali jistgħu jindikaw l-adattabbiltà tagħhom għall-użu minn dawn il-gruppi ta' konsumaturi jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet għal tali dikjarazzjoni. Sakemm il-kondizzjonijiet għal tali dikjarazzjoni jiġu stabbiliti f'livell Komunitarju, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw miżuri nazzjonali rilevanti.

(22)

Stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa għandhom jiġu awtorizzati għall-użu fil-Komunità biss wara valutazzjoni xjentifika ta' l-ogħla standard possibbli. Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni xjentifika armonizzata ta' dawn l-istqarrijiet, l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta' l-Ikel għandha twettaq tali valutazzjonijiet.

(23)

Hemm ħafna fatturi, barra minn dawk ta' dieta, li jistgħu jinfluwenzaw il-funzjonijiet psikoloġiċi u tal-komportament. Il-komunikazzjoni dwar dawn il-funzjonijiet għalhekk hija komplessa ħafna u huwa diffiċli twassal messaġġ komprensiv, veritier u li jagħmel sens fi stqarrija qasira biex tintuża fit-tikketta u r-reklamar ta' l-ikel. Għalhekk, huwa xieraq, meta jintużaw stqarrijiet psikoloġiċi u ta' komportament, li tiġi mitluba prova xjentifika.

(24)

Fid-dawl tad-Direttiva tal-Kummissjoni 96/8/KE tas-26 ta' Frar 1996 dwar prodotti ta' l-ikel maħsuba għall-użu f'dieti b'energija ristretta għal tnaqqis fil-piż (10), li tipprojbixxi fit-tikketta, fil-preżentazzjoni u fir-riklamar ta' prodotti koperti minn dik id-Direttiva, kull referenza għar-rata jew għall-ammont ta' tnaqqis fil-piż li jista' jirriżulta mill-użu tagħhom, hija kkunsidrata xierqa li din ir-restrizzjoni tiġi estiża għall-ikel kollu.

(25)

Stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa minbarra dawk li jirreferu għat-tnaqqqis fir-riskju ta' mard, abbażi tad-data xjentifika ġeneralment aċċettata, għandu jkollhom tip differenti ta' valutazzjoni u awtorizzazzjoni. Ghalhekk hu meħtieġ li tiġi adottata lista Komunitarja ta' tali stqarrijiet li huma permessi wara konsultazzjoni ma' l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta' l-Ikel.

(26)

Sabiex tibqa' aġġornata ma' żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi, il-lista msemmija hawn fuq għandha tiġi riveduta mill-ewwel kull meta jkun meħtieġ. Tali reviżjonijiet huma miżuri ta' implimentazzjoni ta' natura teknika u l-adozzjoni tagħhom għandha tiġi fdata lill-Kummissjoni sabiex il-proċedura tiġi ssimplifikata u mgħaġġla.

(27)

Dieta varjata u bbilanċjata hija prerekwiżit għas-saħħa u prodotti individwali għandhom importanza relattiva fil-kuntest tad-dieta totali. Barra minn hekk, din id-dieta hija waħda mill-ħafna fatturi li jinfluwenzaw il-bidu ta' ċertu mard fil-bniedem. Fatturi oħra, bħal m'huma l-età, il-predisposizzjoni ġenetika, il-livell ta' attività fiżika, il-konsum tat-tabakk u ta' drogi oħra, l-esposizzjoni ambjentali u l-istress jistgħu kollha jinfluwenzaw il-bidu ta' mard fil-bniedem. Għalhekk, għandhom japplikaw rekwiżiti speċifiċi għat-tikkettjar fir-rigward ta' stqarrijiet relatati mat-tnaqqis tar-riskju ta' mard.

(28)

Sabiex jiġi żgurat li l-istqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa jkunu veri, ċari, affidabbli u utli għall-konsumatur fl-għażla ta' dieta sana, il-kliem u l-preżentazzjoni ta' stqarrijiet tas-saħħa, għandhom jiġu kkunsidrati fl-opinjoni ta' l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta' l-Ikel u fil-proċedura ta' awtorizzazzjoni sussegwenti.

(29)

F'ċerti każi, l-valutazzjoni xjentifika tar-riskju waħidha ma tistax tipprovdi l-informazzjoni kollha li fuqha għandha tkun ibbażata deċiżjoni dwar l-immaniġġar tar-riskju. Għalhekk għandhom jitqiesu wkoll fatturi leġittimi oħra relevanti għall-kwistjoni li qed tiġi kkunsidrata.

(30)

Għal raġunijiet ta' trasparenza u biex jiġu evitati applikazzjonijiet multipli fir-rigward ta' stqarrijiet li diġà ġew valutati, Reġistru pubbliku li jkun fih il-listi ta' tali stqarrijiet għandu jiġi stabbilit u aġġornat regolarment mill-Kummissjoni.

(31)

Sabiex jiġu stimulati r-riċerka u l-iżvilupp fl-industrija agro-alimentari, huwa xieraq li jitħares l-investiment magħmul minn innovaturi fil-ġbir ta' tagħrif u ta' data li jappoġġjaw applikazzjoni taħt dan ir-Regolament. Madankollu, din il-protezzjoni għandha tkun għal żmien limitat biex tiġi evitata r-ripetizzjoni bla bżonn ta' studji u ta' provi.

(32)

Minħabba n-natura partikulari ta' l-ikel li juri stqarrijiet, mezzi addizzjonali għal dawk li s-soltu jkunu disponibbli għall-entitajiet responsabbli mill-monitoraġġ għandhom ikunu disponibbli biex jiffaċilitaw il-monitoraġġ effikaċi ta' dawk il-prodotti.

(33)

Miżuri ta' transizzjoni adegwati huma meħtieġa biex l-operaturi tan-negozju ta' l-ikel jadattaw għar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

(34)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jkun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern fir-rigward ta' stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa filwaqt li jkun ipprovdut livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumatur, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista' jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, bi qbil mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dak l-għan.

(35)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni (11),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jarmonizza d-disposizzjonijiet stipulati b'liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-istqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa sabiex ikun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun provdut livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-istqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa magħmula f'komunikazzjonijiet kummerċjali, kemm fl-ittikkettjar, il-preżentazzjoni jew ir-reklamar ta' ikel li għandu jkun imwassal bħala tali lill-konsumatur aħħari, inkluż ikel li hu mqiegħed fis-suq mhux f'pakketti jew fornut bl-ingrossa.

Għandu japplika wkoll fir-rigward ta' ikel maħsub għal forniment ta' ristoranti, sptarijiet, skejjel, canteens u fornituri simili ta' l-ikel tal-massa.

3.   Trademark, marka ta' ditta jew isem ornamentali li jidher fl-ittikkettjar, il-preżentazzjoni jew ir-riklamar ta' xi ikel li jistgħu jinftiehmu bħala stqarrija dwar vantaġġ nutrittiv jew għas-saħħa jistgħu jintużaw mingħajr ma jgħaddu mill-proċeduri ta' awtorizzazzjoni previsti minn dan ir-Regolament, bil-kondizzjoni li jkunu akkumpanjati minn stqarrija relatata dwar vantaġġ nutrittiv jew għas-saħħa f'dik it-tikketta, il-preżentazzjoni jew ir-reklamar li tikkonforma mad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

4.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet Komunitarji li ġejjin:

(a)

Id-Direttiva 89/398/KEE u Direttivi adottati abbażi tagħha;

(b)

Id-Direttiva tal-Kunsill 80/777/KEE tal-15 ta' Lulju 1980 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta' l-ilma minerali naturali (12);

(ċ)

Id-Direttiva 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità ta' l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (13).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)

id-definizzjonijiet ta' “ikel”, “operatur ta' negozju ta' l-ikel”, “tqegħid fis-suq”, u “konsumatur finali” stabbilita fl-Artikoli 2, 3(3), 3(8) u 3(18) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (14) għandhom japplikaw;

(b)

id-definizzjoni ta' “suppliment ta' l-ikel” stabbilita fid-Direttiva tal-Kunsill 2002/46/KE għandha tapplika;

(ċ)

id-definizzjonijiet ta' “tikketta b'tagħrif nutrittiv”, “proteina”, “carboidrat”, “zokkor”, “xaħam”, “saturati”, “mono-unsaturates”, “poly-unsaturates”, “fibra” stabbiliti fid-Direttiva 90/496/KEE għandhom japplikaw;

(d)

id-definizzjoni ta' “ittikkettar” stabbilita fl-Artikolu 1(3) punt (a) tad-Direttiva 2000/13/KE għandha tapplika.

2.   Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(1)

“stqarrija” tfisser kull messaġġ jew rappreżentazzjoni, li mhix obbligatorja skond il-leġislazzjoni Komunitarja jew nazzjonali, inklużi rappreżentazzjonijiet bi stampi, grafiċi jew simboliċi, f'kull forma, li jiddikjaraw, jissuġġerixxu jew jimplikaw li xi ikel għandu karetteristiċi partikolari;

(2)

“nutrijent” tfisser proteina, karboidrat, xaħam, fibra, sodju, vitamini jew minerali elenkati fl-Anness għad-Direttiva 90/496/KEE, u sustanzi li jappartjenu għal jew huma komponenti ta' waħda minn dawk il-kategoriji;

(3)

“sustanza oħra” tfisser sustanza għajr nutrijent li għandu effett nutrittiv jew fiżjoloġiku;

(4)

“stqarrija dwar vantaġġ nutrittiv” tfisser kull stqarrija li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li xi ikel għandu propjetajiet ta' nutriment partikolari ta' benefiċċju minħabba:

(a)

l-enerġija (valur kalorifiku) li

(i)

jipprovdi,

(ii)

jipprovdi b'rata mnaqqsa jew miżjuda, jew

(iii)

ma jipprovdix, u/jew

(b)

in-nutrijenti jew sustanzi oħra li

(i)

jikkontjeni,

(ii)

jikkontjeni fi proporzjonijiet imnaqqsa jew miżjuda, jew

(iii)

ma jikkontjenix;

(5)

“stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa” tfisser kull stqarrija li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta' ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa;

(6)

“stqarrija ta' tnaqqis ta' riskju ta' mard” tfisser stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li l-konsum ta' kategorija ta' ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu jnaqqsu b'mod sinifikanti fattur ta' riskju fl-iżvilupp ta' xi marda tal-bniedem;

(7)

“Awtorità” tfisser l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta' l-Ikel kif stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 178/2002.

KAPITOLU II

PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali għall-istqarrijiet kollha

Stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa jistgħu jintużaw fit-tikketti, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta' ikel mqiegħed fis-suq fil-Komunità biss jekk ikunu konformi mad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

Mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2000/13/KE u 84/450/KEE, l-użu ta' stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa ma għandux:

(a)

ikun falz, ambigwu jew qarrieqi;

(b)

iqajjem dubji dwar is-sigurtà u/jew l-adegwatezza nutrittiva ta' ikel ieħor;

(ċ)

iħeġġeġ jew jittollera l-konsum eċċessiv ta' xi ikel;

(d)

jiddikjara, jissuġġerixxi jew jimplika li dieta bilanċjata jew varjata ma tistax tipprovdi kwantitajiet approprjati ta' nutrijenti in ġenerali. Derogi fil-każ ta' nutrijenti li ma jistgħux ikunu pprovduti fi kwantitajiet suffiċjenti b'dieta bilanċjata u varjata, inklużi l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom, jistgħu ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2), b'kont meħud tal-kondizzjonijiet speċjali fl-Istati Membri;

(e)

jirreferi għal tibdil fil-funzjonament tal-ġisem li jista' jqajjem jew jisfrutta biża fil-konsumatur, kemm bit-test jew permezz ta' rappreżentazzjonijiet bi stampi, grafiċi jew simboliċi;

Artikolu 4

Kondizzjonijiet għall-użu ta' stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa

1.   Sa tad-19 ta' Jannar 2009, il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2), tistabbilixxi profili nutrittivi speċifiċi u l-kondizzjonijiet, inklużi l-eżenzjonijiet, li għandhom ikunu rispettati għall-użu ta' stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa fuq ikel u/jew kategoriji ta ikel.

Dawn il-profili nutrittivi stabbiliti għal xi ikel u/jew xi kategoriji ta' ikel, u l-kondizzjonijiet għall-użu ta' stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv jew għas-saħħa fir-rigward tal-profili nutrittivi, għandhom jiġu stabbiliti filwaqt li jittieħed kont b'mod partikolari ta':

(a)

il-kwantitajiet ta' ċerti nutrijenti u sustanzi oħra li jinsabu fl-ikel, bħal xaħam, aċidi tax-xaħam saturati, aċidi tax-xaħam trans, zokkor u melħ/sodju;

(b)

ir-rwol u l-importanza ta' l-ikel (jew ta' kategoriji ta' ikel) fid-dieta tal-popolazzjoni in ġenerali jew, jekk ikun il-każ, ta' ċerti gruppi f'riskju inklużi t-tfal;

(ċ)

il-kompożizzjoni nutrittiva globali ta' l-ikel u l-preżenza ta' nutrijenti li jkun ġew rikonoxxuti b'mod xjentifiku bħala li għandhom effett fuq is-saħħa.

Il-profili nutrittivi għandhom ikunu bażati fuq l-għarfien xjentifiku dwar id-dieta u n-nutriment, u r-rabta tagħhom mas-saħħa.

Meta tistabbilixxi l-profili nutrittivi, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Awtorità biex tagħti pariri xjentifiċi rilevanti fi żmien 12-il xahar, filwaqt li tiffoka b'mod partikolari fuq:

(i)

jekk il-profili għandhomx ikunu stabbiliti għall-ikel in ġenerali u/jew kategoriji ta' ikel

(ii)

l-għażla u l-bilanċ tan-nutrijenti li ser jitqiesu

(iii)

l-għażla tal-kwantità/bażi ta' referenza għall-profili

(iv)

l-approċċ għall-kalkolu tal-profili, u

(v)

l-ittestjar tas-sistema proposta.

Meta tistabbilixxi l-profili nutrittivi, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet interessati, b'mod partikolari lil operaturi tan-negozju ta' l-ikel u gruppi ta' konsumaturi.

Il-profili nutrittivi u l-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom għandhom ikunu aġġornati sabiex jieħdu kont ta' l-iżviluppi xjentifiċi rilevanti skoond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2).

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-istqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv li jirreferu għat-tnaqqis tax-xaħam, aċidi tax-xaħam saturati, aċidi tax-xaħam trans, zokkor u melħ/sodju għandhom jitħallew mingħajr referenza għal xi profil għan-nutrijent/i speċifiċi li għalihom issir l-istqarrija, bil-kondizzjoni li huma jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

3.   Ix-xorb li jkun fih iktar minn 1.2 % fil-volum ta' alkoħol ma għandux juri:

(a)

stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa;

(b)

stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv, apparti dawk li jirreferu għal tnaqqis fil-kontenut ta' l-akoħol jew l-enerġija.

4   Fin-nuqqas ta' regoli Komunitarji speċifiċi dwar l-istqarrijajiet dwar vantaġġ nutrittiv li jirreferu għat-tnaqqis jew l-assenza ta' alkoħol jew enerġija f'xorb li normalment ikun fih l-alkoħol, jistgħu japplikaw ir-regoli nazzjonali rilevanti f'konformità mad-disposizzjonijiet tat-Trattat.

5.   Ikel jew kategoriji ta' ikel għajr dawk imsemmijin fil-paragrafu 3, li għalihom l-istqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv jew għas-saħħa għandhom ikunu ristretti jew ipprojbiti, jistgħu jiġu determinati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2) fid-dawl ta' evidenza xjentifika.

Artikolu 5

Kondizzjonijiet ġenerali

1.   L-użu ta' stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa għandhom ikunu permessi biss jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

ikun muri li l-preżenza, in-nuqqas jew il-kontenut imnaqqas f'ikel jew f'kategorija ta' ikel ta' nutrijent jew sustanza oħra li fir-rigward tagħhom tkun saret l-istqarrija għandhom effett nutrittiv jew fiżjoloġiku ta' benefiċċju, kif stabbilit minn data xjentifika aċċettata b'mod ġenerali;

(b)

in-nutrijent jew sustanza oħra li fir-rigward tagħhom tkun saret l-istqarrija:

(i)

ikunu jinsabu fil-prodott finali fi kwantità sinifikanti kif definit mil-leġislazzjoni Komunitarja jew, fejn tali regoli ma jeżistux, fi kwantità li tipproduċi l-effett nutrittiv jew fiżjoloġiku mistqarr kif stabbilit minn data xjentifika aċċettata b'mod ġenerali; jew

(ii)

ma jkunux preżenti jew ikunu preżenti fi kwantità mnaqqsa li tipproduċi l-effett nutrittiv jew fiżjoloġiku mistqarr kif stabbilit minn data xjentifika aċċettata b'mod ġenerali;

(ċ)

fejn ikun il-każ, in-nutrijent jew sustanza oħra li fir-rigward tagħhom tkun saret l-istqarrija jkunu f'forma li tkun tista' tintuża mill-ġisem;

(d)

il-kwantità tal-prodott li tista' tkun mistennija b'mod raġonevoli li tkun ikkonsmata tipprovdi kwantità sinifikanti tan-nutrijent jew sustanza oħra li għalihom tirrelata l-istqarrija, kif definit fil-leġislazzjoni Komunitarja, jew fejn tali regoli ma jeżistux, kwantità sinifikanti li tipproduċi l-effett nutrittiv jew fiżjoloġiku mistqarr kif stabbilit minn data xjentifika aċċettata b'mod ġenerali;

(e)

konformità mal-kondizzjonijiet speċifiċi li hemm fil-Kapitolu III jew Kapitolu IV skond il-każ.

2.   L-użu ta' stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv jew għas-saħħa għandu jkun permess biss jekk il-konsumatur medju jista' jkun mistenni li jifhem l-effetti ta' benefiċċju kif espressi fl-istqarrija.

3.   Il-stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa għandhom jirreferu għall-ikel li jkun lest għall-konsum f'konformità ma' l-istruzzjonijiet tal-manifattur.

Artikolu 6

Prova xjentifika għall-istqarrijiet

1.   Stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa għandhom ikunu bbażati u ssostanzjati minn data xjentifika aċċettata b'mod ġenerali.

2.   Operaturi ta' negozju ta' l-ikel li jagħmel stqarrija dwar vantaġġ nutrittiv jew għas-saħħa għandu jiġġustifika l-użu ta' l-istqarrija.

3.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-operaturi ta' negozji ta' l-ikel jew lill-persuna li tqiegħed prodott fis-suq biex jipproduċu l-elementi rilevanti u d-data kollha li jistabbilixxu l-konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Informazzjoni dwar nutriment

L-obbligu u l-modalitajiet biex tkun provduta l-informazzjoni skond id-Direttiva 90/496/KEE meta ssir stqarrija ta' vantaġġ nutrittiv għandhom japplikaw mutatis mutandis meta ssir stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa, bl-eċċezzjoni ta' reklamar ġeneriku. Madankollu, l-informazzjoni li għandha tkun provduta għandha tikkonsisti f'informazzjoni fil-Grupp 2 kif definit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/496/KEE.

Minbarra dan u skond il-każ, l-ammont(i) tas-sustanza jew sustanzi li għalihom tirrelata l-istqarrija dwar vantaġġ nutrittiv jew għas-saħħa li ma jidhrux fuq l-ittikkettjar b'tagħrif nutrittiv għandhom ukoll ikunu ddikjarati fl-istess kamp ta' viżjoni ta' l-informazzjoni dwar vantaġġ nutrittiv u espress skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 90/496/KEE.

Fil-każ ta' supplimenti ta' l-ikel, l-informazzjoni dwar vantaġġ nutrittiv għandha tkun provduta skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/46/KE.

KAPITOLU III

STQARRIJIET DWAR VANTAĠĠ NUTRITTIV

Artikolu 8

Kondizzjonijiet speċifiċi

1.   Stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv għandhom ikunu permessi biss jekk huma elenkati fl-Anness u jekk huma f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

2.   Emendi għall-Anness għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2) u, fejn ikun xieraq, wara li l-Awtorità tkun ġiet ikkonsultata.

Artikolu 9

Stqarrijiet komparattivi

1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 84/450/KEE, paragun jista' jsir biss bejn ikel ta' l-istess kategorija, filwaqt li tittieħed konsiderazzjoni tal-firxa ta' l-ikel ta' dik il-kategorija. Id-differenza fil-kwantità ta' nutrijent u/jew il-valur ta' enerġija għandha tkun iddikjarata u l-paragun għandu jirrelata għall-istess kwantità ta' ikel.

2.   Stqarrijiet komparattivi dwar vantaġġ nutrittiv għandhom jipparagunaw il-kompożizzjoni ta' l-ikel in kwistjoni ma' firxa ta' ikel ta' l-istess kategorija, li ma jkollhomx kompożizzjoni li tippermettilhom li juru stqarrija, inkluż ikel ta' ditti oħrajn.

KAPITOLU IV

STQARRIJIET DWAR VANTAĠĠ GĦAS-SAĦĦA

Artikolu 10

Kondizzjonijiet speċifiċi

1.   Stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa għandhom ikunu projbiti sakemm ma jkunux konformi mal-ħtiġijiet ġenerali tal-Kapitolu II u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' dan il-Kapitolu u jkunu awtorizzati skond dan ir-Regolament u inklużi fil-listi ta' stqarrijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 u 14.

2.   Stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa għandhom ikunu permessi biss jekk l-informazzjoni li ġejja tkun inkluża fuq it-tikketta, jew jekk tali tikketta ma teżistix, fil-preżentazzjoni u r-reklamar:

(a)

dikjarazzjoni li tindika l-importanza ta' dieta varjata u bilanċjata u stil ta' ħajja san;

(b)

il-kwantità ta' l-ikel u l-mod tal-konsum meħtieġa biex jinkiseb l-effett ta' benefiċċju indikat;

(ċ)

fejn xieraq, dikjarazzjoni indirizzata lejn persuni li għandhom jevitaw l-użu ta' dak l-ikel; u

(d)

twissija adegwata għal prodotti li jistgħu jkunu ta' riskju għas-saħħa jekk ikkunsmati eċċessivament.

3.   Referenza għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tan-nutrijent jew ikel għal saħħa tajba globali jew benesseri relatat mas-saħħa tista' ssir biss jekk tkun akkumpanjata minn stqarrija speċifika dwar vantaġġ għas-saħħa mniżżla fil-listi previsti fl-Artikolu 13 jew 14.

4.   Fejn ikun xieraq, linji gwida dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2) u, jekk ikun meħtieġ, f'konsultazzjoni ma' partijiet interessati, b'mod partikolari operaturi tan-negozju ta' ikel u gruppi tal-konsumaturi.

Artikolu 11

Assoċjazzjonijiet mediċi nazzjonali u karitajiet li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa

Fin-nuqqas ta' regoli Komunitarji speċifiċi dwar ir-rakkomandazzjonijiet jew endorsjar minn assoċjazzjonijiet mediċi nazzjonali u karitajiet li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa nazzjonali, ir-regoli nazzjonali rilevanti jistgħu japplikaw f'konformità mad-disposizzjonijiet tat-Trattat.

Artikolu 12

Restrizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa

L-istqarrijiet li ġejjin dwar vantaġġ għas-saħħa ma għandhomx ikunu permessi:

(a)

stqarrijiet li jissuġġerixxu li s-saħħa tista' tiġi affettwata jekk l-ikel ma jkunx ikkunsmat;

(b)

stqarrijiet li jirrefeu għar-rata jew l-ammont ta' tnaqqis fil-piż.

(ċ)

stqarrijiet li jirreferu għal rakkomandazzjonijiet ta' tobba jew professjonisti individwali fil-qasam tas-saħħa u assoċjazzjonijiet oħra li mhumiex imsemmija fl-Artikolu 11.

Artikolu 13

Stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa apparti dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju ta' mard

1.   Stqarrijiet li jiddeskrivu jew jirreferu għal:

(a)

ir-rwol ta' nutrijent jew ta' sustanza oħra fit-tkabbir, l-iżvilupp u l-funzjonijiet tal-ġisem, jew

(b)

il-funzjonijiet psikoloġiċi u ta' komportament, jew

(ċ)

mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 96/8/KE, dieta jew kontroll tal-piż jew tnaqqis fis-sens ta' ġuħ jew żieda fis-sens ta' xaba' jew għat-tnaqqis ta' l-enerġija disponibbli mid-dieta,

li huma inklużi fil-lista prevista fil-paragrafu 3 jistgħu jsiru mingħajr ma jgħaddu mill-proċedura ta' awtorizzazzjoni stabbilita fl-Artikoli 15 sa 18, jekk ikunu:

(i)

ibbażati fuq data xjentifika aċċettata b'mod ġenerali, u

(ii)

miftiehma sew mill-konsumatur medju.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'listi ta' stqarrijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 sa mhux aktar tard minn tal-31 ta' Jannar 2008 akkumpanjati mill-kondizzjonijiet li japplikaw għalihom u b'referenzi għall-ġustifikazzjoni xjentifika rilevanti.

3.   Wara li tikkonsulta lill-Awtorità, il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2), lista Komunitarja ta' stqarrijiet permessi kif imsemmi fil-paragrafu 1, u l-kondizzjonijiet neċessarji kollha għall-użu ta' dawn l-istqarrijiet sa mhux aktar tard minn tal-31 ta' Jannar 2010.

4.   Kull tibdil fil-lista msemmija fil-paragrafu 3, ibbażat fuq data xjentifika aċċettata b'mod ġenerali, għandu jiġi adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2), wara konsultazzjoni ma' l-Awtorità, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jew wara xi talba minn Stat Membru.

5.   Kull żieda ta' stqarrijiet mal-lista msemmija fil-paragrafu 3 ibbażata fuq data xjentifika żviluppata riċentement u/jew li tinkludi talba għall-protezzjoni ta' data koperta mid-dritt dwar il-proprjetà industrijali għandha tiġi adottata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 15 sa 18.

Artikolu 14

Stqarrijiet dwar tnaqqis fir-riskju ta' mard

1.   Minkejja l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2000/13/KE, stqarrijiet għal tnaqqis fir-riskju ta' mard jistgħu jsiru meta jkunu awtorizzati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 15 sa 18 ta' dan ir-Regolament sabiex jiġu nklużi fil-lista Komunitarja ta' tali stqarrijiet permessi flimkien mal-kondizzjonijiet meħtieġa kollha għall-użu ta' dawn l-istqarrijiet.

2.   Minbarra l-ħtiġijiet ġenerali stabbiliti f'dan ir-Regolament u l-ħtiġiet speċifiċi tal-paragrafu 1, għall-istqarrijiet dwar tnaqqis fir-riskju ta' mard l-ittikettjar jew, jekk tikketta ma teżistix, il-preżentazzjoni jew l-irreklamar għandu jkun fihom dikjarazzjoni li turi li l-marda, li għaliha tirreferi l-istqarrija, għandha fatturi multipliċi ta' riskju u li meta wieħed minn dawn il-fatturi ta' riskju jkun mibdul jista' jkollu jew ma jkollux effett ta' benefiċċju.

Artikolu 15

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni

1.   Meta ssir referenza għal dan l-Artikolu, għandha tkun sottomessa applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skond il-paragrafi li ġejjin.

2.   L-applikazzjoni għandha tintbagħat lill-awtorità kompetenti nazzjonali ta' Stat Membru.

(a)

L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha:

(i)

tirrikonoxxi li tkun irċeviet l-applikazzjoni bil-miktub fi żmien 14-il jum minn meta tirċevieha. Ir-rikonoxximent għandu jiddikjara d-data ta' meta l-applikazzjoni tkun irċevuta;

(ii)

tinforma mingħajr dewmien lill-Awtorità; u

(iii)

tagħmel l-applikazzjoni u kull informazzjoni supplimentari fornuta mill-applikant disponibbli għall-Awtorità;

(b)

L-Awtorità għandha:

(i)

tinforma mingħajr telf ta' żmien lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-applikazzoni u għandha tagħmel l-applikazzjoni u kull informazzjoni supplimentari fornuta mill-appliant disponibbli lilhom;

(ii)

tagħmel is-sommarju ta' l-applikazzjoni msemmi fil-paragrafu 3(g) disponibbli lill-pubbliku.

3.   L-applikazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

l-isem u l-indirizz ta' l-applikant;

(b)

in-nutrijent jew sustanza oħra, jew l-ikel jew kategorija ta' ikel, li fir-rigward tagħhom tkun saret l-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa u l-karatteristiċi partikolari tagħhom;

(ċ)

kopja ta' l-istudji, inklużi, fejn ikun hemm, studji indipendenti rivisti mill-pari, li jkunu ġew imwettqa b'rigward għall-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa u kull materjal ieħor li jkun disponibbli biex jintwera li l-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa tikkonforma mal-kriterji previsti f'dan ir-Regolament;

(d)

fejn ikun xieraq, indikazzjoni ta' l-informazzjoni li għandha tkun meqjusa bħala koperta mid-dritt dwar il-proprjetà industrijali akkumpanjata minn ġustifikazzjoni li tista' tiġi vverifikata;

(e)

kopja ta' studji xjentifiċi oħra li huma rilevanti għal dik l-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa;

(f)

proposta dwar il-kliem li għandu jintuża fl-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa li għaliha tkun qed tiġi mitluba l-awtorizzazzjoni, inklużi, skond il-każ, il-kondizzjonijiet speċifiċi għall-użu;

(g)

sommarju ta' l-applikazzjoni.

4.   Il-Kummissjoni, wara li l-ewwel tkun ikkonsultat lill-Awtorità, għandha tistabbilixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2) regoli ta' implimentazzjoni għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, inklużi regoli dwar it-tħejjija u l-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni.

5.   Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Awtorità, għandha tpoġġi għad-dispożizzjoni gwida teknika u għodod xierqa li jassistu lill-operaturi ta' negozju fl-ikel, b'mod partikolari l-SMEs fil-preparazzjoni u fil-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni għal valutazzjoni xjentifika.

Artikolu 16

Opinjoni ta' l-Awtorità

1.   Meta tagħti l-opinjoni tagħha, l-Awtorità għandha tipprova tirrispetta l-limitu ta' żmien ta' sitt xhur mid-data ta' meta tkun irċevuta applikazzjoni valida. Dan il-limitu ta' żmien għandu jkun estiż kulmeta l-Awtorità tfittex li tikseb informazzjoni supplimentari mingħand l-applikant kif previst fil-paragrafu 2.

2   L-Awtorità jew l-awtorità kompetenti nazzjonali permezz ta' l-Awtorità jistgħu, fejn ikun xieraq, jitolbu lill-applikant biex jissupplimenta d-dettalji li jakkumpanjaw l-applikazzjoni f'limitu ta' żmien speċifikat.

3.   Sabiex tħejji l-opinjoni tagħha, l-Awtorità għandha:

(a)

tivverifika li l-kliem propost ta' l-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa ikun sostnut minn data xjentifika;

(b)

tqis jekk il-kliem ta' l-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa jikkonformax mal-kriterji stabbiliti f'dan ir-Regolament;

(ċ)

tagħti pariri dwar jekk il-kliem propost ta' l-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa jinftiehemx u għandux tifsira għall-konsumatur medju.

4.   F'każ ta' opinjoni favur li tkun awtorizzata l-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa, l-opinjoni għandha tinkludi d-dettalji li ġejjin:

(a)

l-isem u l-indirizz ta' l-applikant;

(b)

in-nutrijent jew sustanza oħra jew l-ikel jew il-kategorija ta' ikel li fir-rigward tagħhom għandha ssir l-istqarrija u l-karatteristiċi partikolari tagħhom;

(ċ)

il-kliem rakkomandat ta' l-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa proposta, inklużi, jekk ikun il-każ, il-kondizzjoni speċifiċi ta' l-użu;

(d)

meta jkun japplika, il-kondizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta' l-ikel u/jew dikjarazzjoni jew twissija addizzjonali li għandha takkumpanja l-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa fuq it-tikketta jew fir-reklamar.

5.   L-Awtorità għandha tibgħat l-opinjoni tagħha lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-applikant, inkluż rapport li jiddeskrivi l-valutazzjoni tagħha ta' l-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa u tiddikjara r-raġunijiet għall-opinjoni tagħha u l-informazzjoni li fuqha kienet ibbażata l-opinjoni tagħha.

6.   L-Awtorità, skond l-Artikolu 38(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, għandha tagħmel pubblika l-opinjoni tagħha.

L-applikant jew membri tal-pubbliku jistgħu jibgħatu kummenti lill-Kummissjoni fi żmien 30 jum minn din il-pubblikazzjoni.

Artikolu 17

Awtorizzazzjoni Komunitarja

1.   Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-opinjoni ta' l-Awtorità, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 22(2) abbozz ta' deċiżjoni dwar il-listi ta' stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa permessi, filwaqt li tieħu kont ta' l-opinjoni ta' l-Awtorità, ta' kwalunkwe disposizzjoni tal-liġi Komunitarja u ta' fatturi leġittimi oħrajn li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata. Meta l-abbozz tad-Deċiżjoni ma jkunx konformi ma' l-opinjoni ta' l-Awtorità, il-Kummissjoni għandha tipprovdi spjegazzjoni għad-diverġenzi.

2.   Kull abbozz ta' deċiżjoni biex ikunu emendati l-listi ta' stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa permessi għandhom jinkludu d-dettalji msemmija fl-Artikolu 16(4).

3.   Deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni għandha tkun adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha mingħajr telf ta' żmien tinforma lill-applikant bid-deċiżjoni meħuda u tippubblika d-dettalji tad-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

5.   Stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa inklużi fil-listi previsti fl-Artikoli 13 u 14 jistgħu jintużaw, f'konfomità mal-kondizzjonijiet li japplikaw għalihom, minn kull operatur ta' negozju ta' l-ikel, jekk l-użu tagħhom ma jkunx ristrett skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 20.

6.   L-għoti ta' awtorizzazzjoni ma għandux inaqqas ir-responsabbiltà ġenerali ċivili u kriminali ta' xi operatur ta' negozju ta' l-ikel fir-rigward ta' l-ikel ikkonċernat.

Artikolu 18

Modifika, sospensjoni u revoka ta' awtorizzazzjonijiet

1.   L-applikant/utent ta' stqarrija inkluża f'waħda mil-listi previsti fl-Artikoli 13 u 14 jista' japplika għal modifika tal-lista relevanti. Il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 15 sa 17 għandha tapplika mutatis mutandis.

2.   Fuq inizjattiva tagħha stess jew wara xi talba minn xi Stat Membru jew mill-Kummissjoni, l-Awtorità għandha tagħti opinjoni dwar jekk stqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa inkluża fil-listi previsti fl-Artikoli 13 u 14 tkunx għadha qed tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Hija għandha minnufih tittrasmetti l-opinjoni tagħha lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u, fejn ikun rilevanti, lill-applikant oriġinali ta' l-istqarrija in kwistjoni. L-Awtorità, f'konformità ma' l-Artikolu 38(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, għandha tagħmel pubblika l-opinjoni tagħha.

L-applikant/utent jew xi membru tal-pubbliku jistgħu jibgħatu kummenti lill-Kummissjoni fi żmien 30 jum minn tali il-pubblikazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-opinjoni ta' l-Awtorità u kwalunkwe kumment li tirċievi kemm jista' jkun malajr. Jekk ikun il-każ, l-awtorizzazzjoni għandha tiġi modifikata, sospiża jew revokata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

KAPITOLU V

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 19

Reġistru Komunitarju

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm Reġistru Komunitarju dwar l-istqarrijajiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa li jsiru fuq l-ikel, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Reġistru”.

2.   Ir-Reġistru għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

l-istqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u l-kondizzjonijiet li japplikaw għalihom kif imniżżel fl-Anness;

(b)

restrizzjonijiet adottati skond l-Artikolu 4(5).

(ċ)

l-istqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa awtorizzati u l-kondizzjonijiet li japplikaw għalihom previsti fl-Artikoli 13(3), 14(1), 18(2), 20, 23(2) u 27(6) u l-miżuri nazzjonali msemmija fl-Artikolu 22(3);

(d)

lista ta l-istqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa li ġew rifjutati u r-raġuni għal dan.

Stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa awtorizzati abbażi ta' data koperta mid-dritt dwar il-proprjetà industrijali għandhom jiġu reġistrati f'Anness separat għar-Reġistru flimkien ma' l-informazzjoni li ġejja:

(1)

id-data li fiha l-Kummissjoni awtorizzat l-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa u l-isem ta' l-applikant oriġinali li ngħatatlu l-awtorizzazzjoni;

(2)

il-fatt li l-Kummissjoni awtorizzat l-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa abbażi ta' data koperta mid-dritt dwar il-proprjetà industrijali;

(3)

il-fatt li l-użu ta' l-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa huwa ristrett ħlief jekk applikant sussegwenti jikseb awtorizzazzjoni għall-istqarrija mingħajr referenza għad-data koperta mid-dritt dwar il-proprjetà industrijali ta' l-applikant oriġinali.

3.   Ir-Reġistru għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 20

Protezzjoni ta' data

1.   Id-data xjentifika u informazzjoni oħra fl-applikazzjoni rikjesta taħt l-Artikolu 14(2) ma tistax tiġi użata għall-benefiċċju ta' applikant sussegwenti għall-perijodu ta' seba' snin mid-data ta' l-awtorizzazzjoni, sakemm l-applikant sussegwenti ma jkunx ftiehem ma' l-applikant ta' qabel li tali data u informazzjoni jistgħu jintużaw, fejn:

(a)

id-data xjentifika u informazzjoni oħra ġew klassifikati bħala kopert mid-dritt dwar il-proprjetà industrijali mill-applikant ta' qabel fil-ħin meta saret l-applikazzjoni ta' qabel; u

(b)

l-applikant ta' qabel kellu d-dritt esklużiv ta' referenza għad-data koperta mid-dritt dwar il-proprjetà industrijali fil-ħin meta saret l-applikazzjoni ta' qabel; u

(ċ)

l-istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa ma setgħetx tiġi awtorizzata mingħajr il-preżentazzjoni tad-data koperta mid-dritt dwar il-proprjetà industrijali mill-applikant ta' qabel.

2.   Sa ma jgħaddi l-perijodu ta' seba' snin speċifikat fil-paragrafu 1, ebda applikant sussegwenti m'għandu jkollu d-dritt li jirreferi għal data li ġiet klassifikata bħala koperta mid-dritt dwar il-proprjetà industrijali minn applikant ta' qabel ħlief jekk u sa meta l-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni dwar jekk stqarrija tistax tkun jew setgħetx tkun tiġi nkluża fil-lista prevista fl-Artikolu 14 jew, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 13 mingħajr is-sottomissjoni tad-data klassifikata bħala koperta mid-dritt dwar il-proprjetà industrijali mill-applikant ta' qabel.

Artikolu 21

Disposizzjonijiet Nazzjonali

Mingħajr preġudizzju għat-Trattat, partikolarment l-Artikoli 28 u 30 tiegħu, l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kummerċ fl-ikel jew l-irreklamar tiegħu li jkunu konformi ma' dan ir-Regolament billi japplikaw disposizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati li jirregolaw l-istqarrijajiet fuq ċertu ikel jew fuq ikel in ġenerali.

Artikolu 22

Proċedura ta' notifika

1.   Jekk Stat Membru jqis li jkun meħtieġ li jadotta leġislazzjoni ġdida, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri previsti u jagħti r-raġunijiet li jiġġustifikaw dan.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali istitwit bis-saħħa ta' l-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 (hawn iżjed 'il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”) jekk tikkunsidra li tali konsultazzjoni hija utli jew jekk Stat Membru jitlob dan, u għandha tagħti opinjoni dwar il-miżuri previsti.

3.   L-Istat Membru kkonċernat jista' jadotta l-miżuri previsti sitt xhur wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, bil-kundizzjoni li l-opinjoni tal-Kummissjoni ma tkunx waħda negattiva.

Jekk l-opinjoni tal-Kummissjoni tkun negattiva, hi għandha tiddeċiedi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2) u qabel l-iskadenza tal-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, jekk il-miżuri previsti jistgħux jiġu implimentati. Il-Kummissjoni tista' teħtieġ li jsiru ċerti emendi lill-miżura prevista.

Artikolu 23

Miżuri ta' salvagwardja

1.   Fejn Stat Membru jkollu raġunijiet serji biex jikkunsidra li stqarrija ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament, jew li l-provi xjentifiċi previsti fl-Artikolu 6 m'humiex biżżejjed, dak l-Istat Membru jista' temporanjament jissospendi l-użu ta' dik l-istqarrija fit-territorju tiegħu.

Għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni u jagħti r-raġunijiet għas-sospensjoni.

2.   Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2), għandha tittieħed deċiżjoni, jekk ikun il-każ wara li tinkiseb opinjoni mill-Awtorità.

Il-Kummissjoni tista' tibda din il-proċedura fuq inizjattiva tagħha stess.

3.   L-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 jista' jżomm is-sospensjoni fis-seħħ sakemm id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tkunx ġiet notifikata lilu.

Artikolu 24

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jittieħed kont tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċizjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 25

Kontroll

Sabiex jiġi faċilitat il-monitoraġġ effiċjenti ta' ikel li jkollu fuqu stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv jew għas-saħħa, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu lill-fabbrikant jew lill-persuna li tqiegħed tali ikel fuq is-suq fit-territorju tagħhom sabiex jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti b'dan billi jibgħatulha mudell tat-tikketta użata għal prodott.

Artikolu 26

Evalwazzjoni

Sa tad-19 ta' Jannar 2013 l-aktar tard, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, partikolarment dwar l-evoluzzjoni tas-suq ta' l-ikel li fir-rigward tiegħu jsiru l-istqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv jew għas-saħħa u dwar l-għarfien mill-konsumatur ta' dawn l-istqarrijajiet, flimkien ma' proposta għal emendi jekk ikun meħtieġ.

Artikolu 27

Miżuri transitorji

1.   Ikel li jitqiegħed fuq is-suq jew li jiġi ttikkettjat qabel id-data ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament 28 li ma jkunx konformi ma' dan ir-Regolament jista' jitqiegħed fis-suq sad-data ta' l-iskadenza tiegħu u mhux aktar tard minn tal-31 ta' Lulju 2009. Fir-rigward tad-disposizzjonijiet fl-Artikolu 4(1), l-ikel jista' jitqiegħed fis-suq sa tnax-il xahar wara l-adozzjoni tal-profili nutrittivi rilevanti u l-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom.

2.   Prodotti li jġibu trademarks jew marki tad-ditta li jkunu diġà jeżistu qabel l-1 ta' Jannar 2005 u li ma jkunux konformi ma' dan ir-Regolament jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq sa tad-19 ta' Jannar 2022, wara liema terminu ta' żmien għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

3   Stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv li jkunu ntużaw fi Stat Membru qabel l-1 ta' Jannar 2005 b'mod konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli għalihom u li mhumiex inklużi fl-Anness, jistgħu jibqgħu jintużaw sa tad-19 ta' Jannar 2010 taħt ir-responsabbiltà ta' l-operaturi tan-negozju ta' l-ikel u mingħajr preġudizzju għall-adozzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja kif imsemmijin fl-Artikolu 23.

4.   Stqarrijiet ta' vantaġġ nutrittiv f'forma ta' rappreżentazzjonijiet fi stampi, grafiċi jew simboliċi, li huma konformi mal-prinċipji ġenerali ta' dan ir-Regolament, li mhumiex inklużi fl-Anness u li huma wżati skond kondizzjonijiet u kriterji speċifiċi elaborati permezz ta' regoli jew disposizzjonijiet nazzjonali, għandhom ikunu soġġetti għal li ġej:

(a)

l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn tal-31 ta' Jannar 2008, dawk l-istqarrijiet ta' vantaġġ nutrittiv u r-regoli jew disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli, flimkien mad-data xjentifika bħala sostenn għal dawn ir-regoli jew disposizzjonijiet;

(b)

il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2), tadotta Deċiżjoni dwar l-użu ta' tali stqarrijiet.

Stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv li mhumiex awtorizzati taħt din il-proċedura jistgħu jibqgħu jintużaw għal tnax-il xahar wara l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

5.   Stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa kif imsemmi fl-Artikolu 13(1)(a) jistgħu jsiru mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament sa l-adozzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 13(3), taħt ir-responsabbiltà tan-negozju bil-kondizzjoni li dawn ikunu konformi ma' dan ir-Regolament u ma' disposizzjonijiet nazzjonali eżistenti applikabbli għalihom, u mingħajr preġudizzju għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja kif imsemmi fl-Artikolu 23.

6.   Stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa barra dawk imsemmija fl-Artikolu 13(2) u 14, li ntużaw f'mod konformi ma' disposizzjonijiet nazzjonali qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, għandhom ikunu soġġetti għal li ġej:

(a)

stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa li ġew issoġġettati għal evalwazzjoni u awtorizzazzjoni fi Stat Membru għandhom jiġu awtorizzati kif ġej:

(i)

l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn tal-31 ta' Jannar 2008, dawk l-istqarrijiet flimkien ma' rapport li jevalwa d-data xjentifika bħala sostenn għall-istqarrija;

(ii)

wara li tikkonsulta lill-Awtorità, il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2), tadotta Deċiżjoni rigward l-istqarrijajiet dwar vantaġġ għas-saħħa awtorizzati b'dan il-mod.

Stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa mhux awtorizzati taħt din il-proċedura jistgħu jibqgħu jintużaw sa sitt xhur wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni;

(b)

stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa li ma ġewx issoġġettati għal evalwazzjoni u awtorizzazzjoni fi Stat Membru: tali stqarrijiet jistgħu jibqgħu jintużaw bil-kondizzjoni li ssir applikazzjoni skond dan ir-Regolament sa tad-19 ta' Jannar 2008, stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa mhux awtorizzati taħt din il-proċedura jistgħu jibqgħu jintużaw għal sitt xhur wara li tittieħed deċiżjoni skond l-Artikolu 17(3).

Artikolu 28

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn l-1 ta' Lulju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-20 ta' Diċembru 2006

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  ĠU C 110, 30.4.2004, p. 18.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2005 (ĠU C 117 E, 18.5.2006, p. 187), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2005 (ĠU C 80 E, 4.4.2006, p. 43) u Posizzjoni tal-Parliament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2006 u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2006.

(3)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/89/KE (ĠU L 308, 25.11.2003, p. 15).

(4)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(5)  ĠU L 316, 9.12.1994, p. 2.

(6)  ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51.

(7)  ĠU L 250, 19.9.1984, p. 17. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(8)  ĠU L 276, 6.10.1990, p. 40. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/120/KE (ĠU L 333, 20.12.2003, p. 51.)

(9)  ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(10)  ĠU L 55, 6.3.1996, p. 22.

(11)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(12)  ĠU L 229, 30.8.1980, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(13)  ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(14)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1642/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 4).


ANNESS

STQARRIJIET TA' VANTAĠĠ NUTRITTIV U KONDIZZJONIJIET LI JAPPLIKAW GĦALIHOM

VALUR ENERĠETIKU BAXX

Stqarrija li ikel għandu valur enerġetiku baxx, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-prodott ma jkunx fih aktar minn 40 kcal (170 kJ)/100 g għal solidi jew aktar minn 20 kcal (80 kJ)/100 ml għal likwidi. Għal sustanzi li jagħtu l-ħlewwa ta' fuq il-mejda japplika l-limitu ta' 4 kcal (17 kJ)/porzjon, b'karatteristiċi ta' ħlewwa ekwivalenti għal 6 g ta' sukrosju (madwar kuċċarina sukrosju).

VALUR ENERĠETIKU MNAQQAS

Stqarrija li ikel għandu valur enerġetiku mnaqqas, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-valur enerġetiku hu mnaqqas b'ta' l-inqas 30 %, flimkien ma' speċifikazzjoni dwar il-karatteristika/ċi li tagħmel/jagħmlu l-ikel imnaqqas fil-valur enerġetiku totali tiegħu.

BLA VALUR ENERĠETIKU

Stqarrija li ikel ma jkollux valur enerġetiku, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-prodott ma jkunx fih aktar minn 4 kcal (17 kJ)/100 ml. Għal sustanzi li jagħtu l-ħlewwa ta' fuq il-mejda japplika l-limitu ta' 0.4 kcal (1.7 kJ)/porzjon, b'karatteristiċi ta' ħlewwa ekwivalenti għal 6g ta' sukrosju (madwar kuċċarina ta' sukrosju).

BI FTIT XAĦAM

Stqarrija li ikel ikollu ftit xaħam, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-prodott ikun fih mhux aktar minn 3 g ta' xaħam f'kull 100 g għal solidi jew 1.5 g ta' xaħam f'kull 100 ml għal likwidi (1.8 g ta' xaħam f'kull 100 ml għal ħalib parzjalment xkumat).

BLA XAĦAM

Stqarrija li ikel hu bla xaħam, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-prodott ma jkunx fih aktar minn 0.5 g ta' xaħam f'kull 100 g jew 100 ml. Madankollu, stqarrijiet espressi bħala “X % bla xaħam” għandhom ikunu projbiti.

KONTENUT BAXX TA' XAĦAM SATURAT

Stqarrija li ikel ikollu kontenut baxx ta' xaħam saturat, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss jekk it-total ta' l-aċidi tax-xaħam saturati u l-aċidi tax-xaħam trans fil-prodott ma jaqbiżx il-1.5 g f'kull 100 g għas-solidi jew 0.75 g/100 ml għal-likwidi u f'kull każ it-total ta' l-aċidi tax-xaħam saturati u l-aċidi tax-xaħam trans ma jipprovdix aktar minn 10 % ta' enerġija.

BLA XAĦAM SATURAT

Stqarrija li ikel ma jkunx fih xaħam saturati, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn it-total ta' xaħam saturat u l-aċidi tax-xaħam trans ma jaqbiżx il-0.1 g ta' xaħam saturat f'kull 100 g jew 100 ml.

BAXX FIZ-ZOKKOR

Stqarrija li ikel hu baxx fiz-zokkor, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-prodott ma jkunx fih aktar minn 5 g ta' zokkor f'kull 100 g għal solidi jew 2.5 g ta' zokkor f'kull 100 ml għal likwidi.

BLA ZOKKOR

Stqarrija li ikel hu bla zokkor, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-prodott ma jkunx fih aktar minn 0.5 g zokkor f'kull 100 g jew 100 ml.

BLA ZOKKOR MIŻJUD

Stqarrija li ma ġiex miżjud ebda zokkor f'ikel, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-prodott ma jkunx fih ebda mono- jew disacchirides miżjuda jew kwalunkwe ikel ieħor użat għall-karatteristiċi ta' ħlewwa tiegħu. Jekk iz-zokkor hu preżenti b'mod naturali fl-ikel, l-istqarrija li ġejja għandha tidher ukoll fuq it-tikketta: “FIH ZOKKOR NATURALI”.

BAXX FIS-SODJU/MELĦ

Stqarrija li ikel hu baxx fis-sodju/melħ, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-prodott ma jkunx fih aktar minn 0.12 g ta' sodju, jew il-valur ekwivalenti għall-melħ, f'kull 100 g jew 100 ml. Għall-ilma, barra mill-ilma minerali naturali li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 80/777/KEE, dan il-valur m'għandux jaqbeż 2 mg ta' sodju f'kull 100 ml.

BAXX ĦAFNA FIS-SODJU/MELĦ

Stqarrija li ikel hu baxx ħafna fis-sodju/melħ, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-prodott ma jkunx fih aktar minn 0.04 g ta' sodju, jew il-valur ekwivalenti għall-melħ, f'kull 100 g jew 100 ml. Din l-istqarrija m'għandhiex tintuża għal ilma minerali naturali jew ilma ieħor.

BLA SODJU jew BLA MELĦ

Stqarrija li ikel hu bla sodju jew bla melħ, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-prodott ma jkunx fih aktar minn 0.005 g ta' sodju, jew il-valur ekwivalenti għall-melħ, f'kull 100 g.

SORS TA' FIBRA

Stqarrija li ikel hu sors ta' fibra, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-prodott ikun fih mill-inqas 3g ta' fibra f'kull 100 g jew mill-inqas 1.5 g ta' fibra f'kull 100 kcal.

GĦOLI FIL-FIBRA

Stqarrija li ikel hu għoli fil-fibra, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-prodott ikun fih mill-inqas 6 g ta' fibra f'kull 100 g jew mill-inqas 3g ta' fibra f'kull 100 kcal.

SORS TA' PROTEINA

Stqarrija li ikel ikun sors ta' proteina, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn mill-inqas 12 % tal-valur enerġetiku ta' l-ikel hu provdut mill-proteina.

GĦOLI FIL-PROTEINA

Stqarrija li ikel ikun għoli fil-proteina, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn mill-inqas 20 % tal-valur enerġetiku ta' l-ikel hu provdut mill-proteina.

SORS TA' [ISEM TAL-VITAMINA/I] U/JEW [ISEM TAL-MINERALI]

Stqarrija li ikel hu sors ta' vitamini u/jew minerali, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-prodott ikun fih mill-inqas ammont sinifikanti kif definit fl-Anness mad-Direttiva 90/496/KEE jew ammont previst b'derogi mogħtija skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra fl-ikel (1).

GĦOLI FI [ISEM TAL-VITAMINA/I] U/JEW [ISEM TAL-MINERALI]

Stqarrija li ikel għandu kontenut għoli ta' vitamini u/jew minerali, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-prodott ikun fih mill-inqas il-valur doppju ta' “sors ta' [ISEM TAL-VITAMINA/I] u/jew [ISEM TAL-MINERALI]”.

FIH [ISEM TAN-NUTRIJENT JEW SUSTANZA OĦRA]

Stqarrija li ikel ikun fih nutrijent jew sustanza oħra, li għaliha mhumiex stabbiliti kondizzjonijiet speċifiċi f'dan ir-Regolament, jew kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-prodott jikkonforma mad-disposizzjonijiet kollha applikabbli ta' dan ir-Regolament, u partikolarment l-Artikolu 5. Għall-vitamini u l-minerali l-kondizzjonijiet ta' l-istqarrija “sors ta'”. għandhom japplikaw.

MIŻJUD [ISEM TAN-NUTRIJENT]

Stqarrija li tiddikjara li l-kontenut f'nutrijent wieħed jew aktar, barra mill-vitamini u minerali, ġie miżjud, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn il-prodott jissodisfa l-kondizzjonijiet għall-istqarrija “sors ta'” u ż-żieda fil-kontenut hi mill-inqas 30 % meta mqabbla ma' prodott simili.

MNAQQAS [ISEM TAN-NUTRIJENT]

Stqarrija li tiddikjara li l-kontenut f'nutrijent wieħed jew aktar ġie mnaqqas, u kwalunkwe stqarrija li x'aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista' ssir biss fejn it-tnaqqis fil-kontenut hu mill-inqas 30 % meta mqabbel ma' prodott simili, ħlief għal mikro-nutrijenti fejn differenza ta' 10 % fil-valuri ta' referenza kif stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE għandha tkun aċċettabbli u għas-sodju, jew il-valur ekwivalenti għall-melħ, fejn differenza ta' 25 % għandha tkun aċċettabbli.

ĦAFIF/LIGHT

Stqarrija li prodott huwa “ħafif” jew “light”, u kwalunkwe stqarrija li jista' jkollha l-istess tifsira għall-konsumatur, għandha ssegwi l-istess kondizzjonijiet bħal dawk stabbiliti għat-terminu “mnaqqas”; l-istqarrija għandha wkoll tkun akkumpanjata b'indikazzjoni tal-karatteristika/karatteristiċi li tagħmel/jagħmlu l-ikel “light” jew “lite”.

B'MOD NATURALI/NATURALI

Fejn ikel jissodisfa b'mod naturali l-kondizzjoni/jiet stabbiliti f'dan l-Anness għall-użu fi stqarrija ta' vantaġġ nutrittiv, it-terminu “b'mod naturali/naturali” jista' jintuża bħala prefiss għall-pretenzjoni.


(1)  Ara paġna 26 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


30.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

26


REGOLAMENT (KE) Nru 1925/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' l-20 ta' Diċembru 2006

dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra ma' l-ikel

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Hemm varjetà kbira ta' nutrijenti u ingredjenti oħra li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta' l-ikel, inklużi, imma mhux biss, vitamini, minerali inklużi elementi ta' traċċa, amino aċidi, aċidi mxaħħma essenzjali, fibra, diversi pjanti u estratti ta' ħxejjex. Iż-żieda tagħhom ma' l-ikel hija regolata fl-Istati Membri minn regoli nazzjonali differenti li jfixklu l-moviment liberu ta' dawn il-prodotti, joħolqu kondizzjonijiet ta' żbilanċ fil-kompetizzjoni u b'hekk ikollhom impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern. Huwa għalhekk meħtieġ li jkunu adottati regoli Komunitarji li jarmonizzaw id-disposizzjonijiet nazzjonali li jirrelataw maż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra ma' l-ikel.

(2)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jirregola ż-żieda ta' vitamini u minerali ma' l-ikel u l-użu ta' ċerti sustanzi jew ingredjenti oħra li fihom sustanzi oħra barra vitamini jew minerali li huma miżjuda ma' l-ikel jew użati fil-manifattura ta' ikel taħt kondizzjonijiet li jirriżultaw fl-inġestjoni ta' ammonti li jaqbżu b'ħafna dawk raġonevolment mistennija li jiġu inġestiti taħt kondizzjonijiet normali ta' konsum ta' dieta bilanċjata u varjata u/jew kieku jirrappreżentaw riskju identifikat għall-konsumaturi. Fin-nuqqas ta' regoli Komunitarji speċifiċi dwar projbizzjoni jew restrizzjoni ta' l-użu ta' sustanzi jew ingredjenti li fihom sustanzi li mhumiex vitamini jew minerali taħt dan ir-Regolament jew taħt disposizzjonijiet Komunitarji speċifiċi oħra, regoli nazzjonali rilevanti jistgħu japplikaw mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tat-Trattat.

(3)

Xi Stati Membri jeħtieġu ż-żieda obbligatorja ta' xi vitamini u minerali ma' ċertu ikel ordinarju, għal raġunijiet dettati minn konsiderazzjonijiet ta' saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet jistgħu jkunu rilevanti fuq livell nazzjonali u anke reġjonali, iżda preżentement ma jiġġustifikawx l-armonizzazzjoni taż-żieda obbligatorja ta' nutrijenti fil-Komunità kollha. Madankollu, jekk u meta dan isir xieraq, tali disposizzjonijiet jistgħu jiġu adottati fuq livell Komunitarju. Sadanittant, ikun utli li tinġabar informazzjoni dwar tali miżuri nazzjonali.

(4)

Vitamini u minerali jistgħu jiżdiedu ma' l-ikel volontarjament mill-manifatturi ta' l-ikel jew għandhom jiżdiedu bħala sustanzi nutrittivi kif previst mil-leġislazzjoni Komunitarja speċifika. Dawn jistgħu jiżdiedu ukoll għal skopijiet teknoloġiċi bħala addittivi, sustanzi koloranti, ħwawar jew tali użi oħra inklużi prattiċi u proċessi enoloġiċi awtorizzati previsti mil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti. Jeħtieġ li dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji speċifiċi dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali jew l-użu tagħhom fi prodotti jew gruppi ta' prodotti speċifiċi jew iż-żieda tagħhom għal skopijiet għajr dawk li huma koperti b'dan ir-Regolament.

(5)

Peress li ġew adottati regoli dettaljati dwar supplimenti ta' ikel li fihom vitamini u minerali permezz tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mas-supplimenti ta' ikel (3), id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament rigward vitamini u minerali m'għandhomx japplikaw għas-supplimenti ta' l-ikel.

(6)

Vitamini u minerali jiġu miżjuda ma' l-ikel mill-manifatturi għal numru ta' skopijiet inkluż għar-restawr tal-kontenut tagħhom fejn dan ikun ġie mnaqqas matul il-proċeduri ta' manifattura, ħażna jew trattament jew sabiex ikun provdut valur nutrittiv simili għal ikel li għalih huma maħsuba bħala alternattivi.

(7)

F'ċirkustanzi normali, dieta adegwata u varjata tista' tipprovdi n-nutrijenti kollha meħtieġa għall-iżvilupp u ż-żamma normali ta' ħajja b'saħħitha fi kwantitajiet bħal dawk stabbiliti u rakkomandati minn data xjentifika ġeneralment aċċettabbli. Madankollu, stħarriġ juri li din is-sitwazzjoni ideali mhix qed tintlaħaq la għall-vitamini u l-minerali kollha u lanqas mill-gruppi kollha tal-popolazzjoni fil-Komunità. L-ikel li ġie miżjud b'vitamini u minerali jidher li jagħmel kontribut apprezzabbli għall-inġestjoni ta' dawn in-nutrijenti u bħala tali jista' jitqies li jagħmel kontribut pożittiv fl-inġestjoni ġenerali.

(8)

Jista' jintwera li fil-preżent fil-Komunità jeżistu, għalkemm mhux b'mod frekwenti ħafna, xi nuqqasijiet ta' nutrijenti. Tibdil fis-sitwazzjoni soċjo-ekonomika prevalenti fil-Komunità u fl-istili ta' ħajja ta' gruppi differenti tal-popolazzjoni wasslu għal ħtiġiet nutrittivi differenti u għal tibdil fid-drawwiet li jikkonċernaw id-dieta. Dan imbagħad wassal għal tibdil fil-ħtiġiet ta' enerġija u nutrijenti ta' gruppi varji tal-popolazzjoni u għal inġestjoni ta' ċerti vitamini u minerali minn dawn il-gruppi li tkun inqas minn dik rakkomandata fl-Istati Membri differenti. Minbarra dan, progress fit-tagħrif xjentifiku jindika li l-inġestjoni ta' xi nutrijenti għaż-żamma ta' l-aħjar kondizzjoni ta' saħħa u tal-benessri tista' tkun ogħla minn dik rakkomandata fil-preżent.

(9)

Dawk il-vitamini u minerali biss li normalment jinstabu fid-dieta u li jiġu kkunsmati bħala parti minnha u li jitqiesu bħala nutrijenti essenzjali għandhom ikunu permessi li jiżdiedu ma' l-ikel, għalkemm dan ma jfissirx li ż-żieda tagħhom hi meħtieġa. Il-kontroversja, li potenzjalment tista' tqum, rigward l-identità ta' dawn in-nutrijenti essenzjali għandha tiġi evitata. Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita lista pożittiva ta' dawn il-vitamini u minerali.

(10)

Is-sustanzi kimiċi użati bħala sorsi ta' vitamini u minerali li jistgħu jiżdiedu ma' l-ikel għandhom ikunu mingħajr periklu u għandhom ikunu wkoll bio-disponibbli, jiġifieri disponibbli għall-użu mill-ġisem. Għal din ir-raġuni għandha tiġi stabbilita wkoll lista pożittiva ta' dawn is-sustanzi. Dawk is-sustanzi li ġew approvati mill-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel f'Opinjoni espressa fit-12 ta' Mejju 1999, abbażi tal-kriterji ta' sigurtà u ta' biodisponibbiltà msemmija hawn fuq, u li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta' l-ikel intenzjonat għat-trabi u t-tfal żgħar, ta' ikel ieħor għal użu nutrittiv partikolari jew ta' supplimenti ta' ikel għandhom jidhru f'din il-lista pożittiva. Għalkemm il-klorur tas-sodju (melħ komuni) ma jidhirx fost is-sustanzi f'din il-lista, jista' jibqa' jintuża bħala ingredjent fit-tħejjija ta' l-ikel.

(11)

Sabiex wieħed iżżomm ruħu aġġornat ma' l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi, huwa importanti li, meta jkun meħtieġ, il-listi msemmija hawn fuq jiġu riveduti mill-ewwel. Tali reviżjonijiet huma miżuri implimentattivi ta' natura teknika u l-adozzjoni tagħhom għandha tiġi fdata lill-Kummissjoni sabiex il-proċedura tiġi ssimplifikata u mħaffa.

(12)

L-ikel li jiżdiedu miegħu vitamini u minerali fin-numru l-kbir ta' każijiet jiġi promoss minn dawk li jimmanifatturawh u jista' jitqies mill-konsumaturi bħala prodott li għandu vantaġġ nutrittiv, fiżjoloġiku jew vantaġġ ieħor għas-saħħa fuq prodotti simili jew prodotti oħra li m'għandhomx tali nutrijenti miżjuda. Dan jista' jħajjar lill-konsumatur biex jagħmel għażliet li kieku jistgħu ma jkunux mixtieqa. Sabiex jiġi miġġieled dan l-effett potenzjali mhux mixtieq, hu meqjus xieraq li jiġu mposti xi restrizzjonijiet fuq il-prodotti li jistgħu jiżdiedu magħhom vitamini u minerali, minbarra dawk li jirriżultaw b'mod naturali minn konsiderazzjonijiet teknoloġiċi jew li jsiru meħtieġa għal raġunijiet ta' sigurtà meta jiġu stabbiliti l-livelli massimi ta' vitamini u minerali f'tali prodotti. Il-kontenut fil-prodott ta' ċerti sustanzi, bħall-alkoħol, ikun, f'dan il-kuntest, kriterju xieraq sabiex ma jiġix permess li jiżdiedu miegħu vitamini u minerali. Kwalunkwe deroga mill-projbizzjoni taż-żieda ta' vitamini u minerali ma' xorb alkoħoliku għandha tkun limitata għall-protezzjoni ta' riċetti ta' l-inbid tradizzjonali, filwaqt li l-prodotti rilevanti jkunu notifikati lill-Kummissjoni. M'għandha ssir l-ebda indikazzjoni dwar kwalunkwe benefiċċji nutrittivi jew għas-saħħa taż-żidiet. Barra dan sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni għall-konsumatur rigward il-valur nutrittiv naturali ta' ikel frisk, lanqas għandu jiġi permess li jiżdiedu miegħu vitamini u minerali.

(13)

Dan ir-Regolament mhuwiex maħsub li jkopri l-użu ta' vitamini u minerali fi kwantitajiet ta' traċċa bħala indikaturi ta' awtentiċità wżati bil-għan li tkun miġġielda l-frodi.

(14)

Inġestjoni eċċessiva ta' vitamini u minerali tista' tirriżulta f'effetti ħżiena għas-saħħa u għalhekk hu meħtieġ li jiġu stabbiliti ammonti massimi għalihom meta jkunu miżjuda ma' l-ikel, skond kif ikun il-każ. Dawn l-ammonti jridu jiżguraw li l-użu normali tal-prodotti, skond l-istruzzjonijiet għall-użu pprovduti mill-manifattur u fil-kuntest ta' dieta diversifikata, ikunu sikuri għall-konsumatur. Għalhekk dawk l-ammonti għandhom ikunu livelli massimi totali ta' sigurtà għall-vitamini u l-minerali preżenti fl-ikel b'mod naturali u/jew miżjuda ma' l-ikel għal kwalunkwe skop, inkluż għal użi teknoloġiċi.

(15)

Għal dik ir-raġuni dawk l-ammonti massimi u kwalunkwe kondizzjonijiet oħra li jirrestrinġu ż-żieda tagħhom ma' l-ikel, fejn ikun meħtieġ, għandhom ikunu adottati waqt li jitqiesu l-livelli massimi ta' sigurtà tagħhom stabbiliti b'valutazzjoni xjentifika tar-riskju bbażata fuq data xjentifika ġeneralment aċċettabbli u l-inġestjoni potenzjali tagħhom minn ikel ieħor. Għandha ukoll titqies b'mod xieraq l-inġestjoni ta' referenza ta' vitamini u minerali mill-popolazzjoni. Fejn hu meħtieġ, għal ċerti vitamini u minerali, li jkunu stabbiliti restrizzjonijiet dwar l-ikel li magħhom jistgħu jiżdiedu (eż. iż-żieda tal-jodju mal-melħ), għandha tingħata prijorità lill-għanijiet tar-restawr tal-kontenut tagħhom fejn dan ġie mnaqqas matul il-proċessi ta' manifattura, ħażna jew trattament u tal-forniment ta' valur nutrittiv simili għall-ikel li għalih huma maħsuba bħala alternattivi.

(16)

Il-vitamini u minerali miżjuda ma' l-ikel għandhom jirriżultaw f'ammont minimu li jkun preżenti fl-ikel. Inkella l-preżenza ta' ammonti żgħar wisq u insinifikanti f'dan l-ikel imsaħħaħ ma tkun toffri ebda benefiċċju għal konsumaturi u tkun qed tqarraq. L-istess prinċipju huwa l-bażi tal-ħtieġa li dawn in-nutrijenti għandhom ikunu preżenti f'ammont sinifikanti fl-ikel sabiex ikun permess li jiġu ddikjarati fit-tikkettar tan-nutrizzjoni. Għalhekk ikun xieraq li l-ammonti minimi ta' vitamini u minerali fl-ikel li miegħu żdiedu dawk l-vitamini u minerali għandhom ikunu l-istess bħal dawk l-ammonti sinifikanti li għandhom ikunu preżenti sabiex dawk in-nutrijenti jkunu ddikjarati fit-tikkettar tan-nutrizzjoni sakemm ma jkunx previst mod ieħor minn derogi xierqa.

(17)

L-adozzjoni ta' ammonti massimi u ta' kwalunkwe kondizzjoni ta' użu bbażati fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji u l-kriterji stipulati f'dan ir-Regolament u l-adozzjoni ta' livelli minimi jkunu miżuri implimentattivi ta' natura teknika u l-adozzjoni tagħhom għandha tiġi fdata lill-Kummissjoni sabiex il-proċedura tiġi ssimplifikata u mħaffa.

(18)

Id-disposizzjonijiet u d-definizzjonijiet ġenerali dwar it-tikkettar jinsabu fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma't-tikkettar, preżentazzjoni u reklamar ta' oġġetti ta' l-ikel (4). Għalhekk dan ir-Regolament għandu jkun limitat għad-disposizzjonijiet addizzjonali meħtieġa. Dawk id-disposizzjonijiet addizzjonali għandhom japplikaw ukoll mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet ta' nutrizzjoni u saħħa magħmula fuq l-ikel (5).

(19)

Meta titqies l-importanza nutrittiva tal-prodotti li magħhom żdiedu vitamini u minerali u l-impatt potenzjali tagħhom fuq id-drawwiet li jikkonċernaw id-dieta u l-inġestjoni ġenerali ta' nutrijenti, il-konsumatur għandu jkun jista' jevalwa l-kwalità nutrittiva ġenerali ta' dawk il-prodotti. Għalhekk, b'deroga mill-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE ta' l-24 ta' Settembru 1990 dwar it-tikkettar tan-nutrizzjoni għall-oġġetti ta' l-ikel (6), it-tikkettar tan-nutrizzjoni għandu jkun obbligatorju.

(20)

Dieta normali u varjata fiha ħafna ingredjenti, li min-naħa tagħhom fihom ħafna sustanzi. L-inġestjoni ta' dawn is-sustanzi jew ingredjenti li tirriżulta mill-użu normali u tradizzjonali tagħhom fid-dieti attwali ma tikkawżax tħassib u m'hemmx bżonn li tkun regolata. Xi sustanzi barra mill-vitamini u minerali jew ingredjenti li dawn ikun fihom jiġu miżjuda ma' l-ikel bħala estratti jew konċentrati u jistgħu jirriżultaw f'inġestjoni li hija ogħla b'mod sinifikanti minn dawk li jistgħu jiġu inġeriti meta wieħed jiekol dieta adegwata u varjata. Is-sigurtà ta' tali prattiċi hija, f'ċerti każi, kontestata serjament u l-benefiċċji m'humiex ċari; għalhekk għandhom jiġu regolati. Huwa xieraq, f'tali każijiet, li l-operaturi ta' l-industrija ta' l-ikel, responsabbli mis-sigurtà ta' l-ikel li huma jqiegħdu fis-suq, jassumu l-piż tal-prova fir-rigward tas-sigurtà tagħhom.

(21)

Meta titqies in-natura partikolari ta' l-ikel li jiġi miżjud b'vitamini u minerali, għandhom ikunu disponibbli mezzi addizzjonali għal dawk li s-soltu jkunu disponibbli għall-korpi ta' monitoraġġ sabiex jiffaċilitaw il-monitoraġġ effiċjenti ta' dawk il-prodotti.

(22)

Billi l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jkun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern fir-rigward taż-żieda ta' vitamini u minerali u ċerti sustanzi oħra ma' l-ikel filwaqt li jkun ipprovdut livell għoli ta' protezzjoni għal-konsumatur, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista' għaldaqstant jintlaħaq aħjar fuq livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' l-proporzjonalità, kif stabbilit f' dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(23)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati b'mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni (7),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jarmonizza d-disposizzjonijiet imniżżla permezz ta' liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu maż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra ma' l-ikel, bil-għan li jkun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern, filwaqt li jkun provdut livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur.

2.   Id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar vitamini u minerali m'għandhomx japplikaw għal supplimenti ta' l-ikel koperti bid-Direttiva 2002/46/KE.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet speċifiċi mniżżla fil-leġislazzjoni Komunitarja dwar:

(a)

ikel għal użi nutrittivi partikolari u, fin-nuqqas ta' disposizzjonijiet speċifiċi, rekwiżiti kompożizzjonali ta' tali prodotti magħmula neċessarji mill-ħtiġiet nutrittivi partikolari tal-persuni li għalihom huma maħsuba;

(b)

ikel ġdid u ingredjenti ta' l-ikel ġodda;

(ċ)

ikel modifikat ġenetikament;

(d)

additivi u ħwawar ta' l-ikel;

(e)

prattiċi u proċessi enoloġiċi awtorizzati.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:

(1)

“Awtorità” tfisser l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta' l-Ikel stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta' l-Ikel u jistabbilixxi proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (8);

(2)

“sustanza oħra” tfisser sustanza apparti minn vitamina jew minerali li għandha effett nutrittiv jew fiżjoloġiku.

KAPITOLU II

ŻIEDA TA' VITAMINI U MINERALI

Artikolu 3

Rekwiżiti għaż-żieda ta' vitamini u minerali

1.   Il-vitamini u/jew il-minerali elenkati fl-Anness I biss, fil-forom elenkati fl-Anness II, jistgħu jiġu miżjuda ma' l-ikel, skond ir-regoli mniżżla f'dan ir-Regolament.

2.   Vitamini u minerali f'forma li hija bijodisponibbli għall-ġisem tal-bniedem jistgħu jiġu miżjuda ma' l-ikel, kemm jekk is-soltu jkun fih minnhom u kemm jekk le, sabiex jittieħed kont b'mod partikolari ta':

(a)

defiċjenza ta' vitamina u/jew mineral wieħed jew aktar fil-popolazzjoni jew fi gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni li tista' tintwera permezz ta' evidenza klinika jew sub-klinika ta' defiċjenza jew indikata permezz ta' livelli baxxi stmati ta' inġestjoni ta' nutrijenti; jew

(b)

il-potenzjal li jittejjeb l-istatus nutrittiv tal-popolazzjoni jew ta' gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni u/jew jiġu korretti defiċjenzi possibbli fl-inġestjoni djetetika ta' vitamini jew minerali minħabba bidliet fid-drawwiet djetetiċi; jew

(ċ)

għarfien xjentifiku li qed jevolvi u li hu aċċettat b'mod ġenerali dwar ir-rwol tal-vitamini u l-minerali fin-nutrizzjoni u l-effetti fuq is-saħħa b'riżultat ta' dan.

3.   Il-modifiki għal-listi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), b'kont meħud ta' l-opinjoni ta' l-Awtorità.

Qabel ma tagħmel dawn il-modifiki, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet interessati, b'mod partikolari lill-operaturi ta' negozji ta' l-ikel u gruppi tal-konsumaturi.

Artikolu 4

Restrizzjonijiet fuq iż-żieda ta' vitamini u minerali

Vitamini u minerali ma jistgħux jiġu miżjuda ma':

(a)

oġġetti ta' l-ikel mhux proċessati, inklużi, imma mhux biss, frott, ħaxix, laħam, laħam tat-tjur u ħut;

(b)

xorb li fih aktar minn 1,2 % b'volum ta' alkoħol, ħlief u b'deroga mill-Artikolu 3(2), għall-prodotti:

(i)

imsemmija fl-Artikolu 44(6) u (13) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid (9); u

(ii)

li kienu kummerċjalizzati qabel l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament; u

(iii)

li ġew notifikati lill-Kummissjoni minn Stat Membru skond l-Artikolu 11,

u kemm-il darba ma ssir l-ebda indikazzjoni nutrittiva jew ta' saħħa.

Ikel jew kategoriji ta' ikel addizzjonali li magħhom ma jistgħux jiġu miżjuda vitamini u minerali partikulari jistgħu jiġu determinati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2) fid-dawl ta' evidenza xjentifika u b'kont meħud tal-valur nutrittiv tagħhom.

Artikolu 5

Kriterji ta' purità

1.   Il-kriterji ta' purità għal formulazzjonijiet ta' vitamini u sustanzi ta' minerali elenkati fl-Anness II għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), ħlief fejn japplikaw skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.   Il-kriterji ta' purità għal formulazzjonijiet ta' vitamini u sustanzi ta' minerali elenkati fl-Anness II, speċifikati b'leġislazzjoni Komunitarja għall-użu tagħhom fil-manifattura ta' oġġetti ta' l-ikel għal finijiet għajr dawk koperti minn dan ir-Regolament, għandhom japplikaw.

3.   Għal dawk il-formulazzjonijiet ta' vitamini u sustanzi ta' minerali elenkati fl-Anness II li għalihom il-kriterji ta' purità mhumiex speċifikati mil-leġislazzjoni Komunitarja, u sakemm tali speċifikazzjonijiet jiġu adottati, kriterji ta' purità aċċettati b'mod ġenerali rakkomandati minn korpi internazzjonali għandhom ikunu applikabbli u regoli nazzjonali li jistabbilixxu kriterji ta' purità aktar stretti jistgħu jinżammu.

Artikolu 6

Kondizzjonijiet għaż-żieda ta' vitamini u minerali

1.   Meta xi vitamina jew mineral jiżdiedu ma' l-ikel, l-ammont totali tal-vitamina jew tal-mineral preżenti, ikun x'ikun il-għan, fl-ikel kif mibjugħ m'għandux jaqbeż l-ammonti massimi li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2). Il-Kummissjoni, għal dan il-għan, tista' tippreżenta proposti għall-ammonti massimisa tad-19 ta' Jannar 2009. Għal prodotti konċentrati u deidrati, l-ammonti massimi stabbiliti għandhom ikunu dawk preżenti fl-ikel meta mħejji għall-konsum skond l-istruzzjonijiet tal-manifatturi.

2.   Kwalunkwe kondizzjonijiet li jimponu restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq iż-żieda ta' xi vitamina jew mineral speċifiċi ma' xi ikel jew kategorija ta' ikel għandha tkun adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

3.   L-ammonti massimi msemmija fil-paragrafu 1 u l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu stabbiliti b'kont meħud ta':

(a)

livelli massimi ta' sigurtà ta' vitamini u minerali stabbiliti b'valutazzjoni tar-riskju xjentifika bbażata fuq data xjentifika aċċettabbli b'mod ġenerali, b'kont meħud, skond il-każ, tad-diversi livelli ta' sensittività ta' gruppi differenti ta' konsumaturi; u

(b)

inġestjoni ta' vitamini u minerali minn sorsi djetetiċi oħra.

4.   Meta jiġu stabbiliti l-ammonti massimi msemmija fil-paragrafu 1 u l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, għandu jittieħed kont dovut ta' l-inġestjoni ta' referenza ta' vitamini u minerali għall-popolazzjoni.

5.   Meta l-ammonti massimi msemmija fil-paragrafu 1 u l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 huma stabbiliti għall-vitamini u l-minerali li l-inġestjoni ta' referenza tagħhom għall-popolazzjoni hija qrib il-livelli massimu ta' sigurtà, għandu jitqies ukoll dan li ġej, kif meħtieġ:

(a)

il-kontribut ta' prodotti individwali għad-dieta globali tal-popolazzjoni in ġenerali jew ta' sub-gruppi tal-popolazzjoni;

(b)

il-profil nutrittiv tal-prodott stabbilit kif previst mir-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

6.   Iż-żieda ta' vitamina jew mineral ma' xi ikel għandha tirriżulta fil-preżenza ta' dik il-vitamina jew mineral fl-ikel mill-inqas f'ammont sinifikanti fejn dan hu definit skond l-Anness għad-Direttiva 90/496/KEE. L-ammonti minimi, inkluż kwalunkwe ammont aktar baxx, b'deroga mill-ammonti sinifikattivi msemmija hawn fuq, għal ikel jew kategoriji ta' ikel speċifiċi għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

Artikolu 7

Ittikettar, preżentazzjoni u reklamar

1.   L-ittikettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta' ikel li miegħu ġew miżjuda vitamini u minerali m'għandhom jinkludu l-ebda tismija li tgħid jew li timplika li dieta bilanċjata u varjata ma tistax tipprovdi kwantitajiet addattati ta' nutrijenti. Fejn ikun il-każ tista' tiġi adottata deroga dwar nutrijent speċifiku skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

2.   L-ittikettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta' ikel li miegħu ġew miżjuda vitamini u minerali m'għandhomx jiggwidaw ħażin lill-konsumatur jew iqarrqu bih fir-rigward tal-mertu nutrittiv ta' xi ikel li jista' jirriżulta miż-żieda ta' dawn in-nutrijenti.

3.   L-ittikettar nutrittiv ta' prodotti li magħhom ġew miżjuda vitamini u minerali u li huma koperti minn dan ir-Regolament għandu jkun obbligatorju. L-informazzjoni li għandha tkun provduta għandha tikkonsisti minn dik speċifikata fl-Artikolu 4(1), Grupp 2 tad-Direttiva 90/496/KEE u mill-ammonti totali preżenti tal-vitamini u l-minerali meta miżjuda ma' l-ikel.

4.   L-ittikettar ta' prodotti li magħhom ġew miżjuda vitamini u minerali jista' jkollhom dikjarazzjoni li tindika tali żieda taħt il-kondizzjonijiet imniżżla fir-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

5.   Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet oħra ta' liġi dwar l-ikel applikabbli għal kategoriji speċifiċi ta' ikel.

6.   Regoli għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu jistgħu jkunu speċifikati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

KAPITOLU III

ŻIEDA TA' ĊERTI SUSTANZI OĦRA

Artikolu 8

Sustanzi projbiti, ristretti, jew taħt skrutinju Komunitarju

1.   Il-proċedura prevista f'dan l-Artikolu għandha tkun segwita fejn sustanza li mhix vitamina jew mineral, jew ingredjent li fih sustanza li mhix vitamina jew mineral, ikunu miżjuda ma' l-ikel jew użati fil-manifattura ta' l-ikel taħt kundizzjonijiet li kieku jirriżultaw fl-inġestjoni ta' ammonti ta' din is-sustanza li jaqbżu sew dawk raġonevolment mistennija li jkunu inġeriti taħt kondizzjonijiet normali ta' konsum ta' dieta bilanċjata u varjata u/jew kieku jirrappreżentaw bi kwalunkwe mod ieħor riskju potenzjali għall-konsumaturi.

2.   Fuq l-inizjattiva tagħha stess jew abbażi ta' informazzjoni provduta mill-Istati Membri, l-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni, f'kull każ wara valutazzjoni ta' l-informazzjoni disponibbli mill-Awtorità u skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), sabiex tinkludi, jekk ikun meħtieġ, is-sustanza jew l-ingredjent fl-Anness III. B'mod partikolari:

(a)

jekk ġie identifikat effett dannuż għas-saħħa, is-sustanza u/jew l-ingredjent li fih is-sustanza għandhom:

(i)

jitqiegħdu fl-Anness III, Parti A, u ż-żieda tagħhom ma' l-ikel jew l-użu tagħhom fil-manifattura ta' l-ikel għandha tkun projbita; jew

(ii)

jitqiegħdu fl-Anness III, Parti B, u ż-żieda tagħhom ma' l-ikel jew l-użu tagħhom fil-manifattura ta' l-ikel għandha tkun permessa biss taħt il-kondizzjonijiet speċifikati hemm;

(b)

jekk tkun identifikata l-possibbiltà ta' effetti dannużi għas-saħħa imma tippersisti inċertezza xjentifika, is-sustanza għandha titqiegħed fil-Parti Ċ ta' l-Anness III.

3.   Id-disposizzjonijiet Komunitarji applikabbli għal ikel speċifikat jistgħu jistipulaw restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti sustanzi barra dawk imniżżla f'dan ir-Regolament.

4.   Operaturi ta' l-industrija ta' l-ikel, jew kwalunkwe parti oħra interessata, jistgħu fi kwalunkwe mument jippreżentaw għal valutazzjoni lill-Awtorità fajl li jkun fih data xjentifika li turi s-sigurtà ta' sustanza elenkata fl-Anness III, Parti Ċ taħt il-kondizzjonijiet għall-użu tagħha f'ikel jew f'kategorija ta' ikel u jispjegaw l-għan ta' dak l-użu. L-Awtorità għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni dwar il-preżentazzjoni u għandha tqiegħed il-fajl għad-disposizzjoni tagħhom.

5.   Fi żmien erba' snin mid-data li fiha sustanza tkun ġiet elenkata fl-Anness III, Parti Ċ, għandha tittieħed deċiżjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2) u b'kont meħud ta' l-opinjoni ta' l-Awtorità dwar kwalunkwe fajl ippreżentat għal valutazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, sabiex b'mod ġenerali jkun permess l-użu ta' sustanza elenkata fl-Anness III, Parti Ċ jew tiġi elenkata fl-Anness III, Parti A jew B, skond il-każ.

6.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), regoli ta' implimentazzjoni għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, inklużi regoli dwar il-preżentazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 9

Reġistru Komunitarju

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm Reġistru Komunitarju dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra ma' l-ikel, minn hawn 'l quddiem imsejjaħ “ir-Reġistru”.

2.   Ir-Reġistru għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

il-vitamini u l-minerali li jistgħu jiġu miżjuda ma' l-ikel kif elenkat fl-Anness I;

(b)

il-formulazzjonijiet ta' vitamini u sustanzi minerali li jistgħu jiġu miżjuda ma' l-ikel kif elenkat fl-Anness II;

(ċ)

l-ammonti massimi u minimi ta' vitamini u minerali li jistgħu jiġu miżjuda ma' l-ikel u kwalunkwe kondizzjonijiet assoċjati stabbiliti skond l-Artikolu 6;

(d)

l-informazzjoni fir-rigward ta' disposizzjonijiet nazzjonali dwar iż-żieda obbligatorja ta' vitamini u minerali msemmija fl-Artikolu 11;

(e)

kwalunkwe restrizzjoni fuq iż-żieda ta' vitamini u minerali kif stabbilit fl-Artikolu 4;

(f)

is-sustanzi li għalihom ġew preżentati inkartamenti kif imsemmi fl-Artikolu 17(1)(b);

(g)

informazzjoni dwar is-sustanzi msemmija fl-Anness III u r-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom hemmhekk;

(h)

informazzjoni dwar is-sustanzi elenkati fl-Anness III, Parti Ċ, li l-użu tagħhom huwa ġeneralment permess kif imsemmi fl-Artikolu 8(5).

3.   Ir-Reġistru għandu jitqiegħed għad-disposizzjoni tal-pubbliku.

Artikolu 10

Moviment liberu ta' merkanzija

Mingħajr preġudizzju għat-Trattat, b'mod partikolari l-Artikoli 28 u 30 tiegħu, l-Istati Membri m' għandhomx joħolqu restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq il-kummerċ fl-ikel li huwa konformi ma' dan ir-Regolament u atti Komunitarji adottati għall-implimentazzjoni tiegħu bl-applikazzjoni ta' disposizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati li jirregolaw iż-żieda ta' vitamini u minerali ma' l-ikel.

Artikolu 11

Disposizzjonijiet nazzjonali

1.   Sa tad-19 ta' Lulju 2007, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar disposizzjonijiet nazzjonali eżistenti dwar iż-żieda obbligatorja ta' vitamini u minerali u ta' prodotti koperti mid-deroga stipulata fl-Artikolu 4(b).

2.   Jekk Stat Membru, fin-nuqqas ta' disposizzjonijiet Komunitarji, jikkunsidra li huwa meħtieġ li tiġi adottata leġislazzjoni ġdida:

(a)

dwar iż-żieda obbligatorja ta' vitamini u minerali ma' ikel jew kategoriji ta' ikel speċifikati; jew

(b)

dwar il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni fuq l-użu ta' ċerti sustanzi oħra fil-manifattura ta' ikel speċifikat,

hu għandu jinnotifika lill-Kummissjoni skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 12.

Artikolu 12

Proċedura ta' notifika

1.   Jekk Stat Membru jikkonsidra li hu meħtieġ li tiġi adottata leġislazzjoni ġdida, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri maħsuba u jagħti r-raġunijiet li jiġġustifikawhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 14(1), jekk tikkunsidra li tali konsultazzjoni hija utli jew jekk Stat Membru jitlob hekk, u għandha tagħti opinjoni dwar il-miżuri maħsuba.

3.   L-Istat Membru konċernat jista' jieħu l-miżuri maħsuba biss sitt xhur wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, u sakemm l-opinjoni tal-Kummissjoni ma tkunx waħda negattiva.

Jekk l-opinjoni tal-Kummissjoni tkun waħda negattiva, għandha tiddetermina, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2) u qabel l-iskadenza tal-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, jekk il-miżuri maħsuba jistgħux jiġu implimentati. Il-Kummissjoni tista' titlob li jsiru ċerti emendi għall-miżuri maħsuba.

Artikolu 13

Miżuri ta' salvagwardja

1.   Meta Stat Membru għandu raġunijiet serji sabiex iqis li prodott iqiegħed f'periklu s-saħħa tal-bniedem għalkemm jikkonforma ma' dan ir-Regolament, dak l-Istat Membru jista' temporanjament jissospendi jew joħloq restrizzjonijiet fuq l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet in kwistjoni fit-territorju tiegħu.

Huwa għandu jinforma minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'dan u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2.   Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), għandha tittieħed deċiżjoni, fejn xieraq wara li tinkiseb opinjoni mill-Awtorità.

Il-Kummissjoni tista' tibda din il-proċedura fuq inizjattiva tagħha stess.

3.   L-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 jista' jżomm is-sospensjoni jew ir-restrizzjoni sakemm id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 tkun ġiet notifikata lilu.

Artikolu 14

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali stabbilit mill-Artikolu 58 (1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jittieħed kont tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu mniżżel fl-Artikolu 5(6) tad-Deċizjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 15

Monitoraġġ

Sabiex ikun faċilitat il-monitoraġġ effiċjenti ta' ikel li miegħu ġew miżjuda vitamini u minerali, u ta' l-ikel li fih is-sustanzi elenkati fl-Anness III, Partijiet B u Ċ, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-manifattur jew il-persuna li jqiegħed tali ikel fuq is-suq fit-territorju tagħhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti b'dak it-tqegħid fuq is-suq billi jipprovdu mudell tat-tikketta użata għall-prodott. F'tali każijiet, tista' tkun meħtieġa wkoll informazzjoni dwar l-irtirar tal-prodott mis-suq.

Artikolu 16

Valutazzjoni

Sa ta' l-1 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-effetti ta' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-evoluzzjoni tas-suq fl-ikel li miegħu ġew miżjuda vitamini u minerali, il-konsum tagħhom, l-inġestjoni ta' sustanzi nutrittivi mill-popolazzjoni u t-tibdil fid-drawwiet ta' dieta, u ż-żieda ta ċerti sustanzi oħra, flimkien ma' kwalunkwe proposta għal emenda għal dan ir-Regolament li l-Kummissjoni tqis meħtieġa. F'dan il-kuntest l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti meħtieġa lill-Kummissjoni sa ta' l-1 ta' Lulju 2012. Regoli għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu speċifikati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

Artikolu 17

Miżuri transitorji

1.   B'deroga mill-Artikolu 3(1) u sa tad-19 ta' Jannar 2014, l-Istati Membri jistgħu jippermettu fit-territorju tagħhom l-użu ta' vitamini u minerali li mhumiex elenkati fl-Anness I, jew f'forom li mhumiex elenkati fl-Anness II, kemm-il darba:

(a)

is-sustanza in kwistjoni hija wżata għal żieda ma' ikel kummerċjalizzat fil-Komunità fi tad-19 ta' Jannar 2007, u

(b)

l-Awtorità ma tatx opinjoni mhux favorevoli fir-rigward ta' l-użu ta' dik is-sustanza, jew l-użu tagħha f'dik il-forma, fil-manifattura ta' l-ikel, abbażi ta' inkartament li jsostni l-użu tas-sustanza in kwistjoni li għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Istat Membru sa mhux aktar tard minn tad-19 ta' Jannar 2010.

2.   Sa tad-19 ta' Jannar 2014, l-Istati Membri jistgħu, skond ir-regoli tat-Trattat, ikomplu japplikaw ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet nazzjonali eżistenti fuq il-kummerċ f'ikel li miegħu ġew miżjuda vitamini u minerali li mhumiex inklużi fil-lista fl-Anness I jew fil-forom mhux elenkati fl-Anness II.

3.   L-Istati Membri jistgħu, bi qbil mar-regoli tat-Trattat, ikomplu japplikaw disposizzjonijiet nazzjonali eżistenti fuq ammonti massimi u minimi ta' vitamini u minerali elenkati fl-Anness I miżjuda ma' l-ikel u taħt il-kondizzjonijiet applikabbli għal din iż-żieda sakemm jiġu adottati l-miżuri Komunitarji korrispondenti skond l-Artikolu 6 jew taħt disposizzjonijiet Komunitarji speċifiċi oħra.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika minn ta' l-1 ta' Lulju 2007.

Ikel imqiegħed fuq is-suq jew li ġie tikkettat qabel ta' l-1 ta' Lulju 2007 li ma jikkonformax ma' dan ir-Regolament jista' jiġi kummerċjalizzat sad-data ta' l-iskadenza tiegħu, iżda mhux aktar tard minn tal-31 ta' Diċembru 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-20 ta' Diċembru 2006

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  ĠU C 112, 30.4.2004, p. 44.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2005, (ĠU C 117 E, 18.5.2006, p. 206), posizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2005 (ĠU C 80 E, 4.4.2006, p. 27 ) u posizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2006 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tat-12 ta' Ottubru 2006.

(3)  ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51. Direttiva kif emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/37/KE (ĠU L 94, 1.4.2006, p. 32).

(4)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2003/89/KE (ĠU L 308, 25.11.2003, p. 15).

(5)  Ara paġna 9 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  ĠU L 276, 6.10.1990, p. 40. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/120/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 333, 20.12.2003, p. 51).

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(8)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 575/2006 (ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3).

(9)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2165/2005 (ĠU L 345, 28.12.2005, p. 1).


ANNESS I

VITAMINI U MINERALI LI JISTGĦU JIĠU MIŻJUDA MA' L-IKEL

1.   Vitamini

Vitamina A

Vitamina D

Vitamina E

Vitamina K

Vitamina B1

Vitamina B2

Niaċina

Aċidu Pantoteniku

Vitamina B6

Aċidu Foliku

Vitamina B12

Bijotina

Vitamina Ċ

2.   Minerali

Kalċju

Manjesju

Ħadid

Ram

Jodju

Zingu

Manganiż

Sodju

Potassju

Silenju

Kromju

Molibdenu

Fluworidu

Klorur

Fosforu


ANNESS II

FORMULAZZJONIJIET TA' VITAMINI U SUSTANZI MINERALI LI JISTGĦU JIĠU MIŻJUDA MA' L-IKEL

1.   Formulazzjonijiet ta' Vitamini

VITAMINA A

retinol

aċetat tar-retinil

palmitat tar-retinil

beta-karoten

VITAMINA D

kolekaċiferol

ergokalċiferol

VITAMINA E

D-alfa-tokoferol

DL-alfa-tokoferol

aċetat ta' D-alfa-tokoferil

aċetat ta' DL-alfa-tokoferil

suċċinat aċidu ta' D-alfa-tokoferil

VITAMINA K

fillokinona (fitomenadjona)

VITAMINA B1

idroklorur tat-tijamina

mononitrat tat-tijamina

VITAMINA B2

riboflavin

riboflavin 5'-fosfat, sodju

NIAĊINA

aċidu nikotiniku

nicotinamide

AĊIDU PANTOTENIKU

D-pantotenat, kalċju

D-pantotenat, sodju

dexpantenol

VITAMINA B6

idroklorur tal-piridossina

piridossina 5'-fosfat

dipalmitat tal-piridossina

AĊIDU FOLIKU

aċidu pterojlmonoglutamiku

VITAMINA B12

ċjanokobalamina

idrossokobalamina

BIJOTINA

D-bijotina

VITAMINA Ċ

aċidu L-assorbiku

L-assorbat tas-sodju

L-assorbat tal-kalċju

L-assorbat tal-potassju

L-assorbil 6-palmitat

2.   SUSTANZI MINERALI

karbunat tal-kalċju

klorur tal-kalċju

melħ tal-kalċju ta' l-aċidu ċitriku

glukonat tal-kalċju

gliċerofosfat tal-kalċju

laktat tal-kalċju

melħ tal-kalċju ta' l-aċidu ortofosforiku

idrossidu tal-kalċju

ossidu tal-kalċju

sulfat tal-kalċju

aċetat tal-manjesju

karbunat tal-manjesju

klorur tal-manjesju

melħ tal-manjesju ta' l-aċidu ċitriku

glukonat tal-manjesju

gliċerofosfat tal-manjesju

melħ tal-manjesju ta' l-aċidu ortofosforiku

laktat tal-manjesju

idrossidu tal-manjesju

ossidu tal-manjesju

sulfat tal-manjesju

karbunat ferruż

ċitrat ferruż

ċitrat ferriku ta' l-ammonju

glukonat ferruż

fumarat ferruż

difosfat ferriku tas-sodju

laktat ferruż

sulfat ferruż

difosfat ferriku (pirofosfat ferriku)

sakkarat ferriku

ħadid elementari (karbonil+elettrolitiku+idroġenu mnaqqas)

karbunat tar-ram

ċitrat tar-ram

glukonat tar-ram

sulfat tar-ram

kumpless ram-lisin

jodur tas-sodju

jodat tas-sodju

jodur tal-potassju

jodat tal-potassju

aċetat taż-żingu

klorur taż-żingu

ċitrat taż-żingu

glukonat taż-żingu

laktat taż-żingu

ossidu taż-żingu

karbunat taż-żingu

sulfat taż-żingu

karbunat tal-manganiż

klorur tal-manganiż

ċitrat tal-manganiż

glukonat tal-manganiż

gliċerofosfat tal-manganiż

sulfat tal-manganiż

bikarbonat tas-sodju

karbonat tas-sodju

ċitrat tas-sodju

glukonat tas-sodju

laktat tas-sodju

idrossidu tas-sodju

melħ tas-sodju ta' l-aċidu ortofosforiku

selenat tas-sodju

idroġenu selenit tas-sodju

selenit tas-sodju

fluworidu tas-sodju

fluworidu tal-potassju

bikarbunat tal-potassju

karbunat tal-potassju

klorur tal-potassju

ċitrat tal-potassju

glukonat tal-potassju

gliċerofosfat tal-potassju

laktat tal-potassju

idrossidu tal-potassju

melħ tal-potassju ta' l-aċidu ortofosforiku

klorur tal-kromju (III) u l-eżaidrat tiegħu

sulfat tal-kromju (III) u l-eżaidrat tiegħu

molibdat ta' l-ammonju (molibdenu (VI))

molibdat tas-sodju (molibdenu (VI))


ANNESS III

SUSTANZI LI L-UŻU TAGĦHOM FL-IKEL HUWA PROJBIT, RISTRETT JEW TAĦT SKRUTINJU KOMUNITARJU

Parti A — Sustanzi projbiti

Parti B — Sustanzi ristretti

Parti Ċ — Sustanzi taħt skrutinju Komunitarju


30.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

39


DEĊIŻJONI (KE) NRU 1926/2006/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Diċembru 2006

li tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007-2013)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 153 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Il-Komunità tista' tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi u legali taċ-ċittadini permezz ta' azzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur.

(2)

Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur, li jissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru 20/2004/KE tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2003 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-finanzjament ta' azzjonijiet Komunitarji b'appoġġ tal-politika tal-konsumatur għas-snin 2004 sa 2007 (4). Dik id-Deċiżjoni għandha għalhekk tiġi revokata.

(3)

L-integrazzjoni ta' l-interessi tal-konsumatur fil-linji politiċi kollha tal-Komunità, skond l-Artikolu 153 tat-Trattat, għandha tingħata prijorità għolja, flimkien ma' l-objettivi tal-politika tal-konsumatur stabbiliti f'dan il-programm. Il-koordinazzjoni ma' linjipolitiċi u programmi oħrajn tal-Komunità hija parti importanti sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-konsumatur qed jittieħdu f'konsiderazzjoni b'mod sħiħ f'linji politiċi oħrajn. Biex jiġu promossi sinerġiji u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni, fondi u programmi Komunitarji oħrajn għandhom jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-integrazzjoni ta' interessi tal-konsumatur fl-oqsma rispettivi tagħhom.

(4)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul kollu ta' dan il-programm, pakkett finanzjarju li għandu jkun il-punt ta' referenza ewlieni, fit-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (5), għall-awtorità baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali.

(5)

Huwa ta' interess ġenerali Ewropew li l-aspetti tas-saħħa u s-sigurtà tas-servizzi u tal-prodotti mhux ta' l-ikel, u l-interessi ekonomiċi u legali taċ-ċittadini, kif ukoll l-interessi tal-konsumaturi fl-iżvilupp ta' standards għal prodotti u servizzi, ikunu rappreżentati fuq livell Komunitarju. Minħabba n-natura partikolari ta' l-organizzazzjonijiet ikkonċernati, it-tiġdid ta' l-appoġġ Komunitarju għall-operat ta' tali organizzazzjonijiet m'għandux jiddependi minn prinċipju ta' tnaqqis gradwali tal-livell ta' appoġġ Komunitarju.

(6)

Hu xieraq li tiġi żgurata transizzjoni bejn dan il-programm u l-programm li qed jissostitwixxi, partikolarment rigward il-kontinwazzjoni ta' miżuri pluriennali u l-evalwazzjoni tas-suċċessi tal-programm ta' qabel u ta' oqsma li jeħtieġu aktar attenzjoni. Mill-1 ta' Jannar 2014, l-assistenza teknika u amministrattiva għandha tiżgura, jekk ikun meħtieġ, il-ġestjoni ta' azzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx iffinalizzati sa l-aħħar ta' l-2013.

(7)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni (6).

(8)

L-implimentazzjoni tal-programm għandha tieħu in konsiderazzjoni l-fatt li s-suq intern mhux ser jaħdem tajjeb jekk il-konsumaturi jkunu mħarsa anqas f'xi Stati Membri milli huma f'oħrajn. Għalhekk il-progamm għandu jiffoka speċjalment fuq il-protezzjoni tal-konsumatur u l-għarfien mill-konsumatur fl-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni fl-1 ta' Mejju 2004 jew wara, sabiex ikun żgurat livell ugwali fl-Istati Membri kollha.

(9)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-Ftehim ŻEE) jipprovdi għal kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-pajjiżi ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles li jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħin il-pajjiżi EFTA/ŻEE), min-naħa l-oħra. Għandu jsir ukoll provvediment biex il-programm jinfetaħ għall-parteċipazzjoni minn pajjiżi oħrajn, b'mod partikolari l-pajjiżi ġirien ta' l-Unjoni Ewropea, u pajjiżi li jegħdin japplikaw għal jew li huma kandidati għas-sħubija ma' l-Unjoni Ewropea, jew li jinsabu fi proċess ta' adeżjoni magħha.

(10)

Fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni tal-programm, il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi li mhux qed jipparteċipaw fil-programm għandha tiġi nkuraġġuta, tenut kont ta' kwalunkwe ftehim rilevanti bejn dawk il-pajjiżi u l-Komunità.

(11)

Il-valur u l-impatt tal-miżuri meħuda taħt il-programm għandhom jiġu ssorveljati u evalwati regolarment, inkluż permezz ta' evalwaturi esterni indipendenti. Għall-finijiet ta' evalwazzjoni tal-politika tal-konsumatur, għandhom jiġu formulati objettivi li jistgħu jitkejlu u jiġu żviluppati indikaturi.

(12)

Peress li l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-natura transkonfinali tal-kwistjonijiet involuti, u jistgħu għalhekk, minħabba l-potenzjal ogħla li azzjoni Komunitarja għandha biex tipproteġi b'mod effiċjenti u effettiv is-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi u legali taċ-ċittadini, jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

IDDEĊIEDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Stabbiliment tal-programm

Programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur li jkopri l-perijodu minn tat-31 Diċembru 2006 sal-31 ta' Diċembru 2013, minn hawn 'l quddiem imsejjaħ “il-Programm” huwa b'dan stabbilit.

Artikolu 2

Għan u objettivi

1.   L-għan tal-programm għandu jkun li jikkomplementa, jappoġġa u jissorvelja l-linji politiċi ta' l-Istati Membri u li jikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi u legali tal-konsumaturi, kif ukoll għall-promozzjoni tad-drittijiet tagħhom għal informazzjoni u edukazzjoni u d-dritt li jorganizzaw irwieħhom sabiex jissalvagwardjaw l-interessi tagħhom.

2.   L-għan imsemmi fil-paragrafu 1 għandhu jinkiseb permezz ta' l-objettivi li ġejjin:

a)

li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari permezz ta' evidenza mtejba, konsultazzjoni aħjar u rappreżentazzjoni aħjar ta' l-interessi tal-konsumaturi;

b)

li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari permezz ta' kooperazzjoni fl-infurzar, informazzjoni, edukazzjoni u rimedjar.

Dawn l-objettivi għandhom jinkisbu permezz ta' taħlita ta' azzjonijiet u strumenti meħuda mil-lista stabbilita fl-Anness I skond il-prijoritajiet imniżżlin fil-pjan ta' ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 7(2)(a).

Artikolu 3

L-iffinanzjar

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu minn tat-31 Diċembru 2006 sal-31 ta' Diċembru 2013 huwa permezz ta' dan stabbilit għal EUR 138 800 000.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 4

Kontribuzzjonijiet finanzjarji

1.   Kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Komunità m'għandhomx jeċċedu l-livelli li ġejjin:

a)

50 % ta' l-ispejjeż ta' azzjonijiet iffinanzjati konġuntament mill-Komunità u Stat Membru wieħed jew aktar, jew mill-Komunità u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi li qed jipparteċipaw skond l-Artikolu 8, ħlief f'każijiet ta' azzjonijiet ta' utilità eċċezzjonali, fejn il-kontribuzzjoni Komunitarja m'għandhiex teċċedi s-70 %;

b)

85 % ta' l-ispejjeż ta' l-azzjonijiet intenzjonati biex jiżviluppaw korsijiet Ewropej integrati fil-Grad ta' Masters fi kwistjonijiet tal-konsumatur;

(ċ)

50 % tan-nefqa għat-tħaddim ta' organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur;

(d)

95 % tan-nefqa għat-tħaddim ta' organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur fl-iżvilupp ta' standards għall-prodotti u s-servizzi fuq livell Komunitarju.

2.   Kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Komunità jistgħu jieħdu l-forma ta':

(a)

Għotjiet ta' boroż ta' studju għall-mobbiltà individwali ta' għalliema u studenti fil-qafas ta' korsijiet Ewropej integrati fil-Grad ta' Masters fi kwistjonijiet tal-konsumatur. It-tmexxija ta' dawn l-għotjiet tista' tiġi fdata lill-Aġenziji Nazzjonali Erasmus tal-programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja;

(b)

Konċessjonijiet għall-ivvjaġġar u s-sussistenza għall-iskambju ta' uffiċjali ta' l-infurzar.

3.   Il-kriterji għall-valutazzjoni dwar jekk azzjonijiet jurux utilità eċċezzjonali fit-tifsira tal-paragrafu 1(a) għandhom jiġu stabbiliti bil-quddiem fil-pjan tax-xogħol annwali. Azzjonijiet ta' utilità eċċezzjonali għandhom jibbenefikaw, b'mod partikolari, lill-konsumaturi mill-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 jew wara.

4.   It-tiġdid ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-paragrafi 1(ċ) u 1(d) għandhom jiġu eżentati mill-prinċipju tat-tnaqqis gradwali.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, kontributi finanzjarji mill-Komunità jistgħu jingħataw ukoll fil-forma ta' finanzjament b'rata fissa jew permezz ta' somma f'daqqa fejn dan ikun adattat għan-natura ta' l-azzjonijiet ikkonċernati kif definiti fil-pjan ta' ħidma annwali. Fil-każ ta' finanzjament b'rata fissa jew permezz ta' somma f'daqqa, il-limiti perċentwali previsti fil-paragrafu 1 m'għandhomx japplikaw, għalkemm il-ko-finanzjament għadu meħtieġ.

Artikolu 5

Benefiċjarji

Il-klassijiet ta' benefiċjarji eliġibbli għall-kontributi finanzjarji stabbiliti fl-Artikolu 4 huma stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 6

Assistenza amministrattiva u teknika

1.   L-allokazzjoni finanzjarja għall-Programm tista' tkopri wkoll spejjeż relatati ma' attivitajiet preparatorji, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' verifika u ta' evalwazzjoni, li huma meħtieġa direttament għall-ġestjoni tal-Programm u l-kisba ta' l-objettivi tiegħu, b'mod partikolari, studji, laqgħat, azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' pubblikazzjoni, spejjeż marbuta ma' networks ta' l-IT li jiffokaw fuq skambju ta' informazzjoni, flimkien ma' kull nefqa oħra għal assistenza teknika u amministrattiva li tidħol għaliha l-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Programm.

2.   L-allokazzjoni finanzjarja għall-Programm tista' tkopri wkoll l-ispejjeż għal assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-transizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati taħt id-Deċiżjoni Nru 20/2004/KE. Jekk meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit lil hinn mill-2013 biex ikopru dawn l-ispejjeż, sabiex jippermettu l-ġestjoni ta' azzjonijiet li ma jkunux tlestew sal-31 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 7

Implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Programm.

Azzjonijiet biex jintħalqu l-għan u l-objettivi mniżżlin fl-Artikolu 2 għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-metodi ta' implimentazzjoni xierqa u disponibbli, inkluża, b'mod partikolari, l-implimentazzjoni diretta jew indiretta mill-Kummissjoni fuq bażi ċentralizzata.

2.   Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2) għandha tapplika għall-adozzjoni ta':

a)

il-pjan ta' ħidma annwali għall-implimentazzjoni tal-Programm, li jistabbilixxi:

prijoritajiet u azzjonijiet li għandhom jittieħdu, inkluża l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji;

kriterji ta' għażla u ta' aġġudikazzjoni u kriterji għall-perċentwali tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità;

użu li jsir minn finanzjament b'rata fissa u permezz ta' somma f'daqqa; u

iż-żmien ippjanat għas-sejħiet għal offerti, azzjonijiet konġunti u sejħiet għal proposti;

b)

l-arranġamenti, inklużi l-kriterji ta' għażla u ta' aġġudikazzjoni, għall-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet msemmija fl-Artikolu 4(1)(a).

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10 dwar l-azzjonijiet li ttieħdu għall-implimentazzjoni tal-Programm.

Artikolu 8

Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

Il-programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta':

(a)

il-pajjiżi ta' l-EFTA/ŻEE skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim ŻEE;

(b)

pajjiżi terzi, b'mod partikolari pajjiżi li għalihom tapplika l-Politika Ewropea tal-Viċinat, pajjiżi li qegħdin japplikaw għal, li huma kandidati għal, jew li qegħdin fil-proċess ta' adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea, u l-pajjiżi tal-Balkan tal-punent inklużi fil-proċess ta' stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim bilaterali jew multilaterali rispettivi ma' dawk il-pajjiżi li jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi Komunitarji.

Artikolu 9

Monitoraġġ, evalwazzjoni u disseminazzjoni ta' riżultati

1.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, għandha tagħmel monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet tal-Programm fid-dawl ta' l-objettivi tiegħu. Hija għandha tirrapporta dwar dan lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10, u għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informati ta' dan.

2.   Fuq it-talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lilha informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta' dan il-Programm.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Programm jiġi evalwat tliet snin wara l-bidu tiegħu, u wara t-tmiem tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-riżultati ta' dawk l-evalwazzjonijiet, akkumpanjati mill-kummenti tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-riżultati ta' l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu skond din id-Deċiżjoni disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 10

Il-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, waqt li jkunu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 11

Revoka

Id-Deċiżjoni Nru 20/2004/KE hija b'dan revokata.

Artikolu 1

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fit-18 Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J.-E. ENESTAM


(1)  ĠU C 88, 11.4.2006, p. 1.

(2)  ĠU C 192, 16.8.2006, p. 8.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Marzu 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Posizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Novembru 2006 (għadha mihijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2006.

(4)  ĠU L 5, 9.1.2004, p. 1. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni Nru 786/2004/KE (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 7).

(5)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni Nru 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).


ANNESS I

AZZJONIJIET U STRUMENTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2

Objettiv I

Li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari permezz ta' evidenza mtejba, konsultazzjoni aħjar u rappreżentazzjoni aħjar ta' l-interessi tal-konsumaturi.

Azzjoni 1

Il-ġbir, l-iskambju, u l-analiżi ta' data u informazzjoni li jipprovdu bażi ta' evidenza għall-iżvilupp ta' politika tal-konsumatur u għall-integrazzjoni ta' l-interessi tal-konsumatur f'linji politiċi oħrajn tal-Kommunità, inklużi:

1.1.

Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta' żviluppi fis-swieq b'impatt fuq l-interessi ekonomiċi u interessi oħrajn tal-konsumaturi, inklużi studji, stħarriġ dwar prezzijiet, stħarriġ dwar bidliet fl-istruttura tas-swieq, stħarriġ dwar konsumaturi u negozji, il-ġbir u l-analiżi ta' ilmenti minn konsumaturi, il-ġbir u l-analiżi ta' data dwar kummerċ transkonfini bejn negozji u konsumaturi u dwar swieq transkonfini.

1.2.

L-iżvilupp u l-manutenzjoni ta' databases.

1.3.

Il-ġbir u l-analiżi ta' data ta' l-statistika u ta' evidenza rilevanti oħra, li l-element ta' l-istatistika tagħhom ser jiġi żviluppat bl-użu kif xieraq tal-Programm ta' l-Istatistika tal-Komunità.

Azzjoni 2

Il-ġbir, l-iskambju, l-analiżi ta' data u informazzjoni, u l-iżvilupp ta' għodod ta' valutazzjoni li jipprovdu bażi ta' evidenza dwar is-sigurtà ta' merkanzija u servizzi tal-konsumatur, inklużi l-espożizzjoni tal-konsumatur għal sustanzi kimiċi rilaxxati minn prodotti, ir-riskji u d-danni relatati ma' prodotti u servizzi speċifiċi tal-konsumatur, u l-analiżi teknika ta' notifiki ta' allert.

Azzjoni 3

Appoġġ għal parir xjentifiku u evalwazzjoni tar-riskji, inklużi l-kompiti tal-kumitati xjentifiċi indipendenti stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/210/KE tat-3 ta' Marzu 2004 li tistabbilixxi Kumitati Xjentifiċi fil-qasam tas-sigurtà tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent (1).

Azzjoni 4

Preparazzjoni ta' inizjattivi leġislattivi u inizjattivi regolatorji oħrajn u promozzjoni ta' inizjattivi ko-regolatorji u awto-regolatorji, inklużi:

4.1.

Kompetenza legali u teknika, inklużi studji, fir-rigward ta' regolamentazzjoni u l-impatt tagħha.

4.2.

Kompetenza legali u teknika, inklużi studji, fir-rigward ta' żvilupp tal-politika dwar is-sigurtà ta' prodotti u servizzi u l-interessi ekonomiċi u legali tal-konsumaturi.

4.3.

Kompetenza legali u teknika, inklużi studji, fir-rigward ta' valutazzjoni tal-ħtieġa għal standards ta' sigurtà tal-prodotti u t-tfassil ta' mandati ta' standardizzazzjoni għal prodotti u servizzi.

4.4.

Seminars, konferenzi, workshops u laqgħat ta' partijiet interessati u ta' esperti.

Azzjoni 5

Kontributi finanzjarji għall-operat ta' organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur.

Azzjoni 6

Kontributi finanzjarji għat-tħaddim ta' organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur fl-iżvilupp ta' standards għal prodotti u servizzi fil-livell Komunitarju.

Azzjoni 7

Bini ta' kapaċitajiet għal organizzazzjonijiet reġjonali, nazzjonali u Ewropej tal-konsumatur, b'mod partikolari permezz ta' taħriġ u skambju ta' l-aħjar prattika u kompetenza għal membri tal-persunal, partikolarment għal organizzazzjonijiet tal-konsumatur fl-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 jew wara.

Objettiv II

Li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari permezz ta' kooperazzjoni fl-infurzar, informazzjoni, edukazzjoni u rimedjar.

Azzjoni 8

Azzjonijiet biex tiġi mtejba l-applikazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni Komunitarja tal-protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari d-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (2) u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur (3), inklużi:

8.1.

Azzjonijiet biex tiġi mtejba l-koordinazzjoni tal-monitoraġġ u l-infurzar u biex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-iżvilupp u ż-żamma ta' l-għodod ta' l-IT (eż. databases, informazzjoni u sistemi ta' komunikazzjoni) u l-organizzazzjoni ta' seminars, konferenzi, workshops u laqgħat tal-partijiet interessati u l-esperti dwar l-infurzar, l-iskambji ta' l-uffiċjali ta' infurzar u taħriġ, għall-membri tal-ġudikatura ukoll.

8.2.

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-sigurtà ta' prodotti u servizzi mhux ta' l-ikel, inklużi l-infurzar mill-ġdid u l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u l-operazzjoni tas-sistema ta' allert RAPEX, waqt li jittieħed kont ta' l-iżviluppi fl-iskambju ta' informazzjoni fis-sorveljanza tas-suq, u l-iżvilupp ulterjuri tan-network ta' sigurtà tal-prodott tal-konsumatur kif previst fid-Direttiva 2001/95/KE.

8.3.

Monitoraġġ u azzjonijiet ta' infurzar konġunti u azzjonijiet oħra fil-kuntest ta' kooperazzjoni amministrattiva u ta' infurzar.

8.4.

Azzjonijiet għal kooperazzjoni amministrattiva u fl-infurzar ma' pajjiżi terzi li mhumiex qed jipparteċipaw fil-programm.

Azzjoni 9

Abbiltà legali u teknika, inklużi studji, għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tat-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' leġislazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur mill-Istati Membri, notevolment id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (4) u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004. Dan jinkludi ukoll l-iżvilupp u ż-żamma ta' databases aċċessibbli faċilment u pubblikament li jkopru l-implimentazzjoni tal-legislazzjoni Komunitarja tal-protezzjoni tal-konsumatur.

Azzjoni 10

Azzjonijiet dwar informazzjoni, parir u rimedjar, inklużi:

10.1.

Il-monitoraġġ tal-funzjonament ta' skemi alternattivi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim u l-evalwazzjoni ta' l-impatt tagħhom.

10.2.

Kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet konġunti ma' korpi pubbliċi jew dawk mingħajr skop ta' qliegħ li jikkostitwixxu networks Komunitarji li jipprovdu informazzjoni u assistenza lil konsumaturi biex jgħinuhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jiksbu aċċess għal riżoluzzjoni xierqa ta' tilwim (in-Network Ewropew ta' Ċentri tal-Konsumatur).

10.3.

Azzjonijiet li jtejbu l-komunikazzjoni ma' ċittadini ta' l-UE dwar kwistjonijiet tal-konsumatur, speċjalment fl-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 jew wara, inklużi pubblikazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' interess għall- politika tal-konsumatur, il-forniment ta' informazzjoni on-line, u azzjonijiet li jipprovdu informazzjoni rigward miżuri ta' protezzjoni tal-konsumatur u drittijiet tal-konsumatur.

Azzjoni 11

Azzjonijiet dwar edukazzjoni tal-konsumatur, inklużi:

11.1.

Azzjonijiet speċifiċi mmirati lejn konsumaturi żgħażagħ, konsumaturi akbar fl-età u gruppi vulnerabbli ta' konsumaturi li huma ċarament inqas kapaċi li jiddefendu l-interessi tagħhom, u l-iżvilupp ta' għodod interattivi għall-edukazzjoni tal-konsumatur.

11.2.

Kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-iżvilupp ta' korsijiet Ewropej integrati fil-Grad ta' Masters dwar kwistjonijiet tal-konsumatur, inkluża skema ta' boroż ta' studju li jagħtu l-possibiltà lil studenti li jagħmlu sa sitt xhur f'pajjiż differenti.


(1)  ĠU L 66, 4.3.2004, p. 45.

(2)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(3)  ĠU L 364, 16.12.2004, p. 1. Regolament kif emendat bid-Direttiva 2005/29/KE (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(4)  ĠU L 149, 16.12.2004, p. 22.


ANNESS II

BENEFIĊJARJI ELIĠIBBLI GĦALL-KONTRIBUTI FINANZJARJI STABBILITI FL-ARTIKOLU 4

1.

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(a) jistgħu jingħataw lil korp pubbliku jew korp mingħajr skop ta' qliegħ maħtur permezz ta' proċedura trasparenti mill-Istat Membru jew mill-awtorità kompetenti kkonċernata u miftiehma mill-Kummissjoni.

2.

Il-kontributi finanzjarji għal azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(b) jistgħu jingħataw lil istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla ta' l-Istati Membri jew ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jipparteċipaw skond l-Artikolu 8, kif definit fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 2317/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2003 li tistabbilixxi programm għat-titjib ta' kwalità fl-edukazzjoni ogħla u l-promozzjoni ta' fehim interkulturali permezz ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (Erasmus Mundus) (2004-2008) (1).

3.

Il-kontributi finanzjarji għal azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2)(a) jistgħu jingħataw lil studenti u għalliema li jkunu qegħdin jipparteċipaw f'korsijiet Ewropej integrati fil-Grad ta' Masters dwar kwistjonijiet tal-konsumatur li jkunu qegħdin jibbenefikaw minn ko-finanzjament skond l-Artikolu 4(1)(b).

4.

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2)(b) jistgħu jingħataw lill-uffiċjali ta' l-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumatur imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2001/95/KE

5.

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(ċ) jistgħu jingħataw lil organizzazjonijiet Ewropej tal-konsumatur li:

a)

m'humiex governattivi, ma jagħmlux qligħ, huma indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u tan-negozju jew interessi oħrajn li joħolqu konflitt, u li għandhom bħala l-objettivi u l-attivitajiet primarji tagħhom il-promozzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi u legali tal-konsumaturi fil-Komunità;

b)

ingħataw mandat biex jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi fil-livell Komunitarju minn organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur f'ta' l-inqas nofs l-Istati Membri li huma rappreżentattivi, skond ir-regoli jew il-prattika nazzjonali, tal-konsumaturi u li huma attivi fuq livell reġjonali jew nazzjonali; u

(ċ)

ipprovdew lill-Kummissjoni kontijiet sodisfaċenti tas-sħubija tagħhom, ir-regoli interni u s-sorsi ta' finanzjament.

6.

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(d) jistgħu jingħataw lil organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur li:

a)

mhumiex governattivi, ma jagħmlux qligħ, huma indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u tan-negozju jew interessi oħra li joħolqu konflitti, u li għandhom bħala l-objettivi u l-attivitajiet primarji tagħhom li jirrapreżentaw l-interessi tal-konsumatur fil-proċess ta' standardizzazzjoni fil-livell Komunitarju;

b)

ingħataw mandat f'ta' l-inqas żewġ terzi mill-Istati Membri biex jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi fil-livell Komunitarju:

minn korpi rappreżentattivi, skond ir-regoli jew prattiċi nazzjonali, ta' organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur fl-Istati Membri, jew

fin-nuqqas tal-korpi msemmija fl-ewwel inċiż, minn organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur fl-Istati Membri li huma rappreżentattivi, skond ir-regoli jew il-prattika nazzjonali, ta' konsumaturi u huma attivi fuq livell nazzjonali;

ċ)

ipprovdew lill-Kummissjoni kontijiet sodisfaċenti tas-sħubija tagħhom, ir-regoli interni u s-sorsi ta' finanzjament.


(1)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 1.