ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

Ħarġa Speċjali  ( 1 )

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 49
21 ta' Frar 2006


Werrej

 

I   Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

*

Ir-Regolament (KE) Nru 266/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi miżuri kumplimentari għall-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor milquta mir-riforma fir-reġim taz-zokkor ta' l-UE

1

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fil-ĠU L50.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

21.2.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


IR-REGOLAMENT (KE) Nru.266/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal- 15 ta' Frar 2006

li jistabbilixxi miżuri kumplimentari għall-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor milquta mir-riforma fir-reġim taz-zokkor ta' l-UE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 179 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Il-Komunità Ewropea hija impenjata, fil-qafas tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit- 23 ta' Ġunju 2000 (2) (hawn aktar 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ACP-KE”), li tappoġġja l-pajjiżi ta' l-ACP fit-triq tagħhom lejn it-tnaqqis tal-faqar u lejn l-iżvilupp sostenibbli, u tagħraf l-importanza tas-setturi tal-merkanzija u tal-Protokolli relatati magħhom.

(2)

Id-disposizzjonijiet ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 (3) ser jiġu riveduti, b'kont meħud tal-proposti leġislattivi mressqa mill-Kummissjoni lill-Kunsill.

(3)

Taħt il-Protokoll taz-Zokkor, mehmuż ma' l-Anness V tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ACP-KE, uħud mill-pajjiżi ta' l-ACP iserrħu fuq is-suq ta' l-UE biex jesportaw iz-zokkor. Ir-riforma se tbiddel b'mod sinifikattiv il-kundizzjonijiet tas-suq tagħhom.

(4)

Il-proċess ta' aġġustament tal-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor għal dawn il-kundizzjonijiet tas-suq ġodda ser ikun kumpless, meta titqies l-importanza soċjo-ekonomika u r-rwol multifunzjonali tas-settur taz-zokkor, u l-grad sinifikattiv ta' dipendenza fuq is-suq ta' l-UE, għal bosta minn dawn l-Istati.

(5)

Fil-komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq il-kisba ta' mudell agrikolu sostenibbli għall-Ewropa permezz tar-riforma tal-CAP fis-settur taz-zokkor il-Kummissjoni impenjat ruħha li tappoġġja l-proċess ta' aġġustament tal-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor, u stabbiliet il-prinċipji għall-proposti ta' appoġġ tagħha fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar Pjan ta' Azzjoni fuq miżuri kumplimentari għall-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor milquta mir-riforma tar-reġim taz-zokkor ta' l-UE. Dan id-Dokument ta' Ħidma ġie diskuss mal-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor.

(6)

Huwa essenzjali li l-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor jirċievu appoġġ kemm jista' jkun malajr sabiex ikabbru kemm jistgħu ċ-ċansijiet tagħhom li jadattaw irwieħhom b'suċċess għall-kundizzjonijiet il-ġodda, b'komplimentarjetà sħiħa ma' l-assistenza eżistenti.

(7)

Huwa għalhekk meħtieġ li tingħata għajnuna finanzjarja u teknika lill-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor, inkluż appoġġ tal-budget fejn ikun xieraq, minbarra dak provdut fil-qafas tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ACP-KE, sabiex tagħtihom iċ-ċans jadattaw irwieħhom għall-kundizzjonijiet il-ġodda tas-suq, toffrilhom firxa wiesgħa ta' appoġġ sabiex iqisu l-eteroġenjetà tas-sitwazzjonijiet bejn il-pajjiżi u fi ħdan il-pajjiż. Dan għandu jinkludi l-aġġornament tal-kompetittività tas-settur tal-kannamieli tagħhom, l-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi alternattivi u li jlaħħqu, bl-għajnuna ta' riżorsi xierqa, mal-konsegwenzi soċjali, ambjentali u ekonomiċi serji aktar wiesgħa ta' tnaqqis fil-kontribuzzjoni tas-settur taz-zokkor għall-ekonomiji tagħhom, jew taħlita ta' bosta minn dawn.

(8)

Minħabba li din l-assistenza għandha tirrifletti l-isforzi ta' aġġustament speċifiċi meħtieġa minn kull wieħed mill-fornituri ta' l-ACP bħala konsegwenza tar-riforma, għandhom ikunu ffissati kriterji oġġettivi sabiex ikun determinat kemm se tingħata assistenza bħal din.

(9)

Assistenza bħal din għandha tkun provduta għal perjodu ta' sena, b'appoġġ kontinwu jkun disponibbli sa l-2013, permezz tal-parti ta' l-iżvilupp ta' l-Istrument ta' Koperazzjoni ta' l-Iżvilupp u l-Koperazzjoni Ekonomika.

(10)

Peress illi l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li tikkumplimenta l-proċess ta' adattament tal-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor affettwati mir-riforma taz-zokkor ta' l-UE, ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri, u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta' l-azzjoni proposta, jista' jinkiseb aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tistà tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan.

(11)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat- 28 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi konferiti lill-Kummissjoni (4).

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Qed tiġi hawn stabbilita skema għal assistenza teknika u finanzjarja, inkluż appoġġ tal-budget fejn ikun xieraq, sabiex tikkumplimenta l-proċess ta' aġġustament tal-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor, iffaċċjati b'kundizzjonijiet ġodda fuq is-suq taz-zokkor minħabba r-riforma li ġejja ta' l-organizzazzjoni tas-suq komuni taz-zokkor.

2.   B'kont meħud ta' l-Artikolu 11(3), din l-iskema għandha tkun implimentata għas-sena 2006.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament:

1)

“il-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor” tfisser il-pajjiżi ta' l-ACP elenkati fl-Anness,

2)

“zokkor” tfisser zokkor mhux ipproċessat tal-kannamieli jew zokkor abjad tal-kannamieli.

Artikolu 3

Eliġibilità għal assistenza u proċedura

1.   Il-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor għandhom ikunu eliġibbli għal assistenza finanzjarja u teknika, inkluż appoġġ tal-budget, fejn ikun xieraq.

2.   L-assistenza finanzjarja u teknika għandha tingħata fuq talba ta' kull pajjiż tal-Protokoll taz-Zokkor. Talbiet għall-assistenza finanzjarja u teknika għandhom ikunu preżentati mhux aktar tard mid- 29 ta' April 2006

3.   It-talbiet għandhom ikunu bbażati fuq strateġija ta' adattament multi-annwali u komprensiva, definita mill-pajjiż konċernat skond l-Artikolu 4, b'konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati. L-istrateġija ta' adattament multi-annwali tista' tinkludi miżuri fil-proċess li jiġu implimentati kif ukoll impatti finanzjarji kurrenti u tal-ġejjieni fuq pjanijiet soċjali diġà implimentati, bil-kundizzjoni espressa li l-miżuri u l-pjanijiet soċjali konċernati ikunu jaqblu b'mod ċar ma' l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4(1).

4.   Il-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor li jippreżentaw talba, li ma tkunx ibbażata fuq strateġija ta' adattament multi-annwali u komprensiva, għandhom ikunu eliġibbli biss fl-2006 għal assistenza finanzjarja u teknika li jkollha l-għan li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' strateġija bħal din.

Artikolu 4

Strateġija ta' adattament multi-annwali

1.   L-istrateġija ta' adattament multi-annwali għandha ssegwi wieħed jew aktar minn dawn l-għanijiet li ġejjin:

(a)

li tkabbar il-kompetittività tas-settur taz-zokkor u tal-kannamieli, fejn dan huwa proċess sostenibbli, b'mod partikolari f'termini ta' vijabilità ekonomika tas-settur għal perjodu twil ta' żmien, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni tal-partijiet interessati differenti fil-katina,

(b)

li tippromwovi d-diversifikazzjoni ekonomika taż-żoni dipendenti miz-zokkor, per eżempju billi tingħata direzzjoni ġdida lill-produzzjoni kurrenti taz-zokkor lejn il-produzzjoni tal-bijo-etanol u ta' applikazzjonijiet oħra li mhux ta' l-ikel għaz-zokkor,

(ċ)

li jiġu indirizzati l-impatti aktar wiesgħa ġġenerati mill-proċess ta' adattament, possibilment relatat, imma mhux limitat, għax-xogħol u għas-servizzi soċjali, għall-użu ta' l-art u għar-restawr ta' l-ambjent, għas-settur ta' l-enerġija, għar-riċerka u għall-innovazzjoni u għall-istabbiltà makro-ekonomika.

2.   L-istrateġija għandha għall-inqas tiddefinixxi l-għanijiet segwiti, l-approċċ u l-mezzi identifikati biex jinkisbu, ir-responsabbiltajiet tal-partijiet interessati differenti, u l-pjan finanzjarju biex tkun implimentata l-istrateġija.

Għandha tivvaluta s-sostenibbiltà tagħha taħt il-kundizzjonijiet tas-suq preżenti u tal-ġejjieni, u f'termini soċjali u ambjentali. Għandha turi l-konsistenza tagħha bi strateġiji ġenerali ta' żvilupp tal-pajjiż u tal-fokus fuq il-faqar.

3.   Fi ħdan l-istrateġija multi-annwali, għandu jkun definit pjan ta' assistenza speċifiku għall-2006. Fit-tfassil ta' dan il-pjan, għandha tingħata attenzjoni partikolari li:

(a)

jkunu segwiti l-effettività ta' l-ispiża u l-impatt sostenibbli,

(b)

id-definizzjoni ċara u s-sorveljanza ta' l-għanijiet u ta' l-indikaturi tal-ksib.

Artikolu 5

Miżuri adottati mill-Kummissjoni

1.   Wara konsultazzjoni mal-pajjiż tal-Protokoll taz-Zokkor ikkonċernat, għandha tkun adottata l-istrateġija ta' adattament multi-annwali taħt il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(2), u skond l-Artikolu 4.

2.   Is-sitwazzjoni individwali ta' kull pajjiż tal-Protokoll taz-Zokkor għandha titqies b'mod speċjali. Għall-pajjiżi li jsibu rwieħhom fi kriżi politika, li ma jkollhiex x'taqsam ma' l-iżvilupp tas-settur taz-zokkor, l-għoti ta' l-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tkun ivvalutata mill-Kummissjoni fuq bażi ta' każ b'każ.

3.   L-assistenza lill-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor mingħajr strateġija ta' adattament multi-annwali għandha tkun suġġetta fl-2006 għal programm annwali ta' ħidma, adottat taħt il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(2).

4.   L-assistenza provduta taħt dan ir-Regolament għandha tkun komplimentari imma addizzjonali għall-assistenza provduta taħt strumenti oħrajn ta' koperazzjoni ta' l-iżvilupp.

Artikolu 6

Implimentazzjoni ta' miżuri

Il-miżuri ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu implimentati skond regoli ġenerali stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal- 25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5) (hawn aktar 'il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”) Fir-rigward ta' proċeduri ta' tmexxija, dan jirreferi b'mod partikolari għall-Artikolu 53(1)(a) u (2) tar-Regolament Finanzjarju u għall-Artikolu 36 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (6), li jistabilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 7

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat għall-iżvilupp ġeografikament kompetenti (hawn aktar 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jiġu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' 30 ġurnata.

Id-dritt tal-Parlament Ewropew biex jiġi infurmat fuq bażi regolari, skond l-Artikolu 7(3) ta' dik id-Deċiżjoni, għandu jiġi rispettat bi sħiħ.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 8

Ammont totali

L-ammont ta' referenza finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-2006 għandu jkun ta' EUR 40 000 000 (hawn aktar 'il quddiem imsejjaħ “l-ammont totali”).

Artikolu 9

Allokazzjoni ta' l-ammont totali

1.   Mill-ammont totali disponibbli għall-perijodu ta' validità ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-akbar somma disponibbli għal kull pajjiż tal-Protokoll taz-Zokkor biex ikunu ffinanzjati l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3(3) u 4(3), fuq il-bażi tal-ħtiġijiet ta' kull pajjiż, relatati b'mod partikolari ma' l-impatt tar-riforma fis-settur taz-zokkor fil-pajjiż konċernat u ma' l-importanza tas-settur taz-zokkor għall-ekonomija. Il-kejl tal-kriterji ta' allokazzjoni għandu jkun ibbażat fuq id-data tal-kampanji ta' qabel l-2004.

2.   Aktar struzzjonijiet dwar l-allokazzjoni ta' l-ammont totali bejn il-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor għandhom ikunu definiti mill-Kummissjoni, li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(2).

3.   L-ammont ta' referenza finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' l-assistenza finanzjarja u teknika msemmija fl-Artikolu 3(4), bl-għan li jingħata kontribut għall-iżvilupp ta' l-istrateġija multi-annwali, għandu jkun ta' EUR 300 000.

4.   Fi ħdan l-ammont totali, somma indikattiva ta' 3 % tintuża biex tkopri r-riżorsi umani u materjali meħtieġa għal amministrazzjoni u superviżjoni effettiva ta' l-assistenza.

Artikolu 10

Ħarsien ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità

1.   Kwalunkwe ftehim li jirriżulta minn dan ir-Regolament għandu jkun fih disposizzjonijiet li jiżguraw il- ħarsien ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità, b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolaritajiet oħra, skond ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (7) u (Euratom, KE) Nru 2185/96 (8) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Mejju 1999dwar investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (9).

2.   Il-ftehimiet għandhom jintitolaw b'mod espliċitu lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri sabiex iwettqu verifika tad-dokumenti jew verifika fuq il-post ta' kwalunkwe kuntrattur jew sottokuntrattur li rċieva fondi Komunitarji. Għandhom ukoll jawtorizzaw b'mod espliċitu lill-Kummissjoni li twettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif stabbilit fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96.

3.   Il-kuntratti kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' l-assistenza għandhom jiżguraw id-drittijiet tal-Kummissjoni u tal-Qorti ta' l-Awdituri taħt il-paragrafu 2 waqt u wara kull eżekuzzjoni tal-kuntratti.

Artikolu 11

Il-perjodu ta' validità

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika sal- 31 ta' Diċembru 2006. Għandu jkompli japplika għal atti legali u impenji relatati ma' l-implimentazzjoni tas-sena baġitarja 2006.

3.   Fil-każ li l-Istrument tal-Koperazzjoni ta' l-Iżvilupp u tal-Koperazzjoni Ekonomika ma jkunx daħal fis-seħħ fl- 1 ta' Jannar 2007, il-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament għandu jiġi estiż sad-data tad-dħul fis-seħħ ta' dak l-istrument.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, nhar il- 15 ta' Frar 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

H. WINKLER


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta' Diċembru 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 23 ta' Jannar 2006.

(2)  ĠU L 317, tal-15.12.2000, p. 3. Ftehim kif emendat l-aħħar bil-Ftehim tal- 25 ta' Ġunju 2005 ( ĠU L 287, tat-28.10.2005, p. 4).

(3)  ĠU L 178, tat-30.6.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 39/2004 ( ĠU L 6, ta' l-10.1.2004, p. 16).

(4)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

(5)  ĠU L 248. tas-16.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 357. tal-31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru.1261(2005 ( ĠU L 201, tat-2.8.2005, p. 3).

(7)  ĠU L 312, tat-23.12.1995, p. 1.

(8)  ĠU L 292, tal-15.11.1996, p. 2.

(9)  ĠU L 136, tal-31.15.1999, p. 1.


ANNESS

Il-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor kif imsemmija fl-Artikolu 2

1.

Il-Barbados

2.

Il-Beliże

3.

Il-Gujana

4.

Il-Ġamajka

5.

San Kitts u Nevis

6.

Trinidad u Tobago

7.

Il-Gżejjer Fiġi

8.

Ir-Repubblika tal-Kongo

9.

Il-Kosta ta' l-Avorju

10.

Il-Kenja

11.

Il-Madagaskar

12.

Il-Malawi

13.

Il-Mawrizju

14.

Il-Możambik

15.

Is-Sważiland

16.

It-Tanzanija

17.

Iż-Żambja

18.

Iż-Żimbabwe